ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2009.100.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 100

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 52
30 ta' April 2009


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

448 sessjoni plenarja tal-KTR fil-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008

2009/C 100/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju – Essenzjali għal aktar tkabbir ekonomiku u xogħlijiet. Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-politika Moderna għall-SMEs COM(2007) 592 finali

1

2009/C 100/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-akkwist pubbliku prekummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa COM(2007) 799 finali

6

2009/C 100/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tneħħija tal-ostakoli għall-investimenti transkonfinali permezz tal-fondi kapitali ta’ riskju COM(2007) 853 finali

15

2009/C 100/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti

22

2009/C 100/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ linji gwida tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-impatt

28

2009/C 100/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Linji gwida għas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-globalizzazzjoni

33

2009/C 100/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-Sigurtà fl-avjazzjoni għall-passiġġieri

39

2009/C 100/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Unjoni Ewropea u l-isfida globali tal-ikel

44

2009/C 100/09

Opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli

53

2009/C 100/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sigurtà sanitarja tal-importazzjonijiet agrikoli u alimentari

60

2009/C 100/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-Tibdil strutturali u konċettwali bħala kundizzjoni għal għarfien kompetittiv fuq livell dinji u għal industrija Ewropea bbażata fuq ir-riċerka (L-Ewropa qed tirkupra jew qed tmexxi?)

65

2009/C 100/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-ristrutturar u l-evoluzzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku (apparat elettroniku fl-Ewropa) u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi, il-bidla fil-klima u l-konsumaturi

72

2009/C 100/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar kif l-esperimentazzjoni soċjali tista’ tintuża fl-Ewropa sabiex jitħejjew politiki pubbliċi ta’ inklużjoni attiva

77

2009/C 100/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Id-dimensjoni etika u soċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej

84

2009/C 100/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil

93

2009/C 100/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

100

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

448 sessjoni plenarja tal-KTR fil-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008

2009/C 100/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan il-Komunità COM(2007) 765 finali — 2007/0279 (COD)

109

2009/C 100/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà COM(2007) 766 finali — 2007/0280 (COD)

114

2009/C 100/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-miżurazzjoni kif ukoll għall-metodi ta’ kontroll metroloġiku (Riformulazzjoni) COM(2008) 357 finali – 2008/0123 (COD)

120

2009/C 100/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija COM(2008) 399 finali – 2008/0151 (COD)

120

2009/C 100/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni għall-bdiewa u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa; u il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar modifiki fil-politika agrikoli komuni bl-emenda tar-Regolamenti (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1234/2007, (KE) Nru 3/2008 u (KE) Nru […]/2008 u l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) COM(2008) 306 finali — 2008/0103+0104+0105 (CNS)

121

2009/C 100/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum tal-bniedem (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) COM(2008) 345 finali – 2008/0110 (COD)

133

2009/C 100/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (Riformulazzjoni) COM(2008) 505 finali – 2008/0165 (COD)

135

2009/C 100/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew ta’ Referenza ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għal Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali COM(2008) 179 finali - 2008/0069 (COD)

136

2009/C 100/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) COM(2008) 180 finali — 2008/0070 (COD)

140

2009/C 100/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol COM(2008) 111 finali – 2006/0214 (COD)

144

2009/C 100/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa COM(2008) 78 finali/3 – 2008/0051 (CNS)

146

2009/C 100/28

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji u l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 biex jiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji COM(2008) 147 finali – 2008/0058 (CNS) 2008/0059 (CNS)

150

2009/C 100/29

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE bejn Stati Membri (Verżjoni kkodifikata) COM(2008) 492 finali – 2008/0158 CNS

153

2009/C 100/30

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament (KE) tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar il-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, rigward ċerti proġetti li jiġġeneraw dħul COM(2008) 558 finali/2 – 2008/0186 AVC

154

2009/C 100/31

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (riformolat) COM (2007) 443 finali – 2007/0163 (COD)

155

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

448 sessjoni plenarja tal-KTR fil-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008

30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju – Essenzjali għal aktar tkabbir ekonomiku u xogħlijiet. Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-politika Moderna għall-SMEs

COM(2007) 592 finali

2009/C 100/01

Nhar l-4 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju - Essenzjali għal aktar tkabbir ekonomiku u xogħlijiet. Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-politika Moderna għall-SMEs.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Burns.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’85 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Ikun għaqli li l-ħiliet intraprenditorjali tal-istudenti jiġu żviluppati minn età żgħira ħafna. L-istudenti għandhom jitħeġġu jirrikonoxxu li l-fatt li jiftħu negozju tagħhom stess huwa għażla ta’ impjieg normali u mhux sempliċement ħaġa li ssir minn nies tal-flus jew b’edukazzjoni universitarja.

1.2.   Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lid-diversi gvernijiet nazzjonali biex jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet bħas-CEDEFOP, id-diversi organizzazzjonijiet tan-negozju għall-SMEs u l-KESE biex jiżviluppaw sistema Trans-Ewropea ta’ Kwalifiki Vokazzjonali affidabbli, li titmexxa minn min iħaddem u tkun maħsuba għan-negozji, li tissodisfa l-bżonnijiet tan-negozji, speċjalment tal-SMEs.

1.3.   Il-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jikkooperaw biex jiżviluppaw u jimplimentaw sistema b’saħħitha mifruxa mal-Ewropa biex tħares il-proprjetà intellettwali, l-invenzjonijiet u l-innovazzjonijiet.

1.4.   Il-konsultazzjonijiet li jniedi l-gvern għandhom jagħtu d-dettalji kollha li ġew aċċettati wara kwalunkwe proċess ta’ konsultazzjoni u qabel l-implimentazzjoni ta’ kull direttiva, leġiżlazzjoni jew att.

1.5.   Il-Kummissjoni għandha bżonn tirrevedi l-proċeduri ta’ konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet kummerċjali speċfiċi. Jenħtieġ li nirrikonoxxu li hemm għadd ta’ spejjeż involuti fil-parteċipazzjoni tal-SMEs fi kwalunkwe konsultazzjoni governattiva u jkun għaqli li wieħed jikkunsidra l-possibbiltà li s-sidien tal-SMEs li jiġu mistiedna jinvolvu ruħhom b’mod attiv fi kwalunkwe proċess ta’ konsultazzjoni jiġu rimborżati l-ispejjeż b’rabta ma’ dal-proċess.

1.6.   Il-gvernijiet nazzjonali u reġjonali għandhom jiġu involuti aktar fil-proċessi u l-proċeduri tal-SMEs kif dettaljat fir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu. Ix-xogħol siewi li qed jiġi promoss mill-Kummissjoni Ewropea qed jonqos milli jissodisfa l-istennijiet ta’ kull min hu involut f’dan il-proċess minħabba l-apatija jew l-oppożizzjoni ta’ ċerti gvernijiet nazzjonali u reġjonali fil-konfront ta’ proposti favur l-SMEs.

1.7.   Is-sussidji u l-kompetizzjoni inġusta jħarbtu s-suq. Il-Kummissjoni għandha tqis l-effett upstream u downstream fuq l-SMEs meta l-kompetizzjoni miftuħa titfixkel minħabba s-sussidji. Is-sussidji għandhom jitħallsu biss għal raġunjiet soċjali, ambjentali jew raġunijiet oħra li m’għandhomx x’jaqsmu mas-sussidjar tal-produzzjoni. Il-prinċipju li s-sussidju li jaġevola bniedem partikolari jfisser kompetizzjoni inġusta għal bniedem ieħor, għandu jsir standard għas-sussidji kollha fil-futur.

1.8.   Il-leġiżlazzjoni li taffettwa n-negozju għandha tinkiteb b’mod ċar u li tinftiehem. M’għandhiex tinkludi klawżoli li jkunu vagi, li jistgħu jwasslu għal konfużjoni jew li jkunu miftuħa għall-interpretazzjoni minn partijiet terzi.

1.9.   Id-definizzjoni ta’ SME għandha tiġi analizzata mill-ġdid u tinġabar id-data meħtieġa biex jintwera x’ikun l-impatt li kieku kellhom jintużaw ċifri differenti b’rabta mal-bejgħ annwali u l-karta tal-bilanċ annwali biex jiddefinixxu l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) (ara 4.5.2.).

1.10.   Għandhom jiġu implimentati proċeduri speċjali dwar l-aċċess għas-sussidji tal-UE u l-finanzjament ta’ proġetti għall-mikrointrapriżi u l-SMEs. Dawn il-proċeduri għandhom iqisu l-limitazzjonijiet ta’ ħin li jiffaċċjaw l-intrapriżi ż-żgħar.

1.11.   It-trasferiment tal-intrapriżi minn ġenerazzjoni għal oħra hija problema li għandha tiġi rikonoxxuta u indirizzata.

2.   Introduzzjoni (sfond)

2.1.   L-iżvilupp tal-SMEs u l-mikrointrapriżi huwa rikonoxxut mill-biċċa l-kbira tal-politiċi u l-ekonomisti bħala settur prinċipali fl-iżvilupp tal-politika ekonomika u soċjali Ewropea.

2.2.   Fl-2005, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-“Politika Moderna tal-SMEs għat-Tkabbir u l-Impjiegi”. L-għan tagħha huwa li tassigura li l-aspetti kollha tal-politika tal-UE biex jgħinu lill-SMEs ikunu kkoordinati, u li, fil-proċess marbut mat-tfassil tal-politiki, il-bżonnijiet tal-SMEs jiġu evalwati aktar fis-sħiħ. Il-politika tiġbor fiha dawn il-miżuri mifruxa fuq ħames oqsma:

1.

Il-promozzjoni tal-intraprenditorjat u l-ħiliet.

2.

It-titjib tal-aċċess tal-SMEs għas-swieq.

3.

It-tnaqqis tal-burokrazija.

4.

It-tisħiħ tad-djalogu u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati li jirrappreżentaw lill-SMEs.

5.

It-titjib tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-SMEs.

2.3.   L-għan bażiku ta’ din il-politika kien li l-Ewropa jkollha ambjent tan-negozju favur l-SMEs. Ġie rikonoxxut li biex jinkiseb dan l-għan, kellu jkun hemm sforzi mill-awtoritajiet rilevanti kollha (fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali) biex jiġi assigurat li d-diversi politiki li ġew żviluppati, jikkomplementaw lil xulxin u ma jfixklux l-iżvilupp tal-SMEs.

2.4.   Fl-4 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni — “Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju - Essenzjali għal aktar tkabbir ekonomiku u xogħlijiet. Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-politika Moderna għall-SME” (1). F’dan id-dokument, il-Kummissjoni tagħti rapport lill-politiċi u lid-diversi awtoritajiet dwar kemm l-“Ewropa” (sal-lum) rnexxielha tikseb l-għanijiet stipulati fil-politika oriġinali tal-2005.

3.   Kummenti dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu

3.1.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrikonoxxi li l-Kummissjoni Ewropea tat post aktar prominenti lill-kwistjoni tal-SMEs fil-qafas tal-aġenda ekonomika u soċjali. Nirrikonoxxu wkoll li minkejja d-diversi restrizzjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali, il-Kummissjoni ppruvat ittejjeb l-ambjent ekonomiku għall-SMEs fl-Ewropa kollha. Naqblu wkoll mal-Kummissjoni li għad hemm ħafna xi jsir qabel ma nassumu li l-Ewropa hija verament favur l-SME.

3.2.   Il-KESE jaqbel mal-prinċipju li l-politiċi u l-leġiżlaturi għandhom “Jaħsbu l-Ewwel fiż-Żgħir”. Madankollu, aħna imħassba li għalkemm il-Kummissjoni tista’ tappoġġja dan il-prinċipju, il-KESE mhuwiex konvint li s-setturi l-oħra kollha tal-gvern nazzjonali u reġjonali bid-diversi aġenziji u organizzazzjonijiet tiegħu, għandhom l-istess kapaċità għall-previżjoni jew l-istess għan.

3.3.   Il-KESE jaqbel li l-“SMEs” bħala titolu jew deskrizzjoni ta’ settur tan-negozju issa qed jiġi inkluż f’ħafna mid-dokumenti tal-Kummissjoni dwar in-negozju, iżda aħna mħassba li l-inklużjoni tat-terminu “SME” tul dokument sħiħ, mhux neċessarjament jagħti garanzija li dawn in-negozji jiġu inklużi fil-proċess jew fil-politiki li qed jiġu rakkomandati. Aħna mħassbin ukoll li l-fehmiet tal-professjonijiet liberali, ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u tal-intrapriżi ż-żgħar mhux qed jiġu kkunsidrati. Għalhekk ma naqblux li “l-SMEs issa huma integrati għal kollox fil-politiki Komunitarji”.

3.4.   Il-leġiżlazzjoni kollha għandha impatt fuq l-intrapriżi ż-żgħar. Dan l-effett kumulattiv ta’ ħafna biċċiet mil-leġiżlazzjoni joħloq problema serja għall-SMEs u dan rarament jiġi rikonoxxut mill-politiċi u l-ħaddiema ċivili. L-intrapriżi ż-żgħar għandhom bżonn jużaw iż-żmien u r-riżorsi limitati tagħhom fir-relazzjonijiet tagħhom mal-klijenti. Aktar ma jiddedikaw ħin biex jimlew il-formoli tal-gvern u jittrattaw mal-burokrazija, inqas ikun hemm ħin disponibbli biex jinħoloq ġid u impjiegi permezz tal-provvediment ta’ prodotti u servizzi.

3.5.   Ħafna SMEs għadhom jaħsbu li l-proċeduri tal-gvernijiet Ewropej u nazzjonali huma burokratiċi wisq, li jserrħu wisq fuq l-akkreditazzjoni ta’ partijiet terzi, u li jiswew wisq biex jiġu pproċessati. Barra minn hekk, l-uffiċjali għadhom ma jistgħux jifhmu l-ekwazzjoni tal-benefiċċju vis-à-vis ir-riskju/ħin/spiża, li tingħata prijorità minn ħafna SMEs meta jevalwaw il-parteċipazz joni tagħhom fi kwalunkwe proġett, żvilupp, konsultazzjoni, konformità jew applikazzjoni maħsuba bħala “appoġġ” għan-negozji.

3.6.   Waħda mill-osservazzjonijiet li jagħmlu kontinwament l-intrapriżi ż-żgħar, dawk medji u l-mikrointrapriżi hija li jridu kundizzjonijiet ugwali fl-Ewropa kollha. Fil-fehma tagħna għadna ′l bogħod ħafna minn dan l-għan. Ta’ spiss jiġri li kull darba li SME tilmenta dwar kompetizzjoni inġusta tiġi interpretata bħala talba għal sussidji jew trattament speċjali, meta fil-fatt kulma jkunu qed jitolbu huwa d-dritt li jikkompetu b’mod ġust u fuq bażi ugwali.

3.7.   L-SMEs jilmentaw dwar il-leġiżlazzjoni għax la hija ċara u lanqas tinftiehem. In-negozji l-kbar għandhom l-avukati biex jinterpretaw il-liġi. Iżda bosta negozji żgħar ma jifilħux għal dawn l-ispejjeż. Għalhekk huwa importanti ħafna li l-leġiżlazz joni tinkiteb b’mod ċar u ma tkunx vaga, twassal għall-konfużjoni jew tkun miftuħa għall-interpretazzjoni.

3.8.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali Ewropej naqsu milli jifhmu din il-problema u għalhekk fl-Ewropa kollha għandna wisq interpretazzjonijiet differenti tal-istess leġiżlazzjoni. Nemmnu wkoll li l-gvernijiet nazzjonali jżidu obbligi li ma kinux ġew stipulati mil-leġiżlazz joni matul it-traspożizzjoni tagħha. Dan jagħmel il-leġiżlazz joni nazzjonali diffiċli biex tinftiehem u biex tiġi implimentata mill-SMEs. Din il-problema xxekkel ukoll l-iżvilupp tan-negozju transkonfinali.

4.   Kwistjonijiet speċifiċi

4.1.   Il-promozzjoni tal-intraprenditorjat u l-ħiliet

L-intraprenditorjat u l-edukazzjoni

4.1.1.   Il-bżonn li jinħoloq ambjent soċjali u ekonomiku aktar favorevoli għall-intraprenditorjat huwa bbażat fuq politika integ rata sabiex mhux biss jinbidlu l-attitudnijiet iżda wkoll jittejbu l-ħiliet taċ-ċittadini. Madankollu dawk stess inkarigati mit-tfassil tal-politika edukattiva ma trabbewx f’ambjent edukattiv li kien jinkuraġġixxi l-intraprenditorjat u għalhekk għandhom ftit għarfien prattiku dwar kif dak li jkun irawwem spirtu intraprenditorjali u kif ikunu jistgħu jħeġġu lill-individwi jkunu awtosuffiċjenti u jibdew negozju.

4.1.2.   Minkejja investiment konsiderevoli biex titħeġġeġ attitudni intraprenditorjali permezz tal-edukazzjoni, l-istrutturi ta’ appoġġ ġeneralment ma kinux effettivi u naqsu milli jindirizzaw l-edukazzjoni intraprenditorjali, jew milli joħolqu kultura li twassal għall-awtosuffiċjenza. L-istudenti għandhom jiġu megħjuna jifhmu li l-għażla li joħolqu intrapriża hija interessanti daqs it-tiftix għal impjieg jew l-istudji universitarji.

4.1.3.   Ħafna mill-investiment kien immirat lejn l-istudenti ta’ 16-il sena jew aktar. Nemmnu li dan huwa tard wisq fl-iżvilupp ta’ persuna u nemmnu li t-tħeġġiġ għandu jsir f’età ħafna iżgħar.

4.1.4.   Kellha tingħata kunsiderazzjoni partikulari lill-intraprenditorjat u l-edukazzjoni fil-każ tal-istudenti li kienu qed jitħarrġu full-time u li setgħu għażlu/kellhom il-ħsieb li jmexxu n-negozju tal-familja tagħhom (trasferiment tal-intrapriżi). F’ċerti partijiet tal-Ewropa, dan il-fatt wassal għal problema serja li għandha bżonn tiġi indirizzata b’mod urġenti.

4.1.5.   L-imsieħba soċjali jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tal-intraprenditorjat u l-edukazzjoni. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn l-intrapriżi u dawn l-imsieħba sabiex id-dinja intraprenditorjali u l-edukazzjoni jin ftiehmu aħjar u jiġu promossi b’mod pożittiv.

4.1.6.   L-istudenti għandhom bżonn jitħeġġu biex iqisu x-xogħol bħala opportunità li jieħdu r-riedni ta’ ħajjithom f’idejhom, jiżviluppaw opportunitajiet, ikunu intraprenditorjali, jieħdu r-riskji u possibbilment jibdew in-negozju tagħhom stess.

It-taħriġ u r-rikonoxximent uffiċjali tal-ħiliet

4.1.7.   In-negozji ż-żgħar kollha jħarrġu l-persunal tagħhom iżda ftit huma l-impjegati li ngħataw il-kwalifiki adatti. Din hija problema, b’mod partikolari fl-oqsma bħas-saħħa u s-sigurtà, l-ambjent u l-oqsma fejn ikun hemm implikazzjonijiet legali. Il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-gvernijiet nazzjonali inkarigati mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kien imisshom ħabirku aktar biex jassiguraw li l-kwalifiki jirriflettu l-kompiti li verament jitwettqu fl-intrapriżi. Fil-professjonijiet liberali, dan wassal għal problema partikolari li jingħata taħriġ li tabilħaqq jissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom.

4.1.8.   Il-KESE jemmen li n-nuqqas li tiġi żviluppata sistema ta’ taħriġ u kwalifiki vokazzjonali orjentata lejn l-impjieg, huwa ostaklu kbir għall-iżvilupp tal-intraprendituri u n-negozji Ewropej, speċjalment għall-persunal li jaħdem fl-SMEs. Aħna tal-fehma li meta nonqsu li nirrikonoxxu li din il-problema teżisti u li hemm bżonn naġixxu, inkunu qed immorru kontra l-ipoteżi tal-Kummissjoni, li tgħid li l-eżerċizzju li wettqet b’rabta mal-promozzjoni tal-intraprenditorjat u l-ħiliet ta l-frott mixtieq.

4.2.   It-titjib tal-aċċess tal-SMEs għas-swieq

4.2.1.   Nagħrfu li l-Kummissjoni ppruvat tneħħi l-ostakli inutli li jxekklu l-aċċess għas-swieq. Madankollu aħna mħassbin li r-rieda tajba kollha tal-Kummissjoni ma twettqitx mill-gvernijiet Ewropej. B’mod partikolari, in-nuqqas li tiġi żviluppata u implimentata sistema wiesgħa Ewropea b’saħħitha li tħares il-prop rjetà intellettwali, l-invenzjonijiet u l-innovazzjonijiet huwa ostaklu kbir għat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għal swieq ġodda. M’għandniex ninsew li, permezz ta’ investiment kapitali jew l-għoti ta’ konċessjonijiet, l-intraprendituri tal-UE jistgħu joħolqu għadd ta’ SMEs f’pajjiżi terzi li jimpjegaw ċittadini tal-UE. Dawn it-tipi ta’ SMEs għandhom jirċievu benefiċċji simili u m’għan dhomx jinħolqulhom ostakli huma u jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq tal-UE, għall-anqas fil-bidu tal-attività tagħhom.

4.2.2.   L-Akkwist Pubbliku huwa suq ieħor li nemmnu li seta’ nfetaħ aktar u kien aktar trasparenti u għaldaqstant aktar faċli li jaċċessawh l-SMEs. L-Akkwist Pubbliku jikkostitwixxi madwar 16 % tal-PGD tal-UE, u għalkemm kien hemm xi titjib żgħir fil-parteċipazzjoni tal-SMEs, ċerti kwistjonijiet fundamentali ma ġewx indirizzati u kellhom jiġu identifikati fir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu:

it-tendenza li l-aspett marbut mal-SME fl-akkwist pubbliku jiġi injorat hija kbira wisq;

minħabba li l-uffiċjali fi ħdan l-amministrazzjonijiet lokali u nazzjonali huma tal-fehma li l-SMEs ftit li xejn huma affidabbli, ta’ spiss l-SMEs ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ eżiġenzi eċċessivi. B’mod partikolari, il-bżonn li tinkiseb akkreditazzjoni ta’ partijiet terzi bħala kundizzjoni meta jkun hemm sejħa għall-offerti, jiswa ħafna flus u ta’ spiss ikun ta’ tfixkil bla bżonn għal bosta SMEs meta jagħmlu offerti għal-kuntratti tal-gvern;

l-SMEs li jagħmlu offerti għal kuntratti pubbliċi, u jħossu li ġew ittrattati inġustament, jilmentaw li l-proċeduri biex dawn l-ilmenti jiġu investigati mhumiex trasparenti.

4.3.   It-tnaqqis tal-burokrazija

4.3.1.   Tant hemm burokrazija u leġiżlazzjoni bla bżonn li huwa diffiċli li tevalwa x’sar biex jitnaqqas dan il-piż. Il-volum ta’ regoli, regolamenti u politiki infurzati mill-gvern li mhumiex neċessarji (permezz ta’ aġenziji, korpi pubbliċi u awtoritajiet tal-liċenzji) huwa ostaklu kbir għall-SMEs u n-negozji ż-żgħar. Il-KESE huwa mħasseb b’mod partikolari li r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu ma enfasizzatx din il-problema speċjalment fil-każ tal-burokrazija li tinħoloq mill-aġenziji tal-gvernijiet, il-korpi pubbliċi u l-awtoritatjiet tal-liċenzji. Fir-rigward ta’ dawn l-aġenziji, ta’ spiss ma jkun hemm l-ebda proċedura rikonoxxuta biex isir ilment għax ta’ spiss jiġu definiti mill-gvernijiet bħala korpi mhux governattivi u indipendenti u għalhekk mhumiex taħt l-awtorità tal-gvernijiet.

4.4.   It-tisħiħ tad-djalogu u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati li jirrappreżentaw lill-SMEs

4.4.1.   Il-konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-SMES hija problema serja li ma ġietx indirizzata fir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu. Ta’ min jgħid li jkun hemm konsultazzjonijiet ma’ numru limitat ta’ assoċjazzjonijiet kummerċjali u tan-negozju fil-livell Ewropew (2) iżda l-għadd ta’ assoċjazzjonijiet tan-negozju li huma kkonsultati huwa żgħir ħafna u jidher li l-intrapriżi ż-żgħar ftit li xejn huma rappreżentati minn organizzazzjonijiet kummerċjali speċifiċi.

4.4.2.   Fil-livell nazzjonali, l-SMEs ftit li xejn għandhom fiduċja fil-konsultazzjoni u jemmnu li l-ilmenti tagħhom jiġu injorati minn dawk inkarigati mit-tfassil tal-politika. Għall-biċċa l-kbira tal-intrapriżi ż-żgħar, il-“konsultazzjoni” hija proċess li ftit li xejn huwa maħsub – jew saħansitra xejn affattu - li jibdel ir-rakkomandazzjonijiet oriġinali.

4.4.3.   Il-mikrointrapriżi u l-SMEs huma ta’ spiss deskritti bħala “diversi wisq” u “diżorganizzati wisq” u għalhekk l-opinjonijiet tagħhom huma diffiċli wisq biex jiġu inklużi fi kwalunkwe rakkomandazzjoni finali. Dan jiġri anke meta l-konsultazzjoni tkun dwar l-SMEs u l-iżvilupp tan-negozji ż-żgħar. F’dawn is-sitwazzjonijiet, l-opinjonijiet tal-kumpaniji l-kbar ta’ spiss jiġu meqjusa bħala aktar privileġġjati mill-opinjonijiet tal-mikrointrapriżi u l-SMEs.

4.5.   Definizzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar

4.5.1.   Il-KESE huwa diżappuntat li r-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu ma identifikatx il-problemi marbuta mad-definizzjoni tal-SMEs, li fil-fehma tagħna għaddha żmienha (3). It-titjib fil-produttività permezz tal-mekkanizzazzjoni u t-tibdil fil-prattiki ta’ ħidma bidlu radikalment il-mod kif joperaw l-intrapriżi.

’Il fuq minn 98 % mill-intrapriżi Ewropej kollha jaqgħu fil-kategorija attwali tal-SMEs.

Dak li darba kien isir b’50 ħaddiem, illum isir b’10 ħaddiema.

Jekk irridu ngħinu lill-mikrointrapriżi u lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, ikollna bżonn definizzjoni realistika ta’ dawn l-intrapriżi. Din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn il-leġiżlazzjoni attwali tal-SMEs mhijiex tikseb l-għanijiet mixtieqa.

4.5.2.   Id-definizzjonijiet attwali huma:

Kategorija tal-Intrapriżi

L-Għadd Totali tal-Persunal

Bejgħ Annwali

 

Total tal-Karta tal-Bilanċ Annwali

Daqs medju

< 250

EUR 50 miljun

jew

EUR 43 miljun

Żgħar

< 50

EUR 10 miljun

jew

EUR 10 miljun

Mikrointrapriżi

< 10

EUR 2 miljun

jew

EUR 2 miljun

4.6.   L-istatus tan-negozji ż-żgħar u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u tal-professjonijiet liberi

4.6.1.   Il-KESE huwa diżappuntat li r-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu ma identifikatx il-problemi attwali marbuta ma’ “min jaħdem għal rasu”. Hemm wisq pajjiżi Ewropej li ħolqu ostakli artifiċjali għal dawk iċ-ċittadini li jixtiequ jiżviluppaw il-ħiliet intraprenditorjali u joħolqu negozju żgħir. Ma jeżistux definizz jonijiet legali Ewropej tal-kunċett ta’ “min jaħdem għal rasu” u minħabba f’hekk, qed isir użu ħażin minn dan it-terminu u dan qed joħloq konfużjoni fost l-intrapriżi u l-uffiċjali.

4.6.2.   Dan l-abbuż amministrattiv qed ixekkel l-iżvilupp ta’ persuni li jaħdmu għal rashom “uffiċjalment” li qed imexxu intrapriżi żgħar, iħallsu t-taxxi tagħhom u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni adatta kollha.

4.6.3.   Din il-kwistjoni jmissha ġiet identifikata bħala problema. Id-definizzjoni ta’ “min jaħdem għal rasu” għandha tkun fuq nett tal-aġenda tal-Kummissjoni, iżda s’issa, din il-problema jew ma ġietx identifikata inkella ġiet injorata.

4.7.   Rappreżentanza tal-intrapriżi ż-żgħar

4.7.1.   Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu ma tirrikonoxxix l-importanza ta’ kif jiġu kkonsultati l-SMEs u kif l-opinjonijiet tagħhom huma rappreżentati fil-livell nazzjonali u Ewropew. Ta’ spiss, ir-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet fil-konferenzi tal-gvern mhumiex nies midħla tan-negozju li jifhmu d-diffikultajiet marbuta ma’ dan il-proċess jew li għandhom għarfien prattiku dwar is-suġġett.

4.7.2.   Ħafna dipartimenti fi ħdan il-Kummissjoni jirrikonoxxu dan iżda ma jidher li sar xejn biex tiġi indirizzata l-problema.

4.7.3.   Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru kemm online kif ukoll fuq il-karta – bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE – biex jilħqu firxa wiesgħa ta’ intrapriżi.

4.8.   Aċċess għall-fondi tal-UE

4.8.1.   Hemm aktar fondi li huma disponibbli għall-proġetti u s-sussidji iżda l-mikrointrapriżi u l-SMEs qed ikollhom problema jaċċessawhom:

il-proċeduri huma burokratiċi wisq,

il-proċessi jieħdu wisq żmien,

l-għajnuna li tingħata lill-utent dwar kif għandu jidentifika u japplika għall-fondi mhix faċli biex tinftiehem,

il-proċeduri tal-kontabilità jinbidlu kontinwament u f’ħafna każijiet jeħtieġu rapporti tal-awdituri minn partijiet terzi li jżidu l-burokrazija u l-ispejjeż.

4.8.2.   Jekk nixtiequ li l-mikrointrapriżi u l-SMEs ikollhom aċċess għall-fondi Ewropej, allura hemm bżonn li jiġu implimentati proċeduri speċjali li jqisu l-limitazzjonijiet tal-SMEs fir-rigward tal-ħin tax-xogħol.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2007) 592 finali.

(2)  Pereżempju l-UEAPME, ir-rappreżentant uffiċjali tal-SMEs fid-djalogu soċjali Ewropew.

(3)  http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/sme_definition/sme _user_guide.pdf


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-akkwist pubbliku prekummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa

COM(2007) 799 finali

2009/C 100/02

Nhar l-14 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-akkwist pubbliku prekummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur VAN IERSEL.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’70 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għan tal-Kummissjoni li tippromovi inċentivi għall-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku madwar l-Ewropa. Jekk l-Ewropa trid tibqa’ fuq quddiem fil-provvista ta’ servizzi pubbliċi li huma tal-aqwa kwalità u kost-effettivi liċ-ċittadini tagħha, għall-ġid tal-ekonomija, l-ambjent soċjali u dak ekoloġiku, trid tfittex li tagħmel l-aħjar użu mill-innovazzjonijiet u l-progress teknoloġiku fis-servizzi pubbliċi tagħha.

1.2.   Huwa jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar “il-Klijent Intelliġenti” bħala prekursur essenzjali ta’ attitudni aktar proattiva lejn it-tendenzi moderni fix-xiri mill-Awtoritajiet pubbliċi. Bħala regola l-kwalità tal-kuntratti ma’ fornituri privati ser tgawdi minn livell ogħla ta’ impenn “intelliġenti” min-naħa tax-xerrej pubbliku.

1.3.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li t-trawwim ta’ opportunitajiet għall-innovazzjoni u t-teknoloġija applikata fl-akkwist pubbliku ser jagħti l-frott b’żewġ modi fl-Ewropa. L-ewwel, billi jtejjeb il-kwalità tas-servizzi pubbliċi u l-użu aktar effettiv tal-flus, b’hekk igawdu dawk li jħallsu t-taxxa; u t-tieni billi jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni fin-negozju, b’hekk jagħti kontribut għall-prestazzjoni fl-innovazzjoni u l-kompetittività globali tal-Ewropa.

1.4.   Il-KESE jenfasizza li, huma x’inhuma l-benefiċċji potenzjali ta’ approċċi ġodda jew differenti fl-akkwist pubbliku, tibqa’ prijorità t-traspożizzjoni korretta u l-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-2004 (1) (“id-Direttivi”). L-atteġġjamenti tradizzjonali u kulturali ta’ spiss għandhom għeruq fondi. L-evidenza prattika tindika li l-implimentazzjoni korretta fl-Istati Membri teħtieġ monitoraġġ mill-qrib u kontinwu flimkien ma skambji tal-esperjenza u l-aħjar prattika.

1.4.1.   Daż-żminijiet l-akkwist pubbliku jkopri oqsma mifruxa ħafna u paradigmi ġodda. Il-KESE jisħaq li trid issir distinzjoni ċara bejn l-akkwisti mill-Awtoritajiet pubbliċi u dawk mis-servizzi importanti pubbliċi, speċjalment fil-promozzjoni tal-innovazzjoni. Is-servizzi importanti, li ħafna minnhom ilhom jipparteċipaw f’proġetti innovattivi għal aktar minn mitt sena, għandhom ħiliet u esperjenza aktar professjonali bi proġetti ta’ tekonoliġija avvanzata, li jgħinuhom jiġġestixxu l-innovazzjonijiet il-ġodda. L-istess jgħodd għad-Difiża, għalkemm l-Ewropa, meta mqabbla mal-Istati Uniti, tbagħti minn nuqqas ta’ baġits kbar u bażi ta’ provvista għall-kontinent kollu korrispondenti. Hija għal din ir-raġuni li din l-Opinjoni qed tiffoka fuq l-Awtoritajiet, peress li s-Servizzi Importanti huma kapaċi jiġġestixxu r-riċerka u l-iżvilupp.

1.5.   Jidher li l-Kummissjoni hija fiduċjuża ħafna li l-esperjenzi utli tal-Istati Uniti fir-rigward tar-rabta bejn it-teknoloġija, l-innovazzjoni u l-akkwist pubbliku jistgħu jiġu trasposti fl-ambitu Ewropew. Il-KESE jibża’ li mhuwiex daqshekk faċli li jiġu maħluqa opportunitajiet komparabbli. Bħalissa is-swieq tas-Servizzi Importanti u d-Difiża, l-akkwist tagħhom u l-innovazzjonijiet marbutin magħhom fl-Ewropa żviluppaw l-aktar skont il-kondizzjonijiet u l-kompetenzi nazzjonali.

1.6.   B’mod ġenerali, id-differenzi mill-Istati Uniti fl-akkwist pubbliku huma li l-Ewropa m’għandiex:

suq wieħed kbir u kundizzjonijiet simili madwar il-kontinent għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju ta’ teknoloġija avvanzata;

lingwa komuni;

ir-relazzjoni speċjali bejn il-Pentagonu u l-kumpaniji bbażati fuq it-teknoloġija; u

it-trasferiment mill-prodotti u l-applikazzjonijiet militari għal dawk ċivili.

1.7.   Il-KESE jixtieq jiċċara li huwa jaqbel mal-Kummissjoni li rridu nieħdu kull opportunità biex nistimolaw l-innovazzjoni ħalli niżviluppaw servizzi pubbliċi ta’ kwalità u valur aħjar. Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ ukoll lill-Awtoritajiet pubbliċi biex ifittxu li jitgħallmu mill-aħjar prattiki ta’ xulxin.

1.8.   Ix-xerrejja pubbliċi għandhom jiġu mħajra li jkunu miftuħa għal soluzzjonijiet innovattivi u alternattivi (“varjanti”), u mhux bilfors jibqgħu jixtru l-istess kif kienu qabel. Għandhom iħarsu lejn il-valur u mhux biss lejn l-orħos prezz. Skambji bejn ċentri ta’ konoxxenza f’dan il-qasam f’xi Stati Membri jistgħu jgħinu biex jagħtu eżempju madwar l-Ewropa. B’dan il-mod ix-xerrejja jistgħu jiġu mħeġġa jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex ikunu Klijenti Intelliġenti u biż-żmien jiksbu l-esperjenza. Dawn il-ħiliet u l-esperjenzi huma kundizzjonijiet essenzjali.

1.9.   Rigward l-innovazzjoni, ix-xerrejja pubbliċi għandhom bżonn jibdew djalogu tekniku trasparenti minn ħafna qabel ma joħorġu s-sejħa għall-offerti sabiex jifhmu x’inhi l-aqwa kwalità li joffri s-suq u biex jagħtu lis-suq l-opportunità li jifhem aħjar il-problema li trid tiġi indirizzata u b’hekk ikun jista’ joffri l-aqwa soluzzjonijiet.

1.10.   Il-KESE jirrakkomanda l-prudenza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-maġġoranza tal-Awtoritajiet pubbliċi fi proċessi innovattivi jew bħala dawk li jadottaw l-ewwel soluzzjonijiet. Ġara wisq ta’ spiss li l-Awtoritajiet pubbliċi ma kellhomx l-opportunità li jiżviluppaw il-ħila u l-esperjenza li jipparteċipaw fi proġetti verament innovattivi; ir-riskji huma kbar u jeħtieġu tmexxija tal-ogħla kwalità, minħabba li l-possibbiltà ta’ falliment hija reali ħafna.

1.11.   Għandu jitwaqqaf netwerk ta’ nies u organizzazzjonijiet professjonisti u li għandhom l-esperjenza fl-Istati Membri biex ikun jista’ jsaħħaħ ir-riżorsi tax-xerrej fil-każ ta’ proġetti innovattivi li huma aktar avvanzati.

1.12.   Għalkemm l-Anness jindika l-proċeduri għall-kuntratti ta’ akkwisti prekummerċjali, li filwaqt li joħorġu barra mill-ambitu tad-Direttivi minħabba l-Esklużjoni (2), xorta jibqgħu konformi mal-qafas legali eżistenti, għad hemm il-possibbiltà ta’ ksur tal-liġi, anke jekk dan ma jkunx intenzjonat. Il-KESE jirrakkomanda li x-xerrejja jistudjaw l-Anness u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet b’attenzjoni. Jekk ikun hemm l-iċken dubju, kemm f’moħħ l-Awtorità li qed takkwista kif ukoll f’dak ta’ xi fornituri potenzjali, il-KESE jirrakkomanda b’ċerta qawwa li l-Awtorità għandha tfittex il-konferma minn qabel tal-Kummissjoni li m’hemmx infrazzjonijiet possibbli dwar l-għajnuna mill-Istat jew l-Esklużjoni mid-Direttivi u għandha tagħti prova ta’ dan lill-fornituri potenzjali.

1.13.   Bir-raġun il-Kummissjoni tenfasizza s-sinifikat tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-KESE jżid li hemm bżonn ta’ attenzjoni kbira fit-twaqqif, l-allokazzjoni u t-tmexxija tagħhom. Dan il-qasam tal-attività mhuwiex wieħed sempliċi.

2.   Sfond u kuntest

2.1.   Fl-2004 il-Kunsill adotta d-Direttivi preżenti dwar l-akkwist pubbliku mis-Servizzi pubbliċi (3) u l-Awtoritajiet pubbliċi (4) li flimkien jammontaw għal madwar 16 % tal-PGD Ewropew.

2.2.   L-għan tad-Direttivi kien li jiddefinixxi ġabra ta’ regoli koerenti, li ma jiddiskriminawx u li huma trasparenti, li jagħtu garanzija li jinfetħu swieq li s’issa kienu magħluqin għal kollox jew parzjalment biex b’hekk titrawwem il-kompetizzjoni fost il-fornituri kif ukoll bilanċ bejn il-prezz u l-benefiċċju li jkun jaqbel iktar lill-gvernijiet u liċ-ċittadini.

2.3.   Saru diskussjonijiet wiesgħa u li għandhom effett fit-tul waqt l-abbozzar tal-proposti finali biex jiġi żgurat li d-Direttivi jkunu prattiċi u adattati biex jilħqu l-iskop.

2.4.   Sadanittant id-Direttivi qed jiġu trasposti fil-leġislazzjoni nazzjonali. Madankollu fil-prattika l-implimentazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali mhijiex faċli. Il-proċeduri jitolbu ħila, professjonalità u esperjenza li spiss mhumiex żviluppati tajjeb fost l-awtoritajiet tax-xiri. F’bosta każijiet, il-proċess ta’ tagħlim huwa twil.

2.5.   Peress li l-innovazzjoni hija tema ċentrali tal-Istrateġija ta’ Liżbona, qed jittieħdu inizjattivi varji mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni biex jeżaminaw u jifhmu kif l-innovazzjoni tista’ titrawwem fil-prattiki tal-akkwist pubbliku fuq il-bażi tad-Direttivi.

2.6.   Fost l-oħrajn, inizjattivi reċenti mill-Kummissjoni jinkludu:

għaxar rakkomandazzjonijiet ta’ prattika tajba, bżonnjużi biex l-akkwist pubbliku jsir b’suċċess (5) (“il-Gwida tal-10 Punti”);

dikussjonijiet bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni u d-Diretturi tar-Riċerka fl-ICT (6) Nazzjonali fl-Istati Membri wasslu għal proposti konkreti dwar l-akkwisti prekummerċjali (7) li ser jiġu diskussi f’Sezzjoni 4 ta’ din l-opinjoni;

fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar it-Teknoloġija Ambjentali (8), l-inizjattiva tad-DĠ tal-Ambjent dwar il-verifika teknoloġika u ċ-ċertifikati korrispondenti;

grupp ta’ esperti dwar il-ġestjoni tar-riskju fl-akkwist pubbliku mid-DĠ tar-Riċerka għadu kemm beda l-ħidma tiegħu

2.7.   L-inizjattivi tal-Kummissjoni bbażati fuq u ispirati minn rapporti pioniristiċi bħalma huwa r-rapport Aho “Noħolqu Ewropa Innovattiva” (9) u l-Komunikazzjoni “Inizjattiva ta’ swieq pilota għall-Ewropa” (10). Iż-żewġ dokumenti jindikaw b’mod espliċitu li l-akkwist pubbliku jista’ u għandu jkun sors imprezzabbli ta’ xogħol, oġġetti u servizzi innovattivi (11). F’ħamsa mis-sitt (12) setturi li ġew identifikati mill-inizjattiva ta’ swieq pilota bħala partikolarment adattati għall-proġetti innovattivi, hemm ħafna lok għall-innovazzjoni fl-isfera pubblika.

2.8.   Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati identifikaw sett ta’ kriterji għas-swieq pilota, fosthom il-kriterji “mmexxija mit-talba minflok imbuttati mit-teknoloġija” u “l-interess strateġiku u ekonomiku”, it-tnejn li huma huma ta’ interess speċjali għax-xerrejja pubbliċi. Il-konsultazzjonijiet kollha jenfasizzaw il-ħtieġa li qed tinħass b’mod mifrux, li l-akkwist pubbliku għandu, aktar milli kien fil-passat, jappoġġja xogħlijiet, prodotti u servizzi innovattivi fl-Ewropa.

2.9.   Il-Gwida tal-10 Punti, ppubblikata f’Marzu 2007, ħarġet mir-rapport Aho u tistabbilixxi l-prattika tajba tagħna dwar kif nittrattaw s-soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku, billi telenka għaxar punti importanti dwar kif wieħed jista’ jirnexxielu jsir Klijent Intelliġenti (13). Il-Klijent Intelliġenti jiġi diskuss ukoll fil-paragrafu 3.14.

2.10.   Fil-Komunikazzjoni dwar l-akkwist pubbliku prekummerċjali (14) il-Kummissjoni introduċiet strument ġdid li jattiva l-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku. Fir-rispett tar-regoli tad-Direttivi tal-2004, il-Kummissjoni trid tippromovi kuntratti ta’ servizzi ta’ riċerka u żvilupp bejn ix-xerrejja pubbliċi u l-fornituri potenzjali li jkopru l-istadji tar-riċerka u l-iżvilupp qabel il-fażi ta’ kummerċjalizzazzjoni; jiġifieri d-disinn, il-prototipar, l-ittestjar u l-fażijiet tal-preproduzzjoni, sal-fażi eżatt qabel il-produzzjoni u l-bejgħ kummerċjali.

2.11.   Il-KESE jilqa’ kull sforz li jippromovi l-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku. B’dan il-mod il-KESE jilqa’ d-dokumenti kollha u l-konsultazzjonijiet u d-diskussjonijiet li jsegwu fost dawk li jfasslu l-politiki u x-xerrejja li jikkontribwixxu fil-preparazzjoni tal-bażi għat-titjib fil-potenzjal tal-innovazzjoni tal-industrija fl-UE għall-benefiċċju tas-soċjetà.

2.12.   Madankollu l-iskop ta’ din l-Opinjoni huwa li tanalizza:

il-kunċett tal-akkwist prekummerċjali kif ddaħħal fil-Komunikazzjoni u l-anness tagħha;

kif l-akkwist prekummerċjali fost inizjattivi oħra jista’ jikkontribwixxi lejn it-titjib ta’ klima li tippromovi xogħlijiet, prodotti u servizzi innovattivi li huma mixtieqa;

sa liema punt u b’liema mod l-akkwist pubbliku għandu l-għodod adattati għad-dispożizzjoni tiegħu biex irawwem l-innovazzjoni fis-servizzi pubbliċi; u

b’mod attent, fejn huma l-limitazzjonijiet u r-riskji.

3.   Kummenti

3.1.   Il-Gwida tal-10 Punti (15) tindika b’mod ċar għaxar prattiki tajbin li jistgħu jgħinu lill-Awtoritajiet pubbliċi biex jittrattaw b’mod effettiv mas-soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku; hija toffri bażi soda li fuqha jistgħu jsiru l-iżviluppi. Iżda hemm bżonn li jsir ħafna aktar biex il-Gwida titħaddem fil-prattika. F’xi oqsma hemm bżonn ta’ azzjoni aktar pożittiva; f’oħrajn hemm bżonn tal-prudenza.

3.2.   Akkwist pubbliku ta’ suċċess jiddependi minn prattika tajba li hi konsistenti mad-Direttivi. Id-Direttivi jippromovu s-Suq Uniku, u b’hekk jgħinu lill-Ewropa biex tikkompeti ma’ żoni oħra ta’ kummerċ li għandhom swieq interni kbar. Il-prattiki tajbin u d-Direttivi huma inseparabbli.

3.3.   Xi Stati Membri għadhom fil-proċess li jittrasponu d-Direttivi 2004 (ara punt 2.4) u f’oħrajn hemm inkonsistenzi fil-liġijiet nazzjonali. Dawn in-nuqqasijiet jagħmluha aktar diffiċli biex jitgawdu l-benefiċċji kollha tad-Direttivi.

3.4.   F’livell prattiku, minħabba l-kumplessità li qed tiżdied b’mod ġenereali fil-kuntratti tal-akkwisti pubbliċi, hemm ħtieġa ovvja li jitjiebu l-ħiliet u l-esperjenza ta’ dawk kollha li huma involuti. B’mod partikulari, hemm bżonn li tiġi promossa kultura li hija adattata għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ proġetti kumplessi fl-organizzazzjoni kollha tax-xerrej.

3.5.   Huwa essenzjali li jkun hemm suq kbir u aċċessibbli biex l-innovazzjoni tiżviluppa. Huwa b’hekk biss li l-ispejjeż tal-innovazzjoni – il-flus, il-ħin u l-isforz – jiġu irkuprati. L-innvoazzjoni hija essenzjali jekk l-ekonomija trid tikber u tissaħħaħ.

3.6.   Wara l-aġenda ta’ Liżbona tal-2000, ittieħdet deċiżjoni li l-akkwisti pubbliċi għandhom jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-innovazzjoni.

3.7.   Filwaqt li d-dokumenti ewlenin tal-Kummissjoni dwar l-innovazzjoni, msemmija fit-tieni Sezzjoni, huma b’mod ġenerali relatati maż-żewġ setturi pubbliċi, l-Awtoritajiet u s-Servizzi Importanti, mingħajr distinzjoni, il-KESE jiġbed l-attenzjoni b’ċerta enfażi li fil-preżent hemm differenzi fil-karattru tal-organizzazzjonijiet taż-żewġ setturi.

3.8.   Is-Servizzi Importanti ilhom jisponsorizzaw, jużaw, jixtru u jiżviluppaw proġetti innovattivi, l-istess bħall-militar u sezzjonijiet mis-servizzi tas-saħħa, u dan tahom il-ħiliet u l-esperjenza li jeħtieġu. L-esperjenza tagħhom fil-ġestjoni tar-riskji u l-kumplessità tal-innovazzjoni m’għandix tiġi injorata.

3.9.   L-Awtoritajiet Pubbliċi jistgħu jitgħallmu mis-Servizzi Importanti, il-militar u setturi oħra li għandhom esperjenza fit-tmexxija b’suċċess ta’ proġetti ta’ innovazzjoni. Mill-inqas, jistgħu jifhmu aħjar ir-riżorsi mill-organizzazzjoni kollha li jridu jiġu ddedikati lilha. Jista’ jkun li, fuq perjodu qasir, ir-reklutaġġ minn dipartimenti rilevanti ta’ persuni rtirati li jkunu jridu jibqgħu jaħdmu għal ftit snin oħra, ,joffri sors imprezzabbli ta’ esperjenza.

3.10.   L-innovazzjoni hija l-applikazzjoni ta’ metodi ġodda ta’ kif isiru l-affarijiet. Tista’ tiġi implimentata fix-Xogħol, fil-Provvista jew f’Servizz. Ir-riċerka u l-iżvilupp huma prekursuri essenzjali ta’ proġett innovattiv. Id-distinzjoni bejn ir-riċerka pura u applikata trid tinżamm ċara: ir-riċerka pura ssir l-aktar mill-universitajiet u l-istabbilimenti tar-riċerka; hija tipprovdi il-bażi teoretika u prattika li fuqha jibbażaw ir-riċerka applikata u l-iżvilupp. Ir-riċerka applikata tikkonsisti f’ħidma ta’ natura teoretika u prattika bil-għan li tistabbilixxi bażi għall-iżvilupp ta’ proġett jew iktar. Din l-Opinjoni ma tikkunsidrax ir-riċerka pura ħlief fil-każ li l-akkwist prekummerċjali kif inhu diskuss fis-Sezzjoni 4, ikun jista’ jiġi deskritt b’dan il-mod.

3.11.   Fil-prinċipju m’hemm l-ebda differenza kbira fil-mod kif proġett innovatti jiġi trattat fis-settur pubbliku u dak kummerċjali. Naturalment hemm differenzi żgħar: is-settur pubbliku huwa suġġett għal livell ta’ skrutinju li s-settur kummerċjali fil-parti l-kbira mhuwiex. F’kull żvilupp maġġuri ser ikun hemm il-fallimenti; dak hu l-prezz tal-progress. Filwaqt li dixxipplina xierqa għandha tfittex li tnaqqas il-fallimenti u titgħallem minnhom, li wieħed jieqaf wisq fuqhom, ikun ta’ xkiel għal aktar iżvilupp.

3.12.   Il-verżjoni tal-2004 tad-Direttivi kienet diġà tikkontempla kuntratti li jinvolvu l-innovazzjoni. M’hemm bżonn tal- tal-ebda liġi oħra ħlief li wieħed jifhem kif imexxi proġett innovattiv fi ħdanhom.

3.13.   Fil-proġetti kollha fejn hemm l-innovazzjoni – kif ukoll, f’ħafna oħrajn – ix-xerrej għandu bżonn li jkollu l-karatteristiċi ta’ Klijent Intelliġenti. Dawn il-karatteristiċi ġew diskussi b’mod wiesgħa fil-Gwida tal-10 Punti u din l-Opinjoni tenfasizza l-importanza essenzjali tagħhom.

3.14.   Fi ftit kliem, il-Klijent Intelliġenti għandu bżonn ikun miftuħ għall-ideat ġodda iżda jkollu d-dixxiplina biex iġestihom. Hemm bżonn ta’ nies bl-esperjenza u l-ħiliet li jkunu kisbu biex imexxu proġetti innovattivi. Iżda fuq kollox, l-organizzazzjoni, sa fuq nett, trid tkun f’armonija mal-ħtiġijiet ta’ proġetti innovattivi. Mingħajr dik il-kultura, dawk li jkunu qed jaħdmu fil-qasam ma jistax ikollhom suċċess.

3.15.   Il-proġetti innovattivi, jistgħu jinqasmu b’mod konvenjenti fi tliet kategoriji, kull kategorija bil-karatteristiċi speċifiċi tagħha, kif ukoll xi aspetti komuni għalihom kollha. F’din l-Opinjoni, jekk m’hemmx indikazzjoni oħra, it-terminu “Prodotti” jinkludi xogħlijiet, provvisti u servizzi.

3.16.   It-tliet kategoriji:

(a)

L-aċċettazzjoni ta’ prodotti innovattivi biex jissodisfaw ħtieġa stabbilita, imma li ftit għandhom jew li m’għandhom l-ebda effett fuq il-metodu tal-operat tax-xerrej. Dan joffri benefiċċji bi ftit riskju u taqlib.

(b)

L-adozzjoni ta’ prodott innovattiv li jeħtieġ li x-xerrej jaddatta għall-metodu ta’ tħaddim tiegħu. Dan joffri potenzjal sustanzjali ta’ benefiċċju b’xi riskju u l-ħtieġa ta’ żvilupp ta’ proċeduri ġodda u taħriġ tal-persunal.

(ċ)

Il-parteċipazzjoni fi proġett innovattiv. Il-parteċipazzjoni tax-xerrej tista’ tkun iktar jew inqas, minn proġett konġunt fil-veru sens tal-kelma sa mid-definizzjoni tal-proġett, għal li wieħed ikun adotta l-ewwel soluzzjonijiet fil-fażi beta (16) tal-provi u ix-xiri ta’ unitajiet ta’ preproduzzjoni kmieni.

3.17.   L-aktar waħda li hi importanti immedjatament – u l-aktar waħda li hi effettiva fil-promozzjoni tal-innovazzjoni - għall-parteċipazzjoni tax-xerrejja pubbliċi fl-innovazzjoni, u l-eħfef waħda biex tiġi implimentat hija (a). Din teħtieġ li x-xerrej ikun miftuħ għall-varjanti (17) - soluzzjonijiet alternattivi - u li jkollu nies kapaċi li jivvalutaw offerti differenti fuq il-bażi tal-“aktar ekonomikament vantaġġjuża”.

3.18.   Kategorija (b) hija ta’ valur għal xerrej li jfittex titjib fil-ħidmiet tiegħu permezz tal-użu ta’ prodotti innovattivi, li ta’ spiss jeħtieġu xi ħidma ta’ żvilupp biex il-prodott il-ġdid jintegra fil-ħidma tiegħu. Hemm bżonn ta’ ħila fl-istabbiliment tar-rekwiżiti f’termini ċari li mhumiex restrittivi bla bżonn u hemm bżonn tal-parteċipazzjoni ta’ nies mid-dipartimenti tal-utenti u dawk tekniċi tax-xerrej. Ir-riżorsi li x-xerrej irid jinvesti mhumiex irrelevanti iżda, jekk il-proġett huwa mmexxi tajjeb, ir-riskji ta’ integrazzjoni jistgħu jiġu ġestiti u l-benefiċċji huma akbar mill-isforz meħtieġ.

3.19.   Il-kategorija (ċ) hija l-aktar waħda diffiċli. Id-definizzjoni u l-iżvilupp totali ta’ soluzzjonijiet ġodda mill-bidu, fihom nfushom jippreżentaw riskji teknoloġiċi ogħla minn bidliet progressivi biex jiġu adattati jew integrati prodotti li huma ġodda għas-suq fi proċessi (b) li diġà jeżistu. Ftit huma l-organizzazzjonijiet – ħlief għal dawk imsemmija f’sezzjoni 3.8 (il-militar eċċ) - għandhom il-ħila u l-esperjenza li jipparteċipaw bis-sħiħ f’tip ta’ proġett li jidħol fil-kategorija (ċ) li hi verament innovattiva. Ir-riskji huma kbar u jeħtieġu ġestjoni tal-ogħla kwalità. Filwaqt li l-gwadann jista’ jkun sostanzjali – m’hemmx raġuni għalfejn wieħed għandu jidħol għal progrett li kieku ma kienux – il-possibbiltà ta’ falliment hija reali ħafna. It-tip ta’ proġett ikkunsidrat mill-Komunikazzjoni jaqa’ taħt il-kategorija (ċ).

3.20.   Il-Komunikazzjoni timplika li x-xerrej jkun jista’ jwettaq proġett innovattiv bħala akkwist ta’ riċerka u żvilupp sal-punt oriġinali tal-iżvilupp tal-ewwel prodotti. Għal kull segwitu tal-akkwist tal-volumi kummerċjali tal-prodotti finali, il-ħtieġa għal sejħa għall-offerti kompetittiva trid tiġi vvalutata każ b’każ skont id-Direttivi tal-Akkwist Pubbliku. Id-ditti normalment jagħmlu l-oġġetti li jiddisinjaw, tal-anqas sal-punt fejn il-manifattura liċenzjata ssir possibbiltà prattika. Il-KESE huwa tal-fehma li l-allokazzjoni ta’ kwalunkwe drittijiet tal-proprjetà li toħroġ mill-proġett, u arranġamenti għal ġestjoni tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati b’attenzjoni fuq il-bażi prattika u kummerċjali qabel ma jibda l-proġett.

3.21.   Hemm provi li proċedura bħal dik ikkunsidrata mill-Komunikazzjoni qed tiġi użata fl-Istati Uniti. Filwaqt li hemm eżempji fil-qasam militari ġenerali (il-kuntratt tat-Tanker tal-Ajru Amerikan li jista’ jinqasam bejn il-Boeing u l-Airbus), l-aktar qasam fejn wieħed jista’ jsib eżempji ta’ dan huwa f’dak tal-elettronika. F’dak il-qasam, b’eċċezzjonijiet bħal dak tat-twebbis taċ-ċirkwiti integrati kontra l-polz elettrikumanjetiku, l-oqsma kummerċjali u militari huma ħafna eqreb lejn xulxin milli huma f’ħafna oqsma oħra.

3.22.   Fil-paraguni mal-Istati Uniti, wieħed irid jiftakar fid-differenzi strutturali mal-Ewropa. L-Istati Uniti ilhom pajjiż omoġenju li kiber fuq il-bażi ta’ riżorsi fiżiċi li huma kważi bla limitu – agrikoltura, deheb, żejt, nies – u bl-eċċezzjoni tal-era ta’ wara l-1929, il-kapital. Dan wassal – ħlief, reċentement, fis-settur bankarju – għall-iżvilupp ta’ suq uniku stabbli fiż-żmien u l-infrastruttura li taqdih. L-Ewropa għad fadlilha x’timxi biex tgawdi dawn l-istess vantaġġi. Wara dan kollu, u minkejja s-saħħa ċara tal-Istati Uniti, hemm xi oqsma li fihom huma ma jilħqux mal-istat attwali fl-Ewropa, fosthom b’mod partikolari huwa n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà universali għall-kura tas-saħħa.

3.23.   Barra mir-riskji ta’ falliment tekniku – integrali f’kull proġett li huwa verament innovattiv – trid tingħata attenzjoni lir-riskji finanzjarji li jirriżultaw min-nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, it-trasparenza, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttivi, dawn jiġu diskussi iktar fis-sezzjoni 4.3: L-Għajnuna mill-Istat.

4.   Anness – SEC(2007) 1668 – għall-Komunikazzjoni: “L-Akkwist Prekummerċjali – Dokument tal-Ħidma tal-Persunal”

4.1.   L-iskema proposta (“l-Iskema”)

4.1.1.   Il-prinċipju bażi: Meta x-xerrej japplika l-qsim tar-riskju u l-benefiċċju bil-prezz tas-suq, is-servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp jistgħu jinxtraw skont l-Esklużjoni (18) fi ħdan id-Direttivi (19) u jistgħu jintużaw biex jitfittxu soluzzjonijiet innovattivi għall-ħtiġijiet (bħala prekursuri għas-sejħa għall-offerti għal volumi kummerċjali tal-prodotti finali), u għalhekk jiġi simulat il-ħolqien ta’ ideat innovattivi b’mod ġenerali.

4.1.2.   Prekursur essenzjali: Ix-xerrej għandu bżonn li jkun midħla tal-attivitajiet u l-kapaċitajiet ta’ fornituri potenzjali, u li jiddefinixxi l-ħtiġijiet tiegħu f’termini ċari ta’ produzzjoni mingħajr ma jkun restrittiv iżżejjed.

4.1.3.   Kondotta: Ladarba r-rekwiżit ikun stabbilit u l-fornituri potenzjali identifikati, qed jiġi ssuġġerit li x-xerrej għandu jmexxi proġett ta’ riċerka u żvilupp fuq tliet stadji li jibdew min-numru raġonevoli tagħhom (qed jiġi suġġerit ħamsa) li jonqsu bil-mod il-mod għal tnejn li jtemmu l-fażi tal-preproduzzjoni u l-provi beta. Wara r-rekwiżit tal-produzzjoni għandu joħroġ għall-offerti skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi.

4.2.   Kummenti

4.2.1.   L-iskema hija bbażata b’mod wiesgħa fuq prattiki użati fl-akkwisit tad-Difiża f’ħafna pajjiżi; huma simili ħafna madwar id-dinja kollha u huma mifhuma tajjeb.

4.2.2.   L-industrija tad-Difiża hija partikulari peress li trid tħares ’il bogħod fil-futur fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet politiċi u tattiċi li minħabba fin-natura tagħhom ma jistgħux jiġu ddikjarati b’mod preċiż. Isiru ħafna riċerka u żvilupp limitat – kif ikkunsidrat fl-Iskema – li minnhom huma biss ftit il-programmi li jfeġġu. Il-proġetti ta’ riċerka u żvilupp, kif ukoll il-kuntratti ta’ produzzjoni, ta’ spiss huma suġġetti għal fluss kontinwu ta’ emendi hekk kif tidħol informazzjoni ġdida dwar it-tattika u l-politika li tikkonċerna l-firxa twila ta’ żmien; għalhekk spejjeż ikbar minn dawk stmati huma endemiċi. L-iżviluppi li jsiru mill-Awtoritajiet pubbliċi ċivili m’għandhomx, jekk ikunu ġestiti sew, ikunu suġġetti għall-istess flussi ta’ emendi.

4.2.3.   Wieħed irid jistaqsi jekk Skema bħal din hijiex xierqa għal sezzjonijiet mis-settur pubbliku li għandhom inqas esperjenza fi proġetti ta’ riċerka u żvilupp li huma tekniċi ħafna.

4.2.4.   Hemm preokkupazzjoni ovvja li l-eżenzjoni pprovduta fid-Direttivi għall-kuntratti ta’ servizz għar-riċerka u l-iżvilupp li mhumiex għall-użu esklussiv tax-xerrej jistgħu jintużaw b’mod li jmur kontra l-kompetizzjoni biex jiġu żviluppati kampjuni nazzjonali, u b’hekk ifallu l-għanijiet tad-Direttivi li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ta’ suq uniku panEwropew.

4.2.5.   Jekk wieħed jassumi li jsiru proġetti taħt l-Iskema, hemm bżonn li tingħata aktar attenzjoni lil xi aspetti ddettalljati.

4.3.   Għajnuna mill-Istat

4.3.1.   Fil-bidu ta’ kull akkwist skont l-Iskema, trid tqum il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat, kif hemm innotat fl-Anness. Mhux fl-ambitu tal-Opinjoni li jiġi diskuss jekk hemmx element ta’ għajnuna mill-Istat f’xi proġett partikolari u jekk hemm, huwiex iġġustifikat. Iżda l-effetti ta’ kwalunkwe inċertezza fuq proġett taħt l-Iskema żgur li jaqgħu fl-ambitu tagħha.

4.3.2.   Kif iddefinit fil-Komunikazzjoni, l-akkwist pubbliku prekummerċjali huwa strateġija għall-akkwist ta’ servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp li tinvolvi l-qsim tar-riskji u l-benefiċċji bejn min qed jixtri u min qed iforni u mhijiex għajnuna mill-Istat. Il-KESE jirrakkomanda li x-xerrejja janalizzaw b’mod attent l-Anness li jagħti eżempju tal-implimentazzjoni ta’ akkwist prekummerċjali skont il-qafas legali eżistenti. F’każijiet ta’ dubju meta jkunu qed isiru l-ewwel proġetti pilota ta’ akkwist prekummerċjali jkun xieraq li wieħed jikseb konferma minn qabel mill-Kummissjoni li m’hemmx għajnuna mill-Istat jew xi ksur ieħor u li jipprovdi evidenza ta’ dan lill-fornitur potenzjali. Huwa żgur li hija ħaġa kumplessa ħafna li jiġi deċiż jekk hemmx għajnuna mill-Istat.

4.3.3.   Jekk jirriżulta li kien hemm għajnuna mill-Istat u li din hija illegali, il-fornitur jista’ jintalab li jħallas lura iżda m’għandu l-ebda rikors għal kumpens mix-xerrej li ffirma l-kuntratt tar-riċerka u l-iżvilupp. Il-fornitur għalhekk ikun qed jitpoġġa f’riksju materjali li probabbilment ma jistax jiġi assigurat għalih. Naturalment il-fatt li l-benefiċċjarju (l-fornitur) ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat li hija illegali jrid iħallas lura l-flus li rċieva, mingħajr rikors għax-xerrej, mhijiex xi ħaġa partikulari għall-kuntratti ta’ riċerka u żvilupp biss. l-istess regoli japplikaw għal kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist. Il-fatt li tintuża proċedura ta’ akkwist validata (pereżempju proċedura tad-Direttivi) mhijiex garanzija assoluta li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat, peress li l-favoreġġjament ta’ fornitur jista’ jsir b’ħafna modi diretti u indiretti. L-użu tal-Esklużjoni mhux neċessarjament jipprovdi riskju ikbar jew iżgħar lix-xiri ma jsirx b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju bil-prezz tas-suq.

4.3.4.   Hija ħaġa mixtieqa ħafna li jikber il-livell ta’ esperjenza fid-dipartimenti kollha tax-xiri pubbliku sabiex ikunu jistgħu japplikaw il-kriterji b’mod korrett biex ikunu jistgħu jaċċertaw li m’hemmx għajnuna mill-Istat. Dawn il-kriterji jinvolvu x-xiri b’mod trasparenti u bla diskriminazzjoni bil-prezz tas-suq. Din l-esperjenza hija importanti kullimkien peress li dawn il-kriterji mhumiex biss għall-kuntratti tar-riċerka u l-iżvilupp; huma l-istess kriterji li japplikaw għal kwalunkwe tip ta’ kuntratt ta’ akkwist, anke jekk ir-riskji f’kuntratt ta’ akkwist prekuntrattwali jistgħu jkunu akbar.

4.3.5.   L-anness jidentifika l-kriterji biex dawk involuti jserħu rashom li proġett ta’ akkwist prekuntrattwali mhuwiex forma ta’ għajnuna mill-Istat. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw il-promozzjoni tal-qsim tat-taħriġ u l-għarfien dwar it-twaqqif tal-proġetti ta’ akkwist prekummerċjali skont il-qafas legali biex jiġi evitat ir-riskju li l-Awtoritajiet pubbliċi – u l-fornituri tagħhom – jispiċċaw fi problemi marbuta mal-għajnuna mill-Istat, aktar tard.

4.3.6.   Għalkemm il-kwistjoni ma tkunx ta’ għajununa mill-Istat, jekk l-Esklużjoni mid-Direttiva pprovduta għal-ċerti tipi ta’ servizzi ta’ riċerka u żvilupp jirriżultaw li mhumiex validi, dan iwassal biex il-kuntratt jerġa’ jidħol fil-qafas tad-Direttivi. Skont id-direttiva tar-Rimedji, il-kuntratt li wieħed jassumi li ma ġiex irreklamat b’mod xieraq jew suġġet għal “waqfien”, isir “mhux effettiv” (20). F’dawk iċ-ċirkostanzi l-fornitur jkun f’riskju li ma jitħallas tax-xogħol li jkun sar. Dan ir-riskju li probabbliment m’hemmx assigurazzjoni għalih, mhuwiex biss għall-kuntratti tar-riċerka u l-iżvilupp iżda jikber bl-użu tal-Esklużjoni fid-Direttivi għas-servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp. Wieħed għandu juża l-prudenza u jfittex parir.

4.4.   Riskji

4.4.1.   Fi kwalunkwe programm ta’ riċerka u żvilupp hemm ir-riskji; mhux il-proġetti innovattivi kollha ser ikollhom ir-riżultati mixtieqa. L-Iskema tistabbilixxi b’mod xieraq li r-riskji u l-benefiċċji jridu jinqasmu bejn ix-xerrej u l-fornitur. Madankollu, hemm enfażi dwar li jiġu meqjusa l-għajnuna mill-Istat u l-prinċipji tat-Trattat li filwaqt li probabbilment ma jistgħux jiġu evitati, idaħħlu saff ieħor ta’ kumplessità f’qasam li hu diġà kumpless.

4.4.2.   Bħal fil-każ ta’ kwalunkwe ġestjoni tar-riskju, il-partijiet għandhom jaqblu li jerfgħu r-responsabbiltà għal riskji li kull wieħed huwa fl-aħjar pożizzjoni li jiġġestixxi, u li jżommu kuntatt kontinwu biex jiżguraw li l-ebda riskju ma jqum jew jikber mingħajr ma jiġi identifikat u mnaqqas.

4.4.3.   Hemm diskussjoni fl-Anness dwar kuntratti bi prezzijiet fissi fejn l-Awtoritajiet pubbliċi jistabbilixxu massimu u joħorġu sejħa għall-offerti f’dak il-livell jew inqas minnu bil-ħsieb li l-fornituri jissussidjaw il-proġett bi ftit jew iktar talli jkollhom id-drittijiet tal-esplojtazzjoni. Arranġament ta’ dan it-tip jista’ jkun attraenti għal dawk il-fornituri li diġà għandhom aċċess għal suq aktar mifrux għar-riżultati tal-iżvilupp, iżda jdaħħal element ta’ kumplessità fil-każijiet fejn l-opportunità għal esplojtazzjoni aktar mifruxa mhijiex ovvja, iżda fejn il-benefiċċji għax-xerrej huma kbar. F’każijiet bħal dawn ix-xerrej probabbilment għandu jikkunsidra azzjonijiet oħra.

4.5.   Proprjetà Intelletwali

4.5.1.   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw huma parti importanti mill-Iskema. Min għandu d-drittijiet u sa liema punt dan jaffettwa l-bażi legali għall-proġett kif ukoll ir-riżultat prattiku fil-gwadann mir-riċerka u l-iżvilupp.

4.5.2.   Hemm essenzjalment tliet modi kif il-proprjetà intellettwali tiġi mħarsa:

Brevetti – monopolju statutorju;

Drittijiet tal-Awtur – li teżisti fix-xogħol kollu oriġinali

Segretezza – fejn la l-brevett u l-anqas id-dritt tal-awtur ma joffru ħarsien effettiv.

4.5.3.   Il-brevetti huma l-aktar ħarsien b’saħħtu u kummerċjalment użat għal invenzjonijiet verament fundamentali li jistgħu jiġu liċenzjati lil persuni terzi. Huma wkoll l-aktar għoljin. Jekk l-invenzjoni ma tissodisfax il-kriterji jew il-proġett huwa f’settur industrijali fejn il-brevetti jintużaw bħala arma kompetittiva, il-brevett probabbilment huwa ħela ta’ flus. Id-difiża tal-brevetti tiswa’ wkoll ħafna flus.

4.5.4.   Id-drittijiet tal-awtur ma jiswew xejn; sempliċement jeżistu. Madankollu, għall-kuntrarju tal-brevett, is-sid tad-drittijiet tal-awtur irid jipprova li min kiser id-drittijiet tiegħu kien jaf bil-materjal kopert bid-drittijiet tal-awtur u ikkuppjah. Ir-replika indipendenti ta’ materjal kopert bid-drittijiet tal-awtur fejn min irreplika ma rahx u għalhekk ma kkupjahx ma jistax jiġi akkużat.

4.5.5.   Is-sigriet jintuża ħafna fis-settur kummerċjali biex iħares il-vantaġġ kompetittiv. Huwa importanti ħafna li invenzjoni li ser tiġi brevettata tinżamm sigrieta; jekk tinkixef malajr tista’ tiġi skwalifikata milli tkun brevettata. Fejn la l-brevett u lanqas id-drittijiet tal-awtur ma joffru ħarsien effettiv għal invenzjoni li hi kummerċjalment ta’ valur, l-unika ħaġa li tista’ ssir hi li tinżamm sigrieta. Il-Coca-Cola tħares il-formula għax-xarba eponima tagħha b’għejra.

4.5.6.   Filwaqt li s-sigriet huwa mezz effettiv biex titħares il-proprjetà intellettwali u, f’xi ċirkustanzi, tista’ tkun l-uniku mezz disponibbli, ma tidħolx b’mod komdu f’kuntest ta’ trasparenza.

4.5.7.   Jekk l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti għal xiri ta’ segwitu ta’ prodotti finali kummerċjali jsiru f’termini tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali flok preskrittivi għall-prodott, dawn jistgħu jissudisfaw il-ħtiġijiet ta’ trasparenza għall-offerenti kompetituri mingħajr ma jikxfu d-dettalji tal-implimentazzjoni teknika tas-soluzzjonijiet individwali żviluppati fil-fażi pre-kummerċjali.

4.5.8.   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma ovvjament parti importanti ħafna mill-proġetti ta’ riċerka u żvilupp kif ikkunsidrati mill-Iskema. Iżda hemm bżonn ta’ attenzjoni kbira u l-użu tal-ġudizzju fit-twaqqif, l-allokazzjoni u t-tmexxija tagħhom. Dan il-qasam tal-attività mhuwiex wieħed sempliċi.

4.5.9.   Fl-akkwist prekummerċjali, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jinqasmu bejn ix-xerrejja u l-fornituri: il-fornituri jżommu s-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ix-xerrejja jżommu d-dritt tal-użu bla bżonn ta’ liċenzja kif ukoll id-dritt li jeħtieġu li l-kumpaniji li jipparteċipaw jilliċenzjaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lill-fornituri li huma partijiet terzi b’kundizzjonijiet li huma ġusti u raġonevoli. Id-dritt tal-użu bla bżonn ta’ liċenzja jippermetti lix-xerrej pubbliku li juża’ r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp għall-użu intern mingħajr ma jkollu jħallas l-ispejjeż tal-liċenzji lill-kumpaniji parteċipanti. Id-dritt li l-kumpaniji parteċipanti jiġu meħtieġa li jilliċenzjaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil fornituri terzi bil-prezz tas-suq jippermetti lix-xerrej pubbliku li jiżgura li jkollu aċċess għal katina ta’ provvista li tkun kbira u kompetittiva biżżejjed filwaqt li jippermetti li l-kumpaniji li jipparteċipaw idaħħlu l-qliegħ fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jkunu kisbu waqt il-proġett ta’ akkwist prekummerċjali. Fl-Ewropa x-xerrejja pubbliċi tista’ tonqoshom l-esperjenza fil-valutazzjoni tal-valur tas-suq tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u għalhekk huwa rakkommandat li jsir taħriġ u jingħataw esperjenzi dwar il-qsim tar-riskju u l-benefiċċju b’rabta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

4.5.10.   L-Awtoritajiet Pubbliċi jridu jitgħallmu mill-aħjar prattiki fix-xiri u l-bejgħ tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jeżistu fis-settur privat, kif ukoll mill-klawsoli tipiċi tal-kuntratti tal-gvern standard għall-qsim tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mal-fornituri fl-akkwist pubbliku li huma użati madwar id-dinja kollha.

4.6.   Kwalifiki tal-fornituri u x-xerrej

4.6.1.   Ovvjament, il-fornituri potenzjali għandhom bżonn il-ħiliet biex imexxu proġetti innovattivi; l-esperjenza tagħhom tista’ tiġi stabbilita b’mod relattivament faċli minn Klijent Intelliġenti.

4.6.2.   Ix-xerrejja potenzjali wkoll għandhom bżonn il-ħiliet biex imexxu proġetti ta’ dan it-tip. Il-kisba tal-għarfien dwar l-aqwa kwalità li joffri s-suq relevanti, preparazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa f’termini ta’ produttività, in-negozjati ma’ u l-għażla tal-fornituri, il-ġestjoni tal-proġett u tar-riskji marbuta miegħu, kollha jeħtieġu ħiliet u esperjenza fil-fond min-naħa tal-organizzazzjoni tax-xerrej. Jekk l-organizzazzjoni m’għandiex kultura – minn fuq sa isfel nett – li taqbel mal-ġestjoni ta’ proġeti ta’ dan it-tip, qed tirriskja li jkollha falliment li jiswiha ħafna. Dawn il-karatteristiċi naturalment huma dawk tal-Klijent Intelliġenti.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Id-Direttivi tal-2004: Servizzi importanti 2004/17/KE; Awtoritajiet 2004/18/KE.

(2)  Il-Klawsoli ta’ Esklużjoni:

Servizzi importanti Art 24(e) Kuntratti relatati ma’ ċerti servizzi esklużi mill-iskop ta’ din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma tapplikax għal-kuntratti ta’ servizzi għal: (e) servizzi ta’ riċerka u żvilupp minbarra dawk fejn il-benefiċċji għandhom jingħaddu esklussivament mill-awtorità kontrattwanti għal użu tagħha fit-tmexxija tal-affarijiet tagħha, bil-kondizzjoni li s-servizz provdut jiġi mħallas kollu mill-awtorità kontrattwanti.

Awtoritajiet Artikolu 16(f) - Esklużjonijiet Speċifiċi. Din id-Direttiva ma tapplikax għal-kuntratti ta’ servizzi pubbliċi għal: (f) servizzi ta’ riċerka u żvilupp minbarra dawk fejn il-benefiċċji għandhom jingħaddu esklussivament mill-awtorità kontrattwanti għal użu tagħha fit-tmexxija tal-affarijiet tagħha, bil-kondizzjoni li s-servizz provdut jiġi mħallas kollu mill-awtorità kontrattwanti.

(3)  2004/17/KE.

(4)  2004/18/KE.

(5)  Il-Gwida tal-10 Punti: “Gwida dwar kif tittratta soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku, 10 elementi ta’ prattika tajba”, SEC(2007) 280. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  It-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT)

(7)  “L-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa” COM (2007) 799 finali u l-Annessi tiegħu. SEC(2007) 1668.

(8)  L-azzjonijiet ta’ prijorità tal-ETAP huma: il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp; il-mobilitazzjoni tal-fondi; l-għajnuna biex it-talba timxi u l-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu.

(9)  “Noħolqu Ewropa Innovattiva”, Rapport tal-Grupp Indipendenti tal-Esperti dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni mlaħħaq mis-Summit Hampton Court, Jannar 2006.

(10)  “Inizjattiva ta’ suq pilota fl-Ewropa”: COM(2007) 860 finali.

(11)  Ta’ min wieħed jinnota dokumenti oħra tal-Kummissjoni, pereżempju il-Komunikazzjoni “Iktar Riċerka u Innovazzjoni – Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi:Approċċ Komuni”. Ippublikat 2005 (ISBN: 92-894-9417-4.)

(12)  Saħħa-e, tessili protettivi, bini sostenibbli, riċiklaġġ, prodotti ta’ bażi bioloġika, enerġija rinnovabbli.

(13)  Gwida dwar kif tittratta soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku, 10 element ta' prattika tajba, SEC(2007) 280. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  “L-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa” COM (2007) 799 finali u l-Annessi tiegħu. SEC(2007) 1668.

(15)  Gwida dwar kif tittratta soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku, 10 elementi ta’ prattika tajba, SEC(2007) 280. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(16)  Il-provi Alpha u Beta joriġinaw mill-industrija tas-software.

Il-provi Alpha huma provi simulati jew operazzjonali minn utent potenzjali jew tim indipendenti tat-testjar, is-soltu fis-sit tal-iżviluppatur

Il-provi Beta jiġu wara l-provi Alpha. Il-verżjonijiet tas-software, magħrufa bħala verżjonijiet Beta, jinħarġu għal udjenza limitata ta’ utenti barra mit-tim ta’ programmazzjoni sabiex isiru provi oħra indipendenti li jiżguraw li l-prodott għandu ftit difetti residwi.

(17)  Direttiva tal-Awtoritajiet 2004/18/KE, Artikolu 24, Varjanti.

1.

Fejn il-kriterju tal-għażla huwa dak tal-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jawtorizzaw offerti biex jiġu sottomessi varjanti.

2.

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jindikaw fil-kuntest tan-notifika jekk jawtorizzawx varjanti: il-varjanti ma jistgħux jiġu awtorizzati mingħajr din l-indikazzjoni.

3.

L-awtoritajiet kontraenti li jawtorizzaw il-varjanti għandhom jiddikjaraw fid-dokumenti tal-kuntratt ir-rekwiżiti minimi li jridu jiġu sodisfatti mill-varjanti u kwalunkwe speċifikazzjonijiet partikolari għall-preżentazzjoni tagħhom.

4.

Huma biss il-varjanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti minn dawn l-awtoritajiet kontraenti li jiġu kkunsidrati. Fil-proċeduri għall-għoti ta’ provvista pubblika jew kuntratti ta’ servizzi, l-awtoritajiet kontraenti li jkunu awtorizzaw varjanti ma jistgħux jiċħdu varjant biss fuq il-bażi li jekk ikollu suċċess iwassal għal kuntratt ta’ servizz flok kuntratt pubbliku ta’ servizz jew kuntratt ta’ provvista flok kuntratt pubbliku ta’ provvista.

(18)  Il-Gwida tal-10 Punti: “Gwida dwar kif tittratta soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku, 10 elementi ta’ prattika tajba”, SEC(2007) 280. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(19)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(20)  Direttiva 2007/66/KE (“Rimedji”) Artikolu 2d, Ineffettività (L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin: (a) jekk l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea meta dan ma jkunx permissibbli skont id-Direttiva).


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tneħħija tal-ostakoli għall-investimenti transkonfinali permezz tal-fondi kapitali ta’ riskju

COM(2007) 853 finali

2009/C 100/03

Nhar il-21 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni It-tneħħija tal-ostakoli għall-investimenti transkonfinali permezz tal-fondi kapitali ta’ riskju

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur MORGAN u l-korapporteur kien is-Sur DERRUINE.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’unanimità.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tiġbor flimkien żewġ linji ta’ żvilupp importanti tal-Programm ta’ Liżbona. Linja minnhom tiffoka fuq il-formazzjoni u l-iżvilupp ta’ kumpaniji żgħar u innovattivi. Il-linja l-oħra tirrigwarda l-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-UE bħala mezz ta’ finanzjament għall-iżvilupp tal-impjiegi u tal-produttività. Il-katalizzaturgħall-konverġenza ta’ dawn iż-żewġ politiki huwa l-ħtieġa li tiġi żviluppata industrija pan-Ewropea tal-kapital ta’ riskju (KR).

1.2.   Din il-Komunikazzjoni tirrappreżenta xogħol li għadu għaddej. Se tinħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija tal-KR sabiex jiġu implimentati l-miżuri li jmiss imfissra fil-paragrafu 3.6. Wara li jsir dan ix-xogħol, il-Kummissjoni se terġa’ tirrapporta fl-2009.

1.3.   Id-disponibilità tal-kapital ta’ riskju mhijiex soluzzjoni universali. Il-KR jinteressahom it-transazzjonijiet il-kbar minħabba li t-transazzjonijiet iż-żgħar jistgħu jkunu impenjattivi daqs il-kbar. Konsegwentement, hemm tendenza li jinteressahom iktar li jipprovdu kapital għat-tkabbir ta’ kumpaniji li qegħdin jiżviluppaw milli fil-provvista ta’ kapital tal-bidu għan-negozji li għadhom jibdew. Peress li l-KR jkollhom x’jaqsmu ma’ kapital tal-bidu, kapital għan-negozji li għadhom jibdew u kapital għat-tkabbir, huma element importanti tal-istrateġija ta’ Liżbona u l-KESE jappoġġja din l-inizjattiva mill-Kummissjoni. Huwa importanti li jittejjeb l-aċċess għall-kapital ta’ riskju f’dawk l-Istati Membri fejn dan huwa inqas żviluppat.

1.4.   Huwa essenzjali li l-KR ikunu kapaċi jillikwidaw l-investimenti tagħhom. Sabiex jagħmlu dan, iridu jsibu jew xerrej kummerċjali, jiġifieri kumpanija ikbar, jew inkella jbigħu l-kumpanija lil investituri permezz ta’ kwotazzjoni fil-borża. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn l-UE kollha kemm hi, isib il-problema li m’hemmx biżżejjed domanda għall-investiment f’kumpaniji żgħar u ġodda. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw is-sistema fiskali biex joħolqu l-inċentivi sabiex individwi privati jinvestu fil-kumpaniji ż-żgħar. Imbagħad, dan jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ swieq tal-ishma li fihom l-ishma ta’ kumpaniji żgħar ikunu jistgħu jiġu nnegozjati. Għalissa, l-uniċi swieq bħal dawn fl-UE huma s-Suq tal-Investiment Alternattiv (AIM) f’Londra u l-Entry Standard tad-Deutsche Börse,, għalkemm issa hemm inizjattiva ġdida mill-Euronext.

1.5.   Minħabba li l-AIM jipprovdi t-transizzjoni ideali minn status mhux kwotat għal wieħed kwotat, dan iwassal sabiex l-investiment tal-kapital ta’ riskju f’kumpaniji mhux kwotati jkun attraenti ħafna. L-AIM jipprovdi lill-kumpaniji tal-KR fir-Renju Unit bl-istrateġiji ta’ ħruġ li jkunu jeħtieġu. Xi ħaġa simili għall-AIM fi Stati Membri oħrajn tipprovdi skambju li permezz tiegħu jinġabar il-kapital għall-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ daqs Medju (IŻM) u jinħoloq suq għall-ishma tagħhom. Dan jista’ jkun fattur importanti għall-iżvilupp tal-kapital ta’ riskju fis-swieq tal-UE li s’issa għadhom ma ġewx żviluppati.

1.6.   Għalkemm il-kapital ta’ riskju huwa bilfors iffukat fuq ħruġ fis-suq tal-ishma, m’għandniex nassumu li l-offerta fis-suq tal-kapital hija l-aħjar ħruġ għal kull kumpanija żgħira. Kumpaniji pubbliċi għandhom il-benefiċċju tal-kapital tal-ekwità u l-ishma tagħhom jipprovdu munita għall-akkwist, iżda mbagħad jitilfu ċerta libertà ta’ azzjoni, speċjalment fuq żmien twil, minħabba fl-eżiġenzi tas-suq. Għaldaqstant, il-kapital ta’ riskju ma joffrix mezz raġonevoli ’l quddiem għal kull kumpanija żgħira. Fejn SME li diġà għandha l-appoġġ tal-kapital ta’ riskju mhix adattata għall-offerta inizjali lill-pubbliku (IPO), il-kapital ta’ bdil (replacement capital) jista’ joffri alternattiva.

1.7.   Il-kapital ta’ riskju mhux se jissodisfa d-domanda kollha għall-kapital għan-negozji li għadhom jibdew minħabba li l-kumpaniji tal-KR jinvestu biss b’mod selettiv f’negozji li jkunu jinsabu fi stadju bikri. Sabiex tinstab soluzzjoni għal dan in-nuqqas, il-provvedituri tal-kapital ta’ riskju ffinanzjati b’mod pubbliku jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom iżda dan, imbagħad, xorta waħda jirriżulta f’nuqqas li tkun trid tinstab soluzzjoni għalih mill-familji u mill-ħbieb tal-intraprenditur u mill-business angels. Ir-rekwiżit li tiġi inkoraġġita l-provvista ta’ kapital għan-negozji li għadhom jibdew huwa t-tieni raġuni l-għaliex il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni u l-Istati Membri li jipprovdu inċentivi fiskali għall-investiment privat fin-negozji li għadhom jibdew.

1.8.   Kif hemm imfisser fit-taqsima 2, (Definizzjonijiet), il-kapital ta’ riskju huwa teknikament sett sekondarju ta’ private equity. Il-KESE jisħaq li t-tneħħija tal-ostakoli għall-attivitajiet transkonfinali tal-KR m’għandhiex tiffaċilita, attivitajiet oħra ta’ private equity bħal-leveraged buy-outs mingħajr salvagwardji xierqa.

1.9.   F’opinjoni preċedenti (1), il-KESE diġà stqarr it-tħassib tiegħu dwar it-theddida potenzjali għall-impjieg (li tinkludi l-kwalità tal-impjiegi) minn transazzjonijiet ta’ private equity. Huwa essenzjali li kwalunkwe transazzjoni ta’ dan it-tip issir fi ħdan il-qafas ta’ negozjati li ntlaħaq ftehim dwaru mal-imsieħba soċjali f’kull Stat Membru. B’hekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din l-inizjattiva tal-kapital ta’ riskju, sabiex tiżgura li d-djalogu soċjali jkompli jinxtered u li d-Direttiva dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema tapplika f’dawk il-każijiet. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ għal darb’oħra lill-Kummissjoni biex tressaq proposta biex taġġorna d-Direttiva dwar “id-Drittijiet Miksuba” b’tali mod li jiġu koperti wkoll it-trasferimenti ta’ impriżi li jirriżultaw mit-trasferiment tal-ishma (2).

1.10.   Dan it-tħassib huwa tal-akbar importanza minħabba li l-iktar strateġija komuni ta’ ħruġ hija l-bejgħ tan-negozju lil korporazzjoni oħra, li jirrappreżenta 39 % mill-istrateġiji kollha ta’ ħruġ. It-tieni l-iktar strateġija komuni tal-ħruġ hija l-buy-out sekondarja (24 %). Dawn żdiedu fl-importanza tagħhom matul dan l-aħħar għaxar snin b’mod konsistenti mal-evidenza aneddotali (3).

2.   Definizzjonijiet

2.1.   Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni hija appoġġjata minn Dokument ta’ Ħidma. Id-Dokument jinkludi glossarju estensiv. Dawn li ġejjin huma xi wħud mit-termini ewlenin fil-lingwaġġ tal-Kapital ta’ Riskju.

2.2.   Hemm sitt formati ta’ investiment rikonoxxuti li ġeneralment jintużaw fl-industrija tal-KR:

Il-kapital tal-bidu (seed capital) huwa finanzjament ipprovdut sabiex jiġi studjat, valutat u żviluppat kunċett inizjali.

Il-kapital għan-negozji li għadhom jibdew (start-up capital) jiġi pprovdut lil kumpaniji għall-iżvilupp ta’ prodotti u għall-marketing inizjali.

Il-kapital għat-tkabbir (expansion capital) jipprovdi l-finanzjament għall-iżvilupp ta’ kumpanija.

Il-kapital ta’ bdil (replacement capital) jinvolvi x-xiri ta’ ishma f’kumpanija eżistenti minn investitur ta’ private equity jew azzjonist ieħor.

Buy-out jinvolvi x-xiri tal-kumpanija kollha jew parti minnha mill-azzjonisti eżistenti. F’dal każ jista’ jkun li kumpanija tittieħed minn status kwotat għal wieħed mhux kwotat, jiġifieri ssir privata. F’management buy-out il-maniġers attwali jkunu x-xerrejja, is-soltu bl-appoġġ ta’ private equity jew kapital ta’ riskju.

2.3.   Il-Kapital ta’ Riskju (venture capital) jiddeskrivi investiment f’kumpaniji mhux kwotati (jiġifieri kumpaniji mhux reġistrati fil-borża) minn kumpaniji tal-kapital ta’ riskju li, filwaqt li jaġixxu bħala prinċipal, jimmaniġġjaw fondi individwali, istituzzjonali jew interni. L-istadji ewlenin tal-finanzjament huma l-istadju bikri (li jkopri l-kapital tal-bidu u l-kapital għan-negozji li għadhom jibdew) u t-tkabbir. Għaldaqstant, il-kapital ta’ riskju huwa magħmul minn ishma professjonali ko-investiti mal-intraprenditur sabiex jiġi ffinanzjat l-istadju bikri jew għall-fini ta’ tkabbir ta’ impriża. L-istennija ta’ dħul ogħla mill-medja mill-investiment tikkumpensa għar-riskju għoli li jieħu l-investitur.

2.4.   Definit b’mod strett, il-kapital ta’ riskju huwa sett sekondarju tal-Private Equity. Il-kumpaniji tal-private equity jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet tal-kapital ta’ riskjuż iżda l-ambitu tagħhom imur lil hinn mis-sett sekondarju li jinkludi l-provvista tal-kapital ta’ bdil u l-finanzjament tal-buy-outs. Il-KESE huwa mħasseb dwar l-impatt soċjali potenzjali ta’ dawn l-attivitajiet ta’ private equity.

2.5.   Business angels huma individwi sinjuri li b’mod privat jinvestu direttament f’negozji ġodda li ma jkunux kwotati jew li qegħdin jikbru. Il-kapital tagħhom jista’ jikkomplementa l-industrija tal-kapital ta’ riskju billi jipprovdi finanzjament fl-istadju bikri.

2.6.   Investituri istituzzjonali huma istituzzjonijiet finanzjarji bħal kumpaniji tal-assigurazzjoni, fondi tal-pensjonijiet, banek u kumpaniji tal-investiment li jiġbru flus imfaddla (normalment) minn investituri privati u mbagħad jinvestuhom fis-swieq finanzjarji. Dawn ikollhom assi sostanzjali u huma investituri ta’ esperjenza.

2.7.   Pjazzament privat (private placement) huwa metodu ta’ bejgħ għal investimenti finanzjarji li jippermetti lix-xerrej jew lill-bejjiegħ li jikkonkludi transazzjoni soġġetta għal eżenzjoni minn ħafna mir-rekwiżiti statutarji, jew minn kollha kemm huma, li japplikaw f’każ ta’ offerta pubblika ta’ ishma. Sistemi ta’ pjazzament privat b’mod ġenerali jispeċifikaw il-kriterji għall-entitajiet li huma eliġibbli li jikkonkludu transazzjonijiet taħt dawn il-kundizzjonijiet. Din is-sistema tipikament tapplika għall-investimenti li jsiru minn investituri istituzzjonali (li, fihom infushom, huma infurmati sew) f’fondi mmaniġġjati minn kumpaniji tal-kapital ta’ riskju.

2.8.   Ir-regola tal-persuna prudenti (prudent person rule) tippermetti li l-fondi tal-pensjonijiet jinkludu fondi ta’ investiment privat/tal-kapital ta’ riskju fil-portafoll tagħhom tal-investimenti, filwaqt li jirrispettaw il-profil ta’ riskju tal-klijenti tagħhom. Fi kliem ieħor, il-maniġer tal-pensjonijiet huwa obbligat li jinvesti għall-klijenti tiegħu daqs li kieku qiegħed jinvesti għalih innifsu. Dan jinvolvi diversifikazzjoni bil-għaqal tal-portafolli fejn jidħol il-kapital ta’ riskju.

3.   Informazzjoni essenzjali tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni

3.1.   Skont data tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kapital ta’ Riskju u l-Private Equity (EVCA), il-kapital ta’ riskju jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi. Bejn l-2000 u l-2004, il-kumpaniji fl-UE li rċevew private equity u kapital ta’ riskju ħolqu miljun impjieg ġdid. ’Il fuq minn 60 % ta’ dawn l-impjiegi nħolqu minn kumpaniji appoġġjati mill-kapital ta’ riskju u l-impjiegi f’dawn il-kumpaniji żdiedu bi 30 % fis-sena. Barra minn hekk, kumpaniji innovattivi u orjentati lejn l-iżvilupp li jkunu appoġġjati mill-kapital ta’ riskju jonfqu medja ta’ 45 % mill-ispejjeż totali tagħhom fir-Riċerka u l-Iżvilupp. (Il-KESE jinsab imħasseb li l-Kummissjoni ma setatx issib sorsi indipendenti tad-data sabiex tivverifika din l-analiżi. Nikkummentaw fuq dan iktar fid-dettall fil-punti 4.10 u 4.11 hawn taħt).

3.2.   Il-potenzjal tas-swieq tal-kapital ta’ riskju tal-UE mhux qiegħed jiġi sfruttat għalkollox u s-swieq ma jipprovdux biżżejjed kapital għall-IŻM innovattivi fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tagħhom. In-nuqqas ta’ kultura ta’ investiment fl-ishma, problemi ta’ informazzjoni, suq frammentat, spejjeż għoljin, sinerġiji li ma jiġux sfruttati bejn il-kumpaniji u d-dinja akkademika huma xi wħud mir-raġunijiet ewlenin għal dan in-nuqqas tas-suq. Id-diverġenzi bejn il-politiki nazzjonali jwasslu għal frammentazzjoni sinifikanti tas-swieq li taffettwa ħażin kemm il-ġbir ta’ fondi kif ukoll l-investiment fl-UE.

3.3.   Filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu b’xi mod jew ieħor jappoġġjaw il-finanzjament tal-innovazzjoni, l-iskala tal-isfida globali tfisser li huwa biss l-investiment miżjud minn investituri privati li jista’ jipprovdi soluzzjoni fuq il-perijodu fit-tul. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jaġixxu sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-kapital ta’ riskju u waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tinvolvi t-tneħħija ta’ ostakoli mhux ġustifikati għall-operazzjonijiet transkonfinali.

3.4.   L-istrateġija għat-titjib tal-kundizzjonijiet transkonfinali tinvolvi moviment ħieles tal-kapital, kundizzjonijiet imtejba għall-ġbir ta’ fondi, titjib tal-qafas regolatorju, tnaqqis ta’ diskrepanzi fit-taxxa u li jsir progress rikonoxxut b’mod reċiproku.

3.5.   Il-glossarju u r-rapport tal-grupp ta’ esperti li jakkumpanjaw il-Komunikazzjoni jinkludu analiżi tal-problemi u soluzzjonijiet possibbli (ara t-Tabella I).

Tabella I

Problema

Soluzzjoni possibbli

Ġbir u tqassim ta’ fondi (bejn investituri u fondi tal-KR)

Standards nazzjonali differenti sabiex ikunu determinati investituri kwalifikati fil-private equity – KR (investituri istituzzjonali kontra dawk privati)

Definizzjoni komuni tal-UE għal investitur kwalifikat (għal investituri istituzzjonali u dawk privati)

Sistemi nazzjonali differenti dwar fejn jistgħu jinvestu investituri istituzzjonali (restrizzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż)

L-użu tar-regola tal-persuna prudenti (implimentazzjoni tar-regola tal-persuna prudenti kif definit fid-Direttiva 2003/41/KE dwar il-fondi tal-pensjonijiet)

Diffikultajiet fil-marketing ta’ fondi ta’ investiment privat u tal-KR fi Stati Membri differenti minħabba approċċi nazzjonali differenti għal pjazzament privat/eżenzjonijiet minn regoli ta’ offerti pubbliċi

Approċċ komuni tal-UE għall-“pjazzamenti privati”

Newtralità tat-taxxa (bejn fondi tal-KR u l-pajjiż tal-investiment)

Strutturi ta’ fondi kumplessi li jiddependu mill-pajjiżi ta’ residenza tal-investituri u mill-pajjiżi tal-kumpaniji li jsir investiment fihom (bil-għan li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja)

It-tassazzjoni tad-dħul kapitali fil-pajjiż ta’ residenza tal-investituri; trattament ugwali tal-investituri diretti u l-investituri tal-Private Equity; trattament ugwali tal-investituri diretti u l-investituri tal-Private Equity;

Regoli u rekwiżiti differenti sabiex fondi ta’ investiment privat jibbenefikaw mit-trattati fiskali

Trasparenza fiskali : lista ta’ strutturi ta’ fondi ta’ investiment privat b’rikonoxximent reċiproku (jew kriterji komuni għall-Istati Membri sabiex jiddeterminaw it-trasparenza fiskali);

Newtralità fiskali : Fondi ta’ Private Equity li jkunu stabbiliti bħala kumpaniji b’responsabbiltà limitata (mhux trasparenti) għandhom jibbenefikaw minn trattati ta’ tassazzjoni doppja; rekwiżiti komuni għall-benefiċċju minn dawn it-trattati.

Standards professjonali (għall-fondi tal-KR)

Regoli lokali differenti għal valutazzjoni u rapportar (spejjeż miżjuda u nuqqas ta’ tqabbil)

Inkoraġġiment tal-użu ta’ standards professjonali imposti mill-industrija stess (jiġifieri dawk tal-EVCA)

Problemi fl-applikazzjoni tal-IFRS (standards internazzjonali għar-rapportar finanzjarju) għall-fondi ta’ EP: b’mod partikulari r-rekwiżit għall-konsolidazzjoni.

 

Stabbiliment permanenti (għall-imsieħeb ġenerali jew għall-maniġer tal-fondi)

Riskju tal-imsieħeb ġenerali (kumpanija tal-ġestjoni tal-KR) li jkollu stabbiliment permanenti fil-pajjiż tal-kumpaniji li jsir investiment fihom (li jirriżulta f’konsegwenzi ħżiena tat-taxxa)

Rikonoxximent reċiproku tal-kumpaniji ta’ ġestjoni; jew passaport għall-kumpaniji ta’ ġestjoni;

fuq il-perijodu fit-tul, “passaport” għal kumpanija ta’ ġestjoni

3.6.   Bħala tweġiba għal dawn, il-Kummissjoni ressqet il-passi li jmiss u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

3.6.1.   Sabiex ittejjeb il-ġbir tal-fondi u l-investiment transkonfinali, il-Kummissjoni se:

(a)

tanalizza l-approċċi u l-ostakoli nazzjonali għall-pjazzament privat transkonfinali toħroġ rapport dwar il-possibbiltajiet għat-twaqqif ta’ sistema Ewropea għall-pjazzament privat fl-ewwel nofs tal-2008 (li issa għandu dewmien sat-tielet kwart tal-2008);

(b)

tidentifika, flimkien ma’ esperti mill-Istati Membri, każijiet ta’ tassazzjoni doppja u ostakoli diretti oħrajn tat-taxxa għal investimenti transkonfinali tal-kapital ta’ riskju; il-grupp ta’ esperti se jirrapporta sa tmiem l-2008;

(c)

tanalizza, billi tibbaża ruħha fuq dawn ir-rapporti, il-possibbiltajiet ta’ definizzjoni ta’ karatteristiċi komuni sabiex toqrob lejn qafas għall-kapital ta’ riskju fl-UE kollha;

(d)

tistudja modi possibbli sabiex tgħin lill-Istati Membri fil-proċess ta’ rikonoxximent reċiproku.

3.6.2.   Sabiex tnaqqas il-frammentazzjoni tas-swieq u ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-ġbir ta’ fondi u l-investiment b’rabta mal-kapital ta’ riskju, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex:

(a)

jestendu, fejn dan għadu mhuwiex il-każ, ir-“regola tal-persuna prudenti” għal tipi oħrajn ta’ investituri istituzzjonali, inklużi fondi ta’ pensjonijiet;

(b)

joħolqu ftehim komuni tal-karatteristiċi ta’ fondi tal-kapital ta’ riskju u ta’ investituri kwalifikati u jqisu r-rikonoxximent reċiproku tal-oqfsa nazzjonali;

(c)

jegħlbu l-ostakoli regolatorji u fiskali billi janalizzaw mill-ġdid il-leġiżlazzjoni eżistenti jew billi jadottaw liġijiet ġodda;

(d)

jippermettu l-kooperazzjoni u livelli aċċettabbli b’mod reċiproku ta’ sorveljanza u trasparenza;

(e)

iħeġġu l-iżvilupp ta’ clusters kompetittivi (simili għall-parkijiet tax-xjenza);

(f)

jippromovu swieq likwidi ta’ ħruġ (liquid exit markets).

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Osservaturi esterni tal-industrija tal-kapital ta’ riskju għandhom it-tendenza li jiffukaw fuq il-KR bħala fornituri ta’ kapital tal-investiment filwaqt li l-KR infushom huma interessati li jiġbru l-fondi daqs kemm huma interessati li jinvestuhom. Konsegwentement, l-integrazzjoni tal-finanzjament tal-kapital ta’ riskju fl-UE għandha tiffaċilita kemm l-investimenti fil-fondi tal-KR kif ukoll il-flus żburżati minnhom.

4.2.   Minħabba li l-industrija tal-kapital ta’ riskju tiddependi mid-dħul tajjeb għall-investituri tagħha, il-modus operandi huwa l-ġbir ta’ fond, l-investiment tal-fond u mbagħad fiż-żmien opportun issir likwidazzjoni tal-investimenti tal-fond sabiex jitwassal id-dħul mistenni lill-investituri tal-fond. Iċ-ċiklu ta’ kull fond tipikament ikun ta’ seba’ snin.

