ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 75E

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 52
31 ta' Marzu 2009


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUNSILL

2009/C 075E/01

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 10/2009 adottata mill-Kunsill fid-9 ta’ Jannar 2009, bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija ( 1 )

1

2009/C 075E/02

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 11/2009 adottata mill-Kunsill fid-9 ta’ Jannar 2009, bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-network għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 ( 1 )

16

2009/C 075E/03

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 12/2009 adottata mill-Kunsill fid-9 ta’ Jannar 2009, bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trasmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 ( 1 )

38

2009/C 075E/04

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 13/2009 adottata mill-Kunsill fis-16 ta’ Frar 2009, bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 ( 1 )

58

2009/C 075E/05

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 14/2009 adottata mill-Kunsill fis-16 ta’ Frar 2009, bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Grupp ta' Regolaturi Ewropew fit-Telekomunikazzjonijiet (GRET) ( 1 )

67

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


III Atti preparatorji

IL-KUNSILL

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 75/1


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 10/2009

adottata mill-Kunsill fid-9 ta' Jannar 2009

bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament (KE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2009/C 75 E/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 intitolata “Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa” enfasizzat l-importanza li jiġi kkompletat s-suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali. It-titjib tal-qafas regolatorju fuq livell Komunitarju ġie identifikat bħala miżura ewlenija sabiex jintlaħaq dan il-għan.

(2)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/796/KE (4) twaqqaf grupp konsultattiv indipendenti dwar l-elettriku u l-gass, imsejjaħ il-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass (“l-ERGEG”) bil-għan li jiffaċilita l-konsultazzjoni, il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-korpi regolatorji tal-Istati Membri, u bejn dawk il-korpi u l-Kummissjoni, bil-ħsieb tat-tisħiħ tas-suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali. Dak il-grupp huwa magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali stabbiliti taħt id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (5) u d-Direttivia 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (6).

(3)

Il-ħidma li saret mill-ERGEG mindu ġie stabbilit ikkontribwixxiet b'mod pożittiv għas-suq intern tal-elettriku u l-gass. Madankollu, hemm kunsens wiesa' fis-settur, u kif ġie propost mill-ERGEG innifsu, li l-koperazzjoni volontarja bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali issa għandha sseħħ fi ħdan struttura Komunitarja b'kompetenzi ċari u bis-setgħa li tadotta deċiżjonijiet regolatorji individwali f'għadd ta' każijiet speċifiċi.

(4)

Il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007 stieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi miżuri rigward l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti għall-koperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali.

(5)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-impatt rigward ir-riżorsi meħtieġa għal entità ċentrali, ġie konkluż li entità ċentrali indipendenti toffri għadd ta' vantaġġi għall-perijodu fit-tul minn għażliet oħra. Għaldaqstant, għandha tiġi stabbilita Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”).

(6)

L-Aġenzija għandha tiżgura li l-funzjonijiet regolatorji nazzjonali li jitwettqu mill-awtoritajiet regolatorji taħt id-Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (7) u d-Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gas naturali (7) ikunu kkoordinati sewwa, u fejn meħtieġ, li jiġu kkompletati fuq il-livell Komunitarju. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu garantiti l-indipendenza tal-Aġenzija, il-kapaċitajiet tekniċi u regolatorji tagħha kif ukoll it-trasparenza u l-effiċjenza tagħha.

(7)

L-Aġenzija għandha tissorvelja l-koperazzjoni reġjonali bejn l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni fis-setturi tal-elettriku u tal-gass kif ukoll fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tan-Network Ewropew għall-Operaturi ta' Sistemi ta' Trasmissjoni tal-Elettriku (“l-ENTSO tal-Elettriku”), u n-Network Ewropew għall-Operaturi ta' Sistemi ta' Trasmissjoni tal-Gass (“ENTSO tal-Gass”). L-involviment tal-Aġenzija huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata li l-koperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni tipproċedi b'mod effiċjenti u trasparenti għall-benefiċċju tas-suq intern tal-elettriċita u l-gass naturali.

(8)

L-Aġenzija għandha rwol importanti fl-iżvilupp ta' qafas ta' Linji Gwida mhux obbligatorji li magħhom għandhom ikunu konformi l-kodiċijiet tan-network. Huwa wkoll meqjus adegwat u konsistenti mal-fini tagħha, li l-Aġenzija jkollha rwol fir-reviżjoni ta' kodiċijiet tan-network (kemm meta dawn jinħolqu kif ukoll meta jiġu modifikati) sabiex tiġi żgurata l-konformita' tagħhom mal-Linji Gwida mhux obbligatorji f'tali qafas, qabel ma tkun tista' tirrakkomandahom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni.

(9)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut qafas li fih l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jikkoperaw. Dak il-qafas għandu jiffaċilita l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-elettriku u tal-gass madwar il-Komunità kollha. Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw aktar minn Stat Membru wieħed, l-Aġenzija għandha tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet individwali. Dik is-setgħa għandha, taħt ċerti kondizzjonijiet, tkopri kwistjonijiet tekniċi, ir-reġim regolatorju għall-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass li tikkonnetja jew li tista' tikkonnetja tal-anqas żewġ Stati Membri, u, bħala l-aħħar rimedju, eżenzjonijiet mir-regoli tas-suq intern għal interkonnetturi ġodda tal-elettriku u għall-infrastrutturi ġodda tal-gass li jinsabu f'aktar minn Stat Membru wieħed.

(10)

Ladarba l-Aġenzija għandha s-superviżjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, għandha jkollha rwol ta' konsulenza lejn il-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet tar-regolamentazzjoni tas-suq. Din għandha tkun meħtieġa wkoll tinforma lill-Kummissjoni meta ssib li l-koperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ma tipproduċix ir-riżultati meħtieġa jew meta awtorità regolatorja nazzjonali li d-deċiżjoni tagħha tmur kontra l-Linji Gwida ma tikkonformax adegwatament mal-opinjoni tal-Aġenzija.

(11)

L-Aġenzija għandha tkun tista' toħroġ Linji Gwida mhux obbligatorji sabiex tgħin lill-awtoritajiet regolatorji u l-atturi fis-suq jikkondividu bejniethom prassi tajba.

(12)

L-istruttura tal-Aġenzija għandha tiġi adattata sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tar-regolamentazzjoni tal-enerġija. B'mod partikolari, ir-rwol speċifiku tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-indipendenza tagħhom jeħtieġ li jitqies bis-sħiħ.

(13)

Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jkollu s-setgħat meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-baġit, jivverifika l-implimentazzjoni tiegħu, ifassal regoli interni, jadotta regolamenti finanzjarji u jaħtar id-Direttur. Għandha tintuża sistema ta' rotazzjoni għat-tiġdid tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni li jinħatru mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni bbilanċjata tal-Istati Membri matul iż-żmien.

(14)

L-Aġenzija għandha jkollha s-setgħat meħtieġa sabiex twettaq il-funzjonijiet regolatorji b'mod effiċjenti u fuq kollox indipendenti. L-indipendenza tal-awtoritajiet Regolatorji mhux biss huwa prinċipju ewlieni ta' governanza tajba iżda wkoll kondizzjoni fundamentali sabiex tiġi żgurata l-fiduċja fis-suq. Mingħajr preġudizzju għall-membri tiegħu li jaġixxu f'isem l-awtoritajiet nazzjonali rispettivi tagħhom, il-Bord tar-Regolaturi għandu għalhekk jaġixxi indipendentement minn kull interess tas-suq u ma għandu jfittex jew jieħu istruzzjonijiet minn ebda gvern ta' xi Stat Membru, mill-Kummissjoni jew minn xi entità, pubblika jew privata, oħra.

(15)

Fejn l-Aġenzija jkollha s-setgħa sabiex tieħu deċiżjonijiet, għal finijiet ta' ekonomija proċedurali, il-partijiet interessati għandhom jingħataw id-dritt ta' appell lil Bord tal-Appell, li għandu jkun parti mill-Aġenzija, iżda li jkun indipendenti mill-istruttura amministrattiva u regolatorja tagħha. Fl-interess tal-kontinwità, il-ħatra jew it-tiġdid tal-membri tal-Bord tal-Appell għandha tippermetti għal sostituzzjoni parzjali ta' dak il-Bord.

(16)

L-Aġenzija għandha tkun iffinanzjata prinċipalment mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, minn tariffi u minn kontributi volontarji. B'mod partikolari, ir-riżorsi li attwalment joffru l-awtoritajiet regolatorji għall-koperazzjoni tagħhom fil-livell Komunitarju għandhom jibqgħu disponibbli għall-Aġenzija. Il-proċedura baġitarja Komunitarja għandha tibqa' applikabbli sakemm tikkonċerna kwalunkwe sussidju li għandu jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-verifikar tal-kontijiet għandu jsir mill-Qorti tal-Awdituri konformement mal-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8).

(17)

L-Aġenzija għandu jkolha persunal ta' professjonalità għolja. B'mod partikolari, għandha tgawdi mill-kompetenza u l-esperjenza ta' persunal issekondat mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, minn hawn 'il quddiem “ir-Regolamenti tal-Persunal” u “l-Kondizzjonijiet tal-impjieg” rispettivament, stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (9) u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea għall-iskop tal-applikazzjoni ta' dawn ir-regolamenti għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija. Il-Bord tal-Amministrazzjoni, bi ftehim mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri neċessarja għall-implimentazzjoni.

(18)

L-Aġenzija għandha tapplika r-regoli ġenerali rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmumin mill-korpi Komunitarji. Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jistabbilixxi l-miżuri prattiċi sabiex titħares id-data kummerċjalment sensittiva u d-data personali.

(19)

Il-pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħidma tal-Aġenzija taħt strumenti adegwati ta' ftehim li jiġu konklużi mill-Komunità.

(20)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (10).

(21)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat sabiex tadotta l-Linji Gwida meħtieġa f'sitwazzjonijiet li fihom l-Aġenzija ssir kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-aċċess u s-sigurtà operattiva tal-infrastruttura transkonfinali. Billi dawn il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma maħsuba sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh b'elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(22)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, il-koperazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-livell Komunitarju, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista' jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta' sussidarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Stabbiliment u status legali

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, (“l-Aġenzija”).

2.   L-għan tal-Aġenzija huwa li tassisti lill-awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2009/…/KE u fl-Artikolu 38 tad-Direttiva 2009/…/KE fl-eżerċizzju fil-livell Komunitarju tal-kompiti regolatorji mwettqa fl-Istati Membri u, fejn meħtieġ, sabiex tikkoordina l-azzjoni tagħhom.

3.   Sa meta titlesta s-sede tal-Aġenzija, din għandha tiġi ospitata fil-bini tal-Kummissjoni.

Artikolu 2

Status legali

1.   L-Aġenzija għandha tkun entità Komunitarja b'personalità ġuridika.

2.   F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha jkollha l-kapaċità ġuridika l-aktar wiesgħa li tista' tingħata lil persuni ġuridiċi li jaqgħu taħt il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Tista', b'mod partikolari takkwista jew tiddisponi minn propjeta' mobbli jew immobbli u tkun parti fi proċeduri legali.

3.   L-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mid-Direttur tagħha.

Artikolu 3

Kompożizzjoni

L-Aġenzija għandha tkun magħmula minn:

(a)

Bord tal-Amministrazzjoni, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 12;

(b)

Bord ta' Regolaturi, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 14;

(c)

Direttur, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 16;

(d)

Bord tal-Appell, li għandu jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 18.

Artikolu 4

Tip ta' azzjonijiet tal-Aġenzija

L-Aġenzija tista':

(a)

tagħti opinjonijiet u tagħmel rakkomandazzjonijiet indirizzati lil operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni;

(b)

tagħti opinjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet regolatorji;

(c)

tagħti opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni;

(d)

tieħu d-deċiżjonijiet individwali f'każijiet speċifiċi kif jissemma fl-Artikoli 7, 8 u 9.

KAPITOLU II

Kompiti

Artikolu 5

Kompiti ġenerali

L-Aġenzija tista', fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati għall-iskop li ġiet stabbilita għalih.

Artikolu 6

Kompiti fir-rigward tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni

1.   L-Aġenzija għandha tagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' statuti, il-lista ta' membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura tal-ENTSO tal-Elettriku (7) konformement mal-Artikoli 5(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks (7) għall-iskambji transkonfinali fl-elettriku u tal-ENTSO tal-Gass konformement mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trasmissjoni tal-gass naturali.

2.   L-Aġenzija għandha tissorvelja t-twettiq tal-kompiti tal-ENTSO tal-Elettriku kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru …/2009 kif ukoll tal-ENTSO tal-Gass kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru …/2009.

3.   L-Aġenzija tista' tipprovdi opinjoni:

(a)

lill-ENTSO tal-Elettriku kif previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 kif ukoll lill-ENTSO tal-Gass kif previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 dwar il-kodiċijiet tan-network; u

(b)

lill-ENTSO tal-Elettriku kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 kif ukoll lill-ENTSO tal-Gass kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 dwar l-abbozz tal- tal-programm annwali ta' ħidma u l-abbozz tal-pjan mhux obbligatorju ta' 10 snin għall-iżvilupp tan-network.

4.   L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni raġunata kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass u lill-Kummissjoni fejn hija tqis li l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali jew l-abbozz tal-pjan mhux obbligatorju ta' żvilupp tan-network diċennali preżentat lilha konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 u mat-tieni subparagrafu subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 ma jikkontribwixxix għan-nondiskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament effiċjenti tas-suq jew għal livell suffiċjenti ta' interkonnessjoni transkonfinali miftuħa għall-aċċess ta' partijiet terzi.

L-Aġenzija għandha tippreżenta qafas ta' Linji Gwida mhux obbligatorji lill-Kummissjoni fejn tiġi mitluba taħt l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009. L-Aġenzija għandha tirrivedi l-abbozz tal-Linji Gwida mhux obbligatorji ta' tali qafas u terġa' tippreżentah lill-Kummissjoni fejn meħtieġ taħt l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 u l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru …/2009.

L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni raġunata lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-ENTSO tal-Gass dwar il-kodiċi tan-network konformement mal-Artikolu 6(7) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 u l-Artikolu 6(7) tar-Regolament (KE) Nru …/2009.

L-Aġenzija għandha tippreżenta kodiċi tan-network lill-Kummissjoni u tista' tirrakkomanda li jiġi adottat konformement mal-Artikolu 6(9) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 u mal-Artikolu 6(9) tar-Regolament (KE) Nru …/2009. L-Aġenzija għandha tħejji u tippreżenta abbozz ta' kodiċi tan-network lill-Kummissjoni fejn meħtieġ taħt l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 u l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (KE) Nru …/2009.

5.   L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni debitament raġunata lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru …/2009, fejn l-ENTSO tal-Elettriku jew l-ENTSO tal-Gass ikun naqas milli jimplimenta kodiċi tan-network imfassal konformement mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 jew kodiċi tan-network li jkun ġie stabbilit konformement mal-Artikolu 6(1) sa (10) ta' dawk ir-Regolamenti iżda li ma ġiex adottat mill-Kummsiijoni konformement mal-Artikolu 6(11) ta' dawk ir-Regolamenti.

6.   L-Aġenzija għandha tissorvelja u tanalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network u tal-Linji Gwida adottati mill-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 u fl-Artikolu 6(11) tar-Regolament (KE) Nru …/2009, u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni ta' regoli applikabbli maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-suq kif ukoll fuq in-nondiskriminazzjoni, fuq il-kompetizzjoni effettiva u fuq il-funzjonament effiċjenti tas-suq, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

7.   L-Aġenzija għandha tissorvelja l-koperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru …/2009 u fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru …/2009, u tieħu l-kont dovut tal-eżitu ta' din il-koperazzjoni meta tkun qed tifformula l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħha.

Artikolu 7

Kompiti marbutin mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali

1.   L-Aġenzija għandha tadotta deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet tekniċi fejn dawk id-deċiżjonijiet huma previsti fid-Direttiva 2009/…/KE, fid-Direttiva 2009/…/KE, firr-Regolament (KE) Nru …/2009 u fir-Regolament (KE) Nru …/2009.

2.   L-Aġenzija tista', konformement mal-programm ta' ħidma tagħha jew fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, tadotta Linji Gwida mhux obbligatorji li jgħinu lill-awtoritajiet regolatorji u l-atturi fis-suq sabiex jiskambjaw prattika tajba.

3.   L-Aġenzija għandha tippromwovi koperazzjoni fost l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u fost l-awtoritajiet regolatorji fil-livell reġjonali, u tieħu l-kont dovut tal-eżitu ta' din il-koperazzjoni meta tkun qed tifformula l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħha. Fejn tqis li jkunu meħtieġa regoli li jorbtu dwar tali koperazzjoni, l-Aġenzija għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Kummissjoni.

4.   Fuq talba ta' kwalunkwe awtorità regolatorja jew fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija tista' toħroġ opinjoni rigward il-konformità ta' deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja mal-Linji Gwida msemmija fid-Direttiva 2009/…/KE, fid-Direttiva 2009/…/KE, fir-Regolament (KE) Nru …/2009 jew fir-Regolament (KE) Nru …/2009.

5.   Fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali ma ssegwix adegwatament l-opinjoni tal-Aġenzija kif imsemmi fil-paragrafu 4 fi żmien erba' xhur mid-data tar-riċezzjoni, l-Aġenzija għanda tinforma lill-Kummissjoni.

6.   Fejn awtorità regolatorja nazzjonali ssib, f'każ speċifiku, diffikultajiet rigward l-applikazzjoni tal-Linji Gwida msemmija fid-Direttiva 2009/…/KE, id-Direttiva 2009/…/KE, ir-Regolament (KE) Nru …/2009 jew ir-Regolament (KE) Nru …/2009, tista' titlob opinjoni mingħand l-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tagħti l-opinjoni tagħha, wara li tikkonsulta mal-Kummissjoni, fi żmien erba' xhur minn meta tirċievi talba bħal din.

7.   L-Aġenzija għandha tiddeċiedi dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għal aċċess u s-sigurtà operattiva għall-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass li tikkollega jew li tista' tikkollega tal-anqas żewġ Stati Membri, minn hawn 'il quddiem imsejħa “infrastruttura transkonfinali”, konformement mal-Artikolu 8.

Artikolu 8

Kompiti fir-rigward ta' termini u kondizzjonijiet għal aċċess u s-sigurtà operattiva għall-infrastruttura transkonfinali

1.   Għall-infrastruttura transkonfinali, l-Aġenzija għandha tiddeċiedi dwar dawk il-kwistjonijiet regolatorji li jaqgħu fil-kompetenza ta' awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jistgħu jinkludu t-termini u l-kondizzjonijiet għal aċċess u s-sigurtà operattiva, biss

(a)

meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti ma jkunx irnexxiehom jilħqu ftehim fi żmien sitt xhur mill-jum li fih il-każ ġie riferut lill-aħħar waħda minn dawk l-awtoritajiet regolatorji; jew

(b)

fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti jistgħu jitolbu, b'mod konġunt, li l-perijodu msemmi fil-punt (a) jiġi estiż b'perijodu sa' sitt xhur.

Meta tkun qed tipprepara d-deċiżjoni tagħha, l-Aġenzija għandha tikkonsulta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni konċernati u għandha tkun informata dwar il-proposti u l-osservazzjonijiet tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni kollha konċernati.

2.   It-termini u l-kondizzjonijiet għall-infrastruttura transkonfinali għandhom jinkludu:

(a)

proċedura għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet;

(b)

termini ta' żmien għall-allokazzjoni;

(c)

qsim tad-dħul mill-konġestjoni;

(d)

id-drittijiet imposti fuq l-utenti tal-infrastruttura kif imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru …/2009 u fl-Artikolu 35(1) (d) tad-Direttiva 2009/…/KE.

3.   Fejn każ ikun ġie riferut għall-Aġenzija taħt il-paragrafu 1, l-Aġenzija:

(a)

għandha tipprovdi d-deċiżjonijiet tagħha fi żmien sitt xhur wara r-riferiment

(b)

tista', jekk meħtieġ, tipprovdi deċiżjoni interim sabiex tiżgura li s-sigurtà tal-provvista jew is-sigurtà operattiva għall-infrastruttura in kwistjoni tiġi protetta

4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta Linji Gwida dwar is-sitwazzjonijiet li fihom l-Aġenzija ssir kompetenti li tiddeċiedi dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għal aċċess u s-sigurtà operattiva għall-infrastruttura transkonfinali. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, billi jissuplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 31(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Kompiti oħrajn

1.   L-Aġenzija tista', bħala l-aħħar għażla, tiddeċiedi dwar eżenzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru …/2009. L-Aġenzija tista' wkoll tiddeċiedi dwar eżenzjonijiet kif previst fl-Artikolu 35(4) tad-Direttiva 2009/…/KE meta l-infrastruttura kkonċernata tkun tinsab fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed.

2.   Fuq talba mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 3(1)(b) tar- Regolament (KE) Nru …/2009 jew l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru …/2009, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni dwar deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar iċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 10

Konsultazzjonijiet

Fit-twettiq tal-kompiti tagħha l-Aġenzija għandha tikkonsulta b'mod estensiv u fi stadju bikri l-parteċipanti tas-suq, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni, il-konsumaturi, l-utenti finali u, fejn relevanti, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, mingħajr ħsara għall-kompetenzi rispettivi tagħhom, b'mod miftuħ u trasparenti, b'mod partikolari meta l-kompiti tagħha jikkonċernaw l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni.

KAPITOLU III

Organizzazzjoni

Artikolu 11

Bord tal-Amministrazzjoni

1.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jkun magħmul minn sitt membri. Kull membru għandu jkollu supplenti. Membru wieħed u s-supplenti tiegħu għandu jinħatar mill-Kummissjoni, u ħames membri u s-suplenti tagħhom mill-Kunsill. Il-mandat għandu jkun ta' erba' snin, li jista' jiġġedded darba. Għall-ewwel mandat, ż-żmien tal-mandat għandu jkun ta' sitt snin għal nofs il-membri u s-supplenti tagħhom.

2.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jaħtar il-President u l-Viċi-President mill-membri tiegħu. Il-Viċi-President għandu awtomatikament jieħu post il-President jekk dan ma jkunx f'qagħda li jaqdi dmirijietu. Il-mandat tal-President u tal-Viċi-President għandu jkun ta' sentejn, u jista' jiġġedded darba. Madankollu, fi kwalunkwe każ, il-mandat tal-President u dak tal-Viċi-President għandhom jiskadu malli ma jibqgħux membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni.

3.   Il-laqgħat tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom jissejħu mill-President tiegħu. Il-President tal-Bord tar-Regolaturi, jew il-persuna nominata ta' dak il-Bord, u d-Direttur tal-Aġenzija għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, sakemm il-Bord tal-Amministrazzjoni ma jiddeċidix mod ieħor fir-rigward tad-Direttur. Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jiltaqa' tal-anqas darbtejn fis-sena f'sessjoni ordinarja. Għandu jiltaqa' wkoll fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea jew fuq talba ta' għall-inqas terz mill-membri tiegħu. Il-Bord tal-Amministrazzjoni jista' jistieden lil kwalunkwe persuna b'opinjonijiet li jistgħu jkunu relevanti sabiex tattendi l-laqgħat bħala osservatur. Il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni jistgħu, soġġett għar-regoli ta' proċedura tiegħu, jingħataw għajnuna minn konsulenti jew esperti. Is-servizzi segretarjali tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom jiġu pprovduti mill-Aġenzija.

4.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom ikunu adottati fuq il-bażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri preżenti.

5.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Ir-regoli ta' proċeduri tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom jistipulaw f'aktar detall:

(a)

l-arranġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, partikolarment il-kondizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor, kif ukoll, fejn xieraq, ir-regoli rigward il-kworum

(b)

l-arranġamenti li jirregolaw ir-rotazzjoni applikabbli għat-tiġdid tal-membri tal-Bord li jiġu maħtura mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni bbilanċjata tal-Istati Membri matul iż-żmien.

6.   Membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni ma għandux ikun membru tal-Bord tar-Regolaturi.

7.   Il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandhom jaraw li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku. Għal dak il-għan, kull wieħed għandu jagħmel dikjarazzjoni dwar l-impenji u dikjarazzjoni dwar l-interessi li jindikaw jew in-nuqqas ta' kull interess li jista' jiġi meqjus li jippreġudika l-indipendenza tiegħu jew kull interess dirett jew indirett li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tiegħu. Dawk id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi, ta' kull sena u bil-miktub.

Artikolu 12

Kompiti tal-Bord tal-Amministrazzjoni

1.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni, wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi u kiseb l-opinjoni favorevoli tagħhom konformement mal-Artikolu 14(2), għandu jaħtar id-Direttur konformement mal-Artikolu 15(2).

2.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jaħtar formalment lill-membri tal-Bord tar-Regolaturi konformement mal-Artikolu 13(1).

3.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jaħtar formalment lill-membri tal-Bord tal-Appell konformement mal-Artikolu 17(1).

4.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jiżgura li l-Aġenzija twettaq il-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha skont ir-Regolament.

5.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta, qabel it-30 ta' Settembru ta' kull sena, wara li jkun ikkonsulta mal-Kummissjoni u kiseb l-approvazzjoni tal-Bord tar-Regolaturi, f' konformita' mal-Artikolu 14(3), il-programm ta' ħidma tal-Aġenzija għas-sena ta' wara, u għandu jgħaddih lill-Parlament Ewopew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura baġitarja annwali u għandu jsir pubbliku.

6.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta u, jekk meħtieġ, jirrivedi programm pluriennali. Dik ir-reviżjoni għandha tkun ibbażata fuq rapport ta' evalwazzjoni, magħmul minn espert estern indipendenti fuq talba tal-Bord tal-Amministrazzjoni. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu pubbliċi.

7.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jeżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu konformement mal-Artikoli 20 sa 23.

8.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi, wara li jkun kiseb il-qbil tal-Kummissjoni, jekk għandux jaċċetta legati, donazzjonijiet jew għotjiet minn sorsi Komunitarji oħra jew kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet regolatorji tagħhom. L-opinjoni tal-Bord għandha tingħata konformement mal-Artikolu 23(5) għandha tindirizza espliċitament is-sorsi ta' finanzjament elenkati f'dan il-paragrafu.

9.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni, f'konsultazzjoni mal-Bord tar-Regolaturi, għandu jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur.

10.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jfassal, fejn meħtieġ, il-politika tal-persunal tal-Aġenzija konformement mal-Artikolu 27(2).

11.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta d-dispożizzjonijiet speċjali meħtieġa dwar id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-Aġenzija, konformement mal-Artikolu 29.

12.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta u jippubblika r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija, abbażi tal-abbozz tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 16(8), u għandu jibagħtu, sal-15 ta' Ġunju, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan ir-rapport annwali għandu jkun fih taqsima indipendenti, approvata mill-Bord tar-Regolaturi, dwar l-attivitajiet regolatorji tal-Aġenzija matul is-sena kkonċernata.

13.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 13

Bord tar-Regolaturi

1.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jkun kompost minn:

(a)

rappreżentanti għoljjin tal-awtoritajiet regolatorji, kif previst fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2009/…/KE u fl-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2009/…/KE, u supplenti għal kull Stat Membru mill-persunal anzjan attwali ta' dawn l-awtoritajiet; u

(b)

rappreżentant tal-Kummissjoni li ma jkollux dritt tal-vot.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jeleġġi President u Viċi-President mill-membri tiegħu. Il-Viċi-President għandu jieħu post il-President jekk dan ma jkunx/ma tkunx f'qagħda li jwettaq/twettaq il-kompiti tiegħu/tagħha. Il-mandat tal-President u tal-Viċi-President għandu jkun ta' sentejn u nofs, u jista' jiġġedded. Madankollu, fi kwalunkwe każ, il-mandat tal-President u dak tal-Viċi-President għandhom jiskadu malli ma jibqgħux membri tal-Bord tar-Regolaturi.

3.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri preżenti tiegħu. Kull membru jew supplenti għandu jkollu vot wieħed.

4.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċeduri tiegħu. Ir-regoli ta' proċedura għandhom jistabbilixxu f'aktar dettall l-arraġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, speċjalment il-kondizzjonijiet li permezz tagħhom membru wieħed jista' jaġixxi f'isem ieħor u anki, fejn ikun xieraq, ir-regoli li jirregolaw il-kworums. Ir-regola ta' proċedura tista' tipprevedi metodi ta' ħidma għall-konsiderazzjoni ta' kwistjonijiet li jqumu fil-kuntest ta' inizjattivi ta' koperazzjoni reġjonali.

5.   Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu b'dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-membri tiegħu li jaġixxu f'isem l-awtorità regolatorja rispettiva tagħhom, il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi b'mod indipendenti, u ma għandu jfittex jew jaċċetta istruzzjonijiet minn ebda gvern ta' xi Stat Membru, mill-Kummissjoni, jew minn xi entità pubblika jew privata.

6.   Is-servizzi segretarjali tal-Bord tar-Regolaturi għandhom jiġu pprovduti mill-Aġenzija.

Artikolu 14

Kompiti tal-Bord tar-Regolaturi

1.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jipprovdi opinjoni lid-Direttur dwar l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6, 7, 8 u 9 li huma kkunsidrati għall-adozzjoni. Barra minn hekk, il-Bord tar-Regolaturi, fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, għandu jservi ta' gwida lid-Direttur fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jagħti opinjoni lill-Bord tal-Amministrazzjoni dwar il-kandidat li se jinħatar bħala Direttur konformement mal-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 15(2). Il-Bord tar-Regolaturi għandu jasal għal dik id-deċiżjoni abbażi ta' maġġoranza ta' tliet kwarti tal-membri tiegħu.

3.   B'konformità mal-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 16(6) u mal-abbozz preliminari tal-baġit stabbilit konformement mal-Artikolu 22(1), il-Bord tar-Regolaturi għandu japprova l-programm ta' ħidma għall-Aġenzija għas-sena li ġejja u qabel l-1 ta' Settembru, jippreżentah għall-adozzjoni mill-Bord tal-Amministrazzjoni.

4.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu japprova t-taqsima indipendenti tar-rapport annwali rigward l-attivitajiet regolatorji, kif previst fl-Artikolu 12(12) u fl-Artikolu 16(8).

Artikolu 15

Direttur

1.   L-Aġenzija għandha titmexxa mid-Direttur tagħha, li għandu jaġixxi skont il-gwida msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) u, fejn previst f'dan ir-Regolament, l-opinjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi. Mingħajr preġudizzju għar-rwoli rispettivi tal-Bord tal-Amministrazzjoni u tal-Bord tar-Regolaturi fir-rigward tal-kompiti tad-Direttur, id-Direttur ma għandu jfittex jew jaċċetta istruzzjonijiet minn ebda gvern, mill-Kummissjoni, jew minn xi entità pubblika jew privata oħra.

2.   Id-Direttur għandu jinħatar mill-Bord tal-Amministrazzjoni konsegwentement għall-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi, abbażi tal-mertu kif ukoll tal-ħiliet u l-esperjenza, minn lista ta' mill-anqas tliet kandidati proposti mill-Kummissjoni, u wara li tkun saret sejħa pubblika għal espressjoni ta' interess. Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord tal-Amministrazzjoni jista' jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu.

3.   Il-mandat tad-Direttur għandu jkun ta' ħames snin. Matul id-disa' xhur qabel it-tmiem ta' dan il-perijodu, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni li tindirizza b'mod partikolari:

(a)

il-prestazzjoni tad-Direttur;

(b)

id-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Aġenzija fis-snin li ġejjin.

Il-valutazzjoni rigward il-punt (b) għandha titwettaq bl-assistenza ta' espert estern indipendenti.

4.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, u filwaqt li jqis il-valutazzjoni u l-opinjoni tal-Bord tar-Regolaturi dwar din il-valutazzjoni u f'dawk il-każijiet biss fejn ikun iġġustifikat mid-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Aġenzija jista' jestendi l-mandat tad-Direttur darba għal mhux aktar minn tliet snin.

5.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur. Fi żmien xahar qabel l-estensjoni tal-mandat tiegħu, id-Direttur jista' jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament u jwieġeb mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu.

6.   Jekk il-mandat tiegħu ma jiġix estiż, id-Direttur għandu jibqa' fil-kariga sal-ħatra tas-suċċessur tiegħu.

7.   Id-Direttur jista' jitneħħa mill-karigu tiegħu biss permezz ta' deċiżjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni, wara li dan ikun kiseb l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi. Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jilħaq din id-deċiżjoni abbażi ta' maġġoranza ta' tliet kwarti tal-membri tiegħu.

8.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu d-Direttur iressaq rapport dwar il-qadi ta' dmirijietu.

Artikolu 16

Kompiti tad-Direttur

1.   Id-Direttur għandu jirrappreżenta lill-Aġenzija, u għandu jkun responsabbli mit-tmexxija tagħha.

2.   Id-Direttur għandu jħejji l-ħidma tal-Bord tal-Amministrazzjoni. Huwa/Hija għandu(ha) jagħti/tagħti sehmu(ha) fil-ħidma tal-Bord tal-Amministrazzjoni, mingħajr ma jkollu(ha) dritt għall-vot.

3.   Id-Direttur għandu jadotta u jippubblika l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6, 7, 8 u 9, li jkunu kisbu l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi.

4.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma annwali tal-Aġenzija, taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi u taħt il-kontroll amministrattiv tal-Bord tal-Amministrazzjoni.

5.   Id-Direttur għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa, speċifikament l-adozzjoni ta' istruzzjonijiet tal-Amministrazzjonii interni u l-pubblikazzjoni ta' notifiki, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Aġenzija skont dan ir-Regolament.

6.   Kull sena d-Direttur għandu jħejji l-abbozz tal-programm ta' ħidma tal-Aġenzija għas-sena ta' wara, u għandu jippreżentah lill-Bord tar-Regolaturi u lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju ta' dik is-sena.

7.   Id-Direttur għandu jagħmel abbozz preliminari tal-baġit tal-Aġenzija konformement mal-Artikolu 22(1), u għandu jimplimenta l-baġit tal-Aġenzija konformement mal-Artikolu 23.

8.   Kull sena d-Direttur għandu jħejji l-abbozz tar-rapport annwali li għandu jkun fih taqsima indipendenti dwar l-attivitajiet regolatorji tal-Aġenzija, kif ukoll taqsima dwar kwistjonijiet finanzjarji u amminstrattivi.

9.   Rigward il-persunal tal-Aġenzija, id-Direttur għandu jeżerċita s-setgħat li hemm dispożizzjoni għalihom fl-Artikolu 27(3).

Artikolu 17

Bord tal-Appell

1.   Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn sitt membri u sitt sostituti, magħżula minn fost persunal fi gradi għolja, attwali jew tal-passat, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew l-istituzzjonijiet nazzjonali jew Komunitarji oħra, b'esperjenza relevanti fis-settur tal-enerġija. Il-Bord tal-Appell jaħtar il-President tiegħu. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu adottati abbażi ta' maġġoranza kkwalifikata ta' għall-inqas erbgħa mis-sitt membri tiegħu. Il-Bord tal-Appell għandu jissejjaħ meta meħtieġ.

2.   Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jinħatru mill-Bord tal-Amministrazzjoni, fuq proposta tal-Kummissjoni, wara sejħa pubblika għal espressjoni ta' interess, wara konsultazzjoni mal-Bord tar-Regolaturi.

3.   Il-mandat tal-membri tal-Bord tal-Appell għandu jkun ta' ħames snin. Dan il-mandat għandu jkun jista' jiġġedded. Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jaġixxu b'mod indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Huma ma għandhom ikunu marbutin b'ebda istruzzjoni. Ma jistgħu jwettqu l-ebda dmir ieħor fl-Aġenzija, fil-Bord tal-Amministrazzjoni tagħha jew fil-Bord tar-Regolaturi tagħha. Il-membri tal-Bord tal-Appell ma jistgħux jitneħħew mill-karigu tagħhom waqt il-mandat, sakemm membru ma jinstabx ħati ta' kondotta ħażina serja u l-Bord tal-Amministrazzjoni, wara li jkun ikkonsulta mal-Bord tar-Regolaturi, jieħu deċiżjoni f'dan ir-rigward.

4.   Il-membri tal-Bord tal-Appell ma jistgħu jieħdu sehem fl-ebda proċedura ta' appell jekk ikollhom xi interess personali jew jekk qabel kienu involuti bħala rappreżentanti ta' waħda mill-partijiet għall-proċeduri, jew jekk kienu pparteċipaw fid-deċiżjoni taħt appell.

5.   Jekk, għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 4 jew għal xi raġuni oħra, membru tal-Bord tal-Appell jidhirlu li membru sieħeb m'għandux jieħu sehem f'xi proċedura tal-appell, il-membru ta' l-ewwel għandi jgħarraf lill-Bord tal-Appell b'dan. Kwalunkwe parti għall-proċeduri tal-appell tista' toġġezzjona għall-parteċipazzjoni ta' xi Membru tal-Bord tal-Appell għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 4, jew jekk ikun issuspettat b'parzjalità. Oġġezzjoni m'għandhiex tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-membri u lanqas ma għandha tkun ammissibbli jekk, waqt li tkun konxja mir-raġuni għal oġġezzjoni, il-parti fil-proċedura tal-appell tkun madankollu għamlet pass proċedurali diversament milli toġġezzjona għall-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell.

6.   Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 4 u 5 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membru kkonċernat. Għall-iskopijiet tat-teħid ta' din id-deċiżjoni, il-membru kkonċernat għandu jiġi sostitwit fuq il-Bord tal-Appell mis-supplenti tiegħu/tagħha, sakemm is-supplenti jsib lilu nnifsu f'qagħda simili. F'dan l-aħħar każ, il-President għandu jaħtar sostitut minn fost is-supplenti l-oħra disponibbli.

7.   Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jaraw li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku. Għal dak il-għan, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta' impenji u dikjarazzjoni ta' interessi li tkun tindika jew in-nuqqas ta' kull interess li jista' jiġi meqjus li jippreġudika l-indipendenza tagħhom jew kull interess dirett jew indirett li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Dawk id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi, ta' kull sena u bil-miktub.

Artikolu 18

Appelli

1.   Kull persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tista' tappella kontra deċiżjoni imsemmija fl-Artikoli 7, 8 u/jew 9 li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta' deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna direttament lil dik il-persuna.

2.   L-appell, flimkien mal-istqarrija tar-raġunijiet għalih, għandhom jitressqu bil-miktub lill-Aġenzija fi żmien xahrejn mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata, jew, fin-nuqqas tagħha, mill-jum li fih l-Aġenzija tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha. Il-Bord tal-Appell ghandu jiddeċiedi dwar l-appell fi żmien xahrejn wara li jkun tressaq l-appell.

3.   Appell li jsir skont il-paragrafu 1 hawn fuq m'għandux ikollu effett ta' sospensjoni. Il-Bord tal-Appell jista', madankollu, jekk iqis illi ċ-ċirkostanzi hekk jirrikjedu, jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

4.   Jekk l-appell ikun ammissibbli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk l-appell huwiex iffundat sewwa. Kull meta jkun meħtieġ, għandu jistieden lill-partijiet għall-proċeduri tal-appell sabiex iressqu osservazzjonijiet dwar notifiki maħruġa minnu stess, jew dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħra għall-proċeduri tal-appell, fil-limiti ta' żmien speċifikati. Il-partijiet għall-proċeduri tal-appell għandhom ikunu intitolati li jagħmlu preżentazzjoni orali.

5.   Fil-kuntest ta' dan l-Artikolu, il-Bord tal-Appell jista' jeżerċita kull setgħa li taqa' fil-kompetenza tal-Aġenzija, jew jista' jgħaddi l-każ lill-entità kompetenti tal-Aġenzija. Dan tal-aħħar għandu jkun marbut bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

6.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura tiegħu.

7.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Appell għandhom ikunu ppubblikati mill-Aġenzija.

Artikolu 19

Azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja

1.   Azzjoni tista' titressaq quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza jew il-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu 230 tat-Trattat, sabiex tikkontesta deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord tal-Appell jew, fil-każijiet li ma jkun hemm l-ebda dritt quddiem il-Bord tal-Appell, mill-Aġenzija

2.   Fil-każ li l-Aġenzija tonqos milli tieħu deċiżjoni, jistgħu jinġiebu proċeduri għal dan in-nuqqas ta' azzjoni quddiem il- Qorti tal-Prim' Istanza jew il-Qorti tal-Ġustizzja konformement mal-Artikolu 232 tat-Trattat.

3.   L-Aġenzija għandha tkun obbligata li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza jew tal-Qorti tal-Ġustizzja.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finanzjarji

Artikolu 20

Baġit tal-Aġenzija

1.   Id-dħul tal-Aġenzija għandu jikkonsisti partikolarment minn:

(a)

sussidju mill-Komunità, imdaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Taqsima tal-Kummissjoni);

(b)

it-tariffi mogħtija lill-Aġenzija konformement mal-Artikolu 21;

(c)

kwalunkwe kontribut volontarju mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet regolatorji tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 12(8);

(d)

kwalunkwe legat, donazzjoni jew għotja, kif imsemmi fl-Artikolu 12(8).

2.   In-nefqa tal-Aġenzija għandha tkopri l-ispejjeż tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi, l-ispejjeż infrastrutturali u l-ispejjeż operattivi.

