ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 27

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 52
3 ta' Frar 2009


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

446 sessjoni plenarja tal-KTR id-9 u 10 ta' Lulju 2008

2009/C 027/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE COM(2007) 593 finali — 2007/0214 (COD)

1

2009/C 027/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-diversi miżuri ta' politika, minbarra finanzjament xieraq, li jgħinu t-tkabbir u l-iżvilupp ta' l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju

7

2009/C 027/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv COM(2007) 621 finali

12

2009/C 027/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-White Paper dwar l-integrazzjoni tas-swieq ta' kreditu b'ipoteka fl-UE COM(2007) 807 finali

18

2009/C 027/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Żviluppi fis-settur tal-kostruzzjoni fl-Ewropa

22

2009/C 027/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-iżviluppi fis-settur tas-servizzi lin-negozju fl-Ewropa

26

2009/C 027/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kosmetiċi (riformulazzjoni) COM(2008) 49 finali — 2008/0035 (COD)

34

2009/C 027/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/82/KE u d-Direttiva 2001/83/KE fir-rigward tal-varjazzjonijiet għat-termini ta' l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti mediċinali COM(2008) 123 finali — 2008/0045 (COD)

39

2009/C 027/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill marbuta ma' reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (Verżjoni kkodifikata) COM(2008) 202 finali — 2008/0076 (COD)

41

2009/C 027/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-suġġett Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija COM(2007) 608 finali

41

2009/C 027/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Komunikazzjoni dwar Politika Ewropea għall-Portijiet COM(2007) 616 finali

45

2009/C 027/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-trasport bit-triq — ħinijiet tax-xogħol għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom

49

2009/C 027/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (SET-plan) Lejn ġejjieni ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonjuCOM(2007) 723 finali

53

2009/C 027/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rabta bejn il-bidla fil-klima u l-biedja fl-Ewropa

59

2009/C 027/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra COM(2008) 16 finali — 2008/0013 (COD)

66

2009/C 027/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-isforz ta' l-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa l-2020 COM(2008) 17 finali — 2008/0014 (COD)

71

2009/C 027/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 COM(2008) 18 finali — 2008/0015 (COD)

75

2009/C 027/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u akkumulaturi fir-rigward ta' l-Artikolu 6(2) dwar it-tqegħid fis-suq ta' batteriji u akkumulaturi COM(2008) 211 — 2008/0081 (COD)

81

2009/C 027/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija fl-Ewropa

82

2009/C 027/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-integrazzjoni tal-minoranzi — ir-Roma

88

2009/C 027/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Elementi għall-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta' pjattaforma għal parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni fil-livell Komunitarju ta' politiki għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

95

2009/C 027/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Programm ta' Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid

99

2009/C 027/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impieg bi kwalifiki għoljin COM(2007) 637 finali — 2007/0228 (CNS)

108

2009/C 027/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta' applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta' drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru COM(2007) 638 finali — 2007/0229 (CNS)

114

2009/C 027/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna s-sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009) COM(2008) 159 finali — 2008/0064 (COD)

119

2009/C 027/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Integrazzjoni aħjar fis-suq intern — fattur ewlieni tal-koeżjoni u t-tkabbir għall-gżejjer

123

2009/C 027/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-raġunijiet għad-differenza bejn l-inflazzjoni perċepita u l-inflazzjoni reali

129

2009/C 027/28

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-programmi Komunitarji ta' għajnuna ta' qabel l-adeżjoni lill-Albanija

140

2009/C 027/29

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-twaqqif ta' netwerks ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed

144

2009/C 027/30

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rikonċiljazzjoni tad-dimensjoni nazzjonali u dik Ewropea fil-komunikazzjoni dwar l-Ewropa

152

MT

 


III Atti preparatorji

KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

446 sessjoni plenarja tal-KTR id-9 u 10 ta' Lulju 2008

3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE

COM(2007) 593 finali — 2007/0214 (COD)

(2009/C 27/01)

Nhar l-14 ta' Novembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'117-il vot favur, l-ebda vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprova l-kontenut tar-regolament attwali COM(2007) 593 finali u għandu opinjoni pożittiva dwar il-ħruġ ta' normi armonizzati fil-livell Komunitarju għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu, u jaqbel ma' l-għażla ta' proċedura waħda fil-livell Ewropew li hija valida fl-Istati Membri kollha, billi dan huwa approċċ iktar sempliċi u jinvolvi inqas spejjeż milli 27 approvazzjoni differenti li, barra minn hekk, kienu joħolqu kundizzjonijet ċari ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-frammentazzjoni tas-suq intern.

1.2

L-importanza ta' dan l-intervent hija ċara: minħabba previżjoni ta' żvilupp kontinwu fil-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu, approvazzjoni tat-tip ta' dawn il-vetturi motorizzati ma teżistix, la fil-livell nazzjonali u lanqas f'dak Ewropew. Fl-Istati Membri individwali, fejn ġew adottati regolamentazzjonijiet proviżorji, dawn huma differenti ħafna minn xulxin.

1.3

Il-KESE huwa ta' l-fehma li huwa neċessarju li titwettaq mill-iktar fis l-approvazzjoni tar-regolament li jidher kapaċi joffri qafas sod li jservi ta' punt ta' referenza għall-impriżi fis-settur, u għaldaqstant ikun kapaċi jiffavorixxi l-investiment kontinwu meħtieġ għall-iżvilupp ta' teknoloġiji marbuta ma' l-użu ta' l-idroġenu. Dwar l-għażla strateġika ta' dan l-użu, f'opinjonijiet reċenti l-KESE esprima ruħu favur, fejn stqarr li “l-idroġenu, minkejja l-limitazzjonijiet tiegħu fil-preżent, jirrappreżenta l-isfida tal-ġejjieni”.

1.4

Barra minn hekk, il-ħruġ ta' dawn l-istandards Komunitarji fil-qasam ta' l-armonizzazzjoni jikkostitwixxi element importanti li jiggarantixxi s-sikurezza għall-utenti. It-tisħiħ tal-fiduċja tagħhom hija kundizzjoni essenzjali meta wieħed iqis l-iżvilupp previst ta' dawn il-vetturi, li skond il-previżjonijiet tal-Kummissjoni sa l-2020 għandhom jilħqu l-mira ta' miljun vettura li taħdem bl-idroġenu.

1.5

Eżempju importanti li jikkonferma l-validità u l-possibilità konkreta li jintlaħaq dan l-objettiv huwa ż-żjieda kostanti u kontinwa ta' taxis li jaħdmu b'sistemi ta' karburanti ibridi li jiċċirkolaw f'New York, fejn politika urbana pożittiva tippermetti li l-ħarsien u r-rispett għall-ambjent jimxu id f'id mar-regoli tas-suq, u b'hekk jidher bil-fatti li sforzi biex jinħolqu ostakoli artifċjali għall-iżvilupp ta' din it-teknoloġija ta' sikwit huma biss manifestazzjoni tad-difiża ta' xi interessi sekondarji.

1.6

It-tilħiq ta' dan l-objettiv jidher neċessarju peress li huwa biss permezz ta' azzjoni deċiża biex il-karburanti fossili jinbidlu, li jkun possibbli li jintlaħaq objettiv li huwa konformi mal-politiki ta' l-Unjoni fir-rigward ta' l-iżvilupp sostenibbli u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Dan l-objettiv jista' jintlaħaq bis-saħħa ta' l-użu progressiv ta' l-idroġenu, tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerezzjoni u permezz ta' karburanti oħra rinnovabbli.

1.7

L-appoġġ fundamentali ta' din l-istrateġija fit-tul jistrieħ fuq impenji preċiżi fil-qasam tar-riċerka teknoloġika. Il-KESE għalhekk jitlob it-twettiq ta' programmi mmirati ta' riċerka, l-ewwel nett bl-approvazzjoni mill-iktar fis tar-regolament COM(2007) 571 finali, li jistipula l-ħolqien ta' “inizjattiva teknoloġika konġunta (JTI) permezz tat-twaqqif ta' l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu” (1). Isostni u jittama li jsiru programmi tar-riċerka mmirati lejn mezzi ġodda ta' produzzjoni u użu ta' l-idroġenu u jassoċja ruħu mat-talbiet li jsiru mid-dinja ta' l-intrapriża u tar-riċerka, attivi fis-settur ta' l-użu ta' l-idroġenu sabiex il-Kunsill u l-Parlament iħaffu l-proċess ta' l-approvazzjoni tal-proposti neċessarji.

1.8

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja minn issa l-problema tat-tkabbir tan-netwerk tad-distribuzzjoni peress li d-disponibilità ta' teknoloġiji sikuri u effiċjenti għall-ħażna kif ukoll id-distribuzzjoni adegwata huma elementi essenzjali għat-tixrid tal-vetturi li jaħdmu b'taħlita ta' gassijiet.

1.9

Fil-bidu dawn il-miżuri għandhom jiffavorixxu d-distribuzzjoni madwar it-territorju Komunitarju kollu tal-GŻL (Gass taż-żejt likwidu) u tal-metanu, li jirrappreżentaw l-objettiv l-iktar immedjat u realistiku fil-proċess tad-dekarbonizzazzjoni, anke jekk parzjali, tal-karburanti. Madankollu llum, f'ħafna pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, dawn id-distributuri huma rari ħafna jekk mhux ineżistenti. Dan l-ewwel stadju ta'riċerka f'teknoloġiji ġodda, dejjem iktar sikuri u effiċjenti, fil-qasam tal-ħażna u tad-distribuzzjoni huwa mistenni, fil-futur qrib, li jiffavorixxi l-passaġġ lejn stadju intermedju ta' distribuzzjoni ta' taħlitiet ta' gass u idroġenu, sakemm naslu fl-istadju definittiv fejn jiġi distribwit l-idroġenu.

1.10

Il-KESE jqisha ħaġa fundamentali li niffaċċjaw b'mod konkret il-kwistjoni tal-fiduċja ta' l-utenti futuri, biex jitneħħa dak id-dubju u nuqqas ta' għarfien li għad hemm rigward l-użu ta' l-idroġenu. Għaldaqstant jenħtieġ li jkun hemm programmi komprensivi ta' informazzjoni li jwasslu messaġġ ċar li jikkonferma li din it-teknoloġija, anke llum il-ġurnata, diġà laħqet il-livelli ta' sikurezza li jgawdu vetturi konvenzjonali.

1.11

Il-KESE jappoġġja l-għażla tar-regolament bħala l-istrument ġuridiku tal-proposta peress li jiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi għall-produtturi fis-settur permezz ta' l-applikazzjoni fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha ta' l-istandards stipulati.

1.12

Barra minn hekk, japprova l-proposta li l-proċess ta'elaborazzjoni u implimentazzjoni ta' l-istandards fundamentali permezz tal-“komitoloġija” u jaqbel li jiġi stabbilit perijodu transitorju fl-applikazzjoni ta' l-istandards kollha, peress li din għandha twassal għal ċerti kumplikazzjonijiet għall-impriżi fis-settur.

1.13

Il-KESE jikkunsidra li l-preżenza fl-Ewropa tal-GCG (Global Coordination Group) għar-riċerka ta' l-istandards ta' approvazzjoni tat-tip fil-livell dinji, GTR (Global Technological regulation) hija importanti, iżda jenfasizza wkoll li r-riċerka dwar dan il-ftehim ma għandhiex tkun ostakolu għall-iżvilupp ta' din il-proċedura leġislattiva. Id-disponibilità ta' strument leġislattiv xieraq u ta' l-esperjenza fl-implimentazzjoni ta' l-istandards Komunitarji għandha l-għan li ssaħħaħ il-preżenza ta' l-Ewropa fil-korpi kollha fil-livell dinji, anke biex tiġi evitata l-possibilità li naslu għal regolamenti dinjija fil-qasam tal-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu li jqisu biss esperjenza waħda li bħalissa hi disponibbli għalina (il-Ġappun).

1.14

Id-disponibilità ta' esperjenza waħda bbażata fuq regolamentazzjoni leġislattiva fil-livell Komunitarju u r-riżultati importanti li jistgħu joriġinaw minn impenn konsistenti u kontinwu fil-qasam tar-riċerka teknoloġika jistgħu jiffurmaw element fundamentali ta' appoġġ għall-kompetittività ta' l-impriżi li diġà joperaw fis-settur awtomobilistiku, meta wieħed iqis li proporzjon kbir tas-suq fil-futur jistrieħ fuq it-teknoloġiji u l-karburanti l-ġodda.

1.15

Skond il-KESE, dan kollu jitlob li jsiru għażliet kuraġġużi u f'waqthom, flimkien ma' viżjoni strateġika fit-tul li tkun marbuta ma' xenarju fil-ġejjieni fejn l-idroġenu, fiż-żmien neċessarju, ikun mistenni li jaqdi rwol importanti u deċiżiv.

1.16

Il-KESE jistieden il-Kummissjoni biex tikkunsidra mill-ġdid il-proposta ta' “tikkettar” tal-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, li tista' titqies bħala tip ta' kriminalizzazzjoni, fejn dawn il-vetturi jiġu identifikati bħala “perikolużi”, waqt li t-testijiet tas-sikurezza ħarġu b'riżultati li jikkorrispondu ma' dawk li kellhom il-vetturi li jaħdmu b'karburanti oħrajn. Minflok din it-tikketta, il-KESE jaħseb li jkun aħjar li ssir identifikazzjoni tal-karburanti li jużaw il-vetturi kollha, sabiex wieħed ikun jista' jkun jafhom b'mod ċar.

1.17

Sabiex tiġi faċilitata d-distribuzzjoni ta' vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, u fin-nuqqas ta' netwerk ta' distribuzzjoni, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tapprova anke reformers żgħar għall-produzzjoni awtomatika ta' l-idroġenu mill-metanu. (Home energy stations jew oħrajn simili). Dawn jistgħu jkunu l-ewwel pass konkret sabiex tiġi sodisfatta d-domanda ġdida għall-idroġenu, waqt li l-objettiv għandu jibqa' li l-idroġenu jiġi prodott minn sorsi li jiġġeddu, mill-bijogass sal-fotolisi, u l-elettroliżi bl-użu ta' l-elettriku prodott minn sorsi li jiġġeddu.

2.   Daħla

2.1

Ir-regolament ikkonċernat (COM(2007) 593 finali) jissejjes fuq il-fatt li fl-Ewropa ma jeżistix standard li jirregola sistema ta' approvazzjoni tat-tip għal vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu, minkejja li qed jiġi previst l-iżvilupp fil-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi li jaħdmu b'din it-teknoloġija.

2.2

Anke fl-Istati Membri individwali ta' l-UE, bħalissa ma jeżistux dispożizzjonijiet li jirregolaw il-qasam ta' din il-proposta.

Fil-fatt, fil-leġislazzjoni fis-seħħ, li tirrigwarda it-totalità ta' l-approvazzjoni ta' dawn il-vetturi, ma humiex previsti standards ġenerali relatati mal-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, xi ftit jew wisq minħabba l-karatteristiċi tagħhom differenti minn dawk ta' vetturi li jużaw karburanti konvenzjonali.

2.3

F'xi Stati Membri ġew adottati regoli proviżorji, li huma differenti ħafna minn xulxin. Jekk din is-sitwazzjoni tkompli kif inhi, aktarx li jinħolqu proċeduri ta' approvazzjoni tat-tip differenti f'kull Stat Membru individwali, u jkun inevitabbli li b'konsegwenza, is-suq intern jifframmenta, issir distorsjoni ta' l-istandards dwar il-kompetizzjoni u tonqos il-possibilità konkreta li din it-teknoloġija tikkontribwixxi b'mod deċiżiv lejn titjib fil-qagħda ambjentali.

2.4

Din il-proposta għal regolament għalhekk għandha l-għan li tiggarantixxi t-tħaddim korrett tas-suq intern u li tevita ċ-ċirkolazzjoni fl-Istati Membri individwali ta' vetturi approvati skond standards differenti, bir-riżultat li jkun hemm nuqqas ta' ekwilibriju bejn il-produtturi individwali u tikber il-possibilità li jinħolqu ostakoli artifiċjali għall-kummerċ fl-Ewropa.

2.5

Ir-riżultat ta' dan ikun li jinħoloq ostakolu għall-iżvilupp tat-teknoloġiji marbuta ma' l-użu ta' l-idroġenu fl-Ewropa, għal kuntrarju tal-bżonn li jiżdied il-pass ta' l-interventi u l-iżviluppi konkreti ta' din it-teknoloġija, li tirrappreżenta waħda mill-alternattivi l-iktar sinifikanti għall-użu tal-karburanti fossili li sal-lum ikopru 98 % tat-trasport pubbliku u privat u 50 % tas-sorsi ewlenin ta' l-enerġija, proporzjon li huwa mistenni jiżdied għal 73 % jekk ma jsirux għażliet deċiżivi favur id-diversifikazzjoni.

2.6

Dan ir-regolament jirrappreżenta, flimkien ma' programmi importanti oħrajn ta' riċerka fis-settur li jinsabu fis-7 Programm Qafas, pass importanti lejn l-użu ta' l-idroġenu fuq livell ta' sikurezza li jilħaq it-teknoloġiji konvenzjonali, u barra minn hekk, jista' jikkontribwixxi biex ikun hemm approvazzjoni min-naħa ta' l-utenti potenzjali.

2.7

M'hemmx dubju li l-ħruġ ta' standards armonizzati fil-livell Komunitarju rigward l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu huwa pass deċiżiv sabiex tintlaħaq l-approvazzjoni meħtieġa ta' l-utenti. It-tkabbir fil-fiduċja fl-użu ta' l-idroġenu min-naħa ta' l-utenti hija fattur indispensabbli sabiex titħaffef il-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi li jaħdmu b'karburanti alternattivi, b'emissjonijet baxxi ħafna ta' gass b'effett ta' serra, li huwa proċess neċessarju jekk l-ambjent ser jitħares b'mod reali u konkret.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta għal regolament dwar il-vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu tistabbilixxi objettiv sabiex jitwaqqfu standards validi fl-UE kollha għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu.

3.2

Il-proposta temenda d-Direttiva 2007/46/KE billi tinkludi l-kategoriji M1-M2-M3 u N1-N2-N3 (2) fil-qafas tal-proċedura għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta' vetturi u li l-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu jiġu inklużi fid-direttivi u fir-regolamenti kollha li jikkonċernaw il-qasam ta' l-approvazzjoni tat-tip.

3.3

Il-bażi legali tal-proposta hu l-Artikolu 95 tat-Trattat.

Il-proposta tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà peress li l-objettivi politiċi fil-livell Komunitarju ma jistgħux jintlaħqu fil-livell ta' l-Istati Membri individwali u bl-istess proċedura jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakoli għas-suq uniku.

Barra minn hekk, tiggarantixxi l-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li l-objettiv tiegħu huwa esklussivament it-tħaddim tajjeb tas-suq uniku flimkien ma' livell għoli ta' sikurrezza pubblika u ta' ħarsien ambjentali.

3.4

Il-Kummissjoni tipproponi l-għażla tar-regolament għaliex jidher li huwa meħtieġ, sabiex id-dispożizzjonijiet f'din il-proposta jidħlu fis-seħħ fl-istess waqt, u sabiex ma jkunx hemm il-bżonn li nistennew it-traspożizzjoni tiegħu fl-Istati Membri individwali, li jista' jwassal għall-adattament ta' l-istandards ta' l-approvazzjoni, f'limiti ta' żmien mhux sinkronizzati u xi kultant flimkien ma' bidliet sinifikanti fil-liġijiet tat-traspożizzjoni.

3.5

Din il-proposta għaddiet minn proċedura wiesa' ta' konsultazzjoni li involviet il-partijiet interessati kollha. Nibdew mill-“Grupp ta' Ħidma fuq l-Idroġenu”, l-istħarriġ involva l-awtoritajiet nazzjonali, il-manifatturi tal-vetturi, il-fornituri tal-partijiet tagħhom u l-assoċjazzjonijiet industrijali.

3.6

L-erba' għażliet li ġew analizzati kienu:

“status quo”, jiġifieri li s-sitwazzjoni attwali ma tinbidilx,

intervent leġislattiv fil-livell ta' l-Istati Membri,

intervent leġislattiv fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea,

approċċ mhux regolatorju: l-awtoregolamentazzjoni.

3.7

Aktar tard inħatar konsulent li organizza t-tweġibiet li jirragwardaw is-sikurezza, it-teknoloġija u l-ispejjeż relattivi ta' l-għażliet differenti. Ir-riżultati tressqu għall-opinjoni ta' l-impriżi ewlenin fil-qasam tal-karozzi li huma impenjati fit-teknoloġija ta' l-idroġenu.

3.8

Minn dan il-proċess wiesa' ta' konsultazzjoni ħareġ biċ-ċar li l-aħjar triq tkun dik ta' l-intervent leġislattiv fil-livell Komunitarju li joħloq approvazzjoni tat-tip għall-vetturi motorizzati kollha li jaħdmu bl-idroġenu.

3.9

Biex tappoġġja din l-għażla, il-Kummissjoni ppreżentat studju (3) li juri kif l-introduzzjoni ta' proċess ta' approvazzjoni stretta Ewropea tirrappreżenta l-għażla l-iktar faċli u li twassal għall-inqas spejjeż jekk titqabbel ma' l-ispejjeż teoretiċi ta' 27 approvazzjoni tat-tip differenti fil-livell ta' l-Istati Membri individwali.

3.10

L-evalwazzjonijiet tal-konsulent għalhekk ġew preżentati lill-Kummissjoni li fuq il-bażi tal-ħidma konsultattiva ta' qabel, fasslet il-proposta li qed tiġi diskussa u li tat bidu għall-proċess istituzzjonali.

3.11

Skond il-Kummissjoni, l-istandards stabbiliti f'dan ir-regolament jistgħu joffru lill-utenti tal-mezzi tat-trasport li jaħdmu bl-idroġenu, il-garanzija meħtieġa f'termini ta' sikurezza u jikkontribwixxu b'mod deċiżiv favur l-ambjent.

3.12

L-objettiv konklużiv jipprevedi li b'effett minn 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament attwali, il-konformità ta' l-impjanti, tal-komponenti kollha li jkollhom kuntatt ma' l-idroġenu u l-materjali relatati li jintużaw għandhom jissodisfaw kompletament l-istandards stipulati fir-regolament attwali.

4   Is-seduta

4.1

Waqt is-seduta fejn ħadu sehem il-Kummissjoni, rappreżentanti mid-dinja akkademika kif ukoll ta' l-impriżi tas-settur awtomobilistiku impenjati fl-iżvilupp ta' vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, ta' assoċjazzjonijiet Ewropej, tal-konsumaturi u tal-produtturi taċ-ċelloli tal-karburant, ħarġu fid-dieher ċerti punti importanti dwar l-aħħar żviluppi teknoloġiċi li wieħed ta' min jixtarr.

4.2

Ġiet enfasizzata l-importanza tat-tixrid ta' l-informazzjoni fost il-pubbliku ġenerali u ta' inizjattivi bħal dik li ilha sseħħ dawn l-aħħar snin f'Ruma (H2 Roma), li jippromovu laqgħat bejn il-produtturi u ċ-ċittadini, fejn jiġi muri l-iżvilupp teknoloġiku u tixxerred kultura ta' familjarizzazzjoni fir-rigward ta' teknoloġija li l-maġġoranza tan-nies għadhom jikkunsidraw bħala perikoluża. Dawk li attendew is-seduta interessaw ruħhom ħafna fir-rwol tal-KESE, li jista' jaqdi rwol ta' medjatur kulturali.

4.3

L-impriżi u l-konsumaturi enfasizzaw il-bżonn li wieħed ikun jista' joqgħod fuq is-sikurezza tal-vetturi u ta' l-infrastruttura tal-ħażna u tad-distribuzzjoni, iżda anke fuq id-disponibilità ta' l-idroġenu. Ir-riċerka għandha tkompli tkun appoġġjata. Ġew apprezzati l-inizjattivi Ewropej reċenti favur iċ-ċelloli tal-karburant permezz tad-deċiżjoni biex tiġi ffinanzjata Inizjattiva Teknoloġika Konġunta.

4.4

Testijiet ta' l-awtonomija wrew li llum il-ġurnata vetturi li jaħdmu bl-idroġenu diġà jistgħu jimxu sa 600 Km. Qed jiġu ppreparati testijiet ulterjuri.

4.5

Il-vettura li taħdem bl-idroġenu diġà hija realtà teknoloġika, kif urew is-seduti, iżda għad jonqos il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali neċessarji sabiex nimxu għall-pass li jmiss: il-kummerċjalizzazzjoni. L-ewwel ostakolu, ser jiġi megħlub permezz tar-regolament dwar l-approvazzjoni.

5.   Kummenti ġenerali

5.1

Il-KESE japprova l-kontenut ta' dan ir-regolament u jqis bħala punt pożittiv it-twaqqif ta' standards armonizzati rigward l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, peress li din il-proċedura hija pass 'il quddiem meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali fejn mingħajr referenzi leġislattivi, huwa ċar li se jinħolqu kundizzjonijiet ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u frammentazzjoni tas-suq intern. Huwa importanti li l-approvazzjoni tar-regolament ssir malajr kemm jista' jkun, anke minħabba raġunijiet ċari ta' sikurezza u ta' ħarsien ambjentali.

5.2

Fil-fehma tal-KESE, in-nuqqas ta' qafas preċiż ta' referenza iwassal biex jiskoraġġixxi l-investiment neċessarju u konsistenti li huwa indispensabbli għall-iżvilupp tat-teknoloġiji marbuta ma' l-użu ta' l-idroġenu bħala s-sors ta' l-enerġija għall-vettura tal-futur.

5.3

Ir-regolament in kwistjoni jidher konformi mal-politiki ta' l-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli u mal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima li huma l-bażi ta' l-inizjattivi Komunitarji u jirrappreżentaw kontribut essenzjali lejn l-objettivi ġenerali ta' l-istrateġija ta' Lisbona.

5.4

Il-KESE huwa konvint li mingħajr żvilupp mgħaġġel u konsistenti tal-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, u mingħajr sostituzzjoni progressiva tal-karburanti fossili, il-vantaġġi ambjentali jkunu limitati u ma jkunux jistgħu jinħassu fuq livell kwantitattiv. Jinsisti minflok dwar il-bżonn li tiġi promossa s-sostenibilità ambjentali u l-ġlieda bir-reqqa kontra l-bidla fil-klima, li huma miri li jistgħu jintlaħqu potenzjalment bis-saħħa ta' l-użu ta' l-idroġenu, tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni u ta' karburanti oħrajn minn sorsi li jiġġeddu.

5.5

Skond il-KESE, dan il-proċess interessanti li jibdel it-tendenza attwali, fejn id-domanda għall-enerġija hija sodisfatta l-iktar minn sorsi fossili, li llum jirrappreżentaw 85-90 % ta' l-enerġija dinjija, ser jinvolvi l-użu ta' l-idroġenu u l-impenn favur ir-riċerka fil-qasam taċ-ċelluli tal-karburant u ta' l-idroġenu. Evalwazzjoni tal-prospetti għandha tqis li fir-rigward il-karburanti fossili, huwa previst li fil-futur ser ikun hemm skarsezza u prezzijiet li jkomplu jiżdiedu b'mod kostanti.

5.6

F'opinjoni approvata mill-KESE (4) ġiet appoġġjata bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni COM(2007) 571 finali li ddeċidiet li tiffinanzja bl-ammont ta' madwar EUR 470 miljun inizjattiva tekonoloġika konġunta permezz tat-“twaqqif ta' l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu” li tippermetti, permezz ta' inizjattiva ta'riċerka fuq skala kbira, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija li jgħaqqdu flimkien ir-riżorsi rispettivi tagħhom favur programmi mmirati lejn oqsma strateġiċi għad-diversifikazzjoni u d-disponibilità futura ta' l-enerġija.

5.7

F'opinjoni suċċessiva dwar “It-taħlita enerġetika fit-trasport” (5), il-KESE “iqis li huwa indispensabbli li jiżdied b'mod deċiżiv l-iffinanzjar tar-riċerka dwar il-produzzjoni u l-użu ta' l-idroġenu” u “jassoċja ruħu mat-talbiet li ġejjin mid-dinja ta' l-intraprenditorija u tar-riċerka attivi fis-settur ta' l-iżvilupp ta' l-użu ta' l-idroġenu, sabiex il-Kunsill u l-Parlament jħaffu l-proċess ta' l-approvazzjoni tal-proposta”.

5.8

Iċ-ċelloli tal-karburant jikkonvertu l-enerġija u jistgħu jnaqqsu l-produzzjoni tal-gass b'effett ta' serra u ta' elementi oħrajn li jniġġsu. Fit-trattament tal-bijomassa, il-KESE, fl-istess opinjoni kkwotata fil-punt preċedenti, qal li qed isegwi b'interess il-progress reċenti li qed isir fil-qasam tal-katalizzaturi magħmula għaċ-ċelloli tal-karburant li huma teknoloġija li tipprometti ħafna fir-rigward tal-provvista ta' l-enerġija nadifa għall-karozzi.

5.9

Waqt li jtenni li l-użu ta' l-idroġenu fis-sostituzzjoni progressiva tal-karburanti fossili huwa pass obbligatorju u mixtieq, il-KESE jenfasizza li l-objettiv tat-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni ta' vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu jistrieħ fuq investimenti kostanti fl-oqsma kollha tar-riċerka marbutin ma' dan il-proċess. Għal din ir-raġuni l-KESE jixtieq u jappoġġja programmi mmirati ta'riċerka sabiex tissaħħaħ din l-istrateġija.

5.10

Il-Kumitat jemmen li l-problema, importanti kemm hi importanti, ta' l-ispejjeż rilevanti ta' dan il-proċess, ma tistax ssir ostakolu għall-iżvilupp ta' din it-teknoloġija u qed isegwi b'attenzjoni kbira kull programm li jimmira lejn ir-riċerka dwar il-produzzjoni ta' l-idroġenu li tkun kompatibbli mal-ħarsien ta' l-ambjent, waqt li jikkunsidra li t-triq attwali, li timmira li iktar minn 90 % ta' l-idroġenu jiġi prodott mill-metanu, hija msejsa fuq enerġija, li għalkemm hi importanti, titqies li waslet fl-aħħar.

5.11

Il-KESE jenfasizza li fl-evalwazzjoni ta' l-ispejjż marbuta ma' kull progress teknoloġiku, id-dimensjoni tar-riżorsi sostanzjali meħtieġa ma għandhiex tiġi valutata b'rabta mal-qasam tal-vetturi privati biss, anke jekk dan huwa qasam sinifikanti, iżda għandu jkun hemm viżjoni strateġika u ta' prospettiva fejn il-valutazzjoni għandha tqis il-benefiċċji futuri li jistgħu jiġu miż-żjieda fl-użu ta' l-idroġenu b'miri iktar avvanzati, mit-trasport pubbliku u privat, it-trasport tal-merkanzija u l-karburanti għall-ferroviji u l-inġenji tal-baħar, sa l-użu ta' l-idroġenu, forsi iktar tard fil-ġejjieni, fil-qasam ta' l-impjanti li jipproduċu l-elettriku.

5.12

Il-KESE huwa konvint li jekk dawn il-programmi importanti ta' riċerka jiżviluppaw kif huwa mistenni u jirċievu l-appoġġ politiku u ekonomiku meħtieġ mill-partijiet interessati kollha, il-possibilità li naraw, fi żmien relattivament qasir, vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, parzjalment jew kompletament, tista' ssir realtà.

5.13

Eżempju konkret ta' din it-tendenza pożittiva huwa ż-żjieda kostanti u kontinwa ta' taxis li jaħdmu b'sistemi ta' karburanti ibridi fi New York, fejn politika urbana pożittiva tippermetti li r-rispett għall-ambjent jimxi id f'id mar-regoli tas-suq, u b'hekk jintwera bil-fatti li sforzi biex jinħolqu ostakoli artifċjali quddiem l-iżvilupp ta' din it-teknoloġija ta' sikwit huma biss manifestazzjoni tad-difiża ta' xi interessi sekondarji.

5.14

Fl-opinjonijiet kollha tiegħu dwar dan is-suġġett, il-KESE appoġġja l-użu ta' l-idroġenu, li anke bil-limiti attwali magħrufin, jirrappreżenta l-isfida tal-ġejjieni. Qed isegwi b'attenzjoni l-proġetti riċenti ta' inizjattivi li bl-użu ta' teknoloġiji ta' produzzjoni u tal-provvediment differenti, qed iwittu t-triq għall-użu futur ta' l-idroġenu fit-tħaddim tal-vetturi.

5.15

F'din il-prospettiva ta' żvilupp il-KESE jappella għal darb' oħra lill-Kummissjoni biex tanalizza l-problema tal-firxa tan-netwerk ta' distribuzzjoni ta' karburanti alternattivi fuq it-territorju, fejn wieħed jibda' mill-potenzjal tad-distribuzzjoni tal-gass naturali kkompressat, li fl-Ewropa għandu distribuzzjoni skarsa ħafna f'xi Stati Membri waqt li f'oħrajn ma jeżistux impjanti, barra minn xi eċċezzjoni pożittiva bħal fil-każ tal-Polonja.

5.16

L-oqsma tal-ħażna u tad-distribuzzjoni huma eżempju konkret ta' kif għandu jsir l-orjentament tar-riċerka fis-settur. Il-bżonn li jkollna teknoloġiji innovattivi fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-gass huwa problema fundamentali u deċiżiv fir-rigward tat-tixrid ta' vetturi ġodda, kemm f'fażi intermedja fejn ikun hemm taħlitiet possibbli ta' gass kif ukoll fil-każ ta' l-objettiv finali ta' l-użu ta' l-idroġenu bħala karburant.

5.17

Hemm bżonn li sistemi ta' distribuzzjoni iktar effiċjenti u sikuri jsiru disponibbli, fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba miż-żewġ impjanti li bħalissa jaħdmu fl-Ewropa, dak f'Mantova (l-Italja) u dak f'Munich (il-Ġermanja), u li r-riċerka tiġi mmirata lejn sistemi dejjem iktar teknoloġikament avvanzati li għandhom bħala l-qofol tagħhom li jintlaħqu standards għoljin fil-qasam tas-sikurezza u tal-ħarsien ta' l-ambjent.

5.18

Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jaħseb li t-tilħiq ta' standards għoljin ta' sikurezza u ta' effiċjenza fil-qasam tal-konservazzjoni u tad-distribuzzjoni ta' gassijiet kombustibbli, huwa element deċiżiv fil-fażi attwali li titlob programm konsistenti ta' distribuzzjoni fit-territorju kollu Ewropew ta' impjanti tal-GŻL u tal-metanu, u huwa objettiv iktar immedjat u realistiku mid-dekarbonizzazzjoni, anke parzjali, tal-karburanti, bħala fażi intermedjarja qabel il-fażi definittiva tad-distribuzzjoni ta' l-idroġenu. It-teknoloġiji neċessarji għall-ħażna u d-distribuzzjoni tal-gass u ta' l-idroġenu huma simili ħafna, u għalhekk l-iżvilupp ta' l-ewwel jista' biss jiffavorixxi l-iżvilupp ta' l-idroġenu.

5.19

Il-KESE jaf li l-użu ta' l-idroġenu għadu joħloq problemi ċari ta' spejjeż u ta' sikurezza, marbutin ma' ostakoli fil-passat li llum, bis-saħħa ta' testijiet iddettaljati li saru f'bosta pajjiżi, għandhom ikunu megħluba, u b'hekk l-użu ta' l-idroġenu għandu jilħaq il-livell ta' sikurezza li laħqu t-teknoloġiji konvenzjonali. It-tilħiq ta' dan l-objettiv, bl-appoġġ ta' programmi konsistenti u speċifiċi ta' informazzjoni, jista' jippermetti l-ksib mill-ġdid tal-fiduċja ta' l-utenti futuri, pass obbligatorju jekk ser jimxi 'l quddiem għal darb' oħra l-użu ta' din it-teknoloġija.

5.20

Għaldaqstant, il-KESE jqis indispensabbli li flimkien ma' din l-istrateġija msejsa fuq l-idroġenu għandu jkun hemm programm ta' informazzjoni konsistenti li jiffaċċja u jegħleb in-nuqqas ta' entużjażmu tal-konsumaturi futuri li jikkunsidraw l-idroġenu bħala prodott li fih ħafna riskji.

5.21

Programm ta' informazzjoni bħal dan li jkun komprensiv ħafna għandu jwassal messaġġ ċar: illum il-ġurnata diġà ntlaħqu livelli għoljin ta' sikurezza fir-rigward ta' l-użu ta' l-idroġenu meta mqabbel ma' vetturi konvenzjonali, anke fil-każ ta' inċidenti eventwali. Dan huwa element fundamentali sabiex tingħata kredibbiltà lill-previżjoni tal-Kummissjoni dwar it-tilħiq ta' l-objettiv li sa l-2020 jkun hemm jiċċirkolaw mill-inqas miljun vettura fit-territorju Komunitarju (p. 34 Impact Assessment).

5.22

Dan ir-regolament dwar il-ħruġ ta' standards armonizzanti fil-livell Komunitarju fil-qasam ta' l-approvazzjoni ta' vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu huwa l-ewwel pass lejn il-kisba mill-ġdid ta' din l-aċċettazzjoni u għandu jiġi appoġġjat, mill-idea fundamentali li l-użu ta' l-idroġenu għandu jikkontribwixxi b'mod deċiżiv lejn ir-rispett ta' l-ambjent, peress li, kif inhu magħruf, dan it-tip ta' karburant ma jipproduċix gassijiet b'effett ta' serra u ma jarmix elementi li għandhom il-bażi tal-karbonju.

5.23

Il-KESE jappoġġja l-għażla tar-regolament bħala element ġuridiku tal-proposta peress li jiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi għall-produtturi fis-settur permezz ta' l-applikazzjoni immedjata fl-Istati Membri kollha ta' l-istandards stipulati.

5.24

Barra minn hekk japprova l-proposta li l-proċess ta' elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istandards fundamentali jsir peremzz tal-“komitoloġija”, u jaqbel li jiġi stabbilit perijodu transitorju li jidher neċessarju għall-produtturi. Din hija għażla proporzjonata għall-kumplessità ta' din it-teknoloġija li tesiġi żmien twil għall-applikazzjoni tagħha.

5.25

Il-KESE jappoġġja u jikkunsidra importanti l-preżenza ta' l-Ewropa, flimkien mal-Ġappun u l-Istati Uniti fil-GCG (Grupp għall-Koordinazzjoni Globali), li huwa struttura li timmira lejn il-kisba ta' proċedura dinjija fil-qasam ta' l-approvazzjoni tal-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu.

5.26

Madankollu, ir-riċerka dwar mezz ta' ftehim għal din id-dimensjoni ma għandhiex tostakola l-progress ta' proċedura leġislattiva Komunitarja peress li ż-żmien għat-tilħiq ta' ftehim dinji huwa iktar twil minn dak stipulat fir-regolament attwali. Minflok, il-preżenza f'entità bħal din ta' Ewropa li għandha għad-dispożizzjoni tagħha strument leġislattiv speċifiku u li għandha esperjenza reali wiesgħa, barra milli tinforza l-preżenza tagħha, twaqqaf it-tentattiv biex dan ir-regolament jiġi approvat fuq il-bażi esklussiva ta' l-unika esperjenza li għandna disponibbli, dik tal-Ġappun.

5.27

Il-preżenza qawwija ta' l-Ewropa fil-korpi li jieħdu deċiżjonijiet li jolqtu d-dinja kollha hija element deċiżiv anke favur il-ħarsien tal-kompetittività ta' l-impriżi importanti tal-karozza li joperaw fil-livell Ewropew li ma jistgħux jitilfu l-kuntatt mal-proċessi ta' l-evoluzzjoni tas-suq fejn ir-rekwiżiti fundamentali għall-kisba ta' proporzjon kbir tas-suq fil-futur ser ikunu preżenza qawwija, f'waqtha u teknoloġikament avvanzata.

5.28

Fir-rigward ta' l-approvazzjoni skond it-tip, anke jekk hija biss aspett tal-proċess kollu, hija wkoll pass importanti lejn id-disponibilità ta' karburanti alternattivi li huma kapaċi jbiegħdu l-Ewropa mil-limitazzjonijiet tal-karburanti fossili, u ġġib magħha vantaġġi ambjentali kbar u tlestina għall-mument, li għadna ma nistgħux ngħidu meta se jkun, meta din ir-riżorsa tiġi eżawrita.

5.29

Dan kollu jirrikjedi li jsiru għażliet qalbiena u viżjoni strateġika fit-tul li hija mmirata lejn il-preżent waqt li tintrabat ma' xenarju fil-ġejjieni fejn l-użu ta' l-idroġenu huwa mistenni jaqdi rwol fundamentali.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 19.

(2)  

M1 — vetturi għat-trasport ta' persuni, b'massimu ta' 8 postijiet bilqiegħda u post ieħor għax-xuffier.

M2 — vetturi għat-trasport ta' persuni, iktar minn 8 postijiet bilqiegħda barra mill-post tax-xuffier, u tagħbija massima ta' mhux aktar minn 5 tunnellati.

M3 — vetturi għat-trasport ta' persuni, iktar minn 8 postijiet bilqiegħda barra mill-post tax-xuffier, u tagħbija massima ta' iktar minn 5 tunnellati.

N1 — vetturi għat-trasport tal-merkanzija, tagħbija massima ta' mhux aktar minn 3.5 tunnellati.

N2 — vetturi għat-trasport tal-merkanzija, tagħbija massima ta' bejn 3.5 u 12-il tunnellata.

N3 — vetturi għat-trasport tal-merkanzija, tagħbija massima ta' aktar minn 12-il tunnellata.

(3)  TRL, Ltd, il-konsulent tekniko-xjentifiku tal-Kummissjoni.

(4)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 19.

(5)  CESE 1104/2007 (TEN/297), punt 1.4, għadha mhix ippublikata fil-ĠU.


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-diversi miżuri ta' politika, minbarra finanzjament xieraq, li jgħinu t-tkabbir u l-iżvilupp ta' l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju

(2009/C 27/02)

Nhar l-20 ta' Settembru 2007, is-Sur Andrej Vizjak, il-Ministru għall-Ekonomija, f'isem il-Presidenza futura Slovena tal-Kunsill, stieden lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar

Id-diversi miżuri ta' politika, minbarra finanzjament xieraq, li jgħinu t-tkabbir u l-iżvilupp ta' l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tħejji l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Cappellini.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'122 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li l-Att dwar l-Intrapriżi ż-Żgħar għall-Ewropa (Small Business Act for Europe — SBAE), li hu stess kien talab f'diversi okkażjonijiet, għandu jippermetti li l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar terġa' tiġi introdotta, u għandu jipprovdi ċans eċċellenti sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal ta' l-intrapriżi ż-żgħar, kif ukoll jara kemm l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tassew iridu joħolqu politika ġenwina ta' appoġġ għall-SMEs u l-iżgħar kumpaniji.

1.2

Din il-politika m'għandhiex tillimita ruħha għal perijodi ta' diffikultà ekonomika, meta l-politiċi għandhom tendenza li jiskopru mill-ġdid il-benefiċċji ta' l-SMEs u l-intrapriżi ż-żgħar, speċjalment il-kapaċità tagħhom li jassorbu n-nuqqas ta' impjiegi u jnaqqsu l-istatistika tal-qgħad, iżda minflok għandha timmira li tkun politika strutturata sew li tagħti appoġġ dejjiemi lill-kompetittività ta' l-intrapriżi ż-żgħar.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda 10 miżuri fundamentali għall-appoġġ u t-tnedija mill-ġdid ta' l-iżvilupp ta' l-SMEs bil-ħolqien ta' ambjent li jkun tassew vantaġġuż għalihom, kif ukoll permezz ta' SBAE li ma jkunx biss sempliċement dikjarazzjoni politika:

għarfien tajjeb ta' l-ekonomija Ewropea, id-diversi tipi ta' SMEs, l-iżvilupp tagħhom u l-bżonnijiet tagħhom fil-livell orizzontali u settorjali b'rabta mas-suq intern fl-aspetti interni, esterni u transkonfinali tiegħu, partikularment permezz tal-pubblikazzjoni ta' rapporti annwali;

l-integrazzjoni tad-dimensjoni ta' l-SMEs fil-politiki Komunitarji kollha u fil-proċess leġislattiv;

titfittex strateġija ta' amministrazzjoni ssemplifikata fil-livelli kollha u jitwaqqaf metodu ġdid ta' konsultazzjoni fid-diversi kategoriji ta' l-SMEs u l-korpi intermedjarji li jirrappreżentawhom;

jiġi żgurat li l-leġislazzjoni fil-livelli kollha tqis is-sitwazzjonijiet u l-bżonnijiet tad-diversi kategoriji ta' l-SMEs u tapplika l-prinċipju ta' L-ewwel aħseb fiż-żgħir (Think small first);

jiġi żgurat li l-leġislazzjoni tirrispetta l-erba' prinċipji fundamentali li ġejjin: 1) valutazzjoni ta' l-impatt effettiva, 2) il-proporzjonalità, 3) il-prinċipju darba biss (only once), 4) il-protezzjoni, b'mod partikulari permezz ta' l-estensjoni tas-setgħat ta' l-SME Envoy (rappreżentant speċjali) ta' l-SMEs u l-ħolqien ta' ombudsman ta' l-SMEs għas-suq intern;

appoġġ għall-attivitajiet ta' assistenza u konsulenza ta' l-organizzazzjonijiet intermedjari li jirrappreżentaw l-SMEs;

it-tnedija mill-ġdid tal-programmi ta' kooperazzjoni ta' l-intrapriżi u ta' skambji bejn l-organizzazzjonijiet tagħhom kif ukoll il-ħolqien ta' netwerk ta' servizzi ta' appoġġ relatati;

l-iżvilupp ta' politika iżjed miftuħa u permanenti ta' innovazzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar;

is-semplifikazzjoni u l-promozzjoni ta' l-aċċess ta' l-SMEs għal programmi ta' l-UE;

jingħata bidu għal politika għat-trasferiment tas-sjieda ta' l-intrapriżi.

1.4

Il-KESE jitlob li jkun hemm implimentazzjoni ta' l-SBAE fil-livelli kollha billi jieħu l-forma ta' strument li jkun legalment vinkolanti.

1.5

Barraminhekk, jitlob li l-SBAE jħeġġeġ id-djalogu soċjali bejn l-imsieħba soċjali fl-ambitu ta' l-SMEs sabiex jinħoloq l-aħjar ambjent tax-xogħol possibbli għall-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni, inklużi l-kondizzjonijiet tax-xogħol, b'mod speċjali t-titjib fis-sigurtà u l-analiżi tar-riskji fuq il-post tax-xogħol.

2.   (Sfond) Preżentazzjoni ta' l-opinjoni esploratorja

2.1

Ir-rwol kruċjali li jaqdu l-SMEs fl-ekonomija ta' l-UE jingħaraf minn kulħadd bħala element fundamentali għat-tkabbir u l-impjieg fil-livell ta' l-UE u sabiex tinstab soluzzjoni għall-isfidi l-ġodda tal-globalizzazzjoni. Ir-riżultati tal-politiki ta' l-SME implimentati matul is-snin 2005-2007 juru l-progress sinifikanti li sar, kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali bis-saħħa ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju L-ewwel aħseb fiż-żgħir.

2.2

Il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat il-ħtieġa li l-potenzjal ta' tkabbir u ħolqien ta' impjiegi li għandhom l-SMEs jitħalla jiżviluppa u li tiġi sfruttata l-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni. Dan il-ħsieb ħareġ fir-rapport dwar l-istrateġija mġedda ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi, adottata fil-11 ta' Diċembru 2007. F'dan il-kuntest tnieda l-prinċipju tas-Small Business Act għall-Ewropa (SBAE), li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jiddefinixxi l-prinċipji u l-miżuri konkreti sabiex jittejjeb l-ambjent ta' l-SMEs Ewropej u jisfrutta d-diversità tagħhom. Din l-inizjattiva ntlaqgħet matul il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2007 u l-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta proposta sa Ġunju 2008.

2.3

Hawnhekk infakkru li l-KESE dan l-aħħar ħareġ jew qed iħejji numru ta' opinjonijiet oħra marbutin mal-politika ta' l-SMEs, fosthom:

Żviluppi fis-settur tas-servizzi lin-negozju fl-Ewropa (INT/412 — rapporteur: Calleja)

Programm ta' riċerka u żvilupp għall-SMEs (INT/379 — rapporteur: Cappellini)

Reviżjoni ta' nofs it-term tal-politika dwar l-SMEs (INT/392 — rapporteur: Burns) (qed titħejja)

L-akkwist pubbliku internazzjonali (INT/394 — rapporteur: Malosse)

Il-Mikro-kreditu (INT/423 — rapporteur: Pezzini) (qed titħejja)

2.4

Il-Presidenza Slovena tal-Kunsill talbet lill-KESE jressaq proposti ta' natura politika għat-tkabbir ta' l-SMEs. Għalhekk xogħol il-KESE m'huwiex li jagħmel lista ġdida ta' miżuri tekniċi mmirati għat-tkabbir individwali ta' l-SMEs, iżda li jipproponi qafas politiku iżjed strutturat u li joħloq innovazzjonijiet għall-SMEs.

2.5

Fost għadd ta' prijoritajiet, hemm tnejn partikulari li tressqu mill-Presidenza Slovena:

a)

li, dejjem skond id-differenza tagħhom fid-daqs, l-attività, is-settur u l-metodu ta' produzzjoni, l-SMEs ikollhom il-possibbiltà li jwieġbu għall-isfidi kbar li ser ikollhom jiffaċċjaw minħabba t-tibdil fl-industrija, fil-klima, fid-demografija, l-isfidi soċjali, kif ukoll ir-ristrutturar tas-swieq minħabba l-effetti tal-globalizzazzjoni, il-bidla fid-distribuzzjoni, l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi;

b)

li jkollhom il-possibbiltà li jiġu involuti mill-qrib fl-għażliet politiċi, il-prijoritajiet operattivi u d-deċiżjonijiet leġislattivi fil-livelli kollha li ser jaffettwaw il-qafas ta' l-attività tagħhom.

2.6

Barraminhekk, il-Presidenza Slovena titlob l-opinjoni tal-KESE b'rabta mat-tħejjija tas-Small Business Act għall-Ewropa.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

F'opinjonijiet preċedenti, il-KESE kkummenta dwar il-progress konsiderevoli li twettaq mill-SMEs, b'mod partikulari b'rabta ma' l-aċċess għall-finanzjament kif ukoll mas-semplifikazzjoni amministrattiva. Jixtieq jenfasizza b'sodisfazzjon l-iżvilupp kbir ħafna tal-pożizzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet Ewropej favur l-intrapriżi ż-żgħar u jispera li dan l-iżvilupp ma seħħx biss minħabba l-kuntest ekonomiku u soċjali li bħalissa huwa wieħed diffiċli. Madankollu, minkejja dan il-progress evidenti, xorta jibqa' l-fatt li l-politiki li tnedew f'dawn l-aħħar snin huma kkaratterizzati minn numru ta' djgħufijiet.

3.2

B'mod partikulari, il-KESE jidhirlu li l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar ma laħqitx l-għanijiet strateġiċi tagħha minħabba n-nuqqas ta' valur legali tagħha u minħabba li ta' spiss din baqgħet sempliċement dikjarazzjoni politika. Jeħtieġ li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri u fil-livell reġjonali u li jitnedew mill-ġdid il-valutazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet annwali fl-Istati Membri.

3.3

Barraminhekk, ta' spiss issemma l-bżonn li jittejjeb iktar id-djalogu mad-diversi kategoriji ta' l-SMEs; il-KESE huwa ta' l-opinjoni li hemm il-ħtieġa li tiddaħħal kultura ġdida ta' djalogu fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali li twassal għat-tisħiħ u l-istituzzjonalizzazzjoni tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet intermedjarji li jirrappreżentaw l-SMEs.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-ħolqien ta' ambjent ġdid għall-iżvilupp ta' l-SMEs kollha

Fil-kuntest ta' din il-qagħda u ta' l-isfidi kbar li ser isibu quddiemhom l-SMEs fil-futur, iżda wkoll sabiex jagħti ċerta sustanza lill-istrateġija l-ġdida ta' Lisbona adottata matul il-laqgħa fir-rebbiegħa ta' l-2008 u sabiex jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex itejbu l-kompetittività ta' l-SMEs, il-KESE jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-inizjattiva tal-Presidenza li tressaq politika innovattiva għall-SMEs, li l-pedament tagħha ser ikun l-SBAE.

4.2   Proġett Ewropew favur l-SMEs u l-mikro-intrapriżi

Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet Ewropej ma jibqgħux jiffokaw biss fuq il-kumpaniji ta' tkabbir kbir, livell internazzjonali u prinċipji differenti ta' eċċellenza billi dan wassal biex miljuni ta' intrapriżi żgħar li joħolqu valur, innovazzjoni, impjiegi u stabbiltà reġjonali ċċaħdu mill-benefiċċji ta' l-azzjoni ta' l-UE. Huwa jitlob l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha sabiex iġeddu l-politika tagħhom favur l-SMEs, billi joħolqu proġett tassew Ewropew li jgħaqqad il-forzi ekonomiċi kollha ta' l-intrapriżi medji, żgħar u mikro, sabiex iwasslu għat-tkabbir u l-impjiegi li għandha bżonn l-UE. Dan il-proġett Ewropew għandu jippromovi u jiżviluppa wkoll id-djalogu ma' l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw id-diversi tipi ta' SMEs dwar l-isfidi ewlenin il-ġodda ta' l-UE (il-bidla fil-klima, il-bidliet demografiċi u l-immigrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija) li l-SMEs ser ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom fil-ġejjieni. Ibbażat mhux biss fuq l-intrapriżi li għandhom rata għolja ta' tkabbir iżda forsi fuq kollox fuq l-ekonomija ta' prossimità u l-attivitajiet hekk imsejħa 'tradizzjonali', dan il-proġett għandu jippermetti lill-Unjoni li tniedi politika ta' promozzjoni ta' l-intrapriżi fuq skala umana u li tibda tiddependi wkoll fuq l-ekonomija lokali sabiex tiżgura t-tkabbir tal-pajjiżi membri billi tiffoka fuq ħames miżuri prinċipali.

4.2.1

Nifhmu u nfissru r-realtà tas-sitwazzjoni li qed jiffaċċjaw il-kategoriji differenti ta' SMEs. Kull politika ta' l-UE għandha tissejjes fuq fatti ċari li jagħtu informazzjoni dwar is-suġġett. Id-definizzjoni ta' SME tħaddan firxa wiesgħa ta' ċirkostanzi u tipi jew forom ta' kumpaniji (negozjanti individwali jew kumpaniji, kumpaniji li ma jħaddmu lil ħadd jew kumpaniji b'massimu ta' 250 impjegat, kumpaniji b'attivitajiet artiġjanali, kummerċjali jew soċjali, kumpaniji attivi fid-dinja professjonali) li joperaw f'varjetà ta' setturi differenti, kull wieħed b'sitwazzjoni u ħtiġijiet differenti. Ta' spiss id-data dwar il-kategoriji differenti ta' SMEs ma tkunx kompluta jew inkella ma teżistix. L-analiżi mwettqa mill-Osservatorju Ewropew ta' l-SMEs ta' qabel spiss ipprovdiet data essenzjali. Il-KESE jinsab kuntent ħafna bid-deċiżjoni tad-DĠ Intrapriżi li jniedi mill-ġdid l-Osservatorju u jitlob:

li jingħata bidu għal programm vast ta' studji ekonomiċi, inklużi dawk settorjali, dwar is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tad-diversi kategoriji ta' SMEs, anki fil-livell nazzjonali u reġjonali, u programm ta' analiżi statistika b'kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi kkonċernati;

li jiġu appoġġjati u żviluppati l-attivitajiet ta' riċerka u studju ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-intrapriżi stess fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, b'kooperazzjoni ma' ċentri ta' riċerka, universitajiet u l-Istati Membri.

4.2.2

L-integrazzjoni ta' l-aspett ta' l-SMEs fil-politiki Komunitarji kollha:il-KESE osserva li anke meta tqis l-istqarrijiet politiċi favur l-intrapriżi ż-żgħar, għad hemm tendenza qawwija fost il-leġislaturi fil-livelli kollha — jew minħabba li ma jifhmux sew is-sitwazzjoni reali, jew inkella għax jixtiequ jżommu l-affarijiet sempliċi — li awtomatikament japplikaw il-mudell tal-kumpaniji l-kbar u jsegwu l-prinċipju tal-bonsai li jistipula li dak li jgħodd għal kumpanija kbira jgħodd għall-kumpaniji ż-żgħar ukoll. Dan l-approċċ teoretiku bbażat fuq mudell ekonomiku wieħed xejn m'huwa xieraq għas-sitwazzjoni fil-verità magħmula minn biżibilju ta' forom differenti ta' kulturi tal-kumpaniji u intrapriżi, u jwassal għal sitwazzjoni fejn 'il fuq minn 90 % tal-kumpaniji Ewropej iħossu li l-politika ta' l-UE ma tagħtix kashom jew ma tifhimhomx. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE u l-Istati Membri għall-fatt li filwaqt li l-intrapriżi ż-żgħar u mikro jirrappreżentaw l-ossiġenu ta' l-ekonomija u l-impjiegi ta' l-UE, hemm ċans li jsiru d-dgħjufija tagħha mhux tort tagħhom iżda minħabba n-nuqqas ta' attenzjoni mogħtija lilhom mill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha. Il-KESE jitlob li l-SBAE fl-aħħar jipprovdi opportunità li l-affarijiet iseħħu fil-prattika u li jitqiesu l-bżonnijiet u l-partikolaritajiet tal-kategoriji differenti ta' l-SMEs b'mod obbligatorju fil-politiki, il-programmi u n-negozjati kollha, inklużi l-qasam tad-djalogu soċjali u tar-relazzjonijiet internazzjonali, kemm fil-livell Komunitarju, kif ukoll f'dak nazzjonali u reġjonali.

4.2.3

Naħdmu lejn politika ta' amministrazzjoni semplifikata: il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni issaħħaħ l-isforzi biex tissemplifika l-leġislazzjoni Komunitarja; iżda fuq kollox jitlob l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal politika ta' semplifikazzjoni iżjed effettiva, ibbażata fuq dawn il-ħames punti:

it-tfassil ta' politika ġenwina ta' L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir,

is-semplifikazzjoni, iżda mhux it-tnaqqis tar-responsabbiltà: il-KESE għandu ċerti dubji dwar il-validità u l-effiċjenza ta' eżenzjonijiet sistematiċi għall-intrapriżi ż-żgħar u jippreferi proporzjonalità fl-implimentazzjoni kif ukoll konsultazzjoni diretta ma' l-organizzazzjonijiet ta' l-SMEs konċernati,

l-involviment b'mod sistematiku ta' l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tad-diversi kategoriji ta' SMEs fil-proċess leġislattiv Komunitarju, nazzjonali u reġjonali, kif ukoll fid-djalogu soċjali fid-diversi livelli, u kollaborazzjoni ikbar mal-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni;

l-applikazzjoni b'mod sistematiku tal-prinċipju Darba biss fil-livelli kollha;

it-tħejjija ta' gwidi prattiċi u dokumenti spjegattivi dwar kull liġi adottata sabiex ikunu jistgħu jifthiemu aħjar u jkun iżjed faċli li jiġu trasposti.

4.2.4

Appoġġ għall-attivitajiet ta' assistenza u konsulenza ta' l-organizzazzjonijiet intermedjarji. L-organizzazzjonijiet intermedjarji li jirrappreżentaw id-diversi kategoriji ta' SMEs huma element kruċjali għas-suċċess tal-politiki ta' l-UE billi s-servizzi ta' assistenza teknika li joffru lill-SMEs jeħtieġu ħiliet speċifiċi li ma jistgħux jingħataw min-netwerk il-ġdid ta' l-EEN (Enterprise Europe Network). Dawn jaqdu rwol importanti ħafna billi jipprovdu lill-kumpaniji kemm b'informazzjoni kif ukoll b'appoġġ, b'mod partikulari billi jfasslu leġislazzjoni għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull kumpanija fuq bażi ta' każ każ u bit-traduzzjoni tal-leġislazzjoni fil-livell mikro-ekonomiku u lokali, inkluż mill-qrib kemm jista' jkun ta' l-iżgħar kumpaniji. Minn naħa, il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha japplikaw politika volontarja ta' appoġġ għall-attività taghhom u li l-programmi Komunitarji li jolqtu l-SMEs jaħsbu għal miżuri apposta ta' appoġġ għal dawn l-organizzazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jimplimentaw il-konklużjonijiet tar-raba' Konferenza ta' l-industriji artiġjanali u l-intrapriżi ż-żgħar fi Stuttgart dwar din il-kwitsjoni.

4.2.5

Tnedija mill-ġdid tal-programmi ta' kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-programmi ta' skambju bejn l-organizzazzjonijiet. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tniedi mill-ġdid il-programmi ta' kooperazzjoni kummerċjali inter-reġjonali li wrew kemm huma effettivi fil-passat; barraminhekk, irid jingħata appoġġ lill-azzjoni li tittieħed mill-organizzazzjonijiet intermedjarji jew għandu jsir possibbli li jinħolqu korpi li jippromovu kooperazzjoni bħal din.