4.3.   Huwa essenzjali li l-KR jkunu kapaċi jillikwidaw l-investimenti tagħhom. Sabiex jagħmlu dan, iridu jsibu jew xerrej kummerċjali, jiġifieri kumpanija ikbar, jew inkella jbigħu l-kumpanija lil xi investituri permezz ta’ kwotazzjoni fil-borża. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn l-UE kollha kemm hi, teżisti l-problema li m’hemmx biżżejjed domanda għall-investiment f’kumpaniji żgħar u ġodda. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw is-sistema fiskali biex joħolqu l-inċentivi sabiex l-individwi privati jinvestu fil-kumpaniji ż-żgħar. Imbagħad, dan jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ swieq tal-ishma li fihom l-ishma ta’ kumpaniji żgħar ikunu jistgħu jiġu nnegozjati. Għalissa, l-uniċi swieq bħal dawn fl-UE huma s-Suq tal-Investiment Alternattiv f’Londra u l-Entry Standard tal- Deutsche Börse, għalkemm issa hemm inizjattiva mill-Euronext.

4.4.   Id-disponibilità tal-kapital ta’ riskju mhijiex soluzzjoni universali. Il-KR jinteressahom it-transazzjonijiet il-kbar minħabba li it-transazzjonijiet iż-żgħar jistgħu jkunu impenjrattivi daqs il-kbar. Konsegwentement, hemm tendenza li jinteressahom iktar li jipprovdu kapital għat-tkabbir ta’ kumpaniji li qegħdin jiżviluppaw milli li jipprovdu kapital tal-bidu għan-negozji li għadhom jibdew. Eżempju ta’ dan huwa 3I, il-kumpanija tal-kapital ta’ riskju fir-Renju Unit li ilha li ġiet stabbilita. Fi tmiem Marzu 2008 din ħabbret li kienet qed tirtira ruħha minn investimenti fi stadji bikrin – is-settur bl-agħar prestazzjoni mill-kollass tad-“dotcom bubble” fl-2000. L-esponiment tagħha għall-assi tal-kapital ta’ riskju kien diġà naqas b’mod sinifikanti, filwaqt li investimenti f’negozji li għadhom jibdew kienu jirrappreżentaw biss għaxra fil-mija tal-portafoll tagħha – tnaqqis bin-nofs mill-2000. 3I iddikjarat li kien hemm iktar valur f’finanzjament fi stadju iktar tard u li l-grupp se jiffoka fuq buy-outs, kapital għat-tkabbir u infrastruttura.

4.5.   Il-kapital ta’ riskju mhux se jissodisfa d-domanda kollha għal kapital għan-negozji li għadhom jibdew minħabba li kumpaniji tal-KR jinvestu biss b’mod selettiv f’negozji li jkunu jinsabu fi stadju bikri. Sabiex tinstab soluzzjoni għal dan in-nuqqas, fornituri tal-kapital ta’ riskju ffinanzjati b’mod pubbliku jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom iżda dan, imbagħad, xorta waħda jirriżulta f’nuqqas li tkun trid tinstab soluzzjoni għalih mill-familji u mill-ħbieb tal-intraprenditur u minn business angels. Ir-rekwiżit li titħeġġeġ il-provvista ta’ kapital għal negozji li għadhom jibdew huwa t-tieni raġuni l-għaliex il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jipprovdu inċentivi tat-taxxa għal investiment privat f’negozji li għadhom jibdew bħal dawk provduti mill-Enterprise Investment Scheme. F’din l-iskema, il-kapital investit jiġbed il-ħelsien mit-taxxa fuq id-dħul filwaqt li d-dħul mill-kapital huwa eżentat mit-taxxa. Dawn l-inċentivi fiskali jirrendu l-proporzjon tar-riskju u tal-kumpens b’mod pjuttost favorevoli għall-individwi privati li jinvestu f’kumpaniji li jkunu għadhom fi stadju bikri.

4.6.   Fl-iskema tar-Renju Unit, inċentivi simili japplikaw għal investimenti minn individwi privati f’fondi ta’ investiment kollettiv li jirriskjaw f’kumpaniji żgħar u ġodda kwotati fis-suq tal-AIM. Dawn il-fondi huma magħrufin bħala Trusts tal-Kapital ta’ Riskju. L-investimenti jattiraw il-ħelsien mit-taxxa fuq id-dħul u l-kapital investit huwa eżentat kemm mit-taxxa fuq il-qligħ kapitali kif ukoll mit-taxxa fuq il-wirt.

4.7.   Inċentivi simili japplikaw għall-individwi privati li jagħmlu investimenti diretti fi kwalunkwe kumpanija kkwotata fis-suq tal-AIM. L-eżistenza tas-suq tal-AIM u l-ħelsien mit-taxxa assoċjat miegħu taw spinta sinifikanti għall-formazzjoni ta’ kumpaniji fir-Renju Unit.

4.8.   L-AIM jispeċjalizza f’offerti pubbliċi inizjali (IPOs) ta’ ishma f’kumpaniji żgħar u ġodda. Dan irendi l-investiment tal-kapital ta’ riskju f’kumpaniji mhux kwotati attraenti ħafna fir-Renju Unit minħabba li, permezz ta’ tali IPOs, l-AIM jipprovdi lill-kumpaniji tal-KR bl-istrateġiji ta’ ħruġ li jeħtieġu. L-iżvilupp ta’ faċilitajiet bħall-AIM fi Stati Membri oħrajn, li jagħtu servizz lil swieq jew ta’ pajjiż wieħed jew ta’ bosta pajjiżi, jipprovdi skambji li permezz tagħhom jinġabar kapital għall-IŻM u jinħoloq suq għall-ishma tagħhom. Dan jista’ jkun fattur importanti għall-iżvilupp tal-Kapital ta’ Riskju fis-swieq tal-UE li s’issa għadhom ma ġewx żviluppati.

4.9.   Il-KESE huwa konxju ħafna li hemm bżonn li tinħoloq domanda għall-kapital ta’ riskju sabiex l-industrija tal-KR jkollha l-opportunità li tirnexxi. Dan min-naħa l-oħra jfisser li, għandu jkun hemm żieda fil-formazzjoni ta’ kumpaniji fl-UE kollha, flimkien ma’ żieda proporzjonata fl-intrapriżi u fl-innovazzjoni. Il-KESE qiegħed sempliċement jirreġistra dan it-tħassib. Din l-opinjoni m’għandhiex l-għan li tiddiskuti aspetti ta’ intrapriżi u innovazzjoni ħlief sabiex tirrepeti l-punt li jekk ikunu disponibbli inċentivi fiskali, ikun hemm żieda f’daqqa fil-formazzjoni ta’ kumpaniji żgħar.

4.10.   Filwaqt li l-KESE jappoġġja l-proposti sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet transkonfinali tal-KR, jiddispjaċih li m’hemm l-ebda data affidabbli u imparzjali disponibbli bħala bażi għall-valutazzjoni tiegħu. Fil-fatt, studji indipendenti jissuġġerixxu kawtela f’dan il-kuntest minħabba li wieħed għandu jżomm f’moħħu n-nuqqas ta’ distinzjoni ċara bejn il-bidliet li jseħħu fl-impjiegi tal-kumpaniji appoġġjati mill-kapital ta’ riskju u f’kumpaniji appoġġjati minn forom oħra ta’ private equity (4).

4.11.   F’opinjoni preċedenti (5), il-KESE diġà stqarr it-tħassib tiegħu dwar it-theddida potenzjali għall-impjieg (li tinkludi l-kwalità tal-impjiegi) minn transazzjonijiet ta’ private equity. Kumpaniji appoġġjati mill-private equity joħolqu madwar 10 % inqas f’termini ta’ impjiegi minn kumpaniji simili malli jsir il-buy-out (5 snin) (6).Barra min hekk, hemm bżonn li kwalunkew transazzjoni ta’ din it-tip issir fil-qafas tan-negozjazzjoni li jkun sar qbil dwaru mal-imsieħba soċjali f’kull Stat Membru. Konsegwentement, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din l-inizjattiva tal-kapital ta’ riskju, sabiex tiżgura li d-djalogu soċjali jkompli jinxtered fl-użu u li d-Direttiva dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema tapplika f’dawk il-każijiet. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ għal darb’oħra lill-Kummissjoni biex tressaq proposta biex taġġorna d-Direttiva dwar “id-Drittijiet Miksuba” b’tali mod li jiġu koperti wkoll it-trasferimenti ta’ impriżi li jirriżultaw mit-trasferiment tal-ishma (7).

5.   Kummenti speċifiċi dwar il-proposti tal-Kummissjoni

5.1.   Huwa importanti li jiġu żviluppati l-għodod statistiċi li jippermettu li tinħoloq stampa iktar ċara tal-industrija tal-hedge funds u tal-private equity kif ukoll tal-indikaturi relatati mal-gvernanza korporattiva, li huma soġġetti għall-armonizzazzjoni, talinqas fil-livell Ewropew (8).

Proposti tal-Kummissjoni għat-titjib tal-ġbir tal-fondi u tal-investiment transkonfinali.

5.2.   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta’ sistema Ewropea għall-Pjazzament Privat. Huwa rekwiżit fundamentali tal-kapital ta’ riskju transkonfinali.

5.3.   L-ostakolu tat-tassazzjoni doppja jrid jitneħħa. Inkella, il-kapital ta’ riskju transkonfinali ma jirrendix biżżejjed profitt sabiex il-kumpaniji tal-KR jinvolvu ruħhom. Il-KESE jistenna b’interess ir-rapport mill-grupp ta’ ħidma mwaqqaf mill-Kummissjoni sabiex jikkunsidra l-kwistjonijiet fiskali.

5.4.   Il-kunċett ta’ qafas għall-kapital ta’ riskju fl-Ewropa kollha huwa attraenti jekk jirriżulta fil-fatt li l-Istati Membri jaċċettaw kumpaniji tal-KR regolati minn Stati oħrajn. Dan se jgħin fil-ksib tar-rikonoxximent reċiproku u tal-iffaċilitar ta’ attivitajiet transkonfinali minn KR mingħajr burokrazija eċċessiva. Madankollu, filwaqt li jfakkar fl-importanza li l-politika fiskali tiġi kkoordinata iktar mill-qrib, il-Kumitat iqis neċessarju li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jikkonċernaw it-tassazzjoni tal-maniġers tal-fondi sabiex ikunu evitati d-dumping fiskali u l-ineffiċjenza ekonomika.

Proposti għal azzjonijiet mill-Istati Membri sabiex inaqqsu l-frammentazzjoni tas-suq u jtejbu l-kundizzjonijiet għall-ġbir u l-investiment ta’ fondi tal-kapital ta’ riskju

5.5.   L-estensjoni tar-regola tal-Persuna Prudenti hija rekwiżit fundamentali għall-ġbir ta’ fondi minħabba li l-istituzzjonijiet ta’ investiment huma s-sors primarju tal-fondi. Huwa importanti li l-Istati Membri joħolqu oqfsa regolatorji li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni prudenti fil-fondi ta’ kapital riskjuż minn istituzzjonijiet ta’ investiment, speċjalment il-fondi tal-pensjonijiet.

5.6.   Hemm bżonn ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri b’rabta max-xogħol li jirrigwarda r-regolamentazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku sabiex ikun jista’ jsir progress f’dak li għandu x’jaqsam mal-inizjattivi tal-Kummissjoni.

5.7.   L-idea ta’ clusters kompetittivi hija relatata ma’ politiki li jappoġġjaw l-intrapriżi u l-innovazzjoni. L-idea hija li l-clusters ta’ kumpaniji innovattivi jinbtu mill-universitajiet u jitpoġġew fiżikament ħdejhom. Dawn l-iżviluppi huma attraenti ħafna għall-KR.

5.8.   Il-kwistjonijiet relatati mas-swieq likwidi ta’ ħruġ ġew diskussi fit-taqsima 4 hawn fuq.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 10, 15.1.2008, p. 96.

(2)  Direttiva 2001/23/KE tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji – ĠU L 82, 22.3.2001, pp. 16-20. Mhux disponibbli bil-Malti.

(3)  Globalisation of Alternative Investment: the global economic impact of private equity (p.viii), studju pubblikat mill-World Economic Forum, 2008.

(4)  WEF, p. 43.

(5)  ĠU C 10, 15.1.2008, p. 96.

(6)  WEF, p. 54.

(7)  Direttiva 2001/23/KE tal-Kunsill tat-12.3.2001 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji. Mhux disponibbli bil-Malti. ĠU L 82, 22.3.2001, pp. 16-20.

(8)  ĠU C 10, 15.1.2008, p. 96.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti

2009/C 100/04

Nhar is- 17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur IOZIA.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-23 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’unanimità.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jiddispjaċih li l-inizjattivi meħuda sal-lum għall-prevenzjoni tal-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti, u l-ġlieda kontrihom, ma kinux biżżejjed biex iwaqqfu t-tixrid ta’ dan il-fenomenu. Kif diġà ġie enfasizzat mill-Kummissjoni fil-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-2004-2007, minkejja li l-qafas legali Komunitarju ġie msaħħaħ, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi u privati għadu ma ġiex żviluppat bis-sħiħ, l-istess bħall-kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri.

1.2   L-ostaklu ewlieni għal implimentazzjoni effettiva tas-sistema ta’ prevenzjoni mill-frodi ġie identifikat mill-Kummissjoni bħala d-diffikultà fl-iskambju ta’ data fl-UE kemm dwar dawk li jwettqu l-frodi kif ukoll dawk li huma meqjusa fir-riskju. Sabiex tiġi żgurata azzjoni preventiva effettiva, jidher li huwa neċessarju li jiżdiedu l-mezzi ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar dawk li jwettqu l-fordi, billi jissaħħu t-tipi ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

1.3   Ostaklu ieħor għat-twaqqif effettiv tal-frodi jinsab fin-nuqqas ta’ konsistenza tal-leġiżlazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward is-setgħat ta’ inkjesta, kif ukoll il-livelli varji ta’ skoraġġiment. Għaldaqstant, l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tidher li hija l-aħjar mod kif jitwaqqaf b’mod effettiv dan it-tip ta’ kriminalità li huwa tipikament transnazzjonali.

1.4   Għalhekk, l-UE għandha ssaħħaħ l-istrateġija tagħha biex tiġġieled il-frodi u l-iffalsifikar ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti billi topera firxa ta’ miżuri. Għal dan il-għan jenħtieġ li:

jitħeġġeġ l-iskambju ta’ tagħrif bejn entitajiet pubbliċi u privati;

tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri;

tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-perspettiva tal-prevenzjoni b’enfasi partikulari fuq id-dispożizzjonijiet għall-ħarsien tad-data fl-UE sabiex ikun possibbli l-iskambju transkonfinali ta’ data u titwaqqaf il-frodi;

jiġi żgurat li kull awtorità nazzjonali kompetenti tistabbilixxi bażi ta’ data diġitali li jkun fiha t-tagħrif li jista’ jindika l-livell ta’ riskju ta’ frodi;

l-Europol jingħata r-rwol li jimmonitorja l-isforzi favur il-prevenzjoni u kontra l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, u li jikkoordina l-bażi ta’ data disponibbli;

jinbdew kampanji informattivi mmirati li jinvolvu l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, bil-għan li l-utenti jiġu avżati dwar ir-riskji potenzjali involuti fl-użu ta’ strumenti għal pagamenti mhux bi flus kontanti, u b’hekk jinħoloq pubbliku informat li jista’ jgħin biex il-ġlieda kontra l-frodi tkun iktar effikaċji u f’waqtha.

2.   Iż-żieda fil-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u fil-frodi relatata

2.1   Karatteristika waħda tal-ekonomija globali attwali hija ż-żieda notevoli fil-mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti, bħal karti tal-kreditu u tad-debitu u pagamenti onlajn. It-tranżazzjonijiet li saru permezz ta’ strumenti ta’ pagament elettroniċi jammontaw għal proporzjon dejjem jikber tal-volum u l-valur ta’ pagamenti domestiċi u transkonfinali u din it-tendenza hija mistennija tkompli tikber hekk kif is-swieq u teknoloġiji ta’ pagament elettroniku jkomplu jiżviluppaw.

2.2   Il-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ mezzi alternattivi ta’ pagament minflok il-flus kontanti fl-Unjoni Ewropea hija relatata mal-liberalizzazzjoni tal-movimenti tal-kapital u l-implimentazzjoni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-ekonomija moderna bbażata fuq it-teknoloġija ma tistax tgħaddi mingħajr sistema effettiva ta’ pagament, minħabba li tali sistema tagħti spinta diretta lill-kompetittività tas-settur finanzjarju u b’hekk ittejjeb l-effiċjenza ekonomika ġenerali. Tassew, huwa fatt ikkonfermat li s-sistemi ta’ pagament elettroniċi jistimulaw l-infiq tal-konsumatur u t-tkabbir ekonomiku, minħabba li jiffaċilitaw ix-xiri ta’ prodotti u servizzi. Huwa stmat li kull sena fl-Unjoni Ewropea jitwettqu 231 biljun tranżazzjoni (bi flus kontanti u mhux bi flus kontanti), li jammontaw għal total ta’ EUR 52 000 biljun.

2.2.1   Fis-snin riċenti, madwar id-dinja kien hemm livelli dejjem jiżdiedu ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti. B’mod speċifiku, fl-2004 l-għadd ta’ tranżazzjonijiet mhux bi flus kontanti per capita ammonta għal 142 (li jinkludu 32.3 li jużaw karti ta’ pagament) fl-UE-25, 150 (28.3 bil-karti ta’ pagament) fl-Istati Membri taż-żona ewro u 298 (47.5 bil-karti ta’ pagament) fl-Istati Uniti tal-Amerka. Fl-2006, l-għadd ekwivalenti kien ta’ 158 (li jinkludu 55.2 li jużaw karti ta’ pagament) fl-UE-25, 166 (50.5 bil-karti ta’ pagament) fl-Istati Membri taż-żona ewro u 300 (145.1 bil-karti ta’ pagament) fl-Istati Uniti tal-Amerka. Fi ħdan l-UE, il-pajjiżi li rreġistraw l-ogħla għadd ta’ tranżazzjonijiet mhux bi flus kontanti per capita fl-2006 kienu l-Finlandja, b’294 tranżazzjoni, li jinkludu 153.9 permezz ta’ karti ta’ pagament, segwita mill-Olanda b’257 tranżazzjoni, li jinkludu 103.2 permezz ta’ karti ta’ pagament u r-Renju Unit b’239, li jinkludu 111.4 bil-karta (1).

2.2.2   Fl-2006 nstab li Spanja kellha l-akbar għadd ta’ terminali POS li jammontaw għal 1 291 000 terminal; għal kull terminal irreġistrat 1 276 tranżazzjoni għal ammont medju ta’ EUR 52. Kienet segwita minn Franza, b’ 1 142 000 terminal, 4 938 tranżazzjoni għal kull terminal, b’medja ta’ EUR 51 kull waħda, u l-Italja b’1 117 000 terminal, 690 tranżazzjoni għal kull terminal, b’medja ta’ EUR 93 kull waħda. Il-pajjiż tal-UE bl-akbar għadd ta’ tranżazzjonijiet għal kull terminal kien il-Finlandja, b’7 799 tranżazzjoni, b’medja ta’ EUR 35 kull waħda, għalkemm għandha 105 000 terminal. Min-naħa l-oħra, l-Irlanda kienet il-pajjiż bl-akbar ammont medju ta’ tranżazzjonijiet individwali bil-karti ta’ kreditu u debitu (EUR 94), għalkemm dan sar bi 53 000 terminal POS (2).

2.2.3   Qafas legali armonizzat fl-UE kollha se jippermetti lill-fornituri tas-servizz biex jirrazzjonalizzaw l-infrastrutturi u s-servizzi ta’ pagament, u lill-utenti li jgawdu minn żieda fl-għażla u minn livell għoli ta’ ħarsien.

2.3   Sabiex ikun possibbli li dawn il-mezzi ta’ pagament jintużaw fi kwalunkwe parti tad-dinja, iridu jkunu effiċjenti, faċli biex jintużaw, aċċettati kullimkien, ta’ min wieħed joqgħod fuqhom u disponibbli bi spiża relattivament baxxa. Ladarba l-effiċjenza tiddependi fuq is-sigurtà, jeħtieġ jiġi żgurat l-ogħla livell ekonomikament vijabbli ta’ sigurtà teknika, filwaqt li għandhom jitkejlu t-titjibiet fil-livelli tas-sigurtà billi tiġi mmonitorjata l-istatistika dwar il-frodi u billi jitwaqqfu standards speċifiċi ta’ sigurtà.

2.3.1   Frodi fuq firxa wiesgħa li dejjem tikber tista’ tnaqqas il-kunfidenza tal-konsumaturi f’dawn is-sistemi ta’ pagament u hija meqjusa bħala wieħed mill-akbar ostakli biex jiġi estiż il-kummerċ elettroniku. Konsegwenza addizzjonali hija l-ħsara li ssir b’rabta mar-reputazzjoni tan-negozjant u mal-opinjoni tal-konsumaturi dwar il-livell ta’ sigurtà ta’ tali sistemi.

2.4   Il-frodi transnazzjonali hija aktar frekwenti minn dik fi ħdan pajjiżi individwali, b’mod partikolari fejn hija marbuta ma’ tranżazzjonijiet ta’ pagament imbiegħda, l-iktar permezz tal-Internet. Skont id-data tal-Kummissjoni (3), il-frodi bil-karti ta’ pagament għas-sena 2000 ammontat għal EUR 600 miljun, jew madwar 0,07 % mid-dħul għal dik is-sena fis-settur tal-karti ta’ pagament, b’żieda akbar irrappurtata f’pagamenti mbiegħda (bit-telefown, bil-posta jew bl-Internet). Studji aktar reċenti wrew li fl-UE, fl-2006 kien hemm 500 000 negozju involuti fi frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, b’rabta ma’ 10 miljun tranżazzjoni falza, fattur li wassal għal telf ta’ madwar EUR 1 biljun – kważi d-doppju taċ-ċifra tal-2005. Il-pajjiżi l-aktar affettwati minn din il-frodi nstabu li huma r-Renju Unit, Franza, l-Italja, Spanja u l-Ġermanja.

2.5   Peress li din il-frodi hija problema transkonfinali li dejjem tikber, hija meħtieġa strateġija pan-Ewropea, koerenti u ta’ prevenzjoni; filwaqt li l-miżuri individwali meħuda mill-Istati Membri jistgħu jkunu effettivi, dawn mhumiex biżżejjed biex tiġi affrontata t-theddida imposta mill-frodi ta’ pagamenti.

2.6   Bil-għan li jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-suq u titqawwa l-kunfidenza fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, hemm ukoll il-bżonn li jissaħħu l-isforzi sabiex tinħoloq firma elettronika sikura fil-kuntest tal-inizjattivi li ġew mnedija taħt id-Direttiva 99/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999. Il-firma elettronika hija kruċjali wkoll biex il-proġett tal-Gvern Elettroniku (e-government) jaqbad il-momentum. Il-proġett STORK, konfinanzjat mill-UE, qed ifittex biex isolvi problemi relatati mal-interoperabilità tas-sistemi.

2.7   Il-Kummissjoni enfasizzat li l-frodi bl-użu ta’ strumenti misruqa jew falsifikati għal pagamenti mhux bi flus kontanti ssir primarjament minn organizzazzjonijiet kriminali, li ta’ spiss ikollhom struttura kumplessa f’termini ta’ personal, tagħmir u appoġġ loġistiku u joperaw fuq bażi transkonfinali. Dawn l-organizzazzjonijiet jużaw tekniki sofistikati biex iwettqu frodi ta’ pagamenti fuq l-Internet u biex jiffalsifikaw karti ta’ pagament. Huma kapaċi jbidlu malajr il-mod ta’ ħidma tagħhom biex jevitaw il-kontromiżuri li jittieħdu kontrihom.

2.7.1   L-investigazzjonijiet sabu li fil-każ tat-tipi l-aktar kumplessi tal-organizzazzjonijiet kriminali ta’ frodi, dawn ġeneralment isegwu ċertu standard, ċerti proċeduri li jkunu ppruvati u ttestjati, li jieħdu l-għamla li ġejja:

l-identifikazzjoni tan-negozju fil-mira, li membru tal-grupp jidħol fih bil-lejl jew jibqa’ mistoħbi fih wara l-ħin tal-għeluq, bil-għan li jinstalla tagħmir elettroniku sofistikat fis-sistema POS konnessa mar-reġistru tal-inkassi, sabiex jisraq kemm il-kodiċi mill-istrippa manjetika ta’ karti ta’ pagament kif ukoll in-numri rilevanti tal-PIN;

id-data maħżuna f’dan it-tagħmir elettroniku mbagħad tiġi rkuprata jew fiżikament jew elettronikament – permezz tat-teknoloġija GSM jew Bluetooth – sabiex imbagħad tintuża biex tipproduċi kloni tal-plastik ta’ karti ta’ pagament, kompluti bin-numru tal-PIN;

il-karti ta’ kreditu u debitu prodotti illegalment imbagħad jintużaw biex jinxtraw prodotti jew jinġibdu flus kontanti, anke f’pajjiżi oħra apparti dawk li fihom ikunu ġew klownjati l-kodiċi.

3.   Qafas legali Komunitarju

3.1   Minħabba li wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-UE huwa li tiżgura suq intern li jiffunzjona bis-sħiħ, li s-sistemi ta’ pagament huma parti essenzjali minnu, fuq għadd ta’ snin, ġew introdotti miżuri speċifiċi mmirati lejn it-tfassil ta’ strateġija komuni kontra l-frodi ta’ karti ta’ pagament, u dawn huma ċentrati fuq żewġ linji ewlenin ta’ żvilupp:

miżuri biex jiġu armonizzati t-termini ta’ kuntratt li jirregolaw ir-relazzjoni bejn id-detentur tal-karta u min ħareġ il-karta u dawk li jirregolaw il-modalitajiet għat-twettiq tal-pagamenti; u

miżuri mill-Istati Membri kollha biex il-frodi ta’ karti ta’ pagament issir reat kriminali u li jipprovdu għal pieni effettivi u dissważivi.

3.2   L-ewwel linja ta’ żvilupp tinkludi:

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 87/598/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1987 dwar “Ir-Relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji, negozjanti u l-istabbilimenti tas-servizz, u l-konsumaturi”, li jwasslu għal kodiċi Ewropea ta’ kondotta għal pagamenti elettroniċi, li għandhom il-mira li jiżguraw l-introduzzjoni ta’ sistemi għall-ħarsien tal-konsumatur;

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 88/590/KEE tas-17 ta’ Novembru 1988 dwar ir-relazzjoni bejn id-detentur tal-karta u min joħroġ il-karta, li tistieden lil dawk li joħorġu l-karti biex jadottaw termini komuni ta’ kuntratt dwar is-sigurtà tat-tagħmir ta’ pagament u tad-data relatata, u dwar l-obbligi tad-detentur tal-karta stess fil-każ ta’ tagħmir ta’ pagament mitluf, misruq jew ikkupjat b’mod illegali;

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 97/489/KE tat-30 ta’ Lulju 1997, li għandha l-mira li tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur fil-qasam tal-istrumenti elettroniċi ta’ pagament. Din ir-rakkomandazzjoni tispeċifika l-informazzjoni minima li għandu jkun hemm fit-termini u fil-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ u l-użu ta’ strument elettroniku ta’ pagament,

Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li wara wasslet għas-sistema kontra l-ħasil tal-flus, permezz ta’ dispożizzjonijiet li jillimitaw l-użu tal-flus kontanti,

Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern, immirata lejn l-iżgurar tal-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ħtiġiet prudenzjali, l-aċċess għas-suq għal fornituri ta’ servizzi ġodda ta’ pagament, rekwiżiti ta’ informazzjoni, u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-utenti u l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament.

3.3   Dwar it-tieni linja ta’ żvilupp, minħabba ż-żieda fil-frodi u l-fatt li l-azzjoni preventiva ġeneralment ittieħdet fil-livell nazzjonali, tfaċċaw il-miżuri li ġejjin:

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(1998) 395 dwar “Qafas ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti”, li fiha l-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ miżuri biex tippromwovi ambjent xieraq ta’ sigurtà għall-istrumenti ta’ pagament u s-sistemi eżistenti;

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/JHA tas-17 ta’ Ottubru 2000, dwar l-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-unitajiet ta' intelligence finanzjarja (FIU) tal-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni, li stipolat livelli minimi ta’ kooperazzjoni bejn l-FIUs tal-Istati Membri;

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2001) 11 tad-9 ta’ Frar 2001 dwar “Il-prevenzjoni tal-frodi u tal-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti”, li fiha l-Kummissjoni nediet il-pjan ta’ azzjoni tagħha ta’ prevenzjoni mill-frodi 2001-2003 għall-UE. Il-pjan jgħid li l-prevenzjoni tiddependi fuq il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-industrija tas-sistemi ta’ pagament. Enfasizza li l-aktar titjibiet importanti li għandhom isiru huma titjibiet tekniċi li jżidu s-sigurtà tal-pagament, pereżempju l-introduzzjoni ta’ chip cards, mekkaniżmi għal notifika immedjata ta’ telf jew serq ta’ strumenti ta’ pagament, u tagħmir (bħall-PIN jew kodiċi oħra) biex jevita jew inaqqas kemm jista’ jkun possibbli t-twettiq ta’ frodi;

Skont il-pjan, element essenzjali fi kwalunkwe strateġija effettiva għall-prevenzjoni tal-frodi kien l-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod speċifiku bejn il-banek u l-awtoritajiet pubbliċi, fi ħdan u bejn l-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-pjan talab biex jiġi introdott mekkaniżmu biex jistabbilixxi djalogu permanenti bejn il-partijiet interessati kollha fil-ġlieda kontra l-frodi (dawk li joħorġu l-karti ta’ kreditu, l-assoċjazzjonijiet bankarji, l-operaturi tan-netwerk, Europol, il-forzi nazzjonali tal-pulizija, eċċ.). Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li jsiru konferenzi internazzjonali li jinvolvu uffiċjali anzjani tal-pulizija u maġistrati, biex jiżdied l-għarfien dwar il-problema tal-frodi ta’ pagamenti u l-impatt tagħha fuq is-sistemi finanzjarji;

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA tat-28 ta’ Mejju 2001, li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti; Din id-Deċiżjoni Qafas stiednet lill-Istati Membri kollha biex jipprovdu għal pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi, pieni li jinvolvu tiċħid ta’ libertà li jista’ jikkawża estradizzjoni, fil-każ ta’ frodi ta’ karti ta’ pagamenti – li titwettaq permezz tal-użu ta’ tagħmir tal-IT jew elettroniku jew tagħmir ieħor li jkun speċifikament adattat – li tinvolvi:

serq jew approprjazzjoni illegali oħra ta’ strument ta’ pagament,

iffalsifikar jew falsifikazzjoni ta’ strument ta’ pagament biex jintuża b’mod frodulenti,

riċeviment, ksib, trasport, bejgħ jew trasferiment lil persuna oħra jew pussess ta’ strument ta’ pagament misruq jew approprjat illegalment b’mod ieħor, jew falz jew iffalsifikat biex jintuża b’mod frodulenti,

mingħajr dritt tkun introdotta, mibdula jew imrażżna data tal-kompjuter jew mingħajr dritt isir indħil fil-funzjoni ta’ programm jew sistema tal-kompjuter,

ħdim, riċeviment, ksib, bejgħ jew disinn frodulenti ta’ strumenti, programmi tal-kompjuter jew mezzi oħra speċifikament adattati għat-twettiq ta’ tali frodi;

Id-Deċiżjoni pprovdiet ukoll qafas speċifiku għall-kooperazzjoni internazzjonali, li taħtu l-Istati Membri jridu jipprovdu assistenza investigattiva reċiproka rigward proċeduri relatati mar-reati mniżżlin fid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni. Għal dan il-għan, tistipula li l-Istati Membri għandhom jaħtru punti operattivi ta’ kuntatt jew jistgħu jużaw strutturi operattivi eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni u għal kuntatti oħra bejn Stati Membri;

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2004) 679 tal-20 ta’ Ottubru 2004 dwar “Pjan ġdid ta’ Azzjoni għall-UE 2004-2007 biex jipprevieni l-frodi ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti”. B’dan il-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tkompli ssaħħaħ l-inizjattivi eżistenti biex tiġi prevenuta l-frodi, sabiex tinżamm u tiżdied il-kunfidenza fil-pagamenti, minħabba ż-żieda fl-inċidenza ta’ aċċess illegali għal data u ta’ serq tal-identità. Il-prijoritajiet tal-Kummissjoni kienu s-sigurtà ta’ prodotti u sistemi ta’ pagament u ż-żieda fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat, li għandhom jinkisbu permezz:

tat-tisħiħ u tar-ristrutturar tax-xogħol tal-Grupp ta’ Esperti tal-UE għall-Prevenzjoni tal-Frodi,

tal-implimentazzjoni ta’ approċċ koordinat mill-fabbikanti tal-prodotti ta’ pagament, mill-fornituri ta’ servizz ta’ pagament u mill-awtoritajiet rilevanti biex ikun żgurat li l-utenti jkollhom l-ogħla livell ekonomikament vijabbli ta’ sigurtà għall-pagamenti elettroniċi,

ta’ skambji ta’ informazzjoni fost il-partijiet interessati, immirati lejn sejbien bikri u notifika ta’ attentati ta’ frodi,

ta’ żieda fil-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet amministrattivi tal-UE biex tkun prevenuta l-frodi ta’ pagamenti u billi tingħata spinta ’l quddiem lill-kapaċitajiet ta’ investigazzjoni dwar il-frodi ta’ korpi nazzjonali għall-infurzar tal-liġi; u permezz

tal-introduzzjoni ta’ mezzi ġodda ta’ notifika dwar karti mitlufa jew misruqa fl-UE.

4.   Kummenti u proposti

4.1   Għalkemm il-qafas legali Komunitarju ttejjeb u ssaħħaħ, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi u privati għad irid jiġi żviluppat bis-sħiħ, u anke l-kooperazzjoni effettiva fost l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, u b’mod parzjali minħabba l-adeżjoni riċenti tal-Istati Membri l-ġodda mal-UE, id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ qafas u r-rakkomandazzjonijiet jeħtieġ jiġu trasposti fil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi kollha tal-UE.

4.1.1   L-ostaklu ewlieni għall-implimentazzjoni effettiva tas-sistema ta’ prevenzjoni mill-frodi ġie identifikat mill-Kummissjoni bħala d-diffikultà fl-iskambju tad-data fi ħdan l-UE kemm fuq min iwettaq frodi kif ukoll fuq dawk meqjusa li jinsabu f’riskju. Għalhekk, il-pjan ta’ azzjoni 2004-2007 enfasizza l-ħtieġa li jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien tad-data fi ħdan l-UE sabiex ikun jista’ jsir skambju transkonfinali tad-data, b’mod parzjali billi jiġu allinjati r-regoli eżistenti tal-UE dwar il-ħarsien tad-data.

4.2   Biex jiżgura azzjoni preventiva effettiva, il-Kumitat jipproponi li jqis li kull awtorità nazzjonali kompetenti tistabbilixxi bażi ta’ data diġitali li fiha l-kumpaniji tal-karti ta’ pagament idaħħlu d-data li ġejja: informazzjoni dwar punti ta’ bejgħ u tranżazzjonijiet suxxettibbli għal frodi; dettalji ta’ identifikazzjoni dwar il-punti ta’ bejgħ u r-rappreżentanti legali tan-negozji li l-kuntratti tagħhom biex jaċċettaw tranżazzjonijiet ta’ karti ta’ pagament ġew terminati għal raġunijiet ta’ sigurtà jew għal kondotta frodulenti rrappurtata lill-pulizija; dettalji ta’ identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet mhux rikonoxxuti mid-detenturi tal-karti jew irrappurtati lill-pulizija; u informazzjoni dwar ATMs li ġew imbagħbsa għal raġunijiet ta’ frodi. Bir-rispett dovut lil-leġiżlazzjoni nazzjonali, dan l-arkivju jista’ jintuża, fost affarijiet oħrajn, biex tiġi analizzata l-attività kriminali u biex tingħata għajnuna fil-kooperazzjoni tal-pulizija, inkluż fil-livell internazzjonali, immirata lejn il-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati mwettqin permezz ta’ karti tal-kreditu u mezzi oħra ta’ pagament.

4.3   Minbarra l-iskambju ta’ informazzjoni dwar min iwettaq frodi, jeħtieġ li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri, permezz ta’ inizjattivi ġodda biex jiġu estiżi l-ġbir u l-iskambju tad-data fost il-partijiet interessati fil-prevenzjoni tal-frodi, b’enfasi partikolari fuq il-forzi tal-pulizija u l-entitajiet li joħorġu l-karti ta’ pagament.

4.3.1   Għal dan il-għan, l-istrutturi ta’ kooperazzjoni eżistenti għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-ewro jistgħu jsiru aktar effiċjenti, sabiex l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jkunu involuti direttament fil-prevenzjoni ta’ frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti.

4.3.2   F’dan ir-rigward, tista’ titqies il-possibiltà li Europol tiġi assenjata xogħol – li r-responsabiltà tagħha, mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ April 1999, tkopri l-ġlieda kontra l-iffalsifikar ta’ flus kontanti u mezzi oħra ta’ pagament – relatat mal-immonitorjar tal-forza sabiex tkun prevenuta u kontrobilanċjata l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti bl-għanijiet li ġejjin:

li tikkoordina l-amministrazzjoni tal-bażi ta’ data tal-Istati Membri kollha li jkun fihom informazzjoni dwar każijiet ta’ falsifikar ta’ karti ta’ pagament, u tippermetti aċċess għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra għal finijiet investigattivi ġenwini;

li tipprovdi notifika mill-ewwel, lill-kumpaniji u lil dawk li joħorġu karti ta’ pagament, ta’ każijiet ta’ frodi li jinstabu fl-Istati Membri l-oħra;

li tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni speċifikati taħt id-Deċiżjoni Qafas 2001/413/JHA tat-28 ta’ Mejju 2001 fost il-forzi tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri.

4.4   F’dan il-kuntest, il-Kumitat jipproponi li jqis il-każ li jinħoloq netwerk għal forzi tal-pulizija u korpi investigattivi tal-Istati Membri involuti fil-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti. Dan jista’ jiffaċilita l-iskambju dirett ta’ informazzjoni permezz ta’ sistema ċertifikata ta’ posta elettronika, li tippermetti li jinfetaħ l-aċċess għal bażi tad-data.

4.4.1   Tali inizjattiva, li, madankollu, tkun tirrikjedi ftehim minn qabel kemm dwar id-data speċifika li għandha tiġi inkluża f’dawn l-arkivji kif ukoll dwar il-kompatibiltà tagħha mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-privatezza, tkun tassew pass ’il quddiem - conformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 79 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 - fil-ġlieda kontra l-frodi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, minħabba li tipprovdi lill-korpi investigattivi bl-informazzjoni li jeħtieġu b’mod dirett, immedjat u mingħajr burokrazija eċċessiva. F’kull każ, għandhom jitwaqqfu standards minimi fil-livell tal-UE dwar it-tip ta’ informazzjoni li tista’ tiġi skambjata, sabiex tkun żgurata pjattaforma komuni ta’ data li tista’ tintuża fil-ġlieda kontra l-frodi, waqt li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1995/46/KE dwar il-ħarsien tad-data personali.

4.5   L-akbar ostakli biex tiġi kkontrollata l-frodi fi ħdan l-UE jinsabu fl-inkonsistenza tal-leġiżlazzjoni fost l-Istati Membri kemm rigward is-setgħat ta’ inkjesta, kif ukoll il-livelli varji ta’ skoraġġiment. Dan ifisser li l-frodi tipprevali b’mod partikolari f’pajjiżi fejn is-setgħat ta’ inkjesta tal-investigaturi jkunu anqas persistenti jew fejn il-pieni mhumiex biżżejjed biex jaġixxu bħala mezz ta’ skoraġġiment. L-armonizzazjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għalhekk tidher li hija l-uniku mod kif jitwaqqaf dan it-tip ta’ frodi, meta wieħed iqis li, kif diġà ġie enfasizzat fil-pjan ta’ azzjoni 2004-2007, inizjattivi preċedenti ma kienux biżżejjed biex jiġġieldu kontra t-theddida mill-frodi tal-karti ta’ pagament.

4.5.1   F’dan ir-rigward (4), jeħtieġ li jiġi verifikat li l-Istati Membri wettqu b’mod effettiv it-traspożiżżjoni fil-liġijiet kriminali nazzjonali tagħhom tar-reati msemmija fl-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar reati kriminali relatati mal-istrumenti ta’ pagament, kompjuters u tagħmir speċifikament adattat. Filwaqt li tiġi rispettata s-sovranità tal-Istati Membri, għandu jiġi vverifikat li l-pieni imposti għal tali reati huma fil-fatt dissważivi, b’mod parzjali f’termini tal-firxa tal-piena statutarja prevista. Fl-istess waqt, il-pieni għal każijiet ta’ frodi ta’ gravità komparabbli għandhom jiġu armonizzati fil-livell tal-UE, kif diġà previst, pereżempju, fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

4.6   L-adozzjoni tal-inizjattivi proposti tippermetti ġlieda effettiva kontra l-frodi u tiffaċilita l-istabbiliment ta’ SEPA (Żona Waħda ta’ Pagament bl-Euro) li fiha pagamenti mhux bi flus kontanti jkunu jistgħu jsiru fiż-żona kollha tal-ewro, minn kont wieħed u taħt l-istess kundizzjonijiet bażiċi, irrispettivament mill-post ta’ residenza, filwaqt li titneħħa kwalunkwe distinzjoni bejn pagamenti nazzjonali u transkonfinali.

4.7   Jeħtieġ li l-UE żżid l-istrateġija tagħha għal finijiet ta’ kontrobilanċjar tal-frodi u tal-iffalsifikar ta’ pagamenti, permezz ta’ firxa ta’ miżuri differenti. Element ewlieni għandu jkun li l-pubbliku jiġi infurmat, bil-għan li titqajjem kuxjenza fost l-utenti tal-karti ta’ kreditu u debitu dwar ir-riskji marbutin ma’ strumenti ta’ pagament mhux bi flus kontanti. Il-konsumaturi li ma jkunux ġew imwissija, pereżempju, jistgħu jisfgħu vittma tal-fenomenu tal-“phishing”. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jgħinu biex jinfurmaw lill-pubbliku permezz ta’ kampanji Ewropej, koordinati mill-Kummissjoni.

4.8   L-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tan-negozji għandhom rwol ewlieni f’dan: kooperazzjoni mill-qrib bejniethom tista’ tgħin fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ twissija bikrija, fiż-żieda tal-għarfien, u fil-provvista ta’ informazzjoni dwar l-aktar prattiki komuni u li ġew skoperti dan l-aħħar. Sabiex dan isir, huma meħtieġa kampanji ta’ informazzjoni mmirati lejn il-konsumatur, inklużi pariri prattiċi u li l-aċċess għalihom ikun faċli li huma mmirati lejn ikbar għarfien ta’ kif jaħdmu l-karti ta’ pagament u dwar il-prekawzjonijiet immedjati li għandhom jittieħdu meta detentur ta’ karta jissusspetta li safa’ l-vittma ta’ frodi.

4.9   L-impenn tal-Istati Membri għandu jiġi rifless ukoll f’pieni aktar ħorox għall-frodi, li jeħtieġ li jiġu infurzati kif suppost. Fil-każ ta’ reati mwettqa f’pajjiżi oħra tal-UE u - għal ċerti reati partikolarment serji - anke f’pajjiżi terzi, il-liġi kriminali rilevanti għandha ssir tapplika b’mod universali, filwaqt li testendi l-qasam ġudizzjarju Ewropew. Din il-prattika kulma jmur qiegħda tinfirex, kif qegħdin jinfirxu l-proposti biex issir prosekuzzjoni ta’ tali reati u jiġu imposti pieni. Meta wieħed iqis li l-frodi tal-pagamenti ġeneralment titwettaq minn gruppi kriminali organizzati li jaħdmu f’diversi pajjiżi, strument effettiv għall-ġlieda kontra din il-frodi għandu jkun il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali u l-protokolli mehmużin magħha, li ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-15 ta’ Novembru 2000 u l-31 ta’ Mejju 2001, li tagħti dispożizzjoni għal miżuri stretti fil-każ ta’ kriminalità transnazzjonali.

Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Sors tad-data; Kummissjoni Ewropea, KUMM(2005) 603 finali, Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi ta’ pagament fis-suq intern, SEC(2005) 1535.

(2)  Sors tad-data: appendiċi tar-rapport annwali tal-2007 tal-Banca d’Italia. Iċ-ċifri huma mislutin minn data pprovduta mill-ECB, BIS, Poste Italiane S.p.A. u l-Banca d’Italia..

(3)  Sors tad-data: Kummissjoni Ewropea, KUMM(2004) 679 finali ta’ l-20.10.2004, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lil Europol Pjan ta’ Azzjoni ġdid ta’ l-UE 2004-2007 biex jipprevieni frodi fuq mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti, SEC(2004) 1264

(4)  Id-dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff tal-Kummissjoni (SEC(2008) 511 tat-22.4.2008) Rapport dwar il-frodi ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti fl-UE: l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE 2004-2007 tenfasizza l-ħtieġa ta’ sanzjonijiet effettivi, minħabba li l-pieni applikati f’ċerti Stati Membri huma baxxi wisq biex ikunu dissważivi, kif irriżulta minn żewġ rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni f’April 2004 [KUMM(2004) 356] u Frar 2006 [KUMM(2006) 65] dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill 2001/413/JHA tat-28.05.2001.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ linji gwida tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-impatt

2009/C 100/05

Nhar id-29 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ linji gwida tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-impatt.

Nhar it-8 ta’ Lulju 2008, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza ta’ din il-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sur RETUREAU bħala rapporteur ġenerali fl-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, fit-22 u fit-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru 2008), u adotta din l-opinjoni bi 83 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1   Fl-Istrateġija Annwali tal-Politika għall-2008  (1), il-Kummissjoni tistqarr li, “is-simplifikar u t-titjib tal-ambjent regolatorju għan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE kienet prijorità ewlenija... L-2007 se ġġib magħha titjib fis-sistema ta’ valutazzjoni ta’ impatt, it-tnedija ta’ Programm ta’ Azzjoni għall-eliminazzjoni ta’ piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa kkawżati minn leġiżlazzjoni fil-livelli tal-UE u l-Istati Membri, u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ simplifikazzjoni aġġornat” u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja (2). “It-twettiq ta’ dawn l-azzjonijiet ikun l-għan ċentrali għall-2008.”

1.2   Din l-istrateġija hija riflessa fil-programm ta’ ħidma, u kull azzjoni jew proposta tal-programm għandha pjan direzzjonali li jinkludi għadd ta’ mistoqsijiet speċifiċi ħafna, bi tweġibiet li normalment ikunu qosra. Dan il-pjan direzzjonali jirrifletti l-ewwel riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt jew tal-valutazzjoni tal-impatt preliminari u jqis l-impatt tal-azzjoni jew proposta individwali fuq il-baġit.

1.3   Il-Kummissjoni fasslet abbozz ta’ linji gwida interni għas-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt li qed jiġi analizzat f’din l-opinjoni (3). Dan l-abbozz tfassal wara l-analiżi esterna, li saret fl-2007, tas-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt li ġiet stabbilita fl-2002 u kompliet tissaħħaħ fl-2005, u fid-dawl tal-esperjenzi u t-tagħlimiet li nsiltu mill-attivitajiet tal-Bord ta’ Valutazzjoni ta’ Impatt. Il-Kummissjoni beħsiebha ttejjeb il-metodoloġija ġenerali biex din tkun definita sewwa, previdibbli, trasparenti u tkun tista’ tiġi kkalkulata fil-baġit Komunitarju. (Skont il-kumplessità tal-problemi, il-valutazzjoni tal-impatt taf tieħu bejn ħamsa u tlettax-il xahar biex issir b’mod xieraq. Il-Kummissjoni beħsiebha toffri r-riżorsi u l-mezzi li jinħtieġu għal valutazzjoni tal-impatt tajba lid-dipartimenti rilevanti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-programm “Regolamentazzjoni aħjar” f’dik li hi valutazzjoni tal-impatt.)

1.4   Il-linji gwida riveduti huma maħsuba biex iservu ta’ gwida ġenerali għall-valutazzjoni tal-impatt – mill-valutazzjoni tal-impatt preliminari sal-għażliet finali li d-Direttorat Ġenerali inkarigat mit-tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt jipproponi lill-Kummissjoni. B’hekk il-Kulleġġ tal-Kummissarji jkun jista’ jaqdi r-rwol tiegħu, b’mod infurmat, li jagħti bidu għal-leġiżlazzjoni, jew saħansitra jipproponi alternattiva għal-leġiżlazzjoni jew inkella jiddeċiedi, fl-istadju tal-valutazzjoni tal-impatt preliminari, li ma jieħux azzjoni jew li jħejji komunikazzjoni li, skont it-tifsira tagħha, mhix regolatorja.

1.5   Kull valutazzjoni tal-impatt hija unika, speċifika u kkaratterizzata mill-objettivi li jridu jintlaħqu u li huma mniżżlin fil-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni. Il-linji gwida jiddeskrivu t-triq, il-proċeduri u l-metodi ta’ ħidma b’mod flessibbli sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet u l-problemi differenti skont il-kompetenzi Komunitarji u l-eżiġenzi tal-Komunità kif inhuma stipulati fit-Trattati u b’konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà.

1.6   Il-valutazzjoni tal-impatt tista’ ssir bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż. Fil-prattika, il-valutazzjonijiet tal-impatt kważi kollha jsiru bl-Ingliż għal raġunijiet prattiċi ta’ komunikazzjoni interna bejn id-Direttorati Ġenerali u fi ħdanhom, u ta’ komunikazzjoni esterna speċjalment fil-fażi tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Ma’ kull abbozz leġiżlattiv tal-pjan ta’ ħidma annwali qed jinhemżu b’mod sistematiku l-annessi li jkun fihom il-valutazzjoni tal-impatt sħiħa u sommarju eżekuttiv bl-Ingliż bir-referenza [SEC(sena), numru]. B’dan il-mod, il-proposta leġiżlattiva qed tkun appoġġjata mill-valutazzjoni tal-impatt u mill-ispjegazzjoni li tiġġustifika l-għażla tal-Kummissjoni.

2.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

2.1   Għal kull proposta leġiżlattiva ssir proċedura preliminari ta’ valutazzjoni li tista’ tinkludi mumenti jew fażijiet li fihom tiġi analizzata l-ħtieġa tal-proposta u jitqies l-impatt intern kif ukoll estern minn lati differenti.

2.2   Skont il-leġiżtika, ix-“xjenza (applikata) tal-leġiżlazzjoni li tipprova ssib l-aħjar modi biex jitħejjew, jinkitbu, jinħarġu u jiġu applikati d-dispożizzjonijiet legali” (4), il-leġiżlatur nazzjonali m’għandux l-istess restrizzjoni bħal-leġiżlatur Komunitarju. Fil-fatt, dan tal-aħħar jinsab iktar ’il bogħod miċ-ċittadini u xi drabi jinħass li huwa iktar imbiegħed mill-preokkupazzjonijiet ewlenin tagħhom. Irid jippreżenta b’mod ċar l-inizjattivi kollha tiegħu, u jrid jappoġġja l-informazzjoni u l-parteċipazzjoni b’mezzi differenti sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea li hija marbuta b’mod permanenti maċ-ċittadinanza nazzjonali. F’dan il-kuntest politiku partikolari, il-valutazzjoni tal-impatt issir parti integrali u komponent importanti mill-ħidma regolatorja u l-azzjonijiet tal-Kummissjoni.

2.3   Fost id-diversi kwistjonijiet teoretiċi u prattiċi marbuta mal-attività leġiżlattiva fi ħdan l-Unjoni Ewropea – li ta’ xejn noqogħdu nidentifikawhom u niddiskutuhom fil-kuntest ta’ din l-opinjoni li tiffoka fuq il-prattika leġiżlattiva fl-Unjoni Ewropea – ta’ min nenfasizzaw li l-leġiżlaturi jaħdmu b’“restrizzjonijiet” inevitabbli: it-Trattati tat-twaqqif tal-Komunitajiet Ewropej, il-prinċipji legali ġenerali f’soċjetajiet demokratiċi, żviluppati mil-lat ekonomiku, u li huma membri tal-Unjoni Ewropea (jew qed jippruvaw jissieħbu), inklużi l-prinċipji kostituzzjonali tagħhom u l-interpretazzjonijiet tal-liġi primarja u sekondarja mill-Qrati (5).

2.4   Illum il-ġurnata l-popli kollha tal-Unjoni Ewropea jixtiequ d-demokrazija, soluzzjoni paċifika għall-kunflitti, iktar kooperazzjoni u solidarjetà, il-promozzjoni tad-drittijiet individwali u kollettivi, u leġiżlazzjoni realista u ta’ kwalità tajba li tkun konformi mat-Trattati u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi applikabbli fl-Istati Membri kollha. Id-deċiżjonijiet politiċi u l-leġiżlazzjonijiet huma parti minn dan il-qafas globali li għandu jiġi deskritt bħala “kostituzzjonali” billi jagħti d-definizzjoni tan-natura demokratika tal-istituzzjonijiet politiċi u tal-limiti tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet politiċi, leġiżlattivi u amministrattivi jew ġudizzjarji. Bis-saħħa ta’ dan il-“qafas kostituzzjonali”, li jagħmel distinzjoni bejn il-politiki Komunitarji li jirriżultaw mill-kompetenzi esklużivi tal-Komunità Ewropea u dawk maqsuma mal-Istati Membri, kif ukoll il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fi gvern imsejjes fuq il-liġi – u li għalhekk irid joħroġ il-leġiżlazzjonijiet u r-regolamenti – wieħed għandu jkun jista’ jissorvelja l-leġiżlazzjoni, jikkontrolla l-effikaċja tagħha u jara li l-mezzi finanzjarji u oħra disponibbli jintużaw tajjeb. B’dan il-qafas wieħed għandu jkun jista’ wkoll jerġa’ janalizza l-leġiżlazzjoni kull tant żmien bil-għan li jagħmel l-aġġustamenti u l-modifiki meħtieġa jew biex jara li l-objettivi stipulati ntlaħqu.

2.5   Din is-sempliċi lista turi l-kumplessità tal-kompetenzi, tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti mogħtija lill-atturi differenti tal-Unjoni Ewropea, però ma tiddiskutihomx verament fid-dettall.

2.6   Sa mill-bidu nett, il-valutazzjoni tal-impatt kienet maħsuba biex ittejjeb il-kwalità u l-koerenza fit-tħejjija tal-politiki leġiżlattivi u tikkontribwixxi għal ambjent regolatorju effiċjenti u effettiv, u għall-implimentazzjoni koerenti tal-proċess tal-iżvilupp sostenibbli. Hi tappoġġja l-kompetenza politika mingħajr ma toħdilha postha. Il-valutazzjoni tal-impatt għandha tidentifika l-effetti pożittivi u negattivi li jista’ jkollu abbozz leġiżlattiv, u permezz tagħha għandu jintlaħaq kunsens dwar l-objettivi li jmorru kontra xulxin. Fil-prattika, il-valutazzjoni tal-impatt għall-bidu kienet issir għall-iktar abbozzi importanti, imbagħad għal dawk kollha tal-istrateġija annwali tal-politika u tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Fl-anness tal-Komunikazzjoni ta’ Ġunju 2002 insibu l-elementi prinċipali tal-metodu tal-valutazzjoni tal-impatt, filwaqt li d-dettalji tekniċi għall-implimentazzjoni tagħha ġew ippubblikati b’mod separat fil-ħarifa tal-2002 (6). Il-linji gwida ġew riveduti fl-2005, u saret reviżjoni oħra bejn tmiem l-2007 u l-abbozz attwali ta’ Mejju 2008.

2.7   Sa mill-ewwel sforzi li saru favur ir-regolamentazzjoni aħjar, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (minn issa ’l quddiem imsejjaħ il-Kumitat) dejjem appoġġja l-proposti tal-Kummissjoni għal dan il-għan. Din id-darba, għal darb’oħra, jerġa’ jappoġġja b’mod ġenerali l-proposti għat-titjib tal-mod kif isiru u jiġu ppreżentati l-valutazzjonijiet tal-impatt. Dawn il-valutazzjonijiet kisbu importanza li kulma jmur qiegħda tikber fit-tħejjija tal-abbozzi leġiżlattivi, kif ukoll f’oqsma oħra bħall-kodifikazzjoni, is-semplifikazzjoni (kemm jista’ jkun) tal-lingwa, u fuq kollox il-kwalità u ċ-ċarezza tal-kunċetti legali użati. Il-Kumitat jinnota wkoll li l-kwalità tat-traduzzjoni tat-testi u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja huma essenzjali sabiex jittejbu l-armonizzazzjoni u r-rispett tad-dispożizzjonijiet legali.

2.8   Jiġu analizzati tliet tipi ewlenin ta’ impatti:

l-impatti soċjali,

l-impatti ekonomiċi, u

l-impatti ambjentali.

Il-Kumitat josserva li l-“impatti soċjali” jinkludu ġabra vasta ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati f’żewġ kategoriji distinti: minn naħa, l-impatti soċjali fil-veru sens tal-kelma, u min-naħa l-oħra, l-impatti ta’ natura soċjali (il-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sigurtà, il-ġustizzja, eċċ.). Il-kwistjonijiet soċjali fil-veru sens tal-kelma huma marbuta mal-kwistjonijiet ekonomiċi u jikkonċernaw lill-atturi soċjali, in-negozjati kollettivi kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi, filwaqt li l-kwistjonijiet tas-soċjetà huma marbuta ma’ oqsma oħra (ġustizzja, pulizija, eċċ.), jinvolvu iktar lill-atturi politiċi u jirrigwardaw lis-soċjetà kollha kemm hi.

2.9   Fil-valutazzjoni tal-impatt ekonomika jitqiesu l-iktar l-analiżi tal-kompetizzjoni u tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji. Però, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ żvilupp sostenibbli, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li fuq perijodu twil ta’ żmien għandha titqies id-data dwar l-impatti kwalitattivi kif ukoll il-kunsiderazzjoni tal-kalkolu ekonomiku. Ifakkar li l-kompetizzjoni hija mezz u mhux għan. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll ir-rekwiżiti tal-politika industrijali u l-kapaċità tal-atturi ekonomiċi u finanzjarji ta’ livell internazzjonali li jirreżistu f’kuntest ta’ kompetizzjoni globali. Id-dimensjoni dinjija tal-ekonomija u l-kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi terzi huma l-qafas globali għall-valutazzjonijiet tal-impatt ekonomiċi u finanzjarji.

2.10   Fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali għandhom jintużaw ukoll għadd ta’ indikaturi bbażati fuq l-osservazzjonijiet regolari u l-informazzjoni miksuba fi sfond u kundizzjonijiet tekniċi komparabbli (il-kwalità tal-arja fiż-żoni urbani, it-tisħin tal-arja, eċċ.). L-għan speċifiku huwa li jiġu kkumbinati l-analiżi kwalitattivi u l-ispejjeż u l-benefiċċji marbuta ma’ dan it-tip ta’ impatti. Il-Kumitat ma jarax għaliex għandna bilfors nagħtu prijorità lill-analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji minflok lil riżultati kwalitattivi oħra. Għandu jkun possibbli li nippreżentaw iż-żewġ tipi ta’ riżultati u li jiġu stipulati kriterji prijoritarji, pereżempju f’dak li għandu x’jaqsam mal-impatt ta’ ċertu tniġġis fuq is-saħħa. Fil-prattika mhux possibbli li s-snin ta’ ħajja li jintrebħu bis-saħħa tal-miżuri proposti jiġu kkalkulati fi flus, imma b’din ix-xorta ta’ informazzjoni wieħed ikun jista’ jagħmel paragun ibbażat fuq iż-żmien minkejja li fil-verità l-fatturi li jaffettwaw is-saħħa huma ħafna u l-paraguni bbażati fuq iż-żmien dejjem ikunu xi ftit jew wisq żbaljati b’mod sinifikanti, l-iktar minħabba l-impatt fuq is-saħħa ta’ fatturi oħra minbarra l-kwalità tal-arja (l-istil ta’ ħajja, l-ikel, l-effetti ta’ politiki ta’ prevenzjoni, eċċ.).

2.11   Ir-rwol tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi Ewropej tagħhom u, b’mod speċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-KESE, li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili organizzata u l-fehma politika lokali tagħha, huwa importanti immens. Billi ż-żmien għall-valutazzjonijiet tal-impatt huwa qasir u billi tintuża lingwa waħda għalihom – kundizzjonijiet li joħolqu problema għal numru kbir ta’ organizzazzjonijiet, l-iktar dawk nazzjonali – il-korpi konsultattivi Ewropej għandhom responsabbiltà partikolari fejn tidħol il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt u l-konsultazzjoni b’konformità mal-ftehimiet interistituzzjonali ta’ kooperazzjoni. Huwa importanti li din l-ewwel konsultazzjoni ma xxekkilx il-konsultazzjoni ta’ warajha dwar l-abbozzi li fil-fatt jitressqu quddiem il-leġiżlatur – konsultazzjoni li tkun iktar ta’ xejra politika.

2.12   Il-Kumitat jilqa’ l-approċċ kumpless tal-valutazzjonijiet tal-impatt – fil-livell orizzontali meta jkunu involuti diversi Direttorati Ġenerali – u t-tul ta’ żmien li jkopru (perijodu ta’ żmien qasir, medju u twil). L-analiżi tal-valutazzjonijiet tal-impatt ex post li saret fl-2007 tista’ twassal biex il-Bord ta’ Valutazzjoni ta’ Impatt jintegra l-verifiki ex post fil-proċedura tal-valutazzjoni tal-impatt bil-għan li tkun tista’ ssir riflessjoni fil-fond dwar l-indikaturi u r-rilevanza tagħhom kif ukoll dwar il-validità tal-valutazzjonijiet, kemm jekk ikunu tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji kif ukoll dawk ibbażati fuq stimi kwalitattivi. B’mod partikolari, il-Kumitat jemmen li l-kwistjoni tal-indikaturi għandha tiġi żviluppata iktar fil-linji gwida għall-valutazzjoni tal-impatt (7) bis-saħħa tal-istatistika miġbura mill-Eurostat jew permezz ta’ sondaġġi speċifiċi li tagħmel il-Kummissjoni. L-istess jista’ jingħad għall-indikaturi mfassla minn organizzazzjonijiet oħrajn, speċjalment l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti bħall-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), u dawk li joħorġu mir-riċerka tal-ministeri u tal-universitajiet f’pajjiżi differenti.

2.13   It-tieni parti tal-abbozz tal-linji gwida tindirizza tajjeb il-kwistjonijiet ġenerali u trasversali: it-tul ta’ żmien kopert, il-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv, il-bżonn li nikkunsidraw sewwa kemm l-impatti li jistgħu ma joħorġux mill-ewwel minn analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji, kif ukoll ir-relazzjonijiet ta’ bejn fatturi differenti li jinfluwenzaw l-impatti. Matul il-valutazzjoni tal-impatt għandna nqisu l-effetti ta’ abbozzi leġiżlattivi oħra li diġà ġew adottati, b’mod speċjali jekk tkun qed issir il-valutazzjoni ta’ pakkett leġiżlattiv jew tal-objettivi ġenerali tal-UE (l-Istrateġija ta’ Liżbona, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-Istrateġija Ewropea dwar l-Enerġija, u l-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli). L-impatti esterni m’għandhomx jintesew lanqas.

2.14   Għandhom jiġu analizzati b’mod speċifiku l-impatti li jolqtu lill-SMEs u lill-industriji ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMIs), bħall-ispejjeż tar-regolamentazzjoni li jistgħu jkunu ikbar minħabba d-daqs tagħhom u l-piż amministrattiv li jinħass iktar minn kumpanija żgħira milli minn intrapriża kbira. Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-kunsiderazzjoni partikolari tal-impatti fuq l-SMEs u l-SMIs, u jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jiġu stabbiliti miżuri bil-għan li jitnaqqsu l-impatti meta l-valutazzjoni tal-impatt turi li dawn ser ikunu sproporzjonati jew eċċessivi.

2.15   Fl-aħħar nett, l-għażliet possibbli li jitressqu fil-valutazzjoni tal-impatt m’għandhomx ikunu artifiċjali jew sfurzati, iżda għandhom jirrappreżentaw alternattivi ġenwini, kredibbli u operattivi li jippermettu l-iktar għażla politika adatta.

3.   Kummenti kritiċi

3.1   Il-Kummissjoni tħejji fid-dettall il-proċeduri u l-iskadenzi b’rabta mal-valutazzjonijiet tal-impatt kollha. Però dawn il-proċeduri u l-iskadenzi huma flessibbli biżżejjed biex ikopru l-bosta sitwazzjonijiet partikolari differenti.

3.2   Kull valutazzjoni tal-impatt hija eżerċizzju ad hoc oriġinali għalkemm xi regoli u restrizzjonijiet ma jistgħux jiġu evitati – kemm għall-valutazzjonijiet tal-impatt preliminari kif ukoll għall-valutazzjonijiet tal-impatt fi stadju avvanzat. Nistgħu nsemmu, pereżempju, il-konsultazzjoni bejn id-dipartimenti, id-data tal-istudju li jsir minn konsulent estern, l-ippjanar tal-baġit jew il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea.

3.3   Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR), li r-riċerkaturi tiegħu spiss jaħdmu flimkien ma’ università jew mal-esperti filwaqt li jibbażaw ir-riċerka tagħhom fuq id-data tal-Eurostat, huwa l-iktar korp li jkun involut fit-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-impatt. Dawn ir-riċerkaturi, jekk ikun hemm bżonn, jiġbru d-data disponibbli huma stess sabiex jiddeterminaw problema partikolari jew inkella jużaw metodi matematiċi jew baġitarji kif ukoll indikaturi komuni. Jistgħu wkoll jagħmlu stħarriġ u sondaġġi biex isaħħu l-proċeduri ta’ konsultazzjoni normali maħsuba għal dan il-kuntest.

3.4   Waħda mit-tendenzi importanti tal-valutazzjonijiet tal-impatt, li tikkonforma mal-eżiġenzi metodoloġiċi tal-anness (dan huwa manwal jew gwida għat-tħejjija tal-valutazzjonijiet tal-impatt), hija li l-impatti tal-għażliet possibbli differenti jiġu kkalkulati fi flus sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-bażi ta’ dan il-kriterju.

3.5   Għalkemm l-impatti ambjentali (8), pereżempju, jistgħu jitkejlu f’termini ta’ spejjeż u ekonomiji, xi fatturi jkollhom jinżammu minkejja l-ispejjeż minħabba raġunijiet ikbar – l-iktar b’rabta mal-kwalità, l-impatt relattiv fuq il-bidla fil-klima, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, il-kwistjonijiet ta’ etika, l-impatt fuq is-saħħa f’perijodu qasir u twil ta’ żmien.

3.6   Bosta drabi l-kriterji tal-kwalità għandhom jingħataw iktar importanza minn kriterji oħrajn billi huma jindirizzaw l-objettivi u l-politiki tal-Unjoni Ewropea. Huwa minnu li fl-aħħar mill-aħħar dawn jirriżultaw fi spejjeż finanzjarji (kumpens lill-vittmi tal-asbestos), iżda l-prevenzjoni hija ħtieġa etika. Fil-fatt, anke kieku l-asbestos kien soluzzjoni effiċjenti u rħisa speċjalment għall-iżolament tal-bini, tal-magni jew tal-pajpijiet, illum il-ġurnata l-ispiża għat-tneħħija tal-asbestos tnaqqas għal kollox il-vantaġġi finanzjarji fuq perijodu qasir ta’ żmien. Għaldaqstant il-bilanċ huwa negattiv, u wara għexieren ta’ snin min iniġġes mhux bilfors ikun dak li jħallas. Il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jenfasizzaw bil-qawwi l-prinċipju tal-prekawzjoni, iżda dan m’għandux iwassal għal nuqqas ta’ azzjoni.

3.7   Minn ftit ’il bogħod jidher li l-problemi prinċipali huma relatati mal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati. Xi fehmiet jistgħu jitqiesu bħala individwali filwaqt li l-awtur jista’ jkun intraprenditur żgħir jew ħaddiem għal rasu li l-esperjenzi prezzjużi tiegħu ma jistgħux jitħallew barra biex tingħata preferenza lill-lobbies attivi u stabbiliti sewwa, li jipprovdu għarfien espert jew informazzjoni li kapaċi jkunu suġġettivi (9).

3.8   Fil-każ ta’ abbozzi kumplessi ħafna, l-impatti jistgħu jkunu partikolarment diffiċli biex jiġu kkalkulati (pereżempju, REACH). L-għażla tal-ħarsien tal-ħaddiema u tal-konsumaturi tal-prodotti ngħatat iktar importanza minn aspetti oħra, għalkemm is-settur industrijali rnexxielu jikseb appoġġ politiku b’saħħtu biżżejjed biex jiġi limitat l-ambitu tal-leġiżlazzjoni.

3.9   Madankollu, dawn is-sitwazzjonijiet mhumiex barra min-normal. Fil-fatt, l-assoċjazzjonijiet ikkonċernati qed jiddefendu l-interessi tagħhom, però huwa l-leġiżlatur li jagħti iktar importanza lill-interess ġenerali u mhux lill-interessi partikolari fuq perijodu qasir ta’ żmien. Ċerti “restrizzjonijiet” fuq perijodu qasir ta’ żmien jistgħu jissarfu f’vantaġġi komparattivi fuq perijodu medju ta’ żmien, b’mod partikolari jekk jiġu stabbiliti l-istandards Ewropej li jsiru universali f’każ ta’ avvanz teknoloġiku (b’mod speċjali l-limiti tal-emissjonijiet mill-magni tal-karozzi, l-isforz għall-promozzjoni tal-enerġiji alternattivi li jniġġsu inqas u li huma iktar sostenibbli).

3.10   L-użu tal-Green Papers u l-White Papers fit-tħejjija tal-leġiżlazzjoni huwa effiċjenti immens fil-kuntest tad-dibattitu pubbliku sabiex tinkiseb il-fehma tal-partijiet interessati u b’mod iktar ġenerali tas-soċjetà ċivili organizzata fi ħdan il-KESE jew rappreżentata minn NGOs speċjalizzati Ewropej. Matul id-dibattitu intern il-leġiżlatur stess għandu ċ-ċans li jsib kompromess dinamiku.

3.11   Għall-kuntrarju, il-KESE jirrimarka li l-għaġla żejda u l-ideoloġija kapaċi jolqtu ħażin lill-abbozzi li jistgħu jiġu rifjutati jew modifikati ħafna, filwaqt li approċċ inqas iebes ikun seta’ wassal għal riżultati aċċettabbli għall-partijiet kollha (bħalma ġara fl-abbozz tad-Direttiva dwar is-servizzi portwali li tħejja b’urġenza minn Kummissjoni Ewropea li kienet qorbot lejn tmiem il-mandat tagħha u li f’dak iż-żmien la kkonsultat lil ħadd u lanqas ippruvat issib kompromessi).

3.12   Il-kriżi attwali għandha tqanqalna biex inkunu prudenti ħafna fil-konfront ta’ ċerti “preġudizzji” u prinċipji ta’ awtorità oħrajn. Il-kriterju tal-validazzjoni permezz tal-prattika huwa essenzjali biex tinbena esperjenza kollettiva tal-valutazzjoni tal-impatt li fl-istess ħin tkun ikkaratterizzata mill-prudenza u l-kreattività. Dan l-approċċ imur kontra xi kunċetti li suppost huma xjentifiċi, bħall-fehma li, minn naħa, suq mhux regolat huwa iktar effiċjenti minn regolament adatt bil-għan li jiggarantixxi t-trasparenza, li jwaqqaf id-devjanzi u l-frodi u, min-naħa l-oħra, li kull għajnuna mill-Istat hija negattiva. Viżjoni realista u bbilanċjata għandha tirbaħ fuq il-viżjonijiet sempliċistiċi wisq tal-ekonomija u l-finanzi.

4.   Konklużjonijiet

4.1   Il-Kumitat jaħseb li l-valutazzjonijiet tal-impatt jikkontribwixxu għat-titjib effettiv tal-leġiżlazzjoni, u jikkonferma li hu lest jagħti sehmu fihom bil-kompetezi u r-riżorsi materjali u umani kollha tiegħu. Fil-fatt, dan huwa objettiv politiku essenzjali biex jiggarantixxi li l-liġi Komunitarja tintlaqa’ bl-aħjar mod possibbli fil-liġi nazzjonali. Wieħed irid jiżgura li l-proċess leġiżlattiv jew regolatorju, kemm għall-hard law kif ukoll għas-soft law, isir bl-aħjar mod possibbli biex jinftiehem miċ-ċittadini. Barra minn dan, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi rappreżentattivi għandhom jiġu involuti fil-proċess Komunitarju bil-metodu tradizzjonali tal-kwestjonarji.

4.2   Il-Kumitat huwa konvint li d-Direttorati Ġenerali għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lil dawn il-konsultazzjonijiet għaliex jista’ jkun li r-riżervi dwar xi proposti leġiżlattivi ma jitqisux biżżejjed. Xi drabi dan wassal għal bidliet sostanzjali fil-proposti leġiżlattivi permezz ta’ emendi “kbar” jew saħansitra l-proposti leġiżlattivi ġew rifjutati minn wieħed miż-żewġ leġiżlaturi, il-Kunsill u l-Parlament, li joqogħdu attenti għar-reazzjonijiet jew il-fehmiet li jista’ jkun hemm min-naħa tas-soċjetà ċivili. Bis-saħħa tad-demokrazija parteċipattiva jistgħu jiġu evitati dawn is-sitwazzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar jiswew ħafna – kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak baġitarju.

4.3   Ir-rwol tal-leġiżlatur Komunitarju jista’ jiġi valorizzat biss b’metodu modern u effiċjenti għat-tfassil tal-leġiżlazzjoni.

4.4   Fl-aħħar nett, il-Kumitat jilqa’ l-isforzi u l-azzjonijiet li ttieħdu matul is-snin bil-għan li jkollna leġiżlazzjoni aħjar. Din hija kwistjoni essenzjali għal Unjoni Ewropea msejsa fuq il-liġi. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli għaddejja b’dawn l-isforzi u l-azzjonijiet.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2007) 65 finali, Frar 2007.

(2)  Ara l-opinjoni CESE, ĠU C 204, 9.8.2008, p. 9.

(3)  COM, Mejju 2008, dokument ta’ ħidma mingħajr numru (http://ec.europa.eu/governance/impact/consultation/ia_consultation_en.htm).

(4)  Chevallier, J. (1995), “L’évaluation législative: un enjeu politique”, f’Delcamp A. et al., Contrôle parlementaire et évaluation, Paris, 1995, p. 15.

(5)  Ta’ min jitqiesu wkoll l-esperjenzi storiċi traġiċi differenti meta l-kunċetti ta’ liġi b’mod ġenerali u ta’ drittijiet tal-persuni b’mod partikolari nkisru, u xi drabi dan sar b’salvaġiżmu li ma jitwemminx.

(6)  COM(2002) 276 finali, 5.6.2002.

(7)  Nota tat-traduttur: fil-verżjoni Franċiża jintuża l-akronimu “LDAI” għal “linji gwida għall-valutazzjoni tal-impatt”.

(8)  Punt 9.3.4 tal-anness “Environmental Impact Assessment Models”.

(9)  Dan l-aspett intwera fil-konsultazzjoni dwar il-brevettabbiltà tal-invenzjonijiet implimentati mill-kompjuter (dokument ta’ konsultazzjoni mħejji mid-dipartimenti tad-Direttorat Ġenerali tas-Suq Intern tad-19.10.2000).


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Linji gwida għas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-globalizzazzjoni

2009/C 100/06

Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Linji gwida għas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-globalizzazzjoni

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Hernández BATALLER.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-23 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’50 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

A)

Il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra sabiex iħejju inizjattiva Komunitarja li tqajjem dibattitu dettaljat dwar il-bżonn li jitwaqqfu linji gwida għas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-globalizzazzjoni.

B)

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex, fir-rapporti ta’ valutazzjoni tagħha dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ), kull tant żmien tiddedika kapitlu għall-globalizzazzjoni u l-effetti potenzjali tagħha fuq is-servizzi ta’ interess ġenerali.

C)

Fir-rigward tal-akkwist pubbliku u b’kunsiderazzjoni tal-bżonn tal-innovazzjoni bis-saħħa tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (1), l-iżviluppi li jsiru għandhom ifittxu li jżommu l-karatteristiċi bażiċi ta’ dawn is-servizzi u li jistabbilixxu qafas li fi ħdanu dawn is-servizzi jkunu jistgħu jingħataw b’mod xieraq (pereżempju t-telemediċina, l-etika professjonali u l-ħarsien tad-data).

D)

Għandha tingħata spinta lit-twaqqif futur tal-gvernanza globali li tista’ tkun ibbażata fuq il-parteċipazzjoni bbilanċjata tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-Istati Membri u partijiet interessati oħra.

E)

L-ILO u l-WHO, li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet marbutin mal-impjieg u s-saħħa, għandhom jagħmlu parti minn din il-gvernanza dinjija li qed tinbet fi ħdan id-WTO billi jingħataw l-istatus ta’ osservaturi.

F)

Forum konsultattiv bil-kompitu li jwaqqaf u jirrevedi l-miżuri għall-adozzjoni fil-qasam tas-SIĠ, jista’ jagħti kontribut f’sistema ta’ gvernanza globali u jassigura konformità mal-prinċipji u l-valuri li huma s-sisien tas-SIĠ.

G)

Għandu jsir dibattitu dwar l-aspetti prinċipali li fil-futur ser jolqtu l-ġestjoni tal-assi pubbliċi globali. Fil-livell Komunitarju għandu jitwaqqaf programm ta’ azzjoni Ewropew li jittratta l-arranġamenti għall-iffinanzjar ta’ dawn l-assi.

Il-ġestjoni ta’ dawn l-assi pubbliċi globali għandha tkun kompitu tal-gvernanza globali, b’hekk inkunu qed inkomplu nibnu fuq l-approċċ li nbeda fis-summit tal-G8 f’Heiligendamm dwar il-bijodiversità u r-riżorsi tal-enerġija.

2.   Daħla

2.1   Is-servizzi ta’ interess ġenerali tant għandhom rwol ċentrali fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej, li l-kontribut tagħhom għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u l-iżvilupp sostenibbli tal-UE huwa parti integrali tal-mudell soċjali Ewropew (2). Huma jikkomplementaw lis-suq intern filwaqt li jmorru lil hinn minnu u huma rekwiżit għall-benesseri ekonomika u soċjali tal-individwi u n-negozji (3).

2.1.1   Il-globalizzazzjoni xeħtet id-dawl fuq il-fenomenu tal-ftuħ tal-ekonomiji u t-tneħħija tal-fruntieri, li rriżultaw minn żieda fil-kummerċ, fil-moviment tal-kapital, tal-persuni u tal-ideat, fid-distribuzzjoni tal-informazzjoni, fl-għarfien u l-ħiliet u mill-proċess tad-deregolamentazzjoni. Dan il-proċess, li mhuwiex wieħed ġdid, qed iseħħ f’kull rokna tad-dinja u f’kull industrija u żdied matul dawn l-aħħar snin.

2.1.2   Il-globalizzazzjoni tiġġenera firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet iżda xorta tibqa’ waħda mill-akbar sfidi attwali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex tisfrutta l-potenzjal tat-tkabbir li jista’ jġib miegħu dan il-fenomenu u sabiex tiżgura li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni qed jitqassmu b’mod ġust, l-Unjoni Ewropea qed tipprova toħloq mudell ta’ żvilupp sostenibbli permezz ta’ gvernanza multilaterali. Dan il-mudell huwa maħsub sabiex jirrikonċilja t-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-ħarsien tal-ambjent.

2.2   Madankollu, il-globalizzazzjoni ekonomika qed toħloq xenarju ġdid fejn id-deċiżjonijiet li jittieħdu minn għadd ta’ korpi internazzjonali bħad-WTO jassumu importanza konsiderevoli u jistgħu jheddu l-eżistenza tas-SIĠ bħala element ċentrali ta’ dan il-mudell.

2.3   F’dan il-kuntest jeħtieġ li noħolqu mekkaniżmi ġuridiċi internazzjonali sabiex niżguraw li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jiggarantixxu l-vijabilità tas-SIĠ mingħajr ma jkollhom jinqdew bi strateġiji li jxekklu l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-kummerċ internazzjonali ħieles jew idgħajfu l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea.

2.3.1   L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iqisu b’mod partikolari l-korpi li jimxu fuq sistema ta’ awtoregolamentazzjoni u li fuq livell globali jfittxu li jwaqqfu linji gwida komuni ta’ implimentazzjoni għall-awtoritajiet pubbliċi fl-oqsma li għandhom x’jaqsmu mas-SIĠ (pereżempju l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni/UIT).

2.3.2   Skont l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (4), l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif jistipulaw il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, skont it-Trattati, sabiex tippromovi l-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni. L-Artikolu stabbilixxa għall-ewwel darba rabta bejn dawn is-servizzi u d-drittijiet fundamentali (5).

2.3.3   It-Trattat ta’ Liżbona jsaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma ekonomiċi u kummerċjali. Din l-azzjoni tal-UE fil-livell internazzjonali hija meħtieġa b’mod partikolari fil-kuntest attwali, fejn qed nesperjenzaw żieda fil-globalizzazzjoni tal-ekonomija u t-tisħiħ tas-sistema multilaterali tal-kummerċ li ħadet spinta wara t-twaqqif tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fl-1995.

2.3.4   It-Trattat ta’ Liżbona jiġbor fih għadd ta’ dispożizzjonijiet li japplikaw għall-attivitajiet esterni kollha tal-UE skont Kapitolu I, Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-politika Komunitarja jinsabu f’Titolu IX tat-TKE, it-Tielet Parti, l-Artikoli 131 sa 134, li jirreferu għal “politika kummerċjali komuni”. It-Trattat juża din l-espressjoni sabiex jindika s-sett komuni ta’ mekkaniżmi istituzzjonali għat-teħid tad-deċiżjonijiet f’oqsma speċifiċi bil-għan li jinkisbu għanijiet partikolari. Permezz ta’ dawn il-mekkaniżmi l-Komunità tista’ tintervjeni f’dawn l-oqsma partikolari b’mod globali (6).

2.3.5   L-għanijiet li skont l-Artikolu 131 tat-TKE jagħmlu parti mill-politika Komunitarja jikkontribwixxu għal (a) l-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji, (b) it-tneħħija progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u (ċ) it-tnaqqis ta’ ostakli tariffarji.

2.3.6   Barra minn hekk jeħtieġ li nikkunsidraw l-effetti li jista’ jkollhom l-għanijiet tal-politiki transsettorjali differenti tal-Komunità bħall-kultura, is-saħħa pubblika (7), il-ħarsien tal-konsumatur u l-industrija fuq il-politika kummerċjali tal-Komunità. L-industrija u s-servizzi huma l-oqsma li x’aktarx ser ikollhom influwenza konsiderevoli u problematika fuq l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni.

2.3.7   Il-KESE diġà ġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li r-riforma tat-Trattati ser iġġib magħha progress ġdid fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ġenerali. Dan ser iseħħ bl-inklużjoni ta’ klawżola dwar l-applikazzjoni ġenerali tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) (l-Artikolu 14), fid-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament tal-Unjoni. Din il-klawsola għandha tapplika għall-politiki kollha tal-Unjoni Ewropea (UE), inkluż is-suq intern u l-kompetizzjoni. Maż-żewġ Trattati dwar is-servizzi kollha ta’ interess ġenerali ser jinhemeż ukoll protokoll dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali mhux ekonomiċi (8).

2.4   L-iffirmar tat-Trattat ta’ Liżbona jfisser orizzonti ġodda għall-integrazzjoni Ewropea f’dan il-qasam permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda li jipprovdu għall-possibbiltà li jitwaqqaf qafas legali sovranazzjonali ġdid u aktar adattat sabiex jiddefinixxi u jirregola l-aċċess u t-tħaddim ta’ dawn is-servizzi fl-Istati Membri kollha tal-UE. Dan għandu jkopri b’mod partikolari:

ir-rwol prinċipali u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw SIEĠ sabiex jaqdu l-bżonnijiet tal-utenti tagħhom bl-aħjar mod possibbli;

id-diversità tas-SIEĠ u l-bżonnijiet u l-preferenzi differenti tal-utenti li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ġeografiċi, soċjali u kulturali differenti;

livell għoli ta’ kwalità, sigurtà u aċċessibbiltà ekonomika, it-trattament ugwali u l-promozzjoni tal-aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti.

2.4.1   Uħud mill-miżuri li jippromovu l-korpi multilaterali internazzjonali bħad-WTO u li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni tal-globalizzazzjoni għandhom il-potenzjal li jsaħħu din il-pożizzjoni, b’mod partikolari bis-saħħa tal-korpi ta’ arbitraġġ tagħha li jista’ jkollhom rwol ferm importanti.

2.5   Permezz ta’ approċċ sovranazzjonali huwa aktar faċli li ninfluwenzaw il-komunità internazzjonali, inwettqu l-miżuri li jeqirdu dak kollu li jhedded il-mudell soċjali tagħna u nippromovu l-Ewropa bħala żona sinjura, demokratika, ekoloġika, kompetittiva, solidari u inklużiva għaċ-ċittadini kollha tal-Ewropa (9).

2.6   Fil-kuntest internazzjonali attwali, nistgħu nidentifikaw għadd ta’ dimensjonijiet u livelli li jeħtieġu approċċ strateġiku divrenzjat min-naħa tal-UE. Dawn jinkludu:

2.6.1   Il-ġestjoni tal-assi pubbliċi u globali (l-arja, l-ilma, il-foresti eċċ.); skont id-dikjarazzjonijiet tas-solidarjetà bħal pereżempju dawk li jinsabu fid-Dikjarazzjoni dwar it-Twaqqif ta’ Ordni Internazzjonali Ekonomika Ġdida (Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 3201, 2.5.1974), l-UE għandha tippromovi l-ħolqien ta’ qafas sovranazzjonali li huwa konsistenti mal-ftehimiet u d-deċiżjonijiet internazzjonali li jistgħu jiġu adottati f’dan ir-rigward;

2.6.1.1   L-assi pubbliċi globali huma oġġetti jew servizzi kruċjali għall-benesseri tal-individwu u għall-bilanċ bejn is-soċjetajiet tat-Tramuntanta u tan-Nofsinhar tad-dinja. Il-provvista tar-riżorsi pubbliċi globali ma tistax titħalla f’idejn l-aworitajiet u s-swieq nazzjonali biss: tinħtieġ kooperazzjoni internazzjonali għall-ħarsien u l-produzzjoni tar-riżorsi.

2.6.2   Iż-żamma u l-iżvilupp ta’ għadd ta’ servizzi komuni li jitolbu investiment pubbliku konsiderevoli fl-interess ġenerali tal-pubbliku tal-UE, pereżempju Galileo.

2.6.3   It-tqassim tal-poteri bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-ġestjoni tal-aċċess għal ċerti servizzi elettroniċi u universali ta’ komunikazzjoni bħall-Internet;

2.6.4   Definizzjoni tal-komipiti tal-korpi sottonazzjonali (federali, reġjonali u lokali) li attwalment iżommu, imexxu u jirregolaw il-provvista tas-servizzi soċjali fil-kuntest tal-implimentazzjoni futura tal-ftehimiet internazzjonali li ser jiftħu n-negozju f’setturi tas-servizzi fejn għad m’hemmx liberalizzazzjoni jew fejn l-għażla tal-liberalizzazzjoni għadha ma teżistix;

2.6.5   Definizzjoni ta’ strateġija legali u politika divrenzjata dwar is-sitwazzjoni futura tas-SIĠ provduti permezz ta’ netwerk u servizzi oħra;

2.6.6   Sfortunatament, fil-fora internazzjonali attwali m’hemm l-ebda proċess li jindirizza s-SIĠ u kif ser jitħarsu u jinxterdu l-prinċipji u l-valuri tagħhom.

2.6.7   Madankollu, minn Jannar 2003, sitt organizzazzjonijiet internazzjonali (il-Bank Dinji, il-Konferenza tal-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp – l-UNCTAD, il-FAO, il-FMI, l-OECD u n-NU) kisbu l-istatus ta’ osservaturi fid-WTO. Dan seħħ b’konformità mal-prinċipju tal-gvernanza globali li għadu fil-bidu tiegħu u li jiġbor fih ir-regoli tal-liġi internazzjonali (ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent, ftehimiet internazzjonali dwar ix-xogħol, id-drittijiet tal-bniedem u l-oqsma ekonomiċi u soċjali). L-ILO u l-WHO ma ngħatawx l-istatus ta’ osservaturi. Dan ifisser li kwistjonijiet relatati mal-impjieg u s-saħħa mhumiex parti minn dis-sistema ta’ gvernanza globali li għadha fil-bidu tagħha - l-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni biex timla dan il-vojt.

3.   L-acquis ġuridiku dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali li għandha tħares l-UE skont il-ftehim GATS-WTO

3.1   Matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-istituzzjonijiet tal-UE imxew ’il quddiem fit-tfassil ta’ mudell għas-SIĠ u fil-ħolqien ta’ qafas legali li jkoprihom. Madankollu l-qafas legali li waqqfu f’dan il-qasam mhuwiex qafas komprensiv biżżejjed (10).

3.2   B’rabta ma’ dan importanti li niġbdu l-attenzjoni lejn il-pożizzjoni koerenti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li f’għadd ta’ opinjonijiet suċċessivi tiegħu (11) esprima pożizzjoni stabbli u konsenswali fir-rigward ta’ aspetti legali ċentrali tas-servizzi ta’ interess ġenerali li huma (12):

il-konformità mal-prinċipji tal-ugwaljanza, l-universalità, l-aċċessibilità tal-prezzijiet, l-aċċessibilità, l-affidabilità, il-kontinwità, il-kwalità u l-effikaċja, filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet tal-utenti u l-vijabilità ekonomika u soċjali;

il-kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet speċifiċi ta’ ċerti gruppi ta’ utenti bħall-persuni b’diżabilità, il-persuni li jiddependu minn ħaddieħor jew il-persuni żvantaġġati, eċċ.

3.3   Il-KESE għalhekk jaqbel li m’għandhiex titfassal lista estensiva tas-SIĠ u li minflok issir enfasi fuq l-għan speċifiku tagħhom. Madankollu, is-SIEĠ normalment ikollhom ifitxxu li joħolqu sensiela ta’ kumpensi:

bejn is-swieq u l-interess ġenerali,

bejn l-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali,

bejn l-utenti (utenti individwali, inklużi l-gruppi żvantaġġati, l-intrapriżi, l-awtoritajiet lokali, eċċ.), li mhux kollha għandhom l-istess bżonnijiet u interessi,

bejn il-kompetenzi tal-Istati Membri u l-integrazzjoni Komunitarja (13).

3.3.1   L-għan tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (14) huwa li jindirizzaw l-iżvantaġġi soċjali li jirriżultaw mill-mard, ix-xjuħija, l-inabbiltà li wieħed jaħdem, id-diżabilità, in-nuqqas ta’ sigurtà tal-impjieg, il-faqar, l-esklużjoni soċjali, id-drogi, problemi familjali, problemi ta’ alloġġ u problemi relatati mal-integrazzjoni tal-barranin.

3.3.2   Mingħajr l-ebda preġudizzju lejn il-libertà tal-għażla tal-awtoritajiet nazzjonali, il-KESE jemmen li dawn is-servizzi ta’ interess nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jinkludu, iżda fl-istess waqt ma jillimitawx ruħhom għas-servizzi marbuta mal-edukazzjoni obbligatorja, is-saħħa, il-ħarsien soċjali, l-attivitajiet kulturali u l-attivitajiet ta’ karità u solidarjetà, is-servizzi awdjoviżivi, id-distribuzzjoni tal-ilma u s-sanità (15).

3.4   Il-KESE jemmen li huwa aktar importanti li niffukaw fuq l-għan speċifiku tas-SIĠ u fuq il-ħtiġijiet (l-obbligi tas-servizz pubbliku) imposti fuqhom huma u jwettqu l-ħidma tagħhom, li għandhom ikunu ċari.

3.5   Il-protokoll dwar is-SIĠ, li huwa mehmuż mat-Trattat ta’ Liżbona, jinkludi interpretazzjoni tal-kunċett tas-SIĠ li ġeneralment tirrifletti l-pożizzjoni tal-KESE f’dan ir-rigward. Din hija l-ewwel darba li l-liġi primarja tal-UE qed tkopri din il-kwistjoni partikolari. In-natura vinkolanti tagħha ser twassal għal linja gwida soda li fuqha ser tinbena l-azzjoni istituzzjonali tal-UE kemm fl-Istati Membri kif ukoll lil hinn minnhom.

3.6   Skont l-Artikolu 2 tal-protokoll, “Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma jaffettwaw bl-ebda mod il-kompetenza ta’ l-Istati Membri biex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw servizzi non-ekonomiċi ta’ interess ġenerali”.

3.6.1   Minkejja li l-protokoll jiddistingwi bejn SIĠ ekonomiċi u mhux ekonomiċi, fl-assenza ta’ att istituzzjonali li jikklassifika dawn is-servizzi u fid-dawl tad-dispożizzjoniiet tad-Dikjarazzjoni dwar id-delimitazzjoni tal-kompetenzi (mehmuża mal-Att Finali tal-KIG tal-2007) u tal-Protokoll dwar it-tħaddim tal-kompetenza konġunta (mehmuż mat-TUE u t-TFUE), il-pożizzjoni tal-Istati Membri f’dan ir-rigward tibqa’ l-aktar linja gwida legali adegwata.

Għalhekk ikun utli immens li jsir monitoraġġ tal-valutazzjonijiet li wettqet il-Kummissjoni Ewropea sabiex tanalizza l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi fl-Istati Membri, b’mod partikolari fid-dawl tal-impatt li ser ikollhom fuq kif l-UE tinnegozja u tikkonkludi l-ftehimiet dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi li hija tirregola.

3.6.2   L-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam tiddependi minn żewġ fatturi:

(a)

Li t-tfassil u l-adozzjoni tal-atti tal-leġiżlazzjoni sekondarja jqisu t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri fir-rigward tal-kunċett, il-kategoriji u t-tħaddim tas-SIĠ;

(b)

Li l-ftehimiet internazzjonali, inklużi l-ftehimiet iffirmati mill-organizzazzjonijiet li fihom l-UE jew l-Istati Membri tagħha għandhom rappreżentanza, jinbnew fuq bażi ta’ konsultazzjoni konġunta bejn l-Istati Membri u l-UE, u li jirriflettu dejjem l-aspetti ċentrali tat-Trattat ta’ Liżbona u tas-sistemi legali tal-Istati Membri li jirregolaw is-SIĠ.

4.   Il-każ speċifiku tal-GATS/WTO

4.1   Id-WTO hija l-korp internazzjonali responsabbli għar-regoli dinjija li jmexxu l-kummerċ bejn il-pajjiżi u topera fuq bażi ta’ sistema multilaterali. L-organizzazzjoni nbniet fuq il-ftehimiet innegozjati u ffirmati bejn id-WTO u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi involuti fil-kummerċ dinji (16).

4.2   L-għan ewlieni tal-organizzazzjoni huwa li tiggarantixxi li l-iskambji kummerċjali jsiru b’mod fluwidu, previdibbli u liberu kemm jista’ jkun. Fi ħdan id-WTO, kważi kull deċiżjoni tittieħed b’kunsens bejn il-pajjiżi membri kollha u tiġi ratifikata fil-parlamenti rispettivi tagħhom. Il-kunflitti kummerċjali huma r-responsabbiltà tal-mekkaniżmu tar-riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO.

4.3   Il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) huwa l-ewwel sett ta’ prinċipji u regoli li dwarhom intlaħaq ftehim multilaterali u li jmexxu l-kummerċ internazzjonali fis-servizzi. Il-ftehim jistipula l-firxa ta’ servizzi li l-membri tad-WTO huma lesti li jiftħu għall-kompetizzjoni esterna u jispeċifika l-livell ta’ ftuħ permess f’dawn is-swieq li jinkludu wħud mis-SIEĠ, bħas-servizzi finanzjarji, il-komunikazzjoni elettronika, is-servizzi tal-posta, it-trasport, l-enerġija eċċ.

4.4   Il-KESE diġà ħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Komunitarji (17) sabiex jassigraw li l-prinċipji li jmexxu s-SIĠ jiddeterminaw ukoll il-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati tal-kummerċ b’mod partikolari fid-WTO u fil-GATS. Fil-fehma tal-KESE mhuwiex aċċettabbli li fi ftehimiet internazzjonali dwar il-kummerċ bħal dawn, l-Unjoni Ewropea tassumi l-impenn tal-liberalizzazzjoni tas-setturi jew l-attivitajiet, li dwarhom ma jkun sar l-ebda qbil li jikkonforma mar-regoli tat-Trattat li jiggvernaw is-SIĠ. Il-bżonn li tinżamm is-setgħa tal-Istati Membri li jirregolaw is-servizzi ta’ interess ġenerali, sabiex niksbu l-għanijiet soċjali u tal-iżvilupp tal-Unjoni, ifisser li s-SIĠ ma jistgħux jagħmlu parti minn dawn in-negozjati.

4.5   L-Artikolu 1.3(b) tal-GATS jeskludi s-servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva u l-punt (c) tal-istess artikolu jeskludi kull servizz f’kwalunkwè settur li mhuwiex provdut fuq bażi kummerċjali u lanqas f’kompetizzjoni ma’ provvedituri oħra.

4.5.1   Il-GATS ma jirreferix għal “servizzi ta’ interess ġenerali” fis-sens strett tat-terminu ħlief għat-tifsira li tingħata fl-Artikolu XXVIII (c)ii (18) għalhekk meta jiġu biex jintagħżlu tifsira waħda u qafas internazzjonali adegwat għar-regolamentazzjoni tas-SIĠ fi ħdan id-WTO jqumu l-inċertezzi li jistgħu jqajmu dubju dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja.

4.5.2   Barra minn hekk, fid-dawl tal-għadd kbir ta’ miżuri governattivi (jew pubbliċi) li għalihom jista’ japplika l-GATS skont l-Artikolu 1.1. ta’ dan il-ftehim (19) u fid-dawl tal-pożizzjoni li ħa l-korp tal-appell, li jaqbel li l-ftehim jista’ jiġi applikat għal kull miżura li mhux ġustifikata biżżejjed u li xxekkel il-kummerċ fis-servizzi (20) , l-UE għandha tieħu pożizzjoni uniformi u soda fid-WTO li tħares il-prinċipji u l-valuri komuni li jagħmlu parti mill-acquis tal-Komunità.

4.5.3   L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola hija stipulata fl-Artikolu 2(a) u (b) tal-Anness tal-GATS dwar is-servizzi tat-trasport bl-ajru li teskludi d-drittijiet tat-traffiku irrispettivament mill-mod li bih ikunu ngħataw, jew is-servizzi relatati mat-tħaddim tad-drittijiet tat-traffiku, mill-iskop tal-ftehim u mill-proċeduri tar-riżoluzzjoni tat-tilwim f’dan ir-rigward.

4.6   Din is-sitwazzjoni tagħti lok għal diversi għażliet li dwarhom id-WTO ser ikollha tieħu pożizzjoni:

4.6.1   Il-promozzjoni ta’ ftehim mal-imsieħba l-oħra, li jfisser il-kunċett ta’ “servizz ipprovdut fl-eżerċizzju ta’ awtorità governattiva” li jinsab f’Artikolu I(3) tal-GATS, tagħmel sens, sakemm id-dispożizzjonijiet tal-punt b) tal-istess artikolu, li jkopri b’mod ġenerali l-liberalizzazzjoni ta’ kull servizz fi kwalunkwe settur ekonomiku, ma jtellfux lill-pajjiżi milli jadottaw derogi li jeskludu l-liberalizzazzjoni tas-servizzi soċjali u tas-servizzi ta’ interess ġenerali. Dawn id-derogi ma jmorrux kontra l-obbligi li jimponi l-GATS sabiex iħares il-kummerċ tas-servizzi mill-ostakli.

4.6.2   Il-perspettivi differenti li minnhom issir evalwazzjoni tal-prestazzjoni tas-servizzi u fejn hemm bżonn klassifikazzjoni bħala SIĠ sabiex ikun jista’ japplika l-GATS, jiddependi minn jekk l-enfasi hix ser issir fuq il-konsumaturi tas-servizz jew fuq l-entità li tipprovdi s-servizz. L-esklużjoni tas-SIĠ mill-iskop tal-GATS tista’ sseħħ biss jekk ir-raġunijiet ikunu l-ħarsien tal-interess ġenerali fil-livell Komunitarju jew fil-livell ta’ Stat Membru u l-ħarsien tas-servizzi tal-konsumatur, għaliex f’dan il-każ huwa irrelevanti jekk is-servizz huwiex ipprovdut minn entità pubblika, privata, nazzjonali jew barranija.

4.6.3   Il-bżonn li l-kunċett Komunitarju tal-istituzzjonijiet pubbliċi li joffru kreditu u s-servizzi finanzjarji ta’ interess ġenerali (eż. pjanijiet għal meta wieħed jirtira u l-pensjonijiet pubbliċi) jikkonformaw mal-kunċett ta’Artikolu 1b) (it-tielet paragrafu) tal-Anness tal-GATS dwar is-servizzi finanzjarji li jqis l-attivitajiet l-oħrajn li jsiru minn entitá pubblika bil-garanzija, iggarantiti minn jew bl-użu ta’ riżorsi finanzjarji tal-Gvern, bħala servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta’ awtoritá governattiva.

4.6.4   Il-grupp G-20 (21) jista’ jaqdi rwol ta’ katalista għad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati (bħall-WHO, l-FAO, il-Bank Dinji, l-IMF eċċ.) fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u għall-ħarsien tal-prinċipji u l-valuri li huma s-sisien tas-servizzi ta’ interess ġenerali.

Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Opinjoni tal-KESE intitolata Il-promozzjoni ta’ aċċess pubbliku wiesa’ għal-librerija diġitali Ewropea, punt 1.3, ĠU C 162, 25.6.2008, p.46.

(2)  Opinjoni tal-KESE, Social cohesion: fleshing out a European social model (Il-koeżjoni soċjali: insaħħu l-mudell soċjali Ewropew), ĠU C 309, 16.12.2006, p. 119 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Opinjoni tal-KESE, The future of Services of General Interest (Il-futur tas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali), (ĠU C 309, 16.12.2006, p. 135, punt 2.1. (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 303, 14.12.2007 (fid-dikjarazzjoni formali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, 2007).

(5)  Opinjoni tal-KESE, The future of Services of General Interest (Il-futur tas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali), (ĠU C 309, 16.12.2006, punt 3.9 (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Ara “Los objetivos de la Política Comercial Común ala luz del Tratado de Lisboa” (L-għanijiet tal-politika kommerċjali komuni fid-dawl tat-Trattat ta’ Liżbona), Miguel Angel Cepillo Galvín, fil-pubblikazzjoni intitolata El Tratado de Lisboa: salida de la crisis constitucional (It-Trattat ta’ Liżbona: ħruġ mill-kriżi kostituzzjonali), editur José Martín y Pérez Nanclares, Iustel, 2008.

(7)  Opinjoni tal-KESE, Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ĠU C 224, 30.8.2008, p. 87.

(8)  Opinjoni tal-KESE 267/2008, Evalwazzjoni indipendenti tas-servizzi ta’ interess ġenerali, ĠU C 162, 25.6.2008, p. 42.

(9)  Opinjoni tal-KESE, Social cohesion: fleshing out a European social model (Il-koeżjoni soċjali: insaħħu l-mudell soċjali Ewropew), ĠU C 309, 16.12.2006

(10)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew A.6-0275/White Paper tal-Kummissjoni Ewropea, COM(2004) 374 of 12.5.2004; Kummissjoni Ewropea, COM(2007) 725 finali, 20.11.07. eċċ.

(11)  Ara l-opinjoni esploratorja tal-KESE dwar is-SIĠ, ĠU C 241, 7.10.2002, p. 119; l-opinjoni tal-KESE dwar il-White Paper dwar is-SIĠ, ĠU C 221, 8.9.2005, p. 17; u l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar il-Futur tas-servizzi ta’ interess ġenerali, ĠU C 309, 16.12.2006, p. 135.

(12)  Opinjoni tal-KESE, Evalwazzjoni indipendenti tas-servizzi ta’ interess ġenerali, ĠU 162, 25.6.2008, punt 3.2.

(13)  Opinjoni tal-KESE, Evalwazzjoni indipendenti tas-servizzi ta’ interess ġenerali, ĠU 162, 25.6.2008, punt 3.7.

(14)  Ara l-opinjoni tal-KESE, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta’ Liżbona - Is-servizzi soċjali ta’ interess generali fl-Unjoni Ewropea, ĠU C 161, 13.7.2007, p. 80.

(15)  Ara l-opinjoni tal-KESE, The future of Services of General Interest (Il-futur tas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali), (ĠU C 309, 16.12.2006, punt 10.3.