3.   Id-dħul u l-infiq għuhom ikunu f'bilanċ.

4.   Għandhom isiru previżjonijiet tad-dħul u l-infiq kollu tal-Aġenzija għal kull sena finanzjarja, li tikkoinċidi mas-sena kalendarja, u dawn għandhom jiddaħħlu fil-baġit tal-Aġenzija.

Artikolu 21

Drittijiet dovuti

1.   Għandhom ikunu dovuti drittijiet lill-Aġenzija għal talbiet għal deċiżjoni ta' eżenzjoni konformement mal-Artikolu 9(1).

2.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

Artikolu 22

Stabbiliment tal-baġit

1.   Sal-15 ta' Frar ta' kull sena, id-Direttur għandu jħejji abbozz preliminari tal-baġit li jkopri n-nefqa operattiva u l-programm ta' ħidma mistennija għas-sena finanzjarja ta' wara, u għandu jibgħat dan l-abbozz preliminari tal-baġit lill-Bord tal-Amministrazzjoni flimkien ma' lista tal-karigi proviżorji. Kull sena, il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jagħmel stima tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara, abbażi l-abbozz preliminari tal-baġit imħejji mid-Direttur. Din l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, għandha tintbagħat mill-Bord tal-Amministrazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu. Qabel ma tiġi adottata l-istima, l-abbozz imħejji mid-Direttur għandu jintbagħat lill-Bord tar-Regolaturi, li jista' joħroġ opinjoni dwar l-abbozz.

2.   L-istima għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“awtorità baġitarja”) flimkien mal-abbozz preliminari tal-baġit generali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Abbażi tal-istimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea it-tbassiriet li tqis meħtieġa rigward il-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tal-għotja li għandha titħallas mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea konformement mal-Artikolu 272 tat-Trattat.

4.   L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan tal-istabbiliment għall-Aġenzija.

5.   Il-baġit tal-Aġenzija għandu jitfassal mill-Bord tal-Amministrazzjoni. Għandu jitqies finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn meħtieġ, għandu jkun aġġustat skond il-każ.

6.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta xi proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tiegħu, b'mod partikolari kwalunkwe proġett marbut mal-proprjetà, bħall-kiri jew ix-xiri ta' bini. Hi għandha tinforma b'dan lill-Kummissjoni. Jekk jagħti l-każ li kwalunkwe fergħa tal-awtorità tal-baġit ikollha l-intenzjoni li toħroġ opinjoni, fi żmien ġimgħatejn mir-riċezzjoni tal-informazzjoni dwar il-proġett ta' kostruzzjoni għandha tinnotifika lill-Aġenzija dwar l-intenzjoni tagħha li toħroġ it-tali opinjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba, l-aġenzija tkun tista' tipproċedi mal-operat ippjanat.

Artikolu 23

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Id-Direttur għandu jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħala l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni u għandu jimplimenta l-baġit tal-Aġenzija.

2.   Sal-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Aġenzija għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji, flimkien mar-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta' dik is-sena finanzjarja, lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Aġenzija għandu jibgħat ukoll ir-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja lill-Parlament u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara. Wara dan, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet deċentralizzati, konformement mal-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (11) (“ir-Regolament Finanzjarju”).

3.   Sal-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija, flimkien mar-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta' dik is-sena finanzjarja, lill-Qorti tal-Awdituri. Ir-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta' dik is-sena finanzjarja għandu jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Wara li jkun irċieva l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri rigward il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, id-Direttur għandu jelabora l-kontijiet definittivi tal-Aġenzija fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess, u għandu jibgħathom lill-Bord tal-Amministrazzjoni għal opinjoni.

5.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu joħroġ opinjoni dwar il-kontijiet definittivi tal-Aġenzija.

6.   Sal-1 ta' Lulju wara l-għeluq tas-sena finanzjarja, id-Direttur għandu jibgħat dawk il-kontijiet definittivi, flimkien mal-opinjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja.

7.   Il-kontabbiltà finali għandha tiġi pubblikata.

8.   Id-Direttur għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha sal-15 ta' Ottubru. Għandu jibgħat ukoll kopja ta' din it-tweġiba lill-Bord tal-Amministrazzjoni u lill-Kummissjoni.

9.   Id-Direttur għandu jibagħt lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar u kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju, kull tagħrif meħtieġ għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata,.

10.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jkun qed jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Ġenerali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.

Artikolu 24

Regoli Finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija għandhom jitfasslu mill-Bord tal-Amministrazzjoni wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawn ir-regoli jistgħu jiddevjaw mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 jekk il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi għall-funzjonament tal-Aġenzija hekk jirrikjedu u biss bil-qbil minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 25

Miżuri kontra l-frodi

1.   Għall-finijiet li jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 (KE) tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (12) għandhom japplikaw għall-Aġenzija mingħajr restrizzjoni.

2.   L-Aġenzija għandha tissieħeb fil-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (13) u għandha minnufih tadotta d-dispożizzjonijiet xierqa għall-persunal kollu tal-Aġenzija.

3.   Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament, l-istrumenti ta' ftehim u l-istrumenti ta' implimentazzjoni li jirriżultaw minnhom, għandhom jistipulaw speċifikament li l-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF jistgħu, jekk ikun meħtieġ, iwettqu kontrolli fuq il-post tal-benefiċjarji ta' flus maħruġa mill-Aġenzija, kif ukoll fuq il-persunal responsabbli għall-allokazzjoni ta' dawn il-flus.

KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 26

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Aġenzija.

Artikolu 27

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonjiet tal-Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija, inkluż id-Direttur tagħha.

2.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa ta' implimentazzjoni, konformement mal-arranġamenti pprovduti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

3.   Fir-rigward tal-persunal tagħha, l-Aġenzija għandha teżerċita s-setgħat konferiti fuq l-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

4.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni jista' jadotta dispożizzjonijiet oħra sabiex esperti nazzjonali minn Stati Membri jkunu jistgħu jiġu impjegati billi jiġu ssekondati mal-Aġenzija.

Artikolu 28

Responsabbiltà legali tal-Aġenzija

1.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Aġenzija, skont il-prinċipji ġenerali komuni għall-liġijiet tal-Istati Membri, għandha tagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kkaġunata minnha jew mill-persunal tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha l-ġuriżdizzjoni f'kull disputa marbuta mal-kumpens għal tali ħsara.

2.   Ir-responsabbiltà finanzjarja personali u r-responsabbiltà dixxiplinarja tal-persunal tal-Aġenzija lejn l-Aġenzija għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet relevanti li japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija.

Artikolu 29

Aċċess għad-dokumenti

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (14) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sa … (15).

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija konformement mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' lment lill-Ombudsman jew ta' kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.

Artikolu 30

Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1.   L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi li jkunu konkludew ftehim mal-Komunità, li bihom jkunu adottaw u jkunu qed japplikaw il-liġi Komunitarja fil-qasam tal-enerġija u, jekk relevanti, fl-oqsma tal-ambjent u l-kompetittività.

2.   Konformement mad-dispożizzjonijiet relevanti ta' dawn l-istrumenti ta' ftehim, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti li jispeċifikaw, b'mod partikolari, in-natura, l-ambitu u l-aspetti proċedurali tal-involviment ta' dawn il-pajjiżi fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-kontributi finanzjarji u mal-persunal.

Artikolu 31

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat.

2.   Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 32

Arranġamenti għal-lingwi

1.   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (16) għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

2.   Il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti interni għall-lingwi għall-Aġenzija.

3.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Aġenzija għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru ta' Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU VI

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 33

Evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni, bl-assistenza ta' espert estern indipendenti, għandha twettaq evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija. Din l-evalwazzjoni għandha tkopri r-riżultati miksuba mill-Aġenzija u l-metodi ta' ħidma tagħha, b'rabta mal-għan, il-mandat u l-kompiti tagħha, kif iddefiniti f'dan ir-Regolament u fil-programmi annwali ta' ħidma tagħha.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jirċievi r-riżultati tal-evalwazzjoni u joħroġ rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-bidliet għal dan ir-Regolament, l-Aġenzija u l-prattika ta' ħidma tagħha lill-Kummissjoni, li tista' tgħaddihom, flimkien mal-opinjoni tagħha kif ukoll flimkien ma' proposti xierqa, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   L-ewwel rapport ta' evalwazzjoni għandu jitressaq mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa erba' snin wara li l-ewwel Direttur ikun ħa l-karigi tiegħu. Wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni ta lanqas kull ħames snin.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ u dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikoli 5, 6, 7, 8, 9 u 10 għandhom japplikaw minn … (17).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 23.

(2)  ĠU C 172, 5.7.2008, p. 55.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' 9 ta' Jannar 2009 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 296, 14.11.2003, p. 34.

(5)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

(6)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57.

(7)  ĠU L …

(8)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(9)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(10)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(11)  ĠU L 248, 4.3.1968, p. 1.

(12)  ĠU L 136, 4.3.1968, p. 1.

(13)  ĠU L 136, 4.3.1968, p. 15.

(14)  ĠU L 145, 4.3.1968, p. 43.

(15)  Data sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(16)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385.

(17)  18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fid-19 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni ta' Regolaturi tal-Enerġija, abbażi tal-Artikolu 95 tat-Trattat, flimkien f'pakkett b'erba' proposti dwar is-suq intern tal-enerġija.

2.

Il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew taw l-opinjonijiet tagħhom dwar il-pakkett sħiħ fl-10 (1) u t-22 ta' April 2008 (2) rispettivament.

3.

Fit-18 ta' Ġunju 2008, il-Parlament Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu (3) fl-ewwel qari fejn approva 73 emenda. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx proposta modifikata.

4.

Fid-9 ta' Jannar 2009, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu skont l-Artikolu 251 tat-Trattat.

II.   OBJETTIV TAL-PROPOSTA

5.

Il-proposta hija parti mit-tielet pakkett tas-suq tal-enerġija, flimkien mad-Direttiva dwar regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali, ir-Regolament dwar kondizzjonijiet ta' aċċess għan-netwerks ta' trasmissjoni ta' gass naturali, id-Direttiva dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku u r-Regolament dwar kondizzjonijiet għal aċċess għan-netwerk għal skambji transkonfinali fl-elettriku. Hija tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' qafas regolatorju meħtieġ biex jirrendi l-ftuħ tas-suq kompletament effettiv u biex joħloq suq uniku tal-gass u l-elettriku billi tiġi tstabbilita Aġenzija għall-fini li jiġu assistiti awtoritajiet regolatorji fl-eżerċizzju tal-kompiti regolatorji fil-livell Komunitarju mwettqa fil-livell nazzjonali, u fejn meħtieġ biex tikkoordina l-azzjoni tagħhom.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

6.   Rimarki Ġenerali

6.1.

Il-Kummissjoni aċċettat il-bidliet kollha mdaħħla mill-Kunsill għall-proposta tagħha.

6.2.

Dwar it-73 emenda adottati mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill segwa l-Kummissjoni billi

aċċetta l-25 emenda li ġejjin:

b'mod sħiħ (xi kultant b'riabbozzar): 9, 12, 45, 47, 48, 49, 53, 54, 58, 59 u 66

parzjalment/fil-prinċipju/fl-ispirtu: 3, 4, 11 (l-ewwel parti), 13, 15, 16, 40, 44, 51, 57, 61, 64, 68 u 76; u

rrifjuta l-25 emenda li ġejjin: 8, 17, 18, 20, 21, 22, 25, 29, 30, 34, 36, 37, 38, 46, 50, 52, 55, 56, 60, 62, 63, 67, 69, 71 u 73, għal raġunijiet ta' sustanza, forma jew konsistenza.

6.3.

Il-Kunsill iddevja mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni billi

aċċetta fis-sutanza l-emenda 65 u

rrifjuta t-23 emenda li ġejjin: 5, 6, 7, 10, 11 (it-tieni parti), 14, 19, 24, 26, 27, 28, 31, 32, 33, 35, 39, 41, 42, 43, 70, 72, 74 u 75.

7.   Rimarki Speċifiċi

7.1.

Fir-rigward tal-emendi tal-PE fejn il-Kunsill iddevja mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni:

a)

Il-Kunsill aċċetta l-emenda 65 (f'konformità mad-Direttur li kellu jaġixxi strettament skont l-istruzzjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi).

b)

Il-Kunsill irrifjuta t-23 emenda elenkati hawn fuq (punt 6.3.) għar-raġunijiet li ġejjin:

i)

l-emenda 5: tiddupplika l-kompiti li diġà twettqu mill-Kummissjoni u mhijiex konformi mal-kompiti previsti fil-proposta tal-Kummissjoni

ii)

l-emenda 6: ebda valur miżjud u inkorretta peress li l-kooperazzjoni tar-regolaturi nazzjonali ser tkompli ssir barra mill-qafas provduta mill-Aġenzija

iii)

l-emenda 7: tirrendi l-ambitu tal-Aġenzija mhux ċar u tikkontradixxi n-natura non-vinkolanti ta' x'uħud mill-atti tagħha

iv)

l-emenda 10: tfixkel l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali, prevista bid-Direttivi tal-Elettriku u tal-Gass, ma' dik tal-korpi tal-Aġenzija

v)

l-emenda 11(it-tieni parti): ebda valur miżjud u mhix konsistenti mal-kompiti tad-Direttur

vi)

l-emenda 14: mhix konformi mad-dispożizzjonijiet operattivi tar-Regolament

vii)

l-emenda 19: tfixkel l-atti tal-Aġenzija tagħha mal-kompiti kif deskritti fl-Artikoli 5 sa 10

viii)

l-emenda 24: Artikolu 30 (parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi) huwa suffiċjenti biex jiġi żgurat involviment adegwat ta' pajjiżi terzi fil-ħidma tal-Aġenzija

ix)

l-emenda 26: il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni setgħat taċċetta biss din l-emenda għal deċiżjonijiet individwali f'każijiet speċifiċi taħt kondizzjonijiet iddefiniti preċiżament. Barra minn hekk, il-Kunsill ma jarax bażi biex jiddelega s-setgħat tal-Kummissjoni f'dawn il-kwistjonijiet u barra minn dan jinnota li l-emenda ser tillimita s-setgħat tal-Aġenzija għal kodiċijiet tekniċi biss filwaqt li kodiċijiet tas-suq għandhom ikunu koperti ukoll mill-opinjonijiet tal-Aġenzija

x)

l-emendi 27 u 28: fil-biċċa l-kbira koperti bl-Artikolu 6(6), 7(3) u 8(1) it-tielet subparagrafu

xi)

l-emenda 31: l-Aġenzija ma tistax tiżgura l-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi

xii)

l-emendi 32: u 33: dawn il-kompiti normalment jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni

xiii)

l-emenda 39: tiddupplika l-kompiti previsti skont id-Direttiva 2004/67 dwar is-sigurtà tal-provvista ta' gass naturali u d-Direttiva 2005/89 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u l-investiment tal-infrastruttura

xiv)

l-emenda 42: l-Artikolu 7 tal-proposta hija mmirata lejn ir-regolaturi nazzjonali mhux lejn l-Operaturi tas-Sistema ta' Trasmissjoni

xv)

l-emendi 35, 41 u 43: l-emendi 35 u 41 jiddupplikaw lil xulxin u, kif ukoll l-emenda 43, jiddupplikaw kompiti diġà mwettqa mill-Kummissjoni skont id-Direttivi tal-Elettriku u tal-Gass

xvi)

l-emenda 70: kuntrarja (c) għan-natura volontarja tal-kontributi nazzjonali u (ca) mhux vijabbli fil-prattika

xvii)

l-emenda 72: tista' titħalla għar-regoli ta' proċeduri tal-Bord Regolatorju dwar kif għandu jifformula l-opinjon tiegħu

xviii)

l-emenda 74: għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar jekk u safejn tikkonsulta meta tkun qed twettaq l-evalwazzjoni tagħha

xix)

l-emenda 75: il-perijodu ta' żmien previst f'din l-emenda huwa qasir wisq biex jippermetti evalwazzjoni sinifikanti.

7.2.

Fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill introduċa ċertu modifiki oħra (ta' sustanza u/jew ta' forma) sabiex tiġi pprovduta Aġenzija regolatorja, indipendenti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, b'kompiti ċirkoskritti b'mod ċar li tirrifletti strettament il-kompiti fdati lill-Aġenzija bid-Direttivi u r-Regolamenti tal-Elettriku u tal-Gass. L-Aġenzija tiffoka fuq kwistjonijiet li jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed safejn jikkonċerna t-teħid ta' deċiżjonijiet vinkolanti; l-involviment tagħha fi kwistjonijiet tekniċi (l-istabbiliment ta' kodiċijiet ta' netwerk) issaħħaħ, iżda għadu ta' natura konsultattiva. Hija ġeneralment tippermetti għal-livelli nazzjonali biex ikollhom ir-rwoli tagħhom (pereżempju approċċ f'zewġ stadji biex jiġu ddefiniti termini u kondizzjonijiet għal aċċess u sigurtà operattiva għal infrastruttura transkonfinali (Artikolu 8)). F'dawn il-kompiti kollha, partċipanti fis-suq u awtoritajiet fil-livelli nazzjonali huma debitatment ikkonsultati (Artikolu 8(1), 10) u jittieħed kont debitu tal-eżiti ta' kooperazzjoni reġjonali bejn it-TSOs u bejn ir-regolaturi (Artikolu 6(6) u 7(3)).

Il-pożizzjoni komuni tipprevedi (Artikolu 13) Bord Regolatorju b'saħħtu, magħmul minn rappreżentanti għoljin ta' regolaturi nazzjonali, u Direttur tal-Aġenzija li jaġixxi f'konformità mal-Bord Regolatorju. Hija tipprevedi wkoll Bord Amministrattiv speċifiku u effiċjenti (Artikolu 11), li jikkonsisti minn 6 membri (kif issuġġerit mill-PE, emenda 44), li ħamsa minnhom jinħatru mill-Kunsill u wieħed mill-Kummissjoni, b'rotazzjoni parzjali li tiżgura parteċipazzjoni adegwata tal-Istati Membri matul iż-żmien. Bil-ħsieb li tittejjeb ir-responsabbiltà demokratika, issaħħu b'mod sinifikanti d-dispożizzjonijiet ta' trasparenza, pereżempju dwar l-interessi tal-membri tal-Bord (pereżempju l-Artikolu 11(7))).

Bil-ħsieb li l-Aġenzija tiġi adattata fid-dawl tal-esperjenza l-pożizzjoni komuni tintroduċi mekkaniżmu ta' reviżjoni (Artikolu 33(2)) b'input b'saħħtu mill-Bord Regolatorju.


(1)  ĠU C 172, 5.7.2008, p. 55.

(2)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 23.

(3)  Għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 75/16


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 11/2009

adottata mill-Kunsill fid-9 ta' Jannar 2009

bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament (KE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-network għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2009/C 75 E/02)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Is-suq intern fl-elettriku, li ilu jiġi implimentat progressivament mill-1999, għandu l-mira li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha fil-Komunità, kemm jekk huma ċittadini jew negozji, kif ukoll opportunitajiet ġodda ta' negozju u aktar kummerċ transkonfinali sabiex jiġu żgurati gwadanji f'termini ta' effiċjenza, prezzijiet kompetittivi, standards ogħla ta' servizz, kif ukoll sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u għas-sostenibbiltà.

(2)

Id-Direttiva Nru 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (4) u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1228/2003 tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (5) għamlu kontributi sinifikanti lejn il-ħolqien ta' suq intern tal-elettriku.

(3)

Madankollu, fil-preżent, jeżistu ostakoli għall-bejgħ tal-elettriku fuq termini ugwali, mingħajr diskriminazzjoni jew żvantaġġ fil-Komunità. B'mod partikolari, aċċess mhux diskriminatorju għan-network u livell ugwalment effettiv ta' superviżjoni regolatorja għad ma jeżistux f'kull Stat Membru.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 intitolata “Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa” saħqet fuq l-importanza li s-suq intern tal-elettriku jitkompla kif ukoll li jkun hemm ambjent ekwu għall-impriżi kollha tal-elettriku fil-Komunità. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 intitolati “Prospetti għas-suq intern tal-gass u l-elettriku” u “Inkjesta taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar is-setturi Ewropej tal-gass u l-elettriku (Rapport Finali)” urew li r-regoli u l-miżuri ta' bħalissa ma jipprovdux il-qafas meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta' suq intern li jaħdem tajjeb.

(5)

Barra li jimplimenta kompletament il-qafas regolatorju eżistenti, il-qafas regolatorju tas-suq intern tal-elettriku stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 għandu jiġi adattat konformement ma' dawk il-komunikazzjonijiet.

(6)

B'mod partikolari, jeħtieġ li jkun hemm aktar koperazzjoni u koordinazzjoni fost l-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni biex jinħolqu kodiċijiet tan-network biex jingħata u jiġi ġestit aċċess effettiv għan-networks ta' trasmissjoni transkonfinali, u biex jiżguraw ippjanar ikkoordinat u li jħares biżżejjed 'il quddiem u evoluzzjoni teknika soda tas-sistema ta' trasmissjoni fil-Komunità, b'attenzjoni dovuta għall-ambjent. Dawk il-kodiċijiet tan-network għandhom ikunu konformi ma' linji gwida ta' qafas mhux obbligatorji żviluppati mill-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija stabbilita mir-Regolament (KE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (“l-Aġenzija”). L-Aġenzija għandu jkollha rwol fir-reviżjoni tal-abbozz ta' kodiċijiet tan-network, inkluż il-konformità tagħhom mal-linji gwida ta' qafas mhux obbligatorji, u hija għandha tkun tista' tirrakkomandahom għall-adozzjoni mill-Kummissjoni. L-Aġenzija għandha tivvaluta l-modifiki proposti għall-kodiċijiet tan-network u hija għandha tkun tista' tirrakkomandahom għall-adozzjoni mill-Kummissjoni. L-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni għandhom iħaddmu n-networks tagħhom konformement ma' dawk il-kodiċijiet tan-network.

(7)

Sabiex tkun żgurata l-aħjar tmexxija tan-network tat-trasmissjoni tal-elettriku u jkun permess kummerċ u forniment ta' elettriku transkonfinali fil-Komunità għandu jiġi stabbilit Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta' Trasmissjoni tal-Elettriku (“l- ENTSO tal-Elettriku”). Il-kompiti tal-ENTSO tal-elettriku għandhom jitwettqu konformement mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni li jibqgħu applikabbli għad-deċiżjonijiet tal-ENTSO tal-Elettriku. Il-kompiti tiegħu għandhom jiġu definiti tajjeb u l-metodu ta' ħidma tiegħu għandu jiżgura l-effiċjenza, in-natura rappreżentattiva u t-trasparenza tiegħu. Il-kodiċijiet tan-network imħejjija mill-ENTSO mhumiex intenzjonati biex jissostitwixxu l-kodiċijiet tan-network meħtieġa nazzjonali għal kwistjonijiet mhux transkonfinali. Peress li l-approċċ fil-livell reġjonali jista' jwassal għal progress aktar effettiv, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jistabbilixxu strutturi reġjonali fi ħdan l-istruttura kumplessiva ta' koperazzjoni, filwaqt li jiżguraw li r-riżultati fil-livell reġjonali jkunu kompatibbli ma' kodiċijiet tan-networks u ma' pjanijiet mhux obbligatorji ta' żvilupp tan-network fuq firxa ta' għaxar snin fil-livell Komunitarju. Il-koperazzjoni fi ħdan strutturi reġjonali bħal dawn tassumi separazzjoni effettiva ta' attivitajiet ta' network minn attivitajiet ta' produzzjoni u forniment. Mingħajrhom separazzjoni bħal din il-koperazzjoni reġjonali bejn operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni tagħti lok għal riskju ta' attività anti-kompetittiva.

(8)

Il-parteċipanti kollha fis-suq għandhom interess fil-ħidma mistennija mill-ENTSO tal-Elettriku. Proċess ta' konsultazzjoni effettiv huwa għalhekk essenzjali u l-istrutturi eżistenti li jitwaqqfu biex jiffaċilitaw u jissimplifikaw il-proċess ta' konsultazzjoni, bħall-Unjoni għall-Koordinazzjoni tat-Trasmissjoni tal-Elettriku, ir-regolaturi nazzjonali jew l-Aġenzija għandhom ikollhom rwol importanti.

(9)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi prinċipji bażiċi dwar l-istruttura ta' tariffi u l-allokazzjoni ta' kapaċità, waqt li jipprovdi għal adozzjoni ta' linji gwida li jelenkaw prinċipji u metodoloġiji oħrajn rilevanti, sabiex ikunu jistgħu jsiru adattamenti mgħaġġla għal ċirkostanzi li jkunu nbiddlu.

(10)

F'suq miftuħ u kompetittiv, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom ikunu kompensati għall-ispejjeż imġarrba b'konsegwenza li jippermettu l-użu tan-networks tagħhom għall-flussi transkonfinali minn operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni li minn għandhom joriġinaw flussi transkonfinali u mis-sistemi fejn jaslu dawk il-flussi.

(11)

Il-ħlasijiet li jkunu daħlu u ħarġu bħala rikompens bejn operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni għandhom jitqiesu meta t-tariffi tan-networks nazzjonali jkunu qegħdin jiġu stabbiliti.

(12)

L-ammont pagabbli għal aċċess minn naħa l-oħra tal-fruntiera jista' jvarja konsiderevolment, skont l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni involut u minħabba differenzi fl-istruttura tat-tariffi applikati fl-Istati Membri. Ċertu element ta' armonizzazzjoni huwa għalhekk meħtieġ biex ikun evitat ix-xkiel fil-kummerċ.

(13)

Sistema adatta ta' sinjali ta' lokalità għal medda twila ta' żmien tkun meħtieġa, ibbażata fuq il-prinċipju ta' distinzjoni tal-piżijiet imposti għal ammisjoni fin-networks għandhom jirriflettu l-bilanċ bejn il-ġenerazzjoni u l-konsum tar-reġjun konċernat, fuq il-bażi ta' distinzjoni tal-piżijiet għal aċċess għan-networks fuq il-prodotti u/jew il-konsumaturi.

(14)

Ma jkunx kunsiljabbli li jiġu applikati tariffi skont id-distanza jew, sakemm sinjali ta' lokalità xierqa jkunu jitħaddmu, tariffa speċifika li titħallsa biss mill-esportaturi jew importaturi minbarra l-ispiża ġenerali għall-aċċess għan-network nazzjonali.

(15)

Il-prekondizzjoni għal kompetizzjoni effettiva fis-suq intern tal-elettriku hija li jkun hemm piżijiet trasparenti u mhux diskriminatorji għal użu ta' networks, fosthom il-linji li jikkonnettjaw is-sistema ta' trasmissjoni. Il-kapaċitajiet disponibbli ta' dawn il-linji għandhom ikunu stabbiliti fl-ogħla livelli li jippermettu standards ta' sigurtà tat-tħaddim tan-network bla periklu.

(16)

Huwa importanti li jkun evitat ix-xkiel fil-kompetizzjoni li tirriżulta minn standards differenti ta' sigurtà, pjan operazzjonali u ta' ippjanar użati minn operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni fl-Istati Membri. Barra dan, għandu jkun hemm trasparenza għall-parteċipanti fis-suq dwar il-kapaċitajiet disponibbli għat-trasferiment u l-i standards ta' sigurtà, tal-ippjanar u operazzjonali, li jaffettwaw il-kapaċitajiet disponibbli biex jgħaddu l-enerġija.

(17)

Is-sorveljanza tas-suq li ilha titwettaq mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u mill-Kummissjoni dawn l-aħħar snin uriet li r-rekwiżiti ta' trasparenza u r-regoli attwali dwar l-aċċess għall-infrastrutturi mhumiex biżżejjed.

(18)

Jeħtieġ li jkun hemm aċċess ugali għall-informazzjoni dwar l-istatus fiżiku tas-sistema, sabiex il-parteċipanti kollha fis-suq ikunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni globali tad-domanda u tal-provvista u jidentifikaw ir-raġunijiet għall-varjazzjoni fil-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa. Dan jinkludi informazzjoni aktar preċiża dwar il-ġenerazzjoni, il-provvista u d-domanda tal-elettriku inkluż previżjonijiet, il-kapaċità tan-network u tal-interkonnessjoni, il-flussi u l-manutenzjoni, l-ibbilanċjar kif ukoll il-kapaċità ta' riżerva.

(19)

Sabiex tiżdied il-kunfidenza fis-suq, il-parteċipanti tas-suq jeħtieġu li jkunu ċerti li min jabbuża jista' jkun suġġett għal penali. Awtoritajiet kompetenti għandha tingħatalhom is-setgħa li jinvestigaw b'mod effettiv allegazzjonijiet ta' abbuż tas-suq. Għalhekk jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għad-data li tipprovdi informazzjoni dwar deċiżjonijiet operattivi tal-impriżi ta' provvista. Fis-suq tal-elettriku diversi deċiżjonijiet rilevanti jittieħdu mill-ġeneraturi, li għandhom iżommu din l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti għal perijodu stipulat. Ġeneraturi żgħar mingħajr il-ħila tassew li jgħawġu s-suq għandhom jkunu eżenti minn dak l-obbligu.

(20)

Għandu jkun hemm regoli dwar l-użu tal-introjti li jidħlu permezz tal-proċeduri għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni, kemm-il darba n-natura speċifika tal-impjant li jipprovdi l-interkonnessjoni tiġġustifika eżenzjoni minn dawn ir-regoli.

(21)

L-amministrazzjoni tal-problemi ta' konġestjoni għandha tipprovdi sinjali ekonomiċi korretti lill-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u parteċipanti fis-suq u għandha tkun ibbażata fuq mekkaniżmi tas-suq.

(22)

Għandhom jiġu mħeġġa bis-sħiħ investimenti f'infrastrutturi ewlenin ġodda filwaqt li tiġi żgurata il-ħidma kif xieraq tas-suq intern tal-elettriku. Sabiex jissaħħaħ l-effett pożittiv ta' interkonnetturi tal-kurrent dirett eżentati fuq kompetizzjoni u sigurtà tal-provvista, irid jiġi ttestjat l-interess fis-suq matul il-fażi ta' ppjanar tal-proġett u jridu jiġu adottati regoli tal-ġestjoni tal-konġestjoni. Meta interkonnetturi tal-kurrent dirett jinstabu fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed, l-Aġenzija għandha, bħala l-aħħar mezz, tipproċessa t-talba għall-eżenzjoni sabiex jitqiesu aħjar l-implikazzjonijiet transkonfinali tagħha u jiffaċilitaw l-ipproċessar amministrattiv tagħha. Barra minn hekk, minħabba l-profil eċċezzjonali ta' riskju fil-bini ta' dawn il-proġetti kbar ta' infrastruttura eżentati, impriżi b'interessi ta' provvista u ta' produzzjoni għandhom ikunu jistgħu igawdu minn deroga temporanja mir-regoli kollha ta' separazzjoni għall-proġetti konċernati.

(23)

Biex jiġi assigurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-elettriku, għandhom jitlestew dispożizzjonijiet għal proċeduri li jippermettu l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet u linji gwida dwar kif għandhom isiru, fost affarijiet oħra, ir-regoli ta' kif isiru t-tariffi u l-allokazzjonijiet ta' kapaċità mill-Kummissjoni waqt li jkun assigurat l-involviment tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri f'dan il-proċess, fejn f'waqtu, permezz tal-assoċjazzjoni tagħhom Ewropea. Awtoritajiet Regolatorji, flimkien ma' awtoritajiet oħrajn fl-Istati Membri, għandhom rwol importanti biex jgħinu biex ikun hemm funzjonament xieraq tas-suq intern tal-elettriku.

(24)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw il-konformità mar-regoli li jkunu jinsabu f'dan ir-Regolament u l-linji gwida adottati fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament.

(25)

L-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikollhom l-obbligu jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni rilevanti. Tali informazzjoni għandha tiġi trattata b'mod kunfidenzjali mill-Kummissjoni. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha jkollha opportunità titlob biex tingħata informazzjoni rilevanti direttament mill-impriża konċernata, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu mgħarrfa.

(26)

L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

(27)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(28)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tistabbilixxi jew tadotta l-linji gwida meħtieġa għall-provvediment tal-livell minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta' dan ir-Regolament. Peress li dawk il-miżuri għandhom kamp ta' applikazjzoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh b'elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(29)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-provvedimenti għal struttura armonizzata għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista' jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(30)

Minħabba l-ambitu tal-emendi li b'dan qegħdin isiru għar-Regolament (KE) Nru 1228/2003, huwa tajjeb li, għal raġunijiet ta' ċarezza u razzjonalità, d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jitfasslu mill-ġdid billi jinġemgħu kollha flimkien f'test wieħed f'Regolament ġdid,

ADDOTTAW DAN IR–REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament huwa maħsub sabiex:

(a)

jistabbilixxi regoli imparzjali għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku, u b'hekk titkabbar il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku, waqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċjali tas-swieq nazzjonali u reġjonali. Dan jinvolvi l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' kumpens għal flussi transkonfinali tal-elettriku u l-istabbilitment ta' prinċipji armonizzati dwar il-ħlasijiet tat-trasmissjoni transkonfinali u l-allokazzjoni ta' kapaċitajiet disponibbli ta' interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni;

(b)

jiffaċilita l-iżvilupp ta' suq bl-ingrossa li jiffunzjona tajjeb u li jkun trasparenti, b'livell għoli ta' sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Huwa jipprovdi mekkaniżmi biex jarmonizza dawn ir-regoli għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 id-Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (6), bl-eċċezzjoni tad-definizzjoni ta' “interkonnettur” li għandha tinbidel b'dan li ġej:

“interkonnettur” tfisser linja ta' trasmissjoni li taqsam jew tgħaddi fuq il-fruntiera bejn Stati Membri u li tgħaqqad is-sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni tal-Istati Membri.

2.   Għandhom japplikaw ukoll il-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtoritajiet regolatorji” tfisser l-awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2009/…/KE.

(b)

“fluss transkonfinali” tfisser fluss fiżiku tal-elettriku fuq network ta' trasmissjoni ta' Stat Membru li jirriżulta mill-impatt tal-attività ta' produtturi u/jew konsumaturi barra dak l-Istat Membru fuq in-network ta' trasmissjoni tiegħu. Jekk in-networks ta' trasmissjoni ta' żewġ Stati Membri jew iżjed jifformaw parti, kompletament jew parzjalment, minn blokk ta' kontroll uniku, il-blokk ta' kontroll sħiħ għandu, għall-iskop biss tal-mekkaniżmu ta' kumpens tal-operatur tas-sistema ta' inter-trasmissjoni msemmi fl-Artikolu 13, jkun ikkunsidrat li jifforma parti min-network ta' trasmissjoni ta' wieħed mill-Istati Membri konċernati, sabiex jiġi evitat li flussi fil-blokki ta' kontroll jkunu kkunsidrati bħala flussi transkonfinali u li jagħtu lok għall-għoti ta' ħlas ta' kumpens taħt l-Artikolu 13. L-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati jistgħu jiddeċiedu f'liema wieħed mill-Istati Membri konċernati il-blokk kollu ta' kontroll għandu jitqies bħala parti mit-network ta' trasmissjoni;

(c)

“konġestjoni” tfisser sitwazzjoni fejn interkonnessjoni li tgħaqqad networks nazzjonali ta' trasmissjoni ma tkunx tista' takkomoda l-flussi fiżiċi kollha li jirriżultaw mill-kummerċ internazzjonali mitlub mill-parteċipanti fis-suq, minħabba nuqqas fil-kapaċità tal-interkonnetturi u/jew tas-sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni konċernati;

(d)

“esportazzjoni ddikjarata” tfisser il-bgħit tal-elettriku minn Stat Membru fuq il-bażi ta' arranġament kuntrattwali bl-effett li t-teħid korrispondenti simultanju (importazzjoni ddikjarata) tal-elettriku isir fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz;

(e)

“transitu ddikjarat” jfisser ċirkustanza fejn issir esportazzjoni ddikjarata tal-elettriku u fejn il-mogħdija proposta għall-operazzjoni tinvolvi xi pajjiż li fih la ser isir il-bgħit u lanqas it-teħid simultanju korrispondenti tal-elettriku;

(f)

“importazzjoni ddikjarata” tfisser it-teħid tal-elettriku fi Stat Membru jew pajjiż terz b'mod simultanju mal-bgħit tal-elettriku (esportazzjoni ddikjarata) fi Stat Membru ieħor;

(g)

“interkonnettur ġdid” ifisser xi interkonnettur li ma jkunx tlesta sa … (8).

Artikolu 3

Ċertifikazzjoni ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trasmissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika ta' deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur ta' sistema ta' trasmissjoni kif stabbilit fl-Artikoli 10(6) tad-Direttiva 2009/…/KE hekk kif tirċeviha. Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tirċievi din in-notifika, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 11, u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/…/KE.

Fit-tħejjija tal-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija biex tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali. F'tali każ, il-perijodu ta' xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jittawwal b'xahrejn oħra.

Fin-nuqqas ta' opinjoni mill-Kummissjoni fil-perijodu msemmi fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

2.   Meta tirċievi opinjoni tal-Kummissjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha, fi żmien xahrejn, tadotta d-deċiżjoni finali tagħha rigward iċ-ċertifikazzjoni tal-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni, filwaqt li tieħu kont kemm jista' jkun ta' dik l-opinjoni. Id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu pubblikati flimkien.

3.   Fi kwalunkwe waqt matul il-proċedura, l-awtoritajiet regolatorji u/jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-operatur ta' sistema ta' trasmissjoni u/jew lill-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' ġenerazzjoni jew ta' provvista kull informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan l-Artikolu.

4.   L-awtoritajiet Regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jippreservaw il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

5.   Il-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(2).

6.   Fejn il-Kummissjoni tkun irċeviet notifika taċ-ċertifikazzjoni ta' operatur ta' sistema ta' trasmissjoni taħt l-Artikolu 9(10) tad-Direttiva 2009/…/KE, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni. L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Network Ewropea ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trasmissjoni tal-Elettriku

L-operaturi kollha ta' sistema ta' trasmissjoni għandhom jikkoperaw fil-livell Komunitarju permezz tal-ENTSO tal-Elettriku sabiex tiġi promossa t-tkomplija tas-suq intern tal-elettriku u biex tiġi żgurata l-aħjar tmexxija u evoluzzjoni teknika soda tan-network Ewropew ta' trasmissjoni tal-elettriku.

Artikolu 5

Stabbiliment tal-ENTSO tal-Elettriku

1.   Sa … (9) kull operatur ta' sistema ta' trasmissjoni tal-elettriku għandu jibgħat lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz ta' statuti, lista ta' membri u abbozz ta' regoli ta' proċedura, inklużi r-regoli ta' proċedura fuq il-konsultazzjoni ta' partijiet interessati oħrajn, tal-ENTSO tal-Elettriku li għandu jiġi stabbilit.

2.   Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tirċevihom, l-Aġenzija, wara li tikkonsulta l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet interessati kollha, għandha tagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' statuti, il-lista ta' membri u l-abbozz ta' regoli ta' proċedura.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-abbozz tal-istatuti, il-lista ta' membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-opinjoni tal-Aġenzija.

4.   Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih jirċievu l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jistabbilixxu ENTSO tal-Elettriku, jadottaw l-istatuti u r-regoli ta' proċedura tiegħu u jippubblikahom.

Artikolu 6

Stabbiliment tal-Kodiċijiet tan-Network

1.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Aġenzija, mal-ENTSO tal-Elettriku u mal-partijiet interessati konċernati l-oħrajn, tistabbilixxi lista ta' prijoritajiet annwali li tidentifika l-oqsma stipulati fl-Artikolu 8(6) li għandhom ikunu inklużi fl-iżvilupp tan-network tal-kodiċijiet.

2.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija sabiex din tippreżentalha fi żmien raġonevoli ta' mhux aktar minn sitt xhur abbozz ta' linji gwida ta' qafas mhux obbligatorji li jipprovdu prinċipji ċari u oġġettivi, konformement mal-Artikolu 8(7), għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-network relatat mal-oqsma identifikati fil-lista ta' prijoritajiet. Kull abbozz ta' linja gwida mhux obbligatorja ta' qafas għandha tikkontribwixxi għan-non-diskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għall-funzjonament effiċjenti tas-suq. Fuq talba raġunata mill-Aġenzija, il-Kummissjoni tista' testendi dak il-perijodu.

3.   L-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-ENTSO tal-Elettriku u lil partijiet interessati u pertinenti l-oħrajn dwar l-abbozz ta' linji gwida ta' qafas mhux obbligatorji, matul perijodu ta' mhux inqas minn xahrejn, b'mod miftuħ u trasparenti.

4.   Jekk il-Kummissjoni tqis li l-abbozz ta' linji gwida ta' qafas mhux obbligatorji ma jikkontribwixxix għan-non-diskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u funzjonament effiċjenti tas-suq, hija tista' titlob lill-Aġenzija tirrivedi l-abbozz ta' linji gwida ta' qafas mhux obbligatorji f'perijodu ta' żmien raġonevoli, u terġa' tippreżentah lill-Kummissjoni.