4.3   Adozzjoni ta' SBAE tassew effettiv

4.3.1

F'dan il-kuntest, il-KESE jilqa' bi pjaċir kbir l-opinjonijiet pożittivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni favur il-ħolqien ta' Small Business Act għall-Ewropa, speċjalment billi l-Kumitat stess bosta drabi wera x-xewqa li jitħejja dan l-SBAE (1). Huwa jemmen li, biex ikun effettiv, l-SBAE jrid jissodisfa dawn il-kondizzjonijiet:

4.3.1.1

l-għan aħħari tiegħu irid jkun li joħloq l-aħjar ambjent possibbli għall-SMEs u l-mikro-intrapriżi fil-livelli kollha u li jagħti risposta konkreta għad-diversi sfidi li l-SMEs iridu jħabbtu wiċċhom magħhom matul iċ-ċiklu ta' ħajjithom, inkluż b'mod partikulari it-trasferiment u l-adozzjoni tas-sjieda ta' l-intrapriża; f'dan il-kuntest, l-SBAE m'għandux iwassal għal deterjorazzjoni fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati ta' l-SMEs iżda għall-kuntrarju, l-inizjattivi stabbiliti għandhom iwasslu sabiex is-sitwazzjoni tagħhom titqies aħjar;

4.3.1.2

għandu jipprovdi valur miżjud veru mhux kemm jillimita ruħu bit-taħlit ta' programmi eżistenti jew il-koordinazzjoni tal-miżuri differenti attwali;

4.3.1.3

m'għandux ikun biss stqarrija ta' intenzjoni oħra, kif b'xorti ħażina kien il-każ tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar u m'għandux ikun biss dikjarazzjoni politika min-naħa ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE u l-Istati Membri; l-SMEs u l-mikro-intrapriżi Ewropej jistħoqqilhom aħjar u l-KESE huwa tal-fehma li l-għoti ta' valur leġislattiv lill-SBAE juri u jagħti prova ta' l-impenn ta' l-UE biex tieħu azzjoni effettiva fejn jidħlu l-SMEs u l-mikro-intrapriżi;

4.3.1.4

għandu jkun vinkolanti kollu kemm hu u għandu japplika għal-livelli kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet Ewropew, nazzjonali u reġjonali billi jiffoka fuq l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha, filwaqt li jħalli l-implimentazzjoni tiegħu f'idejn l-Istati Membri (2);

4.3.1.5

għandu japplika għall-politiki Komunitarji kollha billi jintegra l-SMEs f'dawn il-politiki kollha u billi jiżviluppa approċċ olistiku li jqis kif xieraq l-aspetti kollha tal-politiki u tal-konsegwenzi tar-regoli l-ġodda fuq it-tipi ta' SMEs.

4.3.2

Il-KESE jitlob li l-SBAE jintegra ħames miżuri ta' politika ewlenin li jiżguraw li l-leġislazzjoni ma xxekkilx l-iżvilupp u l-kompetittività tad-diversi kategoriji ta' SMEs;

4.3.2.1

Niżguraw li t-testi leġislattivi fil-livelli kollha jitfasslu billi jitqiesu s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet partikulari tat-tipi differenti ta' SMEs. Għal dan il-għan, għandha tiġi stabbilita din ir-regola bażika għal-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet: il-proposti leġislattivi jridu jiġu żviluppati billi jqisu l-ħtiġijiet u l-istennijiet ta' l-SMEs, b'mod speċjali l-iżgħar fosthom, u fuq il-prinċipju L-ewwel aħseb fiż-żgħir, b'enfasi partikulari fuq dawk li jaħdmu għal rashom, li jgħoddu għal iktar minn nofs l-intrapriżi Ewropej kollha. Dan kollu jassumi b'mod partikulari l-konsultazzjoni sistematika ta' l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' l-SMEs, kif ukoll il-parteċipazzjoni, f'livell xieraq, ta' esperti minn dawn l-organizzazzjonijiet fil-ħidma tal-kumitati konsultattivi li jieħdu ħsieb kwistjonijiet fil-livell reġjonali, nazzjonali jew Ewropew li jista' jkollhom impatt fuq l-SMEs, hekk kif intalab mill-Kunsill tal-Kompetittività tat-13 ta' Marzu 2006.

F'dan ir-rigward, il-KESE jitlob li f'kull Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni jinħatar rappreżentant speċjali għall-SMEs (l-SME Envoy) li jkollu d-dmir li jara li l-miżuri leġislattivi, kif ukoll il-programmi regolati mid-DĠ, iqisu l-prijoritajiet u l-istennijiet ta' l-SMEs u tal-mikro-intrapriżi.

4.3.2.2

Niżguraw li l-leġislazzjoni tirrispetta l-prinċipji fundamentali. Għall-KESE, l-effikaċja tal-leġislazzjoni fil-livelli kollha u ta' programmi konġunti jew individwali jew ta' miżuri favur l-SMEs tiddependi minn jekk dawn l-erba' prinċipji jiġux inklużi fl-SBAE, u mill-implimentazzjoni sistematika tagħhom fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali:

Valutazzjoni sistematika ta' l-impatt fuq l-SMEs : l-ebda test leġislattiv ma għandu jiġi adottat qabel ma tkun saritlu valutazzjoni sistematika ta' l-impatt fuq il-kategoriji differenti ta' SMEs involuti, sabiex jitkejlu l-effetti ekonomiċi u soċjali diretti u indiretti, il-piż amministrattiv u l-ispejjeż ta' l-informazzjoni u ta' l-investiment li din il-leġislazzjoni ġġib magħha, kif ukoll il-vantaġġi;

il-prinċipju tal-proporzjonalità : il-leġislazzjoni m'għandhiex timponi miżuri mhux meħtieġa fuq l-SMEs u trid tillimita ruħha għal dak li jkun meħtieġ strettament; il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni jridu jitfasslu skond iċ-ċirkostanzi differenti ta' l-intrapriżi konċernati u l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw il-leġislazzjoni;

il-prinċipju darba biss : ir-rwol ta' l-SMEs huwa li jipproduċu mhux li jkunu dipartimenti amministrattivi; m'għandhomx ikunu soġġetti iżjed minn darba għal dikjarazzjonijiet u proċeduri amministrattivi dwar l-istess suġġett u huwa f'idejn l-awtoritajiet amministrattivi konċernati li jgħaddu din l-informazzjoni lil xulxin; il-prinċipju ta' darba biss jista' ma jinżammx mill-uffiċċji tal-gvern li japplikaw il-prinċipju ta' persuna waħda ta' kuntatt għal kull kumpanija billi l-organizzazzjonijiet intermedjarji diġà jwettqu din il-funzjoni fil-livell nazzjonali;

il-prinċipju ta' protezzjoni : leġislazzjoni ma tistax tiġi adottata jekk tmur kontra l-iżvilupp ta' l-SMEs jew jekk tista' xxekkel il-kompetittività tagħhom. Għandu jkun possibbli li jiġu bblokkati proposti leġislattivi ġodda li ma ġewx soġġetti għal valutazzjoni sħiħa ta' l-impatt jew fejn jidher ċar li l-miżuri proposti jmorru kontra l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta' l-SMEs;

Barraminhekk, il-KESE jenfasizza l-bżonn li jkun hemm u tiġi żgurata trasparenza sħiħa fil-proċeduri amministrattivi billi l-SMEs jingħataw aċċess għad-data amministrattiva kollha dwarhom u, fejn ikun meħtieġ, jikkoreġuha.

4.3.2.3

Tnedija ta' politika ta' innovazzjoni iktar miftuħa u koerenti. Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali ma jieqfux fl-għoti ta' appoġġ lill-innovazzjoni fit-teknoloġiji ta' livell għoli biss u li jadottaw politika iktar volontarja billi jinkludu miżuri speċifiċi fil-programmi tagħhom biex jappoġġjaw l-innovazzjoni ta' teknoloġija baxxa u medja u l-innovazzjoni mhux teknoloġika fl-SMEs, b'mod partikulari fl-iżgħar intrapriżi.

In-netwerk il-ġdid ta' konsulenza EEN waħdu ma jista' qatt jintervieni b'mod effiċjenti f'isem dawk l-intrapriżi kollha li għandhom potenzjal għall-innovazzjoni. Għaldaqstant, il-KESE jitlob li l-SBAE iħaddan dawn il-prijoritajiet:

li jħeġġeġ l-imsieħba soċjali fis-settur ta' l-SMEs jipparteċipaw fid-djalogu bil-għan li joħolqu ambjent tax-xogħol tajjeb li jwassal għall-kreattività u l-innovazzjoni

li jappoġġja l-ħatra ta' konsulenti fl-organizzazzjonijiet intermedjarji ta' l-SMEs u ta' l-intrapriżi żgħar u mikro fl-iżjed livell qrib l-intrapriża, kif ukoll taħriġ apposta għall-intraprendituri u l-impjegati dwar kif tista' ssir innovazzjoni iktar effettiva bis-saħħa ta' opportunitajiet ġodda tas-swieq fi transizzjoni;

li joħloq strumenti finanzjarji mfassla għall-ħtiġijiet ta' l-iżgħar intrapriżi, u jiżgura li dawn jappoġġjaw ukoll il-miżuri mmirati lejn l-impjegati;

li jħeġġeġ l-Istati Membri u lir-reġjuni sabiex, flimkien ma' l-organizzazzjonijiet ta' l-SMEs, iniedu kampanja għall-identifikazzjoni ta' l-innovazzjonijet teknoloġiċi u mhux teknoloġiċi fl-SMEs u b'mod partikulari fil-mikro-intrapriżi.

4.3.2.4

Inżidu l-aċċess għall-programmi Komunitarji. Il-KESE jemmen li l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi u l-eżistenza ta' ħtiġijiet diverġenti qegħdin jagħmluha dejjem iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, għall-kumpaniji ż-żgħar biex jieħdu sehem fil-programmi ta' l-UE, u dan qed iwassal għas-sitwazzjoni paradossali fejn l-organizzazzjonijiet intermedjarji qegħdin juru dejjem inqas interess fi programmi bħal dawn. Biex insemmu eżempju wieħed, ir-restrizzjonijiet legali attwali ma jippermettux azzjoni innovattiva bħall-appoġġ għal proġetti pilota esperimentali, u b'hekk iċaħħdu l-UE minn grupp sħiħ ta' proposti innovattivi. Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu riveduti l-prinċipji u d-dispożizzjonijiet: meta wieħed iqis l-importanza ta' dan ix-xogħol, jinduna li m'huwiex f'idejn din l-opinjoni li ssib il-bidliet li jeħtieġ li jsiru, iżda minkejja dan il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-qafas ta' l-SBAE, tibda kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' l-SMEs sabiex tistipula kondizzjonijiet ġodda għall-iżvilupp u l-parteċipazzjoni fil-programmi f'livelli reġjonali differenti.

F'dan il-kuntest huwa essenzjali li l-fondi strutturali jħeġġu l-aċċess ta' l-SMEs għall-kuntratti pubbliċi speċjalment fl-iktar oqsma żvantaġġati (3).

4.3.2.5

Niffaċilitaw u nħeġġu t-trasferiment tas-sjieda ta' l-intrapriżi. B'mod partikulari, il-KESE jenfasizza r-riskju tat-trasferiment tas-sjieda ta' intrapriża speċjalment għall-intrapriżi ż-żgħar ta' produzzjoni u ta' servizzi f'żona urbana u f'żona rurali: l-għajbien mistenni tagħhom, li madankollu ma jistax jiġi evitat, ser ikollu effetti negattivi kbar fuq iż-żamma ta' l-attività u l-impjiegi f'dawn is-setturi. Minn naħa, il-ħolqien ta' sistemi li jgħinu biex jgħaqqdu flimkien il-bejjiegħa u x-xerrejja, u l-introduzzjoni ta' inċentivi finanzjarji jew fiskali għandhom jiġu promossi, min-naħa l-oħra, l-intraprendituri għandhom jitħeġġu jassiguraw kapitalizzazzjoni aħjar biex iżommu l-valur ta' l-assi tagħhom.

Is-sitwazzjoni speċifika ta' l-intraprendituri, per eżempju dawk f'żoni rurali, teħtieġ l-iżvilupp ta' strutturi innovattivi bħas-sħubijiet pubbliċi-privati.

4.4   Il-qalba ta' l-SBAE għandha tkun strument legalment vinkolanti

4.4.1

Sabiex jiżgura li l-SBAE jkun tabilħaqq effiċjenti, il-KESE jitlob li dawn il-miżuri jiġu adottati mill-Kunsill u mill-Parlament f'forma ta' att legalment vinkolanti li jimponi ruħu fil-livelli tat-teħid ta' deċiżjonijiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali.

4.4.2

F'dan il-kuntest, il-KESE jitlob li ssir evalwazzjoni annwali ta' l-implimentazzjoni ta' l-SBAE u l-politiki kollha ta' l-SMEs fil-livell ta' l-UE u dak nazzjonali u li jinżamm informat bil-progress li jkun sar: dan ir-rapport annwali għandu jkun is-suġġett ta' kapitolu speċifiku separat fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona.

4.4.3

Wara dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tressaq ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-implimentazzjoni, kemm quddiem l-Istati Membri kif ukoll quddiem ir-reġjuni, u beħsiebha toħroġ opinjoni dwar dan.

4.4.4

Il-KESE jitlob li din l-analiżi annwali twassal għall-modifika jew ir-reviżjoni tal-politiki ta' l-SBAE jew l-SMEs, fejn xieraq.

4.4.5

Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinvolvu l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-kategoriji differenti ta' SMEs fil-ħolqien ta' l-SBAE u l-implimentazzjoni tiegħu.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Il-potenzjal ta' l-intrapriża, speċjalment ta' l-SMEs (l-Istrateġija ta' Lisbona) (ĠU C 256, 27.10.2007, p. 8).

(2)  Ara l-opinjoni dwar L-akkwist pubbliku internazzjonali ĠU C 224, 30.8.2008, p. 32, li fiha l-KESE jistqarr li “huwa kontra li fl-UE tiġi stabbilita sistema ta' kwoti għall-SMEs fuq il-mudell tas-Small Business Act li hemm fl-Istati Uniti”.

(3)  Ara l-opinjoni CESE 979/2008 “L-akkwist pubbliku internazzjonali” (għadu mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/12


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv

COM(2007) 621 finali

(2009/C 27/03)

Nhar id-19 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Mendoza Castro.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta ta' l-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'108 voti favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' bi pjaċir u japprova l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv, u jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-istrateġija u l-politika tat-turiżmu tagħha għas-snin li ġejjin permezz ta' din l-aġenda li ser isservi bħala qafas għall-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika. Din il-politika l-ġdida diġà tressqet fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tiġdid tal-Politika ta' l-UE dwar it-Turiżmu: Lejn partenarjat aktar b'saħħtu għat-Turiżmu Ewropew.

1.2

Il-Kumitat japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex tqassar f'qasir żmien bosta dokumenti, opinjonijiet u dibattiti importanti. Intlaħaq l-objettiv li l-pubbliku jingħata stampa ċara u sodisfaċenti tar-riżultati tal-ħidma tal-Grupp għas-Sostenibilità tat-Turiżmu, ta' l-esperti li ħejjew ir-rapport u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li saret wara.

1.3

Il-KESE jemmen li din il-politika tfasslet fuq sisien adatti, jiġifieri l-istrateġija mġedda ta' Lisbona, l-objettivi ġenerali ppjanati għat-titjib tal-kompetittività u s-sostenibilità kif ukoll dawk iktar partikolari tal-prosperità ekonomika, l-ekwità u l-koeżjoni soċjali, kif ukoll il-ħarsien ta' l-ambjent u l-kultura.

1.4

Jaqbel ukoll ma' l-isfidi identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll l-approċċ propost biex jiġu indirizzati. Il-metodu propost jikkonsisti fil-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha permezz ta' forom differenti ta' kollaborazzjonijiet u ta' “kollaborazzjonijiet kompetittivi”. Din il-parteċipazzjoni titqies bħala l-qalba tal-politika tat-turiżmu l-ġdida u ta' l-aġenda li għandha sservi bħala qafas għall-implimentazzjoni tagħha. L-importanza ta' l-isfidi indikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija evidenti, u fil-ġejjieni l-istudju kontinwu dwar l-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra fuq is-sostenibilità għandu jkun wieħed mill-elementi ewlenin ta' din l-aġenda.

1.5

Il-KESE japprova l-impenn tal-Kummissjoni biex timplimenta din il-politika l-ġdida bis-saħħa tad-djalogu, il-kooperazzjoni, miżuri ta' appoġġ ġodda u l-koordinazzjoni bejn id-diversi partijiet ikkonċernati. L-Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv hija l-applikazzjoni ta' metodu konkret u ta' l-istrumenti ta' azzjoni li ġew proposti għal kull parti interessata fil-qasam tat-turiżmu Ewropew. Madankollu, huwa stmat li permezz tad-DĠ Intrapriża l-Kummissjoni tista' u għandha taqdi rwol attiv u tmexxi t-tnedija ta' bosta inizjattivi fil-livell Ewropew, bħat-turiżmu soċjali, it-turiżmu għal kulħadd u t-taħriġ fis-settur turistiku. B'mod speċifiku, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-istituzzjonijiet l-oħra għandhom jagħmlu sforzi ikbar biex jinvolvu l-intrapriżi ż-żgħar, ta' daqs medju u l-mikro-intrapriżi fis-sostenibilità tat-turiżmu u fl-aġenda li sservi biex jiġi implimentat u jintlaħaq dan l-objettiv. Il-Kumitat jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi d-“destinazzjonijiet Ewropej ta' eċċellenza” bħala eżempju ta' prattika tajba u ta' dak li jista' jinkiseb.

1.6

Il-KESE jerġa' jipproponi u jirrakkomanda li jitħeġġeġ il-ħolqien ta' Forum Ewropew dwar it-Turiżmu, u li jsir progress fir-riflessjoni dwar il-Kunsill Konsultattiv Ewropew tat-Turiżmu u dwar l-Aġenzija Ewropea tat-Turiżmu, u fl-istudju dwar kif jistgħu jiġu implimentati. Dawn iż-żewġ korpi jistgħu jservu bħala forum fejn l-awtoritajiet tat-turiżmu u d-diversi partijiet interessati fis-settur turistiku jkunu jistgħu jiltaqgħu biex itejbu u jxerrdu l-informazzjoni dwar it-turiżmu sostenibbli u kompetittiv, biex jiggarantixxu s-segwitu ta' l-implimentazzjoni tal-politika u l-aġenda tat-turiżmu u, b'mod partikolari, biex jidentifikaw it-tendenzi fis-settur turistiku u jfasslu l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu f'dan il-qasam. B'mod speċifiku, l-objettiv tal-ħidma ta' dawn il-korpi jista' jkun il-bidla fil-klima, l-impatt tagħha fuq it-turiżmu u l-passi li għandhom jittieħdu f'din il-kwistjoni.

1.7

Il-KESE jilqa' bi pjaċir ix-xewqa tal-Kummissjoni li ttejjeb l-użu ta' l-istrumenti finanzjarji disponibbli. It-turiżmu soċjali, b'mod speċjali, jitqies bħala qasam xieraq biex jinbdew xi esperimenti ta' natura transnazzjonali fil-forma ta' proġetti pilota. Xi eżempji jistgħu jkunu t-turiżmu soċjali u t-turiżmu għal kulħadd, l-iżvilupp tar-riżorsi umani, l-iżvilupp tal-prodott u l-penetrazzjoni tas-suq. Fil-fehma tal-Kumitat diġà jeżisti l-kuntest biex jinbdew xi esperimenti transkonfinali fil-forma ta' proġetti sperimentali f'dawn l-oqsma.

1.8

Il-KESE jilqa' l-qofol tal-ħidma li saret fil-kuntest ta' Aġenda 21 għat-turiżmu. Ir-riżultati tagħha, li jissemmew fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv, jikkompletaw u jikkonkretizzaw il-politika ġenerali tas-sostenibilità fil-qasam tat-turiżmu Ewropew. Fil-fatt, id-dokument tekniku tal-kummissjoni li nħolqot għal dan il-għan isawwar il-pedament tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jikkompletaha. Għalhekk, dawn iż-żewġ dokumenti għandhom jiġu kkunsidrati b'mod konġunt.

1.9

Rigward l-istatistika, il-KESE jilqa' s-sejħa għall-proposti li nediet il-Kummissjoni fuq it-talba tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b'rabta mal-ħolqien ta' netwerk ta' osservatorji tat-turiżmu li bis-saħħa tagħhom ser tkun tista' tinġabar u tixxerred id-data tas-settur. Dan in-netwerk ser jintroduċi wkoll viżjoni strateġika u prospettiva sabiex ikunu jistgħu jitbassru u jitfasslu l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-ġejjieni.

1.10

Il-KESE huwa lest li jkompli għaddej bil-ħidma tiegħu fil-qasam tat-turiżmu b'konformità mal-linji proposti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġenda in kwistjoni, u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, lill-Istati Membri, u lir-reġjuni u l-lokalitajiet, kif ukoll lill-partijiet interessati fis-settur — l-intraprendituri u t-trejdjunjin kif ukoll iċ-ċittadini kollha — biex jikkolaboraw bil-għan li jittejjeb l-għarfien tas-settur turistiku u biex jappoġġjaw it-turiżmu bħala dritt ta' kulħadd u bħala attività ekonomika strateġika għall-futur ta' l-Ewropa. Sabiex jinkiseb turiżmu sostenibbli u kompetittiv tinħtieġ ukoll ir-responsabilità tal-partijiet interessati u l-konsumaturi kollha.

1.11

Għalkemm il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tqis ċerti kriterji u elementi ta' natura soċjali fl-approċċ tagħha dwar l-attività turistika, il-KESE jiddispjaċih li ma ssir l-ebda referenza għall-kunċett u r-realtà taċ-ċittadinanza Ewropea. It-turiżmu huwa, u jista' jkun ħafna iktar, wieħed mill-fatturi tal-koeżjoni billi jiġbor flimkien kulturi u realtajiet soċjali madwar din iċ-ċittadinanza Ewropea li aħna lkoll mitluba nippromovu u niżviluppaw. Il-varjetà u d-diversità tal-kulturi, tal-lingwi, tal-patrimonji naturali u kulturali ta' l-Istati Membri differenti huma rikkezza enormi li tista' u għandha tintuża u tiġi sfruttata bħala mezz biex insiru nafu iktar min aħna u biex jiġu rikonoxxuti d-drittijiet tagħna bħala ċittadini Ewropej. Aspett ieħor li jistħoqqlu prominenza kbira fid-dibattiti u d-dokumenti fil-livell Ewropew dwar it-turiżmu huwa l-kultura billi jista' jkun hemm is-sinerġiji bejn it-turiżmu u l-kultura, kif diġà wera l-Kumitat f'opinjoni preċendenti.

1.12

Fil-kuntest tat-titjib tal-kompetittività u tas-sostenibilità ta' l-attività turistika jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi partikolari tad-destinazzjonijiet. Il-Kumitat jirrakkomanda li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-Istati Membri li jiddependu ħafna mit-turiżmu. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-ħtiġijiet tat-territorji differenti meta jitfasslu l-politiki u l-proposti fil-qasam tat-turiżmu. Fl-istimi ta' l-impatt li twettaq il-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat l-impatt sproporzjonat potenzjali li t-turiżmu jista' jkollu f'reġjuni u setturi differenti, per eżempju fir-rigward tad-destinazzjonijiet li jiddependu ħafna mit-trasport bl-ajru u li ma jistgħux jintlaħqu b'mezzi oħra tat-trasport jew li jiddependu kważi għal kollox minnu, bħal m'hu l-każ tal-gżejjer.

1.13

Il-KESE jemmen li l-prinċipji u l-valuri kollha li jinsabu fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri s-sostenibilità, il-benesseri soċjali, il-kompetittività, il-kooperazzjoni, is-sħubija, il-vijabilità ekonomika, is-sigurtà, il-kwalità ta' l-impjiegi, eċċ., huma parti integrali mill-mudell turistiku Ewropew mhux għax jifformaw sensiela ta' regoli iżda għaliex dawn il-prinċipji u l-valuri huma implimentati b'mod ġenerali madwar l-Unjoni Ewropea.

1.14

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni timxi 'l quddiem b'mod konġunt ma' organizzazzjonijiet oħra fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni fil-livell Ewropew ta' l-għarfien u l-kompetenzi fis-settur turistiku bil-għan li tittejjeb il-kwantità u l-kwalità ta' l-impjiegi fis-settur. Jeħtieġ nippromovu l-Europass li bis-saħħa tiegħu joħorġu fid-dieher il-ħiliet u l-kwalifiki personali b'mod sempliċi u li jista' jinftiehem faċilment madwar l-Ewropa kollha kemm hi (l-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi ta' l-EFTA/iż-ŻEE u l-pajjiżi kandidati) tal-ħaddiema li jkunu qed ifittxu xogħol u li jiċċaqilqu madwar il-kontinent kollu għal raġunijiet professjonali.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Sabiex nifhmu u napprezzaw aħjar dak li l-Kummissjoni tixtieq twassal lill-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet Ewropej, ser nippreżentaw taqsira tal-Komunikazzjoni u tal-punti ewlenin tagħha.

2.1   Introduzzjoni tal-Komunikazzjoni

2.1.1

L-isfida tal-bilanċ bejn is-sostenibilità u l-kompetittività. Fl-ewwel paragrafu ta' l-introduzzjoni, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tagħraf l-ewwel u qabel kollox ir-rwol ċentrali u strateġiku tat-turiżmu fl-ekonomija Ewropea. Dan il-punt mhux ibbażat biss fuq data kwantitattiva, iżda wkoll fuq l-abilità tat-turiżmu li joħloq l-impjiegi u b'hekk jagħti kontribut biex jintlaħaq l-objettiv ta' l-istrateġija mġedda ta' Lisbona. F'dan il-kuntest nistgħu nsemmu r-rata tat-tkabbir li tbassret għal dan is-settur, jiġifieri iktar minn 3 %, li mingħajr l-iċken dubju ser tagħti kontribut siewi għall-objettivi marbuta ma' l-impjiegi. Però, f'ċerti każi u fuq perijodu twil ta' żmien, din ir-rata tista' twassal biex jinqabżu ċerti limiti li timponi s-sostenibilità.

2.1.2

Il-kompetittività u s-sostenibilità: żewġ kundizzjonijiet kompatibbli. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tgħid b'mod ċar li l-kompetittività tiddependi mis-sostenibilità u mill-kwalità ta' l-esperjenza turistika, u fiha ssir referenza espliċita għall-eżiġenzi li l-bidla fil-klima qed timponi fuq l-industrija tat-turiżmu. Ir-responsabilità soċjali ta' l-intrapriżi tista' tagħti kontribut deċiżiv biex jiġu applikati l-miżuri għall-adattament u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għall-innovazzjoni u l-valur tal-prodotti turistiċi f'dinja li qed tħabbat wiċċha ma' sfidi importanti fil-livell globali.

2.2

Kontenut ta' l-aġenda. B'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta' bilanċ ġdid bejn il-benesseri tat-turisti, l-ambjent u l-kompetittività ta' l-intrapriżi u tad-destinazzjonijiet. Kulħadd għandu jipparteċipa fil-ħolqien ta' dan il-bilanċ.

2.2.1

L-għanijiet u l-isfidi. Bħala linji gwida għall-azzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-Kummissjoni tippreżenta tliet objettivi bażiċi fl-aġenda: il-prosperità ekonomika, l-ekwità u l-koeżjoni soċjali kif ukoll il-ħarsien ta' l-ambjent.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ssemmi lista ta' sfidi importanti immens li għandhom jiġu indirizzati sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi:

il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u kulturali;

it-tnaqqis tat-tniġġis u ta' l-użu tar-riżorsi;

il-ġestjoni tal-bidla fl-interess tal-benesseri taċ-ċittadini;

it-tnaqqis ta' l-istaġjonalità tat-talba;

il-ġlieda kontra l-impatt tat-trasport fuq l-ambjent;

l-aċċess tat-turiżmu għal kulħadd;

il-kwalità ta' l-impjiegi fis-settur turistiku;

il-garanzija tas-sigurtà tat-turisti u tal-komunitajiet lokali.

Din il-lista ta' sfidi tibqa' miftuħa u ħajja, u l-partijiet interessati fis-settur turistiku jridu jaġġornawha, jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħha u jimmaniġġjawha bi spirtu ta' kooperazzjoni l-ħin kollu.

2.2.2

Qafas għall-azzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tisħaq li l-azzjoni koerenti sabiex jintlaħqu l-objettivi u jiġu ffaċċjati l-isfidi tinvolvi l-kollaborazzjoni u l-ġestjoni responsabbli tad-destinazzjonijiet, l-intrapriżi u t-turisti; u tintroduċi l-kundizzjonijiet biex tinlaħaq din il-koerenza.

2.2.3

Il-prinċipji. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tressaq disa' prinċipji sabiex jinkiseb turiżmu sostenibbli u kompettitiv. Fosthom ta' min jenfsizza dawn li ġejjin:

ir-rispett tal-limiti li jistgħu jiġu stabbiliti rigward l-ammont ta' turisti li jista' jilqa' l-pajjiż, il-faċilitajiet jew il-volum tal-flussi turistiċi;

il-ksib ta' pass u ritmu ta' l-iżvilupp li huma xierqa għar-riżorsi naturali, kulturali u soċjali disponibbli f'kull ħin u f'kull mument;

pjan fuq medda twila ta' żmien — kundizzjoni indispensabbli sabiex jinsab bilanċ bejn is-sostenibilità u l-kompetittività.

2.3

Nimxu 'l quddiem flimkien. F'din il-parti l-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet interessati kollha, li l-attività tagħhom tħalli impatt fuq is-settur, jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u jaħdmu b'mod volontarju u kostanti. Il-mudell propost huwa bbażat fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u preferebbilment l-azzjoni tittieħed fil-livell tad-destinazzjoni, iżda bl-appoġġ nazzjonali u Ewropew. Għaldaqstant, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tindirizza kemm ir-rwol tad-diversi partijiet interessati fis-settur kif ukoll dak tal-Kummissjoni Ewropea fid-dawl tat-trattat.

2.3.1

Ir-rwol tal-partijiet interessati fis-settur. Wara l-konklużjonijiet tal-Grupp għas-Sostenibilità tat-Turiżmu, il-Komunikazzjoni tagħraf ir-responsabbiltajiet wiesgħa u r-rwoli speċifiċi għat-tliet oqsma ta' azzjoni: id-destinazzjoni, l-intrapriżi u t-turisti. Issir referenza b'mod partikolari għall-ħtieġa li l-messaġġ dwar il-bżonn li jinstab bilanċ bejn is-sostenibilità u l-kompettività jasal u jixxerred fost il-mikro-intrapriżi.

2.3.2

Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tagħraf ir-responsabbiltajiet tagħha li tieħu azzjoni b'konformità mat-trattat u twiegħed li ser tintroduċi u tippromovi diversi inizjattivi Komunitarji fil-kuntest ta' l-aġenda u l-implimentazzjoni tagħha. Fost id-diversi inizjattivi, ta' min isemmi b'mod speċjali erba' gruppi ta' azzjoni:

il-mobilità tal-partijiet interessati sabiex jiksbu u jaqsmu l-għarfien — dan dejjem fil-kuntest tal-bilanċ bejn is-sostenibilità u l-kompetittività; il-Forum Ewropew dwar it-Turiżmu huwa eżempju tajjeb ta' l-iskambju ta' l-ideat u l-esperjenzi;

il-promozzjoni u l-appoġġ tad-destinazzjonijiet Ewropej ta' eċċellenza bħala eżempju tal-prattika t-tajba, kif ukoll ir-reklamar tagħhom bħala netwerk ta' destinazzjonijiet marbuta li jkunu sostenibbli u kompetittivi;

l-użu tad-diversi strumenti finanzjarji ta' l-UE — il-Kummissjoni twiegħed li ser ixxerred l-informazzjoni meħtieġa biex dawn l-istrumenti jintużaw aħjar fis-settur turistiku;

l-integrazzjoni tas-sostenibilità u l-kompetittività fil-politiki tal-Kummissjoni u l-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji għar-reġjuni varji li għandhom interessi u ħtiġijiet differenti: il-kosta, il-muntanja, iż-żoni rurali u ż-żoni urbani.

2.4   Konklużjoni tal-komunikazzjoni

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tikkonkludi billi ssejjaħ għal kollaborazzjoni sħiħa bejn il-partijiet interessati kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni prattika ta' l-aġenda. Tittenna r-rakkomandazzjoni għall-kollaborazzjoni fil-livelli kollha bħala kundizzjoni sabiex tittejjeb il-kompetittività u jiġi ggarantit turiżmu Ewropew attraenti u sostenibbli fuq perijodu twil ta' żmien. Il-Kummissjoni tistipula li l-valutazzjoni tal-pjan ta' azzjoni stabbilit fl-aġenda ser issir fl-2011. B'hekk l-objettiv tal-Kummissjoni f'din il-Komunikazzjoni huwa pjuttost ċar.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-għarfien tat-turiżmu u ta' l-importanza strateġika tiegħu għall-ekonomija Ewropea instigaw stqarrijiet, kemm formali kif ukoll informali, fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. Bis-saħħa ta' dawn l-istqarrijiet issaħħaħ ir-rwol ta' dan is-settur, ixxerred il-messaġġ fost il-partijiet interessati kollha u, fl-aħħarnett, ingħatat spinta qawwija 'l quddiem lil dan is-settur mhux biss għal raġunijiet ekonomiċi iżda wkoll għall-valur soċjali tiegħu fil-bini ta' Ewropa taċ-ċittadini. Filwaqt li jingħaraf il-fatt li dan is-settur ingħata spinta qawwija 'l quddiem, għad baqgħalna x'naqdfu sabiex it-turiżmu jibda jaqdi dan ir-rwol ċentrali fil-politika Ewropea, kemm issa kif ukoll fil-ġejjieni.

3.2

Ta' min jinnota b'mod partikolari li t-trattat il-ġdid ta' Lisbona jagħraf l-importanza tat-turiżmu għall-Ewropa, u lill-Unjoni Ewropea jagħtiha iktar possibilitajiet biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp tiegħu. Lill-UE dan it-trattat jagħtiha l-kompetenza u l-missjoni li tappoġġja s-settur turistiku u li tikkoordina jew tikkompleta l-azzjoni ta' l-Istati Membri f'dan is-settur. Dan it-trattat jistipula li wieħed mill-objettivi ta' l-UE huwa li jinħoloq ambjent li jħeġġeġ l-iżvilupp ta' l-intrapriżi u l-iskambju ta' l-aħjar prattiki f'dan il-qasam.

3.3

It-turiżmu ġie indirizzat f'diversi istituzzjonijiet Ewropej:

fil-Parlament Ewropew, li kemm-il darba approva b'mod differenti ħafna r-riżoluzzjonijiet dwar it-turiżmu u l-impatt tiegħu fuq l-impjiegi u l-ekonomija. Biżżejjed insemmu r-riżoluzzjonijiet dwar it-Turiżmu u l-iżvilupp u dwar il-Prospetti ġodda u l-isfidi l-ġodda għal Turiżmu Ewropew sostenibbli;

fil-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, li indirizza t-turiżmu diversi drabi permezz tal-konklużjonijiet u l-pjanijiet ta' azzjoni, l-iktar sabiex jinsisti fuq il-ħtieġa li t-turiżmu jsir attività sostenibbli, kompetittiva u li toħloq l-impjiegi. Għandhom jissemmew b'mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill li ġew adottati fis-7 ta' Lulju 2006 b'rabta mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika tat-turiżmu l-ġdida fl-Unjoni Ewropea, li fihom din il-politika l-ġdida tintlaqa' tajjeb u l-Kummissjoni hija mistiedna taqdi rwol attiv fil-koordinazzjoni tal-politiki differenti;

fil-Kummissjoni Ewropea, bis-saħħa tad-diversi komunikazzjonijiet tagħha, speċjalment dik ta' Marzu 2006 li tfassal il-politika tat-turiżmu l-ġdida fl-UE, bis-saħħa tal-ħolqien, il-promozzjoni u l-organizzazzjoni ta' forums Ewropej dwar it-turiżmu kif ukoll bl-organizzazzjoni ta' konferenzi dwar temi varji: it-turiżmu soċjali, Aġenda 21 għat-turiżmu, fost bosta attivitajiet oħra bħall-proġett sperimentali dwar id-“destinazzjonijiet Ewropej ta' eċċellenza”, li rrikonoxxew u ppromovew l-aħjar prattiki użati fl-Istati Membri ta' l-UE u fil-pajjiżi kandidati;

fil-Kumitat tar-Reġjuni, li fost xogħlijiet oħra ħejja opinjoni dwar il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni: Qafas ta' kooperazzjoni għall-ġejjieni tat-turiżmu Ewropew u Tendenzi bażiċi għas-sostenibilità tat-turiżmu Ewropew;

fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li kien, għadu u jibqa' jinteressa ruħu b'mod partikolari f'dak kollu li għandu x'jaqsam mat-turiżmu, kif jixhdu l-ħdax-il opinjoni approvati mill-1999 sa llum dwar dan is-suġġett, il-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-forums Ewropej differenti dwar it-turiżmu organizzati mill-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni tiegħu f'diversi jiem dwar aspetti differenti tat-turiżmu kif ukoll il-promozzjoni li għamel għal dawn l-avvenimenti. Ta' min tissemma l-kollaborazzjoni li teżisti bejn il-KESE u l-istituzzjonijiet l-oħra fl-inizjattivi kollha li huma jniedu f'dan il-qasam.

3.4

Din l-opinjoni tal-KESE għandha tkun valutazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li qed tiġi analizzata billi tagħraf il-kontributi tagħha kemm għall-politika kif ukoll għall-metodu ta' ġestjoni. L-opinjoni tipprova wkoll tfassal proposti bil-għan li jarrikkixxu jekk mhux it-test stess għall-inqas id-dibattitu dwaru.

3.5

F'lenti li tixbah lil dik ta' l-opinjoni CESE INT/317 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-politika ta' l-UE dwar it-turiżmu, din l-opinjoni tixtieq terġa' ssostni li:

it-turiżmu huwa dritt taċ-ċittadini kollha, hekk kif inhu stipulat fil-Kodiċi Dinji ta' l-Etika fit-Turiżmu, u dan iġib miegħu l-obbligu li nikkonformaw mal-prattiki t-tajba;

it-turiżmu huwa dritt li jiġġenera r-rikkezza u vijabilità ekonomika diretta u indiretta b'mod speċjali fil-mikro-intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju; b'hekk jitqies bħala industrija strateġika li wriet li hija stabbli għall-Ewropa;

il-kwalità tal-prestazzjoni tal-partijiet interessati fis-settur u r-reponsabilità ta' l-untenti lejn il-komunitajiet lokali huma valuri li għandhom jinżammu bħala l-bażi tal-kontinwità tagħha;

it-turiżmu għandu jew għandu jkollu impatt ekonomiku, soċjali, ambjentali u urban pożittiv fil-livell lokali u reġjonali, u f'dan is-sens it-turiżmu huwa strument biex insiru nafu l-kulturi l-oħra u l-modi differenti ta' ħajja u ta' mġiba, mingħajr ma ninsew il-kooperazzjoni interreġjonali;

it-turiżmu huwa settur dinamiku u joħloq ħafna impjiegi għal-lum u għal għada, u li t-turiżmu jista' jkun li joħloq impjiegi ta' kwalità, stabbli u bid-drittijiet soċjali;

it-turiżmu ma jaħrabx il-problemi bħall-iffullar esaġerat u l-istaġjonalità li minħabba fihom tintilef il-kompetittività;

il-Kumitat jemmen fil-virtujiet prattiċi ta' l-Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv li fiha fehmiet ċari u objettivi ambizzjużi;

il-mudell turistiku Ewropew huwa ħtieġa interna u jista' jsir referenza dinjija jekk ma jkunx ibbażat fuq ir-regoli iżda fuq il-valuri tal-kwalità, is-sostenibilità, l-aċċessibilità, eċċ., li huma aċċettati b'mod ħieles mid-destinazzjonijiet turistiċi u l-partijiet interessati kollha;

il-mudell turistiku Ewropew huwa msejjes fuq destinazzjonijiet differenti, fuq approċċi differenti għat-turiżmu u fuq id-diversi tipi ta' turiżmu — dawn il-fatturi jarrikkixxu l-mudell turistiku Ewropew;

il-mudell turistiku Ewropew huwa strument tajjeb għall-paċi u l-fehim bejn il-popli.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tressaq b'mod ċar il-proposta dwar il-bilanċ neċessarju bejn is-sostenibilità u l-kompetittività u l-mod kif dan jista' jintlaħaq fil-prattika f'test li mhux twil wisq. Mingħajr l-ebda dubju dan jixhed l-isforz konsiderevoli biex issir sinteżi tal-materjal u l-ħtieġa li jiġu analizzati bosta dokumenti, opinjonijiet u dibattiti. Jeħtieġ nenfasizzaw li ntlaħaq l-objettiv li s-soċjetà tirċievi b'mod ċar il-prosposta bażika tal-Kummissjoni rigward il-futur tas-settur u l-azzjonijiet li jridu jsiru f'din l-industrija kumplessa.

4.2

L-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-aġenda jidhru adatti għax jeżaminaw kemm l-impatt ekonomiku tat-turiżmu u l-abilità tiegħu li joħloq l-impjiegi fost iż-żgħażagħ, kif ukoll il-ħtieġa li jinħoloq bilanċ bejn is-sostenibilità u l-kompetittività li fuq perijodu twil ta' żmien ikunu jistgħu jsaħħu lil xulxin. L-istimi ta' l-impatt bħal dik tal-marka ekoloġika (carbon footprint) tad-diversi attivitajiet u reġjuni, jew tal-limiti ta' kemm jistgħu jinġarru u jintlaqgħu turisti huma aspetti ċentrali sabiex jintlaħaq u jinżamm il-bilanċ bejn dawn il-fatturi varjabbli. L-idea ġenerali li l-attività turistika għandha l-limiti f'termini ta' skala u ritmu hija l-bażi tal-bilanċ bejn is-sostenibilità u l-kompetittività.

4.3

Forsi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni setgħet tanalizza bir-reqqa t-trattat il-ġdid ta' Lisbona sabiex tara x'inhi r-rabta bejnu u l-aġenda u l-progess li jġib miegħu biex tiġi applikata l-politika Ewropea l-ġdida tat-turiżmu. M'għandniex ninsew li l-istati u r-reġjuni kemm-il darba esprimew ix-xewqa li jżommu l-kompetenzi tagħhom fil-qasam tat-turiżmu, mingħajr ma jxekklu r-rwol ta' l-Unjoni bħala xprun u koordinatur f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aspetti komuni li jistgħu jtejbu l-kompetittività tas-settur turistiku Ewropew. Il-ħolqien u l-ġestjoni ta' portal ta' l-Internet Ewropew għall-promozzjoni ta' l-Ewropa bħala destinazzjoni turistika, per eżempju, diġà wera li hu mezz utli u xieraq biex jippromovi l-pajjiżi kollha ta' l-UE bħala destinazzjoni turistika varjata u speċjali.

4.4

L-isfidi u l-objettivi kollha li tħabbar il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha huwa bla dubju ta' xejn dawk prinċipali u fis-snin li ġejjin it-turiżmu għandu jiffoka fuqhom. L-isfidi ewlenin tas-sostenibilità u tat-titjib tal-kompetittività huma wiesgħa biżżejjed biex iservu bħala l-bażi ta' sfidi ewlenin oħra, bħat-titjib tal-kwalità, il-ġlieda kontra l-istaġjonalità tat-turiżmu jew it-titjib tal-ħiliet ta' dawk li jaħdmu fis-settur turistiku — dawn l-isfidi ssemmew ukoll fl-aġenda.

4.5

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ttenni s-sejħa tagħha għall-kollaborazzjoni billi, b'konformità mal-politika l-ġdida tat-turiżmu, it-tisħiħ ta' din il-kollaborazzjoni ġie propost bħala l-qalba u l-marka tagħha. B'mod partikolari, ta' min wieħed jenfasizza r-rwol tat-trejdjunjins u ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-intraprendituri li għandhom jiġu involuti fil-proċess ta' kollaborazzjoni, u li huma mistieda jipparteċipaw fid-dibattiti u l-forums kollha kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-miżuri ġenerali għat-titjib tas-settur. Jeħtieġ ukoll jitwaqqaf netwerk ta' bliet u destinazzjonijiet turistiċi b'interess komuni — it-titjib tal-kompetittività u s-sostenibilità. Il-promozzjoni tad-destinazzjonijiet Ewropej ta' eċċellenza hija meqjusa pożittiva, u huwa enfasizzat il-fatt li dan il-kunċett għandu jinkludi t-trattament ġust tar-relazzjonijiet soċjo-professjonali u l-parteċipazzjoni tat-trejdjunjins u ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-intraprendituri fi ħdan id-destinazzjoni magħżula. Dan għandu jsir bħala mezz biex tittejjeb is-sostenibilità u l-kompetittività tad-destinazzjonijiet turistiċi.

Għandu jiġi enfasizzat ir-rwol li jistgħu jaqdu l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom.

4.6

Il-Kummissjoni twiegħed li timplimenta din il-politika l-ġdida permezz tal-kooperazzjoni, l-introduzzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi u l-koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati. L-aġenda tesprimi b'mod ċar ix-xewqa li l-partijiet interessati kollha fis-settur jerfgħu responsabilità ikbar. Fil-fehma tal-KESE, id-DĠ Intrapriża għandu rwol importanti ferm x'jaqdi fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-politiki Ewropej kollha li għandhom x'jaqsmu direttament jew indirettament mat-turiżmu u t-tipi differenti ta' destinazzjonijiet li għandhom ukoll karatteristiċi partikolari.

4.7

Il-Kumitat jaħseb ukoll li l-Kummissjoni għandha taqdi rwol iktar attiv fl-introduzzjoni ta' inizjattivi Ewropej, fosthom dawk marbuta mat-turiżmu transnazzjonali fil-livell Ewropew. F'dan il-kuntest, jeħtieġ nippreċiżaw li l-KESE kemm-il darba ssuġġerixxa, u jerġa' jagħmel dan f'din l-opinjoni, li l-UE għandha tippromovi u tiffavorixxi l-ħolqien ta' Forum Ewropew dwar it-Turiżmu, u li jsir progress fir-riflessjoni dwar il-Kunsill Konsultattiv Ewropew tat-Turiżmu u dwar l-Aġenżija Ewropea tat-Turiżmu u fl-istudju dwar kif jistgħu jiġu implimentati. Dawn iż-żewġ korpi għandhom ikunu responsabbli mill-iskambju ta' l-informazzjoni u mis-segwitu tal-politiki u l-azzjonijiet fil-qasam tat-turiżmu Ewropew. Il-Kumitat jipproponi wkoll li l-Kummissjoni tippromovi r-riċerka dwar it-twaqqif ta' pjattaformi teknoloġiċi fis-settur turistiku li jkunu kapaċi jtejbu t-tqegħid fis-suq tal-prodotti turistiċi, speċjalment fid-dawl tal-possibilitajiet ta' promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa, u ż-żoni li minnhom jistgħu jiġu t-turisti (iċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja, eċċ.).

4.8

Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tisħaqx bizzejjed fuq ir-rwol tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs) fix-xenarju l-ġdid tat-turiżmu — kemm mil-lat ta' l-utenti kif ukoll mil-lat ta' l-intrapriżi u l-partijiet interessati fis-settur. L-isforzi fir-riċerka u l-iżvilupp f'dan is-settur bil-għan li jittejjeb l-użu ta' dawn it-teknoloġiji għandha tkun prijorità għas-snin li ġejjin. Dawn l-isforzi ser iwasslu għall-ġestjoni mtejba tad-destinazzjonijiet, l-intrapriżi u t-turisti, u bil-mod il-mod jintlaħaq il-bilanċ mixtieq.

4.9

Ix-xewqa evidenti li jiġu adottati miżuri konkreti, u b'mod iktar partikolari, li jintużaw aħjar l-istrumenti finanzjarji Ewropej disponibbli hija importanti, però l-Kumitat jiddispjaċih li ma ġiex propost programm bil-għan preċiż li jilqa' l-isfidi ewlenin tat-turiżmu Ewropew li ġew identifikati perfettament fil-Komunikazzjoni. Jeħtieġ noqogħdu attenti li l-fondi kollha maħsuba direttament jew indirettament għat-turiżmu jintużaw b'mod effikaċji u effiċjenti sabiex jintlaħqu l-objettivi.

4.10

Biex tinftiehem din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha tinqara fid-dawl tal-kontributi importanti tar-rapport tal-Grupp għas-Sostenibilità tat-Turiżmu. Dan id-dokument ipprovda kriterji importanti għat-tħejjija ta' l-aġenda, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mat-tqassim tar-rwoli bejn il-partijiet interessati fis-settur. L-isforzi ta' l-esperti magħrufa matul diversi xhur ħallew il-frott billi offrew approċċi kumplementari u prattiċi għal għadd ta' kwistjonijiet marbuta mas-sostenibilità u l-kompetittività.

4.11

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tindikax b'mod ċar xi rwol ingħata lill-istatistika tas-settur turistiku. Il-KESE jemmen li din għandha tagħti kontribut għas-segwitu ta' l-implimentazzjoni ta' l-aġenda, u b'mod speċjali tagħti importanza ikbar lill-fatturi varjabbli tas-sostenibilità, tal-kompetittività kif ukoll ta' l-impjiegi.

4.12

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza b'mod ċar il-ħtieġa li l-politiki tat-turiżmu dwar is-sostenibilità u l-kompetittività jiġu integrati mal-politiki l-oħra tal-Kummissjoni u ta' l-UE kollha kemm hi sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi li jinsabu fl-aġenda.

4.13

Kif diġà ntqal fid-dokument tal-KESE bit-titolu Id-dikjarazzjoni ta' Katowice kif ukoll fl-opinjonijiet dwar It-turiżmu u l-kultura: żewġ forzi għat-tkabbir u dwar It-tiġdid tal-politika ta' l-UE dwar it-Turiżmu u f'dokumenti oħra tal-Kumitat, jeħtieġ ukoll li jiġu organizzati kampanji ta' komunikazzjoni sabiex jinformaw u jqajmu kuxjenza fost il-popolazzjoni Ewropea, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, dwar il-qasam tat-turiżmu.

4.14

Il-Kumitat jaħseb li huwa kruċjali li t-taħriġ, kemm formali kif ukoll fuq il-post tax-xogħol, jikkorrispondi mal-ħtiġijiet ta' l-intrapriżi u jkabbar il-possibilità li n-nies isibu xogħol. Iċ-ċertifikazzjoni u r-rikonoxxenza fil-livell Ewropew ta' l-għarfien u l-ħiliet għandhom ikunu strument li jgħin fil-ħolqien ta' iktar impjiegi u ta' kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar fis-settur turistiku.

4.15

Sabiex tittejjeb il-kompetittività u s-sostenibilità tat-turiżmu, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi tad-destinazzjonijiet. Il-Kumitat jirrakkomanda li matul it-tfassil tal-politiki u tal-proposti għandhom jitqiesu l-partikolaritajiet ta' l-Istati Membri li jiddependu ħafna mit-turiżmu, u li r-reġjuni differenti jingħataw l-attenzjoni li tistħoqqilhom. Fl-istess ħin, ta' min jinnota li t-turiżmu f'destinazzjonijiet imbiegħda jista' jkollu impatt partikolarment qawwi fuq il-bidla fil-klima minħabba l-konsegwenzi u l-emissjonijiet ta' vjaġġi twal. Fil-ġejjieni, jeħtieġ titpoġġa enfasi ikbar fuq il-vantaġġi tad-destinazzjonijiet li jkunu qrib il-pajjiż minn fejn jibda l-vjaġġ tat-turista, u għalhekk jistgħu jintlaħqu b'inqas emissjonijiet tal-karbonju.

Brussell, l-10 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


ANNESS

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekomomiku u Soċjali Ewropew

Dan it-test ta' punt 4.15 ta' l-opinjoni tas-sezzjoni rċieva iktar minn kwart il-voti mixħuta, però ġie modifikat bl-emenda appovata fl-Assemblea:

4.15

Sabiex tittejjeb il-kompetittività u s-sostenibilità tat-turiżmu, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi tad-destinazzjonijiet. Il-Kumitat jirrakkomanda li matul it-tfassil tal-politiki u tal-proposti għandhom jitqiesu l-partikolaritajiet ta' l-Istati Membri li jiddependu ħafna mit-turiżmu, u li r-reġjuni differenti jingħataw l-attenzjoni li tistħoqqilhom.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur li tiddaħħal frażi ġdida: 48 Voti kontra: 43 Astensjonijiet: 16


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-White Paper dwar l-integrazzjoni tas-swieq ta' kreditu b'ipoteka fl-UE

COM(2007) 807 finali

(2009/C 27/04)

Nhar it-18 ta' Diċembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-White Paper dwar l-integrazzjoni tas-swieq ta' kreditu b'ipoteka fl-UE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Grasso.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u fl-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'123 vot favur, vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Evalwazzjoni u rakkomandazzjonijiet

1.1

Għal darba oħra, il-Kummissjoni qed titlob l-opinjoni tal-Kumitat tagħna dwar il-kwistjoni marbuta ma' l-integrazzjoni tas-suq tas-swieq tal-kreditu b'ipoteka għax-xiri ta' bini residenzjali u bini ieħor. Id-dokument ikkonċernat huwa l-White Paper dwar l-integrazzjoni tas-swieq ta' kreditu b'ipoteka fl-UE.

1.2

Normalment, il-White Paper tkun il-frott ta' evalwazzjoni politika kważi definittiva strutturata fuq “x'għandu jsir”. Din id-darba m'huwiex il-każ. Filfatt, il-Kummissjoni għandha tanalizza ħafna kwistjonijiet li għadhom inċerti bħall-fondi komuni ta' investiment, il-fornituri tas-servizzi finanzjarji, l-abbinament tal-prodottti, eċċ. B'kollox ġew ikkunsidrati 14-il aspett.

1.3

Għalhekk, il-White Paper ma tirrappreżentax proċess komplut iżda, għall-kuntrarju, għadu miftuħ minħabba l-kumplessità effettiva u evidenti tiegħu. Mela għaliex intalbet opinjoni oħra, meta nqisu li l-White Paper ma żżid xejn ġdid mal-Green Paper u li l-KESE diġà adotta opinjoni dwar il-Green Paper?

1.4

Din hija kwistjoni li, sena wara oħra, tibqa' titressaq għad-diskussjoni mingħajr ma l-Kummissjoni jirnexxielha ssib it-triq it-tajba u tieħu deċiżjoni adegwata li tegħleb l-ostakli kulturali, legali, amministrattivi, eċċ., li l-KESE jqis li huma l-ostakli reali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Kummissjoni.

1.5

L-opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper (1), li kienet adottata fil-plenarja f'Diċembru 2005 b'astensjoni waħda, tibqa' sal-ġurnata tal-lum kompletament valida.

1.6

Il-White Paper għadha tagħti stampa frammentata ħafna tas-settur minħabba l-ispeċifiċitajiet kulturali, legali, leġislattivi u soċjo-etiċi marbuta max-xiri tal-proprjetà, u'mod partikulari l-proprjetà residenzjali, fid-diversi Stati Membri.

1.7

Madankollu, il-KESE, għalkemm iħossu inċert dwar kemm hi ġenwina l-possibbiltà ta' l-integrazzjoni u l-armonizzazzjoni tas-suq tal-kreditu b'ipoteka fl-UE, li jippreżenta tant speċifiċitajiet u karatteristiċi profondament differenti (opinjoni tas-Sur Burani, 15.12.2005 (2)), fil-prinċipju japprova l-isforz tal-Kummissjoni li tistabbilixxi “regoli”, kemm jekk ikunu kodiċi ta' kondotta fakultattivi (i.e. l-aħjar prattika) jew vinkolanti.

1.8

Madankollu, din il-miżura tista' titqies eċċessiva, jekk l-intenzjoni hija li jiġu kkunsidrati mill-ġdid l-opportunitajiet daqstant pożittivi diġà preżenti fl-awtomatiżmu regolatorju tas-suq tal-kreditu b'ipoteka tal-lum.

1.9

Il-KESE jipproponi li fil-frattemp il-Kummissjoni għandha tieħu passi biex tanalizza b'aktar reqqa dawk l-oqsma (eż. reġistri tal-kreditu, proċeduri ta' esklużjoni, it-tixrid ta' l-għarfien finanzjarju) li ma jippreżentawx diffikultajiet eċċessivi, dejjem bil-kondizzjoni li l-ħidma tkun iġġustifikata.

1.10

Fil-fehma tal-Kumitat l-orjentazzjoni tal-Kummissjoni tiffoka b'mod eċċessiv fuq il-benefiċċji immedjati li ġġib magħha l-introduzzjoni ta' regoli ġodda bbażati fuq skemi interpretattivi pjuttost parzjali tas-suq tal-kreditu b'ipoteka. L-approċċ immirat lejn il-kisba ta' riżultati f'tul qasir ta' żmien, iservi biex inaqqas l-ispiża tal-finanzjament ta' l-ipoteki mingħajr, madankollu, ma jqis il-benefiċċju effettiv li jistgħu jgawdu ċ-ċittadini ta' l-UE bis-saħħa tal-prodotti finanzjarji u l-innovazzjonijiet eżistenti li jirrigwardaw lil dawn il-prodotti.

1.11

Il-KESE jsostni (kif ingħad ukoll fl-opinjoni tas-Sur Burani) li l-qafas propost mill-Kummissjoni ftit li xejn huwa allinjat ma' l-iżvilppi kontinwi tas-suq; il-qafas huwa kkonċernat dwar il-konsegwenzi fit-tul għall-partijiet kontraenti aktar vulnerabbli, jiġifieri dawk il-konsumaturi li l-aktar għandhom bżonn ikunu protetti.

1.12

Il-KESE japprezza l-fatt li ġiet stabbilita rabta bejn ir-regoli attwali tal-kreditu b'ipoteka u l-bżonn li l-konsumaturi jkunu protetti. Dawn huma intenzjonijiet ta' min ifaħħarhom u jinkoraġġihom bil-kondizzjoni li jkunu maħsuba biex irawmu iktar għarfien finanzjarju dwar is-suġġett tal-kreditu b'ipoteka. Għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tieħu passi biex issaħħaħ ir-regoli tat-trasparenza bl-għan li l-konsumaturi jkunu protetti aktar jistħoqqilha tifħir.

1.13

Fl-istess ħin però jidher li se tkun biċċa xogħol diffiċli u inċerta li jiġu imposti regoli ġeneraliikun xi jkun il-prezz jew ir-riskjudwar l-evalwazzjoni tar-riskju li jippreżentaw l-individwi li jixtiequ jissellfu.

1.14

Fil-fehma tal-KESE, il-konsumaturi għandhom ikunu protetti fil-fażi tan-negozjati marbuta mal-kreditu ta' l-ipoteka iżda min jissellef għandu jkunu konxju tar-responsabbiltajiet tiegħu fil-konfront ta' l-entità li ssellfu.

2.   Riassunt tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1

Fit-18 ta' Diċembru 2007 ġie ppubblikat id-dokument intitolat “Evalwazzjoni ta' l-impatt” {SEC(2007) 1683} li jakkumpanja l-White Paper dwar l-integrazzjoni tas-swieq ta' kreditu b'ipoteka fl-UE. Mad-dokument hemm mehmuża tliet appendiċi: i) il-karatteristiċi tas-suq tal-kreditu b'ipoteka; ii) il-proċess iii) l-evalwazzjoni ta' l-impatt fuq kwistjonijiet speċifiċi.

2.2

Għalkemm id-dokument SEC(2007) 1684 jipprovdi riassunt eċċellenti tad-dokumenti, tajjeb insemmu fil-qosor xi wħud mill-punti prinċipali fid-dokument li dwaru intalbet opinjoni ġdida tal-KESE:

toħroġ stampa frammentata ħafna tas-settur minħabba l-ispeċifiċitajiet kulturali, legali, leġislattivi u — b'mod partikulari — soċjo-etiċi marbuta max-xiri ta' proprjetà residenzjali, fid-diversi Stati Membri;

l-aspetti delikati kollha tal-kwistjoni, inklużi l-aspetti ekonomiċi u finanzjarji, ġew affermati mill-ġdid, meta nqisu l-importanza tas-suq tal-beni immobbli għall-ekonomiji ta' l-UE u l-kontribut ta' l-investimenti marbuta ma' l-ipoteki għall-profittabilità tas-settur bankarju; u

hemm enfasi fuq kif is-sitwazzjoni frammentata ta' bħalissa tista' titlob it-tressiq ta' proposta leġislattiva ġdida għat-tkabbir ta' l-integrazzjoni tas-suq.

2.3

Għalhekk, id-dokument tal-Kummissjoni jittratta l-punti li diġà kienu analizzati fil-Green Paper preċedenti dwar il-kreditu b'ipoteka. Ma setax ġara mod ieħor peress li d-dokument il-ġdid jindirizza l-integrazzjoni tas-swieq ta' l-UE tal-kreditu b'ipoteka u l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt rilevanti li ssemmew qabel.

2.4

Madankollu, il-KESE adotta opinjoni dwar il-Green Paper fil-15 ta' Diċembru 2005 (rapporteur: is-Sur Burani); effettivament, il-kontenut kollu ta' dan id-dokument jirrifletti l-pożizzjoni tal-KESE dwar is-suġġett. F'din l-opinjoni, il-KESE se jiffoka fuq żewġ punti ġodda mqajma mill-Kummissjoni:

se jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-miżuri proposti mill-Kummissjoni fid-dawl ta' l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt li saru b'relazzjoni għall-White Paper (3); u

se jfassal proposti, kif talbet il-Kummissjoni fil-konklużjoni tagħha fejn tistqarr li programm komprensiv ta' monitoraġġ u evalwazzjoni jista' jiġi żviluppat biss wara li jkunu saru proposti dettaljati (4).