(16)  Skont Deċiżjoni 94/800/KE tal-Kunsill, it-22 ta’ Diċembru 1994, (ĠU L 336, 23.12.1994) il-Kunsill adotta testi legali li rriżultaw min-negozjati multilaterali tal-Urugwaj dwar il-kummerċ li għalqu bl-iffirmar tal-Att Finali ta’ Marrakech u l-ħolqien tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(17)  Opinjoni tal-KESE, The future of Services of General Interest (Il-futur tas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali), (ĠU C 309, 16.12.2006.

(18)  Skont dan l-artikolu, li jittratta ċertu tifsiriet, dawk “il-miżuri tal-Membri li jaffettwaw il-kummerċ fis-servizzi” jinkludu l-aċċess għal u l-użu ta’ servizzi li huma meħtieġa minn dawk il-Membri sabiex jiġu offruti lill-pubbliku in ġenerali b’rabta mal-provvista ta’ servizz.

(19)  Li jgħid li dan il-ftehim japplika għal miżuri minn Membri li jagħmlu kummerċ fis-servizzi.

(20)  Ara l-każ tal-Istati Uniti - Measures Affecting the Cross-Border Supply of Gambling and Betting Services, każ WT/DS/AB/R(AB-2005-1). Ara wkoll l-analiżi ta’ Moreira González, C. J. Las cláusulas de Seguridad Nacional (Il-klawżoli tas-sigurtà nazzjonali) Madrid 2007, p. 229. Ara wkoll il-każ tal-Komunitajiet Ewropej – Reġim dwar l-importazzjoni, il-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-banana, każ WT/DS27/AB/R/197.

(21)  Il-grupp G-20 tal-finanzi jiġbor fih il-pajjiżi tal-G8, 11-il ministru tal-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali li jirrappreżentaw 85 % tal-PGD tad-dinja u l-Unjoni Ewropea (li jirrappreżentaha l-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill u l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew).


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-Sigurtà fl-avjazzjoni għall-passiġġieri

2009/C 100/07

Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

is-Sigurtà fl-avjazzjoni għall-passiġġieri

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Settembru. Ir-rapporteur kien is-Sur McDONOGH.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-23 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’94 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta’ standards speċifiċi għas-servizzi ta’ sigurtà fl-avjazzjoni, unifikati fl-għola livell possibbli flimkien mal-istandards legali komuni attwali li jirregolaw l-approċċ Komunitarju għas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili.

1.2   Fl-opinjoni tal-Kumitat il-fornituri tas-servizz għandhom jiġu esklużi mill-attivitajiet tas-sigrutà fl-avjazzjoni jekk, fost l-oħrajn, ikunu: fallew jew qed jiġu likwidati, soġġetti għal proċedimenti li jwasslu għal dikjarazzjoni ta’ falliment, misjuba ħatja ta’ offiża fir-rigward tal-imġiba professjonali tagħhom, ħatja ta’ mġiba professjonali ħażina ħafna, ħatja li naqsu milli jonoraw l-obbligi tagħhom tal-ħlas tal-pagamenti dovuti bħala kontribuzzjonijiet għas-servizzi soċjali, ħatja li naqsu milli jonoraw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-ħlas ta’ taxxi, ħatja tal-għoti ta’ informazzjoni li tkun serjament żbaljata jew ħatja talli naqsu milli jagħtu informazzjoni sensittiva li hija relevanti u talli ma jkunux reġistrati fir-reġistru professjonali jekk dan ikun meħtieġ skont il-liġijiet nazzjonali. Barra minn hekk, il-fornituri tas-sigurtà fl-avjazzjoni għandu jkollhom mekkaniżmu intern ta’ kif jimpjegaw il-ħaddiema, li għandu jipprovdi taħriġ suffiċjenti għall-impjegati, kif ukoll provi ta’ polza tal-assigurazzjoni għal danni li jistgħu jinqalgħu wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

1.3   Il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ sett komuni ta’ sigħat ta’ taħriġ li huwa legalment vinkolanti, kif ukoll pakkett obbligatorju ta’ taħriġ għall-persunal tas-sigurtà fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

1.4   Il-Kumitat jemmen li l-miżuri għandhom ikunu ċari u konċiżi.

1.5   Il-KESE jemmen fil-ħtieġa li l-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-fornituri tas-sigurtà jirċievu informazzjoni ċara dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tinkludi miżuri ta’ sigurtà, u li jingħataw aċċess dirett għal dawn ir-regoli, soġġetti għal kundizzjonijiet stretti.

1.6   Il-KESE jemmen li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ partijiet mhux sensittivi tal-leġiżlazzjoni implimentattiva li tinkludi miżuri tas-sigurtà li jimponu obbligi fuq, jew jillimitaw id-drittijiet tal-passiġġieri u r-reviżjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ sigurtà kull sitt xhur, huma indispensabbli għall-ordni legali tal-Komunità.

1.7   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tieħu inizjattiva fir-rigward tal-għoti ta’ kumpens lill-vittmi ta’ atti kriminali, bħal attakki terroristiċi fil-qasam tal-avjazzjoni.

1.8   Il-miżuri għandhom jippromovu l-għarfien u l-iżvilupp professjonali tal-karrieri fil-qasam tas-sigurtà.

1.9   Il-miżuri għandhom jevitaw kontrolli ta’ sigurtà żejda bl-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ sistema ta’ sigurtà unika madwar l-UE kollha. Jeħtieġ li nippromovu r-rikonoxximent tal-miżuri tas-sigurtà tal-pajjiżi terzi.

1.10   Il-miżuri għandhom jiżviluppaw approċċ innovattiv speċifiku li jippermetti d-divrenzjar tal-miżuri tas-sigurtà għall-ekwipaġġ u l-passiġġieri, mingħajr tnaqqis tas-sigurtà.

1.11   Skont il-Kumitat, is-sigurtà fl-avjazzjoni għandha tingħata prijorità fl-allokazzjoni tal-fondi għar-riċerka dwar is-sigurtà.

1.12   Il-valutazzjoni indipendenti tat-teknoloġiji u tar-rekwiżiti għat-teknoloġiji mill-Kummissjoni Ewropea hi indispensabbli. Skont il-KESE, fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti standards għat-teknoloġiji użati fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni, kif ukoll reġistru ċentrali tal-fornituri approvati.

1.13   Il-KESE jemmen fil-ħtieġa ta’ approċċ aktar koordinat bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Barra minn hekk, miżuri aktar stretti fil-livell nazzjonali, li joħolqu obbligi u, jew jillimitaw id-drittijiet tal-passiġġieri, jeħtieġ li jissejsu fuq valutazzjoni tar-riskju, u għandhom jikkunsidraw id-dinjità tal-bniedem, jiġu riveduti kull sitt xhur u jiġu kkomunikati b’mod ċar lil kull min jivjaġġa.

2.   Introduzzjoni

2.1   Wara l-avvenimenti traġiċi tal-11 ta’ Settembru 2001, ġie adottat Regolament Qafas tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (1). Dan ir-Regolament jispeċifika d-dispożizzjonijiet ewlenin u l-istandards komuni li jirregolaw l-approċċ tal-Komunità dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tistipula l-istandards bażiċi komuni, tippermetti lill-Istati Membri (jew lil ajruporti individwali) jistabbilixxu standards għola, dan minħabba li l-livell ta’ riskju ta’ attakk terroristiku jiddependi mill-Istat Membru, ajruport jew linja tal-ajru.

2.2   Fl-2005 il-Kummissjoni Ewropea (2) nediet proċess ta’ reviżjoni ta’ dan ir-Regolament Qafas fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni, li wassal għal qbil finali bejn il-membri tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta’ Jannar 2008, u għall-adozzjoni ta’ Regolament Qafas ġdid Nru 300/2008 (3) fil-11 ta’ Marzu 2008. L-għan tar-reviżjoni kien li jiċċara, jissemplifika u jarmonizza aktar ir-rekwiżiti legali bil-għan li tiżdied is-sigurtà ġenerali fl-avjazzjoni ċivili.

2.3   L-ispinta li tat ir-reviżjoni tar-Regolament Qafas f’dan il-qasam, għandha titqies bħala opportunità unika, għax hija bidla fundamentali fir-regoli li jirregolaw is-sigurtà fl-avjazzjoni. Il-politika komuni tat-trasport kienet waħda mill-ewwel punti ta’ politika komuni tal-Komunità Ewropea. F’dan il-kuntest, it-trasport bl-ajru huwa importanti ħafna għall-moviment ħieles tal-persuni u tal-oġġetti: tnejn mill-objettivi tal-Komunità Ewropea. Il-libertà ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jivjaġġa mingħajr xkiel għal Stat Membru ieħor timplika l-protezzjoni ta’ dik il-persuni mill-periklu. Barra minn hekk, diżordni (li tirriżulta pereżempju minn attakk terroristiku) fis-sistema tat-trasport bl-ajru għandha impatt negattiv fuq l-ekonomija Ewropea kollha. Għaldaqstant m’hemmx dubju li s-sigurtà għandha tibqa’ fattur ewlieni għas-suċċess tat-trasport bl-ajru.

2.4   Minkejja l-ħafna inizjattivi fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni, il-qafas regolatorju attwali fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ma jindirizzax xi wħud mill-problemi bażiċi tal-passiġġieri, tal-linji tal-ajru, tal-ajruporti u tal-fornituri privati tas-sigurtà. Is-settur tat-trasport bl-ajru għandu bżonn ta’ miżuri aktar ċari, komprensivi u armonizzati. Għalhekk, l-għan aħħari tal-politika dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni għandu jkun il-ħolqien ta’ qafas regolatorju ċar, effiċjenti u trasparenti, u sigurtà b’wiċċ uman.

3.   Iċ-ċertifikazzjoni ta’ fornituri privati tas-sigurtà hi indispensabbli

3.1   Minħabba l-fatt li s-sigurtà fl-avjazzjoni hija kruċjali għat-tħaddim tas-sistema tat-trasport bl-ajru, jenħtieġ il-ħolqien ta’ standards speċifiċi għas-servizzi tas-sigurtà fl-avjazzjoni b’żieda mal-istandards legali attwali li jirregolaw l-approċċ tal-Komunità dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili. Fil-prattika, il-fornituri privati tas-sigurtà, minkejja n-natura sensittiva tan-negozju tagħhom, spiss jintgħażlu fuq il-bażi tal-orħos prezz. Leġiżlazzjoni vinkolanti ġdida li tinkludi standards speċifiċi bħal dawn għandha toffri gwida fl-għażla u l-attribuzzjoni tal-fornituri tas-sigurtà fl-avjazzjoni fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ kwalità.

3.2   L-għażla u l-attribuzzjoni tal-kriterji għall-fornituri tas-sigurtà għandha, fost l-oħrajn, tinkludi l-kapaċità finanzjarja u ekonomika tal-fornitur, it-trasparenza finanzjarja tiegħu u l-abbiltà u l-kapaċità teknika tiegħu bil-għan li tittejjeb il-kwalità tas-servizzi.

3.3   Dan l-aħħar, l-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Sigurtà fl-Avjazzjoni nediet inizjattiva ta’ awtoregolamentazzjoni permezz ta’ Karta ta’ Kwalità u ta’ Anness dwar it-Taħriġ ta’ persunal privat tas-sigurtà. Il-prinċipji mressqa f’dan id-dokument jistgħu jservu bħala bażi għaċ-ċertifikazzjoni tal-kumpaniji privati tas-sigurtà fl-avjazzjoni kollha u juru l-impenn tal-industrija li tipprovdi soluzzjonijiet ta’ kwalità għolja.

3.4   Il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew jirrakkomanda l-ħolqien ta’ kriterji vinkolanti ta’ kwalità li japplikaw għall-fornituri privati tas-sigurtà fl-avjazzjoni. Il-fornituri tas-servizzi jistgħu jiġu esklużi mill-attivitajiet tas-sigurtà fl-avjazzjoni, jekk fost l-oħrajn, ikunu: fallew jew qed jiġu likwidati, soġġetti għal proċedimenti li jwasslu għal dikjarazzjoni ta’ falliment, misjuba ħatja ta’ offiża fir-rigward tal-imġiba professjonali tagħhom, ħatja ta’ mġiba professjonali ħażina ħafna, ħatja li naqsu milli jonoraw l-obbligi ta’ ħlas ta’ pagamenti dovuti bħala kontribuzzjonijiet għas-servizzi soċjali, ħatja li naqsu milli jonoraw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-ħlas ta’ taxxi, ħatja tal-għoti ta’ informazzjoni li tkun serjament żbaljata jew ħatja talli naqsu milli jagħtu informazzjoni sensittiva relevanti u talli ma jkunux reġistrati fir-reġistru professjonali jekk dan ikun meħtieġ skont il-liġijiet nazzjonali. Barra minn hekk, il-fornituri tas-sigurtà fl-avjazzjoni għandu jkollhom mekkaniżmu ta’ reklutaġġ intern, għandhom jipprovdu biżżejjed taħriġ, kif ukoll prova ta’ assigurazzjoni għal danni li jistgħu jinqalgħu wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

3.5   B’żieda ma’ dan, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jipproponi l-introduzzjoni ta’ sett komuni ta’ sigħat ta’ taħriġ li jkun legalment vinkolanti, kif ukoll pakkett obbligatorju ta’ taħriġ għall-persunal tas-sigurtà fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

4.   Ir-rikonoxximent ta’ kontrolli tal-kondotta tal-persunal tas-sigurtà

4.1   Skont ir-Regolament Qafas dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni attwali u fil-futur, il-persunal tas-sigurtà għandu jirċievi taħriġ speċifiku u għandhom isirulu kontrolli tal-kondotta qabel ma jinħatar. Huwa kruċjali li aġent tas-sigurtà prospettiv ma jkollu l-ebda rekord jew konnessjoni ma’ gruppi terroristiċi potenzjali jew gruppi kriminali u l-ebda rekord kriminali, dan minħabba l-fatt li x-xogħolu jaqdi rwol ewlieni fis-sistema tas-sigurtà fl-avjazzjoni.

4.2   Bħalissa, il-kontrolli tal-kondotta jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali, ġeneralment mill-Ministeru tal-Ġustizzja jew tal-Intern, fil-ġurisdizzjoni tagħhom biss. B’riżultat ta’ dan, m’hemmx rikonoxximent komuni ta’ dan ir-rekwiżit mill-maġġoranza tal-Istati Membri. Dan is-suġġett huwa importanti ħafna b’mod partikolari fil-kuntest tal-mobilità tal-ħaddiema, li hi libertà fundamentali stabbilita mit-Trattat ta’ Ruma.

4.3   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jirriflettu fuq din il-kwistjoni fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom fl-oqsma tal-pulizija u l-koperazzjoni ġudizzjarja fl-UE.

5.   Sistema ta’ sigurtà unika

5.1   L-objettiv ewlieni għall-għoti ta’ kompetenzi lill-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni kien li jitfassal qafas Ewropew ta’ regoli komuni li jiġu applikati madwar l-Istati Membri tal-UE bl-istess mod. Peress li r-regoli kollha li jitfasslu fil-livell tal-UE għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha, il-konsegwenza loġika hi r-rikonoxximent tal-istandards tas-sigurtà tal-UE fost l-Istati Membri – dan li tfisser sistema ta’ sigurtà unika. Il-passiġġieri, il-bagalji u t-tagħbija li jivjaġġaw minn Stat tal-UE għal ieħor għandhom jitqiesu siguri, u għalhekk m’għandhomx jgħaddu minn aktar kontrolli ta’ sigurtà fil-punt tat-trasferiment fl-UE qabel ma jilħqu d-destinazzjoni tagħhom.

5.2   Il-prinċipju tas-sistema ta’ sigurtà unika ġie rikonoxxut fil-livell tal-UE u ser jissaħħaħ aktar permezz tar-Regolament Qafas il-ġdid dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni. Madankollu, ir-rikonoxximent komuni tal-istandards tas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE għadu ma ntlaħaqx għal kollox fl-UE. Minħabba li l-livelli ta’ riskju ma kinux l-istess fl-Istati Membri kollha, uħud mill-Istati Membri imponew miżuri aktar stretti ta’ sigurtà biex inaqqsu r-riskju partikulari li huma esposti għalih.

5.3   Dan in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-istandards tas-sigurtà madwar l-UE jimplika l-multiplikazzjoni ta’ kontrolli mhux meħtieġa, li mhumiex marbuta biss maż-żieda fid-dewmien u fl-ispejjeż tal-linji tal-ajru, iżda qed jużaw ukoll riżorsi li jistgħu jintużaw għall-protezzjoni ta’ oqsma aktar vulnerabbli.

5.4   Dan il-prinċipju ta’ sistema ta’ sigurtà komuni, li għandu jiġi implimentat madwar l-UE kollha, għandu jiġi kkunsidrat ukoll fir-rigward ta’ pajjiżi oħra. M’hemm l-ebda raġuni għaliex ajruplani li ġejjin minn pajjiżi b’sistema ta’ sigurtà fl-avjazzjoni avvanzata, bħall-Istati Uniti u l-Iżrael, għandhom jitqiesu bħala “mhux siguri”. Ir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards għandu jkun possibbli ma’ pajjiżi li jħaddnu fehmiet jixxiebhu u dan jikkontribwixxi wkoll għal reġim ta’ sigurtà globali bbilanċjat fejn l-isforzi kollha huma indirizzati lejn ir-riskju reali.

5.5   Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiżgura li l-prinċipju ta’ sistema ta’ sigurtà unika jiġi applikat bis-sħiħ fl-UE, u li kull ajruplan li jivvjaġġa minn pajjiż għal ieħor tal-UE jitqies bħala “sigur”. Inħeġġu l-Kummissjoni Ewropea bis-sħiħ ukoll sabiex tħaffef il-progress tar-rikonoxximent tal-istandards ta’ sigurtà tal-pajjiżi terzi, fejn dawn l-istandards jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti, b’enfasi speċjali fuq l-Istati Uniti.

6.   Id-divrenzjar

6.1   Fil-kuntest taż-żieda sinifikanti fin-numru ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru mbassra għas-snin li ġejjin, il-monitoraġġ tas-sigurtà tal-passiġġieri u tal-bagalji attwali mhuwiex mudell sostennibbli. Attwalment, il-passiġġieri kollha qegħdin jiġu kkontrollati bl-istess mod u kollha jkollhom jgħaddu mill-istess proċess ta’ kontroll tas-sigurtà. Dan il-proċess tqil huwa l-għajn ta’ ħafna ilmenti tal-passiġġieri meta jiġu mitluba jevalwaw l-esperjenza tal-ivjaġġar tagħhom. In-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-passiġġieri jkompli jiżdied meta jagħrfu li l-maġġoranza tal-persuni li qed jivjaġġaw ma huma l-ebda theddida la għall-ajruport u l-anqas għall-ajruplan.

6.2   Għal darb’oħra r-riżorsi disponibbli għall-iżgurar tas-sigurtà fl-avjazzjoni huma skarsi ħafna. L-ewwel nett, għandha ssir distinzjoni bejn dak li huwa probabbli u dak li hu possibbli. Il-kredibilità tas-sistema kollha trid tibbaża fuq il-kapaċità tagħha li tindirizza t-theddid probabbli u mhux li tipprova tkopri 100% tat-theddid possibbli. L-identifikazzjoni ta’ theddida probabbli għandha tissejjes fuq il-valutazzjoni ta’ din it-theddida u fuq evalwazzjoni tar-riskju involut fl-applikazzjoni ta’ miżuri adegwati.

6.3   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrifletti fuq approċċ fejn is-sistematizzazzjoni tal-kontrolli tas-sigurtà fuq il-passiġġieri tista’ tiġi sostitwita b’divrenzjar proattiv tal-passiġġieri, fejn il-ġbir tal-informazzjoni jiġi kkombinat mad-deterrenza ta’ miżuri meħudin b’mod każwali.

7.   L-allokazzjoni ta’ fondi għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-qasam tas-sigurtà

7.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ l-allokazzjoni ta’ EUR 1.2 biljun għar-riċerka dwar is-sigurtà fis-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka. Is-sigurtà fl-avjazzjoni għandha titqies bħala prijorità fl-allokazzjoni tal-fondi, u dan minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tas-settur tal-avjazzjoni u l-impatt tiegħu fuq is-soċjetà ġenerali. Barra minn hekk, hu kruċjali li l-proġetti magħżula jikkonformaw mal-politika li qiegħda tiġi żviluppata u li l-fondi jkunu disponibbli għar-riċerka meħtieġa f’dan ir-rigward, bħal pereżempju riċerka fuq it-teknoloġiji użati għat-tiftix ta’ splussivi likwidi, jew teknoloġiji ta’ tiftix oħra, bħall-użu tal-bijometrika.

7.2   B’riżultat ta’ dan, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qiegħed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkoordina xogħolha internament, sabiex tagħmel l-aħjar użu tar-riżorsi finanzjarji li ġejjin mit-taxxi.

7.3   Barra minn hekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda l-allokazzjoni ta’ fondi għall-valutazzjoni indipendenti tat-teknoloġiji u r-rekwiżiti għat-teknoloġiji mill-Kummissjoni Ewropea. Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni indipendenti, għandhom jinħolqu standards għat-teknoloġiji użati fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni, u għandu jitwaqqaf reġistru ċentrali tal-fornituri approvati.

8.   Id-diffikultajiet fir-reklutaġġ u ż-żamma tal-persunal tas-sigurtà

8.1   F’xi wħud mill-Istati Membri, l-ajruporti jew il-fornituri qed jiffaċċjaw diffikultajiet importanti fil-proċess tar-reklutaġġ tal-persunal tas-sigurtà. Hu naturali li l-kriterji tal-għażla ta’ dawn l-aġenti żdiedu, speċjalment minħabba r-rwol importanti tagħhom. Apparti l-ħtieġa ta’ kondotta “nadifa”, illum il-ġurnata jridu jkunu kapaċi jitkellmu lingwa barranija waħda jew aktar, għandu jkollhom ċertu livell ta’ edukazzjoni biex jifhmu l-proċeduri u jkunu kapaċi jiffaċċjaw passiġġieri li jqajmu problemi. B’hekk il-lista ta’ kandidati hija aktar ristretta.

8.2   Problema oħra li hemm hija dik li ladarba l-persunal jiġi impjegat u mħarreġ, iż-żamma ta’ dan il-persunal issir diffiċli ħafna. Minħabba s-sigħat flessibbli li jkollhom jaħdmu, il-pressjoni kontinwa tax-xogħol u l-paga relattivament baxxa, il-professjoni ta’ aġent tas-sigurtà mhix waħda attraenti. Barra minn hekk, huwa ċar li n-nuqqas ta’ għarfien soċjali u prospetti fil-karriera iwassal għal nuqqas ta’ speċjalisti fis-settur.

8.3   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jemmen li l-Kummissjoni Ewropea tista’ taqdi rwol importanti fil-qasam soċjali billi tippromovi l-benefiċċji ta’ karriera ta’ aġent tas-sigurtà madwar l-Unjoni Ewropea, u dan b’mod aktar konkret bl-għoti mill-ġdid ta’ valur lil dawn il-postijiet tax-xogħol importanti.

9.   Ir-responsabbiltà

9.1   L-industrija tal-avjazzjoni tinvesti fl-għoti ta’ servizzi ta’ kwalità għolja iżda tiffaċċja ostakli li jxekklu viżjoni ċara tar-rekwiżiti legali li jtellfu wkoll l-implimentazzjoni kwalitattiva.

9.2   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jemmen li l-miżuri għandhom ikunu ċari u fformulati bl-aktar mod sempliċi. Ir-regoli attwali huma ħafna drabi ġabra ta’ regoli mifruxin f’diversi testi legali, b’ħafna eċċezzjonijiet fuq eċċezzjonijiet. Dan jirriżulta f’ġabra ta’ rekwiżiti kumplessi, li ma jikkontribwixxux għall-effiċjenza, u li jżidu l-istress fuq il-persunal, id-dewmien u l-inkonvenjenza għal min ikun qiegħed jivjaġġa.

9.3   Barra minn hekk, l-utenti aħħarin tal-miżuri ta’ sigurtà, l-iktar il-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-fornituri tas-sigurtà, li qegħdin fil-fatt japplikaw dawn il-miżuri, m’għandhomx aċċess dirett għal dawn il-miżuri. Fornituri ta’ servizzi kruċjali, bħal-linji tal-ajru, ajruporti u fornituri tas-sigurtà, huma mistennija li jimxu korrettament mar-regoli, iżda mhumiex infurmati direttament dwar dawn ir-regoli. Artikolu 254 tat-Trattat tal-Komunità Ewropea jistipula li r-regolamenti għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk hija ħaġa assurda li wieħed jippretendi li l-fornituri tas-servizzi japplikaw regoli li ma jafux bihom. Fil-każ pendenti C-345/06, magħruf aħjar bħala “il-każ Heinrich”, l-Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentat opinjoni li tissuġġerixxi li r-regolament implimentattiv dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni jiġi ddikjarat bħala wieħed li ma jeżistix. Skont l-Avukat Ġenerali, in-nuqqas kontinwu u deliberat tal-pubblikazzjoni tal-Anness tar-Regolament Nru. 2320/2002, li fih, fost l-oħrajn, il-lista ta’ dawk l-oġġetti pprojbiti fil-bagalji fil-kabina, huwa nuqqas tant gravi li ma jistax jiġi ttollerat fl-ordni legali tal-Komunità (4).

9.4   Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jitlob li lil-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-fornituri tas-sigurtà li jridu japplikaw il-miżuri ta’ sigurtà, taslilhom informazzjoni ċara u diretta dwar dawn il-miżuri u li jingħatalhom aċċess dirett għal dawn ir-regoli, soġġetti għal kundizzjonijiet stretti. Ma tantx jagħmel sens il-fatt li l-fornituri privati tas-sigurtà jkollhom japplikaw il-miżuri tas-sigurtà u sa ċertu punt huma responsabbli għall-applikazzjoni tal-miżuri, iżda m’għandhomx il-possibbiltà li jiġu infurmati direttament. Madankollu, minħabba l-kunfidenzjalità għolja ta’ dawn ir-regoli, iridu jiġu definiti u awtorizzati kundizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-iżgurar tal-kunfidenzjalità tagħhom. Barra minn hekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda l-pubblikazzjoni tal-partijiet mhux sensittivi tal-leġiżlazzjoni implimentattiva tr-Regolament Nru 2320/2002, li jimponi obbligi jew jillimita d-drittijiet tal-passiġġieri, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif stipulat fl-Artikolu 254 tat-Trattat tal-Komunità Ewropea u li ssir reviżjoni kull sitt xhur tal-miżuri tas-sigurtà li jimponu obbligi jew jillimitaw id-drittijiet tal-passiġġieri. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jagħraf il-ħtieġa li l-Istati Membri jkollhom il-kompetenza li japplikaw miżuri aktar stretti minħabba l-livell varjat ta’ riskju minn Stat Membru għal ieħor. Madankollu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jemmen li jenħtieġ approċċ aktar koordinat bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Barra minn hekk, miżuri aktar stretti applikati fil-livell nazzjonali, li joħolqu obbligi, jew jillimitaw id-drittijiet tal-passiġġieri, għandhom jissejsu fuq valutazzjoni tar-riskju, għandhom jikkunsidraw id-dinjità tal-bniedem, jiġu riveduti kull sitt xhur u jiġu kkomunikati lil dawk li qed jivvjaġġaw.

10.   Il-konsegwenzi ta’ attakk terroristiku

10.1   Wieħed mill-objettivi tal-Komunità Ewropea huwa l-moviment ħieles tal-persuni u tal-oġġetti. Barra minn hekk, il-Komunità Ewropea impenjat lilha nnifsha sabiex toħloq politika komuni tat-trasport u sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, bħad-dritt għall-ħajja u l-proprjetà.

10.2   Fil-każ Cowan (5), il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja stqarret li, ladarba l-liġi tal-Komunità tiggarantixxi lil persuna l-libertà li tmur fi Stat Membru ieħor, il-protezzjoni ta’ dik il-persuna mill-periklu fl-Istat Membru partikulari, l-istess bħall-protezzjoni taċ-ċittadini tal-pajjiż u l-persuni li jgħixu fih, hija konsegwenza ta’ din il-libertà tal-moviment. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea żied ma’ dan permezz tad-Direttiva tiegħu 2004/80/KE li tistipula li l-miżuri għall-iffaċilitar tal-għoti tal-kumpens lill-vittmi tal-kriminalità għandhom jiffurmaw parti mit-twettiq ta’ dan l-objettiv. Dawn il-prinċipji għandhom japplikaw fil-każ ta’ vittmi ta’ attakk terroristiku fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili.

10.3   Fil-laqgħa ta’ Tampere fil- 15 u s - 16 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew talab għall-ħolqien ta’ standards minimi li jipproteġu lill-vittmi tal-kriminalità, b’mod partikulari dwar l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja u d-drittijiet tagħhom għal kumpens għad-danni, inkluż l-ispejjeż legali.

10.4   Fid-dawl tal-fatt li l-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-industrija tas-sigurtà qegħdin jinvestu f’servizzi ta’ kwalità għolja, permezz tar-riċerka, li qiegħda tikkontribwixxi għas-sigurtà tas-soċjetà, iżda m’għandhomx il-kompetenza totali li jwaqqfu attakki terroristiċi, hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tieħu inizjattiva biex tipprovdi assistenza lill-vittmi wara attakk terroristiku.

10.5   Bħalissa, ma teżisti l-ebda regola Ewropea dwar il-kumpens li jingħata lill-vittmi ta’ attakk terroristiku. Il-vittmi jiddependu mir-riżultati finali tal-proċeduri fil-qrati u s-soluzzjonijiet ex gratia li joffru l-Istati Membri. Fl-assenza ta’ regoli komuni Ewropej, ir-reġimi nazzjonali huma responsabbi mill-ħlas għad-danni. Din mhijiex soluzzjoni sodisfaċenti u ma tipproteġix liċ-ċittadini mill-konsegwenzi dejjiema ta’ attakk terroristiku. Pereżempju l-vittmi li jixtiequ jieħdu kumpens huma meħtieġa jibdew proċeduri ġudizzjarji twal kontra t-terroristi li jista’ jkun li ma jinstabux faċilment, jew li ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji biex jikkumpensaw lill-vittma. Barra minn hekk, atturi differenti fil-kawża, bħal-linji tal-ajru, ajruporti u fornituri privati tas-sigurtà jistgħu jiffaċċjaw azzjonijiet legali, b’possibbiltà ta’ responsabbiltà illimitata fuq il-bażi tar-reġimi nazzjonali dwar il-ħlas tad-danni. Is-soluzzjonijiet tal-assigurazzjoni attwali mhumiex biżżejjed għaliex il-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-fornituri privati tas-sigurtà huma mgħobbija bi premiums għoljin tal-poloz tal-assigurazzjoni u b’kopertura limitata. Jidher ċar li dawn l-atturi privati mhumiex f’pożizzjoni li jipprovdu l-kumpens meħtieġ lill-vittmi, u lanqas ma hija ħaġa mixtieqa li l-atturi privati jkollhom iħallsu għal azzjonijiet li huma intenzjonati kontra l-politiki tal-istat.

10.6   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn Artikolu 308 tat-Trattat tal-Komunità Ewropea, li jagħti s-setgħa lill-Komunità li tieħu azzjoni f’każ li din tissodisfa żewġ kondizzjonijiet. L-ewwel nett, l-azzjoni għandha tkun meħtieġa sabiex jintlaħaq wieħed mill-objettivi tal-Komunità; u t-tieni, it-Trattat tal-Komunità Ewropea jrid ikun naqas milli jipprovdi l-poteri meħtieġa f’artikolu ieħor.

10.7   Wara din il-kunsiderazzjoni, bħala soluzzjoni possibbli, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda t-teħid ta’ inizjattiva skont l-Artikolu 308 tat-Trattat tal-Komunità Ewropea rigward l-għoti ta’ kumpens lill-vittmi ta’ attakk terroristiku. L-azzjoni min-naħa tal-Komunità Ewropea hija neċessarja sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-objettiv tal-moviment ħieles tal-persuni u l-oġġetti, biex jitħares it-tħaddim tas-sistema tat-trasport bl-ajru u biex jitħares id-dritt taċ-ċittadini għall-ħajja u għall-proprjetà.

10.8   F’din l-opinjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jipproponi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sabiex japplikaw il-prinċipji użati f’industriji oħra (eż. fl-industrija nukleari, marittima, …). B’mod partikulari: responsabbiltà stretta u ferm illimitata, u li tkun indirizzata esklussivament lejn attur wieħed u li l-vijabilità tagħha tibqa’ koperta permezz ta’ reġim għall-ħlas tad-danni fuq tliet livelli, b’polza tal-assigurazzjoni, b’fondi ffinanzjati mill-partijiet kollha li għandhom interess u b’intervent mill-istat.

Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1.

(2)  COM 566 (2003), Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, ĠU C/2004/9. Mhux disponibbli bil-Malti.

(3)  Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2320/2002, ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(4)  Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Eleanor Sharpston fil-każ C-345/06, 10 ta’ April 2008, www.curia.europa.eu

(5)  Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, Ian William Cowan vs. Trésor public, każ 186/87, www.curia.europa.eu


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Unjoni Ewropea u l-isfida globali tal-ikel

2009/C 100/08

Nhar il-25 ta’ Ottubru 2007, il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill kitbet lill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, is-Sur DIMITRIADIS, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, sabiex titlob opinjoni esploratorja dwar:

L-Unjoni Ewropea u l-isfida globali tal-ikel.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur KALLIO.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 73 vot favur, 11-il vot kontra u 27 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jemmen li l-UE għandha tivvaluta l-objettivi fuq perijodu twil tal-politika tal-agrikoltura u l-kummerċ u teżamina jekk il-provvista tal-ikel hijiex sikura fil-qafas tal-kundizzjonijiet il-ġodda li jeżistu llum fl-UE u fid-dinja b’mod ġenerali.

1.2   L-UE għandha tpoġġi d-disponibbiltà tal-ikel fil-qalba tal-politika agrikola, li tiggarantixxi produzzjoni vijabbli fir-reġjuni kollha tal-UE. Dan għandu jiġi assigurat fil-kuntest tal-Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa tal-PAK.

1.3   Il-produzzjoni tal-ikel għandha tingħata preferenza fuq il-produzzjoni tal-enerġija. Il-produzzjoni tal-enerġija mill-pjanti għandha tkun limitata għall-pjanti u l-bijomassa li mhumiex adattati, b’mod naturali, għall-produzzjoni tal-ikel.

1.4   Livell raġonevoli ta’ prezzijiet għall-produtturi jipprovdi bażi stabbli għall-produzzjoni ta’ provvisti adegwati tal-ikel (il-produzzjoni primarja u l-ipproċessar), kemm fl-UE kif ukoll fil-livell globali.

1.5   Għandhom isiru sforzi biex jiġu stabbiliti regoli għall-kummerċ agrikolu li jiggarantixxu l-provvista tal-ikel fil-pajjiżi kollha u f’kull ċirkustanza. Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandhom jingħataw vantaġġi kummerċjali partikulari li jappoġġjaw it-tisħiħ tal-produzzjoni nazzjonali.

1.6   L-UE għandha żżid l-isforzi ta’ kooperazzjoni u appoġġ sabiex timmodernizza l-ktajjen tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u tagħmilhom iktar effettivi.

1.7   Il-KESE jenfasizza li l-UE trid timpenja ruħha biex issaħħaħ l-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet tas-suq fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex b’dan il-mod tappoġġja l-kundizzjonijiet bażiċi għall-produzzjoni tal-ikel. L-UE għandha tilqa’ l-proposta li tipprovdi appoġġ ta’ biljun ewro lill-bdiewa fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

1.8   L-UE għandha żżid l-investiment fit-teknoloġiji l-ġodda, inkluża l-bijoteknoloġija, sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati applikazzjonijiet għall-produzzjoni.

1.9   L-istrateġija tal-ġejjieni għandha ttejjeb il-kwalità tal-prodotti tal-ikel. Is-sigurtà tagħhom għandha tittejjeb permezz ta’ tikkettjar trasparenti tal-pajjiż ta’ oriġini u l-edukazzjoni tal-konsumatur.

1.10   Il-prezzijiet għall-konsumaturi m’għandhomx jitbaxxew b’mod artifiċjali; minflok, għandha tingħata forma ta’ kumpens permezz tal-politika soċjali.

1.11   Għan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, il-produzzjoni tal-ikel għandha tkun l-ewwel prijorità bħala bażi tal-ġlieda kontra l-faqar.

1.12   Biex niżguraw li dejjem ikun hemm biżżejjed ikel għandu jitwaqqaf programm dinji ta’ stokkaġġ obbligatorju, simili għall-iskema stabbilita għall-ħżin taż-żejt fl-UE.

1.13   Sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista fl-UE, jeħtieġ li tiġi stabbilita sistema bażika ta’ stokkaġġ mtejba għall-prodotti u l-fatturi ta’ produzzjoni ewlenin (proteini, fertilizzanti, żerriegħa, pestiċidi) u li jittieħdu miżuri attivi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-UE u l-operaturi kummerċjali.

1.14   Sabiex tiġi ggarantita l-provvista tal-ikel, it-taħriġ f’dan il-qasam għandu jiżdied sabiex jissodisfa l-isfidi ġodda marbutin mal-kriżi tal-ikel, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

1.15   Il-KESE jemmen li l-UE għandha twaqqaf intrapriżi konġunti fis-settur tal-agrikoltura u tas-sajd fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet ekonomiċi f’dawn il-pajjiżi.

1.16   Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tippreżenta xi proposti sabiex l-Istati Membri jinvestu iktar fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fis-settur tas-sajd, b’mod speċjali fil-bini u l-manutenzjoni ta’ bastimenti għar-riċerka oċeanografika. L-istudji u l-ħidma tagħhom ser jikkontribwixxu għaż-żamma u l-iżvilupp ta’ sajd sostenibbli kif ukoll biex jittejbu s-sitwazzjoni alimentari u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi fil-pajjiżi inqas żviluppati.

2.   Daħla

2.1   Is-saħħa taċ-ċittadini Ewropej u t-tħassib tagħhom fir-rigward tal-ġejjieni, iż-żieda kbira li laqtet lill-prezz tal-prodotti agrikoli u tal-ikel reċentement u l-kwistjoni tant importanti tal-ġuħ fid-dinja b’mod ġenerali poġġew l-isfida globali tal-ikel fil-qalba tad-dibattitu pubbliku. Il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli primarji u tal-ikel ilhom neżlin mis-snin 70. It-tendenza ′l fuq f’dawn l-aħħar tliet snin hija żvilupp pożittiv fid-direzzjoni t-tajba iżda ħolqot xi diffikultajiet għall-iktar ħolqa dgħajfa tal-katina: il-konsumaturi. Dawn tal-aħħar iridu jħabbtu wiċċhom ma’ prezzijiet ta’ prodotti alimentari bażiċi li f’ċerti każijiet jaqbżu b’mod sostanzjali l-prezz oriġinali li jaqla’ l-bidwi. Għalkemm parti mis-settur agrikolu Ewropew bbenefika miż-żieda fil-prezzijiet, is-sitwazzjoni tal-bdiewa li jrabbu l-bhejjem fl-Ewropa hija waħda kritika għax dawn la jistgħu jlaħħqu maż-żieda fil-prezz tal-għalf u lanqas jirriflettu din iż-żieda fil-prezzijiet għall-konsumaturi. Dan l-abbozz ta’ opinjoni janalizza l-isfidi marbutin mas-settur tal-ikel mill-perspettiva tal-UE u jeżamina l-effetti tal-azzjoni tal-UE b’mod iktar wiesa’. (1)

2.2   Il-kwistjoni ewlenija hija l-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-provvista. L-għan huwa li nidentifikaw l-isfidi globali u nissuġġerixxu modi kif jistgħu jiġu indirizzati. Il-bidliet radikali fis-suq qanqlu xi kummenti radikali: uħud saħansitra ssuġġerew li l-kwistjonijiet agrikoli jew relatati mal-ikel jiġu separati min-negozjati tad-WTO u li minflok immorru lura għall-appoġġ tal-produzzjoni fil-livell tal-UE. Fl-aħħar, ser nanalizzaw l-implikazzjonijiet ta’ dawn l-isfidi u r-risposti potenzjali għal ħafna minn dawn il-kwistjonijiet soċjali: xi jfissru għall-konsumatur Ewropew? Xi jfissru għall-provvista tal-ikel fuq perijodu twil għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw? U kif jikkontribwixxu għad-dinamiżmu tal-kampanja?

2.3   Ser nibdew b’rendikont qasir tal-iżvilupp tal-produzzjoni u l-politika agrikola u tal-ikel fl-UE u deskrizzjoni qasira tal-qafas attwali għall-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel fl-UE. Imbagħad ser nikkunsidraw il-forzi esterni li huma sinifikanti għall-bidla u li joħolqu pressjoni kbira biex il-qafas eżistenti jiġi żviluppat. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi ser infasslu sommarju li fih nenfasizzaw l-iktar sfidi importanti għall-ġejjieni tal-agrikoltura u l-provvista tal-ikel fl-UE u niddeskrivu l-approċċi alternattivi ta’ azzjoni li huma disponibbli. Fl-aħħar, ser neżaminaw dawn l-approċċi u r-rwol tal-UE fil-provvista globali tal-ikel, kemm bħala produttur kif ukoll bħala konsumatur.

3.   Il-politika agrikola u tal-ikel fl-UE u t-tendenzi tas-settur

3.1   L-objettivi tal-KEE/UE fil-qasam tal-ikel u l-agrikoltura u t-tendenzi tas-settur u tas-suq

3.1.1   Il-produzzjoni agrikola u tal-ikel fl-UE żviluppat matul is-snin fuq il-bażi tal-iżviluppi fil-bqija tas-soċjetà. Fil-bidu l-enfasi kienet fuq iż-żieda fil-produzzjoni, iżda r-riżultat ta’ dan kien li fis-snin 80 kellna kwantitajiet kbar wisq ta’ prodotti għall-esportazzjoni. Fis-snin 80 ħarġu fid-dieher għadd ta’ problemi ambjentali fl-agrikoltura, bħall-kwistjoni tat-tixrid tad-demel tar-raba’ f’żoni ta’ biedja intensiva u problemi fil-provvista tal-ilma.

3.1.2   Il-biedja organika żviluppat bħala risposta għall-koltivazzjoni intensiva u l-problemi ambjentali u hija eżempju ta’ divrenzjar bejn il-prodotti: uħud mill-konsumaturi huma lesti jħallsu iktar għal ikel prodott permezz ta’ metodi li huma meqjusa favorevoli għall-ambjent. Is-snin 90 ser jibqgħu magħrufa bħala s-snin tal-mard tal-annimali u ż-żoonosi, is-snin li fihom is-settur tat-trobbija tal-annimali u l-industrija tal-ikel tal-UE ntlaqtu mill-mad cow disease u s-swine fever. Is-sigurtà tal-ikel saret fattur importanti fil-provvista tal-ikel u ħafna pajjiżi bdew jallokaw iktar riżorsi għal kwistjonijiet bħall-indirizzar u l-prevenzjoni tas-salmonella.

3.1.3   Dawn il-problemi u l-miżuri li ttieħdu biex jiġu indirizzati għenu sabiex titfassal politika agrikola u tal-ikel fl-Unjoni Ewropea. Fost il-kwistjonijiet importanti ta’ dawn l-aħħar snin insibu l-produzzjoni tal-bijoenerġija minn materja prima agrikola, jiġifieri l-agrikoltura bħala sors ta’ materja prima għall-bijoenerġija.

3.1.4   Kwistjoni oħra li ħarġet fid-dieher hija l-kwalità nutrittiva tal-ikel u l-importanza tagħha għas-saħħa pubblika, b’enfasi partikulari fuq il-komponenti tal-prodotti tal-ikel, u sa liema punt l-industrija tal-ikel għandha titqies bħala ħatja tal-problema tal-obeżità li kulma jmur qiegħda tikber fil-Punent. Din hija kwistjoni li s-settur tal-ikel irid iqis, pereżempju fl-ippjanar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti, u li l-konsumaturi jridu jqisu fid-deċiżjonijiet tagħhom. Il-konsum responsabbli għandu jitħeġġeġ permezz tal-edukazzjoni tal-konsumaturi.

3.1.5   Bħalissa l-iktar kwistjoni kontroversjali f’dan il-qasam hija ż-żieda kbira fil-prezz tal-prodotti tal-ikel u dawk agrikoli u finali: din iż-żieda hija waħda permanenti? X’effetti ser ikollha fuq il-provvista globali tal-ikel u l-kundizzjonijiet li fihom jgħixu l-foqra? Dawk inkarigati mit-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom jikkunsidraw il-bidla fil-kundizzjonijiet tas-suq: il-miżuri ta’ politika mfasslin għal swieq bi prezzijiet tal-ikel baxxi u li dejjem qegħdin jonqsu għadhom validi fiċ-ċirkustanzi l-ġodda?

3.2   Bidliet fil-politika agrikola u tas-sajd tal-UE

3.2.1   Il-politika agrikola tal-UE kienet ibbażata fuq suq intern sod u regolazzjoni tas-suq permezz ta’ skemi ta’ sussidji li kellhom l-għan li jassiguraw provvista tal-ikel stabbli fil-pajjiżi kollha u f’kull ċirkostanza. L-UE bbażat il-politika tagħha fuq mudell agrikolu Ewropew li jħares id-diversità agrikola u jassigura li l-biedja hija vantaġġuża ekonomikament anke fl-iktar reġjuni żvantaġġati tal-UE. L-għan kien li jiġi prodott ikel ta’ kwalità tajba, sikur u bi prezz raġonevoli għall-konsumaturi tal-UE.

3.2.2   L-internazzjonalizzazzjoni tal-politika agrikola fi ħdan il-globalizzazzjoni ġabet magħha sfidi ġodda għar-riforma tal-politika agrikola komuni. Dawn jinkludu kompetizzjoni ikbar u l-problema tal-ġestjoni tal-politika dwar id-dħul tal-bdiewa. Għal ħafna snin, il-problemi tas-swieq tal-agrikoltura ġew ikkawżati mill-prezzijiet baxxi tal-prodotti, li l-UE ppruvat tindirizza fir-riformi agrikoli tagħha.

3.2.3   Ir-riformi agrikoli tal-1999 u l-2003 wasslu għal bidla lejn sistema iktar ibbażata fuq is-suq, bit-tneħħija tas-sistemi ta’ intervent, tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi u t-tmiem tar-rabta bejn is-sussidji diretti u l-volum tal-produzzjoni. Wara dan, l-organizzazzjonijiet tas-suq wettqu riformi f’ħafna prodotti u dawn ħolqu xi diffikultajiet għal ċerti bdiewa fl-UE. Dawn il-bidliet ħejjew il-pedament għall-objettivi tal-UE fir-ronda attwali tan-negozjati kummerċjali tad-WTO.

3.2.4   Bħalissa l-UE qiegħda tħejji “evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa” tal-politika agrikola komuni, li permezz tagħha għandu jkun possibbli li ssir analiżi iktar dettaljata. L-għan ewlieni ta’ dan ir-rendikont huwa li tiġi evalwata l-applikazzjoni tar-riforma tal-PAK tal-2003 u li jiġu applikati l-modifiki neċessarji fil-proċess ta’ riforma sabiex din il-politika tiġi ssemplifikata b’tali mod li tkun tista’ tibbenefika mill-opportunitajiet il-ġodda tas-suq u tiffaċċja l-isfidi l-ġodda tas-suq u tas-soċjetà. Dan il-kontroll ser isir f’mument ta’ turbulenza kbira fis-swieq dinjija tal-prodotti agrikoli, meta l-provvisti tal-ikel huma ferm mhedda.

3.2.5   Minbarra l-agrikoltura, is-sajd ukoll huwa parti importanti tal-katina tal-provvista tal-ikel. Fl-2005, il-produzzjoni dinjija tas-sajd laħqet kważi 142 miljun tunnellata, u b’hekk ipproduċiet provvista ta’ ħut per capita ta’ 16.6 kg u iktar minn 15 % tal-produzzjoni dinjija tal-għalf. Il-prodotti tas-sajd jaqdu rwol importanti fil-provvista tal-ikel. Barra minn hekk, l-attivitajiet marbutin mas-sajd u l-akwakultura huma sors importanti ta’ nutrizzjoni, impjiegi u dħul finanzjarju kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-Unjoni Ewropea għandha tassigura li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jkunu wkoll kapaċi jikkontrollaw u jużaw ir-riżervi tagħhom ta’ ħut bl-iktar mod effettiv possibbli.

3.2.6   Il-ħidma tal-UE f’dan il-qasam għandha tiffoka fuq approċċ komprensiv li jabbina l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ħut u t-tnaqqis tal-faqar u li jiggarantixxi bilanċ bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qegħdin jiżviluppaw skont il-konsiderazzjonijiet li ġejjin:

(1)

L-UE għandha tiżviluppa l-metodi lokali tas-sajd u tappoġġja l-estensjoni tas-sajd sostenibbli u responsabbli u l-akwakultura.

(2)

L-UE għandha tkompli timporta l-prodotti tas-sajd u ssaħħaħ is-sigurtà tal-ikel u l-prattiki għall-ħarsien tal-konsumatur.

(3)

L-UE għandha tappoġġja s-sajd mill-komunitajiet tas-sajd Ewropej f’ibħra ta’ pajjiżi terzi sakemm dan ikun, b’mod indisputabbli, fl-interess ta’ dawn il-pajjiżi u ċ-ċittadini tagħhom.

(4)

L-oċeani u l-ibħra huma r-riżorsi naturali tad-dinja u l-wirt dinji tagħna. L-UE għandha tiżgura li ma jkunx hemm sajd eċċessiv fl-ibħra tagħha jew fl-ibħra ta’ pajjiżi oħra li mhumiex membri tal-UE.

3.3   Il-bżonn ta’ bidla: fatturi esterni li jinfluwenzaw il-politika agrikola u tal-ikel tal-UE

3.3.1   Il-qafas tal-politika agrikola u tal-ikel tal-UE żviluppa f’dawn l-aħħar 50 sena, kif intqal hawn fuq, u huwa r-riżultat kemm tal-objettivi u l-possibbiltajiet tal-UE stess kif ukoll ta’ fatturi esterni. Fatturi esterni li għenu sabiex il-politika tinbidel u tissawwar jinkludu, b’mod partikulari, il-politika kummerċjali tal-UE – bit-taħditiet kummerċjali attwali tar-Ronda ta’ Doha tad-WTO – l-iżvilupp teknoloġiku u l-isfidi ambjentali u t-tendenzi fis-swieq tal-ikel.

3.3.2   It-taħditiet kummerċjali multilaterali tar-Ronda ta’ Doha tad-WTO diġà ilhom isiru kważi seba’ snin. Instabu xi ftit soluzzjonijiet parzjali matul in-negozjati iżda b’mod ġenerali l-progress miexi bil-mod ħafna. L-UE kienet attiva ħafna fil-proċess, fil-firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet koperti min-negozjati. Ċerti pajjiżi ma ridux iwettqu l-iżviluppi meħtieġa biex jinkiseb riżultat pożittiv. L-UE għamlet ħafna konċessjonijiet, pereżempju fir-rigward tal-agrikoltura, l-industrija u l-kwistjonijiet marbutin mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Huwa importanti li tinstab soluzzjoni negozjata għat-tħaddim tas-sistema internazzjonali tal-kummerċ.

3.3.3   Tradizzjonalment, l-agrikoltura spiss ibblukkat in-negozjati minħabba l-fatt li ħafna pajjiżi jiddefendu l-produzzjoni tagħhom għal raġunijiet ta’ sigurtà bażika. Imsieħba oħra fin-negozjati huma esportaturi kbar iżda ma jridux jilliberalizzaw l-importazzjonijiet tagħhom. L-UE hija l-ikbar esportatur ta’ ċerti prodotti iżda wkoll wieħed mill-ikbar importaturi ta’ ikel. Fl-2007, l-industrija tal-ikel tal-UE esportat EUR 54.6 biljun fi prodotti tal-ikel u importat EUR 52.6 biljun f’ikel ipproċċessat.

3.3.4   Jekk it-taħditiet tar-Ronda ta’ Doha jaslu għal konklużjoni fil-ġejjieni qarib, ser tinfetaħ sitwazzjoni ġdida għas-swieq agrikoli tal-UE. Fuq il-bażi tal-offerti attwali, is-sussidji għall-esportazzjoni ser jitneħħew sal-2014 u t-tariffi protettivi ser jitbaxxew b’iktar minn 50 %. Dan jista’ jwassal għal telf ekonomiku ta’ iktar minn EUR 20 biljun għas-settur agrikolu tal-UE. Iż-żieda reċenti fil-prezzijiet agrikoli ser taffettwa l-istruttura tal-kummerċ u l-impatt tar-riżultat finali.

3.3.5   L-UE qajmet għadd ta’ fatturi importanti assoċjati mal-kummerċ agrikolu, bħall-istandards ambjentali u soċjali u l-benesseri tal-annimali (jiġifieri fatturi li mhumiex kummerċjali). Sfortunatament dawn il-proposti ma waslu mkien. Il-kundizzjonijiet u l-istandards tal-produzzjoni għandhom jiġu armonizzati sabiex tinħoloq sitwazzjoni bbilanċjata għall-kummerċ dinji.

3.3.6   Fin-negozjati, l-UE għamlet bosta kunċessjonijiet għall-iktar pajjiżi fqar fost dawk li jinsabu fil-proċess ta’ żvilupp, billi pereżempju neħħiet it-tariffi tal-importazzjoni. Dan għandu jtejjeb l-opportunitajiet tagħhom fil-qasam tal-kummerċ agrikolu. Huwa wkoll importanti li l-produzzjoni agrikola tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw tibbenefika minn iktar riżorsi, trattament preferenzjali u għajnuna teknika. L-UE għandha wkoll tinkoraġġixxi inizjattivi li jappoġġjaw il-produzzjoni għas-suq domestiku tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li jippromovu l-organizzazzjoni tal-atturi rurali. Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma ferm differenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet kummerċjali u dan għandu jiġi kkunsidrat fir-regoli tal-kummerċ il-ġodda.

3.3.7   Il-bidla radikali reċenti li seħħet fis-swieq dinjija tal-prodotti agrikoli ser taffettwa l-kummerċ tal-ikel u l-mod kif huwa strutturat. Jekk iż-żieda fil-prezzijiet hija permanenti, dan indirettament ser jaffettwa l-ftehimiet tal-politika kummerċjali l-ġodda u l-kundizzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea bdiet testendi l-ftehimiet kummerċjali bilaterali li għandha ma’ ħafna msieħba kummerċjali, kemm minħabba d-diffikultajiet fi ħdan it-taħditiet multilaterali kif ukoll minħabba l-bidliet rapidi, pereżempju fis-swieq tal-ikel u l-enerġija. L-għan għandu jkun li jinkiseb ftehim u mekkaniżmu ta’ intervent li jkun jista’ jintuża għat-tnaqqis taċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-prodotti u għall-ibbilanċjar tas-swieq.

3.4   Il-bidla ambjentali u l-iżvilupp teknoloġiku

3.4.1   Kwistjonijiet ambjentali

3.4.1.1   L-iktar fattur ambjentali importanti huwa t-tibdil ikkawżat mill-bidla fil-klima, u, b’mod partikulari, il-miżuri ta’ politika korrispondenti. Il-bidla fil-klima per se twassal għal bidla fil-kundizzjonijiet klimatiċi globali. Il-produzzjoni trid tadatta għal dawn il-kundizzjonijiet il-ġodda, ħaġa li twassal għal tnaqqis fil-produttività agrikola. Effett indirett ieħor tal-miżuri ta’ politika huwa li l-azzjoni meħuda biex tittaffa l-bidla fil-klima teħtieġ tibdil fl-istrutturi u t-tekniki ta’ produzzjoni, li fihom innifisihom ibaxxu l-produttività. Minbarra l-agrikoltura, il-bidla fil-klima wkoll għandha effett kbir fuq il-possibbiltajiet li għandha l-industrija tal-ikel u l-profittabbiltà tagħha.

3.4.1.2   Il-produzzjoni tal-bijoenerġija mill-materja prima agrikola għandha wkoll tingħata attenzjoni speċjali. Is-swieq tal-ikel u tal-enerġija issa huma marbuta mill-qrib, billi l-produzzjoni tal-bijoenerġija u dik tal-ikel jikkompetu għall-istess materja prima u l-produzzjoni agrikola llum tiddependi ħafna mill-użu tal-karburanti fossili. B’riżultat ta’ din il-kompetizzjoni, l-iżviluppi fil-prezzijiet tas-swieq tal-enerġija u l-miżuri ta’ politika li jaffettwawhom għandhom impatt dirett fuq is-swieq tal-ikel.

3.4.1.3   L-użu tal-materja prima li hija adattata għall-ikel bħala materja prima għall-produzzjoni tal-bijoenerġija jkabbar id-domanda għall-prodotti agrikoli u jgħolli l-prezzijiet tagħhom.

3.4.1.4   L-effett ta’ serra huwa kwistjoni ambjentali globali li titfi ħafna kwistjonijiet ambjentali oħra, fosthom il-bijodiversità li hija kwistjoni globali importanti wkoll. Fl-UE l-ħarsien ta’ bażi ġenetika diversifikata qiegħda ssir dejjem iktar importanti għall-preservazzjoni ta’ żoni protetti u speċi oriġinali ta’ pjanti u annimali, bħala parti mill-produzzjoni jew b’żieda magħha, u għall-ħolqien ta’ bank ġenetiku. Barra mill-Ewropa, il-bżonnijiet huma essenzjalment l-istess iżda l-firxa ta’ speċi tista’ tkun ħafna iktar diversifikata u l-opportunitajiet ekonomiċi jistgħu jkunu iktar limitati.

3.4.1.5   Minbarra l-bijodiversità, il-mard kontaġjuż tal-annimali u ż-żoonosi u l-ispeċi mhux endemiċi huma problemi li qegħdin jiġbdu dejjem iktar l-attenzjoni minħabba l-kummerċ, it-trasport u l-kooperazzjoni internazzjonali. Fl-UE s-swine fever, il-BSE, l-FMD u s-salmonella probabbilment huma fost il-problemi ta’ bijosigurtà l-aktar magħrufa filwaqt li fil-livell dinji, l-influwenza avjarja hija epidemija li qed tagħti lok għal tħassib kbir. Il-mard u l-pesti jinxterdu b’modi differenti – l-aspett komuni tagħhom huwa li jaffettwaw il-produzzjoni tal-ikel direttament jew indirettament u huma sors ta’ inċertezza fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ akkwist tal-konsumaturi. Barra minn hekk, għandhom effett importanti fuq il-perijodu fit-tul billi huma fattur li jxekkel is-sigurtà tal-provvista.

3.4.2   Teknoloġiji ġodda

3.4.2.1   Id-domanda għall-prodotti agrikoli bħala materja prima għall-produzzjoni tal-bijoenerġija żdiedet primarjament b’konsegwenza tal-miżuri ta’ politika meħudin biex jindirizzaw it-theddid lill-ambjent, iżda wkoll b’riżultat tal-iżvilupp teknoloġiku. Il-bijoteknoloġija toffri ħafna opportunitajiet ġodda għal produzzjoni iktar effettiva u għall-ipproċessar tal-prodotti fis-swieq tal-ikel kif ukoll dawk mhux marbutin mal-ikel. Fil-qasam tal-enerġija, il-produzzjoni tal-bijoenerġija miċ-ċelluloża, flimkien mal-produzzjoni tal-enerġija mil-lamtu, qiegħda toħroġ fid-dieher bħala prodott li jista’ jinbiegħ.

3.4.2.2   L-innovazzjonijiet tal-bijoteknoloġija ġabu magħhom firxa wiesgħa ta’ metodi ta’ produzzjoni ġodda. L-avvanzi fil-bijoteknoloġija huma pass ’il quddiem fit-titjib tal-effiċjenza tal-produzzjoni. Dan il-proċess għandu jiġi appoġġjat minn sforzi tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Minbarra l-vantaġġi għandna wkoll inqisu r-riskji potenzjali għas-saħħa u l-ambjent. Il-problema bħalissa hija li f’ħafna każijiet l-effetti sekondarji potenzjali tal-applikazzjonijiet tal-bijoteknoloġija fuq is-saħħa tal-annimali, tal-pjanti u tal-ekosistemi mhumiex ċari.

3.4.2.3   In-nuqqas ta’ data suffiċjenti u ta’ studji li juru l-effetti sekondarji tal-bijoteknoloġija moderna fuq is-saħħa u l-ambjent influwenzaw il-perċezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ din it-teknoloġija. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-opinjonijiet u lit-tħassib tal-konsumaturi fl-isforzi għall-iżvilupp u t-tikkettjar xieraq tal-prodotti fis-suq.

3.5   L-iżvilupp tal-prezzijiet fis-swieq tal-ikel

3.5.1   F’dawn l-aħħar sentejn, il-prezz tal-prodotti agrikoli u ta’ bosta prodotti tal-ikel bażiċi għola f’daqqa. Hemm ħafna raġunijiet għal dan, fosthom iż-żieda fid-domanda b’riżultat taż-żieda fil-popolazzjoni, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, it-tnaqqis globali fl-istokk tal-ikel u l-investiment u l-interess spekulattiv fil-prodotti agrikoli li rriżulta minn dan, u l-kundizzjonijiet klimatiċi, kemm f’termini ta’ tibdil lokali kif ukoll b’rabta mat-theddida ta’ bidla iktar permanenti.

3.5.2   It-tbassir ta’ kif ser jiżviluppaw is-swieq fil-ġejjieni huwa diffiċli. It-tnaqqis fil-prezzijiet f’dawn l-aħħar xhur ma jagħti l-ebda indikazzjoni dwar sa fejn ser jaslu l-prezzijiet fl-aħħar. Jiġri x’jiġri, iċ-ċaqliq fil-prezzijiet qiegħed iħalli impatt notevoli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u l-effetti qegħdin jinħassu wkoll fid-dinja żviluppata, inklużi l-pajjiżi tal-UE.

3.5.3   Fl-UE ż-żieda fil-prezzijiet tas-swieq dinjija ħolqot il-perċezzjoni li hemm ftit iktar flessibbiltà fil-politika agrikola u tal-ikel minn qabel. Il-konsumaturi għandhom l-impressjoni li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel seħħet f’daqqa u fil-fatt dan diġà kellu impatt fuq l-inflazzjoni ġenerali fil-pajjiżi tal-UE. Wieħed jista’ josserva l-istess tendenza, għalkemm aktar drammatika, fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw – f’ħafna pajjiżi reċentement kien hemm irvellijiet marbutin mal-provvista u l-prezzijiet tal-ikel. Fl-istess ħin, jidher li ż-żieda fil-prezz kellha impatt pożittiv fuq xi setturi tal-produzzjoni – f’ħafna każijiet il-produtturi lokali jistgħu, għall-ewwel darba wara ħafna snin, jikkompetu mal-ikel importat bil-prezzijiet tas-suq dinji. Fuq il-perijodu fit-tul dan jista’ jsaħħaħ il-produzzjoni tal-ikel u jipprovdi opportunitajiet għall-produzzjoni lill-popolazzjoni lokali. Biex dan jirnexxi, jinħtieġ tkabbir ekonomiku sabiex il-konsumaturi jkollhom biżżejjed flus biex jixtru l-ikel.

3.5.4   Iż-żieda fil-prezzijiet dinjija tal-ikel x’aktarx tkabbar il-volum tal-produzzjoni tal-ikel. Madankollu, prezzijiet ogħla jistgħu jżidu l-ġuħ dinji billi l-fqar isibuha iktar diffiċli biex jixtru l-prodotti tal-ikel essenzjali, speċjalment jekk jintuża proporzjon akbar ta’ raba’ għal prodotti mhux marbutin mal-ikel. Fi kwalunkwe każ, huwa evidenti li s-sitwazzjoni l-ġdida qed ikollha impatt fuq id-distribuzzjoni tal-flus fil-pajjiżi u għalhekk hija sitwazzjoni delikata mil-lat politiku. L-attitudni tal-organizzazzjonijiet dinjija fir-rigward ta’ kif din is-sitwazzjoni se tevolvi fil-ġejjieni għadha mhijiex ċara.

3.5.5   Ovvjament, din mhijiex sempliċement kwistjoni ta’ swieq għall-prodotti finali – meta l-prezzijiet tal-prodotti finali jiżdiedu, ikun hemm tendenza li l-investiment fil-produzzjoni jsir iktar għali u vice versa. Dan diġà qiegħed iseħħ – il-prezzijiet tal-enerġija u l-fertilizzanti qegħdin jogħlew u l-bdiewa mhumiex neċessarjament iktar għonja minn qabel. Jekk l-industrija tal-ikel ma tistax iżżomm is-sehem tal-prezz tal-prodotti aħħarin tagħha l-istess, ser tbati wkoll mill-effetti ta’ prezzijiet ogħla tal-materja prima.

3.5.6   Iż-żieda fil-prezz tirrifletti l-bilanċ il-ġdid tas-suq, li huwa kkawżat minn diversi fatturi. Fir-realtà, turi l-kapaċità li għandu s-suq dinji tal-ikel – is-sigurtà dinjija tal-provvista – li jitma lin-nies skont il-bżonnijiet tagħhom. Fil-passat kemm-il darba ntqal li l-ġuħ dinji mhuwiex ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ produzzjoni iżda pjuttost ir-riżultat tal-politika nazzjonali u internazzjonali. Din il-konklużjoni ser tiġi eżaminata fil-ġejjieni qarib: it-tkabbir kontinwu tal-popolazzjoni, il-bidla fil-klima u l-prodotti mhux marbutin mal-ikel (fid-dawl tat-tnaqqis tas-sorsi tal-enerġija fossili) qegħdin ibiddlu s-sitwazzjoni b’tali mod li n-nuqqas ta’ ikel fil-ġejjieni mhux ser ikun biss ir-riżultat tal-politika iżda wkoll tal-limitazzjonijiet tal-ambitu ġenerali tal-produzzjoni?

3.5.7   Sabiex jiġu indirizzati t-tendenzi tal-prezzijiet għall-prodotti tal-ikel bażiċi hemm bżonn ta’ studju dettaljat li jidħol fil-komplessità kollha tal-kwistjoni, peress li huwa importanti li tiġi żgurata trasparenza fil-formazzjoni tal-prezzijiet f’kull stadju tal-katina tal-valur agroalimentari. F’dan ir-rigward, hija r-responsabbiltà tal-gvernijiet li jtejbu t-traċċabbiltà tal-prezzijiet billi jintroduċu verifiki adegwati li jġibu fid-dieher prattiki speċifiċi li mhumiex ġusti min-naħa ta’ ċerti operaturi, u billi jaqdu rwol edukattiv intensiv bil-għan li jipprovdu informazzjoni preċiża u kompluta lill-konsumaturi.

3.6   Il-kwalità, is-sigurtà u l-kwalitajiet nutrittivi tal-ikel

3.6.1   Minbarra l-kwantità, il-kwalità u s-sigurtà tal-ikel, il-kwalitajiet nutrittivi u l-preferenzi tal-konsumatur huma fatturi importanti fis-swieq tal-ikel. Is-sigurtà tal-ikel hija rregolata minn standards ikkontrollati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ikel (EFSA).

3.6.2   In-nutrizzjoni hija kunċett kumpless, fejn l-għażliet tal-konsumatur jiddependu mhux biss minn fatturi ta’ saħħa iżda wkoll minn imġiba marbuta mal-kultura ta’ dak li jkun. L-effetti tal-prodotti tal-ikel fuq is-saħħa u min hu responsabbli għalihom ilhom fil-qalba tad-dibattitu u l-atturi tas-suq għadhom ma laħqux kunsens f’dan ir-rigward.

3.6.3   Il-preferenzi tal-konsumatur huma bbażati fuq valuri u opinjonijiet personali (pereżempju l-ikel organiku) u fatturi kulturali li ma jistgħux jitkejlu. Madankollu, l-importanza tagħhom bħala fattur li jinfluwenza lis-swieq tal-ikel m’għandhiex tiġi sottovalutata.

3.7   Il-pożizzjoni u r-rwol tal-konsumaturi

3.7.1   Il-konsum responsabbli u sostenibbli, inkluż ir-riċiklaġġ, għandu jsir prattika ġenerali. Dan japplika kemm għall-katina tal-provvista kif ukoll għall-konsumaturi. Dan l-objettiv jista’ jintlaħaq permezz ta’ dibattitu soċjali wiesa’.

3.7.2   Il-konsumaturi Ewropej iqisu li huwa ovvju li l-ikel għandu jkun ta’ kwalità tajba u prezz raġonevoli. Minbarra l-prezz, il-libertà u l-firxa tal-għażla huma fatturi importanti oħra għall-konsumaturi. Bħala regola ġenerali, in-nies mhumiex lesti jilħqu kompromess dwar is-sigurtà tal-ikel.

3.7.3   Madankollu, fil-prattika, ħafna konsumaturi jilħqu kompromess fl-ambitu tas-sigurtà tal-ikel u l-importanza kulturali tiegħu. Barra minn hekk, il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti tal-ikel huma importanti għal ħafna konsumaturi, pereżempju l-produzzjoni organika u l-materja prima magħmula mill-GMOs jaffettwaw il-prezz tal-bejgħ tal-prodotti.

3.7.4   Il-kwistjonijiet ta’ kwalità jenfasizzaw l-importanza tal-provvista ta’ linji gwida: il-konsumaturi għandhom jiġu mgħarrfa bir-riskji u l-vantaġġi marbutin mad-diversi metodi u fatturi ta’ produzzjoni b’mod li jiċċara d-dubji assoċjati ma’ ċerti prodotti. Irridu nitbiegħdu mill-mentalità “kollox iswed jew kollox abjad” sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiżnu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ prodott partikulari huma stess.

3.7.5   Huwa ferm importanti li l-konsumatur ikun jaf x’inhi l-kwalità li fuqha qiegħed jibbaża l-għażla tiegħu. Aċċess rapidu għall-informazzjoni dwar il-kwalità tal-prodotti huwa kundizzjoni essenzjali biex il-konsumatur jafda f’din il-kwalità. Ħafna konsumaturi talbu, fost affarijiet oħra, li jerġa’ jibda jkun hemm tikkettjar tal-pajjiż ta’ oriġini għall-prodotti tal-ikel Ewropej ukoll. Il-prodotti Ewropej imorru tajjeb fis-swieq Ewropej minħabba l-edukazzjoni tajba tal-konsumatur u t-trasparenza. Fattur kruċjali għall-iżvilupp futur tal-produzzjoni tal-ikel huwa li l-politika tal-konsumatur tingħata l-attenzjoni li jistħoqqilha.

3.8   L-iżvilupp tal-politika u l-produzzjoni tal-ikel

3.8.1   Bosta deċiżjonijiet politiċi dwar l-eradikazzjoni tal-problema tal-ġuħ globali ttieħdu f’ambiti internazzjonali. Eżempju reċenti huwa dak tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (Millennium Development Goals). S’issa, ir-riżultati prattiċi kienu pjuttost modesti. In-numru ta’ persuni bil-ġuħ kompla jikber u għad fadal madwar biljun persuna fid-dinja li qegħdin ibatu l-ġuħ. Iż-żieda fil-produzzjoni agrikola ma kinitx kbira biżżejjed biex tlaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni u s’issa ma stajniex nindirizzaw is-sitwazzjoni l-ġdida tal-produzzjoni tal-ikel b’mod effettiv. L-UE kienet involuta f’dawn l-isforzi, kemm fl-organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll permezz ta’ ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Ippruvat taqdi rwol attiv kemm fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni kif ukoll fil-politika kummerċjali bil-għan li ttejjeb il-pożizzjoni tal-produzzjoni tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

3.8.2   Is-sigurtà tal-ikel għandu jkollha prijorità fuq l-aġenda tal-politika tal-iżvilupp internazzjonali sabiex jonqos il-faqar. L-iżvilupp tal-produzzjoni tal-ikel għandu jkun fil-qalba tal-politika nazzjonali tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Kull pajjiż fil-proċess ta’ żvilupp għandu jkollu l-politika agrikola nazzjonali tiegħu, li twitti t-triq għall-organizzazzjoni tal-provvista tal-prodotti tal-ikel bażiċi għaċ-ċittadini tiegħu.

3.8.3   Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, jeħtieġ li jkun hemm ir-riżorsi ta’ taħriġ, parir u riċerka adegwati fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Il-komunità internazzjonali u l-UE għandhom jagħmlu sforzi ikbar sabiex jindirizzaw dawn l-isfidi fil-programmi tal-politika ta’ żvilupp.

3.8.4   Il-bdiewa fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandhom jiġu megħjuna billi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jiġu appoġġjati fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw il-produzzjoni domestika, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar u biex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Il-ġestjoni tar-riskju għandha tittejjeb fi ħdan l-isforzi għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Barra mill-produzzjoni, jeħtieġ li tingħata attenzjoni lill-kwistjonijiet soċjali wkoll. Bl-istess mod, is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti għandha tieħu azzjoni iktar effettiva sabiex ittejjeb il-provvista tal-ikel.

3.8.5   Fir-rigward tal-politika kummerċjali, għandu jkun possibbli li tiġi ggarantita opportunità ġenwina lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, flimkien ma’ skema ta’ “appoġġ ekoloġiku” individwali. Sabiex dan l-għan jintlaħaq, jeħtieġ li jingħata ċertu know-how lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-oqsma tal-amministrazzjoni u t-twaqqif tar-regoli u s-sistemi kummerċjali. L-UE tista’ tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Sabiex tittejjeb il-pożizzjoni tal-iktar pajjiżi foqra, għandha ssir distinzjoni iktar ċara bejn il-pajjiżi l-inqas żviluppati (Least Developed Countries, LCDs) u l-pajjiżi li huma esportaturi ewlenin fi ħdan il-grupp tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-UE qiegħda tippromovi dawn l-objettivi fin-negozjati tad-WTO.

4.   Il-possibbiltajiet ta’ azzjoni tal-UE u l-fatturi limitanti

4.1   F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, it-tħassib tal-UE u d-dibattitu dwar l-ikel iċċaqilqu mill-produzzjoni eċċessiva għall-kwistjonijiet ambjentali, il-benesseri tal-annimali u sussegwentement il-problemi tas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin u s-saħħa pubblika b’mod ġenerali. Fil-ġejjieni – mhux neċessarjament fil-futur imbiegħed – probabbilment ser nerġgħu lura għall-problema oriġinali: fl-Ewropa d-dibattitu qed jerġa’ jikkonċentra fuq id-disponibbiltà u l-prezz tal-ikel, tendenza li bdiet ftit snin ilu.

4.2   Fl-istess ħin, huwa evidenti li l-UE mhijiex gżira: il-faqar u d-diffikultajiet marbutin miegħu ser ikomplu jkunu l-problema ewlenija tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw – il-faqar globali mhuwiex ser jisparixxi fis-snin li ġejjin. L-UE għad għandha responsabbiltà x’terfa’ biex tgħin fl-eradikazzjoni tal-faqar.

4.3   It-tħassib ewlieni tal-UE – fis-settur tal-ikel ukoll – huwa d-disponibbiltà tal-enerġija. Is-settur tal-ikel, fil-forma attwali tiegħu, huwa bbażat fuq użu intensiv tal-enerġija u dan jeħtieġ li tiġi assigurata l-provvista tal-enerġija. Fattur limitanti ieħor huwa l-ilma, b’mod speċjali fil-livell globali. Għandu jsir sforz biex tiġi ggarantita l-provissta ta’ dawn.

4.4   L-UE tista’ tagħżel fost għadd ta’ possibbiltajiet ta’ azzjoni. Pereżempju, tista’ ssaħħaħ l-effiċjenza tal-agrikoltura u s-sajd tal-UE, iżda biex tagħmel dan trid tikkunsidra l-implikazzjonijiet għall-ambjent, il-benesseri tal-annimali u s-saħħa pubblika. Bħala parti mill-isforzi tagħha favur produzzjoni iktar effiċjenti, l-UE tista’ tkabbar id-daqs tal-irziezet u l-unitajiet ta’ produzzjoni, iżda dan ukoll għandu jsir b’konformità mal-bżonnijiet ambjentali u tal-benesseri tal-annimali – mingħajr ma ninsew il-benesseri tal-produtturi u l-bżonn li l-kampanja ma titlifx il-popolazzjoni tagħha.

4.5   L-UE tista’ ttejjeb is-sigurtà tal-provvista billi ssaħħaħ il-ħażniet u, fost affarijiet oħra, tiddiversifika s-sorsi ta’ enerġija. Il-produzzjoni tal-bijoenerġija għandha tiżdied iżda mhux bi ħsara għall-provvista tal-ikel.

4.6   L-UE għandha wkoll tkompli tibbaża l-azzjoni tagħha fuq il-prinċipji umanistiċi u għandha terfa’ r-responsabbiltà tagħha għall-kwistjonijiet ta’ emigrazzjoni u l-problemi tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li tnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ kunflitti fir-reġjuni ġirien billi tfittex li tiggarantixxi li n-nies ikunu jistgħu jaqilgħu biżżejjed biex jgħixu fir-reġjun tagħhom, kemm fl-UE kif ukoll barra mit-territorju tagħha.

L-UE għandha tappoġġja lill-produtturi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u lill-isforzi tagħhom biex jorganizzaw lilhom innifishom sabiex, billi jaħdmu flimkien u jitgħallmu minn xulxin, il-produtturi jkunu jistgħu jipprovdu biżżejjed ikel biex ikopru l-bżonnijiet tar-reġjuni tagħhom. Il-produtturi Ewropej għandhom jieħdu sehem fl-iskemi ta’ kooperazzjoni bejn il-bdiewa. F’Lulju 2008 l-UE ħadet deċiżjoni biex, fil-prinċipju, talloka biljun ewro għall-baġit tal-agrikoltura biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-bdiewa fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

4.7   Huwa wkoll importanti li l-konsum isir responsabbli fuq livell globali u li d-drawwiet alimentari jkunu aħjar għas-saħħa: dieta li tinkludi ħafna prodotti veġetali kapaċi tgħin lill-bniedem ikopri l-bżonnijiet nutrittivi kollha tiegħu b’użu ta’ enerġija iktar baxx minn dieta b’ħafna proteini mill-annimali. Mil-lat tal-produzzjoni, huwa importanti li nkomplu niżviluppaw il-produzzjoni u nsaħħu n-know-how xjentifiku. L-UE għandha tkun proattiva f’dawn l-ambiti kollha, kemm fl-attivitajiet tagħha kif ukoll fix-xena internazzjonali.

5.   Is-sigurtà tal-provvista – il-pedament tal-provvista tal-ikel fl-UE

5.1   Is-sigurtà tal-provvista hija mekkaniżmu ewlieni biex niġġieldu kontra r-riskju u nassiguraw il-provvista tal-ikel u l-mediċina f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Is-sigurtà nazzjonali tal-arranġamenti tal-provvista tvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-UE. Is-sħubija fl-UE ġeneralment tfisser tnaqqis fis-sigurtà nazzjonali tal-provvista billi l-UE temmen li hija kapaċi terfa’ r-responsabbiltà kollha għas-sigurtà tal-provvista f’każ ta’ kriżi. Is-suq intern tal-UE jipprovdi bażi tajba biex jintlaħaq dan l-għan. Il-kriżijiet li seħħew fis-snin li għaddew kienu ta’ natura kwalitattiva u ma wasslux għal skarsezza tal-prodotti bażiċi.

5.2   Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-ġestjoni tas-sigurtà tal-provvista huwa li titħares il-produzzjoni tal-materja prima użata għall-ikel. F’każ ta’ kriżi, it-tqassim tal-ikel jista’ jiġi rregolat u kkontrollat. Il-kooperazzjoni bejn il-bdiewa, il-kummerċ, l-industrija, l-awtoritajiet u korpi oħrajn hija kruċjali.

5.3   Waqt kriżi, l-aċċess għall-fatturi ta’ produzzjoni agrikoli bażiċi huwa essenzjali. Dawn jinkludu l-fertilizzanti, is-sorsi ta’ enerġija bħaż-żejt, il-prodotti fitosanitarji, iż-żerriegħa, il-mediċini għall-użu veterinarju, l-ilma, eċċ. Bil-liġi, l-awtoritajiet iridu jassiguraw il-provvista tal-produzzjoni f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Dan jitlob diviżjoni ċara tax-xogħol u tal-pjanijiet bejn id-diversi partijiet involuti. L-iskemi nazzjonali u l-livell ta’ tħejjija tal-provvista tas-sigurtà jvarjaw. L-UE qiegħda tistabbilixxi skemi ġodda f’dan ir-rigward, b’mod speċjali hekk kif il-firxa ta’ riskji internazzjonali qiegħda tikber.

5.4   Is-sigurtà tal-provvista tas-settur tal-ikel tal-UE għandha tissaħħaħ permezz ta’ mekkaniżmi u arranġamenti iktar sodi minn dawk li kellna s’issa sabiex l-Unjoni tkun tista’ tħejji ruħha għal riskji potenzjali ġodda. Skemi ta’ stokkaġġ li jkunu estiżi biżżejjed biex ikopru l-UE kollha kemm hi huma l-essenza tas-sigurtà tal-provvista. Swieq tal-prodotti agrikoli stabbli u li jaħdmu tajjeb fl-Istati Membri u fis-suq intern tal-UE huma l-bażi tas-sigurtà tal-provvista. F’każ ta’ kriżi, l-affidabilità tad-diversi partijiet involuti u l-kapaċità tagħhom li jieħdu azzjoni mingħajr telf ta’ żmien huma elementi essenzjali biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  B’rabta mat-tfassil tal-opinjoni, fit-22 ta’ Settembru 2008 ġiet organizzata seduta fil-bini tal-KESE intitolata “X’inhuma l-prospettivi reali għall-prezzijiet agrikoli u tal-ikel?”


APPENDIĊI

tal-opinjoni tal-Kumitat

L-emendi li ġejjin, li ġew appoġġjati minn iktar minn kwart tal-voti mixħuta, ma ġewx adottati:

Punt 3.4.2.2

Immodifika kif ġej:

L-innovazzjonijiet tal-bijoteknoloġija ġabu magħhom firxa wiesgħa ta’ metodi ta’ produzzjoni ġodda. L-avvanzi fil-bijoteknoloġija huma kkunsidrati minn ċerti produtturi taż-żerriegħa u tal-prodotti kimiċi bħala pass ’il quddiem fit-titjib tal-effiċjenza tal-produzzjoni. Dan il-proċess għandu jiġi appoġġjat minn sforzi tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Minbarra l-vantaġġi għandna wkoll inqisu r-riskji potenzjali għas-saħħa u l-ambjent , li għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa u jkunu s-suġġett ta’ riċerka ffinanzjata b’fondi speċifiċi . Il-problema bħalissa hija li f’ħafna każijiet l-effetti sekondarji potenzjali tal-applikazzjonijiet tal-bijoteknoloġija fuq is-saħħa tal-annimali, tal-pjanti u tal-ekosistemi mhumiex ċari magħrufa bis-sħiħ .

Voti:

Favur: 41, Kontra: 49, Astensjonijiet: 18

Punt 1.8

Immodifika kif ġej:

L-UE għandha żżid l-investiment fit-teknoloġiji adattati għall-kriterji tal-iżvilupp sostenibbli l-ġodda, inkluża l-bijoteknoloġija, sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati applikazzjonijiet għall-produzzjoni. Fir-rigward tal-bijoteknoloġija, il-KESE jaqbel mal-pożizzjoni tal-Evalwazzjoni Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Agrikoltura għall-Iżvilupp (IAASTD), inizjattiva tal-Bank Dinji, il-FAO u istituzzjonijiet pubbliċi oħra, li tgħid li l-problemi alimentari dinjija, li qegħdin jitfaċċjaw barra mill-UE, ma jistgħux jiġu solvuti permezz tal-inġinerija ġenetika jew tal-bijoteknoloġija u approċċ agrikolu bbażat fuq is-sustanzi kimiċi, iżda fuq kollox permezz ta’ proċeduri agrikoli tradizzjonali u l-biedja organika .

Voti:

Favur: 39, Kontra: 47, Astensjonijiet: 19

Punt 3.4.2.1 u Punt 3.4.2.2

Immodifika kif ġej:

3.4.2.1

Id-domanda għall-prodotti agrikoli bħala materja prima għall-produzzjoni tal-bijoenerġija żdiedet primarjament b’konsegwenza tal-miżuri ta’ politika meħudin biex jindirizzaw il-bidla fil-klima, popolazzjoni dinjija dejjem ikbar u drawwiet alimentari differenti (bħall-konsum tal-laħam). it-theddid lill-ambjent, iżda wkoll b’riżultat tal-iżvilupp teknoloġiku. Il-bijoteknoloġija toffri ħafna opportunitajiet ġodda għal produzzjoni iktar effettiva u għall-ipproċessar tal-prodotti fis-swieq tal-ikel kif ukoll dawk mhux marbutin mal-ikel. Fil-qasam tal-enerġija, il-produzzjoni tal-bijoenerġija miċ-ċelluloża, flimkien mal-produzzjoni tal-enerġija mil-lamtu, qiegħda toħroġ fid-dieher bħala prodott li jista’ jinbiegħ.

3.4.2.2

L-innovazzjonijiet fl-iżvilupp ta’ metodi ta’ trobbija tal-annimali li huma sostenibbli mil-lat ambjentali u soċjali (bħall-ismart breeding) u l-kultivazzjoni tal-prodotti tar-raba’ tal-bijoteknoloġija ġabu magħhom firxa wiesgħa ta’ metodi ta’ produzzjoni ġodda. L-avvanzi fil-bijoteknoloġija huma pass ’il quddiem fit-titjib tal-effiċjenza tal-produzzjoni. Dan il-proċess għand hom u jkomplu jiġ i u promossi u appoġġjat i minn sforzi tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Minbarra l-vantaġġi għandna wkoll inqisu r-riskji potenzjali għas-saħħa u l-ambjent. Il-KESE jaqbel mal-pożizzjoni tal-Evalwazzjoni Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Agrikoltura għall-Iżvilupp (IAASTD), li tgħid li l-problemi alimentari, li komplew sejrin għall-agħar fuq livell globali, barra mill-EU, jistgħu biss jiġu solvuti permezz ta’ metodi adattati għal-livell lokali, jiġifieri permezz ta’ proċeduri agrikoli tradizzjonali, il-biedja organika, eċċ. u żgur mhux bl-inġinerija ġenetika.

Voti:

Favur: 34, Kontra: 53, Astensjonijiet: 21


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/53


Opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli”

2009/C 100/09

Nhar is-16 u s-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mar-Regola 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, (f’dan il-każ l-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur SIECKER.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u tat-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’114 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-PGD huwa indikatur importanti tat-tkabbir ekonomiku, iżda mhuwiex biżżejjed għat-tfassil tal-linja politika li għandha tittieħed sabiex negħlbu l-isfidi tas-seklu 21. Għal dan il-għan hemm bżonn ta’ indikaturi komplementari oħra. Din kienet il-konklużjoni tal-konferenza tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 u l-20 ta’ Novembru 2007 fi Brussell bit-tema “Lil hinn mill-PGD”, u tal-konferenza tal-10 ta’ Jannar 2008 f’Tilburg intitolata “Een comfortabele waarheid” (Verità Konvenjenti).

1.2   Il-PGD huwa indikatur tajjeb tar-ritmu tal-ekonomija, li juri l-isforzi li qed nagħmlu biex naqilgħu l-flus, mingħajr ma jqis jekk dan qiegħedx jiġġenera prodotti u servizzi siewja jew jekk huwiex ta’ ħsara għall-bniedem u l-ambjent. Dak li għandna bżonn fuq kollox huma indikaturi li juruna kemm għadna ’l bogħod minn ekonomija sostenibbli u solidarja.

1.3   Peress li dawn huma żewġ approċċi differenti (is-sostenibbiltà u l-benesseri), għandna bżonn żewġ indikaturi differenti. Is-sostenibbiltà tirreferi għal ambjent f’saħħtu attwali u fil-ġejjieni, għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u hija rekwiżit filwaqt li l-benesseri huwa marbut mal-iżvilupp soċjali u huwa objettiv varjabbli. Fir-rigward tas-sostenibbiltà, ikun biżżejjed li tiġi garantita ż-żamma ta’ stil ta’ ħajja fuq perijodu fit-tul fil-livell dinji. Jekk dan il-kriterju jiġi rrispettat, ma jkunx hemm bżonn li tissaħħaħ aktar is-sostenibbiltà. Il-każ tal-benesseri huwa differenti: iktar ma jkun tajjeb iktar aħjar; għalhekk, jixraq li jittejjeb b’mod kontinwu.

1.4   Jeżisti indikatur tas-sostenibbiltà u tal-bidla f’dan il-qasam: li huwa l-marka tal-karbonju (carbon footprint), li, minkejja n-nuqqasijiet tiegħu, huwa l-aqwa indikatur ġenerali li jeżisti tal-iżvilupp sostenibbli tal-ambjent.

1.5   Il-marka tal-karbonju hija għodda eċċellenti ta’ komunikazzjoni u hija waħda mill-ftit – jekk mhux l-unika – li tqis l-impatti ambjentali tat-tendenzi tal-konsum u l-produzzjoni tagħna (l-importazzjoni u l-esportazzjoni) fuq pajjiżi oħra. Jekk nużawha, tista’ tiġi rfinata u jekk u meta jinstab indikatur aqwa fil-ġejjieni dan jista’ jieħu postha.

1.6   L-isfida qiegħda fil-ħolqien ta’ indikatur tal-iżvilupp soċjali li jkejjel l-aspetti differenti tal-kwalità ta’ ħajja b’mod li jagħti stampa realistika. Din l-opinjoni hija ddedikata għal dan l-indikatur tal-kwalità ta’ ħajja peress li (għalissa) m’hemmx strument politiku ta’ din ix-xorta li huwa effettiv.

1.7   Indikatur tal-kwalità ta’ ħajja li jista’ jintuża fil-prattika u li jkun affidabbli fil-livell xjentifiku għandu jkopri oqsma kruċjali għall-kwalità ta’ ħajja u jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

magħmul minn fatturi oġġettivi li jiddeterminaw il-kapaċitajiet tal-individwi

jikkunsidra l-effett tal-politika

l-informazzjoni tkun disponibbli fil-ħin

jippermetti tqabbil minn pajjiż għal ieħor

jippermetti tqabbil bejn iż-żminijiet

jinftiehem minn udjenza wiesgħa

1.8   Is-sitt oqsma li ġejjin huma ġeneralment meqjusa importanti għall-kwalità ta’ ħajja.

l-integrità fiżika u s-saħħa

il-ġid materjali

l-aċċess għas-servizzi pubbliċi

l-attivitajiet soċjali u l-integrazzjoni tal-immigranti

ir-rikreazzjoni

il-kwalità tal-ambjent

L-informazzjoni bażika meħtieġa sabiex titkejjel il-bidla f’dawn l-oqsma fil-livell nazzjonali hija disponibbli fl-Istati Membri tal-UE. Madankollu, jaqbel li din l-informazzjoni tiġi ċċarata (il-frekwenza, il-ġbir u l-ipproċessar).

1.9   L-indikatur deskritt hawnhekk mhuwiex perfett. M’għandux jitqies bħala proposta iżda bħala kontribut għad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar is-suġġett. Il-kejl huwa proċess dinamiku: fil-fatt, qegħdin inkejlu l-bidla fis-soċjetà. Din il-bidla tista’ twassal għal bżonn ta’ aktar informazzjoni jew ta’ informazzjoni aktar dettaljata. It-tfassil ta’ indikatur huwa wkoll proċess dinamiku u għandu jkun preċedut minn dibattiti u diskussjonijiet, kif hu xieraq f’soċjetà demokratika.

1.10   It-transizzjoni lejn politika li mhijiex biss ibbażata fuq it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq l-effett ta’ fatturi soċjali u ambjentali tista’ twassal għal ekonomija aktar sostenibbli u solidarja. Dan mhuwiex proġett fuq il-perijodu qasir: għandu miri usa’. Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu, jinħtieġ li nillimitaw ruħna għall-Istati Membri tal-UE, u ninkludu wkoll il-pajjiżi kandidati tal-Kroazja u t-Turkija u l-pajjiżi fejn l-iżvilupp ekonomiku jista’ jitqabbel bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, in-New Zealand u l-Ġappun. Id-differenzi l-kbar fl-iżvilupp ekonomiku jxekklu l-ħolqien ta’ indikatur uniku li jinftiehem minn kulħadd u li jkejjel il-bidla fil-pajjiżi żviluppati bl-istess mod kif ikejjel dik tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.   Il-limiti tal-PGD

2.1   Il-kuntentizza hija l-għan aħħari ta’ kull individwu. Il-kompitu ewlieni tal-awtoritajiet huwa li joħolqu l-kondizzjonijiet li joffru lil kull wieħed u waħda minnha l-aqwa possibbiltà biex insibu din il-kuntentizza. Dan ifisser li l-awtoritajiet għandhom dejjem iħossu l-polz tas-soċjetà sabiex jiġbru l-informazzjoni dwar l-istat li tinsab fih. Il-kejl jgħallimna: huwa meta wieħed ikun jaf x’qiegħed idejjaq lill-bniedem u għaliex li jkun jista’ jipprova jieħu l-passi biex jindirizza s-sitwazzjoni.

2.2   Bħalissa, l-awtoritajiet jużaw il-Prodott Gross Domestiku (PGD) biex juru kif inhi sejra s-soċjetà. Il-PGD kien introdott bħala indikatur wara r-reċessjoni l-kbira u t-Tieni Gwerra Dinjija li segwit fis-seklu li għadda. Għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ politika, huwa l-indikatur ewlieni, biex ma ngħidux l-uniku indikatur, li jkejjel il-prestazzjonijiet u l-attivitajiet ekonomiċi. Huwa bbażat fuq sistema rikonoxxuta mad-dinja kollha, ta’ kontijiet nazzjonali mwaqqfa skont proċedura waħda. Barra minn hekk, kollox huwa mfisser f’unità ta’ kejl waħda u unika: il-flus. Dan jispjega għaliex l-PGD huwa indikatur tajjeb għat-tqabbil bejn il-pajjiżi differenti.

2.3   Madankollu, ma jagħtix informazzjoni dwar il-benesseri (il-kuntentizza) tan-nies jew dwar il-livell ta’ sostenibbiltà tal-iżvilupp tas-soċjetà. Il-PGD per capita tal-Istati Uniti huwa wieħed mill-ogħla fid-dinja, iżda ma jfissirx li l-Amerikani huma aktar kuntenti miċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra, biex ma nsemmux kemm hi sostenibbli s-soċjetà Amerikana. Fil-livell internazzjonali, il-PGD per capita huwa ogħla minn dak ta’ 60 sena ilu. Madankollu, dan it-tkabbir ma sarrafx f’żieda sostanzjali fil-kuntentizza tan-nies. Fil-fatt, minn barra t-tnehid ta’ dispjaċir li tisma’ kullimkien għall-imgħoddi meta kollox kien aħjar, fl-2008 ġie rreġistrat numru rekord ta’ 900 miljun persuna bil-ġuħ, jiġifieri 900 miljun persuna mhux kuntenta.

2.4   L-iżviluppi attwali tas-soċjetà u r-rapporti ekonomiċi eżistenti huma fundamentalment differenti mis-sitwazzjoni li kienet teżisti fin-nofs tas-seklu li għadda. Il-pajjiżi żviluppati, b’mod partikolari, kulma jmur iħossu l-bżonn li jkejlu l-aspetti li ma jirriżultawx minn tranżazzjonijiet kummerċjali jew minn proċeduri ekonomiċi formali. Il-PGD ma jqisx biżżejjed, jew lanqas xejn, ħafna minn dawn l-aspetti u l-ħtiġijiet.

2.5   PGD li qiegħed jikber jista’ jaħbi tnaqqis fil-prosperità u l-benesseri. Pereżempju, jekk pajjiż iqaċċat il-foresti kollha, ibiegħ l-injam u jħaddem it-tfal minflok ma jedukahom, il-PGD ser jittejjeb peress li ċ-ċifri tat-tkabbir ekonomiku juru ġid materjali akbar. Dan it-tkabbir mhuwiex sostenibbli u n-nies - speċjalment it-tfal - ma jkunux (aktar) kuntenti.

2.6   Id-diżastri naturali u politiċi jista’ wkoll ikollhom effett pożittiv fuq il-PGD. L-uragan Katrina kien barka għall-PGD tal-Louisiana peress li nibtu ħafna sforzi u attivitajiet ekonomiċi għar-rikostruzzjoni. Dan il-punt jgħodd ukoll għall-PGD ta’ sensiela ta’ pajjiżi Ażjatiċi u Afrikani wara t-tsunami u għall-PGD ta’ kważi kull ekonomija Ewropea wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Barra mill-fatt li żgur mhux id-dinja kollha gawdiet b’mod proporzjonali minn din iż-żieda fil-ġid, dawn id-diżastri ma għinux sabiex jittejbu l-benesseri tal-popolazzjoni jew is-sostenibbiltà tas-soċjetà.

2.7   Eżempji oħra, inqas estremi, juru l-limiti tal-PGD bħala indikatur. Ġid materjali akbar iżid il-bejgħ tal-karozzi u l-kostruzzjoni ta’ aktar toroq. Dan ukoll iwassal għal żieda fl-aċċidenti u fl-ispejjeż (il-bdil/it-tiswija tal-karozza, spejjeż għall-kura tal-feruti u tal-invalidi, żieda fil-primjums tal-assigurazzjoni), kif ukoll għal ċerti abbużi bħall-kummerċ tal-armi u l-bejgħ tal-antidipressanti lit-tfal. Dan kollu jwassal għal tneffiħ tal-PGD iżda mhux għall-ksib tal-għan aħħari ta’ kull bniedem li huwa l-kuntentizza, ħlief ta’ dawk in-nies li jgħixu minn fuq dawn l-attivitajiet.

2.8   Id-dominanza tal-PGD toħroġ l-iktar meta jonqos: imbagħad, jaħkem il-paniku, li mhux dejjem huwa ġġustifikat. It-tnaqqis fil-PGD jista’ jkun riżultat ta’ żvilupp pożittiv. Jekk ġurnata waħda, in-nies jibdew jużaw bozoz LED minflok il-bozoz tradizzjonali, jiġi rreġistrat infiq ta’ darba għal dawn il-bozoz ġodda iżda wkoll tnaqqis strutturali sostanzjali fil-konsum tal-enerġija, u għalhekk fil-PGD, minħabba l-fatt li dawn il-bozoz jużaw inqas elettriku meta mqabbel mal-bozoz tradizzjonali.

2.9   Fil-qosor, il-PGD huwa indikatur tajjeb tal-prestazzjoni ekonomika, iżda ma teżisti l-ebda rabta diretta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp miksub f’oqsma oħra tas-soċjetà. Sabiex l-istampa tkun kompluta, jinħtieġ li jkun hemm indikaturi li jirriflettu l-iżvilupp f’aspetti oħra, b’mod partikolari, dawk soċjali u ambjentali.

3.   Fatturi oħra tal-benesseri

3.1   Id-diskussjoni dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti indikaturi oħra barra l-PGD qed issir simultanjament fuq diversi fronti. Fil-fatt, minn barra l-konferenza “Lil hinn mill-PGD” organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fi Brussell (1) fid-19 u l-20 ta’ Novembru 2007, fl-10 ta’ Jannar ta’ din is-sena nżammet konferenza dwar it-tema “Een comfortabele waarheid” (Verità Konvenjenti) fl-Università ta’ Tilburg (2). Dawn iż-żewġ konferenzi ppreżentaw b’mod ċar riżultati simili, li jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ fatturi indikattivi oħra minn barra t-tkabbir ekonomiku. Il-PGD huwa indikatur tajjeb tar-ritmu tal-ekonomija, li juri l-isforzi li qed nagħmlu biex naqilgħu l-flus, mingħajr ma jqis jekk qiegħedx jiġġenera prodotti u servizzi siewja jew jekk huwiex ta’ ħsara għall-bniedem u l-ambjent. Dak li għandna bżonn fuq kollox huma indikaturi li juruna kemm għadna ’l bogħod minn ekonomija sostenibbli u solidarja. Ftit wara t-tfassil tal-PGD, ekonomisti magħrufa bħal Samuelson (3) bdew jaħsbu sabiex jintroduċu aspetti mhux materjali fil-Prodott Gross Domestiku bħall-ambjent u l-valuri naturali sabiex l-ambitu tal-PGD jikber u jinkludi aspetti oħra li mhumiex purament ekonomiċi. Madankollu dawn it-tentattivi ma rnexxilhomx iwasslu għall-adozzjoni ta’ verżjoni adattata tal-PGD, li jfisser li l-PGD tradizzjonali għadu dominanti sal-lum il-ġurnata. Xi xjentisti studjaw din il-kwistjoni fil-fond. Sommarju tal-ideat tagħhom jinsab hawn taħt.

3.2   Richard Layard, għalliem Ingliż tal-ekonomija tax-xogħol, jinnota fil-ktieb tiegħu “Happiness” (“Il-Kuntentizza”) (4) li minkejja ġid materjali akbar, il-Punent ma rnexxilux isib aktar kuntentizza tul dawn l-aħħar ħamsin sena. Skont Richard Layard, dan hu minħabba l-kompetizzjoni kbira fid-dinja kollha, kull wieħed u waħda minnha jrid jaqla’ aktar minn ħadd ieħor. Din il-fissazzjoni unilaterali wasslet għal tnaqqis f’ċerti oqsma aktar importanti għall-benesseri tal-bniedem: l-istabbiltà tal-familja, il-gost tax-xogħol u r-relazzjonijiet tajba mal-ħbieb u l-komunità. Dan joħroġ mill-istatistika dwar in-numru ta’ divorzji li kulma jmur dejjem jikber, iż-żieda fit-tensjoni fuq il-post tax-xogħol u ż-żieda fil-kriminalità. Biex jinkiseb bilanċ, jinħtieġ li tiġi enfasizzata l-ugwaljanza tal-possibbiltà li wieħed ikollu dħul finanzjarju u mhux l-ugwaljanza tad-dħul finanzjarju.

3.3   Fit-teorija tiegħu dwar l-ekonomija tal-benesseri, l-ekonomista Indjan Amartya Sen  (5) jenfasizza l-fatt li l-prosperità ma tinvolvix il-ġid, iżda l-attivitajiet li jwasslu għal dan il-ġid. Id-dħul finanzjarju joffri l-opportunitajiet lill-individwi sabiex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet. Dawn l-opportunitajiet – li Sen isejjaħ “kapaċitajiet” – jiddependu wkoll minn fatturi bħas-saħħa u t-tul tal-ħajja li wieħed mistenni jgħix. L-informazzjoni dwar ir-rati ta’ mortalità hija importanti l-aktar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw peress li hija indikatur tajjeb, speċjalment fir-rigward tal-inugwaljanza soċjali u tal-kwalità ta’ ħajja.

3.4   Fil-pubblikazzjoni l-ġdida tagħha bit-titolu “Frontiers of Justice” (Il-fruntieri tal-ġustizzja), il-filosfa Amerikana Martha Nussbaum  (6) tiddeskrivi għaxar drittijiet soċjali minimi li huma meħtieġa biex wieħed jgħix ħajja deċenti. Hija tisħaq li soċjetà tonqos mid-dmirijiet tagħha u ma tkun xejn ġusta jekk ma tistax tiggarantixxi livell minimu adegwat tad-drittijiet u tal-libertajiet għaċ-ċittadini tagħha. F’termini aktar preċiżi, titkellem dwar il-kapaċità li wieħed jgħix ħajja ta’ tul normali, li jkun b’saħħtu, li jiċċaqlaq liberament, li wieħed juża l-intelliġenza tiegħu, li joħloq rabtiet ma’ affarijiet u nies oħra, li jkollu idea ċara ta’ x’inhu tajjeb, li jgħix ma’ u għal nies oħrajn mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni, li jgħix ħajtu filwaqt li jirrispetta l-annimali u l-ambjent, li jidħak u jilgħab, li jieħu sehem fl-għażliet politiċi u li jixtri l-proprjetà. Din il-lista mhijiex kompluta u tista’ tiżdied.

4.   Indikaturi oħra

4.1   Minn barra l-PGD, jeżistu diversi inizjattivi sabiex jitkejlu elementi importanti oħra bil-għan li tiġi evalwata s-soċjetà. Għall-informazzjoni, qed nagħtu idea ġenerali u deskrizzjoni qasira tal-erba’ indikaturi li jintużaw għal dan l-iskop. Nistgħu nsemmu oħrajn, bħal pereżempju l-inizjattiva tal-Kunsill Federali għall-iżvilupp sostenibbli fil-Belġju (7), l-indiċi Kanadiż tal-benesseri (ICME) (8), il-kuntentizza nazzjonali gross fil-Butan (9), l-inizjattiva Quars fl-Italja (10), il-kummissjoni Stiglitz fi Franza (11), il-proġett dinji tal-OECD (12) intiż biex ikejjel il-progress, kif ukoll l-informazzjoni disponibbli tal-Eurofound (13). Madankollu ma nistgħux insemmuhom kollha hawnhekk.