5.   Jekk l-Aġenzija tonqos milli tippreżenta jew li terġa' tippreżenta mill-ġdid abbozz ta' linji gwida ta' qafas mhux obbligatorji fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni taħt il-paragrafu 2 jew il-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tħejji l-linji gwida ta' qafas mhux obbligatorji in kwistjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha tistieden lil-ENTSO tal-Elettriku biex jippreżenta lill-Aġenzija kodiċi tan-network li jikkonforma mal- linji gwida ta' qafas mhux obbligatorji rilevanti, fi żmien perijodu raġonevoli ta' mhux aktar minn tnax-il xahar.

7.   Fi żmien tliet xhur wara li tirċievi kodiċi tan-network, matul liema perijodu l-Aġenzija tista' tikkonsulta formalment mal-partijiet interessati u pertinenti, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni raġunata lil-ENTSO tal-Elettriku dwar il-kodiċi tan-network.

8.   L-ENTSO tal-Elettriku jista' jemenda l-kodiċi tan-network fid-dawl tal-opinjoni tal-Aġenzija u jerġa' jippreżentah lill-Aġenzija.

9.   Ladarba l-Aġenzija tkun sodisfatta li l-kodiċi tan-network jikkonforma mal- linji gwida ta' qafas mhux obbligatorji rilevanti, l-Aġenzija għandha tippreżenta l-kodiċi tan-network lill-Kummissjoni u tista' tirrakkomanda li jiġi adottat.

10.   Fejn l-ENTSO tal-Elettriku ma jkunx żviluppa kodiċi tan-network fi żmien il-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni taħt il-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija biex tħejji abbozz ta' kodiċi tan-network fuq il-bażi tal-linji gwida ta' qafas mhux obbligatorji rilevanti. L-Aġenzija tista' tniedi konsultazzjoni oħra matul it-tħejjija ta' abbozz ta' kodiċi tan-network taħt dan il-paragrafu. L-Aġenzija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta' kodiċi tan-network imħejji taħt dan il-paragrafu u tista' tirrakkomanda li jiġi adottat.

11.   Il-Kummissjoni tista' tadotta, fuq inizjattiva tagħha stess meta l-ENTSO tal-Elettriku jkun naqas milli jħejji kodiċi tan-network, jew l-Aġenzija tkun naqset milli tħejji abbozz ta' kodiċi tan-network kif imsemmi fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu, jew fuq rakkomandazzjoni tal-Aġenzija taħt il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu, kodiċi wieħed jew aktar tan-network fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6).

Jekk il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' kodiċi tan-network fuq inizjattiva tagħha, hija tista' tikkonsulta lill-Aġenzija, lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-partijiet interessati u pertinenti kollha dwar l-abbozz ta' kodiċi tan-network matul perijodu ta' mhux inqas minn xahrejn.

Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(2).

12.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tadotta u temenda linji gwida kif stabbilit fl-Artikolu 18.

Artikolu 7

Modifika tal-Kodiċijiet tan-Network

1.   Abbozzi ta' modifiki għal kwalunkwe kodiċi tan-network adottat taħt l-Artikolu 6 jistgħu jiġu proposti lill-Aġenzija minn persuni li x'aktarx ikunu interessati f'dak il-kodiċi tan-network, inklużi l-ENTSO tal-Elettriku, l-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni, utenti tas-sistema u konsumaturi. L-Aġenzija tista' wkoll tipproponi modifiki fuq inizjattiva tagħha stess.

2.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi, fir-Regoli tal-Proċedura tagħha, proċessi effiċjenti għal valutazzjoni ta' abbozzi ta' modifiki u konsultazzjoni bir-reqqa dwarhom, inkluż mal-ENTSO tal-Elettriku u l-utenti tas-sistema. Wara dan il-proċess, l-Aġenzija tista' tagħmel proposti raġunati għal modifiki lill-Kummissjoni, u tispjega kif proposti bħal dawn ikunu konsistenti mal-objettivi tal-kodiċijiet tan-network stipulati fl-Artikolu 6(2).

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta, wara li tqis il- proposti tal-Aġenzija, modifiki għal kwalunkwe kodiċi tan-network adottat taħt l-Artikolu 6. Dawk il-miżuri, li tfasslu sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, billi jżidu miegħu, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 23(2).

4.   Il-konsiderazzjoni tal-modifiki proposti konformement mal-proċedura previst fl-Artikolu 23(2) għandha tkun limitata għal konsiderazzjoni tal-aspetti marbuta mal-modifika proposta. Dawn il-modifiki proposti huma mingħajr preġudizzju għal xi modifiki oħra li tista' tipproponi l-Kummissjoni.

Artikolu 8

Kompiti ta' ENTSO tal-Elettriku

1.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jelabora kodiċijiet tan-network fl-oqsma previsti fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu fuq talba indirizzata lilu mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(6).

2.   L-ENTSO tal-Elettriku jista' jelabora kodiċijiet tan-network fl-oqsma previsti fil-paragrafu 6 fejn dawn il-kodiċijiet ma jirrelatawx ma' oqsma koperti minn talba indirizzata lilu mill-Kummissjoni. Dawn il-kodiċijiet tan-network għandhom jiġu preżentati lill-Aġenzija għal opinjoni.

3.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jadotta:

(a)

għodod operattivi ta' network komuni, inkluża skala ta' klassifika ta' inċidenti komuni, u pjani ta' riċerka;

(b)

pjan ta' żvilupp mhux obbligatorju tan-network għall-Komunità kollha fuq firxa ta' 10 snin (“pjan ta' żvilupp tan-network”), inkluż prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea ġenerata, kull sentejn;

(c)

programm ta' ħidma annwali;

(d)

rapport annwali;

(e)

prospetti annwali dwar l-adegwatezza tal-provvista ġenerata għas-sajf u għax-xitwa;

4.   Il-prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea ġenerata msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 għandu jkopri l-adegwatezza ġenerali tas-sistema tal-elettriku għall-provvista ta' talbiet attwali u proġettati għall-elettriku għall-perijodu ta' ħames snin li ġejjin kif ukoll għall-perijodu bejn ħames u ħmistax-il sena mid-data ta' dak il-prospett. Dan il-prospett Ewropew dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni għandu jibni fuq prospetti dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni mħejjija minn kull operatur individwali ta' sistema ta' trasmissjoni.

5.   Il-programm ta' ħidma annwali msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 3 għandu jinkludi lista u deskrizzjoni tal-kodiċijiet tan-network li għandhom jitħejjew, pjan dwar il-koordinazzjoni tal-operat tan-network u l-attivitiajiet ta' riċerka u żvilupp, li għandhom jitwettqu f'dik is-sena, u kalendarju indikattiv.

6.   Il-kodiċijiet tan-network imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin, b'kont meħud, jekk xieraq, tal-ispeċifiċitajiet reġjonali:

(a)

regoli ta' sigurtà u affidabbiltà tan-network inklużi regoli għal kapaċità ta' riserva ta' trasmissjoni teknika għas-sigurtà tan-network operattiv;

(b)

regoli dwar il-konnessjoni mar-rettikolat;

(c)

regoli ta' aċċess għal partijiet terzi;

(d)

regoli dwar l-iskambju ta' data u dwar l-issetiljar;

(e)

regoli dwar l-interoperabbiltà;

(f)

proċeduri operattivi f'emerġenza;

(g)

allokazzjoni ta' kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta' konġestjoni;

(h)

regoli għall-kummerċ relatati mal-proviżjoni teknika u operattiva tas-servizzi ta' aċċess għan-network u l-ibbilanċjar tas-sistema;

(i)

regoli dwar it-trasparenza;

(j)

regoli dwar l-ibbilanċjar, inklużi regoli dwar ir-riżerva tal-enerġija relatati man-network;

(k)

regoli dwar strutturi tariffarji armonizzati għat-trasmissjoni inklużi sinjali tal-lokalità u regoli dwar il-kumpens bejn l-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni;

(l)

effiċjenza fl-enerġija tan-networks tal-elettriku.

7.   Il-kodiċijiet tan-network għandhom jiġu żviluppati biss għal kwistjonijiet traskonfinali tan-network u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu kodiċijiet nazzjonali għal kwistjonijiet mhux transkonfinali.

8.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jissorvelja u janalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-networku l-linji gwida adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(11), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq. L-ENTSO tal-Elettriku għandu jirrapporta l-konklużjonijiet tiegħu lill-Aġenzija u jinkludi r-riżultati tal-analiżi fir-rapport annwali msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

9.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jagħmel disponsibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Aġenzija biex twettaq il-kompiti tagħha taħt l-Artikolu 9(1).

10.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jadotta u jippubblika pjan ta' żvilupp tan-network kull sentejn. Il-pjan ta' żvilupp tan-network għandu jinkludi t-tfassil tan-network integrat, l-iżvilupp tax-xenarju, prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea ġenerata u u valutazzjoni tal-kapaċità ta' rkupru tas-sistema.

Il-pjan ta' żvilupp tan-network għandu, b'mod partikolari:

(a)

jibni fuq pjani ta' investiment nazzjonali, pjani ta' investiment reġjonali kif imsemmijin fl-Artikolu 12(1), u, jekk ikun il-każ, fil-linji gwida għal Networks tal-enerġija trans-Ewropej taħt id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE (10);

(b)

rigward l-interkonnessjonijiet transkonfinali, jibni wkoll fuq il-ħtiġijiet raġonevoli tal-utenti differenti tas-sistema u jintegra impenji ta' perijodu fit-tul mill-investituri kif imsemmija fl-Artikolu 8 u l-Artikoli 13 u 22 tad-Direttiva 2009/…/KE;

(c)

jidentifika l-lakuni fl-investiment, notevolment fir-rigward ta' kapaċitajiet transkonfinali.

11.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-ENTSO tal-Elettriku għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-fehmiet tiegħu dwar l-adozzjoni ta' linji gwida kif stabbilit fl-Artikolu 18.

Artikolu 9

Sorveljanza mill-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 8 (1), (2) u (3), tal-ENTSO tal-Elettriku, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

L-Aġenzija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni, mill-ENTSO tal-Elettriku, tal-kodiċijiet tan-network imfasslin taħt l-Artikolu 8(2) u l-kodiċijiet tan-network li ġew żviluppati taħt l-Artikolu 6(1) sa (10) iżda li ma ġewx adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(11). L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni debitament raġunata lill-Kummissjoni fejn l-ENTSO tal-Elettriku jkun naqas milli jimplimenta xi kodiċijiet minn dawn tan-network.

L-Aġenzija għandha tissorvelja u tanalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida adottati mill-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6(11), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq kif ukoll fuq in-non-diskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva, funzjonament effiċjenti tas-suq, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

2.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jippreżenta l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-network u l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali, inkluża l-informazzjoni dwar il-proċess ta' konsultazzjoni, lill-Aġenzija għall-opinjoni tagħha.

Fi żmien xahrejn mir-riċezzjoni, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni debitament raġunata kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-Kummissjoni meta tqis li l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali jew l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-network preżentati minn ENTSO tal-Elettriku ma jikkontribwixxix għan-non-diskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva, il-funzjonament effiċjenti tas-suq jew livell suffiċjenti ta' interkonnessjoni transkonfinali miftuħa għall-aċċess mill-partijiet terzi.

Artikolu 10

Konsultazzjonijiet

1.   Fil-preparazzjoni tal-kodiċijiet tan-network, l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-network u l-programm ta' ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), l-ENTSO tal-Elettriku għandu jwettaq proċess estensiv ta' konsultazzjoni, fi stadju bikri, u b'mod miftuħ u trasparenti, li jkun jinvolvi lill-parteċipanti kkonċernati kollha tas-suq u, b'mod partikolari, lil-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati kollha konformement mar-regoli ta' proċedura msemmija fl-Artikolu 5(1). Dik il-konsultazzjoni għandha tinvolvi wkoll l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħrajn, impriżi ta' forniment u ġenerazzjoni, klijenti, utenti tas-sistemi, operaturi ta' sistema ta' distribuzzjoni, inklużi l-assoċjazzjonijiet konċernati tal-industrija, il-korpi tekniċi u l-pjattaformi ta' partijiet interessati u pertinenti. Hija għandha tiġi mmirata lejn l-identifikazzjoni tal-fehmiet u l-proposti tal-partijiet konċernati kollha waqt il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet.

2.   Id-dokumenti kollha u l-minuti tal-laqgħat li jkollhom x'jaqsmu mal-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru pubbliċi.

3.   Qabel ma jiġi adottat il-programm ta' ħidma annwali u l-kodiċijiet tan-network imsemmija fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), l-ENTSO tal-Elettriku għandu jindika kif tqiesu l-osservazzjonijiet li jkun irċieva waqt il-konsultazzjoni. Għandu jagħti r-raġunijiet fejn l-osservazzjonijiet ma tqisux.

Artikolu 11

Spejjeż

Lispejjeż relatati mal-attivitajiet tal-ENTSO tal-Elettriku msemmi fl-Artikoli 4 sa 12 għandhom jitħallsu mill-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn l-ispejjeż biss jekk ikunu raġonevoli u proporzjonati.

Artikolu 12

Koperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jistabbilixxu koperazzjoni reġjonali fi ħdan l-ENTSO tal-Elettriku biex jikkontribwixxu għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 8(1), (2) u (3). B'mod partikolari, għandhom jippubblikaw pjan ta' investiment reġjonali kull sentejn, u jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment ibbażati fuq dak il-pjan ta' investiment reġjonali.

2.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippromwovu arranġamenti operattivi sabiex jiżguraw l-aħjar tmexxija tan-network, u għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta' skambji tal-enerġija, l-allokazzjoni ta' kapaċità traskonfinali permezz ta' soluzzjonijiet non-diskriminatorji bbażati fuq is-suq, bl-attenzjoni dovuta għall-merti speċifiċi tal-bejgħ bl-irkant impliċitu għall-allokazzjonijiet fil-perijodu qasir, u l-integrazzjoni ta' mekkaniżmi ta' bilanċ u ta' riżervi tal-enerġija.

3.   Iż-żona ġeografika koperta minn kull struttura ta' koperazzjoni reġjonali tista' tkun definita mill-Kummissjoni, b'kont meħud tal-istrutturi reġjonali ta' koperazzjoni eżistenti. Kull Stat Membru għandu jkun jista' jippromwovi l-koperazzjoni f'aktar minn żona ġeografika waħda. Il-miżura msemmija fl-ewwel sentenza, imfasla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, billi tissupplimentah, għandha tiġi adottata konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(2).

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista' tikkonsulta l-ENTSO tal-Elettriku u l-Aġenzija.

Artikolu 13

Mekkaniżmu ta' kumpens għall-operaturi ta' sistemi ta' inter-trasmissjoni

1.   L-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni għandhom jirċevu kumpens għall-ispejjeż li jġarrbu minħabba li jiffaċilitaw, permezz tan-networks tagħhom, flussi transkonfinali tal-elettriku.

2.   Il-kumpens li jirriferi għalih il-paragrafu 1 għandu jitħallas mill-operaturi tas-sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni li minnu joriġinaw il-flussi transkonfinali u tas-sistemi fejn jaslu l-flussi.

3.   Il-ħlasijiet ta' kumpens għandhom isiru fuq bażi regolari ta' perijodu regolari għaż-żmien li jkun għadda. L-aġġustamenti ex post ta' kumpens imħallas għandhom isiru fejn jeħtieġ biex jikkorrispondu ma' spejjeż attwalment mġarrba.

L-ewwel perijodu ta' żmien li għalih ħlasijiet ta' kumpens għandhom isiru għandhom jiġu determinati fil-linji gwida msemmija fl-Artikolu 18.

4.   Filwaqt li taġixxi konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(2), il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammonti ta' kumpens li għandhom jitħallsu.

5.   Id-dimensjoni ta' flussi transkonfinali akkomodati u d-dimensjoni ta' flussi transkonfinali denominati bħala li joriġinaw u/jew jitterminaw f'sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni għandhom jiġu determinati fuq il-bażi tal-flussi ta' elettriku li attwalment jiġu miżurati matul perijodu partikolari ta' żmien.

6.   L-ispejjeż minfuqa fil-faċilitazzjoni tal-flussi transkonfinali għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-ispejjeż mistennijin li jiżdiedu għal tul ta' żmien li ġej, meta wieħed jikkunsidra t-telf, l-investiment f'infrastruttura ġdida, u l-proporzjon xieraq tan-nefqa fuq l-infrastruttura eżistenti, sa fejn l-infrastruttura tkun użata għat-trasmissjoni ta' fluss transkonfinali, partikolarment billi tiġi kunsidrata l-ħtieġa li tkun iggarantita s-sigurtà tal-provvista. Meta jiġu stabbiliti l-ispejjeż imġarrba, għandhom jintużaw metodoloġiji rikonoxxuti ta' standard-costing. Il-benefiċċji li network igawdi mill-akkomodament ta' flussi transkonfinali għandhom jiġu kkunsidrati biex jitnaqqas il-kumpens riċevut.

Artikolu 14

Ħlasijiet għal aċċess għan-networks

1.   Il-ħlasijiet applikati minn operaturi tan-networks għal aċċess għan-networks għandhom ikunu trasparenti, waqt li jqisu l-ħtieġa għas-sigurtà tan-network u jirriflettu spejjeż attwalment minfuqa meta jistgħu jitqabblu ma' dawk ta' operatur ta' network effiċjenti u strutturalment paragunabbli u applikati b'mod mhux diskriminatorju. Dawk il-piżijiet ma għandhomx ikunu relatati mad-distanza.

2.   Fuq il-produtturi u l-konsumaturi (“piż”) jistgħu jiġu imposti piżijiet għall-aċċess man-networks. Il-proporzjon tal-ammont totali tal-piżijiet tan-networks mħallsa mill-produtturi għandhom, bla ħsara għall-ħtieġa li jkunu pprovduti sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità, ikun aktar baxx mill-proporzjon mħallas mill-konsumaturi. Fejn jixraq, il-livell ta' tariffi applikati lill-produtturi u/jew lill-konsumaturi għandu jipprovdi sinjali tal-lokalità fil-livell tal-Komunità, u jqis l-ammont ta' telf tan-networks u l-konġestjoni kkawżata, u kemm jiswew l-investimenti fl-infrastruttura. Dan ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jipprovdu sinjali ta' lokalità fit-territorju tagħhom jew milli japplikaw mekkaniżmi biex jassiguraw li l-piżijiet għall-aċċess għan-networks li jkunu imposti fuq il-konsumaturi (“piż”) ikunu uniformi fit-territorju kollu tagħhom.

3.   Meta jiġu stabbiliti l-ħlasijiet għal aċċess għan-networks, għandu jittieħed kont ta' dawn li ġejjin:

(a)

ħlasijiet u dħul li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta' kumpens tas-sistema ta' trasmissjoni bejn in-networks;

(b)

ħlasijiet li attwalment ħarġu jew daħlu kif ukoll ħlasijiet mistennija għal perijodi fil-ġejjieni, stmati fuq il-bażi ta' perijodi passati.

4.   Bil-kondizzjoni li sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità jkunu jitħaddmu, taħt il-paragrafu 2, piżijiet għal aċċess għan-networks li japplikaw għal produtturi u konsumaturi għandhom ikunu applikati ikun xi jkun il-pajjiż destinatarju jew ta' oriġini, rispettivament, tal-elettriku, kif speċifikat fl-arranġament kummerċjali li huwa bażi ta' dan. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal piżijiet fuq esportazzjoni ddikjarata u importazzjoni ddikjarata li jirriżultaw mill-immaniġġjar tal-konġestjoni li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 16.

5.   Ma għandu jkun hemm l-ebda ħlas speċifiku impost fuq transazzjonijiet individwali għal transitu ddikjarat tal-elettriku.

Artikolu 15

Għoti ta' informazzjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta' kordinazzjoni u informazzjoni biex jassiguraw is-sigurtà tan-networks tal-Istat fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-konġestjoni.

2.   L-istandards ta' sigurtà, ta' operazzjoni u ppjanar użati mill-operaturi tas-sistema pubblika ta' trasmissjoni għandhom ikunu ppubblikati. L-informazzjoni ppublikata għandha tinkludi skema ġenerali għall-kalkolazzjoni tal-kapaċità totali ta' trasferiment u l-marġni tal-kredibilità tat-trasmissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi elettriċi u fiżiċi tan-networks. Tali skemi għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regulaturi.

3.   L-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw stimi tal-kapaċità disponibbli ta' trasmissjoni għal kull jum, waqt li tkun indikata kull kapaċità ta' trasmissjoni diġà riservata. Dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom isiru bi frekwenza speċifikata qabel il-jum tat-trasport u għandhom jinkludu, f'kull każ, stimi tal-ġimgħa li jmiss u x-xahar li jmiss, kif ukoll indikazzjoni kwantitattiva tal-affidabbiltà tal-kapaċità disponibbli.

4.   L-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw id-data rilevanti dwar t-tbassir aggregat u d-domanda proprja, dwar disponibbiltà u użu proprju ta' assi ta' ġenerazzjoni u tagħbija dwar disponibbiltà u użu tan-networks u tal-interkonnetturi, u dwar l-ibbilanċjar tal-enerġija u l-kapaċità ta' riserva. Għad-disponibbiltà u l-użu proprju ta' unitajiet ta' ġenerazzjoni u tagħbija żgħar, tista' tintuża data stmata aggregata.

5.   Il-parteċipanti konċernati fis-suq għandhom jagħtu lill-operaturi ta' sistema ta' trasmissjoni d-data rilevanti.

6.   l-impriżi ta' ġenerazzjoni li jkunu proprjetarji jew li joperaw assi ta' ġenerazzjoni, fejn għall-inqas assi ta' ġenerazzjoni wieħed minnhom ikollu kapaċità installata ta' mill-anqas 250 MW, għandhom iżommu għad-disponibbiltà tal-awtorità regolatorja nazzjonali, l-awtorità nazzjonali ta' kompetizzjoni u l-Kummissjoni, għal ħames snin id-data ta' kull siegħa ta' kull impjant li hi meħtieġa biex tivverifika d-deċiżjonijiet operattivi kollha ta' bgħit u kif isiru l-offerti fi skambji tal-enerġija, fl-irkanti ta' interkonnessjonijiet, fis-swieq ta' riserva u fis-swieq tat-tip “over the counter”. L-informazzjoni għal kull impjant u kull siegħa li għandha tinħażen għandha tinkludi, iżda mhux limitata għal, data fuq il-kapaċità ta' ġenerazzjoni disponibbli u riservi mwarrba, inkluż allokazzjoni ta' dawk ir-riservi mwarrba fuq il-livell ta' kull impjant, fil-waqt ta' meta jsiru l-offerti u meta sseħħ il-produzzjoni.

Artikolu 16

Prinċipji ġenerali tal-immaniġġar tal-konġestjoni

1.   Il-problemi dwar il-konġestjoni tan-networks għandhom jiġu riżolti b'soluzzjonijiet mhux diskriminatorji b'kont meħud tas-suq li jagħtu sinjali ekonomiċi effiċjenti lill-parteċipanti involuti fis-suq u lill-operaturi involuti ta' sistemi ta' trasmissjoni. Il-problemi dwar il-konġestjoni għan-networks għandhom preferibbilment jiġu riżolti b'metodi mhux ibbażati fuq transazzjonijiet, jiġifieri metodi li ma jinvolvux għażla minn fost il-kuntratti ta' parteċipanti individwali fis-suq.

2.   Proċeduri li jillimitaw transazzjonijiet għandhom jintużaw biss f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fejn l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni huwa obbligat li jaġixxi bil-ħeffa u l-bgħit mill-ġdid jew it-tpartit ma jkunx possibbli. Kull proċedura bħal din għandha tkun applikata b'mod mhux diskriminatorju.

Ħlief f'każi ta' forża maġġuri, parteċipanti fis-suq li jkunu allokati kapaċità għandhom ikunu kkumpensati għal kull tnaqqis.

3.   Il-kapaċità massima tal-interkonnessjonijiet u/jew tan-networks ta' trasmissjoni li jaffettwaw flussi transkonfinali għandhom ikunu magħmula għall-parteċipanti fis-suq, u jikkonformaw mal-i standards ta' sigurtà ta' operaturi ta' networks bla periklu.

4.   Il-parteċipanti fis-suq għandhom jinformaw lill-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni konċernati fi żmien ragonevoli qabel il-perjodu operattiv rilevanti jekk humiex bil-ħsieb li jużaw il-kapaċità allokata. Kull kapaċità li ma tkunx ser tintuża għandha titqassam mod ieħor fis-suq, f'mod miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju.

5.   L-operaturi ta' sistema ta' trasmissjoni għandu, sa fejn ikun teknikament possibbli, jinnettjaw il-ħtiġijiet ta' kwalunkwe fluss ta' enerġija fid-direzzjonijiet opposti fuq il-linja ta' inter-konnessjoni li jkollha konġestjoni sabiex jużaw din il-linja sal-kapaċità massima tagħha. Waqt li tingħata importanza sħiħa lis-sigurtà tan-networks, ma għandhom qatt jiġu miċhuda t-transazzjonijiet li jtaffu l-konġestjoni.

6.   Kull introjtu li jirriżulta mill-allokazzjoni ta' inter-konnessjoni għandu jkun użat għall- għanijiet li ġejjin:

(a)

biex jiggarantixxi d-disponibbilità attwali tal-kapaċità allokata; u/jew

(b)

iż-żamma jew iż-żieda ta' kapaċitajiet ta' interkonnessjoni permezz ta' investimenti fin-networks, b'mod partikolari f' interkonnetturi ġodda.

Jekk l-introjtu ma jkunx jista' jintuża b'mod effiċjenti għall-finijiet stipulati fil-punti (a) u/jew (b) tal-ewwel subparagrafu, huwa jista' jintuża, suġġett għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati, sa ammont massimu li għandu jkun deċiż minn dawk l-awtoritajiet regolatorji, bħala introjtu li tiegħu għandu jittieħed kont mill-awtoritajiet regolatorji meta japprovaw il-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi tan-network, u/jew sabiex jistabbilixxu t-tariffi tan-network.

Il-bqija tad-dħul għandu jitqiegħed f'linja ta' kont intern separat sakemm jasal iż-żmien li jista' jintefaq għall-finijiet stipulati fil-punt (a) u/jew (b) tal-ewwel subparagrafu.

Artikolu 17

Interkonnetturi ġodda

1.   Interkonnetturi ġodda tal-kurrent dirett jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perijodu limitat ta' żmien, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(6) ta' dan ir-Regolament u l-Artikoli 9 u 31 u l-Artikolu 36(6) u (8) tad-Direttiva 2009/…/KE taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-investiment għandu ikabbar il-kompetizzjoni fil-provvista tal-elettriku;

(b)

il-livell ta' riskju assoċjat mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni;

(c)

l-interkonnettur għandu jkun proprjetà ta' persuna fiżika jew ġuridika li tkun separata għall-inqas fil-forma legali tagħha mill-operaturi tas-sistema li fiha l-interkonnetturi jkunu ser jinbnew;

(d)

jiġu imposti piżijiet fuq utenti ta' dak l-interkonnettur;

(e)

mill-ftuħ parzjali tas-suq li hemm referenza għalih fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1996 dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku (11), ma tkun ġiet irkuprata l-ebda parti mill-ispejjeż kapitali jew operattivi tal-interkonnettur minn xi komponent ta' ħlasijiet imposti għall-użu ta' sistemi ta' trasmissjoni jew distribuzzjoni kkollegati mal-interkonnettur;

(f)

l-eżenzjoni ma għandhiex tkun għad-detriment tal-kompetizzjoni jew gtal-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-elettriku, jew tal-funzjonament effiċjenti tas-sistema regolata li l-interkonnettur huwa kkollegat magħha.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll, f'każijiet eċċezzjonali, għal interkonnetturi ta' kurrent alternanti, sakemm l-ispejjeż u r-riskji tal-investiment partikolari involuti huma partikolarment għoljin meta mqabbla mal-ispejjeż u riskji normalment iffaċċjati meta jkunu qegħdin jiġu mqabbda żewġ sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni ġirien minn interkonnettur ta' kurrent alternanti.

3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità ta' interkonnetturi eżistenti.

4.   Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni taħt il-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tittieħed fuq bażi ta' każ b'każ mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati. Eżenzjoni tista' tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha, tal-interkonnettur il-ġdid, jew tal-interkonnettur eżistenti b'kapaċita miżjuda b'mod sinifikanti.

Meta tittieħed deċiżjoni biex tingħata eżenzjoni, għandha tiġi kunsidrata, fuq bażi ta' każ b'każ, il-ħtieġa li jiġu imposti kondizzjonijiet dwar kemm għandhom idumu l-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-interkonnettur. Meta jiġu deċiżi dawk il-kondizzjonijiet, għandhom jitqiesu b'mod partikolari l-kapaċità addizzjonali li għandha tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-qafas ta' żmien tal-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Qabel ma jagħtu eżenzjoni, l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati għandhom jiddeċiedu dwar ir-regoli u l-mekkaniżmi għall-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità. Ir-regoli tal-immaniġġjar tal-konġestjoni għandhom jinkludu l-obbligu li tiġi offruta kapaċità mhux użata fis-suq, u l-utenti tal-faċilità għandhom ikunu intitolati li jagħmlu kummerċ fil-kapaċitajiet kuntrattwali tagħhom fuq is-suq sekondarju. Fil-valutazzjoni tagħha tal-kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (f) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandu jittieħed kont tar-riżultati tal-proċedura tal-allokazzjoni ta' kapaċità.

Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, li tinkludi kwalunkwe mill-kondizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan l-Artikolu, għandha tkun motivata u ppubblikata kif jixraq.

5.   Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 għandhom jittieħdu mill-Aġenzija biss

(a)

fejn l-awtoritajiet regolatorji konċernati ma jkunx irnexxiehom jilħqu ftehim fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun saret talba għal eżenzjoni lill-aħħar waħda fost dawn l-awtoritajiet regolatorji; jew

(b)

fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali konċernati.

L-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji konċernati.

6.   Minkejja l-paragrafi 4 u 5, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtorità regolatorja jew l-Aġenzija, skont il-każ, għandha tippreżenta, għal deċiżjoni formali, lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru l-opinjoni tagħha dwar it-talba għal eżenzjoni. Dik l-opinjoni għandha tiġi pubblikata flimkien mad-deċiżjoni.

7.   L-Awtoritajiet regolatorji għandhom jibgħatu mingħajr dewmien, għall-finijiet ta' informazzjoni, kopja ta' kull talba għal eżenjoni lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni hekk kif din tiġi riċevuta. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata, mingħajr dewmien, mill-awtoritajiet regolatorji konċernati jew mill-Aġenzija (“il-korpi notifikatorji”) lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista' tkun mogħtija lill-Kummissjoni f'forma globali, b'mod li tgħin lill-Kummissjoni tasal għal deċiżjoni mibnija fuq sisien sodi. Partikolarment, l-informazzjoni għandha jkollha:

(a)

ir-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom tkun ingħatat l-eżenzjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

(b)

l-analiżi li tkun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-elettriku li jirriżultaw mill-għoti tal-eżenzjoni;

(c)

ir-raġunijiet għall-perjodu taż-żmien u għas-sehem tal-kapaċità totali tal-interkonnettur konċernat li għalihom ingħatat l-eżenzjoni;

(d)

ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji konċernati;

8.   Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tirċievi notifika taħt il-paragrafu 7, il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni li titlob lill-korpi notifikatorji biex jemendaw jew jirtiraw id-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Dak il-perijodu ta' xahrejn jista' jittawwal b'perijodu addizzjonali ta' xahrejn meta tiġi mitluba informazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni. Dak il-perijodu addizzjonali għandu jibda l-għada li tasal l-informazzjoni kompluta. Il-perijodu inizjali ta' xahrejn jista' wkoll jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-korpi notifikatorji.

In-notifika għandha titqies li ġiet irtirata jekk l-informazzjoni mitluba ma tkunx ġiet ipprovvduta fil-perjodu stipulat fit-talba, ħlief jekk qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-perijodu jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-korpi notifikatorji, jew jekk il-korpi notifikatorji, fi stqarrija motivata kif xieraq, jinfurmaw lill-Kummissjoni li huma jqisu li n-notifika hija kompluta.

Il-korpi notifikatorji għandhom jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jemendaw jew jirtiraw d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħha u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'dan.

Il-Kummissjoni għandha tippreserva l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

L-approvazzjoni tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta' eżenzjoni għandha tiskadi sentejn mid-data ta' adozzjoni tagħha jekk, sa dak iż-żmien, il-bini tal-interkonnettur ma jkunx għadu beda, u wara ħames snin mill-adozzjoni tagħha jekk, sa dak iż-żmien, l-interkonnettur ma jsirx operattiv.

9.   Il-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida għall-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u biex tistipula l-proċedura li għandha tkun segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 4, 7 u 8 ta' dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 18

Linji ta' gwida

1.   Fejn ikun il-każ, il-linji gwida relatati mal-mekkaniżmu ta' kumpens għal operatur ta' sistema ta'intertrasmissjoni għandhom jispeċifikaw konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikoli 13 u 14:

(a)

dettalji tal-proċedura biex jiġi stabbilit liema operaturi ta' sistema ta' trasmissjoni ikunu suġġetti għal ħlas ta' kumpens għal fornimenti transkonfinali fosthom dawk dwar il-qsim bejn l-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni nazzjonali li minnhom joriġinaw flussi transkonfinali u s-sistemi fejn il-flussi jaslu, taħt l-Artikolu 13(2);

(b)

dettalji tal-proċedura ta' ħlas li għandhom ikunu segwiti, inkluża d-determinazzjoni tal-ewwel perjodu ta' żmien li għalih ikollu jitħallas kumpens skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 13(3);

(c)

dettalji ta' metodoloġiji biex jiġu determinati l-flussi transkonfinali miżmuma li għalihom għandu jitħallas kumpens taħt l-Artikolu 13, f'termini kemm ta' kwantità u ta' tipi ta' flussi, u d-deskrizzjoni tal-kobor ta' dawn il-flussi kif joriġinaw u/jew jaslu sa sistemi ta' trasmissjoni ta' Stati Membri individwali, taħt l-Artikolu 13(5);

(d)

dettalji tal-metodoloġija biex jiġu stabbiliti l-ispejjeż u l-benefiċċji għax ikunu miżmuma flussi transkonfinali, taħt l-Artikolu 13(6);

(e)

dettalji tat-trattament fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' kumpens tal-operatur ta' sistema ta' inter-trasmissjoni ta' flussi tal-elettriku li joriġinaw jew jaslu f'pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea;

(f)

il-parteċipazzjoni ta' sistemi nazzjonali li jkunu interkonnessi permezz ta' linji ta' kurrent dirett, taħt l-Artikolu 13.

2.   Il-linji gwida jistgħu jistabbilixxu wkoll regoli xierqa li jwasslu għall-armonizzazzjoni progressiva tal-prinċipji li huma l-bażi li fuqhom jiġu stabbiliti ħlasijiet applikati għall-produtturi u l-konsumaturi (tagħbija) taħt sistemi nazzjonali ta' tariffi, inkluż ir-riflessjoni tal-mekkaniżmu ta' kumpens għall-operatur ta' sistema ta' inter-trasmissjoni fi ħlasijiet ta' networks nazzjonali u d-dispożizzjoni għal sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità, konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 14.

Il-linji gwida għandhom jipprovdu għal sinjali tal-lokalità armonizzati xierqa u effiċjenti fil-livell tal-Komunità.

Kull armonizzazzjoni f'dan is-sens ma għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli japplikaw mekkaniżmi biex jiżguraw li ħlasijiet għal aċċess għan-networks mill-konsumaturi (tagħbija) jkunu mqabbla fit-territorju kollu tagħhom.

3.   Fejn ikun il-każ, il-linji gwida li jipprovdu livell minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġa għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom jispeċifikaw ukoll:

(a)

dettalji dwar l-għoti ta' informazzjoni, konformement mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 15;

(b)

dettalji dwar regoli tal-kummerċ fl-elettriku;

(c)

dettalji dwar regoli ta' inċentiv għall-investiment għall-kapaċità ta' interkonnettur inklużi s-sinjali tal-lokalità;

(d)

dettalji dwar l-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6).

4.   Il-llinji gwida dwar it-tmexxija u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta' trasmissjoni disponibbli ta' interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali huma stabbiliti fl-Anness I.

5.   Il-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida dwar is-suġġetti elenkati fil-paragrafi 1, 2 u3 ta' dan l-Artikolu. Tista' temenda l-linji gwida msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikoli 15 u 16, b'mod partikolari biex tinkludi linji gwida dettaljati fuq il-metodoloġiji ta' allokazzjoni ta' kapaċità applikati fil-prattika u biex tiżgura li mekkaniżmi ta' tmexxija ta' konġestjoni jevolvu b'manjieri kompatibbli mal-għanijiet tas-suq intern. Meta xieraq, waqt li jkunu qegħdin isiru dawn l-emendi għandhom jiġu stabbiliti regoli komuni dwar is-sigurtà minima u standards operazzjonali għall-użu u t-tħaddim tan-network, li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 15(2).

Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmi fl-Artikolu 23(2).

Meta tadotta jew temenda linji gwida, il-Kummissjoni għandha tassigura li huma jipprovdu lanqas grad ta' armonizzazzjoni meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dak il-għan.

Meta tadotta jew temenda linji gwida, il-Kummissjoni għandha tindika x'azzjonijiet tkun ħadet dwar il-konformità ta' regoli f'pajjiżi terzi, li jifformaw parti mis-sistema tal-Komunità tal-elettriku, mal-linji gwida konċernati.

Meta tadotta dawn il-linji gwida għall-ewwel darba, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkopru f'abbozz ta' miżura waħda mill-anqas is-suġġetti msemmija fil-punti (a) u (d) tal-paragrafu 1, u fil-paragrafu 2.

Artikolu 19

Awtoritajiet regolatorji

L-Awtoritajiet regolatorji, meta kunu qegħdin jesegwixxi dmirijiethom, għandhom jassiguraw konformità ma' dan ir-Regolament u l-linji gwida taħt l-Artikolu 18. Meta xieraq, biex iwettqu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament huma għandhom jikkoperaw ma' xulxin, mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija konformement mal-Kapitolu IX tad-Direttiva 2009/…/KE.

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet ta' informazzjoni u kunfidenzjalità

1.   L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finjiet tal-Artikolu 13(4) u tal-Artikolu 18.

Partikolarment, għall-finjiet tal-Artikolu 13(4) u (6), l-awtoritajiet regolatorji għandhom jipprovdu fuq bażi regolari informazzjoni dwar spejjeż tabilħaqq minfuqa minn operaturi ta' sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni, kif ukoll data u l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-flussi f'networks ta' operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni u n-nefqa tan-networks.

Il-Kummissjoni għandha tiffissa żmien raġonevoli sa meta l-informazzjoni għandha tkun provduta, meta tkun tqieset il-komplessità tal-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li bih l-informazzjoni tkun meħtieġa.

2.   Jekk l-Istat Membru jew l-awtorità regolatorja konċernati ma jipprovdux dik l-informazzjoni fiż-żmien mogħti taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 13(4) u tal-Artikolu 18 direttament mill-impriża konċernata.

Meta tibgħat talba għal informazzjoni lil xi impriża, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tibgħat kopja lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istat Membru li fih tkun qiegħda s-sede tal-impriża.

3.   Fit-talba tagħha għall-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali tat-talba, it-terminu ta' żmien li fih l-informazzjoni għandha tiġi provduta, l-għan tat-talba, u l-penali previsti fl-Artikolu 22(2) għall-għoti ta' informazzjoni skorretta, mhux kompleta jew qarrieqa. Il-Kummissjoni għandha tiffissa terminu ta' żmien raġonevoli meta titqies il-komplessità tal-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li biha l-informazzjoni tkun meħtieġa.

4.   Il-proprjetarji tal-impriża jew ir-rappreżentanti tagħhom, fil-każ ta' persuni legali, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom legalment jew bl-istrument ta' inkorporazzjoni, għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Avukati, debitament awtorizzati biex jaġixxu, jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijenti tagħhom, f'liema każ il-klijent għandu jibqa' totalment risponsabbli jekk l-informazzjoni pprovduta tkun inkorretta, mhux kompleta, jew qarrieqa.

5.   Fejn impriża ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba fiż-żmien iffissat mill-Kummissjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompleta, il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni tesiġi li l-informazzjoni tkun ipprovduta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika x'informazzjoni hija meħtieġa u tiffissa żmien xieraq li matulu għandha tkun ipprovduta. Għandha tindika l-penali previsti fl-Artikolu 22(2). Għandha wkoll tindika d-dritt li jkolla d-deċiżjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

Il-Kummissjoni għandha fl-istess waqt tibgħat kopja tad-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ir-residenza tal-persuna konċernata jew tkun stabbilita s-sede tal-impriża konċernata.

6.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tintuża biss għall-finjiet tal-Artikolu 13(4) u tal-Artikolu 18.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tiżvela informazzjoni miksuba taħt dan ir-Regolament ta' tip kopert bl-obbligazzjoni ta' segretezza professjonali.

Artikolu 21

Dritt tal-Istati Membri li jipprovdu għal miżuri aktar dettaljati

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu miżuri li jkun fihom dispożizzjonijiet aktar dettaljati minn dawk imniżżla f'dan ir-Regolament u l-linji gwida li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 18.