3.   Kummenti tal-KESE dwar il-White Paper

3.1

Fil-White Paper insibu bosta kwistjonijiet li għandhom jissolvew, li dwarhom il-KESE intalab jagħti l-opinjoni tiegħu. Dawn jistgħu jinġabru fi 11-il punt:

1)

l-għażla tal-prodott meħtieġ;

2)

il-ħlas lura kmieni;

3)

it-taħlita ta' prodotti;

4)

ir-reġistri tal-kreditu;

5)

l-evalwazzjoni tal-beni immobbli;

6)

il-proċeduri ta' infurzar b'rabta mal-beni immobbli/proċeduri ta' bejgħ sfurzat;

7)

ir-reġistri nazzjonali;

8)

il-liġi applikabbli;

9)

ir-regoli dwar il-varjazzjonijiet fir-rati ta' l-interessi, u l-hekk imsejħa rati ta' l-użura;

10)

il-finanzjament tal-kreditu b'ipoteka;

11)

l-istituzzjonijiet mhux bankarji u dawk li jipprovdu servizz.

3.2   Kummenti dwar punti speċifiċi fl-evalwazzjoni ta' l-impatt

3.2.1

Informazzjoni pre-kuntrattwali. Biex jitnaqqsu l-iżbilanċi fl-informazzjoni matul il-fażi pre-kuntrattwali, il-KESE jemmen li huwa importanti li l-informazzjoni titqassam u tixxerred u li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-kreditu b'ipoteka. Dan m'għandux jissarraf f'aktar spejjeż għaċ-ċittadini.

3.2.1.1

Iż-żieda ta' l-informazzjoni u t-tixrid ta' l-għarfien finanzjarju huma prerekwiżiti għall-evalwazzjoni effikaċi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji b'rabta ma' sitwazzjoni ta' riskju. Filfatt, l-aħjar mod biex il-partijiet kontraenti ma jitħallewx jieħdu riskji eċċessivi huwa li jkollhom għarfien effettiv ta' dawn l-istess riskji.

3.2.1.2

Il-KESE jemmen li huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-regoli u d-dispożizzjonijiet vinkolanti għandhom ikopru l-metodi tat-tqassim ta' l-informazzjoni u l-previżjoni ta' penali potenzjali marbuta mal-ksur tagħhom. Madankollu, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-impożizzjoni ta' obbligu sic et simpliciter fuq waħda mill-partijiet kontraenti jkollha biss l-effett li dik il-parti tipprova tgħaddi dan l-obbligu fuq il-parti l-oħra.

3.2.2

Kodiċi tal-kondotta. Il-KESE jemmen li għandhom jinħolqu inċentivi biex il-kodiċi volontarja tal-kondotta tiġi rispettata.

3.2.2.1

B'hekk, min ikun qiegħed jissellef ikollu stampa aktar ċara tar-riskju li jista' jiffaċċja, u l-possibbiltajiet li jakkwista kondizzjonijiet finanzjarji vantaġġużi.

3.2.2.2

Il-miżura li nistgħu nikkunsidraw tista' tinvolvi l-possibbiltà li ssir proċedura obbligatorja għal dawk li jissellfu li jwieġbu lista ta' mistoqsijiet standard dwar l-evalwazzjoni tal-kapaċità tagħhom fuq żmien medju sa twil li jissodisfaw l-impenn finanzjarju tagħhom.

3.2.3

Rata ta' l-ispejjeż. Il-KESE jemmen li hija ħaġa tajba li l-istituzzjonijiet tas-self jindikaw l-ispejjeż totali marbuta mas-somma mislufa u jipprovdu rendikont ta' kif jinqasmu l-ispejjeż, inklużi l-fatturi fiskali varjabbli.

3.2.4

Konsulenza. Il-KESE jemmen li s-servizzi ta' konsulenza li huma strettament marbuta mal-kreditu b'ipoteka għandhom jissaħħu permezz ta' mekkaniżmi indipendenti ta' pprezzar, iżda għandhom jitniżżlu wkoll fil-kalkolu ta' l-ispiża totali tat-transazzjoni.

3.2.5   Ħlas lura kmieni

3.2.5.1

Applikabilità . Fir-rigward tal-kwistjoni marbuta mal-ħlas lura kmieni, għandha ssir distinzjoni bejn: (i) ħlas lura totali jew parzjali ta' l-ipoteka u (ii) il-ħlas lura kmieni marbut ma' l-opportunitajiet għan-negozjar ta' kondizzjonijiet ta' l-ispejjeż aktar vantaġġużi ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

Fl-ewwel każ, il-KESE jemmen li huwa importanti li l-ħlas kmieni jkun permess dejjem, anke dak parzjali.

Madankollu, fit-tieni każ, jemmen li l-kuntratt tas-self għandu jiġi trasferit lil istituzzjoni finanzjarja oħra.

3.2.5.2

Spiża . Fir-rigward tal-kwistjoni marbuta mal-ħlas lura kmieni, il-KESE jemmen li l-ispejjeż għandhom ikunu kkalkulati skond il-formuli matematiċi adattati u, bil-liġi, għandhom ta' bilfors jidhru b'mod espliċitu fil-kuntratti. L-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-klijent fil-każ biss ta' rimborż volontarju tal-finanzjament. F'każ li l-kuntratt jiġi fi tmiemu, l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni finanzjarja suċċessiva.

3.2.6

Abbinament tal-prodotti. L-abbinament tal-prodotti, biex ikun validu, għandu jiddependi l-ewwel u qabel kollox mill-kapaċità li jintwera kemm hu effettivament utli dan l-abbinament. Fil-fehma tal-KESE, din il-kwistjoni tista' tissolva billi min ikun qed isellef jinġiegħel jippreżenta kalkolu tar-relazzjoni bejn il-benefiċċju u l-ispiża; b'hekk min ikun qed jissellef jingħata perijodu ta' żmien raġonevoli biex jiddeċiedi għandux jaċċetta l-proposta, jekk jista' jkun anke wara li l-kuntratt tas-self ikun ġie ffirmat.

3.2.7

Reġistri tal-kreditu. Il-KESE jaqbel dwar il-ħtieġa li jkun hemm reġistru pan-Ewropew, li l-aċċess għalih ikun irregolat minn liġijiet speċifiċi dwar il-privatezza. Filfatt, il-KESE jemmen li t-twaqqif ta' reġistru ta' krediti pan-Ewropew jista' jservi wkoll biex isaħħaħ il-kompetizzjoni bejn dawk li jsellfu l-kreditu b'ipoteka fl-Ewropa. Ikun x'ikun il-każ, l-aċċess transkonfinali għar-reġistri ta' l-Istati Membri kollha għandu jiġi faċilitat permezz tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri ta' informazzjoni.

3.2.8

Evalwazzjoni tal-proprjetà. L-ipotesi bażika hija li l-evalwazzjoni tal-proprjetà hija aktar kumplessa mill-evalwazzjoni finanzjarja ġenerika. Filfatt, in-natura speċifika tal-beni immobbli (b'mod partikulari, il-fatt li huwa immobbli) tiddetermina l-utilità tagħhom u, barraminhekk, insibu fatturi esterni oħra marbuta mal-lokazzjoni tagħhom li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tagħhom, bħal per eżempju:

il-morfoloġija,

is-servizzi tat-trasport,

id-densità tal-popolazzjoni, eċċ.

Għal din ir-raġuni, inkunu idealistiċi wisq jekk naħsbu li dawn il-fatturi ta' evalwazzjoni kollha jistgħu jinġabru f'formula (matematika) waħda.

3.2.8.1

Kriterji marbuta ma' l-evalwazzjoni tal-proprjetà. Għalhekk il-KESE jenfasizza l-kumplessità marbuta ma' l-evalwazzjoni tal-proprjetà minħabba l-fatturi msemmija hawn fuq u ma jaħsibx li huwa utli li tiġi definita formula speċifika globali għall-evalwazzjoni tal-proprjetà. Minflok, qed jiġi propost li tiġi żviluppata prattika tajba lokali u jissaħħaħ l-obbligu li l-evalwazzjonijiet isiru minn operaturi akkreditati mill-assoċjazzjonijiet professjonali kompetenti, li jassumu r-responsabbiltà rigward kemm tkun ġusta l-proposta kkonċernata.

3.2.8.2

Evalwazzjoni tar-riskji marbuta mal-proprjetà. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li l-evalwazzjoni tal-proprjetà tkun akkumpanjata minn evalwazzjoni tal-volatilità tal-valur identifikat, sabiex ikun hemm evalwazzjoni aktar ġusta tal-garanzija offruta mill-proprjetà. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jintużaw strumenti li diġà qed jintużaw mill-operaturi tas-swieq finanzjarji u, li fil-biċċa l-kbira tagħhom, huma diġà stipulati f'dispożizzjonijiet Komunitarji oħra bħal, per eżempju, value-at-risk (5).

3.2.9

L-esklużjoni tal-proprjetà . Jekk il-kreditu b'ipoteka jinqasam fi kreditu msejjes fuq il-beni immobbli (asset-backed loan) u self personali, allura jkollna nagħmlu distinzjoni wkoll bejn il-benefiċjarju finanzjarju tal-proprjetà u s-sid li jipprovdi l-garanziji formali.

3.2.10

Il-liġi applikabbli. Il-KESE huwa tal-fehma li l-opportunitajiet għal arbitraġġ profittabbli bejn id-diversi vantaġġi pprovduti mil-liġijiet ċivili u fiskali tal-pajjiżi individwali ta' l-UE għandhom jagħtu spinta lill-integrazzjoni tas-suq, li altrimenti ma jkunx jista' jinkiseb.

3.2.10.1

Għal din ir-raġuni, il-KESE b'mod ġenerali jaqbel li l-leġislazzjoni attwali ta' l-Istati Membri titħalla kif inhi u li l-partijiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu jagħżlu dik li tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' l-ispejjeż globali marbuta mat-transazzjoni, kif huwa diġà stipulat fil-Konvenzjoi ta' Ruma (6).

3.2.11

Rati ta' l-użura. Il-KESE jtenni l-fehmiet preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni, b'mod partikulari fir-rigward tad-diffikultà kbira involuta fid-definizzjoni korretta ta' livell ta' interessi ta' l-użura billi jiġi applikat qafas regolatorju stabbilit għall-kreditu għall-konsumatur. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-aħjar difiża kontra l-użura tibqa' l-informazzjoni. Il-KESE għalhekk jipproponi li jiġu stabbiliti strumenti ta' komunikazzjoni fuq skala vasta biex tingħata informazzjoni dwar id-diversi kategoriji ta' riskju li jiffaċċjaw dawk li jissellfu.

3.2.12

Il-finanzjament mill-ġdid tal-kreditu b'ipoteka. Il-KESE jemmen li l-approċċ tal-White Paper, li tfittex li tagħmel differenza bejn ir-regoli marbuta mal-finanzjment mill-ġdid fuq il-bażi tan-natura suġġettiva ta' l-intermedjarji (permezz ta' distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet bankarji u dawk mhux bankarji), faċli ħafna taħrab minnu.

3.2.12.1

L-istituzzjonijiet mhux bankarji u dawk li jipprovdu servizz. Is-self b'rabta ma' ipoteka għandu dejjem isir minn istituzzjonijiet bankarji regolati u kkontrollati. Il-promozzjoni u l-appoġġ ta' strutturi ta' intermedjazzjoni (eż. ta' konsulenza) huma aċċettati jekk ikunu pprovduti minn istituzzjonijiet kwalifikati, anke jekk ikunu istituzzjonijiet mhux ta' kreditu.

4.   Proposti tal-KESE li għandhom jiġu żviluppati

4.1

Il-kriżi reċenti fl-Istati Uniti b'rabta ma' l-ipoteki subprime uriet kemm it-taħlita tal-volatilità tal-prezzijiet tal-proprjetà u l-prattiki ta' valutazzjoni dgħajfa tar-riskju ghall-klijenti rigward il-fatt li l-ħlasijiet bin-nifs li ma jitħallsux, li jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-valur reali tal-proprjetà innifisha, jistgħu jiġġeneraw kriżi finanzjarja serja biżżejjed li tiddestabilizza s-sistema kollha. Għalhekk, kwalunkwe azzjoni Komunitarja għandha tissejjes fuq din l-esperjenza u fuq il-kummenti li saru fil-punt preċedenti.

4.2

L-introduzzjoni tat-tmienja u għoxrin sistema għar-regolamentazzjoni tal-kreditu b'ipoteka, biex tikkomplementa dawk li diġà jeżistu fl-Istati Membri ta' l-UE kif suġġerit fil-White Paper, tista' tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq Komunitarju tal-kreditu b'ipoteka billi żżid l-għażla għall-partijiet kontraenti mingħajr, madankollu, ma toħloq il-kondizzjonijiet għad-destabilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja, li ħarġu fid-dieher mill-kriżi ta' l-ipoteki subprime.

4.3

Jiġri li l-għażla dwar l-akkwist ta' beni immobbli, speċjalment fir-rigward ta' proprjetà residenzjali, tkun influwenzata minn fatturi emozzjonali (ie. suġġettivi) li ma jkollhom xejn x'jaqsmu ma' l-evalwazzjoni razzjonali tal-valur tal-proprjetà nnifisha (ie. fatturi oġġettivi). Għalhekk, l-effikaċja ta' kwalunkwe miżura proposta mill-Kummissjoni dwar il-kreditu b'ipoteka ma tistax tinfired mill-kuntest ta' referenza (oġġettiv kif ukoll suġġettiv).

4.4

Għalhekk, ikun interessanti li tiġi żviluppata proposta, li l-KESE jkun jista' janalizza aktar fid-dettall, u li tkun tikkonsisti fl-adozzjoni ta' skema interpretattiva għall-kreditu b'ipoteka li tissuddividi kull transazzjoni ta' self f'portafoll li jkun magħmul minn żewġ komponenti passivi:

l-ewwel wieħed ikun kreditu msejjes fuq il-beni immobbli (asset-backed loan), li l-valur tiegħu jkun ibbażat fuq il-prezz tas-suq u l-volatilità potenzjali tal-valur tal-proprjetà; u

it-tieni wieħed ikun self prospettiv (self personali), li l-valur tiegħu jkun ibbażat fuq il-kapaċità ekonomika/finanzjarja u l-prospetti ta' min ikun qed jissellef.

4.5

L-adozzjoni ta' sistema ta' ipoteka doppja, it-twin-mortgage system, tista' tippreżenta numru ta' vantaġġi li għandhom jiġu vverifikati meta ssir analiżi aktar fid-dettall, fosthom:

is-semplifikazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju ta' l-aspett nazzjonali marbut mat-transazzjoni (asset-backed loan) vis-à-vis r-riskji marbuta mas-solvibilità ta' l-ipoteka (self prospettiv personali);

il-possibbiltà li jiġu stabbiliti prezzijiet trasparenti li jirriflettu d-diversi livelli ta' riskju kkaratterizzati miż-żewġ komponenti tat-transazzjoni tas-self (finanzjament oġġettiv tal-beni u self prospettiv personali); u

it-tnaqqis ta' l-impatt negattiv fuq is-sistema finanzjarja f'każ ta' numru eċċessiv ta' nuqqas ta' ħlasijiet, kuntrarju għall-konsegwenzi li ffaċċja reċentement is-suq finanzjarju (ie. il-kriżi b'rabta mal-kreditu b'ipoteka subprime).

4.6

Il-KESE jittama li l-Kummissjoni tikkonkludi dan il-proċess mill-aktar fis possibbli, u li turi aktar determinazzjoni u toħloq il-kondizzjonijiet neċessarji b'tali mod li s-separazzjoni ta' l-aspetti istituzzjonali tkun tista' sservi ta' bażi għat-tnedija tat-tmienja u għoxrin sistema.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 113, rapporteur: is-Sur Burani.

(2)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 113, rapporteur: is-Sur Burani. (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ara l-Anness II tal-White Paper, id-disclaimer fil-paġna 5 tal-verżjoni Ingliża.

(4)  Ara l-Anness II tal-White Paper, punt 8 (disponibbli bl-Ingliż biss).

(5)  Ara Direttiva Nru 2004/39/KE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, magħrufa bħala l-MiFID (Markets in Financial Instruments Directive), li kienet adottata fil-21 ta' April 2004, u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u daħlet fis-seħħ fit-30 ta' April 2004.

(6)  Ara COM(2005) 650, 15.12.2005.


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Żviluppi fis-settur tal-kostruzzjoni fl-Ewropa

(2009/C 27/05)

Nhar is-6 ta' Diċembru 2007, is-Sinjura Margot WALLSTRÖM, Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju responsabbli għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali u għall-Istrateġija tal-Komunikazzjoni, u s-Sur Günter VERHEUGEN, Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju responsabbli għall-Intrapriżi u l-Industrija, stiednu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni esplorattiva dwar

“Il-progress tas-settur tal-Kostruzzjoni fl-Ewropa”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata “Suq waħdieni, produzjoni u konsum”, inkarigata mit-tħejjija tax-xogħlijiet tal-Kumitat f'din il-kwistjoni, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Huvelin.

Matul l-446 sessjoni plenarja li nżammet bejn id-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta ta' l-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'57 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjoni

1.1

Għall-kuntrarju ta' dak li jistgħu jaħsbu xi wħud, il-ġejjieni ta' l-industrija tal-kostruzzjoni ser jiddependi inqas fuq l-infiq pubbliku (anke jekk kontinwità akbar fil-programmazzjoni tibqa' vantaġġ ċert) milli fuq il-kapaċità ta' l-awtoritajiet rilevanti li jfasslu qafas regolamentari, applikabbli għal kollox, li jiżgura akbar trasparenza fil-kompetizzjoni u l-aħjar użu tal-potenzjal u ta' l-għarfien ta' l-intrapriżi ta' kull daqs.

1.2

Fid-dawl ta' dan, ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin ta' din l-opinjoni huma dawn li ġejjin:

li jiġu stabbiliti proċeduri ta' sejħiet għal offerti permezz ta' regolamenti mill-iktar fis-possibbli; speċjalment fis-settur pubbliku, dawn il-proċeduri għandhom jagħtu lill-klijenti l-iktar għażla wiesgħa u inekwivokabbli possibbli, sabiex ikunu jistgħu jagħżlu l-għodod kuntrattwali li huma adattati għall-ħtiġijiet tagħhom,

li l-professjonisti fil-qasam tal-kostruzzjoni jingħataw ambitu regolatorju sabiex jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-isfidi ta' l-iżvilupp sostenibbli: l-approċċ ta' l-ispejjeż globali involvuti, l-użu ta' sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat ta' kull daqs, u l-iffinanzjar ibbażat fuq il-prestazzjoni prevista jfissru li kemm l-intrapriżi l-kbar kif ukoll iż-żgħar diġà huma f'pożizzjoni li jilħqu dawn l-isfidi,

li tittejjeb l-immaġni tas-settur tal-kostruzzjoni biex tkun aktar attraenti għall-istudenti żgħażagħ u biex jiżdied l-interess f'dan is-settur,

li jsiru sforzi kbar favur il-promozzjoni tat-taħriġ għas-snajja' li jirrappreżentaw sehem sostanzjali ta' l-impjiegi Ewropej li m'humiex fil-periklu li jinbidlilhom il-post fejn huma bbażati,

li fl-UE tiġi promossa attività tal-kostruzzjoni li hija sostenibbli,

li jinżamm ambjent ekonomiku f'saħħtu u li jkunu żgurati kondizzjonijiet ta' l-impjieg li huma konformi mal-ħtiġijiet tan-nies fil-pajjiżi fejn huma jaħdmu,

li tiġi promossa l-kompetittività Ewropea.

1.3

Dawn huma l-uniċi modi kif nistgħu nippreparaw għall-wasla probabbli fil-futur qarib ta' kompetituri minn barra l-Ewropa.

2.   Introduzzjoni (kuntest)

2.1

B'ittra tas-6 ta' Diċembru 2007 l-Kummissarji Ewropej Margot Wallström u Günter Verheugen talbu lill-KESE, bil-għan li titwettaq l-aġenda ta' Liżbona, biex ifassal opinjoni esploratorja sabiex jeżamina jekk it-testi tas-settur tal-kostruzzjoni u dawk tas-servizzi għall-intrapriżi “jiffurmawx corpus koerenti, jekk jiġux aġġornati skond it-tibdiliet attwali u futuri u fl-aħħarnett, kemm ser ikun meħtieġ li jinbeda eżerċizzju ta' semplifikazzjoni, razzjonalizzazzjoni u modernizzazzjoni tal-leġislazzjoni f'dawn l-oqsma. Għandu jiġi ċċarat li l-eżerċizzju m'għandux ikun limitat għar-regolamenti mmirati speċifikament għas-setturi konċernati, iżda għandu jkopri l-leġislazzjonijiet l-oħra kollha li jinfluwenzaw l-iżvilupp tagħhom (is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, il-ħarsien ta' l-ambjent, eċċ.) u għandu jinkorpora l-interessi leġittimi li huma bbażati fuqhom”.

2.2

Għalhekk jeħtieġ li jiġu kkunsidrati bir-reqqa u sistematikament il-punti kollha li tqajmu peress li dan huwa qasam vast li fl-imgħoddi kien suġġett ta' studji diversi li twettqu minn konsulenti esterni fuq talba tal-Kummissjoni.

2.3

Madankollu, din l-opinjoni tittratta biss dawk l-aspetti mmirati lejn id-destinatarju, jiġifieri l-modifiki jew is-semplifikazzjonijiet fil-leġislazzjoni u r-regoli applikabbli għas-settur li għandhom isiru parti mill-inventarju imparzjali u strateġiku ta' l-industrija tal-kostruzzjoni u li jservu biex itejbu l-kondizzjonijiet li skondhom topera u timxi 'l quddiem.

2.4

Għal din ir-raġuni, din l-Opinjoni tinkorpora xi punti utli dwar is-settur b'mod li tpoġġi l-kategoriji tas-snajja' tal-kostruzzjoni u l-limitazzjonijiet tagħhom fil-kuntest proprju.

3.   Il-pożizzjoni ta' l-industrija tal-kostruzzjoni fl-ekonomija Ewropea

3.1

Hawn huma xi ċifri li jirrigwardaw l-industrija tal-kostruzzjoni, li fiha 2.7 miljun intrapriża, fl-UE-27 fl-2006:

 

2006

Sehem tal-valur gross miżjud fil-Prodott Gross Domestiku

10.5 %

Sehem tal-pagi fil-valur gross miżjud ta' dan is-settur

54.5 %

Sehem tal-GFCF tas-settur fil-GFCF totali

50.5 %

Sehem tas-settur fl-impjieg totali fis-setturi kollha (1)

7.2 %

3.2   Xi punti

3.2.1

Peress li s-settur tal-kostruzzjoni ma jistax jiġi delokalizzat, huwa parti integrali tat-tkabbir futur fil-Ewropa u tan-netwerk industrijali Ewropew.

3.2.2

In-natura proprja ta' dak li tipproduċi, u l-bżonn tagħha li jkollha bażi fissi — b'għeruq profondi fil-ħajja lokali — ifisser li l-industrija tal-kostruzzjoni taqdi rwol soċjali u ċiviku f'kull pajjiż, u dan il-fatt għandu jitqies u jitħeġġeġ.

3.2.3

Is-settur tal-kostruzzjoni irid jaqdi rwol importanti fl-inizjattivi kollha li għandhom rabta ma' l-iżvilupp sostenibbli:

peress li huwa kanal neċessarju ta' investiment (housing, il-bini b'mod ġenerali, it-trasport, il-produzzjoni ta' l-enerġija, eċċ…) li jsir f'dan il-qasam.

bis-saħħa ta' l-adattament tal-modi kif taħdem, inklużi dawk li japplikaw għas-settur tal-materjali, għall-ħtiġijiet u l-esiġenzi ta' l-iżvilupp sostenibbli.

3.2.4

Id-deskrizzjoni ta' l-ambjent globali ta' dan is-settur ma tkunx kompleta jekk wieħed ma jsemmix il-fatt li, minkejja l-isforzi konsiderevoli li saru minn din il-professjoni għal aktar minn 30 sena, is-settur tal-kostruzzjoni għandu immaġni li għadha parzjalment negattiva. Dan huwa fatt li l-Opinjoni jmissha tindirizza, billi huwa rifless:

fl-ispirtu tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw f'ċerti pajjiżi l-akkwist pubbliku u l-mod kif jiġi trattat l-impjieg illegali,

diffikultà ċerta f'dak li jikkonċerna r-reklutaġġ taż-żgħażagħ (attrattività diretta) u t-taħriġ tagħhom (sfiduċja min-naħa tas-sistema edukattiva kollha fil-konfront tat-taħriġ fis-settur tal-kostruzzjoni u tax-xogħlijiet pubbliċi).

3.2.5

In-natura proprja ta' dawn is-snajja', kemm il-ħtiġijiet tal-klijenti kif ukoll il-ħiliet diversi involuti, ifisser li s-suq huwa frammentat għall-aħħar u ser jibqa' hekk għal bosta snin. Bħala riżultat ta' dan dejjem ser ikun hemm koeżistenza bejn il-ħaddiema tas-sengħa, il-kumpaniji żgħar, ta' daqs medju u kbar.

L-idea li dan is-settur huwa dwar kumpaniji kbar li jinvolvu ruħhom fi proġetti kbar biss trid titqies fil-kuntest ta' l-industrija nnifisha: proġetti b'valur ta' iktar minn EUR 20 miljun jirrappreżentaw mhux iktar minn 2 sa 5 % tas-suq globali Ewropew tal-kostruzzjoni.

3.2.6

Il-gruppi Ewropej il-kbar li ta' spiss ikunu preżenti ħafna fil-livell dinji huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, federazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet żgħar u medji, ibbażati ħafna lokalment, li joperaw fl-istess ambjent kompetittiv bħall-SMEs indipendenti.

3.2.7

B'mod ġenerali, l-atturi Ewropej il-kbar f'dan is-settur ma evolvewx skond il-mudell li jista' jissejjaħ Amerikan, iżda minflok serħu fuq il-kapaċitajiet tagħhom stess u użaw l-abbiltà tagħhom biex iżommu u jiżviluppaw l-għarfien tagħhom, waqt li insistu fuq id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fit-tfassil ta' proġetti.

3.2.8

Huwa bis-saħħa ta' dan l-approċċ li l-intrapriżi Ewropej għandhom il-pożizzjoni li ħolqu għalihom stess fis-swieq dinjija. Dan il-mudell, imsejjes fuq l-integrazzjoni tat-tfassil u t-twettiq, ma jagħtix neċessarjament vantaġġ lill-gruppi l-kbar, iżda jista' u għandu jiġi applikat għall-intrapriżi ta' kull daqs.

4.   Xi prinċipji bażiċi

4.1

L-isfida li qed tindirizza din l-Opinjoni esploratorja li talbet il-Kummissjoni Ewropea, għandha tkun li tipproponi mhux biss is-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni, iżda wkoll triq ta' azzjoni li:

tiżgura trasparenza vera u opportunitajiet indaqs fil-proċeduri tas-sejħiet għal offerti,

twassal għal bidla fil-kultura skaduta ta' sfiduċja għal waħda ta' fiduċja u sħubija,

tinkludi l-iktar offerta vantaġġjuża mil-lat ekonomiku u ta' l-ispejjeż globali għat-tul ta' ħajja tax-xogħlijiet proposti,

tiggarantixxi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

tiżgura li l-kondizzjonijiet minimi ta' impjieg ikunu speċifikati fil-proċedura ta' akkwist u li jkunu stabbiliti spezzjonijiet u penali fil-każ ta' ksur,

tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi billi jiġu limitati kemm jista' jkun ir-regolamentazzjoni u l-proċeduri, waqt li jinżammu l-aspetti li jirrigwardaw is-sikurezza u d-drittijiet u l-obbligi essenzjali tal-partijiet kontraenti.

4.2

Barra mill-każ ta' bidliet fid-daqs tas-swieq (li jmur lil hinn mill-ambitu ta' din l-Opinjoni), dawn l-elementi differenti li għandhom jiġu inkorporati fir-regolamentazzjoni għandhom jippermettu l-atturi tas-settur tal-kostruzzjoni li jiżviluppaw b'mod ortodoss u b'hekk ikun żgurat li tiġi segwita politika soċjali koerenti (impjiegi — siġurtà — pagi) u li s-settur isir iktar attraenti għall-partijiet interessati differenti (ġenituri żgħar, għalliema, eċċ.).

5.   Proposti ewlenin

5.1

L-elementi ewlenin li fuqhom l-awtoritajiet rilevanti għandhom jiffokaw l-isforzi tagħhom huma dawn li ġejjin:

l-unifikazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri ta' l-għoti ta' kuntratti pubbliċi sabiex jiġu żgurati fl-istess waqt it-trasparenza u l-aħjar użu tar-riżorsi u tal-kompetenzi,

it-tħeġġiġ ta' l-innovazzjoni b'regoli li jkopru, per eżempju, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' kunċetti u varjanti,

it-taħriġ tal-ħaddiema, kemm fil-parti inizjali u kemm fil-mixja kontinwa tal-karriera tagħhom,

il-kontribut għat-tibdil fl-immaġni ta' dan is-settur professjonali li joffri x-xogħol liż-żgħażagħ,

ir-regoli soċjali li jirregolaw kemm il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg u l-prattiki t-tajba fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza,

l-iżvilupp sostenibbli, fis-sens l-iktar wiesa' tat-terminu, qasam li fih l-intrapriżi tal-kostruzzjoni għandu jkollhom rwol importanti ħafna, u għandhom jieħdu responsabbiltajiet ġodda.

5.2   L-unifikazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri ta' l-għoti tal-kuntratti pubbliċi:

5.2.1

Azzjonijiet jistgħu jittieħdu fl-oqsma li ġejjin:

trasformazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi f'regolamenti sabiex jitbiddlu d-direttivi attwali sabiex il-proċeduri fil-livell Ewropew ikunu tassew unifikati, b'kundizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni,

li tkun iktar sistematika l-preferenza ta' l-aħjar offerta minflok l-irħas waħda,

li d-djalogu kompetittiv jingħata qafas aktar strett għall-partijiet kontraenti sabiex tassew tkun proċedura li twassal għall-kisba ta' l-aħjar u mhux serq sistematiku ta' kunċetti u tal-proprjetà intellettwali,

jitħeġġeġ l-approċċ mit-tfassil għat-twettiq, li jgħaqqad l-għarfien ta' l-intrapriża mat-talent kreattiv mill-istadju tat-tfassil,

jiżdied l-użu tal-kuntratti globali (għal kostruzzjoni u manutenzjoni, jew sħubijiet pubbliċi-privati) sabiex tiġid indirizzata l-isfida ta' l-iżvilupp sostenibbli u jiġi preparat u mwettaq rispons xieraq għat-tentattivi ta' dumping ta' ċerti pajjiżi fis-suq Ewropew;

li titwettaq armonizzazzjoni ġenwina ta' l-istandards u l-aspetti tekniċi sabiex jitneħħew l-ostakoli tekniċi fil-livell nazzjonali u sseħħ l-unifikazzjoni tas-suq Ewropew,

li jitqiesu l-ħtiġijiet ta' l-SMEs biex tiġi assigurata s-sopravivenza tagħhom, biex iżommu l-impjiegi tagħhom, u biex b'hekk tiġi evitata l-bipolarizzazzjoni eċċessiva tas-settur.

Fir-rigward ta' din il-lista, għandu jkun ċar li r-rispons għas-sejħiet għal bidla regolatorja ma għandux ikun li jimponi soluzzjonijiet standardizzati iżda li l-entitajiet kuntrattwali jingħataw sensiela kompleta ta' għodod li jkunu jistugħu jużaw skond il-bżonnijiet tagħhom.

5.2.2

Fis-sħuħija tagħhom, dawn il-modifiki jew l-adattamenti għandhom iħeġġu t-trasparenza u opportunitajiet indaqs bejn l-entitajiet privati, pubbliċi jew kważi pubbliċi, u jistabbilixu biċ-ċar li kull finanzjament isir skond sejħa għal offerti u kuntratt formali.

5.3   L-innovazzjoni u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

5.3.1

Dak li jiddistingwi ss-settur tal-kostruzzjoni minn oqsma oħrajn huwa li kull ma jipproduċi huwa ta' darba. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkollna leġislazzjoni Ewropea li tipproteġi l-proprjetà intellettwali u li tirrikonoxxi l-karattru speċjali ta' l-ideat li għandhom jitħarsu, jiġifieri li huma jiġu kkonċeputi għal sejħa għal offerti partikolari u mhuwiex dejjem meħtieġ li jiġu prodotti darba wara l-oħra b'mod sistematiku. Għandha tiġi stabbilita leġislazzjoni speċifika fil-livell Ewropew sabiex jitħarsu ideat tekniċi fil-proċess tal-kompetizzjoni u sabiex jiġu stabbiliti drittijiet li jipproteġu 'l dawk li jieħdu sehem fis-sejħiet għal offerti.

5.4   Taħriġ:

5.4.1

Punt li jsir ta' spiss mill-professjonisti fis-settur tal-kostruzzjoni f'ħafna mill-Istati Membri huwa li in ġenerali l-ħtiġijiet tas-settur jiġu sodisfatti biss rarament minn ħafna mis-sistemi edukattivi nazzjonali, fil-livell kollha ta' taħriġ. Fid-dawl ta' dan, jekk ir-relazzjonijiet bejn is-snajjiet u s-sistemi edukattivi fil-livell nazzjonali jeħtieġ li jitjiebu, għandu jingħata impetu fil-livell Ewropew, bħal per eżempju:

tiġi promossa leġislazzjoni dwar it-taħriġ favur is-settur tal-kostruzzjoni fl-Ewropa (rikonoxxenza u komparabilità taċ-ċertifikazzjoni tat-taħriġ fil-livelli kollha),

ikun hemm kontribut għall-iżvilupp tal-valur reali tar-riżorsi umani permezz tal-promozzjoni tat-taħriġ kontinwu. Magħruf li jkun taħt pressjoni, is-settur tal-kostruzzjoni jbati minn immaġni fqira fost iż-żgħażagħ u ta' nuqqas ġerarkiku fl-istruttura tal-karrieri. Għandu bżonn qawwi ta' kompetenzi peress li l-impjiegi fil-kostruzzjoni saru jeħtieġu l-kwalifiki, anke kwalifiki għoljin, u bażi solida ta' għarfien. Sussegwentament dawn iridu jiġu valorizzati mill-intrapriżi billi jagħtu lill-impjegati tagħhom aċċess għal taħriġ kontinwu u għalhekk jiftħu l-karrieri għalihom,

tiġi applikata b'mod ġenerali sistema Erasmus għat-taħriġ fil-professjonijiet tas-settur tal-kostruzzjoni Ewropew skond livelli differenti ta' taħriġ u jittieħed vantaġġ mill-esperjenzi diġà miksuba iżda fuq skala verament żgħira (bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali, fit-tliet setturi li ġejjin: żebgħa, qtigħ tal-ġebel, restawr tal-bini antik),

jiġu promossi universitajiet Ewropej għall-professjonijiet tas-settur tal-kostruzzjoni u rikonoxximent ta' titolu Ewropew ta' Imgħallem tas-Sengħa,

jitwaqqfu faċilitajiet għal maniġers ta' proġetti fl-Ewropa sabiex il-klijenti pubbliċi u privati ta' l-intrapriżi jkollhom għarfien aħjar tal-kuntratti u tal-mod kif joperaw l-intrapriżi,

jiġi żviluppati faċilitajiet tat-tagħlim superjuri bejn l-intrapriżi Ewropej,

jiġu promossi kwalifiki Ewropej (per eżempju lingwi).

5.5   Regolamenti tas-saħħa u s-sikurezza:

5.5.1

Ir-regoli attwali kellhom impatt pożittiv u sinifikattiv ħafna fuq il-metodi tax-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni. Madankollu jkun tajjeb jekk:

jiġu promossi l-iskambji ta' l-aħjar prattiki fir-rigward is-saħħa u s-sikurezza,

jiġi miġġieled ix-xogħol illegali madwar l-Ewropa (per eżempju konsultazzjoni u netwerking tal-bażi tad-data, permessi ID u sistemi ta' identifikazzjoni tal-ħaddiema), u permezz ta' l-introduzzjoni ta' penali u miżuri fiskali xierqa bħal rata mnaqqsa ta' VAT,

tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-regolament REACH,

jiġu ffaċilitati l-flussi tal-ħaddiema mingħajr ma jsir dumping soċjali (jiġu aċċettati l-formalitajiet preliminari stabbiliti fl-Istati fir-rigward is-sekondar) sabiex ikun permess ir-ritorn tal-ħaddiema għall-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom,

jiġi żgurat li l-multi jkunu jistgħu jiġu inforzati fil-pajjiżi kollha ta' l-UE,

jiġu aċċettati l-kondizzjonijiet tal-pajjiż fejn isir ix-xogħol bħala l-bażi għal kwalunkwe għamla ta' mobilità tal-ħaddiem.

5.6   L-iżvilupp sostenibbli

5.6.1

Kif ġie suġġerut hawn fuq, kull min huwa involut fis-settur tal-kostruzzjoni għandu rwol konsiderevoli x'jaqdi sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li qed tiffaċċja d-dinja llum, inkluża l-bidla fil-klima. Huma lesti, fi ħdan qafas ta' regolamenti u inċentivi, li jassumu r-responsabbiltà u jwasslu l-valur miżjud tagħhom lis-suq Ewropew. Huma lesti wkoll jaqsmu l-għarfien tagħhom fil-qasam ma' kull rokna tad-dinja fejn, kif nafu, l-isforzi meħtieġa huma enormi u kruċjali jekk il-benefiċċji tagħhom ser ikollhom impatt fuq kulħadd.

5.6.2

Biex isir dan, jeħtieġ:

li jiġi introdott approċċ ta' l-ispiża globali (fuq it-tul tal-ħajja ta' l-investiment) fir-regoli tas-sejħiet għal offerti Ewropej, li jiġi definit kunċett ta' l-aħjar offerta, forsi bl-involviment ta' kriterji ta' l-iżvilupp sostenibbli. Dan jista' jippermetti l-entitajiet kuntrattwali jqisu b'mod komprensiv id-dimensjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli fl-għażla tagħhom,

li jippromwovu l-proċeduri tas-sħubijijiet bejn il-pubbliku u l-privat li min-natura stess tagħhom jintegraw it-tfassil, it-twettiq u l-muntenzjoni, u b'hekk jistgħu jkunu l-aħjar mezz biex jinkiseb l-ikbar benefiċċju mill-kunċett ta' l-ispiża globali.

li jitqassmu mill-ġdid ċerti għajnuniet finanzjarji billi dawn jiġu ffokati, fl-Istati Membri kollha, fuq il-ħidma kbira għat-tiġdid ta' l-ijnfrastruttura ta' l-enerġija.

l-inkoraġġiment ta' proġetti kbar ta' tiġdid li jinvolvu l-kostruzzjoni.

li jitħeġġeġ l-iżvilupp u r-rikonoxximent tad-distretti ambjentali bil-ħolqien ta' tikketta Komunitarja, inċentivi finanzjarji, eċċ.).

5.6.3

Kemm fis-settur tal-kostruzzjoni kif ukoll f'dak tat-trasport, jekk l-intrapriżi tal-kostruzzjoni jingħataw l-opportunità li jieħdu sehem tul il-proċess ta' tfassil-twettiq-manutenzjoni, huma jistgħu jagħmlu kontribut deċiżiv, b'mod partikulari f'termini ta' l-iżgurar tal-finanzjament għall-attivitajiet meħtieġa, fil-kapaċità tagħhom biex jiġġestjonaw l-ispejjeż globali u jiffinanzjaw investimenti għal miżuri futuri favur l-iffrankar ta' l-enerġija.

5.7   SMEs fis-settur tal-kostruzzjoni

5.7.1

Il-problema ta' l-SMEs fis-settur tal-kostruzzjoni — bid-differenza minn oħrajn (ara l-punt 3.2.5 fuq) — m'hijiex eżattament waħda ta' aċċess għal xi suq partikolari.

5.7.2

Huwa għalhekk li dawk involuti fis-settur ġustament ma jarawx ġustifikazzjoni għall-approċċ tal-kwoti li tfassal minn ċerti awtoritajiet Ewropej, li mbagħad irrifjutawh. Barra minn hekk, iċ-ċifri li ssemmew minn kull naħa huma, fir-realtà, ferm inqas minn dawk fil-pajjiżi Ewropej kollha.

5.7.3

Il-kwistjoni ta' l-SMEs għalhekk għandha tiġi regolata, barra mill-kwistjonijiet indirizzati fis-“Small Business Act”:

soluzzjonijiet intelliġenti għat-trasferiment ta' intrapriżi,

mudelli għall-finanzjament jew għall-qsim ta' servizzi jew finanzjamenti li joħolqu sitwazzjoni ta' kundizzjonijiet indaqs mingħajr ma jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni, b'mod partikulari f'termini ta' l-aċċess li jkollhom l-SMEs għal operazzjonijiet kumplessi (sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u l-iżvilupp sostenibbli),

soluzzjonijiet immirati lejn il-faċilitar ta' l-aċċess ta' l-SMEs għall-istandardizzazzjoni u n-normi.

Brussell, l-10 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  L-impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni jirrappreżentaw 30.4 % ta' l-impjiegi industrijali. Sorsi: Eurostat u FIEC.


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/26


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-iżviluppi fis-settur tas-servizzi lin-negozju fl-Ewropa

(2009/C 27/06)

Nhar is-6 ta' Diċembru 2007, is-Sinjura Margot Wallström, Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali u l-Istrateġija tal-Komunikazzjoni, u s-Sur Günter Verheugen, Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju għall-Intrapriża u l-Industrija, talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni esploratorja dwar

L-iżviluppi fis-settur tas-servizzi lin-negozju fl-Ewropa.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Calleja.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u fl-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'135 vot favur, 2 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Introduzzjoni

1.1

Is-Sinjura Margot Wallström, Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali u l-Istrateġija tal-Komunikazzjoni u s-Sur Günter Verheugen, Viċi-President għall-Intrapriża u l-Industrija, talbu lill-KESE jħejji opinjoni esploratorja dwar is-servizzi lin-negozju billi jibni fuq il-ħidma li saret fuq opinjoni preċedenti (1) li kkunsidrat is-servizzi lin-negozju u l-industrija u janalizzaha fil-fond.

1.1.1

Dan l-istudju għandu jfakkar l-importanza kbira li l-Kummissjoni Ewropea tagħti lill-Aġenda ta' Lisbona biex tippreserva u żżid il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea billi timmaniġġja l-proċess ta' bidla b'konformità ma' l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli u fil-livell soċjali billi r-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali jiġu inkuraġġuti jinnegozjaw fil-livell adattat.

1.1.2

Il-kisba ta' tali objettivi trid timxi id f'id mas-semplifikazzjoni tal-qafas regolatorju għall-industrija, li hija prijorità politika li tikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji ewlenin li jirfdu l-politika industrijali tal-Kummissjoni.

1.1.3

Barra minn hekk, din il-politika industrijali hija kkaratterizzata minn approċċ integrat li jqis il-bżonnijiet tas-setturi differenti.

2.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet

2.1   Rikonoxximent ta' l-importanza tas-settur tas-servizzi fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali

Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn urġenti ta' bidla ġenwina fl-approċċ lejn il-qasam tas-servizzi u li dan l-approċċ jiġi approfondit; dan il-qasam m'għandux jitqies iktar bħala sempliċi appendiċi għall-industrija tal-manifattura. Is-soċjetà għaddejja minn bidliet kbar u s-servizzi jinsabu fiċ-ċentru ta' dawn il-bidliet. Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħraf dan l-iżvilupp u tagħtih iktar importanza.

2.2   Nistabbilixxu l-prijoritajiet ta' l-azzjonijiet

Meta wieħed jikkunsidra l-firxa wiesgħa ta' azzjonijiet possibbli fl-oqsma tal-politika relatata mas-servizzi lin-negozju, huwa importanti ħafna li dawn l-azzjonijiet jingħataw prijorità. Hemm bżonn urġenti li jsir progress rigward l-għaxar objettivi ewlenin stipulati fil-Programm Komunitarju ta' Lisbona għall-perijodu 2008-2010. B'mod dirett jew indirett, dawn jinfluwenzaw l-iżvilupp tas-servizzi fil-ġejjieni. Fil-fehma tal-KESE, dawn il-prijoritajiet għandhom ikunu stabbiliti f'din l-ordni:

Azzjoni dwar il-politiki b'rabta mas-servizzi lin-negozju u Grupp ta' Livell Għoli. Huwa rakkomandat li jitwaqqaf Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Servizzi lin-Negozju biex jagħmel analiżi iktar profonda tas-settur, jifli l-politiki eżistenti sabiex jidentifika u jevalwa dawk li l-iktar kienu effettivi u rnexxew fir-rigward tas-servizzi lin-negozju, u jippjana azzjonijiet ta' politika konkreta bl-għan li jindirizzaw in-nuqqasijiet u l-bżonnijiet prinċipali. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-karattru ferm differenti tad-diversi subsetturi tas-servizzi lin-negozju biex ikun identifikat liema minnhom ħaqqhom attenzjoni partikulari u f'liema livell (reġjonali, nazzjonali, ta' l-UE) tkun ġustifikata azzjoni politika.

Politika tas-suq tax-xogħol fis-servizzi lin-negozju. Minn perspettiva soċjali, huwa meħtieġ studju profond fil-livell settorjali dwar l-isfidi li qed joħolqu t-tipi ġodda ta' impjiegi ġenerati mill-interazzjonijiet tas-servizzi tal-manifattura u tan-negozju. Din l-analiżi għandha tinkludi l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema inklużi dawk involuti fil-proċessi ta' esternalizzazzjoni. Biex jintlaħaq dan l-objettiv, għandu jiġi inkuraġġut id-djalogu soċjali fil-livell settorjali. F'dan il-kuntest, għandha titfassal aġenda bl-għan li jiġu diskussi l-bidliet speċifiċi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-opportunitajiet ta' xogħol li jirriżultaw minn bidliet strutturali li jaffettwaw lis-settur tas-servizzi lin-negozju.

Servizzi lin-negozju fil-politiki marbuta ma' l-innovazzjoni. Il-programmi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u azzjonijiet maħsuba għall-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi għandhom jiġu promossi bil-qawwa. Oqsma bħalma huma l-innovazzjoni organizzattiva, is-servizzi lin-negozju li jiffukaw fuq l-għarfien (Knowledge-Intensive Business Services — KIBS) u l-ġestjoni ta' l-innovazzjoni jistħoqqilhom iktar attenzjoni.

Żvilupp ta' l-istandards tas-servizzi lin-negozju. L-intrapriżi għandhom jitħeġġu jagħtu l-kontribut tagħhom għat-twaqqif ta' standards permezz ta' l-awtoregolazzjoni wara konsultazzjoni intensiva ma' l-utenti tas-servizzi lin-negozju. L-appoġġ tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-imsieħba tagħha (pjattaforma miftuħa), huwa essenzjali għat-tixrid tar-riżultati ta' l-innovazzjoni li rnexxiet, b'mod partikulari permezz ta' bini ta' consensus informali u rapidu.

Promozzjoni tax-xjenza tas-servizzi bħala dixxiplina ġdida fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

Is-suq intern u r-regolamentazzjoni li taffettwa s-servizzi lin-negozju. Il-KESE identifika lista ta' oqsma li jinħtieġ li jkunu ttrattati bl-għan li tinkiseb is-semplifikazzjoni, iċ-ċarezza u t-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji, mingħajr ovvjament ma jiddgħajfu l-obbligi eżistenti fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u fl-obbligi tar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema. Jidher, fost affarijiet oħra, li għadu ma sarx studju dwar l-impatt tad-Direttiva tas-Servizzi fuq is-servizzi lin-negozju u li dan jistħoqqlu sforz kbir ħafna, speċjalment ġaladarba d-direttiva tkun trasposta fil-leġislazzjoni nazzjonali. Dan l-isforz għandu jinkludi l-identifikazzjoni ta' iktar azzjonijiet possibbli fir-rigward ta' kummerċ iktar miftuħ u kompetizzjoni msaħħa fis-suq intern ta' l-UE ta' wara t-tkabbir.

Iktar titjib fl-istatistika b'rabta mas-servizzi lin-negozju. L-Istati Membri huma mitluba jikkollaboraw aktar biex l-istatistika dwar is-servizzi lin-negozju tittejjeb, u, b'mod partikulari, biex tinġabar informazzjoni aktar siewja dwar l-andament u l-effetti tagħha fuq l-ekonomija ta' l-Istati Membri — għodda meħtieġa għall-gvernijiet, jekk l-għan tagħhom huwa li jgħinu s-settur jiżviluppa l-potenzjal tiegħu. L-emendi reċenti għall-Kapitolu 74 tan-Nomenklatura ta' l-Attivitajiet Ekonomiċi tal-Komunitajiet Ewropej (NACE) xorta m'humiex se jipprovdu d-dettalji meħtieġa biex jiġbru data sinifikattiva dwar is-servizzi lin-negozju.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Sfond. L-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE adottata f'Settembru 2006 — CCMI/035 — ipproponiet li għandha tingħata attenzjoni iktar serja lis-servizzi lin-negozju minħabba l-kontribut li jagħtu lill-andament ta' l-industriji Ewropej tal-manifattura. Din spjegat l-interazzjoni bejn is-servizzi u l-manifattura u l-impatti fuq l-andament soċjali u ekonomika f'termini ta' impjiegi, produttività u kompetittività. Dik l-opinjoni kienet il-punt tat-tluq għal din l-opinjoni, li tibni fuq dik preċedenti u tagħmel analiżi aktar bir-reqqa tas-servizzi lin-negozju. Ikun għaqli li din l-opinjoni tibda billa tiddefinixxi s-servizzi lin-negozju bħala sensiela ta' attivitajiet marbuta mas-servizzi li — permezz ta' l-użu tagħhom bħala kontributi intermedji — jaffettwaw il-kwalità u l-effiċjenza ta' l-attivitajiet tal-produzzjoni, billi jikkomplementaw jew jissostitwixxu l-funzjonijiet tas-servizzi interni tan-negozju. (Rubalcaba u Kox, 2007). Hemm ċerti analoġiji bejn din id-definizzjoni u n-NACE rev. 1 (kodiċi 72-74) u l-verżjoni l-ġdida tan-NACE (kodiċi 69-74, 77-78, 80-82) u l-aggregazzjoni tad-diversi kategoriji tas-servizzi. Hemm żewġ kategoriji ewlenin fi ħdan is-servizzi lin-negozju:

Is-servizzi lin-negozju li jiffukaw fuq l-għarfien (eż. is-servizzi ta' l-informatika, il-konsulenza dwar il-ġestjoni, il-kontabilità, il-konsulenza fiskali u legali, il-marketing u l-istħarriġ, is-servizzi tekniċi u l-inġinerija, is-servizzi għall-persunal u t-taħriġ professjonali u r-reklutaġġ)

Is-servizzi ta' operazzjoni (eż. is-servizzi tas-sigurtà, is-servizzi tat-tindif, l-amministrazzjoni u ż-żamma tal-kotba, ir-reklutaġġ ta' impjegati temporanji, il-call centres, it-traduzzjoni u l-interpretazzjoni).

L-għan ta' din l-opinjoni huwa li tgħin biex is-settur ikun aktar rikonoxxut, biex tgħinu jiżviluppa bla tfixkil u biex tgħin lill-ekonomiji Ewropej isiru aktar kompetittivi fis-suq dinji.

3.2

L-importanza tas-servizzi u s-servizzi lin-negozju. Is-servizzi jokkupaw pożizzjoni li kulma jmur qed issir dejjem aktar importanti f'għajnejn iċ-ċittadini, il-professjonisti, il-kumpaniji, ir-reġjuni u l-pajjiżi. Fil-biċċa l-kbira, is-servizzi jiddominaw id-domandi u l-provvisti l-ġodda tas-sistemi soċjali u ekonomiċi. Għalkemm is-servizzi huma preżenti fil-parti l-kbira ta' l-aspetti tal-ħajja ekonomika u soċjali, bosta minnhom m'humiex reġistrati fl-istatistika. Il-mod kif tradizzjonalment jinqassmu s-setturi produttivi, anke jekk mhux komplut u jaħbi l-interrelazzjonijiet qawwija fost is-settur ekonomiku, jippermettilna nistmaw l-importanza ta' l-attivitajiet ekonomiċi ewlenija. Is-servizzi bħala settur ekonomiku qed jikbru fl-importanza tagħhom fl-Ewropa, fejn għandhom sehem iżgħar (70 %) fl-impjieg totali milli fl-Istati Uniti (80 %) u ikbar milli fil-Ġappun (67 %). F'dawn it-tlitt oqsma, is-subsettur partikulari tas-servizzi lin-negozju kiber b'pass tassew dinamiku li wassal għal żidiet simili fis-sehem ta' l-impjieg totali (10-12 %). L-intrapriżi li l-attività prinċipali tagħhom hija li jipprovdu s-servizzi lin-negozju jirrappreżentaw 10-12 % ta' l-impjieg totali u tal-valur miżjud. Jekk wieħed iqis is-servizzi lin-negozju pprovduti bħala attività sekondarja, il-persentaġġ ta' l-impjieg ikun ferm ikbar. Fir-rigward ta' l-Ewropa, fl-2004, il-pajjiżi li kienu quddiemnett ta' l-ekonomija tas-servizzi lin-negozju kienu l-pajjiżi tal-Benelux, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja. Fil-perijodu 1995-2004, xi pajjiżi — l-Ungerija, il-Polonja, l-Awstrija, il-Latvja u Malta fost oħrajn — żiedu s-settur tas-servizzi lin-negozju tagħhom b'mod pjuttost sostanzjali. Dan jissuġġerixxi ċertu proċess ta' konverġenza bejn il-pajjiżi ta' l-UE. Il-pożizzjonijiet ta' dawn il-pajjiżi jirrappreżentaw biss impjieg f'kumpaniji li l-attività ewlenija tagħhom hija l-provvista ta' servizzi lin-negozju. Ħafna minn dawn il-kumpaniji huma SMEs.

3.3

Evalwazzjoni ta' l-iżviluppi. Il-KESE issa reġa' evalwa s-sitwazzjoni fid-dawl ta' l-iżviluppi li saru minn mindu tħejjiet l-opinjoni preċedenti tiegħu f'Settembru 2006 (CCMI/035) u nnota b'sodisfazzjon kif fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, qed tiġi kkunsidrata aktar l-importanza tas-servizzi lin-negozju fil-qasam tal-manifattura:

Il-Komunikazzjoni “Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu — Kontribut lejn l-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet” (2), li ħarġet wara l-opinjoni tal-KESE, imsemmija hawn fuq, tipproponi azzjoni dwar l-analiżi ta' l-iskrining u l-kompetittività tas-setturi tas-servizzi u l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività industrijali. F'każ ta' bżonn, għandu jsir iktar monitoraġġ settorjali. Ir-riżultat ikun l-identifikazzjoni ta' l-ostakli kollha għat-titjib fil-kompetittività u l-eliminazzjoni tal-possibbiltà li ċerti swieq ifallu li jistgħu jiġgustifikaw azzjonijiet biex jindirizzaw problemi speċifiċi fis-setturi industrijali u/jew tas-servizzi. Din l-analiżi profonda mill-Kummissjoni Ewropea se tittwettaq din is-sena u għandha tipproduċi riżultati lejn tmiem is-sena.

Il-pubblikazzjoni f'Lulju 2007 tad-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni “Lejn strateġija Ewropea b'appoġġ għall-innovazzjoni fis-settur tas-servizzi: Sfidi u kwistjonijiet prinċipali għal azzjonijiet futuri (Towards a European strategy in support of Innovation in services: Challenges and key issues for future actions)” (3); it-twaqqif ta' pjattaforma Ewropea għas-servizzi marbuta man-negozju fi Frar 2008; u l-Komunikazzjoni li jmiss dwar l-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi (mistennija lejn tmiem l-2008) jistgħu jikkostitwixxu pass important lejn integrazzjoni ġenwina tas-servizzi fil-politiki ta' l-UE dwar l-innovazzjoni.

L-adozzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern (4), li għandha tiġi implimentata mhux iktar tard mit-28 ta' Diċembru 2009 se tikkostitwixxi punt ta' bidla deċiżiva fil-kisba ta' suq ġenwin għas-servizzi, bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva jkunu trasposti fil-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri u billi jiġi assigurat li l-liġi tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi applikabbli ikunu dawk tal-pajjiżi fejn ikun qed jiġi pprovdut is-servizz. Kemm in-negozji kif ukoll il-konsumaturi jkunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet li toffri din id-direttiva. Dan għandu wkoll jinkuraġġixxi s-suq tas-servizzi lin-negozju biex jiffunzjona billi jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment bejn il-pajjiżi ta' l-UE u jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji tal-manifattura biex jagħżlu numru akbar ta' servizzi, u servizzi li jkunu aħjar u orħos. Vantaġġi ġodda kompetittivi fl-użu tas-servizzi lin-negozju għandhom iwasslu għal iktar impjiegi, produttività mtejba u andament ekonomiku msaħħaħ.

3.4

Azzjonijiet li jipprovdu appoġġ għall-benefiċċju tas-servizzi lin-negozju. Minbarra l-azzjonijiet ewlenin ta' l-UE li għaddejjin bħalissa biex jippromovu s-servizzi lin-negozju fil-politiki industrijali u ta' innovazjoni u l-ispillovers potenzjali ġenerati mid-direttiva dwar is-suq intern, hemm azzjonijiet oħra tal-Kummissjoni li b'mod indirett jappoġġjaw ir-rwol tas-servizzi lin-negozju fil-manifattura:

L-Eurostat issa implimentat reviżjoni tal-klassifika tan-NACE biex tiġbor iktar data dwar is-servizzi.

L-“Enterprise Europe Network”, netwerk Ewropew għall-promozzjoni ta' l-intraprenditorija u t-tkabbir ta' intrapriżi fl-UE twaqqaf billi integra n-netwerks ta' l-Euro info Centre u ta' l-Innovation relay Centre, u b'hekk l-intraprendituri kellhom iktar minn 500 punt ta' kuntatt għad-dispożizzjoni tagħhom (5). Dan għandu jkun ta' għajnuna għall-SMEs u għalhekk għall-biċċa l-kbira ta' dawk li jipprovdu s-servizzi lin-negozju.

Il-Kummisjoni Ewropea ilha mill-2005 toħroġ proposti għas-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-burokrazija. L-aħħar proposti, li ħarġu fl-2008, huma dwar it-tnaqqis aċċellerat ta' din il-burokrazija (6). Din hija aħbar tajba għall-SMEs li minħabba ċ-ċokon tagħhom iħossu aktar il-piżijiet amministrattivi konsiderevoli li jkollhom jiffaċċjaw.

Id-dokument tal-Kummissjoni “Lejn Prinċipji Komuni ta' Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà” (7) ġie diskuss, u sar progress fil-qafas tad-djalogu soċjali ta' l-imsieħba soċjali. Dan għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni fl-Ewropa kollha tal-kunċett, b'aġġustamenti skond iċ-ċirkustanzi differenti f'kull Stat Membru. Fis-servizzi lin-negozju dinamiċi, il-flessigurtà negozjata mill-imsieħba soċjali tista' tkun utli meta jiġu promossi fl-istess żmien il-kwantità u l-kwalità ta' l-impjiegi. Biex l-UE tkun tista' tirreaġġixxi b'mod sodisfaċenti għall-pressjonijiet tal-globalizzazzjoni, hemm bżonn li l-imsieħba soċjali jiġu involuti.

It-tnedija tad-dokument tal-Kummissjoni “Lejn aktar kontribuzzjoni min-naħa ta' l-istandardizzazzjoni għall-innovazzjoni fl-Ewropa” (8) li, fost inizjattivi oħra, jippromovi l-aċċelerazzjoni tal-kooperazzjoni mill-industrija u investituri oħra fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu ta' standards li jappoġġjaw l-innovazzjoni fir-rigward ta' politika industrijali sostenibbli.

3.5

Bżonnijiet prinċipali tas-settur tas-servizzi lin-negozju. Minkejja l-progress attwali fit-tnedija ta' azzjonijiet relatati mas-servizzi, għad iridu jiġu kkunsidrati għadd ta' nuqqasijiet u ħtiġijiet importanti. L-istruttura tal-politika Ewropea attwali hija preġudikata bil-kbir lejn l-industrija tal-manifattura għalkemm is-servizzi jikkostitwixxu l-ikbar parti ta' l-ekonomija u jikkontribwixxu għat-tkabbir fi kwalunkwe aspett tan-negozju u tal-ħajja soċjali.

3.5.1

Il-biċċa l-kbira ta' l-inizjattivi orizzontali u settorjali stipulati fil-politika industrijali ta' l-UE kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell ta' l-UE jiffukaw fuq l-industrija tal-manifattura minkejja r-rwol intrinsiku ta' appoġġ li jaqdu s-servizzi lin-negozju li jagħmlu parti minnu. Għalhekk hemm bżonn urġenti li tiġi stabbilita politika ta' l-UE bilanċjata li ma tissottovalutax l-importanza tas-servizzi lin-negozju għall-kompetittività globali tal-manifattura Ewropea nnifisha u għall-ekonomija kollha kemm hi. Kwalunkwe politika orizzontali mmirata lejn kwalunkwe settur ekonomiku trid tkun tassew orizzontali u tissodisfa l-bżonnijiet ta' l-intrapriżi u l-ħaddiema fl-ekonomija l-ġdida tas-servizzi, fejn is-setturi industrijali u tas-servizzi huma marbuta strettament, billi jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-ekonomija Ewropea fis-suq globali bħala riżultat dirett tas-sinerġiji bejniethom. Ħafna mill-inizjattivi ta' politika ta' l-UE li flimkien isawru l-politika industrijali għandhom jiġu adattati u applikati għas-servizzi. Dan jinvolvi kwistjonijiet bħal per eżempju: suq intern għas-servizzi li jkun kompletament effettiv, il-kummerċ internazzjonali, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, is-suq tax-xogħol, il-miżuri soċjali, il-politika ta' taħriġ u l-politika reġjonali, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, l-istandardizzazzjoni, l-intraprenditorija u l-istatistika u l-informazzjoni aħjar; fejn xieraq, għandhom jitqiesu l-bżonnijiet speċifiċi tas-servizzi. Dan m'għandux ifisser li l-politiki kollha għandhom ikunu vertikali u speċifiċi għas-servizzi, iżda li l-implikazzjonijiet ta' dawn il-politiki kollha fis-servizzi jridu jkunu skrinjati u, meta jkun meħtieġ, għandha tittieħed l-azzjoni.