4.2   L-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (HDI) (14) huwa indikatur li jkejjel l-iżvilupp tas-soċjetà u tal-gruppi li jifformawha. Dan il-metodu ilu jintuża mill-1993 mill-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) sabiex jitfassal rapport annwali dwar is-sitwazzjoni skont il-pajjiżi. Barra d-dħul finanzjarju, dan l-indikatur jagħti każ ukoll tal-medja tat-tul ta’ ħajja, r-rata tal-alfabetiżmu u l-livell ta’ edukazzjoni. Barra minn hekk, mill-1977 ’il quddiem, beda jiġi ppubblikat Indiċi tal-Faqar tal-Bniedem (15) li jqis l-aċċess għat-tagħlim, l-aċċess għall-ikel u l-ilma nadif kif ukoll l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa. L-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (HDI) huwa bbażat b’mod partikolari fuq it-teoriji ta’ Amartya Sen. L-HDI jaħdem tajjeb ħafna fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżda mhuwiex daqstant adattat sabiex jevalwa l-iżvilupp fil-pajjiżi żviluppati.

4.3   Il-marka tal-karbonju  (16) hija bbażata fuq il-prinċipju li l-konsum jista’ jissarraf f’wesgħa tal-wiċċ meħtieġa għall-produzzjoni tar-riżorsi kkonsmati. Permezz tagħha, ikun jista’ jsir tqabbil tal-impatt ambjentali tal-imġieba differenti tal-konsumaturi (l-istil ta’ ħajja) jew tal-gruppi differenti tal-popolazzjoni (il-pajjiżi). Fid-dinja hemm 1.8 ettaru ta’ art biex jissodisfa l-konsum individwali ta’ kull persuna. Bħalissa madwar id-dinja qed nużaw 2.2 ettaru għal kull persuna, li jfisser li l-umanità qed teżawrixxi r-riżorsi tad-dinja b’rata mgħaġġla. Madankollu, id-differenzi huma kbar: fl-Istati Uniti, il-marka tal-karbonju medja hija ta’ 9.6 etaru għal kull abitant meta mqabbla mal-0.5 ettaru fil-Bangladexx. Jekk il-politika tagħna mhux ser tinbidel, dawn il-problemi ser jikbru. L-erożjoni u d-deżertifikazzjoni jwasslu għal inqas u inqas art fertili disponibbli u t-tkabbir demografiku jfisser li numru akbar ta’ nies għandhom jaqsmu medda ta’ art li dejjem tiċkien. Barra minn hekk, id-domanda dejjem tikber, peress li prosperità akbar iżżid il-konsum. Il-marka tal-karbonju hija indikatur tajjeb tal-iżvilupp sostenibbli, iżda ma tagħti l-ebda informazzjoni dwar il-benesseri tal-individwi.

4.4   L-Indiċi tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja  (17) (Leefsituatie Index) jagħti deskrizzjoni u analiżi sistematiċi tal-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-popolazzjoni Olandiża. Dan l-indiċi huwa wkoll imsejjaħ sociale staat van Nederland – SSN (l-istat soċjali tal-Olanda). Dan jiddeskrivi l-iżvilupp tal-kondizzjonijiet tal-ħajja fuq perijodu ta’ madwar għaxar snin. Is-suġġetti studjati huma d-dħul finanzjarju, ix-xogħol, it-tagħlim, is-saħħa, ir-rikreazzjoni, il-mobbiltà, il-kriminalità, l-akkomodazzjoni u l-ambjent residenzjali. Barra mill-kapitli dwar il-kwistjonijiet soċjali differenti, jingħata wkoll indiċi li jagħti sommarju tal-indikaturi soċjali kollha. Tingħata wkoll informazzjoni dwar l-opinjoni pubblika fir-rigward tal-politika u tal-awtoritajiet. L-istħarriġ huwa ppubblikat kull sentejn min-Nederlandse Sociaal Cultureel Planbureau (il-Bureau tal-ippjanar soċjali u kulturali tal-Olanda). L-indiċi tal-kondizzjonijiet tal-ħajja qatt ma kellu saħħa fl-Olanda: l-ewwel u qabel kollox huwa magħmul minn taħlita ta’ diversi elementi varjati u ma jagħtix stampa koerenti u affidabbli tal-benesseri ġenerali.

4.5   Ruut Veenhoven, għalliem fl-Università Erasmus ta’ Rotterdam ilu dawn l-aħħar tletin sena jirriċerka l-kuntentizza madwar id-dinja. F’World Database of Happiness  (18) (bażi tad-data dinjija dwar il-kuntentizza) jikkonkludi li hemm relazzjonijiet dgħajfa ħafna bejn il-flus u l-kuntentizza. In-nies li jaqilgħu ħafna flus jgħixu perijodu qasir ta’ kuntentizza, li jispiċċa wara sena. Ġeneralment, l-individwi li għandhom ħin liberu u li jistgħu jagħmlu għażliet liberi huma aktar kuntenti. Barra minn hekk, Ruut Veenhoven joħloq distinzjoni ċara bejn il-pajjiżi żviluppati u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Żieda fid-dħul finanzjarju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tagħti kuntentizza aktar qawwija u aktar fit-tul milli fil-pajjiżi żviluppati. Din id-differenza ma tibqax tgħodd meta l-PGD per capita jaqbeż il-livell minimu ta’ bejn USD 20 000 u USD 25 000. L-iżvantaġġ ta’ din il-bażi ta’ data qiegħed fil-fatt li d-differenzi bejn il-preferenzi individwali jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-kuntentizza. Barra minn hekk, il-politika pubblika ma tantx tista’ taffettwa l-kuntentizza.

5.   Indikaturi potenzjali

5.1   Hemm żewġ possibbiltajiet sabiex tintemm id-dominanza tal-PGD fil-politika soċjoekonomika. L-ewwel soluzzjoni hija t-tfassil ta’ sensiela ta’ indikaturi oħrajn marbuta mas-sostenibbiltà u l-benesseri (jew xi wħud mill-aspetti tagħhom) li għandhom l-istess importanza politika daqs il-PGD. It-tieni soluzzjoni hija li l-PGD jiġi sostitwit minn indikatur ġenerali ieħor li jinkludi fih l-elementi rilevanti kollha tas-sostenibbiltà u l-benesseri. Dan l-indikatur il-ġdid isir għalhekk l-indikatur ewlieni tal-politika soċjoekonomika.

5.2   L-ewwel possibbiltà, jiġifieri s-sensiela ta’ indikaturi oħrajn minn barra l-PGD, kienet implimentata iżda ma tat l-ebda riżultat konklużiv. Jeżistu bosta indikaturi li jippermettu li jitkejlu diversi aspetti tas-sostenibbiltà u tal-benesseri: l-indikaturi tad-demokrazija, tal-kuntentizza u tas-sodisfazzjoni ġenerali, tas-saħħa, tal-livell ta’ edukazzjoni, tal-livell ta’ kultura, tal-libertà ta’ espressjoni, tal-kriminalità, tal-kwalità tal-ambjent, tal-emissjonijiet tas-CO2, tal-marka tal-karbonju, eċċ. Madankollu, dawn l-indikaturi mhumiex importanti daqs il-PGD, li huwa dejjem meqjus bħala l-indikatur tal-benesseri tagħna l-aktar komplut u l-inqas ikkontestat.

5.3   It-tieni possibbiltà, jiġifieri l-indikatur ġenerali li jieħu post il-PGD, hija kkomplikata għax tikkonċerna żewġ kwistjonijiet li huma fundamentalment differenti: is-sostenibbiltà u l-benesseri. Is-sostenibbiltà hija rekwiżit, filwaqt li l-benesseri huwa objettiv varjabbli. Fir-rigward tas-sostenibbiltà, ikun biżżejjed li tiġi garantita ż-żamma ta’ stil ta’ ħajja fuq perijodu fit-tul fil-livell dinji. Jekk dan il-kriterju jiġi rrispettat, ma jkunx hemm bżonn li tissaħħaħ aktar is-sostennibbiltà. Il-każ tal-benesseri huwa differenti, dejjem jaqbel li jkollna l-aqwa benesseri possibbli; għalhekk, jixraq li jittejjeb b’mod kontinwu.

5.4   Peress li huwa diffiċli li dawn iż-żewġ kwistjonijiet jingħaqdu, tista’ tiġi kkunsidrata t-tielet possibbiltà: li żewġ indikaturi oħra minbarra l-PGD, indikatur tas-sostenibbiltà u indikatur tal-kwalità ta’ ħajja. Jeżisti indikatur tajjeb ħafna tas-sostenibbiltà u tal-bidla f’dan il-qasam: jiġifieri, il-marka tal-karbonju, li minkejja n-nuqqasijiet tiegħu, huwa l-aqwa indikatur ġenerali li jeżisti tal-iżvilupp sostenibbli tal-ambjent. Il-marka tal-karbonju hija għodda eċċellenti ta’ komunikazzjoni u hija waħda mill-ftit – jekk mhux l-unika – li tqis l-impatti ambjentali tat-tendenzi tal-konsum u l-produzzjoni tagħna (l-importazzjoni u l-esportazzjoni) fuq pajjiżi oħra. Jekk nużawha, tista’ tiġi rfinata u jekk u meta jinstab indikatur aqwa fil-ġejjieni dan jista’ jieħu postha. Għad m’hemm l-ebda indikatur tal-iżvilupp soċjali li jkejjel aspetti differenti tal-kwalità ta’ ħajja b’mod effettiv u li jagħti stampa realistika. Din l-opinjoni hija ddedikata biss għal dan l-indikatur tal-kwalità ta’ ħajja.

6.   Indikatur tal-kwalità ta’ ħajja

6.1   Indikatur tal-kwalità ta’ ħajja li jista’ jintuża fil-prattika u li jkun affidabbli fil-livell xjentifiku għandu jkopri oqsma kruċjali għall-kwalità ta’ ħajja u jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

magħmul minn fatturi oġġettivi li jiddeterminaw il-kapaċitajiet tal-individwi

jikkunsidra l-effett tal-politika

l-informazzjoni tkun disponibbli fil-ħin

jippermetti tqabbil minn pajjiż għal ieħor

jippermetti tqabbil bejn iż-żminijiet

jinftiehem minn udjenza wiesgħa

6.2   L-oqsma tal-ħajja li, fi ħdan l-UE, huma ġeneralment meqjusa importanti għall-kwalità ta’ ħajja u li jissodisfaw dawn il-kritejrji huma dawn li ġejjin:

L-integrità fiżika u s-saħħa. Dan l-indikatur ikejjel il-persentaġġ tal-popolazzjoni li la għandha ostakoli ‘interni’ (mard, diżabbiltà) u lanqas ‘esterni’ (kriminalità u ħabs) sabiex tiffunzjona.

Il-ġid materjali. Jiġifieri d-dħul medju disponibbli standard imfisser f’paritajiet tal-poter tal-akkwist, li huwa l-aqwa kriterju ġenerali tal-poter ta’ akkwist effettiv taċ-ċittadin. Permezz ta’ korrezzjoni fil-livell tal-prezzijiet lokali, il-poter tal-akkwist ta’ pajjiżi differenti jkun jista’ jitqabbel.

L-aċċess għas-servizzi pubbliċi. Il-persentaġġ tal-PGD dedikat għall-kura medika, it-tagħlim, it-trasport pubbliku, l-akkomodazzjoni u l-kultura.

L-attivitajiet soċjali. Il-persentaġġ tal-popolazzjoni bejn l-20 u l-65 sena li taħdem bi ħlas u l-persentaġġ tal-popolazzjoni li għandha aktar minn 20 sena u li tagħmel xogħol volontarju. Ġeneralment, li jkollok xogħol imħallas huwa kkunsidrat bħala waħda mill-forom ewlenin ta’ parteċipazzjoni u integrazzjoni soċjali. Barra minn hekk, il-volontarjat huwa importanti għaż-żamma ta’ varjetà kbira fl-istrutturi soċjali fi ħdan soċjetà li tiġġieled kontra d-dominazzjoni tal-isfera ekonomika. Biż-żieda fil-mobilità tan-nies, huwa importanti li nilqgħu lill-immigranti u nappoġġjaw l-integrazzjoni kulturali u soċjali tagħhom fi ħdan il-komunitajiet eżistenti.

Ir-rikreazzjoni. In-numru medju ta’ sigħat ta’ rikreazzjoni tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-65 sena li mhumiex dedikati għat-tagħlim, u lanqas għax-xogħol imħallas jew mhux imħallas (inklużi l-ivvjaġġar, ix-xogħol tad-dar u l-ħin li wieħed iqatta’ jieħu ħsieb lil xi ħadd ieħor). Il-ħin liberu minħabba perijodu ta’ qagħad mhux mixtieq għandu jitnaqqas mill-ammont globali. Huwa importanti li wieħed ikollu biżżejjed ħin ta’ rikreazzjoni minn barra x-xogħol bi ħlas sabiex ikun jista’ jwettaq ix-xewqat tal-ħajja tiegħu.

Il-kwalità tal-ambjent. Il-persentaġġ ta’ art naturali meta mqabbla mal-bqija tal-art ta’ pajjiż u l-persentaġġ tal-popolazzjoni li mhijiex esposta għat-tniġġis tal-arja. Dan m’għandux x’jaqsam mas-sehem tan-natura u tal-ambjent fis-sostenibbiltà tal-iżvilupp soċjoekonomiku (il-marka tal-karbonju hija indikattur maħsub speċifikament għal dan il-għan), iżda mal-kwalità ta’ ħajja taċ-ċittadini. Għalhekk, l-indikatur huwa llimitat għal żewġ aspetti tan-natura u l-ambjent li ċ-ċittadini jistgħu jesperjenzaw b’mod pożittiv jew negattiv.

6.3   Jintużaw bosta unitajiet għall-kejl ta’ dawn is-sitt oqsma. Sabiex dawn l-evalwazzjonijiet jingħaqdu f’indikatur wieħed ġenerali, hemm bżonn li l-ewwel isiru komparabbli. L-iktar metodu sempliċi (u l-aktar effettiv) huwa li għal kull indikatur individwali jiġi kkalkolat, skont metodu statistiku magħruf u użat f’livell internazzjonali, numru ta’ punti standardizzat (Z-score). In-numru ta’ punti standardizzat (Z-score) huwa kalkolu varjabbli, b’medja ta’ 0 u devjazzjoni standard ta’ 1. Dan ifisser li bejn wieħed u ieħor terz mill-pajjiżi iġibu kalkolu bejn 0 u + 1, terz ieħor bejn 0 u - 1 u wieħed minn sitta taħt - 1. Imbagħad l-indikatur ġenerali jista’ jiġi kkalkolat: huwa l-medja tat-total taz-Z-Score fis-sitt oqsma.

6.4   Biex jitkejlu l-bidliet tul perijodu ta’ żmien, m’għandhomx jerġgħu jiġu kkalkolati l-punti standardizzati (Z-Score) abbażi tal-medju u d-devjazzjoni standard ta’ dik is-sena. Jekk isir hekk, ikun ifisser li l-kwalità ta’ ħajja medja tkun l-istess kull sena. Għal din ir-raġuni, il-medju u d-devjazzjoni standard tas-sena ta’ meta jkun intuża l-indikatur għall-ewwel darba għandu jiġi applikat waqt il-kalkolazzjoni tal-punti standardizzati (Z-Score) tas-snin ta’ wara. Jekk il-medju huwa ogħla minn dak tas-sena ta’ qabel, dan ikun ifisser li l-kwalità ta’ ħajja medja tkun ittejbet b’mod ġenwin.

6.5   Għall-pubbliku ġenerali li mhuwiex midħla tal-kunċetti matematiċi użati fl-istatistika, ir-riżultat ta’ din il-kalkolazzjoni ma jfissirx wisq. Sabiex jintlaħaq is-sitt kriterju (li jintfiehem minn udjenza wiesgħa), ikun aħjar jekk titfassal klassifikazzjoni annwali sabiex kulħadd ikun jista’ jara r-riżultati tajba (jew ħżiena) tal-pajjiż tiegħu meta mqabbla ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra u mar-riżultati tas-sena ta’ qabel. Ġeneralment, dawn il-klassifikazzjonijiet huma ċari ħafna u jistgħu jsaħħu l-popolarità tal-indikatur u jippromovu titjib fil-kwalità ta’ ħajja.

7.   Għal politika aktar ibbilanċjata

7.1   L-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi determinat l-iżvilupp f’dawn is-sitt oqsma hija ġeneralment disponibbli fl-Istati Membri kollha, anke jekk il-frekwenza u l-kwalità (għalissa) tista’ tvarja. Ir-rappurtaġġ finanzjarju u ekonomiku huwa prattika stabbilita; l-informazzjoni rilevanti hija disponibbli ta’ kuljum f’forma ta’ indiċi tal-Borża. Ir-rappurtaġġ dwar l-ambjent u l-kwalità ta’ ħajja għadu relattivament ġdid, li jispjega l-fatt li m’hemmx ħafna informazzjoni disponibbli. L-istatistika ambjentali u soċ ilha teżisti biss għal sentejn jew tlieta. Prerekwiżit importanti għal indikatur komplut u ta’ kwalità huwa l-ksib ta’ ċerta koerenza fil-kwalità u d-disponibbiltà tal-informazzjoni. Iżda l-bażi hemm qiegħda: fil-prinċipju, dalwaqt ser inkunu nistgħu nibdew infasslu dan l-indikatur, jekk jintlaħaq ftehim politiku. Fuq livell politiku, dan l-indikatur jista’ jkun ta’ importanza minħabba l-potenzjal li għandu għat-tkabbir meta mqabbel mal-PGD, fil-futur qarib fi ħdan l-UE.

7.2   Mhuwiex biżżejjed li jkun hemm il-kalkoli, jinħtieġ ukoll li r-riżultati miksuba jintużaw waqt it-tfassil tal-politika. Is-seklu 21 qiegħed jiffaċċja sensiela ta’ problemi li għalihom għad m’hemmx soluzzjonijiet peress li għandhom reċenti. Jinħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet strutturali mill-aktar fis, għaliex sadattant ser nilħqu neżawrixxu r-riżorsi tad-dinja. Jekk nagħżlu li nħaddnu politika li mhijiex biss ibbażata fuq it-tkabbir ekonomiku, iżda wkoll fuq l-iżvilupp sostenibbli fil-livell ekonomiku (il-kontinwità tal-attività ekonomika), soċjali (li l-individwi jkunu jistgħu jgħixu ħajja b’saħħithom u li jdaħħlu l-flus, u li dawk li ma jistgħux jaqilgħu l-għajxien tagħhom ikunu garantiti livell adegwat ta’ sigurtà soċjali) u ambjentali (il-protezzjoni tal-bijodiversità, bidla lejn produzzjoni u konsum sostenibbli), ser ikun possibbli li nindirizzaw sensiela ta’ kwistjonijiet kruċjali (ix-xogħol, l-inugwaljanza, l-edukazzjoni, il-faqar, il-migrazzjoni, il-kuntentizza, il-bidla fil-klima, it-tnaqqis tar-riżorsi tad-dinja).

7.3   L-indikatur deskritt hawnhekk mhuwiex perfett. M’għandux jitqies bħala proposta iżda bħala kontribut għad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar is-suġġett. Jista’ jkun li jrid jiżdied in-numru ta’ oqsma, jew li l-kriterji li l-oqsma jridu jissodisfaw għandhom jiġu definiti b’mod aktar preċiż. Dan it-tip ta’ indikatur qatt mhu komplut. Il-kejl huwa proċess dinamiku peress li l-oġġett li qiegħed jitkejjel huwa l-iżvilupp tas-soċjetà. Dawn il-bidliet jistgħu jwasslu għall-ħtieġa ta’ indikaturi differenti jew ta’ indikaturi aktar preċiżi. Id-definizzjoni ta’ indikatur huwa wkoll proċess dinamiku u għandu jkun preċedut minn dibattiti u diskussjonijiet, kif hu xieraq f’soċjetà demokratika.

7.4   Dan mhuwiex proġett fuq il-perijodu qasir: għandu miri usa’. Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu, jinħtieġ li nillimitaw ruħna għall-Istati Membri tal-UE, u ninkludu wkoll il-pajjiżi kandidati tal-Kroazja u t-Turkija u l-pajjiżi fejn l-iżvilupp ekonomiku jista’ jitqabbel bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja, in-New Zealand u l-Ġappun. Id-differenzi kbar fl-iżvilupp ekonomiku jxekklu l-ħolqien ta’ indikatur wieħed li jin·ftiehem u li jkejjel il-bidla fil-pajjiżi żviluppati bl-istess mod kif ikejjel dik tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-ftehim bejn is-sistemi politiċi ta’ dawn il-pajjiżi ma jqisx l-indikatur tal-libertà demokratika bħala qasam importanti għall-kwalità ta’ ħajja għaliex dan huwa meqjus bħala evidenti fi ħdan dan il-grupp ta’ pajjiżi.

7.5   Politika li mhijiex biss ibbażata fuq l-importanza unilaterali tat-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq il-fatturi soċjali u ambjentali tista’ twassal għal għażliet politiċi mtejba u aktar ibbilanċjati u b’hekk għal ekonomija aktar sostenibbli u bbażata fuq is-solidarjetà. Il-Kumitat jittama li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel dikjarazzjoni ċara f’dan ir-rigward fir-rapport tagħha dwar l-istrateġija Ewropea favur l-iżvilupp sostenibbli li ser tippubblika f’Ġunju tal-2009. L-objettiv jista’ jkun il-mudell soċjali Ewropew imfisser f’opinjoni preċedenti tal-Kumitat (19). Dan il-mudell għandu l-għan li jwitti t-triq għal spazju ta’ prosperità demokratika, ekoloġika, kompetittiva u magħquda u sors ta’ integrazzjoni soċjali għaċ-ċittadini kollha tal-Ewropa.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  www.beyond-GDP.eu

(2)  www.economischegroei.net

(3)  P. Samuelson, “Evaluation of real national income”, Oxford Economic papers, 1950: 1-29.

(4)  R. Layard, “Il-Kuntentizza. Lezzjonijiet ta’ xjenza ġdida”, Armand Colin, 2007.

(5)  A. Sen, “Commodities and capabilities”, Amsterdam North Holland, 1985.

(6)  M. Nussbaum, “Frontiers of justice”, Harvard University Press, 2005.

(7)  www.developpementdurable.be

(8)  www.statcan.ca

(9)  www.bhutanstudies.org.bt

(10)  www.sbilanciamoci.org

(11)  http://stiglitz-sen-fitoussi.fr/fr/index.htm

(12)  http://www.oecd.org/statsportal

(13)  http://www.eurofound.europa.eu/

(14)  www.eurofound.europa.eu/

(15)  http://hdr.undp.org/en/statistics/

(16)  www.footprintnetwork.org

(17)  http://hdr.undp.org/en/statistics/indices/hpi/

(18)  http://worlddatabaseofhappiness.eur.nl/

(19)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 119.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/60


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sigurtà sanitarja tal-importazzjonijiet agrikoli u alimentari

2009/C 100/10

B’ittra ddatata tat-3 ta’ Lulju 2008, il-Presidenza Franċiża ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Is-sigurtà sanitarja tal-importazzjonijiet agrikoli u alimentari (opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur BROS.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, fit-22 u tat-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 92 vot favur, vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Wara l-kriżijiet alimentari serji, l-Unjoni Ewropea adottat mekkaniżmu sofistikat ta’ sigurtà sanitarja, bl-għan li jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, kif ukoll tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti. F’kuntest ta’ żjieda fil-kummerċ globali tal-prodotti agrikoli u alimentari, ir-riskji għas-saħħa qegħdin jiżdiedu u fl-UE, il-kriżijiet tas-saħħa marbutin mal-importazzjonijiet għadhom iseħħu. Dawn il-kriżijiet tas-saħħa jirrappreżentaw riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, u jinvolvu spejjeż konsiderevoli għas-soċjetà.

1.2   Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-memorandum approvat mill-15-il Stat Membru tal-Kunsill għall-Agrikoltura ta’ Ġunju 2008 intitolat “Importazzjoni tal-ikel, tal-annimali u tal-pjanti: sigurtà sanitarja u konformità għar-regoli Komunitarji” (1). Permezz ta’ din l-opinjoni, il-Kumitat jixtieq jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar l-iskop li jittejjeb il-mekkaniżmu Ewropew tas-sigurtà sanitarja. Il-WTO tipprovdi qafas legali indispensabbli sabiex jiġu evitati l-ostakoli mhux ġustifikati għall-kummerċ. Il-KESE huwa impenjat li jirrispetta dawn ir-regoli, iżda jixtieq ukoll jipproponi numru ta’ emendi.

1.3   Il-KESE jikkunsidra li d-differenzi fil-prattiċi bejn l-Istati Membri marbuta mal-kontrolli tal-importazzjonijiet jagħmlu ħafna ħsara u jirrakkomanda s-segwitu u l-implimentazzjoni kemm jista’ jkun malajr tal-armonizzazzjoni ta’ dawn il-prattiki.

1.4   Waqt li jinnota li bosta miżuri effiċjenti ta’ ġestjoni sanitarja tal-importazzjonijiet jolqtu biss il-prodotti li ġejjin mill-annimali, il-KESE jikkunsidra li xi wħud minn dawn il-miżuri għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru wkoll il-prodotti li ġejjin mill-pjanti. Dan jgħin sabiex ir-riskji tar-residwi tal-pestiċidi u tal-kontaminazzjonijiet mill-aġenti tossiċi jew il-mard tal-pjanti jiġu ssorveljati aħjar. B’mod partikulari, il-KESE jirrakkomanda li jiżdied in-numru ta’ spezzjonijiet għall-prodotti tal-pjanti u li l-importazzjonijiet tagħhom jitniżżlu f’listi mħejjija minn korpi akkreditati u jgħaddu minn kontrolli sistematiċi fil-punt tad-dħul.

1.5   Fil-fehma tal-KESE, id-deċiżjonijiet dwar il-miżuri ta’ importazzjoni jridu jkunu kemm jista’ jkun ibbażati fuq data oġġettiva. Għal dan, il-Kumitat jixtieq li l-prinċipji tal-analiżi tar-riskju jkunu applikati sistematikament, u li l-livelli adegwati ta’ protezzjoni, stabbiliti fil-Ftehim dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, jitfissru aħjar.

1.6   Il-fatturi soċjoekonomiċi bħall-impatti ekonomiċi ta’ deċiżjoni, jew l-aċċettabilità tagħha fuq il-livell soċjali, għandhom jiġu evalwati b’mod indipendenti u b’mod rigoruż daqs l-evalwazzjoni tar-riskju sanitarju. Numru ta’ pajjiżi bħall-Kanada u r-Renju Unit diġà għandhom unitajiet ta’ esperti soċjoekonomiċi fi ħdan l-aġenziji tagħhom dwar is-sigurtà alimentari. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li titwaqqaf aġenzija indipendenti ta’ analiżi soċjoekonomika.

1.7   Il-KESE jemmen li s-sistema tat-traċċabilità, li hija l-bażi tal-mudell Ewropew tas-sigurtà sanitarja, u li tagħmilha possibbli li tinkiseb informazzjoni ta’ prodott “mill-farm għall-mejda”, għandha tiġi applikata wkoll għall-prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi. Din it-tema għandha tkun prijorità fin-negozjati bilaterali kif ukoll fil-programmi ta’ għajnuna teknika fil-pajjiżi l-anqas żviluppati.

1.8   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-produtturi mill-pajjiżi l-anqas żviluppati sabiex japplikaw l-istandards sanitarji Ewropej. Huwa jħeġġeġ l-iżvilupp tal-għajnuna teknika għall-kummerċ, tat-trasferiment ta’ teknoloġiji u tal-appoġġ għat-twaqqif ta’ sistemi ta’ traċċabilità u ta’ twissija bikrija f’dawn il-pajjiżi.

1.9   Ir-rekwiżiti li huma applikati għall-prodotti agrikoli u alimentari importati huma inferjuri għal dawk li huma applikati għall-prodotti li ġejjin mill-Komunità, f’oqsma bħat-traċċabilità, il-benesseri tal-annimali jew b’mod aktar ġenerali l-istandards ambjentali. Waqt li jqis li r-regoli internazzjonali kummerċjali llum ma jipprovdux biżżejjed opportunitajiet sabiex jitqajmu kwistjonijiet importanti għall-UE, il-KESE tassew jixtieq li l-Kummissjoni tipproponi strateġija sabiex jiġu protetti dawn il-preferenzi kollettivi Ewropej. Il-KESE jikkunsidra li l-UE għandha tkun fuq quddiem sabiex fatturi leġittimi oħrajn jitqiesu fil-kummerċ internazzjonali. Għal dan il-għan trid tassumi l-preferenzi kollettivi tagħha, tiddefendi l-“fatturi leġittimi l-oħra” fl-awtoritajiet internazzjonali, u terġa’ tniedi d-dibattiti dwar ir-rabta bejn il-WTO u l-ftehimiet internazzjonali l-oħra.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Wara l-kriżijiet sanitarji li laqtu lill-UE, il-Kummissjoni Ewropea fasslet mill-ġdid il-leġiżlazzjoni alimentari. Twaqqaf qafas istituzzjonali u leġiżlattiv elaborat ħafna u dan irrappreżenta progress reali.

2.2   Ir-Regolament 178/2002 jippreċiża li “l-Komunità għażlet livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa” u jżid li l-leġiżlazzjoni tiġi applikata “b’mod mhux diskriminatorju sew għal ikel u għalf negozjat fis-suq intern u kemm internazzjonalment” (2).

2.3   Il-mudell Ewropew huwa bbażat fuq għadd ta’ prinċipji sodi:

it-traċċabilità “mill-farm għall-mejda”: “il-kapaċità li jiġi ntraċċat u segwit l-ikel matul l-istadji kollha ta’ produzzjoni, ipproċessar u tqassim (3)

is-separazzjoni bejn l-istima tar-riskji u l-ġestjoni tar-riskji

ir-responsabbiltà ġuridika tal-atturi kollha fil-katina alimentari

sistema ta’ twissija effiċjenti.

2.4   Madankollu, illum-il-ġurnata, il-kriżijiet sanitarji marbutin ma’ prodotti importati għadhom iseħħu ta’ spiss. Fl-aħħar snin, l-UE rat residwi tal-pestiċida fil-frott importat, l-aflatossiċi fil-frott bil-qoxra u l-qamħirrun, ir-residwi ta’ mediċini veterinarji fil-prodotti li ġejjin mill-annimali, il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, eċċ. Fl-2007, 314-il twissija li saru mis-sistema ta’ twissija bikrija kienu dwar prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi (4), jiġifieri 32 % tat-total. Dawn il-problemi rikurrenti juru ċerti numru ta’ problemi li għandhom bżonn jiġu solvuti.

2.5   Il-kriżijiet sanitarji marbutin mal-importazzjonijiet jikkostitwixxu kemm theddida għas-sigurtà tal-konsumaturi Ewropej kif ukoll spiża għolja għas-soċjetà. Meta joħroġ allert, il-kompitu li jiġi mwissi l-pubbliku jew li xi prodott tal-ikel jitneħħa mis-suq huma spiża konsiderevoli għall-intrapriżi kkonċernati. Bl-istess mod, il-miżuri sanitarji maħsuba sabiex jeqirdu marda ta’ annimali jew ta’ pjanti minn żona, bħal pereżempju l-obbligu li jitlaqqmu l-merħliet jew li jintużaw l-insettiċidi fuq reġjun kollu, għandhom impatti importanti, li jistgħu jkunu dejjiema.

3.   Antiċipazzjoni aħjar tar-riskji sanitarji

3.1   Sabiex dawn il-kriżijiet sanitarji ma jseħħux tant ta’ spiss, ir-riskji sanitarji jistgħu jiġu antiċipati aħjar.

3.2   Qiegħda ssir l-armonizzazzjoni Komunitarja tal-prattiki tal-kontroll tal-importazzjonijiet u din għandha tkun prijorità. Id-differenzi fil-prattiki bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kontrolli għall-importazzjoni jagħmlu ħafna ħsara. Mhux aċċettabbli li operaturi kummerċjali jistgħu jagħżlu li jdaħħlu l-merkanziji tagħhom fis-suq uniku minn pajjiż li l-kontrolli tiegħu huma inqas sfieqa. Pereżempju, ġie rrapportat li l-importaturi tal-frott taċ-ċitru għandhom tendenza jevitaw il-portijiet Spanjoli, peress li hemmhekk hemm l-aktar laboratorji speċjalizzati fil-qasam tal-mard li jolqot lill-pjanti ta’ dan it-tip.

3.3   Illum, numru tajjeb ta’ miżuri ta’ ġestjoni ta’ sigurtà sanitarja tal-importazzjonijiet japplikaw biss għall-annimali ħajjin u għall-prodotti li ġejjin mill-annimali. Ċerti riskji bħar-residwi tal-pestiċidi, il-kontaminazzjoni fiżika jew kimika minn aġenti karċinoġeniċi jew tossiċi (bħal metalli tqal, biotossini, kuluri, eċċ. ) jew il-mard tal-pjanti għandhom jiġu ssorveljati aħjar. Għalhekk, miżuri effettivi għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru prodotti li ġejjin mill-pjanti.

3.4   L-ewwel nett, jistgħu jiżdiedu l-ispezzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ prodotti veġetali. Fil-fatt, mill-ispezzjonijiet ippjanati tal-Uffiċċju Veterinarju u tal-Ikel (FVO) għall-2008, waħda minn tlieta biss jikkonċernaw il-prodotti veġetali.

3.5   Barra minn hekk, l-importazzjonijiet ta’ prodotti li ġejjin mill-pjanti għandhom jitniżżlu f’lista ta’ pajjiżi u stabbilimenti approvati, bħal ma jsir għal madwar ħmistax-il kategorija ta’ prodotti tal-annimali.

3.6   L-importazzjonijiet tal-prodotti veġetali wkoll iridu jgħaddu minn kontrolli sistematiċi mill-punt inizjali ta’ dħul, li mhuwiex qed isir bħalissa. Għall-prodotti li ġejjin mill-annimali, il-Punti Konfinali ta’ Spezzjoni wrew li huma effiċjenti. Barra minn hekk għandha tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-korpi ta’ kontroll min-naħa tal-Istat u l-ispetturi privati tal-importaturi. Spiss l-importaturi jagħmlu analiżi fuq il-post ta’ produzzjoni. L-awtoritajiet responsabbli mill-kontrolli tal-prodotti alimentari għandhom ikollhom aċċess għar-riżultati ta’ dawn l-analiżi

3.7   Fl-aħħar, il-bażi ta’ data TRACES, li tippermetti li tiġi reġistrata u skambjata l-informazzjoni relatata mal-iskambji u l-importazzjoni ta’ annimali ħajjin u l-għalf, tista’ tiġi estiża sabiex tkopri l-qasam tas-saħħa tal-pjanti, b’rabta mas-sistema EUROPHYT.

4.   Applikazzjoni aħjar tal-prinċipji tal-analiżi tar-riskju

4.1   Il-prinċipji tal-analiżi tar-riskju huma mfissra mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti mill-WTO bħala proċess fuq tliet stadji: l-istima tar-riskji, il-ġestjoni tar-riskji u l-komunikazzjoni tar-riskji. Ir-riforma tal-leġiżlazzjoni alimentari Ewropea hija l-ewwel pass lejn l-applikazzjoni tal-analiżi tar-riskju. Il-ħolqien tal-EFSA għamlitha possibbli li ssir separazzjoni bejn l-istima tar-riskji u l-ġestjoni tar-riskji, li hija fundamentali. Ibbażata fuq testijiet xjentifiċi u “mwettqa b’mod indipendenti, oġġettiv u trasparenti” (5), l-istima tar-riskji li ssir mill-EFSA tippermetti lil dak li jieħu ħsieb ir-riskju, jiġifieri l-Kummissjoni jew l-Istati Membri, li jiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa.

4.2   Madankollu, il-miżuri għall-importazzjoni li jiġu deċiżi mill-Kummissjoni, kemm jekk ikunu sabiex jiġi sospiż il-fluss tal-importazzjoni jew li jinżamm, xi kultant ma jinftehmux mill-UE jew mill-pajjiżi terzi. Id-diskussjonijiet imqanqla li tqajmu dwar is-suġġett tal-importazzjoni tat-tiġieġa klorinata Amerikana jew tal-laħam Brażiljan huma eżempji reċenti. F’ċerti każi, il-Kummissjoni tiġi akkużata li tagħti prijorità lill-interessi kummerċjali għad-detriment tal-konsumaturi. Fil-fehma tal-KESE, id-deċiżjonijiet dwar il-miżuri tal-importazzjoni jridu jkunu kemm jista’ jkun ibbażati fuq data oġġettiva.

4.3   Iżda spiss ikun hemm kunflitti bejn objettivi differenti, li għaldaqstant jeħtieġ illi jitqiesu sewwa. Jeħtieġ li jkun żgurat li dan il-proċess ikun trasparenti għall-konsumaturi.

4.4   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tapplika b’mod aktar sistematiku l-prinċipji tal-analiżi tar-riskju, billi tagħti l-mezzi lill-EFSA sabiex tistabbilixxi l-metodoloġija.

4.5   Fl-Artikolu 5.7, il-ftehim SPS jippermetti li jintużaw miżuri provviżorji, meta t-testijiet xjentifiċi dwar il-ħsara ta’ prodott jew ta’ proċess ma jkunux biżżejjed. Ir-regoli internazzjonali għalhekk jagħrfu l-prinċipju tal-prekawzjoni kif imfisser mil-liġi Komunitarja. Il-ftehim SPS jippermetti wkoll li jiġu applikati standards aktar ibsin mill-istandards internazzjonali, b’kundizzjoni li jitfisser il-“livell adegwat ta’ protezzjoni”. L-UE għandha tistinka sabiex tfisser aħjar il-livelli proprji adegwati tagħha ta’ protezzjoni, sabiex tkun tista’ ssir referenza għalihom fl-analiżi tar-riskju.

4.6   Min-naħa l-oħra, bħalma jippreċiża r-Regolament, “l-istima xjentifika tar-riskju weħidha ma tistax, f’xi każi, tipprovdi t-tagħrif kollu li fuqu d-deċiżjoni tal-immaniġġjar tar-riskju għandha tkun ibbażata, u li fatturi oħra relevanti għall-kwistjoni taħt konsiderazzjoni għandu b’mod leġittimu jingħata kont tagħhom” (6). Dawn il-fatturi, li huma wkoll rikonoxxuti mill-ftehim SPS, jistgħu jikkonċernaw l-impatt ekonomiku, l-aċċettabilità soċjali jew ir-rabta bejn il-kost u l-benefiċċju ta’ deċiżjoni. Illum dawn huma evalwati mill-istudji ta’ impatt tal-Kummissjoni jew mill-konsultazzjonijiet.

4.7   Il-fatturi soċjoekonomiċi jridu jiġu vvalutati b’mod oġġettiv u indipendenti, bl-istess infurzar xjentifiku tal-istima tar-riskju sanitarju, u bl-għajnuna ta’ esperti fl-oqsma bħall-ekonomija, is-soċjoloġija u l-liġi. Pajjiżi differenti bħall-Kanada u r-Renju Unit diġà għandhom unitajiet ta’ esperti soċjoekonomiċi fi ħdan l-aġenziji tagħhom dwar is-sigurtà sanitarja (7). Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li titwaqqaf aġenzija indipendenti li tipprovdi l-għarfien soċjoekonomiku.

5.   Il-problemi tar-rekwiżiti differenti għall-prodotti importati

5.1   F’ħafna oqsma, ir-rekwiżiti li huma applikati għall-prodotti agrikoli u alimentari importati huma inferjuri għal dawk li huma applikati għall-prodotti li ġejjin mill-Komunità. Dan ma japplikax għall-istandards privati li l-industrija timponi fuq il-provvedituri kollha tagħha, iżda japplika għal ċerti rekwiżiti regolatorji. Pereżempju, l-obbligu li l-annimali jiġu ttraċċati mit-twelid, li jiġu rispettati l-kondizzjonijiet li jiżguraw il-benesseri tal-annimali, jew il-projbizzjoni li jintużaw ċerti pestiċidi ma japplikawx għall-prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi.

5.2   Regolament Ewropew, bħal dak dwar is-sigurtà sanitarja, kemm jekk huwa meqjus bħala ġustifikat jew le, jirrifletti preferenza kollettiva tal-UE. Il-proċess istituzzjonali li wassal għal din ir-regola, permezz tad-diskussjonijiet fil-Parlament, fil-Kunsill u mas-soċjetà ċivili, suppost huwa l-espressjoni leġittima tal-għażla tal-Ewropej. Il-miżuri imposti fuq il-produtturi huma r-riżultat ta’ din l-għażla kollettiva u japplikaw fuq kulħadd fi ħdan l-UE. Peress li dawn il-miżuri mhumiex imposti fuq il-produtturi minn pajjiżi terzi, fis-suq uniku nsibu kemm prodotti li rrispettaw dawn il-kondizzjonijiet kif ukoll prodotti li ma rrispettawhomx.

5.3   Din il-problema, li teżisti f’oqsma oħra (standards ambjentali, drittijiet soċjali, eċċ.) mhix aċċettabbli għall-konsumaturi. Dawn mingħajr ma jkunu jafu jistgħu jixtru prodotti li ma jirriflettux l-għażliet tal-Ewropej. Pereżempju, fis-suq illum il-konsumatur jista’ jsib b’manjiera legali larinġ li ġej minn pajjiżi terzi li ġie ttrattat bil-Lebaicid, insettiċida qawwija li l-aġent attiv tagħha huwa l-Fention. Dan il-prodott madankollu ilu pprojbit mill-użu fl-UE għal diversi snin minħabba raġunijiet ambjentali. Il-preferenzi kollettivi tal-Ewropej għalhekk xi kultant jiġu abbużati, u l-konsumaturi jiġu mqarrqa.

5.4   L-istandards Ewropej li mhumiex applikati għall-prodotti importati huma wkoll sors ta’ xkiel għall-kompetizzjoni għall-produtturi Ewropej. L-Istitut Franċiż tat-Trobbija tal-Annimali pprova jikkalkula wħud minn dawn l-ispejjeż. Fir-rigward tat-traċċabilità, pereżempju, saru sforzi konsiderevoli fl-Ewropa sabiex tiġi implimentata l-identifikazzjoni tal-annimali. Għat-trobbija tal-bovini, dawn l-investimenti jirrappreżentaw EUR 0.4 / 100 kg ta’ karkassa, jew kważi EUR 32 miljun għall-UE-25. Fir-rigward tal-benesseri tal-annimali, l-obbligu li jinżammu mqawel kollettivi għall-għoġġiela li ser jinqatlu jirrappreżenta spiża ta’ EUR 0.4 / 100 kg ta’ karkassa, jew kważi EUR 31 miljun għall-UE-25.

6.   L-impatt tal-istandards Ewropej għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw

6.1   L-UE hija l-importatur prinċipali tal-prodotti tal-ikel li ġejjin minn pajjiżi li għadhom qed jiżvillupaw, b’mod partikulari minħabba l-konċessjonijiet kummerċjali sostanzjali li ngħataw fil-passat. Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kummerċ u l-Iżvilupp ta’ spiss twissi dwar il-konsegwenzi tal-istandards sanitarji Ewropej fuq il-produtturi u l-intrapriżi tal-pajjiżi lanqas avvanzati.

6.2   L-UE ma tistax tilħaq kompromessi dwar is-sigurtà sanitarja. Madankollu, waqt li jinsab konxju tal-importanza tal-kwistjoni, il-KESE jħeġġeġ l-għajnuna teknika, id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-imsieħba kummerċjali l-aktar vulnerabbli. Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni sabiex issegwi l-inizjattiva tagħha li tappoġġja t-twaqqif tas-sistemi ta’ traċċabilità u ta’ twissija bikrija fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

7.   Il-prinċipju tal-ekwivalenza u traċċabilità

7.1   Għall-membri tal-WTO, il-ftehimiet SPS u TBT (Technical Barriers to Trade – Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ) jikkostitwixxu qafas ġuridiku indispensabbli sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq l-importazzjonijiet u sabiex ikun hemm aktar trasparenza fil-kondizzjonijiet għall-aċċess tas-suq.

7.2   Il-liġi Komunitarja tippreċiża li l-ikel importat irid jirrispetta l-leġiżlazzjoni alimentari Ewropea, “jew kondizzjonijiet li għandhom l-għarfien mill-Komunità li jkunu ta’ lanqas ekwivalenti” (8). Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riskji li l-UE tinterpreta b’mod vast ħafna l-prinċipju ta’ ekwivalenza rikonoxxut fir-regoli internazzjonali.

7.3   Fl-Ewropa, it-traċċabilità tal-ikel tinsab fil-qalba tal-mudell tas-sigurtà sanitarja. Dan ġie implimentat “mill-produzzjoni primarja (...) sal-bejgħ jew il-provvista lill-konsumatur” (mill-farm sal-mejda) minħabba li “kull element jista’ jkollu impatt potenzjali fuq is-sigurtà tal-ikel” (9). Għall-maġġoranza tal-prodotti importati, it-traċċabilità tenħtieġ biss mill-esportatur ’il quddiem. Minkejja r-rwol li jista’ jaqdi s-settur privat, il-KESE għandu dubju li l-prattiki f’ċerti pajjiżi terzi jistgħu jitqiesu bħala “ekwivalenti” mil-lat tas-sigurtà. Il-KESE jsejjaħ għal approċċ proattiv fil-qasam tat-traċċabilità, billi jagħti l-prijorità lil din il-kwistjoni fin-negozjati bilaterali, u fl-għajnuna teknika fil-pajjiżi l-anqas żviluppati.

8.   Fatturi oħra leġittimi u żviluppi fil-liġi internazzjonali

8.1   It-testijiet tal-GATT (General Agreement on Tariffs and Trade) u l-ftehimiet differenti tal-WTO jipprevedu li jitqiesu “fatturi oħra leġittimi” apparti l-fatturi sanitarji meta jiġi rregolat l-kummerċ internazzjonali. L-iżvilupp tal-liġi internazzjonali madankollu sar ħafna aktar bil-mod f’dan il-qasam. L-għażliet tal-UE mhux dejjem huma ġustifikati mil-lat strettament sanitarju. Fil-każ tat-tiġieġ ikklorinat, il-Kummissjoni sabet diffikultajiet sabiex tipprova li l-prattika tal-Istati Uniti li jgħaddu t-tiġieġ minn banju ta’ dekontaminazzjoni, li fih l-ilma kklorinat, tista’ tkun ta’ ħsara għas-saħħa tal-konsumaturi Ewropej. Il-fatt huwa li l-perċezzjoni tal-kwalità tal-ikel hija differenti bejn iż-żewġ kontinenti. F’qasam ieħor, id-deċiżjoni li tiġi pprojbita l-importazzjoni tal-ġilda tal-foki mhix ibbażata fuq raġunijiet sanitarji iżda minħabba l-benesseri tal-annimali. Bħalissa għaddejja diskussjoni internazzjonali taħraq dwar jekk dawn il-miżuri humiex kompatibbli mar-regoli tal-WTO.

8.2   Madankollu, il-każista tal-Korp tas-Soluzzjoni tat-Tilwim turi sinjali pożittivi. Pereżempju, fil-każ tal-fkieren/gambli, fejn l-Istati Uniti kienet kontra l-Malażja, l-esperti tal-Bord taw verdett favur l-Istati Uniti, fejn ikkunsidraw li l-projbizzjoni tal-importazzjoni tal-gambli kienet iġġustifikata minħabba l-ftehim internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-biodiversità. Is-sajjieda Malażjani kienu obbligati jbiddlu t-tekniċi tagħhom tas-sajd sabiex ma jaqbdux il-fkieren li kienu protetti minn din il-Konvenzjoni. Il-kjarifika tar-rabtiet bejn ir-regoli tal-WTO u l-ftehimiet internazzjonali l-oħrajn hija wkoll kwistjoni ta’ interess kbir bħalissa.

8.3   L-UE għandha taqdi rwol mexxej fid-diskussjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet. Għal dan il-għan trid tassumi l-preferenzi kollettivi tagħha, tiddefendi l-“fatturi leġittimi l-oħra” fl-awtoritajiet internazzjonali, u terġa’ tniedi d-dibattiti dwar ir-rabta bejn il-WTO u l-ftehimiet internazzjonali l-oħra. Barra minn hekk għandha tiġi promossa r-riċerka fil-metodi sabiex jiġu assigurati l-preferenzi kollettivi u l-fatturi leġittimi sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu rikonoxxuti internazzjonalment.

9.   Informazzjoni lill-konsumaturi

9.1   Il-konsumaturi Ewropej jixtiequ jiġu infurmati aktar minn qabel dwar il-kondizzjonijiet ta’ kif jiġi prodott l-ikel tagħhom. Is-settur privat żviluppa numru ta’ inizjattivi sabiex jintlaħqu dawn ix-xewqat. Barra minn hekk, bħalissa qegħdin jiġu diskussi ideat differenti, bħal tikketta tal-UE jew tikketta dwar il-benesseri tal-annimali. Jista’ jiġi propost li organizzazzjoni internazzjonali tipprovdi lill-konsumaturi bl-informazzjoni indipendenti dwar il-metodi ta’ produzzjoni fil-pajjiżi differenti. Xogħol dan iċ-ċentru ta’ informazzjoni independenti għandu jkun ukoll li jagħti informazzjoni fil-kuntest ta’ sistema globali ta’ twissija bikrija li bħalissa għadha ma teżistix.

9.2   Madankollu, l-informazzjoni lill-konsumaturi ma tistax tkun l-unika risposta għall-kwistjonijiet li tqajmu f’dan ir-rapport. Għall-prodotti proċessati, li dejjem aktar qegħdin ikunu l-bażi tal-ikel, it-tikkettar dwar l-oriġini qed isir aktar kumpless kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-konsumaturi. Għalhekk għandha tkun ir-responsabbilità tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiggarantixxu li l-prodotti kollha li jiċċirkulaw fis-suq uniku jirriflettu l-għażla taċ-ċittadini Ewropej. Il-konsumaturi jistennew li din l-għażla ma tiġix sagrifikata fi proċessi politiċi (bħal, pereżempju, id-djalogu transatlantiku) li jservu biss sabiex tinkiseb aktar viżibilità jew sabiex jinħoloq ambjent favorevoli ma’ msieħba kummerċjali individwali.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Dok tal-Kunsill 10698/08 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Ir-Regolament (KE) 178/2002, punt 8.

(3)  Regolament (KE) 178/2002, Art. 3.

(4)  Rapport Annwali 2007 tar-RASFF.

(5)  Regolament (KE) 178/2002, Art. 6.

(6)  Regolament (KE) 178/2002, punt 19.

(7)  OECD 2003, “Kunsiderazzjoni tal-aspetti soċjoekonomiċi tas-sigurtà alimentari: studju tal-miżuri innovattivi adottati minn ċerti pajjiżi”.

(8)  Regolament (KE) 178/2002, Art. 11.

(9)  Regolament (KE) 178/2002, Art. 3.16,.punt 12.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-Tibdil strutturali u konċettwali bħala kundizzjoni għal għarfien kompetittiv fuq livell dinji u għal industrija Ewropea bbażata fuq ir-riċerka (L-Ewropa qed tirkupra jew qed tmexxi?)

2009/C 100/11

Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

It-tibdil strutturali u konċettwali bħala kundizzjoni għal għarfien kompetittiv fuq livell dinji u għal industrija Ewropea bbażata fuq ir-riċerka (L-Ewropa qed tirkupra jew qed tmexxi?)

Il-Kummissjoni Konsultattiva, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fl-10 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur TÓTH, il-korapporteur is-Sur LEO.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’98 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-bidla fil-klima, it-tibdil demografiku, il-globalizzazzjoni u l-iskarsezza tal-materja prima u tal-enerġija ser iwasslu għal bidliet ekonomiċi u soċjali kbar fl-Ewropa. L-impatt fuq il-livell ta’ għajxien u l-kompetittività fl-Ewropa jiddependu b’mod sinifikanti minn jekk jirnexxilniex nieħdu l-miżuri adattati fil-ħin. Il-bżonn li nsibu risposti innovattivi għall-isfidi l-ġodda huwa marbut ukoll mas-suċċess ta’ proċess ta’ rkupru Ewropew f’għadd ta’ oqsma. Iktar ma jiżdied il-progress teknoloġiku, iktar l-innovazzjonijiet individwali jsiru fattur sinifikanti tal-iżvilupp. Madankollu dan jitlob xi tibdil f’oqsma li ilhom ħafna jitqiesu bħala fatturi ta’ suċċess (pereżempju t-taħriġ professjonali u t-taħriġ kontinwu). L-appoġġ tal-koeżjoni fi ħdan il-Komunità huwa objettiv daqstant importanti. Il-bżonn ta’ adattament se jkun sfida għall-Mudell Soċjali Ewropew u r-riżultat ta’ din l-isfida ser jiddetermina l-kwalità tal-għajxien tal-ġenerazzjonijiet attwali u dawk futuri. Sabiex jingħelbu dawn l-isfidi, id-djalogu soċjali u d-djalogu mas-soċjetà ċivili, bl-inklużjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha, ser jaqdu rwol determinanti.

1.2.   Hemm bżonn ta’ kapaċità u rapidità ta’ adattament ikbar jekk irridu nikkontrollaw l-isfidi li qegħdin niffaċċjaw u niżviluppaw il-potenzjal ta’ żvilupp tal-Ewropa. L-Istrateġija ta’ Liżbona (1) stabbilixxiet ċerti għanijiet li jaqblu ma’ din il-perspettiva u li huma importanti għall-Ewropa. Fl-istess ħin, il-miżuri ta’ adattament meħtieġa spiss ma kinux ċari u t-traduzzjoni tal-bżonnijiet fi strateġiji ekonomiċi u politiċi ħafna drabi kienet dgħajfa wisq. Nafu x’inhuma l-konsegwenzi ta’ dan il-proċess u issa hemm bżonn ta’ sforzi ġodda sabiex inkomplu navvanzaw fit-triq lejn dawn l-għanijiet. Għalhekk qegħdin nipproponu li jiżdiedu r-riżorsi allokati għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona.

1.3.   Fl-istess ħin, huwa evidenti li ma jistax ikun hemm strateġija unika li tapplika għal kulħadd. F’ċerti oqsma ta’ politika kull Stat Membru jrid jimplimenta l-linji gwida Ewropej permezz ta’ ġabra ta’ miżuri adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali sabiex jiggarantixxi politika effiċjenti. Iżda l-miżuri Ewropej u dawk tal-Istati Membri għandhom jikkumplementaw lil xulxin. Ovvjament, l-istess rekwiżiti ta’ kumplementarjetà jgħoddu wkoll għall-miżuri stabbiliti fil-livell Ewropew. Fil-każ tal-oqsma ta’ politika orizzontali – jiġifieri l-kwistjonijiet li huma f’idejn Direttorati Ġenerali differenti – jeħtieġ li tiġi implimentata strateġija kkoordinata. Il-kumplementarjetà fiż-żewġ każijiet tinħoloq bis-saħħa tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni espliċita tal-istrateġiji u l-miżuri politiċi li jitfasslu u jiġu implimentati b’mod konġunt.

1.4.   Illum il-ġurnata ta’ sikwit jitwiegħdu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, iżda fil-fatt ftit li xejn isiru sforzi f’dan l-ambitu. Hawnhekk jeħtieġ li jsir xi tibdil sabiex nisfruttaw mill-aħjar li nistgħu l-effetti pożittivi tal-implimentazzjoni kkoordinata (2). Anke fil-livell tal-Istati Membri, kooperazzjoni msaħħa tista’ ttejjeb l-effiċjenza fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri. Dan il-proċess għandu jiġi appoġġjat permezz ta’ riżorsi addizzjonali li jkunu allokati speċifikament għall-iżvilupp ta’ programmi kkoordinati bejn il-livell Ewropew u l-Istati Membri. L-aċċess għal dawn ir-riżorsi għandu jkun possibbli biss jekk jiġu stabbiliti miżuri li jkunu kkoordinati bejniethom u li bis-saħħa tagħhom jintlaħqu objettivi komuni.

1.5.   Fuq kollox l-Ewropa trid tiffaċċja sfida minħabba li ftit huma dawk l-Istati Membri li fihom inħolqu l-kundizzjonijiet adegwati biex issir ħidma fl-ogħla livell. Ħafna Stati Membri għadhom ma għelbux it-transizzjoni mill-fażi ta’ rkupru għall-produzzjoni teknoloġika ta’ livell għoli. Waqt it-tranżizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien, id-domanda għal forza tax-xogħol ikkwalifikata tiżdied. Sabiex wieħed jindirizza din is-sitwazzjoni, jeħtieġ li jsiru previżjonijiet fuq perijodu medju jew fit-tul tal-livell ta’ kwalifiki meħtieġ mill-forza tax-xogħol. Dawn il-previżjonijiet jiffurmaw il-bażi tar-ristrutturazzjoni li għandha ssir fis-settur tat-taħriġ professjonali u kontinwu.

1.6.   Is-soluzzjoni tal-problemi eżistenti u t-titjib tal-prestazzjoni ekonomika jeħtieġu strutturi xjentifiċi u ta’ riċerka li jwasslu għal prestazzjoni ta’ livell għoli. F’dan il-kuntest jeħtieġ li jsiru sforzi fit-tul sabiex ir-riċerka u t-taħriġ ikomplu jiġu żviluppati u jersqu dejjem iktar lejn l-ogħla livelli internazzjonali. Fil-livell Ewropew diġà saru ċerti għażliet f’din id-direzzjoni wara r-reviżjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona. Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija ser jgħinu biex jitħaffef dan il-proċess ta’ trasformazzjoni. Fil-ġejjieni l-investimenti f’dawn l-istrutturi għandhom jiżdiedu sabiex l-Istati Membri jitħeġġu jipparteċipaw fi strateġiji oħra. Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u l-komunitajiet ta’ akkademiċi, universitajiet u riċerkaturi u li tiġi appoġġjata l-infrastruttura tas-servizzi ta’ appoġġ, pereżempju ċ-ċentri tax-xjenza, l-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-industrija.

1.7.   Minbarra l-investiment fil-kapital uman u fix-xjenza, jeħtieġ li l-promozzjoni tar-riċerka fl-Istati Membri tappoġġja l-proġetti riskjużi ta’ innovazzjoni b’mod iktar sħiħ. Hemm bżonn ukoll ta’ titjib fil-ħarsien tad-drittijiet ta’ proprjetà (pereżempju, permezz tal-privattiva Ewropea u miżuri kontra l-ikkupjar tal-prodotti), regolamenti li jiffavorixxu l-innovazzjoni fis-swieq tal-prodotti u tax-xogħol, possibilitajiet finanzjarji li huma adegwati għar-riskju, miżuri li jħeġġu t-talba għall-innovazzjoni (pereżempju s-suq intern, l-akkwist pubbliku, is-swieq mexxejja), iżjed mobilità fil-livelli kollha u konformità mal-politika tal-kompetittività u l-makropolitika. Is-suċċess tat-traspożizzjoni ta’ dawn l-azzjoniijet politiċi jiġi minn sforzi kbar fil-qasam tal-innovazzjoni u nefqa ikbar għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

1.8.   Jeħtieġ ukoll li tinħoloq sistema li tindirizza b’mod flessibbli u mgħaġġel l-isfidi li għandna quddiemna. Tali sistema tkun ibbażata fuq il-loġika li l-ispejjeż futuri li jirriżultaw minn nuqqas ta’ azzjoni llum ser ikunu ferm ogħla mill-prezz tal-miżuri li jistgħu jittieħdu issa. Dan jgħodd b’mod partikolari – iżda mhux esklużivament – għall-miżuri ambjentali. Huwa sewwasew f’dan il-qasam li l-Ewropa qdiet rwol mexxej fil-passat. Dan ir-rwol għandu jiġi żviluppat permezz tat-tkomplija konsegwenti tal-istrateġija attwali. Dan għandu jippermetti li jinkisbu l-vantaġġi industrijali, politiċi (First Mover Advantage), soċjali u ekoloġiċi li jirriżultaw mit-teħid ta’ miżuri favur l-ambjent permezz ta’ regolamentazzjoni ambjentali armonizzata, standardizzazzjoni, promozzjoni tal-innovazzjonijiet fil-qasam ambjentali u appoġġ tal-innovazzjonijiet soċjali.

1.9.   Madankollu, strateġija ta’ progress ta’ din ix-xorta għandha tiġi appoġġjata wkoll mill-popolazzjoni sabiex tiġi implimentata b’suċċess. Jekk il-ħtieġa għall-bidla ma tinftehimx sewwa u l-profitti li ġġib ma jkunux jidhru jew ma jkunux imqassma b’mod ugwali, is-soċjetà u l-individwu ser ikunu inqas disposti li jagħmlu sforz ta’ adattament. L-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma essenzjali għall-organizzazzjoni u l-komunikazzjoni. Waħda mill-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni ovvjament hija l-involviment fit-tħejjija tal-istrateġija u tal-miżuri. Jekk fil-fażi preparatorja diġà jkun hemm parteċipazzjoni wiesgħa u diskussjonijiet, il-probabbiltà li jitfassal proġett komuni togħla. Għalkemm huwa kważi diġà tard wisq għal diskussjonijiet dwar it-tkomplija tal-Istrateġija ta’ Liżbona, xorta waħda għandu jsir tentattiv sabiex tiġi integrata l-maġġoranza tal-pubbliku interessat.

2.   Introduzzjoni

2.1.   F’dawn l-aħħar 50 sena, il-prestazzjoni ekonomika tal-Ewropa tjiebet konsiderevolment u b’hekk r-rigressjoni tas-seklu 19 u tal-ewwel nofs tas-seklu 20 naqset (3). Sadattant, il-produttività fis-siegħa tal-Ewropa kważi laħqet lil dik tal-Istati Uniti, għalkemm il-produttività per capita baqgħet staġnata għal 70 % meta mqabbla ma’ dik tal-Istati Uniti (ara Gordon, 2007). Madankollu, il-proċess ta’ rkupru twaqqaf għal għarrieda fl-1995, u bdiet fażi li fiha l-Istati Uniti saru iżjed b’saħħithom mill-Ewropa. L-integrazzjoni iżjed mgħaġġla tat-teknoloġiji l-ġodda – f’dan il-każ, tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni – hija meqjusa bħala r-raġuni ewlenija għat-titjib mgħaġġel fil-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Uniti. Fil-fatt, ir-reazzjoni tal-Istati Uniti kienet ħafna iżjed mgħaġġla minn dik tal-maġġoranza tal-Istati Ewropej, kemm fir-rigward tal-iżvilupp kif ukoll tat-tixrid ta’ dawn it-teknoloġiji.

2.2.   Madankollu, il-varjazzjoni fil-ħeffa tal-iżvilupp u tal-integrazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda mhijiex speċifika għat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, iżda hija l-konsegwenza ta’ sistema ta’ politika ekonomika stabbilita. L-Istati Uniti, pajjiż mexxej fil-qasam tat-teknoloġiji l-ġodda, huma bbażati fuq sistema li hija orjentata lejn is-suq u għandhom universitajiet u tagħmir għar-riċerka magħrufin internazzjonalment, staff bi kwalifiki għoljin mir-reġjuni kollha tad-dinja, propensità ikbar għar-riskju, tkabbir mgħaġġel ta’ intrapriżi ġodda, u suq intern omoġenju.

2.3.   Madankollu, l-Istati Membri ħolqu strutturi u stabbilixxew miżuri ekonomiċi li huma siewja għall-proċess ta’ rkupru kif ukoll għall-applikazzjoni rapida tat-teknoloġiji. Ir-rati għolja ta’ investiment kienu u għadhom sinjal ċar ta’ dan l-aċċess, bl-istess mod bħas-sistemi ta’ edukazzjoni orjentati lejn l-impjieg, l-istrutturi b’tendenza negattiva fir-rigward tar-riskju fi ħdan il-finanzjament tal-innovazzjoni, investiment iżgħar fl-edukazzjoni terzjarja u l-iżvilupp mhux radikali biżżejjed tal-prodotti u t-teknoloġiji.

2.4.   It-tkabbir dgħajjef fl-Ewropa matul dawn l-aħħar snin (ara pereżempju Breuss, 2008) jissuġġerixxi li f’ħafna oqsma l-potenzjal ta’ tkabbir tal-istrateġija ta’ rkupru ġie eżawrit. Madankollu, it-transizzjoni minn strateġija ta’ rkupru għal pożizzjoni fil-quċċata tirrikjedi bidliet kbar li fl-Ewropa għadhom fil-bidu tagħhom u li ħafna drabi ġew trasposti fil-liġi mingħajr entużjażmu. Iżjed ma nersqu lejn il-quċċata tat-teknoloġija, iżjed l-innovazzjonijiet indipendenti u radikali (fis-sens ta’ novitajiet fis-suq) qegħdin isiru sorsi importanti ta’ tkabbir. Jekk irridu nappoġġjaw dan l-approċċ, irridu nimmodifikaw ċerti oqsma (pereżempju l-edukazzjoni professjonali u kontinwa, ir-regolamentazzjoni tal-prodotti u tas-suq tax-xogħol, il-ġestjoni makroekonomika) li fil-passat kienu meqjusa bħala fatturi ta’ suċċess għall-proċess ta’ rkupru. Il-bżonn ta’ bidla fl-Ewropa huwa marbut ukoll mal-isfidi attwali fl-oqsma tal-bidla fil-klima, il-globalizzazzjoni, l-iżvilupp demografiku u l-iskarsezza tal-materja prima u tal-enerġija. Għal dan il-għan għandhom jinbnew strutturi li jippermettu reazzjoni rapida għall-isfidi l-ġodda u li jwasslu għal soluzzjonijiet kompetittivi, soċjalment aċċettabbli u ġusti mil-lat ambjentali.

2.5.   Jeħtieġ ukoll li tinħoloq sistema li tindirizza b’mod flessibbli u mgħaġġel l-isfidi li għandna quddiemna. Tali sistema tkun ibbażata fuq il-loġika li l-ispejjeż futuri li jirriżultaw minn nuqqas ta’ azzjoni llum ser ikunu ferm ogħla mill-ispejjeż marbutin mal-miżuri li jistgħu jittieħdu issa. Dan jgħodd b’mod partikolari – iżda mhux esklużivament – għall-miżuri ambjentali. Huwa sewwasew f’dan il-qasam li l-Ewropa qdiet rwol mexxej fil-passat. Dan ir-rwol għandu jiġi żviluppat permezz tat-tkomplija konsegwenti tal-istrateġija attwali. Dan għandu jippermetti li jinkisbu l-vantaġġi industrijali, politiċi (First Mover Advantage), soċjali u ekoloġiċi li jirriżultaw mit-teħid ta’ miżuri favur l-ambjent permezz ta’ regolamentazzjoni ambjentali armonizzata, standardizzazzjoni, promozzjoni tal-innovazzjonijiet fil-qasam ambjentali u appoġġ ta’ innovazzjonijiet soċjali.

2.6.   L-osservazzjonijiet li ġejjin jikkonċentraw fuq dawk il-partijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona li għandhom x’jaqsmu mal-innovazzjonijiet. Qegħdin jiġu ppreżentati l-possibilitajiet ta’ kif wieħed jista’ jasal għal politika effiċjenti fi ħdan qafas Ewropew uniformi.

3.   Ir-risposta tal-Ewropa għat-tkabbir kajman fid-disgħinijiet: l-Istrateġija ta’ Liżbona

3.1.   Ir-risposta tal-Ewropa għall-firda ekonomika dejjem ikbar bejnha u bejn l-Istati Uniti fir-rigward tal-produttività u t-tkabbir ekonomiku kienet l-Istrateġija ta’ Liżbona, li wara r-reviżjoni tal-2005, kellha l-għan li tikseb, fost affarijiet oħra, investiment ta’ 3 % tal-PGD fir-Riċerka u l-Iżvilupp u kwota ta’ impjieg ta’ 70 % tal-persuni fl-età li jaħdmu.

3.2.   Iż-żieda mixtieqa fl-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp hija bbażata fuq bosta studji ekonomiċi, li juru rabta pożittiva bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-investiment fir-Riċerka l-Iżvilupp. Ma ġiex ikkunsidrat il-fatt li żieda fil-fondi allokati għar-Riċerka u l-Iżvilupp tiddependi b’mod konsiderevoli mill-istruttura tas-setturi u tista’ tiġi ġġudikata biss mill-għamla ta’ dawn is-setturi. Proġetti iżjed reċenti (Leo – Reinstaller – Unterlass, 2007, Pottelsberghe, 2008) juru li n-nefqa tal-maġġoranza tal-Istati Membri l-“qodma” għar-Riċerka u l-Iżvilupp hija ogħla mil-livell li wieħed jista’ jistenna mill-istruttura tas-setturi tagħhom, filwaqt li dik tal-Istati Membri l-“ġodda” tinsab taħt dan il-livell (jiġifieri taħt il-linja tal-45°, ara Dijagramma 1). L-Iżvizzera u l-Finlandja (u anke l-Istati Uniti) jonfqu ħafna iżjed fir-Riċerka u l-Iżvilupp minn dak li wieħed jistenna mill-istruttura tas-setturi tagħhom. Minn naħa, dan iseħħ minħabba l-fatt li, f’ċerti oqsma, dawn il-pajjiżi jinsabu fil-quċċata tal-prestazzjoni teknoloġika u qegħdin jikkonċentraw iktar mill-kompetituri tagħhom fuq l-attivitajiet ta’ innovazzjoni u – fil-każ tal-Istati Uniti – fuq produzzjoni ikbar fis-suq intern. Min-naħa l-oħra, nefqa ikbar għar-Riċerka u l-Iżvilupp tista’ tkun ukoll ir-riżultat ta’ riċerka intensiva fis-settur universitarju (ara Pottelsberghe, 2008).

Dijagramma 1: In-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp skont is-settur

Image

3.3.   Jekk in-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp tas-settur intraprenditorjali fl-Ewropa (mill-inqas fl-Istati Membri l-qodma) b’mod ġenerali tinsab f’armonija mal-istruttura tas-settur, m’hemm l-ebda raġuni partikolari li tiġġustifika bidla drastika fin-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp, għaliex din għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala fattur ta’ spiża u twassal għal dħul marġinali iktar baxx. Għandna ninvestu iktar fir-Riċerka u l-Iżvilupp jekk bis-saħħa ta’ dan l-investiment noqorbu lejn l-eċċellenza teknoloġika jew jekk dan l-investiment jirriżulta minn bidla strutturali (4) lejn setturi intensivi fir-riċerka (5). Iż-żewġ bidliet huma essenzjali sabiex l-Ewropa tibqa’ kompetittiva u jitħares il-“Mudell Ewropew”.

3.4.   Dan il-proċess ma jsirx b’sempliċi żieda waħdanija fil-mezzi tar-Riċerka u l-Iżvilupp, iżda pjuttost permezz ta’ appoġġ imsaħħaħ għall-istrateġiji innovattivi riskjużi bis-saħħa ta’ investimenti fl-infrastruttura tar-riċerka u titjib tas-sistema edukattiva u ta’ taħriġ. Il-ħolqien ta’ ambjent kummerċjali li jiffavorixxi l-innovazzjoni u mobilità ikbar fil-livelli kollha huma bidliet essenzjali oħra (ara Aho et al. 2006). Jinħtieġu wkoll interventi kumplementari fir-regolazzjoni tas-suq tax-xogħol, tas-sistema finanzjarja, tal-politika kompetittiva u tal-makropolitika. Is-suċċess tat-traspożizzjoni ta’ dawn l-azzjoniijet politiċi jiġi minn sforzi kbar fil-qasam tal-innovazzjoni u infiq ogħla għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

3.5.   Iċ-ċaqliq tal-enfasi mir-Riċerka u l-Iżvilupp għall-innovazzjoni jnaqqas ukoll il-preferenza impliċita għall-“industriji high-tech” li tirriżulta mit-tentattiv li wieħed iżid in-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp. B’hekk jiġu vvalorizzati setturi li huma high-tech f’termini tal-applikazzjonijiet teknoloġiċi iżda li ma jinvestux bil-qawwi fir-Riċerka u l-Iżvilupp għax l-isforzi ta’ innovazzjoni tagħhom huma bbażati fuq l-applikazzjoni teknoloġika intelliġenti u fuq il-kreattività tal-bniedem. Pereżempju, ħafna mill-innovazzjonijiet high-tech tas-settur tal-industriji kreattivi, tal-industrija tal-azzar jew tas-settur tat-tessili u l-ħwejjeġ jaħdmu b’nefqa żgħira jew mingħajr infiq fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Intwera wkoll li prattikament fis-setturi kollha hemm potenzjal għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (l-hekk imsejħin “għażżiela”) (ara Hölzl – Friesenbichler, 2008), li jindika promozzjoni wiesgħa tal-innovazzjoni. L-enfasi fuq is-setturi high-tech – fattur li jassigura r-rilevanza kbira tagħhom fil-ġejjieni wkoll – hija konsegwenza taż-żieda fid-domanda fi ħdanhom. Jekk l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp jirnexxilu jwassal għall-innovazzjoni, il-profitti – f’termini ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi – jistgħu jaqbżu l-istennijiet b’riżultat taż-żieda kbira fid-domanda (Falk – Unterlass, 2006).

3.6.   L-isfidi l-ġodda u l-qodma jeħtieġu prestazzjoni mill-aqwa kemm fil-qasam tar-riċerka kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħha. L-Ewropa tista’ tikkompeti fil-livell dinji permezz ta’ prestazzjoni mill-aqwa fir-riċerka bażika u applikata biss. Illum il-ġurnata, ir-restrizzjonijiet reali għat-traspożizzjoni ta’ dawn l-istrateġiji diġà jinsabu fil-qasam tal-kapital uman, u fil-ġejjieni s-sitwazzjoni ser tiħrax. Wieħed mill-prerekwiżiti tal-bidla strutturali u l-aċċess għall-eċċellenza teknoloġika huwa li jkun hemm għadd ikbar ta’ ħaddiema kkwalifikati b’ċertifikat sekondarju u terzjarju. Madankollu, in-nuqqasijiet li nġemgħu s’issa jistgħu biss jittaffew fuq perijodu twil, u ħafna drabi ma jiġux indirizzati bl-enfasi meħtieġa. Fl-istess ħin, l-istrutturi edukattivi għandhom jassiguraw li l-offerta ta’ taħriġ taqbel mad-domanda (6) u li l-edukazzjoni kontinwa tal-forza tax-xogħol (il-kunċett ta’ tagħlim tul il-ħajja) tingħata attenzjoni biżżejjed sabiex l-impjegati kollha f’kull fażi tax-xogħol jilħqu l-produttività u l-kapaċità ta’ ħidma tagħhom.

3.7.   Il-verżjoni l-ġdida tal-Istrateġija ta’ Liżbona fil-livell Ewropew ġabet magħha ħafna bidliet li huma kapaċi jħaffu l-bidla strutturali lejn strutturi ekonomiċi u prestazzjoni teknoloġika intensivi fir-riċerka: miżuri għal disponibilità mtejba tal-kapital riskjuż u għal żieda fil-mobilità tar-riċerkaturi, l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-inizjattiva tas-swieq mexxejja huma eżempji ta’ dan. Barra minn dan, għandu jkun hemm żieda tal-fondi għall-programmi qafas u espansjoni tal-proġetti ewlenin fil-livell Ewropew.

4.   L-Ewropa: politika effettiva minkejja d-diversità?

4.1.   Anke jekk l-objettivi Ewropej huma ċari u tajbin għal kulħadd, wieħed jista’ jistaqsi lilu nnifsu jekk l-Ewropa għadhiex “politikament kompetenti” fil-kuntest tal-eteroġeneità tagħha. Id-diversità Ewropea hija riflessa fid-diskrepanza li teżisti bejn l-Istati Membri f’termini ta’ prestazzjoni, riżultati u teknoloġija (pereżempju l-istandard tal-GSM u l-użu tat-TIK) u fid-differenzi kbar fil-livell settorjali – kemm bejn kif ukoll fi ħdan is-setturi (ara Falk, 2007, Leo – Reinstaller – Unterlass, 2007, u Anness 3).

4.2.   Din id-diversità tirrappreżenta sfida kbira għall-politika ekonomika billi l-miżuri ekonomiċi joħolqu riżultati differenti minħabba li l-livell ta’ żvilupp ekonomiku jkun differenti. Il-pajjiżi li rnexxew jadattaw l-istrateġija ta’ politika ekonomika tagħhom, b’mod espliċitu jew impliċitu, għal-livell ta’ żvilupp u għalhekk jippruvaw japprovaw il-proċess ta’ rkupru jew inkella jimmiraw lejn produzzjoni fil-quċċata tat-teknoloġija. Għadd ta’ studji xjentifiċi kkonfermaw il-loġika ta’ dan l-adattament tal-politika ekonomika għal-livell ta’ żvilupp. Dawn l-istudji juru li l-istess miżuri politiċi jistgħu jwasslu għal riżultati differenti skont il-livell ta’ żvilupp tal-pajjiż. B’hekk miżura li twassal għal riżultati tajbin f’pajjiż bi produzzjoni high-tech jista’ jkollha effett baxx jew saħansitra negattiv fuq l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiż li qed jipprova jlaħħaq mal-oħrajn.

4.3.   Is-sistema edukattiva hija eżempju tajjeb ta’ dan (7). Jekk wieħed irid jgħolli r-ritorn fuq l-investimenti fis-sistema edukattiva, irid jikkunsidra wkoll il-livell ta’ żvilupp tad-diversi effetti li dan jista’ jkollu: l-edukazzjoni terzjarja ssir iktar importanti hekk kif l-iżvilupp teknoloġiku ta’ pajjiż jiżdied. Min-naħa l-oħra, is-sistemi edukattivi orjentati lejn l-impjieg għandhom it-tendenza li jappoġġjaw il-proċess ta’ rkupru. Aghion et al. (2005) jemmnu li jekk l-investiment fl-edukazzjoni sekondarja jiżdied b’$ 1 000 għal kull persuna, ir-rata tat-tkabbir ta’ pajjiż li jinsab fil-quċċata tal-iżvilupp teknoloġiku togħla b’madwar 0,27 %, filwaqt li investiment bħal dan f’pajjiż inqas żviluppat teknoloġikament iwassal biss għal żieda ta’ madwar 0,10 % tar-rata tat-tkabbir. Fil-pajjiżi teknoloġikament avvanzati, il-persuni b’edukazzjoni terzjarja jistgħu jagħtu prestazzjoni aħjar għax il-pajjiż iħeġġeġ ukoll innovazzjoni iktar radikali li tista’ tiġi implimentata biss permezz tar-riċerka xjentifika.

4.4.   Kwalifiki ogħla b’hekk iwasslu għal flessibbiltà ikbar fl-għażla tat-teknoloġija. Madwar 60 % tad-differenza bejn it-tkabbir tal-pajjiżi Ewropej u tal-Istati Uniti huwa marbut mal-konċentrazzjoni qawwija tas-sistema edukattiva Ewropea fuq l-edukazzjoni professjonali jew sekondarja (Krueger – Kumar, 2004). Is-soċjetajiet tal-informazzjoni jeħtieġu kwalifiki bażiċi u livell ta’ edukazzjoni ogħla li jappoġġja l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u l-ħolqien ta’ setturi ġodda b’kumpaniji ġodda. L-enfasi storika – u tajba għall-proċess ta’ rkupru – li dejjem issir fl-Ewropa fuq l-edukazzjoni sekondarja ssir ostakolu għat-tkabbir hekk kif pajjiż jilħaq il-quċċata tal-iżvilupp teknoloġiku.

4.5.   Fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ekonomika, l-Unjoni Ewropea tħabbat wiċċha ma’ għaqda eteroġena ta’ pajjiżi. Minħabba din l-eteroġeneità, ġeneralment l-implimentazzjoni tal-politiki titħalla f’idejn l-Istati Membri sabiex dawn isibu soluzzjonijiet li huma adattati għall-kundizzjonijiet lokali (8). Madankollu, huwa ovvju li linji gwida politiċi komuni jistgħu u għandhom jiġu diskussi, ikkoordinati u implimentati mid-diversi Stati Membri sabiex l-istrateġija magħżula jkollha l-impatt mixtieq. Din l-istqarrija hija appoġġjata mill-interdipendenza li teżisti fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-progress miksub minn Stat Membru huwa ta’ benefiċċju għall-Istati Membri l-oħra iżda l-istrateġiji opportunistiċi m’għandhomx jitqiesu bħala attitudni aċċettabbli.

4.6.   Huwa ovvju li ma jistax ikun hemm strateġija unika għal kulħadd. L-unika sistema effikaċi hija ġabra ta’ miżuri adattati għal kull pajjiż individwali. Huwa importanti wkoll li wieħed jagħraf li hekk kif pajjiż jilħaq il-quċċata tal-iżvilupp teknoloġiku, l-istrutturi u l-istrateġiji tal-politika ekonomika tiegħu jkollhom jiġu mmodifikati, għax l-għodod eżistenti, spiss żviluppati fuq perijodi ta’ għexieren ta’ snin, mhux qed ikollhom l-effett mixtieq jew saħansitra l-ebda effett u għalhekk saru – mill-inqas parzjalment – ineffiċjenti. L-istess jgħodd – għalkemm b’modalitajiet opposti – għall-pajjiżi fil-fażi ta’ rkupru. Jekk dawn jimplimentaw l-istess strateġiji bħall-pajjiżi li jinsabu fil-quċċata tal-iżvilupp teknoloġiku, ikunu qegħdin jagħżlu wkoll soluzzjoni ineffiċjenti. Kull strateġija Ewropea għalhekk għandha tispjega kif wieħed jista’:

isaħħaħ il-koeżjoni kif ukoll il-prestazzjonijiet ta’ suċċess bil-konsiderazzjoni tal-livell ta’ żvilupp ekonomiku;

ifassal objettivi u miżuri li jaqblu man-natura orizzontali ta’ ħafna oqsma ta’ politika (pereżempju l-ambjent, l-innovazzjoni) u li, minkejja l-bżonn ta’ koordinazzjoni, ikunu jistgħu jiġu implimentati b’mod effiċjenti;

jistabbilixxi t-tqassim tax-xogħol bejn il-livell Ewropew u dak tal-Istati Membri skont il-loġika tas-sistema;

jagħmel lil dawn il-miżuri vinkolanti u jistabbilixxi s-sanzjonijiet għal min jiksirhom.

4.7.   L-istrutturi u l-mekkaniżmi għal politika bħal din jeżistu fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa u għandhom jiġu implimentati “biss” fil-forma adegwata u b’kontenut xieraq. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, il-parametri essenzjali huma magħrufin u ilhom ħafna jiġu diskussi. Kulma jonqos hija r-rieda politika sabiex issir bidla kemm fl-ekonomija reali kif ukoll fis-soċjetajiet Ewropej.

5.   Biblijografija:

Acemoglu, D. Aghion, P., Zilibotti, F, Appropriate Institutions for Economic Growth, 2006.

Aghion, P., A Primer on Innovation and Growth, Bruegel Policy Brief 02, 2006.

Aghion, P., Bloom, N., Blundell, R., Griffith, R., Howitt, P., Competition and Innovation: An Inverted-U Relationship, Quarterly Journal of Economics, Vol. 120, No. 2, pp. 701-728, 2005.

Aghion, P., Blundell, R., Griffith, R., Howitt, P., Prantl, S., The Effects of Entry on Incumbent Innovation and Productivity, NBER Working Paper 12027, 2006.

Aghion, P., Boustan, L., Hoxby, C., Vandenbussche, J., Exploiting States’ Mistakes to Identify the Causal Impact of Higher Education on Growth, Working Paper, Harvard University, 2005.

Aghion, P., Fally, T., Scarpetta, S., Credit Constraints as a Barrier to the Entry and Post-Entry Growth of Firms: Lessons from Firm-Level Cross Country Panel Data, 2006.

Aghion, P., Marinescu, I., Cyclical Budgetary policy and Economic Growth: What Do We Learn from OECD Panel Data? , 2006.

Aho, E., (Chairman), Cornu, J., Georghiou, L., Subirá, A., Ein innovatives Europa schaffen, Bericht der unabhängigen Sachverständigengruppe für FuE und Innovation, eingesetzt im Anschluss an das Gipfeltreffen in Hampton Court, 2006

Breuss, F., Die Zukunft Europas, in: BMWA, Das österreichische Außenhandelsleitbild – Globalisierung gestalten – Erfolg durch Offenheit und Innovation, Wien, 2008

Cedefop, Future skill needs in Europe, Medium-term forecast, 2008.

De la Fuente, A., Das Humankapital in der Wissensbasierten globalen Wirtschaft, Teil II: Bewertung auf der Länderebene, Abschlussbericht für die EU-Kommission Beschäftigung und Soziales, 2003.

Falk, M. Sectoral Innovation Performance, Evidenc from CIS 3 micro-aggregated data, Europe Innova, 2007, http://www.europe-innova.org.

Falk, M., Unterlass, F., Determinanten des Wirtschaftswachstums im OECD-Raum, Teilstudie 1, WIFO-Weißbuch, 2006.

Falk, R. Hölzl, W., Leo, H., On the Roles and Rationales of European STI Policies, WIFO Working Paper, 299/2007.

Falk, R., Leo, H., “What Can Be Achieved By Special R&D Funds When There is No Special Leaning Towards R&D Intensive Industries?”, WIFO Working Papers, 2006, (273).

Gerschenkron, A., “Economic Backwardness in Historical Perspective”, Harvard University Press, 1962.

Giddens, A., Liddle, R., Diamond, P. (eds.), Global Europe, Social Europe, Polity Press, Cambridge, United Kingdom, 2006.

Gordon, R. J., Issues in the Comparison of Welfare Between Europe and the United States, Paper presented to Bureau of European Policy Advisers, “Change, Innovation and Distribution” Brussels, 04 December 2007

Griffith, R., Redding, S., Van Reenen, J., Mapping the Two Faces of R&D: Productivity Growth in a Panel of OECD Industries, The Review of Economics and Statistics, 86 (4): 883 – 895, 2004.

Hollanders, H., Innovation Modes: Evidence at the Sector Level, Europe-Innova, Innovation Watch, 2007, http://www.europe-innova.org.

Hölzl, W., Friesenbichler, K. Final Sector Report Gazelles, Sectoral Innovation Watch, Europe Innova, 2008, www.europe-innova.org

Kommission der Europäischen Gemeinschaften (KEG), Umsetzung des Lissabon-Programms der Gemeinschaft: Ein politischer Rahmen zur Stärkung des Verarbeitenden Gewerbes in der EU – Auf dem Weg zu einem stärker integrierten Konzept für die Industriepolitik, KOM(2005) 474 endgültig, Brüssel, 5.10.2005.

Krueger, D., Kumar, K., US-Europe Differences in Technology-Driven Growth: Quantifying the Role of Education, Journal of Monetary Economics, 2004.

Leo, H., Reinstaller, A., Unterlass, F., Motivating sectoral analysis of innovation Performance, Europe Innova, 2007, http://www.europe-innova.org.

Nicoletti, G., Scarpetta, S., Regulation, Productivity and Growth: OECD Evidence, Economic Policy, 18:36 9, 2003.

OECD, Education at a Glance, OECD, 2006.

Peneder, M., Entrepreneurship and technological innovation, An integrated taxonomy of firms and sectors, Europe Innova, Wifo, 2007, http://www.europe-innova.org

Sapir, A. et al. “An Agenda for a Growing Europe”. Oxford University Press, 2004.

Vandenbussche, J., Aghion, P., Meghir, C., Growth, Distance to Frontier and Composition of Human Capital, Journal of Economic Growth, Vol. 11, No. 2, pp 97-127, 2006.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ovvjament, l-Istrateġija ta’ Liżbona hija ferm iktar wiesgħa mill-kwistjonijiet li qed inqajmu f’dan id-dokument. Għal iktar informazzjoni, ara: http://ec.europa.eu/growthandjobs/index_en.htm

(2)  Il-koordinazzjoni politika tħeġġeġ il-produzzjoni ta’ servizzi pubbliċi (pereżempju l-informazzjoni u l-għarfien, il-ħarsien tal-ambjent u tal-klima) u għandha impatt estern pożittiv. Il-interdipendenza ekonomika fl-Ewropa, li kulma jmur qiegħda dejjem tikber, qed toħloq sitwazzjonijiet esterni li l-koordinazzjoni politika biss tista’ żżid l-effetti pożittivi u tnaqqas l-effetti negattivi tagħhom.

(3)  B’mod ġenerali, l-UE żammet pożizzjoni mexxejja fil-kummerċ internazzjonali, kemm fis-settur tal-prodotti kif ukoll f’dak tas-servizzi. L-ekonomija Ewropea qiegħda tmexxi s-suq f’għadd kbir ta’ oqsma industrijali b’livell teknoloġiku medju u għall-prodotti li jużaw il-kapital b’mod intensiv. Il-punti ta’ tħassib huma d-defiċit kummerċjali mal-Asja u l-prestazzjoni batuta tal-UE meta mqabbla ma’ dik tal-Istati Uniti fil-qasam tat-TIK (ara CCMI 043).

(4)  Il-bidla strutturali tiġi mill-istabbilimenti l-ġodda, mid-diversifikazzjoni ta’ kumpaniji eżistenti u mill-ftuħ ta’ kumpaniji ġodda.

(5)  Hawnhekk tintuża l-frażi “intensivi fir-riċerka” bi skop għax is-separazzjoni f’setturi high-tech, medium-tech u low-tech fuq il-bażi tal-fondi allokati għar-Riċerka u l-Iżvilupp tissottovaluta l-applikazzjoni teknoloġika f’ħafna oqsma ekonomiċi. Jekk wieħed jikkunsidra wkoll l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji żviluppati xi mkien ieħor fi prodotti u proċessi ta’ produzzjoni, jara li ħafna mill-oqsma li fil-klassifikazzjoni klassika huma meqjusa bħala low-tech huma pjuttost oqsma medium-tech jew high-tech (ara Peneder, 2007).

(6)  Is-Cedefop tqis li “L-impjieg totali fl-Ewropa huwa mistenni jikber b'iktar minn 13-il miljun post tax-xogħol bejn l-2006 u l-2015. Dan jinkludi żiediet ta' kważi 12.5 miljun impjieg fl-iktar livell ta' kwalifika għoli (bejn wieħed u ieħor il-livelli ISCED 5 u 6) u kważi 9.5 miljun impjieg fil-livell medju (livelli ISCED 3 u 4). Mill-banda l-oħra, ix-xogħlijiet mingħajr kwalifiki jew bi ftit kwalifiki (livelli ISCED 0-2) naqsu b'iktar minn 8.5 miljun post tax-xogħol.” Sors: Cedefop, Future skill needs in Europe: Medium-term forecast, 2008.

(7)  B’mod ġenerali, wieħed jista’ jqis li l-investiment fil-kapital uman iġib riżultati tajbin ħafna: jekk wieħed iżid l-attendenza skolastika medja b’sena, l-output potenzjali tal-ekonomija nazzjonali jiżdied b’6 % (De la Fuente, 2003).

(8)  Anke jekk biż-żmien jeħtieġ li dan it-tqassim tal-kompetenzi jiġi rivedut, stqarrija dwar dan tmur lil hinn mit-tema ta’ din l-opinjoni (ara Falk – Hölzl - Leo, 2007).


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-ristrutturar u l-evoluzzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku (apparat elettroniku fl-Ewropa) u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi, il-bidla fil-klima u l-konsumaturi

2009/C 100/12

Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess dwar

Ir-ristrutturar u l-evoluzzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku (apparat elettroniku fl-Ewropa) u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi, il-bidla fil-klima u l-konsumaturi.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Darmanin u l-korapporteur kien is-Sur GIBELLIERI.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’86 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jemmen li s-saħħa tal-industrija Ewropea tal-apparat domestiku (1) tinsab fil-kapaċità tagħha li tipproduċi prodotti ta’ kwalità għolja u sostenibbli; din is-saħħa għandha tiġi appoġġjata u msaħħa permezz ta’ politika Ewropea adegwata bbażata fuq l-impenn u t-titjib kontinwu fl-innovazzjoni teknoloġika u fuq attività kontinwa ta’ taħriġ sabiex tiżdied il-kompetenza tal-impjegati. Politika bħal din għandha tippromwovi l-iżvilupp ta’ apparat domestiku li huwa effiċjenti fl-enerġija, b’kapaċità mtejba ta’ riċiklaġġ. L-impatt globali ambjentali, ibbażat fuq l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun.

1.2   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea tista’ tinfluwenza direttament il-kompetittività tas-settur, l-iktar permezz tal-proposta għall-estensjoni tad-Direttiva dwar id-Disinn Ekoloġiku u l-proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Ittikkettar Ekoloġiku, u dan iwassal għal żieda fl-effiċjenza tal-enerġija u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. B’hekk jitnaqqsu t-theddida u t-tendenza ta’ rilokazzjoni tal-industrija barra mill-Ewropa, it-telf ta’ impjiegi u r-riskju li jitrażżan l-interess tal-konsumaturi.

1.3   Is-sorveljanza tas-suq hija tal-ikbar importanza sabiex titħares l-industrija Ewropea, il-ħaddiema f’din l-industrija, l-interess tal-konsumaturi u l-ambjent, u għandha tiġi implimentata permezz tal-użu tal-miżuri li ġejjin:

it-trasferiment ta’ iktar riżorsi mill-Istati Membri u mill-UE (2) għall-verifika iktar stretta tal-konformità tal-prodott mal-istandards u l-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku Ewropew, b’mod partikulari fuq prodotti importati;

it-tneħħija tal-kompetizzjoni inġusta u d-dumping. Il-miżuri anti-dumping għandhom jiġu studjati bir-reqqa sabiex ma jkunux ta’ ħsara għall-produttività tal-industrija Ewropea u ma jħeġġux ir-rilokazzjoni tal-industrija barra mill-Ewropa jew iż-żieda fl-importazzjonijiet; għandhom jiġu applikati mhux biss għall-apparat sħiħ iżda wkoll għall-komponenti;

ir-reviżjoni tas-sistema tal-ittikkettar sabiex tikkunsidra l-progressi tal-innovazzjoni teknoloġika bla ma tagħti perċezzjonijiet qarrieqa tal-bidliet fil-valur;

kontroll iktar strett sabiex jitnaqqsu l-fenomeni tal-iffalsifikar u ċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti daqslikieku kienu ġenwini;

kontrolli sabiex it-tikketti, partikularment dawk ta’ prodotti importati, jirriflettu tassew dak li jiddeskrivu u ma jkunux qarrieqa.

1.4   Il-KESE jemmen li hemm bżonn li tiġi aġġustata s-sistema tal-ittikkettar. It-tikketta għandha tkun dejjem aġġornata meta apparat li jkun iktar effiċjenti b’mod teknoloġiku jgħolli l-istandard. Is-sistema għandha tkun waħda dinamika li biha prodotti ġodda fis-suq bi speċifikazzjonijiet aħjar jaqgħu taħt tikketta ġdida u mhux ibaxxu l-livell ta’ apparat li jkun diġà ngħata grad. Din ir-reviżjoni għandha tkun marbuta mal-innovazzjoni teknoloġika iżda għandha sseħħ bi skadenza ta’ 5 snin, kif iddikjarat fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija. Huwa kruċjali li l-partijiet interessati jkunu kollha involuti f’dan il-proċess ta’ reviżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tippromwovi t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni u tbiddel it-tikketta f’għodda aktar konvinċenti għall-manifatturi, importaturi u bejjiegħa bl-imnut.

1.4.1   Ikun ta’ benefiċċju għas-sostenibilità tal-UE li tinfluwenza wkoll pajjiżi oħrajn sabiex jadottaw l-istandards għoljin li l-UE nnifisha qiegħda tadotta fis-suq intern, peress li dan jirriżulta f’ iffrankar potenzjali fl-enerġija globali.

1.5   L-industrija Ewropea tal-apparati domestiċi tista’ tingħata spinta ′l quddiem enormi bl-introduzzjoni ta’ skemi ta’ inċentivi fl-Istati Membri sabiex titħeġġeġ is-sostituzzjoni ta’ apparat ma’ wieħed iktar modern u effiċjenti fl-enerġija, li l-industrija diġà qiegħda tipproduċi iżda li għadu mhuwiex popolari biżżejjed fis-suq. Din is-sistema għandha tkun maħsuba b’mod li tiffavorixxi lin-nies li huma inqas sinjuri permezz ta’ strumenti finanzjarji xierqa u li ma jkunux diskriminatorji. Għandna nitgħallmu minn stejjer ta’ suċċess kemm fl-Ewropa kif ukoll barra mill-Ewropa.

1.6   Huwa raġonevoli wkoll li terġa’ tissaħħaħ l-assistenza lill-konsumaturi f’termini ta’ manutenzjoni u spare parts tal-apparat domestiku; b’dan il-mod jiġu assigurati t-titjib u l-aġġornament kontinwi tal-kompetenzi tal-impjegati sabiex jiġi pprovdut servizz effiċjenti u affidabbli. Dan jista’ jkun li jirriżulta fiż-żieda u/jew fiż-żamma stabbli tar-rata tal-impjieg.

1.7   Il-KESE jemmen li l-politika tal-UE għandha tiffaċilita t-tranżizzjoni tal-industrija għal prodotti iktar innovattivi u servizzi relatati, li huma strateġikament rilevanti minħabba l-impatt tagħhom fuq l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-enerġija, bħall-panewijiet solari, unitajiet fotovoltajċi, pompi tas-sħana, ċelloli tal-idroġenu, impjanti tal-mikroġenerazzjoni u impjanti bi prestazzjoni għolja għall-arja kkundizzjonata. Dan jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi u għażla ikbar għall-konsumatur.

1.8   Il-KESE jerġa’ jafferma li s-suċċess fil-ksib tar-rakkomandazzjonijiet li qed isiru sabiex l-industrija tal-apparat domestiku fl-Ewropa tiġi ristrutturata b’mod effettiv, ħalli tiġi aktar sostenibbli, jista’ jinkiseb u jitkattar biss meta jkun hemm djalogu settorjali sfiq u effettiv fil-livell Ewropew.

2.   Sfond

2.1   Il-migrazzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku mhux biss lejn il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, iżda anke lejn ir-Russja, it-Turkija u ċ-Ċina hija l-iktar problema inkwetanti tas-settur f’dan iż-żmien. Għalhekk, ir-rilokazzjoni qiegħda ssir mhux biss fl-Istati Membri tal-UE, imma segmenti sħaħ ta’ apparat domestiku qegħdin jiġu kważi kompletament rilokati mill-Ewropa għaċ-Ċina.

2.2   Il-kumpaniji issa qegħdin jiskopru lir-Russja, fejn qegħdin jinħolqu impjanti ġodda tal-magni tal-ħasil u tal-friġġijiet u qegħdin jinxtraw kumpaniji eżistenti fis-settur tal-apparat domestiku elettroniku. Bejn ħmistax u għoxrin impjant tal-apparat domestiku elettroniku attwalment qegħdin jinbnew fuq territorju Russu. Madankollu għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li fil-futur, dawn l-impjanti mhux ser ikunu biss ta’ servizz għas-suq nazzjonali tagħhom iżda ser jesportaw ukoll il-produzzjoni tagħhom lejn l-Ewropa, jekk ma nindirizzawx il-kwistjonijiet prinċipali tas-suq Ewropew.

2.2.1   Hemm potenzjal ukoll għall-esportazzjoni ta’ prodotti Ewropej f’reġjuni bħall-Ażja, l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, fejn diġà hemm tendenza dejjem tikber ta’ esportazzjoni tal-apparat domestiku lejn l-UE. Il-manifatturi Ewropej jistgħu japprofittaw mill-kundizzjonijiet attwali, bħaż-żieda fil-klassi medja f’dawn ir-reġjuni, reputazzjoni tajba tal-prodott Ewropew, eċċ. sabiex ikomplu jidħlu f’dawn is-swieq potenzjali.

2.3   L-importazzjoni dejjem tiżdied ta’ prodotti rħas u dubjużi qed twassal biex il-kriżi fl-industrija Ewropea tal-apparat domestiku tmur għall-agħar. Kwalità dgħajfa żżid mas-sistemi differenti tat-taxxa, mal-vantaġġi relatati mal-ispejjeż tal-ħaddiema u mal-ispejjeż pjuttost baxxi tat-trasport sabiex jiġu attakkati l-manifatturi stabbiliti fl-Ewropa.

2.4   Hija ħaġa ovvja li l-Ewropa ma tistax tikkompeti mal-pagi mħallsin eż. fiċ-Ċina. Friġġ jew friżer magħmula fiċ-Ċina ma tistax tkun orħos, u l-istess japplika għal komponenti sempliċi bħal muturi jew kompressuri. Ma jistgħux jinkisbu vantaġġi kompetittivi jekk il-prodotti Ewropej jinbiegħu biss skont il-prezz u mhux għal vantaġġ kwalitattiv. Is-saħħa tas-settur tal-apparat domestiku fl-Ewropa tinsab fil-kapaċità tiegħu li jipproduċi prodotti ta’ kwalità għolja. Vantaġġi kompetittivi oħrajn jirrigwardaw id-disinn, il-garanziji tal-prodott, is-servizz, il-kompatibilità tal-ispare parts u t-tiswija. Din is-saħħa tista’ tissaħħaħ u tiżdied permezz ta’ politika Ewropea artikulata.

2.5   Il-fabbriki Ewropej jipproduċu friġġijiet u friżers li jaqgħu fil-kategoriji ta’ enerġija A++, A+, A u B. Il-maġġoranza tal-prodotti magħmulin bħalissa jaqgħu fil-kategoriji A+ u A. Il-prodotti A++ jirrappreżentaw inqas minn 4 %.

2.6   L-interess tal-konsumaturi fil-friġġijiet li huma effiċjenti fl-enerġija għadu baxx. Skont is-CECED (Kumitat Ewropew tal-Manifattura ta’ Apparat Domestiku), fid-djar Ewropej għad hemm bejn wieħed u ieħor 188 miljun friġġ u friżer li għandhom iktar minn għaxar snin. L-apparat antik (mill-1990) jikkonsma madwar 600 kWh/sena, l-apparat A+ madwar 255 kWh/sena u l-apparat A++ madwar 182 kWh/sena. Bil-prezzijiet u l-kundizzjonijiet attwali (3), apparat A++ irid jintuża għal madwar tnax-il sena sabiex ikun akkwist tajjeb għall-konsumaturi.

2.7   Barra mill-apparat iktar antik, il-manifatturi Ewropej huma iktar imħassbin dwar importazzjonijiet li huma potenzjalment perikolużi, ineffiċjenti fl-enerġija u mhux affidabbli. Dan it-tħassib b’mod partikulari japplika għal importazzjonijiet ta’ oġġetti frott ta’ kummerċ istantanju (spot imports), li jinbiegħu malajr fis-swieq Komunitarji.

2.7.1   Konsegwenza ta’ dan, il-ħtiġijiet tal-enerġija għad-djar jirrappreżentaw 25 % mid-domanda totali għall-enerġija fl-UE, bl-elettriku għall-apparat domestiku juri żieda sostanzjali f’dawn l-aħħar snin minħabba l-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet u prodotti ġodda.

2.8   L-użu ta’ materjal ta’ kwalità aħjar għall-komponenti manjetiċi, flimkien mal-ottimizzazzjoni tad-disinn skont il-karatteristiċi tal-materjal il-ġdid jistgħu jżidu l-effiċjenza (sa 15 %) tal-muturi elettriċi fl-apparat domestiku u jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti fl-iffrankar tal-enerġija elettrika tal-konsum domestiku.

2.9   Żvilupp ieħor li ser jiġi appoġġjat mill-KE huwa dak tal-iżvilupp ta’ apparat domestiku adegwat għall-manutenzjoni u għar-riċiklaġġ. Għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-manifatturi Ewropej għamlu sforz kbir f’dan ir-rigward u naqqsu drastikament il-konsum tal-enerġija u tal-ilma ta’ apparat kbir. Minkejja dan, varjetà dejjem tikber ta’ materja prima minn dakinhar ’il hawn saret kritika f’termini mhux biss tal-ambjent iżda anke tal-ispejjeż. Dan japplika għall-azzar, il-plastik, in-nikil, il-kromju, ir-ram, eċċ. Il-prezzijiet ta’ din il-materja prima, bħal dawk tal-prodotti sekondarji taż-żejt, qegħdin jogħlew. Dawk li jistgħu jnaqqsu l-kontenut materjali fi prodott jiksbu vantaġġ kompetittiv kbir. Il-possibiltajiet offruti lill-industrija tal-apparat domestiku min-nanoteknoloġija u mill-metodoloġiji tal-Analiżi taċ-Ċiklu tal-Ħajja (Life Cycle Analysis) sabiex titjieb u tiġi evalwata l-għażla korretta tal-materjal mhumiex qegħdin jiġu esplorati biżżejjed sabiex jinkiseb dan il-vantaġġ.