Artikolu 22

Penali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli li jikkorrispondu għad-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2006 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emendi sussegwenti li jaffettwawhom. Huma għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli li ma jikkorrispondux mad-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 lill-Kummissjoni sa … (12) u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emendi sussegwenti li jaffettwawhom.

2.   Il-Kummissjoni tista' b'deċiżjoni timponi fuq impriżi multi li ma jaqbżux 1 % tal-valur totali tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti fejn, bi ħsieb jew b'negliġenza, huma jagħtu informazzjoni skorretta, mhux kompleta jew qarrieqa fi tweġiba għal talba magħmula taħt l-Artikolu 20(3) jew jonqsu milli jagħtu informazzjoni fiż-żmien iffissat minn deċiżjoni adottata skont l-ewwel subparagrafu għall-Artikolu 20(5).

Meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandu jingħata każ tal-gravità tan-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel sub-paragrafu.

3.   Il-penali previsti taħt il-paragrafu 1 u deċiżjonijiet meħuda taħt il-paragrafu 2 ma għandhomx ikunu ta' natura ta' liġi kriminali.

Artikolu 23

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 46 tad-Direttiva 2009/…/KE.

2.   Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 24

Rapport tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fir-rapport tagħha taħt l-Artikolu 47(6) tad-Direttiva 2009/…/KE (13), il-Kummissjoni għandha wkoll tirrapporta dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Partikolarment ir-rapport għandu jeżamina kemm dan ir-Regolament irnexxielu jiżgura kondizzjoniet ta' aċċess għan-networks li ma jkunx diskriminatorju u li jirrifletti l-ispejjeż għall-iskambju transkonfinali tal-elettriku sabiex jikkontribbwixxu għal għażla f'suq intern tal-elettriku li jiffunzjona sew u għal sigurtà jew provvista fil-futur imbiegħed, kif ukoll kemm is-sinjali ta' lokalità jkunu jitħaddmu. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jkollu mehmuż miegħu proposti u/jew rakkomandazzjonijiet xierqa.

Artikolu 25

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 għandu jitħassar minn … (13). Ir-referenzi magħmula għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw konformement mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn … (13).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 23.

(2)  ĠU C 172, 5.7.2008, p. 55.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' 9 ta' Jannar 2009 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

(5)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 1.

(6)  ĠU L …

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  Data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 imħassar.

(9)  Data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jiġifieri d-data tmintax-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(10)  Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Settembru 2006 li tistabbilixxi linji gwida għal networks ta' l-enerġija trans-Ewropej (ĠU L 262, 22.9.2006, p. 1).

(11)  ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.

(12)  Data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(13)  18-il xahar wara d-dħul fid-seħħ ta' dan ir-Regolament.


ANNESS I

LINJI GWIDA DWAR IL-ĠESTJONI U L-ALLOKAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ TA' TRASFERIMENT DISPONIBBLI TA' INTERKONNESSJONIJIET BEJN SISTEMI NAZZJONALI

1.   Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.1.

L-operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni (Transmission system operators, TSOs) għandhom jagħmlu ħilithom biex jaċċettaw it-transazzjonijiet kummerċjali kollha, inklużi dawk li jinvolvu kummerċ transkonfini.

1.2.

Fejn m'hemm l-ebda konġestjoni, m'għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni ta' aċċess għall- interkonnessjoni. Fejn dan ikun normalment il-każ, mhux meħtieġ li jkun hemm proċedura ta' allokazzjoni ġenerali permanenti għall-aċċess għas-servizz ta' trasmissjoni transkonfini.

1.3.

Fejn trasmissjonijiet kummerċjali skedati mhumiex kompatibbli mal-operat sigur tan-network, it-TSOs għandhom itaffu l-konġestjoni f'konformità mar-rekwiżiti ta' sigurtà operattiva tal-grid filwaqt li jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li kull spiża assoċjata tibqa' f'livell ekonomikament effiċjenti. F'każ li ma jistgħux jiġu applikati miżuri b'anqas spiża għandhom jiġu previsti bgħit mill-ġdid jew tpartit kumpensattivi.

1.4.

Jekk tfiġġ konġestjoni strutturali, għandhom jiġu implimentati minnufih mit-TSOs regoli u arranġamenti adatti ta' ġestjoni tal-konġestjoni ddefiniti u li jkun intlaħaq qbil dwarhom minn qabel. Il-metodi ta' ġestjoni tal-konġestjoni għandhom jiżguraw li l-flussi fiżiċi ta' enerġija assoċjati mal-kapaċità ta' trasmissjoni allokata jikkonformaw mal-istandards tas-sigurtà tan-network.

1.5.

Il-metodi adottati għall-ġestjoni tal-konġestjoni għandhom jagħti sinjali ekonomiċi effettivi lill-parteċipanti fis-suq u lit-TSOs, jippromwovu l-kompetizzjoni u jkunu adatti għal applikazzjoni reġjonali u fil-Komunità kollha.

1.6.

L-ebda distinzjoni bbażata fuq transazzjoni ma tista' tiġi applikata fil-ġestjoni tal-konġestjoni. Talba partikolari għal servizz ta' trasmissjoni għandha tinċaħad biss meta l-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti b'mod konġunt:

(a)

il-flussi fiżiċi inkrementali ta' enerġija li jirriżultaw mill-aċċettazzjoni ta' din it-talba jimplikaw li tista' ma tkunx aktar garantita l-operazzjoni sikura tas-sistema tal-enerġija, u

(b)

il-valur fl-ammont monetarju marbut ma' din it-talba fil-proċedura għall-ġestjoni tal-konġestjoni hu aktar baxx mit-talbiet l-oħrajn kollha intiżi biex jiġu aċċettati għall-istess servizz u kondizzjonijiet.

1.7.

Fid-definizzjoni ta' oqsma ta' networks adatti li fihom u bejniethom għandha tiġi applikata l-ġestjoni tal-konġestjoni, it-TSOs għandhom jiġu iggwidati minn prinċipji ta' kost-effikaċja u minimizzazzjoni ta' impatti negattivi fis-Suq Intern tal-Enerġija Elettrika. B'mod partikolari, it-TSOs ma jistgħux jillimitaw il-kapaċità ta' interkonnessjoni sabiex tissolva l-konġestjoni ġoż-żona ta' kontroll tagħhom stess, ħlief għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq u għal raġunijiet ta' sigurtà operattiva (1). Jekk isseħħ sitwazzjoni bħal din, din għandha tiġi deskritta u ppreżentata b'mod trasparenti mit-TSOs lill-utenti kollhatas-sistema. Sitwazzjoni bħal din tista' tiġi ttollerata sakemm tinsab soluzzjoni għat-tul. Il-metodoloġija u l-proġetti għall-kisba ta' soluzzjoni għall-perijodu fit-tul għandhom jiġu deskritti u ppreżentati b'mod trasparenti mit-TSOs lill-utenti kollhatas-sistema.

1.8.

Fl-ibbilanċjar tan-network fiż-żoni ta' kontroll permezz ta' miżuri operattivi fin-network u permezz ta' bgħit mill-ġdid, it-TSO għandu jieħu kont tal-effett ta' dawn il-miżuri fuq żoni ta' kontroll fil-qrib.

1.9.

Mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2008, il-mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-konġestjoni tal-istess jum (intra-day) tal-kapaċità ta' interkonnettur għandhom jiġu stabbiliti b'mod ikkoordinat u taħt kondizzjonijiet operattivi siguri, sabiex jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet għall-kummerċ u sabiex jiġi previst ibbilanċjar transkonfini.

1.10.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jevalwaw il-metodi ta' ġestjoni tal-konġestjoni, b'attenzjoni partikolari għall-osservanza tal-prinċipji u r-regoli stabbiliti f'dawn ir-Regolament u l-linji gwida u tat-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet regolatorji nfushom skont dawn il-prinċipji u regoli. Evalwazzjoni bħal din għandha tinkludi konsultazzjoni mal-parteċipanti kollha fis-suq u studji speċifiċi.

2.   Metodi ta' ġestjoni tal-konġestjoni

2.1.

Il-metodi ta' ġestjoni tal-konġestjoni għandhom ikunu bbażati fuq is-suq sabiex jiffaċilitaw kummerċ transkonfini effiċjenti. Għal dan il-għan, il-kapaċità għandha tkun allokata biss permezz ta' rkantijiet espliċiti (kapaċità) jew impliċiti (kapaċità u enerġija). Iż-żewġ metodi jistgħu jikkoeżistu fuq l-istess interkonnessjoni. Għal kummerċ tal-istess jum jista' jiġi applikat reġim ta' kontinwità.

2.2.

Skont il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni, għandu mnejn li jkun meħtieġ li l-mekkaniżmi ta' ġestjoni tal-konġestjoni jippermettu allokazzjoni tal-kapaċità ta' trasmissjoni kemm għall-perijodu fit-tul kemm għall-perijodu fil-qosor.

2.3.

Kull proċedura ta' allokazzjoni ta' kapaċità għandha talloka porzjon preskritt tal-kapaċità ta' interkonnessjoni disponibbli flimkien ma' kull kapaċità li jifdal u li ma ġietx allokata preċedentement u kull kapaċità rilaxxata mid-detenturi ta' kapaċità minn allokazzjonijiet preċedenti.

2.4.

It-TSOs għandhom jottimizzaw il-grad sa fejn il-kapaċità hija soda, b'kont meħud tal-obbligi u d-drittijiet tat-TSOs involuti u l-obbligi u d-drittijiet tal-parteċipanti fis-suq, sabiex tiġi ffaċiltata kompetizzjoni effettiva u effiċjenti. Jista' jiġi offrut proporzjon raġonevoli tal-kapaċità lis-suq fi grad imnaqqas ta' sodezza, iżda l-kondizzjonijiet eżatti għat-trasport fuq linji transkonfini għandhom dejjem jiġu avżati lill-parteċipanti fis-suq.

2.5.

Id-drittijiet ta' aċċess għal allokazzjonijiet għall-perijodu fit-tul u medju għandhom ikunu drittijiet ta' kapaċità ta' trasmissjoni soda. Huma għandhom ikunu suġġetti għall-prinċipji use-it-or-lose-it jew use-it-or-sell-it f'ħin in-nominazzjoni.

2.6.

It-TSOs għandhom jiddefinixxu struttura adatta għall-allokazzjoni ta' kapaċità bejn il-perijodi differenti. Dan jista' jinkludi għażla biex jiġi riżervat perċentwal minimu ta' kapaċita ta' interkonnessjoni għal allokazzjoni ta' kuljum jew ta' dak il-jum stess. Din l-istruttura ta' allokazzjoni għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji rispettivi. Fit-tfassil tal-proposti tagħhom, it-TSO għandhom jieħdu kont ta':

(a)

il-karatteristiċi tas-swieq,

(b)

il-kondizzjonijiet operattivi, bħall-implikazzjonijiet ta' nettjar ta' skedi speficikati b'mod deċiżiv,

(c)

il-livell ta' armonizzazzjoni tal-perċentwali u l-perijodi adottati għall-mekkaniżmi stabbiliti tal-allokazzjoni tal-kapaċità.

2.7.

L-allokazzjoni ta' kapaċità ma tistax tiddiskrimina bejn il-parteċipanti fis-suq li jixtiequ jużaw d-drittijiet tagħhom biex jagħmlu użu minn kuntratti ta' forniment bilaterali jew biex jitfgħu offerta fi skambji ta' enerġija. L-offerti bl-ogħla valur, kemm jekk impliċiti kemm jekk espliciti f'perijodu partikolaru, għandhom jirnexxu.

2.8.

F'reġjuni fejn swieq finanzjari ta' xiri tal-elettriku fil-futur huma żviluppati sew u wrew l-effiċjenza tagħhom, il-kapaċità kollha ta' interkonnessjoni tista' tiġi allokata permezz ta' rkantar impliċitu.

2.9.

Ħlief fil-każ ta' interkonnetturi ġodda li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, mhux permess l-istabbiliment ta' prezzijiet ta' riżerva f'metodi ta' allokazzjoni ta' kapaċità.

2.10.

Fil-prinċipju, il-parteċipanti potenzjali fis-suq għandhom jingħataw permess biex jipparteċipaw fil-proċess ta' allokazzjoni mingħajr restrizzjoni. Biex jiġu evitati l-ħolqien jew l-aggravament ta' problemi marbuta mal-użu potenzjali ta' pożizzjoni dominati ta' kwalunkwe attur tas-suq, l-awtoritajiet rilevanti regolatorji u/jew ta' kompetizzjoni, fejn adatt, jistgħu jimponu restrizzjonijiet inġenerali jew fuq kumpanija individwali minħabba dominanza fis-suq.

2.11.

Il-parteċipanti fis-suq għandhom jinnominaw b'mod deċiżiv l-użu tagħhom tal-kapaċità lit-TSOs b'terminu ta' żmien definit għal kull perijodu. L-iskadenza għandha tkun b'mod li t-TSOs ikunu jistgħu jassenjaw mill-ġdid kapaċità mhix użata għal allokazzjoni mill-ġdid fil-perijodu rilevanti li jmiss — inkluż sessjonijiet fl-istess ġurnata (intra-day).

2.12.

Il-kapaċità għandha tkun negozjabbli b'mod ħieles fuq bażi sekondarja, dment li t-TSO ikun infurmat biżżejjed bil-quddiem. Meta t-TSO jiċħad kwalunkwe kummerċ sekondarju (transazzjoni), dan għandu jkun ikkomunikat u spjegat b'mod ċar lill-parteċipanti kollha fis-suq minn dak it-TSO u għandu jkun innotifikat lill-awtorità regolatorja.

2.13.

Il-konsegwenzi finanzjarji talli ma jkunux onorati l-obbligi b'rabta mal-allokazzjoni ta' kapaċità għandhom ikunu attribwiti lil dawk li jkunu responsabbli għal tali nuqqas. Meta l-parteċipanti fis-suq jonqsu milli jużaw il-kapaċità li huma jkunu impenjaw li jużaw, jew, fil-każ ta' kapaċità espliċitament irkantata, jonqsu milli jinnegozjaw fuq bażi sekondarja jew milli jagħtu l-kapaċità lura fiż-żmien dovut, huma għandhom jitilfu d-drittijiet għal tali kapaċità u jħallsu spiża li tirrifletti n-nefqa. Kwalunkwe spejjeż li jiriflettu n-nefqa dovuti għal nuqqas ta' użu tal-kapaċità għandhom ikunu ġġustifikati u proporzjonati. Bl-istess mod, jekk TSO ma jirrispettax l-obbligu tiegħu, huwa għandu jkun responsabbli li jikkumpensa parteċipant fis-suq għat-telf tad-drittijiet tal-kapaċità. Għal dan il-fini m'għandu jittieħed kont tal-ebda telf konsegwenzjali. Il-kunċetti u l-metodi ewlenin għad-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw wara n-nuqqas tar-rispett tal-obbligi għandhom ikunu stabbiliti minn qabel skont il-konsegwenzi finanzjarji, u għandhom ikunu suġġetti għar-reviżjoni mill-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorja nazzjonali kompetenti.

3.   Koordinazzjoni

3.1.

L-allokazzjoni tal-kapaċità f'interkonnessjoni għandha tkun determinata u implimentata bl-użu tal-proċeduri ta' allokazzjoni komuni mit-TSOs involuti. F'każijiet fejn l-iskambji kummerċjali bejn żewġ pajjiżi (TSOs) ikunu mistennija li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-kondizzjonijiet fiżiċi ta' fluss f' pajjiż terz (TSO), il-metodi ta' ġestjoni tal-konġestjoni għandhom ikunu kkoordinati bejn it-TSOs kollha milquta permezz ta' proċedura komuni ta' ġestjoni tal-konġestjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u t-TSOs għandhom jiżguraw li ebda proċedura ta' ġestjoni tal-konġestjoni b'effetti sinifikanti fuq il-flussi fiżiċi tal-enerġija elettrika f'networks oħrajn ma tkun ippjanata unilateralment.

3.2.

Metodu komuni u kkoordinat ta' ġestjoni tal-konġestjoni u proċedura għall-allokazzjoni tal-kapaċità għas-suq mill-anqas minn sena, xahar jew jum qabel għandhom ikunu applikati sal-1 ta' Jannar 2007 bejn il-pajjiżi tar-reġjuni li ġejjin:

(a)

L-Ewropa ta' Fuq (jiġifieri d-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja, il-Ġermanja u l-Polonja),

(b)

L-Ewropa tal-Majjistral (jiġifieri l-Benelux, il-Ġermanja u Franza),

(c)

L-Italja (jiġifieri l-Italja, Franza, l-Awstrija, is-Slovenja u l-Greċja),

(d)

L-Ewropa tax-Xlokk (jiġifieri l-Ġermanja, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovenja),

(e)

L-Ewropa tal-Lbiċ (jiġifieri Spanja, il-Portugall u Franza),

(f)

Ir-Renju Unit, l-Irlanda u Franza,

(g)

L-Istati Baltiċi (jiġifieri l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja).

F'interkonnessjoni li tinvolvi Stati Membri li jappartjenu lil aktar minn reġjun wieħed, il-metodu ta' ġestjoni tal-konġestjoni applikat jista' jkun differenti sabiex jiżgura l-kompatibilità mal-metodi applikati fir-reġjuni l-oħrajn li għalihom jappartjenu dawn l-Istati Membri. F'dan il-każ it-TSOs relevanti għandhom jipproponu l-metodu li għandu jkun suġġett għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji relevanti.

3.3.

Ir-reġjuni msemmija fil-punt 2.8 jistgħu jallokaw il-kapaċità ta' interkonnessjoni kollha permezz ta' allokazzjoni minn jum qabel.

3.4.

Il-proċeduri kompatibbli ta' ġestjoni tal-konġestjoni għandhom ikunu ddefiniti f'dawn is-seba' reġjuni kollha bil-għan li jiġi ffurmat suq intern tal-elettriku integrat tassew. Il-parteċipanti fis-suq m'għandhomx iħabbtu wiċċhom ma' sistemi reġjonali inkompatibbli.

3.5.

Bil-għan li jiġu promossi kompetizzjoni u kummerċ transkonfini ġusti u effiċjenti, il-koordinazzjoni bejn it-TSOs f'dawn ir-reġjuni stabbiliti fil-punt 3.2 hawn fuq għandhom jinkludu l-passi kollha mill-kalkolu tal-kapaċità u l-ottimizzazzjoni tal-allokazzjoni għall-operazzjoni sigura tan-network, bi tqassim ċar tar-responsabbiltà. Koordinazzjoni bħal din għandha tinkludi, b'mod partikolari:

(a)

Użu ta' mudell komuni ta' trasmissjoni li jittratta b'mod effiċjenti trasferimenti f'ċirku fiżiċi interdipendenti u b'kont meħud tad-diskrepanzi bejn il-flussi fiżiċi u kummerċjali,

(b)

Allokazzjoni u nominazzjoni tal-kapaċità biex jiġu trattati b'mod effiċjenti trasferimenti f'ċirku fiżiċi interdipendenti,

(c)

Obbligi identiċi fuq id-detenturi tal-kapaċità li jipprovdu informazzjoni dwar l-użu intenzjonat tagħhom tal-kapaċità, jiġifieri nominazzjoni tal-kapaċità (għal irkant espliċitu),

(d)

Perijodi u ħinijiet tal-għeluq identiċi,

(e)

Struttura identika għall-allokazzjoni tal-kapaċità fost perijodi differenti (pereżempju ġurnata, 3 sigħat, ġimgħa, eċċ) u f'termini ta' blokok ta' kapaċità mibjugħa (ammont ta' enerġija f'MW, MWh, eċċ),

(f)

Qafas kuntrattwali konsistenti mal-parteċipanti fis-suq,

(g)

Verifika tal-flussi biex jikkonformaw mal-kondizzjonijiet tas-sigurtà tan-network għall-ippjanar operattiv u għal operazzjoni fil-ħin reali,

(h)

Il-kontabilità u l-issetiljar tal-azzjonijiet tal-ġestjoni tal-konġestjoni.

3.6.

Il-koordinazzjoni għandha tinkludi wkoll l-iskambju ta' informazzjoni bejn it-TSOs. In-natura, il-ħin u l-frekwenza tal-iskambju ta' informazzjoni għandhom ikunu kompatibbli mal-attivitajiet stipulati fil-punt 3.5 u l-funzjonament tas-swieq tal-elettriku. Dan l-iskambju ta' informazzjoni għandu jippermetti b'mod partikolari lit-TSOs jagħmlu l-aħjar previżjoni possibbli tas-sitwazzjoni tan-network globali sabiex jiġu evalwati l-flussi fin-network tagħhom u l-kapaċitajiet ta' interkonnessjoni disponibbli. Kwalunkwe TSO li jiġbor informazzjoni f'isem TSOs oħra għandu jagħti lura lit-TSO parteċipanti r-riżultati tal-ġbir tad-data.

4.   Skeda għall-operazzjonijiet tas-suq

4.1.

L-allokazzjoni tal-kapaċità ta' trasmissjoni disponibbli għandha ssir biżżejjed bil-quddiem. Qabel kull allokazzjoni, it-TSOs involuti għandhom jippubblikaw b'mod konġunt il-kapaċità li għandha tkun allokata, b'kont meħud fejn meħtieġ tal-kapaċità li tirriżulta minn kwalunkwe dritt ta' trasmissjoni tal-kumpanniji u, fejn relevanti, nomini interkonnessi, flimkien ma' perijodi ta' żmien li matulhom il-kapaċità ser titnaqqas jew mhux ser tkun disponibbli (pereżempju minħabba manutenzjoni).

4.2.

B'kont sħiħ meħud tas-sigurtà tan-network, in-nominazzjoni tad-drittijiet ta' trasmissjoni għandha ssir biżżejjed bil-quddiem, qabel is-sessjonijiet tal-jum minn qabel tas-swieq organizzati relevanti kollha u qabel il-pubblikazzjoni tal-kapaċità li għandha tkun allokata skont il-mekkaniżmu ta' allokazzjoni tal-jum minn qabel jew ta' dak il-jum stess. In-nomini tad-drittijiet ta' trasmissjoni fid-direzzjoni opposta għandhom ikunu interkonnessi sabiex isir użu effiċjenti tal-interkonnessjoni.

4.3.

Allokazzjonijiet suċċessivi ta' dak il-jum stess tal-kapaċità ta' trasmissjoni disponibbli għall-jum D għandhom isiru fil-jiem D-1 u D, wara l-ħruġ tal-iskedi ta' produzzjoni indikati jew attwali tal-jum minn qabel.

4.4.

Waqt it-tħejjija tal-operazzjoni tal-grilja tal-jum minn qabel, it-TSOs għandhom jiskambjaw informazzjoni mat-TSOs ġirien, inkluża l-previżjoni tat-topoloġija tal-grilja, id-disponibbiltà u l-produzzjoni prevista tal-unitajiet ta' ġenerazzjoni, u jintroduċu l-flussi sabiex jottimizzaw l-użu tan-network ġenerali permezz tal-miżuri operattivi skont ir-regoli għal operazzjoni sigura tal-grilja.

5.   Trasparenza

5.1.

It-TSOs għandhom jippubblikaw id-data kollha relevanti relatata mad-disponibbiltà tan-network, l-aċċess għan-network u l-użu tan-network, inkluż rapport dwar fejn u għaliex teżisti konġestjoni, il-metodi applikati biex tiġi ġestita din il-konġestjoni u l-pjani għall-ġestjoni futura tagħha.

5.2.

It-TSOs għandhom jippubblikaw deskrizzjoni ġenerali tal-metodu ta' ġestjoni tal-konġestjoni applikat skont ċirkostanzi differenti biex tiġi massimizzata l-kapaċità disponibbli għas-suq, u skema ġenerali għall-kalkolu tal-kapaċità ta' interkonnessjoni għal perijodi differenti, abbażi tar-realtajiet elettriċi u fiżiċi tan-network. Tali skema għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati.

5.3.

Il-proċeduri fis-seħħ ta' ġestjoni tal-konġestjoni u tal-allokazzjoni tal-kapaċità, flimkien mal-ħinijiet u l-proċeduri għall-applikazzjoni għal kapaċità, deskrizzjoni tal-prodotti offruti u l-obbligi u d-drittijiet kemm tat-TSOs kif ukoll tal-parti li tikseb il-kapaċità, inklużi r-responsabbiltajiet li jirriżultaw wara nuqqas tar-rispett tal-obbligi, għandhom ikunu deskritti fid-dettall u jkunu disponibbli b'mod trasparenti mit-TSOs lill-utenti potenzjali kollha tan-network.

5.4.

L-istandards operazzjonali u ta' ppjanar għandhom jiffurmaw parti integrali mill-informazzjoni li t-TSOs jippubblikaw f'dokumenti disponibbli u pubbliku. Dan id-dokument ukoll għandu jkun suġġett għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

5.5.

It-TSOs għandhom jippubblikaw id-data kollha relevanti dwar il-kummerċ transkonfini abbażi tal-aħjar previżjoni possibbli. Sabiex jirrispettaw dan l-obbligu, il-parteċipanti konċernati fis-suq għandhom jipprovdu lit-TSOs id-data relevanti. Il-mod ta' pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni għandu jkun suġġett għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji. It-TSOs għandhom jippubblikaw mill-anqas:

(a)

kull sena: informazzjoni dwar l-evoluzzjoni fit-tul tal-infrastruttura tat-trasmissjoni u l-impatt tagħha fuq il-kapaċità tat-trasmissjoni transkonfini;

(b)

kull xahar: previżjonijiet b'xahar u b'sena bil-quddiem tal-kapaċità ta' trasmissjoni disponibbli għas-suq, b'kont meħud tal-informazzjoni kollha disponibbli lit-TSO fiż-żmien tal-kalkolu tal-previżjoni (pereżempju l-impatt tal-istaġuni tas-sajf u tax-xitwa fuq il-kapaċità tal-linji, il-manutenzjoni tal-grilja, id-disponibbiltà tal-unitajiet ta' produzzjoni, eċċ);

(c)

kull ġimgħa: previżjonijiet ġimgħa bil-quddiem tal-kapaċità ta' trasmissjoni disponibbli għas-suq, b'kont meħud tal-informazzjoni kollha disponibbli lit-TSOs fiż-żmien tal-kalkolu tal-previżjoni, bħall-previżjoni tat-temp, ħidma ta' manutenzjoni ppjanata tal-grilja, id-disponibbiltà tal-unitajiet ta' produzzjoni, eċċ;

(d)

kuljum: kapaċità ta' trasmissjoni ta' jum bil-quddiem u ta' dak il-jum stess disponibbli għas-suq għal kull unità ta' ħin tas-suq, b'kont meħud tan-nominazzjonijiet interkonnessi ta' jum bil-quddiem, skedi ta' produzzjoni ta' jum bil-quddiem, previżjonijiet tal-talba u ħidma ta' manutenzjoni ppjanata tal-grilja;

(e)

kapaċità totali diġà allokata, b'unità ta' ħin tas-suq, u l-kondizzjonijiet relevanti kollha li fiha tista' tintuża din il-kapaċità (pereżempju prezz ta' bejgħ f'irkant, obbligi dwar l-użu tal-kapaċità, eċċ), sabiex tiġi identifikata kwalunkwe kapaċità li jifdal;

(f)

kapaċità allokata malajr kemm jista' jkun wara kull allokazzjoni, kif ukoll indikazzjoni tal-prezzijiet imħallsa;

(g)

kapaċità totali użata, b'unità ta' ħin tas-suq, immedjatament wara n-nominazzjoni;

(h)

l-eqreb possibbli għall-ħin reali: flussi kummerċjali u fiżiċi aggregati mwettqa, b'unità ta' ħin tas-suq, inkluż deskrizzjoni tal-effetti ta' kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda mit-TSOs (bħal limitazzjoni) biex jissolvew problemi tan-network jew tas-sistemi;

(i)

informazzjoni ex-ante dwar waqfien ippjanat u informazzjoni ex-post għall-jum preċedenti dwar waqfien ippjanat u mhux ippjanat ta' unitajiet ta' ġenerazzjoni akbar minn 100 MW.

5.6.

L-informazzjoni relevanti kollha għandha tkun disponibbli għas-suq fi żmien debitu għan-negozjar tat-transazzjonijiet kollha (bħall-ħin tan-negozjar tal-kuntratti annwali ta' provvista għall-konsumaturi industrijali jew il-ħin meta l-offerti għandhom jintbagħtu fi swieq organizzati).

5.7.

It-TSO għandu għandu jippubblika l-informazzjoni relevanti dwar it-talba għal previżjoni u dwar il-ġenerazzjoni skont il-perijodi ta' żmien imsemmija fil-punti 5.5. u 5.6. It-TSO għandu jippubblika wkoll l-informazzjoni relevanti meħtieġa għas-suq ta' bbilanċjar transkonfini.

5.8.

Meta l-previżjonijiet ikunu ppubblikati, il-valuri realizzati ex post għall-informazzjoni tal-previżjoni għandhom ikunu ppubblikati wkoll fil-perijodu ta' żmien li jsegwi dak li għalih tapplika l-previżjoni jew mhux aktar aktar mill-jum ta' wara (D+1).

5.9.

L-informazzjoni kollha ppubblikata mit-TSOs għandha tkun disponibbli b'mod ħieles f'forma faċilment aċċessibbli. Id-data kollha għandha tkun aċċessibbli wkoll b'mezzi adegwati u standardizzati ta' skambju tal-informazzjoni, li għandhom ikunu ddefiniti f'koperazzjoni mill-qrib mal-parteċipanti fis-suq. Din id-data għandha tinkludi informazzjoni dwar perijodi tal-passat b'minimu ta' sentejn, sabiex dawk li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq ikollhom aċċess ukoll għal tali data.

5.10.

It-TSOs għandhom jiskambjaw regolarment sett ta' data tan-network u tal-introduzzjoni tal-flussi preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu kalkoli ta' introduzzjoni tal-flussi għal kull TSO fiż-żona relevanti tiegħu. L-istess sett ta' data għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet regolatorji u lill-Kummissjoni fuq talba. L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali ta' dan is-sett ta' data, minnhom u minn kwalunkwe konsulent li jwettaq ħidma analitika għalihom abbażi ta' din id-data.

6.   Użu tal-introjtu mill-konġestjoni

6.1.

Il-proċeduri ta' ġestjoni tal-konġestjoni assoċjati ma' perijodu ta' żmien speċifikat minn qabel jistgħu jiġġeneraw introjtu biss fil-każ li l-konġestjoni tirriżulta minn dak il-perijodu, ħlief fil-każ ta' interkonnetturi ġodda li jibbenefikaw mill-eżenzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament. Il-proċedura għat-tqassim ta' dan l-introjtu għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji u la għandha tfixkel il-proċess ta' allokazzjoni favur kwalunkwe parti li teħtieġ il-kapaċità jew l-enerġija u lanqas ma tipprovdi diżinċentiv biex titnaqqas il-konġestjoni.

6.2.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu trasparenti dwar l-użu tal-introjtu li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-kapaċità ta' interkonnessjoni.

6.3.

L-introjtu mill-konġestjoni għandu jkun kondiviż fost it-TSOs involuti skont il-kriterji maqbula bejn it-TSOs involuti u riveduti mill-awtoritajiet regolatorji rispettivi.

6.4.

It-TSOs għandhom jistabbilixxu biċ-ċar minn qabel l-użu li huma ser jagħmlu minn kwalunkwe introjtu mill-konġestjoni li huma jaf jiksbu u jirrappurtaw dwar l-użu preżenti ta' dan l-introjtu. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jivverifikaw li dan l-użu jkun konformi mar-Regolament u l-linji gwida preżenti u li l-ammont totali ta' introjtu tal-konġestjoni li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-kapaċità ta' interkonnessjoni jkun iddedikat għat-tliet għanijiet stipulati fl-Artikolu 16(6) ta' dan ir-Regolament.

6.5.

Fuq bażi annwali, u sal-31 ta' Lulju ta' kull sena, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jippubblikaw rapport li jistabbilixxi l-ammont ta' introjtu miġbur għall-perijodu ta' 12-il xahar sat-30 ta' Ġunju tal-istess sena u l-użu li jkun sar minn dan l-introjtu, flimkien ma' verifika li dan l-użu jkun konformi mar-Regolament u l-linji gwida preżenti u li l-ammont totali ta' introjtu tal-konġestjoni jkun iddedikat għal fini wieħed jew aktar mit-tlieta preskritti.

6.6.

L-użu tal-introjtu mill-konġestjoni biex isir investiment għaż-żamma fl-ordni jew it-tkabbir tal-kapaċità ta' interkonnessjoni preferibbilment għandu jkun assenjat għal proġetti speċifiċi predefiniti li jikkontribwixxu biex tittaffa l-konġestjoni assoċjata eżistenti u li jistgħu jkunu implimentati wkoll fi żmien raġonevoli, partikolarment rigward il-proċess ta' awtorizzazzjoni.


(1)  Is-sigurtà operattiva tfisser “iż-żamma tas-sistema ta' trasmissjoni fil-limiti miftiehma ta' sigurtà”.


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 3

Artikolu 13

Artikolu 4

Artikolu 14

Artikolu 5

Artikolu 15

Artikolu 6

Artikolu 16

Artikolu 7

Artikolu 17

Artikolu 8

Artikolu 18

Artikolu 9

Artikolu 19

Artikolu 10

Artikolu 20

Artikolu 11

Artikolu 21

Artikolu 12

Artikolu 22

Artikolu 13

Artikolu 23

Artikolu 14

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 15

Artikolu 26

Anness

Anness I


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fid-19 ta' Settembru 2007, il-Kummisjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għal aċċess għan netwerk għal skambji transkonfini fl-elettriku, ibbażat fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat, f'pakkett flimkien ma' erba' proposti oħrajn dwar is-suq intern tal-enerġija.

2.

Il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew taw l-opinjonijiet tagħhom dwar il-pakkett komplet fl-10 (1) u fit-22 ta' April 2008 (2) rispettivament.

3.

Il-Parlament Ewropew adotta l-Opinjoni (3) tiegħu fl-ewwel qari fit-18 ta' Ġunju 2008, fejn approva 32 emenda. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx proposta modifikata.

4.

Fid-9 ta' Jannar 2009, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu skont l-Artikolu 251 tat-Trattat, fil-forma ta' Regolament imfassal mill-ġdid.

II.   OBJETTIV TAL-PROPOSTA

5.

Il-proposta tagħmel parti mit-tielet pakkett dwar is-suq intern tal-enerġija, flimkien mad-Direttiva rigward ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku, ir-Regolament dwar il-kondizzjonijiet għall- aċċess għan-netwerks ta' trasmissjoni tal-gass naturali, id-Direttiva dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali, u r-Regolament li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija. Hi timmira li tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv ta' suq intern tal-elettriku li jaħdem sew billi tintroduċi, b'mod partikolari:

dispożizzjonijiet bil-mira ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni akbar fost l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni, fost l-oħrajn, permezz tal-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew tal-Operaturi tat-Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO tal-Elettriku);

rekwiżiti ta' trasparenza mtejba.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

6.   Kummenti ġenerali

6.1.

Il-Kunsill qies li jkun aktar effettiv, aktar trasparenti u koerenti mar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 kif ukoll aktar faċli biex taqrah jekk jiġu mfassla mill-ġdid id-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Madankollu, fit-twettiq ta' dan, il-Kunsill, bħala prinċipju ġenerali, irrispetta kompletament il-proposta emendatorja tal-Kummissjoni fis-sens li ma fetaħ l-ebda dispożizzjoni oħra li mhijiex parti mill-proposta tal-Kummissjoni, sakemm il-bidliet ma kinux neċessarji minħabba l-bidliet introdotti fil-proposta mill-Kunsill, referenzi mibdulin li jirriżultaw mir-rinumerazzjoni tal-Artikoli eċċ.

Il-Kummissjoni aċċettat il-bidliet kollha għall-proposta tagħha introdotti mill-Kunsill.

6.2.

Dwar it-32 emenda adottati mill-Parlament Ewropew inkluża waħda orali, il-Kunsill segwa lill-Kummissjoni billi

aċċetta s-7 emendi li ġejjin:

sħaħ: 12;

parzjalment/fil-prinċipju: 11, 15, 18, 24, 29 u 32;

u

rrifjuta s-6 emendi li ġejjin: 5, 13, 19, 26, 27 u 30, għal raġunijiet ta' sustanza, konsistenza u forma.

6.3.

Il-Kunsill iddevja mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni meta

aċċetta emenda waħda: 23 (parzjalment)

u

rrifjuta t-18-il emenda li ġejjin: 1, 2, 3, 4, 6, 7, 8, 9, 10, 14, 17, 20, 21, 22, 25, 28, 31, u l-emenda orali.

7.   Rimarki Speċifiċi

7.1.

Rigward l-emendi tal-PE fejn il-Kunsill iddevja mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni:

a)

Il-Kunsill aċċetta l-emenda 23 parzjalment peress li jqis li b'ċerti kondizzjonijiet u b'ċerti limiti, għandu jkun possibbli li jikkunsidra l-qsim tad-dħul mill-konġestjoni meta jiġu kkalkulati t-tariffi tan-netwerk.

b)

Il-Kunsill irrifjuta t-18-il emenda elenkata hawn fuq (il-punt 6.3) għar-raġunijiet li ġejjin:

i)

L-emendi mhumiex neċessarji jew m'għandomx valur miżjud, l-aktar peress li l-kwistjonijiet huma koperti parzjalment/biżżejjed minn partijiet oħrajn tat-test, jew il-formulazzjoni kif proposta mill-Kummisjoni hija biżżejjed: l-emendi 1, 2, 3, 4; l-emendi 7 u 8 huma żejda; il-kwistjoni tal-emenda orali hi diġà koperta mill-Artikolu 8 (8+9).

ii)

L-emenda qed tintroduċi test li mhuwiex xieraq fir-rigward tar-rwol tal-awtoritajiet regolatorji, fost oħrajn, peress li l-kompiti u l-poteri ta' dawn l-awtoritajiet huma mniżżla fid-Direttiva dwar l-elettriku: amdt 9; amdt 10 (flimkien ma' dan, il-Kunsill ittrasferixxa l-Artikolu dwar is-swieq bl-imnut għad-Direttiva dwar l-elettriku); emendi 20, 31.

iii)

L-emenda 6 għaliex mhuwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tifformula pjanijiet direzzjonali dwar in-netwerk ta' trasmissjoni.

iv)

L-emendi 14 u 21 jintroduċu test li ma jikkorrispondix mar-rwol li l-Kunsill qed jagħti lil Aġenzija; barra minn hekk, mhuwiex xieraq, għal raġunijiet legali, li l-Aġenzija tadotta jew tapprova kodiċijiet tan-netwerk jew tieħu deċiżjonijiet ta' ambitu ġenerali.

v)

L-emenda 17 għaliex il-konsultazzjonijiet (Art. 10) għandhom isiru mill-ENTSO; il-konsultazzjoni li għandha ssir mill-Aġenzija hija koperta mill-Art. 6.

(vi)

L-emenda 22 mhijiex xierqa għaliex ir-regolamentazzjoni żejda għandha tiġi evitata.

(vi)

L-emenda 25 għaliex il-paralleliżmu mal-proċedura tal-eżenzjoni prevista għall-gass (Art. 35 tad-Direttiva dwar il-gass) għandha tinżamm.

vii)

L-emenda 28 tmur lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament u tipprovdi kompiti għall-Istati Membri li għandhom ikunu l-kompitu tat-TSOs.

7.2

Dwar il-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill daħħal ċerti modifiki oħra (ta' sustanza u/jew ta' forma) li huma riflessi hawn taħt. Il-kwistjonijiet prinċipali huma mniżżla hawn taħt.

a)

Iċ-ċertifikazzjoni tat-TSOs:

Il-Kunsill qies li jkun xieraq li dik il-parti tal-proċedura ta' ċertifikazzjoni li tistipula r-rwol tal-Kummissjoni f'din il-proċedura tiġi ttrasferita mid-Direttiva dwar l-elettriku għal ġol-Artikolu 3 ġdid ta' dan ir-Regolament.

b)

Stabbiliment u modifika tal-kodiċijiet tan-netwerk:

Il-Kunsill qies li jkun xieraq li jniżżel f'aktar dettall il-proċedura għall-istabbiliment ta' kodiċijiet tan-netwerk (Art. 6) u proċedura oħra — iqsar — għall-modifika tal-kodiċijiet tan-netwerk (Art. 7). Dawn l-Artikoli ssostitwixxew Art.2e tal-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kunsill ta rwol ċar lill-Aġenzija li għandha tiżviluppa linji gwida qafas mhux vinkolanti bħala bażi għall-kodiċijiet tan-netwerk li għandhom jiġu stabbiliti mill-ENTSO, tirrevedi l-abbozz tal-kodiċijiet tan-netwerk u tevalwa l-modifiki proposti għall-kodiċijiet tan-netwerk. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni tista' tadotta dawk il-kodiċijiet permezz tal-proċedura tal-kumitat sabiex tagħmilhom vinkolanti (ara wkoll premessa 6).

c)

Sorveljanza mill-Aġenzija

Il-Kunsill introduċa żewg paragrafi li jistipulaw ir-rwol ta' sorveljanza tal-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk mill-ENTSO (Art. 9(1)(subparagrafi 2+3)).

d)

Eżenzjonijiet għal interkonnetturi ġodda

Fir-rigward tal-għoti ta' eżenzjonijiet għal interkonnetturi ġodda bejn l-Istati Membri (Art. 17), il-Kunsill qies li jkun xieraq li l-Aġenzija tkun involuta biss f'dawk il-każijiet fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati ma jilħqux qbil jew jissottomettu talba konġunta lill-Aġenzija (para 5). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jipprevedu, jekk jixtiequ, li d-deċiżjoni formali dwar l-eżenzjoni tittieħed minn korp rilevanti ieħor tal-Istat Membru, abbażi tal-opinjoni tar-regolatur (para 6).

e)

Swieq bl-imnut:

Il-Kunsill qies li jkun xieraq li jabbozza mill-ġdid l-Artikolu dwar is-swieq bl-imnut, ineħħi, fost l-oħrajn, ir-referenza transkonfinali u jittrasferixxiha mir-Regolament (Art. 7a tal-proposta tal-Kummissjoni) għad-Direttiva dwar l-elettriku (Artikolu 40 ġdid).

f)

Punti oħrajn:

Il-Kunsill qies li jkun xieraq li juża t-terminu “pjan ta' żvilupp tan-netwerk‘minflok’ pjan ta' investiment” u li jiċċara li dawn il-pjanijiet huma ta' natura li mhix vinkolanti (Art. 8(3)(b)).