3.5.2

Fl-oqsma li ġejjin, ġew identifikati ħtiġijiet importanti:

Servizzi lin-negozju fil-politiki industrijali. Wara l-inklużjoni reċenti tas-servizzi lin-negozju u waqt li għaddej l-eżerċizzju ta' l-iskrining, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-kundizzjonijiet speċifiċi li fihom l-użu tas-servizzi favur l-andament ta' l-industrija, per eżempju, ir-rwol tas-servizzi għall-kompetittività u l-produttività industrijali minn perspettiva ekonomika. Biex tiffaċċja l-kompetizzjoni globali l-Ewropa trid tinvesti fl-innovazzjoni, it-tagħrif, l-ippjanar, il-loġistika, il-marketing u s-servizzi oħrajn lin-negozju — fi kliem ieħor, il-katina ta' valur dinjija kollha kemm hi.

Servizzi lin-negozju fil-politiki ta' l-impjiegi u t-taħriġ. Il-parti l-kbira ta' l-impjiegi huma marbuta mal-provvista tas-servizzi u din is-sitwazzjoni mhux ser tinbidel. (Dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika m'għandhomx jinsew li 20 % tad-dħul intermedju ta' l-industrija tal-manifattura jiġu mis-servizzi). Għalhekk, l-impatt potenzjali ta' global sourcing/off-shoring fl-impjiegi marbuta mas-servizzi (sa 30 % skond l-istudju ta' l-2006 ta' l-OECD) iġiegħel lill-Istati Membri jsaħħu l-kompetenzi u l-kwalifiki adattati li jippermettu lill-industrija tagħhom tiffaċċja l-kompetizzjoni globali.

Servizzi lin-negozju fil-politika ta' l-innovazzjoni u l-produttività. Il-promozzjoni ta' innovazzjoni ta' servizz hija essenzjali biex tissaħħaħ il-kompetittività industrijali permezz ta' fatturi ta' kwalità. L-innovazzjoni tas-servizzi għandha impatt kbir u pożittiv fuq il-kwalità, l-impjiegi u l-interazzjoni mal-klijenti. Fl-istess ħin, is-servizzi lin-negozju jistgħu joffru impjieg ta' kwalità għolja mwettqa f'kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u ambjent li jiffoka fuq l-għarfien; f'dawn il-każi, il-ħaddiema jagħtu l-kontribut tagħhom biex l-innovazzjoni tas-servizzi tkun possibbli u tirnexxi. Din l-innovazzjoni tista' tippermetti lin-negozju biex jikkompeti minn pożizzjoni aħjar, u lill-ħaddiema tippermettilhom jiżviluppaw opportunitajiet ta' xogħol ġodda. Il-benefiċċji ta' l-innovazzjoni tas-servizzi għandhom ikunu mmirati biex ikunu kapaċi jindirizzaw ir-rati tat-tkabbir tal-produttività staġnati fis-servizzi lin-negozju li għadhom dominanti fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, anke jekk il-problemi ta' kejl statistiku ma jevalwawx korrettament il-kontribut tas-servizzi lin-negozju għall-qligħ tal-produttività totali.

Servizzi lin-negozju u s-suq intern. Il-biċċa xogħol hi li jinħoloq suq Ewropew għas-servizzi, li jippermetti li l-UE jkollha rwol deċiżiv fil-proċess tal-globalizzazzjoni billi tikkunsidra l-kundizzjonijiet kollha li jinfluwenzaw is-swieq u l-kompetittività. Jinħtieġ segwitu partikulari tat-traspożizzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi lill-Istati Membri u impatti fuq is-servizzi tan-negozju.

Servizzi lin-negozju u r-reġjuni. Bosta reġjuni jista' jkollhom ftit li xejn kapaċitajiet ta' servizzi lin-negozju billi dawn għandhom tendenza jikkonċentraw f'zoni reġjonali kbar metropolitani u ta' dħul għoli. F'livell reġjonali huwa importanti li jiġu promossi kemm id-domanda kif ukoll il-provvista tas-servizzi lin-negozju u li jiġu utilizzati r-riżorsi kollha tan-netwerks eżistenti li huma kapaċi jżidu s-sinerġiji fost id-diversi atturi lokali.

Servizzi lin-negozju u politiki oħra relatati. Hemm żewġ tipi ta' politiki relatati mas-servizzi lin-negozju: politiki li huma prinċipalment regolatorji (is-suq intern, il-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni aħjar, l-akkwist pubbliku) u politiki li huma prinċipalment mhux regolatorji (l-innovazzjoni, il-kompetenzi, il-kwalità u l-impjiegi, l-istandards, l-intrapriżi u l-SMEs, il-politika reġjonali, it-tagħrif u l-istatistika). Għandha tingħata attenzjoni partikulari lir-rwol ta' l-istandards, id-dixxiplina l-ġdida tax-Xjenza tas-Servizzi u l-istatistika.

3.6

Interazzjoni bejn l-attivitajiet marbuta mas-servizzi lin-negozju u l-politiki mmirati. L-esperjenza turi kif azzjonijiet komprensivi tentattivi jistgħu jinteraġixxu u jippermettu lis-servizzi lin-negozju jiżviluppaw b'mod vigoruż ħalli jiffaċċjaw l-isfidi tal-ġejjieni. Jinħtieġ li jiġu kkunsidrati s-sinerġiji u l-interazzjoni bejn it-tipi differenti ta' politika.

3.7

Tinħtieġ loġika ekonomika fit-tfassil ta' politiki speċifiċi ta' l-UE, biex tingħata spinta lill-operazzjonijiet marbuta mas-servizzi lin-negozju, kif urew reċentement Kox u Rubalcaba (Business services in European Economic Growth, 2007). L-argumenti tagħhom sejsuhom prinċipalment fuq il-fallimenti tas-suq u fallimenti sistemiċi bħall-assimetrija ta' l-informazzjoni u l-esternalitajiet.

3.8

Aġenda ta' Lisbona 2008-2010. Il-politiki relatati mas-servizzi lin-negozju jistgħu jkunu ta' għajnuna fil-kuntest tal-proposti għall-Programm Komunitarju ta' Lisbona 2008-2010 (COM(2007) 804 finali). Il-biċċa l-kbira ta' l-għaxar objettivi ewlenin li jridu jitwettqu sa l-2010 jaffettwaw lis-servizzi b'mod dirett jew indirett.

3.8.1

Il-Kummissjoni se tipproponi Aġenda Soċjali mġedda sa nofs l-2008 u se tgħin biex tindirizza n-nuqqas ta' kompetenzi. Jistgħu jkunu identifikati għadd ta' defiċits u bżonnijiet importanti fil-biċċa l-kbira tas-servizzi lin-negozju, li jiddependu ħafna mill-forza tax-xogħol (labour intensive). Fl-opinjoni tiegħu dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta' prijorità (l-istrateġija ta' Lisbona)” (9), il-KESE nnota li l-objettivi ambizzjużi ta' l-istrateġija ta' Lisbona fir-rigward ta' l-impjiegi ntlaħqu biss sa ċertu punt u nnota li ħafna mill-impjiegi l-ġodda maħluqa tul dawn l-aħħar snin, b'mod partikulari fil-każ tan-nisa, kienu part-time. Ħaddiema li huma ikbar fl-età għadhom jiffaċċjaw il-problema ta' nuqqas ovvju ta' postijiet tax-xogħol battala xierqa, u ż-żgħażagħ b'mod partikulari kienu fil-biċċa l-kbira qegħdin isibu forom atipiċi (mhux standard) ta' impjieg, f'xi każi mingħajr assigurazzjoni legali u soċjali adegwata. Opportunitajiet ta' integrazzjoni tas-suq tax-xogħol għal gruppi żvantaġġati u soċjalment marġinalizzati għadhom neqsin. L-opinjoni tal-KESE saħqet li fil-kuntest ta' flessigurtà għandu jkun hemm livell għoli ta' sigurtà soċjali, politika tas-suq tax-xogħol attiva, u edukazzjoni, edukazzjoni addizzjonali u taħriġ.

3.8.2

Fl-ewwel xhur tas-sena, il-Kummissjoni għamlet għadd ta' proposti għal politika komuni dwar l-immigrazzjoni. Dan jista' jaffettwa l-immigrazzjoni ta' ħaddiema bi kwalifiki għoljin f'oqsma bħas-servizzi lin-negozju li jiffukaw fuq l-għarfien, u l-ħaddiema inqas kwalifikati f'attivitajiet bħas-servizzi tat-tindif jew tas-sigurtà.

3.8.3

Il-Komunità se tadotta Att dwar l-Intrapriżi ż-Żgħar biex tilliberalizza l-potenzjal għat-tkabbir ta' l-SMEs matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Is-servizzi lin-negozju jirrappreżentaw is-settur bl-ogħla rati ta' start-ups u wind-ups, għaldaqstant, għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-SMEs il-ġodda. Fl-opinjoni tiegħu “Il-potenzjal ta' l-intrapriża, speċjalment ta' l-SMEs (l-istrateġija ta' Lisbona)” (10), il-KESE jħeġġeġ linji ta' gwida mmirati, magħżula u integrati aħjar, għall-SMEs għat-tkabbir u l-impjiegi għas-snin 2008-10. L-SMEs jibbenefikaw ukoll mill-fatt li l-piż amministrattiv ta' l-UE se jonqos b'25 % sa l-2012.

3.8.4

Il-Komunità se ssaħħaħ is-suq uniku u żżid il-kompetizzjoni fis-servizzi. L-istess opinjoni tal-KESE (INT/324, ikkwotata hawn fuq) tilmenta minn suq uniku mhux komplut, b'mod speċjali l-implimentazzjoni bil-mod tad-direttivi mill-Istati Membri, il-piżijiet amministrattivi, u n-nuqqas ta' mobilità tax-xogħol. Dawn jirrappreżentaw ostakli enormi għall-SMEs, li mhux faċli jingħelbu.

3.8.5

Il-Komunità se tagħmel mod li l-ħames libertà (il-moviment liberu tat-tagħrif) issir realtà u toħloq Żona ta' Riċerka Ewropea ġenwina. Is-servizzi lin-negozju li jiffukaw fuq l-għarfien jista' jkollhom rwol x'jaqdu f'din il-prijorità marbuta ma' l-istrateġija ta' Lisbona.

3.8.6

Il-Komunità se ttejjeb il-kundizzjonijiet qafas għall-innovazzjoni. Il-KESE ħejja wkoll opinjoni dwar “L-Investiment u l-Innovazzjoni” (11). L-argument prinċipali ta' din l-opinjoni huwa li l-Ewropa trid tibqa' fuq quddiem fir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, u li jinħtieġu iktar fondi mill-baġit ta' l-UE, it-titjib tal-faċilitajiet edukattivi u standards aktar għoljin b'mod ġenerali. Jinħtieġu wkoll: klima soċjali li hija miftuħa għall-progress u l-innovazzjoni; il-ħolqien tal-kundizzjonijiet meħtieġa u t-teħid ta' deċiżjonijiet li jagħtu biżżejjed kunfidenza tan-negozju u ottimiżmu lill-investituri biex jinvestu l-kapital tagħhom f'intrapriżi ġodda fl-Ewropa; li jqanqlu għarfien tas-sinifikat fundamentali ta' riċerka bażika u li jnisslu spirtu ta' intraprenditorija għal dawk li huma lesti li jinvestu fl-innovazzjoni u jieħdu r-riskji; u li jaċċettaw ċertu nuqqas ta' suċċess u telf li b'mod inevitabbli jġib miegħu r-riskju. Il-KESE ħares ukoll lejn l-ambjent legali u soċjali għal intraprenditorija innovattiva u għal suq li jħeġġeġ l-innovazzjoni.

3.8.7

Il-Komunità se tippromovi politika industrijali ingranata lejn produzzjoni u konsum iktar sostenibbli. Ir-rwol tas-servizzi fil-politika industrijali jista' jitqiegħed taħt din il-prijorità.

3.8.8

Il-Komunità se tinnegozja b'mod bilaterali ma' msieħba ewlenin fil-kummerċ biex tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-kummerċ u l-investiment internazzjonali, u toħloq spazju komuni ta' dispożizzjonijiet u standards regolatorji.

4.   Prijorità ta' azzjonijiet favur is-servizzi lin-negozju

Jinħtieġ li l-azzjonijiet jingħataw ordni ta' prijorità minħabba li l-kamp tas-servizzi lin-negozju jinvolvi qasam wiesa' ta' politika. Fl-opinjoni tal-KESE, il-prijoritajiet għandhom ikunu dawn li ġejjin:

4.1

L-ewwel prijorità: Il-Kummissjoni Ewropea għandha toħloq Grupp ta' Livell Għoli dwar is-servizzi lin-negozju, fil-kuntest tal-politika ta' l-intrapriża u l-industrija biex jiġi assigurat li l-miżuri politiċi jikkunsidraw is-servizzi mil-lat ta' l-interazzjoni tagħhom ma' l-industrija u l-attività ekonomika kollha kemm hi. L-objettivi prinċipali ta' dan il-Grupp ta' Livell Għoli jistgħu jkunu dawn li ġejjin:

analiżi profonda tal-bżonnijiet tas-servizzi lin-negozju, li jinkludu l-bżonnijiet tas-subsetturi differenti u varjati ħafna fis-servizzi lin-negozju;

politiki eżistenti ta' l-iskrining li jaffettwaw lis-servizzi lin-negozju u l-ippjanar ta' azzjonijiet ta' politika konkreti fil-livell adattat (reġjonali, nazzjonali jew ta' l-UE);

rakkomandazzjoni ta' objettivi strateġiċi li jridu jinkisbu fin-negozjati tad-WTO dwar il-GATS, b'enfasi fuq il-miżuri meħtieġa, b'tali mod li l-SMEs fis-servizzi jkunu jistgħu jesportaw;

identifikazzjoni u r-raggruppament ta' investituri tal-politika f'oqsma fejn ir-rappreżentazzjoni hija limitata sewwa u frammentata;

twaqqif ta' Osservatorju Ewropew tas-servizzi lin-negozju biex jimmonitorja r-riżultati ta' miżuri implimentati minn azzjonijiet tal-politika ta' l-UE; u biex jagħti pubbliċità lill-aħjar prattiki. L-Osservatorju għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-KESE, tat-trejdunjins, ta' l-assoċjazzjonijiet tan-negozju u ta' l-esperti tas-servizzi lin-negozju.

4.2

It-tieni prijorità: Djalogu soċjali dedikat b'mod speċifiku għas-settur tas-servizzi lin-negozju għandu jkun inkuraġġut biex jiddiskuti u jifformula rakkomandazzjonijiet dwar:

opportunitajiet ġodda ta' impjieg;

tagħlim tul il-ħajja;

sfidi ta' l-esternalizzazzjoni u l-off-shoring;

identifikazzjoni ta' nuqqas ta' kompetenzi;

xogħol part-time u teleworking;

il-każ ta' flessigurtà fis-servizzi lin-negozju (Dan is-suġġett diġà ġie ttrattat b'mod ġenerali mill-KESE f'opinjoni reċenti — SOC/283);

nuqqas ta' persunal fil-KIBS u r-rwol ta' l-immigrazzjoni; u

mobilità.

Fil-prattika, il-fattibbiltà u l-effettività ta' djalogu soċjali settorjali bħal dan (li jinkludi r-rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet u l-appoġġ organizzattiv) ser jiddependu b'mod partikulari minn kemm jirrikonoxxuh ir-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem.

4.3

It-tielet prijorità: ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi:

l-analiżi ta' modi ta' innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi lin-negozju u l-impatti tagħhom fuq il-produttività u t-tkabbir soċjali u ekonomiku;

ir-rwol tal-KIBS fl-iżvilupp ta' l-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi;

ir-relazzjoni bejn l-iżvilupp ta' l-ICT u l-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi;

l-iskrining ta' programmi tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni biex jevalwaw il-pożizzjoni tas-servizzi lin-negozju;

l-applikazzjoni ta' tekniki ta' manifattura intiżi biex jipproduċu bl-użu ta' l-inqas riżorsi possibbli (lean manufacturing techniques) għas-servizzi;

ir-rwol ta' l-innovazzjoni tas-servizzi u azzjonijiet oħra ta' politika potenzjali għas-servizzi ffukati fuq l-għarfien f'livell reġjonali. L-użu ta' politika ta' l-innovazzjoni biex tippromovi d-domanda u l-provvista ta' servizzi lin-negozju.

4.4

Ir-raba' prijorità: L-iżvilupp ta' standards. L-istandards fis-servizzi, li ġeneralment jiġu ġġenerati mid-domanda, żviluppaw bil-mod. Fuq in-naħa ta' min jipprovdi s-servizzi lin-negozju jeżistu problemi strutturali. Fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn huma intrapriżi żgħar li ma jappartjenux lil organizzazzjonijiet rappreżentattivi f'pajjiżhom u dan huwa wkoll rifless fil-livell Ewropew, fejn il-kategorija mhix rappreżentata tajjeb fi kwalunkwe organizzazzjoni Ewropea. Għalhekk, l-uniku mod biex tittejjeb is-sitwazzjoni hija li l-utenti jiġu mobilizzati biex jesprimu l-ħtiġijiet tagħhom. Is-suq tas-servizzi lin-negozju għandu x'jibbenefika bil-kbir jekk jiġu żviluppati standards ċari f'dan il-qasam. L-iżvilupp ta' l-istandards jista' jkun utli biex:

jissupplementa jew anke jissostitwixxi r-regolamentazzjoni;

itejjeb il-kwalità u jistimula l-kompetizzjoni;

jgħin fit-tnaqqis ta' l-informazzjoni assimetrika, għall-benefiċċju kemm tal-provveditur kif ukoll ta' l-utent, f'suq li huwa nieqes mit-trasparenza;

jassigura element ta' tqabbil meta l-utent ikun iffaċċjat b'offerti differenti u jkollu bżonn jieħu deċiżjoni;

ixerred fuq skala ikbar il-frott tal-programmmi tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u b'hekk tiġi inkuraġġuta l-innovazzjoni biex tiżdied il-kwalità tas-servizzi;

inaqqas it-tilwim permezz ta' kjarifika tad-drittijiet u l-obbligi ta' dawk li jipprovdu s-servizzi u l-utenti;

jevita l-konflitti soċjali billi l-provvedituri tas-servizzi u l-utenti jirrispettaw il-liġi tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi applikabbli, u f'każ ta' bżonn, permezz ta' negozjati kollettivi fil-livell xieraq;

jiffaċilita ċerti ekonomiji ta' skala minn kumpaniji żgħar li jipprovdu servizzi simili fl-Istati Membri differenti ta' l-UE u b'hekk iħejju t-triq biex jitnaqqsu l-ostakli għall-integrazzjoni tas-suq;

jiżviluppa settur ta' esportazzjoni b'saħhtu u jipprovdi assistenza fil-qasam ta' l-offerti pubbliċi u s-sotto-kuntrattar tas-servizzi.

4.5

Il-ħames prijorità: Iktar titjib fl-istatistika dwar is-servizzi lin-negozju. Azzjonijiet ta' politika jiddependu fuq analiżi dwar tendenzi attwali li jistgħu jitkejlu biss minn statistika ċara u sinifikattiva. In-nuqqas ta' żidiet ta' produttività sodisfaċenti meta mqabbla ma' l-Istati Uniti jista' jkun dovut għal statistika mhux ta' min jorbot fuqha li hija bbażata fuq metodoloġija użata biex jiġi analizzat l-andament tal-manifattura. Il-ġbir ta' statistika iktar irfinata dwar is-servizzi lin-negozju jitlob mhux biss deċiżjoni mill-Eurostat, imma wkoll kollaborazzjoni mill-gvernijiet nazzjonali biex jibdlu l-metodi tagħhom ta' kif jiġbru l-istatistika. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-analiżi tar-rwol tas-servizzi lin-negozju f'setturi oħra industrijali u tas-servizzi.

4.6

Is-sitt prijorità: Xjenza tas-servizzi

Ix-xjenza tas-servizzi (jew Xjenza tas-Servizzi, Immaniġġjar u Inġinerija, SSME) hija dixxiplina li ġdida li qiegħda tinħoloq u li tkopri l-approċċi diversi u frammentati lejn is-servizzi: is-servizzi ekonomiċi, is-servizzi ta' l-immaniġġjar, is-servizzi tal- kummerċjalizzazzjoni u s-servizzi ta' l-inġinerija, fost oħrajn. Ir-riċerkaturi u n-negozji tas-servizzi qegħdin jagħrfu l-bżonn ta' promozzjoni u integrazzjoni aħjar f'dawn l-oqsma kollha. L-inġinerija tas-servizz hija eżempju tajjeb tal-qasam tax-xjenza tas-servizzi. Din hija dixxiplina teknika speċifika kkonċernata bl-iżvilupp u l-ippjanar sistematiku ta' prodotti tas-servizz li jużaw mudelli, metodi u għodod xierqa. Għalkemm l-inġinerija tas-servizz tħaddan ukoll aspetti ta' immaniġġjar ta' operazzjonijiet tas-servizz, wieħed mill-punti fokali ewlenin tagħha huwa l-iżvilupp ta' prodotti tas-servizz ġodda. Fl-istess ħin l-inġinerija tas-servizz hija wkoll ikkonċernata bl-ippjanar ta' sistemi ta' żvilupp, fi kliem ieħor ma' kwistjonijiet marbuta mas-servizz ta' mmaniġġjar tar-riċerka u l-iżvilupp ġenerali u l-innovazzjoni. Approċċi integrati għall-oġġetti fiżiċi ta' ko-inġinerija, software u servizzi jsiru karatteristika stabbilita.

Riċerka radikali biex jinstabu mudelli, metodi u għodod ġodda tan-negozju ser tagħti spinta prezzjuża lix-xjenza tas-servizzi. Fl-aħħarnett, l-armonizzazzjoni li qed tiżdied ta' l-istandards tas-servizzi tinkuraġġixxi l-ispeċifikazzjoni u l-iżvilupp effiċjenti ta' servizzi ġodda (12).

L-inġinerija tas-servizz hija waħda mill-ftit oqsma fis-settur tas-servizzi li kienet iffurmata b'mod sostanzjali mir-riċerka Ewropea. Integrazzjoni iktar stretta fis-sistemi internazzjonali u l-iżvilupp sistematiku ta' komunità ta' inġinerija tas-servizzi indipendenti huma essenzjali sabiex isostnu rwol ta' tmexxija f'dan il-qasam fil-futur (13).

4.7

Is-seba' prijorità: Is-Suq Intern u r-regolamentazzjoni tas-servizzi lin-negozju

Tnaqqis u semplifikazzjoni tal-piż regolatorju. Hemm diversi fatturi restrittivi li jaħdmu kontra l-intrapriżi tas-servizzi lin-negozju u jġibu fix-xejn l-isforzi tagħhom biex iżidu l-produttività tagħhom u biex ifittxu n-negozju fi Stati Membri oħra. Dawn jinkludu problemi relatati mal-mobilità tax-xogħol u r-rikonoxximent ta' kwalifiki edukattivi. Il-volum u l-kumplessità tar-regolamentazzjoni żdiedu tul dawn l-aħħar snin u dan żied il-piż fuq il-provvedituri ż-żgħar tas-servizzi. L-iktar punti rilevanti li jeħtieġu l-attenzjoni huma:

It-twaqqif u t-trasferiment ta' l-intrapriżi. Il-ħin u l-flus meħtieġa għat-twaqqif ta' intrapriżi ġodda jew it-trasferiment tas-sjieda ta' waħda eżistenti huma projbittivi għall-SMEs;

Ostakli għall-esportazzjonijiet tas-servizzi. Ir-riżorsi meħtieġa biex jinstabu r-regolamenti rilevanti għan-negozju tagħhom u l-ispejjeż marbuta mal-konsultazzjoni jqumu ħafna għall-SMEs li jixtiequ jesportaw is-servizzi. Jinħtieġ li jsir segwitu tan-negozjati tal-kummerċ internazzjonali biex jitneħħew l-ostakli — li m'humiex neċessarji — fil-qasam tas-swieq esterni tas-servizzi lin-negozju għall-provvedituri Ewropej tas-servizzi. Il-bażi tad-data eżistenti dwar l-aċċess għas-suq, li nħolqot mill-Kummissjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta' dawn l-ostakli;

Restrizzjonijiet fuq kollaborazzjoni multi-dixxiplinarja. Jeżistu ostakli għall-aċċess tal-provvedituri tas-servizzi professjonali li jistgħu jitneħħew ġaladarba d-Direttiva dwar is-Servizzi tidħol fis-seħħ;

Traspożizzjoni defiċjenti tal-leġislazzjoni ta' l-UE kif ukoll liġijiet li ma jaqblux bejn Stat Membru u ieħor. Anke jekk ir-regolamenti m'humiex direttament kontra s-Suq Intern, il-fatt li teżisti disparità wiesgħa fost il-pajjiżi ta' l-UE jfixkel l-integrazzjoni tas-suq;

Akkwist pubbliku u regolamentazzjoni li jikkonċernaw kompetizzjoni bejn kumpaniji pubbliċi u dawk ta' l-Istat għall-kuntratti pubbliċi;

Ostakli li jipprekludu l-firxa tas-servizzi fl-Istati Membri kollha. Attitudnijiet difensivi adottati minn assoċjazzjonijiet professjonali fil-liġijiet lokali tagħhom li jkunu kontra li jippermettu li joperaw lil prattikanti minn Stati Membri oħra;

Stazzjonar ta' ħaddiema kkwalifikati. Id-diffikultajiet fl-istazzjonar ta' ħaddiema fi Stati Membri oħra, anke meta l-postijiet tax-xogħol jirrikjedu kwalifiki għoljin. L-opinjoni tal-KESE dwar “L-istazzjonar tal-ħaddiema” tista' sservi ta' gwida f'dan ir-rigward (14);

Rikonoxximent tal-kwalifiki. Id-Direttiva 2005/36/KE tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali kellha tiġi trasposta sa l-20 ta' Ottubru 2007. Dan kien jinvolvi s-sostituzzjoni ta' ħmistax il-Direttiva preċedenti dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Attwalment, għandu jkollna modernizzazzjoni komprensiva tas-sistema tal-Komunità, li tippromovi s-suq ta' l-UE għas-servizzi lin-negozju, permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki iktar flessibbli u awtomatiku. Sadattant, l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, imsejħa IMI, qed titqies bħala approċċ prattiku għall-awtoritajiet u dawk li jħaddmu fl-Istati Membri biex ikunu jistgħu jiċċekkjaw f'bażi tad-data ċentrali liema awtorità maħtura (f'livell reġjonali jew nazzjonali f'kull Stat Membru) hija awtorizzata toħroġ iċ-ċertifikati ta' kompetenza u kwalifiki u biex tivverifika l-awtentiċità tat-tali ċertifikati;

Traspożizzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi. Biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bl-aħjar mod possibbli mill-ambjent regolatorju l-ġdid, analiżi settorjali tkun ta' għajnuna kbira lis-servizzi lin-negozju, b'mod partikulari l-identifikazzjoni ta' l-ostakli li jkun fadal waqt u wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi. Dan se jkun is-suġġett għall-iskrining li se jibda fl-2010, sabiex ikun jista' jiġi evalwat il-progress dwar it-traspożizzjoni, u l-mod li bih dan isir ikun segwit mill-qrib. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-impatti fuq l-ekonomija tas-servizzi lin-negozju. Is-sistemi ta' informazzjoni tas-suq intern jistgħu jipprovdu informazzjoni utli għas-segwitu u s-semplifikazzjoni futura tad-differenzi nazzjonali

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 318/2006, 23.12.2006, p. 4 (CCMI/035).

(2)  COM(2007) 374, 4.7.2007.

(3)  SEC(2007) 1059, 27.7.2007 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12.12.2006.

(5)  Stqarrija għall-istampa IP/08/192, 7.2.2008.

(6)  Memo/08/12, 10.3.2008.

(7)  COM(2007) 359 finali.

(8)  COM(2008) 133 finali, 11.3.2008.

(9)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 93 (SOC/251).

(10)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 8 (INT/324).

(11)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 17 (INT/325).

(12)  Inġinerija tas-servizz –żvilupp metodiku ta' prodotti tas-servizz ġodda, ta' Hans-Jorg Bullinger, Klaus-Peter Fahnrich, Thomas Meiren.

(13)  Thomas Meiren, Fraunhofer Institute for Industrial Engineering, Stuttgart, Il-Ġermanja.

(14)  Ara CESE 995/2008 tad-29.5.2008 (SOC/282). ĠU C 224, 30.8.2008, p. 95.


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekomomiku u Soċjali Ewropew

It-test li ġej ġie mmodifikat fid-dawl ta' emenda li ġiet adottata mill-assemblea, iżda rċieva mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Punt 2.2 — it-tieni inċiż:

“—

Politika tas-suq tax-xogħol fis-servizzi lin-negozju. Minn perspettiva soċjali, huwa meħtieġ studju profond fil-livell settorjali dwar l-isfidi li qed joħolqu t-tipi ġodda ta' impjiegi ġenerati mill-interazzjonijiet tas-servizzi tal-manifattura u tan-negozju. Din l-analiżi għandha tinkludi l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema inklużi dawk involuti fil-proċessi ta' esternalizzazzjoni. Biex jintlaħaq dan l-objettiv, l-aġenda għad-djalogu soċjali għandha tiġi estiża biex tanalizza l-bidliet speċifiċi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-opportunitajiet ta' xogħol li jirriżultaw minn bidliet strutturali li jaffettwaw lis-servizzi lin-negozju.”

Riżultat:

87 vot favur l-emenda, 35 kontra u 13-il astensjoni.


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kosmetiċi (riformulazzjoni)

COM(2008) 49 finali — 2008/0035 (COD)

(2009/C 27/07)

Nhar it-13 ta' Mejju 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kosmetiċi (riformulazzjoni).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Krawczyk.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'126 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat japprova l-miri u l-objettivi ta' l-abbozz ta' regolament kif ukoll ir-riformulazzjoni tad-Direttiva 76/768/KEE bħala regolament.

1.2

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hu hemm ċans li jkun hemm spejjeż kunsiderevoli, b'mod partikulari għall-SMEs, biex ilaħqu r-rekwiżiti ġodda għall-prattiki ta' manufattura, il-valutazzjoni tas-sigurtà u t-tħejjija tal-fajls b'informazzjoni dwar il-prodotti, biex ma nsemmux it-testijiet rilevanti kollha li jeħtieġ isiru.

1.3

Il-Kumitat iqis li jkun għaqli jekk jitnaqqas dan l-impatt finanzjarju negattiv fuq l-SMEs, per eżempju billi jiġi speċifikat li l-fajl bl-informazzjoni dwar il-prodott u l-valutazzjoni tas-sigurtà għandhom jitħejjew b'konformità mar-rekwiżiti l-ġodda għal prodotti li jinħarġu fis-suq għall-ewwel darba.

1.3.1

Il-Kumitat japprova l-perjodu ta' 36 xahar għad-dħul fis-seħħ tar-regolament. Madankollu, għall-aġġornar tal-fajls bl-informazzjoni u l-valutazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti kosmetiċi li diġà qegħdin fis-suq, il-Kumitat jirrakkomanda perjodu ta' transizzjoni ieħor ta' 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ.

1.4

Il-Kumitat jilqa' l-introduzzjoni ta' reġim differenzjat ibbażat fuq l-istima tar-riskju ta' sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (“CMR”). Il-projbizzjoni ta' l-użu ta' sustanzi bħal dawn għandha tinżamm.

2.   Kelmtejn qabel

2.1

L-għan ewlieni tad-direttiva (Direttiva 76/768/KEE) huwa li tħares is-saħħa tal-konsumaturi filwaqt li tarmonizza d-dispożizzjonijiet legali dwar il-prodotti kosmetiċi fis-suq komuni. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq bħalissa turi li l-emendi għad-Direttiva 76/78/KEE u t-traspożizzjoni ftit li xejn konsistenti tagħhom mill-Istati Membri wasslu għal bosta inċertezzi u diskrepanzi. Għaldaqstant, dan wassal għal piż amministrattiv u spejjeż żejda kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-industrija mingħajr ma tejjeb is-sigurtà tal-prodotti kosmetiċi.

2.2

Is-simplifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar prodotti kosmetiċi (id-“Direttiva tal-Kosmetiċi”) tħabbret fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-implimentazzjoni tal-programm ta' Lisbona tal-Komunità — Strateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju” u fl-Istrateġija Politika Annwali tal-Kummissjoni għall-2007 u fil-Programm Leġislattiv u ta' Ħidma għall-2007. Il-Kummissjoni ssuġġeriet li tissimplifika d-Direttiva tal-Kosmetiċi fil-forma ta' riformulazzjoni, jiġifieri teknika leġislattiva li tagħmilha possibbli li test leġislattiv u l-emendi tiegħu jiġu kodifikati u li jsir titjib sostanzjali.

2.3

Fuq il-bażi tar-reazzjonijiet li ħarġu minn konsultazzjoni pubblika mnedija fl-2006, kif ukoll ta' bosta studji tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni ħejjiet valutazzjoni ta' l-impatt estensiva qabel l-abbozzar tal-proposta għal regolament (riformulazzjoni) (1).

2.4

Is-settur tal-kosmetiċi fl-UE huwa karatterizzat mill-SMEs. 97 % tal-kumpaniji tal-kosmetiċi kollha fl-UE huma SMEs u 80 % minnhom għandhom inqas minn 19-il impjegat. L-SMEs jagħmlu madwar żewġ terzi ta' dawk kollha impjegati direttament fis-settur tal-kosmetiċi fl-UE.

2.5

F'dawk li huma impjiegi, hemm madwar 150 000 ruħ impjegati fl-industrija tal-kosmetiċi fl-Ewropa. Is-settur Ewropew ilu joħloq impjiegi ġodda b'rata soda sa mill-1999 (żieda ta' 1.2 % fis-sena).

2.6

Barra mill-impjiegi diretti, is-settur tal-kosmetiċi għandu impatt indirett qawwi fuq impjiegi marbuta ma' bejgħ, distribuzzjoni u trasport. Huwa stmat li l-industrija tal-kosmetiċi indirettament toħloq madwar 350 000 impjieg.

2.7

Huwa għalhekk li għandhom jitqiesu l-interessi u l-fehmiet ta' l-SMEs fis-settur kosmetiku fl-UE meta jiġi analizzat l-impatt ta' din il-proposta.

2.8

L-esportazzjonijiet intrakomunitarji tal-kosmetiċi żdiedu sena wara sena mill-1999 b'medja ta' 5 % fis-sena f'dak li huwa volum, u 6.5 % fis-sena f'dak li hu valur.

2.9

L-industrija tal-kosmetiċi hija negozju internazzjonali fejn l-Ewropa hija attur importanti ħafna. In-natura globali ta' dan is-settur hija partikolarment rilevanti għall-UE bħala esportatur nett. Fl-2005, l-esportazzjoni ta' prodotti kosmetiċi barra mill-UE kienet tammonta għal EUR 16-il biljun meta mqabbla ma' l-importazzjoni li ammontat għal EUR 4.4 biljun.

2.10

Is-sitwazzjoni tinbidel minn Stat Membru ta' l-UE għall-ieħor. Il-Polonja hija eżempju ta' dan, fejn il-parti l-kbira tas-settur tal-kosmetiċi Pollakk għadha indipendenti b'aktar minn 400 intrapriża, l-aktar SMEs. Is-suq tal-kosmetiċi Pollakk, li kiber bi 8.2 % fl-2006 u 7.2 % fl-2007, u li għad għandu potenzjal qawwi ta' tkabbir, huwa eżempju tajjeb ta' tkabbir sod li ma għadux jinħass fil-5 ekonomiji l-aktar żviluppati ta' l-UE (ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u Spanja).

3.   Daħla

Id-Direttiva tal-Kosmetiċi hija att leġislattiv ferm dettaljat u preskrittiv. Sa mill-1976, id-Direttiva tal-Kosmetiċi kellha 56 emenda, fatt li wassal għal inċertezzi u inkonsistenza legali u n-nuqqas assolut ta' sett ta' definizzjonijiet.

3.1

Ir-riformulazzjoni proposta tad-Direttiva tal-Kunsill 76/78/KEE għandha dawn l-għanijiet ewlenin:

li tneħħi l-inċertezzi u l-inkonsistenza legali li ġejjin min-numru kbir ta' emendi;

li tevita diskrepanzi fit-traspożizzjoni nazzjonali li ma jgħinux is-sigurtà tal-prodotti iżda minflok iżidu mal-piż regolatorju u l-ispejjeż amministrattivi;

li tissimplifika u tgħaqqad ċerti proċeduri amministrattivi, bħan-notifika, il-“cosmetoviligance” u l-kooperazzjoni amministrattiva waqt is-sorveljanza tas-suq;

li tiżgura s-sigurtà tal-prodotti kosmetiċi li jinħarġu fis-suq ta' l-UE, b'mod speċjali meta titqies l-innovazzjoni li teżisti f'dan is-settur;

li jitħarsu r-regoli li għandhom x'jaqsmu ma' l-ittestjar fuq l-annimali li żdiedu mad-Direttiva tal-Kosmetiċi bis-“seba' emenda” fl-2003;

li tintroduċi l-ħtiġijiet minimi ċari għall-valutazzjoni tas-sigurtà tal-kosmetiċi;

li tintroduċi l-possibbiltà f'każijiet eċċezzjonali li tirregola s-sustanzi CMR 1 u 2 fuq il-bażi tar-riskju effettiv li jippreżentaw.

L-elementi kruċjali ta' l-abbozz tal-proposta għal deċiżjoni huma kif ġej:

3.2

Il-proposta tal-Kummissjoni iżżomm l-ambitu tad-Direttiva 76/768/KEE, u d-definizzjoni tal-'prodott kosmetiku' tibqa' l-istess. Matul il-konsultazzjoni pubblika li saret mill-Kummissjoni Ewropea ħafna mill-partijiet interessati kienu favur ir-riformulazzjoni tad-Direttiva 76/768/KEE biex issir regolament.

3.3

Ġew proposti sensiela ta' definizzjonijiet ġodda għal termini bħal: manifattur, importatur, disponibbiltà fis-suq, ħruġ fis-suq, standards armonizzati, traċċi, preservattivi, koloranti, filters tal-UV, effetti mhux mixtieqa, effetti mhux mixtieqa serji, l-irtirar jew is-sejħa lura ta' prodott mis-suq. Madankollu, ma ġiet proposta l-ebda definizzjoni għat-terminu “prodott kosmetiku”.

3.4

Ġie introdott ukoll il-kunċett ta' persuna responsabbli fi ħdan il-Komunità. Ġiet deskritta r-responsabbiltà fil-każ ta' prodotti mibjugħa lill-konsumatur minn barra l-UE, per eżempju bl-Internet.

3.5

Ġew introdotti l-prinċipji ta' l-“Approċċ il-ġdid”: ir-referenza għal standards armonizzati fit-test ta' l-atti legali, fil-qasam tal-prattiki t-tajbin ta' manifattura, kampjunar u analiżi kif ukoll dikjarazzjonijiet dwar il-prodotti kosmetiċi.

3.6

Ir-rekwiżiti minimi għall-valutazzjoni tas-sigurtà u l-fajls bl-informazzjoni dwar il-prodott ġew stabbiliti. Ir-Rapport dwar is-Sigurtà tal-Prodotti Kosmetiċi ġie propost bħala l-Anness I fl-abbozz tar-regolament. Il-valutazzjoni tas-sigurtà tal-prodott kosmetiku hija bbażata fuq il-profil tossikoloġiku ta' l-ingredjenti tiegħu.

3.7

Minflok ir-reġim riċenti bbażat fuq il-periklu, qed jiġi propost reġim differenzjat ibbażat fuq stima tar-riskju (iżda mhux tal-periklu) għal sustanzi kklassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (“CMR”). B'mod ġenerali, il-projbizzjoni tas-sustanzi CMR 1 u 2 inżammet. Madankollu, l-approċċ il-ġdid jippermetti l-użu ta' dawn is-sustanzi, taħt kundizzjonijiet stretti, jekk ikun instab li huma sikuri biex jintużaw fil-kosmetiċi.

3.8

It-test iżomm ukoll l-istrateġija ġenerali għall-projbizzjoni ta' l-ittestjar ta' prodotti lesti fuq l-annimali kif ukoll l-iskedi ta' l-iskadenzi għall-projbizzjoni tal-promozzjoni tal-prodotti kosmetiċi li fihom ingredjenti jew kombinazzjonijiet ta' ingredjenti li ġew ittestjati fuq l-annimali.

3.9

Ġie stabbilit l-approċċ uniformi għall-ġestjoni ta' l-effetti mhux mixtieqa u l-effetti mhux mixtieqa serji. Id-data li għandha x'taqsam ma' l-effetti mhux mixtieqa u l-effetti mhux mixtieqa serji għandha ssir parti mir-Rapport dwar is-Sigurtà tal-Prodotti Kosmetiċi u titwassal lill-pubbliku. Barra minn hekk, l-effetti mhux mixtieqa serji jiġu rrappurtati b'mod attiv lill-awtoritajiet kompetenti.

3.10

Ġiet proposta n-notifika simplifikata, ċentralizzata u elettronika permezz ta' bankun waħdieni (“one-stop-shop”). S'issa, qabel ma' prodott kosmetiku jinħareġ fis-suq, in-notifika riedet issir b'mod separat f'kull Stat Membru. L-ambitu ta' l-informazzjoni jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, f'bosta Stati Membri huwa obbligatorju li tintbagħat notifika separata liċ-ċentri għall-kontroll tal-velenu.

3.11

Issaħħet il-kollaborazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll l-applikazzjoni ta' prattiki amministrattivi tajbin.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat japprova l-miri u l-objettivi ta' l-abbozz ta' regolament — li jissimplifika u jgħaqqad ċerti proċeduri amministrattivi, filwaqt li jiżgura livell għoli ta' sigurtà għall-konsumaturi. M'hemmx dubju li r-regolament propost huwa trasparenti. Id-dispożizzjonijiet legali li jistipula jiċċaraw ambigwitajiet legali preċedenti li kienu wasslu għal interpretazzjonijiet u applikazzjonijiet diverġenti.

4.2

Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva 76/768/KEE bħala regolament ser tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta' dispożizzjonijiet legali u ttejjeb il-moviment ħieles ta' prodotti fis-suq komuni waqt li tissimplifika l-proċeduri amministrattivi fis-swieq ta' l-UE.

4.3

Filwaqt li s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi tista' tnaqqas ċerti spejjeż (per eżempju dawk marbuta man-notifika dwar il-prodotti liċ-ċentri għall-kontroll tal-velenu), x'aktarx li l-SMEs ser ikollhom spejjeż konsiderevoli biex jilħqu r-rekwiżiti ġodda għall-kontenut tal-fajl bl-informazzjoni tal-prodott u biex iżommu ma' l-istandard armonizzanti EN ISO 22716 (GMP). Ta' min jiftakar li d-dispożizzjonijiet legali attwali ma jitolbux livell għoli ta' data tossikoloġiċi dettaljati daqs ir-regolament propost.

4.4

Huwa mistenni li l-i spejjeż adizzjonali li ser joħolqu r-rekwiżiti stipulati fir-regolament ser jiddependu ħafna mid-daqs ta' l-intrapriża. L-ispejjeż tat-tħejjija tal-fajls bl-informazzjoni dwar il-prodott u l-valutazzjoni tas-sigurtà ser jinġarru l-ewwel u fuq kollox mill-SMEs li qabel, skond id-dispożizzjonijiet legali eżistenti, kienu jħejju biss informazzjoni bażika.

Fil-każ ta' korporazzjonijiet kbar internazzjonali m'għandux ikun hemm żieda kbira fl-ispejjeż minħabba li dawn jistgħu jużaw l-esperjenza twila, il-kompetenza, ir-riżorsi umani u l-isfond tekniku tagħhom u wkoll l-aċċess għall-għarfien ta' partijiet terzi. Is-sistema ċentralizzata ta' notifika Ewropea żġur li ser tissimplifika l-proċeduri amministrattivi preċedenti f'każ ta' intrapriżi kbar li jimmanufatturaw prodotti għal bosta swieq ta' l-UE. Dan ser inaqqas l-ispejjeż tan-notifika. Barra minn hekk, l-intrapriżi internazzjonali diġà implimentaw sistemi ta' notifika għall-formulazzjonijiet qafas (il-formuli) tagħhom.

4.5

Fil-każ ta' l-SMEs, x'aktarx li jkollhom żieda mhux ħażin ta' l-ispejjeż marbuta ma' prattiki tajbin ta' manifattura, valutazzjoni tas-sigurtà u t-tħejjija tal-fajls bl-informazzjoni, biex ma nsemmux it-testijiet kollha li jkun jeħtiġilhom li jagħmlu.

Għar-riċerka u l-fajls bl-informazzjoni u l-valutazzjoni tas-sigurtà biss, l-ispejjeż ta' l-SMEs jistgħu jiżdiedu sa 100 % iżjed għal kull formula ġdida li tinħareġ fis-suq. Għall-SMEs dan iżid ukoll b'mod konsiderevoli l-ispejjeż tal-produzzjoni u jaffettwa l-prezz bl-imnut tal-prodotti, biex b'hekk ikollu impatt fuq l-interessi tal-konsumaturi.

Ta' min inżommu f'moħħna li fil-każ ta' l-SMEs, is-serje ta' prodotti huma manifatturati f'volumi iżgħar mhux ħażin minn dawk ta' kumpaniji internazzjonali kbar li jbiegħu kwantitajiet kbar ta' prodotti. B'dan il-mod, l-ispejjeż tar-riċerka, il-fajls bl-informazzjoni u l-valutazzjoni tas-sigurtà għal kull prodott huma ħafna ogħla fil-każ ta' l-SMEs.

Skond din il-valutazzjoni ta' l-impatt li għamlet il-Kummissjoni, dan jista' ma jkunx adattat fil-każ ta' Stati Membri bħal m'huma Spanja, l-Italja, il-Polonja u l-Bulgarija, li għandhom numru kbir ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

4.6

Jidher għaqli li jitnaqqas dan l-impatt finanzjarju negattiv fuq l-SMEs, per eżempju billi jiġi speċifikat li l-fajl bl-informazzjoni dwar il-prodott u l-valutazzjoni tas-sigurtà għandhom jitħejjew b'konformità mar-rekwiżiti l-ġodda għal prodotti li qed jinħarġu fis-suq għall-ewwel darba. Għall-prodotti li diġà qegħdin fis-suq jidher li jeħtieġ li jitwal il-perjodu ta' transizzjoni għall-aġġornar tal-fajls bl-informazzjoni dwar il-prodott u l-valutazzjoni tas-sigurtà.

4.6.1

Il-Kumitat japprova l-perjodu ta' 36 xahar għad-dħul fis-seħħ tar-regolament. Madankollu, għall-aġġornar tal-fajls bl-informazzjoni u l-valutazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti kosmetiċi li diġà qegħdin fis-suq, il-Kumitat jirrakkomanda perjodu ta' transizzjoni ieħor ta' 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ.

4.7

Il-Kumitat jilqa' l-introduzzjoni ta' sett ġdid ta' definizzjonijiet. Dawn għandhom jiffaċilitaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament u li jneħħu l-inċertezzi u l-inkonsistenza legali. Madankollu, għadha ma ġietx proposta definizzjoni ġdida għall-prodotti kosmetiċi. L-industrija tal-kosmetiċi hija innovattiva ferm u effikaċi u kategoriji ġodda tal-prodotti jiġu introdotti kull sena. Dan jista' joħloq problemi fil-kwalifikazzjoni tal-prodotti (kosmetiċi, prodotti farmaċewtiċi eċċ.) u fil-każ ta' prodotti marġinali (“borderline”). Jeħtieġ għalhekk li jsiru kampanji edukattivi u informattivi kif ukoll tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq f'dan il-qasam.

4.8

Il-Kumitat jilqa' l-introduzzjoni tal-kunċett ta' “persuna responsabbli”. Il-ħatra ta' persuna responsabbli — li tista' tkun intraprenditur differenti mill-produttur — hija utli u konformi mal-prattiki eżistenti tas-suq bħall-esternalizzazzjoni u t-tikkettar privat. Id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-persuna responsabbli jistipulaw ir-responsabbiltà tiegħu jew tagħha fi'każi ta' prodotti li jinħarġu fis-suq minn barra l-UE, per eżempju fuq l-Internet.

4.9

Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li għandhom ukoll jiġu definiti kunċetti oħra, sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, speċjalment peress li l-istrument huwa fl-għamla ta' regolament. Dan japplika b'mod partikolari għall-kunċetti ta' “fwieħa” u “ingredjent attiv”.

10.

Il-Kumitat jilqa' l-introduzzjoni tan-notifika elettronika dwar il-kosmetiċi u l-formuli qafas għaċ-ċentri għall-kontroll tal-velenu. Din żgur tgħaqqad il-proċeduri amministrattivi fis-suq ta' l-UE.

4.11

Il-Kumitat japprova l-introduzzjoni ta' prinċipji ta' l-approċċ il-ġdid fil-leġislazzjoni dwar il-prodotti kosmetiċi. L-applikazzjoni ta' standards armonizzati, li l-manifatturi u l-awtoritajiet kompetenti jistgħu japplikaw fuq bażi volontarja, tagħmilha possibbli li jingħaqdu l-metodoloġiji applikati. L-istandards armonizzati huma eżempju tajjeb ta' għodod ta' awto-regolamentazzjoni li mhux biss huma siewja iżda li s-settur kosmetiku huwa lest li juża. Madankollu, il-Kumitat għandu riżervi dwar l-applikazzjoni mingħajr kritika tal-prinċipji ta' l-approċċ il-ġdid. Kwistjonijiet marbuta mas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi jridu jiġu regolati mir-regolamenti rilevanti.

4.12

Il-Kumitat jilqa' r-referenza għall-istandards armonizzati marbuta mad-dikjarazzjonijiet dwar il-prodotti. Madankollu, l-istandards armonizzati għandhom jindirizzaw il-metodi ta' l-istima ta' l-effikaċja li ntużaw biex ikunu provati d-dikjarazzjonijiet, u mhux id-dikjarazzjonijiet infushom. L-effetti dikjarati jistgħu jitkejlu permezz ta' metodi ta' min joqgħod fuqhom u li jkunu riproduċibbli. Barra minn hekk, l-istandards armonizzati għandhom iqisu l-progress xjentifiku u teknoloġiku u kemm hu vast is-suġġett.

4.13

Il-Kumitat jilqa' l-introduzzjoni ta' reġim differenzjat ibbażat fuq l-istima tar-riskju ta' sustanzi klassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (“CMR”) kif issemmi d-Direttiva 67/548/KEE (l-Artikolu 12(2)). Il-projbizzjoni ta' l-użu ta' sustanzi bħal dawn għandha tinżamm b'mod ġenerali. Madankollu, is-sistema li tintuża bħalissa hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-periklu (jiġifieri l-kwalitajiet intrinsiċi tas-sustanza) u ma tqisx id-doża u l-mod ta' espożizzjoni. Dan jista' jwassal għall-projbizzjoni awtomatika ta' l-etanol (jiġifieri l-alkoħol) peress li jagħmel parti mis-sustanzi CMR 1 u 2, minkejja li l-użu tiegħu fil-kosmetika huwa sikur. L-abbozz ta' regolament jistipula li sustanzi klassifikati bħala CMR 1 jew 2 jistgħu jintużaw bħala komposti fil-kosmetiċi biss jekk jissodisfaw tliet kundizzjonijiet f'daqqa. (l-Artikolu 12, punt 2). Madankollu, waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li s-sustanza trid tkun waħda li tintuża legalment fl-ikel u fil-prodotti nutrittivi. Imma jista' jkun hemm każi fejn sustanzi CMR 1 jew 2 jitqiesu sikurai biex jintużaw fil-kosmetiċi iżda ma jitħallewx jintużaw fl-ikel (per eżempju l-formaldejde, l-aċidu boriku, eċċ.). Id-dispożizzjonijiet abbozzati jeskludu kwalunkwe applikazzjoni ta' dan it-tip ta' sustanzi fl-industrija tal-kosmetiċi.

4.14

Il-Kumitat jaf bil-perjodu ta' transizzjoni għall-aġġornar tal-fajls bl-informazzjoni u l-valutazzjoni tas-sigurtà għal prodotti li diġà jinsabu fis-suq (l-Artikolu 34). L-abbozz ma jispeċifikax jekk il-perjodu ta' transizzjoni japplikax biss għal prodotti li jkunu ser jinħarġu fis-suq jew hux ukoll għal prodotti li diġà jinsabu fis-suq. L-ispeċifikazzjoni ta' l-istess perjodu transitorju (per eżempju 5 snin minflok 3 snin) għall-prodotti kollha, inklużi dawk li diġà jinsabu fis-suq, tista' twassal għal sitwazzjoni fejn il-prodotti li diġà tqiegħdu fis-suq b'mod legali ser ikollhom jiġu rtirati minħabba li t-tikkettar jew il-fajls bl-informazzjoni tagħhom ma jkunux ġew aġġornati. Il-Kumitat japprova l-perjodu ta' 36 xahar għad-dħul fis-seħħ tar-regolament. Madankollu, għall-aġġornar tal-fajls bl-informazzjoni u l-valutazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti kosmetiċi li diġà qegħdin fis-suq, il-Kumitat jirrakkomanda perjodu ta' transizzjoni ieħor ta' 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ.

Fid-dokument SEC(2008)117, ir-rapport dwar il-valutazzjoni ta' l-impatt, il-Kummissjoni Ewropea tiddikjara: “L-istatistika kollha disponibbli tissuġġerixxi li n-numru ta' reazzjonijiet ħżiena għal prodotti kosmetiċi huwa baxx ħafna. (…) Barra minn hekk, peress li d-Direttiva tal-Kosmetiċi li daħlet fis-seħħ fl-industrija tal-kosmetika ma kellhiex kriżi ta' sigurtà kbira, bħal ma ġara per eżempju fis-settur ta' l-għalf.”

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kumitat huwa konxju ta' ċerti dispożizzjonijiet inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni li jistgħu jkunu diffiċli li jiġu sodisfatti. L-iktar kruċjali jinkludu l-ambitu tad-data meħtieġ għall-fajls bl-informazzjoni tal-prodotti u l-valutazzjoni tas-sigurtà (l-Artikolu 7 u l-Anness I).

5.2

Il-valutazzjoni tas-sigurtà li taqa' taħt l-Artikolu 7 trid issir minn parti terza indipendenti, jiġifieri minn barra l-kumpanija in kwistjoni.

5.3

Fl-Artikolu 7(3), il-frażi “studji tas-sigurtà mhux kliniċi” m'hijiex ċara. It-tagħrif disponibbli jiżvela li dan it-terminu jiġi interpretat b'mod differenti minn Stati Membri varji ta' l-UE. Skond l-interpretazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti fil-Polonja, it-testijiet kliniċi huma testijiet għal prodotti mediċinali. Għalhekk, studji tar-riċerka fuq voluntiera li ġew użati fil-valutazzjoni tal-kosmetiċi (testijiet dermatoloġiċi, testijiet ta' kompatibbiltà, testijiet instrumentali) ma jistgħux jitqiesu bħala testijiet kliniċi. Madankollu, lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala studji mhux kliniċi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 7.3 tar-Regolament abbozzat. Skond id-Direttiva 2004/10/KE, id-dispożizzjonijiet dwar prattiki tajbin fil-laboratorju ma humiex applikabbli għal testijiet li jinvolvu l-parteċipazzjoni tal-bnedmin.

5.4

Barra minn hekk, rekwiżit li t-testijiet tossikoloġiċi u l-analiżi kollha neċessarji għal valutazzjoni ta' sigurtà jsiru skond il-prinċipji ta' prattika tajba fil-laboratorju jwaqqaf l-użu tal-maġġoranza tad-data, inklużi fil-bażi ta' data tossikoloġiċi u l-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, li huma sors siewi ta' informazzjoni. Anke f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi reċenti, wieħed rari ħafna jsib dikjarazzjoni ta' konformità (jew non-konformità) mal-prattika tajba fil-laboratorju minn laboratorji li qed iwettqu t-testijiet rilevanti.

5.5

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 4 ta' l-Anness I jikkonċernaw il-valutazzjoni tal-purità u l-istabbiltà tal-materjal ta' l-ippakkjar, il-valutazzjoni ta' interazzjonijet bejn il-komposti u l-valutazzjoni ta' l-influwenza ta' l-istabbiltà ta' prodott fuq is-sigurtà tiegħu, l-ispeċifikazzjoni tal-“perjodu wara li jinfetaħ” tista' tkun diffiċli li tinżamm billi ma hemmx metodoloġija disponibbli b'mod komuni u rikonoxxuta, per eżempju fl-għamla ta' standards internazzjonali jew Ewropej, jew pubblikazzjonijet xjentifiċi. Għaldaqstant, din id-data ma tinsabx disponibbli mill-ewwel.

5.5.1

Il-Kumitat jilqa' l-kontenut ta' l-Anness I (Ir-Rapport dwar is-Sigurtà tal-Prodotti Kosmetiċi) fejn jidħlu r-rekwiżiti minimi għad-data u t-testijiet li jridu jsiru biex jitħejja l-fajl bl-informazzjoni dwar il-prodott. Ser itejjeb il-kwalità tal-fajl, jiffaċilita s-sorveljanza tas-suq u b'hekk jgħin is-sigurtà tal-konsumaturi.

5.6

Il-valur tan-NOAEL (No Observed Adverse Effect Level) li huwa neċessarju għall-kalkolu tal-MoS (Marġini ta' Sigurtà) ma huwiex disponibbli għal ħafna sustanzi. L-obbligu li jiġi diterminat il-valur tan-NOAEL ser jirriżulta f'testijiet fuq l-annimali li jmorru kontra l-politika ta' l-UE li tħeġġeġ metodi alternattivi. Barra minn hekk, imur kontra d-dispożizzjonijet ta' l-Artikolu 14 (Testijiet fuq l-annimali).

5.6.1

Għalhekk il-leġislazzjoni l-ġdida għandha tispeċifika b'mod ċar liema testijiet għandhom isiru mill-manifatturi fuq is-sustanzi użati fil-kosmetiċi sabiex jiġu identifikati l-perikli li jista' jkun hemm għall-konsumaturi.

5.7

Il-Kumitat ma jaċċettax li l-lista ta' l-ingredjenti tintwera biss fuq il-pakkett (Artikolu 15(g)); minflok, jekk possibbli, għandha tintwera fuq il-prodott (fuq il-kontenitur);

5.8

Il-Kumitat jaħseb li l-prodotti kosmetiċi jridu juru twissijiet speċjali dwar l-użu mit-tfal, li jgħidu b'mod ċar, u b'tali mod li tkun viżibbli sew, l-età minima u li jeħtieġ li jinżammu 'l bogħod mit-tfal.

5.9

Il-Kumitat huwa wkoll tal-fehma li r-regolament għandu jistipula b'mod ċar li, fil-każ ta' bejgħ mill-bogħod ta' prodotti kosmetiċi, għandha tintwera eżatt l-istess tip ta' informazzjoni li hu obbligat li tintwera fuq it-tikketti u l-pakketti li jinbiegħu fil-ħwienet.

5.10

Il-Kumitat japprova l-pressjoni akbar li qed issir biex ikun hemm kollaborazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-użu ta' prattiki amministrattivi tajbin.

5.11

Il-Kumitat japprova ir-retifika ta' l-Annessi preċedenti li fihom listi ta' sustanzi pprojbiti u permessi bir-restrizzjonijiet li għandhom jitużaw fil-prodotti kosmetiċi, billi jiżdiedu n-numri CAS u EINECS u l-ismijiet INCI kif ukoll li jiġi stabbilit inventarju elettroniku ta' ingredjenti kosmetiċi.

5.12

Jidher xieraq li jiġi ritirat dak li kien l-Anness I tad-Direttiva 76/768/KEE. Id-diviżjoni ta' kategoriji fil-lista preċedentikienet pjuttost arbitrarja, u kien hemm ħafna ripetizzjonijiet ta' gruppi ta' kategoriji, per eżempju “trab tal-make up” u “prodotti għall-make up u għat-tneħħija tal-make up”. Barra minn hekk, il-lista preċedenti diġà skadiet — hemm kategoriji ta' prodotti ġodda disponibbli fis-suq, bħal adeżivi għal kontra ċ-ċellulite, u tissues biex tneħħi u tnaddaf il-make-up b'sustanzi attivi.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  COM(2008) 49 finali — 2008/0025 (COD) (mhux disponibbli bil-Malti).