2.9.1   Tħassib li jeżisti bħalissa huwa l-fatt li mhux il-materjal kollu għar-riċiklaġġ, skont ir-Regolamenti attwali WEEE, qed jiġu rritornat b’mod effettiv lill-manifatturi, u għalhekk il-manifatturi jkollhom iħallsu tar-riċiklaġġ mingħajr ma jkunu fil-fatt qed jirċievu l-oġġetti.

2.10   Il-promozzjoni ta’ riċerka bħal din, l-imbuttatura tal-minjaturizzazzjoni ta’ komponenti bħal muturi, radjaturi, kumpressuri, eċċ. għandhom ikunu l-għan ta’ politika ta’ riċerka ffinanzjata mill-Kummissjoni. Minn din il-perspettiva, l-iżvilupp ta’ apparat domestiku bl-użu minimu ta’ materjal ifisser l-iżvilupp ta’ apparat aktar adattat għar-riċiklaġġ. Id-Direttiva Qafas tal-UE ta’ Mejju 2005 dwar id-disinn ekoloġiku u r-rekwiżit tagħha dwar id-disinn ekoloġiku ta’ apparat li jaħdem bl-enerġija hija punt ta’ tluq importanti hawnhekk. Il-Kummissjoni Ewropea m’għandhiex bżonn tivvinta l-istrumenti tal-politika tagħha, imma pjuttost għandha ssaħħaħ dawk li jeżistu diġà. Dan japplika wkoll għat-tikketti eżistenti tal-enerġija u l-konsum. F’kuntest ta’ kriżi tal-enerġija li qiegħda tiggrava u t-tnaqqis ta’ materja prima, il-Kummissjoni għandha tikkomplementa din it-tikketta b’regolament obbligatorju għat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq. Dawk li jimmanifatturaw prodotti ta’ kwalità ta’ livell għoli biss għandhom ikunu awtorizzati jbigħu apparat domestiku fis-suq intern Ewropew fil-futur: din għandha tkun ir-raġuni fundamentali ta’ leġiżlazzjoni li tesiġi li l-kumpaniji jimmanifatturaw apparat domestiku ta’ kwalità għolja u li jservi.

2.11   Huwa sensibbli wkoll li, permezz ta’ Direttiva, il-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut, ikunu obbligati jipproduċu u jbigħu apparati domestiċi li jistgħu jissewwew, iżommu spare parts lesti għal tiswijiet u joffru servizz lill-klijent. Il-konsumaturi Ewropej jistennew servizz bħal dan u, meta jipprovduh, il-manufatturi u l-bejjiegħa bl-imnut Ewropej jistgħu jiddistingwixxu rwieħhom mill-manifatturi ta’ prezzijiet baxxi li l-prodotti tagħhom ma jistgħux jissewwew iżda minflok iridu jintremew u jinbidlu b’oħrajn ġodda. Dan ma jistax ikun konformi ma’ strateġija ta’ żvilupp sostenibbli.

2.11.1   F’dan ir-rigward, il-KESE huwa ħerqan li jkun hemm aktar diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-“Pjan ta’ Azzjoni (4)” tal-Kummissjoni dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u l-industrija.

2.12   Is-settur tal-apparat domestiku fl-Ewropa għadu jħaddem madwar 200 000 ħaddiem. Ilu sejjer lura għal ħafna snin. Fl-Ewropa tal-Punent spiċċaw madwar 57 000 impjieg matul dawn l-aħħar għoxrin sena. L-industrija tal-apparat domestiku sfaxxat fl-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant wara t-tmiem tas-sistema politika l-antika u madwar 20 000 impjieg ġdid biss inħolqu minn dakinhar ′il hawn.

2.13   Is-setturi tal-apparat domestiku li ntlaqtu l-agħar mir-rilokazzjonijiet lejn pajjiżi barra mill-Ewropa (ir-Russja, iċ-Ċina, it-Turkija) huma s-setturi tal-air conditioners u tal-apparat żgħir. Il-fabbriki Ewropej tal-friġġijiet/friżers għadhom iħaddmu madwar 23 000 impjegat.

2.14   Ir-ristrutturar fis-settur Ewropew tal-apparat domestiku ser ikompli fis-snin li ġejjin. L-ambitu tiegħu mhux ser jiddependi biss fuq żviluppi tas-suq u dawk teknoloġiċi, iżda wkoll fuq deċiżjonijiet politiċi u miżuri leġiżlattivi.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   Il-politika Ewropea għandha ssib soluzzjoni għal erba’ problemi:

3.1.1   Kif ikun żgurat li l-industrija ma tintilifx għal vantaġġ tal-pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea? It-tendenza hija ċara: l-industrija qed tbiddel il-post ġeografiku, għalhekk għandna niġġieldu kontra t-theddida prevista u reali li din l-industrija nitilfuha għal pajjiżi li mhumiex fl-UE.

3.1.2   X’forma għandha tieħu l-bidla strutturali fl-Ewropa sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent ma jitilfux il-produzzjoni xjentifika u teknika tagħhom, il-kompetenza u l-impjiegi li jaqgħu taħtha filwaqt li jippermettu lill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u dawk tal-Lvant sabiex jistabbilizzaw fil-futur l-industrija tagħhom li għadha qiegħda tiżviluppa tal-apparat domestiku?

3.1.3   Kif tista’ tinstab tweġiba ekonomikament sensibbli għall-attakk qawwi ta’ importazzjonijiet mill-Ażja li l-valur u l-kwalità huma aktar baxxi mill-ekwivalenti tagħhom Ewropej u li mhumiex konformi mal-istandards tas-suq intern?

3.1.4   Kif se miżguraw li l-Kisbiet fit-tixrid ta’ apparat sostenibbli jħallu l-frott fis-suq intern waqt li tiżdied id-domanda għal prodotti bħal dawn u li jibqa’ jsir investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp ta’ apparat li għandu impatt inqas fuq il-bidla fil-klima u fuq is-sostenibilità?

3.2   Argumenti favur l-industrija

3.2.1   Dan is-settur huwa settur industrijali avvanzat f’termini tal-kisbiet fir-riċerka u fl-iżvilupp tal-effiċjenza tal-enerġija. Il-ftehimiet volontarji kienu effettivi u ġew onorati mill-industrija.

3.2.2   Sfortunatament, il-fattur skoraġġanti huwa li l-industrija teħtieġ li l-politika Ewropea tkun iktar stretta sabiex b’hekk tiżgura li l-isforzi li jkunu saru fl-industrija fil-fatt iħallu l-frott. Is-sena l-oħra l-industrija ddeċidiet li ma ġġeddidx il-ftehimiet volontarji li fil-passat kellhom suċċess kbir.

3.2.3   Is-sorveljanza tas-suq f’dan il-perijodu hija ta’ importanza konsiderevoli. Għandu jkun hemm kontrolli iktar stretti sabiex ikun żgurat li l-prodotti kollha li jitqiegħdu fis-suq jirriflettu tassew il-livell u l-kwalità speċifikati b’mod partikulari f’termini tal-effetti fuq il-bidla fil-klima.

3.2.4   Hemm bżonn ta’ iktar appoġġ mill-Istati Membri sabiex ikun żgurat li prodotti ta’ effiċjenza straordinarja li jitqiegħdu fis-suq fil-fatt jibdew jinxtraw mill-konsumaturi. L-A++ għadu jidher bħala prodott li huwa għali wisq u li r-redditu fuq l-investiment mhux vijabbli, u dan iħallina b’suq li primarjament għadu jagħżel apparat A+. L-inċentivi jistgħu jvarjaw u diġà hemm xi każijiet fl-Istati Membri u barra mill-Ewropa li jistgħu jiġu identifikati bħala prattiki tajbin. (5)

3.2.5   L-appoġġ mill-Istati Membri u l-kompetizzjoni ġusta għandhom isegwu l-ħeffa tal-innovazzjoni teknoloġika f’dan is-settur fil-livell tal-Istati Membri u anke fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

3.2.6   Ħolqa importanti fil-katina tal-provvista huwa l-bejjiegħ bl-imnut. Il-bejjiegħ bl-imnut Ewropew irid ikun aktar konxju tad-diversi implikazzjonijiet tal-importazzjoni tal-prodotti li qegħdin jiġu importati u mibjugħin fis-suq intern. Barra minn hekk, l-ambitu u l-isforzi tal-industrija jkunu għalxejn jekk is-settur tal-bejgħ bl-imnut ikompli jimporta u jbiegħ prodotti li huma ta’ kwalità baxxa, perikolużi u mhux sostenibbli. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li għad hemm ħafna opportunitajiet fl-edukazzjoni tas-settur tal-bejgħ bl-imnut lejn is-sensibilizzazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-industrija tal-apparat domestiku fis-suq intern u l-kwistjonijiet sostenibbli ta’ apparat bħal dan.

3.3   L-aspett soċjali

3.3.1   Ir-realtà hi li meta l-industrija tirriloka jintilfu l-impjiegi. Għalhekk, dan iħalli numru ta’ persuni b’kompetenzi li ma jintużawx sakemm il-ħaddiem ma jirrilokax hu wkoll. Ir-ristrutturar tal-industrija huwa tal-ikbar importanza sabiex l-impjiegi ma jintilfux u sabiex din l-industrija tibqa’ waħda attraenti għall-aħjar ħaddiema.

3.3.2   Settur li għandu jingħata kunsiderazzjoni xierqa huwa dak tas-servizzi b’attenzjoni partikulari lis-settur tat-tiswija tal-apparat. Is-settur tat-tiswija jeħtieġ jitħalla jikber billi jkun żgurat li l-apparat ta’ kwalità għolja tassew ikun jista’ jissewwa u li jkun hemm disponibbli l-ispare parts li jagħmlu t-tiswija possibbli.

3.3.3   Fl-istess ħin, politika konġunta bejn l-Ewropa u l-Istati Membri għandha tippromovi t-tranżizzjoni tas-settur għall-produzzjoni ta’ prodotti innovattivi li joħolqu oppurtunitajiet ġodda għall-impjiegi. Dan il-proċess għandu jiġi appoġġjat minn djalogu soċjali strutturat tajjeb bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew, nazzjonali u tal-kumpaniji. Għandhom jiġu ggarantiti kondizzjonijiet professjonali ta’ kwalità Ewropea anke fis-siti ta’ produzzjoni ġodda li jinsabu fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE.

3.3.4   Djalogu soċjali settorjali effettiv u kontinwu fil-livell Ewropew flimkien mas-sorveljanza tas-suq u l-infurzar tal-istandards fl-Ewropa kollha huma kruċjali sabiex ikun żgurat li jintilfu inqas impjiegi.

3.4   Argumenti favur il-konsumatur

3.4.1   Il-konsumatur irid ikollu l-garanzija ta’ prodotti bi prestazzjoni ta’ kwalità għolja li huma wkoll effiċjenti fl-enerġija u għalhekk l-informazzjoni dwar il-kwalità għandha tkun aċċessibbli għall-konsumatur b’mod sempliċi, veru u effettiv.

3.4.2   L-iskema tal-ittikkettar hemm bżonn li tkun waħda iktar dinamika b’sistema li tevolvi u li tiġi aġġornata hekk kif ikun hemm innovazzjoni fis-settur. Barra minn hekk, it-tikketti għandhom jirrapportaw b’mod preċiż l-istandards tal-apparat u għalhekk it-testijiet għandhom ikunu iktar stretti u iktar eżatti.

3.4.3   Is-sorveljanza tas-suq hija importanti ħafna fl-Istati Membri kollha sabiex b’hekk ikun żgurat li l-apparat tassew jagħti dak li jwiegħed u li l-konsumaturi jiksbu dak li jkunu ftiehmu dwaru.

3.4.4   Ta’ min wieħed jinnota l-possibilità tal-effett negattiv li jista’ jkollu x-xiri ta’ apparat domestiku ġdid fuq l-ambjent jekk il-konsumatur iżomm l-apparat l-antik flimkien mal-ġdid u b’hekk ikun qed joħloq effett “rebound”.

3.4.5.   L-aħjar promozzjoni ta’ apparat domestiku li huwa effiċjenti u effettiv hija t-testijiet tal-konsumaturi indipendenti. Dawn it-testijiet jiżguraw il-kwalità u l-istandards minimi tal-apparat u l-funzjonijiet bażiċi tal-prodott.

3.5   Argumenti favur l-ambjent

3.5.1   Il-KESE jagħraf li dan is-settur ukoll jista’ jagħti kontribuzzjoni partikulari sabiex jiġi ppreservat l-ambjent, jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u titnaqqas il-bidla fil-klima. F’dan ir-rigward, il-KESE itenni l-pożizzjoni tiegħu espressa fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Il-Produzzjoni Ekoloġika  (6), li fiha jenfasizza li hemm opportunità għat-tkabbir ta’ suq favur l-ambjent fis-suq intern u wkoll l-ispeċifiċitajiet relatati mal-ittikkettar u ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti.

3.5.2   Skadenza ta’ madwar 5 snin għandha tiġi applikata fuq il-prodotti kollha li huma taħt l-“istandard tajjeb” sabiex jilħqu l-istandard mixtieq. Fil-fehma tal-Kumitat, pereżempju l-friġġijiet li ma jilħqux limitu speċifiku wara din l-iskadenza m’għandhomx jidhru iktar fis-suq Ewropew. Dan huwa b’konformità mal-pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea għall-effiċjenza tal-enerġija fl-24 ta’ Ottubru 2006 (“Il-prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi miftiehma m’għandhomx jitpoġġew fis-suq”). Dawn il-proposti huma wkoll konformi mad-Direttiva dwar id-Disinn Ekoloġiku u r-Regolament dwar l-Ittikkettar Ekoloġiku.

3.5.3   Barra minn hekk, huwa importanti li l-leġiżlazzjoni dwar id-disinn ekoloġiku tiġi applikata kemm jista’ jkun malajr lill-apparati kbar rilevanti u li l-leġiżlazzjoni dwar it-tikketta tal-enerġija tiġi riveduta sabiex jiġu żviluppati prodotti effiċjenti ħafna: dan ikun l-isfond leġiżlattiv li jesiġi li l-kumpaniji jipproduċu apparat domestiku ta’ kwalità għolja u li jservi.

3.5.4   Fir-rigward tal-politika eżistenti tal-UE dwar l-enerġija, u waqt li jitqies li l-mekkaniżmu tal-ittikkettar fih innifsu mhux biżżejjed sabiex jissodisfa l-objettivi tal-enerġija stabbiliti mill-UE, il-KESE iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis strumenti legali ġodda biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  It-terminu “apparat domestiku” jirreferi għal friġġijiet, magni tal-ħasil, magni għall-ħasil tal-platti, bojlers, ħiters u t-tagħmir elettroniku kollu użat fid-dar.

(2)  Il-Qafas Leġiżlattiv Ġdid, imsejjaħ ukoll “il-Pakkett Ayral”, huwa l-aħħar pakkett tar-Regolamentazzjoni Aħjar li jittratta s-sorveljanza tas-suq, l-ittikettar tal-prodotti u l-omologazzjoni. Dan ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fit-23 ta’ Ġunju 2008. http://ec.europa.eu/enterprise/regulation/internal_market_package/index_en.htm

(3)  Inklużi l-prezz tal-enerġija u l-ispejjeż tal-karburanti.

(4)  COM(2008) 397 finali (16.07.2008).

(5)  L-Italja - 20 % mill-ispejjeż tal-friġġijiet/friżers A+ u A++, b’limitu ta’ EUR 200, jitneħħew mit-taxxa fuq id-dħul.

Spanja - L-iskema ta’ radd lura (rebate) – Fl-2008, il-klijenti li jixtru prodotti effiċjenti fl-enerġija ser ikunu eliġibbli għal sussidji ta’ EUR 50-125 skont it-tip ta’ apparat li jinxtara.

Il-Brażil - Ir-Repubblika Federali tal-Brażil ippjanat li tniedi programm sabiex tissussidja xiri ta’ 10 miljun friġġ għal ċittadini bi dħul baxx. Il-konsumaturi jridu jagħtu l-friġġ l-antika tagħhom, li s-soltu tkun tikkonsma iktar enerġija, sabiex jiksbu l-kreditu ħalli jkunu jistgħu jakkwistaw waħda ġdida u iktar ekonomika.

(6)  Opinjoni tal-KESE (ĠU C 224, 30.8.2008, p. 1), rapporteur is-Sinjura DARMANIN.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar kif l-esperimentazzjoni soċjali tista’ tintuża fl-Ewropa sabiex jitħejjew politiki pubbliċi ta’ inklużjoni attiva

2009/C 100/13

Fl-ittra tal-5 ta’ Marzu 2008, fil-kuntest tal-Presidenza Franċiża li jmiss tal-Unjoni Ewropea, il-Ministeru Franċiż tal-Affarijiet Barranin u Ewropej talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar is-suġġett li ġej:

Kif l-esperimentazzjoni soċjali tista’ tintuża fl-Ewropa sabiex jitħejjew politiki pubbliċi ta’ inklużjoni attiva.

Il-qafas inizjali għal dan il-kompitu ġie ppreżentant mill-“Kummissarju Għoli għas-Solidarjetà Attiva kontra l-Faqar”, li ressaq din it-talba.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur BLOCH-LAINÉ u l-korapporteur kien is-Sur EHNMARK.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-23 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’66 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Introduzzjoni

1.1   It-talba għal din l-opinjoni hija marbuta mad-deċiżjoni tal-Gvern Franċiż li jorganizza, f’Novembru li ġej fi Grenoble, “Laqgħat tal-Esperimentazzjoni Soċjali fl-Ewropa”. L-għan huwa li fil-livell Komunitarju u fi ħdan l-Istati Membri jiġu promossi l-interess u l-użu komuni tal-esperimentazzjoni bħala għodda għat-tħejjija tal-politiki pubbliċi fil-qasam soċjali u, f’dan il-każ, fil-qasam, fost affarijiet oħra, tal-ġlieda kontra l-faqar permezz tal-“inklużjoni attiva”. Din il-konferenza ser tintuża bħala opportunità sabiex tiġi żviluppata “kultura” tal-esperimentazzjoni u l-preparazzjoni fis-suġġett, f’każ ta’ bżonn u fil-mument opportun, ta’ inizjattivi programmatiċi ġodda li jkunu jistgħu jiġu appoġġjati mill-Kummissjoni. Il-Presidenzi ta’ wara – dik Ċeka u dik Żvediża – jistgħu jikkunsidraw, eventwalment u jekk jidhrilhom li jkun pass għaqli, li jkomplu fuq dak li tkun bniet il-Presidenza Franċiża.

1.2   Għaldaqstant, għall-Presidenza Franċiża dan ifisser li minn naħa jinkiseb għarfien aħjar u jkun hemm pubbliċizzazzjoni tal-prattiki attwali tas-27 Stat Membru fil-qasam imsemmi u, min-naħa l-oħra, jitkejlu r-rilevanza, il-metodi ta’ titjib u l-possibbiltajiet ta’ żvilupp konġunt, ta’ prestiġju u ta’ trażmissjoni. Ma ġew stabbiliti l-ebda limiti fir-rigward tal-iskala ta’ esperimenti ppjanati, li nbdew jew li tlestew; huwa mixtieq li jiġu enfasizzati d-diversitajiet tal-partijiet interessati, tal-modi ta’ kooperazzjoni, tal-oqfsa ġuridiċi u tal-prattiki ta’ azzjoni. L-ambizzjoni hija li kemm jista’ jkun malajr, b’mod dinamiku u fl-istess ħin realistiku, tinħoloq il-bażi ta’ tagħrif aġġornat permezz ta’ netwerk Ewropew ta’ eċċellenza dwar innovazzjonijiet esperimentati u evalwati.

1.3   Is-suġġett ta’ din l-opinjoni, wara li ġabret ċerti kummenti u indikazzjonijiet, huwa li jikkonferma ċertu twemmin u li jippreżenta ċerti rakkomandazzjonijiet.

2.   Kummenti u indikazzjonijiet

2.1   It-tħassib li kien il-bażi ta’ din il-konsultazzjoni ma jirriżultax mix-xejn b’mod mhux mistenni jew sporadiku. L-iżvilupp tal-esperimentazzjonijiet soċjali fl-Ewropa (l-istess bħalma jiġri fl-Istati Uniti u fil-Kanada) qiegħed jiżdied kontinwament.

2.1.1   Matul dawn l-aħħar għaxar snin, f’ċerti pajjiżi tal-Unjoni, saru studji, stħarriġ u riċerki eċċellenti dwar is-suġġett. Saru, ser isiru jew qed jiġu ppjanati diversi laqgħat, workshops, seminars u intervisti internazzjonali bżonjużi.

2.1.2   Madankollu, f’ħafna aspetti, “l-esperimentazzjoni soċjali” għadha sal-lum kunċett imċajpar: mhux faċli li jitfisser l-ambitu vast u rikk tagħha. Il-kontenut tagħha, li jiżviluppa kontinwament, huwa tabilħaqq varjat u kultant it-terminoloġija tal-komponenti tagħha huma xi ftit jew wisq eżoteriċi. Fl-aħħar nett, il-valutazzjonijiet tar-riżultati tagħha huma ta’ spiss vagi wisq (jew inkella ineżistenti) jew kontroversjali minħabba li huma ambigwi u inċerti.

2.1.3   Huwa minnu li jeżistu katalogi, rendikonti, studji tal-każijiet, noti u testimonjanzi dwar dan is-suġġett, li mhumiex nieqsa minn fatti interessanti. Iżda, skont l-aħjar għarfien tal-Kumitat, attwalment (sakemm mhux sejjer żball) ma jeżistu l-ebda ministeri, korpi pubbliċi deċentralizzati, kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali, awtoritajiet konsultattivi Komunitarji, gruppi ta’ organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali (1) eċċ., li jżommu repertorji fis-sens metodoloġiku tal-kelma.

2.1.4   Ovvjament, fil-każ ta’ dan ix-xogħol u fl-iskadenzi mogħtija, huwa impossibli li jitwettaq stħarriġ wiesa’ ta’ esperimenti li jistgħu jintużaw immedjatament bħala mudelli għall-iżvilupp ta’ politiki pubbliċi. Is-sens komun jindika li għandha titħejja opinjoni qasira ta’ natura litteralment “esploratorja” (preparatorja u preliminari), jiġifieri li tagħżel ċerti sorsi Ewropej affidabbli u informattivi, xi wħud isituzzjonali u oħrajn miżmuma mill-NGOs.

2.2   Il-kunċett ta’ “esperimentazzjoni soċjali” mhux dejjem kien imdaħħal fil-prinċipji li jiggwidaw il-politiki Komunitarji. Mingħajr dubju, l-esperimentazzjoni ta’ proġetti żgħar kienet diġà tidher fl-ewwel programm ta’ ġlieda kontra l-faqar (1975-1980). It-tieni programm (1985-1989) kif ukoll it-tielet wieħed (1989-1994) kienu sostnuti mir-rieda, fost affarijiet oħra, li jitwieżnu l-esperjenzi miksuba. Iżda t-terminu ta’ esperimentazzjoni ma ġiex enfasizzat bħala tali. Fl-aħħar nett, filwaqt li l-innovazzjonijiet essenzjali tat-Trattat ta’ Amsterdam u l-progressi konsiderevoli tal-Kunsill ta’ Liżbona għandhom il-volontà li jeżaminaw b’mod konġunt l-eżempji ta’ “prattiki tajbin”, il-programmi nazzjonali jew il-pjanijiet ta’ azzjoni u r-rapporti konġunti dwar il-protezzjoni soċjali taw attenzjoni limitata lill-esperimentazzjonijiet. Fir-rigward tal-“Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni”, dan bilkemm iddedikalhom sforzi u spazju.

2.2.1   U minkejja dan, sar progress kbir matul dawn l-aħħar snin f’dan is-settur tal-politika soċjali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni Ewropea jistħoqqilha l-ikbar mertu għal dan. Il-KESE huwa rikonoxxenti ħafna lejn iż-żewġ laqgħat ta’ ħidma mad-Direttorat Ġenerali tal-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs fejn seta’ b’mod partikulari jirrifletti dwar ir-riżultati impressjonanti tal-programm EQUAL, tal-programm PROGRESS u tal-“valutazzjoni mill-pari”. In-natura ta’ din l-opinjoni u l-ispazju allokat għaliha ma ppermettewx deskrizzjoni dettaljata ta’ din is-sistema.

2.2.2   Fi żmien stipulat ser jitħejja fajl sabiex jintuża fil-ħidmiet tal-laqgħa msemmija hawn fuq, li ser tinżamm fi Grenoble f’Novembru li ġej. Dan ser jinkludi informazzjoni dwar xi eżempji ta’ esperimentazzjonijiet innovattivi li twettqu b’suċċess. Ser jindika l-indirizzi ta’ siti tal-Internet li huma potenzjalment utli.

2.2.3   Xi ftit dettalji: il-programm EQUAL li ħadem għal sitt snin (2002-2008) u li issa skada, investa EUR 3 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew f’innovazzjonijiet soċjali marbuta mas-suq tax-xogħol u mal-inklużjoni soċjali attiva f’bosta Stati tal-Unjoni. Implimenta 3 480 sħubija b’iktar minn 2 000 parteċipant. Inkluda aktar minn 200 000 persuna żvantaġġata. Probabbilment huwa l-iktar programm ġudizzjuz u l-ikbar programm ta’ innovazzjonijiet soċjali li twettaq fl-Ewropa.

2.2.4   Lil hinn miċ-ċifri, huwa tajjeb li jiġi nnotat li, f’isem l-Unjoni, il-programm EQUAL u r-“reviżjoni tal-pari” stabbilixxew l-ewwel ġabra ta’ għarfien metodoloġiku ta’ dan it-tip. Possibbilment dan huwa l-iktar fattur importanti għall-ġejjieni. Parti minn dan it-tagħlim hija ppreżentata b’mod ċar fi gwidi. Għalhekk il-KESE jemmen li hemm bżonn li wieħed ikompli jevalwa r-riżultati u l-benefiċċji ta’ dawn il-programmi fil-qasam tal-inklużjoni soċjali.

2.2.5   Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-azzjonijiet żvelati f’dan l-istadju esploratorju, il-KESE ta attenzjoni partikulari lill-qasam tal-esperimentazzjonijiet innovattivi b’rabta mal-inklużjoni permezz tal-attività ekonomika, f’approċċ ħolistiku. Għal dan il-għan, huwa kkonsulta netwerks ta’ NGOs u ta’ korpi (2) li setgħu jipprovdu, matul seduta (3), każijiet analizzati u evalwati tajjeb ta’ azzjonijiet li twettqu b’suċċess mill-intrapriżi soċjali Ewropej fil-qasam tal-integrazzjoni permezz tax-xogħol. Il-Kumitat jaf tajjeb li l-qasam tal-hekk imsejħa “inklużjoni attiva” huwa ħafna aktar vast minn dan is-settur. Iżda dan jiġbor fih protagonisti kruċjali li għandhom netwerk organizzat tajjeb, u kien importanti li jiġi kkonsultat sa mill-ewwel stadju u bla dewmien.

2.2.6   L-informazzjoni miġbura waqt is-seduta msemmija hawn fuq (16 ta’ Ġunju 2008) u l-minuti tagħha ser jiġu inklużi wkoll f’fajl disponibbli fl-iskadenzi imsemmija hawn fuq. F’din l-opinjoni jistgħu jiġu enfasizzati l-punti li ġejjin:

2.2.6.1   Numru ta’ esperimenti pproduċew riżultati pożittivi ħafna fuq il-bażi ta’ ideat estremament varjati u innovattivi u fil-kuntest ta’ sistemi legali differenti ħafna;

2.2.6.2   Fil-każijiet kollha msemmija, kien hemm kooperazzjoni effettiva mill-partijiet interessati li kienu huma wkoll differenti u impenjati b’mod attiv;

2.2.6.3   F’diversi pajjiżi, il-liġijiet irrikonoxxew u taw qafas lill-azzjonijiet li ttieħdu. Madankollu dan sikwit seħħ b’dewmien esaġerat;

2.2.6.4   F’dan ir-rigward, il-“fattur tal-ħin” huwa essenzjali. F’diversi oqsma hemm tħassib sinjifikanti fir-rigward tal-kontinwità tal-esperimenti (f’dan ir-rigward it-tmiem tal-programm EQUAL iqajjem tħassib kbir). Għalhekk titqajjem il-mistoqsija ta’ kif jistgħu jiġu involuti b’mod aktar fit-tul il-partijiet interessati, b’mod partikulari l-awtoritajiet lokali;

2.2.6.5   Fir-rigward tal-valutazzjoni, il-partijiet kollha interessati jinsistu fuq il-bżonn ta’ stima u kejl globali tar-rapport bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-esperimenti;

2.2.6.6   Il-partijiet kollha jaqblu li r-rwol tal-azzjoni Ewropea huwa essenzjali kemm għat-trasferiment tal-għarfien kif ukoll sabiex jiġi assigurat li l-proġetti li nbdew idumu fiż-żmien.

3.   Ċertezzi

3.1   Il-Kumitat jinsab konvint mill-utilità fundamentali potenzjali tal-esperimentazzjoni innovattiva bħala għodda ta’ tħejjija tal-politiki nazzjonali u transnazzjonali fl-Unjoni Ewropea. Ir-raġunijiet ta’ din il-pożizzjoni jistgħu jitqassru kif ġej:

3.1.1   Kulħadd jaqbel li l-forom kontemporanji tal-faqar u tal-esklużjoni tant huma kumplessi li għal ħafna snin sfidaw kwalunkwe analiżi u eludew kwalunkwe tbassir. Id-dijanjosijiet, b’mod partikulari dawk li twettqu permezz ta’ studji ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, fortunatament imxew ’il quddiem ħafna matul dawn l-aħħar snin. Iżda fir-rigward tas-soluzzjonijiet, l-inqas li jista’ jingħad huwa li għad hemm ħafna fatturi mhux magħrufa u inċertezzi. F’bosta pajjiżi, il-politiki globali implimentati ma laħqux l-għanijiet tagħhom. Id-dispożizzjonijiet ġenerali li ħarġu minn teoriji presupposti rriżultaw li kienu inadegwati, ineffiċjenti, kif ukoll skaduti jew kontroproduttivi, mhux ħafna żmien wara li ġew introdotti; u dan seħħ jew minħabba li fil-prattika ġew injorati l-kawżi prinċipali, id-dettalji speċifiċi u r-rabtiet bejn il-problemi li jridu jiġu solvuti, jew minħabba l-effetti negattivi li ma ġewx previsti jew individwati fil-ħin. Min-natura tagħha stess, l-esperimentazzjoni, permezz ta’ osservazzjoni mill-qrib, għandha tiffaċilita l-aġġustamenti, it-tiswijiet u tgħin li jiġu evitati, b’mod ġenerali, l-“ideat tajbin imma qarrieqa”.

3.1.2   L-użu tal-metodu li l-filosofija ssejjaħ “induttiv” (“ir-realtà trid toħroġ minn dak li nosserva”) huwa fundamentali għax-xjenzjati. L-oppost, il-metodu “deduttiv” (“ir-realtà tista’ biss tkun konformi ma’ dak li naħseb”) fil-passat wassal għal kalkoli ħżiena u żbalji (4) fil-qasam tal-politika soċjali. Ejja nkunu ċari: l-idea hawnhekk mhijiex li tiġi rrakkomandata r-rinunzja tal-politiki globali u s-sostituzzjoni pura u ċara tagħhom b’azzjonijiet puntwali tat-tip esperimentali. Dan ikun assurd. L-għan huwa li jiġi rrakkomandat, fejn huwa possibbli, użu akbar ta’ esperimenti innovattivi sabiex tiġi enfasizzata u appoġġjata t-tħejjija tal-politiki pubbliċi globali. Hija kwistjoni tal-iżvilupp u t-titjib ta’ mekkaniżmu li, fi ħdan l-Unjoni, jista’ jaqdi r-rwol ta’ esperimentazzjoni innovattiva fir-rigward tal-gvernanza tal-Istati u tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

3.1.3   L-esperimentazzjoni tippermetti, ta’ spiss aħjar mill-adozzjoni ġenerali immedjata, li wieħed ikun jaf kif fil-kuntest lokali jistgħu jintrebħu l-impenn u l-kooperazzjoni tad-diversi partijiet interessati, li huma l-eqreb tal-bżonnijiet reali tan-nies.

3.1.4   Toffri d-dritt li jsir żball mingħajr ma tiġi kkawżata l-ebda ħsara u mingħajr, madankollu, ma twassal għal ċertu xettiċiżmu sistematiku.

3.1.5   “L-esperimentazzjoni soċjali” għandha tkun parti integrali mis-sistemi ta’ solidarjetà soċjali u għandha tkun appoġġjata minn kunċetti stabbiliti kif ukoll mir-responsabbiltà tal-partijiet interessati. Bl-istess mod, l-użu tal-esperimentazzjoni għandu jgħin it-tisħiħ u t-twessigħ tal-ambitu ta’ applikazzjoni tal-“Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni”.

3.2   Jekk il-maġġoranza taqbel ma’ dawn l-argumenti xorta m’għandux jiġi injorat il-fatt li għad hemm min għandu d-dubji u l-oġġezzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati u diskussi sabiex jiġi evitat li ċerti azzjonijiet utli jiġu skreditati jew imfixkla.

3.2.1   L-iżjed oġġezzjonijiet frekwenti dwar dan is-suġġett jikkonsistu f’dan li ġej:

3.2.1.1   It-terminu “esperimentazzjoni” fih innifsu kapaċi jaħsad, peress li l-bnedmin mhumiex oġġetti ta’ esperiment; ikun aħjar jekk wieħed juża l-kelma “testijiet” jew aħjar u sempliċiment “innovazzjoni”.

3.2.1.2   It-testijiet fil-qasam soċjali normalment mhuma xejn iżjed ħlief testijiet f’laboratorju – dan kif jista’ jiġi evitat? Kif jistgħu jiġu individwati l-parodiji, l-imitazzjonijiet, ir-rappreżentazzjonijiet żbaljati, l-apparenzi foloz, il-karikaturi, il-getti?

3.2.1.3   Il-fatt li huma speċifiċi għal żoni preċiżi u għal skala limitata jwassal sabiex ikun impossibbli li l-esperimentazzjonijiet jerġgħu jsiru.

3.2.1.4   L-esperimentazzjonijiet qegħdin f’riskju li jintużaw bħala alibi għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li ma tantx huma inklinati li jwettqu riformi ġenerali. Dawn jistgħu jwasslu għal tnaqqis, jew anke t-tneħħija, ta’ miżuri soċjali eżistenti u protettivi.

3.2.1.5   L-esperimentazzjonijiet jistgħu jew joħolqu vantaġġi mhux ġusti għal xi wħud, jew inkella f’każ li l-esperimenti jiġu abbandunati, li joħolqu benefiċċji mumentaji, tranżitorji u li jikkawżaw diżappunti ħorox.

3.2.1.6   Kemm għandhom jiġu fdati l-protokolli tal-valutazzjoni?

3.3   Sabiex inaqqas dawn l-oppożizzjonijiet u nuqqasijiet, il-KESE jemmen li huwa importanti li jkun hemm definizzjoni stretta tal-esperimentazzjonijiet li jistgħu jkunu mħeġġa u mwettqa permezz tal-appoġġ u l-attenzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ kwalunkwe tip.

3.3.1   Fil-punt 2.1.2 ta’ din l-opinjoni hemm imniżżel li l-“esperimentazzjoni soċjali” sal-lum għadha kunċett imċajpar. Din mhijiex rimarka frivola min-naħa tal-Kumitat. Kieku kien il-każ, dan la jkun divertenti, la utli u lanqas dinjituż; iżda dan mhux il-każ. Għall-kuntrarju, il-Kumitat huwa mmotivat mix-xewqa li jikkontribwixxi għal diskussjoni wiesgħa bil-għan li jitneħħa kemm jista’ jkun dan in-nuqqas ta’ ċarezza.

3.3.2   L-ewwel pass li għandu jittieħed bla dubju ta’ xejn huwa li jkun hemm qbil fuq definizzjoni. Il-kompitu huwa kkumplikat minħabba l-ambigwitajiet profondi li jitilgħu fil-wiċċ b’mod rikorrenti. L-aktar punt importanti huwa li jiġi identifikat jekk l-iskop tal-“esperimentazzjoni soċjali” huwiex li jiġu vvalidati metodi eżistenti jew jekk huwiex li jistimola l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet ġenwini.

3.3.3   Il-Kumitat ried jevita li jitgħabba bl-analiżi ta’ lista dottrinali u semantika ta’ definizzjonijiet. Iffoka minflok fuq żewġ definizzjonijiet:

3.3.3.1   Waħda ġejja minn istitut Amerikan rinomat fis-settur (5), u hija magħmula minn erba’ stadji:

l-allokazzjoni fortuwita tal-benefiċjarji u ta’ grupp ta’ kontroll (random assignment);

mekkaniżmu ta’ politika pubblika (policy intervention);

mekkaniżmu ta’ segwitu (follow up data collection);

evalwazzjoni (evaluation).

3.3.3.2   Id-denifinizzjoni l-oħra ġiet stabbilita mill-awtorità Franċiża li talbet din l-opinjoni u tipproponi l-elementi li ġejjin:

innovazjoni ta’ politika soċjali, inizjalment fuq skala żgħira, b’kunsiderazzjoni tal-inċertezzi relatati mal-effettività tagħha;

l-implimentazzjoni f’kundizzjonijiet li jippermettu li dawn l-effetti jiġu evalwati; u

il-prospettiva ta’ applikazzjoni fuq skala akbar.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bla dubju jippreferi u jappoġġja din it-tieni definizzjoni.

3.3.4   Nerġgħu nfakkru li l-ideat ta’ innovazzjoni esperimentali qegħdin jiżdiedu. L-intenzjonijiet tajbin vagi ma jonqsux; “it-triq għall-infern miksija bihom”. U l-agħar ħaġa li tista’ ssir fir-rigward tal-kunċett ta’ “esperimentazzjoni soċjali”, għall-futur tiegħu, hija li jinfetħu l-bibien għal inizjattivi kkundannati minn qabel għall-falliment jew li qatt ma jistgħu jiġu riprodotti.

3.3.5   Il-programm EQUAL b’mod partikulari serva sabiex jiġu żviluppati regoli u metodi li jippermettu li jiġu ttestjati l-fatturi għas-suċċess jew għall-falliment. Il-Kumitat jenfasizza u jilqa’ dan ix-xogħol imwettaq prinċipalment għall-intenzjoni tal-amministraturi tal-Fond Soċjali Ewropew, iżda li jista’ jintuża mill-awtoritajiet lokali jew nazzjonali li jieħdu d-deċiżjonijiet u li jixtiequ jniedu proġetti esperimentali innovattivi.

3.3.6   Għandhom jiġu kkunsidrati biss l-esperimentazzjonijiet li jinkludu:

3.3.6.1

Mekkaniżmi ddatati u innumerati b’mod ċar;

3.3.6.2

Programmazzjoni preċiża tal-mezzi implimentati;

3.3.6.3

L-impenn definittiv u reali u l-kooperazzjoni kontinwa tad-diversi partijiet interessati: awtoritajiet pubbliċi, riċerkaturi, imsieħba soċjali, partijiet interessati oħra tas-soċjetà ċivili (fondazzjonijiet, koperattivi, intrapriżi mutwi, assoċjazzjonijiet, eċċ.);

3.3.6.4

Miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva u awtentika tal-gruppi kkonċernati fl-esperimentazzjoni għall-ħolqien, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ dawn ir-riżultati, u għalhekk għall-“kostruzzjoni konġunta” tal-esperimentazzjonijiet u tal-politiki. Fil-kultura Ewropea, il-bnedmin mhumiex essenzjalment “megħjuna mill-Istat”, “utenti”, “suġġetti”, “kostitwenti”, “klijenti”, “votanti”, eċċ. Huma persuni.

3.3.6.5

Sistema ta’ segwitu u fuq kollox ta’ valutazzjoni stabbilita metodoloġikament – fis-sens wiesa’ tal-kelma – u mħabbra b’mod ċar qabel ma jitnieda l-proġett. Din is-sistema għandha tinkludi studji ġenwini ta’ impatt, tinvolvi esperti affidabbli u tinħoloq b’tali mod li tippermetti b’mod partikulari stima serja ta’ kemm ser idumu japplikaw ir-riżultati;

3.3.6.6

Valutazzjoni rilevanti tal-possibilitajiet ta’ riproduttività tal-esperimenti (fl-għarfien li proġett li ma jistax jiġi trasferit jista’ xorta waħda jinkludi elementi u komponenti informattivi ħafna fihom infushom).

3.3.7   Il-lista ta’ dawn il-kundizzjonijiet, li diġà hija waħda twila, ma tkunx tista’ tiggarantixxi b’ċertezza s-suċċess ta’ esperimentazzjoni. Iżda r-riskju ta’ falliment għandu jiġi aċċettat minn qabel, inkella l-esperimentazzjoni jkolha titwarrab minħabba Iistess natura tagħha.

4.   Rakkomandazzjonijiet

4.1   Linji gwida ġenerali

4.1.1   La l-esperimentazzjoni u lanqas l-innovazzjoni għadhom ma jagħmlu tassew parti mill-istrateġija soċjali Ewropea u għalhekk lanqas mill-“Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni”. Madankollu matul dawn l-aħħar snin dehru ċerti elementi ta’ konverġenza kunċettwali: l-idea tal-immodernizzar tal-politika soċjali; il-valutazzjoni bħala waħda mill-punti fundamentali ta’ gvernanza tajba, it-tagħlim reċiproku u t-trasferiment ta’ prattiki tajbin. Fit-2 ta’ Lulju 2008, il-Kumissjoni adottat l-Aġenda soċjali mġedda, li tinkudi komunikazzjoni importanti dwar it-tisħiħ tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni soċjali. It-test jenfasizza li l-programm PROGRESS ser jappoġġja l-“esperimentazzjonijiet soċjali”. Iżda l-għan huwa li wieħed jippersevera u jipprogressa f’din it-triq, u tajjeb li wieħed jiżgura li l-prinċipji li jiggvernaw il-programm EQUAL jiġu integrati b’mod effettiv fil-ġestjoni u fit-tħaddim fil-futur tal-Fond Soċjali Ewropew. Lil hinn mill-azzjonijiet li diġà ttieħdu, m’hemm l-ebda raġuni għaliex m’għandniex nimmaġinaw jew nirrakkomandaw li l-Fond Soċjali Ewropew jew il-Fondi Strutturali jiġu inklużi fil-kuntest tal-programmi ta’ innovazzjoni tal-inklużjoni attiva.

4.1.2   Il-KESE jirrakkomanda li tingħata konsiderazzjoni lil approċċ jew kunċett aktar integrat fl-għadd kbir u diversifikat ta’ programmi Ewropej, b’tali mod li tiġi promossa aktar l-“esperimentazzjoni soċjali” innovattiva fil-qasam tal-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali. Hawnhekk wieħed jista’ jaħseb fi programmi bħas-Seba’ Programm ta’ Riċerka u Żvilupp, ċerti programmi ta’ żvilupp reġjonali (Jeremi, Jaspers, Mikrokrediti), ċerti programi ta’ żvilupp rurali (bħall-programm Leader) u fejn huwa possibbli programmi relatati mal-iżvilupp sostenibbli.

4.2   Jekk il-proġetti ta’ “esperimentazzjoni soċjali” b’rabta mal-ġlieda kontra l-esklużjoni jiddependu prinċipalment mill-inizjattiva ta’ partijiet interessati lokali u nazzjonali, l-azzjoni tal-awtoritajiet Ewropej, u b’mod speċifiku tal-Kummissjoni, tista’ tintensifika ruħha u tħalli effett ta’ lieva deċiżiv. Il-perjodu attwali huwa wieħed opportun f’dan ir-rigward.

4.3   Għal dan il-għan, huwa importanti ħafna li jiġi promoss għarfien aħjar tar-realtajiet fir-rigward tas-27 pajjiż tal-Unjoni. Din hija waħda mill-preokupazzjonijiet prinċipali li minħabba fihom ntalbet din l-opinjoni, li, b’kunsiderazzjoni tal-iskeda u l-ambitu ta’ applikazzjoni, setgħet biss tkun l-ewwel pass - din hija x-xewqa tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - li jipprepara l-bażi għal żviluppi ulterjuri.

4.3.1   F’dan ir-rigward, il-Kumitat ma jirrakkomandax il-ħolqien ta’ osservatorju ieħor ibbażat fuq il-mudell istituzzjonali tradizzjonali. Huwa jikkunsidra li din is-soluzzjoni kumplessa u għalja ser tkun kontroproduttiva. Madankollu, jirrakkomanda b’insistenza l-ħolqien ta’ mekkaniżmu fil-forma ta’ netwerk Ewropew, li jkollu l-għan li jiżviluppa u jaqsam l-għarfien dwar l-eżistenza, in-natura, il-kontenut, id-dispożizzjonijiet, it-tagħlim u r-riżultati tal-esperimentazzjonijiet imwettqa fl-Istati Membri tal-Unjoni. Dan il-mekkaniżmu għandu jassoċja firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati: korpi ta’ riċerka, imsieħba ta’ proġetti konġunti (imsieħba politiċi, ekonomiċi, soċjali, eċċ.). Huwa importanti li l-Unjoni Ewropea taqdi rwol mexxej fl-implimentazzjoni, il-koordinazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli ta’ din in-netwerk. Dan ir-rwol għandu jitqiegħed taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni. Min-naħa tiegħu, il-KESE għandu postu u, jekk jiġi mistieden, jipparteċipa bil-qalb kollha, fil-limiti tal-kapaċitajiet tiegħu, bħala “pont” mas-“soċjetà ċivili organizzata”.

4.3.2   Il-Kumitat jirrakkomanda li jsir użu effettiv tas-sorsi diġà eżistenti: rapport tal-programm EQUAL, peer review, metodi magħrufa tal-NGOs (6).

4.3.3   Il-Kumitat jissuġġerixxi li jittieħdu miżuri attivi sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet għall-programmi nazzjonali u r-rapporti konġunti jinkludu żviluppi informattivi dwar l-esperimentazzjonijiet soċjali innovattivi.

4.3.4   Il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jorganizzaw flimkien u b’mod sistematiku mill-inqas laqgħa kull sena dwar l-“esperimentazzjoni soċjali”, u li tiffoka kull darba fuq aspetti operattivi speċifiċi. B’mod aktar speċifiku, il-programm tas-Sena Ewropea tal-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali jista’ jinkludi wkoll numru ta’ avvenimenti għal ħidma komuni dwar dawn is-suġġetti.

4.3.5   Ikun pass għaqli jekk jiżdiedu l-laqgħat Ewropej lokali bħal-“laqgħat ta’ evalwazzjoni mill-pari”.

4.3.6   L-għan ta’ dawn il-ftit rakkomandazzjonijiet għandu jkun li gradwalment tiġi stabbilita mappa progressiva tal-proġetti lokali ta’ inklużjoni attiva li jistgħu jkunu eliġibbli għall-appoġġ Komunitarju u li jistgħu jgħinu jwittu t-triq għall-esperimenti soċjali transnazzjonali. Iċ-ċensiment regolari ta’ każijiet ta’ suċċess (success stories) jista’ jipprovdi proċess utli ta’ skambji Komunitarji u ta’ trasferiment ta’ esperjenza fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

4.4   Il-Kumitat jixtieq ħafna li fil-futur ikun hemm disponibbli ammont mill-fondi f’livell simili għal dak allokat għall-programm EQUAL.

4.5   Ta’ min jinnota – huwa fatt li tabilħaqq jagħmlilhom unur – li huma r-responsabbli u dawk l-aktar familjari mal-mekkaniżmu EQUAL li jinsistu fuq l-isforzi ta’ riflessjoni u l-ippjanar li għad iridu jsiru fir-rigward tal-“esperimentazzjoni soċjali”, u l-aħjar mod kif l-Unjoni Ewropea tista’ ssaħħaħ l-azzjoni u tibni fuq l-għarfien tagħha, b’mod partikulari rigward il-probabilità, ir-riproduttività u l-kodiċi tal-etika. Il-Kumitat jissuġġerixxi li sabiex ikun hemm għajnuna għall-iżvilupp ta’ dan id-dossier, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill iħejji rapport li jeżamina, minn angoli differenti, il-kwistjoni tal-valur miżjud mistenni mill-“esperimentazzjoni soċjali” fl-Ewropa, filwaqt li jwieġeb, b’mod partikulari, mistoqsijiet bħal dawn li ġejjin:

4.5.1   Għad m’għandniex stampa ċara tad-distakk li sikwit jeżisti bejn l-esperimentazzjoni soċjali u r-rikonoxximent tagħha u, fuq kollox, tal-applikazzjoni ġenerali tagħha. Dan l-ostakolu ma ntlaħaqx b’kumbinazzjoni u mhuwiex il-frott ta’ aċċident jew koinċidenzi banali. Jirrappreżenta distakk reali. Hemm bżonn li dan jingħata konsiderazzjoni xierqa.

4.5.2   Hemm bżonn li jiġu stabbiliti limiti preċiżi ta’ daqs sabiex jiġu identifikati liema esperimentazzjonijiet soċjali u innovazzjonijiet jistgħu jiġu kkunsidrati?

4.5.3   Hemm bżonn li jiġu speċifikati l-linji kunċettwali li jisseparaw dawk li jistħoqqilhom li jissejħu innovazzjoni minn dawk li ma jistħoqqilhomx? Jekk iva, kif?

4.5.4   L-esperimentazzjonijiet relatati mal-inklużjoni essenzjalment jiffukaw fuq ir-rimedju tal-ħażin li diġà sar; fi kliem ieħor jikkonċentraw fuq il-kura. Kif, waqt li nibqgħu għaddejjin f’din it-triq, nistgħu nżidu r-rwol tal-prevenzjoni, billi nippruvaw nantiċipaw aktar l-isfidi tal-ġejjini (demografiċi, ekonomiċi, soċjoloġiċi, eċċ.) li għadhom mhumiex sinjifikanti?

4.5.5   Kif jistgħu jitwessgħu s-sħubiji bejn il-partijiet interessati milquta mill-inklużjoni attiva? Kif nistgħu niżviluppaw is-sinerġiji bejn l-assoċjazzjonijiet, l-intrapriżi li għadhom ser jibdew u l-intrapriżi tal-liġi komuni, sabiex jiġu żviluppati u pperfezzjonati strateġiji veritabbli ta’ inklużjoni? Kif nistgħu nsaħħu u nżidu n-numru ta’ rabtiet bejn l-esklużjoni u l-inklużjoni fil-qafas tal-iżvilupp mill-ġdid tar-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi? Għandna nippromovu ideat bħall-kooperazzjoni mal-kunsilli tax-xogħol, pereżempju, jew nitolbu lill-kumpaniji li jimpjegaw aktar minn ċertu numru ta’ ħaddiema li jippubblikaw rapport annwali fuq dawn il-kwistjonijiet?

5.   Konklużjoni

5.1   Illum, “l-esperimentazzjoni soċjali” hija waħda mill-iktar sfidi importanti li qed tiffaċċja l-gvernanza pubblika fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-livell ċentrali u deċentralizzat jew f’dak tal-Istati Membri jew tal-Unjoni Ewropea. Hija metodoloġija kumplessa, esiġenti, li tista’ tittejjeb u tkun utli fuq perijodu fit-tul.

5.1.1   Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-politiki pubbliċi globali ma jistgħu bl-ebda mod jiġu sostitwiti minn azzjonijiet esperimentali puntwali. Il-Kumitat iqis li użu iktar wiesa’ tal-esperimentazzjoni innovattiva jista’ jgħin fit-tfassil ta’ dawn il-politiki.

5.2   L-Unjoni Ewropea għandha l-awtorità li tiddefinixxi l-qafas tal-politiki nazzjonali u lokali. Dan huwa wieħed mill-kompiti essenzjali tagħha. Hawn il-kuntest huwa l-ġlieda kontra l-faqar u għall-inklużjoni attiva. Diġà nediet u wettqet miżura pijuniera, kuraġġuża u għaqlija. Iżda tista’ tmur aktar ’il bogħod; fl-interess li sservi, fil-qasam ikkunsidrat, il-futur tal-Ewropa u fid-dawl tal-importanza li l-pubbliku jagħti lil din il-kwistjoni.

5.3   Il-KESE jirrakkomanda li l-Unjoni timpenja ruħha b’mod espliċitu sabiex tippromovi, issegwi u tappoġġja b’mod aktar attiv l-esperimentazzjoni soċjali innovattiva fl-għadd kbir ta’ oqsma delikati u essenzjali marbutin mal-politiki ta’ inklużjoni billi tieħu l-ħin u r-riżorsi neċessarji mingħajr ma toħloq illużjonijiet.

Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ċentrali, federali, konfederali, jew oħrajn.

(2)  Il-Conseil National de l'Insertion par l'Activité Economique (CNIAE), in-Netwerk Ewropew ta’ Assoċjazzjonijiet għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (EAPN), l-EMES, in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi Soċjali tal-Inklużjoni (ENSIE), il-Federazzjoni Ewropea ta’ Assoċjazzjonijiet Nazzjonali li jaħdmu mal-persuni mingħajr dar (FEANTSA).

(3)  Inżammet seduta fis-16 ta’ Ġunju 2008 wara l-laqgħa preparatorja tat-22 ta’ April 2008.

(4)  Ta’ min ifakkar li, b’mod aktar drammatiku u fuq skala kompletament differenti, ideoloġiji u dommi ta’ kull tip kienu u għadhom kapaċi jipprovokaw katastrofijiet orribbli.

(5)  URBA Institute.

(6)  F’dan ir-rigward, il-grupp ta’ kuntatt maħluq bejn l-NGOs u l-KESE jista’ jintalab jagħti l-kontribut tiegħu.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Id-dimensjoni etika u soċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej

2009/C 100/14

Nhar il-25 ta’ Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mar-Regola 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Id-dimensjoni etika u soċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur IOZIA.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-23 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’122 vot favur, 23 vot kontra u 45 astensjoni.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-iżviluppi reċenti b’rabta mal-kriżi finanzjarja, li kienu imprevidibbli u mhux mistennija fir-rigward tal-iskala tat-telf u l-inkapaċità tal-istrumenti regolatorji li nħolqu biex iħarsu s-suq, u b’hekk ukoll lil dawk kollha li poġġew flushom fil-banek tat-tfaddil, l-investituri u l-intrapriżi, jesiġu dibattitu speċifiku u usa’ dwar is-suġġetti diskussi f’din l-opinjoni. Is-sensiela ta’ fallimenti fid-dinja kollha, u l-għajnuna li kellha tingħata lill-banek u lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni li fid-deher kienu b’saħħithom ħafna, ħolqu ħafna ansjetà u tħassib serju fost miljuni ta’ ċittadini Ewropej.

1.1.1   Il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Ottubru iffoka l-aktar fuq il-kriżi finanzjarja u esprima d-determinazzjoni tiegħu li ssir ħidma bi sħab għall-ħarsien tas-sistema finanzjarja Ewropea u ta’ kull min għandu flus iddepożitati fil-banek. Wara l-laqgħa tal-Eurogrupp, il-Kunsill kollu approva l-prinċipji definiti fil-laqgħa ta’ Pariġi tat-12 ta’ Ottubru, maħsuba biex jippreservaw l-istabilità tas-sistema, isaħħu s-superviżjoni tas-settur finanzjarju Ewropew, b’mod partikolari l-gruppi transnazzjonali, itejbu l-koordinazzjoni tas-superviżjoni fil-livell Ewropew, jappoġġjaw l-istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin, jevitaw il-fallimenti u jħarsu d-depożiti fil-banek.

1.1.2   Il-Kunsill ħeġġeġ ukoll li titħaffef il-proċedura b’rabta mad-direttiva għar-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni u s-sikurezza tad-depożiti, u ħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw miżuri maħsuba biex ir-rimunerazzjonijiet tad-diriġenti u l-opzjonijiet fuq l-ishma, b’mod partikolari fis-settur finanzjarju, ma jwasslux għal teħid ta’ riskji eċċessivi jew konċentrazzjoni żejda fuq l-objettivi għall-perijodu qasir.

1.1.3   Il-Kunsill saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li t-tkabbir u l-impjiegi jiġu appoġġjati, u fl-istess ħin għandha ssir riforma radikali tas-sistema finanzjarja internazzjonali msejsa fuq il-prinċipji tat-trasparenza, is-solidità bankarja, ir-responsabbiltà, l-integrità u l-gvernanza dinjija għall-prevenzjoni tal-konflitti ta’ interess.

1.1.4   Il-KESE ilu għal bosta snin jitlob għal miżuri biex jissaħħu l-istrumenti regolatorji, għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni, għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-miżuri ta’ superviżjoni, iżda ma ngħatax widen; kien ikkundanna wkoll ir-riskji eċċessivi meħuda mis-sistemi bankarji Ewropej u internazzjonali, li kienu sostnuti minn sistemi anormali ta’ rimunerazzjonijiet li jipproduċu riżultati f’qasir żmien, li ġiegħlu lill-operaturi tas-settur iniedu kampanji ta’ bejgħ xejn għaqlija għal prodotti b’riskju kbir.

1.1.5   Minkejja l-iskandli finanzjarji, li ġraw fl-Ewropa wkoll, fil-prattika ma sar xejn u issa li l-iskala tal-kriżi jista’ jkollha konsegwenzi serji fuq l-ekonomija kollha, qed nindunaw li l-wegħdiet ta’ kapitaliżmu sfrenat u irresponsabbli, ta’ tkabbir eċċessiv u bla rażan kienu foloz u kienu jħabbru biss kriżi profonda.

1.1.6   Dan il-mudell issa daħal fl-aħħar fażi tiegħu, u ma nistgħux inreġġgħuh lura. Il-KESE jittama li sa fl-aħħar l-istituzzjonijiet politiċi jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom u:

isaħħu l għanijiet u l-kompetenza tal-awtoritajiet regolatorji;

jipprojbixxu ż-żamma ta’ fondi, krediti u ishma ekstrabaġitarji;

iżidu u jistandardizzaw l-attivitajiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali;

jimponu standards aktar adatti u trasparenti għall-attivitajiet tal-hedge funds, il-banek ta’ investiment, l-istrumenti strutturati off-shore għall-appoġġ ta’ attivitajiet finanzjarji, il-fondi sovrani u l-equity funds, billi jiġu ssorveljati mill-awtoritajiet u billi jiġu ddeterminati n-natura u l-istatus tagħhom ta’ “intrapriżi” li huma rregolati skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, kif intalab mill-Parlament Ewropew;

ibiddlu s-sistema tat-taxxi, jevitaw inċentivi jew tnaqqis fil-konfront ta’ riskji kbar jew dejn eċċessiv;

iwaqqfu Aġenzija Ewropea għall-Klassifikazzjoni;

jirregolaw is-sistema tar-rimunerazzjonijiet tal-ogħla diriġenti ,u tal-inċentivi għall-bejgħ ta’ prodotti finanzjarji li huma inadegwati għall-operaturi, kif talab il-Kunsill innifsu;

jissorveljaw is-swieq li mhumiex regolati;

jadattaw l-obbligi marbuta mal-kapital għall-prodotti finanzjari kumplessi u l-prodotti derivati.

1.1.7   Il-KESE huwa persważ li l-kriżi finanzjarja gravi u x-xewqa li negħlbu l-kapitaliżmu tal-każinò darba għal dejjem jistgħu jipprovdu l-opportunità li jiġu adottati l-aktar miżuri adatti biex inħarsu l-ġejjieni tas-sistema finanzjarja, u fl-istess ħin, nagħtu nifs ġdid lill-ekonomija. Hemm bżonn ta’ sforz kollettiv, li jkun kbir biżżejjed li jegħleb il-periklu li l-virus skopert fis-settur finanzjarju jinfetta l-ekonomija reali kollha. L-investiment fl-infrastruttura, u l-investiment għall-ħarsien tal-ambjent, bħall-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-innovazzjoni u r-riċerka jistgħu jgħinu biex jissodisfaw id-domanda. Fond Ewropew ġdid, li jista’ jitmexxa mill-BEI, u li jkun garantit mill-Istati Membri, jista’ jsolvi l-problemi maħluqa permezz tal-iffriżar tal-finanzjament tal-ekonomija, b’mod partikolari l-ekonomija li l-aktar teħtieġ investiment għall-perijodu qasir jew medju.

1.1.8   Il-KESE japprezza kulma sar sa issa mill-Istati Membri, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kunsill u jitlob l-istituzzjonijiet Ewropej kollha jagħtu prova ta’ solidarjetà u rapidità f’din is-sitwazzjoni tant serja għaċ-ċittadini, il-ħaddiema u l-intrapriżi biex is-sistema finanzjarja Ewropea u dinjija terġa’ tibda taħdem tajjeb.

1.1.9   Il-KESE jittama wkoll li minbarra l-miżuri finanzjarji meħtieġa, li tpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ dan l-objettiv prijoritarju, isiru l-isforzi kollha possibbli biex il-kriżi ekonomika titrażżan.

1.1.10   Mijiet ta’ biljuni ta’ euro ġew mobilizzati biex jissalvaw il-banek; il-KESE jittama li s-settur tal-intrapriżi jissalva bl-istess enerġija u prontezza, b’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, billi tiġi appoġġjata d-domanda, anke permezz taż-żieda tas-salarji u l-pensjonijiet, biex nevitaw li r-reċessjoni ma tinbidilx malajr f’dipressjoni.

1.2   Ir-rikkezza tad-diversità fil-provvista tas-servizzi finanzjarji tista’ titqabbel mad-diversità fid-dinja naturali. Illum il-ġurnata l-ħarsien tal-bijodiversità huwa karatteristika permanenti tal-kuxjenza pubblika. Il-ħarsien tal-bijodiversità tal-fornituri tas-servizzi finanzjarji huwa wkoll element fil-wirt kulturali u soċjali Ewropew li m’għandux jinħela; minflok għandu jiġi sostnut, minħabba li jirrappreżenta valur soċjali kbir. Id-dimensjoni etika u soċjali tas-sistema finanzjarja Ewropea għandha tissaħħaħ u titħares.

1.3   L-Artikolu 2(3) tat-Trattat ta’ Liżbona jistipula li “(L-Unjoni) għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent. Hija għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew.”

1.4   L-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri ser ikollhom jimpenjaw ruħhom li jrawmu u jsostnu d-dimensjoni etika u soċjali tas-suq finanzjaru, kif ukoll il-kapaċità kompetittiva tagħha. Ekonomija soċjali tas-suq tfisser ukoll ekonomija soċjalment ġusta (1) ; jew l-ekonomija soċjali tas-suq tippermetti li l-ekonomija tikseb il-mira ewlenija tagħha, li hija l-prosperità u l-benesseri tan-nies, li tipproteġihom mill-bżonn  (2).

1.5   Fit-tnedija tal-proposta tiegħu biex iwaqqaf kumitat Ewropew ta’ livell għoli sabiex jirreaġixxi għall-kriżi fis-swieq finanzjarji, jidentifika regoli ġodda, u jiġġieled il-finanzjament attwali “li ma jistax imexxina”, Jacques Delors argumenta li l-kriżi attwali hija “il-falliment ta’ swieq bi ftit jew l-ebda regolamentazzjoni, u għal darba oħra jurina li s-suq finanzjarju mhux kapaċi jwettaq awtoregolamentazzjoni.”

1.6   Il-kriżi ta’ dan l-aħħar turi li, minbarra li huma parti mill-wirt kulturali u storiku Ewropew, il-pluraliżmu u l-bijodiversità fis-sistema finanzjarja huma neċessarji biex ikun hemm inizjattivi ta’ kontenut etiku/soċjali, u huma wkoll fatturi ewlenin biex tiżdied il-kompetittività u jitnaqqas ir-riskju li jkun hemm kriżi sistematika fis-sistemi finanzjarji.

1.7   It-tkabbir ekonomiku lil hinn minn ċerti limiti, u mingħajr il-possibbiltà li jiġu ssodisfatti bżonnijiet oħra, ma jżidx il-ferħ tal-bniedem. Ir-rwol dominanti tal-finanzi spekulattivi fl-ekonomija reali, għandu jitnaqqas u jingħata direzzjoni mill-ġdid lejn kondotta aktar raġonevoli li hija soċjalment sostenibbli u etikament aċċettabbli.

1.8   Għalhekk għandu jiġi promoss ir-rwol ta’ finanzi etiċi u soċjalment responsabbli. Il-punt ta’ tluq tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali huwa li f’dan il-qasam, m’għandux ikun hemm lok għal approċċ imsejjes fuq intervent li jibda mill-ogħla livell (top-down), billi l-esperjenza turina li huwa xieraq li l-inizjattivi mmexxija mil-lat soċjali u etiku jinbtu spontanjament minn livell baxx.

1.9   Id-dimensjoni etika mhijiex biss marbuta ma’ tip speċifiku ta’ intrapriża. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lir-rwol dokumentat u importanti tal-banek tat-tfaddil u ta’ medda ta’ movimenti kooperattivi fil-promozzjoni ta’ inizjattivi etiċi/soċjali u t-trawwim tal-iżvilupp ta’ sistemi lokali. Minkejja li dan ir-rwol ġie rikonoxxut mit-trattat Ewropew, ċerti Stati Membri għadhom ma jarfuhx u ma jirrispettawhx. Għandhom isiru sforzi sabiex jiġi assigurat għarfien iktar sistematiku u mifrux ta’ dan it-tip ta’ gvernanza soċjali. L-appelli reċenti lill-Kummissjoni Ewropea, kontra l-moviment kooperattiv promoss fl-Italja, Spanja, Franza u n-Norveġja, iservu biex jenfasizzaw din il-ħtieġa, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Ewropea xierqa.

1.10   Il-KESE jikkunsidra li l-qafas leġiżlattiv qatt ma jkun newtrali fir-rigward tal-imġiba ta’ organizzazzjonijiet jew individwi. Fuq il-bażi ta’ din l-osservazzjoni, il-KESE jemmen li, f’sistema li diġà tħeġġeġ ċerti tipi ta’ mġiba, l-idea li jiġi sistematizzat u ġeneralizzat il-prinċipju li, kull fejn jeżistu inizjattivi etiċi/soċjali, għandha tapplika sistema ta’ kumpens, tissodisfa l-kriterju ta’ ġustizzja u razzjonalità applikabbli għar-rwol pubbliku fl-ekonomija u s-soċjetà.

1.11   Kull darba li jistgħu jinġabu provi li organizzazzjoni speċifika rrinunzjat, almenu parzjalment iżda fuq bazi strutturali u permanenti, il-prinċipju tal-ikbar profitt possibbli għall-promozzjoni ta’ inizjattivi ta’ natura etika jew soċjali, għandha tkun tista’ tibbenefika minn regoli fiskali u regolatorji li jkunu differenti minn dawk ġenerali, għajr ir-regoli ta’ prudenza essenzjali, almenu parzjalment. F’xi Stati Membri, ċerti investituri etiċi diġà jgawdu minn deroga mid-direttiva bankarja: għandhom isiru sforzi biex dan il-prinċipju jiġi estiż għall-Istati Membri kollha.

1.12   Il-KESE jistaqsi jekk l-inizjattivi b’rabtiet etiċi/soċjali min-naħa ta’ organizzazzjonijiet li tipikament ikollhom skop ta’ profitt għandhomx igawdu minn benefiċċji fiskali jew regolatorji. Organizzazzjoni li għandha l-għan li tagħmel profitt tniedi inizjattiva li hija strutturalment separata min-negozju tipiku tagħha: m’għandux ikun hemm dubju dwar kemm hu xieraq li jingħata kumpens meta mqabbel mat-trattament tas-soltu. Jekk, mill-banda l-oħra l-inizjattivi ma jistgħux jinqasmu strutturalment min-negozju tipiku tagħha, għandu jkun hemm iktar dibattitu biex jiġi analizzat jekk huwiex xieraq li tiġi introdotta sistema ta’ kumpens.

1.13   Ftit li xejn tingħata attenzjoni lid-dimensjoni soċjali f’ħafna oqsma tas-suq. Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) tappoġġja tkabbir kostanti u kompatibbli li jirrispetta d-dinjità umana u dik ambjentali. Għall-kuntrarju, is-sistemi ta’ bonus marbuta esklużivament mal-kwantitajiet tal-prodott mibjugħ, aktar milli mal-kwalità tas-servizz, qed iqanqlu nuqqas ta’ sodisfazzjon kbir fost il-klijenti u fost il-ħaddiema li jkollhom tensjoni kbira kkawżata minħabba s-sindromu tal-“budgetitis” bħala riżultat ta’ pressjoni kummerċjali kontinwa.

1.14   Il-KESE jikkunsidra li l-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi applikat b’mod sistematiku u mmirat; skont dan il-prinċipju, intermedjarju żgħir li jwettaq transazzjonijiet sempliċi ma jistax ikun soġġett għall-istess piż regolatorju bħal organizzazzjoni kumplessa multinazzjonali, għalkemm għandhom jinżammu l-istess garanziji tas-suq. Ir-regoli huma imposti biex iħarsu s-suq.

1.15   Billi tassigura li l-Istati Membri ma jadottawx miżuri li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħti l-kontribut tagħha biex tħares id-diversità fil-provvista tas-servizzi finanzjarji, bankarji u tal-assigurazzjoni. Ir-regoli tal-għajnuna tal-Istat għandhom iqisu dan l-aspett.

1.16   Il-kapitaliżmu tal-każinò u t-turbo-kapitaliżmu mmiraw lejn kumpaniji industrijali u finanzjarji li, frammentati minn mewġa ta’ bejgħ, tilfu s-saħħa li kellhom qabel, u eluf ta’ ħaddiema, familji, azzjonisti, u l-ekonomija inġenerali nqabdu fil-“qerda” tal-valur intrinsiku kkawżat minn dawn l-operazzjonijiet, li warajhom ħallew biss tifrik.

1.17   Fl-opinjoni attwali, il-KESE għal darb’oħra jisħaq fuq il-bżonn li l-ekonomija sservi lill-bniedem, kif jargumenta wieħed mill-ekonomisti ewlenin (3) : L-akbar periklu jinsab meta jkun hemm subordinazzjoni tat-twemmin għall-bżonnijiet ta’ sistema industrijali moderna. […] Dawn huma li t-teknoloġija hija dejjem ħaġa tajba; li t-tkabbir ekonomiku huwa dejjem tajjeb; li l-kumpaniji għandhom dejjem jespandu; li l-konsum tal-prodotti huwa s-sors prinċipali tal-ferħ; li l-għażż huwa ħażin; u li xejn ma għandu jimpedixxi l-prijorità li tingħata lit-teknoloġija, lit-tkabbir u liż-żieda fil-konsum.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-etika u l-impuls soċjali

2.1.1   Il-filosofija Griega stabbiliet sisien sodi għaċ-ċivilizzazzjoni tal-Punent, u issa nistgħu nagħmlu użu minn din il-filosofija sabiex niddefinixxu, l-ewwel nett, il-kunċetti “etiċi” u “soċjali”.

2.1.2   Skont Aristotli, l-għan tal-etika huwa l-ġid tal-bniedem, li m’għandux jinftiehem b’mod astratt, iżda bħala l-massimu tal-prodotti li jistgħu jiġu akkwistati u miksuba permezz tal-azzjoni. L-akbar ġid li l-individwi jippruvaw jiksbu huwa l-ferħ, l-akbar forma ta’ ferħ tinsab fl-imġiba nobbli.

2.1.3   Fl-istess waqt, il-ferħ huwa l-aħjar u l-isbaħ ħaġa u l-aktar ħaġa li tagħti pjaċir, u dawn il-kwalitajiet m’għandhomx jinqasmu, bħalma wieħed isib fl-iskrizzjoni f’Delos:

“(a)

Mill-affarijiet kollha, l-isbaħ ħaġa hija l-ġustizzja;

(b)

l-aktar bżonjuża hija s-saħħa;

(c)

iżda l-aktar pjaċevoli hija li jkollok xi ħaġa maħbuba.

(d)

Dawn il-kwalitajiet huma tal-aħjar attivitajiet: u nidentifikaw il-ferħ ma’ dawn, jew mal-aħjar waħda minnhom” (Aristotli, Nicomachaean Ethics, ktieb I).

2.1.4   Il-filosofija tista’ tgħinna biex nifhmu kif, flimkien ma’ realtà assoluta tal-etika, jistgħu jeżistu realtajiet relattivi li jissodisfaw dawk il-gruppi soċjali, żgħar jew kbar, li jaqsmu l-istess kunċett ta’ ferħ u li jingħaqdu flimkien biex isegwuha.

2.1.5   L-etika u l-pluralità tal-valuri jeżistu flimkien u jirrappreżentaw l-istorja rikka tal-umanità fid-diversi forom tagħha, li tinkludi dawk li dan l-aħħar saru magħrufa bħala “l-ekonomiji tal-ferħ”. Fuq bażi empirika, dan jeżamina sistematikament in-natura tal-ferħ u l-metodi kif dan jista’ jinkiseb.

2.1.6   Intwera li t-tkabbir ekonomiku mingħajr it-tkabbir konkomitanti ta’ fatturi oħra ta’ sodisfazzjon ma jżidx il-ferħ personali. Għall-kuntrarju, ’il fuq minn ċertu limitu, it-tkabbir ekonomiku ma jġibx iktar ferħ. Konsum li dejjem jikber ifisser aktar xogħol biex tkun tista’ tħallas għalih, u aktar ħin fil-post tax-xogħol, a skapitu tar-relazzjonijiet umani – u huma proprju dawn ir-relazzjonijiet li jiġġeneraw l-aktar ferħ (4).

2.1.7   Għadd ta’ sondaġġi mill-Eurostat urew li filwaqt li d-dħul per capita fl-Ewropa żdied mingħajr xkiel tul dawn l-aħħar 25 sena, il-livelli ta’ ferħ baqgħu bażikament l-istess. Fl-Istati Uniti nsibu riżultati simili.

2.2   Il-kriżi finanzjarja tal-2007 u l-2008: xi jmiss?

2.2.1   It-taqlib li għadhom għaddejjin minnu s-swieq finanzjarji sa minn Frar 2007, li laqat lill-istituzzjonijiet finanzjarji u bankarji ewlenin, huwa l-punt ewlieni tal-aġenda tad-dibattitu politiku internazzjonali.

2.2.2   L-impatt tal-kriżi fost il-provvedituri Amerikani tal-ipoteki ġie estiż u amplifikat peress li ħafna dejn ikklassifikat bħala “subprime” – jiġifieri dak li ftit għandu ċans li jitħallas lura – ingħaqad flimkien, permezz ta’ proċess ta’ titolarizzazzjoni, f’“pakketti” ta’ dejn akbar bl-ebda trasparenza rigward l-iskala jew id-daqs tal-problema. Ir-riżultat huwa li l-operaturi jitħallew b’bonds mhux siguri u żvalutati.

2.2.3   Din l-inċertezza wasslet għal aktar nuqqas fil-fiduċja fis-sistema finanzjarja, u kellha konsegwenzi ta’ ħsara għan-negozji li jserrħu fuq il-fluss kontinwu ta’ kreditu rħis.

2.2.4   Il-hedge funds jew fondi spekulattivi kienu l-vittmi prinċipali tal-kriżi finanzjarja, anki dawk li jitħaddmu minn banek kummerċjali ewlenin. Ħafna banek Ewropej spiċċaw b’parti kbira mid-dejn tas-subprime Amerikan fuq il-kotba tagħhom. Xi banek Ġermaniżi, li huma famużi għall-prudenza tagħhom, intlaqtu b’mod partikulari, iżda l-marda nfirxet ukoll fost l-istituzzjonijiet finanzjarji reżistenti li raw il-prezz tal-flus jispara ′l fuq. Din kienet ir-raġuni għalfejn kważi falla n-Northern Rock.

2.2.5   Parti mill-każ tas-SOCGEN hija marbuta mat-taqlib finanzjarju li beda s-sajf li għadda, parzjalment minħabba ċerta tendenza li tħeġġeġ lill-operaturi tas-swieq finanzjarji biex jieħdu riskji eċċessivi li jistgħu jfissru kemm profitti kbar kif ukoll telf astronomiku fil-każ ta’ riskji imprudenti. Dan kixef kemm il-proċeduri interni tal-kontroll ta’ din l-istituzzjoni mhumiex adegwati u xeħet id-dubju fuq il-prattiki tas-sistema bankarja f’dan il-qasam.

2.2.6   Dan huwa “l-kapitaliżmu tal-każinò”, fejn b’xorti ħażina l-“bank fallut” fil-fatt jirrappreżenta l-persuni li jkunu faddlu, speċjalment l-iktar dgħajfa, li b’xi mod jew ieħor iridu jħallsu kont li għalih mhumiex responsabbli, kemm il-ħaddiema (s’issa kien hemm aktar minn 100 000 impjieg mitluf fis-settur finanzjarju, u se jkun hemm aktar (5)), kif ukoll iċ-ċittadini, li tnaqqsitilhom is-sigurtà u tħallew f’inċertezza dwar jekk is-sistema finanzjarja għadhiex kredibbli jew le.

2.2.7   It-telf irreġistrat jammonta għal USD 400 biljun, u skont stimi affidabbli huwa mistenni jitla’ għal USD 1 200 biljun (6). Naturalment, dan qiegħed jinħass mill-investituri istituzzjonali l-kbar, bħall-fondi tal-pensjonijiet, iżda s-sistema ekonomika kollha kemm hi qiegħda tesperjenza risperkussjonijiet serji, bil-prezz ogħla u d-disponibbiltà tonqos tal-flus, il-pressjoni ′l fuq li tirriżulta fuq il-prezzijiet u l-inflazzjoni, u l-impatt f’termini tat-trażżin tal-ekonomija. Dan iċ-ċirku vizzjuż qed jolqot l-attività ekonomika kollha kemm hi. Ir-riċessjoni qiegħda titqies bħala theddida reali minn xi Stati Membri.

2.2.8   Huwa minnu li s-sistema finanzjarja Ewropea kienet aktar il-vittma milli l-ħatja, ħlief f’xi eċċezzjonijiet iżolati u limitati. Madankollu, huwa minnu wkoll li ż-żieda fid-dominanza tal-finanzi fl-ekonomija, is-segwitu ta’ mezzi li qed isiru dejjem aktar sofistikati biex jimmoltiplikaw l-opportunitajiet ta’ profitt, ir-rwol li qed isir dejjem aktar aggressiv tal-fondi spekulattivi u d-dehra tal-fondi sovrani b’riżorsi enormi, ġiegħlu lill-ekonomija reali taqdi rwol li qed isir dejjem aktar marġinali. Enfasizzat ukoll id-dgħufija tas-sistemi superviżorji nazzjonali, in-nuqqas ta’ effiċjenza fil-makkinarju ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti u r-rwol inkwetanti tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni, li jinkludu dawk involuti fl-hekk imsejħa klassifikazzjoni etika (li taw stimi favorevoli lil kumpaniji bħal Parmalat, li milli jidher kellha kodiċi ta’ kondotta eżemplari).

2.2.9   Din il-kriżi laqtet lill-atturi kollha fis-suq, kemm jekk il-profil spekulattiv tagħhom huwa għoli, baxx u anki jekk ma jeżistix. L-integrazzjoni tas-suq laħqet tali punt li ħadd ma jista’ jgħid li huwa reżistenti għal riperkussjonijiet negattivi. Il-problema hija li l-partijiet diffiċli biss jinqasmu mal-oħrajn, filwaqt li l-profitti jibqgħu siguri f’idejn l-ispekulaturi.

3.   Is-sistema finanzjarja Ewropea

3.1   Il-banek

3.1.1   Il-banek jirrappreżentaw l-element ċentrali li jorbot l-intermedjarji finanzjarji flimkien. F’xi pajjiżi, għandhom kontroll qawwi fuq l-ekonomija reali, billi jeżerċitaw setgħa li mhijiex purament ekonomika, li tinfluwenza l-iżvilupp territorjali u tan-negozju, u li timmoltiplika l-opportunitajiet tagħhom ta’ profitt.

3.1.2   Għalkemm il-kumpaniji tal-banek joperaw f’kuntest ta’ suq, u bażikament kollha joffru l-istess servizzi, li jvarjaw minn dawk li huma standardizzati ħafna għal dawk li huma l-aktar speċjalizzati, dawn ġejjin minn sfondi differenti ħafna li sa llum għadhom jikkontribwixxu għat-tfassil tagħhom.

3.1.3   Flimkien mal-banek kummerċjali u dawk tal-investiment, li jokkupaw pożizzjoni predominanti fis-suq, insibu l-banek tat-tfaddil ta’ ispirazzjoni pubblika, li kienu twaqqfu biex joffru daqqa t’id lill-komunitajiet urbani – u speċjalment lill-ifqar membri tagħhom – waqt mumenti kruċjali. L-ewwel banek tat-tfaddil ta’ dan it-tip twaqqfu fl-Imperu Ġermaniż fis-snin bikrija tas-seklu 19, iżda ħafna kienu stabbilimenti li jagħmlu opri ta’ karità – l-hekk imsejħa “monti di pietà” li kienu diġà jeżistu u li kienu nħolqu fis-seklu 15, iżda bdew joperaw taħt isem ġdid. Illum il-ġurnata, dawn jirrappreżentaw madwar terz tas-suq bl-imnut b’160 miljun klijent u 980 000 impjegat. Fost l-eżempji tal-inizjattivi inklużivi tal-banek tat-tfaddil insibu d-“Die Zweite Sparkassen” fl-Awstrija u l-“Parcours confiance” fi Franza.

3.1.4   F’xi reġjuni remoti u rurali, rabba l-għeruq il-moviment tat-tfaddil rurali u tal-artiġgjanat, imsejjes fuq l-ideat ta’ Friedrich Wilhelm Raiffeisen, bħala oppożizzjoni għall-użura. Huwa waqqaf l-ewwel Darlehnkassenverein (bank popolari) fl-1864. Il-banek popolari, ibbażati wkoll fuq prinċipji kooperattivi, nibtu mill-ideat ta’ Franz Hermann Schulze-Delitzsch, li waqqaf l-ewwel Vorschussverein (bank popolari) fl-1850. Dawn l-esperimenti wasslu għall-moviment kooperattiv u popolari għall-kreditu mifrux, li llum għandu sehem ’il fuq minn 20 % fl-UE, b’iktar min 140 miljun klijent, 47 miljun membru u 730 000 impjegat.

3.1.5   Din in-nota storika turi li s-soċjetà ċivili minn dejjem allokat rwol għall-banek fil-qalba tas-sistema ekonomika, b’mod li huwa differenti, almenu parzjalment, minn dik ta’ negozji oħra. Minn dejjem kienu mistennija li jsegwu għanijiet etiċi/soċjali wkoll, mhux biss ta’ profitt.

3.1.6   Aspett sinifikanti li l-industrija finanzjarja għandha taħdem fuqu huwa l-aċċess usa’ disponibbli għas-servizzi finanzjarji. Filwaqt li fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, 20 % biss tal-popolazzjoni għandu aċċess għall-kreditu, fl-Ewropa dan il-persentaġġ jitla’ għall-figura rassiguranti ta’ 90 %. Madankollu dan għadu mhux biżżejjed, minħabba li l-kumplament tal-10 % li jitħallew barra jistgħu jesperjenzaw dik li fil-fatt hija diskriminazzjoni serja ħafna.

3.2   L-assigurazzjoni

3.2.1   Filwaqt li l-ewwel banek moderni jmorru lura għas-snin bikrija tas-seklu 15 fl-Italja, permezz tal-ħolqien tal-Bank ta’ San Ġorġ fl-1406, u xi wħud fosthom – bħall-Monte dei Paschi stabbilit fi Siena fl-1472 –għadhom joperaw sal-lum, l-oriġini tal-assigurazzjoni huma ħafna iktar antiki. L-ewwel tipi ta’ assigurazzjoni jmorru lura bejn it-tieni u t-tielet millennju Qabel Kristu fiċ-Ċina u l-Babilonja. Il-Griegi u r-Rumani kienu l-ewwel nies li introduċew il-kunċetti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja u s-saħħa, fejn is-“soċjetajiet benevolenti” tagħhom kienu jħallsu għat-trattament mediku, għas-sussidji ta’ appoġġ għall-familji, u anki għall-funerali. Ix-xrieki tal-Medju Evu kellhom l-istess għan. Il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, separat mill-investiment, ġie vvintat f’Genova fis-seklu 14. Dan kien ta’ għajnuna kbira għal Edward Lloyd li, fl-1688, fetaħ ħanut tal-kafè f’Tower Street, Londra, li kien iffrekwentat minn sidien tal-vapuri, negozjanti u kaptani tal-baħar – il-post ideali għal dawk li jkunu qed jippruvaw jassiguraw bastiment u t-tagħbija ta’ fuqu u dawk li jkunu jridu sehem finanzjarju f’din il-biċċa xogħol ta’ riskju. L-ewwel assigurazzjoni ta’ kontra n-nar ġiet introdotta permezz tal-“Fire Office” (“Uffiċċju tan-Nirien”) ta’ Nicholas Barbon matul l-istess perijodu, wara d-diżastru tan-Nirien f’Londra fl-1666, li qerdu mat-13 200 dar.

3.2.2   Wara l-esperjenza ta’ Lloyd’s (li ma kinetx teknikament kumpanija ta’ assigurazzjoni), il-mudell ta’ assigurazzjoni nfirex mal-Ewropa kollha, u bdew joperaw kumpaniji tal-assigurazzjoni. It-tkabbir tal-assigurazzjoni moderna huwa marbut mat-teorija moderna tal-probabbiltà, li l-pijunieri tagħha kienu Pascal, de Fermat u saħansitra Galileo. Bdew joperaw il-mutwi fil-gruppi ta’ assigurazzjoni, li kienu tal-policy underwriters aktar milli tal-azzjonisti – fi kliem ieħor, tal-klijenti diretti tagħhom. L-entitajiet kooperattivi tal-assigurazzjoni, li nħolqu fis-seklu li għadda: f’ċerti pajjiżi assumew pożizzjoni importanti, minħabba l-ħila tagħhom li joffru prodotti ta’ kwalità għolja lis-suq kollu kemm hu. Bħall-banek kooperattivi, l-assiguraturi reċiproċi (mutwi) huma marbuta mill-qrib mas-sistemi ekonomiċi lokali, u jagħtu kontribut sostanzjali għall-iżvilupp tagħhom, billi jinvestu mill-ġdid parti sinifikanti mill-valur miżjud tagħhom.

3.3   Il-banek u l-assigurazzjoni etiċi

3.3.1   Tul dawn l-aħħar snin, bdew joperaw il-banek etiċi u l-kumpaniji ta’ assigurazzjoni, li jiffukaw fuq iż-żamma tar-relazzjonijiet tan-negozju u l-provvista ta’ appoġġ finanzjarju biss lil dawk in-negozji li għandhom ħtiġijiet stretti bbażati fuq il-valuri, li huma l-istess valuri mħaddna mill-komunità li ħolqot dawn il-banek u l-assigurazzjonijiet. Eżempji ta’ tali “valuri”, li jikkostitwixxu standards f’dan il-qasam, huma r-rekwiżiti dwar is-sostenibilità tal-ambjent, il-pożizzjoni bla kompromess lejn is-suq tal-armamenti u l-obbligu permanenti li ma jkun hemm l-ebda tip ta’ diskriminazzjoni.

3.3.2   Il-finanzjament “etiku” u l-mikrofinanzjament

3.3.2.1   Il-finanzjament etiku jfisser l-attività finanzjarja li tippromovi l-inizjattivi umani, soċjali u ambjentali fid-dawl tal-istima etika u ekonomika tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent u s-soċjetà, li titwettaq bl-għan ewlieni li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet ikkonċernati jew anke, permezz tal-istrument tal-mikrokreditu, għal persuni individwali.

3.3.2.2   Il-mikrofinanzjament huwa magħmul minn banek speċjalizzati li jittrattaw somom żgħar u li huma maħsuba biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-partijiet il-foqra tal-popolazzjoni, li jkunu esklużi mis-sistema bankarja konvenzjonali, u huwa l-aktar magħruf għall-preżenza tiegħu fit-tielet dinja. Madankollu, m’għandniex ninsew li l-pajjiżi tal-Punent ukoll għandhom tradizzjoni importanti ta’ mikrotfaddil (filwaqt li l-mikrokreditu kien aktar marġinali, pereżempju bil-“monti di pietà” fl-imgħoddi): depożiti żgħar multiannwali bi spejjeż żgħar huma eżempju ta’ mikrotfaddil.

3.3.2.3   In-negozju etiku finanzjarju jitwettaq skont il-prinċipji li ġejjin (7):

(a)

l-ebda diskriminazzjoni bejn min jirċievi l-investiment fuq il-bażi ta’ sess, oriġini etnika jew twemmin, jew fuq il-bażi tar-rikkezza, filwaqt li l-kreditu fil-forom kollha tiegħu jitqies bħala dritt tal-bniedem;

(b)

aċċess għal min huwa l-aktar dgħajjef, fuq il-bażi tal-validità ta’ forom ta’ garanziji personali, kateġoriċi jew komunitarji fuq l-istess livell mal-garanziji li jiġu bbażati fuq il-ġid;

(c)

l-effiċjenza, li fil-finanzjament etiku mhijiex definita f’termini ta’ profitti, iżda ta’ attività ekonomikament vitali u soċjalment bżonjuża;

(d)

l-involviment ta’ min ifaddal fl-għażliet li jsiru dwar il-ġbir tal-fondi, jew billi jindikaw il-preferenzi tagħhom dwar fejn għandhom jintbagħtu l-fondi, jew permezz ta’ makkinarju demokratiku għall-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

(e)

trasparenza u aċċess totali għall-informazzjoni kollha, u għalhekk jinħtieġ li t-tfaddil ikun nominattiv, u l-klijenti għandhom id-dritt li jkunu infurmati dwar kif taħdem istituzzjoni finanzjarja u dwar id-deċiżjonijiet tagħha li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet ta’ kreditu u investiment tagħha;

(f)

ir-rifjut tal-arrikkiment ibbażat sempliċement fuq il-pussess u l-kummerċ tal-flus, sabiex ir-rati ta’ interess jinżammu bir-rata l-aktar ġusta fuq il-bażi tal-istimi etiċi, soċjali, u ekonomiċi;

(g)

l-ebda relazzjonijiet finanzjarji ma’ partijiet interessati jew attivitajiet ekonomiċi li qed jostakolaw l-iżvilupp tal-bniedem u jikkontribwixxu għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, bħall-produzzjoni u l-kummerċ tal-armi, il-manifattura li qiegħda tagħmel ħsara serja lis-saħħa u lill-ambjent, jew l-attivitajiet ibbażati fuq l-isfruttament tat-tfal jew ir-ripressjoni tal-libertajiet ċiviċi.

3.3.2.4   L-assigurazzjoni etika tfisser assigurazzjoni ta’ negozju bbażata fuq il-prinċipji li ġejjin (8):

(a)

ir-reċiproċità, li għandha tinftiehem fit-tifsira oriġinali tagħha ta’ assigurazzjoni bħala għodda għas-solidarjetà bejn dawk li ma jsofrux telf u dawk li jagħmlu telf u jkollhom bżonn jiġu kkumpensati;

(b)

l-assigurabilità li tinftiehem bħala garanzija universali tal-ħarsien tal-assigurazzjoni kontra diżastri potenzjali, ħielsa minn kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, il-possibbiltà ta’ diżabilità jew diffikultajiet soċjali oħra;

(c)

it-trasparenza, li tinftiehem bħala ċarezza kuntrattwali u l-possibbiltà ta’ verifika tal-kriterji li jintużaw biex jiġu determinati l-primjums;

(d)

il-ħolqien ta’ sussidju għaż-żona lokali;

(e)

dinjità ugwali bejn il-partijiet kontraenti.

3.3.3   L-investiment etiku

3.3.3.1   L-investiment etiku għandu l-għan li jiffinanzja l-inizjattivi li joperaw fl-oqsma tal-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli, is-servizzi soċjali, il-kultura u l-kooperazzjoni internazzjonali. L-ishma ma jintghażlux esklużivament fuq il-bażi ta’ kriterji finanzjarji konvenzjonali, iżda wkoll skont il-kriterji tar-responsabbiltà soċjali, bħall-kwalità tar-relazzjonijiet tal-impjieg, ir-rispett għall-ambjent u t-trasparenza.

4.   Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR)

4.1   Id-direttorati tal-Intrapriża u l-Affarijiet Soċjali tal-Kummissjoni qed jikkooperaw mal-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem dwar xi oqsma tematiċi. Wieħed minnhom huwa l-informazzjoni adegwata għal min ifaddal, biex jgħinhom jifhmu aħjar il-mekkaniżmi li jmexxu s-swieq finanzjarji u l-prodotti disponibbli. L-inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja jirrappreżentaw mod soċjalment responsabbli li jippermetti li min ifaddal jevita li jinvesti fi prodotti li la jkunu adattati rigward l-istennijiet tagħhom u lanqas rigward il-profili ta’ riskju tagħhom.

4.2   Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fl-inizjattivi tas-CSR għalissa għadha ristretta għal għadd żgħir ħafna ta’ negozji u, kultant, għal attivitajiet diretti lejn il-partijiet prinċipali ġenerali. Għalkemm għad fadal ħafna xi jsir, setturi sħaħ bħall-banek popolari u l-kooperattivi, il-banek tat-tfaddil, il-kooperattivi tal-assigurazzjoni u l-mutwi beħsiebhom jagħmlu aktar u aħjar.

4.3   Qiegħda tinħoloq problema marbuta mal-inċentivi għall-maniġers fl-ogħla karigi u l-bankiera tal-investiment. Dawn għandhom jiġu riveduti u mnaqqsa għal livell raġonevoli, u għandhom jintrabtu b’mod xieraq mal-profitti u r-riżultati tal-kumpaniji. Il-ħaddiema u l-konsumaturi li ntlaqtu ħażin mill-kriżi finanzjarja qed jikkritikaw il-pagi eċċessivi tal-maniġers fl-ogħla karigi, li jikkontribwixxu għad-diffikultajiet tagħhom. Dawn il-pagi ta’ spiss jibqgħu għoljin wisq, irrispettivament minn jekk ir-riżultati jkunux pożittivi jew le.

4.4   Il-mudelli l-ġodda ta’ ġestjoni għall-kumpaniji finanzjari, bil-mira tagħhom li jimmassimizzaw il-profitti fl-iqsar żmien possibbli, parzjalment minħabba l-istimi ta’ prestazzjoni ta’ kull tliet xhur, xi kultant qed ikunu l-kaġun ta’ mġiba irresponsabbli, kif intwera f’każijiet reċenti ta’ skandli finanzjarji f’bosta Stati Membri. Għall-kuntrarju, ir-responsabbiltà korporattiva soċjali, tipprova tara li l-profitti jibdew isiru stabbli u sostenibbli iktar ma jgħaddi ż-żmien, billi tagħmel użu mill-assi tanġibbli u mhux tanġibbli tal-kumpaniji, li fil-kumpaniji finanzjarji huma ta’ spiss rappreżentati mill-ħaddiema u r-relazzjonijiet tagħhom mal-klijenti, li jkunu bbażati fuq il-fiduċja.

4.5   Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni mifruxa ta’ kodiċi tal-kondotta bbażati fuq is-CSR. Huwa essenzjali li dawn il-kodiċijiet jistgħu jkunu verifikabbli u vverifikati sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni ta’ każijiet fejn kodiċijiet tal-kondotta eċċellenti jintużaw u jiġu pubbliċizzati mill-maniġers li mbagħad iqarrqu eluf ta’ faddala, kif ġara fl-iktar skandli serji ta’ dawn l-aħħar snin (9).

5.   Il-banek lokali u l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali u tal-SMEs

5.1   Id-diversi banek qed jikkompetu fl-istess suq biex fl-aħħar mill-aħħar joffru l-istess tip ta’ servizz. L-effiċjenza ekonomika hija rekwiżit għal kulħadd, kemm għall-kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, il-banek privati mmirati prinċipalment lejn il-primjums tal-azzjonisti, kif ukoll għall-kumpaniji oħra mmirati aktar lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-oqsma tagħhom, b’enfasi speċjali fuq il-kwistjoni tal-aċċess għall-kreditu għal klijenti anqas sinjuri, biex jagħtu spinta lill-SMEs, u biex jippromwovu l-gruppi soċjali l-aktar vulnerabbli u r-reġjuni periferiċi u ultraperiferiċi.

5.2   Jidher li r-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija lokali titla’ b’mod sinifikanti f’dawk l-oqsma fejn is-sistema bankarja lokali tkun żviluppata l-aktar. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li f’ħafna pajjiżi, il-banek lokali normalment jieħdu l-forma ta’ banek tat-tfaddil u soċjetajiet kooperattivi, li jinvestu mill-ġdid parti sinifikanti mill-profitti tagħhom fiż-żona lokali tagħhom.

5.3   Is-sistema bankarja għandha responsabbiltà doppja: fil-livell tal-kumpaniji, li ttejjeb l-effiċjenza tan-negozju tal-intrapriżi tal-kreditu, li titkejjel f’termini mhux biss ta’ profitt, iżda wkoll ta’ kapaċità innovattiva, ta’ kwalità tal-kapital uman użat; u fil-livell territorjali, ir-responsabbiltà li tikkontribwixxi għall-iżvilupp lokali, li għandu jitkejjel mhux biss f’termini tal-ammont ta’ kreditu li jingħata, iżda wkoll tal-kapaċità li tinvesti fi proġetti varji u fl-istima tal-potenzjal tal-intraprendituri u l-intrapriżi. Dan jista’ jiġi definit bħala effiċjenza territorjali. L-effiċjenza tan-negozju għandha titqiegħed għas-servizz tal-effiċjenza territorjali: m’hemm l-ebda skop għal banek effiċjenti jekk dawn ma jagħtu l-ebda kontribut għall-iżvilupp lokali (10).

5.4   L-SMEs sabu strument utli għall-iffaċilitar tal-kreditu min-naħa tal-assoċjati tagħhom, bis-saħħa ta’ soċjetajiet ta’ garanzija u sigurtà, li jeżistu wkoll fil-livell Ewropew. Dawn jiffaċilitaw il-kreditu għall-investiment għall-SMEs li ma jistgħux jipprovdu l-garanziji personali meħtieġa mill-finanzjaturi sabiex jibnu relazzjoni bankarja stabbli.

6.   Ir-rwol ta’ dawk li jfasslu l-politika

6.1   Il-punt ta’ tluq tal-KESE huwa li f’dan il-qasam, strateġija msejsa fuq intervent li jibda mill-ogħla livell (top-down), mhijiex f’lokha, peress li l-esperjenza turi li hija tajba għal inizjattivi soċjali u etiċi li jinbtu spontanjament minn livell baxx. Kwalunkwe intervent “attiv” jista’ joħnoq l-ispirtu spontanju li huwa l-garanzija prinċipali tal-bijodiversità fis-sistema ekonomika u finanzjarja. Fl-istess waqt, madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li dawk li jfasslu l-politika għandhom jevitaw li jaġixxu b’tali mod li jfixklu inizjattivi li diġà jeżistu jew il-ħolqien spontanju ta’ inizjattivi ġodda.

6.2   Il-KESE jirrifletti dwar jekk l-inizjattivi b’konnotazzjonijiet etiċi/soċjali ma’ organizzazzjonijiet tipikament orjentati lejn il-profitt għandhomx igawdu minn sussidji fiskali jew regolatorji. Hawnhekk ikun għaqli li niddistingwu bejn żewġ sitwazzjonijiet differenti.

6.2.1   Meta organizzazzjoni li għandha l-għan tal-profitt tniedi inizjattiva li hija strutturalment separata min-negozju tipiku tagħha (pereżempju l-operazzjoni “Point Passerelle” mill-Crédit Agricole), ma tantx għandu jkun hemm dubju dwar kemm hu xieraq li jingħata kumpens meta mqabbel mat-trattament tas-soltu.

6.2.2   Organizzazzjoni li tagħmel profitt tniedi inizjattivi li ma jistgħux ikunu strutturalment separati min-negozju tipiku tagħha. Saru ħafna dibattiti dwar jekk huwiex xieraq li tiġi introdotta sistema ta’ kumpens f’dawn iċ-ċirkostanzi. Id-difensuri tal-kumpens fiskali, finanzjarju jew regolatorju jargumentaw li l-effetti esterni pożittivi tal-inizjattiva jiġġustifikaw it-trattament speċjali. Madankollu, hemm min jopponi din l-opinjoni, abbażi ta’ żewġ konsiderazzjonijiet ewlenin: huma biss l-inizjattivi li jitwettqu f’bilanċ ekonomiku awtonomu (jiġifieri fejn jista’ jiġi assigurat profitt suffiċjenti) li jistgħu jitkomplew maż-żmien. Barra dan, azzjoni ġenwina etika/soċjali għandu jkollha bażi imparzjali, li ma tkunx ikkawżata minn vantaġġi regolatorji, finanzjarji jew fiskali. L-azzjoni etika/soċjali fil-fatt tiġbor fiha l-kumpens tagħha stess: is-sempliċi fatt li ssir azzjoni tajba għandu jissodisfa lil min iwettaqha.

6.2.3   Fil-fehma tal-KESE l-kumpens għal inizjattivi etiċi/soċjali diġà huwa prattika rikonoxxuta fis-sistemi kollha. Il-liġi tat-taxxa tippermetti li t-tnaqqis tal-ispejjeż isir biss fejn ikun hemm bżonnu sabiex wieħed jiġġenera ċertu dħul. Dan il-prinċipju (ovvjament sa ċerti limiti u taħt ċerti kundizzjonijiet), ma japplikax meta l-ispejjeż jikkonsistu f’donazzjonijiet għal organizzazzjonijiet involuti fil-benefiċenza jew li jwettqu servizz fil-qasam soċjali. F’dan il-każ, it-tnaqqis mid-dħul taxxabbli huwa permess, anki jekk l-ispiża mhijiex neċessarja għall-produzzjoni.

6.2.4   Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li l-qafas leġiżlattiv qatt ma jkun newtrali fir-rigward tal-imġiba tal-organizzazzjonijiet jew l-individwi. Fuq il-bażi ta’ din l-osservazzjoni, il-KESE jemmen li, f’sistema li diġà tħeġġeġ ċerti tipi ta’ mġiba, iż-żieda tal-prinċipju li sistema ta’ kumpens għandha tapplika għall-inizjattivi etiċi/soċjali kollha f’livell sistematiku u ġeneralizzat, tissodisfa l-kriterju ta’ ġustizzja u razzjonalità applikabbli għar-rwol pubbliku fl-ekonomija u s-soċjetà.

6.2.5   Il-prinċipju propost mill-KESE jinvolvi li l-benefiċċju tal-kumpens ma jintrabatx direttament mal-istituzzjonijiet, iżda pjuttost mal-inizjattivi etiċi/soċjali. Il-KESE ma jaħsibx li dan, fih innifsu, mhuwiex xieraq: l-etika u l-ekonomija ma jistgħux jinfirdu, u dan il-fatt jirrikjedi li huma biss l-inizjattivi li ma jistgħu jipprovdu l-ebda sussidju ekonomiku għall-awturi li jistgħu jitqiesu li huma etikament ġenwini. Fl-aħħar mill-aħħar, dan iwassal sabiex l-inizjattivi etiċi jiġu identifikati biss ma’ opri ta’ karità jew ġenerożità.

7.   Il-kumpens finanzjarju u t-tassazzjoni

7.1   Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi f’din id-direzzjoni. Dan l-approċċ jista’ jiġi ġġustifikat ukoll fuq bażi ekonomika. Għal għadd ta’ raġunijiet, marbuta ma’ għażliet politiċi, limitazzjonijiet finanzjarji pubbliċi jew sforzi ekonomiċi, l-istat “soċjali” tkisser matul dawn l-aħħar 10-20 sena. Wieħed ma jistax iserraħ fuq it-tkabbir ekonomiku bħala l-uniku mezz biex jiġi evitat it-tnaqqis eċċessiv fil-benesseri tan-nies; għandu jkun hemm lok għal inizjattivi minn isfel għal fuq (bottom-up).

7.2   Bħala eżempju ta’ regolamentazzjoni li tiffavorixxi l-integrazzjoni bejn il-qasam pubbliku u dak privat, sabiex ikompli jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà soċjali, nistgħu nsemmu l-mod kif l-Olanda strutturat is-settur tal-assigurazzjoni fuq is-saħħa. Waqt li minn naħa dawk li jassiguraw huma obbligati li jassiguraw liċ-ċittadini kollha, min-naħa l-oħra, għandhom aċċess għal sistema pubblika ta’ kumpens għar-riskji akbar li jridu jieħdu. Is-suq Olandiż ħa wkoll inizjattivi eżemplari biex jiffaċilita l-aċċess tal-persuni bl-HIV għall-assigurazzjoni fuq il-ħajja.