F'konformità mal-format imfassal mill-ġdid, il-Kunsill introduċa Artikolu ġdid biex jirrevoka l-att leġislattiv attwali (Art. 25).


(1)  ĠU C 172, 5.7.2008, p. 55.

(2)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 23.

(3)  Għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 75/38


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 12/2009

adottata mill-Kunsill fid-9 ta' Jannar 2009

tal-adozzjoni ta' Regolament (KE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trasmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2009/C 75 E/03)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Is-suq intern tal-gass naturali, li ilu jiġi implimentat progressivament mill-1999, għandu l-mira li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha fil-Komunità, kemm jekk huma ċittadini kif ukoll jekk huma negozji, kif ukoll opportunitajiet ġodda ta' negozju u aktar kummerċ transkonfinali, sabiex jiġu żgurati gwadanji f'termini ta' effiċjenza, prezzijiet kompetittivi, standards ogħla ta' servizz, kif ukoll sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u għas-sostenibbiltà.

(2)

Id-Direttiva Nru 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (4) u r-Regolament (KE) Nru 1775/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trasmissjoni tal-gass naturali (5) għamlu kontributi sinifikanti lejn il-ħolqien ta' suq intern tal-gass naturali.

(3)

L-esperjenza miksuba fl-implementazzjoni u fis-sorveljanza tal-ewwel sett ta' Linji Gwida għall-Prattika Tajba, adottat mill-Forum Regolatorju Ewropew dwar il-Gass (il-Forum ta' Madrid) fl-2002, turi li sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni sħiħa tar-regoli stabbiliti f'dawk il-linji gwida fl-Istati Membri kollha, u sabiex tiġi pprovduta garanzija minima għal kondizzjonijiet ugwali ta' aċċess għas-suq fil-prattika, jeħtieġ li jiġi pprovdut li dawn isiru nfurzabbli legalment.

(4)

Sett ieħor ta' regoli komuni, intitolat “it-Tieni Linji Gwida għall-Prattika Tajba” ġie adottat fil-laqgħa tal-Forum ta' Madrid fl-24 u 25 ta' Settembru 2003 u l-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi, fuq il-bażi ta' dawk il-Linji Gwida, prinċipji u regoli bażiċi dwar l-aċċess għan-network u s-servizzi ta' aċċess għal terzi, l-immaniġġar tal-konġestjoni, it-trasparenza, il-bilanċjament u l-kummerċ ta' drittijiet tal-kapaċità.

(5)

L-Artikolu [15] tad-Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gas naturali (6) jippermetti operatur ta' sistema kombinata ta' trasmissjoni u distribuzzjoni. Għalhekk, ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament ma jeħtiġux tibdil tal-organizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta' trasmissjoni u distribuzzjoni li huma konsistenti mad-disposizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/…/KE.

(6)

Il-pipelines ta' pressjoni għolja li jqabbdu d-distributuri lokali man-network tal-gass li mhumiex użati primarjament fil-kuntest tad-distrubuzzjoni lokali huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(7)

Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-kriterji li konformement magħhom jiġu determinati tariffi għall-aċċess għan-network, sabiex jiġi żgurat li jkunu konformi bis-sħiħ mal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u mal-ħtiġijiet ta' suq intern li jiffunzjona korrettament u li jittieħed kont bis-sħiħ tal-bżonn tal-integrità tas-sistema u li jiġu riflessi l-ispejjeż magħmula, sakemm dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma' dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-network u jkunu trasparenti, filwaqt li jinkludu qligħ xieraq mill-investimenti, u fejn ikun il-każ, b'kont meħud tal-benchmarking tat-tariffi mill-awtoritajiet regolatorji.

(8)

Fil-kalkolu tat-tariffi għall-aċċess għan-networks huwa importanti li jittieħed kont tal-ispejjeż fattwalment magħmula, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu għal dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-network, u jkunu trasparenti, kif ukoll tal-ħtieġa li jiġi provdut qligħ xieraq fuq l-investimenti u inċentivi sabiex jinbnew infrastrutturi ġodda. F'dan ir-rigward, u b'mod partikolari jekk teżisti kompetizzjoni effettiva ta' pipeline ma' pipeline, il-benchmarking ta' tariffi mill-awtoritajiet regolatorji tkun konsiderazzjoni rilevanti.

(9)

L-użu ta' arranġamenti bbażati fuq is-suq, bħal rkantijiet, biex jiġu determinati t-tariffi, għandu jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2009/…/KE.

(10)

Sett minimu komuni ta' servizzi ta' aċċess għal terzi huwa meħtieġ sabiex jiġi provdut standard minimu ta' aċċess fil-prattika fil-Komunità kollha, sabiex jiġi żgurat li s-servizzi ta' aċċess għal terzi ikunu suffiċjentement kompatibbli u sabiex jippermettu li jiġu sfruttati l-benefiċċji li jirriżultaw minn suq intern tal-gass naturali li jiffunzjona korrettament.

(11)

Fil-preżent, jeżistu ostakoli għall-bejgħ tal-gass taħt termini ugwali, mingħajr diskriminazzjoni jew żvantaġġ fil-Komunità. B'mod partikolari, għad ma jeżistix aċċess mhux diskriminatorju għan-network u livell ugwalment effettiv ta' superviżjoni regolatorja f'kull Stat Membru.

(12)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 intitolata “Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa” saħqet fuq l-importanza li s-suq intern tal-gass naturali jiġi kkompletat, u li l-impriżi kollha tal-gass naturali fil-Komunità joperaw taħt l-istess kondizzjonijiet. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 intitolata: “Prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku” u “Inkjesta taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar is-Setturi Ewropej tal-Gass u tal-Elettriku (Rapport Finali)” urew li r-regoli u l-miżuri preżenti ma jipprovdux il-qafas meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta' suq intern li jiffunzjona tajjeb.

(13)

Barra li jimplimenta kompletament il-qafas regolatorju eżistenti, il-qafas regolatorju tas-suq intern tal-gass naturali stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 għandu jiġi adattat konformement ma' dawk il-komunikazzjonijiet.

(14)

B'mod partikolari, jeħtieġ li jkun hemm aktar koperazzjoni u koordinazzjoni fost l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni biex jiġi żgurat il-ħolqien ta' kodiċijiet tan-network biex jingħata u jiġi ġestit aċċess effettiv għan-networks ta' trasmissjoni lil hinn mill-fruntieri, u biex jiżguraw ippjanar ikkoordinat u li jħares biżżejjed 'il quddiem u evoluzzjoni teknika soda tas-sistema ta' trasmissjoni fil-Komunità, b'attenzjoni dovuta għall-ambjent. Il-kodiċijiet tan-network għandhom jaderixxu ma' qafas ta' linji gwida mhux obbligatorji żviluppati mill-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija stabbilita mir-Regolament (KE) Nru …/2009 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, “l-Aġenzija”. L-Aġenzija għandu jkollha rwol fir-reviżjoni tal-abbozz ta' kodiċijiet tan-network, inkluż il-konformità tagħhom mal-qafas ta' linji gwida mhux obbligatorji, u hija għandha tkun tista' tirrakkomandahom għall-adozzjoni mill-Kummissjoni. L-Aġenzija għandha ukoll tivvaluta l-modifiki proposti għall-kodiċijiet tan-network u hija għandha tkun tista' tirrakkomandahom għall-adozzjoni mill-Kummissjoni. L-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni għandhom iħaddmu n-networks tagħhom konformement ma' dawk il-kodiċijiet tan-network.

(15)

Sabiex tkun żgurata l-aħjar tmexxija tan-network tat-trasmissjoni tal-gass fil-Komunità għandu jiġi stabbilit Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trasmissjoni “ENTSO tal-Gass”. Il-kompiti tal-ENTSO tal-Gass għandhom jitwettqu f'konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji li jibqgħu applikabbli għad-deċiżjonijiet tal-ENTSO tal-Gass. Il-kompiti tiegħu għandhom jiġu definiti tajjeb u l-metodu ta' ħidma tiegħu għandu jiżgura l-effiċjenza, in-natura rappreżentattiva u t-trasparenza tiegħu. Il-kodiċijiet tan-network imħejjjija mil-ENTSO tal-Gass mhumiex intiżi biex jissostitwixxu l-kodiċijiet tan-network nazzjonali għal kwistjonijiet mhux transkonfinali. Ladarba jista' jsir aktar progress effettiv permezz ta' azzjoni fuq livell reġjonali, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jistabbilixxu strutturi reġjonali fi ħdan l-istruttura kumplessiva ta' koperazzjoni, filwaqt li jiżguraw li r-riżultati fil-livell reġjonali jkunu kompatibbli ma' kodiċijiet tan-network u ma' pjanijiet mhux obbligatorji ta' żvilupp tan-networks fil-livell Komunitarju. Il-koperazzjoni fi ħdan strutturi reġjonali bħal dawn tassumi separazzjoni effettiva ta' attivitajiet ta' network minn attivitajiet ta' produzzjoni u provvista. Fl-assenza ta' tali separazzjoni, koperazzjoni reġjonali bejn operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni tagħti lok għal riskju ta' attività anti-kompetittiva.

(16)

Il-parteċipanti kollha fis-suq għandhom interess fil-ħidma mistennija mill-ENTSO tal-Gass. Il-proċess ta' konsultazzjoni huwa għalhekk essenzjali u l-istrutturi eżistenti li mwaqqfa biex jiffaċilitaw u jagħtu konformità lill-proċess ta' konsultazzjoni, bħall-Assoċjazzjoni Ewropea għat-Tħaffif tal-Iskambju tal-Enerġija, ir-regolaturi nazzjonali jew l-Aġenzija għandhom ikollhom rwol importanti.

(17)

Sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni permezz tas-swieq likwidi tal-bejgħ tal-gass bl-ingrossa, huwa importanti ħafna li l-gass ikun jista' jinbiegħ indipendentament mil-lokalizazzjoni tiegħu fis-sistema. L-unika mod biex isir dan huwa billi l-utenti tan-network jingħataw il-libertà li jikkalkolaw indipendentement il-kapaċità tad-dħul u tal-ħruġ, biex b'hekk jinħolqu żoni għat-trasport tal-gass u mhux trasmissjonijiet kuntrattwali. Il-preferenza għas-sistemi ta' dħul-ħruġ biex l-iżvilupp tal-kompetizzjoni jkun iffaċilitat diġà ġiet espressa mill-maġġoranza ta' partijiet interessati fis-Sitt Forum ta' Madrid fit-30 l-31 ta' Ottubru 2002. It-tariffi m'għandhomx ikunu dipendenti fuq ir-rotta tat-trasport; għaldaqstant it-tariffa stabbilita għal wieħed jew aktar punt(i) ta' dħul m'għandhiex tkun relatata mat-tariffa stabbilita għal wieħed jew aktar punt(i) ta' ħruġ, u viċi versa.

(18)

Ir-referenzi għall-kuntratti armonizzati ta' trasport fil-kuntest ta' aċċess nondiskriminatorju għan-network ta' operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ma jfissrux li t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kuntratti ta' trasport ta' operatur partikolari tas-sistema fi Stat Membru għandhom ikunu l-istess bħal dawk ta' operatur ieħor tas-sistema ta' trasmissjoni f'dak l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor, sakemm ma jiġux stabbiliti rekwiżiti minimi li jridu jintlaħqu mill-kuntratti kollha ta' trasport.

(19)

Hemm konġestjoni kuntrattwali sostanzjali fin-networks tal-gass. Il-prinċipji tal-amministrazzjoni tal-konġestjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità għal kuntratti ġodda jew relattivament ġodda huma għalhekk imsejsa fuq il-liberazzjoni tal-kapaċità mhux użata, billi l-utenti tan-networks jitħallew jissullokaw jew ibiegħu mill-ġdid il-kapaċitajiet kuntrattwali tagħhom u l-obbligazzjoni tal-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni li joffru l-kapaċità li ma ġietx użata lis-suq, għallinqas abbażi ta' arranġament ta' ġurnata bil-quddiem mingħajr interruzzjoni. Fid-dawl tal-proporzjoni konsiderevoli ta' kuntratti eżistenti u l-ħtieġa li jinħoloq ambjent ġenwin ta' ugwaljanza fl-operazzjoni bejn l-utenti ta' kapaċità ġdida jew eżistenti, dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati għall-kapaċità kollha kuntrattwali, inklużi kuntratti eżistenti.

(20)

Minkejja li l-konġestjoni fiżika tan-networks fil-preżent hija rarament problema fil-Komunità, tista' ssir probelma fil-futur. Huwa għalhekk importanti li jiġi provdut il-prinċipju bażiku għall-allokazzjoni tal-kapaċità staġnata f'tali ċirkustanzi.

(21)

Is-sorveljanza tas-suq li ilha titwettaq mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u mill-Kummissjoni dawn l-aħħar snin uriet li r-rekwiżiti ta' trasparenza u r-regoli attwali dwar l-aċċess għall-infrastrutturi mhumiex biżżejjed.

(22)

Jeħtieġ li jkun hemm aċċess ugwali għall-informazzjoni dwar l-istatus fiżiku tas-sistema, sabiex il-parteċipanti kollha fis-suq ikunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni globali tad-domanda u tal-provvista u sabiex jidentifikaw ir-raġunijiet għall-varjazzjoni fil-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa. Dan għandu jinkludi tagħrif aktar preċiż dwar il-provvista u d-domanda, il-kapaċità tan-network, il-flussi u l-manutenzjoni, l-ibbilanċjar u d-disponibbilità u l-użu tal-ħażna. L-importanza ta' din l-informazzjoni għall-funzjonament tas-suq tirrikjedi li jittaffew il-limitazzjonijiet eżistenti fuq il-pubblikazzjoni għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

(23)

Madankollu r-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità għal informazzjoni kummerċjalment sensittiva huma partikolarment rilevanti fejn hi konċernata data ta' natura kummerċjalment strateġika għall-kumpanija, fejn hemm utent wieħed biss għal faċilità ta' ħażna, jew fejn hi konċernata data fir-rigward ta' punti ta' ħruġ f'sistema jew sottosistema li mhumiex ikkonnettjati ma' sistema oħra ta' trasmissjoni jew distribuzzjoni iżda ma' konsumatur aħħari industrijali wieħed fejn il-pubblikazzjoni ta' tali data tiżvela informazzjoni kunfidenzjali dwar il-proċess ta' produzzjoni ta' dan il-konsumatur.

(24)

Sabiex tiżdied il-kunfidenza fis-suq, il-parteċipanti tas-suq jeħtieġu li jkunu ċerti li min jabbuża jista' jkun suġġett għal penali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa li jinvestigaw b'mod effettiv allegazzjonijiet ta' abbuż tas-suq. Għaldaqstant jinħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għad-data li tipprovdi informazzjjoni dwar deċiżjonijiet operattivi tal-impriżi ta' provvista. Fis-suq tal-gass dawn id-deċiżjonijeit kollha huma kkomunikati lill-operaturi tas-sistema f'forma ta' riżervi tal-kapaċità, nominazzjonijiet u flussi realizzati. L-operaturi tas-sistema għandhom iżommu din l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti għal perjodu ta' żmien stabbilit.

(25)

L-aċċess għall-faċilitajiet tal-ħażniet tal-gass u għall-faċilitajiet ta' gass naturali likwefatt (LNG) huwa insuffiċjenti, u għalhekk hemm bżonn titjib fir-regoli rilevanti. Is-sorveljanza tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass ikkonkluda li l-linji gwida volontarji għal prassi tajba ta' aċċess lil partijiet terzi għall-operaturi tas-sistema ta' ħażna, maqbula bejn il-partijiet kollha interessati fil-Forum ta' Madrid, mhux qed jiġu applikati kif suppost u għaldaqstant għanhom isiru vinkolanti.

(26)

Is-sistemi ta' bilanċjar għall-gass li huma trasparenti u nondiskriminatorji, imħaddma minn operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni, huma mekkaniżmi importanti, b'mod partikolari għal suġġetti ġodda li jidħlu fis-suq li jista' jkollhom iktar diffikultà minn kumpanniji li huma diġà stabbiliti f'suq rilevanti biex jibbilanċaw il-portafoll ġenerali tal-bejgħ tagħhom. Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni joperaw tali mekkaniżmi b'mod li jkun kompatibbli mal-kondizzjonijiet ta' aċċess għan-network li jkunu trasparenti, effettivi u nondiskriminatorji.

(27)

L-iskambju tad-drittijiet primarji ta' kapaċità huwa parti importanti fl-iżvilupp ta' suq kompetittiv u fil-ħolqien ta' likwidità. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi regoli bażiċi dwar dan l-iskambju.

(28)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw konformità mar-regoli li jinsabu f'dan ir-Regolament u l-linji gwida adottati bħala riżultat tiegħu.

(29)

Fil-linji gwida annessi ma' dan ir-Regolament, hemm definiti regoli dettaljati speċifiċi ta' implementazzjoni, fuq il-bażi tat-Tieni Linji Gwida għall-Prattika Tajba msemmija hawn fuq. Fejn ikun xieraq, dawn ir-regoli għandhom jiżviluppaw tul iż-żmien, filwaqt li jittieħed kont tad-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali tal-gass.

(30)

Meta tipproponi l-emendament tal-linji gwida stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsultazzjoni minn qabel mal-partijiet kollha relevanti konċernati mil-linji gwida, rappreżentati mill-organizazzjonijiet professjonali, u mal-Istati Membri fil-Forum ta' Madrid u għandha titlob il-kontribut tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass.

(31)

L-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikunu mistennija jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni. Tali informazzjoni għandha tiġi trattata b'mod kunfidenzjali mill-Kummissjoni.

(32)

Dan ir-Regolament u l-linji gwida adottati taħt dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni.

(33)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (7).

(34)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tistabbilixxi jew tadotta l-linji gwida meħtieġa għall-provvediment tal-livell minimu ta' armonizzazzjoni meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta' dan ir-Regolament. Billi dawk huma miżuri ta' ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b'elementi mhux essenzjali ġodda, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(35)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli ġusti għall-kondizzjonijiet għall-aċċess għas-sistema ta' trasmissjoni tal-gass naturali, l-faċilitajiet ta' ħażna u LNG, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(36)

Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni tal-emendi li qegħdin isiru b'dan lir-Regolament (KE) Nru 1775/2005, huwa kunsiljabbli, għal raġunijiet ta' ċarezza u razzjonalità, li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jitħassru u limfassla mill-ġdid billi jinġabru kollha f' test wieħed u f'Regolament ġdid,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jimmira sabiex:

(a)

jistabbilixxi regoli nondiskriminatorji għall-kondizzjonijiet ta' aċċess għas-sistemi ta' trasmissjoni tal-gass naturali, b'kont meħud tal-karatteristiċi speċjali tas-swieq nazzjonali u reġjonali bl-għan li jiġi żgurat il-funzjonament adatt tas-suq intern tal-gass;

(b)

jistabbilixxi regoli nondiskriminatorji għall-kondizzjonijiet ta' aċċess għall-faċilitajiet LNG u l-faċilitajiet ta' ħażna b'kont meħud tal-karatteristiċi speċjali tas-swieq nazzjonali u reġjonali;

(c)

jiffaċilita l-iżvilupp ta' suq bl-ingrossa li jiffunzjona tajjeb u li jkun trasparenti b'livell għoli ta' sigurtà ta' provvista tal-gass. Huwa jipprovdi mekkaniżmi biex jarmonizza dawn ir-regoli għall-iskambji transkonfinali tal-gass.

L-għanijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan l-Artikolu għandhom jinkludu l-istabbiliment tal-prinċipji armonizzati għat-tariffi, jew il-metodoloġiji sottostanti għall-kalkolu tagħhom, għall-aċċess għan-network, iżda mhux għall-faċilitajiet ta' ħażna, l-istabbiliment ta' servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi u prinċipji armonizzati għall-allokazzjoni tal-kapaċità u l-amministrazzjoni tal-konġestjoni, id-determinazzjoni tar-rekwiżiti tat-trasparenza, ir-regoli għall-ibbilanċjar u ħlasijiet dovuti għal żbilanċi, u l-faċilitazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kapaċità.

Dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 19(4), għandu japplika biss għall-faċilitajiet ta' ħażna li jaqgħu taħt l-Artikolu 32(3) jew (4) tad-Direttiva 2009/…/KE.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu organu jew korp stabbilit taħt id-Direttiva 2009/…/KE bil-għan li jwettaq funzjoni waħda jew aktar li tipikament ikunu attribwiti lill-operatur tas-sistema tat-trasmissjoni, li għandu jkun suġġett għar-rekwiżi ta' dan ir-Regolament. Dan l-organu jew korp għandu jkun suġġett għaċ-ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament u għandu jkun suġġett għall-ħatra skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/…/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“trasmissjoni” tfisser it-trasport ta' gass naturali permezz ta' network, li prinċipalment fih pipelines bi pressjoni għolja, għajr network ta' pipeline upstream u għajr il-parti ta' pipelines bi pressjoni għolja użati primarjament fil-kuntest ta' distribuzzjoni lokali ta' gass naturali, bil-ħsieb tal-provvista tiegħu lill-klijenti, imma mhux inkluż il-provvista;

2)

“kuntratt ta' trasport” tfisser kuntratt li l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni ikkonkluda ma' utent tan-network bil-ħsieb li titwettaq trasmissjoni;

3)

“kapaċità” tfisser il-fluss massimu, espress f'metri kubiċi normali għal kull unità ta' ħin jew f'unità ta' enerġija għal kull unità ta' ħin, li hu intitolat għalih l-utent tan-network taħt id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta' trasport;

4)

“kapaċità mhux użata” tfisser kapaċità kostanti li utent tan-network ikun akkwista b'kuntratt ta' trasport iżda li l-utent ma jkunx innomina sal-iskadenza speċifikata fil-kuntratt;

5)

“amministrazzjoni tal-konġestjoni” tfisser amministrazzjoni tal-portafoll tal-kapaċità tal-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni bil-ħsieb tal-użu ottimali u massimu tal-kapaċità teknika u l-iskoperta fil-ħin ta' punti ta' konġestjoni u saturazzjoni ġejjinin;

6)

“suq sekondarju” tfisser is-suq tal-kapaċità kkummerċjata x'imkien ieħor għajr fuq is-suq primarju;

7)

“nominazzjoni” tfisser ir-rappurtar minn qabel mill-utent tan-network lill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni tal-fluss attwali li huwa jixtieq jinjetta fi jew jiġbed mis-sistema;

8)

“re-nominazzjoni” tfisser ir-rappurtar sussegwenti ta' nominazzjoni kkoreġuta;

9)

“integrità tas-sistema” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni fir-rigward ta' network ta' trasmissjoni li tinkludi faċilitajiet meħtiġin ta' trasmissjoni li fihom il-pressjoni u l-kwalità tal-gass naturali jibqgħu fil-limiti minimi u massimi stabbiliti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni, biex hekk it-trasmissjoni ta' gass naturali hija garantita mil-lat tekniku;

10)

“perijodu ta' bbilanċjar” tfisser il-perijodu li fih it-teħid ta' ammont ta' gass naturali, espress f'unitajiet ta' enerġija, irid ikun ikkumpensat minn kull utent tan-network permezz ta' injezzjoni tal-istess ammont ta' gass naturali fin-network ta' trasmissjoni taħt il-kuntratt ta' trasport jew il-kodiċi tan-network;

11)

“utent tan-network” tfisser klijent jew klijent potenzjali ta' operatur tas-sistema ta' trasmissjoni, u l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni nnifishom sa fejn hu meħtieġ biex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fir-rigward ta' trasmissjoni;

12)

“servizzi interruttibbli” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni fir-rigward ta' kapaċità li tista' tiġi interrotta;

13)

“kapaċità interruttibbli” tfisser kapaċità ta' trasmissjoni ta' gass li tista' tiġi interrotta mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni konformement mal-kondizzjonijiet stipulati fil-kuntratt ta' trasport;

14)

“servizzi għal perijodu fit-tul” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni b'durata ta' sena jew iktar;

15)

“servizzi għal perijodu qasir” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni b'durata għal inqas minn sena;

16)

“kapaċità kostanti” tfisser kapaċità ta' trasmissjoni ta' gass iggarantita b'mod kuntrattwali mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni bħala waħda mhux interruttibbli;

17)

“servizzi kostanti” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni fir-rigward ta' kapaċità kostanti;

18)

“kapaċità teknika” tfisser il-kapaċità kostanti massima li l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jista' joffri lill-utenti tan-network, b'kont meħud tal-integrità tas-sistema u tar-rekwiżiti operattivi tan-network ta' trasmissjoni;

19)

“kapaċità kuntrattata” tfisser kapaċità li l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jkun alloka lil utent tan-network permezz ta' kuntratt ta' trasport;

20)

“kapaċità disponibbli” tfisser il-parti mill-kapaċità teknika li mhijiex allokata u għadha disponibbli għas-sistema f'dak il-mument;

21)

“konġestjoni kuntrattwali” tfisser sitwazzjoni fejn il-livell ta' domanda għal kapaċità kostanti jeċċedi l-kapaċità teknika;

22)

“suq primarju” tfisser is-suq tal-kapaċità kkummerċjata direttament mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni;

23)

“konġestjoni fiżika” tfisser sitwazzjoni fejn il-livell ta' domanda għal kunsinni preżenti f'xi ħin partikolari jeċċedi l-kapaċità teknika;

24)

’il-kapaċità ta' faċilità LNG’ tfisser il-kapaċità f'terminal LNG għal-likwifikazzjoni ta' gass naturali jew għall-importazzjoni, il-ħatt, is-servizzi anċillari, il-ħżin temporanju u r-rigassifikazzjoni ta' LNG;

25)

’spazju’ tfisser il-volum ta' gass li utent ta' faċilità għall-ħżiun jista' juża għall-ħażna tal-gass;

26)

’kapaċità ta' twassil’ tfisser ir-rata li biha l-utent tal-faċilità ta' ħażna jista' jirtira il-gass minnha;

27)

’injettabbiltà’ tfisser ir-rata li biha l-utent tal-faċilità ta' ħażna jista' jinjetta l-gass fil-faċilità ta' ħażna;

28)

’kapaċità ta' ħżin’ tfisser kwalunkwe kombinazzjoni ta' spazju, injettabbiltà u kapaċità ta' twassil;

2.   Mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu d-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/…/KE, li huma rilevanti għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ukoll ħlief għad-definizzjoni ta' trasmissjoni fil-punt 3 ta' dak l-Artikolu.

Id-definizzjonijiet fil-punti 3 sa 23 tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu relatati ma' trasmissjoni japplikaw b'analoġija f'relazzjoni mal-ħażna u ta' LNG.

Artikolu 3

Ċertifikazzjoni ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trasmissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika ta' deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur tas-sistema ta' trasmissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2009/…/KE, hekk kif tirċievi n-notifika. Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tkun irċeviet din in-notifika, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 11, u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/…/KE.

Fit-tħejjija tal-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali. F'tali każ, il-perijodu ta' xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jittawwal b'xahrejn oħra.

Fin-nuqqas ta' opinjoni mill-Kummissjoni fil-perijodu msemmi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

2.   Meta tirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha, fi żmien xahrejn, tadotta d-deċiżjoni finali tagħha rigward iċ-ċertifikazzjoni tal-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni, filwaqt li tieħu kont kemm jista' jkun ta' dik l-opinjoni. Id-deċiżjoni tal-awtorita' regulartorja u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu ppubblikati flimkien.

3.   Fi kwalunkwe waqt matul il-proċedura, l-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-operaturi ta' sistema ta' trasmissjoni u/jew lill-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' produzzjoni jew li jipprovdu kull informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan l-Artikolu.

4.   L-awtoritajiet Regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jippreservaw il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

5.   Il-Kummissjoni tista' tadotta linji gwida li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

6.   Fejn il-Kummissjoni tkun irċeviet notifika dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur tas-sistema ta' trasmissjoni taħt l-Artikolu 9(10) tad-Direttiva 2009/…/KE, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni. L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trasmissjoni tal-Gass

L-operaturi kollha ta' Sistema ta' trasmissjoni għandhom jikkoperaw fil-livell Komunitarju permezz tal-ENTSO tal-Gass sabiex tiġi promossa t-tkomplija tas-suq intern għall-gass naturali u biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni ottima u evoluzzjoni teknika soda tan-network Ewropew għat-trasmissjoni tal-gass naturali.

Artikolu 5

Stabbiliment tal-ENTSO tal-Gass

1.   Sa … (8) l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni tal-gass għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz tal-istatuti, lista ta' membri u abbozz tar-regoli ta' proċedura, inkluż ir-regoli ta' proċedura dwar il-konsultazzjoni ta' partijiet interessati oħrajn tal-ENTSO tal-Gass li jrid jiġi stabbilit.

2.   Fi żmien xahrejn mill-jum meta tirċevihom, l-Aġenzija, wara li tikkonsulta l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet interessati kollha, għandha tagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' statuti, lista ta' membri u abbozz ta' regoli ta' proċedura.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-abbozz tal-istatuti, il-lista tal-membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura fi żmien tliet xhur mill-jum meta tirċevil-opinjoni tal-Aġenzija.

4.   Fi żmien tliet xhur mill-jum meta tirċevi l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jistabbilixxu l-ENTSO tal-Gass, jadottaw l-istatuti u r-regoli ta' proċeduri tiegħu u jippubblikawhom,

Artikolu 6

Stabbiliment tal-Kodiċijiet tan-Network

1.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Aġenzija, l-ENTSO tal-Gass u partijiet interessati relevanti oħrajn, tistabbilixxi lista ta' prijoritajiet annwali li tidentifika l-oqsma stabbiliti fl-Artikolu 8(6) li għandhom ikunu inklużi fl-iżvilupp tan-network tal-kodiċijiet.

2.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija tippreżentalha fi żmien raġonevoli raġonevoli ta' mhux aktar minn sitt xhur abbozz ta' qafas ta' linji gwida mhux obbligatorji li jipprovdu prinċipji ċari u oġġettivi, konformement mal-Artikolu 8(7), għall-iżvilupp ta' kodiċijiet tan-network relatati mal-oqsma identifikati fil-lista ta' prijoritajiet. Kull Linja Gwida f'tali qafas għandha tikkontribwixxi għan-nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u funzjonament effiċjenti tas-suq. Fuq talba raġunata mill-Aġenzija, il-Kummissjoni tista' testendi dak il-perijodu.

3.   L-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-ENTSO tal-Gass u lil partijiet interessati relevanti oħrajn dwar l-abbozz ta' qafas ta' linji gwida mhux obbligatorji, matul perijodu ta' mhux inqas minn xahrejn, b'mod miftuħ u trasparenti.

4.   Jekk il-Kummissjoni tqis li l-abbozz ta' qafas ta' linji gwida mhux obbligatorji ma jikkontribwixxix għan-nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u funzjonament effiċjenti tas-suq, hija tista' titlob lill-Aġenzija tirrivedi l-abbozz ta' qafas ta' linji gwida mhux obbligatorji f'perijodu ta' żmien raġonevoli, u terġa' tippreżentah lill-Kummissjoni.

5.   Jekk l-Aġenzija tonqos milli tippreżenta jew li terġa' tippreżenta mill-ġdid abbozz ta' qafas ta' linji gwida mhux obbligatorji fil-perijodustabbilit mill-Kummissjoni taħt il-paragrafi 2 jew 4, il-Kummissjoni għandha tħejji l-qafas ta' linji gwida mhux obbligatorji in kwistjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-ENTSO tal-Gass biex jippreżenta lill-Aġenzija kodiċi tan-network li jikkonforma mal-qafas rilevanti ta' linji gwida mhux obbligatorji, fi żmien perijodu raġonevoli ta' mhux aktar minn tnax-il xahar.

7.   Fi żmien perijodu ta' tliet xhur wara l-jum li fih tirċievi kodiċi tan-network, matul liema perijodu l-Aġenzija tista' tikkonsulta formalment mal-partijiet interessati relevanti, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni raġunata lill-ENTSO tal-Gass dwar il-kodiċi tan-network.

8.   L-ENTSO tal-Gass jista' jemenda l-kodiċi tan-network fid-dawl tal-opinjoni tal-Aġenzija u jerġa' jippreżentah lill-Aġenzija.

9.   Ladarba l-Aġenzija tkun sodisfatta li l-kodiċi tan-network jikkonforma mal-qafas rilevanti ta' linji gwida mhux obbligatorji, l-Aġenzija għandha tippreżenta l-kodiċi tan-network lill-Kummissjoni u tista' tirrakkomanda li jiġi adottat.

10.   Fejn l-ENTSO tal-Gass ma jkunx żviluppa kodiċi tan-network fi żmien il-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni taħt il-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija biex tħejji abbozz ta' kodiċi tan-network fuq il-bażi tal-qafas rilevanti ta' linji gwida mhux obbligatorji. L-Aġenzija tista' tniedi konsultazzjoni oħra matul it-tħejjija ta' abbozz ta' kodiċi tan-network taħt dan il-paragrafu. L-Aġenzija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta' kodiċi tan-network imħejji taħt dan il-paragrafu u tista' tirrakkomanda li jiġi adottat.

11.   Il-Kummissjoni tista' tadotta, fuq inizjattiva tagħha meta l-ENTSO tal-Gass ikun naqas milli jħejji kodiċi tan-network, jew l-Aġenzija tkun naqset milli tħejji abbozz ta' kodiċi tan-network kif imsemmi fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu, jew fuq rakkomandazzjoni tal-Aġenzija taħt il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu, kodiċi wieħed jew aktar tan-network fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6).

Jekk il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' kodiċi ta' network fuq inizjattiva tagħha, hija tista' tikkonsulta lill-Aġenzija, l-ENTSO tal-Gass u l- partijiet interessati relevanti kollha dwar abbozz ta' kodiċi tan-netwrok matul perijodu ta' mhux inqas minn xahrejn.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

12.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tadotta u temenda linji gwida kif stabbilit fl-Artikolu 23.

Artikolu 7

Modifika tal-Kodiċijiet tan-Network

1.   Abbozzi ta' modifiki għal kwalunkwe kodiċi tan-network adottat taħt l-Artikolu 6 jistgħu jiġu proposti lill-Aġenzija minn persuni li x'aktarx ikunu interessati f'dak il-kodiċi tan-network, inklużi l-ENTSO tal-Gass, operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni, utenti tan-network u konsumaturi. L-Aġenzija tista' wkoll tipproponi modifiki fuq inizjattiva tagħha stess.

2.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi, fir-Regoli tal-Proċedura tagħha, proċessi effiċjenti għal valutazzjoni ta' abbozzi ta' modifiki u konsultazzjoni bir-reqqa dwarhom, inkluż mal-ENTSO tal-Gass u l-utenti tan-network. Wara dan il-proċess, l-Aġenzija tista' tagħmel proposti raġunati għal modifiki lill-Kummissjoni, u tispjega kif dawn il-proposti jkunu konsistenti mal-objettivi tal-kodiċijiet tan-network stabbiliti fl-Artikolu 6(2).

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta, wara li tqis il-proposti tal-Aġenzija, modifiki għal kwalunkwe kodiċi tan-network adottat taħt l-Artikolu 6. Dawk il-miżuri, li tfasslu sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jżidu miegħu, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 28(2).

4.   Il-konsiderazzjoni tal-modifiki proposti konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 28(2) għandha tkun limitata għal konsiderazzjoni tal-aspetti marbuta mal-modifika proposta. Dawk il-modifiki proposti huma mingħajr preġudizzju għal xi modifiki oħra li tista' tipproponi l-Kummissjoni.

Artikolu 8

Kompiti tal-ENTSO tal-Gass

1.   L-ENTSO tal-Gass għandu jelabora kodiċijiet tan-network fl-oqsma msemmijin fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu fuq stedina indirizzata lilu mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 6(6).

2.   L-ENTSO tal-Gass jista' jelabora kodiċijiet tan-network fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 6 fejn dawn il-kodiċijiet ma jirrelatawx ma' oqsma koperti minn stedina indirizzata lilu mill-Kummissjoni. Dawn il-kodiċijiet tan-network għandhom ikunu ppreżentati lill-Aġenzija għal opinjoni.

3.   L-ENTSO tal-Gass għandu jadotta:

(a)

għodod komuni għall-operat tan-network u għall-pjanijiet tar-riċerka;

(b)

kull sentejn, pjan ta' żvilupp mhux obbligatorju tan-network għall-Komunità kollha fuq firxa ta' 10 snin, “pjan ta' żvilupp tan-network”, inkluż prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea;

(c)

programm ta' ħidma annwali;

(d)

rapport annwali;

(e)

prospetti annwali dwar il-provvista għas-sajf u għax-xitwa;

4.   Il-prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 għandu jkopri l-adegwatezza ġenerali tas-sistema tal-gass għall-provvista ta' talbiet preżenti u proġettati għall-gass għall-perijodu li ġej ta' ħames snin kif ukoll għall-perijodu ta' bejn ħames u għaxar snin mid-data ta' dak il-prospett. Il-prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea għandu jinbena fuq prospetti nazzjonali rigward il-provvista imħejjijin minn kull operatur individwali tas-sistema ta' trasmissjoni.

5.   Il-programm ta' ħidma annwali msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 3 għandu jinkludi lista u deskrizzjoni tal-kodiċijiet tan-network li għandhom jitħejjew, pjan dwar il-koordinazzjoni tal-operat tan-network u l-attivitiajiet ta' riċerka u żvilupp, li għandhom jitwettqu f'dik is-sena, u kalendarju indikattiv.

6.   Il-kodiċijiet tan-network imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin, b'kont meħud, jekk ikun il-każ, tal-karatteristiċi speċjali, reġjonali tagħhom:

(a)

regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-network;

(b)

regoli dwar il-konnessjoni man-network;

(c)

regoli ta' aċċess għal partijiet terzi;

(d)

regoli dwar l-iskambju ta' data u dwar l-issetiljar;

(e)

regoli dwar l-interoperabbiltà;

(f)

proċeduri operattivi f'emerġenza;

(g)

allokazzjoni ta' kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta' konġestjoni;

(h)

regoli għall-kummerċ relatati mal-proviżjoni teknika u operattiva tas-servizzi ta' aċċess għan-network; servizzi u l-ibbilanċjar tas-sistema;

(i)

regoli dwar it-trasparenza;

(j)

regoli ta' bbilanċjar inklużi regoli relatati man-network rigward proċeduri dwar nominazzjonijiet, regoli ta' ħlasijiet għal nuqqas ta' bilanċ u regoli ta' bbilanċjar operattiv bejn is-sistemi tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni; u

(k)

regoli dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tariffarji għat-trasmissjoni;

(l)

l-effiċjenza fl-enerġija tan-networks tal-gass.

7.   Il-kodiċijiet tan-network għandhom jiġu żviluppati biss għal kwistjonijiet transkonfinali tan-network u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu kodiċijiet nazzjonali għal kwistjonijiet interni.

8.   L-ENTSO tal-Gass għandu jissorvelja u janalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet u l-linji gwida adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(11), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni ta' regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq. L-ENTSO tal-Gass għandu jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-Aġenzija u jinkludi r-riżultati tal-analiżi fir-rapport annwali msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3.

9.   L-ENTSO tal-Gass għandu jagħmel disponsibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Aġenzija biex twettaq il-kompiti tagħha taħt l-Artikolu 9(1).

10.   L-ENTSO tal-Gass kull sentejn għandu jadotta u jippublika pjan ta' żvilupp tan-network mhux obbligatorju msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 fuq firxa ta' għaxar snin għall-Komunità kollha. Il-pjan ta' żvilupp tan-network għandu jinkludi t-tfassil tan-network integrat, l-iżvilupp tax-xenarju, prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea u valutazzjoni tal-kapaċità ta' rkupru tas-sistema.

Il-pjan ta' żvilupp tan-network għandu, b'mod partikolari

(a)

jibni fuq pjani nazzjonali ta' investiment, pjani ta' investiment reġjonali kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), u, jekk ikun il-każ, fuq il-linji gwida għal networks tal-nerġija trans-Ewropej konformement mad-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE (9);

(b)

rigward l-interkonnessjonijiet transkonfinali, jibni wkoll fuq il-ħtiġijiet raġonevoli tal- utenti differenti tan-network u jintegra impenji ta' perijodu fit-tul mill-investituri, kif imsemmija fl-Artikoli 14 u 22 tad-Direttiva 2009/…/KE;

(c)

jidentifika l-lakuni fl-investiment, notevolment fir-rigward ta' kapaċitajiet transkonfinali.