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/82/KE u d-Direttiva 2001/83/KE fir-rigward tal-varjazzjonijiet għat-termini ta' l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti mediċinali

COM(2008) 123 finali — 2008/0045 (COD)

(2009/C 27/08)

Nhar it-3 ta' April 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/82/KE u d-Direttiva 2001/83/KE fir-rigward tal-varjazzjonijiet għat-termini ta' l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti mediċinali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Cedrone.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 ta' Lulju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'127 vot favur u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprova l-proposta għal Direttiva COM(2008) 123 finali li temenda d-Direttiva 2001/82/KE u d-Direttiva 2001/83/KE u jirrikonoxxi li dawn l-emendi jiggarantixxu l-armonizzazzjoni tar-regoli għall-prodotti mediċinali kollha indipendentement mill-proċedura użata sabiex jiġi awtorizzat it-tqegħid tagħhom fis-suq.

1.2

L-applikazzjoni ta' kriterji identiċi għall-prodotti mediċinali kollha tassigura, apparti l-istess kriterji ta' kwalità, sigurtà u effikaċja, livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa pubblika, tħaddim xieraq tas-suq intern u telimina piż amministrattiv u finanzjarju inutli għall-intrapriżi.

1.3

Il-KESE minn dejjem appoġġja u jkompli jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex ittejjeb is-sigurtà tal-prodotti mediċinali, fattur u element ta' importanza fundamentali għas-salvagwardja tas-saħħa tal-persuni u ta' l-annimali.

1.4

Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni tingħata l-poter li testendi l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1084/2003 għall-varjazzjonijiet li jseħħu wara l-awtorizzazzjoni mogħtija, indipendentement mill-proċedura użata, u b'hekk jiġi evitat xi xkjiel possibbli għall-moviment ħieles tal-prodotti mediċinali, u jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjonijiet futuri li l-Kummissjoni jkollha tadotta.

1.5

Għal darb'oħra, il-KESE jenfasizza l-konvinzjoni tiegħu li hemm bżonn ma jinħelix ħin sabiex jiġi kkompletat is-suq uniku anke f'dawk is-setturi fejn dan għadu ma seħħx jew li seħħ biss parzjalment.

2.   Kuntest

2.1

F'Novembru 2001, il-KE ppreżentat riforma wiesgħa tar-regolamenti rigward il-prodotti mediċinali permezz tal-ħruġ ta' żewġ dispożizzjonijiet speċifiċi: id-Direttiva 2001/82/KE dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji u d-Direttiva 2001/83/KE dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1).

2.2

Din il-leġislazzjoni kienet il-kontinwazzjoni ta' riforma profonda li seħħet fl-1993 bil-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMEA), kif previst mir-Regolament (KE) Nru 2309/93 u bl-implimentazzjoni tal-proċeduri l-ġodda ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mediċinali (2).

2.3

Dan ir-Regolament, b'konformità mal-prinċipju taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija, ippreveda żewġ proċeduri ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mediċinali kollha sa mill-1 ta' Jannar 1995:

a)

proċedura ta' awtorizzazzjoni “ċentralizzata” valida fit-territorju Komunitarju kollu, maħruġa mill-EMEA, obbligatorja fir-rigward tal-prodotti mediċinali tal-bijoteknoloġija u fakultattiva għall-prodotti farmaċewtiċi b'formula ġdida;

b)

iż-żamma ta' proċedura nazzjonali hekk imsejħa “deċentralizzata”, li tippermetti l-awtorizzazzjoni minn awtorità fil-livell nazzjonali. Din il-proċedura tippermetti wkoll li jiġu applikati regoli speċifiċi ta' “rikonoxximent reċiproku” għat-tqegħid fis-suq potenzjali ta' prodotti mediċinali awtorizzati minn Stat Membru speċifiku f'pajjiżi oħrajn tal-Komunità.

2.4

L-għan ta' dawn il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq kien li jiggarantixxu valutazzjoni korretta tar-rapport “riskji u benefiċċji”, li jiddefinixxu kriterji għoljin ta' kwalità, sigurtà u effikaċja, bl-objettiv preċiż li tiġi garantita s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej u ta' l-annimali.

2.5

Id-Direttiva 2001/82/KE u d-Direttiva 2001/83/KE jsaħħu dawn il-garanziji essenzjali u jipprevedu dispożizzjonijiet preċiżi relatati mal-viġilanza farmaċewtika sabiex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika b'aktar kontrolli frekwenti kif ukoll kriterji ta' notifika msaħħa u aktar iffukati ta' l-effetti mhux mixtieqa.

2.6

Matul il-kontrolli perijodiċi tat-tħaddim tas-sistema ta' l-awtorizzazzjoni għall-prodotti farmaċewtiċi, il-Kumissjoni identifikat problemi relatati mal-varjazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu wara l-konċessjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet fil-livell nazzjonali, li jirrappreżentaw aktar minn 80 % tat-total ta' l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti mediċinali.

2.7

Dawn il-varjazzjonijiet b'segwitu għall-awtorizzazzjoni nazzjonali jirreferu għar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1084/2003 u Nru 1085/2003 li japplikaw esklussivament għall-aspetti bħall-proċess ta' produzzjoni, l-ippakkjar tal-prodotti farmaċewtiċi u l-proprjetà intelletwali. Madankollu dawn ma jindirizzawx aspetti fundamentali bħal per eżempju l-introduzzjoni ta' indikazzjonijiet terapewtiċi ġodda jew il-varjazzjonijiet tal-metodi ta' amministrazzjoni.

2.8

Huwa konkluż li l-proċeduri applikati suċċessivament għall-awtorizzazzjoni jirriżultaw f'xi każijiet differenti fl-Istati Membri individwali, u dan iwassal għal regoli u klassifikazzjonijiet differenti għall-istess prodott. Dan jista' jirriżulta f'livell mhux omoġenju ta' protezzjoni tas-saħħa minħabba klassifikazzjoni terapewtika diversa jew minħabba użu differenti ta' l-istess prodott, apparti l-fatt li dan jista' jkun ostakolu, li xi kultant ikun artifiċjali, għal-libertà intenzjonata fil-moviment tal-prodotti mediċinali fl-UE.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Sabiex jiġi evitat li l-istess prodott mediċinali jkun sottopost għal kondizzjonijiet differenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq modifika għad-Direttiva 2001/82/KE u għad-Direttiva 2001/83/KE sabiex l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1084/2003, li attwalment huwa fis-seħħ biss għall-prodotti farmaċewtiċi tal-proċedura ċentralizzata, tiġi estiża għall-prodotti mediċinali kollha indipendentement mill-proċedura li biha ġew awtorizzati l-prodotti mediċinali.

3.2

Il-proposta li qed tiġi kkunsidrata hija parti integrali mill-inizjattivi ta' semplifikazzjoni previsti mill-Anness 2 tal-Programm Leġislattiv u tal-Ħidma tal-Kummissjoni għall-2008 u tikkonsisti biss f'miżura leġislattiva li temenda xi artikoli tad-Direttiva 2001/82/KE u tad-Direttiva 2001/83/KE dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1084/2003 li għalhekk isir validu għall-prodotti mediċinali kollha.

3.3

Il-kontinwazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tirriżulta f'piżijiet amministrattivi u finanzjarji mhux neċessarji għall-intrapriżi li jixtiequ jagħmlu kummerċ f'numru ta' pajjiżi ta' l-Unjoni. Dawn iħabbtu wiċċhom ma' standards differenti fl-Istati Membri individwali bl-obbligu li jiġu rispettati prattiki amministrattivi differenti, li barraminhekk fil-fatt jista' jkun ostakolu artifiċjali għall-prinċipju tal-moviment ħieles.

3.4

Il-proposta hija purament ta' natura legali u temenda l-bażi legali tar-Regolament (KE) Nru 1084/2003, b'tali mod li tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li temenda l-ambitu tar-Regolament sabiex tiġi garantita armonizzazzjoni effettiva tar-regoli ta' l-awtorizzazzjoni.

3.5

Il-Kummissjoni tenfasizza li din l-emenda leġislattiva kienet ibbażata fuq konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha u l-għażla ta' l-emenda legali, waħda fost ħafna, kienet dik identifikata bħala l-aktar adattata sabiex jinkisbu regoli armonizzati fil-fażi suċċessiva għat-tqegħid fis-suq koerenti b'livell għoli ta' saħħa pubblika u konsistenza legali.

3.6

L-emendi proposti għal numru ta' Artikoli huma bbażati fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, li jipprovdi għall-użu tal-proċedura ta' ko-deċiżjoni u li huwa konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE japprova l-proposta li jiġu emendati d-Direttiva 2001/82/KE u d-Direttiva 2001/83/KE u jirrikonoxxi li dawn l-emendi, waqt li jiggarantixxu l-armonizzazzjoni tar-regoli ta' awtorizzazzjoni għall-prodotti mediċinali kollha, jassiguraw iż-żamma ta' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika u tħaddim aktar effikaċi tas-suq intern waqt li jiġu eliminati l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji inutli għall-intrapriżi.

4.2

Bħalma hemm fl-opinjonijiet preċedenti dwar dan is-suġġett, il-KESE jappoġġja, u anke jħeġġeġ, l-isforzi kollha tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jtejbu s-sigurtà tal-prodotti mediċinali, fattur ta' importanza fundamentali għas-salvagwardja tas-saħħa tal-persuni u ta' l-annimali.

4.3

Il-Kumitat għalhekk huwa favur l-armonizzazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-prodotti mediċinali kollha, anke jekk awtorizzati bi proċeduri differenti, permezz ta' emenda leġislattiva, u għalhekk fl-istess ħin jiġi eliminat kwalunkwe ostakolu possibbli għall-moviment ħieles tagħhom.

4.4

Il-KESE, filwaqt li jagħti l-opinjoni pożittiva tiegħu għall-emenda tal-bażi legali, jistenna l-proposta leġislattiva li qiegħda titħejja, li hija meqjusa aktar sinjifikanti għall-futur tas-settur farmaċewtiku.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU L 311, 28.11.2001.

(2)  ĠU L 214, 24.8.1993.


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill marbuta ma' reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (Verżjoni kkodifikata)

COM(2008) 202 finali — 2008/0076 (COD)

(2009/C 27/09)

Nhar is-26 ta' Mejju 2008, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill marbuta ma' reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (Verżjoni kkodifikata).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m'hemm bżonn ta' l-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu tad-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju 2008), b'142 vot favur, u 6 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-suġġett Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija

COM(2007) 608 finali

(2009/C 27/10)

Nhar it-18 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea iddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-suġġett

Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Buffetaut.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u fl-10 ta' Lulju 2008 (seduta ta' l-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'111-il vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet

1.1.

Il-KESE huwa ta' l-istess fehma tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-Unjoni Ewropea u jqis li l-proposti tal-Kummissjoni mexjin fid-direzzjoni t-tajba, allavolja huma dgħajfa wisq b'relazzjoni għall-isfida li jeħtieġ negħlbu.

1.2.

Huwa jemmen li s-sitwazzjoni għandha titjieb billi:

jiġi provdut servizz loġistiku aktar milli sempliċi provviżjoni tat-trasport;

jitnaqqsu l-ispejjeż biex jiġu offruti prezzijiet aktar kompetittivi;

tiżdied l-affidibilità tas-servizz provdut;

iż-żmien li jieħu t-traġitt “minn bieb għal ieħor” (mill-punt tat-tluq sad-destinazzjoni) ikun pjuttost qasir;

jiġu introdotti servizz flessibbli u l-kapaċità li jkun hemm reazzjoni f'waqtha f'każ ta' interruzzjonijiet fit-trasport.

1.3.   Servizz loġistiku ġenwin

Il-kunċett fundamentali huwa li s-sistema ferrovjarja — li min-natura tagħha hija kumplessa — tiġi ssemplifikata għall-klijenti. Dan ifisser li l-ħtiġijiet tal-klijentela għandhom jiġu ssorveljati bir-reqqa, li tingħata informazzjoni ċara u affidabbli u li jiġu provduti aktar vaguni privati, u servizzi fuq il-bażi tal-prinċipju “minn bieb għal ieħor”, li jinkludu t-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija.

1.4.   Tnaqqis ta' l-ispejjeż

1.4.1.

Biex dan iseħħ, ikun għaqli nadottaw l-istrateġija ta' inter-operabilità u ta' armonizzazzjoni teknika fl-Ewropa. Tradizzjonalment, kull netwerk ħoloq ir-regoli u s-sistemi proprjita' regolamentazzjoni u sigurtà tiegħu. Hemm bżonn li gradwalment is-sistemi kollha jaslu f'punt ta' konverġenza, u l-implimentazzjoni mill-aktar fis ta' l-ERTMS (is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju) għandha tkun prijorità.

1.4.2.

Permezz ta' investiment adattat u kull fejn ikun possibbli, ser ikun hemm bżonn li jibda jsir tibdil gradwali fil-karatteristiċi ta' l-infrastruttura ferrovjarja jiġifieri l-qies (gauge), it-tul tal-ferrovija, ir-rampi, iż-żrieżaq u t-tagħbija li jiflaħ il-fus, biex jiġu adattati għall-ħtiġijiet tat-trasport tal-merkanzija, bħalma hu l-każ per eżempju fl-Istati Uniti.

1.4.3.

L-iżvilupp ġenwin tal-kompetizzjoni u l-ftuħ tas-suq iġibu magħhom l-obbligu ta' aktar effikaċja u produttività. Din il-kwistjoni tqajjem waħda oħra, dik tat-taħriġ tal-persunal fil-qasam ferrovjarju. Filfatt, l-operaturi l-ġodda li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq ġielijħabbtu wiċċhom ma' nuqqas ta' persunal ikkwalifikat. Għalhekk ikun tajjeb li jiġu implimentati korsijiet tat-taħriġ adegwati bl-għan li dawn il-ħtiġijiet ikunu ssodisfati u biex jinħolqu impjiegi ġodda li jkunu jeħtieġu persunal bi kwalifiki għolja.

1.4.4.

L-allokazzjoni ta' l-ispejjeż mill-amministraturi ta' l-infrastruttura fost id-diversi operaturi għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid, l-istess kif jinħtieġ li l-ispejjeż esterni marbuta mal-mezzi tat-trasport li qegħdin jikkompetu ma' xulxin jiġu allokati aħjar sabiex jinħolqu l-kondizzjonijiet ideali għal kompetizzjoni ħielsa u mingħajr distorsjonijiet.

1.4.5.

Għandhom jiġu analizzati u appoġġjati għadd ta' inizjattivi bħall-“Betuwe line”, il-proġett New Opera jew FERRMED sabiex nitgħallmu minnhom filwaqt li naqsmu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin.

1.5.   Servizz aktar affidabbli

1.5.1.

Ikun tajjeb li jiġu stabbiliti regoli kuntrattwali vinkolanti dwar il-kumpens li jingħata lill-klijenti li jirċievu servizz ta' kwalità ħażina, għax dan jipprovdi inċentiv għat-titjib tal-kwalità tas-servizz provdut.

1.5.2.

Hemm bżonn li jsir sforz rigward il-kwalità u l-affidabilità tad-diversi aspetti tas-servizz. Dan jikkonċerna r-rolling stock kif ukoll is-sinjalazzjoni, il-linji tal-ferrovija u s-sistemi ta' informazzjoni.

1.5.3.

Servizz li jkun aktar affidabbli jfisser ukoll l-użu ta' mogħdijiet tal-ferrovija tajbin għall-merkanzija, per eżempju billi jiġu stabbiliti regoli li jiffavorixxu l-merkanzija f'każ li jkun hemm konflitti marbuta mat-traffiku fuq dawn il-mogħdijiet, fl-interess — ovvjament — ta' l-utenti kollha. Servizz bħal dan jagħti aktar spazju wkoll għall-flessibbiltà fejn jidħlu perjodi u ħinijiet tat-traffiku.

1.6.   Traġitti “kompluti” minn “bieb għal ieħor” raġonevolment qosra

1.6.1.

Wieħed mill-ilmenti li ġeneralment isiru dwar it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jikkonċernaw it-tul u d-dewmien tat-traġitti. Biex insolvu din il-kwistjoni, il-mogħdijiet għandu jkollhom numru limitat ta' waqfiet (jew saħansitra l-ebda waqfa) u għandhom ikunu ddisinjati b'tali mod li jassiguraw li l-probabilità li jfixklu l-fluss tat-traffiku ta' ferrovija oħra hija żgħira ħafna. Barraminhekk, fir-rigward tal-ġestjoni ta' l-operazzjoni, f'każ ta' konflitti marbuta mat-traffiku, jeħtieġ li fejn possibbli t-trasport tal-merkanzija jingħata prijorità. Il-ferroviji b'veloċità għolja ta' billejl għandhom jiġu żviluppati wkoll.

1.6.2.

Hemm bżonn ta' investiment fit-tħejjija ta' l-infrastruttura għall-ferroviji b'veloċità għolja — irridu nżommu f'moħħna li veloċitajiet akbar ifissru li l-piż massimu awtorizzat tat-tagħbiji li jiflaħ il-fus ikun inqas. Filwaqt li huwa minnu li hemm bżonn li jsir xi ħaġa dwar il-veloċità dgħajfa attwali tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, jeħtieġ nenfasizzaw li l-aktar fattur importanti huwa li l-veloċità tibqa' kostanti. Aħjar veloċità moderata imma kostanti milli l-fenomenu marbut ma' waqfiet/tqabbid tal-magna mill-ġdid (stop/start) li jikkawża akkumulazzjoni ta' dewmien.

1.7.   L-introduzzjoni tal-flessibilità

1.7.1.

Il-prinċipji u l-metodi tradizzjonali tal-ġestjoni tat-traffiku, li sistematikament jagħtu prijorità lill-ferroviji tal-passiġġieri, fuq rotot teoretiċi ffissati bil-quddiem, għandhom effett involontarju iżda reali ħafna: f'każ ta' ferrovija tal-merkanzija, dewmien żgħir qabel it-tluq (per eżempju għaxar minuti) kważi dejjem jikkawża dewmien importanti fil-wasla (numru ta' sigħat jew anke ġurnata sħiħa).

1.7.2.

Bis-saħħa ta' l-iżvilupp tat-teknoloġija fi żmien medju/twil, ser ikun possibbli li tiżdied il-fluwidità fit-traffiku tal-ferroviji tal-merkanzija f'ħin reali mingħajr l-użu ta' mogħdija teoretika ffissata bil-quddiem bħala l-uniku punt ta' referenza. Permezz tal-kunċett ta' “moving block”, li ġie inkorporat fl-aħħar fażi ta' l-ERTMS, ser ikun possibbli li aktar ferroviji jivvjaġġaw fuq l-istess infrastruttura u li jkun hemm reazzjonijiet aħjar f'każ ta' interruzzjonijiet fit-trasport. Biex dan iseħħ, l-Istati Membri kollha għandhom jinvestu fl-ERTMS biex ikun hemm garanzija ta' inter-operabilità u kontinwità fl-użu tad-diversi netwerks nazzjonali mill-aktar fis possibbli.

1.7.3.

L-investiment fil-kapaċità huwa madankollu neċessarju għall-konġestjoni tat-traffiku u l-pjattaformi ta' tagħbija/ħatt li jippermettu l-inter-operabilità tas-sistemi tat-trasport.

1.7.4.

Il-kwistjoni marbuta ma' l-istazzjonijiet tat-tqassim, tat-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija hija importanti iżda ma tistax tinfired mill-kwistjoni tan-netwerks sekondarji mifruxa fi kwantitajiet żgħar fir-reġjuni kollha. Il-fatt hu li biex ikun ġenwinament kompetittiv, it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija għandu jippermetti li l-merkanzija tinġarr sa l-eqreb punt possibbli tal-klijenti.

1.8.   Netwerk iddedikat għat-trasport tal-merkanzija

1.8.1

Għalkemm ma tantx hija ħaġa realistika li wieħed jirrakkomanda li jitwaqqaf netwerk trans-Ewropew iddedikat għat-trasport tal-merkanzija, m'hemmx dubju li l-preżenza ta' netwerk separat hija l-aħjar mod għall-promozzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, li b'hekk isir aktar affidabbli, aktar puntwali, orħos u aktar veloċi. L-għażla ta' kurituri orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija għandha aktar ċans li ssir realtà fil-futur qrib, iżda fin-nuqqas ta' netwerks ewlenin trans-kontinentali ddedikati għat-trasport tal-merkanzija, jista' jkun possibbli li fil-kurituri orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija jiġu inkorporati numru dejjem akbar ta' sezzjonijiet tal-linja ddedikati għat-trasport tal-merkanzija bl-għan li jiġu kkollegati l-aktar ċentri ekonomiċi attivi, kif wera s-suċċess tal-Betuwe line bejn il-port ta' Rotterdam u l-Ġermanja. L-Istati Membri kollha għandhom ikunu ġenwinament involuti fl-implimentazzjoni tal-politiki u r-regolamenti bl-għan li s-sistema ferrovjarja ssir aktar kompetittiva.

2.   Is-sitwazzjoni attwali

2.1.   Osservazzjoni preokkupanti

2.1.1.

Minkejja li t-trasport tal-merkanzija żdied bi 2.8 % bejn l-1995 u l-2005, is-sehem tal-merkanzija ferrovjarja fis-suq naqas b'rata kostanti, u stabbilizza għal madwar 10 % fl-2005, li huwa l-aktar livell baxx mill-1945 'l hawn.

2.1.2.

Skond il-Kummissjoni, ir-raġunijiet għal din il-prestazzjoni dgħajfa huma n-nuqqas ta' affidabilità, kapaċitajiet insuffiċjenti, ġestjoni ta' l-informazzjoni difettuża, dewmien u nuqqas ta' flessibilità. Madankollu, minkejja dawn in-nuqqasijiet, fil-kuntest ekonomiku attwali li huwa kkaratterizzat minn żieda fil-kummerċ, il-konġestjoni fit-toroq, żieda fil-prezzijiet tal-karburant u l-interess li kulma jmur dejjem jikber fl-ħarsien ta' l-ambjent, jistgħu jippreżentaw ruħhom opportunitajiet ġodda.

2.1.3.

Fil-passat, il-Komunità ħabirket biex tagħti spinta lit-trasport ferrovjarju fuq il-bażi ta' tliet approċċi politiċi:

il-ftuħ tas-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, id f'id mar-ristrutturazzjoni ta' l-operaturi l-qodma;

l-iżvilupp ta' l-inter-operabilità teknika u regoli ta' sigurtà komuni;

in-netwerk ferrovjarju jiġi inkorporat fil-qafas ġenerali tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport.

2.1.4.

Ma nistgħux nagħmlu mod ieħor ħlief nammettu li r-riżultati miksuba kienu insuffiċjenti fil-qasam tat-trasport trans-nazzjonali.

2.2.   Politika komuni tat-trasport evoluttiva

2.2.1.

L-għan tal-White Paper dwar il-Politika Ewropea tat-Trasport għall-2010 kien li twassal għat-trasferiment modali mit-trasport bit-triq għat-trasport ferrovjarju, u diġà kienet ipprevediet il-ħolqien ta' kurituri multi-modali li jagħtu prijorità lill-merkanzija. Fl-interess tal-prattiċità, ir-reviżjoni tal-White Paper ta' l-2006 naqqset xi ftit l-ambizzjonijiet fir-rigward tal-bidla mit-triq lejn il-ferrovija u żviluppat l-idea tal-“ko-modalità”, iżda xorta waħda fakkret fil-ħtieġa li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' netwerk ferrovjarju li jagħti prijorità lill-merkanzija.

2.2.2.

Din hi l-idea li ġiet żviluppata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li stipulat l-objettiv triplu tat-titjib tal-veloċità, l-affidabilità u l-kapaċità marbuta mat-traffiku fuq netwerk ibbażat fuq in-netwerks trans-Ewropej eżistenti.

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1.

Il-Kummissjoni tfakkar l-inizjattivi li diġà ħadet biex tħeġġeġ, ittejjeb u tippromovi t-trasport ferrovjarju tal-merkanzija: l-iżvilupp ta' l-inter-operabilità u l-informazzjoni (Europtirails), il-bini ta' infrastruttura (Betuwe line) u l-ħolqien ta' strutturi ta' kurituri. Iżda dawn urew li kienu insuffiċjenti.

3.2.

Mill-perspettiva ta' forma, il-Kummissjoni tipprevedi tliet opzjonijiet: l-istatus quo, miżuri ġodda bl-għan li jitwaqqaf netwerk orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija, jew programm speċifiku li jwassal għall-ħolqien ta' netwerk ferrovjarju Ewropew iddedikat għat-trasport tal-merkanzija.

3.3.

B'konformità mal-prinċipji tal-filosofija klassika, il-Kummissjoni tqis li “in medio stat virtus” u ma tilqax l-ewwel u t-tielet opzjoni, waħda għax m'hijiex ambizzjuża biżżejjed u l-oħra għax ftit li xejn hija realistika.

3.4.   Il-miżuri proposti

3.4.1.

Bl-għan li twaqqaf netwerk orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija, il-Kummissjoni tixtieq tiżviluppa sensiela ta' kurituri trans-nazzjonali. Dan jinvolvi d-definizzjoni ta' dawk il-kurituri b'infrastruttura adattata u l-implimentazzjoni ta' sistema effikaċi ta' ġestjoni u tħaddim. Madanakollu, dan ma jistax iseħħ qabel ma l-Istati Membri jissieħbu fil-proġett bħala amministraturi ta' l-infrastruttura.

3.4.2.

Għalhekk il-Kummissjoni beħsiebha tieħu sensiela ta' miżuri leġislattivi bħala parti mir-riformulazzjoni ta' l-ewwel pakkett ferrovjarju ppjanat għall-2008. Hija qed tippjana wkoll inċentivi u finanzjamenti, u dawn ta' l-aħħar għandhom jittieħdu mill-approprjazzjonijiet eżistenti.

3.4.3.

B'dan il-mod, il-Kummissjoni qed ttippjana li tagħti definizzjoni legali lill-kurituri orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija, biex tinkuraġġixxi l-Istati Membri u l-amministraturi ta' l-infrastruttura iwaqqfu kurituri trans-nazzjonali orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija u biex, fil-qafas tal-pakketti ta' finanzjament eżistenti, ifittxu modi għall-finanzjament ta' dawn l-istrutturi.

3.4.4.

Normalment, it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jiġi kkritikat għall-kwalità ħażina tas-servizz u n-nuqqas ta' informazzjoni lill-klijenti. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tixtieq timplimenta politika ġenwina ta' kwalità u trasparenza u qed tipproponi miżuri leġislattivi dwar il-pubblikazzjoni ta' indikaturi tal-kwalità. Beħsiebha tippubblika wkoll rapport dwar il-passi li ttieħdu mill-operaturi għat-titjib tas-servizz ferrovjarju.

3.4.5.

Ċerti partijiet tan-netwerk huma strapazzati wisq, b'mod partikulari fir-reġjuni ċentrali ta' l-Unjoni Ewropea, u din is-sitwazzjoni mistennija tmur għall-agħar fis-snin li ġejjin. Għalhekk hemm bżonn ta' investiment fil-qasam tal-kapaċità ta' l-infrastruttura, b'mod partikulari fir-rigward tat-tul tal-ferroviji, il-qies (gauge), it-tagħbija li jiflaħ il-fus u l-veloċità massima. Jeħtieġ li dan l-investiment ikun immirat u kkoordinat. Filwaqt li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-istrutturi tal-ġestjoni tal-kurituri sabiex ifasslu programmi ta' investiment, hija ma tindirizzax il-kwistjoni tal-finanzjament li ser ikollu jittieħed mill-programmi eżistenti.

3.4.6.

Il-kwistjoni tal-fluwidità tat-traffiku u l-effikaċja tat-trasport tal-merkanzija ferrovjarja hija marbuta ma' dik ta' l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija lit-trasport tal-merkanzija. Attwalment, l-allokazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji tiġi deċiża mill-amministraturi individwali, skond ir-regoli speċifiċi ta' kull Stat Membru. Għalhekk ikun utli li r-regoli dwar l-allokazzjoni tal-mogħdijiet ferrovjarji jiġu armonizzati għall-ksib ta' mogħdijiet affidabbli u effiċjenti.

3.4.7.

Biex dan jinkiseb, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi miżuri leġislattivi għall-allokazzjoni internazzjonali tal-mogħdijiet u dwar il-prijorità li tingħata lit-trasport tal-merkanzija, b'mod partikulari fil-każ ta' interruzzjonijiet fin-netwerk.

3.4.8.

It-traffiku b'rabta mat-trasport tal-merkanzija jeħtieġ ukoll terminals u stazzjonijiet tat-tqassim. Madankollu, il-pressjoni eżerċitata fuq il-beni immobbli fil-passat, wasslet għal tendenza għat-tnaqqis fin-numru ta' dawn l-istazzjonijiet u t-terminals fiż-żoni urbani.

3.4.9.

Meta naqraw il-proposti tal-Kummissjoni, joħroġ fid-dieher li s-suċċess tagħhom se jiddependi mill-miżuri meħuda u l-motivazzjoni ta' l-Istati Membri u l-partijiet involuti fis-settur ferrovjarju.

3.5.   Kummenti ġenerali

3.5.1.

L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija ma jeħtieġu l-ebda kumment partikulari u jikkonfermaw dak li diġà huwa magħruf dwar id-dgħjufija tas-settur. Biex is-sitwazzjoni titjieb, jeħtieġ li dawk responsabbli fis-setturi pubbliċi u privati jiġu mobilizzati, mhux biss f'termini ta' rieda politika u dinamiżmu kummerċjali, iżda wkoll f'termini ta' finanzjament.

3.5.2.

Dan huwa bla dubju l-punt debboli tal-pjan. Il-Kummissjoni qed tipproponi numru ta' miżuri leġislattivi, iżda ma ħabbret l-ebda allokazzjoni ġdida ta' riżorsi. Huwa minnu li l-approċċ ġuridiku huwa utli, iżda żgur li m'huwiex suffiċjenti. L-approprjazzjoniiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan għandhom jittieħdu mill-programmi eżistenzi. Dan se jitlob għażliet delikati u se jkun jinvolvi ġestjoni diffiċli minħabba li ċerti miżuri li jittieħdu f'ċerti oqsma inevitabbilment se jolqtu oħrajn.

3.5.3.

Fl-aħħarnett, is-suċċess tal-pjan jitlob impenn qawwi min-naħa ta' l-Istati Membri u l-kumpaniji ta' ġestjoni iżda l-Istati Membri spiss jonqsuhom il-fondi u jista' jkollhom prijoritajiet ferrovjarji oħra filwaqt li l-kumpaniji, għalkemm ibbenefikaw mis-separazzjoni tan-netwerks ta' manutenzjoni li tqum ħafna, mhux dejjem ikunu fl-aħjar sitwazzjoni finanzjarja possibbli.

3.6.   Kummenti speċifiċi

3.6.1.

Il-ħolqien ta' kurituri trans-nazzjonali huwa prerekwiżit ċar għall-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija, izda huwa fatt magħruf sewwa li, sa issa, it-trasport tal-merkanzija ġie ssagrifikat biex jaġevola t-trasport tal-passiġġieri. Għalhekk dan kollu jissarraf f'xorta ta' rivoluzzjoni kulturali, fejn l-Istati Membri ikollhom jaċċettaw limitazzjonijiet inevitabbli, u fondi proprji; jeħtieġ inżommu f'moħħna li, skond l-opinjoni pubblika, il-ħtieġa li tingħata prijorità lill-ferroviji tal-passiġġieri hija ħaġa minn awl id-dinja. Il-kwistjoni hija għalhekk pjuttost marbuta mal-ġestjoni ottimali tan-netwerks u d-definizzjoni ta' netwerks orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija li ma jnaqqsux il-kwalità u l-puntwalità tat-trasport tal-passiġġieri. Waqt il-ħolqien tal-kurituri trans-nazzjonali, ikun għaqli li jiġu kkunsidrati l-wisa' tal-linji tal-ferrovija fl-Istati Membri ta' l-UE — kemm il-ġodda u l-antiki, ir-rolling stock disponibbli, il-flussi tal-merkanzija fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi terzi, u t-territorju Russu ta' Kaliningrad.

3.6.2.

Il-kwistjonijiet ta' l-informazzjoni u t-trasparenza huma bla dubju importanti, iżda joħroġ biċ-ċar li l-klijenti jibbażaw l-għażliet tagħhom prinċipalment fuq il-kriterji ta' prezz, affidabilità, veloċità u l-faċilità ta' l-aċċess għat-terminals u t-tagħbija u l-ħatt. Il-fattur ewlieni huwa għalhekk il-kwalità tas-servizz, li jiddependi, min naħa, mill-mekkaniżmi għall-organizzazzjoni tat-traffiku ferrovjarju u, min-naħa l-oħra, minn investiment konsiderevoli.

3.6.3.

Fir-rigward tal-kompetittività tat-trasport tal-merkanzija, jidher li huwa ġeneralment aċċettat li dan it-tip ta' trasport huwa riservat għal ċertu tip ta' merkanzija, b'mod partikulari kwantitajiet kbar ta' merkanzija tqila. Hemm bżonn li d-diversità tal-klijentela tiżdied, b'mod partikulari permezz ta' l-użu ta' kontejners, biex b'hekk jitwessa' s-suq u jsir aktar kompetittiv, f'kuntest ta' żieda fil-prezzijiet tal-karburant u l-interess — li kulma jmur qed jikber — fil-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli.

3.6.4.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tħalli impressjoni dgħajfa fir-rigward tal-kwistjoni ta' finanzjament, fis-sens li ma tipprovdi l-ebda finanzjament speċifiku u s-soluzzjoni li tipproponi hija msejsa fuq għażliet delikati fil-qafas tal-fondi eżistenti.

Brussell, l-10 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Komunikazzjoni dwar Politika Ewropea għall-Portijiet

COM(2007) 616 finali

(2009/C 27/11)

Nhar it-18 ta' Ottubru 2007 l-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Komunikazzjoni dwar Politika Ewropea għall-Portijiet.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Mejju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Simons.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b122 vot favur, l-ebda vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika ġdida għall-portijiet li fil-biċċa l-kbira tipproponi miżuri ta' natura ta' liġi flessibbli (soft law). Barra minn hekk il-KESE jappoġġja l-enfasi ġenerali fuq l-istabbiliment ta' klima ta' investiment stabbli, l-iżvilupp sostenibbli tal-portijiet, klima soċjali tajba fil-portijiet u l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tat-Trattat.

1.2

Il-qasam tal-portijiet fl-Ewropa qed isir iktar varjat fir-rigward in-numru ta' portijiet involuti u l-ambitu tal-funzjonijiet u s-servizzi tal-portijiet. Il-KESE jirrakkomanda li l-politika Ewropea għall-portijiet għandha tappoġġja l-proċess immexxi mis-suq billi tiżgura li l-portijiet Ewropej kollha jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-potenzjal sħiħ tagħhom b'mod sostenibbli.

1.3

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa netwerk orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità, mingħajr ma jxekklu t-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija, lill-implimentazzjoni ta' proġetti ewlenin ta' infrastruttura tal-ferrovija transkonfinali b'konnessjonijiet mal-portijiet.

1.4

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex toħroġ linji gwida sabiex jiġu solvuti l-ambigwitajiet relatati ma' l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali Komunitarja għall-iżvilupp tal-portijiet u jirrakkomanda li dawn jiġu ppubblikati qabel tmiem l-2008.

1.5

Il-Kummissjoni Ewropea għandha żżid il-miżuri sabiex tiġi żgurata l-faċilitazzjoni amministrattiva fil-portijiet. Il-KESE għalhekk jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta Territorju ta' Trasport Marittimu Ewropew mingħajr ostakoli fl-2008. Il-Kummissjoni, u b'mod partikulari, l-Istati Membri, għandhom jagħmlu iktar progress fil-modernizzazzjoni tad-dwana u jagħtu dan il-proċess prijorità politika iktar għolja.

1.6

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li s-sitwazzjoni ta' kundizzjonijiet indaqs fost il-portijiet tista' tissaħħaħ permezz ta' l-iżvilupp ta' linji gwida dwar l-għajnuna ta' l-Istat u t-trasparenza tal-kontijiet finanzjarji. Bl-istess mod, il-gwida inkluża fil-Komunikazzjoni dwar l-użu ta' konċessjonijiet, servizzi tekniċi-nawtiċi u provvisti ta' ħaddiema tinħass li ġeneralment kienet ta' għajnuna u ċara. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha tieħu iktar inizjattivi sabiex tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn portijiet fl-UE u dawk fil-viċinat li ma humiex fl-UE.

1.7

Il-KESE jilqa' l-għan tal-Kummissjoni sabiex tippromwovi u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-bliet u l-portijiet tagħhom. B'mod partikulari, jistieden lill-Kummissjoni sabiex torganizza studju tajjeb ta' l-impatt soċjo-ekonomiku tal-portijiet.

1.8

Il-KESE jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali Ewropej joħolqu kumitat ta' djalogu soċjali settorjali Ewropew fil-portijiet.

2.   Daħla

2.1

Matul l-aħħar għaxar snin il-KESE pparteċipa b'mod attiv fid-dibattitu dwar politika għall-portijiet komuni ta' l-UE. Meta wieħed iqis ir-rwol ewlieni li jaqdu l-portijiet tal-baħar fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku, fil-benessri u fil-koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea, politika komuni bħal din għandha valur miżjud sinifikanti.

2.2

Il-KESE adotta opinjonijiet dwar “Il-Green Paper dwar il-Portijiet tal-Baħar u l-Infrastruttura Marittima” COM(1997) 678 (1) kif ukoll dwar żewġ proposti leġislattivi tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tiftaħ is-swieq għas-servizzi portwarji fil-portijiet tal-baħar Ewropej (2). Fis-26 ta' April 2007 il-KESE adotta wkoll opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar politika tal-portijiet komuni ta' l-UE (3). Meta wieħed iqis il-klima ta' konfrontazzjoni li kkaratterizzat id-dibattitu dwar id-Direttiva tas-servizzi portwarji, din l-opinjoni ffukat fuq dawk l-aspetti ta' politika Ewropea għall-portijiet tal-baħar li fuqhom il-partijiet interessati setgħu jsibu kunsens reċiproku.

3.   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Politika Ewropea għall-Portijiet

3.1

Fit-18 ta' Ottubru 2007 l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-komunikazzjoni tagħha dwar Politika Ewropea għall-Portijiet. Din il-komunikazzjoni hija r-riżultat ta' proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati li dam sena sħiħa, u li kkonsista minn żewġ konferenzi u sitt workshops tematiċi. Il-komunikazzjoni taqa' taħt l-istrateġija ta' politika marittima ġenerali tal-Kummissjoni u hija parti mill-aġenda l-ġdida tagħha dwar it-trasport tal-merkanzija.

3.2

L-objettiv tal-politika Ewropea tal-portijiet il-ġdida huwa li tippromovi sistema portwarja ta' l-UE li taħdem u li hija kapaċi tlaħħaq ma' l-isfidi futuri tal-ħtiġijiet ta' trasport ta' l-UE. Skond il-Kummissjoni dawn l-isfidi jinkludu d-domanda għal trasport internazzjonali, tibdil teknoloġiku, emissjonijiet u l-bidla fil-klima, id-djalogu bejn il-portijiet, il-bliet u l-partijiet interessati, u fl-aħħar nett, ir-rikonċiljazzjoni mat-trasparenza, il-kompetizzjoni u b'mod ġenerali, il-lista ta' regoli tal-Komunità.

3.3

Il-proposti ta' politika reali tal-komunikazzjoni b'mod ġenerali jikkonsistu f'taħlita ta' interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat u pjan ta' azzjoni b'miżuri ulterjuri, li mill-biċċa l-kbira huma ta' natura ta' liġi flessibbli.

3.4

Dawn huma:

il-prestazzjoni tal-portijiet u l-konnessjonijiet interni,

l-espansjoni tal-kapaċità waqt li jiġi rispettat l-ambjent,

il-modernizzazzjoni,

kundizzjonijiet indaqs b'ċarezza għall-investituri, l-operaturi u l-utenti,

djalogu strutturat bejn il-portijiet u l-bliet,

ix-xogħol fil-portijiet.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni peress li din tirrikonoxxi l-importanza strateġika tal-portijiet tal-baħar għall-kummerċ estern u intern Ewropew kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u l-impjieg.

4.2

Il-KESE jilqa' b'mod partikulari l-fatt li l-Kummissjoni ma tipproponix miżuri intervenzjonisti iżda tiffoka — fl-ambitu tar-regoli tat-Trattat ta' l-UE — fuq l-istabbiliment ta' klima ta' investiment stabbli, l-iżvilupp sostenibbli tal-portijiet, u klima soċjali tajba fil-portijiet.

4.3

Il-KESE huwa kuntent ukoll li jara li l-Kummissjoni qed tuża l-liġi flessibbli bħala alternattiva għal-leġislazzjoni min-naħa u approċċ każ b'każ min-naħa l-oħra.

4.4

Minkejja dan, il-KESE għandu għadd ta' kummenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi x'jagħmel dwar il-kapitoli differenti tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-kuntest ekonomiku u l-isfidi li tiffaċċja s-sistema Ewropea tal-portijiet

5.1.1

Il-KESE jieħu nota tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-moviment ta' merkanzija fil-kontejners attwalment huwa kkonċentrat f'numru żgħir ta' portjiet fil-majjistral ta' l-Ewropa. Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li hemm tendenza lejn il-parteċipazzjoni ta' numru li qed jiżdied ta' portjiet fis-suq tal-kontejners fl-Ewropa, minflok il-konċentrazzjoni tat-traffiku fi ftit portijiet biss. Dawk il-portjiet li jieħdu ħsieb kontejners li raw l-ikbar tkabbir fl-2006 kienu l-iktar portijiet żgħar u ta' daqs medju li jinstabu f'“port ranges” fl-Ewropa. “Port ranges” li jinsabu fuq distanza sostanzjali b'hekk qed jikkompetu dejjem iktar ma' xulxin (4). Il-politika għall-portijiet ta' l-UE tista' tappoġġja dan il-proċess billi tiżgura li l-portijiet Ewropej kollha jkunu kapaċi jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom b'mod sostenibbli.

5.1.2

Flimkien mal-lista ta' sfidi identifikati mill-Kummissjoni, il-KESE jenfasizza l-globalizzazzjoni u l-konsolidazzjoni li jikkaratterizzaw is-settur Ewropew tal-portijiet u tat-trasport bil-baħar. Dan il-fenomenu huwa viżibbli b'mod speċjali fis-suq tal-kontejners iżda jiġri wkoll fi swieq oħrajn bħal ro-ro, merkanzija ġenerali u ta' kwantità. Il-portijiet tal-baħar Ewropej jittrattaw ma' gruppi internazzjonali tat-trasport bil-baħar u tfaċċaw gruppi ta' operaturi ta' terminals kbar li issa jipprovdu servizzi f'bosta portijiet Ewropej. L-isfida għal awtorità tal-port hija li tiżgura impenn minn dawn l-operaturi globali kif ukoll konformità ma' l-iżvilupp ta' l-objettivi tal-port fir-rigward tal-politiki Ewropej rilevanti.

5.2   Il-prestazzjoni tal-portijiet u l-konnessjonijiet mat-territorju intern

5.2.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-ewwel għażla sabiex ilaħqu mad-domanda żejda għal kapaċità portwarja u relatata mal-portijiet għandha tkun ottimizzazzjoni ta' l-użu tal-faċilitajiet tal-port u r-rotot ta' aċċess li diġà jeżistu. Il-KESE jaqbel ukoll li analiżi soċjetali sħiħa ta' l-ispiża meta mqabbla mal-benefiċċju għandha ssir qabel ma jiġu ppjanati żviluppi infrastrutturali ġodda. Dawn għandhom iqisu konsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali peress li dawn jiffurmaw il-pilastri ta' l-aġenda ta' Lisbona ta' l-UE.

5.2.2

Kif ġie spjegat hawn fuq, il-proċessi tas-suq diġà qed jimxu lejn settur portwarju Ewropew iktar varjat. Għandu jitrawwem il-prinċipju minn isfel għal fuq fejn proposti għal proġetti jintgħażlu mill-korp ġestjonali tal-port flimkien ma' l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali fejn il-każ japplika. Naturalment, dan ma jbiddilx il-fatt li l-UE ser tkompli tifformula objettivi u tipprovdi linji gwida.

5.2.3

Madankollu, l-Kummissjoni tista' tuża r-reviżjoni ta' nofs it-term ta' l-2010 tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport sabiex tgħin biex issolvi konġestjoni fir-rigward ta' konnessjonijiet mat-territorju intern u l-portijiet. Iżda dan għandu jsir fuq il-baż ta' kriterji oġġettivi.

5.2.4

Barra minn hekk, il-KESE jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi biex issolvi l-konġestjoni li għad fadal fit-territorju intern permezz ta' l-istrumenti ġenerali tal-politika tat-trasport tagħha, b'mod partikulari fir-rigward tan-navigazzjoni fit-territorju intern u t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. B'mod speċjali l-ferrovija tibqa' toħloq ħafna konġestjoni u xxekkel il-prestazzjoni ottimali tal-portijiet u l-integrazzjoni tagħhom fil-katini tal-loġistika. F'dan ir-rigward, il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa netwerk orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità, mingħajr ma jxekklu t-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija, lill-implimentazzjoni ta' proġetti ewlenin ta' infrastruttura tal-ferrovija transkonfinali b'konnessjonijiet mal-portijiet.

5.3   L-espansjoni tal-kapaċità waqt li jiġi rispettat l-ambjent

5.3.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali Komunitarja għall-iżvilupp tal-portijiet. Dan għadu jfisser pass importanti 'l quddiem lejn soluzzjoni ta' wħud mill-ambigwitajiet maħluqa mil-leġislazzjoni ta' l-UE bħad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ambjenti Naturali u d-Direttiva Qafas ta' l-Ilma. Meta wieħed iqis kemm hi urġenti l-kwistjoni, il-KESE jirrakkomanda li dawn il-linji gwida jiġu ppubblikati qabel tmiem l-2008.

5.3.2

Il-KESE jistieden il-Kummissjoni wkoll sabiex tikkunsidra miżuri addizzjonali sabiex issaħħaħ l-istatus legali tal-proġetti ta' żvilupp tal-portijiet u tissemplifika l-leġiżlazzjoni attwali, kif inhu mfisser f'iktar dettall fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE (5).

5.3.3

Waqt li jiddikjara b'mod ċar li s-sediment ikkontaminat għandu jkun suġġett għal trattament xieraq, il-KESE jirrakkomanda wkoll li sakemm jitressqu proposti li jaffettwaw il-ġestjoni ta' korpi ta' l-ilma u sedimenti, bħad-Direttiva ta' l-Iskart u d-direttiva kumplimentari għad-Direttiva Qafas ta' l-Ilma (6), għandu jiġi rikonoxxut li sediment mhux ikkontaminat m'għandux jitqies bħala skart u m'għandhux għalfejn isegwi t-trattament ta' sediment ikkontaminat għaliex operazzjonijiet ta' tħammil ta' sediment mhux ikkontaminat ma jintroduċux u lanqas iżidu sustanzi li jniġġsu f'korp ta' l-ilma.

5.3.4

Fl-aħħar nett, il-KESE jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward il-forniment ta' faċilitajiet ta' riċeviment ta' l-iskart tal-bastimenti fil-portijiet u t-titjib ta' l-emissjonijiet fl-ajru. Il-KESE jirrakkomanda li inċentivi ekonomiċi permezz ta' pagamenti lill-portijiet l-aħjar li jibqgħu għad-diskrezjoni ta' kull korp ġestjonali individwali tal-port peress li miżuri bħal dawn jistgħu jaffettwaw l-istruttura finanzjarja tal-portijiet li tvarja ħafna madwar l-Ewropa.

5.4   Il-Modernizzazzjoni

5.4.1

Il-KESE jilqa' l-intenzjoni li tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva dwar il-ħolqien ta' Territorju ta' Trasport Marittimu Ewropew mingħajr ostakoli fl-2008 u jirriferi għall-kummenti speċifiċi li diġà esprima qabel f'diversi opinjonijiet  (7).

5.4.2

Il-KESE itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-UE għandha tagħmel iktar progress fil-modernizzazzjoni tad-dwana u għandha tassigura li l-politiki tagħha dwar id-dwana, is-sigurtà marittima, is-sikurezza, is-saħħa pubblika u l-kwalità ambjentali jkunu koordinati u armonizzati kif suppost u li ma jkunx hemm trasferiment bla raġuni ta' responsabbiltajiet governattivi lejn il-portijiet.

5.4.3

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta' twieqi uniċi u t-twettiq ta' inizjattivi bħal “programm marittimu elettroniku”, “programm doganali elettroniku” u “programm elettroniku tat-trasport tal-merkanzija”. Fl-istess waqt, jemmen li soluzzjonijiet imsejsa fuq l-ITC għandhom ikunu effettivi f'termini ta' spiża, anke bħal portijiet iżgħar u ta' daqs medju.

5.4.4

Fl-aħħar nett, dwar it-titjib ta' l-effiċjenza, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sabiex tiżviluppa grupp ta' indikaturi ġeneriċi Ewropej sa tmiem l-2009, sakemm dawn jirrispettaw data kummerċjali sensittiva. Dawn l-indikaturi, ibbażati fuq dawk li jeżistu fil-qasam tat-trasport bl-ajru, kostali u bil-ferrovija kkombinati, ser jiġu żviluppati kif jixraq għal elementi rilevanti għall-portijiet, bħall-prestazzjoni ta' installazzjonijiet tal-portijiet, kollaborazzjoni bejn il-portijiet u l-ġbir flimkien ta' attivitajiet fl-intern.

5.5   Kundizzjonijiet indaqs — ċarezza għall-investituri, l-operaturi u l-utenti

5.5.1

Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni dwar ir-rwol ta' l-awtoritajiet tal-portijiet u d-diversità tas-sistemi ġestjonali tal-portijiet fl-Ewropa. B'mod partikulari jaqbel mar-rikonoxximent li l-ħidmiet importanti ta' l-awtoritajiet tal-portijiet jistgħu jitwettqu aħjar jekk ikunu jgawdu minn livell suffiċjenti ta' awtonomija u, b'mod speċjali, minn awtonomija finanzjarja sħiħa.

5.5.2

Bl-istess mod il-KESE jilqa' l-aħbar tal-Kummissjoni li tadotta linji gwida dwar l-għajnuna ta' l-Istat fl-2008. F'dan ir-rigward, il-KESE jirriferi għall-prinċipji bażiċi dwar l-użu ta' finanzjament pubbliku fil-portijiet li huwa ppreżenta fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu tas-26 ta' April 2007.

5.5.3

Il-KESE huwa kuntent ukoll li qed jara li l-Kummissjoni adottat ir-rakkomandazzjoni tiegħu li testendi d-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tad-Direttiva 2006/111/KE għall-portijiet tal-merkanzija kollha, irrispettivament mid-dħul annwali tagħhom.

5.5.4

Fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu stess, il-KESE irrakkomanda li tingħata gwida fuq l-użu tal-proċeduri ta' selezzjoni, bħal sejħiet għal offerti u strumenti oħrajn aċċettabbli, il-kondizzjonijiet għal konċessjonijiet u ftehimiet għal kiri ta' art kif ukoll l-għoti ta' gwida dwar l-istatus legali ta' dawk is-servizzi portwarji li jservu bħala servizz pubbliku, per eżempju s-sikurezza globali fil-portijiet.

5.5.5

Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba billi pprovdiet gwida fil-komunikazzjoni tagħha dwar politika għall-portijiet dwar l-użu ta' konċessjonijiet u servizzi tekniċi-nawtiċi. Il-KESE jsib li l-interpretazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tar-regoli tat-Trattat u tal-każistika ġeneralment kienet ta' għajnuna u ċara. Madankollu, il-KESE jenfasizza li s-servizzi tekniċi-nawtiċi għandhom il-karatteristiċi komuni li jkunu relatati mas-sigurtà tan-navigazzjoni, li għandha tiġġustifika l-kwalifika tagħhom bħala servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

5.5.6

Politika tal-konċessjonijiet intelliġenti tista' tiżgura kompetizzjoni bejn il-poritijiet kif ukoll prestazzjoni ottimali u impenn mill-operaturi tat-terminals. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tirrevedi b'mod regolari l-gwida li hija pprovdiet rigward il-konċessjonijiet sabiex tiżgura li taqbel b'mod effettiv ma' l-objettivi msemmija aktar 'il fuq u li jkun fiha elementi komuni suffiċjenti sabiex ikunu garantiti kundizzjonijiet indaqs bejn l-awtoritajiet portwarji. It-tieni punt huwa partikularment rilevanti meta wieħed iqis il-proċess ta' konsolidazzjoni fis-suq tal-ġestjoni tal-merkanzija kif imsemmi hawn fuq.

5.5.7

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jgħin fit-tixrid ta' l-aħjar prattiki dwar it-trasparenza fit-tibdil fil-portijiet. Il-KESE jemmen b'mod qawwi li t-tibdil fil-portijiet għandu jsir fil-livell lokali tal-port sabiex ikunu jistgħu jitqabblu b'mod ottimali l-ħtiġijiet ta' l-utenti tal-port ma' l-interess globali tal-port.

5.5.8

Fl-aħħar nett, il-KESE huwa kuntent li jara li l-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjoni tiegħu sabiex tindirizza każijiet ta' kompetizzjoni mhux ġusta minn portijiet fil-viċinat li m'humiex fl-UE. Bis-saħħa tal-politiki ta' adeżjoni u ta' relazzjonijiet esterni tagħha, il-Kummissjoni għandha wkoll issaħħaħ azzjonijiet sabiex jiġu indirizzati distorsjonijiet mnebbħa mill-politika, bħall-embargo Tork fuq bastimenti b'bandiera Ċiprijotta u bastimenti ġejjin minn portijiet Ċiprijotti, il-problemi bejn it-Turkija u l-Greċja fil-Baħar Eġew kif ukoll problemi fil-qsim tal-fruntiera bejn ir-reġjun Baltiku u r-Russja.

5.6   It-twaqqif ta' djalogu strutturat bejn il-portijiet u l-bliet

5.6.1

Il-KESE jilqa' l-għan tal-Kummissjoni sabiex tippromwovi u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-bliet u l-portijiet tagħhom. L-integrazzjoni tal-portijiet fil-bliet u fil-ħajja tal-belt flimkien ma' għarfien qawwi, interess u anke kburija taċ-ċittadini fl-attivitajiet tal-port huma kollha vitali għall-iżvilupp sostenibbli tal-portijiet. F'dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja b'mod partikulari sinerġiji mat-turiżmu, ir-rekreazzjoni, il-wirt u l-kultura in ġenerali.

5.6.2

Il-KESE jenfasizza wkoll in-nuqqas ta' data li wieħed jista' joqgħod fuqha dwar impjieg dirett u mhux dirett u l-valur miżjud maħluq mill-portijiet Ewropej. Per eżempju, għandu l-impressjoni li d-data dwar l-impjieg li tuża l-Kummissjoni tissottovaluta l-qagħda reali. Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex torganizza studju xieraq dwar dan is-suġġett.

5.6.3

Fl-aħħar nett il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt ta' miżuri ta' sigurtà fuq l-aċċessibilità tal-portijiet u sabiex tingħata gwida dwar kif jistgħu jiġu rekonċiljati ż-żewġ aspetti.

5.7   Ix-xogħol fil-portijiet

5.7.1

Il-KESE enfasizza l-ħtieġa sabiex jiġu promossi kundizzjonijiet tajbin u sikuri fil-post tax-xogħol u fil-madwar kif ukoll relazzjonijiet tax-xogħol kostruttivi fil-portijiet. Il-KESE jinnota b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni konsiderevoli lil dan is-suġġett fil-komunikazzjoni tagħha dwar politika tal-portijiet.

5.7.2

Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li l-efficjenza ta' l-operazzjonijiet fil-portijiet tiddependi kemm fuq komponent ta' kredibilità, kif ukoll ta' sigurtà li huma, minkejja l-progress teknologiku, sa certu punt determinati mill-fattur uman. Dan jispjega l-ħtieġa għal forza tax-xogħol fil-portijietli hija kkwalifikata u mħarrġa tajjeb, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-bastimenti. Il-KESE irrakkomanda li l-imsieħba soċjali għandhom jaqdu rwol importanti fil-ħolqien u ż-żamma ta' dawn il-kundizzjonijiet u li, fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni għandha tappoġġja xogħolhom billi tiffaċilita d-djalogu soċjali.

5.7.3

Għaldaqstant il-KESE huwa kuntent li l-Kummissjoni ddeċidiet li tħeġġeġ lill-imsieħba soċjali li joħolqu kumitat Ewropew għad-jalogu soċjali settorjali fil-portijiet fil-kuntest tat-tifsira tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE.

5.7.4

Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex twaqqaf qafas rikonoxxut b'mod reċiproku ta' taħriġ tal-ħaddiema tal-portijiet iżda jipproponi li l-ewwel jiġi mqabbel ma' sistemi differenti li jeżistu ta' kwalifiki professjonali għall-ħaddiema tal-portijiet. Dan jista' jsir b'mod utli fil-kuntest tad-djalogu soċjali Ewropew.

5.7.5

Fl-aħħar nett il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-implimentazzjoni ta' regoli dwar is-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fil-portijiet, kemm jekk ikunu regoli Komunitarji kif ukoll regoli stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, għandhom jiġu segwiti mill-qrib u l-istatistika dwar l-inċidenti għandha titjieb. Madankollu, il-KESE iħeġġeġ ukoll li jittieħdu inizjattivi fil-livelli kollha f'forums xierqa sabiex jiġi żgurat titjib ulterjuri fis-sikurezza u s-saħħa.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 407 tat-28.12.1998.

(2)  Opinjonijiet tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi portwarji COM(2001) 35 finali ĠU C 48 tal-21.2.2002, p. 122 u COM(2004) 654 finali ĠU C 294 tal-25.11.2005, p. 25.

(3)  ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 57.

(4)  Fuq perijodu fit-tul, is-sehem medju tas-suq tal-kontejners Ewropew fiż-żona Hamburg — Le Havre niżel minn 64 % fl-1975 għal 48 % fl-2003, waqt li s-sehem tas-suq tal-portijiet fiż-żona tal-Mediterran irdoppja minn 18 % fl-1975 għal 36 % fl-2003. Barra minn hekk, il-livell ta' konċentrazzjoni ta' portijiet fl-Ewropa għal traffiku tal-kontejners (imkejjel skond il-koeffiċjent Gini) naqas b'mod kostanti mill-1990 'il hawn, fatt li juri żjieda fil-punti ta' dħul għas-suq Ewropew. Il-portijiet li jieħdu ħsieb kontejners li kibru l-iktar malajr fl-2006 (f'termini relattivi) kienu mill-biċċa l-kbira portijiet żgħar u ta' daqs medju li jinstabu f'reġjuni Ewropej differenti (Amsterdam, Sines, Rauma, Constanța, Kotka, Tallinn, Bremerhaven, Zeebrugge and Gdynia) — Sors: Istitut tat-Trasport u l-Ġestjoni Marittima Antwerp (ITMMA)/Università ta' Antwerp. Dan jikkuntrasta ħafna mas-sitwazzjoni fl-Istati Uniti fejn il-livell ta' konċentrazzjoni ta' portijiet żdied b'mod drammatiku tul l-istess perijodu. Sors: Notteboom, T. (2007), Market report on the European seaport industry, li juża data provduta mill-Eurostat u portijiet individwali)

(5)  Ara t-taqsima 4 ta' l-opinjoni ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 57 dwar Opinjoni komuni dwar il-portijiet ta' l-UE

(6)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Iskart (COM(2005) 667) u l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards ta' kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika ta' l-ilma u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE (COM(2006) 397).

(7)  ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 50, opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra COM(2006) 275 finali.

ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 57, opinjoni komuni dwar il-portijiet ta' l-UE (Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

ĠU C 151 ta' l-17.6.2008, p. 20, opinjoni dwar ir-rotot fuq il-baħar fil-katina loġistika (Opinjoni esploratorja).

ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 68, opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Reviżjoni ta' Nofs it-Term tal-Programm għall-Promozzjoni tat-Trasport Marittimu fuq Distanza Qasira [COM(2003) 155 finali] COM(2006) 380 finali.


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-trasport bit-triq — ħinijiet tax-xogħol għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom

(2009/C 27/12)

Nhar l-20 ta' Novembru 2007, l-Uffiċċju tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29 A tad-diżpozzizzjonijiet implimentattivi tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni addizzjonali dwar

“It-trasport bit-triq — ħinijiet tax-xogħol għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Chagas (1), sostitwit mis-Sur Curtis.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'121 vot favur, 14-il vot kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li s-sewwieqa kollha li jaħdmu għal rashom għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-Direttiva 2002/15/KE kif previst fl-Artikolu 2 tagħha (mit-23 ta' Marzu 2009 'l quddiem).

1.2

Din l-inklużjoni titlob traspożizzjoni korretta tad-Direttiva mill-Istati Membri, b'mod partikolari fejn tidħol id-definizzjoni ta' sewwieq li jaħdem għal rasu.

1.3

Il-KESE iqis li l-inklużjoni ta' dawn is-sewwieqa hija meħtieġa sabiex tippromovi s-sigurtà fit-toroq, trawwem il-kompetizzjoni ġusta u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli u li jaħdmu għal rashom — b'mod partikolari s-saħħa fiżika u mentali tagħhom. Huwa mifhum li l-kompiti amministrattivi ġenerali kif deskritti fid-direttiva (Artikolu 3, a-2) m'humiex inklużi fid-definizzjoni ta' ħin tax-xogħol.

1.4

Għall-KESE, suq intern Ewropew tat-trasport bit-triq jeħtieġ sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet huma l-istess għal kulħadd, mibnija fuq l-applikazzjoni effettiva u prattika tal-leġislazzjoni soċjali marbuta ma' dan is-settur. Il-ħolqien ta' distinzjoni fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-ħinijiet tax-xogħol bejn il-ħaddiema mobbli u dawk li jaħdmu għal rashom jikkontribwixxi għal kompetizzjoni inġusta. Għal din ir-raġuni, il-KESE ma' jistax jaċċetta l-possibbiltà li jiġu inklużi biss is-sewwieqa “li jaħdmu għal rashom foloz” fl-ambitu tad-direttiva.

1.5

Biex jilqa għad-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fl-implimentazzjoni ta' l-inklużjoni ta' dawn is-sewwieqa, il-KESE jirrakkomanda li r-responsabbiltà tinqasam bejn l-operaturi differenti fil-katina tat-trasport, bħalma hu l-każ fir-regolament dwar il-ħin tas-sewqan u l-ħin tal-mistrieħ.

1.6

Il-KESE jinnota li biex id-direttiva tiġi implimentata bmod effettiv, jeħtieġ bilfors li titħeġġeġ i-kooperazzjoni fil-livell Ewropew bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali differenti.

1.7

Il-Kumitat jemmen li l-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fl-ambitu tad-direttiva ma' għandhiex twassal għal kompiti amministrattivi żejda li jkunu ta' piż żejjed fuqhom.

2.   Daħla

2.1

Il-KESE diġà ħadem ħafna fuq il-politika Ewropea dwar is-sigurtà fit-toroq u kiseb kompetenza solida fdan is-suġġett. Fl-aħħar opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu “Il-Politika Ewropea dwar is-Sikurezza fit-Toroq u s-Sewwieqa Professjonali — Postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti” (TEN/290) (2), il-Kumitat indirizza l-kwistjoni importanti taż-żoni ta mistrieħ għas-sewwieqa professjonisti, bħala parti mill-politika ta' l-infrastuttura tat-toroq. Madankollu, il-ħin tax-xogħol tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom huwa suġġett ieħor li huwa imporrtanti ħafna u li jikkumplimenta l-opinjoni dwar il-postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti. L-aspetti ekonomiċi, soċjali u ta' sigurtà differenti għadhom ma' ġewx indirizzati kif xieraq fil-livell Ewropew. Din l-opinjoni addizzjonali tfasslet ukoll breazzjoni għar-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-konsegwenzi ta' l-esklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2002/15/KE tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq, COM(2007) 266 finali.

2.2

Id-Direttiva 2002/15/KE tistabbilixxi f'dik li hija organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol sabiex tittejjeb il-protezzjoni tas-sikurezza u s-saħħa ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq, biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u biex ikun hemm kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni. Din id-direttiva daħlet fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 2002 u l-Istati Membri kellhom tliet snin, sat-23 ta' Marzu 2005, biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tagħha fir-rigward tal-ħaddiema mobbli. Skond l-Artikolu 2(1) tad-direttiva, id-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mit-23 ta' Marzu 2009. Sadanittant, il-Kummissjoni kellha tressaq rapport quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u wara proposta leġislattiva bbażata fuq ir-rapport.

2.3

Bħala parti mill-ftehim ta' konċiljazzjoni finali li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar din id-direttiva, ġie konkluż li mhux aktar tard minn sentejn qabel din id-data, iġifieri sat-23 ta' Marzu 2007, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li janalizza l-konsegwenzi ta' l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva fdik li hija s-sikurezza fit-toroq, il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni, l-istruttura tal-professjoni kif ukoll l-aspetti soċjali. Ir-rapport għandu jqis iċ-ċirkostanzi f'kull Stat Membru fir-rigward ta' l-istruttura tas-settur tat-trasport, kif ukoll ta' l-ambjent tax-xogħol fil-professjoni tat-trasport bit-triq.

2.4

Fuq bażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta bil-għan li (a) tistipula l-proċeduri għall-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom li jwettqu attivitajiet ta' trasport purament nazzjonali biss u li jaffaċjaw limiti speċifiċi; jew (b) ma' tinkludix is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fl-ambitu tad-direttiva.

2.5

L-Artikolu 7(2) tad-direttiva talab ukoll lill-Kummissjoni biex, sat-23 ta' Marzu 2007, tevalwal-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar ix-xogħol ta' bil-lejl fil-kuntest tar-rapport biennali li hija obbligata li tipprovdi dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva.

3.   Ir-rapport tal-Kummissjoni

3.1

Skond il-Kummissjoni, ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-istat attwali ta' l-implimentazzjoni tad-direttiva mill-Istati Membri, jindirizza l-konsegwenzi li jista jkollha l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tagħha u jevalwa l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar ix-xogħol ta bil-lejl.

3.2

L-ewwel konklużjoni hija li l-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri ma' rnexxilhomx jittrasponu d-direttiva fil-perjodu ta' tliet snin li ngħata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li għadha mhijiex f'qagħda li toħroġ l-ewwel rapport biennali tagħha, li li kien ippjanat għal Marzu 2007.

3.3

Fir-rigward tal-konsegwenzi ta' l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom, il-Kummissjoni tfakkar ir-raġunijiet li għalihom hija kienet ipproponiet li jiġu inklużi: ir-regolament dwar il-ħin tas-sewqan u l-ħin tal-mistrieħ ma' jagħmilx din it-tip ta' distinzjoni bejn is-sewwieqa; biex jiġi evitat ir-riskju ta' frammentazzjoni billi s-sewwieqa jiġu mħeġġa jsiru “għal rashom foloz”; u biex jiġi żgurat li l-għanijiet tal-kompetizzjoni ġusta u t-titjib tas-sikurezza fit-toroq u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu applikati għas-settur kollu kemm hu.

3.4

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta' rapport imħejji minn konsulenti esterni, il-Kummissjoni tagħraf li l-għeja u l-konsegwenzi tagħha għas-sikurezza fit-toroq jistgħu jolqtu lil kwalunkwe sewwieq, sew jekk ikun ħaddiem għal rasu u sew jekk ikun mobbli. Barra minn hekk, ir-rapport ikkonferma wkoll li s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom jaħdmu sigħat itwal mill-ħaddiema mobbli impjegati fis-settur tat-trasport bit-triq, u li dawn iż-żewġ kategoriji jaħdmu aktar minn ħaddiema fsetturi oħrajn.

3.5

Filwaqt li jagħraf li “Bla dubju, tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol jista' jgħin biex inaqqas l-għeja”, ir-rapport estern jikkonkludi wkoll li, “Dan jista jwassal, madankollu, għal livelli ogħla ta' stress, għax ix-xufier li jaħdem għal rasu jipprova jlaħħaq aktar f'inqas ħin biex ma' jitlifx mill-profittabbiltà tiegħu, sitwazzjoni li min-naħa tagħha tkun tista' twassal għal aktar għeja u aktar inċidenti”. Il-Kummissjoni jidher li hija ta' l-istess fehma.

3.6

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni taċċetta l-konklużjonij tar-rapport li l-esklużjoni ta' min jaħdem għal rasu tkun xprun biex ix-xejra attwali tkompli miexja lejn frammentazzjoni u li din ma' għandhiex ikollha impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fl-industrija. Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni ta' dawk li jaħdmu għal rashom twassal għal żieda fil-piż finanzjarju u għal tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol, u għaldaqstant, jitnaqqas sostanzjalment il-vantaġġ kompetittiv tal-ħaddiema għal rashom fl-industrija tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Għaldaqstant il-Kummissjoni tidher favur l-alternattiva li s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom “foloz” biss għandhom ikunu soġġetti għad-direttiva.

3.7

Il-Kummissjoni tqis ukoll li, “filwaqt li jista' jkun preferibbli li jibqgħu esklużi għal raġunijiet ekonomiċi, l-impatti soċjali possibbli ta' l-esklużjoni jew l-inklużjoni jidhru inqas ovvji. L-esklużjoni aktarx li ma' tgħinx biex ittaffi l-problemi tas-saħħa u tas-sikurezza; min-naħa l-oħra, l-inklużjoni tista' toħloq aktar stress u aktar piż amministrattiv għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll tnaqqis fid-dħul tagħhom”.

3.8

Finalment, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-inklużjoni ta' dawk li jaħdmu għal rashom tista' toħolqilhom ħafna aktar stress emozzjonali u diffikultajiet finanzjarji u tista' tkun diffiċli biex tiġi infurzata, u għaldaqstant ma' tkunx effettiva.

3.9

Fejn tidħol l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ix-xogħol ta' bil-lejl, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-aspett tal-kontroll ta' l-infurzar tar-regoli jixraqlu analiżi aktar fil-fond.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi ta' l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol ta' persuni li jwettqu attivatijiet mobbli ta' trasport bit-triq.

4.2

Skond numru ta' partijiet interessatti, l-esklużjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva ħolqot distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-settur tal-ġarr fit-triq, li dan l-aħħar wasslet lill-Kumitat biex jagħmel din it-talba fl-opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-White Paper dwar it-Trasport (TEN 257, rapporteur is-Sur Barbadillo Lopez) (3):

“Il-leġislazzjoni soċjali li tkopri t-trasport bit-triq għandha żżomm it-trattament ugwali lejn il-ħaddiema, kemm jekk huma impjegati kif ukoll jekk jaħdmu għal rashom u, għalhekk, id-Direttiva 15/2002 tal-11 ta' Marzu 2002, dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-persuni li jwettqu attivitajiet ta' mobilità relatati mat-trasport bit-triq iridu japplikaw b'effett immedjat fuq il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, mingħajr perjodu transitorju, peress li l-għan ta' din id-Direttiva huwa li tiġi żgurata s-sigurtà fit-triq, li tevita t-tfixkil tal-kompetizzjoni u tippromovi kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol” (punt 4.3.1.2).

4.3

F'dan l-isfond, il-KESE jixtieq jesprimi dubji serji dwar il-konklużjonijiet li jikkonċernaw is-sikurezza fit-toroq, il-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni u l-aspetti soċjali msemmija fl-istudju.

4.4

Il-KESE jemmen li, jekk veru hemm rieda li tiġi promossa s-sikurezza fit-toroq, li titrawwem il-kompetizzjoni ġusta u li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli u li jaħdmu għal rashom — u b'mod partikolari s-saħħa fiżika u mentali tagħhom — l-ambitu tad-Direttiva 2002/15/KE għandha tinkludi s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom.

4.5

Is-sigħat eċċessivi ta' xogħol huma fattur ewlieni li jikkontribwixxi għall-għeja u għal sewwieq li tmur għajnu bih waqt is-sewqan, u b'hekk li jnaqqas is-sikurezza fit-toroq. Jistgħu tinkiseb sitwazzjoni ta' kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd meta l-prezzijiet imħallsa lis-sotto-kuntratturi mill-kumpaniji l-kbar li jorganizzaw l-aspetti kollha tad-distribuzzjoni u t-trasport tal-merkanzija iħarsu l-leġislazzjonijiet soċjali li għandha x'taqsam mas-settur, għall-ħaddiema mobbli kif ukoll is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom.

4.6

L-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva 2002/15/KE mhux bilfors toħloq aktar stress, għax is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom ser ikunu soġġetti għal pressjonijiet mill-kuntratturi tagħhom biex ibaxxu l-prezzijiet. Huma jkollhom jaħdmu ħinijiet itwal biex ikollhom l-istess qligħ, għad-dannu tas-sikurezza fit-toroq, saħħithom u l-bilanċ — diġà prekarju — bejn il-ħajja professjonali u dik tal-familja.

4.7

Madankollu għall-KESE, l-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fl-ambitu tad-Direttiva 2002/15/KE tippresupponi t-traspożizzjoni korretta tad-direttiva, partikolarment tad-definizzjoni ta' sewwieq li jaħdem għal rasu.

4.8

Il-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattat, għandha tiżgura traspożizzjoni korretta mill-Istati Membri tad-definizzjoni ta' “xufier li jaħdem għal rasu” hekk kif stipulata fl-Artikolu 3(e) (4) tad-direttiva. Jekk Stat Membru jrid jiġġieled, il-fenomenu tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom foloz, din hija l-kundizzjoni li l-ewwel li għandu jistabbilixxi.

4.9

Barra minn hekk, l-inklużjoni ta' sewwieqa li jaħdmu għal rashom għandha tkun akkumpanjata minn emenda tad-Direttiva li għandha x'taqsam mar-responsabbiltà li jġorru bejniethom l-atturi differenti fil-katina tat-trasport. L-Artikolu 10(4) tar-Regolament dwar il-ħin tas-sewqan u tal-mistrieħ (5) jistipula li “Impriżi, kunsinjatarji, burdnara, operaturi ta' ġiti, kuntratturi prinċipali, sotto-kuntratturi u l-aġenziji għall-impjieg tax-xufiera għandhom jiżguraw illi l-iskedi tal-ħin tat-trasport miftiehma f'kuntratt iħarsu dan ir-Regolament”. Din il-responsabbiltà maqsuma għandha tiġi estiża għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni f'dak li hu ħin tax-xogħol. Dan jgħin biex jistabbilixxi kundizzjonijiet indaqs għall-ħaddiema mobbli u s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom; meta dawn ta' l-aħħar jinsabu f'sitwazzjoni ta' sotto-kuntratturi, ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet biex ibaxxu l-prezzijiet tagħhom billi jaħdmu għal sigħat twal. B'hekk sitwazzjoni ta' kompetizzjoni inġusta li tkun għad-detriment tal-ħaddiema mobbli, tista' tkun evitata.

4.10

Il-konklużjonijiet ta' l-istudju fir-rigward ta' l-istress addizzjonali li ġġib magħha l-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fl-ambitu tad-direttiva ma' tantx jidhru raġonevoli għall-KESE. Id-definizzjoni tal-ħin tax-xogħol li l-konsulenti użaw mhix ċara. Jekk is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom huma obbligati, waqt xogħolhom, jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni u t-tmexxija ta' l-operazzjonijiet tat-trasport tagħhom kollha — kompiti li l-ħaddiema mobbli mhumiex obbligati — dan żgur iwassal għal stress addizzjonali. Jekk jagħmlu l-istess tip ta' attivitajiet bħall-ħaddiema mobbli fl-istess sigħat tax-xogħol, huwa diffiċli li wieħed jifhem għalfejn is-sewwieq li jaħdem għal rasu għandu jkollu aktar stress mill-ħaddiem mobbli.

4.11

Barra minn hekk, jekk it-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol jgħin biex titnaqqas l-għeja iżda joħloq l-istress, il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom huma mġegħla jagħżlu bejn żewġ sitwazzjonijiet li t-tnejn huma spjaċevoli. Fil-fehma tal-KESE, is-sikurezza fit-toroq hija l-ewwel prijorità u l-għeja kawża ta' sigħat twal ta' xogħol, inkluż il-ħin tas-sewqan, tista' twassal għal inċidenti fit-toroq, kemm jekk is-sewwieq ikun mobbli u kemm jekk jaħdem għal rasu. Huwa mifhum li l-kompiti amministrattivi ġenerali kif deskritti fid-direttiva (Artikolu 3, a-2) m'humiex inklużi fid-definizzjoni ta' ħin tax-xogħol.

4.12

Barra minn hekk l-istudju jonqos milli jgħid — u l-Kummissjoni taqbel mar-raġunament tiegħu — li l-istress tas-sewwieqa jista' jibqa' jeżisti u jiżdied anke jekk jiġu esklużi mid-Direttiva, għax il-kuntratturi żgur ser jgħollu din il-possibbiltà sabiex jagħmlu pressjoni fuq is-sewwieqa biex ikomplu jbaxxu l-prezzijiet tagħhom.

4.13

Il-Kummissjoni ssostni l-fatt li l-Kunsill m'aċċetta l-ebda rekwiżitu għal kontroll sistematiku minimu tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol. Il-KESE, bħall-Kummissjoni, mhux kuntent b'din is-sitwazzjoni iżda ma' jarahiex bħala raġuni għala l-leġislazzjoni m'għandhiex tiġi adattata għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom. Il-fatt li huwa diffiċli tikkontrolla l-ħin tax-xogħol tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom ma' jfissirx li m'għandhomx isir. Ir-responsabbiltà maqsuma bejn l-atturi fil-katina tat-trasport fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tista' b'hekk taqdi rwol sinifikanti. Jekk ikun jidher ċar li l-kuntratti bejn l-atturi differenti fil-katina tat-trasport ikunu tali li l-applikazzjoni ta' durata medja ta' 48 siegħa hija impossibbli, għall-inqas ikun hemm element wieħed li jħares is-sewwieq li jaħdem għal rasu minn ħin tas-sewqan u sigħat tax-xogħol eċċessivi.

4.14

Għall-KESE, suq intern ta' trasport bit-triq Ewropew jeħtieġ sitwazzjoni ta' kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd, ibbażata b'mod partikolari fuq l-implimentazzjoni prattika effettiva tal-leġislazzjonijiet soċjali għall-industrija. Il-ħolqien ta' distinzjoni għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol bejn il-ħaddiema mobbli u dawk li jaħdmu għal rashom tgħin sempliċiment biex toħloq kompetizjoni inġusta. Għal din ir-raġuni, il-KESE ma' jistax jaċċetta l-possibbiltà li jiġu nklużi biss is-sewwieqa “li jaħdmu għal rashom foloz” fl-ambitu tad-direttiva.

4.15

Il-KESE jixtieq isemmi wkoll li numru ta' Stati bi strutturi differenti tas-suq ta' l-operaturi tat-trasport bit-triq, bħall-Estonja (li ftit għandha sewwieqa li jaħdmu għal rashom) u s-Slovakkja (fejn 70 % tal-ħaddiema jaħdmu għal rashom) għażlu li jinkludu lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fid-Direttiva 2002/15/KE. Jekk dan huwa hekk, il-KESE ma jifhimx għalfejn il-Kummissjoni tixtieq bilfors iżżomm lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom barra mill-ambitu tad-Direttiva 2002/15/KE għal raġunijiet ekonomiċi.

4.16

Bix-xieraq, il-Kummissjoni tagħraf li t-terminu “aspetti soċjali” jiġbor taħtu mhux biss is-saħħa, is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli u li jaħdmu għal rashom, iżda wkoll ir-remunerazzjoni u l-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata.

4.17

Skond il-Kummissjoni, l-esklużjoni toffrilhom “il-possibbiltà ta' aktar kontroll fuq ix-xogħol u dħul ogħla, bil-ħtieġa li jinvestu aktar ħin u enerġija biex ix-xogħol irendi aktar qligħ”.

4.18

Il-KESE jfakkar li d-definizzjoni tal-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom mhix ċara u/jew tassumi li l-kompiti amministrattivi ġenerali ma jsirux waqt il-ħin tax-xogħol. F'dan il-każ l-KESE ma jifhimx għalfejn dħul ogħla għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom għandu jkun attribwit għall-esklużjoni tagħhom mid-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol.

4.19

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-livell Ewropew bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali differenti hija essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva.

4.20

Il-Kumitat jemmen li l-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fl-ambitu tad-direttiva ma għandhiex twassal biex jitgħabbew b'kompiti amministrattivi żejda.

4.21

Fid-dawl ta' dan l-istudju, il-Kummissjoni tixtieq tagħmel valutazzjoni oħra ta' l-impatt aktar fid-dettall qabel ma tħejji l-proposta leġislattiva tagħha; din il-valutazzjoni għandha tqis elementi ġodda bħar-regolament il-ġdid dwar il-ħin tas-sewqan u l-ħin tal-mistrieħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni trid li din il-valutazzjoni ta' l-impatt tappoġja l-esklużjoni tas-sewwieqa li tassew jaħdmu għal rashom mill-applikazzjoni tar-regoli settorjali dwar il-ħin tax-xogħol. Il-KESE mhux konvint mill-valur miżjud ta' valutazzjoni ta' l-impatt oħra.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Membru li rreżenja

(2)  ĠU C 175 tas-27.7.2007, pp. 88-90.

(3)  ĠU C 161 tat-13.7.2007, p. 89.

(4)  L-Artikolu 3(e), “xufier li jaħdem għal rasu jfisser kwalunkwe bniedem li l-okkupazzjoni ewlenija tiegħu hija li jittrasporta passiġġieri jew merkanzija fit-toroq għall-kiri jew għall-qligħ fil-qofol tat-tifsira tal-leġislazzjoni tal-Komunità permezz tal-koperta ta liċenzja tal-Komunità jew ta xi awtorizzazzjoni professjonali oħra biex iwettaq it-trasport imsemmi qabel, li huwa intitolat li jaħdem għal rasu u li mhux marbut ma xi ħadd li jimpjegah bkuntratt ta impieg jew bxi tip ieħor ta relazzjoni bġerarkija tax-xogħol, li huwa liberu li jorganizza l-attivitajiet relevanti tax-xogħol, li l-introjtu tiegħu jiddependi direttament mill-profitti magħmula u li għandu l-libertà li, individwalment jew permezz ta kooperazzjoni bejn sewwieqa li jaħdmu għal rashom, ikollu relazzjonijiet kummerċjali ma' diversi klijenti

Għall-iskopijiet ta din id-direttiva, dawk is-sewwieqa li ma jissodisfawx dawn il-kriterji għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jibbenefikaw mill-istess drittijiet bħal dawk li hemm provvediment dwarhom għall-ħaddiema mobbli bdin id-direttiva.”

(5)  Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li temenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li tħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85.


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (SET-plan) “Lejn ġejjieni ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju”

COM(2007) 723 finali

(2009/C 27/13)

Nhar it-22 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (SET-plan) “Lejn ġejjieni ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Zbořil.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'127 vot favur, u 5 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u d-dokumenti relatati u jaqbel ma' l-analiżi u d-deskrizzjoni tal-pożizzjoni rigward it-teknoloġiji ta' l-enerġija. Mingħajr strateġija soda għall-iżvilupp tat-teknoloġiji ta' l-enerġija, kull ħsieb li jittaffa t-tibdil fil-klima huwa mhedded serjament. Għal din ir-raġuni, il-KESE jappoġġja l-adozzjoni tas-SET-Plan.

1.2

Il-Komunikazzjoni tagħti importanza konsiderevoli lil element prinċipali tal-politika ta' l-enerġija — provvista ta' l-enerġija sikura li tkun kemm fattibbli kif ukoll sostenibbli mil-lat ambjentali. Is-sigurtà tal-provvista ma tfissirx biss id-disponibbiltà fiżika tal-provvista, iżda wkoll id-disponibbiltà tagħha bi prezzijiet li huma aċċettabbli soċjalment.

1.3

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bir-raġun tqiegħed l-iżvilupp tat-teknoloġiji ta' l-enerġija fil-quċċata ta' l-isforzi sabiex jixxekkel it-tibdil fil-klima, pożizzjoni li tirrifletti l-konklużjonijiet adottati mit-13-il Konferenza tal-Partijiet (COP 13) f'Bali f'Diċembru 2007 (1).

1.4

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija perfettament korretta meta tiġbed l-attenzjoni għall-importanza essenzjali tal-perijodu ta' żmien fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija proposta (is-SET-Plan) sabiex l-UE tkun tista' żżomm il-wegħda tagħha ta' Marzu 2007 li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020.

1.5

Sabiex l-UE tħaffef l-iżvilupp u l-applikazzjoni prattika tat-teknoloġiji l-ġodda ta' l-enerġija, għandha bżonn mekkaniżmi iktar immirati u effettivi li jagħmlu użu mill-potenzjal tal-fondi pubbliċi, l-industrija, l-universitajiet u r-riċerka u li jsaħħu s-sinerġija bejniethom. Fil-livell internazzjonali hemm bżonn ukoll kollaborazzjoni usa' u miżuri għall-prevenzjoni tal-frammentazzjoni fir-riċerka.

1.6

Il-KESE japprezza ħafna l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha fejn issejjaħ sabiex ikun hemm iktar riżorsi finanzjarji, iżda fuq kollox umani, mobilizzati fl-erba' livelli kollha: fis-settur privat, fil-livell ta' l-Istati Membri, fil-livell Komunitarju u fil-livell dinji. Il-Kumitat jenfasizza li prerekwiżit importanti għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi umani huwa l-appoġġ ġenerali għall-edukazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija.

1.7

Il-pjan strateġiku għandu jinkludi mhux biss il-ħolqien ta' prijoritajiet fil-livell ta' l-UE, iżda wkoll il-ħolqien ta' prijoritajiet speċifiċi fil-livell ta' l-Istati Membri li jirrispettaw il-kapaċitajiet u l-esperjenza tagħhom, l-allokazzjoni ta' fondi suffiċjenti mill-finanzi pubbliċi (ta' l-UE u l-Istati Membri), l-aħjar użu possibbli tal-kapaċitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp u l-parteċipazzjoni tas-settur privat li jitħeġġeġ minn biżżejjed stimuli mis-suq ta' l-enerġija, kif ukoll strumenti oħra legali u fiskali.

1.8

Il-Kumitat jaħseb li jkun ta' ħsara jekk dak li bla dubju hu l-iktar strument importanti għat-tnaqqis fit-tibdil fil-klima — strateġija għall-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġiji ta' l-enerġija — jingħata inqas importanza minn kwistjonijiet oħrajn, li mil-lat realistiku, minflok għandhom jipprovdu il-qafas meħtieġ ta' appoġġ u l-istimulu għal dan l-iżvilupp (EU ETS (l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet), appoġġ għall-użu ta' sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli, it-Tielet Pakkett ta' l-Enerġija, eċċ.). Hija biss bidla ġenwina lejn teknoloġiji iktar effettivi li tista' tikseb tnaqqis veru fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

1.9

L-analiżi tas-sitwazzjoni attwali, li m'hija xejn sodisfaċenti hija eċċezzjonalment konċiża u pertinenti, li bir-raġun tidentifika l-problemi organizzattivi u amministrattivi li s-soċjetà għandha tindirizza flimkien ma' dawk xjentifiċi u teknoloġiċi.

1.10

Ir-rakkomandazzjonijiet fil-livell ta' l-UE jitolbu li tingħata attenzjoni u appoġġ adegwat lit-teknoloġiji li jużaw is-sorsi rinnovabbli għat-tisħin u l-iktar infrastruttura reċenti għad-distribuzzjoni u l-ħżin ta' l-enerġija. Madankollu, għalissa, ċerti tipi ta' enerġija rinnovabbli huma għoljin u ser ikomplu f'din it-triq fil-ġejjieni fit-tul. Sfortunatament, it-teknoloġiji ta' l-iffrankar ta' l-enerġija għall-użu aħħari tal-konsum, it-teknoloġiji nodfa tal-karburanti fossili, l-enerġija nukleari (kemm fissjoni kif ukoll fużjoni) u l-ħżin sikur ta' l-iskart nukleari twarrbu mill-aġenda prinċipali. M'għandux jintesa li hemm bosta pajjiżi li huma dipendenti fuq il-karburanti fossili u l-enerġija nukleari u din id-dipendenza ser tkompli fil-futur immedjat.

1.11

Fil-fehma tal-KESE, il-parteċipazzjoni intensiva tas-settur privat, hija assolutament kruċjali. L-UE u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-ambjent meħtieġ għal dan, mhux biss bid-definizzjoni tal-prinċipji, il-prijoritajiet u l-miri tal-politiki ta' l-enerġija, iżda wkoll bil-ħolqien ta' strumenti li jgħinuhom jintlaħqu.

1.12

L-element prinċipali huwa li jitwaqqfu regoli tas-suq fis-settur ta' l-enerġija, speċjalment l-inkorporazzjoni korretta ta' l-esternalitajiet, inkluż l-ispejjeż soċjali, fil-prezzijiet ta' kull forma ta' enerġija. L-UE u l-Istati Membri x'aktarx ser ikollhom joħolqu ambjent leġislattiv u fiskali sabiex jassiguraw taħlita aħjar ta' fondi pubbliċi u privati għar-riċerka u l-iżvilupp ta' l-enerġija.

1.13

Il-fattibilità li kull Stat Membru juża s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u jkun involut fil-programmi għall-iżvilupp tat-teknoloġiji ta' l-enerġija għandha tiġi analizzata skond l-ambjent naturali tiegħu u r-riżorsi fiżikament aċċessibbli.

1.14

Il-progress fit-teknoloġiji avvanzati ta' l-enerġija għall-konsumatur għandhom ikunu disponibbli għall-iżvilupp sostenibbli. Koordinazzjoni strateġika tar-riċerka u l-iżvilupp ta' l-enerġija li tistabbilixxi l-kontenut u l-prijoritajiet ta' l-iskedi fil-livell Komunitarju u ta' l-Istati Membri, flimkien mal-mekkaniżmi ta' ħidma meħtieġa, bħalma huma s-sistemi għall-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-flussi ta' l-informazzjoni, jistgħu jagħtu kontribut siewi għall-ksib ta' l-għanijiet mixtieqa.

1.15

Bis-saħħa tat-tkabbir tal-kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda lilhinn mill-Komunità, għandha tingħata prijorità — qabel ma jiġu finalizzati ftehimiet ġodda — lill-aħjar użu ta' l-istituzzjonijiet, il-kuntratti u l-ftehimiet eżistenti, speċjalment dawk li taw prova tal-valur tagħhom.

1.16

Is-SET-Plan huwa approċċ strateġiku ewlieni ta' l-ekonomija Ewropea sabiex jiġu żviluppati u jsiru produttivi t-teknoloġiji meħtieġa għat-tnaqqis fit-tibdil fil-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa l-2020 u wara dan sa l-2050.

2.   Daħla

2.1

Fit-22 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni ħarġet proposta bl-isem ta' Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (SET-plan) COM(2007) 723“Lejn ġejjieni ta' emissjonijiet baxxi tal-karbonju”, flimkien mad-dokumenti ta' ħidma “Full impact assessment” SEC(2007) 1508, “Summary Impact Assessment” SEC(2007) 1509, “Technology Map” SEC(2007) 1510, u “Capacities Map” SEC(2007) 1511. Dan is-sett ta' dokumenti jiġbor it-tagħrif eżistenti tas-SET Plan u r-riżorsi disponibbli u li għandhom jiġu mobilizzati sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' dan il-pjan. Flimkien, dawn jikkostitwixxu appell urġenti għal kollaborazzjoni iktar stretta u iktar ikkoordinata dwar ir-riċerka u l-iżvilupp fil-livelli kollha (2).

2.2

Dan huwa approċċ strateġiku f'wieħed mill-oqsma ewlenin (jekk mhux il-qasam ewlieni) ta' l-isforzi għat-tnaqqis fit-tibdil fil-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra — speċifikament b'20 % fl-UE sa l-2020, u jekk jista' jkun bi 30 % jekk il-komunità dinjija tadotta l-inizjattiva ta' l-UE. Dawn l-għanijiet essenzjali tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, tressqu mill-Kunsill Ewropew flimkien mal-punti politiċi ewlenin tal-Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa, fid-9 ta' Marzu 2007.

2.3

Ser jinħtieġu avvanzi enormi fit-teknoloġija ta' l-enerġija sabiex il-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju fl-atmosfera jiġu stabilizzati f'livell aċċettabbli. M'hemm l-ebda dubju dwar jekk hemmx bżonn l-innovazzjoni teknoloġika. Il-kwistjoni hija sa liema livell il-politika għanda tiffoka direttament fuq il-motivazzjoni ta' innovazzjoni bħal din (3). Il-kompjaċenża li tinħoloq mit-teknoloġija diġà disponibbli hija perikoluża immens u s-SET Plan, proġettat u implimentat bis-sħiħ, huwa l-għażla bażika adattata sabiex jinkisbu l-miri meħtieġa għat-tnaqqis.

3.   Dokumenti tal-Kummissjoni

3.1

Jeħtieġ li l-Ewropa taġixxi issa, b'mod magħqud, sabiex twassal enerġija sostenibbli, sikura u kompetittiva. L-użu tat-teknoloġija hija essenzjali biex nilħqu l-miri tal-Politika Ewropea ta' l-Enerġija adottata mill-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Marzu 2007. Biex nilħqu l-miri, jeħtiġilna nbaxxu l-ispiża ta' l-enerġija nadifa u li npoġġu l-industrija ta' l-UE fuq quddiemnett fis-settur tat-teknoloġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, li qed jikber bil-ħeffa. Fil-medda aktar fit-tul, jeħtieġ li jiġu żviluppati ġenerazzjonijiet ta' teknoloġiji ġodda permezz ta' kisbiet sinifikanti fir-riċerka, jekk irridu nilħqu l-ambizzjoni li sa l-2050 nnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'60-80 %.

3.2

Ix-xejriet attwali u l-projezzjonijiet tagħhom fil-ġejjieni juru li m'aħniex fit-triq li nilħqu l-miri tagħna tal-politika ta' l-enerġija. Id-disponibbiltà faċli tar-riżorsi mhux biss ħallietna dipendenti fuq il-karburanti fossili, imma ddgħajjef wkoll l-interess fl-innovazzjoni u l-investiment fit-teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija. Il-baġits pubbliċi u privati tar-riċerka fl-enerġija fl-UE naqsu sostanzjalment mindu laħqu l-ogħla livelli tagħhom fit-Tmeninijiet, b'risposta għall-iskossi tal-prezzijiet ta' l-enerġija. Dan wassal għal kumulazzjoni ta' investiment nieqes fil-kapaċitajiet tar-riċerka fl-enerġija u fl-infrastrutturi ta' l-enerġija. Li kieku l-gvernijiet ta' l-UE llum kienu qed jinvestu bl-istess rata bħal fl-1980, l-infiq pubbliku totali ta' l-UE fuq l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija kien ikun erba' darbiet il-livell attwali ta' l-investiment ta' madwar EUR 2.5 biljun fis-sena.

3.3

L-adozzjoni mis-suq ta' teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija tixxekkel ukoll min-natura stess ta' l-enerġija bħala prodott. Dan il-qafas xejn favorevoli għall-innovazzjoni jkomplu jxekkluh ostakli ġuridiċi u amministrattivi. L-intervent pubbliku biex jirfed l-innovazzjoni fl-enerġija huwa meħtieġ sew kif ukoll ġustifikat.

3.4

L-atturi ewlenin, l-Istati Uniti u l-Ġappun, flimkien ukoll ma' l-ekonomiji li qegħdin jinħolqu bħalma huma ċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, qed jiffaċċjaw l-istess sfidi u qed ikattru l-isforzi tagħhom. Id-daqs tas-suq tagħhom, u l-kapaċitajiet ta' l-investiment u r-riċerka tagħhom, jisbqu bil-kbir dawk tal-parti l-kbira ta' l-Istati Membri. Il-frammentazzjoni, strateġiji moltepliċi u mhux allineati, u kapaċitajiet li ma jilħqux massa kritika, għadhom jikkaratterizzaw il-bażi ta' riċerka ta' l-UE. Madankollu, jekk naqgħu lura fit-tellieqa dinjija biex jintrebħu s-swieq tat-teknoloġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, li qed tintensifika ruħha, jista' jkun li jkollna niddependu minn teknoloġiji importati biex nilħqu l-miri tagħna, u b'hekk inħallu jaħarbulna minn idejna opportunitajiet kummerċjali enormi għall-kumpaniji ta' l-UE.

3.5

It-transizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju sejra ddum l-għexieren tas-snin, u tolqot kull settur ta' l-ekonomija, imma ma nistgħux niddewmu fl-azzjoni. Deċiżjonijiet li sejrin jittieħdu matul l-10 u l-15-il sena li ġejjin sejrin ikollhom konsegwenzi profondi għas-sikurezza ta' l-enerġija, għat-tibdil fil-klima, u għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa.

3.6

L-ewwel u qabel kollox, jeħtiġilna bidla sostanzjali fl-effiċjenza f'dak li jirrigwarda l-konverżjoni, il-provvista u l-użu aħħari ta' l-enerġija. Fit-trasport, fil-bini u l-industrija, jeħtieġ li l-opportunitajiet disponibbli ta' l-enerġija jinbidlu f'opportunitajiet għall-azjendi. Jeħtiġilna nutilizzaw għal kollox il-potenzjal għat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-innovazzjoni fl-organizzazzjonijiet, kif ukoll li nużaw l-istrumenti bbażati fuq il-politika pubblika u fuq is-suq (4) biex niġġestixxu d-domanda u ninkoraġġixxu swieq ġodda.

3.7

Fid-dokument tagħha, il-Kummissjoni tgħid li ħafna mit-teknoloġiji li sejrin jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-miri ta' l-2020 huma disponibbli llum, jew inkella fl-aħħar fażijiet ta' l-iżvilupp. Madankollu, anke skond l-iktar xenarju ottimist ser jeħtieġ perijodu konsiderevoli ta' żmien sabiex it-teknoloġiji disponibbli jsiru produttivi u b'mod ġenerali, it-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju għadhom għaljin, u jiffaċċjaw ostakli fil-penetrazzjoni tas-suq. Għaldaqstant, jenħtieġ approċċ doppju: riċerka msaħħa biex jitbaxxew l-ispejjeż u tittejjeb il-prestazzjoni; u miżuri proattivi ta' appoġġ biex joħolqu l-opportunitajiet kummerċjali, jistimulaw l-iżvilupp tas-swieq u jindirizzaw l-ostakoli mhux teknoloġiċi li jiskoraġġixxu l-innovazzjoni u t-twassil fis-suq ta' teknoloġiji effiċjenti u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

Biex nilħqu l-viżjoni ta' l-2050 ta' teknoloġiji mingħajr karbonju, jeħtiġilna niżviluppaw ġenerazzjoni ġdida ta' teknoloġiji permezz ta' suċċessi maġġuri fir-riċerka. Anke jekk uħud minn dawn it-teknoloġiji ftit se jkollhom impatt sa l-2020, huwa essenzjali li nqawwu l-isforzi tagħna llum biex niżguraw li jsiru produttivi malajr kemm jista' jkun.

3.8

Miżuri eżistenti li tħaddmu f'dawn l-aħħar snin ipprovdew pedament għal aktar azzjoni ta' l-UE: (i) il-ħolqien ta' Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, (ii) l-użu ta' l-istrument taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA)-Net għal bidla lejn il-programmazzjoni komuni tar-riċerka bejn l-Istati Membri, u (iii) kollaborazzjoni bejn iċ-ċentri tar-riċerka f'oqsma speċifiċi bis-saħħa tan-Netwerks ta' Eċċellenza. Is-SET-Plan sejjer jiffoka, iqawwi u jagħti l-koerenza lill-isforz globali fl-Ewropa, bil-għan li jaċċellera l-innovazzjoni fit-teknoloġiji Ewropej l-aktar avvanzati b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Is-SET-Plan jipproponi li jwassal dawn ir-riżultati: (i) ippjanar strateġiku konġunt ġdid, (ii) implimentazzjoni aktar effikaċi, (iii) żieda fir-riżorsi, u (iv) approċċ ġdid u msaħħaħ lejn il-kooperazzjoni internazzjonali.

3.9

Mod ġdid ta' ħidma fil-livell Komunitarju jirrikjedi mezzi inklussivi, dinamiċi u flessibbli għat-tmexxija ta' dan il-proċess, għad-definizzjoni tal-prijoritajiet u għas-sottomissjoni ta' proposti ta' azzjoni — approċċ kollettiv lejn l-ippjanar strateġiku. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jeħtiġilhom jibdew jikkomunikaw flimkien, u jieħdu deċiżjonijiet b'mod aktar strutturat u orjentat lejn missjoni, huma u jfasslu kunċetti ta' azzjoni u jimplimentawhom mal-KE fi ħdan qafas kooperattiv. Biex tmexxi l-implimentazzjoni tas-SET-Plan, filwaqt li ssaħħaħ il-koerenza bejn l-isforzi nazzjonali, Ewropej u dinjija, fl-2008, il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi Grupp ta' Tmexxija dwar it-Teknoloġiji Strateġiċi ta' l-Enerġija. Il-Kummissjoni sejra torganizza Summit Ewropew dwar it-Teknoloġiji ta' l-Enerġija fl-ewwel nofs ta' l-2009.

3.10

L-ippjanar strateġiku effikaċi fil-Grupp ta' Tmexxija jirrikjedi informazzjoni u data regolari u affidabbli. Il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi sistema ta' aċċess miftuħ għall-informazzjoni u ta' ġestjoni ta' l-għarfien. Sejra tinkludi “mapep tat-teknoloġija” kif ukoll “mapep tal-kapaċitajiet” żviluppati miċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni (5).

3.11

Biex naċċelleraw il-proċessi ta' żvilupp u introduzzjoni fis-suq, neħtieġu mekkaniżmi aktar iffukati u b'saħħithom li jistgħu jingaġġaw il-potenzjal ta' l-intervent pubbliku, l-industrija Ewropea u r-riċerkaturi. Il-mekkaniżmi huma dawn li ġejjin: (i) Inizjattivi Industrijali Ewropej, (ii) l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija, u (iii) Netwerks Trans-Ewropej ta' l-Enerġija u sistemi tal-ġejjieni.

3.12

L-inkoraġġiment ta' aktar iffukar u koordinazzjoni bejn l-iskemi u s-sorsi differenti tal-finanzament sejjer jgħin biex nottimizzaw l-investimenti, nibnu l-kapaċitajiet u niżguraw kontinwità ta' finanzjament għal teknoloġiji f'fażijiet differenti ta' l-iżvilupp. Jeħtiġilna nindirizzaw żewġ sfidi: il-mobilizzazzjoni ta' riżorsi finanzjarji addizzjonali, għar-riċerka u l-infrastrutturi relatati, dimostrazzjoni fuq skala industrijali u proġetti tar-replikazzjoni tas-swieq; u l-edukazzjoni u t-taħriġ biex ikollna l-kwantità u l-kwalità tar-riżorsi umani meħtieġa biex nisfruttaw għall-aħħar l-opportunitajiet teknoloġiċi li sejra toħloq il-politika Ewropea ta' l-enerġija.

3.13

Il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta Komunikazzjoni dwar il-finanzjament ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju fi tmiem l-2008. L-azzjonjiet ta' l-Istati Membri biex iqawwu l-bażi tar-riżorsi umani għandhom ikunu kkoordinati aħjar, biex inkabbru s-sinerġiji kemm jista' jkun u nżidu l-mobbiltà fis-settur.

3.14

Il-miżuri proposti fis-SET-Plan għandhom iwasslu għal strateġija msaħħa ta' kooperazzjoni internazzjonali. Jeħtiġilna wkoll niżguraw li l-UE titkellem dejjem aktar b'leħen wieħed fil-forums internazzjonali, fejn dan ikun f'loku, biex nilħqu effett ta' sħubija aktar koerenti u aktar qawwi.

3.15

Illum, il-proċess ta' l-innovazzjoni fit-teknoloġija ta' l-enerġija jissejjes fuq programmi u inċentivi nazzjonali, bl-użu ta' riżorsi naturali biex jintlaħqu għanijiet u miri nazzjonali. Dan il-mudell kien jgħodd għal żmien, illum fl-imgħoddi, ta' enerġija rħisa u l-ebda restrizzjonijiet tal-karbonju. Biex inwettqu t-tibdiliet drammatiċi fix-xenarju ta' l-enerġija meħtiġa fis-Seklu 21, għandna nsegwu politika ġdida.

4.   Punti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u d-dokumenti ta' ħidma relatati u jaqbel ma' l-analiżi u d-deskrizzjoni tal-pożizzjoni fir-rigward tat-teknoloġiji ta' l-enerġija. Ir-risposta għar-riskji tal-bidla globali fil-klima filwaqt li tkompli tintlaqa' d-domanda għolja ta' l-ekonomiji maturi għall-enerġija u t-talbiet dejjem aktar jiżdiedu ta' l-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw, hija sfida internazzjonali sinifikanti. Mingħajr strateġija soda għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' l-enerġija li jkunu iktar ekonomiċi u effiċjenti, kull ħsieb li jittaffa t-tibdil fil-klima huwa mhedded serjament.

4.2

Il-Komunikazzjoni żżid importanza konsiderevoli ma' l-element prinċipali tal-politika ta' l-enerġija — provvista ta' l-enerġija sikura li hija kemm fattibbli kif ukoll sostenibbli mil-lat ambjentali. Is-sigurtà tal-provvista ma tfissirx biss id-disponibbiltà fiżika tal-provvisti, iżda wkoll id-disponibbiltà tagħhom bi prezzijiet li huma aċċettabbli soċjalment.

4.3

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha raġun tisħaq fuq l-iżvilupp tat-teknoloġiji ta' l-enerġija sabiex jitrażżan it-tibdil fil-klima, pożizzjoni li tirrifletti l-konklużjonijiet adottati mit-13-il Konferenza tal-Partijiet (COP 13) f'Bali f'Diċembru 2007 (6). Il-kollaborazzjoni f'dan il-qasam issa u fil-futur għandha ssir prijorità ta' l-UE, mhux talinqas fil-kuntest ta' l-opportunitajiet potenzjali għall-ekonomija ta' l-Ewropa li ġġib magħa l-espansjoni tat-teknoloġiji neċessarji.

4.4

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija perfettament korretta meta tiġbed l-attenzjoni għall-importanza essenzjali taż-żmien fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija proposta (is-SET-Plan) sabiex l-UE tkun tista' żżomm il-wegħda tagħha ta' Marzu 2007 li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa l-2020. Sakemm ma jkunx hemm aċċelerazzjoni fl-organizzazzjoni u fl-analiżi finali ta' l-approċċi strateġiċi bażiċi għall-iżvilupp tat-teknoloġiji (li tinkludi l-adozzjoni tad-direzzjonijiet strateġiċi ewlenin ta' l-iżvilupp u r-riċerka fl-Istati Uniti u l-Ġappun), ser ikun impossibbli li niffukaw l-isforzi u r-riżorsi b'mod effettiv għall-ġestjoni ta' l-ewwel stadju sa l-2020, aħseb u ara t-tieni stadju sa l-2050.

4.5

Sabiex l-UE tħaffef l-iżvilupp u l-applikazzjoni prattika tat-teknoloġiji l-ġodda ta' l-enerġija, għandha bżonn mekkaniżmi iktar immirati u effettivi li jagħmlu użu mill-potenzjal tal-fondi pubbliċi, l-industrija, l-universitajiet u r-riċerka u tqawwi s-sinerġija bejniethom. L-Ewropa għandha istituti nazzjonali ta' riċerka għall-enerġija li huma b'saħħithom, kif ukoll tims ta' riċerka eċċellenti li jaħdmu fl-universitajiet u ċentri speċjalizzati. Sfortunatament, xogħlhom m'huwiex ikkoordinat u l-istrumenti li ntużaw s'issa għat-tmexxija tal-kollaborazzjoni tagħhom m'humiex adegwati. L-isfruttament sħih ta' dan il-potenzjal huwa kruċjali għas-suċċess tal-pjan propost. Hemm bżonn ukoll kollaborazzjoni usa' fil-livell internazzjonali.

4.6

Il-KESE japprezza ħafna l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha fejn issejjaħ sabiex ikun hemm iktar riżorsi finanzjarji, iżda fuq kollox umani, mobilizzati fl-erba' livelli kollha kemm huma: is-settur privat, il-livell ta' l-Istati Membri, il-livell Komunitarju u l-livell dinji. S'issa, prijoritajiet f'kunflitt u proċeduri mtawla xekklu l-mobilizzazzjoni tal-fondi. Is-SET-plan propost għandu jkattar bidla fl-attitudnijiet u aċċelerazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Minkejja l-fatt li l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi umani — li qatt ma tkun proċess mgħaġġel — hija parti wkoll mill-istrateġija ta' Lisbona, l-isforzi għas-sejba tar-riżorsi umani meħtieġa għall-implimentazzjoni proposta għadhom inadegwati u jdumu wisq. L-ewwel prerekwiżit għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi umani huwa l-appoġġ ġenerali għall-edukazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija.

4.7

Il-KESE josserva li huwa essenzjali li jintlaħaq ftehim mhux biss fuq l-viżjonijiet, il-prijoritajiet u l-miri tal-politika ta' l-enerġija, iżda wkoll fuq il-pjan strateġiku għat-teknoloġiji ta' l-enerġija.

4.8

Il-Kumitat jaħseb li jkun ta' ħsara jekk dak li bla dubju hu l-iktar strument importanti għat-tnaqqis fit-tibdil fil-klima — strateġija għall-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġiji ta' l-enerġija — jingħata inqas importanza minn kwistjonijiet jew teknoloġiji oħrajn, li mil-lat realistiku, minflok għandhom jipprovdu qafas ta' appoġġ għal dan l-iżvilupp (EU ETS (l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet), appoġġ għall-użu ta' sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli, il-Tielet Pakkett ta' l-Enerġija, eċċ.). Hija biss bidla ġenwina lejn teknoloġiji iktar effettivi li tista' tikseb tnaqqis veru fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Wieħed mis-sorsi ta' fondi għall-iżvilupp teknoloġiku jista' jkun l-irkant ta' permessi ta' l-EU ETS, dejjem sakemm il-proposta għall-introduzzjoni ta' din il-proċeduri tiġi adottata. Madankollu, taħt l-ebda ċirkostanza m'għandu jkun l-uniku sors ta' fondi, speċjalment jekk jidħol fis-seħħ biss fl-2013.

5.   Kummenti speċjali

5.1

L-analiżi tas-sitwazzjoni attwali, li m'hija xejn sodisfaċenti, hija eċċezzjonalment konċiża u pertinenti, u bir-raġun tidentifika l-problemi organizzattivi u amministrattivi li s-soċjetà għandha tindirizza flimkien ma' dawk xjentifiċi u teknoloġiċi.

5.2

Il-premessa li tirfed id-dokumenti ta' l-UE li jittrattaw it-teknoloġiji ta' l-enerġija hija li m'hemm l-ebda teknoloġija unika ta' l-enerġija — u lanqas numru żgħir — li tista' jkollha influwenza importanti fuq il-progress fil-qasam ta' l-enerġija u tgħin fil-ksib tal-miri ppreżentati. Għall-kuntrarju, hemm ħafna, u r-riżultati jinkisbu biss jekk jiġu utilizzati kollha kemm huma. L-ebda minnhom li jkunu almenu promettenti m'ghandhom jitwarrbu mingħajr analiżi, għalkemm dawk li huma l-inqas promettenti għandhom jitwarrbu mill-iktar fis possibbli sabiex ma jinħlewx ir-riżorsi. Kull Stat Membri, u jekk jista' jkun kull reġjun, għandu jingħata permess li jagħżel il-prijoritajiet tiegħu fi ħdan il-qafas strateġiku bbażat fuq il-kompetenza, l-esperjenza u l-kapaċità tiegħu għall-implimentazzjoni.

5.3

Id-dokumenti dwar din il-kwistjoni fil-livell ta' l-UE jirrakkomandaw li għandha tingħata attenzjoni lit-teknoloġiji li jużaw is-sorsi rinnovabbli, it-teknoloġiji nodfa għall-enerġija tas-sħana (inkluż is-sħana għall-produzzjoni ta' l-elettriku) u l-aħħar infrastruttura għad-distribuzzjoni u l-ħżin ta' l-enerġija. Il-KESE japprova dawn il-prijoritajiet. Madankollu, teknoloġiji nodfa tal-karburanti fossili li ser jibqgħu l-iktar sors primarju importanti ta' l-enerġija għall-ġejjieni fit-tul, l-enerġija nukleari (kemm tal-fissjoni kif ukoll tal-fużjoni) u l-ħżin sikur ta' l-iskart nukleari, li qegħdin jitwarrbu, għandhom ikomplu jkunu parti integrali mill-portafoll ta' l-UE għar-riċerka u l-iżvilupp u m'għandhomx jintesew.

5.4

Il-KESE jaqbel li s-suq ta' l-enerġija s'issa ma rnexxilux jipprovdi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-enerġija, il-gvernijiet u l-investituri privati b'informazzjoni ċara dwar l-urġenza li jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija minħabba li l-ispejjeż tad-diversi tipi ta' enerġija u l-karburanti ma jinkludux biżżejjed l-esternalitajiet kollha li jinkludu l-ispejjeż soċjali. Din hija r-raġuni wkoll għalfejn għad m'hemm l-ebda ftehim fil-livell ta' l-UE dwar il-prijoritajiet tar-riċerka u l-iżvilupp ta' l-enerġija u dwar il-ħolqien ta' fondi u strumenti oħrajn għall-appoġġ ta' dawn il-prijoritajiet.

5.5

Il-KESE huwa tal-fehma li l-pjan strateġiku għandu jinkludi mhux biss il-ħolqien ta' prijoritajiet fil-livell ta' l-UE, iżda wkoll il-ħolqien ta' prijoritajiet speċifiċi fil-livell ta' l-Istati Membri, l-allokazzjoni ta' fondi suffiċjenti mill-finanzi pubbliċi, l-aħjar użu possibbli tal-kapaċitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp u l-parteċipazzjoni tas-settur privat li titħeġġeġ minn biżżejjed stimuli mis-suq ta' l-enerġija, kif ukoll strumenti oħra legali u fiskali. Il-parteċipazzjoni intensiva tas-settur privat, hija assolutament kruċjali. L-UE u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-ambjent meħtieġ għal dan, mhux biss bid-definizzjoni tal-prinċipji, il-prijoritajiet u l-miri tal-politiki ta' l-enerġija, iżda wkoll bil-ħolqien ta' l-istrumenti prattiċi biex jgħinuhom jintlaħqu.

5.6

L-element prinċipali huwa li jitwaqqfu regoli tas-suq fis-settur ta' l-enerġija, speċjalment l-inkorporazzjoni korretta ta' l-esternalitajiet fil-prezzijiet ta' l-enerġija, li jinkludu l-ispejjeż soċjali, li jwasslu sabiex is-suq jibgħat sinjali bikrija lill-investituri u l-operaturi privati dwar il-bżonn ta' bidla teknoloġika sabiex jiġi assigurat l-iktar użu effettiv tas-sorsi differenti ta' l-enerġija. L-UE u l-Istati Membri x'aktarx ser ikollhom joħolqu ambjent leġislattiv u fiskali, inkluż mekkaniżmi volontarji, sabiex jassiguraw taħlita aħjar ta' fondi pubbliċi u privati għar-riċerka u l-iżvilupp ta' l-enerġija li jwasslu għal użu ikbar tar-riżorsi.

5.7

Jeżistu prospetti pjuttost tajbin għal xi pajjiżi b'kondizzjonijiet naturali favorevoli sabiex isir progress iktar imħaffef fiż-żieda ta' l-użu tas-sorsi rinnovabbli ta' l-enerġija. Iżda jeżistu wkoll pajjiżi li m'għandhomx dan il-vantaġġ jew ma jistgħux jisfruttawh b'mod ekonomiku. Il-fattibilità li kull Stat Membru juża s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u jkun involut fil-programmi għall-iżvilupp tat-teknoloġiji ta' l-enerġija għandha tiġi analizzata skond l-ambjent naturali tiegħu u r-riżorsi tiegħu li huma fiżikament aċċessibbli.

5.8

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-prijoritajiet imressqa fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-SET-Plan huma kemmxejn limitati, partikularment rigward is-sorsi rinnovabbli ta' l-enerġija. M'hemmx dubju li dawn huma importanti għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija, li twassal għal inqas dipendenza min-naħa ta' l-Istati Membri fuq l-importazzjoni ta' l-enerġija u għas-sostenibilità ta' l-iżvilupp. Madankollu, għalissa, ċerti tipi ta' enerġija rinnovabbli jibqgħu għoljin ħafna u ser ikomplu f'din it-triq fil-ġejjieni. Bl-istess mod, l-integrazzjoni tas-suq ta' l-enerġija m'hijiex biss kwistjoni ta' politika u organizzazzjoni, iżda ser teħtieġ ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp neċessarju — per eżempju fil-qasam tan-netwerks intelliġenti.

5.9

M'għandux jintesa li bosta pajjiżi huma dipendenti fuq il-karburanti fossili u l-enerġija nukleari u din id-dipendenza ser tkompli fil-futur immedjat. L-istess jgħodd għall-pajjiżi terzi u l-UE għandha tikkoordina l-isforzi tagħha magħhom sabiex tħaffef ir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji ta' l-enerġija. Għal din ir-raġuni, il-KESE jaħseb li l-prijoritajiet ta' l-UE m'għandhomx jiffukaw l-iktar fuq it-teknoloġiji ta' l-enerġija rinnovabbli, billi t-teknoloġiji għall-iffrankar ta' l-enerġija għall-użu aħħari u t-teknoloġiji nodfa bbażati fuq il-karburanti fossili (inkluż il-qbid u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju) huma ta' importanza indaqs. L-UE għandha aġenda u sistema speċjali għar-riċerka u l-iżvilupp rigward it-teknoloġiji nukleari. Madankollu, il-bżonn ta' riċerka u żvilupp fl-enerġija mill-fissjoni nukleari u — forsi fil-futur — mill-fużjoni u t-tul ta' ħajja u s-sigurtà ta' impjanti nukleari għandu jiġi enfasizzat, billi dawn jista' jkollhom ħafna x'joffru f'termini ta' sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE.

5.10

Naturalment, l-isforzi għall-iffrankar ta' l-enerġija kemm fl-istadju tat-trasformazzjoni kif ukoll dak tal-konsum aħħari jista' jagħmel kontribut qawwi għall-iżvilupp sostenibbli, kif jista' jagħmel ukoll il-progress fit-teknoloġiji avvanzati ta' l-enerġija. Fil-livell ta' l-UE, l-użu aħjar tar-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli f'dan il-qasam ferm wiesa' jista' jiġi ffaċilitat b'koordinazzjoni strateġika tar-riċerka u l-iżvilupp ta' l-enerġija, maħsuba u segwita sew, li tressaq il-kontenut u l-prijoratjiet ta' l-iskedi fil-livell Komunitarju u ta' l-Istati Membri, flimkien mal-mekkaniżmi ta' tħaddim neċessarji bħas-sistemi tal-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-flussi ta' l-informazzjoni. L-istandardizzazzjoni effettiva tal-proċeduri u l-impjanti taqdi rwol essenzjali wkoll.

5.11

Bis-saħħa tat-tkabbir tal-kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda lilhinn mill-Komunità, għandha tingħata prijorità — qabel ma jiġu finalizzati ftehimiet ġodda — lill-aħjar użu ta' l-istituzzjonijiet, il-kuntratti u l-ftehimiet eżistenti, speċjalment dawk li taw prova tal-valur tagħhom.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara d-deċiżjoni tan-NU tat-13-il Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas dwar it-Tibdil fil-Klima — il-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali.

(2)  Il-KESE ħareġ għadd ta' opinjonijiet rilevanti immens dwar din il-kwistjoni, bħal ĠU C 241, 7.10.2002, p. 13 Riċerka u Enerġija (mhux disponibbli bil-Malti) li ma tilfu xejn mir-rilevanza tagħhom.

(3)  Pielke, R.Jr at al, Dangerous assumptions, Nature, Vol. 452/3 p. 531, 532, it-3 ta' April 2008

(4)  COM(2007)140, 28.3.2007, Green Paper dwar strumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta' politika relatati.

(5)  Ara d-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2007)1510 “Technology Map” u SEC(2007)1511 “Capacities Map”.

(6)  Ara d-deċiżjoni tan-NU tat-13-il Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas dwar it-Tibdil fil-Klima — il-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali.


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rabta bejn il-bidla fil-klima u l-biedja fl-Ewropa

(2009/C 27/14)

F'ittra tal-25 ta' Ottubru 2007, il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni esploratorja dwar:

Ir-rabta bejn il-bidla fil-klima u l-biedja fl-Ewropa.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Ribbe, u l-ko-rapporteur is-Sur Wilms.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'94 vot favur, 30 vot kontra u 13-il astensjoni.

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat

1.1

F'ittra tal-25 ta' Ottubru 2007, il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill talbet lill-KESE biex iħejji opinjoni esploratorja dwar “Ir-rabta bejn il-bidla fil-klima u l-biedja fl-Ewropa”. Il-Kumitat intalab b'mod speċifiku biex jittratta l-kwistjoni tal-bijokarburanti.

1.2

Il-KESE jinsab inkwetat ħafna dwar l-impatt negattiv li ser tħalli l-bidla fil-klima fuq il-biedja Ewropea kif ukoll fuq is-saħħa ekonomika ta' bosta żoni rurali. L-iktar konsegwenzi serji huma mbassra fl-Ewropa ta' Isfel, speċjalment minħabba l-fatt li l-perijodi ta' nixfa mistennija jitwalu, u dan kapaċi jwassal għall-iskarsezza ta' ilma. Dan jista' jwaqqaf saħansitra għal kollox l-attivitajiet agrikoli fiż-żoni milquta. Però anke l-bdiewa fir-reġjuni l-oħra ta' l-Ewropa ser ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' problemi serji minħabba l-bidliet fil-klima, per eżempju minħabba t-tnaqqis drastiku tax-xita f'perijodi partikolari tas-sena. Ma' dawn il-problemi, maż-żmien jistgħu jiżdiedu wkoll il-problemi marbuta ma' l-iżvilupp jew iż-żieda ta' mard tal-pjanti u impestazzjonijiet tad-dud.

1.3

Għaldaqstant, jeħtieġ li l-awtoritajiet politiċi jieħdu azzjoni minnufih sabiex jintegraw il-politika tal-klima fl-oqsma ta' politika l-oħra kollha.

1.4

Il-biedja mhix biss vittma tal-bidla fil-klima, iżda tikkontribwixxi wkoll għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Il-biċċa l-kbira tagħhom ma jkunux emissjonijiet tas-CO2, iżda emissjonijiet tal-metanu u ta' l-ossidu nitruż li huma r-riżultat tat-tibdil fl-użu ta' l-art u tal-produzzjoni agrikola stess. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza b'iktar reqqa d-distinzjoni bejn il-metodi differenti ta' l-użu ta' l-art fil-kuntest tar-rabta tagħhom mal-klima sabiex jinstabu għażliet differenti għall-azzjoni politika, per eżempju fil-qasam tal-politika ta' l-għajnuna. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jilqa' bi pjaċir l-aħbar tal-Kummissjoni li fil-futur ser tintegra il-ħarsien tal-klima fil-politika agrikola komuni iktar.

1.5

Il-biedja tista' tagħti kontributi siewja għall-ħarsien tal-klima, billi fost ħwejjeġ oħra toqgħod attenta li mhux biss tħares il-ħażna tal-karbonju li għad hemm fil-ħamrija iżda wkoll li żżidha permezz ta' azzjoni mmirata lejn iż-żieda tal-kompost. Hija tista' tnaqqas il-ħtieġa ta' l-enerġija u tipproduċi l-bijomassa, b'mod li jirrispetta n-natura u l-ambjent, għal skopijiet enerġetiċi.

1.6

Fil-fehma tal-Kumitat, l-istrateġija futura tal-bijokarburanti ta' l-UE li qed titfassal bħalissa, li skond l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni tinkludi l-importazzjoni enormi ta' materja prima għall-biedja, mhix adatta biex tilħaq l-objettivi relatati mal-ħarsien tal-klima b'mod ekonomiku filwaqt li toħloq postijiet tax-xogħol ġodda fil-qasam agrikolu u tiġġenera iktar dħul. Fil-fatt, minflok din l-istrateġija tal-bijokarburanti għandha titfassal strateġija ġdida tal-bijomassa mgħarbla sew. Din m'għandhiex tistrieħ fuq l-importazzjoni, iżda għandha tipprova iktar minn qatt qabel tbiddel il-prodotti sekondarji/l-iskart tal-biedja f'enerġija li tista' tintuża filwaqt li lill-bdiewa tagħtihom rwol attiv fis-sistemi deċentralizzati ta' l-enerġija li għandhom jiġu ogranizzati mill-ġdid.

2.   L-elementi ewlenin u l-kuntest ta' l-opinjoni

2.1

Il-biedja hija l-iktar s-settur ekonomiku li jiddependi mill-kundizzjonijiet naturali (u għalhekk anke mill-kundizzjonijiet tal-klima), l-iktar li jużahom, ibiddilhom u jiffurmahom.

2.2

Il-prinċipju tal-biedja huwa bbażat fuq l-użu sistematiku ta' l-enerġija solari bis-saħħa tal-fotosinteżi tal-pjanti sabiex tiġi ġġenerata enerġija li tkun tista' tintuża mill-bniedem fil-forma ta' ikel u għalf. L-enerġija marbuta mal-fotosinteżi minn dejjem kienet tintuża bħala sors ta' sħana (per eżempju, bijomassa fil-forma ta' njam).

2.3

Il-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi, li s'issa fl-Ewropa kienu adatti ħafna għall-biedja, huma fattur essenzjali għall-biedja li hija msawra minn diversità kbira u magħmula minn strutturi differenti. Dan ifisser ukoll li bidla f'dawn il-kundizzjonijiet tista' ssarraf f'konsegwenzi fuq il-biedja u l-istrutturi reġjonali ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali marbutin magħha.

3.   Kummenti ġenerali

Il-biedja: vittma tal-bidla fil-klima

3.1

Il-bidliet fil-klima, b'mod partikolari ż-żieda mistennija fit-temperatura, u iktar u iktar it-tibdil fl-ammont ta' xita li tinżel ser iħallu impatt qerriedi fuq il-biedja f'ċerti reġjuni ta' l-Ewropa. Teżisti l-possibbiltà li żmien twil ta' nixfa, l-iskarsezza ta' l-ilma u bħala riżultat ta' dan il-fatt li ċerti meded ta' art qed isiru deżert, b'mod speċjali fl-Ewropa ta' Isfel, iwaqqfu l-produzzjoni agrikola għal kollox. Barra minn dan, in-nirien il-kbar jistgħu jolqtu l-artijiet agrikoli ħażin ħafna (1). Dan jhedded sew l-ekonomiji rurali ta' dawn iż-żoni. L-istudji xjentifiċi kollha li saru jindikaw li l-bidla fil-klima ser ikollha impatt fuq id-dud u l-mard, li ser inaqqsu l-produzzjoni tar-raba' prinċipali għall-ikel b'mod sinifikanti. Il-bidla fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-patoġeni ser twassal għal:

bidliet fid-distribuzzjoni ġeografika ta' dawn il-patoġeni;

bidliet fil-frekwenza u s-serjetà tal-mard; u

bidliet fl-istrateġija użata sabiex jiġi kkontrollat il-mard.

3.2

F'dan il-kuntest, il-KESE jagħmel referenza għad-diversi pubblikazzjonijiet u inizjattivi tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, bħall-Komunikazzjoni Li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perijodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea  (2) u l-ideat u l-pjanijiet li tiddeskrivi, għall-Green Paper dwar Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa, u għall-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji koerenti għall-użu ta' l-art. Barra minn hekk f'ħafna pajjiżi diġà bdew l-attivitajiet f'dan il-qasam.

3.3

Probabbilment, il-biċċa l-kbira ta' l-Ewropej kif ukoll ta' dawk responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet m'humiex kapaċi jimmaġinaw x'jiġri jekk, per eżempju, il-biedja tiġi abbandunata f'żoni kbar ta' l-Ewropa ta' Isfel minħabba n-nuqqas ta' l-ilma u temperaturi estremi. Il-bidliet fl-użu ta' l-art jista' jkollhom impatt negattiv ukoll fuq l-impjiegi fir-reġjuni milquta.

3.4

Għaldaqstant, il-KESE jsejjaħ lil dawk kollha responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet biex jagħmlu kulma jistgħu sabiex jillimitaw kemm jista' jkun l-impatt fuq il-biedja permezz ta' programm radikali u komprensiv għall-ħarsien tal-klima. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jittieħdu miżuri mmirati lejn l-adattament ta' l-attività agrikola għall-bidla fil-klima. Is-settur tal-biedja ser ikollu jadatta ruħu b'mod effiċjenti u mgħaġġel għat-trasformazzjonijiet u l-bidliet fil-klima, billi l-kontinwazzjoni ta' l-attività agrikola fiha nnifisha tiddependi mis-suċċess jew mill-falliment ta' dawn il-miżuri.

3.4.1

Skond l-aħħar rapporti ta' l-OECD u ta' l-FAO, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom ikunu fatturi prinċipali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Fost l-azzjonijiet ta' adattazzjoni għandu jitqies l-iżvilupp ta' speċi ġodda u varjetajiet veġetali iktar adatti għall-bidla fil-klima. Fid-dawl ta' dan, il-progress fit-titjib ġenetiku tal-materjal veġetali u ta' l-annimali permezz ta' proċeduri konvenzjonali jew bijoteknoloġiċi għandu importanza partikolari.

Il-kontribut tal-biedja għall-bidla fil-klima

3.5

Fil-fehma tal-KESE jeħtieġ li mhux biss tinfetaħ id-diskussjoni dwar il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima għall-biedja, iżda wieħed għandu jżomm f'moħħu wkoll li l-biedja stess tikkontribwixxi għall-bidla fil-klima u għalhekk għandhom jittieħdu passi sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-biedja fuq il-klima. Huwa importanti wkoll li jiġu kkunsidrati d-diversi kontributi li tista' tagħti l-biedja lill-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

3.6

Għalhekk il-Kumitat jilqa' l-fatt li fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK (3) il-Kummissjoni għarfet il-politika tal-klima bħala waħda mill-erba' sfidi l-ġodda tal-PAK.

3.7

L-emissjonijiet li jiġu direttament mill-biedja skond id-definizzjoni ta' l-IPCC jammontaw għal bejn 10 u 12 %. B'kollox huwa stmat li l-biedja tikkontribwixxi bejn 8.5 u 16.5 biljun tunnellata ta' CO2e (4) fl-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra, jiġifieri bejn 17 u 32 % tat-total (5).

3.8

Huwa stmat ukoll li għall-Ewropa s-sehem tal-biedja fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra huwa wisq inqas mill-figura korrispondenti għall-emissjonijiet globali. Skond il-metodi tal-kalkolu li jintużaw mill-IPCC, il-Kummissjoni ssostni li l-figura hi ta' 9 %. Mill-1990 'l hawn il-biedja fl-UE-27 naqqset l-emissjonijiet b'20 %, u dik fl-UE-15 bi 11 % (6). Madankollu, il-metodi tal-kalkolu ta' l-IPCC ma jqisux l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li jiġu kkawżati mill-bidliet fl-użu ta' l-art, l-enerġija li tintuża biex isiru l-fertilizzanti u l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, jew il-karburanti tat-trakters. Per eżempju, filwaqt li l-Kummissjoni ħabbret li l-kontribut tal-biedja għall-emissjonijiet fil-Ġermanja huwa ta' 6 %, il-Gvern Federali Ġermaniż qal li dan il-kontribut huwa ta' bejn 11 u 15 % jekk jitqiesu l-emissjonijiet kollha li ġejjin mill-biedja.

Id-diversi implikazzjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-biedja

3.9

Il-biedja tikkontribwixxi biss għal sehem żgħir ta' l-emissjonijiet netti ta' CO2. Ir-raġuni ewlenija għal dan hija li l-pjanti l-ewwel jassorbu s-CO2 u jikkonvertuh f'materja organika. Meta tintuża l-bijomassa, il-karbonju li kien assorbit fuq bażi temporanja jerġa' joħroġ bħala CO2. Għalhekk, iċ-ċiklu tal-karbonju huwa fil-biċċa l-kbira magħluq.

3.10

Skond ir-Raba' Rapport ta' Valutazzjoni ta' l-IPCC (7), fil-qasam tal-biedja, il-politika tal-klima għandha tikkunsidra l-ewwel u qabel kollox l-emissjonijiet tal-metanu u ta' l-ossidu nitruż. Fl-Ewropa, madwar 40 % ta' l-emissjonijiet totali ta' CH4 u N2O ġejjin mill-biedja, u huma dawn il-gassijiet b'effett ta' serra li għandhom impatt qawwi ħafna fuq il-klima; il-potenzjal ta' effett ta' serra ta' l-ossidu nitruż u l-metanu huwa 296 u 23 darba iktar minn dak tas-CO2 rispettivament.

3.11

Bażikament hemm erba' aspetti tal-biedja li jolqtu l-bidla fil-klima:

a)

il-bidla tal-boskijiet, il-bassasiet, l-artijiet mistagħdra jew l-artijiet mimlija ħaxix f'raba',

b)

l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-art maħduma u t-trobbija tal-bhejjem,

c)

l-użu ta' l-enerġija fl-irziezet u fis-setturi relatati, per eżempju l-karburanti u l-enerġija użata għall-manifattura ta' fertilizzanti kimiċi, pestiċidi u prodotti oħra (8), u

d)

il-produzzjoni tal-bijomassa bħala sors ta' l-enerġija.

3.12

Kollox ma' kollox, il-bidla ta' żoni li s'issa ma kinux maħduma f'artijiet għall-biedja hija bla dubju l-iktar sinifikanti, u tikkawża bil-wisq iktar gassijiet b'effett ta' serra mill-produzzjoni agrikola u l-użu ta' l-enerġija. Kull darba li jinħolqu l-għelieqi agrikoli jinħarġu l-gassijiet b'effett ta' serra billi r-raba' taħżen l-inqas ammont medju ta' dijossidu karboniku fil-ħamrija tagħha — apparti d-deżerti, is-semideżerti u ż-żoni mibnija (9).

3.13

B'hekk id-dibattitu dwar il-qerda tal-foresti tropikali fl-Amażonja jew l-Indoneżja huwa meqjus ta' importanza fundamentali. Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-Ewropa u l-biedja Ewropea għandhom x'jaqsmu ħafna mad-deforestazzjoni fuq skala kbira f'dawn il-partijiet tad-dinja (10).

It-tibdil fl-użu ta' l-art/il-bjar tal-karbonju

3.14

Waħda mill-problemi ewlenin f'dan il-qasam ġejja mill-fatt li fl-Ewropa l-art qed tkompli tinbena u b'hekk qed tkompli tonqos l-art disponibbli għall-produzzjoni agrikola u l-bjar tal-karbonju. Il-KESE jiddispjaċih li d-direttiva ppjanata dwar il-ħarsien tal-ħamrija, li tista' tagħti kontribut sostanzjali f'dan il-qasam, ma ġietx adottata.

3.15

Il-politika tal-klima għandha tikkunsidra sitt bjar tal-karbonju ewlenin (11). Minn dawn, il-bijomassa tas-superfiċje u l-ħamrija huma l-iktar rilevanti għall-biedja. Billi l-biedja hija msejsa fuq il-prinċipju tal-ħsad annwali tal-bijomassa li tipproduċi, hi ma toħloqx bjar tal-karbonju tas-superfiċje ġodda għall-ħżin tal-bijomassa.

3.16

Il-bidla tal-boskijiet, tal-bassasa u ta' l-artijiet mimlija ħaxix f'raba' tikkaġuna t-telf tal-karbonju li jkun maħżun fil-ħamrija. Għalhekk, għall-biedja Ewropea huwa importanti li ż-żoni li fihom riżervi kbar ta' karbonju ma jintmessux. Għal dan il-għan għandhom jiġu żviluppati inċentivi li, permezz ta' l-istrumenti ta' appoġġ adatti, iħeġġu l-metodi ġusti tal-biedja.

3.17

Skond l-għarfien li għandna bħalissa, il-bidla fil-klima waħedha hija raġuni biżżejjed biex nipprojbixxu immedjatament il-bidla tal-bassasa u l-boskijiet f'raba'.

3.18

Matul l-aħħar ftit għexieren ta' snin, l-Ewropa rat ħafna artijiet mimlija ħaxix jinbidlu f'raba'. Minkejja d-diversi restrizzjonijiet (12), dan il-proċess għadu ma ntemmx, u fil-fatt f'xi reġjuni qed jerġa' jiżdied minħabba ż-żieda fl-użu ta' l-enerġija għall-biedja.

3.19

Il-bidla ta' l-artijiet mimlija ħaxix f'raba' żdiedet għaliex il-marġni tal-profitt tal-bdiewa fuq ir-raba' huwa ogħla mhux ħażin. L-art li tintuża għar-regħi tirrikjedi iktar xogħol, u l-ħaxix biss m'għadux biżżejjed biex l-ifrat jilħaq il-livelli “mixtieqa”. Għaldaqstant, il-bhejjem jiddependu mill-għalf enerġetiku u l-produzzjoni tiegħu teħtieġ ħafna iktar enerġija.

3.20

Il-KESE ser joqgħod partikolarment attent għall-mod ta' kif il-politiki ambjentali u agrikoli jindirizzaw din is-sitwazzjoni, per eżempju fil-kuntest tal-proposti leġislattivi marbuta mal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK. Il-Kumitat isejjaħ għal dibattitu intensiv dwar kif l-użu ta' l-art li jirrispetta l-ambjent u li huwa kompatibbli mal-konservazzjoni tan-natura jista' jerġa' jsir attraenti għall-bdiewa.

Il-gassijiet b'effett ta' serra mill-produzzjoni agrikola

3.20.1

L-użu ta' fertilizzanti nitrużi li ġejjin kemm minn materja sintetika kif ukoll minn materja organika huwa s-sors prinċipali ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidu nitruż. Kull meta jintużaw il-fertilizzanti nitrużi b'mod intensiv dejjem ikun hemm ir-riskju li l-pjanti ma jkunux jistgħu jassorbuhom malajr jew għal kollox, u b'hekk joħroġ l-ossidu nitruż fl-atmosfera. S'issa, il-politika ambjentali indirizzat l-iktar it-tniġġis ta' l-ilma ta' l-art u tas-superfiċje, però l-bidla fil-klima hija raġuni oħra għaliex għandna nħarsu lejn iċ-ċiklu tan-nutrijenti b'mod iktar kritiku.

3.20.2

Fi studju li sar, ir-riċerkatur dwar il-klima Prof. Crutzen, analizza l-emissjonijiet ta' l-ossidu nitruż fil-katina tal-produzzjoni mill-kolza sal-bijokarburanti (13). Hu wasal għall-konklużjoni li f'ċerti kundizzjonijiet il-metilester tal-kolza jista' jagħmel ħafna iktar ħsara lill-klima mill-karburanti li ġejjin miż-żejt mhux raffinat, preċiżament minħabba l-ħafna emissjonijiet ta' ossidu nitruż li jirriżultaw mill-użu tal-fertilizzanti kimiċi.

3.20.3

Sors ieħor ta' l-emissjonijiet agrikoli ta' l-ossidu nitruż, li huwa inqas kwantitattiv, huwa d-dekompożizzjoni tal-materja organika fil-ħamrija, speċjalment fil-biedja.

3.20.4

Il-biċċa l-kbira ta' l-emissjonijiet agrikoli tal-metanu fl-Ewropa huma kkawżati mill-bhejjem li jixtarru, u b'mod partikolari l-ifrat. Il-KESE jaf li fil-livell internazzjonali l-importanza ta' l-emissjonijiet tal-metanu mill-bhejjem li jixtarru qiegħda dejjem tikber (14), u li fil-livell dinji din il-problema ser tkompli tiggrava aktar ma jikber in-numru ta' l-ifrat. Huwa veru li l-istokkijiet ta' l-ifrat fl-Ewropa naqsu matul dawn l-aħħar ftit snin (15), imma wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-Ewropa hija importatur nett f'dan il-qasam.

3.21

Il-konsum tal-laħam għandu impatt fuq il-klima. Jinħtieġu madwar 10 kaloriji tal-pjanti biex tiġi prodotta kalorija waħda ta' l-annimali. Iż-żieda fil-konsum tal-laħam tirrikjedi iktar għalf għall-bhejjem, li min-naħa tiegħu jeħtieġ iktar enerġija u jżid il-pressjoni għal iktar produzzjoni fl-art agrikola. B'livelli ta' konsum tal-laħam relattivament għoljin, l-Ewropa timporta parti kbira mill-għalf għall-bhejjem, li l-kultivazzjoni tiegħu toħloq problemi serji ħafna (per eżempju, is-soja fl-Amażonja). Għalhekk, il-KESE huwa favur it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' strateġija Ewropea dwar il-proteini.

3.22

Il-volum ta' laħam prodott mhux l-uniku fattur rilevanti; anke l-mod tat-trobbija tal-bhejjem jidħol hawnhekk. Per eżempju, il-laħam u l-ħalib jistgħu jkunu ġejjin minn sistema tar-regħi li tuża ftit enerġija, fejn il-baqar jirgħu f'meded ta' art mimlija ħaxix — li l-importanza tagħhom għall-ħarsien tal-klima ġiet sottovalutata — matul l-istaġun tal-veġetazzjoni. Però, il-laħam u l-ħalib jistgħu jiġu wkoll minn sistemi tar-regħi li jużaw ħafna enerġija, u ma jużawx l-artijiet mimlija ħaxix. F'sistemi bħal dawn, l-ifrat jingħata l-iktar qamħ fis-sajlos jew għalf tal-bhejjem ieħor li fih ħafna enerġija.

L-użu ta' l-enerġija fil-biedja

3.23

Il-vantaġġ tal-biedja huwa li hi tbiddel l-enerġija solari f'enerġija veġetali li tkun tista' tintuża. Madankollu, aktar ma jiżdied l-ammont ta' enerġija li ġejja mill-karburanti fossili fil-proċess tal-produzzjoni, u aktar ma jonqos l-ammont tal-prodotti veġetali li jiġu kkonsumati direttament min-nies u li minflok jinbidlu fi prodotti għall-annimali, aktar ser jonqos is-sinifikat ta' dan il-vantaġġ.

3.24

Filwaqt li, per eżempju, l-irziezet organiċi ma jużawx fertilizzanti kimiċi u prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jiġu manifatturati fl-industriji u li jinħallu fl-ilma, l-użu tagħhom iżid l-impatt enerġetiku u klimatiku tal-biedja konvenzjonali.

3.24.1

Xi studji komparattivi dwar il-prestazzjoni tal-biedja fir-rigward ta' l-enerġija b'mod ġenerali u l-konsum tal-materja prima, kif ukoll il-ħżin tal-karbonju, juru li l-biedja organika tuża medja ta' inqas enerġija u nitroġenu mill-biedja konvenzjonali. Anke meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-produzzjoni tal-biedja konvenzjonali hija ikbar, il-potenzjal ta' effett ta' serra tal-biedja organika xorta jibqa' iktar baxx (16). Huwa għalhekk li, per eżempju, il-Gvern Federali Ġermaniż iqis li l-appoġġ għall-biedja organika huwa kontribut għall-ħarsien tal-klima (17).

3.24.2

Xi studji oħra li saru waslu għal konklużjonijiet differenti.

3.25

Għaldaqstant l-informazzjoni dwar ċerti aspetti tal-problema għadha skarsa u kontradittorja. Parzjalment għal din ir-raġuni, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel analiżi dettaljata dwar l-impatt differenti tad-diversi forom ta' l-użu agrikolu u mhux agrikolu ta' l-art, sabiex imbagħad ikunu jistgħu jiġu żviluppati l-għażliet ta' politika, per eżempju fil-qasam ta' l-appoġġ għall-bdiewa.

Il-kontribut tal-biedja għas-soluzzjoni tal-problemi tal-bidla fil-klima

3.26

Il-biedja tista' tikkontribwixxi b'ħafna modi differenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mil-livelli attwali. Fosthom, billi l-boskijiet, il-bassasiet, l-artijiet mistagħdra u l-artijiet mimlija ħaxix ma jinbidlux f'raba', u billi jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' l-ossidu nitruż u tal-metanu permezz tal-ġestjoni sostenibbli ta' l-art, u jekk ikun possibbli, il-kopertura ta' l-art għal perijodu twil ta' żmien (catch crop cultivation), newbiet ta' l-uċuħ differenti (per eżempju, biex jitnaqqsu kemm jista' jkun il-problemi relatati mad-dud), l-użu adatt tal-fertilizzanti, eċċ.

3.27

Għal żmien twil, l-użu ta' l-enerġija ma kienx problema, speċjalment minħabba l-fatt li l-enerġija kienet irħisa ħafna. Il-KESE jagħraf il-ħtieġa urġenti li fil-futur tingħata iktar importanza lill-prattiki agrikoli b'iktar effiċjenza enerġetika u li dawn il-prattiki jiġu promossi. Il-biedja organika u l-hekk imsejħa produzzjoni ta' input baxx (per eżempju, ir-regħi estensiv) jistgħu jagħtu kontribut f'dan il-qasam.

3.28

Mill-esperimenti li saru fil-qasam ta' l-hekk imsejħa “kultivazzjoni mħallta” ħarġu riżultati inkoraġġanti ħafna. Dan it-tip ta' biedja tikkonsisti f'li, per eżempju, fl-istess għalqa jinżergħu tipi differenti ta' żrieragħ flimkien mal-legumi u l-pjanti taż-żejt. Dan ifisser li jintużaw inqas fertilizzanti u pestiċidi, kif ukoll li tiżdied il-bijodiversità u l-promozzjoni tal-kompost.

3.29

L-użu tal-kompost huwa importanti immens għall-bidla fil-klima. Fil-futur, l-attenzjoni għandha titpoġġa fuq kif jinkiseb kontenut tal-kompost kemm jista' jkun stabbli u għoli, speċjalment fl-art agrikola, li spiss teħtieġ xi bidliet fin-newba ta' l-uċuħ. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex flimkien ma' l-istituti ta' riċerka fl-Istati Membri tevalwa l-istudji li diġà saru, u biex jekk ikun hemm bżonn tikkummissjona iktar studji bil-għan li jinsabu u jiġu appoġġjati l-aqwa proċeduri.

3.30

F'dan il-kuntest għandu jiġi eżaminat ukoll ir-rwol tal-ġestjoni tradizzjonali tad-demel. Barra minn dan, għandu jiġi ċċarat jekk l-użu tal-pjanta kollha, kif inhu ppjanat għall-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, ixekkilx l-objettivi tal-produzzjoni tal-kompost.

4.   Il-bijoenerġija/il-bijokarburanti mill-biedja

4.1

Il-Presidenza Franċiża talbet lill-KESE janalizza l-kwistjoni tal-bijokarburanti fil-kuntest ta' din l-opinjoni. Filwaqt li l-Kumitat iwiegħed li ser iwettaq din it-talba huwa jixtieq jirreferi għall-opinjonijiet (18) li diġà ħejja dwar dan is-suġġett fejn ippreżenta il-pożizzjoni kritika tiegħu fir-rigward ta' l-istrateġija attwali tal-bijokarburanti b'mod dettaljat.

4.2

Minħabba l-ħafna emissjonijiet tas-CO2 mill-faħam, miż-żejt u mill-gass, huwa tajjeb li wieħed jibda jaħseb bis-serjetà biex juża iktar l-enerġija li tiġi ġġenerata direttament mill-pjanti. Il-KESE kemm-il darba approva essenzjalment l-użu tal-bijoenerġija, iżda jixtieq jenfasizza xi prinċipji bażiċi li fil-fehma tiegħu huma indispensabbli.

4.2.1

Il-KESE jenfasizza li d-dritt għal ikel xieraq huwa rikonoxxut espliċitament bħala aspett importanti mid-drittijiet tal-bniedem. Il-produzzjoni ta' l-ikel bażiku għandha tingħatha iktar prijorità mill-produzzjoni ta' l-enerġija.

4.2.2

Huwa importanti li l-art li hija bir tal-karbonju ewlieni jew ta' importanza kruċjali għall-bijodiversità ma tintużax għat-tkabbir tal-pjanti ta' l-enerġija. Il-KESE jinsab kuntent li l-Kummissjoni għarfet il-ħtieġa li t-tkabbir ta' l-għelejjel għall-produzzjoni ta' l-enerġija jikkonforma mal-kriterji tas-sostenibbiltà. L-opinjoni tal-KESE fuq id-direttiva proposta dwar l-enerġiji rinnovabbli ser tinkludi diskussjoni dettaljata dwar jekk il-kriterji tas-sostenibbiltà tad-direttiva humiex biżżejjed jew le. Il-KESE jappoġġja l-applikazzjoni ta' kriterji tas-sostenibbiltà xierqa għall-karburanti b'mod ġenerali, indipendentement minn fejn ikunu ġejjin, kif ukoll għall-għalf ta' l-annimali.

4.2.3

L-użu ta' l-iskart agrikolu u, per eżempju, il-bijomassa mill-ġestjoni tal-pajsaġġ għandhom pontenzjal enerġetiku kbir fl-Ewropa, però dan il-potenzjal ftit li xejn qed jiġi sfruttat bħalissa għax it-tkabbir speċjalizzat (jiġifieri, li juża iktar enerġija) ta' l-għelejjel għall-enerġija huwa iktar kost-effettiv. S'issa l-politika ta' l-għajnuna bagħtet is-sinjali l-ħżiena f'dan il-qasam.

4.2.4

Meta tintuża l-bijoenerġija, huwa importanti li tiġi assigurata effiċjenza massima. Per eżempju, ma jagħmilx sens li nagħmlu l-bijogass mill-qamħirrun li jitkabbar b'ħafna enerġija jekk is-sħana li tiġi mill-ġenerazzjoni ta' l-elettriku ma tistax tinbiegħ billi f'dan il-każ madwar żewġ terzi ta' l-enerġija li tiġi ġġenerata terġa' tintilef mill-ewwel.

4.2.5

Il-produzzjoni attwali ta' l-għelejjel għall-enerġija ta' sikwit tkun teħtieġ ħafna enerġija, u l-pjanti u ż-żejt li joħorġu minnhom ikollhom jgħaddu minn proċess industrijali li wkoll juża ħafna enerġija. Minħabba dan, fuq il-pjan enerġetiku u dak klimatiku, bosta karburanti jkollhom impatti netti baxxi jew saħansitra negattivi, li parti minnhom ikunu katastrofiċi.

4.2.6

Għal din ir-raġuni, fl-istudju dwar Il-Bijokarburanti fil-Kuntest Ewropew, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR) fi ħdan il-Kummissjoni kellu d-dubji tiegħu dwar il-possibbiltà li tinkiseb il-mira tal-Kummissjoni, jiġifieri li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra billi s-sehem tal-bijokarburanti fit-taħlita enerġetika jkun ta' 10 %. Studji (19) oħra waslu għall-istess konklużjoni.

4.2.7

L-istudju taċ-ĊKR jqajjem ukoll punt kruċjali, li fil-fehma tal-KESE għandu jsir wieħed mill-prinċipji fit-tfassil tal-politiki. Il-bijomassa prodotta għandha tintuża fejn tinħtieġ l-iktar. Il-prinċipju ewlieni f'dan il-qasam huwa l-prinċipju ta' l-effiċjenza (20). Għaliex l-istrutturi molekulari ta' l-għelejjel li jeħtieġu ħafna enerġija għandhom jinbidlu bil-proċess industrijali jekk huma jistgħu jipproduċu l-enerġija direttament? Iċ-ĊKR jinnota li fl-UE t-tisħin stazzjonarju u l-ġenerazzjoni ta' l-enerġija jużaw żejt daqs il-vetturi li jaħdmu bil-magni tad-diżil. Jekk hawnhekk jintużaw l-għelejjel għall-enerġija, 1 MJ ta' bijomassa jista' jissostitwixxi madwar 0.95 MJ ta' karburanti fossili. Imma 1 MJ ta' bijomassa jissostitwixxi bejn 0.35 u 0.45 MJ biss ta' żejt mhux raffinat meta jintuża fil-qasam tat-trasport.

4.2.8

Madanakollu, l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tat-trasport jistgħu jitnaqqsu billi jintużaw vetturi ta' l-elettriku li jaħdmu b'enerġija ġejja mill-ħruq tal-bijomassa.

4.3

Fl-opinjoni tiegħu It-taħlita enerġetika fit-trasport  (21), il-KESE jirrimarka li fil-qasam tat-trasport, it-trazzjoni elettrika ser tieħu post il-magna b'kombustjoni interna. Ma jagħmilx sens li tinżamm l-eneġija bbażata fuq l-għelejjel sakemm tkun ineffiċjenti bħalma hi bħalissa għall-bijokarburanti.

4.4

Fi studju komparattiv li wettqet l-Empa (22) ġie kkalkulat li biex VW Golf tagħmel 10 000 km bil-bijokarburanti teħtieġ żona ta' 2 062 metri kwadri ta' kolza. Għall-kuntrarju, iċ-ċelloli solari jistgħu jipproduċu l-enerġija meħtieġa għal vjaġġ ta' 10 000 km f'żona ta' 37 m2, li hija madwar wieħed minn sittin taż-żona meħtieġa għall-kolza.

4.5

Għandu jiġi analizzat ukoll jekk hux siewi li ż-żejt veġetali jiġi raffinat biex jintuża fil-magni b'kombustjoni interna. Il-magni, għaliex m'humiex aġġustati għall-istruttura molekulari tal-pjanti? Diġà ġew żviluppati magni, per eżempju għat-trakters u t-trakkijiet, li jaħdmu biż-żejt veġetali pur u li jilħqu l-limiti ta' l-emissjonijiet kollha li stabbilixxiet u ppjanat l-UE. Jinħtieġ iktar appoġġ għal innovazzjonijiet bħal dawn.

4.6

Iż-żjut meħtieġa għal magni bħal dawn jistgħu jitkabbru f'kultivazzjoni mħallta, jiġu pproċessati fir-reġjun u jintużaw lokalment. Dan ifisser li, permezz ta' proċessi li jirrispettaw il-klima u l-ambjent u li ma jużawx ħafna enerġija, il-bdiewa jistgħu mhux biss jipproduċu l-enerġija meħtieġa biex iħaddmu t-tagħmir tagħhom stess, iżda jistgħu jibdew ċikli ta' enerġija reġjonali ġodda. B'hekk ma jibqax jinħtieġ l-ipproċessar industrijali li juża ħafna enerġija.

4.7

Għaldaqstant, il-KESE jħoss li dak li l-Ewropa għandha bżonn mhux daqstant is-sempliċi strateġija tal-bijokarburanti, imma strateġija Ewropea tal-bijomassa mgħarbla sew. Din kapaċi tkun tirrispetta ħafna iktar il-klima u toħloq iktar impjiegi ġodda mill-istrateġija tal-bijomassa li qed tinbet bħalissa u li x'aktarx ser tistrieħ ħafna fuq l-importazzjoni ta' l-għelejjel għall-enerġija.

5.   Impjiegi ġodda permezz ta' biedja u politika agrikola li jirrispettaw il-klima

5.1

Huwa minnu li l-bidla fil-klima qed thedded il-biedja f'xi partijiet ta' l-Ewropa, però fl-istess ħin hi tista' tkun opportunità għall-biedja u għax-xogħol fl-Ewropa jekk il-biedja tieħu r-rwol tagħha fir-rigward tat-tendenzi l-ġodda fil-politika tal-klima bis-serjetà u tippromovi dak ir-rwol.

5.2

Il-biedja tibqa' sors importanti ta' xogħol fl-Unjoni Ewropea. Waħda mill-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tiġbor fiha diskussjoni dettaljata dwar it-tendenzi tax-xogħol fiż-żoni rurali (23). Tenfasizza li għalkemm il-biedja tħaddem numru relattivament żgħir ta' nies, hija importanti ferm fiż-żoni rurali. Il-Kummissjoni qed tbassar li l-10 miljun impjieg li hemm fil-biedja bħalissa (ekwivalenti għal impjiegi full-time) ser jonqsu b'bejn 4 u 6 miljuni.

5.3

Fl-istess ħin, f'bosta pajjiżi Ewropej qiegħed ikun imbassar nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati, speċjalment ħaddiema li jkunu kapaċi jmexxu jew li jkunu jafu jħaddmu makkinarju kkumplikat. Barra minn hekk, il-fatt li l-impjiegi attwali xejn ma jiġbdu lin-nies ikompli jiggrava n-nuqqasijiet ta' ħaddiema kwalifikati. Il-Kumitat diġà kkummenta b'mod espliċitu dwar dan l-iżvilupp u enfasizza li tinħtieġ diskussjoni dwar il-kwalità ta' l-impjiegi (24).

Il-potenzjal tal-bijoenerġija li toħloq l-impjiegi

5.4

F'rapport ta' l-2006 ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ġie eżaminat il-potenzjal tal-produzzjoni tal-bijomassa għall-enerġija fl-Ewropa b'mod li jirrispetta l-ambjent. Jekk ninkludu l-bijomassa mill-iskart (per eżempju, skart domestiku) u l-forestrija, sa l-2030 bejn 15 u 16 % ta' l-enerġija primarja li l-UE hija stmata li teħtieġ tista' tiġi prodotta b'dan il-mod. Dan kapaċi jiggarantixxi jew saħasitra joħloq bejn 500 000 u 600 000 impjieg fiż-żoni rurali.

5.5

Jekk il-bijoenerġija toħloqx impjiegi ġodda, u jekk ikun hekk kemm toħloq, jiddependi ħafna mill-istrateġija adottata. Il-Bord Xjentifiku Konsultattiv tal-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Biedja jbassar li l-aħjar benefiċċji għall-ħarsien tal-klima u l-ħolqien ta' l-impjiegi ser jinkisbu jekk l-isforzi jkunu ffokati fuq “il-produzzjoni tal-bijoenerġija f'impjanti tal-koġenerazzjoni termika ta' l-elettriku u s-sħana jew f'impjanti tat-tisħin ibbażati fuq il-laqx ta' l-injam jew fuq il-bijogass li jiġi mid-demel likwidu tar-raba' u mill-iskart”. Madankollu, l-impatt ta' l-impjiegi fuq iż-żoni rurali jkun negattiv jekk l-appoġġ għall-bijoenerġija jnaqqas it-trobbija tal-bhejjem jew iżid, kif qed jissuġġerixxu t-tendenzi attwali, id-dipendenza mill-bijokarburanti importati.

5.6

Xi eżempji ta' tranżizzjoni b'suċċess lejn sistemi magħluqa tal-bijoenerġija juru li l-produzzjoni ta' ċerti tipi ta' bijoenerġija hija vantaġġuża mil-lat ekonomiku, ambjentali u soċjali kemm għall-biedja kif ukoll għas-swieq tax-xogħol reġjonali. (Il-muniċipalitajiet ta' Mureck u Güssing, it-tnejn li huma fl-Awstrija, u Jühnde, il-Ġermanja, kisbu livelli ta' provvista ta' l-enerġija rinnovabbli li jitilgħu sa 170 %.) Din il-prestazzjoni ambjentali impressjonanti għandha wkoll impatt pożittivi fuq is-swieq tax-xogħol lokali (artiġġjanat lokali), mingħajr ma jingħaddu magħhom l-impjiegi għall-bdiewa li jwasslu l-materja prima (25).

5.7

Billi d-differenzi bejn id-dħul u l-ġid fiż-żoni urbani u dawk rurali mistennija jikbru, fil-politika tax-xogħol iż-żoni rurali għandhom jingħataw attenzjoni partikolari. Il-produzzjoni sostenibbli ta' l-għelejjel għall-enerġija u l-bidla tagħhom f'enerġija tista' tiggarantixxi u toħloq l-impjiegi fiż-żoni rurali, jekk il-valur miżjud jibqa' fir-reġjun.

Il-garanzija ta' impjiegi ta' kwalità għolja fil-biedja

5.8

L-objettiv tal-ħarsien tal-klima jista' jinkiseb biss bil-għajnuna ta' ħaddiema kwalifikati. In-negozji għandhom joffrulhom qafas ta' taħriġ tajjeb sabiex jiksbu dan.

It-twaqqif u l-garanzija ta' l-istandards soċjali

5.9

Fil-fehma tal-pubbliku ġenerali, id-domanda għall-bijomassa importata mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u mill-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw ser tkompli tiżdied. F'din is-sitwazzjoni, il-vantaġġi eventwali ta' l-ispejjeż m'għandhomx jiġu sfruttati jekk dan jimplika l-qerda tal-qafas ambjentali u soċjali fil-pajjiżi tal-produzzjoni. Għalhekk, il-produzzjoni tal-bijoenerġija għandha tkun konformi ma' l-Istandards Ewlenin tax-Xogħol ta' l-ILO u ma' l-istandards ta' l-istess organizzazzjoni għall-protezzjoni ta' l-impjiegi (26).

Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u t-trade unions

5.10

Il-bidla strutturali fil-biedja ser ikollha impatt konsiderevoli fuq il-kwalità ta' l-impjiegi u d-dħul. Għaldaqstant, il-ħaddiema u t-trade unions għandhom jipparteċipaw f'dan il-proċess ta' bidla. Billi l-mudelli tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ivarjaw mhux ħażin madwar l-Ewropa, fi ħdan l-istrutturi Ewropej u nazzjonali attwali għandha tingħata iktar attenzjoni għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema agrikoli. Dan huwa ta' importanza partikolari għax dawn il-forom ta' komunikazzjoni u skambju ta' ideat kapaċi jipproteġu u jippreservaw l-impjiegi.

5.11

Il-kumitat Ewropew għad-djalogu soċjali dwar il-biedja, li twaqqaf fl-1999, huwa raggruppament rappreżentattiv ta' l-imsieħba soċjali għall-kwistjonijiet marbuta ma' l-impjiegi u l-iżvilupp futur tar-rwol il-ġdid tal-biedja. Dan il-kumitat iservi ta' korp speċjalizzat u konsultattiv. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol ta' dan il-korp anke fid-dawl tal-politika tal-klima. Bħala esperti dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-klima fil-biedja, fil-livell nazzjonali r-rwol ta' l-imsieħba soċjali għandu jissaħħaħ fil-kumitati li jissorveljaw l-iżvilupp taż-żoni rurali.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Per eżempju, in-nirien ġewwa l-Greċja fl-2007 li, fost affarijiet oħra, qerdu l-pjantaġġuni taż-żebbuġ.

(2)  COM(2007) 414 finali, 18.7.2007, opinjoni ĠU C 224, 30.8.2008, p. 67 adottata fid-29 ta' Mejju 2008.

(3)  COM(2007) 722 finali.

(4)  CO2e = ekwivalenti tad-dijossidu karboniku.

(5)  Cool Farming: Climate impacts of agriculture and mitigation potential, studju tal-Greenpeace, Diċembru 2007.

(6)  Sors: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ir-Rapport ta' l-EEA Nru 5/2007.

(7)  IPCC, Gurpp ta' Ħidma III, Kapitolu 8 (2007), Il-Biedja.

(8)  Inkluż l-għalf għall-bhejjem.

(9)  Il-ħamrija hija t-tieni l-ikbar maħżen tad-dijossidu karboniku, wara l-ibħra. Il-KESE jaf li hemm xi diskrepanzi sostanzjali bejn il-figuri minn sorsi differenti, però dawn li ġejjin huma xi ftit statistiċi: f'kull ettaru ta' art agrikola jinżammu 60 tunnellata ta' dijossidu karboniku, il-ħamrija tal-boskijiet u ta' l-artijiet mimlija ħaxix iżżomm d-doppju ta' dan (fil-boskijiet id-dijossidu karboniku jkun maħżun ukoll fis-siġar), u bassasa ta' ettaru tista' taħżen sa 1 600 tunnellata ta' dijossidu karboniku.

(10)  Per eżempju, il-produzzjoni tas-soja bħala għalf għat-trobbija tal-bhejjem fl-Ewropa, u l-produzzjoni taż-żejt mill-palm jew mill-jatropha għall-enerġija (“bijo”-karburanti).

(11)  Ir-riżervi taż-żejt, tal-faħam u tal-gass, il-bijomassa tas-superfiċje, il-karbonju maħżun fil-ħamrija, u l-oċeani.

(12)  Bħall-kriterji tal-kundizzjonalità.

(13)  N 2 O release from agro-biofuel production negates global warming reduction by replacing fossil fuels, in: Atmos. Chem. Phys. Discuss., 7, 11191–11205, 2007.

(14)  Madwar 3.3 biljun tunnellata CO2e fis-sena.

(15)  L-istokkijiet ta' l-ifrat globali: 1 297 miljun ras ta' l-ifrat (fl-1990), 1 339 miljun (fl-2004), EU (25): 111.2 miljun (fl-1990), 86.4 miljun (fl-2004), iċ-Ċina: 79.5 miljun (fl-1990), 106.5 miljuni (fl-2004).

(16)  Per eżempju, ara l-artiklu Klimaschutz und Öko-Landbau (Il-ħarsien tal-klima u l-biedja organika) f'Ökologie & Landbau, 1/2008

(17)  It-tweġiba tal-Gvern Federali għall-mistoqsija parlamentari li ressaq il-Grupp BÜNDNIS 90/Die Grünen dwar “il-ħarsien tal-biedja u tal-klima”, dokument 16/5346, punt 13.

(18)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 34, u l-opinjoni TEN 338 dwar il-proposta għal direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli (COM(2008) 019) li qiegħda titħejja bħalissa.

(19)  Per eżempju, l-istudju tal-Bord Xjentifiku Konsultattiv tal-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Biedja.

(20)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 72.

(21)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 52.

(22)  L-Empa huwa istitut tar-riċerka dwar ix-xjenza tal-materji u t-teknoloġija fi ħdan l-Istitut Federali Svizzeru tat-Teknoloġija (ETH), Żurigu.

(23)  COM(2006) 857 finali, Il-postijiet tax-xogħol fiż-żoni rurali: Inneħħu d-differenzi fl-impjiegi.

(24)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 25.

(25)  Għal iktar informazzjoni, ara www.seeg.at.

(26)  http://www.ilo.org/global/What_we_do/InternationalLabourStandards/lang--en/index.htm.


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra

COM(2008) 16 finali — 2008/0013 (COD)

(2009/C 27/15)

Nhar it-13 ta' Frar 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tas-sistema ta' l-UE għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ġunju 2008 Ir-rapporteur kien is-Sur Adams.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'124 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-valur tas-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti (ETS) ser jiġi mkejjel bl-impatt li ser ikollha fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u r-relevanza tagħha u l-eżempju li tagħti biex tistimola l-azzjoni globali u/jew tiżviluppa fi skema komprensiva u globali. F'dan il-kuntest:

it-tendenza lejn aktar bejgħ bl-irkant tal-kwoti huwa apprezzat peress li huwa konformi mal-prinċipju li min iniġġes iħallas, jevita l-gwadanni mhux previsti, jinċentiva u jiffinanzja installazzjonijiet u prodotti b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u jrawwem l-innovazzjoni;

għandhom jiġu kkunsidrati miżuri li jħarsu s-setturi u s-sotto-setturi li għandhom bżonn ta' ħafna enerġija u li huma vulnerabbli meta jiffaċċjaw il-kompetizzjoni internazzjonali, fl-assenza ta' ftehim internazzjonali effettiv dwar il-bidla fil-klima li jitfa' l-istess l-obbligi tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet fuq l-industriji rispettivi globali kollha. Is-sistema ta' l-iskambju ta' l-UE m'għandhiex ikollha impatt negattiv fuq il-kompetittività ta' l-industrija ta' l-UE,

għandha tiġi ppreparata u adottata kemm jista' jkun malajr ir-regolamentazzjoni dwar il-bejgħ bl-irkant biex jiġu evitati l-inċertazzi mhux meħtieġa;

għandhom jaslu għand il-Kummissjoni proposti dwar kif jista' jinżamm l-impenn li l-mira ta' tnaqqis titla' minn 20 % għal 30 % jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali;

għandu jsir kull sforz biex tiġi influwenzata u ffurmata pjattaforma komuni mal-leġislazzjoni emerġenti ta' limiti massimi u skambji (cap and trade) fl-Istati Uniti u fil-pajjiżi l-oħra ta' l-OECD;

it-trasport marittimu għandu jiġi inkluż fis-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti jekk ma' jiġux mressqa b'mod urġenti proposti effettivi mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

1.2

Is-sistema għall-Iskambju tal-Kwoti trid tidher li qed tistimola ekonomija b'dipendenza baxxa fuq il-karbonju u tinkoraġġixxi l-ħarsien tal-klima, l-adattament u l-mitigazzjoni.

Jekk jiġu pprovduti kwoti b'xejn, dan għandu jseħħ fil-kuntest ta' punti ta' riferiment rigorużi u miri li huma bbażati fuq il-prestazzjoni.

Ta' l-anqas 50 % tad-dħul mill-irkant tal-kwoti għandu jkun marbut biex jappoġġja l-miżuri stabbiliti f'Artikolu 10.3.a-f.

Għandhom jiġu eliminati d-diżinċentivi potenzjali li jistgħu jillimitaw il-kontribut u t-tkabbir tal-ko-ġenerazzjoni (kombinazzjoni ta' sħana u enerġija) u skemi effiċjenti ta' sistemi tat-tisħin distrettwali (district heating schemes).

L-azzjoni marbuta ma' kwistjonijiet ta' foresterija bħala “bir” tal-karbonju, hemm bżonn ta' enfasi akbar fuq id-deforestazzjoni u l-użu ta' l-art milli kien possibbli s'issa fil-pakkett tal-Kummissjoni.

1.3

Is-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti għandha tfittex li tnaqqas kemm tista' l-ostakoli burokratiċi biex tkun ċara u trasparenti.

Dawk il-miżuri fil-proposta li l-iżvilupp tagħhom bħalissa tħalla għall-proċess tal-komitoloġija għandhom bżonn urġenti ta' attenzjoni u kjarifika.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tgħolli l-limitu ta' esklużjoni għall-installazzjonijiet żgħar minn 10 000 għal 25 000 tunnellata (sistema metrika), bil-patt li jkun hemm miżuri ta' kumpens ekwivalenti.

1.4

Is-sistema għall-Iskambju tal-Kwoti għandha tidher li hi ekwa fl-UE filwaqt li jkun hemm rikonoxximent tal-ħtieġa urġenti tal-pajjiżi li bdew jindustrijalizzaw riċentement u dawk inqas żviluppati li joħolqu tkabbir sostenibbli u jtaffu l-faqar.

Għandu jiġi kkunsidrat li jinħoloq bilanċ ġdid bejn il-piż tas-setturi li jaqgħu taħt is-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti u dawk barra minnha.

Għandu jkun hemm reviżjoni ta' l-implikazzjonijiet tar-restrizzjonijet fuq l-użu ta' l-Implimentazzjoni Konġunta (JI) u l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) fl-assenza ta' ftehim internazzjonali.

Hemm bżonn li tinsab soluzzjoni għad-diffikultajiet potenzjali li jistgħu jinħolqu f'dawk l-Istati Membri Ewropej tal-Lvant li għandhom in-netwerk tal-provvista ta' l-elettriku ewlenija tagħhom fornuta mir-Russja flok l-UE.

2.   Introduzzjoni

2.1

Is-sistema għall-Iskambju tal-Kwoti ġiet stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE f'Ottubru 2003. L-għan tagħha hu li tikkontrolla l-fatturi li jikkontribwixxu għall-bidla fil-klima, b'mod speċifiku l-gassijiet b'effett ta' serra antropoġeniċi (GHGs), billi tipprovdi inċentivi ekonomiċi għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet. Hija sistema ta' limiti massimi u skambju (cap and trade) fejn ġie stabbilit limitu fuq l-ammont ta' emissjonijiet ta' sustanza li tniġġes (l-aktar CO2). Is-sistema għall-Iskambju hija l-aktar mekkaniżmu importanti ta' l-UE għall-limitazzjoni tal-gassijiet b'effett ta' serra, u hija ppreferuta fuq it-tassazzjoni diretta fuq il-karbonju jew ir-regolamentazzjoni diretta.

3.   Il-prinċipji ġenerali

3.1

Is-Sistema attwali għall-Iskambju tal-Kwoti tapplika għal 'il fuq minn 10 000 installazzjoni fis-setturi ta' l-enerġija u ta' l-industrija, li flimkien huma responsabbli għal 40 % tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE. L-installazzjonijiet jingħataw permessi għall-emissjonijiet ex ante u jridu jċedu numru ta' kwoti (jew krediti) li jirrappreżentaw id-dritt li jitfgħu ammont speċifiku li hu ekwivalenti għall-emissjonijiet reali tagħhom. L-ammont totali ta' kwoti u krediti ma jistax jaqbeż il-limitu massimu, u b'hekk l-emissjonijiet totali huma limitati għal dak il-livell. Il-kumpaniji li jitfgħu aktar gassijiet b'effett ta' serra mill-ammont ta' kwoti li rċevew jridu jixtru l-krediti mingħand dawk li niġsu inqas jew mill-irkant biex ikollhom aktar kwoti.

3.2

It-trasferiment tal-kwoti huwa msejjaħ skambju. Fil-fatt, kull għejun ta' emissjonijiet, taħt din is-sistema, qiegħed iħallas talli jkun niġġes, filwaqt li kull installazzjoni tiġi ppremjata talli tnaqqas l-emissjonijiet b'aktar milli kien meħtieġ. B'hekk, fit-teorija, dawk li jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet l-aktar bl-irħis, ser jagħmlu dan, u allura t-tnaqqis tat-tniġġis isir bl-inqas spiża possibbli għas-soċjetà. Kwota fis-Sistema għall-Iskambju tekwivali d-dritt li tintefa' l-ekwivalenza ta' tunellata (metrika) ta' dijossidu karboniku għal perjodu speċifikat — peress li l-gassijiet b'effett ta' serra l-oħra jiġu kkonvertiti għal ekwivalenti ta' CO2.

3.3

L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll l-użu tal-krediti mill-proġetti ta' ffrankar ta' l-emissjonijiet fil-pajjiżi tat-tielet dinja bl-istess mod tal-kwoti. Dawn il-proġetti jridu jkunu rikonoxxuti skond il-Mekkaniżmu ta' l-Implimentazzjoni Konġunta ta' Kyoto jew il-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif.

4.   Il-perijodi ta' skambju tal-kwoti fis-Sistema.

4.1   L-ewwel perjodu ta' skambju tal-kwoti 1/1/2005 — 31/12/2007.

4.1.1

L-ewwel fażi ta' tagħlim stabbilixxiet l-infrastruttura ta' l-iskambju ta' l-emissjonijiet iżda kienet limitata ħafna fl-effikaċja tagħha minħabba li l-Istati Membri kienu allokaw wisq kwoti (Għall-ewwel u t-tieni fażi l-Istati Membri fasslu pjan nazzjonali ta' allokazzjonijiet tal-kwoti — NAPs — li fihom taw il-livell totali ta' emissjonijiet u n-numru ta' kwoti li kienet ser tirċievi kull installazzjoni.). Kien hemm varjetà kbira fil-prezzijiet ta' l-iskambju tal-kwoti f'dan il-perjodu, inkluż il-waqa' fil-prezz tal-karbonju fl-aħħar ta' l-ewwel perjodu ta' skambju.

4.1.2

Saret ħafna kritika lis-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti, li kienet iffukata l-aktar fuq il-metodi inizjali ta' l-allokazzjoni u l-użu mid-dħul; il-livell tal-limitu massimu; problemi ta' ekwità, kumplessità, monitoraġġ u infurzar; ir-riskju li l-industriji li l-aktar li jitfgħu gassijiet b'effett ta' serra jkunu mħeġġa li jirrilokaw f'pajjiżi mhux regolati, il-valur, il-kredibbiltà u l-affidabbiltà tal-krediti ta' l-Implimentazzjoni Konġunta u l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif u l-impożizzjoni fil-futur ta' spejjeż ta' produzzjoni li m'humiex vantaġġjużi. Ħareġ ċar li dawn il-kwistjonijiet riedu jiġu trattati fir-reviżjonijiet tas-Sistema għall-Iskambju biex is-sistema tikseb il-kredibbiltà kemm ma' l-industrija kif ukoll mal-korpi non-governattivi.

4.2   It-tieni perjodu ta' skambju tal-kwoti 1/1/2008 — 31/12/2012

4.2.1

Din il-fażi tapplika għas-27 Stat Membru u tikkoinċidi ma' l-ewwel perjodu ta' l-impenn tal-Protokoll ta' Kyoto u l-ħtieġa li jonqsu l-gassijiet b'effett ta' serra. S'issa l-prezz ta' l-iskambju tal-kwoti kien qed juri xejra stabbli 'l fuq, f'livelli li jinkoraġġixxu b'mod qawwi miżuri ta' tnaqqis. Il-prezz attwali (Mejju 2008) ta' l-iskambju huwa ta' madwar EUR 25 għal kull tunnellata. Għal dan il-perjodu, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni sistematika tal-livelli massimi proposti mill-Istati Membri, bbażati fuq emissjonijiet ivverifikati. Ir-riżultat kien li l-emissjonijiet mis-setturi tas-Sistema għall-Iskambju kellhom livell massimu b'medja ta' 6.5 % inqas mil-livelli ta' l-2005. Ma tantx kien hemm lok għal tibdil fis-sistema jew modifiki fit-tieni perjodu ta' skambju għalkemm l-għejun ta' emissjonijiet qed ikomplu jirrispondu u jadattaw b'mod attiv. Il-verifiki fuq id-data u l-esperjenzi fl-iskambju qed ikomplu jakkumulaw, u, fil-parti l-kbira tagħhom, qed jikkonfermaw il-kunċett bażiku ta' l-iskemi.

4.3   It-tielet perjodu ta' skambju tal-kwoti 2013-2020.

4.3.1

Il-Kummissjoni issa qed tipproponi bidliet sinifikanti fis-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti li ser tidħol fis-seħħ f'din il-fażi. Dan hu l-iskop tad-Direttiva li temenda 2003/87/KE.

5.   Sommarju tad-Direttiva li temenda proposta

5.1

Għalkemm is-Sistema għall-Iskambju ta' l-UE ħolqot l-akbar suq dinji tal-karbonju (1), l-allokazzjoni eċċessiva ta' kwoti (b'xejn) fil-pjanijiet nazzjonali kienet ta' tfixkil u żgur li ma' kinitx konformi mat-tnaqqis effiċjenti ta' l-emissjonijiet fis-setturi tas-Sistema ta' l-Iskambju, madwar l-UE. Fil-kuntest ta' tnaqqis rigoruż tal-gassijiet b'effett ta' serra, is-Sistema għall-Iskambju riveduta qed titqies bħala essenzjali biex tipprovdi sinjal fit-tul dwar il-prezz tal-karbonju, u b'hekk tippermetti l-inċentivi għall-investimenti fit-tnaqqis tal-karbonju u tittrasforma l-Ewropa f'ekonomija b'livelli baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra.

5.2

L-emendi ser:

jintroduċu livell massimu wieħed fuq il-kwoti ta' l-emissjonijiet għall-UE kollha flok 27 limitu massimu nazzjonali — il-pjanijiet nazzjonali mhux ser jibqgħu jeżistu;

iżidu b'mod konsiderevoli l-proporzjon tal-kwoti li jinbigħu fl-irkant u jarmonizzaw ir-regoli dwar l-allokazzjoni b'xejn biex jippromovu t-teknoloġiji li huma effiċjenti fl-użu tal-karbonju;

jistabbilixxu parti mid-drittijiet li jinbigħu fl-irkant fuq il-bażi tad-dħul per capita;

jirrazzjonalizzaw d-definizzjonijiet ewlenin u jtejbu ċ-ċarezza legali u teknika;

jinkludu setturi ġodda (il-petrokimiċi, l-ammonja, l-aluminju) u gassijiet b'effett ta' serra ġodda (l-ossidu nitriku u l-perfluworokarboni) biex il-kopertura tiżdied b'6 %;

jippermettu l-esklużjoni ta' installazzjonijiet żgħar mis-Sistema għall-Iskambju, din tkun suġġetta għal miżuri ta' kumpens;

jistabbilixxu regoli għall-użu tal-krediti li ġejjin mill-proġetti ta' Implimentazzjoni Konġunta u l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif.

5.3

Sa mill-2013, il-kwoti ser jonqsu kull sena (2) biex iwasslu għal tnaqqis ta' 21 % tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE fis-settur tas-Sistema għall-Iskambju sa l-2020, meta mqabbel ma' l-2005. Dan il-proċess ta' tnaqqis ser ikompli fir-raba' fażi (2021-2028) bl-istess rata. Fl-istess waqt, il-proporzjon ta' kwoti li jkunu qed jinbigħu bl-irkant jiżdied, u jibda minn 60 % fl-2013. Qed jiġi propost li s-settur tal-ġenerazzjoni ta' l-enerġija m'għandux jirċievi kwoti b'xejn u għalhekk ikollu jixtri l-kwoti kollha mill-irkant jew mis-suq sekondarju mill-2013, u li jkun hemm eliminazzjoni gradwali u ġenerali tal-kwoti b'xejn fis-setturi l-oħra sa l-2020. L-eċċezzjonijiet ser ikunu s-setturi ġġudikati f'riskju kbir ta' “rilokazzjoni ta' l-emissjonijiet tal-karbonju” — ir-rilokazzjoni f'pajjiżi li m'għandhomx restrizzjonijiet simili fuq l-emissjonijiet, u b'hekk jiżdiedu l-emissjonijiet globalment. Setturi bħal dawn jista' jkollhom kwoti b'xejn għal sa 100 %. Din id-deċiżjoni ser tittieħed fl-2011. L-Istati Membri jmexxu l-irkantijiet u huma inkoraġġuti, iżda mhux sfurzati, li jużaw id-dħul biex jinvestu f'politiki favur il-klima.

5.4

Qed tingħata ċertezza li l-krediti mill-Implimentazzjoni Konġunta u mill-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (minn pajjiżi terzi) li issa jistgħu jinxtraw mill-operaturi ta' l-UE jistgħu jibqgħu jintużaw sa l-2020. In-numru totali li għandu jintuża f'dan il-perjodu huwa daqs l-ammont totali li kien permess fit-tieni perjodu ta' skambju, jiġifieri 1.4 biljun kwota, li jikkorrispondi għal terz ta' l-isforz globali tat-tnaqqis. Meta l-UE żżid l-isforzi tagħha ta' tnaqqis fil-kuntest ta' patt internazzjonali dwar il-klima, 50 % ta' l-impatt ulterjuri jista' jintlaħaq bil-krediti mill-Implimentazzjoni Konġunta u mill-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif.

5.5

Għalkemm krediti mill-użu ta' l-art (“bjar” tal-karbonju bħall-foresti) ma jkunux permessi, krediti domestiċi minn skemi ta' ffrankar ta' l-emissjonijiet li m'humiex koperti mis-Sistema għall-Iskambju jistgħu jkunu permessi, basta jkunu nħarġu regoli ċari.

5.6

Saru dispożizzjonijiet biex is-Sistema għall-Iskambju ta' l-UE tkun tista' tingħaqad ma' sistemi oħra ta' skambju biex jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta' sistema dinjija.

5.7

L-ammont ta' kwoti taħt is-Sistema għall-Iskambju jonqos jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali, skond kif ikun hemm fil-ftehim, filwaqt li jikber l-ambitu li fih wieħed jista' jdur għall-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif.

5.8

Ser issir dispożizzjoni għal provvista ta' 5 % ta' l-allokazzjonijiet għall-installazzjonijiet ġodda li jidħlu fis-sistema wara l-2013. Huwa probabbli li l-emissjonijiet mill-ajruplani ser jidħlu fis-Sistema għall-Iskambju lejn l-aħħar tat-tieni perjodu iżda dan hu kopert minn proposta separata (3).

5.9

M'hemm l-ebda dispożizzjoni biex it-trasport marittimu jidħol fis-Sistema għall-Iskambju.

6.   Kummenti ġenerali

6.1

Is-sistema għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-UE mhix xi eżerċizzju akkademiku jew xi tip ta' tassazzjoni “ambjentalista”. Hija tgħaqqad elementi ta' l-approċċ tas-suq ħieles mar-regolamentazzjoni u d-direzzjoni ġenerali li jiġu mill-medjazzjoni u l-aġġustamenti tal-proċess politiku. Il-kumpaniji individwali huma liberi li jagħżlu jekk u kif ser inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom u għandhom jagħżlu l-mezzi li jiswihom l-inqas biex ikunu konformi mar-regolamentazzjoni tat-tniġġis. Ir-rwol ewlieni tas-Sistema għall-Iskambju għalhekk huwa li jinħolqu l-inċentivi biex jonqsu l-ispejjeż meħtieġa biex tintlaħaq il-mira li jonqos it-tniġġis. Il-KESE jaqbel ma' dan l-approċċ u jappoġġjah.

6.2

Huwa stmat li l-mira attwali ta' tnaqqis ta' tniġġis — li l-gassijiet b'effett ta' serra fl-atmosfera jiġu stabbilizzati għal 450-550 ppm — tiswa madwar 1 % tal-PGD globali. Jekk ma titteħidx azzjoni effettiva il-PGD globali jista' jonqos b'20 % (4) Madankollu, ir-riċerka u l-evidenza (5) li ħerġin qed juru li l-produzzjoni tal-gassijiet b'effett ta' serra qed tiżdied b'rata aktar mgħaġġla, il-kapaċità tal-pjaneta li tassorbi qed tonqos u hemm dubji serji dwar jekk il-miri tat-tnaqqis humiex biżżejjed.

6.3

Is-sistema għall-Iskambju qed timmira lejn tmexxija definittiva f'dak li jrid isir sforz globali. Dan il-proċess qed iseħħ fi sfond globali peress li l-atmosfera hija parti mill-ġid komuni globali. Għalhekk il-valutazzjoni tas-sistema ma tistax teskludi l-interazzjoni u l-impatt fuq dawk li qed iniġġsu fuq livell globali.

6.4

Għandu jiġi notat li l-leġislazzjoni ġenerali fl-Istati Uniti, li x'aktarx ser tidħol fis-seħħ ma' l-amministrazzjoni l-ġdida, hija bbażata fuq sistema ta' limitu massimu u skambju li għandha karatteristiċi simili. Il-possibbiltà ta' programm konġjunt Amerikan/UE ikun pass 'il quddiem importanti ħafna lejn skema globali, bħalma jkunu r-rabtiet ma' skemi oħra proposti fil-pajjiżi ta' l-OECD.

6.5

Għalhekk il-KESE ta attenzjoni partikolari fuq ir-rwol ta' l-Iskema għall-Iskambju biex l-impatt tat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra jkun ekwu u sostenibbli. Dan juri li l-azzjoni Ewropea hija kredibbli kif ukoll effettiva? F'dan il-kuntest irid jingħad li l-mira ta' l-UE ta' tnaqqis ta' 20 % ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sa l-2020 meta mqabbla mal-livelli ta' 1990 (li huma l-bażi tal-proposti dwar is-Sistema għall-Iskambju u tat-tqassim tal-piżijiet) hija inqas mit-tnaqqis ta' minn 25 % sa 40 % għall-pajjiżi industrijalizzati li l-UE kienet favurih waqt il-Konferenza ta' Bali dwar it-tibdil fil-klima, f'Diċembru 2007. Il-Kummissjoni tibda bil-miri li kien hemm qbil dwarhom fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 u ma tiddiskutix jekk dan il-livell ta' tnaqqis huwiex biżżejjed biex jilħaq l-objettivi globali jew jekk huwiex biss it-tnaqqis massimu li wieħed jaħseb li jista' jiġi aċċettat fid-dawl tal-bilanċ ta' l-interessi politiċi u ekonomiċi immedjati ta' l-Istati Membri. Il-KESE jikkonkludi li minħabba fl-evidenza li dejjem qed tiżdied dwar il-bidla fil-klima, hemm bżonn li l-miri jinbidlu biex ikun hemm tnaqqis akbar ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

6.6

Il-KESE jappoġġja l-moviment lejn aktar bejgħ bl-irkant tal-kwoti. Il-bejgħ bl-irkant huwa konformi mal-prinċipju li min iniġġes iħallas, jevita l-gwadanni mhux previsti, jinċentiva u jiġġenera finanzi għall-investimenti f'installazzjonijiet u prodotti b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u jrawwem l-innovazzjoni.

6.7

Bħalissa għad hemm ħafna kwistjonijiet mhux riżolti dwar in-negozju Ewropew b'mod ġenerali. Dawn jirrigwardaw l-impożizzjoni ta' żvantaġġi għall-kompettitività fuq l-industrija minħabba fis-Sistema għall-Iskambju, b'mod partikolari meta mqabbla ma' pajjiżi barra mill-UE u li industrijalizzaw reċentement. Dawn il-pajjiżi jargumentaw, b'ċertu raġun, li rridu nqisu wkoll iż-żewġ sekli ta' industrijalizzazzjoni fil-Punent u l-kontribut tagħhom lejn l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, kif ukoll l-isforzi li dawn il-pajjiżi qed jagħmlu biex jaqilgħu setturi sħaħ tal-popolazzjoni tagħhom mill-faqar. Ftehim globali li jirriżolvi dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ li jkun ċert li għandu appoġġ akbar u li l-konsumaturi u l-industrija fil-pajjiżi ta' l-OECD jifhmu iktar dawn il-fatturi.

7.   Kummenti speċifiċi

7.1

Jekk is-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti ta' l-UE trid issir standard globali għall-iskambju tal-karbonju, huwa essenzjali li l-iskema tkun kemm jista' jkun b'saħħitha u effettiva. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li:

7.1.1

L-allokazzjoni b'xejn ta' kwoti lis-setturi u s-sotto-setturi li għandhom bżonn ta' ħafna enerġija u li huma vulnerabbli meta jiffaċċjaw il-kompetizzjoni internazzjonali, għandha tiġi kkonsidrata biss fl-assenza ta' ftehim internazzjonali effettiv dwar il-bidla fil-klima li jitfa' obbligi għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet fuq l-industriji rispettivi globali kollha. Is-sistema ta' l-iskambju ta' l-UE m'għandhomx ikollhom impatt negattiv fuq il-kompetittività ta' l-industrija ta' l-UE.

7.1.2

Jekk ikun possibbli, għandha tittieħed deċiżjoni aktar kmieni dwar is-setturi li minħabba fir-riskju tar-rilokazzjoni ta' l-emissjonijiet tal-karbonju, jirċievu kwoti b'xejn. Dawn is-setturi ser jiġu identifikati sa Ġunju 2010 iżda deċizjoni għandha tittieħed qabel, b'rabta mad-direttivi, sabiex jiġu evitati l-inċertezzi fil-klima ta' l-investimenti u sabiex is-setturi kkonċernati jkunu jistgħu jagħmlu l-pjanijiet fit-tul li jkunu jeħtieġu.

7.1.3

Għalkemm il-bejgħ bl-irkant għandu jkun l-aktar metodu ta' allokazzjoni importanti, m'hemm kważi l-ebda indikazzjoni dwar kif ser jiġi organizzat dan l-irkant. Ir-referenza li r-regolamentazzjoni dwar l-irkant ser jidħol biss fil-31 ta'Diċembru 2010 iżżid l-inċertezza għall-parteċipanti kollha tas-sistema ta' l-iskambju ta' l-UE minħabba fl-investimenti kbar li hemm pendenti fis-settur ta' l-enerġija.

7.1.4

Għandu jiġi kkunsidrat li jinħoloq bilanċ ġdid bejn il-piż tas-setturi li jaqgħu taħt is-Sistema għall-Iskambju u dawk barra minnha. Il-KESE għandu dubji dwar jekk it-tqassim ta' l-obbligu tat-tnaqqis bejn is-setturi li jaqgħu taħt is-Sistema għall-Iskambju (– 21 % mqabbla mal-livelli ta' l-2005) u l-oħrajn (– 10 % mqabbla mal-livelli ta' l-2005) huwiex iġġustifikat. Ir-riċerka (6) turi li f'xi setturi li ma' jaqgħux taħt is-Sistema għall-Iskambju, speċjalment fl-akbar żewġ setturi, il-bini u t-trasport, hemm potenzjal li l-emissjonijiet jonqsu bla spejjeż ta' xejn jew anke li jsir il-qligħ. Barra minn hekk dawn huma setturi fejn ir-riskju ta' rilokazzjoni ta' l-emissjonijiet tal-karbonju huwa relattivament baxx jew null. Barra minn hekk, is-settur tal-bini għandu potenzjal kbir ta' ħolqien ta' l-impjiegi fl-UE.

7.1.5

Il-kwoti kollha allokati lit-trasport bl-ajru meta dan is-settur jidħol fl-iskema għandhom jinbigħu bl-irkant (7).

7.1.6

Fid-dawl ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra li qed jiżdiedu mill-vapuri (1.12 biljun tunellata globalment — id-doppju ta' l-emissjonijiet mill-avjazzjoni (8)) il-Kummissjoni għandha tressaq miżuri biex is-settur tat-trasport marittimu jidħol fis-Sistema għall-Iskambju jekk ma jitressqux proposti effettivi b'mod urġenti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

7.1.7

Id-dħul li jiġi ġġenerat mill-bejgħ bl-irkant tal-kwoti, li bħalissa huwa stmat li hu EUR 50 biljun kull sena sa l-2020, għandu jkun marbut iktar biex jiffinanzja proġetti għall-ħarsien tal-klima, il-mitigazzjoni u l-miżuri ta' l-adattament — b'attenzjoni speċjali għall-pajjiżi vulnerabbli u li qed jiżviluppaw u r-riċerka u l-iżvilupp. Fil-proposta (Art. 10(3)) is-suġġeriment ta' allokazzjoni ta' 20 % m'huwiex biżżejjed u jitlef opportunità li joħloq stimolu qawwi biex l-ekonomija tersaq lejn emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Il-KESE jirrakkomanda li din tiżdied għal ta' l-anqas 50 % mid-dħul. Għandu jkun hemm attenzjoni li r-rwol tal-foresterija u l-afforestazzjoni mill-ġdid jiġu appoġġjati u li d-deforestazzjoni fl-UE u fi bnadi oħra tiġi evitata fejn jidher li l-foresti huma bir effettiv li jassorbi l-emissjonijiet tal-karbonju.

7.1.8

Għandu jkun hemm evidenza ta' ċarezza u trasparenza akbar għal dawk il-miżuri fil-proposta li l-iżvilupp tagħhom bħalissa tħalla għall-proċess tal-komitoloġija.

7.1.9

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tgħolli l-limitu ta' esklużjoni għall-installazzjonijiet żgħar minn 10 000 għal 25 000 tunnellata, bil-patt li jkun hemm miżuri ta' kumpens ekwivalenti.

7.1.10

Trid tingħata indikazzjoni aktar ċara fil-proposta dwar kif l-UE ser iżomm l-impenn tagħhha li t-tnaqqis jitla' minn 20 % għal 30 % jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali.

7.1.11

L-Istati Membri huma mħeġġa li jirrevedu t-tariffi “feed-in” tagħhom biex jevitaw effetti ħżiena fuq it-tkabbir u l-kontribut ta' l-iskemi tal-ko-ġenerazzjoni (kombinazzjoni ta' sħana u enerġija).

7.1.12

Rigward is-sistemi tat-tisħin distrettwali, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi evitat li eżempji effiċjenti ta' programmi bħal dawn jiġu diżinċentivati.

7.1.13

Hemm bżonn li tinsab soluzzjoni għad-diffikultajiet potenzjali li jistgħu jinħolqu f'dawk l-Istati Membri Ewropej tal-Lvant li għandhom in-netwerk tal-provvista ta' l-elettriku ewlenija tagħhom fornuta mir-Russja flok l-UE.

7.1.14

Il-proposta attwali li tillimita l-possibbiltà ta' l-użu tal-krediti mill-Implimentazzjoni Konġunta u l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif sakemm ikun hemm ftehim internazzjonali għandha tibqa' miftuħa għar-reviżjoni, partikolarment fid-dawl ta' l-effetti negattivi fuq is-suq ta' l-iffinanzjar kapitali internazzjonali li qed jiżviluppa għal dawn il-programmi.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Il-Bank Dinji, State and Trends of the Carbon Market, Mejju 2007.

(2)  Minn 1 974 miljun tunellata ta' CO2 għal 1 720 miljun tunellata.

(3)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 175, 27.7.2007, p. 47.

(4)  Ir-rapport Stern 2006.

(5)  Skond l-osservatorju Mauna Loa fil-Hawaii, il-livelli ta' CO2 fl-atmosfera huma diġà ta' 387 ppm, l-għola għal ta' l-anqas dawn l-aħħar 650 000 sena.

(6)  Vattenfall/McKinsey, The Climate Map

http://www.vattenfall.com/www/ccc/ccc/Gemeinsame_Inhalte/DOCUMENT/567263vattenfall/P0271636.pdf

(7)  Konsistenti mar-rakkomandazzjoni preċedenti tal-Kumitat, ĠU C 175, 27.7.2007, p. 47.

(8)  Rapport ta' l-IMO Frar 2008.


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-isforz ta' l-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa l-2020

COM(2008) 17 finali — 2008/0014 (COD)

(2009/C 27/16)

Nhar l-11 ta' Frar 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-isforz ta' l-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa l-2020.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Morkis.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'116-il vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjoni.

1.   Sinteżi tal-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li qed titlob lill-Istati Membri biex jieħdu sehem fl-isforzi ħalli jinżamm l-impenn tal-Komunità li tikkumbatti l-bidla fil-klima billi tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn sorsi li mhumiex koperti bid-Direttiva 2003/87/KE (sorsi barra mill-iskema ta' l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' l-UE (EU ETS)) mill-2013 sa l-2020.

1.2

Il-Kumitat jagħraf u jaqbel li l-UE jkollha rwol ewlieni fin-negozjati internazzjonali dwar l-impenji għall-ħarsien ta' l-ambjent u tal-klima. Permezz ta' l-impenn tagħha stess, l-UE tkun qed tmexxi bl-eżempju u tista' tħeġġeġ pajjiżi oħra biex jadottaw miżuri simili.

1.3

Il-Kumitat jikkunsidra li s-soċjetà ċivili organizzata taqdi rwol prinċipali fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni u biex jinżamm l-impenn li ttieħed mill-pajjiżi kkonċernati. L-Istati Membri għandhom jippromovu iktar l-inizjattivi tal-komunità li għandhom l-għan li jikkontribwixxu lejn it-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u jiżviluppaw mezzi biex jappoġġjaw dawn l-inizjattivi:

Is-soċjetà ċivili kollha kemm hi jista' jkollha rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Għalhekk, ir-rekwiżit tad-Deċiżjoni u l-mezzi ta' l-implimentazzjoni tagħha f'kull Stat Membru għandhom bżonn jixxandru aktar.

Hemm ukoll il-ħtieġa li tiżdied l-enfasi fuq il-kampanji edukattivi li jqajmu kuxjenza fost il-pubbliku dwar il-bżonn li jsir sforz biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

Huwa wkoll kruċjali li l-esperti jiġu mħarrġa biex iqajmu kuxjenza wiesgħa fost il-pubbliku fl-oqsma ta' l-iffrankar ta' l-enerġija, il-ħarsien ta' l-ambjent u l-bidla fil-klima.

1.4

Il-Kumitat jemmen li miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, għandhom jiġu implimentati b'tali mod li jipproteġu u anke jtejbu l-kompetittività ekonomika ta' l-Ewropa fuq perijodu twil. L-iżvilupp ta' l-enerġija rinnovabbli u l-prodotti u l-metodi ta' produzzjoni li huma effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija ser ikunu dejjem aktar imfittxija fid-dinja, u l-Ewropa tinsab f'pożizzjoni tajba biex ittejjeb il-kompetittività tagħha billi tkun fuq quddiem, fid-dinja, f'ħafna minn dawn l-oqsma. L-UE u l-Istati Membri jridu jappoġġjaw din ir-riċerka u dan l-iżvilupp.

1.5

Skond l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni proposta, Stat Membru jista' jitfa' fuq is-sena ta' wara kwantità ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra li hi ekwivalenti għal 2 % tal-limitu ta' dak l-Istat Membru jew, jekk l-emissjonijiet huma taħt il-limitu stipulat f'paragrafu 2, jista' jitfa' fuq is-sena ta' wara it-tnaqqis eċċessiv. Din id-dispożizzjoni hija riġida wisq, peress li qafas ta' sena m'għandux il-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu implimentati proġetti kbar u jkun hemm riżultati tajbin. Dan hu importanti speċjalment għall-Istati Membri żgħar li jkunu qed jimplimentaw proġetti kbar ta' mitigazzjoni ta' l-emissjonijiet.

Il-Kummissjoni tipproponi li kull Stat Membru għandu jipprepara pjan kif ser jilħaq il-mira nazzjonali tiegħu. Madankollu, l-emissjonijiet medji annwali tal-gassijiet b'effett ta' serra waqt il-perijodu 2013-2020 m'għandhomx ikunu aktar għoljin mill-emissjonijiet medji annwali bejn l-2005 u l-2020. Fl-opinjoni tal-Kumitat, tkun ħaġa importanti li l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet tiġi mmonitorjata b'mod regolari fil-livell nazzjonali u Ewropew sabiex kwalunkwe diverġenza tkun tista' tiġi identifikata malajr u tittieħed azzjoni korrettiva.

1.6

Biex titjieb l-effiċjenza ta' l-ispiża globali ta' l-impenn totali tal-Komunità u biex l-objettivi komuni jinkisbu bl-inqas spejjeż, il-Kumitat huwa tal-fehma li Stat Membru għandu jkun jista' jittrasferixxi parti mill-kwota tiegħu ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra lil Stat Membru ieħor fuq il-bażi ta' ftehimiet internazzjonali bilaterali.

1.7

Il-Kumitat iħoss li, bl-użu ta' għodod flessibbli fi proġetti li għandhom il-ħsieb li jiżguraw l-implimentazzjoni konġunta tal-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif, għandu jkun hemm bilanċ xieraq bejn l-azzjoni li tieħu l-UE biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn banda, u s-sens ta' solidarjetà quddiem l-introduzzjoni tal-miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-banda l-oħra. Madankollu, l-użu ta' għodod flessibbli għandhom jitqiesu li huma xierqa biss meta verament inaqqsu l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra. Ma għandhomx iwasslu biex l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jiġu rilokati mill-UE għall-pajjiżi li m'humiex fl-UE.

1.8

Il-Kumitat jaqbel ma' l-impenji li saru u japprova li jkun hemm sforz konġunt bejn l-Istati Membri. Jemmen li l-pubbliku għandu jkun infurmat aħjar dwar il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-isforz konġunt F'arranġamenti ta' sforz konġunt, irid ikun hemm valutazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull pajjiż individwali, l-ispiża neċessarja biex jonqsu l-emissjonijiet, u l-impatt fuq il-kompetittività u l-iżvilupp ta' dak il-pajjiż. Id-Deċiżjoni dwar l-Isforz Konġunt għandha twassal għal spiża relattiva ugwali tal-mitigazzjoni b'rabta mal-PGD ta' kull pajjiż.

1.9

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi reġim ta' konformità, li taħtu l-Istati Membri jaqilgħu multa talli jaqbżu l-livelli stabbiliti ta' emissjonijiet.

2.   Introduzzjoni: Id-dokument tal-Kummissjoni

2.1

Nhar it-23 ta' Jannar 2008, il-Kummissjoni Ewropea żvelat pakkett ta' proposti biex tiġġieled il-bidla fil-klima u tippromovi l-enerġiji rinnovabbli.

2.2

L-iskop tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li timplimenta l-qbil li kien intlaħaq waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007 meta l-Unjoni Ewropea ħadet l-impenn li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'20 % sa l-2020 meta mqabbla ma' l-1990, kif ukoll l-impenn li sa l-2020, is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-konsum ta' l-enerġija jkun laħaq il-mira ta' l-20 %.

2.3

L-isforz totali għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra jinqasam bejn is-setturi li jaqgħu taħt l-iskema ta' l-iskambju (ETS) ta' l-UE u dawk li huma barra minnha (mhux ETS). Il-Kummissjoni qed tipproponi l-approċċ li ġej: tnaqqis fl-emissjonijiet ta' 21 % fis-settur ta' l-iskema ta' l-iskambju, meta mqabbel mal-perijodu mill-2005 sa l-2020; tnaqqis ta' 10 % fis-setturi li ma jaqgħux taħt l-iskema ta' l-iskambju, meta mqabbel ma' l-2005. Flimkien, dan it-tnaqqis jirriżulta fi tnaqqis globali ta' 14 % meta mqabbel ma' l-2005, li huwa ekwivalenti għal tnaqqis ta' 20 % meta mqabbel ma' l-1990.

2.4

Il-Kunsill ħabbar miri li huma aktar ambizzjużi bil-patt li jiġi ffirmat ftehim globali u komprensiv għall-perijodu li jmur lil hinn mill-2012, li pajjiżi oħra żviluppati jieħdu l-impenn li jagħmlu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun komparabbli, u li pajjiżi li qed jiżviluppaw, imma li huma ekonomikament aktar avvanzati, jikkontribwixxu b'mod xieraq skond ir-responsabbiltajiet tagħhom u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom. F'dawn il-parametri, il-Komunità jkollha tfittex li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bi 30 % sa l-2020.

2.5

Il-proposta attwali għal Deċiżjoni tiddetermina l-kontribut li jagħtu l-Istati Membri biex jieħdu sehem fl-isforzi ħalli jinżamm l-impenn tal-Komunità li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn sorsi li mhumiex koperti bid-Direttiva 2003/87/KE (sorsi barra mill-iskema ta' l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' l-UE (EU ETS)) mill-2013 sa l-2020.

2.6

Id-Deċiżjoni proposta tistabbilixxi r-regoli dwar il-kontribut ta' l-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet b'effett ta' serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità mill-2013 sa l-2020.

2.7

Il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li l-isforzi għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra għandhom jinqasmu bejn l-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu d-differenzi ekonomiċi u l-PGD per capita ta' kull pajjiż. B'hekk Stati Membri li bħalissa għandhom PGD per capita li huwa relattivament baxx u aspettattivi ta' tkabbir għoli fil-PGD fil-futur, għandhom ikunu jistgħu jkollhom emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra ogħla fl-2020 mill-2005.

2.8

Fid-dawl tad-divrenzjar propost, il-Kummissjoni tirrakkomanda li jiġu stabbiliti ċerti limiti għall-pajjiżi individwali, minkejja li l-ebda Stat Membru m'għandu jintalab li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tiegħu b'inqas minn 20 % tal-livelli ta' l-2005 sa l-2020, u l-ebda Stat Membru m'għandu jkun jista' jżid l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'iktar minn 20 % fuq il-livelli ta' l-2002 fl-2020.

2.9

Il-Kummissjoni tistipula li sa l-2020, kull Stat Membru jrid jillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn sorsi li mhumiex koperti bid-Direttiva 2003/87/KE bil-perċentwali stabbilit għal dak l-Istat Membru fl-anness tad-deċiżjoni meta mqabbla ma' l-emissjonijiet tiegħu fis-sena 2005.

2.10

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jrid isir kull sena bejn l-2013 u l-2020. Madankollu, hemm ukoll grad ta' flessibbiltà, fil-fatt li kull Stat Membru jista' jitfa' fuq is-sena ta' wara ammont, li hu ta' 2 % mil-limitu ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għal dak l-Istat Membru. Kwalunkwe Stat Membru li l-emissjonijiet tiegħu jkunu iktar baxxi mil-limiti tiegħu jista' jitfa' fuq is-sena ta' wara t-tnaqqis żejjed fl-emissjonijiet.

2.11

Kull Stat Membru jrid jillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet annwalment, b'mod lineari biex jiżgura li l-emissjonijiet ma jaqbżux il-livell massimu għal dak l-Istat Membru, fl-2020 kif hemm speċifikat fl-anness tad-deċiżjoni.

2.12

Biex ikun hemm flessibbiltà akbar għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' l-impenji tagħhom, biex tippromovi l-iżvilupp sostenibbli f'pajjiżi terzi, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex tipprovdi ċertezza lill-investituri, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jibqgħu jużaw il-krediti CDM bħala kontribut biex jiġi żgurat li jkun hemm suq għal dawn il-krediti anke wara l-2012.

2.13

Bħala kontribut biex jiġi żgurat dan is-suq, kif ukoll biex jiġi żgurat li jkun hemm aktar tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE, u b'hekk titjieb l-implimentazzjoni ta' l-objettivi tal-Komunità marbuta ma' l-enerġija rinnovabbli, is-sigurtà fl-enerġija, l-innovazzjoni u l-kompetittività, qed jiġi propost li kull sena, l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-krediti li jiksbu mill-proġetti ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra f'pajjiżi terzi, għal kwantità sa 3 % ta' l-emissjonijiet ta' kull Stat Membru minn sorsi barra mill-iskambji tal-kwoti fis-sena 2005, sakemm ikun hemm qbil internazzjonali fil-futur dwar il-bidla fil-klima. Il-kwantità massima hija ekwivalenti għal madwar terz ta' l-isforz tat-tnaqqis sa' l-2020 ta' kwanlunkwe Stat Membru. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jittrasferixxu il-parti mhux użata ta' dik il-kwantità lil Stati Membri oħra.

2.14

Il-Kummissjoni tħoss li ladarba jkun hemm qbil internazzjonali fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw krediti tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet biss minn pajjiżi li jkunu ratifikaw dak il-ftehim u b'konformità ma' approċċ komuni.

2.15

Il-Kummissjoni hija wkoll ta' l-opinjoni li wara l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali futur dwar il-bidla fil-klima milll-Komunità, il-limiti ta' l-emissjonijiet ta' l-Istati Membri għandhom jiġu adattati fuq il-bażi ta' l-impenn il-ġdid li tkun ħadet il-Komunità dwar it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra skond il-ftehim.

2.16

Fir-rapport annwali li l-Istati Membri jippreżentaw b'konformità ma' l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 280/2004/KE, huma jridu jirrappurtaw l-emissjonijiet annwali tagħhom li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 3 u l-użu tal-krediti skond l-Artikolu 4. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw ukoll aġġornament tal-progress proġettat qabel l-1 ta' Lulju 2016.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li qed titlob lill-Istati Membri biex jieħdu sehem fl-isforzi ħalli jinżamm l-impenn tal-Komunità li tikkumbatti l-bidla fil-klima billi tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn sorsi li mhumiex koperti bid-Direttiva 2003/87/KE (sorsi barra mill-iskema ta' l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' l-UE (EU ETS)) mill-2013 sa l-2020, hija ħolqa importanti f'katina ta' deċiżjonijiet li jittieħdu fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

3.2

Il-Kumitat huwa konvint li din id-Deċiżjoni ser tgħin lill-Komunità biex tlaħħaq mal-ħidma tagħa fir-rigward tal-ħarsien ta' l-ambjent u l-bidla fil-klima. Il-politika tal-Komunità f'dan il-qasam għandha tiżgura tnaqqis konsiderevoli fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra permezz ta' l-impożizzjoni ta' rekwiżiti obbligatorji fuq l-Istati Membri, flimkien ma' verifiki ta' konformità stretti.

3.3

Fl-istess waqt il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-effettività tad-Deċiżjoni tal-Parlament u tal-Kunsill dwar l-isforzi konġunti biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tiddependi b'mod sinifikanti fuq iż-żewġ komponenti l-oħra tal-pakkett tal-bidla fil-klima: id-Direttiva dwar is-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli u d-Direttiva dwar l-iskambju tal-kwoti ta' l-UE. Dan ifisser li jridu jaħdmu b'sinerġija diretta; kwalunkwe emenda lil waħda ser ikollha impatt fuq l-oħrajn.

3.4

L-impenji tal-Komunità jridu jiġu adattati jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali. Hemm ħafna tama marbuta man-negozjati li nfetħu f'Bali, l-Indoneżja, f'Diċembru 2007, li potenzjalment jistgħu jkunu ta' importanza vitali għall-azzjoni madwar id-dinja kollha sa l-2020. Tkun ħaġa verament utli li kieku dawn in-negozjati jingħalqu bi ftehim li jiżgura l-ħarsien tal-klima waqt il-Konferenza dwar il-Bidla fil-Klima, f'Copenhagen, fl-2009. Il-progress fuq dan il-front huwa mistenni wkoll li jsir waqt summit dwar il-klima ieħor li ser jinżamm qabel din id-data f'Poznań, il-Polonja.

3.5

Hija ħaġa tajba li l-UE qed tieħu rwol ta' tmexxija f'dawn in-negozjati. Permezz ta' l-impenn tagħha stess, l-UE tkun qed tmexxi bl-eżempju u tista' tħeġġeġ pajjiżi oħra biex jadottaw miżuri simili. Għalkemm pajjiżi emerġenti, bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil m'humiex lesti li jnaqqsu l-emissjonijiet, u din hi ħaġa li tinftiehem, jinsabu f'pożizzjoni li jwaqqfu kwalunkwe żjieda li hi marbuta mat-tkabbir ekonomiku relattiv. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel kull sforz ħalli tilħaq ftehim internazzjonali (ta' wara Kyoto), li jimpenja lill-pajjiżi żviluppati biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bi 30 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990; dan ikun b'konformità mal-proġettazzjonijiet tar-raba' rapport IPCC, li jistima li hemm bżonn ta' tnaqqis ta' bejn il-25 % u l-40 % fuq il-livelli ta' l-1990, sa l-2020, biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 2 gradi Celsius 'il fuq mil-livelli pre-industrijali. Naturalment, jekk jista' jintlaħaq dan il-ftehim internazzjonali, ikun meħtieġ li din u l-proposti l-oħra tal-pakkett ta' l-enerġija u l-bidla fil-klima tal-Kummissjoni jiġu riveduti sabiex l-objettivi tagħhom jiġu adattati għal mira aktar stretta. Għalhekk huwa importanti li dawk kollha kkonċernati jirrikonoxxu u jippjanaw fuq il-bażi li l-miri li bħalissa huma proposti għall-2020 huma biss l-ewwel pass u li ser ikun hemm bżonn ta' miri aktar stretti 'il quddiem, jista' jkun li diġà mill-2020 imma żgur fis-snin ta' wara.

3.6

Il-Kumitat jemmen li miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, għandhom jiġu implimentati b'tali mod li jipproteġu u anke jtejbu l-kompetittività ekonomika ta' l-Ewropa fit-tul. L-iżvilupp ta' l-enerġija rinnovabbli u l-prodotti u l-metodi ta' produzzjoni li huma effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija ser ikunu dejjem aktar imfittxija fid-dinja, u l-Ewropa tinsab f'pożizzjoni tajba biex ittejjeb il-kompetittività tagħha billi tkun fuq quddiem, fid-dinja, f'ħafna minn dawn l-oqsma. Dawn l-iżviluppi jridu jingħataw l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. Inkella jkun diffiċli li dan l-objettiv jintlaħaq. Huwa wkoll kruċjali li l-esperti jiġu mħarrġa biex iqajmu kuxjenza wiesgħa fost il-pubbliku fl-oqsma ta' l-iffrankar ta' l-enerġija, il-ħarsien ta' l-ambjent u l-bidla fil-klima.

3.7

Is-soċjetà ċivili taqdi rwol prinċipali fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni u biex jinżamm l-impenn li ttieħed mill-pajjiżi kkonċernati. L-Istati Membri għandhom jippromovu iktar l-inizjattivi tal-Komunità li huma mmirati li jikkontribwixxu lejn it-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u jiżviluppaw mezzi biex jappoġġjaw dawn l-inizjattivi:

Is-soċjetà ċivili kollha kemm hi jista' jkollha rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Għalhekk, ir-rekwiżit tad-Deċiżjoni u l-mezzi ta' l-implimentazzjoni tagħha f'kull Stat Membru għandhom bżonn jixxandru aktar.

Hemm ukoll il-ħtieġa li tiżdied l-enfasi fuq il-kampanji edukattivi li jqajmu kuxjenza fost il-pubbliku li jibda jagħraf il-bżonn li jsir sforz biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

Huwa wkoll kruċjali li l-esperti jiġu mħarrġa biex iqajmu kuxjenza wiesgħa fost il-pubbliku fl-oqsma ta' l-iffrankar ta' l-enerġija, il-ħarsien ta' l-ambjent u l-bidla fil-klima.

4.   Kummenti Speċifiċi

4.1

Il-Kumitat iħoss li, bl-użu ta' għodod flessibbli fi proġetti li għandhom il-ħsieb li jiżguraw l-implimentazzjoni konġunta tal-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif, għandu jkun hemm bilanċ xieraq bejn l-azzjoni li tieħu l-UE biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn banda, u s-sens ta' solidarjetà quddiem l-introduzzjoni tal-miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-banda l-oħra. Madankollu, l-użu ta' għodod flessibbli għandu jitqies xieraq biss meta jkun hemm tnaqqis ġenwin ta' l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra. Ma għandhomx iwasslu biex l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra “iqattru” mill-UE għall-pajjiżi li m'humiex fl-UE

4.2

Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jibqgħu jużaw il-krediti CDM bħala kontribut biex jiġi żgurat suq għal dawk il-krediti anke wara l-2012. Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-kwalità tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet iċċertifikati mis-CDM u jipproponi li, biex l-Istati li jkunu qed jinvestu (fi proġetti li jkunu nbdew qabel l-2013) ikomplu jibbenefikaw mit-Tnaqqis Ċertifikat fl-Emissjonijiet (CER), ir-riferiment għandu jiġi rivedut u vverifikat biex ikun deċiż jekk il-proġett għadux addizzjonali. Fil-każ ta' proġetti ġodda CDM li huma ppjanati li jikkontribwixxu lejn is-sehem ta' Stat Membru fl-isforzi konġunti biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, għandhom jiġu kkunsidrati biss il-proġetti li qed jużaw l-aħjar tekniki disponibbli bħala riferiment.

4.3

Il-Kummissjoni tirreferi biss għall-prinċipju ġenerali li l-pajjiżi li għandhom PGD per capita għoli għandhom jidħlu għal impenji aktar iebsin ta' tnaqqis, li għandhom ikunu inqas impenjattivi fil-każ ta' pajjiżi bi PGD per capita aktar baxx. Madankollu, jista' jkun possibbli li anke jekk, f'termini relattivi, pajjiżi differenti jkollhom PGD per capita simili, dawn jista' jkollhom bżonn ta' gradi ta' sforz differenti biex jilħqu l-istess riżultati fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet. F'arranġamenti ta' sforz konġunt, irid ikun hemm valutazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull pajjiż individwali, l-ispiża neċessarja biex jonqsu l-emissjonijiet, u l-impatt fuq il-kompetittività u l-iżvilupp ta' dak il-pajjiż. Id-Deċiżjoni dwar l-Isforz Konġunt għandha twassal għal spiża relattiva ugwali tal-mitigazzjoni b'rabta mal-PGD ta' kull pajjiż.

4.4

Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni għal inkonsistenza kbira fit-test tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tipproponi l-2005 bħala sena ta' riferiment biex jiġu stmati l-isforzi ta' l-Istati Membri ħalli jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u l-2020 bħala l-perijodu tat-tmiem. Skond it-tieni sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 3(2), kull Stat Membru jrid jillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra annwalment, b'mod lineari. Fl-istess waqt, skond l-ewwel sotto-paragrafu ta' l-istess Artikolu, kull Stat Membru għandu jiżgura li t-total ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-2013 minn sorsi li mhumiex koperti bid-Direttiva 2003/87/KE ma jaqbżux il-medja annwali ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra għal dak l-Istat Membru minn dawk is-sorsi fis-snin 2008, 2009, u 2010, kif irrappurtat u vverifikat skond id-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 280/2004/KE. Dan ifisser li l-2008, l-2009 u l-2010 iservu ta' snin ta' riferiment biex tiġi vvalutata l-pożizzjoni ta' l-2013.

4.5

Skond l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni proposta, Stat Membru jista' jitfa' fuq is-sena ta' wara kwantità ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra li hi ekwivalenti għal 2 % tal-limitu ta' dak l-Istat Membru jew, jekk l-emissjonijiet huma taħt il-limitu stipulat f'paragrafu 2, jista' jitfa' fuq is-sena ta' wara t-tnaqqis eċċessiv. Din id-dispożizzjoni hija riġida wisq, peress li qafas ta' sena m'għandux il-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu implimentati proġetti kbar u jkun hemm riżultati tajbin. Dan hu importanti speċjalment għall-Istati Membri żgħar li jkunu qed jimplimentaw proġetti kbar ta' mitigazzjoni ta' l-emissjonijiet.

Il-Kummissjoni tipproponi li kull Stat Membru għandu jfassal il-pjan tiegħu ta' kif ser jilħaq il-miri nazzjonali tiegħu. Madankollu, l-emissjonijiet medji annwali tal-gassijiet b'effett ta' serra waqt il-perijodu 2013-2020 m'għandhomx ikunu aktar għoljin mill-emissjonijiet medji annwali ta' l-2005. Fl-opinjoni tal-Kumitat, tkun ħaġa importanti li l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet tiġi monitorjata b'mod regolari fil-livell nazzjonali u Ewropew sabiex kwalunkwe diverġenza tkun tista' tiġi identifikata malajr u tittieħed azzjoni korrettiva.

4.6

Biex titjieb l-effiċjenza ta' l-ispiża globali ta' l-impenn totali tal-Komunità u biex l-objettivi komuni jinkisbu bl-inqas spejjeż, il-Kumitat huwa tal-fehma li Stat Membru għandu jkun jista' jittrasferixxi parti mill-kwota tiegħu ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra lil Stat Membru ieħor fuq il-bażi ta' ftehimiet internazzjonali bilaterali.

4.7

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi reġim ta' konformità li taħtu l-Istati Membri jaqilgħu multa talli jaqbżu l-livelli stabbiliti ta' emissjonijiet.

4.8

Barra minn hekk f'termini ta' distribuzzjoni ġeografikament ekwa tal-proġetti, l-Artikolu (4)(1)(c) mhuwiex speċifiku biżżejjed dwar l-applikazzjoni tal-miżuri dwar ix-xiri tal-krediti.

4.9

Biex din id-Deċiżjoni tiġi implimentata, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri b'indikaturi għall-azzjoni, l-istrumenti u miżuri oħra. Bidu tajjeb jista' jkun li tinħareġ gwida li jkun fiha eżempji ta' suċċessi li diġà nkisbu fl-UE.

4.10

Biex l-objettiv ta' din id-Deċiżjoni jintlaħaq, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw il-Fondi Strutturali u l-Fondi tal-Koeżjoni għal proġetti li ma jipproduċux, jew li anke jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

4.11

Għall-installazzjonijiet li ma jaqgħux taħt l-iskema ta' l-iskambju tal-kwoti, hemm dispożizzjoni għall-irkant ta' allokazzjonijiet waqt il-perijodu ta' allokazzjonijiet li jmiss mill-2013 sa l-2020. Dan ser jiżgura l-fondi meħtieġa biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-setturi li ma jaqgħux taħt l-iskema ta' l-iskambju tal-kwoti, Parti mill-fondi li jinkisbu b'dan il-mod, għadnha tiġi indirizzata lejn setturi fl-ekonomija li qed jagħmlu sforz biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Il-parti l-oħra għandha tmur f'fond ta' solidarjetà għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jiġu allokati għal proġetti ta' adattament għall-bidla fil-klima f'dawk il-pajjiżi.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006

COM(2008) 18 finali — 2008/0015 (COD)

(2009/C 27/17)

Nhar it-8 ta' Frar 2008, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Wolf.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u fl-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat adotta din l-opinjoni b'138 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet.

Werrej:

1.

Sommarju u konklużjonijiet

2.

Introduzzjoni

3.

Proposta tal-Kummissjoni

4.

Kummenti ġenerali

5.

Kummenti speċifiċi

1.   Sommarju u Konklużjonijiet

1.1

Il-qbid u l-ħżin fuq perijodu fit-tul tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) li joriġina mill-użu (kombustjoni) ta' karburanti fossili (Carbon Capture and Storage jew CCS) ikun ta' kontribut kbir fir-rigward tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Għalhekk l-iżvilupp mgħaġġel ta' din it-teknoloġija u l-applikazzjoni tagħha mill-aktar fis possibbli għandhom ikunu l-miri ewlenin.

1.2

Il-Kumitat jilqa' d-Direttiva proposta mill-Kummissjoni u jqis li hija prerekwiżit għall-iżvilupp u l-użu tas-CCS filwaqt li jappoġġja b'mod wiesa' l-kontenut tagħha.

1.3

Id-Direttiva tindirizza l-aspetti ewlenin u essenzjali u tistipula dispożizzjonijiet dwarhom. B'mod partikolari d-Direttiva tindirizza l-kwistjoni tas-sigurtà tal-bniedem u l-ambjent, kif ukoll ir-responsabbiltajiet kollha marbuta magħhom. Permezz ta' dan, id-Direttiva tilqa' wkoll l-approvazzjoni min-naħa taċ-ċittadin u tikkunsidra l-ħtieġa tiegħu għas-sigurtà.

1.4

L-iżvilupp tal-katina ta' valur miżjud globali tas-CCS, bil-qbid, it-trasport u l-ħżin ta' CO2, jinsab f'fażi inizjali u parzjalment esploratorja. Ir-regolamenti tad-Direttiva għandhom jikkunsidraw dan u għalhekk għandhom jadattaw għal xi punti.

1.5

Sabiex il-proġetti inizjali jkunu jistgħu jiġu implimentati malajr, xi wħud mill-punti tad-Direttiva għandhom ikunu modifikati b'tali mod li jkunu maniġġabbli kemm għall-awtoritajiet nazzjonali fil-preżent kif ukoll għall-intrapriżi li huma lesti biex jinvestu. Dan jikkonċerna per eżempju kwistjonijiet ta' kontabilità kif ukoll in-natura u l-kumplessità tas-sigurtà finanzjarja.

2.   Introduzzjoni

2.1

Bħala riżultat tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Marzu 2007 li jikkonċernaw il-bidla fil-klima u l-provvista ta' sigurtà ta' l-enerġija, il-Kummissjoni pproponiet — permezz ta' dokumenti separati — pakkett sħiħ ta' miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet ifformulati fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill. Dawn il-miżuri jiffokaw fuq l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, it-titjib ta' sorsi ta' l-enerġija sostenibbli kif ukoll l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji innovattivi korrispondenti. Il-Kumitat ħejja opinjonijiet speċifiċi għal kull każ (1).

2.2

F'dan il-kuntest qasam ta' importanza ewlenija huwa l-iżvilupp ta' metodi sabiex jitnaqqsu b'mod sostenibbli l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li joriġinaw mill-użu ta' karburanti fossili, li huwa s-suġġett ta' din l-opinjoni, b'referenza partikolari għall-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju (CO2).

2.3

Din l-opinjoni hija relatata ma' opinjoni tal-Kumitat (2) dwar l-istess teknoloġija li tindirizza l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Appoġġ għal Turija minn Kmieni tal-Produzzjoni Sostenibbli ta' l-Enerġija mill-Fjuwils Fossili”.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Abbażi (i) l-fatt li d-domanda dejjem tiżdied fuq livell internazzjonali għal sorsi ta' l-enerġija hija mistennija li tiġi sodisfatta b'mod predominanti minn karburanti fossili, u (ii) l-mira li sas-sena 2050 l-emissjonijiet tas-CO2 madwar id-dinja jonqsu b'50 % u fil-pajjiżi industrijalizzati b'60 sa 80 %, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa essenzjali li jkunu sfruttati l-possibiltajiet kollha għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet. Għalhekk il-qbid u l-ħżin tas-CO2 — CCS (3) — huwa ta' importanza kbira.

3.2

Il-Kunsill Ewropew ta' Brussell ta' Marzu 2007 sejjaħ għall-iżvilupp tal-qafas tekniku, ekonomiku u politiku meħtieġ, sabiex is-CCS ikun disponibbli bla ma jkun ta' ħsara għall-ambjent. Il-proposta mressqa tirrappreżenta mezz wieħed kif dan l-objettiv jista' jintlaħaq. Hija marbuta, qabel kollox, ma' l-istabbiliment ta' qafas regolatorju fuq il-bażi ta' l-Artikolu 175(1) tat-Trattat tal-KE. Permezz ta' din il-proposta, għandhom jiġu ffaċilitati l-leġislazzjoni u l-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi fil-livell ta' l-UE jew nazzjonali.

3.3

Għalhekk dispożizzjonijiet diġà eżistenti bħal dawk stipulati fid-Direttivi 96/61/KE, 85/337/KEE, 2004/35/KE u 2003/87/KE ġew ikkunsidrati jew adattati fil-proposta.

3.4

Il-kontentut konkret tal-proposta tal-Kummissjoni:

3.4.1

L-ewwel kapitolu jikkonċerna s-suġġett, l-għan u l-ambitu tal-proposta. Huma diskussi wkoll xi definizzjonijiet.

3.4.2

It-tieni kapitolu jitratta l-għażla tas-siti tal-ħżin u l-awtorizzazzjonijiet għall-esplorazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema żoni ser ikunu disponibbli għall-ħżin u liema regolamenti japplikaw għall-ħruġ ta' l-awtorizzazzjoni għall-esplorazzjoni.

3.4.3

It-tielet kapitolu huwa dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ħżin u l-kundizzjonijiet tiegħu kif ukoll is-setgħat rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea. Element importanti huwa l-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali li tinkludi evalwazzjonijiet ta' l-impatt u konsultazzjonijiet pubbliċi.

3.4.4

Ir-raba' kapitolu jitratta dwar l-operazzjoni, l-għeluq u l-obbligi ta' wara, kif ukoll dwar il-kriterji għat-tnaqqis tas-CO2, l-obbligi ta' monitoraġġ u rappurtaġġ, spezzjonijiet, miżuri f'każ ta' xi irregolaritajiet u/jew telf ta' gass, l-għeluq u l-obbligi tal-kura ta' wara kif ukoll il-forniment ta' sigurtà finanzjarja.

3.4.5

Il-ħames kapitolu jitratta dwar l-aċċess għal netwerk tat-trasport u tal-ħżin.

3.4.6

Is-sitt kapitolu fih dispożizzjonijiet ġenerali relatati ma' l-awtoritajiet responsabbli, il-kooperazzjoni transkonfinali, sanzjonijiet, rappurtaġġ fil-konfront tal-Kummissjoni Ewropea, emendi u l-proċeduri rilevanti ta' komitoloġija.

3.4.7

Is-seba' kapitolu jiġbor fih l-emendi meħtieġa ta' atti legali oħra, inklużi l-adattamenti meħtieġa tal-liġi ta' l-ilma u dik ta' l-iskart. Jinkludi wkoll ir- rekwiżiti addizzjonali għall-permess ta' impjanti ta' l-enerġija ġodda.

3.4.8

Fl-Anness I jinsabu stabbiliti kriterji dettaljati għall-karatterizzazzjoni tas-sit u l-evalwazzjoni tar-riskju. L-Anness II fih kriterji dettaljati għall-monitoraġġ. Il-Kummissjoni Ewropea tista' temenda l-Annessi, u f'dan il-każ il-Parlament Ewropew ikollu d-dritt ta' kodeterminazzjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE kemm-il darba (4) ġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-enerġija bi prezz raġonevoli hija l-essenza vitali ta' ekonomija nazzjonali soċjali moderna u rekwiżit għall-provvediment tal-ħtiġijiet bażiċi kollha. L-iżvilupp imsaħħaħ ta' teknoloġiji innovattivi huwa importanti (5).

4.2

Il-Kumitat jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar dan is-suġġett bħala prerekwiżit importanti għall-iżvilupp u l-użu tas-CCS bħala teknoloġija sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, u jappoġġja l-kontentut tagħha.

4.3

F'dan ir-rigward, il-Kumitat ġibed l-attenzjoni lejn il-fatt (6) li l-karburanti fossili tal-faħam, iż-żejt u l-gass jiffurmaw fil-preżent il-qalba (7) tal-forniment ta' l-enerġija kemm Ewropea kif ukoll dik globali u li forsi mhux se jitilfu l-importanza tagħhom fl-għexieren ta' snin li ġejjin.

4.4

Dan mhux kontradittorju għall-għan iddikjarat li jkun hemm żjieda drammatika fis-sehem tas-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli, peress li anke meta wieħed jikkunsidra l-għan li l-proporzjon ta' enerġija mis-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli fl-UE (8) sa l-2020 ikun mill-inqas ta' 20 %, fis-snin li ġejjin se jkun hemm ħtieġa sinifikanti għall-enerġija minn sorsi oħra sabiex ikun żgurat il-kumplament tat-80 % tal-konsum ta' l-enerġija, jew madwar 50 % sa l-2050.

4.5

Fil-każ ta' sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli s'issa setgħu jiġu implimentati biss l-idroenerġija u l-bijomassa għall-produzzjoni ta' l-elettriku (9) fuq livell li jilħaq mad-domanda, filwaqt li l-enerġija mir-riħ u mix-xemx huma karatterizzati minn disponibilità limitata, jiġifieri waħda dipendenti mit-temp. Madanakollu, l-iżvilupp u l-użu tagħhom għandu jibqa' jkun prattikat bi sforz kbir, fejn magħhom għandhom ikunu żviluppati possibiltajiet ta' ħżin adegwati u bi prezz raġonevoli. Iżda dan huwa s-suġġett ta' opinjonijiet oħra tal-Kumitat.

4.6

Minn dan joħroġ li għall-provvista sikura ta' ammont fiss — bħala forniment supplimentari għall-enerġija nukleari jew sostitut tagħha (10) — ser ikollhom ikomplu jintużaw b'mod estensiv impjanti ta' l-enerġija fossili. Barra minn hekk, bħala kumpens għall-instabilità ta' l-enerġija mir-riħ, hemm bżonn ta' għadd ikbar ta' impjanti ta' l-enerġija li jkunu jistgħu jiġu kkontrollati f'termini ta' produzzjoni, sabiex ikun hemm ammont adegwat — b'mod pożittiv kif ukoll negattiv — ta' enerġija ta' riserva.

4.7

Għall-forniment ta' l-ogħla rendiment u enerġija ta' riserva għandhom jiġu kkunsidrati qabel kollox l-impjanti idroelettriċi mħaddma bil-gass jew bil-pompi. Madankollu, il-potenzjal ta' estensjoni ta' l-impjanti idroelettriċi mħaddma bil-pompi huwa limitat, billi l-kondizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi li huma jesiġu sa ċertu punt diġà ġew sfruttati.

4.8

Għall-provvista ta' ammont bażiku u intermedju, l-iktar li jintużaw huma l-impjanti ta' l-enerġija li jużaw il-faħam, barra minn impjanti ta' l-enerġija nukleari. F'dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu li ma jipproduċux l-enerġija nukleari huma stess, l-użu tal-faħam għall-produzzjoni ta' l-elettriku għandu importanza ikbar.

4.9

Għaldaqstant huwa importanti li anke meta jintużaw impjanti li jaħdmu bil-faħam jitnaqqsu kemm jista' jkun l-emissjonijiet tas-CO2. B'dan il-għan, qed jiġu segwiti żewġ linji ta' żvilupp — ikkaratterizzati minn livelli varji ta' maturità teknika u effetti differenti: minn naħa, impjanti ta' l-enerġija li qed ikomplu jsaħħu l-effiċjenza tagħhom, u min-naħa l-oħra impjanti ta' l-enerġija bis-CCS (11). Fil-każ ta' dawn ta' l-aħħar, filwaqt li l-biċċa l-kbira ta' l-emissjonijiet ta' CO2 ma jintremewx aktar fl-atmosfera, il-proċess inevitabbilment jinvolvi telfien ta' l-effiċjenza, sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet addizzjonali ta' enerġija li titlob il-proċedura tas-CCS. Barra minn hekk, il-proċeduri għandhom ikomplu jiġu żviluppati sabiex is-CO2 jinġabar mill-proċessi ta' produzzjoni industrijali.

4.10

L-iżvilupp tas-CCS, li jinvolvi l-qbid, it-trasport u l-ħżin tas-CO2, jinsab f'fażi bikrija u f'xi każijiet anke esploratorja. Waqt li huwa minnu li miżuri favur iż-żjieda ta' l-effettività tat-teknoloġija ta' impjanti ta' l-enerġija konvenzjonali bil-mod qed jagħmlu progress, madankollu din diġà hija qrib il-limiti fiżiċi. B'konsiderazzjoni tal-ħtieġa urġenti li jkunu sostitwiti l-kapaċitajiet ta' l-impjanti ta' l-enerġija fis-snin li ġejjin, il-KESE jirrakkomanda approċċ pragmatiku, fejn iż-żewġ teknoloġiji jkomplu jiżviluppaw flimkien. Filwaqt li l-iżvilupp ta' livell ogħla ta' effiċjenza jista' jkun influwenzat mis-suq, it-teknoloġiji tas-CCS jeħtieġu — kemm għall-impjanti ta' l-enerġja u l-infrastruttura — għajnuna addizzjonali fil-fażi tad-demostrazzjoni u dik ta' l-introduzzjoni fis-suq.

4.11

It-teknoloġija tas-CCS qiegħda tiġi żviluppata b'diversi modi: (a) it-teknoloġija integrata ta' l-impjanti ta' l-enerġija, li tinvolvi l-ġbir tas-CO2, fejn waqt il-proċess tal-gassifikazzjoni tal-faħam, il-karbonju jinġabar qabel il-proċess tal-kombustjoni, jew waqt il-proċess ta' “oxyfuel”, is-CO2 jiġi arrikkit permezz tal-proċess qabel il-ġbir; u (b) it-teknoloġija ta' wara l-kombustjoni li tinvolvi l-ħasil tas-CO2 wara l-kombustjoni mid-duħħan tal-gass (ħasil tas-CO2). Meta jkun żviluppa b'mod xieraq, il-metodu (b) għandu jkun xieraq għall-applikazjoni f'impjanti ta' l-enerġija ġodda li huma effiċjenti ħafna, sakemm ikunu mibnija kif inhu meħtieġ (lesti għall-ġbir — capture ready). Element komuni taż-żewġ possibbiltajiet ta' żvilupp huwa l-fatt li s-CO2 li jinġabar b'dak il-mod għandu jiġi trasportat mill-impjant ta' l-enerġija għal post ta' ħżin adattat.

4.12

Il-ħżin tas-CO2 jista' jsir biss f'formazzjonijiet ġeoloġiċi adattati u sikuri. Ir-riċerka li saret s'issa turi li l-blat fl-ibħra li jżomm fih ħafna ilma (deep saline aquifers) u d-depożiti eżawriti taż-żejt u tal-gass, filwaqt li l-minjieri tal-faħam abbandunati jidhru anqas adattati. Sabiex tiġi evitata kull tnixxija ta' gass, huwa kruċjali li jkun hemm saqaf tal-blat sħiħ b'kemm jista' jkun ftit kanali li jwasslu sal-wiċċ.

4.13

Meta jintgħażel post għall-ħżin mill-esperti skond ir-regoli proposti fid-Direttiva, għandu jkun stabbilit li r-riskji marbuta mal-ħżin huma minimi. Fil-każ ta' formazzjonijiet xierqa għall-ħżin, l-emissjoni f'daqqa ta' ammonti kbar ta' CO2 hija kważi impossibbli (12). Għandu jkun stabbilit ukoll li ċaqliq siżmiku maħluq apposta mill-bniedem ma joħloqx periklu, u l-pressjoni massima tal-ħżin għandha tintgħażel sabiex ma tagħmilx ħsara lis-safef tal-blat użati għall-ħżin u s-siġill (13), billi dawn għandhom jinżammu sabiex ikun żgurat il-ħżin.

4.14

Għall-approvazzjoni soċjali u politika ta' dan il-proċess, il-kwistjoni ta' ħżin tas-CO2 li jkun sikur u fit-tul hija ta' sinifikat determinanti.

4.15

Il-Kumitat għalhekk iħoss li huwa importanti ħafna li l-pubbliku jiġi infurmat bis-sħiħ mill-Kummissjoni, u b'mod partikulari, mill-Istati Membri u mill-operaturi potenzjali, dwar l-aspetti kollha ta' din it-teknoloġija ġdida, u li jkunu involuti permezz ta' djalogu trasparenti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet assoċjati ma' dan il-qasam. Għal dan il-għan għandhom jiġu żviluppati proċeduri xierqa.

4.16

Fl-aħħar ta' din is-sezzjoni, il-Kumitat jixtieq isejjaħ għal miżura preventiva oħra. Din hija relatata mal-possibbiltà li jaf jerġa' jkun hemm bżonn tas-CO2 fil-futur jew f'applikazzjonijiet li għadhom mhumiex previsti bħala sustanza kimika bażika jew bħala varjant f'ċikli klimatiċi “naturali” fil-perijodu fit-tul (14). Bħala miżura ta' prevenzjoni addizzjonali, sabiex tiġi żgurata s-sostenibilità fit-tul, il-KESE jirrakkomanda li waqt li l-ħżin tas-CO2 għandu jkompli, għandha tiġi wkoll ikkunsidrata l-possibilità ta' emissjoni (mill-inqas parzjali) mill-ġdid tas-CO2 fil-qafas tal-pjanijiet għall-għeluq ta' sit partikulari, jew li tkun meħtieġa dokumentazzjoni dwar l-għażliet potenzjali għal emissjoni mill-ġdid minn kumplessi tal-ħżin partikulari. Naturalment, il-prijorità għandha tkun li s-siti tal-ħżin ikunu kemm jista' jkun sikuri u li ma jkunx hemm riskju ta' tnixxija.

4.17

B'mod ġenerali, il-KESE jilqa' d-Direttiva proposta mill-Kummissjoni u fit-taqsima li ġejja jispjega l-fehmiet tiegħu dwar numru ta' punti individwali mħaddna fil-proposta.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-proposta fiha d-dispożizzjonijiet fundamentali li huma neċessarji sabiex l-operaturi ta' l-impjanti tas-CCS ikollhom il-qafas legali meħtieġ, għalkemm f'numru żgħir ta' każijiet imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ.

5.2

Madankollu xi punti jeħtieġu kjarifika sabiex id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu implimentati u sabiex ikun hemm ċertezza legali.

5.3

Skond il-proposta tal-Kummissjoni, is-CO2 separat u maħżun għandu jiġi kklasifikat bħala “mhux emess” taħt l-iskema għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet (Emissions Trading Scheme jew ETS); konsegwentement, l-ebda kwoti tas-CO2 m'għandhom jiġu mogħtija lura f'dan il-każ (ara l-premessa 23 li tirreferi għad-Direttiva 2003/87/KE). Minn dan jirriżulta li anke jekk għadu mhux adegwat fil-fażi ta' demostrazzjoni, hemm inċentiv utli bbażat fuq is-suq għall-investimenti f'impjanti tas-CCS.

5.3.1

Għalhekk il-KESE jilqa' l-inklużjoni proposta ta' dawn il-miżuri fl-ETS; għax inċentiv ibbażat fuq is-suq ikun preferut minn CCS obbligatorji, partikolarment fil-fażi ta' żvilupp attwali tat-teknoloġija tas-CCS fejn tali obbligu tas-CCS ikun prematur.

5.3.2

Madankollu, huwa tajjeb li impjanti ta' l-enerġija ġodda jkunu obbligati jipprovdu l-ispazju meħtieġ għall-impjanti tal-qbid u l-kompressjoni tas-CO2 (l-Artikolu 32, emenda ta' l-Artikolu 9a fid-Direttiva 2001/80/KE). Iżda dawn il-miżuri bażiċi li jżidu l-ispejjeż għandhom ikunu konnessi ma' inċentivi korrispondenti tas-suq ekonomiku (15). (eż. Kwoti tas-CO2 vantaġġjużi jew l-użu ta' parti mid-dħul mis-sistema ta' l-ETS għas-CCS).

5.4

Sabiex jiġi evitat li l-possibiltajiet ta' ħżin ikunu limitati bla bżonn, il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(3) tal-proposta tal-Kummissjoni m'għandhiex tikkonċerna “il-ħżin tas-CO2 f'formazzjonijiet ġeoloġiċi”, iżda “s-sit tal-ħżin”. Formazzjonijet ġeoloġiċi skond id-definizzjoni fl-Artikolu 3(4) jistgħu jestendu faċilment għal żoni definiti fl-Artikolu 2(1), filwaqt li d-dimensjoni ta' siti ta' ħżin fil-konfront ta' dawn hija iżgħar. Tista' tiġi inkluża klawsola li tipprovdi għal għażliet addizzjonali ta' ħżin permezz ta' ftehimiet kuntrattwali affidabbli ma' pajjiżi barra mill-UE.

5.5

Id-definizzjoni “sit tal-ħżin” skond l-Artikolu 3(3), għandha tirreferi biss għal dik il-parti tal-“formazzjoni ġeoloġika speċjali” li “tintuża għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2”. (Formazzjoni ġeoloġika tista' tkopri miljuni ta' kilometri kwadri, u għalhekk parti minnha biss tista' tiġi identifikata bħala sit tal-ħżin). Huwa possibbli, saħansitra probabbli, li bosta siti tal-ħżin ikunu jinsabu f'formazzjoni ġeoloġika speċifika.

5.6

Skond l-Artikolu 4(1) tal-proposta, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jallokaw siti tal-ħżin adattati. Hawn għandu jiġi stipulat b'mod ċar li s-siti li fil-prinċipju huma adattati għall-ħżin tas-CO2 għandhom jiġu allokati mill-Istati Membri, sakemm ma jkunx hemm xi raġunijiet gravi li jopponu dan.

5.7

Il-KESE jilqa' l-fatt li fid-dispożizzjonijiet proposti tkun mitluba sigurtà massima. Dan huwa essenzjali kemm għall-protezzjoni tal-bniedem, l-ambjent u l-klima (16), kif ukoll sabiex tkun żgurata l-integrità ta' l-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet.

5.7.1

L-għan għandu jintlaħaq permezz ta' sistema avvanzata ta' monitoraġġ. Dan ir-rekwiżit għan