7.3   Il-Belġju joffri eżempju interessanti ta’ kumpens finanzjarju biex jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi finanzjarji bażiċi. Fond interbankarju jikkumpensa l-intermedjarji li jipprovdu aċċess aktar faċli għas-servizzi: fil-prattika dan ifisser li l-intermedjarji aktar restrittivi huma kontributuri netti għall-fond, filwaqt li l-kontropartijiet aktar miftuħa tagħhom huma l-benefiċjarji netti.

7.4   Fir-rigward tal-konċessjonijiet fiskali, diġà hemm sistema mifruxa li tiffavorixxi l-kooperattivi li jsegwu għanijiet ibbażati fuq il-mutwi.

7.5   Eżempju ta’ leġiżlazzjoni li tipprovdi sussidji fiskali lill-organizzazzjonijiet li għandhom għanijiet soċjali espliċiti nsibuh fl-Italja, fejn il-leġiżlazzjoni tikkonċerna l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt u li għandhom valur soċjali.

8.   Ir-regolamentazzjoni

8.1   Ir-regoli jimponu spejjeż u limitazzjonijiet li huma ta’ piż fuq ix-xogħol tan-negozji u l-intermedjarji. L-interventi matul dawn l-aħħar 20 sena kienu mmirati lejn il-provvista ta’ kundizzjonijiet ugwali. Bit-tqegħid tal-partijiet kollha li jistgħu jitqabblu (bħall-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, eċċ) fuq l-istess livell, ir-regoli servew bħala għodda biex tittejjeb il-kompetizzjoni u l-effiċjenza ekonomika. Jekk dan il-prinċipju jiġi applikat b’mod strett wisq u mingħajr il-korrezzjonijiet neċessarji, isir ostaklu insormontabbli għall-ħolqien u s-sopravivenza ta’ inizjattivi etiċi u soċjali. Dan ir-riskju jista’ jitnaqqas permezz ta’ applikazzjoni sistematika u mmirata tal-“prinċipju tal-proporzjonalità”, li skontu intermedjarju żgħir li jwettaq tranżazzjonijiet sempliċi ma jistax jiġi soġġett għall-istess piż regolatorju ta’ organizzazzjoni kumplessa, multinazzjonali.

8.2   Kull darba li jistgħu jinġabu provi li organizzazzjoni speċifika rrinunzjat, almenu parzjalment iżda fuq bazi strutturali u permanenti, il-prinċipju tal-ikbar profitt possibbli għall-promozzjoni ta’ inizjattivi ta’ natura etika jew soċjali, għandha tkun tista’ tibbenefika minn regoli fiskali u regolatorji li jkunu differenti minn dawk ġenerali, almenu parzjalment. F’xi Stati Membri, ċerti investituri etiċi diġà jgawdu minn deroga mid-direttiva bankarja: għandhom isiru sforzi biex dan il-prinċipju jiġi estiż għall-Istati Membri kollha.

8.3   Minkejja li dan ir-rwol ġie rikonoxxut mit-trattat Ewropew, ċerti Stati Membri għadhom ma jagħrfuhx u ma jirrispettawhx. Għandhom isiru sforzi sabiex jiġi assigurat għarfien iktar sistematiku u mifrux ta’ dan it-tip ta’ gvernanza soċjali.

8.4   Billi tassigura li l-Istati Membri ma jadottawx miżuri li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħti l-kontribut tagħha biex tħares id-diversità fil-provvista tas-servizzi finanzjarji, bankarji u tal-assigurazzjoni. Ir-regoli tal-għajnuna tal-Istat għandhom iqisu dan l-aspett.

Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  A.F. Utz, Etika ekonomika (‘Economic ethics’), San Paolo, Cinisello Balsamo, 1999.

(2)  Konrad Adenauer, Memorie 1945-1953, Mondadori, Milan, 1966; Edizzjoni bl-Ingliż Memoirs, Weidenfeld & Nicolson, Londra, 1966.

(3)  John Kenneth Galbraith, Liberty, Happiness … and the Economy, The Atlantic Monthly, June 1967.

(4)  Luca De Biase, Economia della felicità (‘L-Ekonomija tal-Ferħ’), Feltrinelli, 2007.

(5)  Sors: UNI, United Network International – Geneva, 2008.

(6)  Bulletin tal-Bank tal-Italja Nru 52, April 2008.

(7)  Id-demokrazija parteċipattiva: definizzjonijiet minn studju kkummissjonat mid-dipartiment tal-baġit tar-Reġjun ta’ Lazio (IT).

(8)  Idem.

(9)  Individwi bħal dawn ingħataw lawriji b’unur għall-impenn tagħhom fil-livell lokali, nazzjonali u internazzjonali biex jiżviluppaw negozji b’kuraġġ, tenaċità, kreattività, tħejjija professjonali eċċezzjonali u viżjoni ċara, flimkien ma’ approċċ etiku li għalihom jikkonfuta l-argument ta’ dawk il-ftit nies li l-etika u l-ekonomija huma termini kontradittorji.

(10)  P. Alessandrini, Le banche tra efficienza gestionale ed efficienza territoriale: alcune reflessioni (‘Il-banek bejn l-effiċjenza tan-negozju u l-effiċjenza territorjali: xi ħsibijiet’), 2003.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/93


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil

2009/C 100/15

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 ta’ Jannarr 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur BARROS VALE u l-korapporteur kien is-Sur IULIANO.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’116-il vot favur u astensjoniji waħda.

1.   Sommarju

1.1   Din l-opinjoni tagħti ħarsa lejn l-iżviluppi li seħħew fir-relazzjonijiet bejn il-Brażil u l-UE u lejn ir-rwol ġdid tal-Brażil fil-qasam politiku u dak ekonomiku, li kulma jmur qed isir iktar prominenti fix-xena internazzjonali.

1.2   Fl-2007, ġiet adottata l-ewwel Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil (1), u din wasslet għall-ewwel Summit tal-Kapijiet ta’ Stat u Gvern fl-4 ta’ Lulju 2007. F’din l-opinjoni il-KESE jressaq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-proposti fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt, li jibni fuq il-kontenut tas-Sħubija Strateġika, inkluż: il-parteċipazzjoni u l-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, id-djalogu soċjali, l-ambjent, il-bidla fil-klima, il-bijokarburanti u l-immigrazzjoni.

1.3   Fir-rigward tar-rwol tal-KESE, l-opinjoni tipproponi t-twaqqif ta’ round table tas-soċjetà ċivili tal-UE u l-Brażil, fuq l-istess linji ta’ dawk li jiġu organizzati mal-Indja u ċ-Ċina. Il-kontroparti ta’ dan il-korp ġdid għandu jkun il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali tal-Brażil, istituzzjoni ekwivalenti li twaqqfet minn Lula da Silva fl-2003. L-opinjoni tressaq proposti dwar is-sħubija u t-tħaddim tar-round table fil-ġejjieni u tagħti d-dettalji tal-kwistjonijiet li, fil-fehma tiegħu, għandhom jidhru fl-aġenda tagħha u li jinkludu kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, u r-relazzjonijiet multilaterali, ir-relazzjonijiet tripartitiċi bejn l-UE u l-Brażil u pajjiżi terzi u r-rwol tal-Brażil fl-integrazzjoni tal-Mercosur u fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Mercosur.

2.   L-għan tal-opinjoni

2.1   L-għan ta’ din l-opinjoni huwa t-tħejjija għat-twaqqif ta’ round table tas-soċjetà ċivili tal-UE u l-Brażil kif sar qabel għaċ-Ċina u l-Indja u li tressaq il-pożizzjoni tal-KESE dwar ir-round table stess.

2.2   Ta’ min jinnota li r-round table li qed tiġi kkunsidrata tifforma parti minn strateġija usa’ tal-UE li ħarġet bis-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil, li dehret b’mod ċar fil-konklużjonijiet tas-summit bejn l-UE u l-Brażil li nżamm f’Liżbona, li ħeġġet il-kooperazzjoni bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (CDES) tal-Brażil, bħala parti mill-qafas istituzzjonali għarrelazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet (2).

2.3   L-opinjoni tagħti ħarsa lejn l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil fil-kuntest tal-isfond storiku u l-prospetti tal-ġejjieni, b’enfasi fuq il-pożizzjoni tal-Brażil rigward il-Mercosur u l-komunità internazzjonali u tiffoka fuq il-kwistjonijiet li, b’mod dirett jew indirett jolqtu jew jifformaw il-medda sħiħa tar-relazzjonijiet mal-UE.

2.4   L-inizjattiva tal-KESE tfasslet bil-għan li tagħti ħarsa ġenerali lejn it-tħaddim tar-round table u l-kwistjonijiet ewlenin li jolqtuha u l-attivitajiet tagħha; l-inizjattiva ser isservi bħala l-kontribut tas-soċjetà ċivili Ewropea għas-summit bejn il-Brażil u l-UE f’Diċembru 2008. Huwa ttamat li matul is-summit ikun hemm appoġġ politiku fis-summit għall-ħolqien ta’ din ir-round table.

3.   Qafas għall-azzjoni

3.1   Sfond

3.1.1   Minn tmiem il-perijodu kolonjali sal-lum il-ġurnata, il-Brażil sostna wirt ta’ relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi kollha tal-Ewropa. Għaldaqstant, l-uniku element ġdid fl-idea tal-istrutturar tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil, huwa l-UE nnifisha, li tħaddan il-valuri u x-xewqat biex tiġi żviluppata iktar l-organizzazzjoni sistematika u kontinwa tal-kooperazzjoni stabbilita bejn iż-żewġ żoni.

3.1.2   Kien hemm bosta inizjattivi li ppruvaw jifformalizzaw dawn ir-rabtiet stretti fil-livelli kollha, kif wera, fir-rigward tas-soċjetà ċivili organizzata, il-Ftehim Interistituzzjonali li ġie ffirmat f’Lulju 2003 bejn il-KESE u s-CDES, li kien ippreċedut mill-Ftehim Qafas għall-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil fl-1992. Is-CDES, li għandu rabtiet mill-qrib mal-KESE, ġiet stabbilit f’Mejju 2003, u bħalissa huwa ppresedut mill-President tar-Repubblika. Għandu 102 membri (3).

3.1.3   Minkejja l-impenn li ntwera miż-żewġ naħat, ir-relazzjoni – b’mod partikulari f’termini ekonomiċi u soċjali – għadha ma żviluppatx kif kien mistenni, għalkemm is-sinjali kollha juru li r-relazzjonijiet reġgħu ħadu r-ruħ fl-2007, speċjalment f’dawk l-oqsma li mhumiex relatati mal-kummerċ. Tnediet firxa ta’ inizjattivi (4), u l-ħidma se terġa’ tiżdied fl-2008 bħala parti mit-tisħiħ tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Brażil, kif ħeġġet il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ Mejju 2007. Madankollu, hemm differenza bejn l-intensità li biha l-integrazzjoni bilaterali mal-Brażil qed tiġi segwita mill-Istati Membri fl-oqsma tal-ekonomija u l-kummerċ, u l-pass bil-mod tal-kooperazzjoni, kemm f’oqsma ġenerali kif ukoll speċifiċi, bejn l-UE u l-Brażil. L-investiment minn pajjiżi Ewropej fil-Brażil, il-kooperazzjoni kummerċjali u industrijali, l-għajnuna għall-iżvilupp u d-djalogu bejn l-atturi soċjali huma kollha prekursuri pożittivi li jiġġustifikaw rwol iktar ċar u b’saħħtu għas-soċjetà ċivili biex tingħata dimensjoni soċjali lir-relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali li għandhom jissaħħu.

3.1.4   Is-Summit ta’ Liżbona tal-4 ta’ Lulju 2007 fl-aħħar ħoloq bażi soda għal relazzjoni uffiċjali bilaterali fl-ogħla livell politiku, li b’hekk introduċa mekkaniżmi għad-djalogu li ser ikunu sostenibbli tul iż-żmien u ħeġġeġ tamiet ta’ fażi ġdida u produttiva tar-relazzjoni. Din il-fażi l-ġdida qed tieħu l-forma matul djalogi ta’ politika settorjali iktar sodi, li tfisser tweġiba għad-diversi sfidi globali, attwali u futuri, it-twessigħ u l-approfondiment tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, u rabtiet iktar stretti bejn il-popli tal-Ewropa u l-Brażil.

3.1.5   Kif tistqarr il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil tista’ tagħti appoġġ konsiderevoli lill-Brażil fil-proċess ta’ tmexxija pożittiva, kemm fil-livell dinji kif ukoll reġjonali. F’dan is-sens, is-sħubija strateġika għandha l-għan li tkun il-fattur li jikkomplementa u jsaħħaħ il-proċessi tal-integrazzjoni reġjonali, speċjalment fir-rigward tal-Mercosur u n-negozjati tiegħu mal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat ftehim bireġjonali u li għandu x’jaqsam mal-moviment promoss mill-Unjoni ta’ Nazzjonijiet tal-Amerka t’Isfel (UNASUR).

3.2   Kuntest

3.2.1   Id-daqs tal-pajjiż (il-Brażil jaqsam fruntieri ma’ kważi kull pajjiż fl-Amerika t’Isfel), tal-popolazzjoni u tal-ekonomija jfissru li l-Brażil huwa wieħed mill-atturi prinċipali fix-xena internazzjonali. Għandu rwol ewlieni x’jaqdi fl-iżvilupp tal-Mercosur, kif ukoll b’mod iktar ġenerali fl-Amerika Latina, u terġa’ b’mod iktar ġenerali, fin-negozjati dwar ir-regoli tal-kummerċ dinji. Fil-bidu ta’ seklu ġdid, jista’ jitqies bħala wieħed mill-atturi dinjija ewlenin li qegħdin jinħolqu (BRIC (5)). Il-Brażil, li sejjes il-mudell tiegħu b’għajn waħda fuq l-esperjenza tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa, kellu rwol ewlieni wkoll fil-promozzjoni tad-dimensjoni politika u soċjali fl-istrateġiji tal-Mercosur, li fil-fatt, huma simili ħafna għal dawk adottati mill-mudell ta’ integrazzjoni Komunitarja.

3.2.2   Fil-kuntest tan-natura ambizzjuża tal-għanijiet tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil, partikularment rigward l-integrazzjoni ekonomika u soċjali, hemm bżonn li tissaħħaħ l-istruttura istituzzjonali Brażiljana li taġixxi bħala mezz ta’ komunikazzjoni bejn iż-żewġ naħat, sabiex jiżdiedu kemm jista’ jkun l-effiċjenza u r-riżultati tas-sħubija strateġika li qegħdin ifittxu ż-żewġ naħat.

3.2.3   Ir-relazzjonijiet tal-Brażil mal-UE, bħalissa jiddependu mill-aspetti kummerċjali u ekonomiċi, bħal fil-każ tal-bijokarburanti, il-kooperazzjoni trijangulari (bejn l-UE, il-Brażil u l-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw), il-pożizzjoni tiegħu u l-azzjoni “spalla ma’ spalla mal-UE” dwar il-bidla fil-klima, u fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija.

3.2.4   Bħala riżultat tal-pożizzjoni prominenti tal-Brażil fid-dinja, ir-relazzjonijiet bilaterali tiegħu mal-Istati Membri tal-UE jestendu lil hinn mir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, u huma marbuta strettament mal-preżenza fil-Brażil ta’ komunitajiet enormi ta’ diversi oriġini Ewropej u mal-komunitajiet ta’ daqs sinifikanti ta’ immigranti Brażiljani f’bosta pajjiżi Ewropej. Għal mijiet ta’ snin kien hemm fluss ta’ migrazzjoni f’żewġ direzzjonijiet bejn il-Brażil u bosta Stati Membri tal-UE.

3.2.5   Is-summit li jmiss bejn l-UE u l-Brażil ser jinżamm f’Rio de Janeiro f’Diċembru 2008, u ser jimmarka fażi ġdida, irrispettivament mill-progress li jista’ jkun sar fuq il-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur. L-UE pproponiet sensiela ta’ objettivi intiżi biex jirfdu pjan ta’ azzjoni konġunta li tista’ titqiegħed f’qafas u tiġi adottata mhux aktar tard mis-summit ta’ din is-sena: tħejjija ta’ aġenda konġunta, b’multilateraliżmu rinfurzat, drittijiet umani mtejba, standards ta’ demokrazija u ta’ gvernanza, il-promozzjoni ta’ żvilupp soċjali u uman, ħarsien ambjentali, sigurtà tal-enerġija, stabilità u prosperità fl-Amerika Latina, rabtiet ekonomiċi u kummerċjali iktar b’saħħithom (b’enfasi fuq kwistjonijiet marbutin mas-suq finanzjarju), is-soċjetà tal-informazzjoni, it-trasport bl-ajru u bil-baħar, il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, il-promozzjoni tal-paċi u l-iskambji edukattivi, kulturali u tas-soċjetà ċivili bejn iż-żewġ naħat.

3.2.6   Filwaqt li huwa importanti li jitnieda qafas ċar għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil, huwa ċar li r-relazzjonijiet ta’ kuljum, jissawru l-ewwel u qabel kollox mhux mill-hekk imsejħa “rappreżentanti politiċi”, iżda mill-ħafna aspetti tas-soċjetà ċivili. L-ispinta ġenwina wara din ir-relazzjoni tinbet mill-intrapriżi, mill-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fil-forom kollha tagħhom, u ċ-ċittadini kemm individwalment kif ukoll kollettivament. L-assoċjazzjonijiet tat-trejdjunjins u ta’ min iħaddem, pereżempju, kienu u baqgħu kruċjali għar-riforma tal-pajjiż: fir-rapport ġenerali dwar l-Ameriki (2006) l-ILO identifikat lill-Brażil talli tejjeb il-kura tas-saħħa u s-sigurtà tal-impjiegi u għax it-trejdjunjins u l-intrapriżi f’dak il-pajjiż fehmu l-importanza li jagħtu prijorità lill-integrità tal-ħaddiema, li ma tfissirx biss li jagħmlu talbiet marbuta mal-pagi. L-NGOs qdew rwol ukoll fl-isforz nazzjonali għat-tqassim mill-ġdid tar-riżorsi, ibda biex fil-politiki soċjali u fl-ifqar żoni; dan ma inkludiex biss il-ħidma għall-ġlieda kontra l-faqar; fattur ieħor kien il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u ekonomika, li gawdiet mill-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, il-kooperattivi u n-netwerks tal-NGOs mir-reġjun kollu kemm hu. Dan huwa mudell ta’ żvilupp ġenwinament ġdid u li kiseb suċċess, li involva lill-biċċa l-kbira tas-soċjetà ċivili u huwa magħruf mal-UNDP, li rnexxielu jagħmilha possibbli sabiex l-indiċi tal-iżvilupp uman iwettaq il-ħidma ta’ monitoraġġ tiegħu fil-5 000 muniċipalità Brażiljana, bil-kollaborazzjoni attiva tas-soċjeta b’mod ġenerali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea tistqarr li fl-2005, l-UE wettqet 37 proġett, bi spiża totali ta’ EUR 24 miljun, bl-appoġġ tal-NGOs lokali. Il-Kummissjoni (6) tosserva li l-imsieħba involuti f’dawn il-proġetti huma responsabbli, kompetenti u kapaċi li jindirizzaw l-isfidi li qed jiffaċċjaw u jadattaw għall-bidla.

3.2.7   Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Brażil f’diversi livelli ma kinux megħjuna min-nuqqas ta’ politika ċara għall-promozzjoni tal-lingwa Portugiża u n-nuqqas ta’ mekkaniżmi għat-tixrid tal-lingwa.

3.2.8   Meta jitqies id-daqs tas-swieq taż-żewġ naħat u l-karatteristiċi speċifiċi, il-potenzjal tat-turiżmu tal-UE għadu mhux qed jiġi promoss biżżejjed fil-Brażil u l-istess japplika għall-promozzjoni tal-potenzjal tat-turiżmu tal-Brażil fl-UE.

3.3   Prospetti Futuri

3.3.1   Id-dimensjoni parteċipatorja tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. Fix-xena politika tal-Brażil, l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni demokratika huma prijoritajiet. L-aspett politiku ta’ dan il-proċess essenzjalment idur mat-tisħiħ tad-demokrazija parteċipatorja. Din tal-aħħar hija bbażata fuq il-kostituzzjoni Brażiljana u tnedew diversi mekkaniżmi għall-parteċipazzjoni. Is-soċjetà ċivili organizzata u s-CDES b’mod partikulari jagħtu importanza konsiderevoli lil dawn il-kanali li jippermettu lill-pubbliku jesprimi l-fehmiet tiegħu.

Il-Brażil qed iwettaq esperiment parteċipatorju organizzat f’diversi livelli, sabiex jimplimenta t-tqassim mill-ġdid tar-riżorsi ewlenin u l-programmi tal-promozzjoni soċjali. Min-naħa tagħha, għal għexieren ta’ snin, l-UE ilha topera sistema simili li timplimenta l-politika ekonomika u tal-koeżjoni soċjali. Dawn l-esperjenzi jistgħu jitqabblu b’mod profitabbli, speċjalment fil-kuntest tad-differenzi reġjonali fil-Brażil li għadhom jeżistu fuq skala kbira, minkejja titjib fl-indiċi Gini (7). Għandu jiġi enfasizzat li dawn il-forom ta’ parteċipazzjoni jiġbru flimkien l-għaqdiet tal-imsieħba soċjali (it-trejdjunjins u min iħaddem), l-NGOs, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u b’hekk jinbnew in-netwerks tal-partijiet interessati li jkunu responsabbli b’mod konġunt għall-politiki tal-iżvilupp u l-ġustizzja.

3.3.2   Il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali u l-kwistjoni tal-art. Għandhom jitnedew strateġiji u strumenti sabiex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-integrazzjoni ekonomika u kummerċjali dejjem iktar intensiva, li tibda fis-setturi ta’ importanza strateġika fejn il-Brażil u l-UE huma atturi ewlenin fil-livell dinji; jinħtieġ ukoll li jitwaqqfu korpi li jinvolvu u jimmonitorjaw is-soċjetà ċivili organizzata fir-rigward tat-tendenzi tal-investiment u frott il-kooperazzjoni. Illum il-ġurnata, il-Brażil huwa diġà wieħed mill-ikbar esportaturi tal-prodotti tal-ikel, u jemmen li jista’ jlaħħaq maż-żieda fid-domanda dinjija f’dan il-qasam jekk jirċievi l-investiment meħtieġ minn barra biex jilħaq dan il-għan. Iż-żieda fil-produzzjoni agrikola tal-Brażil inkisbet iktar bi spinta fil-produttività milli mill-espansjoni ta’ wiċċ l-art ikkultivata. Din tista’ tkun fattur prinċipali fit-tnaqqis tad-deforestazzjoni fl-Amażonja. Id-diffikulajiet li tqajmu fid-WTO (in-negozjati ta’ Doha u l-progress li sar matul il-laqgħa tal-G20) rigward id-dibattitu dwar is-sussidji għall-bdiewa u t-tariffi tad-dwana fuq il-prodotti jirriflettu d-differenzi fl-interessi tal-UE u l-Brażil. Ir-riforma tal-PAK għandha tibgħat messaġġ li jsejjaħ għal iktar ġustizzja u bilanċ aħjar fil-kummerċ agrikolu. Huwa importanti wkoll li s-suq isir iktar trasparenti u li s-sigurtà tal-ikel u s-saħħa tal-annimali jittejbu sabiex tissaħħaħ il-kunfidenza tal-konsumatur.

3.3.3   Kooperazzjoni fis-settur edukattiv. Din il-kwistjoni għandha tkun prijorità għar-round table, u hija waħda mill-prijoritajiet magħżula mill-Kummissjoni. Il-KESE jirrakkomanda li din il-prijorità tinżamm, b’enfasi speċjali fuq l-esperjenza Ewropea tat-tagħlim tul il-ħajja kollha, appoġġjata mill-atturi soċjali Ewropej bħala parti mid-djalogu soċjali u l-istrateġija ta’ Lussemburgu għall-promozzjoni tal-impjiegi. Din tista’ tiġi ppreżentata bħala prattika tajba Ewropea li tgħodd ukoll għall-Brażil. Huwa rakkomandabbli li tiġi appoġġjata l-enfasi tas-CSP fuq l-edukazzjoni għolja, iżda l-isfidi li qed jiffaċċja l-Brażil fil-livelli primarji u sekondarji huma kruċjali. Il-Brażil u l-UE jistgħu jitqarrbu l-iktar bis-saħħa ta’ skambji bejn l-istabbilimenti edukattivi f’livelli differenti, u b’mod partikulari bil-parteċipazzjoni tal-istudenti u l-għalliema. L-esperjenza tal-UE fl-iskambji tal-istudenti għandha toffri punt ta’ bidu għal skemi simili li jinkludu lill-UE u l-Brażil, b’żieda mal-iskema ppjanata ta’ Erasmus Mundus (hija bilfors ta’ daqs limitat) u d-Dokument ta’ Strateġija tal-Pajjiż 2007 – 2013, li taw spinta lil rabtiet saħansitra iktar stretti u iktar għarfien reċiproku għall-ġejjieni.

3.3.4   Kooperazzjoni fis-settur tar-riċerka u l-iżvilupp. Jistgħu jirriżultaw oqsma importanti ta’ komplementarità u sinerġija mill-approċċi differenti speċifiċi li jittieħdu mill-komunitajiet rispettivi tax-xjenza u t-teknoloġija, u l-prijoritajiet marbuta mal-għażliet li jsiru miż-żewġ ekonomiji u kulturi. B’mod partikulari, l-UE għandha tistudja l-possibbiltà li tadotta proċedura mgħaġla (fast-track) għar-riċerkaturi Brażiljani fi ħdan is-Seba’ Programm Qafas għall-iżvilupp tar-riċerka u t-teknoloġija.

3.3.5   Id-djalogu soċjali fil-kumpaniji multinazzjonali Ewropej li qed joperaw fil-Brażil. L-esperjenza tal-kumitati tat-trejdjunjins Ewropej, strument għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema fil-kumpaniji Ewropej, hija eżempju ieħor ta’ prattika tajba Ewropea li tista’ tiġi estiża – jew fuq bażi voluntarja, jew bħala parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva - għall-kumpaniji multinazzjonali li qed joperaw fil-Brażil.

3.3.6   L-ambjent, il-bidla fil-klima u l-bijokarburanti. Issa li l-passi kontra l-bidla fil-klima u t-tiftix għal sorsi tal-enerġija sostenibbli huma prijoritajiet ewlenin fuq l-aġenda internazzjonali, il-Brażil jista’ jkun attur ewlieni għall-Ewropa u d-dinja kollha kemm hi, anki għall-provvista tal-bijokarburanti, speċjalment il-bijoetanol; dan l-aħħar sar progress sinifikanti f’dan is-settur. Barra minn hekk, l-Ewropa u l-Brażil jistgħu jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu kooperazzjoni mal-Afrika bil-għan li jesportaw it-teknoloġija u l-għarfien Brażiljan għat-twaqqif tal-produzzjoni tal-bijoetanol hemmhekk, u b’hekk jiġi promoss l-iżvilupp fl-Afrika bis-saħħa ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ kooperazzjoni politika tripartitika.

Wieħed mill-oqsma ta’ importanza għall-interessi Ewropej u dinjija huwa l-preżervazzjoni tal-Foresta tal-Amażonja (8). Sabiex titħares, għandhom jitwaqqfu sħubijiet internazzjonali, li jinvolvu korpi pubbliċi u/jew privati f’din l-impriża hekk importanti, dejjem inżommu f’moħħna l-limitazzjonijiet imposti mis-sovranità tal-leġiżlazzjoni u l-istat tal-Brażil rigward dan il-wirt dinji. L-opinjoni pubblika u l-awtoritajiet Brażiljani huma sensittivi dwar dan is-suġġett iżda l-Istat attwali tad-dinja u l-iżvilupp previst ifissru li dawn huma prijorità assolutament essenzjali għall-kooperazzjoni bejn il-Brażil u l-Ewropa.

Huwa importanti li nosservaw li d-djalogu formali fil-fatt tnieda tliet snin ilu, bl-isem ta’ “Djalogu bejn l-UE u l-Brażil għall-iżvilupp sostenibbli u l-bidla fil-klima”, għalkemm l-attivitajiet marbuta miegħu kienu limitati għal laqgħat biex tiġi stabbilita aġenda bil-għan li ż-żewġ partijiet jadottaw pożizzjoni dwar is-suġġetti għad-diskussjoni.

3.3.7   Il-faqar u l-problemi soċjali. Fl-2007, il-Brażil kien in-numru 70 fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti; din hija pożizzjoni kemxejn modesta meta mqabbla ma’ pajjiżi li għandhom livelli simili ta’ żvilupp ekonomiku u teknoloġiku. Skont id-ital tan-NU, bejn l-2003 u l-2005, l-għadd ta’ Brażiljani li qegħdin jgħixu taħt il-linja tal-faqar waqa’ b’19,3 %; illum il-ġurnata, dawn jgħoddu għal 22,8 % tal-popolazzjoni (jew 43 miljun persuna). Il-programmi soċjali implimentati mill-gvern ta’ Lula rnexxielhom jimxu għadd ta’ passi żgħar iżda utli fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza (9). Madankollu, il-Brażil jibqa’ wieħed mill-pajjiżi bl-ikbar inugwaljanzi interni: l-ifqar 20 % jirċievu 4,2 % tar-riżorsi nazzjonali, l-iktar fin-naħa tal-grigal tal-pajjiż. L-aċċess għall-edukazzjoni ttejjeb tul dawn l-aħħar snin, iżda l-inugwaljanzi għadhom jeżistu fil-livell reġjonali, b’mod partikulari fl-edukazzjoni għolja. Ir-rata tal-alfabetiżmu hija pjuttost għolja (93,6 %) fost iż-żgħażagħ (bejn il-15 u l-24 sena), filwaqt li l-analfabetiżmu fost l-adulti baqa’ għoli (12 %). L-indikaturi tas-saħħa ttejbu wkoll, il-Brażil jonfoq 7,9 % tal-PGD tiegħu fuq is-saħħa (il-medja tal-OECD hija 8,72 %). Il-politiki soċjali kellhom impatt fuq it-tnaqqis tar-rata tal-mortalità tat-trabi (36 għal kull 1 000), iżda għad irid isir ħafna iktar xogħol f’dan il-qasam, speċjalment fin-naħa tat-tramuntana u l-grigal tal-pajjiż. Skont il-UNAIDS, madwar 650 000 Brażiljan għandhom il-virus tal-HIV: bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Brażil jiggarantixxi l-aċċess universali għat-trattament mediku, inkluż il-mediċini antiretrovirali. Il-qgħad naqas minn 12,3 % għal 8,4 % fil-perijodu bejn l-2004 u l-2006. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ (li jolqot lill-persuni bejn it-18 u l-24 sena) naqas minn 23,7 % għal 21,6 %, iżda jibqa’ għoli. Għaldaqstant, il-ħolqien tal-impjiegi huwa prijorità għall-gvern, daqskemm hija wkoll il-ġlieda kontra x-xogħol furzat u x-xogħol li jsir mit-tfal (10). L-aċċess għas-sjieda tal-art huwa kwistjoni sensittiva immens: 1 tas-sidien tal-art jikkontrollaw l-art għammiela kollha. Ir-riforma tal-art tinsab fuq l-aġenda tal-gvern, bil-għan li l-art titqassam mill-ġdid bejn 430 000 familja fqira. Dan il-proċess imissu seħħ sal-2007, iżda għadu ′l bogħod milli jżomm mal-iskeda (11). Għad fadal ħafna xi jsir dwar il-problema serja tad-djar. Waħda mill-konsegwenzi hija li miljuni ta’ Brażiljani għadhom jgħixu ġo “shanty towns”.

3.3.8   Flussi migratorji. Il-flussi migratorji bejn l-Ewropa u l-Brażil kienu reċiproċi u kostanti għal bosta snin, iżda kienu l-ikbar lejn il-peniżola Iberjana. (NOTA: tul is-seklu 20, il-flussi migratorji mill-Ewropa lejn il-Brażil kienu jinvolvu l-iktar nies mill-Italja u l-Ġermanja, segwiti, f’ordni numerika, mill-Portugall, Spanja u l-Polonja. Dan jispjega għalfejn illum il-Brażil hemm iktar minn 30 miljun ruħ ta’ nisel Taljan u 8 miljuni ta’ nisel Ġermaniż). Kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni, illum il-ġurnata għandhom jiġu inklużi mal-inizjattivi u l-proposti tal-UE dwar l-immigrazzjoni minn pajjiżi terzi, li jqisu l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali, iżda speċjalment li jitħeġġu t-tipi ta’ migrazzjoni li jkunu ta’ ġid għaż-żewġ partijiet ikkonċernati (12). Il-gvernijiet tal-UE għandhom jirrikonoxxu l-fatt li huwa ċar li d-demografija tal-Ewropa sejra lura filwaqt li bosta żoni tal-Brażil għandhom prospetti tajbin ħafna għat-tkabbir (13). Billi l-prospett ta’ assoċjazzjoni strateġika bejn l-UE u l-Brażil huwa daqshekk importanti, il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-flussi migratorji minn u lejn il-Brażil, għaldaqstant għandhom jiġu indirizzati b’konformità ma’ kriterju speċifiku: iż-żewġ partijiet ikkonċernati għandhom jiffukaw fuq is-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-visa u r-residenza, iktar informazzjoni u informazzjoni aħjar dwar l-opportunitajiet għall-migrazzjoni legali u l-prijoritizzazzjoni tal-iskambju ta’ studenti u riċerka, mingħajr ma titħeġġeġ brain drain. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll arranġamenti konġunti għall-għarfien reċiproku tal-kwalifiki, il-ħiliet u l-esperjenza u għall-portabbiltà tal-pensjonijiet.

3.3.9   Niġbru flimkien il-popli tagħna. L-importanza ta’ din il-kwistjoni għall-gvernijiet taż-żewġ blokkijiet ġie rifless fis-summit ta’ Liżbona, li jistħoqqlu li jissemma fil-punt 16 tal-konklużjoniet tas-summit (14). Mifrudin minħabba l-Atlantiku, iżda magħqudin bi storja komuni, il-Brażil u l-Ewropa jistgħu u għandhom irawmu l-iskambji u jitgħallmu dwar xulxin: is-soċjetajiet, in-natura u l-ambjent, l-arti, il-kultura u x-xjenzi. Is-soċjetà ċivili tipprovdi mezz eċċellenti għal dan it-tip ta’ skambji u stħarriġ, il-promozzjoni ta’ avvenimenti kulturali u sportivi, u avvenimenti oħrajn li jippermettu lill-popli tal-Brażil u l-Ewropa sabiex isiru jafu lil xulxin aħjar, u b’hekk jiżviluppaw momentum sod għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti konġunti.

3.3.10   Relazzjonijiet Ekonomiċi. Huwa ċar li l-kummerċ bejn il-Brażil u l-UE qed jiżdied, kif turi d-data mill-gvern Brażiljan għall-perijodu Jannar-Mejju 2008: l-esportazzjonijiet mill-Brażil għall-UE żdiedu b’19 % matul l-istess perijodu fis-sena ta’ qabel. L-UE hija d-destinazzjoni prinċipali għall-esportazzjoni Brażiljana, wara l-LAIA (l-Assoċjazzjoni tal-Integrazzjoni tal-Amerika Latina), l-Ażja u l-Istati Uniti. L-UE hija t-tieni l-ikbar imsieħba kummerċjali tal-Brażil, wara l-Ażja. Jekk din it-tendenza fil-kummerċ bilaterali tkompli fl-2008, tista’ tasal sar-rekord ta’ USD 84 biljun (żieda ta’ 25 % meta mqabbla mal-2007) (15). Il-kummerċ bejn l-UE u l-Brażil jista’ jkollu mira ogħla, iżda sabiex jiġri dan, il-proċeduri għandhom jiġu ssemplifikati, il-burokrazija għandha titnaqqas u jiġi assigurat ir-rispett għall-istandards u għar-regoli tal-proprjetà intellettwali. Il-gvern Brażiljan għandu jirrevedi wkoll id-dazji li jimponi fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti, billi dan huwa fattur li qed ixekkel id-dħul tal-prodotti Ewropej fil-Brażil.

4.   Ir-round table bejn l-UE u l-Brażil

4.1   L-organizzazzjoni u t-tħaddim

4.1.1   It-twaqqif ta’ round table bejn l-UE u l-Brażil, fih innifsu ser jibgħat sinjal ċar dwar l-importanza li qed tingħata miż-żewġ naħat lir-relazzjonijiet futuri tagħhom.

4.1.2   Il-KESE jemmen li r-round table għandu jiltaqa’ darbtejn fis-sena, darba fil-Brażil u darba fl-Ewropa, sabiex jitwessa’ u jiġi żviluppat ir-rwol tas-soċjetà ċivili fis-sħubija bejn il-Brażil u l-UE.

4.1.3   Il-parteċipazzjoni fir-round table għandha tkun ibbilanċjata, b’numru ugwali ta’ rappreżentanti mill-KESE u s-CDES, kull wieħed b’delegazzjoni li tinkludi tnax-il membru, li llum il-ġurnata huwa meqjus bħala numru raġonevoli.

4.1.4   Ir-round table innifisha għandha tiddiskuti u tiddetermina l-arranġamenti tat-tħaddim tagħha stess, sabiex jiġi assigurat il-bilanċ u regoli ta’ ħidma konsistenti.

4.1.5   Il-KESE jħoss li jkun xieraq u utli li tinħoloq paġna fis-sit tal-internet tal-KESE li tkun iddedikata lir-Round Table bejn l-UE u l-Brażil, bil-għan li jitħeġġu l-kontributi mis-soċjetà ċivili.

4.2   Suġġetti proposti għal aġenda futura ta’ djalogu

Il-valur miżjud li r-round table jista’ jġib lis-sħubija strateġika li qed tiżviluppa jiddependi b’mod ċar fuq l-importanza tal-kwistjonijiet prijoritarji li tiddiskuti. B’riżultat ta’ dan, il-KESE jikkunsidra li l-oqsma tematiċi li ġejjin għandhom ikunu prijoritajiet għad-diskussjoni (16):

4.2.1   Kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali

il-kooperazzjoni ekonomika, il-kummerċ bilaterali u l-investiment;

l-effetti tal-globalizzazzjoni, it-tnaqqis tal-impatt negattiv tagħha u l-isfruttar tal-benefiċċji;

l-analiżi tal-mudelli soċjali, l-iskambju tal-esperjenzi u l-abbozzar tal-proposti ta’ politika f’dan il-qasam, bil-kunsiderazzjoni tar-rwol tas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni effettiva u effiċjenti min-naħa tagħha;

il-monitoraġġ tal-progress tal-proposti, il-mudelli u l-miżuri tad-WTO;

l-analiżi tal-movimenti tal-migrazzjoni u l-kooperazzjoni dwar id-drittijiet tal-emigranti Ewropej fil-Brażil u l-immigranti Brażiljani fl-Ewropa, bil-għan li jiġu integrati b’mod sħiħ bħala ċittadini fil-pajjiżi tad-destinazzjoni;

il-ġbir tal-esperjenzi fil-qasam tar-relazzjonijiet soċjali u tax-xogħol u b’mod iktar speċifiku r-rwol tal-imsieħba soċjali fl-iżvilupp nazzjonali bilanċjat, ir-relazzjonijiet bejn min iħaddem u l-ħaddiema, l-organizzazzjoni u s-sħubija fil-korpi trejdjunjonistiċi, il-leġiżlazzjoni tax-xogħol u n-negozjar kollettiv;

id-diskussjonijiet dwar il-kwistjonijiet tal-ikel u s-saħħa tal-pjanti, u rigward it-tħaddim ta’ swieq agrikoli u l-kummerċ bejniethom, il-promozzjoni tal-iskambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattika, bil-għan li jkun hemm żvilupp sostnut f’dan is-settur;

id-dibattitu ta’ kwistjonijiet dwar is-soċjetà tal-informazzjoni u r-rwol tal-ITC fil-kuntest attwali tal-iżvilupp nazzjonali sostnut;

il-promozzjoni tad-dibattitu dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, u l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fost id-diversi partijiet interessati, sabiex il-komunità tan-negozji tkun tista’ tadotta s-sistemi xierqa b’mod mgħaġġel u effettiv;

id-dibattitu u l-promozzjoni ta’ inizjattivi favur il-kunċetti ta’ integrazzjoni rigward l-uwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, l-opportunitajiet ugwali u d-drittijiet tal-minoritajiet etniċi u soċjali;

l-infrastruttura u s-servizzi – diskussjoni dwar din il-kwistjoni li tiffoka fuq suġġetti bħall-iżvilupp tan-netwerks tat-toroq u t-twaqqif ta’ konsorzji tal-enerġija, fost oħrajn;

l-iskambju tal-esperjenzi fil-qasam tal-istandards essenzjali tax-xogħol;

id-diskussjoni dwar il-potenzjal tas-sħubijiet pubbliċi-privati għall-ksib tal-għanijiet politiċi kif ukoll ir-restrizzjonijiet potenzjali li huma inerenti fi sħubijiet bħal dawn.

4.2.2   Kwistjonijiet politiċi u diplomatiċi u appoġġ għall-iżvilupp

il-kooperazzjoni tripartitika bejn l-UE, il-Brażil u pajjiżi terzi, l-analiżi tas-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi eżistenti, u l-konsultazzjoni dwar inizjattivi u azzjonijiet futuri;

il-monitoraġġ tal-progress tal-proċess ta’ integrazzjoni tal-Mercosur;

l-użu tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Brażil bħala mezz għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u l-iżvilupp tal-Mercosur u r-relazzjonijiet tiegħu mal-Ewropa.

4.2.3   L-ambjent u l-enerġija

evalwazzjoni u azzjoni dwar il-ħarsien ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli, bħala sisien għat-tkabbir nazzjonali u l-iżvilupp globali;

evalwazzjoni tal-isfidi tal-enerġija, sorsi alternattivi tal-enerġija u kooperazzjoni f’dan il-qasam bħala kwistjonijiet urġenti u deċiżivi għall-ġejjieni tal-individwi, il-pajjiżi u d-dinja. Din il-kwistjoni għandha tenfasizza b’mod partikulari l-bijokarburanti u l-bżonn li jiġu stabbiliti regoli u standards għall-marketing ta’ dawn il-prodotti.

4.2.4   Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-proprjetà intellettwali

ħarsien reċiproku tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

l-iżvilupp ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija, sabiex tiġi promossa r-riċerka li tagħti spinta lil avvanzi reċiproċi.

4.2.5   L-edukazzjoni

il-promozzjoni ta’ skambji bejn l-iskejjel u l-universitatjiet bit-twaqqif ta’ skemi ta’ skambji fost l-istudenti u l-għalliema u modi oħrajn biex jiżdiedu l-għarfien u l-iżvilupp fis-settur akkademiku;

id-diskussjoni u l-analiżi tal-kwistjonijiet marbuta mal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala proċess tul il-ħajja, li huwa essenzjali għall-iżvilupp individwali u kollettiv.

4.2.6   L-iskambju kulturali u t-turiżmu

il-promozzjoni tal-iskambji kulturali u s-sensibilizzazzjoni tal-istorja u s-sitwazzjoni attwali, biex b’hekk isir kontribut għall-għarfien u fehim reċiproku; u

ir-rwol tal-analiżi u l-verifikazzjoni tat-turiżmu biex iqarrbu iktar l-UE u l-Brażil, u t-tfassil ta’ strateġiji bil-għan li dan is-settur jingħata spinta b’mod bilanċjat u sostenibbli.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Lejn Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil. COM(2007) 281 finali, 30.5.2007.

(2)  Summit bejn l-UE u l-Brażil, Liżbona, l-4 ta’ Lulju 2007 – Punt 16 tal-Istqarrija Konġunta – PR 11531/07 (Stampa 162).

(3)  L-imsieħba soċjali jgħoddu għal madwar nofs il-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (CDES). Il-Membri jiġu wkoll mill-fondazzjonijiet privati, l-NGOs, kemm sekulari kif ukoll reliġjużi, l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità, il-movimenti tal-ħaddiema u tal-kooperattivi, l-organizzazzjonijiet tal-istudenti u r-retturi tal-università, barra miċ-ċentri għall-istudju u r-riċerka li jispeċjalizzaw fl-istudji soċjali, l-ekonomija u l-politika tal-istat, eċċ.

(4)  Fir-rigward tas-soċjetà ċivili, dawn jistħoqqilhom attenzjoni partikulari: seminar konġunt (CDES-KESE) f’Lulju fi Brasilia, dwar L-UE u l-Mercosur: l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp nazzjonali u reġjonali? u l-iffirmar mill-KESE u s-CDES ta’ Dikjarazzjoni Konġunta li tistqarr l-intenzjonijiet tal-partijiet li jintensifikaw ir-relazzjonijijet bejn l-UE u l-Brażil.

(5)  Il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina.

(6)  Il-Brażil – Karta ta’ Strateġija tal-Pajjiż, 2007-2013.

(7)  Din hija miżura li tintuża ħafna għall-kalkolu tal-inugwaljanza fit-tqassim tad-dħul finanzjarju, li tagħti rappreżentazzjoni grafika tan-numri tal-popolazzjoni fuq l-assi vertikali u d-dħul finanzjarju fuq l-assi orizzontali.

(8)  Bħalissa l-gvern Brażiljan qed jimplimenta “Pjan Sostenibbli għall-Amażon” (PSA) li jħaddan strateġiji, stennijiet u miżuri għall-Amażonja, u tfassal sabiex jistabbilixxi miżuri pubbliċi, fost affarijiet oħra, għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, mhux bħala kwistjoni esklużivament ambjentali, iżda bħala kwistjoni integrata għall-gvern. Jeżisti wkoll fond, li jista’ jagħti kontribut fih kulħadd, għall-appoġġ tat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-Amażonja; dan huwa intiż biex jappoġġja miżuri ppruvati, iktar milli proġetti esperimentali jew pilota.

(9)  Ara b’mod partikulari il-programm innovattiv “Bolsa Familia” (BRL 2,38 biljun) li minnu bbenefikaw 8,7 miljun familja (data minn tmiem l-2007).

(10)  It-tfal jintlaqtu b’mod partikulari: skont l-ILO, fl-2002 madwar 450 000 minur inġġiegħlu jagħmlu xogħol domestiku, xogħol agrikolu jew biex jaħdmu fl-industrija tas-sess.

(11)  Il-moviment tal-bdiewa “Movimento dos Sem Terra” (1,5 miljun membru) isejjaħ għar-riforma radikali tal-art. Dan il-moviment għadu ma jagħmilx parti mis-CDES.

(12)  Rigward il-pakkett tal-UE dwar l-immigrazzjoni, l-analiżi u s-suġġerimenti tal-KESE ġew iddokumentati kompletament f’sensiela ta’ opinjonijiet dwar il-miżuri proposti u f’opinjonijiet fuq inizjattiva proprja u opinjonijiet esploratorji.

(13)  Ir-rata ta’ twelid fil-Brażil hija żewġt itfal għal kull mara, skont l-istħarriġ tal-PNAD 2006 (Pesquisa Nacional por Amostra de domicilios).

(14)  http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/er/95167.pdf

(15)  Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-appendiċi finanzjarji.

(16)  Il-lista ta’ proposti tematiċi tqis id-dispożizzjonijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona, billi din hija strument strateġiku ta’ importanza kbira għall-UE. Konsegwentement, fit-tfassil ta’ dawn il-proposti, il-KESE ma jistax jitbiegħed wisq mil-linji gwida, il-kunċetti u l-għanijiet li jidhru f’dak id-dokument.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/100


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2009/C 100/16

Fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-12 u t-13 ta’ Diċembru 2007, b’konformità mar-Regola 19(1) tar-Regolament Intern tiegħu, il-KESE stabbilixxa sottokumitat inkarigat mit-tfassil ta’ opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq

Is-Sottokumitat dwar “Ir-rwol tal-UE fil-Proċess ta’ Paċi fl-Irlanda ta’ Fuq”, li kien responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adotta din l-opinjoni nhar it-23 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura MORRICE.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’151 voti favur, vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Hemm ħafna x’wieħed jista’ jitgħallem mill-involviment tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq (NI). Il-progress li sar mill-ikreh mumenti tal-passat mimli inkwiet tar-reġjun lil hawn huwa eċċezzjonali f’termini soċjali, ekonomiċi u b’mod partikolari f’termini politiċi. Tjieb l-istat ta’ sigurtà, l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika miexja ’l quddiem, il-wasla ta’ nies ġodda minn barra, bħala migranti u turisti, mhux biss tagħti spinta lill-ekonomija iżda tgħin ukoll biex tisfida l-ħsieb settorjali tradizzjonali, il-kooperazzjoni transkonfinali qed tmur lil hinn minn dak li kien mistenni u l-qsim tal-poter bejn dawk li qabel kienu avversarji issa qed jiġi aċċettat bħala “politikament korrett”.

1.2   Madankollu, f’dan il-mument, il-kompjaċenza żgur mhijiex idea tajba. Il-“ħitan ta’ paċi” inkwetanti li jisseparaw il-komunitajiet Kattoliċi u Protestanti f’Belfast huma tfakkira ta’ swied il-qalb iżda reali tad-diffikultajiet serji li għadu qed jiffaċċja l-proċess ta’ paċi, b’mod partikolari f’termini ta’ rikonċiljazzjoni transkomunitarja, u ta’ kemm għad fadal xi jsir. Deċennji ta’ vjolenza, mibegħda, suspetti, injoranza u intolleranza wasslu għal separazzjoni bla preċedent tal-komunitajiet fl-Irlanda ta’ Fuq. Filwaqt li n-nies jistgħu jgħixu f’“livell aċċettabbli” ta’ paċi wara l-ħitan tagħhom, fid-djar, fl-irħula, fil-knejjes, fl-iskejjel u fl-istadiums sportivi tagħhom, dan l-“għajxien parallel” jista’ jirrappreżenta biss fażi tranżitorja fil-proċess lejn ir-rispett, il-fehim u l-armonija reċiproċi li jista’ jieħu ġenerazzjonijiet sħaħ qabel ma jitwettaq.

1.3   Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq kien u jibqa’ bla preċedent fl-istorja tagħha. Il-fatt li l-istorja tal-għajnuna tal-UE għal dan il-proċess mhijiex magħrufa hu prova ta’ kemm dan l-approċċ huwa adegwat. Dan ma kienx sforz fieragħ biex l-UE tindaħal f’sitwazzjoni li hija lil hinn mill-kontroll tagħha jew li traqqa’ l-pannu bil-qara’ aħmar. Il-mudell tat-tisħiħ tal-paċi tal-UE fl-Irlanda ta’ Fuq jirrappreżenta impenn uniku u fit-tul, b’riżorsi sostanzjali, li ġie ppjanat u eżegwit b’mod strateġiku, imsejjes fuq il-prinċipji tas-sħubija soċjali u s-sussidjarjetà u mmexxi f’kull fażi b’konsultazzjoni lokali inklużiva.

1.4   Permezz ta’ taħlita ta’ intervent indirett u dirett, l-UE għenet lill-proċess ta’ paċi joħloq ambjent ideali għal soluzzjoni pożittiva, ġaladarba l-kundizzjonijiet politiċi ngħataw il-prijorità, u serviet ta’ katalist għal impatt ta’ tisħiħ tal-paċi reali, li l-effetti sħaħ tiegħu għad iridu jitwettqu.

1.5   L-UE ma għamlet l-ebda tentattiv ovvju biex tieħu l-mertu kollu għas-suċċess tal-proċess ta’ paċi. Madankollu l-istorja tkun qed tonqos jekk ma tirrikonoxxix il-valur u l-importanza tar-rwol tal-UE. Dan mhuwiex biss minħabba li l-appoġġ tal-UE b’mod partikolari għar-rikonċiljazzjoni għandu jkompli fis-snin li ġejjin, iżda wkoll minħabba l-fatt li dak li tgħallimna mill-Programmi PEACE tal-UE jista’ jgħin fl-isforzi għall-promozzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni f’partijiet oħra tad-dinja. L-UE qatt mhu ser ikollha r-risposti kollha, iżda, kif muri fl-Irlanda ta’ Fuq, żgur għandha l-mezzi u l-esperjenza biex tgħin lill-oħrajn isibuhom.

1.6   Bħala l-ikbar eżempju ta’ tisħiħ ta’ paċi, l-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, għandha l-għarfien, l-esperjenza, id-diversità, ir-riżorsi u r-reputazzjoni biex tgħin fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tal-paċi fejn meħtieġ fid-dinja. Iżda barra minn dan għandha wkoll id-dmir u l-obbligu li tqiegħed it-tisħiħ tal-paċi fil-qalba tad-direzzjoni strateġika futura tagħha.

2.   Rakkomandazzjonijiet

2.1   Ir-rakkomandazzjonijiet jinqasmu f’żewġ sezzjonijiet separati: l-ewwel waħda tkopri dawk l-oqsma ta’ ħidma fl-Irlanda ta’ Fuq u fil-kontej tal-fruntiera li fuqhom ser tiġi ffukata l-għajnuna tal-UE għat-tisħiħ ulterjuri tal-proċess ta’ rikonċiljazz-joni. It-tieni sezzjoni tkopri l-kuntest aktar wiesa’ tal-għajnuna tal-UE għat-tisħiħ tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni f’oqsma oħra ta’ kunflitt bl-użu tal-lezzjonijiet mitgħallma fl-Irlanda ta’ Fuq u deskritti fil-pakkett ta’ għodod għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt li jidher hawn taħt.

2.2   Il-kuntest tal-Irlanda ta’ Fuq

2.2.1   Il-lezzjonijiet mitgħallma mill-esperjenza Irlandiża jixhdu li t-tisħiħ tal-paċi hu proċess strateġiku twil. Jibda bil-għan li tintemm il-vjolenza u jimxi pass pass lejn stabbiltà ekonomika, koeżistenza paċifika, rikonċiljazzjoni u fl-aħħar nett lejn armonija soċjali, prosperità ekonomika u “soċjetà komuni”. Għalhekk jeħtieġ li l-appoġġ tal-UE għal dan il-proċess ikun wieħed fit-tul, konxju tan-natura fraġli tal-fażijiet inizjali u taż-żmien meħtieġ biex tinkiseb rikonċiljazzjoni reali. Filwaqt li l-ammont ta’ assistenza finanzjarja mill-UE jista’ jonqos u jsir aktar immirat hekk kif ir-reġjun joħroġ mill-kunflitt, għandu jkompli jikber is-sinifikat tar-rwol tal-UE bħala sieħba fil-proċess u fil-kapaċità tagħha li tiżviluppa ir-relazzjonijiet tagħha mar-reġjun b’mezzi kreattivi oħra.

2.3   Rakkomandazzjoni 1: L-UE għandha żżomm l-appoġġ fit-tul tagħha għat-tisħiħ tal-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq, u b’hekk għandha tiffoka aktar fuq:

ir-rikonċiljazzjoni transkomunitarja f’oqsma bħall-kultura, l-arti, l-isport, id-divertiment, id-djar u l-edukazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi u l-provvista ta’ servizzi pubbliċi;

il-gruppi marġinalizzati li qed jaħdmu f’kapaċità transkomunitarja bħala l-benefiċarji ewlenin tal-għajnuna, billi l-provvista ta’ għajnuna lil gruppi li jaħdmu ma’ identità unika (jew Protestanta jew Kattolika) illum hija biss possibbli f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn hi prerekwiżit ewlieni għat-tisħiħ tal-kapaċità transkomunitarja;

il-vittmi tal-“Inkwiet” (“Troubles”) sabiex jibnu ħajjithom mill-ġdid, jgħixu bit-trawma u jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ gruppi simili minn komunitajiet oħra f’żoni oħra ta’ kunflitt;

l-appoġġ ta’ inizjattivi li jwasslu għal “soċjetà komuni” sabiex jgħinu t-tnaqqis tal-ħtieġa għal duplikazzjoni tas-servizzi fid-djar, is-saħħa, l-edukazzjoni u f’faċilitajiet ta’ divertiment u sportivi;

l-inklużjoni ta’ organizzazzjonijiet volontarji u komunitarji, trejdjunjins u negozji fil-livelli kollha tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-fondi PEACE tal-UE;

ir-restawrazzjoni ta’ dawk l-istrutturi ta’ sħubija lokali li għenu sabiex iressqu lill-imsieħba soċjali u l-politiċi flimkien fl-istadji inizjali tal-programm PEACE;

it-tnaqqis tal-burokrazija, partikolarment għall-proġetti fuq skala żgħira fil-komunitajiet rurali u urbani, bl-evalwazzjoni tal-proġett li titkejjel kemm f’termini soċjali kif ukoll ekonomiċi;

2.4   Rakkomandazzjoni 2: It-Task Force tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Irlanda ta’ Fuq għandha tkompli tiffoka fuq l-iggwidar, l-iffaċilitar u l-appoġġ ta’ mezzi kreattivi u innovattivi għall-iżvillup tar-reġjun barra minn dawk li jiddependu fuq il-finanzjament tal-PEACE, bħar-riċerka, it-trasferiment tal-għarfien, l-edukazzjoni u l-iffaċilitar ta’ netwerks internazzjonali għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti.

2.5   Il-kuntest globali aktar wiesa’

2.6   L-UE mhux biss għandha d-dmir li titgħallem mill-esperjenzi tagħha fl-Irlanda ta’ Fuq iżda li tgħaddi dan it-tagħlim lill-oħrajn li qed jesperjenzaw livelli ta’ kunflitt differenti kemm jekk huma fi ħdanha, mal-fruntieri tagħha jew fil-bqija tad-dinja. Dan jgħin biex jiġi massimizzat ir-rwol pożittiv li l-UE jista’ jkollha fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti globali.

2.7   Rakkomandazzjoni 3: Għandu jkun hemm skambju ta’ tagħlimiet ewlenin bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u fix-xena internazzjonali. Dan għandu jiġi ffaċilitat permezz ta’:

bażi tad-data komprensiva tal-aħjar prattika fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti (proposta tal-PE);

kompendju ta’ evalwazzjonijiet tal-programm PEACE u proġetti ta’ suċċess;

aktar riċerka dwar ir-rwol tal-UE f’għadd ta’ oqsma (sitwazz-jonijiet ta’ kunflitt intern, transkonfinali u estern).

2.8   Rakkomandazzjoni 4: Dan jista’ jiġi ffaċilitat bil-ħolqien ta’ faċilità istituzzjonali Ewropea għar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitt fl-Irlanda ta’ Fuq, li tislet mill-ħidma lokali u internazzjonali eżistenti fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti. Id-detall ta’ dan għandu jkun is-suġġett ta’ dibattitu mal-imsieħba soċjali mifrux mal-UE kollha u mibdi mill-KESE, li jfittex l-aħjar mezz kif tista’ tiġi żviluppata faċilità għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti b’dimensjoni Ewropea.

2.9   Rakkomandazzjoni 5: Il-pakkett ta’ għodod li jidher hawn taħt għandu jiġi adottat u żviluppat aktar sabiex jgħin fl-analiżi ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u biex jinforma l-intervent meħtieġ tal-UE meta u kif meħtieġ. Il-pakkett ta’ għodod jiġbor flimkien firxa ta’ strumenti użati mill-UE li jistgħu jservu ta’ punt ta’ referenza u riżorsa għall-ħidma li tinvolvi l-protezzjoni tal-minoranzi, l-ugwaljanza, it-tisħiħ tal-kapaċità, il-kooperazz-joni transkomunitarja u transkonfinali u l-iżvilupp soċjoekonomiku f’oqsma oħra fi ħdan l-UE, mal-fruntieri tagħha u f’żoni ta’ kunflitt lil hinn mill-fruntiera territorjali tagħha.

Pakkett ta’ għodod tal-UE għar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti

Kitt ta’ dijanjosi:

Analiżi soċjoekonomika u politika

Manwali ta’ Referenza:

Esperjenzi minn postijiet oħra (eż. minn faċilitajiet għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti)

Kompendju/bażi tad-data ta’ programmi/proġetti

Konsiderazzjoni tat-teoriji għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti

Viżwalizzazzjoni strateġika:

Aspetti oġġettivi (sopranazzjonali) fit-tul, flimkien ma’ approċċ għat-teħid tar-riskju

Applikazzjoni ta’ tagħlimiet miksuba

Għarfien miksub u żviluppat

Valutazzjoni tal-istadju tal-kunflitt

Identifikazzjoni tal-metodu ta’ intervent, skont l-istadju u l-post tal-kunflitt (fi ħdan l-UE, mal-fruntieri tagħha jew lil hinn minnhom)

 

GĦODOD FINANZJARJI

GĦODOD MHUX FINANZJARJI

Għodod kbar

(fil-livell makro)

Netwerks iffinanzjati mill-UE li jiffukaw fuq it-trasformazzjoni tal-kunflitt

Istituzzjonijiet, politiki u opportunitajiet tal-UE

Etos, metodoloġija u eżempju tal-UE

Ewropeanizzazzjoni (fil-livell nazzjonali), normi, valuri, istituzzjonijiet u proċeduri tal-UE (inkluża l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali)

Spazju Newtrali li jiffaċilita d-djalogu/il-bini ta’ kunsens

Approċċ ekwu li jiġġenera l-fiduċja

Mudell għall-ħolqien tal-paċi tal-UE – immexxu bl-eżempju

Sħubija mill-qrib mad-donaturi ewlenin

Kalibrar u Regolamentazzjoni

(fil-livell meso)

Programmi apposta PEACE tal-UE

Fondi Strutturali – Imfassla b’mod li jimmiraw għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti (iddefiniti permezz ta’ kriterji xierqa ta’ “karattru distintiv”)_

Kooperazzjoni bilaterli/transkonfinali

Ftehimiet u inizjattivi

Mudell ta’ sħubija soċjali

Evalwazzjoni tal-livell tal-Programm

Task Force (ġbir ta’ informazzjoni lokali, identifikazzjoni ta’ opportunitajiet u oqsma għall-kooperazzjoni, it-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni fi programmi mifruxa mal-UE)

Approċċ ta’ sħubija b’ħidma mal-imsieħba politiċi u soċjali lokali

Konsultazzjoni lokali li twassal għas-sjieda lokali ta’ tfassil u żvilupp ta’ programm

Inklużjoni tal-istituzzjonijiet lokali

Tneħħija ta’ ostakoli permezz tal-politiki tal-UE

Strumenti ta’ perfezzjonament/ rfinar

(fil-livell mikro)

Aġenti ta’ kunsinna lokali biex jilħqu liċ-ċittadini

Għotjiet globali biex jiżguraw sensittività lokali u biex jintlaħqu miri xierqa

Finanzjament kondizzjonali għall-promozzjoni tal-aħjar prattika

Monitoraġġ għal tagħlim kontinwu

Għajnuna għat-tisħiħ tal-kapaċità u l-kollaborazzjoni/kooperazzjoni

Kooperazzjoni transkonfinali “bottom up”, – ekonomika, soċjali u kulturali

Awtoevalwazzjoni

Ewropeanizzazzjoni (fil-livell lokali) parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, parteċipazzjoni taċ-Ċittadini, parteċipazzjoni tal-Komunità, Tqassim tal-Uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea

Ċelebrazzjoni tas-suċċess

Tkabbir tal-għarfien permezz tal-istampa u r-riklamar

3.   Introduzzjoni

3.1   Din l-Opinjoni tfittex li tirrakkonta l-istorja “minsija” tas-suċċess tal-għajnuna tal-UE fil-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq, sabiex ittejjeb il-fehim tal-esperjenza tal-Irlanda ta’ Fuq fost is-soċjetà ċivili Ewropea u sabiex jitfassal “pakkett ta’ għodod” ibbażat fuq il-metodi użati mill-UE għall-promozzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni li jkun jista’ jintuża f’żoni oħrajn ta’ kunflitt, skont il-bżonn.

3.2   L-Opinjoni tiffoka fuq l-għajnuna pprovduta mill-UE permezz tal-Programmi PEACE, il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (IFI) u l-INTERREG. Teżamina kif tfasslu l-fondi u l-impatt li kellhom fuq il-ħajja soċjali, ekonomika u politika tar-reġjun, b’enfasi fuq l-għajnuna għas-soċjetà ċivili (negozji, trejdunjins, settur tal-volontarjat).

3.3   Teżamina wkoll l-opportunitajiet mifruxa pprovduti mill-UE għal kooperazzjoni politika, diplomatika u amministrattiva Anglo-Irlandiża u kemm il-“mudell ta’ ħolqien ta’ paċi Ewropew” intuża bħala sinjal qawwi għall-bidla pożittiva fl-Irlanda ta’ Fuq.

4.   Metodu

4.1   Ġew organizzati erba’ laqgħat ta’ ħidma. Waħda minnhom kienet il-Konferenza Konsultattiva ta’ April 2008 fl-Irlanda ta’ Fuq. Il-Konferenza ġabret informazzjoni mill-parteċipanti u mill-esperti permezz ta’ kwestjonarji u konsultazzjoni elettronika, li ppermettew li jinsiltu konklużjonijiet msejsa fuq l-esperjenza diretta tal-programmi u l-politiki tal-UE. B’żieda ma’ dan, il-membri tas-Sottokumitat wettqu żjara ta’ studju f’Belfast li fiha żaru l-proġetti ffinanzjati mill-UE.

4.2   Il-Konferenza kkoinċidiet ma’ avvenimenti li fissru progress politiku sinifikanti fl-Irlanda ta’ Fuq, u li għalihom attendew il-Prim Ministru u l-Viċi Prim Ministru, il-Ministru tal-Istat Irlandiż u rappreżentanti anzjani tal-UE li pparteċipaw fil-ħolqien tal-Programm PEACE.

4.3   Element ewlieni ta’ din l-Opinjoni kienet il-kooperazz-joni siewja bejn it-tliet gruppi tal-KESE, l-esperti tagħhom u l-membri tas-Sottokumitat minn Franza, Spanja, l-Italja, l-Irlanda u r-Renju Unit, il-Parlament Ewropew (rapport de Brún) u l-Kummissjoni Ewropea.

5.   Sfond

5.1   Ġeoġrafija/ekonomija

5.1.1   L-Irlanda ta’ Fuq tinsab fil-grigal tal-gżira tal-Irlanda. Tkopri territorju ta’ 5 500 mil kwardu, u skont l-aħħar ċensiment (2001), għandha popolazzjoni ta’ 1 685 000 persuna, li minnhom 53,1 % huma Protestanti, 43,8 % Kattoliċi, 0,4 % “Oħrajn ” u 2,7 % ma jipprattikaw l-ebda reliġjon. Din il-popolazzjoni hi fost l-iktar żagħżugħa fl-Ewropa, b’aktar minn 40 % taħt id-29 sena. Għalkemm baqgħet statika sa ftit taż-żmien ilu minħabba l-migrazzjoni globali ’l barra, il-popolazzjoni hija mistennija li taqbeż il-1,8 miljun sal-2011.

5.1.2   L-ekonomija qed tinbidel minn manifattura tradizzjonali (il-bini ta’ vapuri u t-tessili) għal waħda aktar immexxija mis-servizzi u l-esportazzjoni. Mill-2004/05, il-Valur Gross Miżjud (GVA) żdied bi 3,5 % f’termini reali, ftit inqas mill-medja tar-Renju Unit, iżda ħafna anqas mit-tkabbir tal-PGD Irlandiż ta’ madwar 10 % fis-sena matul is-snin tat-“Tigra Keltika”. Il-GVA per capita hu ta’ madwar 80 % tal-medja tar-Renju Unit u l-qgħad waqa’ għal 3,6 % mill-ogħla rata ta’ 17,2 % fl-1986. Madankollu, dawn l-istatistiċi jaħbu numru ta’ sfidi serji, bħal-livell għoli ta’ nuqqas ta’ attività ekonomika, li tinsab wieqfa b’26,9 %, u li hi l-ogħla fost ir-reġjuni kollha tar-Renju Unit, u dipendenza qawwija fuq il-fondi pubbliċi għall-għajnuna lis-setturi pubbliċi u privati, ħaġa li xekklet l-ispirtu intraprenditorjali (il-fondi pubbliċi jirrappreżentaw 62 % tal-GVA).

5.2   Sfond storiku/politiku reċenti

5.2.1   L-Irlanda ta’ Fuq saret reġjun tar-Renju Unit fl-1921 wara l-“Att tal-Gvern tal-Irlanda” li wassal għad-diviżjoni tal-Irlanda ta’ Fuq u t’Isfel. Dan ħoloq reġjun konfinali fuq il-gżira u mmarka l-bidu ta’ proċess ta’ diviżjoni f’termini soċjali, ekonomiċi u politiċi. Sa minn dak iż-żmien din id-diviżjoni kienet is-sors ta’ kunflitt bejn in-Nazzjonalisti tal-Irlanda ta’ Fuq (Kattoliċi fil-maġġoranza tagħhom) u l-Unjonisti (Protestanti fil-maġġoranza tagħhom). B’mod ġenerali, in-Nazzjonalisti jixtiequ Irlanda magħquda filwaqt li l-Unjonisti jridu li l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ parti mir-Renju Unit.

5.2.2   Fl-1921, 60 % tal-popolazzjoni kienu Protestanti u 40 % kienu Kattoliċi. Il-maġġoranza tal-komunità Unjonista żammet il-poter f’idejha għal madwar nofs seklu. Fl-aħħar tas-sittinijiet kien hemm dimostrazzjonijiet favur id-drittijiet ċivili u t-tmiem tad-diskriminazzjoni. Segwew konfrontazzjonijiet vjolenti u rvelli li ħafna jqisu bħala l-bidu tal-“Inkwiet” reċenti tal-Irlanda ta’ Fuq. Fl-1972, fil-quċċata tal-“Inkwiet”, il-Parlament tal-Irlanda ta’ Fuq ġie xolt u ġiet stabbilita “Tmexxija Diretta” minn Londra.

5.2.3   Fid-deċennji ta’ wara saru ħafna sforzi ta’ stabbilzzazz-joni tas-sitwazzjoni, inklużi inizjattivi ta’ rikonċiljazzjoni promossi l-iktar mill-organizzazz-jonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi t-trejdunjins. Iżda fl-istess perijodu kien hemm vjolenza qawwija, li f’35 sena wasslet għall-mewt ta’ aktar minn 3 500 persuna, u li ħalliet eluf ta’ persuni oħra b’diżabilità fiżika jew mentali permanenti.

5.2.4   Il-waqfien mill-ġlied paramilitari tal-1994 witta t-triq għal taħditiet bejn il-partiti politiċi. Fl-1998 intlaħaq il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Good Friday Agreement) f’Belfast u ġie rratfikat mill-maġġoranza l-kbira tan-nies f’referenda separati li saru fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera. Matul is-sena ta’ wara nħolqu l-Eżekuttiv u l-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq, flimkien ma’ numru ta’ korpi miż-żewġ naħat tal-fruntiera u fl-aħħar ġimgħat tal-millennju reġgħet iddaħħlet id-devoluzzjoni.

5.2.5   Fl-2002, l-Assemblea ġiet sospiża u l-Eżekuttiv b’poter devolut, immexxi mid-DUP (Unjonista) u mis-Sinn Fein (Repubblikan) ma reġax iddaħħal qabel Mejju 2007. Bħalissa r-reġjun qiegħed jesperjenza l-itwal perijodu ta’ stabbiltà politika f’iktar minn erba’ deċennji.

5.3   L-involviment tal-UE fil-proċess ta’ paċi

5.3.1   Ir-Renju Unit u l-Irlanda ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1973 fil-quċċata tal-“Inkwiet” u l-Irlanda ta’ Fuq ingħatat “status speċjali” bl-għoti tal-istatus ta’ “Objective One”, għalkemm mhux dejjem “ikkonformat” mar-rekwiżiti ekonomiċi. Dan wassal għal finanzjament akbar għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Dan kien maħsub bħala finanzjament addizzjonali tal-Gvern tar-Renju Unit għalkemm ħafna sostnew li kien qed jintuża biex jitnaqqsu r-rekwiżiti ta’ finanzjament.

5.3.2   Fl-ewwel elezzjonijiet diretti tal-Parlament Ewropew (1979) ġew eletti tliet Membri tal-Parlament Ewropew mill-Irlanda ta’ Fuq (Ian Paisley, John Hume u John Taylor). Fl-1984 il-PE ppubblika r-“Rapport Haagerup” dwar l-Irlanda ta’ Fuq u l-Viċi President tal-Komunità Ewropea, Lorenzo Natali, wiegħed li jeżamina, b’attitudni favorevoli, is-suġġeriment ta’ pjan integrat għall-Irlanda ta’ Fuq u ż-żoni ta’ fruntiera. Madankollu, huwa enfasizza li kien jeħtieġ permess mill-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda.

5.3.3   Fl-1986 il-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda ħolqu l-Fond Internazzjonali għall-Irlanda għall-promozzjoni tal-avvanz soċjali u ekonomiku u għat-tħeġġiġ tar-rikonċiljazzjoni bejn in-Nazzjonalisti u l-Unjonisti fil-gżira tal-Irlanda. L-UE hi waħda mill-ikbar donaturi, flimkien mal-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja u n-New Zealand, tal-EUR 849 miljun li appoġġjaw aktar minn 5 700 proġett fl-Irlanda ta’ Fuq u l-kontej konfinali tal-Irlanda għal aktar minn 20 sena. Sal-2013, il-fondi tal-UE lill-IFI ser ikunu telgħu għal total ta’ EUR 349 miljun.

5.3.4   Iż-żjara fl-Irlanda ta’ Fuq tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jacques Delors fl-1992, għal konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti lokali, saħħet l-impenn tiegħu għall-kawża tal-paċi fir-reġjun. Dik is-sena tneħħew l-ostakoli ekonomiċi għall-kummerċ bejn iż-żewġ naħat tal-fruntiera, bit-twettiq tas-Suq Uniku li biż-żmien fetaħ opportunitajiet importanti għall-kummerċ u n-negozju transkonfinali.

5.3.5   Fl-1994, eżatt wara l-waqfien mill-ġlied paramilitari, Delors iltaqa’ mat-tliet MPE tal-Irlanda ta’ Fuq (li kienu Ian Paisley, John Hume u Jim Nicholson) u laħaq ftehim magħhom dwar il-pjanijiet għal pakkett importanti ġdid tal-UE. Ħoloq Task Force u, wara konsultazzjoni lokali wiesgħa, intlaħaq qbil, fis-Summit tal-UE fl-1994, dwar il-proposta għal allokazzjoni ta’ EUR 300 miljun għal Programm PEACE ta’ tliet snin, ftit ġimgħat biss qabel it-tmiem tal-mandat presidenzjali ta’ Delors. Il-finanzjament ġie estiż għal sentejn oħra b’finanzjament addizzjonali mill-UE ta’ EUR 204 miljun.

5.3.6   Dan sar l-ewwel Programm Speċjali ta’ Appoġġ għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq u fil-Kontej Konfinali tal-Irlanda, jew PEACE I. Il-konsultazzjoni wiesgħa dwar il-Programm inkludiet Opinjoni li tfasslet mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-1995 (1), li laqgħet l-inizjattiva u enfasizzat il-ħtieġa kemm għal approċċ fit-tul kif ukoll għal flessibilità fl-allokazzjoni tal-fondi.

5.3.7   Fis-sena 2000, PEACE I ġie segwit b’PEACE II, li kien innegozjat mill-partiti lill-Eżekuttiv il-ġdid tal-Irlanda ta’ Fuq b’finanzjament tal-UE ta’ EUR 531 miljun. Dan ġie estiż fl-2005/06 b’fondi mill-UE ta’ EUR 78 miljun. Il-KESE fassal it-tieni Opinjoni dwar il-Finanzjament tal-PEACE (Rapporteur is-Sur Simpson), li talab li l-finanzjament ta’ PEACE II ikun aktar immirat lejn proġetti li jippromwovu r-rikonċiljazzjoni u lejn il-problemi ffaċċjati mill-ħaddiema migranti. Fl-2007 daħal fis-seħħ PEACE III għall-perijodu 2007-2013 b’finanzjament ta’ EUR 225 miljun mill-UE. B’kollox l-UE ikkontribwiet ’il fuq minn EUR 1.3 biljun għal dawn il-Programmi.

5.3.8   Wara d-devoluzzjoni tal-2007, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barroso, waqqaf Task Force ġdida mmexxija mill-Kummissarju għall-Affarijiet Reġjonali Danuta Hübner, sabiex tirrifletti dwar il-ġejjieni tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Irlanda ta’ Fuq. Ir-Rapport, li ġie ppubblikat f’April 2008, jipproponi numru ta’ metodi sabiex ir-reġjun ikun iktar involut fil-politiki tal-UE u jinnota l-interess muri mill-awtoritajiet tal-Irlanda ta’ Fuq fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ faċilità istituzzjonali Ewropea għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti sabiex tipprovdi riċerka, pariri u skambju ta’ esperjenzi.

6.   L-impatt tal-involviment tal-UE

6.1   L-involviment tal-UE fil-proċess ta’ paċi ħa suriet differenti, mill-appoġġ politiku f’livell għoli sa appoġġ għall-intervent finanzjarju fil-livell lokali. Din l-attività laħqet il-quċċata tagħha fis-snin disgħin bl-appoġġ tal-progress politiku mwettaq b’konsegwenza tal-waqfien mill-ġlied u l-konklużjoni tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira/ta’ Belfast u għadha għaddejja sal-lum permezz tat-Task Force tal-Kummissjoni Ewropea li qed tiffoka fuq oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni, PEACE III, l-IFI u l-INTERREG.

6.2   Il-finanzjament tal-UE għat-tisħiħ tal-paċi kien element essenzjali tal-appoġġ għall-proċess ta’ paċi tal-UE. Madankollu, il-fatturi mhux finanzjarji, wirt awtomatiku tas-sħubija mal-UE, kellhom effett qawwi fuq il-promozzjoni ta’ bidla pożittiva. Għaldaqstant l-“isfera ta’ influwenza” tal-UE tista’ tinqasam f’żewġ fatturi, finanzjarji u mhux finanzjarji, li huma separati iżda li jikkoinċidu.

6.3   Fatturi mhux finanzjarji

6.3.1   Wara l-adeżjoni, l-UE pprovdiet “spazju newtrali” għall-iffaċilitar tad-djalogu bejn il-politiċi Brittaniċi u Irlandiżi, li offra opportunitajiet ġodda għal laqgħat regolari fi spazju newtrali. Dan kien utli ukoll għall-MPE tal-Irlanda ta’ Fuq. L-aħjar eżempju ta’ dan kienet il-laqgħa fl-1994 bejn Paisley, Hume, Nicholson u Delors, li wasslet għall-ewwel programm PEACE, u li Paisley kien iddeskriva bħala waħda mill-aktar laqgħat produttivi tal-karriera tiegħu. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-uffiċjali tar-Renju Unit u dawk Irlandiżi fuq kwistjonijiet ta’ kuljum ressqet lill-amministrazzjonijiet iktar lejn xulxun, ħaġa li mingħajr dubju kellha effett pożittiv fuq il-proċess ta’ paċi.

6.3.2   Dan l-“ispazju newtrali” kellu valur saħansitra akbar fil-kuntest tal-appoġġ tal-UE għall-proċess ta’ paċi fi-livell lokali. L-inklużjoni, il-parteċipazzjoni u l-għoti tas-setgħa lis-soċjetà ċivili kien iffaċilitat mill-istituzzjonijiet u mit-tqassim tal-persunal li ħadem biex jiżgura approċċ “ugwali” u inklużiv.

6.3.3   Element mhux finanzjarju ieħor importanti kienet l-opportunità pprovduta għall-mexxejja tar-Renju Unit u tal-Irlanda, sabiex jesperjenzaw l-istil ta’ ħolqien ta’ kunsens tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE. Fin-negozjati tal-Kunsill, l-Istati Membri użaw stil ġdid ta’ djalogu multilaterali, għażla tat-triq tan-nofs u kompromess, li kienu għodda utli fit-taħditiet politiċi lokali.

6.3.4   Id-dħul fis-seħħ tas-Suq Uniku Ewropew fl-1992 kellu impatt mhux finanzjarju sinifikanti fuq il-proċess ta’ paċi. It-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi għall-kummerċ transkonfinali ħeġġet kooperazzjoni akbar bejn l-organizzazzjonijiet tan-negozju fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u tat spinta lill-attivitajiet li l-moviment tat-trejdjunijins ilu jwettaq fil-qasam tal-kooperazzjoni transkonfinali. Madankollu, il-kontrolli tas-sigurtà transkonfinali komplew ixekklu l-avvanzi ewlenin fil-kooperazz-joni ekonomika u soċjali.

6.3.5   Fattur mhux finanzjarju b’impatt limitat fil-bidu kien il-Mudell Ewropew għall-ħolqien tal-paċi, li kien eżempju għar-reġjun. Meta l-Irlanda ta’ Fuq issieħbet fl-UE fl-1973, ħafna ttamaw li l-effett ta’ stabbilizzazzjoni tal-adeżjoni kien se jkun kważi immedjat. Madankollu, il-mudell Ewropew ħa ż-żmien biex iħalli impatt fuq il-proċess minħabba l-firdiet qawwija li kien hemm fil-komunità.

6.3.6   Anke illum, wara 35 sena ta’ sħubija fl-UE, f’Belfast għad għandha l-hekk imsejħa “ħitan ta’ paċi” li jisseparaw il-komunitajiet Kattoliċi u Protestanti. Il-maġġoranza tat-tfal jattendu skejjel “separati” u 90 % tan-nies jgħixu f’komunitajiet “separati”.

6.4   Impatt finanzjarju

6.4.1   L-impatt finanzjarju ta’ PEACE I fuq il-proċess ta’ paċi kien sinifikanti għaliex kien uniku u innovattiv – kienet l-ewwel darba li l-UE użat strument bħal dan. B’appoġġ ta’ EUR 500 miljun (1995-1999) għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni, dan il-programm kien ukoll l-ikbar għotja ta’ għajnuna mmirata għal dan il-għan speċifiku. Dan irrappreżenta 73 % tal-investiment totali; il-bqija nħareġ mill-awtoritajiet fiż-żewġ pajjiżi u mis-settur mhux governattiv.

6.4.2   Fattur ewlieni li kkontribwixxa għall-impatt pożittiv ta’ PEACE I kien il-proċess ta’ konsultazzjoni mifruxa li ġie inkluż fit-tfassil tal-programm. Is-soċjetà ċivili organizzata, inklużi l-NGOs, it-trejdjunjins u n-negozji, ħassewhom involuti għaliex il-kontribut tagħhom ġie rikonoxxut. Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Irlanda ta’ Fuq ukoll ġew involuti. PEACE I ġie reklamat ħafna u għalhekk kien magħruf sew fiż-żona ta’ mira tiegħu. Dan ir-“rikonoxximent” għadu validu sal-lum. L-istatistika tixhed li kważi nofs il-popolazzjoni bbenefikat mill-Programmi PEACE.

6.4.3   L-oriġinalità tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-PEACE kienu wkoll kruċjali għas-suċċess tiegħu. Il-Korpi Intermedjarji ta’ Finanzjament kienu mezz inġenjuż kif tinqasam ir-reponsabbiltà u fl-istess ħin issaħħaħ il-kapaċità fil-livell lokali. Is-Sħubijiet Distrettwali, magħmulin minn rappreżentanti tas-setturi tan-negozju, tal-biedja, tal-volontarjat u tal-komunità kif ukoll mit-trejdjunjins u mill-membri eletti tal-gvern lokali, kienu xi ħaġa ġdida għall-Irlanda ta’ Fuq. Dan l-approċċ ta’ sħubija għat-teħid ta’ deċiżjonijiet kien parti mill-proċess għat-tisħiħ tal-paċi daqs kemm kien parti mill-finanzjament innifsu.

6.4.4   Huwa rikonoxxut sew li dan l-approċċ “bottom up” fisser finanzjament iktar aċċessibbli għal dawk li jinsabu fil-limiti tal-ħajja lokali, ekonomika u soċjali. B’mod partikolari, kien immirat lejn gruppi li s’issa ftit li xejn kienu rċevew appoġġ, bħall-vittmi u l-ex-ħabsin, u żied il-finanzjament għal oħrajn, inklużi organizzazzjonijiet transkomunitarji u transkonfinali, gruppi tan-nisa u taż-żgħażagħ.

6.4.5   L-impatt finanzjarju ta’ dawn il-programmi kien ikbar mill-finanzjament preċedenti tal-UE għaliex kien garantit bħala “addizzjonali”. Dan il-fattur wassal biex ikun aktar siewi u viżibbli għaliex “mar lil hinn” mill-finanzjament tal-Gvern għar-reġjun. Spiss jingħad li l-istess ma sarx għall-programmi l-oħra tal-Fondi Strutturali tal-UE.

6.4.6   Il-bidla fil-mira bejn il-programmi kellha impatt ukoll. “L-inklużjoni soċjali” ħadet l-akbar sehem minn PEACE I u t-“tiġdid ekonomiku” rċieva l-aktar fondi taħt PEACE II. F’PEACE III, il-mira inbidlet għar-“rikonċiljazzjoni” li hi rikonoxxuta bħala l-aħjar mezz biex jingħelbu l-problemi ta’ firda settorjali li għad fadal.

6.4.7   Barra minn hekk, ir-responsabbiltà għal PEACE II/III għaddiet f’idejn il-Korp ta’ Programmi Speċjali tal-UE (SEUPB) li għadu kif ġie maħluq. Xi partijiet mill-ħidma tiegħu qed jiġu megħjuna mill-Kumitati ta’ Monitoraġġ, li jinkludu l-interessi tas-settur pubbliku, tat-trejdjunjins u privat mill-Irlanda ta’ Fuq u l-Kontej tal-fruntiera. Filwaqt li xi wħud jargumentaw li l-impatt ta’ din il-bidla kien li jitnaqqas il-livell ta’ involviment tal-livell lokali, oħrajn jarawha bħala “one stop shop” siewi għall-aspetti kollha ta’ finanzjament tal-Programmi PEACE u transkonfinali tal-UE.

6.4.8   L-impatt tal-IFI fuq il-proċess ta’ paċi, kemm fir-rigward tal-proġetti kif ukoll fil-kompożizzjoni tiegħu, kien sinjifikanti ħafna ukoll. L-IFI jiġbor flimkien ir-rappreżentanti mill-pajjiżi donaturi u din il-forma unika ta’ kooperazzjoni, l-aktar dik bejn l-UE u l-Istati Uniti, tista’ tkun eżempju validu ta’ prattika tajba f’żoni oħra ta’ kunflitt.

6.4.9   Filwaqt li l-INTERREG jopera madwar l-UE kollha, l-impatt speċifiku tiegħu fuq il-gżira tal-Irlanda kien ukoll siewi ħafna fir-rigward tal-proċess ta’ paċi. Bħala appoġġ tal-elementi transkonfinali tal-Programmi PEACE, l-INTERREG investa kemm f’infrastruttura transkonfinali kif ukoll fi programmi soċjoekonomiċi u għen lill-komunitajiet mifrudin sabiex jaħdmu flimkien.

6.4.10   Inizjattivi oħra tal-UE, bħal URBAN, EQUAL u LEADER, kellhom u għad għandhom influwenza inqas diretta iżda madankollu importanti fuq il-proċess ta’ paċi tal-Irlanda ta’ Fuq.

6.5   Impatt fuq il-kooperazzjoni transkonfinali

6.5.1   Wara d-diviżjoni tal-gżira fl-1921, iż-żewġ ġurisdizzjonijiet evolvew b’mod separat u apparti. L-impatt ta’ din il-qagħda “kunflittwali” kien evidenti qabel l-“Inkwiet” u ħrax wara 35 sena ta’ vjolenza. L-interazzjoni transkonfinali kienet limitata minħabba l-perikli u d-diffikultajiet u l-kummerċ transkonfinali kien l-iktar wieħed baxx fil-fruntieri interni tal-UE.

6.5.2   Il-politiki tal-UE stimolaw u ffaċilitaw bidla fundamentali fil-kooperazzjoni transkonfinali. Din kienet megħjuna mill-fatt li kemm l-Irlanda kif ukoll ir-Renju Unit kienu membri tal-Komunità Ewropea. Fl-isfera ekonomika, l-impatt “top down” tas-Suq Uniku kien partikolarment siewi, filwaqt li fl-isfera soċjali u kulturali, l-impatt “bottom up” tal-Programmi PEACE I, li kien jinkludi s-sitt kontej konfinali tan-Nofsinhar, kien katalizzatur għal azzjoni reċiproka transkonfinali li ma kenitx konċepibbli qabel.

6.5.3   Il-miri komuni inkludew it-tkabbir fin-negozju, l-interazzjoni soċjali u kooperazzjoni eqreb bejn il-gvernijiet rispettivi. Element fundamentali tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira/ta’ Belfast kien il-ħolqien ta’ Kunsill Ministerjali tal-Irlanda ta’ Fuq u t’Isfel u l-Korpi Transkonfinali. Dawn l-istituzzjonijiet b’finanzjament konġunt kienu ġodda fl-UE. Barra minn hekk, l-idea ta’ “ekonomija ta’ gżira” nbidlet minn kunċett radikali għal wieħed aċċettat mill-maġġoranza bħala strument utli u ta’ benefiċċju.

6.5.4   Din iż-żieda fil-kooperazzjoni transkonfinali spiss tmexxiet mill-Imsieħba Soċjali. Il-ħidma bikrija tagħhom żgurat li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet miż-żewġ naħat tal-fruntiera kkooperaw sabiex itejbu l-fehim, l-apprezzament u l-fiduċja transkonfinali. Il-kooperazzjoni “spalla ma’ spalla” ta’ wara ħadmet f’ħafna oqsma differenti iżda hija l-iktar evidenti fl-isfera ekonomika u fis-saħħa u fl-edukazzjoni.

6.5.5   Il-ħafna riżultati pożittivi ta’ din il-ħidma jinkludu Programm ta’ seba’ snin għall-Iżvilupp tal-Kummerċ u n-Negozju bejn żewġ raggruppamenti ta’ negozju tat-Tramuntana u n-Nofsinhar (CBI-IBEC) iffinanzjati mill-IFI, PEACE u INTERREG u li jinvolvu aktar minn 300 laqgħa bejn xerrejja/ fornituri. Il-kummerċ irdoppja għal iktar minn £2 biljun matul dan il-perijodu (1991-1997).

6.5.6   Il-ħidma tal-moviment trejdjunjonista għat-tħeġġiġ tar-rabtiet transkonfinali u transkomunitarji kienet ukoll utli ħafna. Il-Kungress Irlandiż tat-Trejdjunjins (ICTU) hu korp mill-Irlanda kollha, li matul l-“Inkwiet” ħadem bla heda sabiex jippromwovi relazzjonijiet komunitarji aħjar. Il-Kungress ma talabx finanzjament għal ħidmietu, iżda xi korpi assoċjati mat-trejdjunjins irċevew appoġġ mill-UE.

6.5.7   Fir-rigward tal-firxa transkonfinali tal-Programm PEACE, il-fatt li sitt kontej biss setgħu jibbenefikaw b’mod dirett mill-fondi tal-PEACE fisser li l-firxa tiegħu kienet limitata, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp tan-negozju, f’mument meta l-akbar potenzjal kien jinsab fiż-żona tan-Nofsinhar.

6.5.8   Il-kooperazzjoni transkonfinali għoliet għal livell ġdid u usa’ u aktar dettaljat minn qabel. Bit-tneħħija ta’ ħafna mill-ostakoli fiżiċi, fiskali, tekniċi u ta’ sigurtà, li jippermettu u jħeġġu ammonti kbar ta’ kummerċ transkonfinali, interazzjoni u kooperazzjoni, l-isfida kienet li jitkomplew jiġu indirizzati l-ostakoli kulturali u soċjali dejjiema li kienu għadhom hemm.

6.5.9   B’mod kruċjali, il-metodi użati mill-UE għall-appoġġ tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-livell ekonomiku u soċjali u mal-komunitajiet jipprovdu mudell reġjonali uniku, żviluppat sewwa u ppruvat tajjeb għall-implimentazzjoni tal-filosofija, l-esperjenza u l-metodoloġija partikolari tal-UE.

6.6   L-impatt tal-iżvilupp ekonomiku

6.6.1   Bl-għajnuna fil-proċess tal-konsolidazzjoni tal-paċi, l-UE ikkontribwiet għaż-żieda fil-pass lejn l-iżvilupp ekonomiku tal-Irlanda ta’ Fuq u l-kontej tal-Fruntiera. L-impatt dirett tal-PEACE I u II fuq l-iżvilupp ekonomiku ġie rikonoxxut bħala impatt sinifikanti f’numru ta’ valutazzjonijiet ex post. L-effett indirett ewlieni kien li r-rwol tal-UE fl-appoġġ għall-progress politiku u t-tisħiħ ta’ paċi wassal għal żvilupp soċjali u ekonomiku mgħaġġel.

6.6.2   Miġburin flimkien, il-Programmi PEACE, IFI u INTERREG ħolqu żvilupp sostenibbli, titjib ambjentali u infrastruttuali, b’mod partikolari fiż-żoni milquta mill-kunflitt. Wasslu għal żvilupp u kapaċità intraprenditorjali fi gruppi u komunitajiet marġinali u kkontribwew b’mod sinifikanti għat-tkabbir mgħaġġel fil-kummerċ transkonfinali matul l-aħħar deċennju.

6.6.3   Fir-rigward tal-kwalità tal-impatt, l-opinjoni ġenerali hi li l-programmi taw kontribut sostanzjali għall-bini ta’ soċjetà paċifika u stabbli. Essenzjalment, dan inkiseb bit-tisħiħ tal-kapaċità fil-komunità u fis-settur tal-volontarjat sabiex dawn isostnu l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni.

6.6.4   “Is-Sħubija Soċjali” hi pilastru ewlieni tal-mod kif l-UE tinnegozja, u dawn l-elementi partikolari tal-approċċ tal-UE għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni għenu biex jiġu stimolati u mħeġġa metodi ġodda sabiex l-interessi ekonomiċi u politiċi jinteraġixxu ma’ xulxin għall-benefiċċju reċiproku tas-soċjetà kollha.

6.6.5   Il-kontribut tal-UE għen biex tiġi żviluppata viżjoni strateġika għall-ekonomija f’ambjent post-kunflittwali. Fit-triq ’il quddiem, hemm ħafna opportunitajiet ġodda u eċitanti għar-reġjun, inklużi dawk marbutin ma’ kooperazzjoni eqreb mal-UE f’oqsma bħar-riċerka, l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien, kollha rakkomandati mit-Task Force l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea, u bl-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet tan-negozju tiegħu maż-Żona Euro.

6.7   L-impatt fuq l-inklużjoni soċjali

6.7.1   L-inklużjoni soċjali tibqa’ l-etos fundamentali u dominanti tal-approċċ tal-UE għat-tisħiħ tal-paċi, u r-riċerka tikkonferma dawk il-gruppi megħjuna mill-Programm PEACE li ma ġewx ikkunsidrati qabel jew li rċevew biss appoġġ minimu. L-inklużjoni soċjali appoġġjat l-integrazzjoni tal-gruppi etniċi minoritarji, il-kunfidenza u t-tisħiħ tal-kapaċità, l-emanċipazz-joni lokali fis-soċjetà ċivili u inkludiet lil dawk li qabel kienu mwarrba.

6.7.2   Filwaqt li effettwa lil iktar minn nofs il-popolazzjoni tar-reġjun bħala parteċipanti tal-proġett, il-Programm PEACE ġab lill-UE fil-livell taċ-ċittadin, fatt li ġie deskritt bħala “involviment fil-livell lokali bla preċedent”. Ġew identifikati, mogħtija s-setgħa u megħjuna dawk li jaħdmu għall-bidla b’mod volontarju fi ħdan il-komunitajiet tagħhom. Dan ir-rikonoxximent kien mekkaniżmu utli ta’ bini tal-kunfidenza.

6.7.3   Il-programm uża metodi innovattivi ta’ finanzjament, bħall-Korpi Intermedjarji ta’ Finanzjament u s-Sħubijiet Distrettwali li saru s-Sħubijiet Strateġiċi Lokali (LSPs), immirati għal-livell lokali u biex jilħqu żoni li ma ntlaħqux minn inizjattivi oħrajn. L-iżvilupp tat-teħid ta’ deċiżjonijiel finanzjarji favur l-organizzazzjonijiet lokali għen fit-tisħiħ tal-kapaċità u żgura l-parteċipazzjoni tal-livell lokali kemm fit-tfassil kif ukoll fit-twassil tal-programmi.

6.7.4   Il-partikularità tal-approċċ tal-UE deher ukoll fl-użu tal-Mudell Ewropew ta’ Sħubija Soċjali fil-Programmi PEACE. Rappreżentanti min-negozji, it-trejdunjins u s-settur tal-volontarjat u “interessi oħrajn” ġew ikkonsultati u inklużi. Filwaqt li dan il-prinċipju jibqa’ wieħed ċentrali, ħafna mill-istrutturi oriġinali ta’ sħubija ma ġewx sostnuti. Dan huwa kawża ta’ tħassib għaliex il-ġabra flimkien tal-imsieħba soċjali flimkien mal-politiċi sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet kienet u għandha tibqa’ parti integrali tal-proċess ta’ paċi.

6.7.5   Huwa rikonoxxut li ħafna nies fl-iktar żoni mifrudin u mitluqa bbenefikaw mill-finanzjament tal-UE mill-Programmi PEACE, INTERREG u IFI u l-konsultazzjonijiet juru livell għoli ta’ apprezzament għar-rwol tal-UE f’dan ir-rigward.

6.8   L-impatt fuq il-paċi u r-rikonċiljazzjoni

6.8.1   F’termini ta’ tisħiħ tal-paċi, l-intervent tal-UE, għen biex il-proċess ta’ paċi jinżamm ħaj, u biex jiġi sostnut l-impetu lejn l-istabbiltà politika. Ta sens ta’ setgħa lill-komunitajiet lokali fi żmien ta’ inċertezza politika. L-evidenza miġbura mill-KESE waqt il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati tappoġġja bil-qawwi l-konklużjoni li l-UE u l-programmi ta’ finanzjament tagħha għenu biex tinħoloq il-paċi attwali.

6.8.2   F’termini ta’ proċess itwal ta’ rikonċiljazzjoni komunitarja, jeżistu ħafna eżempji siewja tal-impatt pożittiv li l-kuntatt u l-kooperazzjoni “bottom up” kellu fil-livell lokali fuq bażi transkomunitarja u transkonfinali. Il-Programmi PEACE u IFI wettqu miżuri importanti sabiex id-diversi sezzjonijiet tal-komunità jersqu iktar viċin ta’ xulxin. Dawn il-kuntatti wasslu għal għarfien u fiduċja reċiproka, iżda ma kinux biżżejjed biex iwaqqfu s-suspett u n-nuqqas ta’ fiduċja milli jibqgħu jeżistu.

6.8.3   Għalhekk hemm appoġġ ġenerali għal deċiżjoni biex il-programmi ta’ finanzjament tal-UE jiġu adattati biex tikber il-mira fuq ir-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet. Dan għandu jwassal lill-komunitajiet għal livell fejn dawk li jgħixu wara l-ħitan ikunu biżżejjed kunfidenti, komdi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-oħrajn u fuq kollox sikuri fis-sitwazzjoni tagħhom, biex jgħixu mingħajr il-ħitan li jisseparawhom. Iżda din trid tkun deċiżjoni tagħhom. L-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċità f’oqsma ta’ “identità unika” tqies bħala mezz biex jinkiseb dan il-għan. Madankollu, dan jista’ jkollu xi żvantaġġi għaliex jista’ jikkontribwixxi għas-separazzjoni billi jgħin lill-gruppi biex jieħdu ħsieb lil nieshom biss. Minħabba li xi wħud huma mħejjija aħjar minn oħrajn biex jużaw il-fondi, dan jista’ wkoll iwassal għal sens ta’ trattament inġust bejn is-sezzjonijiet differenti tas-soċjetà.

6.8.4   Madankollu l-progress lejn “soċjetà komuni” kien limitat ukoll. Rapport reċenti jenfasizza l-prezz għoli tas-segregazzjoni, l-iktar minħabba l-irduppjar tas-servizzi biex il-komunitajiet Kattoliċi u Protestanti jgħixu separatament. Is-segregazzjoni tas-servizzi pubbliċi għall-benefiċċju tal-biżgħat u n-nuqqas ta’ sigurtà komunitarji żiedet man-nixfa tal-fondi pubbliċi f’oqsma bħad-djar, is-saħħa, id-divertiment u l-faċilitajiet sportivi. Fl-edukazzjoni, 6 % biss tat-tfal jattendu l-iskola b’etos Kattoliku/ Protestant realment integrat.

6.8.5   L-istabbiltà u l-prosperità jsaħħu lil xulxin u l-programmi ta’ finanzjament tal-UE għenu biex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi li kienu riżultat ta’ u wkoll xprun għall-kunflitt. Iżda l-UE qatt ma kienet f’pożizzjoni li tindirizza l-kawżi tal-kunflitt politiċi jew kostituzzjonali profondi. Tista’ taġixxi biss biex tiffaċilita dak il-għan u sservi ta’ eżempju.

Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Opinjonijiet tal-KESE fuq l-Abbozz ta’ Avviż lill-Istati Membri li jistipula linji gwida għal Inizjattiva fil-qafas waqt il-programm speċjali ta’ appoġġ għall-paċi u rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq u fil-kontej tal-fruntiera tal-Irlanda COM(1995) 279 finali; ĠU C 155,21.6.95 u ĠU C 236,11.9.95.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

448 sessjoni plenarja tal-KTR fil-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008

30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/109


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan il-Komunità

COM(2007) 765 finali — 2007/0279 (COD)

2009/C 100/17

Nhar id-29 ta’ Jannar 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan il-Komunità.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur OPRAN.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, 22 u 23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-23 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’39 vot favur, vot wieħed kontra u 16-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-iżgurar tas-sigurtà hu wieħed mid-dmirijiet ewlenin ta’ kull gvern. Wieħed jista’ jikkonkludi li fiż-żona Ewropea l-ebda Stat Membru waħdu ma jista’ jkun sigur u jeħtieġ li jsir sforz komuni u miftiehem sabiex jiġi żgurat il-kontroll adegwat tal-fluss ta’ materjal tal-gwerra jew b’mod aktar ġenerali tat-tagħmir ta’ difiża.

1.2   Għalhekk il-Kumitat jikkunsidra li s-soluzzjoni hi Qafas Komuni ta’ Sigurtà Ewropea, u mhux iż-żamma ta’ ostakoli intra-Komunitarji bil-konsegwenzi kollha ta’ ħsara tiegħu. Ovvjament, għandna nikkunsidraw li l-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD – titolu V tat-TUE) huma ta’ natura intergovernattiva, filwaqt li l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tħaffef it-trasferimenti intra-Komunitarji (ICT) hi mwettqa taħt l-ewwel pilastru tal-Komunità (bħala parti mil-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Intern).

1.3   Il-perċezzjoni tat-trasferiment tal-piż

1.3.1   L-industrija tqis il-qafas leġiżlattiv attwali bħala mhux xieraq kif ukoll mhux adegwat u li joħloq piż amministrattiv qawwi.

1.3.2   Fl-argumenti kontra l-ostakoli għat-trasferimenti, l-industrija tikkunsidra viżjoni aktar wiesgħa mill-perspettiva tat-trasferiment intra-Komunitarju. Il-globalizzazzjoni hija realtà fil-manifattura għad-difiża, għaliex ftit sistemi kumplessi għadhom 100 % Ewropej, u kollha minn tal-inqas jinkludu xi komponenti mhux Ewropej.

1.3.3   Madankollu anke b’viżjoni aktar wiesgħa, l-industrija tqis li l-inizjattiva meħuda mill-Kummissjoni bħala pass importanti ’il quddiem u ġeneralment tappoġġjaha.

1.4   L-impatt tal-ispiża

1.4.1   Il-proċess ta’ kalkolu preċiż tal-ispejjeż tal-ostakoli għat-trasferimenti intra-Komunitarji hu diffiċli ħafna, għaliex ftit biss minn dawn l-ispejjeż huma ppublikati u għaliex ħafna minnhom huma l-ispejjeż ta’ “affarijiet mhux magħmulin tajjeb” jew “affarijiet li lanqas biss saru” (1). L-ispiża totali annwali ta’ ostakoli għat-trasferimenti intra-Komunitarji għall-2003 kienet stmata li qabżet il-EUR 3.16-il biljun, u kienet strutturata kif ġej (sors: studju tal-UNISYS):

   Spejjeż indiretti: EUR 2.73 biljun

   Spejjeż diretti: EUR 0.43 biljun

1.4.2   L-ispejjeż huma ġeneralment ikklassifikati kif ġej:

(a)

spejjeż diretti – spejjeż strutturali u ta’ proċedura kawża tal-eżekuzzjoni tal-proċessi ta’ liċenzjar infushom;

(b)

spejjeż indiretti (2) – Dawn l-ispejjeż indiretti huma kkważati b’mod partikolari mill-organizzazzjoni mhux ottimali tal-industrija (eż. ostakoli għas-sottokuntrattar) u l-prattiki ta’ xiri mhux ottimali tal-Istati Membri (eż. bini ta’ ħażna eċċessiv li tħalli għal proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fit-tul fl-Istat Membru fornitur).