11.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-ENTSO tal-Gass għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-fehmiet tiegħu dwar l-adozzjoni ta' linji gwida msemmija fl-Artikolu 23.

Artikolu 9

Sorveljanza mill-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kompiti msemmijin fl-Artikolu 8(1) tal-ENTSO tal-Gass, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

L-Aġenzija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni mill-ENTSO tal-Gass tal-kodiċijiet tan-network elaborati taħt l-Artikolu 8(2) u l-kodiċijiet tan-network li ġew żviluppati taħt l-Artikolu 6(1) sa (10) iżda li ma ġewx adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(11). L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni debitament raġunata lill-Kummissjoni fejn l-ENTSO tal-Gass ikun naqas milli jimplimenta xi kodiċijiet tan-network minn dawn.

L-Aġenzija għandha tissorvelja u tanalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida adottati mill-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6(11), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq kif ukoll fuq in-nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva, funzjonament effiċjenti tas-suq, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

2.   L-ENTSO tal-Gass għandu jippreżenta l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-network u l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali, inkluża l-informazzjoni dwar il-proċess ta' konsultazzjoni, lill-Aġenzija għall-opinjoni tagħha.

Fi żmien xahrejn mill-jum tar-riċezzjoni, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni debitament raġunata kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENTSO tal-Gass u lill-Kummissjoni jekk tqis li l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali jew l-abbozz mhux obbligatorju tal-pjan ta' żvilupp tan-network preżentati mill-ENTSO tal-Gass ma jikkontribwixxix għan-nondiskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva, għall-funzjonament effiċjenti tas-suq jew għal livell suffiċjenti ta' interkonnessjoni transkonfinali miftuħa għall-aċċess mill-partijiet terzi.

Artikolu 10

Konsultazzjonijiet

1.   Waqt il-preparazzjoni tal-kodiċijiet tan-network, l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-network u l-programm ta' ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), l-ENTSO tal-Gass għandu jwettaq proċess ta' konsultazzjoni estensiv, fi stadju bikri u b'mod miftuħ u trasparenti mal-parteċipanti relevanti kollha fis-suq, u b'mod partikolari mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati kollha. Il-konsultazzjoni għandha tinvolvi wkoll awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħrajn, impriżi ta' provvista u produzzjoni, klijenti, utenti tan-networks, operaturi ta' sistema ta' distribuzzjoni, inklużi assoċjazzjonijiet relevanti fl-industrija, korpi tekniċi u pjattaformi ta' partijiet interessati u pertinenti. Huwa għandu jimmira lejn l-identifikazzjoni tal-fehmiet u l-proposti tal-partijiet relevanti kollha fil-proċess tat-tfassil tad-deċiżjonijiet.

2.   Id-dokumenti kollha u l-minuti tal-laqgħat relatati mas-suġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru pubbliċi.

3.   Qabel ma jiġi adottat il-programm ta' ħidma annwali u l-kodiċijiet tan-network imsemmijin fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), l-ENTSO tal-Gass għandu jindika kif l-osservazzjonijiet li jkun irċieva waqt il-konsultazzjoni u kif dawn l-osservazzjonijiet ikunu tqiesu. Huwa għandu jagħti raġunijiet fejn l-osservazzjonijiet ma tqisux.

Artikolu 11

Spejjeż

L-ispejjeż relatati mal-attivitajiet tal-ENTSO tal-Gass msemmi fl-Artikoli 4 sa 12 għandhom jitħallsu mill-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn l-ispejjeż biss jekk ikun raġonevoli u proporzjonati.

Artikolu 12

Koperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jistabbilixxu koperazzjoni reġjonali fi ħdan l-ENTSO tal-Gass sabiex din tikkontribwixxi għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 8(1), (2) u (3). B'mod partikolari, għandhom jippubblikaw pjan ta' investiment reġjonali kull sentejn, u jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment ibbażati fuq dak il-pjan ta' investiment reġjonali.

2.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippromwovu arranġamenti operattivi sabiex jiżguraw ġestjoni ottimali tan-network, u għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta' skambji tal-enerġija, l-allokazzjoni ta' kapaċità transkonfinali permezz ta' soluzzjonijiet nondiskriminatorji bbażati fuq is-suq, bl-attenzjoni dovuta għall-merti speċifiċi ta' irkantijiet impliċiti għal allokazzjonijiet fuq il-perijodu qasir, u l-integrazzjoni ta' mekkaniżmi ta' bbilanċjar.

3.   Iż-żona ġeografika koperta minn kull struttura ta' koperazzjoni reġjonali tista' tkun definita mill-Kummissjoni, b'kont meħud tal-istrutturi reġjonali ta' koperazzjoni eżistenti. Kull Stat Membru għandu jkun jista' jippromwovi l-koperazzjoni f'aktar minn żona ġeografika waħda. Din il-miżura, imfassla biex temenda l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi tissupplimentah għandha tiġi adottata konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

Għal dak il-fini, il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-ENTSO tal-Gass u lill-Aġenzija.

Artikolu 13

Tariffi għal aċċess għan-networks

1.   It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, applikati minn operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u approvati mill-awtoritajiet regolatorji taħt l-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 2009/…/KE, kif ukoll it-tariffi ppubblikati taħt l-Artikolu 31(1) ta' dik id-Direttiva, għandhom ikunu trasparenti, jieħdu kont tal-ħtieġa tal-integrità tas-sistema u t-titjib tagħha u jirriflettu l-ispejjeż effettivament magħmulin, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma' dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-network u jkunu trasparenti filwaqt li jinkludu qligħ xieraq fuq l-investimenti, u fejn ikun il-każ b'kont meħud tal-benchmarking ta' tariffi mill-awtoritajiet regolatorji. It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kkalkolati, għandhom jiġu applikati b'mod nondiskriminatorju.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li t-tariffi jistgħu jiġu ddeterminati wkoll permezz ta' arranġamenti bbażati fuq is-suq, bħal irkantijiet, sakemm tali arranġamenti u d-dħul li jirriżulta minnhom ikunu approvati mill-awtorità regolatorja.

It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kkalkolati, għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ effiċjenti tal-gass u l-kompetizzjoni, filwaqt li jevitaw sussidji inkroċjati bejn utenti tan-network u jipprovdu inċentivi għal investiment u jżommu jew joħolqu l-interoperabbiltà tan-networks ta' trasmissjoni.

It-tariffi għall-utenti tan-network għandhom jiġu stabbiliti separatament għal kull punt ta' dħul fi jew punt tal-ħruġ mis-sistema ta' trasmissjoni. Il-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kost u l-metodoliġija għall-istabbiliment tar-rata rigward il-punti tad-dħul u l-punti tal-ħruġ għandhom ikunu approvati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara perijodu transitorju, jiġifieri sa … (10), il-ħlasijiet tan-network m'għandhomx ikunu kkalkulati abbażi ta' linji kuntrattwali.

2.   It-tariffi għal aċċess għan-network m'għandhomx jirrestrinġu l-likwidità tas-suq jew jikkawżaw distorsjoni fil-kummerċ bejn il-fruntieri ta' sistemi ta' trasmissjoni differenti. Fejn id-differenzi fl-istrutturi tat-tariffi jew fil-mekkaniżmi ta' bbilanċjar ifixklu l-kummerċ bejn is-sistemi ta' trasmissjoni, u minkejja l-Artikolu 40(6) tad-Direttiva 2009/…/KE, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom, f'koperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali relevanti, attivament isaħħu l-konverġenza tal-istrutturi ta' tariffi u tal-prinċipji ta' ħlas anke fir-rigward tal-ibbilanċjar.

Artikolu 14

Aċċess lill-partijiet terzi għal servizzi tal-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom:

(a)

jiżguraw li joffru servizzi fuq bażi nondiskriminatorja lill-utenti kollha tan-network. B'mod partikolari, fejn operatur tas-sistema ta' trasmissjoni joffri l-istess servizz lil klijenti differenti, għandu jagħmel dan konformement ma' termini u kondizzjonijiet kuntrattwali ekwivalenti, jew billi juża kuntratti ta' trasport armonizzati jew kodiċi komuni tan-network approvati mill-awtorità kompetenti konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2009/…/KE;

(b)

jipprovdu servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi li jkunu sodi u mingħajr interruzzjoni. Il-prezz tal-kapaċità interruttibbli għandu jirrifletti l-probabbiltà ta' interruzzjoni;

(c)

joffru lill-utenti tan-network servizzi kemm għal perijodu fit-tul kif ukoll għal perijodu qasir.

2.   Il-kuntratti ta' trasport iffirmati b'dati ta' bidu li mhumiex standard jew għal żmien iqsar minn dak ta' kuntratt standard ta' trasport annwali ma għandhomx jirriżultaw f'tariffi li jkunu arbitrarjament ogħla jew iktar baxxi u li ma jirriflettux il-valur fis-suq tas-servizz, konformement mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 13(1).

3.   Fejn ikun il-każ, il-provvista ta' servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi jista' jingħata suġġett għal garanziji adegwati mingħand l-utenti tan-network fir-rigward tal-kredibbiltà ta' kreditu tagħhom. Dawn il-garanziji ma għandhomx jikkostitwixxu ostakoli mhux ġustifikati għad-dħul fis-suq u għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti u proporzjonati.

Artikolu 15

Servizzi ta' Aċċess għal partijiet terzi fir-rigward ta' faċilitajiet ta' ħażna u LNG

1.   L-operaturi tas-sistemi ta' LNG u ta' ħażna għandhom:

(a)

jiżguraw li joffru servizzi fuq bażi mhux diskriminatorja lill-utenti kollha tan-network li jilqgħu d-domanda tas-suq. B'mod partikolari, fejn operatur tas-sistema ta' LNG jew ta' ħażna joffri l-istess servizz lil klijenti differenti, għandu jagħmel dan taħt termini u kondizzjonijiet kuntrattwali ndaqs;

(b)

joffru servizzi li huma kompatibbli mal-użu tas-sistemi interkonnessi ta' trasportazzjoni tal-gass u huma għandhom jiffaċilitaw l-aċċess permezz ta' koperazzjoni mal-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni; u

(c)

jagħmlu pubbliku kull tagħrif rilevanti, b'mod partikulari data fuq l-użu u d-disponibbiltà tas-servizzi, fi żmien kompatibbli mal-bżonnijiet kummerċjali raġonevoli tal-utenti tal-faċilità ta' LNG jew ta' ħażna.

2.   L-operaturi tas-sistema ta' ħażna għandhom:

(a)

jipprovdu servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi li jkunu sodi u mingħajr interruzzjoni; il-prezz tal-kapaċità li tista' tiġi interrotta għandu jirrifletti l-probabbiltà ta' interuzzjoni;

(b)

joffru lill-utenti tal-faċilità ta' ħażna servizzi kemm għal perijodu fit-tul kif ukoll għal perijodu qasir;

(c)

joffru lill-utenti tal-faċilità ta' ħażna servizzi ta' spazju għall-ħażna, injettabbiltà u kapaċità ta' twassil, kemm isseparati (unbundled) kif ukoll mhux isseparati (bundled).

3.   Il-kuntratti ta' faċilità ta' LNG u ta' ħażna fil-każijiet fejn jiġu ffirmati ma għandhomx iwasslu għal tariffi li jkunu ogħla arbitrarjament.

(a)

barra minn sena tal-gass naturali b'dati inizjali mhux standard; jew

(b)

ta' tul iqsar minn dak ta' kuntratt standard ta' faċilità LNG u ta' ħażna fuq bażi annwali.

4.   Fejn ikun il-każ, jistgħu jingħataw servizzi ta' aċċess għal partijiet terzisuġġett għal garanziji adegwati mingħand l-utenti tan-network fir-rigward tal-affidabbiltà tal-kreditu tagħhom. Dawn il-garanziji ma għandhomx jikkostitwixxu ostakolu mhux ġustifikat għad-dħul fis-suq u għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti u proporzjonati.

5.   Il-limiti kuntrattwali fuq id-daqs minimu obbligatorju tal-kapaċità tal-faċilità ta' LNG u ta' ħażna għandhom ikunu ġġustifikati abbażi ta' restrizzjonijiet tekniċi, u għandhom jippermettu lill-utenti iżgħar tal-ħażna li jakkwistaw aċċess għas-servizzi ta' ħażna.

Artikolu 16

Prinċipji ta' mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità u proċedur għall-amministazzjoni li jikkonċernaw l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni

1.   Il-kapaċità massima fil-punti kollha rilevanti msemmija fl-Artikolu 18(3) għandha tkun disponibbli għall-parteċipanti tas-suq, filwaqt li titqis l-integrità tas-sistema u l-operazzjoni effiċjenti tan-network.

2.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jimplimentaw u jippubblikaw mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità li huma trasparenti u nondiskriminatorji, li għandhom:

(a)

jipprovdu sinjali ekonomiċi adatti għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u jiffaċilitaw l-investiment f'infrastruttura ġdida;

(b)

ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmi tas-suq, inklużi s-swieq ta' provvista immedjat u ċ-ċentri tal-kummerċ, filwaqt li jkunu flessibbli u adattabbli għaċ-ċirkustanzi fis-suq li qed jevolvu;

(c)

ikunu kompatibbli mas-sistemi ta' aċċess għan-networks tal-Istati Membri.

3.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jimplimentaw u jippubblikaw proċeduri ta' amministrazzjoni ta' konġestjoni li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:

(a)

fil-każ ta' konġestjoni kuntrattwali, l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għandu joffri l-kapaċità mhux użata fuq is-suq primarju tal-inqas b'ġurnata minn qabel u mingħajr interruzzjoni;

(b)

l-utenti tan-network li jixtiequ jbigħu mill-ġdid jew jissullokaw il-kapaċità kuntrattata mhux użata fis-suq sekondarju għandhom ikunu intitolati li jagħmlu dan. L-Istati Membri jistgħu jesiġu mill-utenti tan-network notifika jew informazzjoni dwar l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni.

4.   Fil-każ ta' konġestjoni fiżika, mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità trasparenti u nondiskriminatorji għandhom jiġu applikati mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni jew, kif adatt, mill-awtoritajiet regolatorji.

5.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom regolarment jivvalutaw id-domanda fis-suq għal investiment ġdid f'intervalli ta' żmien regolari. Meta jippjanaw l-investimenti ġodda, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jivvalutaw id-domanda fis-suq.

Artikolu 17

Prinċipji tal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità u proċeduri għall-amministazzjoni ta' konġestjoni fir-rigward ta' faċilitajiet ta' ħażna u ta' LNG

1.   Il-kapaċità massima tal-faċilità ta' ħażna u LNG għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' kull min għandu sehem fis-suq, b'kont meħud ta' l -integrità u tal-operat tas-sistema.

2.   L-operaturi tas-sistema LNG u ta' ħażna għandhom jimplimentaw u jippubblikaw mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità nondiskriminatorji u trasparenti, li għandhom:

(a)

għandhom jipprovdu sinjali ekonomiċi xierqa għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u jiffaċilitaw investiment f'infrastruttura ġdida;

(b)

ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmu tas-suq, inklużi s-swieq ta' forniment immedjat u ċ-ċentri tal-kummerċ, filwaqt li jkunu flessibbli u kapaċi li jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi fis-suq;

(c)

ikunu kompattibli mas-sistemi konnessi ta' aċċess għan-network.

3.   Il-kuntratti tal-faċilitajiet LNG u ta' ħażna għandhom jinkludu miżuri biex jipprevjenu l-akkapparrar tal-kapaċità, b'qies għall-prinċipji li ġejjin, li għandhom japplikaw f'każijiet ta' konġestjoni kuntrattwali:

(a)

l-operatur tas-sistema għandu joffri kapaċità mhux użata ta' faċilitajiet ta' LNG u ħażna fis-suq primarju; għall-faċilitajiet ta' ħażna, dan għandu jsir abbażi ta' almenu ġurnata bil-quddiem u bil-preklużjoni ta' interuzzjoni;

(b)

l-utenti tal-faċilitajiet ta' LNG u ta' ħażna jistgħu jbiegħu mill-ġdid il-kapaċità kuntrattwali tagħhom fis-suq sekondarju.

Artikolu 18

Rekwiżiti ta' trasparenza rigward l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar is-servizzi li joffru u l-kondizzjonijiet rilevanti applikati, flimkien mal-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-network biex ikunu jistgħu jiksbu aċċess effettiv għan-network.

2.   Sabiex jiġu żgurati tariffi trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji u biex jiġi ffaċilitat l-użu effiċjenti tan-network tal-gass, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali pertinenti għandhom jippubblikaw informazzjoni raġonevolment u suffiċjentement dettaljata dwar id-derivazzjoni, il-metodoloġija u l-istruttura tat-tariffi.

3.   Għas-servizzi provduti, kull operatur tas-sistema ta' trasmissjoni għandu jippubblika informazzjoni dwar kapaċitajiet tekniċi, kuntrattati u disponibbli fuq bażi numerika għall-punti kollha rilevanti inkluż punti ta' dħul u ta' ħruġ fuq bażi perijodika u rikorrenti b'mod standardizzat li hu faċli biex jintuża.

4.   Il-punti rilevanti ta' sistema ta' trasmissjoni li dwarhom għandha tiġi pubblikata l-informazzjoni għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti wara konsultazzjoni mal-utenti tan-network.

5.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom dejjem jikxfu l-informazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament b'mod li jagħmel sens, li hu ċar b'mod kwantifikabbli u b'mod li hu faċilment aċċessibli u fuq bażi mhux diskriminatorja.

6.   L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jagħmlu pubbliku tagħrif fuq il-provvista u d-domanda ex-ante u ex-post, imsejjes fuq nominazzonijiet, tbassiriet u l-flussi li jkunu saru ta' dħul u ħruġ mis-sistema. Il-livell ta' dettall tat-tagħrif li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandu jirrifletti t-tagħrif disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jagħmlu pubbliċi l-miżuri li jkunu ttieħdu, kif ukoll l-ispejjeż imġarrba u d-dħul iġġenerat, għall-ibbilanċjar tas-sistema.

Il-parteċipanti konċernati fis-suq għandhom jipprovdu lill-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni d-data msemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 19

Rekwiżiti ta' trasparenza rigward il-faċilitajiet ta' ħażna u l-faċilitajiet LNG

1.   L-operaturi tas-sistema LNG u ta' ħażna għandhom jagħmlu pubbliku tagħrif iddettaljat dwar is-servizzi li joffru u l-kondizzjonijiet rilevanti applikati, flimkien mal-informazzjoni teknika meħtieġa biex l-utenti tal-faċilitajiet LNG u ta' ħażna jiksbu aċċess effettiv għall-faċilitajiet LNG u ta' ħażna.

2.   Għas-servizzi pprovduti, kull operatur tas-sistema LNG u ta' ħażna għandu jagħmel pubbliku tagħrif dwar il-kapaċitajiet miftiehma b'kuntratt u disponibbli tal-faċilitajiet ta' ħażna u LNG, b'mod numeriku, regolari u kontinwu, kif ukoll b'mod standard u ta' użu faċli.

3.   L-operaturi tas-sistema LNG u ta' ħażna għandhom jiżvelaw t-tagħrif mitlub minn dan ir-Regolament b'mod li jagħmel sens, ċarament kwantifikabbli u ta' aċċess faċli, kif ukoll fuq bażi mhux diskriminatorja.

4.   L-operaturi kollha tas-sistema LNG u ta' ħażna għandhom jagħmlu pubbliku l-ammont ta' gass li hemm f'kull faċilità ta' ħażna jew ta' LNG, jew grupp ta' faċilitajiet ta' ħażna jekk dan jikkorrispondi għall-mod ta' kif l-aċċess ikun offrut lill-utenti tas-sistema, il-flussi ta' dħul u ta' ħruġ, kif ukoll il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet disponibbli ta' ħażna u ta' LNG, inklużi għal dawk il-faċilitajiet li huma eżentati mill-aċċess għal partijiet terzi. Dak it-tagħrif għandu jiġi kkomunikat ukoll lill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni, li għandu jagħmel pubbliku fuq bażi aggregata għal kull sistema jew subsistema ddefinita mill-punti rilevanti. It-tagħrif għandu jiġi aġġornat talanqas darba kuljum.

F'każijiet fejn utent ta' sistema ta' ħażna ikun l-uniku utent ta' faċilità ta' ħażna, l-utent tas-sistema ta' ħażna jista' jippreżenta talba raġunata lill-awtorità regolatorja nazzjonali għal trattament kunfidenzjali tad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu. Fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li din it-talba tkun raġunata, waqt li titqies b'mod partikolari l-ħtieġa għal bilanċ bejn l-interess ta' protezzjoni leġittima ta' sigrieti kummerċjali li l-iżvelar tagħhom ikun jolqot ħażin l-istrateġija kummerċjali ġenerali tal-utent tal-ħażna u l-objettiv li jinħoloq suq intern kompetittiv tal-gass, hija tista' tippermetti li l-operatur tas-sistema ta' ħażna ma jiżvelax pubblikament id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu, għal perijodu ta' żmien sa sena. Dan is-subparagrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-obbligi fir-rigward tal-komunikazzjoni lill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni imsemmi fl-ewwel subparagrafu, u fir-rigward tal-pubblikazzjoni minnu, sakemm id-data aggregata tkun identika għad-data individwali tas-sistema ta' ħażna li l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun approvat id-deċiżjoni li ma tiġix pubblikata.

Artikolu 20

Żamma tar-records mill-operaturi tas-sistema

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' ħażna u l-operaturi tas-sistema LNG għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, inkluża l-awtorità regolatorja nazzjonali, tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u tal-Kummissjoni, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikoli 18 u 19, u fil-Parti 3 tal-Anness I għal perijodu ta' ħames snin.

Artikolu 21

Regoli ta' bilanċjar u ħlasijiet ta' żbilanċ

1.   Għandhom jitfasslu regoli ta' bbilanċjar b'mod ġust, nondiskriminatorju u trasparenti u għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi. Ir-regoli ta' bilanċjar għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet ġenwini tas-sistema filwaqt li jqisu r-riżorsi disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni. Ir-regoli għall-ibbilanċjar għandhom ikunu bbażati fuq is-suq.

2.   Sabiex l-utenti tan-network ikunu jistgħu jieħdu azzjoni korrettiva fil-ħin, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jipprovdu fil-ħin xieraq it-tagħrif dwar l-istatus ta' bbilanċjar tal-utenti tan-network li jkun biżżejjed, affidabbli u disponibbli onlajn.

It-tagħrif ipprovdu għandu jirrifletti l-livell ta' informazzjoni disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni u l-perjodu ta' żmien għall-issettiljar li għalih jiġu kkalkolati l-ħlasijiet għall-iżbilanċ.

L-ebda ħlas m'għandu jsir għall-għoti ta' informazzjoni bħal din.

3.   Il-ħlasijiet għall-iżbilanċ għandhom ikunu kemm jista' jkun kost-effettivi, filwaqt li jipprovdu inċentivi adegwati lill-utenti tan-network sabiex jibbilanċjaw il-gass li jipprovdu lis-sistema u l-gass li jipprelevaw. Għandhom jevitaw sussidjar inkruċjat bejn l-utenti tan-network u ma għandhomx ifixklu d-dħul ta' suġġetti ġodda fis-suq.

Kwalunkwe metodoloġija ta' kalkolazzjoni għal ħlasijiet ta' żbilanċ kif ukoll it-tariffi finali għandhom jiġu pubblikati mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni kif xieraq.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni jistinkaw biex jarmonizzaw reġimi ta' bilanċjar u jirrazzjonalizzaw l-istrutturi u l-livelli ta' ħlasijiet ta' bilanċjar sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ fil-gass.

Artikolu 22

Kummerċ ta' drittijiet ta' kapaċità

Kull operatur tas-sistema ta' ħażna jew ta' LNG għandu jieħu passi raġonevoli biex id-drittijiet ta' kapaċità jkunu negozjabbli b'mod ħieles, kif ukoll biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ. Kull operatur għandu jiżviluppa kuntratti u proċeduri armonizzati dwar it-trasportazzjoni, il-faċilitajiet LNG u l-faċilitajiet ta' ħażna fis-suq primarju, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ sekondarju ta' kapaċità, u sabiex jiġi rikonoxxut it-trasferiment ta' drittijiet ta' kapaċità primarji fejn innotifikat mill-utenti tas-sistema.

Il-kuntratti u l-proċeduri armonizzati dwar it-trasport, il-faċilitajiet LNG u ta' ħażna għandhom ikunu nnotifikati lill-awtoritajiet regolatorji.

Artikolu 23

Linji Gwida

1.   Fejn ikun il-każ, il-linji gwida li jipprovdu l-livell miimu ta' armonizzazzjoni meħtieġa għall-ksib tal-għan ta' dan ir-Regolament għandhom jispeċifikaw:

(a)

dettalji dwar is-servizzi tal-aċċess ta' partijiet terzi inkluż il-karattru, id-durata u r-rekwiżiti oħrajn ta' dawn is-servizzi, taħt l-Artikoli 14 u 15;

(b)

dettalji dwar il-prinċipji sottostanti għall-mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità u dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri għall-amministazzjoni ta' konġestjoni f'każ ta' konġestjoni kuntrattwali, taħt l-Artikoli 16 u 17;

(c)

dettalji dwar l-għoti ta' informazzjoni u d-definizzjoni ta' informazzjoni teknika meħtieġa għall-utenti tan-network biex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema u d-definizzjoni tal-punti rilevanti kollha għar-rekwiżiti tat-trasparenza, inkluża l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikat fil-punti rilevanti kollha flimkien mal-iskeda taż-żmien għall-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni, konformement mal-Artikoli 18 u 19;

(d)

dettalji dwar il-metodoloġija tariffarja, relatata mal-kummerċ transkonfinali tal-gass naturali, f'konformità mal-Artikolu 13;

(e)

dettalji rigward l-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6).

2.   Linji gwida dwar il-kwistjonijiet elenkati fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1ta' dan l-Artikolu, fir-rigward tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni, huma stipulati fl-Anness I.

Il-Kummissjoni tista' taddotta l-linji gwida fuq il-kwistjonijiet elenkati fl- paragrafu 1 u temenda l- linji gwida msemmija fil- punti (a), (b) u (c) tiegħu. Dawk il-miżuri mfasslin biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

3.   L-applikazzjoni u l-emendament tal-linji gwida adottati taħt dan ir-Regolament għandhom jirriflettu differenzi bejn sistemi tal-gass nazzjonali, u għalhekk ma għandhomx jeħtieġu termini u kondizzjonijiet uniformi u dettaljati ta' aċċess għal partijiet terzi fuq il-livell Komunitarju. Jistgħu, madankollu, jistabbilixxu rekwiżiti minimi li jridu jiġu sodisfatti biex jinkisbu kondizzjonijiet trasparenti u nondiskriminatorji għal aċċess għan-network li huma meħtieġa għal suq intern tal-gass naturali, li jistgħu mbagħad jiġu applikati fid-dawl ta' differenzi bejn sistemi tal-gass nazzjonali.

Artikolu 24

Awtoritajiet regolatorji

Fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw konformità ma' dan ir-Regolament u mal-linji gwida adottati taħt l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament.

Fejn ikun il-każ, huma għandhom jikkoperaw ma' xulxin, mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija konformement mal-Kapitolu VIII tad-Direttiva 2009/…/KE.

Artikolu 25

Għoti ta' informazzjoni

L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 23.

Il-Kummissjoni għandha tiffissa żmien raġonevoli sa meta l-informazzjoni għandha tkun provduta, meta tkun tqieset il-komplessità tal-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li bih l-informazzjoni tkun meħtieġa.

Artikolu 26

Dritt tal-Istati Membri li jipprovdu għal miżuri aktar dettaljati

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri li jżommu jew jintroduċu miżuri li jinkludu dispożizzjonijiet iktar dettaljati minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament u fil-linji gwida msemmijin fl-Artikolu 23.

Artikolu 27

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli li jikkorrispondu għad-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2006 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummisjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emendi sussegwenti li jaffettwawhom. Huma għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli li ma jikkorrispondux għad-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 lill-Kummissjoni sa … (11) u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emendi sussegwenti li jaffettwawhom.

2.   Il-penali previsti taħt il-paragrafu 1 m'għandhomx ikunu ta' natura kriminali.

Artikolu 28

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummisjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 50 tad-Direttiva 2009/…/KE.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 29

Rapport tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fir-rapport tagħha taħt l-Artikolu 51(6) tad-Direttiva 2009/…/KE, il-Kummissjoni għandha tirraporta wkoll dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. B'mod partikolari r-rapport għandu jeżamina sa liema punt dan ir-Regolament kellu suċċess f'li jiżgura kondizzjonijiet għal aċċess għan-network nondiskriminatorji u kost-riflessivi għan-networks għat-trasmissjoni tal-gass sabiex jikkontribwixxu għall-għażla tal-klijent f'suq intern li jiffunzjona tajjeb u għas-sigurtà ta' provvista għal perijodu fit-tul. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jkollu mehmuż miegħu proposti u/jew rakkomandazzjonijiet xierqa.

Artikolu 30

Derogi u eżenzjonijiet

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

sistemi ta' trasmissjoni ta' gass naturali li jinstabu fi Stati Membri għad-durata tad-derogi mogħtijin taħt l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2009/…/KE; l-Istati Membri li ngħataw derogi taħt l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2009/…/KE jistgħu japplikaw għand il-Kummissjoni għal deroga temporanja mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għal perijodu ta' mhux aktar minn sentejn mid-data li fiha tiskadi d-deroga msemmija f'dan il-punt;

(b)

infrastrutturi ġodda maġġuri, p.e. interkonnetturi, faċilitajiet LNG u faċilitajiet ta' ħażna u żidiet sinifikanti fil-kapaċità tal-infrastrutturi eżistenti kif ukoll modifiki fit-tali infrastrutturi li jippermettu l-iżvilupp ta' sorsijiet ġodda ta' provvista tal-gass kif imsemmi fl-Artikolu 35(1) u (2) tad-Direttiva 2009/…/KE li huma eżenti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 14, 31, 32, 33 jew l-Artikolu 40(6), (7) u (8) ta' dik id-Direttiva sakemm ġew eżentati mid-dispożizzjonijiet imsemmija f'dan is-subparagrafu, minbarra l-Artikolu 19(4) ta' dan ir-Regolament; jew

(c)

sistemi ta' trasmissjoni ta' gass naturali li ġew mogħtija derogi taħt l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2009/…/KE.

Artikolu 31

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 għandu jitħassar minn … (8). Ir-referenzi magħmula għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw konformement mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 32

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn … (8).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 23.

(2)  ĠU C 172, 5.7.2008, p. 55.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta'l-9 ta’ Jannar 2009 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57.

(5)  ĠU L 289, 3.11.2005, p. 1.

(6)  ĠU L …

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(9)  Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 li tistabbilixxi linji gwida għal networks ta' l-enerġija trans-Ewropej (ĠU L 262, 22.9.2006, p. 1).

(10)  Id-data sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(11)  Id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.


ANNESS I

LINJI GWIDA DWAR

1.   AĊĊESS TA' SERVIZZI GĦAL PARTIJIET TERZI RIGWARD L-OPERATURI TAS-SISTEMI TA' TRASMISSJONI

1.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom joffru servizzi kostanti u li jistgħu jiġu interrotti sa' perijodu minimu ta' jum.

2.

Il-kuntratti ta' trasport armonizzati u l-kodiċijiet tan-network komuni għandhom jitfasslu b'mod li jiffaċilita l-ikkummerċjar u l-użu mill-ġdid tal-kapaċità kkuntrattata minn utenti tan-network mingħajr ma jitfixkel il-ħruġ tal-kapaċità.

3.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jiżviluppaw kodiċi tan-network u kuntratti armonizzati wara konsultazzjoni tajba mal-utenti tan-network.

4.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jimplementaw proċeduri standardizzati ta' nominazzjoni u ri-nominazzjoni. Għandhom jiżviluppaw sistemi ta' informazzjoni u mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi biex jipprovdu informazzjoni adegwata lill-utenti tan-network u biex jissimplifikaw transazzjonijiet, bħal ma huma nominazzjonijiet, kuntrattar tal-kapaċità u trasferiment ta' drittijiet tal-kapaċità bejn l-utenti tan-network.

5.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jarmonizzaw il-proċeduri ta' rikjesti formalizzati u ħinijiet ta' rispons konformement mal-aħjar prattika fl-industrija bil-għan li jiġu minimizzati l-ħinijiet ta' rispons. Għandhom jipprovdu għal sistemi ta' prenotazzjoni u ta' konferma tal-kapaċità fuq l-iskrin onlajn u proċeduri ta' nominazzjonijiet u ri-nominazzjonijiet sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2006 wara konsultazzjoni mal-utenti tan-networks rilevanti.

6.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ma għandhomx b'mod separat jitolbu ħlas minn utenti tan-network għal talbiet għal informazzjoni u transazzjonijiet assoċjati mal-kuntratt tagħhom ta' trasport u li jiġu mwettqa konformement ma' regoli u proċeduri standard.

7.

Għal talbiet għal informazzjoni li jeħtieġu spiżi straordinarji jew eċċessivi, bħal ma huma studji ta' feasibility, jista' jintalab ħlas separat, sakemm il-ħlasijiet jistgħu jiġu sostanzjati kif għandu jkun.

8.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jikkoperaw ma' operaturi oħrajn tas-sistema ta' trasmissjoni fl-ikkoordinar tal-manutenzjoni tan-networks rispettivi tagħhom sabiex jimminimizzaw kull interruzzjoni tas-servizzi ta' trasmissjoni għall-utenti tan-network u għall-operaturi ta' sistema ta' trasmissjoni f'żoni oħrajn u sabiex jiġu żgurati benefiċċji ugwali fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista anke fir-rigward ta' transitu.

9.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw minn tal-inqas darba fis-sena, sa skadenza determinata, il-perijodi kollha ta' manutenzjoni ppjanati li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet tal-utenti tan-network minn kuntratti ta' trasport u l-informazzjoni operattiva korrispondenti b'avviż adegwat minn qabel. Dan għandu jinkludi l-pubblikazzjoni fuq bażi f'waqtha u nondiskriminatorja ta' kwalunkwe bidla fil-perijodi ta' manutenzjoni ippjanata u n-notifika ta' manutenzjoni mhux ippjanata, hekk kif dik l-informazzjoni ssir disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni. Matul il-perijodi ta' manutenzjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom regolarment jippubblikaw informazzjoni aġġornata dwar id-dettalji ta' u d-durata antiċipata u l-effetti tal-manutenzjoni.

10.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom, fuq talba, iżommu ġurnal ta' kuljum dwar il-manutenzjoni attwali u tfixkil tal-kurrent li jkunu seħħu u jqegħduh għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti. Fuq talba, l-informazzjoni għandha titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni ta' dawk milquta minn kwalunkwe tfixkil.

2.   PRINĊIPJI TA' MEKKANIŻMI TA' ALLOKAZZJONI TA' KAPAĊITÀ U PROĊEDURI GĦALL-AMMINISTRAZZJONI TA' KONĠESTJONI RIGWARD L-OPERATURI TAS-SISTEMA TA' TRASMISSJONI U L-APPLIKAZZJONI TAGĦHOM F'KAŻ TA' KONĠESTJONI KUNTRATTWALI

2.1.   PRINĊIPJI TA' MEKKANIŻMI TA' ALLOKAZZJONI TA' KAPAĊITÀ U PROĊEDURI GĦALL-AMMINISTRAZZJONI TA' KONĠESTJONI LI RIGWARD L-OPERATURI TAS-SISTEMA TA' TRASMISSJONI

1.

Il-mekkaniżmu ta' allokazzjoni tal-kapaċità u l-proċeduri ta' amministrazzjoni tal-konġestjoni għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u l-ikkummerċjar likwidu tal-kapaċità u għandhom ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmi tas-suq inkluż swieq lokali u ċentri ta' kummerċ. Għandhom ikunu flessibli u kapaċi jadattaw għal ċirkustanzi tas-suq li jkunu qed jevolvu;

2.

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri għandhom iqisu l-integrità tas-sistema konċernata kif ukoll is-sigurtà tal-provvista.

3.

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri la għandhom ifixklu d-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq u lanqas m'għandhom joħolqu ostakli żejda għad-dħul fis-suq. Ma għandhomx iwaqqfu parteċipanti tas-suq, inkluż suġġetti ġodda u kumpanniji b'sehem żgħir fis-suq, milli jikkompetu b'mod effettiv.

4.

Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri għandhom jipprovdu sinjali ekonomiċi xierqa għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u jiffaċilitaw investiment f'infrastruttura ġdida.

5.

L-utenti tan-network għandhom jiġu avżati dwar it-tip ta' ċirkustanza li tista' taffettwa d-disponibilità tal-kapaċità kuntrattata. Informazzjoni dwar interruzzjoni għandha tirrifletti l-livell ta' informazzjoni disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni.

6.

F'każ li, għal raġunijiet konnessi mal-integrità tas-sistema, jinqalgħu diffikultajiet fit-twettiq tal-obbligi kuntrattwali ta' provvista, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-network u jfittxu mingħajr dewmien soluzzjoni nondiskriminatorja.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jikkonsultaw mal-utenti tan-network dwar proċeduri qabel l-implimentazzjoni tagħhom u jiftehmu dwarhom mal-awtorità regulatorja.

2.2.   PROĊEDURI DWAR L-AMMINISTRAZZJONI TAL-KONĠESTJONI FIL-KAŻ TA' KONĠESTJONI KUNTRATTWALI

1.

Fl-eventwalità li l-kapaċità kuntrattata ma tintużax, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jagħmlu disponibbli din il-kapaċità fis-suq primarju fuq bażi interruttibbli permezz ta' kuntratti ta' durata differenti, sakemm din il-kapaċità ma tkunx offruta mill-utent rilevanti tan-network fis-suq sekondarju bi prezz raġonevoli.

2.

Qliegħ minn kapaċità meħlusa li tista' tiġi interrotta għandu jinqasam konformement ma' regoli stabbiliti jew approvati mill-awtorità regolatorja rilevanti. Dawn ir-regoli għandhom ikunu kompatibbli mal-ħtieġa ta' użu effettiv u effiċjenti tas-sistema.

3.

Prezz raġonevoli għall-kapaċità meħlusa li tista' tiġi interrotta jista' jiġi determinat mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti filwaqt li jqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi eżistenti.

4.

Fejn hu xieraq, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex joffru lis-suq mill-inqas partijiet mill-kapaċità mhux użata bħala kapaċità kostanti.

3.   DEFINIZZJONI TAL-INFORMAZZJONI TEKNIKA MEĦTIEĠA MILL-UTENTI TAN-NETWORK BIEX JIKSBU AĊĊESS EFFETTIV GĦAS-SISTEMA, ID-DEFINIZZJONI TAL-PUNTI KOLLHA RILEVANTI GĦAR-REKWIŻITI TA' TRASPARENZA U L-INFORMAZZJONI LI TRID TIĠI PPUBBLIKATA FIL-PUNTI KOLLHA RILEVANTI U L-ISKEDA TA' ŻMIEN LI KONFORMEMENT MAGĦHA GĦANDHA TIĠI PPUBBLIKATA DIN L-INFORMAZZJONI

3.1.   DEFINIZZJONI TAL-INFORMAZZJONI TEKNIKA MEĦTIEĠA MILL-UTENTI TAN-NETWORK BIEX JIKSBU AĊĊESS EFFETTIV GĦAS-SISTEMA

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom minn tal-inqas jippubblikaw l-informazzjoni segwenti dwar is-sistemi u s-servizzi tagħhom:

(a)

deskrizzjoni dettaljata u komprensiva tas-servizzi differenti offruti u l-ħlasijiet tagħhom;

(b)

it-tipi differenti ta' kuntratti ta' trasport disponibbli għal dawn is-servizzi u, kif applikabbli, il-kodiċi tan-network u/jew il-kondizzjonijiet standard li jfissru d-drittijiet u r-responsabbiltajiet għall-utenti kollha tan-network inklużi kuntratti ta' trasport armonizzati u dokumenti rilevanti oħrajn;

(c)

il-proċeduri armonizzati applikati meta tkun qed tintuża s-sistema ta' trasmissjoni, inkluż id-definizzjoni ta' termini kjavi;

(d)

dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, l-amministrazzjoni tal-konġestjoni u l-proċeduri ta' anti-akkapparrar u ta' riutilizzazzjoni;

(e)

ir-regoli applikabbli għall-kummerċ tal-kapaċità fis-suq sekondarju vis-à-vis l-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni;

(f)

jekk hu applikabbli, il-livelli ta' flessibilità u tolleranza inklużi fit-trasport u servizzi oħrajn mingħajr ħlas separat, kif ukoll kwalunkwe flessibilità offruta flimkien ma' dan u l-ħlasijiet korrispondenti;

(g)

deskrizzjoni dettaljata tas-sistema tal-gass tal-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni li tindika l-punti kollha rilevanti li jgħaqqdu s-sistema tiegħu ma' dik ta' operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni oħrajn u/jew infrastruttura tal-gass bħall-gass natural likwifikat (LNG) u infrastruttura meħtieġa biex jiġu provduti servizzi anċillari kif iddefinit fl-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2009/…/KE;

(h)

informazzjoni dwar il-kwalità tal-gass u r-rekwiżiti ta' pressjoni;

(i)

ir-regoli applikabbli għal konnessjoni mas-sistema operata mill-operatur tas-sistema ta' trasmissjoni;

(j)

kwalunkwe informazzjoni f'waqtha dwar bidliet proposti u/jew preżenti għas-servizzi jew għall-kondizzjonijiet, inkluż il-punti elenkati fil-punti (a) sa (i).

3.2.   DEFINIZZJONI TAL-PUNTI KOLLHA RILEVANTI GĦAR-REKWIŻITI TA' TRASPARENZA

Il-punti rilevanti għandhom jinkludu minn tal-inqas:

(a)

l-punti kollha ta' dħul f'network operat minn operatur tas-sistema ta' trasmissjoni;

(b)

l-iktar punti ta' ħruġ importanti u żoni ta' ħruġ li jkopru minn tal-inqas 50 % tal-kapaċità totali ta' ħruġ tan-network ta' operatur tas-sistema ta' trasmissjoni partikolari, inklużi l-punti kollha ta' ħruġ jew żoni ta' ħruġ li jkopru iktar minn 2 % tal-kapaċita totali ta' ħruġ tan-network;

(c)

il-punti kollha li jgħaqqdu n-networks differenti ta' operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni;

(d)

il-punti kollha li jgħaqqdu n-network ta' operatur tas-sistema ta' trasmissjoni ma' terminal LNG;

(e)

il-punti kollha essenzjali fin-network ta' operatur tas-sistema ta' trasmissjoni partikolari inklużi l-punti li jingħaqdu maċ-ċentri tal-gass. Huma kkunsidrati essenzjali l-punti kollha li, mill-esperjenza, hemm probabbiltà li jesperjenzaw konġestjoni fiżika;

(f)

il-punti kollha li jgħaqqdu n-network ta' operatur tas-sistema ta' trasmissjoni partikolari ma' infrastruttura meħtieġa biex jiġu pprovduti servizzi anċillari kif iddefinit mill-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2009/…/KE.

3.3.   INFORMAZZJONI LI TRID TIĠI PPUBBLIKATA FIL-PUNTI KOLLHA RILEVANTI U L-ISKEDA TA' ŻMIEN LI KONFORMEMENT MAGĦHA GĦANDHA TIĠI PPUBBLIKATA DIN L-INFORMAZZJONI

1.

Fil-punti kollha rilevanti, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw fuq l-Internet, sa perijodi ta' kuljum u fuq bażi perijodika/rikorrenti u b'mod standardizzat li hu faċli biex jintuża, l-informazzjoni segwenti dwar is-sitwazzjoni tal-kapaċità:

(a)

il-kapaċità teknika massima għal flussi fiż-żewġ direzzjonijiet;

(b)

il-kapaċità totali kuntrattata u interruttibbli;

(c)

il-kapaċità disponibbli.

2.

Għall-punti kollha rilevanti, l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw kapaċitajiet disponibbli għal perijodu ta' mill-inqas 18-il xahar minn qabel u għandhom jaġġornaw din l-informazzjoni minn tal-inqas kull xahar jew iktar ta' spiss, jekk ssir disponibbli informazzjoni ġdida.

3.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw aġġornamenti ta' kuljum dwar id-disponibbiltà ta' servizzi għal perijodu fil-qosor (day-ahead u week-ahead) ibbażati, inter alia, fuq nominazzjonijiet, impenji kuntrattwali fis-seħħ u previżjonijiet regolari għall-perijodu fit-tul ta' kapaċitajiet disponibbli fuq bażi annwali sa għaxar snin għall-punti kollha rilevanti.

4.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippubblikaw, fuq bazi rikorrenti, ir-rati storiċi, minimi u massimi, ta' użu ta' kull xahar ta' kapaċità u l-kurrenti medji annwali fil-punti kollha rilevanti għall-aħħar tliet snin.

5.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom iżommu ġurnal ta' kuljum ta' kurrenti aggregati attwali għal mill-inqas tliet snin.

6.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom iżommu records effettivi tal-kuntratti kollha tal-kapaċità u l-informazzjoni oħra kollha rilevanti fir-rigward tal-kalkolu u l-provvediment ta' aċċess għal kapaċitajiet disponibbli, li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom aċċess biex iwettqu d-doveri tagħhom.

7.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jipprovdu strumenti li huma faċli biex jintużaw għal kalkolu ta' tariffi għas-servizzi disponibbli u għall-verifikazzjoni on-line tal-kapaċità disponibbli.

8.

Fejn l-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni ma jistgħux jippubblikaw informazzjoni taħt il-paragrafi 1, 3 u 7, huma għandhom jikkonsultaw mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti tagħhom u jistabbilixxu Pjan ta' Azzjoni għall-implementazzjoni kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006.


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 3

Artikolu 13

Artikolu 4

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 5

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 6

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 7

Artikolu 21

Artikolu 8

Artikolu 22

Artikolu 9

Artikolu 23

Artikolu 10

Artikolu 24

Artikolu 11

Artikolu 25

Artikolu 12

Artikolu 26

Artikolu 13

Artikolu 27

Artikolu 14

Artikolu 28

Artikolu 15

Artikolu 29

Artikolu 16

Artikolu 30

Artikolu 31

Artikolu 17

Artikolu 32

Anness

Anness I


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fid-19 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1775/2005 dwar kondizzjonijiet għal aċċess għal netwerks ta' trasmissjoni ta' gass naturali, ibbażata fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat, flimkien ma' pakkett b'erba' proposti oħra li jikkonċernaw is-suq intern tal-enerġija.

2.

Il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew taw l-opinjonijiet tagħhom dwar il-pakkett komplet fl-10 (1) u t-22 ta' April 2008 (2) rispettivament.

3.

Il-Parlament Ewropew adotta l-Opinjoni (3) tiegħu fl-ewwel qari fid-9 ta' Lulju 2008, li tapprova 47 emenda. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx proposta modifikata.

4.

Fid-9 ta' Jannar 2009, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu skont l-Artikolu 251 tat-Trattat, fil-forma ta' Regolament ifformulat mill-ġdid.

II.   OBJETTIV TAL-PROPOSTA

5.

Il-proposta hija parti mit-tielet pakkett tas-suq tal-enerġija interna, flimkien mad-Direttiva li tikkonċerna regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, ir-Regoalment dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerk ta' skambji transkonfinali tal-elettriku, id-Direttiva li tikkonċerna regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku, u r-Regolament li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni ta' Regolaturi tal-Enerġija. Hija għandha l-għan li tilħaq l-objettiv ta' suq tal-gass intern li jaħdem tajjeb billi tintroduċi b'mod partikolari:

dispożizzjonijiet bil-għan li tikber il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost operaturi ta' sistemi ta' trasmissjoni, inter alia permezz tal-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew tal-Operaturi ta' Trasmissjoni għall-Gass (ENTSO għall-Gass);

ħtiġiet ta' trasparenza mtejba;

dispożizzjonijiet bil-għan li jitjieb l-aċċess għall-ħażna tal-gass u faċiltajiet LNG.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

6.   Rimarki Ġenerali

6.1.

Il-Kunsill ikkunsidraha iżjed effettiva, iżjed trasparenti u koerenti mar-Regolament (KE) Nru 1775/2005 kif ukoll iżjed faċli biex tinqara li jiġu fformulati mill-ġdid id-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Madankollu, b'dan, il-Kunsill bħala prinċipju ġenerali rrispetta bi sħiħ il-proposta li temenda l-proposta tal-Kummissjoni fis-sens li ma fetaħ l-ebda dispożizzjoni oħra li ma kenitx parti mill-proposta tal-Kummissjoni, sakemm ma kinux meħtieġa bidliet wara l-bidliet introdotti mill-Kunsill għall-proposta, referenzi mibdula li rriżultaw min-numerazzjoni mill-ġdid tal-Artikoli eċċ. Sa fejn possibbli, il-Kunsill segwa l-approċċ tal-Kummissjoni rigward trattament identiku tas-setturi tal-elettriku u tal-gass.

Il-Kummissjoni aċċettat il-bidliet kollha introdotti mill-Kunsill għall-proposta tagħha.

6.2.

Dwar is-47 emenda adottati mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill segwa l-Kummissjoni billi

aċċetta s-seba' emendi li ġejjin parzjalment/fil-prinċipju: 12, 14, 16, 19, 50, 51, u 44;

u

rrifjuta s-sitt emendi li ġejjin: 4, 7, 13, 15, 23 u 28, għal raġunijiet ta' sustanza u/jew forma.

6.3.

Il-Kunsill iddevja mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni billi

aċċetta tliet emendi: 40 (fil-prinċpju), 42 (fl-ispirtu), u 45 (parzjalment)

u

rrifjuta l-31 emenda li ġejjin: 1–3, 5, 6, 8–11, 17, 18, 49, 22, 24–27, 29–31, 47, 33–39, 41, 43, u 46.

7.   Rimarki Speċifiċi:

7.1.

Rigward l-emendi tal-PE fejn il-Kunsill iddevja mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni:

a)

Il-Kunsill aċċetta

l-emenda 40 fil-prinċipju peress li kkunsidra li referenza għal “grupp ta' faċilitajiet ta' ħażna” hija meħtieġa, imma trid tiżdied kondizzjoni;

l-emenda 42 fl-ispirtu peress li huwa jikkunsidra li b'ċerti kondizzjonijiet u f'ċerti limiti, jista' jkun meħtieġ trattament kunfidenzjali ta' data relatata mal-ħażna;

l-emenda 45 parzjalment fit-tħassir ta' numru limitat ta' kwistjonijiet li għalihom il-Kummissjoni pproponiet il-possibbiltà li jiġu adottati linji giwda permezz tal-proċedura ta' kumitat.

b)

Il-Kunsill irrifjuta l-31 emenda mniżżla hawn fuq (punt 6.3.) għal dawn ir-raġunijiet:

i)

L-emendi jikkonċernaw dispożizzjonijiet li mhumiex parti mill-proposta tal-Kummissjoni; dawk l-emendi ġew rifjutati bħala kwistjoni ta' prinċipju (ara hawn fuq taħt 6.1): emendi 24, 25 u 31.

ii)

L-emendi mhumiex neċessarji jew m'għandhomx valur miżjud, l-iżjed għaliex il-kwistjonijiet huma parzjalment/suffiċjentement koperti b'partijiet oħra tat-test: emenda 2; emenda 3 hija suffiċjentement koperta bil-premessa 14; emendi 5, 6, 8, 11, 17; emenda 49 hija koperta bl-Artikolu 8(8+9); l-emenda 27 hija suffiċjentement koperta bl-Artikolu 13(1); l-emenda 30; l-emenda 33 hija suffiċjentement koperta bl-Artikolu 1(c); l-emenda 34 hija parzjalment koperta bl-Artikolu 16(5); emendi 36, 37 u 38 (l-ewwel parti); l-emenda 43; il-prinċipju huwa kopert bl-Artikolu 1.

iii)

L-emendi mhumiex ċari: l-emendi 1 u 29.

iv)

L-emenda qed tintroduċi test li mhuwiex xieraq, i.a. għaliex il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji huma stabbiliti fid-Direttiva dwar il-gass: emendi 9, 10 (b'żieda, il-Kunsill ittrasferixxa l-Artikolu dwar is-swieq bl-imnut għad-Direttiva dwar il-gass), 38 (it-tieni parti), 39, 46.

v)

L-emendi mhumiex xierqa: l-emenda 26 għaliex l-Artikolu 13 jittratta t-tariffi, mhux ir-regoli ta' aċċess; l-emenda 47 b'mod partikolari minħabba t-tħassir tal-punt b tal-Artikolu 16(3).

vi)

Amendment 18 introduces text which does not correspond to the role which the Council is giving to the Agency; it is, for legal reasons, not appropriate that the Agency adopts or approves network codes or takes decisions with a general scope.

vii)

L-emenda 22 għaliex il-konsultazzjonijiet (Art. 10) għandhom jitwettqu mill-ENTSO; il-konsultazzjoni li l-Aġenzija għandha tagħmel hija koperta bl-Art. 6.

viii)

l-emenda 35 mhix xierqa għaliex tista' twassal għal regolazzjoni żejda, u t-test introdott mill-emenda 41 mhuwiex meħtieġ għall-funzjonament tar-Regolament.

7.2

Dwar il-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill daħħal ċerti modifiki oħrajn (ta' sustanza u/jew ta' forma); dawk ewlenin huma mniżżlin hawn isfel.

a)

Ċertifikazzjoni ta' TSOs

Il-Kunsill ikkunsidra xieraq li tiġi ttrasferita parti mill-proċedura ta' ċertifikazzjoni li tistabbilixxi r-rwol tal-Kummissjoni f'din il-proċedura mid-Direttiva dwar il-gass għal Artikolu 3 ġdid ta' dan ir-Regolament.

b)

Stabbiliment u modifika ta' kodiċijiet ta' netwerk

Il-Kunsill ikkunsidra xieraq li tiġi mniżżla f'iżjed dettalji l-proċedura għall-istabbiliment ta' kodiċijietjiet ta' netwerk (Art. 6) u proċedura oħra — iqsar — għall-modifika ta' kodiċijietjiet ta' netwerk (Art. 7). Dawn l-Artikoli ssostitwew l-Art. 2e tal-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kunsill ta rwol ċar lill-Aġenzija li għandha tiżviluppa linji gwida qafas non-vinkolanti bħala bażi għall-kodiċijietjiet tan-netwerk li jridu jiġu stabbiliti mill-ENTSO, tirrevedi l-abbozz tal-kodiċijiet tan-netwerk u tivvaluta modifiki proposti għall-kodiċijiet tan-netwerk. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni tista' tadotta dawk il-kodiċijiet permezz tal-proċedura ta' kumitat sabiex tagħmilhom vinkolanti (ara wkoll il-premessa 14).

c)

Sorveljanza mill-Aġenzija

Il-Kunsill introduċa żewġ paragarfi li jistabbilixxu r-rwol ta' sorveljanza tal-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kodiċijietjiet tan-netwerk mill-ENTSO (Art. 9(1)(subparagrafi 2 + 3))

d)

Ħtiġiet ta' trasparenza/kunfidenzjalità

Il-Kunsill ikkunsidraha importanti li tkun tista' tiġi żgurata l-kunfidenzjalità għal data sensittiva kummerċjali rigward il-ħażna, soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja (premessa 23 u l-Artikolu 19(4)(it-2 subparagrafu).

e)

Swieq bl-imnut

Il-Kunsill ikkunsidra xieraq li jiġi fformulat mill-ġdid l-Artikolu dwar is-swieq bl-imnut, bit-tħassir tar-referenza għal qsim tal-konfini, u bit-trasferiment tagħha mir-Regolament (Artikolu 8a tal-proposta tal-Kummissjoni) għad-Direttiva dwar il-gass (Artikolu 44 ġdid).

f)

Punti oħrajn

Il-Kunsill daħħal mill-ġdid l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1 li ġej mir-Regolament dwar il-Gass attwali u li huwa konformi mal-ispirtu tal-proposta tal-Kummissjoni.

Il-Kunsill ikkunsidraha xierqa li juża t-terminu “pjan ta' żvilupp tan-netwerk” minflok “pjan ta' investiment” u li jiċċara li dawn il-pjani huma ta' natura mhux vinkolanti (Artikolu 8(3)(a)).

F'konformità mal-format ta' formulazzjoni mill-ġdid, il-Kunsill introduċa Artikolu ġdid biex iħassar l-att leġislattiv attwali (Art. 31).


(1)  ĠU C 172, 5.7.2008, p. 55.

(2)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 23.

(3)  Għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 75/58


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 13/2009

adottata mill-Kunsill fis-16 ta' Frar 2009

bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament (KE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2009/C 75 E/04)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-informazzjoni dwar l-istatistika tal-flussi kummerċjali tal-Istati Membri ma' pajjiżi mhux membri hija ta' importanza essenzjali għal-linji politiċi ekonomiċi u kummerċjali tal-Komunità u għall-analiżi tal-iżvilupp tas-suq għall-merkanzija individwali. It-trasparenza tas-sistema statistika għandha titjieb biex din tkun tista' tirreaġixxi għall-ambjent amministrattiv li qed jinbidel, u biex tissodisfa r-rekwiżiti l-ġodda tal-utenti. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 tat-22 ta' Mejju 1995 dwar l-istatistika dwar il-kummerċ fl-oġġetti mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha ma' pajjiżi li mhumiex membri (3) għandu għalhekk jiġi sostitwit b'Regolament ġdid skont ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikolu 285(2) tat-Trattat.

(2)

L-istatistika tal-kummerċ estern hija bbażata fuq data miksuba mid-dikjarazzjonijiet doganali kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (4), minn issa 'l quddiem imsejjaħ (il-'Kodiċi Doganali'). Il-progress fl-integrazzjoni Ewropea u l-bidliet li jirriżultaw minn dan fl-iżdoganar, inklużi l-awtorizzazzjonijiet uniċi għall-użu tad-dikjarazzjoni simplifikata jew tal-proċedura lokali ta' żdoganar, kif ukoll l-iżdoganar ċentralizzat, li għandu joħroġ mill-proċess attwali tal-immodernizzar tal-Kodiċi Doganali kif imniżżel fir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (5), (minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-'Kodiċi Doganali Modernizzat'), jitolbu numru ta' tibdiliet. B'mod partikolari, huma jirrendu meħtieġ aġġustament tal-mod ta' kif tinġabar l-istatistika tal-kummerċ estern, il-kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-kunċett tal-Istat Membru li qed jimporta jew li qed jesporta, u d-definizzjoni b'aktar preċiżjoni tas-sors tad-data għall-ġbir tal-istatistika Komunitarja.

(3)

Simplifikazzjonijiet tal-formalitajiet u l-kontrolli doganali taħt il-Kodiċi Doganali Modernizzat jistgħu jwasslu sabiex dikjarazzjonijiet doganali ma jkunux disponibbli. Sabiex il-kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-kummerċ estern tinżamm kompluta, għandhom jiġu adottati miżuri li jiżguraw li dawk l-operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni, jipprovdu data statistika.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (6) ser tistabbilixxi sistema doganali elettronika għall-iskambju ta' data li tkun tinsab f'dikjarazzjonijiet doganali. Biex jiġi rreġistrat il-fluss kummerċjali fiżiku tal-merkanzija bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi mhux membri u biex ikun żgurat li d-data dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet hija disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat, l-arranġamenti bejn l-awtoritajiet doganali u dawk tal-istatistika huma meħtieġa u għandhom ikunu speċifikati. Dan jinkludi regoli dwar l-iskambju ta' data bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Din is-sistema għall-iskambju tad-data għandha tibbenefika kemm jista' jkun mill-infrastruttura stabbilita mill-awtoritajiet doganali.

(5)

Għall-allokazzjoni tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-Komunità lil Stat Membru partikolari, hija meħtieġa l-kompilazzjoni ta' data dwar 'l-Istat Membru tad-destinazzjoni finali', għall-importazzjonijiet, u 'l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali' għall-esportazzjonijiet. Fuq perijodu medju, dawk l-Istati Membri għandhom isiru l-Istat Membru ta' importazzjoni u esportazzjoni għal finijiet ta' statistika għall-kummerċ estern.

(6)

Għall-fini ta' dan ir-Regolament il-merkanzija għal finijiet tal-kummerċ estern għandha tiġi klassifikata skont 'in-Nomenklatura Magħquda' stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (7),(minn issa 'l quddiem imsejħa 'n-Nomeklatura Magħquda').

(7)

Biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Kummissjoni għal informazzjoni dwar is-sehem tal-euro fil-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija, il-valuta tal-fatturazzjoni tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet għandha tiġi rrappurtata f'livell aggregat.

(8)

Għall-finijiet tan-negozjati kummerċjali u tal-ġestjoni tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha tingħata informazzjoni dettaljata dwar it-trattament preferenzjali tal-merkanzija importata fil-Komunità.

(9)

L-istatistika tal-kummerċ estern tipprovdi data għall-kompilazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti u l-kontijiet nazzjonali. Il-karatterisitiċi li jagħmlu possibbli l-adattazzjoni tagħhom għal finijiet tal-bilanċ tal-pagamenti għandhom isiru parti mis-sett ta' data standard u obbligatorja.

(10)

L-istatistika tal-Istati Membri dwar l-imħażen doganali u ż-żoni ħielsa mhijiex soġġetta għal dispożizzjonijiet armonizzati. Madankollu, il-kompilazzjoni għal finijiet nazzjonali ta' din l-istatistika tibqa' fakultattiva.

(11)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Eurostat b'data annwali aggregata dwar il-kummerċ imqassma skont il-karatteristiċi tal-kummerċ, li tintuża, fost użu ieħor, biex tiffaċilita l-analiżi ta' kif il-kumpanniji Ewropej joperaw fil-kuntest tal-globalizzazzjoni. Ir-rabta bejn l-istatistika kummerċjali u l-istatistika dwar in-negozji tiġi stabbilita bl-inkorporazzjoni ta' data dwar l-importatur u l-esportatur disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali b'data mitluba mir-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika (8).

(12)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-Istatistika Komunitarja (9) jipprovdi qafas ta' referenza għad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. Madankollu, livell ta' informazzjoni f'ħafna dettall dwar il-kummerċ fil-merkanzija jitlob regoli ta' kunfidenzjalità jekk din l-istatistika għandha tkun rilevanti.

(13)

It-trażmissjoni ta' data soġġetta għall-kunfidenzjalità tal-istatistika hija rregolata mir-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika fl-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (10). Il-miżuri meħuda skont dawk ir-Regolamenti jiżguraw il-ħarsien fiżiku u loġiku tad-data kunfidenzjali u jiżguraw li ma jsir l-ebda żvelar illegali jew użu mhux għal skop statistiku meta tiġi pproċessata u mxerrda l-istatistika Komunitarja.

(14)

Fil-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Komunitarja skont dan ir-Regolament, l-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji tal-istatistika għandhom iqisu l-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi ta' Prassi Ewropew għall-Istatistika, li ġie adottat mill-Kumitat tal-Programm Statistiku fl-24 ta' Frar 2005 u mehmuż mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2005, dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji tal-istatistika.

(15)

Għandhom jiġu fformulati dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex jibqgħu fis-seħħ sakemm il-bidliet fil-leġiżlazzjoni doganali jirriżultaw f'data addizzjonali dwar id-dikjarazzjoni doganali u sakemm il-leġiżlazzjoni Komunitarja tibda titlob l-iskambju elettroniku tad-data.

(16)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jwaqqaf qafas komuni għall-produzzjoni sistematika tal-istatistika dwar il-kummerċ estern tal-Komunità, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tar-Regolament, jista' jintlaħaq aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' taddotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(17)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (11).

(18)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadatta l-lista tal-proċeduri doganali jew tat-trattament approvat mid-dwana jew l-użu li jiddeterminaw esportazzjoni jew importazzjoni għall-istatistika tal-kummerċ estern; li tadotta regoli differenti jew speċifiċi għal merkanzija jew movimenti li, minħabba raġunijiet metodoloġiċi, jitolbu dispożizzjonijiet speċifiċi; li tadatta l-lista tal-merkanzija u l-movimenti esklużi mill-istatistika tal-kummerċ estern; li tispeċifika s-sorsi tad-data minbarra d-dikjarazzjoni doganali għar-rekords dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' merkanzija speċifika jew movimenti; li tispeċifika d-data statistika, inklużi l-kodiċi li għandhom jintużaw; li tistabbilixxi l-ħtiġiet għal data dwar merkanzija speċifika jew movimenti; li tistabbilixxi ħtiġiet dwar il-kompilazzjoni ta' statistika; li tispeċifika l-karatteristiċi tal-kampjuni; li tistabbilixxi l-perijodu ta' rappurtar u l-livell ta' aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, il-merkanzija u l-valuta; u ukoll biex tiġi adattata l-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika, il-kontenut, il-kopertura u l-kondizzjonijiet għar-reviżjoni tal-istatistika diġà trażmessa; u li tistabbilixxi l-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika dwar ċertu dettall fir-rigward tal-kummerċ permezz tal-karatteristiċi tan-negozju u l-istatistika dwar il-kummerċ imqassma bil-valuta tal-fatturazzjoni. Peress li dawk il-miżuri għandhom kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia, billi jissuplimentawh b' elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilxxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statisitika Komunitarja rigward il-kummerċ tal-merkanzija ma' pajjiżi mhux membri (minn issa 'l quddiem imsejjħa “statistika tal-kummerċ estern”).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“merkanzija” tfisser kull proprjetà mobbli, inkluż l-elettriku;

(b)

“territorju statistiku tal-Komunità” tfisser it-territorju doganali tal-Komunità kif definit fil-Kodiċi Doganali biż-żieda tal-gżira ta' Helgoland fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja;

(c)

“awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika” tfisser l-istituti nazzjonali tal-istatistika u korpi oħra responsabbli f'kull Stat Membru biex jipproduċu statistika dwar il-kummerċ estern;

(d)

“awtoritajiet doganali” tfisser “l-awtoritajiet doganali” kif definit fil-Kodiċi Doganali;

(e)

“dikjarazzjoni doganali” tifsser “dikjarazzjoni doganali” kif definita fil-Kodiċi Doganali;

(f)

“deċiżjoni mid-dwana” tfisser kull att uffiċjali mill-awtoritajiet doganali relatat ma dikjarazzjonijiet doganali aċċettati u li għandhom effett legali fuq persuna waħda jew aktar.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   L-istatistika tal-kummerċ estern għandha tirreġistra l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-merkanzija.

Esportazzjoni għandha tiġi rreġistrata minn Stat Membru fil-każ li merkanzija titlaq mit-territorju statistiku tal-Komunità skont waħda mill-proċeduri doganali li ġejjin jew skont trattament jew użu approvat mid-dwana, stipulati fil-Kodiċi Doganali:

(a)

esportazzjoni;

(b)

proċessar tal-ħruġ;

(c)

esportazzjoni mill-ġdid li ssegwi jew proċessar tad-dħul jew proċessar taħt il-kontroll doganali.

Importazzjoni għandha tiġi rreġistrata minn Stat Membru fil-każ li merkanzija tidħol fit-territorju statistiku tal-Komunità b'konformità ma' waħda mill-proċeduri doganali li ġejjin stipulati fil-Kodiċi Doganali:

(a)

rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera;

(b)

proċessar tad-dħul;

(c)

proċessar taħt kontroll doganali.

2.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament dwar l-adattament tal-lista ta' proċeduri doganali jew trattament jew użu approvati mid-dwana msemmija fil-paragrafu 1 sabiex jittieħed kont tal-bidliet fil-Kodiċi Doganali jew dispożizzjonijiet li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   Għal raġunijiet ta' metodoloġija, ċertu merkanzija jew movimenti jitolbu dispożizzjonijiet speċifiċi. Dan jikkonċerna impjanti industrijali, inġenji tal-baħar jew tal-ajru, prodotti tal-baħar, merkanzija mwassla fuq inġenji tal-baħar jew tal-ajru, kunsinni maqsuma, merkanzija militari, merkanzija lejn jew minn installazzjonijiet offshore, vetturi spazjali, elettriku u gass u prodotti tal-iskart (minn issa 'l quddiem imsejjħa “merkanzija jew movimenti speċifiċi”).

Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, dwar merkanzija u movimenti speċifiċi u dispożizzjonijiet differenti jew speċifiċi applikabbli għalihom, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

4.   Għal raġunijiet ta' metodoloġija, ċertu merkanzija jew movimenti għandhom jiġu esklużi mill-istatistika tal-kummerċ estern. Dan jinkludi deheb monetarju u mezzi ta' pagament li huma valuta legali; merkanzija li l-użu maħsub tagħha jkun ta' natura diplomatika jew simili; movimenti ta' merkanzija bejn l-Istat Membru ta' importazzjoni u dak ta' esportazzjoni u l-forzi armati tagħhom stazzjonati barra l-pajjiż kif ukoll ċerta merkanzija akkwistata u użata mill-forzi armati barranin; merkanzija partikolari li mhumiex is-suġġett ta' tranżazzjoni kummerċjali; movimenti ta' pjattaformi għall-illanċjar ta' satelliti qabel ma jiġu llanċjati; merkanzija għat-tiswija u għal wara t-tiswija; merkanzija għal użu temporanju jew għal wara l-użu temporanju; u merkanzija użata bħala trasportaturi ta' informazzjoni personalizzata; u merkanzija ddikjarata bil-fomm lill-awtoritajiet doganali li jew huma ta' natura kummerċjali, sakemm il-valur tagħhomma jaqbiżx il-limitu statistiku ta' 1 000 EUR fil-valur jew 1 000 kilogramma f'massa netta, jew huma ta' natura mhux kummerċjali.

Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, dwar esklużjoni ta' merkanzija jew movimenti mill-istatistika dwar il-kummerċ estern, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 4

Sors tad-data

1.   Is-sors tad-data għal rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tkun id-dikjarazzjoni doganali, inklużi emendi possibbli jew bidliet fid-data statistika li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet mid-dwani marbutin magħha.

2.   Fejn is-simplifikazzjonijiet ulterjuri tal-formalitajiet u l-kontrolli doganali skont l-Artikolu 116 tal-Kodiċi Doganali Modernizzat iwasslu sabiex rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' merkanzija ma jkunux disponibbli f'idejn l-awtoritajiet doganali, l-operatur ekonomiku lil min tkun ingħatat is-simplifikazzjoni għandu jipprovdi d-data statistika definita fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw sorsi ta' data oħra għall-ġbir tal-istatistika nazzjonali tagħhom sad-data tal-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu għall-iskambju ta' data reċiproku b'mezzi elettorniċi li hemm referenza għalih fl-Artikolu 7(2).

4.   Għal merkanzija jew movimenti speċifiċi kif imsemmija fl-Artikolu 3(3), jistgħu jintuża għejun ta' data minbarra d-dikjarazzjoni doganali.

5.   Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, dwar il-ġbir tad-data skont il-paragrafi 2 u 4 ta' dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3). Dawn il-miżuri għandhom jieħdu l-akbar kont tan-neċessità li tiġi stabbilita sistema effiċjenti li timminimizza l-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi u l-amministrazzjonijiet.

Artikolu 5

Data statistika

1.   L-Istati Membri għandhom jiksbu s-sett ta' data li ġejja mir-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1).

(a)

il-fluss tal-kummerċ (importazzjoni, esportazzjoni);

(b)

il-perjodu referenzjali ta' kull xahar;

(c)

il-valur statistiku tal-merkanzija fuq il-fruntiera nazzjonali tal-Istati Membri importaturi u esportaturi;

(d)

il-kwantità espressa f'massa netta u f'unità supplementari jekk tkun indikata fid-dikjarazzjoni doganali;

(e)

il-kummerċjant, li huwa l-importatur/id-destinatarju ta' importazzjoni u l-esportatur/il-kunsinnatur ta' esportazzjoni;

(f)

l-Istat Membru importatur jew esportatur, jiġifieri l-Istat Membru fejn issir id- dikjarazzjoni doganali, jekk tkun indikata fid-dikjarazzjoni doganali:

(i)

wara l-importazzjoni, l-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(ii)

fuq l-esportazzjoni, l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali;

(g)

il-pajjiżi msieħba, jiġifieri:

(i)

fuq l-importazzjoni, il-pajjiż tal-oriġini u l-pajjiż tal-kunsinna/tluq;

(ii)

fuq l-esportazzjoni, il-pajjiż tal-aħħar destinazzjoni magħrufa;

(h)

il-merkanzija skont in-Nomenklatura Magħquda li hija:

(i)

fuq l-importazzjoni, il-kodiċi tal-merkanzija tas-subintestatura Taric;

(ii)

fuq l-esportazzjoni, il-kodiċi tal-merkanzija tas-subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda;

(i)

il-kodiċi tal-proċedura doganali li għandu jintuża għad-determinazzjoni tal-proċedura statistika;

(j)

in-natura tat-tranżazzjoni jekk tkun indikata fid-dikjarazzjoni doganali;

k)

it-trattament preferenzjali fuq l-importazzjoni meta dan jiġi mogħti mid-Dwana;

(l)

il-valuta tal-fatturazzjoni jekk tkun indikata fuq id-dikjarazzjoni doganali;

(m)

il-metodu tat-trasport, li jagħti dettalji dwar:

(i)

il-metodu ta' trasport fuq il-fruntiera;

(ii)

il-metodu intern tat-trasport;

(iii)

il-kontenitur.

2.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, relatati ma' speċifikazzjoni ulterjuri tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inklużi l-kodiċi li għandhom jiġu użati, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   Fejn ma jkunx iddikjarat mod ieħor u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni doganali, id-data għandha tinżamm fid-dikjarazzjoni doganali.

4.   Għal 'merkanzija jew movimenti speċifiċi' kif imsemmi fl-Artikolu 3(3) u d-data provduta f'konformità mal-Artikolu 4(2), settijiet limitati ta' data jistgħu jkunu meħtieġa.

Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, relatati ma' dawn is-settijiet limitati ta' data, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 6

Kompilazzjoni ta' statistika tal-kummerċ estern

1.   L-Istati Membri għandhom jikkompilaw l-istatisika għal kull perijodu referenzjali ta' kull xahar, dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' merkanzija espressa f'valur u kwantità skont:

(a)

il-kodiċi tal-merkanzija;

(b)

l-Istati Membri li qed jimportaw/jesportaw;

(c)

il-pajjiżi msieħba;

(d)

il-proċedura statistika;

(e)

in-natura tat-tranżazzjoni;

(f)

trattament preferenzjali fuq l-importazzjoni;

(g)

il-metodu tat-trasport.

Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għall-kompilazzjoni tal-istatistika jistgħu jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jikkompilaw l-istatistika annwali dwar il-kummerċ permezz tal-karatteristiċi tan-negozju, jiġifieri l-attività ekonomika mwettqa mill-intrapriża skont it-taqsima jew il-livell b'żewġ numri tal-klassifikazzjoni tal-istatistika komuni tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE) u l-klassi tad-daqs imkejjel f'termini ta' għadd ta' impjegati.

L-istatistika għandha tiġi kkompilata permezz tar-rabta tad-data dwar il-karatteristiċi tan-negozju rreġistrata skont ir-Regolament (KE) Nru 177/2008 mad-data rreġistrata skont l-Artikolu 5(1) ta' dan ir-Regolament dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jipprovdu n-numru ta' identifikazzjoni rilevanti tal-kummerċjanti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika.

Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, li għandhom x'jaqsmu mar-rabta tad-data u din l-istatistika li għandha tiġi kkompilata, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   Kull sentejn l-Istati Membri għandhom jikkompilaw statistika dwar il-kummerċ li tinqasam permezz tal-valuta tal-fatturazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jikkompilaw statistika billi jużaw kampjun rappreżentattiv ta' rekords dwar importazzjonijiet u esportazzjonijiet minn dikjarazzjonijiet doganali li fihom data dwar il-valuta tal-fatturazzjoni. Jekk il-valuta tal-fatturazzjoni għall-esportazzjoni mhijiex disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali, għandu jsir sondaġġ sabiex tinġabar id-data meħtieġa.

Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, li għandhom x'jaqsmu mal-karatteristiċi tal-kampjun, il-perijodu ta' rappurtar u l-livell ta' aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, il-merkanzija u l-valuti għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

4.   Il-kompilazzjoni ta' statistika addizzjonali mill-Istati Membri għal finijiet nazzjonali tista' tiġi ddeterminata fejn id-data tkun disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali.

5.   L-Istati Membri m'għandhomx ikunu obbligati jikkompilaw u jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistika tal-kummerċ estern dwar data statistika li, skont il-Kodiċi Doganali jew ta' istruzzjonijiet nazzjonali, la tkun għadha ġiet rreġistrata u lanqas ma tista' tkun deduċibbli b'mod ċar minn data oħra fid-dikjarazzjoni doganali magħmula għand l-awtoritajiet doganali tagħhom. It-trażmissjoni tad-data li ġejja hija għalhekk hija fakultattiva għall-Istati Membri. Dan jolqot id-data li ġejja.

(a)

mal-importazzjoni, l-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(b)

mal-esportazzjoni, l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali;

(c)

in-natura tat-tranżazzjoni.

Artikolu 7

Skambju ta' data

1.   Mingħajr dewmien u mhux aktar tard mix-xahar ta' wara x-xahar li fih ġew aċċettati d-dikjarazzjonijiet doganali jew li fih dawn kienu soġġetti għal deċiżjonijiet mid-dwani li għandhom x'jaqsmu magħhom, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom jiksbu mingħand l-awtoritajiet doganali r-rekords fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet li huma mressqa quddiem dawk l-awtoritajiet.

Ir-rekords għandu jkun fihom mill-inqas dik id-data statistika elenkata fl-Artikolu 5 li hija, skont il-Kodiċi Doganali jew skont l-istruzzjonijiet nazzjonali, disponibbli fid-dikjarazzjoni doganali.

2.   B'effett mid-data tal-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu għall-iskambju reċiproku ta' data b'mezzi elettroniċi, l-awtoritajiet doganali għandhom jiżguraw li r-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet jintbagħtu lill-awtorità nazzjonali tal-istatistika tal-Istat Membru li jkun indikat fuq ir-rekord bħala:

(a)

mal-importazzjoni, l-Istat Membru tad-destinazzjoni,

(b)

mal-esportazzjoni, l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali,

Il-mekkaniżmu għall-iskambju reċiproku tad-data għandu jkun implimentat sa mhux aktar tard minn meta t-Titolu 1, Kapitolu 2, Taqsima 1 tal-Kodiċi Doganali Modernizzat ikun applikabbli.

3.   Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għad-determinazzjoni tat-trasmissjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu determinati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 8

It-trażmissjoni tal-istatistika tal-kummerċ estern lill-Kummissjoni (Eurostat)

1.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) l-istatistika msemmija fl-Artikolu 6(1) mhux aktar tard minn 40 jum wara t-tmiem ta' kull perijodu referenzjali ta' xahar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istatistika jkun fiha informazzjoni dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet kollha fil-perijodu ta' referenza partikolari, filwaqt li jagħmlu l-aġġustamenti fejn ir-rekords mhumiex disponibbli.

L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-istatistika aġġornata meta l-istatistika li diġà ġiet trażmessa hija soġġetta għal reviżjoni.

L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-riżultati trażmessi lill-Kummissjoni (Eurostat) kull informazzjoni statistika li hija kunfidenzjali.

Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, li għandhom x'jaqsmu mal-adattament tal-iskadenza sabiex tiġi trasmessa l-istatisika, il-kontenut, il-kopertura u l-kondizzjonijiet għal reviżjonijiet diġà trasmessi, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

2.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, li għandhom x'jaqsmu mal-iskadenza għat-trażmissjoni tal-istatistika dwar il-kummerċ permezz tal-karatteristiċi tan-negozju msemmija fl-Artikolu 6(2) u l-istatistika dwar il-kummerċ maqsuma mill-valuta tal-fatturazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3), għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-istatistika f'forma elettronika, skont standard tal-interchange. L-arranġamenti prattiċi għat-trażmissjoni tar-riżultati jistgħu jiġu ddeterminati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 9

Valutazzjoni tal-kwalità

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-dimensjonijiet tal-kwalità li ġejjin għandhom japplikaw għall-istatistika li għandha tiġi trażmessa.

(a)

“ir-rilevanza” tirreferi għall-grad ta' kemm l-istatistika tilħaq il-ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti;

(b)

“l-eżattezza” tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri vera mhux magħrufa;

(c)

“il-wasla fil-ħin” tirreferi għad-dewmien bejn id-disponibbiltà tal-informazzjoni u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;

(d)

“il-puntwalità” tirreferi għad-dewmien bejn id-data ta' rilaxx tad-data u d-data meta hi suppost tkun giet ikkunsinnata;

(e)

“l-aċċessibbiltà” u “ċ-ċarezza” jirreferu għall-kondizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;

(f)

“il-komparabbiltà” tirreferi għall-kejl tal-impatt tad-differenzi fil-kunċetti statistiċi u għodod u proċeduri tal-kejl applikati meta l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew matul iż-żmien;

(g)

“il-koerenza” tirreferi għall-adattabbiltà tad-data li tkun marbuta b'mod affidabbli b'modi differenti u għal użu varju.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport lill-Kummissjoni (Eurostat) kull sena dwar il-kwalità tal-istatistika trażmessa.

3.   Permezz tal-applikazzjoni tad-dimensjonijiet ta' kwalità stipulati fil-paragrafu 1 lill-istatistika koperta b'dan ir-Regolament, il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapporti dwar il-kwalità għandhom jiġu definiti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tal-istatistika trażmessa.

Artikolu 10

Disseminazzjoni ta' statistika tal-kummerċ estern

1.   Fil-livell Komunitarju, l-istatistika tal-kummerċ estern ikkompilata skont l-Artikolu 6(1) u trasmessa mill-Istati Membri għandha tiġi disseminata mill-Kummissjoni (Eurostat) għall-inqas bis-subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda.

Unikament fuq talba tal-importatur jew tal-esportatur l-awtoritajiet nazzjonali ta' Stat Membru partikolari għandhom jiddeċiedu jekk l-istatistika dwar il-kummerċ estern ta' dak l-Istat Membru li tista' tagħmilha possibbli li tidentifika dak l-importatur jew l-esportatur, għandhiex tiġi disseminata jew għandhiex tiġi emendata b'tali mod li d-disseminazzjoni tagħha ma tippreġudikax il-kunfidenzjalità tal-istatistika.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-disseminazzjoni ta' data fil-livell nazzjonali statistika dettaljata skont is-sottointestatura Taric u l-preferenzi m'għandhiex tiġi disseminata mill-Kummissjoni (Eurostat) jekk l-iżvelar tagħha jqiegħed f'periklu l-ħarsien tal-interess pubbliku fir-rigward tal-politika kummerċjali u agrikola tal-Komunità.

Artikolu 11

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar l-istatistika relatata man-negozju ta' merkanzija ma' pajjiżi mhux membri.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 12

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 1172/95 għandu jkun irrevokat b'effett mill-1 ta' Jannar 2010.

Għandu jkompli japplika għad-data li tappartjeni għall-perijodi ta' referenza qabel l-1 ta' Jannar 2010.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 70, 15.3.2008, p. 1.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-16 ta' Frar 2009.

(3)  ĠU L 118, 25.5.1995, p. 10.

(4)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(5)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(6)  ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21.

(7)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(8)  ĠU L 61, 5.3.2008, p. 6.

(9)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.

(10)  ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1.

(11)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni ssottomettiet il-proposta msemmija hawn fuq lill-Kunsill fit-30 ta' Ottubru 2007 (1).

Il-Parlament Ewropew ta l-Opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-23 ta' Settembru 2008, b'35 emenda (2) għall-proposta.

Skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni (l-Artikolu 251 TKE), fis-16 ta' Frar 2009 il-Kunsill, waqt li kkunsidra l-ewwel qari tal-Parlament, adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu dwar l-abbozz ta' Regolament.

II.   OBJETTIV

Il-fini ta' din il-proposta huwa li ssir reviżjoni tas-sistema tal-istatistika attwali tal-kummerċ fil-merkanzija mal-pajjiżi mhux membri (Extrastat) sabiex:

il-leġislazzjoni ssir aktar ċara, sempliċi u trasparenti;

is-sistema tal-istatistika tal-kummerċ barra l-Komunità tiġi adattata għat-tibdiliet li għandhom jiġu introdotti fil-proċeduri rigward id-dikjarazzjoni doganali permezz tal-introduzzjoni tal-Awtorizzazzjonijiet Uniċi għall-użu tad-dikjarazzjoni ssimplifikata jew il-proċedura ta' żdoganar lokali kif ukoll permezz ta' żdoganar ċentralizzat skont il-Kodiċi Doganali Komunitarju modernizzat;

jitnaqqas l-'Effett Rotterdam' li jirriżulta

(a)

f'rappreżentazzjoni żejda fl-istatistika tal-kummerċ estern tal-Istati Membri li għandhom livell għoli ta' żdoganar jew esportazzjoni iżda li għandhom biss ir-rwol ta' pajjiżi ta' transitu għad-detriment tal-Istati Membri li huma d-destinazzjoni attwali jew il-post tat-tluq tal-merkanzija u

(b)

f'rapport doppju tal-istess merkanzija f'Extrastat bħala merkanzija mhux Komunitarja u mbagħad f'Intrastat bħala merkanzija Komunitarja ġejja minn Stat Membru ieħor, b'sitwazzjoni komparabbli fl-esportazzjoni;

jiżdiedu r-rilevanza, il-preċiżjoni, il-puntwalità u l-komparabbiltà tal-istatistika tal-kummerċ estern, u tistabbilixxi sistema għall-evalwazzjoni tal-kwalità;

jingħata appoġġ għar-rabta tal-istatistika kummerċjali mal-istatistika tan-negozju;

ikun hemm rispons għall-ħtiġijiet tal-utenti billi tinġabar statistika kummerċjali addizzjonali bl-użu ta' informazzjoni disponibbli fid-dikjarazzjonijiet doganali;

ikun hemm kontroll, f'konformità mal-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea, tal-aċċess privileġġat għad-data sensittiva tal-kummerċ estern.

Il-proposta tinkorpora wkoll l-emendi previsti fir-Regolament biex jittejbu s-sigurtà u s-sikurezza tal-merkanzija li taqsam il-fruntieri tal-Komunità li l-Kunsill u l-Parlament adottaw fit-13 ta' April 2005 (3).

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Ġenerali

Il-Kunsill, fil-pożizzjoni komuni tiegħu, ikkunsidra l-maġġoranza l-kbira tal-emendi tal-Parlament, fejn adotta test li huma simili ħafna tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Il-Kunsill jikkondividi b'mod sħiħ l-objettiv tal-proposta, li huwa li jissimplifika l-leġislazzjoni, li jadatta s-sistema tal-istatistika tal-kummerċ barra l-Komunità għall-bidliet li għandhom jiġu introdotti fil-leġislazzjoni u l-proċeduri doganali u li jitnaqqas l-“Effett Rotterdam”. Wara eżami bir-reqqa tal-proposta matul Presidenzi SI u FR, u fid-dawl tal-implikazzjonijiet prattiċi dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Modernizzat, għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-Kummissjoni u l-kummerċ, il-Kunsill għamel għadd ta' tibdiliet, li l-parti l-kbira minnhom huma ta' natura teknika, li ħarsa ġenerali tagħhom tinsab fit-taqsima 3.

2.   Emendi tal-PE

2.1.   Emendi kkunsidrati mill-Kunsill

Il-Parlament Ewropew adotta 27 emenda (4) għall-proposta, li minnhom 24 ġew ikkunsidrati, kollha kemm huma jew in parti, fil-pożizzjoni komuni tal-Kunsill. Dawn huma l-emendi 5, 6, 7, 9, 10, 11, 12 (in parti), 13, 14 (in parti), 15 (in parti), 20, 21 (in parti), 22, 23, 24, 25, 28, 29, 30, 31, 32 (in parti) 33, 34 u 35.

2.2.   Emendi li ma ġewx ikkunsidrati jew li ġew ikkunsidrati in parti mill-Kunsill

Emenda 12

Din l-emenda ġiet ikkunsidrata in parti, għalkemm b'formolazzjoni aktar preċiża li l-Kunsill iqis aktar adatta, rigward id-deskrizzjoni tal-eżenzjoni rigward id-dikjarazzjonijiet orali dwar il-merkanzija.

Emenda 14

Din l-emenda ġiet ikkunsidrata parzjalment. Fir-rigward tad-dispożizzjoni dwar il-miżuri ta' implimentazzjoni (il-paragrafu 5 ġdid fit-test tal-Kunsill), il-Kunsill jikkunsidra li s-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jikkonċernaw il-ġbir tad-data f'paragrafi (ġodda) u l-paragrafu 4: l-ispeċifikazzjoni tas-sorsi tad-data minbarra d-dikjarazzjoni doganali, u wkoll id-data statistika pprovduta mill-operatur ekonomiku li jibbenefika minn aktar simplifikazzjoni tal-formalitajiet u l-kontroll doganali. Barra minn hekk, il-Kunsill issottolinja l-ħtieġa li jistabbilixxi sistema effiċjenti li tnaqqas il-piż amministrattiv.

Emenda 15

Il-Kunsill jista' jaċċetta parzjalment din l-emenda. L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw sorsi ta' data oħra għall-kompilazzjoni tal-istatistika nazzjonali tagħhom sad-data tal-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu għall-iskambju reċiproku ta' data reċiproku. Ir-referenza għall-Artikolu 7(3) inbidlet għal Artikolu 7(2).

Emenda 18

Il-Kunsill jikkunsidra li formolazzjoni aktar preċiża tkun aktar adattata (ara taqsima 3).

Emenda 21

Il-Kunsill jikkunsidra li settijiet limitati ta' data jistgħu wkoll ikunu meħtieġa għad-data prevista skont l-Artikolu 4(2) (fit-test tal-pożizzjoni komuni).

Emenda 26

Il-Kunsill jikkunsidra li, b'effett mid-data tal-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu għal data reċiproka b'mezzi elettroniċi, ir-rekords dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni għandhom jiġu trasmessi lill-awtorità nazzjonali tal-istatistika tal-Istat Membru li jkun indikat fuq ir-rekord bħala l-Istat Membru ta' destinazzjoni, fl-importazzjoni, jew l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali, fl-esportazzjoni.

Emenda 27

Il-Kunsill ma kkunsidrax din l-emenda iżda pprevedi għal soluzzjoni alternattiva skont l-Artikolu 4(2) (fit-test tal-pożizzjoni komuni — ara taqsima 3).

Emenda 32

Il-Kunsill ikkunsidra din l-emenda parzjalment, b'tibdil żgħir fil-formolazzjoni ( “skont is-subintestatura Taric u l-preferenzi”).

3.   Elementi ġodda introdotti mill-Kunsill

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn l-elementi l-ġodda introdotti mill-Kunsill fil-pożizzjoni komuni tiegħu, flimkien mal-emendi tal-PE li ġew ikkunsidrati. Din il-ħarsa ġenerali b'mod deliberat tħalli barra dawk l-elementi l-ġodda ta' natura purament teknika jew ta' abbozzar.

Għandu jkun innotat ukoll li l-bidliet introdotti mill-Kunsill wasslu għal ristrutturar tal-proposta u għal renumerazzjoni sussegwenti tal-premessi u l-paragrafi f'xi Artikoli.

3.1.   Premessa 3

Din il-premessa tispjega li, wara l-introduzzjoni fil-Kodiċi Doganali Modernizzat ta' faċilitajiet għall-operaturi, fil-forma ta' simplifikazzjonijiet tal-formalitajiet u l-kontrolli, id-dikjarazzjonijiet doganali jistgħu ma jkunux disponibbli; fejn tali dikjarazzjonijiet huma s-sors ta' data statistika dwar il-kummerċ estern, il-Regolament għandu jistabbilixxi l-miżuri li jiżguraw li d-data tkun ipprovduta mill-operaturi li ngħataw il-faċilitajiet.

3.2.   Premessa 4

Din il-Premessa tagħti referenza għad-Deċiżjoni dwar “id-dwana elettronika”, li abbażi tagħha qed tiġi mfassla sistema doganali elettronika għall-iskambju ta' data dwar dikjarazzjonijiet doganali. Huwa maħsub li s-sistema għall-iskambju tad-data użata għall-istatistiċi ser tibbenefika kemm jista' jkun mill-infrastruttura stabbilita mill-awtoritajiet Doganali.

3.3.   Artikolu 4(2)

Dan il-paragrafu ġdid jistabbilixxi l-prinċipju li l-operaturi mogħtijin faċilitajiet li jistgħu jwasslu għan-non disponibbiltà ta' dikjarazzjonijiet doganali u d-data statistika marbuta magħhom għandhom jipprovdu din id-data statistika.

3.4.   Artikolu 4(5)

Il-Kunsill żied sentenza bil-ħsieb li jiżgura li l-piż amministrattiv fuq il-kummerċ u l-amministrazzjonijiet, li ġej mill-proċess tal-ġbir tad-data, jiġi mnaqqas.

3.5.   Artikolu 5(4)

Il-Kunsill żied referenza għad-data prevista fl-Artikolu 4(2).

3.6.   Artikolu 7(2)

Il-Kunsill fil-pożizzjoni komuni tiegħu ma kkunsidrax l-emenda Nru 26 al-Parlament Ewropew (kif spjegat fit-Taqsima 2), minħabba li jikkunsidra li, mid-data tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu għall-iskambju ta' data b'mezzi elettroniċi, id-data għandha tkun trasmessa mill-awtoritajiet doganali lill-awtorità statistika nazzjonali tal-Istat Membru (ta' destinazzjoni jew ta' esportazzjoni attwali). Barra minn hekk, il-Kunsill jikkunsidra li l-mekkaniżmu ta' hawn fuq għandu jkun implimentat sa mhux aktar tard minn meta tkun applikabbli t-taqsima rilevanti tal-Kodiċi Doganli Modernizzat.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkunsidra li fil-pożizzjoni komuni tiegħu, li tirriżulta minn eżami fid-dettall tal-proposta matul żewġ Presidenzi, u appoġġat bis-sħiħ mill-Kummissjoni, huwa f'konformità sħiħa mal-objettivi tal-proposta.

Barra minn hekk, il-pożizzjoni komuni tikkunsidra l-maġġoranza tal-emendi tal-Parlament.

L-elementi l-ġodda introdotti mill-Kunsill jirriflettu l-ħtieġa li t-test jiġi adattat għar-realtajiet prattiċi u tekniċi u li jiġu bbilanċjati aħjar il-ħtiġiet ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-faċilitajiet doganali mogħtijin għall-kummerċ.


(1)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(2)  Tmien emendi (Nru 1–4, 8, 16, 17 u 19) ma kinux jikkonċernaw il-verżjonijiet lingwistiċi kollha u għalhekk ntalabx vot fuqhom.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ĠU L 117, 4.5.2005, p. 13.

(4)  Ara n-nota 2 f'qiegħ il-paġna.


31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 75/67


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 14/2009

adottata mill-Kunsill fis-16 ta' Frar 2009

bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament (KE) Nru …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … li jistabbilixxi l-Grupp ta' Regolaturi Ewropew fit-Telekomunikazzjonijiet (GRET)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2009/C 75 E/05)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (4), id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' l-Aċċess) (5), id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni) (6), id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (7) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (8) (flimkien imsemmija bħala “id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi”) għandhom l-għan li joħolqu suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Komunità filwaqt li jiżguraw livell għoli ta' investiment, innovazzjoni u protezzjoni tal-konsumatur permezz ta' kompetizzjoni msaħħa.

(2)

Il-ħtieġa li jkun applikat konsistentement il-qafas regolatorju tal-UE fl-Istati Membri kollha hija essenzjali għall-iżvilupp b'suċċess ta' suq intern għal networks u servizzi ta' komunikazzjoni elettronika. Il-qafas regolatorju tal-UE jistabbilixxi l-għanijet li għandhom jinkisbu u jipprovdi qafas għal azzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs), filwaqt li jagħtihom flessibbiltà f'ċerti oqsma biex japplikaw ir-regoli fid-dawl ta' kondizzjonjiet nazzjonali.

(3)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp ta' prattika regolatorja konsistenti u l-applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju komuni, il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp ta' Regolaturi Ewropew (GRE) skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2002/627/KE tat-29 ta' Lulju ta' l-2002 li jistabbilixxi l-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għan-Networks u Servizzi ta' Komunikazzjonijiet Elettroniċi (9) sabiex jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tas-suq intern u, b'mod aktar ġenerali, biex jipprovdi kollegament bejn l-NRAs u l-Kummissjoni.

(4)

L-GRE ta kontribut pożittiv billi għin fl-iżvilupp ta' prattika regolatorja konsistenti bil-faċilitazzjoni ta' kooperazzjoni bejn l-NRAs u bejn l-NRAs u l-Kummissjoni. Dan l-approċċ għall-iżvilupp ta' konsistenza akbar fost l-NRAs permezz ta' skambju ta' informazzjoni u għarfien dwar esperjenzi prattiċi wera li hu ta' suċċess f'dan il-perijodu qasir wara l-użu tiegħu. Ser tkun meħtieġa kooperazzjoni u koordinazzjoni kontinwati u intensifikati bejn l-NRAs biex jiġi żviluppat aktar is-suq intern tan-networks u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

(5)

Dan jitlob it-tisħiħ tal-GRE u r-rikonoxximent tiegħu fil-qafas regulatorju komuni bħala l-Grupp ta' Regolaturi Ewropew fit-Telekomunikazzjonijiet (“GRET”). Il-GRET la għandu jkun aġenzija Komunitarja u lanqas m' għandu jkollu personalità ġuridika. Il-GRET għandu jissostitwixxi l-GRE, jipprovdi għarfien espert u jistabbilixxi kunfidenza bis-saħħa tal-indipenenza tiegħu, il-kwalità tal-parir u l-informazzjoni tiegħu, it-trasparenza tal-proċeduri tiegħu u l-metodi ta' operat, u d-diliġenza tiegħu fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(6)

Il-GRET għandu, permezz tal-ġbir ta' għarfien espert, jassisti lill-NRAs mingħajr ma jissostitwixxi l-funzjonijiet eżistenti tagħhom jew jiddupplika l-ħidma li diġà qed titwettaq, u jassisti lill-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tar-responsabbiltajiet tagħha.

(7)

Il-GRET għandu jkompli l-ħidma tal-GRE, filwaqt li jiżviluppa kooperazzjoni bejn NRAs, u bejn NRAs u l-Kummissjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri kollha tal-qafas regolatorju tal-UE għal networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, u b'hekk isir kontribut għall-iżvilupp tas-suq intern.

(8)

Il-GRET għandu wkoll iservi ta' korp għar-riflessjoni, id-dibattitu u l-parir għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-qasam tal-konumikazzjoni elettronika. Għaldaqstant, il-GRET għandu jagħti parir lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom jew fuq inizjattiva tiegħu stess.

(9)

Il-ħidma tal-GRET għandha tkun iffukata fuq ir-Regolament ex-ante tas-swieq tal-komunikazzjoni elettronika, b'mod partikolari fil-qafas tal-proċedura ta' analiżi tas-suq. Il-GRET għandu jsegwi l-kompiti tiegħu f'kooperazzjoni ma', u mingħajr preġudizzju għar-rwol ta', gruppi u kumitati eżistenti bħall-Kumitat tal-Komunikazzjoni, stabbilit taħt id-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), il-Kumitat dwar l-Ispettri tar-Radju stabbilit taħt id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (10), il-GRET dwar il-Politika tal-Ispettru tar-Radju stabbilit taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE tas-26 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi GRET għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (11), u l-Kumitat ta' Kuntatt stabbilit taħt id-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 1997 li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KE dwar il-koordinazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tax-xandir televiżiv (12).

(10)

Peress li l-għanijiet tal-azzjoni proposta, prinċipalment l-iżvilupp ulterjuri ta' prattika regolatorja konsistenti permezz ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni intensifikati bejn NRAs u bejn NRAs u l-Kummissjoni riżultanti minn, inter alia, l-iskambju ta' informazzjoni, sabiex jiġi żviluppat aktar is-suq tan-networks u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-ambitu mifrux ma' l-UE kollha ta' dan ir-Regolament u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Suġġett, kamp ta' applikazzjoni u kompiti

Artikolu 1

Suġġett, kamp ta' applikazzjoni u għanijiet

1.   Huwa b'dan stabbilit grupp ta' konsulenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) dwar networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, imsemmi l-Grupp ta' Regolaturi Ewropew fit-Telekomunikazzjoni (il-GRET).

2.   Il-GRET għandu jaġixxi fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u d-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE, 2002/22/KE u 2002/58/KE (Direttivi Speċifiċi), prinċipalment dwar materji li jirrigwardaw ir-regolamentazzjoni ekonomika tas-swieq tal-komunikazzjoni elettronika.

3.   Il-GRET għandu jwettaq il-kompiti tiegħu indipendentement, b'mod imparzjali u trasparenti. Fl-attivitajiet kollha tiegħu, il-GRET għandu jfittex l-istess għanijiet bħal dawk tal-NRAs stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (tad-Direttiva Qafas). B'mod partikolari, il-GRET għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-operat aħjar tas-suq intern għal networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, billi jimmira li jiżgura applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-UE għall-komunikazzjoni elettronika.

4.   Il-GRET għandu jippromwovi kooperazzjoni bejn l-NRAs, u bejn l-NRAs u l-Kummissjoni, u għandu jagħti parir lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Rwol tal-GRET fl-applikazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE

1.   Il-GRET għandu:

(a)

jiżviluppa u jxerred fost l-NRAs l-aħjar prattika regolatorja, bħal approċċi komuni, metodoloġija jew linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju komuni;

(b)

fuq talba, jipprovdi assistenza lill-NRAs dwar kwistjonijiet regolatorji, inkluż billi jagħti opinjonijiet dwar ilmenti transkonfinali f'konformità mal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2002/21/KE (tad-Direttiva Qafas) jew billi jassisti l-NRas fil-kuntest tal-analiżi tas-swieq rilevanti f'konformità mal-Artikolu 16 ta' dik id-Direttiva;

(c)

jagħti opinjonijiet dwar l-abbozz ta' deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u linji gwida tal-Kummissjoni, kif msemmi fil-paragrafu 2;

(d)

joħroġ rapporti u jipprovdi parir, fuq it-talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess, u jipprovdi parir lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq talba jew fuq inizjattiva tiegħu stess, dwar kwalunkwe materja li tirrigwarda l-komunikazzjoni elettronika fil-kompetenza tiegħu;

(e)

fuq talba, jassisti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-NRAs fid-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki regolatorji lil pajjiżi terzi.

2.   L-abbozz ta' deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u/jew linji gwida msemmijin fil-paragrafu 1(c) għandhom ikunu:

(a)

deċiżjonijiet u/jew opinjonijiet dwar abbozz ta' miżuri tal-NRAs dwar id-definizzjoni tas-suq, l-għażla tal-intrapriżi b'setgħa tas-suq sinifikanti u l-impożizzjoni ta' rimedji, f'konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(b)

rakkomandazzjonijiet u/jew linji gwida dwar il-forma, il-kontenut u l-livell ta' dettalji li għandhom jingħataw fin-notifika, f'konformità mal-Artikolu 7a tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(c)

rakkomandazzjonijiet dwar Prodotti Rilevanti u Swieq tas-Servizzi, f'konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(d)

deċiżjonijiet dwar l-identifikazzjoni ta' swieq transnazzjonali, f'konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(e)

rakkomandazzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(f)

deċiżjonijiet li jawtorizzaw jew jipprevjenu NRA milli tieħu miżuri eċċezzjonali, f'konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva tal-Aċċess).

3.   L-NRAs u l-Kummissjoni għandhom jieħdu kont sħiħ ta' kwalunkwe opinjoni, parir jew l-aħjar prattika regolatorja maħruġa jew adottati mill-GRET.

KAPITOLU II

Organizzazzjoni tal-gret

Artikolu 3

Kompożizzjoni

1.   Il-GRET għandu jkun kompost mill-kapijiet jew rappreżentanti ta' livell għoli mill-NRA stabbilita f'kull Stat Membru b'responsabbiltà primarja li tissorvelja l-operat ta' kuljum tas-suq għal networks u servizzi ta' komunikazzjoni elettronika.

2.   Għandu jkun hemm rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha status ta' osservatur u għandha tkun rappreżentata fil-livell xieraq.

4.   L-NRAs mill-Istati taż-Zona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u minn dawk l-istati li huma kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea għandu jkollhom status ta' osservatur u għandhom ikunu rappreżentati fil-livell xieraq.

Artikolu 4

Arranġamenti operattivi

1.   Il-GRET għandu jadotta u jippublika r-regoli ta' proċedura tiegħu u jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku.

2.   L-opinjonijiet, l-aqwa prattika regolatorja u r-rapporti tal-GRET għandhom joħorġu jew jiġu adottati abbażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri. Kull membru għandu jkollu vot wieħed.

Ir-regoli ta' proċedura għandhom jistabbilixxu f'aktar dettall l-arraġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, inkluż il-kondizzjonijiet li taħthom membru wieħed jista' jaġixxi f'isem membru ieħor, ir-regoli li jirregolaw il-kworums, u n-notifiki ta' skadenzi għal-laqgħat. Ir-regoli ta' proċedura jistgħu jistabbilixxu wkoll proċeduri ta' votazzjoni ta' emerġenza.

L-opinjonijiet, l-aħjar prattika regolatorja u r-rapporti maħruġa jew adottati mill-GRET għandhom jiġu ppublikati, u għandhom jindikaw ir-riżervi tal-NRA fuq it-talba tiegħu.

3.   Il-GRET għandu jaħtar il-President u l-Viċi-President tiegħu minn fost il-membri tiegħu, soġġett għar-regoli ta' proċedura. Il-mandat tal-President u tal-Viċi-President għandu jkun ta' sena. Il-President u l-Viċi President għandhom ikunu responsabbli biex jirrappreżentaw il-GRET.

4.   Il-laqgħat tal-plenarja tal-GRET għandhom jissejħu mill-President tiegħu u għandhom iseħħu mill-inqas erba' darbiet fis-sena f'sessjoni ordinarja. Laqgħat straordinarji għandhom jissejħu wkoll fuq l-inizjattiva tal-President, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta' mill-inqas terz tal-membri tal-GRET. L-aġenda tal-laqgħa għandha tiġi stabbilita mill-President u magħmula pubblika.

5.   Il-ħidma tal-GRET tista' tiġi organizzata fi gruppi ta' ħidma ta' esperti kif adatt.

6.   Il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna għal-laqgħat kollha tal-plenarja tal-GRET u tista' tkun mistiedna u tattendi għal laqgħat tal-gruppi ta' ħidma ta' esperti tiegħu.

7.   L-esperti mill-Istati taż-ZEE u minn dawk l-istati li huma kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea jistgħu jieħdu sehem bħala osservaturi tal-laqgħat tal-GRET. Il-GRET jista' jistieden esperti u osservaturi oħra biex jattendu l-laqgħat tiegħu.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 5

Konsultazzjoni

Fejn xieraq, il-GRET għandu, qabel ma jadotta opinjonijiet, l-aħjar prattika regolatorja jew rapporti, jikkonsulta lill-partijiet interessati u jagħtihom l-opportunità biex jikkummentaw f'perijodu ta' żmien raġonevoli. Il-GRET għandu, bla ħsara għall-Artikolu 8, jagħmel ir-riżultati tal-proċedura ta' konsultazzjoni pubblikament disponibbli.

Artikolu 6

Trasparenza u responsabbiltà

1.   Il-GRET għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu b'livell għoli ta' trasparenza. Il-GRET għandu jiżgura li l-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jingħataw informazzjoni oġġettiva, affidabbli u faċilment aċċessibbli, b'mod partikolari rigward ir-riżultati tal-ħidma tiegħu.

2.   IL-GRET għandu fuq bazi annwali u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, jadotta programm ta' ħidma għas-sena li ġejja, għandu jittrasmettih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u jagħmlu pubblikament disponibbli. Il-GRET għandu jippubblika wkoll rapport annwali tal-attivitajiet tiegħu.

3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lill-GRET biex jindirizzhom dwar kwistjonijiet rilevanti relatati mal-attivitajiet tal-GRET.

Artikolu 7

Provvediment ta' informazzjoni lill-GRET

Il-Kummissjoni u l-NRAs għandhom jipprovdu l-imformazzjoni mitluba mill-GRET sabiex ikun jista' jwettaq il-kompiti tiegħu. L-informazzjoni għandha tiġi ġestita f'konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

Artikolu 8

Kunfidenzjalità

Il-GRET m'għandux jippubblika jew jiżvela lil partijiet terzi informazzjoni li huwa jipproċessa jew jirċievi li għaliha ntalab trattament kunfidenzjali.

Fejn il-parir mitlub jew il-mistoqsija mqajma hija ta' natura kunfidenzjali, membri tal-GRET, osservaturi u kwalunkwe persuna oħra, għandhom ikunu taħt l-obbligu li ma jiżvelawx informazzjoni li saru jafu biha permezz tal-ħidma tal-GRET jew tal-gruppi ta' ħidma tal-esperti tiegħu

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50.

(2)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 51.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Settembru 2008 (għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' mit-16 ta’ Frar 2009 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' …

(4)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(8)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(9)  ĠU L 200, 30.7.2002, p. 38.

(10)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(11)  ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49.

(12)  ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Fis-16 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità tas-Suq Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (1). Fid-19 ta' Novembru 2007, il-Kunsill irċieva l-proposta tal-Kummissjoni (2).

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-24 ta' Settembru 2008.

Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-opinjoni tiegħu fid-19 ta' Ġunju 2008 (3).

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-opinjoni tiegħu fid-29 ta' Mejju 2008 (4).

Il-Kummissjoni emendat il-proposta tagħha fil-5 ta' Novembru 2008 (5).

Il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu fis-16 ta' Frar 2009.

II.   GĦAN

Ir-Regolament propost, li jagħmel parti mill-qafas regolatorju tal-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi ppreżentat mill-Kummissjoni f'Novembru 2007, jimmira li joħloq korp Komunitarju ġdid. Dan għandu jikkontribwixxi, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva Qafas u tad-Direttivi speċifiċi, għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, billi jħeġġeġ b'mod partikolari l-iżvilupp ta' komunikazzjoni elettronika transkomunitarja. Huwa għandu jservi ta' ċentru ta' għarfien espert għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fil-livell tal-UE, billi jagħmel użu mill-esperjenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. B'hekk l-applikazzjoni tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika tkun koerenti, u dan għandu jsaħħaħ il-kompetizzjoni u jikkontribwixxi għall-kompetittività.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1)   Osservazzjonijiet ġenerali

Anke jekk il-Kunsill jagħżel format ta' att ġuridiku differenti minn dak propost mill-Kummissjoni, il-Pożizzjoni Komuni tintegra l-parti l-kbira tal-emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari, interament, parzjalment jew sostanzjalment.

Hi fiha wkoll għadd ta' emendi ġodda bl-għan li jinħoloq korp flessibbli u indipendenti bi struttura ta' appoġġ għad-dritt privat.

Parti mill-emendi adottati mill-Parlament Ewropew ma jidhrux fil-Pożizzjoni Komuni minħabba li l-Kunsill qabel li ma kinux meħtieġa jew aċċettabbli jew, f'ċerti każijiet, minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni tħassru jew ġew riabbozzati b'mod eżawrenti.

B'mod partikolari, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu bil-perspettiva tat-titjib u t-tisħiħ tal-istrutturi eżistenti, b'mod partikolari l-Grupp ta' Regolaturi Ewropej (“ERG”). Il-korp il-ġdid propost għandu jieħu post l-ERG u jtejjeb il-modalitajiet tal-funzjonament tiegħu sabiex qabel kollox jiżgura t-trasparenza u l-effikaċja fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Il-Kunsill għażel li l-ERG jiġi stabbilit permezz ta' Regolament Komunitarju fejn jiġu definiti b'mod aktar preċiż il-kompiti tiegħu, il-funzjonament tiegħu kif ukoll ir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet Komunitarji. Dan il-korp il-ġdid, imsemmi l-GERT (“Grupp ta' Regolaturi Ewropej fit-Telekomunikazzjonijiet”) mhux ser ikun aġenzija Komunitarja u lanqas mhu ser ikollu personalità ġuridika. Huwa għandu jkollu struttura ta' appoġġ għad-dritt privat. B'dan il-mod, il-GERT għandu jkun korp flessibbli u effikaċi, li jaġixxi b'mod indipendenti, fil-limiti tal-kompiti tiegħu, b'mod partikolari fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva Qafas u tad-Direttivi speċifiċi.

Il-Kunsill żied jew emenda għadd ta' dispożizzjonijiet sabiex jiżgura li l-kompożizzjoni tal-GERT tkun ċara, l-organizzazzjoni interna tiegħu tkun proporzjonata mal-kompiti tiegħu u l-modalitajiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet ikunu sempliċi u effikaċi. Il-Kunsill, bħall-Parlament Ewropew, ikkunsidra li huwa importanti li l-korp il-ġdid jeżerċita l-attivitajiet tiegħu b'mod trasparenti u jagħti rendikont lill-istituzzjonijiet Ewropej.

2)   Osservazzjonijiet speċifiċi

a)   Suġġett, kamp ta' applikazzjoni u objettivi

Il-Kunsill jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew, skont liema, il-korp il-ġdid għandu jinħoloq fi ħdan is-suq intern tan-netwerks u s-servizzi tal-konumikazzjoni elettronika (emendi 7-13). Il-korp il-ġdid, li għandu jkun korp konsultattiv, għandu jagħti l-assistenza tiegħu lill-NRAs (“Awtoritajiet Regolamentarji Nazzjonali”) u jgħin lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha (emenda 12). Huwa għandu wkoll iservi bħala korp għal riflessjoni, dibattitu u parir għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika u jagħtihom parir, meta jitolbuh jew bl-inizjattiva tiegħu stess (emendi 17-18, 52). Fil-fatt, huwa għandu jieħu post l-ERG (“Grupp ta' Regolatorji Ewropej”), li attwalment jagħti parir u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tas-suq intern (emenda 13). Huwa għandu jkompli l-ħidma tal-ERG, filwaqt li jaħdem għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Kummissjoni, sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri kollha tal-qafas regolatorju għan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern (emendi 11, 48-49, 53).

Il-Kunsill jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew li l-attivitajiet tal-korp il-ġdid għandhom jiddaħħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva Qafas u tad-Direttivi speċifiċi u jiġu definiti b'mod ċar (emendi 47-50, 56-60, 64, 69, 75-78, 80, 85, 87, 91-92, 97, 98, 99, 105). Fi qbil mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill iqis li l-GERT għandu wkoll l-għan li jelabora u jxerred, fost l-NRAs, l-aħjar prattika regolatorja, bħal approċċi, metodoloġija jew linji gwida komuni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju (amendement 53). Huwa jikkondividi wkoll maż-żewġ istituzzjonijiet li l-ENISA (“Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni”) m'għandhiex issir parti integrali tal-grupp ġdid li m'għandux ikollu kompetenzi fil-livell Ewropew f'dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni (emendi 9-10, 24, 27, 36, 50, 56, 65, 89, 107 (d), 143).

Kontrarjament għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill iqis li l-isem GERT (“Grupp ta' Regolaturi Ewropej tat-Telekomunikazzjonijiet”) ikun aktar adattat għall-korp il-ġdid milli l-isem ORET (“Korp ta' Regolaturi Ewropej tat-Telekomunikazzjonijiet”) (emenda 47). Minkejja li l-Kunsill jaqbel mal-Parlament Ewropew dwar il-fatt u li tenħtieġ bażi aktar soda għall-ħolqien ta' korp bħal dan (emenda 8), huwa jqis li l-GERT m'għandux ikollu karatteristiċi ta' aġenzija u lanqas personalità ġuridika (emendi 14, 51). Bħall-Parlament Ewropew, il-Kunsill iqis li l-GERT għandu jipprovdi għarfien espert u jistabbilixxi fiduċja permezz tal-indipenenza tiegħu, il-kwalità tal-parir li huwa jagħti u l-informazzjoni li jxerred, it-trasparenza tal-proċeduri tiegħu u l-metodi ta' operat, u d-diliġenza tiegħu fit-twettiq tal-kompiti assenjati lilu (emenda 12). Fil-fatt, il-Kunsill iqis li hu meħtieġ li l-GERT jiġi stabbilit b'Regolament Komunitarju bl-għan li jissokta l-iżvilupp ta' prattika regolatorja koerenti bis-saħħa ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħin bejn l-NRAs u bejn dawn u l-Kummissjoni, sabiex jissaħħaħ is-suq intern tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

Il-prinċipju ta' proporzjonalità jipprojbixxi li jinqabżu l-limiti ta' dak li hu meħtieġ għall-ilħuq tal-objettiv intenzjonat. Il-Kunsill iqis li dan l-objettiv jista' jintlaħaq mill-GERT li huwa korp aktar ħafif u inqas burokratiku minn aġenzija Komunitarja.

F'dak li jirrigwarda l-kompiti tal-GERT, kontrarjament għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill iqis li l-attivitajiet tal-GERT għandhom ikunu diretti b'mod partikolari lejn il-kwistjonijiet marbutin mar-regolamentazzjoni ekonomika tas-swieq tal-komunikazzjoni elettronika bl-esklużjoni ta' responsabbiltajiet li mhumiex definiti b'mod ċar minn qabel (emendi 16, 19, 20, 22, 26, 28, 68, 70, 71, 79, 81-84, 86, 93, 95, 102, 103-104, 106). Il-Kunsill ma jikkondividix l-opinjoni tal-Parlament Ewropew li l-GERT għandu wkoll jagħti parir lill-atturi tas-suq (emendi 15, 54), għax jikkunsidra li l-GERT għandu jkun jista' jesegwixxi l-kompiti tiegħu b'mod indipendenti filwaqt li jevita kull konflitt ta' interess. Minkejja li l-Kunsill iqis li jixraq li l-GERT jistinka biex iwettaq il-kompiti tiegħu f'kooperazzjoni mal-gruppi u l-kumitati eżistenti, huwa ma jqisx li huwa xieraq li l-GERT jagħti pariri lil dawn il-gruppi u kumitati (emendi 81-84, 88).

b)   Kompożizzjoni u modalitajiet ta' funzjonament

Il-Kunsill jikkondividi l-opinjoni tal-Parlament Ewropew li l-korp il-ġdid għandu jkun kompost minn kapijiet ta' livell għoli tal-NRA stabbilita f'kull Stat Membru bir-responsabbiltà primarja li tissorvelja l-funzjonament ta' kuljum tas-suq tan-netwerks u s-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika u li huwa għandu jkollu membru minn kull Stat Membru. Huwa jaqbel ukoll li l-Kummissjoni għandu jkollha l-istatus ta' osservatur (emenda 108) u li l-korp il-ġdid għandu jkollu president u viċi presidenti eletti minn fost il-membri tiegħu (emenda 109). Il-Kunsill jikkondividi l-opinjoni tal-Parlament Ewropew li l-korp il-ġdid għandu jesegwixxi l-kompiti tiegħu b'mod indipendenti, imparzjali u trasparenti (emenda 112) u għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu bil-maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri (emenda 111). Bħall-Parlament Ewropew, il-Kunsill iqis li l-NRAs u l-Kummissjoni għandhom jieħdu kont aktar tal-opinjonijiet maħruġin mill-GERT (emenda 72).

Il-Kunsill jaqbel mas-simplifikazzjoni tal-istruttura u l-kompiti tal-korp il-ġdid proposta mill-Parlament Ewropew, b'mod partikolari meta mqabbla mal-istruttura proposta mill-Kummissjoni (emendi 107 (d)(e), 115-117, 119-120, 122, 125, 129-130, 138, 143-147) u jikkondividi l-opinjoni tal-Parlament Ewropew dwar ċerti modalitajiet ta' funzjonament, bħal per eżempju, l-adozzjoni mill-korp il-ġdid ta' regolament intern (emenda 111) u s-sejħa ta' laqgħat (emenda 110).

Madankollu, il-Kunsill huwa favur struttura organizzattiva u finanzjarja eħfef u inqas burokratika minn dik proposta mill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill iqis li għall-eżekuzzjoni tajba tal-kompiti tal-GERT mhu meħtieġ la li jinħoloq kunsill ta' regolaturi, u lanqas post ta' direttur ġenerali (emendi 107, 108, 114, 126-127, 131, 133-139, 142). Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-GERT, il-Kunsill iqis li l-GERT m'għandux jirċievi finanzjament totali jew parzjali mill-baġit Komunitarju tal-GERT (emendi 37, 51, 168, 149-151, 153-154). Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li la huwa meħtieġ u lanqas proporzjonali mal-kompiti fdati lill-GERT li tingħażel il-forma ta' aġenzija Komunitarja (emendi 14, 51, 163, 168). F'dak li jirrigwarda l-perijodu ta' sentejn u nofs tal-mandat tal-President u tal-Viċi-Presidenti, il-Kunsill iqis li mandat iqsar ta' sena jkun aktar adegwat (emenda 109).

c)   Trasparenza u kunfidenzjalità

Il-Kunsill, bħall-Parlament Ewropew, huwa tal-opinjoni li, fejn xieraq, il-GERT għandu jikkonsulta lill-partijiet interessati u jagħtihom l-opportunità biex jikkummentaw f'perijodu ta' żmien raġonevoli, qabel ma huwa joħroġ opinjonijiet, jindika l-aħjar prattika regolatorja jew ifassal rapporti.

Ir-riżultati tal-proċedura ta' konsultazzjoni fil-prinċipju għandhom isiru pubbliċi u r-riżervi li jiġu espressi minn NRA għandhom jidhru jekk din titlob hekk (emenda 156). Il-Kunsill jaqbel mal-Parlament Ewropew li l-GERT għandu jeżerċita l-attivitajiet tiegħu bi trasparenza kbira (emenda 31).

Huwa jaqbel ukoll mal-prinċipju li l-GERT għandu jippubblika l-programm annwali tiegħu u rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu u jagħti rendikont tal-attivitajiet tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, minkejja li l-modalitajiet organizzattivi proposti mill-Parlament Ewropew huma mfasslin b'mod differenti minn dawk tal-Kummissjoni (emendi 101,118, 124, 136, 139-142, 152). Il-Kunsill, bħall-Parlament Ewropew, iqis li l-GERT għandu jirrispetta kif dovut il-prinċipju tal-kunfidenzjalità (emendi 39-40, 96). B'mod aktar partikolari, il-Kunsill iqis li l-GERT m'għandux jippubblika jew jiżvela lil partijiet terzi informazzjoni li huwa jipproċessa jew jirċievi li fir-rigward tagħha jintalab trattament kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-membri tal-GERT, l-osservaturi kif ukoll kwalunkwe persuna oħra għandhom ikunu taħt l-obbligu li ma jiżvelawx informazzjoni li saru jafu biha permezz tal-ħidma tal-GERT jew tal-gruppi ta' ħidma tal-esperti tiegħu.


(1)  COM(2007) 699 finali.

(2)  Dok. 15408/07.

(3)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 68.

(4)  TEN/327-329 — CESE 984/2008 — 2007/0247 (COD) — 2007/0248 (COD) — 2007/0249 (COD).

(5)  COM(2008) 720 finali.