1.5   Il-Kumitat jikkunsidra prijoritarja l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ ġabra komuni ta’ strumenti li jmexxu t-trasferimenti tagħhom ġewwa l-UE. Fir-rigward tal-iskop tal-applikazzjoni tad-Direttiva proposta, il-Lista Komuni Militari tal-UE, li għandha tiġi aġġornata regolarment, diġà tipprovdi lingwaġġ komuni.

1.6   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri biex jintroduċu l-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ liċenzji globali u ġenerali u li jippubblikaw minn tal-inqas żewġ liċenzji ġenerali.

1.6.1   Liċenzja ġenerali li tkopri t-tagħmir militari (u spare parts u servizzi marbuta mal-manutenzjoni) għall-forzi armati kollha tal-Istati Membri.

1.6.2   Liċenzja ġenerali li tkopri t-trasferimenti ta’ komponenti għal kumpaniji ċċertifikati (3).

1.7   Filwaqt li tinżamm id-diskrezzjoni totali tal-Istati Membri għall-esportazzjonijiet barra mill-UE minn kumpaniji li jinsabu fit-territorji tagħhom, ikkumplementati b’koordinazzjoni fil-qafas tal-forum tal-Kunsill COARM, il-Kumitat jikkunsidra li d-Direttiva għandha tipprovdi biżżejjed garanziji sabiex tkabbar l-kunfidenza reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-effikaċja tal-kontroll tal-esportazzjoni.

1.8   Id-Direttiva proposta tenfasizza li kumpanija li tirċievi m’għandhiex aktar tard tesporta l-prodott marbut mad-difiża lil pajjiż terz bi ksur probabbli tal-limitazzjonijiet fuq l-esportazzjoni marbuta mal-liċenzja għat-trasferimenti mill-Istat Membru oriġinarju.

1.9   Madankollu, wara l-integrazzjoni tal-komponenti fi prodott b’tali mod li jiġi żgurat li dan il-komponent integrat ma jkunx jista’ jiġi trasferit aktar ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jżommu limitazzjonijiet separati fuq l-esportazzjoni.

1.10   Il-Kumitat iħoss li l-Istima tal-Impatt mehmuża mal-proposta innifisha tkopri lis-27 Stat Membru u għalhekk tikkumplementa b’mod adegwat l-istudju UNISYS tal-2005.

1.11   Il-Kumitat iħoss li l-proposta għal Direttiva ser tħalli benefiċċji sostanzjali fuq il-kooperazzjoni industrijali fl-Ewropa u l-iżvilupp tal-kompetittività tal-industriji tad-difiża Ewropej u jirrakkomanda l-adozzjoni tagħha bi qbil mal-kummenti inklużi f’din l-opinjoni.

2.   Rakkomandazzjonijiet u proposti

2.1   Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li l-prinċipji proposti mill-Kummissjoni għall-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan il-Komunità permezz ta’ strumenti komuni ta’ liċenzja, u għall-iżgurar tal-kunfidenza reċiproka bejn l-Istati Membri dwar l-effikaċja tal-kontroll tagħhom fuq l-esportazzjoni, ser iħallu benefiċċji sinifikanti u simplifikazzjoni qawwija għal dan is-settur kumpless.

2.2   Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-esklużjoni ta’ politika tal-esportazzjoni mid-Direttiva, li għandha tibqa’ f’idejn l-Istati Membri, u li għadha soġġett għal kooperazzjoni internazzjonali, pereżempju fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni.

2.3   Il-Kumitat jenfasizza li l-proposta għal Direttiva ser iżżomm ir-responsabbiltà tal-kumpanija li tirrispetta l-limitazzjoni ta’ esportazzjoni li tista’ toħroġ mal-liċenzja tat-trasferimenti. Fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni infurzati fi Stat Membru ieħor li qed jipprovdi l-komponenti, ir-responsabbiltà għar-rispett ta’ dawn ir-restrizzjonijiet taqa’ f’idejn il-kumpanija li qed tapplika għal-liċenzja tal-esportazzjoni. Hu f’idejn din il-kumpanija li tirrispetta l-limitazzjonijiet partikolari fuq l-esportazzjoni, b’hekk tiżgura li d-dokumentazzjoni tal-esportazzjoni tkun konformi ma’ kull restrizzjoni meta tingħata lill-awtoritajiet nazzjonali li ser joħorġu l-liċenzja tal-esportazzjoni finali.

2.4   Fir-rigward tal-pożizzjoni uffiċjali dwar it-trasferimenti sensittivi mill-UE għall-pajjiżi terzi (4), il-Kumitat jikkunsidra li:

2.4.1   Meta liċenzja ta’ trasferiment tikkonċerna sotto-sistemi mhux sensittivi jew komponenti li jridu jiġu integrati f’sistemi akbar b’tali mod li ma jippermettilhomx jiġu trasferiti jew anke esportati kif inhuma f’pajjiż terz fi stadju aktar tard, għandu jkun biżejjed li Stat Membru jitlob dikjarazzjonijiet ta’ inkorporazzjoni mir-riċevitur minflok ma’ joħroġ limitazzjonijiet separati ta’ esportazzjoni.

2.4.2   Esportazzjoni mill-ġdid lil pajjiż terz ma għandhiex isseħħ f’każijiet fejn ma jingħatax permess mill-Istat Membru tal-oriġini.

2.4.3   Il-kumpanija li tirċievi m’għandhiex aktar tard tesporta l-prodott marbut mad-difiża lil pajjiż terz bi ksur probabbli tal-limitazzjonijiet fuq l-esportazzjoni marbuta mal-liċenzja għat-trasferimenti mill-Istat Membru tal-oriġini.

2.4.4   L-Istat Membru għandu mhux biss jippreskrivi iżda wkoll jikkontrolla regolarment jekk il-fornituri fi ħdan l-Istati Membri humiex qed iżommu rendikont dettaljat tat-trasferimenti tagħhom.

2.4.5   Il-fornituri għandhom jaċċettaw ir-responsabbiltà li jinfurmaw l-Istat Membru partikolari dwar id-destinazzjoni tal-użu aħħari fejn l-użu aħħari partikolari hu magħruf qabel it-trasferiment.

2.4.6   Sabiex jingħata rendikont aħjar tal-proċessi ta’ ċertifikazzjoni, iż-żmien li fih tinħareġ iċ-ċertifikazzjoni għandu jonqos.

2.4.7   Fl-istess ħin, l-aċċess għar-reġistri tal-fornituri mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jitwessa’ għal perijodu itwal ta’ żmien, b’hekk ikun hemm aktar trasparenza tal-proċess, kif ukoll aktar żmien għall-investigazzjoni ta’ ksur possibbli tal-liġi jew tar-regolament nazzjonali trasposti.

2.5   F’dan il-kuntest il-Kumitat jipproponi li jintużaw riżorsi li diġa’ jeżistu fil-livell nazzjonali. L-amministrazzjonijiet nazzjonali inkarigati mill-ħruġ u l-ġestjoni taċ-ċertifikati diġà jsegwu mill-qrib il-kumpaniji ta’ difiża li jinsabu fit-territorji tagħhom u b’hekk jistgħu jwettqu investigazzjonijiet u verifiki.

2.6   Sabiex jinkisbu l-aħjar benefiċċji mill-kooperazzjoni industrijali u l-ħolqien tas-Suq Intern, il-Kumitat jikkunsidra li għandu jkun hemm livell għoli ta’ armonizzazzjoni.

2.7   F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza li d-Direttiva proposta għandha tistabbilixxi preferenza għal liċenzjar ġenerali u globali u għandha tirrestrinġi l-liċenzjar individwali għal każijiet partikolari fejn għadu meħtieġ.

2.8   Għalissa l-Kumitat jikkunsidra l-Lista Komuni Militari tal-UE (EU-CML) bħala l-“ilsien komuni” u li għandu jibqa’ jifforma l-bażi tal-ġestjoni tat-trasferimenti intra-Ewropej ta’ prodotti marbutin mad-difiża għall-perijodu li jmiss.

2.9   Sabiex jiġu evitati problemi ta’ interpretazzjoni u implimentazzjoni, il-Kumitat iqis li l-EU CML għandu jintuża u jiġi aġġornat regolarment fuq bażi annwali, bl-użu ta’ definizzjonijiet ġenerali dwar it-tip ta’ tagħmir li dwarhom ser japplikaw ir-regoli l-ġodda u b’hekk jirrikonoxxi l-EU-CML bħala l-iktar lista aġġornata dwar armi, munizzjon u materjal tal-gwerra, kif ukoll għal servizzi u xogħlijiet relatati, inkluż hardware speċifiku tal-IT u applikazzjonijiet ta’ software partikolari.

2.10   Fl-istess ħin il-Kumitat jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni pproponiet l-inizjattivi tagħha b’kunsiderazzjoni tal-effetti tal-globalizzazzjoni fuq l-Ewropa, b’mod partikolari fuq l-industrija tad-difiża, bil-għan ewlieni li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Ewropa.

2.11   Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni ssegwi l-ksur ta’ regolamenti skont it-Trattat fil-qasam speċifiku ttrattat mid-Direttiva proposta, bl-użu tal-kapaċitajiet professjonali ta’ Board ta’ Esperti multi-nazzjonali, li għandu jinħoloq interalja għal dan il-għan.

2.12   Fir-rigward tal-Unisys – il-proposta tal-istudju biex tinħoloq bażi ta’ data ta’ trasferimenti intra-Komunitarji-il-Kumitat jikkunsidra li din l-idea ma taqbilx mal-prattika attwali u għandha titwarrab.

2.13   Il-Kumitat jikkunsidra li t-trasparenza fost l-Istati Membri tal-UE għandha tinkludi wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti dwar il-bejgħ tal-prodotti jew it-teknoloġiji trasferiti f’destinazzjonijiet tal-UE, dan sabiex titwarrab kull kondotta ħażina, diskriminazzjoni u/jew korruzzjoni possibbli.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   Regolamenti u proċessi nazzjonali:

3.1.1   Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tiddefinixxi żewġ tipi ta’ prodotti: “militari” u “użu doppju”, spiss b’liċenzji minn żewġ awtoritajiet differenti. Il-prodotti b’użu doppju u dawk militari ma għandhomx jitqiesu flimkien.

3.1.2   Il-prodotti b’użu doppju għandhom użu aħħari ċivili iżda jiġu kkontrollati minħabba li jistgħu wkoll jintużaw f’xi applikazzjonijiet militari, jew b’mod partikolari f’applikazzjonijiet mhux militari sensittivi (jiġifieri, is-sigurtà). Il-kontroll tagħhom hu regolat permezz ta’ Regolament tal-Kunsill (1334/2000) dwar il-politika kummerċjali li jistipula li l-esportazzjonijiet għall-pajjiżi terzi għandhom jiġu soġġetti għal liċenzji individwali, globali jew ġenerali. Kuntrarjament, b’konformità mal-prinċipju tas-Suq Intern dwar iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti, it-transferimenti intra-Ewropej ta’ oġġetti b’użu doppju huma ħielsa mil-liċenzjar barra mill-prodotti l-iktar sensittivi bħal prodotti nukleari.

3.1.3   Prodotti ta’ difiża għandhom użu aħħari militari. Attwalment ma hemm l-ebda qafas Komunitarju għaċ-ċirkolazzjoni tagħhom fis-Suq Intern u t-trasferimenti tagħhom fi ħdan l-UE huma mxekkla mil-leġiżlazzjonijiet eteroġeni nazzjonali u minn rekwiżiti għal-liċenzjar sproporzjonati. Ftit Stati Membri biss implimentaw il-liċenzjar globali u wieħed biss juża liċenzji ġenerali bħala prattika komuni. Ħafna mit-trasferimenti intra-Ewropej għadhom restritti minn liċenzjar individwali, u kumpaniji bi ktajjen ta’ provvista li jkopru bosta Stati Membri ma jistgħux jottimizzaw dawn il-ktajjen ta’ provvista minħabba l-liċenzjar eteroġenu fl-Istati Membri fornituri.

3.1.4   L-Istati Membri kollha għandhom viżjoni komuni fit-tħaddim tar-Regolamentazzjoni dwar l-“użu doppju” li torbot legalment u li tifforma parti mill-ewwel pilastru tal-UE (5).

3.1.5   L-Istati Membri kollha adottaw u jagħmlu referenza għal listi differenti ta’ munizzjon għal prodotti militari kif ukoll il-Lista Komuni Militari tal-UE użata fil-qafas tal-Kodiċi tal-Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi. Ħafna Stati Membri jirreferu għal dawn il-listi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom, filwaqt li oħrajn jużaw il-listi tagħhom stess (6).

3.1.6   Bil-ħolqien ta’ Ftehim ta’ Qafas (magħruf ukoll bħala Ittra ta’ Intenzjoni, LoI), is-sitt pajjiżi (7) l-ikbar produtturi tal-armi Ewropej stabilixxew regoli ta’ kooperazzjoni fuq it-trasferimenti u l-esportazzjonijiet għal programmi kooperattivi li ma jiffurmawx parti mill-qafas tal-UE.

3.1.7   L-inizjattiva tal-Kummissjoni għalhekk hi limitata għal trasferimenti intra-Komunitarji filwaqt li l-esportazzjonijiet għal pajjiżi terzi ser ikomplu jiġu koperti mis-sistemi ta’ liċenzji għall-esportazzjoni eżistenti.

4.   Theddid u ostakoli

4.1   Mill-aspett tal-liġi applikabbli, jeħtieġ li jiġu indirizzati l-aspetti li ġejjin:

4.1.1   Il-varjetà tal-leġiżlazzjoni;

4.1.2   Id-differenzi bejn il-liġijiet fil-livell nazzjonali.

4.2   Mill-aspett tal-awtorità tat-tmexxija, jeħtieġ li tingħata attenzjoni lil dawn l-aspetti:

4.2.1   Il-varjetà kbira ta’ awtoritajiet responsabbli mill-ipproċessar tat-talbiet għal-liċenzji fil-każ ta’ trasferimenti intra-Komunitarji (11-il tip differenti ta’ amministrazzjoni, skont il-pajjiż);

4.2.2   F’xi pajjiżi (HU, PL, IE, FR, CH, CZ, PT), l-esportatur hu mitlub li jkollu liċenzji/permessi addizzjonali sabiex ikun jista’ japplika għal-liċenzja ta’ esportazzjoni/importazzjoni/transitu;

4.2.3   Fir-rigward tal-prinċipju komuni ta’ “juste retour” (jew kumpens), l-Istati Membri spiss jużaw dan għal raġunijiet industrijali u ta’ impjiegi, iżda ukoll minħabba – parzjalment bħala konsegwenza tal-prattiċi għat-trasferimenti intra-Komunitarji attwali – li ma għandhom l-ebda sigurtà ta’ provvista reali mis-sieħba tal-UE tagħhom (għalhekk il-preferenza għal prodotti domestiċi li mhumiex soġġetti għal-liċenzji ta’ trasferimenti ta’ Stat Membru ieħor).

5.   Azzjonijiet għat-tneħħija ta’ ostakoli għat-trasferimenti intra-Komunitarji

5.1   Fir-rigward tat-trasferimenti, kull titjib tas-suq tad-difiża tal-UE għandu jkun organizzat skont numru ta’ prijoritajiet fundamentali:

5.1.1   Is-sigurtà: is-simplifikazzjoni ta’ trasferimenti u kunfidenza reċiproka jmorru flimkien. Il-fatt hu li fis-sitwazzjoni attwali Ewropea din il-kunfidenza hi żbilanċjata. Is-simplifikazzjoni tat-trasferimenti teħtieġ li tkun akkumpanjata b’miżuri ta’ tisħiħ tal-kunfidenza. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u non-proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa (WMD) hi prijorità għall-Istati kollha tal-UE. Din tinkludi t-tisħiħ tal-kontroll tat-tixrid ta’ armi lil pajjiżi terzi bl-iżgurar tar-rispett għar-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni maħruġa mill-Istati Membri b’konformità ma’ dawn il-politiki.

5.1.2   Liċenzjar issimplifikat: il-liċenzji huma espressjoni reali tar-responsabbiltà tal-Istati Membri fil-kummerċ tal-armi. B’żieda ma’ dan, il-liċenzji jgħinu wkoll biex jinħolqu restrizzjonijiet possibbli fuq l-użu aħħari u d-destinazzjoni finali tal-prodotti. Peress li r-responsabbiltà għandha dejjem tibqa’ f’idejn l-Istati Membri, għandhom jinżammu l-liċenzji nazzjonali. Għalhekk is-simplifikazzjoni tista’ toħroġ mis-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-liċenzji nazzjonali, bil-kisba ta’ prevedibbiltà għall-Industrija. Għandu jiffaċilità it-tisħiħ tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea, billi kulħadd juża l-istess regoli, u jiffaċilita l-kisba tal-aċċess – speċjalment għall-SMEs – għas-suq pan-Ewropew ta’ opportunitajiet u sħubija.

5.1.3   L-armonizzazzjoni tal-obbligi legali: din għandha tinkludi l-obbligi tal-kumpaniji ta’ dan is-settur b’żieda mal-proċeduri ta’ trasferiment ta’ prodotti marbutin mad-difiża. Għal dan il-għan hu meħtieġ li titkompla l-armonizzazzjoni fil-qasam tas-Suq Ewropew tat-Tagħmir għad-Difiża (jiġifieri, li jinħareġ qafas komuni għall-kontroll tal-assi).

5.1.4   Il-konsolidazzjoni tal-paċi: kull attività tan-negozju f’dan is-settur għandha l-obbligu li tikkunsidra li l-prodotti ta’ difiża u l-użu doppju ma jipperikolawx u lanqas jikkontradixxu l-promozzjoni tal-valuri demokratiċi u l-konsolidazzjoni tal-paċi li qiegħda tippromovi l-UE.

5.2   Is-sistema intra-Komunitarja l-ġdida tista’ tħalli żewġ impatti fuq l-esportazzjonijiet:

Tipprovdi lill-Istati Membri b’opportunità li jiġu kkonsultati fil-każ ta’ esportazzjoni tal-prodotti marbutin mad-difiża tagħhom, sakemm mhux integrati bħala komponenti f’sistema aktar ikkumplikata.

Iċ-ċertifikazzjoni ser tippromovi parteċipazzjoni attiva tal-intrapriżi biex jirrispettaw d-deċiżjonijiet ta’ politika ta’ esportazzjoni tal-Istati Membri, li diġà huma kkoordinati fil-kuntest tal-Kodiċi tal-Kondotta u għalhekk ser twassal għal aktar sigurtà fir-rigward tal-prevenzjoni tar-riskju kontra esportazzjonijiet illegali.

6.   Kummenti tal-għeluq

6.1   Il-Kumitat jemmen li permezz tal-Komunikazzjoni “Strateġija għal industrija tad-difiża Ewropea aktar b'saħħitha u aktar kompetittiva” u d-Direttivi proposti dwar il-“koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti pubbliċi tax-xogħlijiet, tal-provvisti u tas-servizzi fl-oqsma tad-Difiża u tas-Sigurtà” u “l-Issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan il-Komunità”, il-Kummissjoni ħadet inizjattiva importanti li tippermetti t-tisħiħ tas-Suq Ewropew tat-Tagħmir għad-Difiża u jitlob lill-Parlament u lill-Kunsill li jmexxu din l-inizjattiva aktar ’il quddiem u jinkludu fiha approċċ globali li jtejjeb il-Politika Ewropea tas-Sigurtà u d-Difiża.

Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Fl-istudju tiegħu A single European market for defence equipment: organisation and collaboration il-Professur Keith Hartley jsemmi erba’ “xenarji ta’ liberalizzazzjoni” li jiżguraw aktar iffrankar importanti annwali, li jmur minn EUR 3.8 biljun għal EUR 7.8 biljun fis-sena.

(2)  Element wieħed kruċjali li jispjega l-ispiża indiretta hi n-nuqqas ta’ kull tip ta’ sigurta’ ta’ provvista serja għall-Istati Membri li qed jieħdu minn fornitur li jinsab fi Stat Membru ieħor.

(3)  Skont il-proposta tal-Kummissjoni, iċ-Ċertifikazzjoni hi marbuta mar-riċeviment tal-prodotti skont il-liċenzjar ġenerali u mhux skont il-liċenzjar globali. Ovvjament, il-kumpaniji ċċertifikati jistgħu wkoll joħorġu komponenti tad-difiża speċifiċi skont il-liċenzji globali (il-komponenti mhux eliġibbli għal-liċenzji ġenerali nazzjonali).

(4)  “Pajjiż terz” jirreferi għal kull pajjiż li mhuwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1334/2000, tat-22 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjoni ta’ prodotti u teknoloġiji b’użu doppju.

(6)  Unjoni Ewropea 1998, “Kodiċi tal-Kondotta ta’ l-UE dwar l-Esportazzjoni ta’ l-Armi” il-25 ta’ Mejju - http://ue.eu.int/Newsroom/

(7)  FR, UK, DE, ES, IT, SE.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/114


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà

COM(2007) 766 finali — 2007/0280 (COD)

2009/C 100/18

Nhar l-24 ta’ Jannar 2008, il-Kunsill iddeċiecda, b’konformità mal-Artikoli 47(2), 55 u 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur OPRAN.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, 22 u 23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-23 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’46 voti favur, 5 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Djalogu wiesa’ bejn l-imsieħba soċjali

1.1.1.   Il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon kbir li għadd ta’ esperti mill-Istati Membri, kif ukoll rappreżentanti mill-industrija tad-difiża - inklużi l-partijiet interessati u għall-ewwel darba, mexxejja mill-imsieħba soċjali - kellhom rwol attiv fit-tħejjija tal-proposta għal din id-Direttiva u ġew involuti mill-qrib fit-tfassil tad-dokument adottat mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Diċembru 2007. Il-konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata tal-UE – multilaterali u bilaterali – koprew l-aspetti kollha marbuta mal-akkwist tat-tagħmir tad-difiża (it-talba, il-provvista, il-qafas regolatorju u l-prodotti).

1.2.   Restrizzjoni tal-applikazzjoni tal-“Artikolu 296”

1.2.1.   Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ (1) li s-soluzzjoni tal-Kummissjoni, li tirrispetta bis-sħiħ il-prerogattivi tal-Istati Membri fil-qasam tad-difiża, tassigura – b’mod innovattiv – min-naħa, il-konformità mal-Artikolu 296 tat-Trattat (għad-difiża) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva attwali dwar l-akkwist (għas-sigurtà) li jagħtu d-dritt lill-Istati Membri li jeżentaw kuntratti f’dawn l-oqsma jekk ikun neċessarju għall-ħarsien tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom, u, min-naħa l-oħra, il-konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u t-talba magħmula espressivament minnha li huwa f’każijiet eċċezzjonali (2) biss li l-kuntratti tad-difiża jistgħu jiġu eżentati mir-regoli Komunitarji.

1.2.2.   Id-Direttiva proposta dwar l-Akkwist tat-Tagħmir tad-Difiża għandha l-għan li tnaqqas l-għadd ta’ każijiet li fihom l-Istati Membri jinvokaw l-Artikolu 296, minħabba li r-regoli tal-KE attwali dwar l-akkwist mhumiex meqjusin adattati għall-ispeċifiċitajiet tal-armamenti, il-munizzjon u l-materjal għall-gwerra.

1.2.3.   L-Artikolu 296 se jibqa’ fis-seħħ, li jfisser li l-Istati Membri xorta se jkollhom il-possibbiltà jinvokaw dak l-Artikolu jekk il-kuntratti jitqiesu sensittivi/sigrieti tant li anke d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva l-ġdida ma jkunux biżżejjed biex iħarsu l-interessi tas-sigurtà tagħhom. Għalhekk, hemm rabta mill-qrib bejn id-Direttiva l-ġdida u l-Artikolu 296.

1.2.4.   Fl-interess tal-koerenza bejn il-liġi primarja tal-UE (Trattat) u l-liġi sekondarja (Direttiva), it-tnejn li huma għandu jkollhom l-istess ambitu ta’ applikazzjoni. Inkella tinħoloq inċertezza legali.

1.3.   Għandha titneħħa mill-aktar fis possibbli l-konfużjoni attwali li nħolqot minħabba l-eżistenza simultanja u l-użu bl-addoċċ ta’ żewġ “Listi Militari” attivi min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti fl-Istati Membri u l-industrija, billi tintgħażel lista komuni li hija valida għall-proċeduri kollha marbuta mal-akkwist u l-kummerċ. Nistgħu naslu għall-aħjar soluzzjoni permezz tal-adozzjoni u l-użu ta’ Lista Militari komuni għall-kamp ta’ applikazzjoni kollu kopert miż-żewġ Direttivi l-ġodda proposti mill-Kummissjoni. Attwalment, l-aktar żewġ opzjonijiet importanti huma:

1.3.1.   Opzjoni 1: li tibqa’ tintuża l-“Lista tal-15 ta’ April 1958” għal dawn l-attivitajiet – l-aktar għal raġunijiet ta’ kontinwità, peress li l-utenti b’esperjenza huma familjari magħha u faċilment ikollhom aċċess għaliha. fl-istess ħin, huwa minnu li l-verżjoni attwali tal-lista hija ġenerali u wiesgħa wisq, u qatt ma ġiet aġġornata minn mindu kienet adottata 50 sena ilu u ma tkoprix bis-sħiħ it-teknoloġiji l-ġodda li huma meħtieġa biex inkunu kapaċi niġġieldu għadd ta’ theddidiet reali u kumplessi;

1.3.2.   Opzjoni 2: li tibda tintuża l-“Lista Militari Komuni tal-UE”, adottata mill-Kunsill fid-19 ta’ Marzu 2007 u aġġornata fl-10 ta’ Marzu 2008, inkluż it-tagħmir kopert mill-“Kodiċi ta’ Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armamenti”, adottata mill-Kunsill fis-7 ta’ Lulju; l-istess Kodiċi ser tintuża wkoll b’rabta mad-Direttiva l-ġdida dwar it-trasferiment ta’ prodotti marbuta mad-difiża fi ħdan il-Komunità.

1.4.   L-Artikolu 296: għadu validu f’każijiet speċjali (3)

1.4.1.   Il-Kumitat mhuwiex konvint mill-miżuri li ħadet il-Kummissjoni biex ma tirriproduċix l-Artikolu 14 tad-Direttiva attwali dwar l-Akkwist 18/2004 (kuntratti sigrieti) fid-Direttiva l-ġdida u minflok tagħmel referenza diretta għall-Artikoli rilevanti fit-Trattat dwar is-sigurtà pubblika (b’mod partikolari l-Artikoli 30 u 296). Dan jista’ jwassal għal konfużjoni mal-awtoritajiet kontraenti, dwar x’inhu, jew x’mhuwiex meqjus adattat.

1.4.2.   Minħabba li l-biċċa l-kbira tal-kuntratti ta’ akkwist għal tagħmir sensittiv tad-difiża u s-sigurtà jiġbru fihom xi għamla jew oħra ta’ informazzjoni sigrieta jew kunfidenzjali, il-Kummissjoni ddeċidiet li fid-Direttiva l-ġdida tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi għas-sigurtà tal-informazzjoni. L-esklużjoni espliċita tal-“kuntratti sigrieti” kollha u tal-kuntratti kollha “b’miżuri speċjali ta’ sigurtà” mingħajr ma dawn jiġu definiti, tista’ tnaqqas b’mod drammatiku l-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida bir-riskju kbir li dan it-tnaqqis ibiddel b’mod fundamentali n-natura tal-proposta.

1.4.3.   Min-naħa, il-Kumitat jaċċetta l-approċċ imsejjes fuq żewġ miżuri li adottat il-Kummissjoni biex issolvi din il-kwistjoni sensittiva:

il-kuntratti sigrieti per se m’għandhomx jiġu esklużi mill-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida, iżda

jekk ikun neċessarju, l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom

u huwa tal-fehma li l-proċedura proposta mill-Kummissjoni hija soluzzjoni raġonevoli għal kull min huwa involut, iżda min-naħa l-oħra, jirrakkomanda wkoll li l-elementi adattati tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-akkwist ġenerali jiġu inklużi fid-Direttiva dwar l-Akkwist marbut mad-Difiża, bħala komponent xieraq.

1.5.   Qafas legali għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

1.5.1.   Skont l-istima tal-Kumitat, id-Direttiva l-ġdida hija adattata ferm għall-ispeċifiċitajiet tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (għax-xogħlijiet, il-provvista u s-servizzi) (4) fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà minħabba:

1.5.1.1.   li l-kuntratti dwar l-armamenti, il-munizzjon u l-materjal għall-gwerra mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim tal-Gvern dwar l-Akkwist konkluż mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

1.5.1.2.   li f’kull Stat Membru hemm kuntrattur uniku – il-Gvern (5);

1.5.1.3.   il-ħtieġa li tiġi garantita s-sigurtà fit-tul tal-provvisti (6);

1.5.1.4.   il-ħtieġa li jiġi assigurat livell għoli ta’ libertà fil-proċess tal-akkwist fil-livell tal-Istati Membri;

1.5.2.   Fir-rigward tal-R&D, il-Kumitat jaqbel li l-mekkaniżmi tas-suq u s-sejħiet għall-offerti pubbliċi mhux dejjem ikunu realistiċi peress li l-Istati Membri nnifishom jagħmlu parti minn dan ix-xogħol u ta’ spiss jidħlu f’relazzjonijiet għat-tul mal-istituzzjonijiet u l-industrija tar-riċerka u t-teknoloġija bl-għan li jkunu jistgħu jiżviluppaw is-sistemi meħtieġa mill-forzi armati.

Dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ żvilupp spirali jew mekkaniżmi oħra biex tiġi assigurata kontinwità u tkabbir fil-proċess tal-iżvilupp.

Il-Kumitat mhuwiex konvint li l-formulazzjoni attwali fl-abbozz ta’ direttiva jirrifletti dawn iċ-ċirkustanzi b’mod adegwat u jibża’ li, f’każ li jkun hemm bżonn li jsir tnaqqis artifiċjali bejn il-proċess tal-R&D u l-produzzjoni, dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-Istati Membri u l-industrija.

1.6.   Deċiżjoni ta’ Stat Membru individwali biex “Jinxtraw Prodotti Ewropej”

1.6.1.   Rigward il-proposta biex jiġi evitat il-prinċipju tal-klawżola biex “jinxtraw prodotti Ewropej” / “Tingħata Preferenza lill-Prodotti Ewropej” jew ta’ “reċiproċità”, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-istrateġija tal-Kummissjoni hija aċċettabbli għall-Istati Membri, sakemm jitqiesu dawn l-aspetti:

1.6.1.1.   Id-Direttiva se tistipula regoli dwar kif jiġi akkwistat tagħmir tad-difiża, iżda mhux se tiddetermina liema tagħmir għandu jiġi akkwistat. Din hija d-deċiżjoni tal-klijenti, jiġifieri l-Istati Membri.

1.6.1.2.   Id-deċiżjoni dwar jekk tinfetaħx il-kompetizzjoni għal fornituri mhux mill-UE tibqa’ l-prerogattiva tal-Istati Membri individwali, b’konformità mal-Ftehim tal-Gvern dwar l-Akkwist (GPA).

1.6.1.3.   L-awtoritajiet kontraenti xorta se jkollhom l-għażla li jistiednu lill-kumpaniji fl-UE b’mod esklużiv, jew li jinkludu kumpaniji li mhumiex fl-UE.

1.6.2.   Fl-aħħar nett, il-Kumitat jemmen illi d-dikjarazzjoni ta’ preferenza Ewropea ma tfissirx protezzjoniżmu iżda pass ’il quddiem biex tiġi “bbilanċjata mill-ġdid” il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tad-difiża, l-industrija u t-teknoloġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-Istati Uniti.

1.7.   Kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE

1.7.1.   Rigward il-kummerċ ta’ prodotti tad-difiża ma’ pajjiżi terzi, il-Kumitat iqis li d-Direttiva l-ġdida mhijiex se tbiddel is-sitwazzjoni attwali u tirrappreżenta soluzzjoni tajba.

1.7.2.   B’mod ġenerali, is-settur se jibqa’ jiġi regolat mir-regoli tad-WTO u b’mod partikolari mill-GPA.

1.8.   It-twaqqif tas-Suq Ewropew tat-Tagħmir għad-Difiża (EDEM)

1.8.1.   Il-Kumitat jemmen li d-Direttiva l-ġdida tirrappreżenta pass kbir ’il quddiem lejn it-twaqqif tal-EDEM, li tant huwa mixtieq, minħabba:

1.8.1.1.   li l-ftuħ tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża se jtejjeb il-kompetittività tal-EDEM.

1.8.1.2.   il-Kumitat iqis li l-introduzzjoni ta’ regoli ta’ akkwist li jkunu trasparenti u kompetittivi li japplikaw fl-Unjoni kollha hija kruċjali għat-twaqqif b’suċċess tal-EDEM. Dan se jwassal għal aktar ftuħ tas-swieq tad-difiża bejn l-Istati Membri għall-benefiċċju ta’ kulħadd: il-forzi armati, min iħallas it-taxxa u l-industriji.

1.9.   Politika ta’ kumpens  (7)

1.9.1.   Il-Kummissjoni qagħdet lura milli tagħmel proposti konkreti u diretti li jkopru l-prinċipju ta’ kumpens peress li temmen li dan huwa nonproduttiv, u huwa ta’ tfixkil għall-mekkaniżmi tas-suq, iżda l-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi li jeżistu għadd ta’ fehmiet diversi dwar din il-kwistjoni;

1.9.2.   Fil-fatt, l-Istati Membri u l-industrija għandhom esperjenzi differenti fir-rigward ta’ dan l-istrument u għalhekk għandhom perspettiva differenti tiegħu. Attwalment, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) qed tanalizza l-aħjar mod kif għandha tiġi trattata din il-prattika u tapprofitta mill-prinċipju ta’ kumpens, ġaladarba jeżisti, bl-għan li tinħoloq. Fl-istess ħin, l-Aġenzija tirrikonoxxi li EDEM effikaċi m’għandux bżonn ta’ prattika bħal din.

2.   Proposti

2.1.   Il-Kumitat jirrakkomanda bis-sħiħ li l-inizjattivi kollha tal-UE fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà jittieħdu fl-ogħla livell politiku: il-Kunsill Ewropew, ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (CFSP) u l-Bord ta’ Tmexxija tal-EDA, fil-formazzjoni ministerjali (EDA-SBMF).

2.2.   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jikkonċentraw l-appoġġ tagħhom fuq il-miri ewlenin tal-industrija tad-difiża li ġejjin:

2.2.1.   li jiġu appoġġjati l-prestazzjonijiet u l-kompetittività tal-EDTIB f’kuntest globali, biex il-miri reali industrijali u militari li huma ta’ interess ewlieni jiġu identifikati minn kmieni – kemm fir-rigward ta’ kumpaniji ewlenin kif ukoll tal-SMEs;

2.2.2.   li tingħata viżibilità internazzjonali lill-programmi prinċipali ta’ dan is-settur importanti tal-industrija;

2.2.3.   li jiġu appoġġjati investimenti attwali u fil-futur biex jiġu żviluppati teknoloġiji innovattivi;

2.2.4.   li jiġu garantiti l-impjiegi fl-industrija tad-difiża fil-livell tal-UE, minħabba li ż-żamma tar-riżorsi umani, jiġifieri l-korpi professjonali ta’ ħaddiema tas-sengħa tas-settur, tirrappreżenta kundizzjoni ewlenija għat-tkabbir sostenibbli tas-settur u għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-aħħar teknoloġiji;

2.2.5.   li tingħata spinta lis-settur, filwaqt li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni identiċi għall-atturi kollha, l-iktar permezz tat-tneħħija tal-interferenza tal-istat fl-attivitajiet tal-kumpaniji;

2.2.6.   li jkunu inkuraġġuti l-inizjattivi tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, li għandha tkun kapaċi taqdi r-rwol ta’ katalista tal-inizjattivi li jittieħdu minn Stat Membru wieħed jew iktar. L-EDA tista’ tgħin fit-twessigħ taċ-ċirku tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-programmi – bħal pereżempju fil-każ tal-ħelikopter Ewropew tal-ġejjieni għat-trasport ta’ tagħbiji tqal, UAVs, tactical radio software,eċċ.

2.3.   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kunsill Ewropew, ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u l-EDA-SBMF jevalwaw, jagħżlu u joħorġu fil-pubbliku d-deċiżjoni finali dwar il-lista tat-tagħmir u l-prodotti tad-difiża li għandhom jintużaw mill-parteċipanti Komunitarji kollha fl-EDEM u l-EDTB – u l-għażla tagħhom għandha ssir fost dawn li ġejjin:

2.3.1.   Li tibqa’ tintuża l-“Lista tal-1958”, prinċipalment għal raġunijiet ta’ kontinwità, allavolja din hija ġenerali u wiesgħa wisq, u qatt ma ġiet aġġornata minn mindu kienet adottata 50 sena ilu.

2.3.2.   Il-lista antika eżistenti tiġi sostitwita mil-“Lista Militari Komuni tal-UE”, adottata mill-Kunsill fid-19 ta’ Marzu 2007 u aġġornata fl-10 ta’ Marzu 2008, inkluż it-tagħmir kopert mill-“Kodiċi ta’ Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni tal-Armamenti”, adottata mill-Kunsill fis-7 ta’ Lulju 2000, li issa qed tissejjaħ il-“Lista Militari Komuni tal-UE”. L-istess Kodiċi ser tintuża wkoll b’rabta mad-Direttiva l-ġdida dwar it-trasferiment ta’ prodotti marbuta mad-difiża fi ħdan il-Komunità.

2.3.2.1.   Il-kumitat huwa tal-fehma li huwa possibbli li l-lista aġġornata tal-1958, li tiġbor fiha u tidentifika t-tagħmir u t-teknoloġija li huwa suġġett għad-deroga, tingħaqad mal-“Lista Militari Komuni tal-UE”, kif definit fil-“Kodiċi ta’ Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni tal-Armamenti”.

2.3.3.   Il-Kumitat jemmen li l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża għandha tkun xprun importanti fis-settur, u għandha sservi ta’ forum għal diskussjonijiet intergovernattivi dwar il-ġejjieni tal-industrija tad-difiża, l-R&D fil-qasam tad-difiża u t-twessigħ tal-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ewropea (EDTIB);

2.3.4.   Fl-istess ħin, il-Kumitat jagħraf il-kompetenza tal-Kummissjoni u r-rwol importanti li taqdi fil-qasam tal-Akkwist Pubbliku, u fit-twaqqif u t-tisħiħ tal-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża Ewropea, u jemmen li l-esperjenza tal-Kummissjoni Ewropea ser tkun utli fl-isforz tagħha ta’ ristrutturar u żvilupp tal-industrija tad-difiża tal-Istati Membri;

2.3.5.   Il-Kumitat jagħraf l-importanza li l-interessi u l-proposti tal-industrija tad-difiża nnifisha jiġu kkunsidrati fil-proċess tal-iżvilupp ta’ politika Ewropea b’rabta mat-tagħmir tad-difiża. Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-attivitajiet tal-EDA jistgħu jittejbu ħafna jekk ikun possibbli li għadd ta’ rappreżentanti mill-industrija tad-difiża u esperti professjonali non-governattivi jiġu involuti mill-qrib u b’mod uffiċjali fil-ħidma tad-Direttorati tal-EDA. Dawn ir-rappreżentanti u esperti (membri tas-soċjetà ċivili organizzata) għandhom ikunu rappreżentati fil-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija, skont arranġamenti li għad iridu jiġu deċiżi fir-rigward ta’ status, id-dritt ta’ espressjoni, il-vot u affarijiet simili.

2.3.6.   Fir-rigward, għal darb’oħra, tal-applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-Akkwist tat-Tagħmir tad-Difiża, il-Kumitat jagħraf li l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi Ewropej imsieħba fin-NATO għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-progrmmi ta’ kooperazzjoni sal-punt li l-kapaċitajiet finanzjarji, industrijali u teknoloġiċi tagħhom tippermettilhom jagħmlu dan, u li l-interessi tal-istati ż-żghar u ta’ daqs medju għandhom jiġu rispettati;

2.4.   Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni statistika u biex jinħolqu parametri ta’ referenza korretti, il-Kumitat huwa tal-fehma li, perjodikament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta Rapport ta’ Progress dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva – din l-evalwazzjoni għandha tikkunsidra kemm il-livell nazzjonali, kif ukoll Komunitarju.

2.5.   Fil-fehma tal-Kumitat, id-Direttiva proposta għandha tiġi estiża għaż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kollha.

3.   Informazzjoni ġenerali

3.1.   Is-sitwazzjoni attwali

3.1.1.   Ħafna Stati Membri użaw l-Artikolu 296 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (8) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Akkwist (2004/18/KE) b’mod estensiv, filwaqt li eżentaw kważi awtomatikament l-akkwist ta’ tagħmir militari u tas-sigurtà mir-regoli tal-KE. Fi kliem ieħor: “Dik li suppost tkun l-eċċezzjoni, de facto, ta’ sikwit tkun ir-regola”.

3.1.2.   Fil-qasam tal-akkwist pubbliku hemm nuqqas ta’ leġislazzjoni Ewropea adattata għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi sensittivi fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà.

3.1.3.   L-użu ta’ standards mhux armonizzati jfixkel il-kooperazzjoni fil-programmi tal-R&D, tal-akkwist u tal-produzzjoni.

3.1.4.   Min-naħa tat-talba, 27 klijent nazzjonali għandhom diffikultajiet kbar biex jarmonizzaw ir-rekwiżiti militari tagħhom u jamalgamaw is-setgħa tagħhom ta’ xiri fi progetti komuni ta’ akkwist.

3.1.5..   Fil-livell tal-UE, il-qafas regolatorju li fih 27 sett differenti ta’ regoli u proċeduri nazzjonali għall-oqsma kollha rilevanti (l-esportazzjonijiet, it-trasferimenti, l-akkwist eċċ.), isir ostaklu prinċipali kemm għall-kompetizzjoni kif ukoll għall-kooperazzjoni u joħloq spejjeż konsiderevoli żejda (9).

3.1.6.   Il-ħolqien tal-EDEM huwa fattur ewlieni li jappoġġja l-miri tal-Politika Ewopea ta’ Sigurtà u Difiża.

3.2.   Il-konverġenza “Difiża-Sigurtà”

3.2.1.   Il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, inklużi l-akkwisti ta’ sigurtà mhux militari u sensittivi fl-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida – filwaqt li jqis li:

3.2.1.1.   Fl-ambjent strateġiku attwali, it-theddid sar transnazzjonali u asimmetriku (10); il-linja diviżorja bejn is-sigurtà militari u mhux militari, dik esterna u interna, kulma jmur qiegħda ssir inqas ċara u titlob tweġiba komprensiva;

3.2.1.2.   Il-forzi armati u l-forzi tas-sigurtà ta’ spiss jaħdmu flimkien mill-qrib u jużaw tagħmir simili li huwa żviluppat permezz tal-istess teknoloġiji u prodott mill-istess kumpaniji;

3.2.1.3.   Akkwist mhux militari f’ċerti oqsma – bħal pereżempju l-ġlieda kontra t-terroriżmu – jista’ jkun sensittiv daqs akkwist militari u jeħtieġ l-istess livell, jew anki livell ogħla, ta’ salvagwardji ta’ sigurtà matul il-proċess tal-għoti tal-kuntratt;

3.2.1.4.   Fil-każijiet fejn l-akkwist ta’ sigurtà u difiża huwa marbut bl-istess speċifiċitajiet, huwa loġiku li japplikaw l-istess regoli ta’ akkwist;

3.2.2.   Il-Kumitat jemmen ukoll li l-aħjar soluzzjoni tkun li jingħata trattament ugwali lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha li huma inkarigati mill-qasam tad-difiża, mis-sigurtà lokali u mill-ġbir ta’ informazzjoni.

3.3.   L-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi

3.3.1.   Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti uniċi tas-settur, id-Direttiva l-ġdida tipproponi tliet proċeduri kompetittivi u direzzjoni pragmatika:

il-proċedura nnegozjata flimkien mal-pubblikazzjoni ta’ avviż tal-kuntratt (11) hija awtorizzata mingħajr il-bżonn ta’ ġustifikazzjoni speċifika;

il-proċedura ristretta  (12) u d-djalogu kompetittiv jistgħu jintużaw ukoll (13);

madankollu, il-proċedura miftuħa li tinvolvi t-tqassim tal-ispeċifikazzjonijiet lil kull operatur ekonomiku li jkun irid jarahom, inħasset li ma kenitx xierqa minħabba l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni marbuta ma’ dawn il-kuntratti.

3.3.1.1.   Fil-proċeduri ġew inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sigurtà tal-informazzjoni (14), biex jiġi żgurat li l-informazzjoni sensittiva tibqa’ mħarsa minn aċċess mhux awtorizzat.

3.3.1.2.   L-inklużjoni fil-proċedura tal-klawżoli speċjali dwar is-sigurtà tal-provvista se tiżgura li l-forzi armati jiġu provduti f’waqthom, b’mod partikolari f’mumenti ta’ kriżi jew f’konflitt armat:

(a)

il-proċedura toħloq reġim komuni ta’ garanziji xierqa, u metodu għall-ħolqien ta’ parametri ta’ referenza ċari;

(b)

il-Kumitat huwa tal-fehma li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li d-Direttiva l-ġdida se tkopri biss kuntratti speċifiċi fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża, li għalihom d-Direttiva attwali dwar l-akkwist pubbliku mhijiex xierqa, hija adatta;

(ċ)

dawn il-kuntratti huma dwar l-akkwist ta’ tagħmir militari (jiġifieri l-armi, il-munizzjonijiet u t-tagħmir għall-gwerra) u ta’ sigurtà partikolarment sensittiv u simili fin-natura tiegħu għal tagħmir ta’ difiża;

(d)

l-akkwist ta’ tagħmir mhux sensittiv u mhux militari għadu kopert mid-Direttiva attwali dwar l-Akkwist Pubbliku (2004/18/KE), anke jekk isir mill-awtoritajiet inkarigati mill-għoti tal-kuntratti fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà.

3.4.   Il-bażijiet legali tal-abbozz ta’ Direttiva huma:

3.4.1.   Il-prinċipju msejjes fuq il-kontribuzzjoni: il-ħtieġa li jintemmu s-sitwazzjonijiet ta’ ksur li joriġinaw min-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji biex ikunu koordinati l-proċeduri tal-akkwist pubbliku li japplikaw bħalissa.

3.4.2.   Il-prinċipju tal-proporzjonalità: sakemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jiġu applikati bis-sħiħ, it-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali se tippermetti lil kull Stat Membru iqis il-kwalitajiet u l-karatteristiċi speċifiċi tax-xirjiet sensittivi li jagħmel fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà.

3.5.   L-għażla tal-istrumenti

3.5.1.   Meta jagħmlu t-traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri, jekk jixtiequ, jistgħu jistipulaw il-leġislazzjoni li tapplika għall-akkwisti pubbliċi tagħhom kollha, inklużi kuntratti sensittivi fl-oqmsa tad-difiża u s-sigurtà.

3.5.2.   L-istrument il-ġdid għandu joffri livell għoli ta’ flessibbiltà, jiggarantixxi l-livell ġust ta’ trasparenza u jtejjeb l-aċċess tas-suq b’mod partikolari għal fornituri u SMEs mhux nazzjonali.

3.5.3.   Biex titħaddem bis-sħiħ, id-Direttiva għandha bżonn l-appoġġ ta’ standardizzazzjoni u sistema xierqa għaċ-ċirkolazzjoni fl-UE.

3.6.   L-SMEs u l-Industrija Ewropea tad-Difiża

3.6.1.   Fir-rigward tal-implimentazzjoni fil-prattika tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-Akkwist tat-Tagħmir tad-Difiża, il-Kumitat jenfasizza r-rwol vitali li jaqdu l-fornituri ż-żgħar u ta’ daqs medju tat-tagħmir u t-teknoloġija tad-difiża, kemm bħala kontributuri għar-riċerka u bħala entitajiet li jipprovdu l-impjieg, fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet miltari nazzjonali u Ewropej.

3.7.   Il-mistoqsija finali

3.7.1.   Bħalma jseħħ fir-riformi kollha, ikun hemm ir-riskju li kulħadd jaqbel bi prinċipju li hemm bżonn li jsir “xi ħaġa”, iżda imbagħad jonqsu milli japprovaw kwalunkwe miżura prattika jew li jiffirmaw xi dokument jew ftehim li jagħti spinta ’l quddiem lil dan is-settur.

3.7.2.   Il-mistoqsija ewlenija: l-EDTIB kemm tista’ ddum teżisti jekk l-Ewropa tkompli tipposponi riformi li kulħadd jaqbel li huma inevitabbli?

Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Fl-opinjoni, il-Kumitat jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu u jinnota li: 1) il-pajjiżi li jirrappreżentaw il-qalba ewlenija tal-kapaċitajiet tal-Ewropa fil-qasam tad-difiża, l-ekonomija, l-industrija u t-teknoloġija huma favur li tinżamm id-deroga b’rabta mas-sigurtà nazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 296 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE); 2) l-applikazzjoni tal-Artikolu 295 TKE huwa ristrett mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

(2)  Il-Kuntratti Pubbliċi li ngħataw fl-oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà attwalment jaqgħu taħt l-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE, barra għall-eċċezzjonijiet li jinħolqu fis-sitwazzjonijiet previsti mill-Artikoli 30, 45, 46, 55 u 296 tat-Trattat. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, iddeċidiet b’mod konsistenti li r-rikors għal derogi mil-liġi Komunitarja, inklużi dawk koperti mill-Artikolu 296 tat-Trattat, għandu jkun limitat għal każijiet eċċezzjonali u definiti b’mod ċar.

(3)  Skont il-Qorti, din l-eżenzjoni hija limitata għal “każijiet eċċezzjonali u definiti b’mod ċar” u ma “tiġix soġġetta għal interpretazzjoni vasta”.

(4)  Kuntratt jiġi meqjus li huwa kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi jekk is-suġġett speċifikament ikopri l-eżekuzzjoni ta’ attivitajiet stipulati fit-Taqsima 45 tal-“Vokabularju Komuni b’rabta mal-Akkwisti”.

(5)  Ħlief għal akkwisti fi kwantitajiet insinifikanti minn kumpaniji privati tas-sigurtà u l-gvernijiet lokali.

(6)  Sigurtà ta’ provvista: il-bżonnijiet speċifiċi tal-Istati Membri rigward is-Sigurtà ta’ Provvista għall-Kuntratti Pubbliċi sensittivi fl-oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà jiġġustifikaw dispożizzjonijiet speċifiċi, f’termini kemm tar-rekwiżiti kuntrattwali kif ukoll tal-kriterji biex jintgħażlu l-kandidati.

(7)  Din hija proċedura li titlob li l-bejjiegħ barrani tat-tagħmir tad-difiża – f’każ ta’ konsenji li l-valur tagħhom huwa stmat li jiswa aktar minn ammont speċifiku stabbilit mill-gvern tal-pajjiż tal-entità li toffri l-kuntratt – jimpenja ruħu għal obbligu globali ta’ benefiċċju industrijali espress f’termini ta’ persentaġġ minimu tal-valur miżjud tal-pajjiz li joffri l-kuntratt, approporzjon tal-valur totali tal-kuntratt. L-ordnijiet ta’ kumpens li jagħmel il-bejjiegħ (bejjiegħ barrani) mal-industrija nazzjonali tal-pajjiż li joffri l-kuntratt, għandu jkollhom livell teknoloġiku għoli u għandhom joħolqu flussi ekonomiċi ġodda jew addizzjonali għall-kumpaniji nazzjonali li jibbenefikaw mill-kumpens (il-benefiċjarji tal-kumpens). Il-bejjiegħ għandu jirrispetta dak l-impenn ekonomiku fi żmien iddeterminat u raġonevoli, u ser ikun marbut li jħallas penali/pieni f’każ li xi impenji ekonomiċi li daħal għalihom ma jkunux ġew rispettati fiż-żmien stipulat. Nistgħu ngħidu li jkun inkiseb benefiċċju industrijali ladarba l-ordnijiet ikunu ġew fatturati mill-kumpaniji ta’ kumpens, fiż-żmien stipulat.

(8)  L-Artikolu 296 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jistipula dan li ġej - Kwotazzjoni: “(1) Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat m’għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin: (a) l-ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu jkun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu; (b) kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li jikkunsidra meħtieġa biex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu, u li jkollhom x’jaqsmu mal-manifattura jew mal-kummerċ tal-armi, munizzjon u materjal tal-gwerra; dawn il-miżuri m’għandhomx ifixklu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni dwar prodotti li ma jkunux intiżi għall-iskopijiet speċifikament militari. (2) Il-Kunsill jista’, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jagħmel tibdiliet għal-lista, li hu kien ħejja fil-15 ta’ April 1958, għal prodotti li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(b)”.

(9)  Pereżempju, l-ispejjeż żejda li nħolqu fl-2003 minħabba l-ostakli għat-trasferimenti intra-Komunitarji, li waħidhom kienu stmati EUR 3.16 biljun. Unisys, Trasferimenti intra-Komunitarji ta’ Prodotti tad-Difiża, il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2005, p. 6.

(10)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Lejn Politika tal-UE għat-Tagħmir tad-Difiża”, COM(2003) 113 finali tal-11.3.2003; Opinjoni tal-KESE ĠU C 10, p. 1 tal-10.1.2004, rapporteur: is-Sur Wilkinson (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  Dawk il-proċeduri li permezz tagħhom l-awtorità kontraenti tikkonsulta l-operaturi ekonomiċi dwar l-għażla tagħha u tinnegozja l-kondizzjonijiet tal-kuntratt magħhom.

(12)  Dawk il-proċeduri li kwalunkwe operatur ekonomiku jista’ jitlob li jipparteċipa fihom u fejn dawk l-operaturi ekonomiċi mistiedna mill-awtorità kontraenti biss jistgħu jitfgħu offerta.

(13)  Awtorità kontraenti tista’ tillimita l-għadd ta’ kandidati fil-proċeduri ristretti u negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż tal-kuntratt, u fid-djalogu kompetittiv. Kwalunkwe tnaqqis fl-għadd ta’ kandidati għandu jsir abbażi tal-kriterji oġġettivi indikati fl-avviż tal-kuntratt.

(14)  Is-sigurtà tal-informazzjoni: in-natura tal-informazzjoni li ta’ spiss tkun kunfidenzjali dwar kuntratti pubbliċi sensittivi għad-difiża u s-sigurtà ssejjaħ għal: (1) salvagwardji li japplikaw għall-proċedura tal-għoti nnifisha; (2) kriterji biex jintgħażlu l-kandidati; (3) rekwiżiti kuntrattwali imposti mill-awtoritajiet kontraenti.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/120


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-miżurazzjoni kif ukoll għall-metodi ta’ kontroll metroloġiku (Riformulazzjoni)

COM(2008) 357 finali – 2008/0123 (COD)

2009/C 100/19

Nhar it-8 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-miżurazzjoni kif ukoll għall-metodi ta’ kontroll metroloġiku (Riformulazzjoni)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu tal-21, it-22 u t-22 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), b’117-il vot favur u 2 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/120


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija

COM(2008) 399 finali – 2008/0151 (COD)

2009/C 100/20

Nhar l-10 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija.

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu tal-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), b’113-il vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/121


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni għall-bdiewa u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa; u il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar modifiki fil-politika agrikoli komuni bl-emenda tar-Regolamenti (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1234/2007, (KE) Nru 3/2008 u (KE) Nru […]/2008 u l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

COM(2008) 306 finali — 2008/0103+0104+0105 (CNS)

2009/C 100/21

Nhar it-18 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 36 u 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni għall-bdiewa u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa;

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar modifiki fil-politika agrikoli komuni bl-emenda tar-Regolamenti (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1234/2007, KE Nru 3/2008 u (KE) Nru […]/2008 u

l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur VAN OORSCHOT u l-korapporteurs kienu s-Sur KALLIO u s-Sur WILMS.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar it-21 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-23 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’117-il vot favur, 28 vot kontra u 18-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Fl-20 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposti biex tissimplifika l-Politika Agrikola Komuni (PAK) sabiex tiżgura li qed taħdem kemm jista’ jkun tajjeb f’Unjoni Ewropea mkabbra u f’kuntest internazzjonali dejjem jinbidel. Din tissejjaħ l-Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa.

1.2.   Il-KESE jidhirlu li d-diskussjoni dwar l-Istat ta’ Saħħa għandha tqis aħjar id-diversi oqsma ta’ ħidma li għandhom x’jaqsmu mal-PAK (pereżempju l-mudell Ewropew tal-biedja u s-sigurtà tal-ikel). Għalhekk il-KESE jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ politika agrikola xierqa fil-livell tal-UE għal perjodu qasir u fit-tul u li jiġu allokati biżżejjed fondi. X’aktarx li dan ser jitlob mill-anqas l-istess ammont ta’ fondi li ngħata qabel. Il-ħtieġa tal-PAK u l-għan tal-miżuri individwali għandhom jitfissru aħjar lill-pubbliku, sabiex id-dibattitu dwar il-fondi ma jibqax sejjer għal dejjem.

1.3.   Il-KESE jfakkar l-opinjoni aktar bikrija tiegħu dwar il-ġejjieni tal-PAK fejn semma li l-bdiewa għaddejjin minn żmien iebes ta’ transizzjoni. Il-KESE għalhekk jidhirlu li l-għan ewlieni tal-Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa għandu jkun li l-implimentazzjoni ssir aktar faċli, aktar diretta u li toffri tweġiba għall-isfidi ġodda fis-suq u fis-soċjetà b’rispett għar-rwol multifunzjonali tal-agrikoltura.

1.4.   Il-KESE jemmen li għadhom neċessarji pagamenti li jiffinanzjaw il-funzjonijiet multipli li jaqdu l-bdiewa li ma jiġux ikkumpensati mis-suq. Fl-istess ħin il-KESE jqis li ser isir aktar diffiċli li l-pagamenti jiġu ġġustifikati skont il-livell preċedenti ta’ produzzjoni. L-Istati Membri għandhom jitħallew jadattaw il-pagamenti tagħhom għal rata aktar fissa, dan iżda għandu jiġi diskuss fil-fond minn qabel fil-kuntest tal-PAK ta’ wara l-2013. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jistabbilixxu perjodu ta’ transizzjoni suffiċjenti sabiex il-bdiewa li jkunu investew f’kuntest differenti ma jsibux ruħhom f’diffikultà. Ir-regoli tal-kundizzjonalità jridu jsir inqas kumplessi u għandha tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kontrolli.

1.5.   Il-KESE jaqbel ma’ aktar diżakkoppjament tal-pagamenti sabiex il-bdiewa jingħataw “il-libertà li jipprattikaw il-biedja”. Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx jintalbu jagħmlu diżakkoppjament bil-għan li jiġu ppreservati setturi u territorji fraġli, sakemm ma jinħolqux distorsjonijiet fis-suq. Il-KESE jappoġġja l-miri tal-“Artikolu 68” għalkemm dan l-artikolu mhuwiex is-soluzzjoni għall-problemi kollha. F’xi każijiet jeħtieġ aktar flessibilità. L-Istati Membri għandhom jistudjaw bir-reqqa l-konsegwenzi tat-tqassim mill-ġdid tal-pagamenti lill-bdiewa qabel ma jimplimentaw din il-miżura.

1.6.   Il-KESE jidhirlu li qabel xejn, imissha titqies il-possibbiltà li tiġi adattata l-iskema attwali ta’ interventi, minflok is-sejħiet għall-offerti. Il-KESE jitlob ukoll li jitfasslu strumenti ġodda biex tinħoloq xibka ta’ sikurezza sostenibbli. Barra minn dan, il-KESE jissuġġerixxi li jinżamm il-mekkaniżmu tas-serħan tal-artijiet filwaqt li perċentaġġ ta’ art imserrħa għandu jiġi kkalkulat skont il-prospettivi tas-suq.

1.7.   Il-KESE jitlob li ssir valutazzjoni tal-iżviluppi futuri possibbli tas-suq tal-prodotti tal-ħalib u l-konsegwenzi ta’ dan l-iżvilupp, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni li l-kwota tal-ħalib tiskadi fl-2015. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tfisser f’aktar dettall il-miżuri maħsuba sabiex isostnu l-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib f’żoni vulnerabbli u tispjega l-konsegwenzi finanzjarji li ser ikollhom u kif ser jiġu finanzjati. Qabel ma tkun disponibbli strateġija bħal din, il-KESE ma jistax jaqbel maż-żieda ppjanata fil-kwoti. Il-KESE japprova l-ħolqien ta’ netwerk Ewropew tal-ħalib bil-għan li l-provvista tilħaq mad-domanda, biex id-dħul tal-produtturi jkun assigurat u jinżamm numru xieraq ta’ bdiewa li jrabbu l-annimali għall-produzzjoni tal-ħalib madwar l-Ewropea. Il-ħolqien ta’ netwerk jagħmilha possibbli li jinħoloq bilanċ tal-poter ġdid bejn l-industrijalisti, il-produtturi, id-distributuri u anke l-konsumaturi.

1.8.   Il-KESE jagħraf l-isfidi ġodda tal-klima, l-ilma, l-enerġiji li jistgħu jiġġeddu u l-bijodiversità li semmiet il-Kummissjoni. Dawn jirrikjedu fondi addizzjonali taħt it-tieni pilastru. Dawn l-isfidi ġodda jistgħu jiġu ffinanzjati biss permezz tal-modulazzjoni għax il-fondi disponibbli sal-2013 diġà ġew allokati u huwa kważi impossibbli li jinstabu sorsi finanzjarji ġodda.

2.   Daħla

2.1.   Nhar l-20 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposti għar-Regolamenti tal-Kunsill dwar bosta bidliet fil-Politika Agrikola Komuni (COM(2008) 306/4). L-għan ewlieni ta’ din l-hekk imsejħa “Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa” huwa li tevalwa l-implimentazzjoni tar-riforma tal-PAK tal-2003 u tindirizza dawk il-bidliet fil-proċess ta’ riforma li huma meqjusa meħtieġa biex il-politika tiġi ssimplifikata aktar, biex issir kapaċi taħtaf l-opportunitajiet ġodda tas-suq u tħabbat wiċċha mal-isfidi ġodda fis-suq u fis-soċjetà.

2.2.   Barra mill-Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa, jeħtieġ li jiġi diskuss ukoll l-iżvilupp tal-PAK wara l-2013 sabiex din tkun tista’ tilqa’ l-isfidi ġodda li qed jiffaċċjaw l-agrikoltura, is-soċjetà u l-katina ta’ valur agrikola.

3.   Il-qagħda dinjija tal-ikel qed tinbidel

3.1.   Matul dawn l-aħħar 30 sena, il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli wrew tendenza li jonqsu f’termini reali. Fl-2007 rajna żieda qawwija u mhux mistennija fil-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti. Raġunijiet importanti għaż-żieda fil-prezzijiet kienu d-domanda globali dejjem tiżdied, livelli baxxi ħafna ta’ ħażniet u ħsad ħażin minħabba l-kundizzjonijiet tal-klima. Dan ħalla effett negattiv fuq il-bdiewa li jrabbu l-annimali li kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ prezzijiet għolja tal-għalf. Madankollu, il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli qed jerġgħu jibdew jonqsu. Bejn il-Ħarifa tal-2007 u April 2008 il-prezzijiet tal-ħalib naqsu b’madwar 30 % u l-prezzijiet tal-qamħ naqsu b’madwar 20 % (1). Bħala eżempju dan il-fatt, flimkien mal-ispejjeż dejjem jiżdiedu, ifisser li d-dħul tal-bdiewa li jaħdmu l-art huwa mistenni jonqos b’bejn 16 u 24 % fl-2008. Fil-verità l-prezzijiet tal-prodotti agrikoli xorta għadhom inqas mil-livelli li ntlaħqu waqt il-kriżi taż-żejt tal-1973 jew tal-1979 (2).

3.2.   Dawn l-aħħar xhur urew biċ-ċar li dħalna f’perjodu ta’ volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, ħaġa li la hija tajba għall-konsumatur li jkollu jħabbat wiċċu ma’ żieda fil-prezzijiet tal-prodotti, u lanqas ma hija tajba għall-bdiewa jew il-partijiet interessati fil-katina tal-ikel, li jkollhom jerġgħu jikkalkulaw l-investimenti tagħhom il-ħin kollu. Din is-sitwazzjoni għandha titqies f’kull riflessjoni dwar il-politika agrikola futura jekk is-sigurtà tal-ikel għandha tibqa’ objettiv tal-UE.

3.3.   Minħabba ż-żieda fid-domanda dinjija, il-prezzijiet tal-konsumaturi mhumiex mistennija jinżlu għal-livell ta’ qabel fil-perjodu qasir jew medju iżda mistennija aktar volatilità fil-prezzijiet tal-produtturi.

3.4.   L-effett taż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli huwa limitat minħabba s-sehem dejjem jonqos tal-materja prima agrikola fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-ikel meta mqabbla ma’ dawk tal-enerġija u tax-xogħol. Pereżempju, il-prezz tal-qamħ huwa biss 4 % mill-prezz totali ta’ ħobża (3). Barra minn hekk, is-sehem tal-ikel fl-ispiża domestika totali huwa baxx (madwar 14 % fl-UE-27). Il-KESE jidhirlu li l-katina tal-ikel għandha tiġi razzjonalizzata fl-interess tal-bdiewa u tal-konsumaturi (4)

3.5.   L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura (FAO) trid tittejjeb biex torganizza l-provvista tal-ikel u, minn mindu l-agrikoltura ġiet integrata fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), inħolqu inugwaljanzi akbar bejn l-oqsma agrikoli. Il-mod ta’ ħsieb dwar din il-kwistjoni għandu jinbidel; l-agrikoltura għandha tingħata l-opportunità li torganizza lilha nnifisha fil-livell dinji permezz ta’ forum ta’ dibattitu li jiġbor fih l-organizzazzjonijiet li l-aktar li jirrappreżentaw l-agrikoltura nazzjonali, u mhux neċessarjament l-aktar organizzazzjonijiet għonja.

3.6.   Il-KESE jidhirlu li l-Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa tal-PAK għandha tqis dawn il-bidliet fil-qagħda dinjija tal-ikel. F’dan ir-rigward, il-bdiewa għandhom ikunu jistgħu jkomplu jaqdu r-rwol multifunzjonali tagħhom fil-Mudell Agrikolu Ewropew.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifakkar fl-Opinjoni inizjali tiegħu (5) dwar “l-Evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-PAK u l-ġejjieni tagħha wara l-2013”. F’dik l-opinjoni, il-KESE jistqarr li l-bdiewa u n-negozji tal-ipproċessar tal-ikel għaddejjin minn żmien iebes ta’ tranżizzjoni. Hemm rieda qawwija li dawn il-kundizzjonijiet ġodda tas-suq jintlaqgħu b’mod intraprenditorjali, bil-kundizzjoni li l-wegħdiet li saru matul ir-riformi jinżammu, li tingħata sigurtà legali xierqa u li jkun hemm ġestjoni tajba. Il-KESE jemmen li l-għan ewlieni tal-Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa għandu jkun li tidentifika l-ħtiġijiet għall-adattament tal-leġiżlazzjoni attwali, biex b’hekk tippermetti:

implimentazzjoni eħfef u aktar diretta; u

it-tneħħija ta’ tfixkil għall-implimentazzjoni mmirata tal-miżuri ta’ riforma li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom.

Barra dawn il-punti, il-KESE jagħraf li l-UE qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi ġodda li fihom il-bdiewa jistgħu jaqdu rwol importanti u li l-qagħda tas-suq tal-ikel titlob soluzzjonijiet ġodda.

Madankollu, l-għerq tal-“Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa” għandu jkun l-istabbiltà permezz tal-organizzazzjoni, is-simplifikazzjoni u l-adattament tas-swieq.

4.2.   Huwa importanti wkoll li miżuri tal-Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa jenfasizzaw aktar l-iżvilupp tal-mudell Ewropew tal-agrikoltura u jippermettu lill-bdiewa jaqdu r-rwol multifunzjonali tagħhom:

biex jilħqu l-ogħla livelli fid-dinja tas-sigurtà u l-kwalità tal-ikel, il-ħarsien ambjentali u l-benessri tal-annimali;

biex iħarsu l-kampanja u jikkonservaw in-natura; u

biex jagħtu kontribut kruċjali għall-impjiegi, iżommu ħajja l-produzzjoni agrikola u l-vitalità tal-ħajja rurali fir-reġjuni kollha tal-UE.

biex jevitaw it-tnaqqis fil-popolazzjoni fiż-żoni rurali u l-abbandun tal-art agrikola.

Il-KESE jqis li l-proposti tal-Kummissjoni fihom bidliet sostanzjali meta mqabbla mas-sitwazzjoni preżenti. Jeħtieġ li naħsbu fil-fond dwar dawn il-bidliet.

5.   Il-Miżuri tal-Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa

5.1.   Skema ta’ Pagament Uniku (SPS)

5.1.1.   Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li l-Istati Membri jitħallew jadattaw il-mudell SPS tagħhom billi bil-mod il-mod jersqu lejn rati aktar fissi skont kull dritt għall-għajnuna, sabiex l-SPS issir aktar effettiva u effiċjenti. B’mod parallel, il-proposti jinkludu sensiela ta’ miżuri ta’ simplifikar fl-implimentazzjoni tal-SPS.

5.1.2.   Fl-Ewropa, l-iżvilupp sostenibbli dejjem qiegħed ikompli jingħata aktar attenzjoni. Hemm nuqqas ta’ progress fl-inklużjoni ta’ aspetti mhux kummerċjali fil-ftehim internazzjonali. Iżda l-inklużjoni ta’ dawn hija essenzjali jekk irridu nkunu koerenti max-xewqat taċ-ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, il-fruntieri tal-UE qed ikunu dejjem inqas protetti. Fuq bażi ta’ dawn l-argumenti, il-KESE jidhirlu li l-assigurazzjoni tal-mudell Ewropew tal-biedja u tad-dħul tal-bdiewa wara l-2013 tiddependi mill-bżonn li l-bdiewa jkollhom il-possibbiltà li jkopru l-ispejjeż ta’ produzzjoni sostenibbli li mhumiex koperti mis-suq permezz ta’ sistema ta’ ħlas uniku. Dan irid jibqa’ kompitu ċar tal-PAK.

5.1.3.   Il-KESE jemmen li ser jibqgħu neċessarji pagamenti ta’ kumpens li jiffinanzjaw ix-xogħol wiesa’ li jagħmlu l-bdiewa li ma jiġix ikkumpensat mis-suq. Fl-istess ħin, il-ġustifikazzjoni tal-livelli tal-pagamenti skont il-livelli preċedenti ta’ produzzjoni ser tkompli ssir aktar diffiċli. L-Istati Membri, li għadhom ma introduċewx din is-sistema għandhom jitħallew jadattaw id-distribuzzjoni tal-limitu nazzjonali massimu tagħhom għal rata ta’ pagament aktar fissa matul il-perjodu 2009-2013, jew li jibdew jagħmlu dan fl-2013. Qabel ma jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw bir-reqqa l-konsegwenzi fuq id-dħul tal-irziezet u l-adattabilità tal-bdiewa u l-ħtieġa għal ċertezza għal ippjanar fit-tul. Jekk jittieħed dan l-approċċ, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar perjodu tranżizzjonali xieraq bil-għan li tiġi evitata sitwazzjoni fejn jinħolqu problemi għall-irziezet li setgħu investew skont regoli differenti.

5.1.4.   Is-SAPS applikata fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri hija faċli biex tiġi amministrata iżda tista’ tkun ukoll wisq sempliċi fl-approċċ tagħha fir-rigward l-appoġġ għal bdiewa li jaħdmu b’mod intensiv (frott u ħxejjex, produzzjoni tal-annimali, it-tabakk, eċċ.) b’mod li jagħmel sens meta mqabbel mas-settur tal-uċuħ tar-raba kkultivati. Soluzzjoni iktar ibbilanċjata, pereżempju fi ħdan il-qafas SPS, għandha tinstab fit-term medju billi jintużaw l-istrumenti l-oħrajn li jeżistu jew strumenti ġodda li jridu jiġu żviluppati madwar l-UE.

5.1.5.   L-art kollha fl-Istati Membri l-ġodda li, fiż-żmien li fih issir it-talba, tkun tikkonforma ma’ kundizzjonjiet agrikoli u ambjentali tajbin għandha tkun eliġibbli għall-pagamenti.

5.2.   Il-kundizzjonalità

5.2.1.   Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tissimplifika u ttejjeb l-immirar tal-kundizzjonalità. Il-Kummissjoni tipproponi t-tneħħija ta’ ċerti rekwiżiti mhux marbuta mar-responsabbiltà tal-bidwi u tipproponi l-introduzzjoni ta’ Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin ġodda.

5.2.2.   Il-KESE jappoġġja ż-żamma tar-rabta bejn il-ħlas uniku għal kull razzett u r-rispett lejn il-livelli tal-UE li huma marbutin mal-attività agrikola permezz tal-kundizzjonalità. Il-KESE jinsab kuntent bil-proposti tal-Kummissjoni li tiġi ssimplifikata l-kundizzjonalità. Hemm ukoll il-ħtieġa ċara li l-kundizzjonalità ssir inqas kumplessa, b’mod partikulari billi jiġu kkjarifikati r-regoli, tiddaħħal regola “de minimis” u jitnaqqas l-għadd ta’ żjarat differenti ta’ spezzjoni li jsiru fl-irziezet individwali. Id-dupplikazzjoni tal-kontrolli, bħal pereżempju permezz tal-verifiki mill-Iskemi tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità (QAS) għandha tiġi evitata wkoll.

5.2.3.   L-agrikoltura hija settur importanti li joħloq ħafna impjiegi fl-UE kollha. Għandhom isiru sforzi biex jitnaqqsu l-għadd ta’ inċidenti fil-biedja u biex ikun imħeġġeġ xogħol aktar kwalifikat. Il-KESE jqis li ċerti aspetti speċifikati ta’ sikurezza tax-xogħol fir-razzett huma importanti ħafna, jiġifieri struzzjonijiet dwar l-użu ta’ makkinarju, l-iġjene u l-ħżin xieraq ta’ materjal perikoluż. Dawn għandhom ikunu regolati mil-leġislazzjoni soċjali nazzjonali u jistgħu jiġu inklużi fl-ambitu tal-kundizzjonalità. Bħala inċentiv għall-bidwi, il-KESE jissuġġerixxi li jitwessgħu l-possibbiltajiet tal-fond soċjali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-kwalifiki.

5.2.4.   B’rabta mal-mira li l-kundizzjonalità ssir aktar effiċjenti u marbuta b’mod aktar dirett mal-attivitajiet agrikoli, il-KESE jidhirlu li l-kundizzjonijiet amministrattivi statutorji dwar it-tpoġġija ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti fuq is-suq mhumiex responsabbiltà tal-bdiewa nfushom u għalhekk għandhom jiġu rtirati.

5.2.5.   Il-KESE jitlob li jsir studju tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin qabel ma jiżdied element ġdid fl-ambitu tagħhom. Dan l-istudju għandu jinkludi l-effetti fuq il-bdiewa kif ukoll il-piż amministrattiv. Il-KESE jaħseb li l-benefiċċji ambjentali assoċjati mas-serħan tal-artijiet, l-istrixxi marġinali u l-karatteristiċi ta’ pajsaġġ m’għandhomx jitneħħew, minkejja x-xewqa li s-serħan obbligatorju tal-art jiġi eliminat għal kollox. Sabiex dawn il-benefiċċji jintlaħqu permezz ta’ miżuri volontarji bħala parti mill-iżvilupp rurali jeħtieġ li l-bdiewa jingħataw l-inċentivi rilevanti, li s’issa għadhom ma jeżistux. Dawn il-miżuri għandhom jiġu ppremjati kif xieraq.

5.2.6.   Fejn jidħlu l-Istati Membri l-ġodda għandu japplika approċċ speċjali. Is-sistema ta’ kundizzjonalità għandha tiġi introdotta bil-mod il-mod, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li s-sistema ta’ pagamenti diretti hija applikata gradwalment. Għandhom japplikaw il-kundizzjonalità bis-sħiħ meta jilħqu l-livell ta’ 100 % għall-Iskema ta’ Pagament Uniku għall-Medda (SAPS).

5.3.   Appoġġ parzjalment akkoppjat

5.3.1.   Il-Kummissjoni Ewropea jidhrilha li permezz tad-diżakkoppjament, il-bdiewa setgħu jirrispondu aħjar għas-sinjali tas-suq b’mod aktar sostenibbli. Fi żmien ir-riforma tal-PAK tal-2003 kien ġie deċiż li l-Istati Membri għandhom jitħallew iżommu ċertu livell ta’ appoġġ akkoppjat f’xi setturi. Il-Kummissjoni tisħaq li t-tħaddim ta’ żewġ sistemi ma ssimplifikax is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membru jitħallew iżommu l-primjums akkoppjati għall-baqar li jreddgħu u għal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż biss.

5.3.2.   Il-KESE huwa xettiku dwar aktar diżakkoppjament fl-Istati Membri li jżommu appoġġ parzjalment akkopjat sabiex jippermettu aktar orjentazzjoni tas-suq. Il-KESE huwa konxju li, f’xi każijiet, id-diżakkoppjament jista’ jwassal għall-għajbien ta’ ċerti tipi ta’ produzzjoni u għall-abbandun ta’ produzzjoni f’ċerti reġjuni, b’konsegwenzi serji fuq l-ambjent, l-ekonomija rurali u l-impjieg. L-Artikolu 68 għandu jintuża sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi. L-Istati Membri ma għandhomx jiġu mitluba jiddiżakkoppjaw. L-appoġġ akkoppjat li jifdal ma għandux iwassal għal differenzi fis-suq bejn l-Istati Membri.

5.4.   Appoġġ speċifiku

5.4.1.   Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li jitwessa’ l-iskop tal-artikolu 69 (preżenti) għal bosta raġunijiet, fosthom biex tiġi indirizzata l-kwistjoni kemm tal-iżvantaġġi tal-bdiewa f’setturi speċifiċi ta’ ċerti reġjuni u kemm taż-żieda fid-drittijiet f’artijiet li qed jiġu ristrutturati. L-Istati Membri li japplikaw l-SPS bħalissa jistgħu jżommu sa 10 % tal-limiti massimi tal-baġit nazzjonali tagħhom għal miżuri marbuta mal-ħarsien ambjentali u għat-titjib tal-kwalità u l-promozzjoni tal-prodotti agrikoli.

5.4.2.   Il-Kummissjoni Ewropea temmen li l-bidliet fl-istrumenti tradizzjonali tas-suq u ċ-ċaqliq lejn appoġġ dirett għall-produttur qajmu diskussjoni dwar modi differenti ta’ kif wieħed jiġġestjona r-riskju, bir-riskju fil-prezz u r-riskju fil-produzzjoni identifikati bħala ż-żewġ sorsi ta’ varjazzjoni ewlenin li jaffettwaw id-dħul. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jużaw l-Artikolu 68 għall-assigurazzjoni fuq l-uċuħ għal diżastri u fondi reċiproki għall-mard tal-annimali u l-pjanti.

5.4.3.   Il-KESE jappoġġja l-miri msemmija fl-Artikolu 68, għalkemm dan l-artikolu mhuwiex is-soluzzjoni għall-problemi kollha li jistgħu jinqalgħu. Il-KESE jista’ jasal biex jaqbel li jkun hemm aktar flessibilità fl-użu tal-Artikolu 68 bil-kundizzjoni li kwalunkwe fondi addizzjonali jintużaw għat-tisħiħ tal-qagħda tal-bdiewa. Il-Kumitat huwa tal-fehma li f’każijiet speċifiċi ħafna f’xi Stati Membri, il-limitu fuq il-fondi jista’ jkun ogħla mill-massimu totali li jeżisti bħalissa ta’ 10 % mill-limitu massimu nazzjonali. Il-KESE jappoġġja l-proposti dwar l-assigurazzjoni fuq l-uċuh tar-rabà mid-diżastri u fondi reċiproki għall-mard tal-annimali u l-pjanti, dejjem b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-għan għandu jkun il-ħarsien tal-konsumaturi u l-bdiewa. Dawn il-miżuri ma għandhomx idgħajfu skemi ta’ assigurazzjoni jew miżuri komunitarji eżistenti (Art 44 u l-fond veterinarju). Minħabba l-importanza tal-prevenzjoni tal-mard fis-soċjetà sħiħa, il-KESE jipproponi li dawn il-fondi għandhom ikunu kofinanzjati mill-Istati Membri, kif propost mill-Kummissjoni.

5.4.4.   Il-KESE jidhirlu li l-użu tal-Artikolu 68 jista’ jwassal għal tqassim konsiderevoli ġdid tal-pagamenti tal-bdiewa. Barra minn hekk il-KESE jibża’ li l-Artikolu 68 mhuwiex għodda b’saħħitha biżżejjed biex tindirizza l-kwistjonijiet kollha. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jeżaminaw bir-reqqa l-konsegwenzi għall-bdiewa fil-każ li jintuża l-Artikolu 68. Il-KESE jidhirlu li l-ammonti li qabel kienu jiġu allokati għall-baġit agrikolu għandhom jibqgħu fis-settur tal-irziezet u jistgħu jintużaw għall-Artikolu 68.

5.4.5.   L-impatt kumulattiv tal-modulazzjoni u l-Artikolu 68 fuq id-dħul tal-irziezet għandu jiġi eżaminat. Kieku l-proposti tal-Kummissjoni kellhom jiġu implimentati dan jista’ jfisser tnaqqis fil-pagamenti diretti ta’ mill-inqas 10 + 13 % = 23 %. Għalhekk il-KESE jqis li l-effetti għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa.

5.5.   Limiti fuq il-pagamenti

5.5.1.   Il-Kummissjoni Ewropea tidentifika l-fatt li l-introduzzjoni tal-pagament uniku għamlet id-distribuzzjoni tal-pagamenti iktar viżibbli. L-għadd kbir ta’ bdiewa li jirċievu ammonti żgħar ta’ pagamenti joħolqu piż amministrattiv kbir. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri japplikaw ammont minimu ta’ EUR 250 jew daqs minimu ta’ ettaru jew it-tnejn. Barra minn dan, il-Kummissjoni tipproponi modulazzjoni progressiva. Huwa propost ukoll li l-Istati Membri l-ġodda jsiru eliġibbli għall-modulazzjoni mill-2012 ’il quddiem.

5.5.2.   Bħala prinċipju, il-KESE jaċċetta l-proposti tal-Kummissjoni li jistabbilixxu rekwiżiti minimi fuq il-pagamenti sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi filwaqt li jagħtu għażla lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti minimi.

5.5.3.   Il-KESE jemmen li d-diskussjoni dwar il-modulazzjoni progressiva sserraħ fuq il-kwistjoni ta’ jekk wieħed jistax jistenna rata ogħla ta’ modulazzjoni minn dawk in-negozji fl-UE li jirċievu pagamenti diretti annwali ta’ iktar minn EUR 100 000. Billi r-riċevituri l-kbar igawdu b’mod ġenerali mill-ekonomiji ta’ skala, progress moderat huwa ġġustifikat, speċjalment billi n-negozji għandhom l-opportunità li jużaw il-miżuri l-ġodda taħt it-tieni pilastru biex jiksbu l-flus mill-PAK.

5.6.   Swieq

5.6.1.   Il-Kummissjoni Ewropea tqajjem il-kwistjoni ta’ kif jista’ jinħoloq mekkaniżmu ta’ intervent effettiv, li jaħdem bħala xibka ta’ sikurezza iżda mingħajr ma jistrieħ fuq esportazzjoni ssussidjata. Il-Kummissjoni tipproponi s-simplifikar tad-dispożizzjonijiet dwar l-intervent pubbliku permezz tal-estensjoni ta’ sistema ta’ sejħiet għall-offerti. Għall-qamħ durum, għar-ross u għal-laħam tal-majjal il-Kummissjoni pproponiet li jitneħħa l-intervent.

5.6.2.   Il-KESE jaħseb li d-dgħufija tal-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tas-suq intern u t-tnaqqis fil-protezzjoni tal-fruntieri li seħħu minħabba r-riformi tal-PAK u n-negozjati ta’ kummerċ mill-1992 ’l hawn esponew lill-UE aktar għaċ-ċaqliq fis-suq dinji. Fl-istess waqt dan iċ-ċaqliq fis-suq dinji, jiġifieri r-riskju, qed jiżdied: il-bidla fil-klima qed tissarraf f’ċaqliq iktar estrem fil-ħsad madwar id-dinja u l-ivvjaġġar globali qed iżid ir-riskju tat-tixrid tal-mard. Il-bdiewa jridu jħabbtu wiċċhom ma’ dawn l-isfidi kollha. F’dan il-kuntest, l-abbandun ta’ kull mekkaniżmu regolatorju jista’ jkun perikoluż f’perjodu meta l-provvista tkun baxxa u d-domanda kbira.

5.6.3.   Il-KESE jaħseb li wieħed mill-iktar objettivi importanti tal-PAK, u tal-ewwel pilastru b’mod partikolari, huwa li jiġi pprovdut biżżejjed ikel sikur u varjat għall-500 miljun konsumatur fl-Unjoni. Biex jinkiseb dan il-għan jinħtieġu strumenti xierqa. Minkejja l-fatt li sistema ta’ sejħiet għall-offerti tista’ ttejjeb l-orjentazzjoni tas-suq, hija tista’ ddgħajjef ix-xibka ta’ sikurezza tal-bdiewa u żżid l-inċertezza fis-suq. Għalhekk il-KESE jipproponi l-ewwel nett li jiġu eżaminati adattamenti oħra għall-iskema ta’ intervent li teżisti bħalissa, pereżempju perjodu ta’ intervent iqsar. Il-KESE jitlob li jitfasslu għodod ġodda li joħolqu xibka ta’ sikurezza sostenibbli b’mod partikolari fid-dawl tal-bżonn ta’ provvista tal-ikel sigura għaċ-ċittadini Ewropej u dħul xieraq għall-irziezet.

5.6.4.   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twaqqaf netwerks Ewropej għall-ġestjoni tas-swieq li jipprovdu qafas b’saħħtu b’tali mod li d-domanda u l-provvista jaqblu u jippermettu li l-produtturi fl-Ewropa jkunu kollegati, ħalli b’hekk l-istennijiet soċjali jiġu ssodisfati bl-aħjar mod possibbli. Bis-saħħa ta’ dan, il-forzi tas-suq jiġu bbilanċjati mill-ġdid, u b’hekk il-ħtiġijiet tal-konsumaturi jiġu ssodisfati aħjar. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja din l-organizzazzjoni.

5.7.   Is-serħan tal-artijiet

5.7.1.   Il-Kummissjoni tipproponi li s-serħan tal-artijiet jitneħħa minn strument għall-kontroll tal-provvista minħabba l-qagħda prospettiva tas-suq. L-Istati Membri jingħataw għodod li jiżguraw li jistgħu jinżammu l-benefiċċji ambjentali.

5.7.2.   Is-serħan tal-artijiet huwa għodda għall-ġestjoni tal-provvista li tista’ tkun utli u flessibbli. Il-KESE jqis li għalkemm il-prezzijiet għolja tas-suq bħalissa għadhom tajbin, il-qagħda tas-suq għandha mnejn terġa’ tiddgħajjef. Għaldaqstant il-KESE jemmen li jkun loġiku li jinżamm il-mekkaniżmu tas-serħan tal-artijiet (6) u li l-perċentaġġ ta’ art imserrħa jiġi kkalkulat skont ix-xejriet tas-suq.

5.7.3.   Il-KESE jaħseb li kwalunkwe benefiċċji ambjentali assoċjati mas-serħan tal-artijiet għandhom jinżammu sabiex tiżdied l-approvazzjoni tal-bdiewa f’dan il-qasam. Dawn jistgħu jintlaħqu permezz ta’ serħan tal-artijiet volontarju bħala parti mill-iżvilupp rurali biss jekk ikunu jeżistu inċentivi xierqa, ħaġa li ma kinitx iggarantita fil-passat.

5.8.   Kwota fuq il-prodotti tal-ħalib

5.8.1.   Fl-1984, iddaħħlu l-kwoti fuq il-ħalib bħala reazzjoni għall-produzzjoni żejda. Il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet li wasslu għal din l-introduzzjoni ma għadhomx japplikaw. Fid-dawl tad-domanda dejjem tiżdied għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib il-Kummissjoni tipproponi żieda fil-kwota fuq il-ħalib ta’ 1 % fis-sena għall-ħames snin li ġejjin. Din iż-żieda fil-kwota hija maħsuba biex tħejji għar-rata ta’ tnaqqis gradwali fit-tkabbir tas-sistema hekk kif tiskadi fl-2015. Il-Kummissjoni Ewropea analizzat l-impatti soċjali tal-bidliet fis-sistema tal-kwoti tal-ħalib. L-iskadenza tal-kwoti ser twassal għar-ristrutturar tas-settur tal-ħalib li fih il-produtturi ż-żgħar b’mod speċjali x’aktarx ikunu soġġetti għal kompetizzjoni ħarxa żżejjed b’implikazzjonijiet potenzjali għal ċerti reġjuni.

5.8.2.   Peress li l-kwoti ser jiskadu fl-2015, skont il-qagħda legali bħalissa, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni twettaq analiżi aktar ddettaljata minn dik li saret s’issa dwar kif jistgħu jinkisbu l-prevedibilità u l-bilanċ reġjonali f’suq sostenibbli wara l-2015. Il-ħalib huwa prodott tal-ikel essenzjali u san u barra minn dan, il-bdiewa li jipproduċu l-ħalib jaqdu rwol importanti fl-ekonomiji rurali. B’mod partikulari, ser ikun importanti li jiġu introdotti miżuri li jgħinu lill-bdiewa jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom.

5.8.3.   Il-produzzjoni tal-ħalib hija settur importanti ħafna fiż-żoni vulnerabbli tal-UE. Għalhekk il-KESE jitlob lill-Kummissjoni taħseb ukoll dwar miżuri – fosthom miżuri finanzjarji - li jsostnu l-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib u ekonomija rurali ħajja f’dawn iż-żoni vulnerabbli. Il-KESE jidhirlu li l-Kummissjoni, fil-proposti tagħha, ma tippreżentax kunċett li jista’ jitħaddem tajjeb f’dan ir-rigward. L-Artikolu 68 huwa limitat f’dan il-qasam u ma jistax ikopri l-ispejjeż għolja li ser jirriżultaw.

5.8.4.   Peress li għad m’hemmx pjan ta’ adattament reali, il-KESE għalissa ma jaqbilx ma’ bidliet fil-kwoti. Il-kwoti għandhom jinbidlu skont id-domanda tas-suq u mhux b’mod arbitrarju. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ wara l-2015, jeħtieġ li jinħoloq netwerk Ewropew tal-ħalib, li permezz tiegħu l-produzzjoni tkun tista’ tiġi adattata skont il-konsum u jiġi stabbilit bilanċ tal-poter ġdid fi ħdan in-netwerks. B’dan il-mod, il-produzzjoni tal-ħalib fl-aktar żoni vulnerabbli tkun tista’ tibqa’ għaddejja.

5.9.   Skemi ta’ appoġġ oħrajn

5.9.1.   Il-Kummissjoni tipproponi diżakkoppjament immedjat għas-setturi tal-uċuh ta’ proteina, il-qanneb, il-qamħ durum u l-ġewż. Għar-ross, il-patata tal-lamtu, l-għalf imnixxef u l-kittien, il-Kummissjoni tipproponi diżakkoppjament b’perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn.

5.9.2.   Mingħajr akkoppjament il-produzzjoni tista’ tgħib b’effetti negattivi fuq l-ekonomiji reġjonali, l-ambjent jew il-provvisti tal-UE. Għalhekk il-KESE jqis li l-possibbiltà li dawn il-pagamenti jiċċaqilqu għall-Ħlas Uniku għall-Aġendi Agrikoli (SFP) għandha tiġi eżaminata bil-galbu skont il-każ u jekk meħtieġ, għandhom jitkomplew il-pagamenti akkoppjati sabiex jiġi evitat tnaqqis sinifikanti ta’ produzzjoni f’żoni vulnerabbli. Dawn is-setturi jeħtieġu perjodu xieraq ta’ transizzjoni u miżuri ta’ akkumpanjament biex jiġu żviluppati opportunitajiet ġodda tas-suq.

5.9.3.   Il-primjum fuq l-uċuħ għall-enerġija huwa piż amministrattiv u meta wieħed iqis l-objettivi stipulati mill-Kunsill għall-inkorporazzjoni tal-bijokarburanti, ma hemmx iktar ħtieġa għal inċentiva fil-livell tal-produzzjoni. Il-fondi li m’għadhomx jintużaw għall-primjum fuq l-enerġija għandhom jintużaw sabiex isaħħu l-qagħda tal-bdiewa.

5.10.   Il-bidla fil-klima

5.10.1.   Il-Kummissjoni tqis li l-kwistjonijiet ta’ klima u enerġija telgħu fuq nett fl-aġenda. F’Marzu 2007 il-mexxejja tal-UE ddeċidew li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 b’mill-inqas 20 % sal-2020 u bi 30 % jekk jintlaħaq ftehim dwar il-miri globali. Il-Kummissjoni tqis li l-agrikoltura tista’ tagħti kontribut importanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effet ta’ serra.

5.10.2.   Il-KESE jidhirlu li l-agrikoltura tal-UE għenet iktar minn ħafna setturi oħrajn biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u għandha tkompli miexja fl-istess triq (7). L-agrikoltura hija wkoll wieħed mis-setturi li huma l-iktar esposti għall-impatt tal-bidla fil-klima.

5.10.3.   Il-bżonn li nifhmu aħjar l-implikazzjonijiet tal-bidla fil-klima għall-agrikoltura qiegħed isir dejjem aktar urġenti għalhekk ir-riċerka hija prijorità. Din it-tip ta’ riċerka qed tiġi ffinanzjat mis-Seba’ Programm ta’ Riċerka tal-UE iżda għandha titħaffef u tissaħħaħ.

5.10.4.   Huwa importanti wkoll li jiżdiedu l-inċentivi għall-bdiewa sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-bidla fil-klima u jwettqu sistemi ta’ produzzjoni li għandhom effett newtrali fuq il-klima. F’dan ir-rigward il-KESE jappoġġja l-lista indikattiva ta’ tipi ta’ operazzjonijiet fuq il-bidla fil-klima fil-pjan ta’ żvilupp rurali.

5.11.   Il-ġestjoni tal-ilma

5.11.1.   L-objettivi tal-UE f’dik li hi politika tal-ilma jinsabu stipulati fid-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma. Il-Kummissjoni tqis li l-agrikoltura għandha rwol importanti x’taqdi fil-ġestjoni tal-ilma.

5.11.2.   Waħda mill-iżjed problemi urġenti għandha x’taqsam mal-ilma - kemm l-iskarsezza u l-kwalità tiegħu, kif ukoll l-umdità u l-għargħar. Il-KESE jaqbel li parti mill-fondi ġejjin mill-modulazzjoni għandhom jintużaw biex iżidu l-inċentivi għall-ġestjoni tal-ilma bħala parti mill-miżuri għall-iżvilupp rurali taħt it-tieni assi. Il-KESE jidhirlu li l-operazzjonijiet għandu jkollhom rabta diretta mal-agrikoltura.

5.12.   Enerġija li tiġġedded

5.12.1.   Fl-2007, il-mexxejja tal-UE stipulaw mira vinkolanti ta’ 20 % għall-użu tas-sorsi ta’ enerġija li tiġġedded, fosthom sehem ta’ 10 % ta’ bijokarburanti fil-konsum tal-petrol u tad-diżil.

5.12.2.   Il-KESE jappoġġja l-lista ta’ operazzjonijiet indikattivi relatati mal-enerġija li tiġġedded.

5.12.3.   Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li tiġi promossa aktar riċerka sabiex jittejbu s-sistemi ta’ produzzjoni sabiex il-kontribut tal-bijoenerġija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jiġu massimizzati. Il-possibilità li jiġu żviluppati bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, bl-użu ta’ koprodotti agrikoli, trid tiġi riċerkata aktar.

5.12.4.   Il-bdiewa jistgħu jaqdu rwol essenzjali fil-provvediment ta’ provvisti sostenibbli ta’ bijoenerġija fil-livell lokali jew reġjonali (pereżempju, impjanti ta’ mikroġenerazzjoni li jużaw bijomassa lokali) biex b’hekk jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ Kyoto. Regoli dwar l-għajnuna statali għandhom jagħmlu eżenzjoni għal dan it-tip ta’ proġetti.

5.13.   Il-bijodiversità

5.13.1.   Il-Kummissjoni jidhrilha li parti kbira mill-bijodiversità fl-Ewropa tiddependi mill-agrikoltura u l-forestrija u li għandhom jiżdiedu l-isforzi biex titħares il-bijodiversità. L-agrikoltura għandha rwol kruċjali x’taqdi fil-ħarsien tal-bijodiversità. L-Istati Membri huma impenjati sabiex iwaqqfu t-tnaqqis fil-bijodiversità sal-2010.

5.13.2.   F’bosta Stati Membri jeżistu eżempji tajbin ta’ proġetti li jtejbu l-bijodiversità. Il-KESE jappoġġja t-tipi indikattivi ta’ operazzjonijiet li ssemmi l-Kummissjoni biex tittejjeb il-bijodiversità b’kundizzjoni li l-inċentivi jmorru direttament għand il-bdiewa għaliex huma essenzjali għaż-żamma ta’ żoni rurali ħajjin b’opportunitajiet ekonomiċi u ta’ impjieg.

5.14.   It-tisħiħ tat-tieni pilastru

5.14.1.   Il-Kummissjoni qed tippjana li tegħleb dawn l-erba’ sfidi ġodda (punt 5.10 sa punt 5.13) permezz ta’ pakkett ġl-id ta’ miżuri li għandhom jiġu stabbiliti taħt it-tieni pilastru u l-mezzi finanzjarji addizzjonali għandhom jiġu mill-modulazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li żieda fil-modulazzjoni obbligatorja hija l-uniku mod kif jinkisbu aktar fondi għall-iżvilupp rurali, billi l-fondi l-oħra kollha tal-UE diġà ġew allokati sal-2013. Il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-modulazzjoni obbligatorja bi 8 % f’erba’ passi sal-2012.

5.14.2.   Il-KESE jidhirlu li r-riżultati tan-negozjati dwar il-prospettiva finanzjarja għall-2007-2013 wasslu għal finanzjament mhux xieraq tat-tieni pilastru. Fil-fehma tal-KESE, il-funzjonijiet differenti tal-PAK għandhom jinżammu. Kwalunkwe miżura oħra ta’ modulazzjoni tal-pagamenti diretti taħt l-ewwel pilastru għandha tissodisfa din il-ħtieġa (8). Għalhekk il-KESE ser jappoġġja l-modulazzjoni proposta biss jekk jiġi garantit li dan il-baġit ikun immirat b’mod ċar u speċifiku biex jgħin il-bdiewa jilqgħu dawn l-isfidi ġodda. Għandu jingħaraf ir-rwol tal-impjiegi u l-ħaddiema fl-agrikoltura f’dan il-proċess ta’ bidla. L-implimentazzjoni permezz tal-pjanijiet ta’ żvilupp rurali nazzjonali trid issir iktar effettiva u aċċessibbli għall-bdiewa. Il-kofinanzjar nazzjonali għandu jkun żgurat minn qabel.

6.   L-impatt baġitarju tal-proposti tal-Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa

6.1.   Il-Kummissjoni tfakkar li l-PAK fiha nnifisha tinkludi mekkaniżmu ta’ dixxiplina finanzjarja. Minħabba l-fatt li issa ħafna mill-appoġġ huwa fiss u li l-prospettiva tas-suq tjiebet sewwa, il-potenzjal li tiġi applikata d-dixxiplina finanzjarja naqas. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistqarr li l-proposti għall-modulazzjoni kif inhuma mfassla, għandhom effett fuq il-baġit, iżda jistgħu jwasslu għal nefqa nazzjonali addizzjonali. Il-Kummissjoni tistenna li ma jkun hemm kważi l-ebda nfiq żejjed fuq miżuri tas-suq.

6.2.   Il-baġit totali għall-PAK naqas minn 0,6 % tal-PGD tal-UE fl-1993 sa inqas minn 0,4 % fl-2007. L-infiq baġitarju reali żdied minn madwar EUR 40 biljun fl-1995 sa madwar 50 biljun fl-2007 (inkluż l-Iżvilupp Rurali), minkejja l-fatt li n-numru ta’ Stati Membri kważi rdoppja minn 15 għal 27.

6.3.   Ħmistax-il sena ilu l-UE nefqet EUR 10 biljun fis-sena fuq sussidji għall-esportazzjoni. Fl-2009 dan il-baġit huwa limitat għal EUR 350 miljun biss (9). Il-Kummissjoni Ewropea qablet li tneħħi s-sussidji għall-esportazzjoni kompletament sal-2013, b’kundizzjoni li l-imsieħba kummerċjali jieħdu impenji paralleli.

6.4.   Il-KESE jidhirlu li l-PAK hija sinsla ferm importanti tal-Unjoni Ewropea. Kif jidher mill-qagħda dinjija tal-ikel, il-Politika Agrikola ser tibqa’ taqdi rwol importanti ħafna. Il-KESE huwa tal-fehma li l-bdiewa m’għandhomx jaqdu rwol essenzjali fil-provvista tal-ikel biss, iżda jridu jaqdu wkoll rwol multifunzjonali.

7.   Lejn objettivi fit-tul tal-PAK wara l-2013/qafas finanzjarju

7.1.   Il-KESE jemmen li għandhom jitfasslu objettivi u prijoritajiet ċari għall-PAK wara l-2013 li jikkontribwixxu fid-diskussjonjiet dwar il-prospetti finanzjarji li jmiss.

7.2.   Meta wieħed iqis li l-popolazzjoni tad-dinja mistennija tkompli tikber għal 9 biljun ruħ sal-2050 u li l-konsum għal kull ras ser jiżdied, il-ħtiġijiet għal produzzjoni tal-ikel ser jiżdiedu. Fl-istess waqt, l-ammont ta’ art agrikola tajba qed jonqos madwar id-dinja minħabba fatturi bħat-tgħawwir, iż-żieda fil-kontenut tal-melħ u l-urbanizzazzjoni. B’riżultat ta’ dan, jista’ jkun li ma jkunx possibbli li fis-snin li ġejjin il-konsumaturi Ewropej jieħdu s-sigurtà tal-ikel bħala garanzija. PAK futura trid tqis dawn l-iżviluppi ġodda.

7.3.   Fl-Ewropa, il-konsumaturi jitolbu ikel san u varjat f’kwantitajiet suffiċjenti, u li jrid jiġi prodott b’mod sostenibbli. L-importazzjonijiet iridu jaqblu mal-livelli tal-UE, li bħalissa mhux dejjem qed ikun il-każ. Fl-istess waqt, iċ-ċittadini Ewropej huma mħassba dwar il-bidla fil-klima u s-sostenibilità. Il-bdiewa fl-UE jistgħu jaqdu rwol importanti biex jintlaħqu l-istennijiet tas-soċjetà.

7.4.   Il-bdiewa jippreferu jiksbu d-dħul tagħhom mis-suq. Madankollu, is-soċjetà fl-Ewropa tistenna wkoll li l-bdiewa jipprovdu numru ta’ servizzi li ma humiex remunerati permezz tas-suq. Għaldaqstant, pagamenti diretti sabiex il-bdiewa jiġu ppremjati talli jiżguraw l-ogħla livelli ta’ sistemi ta’ produzzjoni sostenibbli, kif ukoll servizzi addizzjonali, għandhom jibqgħu essenzjali, kif għandhom jibqgħu wkoll pagamenti għall-promozzjoni tal-iżvilupp rurali. Barra minn hekk, il-PAK ser tibqa’ strument fundamentali li jappoġġja l-ekonomiji reġjonali.

7.5.   Għall-ksib tal-objettivi msemmija f’paragrafu 3.3, il-PAK għandha tagħmel iżjed enfasi fuq:

l-iżgurar ta’ provvisti sikuri ta’ ikel sikur u varjat u provvista ta’ sorsi li jiġġeddu;

l-iżgurar ta’ dħul ġust għall-bdiewa;

l-iżgurar li l-produzzjoni tkun kemm sostenibbli u kemm kompetittiva fir-reġjuni kollha tal-UE;

il-kontribut lejn kampanja ħajja b’opportunitajiet ekonomiċi u ta’ impjieg.

7.6.   Fuq perjodu itwal, il-KESE huwa tal-fehma li l-objettivi tal-PAK u l-istrumenti biex dawn jinkisbu għandhom ikunu armonizzati aħjar fost l-Istati Membri kollha.

7.7.   Il-KESE għalhekk jisħaq dwar il-bżonn ta’ politika tal-agrikoltura xierqa fil-livell tal-UE kemm fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll fit-tul u l-fondi suffiċjenti li teħtieġ. Dan ifisser mill-anqas l-istess ammont ta’ fondi li ġie allokat s’issa. Huwa xogħol il-politiċi li jfissru aħjar minn qabel ir-rwol bżonjuż li taqdi l-PAK u l-għan tal-miżuri individwali, sabiex id-dibattitu dwar il-fondi ma jibqax sejjer għal dejjem.

Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Preżentazzjoni tal-Proposta tal-Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa lill-COMAGRI, 20 ta’ Mejju 2008.

(2)  Kummissjoni Ewropea: X’wassal għaż-żieda attwali fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli?

(3)  Diskors ta’ Mariann FISCHER BOEL: Food, feed or fuel, (Ikel, għalf jew karburanti); Berlin 18 ta’ Jannar 2008.

(4)  Il-KESE qed ikompli jaħdem fuq din il-kwistjoni fl-opinjoni esploratorja tiegħu “L-UE u l-isfida dinjija tal-ikel”.

(5)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 60.

(6)  Ġ.U. C 44 tas-16.2.2008, p. 63, punt 5.7.1.

(7)  Studju tal-KE: Climate change: (Il-bidla fil-klima: l-isfida għall-agrikoltura) (Diċembru 2007); dokument mhux disponibbli bil-Malti

(8)  Ara nota 5.

(9)  The Common Agricultural Policy: sorting the facts from the fiction (Il-Politika Agrikola Komuni: nifirdu l-fatti mill-ħrejjef), 20 ta’ Ġunju 2008; dokument mhux disponibbli bil-Malti.


APPENDIĊI

Is-siltiet li ġejjin mill-Opinjoni tas-Sezzjoni ma ġewx aċċettati minħabba emendi adottati mill-Assemblea, iżda rċivew mill-inqas kwart tal-voti li ntefgħu:

Punt 1.7:

Il-KESE jitlob li ssir analiżi aktar dettaljata minn dik li saret s’issa tal-iżvilupp tas-suq tal-prodotti tal-ħalib peress li l-kwota tal-ħalib, kif qiegħda l-liġi bħalissa, ser tiskadi fl-2015. Minħabba l-ħtieġa għal ċertezza fl-ippjanar, il-KESE jitlob li l-kwoti jiġu adattati gradwalment (soft landing) għall-ġid tal-produtturi, b’mod li ma jinħolqux distorsjonijiet fis-suq. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni taħseb dwar miżuri li jsostnu l-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib f’żoni vulnerabbli u tispjega l-konsegwenzi finanzjarji li ser ikollhom u kif ser jiġu finanzjati.

Votazzjoni

Favur: 66 Kontra: 42 Astensjonijiet: 41

Punt 1.8:

Il-KESE jagħraf l-isfidi ġodda tal-klima, l-ilma, l-enerġiji li jistgħu jiġġeddu u l-bijodiversità li semmiet il-Kummissjoni. Dawn l-isfidi ġodda jeħtieġu fondi addizzjonali permezz tal-modulazzjoni u l-użu tal-fondi strutturali. Il-KESE huwa tal-fehma li t-tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel għandu jitqies bħala sfida ġdida.

Votazzjoni

Favur: 64 Kontra: 58 Astensjonijiet: 37

Punt 1.9:

Il-KESE jidhirlu li l-fehmiet dwar il-modulazzjoni jvarjaw sew. Bħala kompromess, il-KESE jipproponi li r-rata ta’ modulazzjoni addizzjonali biex jingħataw fondi għall-isfidi ġodda ma għandhiex taqbeż it-3 % b’kollox u jipproponi li l-limitu jogħla għal EUR 7 500. Il-KESE ma jaqbilx li għandu jkun hemm aktar modulazzjoni progressiva. Il-fondi addizzjonali għandu jkollhom l-għan speċifiku li jgħinu lill-bdiewa.

Votazzjoni

Favur: 64 Kontra: 58 Astensjonijiet: 37

Punt 5.5.3:

Il-KESE jemmen li d-diskussjoni dwar il-modulazzjoni progressiva tista’ tolqot diversi aspetti. Il-progressività qed iżżid ukoll il-kumplessità amministrattiva tal-pagamenti lill-irziezet. F’ħafna każi bdiewa b’irziezet żgħar jew kbar jipprovdu impjiegi li huma importanti għar-reġjun. Il-KESE jemmen li l-modulazzjoni diġà tolqot l-iktar il-profitti tal-ikbar riċevituri. Min-naħa l-oħra r-riċevituri l-kbar igawdu b’mod ġenerali mill-ekonomiji ta’ skala. Għaldaqstant il-modulazzjoni progressiva għandha impatt sinifikanti fuq il-bilanċ kompetittiv bejn intrapriżi agrikoli ta’ daqs differenti. Il-bdiewa jeħtieġu jkunu jistgħu jippjanaw minn qabel u għalhekk ikunu jistgħu jistrieħu fuq impenji li jieħdu l-awtoritajiet. Fuq bażi ta’ dawn l-argumenti l-KESE mhuwiex favur il-modulazzjoni progressiva.

Votazzjoni

Favur: 64 Kontra: 58 Astensjonijiet: 37

Punt 5.7.3

Il-KESE jaħseb li kwalunkwe benefiċċji ambjentali assoċjati mas-serħan tal-artijiet għandhom jinżammu sabiex tiżdied l-approvazzjoni tal-bdiewa f’dan il-qasam. Dawn jistgħu jintlaħqu permezz ta’ serħan tal-artijiet volontarju bħala parti mill-iżvilupp rurali biss jekk ikunu jeżistu inċentivi xierqa u jekk dawn l-inċentivi jiġu ppremjati kif xieraq. Il-fehma tal-KESE hija li dan l-appoġġ tal-iżvilupp rurali għandu jintrabat mal-attivitajiet tal-bdiewa.

Votazzjoni

Favur: 64 Kontra: 58 Astensjonijiet: 37

Punt 5.8.3

Il-produzzjoni tal-ħalib hija settur importanti ħafna fiż-żoni vulnerabbli tal-UE. Għalhekk il-KESE jitlob lill-Kummissjoni taħseb ukoll dwar miżuri – fosthom miżuri finanzjarji - li jsostnu l-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib u ekonomija rurali ħajja f’dawn iż-żoni vulnerabbli. Il-KESE jidhirlu li l-Artikolu 68 huwa limitat f’dan il-qasam u ma jistax ikopri l-ispejjeż għolja li ser jirriżultaw.

Votazzjoni

Favur: 66 Kontra: 42 Astensjonijiet: 41

Punt 5.8.4

Il-KESE jaħseb li għall-perjodu 2009-2015, il-kwoti għandhom jitranġaw skont l-iżvilupp tas-suq. Il-bdiewa li jipproduċu l-prodotti tal-ħalib jeħtieġu ċertezza biex jippjanaw u tranżizzjoni faċli. B’hekk il-KESE jitlob għal bidliet fil-kwoti li jiżguraw rata ta’ tnaqqis gradwali għall-produtturi. Dawn il-bidliet ma għandhomx jheddu l-istabbiltà tas-swieq u għandhom iqisu l-qagħda vulnerabbli tal-produtturi ż-żgħar tal-ħalib u tar-reġjuni ż-żgħar.

Votazzjoni

Favur: 66 Kontra: 42 Astensjonijiet: 41

Punt 5.14.1:

Il-Kummissjoni qed tippjana li tegħleb dawn l-erba’ sfidi ġodda (punt 5.10 sa punt 5.13) permezz ta’ pakkett ġdid ta’ miżuri li għandhom jiġu stabbiliti taħt it-tieni pilastru u l-l-mezzi finanzjarji addizzjonali għandhom jiġu mill-modulazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li żieda fil-modulazzjoni obbligatorja hija l-uniku mod kif jinkisbu aktar fondi għall-iżvilupp rurali. Il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-modulazzjoni obbligatorja bi 8 % f’erba’ passi sal-2012.

Votazzjoni

Favur: 64 Kontra: 58 Astesnjonijiet: 37

Punt 5.14.2:

Il-KESE jidhirlu li r-riżultati tan-negozjati dwar il-prospettiva finanzjarja għall-2007-2013 wasslu għal finanzjament mhux xieraq tat-tieni pilastru. Fil-fehma tal-KESE, il-funzjonijiet differenti tal-PAK għandhom jinżammu. Kwalunkwe miżura oħra ta’ modulazzjoni tal-pagamenti diretti taħt l-ewwel pilastru għandha tissodisfa din il-ħtieġa (1). Għalhekk il-KESE jista’ biss jappoġġja aktar modulazzjoni jekk jiġi garantit li dan il-baġit ikun immirat b’mod ċar u speċifiku biex jgħin il-bdiewa jilqgħu dawn l-isfidi ġodda. Barra mill-erba’ sfidi msemmija mill-Kummissjoni, il-KESE jipproponi li tiżdied l-isfida tas-sikurezza u s-sigurtà tal-ikel, speċjalment fid-dawl tad-diskussjonijiet riċenti dwar il-prezzijiet tal-ikel. Għandu jingħaraf ir-rwol tal-impjiegi u l-ħaddiema fl-agrikoltura f’dan il-proċess ta’ bidla. L-implimentazzjoni permezz tal-pjanijiet ta’ żvilupp rurali nazzjonali trid issir iktar effettiva u aċċessibbli għall-bdiewa. Għandu jkun żgurat minn qabel il-kofinanzjar nazzjonali.

Votazzjoni

Favur: 64 Kontra: 58 Astesnjonijiet: 37

Punt 5.14.3:

Il-pagamenti diretti huma ferm importanti għall-valuri li tirrappreżenta l-agrikoltura għas-soċjetà. Barra minn dan, il-bdiewa jeħtieġu ċertezza biex jippjanaw. Min-naħa l-oħra, il-KESE jagħraf l-isfidi ġodda msemmija mill-Kummissjoni. Il-KESE jinnota li l-opinjonijiet dwar il-modulazzjoni jvarjaw mhux ħażin. Bħala kompromess il-KESE jipproponi rata ta’ modulazzjoni ta’ 8 % b’kollox (il-5 % attwali flimkien ma’ 3 × 1 %). Il-KESE jirrakkomanda li barra mill-iżvilupp rurali għandhom jiġu eżaminati fondi oħra, bħall-fondi strutturali. Il-KESE jirrakkomanda wkoll żieda fil-limitu għal EUR 7 500. Dan għandu jieħu post il-modulazzjoni volontarja. L-effetti negattivi tal-modulazzjoni u tal-Artikolu 68 fuq id-dħul tal-bdiewa għandhom jiġu studjati bir-reqqa wkoll.

Votazzjoni

Favur: 64 Kontra: 58 Astensjonijiet: 37

Punt 6.4:

Il-KESE jidhirlu li l-PAK hija sinsla ferm importanti tal-Unjoni Ewropea. Kif jidher mill-qagħda dinjija tal-ikel, il-Politika Agrikola ser tibqa’ tilgħab rwol importanti ħafna. Il-KESE huwa tal-fehma li l-bdiewa m’għandhomx jaqdu rwol essenzjali fil-provvista tal-ikel biss, iżda jridu jaqdu wkoll rwol multifunzjonali. Għalhekk kull tfaddil baġitarju għandu jintuża biex isaħħaħ il-qagħda tal-bdiewa fit-triq tagħhom lejn is-sostenibbiltà.

Votazzjoni

Favur: 64 Kontra: 58 Astensjonijiet: 37


(1)  Ara nota 5.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/133


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum tal-bniedem (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali)

COM(2008) 345 finali – 2008/0110 (COD)

2009/C 100/22

Nhar is-7 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 152(4)(b) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum tal-bniedem (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur NIELSEN.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, t-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 82 vot favur, vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjoni

1.1   Fil-każ tal-użu ta’ prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali, huwa importanti li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà fir-rigward tas-saħħa pubblika u tal-annimali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni, li tibni fuq ħidma serja u l-esperjenzi miksuba. Kif tipproponi l-Kummissjoni, bidla fil-kategoriji ma tistax isseħħ qabel ma ssir evalwazzjoni tajba tar-riskji mill-awtoritajiet xjentifiċi kompetenti. Huwa mixtieq li l-partijiet l-oħra tal-leġiżlazzjoni jiġu ċċarati, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskart u l-ambjent.

1.2   Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jkun hemm għadd ta’ preċiżjonijiet fid-definizzjonijiet tar-Regolament kif ukoll fir-rigward tal-permessi u l-użu tal-prodotti sekondarji tal-annimali fl-impjanti għall-produzzjoni tal-biogass. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ aktar preċiżjonijiet f’oqsma oħra u għandha ssir analiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’ċerti kondizzjonijiet, l-użu tal-proteini derivati mill-prodotti sekondarji tal-majjal u tat-tjur fl-ikel tal-ħut huwiex ġustifikat, sakemm dan ma joħloq l-ebda riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali.

2.   Sfond

2.1   Permezz tar-Regolament dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali (1), il-Kummissjoni tixtieq tasal għal klassifikazzjoni bbażata aktar fuq ir-riskji u l-kontrolli, u tixtieq tiċċara l-interazzjonijiet bejn ir-Regolament dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali u r-Regolament dwar il-prodotti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem, l-għalf, l-iskart, il-prodotti kożmetiċi, il-prodotti farmaċewtiċi u t-tagħmir mediku. L-għan tal-Kummissjoni f’din il-proposta huwa li tnaqqas il-piż amministrattiv għal ċerti intrapriżi u li tagħti aktar responsabbiltà lill-mexxejja b’mod partikolari fil-qasam tal-użu tal-prodotti sekondarji li ma jagħmlux parti mill-katina tal-ikel u tal-għalf.

2.2   Il-klassifikazzjoni tal-prodotti tinqasam fi tliet kategoriji. Il-materjal li joħloq riskju tat-tixrid tal-enċefalopatiji sponġiformi transmissibbli (TSE) m’għandu qatt jingħalef lill-annimali filwaqt li dak il-materjal li ma joħloq l-ebda riskju, jew riskju baxx, jista’ jintuża skont liema tip ikun wara li jiġi evalwat ir-riskju mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, jew mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jew mill-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti tal-Konsumatur. Ċerti prodotti tal-kategorija 2 reġgħu ġew ikklassifikati fil-kategorija 3, b’konformità mal-proposta, u għalhekk, jistgħu jintużaw għal ċerti tipi ta’ għalf. Fir-realtà, sakemm il-materja prima, il-proċess tal-produzzjoni u l-iskop tal-użu tiegħu ma joħolqu l-ebda periklu, jistgħu jintużaw il-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji kollha. Barra minn hekk, id-dfin u l-ħruq huma awtorizzati f’każ ta’ epidemija u f’sitwazzjonijiet fejn il-ġbir tal-iġsma tal-annimali ma jkunx jista’ jseħħ fil-prattika.

2.3   Il-ħruq tal-prodotti sekondarji tal-annimali huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/76/KE (2). Madankollu, ġie propost li l-prodotti sekondarji tal-annimali jistgħu jintużaw bħala karburant sakemm dan isir b’mod li jiżgura l-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annmiali, kif ukoll l-istandards ambjentali. Barra minn hekk, hemm bżonn li b’mod koerenti tiġi rrispettata l-projbizzjoni tal-esportazzjoni tal-iskart (3), b’mod partikolari għall-użu f’impjanti ta’ biogass u kompost, lejn il-pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Ir-regoli dwar l-użu tal-prodotti sekondarji tal-annimali huma ġenerali u kumplessi, iżda huma mfassla bil-għan li l-leġislazzjoni u l-amministrazzjoni jaħdmu bl-aħjar mod u li l-UE żżomm livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali f’dan il-qasam. It-tixrid tat-TSE u tal-mard li jittieħed jista’ jkollu konsegwenzi gravi fil-livell ekonomiku u soċjali. Fil-prinċipju, il-KESE jista’ jħaddan l-approċċ ibbażat fuq l-analiżi tar-riskji, billi kull bidla fil-kategoriji tiġi evalwata b’mod konkret mill-awtoritajiet xjentifiċi kompetenti. Bl-istess mod, jirrakkomanda l-użu tas-sistema HACCP (4), sakemm it-twaqqif u l-implimentazzjoni tagħha jsiru b’mod uniformi fl-Istati Membri.

3.2   Minħabba l-bżonn ta’ proteini fl-ikel tal-ħut, li kulma jmur qiegħed dejjem jikber, fi kwalunkwe reviżjoni li ssir tar-Regolament dwar it-TSE (5) għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-possibbiltà li, f’ċerti kondizzjonijiet, jintużaw proteini derivati mill-prodotti sekondarji tal-majjal u tat-tjur, sakemm dan ma joħloq l-ebda riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-proposta tistipula li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati minnhom għandhom jinħarqu jew jintużaw bħala karburant għall-kombustjoni. Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni ma tqisx li l-użu tal-prodotti sekondarji tal-annimali bħala karburant għall-kombustjoni jista’ jkun mezz kif jintrema l-iskart, iżda jidhrilha li dan għandu jsir b’mod li jirrispetta ċerti kondizzjonijiet għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali kif ukoll l-eżiġenzi ambjentali rilevanti. F’dan ir-rigward hemm lok li ssir distinzjoni aktar ċara bejn ir-Regolament dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali u l-leġislazzjoni dwar l-iskart u l-ambjent. Hekk ukoll, ikun jaqbel li jiġu speċifikati u definiti aħjar il-kunċetti stabbiliti f’Artikolu 3 tar-Regolament u tad-Direttiva dwar l-iskart sabiex ma jkun hemm l-ebda problema ta’ interpretazzjoni.

4.2   L-impjanti tal-biogass li fihom jiġu pproċessati l-prodotti sekondarji mill-annimali u l-prodotti derivati minnhom huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet marbuta mar-reġistrazzjoni u t-traċċabbiltà, b’konformità mal-istandards tal-parametri, iżda skont l-Artikolu 7(1)(c) huma eżentati mir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 6(1)(b). Madanakollu, waqt it-tħejjija tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, dawn għandhom ikunu soġġetti, f’każ ta’ bżonn, għad-dispożizzjonijiet dwar l-awtoregolamentazzjoni, għas-separazzjoni bejn żoni “f’saħħithom” u żoni “perikolużi” u għar-rekwiżit ta’ dokumentazzjoni dwar il-ġbir, it-trattament u l-ipproċessar tal-materja prima.

4.3   Għall-materjali tal-kategorija 3, apparti l-possibiltà eżistenti ta’ diżinfezzjoni għal siegħa f’temperatura ta’ 70 grad, għandu jkun possibbli li jiġu permessi temperaturi oħrajn u tulijiet ta’ ħin oħrajn. Jeħtieġ ukoll li jkun possibbli li l-proċess kollu jiġi dokumentat b’mod iktar flessibbli, mhux kif inhu l-każ bħalissa.

4.4   Il-KESE jaqbel kompletament mal-possibbiltà li jintuża ammont ta’ gliċerina li joħroġ mill-produzzjoni tal-biodiżil għall-produzzjoni tal-biogass, tkun xi tkun il-kategorija. Xjentifikament ġie muri li la l-produzzjoni tal-biodiżil u lanqas il-prodotti sekondarji ta’ din il-produzzjoni, tkun xi tkun il-kategorija, ma joħolqu xi riskju, sakemm il-produzzjoni issir b’mod li jirrispetta r-regoli fis-seħħ (6).

4.5   Skont l-Artikolu 7(1)(a), m’hemmx bżonn ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti attivitajiet meta l-istabbilimenti u l-intrapriżi jkunu diġà rċevew awtorizzazzjoni skont dispożizzjonijiet oħra. Pereżempju, minħabba kontrolli veterinarji, l-intrapriżi li jesportaw ikun jaqblilhom li jiksbu awtorizzazzjoni skont ir-Regolament dwar il-prodotti sekondarji.

4.6   Mill-lat tal-preservazzjoni tar-riżorsi, il-prodotti sekondarji mill-annimali li għalihom tkun inkisbet approvazzjoni qabel il-qtil għandhom jitqiegħdu fil-kategorija 3 (pereżempju l-prodotti li jkunu waqgħu mal-art, li jippreżentaw mutazzjonijiet kroniċi jew simili), sakemm dawn il-prodotti ma jkunux ġew f’kuntatt ma’ materjal tal-kategorija 2.

4.7   Għandha tinstab soluzzjoni sabiex il-prodotti li ġejjin mid-demm ikunu esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 25 (1)(c) bil-għan li jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom bħala fertilizzant.

4.8   Skont l-Artikolu 28(1)(d), kwantitajiet żgħar tal-prodotti sekondarji tal-annimali jistgħu jiġu eżentati mir-regoli dwar ir-rimi. Skont l-opinjoni tal-KESE, din il-possibbiltà għandha titħaddem bl-ikbar attenzjoni minħabba l-fatt li jkun hemm nuqqas ta’ traċċabiltà.

4.9   L-Artikolu 12 jiddefinixxi l-ħmieġ tal-annimali domestiċi bħala materjal tal-kategorija 2; għalhekk, għandu jintrema u jintuża skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20. Għandu jiġi speċifikat li l-ħmieġ tal-annimali domestiċi pproċessat għal finijiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija oħra barra minn dik fl-impjanti tal-produzzjoni tal-biogass, m’għandux jiġi kkunsidrat bħala skart u għalhekk għandu jinħaraq ġewwa stallazzjonijiet tal-inċinerazzjoni approvati jew reġistrati.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Regolament Nru 1774/2002 tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman.

(2)  Id-Direttiva 2000/76/KE dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart.

(3)  Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart.

(4)  Analiżi tal-periklu u tal-punti kritiċi tal-kontroll.

(5)  Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered.

(6)  Opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel tat-22 ta’ April 2004 u r-Regolament (KE) Nru 92/2005 tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2005 mmodifikat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2067/2005 tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2005.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/135


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (Riformulazzjoni)

COM(2008) 505 finali – 2008/0165 (COD)

2009/C 100/23

Nhar it-30 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 li jistabbilixxi l-Komunità Ewropa, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (Riformulazzjoni)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li diġà ta fehmtu fl-opinjoni preċedenti tiegħu, adottata fit-2 ta’ Diċembru 1998 (1), iddeċieda, matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu tal-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), b’119-il vot favur u astensjoni waħda, li jagħti opinjoni favoreveli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti imsemmija.

 

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KEE) dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU C 40, 15.02.1999, p. 34).


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/136


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew ta’ Referenza ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għal Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali

COM(2008) 179 finali - 2008/0069 (COD)

2009/C 100/24

Nhar it-23 ta’ April 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew ta’ Referenza ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għal Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura HERCZOG.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21, it-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-23 ta’ Ottubru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’59 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Taqsira eżekuttiva

1.1.   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew ta’ Referenza ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għal Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (minn issa ′l quddiem “il-Qafas”) peress li l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) ta’ kwalità huma elementi essenzjali u parti integrali mill-Istrateġija riveduta ta’ Liżbona (1), maħsuba b’mod li tippromovi s-soċjetà bbażata fuq l-għarfien, l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali, il-mobilità, il-kapaċità ta’ impjieg u l-kompetittività.

1.2.   Il-KESE jemmen li l-Qafas, jekk implimentat, jista’ jsaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-ETV u jżid il-mobilità tal-istudenti u tal-ħaddiema, kif ukoll jagħti kontribut għat-trasparenza u l-fiduċja reċiproka bejn u fi ħdan sistemi nazzjonali tal-ETV. Dan il-Qafas jista’ jgħin ukoll sabiex jingħelbu l-problemi attwali tal-qgħad billi jindirizza l-qabża bejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-kwalifiki tal-forza tax-xogħol.

1.3.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Qafas huwa ta’ siewi peress li jenfasizza b’mod partikolari t-titjib u l-evalwazzjoni tal-“prodotti” u r-“riżultati” tal-ETV skont it-tliet prijoritajiet politiċi ewlenin tal-UE: iż-żieda tal-kapaċità ta’ impjieg, it-titjib tal-adegwatezza bejn il-forniment tat-taħriġ u d-domanda għat-taħriġ u l-promozzjoni għal aċċess aħjar għat-tagħlim tul il-ħajja (speċjalment għall-gruppi vulnerabbli).

1.3.1.   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffoka aktar fuq l-utenti aħħarin, l-istudenti, il-ħaddiema, l-istituzzjonijiet – kemm il-fornituri kif ukoll il-kumpaniji tal-ETV. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil min qiegħed f’riskju ta’ esklużjoni mill-edukazzjoni u mis-suq tax-xogħol (eż. dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema aktar avvanzati fl-età li jħabbtu wiċċhom ma’ rati għolja ta’ qgħad, in-nies bi bżonnijiet speċjali, id-dixxendenti tal-immigranti eċċ.) u lir-(ri)integrazzjoni tagħhom fit-taħriġ.

1.4.   Il-KESE jemmen li s-suċċessi preċedenti (2) fil-kooperazzjoni Ewropea għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-ETV jikkostitwixxu bażi adegwata għall-kontinwazzjoni tal-ħidma attwali u għal aktar żvilupp. Impenn serju min-naħa tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-Qafas għandu jgħin b’mod sinifikanti biex tixxerred kemm jista’ jkun kultura ta’ titjib kontinwu tal-kwalità (3). Dan jista’ wkoll jispira u jippromovi l-implimentazzjoni tal-Qafas f’livell nazzjonali.

1.5.   Il-KESE jilqa’ l-impenn sħiħ tal-Istati Membri għat-titjib kontinwu tal-kwalità fl-ETV, li bħalissa huma rrapreżentati min-Netwerk Ewropew dwar Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (NEAKETV), imwaqqaf fl-2005 sabiex jiżgura s-sostenibilità fit-tul tal-proċess, bis-saħħa ta’ kooperazzjoni attiva u effettiva bejn 23 pajjiż tul dawn l-aħħar snin.

1.5.1.   Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra kif (f’liema oqsma, b’liema mod u b’liema strumenti prattiċi) in-NEAKETV, bl-għajnuna ta’ Punti Nazzjonali ta’ Referenza ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità (PNRAK), jista’ jippromovi u jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Qafas fl-Istati Membri b’mod aktar effiċjenti u effettiv, proċess li ser jieħu sal-2010 (jew aktar ?).

1.6.   Il-KESE jaħseb li huwa essenzjali li jkun hemm konsistenza bejn il-Qafas u l-inizjattivi Ewropej l-oħrajn bbażati fuq fiduċja reċiproka bħall-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki (QEK) (4) u s-Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (SEKETV) (5). Tenħtieġ armonizzazzjoni aktar mill-qrib tal-attivitajiet u identifikazzjoni tar-rabtiet speċifiċi bejn dawn l-għodod komuni ta’ referenza Ewropej, f’livell Ewropew u nazzjonali, sabiex jikbru l-benefiċċji u s-sinerġiji reċiproki u jinħolqu l-kondizzjonijiet li jippermettu l-akkreditament u t-trasferiment tal-kwalifiki madwar l-Ewropa.

1.7.   L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huwa ta’ ġid pubbliku u l-kwalità fl-ETV trid tiġi kkontrollata għall-ġid taċ-ċittadini u tas-soċjetà in ġenerali. Dan il-kontroll għandu jiġi mmonitorjat/ implimentat minn korpi pubbliċi u l-kwalità tagħhom għandha tiġi assigurata.

1.8.   Il-KESE jħoss li r-rwol ta’ dawn il-korpi – fil-maġġoranza maħtura mill-gvernijiet tal-Istati Membri – huwa ta’ importanza fondamentali, u jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ ir-rwol tagħhom. Il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha – l-istituzzjonijiet, lil min iħaddem, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tas-setturi, il-kmamar tal-kummerċ, il-korpi industrijali u professjonali, il-fornituri tas-servizzi ta’ impjieg, il-korpi reġjonali, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, eċċ. - jerfgħu r-responsabbilitajiet partikolari tagħhom u jagħtu kontribut għall-ksib tal-objettivi konġunti. Il-kooperazzjoni minn isfel għal fuq fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-ETV għandha tingħata spinta ′l quddiem f’kull stadju tal-ħidma.

1.8.1   Il-KESE jsejjaħ għal parteċipazzjoni aktar attiva mis-soċjetà ċivili organizzata u jfakkar lill-Kummissjoni fil-bżonn ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-ETV u dan sabiex is-sistema issir aktar inklużiva u tissejjes fuq netwerks eżistenti u esperjenza pożittiva. F’bosta pajjiżi, in-nuqqas ta’ din il-kooperazzjoni u dan id-djalogu qed iżomm lura l-introduzzjoni b’suċċess ta’ din il-kultura ta’ kwalità.

1.8.2.   Il-KESE jħoss li l-imsieħba soċjali, bħala l-partijiet interessati prinċipali fis-suq tax-xogħol, għandu jkollhom rwol importanti fil-ksib tal-erba’ objettivi ewlenin tal-ETV (il-mobilità, l-aċċessibilità, il-faxxinu, u l-inklużjoni soċjali). Għandu jkollhom ukoll rwol ċentrali fid-definizzjoni u l-kontroll tal-kwalità tas-sistemi tal-ETV f’livell Ewropew u nazzjonali. Huwa biss permezz ta’ parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali li s-sistema tista’ tadatta għat-tibdil kontinwu tas-swieq tax-xogħol, prerekwiżit għal kwalunkwe approċċ ta’ kwalità fl-ETV.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Minħabba d-diversità u l-komplessità tas-sistemi tal-ETV u l-approċċi tal-kwalità fi ħdan u madwar l-Istati Membri, hemm bżonn ta’ punti ta’ referenza komuni sabiex tiġi assigurata t-trasparenza, l-konsistenza u l-portabbiltà bejn il-ħafna friegħi ta’ politika u l-iżviluppi prattiċi madwar l-Ewropa, bil-għan li tikber il-fiduċja reċiproka.

2.2.   Wara perijodu twil ta’ preparazzjoni u konsultazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew ta’ Referenza ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għal Edukazzjoni u taħriġ Vokazzjonali.

2.3.   L-għan ta’ din ir-rakkomandazzjoni huwa li tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri sabiex itejbu, b’mod kontinwu, l-kwalità tas-sistemi u l-programmi tal-ETV permezz tal-implimentazzjoni ta’ għodda ta’ referenza Ewropea komuni: qafas ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ evalwazzjoni tal-kwalità – il-Qafas.

2.4.   Il-funzjoni prinċipali tal-Qafas hija li jipprovdi referenzi stabbiliti bejn il-pajjiżi li jgħinu lill-Istati Membri u l-partijiet interessati jiddokumentaw, jiżviluppaw, jimmonitorjaw, jevalwaw u jtejbu l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet tal-ETV u l-prattiki ġestjonali tal-kwalità fl-ETV tagħhom.

2.5.   Il-pożizzjoni tal-KESE fir-riġward tal-proposta tal-Kummissjoni hija essenzjalment ibbażata fuq l-għarfien akkumulat u l-esperjenza tiegħu (6).

3.   Kummenti tal-KESE

3.1.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li jenħtieġu kriterji komuni ta’ referenza ta’ assigurazzjoni tal-kwalità jekk irridu nistabbilixxu u niksbu miri komuni fil-politika Ewropea tal-ETV.

3.2.   Il-KESE jilqa’ u jenfasizza l-karatteristiċi pożittivi tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Qafas li huma: l-impenn volontarju tal-Istati Membri sabiex jużaw il-Qafas, l-adattabilità tiegħu għas-sistemi nazzjonali differenti b’konformità mal-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali, kif ukoll il-bżonn li deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni tiegħu jittieħdu f’livell nazzjonali, reġjonali u/jew lokali.

3.3.   Il-Qafas huwa bbażat fuq u jtejjeb il-Qafas Komuni ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità (QKAK) li huwa bbażat fuq l-aħjar prattiki tal-Istati Membri. Il-KESE huwa kuntent bil-fatt li l-Qafas huwa aktar sempliċi mill-QKAK, bi kriterji ta’ kwalità u elementi indikattivi li jiddeskrivu aktar speċifiċi u aktar ċari, li jagħmilhom ħafna aktar faċli biex jiġu interpretati, mifhuma u użati mill-Istati Membri.

3.4.   Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-kriterji ġodda u moderni ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u l-elementi indikattivi li jiddeskrivu fl-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni, mfassla permezz ta’ konsensus, jagħmlu l-Qafas għodda siewja għat-titjib kontinwu tal-kwalità fl-ETV f’livell Ewropew u nazzjonali. Dawn il-kriterji tal-kwalità u l-elementi indikattivi li jiddeskrivu, li jirriflettu aspetti fondamentali tal-ħidma għall-kwalità fl-ETV, jippermettu l-ippjanar proattiv, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ attivitajiet għall-assigurazzjoni tal-kwalità f’livell nazzjonali u istituzzjonali (jiġifieri l-fornituri tal-ETV). Jippermettu ukoll azzjonijiet sabiex titjieb it-trasparenza u l-konsistenza bejn il-miżuri ta’ politika u l-inizjattivi meħudin individwalment mill-Istati Membri f’dan il-qasam.

3.5.   Il-KESE jħoss li huwa speċjalment importanti li l-Kummissjoni jkollha aċċess għal data affidabbli bbażata fuq fatti oġġettivi dwar il-progress lejn il-ksib tal-miri miftehma għall-assigurazzjoni tal-kwalità, b’konformità mat-tliet objettivi (ta’ politika) ewlenin (ara Punt 1.3). Għalhekk, il-KESE huwa kuntent li l-Anness 2 tar-Rakkomandazzjoni jipproponi sett inizjali ta’ indikaturi komuni fil-livell ta’ sistema għall-kejl u l-evalwazzjoni tal-kwalità fl-ETV f’livell nazzjonali.

3.6.   L-indikaturi huma ta’ importanza ewlenija għall-gvernanza tajba u l-kwalità tas-sistemi tal-ETV peress li jappoġġjaw it-tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza u jippromovu benchmarking bejn il-pajjiżi. Madankollu, il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li l-metodi ta’ ġbir u ta’ kumpilazzjoni tad-data għall-indikaturi tal-Qafas għandhom jiġu armonizzati jew standardizzati bejn l-Istati Membri (definizzjonijiet, metodi ta’ interpretazzjoni u ta’ kalkolu uniformi) sabiex id-data tkun aktar affidabbli u komparabbli.

3.7.   Il-KESE jħoss li huwa speċjalment importanti li l-partijiet interessati tal-ETV f’bosta livelli jiġu mħeġġa jagħmlu evalwazzjoni proprja b’mod sistematiku (jekk hu possibbli flimkien ma’ evalwazzjoni indipendenti esterna, pereżempju fil-kuntest tar-Reviżjoni Ewropea Inter Pares li ssir b’mod regolari). Il-fatt li jiġu indirizzati l-elementi identifikati bis-saħħa tal-evalwazzjoni proprja jiżgura taħriġ ta’ kwalità għolja, u b’hekk jintlaħqu l-aspettattivi u l-interessi tal-imsieħba involuti (kemm il-parteċipanti fit-taħriġ kif ukoll min iħaddem). L-evalwazzjoni proprja tagħti feedback regolari dwar kemm l-imsieħba huma sodisfatti bit-taħriġ u bis-servizzi edukattivi, dwar il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol kif ukoll dwar il-ħiliet u l-kompetenzi li l-impjegati jkunu kisbu permezz tat-taħriġ.

3.8.   Karatteristika tal-Qafas b’valur partikolari miżjud hija li jħeġġeġ l-użu ta’ kriterji komuni ta’ kwalità, ta’ elementi indikattivi li jiddeskrivu u ta’ indikaturi kif ukoll jippromovi titjib fil-kwalità bbażat fuq evalwazzjoni proprja regolari, kemm fis-sistemi tal-ETV kif ukoll fil-fornituri tas-servizzi/tal-istituzzjonijiet tal-ETV. Il-KESE jixtieq ifakkar lill-partijiet interessati li l-iżvilupp tal-kwalità fil-livell ta’ sistema f’pajjiżi partikolari jista’ biss jinkiseb jekk il-Qafas ma jiġix introdott biss fl-istituzzjonijiet tal-ETV iżda ukoll fil-livell (tal-ġestjoni) tas-sistema tal-ETV.

Barra minn hekk, l-użu tal-kriterji komuni ta’ kwalità u tal-elementi indikattivi li jiddeskrivu u l-indikaturi jippermetti li jsir paragun bejn il-ġestjoni tal-ETV u l-prattiki tal-ETV madwar l-UE.

3.9.   Il-KESE jixtieq ifakkar lill-Kummissjoni li l-element l-aktar importanti sabiex jinkisbu l-objettivi komuni huwa impenn ġenwin mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Qafas. Dan għandu jinvolvi l-bidla tal-prinċipji komuni bażiċi, tar-rekwiżiti tal-kwalità u tal-elementi indikattivi li jiddeskrivu f’objettivi speċifiċi u f’inizjattivi prattiċi u l-implimentazzjoni konsistenti ta’ dawn l-objettivi u miżuri.

3.10.   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi u tappoġġja l-użu tal-Qafas, kif ukoll it-titjib kontinwu tiegħu f’livell Ewropew u nazzjonali. Il-Kummissjoni, bil-għan li tħeġġeġ u tappoġġja l-użu tal-Qafas, fil-futur għandha ssib mezz ta’ finanzjament għall-iskemi rilevanti u bl-istess mod għandha tinforma u żżid l-għarfien eżistenti tal-imsieħba tal-kwalità dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament fil-livelli kollha. Il-Kummissjoni għandha wkoll tikkoopera aktar mill-qrib u tappoġġja n-Netwerk Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali sabiex taqdi d-dmir tagħha li tirranġa u ittejjeb, b’mod kontinwu, il-prinċipji komuni ta’ kwalità, il-kriterji tal-kwalità, l-elementi indikattivi li jiddeskrivu u l-indikaturi.

3.11.   Il-KESE hu kuntent li l-proposta tinkludi garanzija tal-kwalità sinifikanti f’forma ta’ reviżjoni regolari (b’intervall ta’ tliet snin) u ta’ evalwazzjoni ta’ kif il-Qafas qed jiġi introdott f’livell nazzjonali. Barra minn hekk, dawn ir-riżultati jagħtu kontribut għar-reviżjoni sussegwenti tal-Qafas ta’ Referenza f’livell Ewropew. Fil-fehma tal-KESE, l-evalwazzjonijiet għandhom jiffokaw fuq l-impatt reali tal-Qafas fuq il-kwalità tal-ETV f’livell nazzjonali u Ewropew, l-identifikazzjoni tal-oqsma fejn sar żvilupp jew titjib, kif ukoll it-tibdiliet fl-implimentazzjoni u l-firxa tagħhom.

3.12.   Il-KESE jirrakkomanda t-tixrid wiesa’ ta’ informazzjoni u komunikazzjoni mtejba dwar il-Qafas, bil-għan li jintleħqu l-akbar numru possibbli ta’ parteċipanti potenzjali u partijiet interessati. Għandhom jitfasslu pjan u strateġija ta’ komunikazzjoni sabiex jirreklamaw u jenfasizzaw il-benefiċċji u s-suċċessi probabbli tal-użu tal-Qafas f’kull livell, b’mod partikolari għall-fornituri tal-ETV (l-istituzzjonijiet). Hemm bżonn ta’ azzjoni f’diversi livelli sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni effettiva f’livell Ewropew u nazzjonali u fil-livell ta’ sistema u fil-livell ta’ fornitur tal-ETV. Flimkien mal-Kummissjoni, in-NEAKETV jista’ jkollu rwol sinifikanti fil-komunikazzjoni fil-livell Ewropew, filwaqt li l-Punti Nazzjonali ta’ Referenza ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità jistgħu jassiguraw l-istess ħaġa fil-livell nazzjonali.

3.13.   B’konformità mal-opinjoni tiegħu dwar it-taħriġ u l-produttività (7), il-KESE, għal darba oħra, jixtieq jenfasizza l-bżonn ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-bosta livelli tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-livell Ewropew u nazzjonali fir-rigward tat-tagħlim tul il-ħajja. Dan jirrekjedi ukoll approċċi koerenti għall-assigurazzjoni u l-evalwazzjoni tal-kwalità bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.14.   Il-KESE jemmen li l-ETV għandhom jiġu żviluppati fil-livelli kollha bħala parti essenzjali u integrali tat-tagħlim tul il-ħajja. Huwa importanti li jiġi assigurat li l-ETV jikkonformaw mal-livelli edukattivi preċedenti u sussegwenti, b’mod partikolari mal-edukazzjoni ġenerali u mal-edukazzjoni ta’ livell għoli. Il-gruppi differenti ta’ età – inklużi t-tfal iż-żgħar - għandhom jingħataw l-opportunitajiet ta’ żvilupp u l-infrastrutturi neċessarji, u għandhom jiġu evalwati skont iċ-ċikli tal-ħajja.

3.14.1.   L-evalwazzjoni tal-kwalità għandha tapplika għal kull tip ta’ edukazzjoni u stabbilimenti edukattivi mill-infanzja ′l quddiem, peress li l-edukazzjoni f’dan il-perijodu ttejjeb il-prestazzjoni akkademika u professjonali sussegwenti. L-evalwazzjoni tal-kwalità għandha wkoll tapplika għall-edukazzjoni primarja, sabiex tiżgura li l-istudenti jiksbu l-kompetenzi bażiċi qabel ma jitilgħu f’livell edukazzjonali aktar ogħli. L-evalwazzjoni tal-ETV tkun inqas kredibbli u inqas effettiva jekk tikkunsidra biss il-perijodu tal-ETV mingħajr ma tagħti ħarsa lejn il-prestazzjoni akkademika fl-iskola li taffettwa l-prestazzjoni u l-prospettivi ta’ karriera sussegwenti. Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-Kummissjoni tagħraf ir-rabtiet bejn il-livelli edukattivi individwali, u tqis l-implikazzjonijiet u ċ-ċirkostanzi estrinsiċi għall-edukazzjoni, kif ukoll l-influwenza konġunta tagħhom fuq il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

3.14.2.   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-evalwazzjoni tal-kwalità fl-ETV u fis-setturi kollha tal-edukazzjoni, bil-għan li titjieb il-komunikazzjoni u b’hekk tikber il-fiduċja reċiproka kif ukoll tinstab perspettiva komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalità u l-iżviluppi konġunti. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-kooperazzjoni għall-assigurazzjoni tal-kwalità bdiet mill-edukazzjoni ta’ livell għoli u jissuġġerixxi li din il-kooperazzjoni titkompla u tissaħħaħ. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki ssejjaħ għall-approċċi koerenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità, b’mod partikolari bejn l-ETV u l-edukazzjoni ta’ livell għoli, peress li l-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja hija tema komuni għaż-żewġ setturi.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-Istrateġija ta’ Liżbona (2000).

(2)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (28 ta’ Mejju 2004).

L-għan tad-Dikjarazzjoni ta’ Kopenħagen (30 ta’ Novembru 2002), huwa l-promozzjoni tal-kooperazzjoni għall-assigurazzjoni tal-kwalità b’attenzjoni speċjali lejn l-iskambju ta’ mudelli u ta’ metodi, kif ukoll ta’ kriterji komuni u ta’ prinċipji għall-kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.

Communiqué ta’ Maastricht (14 ta’ Diċembru 2004); Communiqué ta’ Ħelsinki (5 ta’ Diċembru 2006).

(3)  Communiqué ta’ Ħelsinki (5 ta’ Diċembru 2006).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew għall-Kwalifiki.

(5)  It-Twaqqif tas-Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.

(6)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin:

Proposta għall-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja, rapporteur: is-Sur RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO (ĠU C 175, 27.7.2007)

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim matul il-ħajja, rapporteur: is-Sinjura HERCZOG (ĠU C 195, 18.8.2006) mhux disponibbli bil-Malti

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà, rapporteur: is-Sur CZAJKOWSKI (ĠU C 88, 11.4.2006) mhux disponibbli bil-Malti

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew dwar kooperazzjoni Ewropea akbar fl-assigurazzjoni tal-kwalità ta’ l-edukazzjoni ogħla, rapporteur: is-Sur SOARES (ĠU C 255, 14.10.2005) mhux disponibbli bil-Malti

Taħriġ u l-Produttività, rapporteur: is-Sur KORYFIDIS (ĠU C 120, 20.5.2005) mhux disponibbli bil-Malti.

(7)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-28.10.2004 dwar it-Taħriġ u l-Produttività, rapporteur: is-Sur KORYFIDIS (ĠU C 120, 20.5.2005) mhux disponibbli bil-Malti.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/140


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET)

COM(2008) 180 finali — 2008/0070 (COD)

2009/C 100/25

Nhar it-23 ta’ April 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-ħolqien ta’ Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura LE NOUAIL-MARLIÈRE.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 ut-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’109 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Introduzzjoni

1.1.   Din il-proposta għal Rakkomandazzjoni hija proposta ta’ sistema Ewropea komuni ta’ ċertifikazzjoni sabiex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti u r-rikonoxximent tal-kwalifiki għall-mobilità tal-ħaddiema.

1.2.   L-edukazzjoni u t-taħriġ huma parti integrali tal-Istrateġija ta’ Liżbona, il-programm Ewropew ta’ riforma sabiex jintlaħqu l-isfidi tas-soċjetà ta’ għarfien u tal-ekonomija. B’mod aktar speċifiku, l-iżvilupp tal-konoxxenza, tal-kompetenzi u tal-kapaċità taċ-ċittadini permezz tat-taħriġ u l-edukazzjoni huwa kondizzjoni neċessarja u indispensabbli sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ Liżbona fir-rigward tal-kompetittività, l-iżvilupp, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali.

1.3.   Għalkemm sar xi progress, ma ntlaħqux il-miri stabbiliti, l-iktar fir-rigward tat-taħriġ tul il-ħajja kollha u l-mobilità tal-ħaddiema, oqsma li għad għandhom numru ta’ ostakoli. Dawn in-nuqqasijiet juru b’mod ċar il-bżonn li jiġu żviluppati għodod u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni għat-taħriġ tul il-ħajja kollha u t-trasferiment tal-kwalifiki bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet u s-sistemi differenti. Iż-żjieda tat-trasparenza tal-kwalifiki hija pass indispensabbli sabiex tiġi implimentata strateġija bħal din u jiġu żviluppati l-konoxxenza, il-kapaċità u l-kompetenzi neċessarji għall-ħaddiema u ċ-ċittadini tal-Ewropa, kif ukoll għal kwalunkwe parti interessata (speċjalment il-korpi ta’ taħriġ).

1.4.   Is-sistema ECVET (1), li hija immirata għaċ-ċittadini, għandha tippromovi r-rikonoxximent transnazzjonali tat-taħriġ tagħhom tul il-ħajja kollha. Din is-sistema hija bbażata fuq il-prattiki u s-sistemi eżistenti fl-Ewropa u tistrieħ fuq l-elementi li ġejjin:

deskrizzjoni tal-kwalifiki f’unitajiet ta’ tagħlim (konoxxenza, kapaċità u kompetenzi) li huma trasferibbli u kumulattivi;

twaqqif ta’ mekkaniżmi trasparenti għat-trasferiment, l-akkumulazzjoni u l-validità tat-taħriġ;

twaqqif ta’ sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet sabiex jinħoloq ambjent li jippermetti t-trasferiment u żona ta’ taħriġ transnazzjonali.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.   Il-valutazzjoni tal-impatt juri li s-sistema ECVET hija strument li jiffaċilita t-trasparenza, il-paragun, it-trasferiment u l-akkumulazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim bejn is-sistemi differenti. M’hemmx bżonn ta’ aktar atomizzazzjoni tal-kwalifiki u ma tipproponix l-armonizzazzjoni tagħhom jew tas-sistemi ta’ taħriġ. Tappoġġja u ssaħħaħ l-istrumenti eżistenti li jippermettu l-mobilità (ECTS (2) u EQF (3)). Fil-perijodu fit-tul tista’ tikkontribwixxi għar-riformi neċessarji tas-sistemi ta’ taħriġ nazzjonali bżonjużi għall-implimentazzjoni tat-taħriġ tul il-ħajja kollha. Huwa għalhekk li l-ECVET ikkontribwixxit valur miżjud fil-qasam tal-mobilità u tat-taħriġ tul il-ħajja kollha.

2.2.   Madankollu, m’għandniex innaqqsu d-diffikultajiet ippreżentati minn dawn l-istrumenti. Anke jekk l-għan tal-EQF huwa l-paragun transnazzjonali, is-sistemi nazzjonali jridu jiġu ppjanati u organizzati b’tali mod li jistgħu jinftiehmu u jiġu fdati mill-imsieħba fl-Istati Membri l-oħra. Huwa dmir il-Kummissjoni li tistabbilixxi tajjeb il-kriterji li jassiguraw ir-rilevanza, it-trasparenza, il-paragun u l-kunfidenza reċiproka bejn l-imsieħba. Bl-istess mod, jekk l-EQF twaqqfet sabiex toħloq paragun u traspożizzjoni volontarja tal-kwalifiki fil-livell Ewropew, nazzjonali u settorjali, il-kumplessità tas-sistemi eżistenti m’għandhomx jiġu sottostimati. Għal dan il-għan, hemm bżonn li jissaħħu l-miżuri li jippromovu trasparenza akbar u jkun hemm ġestjoni aħjar tal-passi neċessarji involuti fl-introduzzjoni ta’ diplomi jew ċertifikati fl-2012.

2.3.   Irid jiġi enfasizzat ukoll li s-sistema ECVET ma tissostitwixxix il-politiki l-oħra fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari d-Direttiva 2005/36/KE dwar il-ħaddiema migranti. Iżda fuq in-naħa l-oħra, lanqas ma ssaħħaħ ir-rabtiet neċessarji mal-programmi eżistenti Ewropej, li jistipulaw partikularment, fir-rigward tar-reġjuni lanqas żviluppati tal-UE, li l-FSE għandu jiffinanzja l-implimentazzjoni tar-riformi fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ, b’tali mod li n-nies isiru konxji tal-importanza tal-bżonnijiet tas-soċjetà tal-għarfien, u b’mod partikulari tal-ħtieġa ta’ edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja kollha, u jitjieb l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità.

2.4.   Is-sistema ECVET, li timplimenta proċess permanenti, teħtieġ impenn dejjiemi mill-partijiet kollha interessati u sinerġija bejn l-inizjattivi li huma adattati għal-livell Ewropew, nazzjonali jew settorjali. Sfortunatament, ma tipprovdix b’mod ċar għal sfruttament tal-progressi jew innovazzjonijiet (prattiki tajbin), li jistgħu jiġġeneraw ukoll forza fost il-partijiet u l-imsieħba potenzjali għall-valutazzjoni skedata għall-2012.

2.5.   Minkejja li l-Kumitat innota li l-konsultazzjonijiet fil-livelli kollha u li tinvolvi numru kbir ta’ persuni fis-settur pubbliku u privat għamlitha possibbli li jinħoloq lingwaġġ komuni, l-użu sistematiku ta’ ċertu numru ta’ akronomi – fil-proposti, komunikazzjonijiet, rakkomandazzjonijiet, studji ta’ impatt, rapporti mitluba mill-Kummissjoni – qiegħed iwassal għal taħlita ta’ akronomi u konfużjoni li ma tantx tawgura tajjeb għall-għan li jrid jintlaħaq. Taqsira, inizjali, akronomu jew slogan li jistgħu jagħmlu sens f’lingwa jistgħu ma jfissru xejn f’lingwa oħra, jew jittrasmettu immaġni totalment negattiva. Barra minn hekk, din id-drawwa tista’ tillimita d-dħul ta’ korpi ġodda ta’ taħriġ u tiddiswadi l-pubbliku mmirat milli jinteressa ruħu f’dak li kien maħluq sabiex jiffaċilita t-trasferimenti bejn is-sistemi ta’ taħriġ professjonali nazzjonali, u mhux sabiex dawn ikunu aktar diffiċli. Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li dan l-isforz sabiex dawn is-sistemi ta’ taħriġ professjonali jiġi armonizzati u jsiru kompatibbli mat-taħriġ tul il-ħajja kollha għandu jikkunsidra l-aspetti lingwistiċi u l-isforzi tal-Kummissjoni bnadi oħra.

2.6.   Il-Kummissjoni trid tassigura li l-objettiv li kulħadd ikun jista’ jikkompleta t-taħriġ tiegħu f’istituzzjonijiet differenti ta’ taħriġ u f’pajjiżi differenti, u b’hekk tiġi promossa l-mobilità tal-istudenti fl-Ewropa kollha, kisba rimarkabbli ħafna peress li jeżistu aktar minn 30 000 istituzzjoni ta’ taħriġ fl-Unjoni Ewropea (4), ma jintlaħaq għad-detriment tad-diversità lingwistika fuq naħa, u l-kwalità tat-tagħlim lingwistiku enfasizzat mill-Kummissjoni, fuq in-naħa l-oħra.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   L-għażla tal-Kummissjoni li tipproponi l-implimentazzjoni tas-sistema ECVET, b’mod leġislattiv permezz ta’ rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill skont l-Artikolu 150 tat-Trattat, tistabbilixxi qafas li jippermetti l-implimentazzjoni tal-prinċipji li jinsabu fl-ECVET filwaqt li jittieħed approċċ volontarju. Dan l-approċċ ser isaħħaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni li ġie implimentat u li ppermetta skambju wiesa’ ta’ fehmiet fost id-diversi partijiet interessati, fosthom l-imsieħba soċjali.

3.2.   Għalkemm l-approċċ volontarju jippreżenta xi nuqqasijiet, dan itejjeb il-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri bil-għan li jiġu identifikati tajjeb il-problemi li ser jinqalgħu u fuq kollox sabiex jiġu żviluppati l-aktar innovazzjonijiet u soluzzjonijiet adattati. Dan il-proċess jagħmilha possibbli li tiġi ppjanata implimentazzjoni operazzjonali u aktar effiċjenti tal-ECVET b’valur reali miżjud għaċ-ċittadini u l-ħaddiema tal-Ewropa, fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kompetenzi, u b’hekk jiġi promoss it-taħriġ tul il-ħajja u l-mobilità.

3.3.   L-intenzjoni espressa mill-Kummissjoni li twettaq valutazzjoni u tippubblika l-progress, bil-għan li tiżviluppa u tirrevedi b’mod permanenti s-sistema ECVET sabiex tiġi adattata, tindika impenn għall-kooperazzjoni. Ikun xieraq li d-diversi partijiet interessati u b’mod partikulari l-utenti jew ir-rappreżentanti tagħhom jiġu involuti aktar fil-valutazzjoni u t-tħejjija tar-rapport imsemmi fid-dokument.

3.4.   Ir-rieda tal-Kummissjoni li tappoġġja u tippromovi l-mobilità transnazzjonali u l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja fil-qasam tat-tagħlim u tat-taħriġ professjonali trid tiġi tradotta wkoll minn affirmazzjoni kkonsolidata mill-prinċipji mniżżlin fir-Rakkomandazzjoni, dwar il-post u r-rwol tal-partijiet interessati:

l-utenti finali huma l-istudenti volontarji sabiex jivvalidaw il-kwalifiki tagħhom bil-għan ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuta;

is-sistema ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq rikonoxximent tal-kwalifiki permezz ta’ unitajiet ta’ kreditu magħmulin minn punti trid tiggarantixxilhom l-imparzjalità u jkollha l-għan ta’ ugwaljanza ta’ aċċess u ma tikkostitwixxix ostakoli addizzjonali jew kriterji ta’ għażla;

il-kooperazzjoni Ewropea fir-rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u tul il-ħajja kollha hija neċessarja sabiex jinħolqu l-kondizzjonijiet għat-trasparenza u għar-rikonoxximent tal-kwalifiki;

għandhom jiġu implimentati netwerks u sħubijiet, b’mod speċifiku ċċentrati fuq is-sistema ECVET, bil-għan li jiġu żviluppati għodod u prattiki ġodda fir-rigward tal-kuntratti ta’ tagħlim u t-trasferiment tal-krediti;

il-Kummissjoni għandha tassigura li l-istandards li qegħdin jiġu adottati jippermettu t-trattament ġust mhux biss tal-istudenti iżda wkoll tal-korpi ta’ taħriġ. Studji reċenti (5) għadhom juru li l-persuni li jibbenefikaw l-aktar mit-taħriġ tul il-ħajja huma l-persuni li diġà għandhom l-aktar kwalifiki, u dawk li jibbenefikaw lanqas mit-taħriġ tul il-ħajja kollha huma dawk bl-aktar livell baxx jew dawk li m’għandhomx kwalifiki. Hemm diversi raġunijiet għal dan, iżda sitwazzjoni bħal din trid tiġi evitata għaċ-ċertifikati u l-Kummissjoni trid tassigura li s-sistema ta’ ċertifikazzjoni tinkludi wkoll lil dawk l-anqas favoriti fir-rigward ta’ ċertifikati;

F’dan ir-rigward, numru ta’ korpi ta’ taħriġ (assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet) speċjalizzati fil-ħidma mal-anqas kwalifikati, u li akkumulaw esperjenza konkreta tul is-snin, reċentament ġew skartati mis-suq tad-“domanda” f’ċerti Stati Membri, peress li sikwit l-iffrankar li kellu jsir fuq perijodu qasir kien għad-detriment tal-persuni l-anqas “profitabbli”. L-aspetti umani u finanzjarji ta’ din l-esperjenza jridu jitjiebu, partikularment fl-oqsma tal-kultura, tal-ekonomija soċjali u tal-edukazzjoni popolari, li sikwit huma t-triq għat-taħriġ professjonali għal dawn il-persuni.

3.5.   Tħejjew standards komuni għal sistema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa. Dan huwa partikularment delikat fir-rigward ta’ għarfien miksub mill-apprentistati hekk imsejħa informali. L-istandards li għandhom jintlaħqu għandhom jiġu ssortjati u studjati billi jiġu segwiti l-kriterji proposti partikularment minn Cedefop fir-rapport tiegħu (ara n-nota hawn taħt) u billi jiġu kkonsultati l-korpi li kisbu esperjenza solida u inklussiva (li s-suċċess tagħhom mhux ibbażat fuq l-eliminazzjoni u l-għażla inizjali tal-kwalifiki eliġibbli).

3.6.   Il-Kummissjoni trid tikkunsidra l-Komunikazzjoni tagħha dwar “Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti” (6), li tippermetti li tinkludi b’mod aktar mgħaġġel l-akbar numru possibbli ta’ persuni billi tindikaw dawk li l-aktar li għandhom bżonn, persuni li mhux biss huma vulnerabbli jew żvantaġġjati, iżda wkoll li għandhom jingħataw prijorità għal raġunijiet soċjali u umani ta’ inklużjoni u fl-interessi tal-koeżjoni ekonomika u territorjali (7).

3.7.   L-Annessi 1 u 2 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, ispirati mir-rakkomandazzjonijiet ta’ Cedefop (8), huma punti importanti għas-suċċess tas-sistema ECVET peress li dawn jikkontribwixxu għat-trasparenza u l-konsistenza filwaqt li jistabbilixxu prinċipji għal żvilupp fil-livelli kollha. Iridu jkunu s-suġġett ta’ kjarifika, segwitu u pubbliċità akbar bil-għan li jiġu garantiti l-kontinwità u s-sostenibilità tas-sistema.

3.8.   It-twaqqif ta’ direttorju komuni u ta’ qasam komuni ta’ ħatra ta’ oġġetti ta’ tagħlim fil-kuntest ta’ prekonsultazzjoni u konsultazzjoni tal-Kummissjoni, li hija l-pass ’il quddiem, m’għandux iwassalna li nitilfu l-fatt li l-edukazzjoni mhix kwistjoni għal servizzi kummerċjali u li, bil-maqlub, għandha tibqa’ servizz bażiku aċċessibbli għall-akbar numru possibli ta’ persuni, iggarantita kemm mill-investiment pubbliku kif ukoll mill-koeżjoni politika fil-livell nazzjonali u fin-negozjati tal-WTO, jekk irridu nżommu l-kompetittività Ewropea f’sens wiesa’ (interess ġenerali).

3.9.   Jekk irridu nkunu konsistenti, l-objettivi ta’ impjieg deċenti u edukazzjoni ta’ kwalità jridu jimxu id f’id hekk kif il-wegħdiet ta’ kompetittività u sistema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni jridu jkomplu f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali fil-livelli kollha u l-persuni kkonċernati mill-validazzjoni, li, bħala destinatarji, iridu jibqgħu ċ-ċentru ta’ dawn l-objettivi. L-objettivi jridu jibqgħu leġibbli u ċari għall-benefiċjarji kollha: rikonoxximent tal-akkwist fir-rigward tal-kompetenzi, trasferabilità, mobilità ġeografika u professjonali, u fir-rigward tal-operaturi: rikonoxximent u aċċess għall-finanzjament ta’ interess ġenerali. Sistema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni tista’ żżid l-impjegar u l-mobilità jekk tkun mibnija madwar dawn it-tħassibiet: jinżammu l-aktar operaturi effiċjenti (esperjenza; numru ta’ validazzjonijiet ta’ suċċess; kwalità tal-validazzjonijiet); rikonoxximent tal-esperjenza miksuba mill-operaturi (organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet) li ttestjaw b’mod konkret metodi f’sitwazzjonijiet reali; tingħata prijorità u tinstab il-fiduċja tal-operaturi li twarrbu (għajnuna lill-migranti, appoġġ lir-Roma, li l-adulti jkunu jafu jiktbu u jaqraw, appoġġ lingwistiku, eċċ.).

3.10.   Il-Kumitat ifakkar li l-impjegati li attwalment huma l-aktar ikkonċernati mill-mobilità huma l-impjegati rġiel li huma stazzjonati fis-setturi tas-servizzi tal-kostruzzjoni u l-industrija tal-bini, segwiti mis-servizzi tal-kompjuter u s-servizzi tat-teknoloġiji ġodda, u wara t-turiżmu, it-trasport, eċċ.

3.11.   Peress li s-sistema ECVET hija ddedikata speċifikament għat-taħriġ professjonali inizjali u kontinwu, għar-rikonoxximent u għall-validazzjoni tal-kwalifiki formali (edukazzjoni) u mhux formali (esperjenza professjonali), il-Kumitat jirrakkomanda li s-sistema taċ-ċertifikazzjoni tagħti attenzjoni partikulari għat-tagħlim tul il-ħajja kollha u għar-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba mill-ħaddiema stazzjonati (9).

3.12.   Il-valutazzjoni skedata għal erba’ snin oħra għandha tinkludi, fil-proċess tagħha, distribuzzjoni wiesgħa fl-Istati Membri taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li s-sistema tiġi ankrata fl-iżvilupp tas-sistemi attwalment eżistenti u fis-soċjetà ċivili.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Akronimu użat għal “European Credits System for Vocational Education and Training”.

(2)  Sistema ta’ trasferiment ta’ kredits għat-taħriġ superjuri.

(3)  Qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja kollha.

(4)  IP/08/558 Stqarrija tal-Istampa tal-Kummissjoni.

(5)  “Progress towards the Lisbon objectives in Education and Training, Indicators and Benchmarks, 2007”: SEC_(2007) 1284. Sondaġġ tan-NIACE dwar il-parteċipazzjoni mill-adulti fit-tagħlim, “Counting the cost” Jannar 2008. NIACE hija l-Istitut Nazzjonali tal-Edukazzjoni Kontinwa tal-Adulti (National Insititute of Adult Continuing Education), ir-Renju Unit.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti - It-tagħlim dejjem żmienu”, rapporteur: is-Sinjura HEINISCH, (ĠU C 204, 9.8.2008, p. 89).

(7)  Opinjoni tal-KtR tad-19.6.2008 dwar “il-Pjan ta’ azzjoni dwar it-tagħlim lill-adulti – it-tagħlim dejjem żmienu”, rapporteur: is-Sinjura SHIELDS. Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2008.

(8)  Maħluq fl-1975 mir-Regolament (KEE) Nru 337/75 tal-Kunsill, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Professjonali huwa ċ-ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-taħriġ u t-tagħlim professjonali. Rapport minn Erwin SEYFRIED – FHVR-FBAE ta’ Berlin (Kulleġġ għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja – Ċentru ta’ Riċerka dwar it-Taħriġ Professjonali, is-Suq tax-Xogħol u l-Evalwazzjoni/Fachhochschule für Verwaltung und Rechtspflege – Forschungsstelle für Berufsbildung, Arbeitmarkt und Evaluation, Berlin) għaċ-Ċedefop: Panorama: Indicators of quality in vocational education and training.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-għoti ta’ servizzi – jintlaħqu l-aħjar benefiċċji u potenzjal tiegħu filwaqt li jkun garantit il-ħarsien tal-ħaddiema”, rapporteur: is-Sinjura LE NOUAIL-MARLIÈRE (ĠU C 224, 30.8.2008, p. 95).


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/144


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol

COM(2008) 111 finali – 2006/0214 (COD)

2009/C 100/26

Nhar l-4 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur uniku kien is-Sur VERBOVEN.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’102 voti favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-Kumitat japprova l-punti essenzjali tal-Proposta attwali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis ir-riżervi mressqa u, bħala riżultat ta’ dan, timmodifika t-test tal-premessi. Jixtieq li l-Parlament u l-Kunsill japprovaw din il-Proposta malajr kemm jista’ jkun (1).

2.   Raġuni

2.1.   Taqsira tal-Proposta tal-Kummissjoni

2.1.1.   L-għan ta’ din il-Proposta huwa li tinbeda l-kodifikazzjoni tad-Direttiva 89/655/KEE tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1989 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol. Id-Direttiva l-ġdida ser tieħu post l-atti li huma inklużi fil-kodifikazzjoni (2). Skont il-Kummissjoni, id-Direttiva żżomm il-punti ewlenin kollha ta’ dawn l-atti; kulma tagħmel hu li tiġborhom fi gruppi u tagħmlilhom xi emendi formali li huma mitluba mill-kodifikazzjoni.

2.2.   Kummenti

2.2.1.   Il-konformità mar-regoli tas-sigurtà u s-saħħa meta jintuża t-tagħmir tax-xogħol hija aspett importanti tal-miżuri ta’ prevenzjoni. Mill-1989 ’l hawn saret armonizzazzjoni minima ta’ dawn ir-regoli. Id-Direttiva tat-30 ta’ Novembru 1989 kemm-il darba ġiet emendata biex tkopri numru ikbar ta’ sitwazzjonijiet tax-xogħol (l-iktar ix-xogħol fil-għoli) u biex tinkludi approċċ usa’ tas-saħħa fuq ix-xogħol billi tagħmel referenza għall-prinċipji ergonomiċi. L-adozzjoni tad-Direttiva 2007/30/KE biddlet sostanzjalment il-mod kif l-Istati Membri jħejju r-rapporti nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja fl-oqsma tas-saħħa u s-sigurtà. Dawn ir-reviżjonijiet differenti jistgħu joħolqu xi diffikultajiet għad-destinatarji ta’ din il-leġiżlazzjoni.

2.2.2.   Kodifikazzjoni la għandha temenda l-kontenut tal-artikoli tad-direttivi u lanqas dak tal-annessi u l-premessi tagħhom. Dawn it-tipi differenti ta’ dispożizzjonijiet ta’ direttiva jifformaw ġabra koerenti u interdipendenti. Minkejja li l-premessi mhumiex dispożizzjonijiet vinkolanti, huma jgħinu wkoll biex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet vinkolanti u bis-saħħa ta’ dan l-Istati Membri jingħataw xi kriterji biex japplikaw il-leġiżlazzjoni b’mod koerenti. Wara li analizza l-Proposta, il-Kumitat ra li t-test jirrispetta dan il-prinċipju fundamentali fil-kodifikazzjoni tal-artikoli u l-annessi, però jikser dan l-istess prinċipju fil-premessi:

il-Kumitat jinnota li l-premessi (7), (8), (9), (10) u (11) tad-Direttiva 2001/45/KEE kif ukoll il-premessa (9) tad-Direttiva 89/655/KEE ma ġewx inklużi fil-kodifikazzjoni;

b’mod partikolari, il-premessi (10) u (11) tad-Direttiva 2001/45/KEE kienu jiġbdu l-attenzjoni għat-taħriġ speċifiku li jkollhom bżonn il-ħaddiema li jkunu ser jużaw it-tagħmir biex jaħdmu fil-għoli. Il-Kumitat jixtieq li l-Proposta għal kodifikazzjoni ma tħallix barra mill-premessi tagħha rakkomandazzjoni ta’ din ix-xorta;

il-Kumitat jemmen li, b’konformità mad-Deċiżjoni 2003/C 218/01 tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003, il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol għandu jiġi kkonsultat dwar din il-Proposta. Konsultazzjoni ta’ dan it-tip għandha tissemma fil-premessi tad-Direttiva bħalma sar s’issa. Iż-żmien li għadda mill-bidu tal-kodifikazzjoni juri biżżejjed li l-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv setgħet issir mingħajr ebda diffikultà partikolari.

2.2.3.   Fil-kuntest tal-punti li ssemmew hawn fuq, il-Kumitat jaħseb li l-Proposta tal-Kummissjoni hija ġabra razzjonali tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ – din il-ġabra tiċċara dawn id-dispożizzjonijiet mingħajr ma toħloq problemi kbar.

2.2.4.   Il-Kumitat japprova l-punti essenzjali tal-Proposta attwali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis ir-riżervi mressqa u, b’hekk, timmodifika t-test tal-premessi. Jixtieq li l-Parlament u l-Kunsill japprovaw din il-Proposta malajr kemm jista’ jkun.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE tal-15.2.2007 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrigwarda l-ħtiġiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (verżjoni kkondifikata), rapporteur: is-Sur Verboven (ĠU C 97, 28.4.2007).

(2)  Id-Direttiva 89/655/KEE tal-Kunsill, id-Direttiva 95/63/KE tal-Kunsill, id-Direttiva 2001/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/146


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa

COM(2008) 78 finali/3 – 2008/0051 (CNS)

2009/C 100/27

Nhar l-4 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur BURANI.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’107 voti favur, vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tissostitwixxi għal kollox id-direttiva bażi dwar l-applikazzjoni tad-dazju tas-sisa, 92/12/KEE, b’test li jqis l-adozzjoni tal-proċedura elettronika EMCS (Excise Movement and Control System) u jagħtiha bażi legali. Il-Kummissjoni użat din l-opportunità biex tintroduċi xi bidliet u innovazzjonijiet li saru meħtieġa mill-esperjenzi tal-awtoritajiet fl-Istati Membri u tan-negozjanti. Ġew integrati wkoll għadd ta’ proċeduri. F’termini ġenerali, il-partijiet milquta mill-bidliet jew l-innovazzjonijiet ma jqajmux oġġezzjonijiet speċifiċi, iżda l-KESE beħsiebu jikkummenta dwar xi aspetti bħala kontribut għad-diskussjonijiet li ser isegwu.

1.2   Il-Kummissjoni tipproponi data ipotetika tal-1 ta’ Jannar 2009 għad-dħul fis-seħħ tad-direttiva. Madankollu, billi hija konxja li l-analiżi tal-proposta ser iddum ħafna iktar, tipproponi wkoll li l-proċedura tal-EMCS tista’ tiġi adottata l-ewwel mill-Istati Membri li jkunu adottawha, filwaqt li l-oħrajn ikomplu bil-proċedura tal-karta għal ċertu perijodu.

1.3   Il-KESE, flimkien ma’ partijiet interessati oħrajn, għandu ċertu riżervi dwar dan: proċedura doppja tista’ tkun ta’ tfixkil u għalja kemm għall-awtoritajiet kif ukoll għan-negozjanti. Madankollu, l-alternattiva, jiġifieri t-tnedija tal-EMCS meta jkun lest kulħadd, xorta tippenalizza n-negozjanti li jinsabu lesti diġà. Soluzzjoni temporanja, li ma tantx hi sodisfaċenti u li tista’ ddewwem l-EMCS fl-Ewropa b’mod indefinit, tista’ tikkonsisti fl-użu tal-EMCS biss għat-transazzjonijiet interni f’dawk l-Istati Membri li jistgħu jadottaw il-proċedura elettronika. Il-proċedura tal-karta tkun tintuża mill-Istati Membri kollha għat-transazzjonijiet internazzjonali sakemm kulħadd ikun lest biex ibiddel għas-sistema elettronika.

1.4   L-iktar parti importanti tad-dokument tal-Kummissjoni tittratta l-moviment ta’ oġġetti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa; il-KESE jappoġġja d-diversi innovazzjonijiet, għajr xi kjarifiki u proposti (ara l-punti 4.6 sa 4.9) li għandhom x’jaqsmu mal-kunċett, li issa huwa definit b’mod iktar ċar, tat-“telfien għal kollox” tal-oġġetti. Fir-rigward tal-bejgħ f’distanza, il-kliem tal-Artikolu 34 (ara l-punt 4.9) jista’ jwassal għal inċertezzi ta’ natura legali fl-interpretazzjoni dwar il-pajjiż li fih għandu jinġabar id-dazju tas-sisa.

1.5   Il-KESE jipproponi wkoll li tiddaħħal klawżola fid-direttiva l-ġdida li tispeċifika l-limiti kwantitattivi u l-valur safejn ix-xiri li jsir minn ċittadin fi Stat Membru ieħor huwa kkunsidrat li sar minn dik il-persuna bħala “individwu privat”. Hemm ir-riskju ta’ differenzi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni mid-diversi awtoritajiet.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1   Id-Direttiva 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 jistipula dispożizzjonijiet dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, li l-biċċa l-kbira minnhom huma fuq il-karta. Fis-16 ta’ Ġunju 2003, id-Deċiżjoni tal-PE u l-Kunsill Nru 1152/2003/KE introduċiet proċedura kompjuterizzata magħrufa bħala l-EMCS (Excise Movement and Control System) li ssemplifikat l-obbligi tan-negozjanti u bis-saħħa tagħha l-awtoritajiet jistgħu jwettqu monitoraġġ integrat u iktar effettiv. L-introduzzjoni tal-EMCS teħtieġ li jinbidlu d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa.

2.2   Il-Kummissjoni qiegħda tieħu din l-opportunità sabiex tissostitwixxi d-Direttiva 92/12/KEE kollha kemm hi. Barra milli tipprovdi għall-introduzzjoni tal-EMCS, li għaliha tistipola bażi legali, tbiddel b’mod sistematiku d-direttiva preċedenti kollha kemm hi: taġġorna l-lingwaġġ li jintuża u tqis standards leġislattivi ġodda; tfassal it-test mill-ġdid sabiex tagħmel is-struttura tagħha iktar loġika; tneħħi d-dispożizzjonijiet li m’għadhomx jgħoddu; tqis kunċetti legali ġodda; u tissemplifika l-proċeduri sabiex tnaqqas l-obbligi għan-negozjanti mingħajr ma tikkomprometti l-kontrolli.

2.3   It-test il-ġdid jinkorpora wkoll, fil-Kapitolu V, l-aspetti essenzjali tal-proposta COM(2004) 227 – li twarrbet mill-Kunsill fl-2005 - li temenda l-Artikoli 7 sa 10 tad-Direttiva 92/12/KEE, dwar il-moviment intra-Komunitarju tal-oġġetti li diġà tqiegħdu fis-suq.

2.4   Qabel ma saret il-proposta kien hemm konsultazzjoni fuq skala wiesgħa man-negozjanti u l-proposta ġiet żviluppata ma’ grupp ta’ ħidma ta’ speċjalisti taħt id-direzzjoni tal-Kumitat tad-Dazju. Din hija proċedura xierqa li għandha twassal sabiex l-aspetti tekniċi tad-dokument jiġu diskussi mingħajr kontroversja żejda.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni għal din l-inizjattiva, li pproduċiet dokument li huwa strutturat aħjar mill-oriġinali, magħmul iktar bir-reqqa u jirrifletti l-ħtieġa li titnaqqas il-burokrazija. B’mod partikulari, iqis iktar il-ħtiġijiet tan-negozjanti mingħajr ma jnaqqas il-livelli tal-kontroll, li fil-fatt għandhom isiru iktar effettivi bl-introduzzjoni tal-proċeduri tal-EMCS.

3.2   L-iktar parti importanti tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tittratta l-movimenti tal-oġġetti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa, bil-proċeduri bbażati fuq l-EMCS. Skont id-Deċiżjoni 1152/2003 l-EMCS għandha tiġi introdotta f’April 2009; filwaqt li hemm bażi għas-suspett li din id-data ta’ skadenza taf ma tiġix rispettata minn ċerti pajjiżi, huwa kważi ċert li mhux il-pajjiżi kollha ser jilħqu jikkonformaw. Fi kwalunkwe każ, hemm bżonn perijodu ta’ aġġustament għas-sistema, li jfisser kooperazzjoni stretta bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u għalhekk l-armonizzazzjoni tal-proċeduri interni: kwistjoni kemxejn kumplessa f’termini amministrattivi, tekniċi u operattivi. Il-Kummissjoni hija konxja ta’ dan, u filwaqt li tipproponi li d-direttiva tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2010, tistipula perijodu intermedju addizzjonali għall-Istati Membri li waqtu l-parti rilevanti tad-direttiva oriġinali tkompli tapplika.

3.3   L-Istati Membri issa impenjaw ruħhom li jintroduċu l-EMCS, iżda m’hemm l-ebda garanzija li kollha se jagħmlu dan minn jeddhom u x’aktarx għad jistgħu jinħolqu l-ostakli għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha. Wieħed għandu jistenna li ser ikun hemm reżistenza, probabbli l-iktar fuq bażi teknika iżda essenzjalment għal raġunijiet oħra. Il-preċedent tal-proposta għal direttiva COM(2004) 227, li ssemma fil-punt 2.3, dwar il-moviment intra-Komunitarju tal-oġġetti diġà rilaxxati għall-konsum, mhuwiex sinjal tajjeb: wara negozjati iebsin ġie deċiż li l-kwistjoni tiġi “sospiża” sakemm issir analiżi tas-suġġett, iżda l-proposta attwali hija essenzjalment riproduzzjoni ta’ dik ta’ qabilha.

3.4   L-iktar kwistjonijiet sensittivi huma ta’ natura politika u ekonomika. Kull Stat Membru japplika dazji tas-sisa differenti għal oġġetti differenti, li jwassal għall-fenomenu magħruf sew tax-xiri transkonfinali bbażat fuq l-iffrankar. Skont il-prinċipji tas-suq uniku, kull individwu għandu jkun jista’ jgawdi mid-differenzi fil-prezzijiet mhux biss fil-livell nazzjonali iżda wkoll u fuq kollox mix-xiri transkonfinali, iżda tidħol l-inċertezza dwar dawn il-prinċipji meta fin-nofs ikun hemm it-taxxa. Fil-fatt huwa ċar li kull Stat Membru ma japprovax din il-prattika meta tkun ta’ ħsara għalih iżda ma jagħtix kas meta tkun ta’ vantaġġ għalih. Kull tip ta’ prodott soġġett għad-dazju tas-sisa huwa milqut minn din is-sitwazzjoni u d-diskussjonijiet reċenti dwar it-tabakk, l-alkoħol u d-diżil huma xhieda ta’ dan (1): ir-raġunijiet li ngħataw kienu s-saħħa, l-ordni pubblika, ir-rispett għall-ambjent u l-ħsara lill-ekonomija. Madankollu, kien hemm raġunijiet oħra għal dan li mhux dejjem jissemmew b’mod ċar, li għandhom x’jaqsmu mat-taxxa. Għaldaqstant, il-fehmiet differenti jinbtu mill-politiki soċjali, ekonomiċi u fiskali adottati minn kull Stat Membru: fil-livell Komunitarju l-kwistjoni ssir purament waħda politika.

3.5   Il-KESE huwa konxju tan-natura sensittiva tal-kwistjoni u d-diffikultajiet li kull Stat Membri jista’ jiltaqa’ magħhom fin-negozjati mistennija; is-suċċess tagħhom jiddependi mil-livell ta’ flessibbiltà li ser tkun meħtieġa sabiex jintlaħqu deċiżjonijiet kollettivi. Kull gvern ser ikollu jsib bilanċ bejn il-ħtiġijiet tiegħu u l-konċessjonijiet tas-sisa li jrid jagħmel lill-oħrajn. Fi kliem ieħor, ikollu jsib mod sabiex jikseb l-għanijiet soċjali u baġitari tiegħu filwaqt li jirrikonċiljahom ma’ sistema konġunta tas-sisa, u mhux bil-maqlub.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   F’din it-taqsima, il-KESE ser iħares lejn l-elementi il-ġodda ewlenin u l-bidliet introdotti mill-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-leġislazzjoni attwali. Mhuwiex ser jikkummenta dwar aspetti li ma jidhrux kontroversjali, li għandhom l-għan li jissemplifikaw it-test jew li jinbtu mis-sens komuni jew l-iżvilupp naturali f’dan il-qasam.

4.2   Kif issemma fil-punt 3.2 hawn fuq, għalkemm id-direttiva proposta ser tirrevoka d-direttiva 92/12/KEE, il-movimenti li jsiru fuq il-karta mhumiex ser jinżammu hekk kif tidħol fis-seħħ: għal perijodu transizzjonali ser tippermetti l-movimenti li jkollhom id-dokumenti stampati magħhom. Ħadd ma jista’ jbassar kemm ser idum dan il-perijodu: ċertament sakemm l-EMCS tiġi adottata mill-Istati Membri kollha s-sistema tista’ tiffaċċja problemi serji. Il-KESE josserva l-piżijiet fuq in-negozjanti – iżda wkoll fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri – li bil-fors iridu jaħdmu kemm bis-sistema elettronika kif ukoll dik tal-karta skont il-pajjiż tad-destinazzjoni.

4.2.1   L-alternattiva, li s-sistema tiddaħħal biss meta titħaddem fl-Istati Membri kollha twassal għall-periklu li l-proġett jiġi pospost għall-futur fil-bogħod. Barra minn hekk, iġiegħel lil dawk l-Istati Membri li huma lesti li jużaw il-proċedura elettronika sabiex jistennew lill-oħrajn jilħquhom: sitwazzjoni inaċċettabbli li tippenalizza dawk li jkunu ssodisfaw l-obbligi tagħhom fil-ħin, iżda, iktar u iktar, lin-negozjanti.

4.2.2   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-proposta ta’ xi esperti li, għalkemm mhijiex soluzzjoni perfetta, tidher li toffri kompromess aċċettabbli jekk mhux ottimali: dawk l-Istati Membri li huma lesti, jistgħu jużaw il-proċedura elettronika għall-movimenti domestiċi, u l-proċedura tal-karta tinżamm għan-negozju internazzjonali. B’hekk is-sistema tkun ipprovata fil-livell nazzjonali qabel ma tinxtered fil-livell Komunitarju meta l-Istati Membri kollha jkunu lesti.

4.3   Il-Kapitolu I (Dispożizzjonijiet ġenerali) ma jagħmel l-ebda bidliet sostanzjali fir-rigward tad-Direttiva 92/12: jipprovdi biss qafas aħjar għas-suġġett b’xi aġġustamenti, definizzjonijiet ġodda u bidliet żgħar.

4.4   Fil-Kapitolu II (Meta japplika d-dazju tas-sisa), il-bidla introdotta mill-Artikolu 7(4) tipprovdi għat-“telfien għal kollox” ta’ oġġett taħt is-sospensjoni tad-dazju tas-sisa li għandu jiġi eżentat mit-taxxa. It-terminu l-ġdid “telfien għal kollox” jirreferi għal prodott li m’għadux jista’ jintuża irrispettivament miċ-ċirkustanzi tat-telfien. L-element li huwa ġenwinament ġdid huwa l-fatt li d-direttiva m’għadhiex teħtieġ provi ta’ “force majeure”, iżda l-KESE josserva li kull Stat Membru għadu jista’ jistabbilixxi r-regoli dwar is-suġġett.

4.5   Il-Kapitolu III (Il-produzzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma) jintroduċi element ġdid importanti: “mħażen tat-taxxa” jistgħu jiġu awtorizzati għal persuni residenti fi Stat Membru ieħor. Għalkemm dan jorbot mal-prinċipji tas-suq uniku, ġieli ġew imposti xi restrizzjonijiet.

4.6   Il-Kapitolu IV (Il-movimenti tal-oġġetti tas-sisa taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa) jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġodda: l-Artikolu 16 jistipula li l-oġġetti jistgħu jinġarru mhux biss sal-imħażen tat-taxxa iżda wkoll s’għand individwi jew negozji awtorizzati (“il-konsenjatarji temporanji reġistrati”), u soġġett għall-awtorizzazzjoni, sa “post ta’ twassil dirett” speċifikat minn konsenjatarju temporanju awtorizzat. Il-KESE japprova dan u jappella għal proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu effettivi biżżejjed sabiex jevitaw l-abbuż. Madankollu, ikun rakkomandabli li tingħata definizzjoni preċiża tal-professjonijiet li jirreferu għalihom it-termini użati fid-direttiva.

4.7   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin (l-Artikoli 17-19) jikkonċernaw il-garanziji għall-kopertura tar-riskji li jkunu marbuta mal-moviment taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa u m’hemmx bżonn ta’ kummenti speċifiċi. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 2 (l-Artikoli 20-27) huma importanti b’mod partikulari, fir-rigward tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti dwar il-moviment ta’ oġġetti taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa. L-esperti jemmnu li l-adozzjoni ta’ dawn il-proċeduri għandha tiġi analizzata bir-reqqa sabiex jiġi assigurat li tippermetti l-monitoraġġ effettiv u li tikkonforma mar-riżorsi tal-amministrazzjonijiet. Madankollu, il-KESE josserva li l-Artikolu 20(1)(2) u (3) jistipula li l-moviment ta’ prodotti tas-sisa jista’ jsir biss kemm-il darba jkun hemm dokument amministrattiv elettroniku. Din ir-regola ser ikollha tiġi adattata sabiex tirrifletti s-sistema adottata għat-transizzjoni minn mezzi fuq il-karta għal dawk elettroniċi.

4.8   Il-Kapitolu V jirrigwarda l-moviment u t-tassazzjoni tal-prodotti tas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum u ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni ġdida. Huwa jtenni l-prinċipju li l-oġġetti għandhom jiġu intaxxati fil-pajjiż fejn ġew akkwistati jekk qegħdin jinżammu minn individwi privati (l-Artikolu 30), u fil-pajjiż tal-konsum jekk qed jinżammu għal skopijiet kummerċjali (l-Artikolu 31), u jikkonferma r-regoli eżistenti dwar l-identifikazzjoni tal-persuna li għandha tħallas id-dazju fuq il-prodotti fl-istadju ta’ transitu.

4.9   Id-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34 dwar il-bejgħ f’distanza huwa importanti b’mod partikulari: id-deroga mill-Artikolu 30 tistipula li l-prodotti li nxtraw minn individwi privati u mibgħuta jew trasportati lejn Stat Membru ieħor direttament jew indirettament mill-bejjiegħ jew f’ismu huma soġġetti għad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru tad-destinazzjoni. Għaldaqstant, għandu jinftiehem li jekk il-prodotti li jinxtraw mix-xerrej jintbagħtu fl-indirizz tiegħu, dawn ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru fejn inxtraw.

4.9.1   Il-KESE jinsab imħasseb li din id-dispożizzjoni tista’ twassal għal problemi ta’ interpretazzjoni: fil-bejgħ f’distanza, ix-xiri jsir fil-post tar-residenza tal-bejjiegħ meta jsir il-ħlas. Għaldaqstant, ix-xerrej, li huwa sid l-oġġetti, legalment għandu d-dritt jagħti struzzjonijiet lil min irid (inkluż il-bejjiegħ) u jibgħtilhom l-oġġetti fuq l-ordnijiet tagħhom jew f’isimhom. Mil-lat legali, u għall-kuntrarju tal-prinċipju tat-tassazzjoni fil-punt tal-konsum veru, il-prodotti huma, għaldaqstant, meqjusa li jkunu nxtraw minn individwu privat u mibgħuta jew trasportati f’isimhom u għalhekk huma soġġetti għad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru fejn inxtraw, anki jekk ikunu intbagħtu mill-bejjiegħ.

4.10   Il-KESE josserva wkoll li jidher li hemm lakuna fl-Artikolu 34: il-limiti ta’ kwantità u ta’ valur tal-prodotti li jinxtraw minn “individwu privat” mhumiex identifikati. Sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi bejn il-miżuri applikati minn kull Stat Membru fis-suq uniku, jinħtieġ li jiġu speċifikati kriterji uniformi. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, imma mhux biss, il-KESE jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu regoli aktar ċari u trasparenti; dan jissemplifika l-ħajja taċ-ċittadini u tal-azjendi.

4.11   Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI (Mixxelanji) jirrigwardaw l-immarkar u ż-żamma tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-imħażen għad-dgħajjes u l-ajruplani. L-Artikolu 38 jirrigwarda l-produtturi ż-żgħar tal-inbid (sa 1 000 ettolitru), li jibbenefikaw mill-proċeduri semplifikati marbuta mal-produzzjoni u ż-żamma tal-prodotti tas-sisa.

4.12   Il-Kapitolu VII (Dispożizzjonijiet finali) jikkonferma r-rwol tal-Kumitat eżistenti dwar id-dazju tas-sisa u d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni; id-Direttiva 92/112/KEE għandha tiġi revokata f’data (l-1 ta’ April 2009) li l-Kummissjoni b’mod prudenti qiegħda timmarka bħala waħda li hija miftuħa għad-diskussjoni; l-istess japplika għall-perijodu ta’ transizzjoni (bid-data finali ipotetika tal-31 ta’ Diċembru 200...) li matulu l-Istati Membri jistgħu jkomplu joperaw taħt id-direttiva preċedenti. Flimkien ma’ istituzzjonijiet u esperti oħrajn, il-KESE jemmen li dawn id-dati huma purament indikattivi u għandhom jitressqu lura sabiex il-perijodi jsiru realistiċi, partikularment fil-kuntest tad-diffikultajiet prattiċi marbuta mal-implimentazzjoni sħiħa tal-EMCS.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-aħħar proposta għad-direttivi:

 

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/12/KEE dwar l-iskema ġenerali, għall-pussess, għaċ-ċirkolazzjoni u għall-kontrolli tal-prodotti li huma soġġetti għas-sisa (Ippreżentati b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/12/KEE);

 

Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE fir-rigward ta’ l-aġġustamenti ta’ arranġamenti speċjali ta’ taxxa fuq il-gas oil li jintuża bħala fjuwil tal-magna għal skopijiet kummerċjali u għall-koordinazzjoni tat-tassazzjoni tal-petrol bla ċomb u tal-gas oil li jintużaw bħala fjuwil tal-magni (COM(2007) 52 finali – 2007/0023 (CNS));

 

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (verżjoni kkodifikata) (COM(2007) 587 finali).


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/150


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji u l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 biex jiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji

COM(2008) 147 finali – 2008/0058 (CNS) 2008/0059 (CNS)

2009/C 100/28

Nhar it-3 ta’ April 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji u

il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 biex jiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Ottubru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur SALVATORE.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’114-il vot favur, vot kontra u astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda s-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji u l-proposta relatata għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003.

1.2.   L-emendi proposti jissodisfaw id-domanda - li kulma jmur qed tikber - għas-semplifikazzjoni, l-effettività, u l-effiċjenza u jiggarantixxu rabta aktar evidenti bejn il-miżuri ta’ semplifikazz-joni amministrattiva u l-kapaċità tal-Istati Membri li jiġġieldu u jrażżnu l-fenomenu tal-frodi intra-Komunitarji.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Il-proposta sabiex jiġu emendati d-Direttiva u r-Regolament li qed jiġu analizzati hawnhekk, li hija r-riżultat ta’ diskussjonijiet fit-tul fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, għandha l-għan espliċitu li tipprovdi lill-awtoritajiet bi strumenti effettivi u vinkolanti li permezz tagħhom jistgħu jeliminaw jew għall-anqas irażżnu l-kondotti frodulenti li ta’ spiss jintużaw bl-iskop li jfixklu t-tħaddim normali u korrett tas-suq intern.

2.2.   Fuq dan il-punt, huwa tajjeb li nżommu f’moħħna li n-natura speċifika tal-frodi illegali Komunitarja tidher taħt diversi forom u oqsma ta’ attività, mill-iffalsifikar kriminali tal-alkoħol u t-tabakk, u l-kuntrabandu, sa reati li jolqtu direttament il-fiskalità, u l-evażjoni tal-VAT, li huwa reat komuni ħafna.

2.3.   L-evażjoni tal-VAT ingħatat attenzjoni partikulari; fl-isfond hemm l-idea li ssir bidla radikali fis-sistema attwali tal-VAT għall-kummerċ Komunitarju, li, skont il-prinċipju tat-trattament indaqs fir-rigward tal-merkanzija nazzjonali u merkanzija ġejja mill-Istati Membri l-oħra, hija bbażata fuq is-sistema ta’ taxxa li tiġi applikata skont id-destinazzjoni, fi kliem ieħor, fl-Istat Membru li fih huwa rreġistrat ix-xerrej għall-iskopijiet tal-VAT.

2.4.   Dan l-aħħar prinċipju, li fil-fatt irregola b’mod transitorju s-sistema tal-kummerċ Komunitarju, fuq naħa ppermetta li l-merkanzija tiċċaqlaq bejn il-pajjiżi tal-UE mingħajr ma tiġi intaxxata u għalhekk assigurat iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija, u fuq in-naħa l-oħra, ikkawża ħsara konsiderevoli lill-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea. Irridu biss naħsbu fuq il-prattika stabbilita ta’ frodi fl-UE msejħa “il-katina tal-evażjoni” li ġiet deskritta fil-qosor b’mod ċar u sempliċi fil-“Komunikazzjoni [tal-2006] tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa” (1), u ngħatat id-definizzjoni li ġejja: “Teżisti evażjoni partikulari msejħa ‘il-katina tal-evażjoni’ li tuża l-aktar il-kombinazzjonijiet tal-ħidmiet interni fi Stat Membru (bir-radd lura tal-VAT) u l-ħidmiet intra-Komunitarji (mingħajr ir-radd lura tal-VAT bejn il-kuntrattanti).”

2.5.   Il-KESE diġà ttratta l-kwistjoni diversi drabi u pprovda indikazzjonijiet utli li ġew evalwati b’attenzjoni matul it-tħejjija ta’ din l-opinjoni (2).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Minħabba l-bżonn li jiġi miġġieled il-fenomenu li issa nfirex sew, li huwa stmat li jiswa bejn it-2 u t-2.5 % tal-PGD tal-UE, il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud biex tiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazz-jonijiet intra-Komunitarji, flimkien mal-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 biex jiġġieled il-frodi fiskali marbuta mat-transazzjonijiet intra-Komunitarji, jappoġġjaw l-impenn ikkonfermat f’komunikazzjoni preċedenti u komprensiva: “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill li tikkonċerna wħud mill-elementi ewlenin li jikkontribwixxu biex tiġi stabbilita l-istrateġija kontra l-frodi tal-VAT fi ħdan l-UE” (3), waqt li tistabbilixxi b’mod ċar il-miżuri konkreti li għandhom jiġu adottati.

3.2.   Dan l-approċċ fil-fatt kien diġà jidher fil-komunikazzjoni msemmija hawn fuq, li enfasizzat li “Minkejja l-impenn tagħha li tikkompleta analiżi tal-bidliet potenzjali fis-sistema tal-VAT, il-Kummissjoni ma tara l-ebda kontradizzjoni filli tkompli parallelament dibattitu dwar dawk li jissejħu l-miżuri konvenzjonali. Li l-awtoritajiet fiskali jkunu pprovduti b’għodod aktar moderni u effiċjenti sabiex jiġġieldu l-frodi fiskali huwa għan li għandu jiġi segwit ikun xi jkun il-każ, indipendentement mid-deċiżjonijiet li ser jittieħdu dwar il-miżuri aktar mifruxa.”

3.3.   Fil-fatt, peress li l-proposta twarrbet għal perijodu medju sabiex isiru bidliet sostanzjali għas-sistema tal-VAT, inkluża l-idea li s-sistema tal-ġbir tal-VAT tinbidel radikalment, il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva tal-Kunsill li jintroduċi miżuri inqas ambizzjużi, iżda xorta waħda effettivi, fil-qafas tal-leġislazzjoni attwali tal-VAT.

3.4.   Il-KESE jilqa’ l-emendi proposti; jindika li dawn il-korrezzjonijiet speċifiċi għad-Direttiva tal-VAT jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ semplifikazzjoni u effiċjenza invokati anke matul il-ħidma preparatorja fuq il-proposta. Dawn l-emendi jiggarantixxu wkoll rabta aktar evidenti bejn il-miżuri maħsuba għal semplifikazzjoni amministrattiva u l-kapaċità tal-Istati Membri li jiġġieldu u jrażżnu dan il-fenomenu transnazzjonali.

3.5.   B’mod aktar speċifiku, ir-rieda li jitnaqqas, hekk kif jissemma fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni inkorporat fil-proposta ta’ Direttiva, “iż-żmien bejn il-waqt li fih issir transazzjoni u bejn il-waqt li fih l-informazzjoni rilevanti titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru” – jiġifieri li jitnaqqas għal xahar il-perijodu għad-dikjarazzjoni tat-transazzjonijiet intra-Komunitarji fid-dikjarazzjonijiet ta’ rikapitulazzjoni, flimkien mal-proposta li jitnaqqas minn tliet xhur għal xahar il-perijodu tal-bgħit ta’ din l-informazzjoni bejn l-Istat Membri - tesprimi b’mod legali l-idea li ma jiġux iġġenerati obbligi amministrattivi sproporzjonati. Dan madankollu għandu jimxi id f’id ma’ kapaċità akbar ta’ investigazzjoni u ġestjoni aħjar tar-riskji min-naħa tal-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri, fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi Komunitarja.

3.6.   Iċ-ċarezza legali, is-semplifikazzjoni tal-obbligi u użu akbar tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni amministrattiva jidhru li jikkaratterizzaw id-dispożizzjonijiet l-oħra li jemendaw id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE.

3.7.   Fost dawn, apparti l-fatt li qed ikun hemm skambju ta’ informazzjoni aktar ta’ spiss, hemm il-proposta li fl-informazzjoni miġbura sabiex tiġi miġġielda l-frodi tiġi inkluża l-informazzjoni dwar l-akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u servizzi minn provveditur stabbilit fi Stat Membru ieħor, li fuqhom il-klijent huwa obbligat iħallas il-VAT, kif ukoll id-dispożizzjoni li x-xerrejja jew il-klijenti li jwettqu transazzjonijiet għal ammont ogħla minn EUR 200 000 huma obbligati li jibagħtu d-dikjarazzjonijiet tagħhom tal-VAT kull xahar. Hemm ukoll l-emenda li tarmonizza r-regoli dwar il-VAT fuq is-servizzi sabiex it-transazzjonijiet jiġu ddikjarati fl-istess perijodu mill-bejjiegħ u mix-xerrej.

3.8.   Fil-fehma tal-Kumitat, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet regolatorji, b’mod partikulari, ifissru fil-qosor ir-raġuni wara l-modifika tad-Direttiva, u jsibu kompromess bejn il-ħtiġiet ta’ obbligi addizzjonali, ir-raġunijiet għat-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi (parti żgħira tal-intrapriżi ser tkun ikkonċernata) u l-provvista ta’ aktar informazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet finanzjarji.

3.9.   Fi kliem ieħor, ir-ritmu aktar sostnut tal-bgħit tal-informazzjoni dwar l-iskambji kummerċjali għandu jkun ibbilanċjat mill-kapaċità tal-awtoritajiet fiskali li jittrattaw volumi akbar ta’ informazzjoni, li jwasslu għal mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni aktar effiċjenti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Il-Kumitat jaqbel mal-emenda tal-Artikolu 250(2), li tippermetti li l-kumpaniji jressqu d-dikjarazzjonijiet b’sistema elettronika. Dan il-mod, apparti li jnaqqas il-marġni ta’ żball fil-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni, inaqqas l-ispejjeż kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-awtoritajiet.

4.2.   Il-Kumitat japprova d-dispożizzjoni li tipprevedi deroga għall-kumpaniji li jintlaqtu b’mod okkażjonali jew eċċezzjonali mid-dispożizzjonijiet emendati.

4.3.   Il-Kumitat jilqa’ wkoll l-Artikolu 251(f) il-ġdid, li apparti li jkopri l-ġbir tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT fuq l-oġġetti, issa jkopri wkoll il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet għall-akkwist ta’ servizzi li jippermetti valutazzjoni aktar effettiva tal-informazzjoni skambjata u jgħin sabiex tiġi evitata l-evażjoni tal-VAT anke fil-qasam tas-servizzi.

4.4.   It-tnaqqis għal xahar tal-perijodu ta’ taxxa, minkejja li ma jistax jitqies bħala deterrent totali, ċertament huwa titjib sostjanzjali bil-għan li jiġu armonizzati r-regoli għall-iċċarġjar tal-VAT fuq is-servizzi sabiex l-informazzjoni mressqa mill-bejjiegħ u mix-xerrej tkun tista’ titqabbel.

4.5.   Il-konswegwenza ta’ dawn ir-regoli għat-tressiq tad-dikjarazzjoni tal-VAT hija l-perijodu ta’ żmien disponibbli sabiex jitressqu d-dikjarazzjonijiet ta’ rikapitulazzjoni.

4.6.   Hija importanti wkoll id-dispożizzjoni suċċessiva li tawtorizza anke f’dan il-każ il-bgħit tal-informazzjoni b’mod elettroniku.

4.7.   It-talba għal tabella ta’ korrelazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u d-Direttiva nnifisha hija meqjusa bħala utli, peress li hija inizjattiva maħsuba sabiex tivverifika b’mod aktar profond il-firxa estensiva ta’ informazzjoni li attwalment tiġi pprovduta mill-kumpaniji lill-awtoritajiet fiskali, anke minħabba d-diversi bidliet li ser iseħħu fil-ġejjieni.

4.8.   Fl-aħħar, għandu jiġi nnotat li l-emenda tad-Direttiva teħtieġ li r-Regolament relatat ikun emendat ukoll.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2006) 254 finali.

(2)  Opinjonijiet tal-KESE dwar “Proposta ta’ Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (tiswir mill-ġdid)”ĠU C 74, 23.3.2005, p. 21 u dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa”, ĠU C 161, 13.7.2007, p. 8.

(3)  COM(2007) 758 finali.


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/153


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE bejn Stati Membri (Verżjoni kkodifikata)

COM(2008) 492 finali – 2008/0158 CNS

2009/C 100/29

Nhar il-25 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 94 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE bejn Stati Membri (Verżjoni kkodifikata)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), b’115-il vot favur u 3 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost

 

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/154


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament (KE) tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar il-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, rigward ċerti proġetti li jiġġeneraw dħul

COM(2008) 558 finali/2 – 2008/0186 AVC

2009/C 100/30

Nhar it-8 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament (KE) tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar il-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, rigward ċerti proġetti li jiġġeneraw dħul

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-23 ta’ Ottubru) li jaħtar lis-Sur DASSIS bħala rapporteur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’45 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jieħu nota tal-Proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġi emendat l-Artikolu 55 tar-Regolament 1083/2006 u jilqa’ dan il-pass sabiex jitnaqqas il-ħlas amministrattiv li dan jimponi.

1.2.   Il-KESE japprova l-proposta.

2.   Raġuni

2.1.   L-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1083/2006, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew ta’ Żvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, jistabbilixxi l-proċeduri tal-ġestjoni u d-dispożizzjonijiet relatati mal-kontribut ta’ dawn il-fondi għall-proġetti li jiġġeneraw dħul. L-Artikolu 55 jistabbilixxi wkoll limitu ta’ EUR 200 000 li jekk jinqabeż iridu jiġu applikati dawn id-dispożizzjonijiet.

2.2.   Dawn id-dispożizzjonijiet ma jidhrux li huma adattati għall-proġetti kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew, li essenzjalment jiffinanzja operazzjonijiet immaterjali. Dawn jimponu wkoll ħlas amministrattiv sproporzjonat fuq l-operazzjonijiet żgħar kofinanzjati mill-FEŻR jew mill-Fond ta’ Koeżjoni.

2.3.   Minħabba li huwa impossibbli li tiġi solvuta l-kwistjoni tal-ħlas amministrattiv impost mill-Artikolu 55 bl-interpretazzjoni tiegħu, u wara konsultazzjonijiet informali mal-Istati Membri, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi modifika għall-Artikolu 55 sabiex id-dispożizzjonijiet tiegħu minn issa ’l quddiem japplikaw biss għall-operazzjonijiet kofinanzjati mill-FEŻR jew mill-Fond ta’ Koeżjoni u li l-ispiża totali tagħhom taqbeż il-EUR 1 miljun. Skont il-Kummissjoni, din ir-reviżjoni teknika ser tħaffef b’mod sinjifikanti l-ġestjoni ta’ dawn il-proġetti.

Brussell, 23 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/155


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (riformolat)

COM (2007) 443 finali – 2007/0163 (COD)

2009/C 100/31

Nhar is-17 ta’ Settembru 2007 il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 150 li jistabbilixxi l-Komunità Ewropa, li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (riformolat).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru), b’118-il vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI