ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 254E

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
7 ta' Ottubru 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

KUNSILL

2008/C 254E/01

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 21/2008 adotta mill-Kunsill fid-19 ta' Mejju 2008 bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li jadotta d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi ( 1 )

1

2008/C 254E/02

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 22/2008 adotta mill-Kunsill fit-23 ta' Ġunju 2008 bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li jadotta d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti ta' l-ajruporti ( 1 )

18

2008/C 254E/03

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 23/2008 adotta mill-Kunsill fil-15 ta' Settembru 2008 bi qbil mal-proċedura msemmija f' Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li jadotta d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol

26

2008/C 254E/04

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 24/2008 adotta mill-Kunsill fil-15 ta' Settembru 2008 bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li jadotta d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija

36

 

2008/C 254E/05

Nota lill-qarrej(Ara paġna 3 tal-qoxra)

s3

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


III Atti preparatorji

KUNSILL

7.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 254/1


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 21/2008

adottata mill-Kunsill fid-19 ta' Mejju 2008

bil-għan li jadotta ir-Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-… li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 254 E/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Skond Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (4), din id-Direttiva tistabbilixxi qafas legali komuni biex jintlaħaq użu sostenibbli tal-pestiċidi.

(2)

Attwalment, din id-Direttiva għandha tapplika għal pestiċidi li huma prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Madankollu, huwa antiċipat li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jiġi estiż sabiex tkopri prodotti bijoċidali.

(3)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva għandhom jikkomplementaw miżuri stipulati f'leġislazzjoni Komunitarja oħra relatata, mingħajr ma jaffettwawhom, partikolarment id-Direttiva tal-Kunsill Nru 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi (5), Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (6), id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (7), ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali (8) u Regolament tal-Kunsill (KE) Nru …/… ta' … dwar it-tqegħid fis-suq ta'prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (9). Dawn il-miżuri għandhom ukoll ma jippreġudikawx miżuri volontarji fil-kuntest ta' Regolament għal Fondi Strutturali jew skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (10).

(4)

Il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali mfassla sabiex jiffissaw miri, miżuri u skedi ta' żmien biex inaqqsu r-riskji u l-impatti ta' l-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent u biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara u ta' approċċi jew tekniki alternattivi sabiex inaqqsu d-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi, għandhom jintużaw mill-Istati Membri sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali jistgħu jiġu kkoordinati ma' pjanijiet ta' implimentazzjoni taħt leġislazzjoni Komunitarja oħra rilevanti u jistgħu jintużaw biex jingħaqdu flimkien l-objettivi li għandhom jintlaħqu skond leġislazzjoni Komunitarja oħra relatata mal-pestiċidi.

(5)

L-iskambju ta' informazzjoni dwar l-objettivi u l-azzjonijiet li l-Istati Membri jistipulaw fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom huwa element ferm importanti biex jinkisbu l-objettivi ta' din id-Direttiva. Għaldaqstant, jixraq li l-Istati Membri jintalbu jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, partikolarment dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom u dwar l-esperjenzi tagħhom.

(6)

Għat-tħejjija u l-modifika ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali, jixraq li tiġi prevista l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta' ċerti pjani u programmi li għandhom x'jaqsmu ma' l-ambjent (11).

(7)

Huwa essenzjali li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta' taħriġ kemm inizjali kif ukoll addizzjonali għad-distributuri, il-konsulenti u l-utenti professjonali tal-pestiċidi u sistemi ta' ċertifikazzjoni biex dan jiġi rreġistrat sabiex permezz tagħhom, dawk li jużaw il-pestiċidi, jew li biħsiebhom jużawhom, ikunu konxji bis-sħiħ mir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent u dwar il-miżuri adegwati biex dawn ir-riskji jitnaqqsu kemm jista' jkun. L-attivitajiet ta' taħriġ għall-utenti professjonali jistgħu jiġu kkoordinati ma' dawk organizzati fil-qafas tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005.

(8)

Il-bejgħ tal-pestiċidi, inkluż il-bejgħ bl-Internet, huwa element importanti fil-katina ta' distribuzzjoni, fejn għandu jingħata parir speċifiku dwar l-istruzzjonijiet tas-sigurtà għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent lill-utent aħħari fil-mument tal-bejgħ, partikolament lill-utenti professjonali. Għall-utenti mhux professjonali li ġeneralment m'għandhomx l-istess edukazzjoni u taħriġ, għandhom jingħataw rakkomandazzjonijiet, partikolament dwar l-immaniġġjar sigur u l-ħażna tal-pestiċidi kif ukoll dwar ir-rimi ta' l-imballaġġ.

(9)

Fid-dawl tar-riskji possibbli mill-użu tal-pestiċidi, il-pubbliku ġenerali għandu jkun infurmat aħjar dwar l-impatti globali ta' l-użu tal-pestiċidi permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, informazzjoni mgħoddija permezz ta' bejjiegħa bl-imnut u miżuri xierqa oħra.

(10)

Safejn l-immaniġġjar u l-applikazzjoni tal-pestiċidi jirrikjedu l-istipular ta' rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, li jkopru r-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni tal-ħaddiema għal prodotti bħal dawn, kif ukoll ta' miżuri preventivi ġenerali u speċifiċi biex dawk ir-riskji jitnaqqsu, dawk il-miżuri huma koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (12) u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma' l-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (13).

(11)

Peress li d-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju (14) se tipprovdi regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta' tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jiżguraw li r-rekwiżiti ambjentali jiġu sodisfatti, sabiex jiġi minimizzati l-impatti negattivi tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ikkawżat minn tagħmir bħal dan, jixraq li jiġu pprovduti sistemi għal spezzjonijiet tekniċi regolari tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li diġà qed jintuża. L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu kif huma ser jiżguraw l-implimentazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom

(12)

Il-bexx mill-ajru tal-pestiċidi għandu l-potenzjal li jikkawża impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, partikolarment mit-traxxix tal-bexx. Għalhekk, il-bexx mill-ajru għandu jiġi pprojbit b'mod ġenerali bil-possibbiltà ta' derogi fejn ikun joffri vantaġġi ċari f'termini ta' impatti mnaqqsa fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent meta mqabbel ma' metodi oħra ta' bexx, jew fejn ma jkun hemm l-ebda alternattiva vijabbli.

(13)

L-ambjent akkwatiku huwa partikolarment sensittiv għall-pestiċidi. Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex ikun evitat it-tniġġiż ta' l-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art billi jittieħdu miżuri xierqa bħall-istabbiliment ta' żoni ta' separazzjoni u ta' salvagwardja jew it-tħawwil ta' sisien tal-ħaxix ma' ġenb l-ilmijiet tal-wiċċ biex jitnaqqas l-espożizzjoni ta' ilmijiet għat-traxxix tal-bexx, il-flussi ta' katusi u t-tnixxijat. Id-dimensjonijiet taż-żoni ta' separazzjoni għandhom jiddependu partikolarment fuq il-karatteristiċi tal-ħamrija, il-proprjetajiet tal-pestiċidi, kif ukoll fuq karatteristiċi agrikoli taż-żoni kkonċernati. L-użu tal-pestiċidi f'żoni fejn jittella' l-ilma għax-xorb, fuq rotot għat-trasport jew matulhom, bħal linji tal-ferrovija jew fuq uċuħ issiġillati jew permeabbli ħafna jista' jwassal għal riskji ogħla ta' tniġġiż ta' l-ambjent akkwatiku. Għaldaqstant, f'żoni bħal dawn, l-użu tal-pestiċidi għandu jitnaqqas kemm jista' jkun, jew jiġi eliminat, jekk ikun il-każ.

(14)

L-użu tal-pestiċidi jista' jkun partikolarment perikoluż f'żoni sensittivi ħafna, bħal siti tan-Natura 2000 li huma protetti skond id-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE. F'postijiet oħrajn bħal parkijiet pubbliċi u grawnds ta' l-isport jew fejn jilagħbu t-tfal, ir-riskji mill-espożizzjoni tal-pubbliku ġenerali għall-pestiċidi huma għolja. L-użu tal-pestiċidi f'dawk iż-żoni għandu, għaldaqstant, ikun ipprojbit, ristrett jew ir-riskji minn tali użu għandhom jiġu minimizzati.

(15)

L-immanniġġjar tal-pestiċidi, inklużi l-ħażna, id-dilwizzjoni u t-taħlit tal-pestiċidi u t-tindif tat-tagħmir għall-applikazzjoni ta' pestiċidi wara l-użu, u l-irkupru u r-rimi tat-taħlita li tibqa' fit-tank, l-imballaġġ vojt u l-fdalijiet tal-pestiċidi għandhom tendenza partikolari li jikkawżaw espożizzjoni mhux mixtieqa tal-bnedmin u l-ambjent. Għaldaqstant, jixraq li jiġu provduti miżuri speċifiċi li jindirizzaw dawn l-attivitajiet bħala komplement għall-miżuri previsti fid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar l-iskart (15), u fid-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 fuq skart perikoluż (16). Il-miżuri għandhom jinkludu wkoll l-utenti mhux professjonali, peress li l-użu inadegwat iseħħ x'aktarx f'dan il-grupp ta' utenti minħabba n-nuqqas ta' għarfien tagħhom.

(16)

L-applikazzjoni ta' prinċipji ġenerali u linji gwida speċifiċi għal uċuħ tar-raba u għas-settur dwar il-Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara mill-bdiewa kollha għandha tirriżulta f'użu mmirat aħjar tal-miżuri kollha disponibbli għall-kontroll ta' l-organiżmi ta' ħsara, inklużi l-pestiċidi. Għaldaqstant, tikkontribwixxi għal iktar tnaqqis tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u tad-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi. L-Istati Membri għandhom jippromwovu ġestjoni ta' organiżmi ta' ħsara b'użu mill-inqas tal-pestiċidi, partikolarment Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara u jistabbilixxu l-kondizzjonijiet u l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha.

(17)

Billi, abbażi tar-Regolament (KE) Nru …/… u ta' din id-Direttiva Qafas, l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara hija obbligatorja u billi l-prinċipju ta' sussidjarjetà japplika għall-mod li bih il-prinċipji għall-Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara jiġu implimentati, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu kif huma jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara fil-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom.

(18)

Jeħtieġ li jitkejjel il-progress miksub fit-tnaqqis tar-riskji u l-impatti negattivi mill-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Il-mezzi xierqa huma indikaturi tar-riskju armonizzati li ser jiġu stabbiliti fil-livell Komunitarju. L-Istati Membri għandhom jużaw dawn l-indikaturi għall-ġestjoni tar-riskju fil-livell nazzjonali u għal finijiet ta' rappurtar, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tikkalkula l-indikaturi biex tevalwa l-progress fil-livell Komunitarju. Għandha tintuża d-data statistika miġbura skond ir-Regolament (KE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar l-istatistiċi ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (9). Minbarra l-indikaturi komuni armonizzati, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jużaw l-indikaturi nazzjonali tagħhom.

(19)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali addottati skond din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(20)

Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mir-riskji possibbli marbuta ma' l-użu tal-pestiċidi, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u għalhekk jista'jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-objettiv.

(21)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, għandha l-għan li tippromwovi l-integrazzjoni ta' livell għoli ta' protezzjoni ambjentali fil-linji politiki tal-Komunità, f'konformità mal-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(22)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għal eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (17).

(23)

B'mod partikolari il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tistabbilixxi u taġġorna l-Annessi għal din id-Direttiva. Peress li dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Diettiva, inter alia billi jissupplimentawha b'elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(24)

Skond il-punt 34 tal-Ftehim interistituzzjonali dwar leġislazzjoni aħjar (18), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li juru, sa fejn ikun possibbli, l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-kisba ta' użu sostenibbli tal-pestiċidi billi jitnaqqsu r-riskji u l-impatti ta' l-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u jiġi promoss l-użu ta' Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara u ta' approċċi jew tekniċi alternattivi.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pestiċidi li huma prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif definiti f'punt 9(a) ta' l-Artikolu 3.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe leġislazzjoni Komunitarja rilevanti oħra.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“utent professjonali” tfisser kwalunkwe persuna li tuża pestiċidi matul l-attivitajiet professjonali tagħha, inklużi operaturi, tekniċi, min iħaddem u nies li jaħdmu għal rashom, kemm fil-biedja kif ukoll f'setturi oħrajn;

2)

“distributur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel pestiċida disponibbli fis-suq, inklużi bejjiegħa bl-ingrossa, bejjiegħa bl-imnut, bejjiegħa u fornituri;

3)

“konsulent” tfisser kwalunkwe persuna li tagħti pariri dwar il-ġestjoni ta' l-organiżmi ta' ħsara u l-użu sigur tal-pestiċidi, fil-kuntest ta' kapaċità professjonali jew servizz kummerċjali, inklużi servizzi ta' konsulenza privati minn min jaħdem għal rasu u servizzi ta' konsulenza pubbliċi, aġenti kummerċjali, produtturi ta' l-ikel u bejjiegħa bl-imnut fejn applikabbli;

(4)

“tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi” tfisser apparati maħsuba b'mod speċifiku għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, inklużi aċċessorji li huma essenzjali għat-tħaddim effettiv ta' tali tagħmir, bħal żnienen, manometri, filtri, passaturi u apparat għat-tindif tat-tankijiet;

5)

“bexx mill-ajru” tfisser applikazzjoni ta' pestiċidi minn inġenju ta' l-ajru (ajruplan jew ħelikopter);

6)

“ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara” tfisser konsiderazzjoni attenta tal-metodi kollha disponibbli għall-protezzjoni tal-pjanti u l-integrazzjoni sussegwenti ta' miżuri xierqa li jiskoraġġixxu l-iżvilupp tal-popolazzjonijiet ta' organiżmi ta' ħsara u li jżommu l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u forom oħra ta' intervent f'livelli li huma ġustifikati ekonomikament u ekoloġikament u li jnaqqsu jew jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Il-Ġestjoni Integrata ta' l-Organiżmi ta' Ħsara tenfasizza t-tkabbir ta' uċuħ tar-raba' b'saħħithom bl-inqas xkiel possibbli għall-agro-ekosistemi u tinkoraġġixxi mekkaniżmi naturali ta' kontroll ta' l-organiżmi ta' ħsara;

7)

“indikatur tar-riskju” tfisser ir-riżultat ta' metodu ta' kalkolu li jintuża għall-evalwazzjoni tar-riskji tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent;

8)

it-termini “ilma tal-wiċċ” u “ilma ta' taħt l-art” għandhom l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 2000/60/KE;

9)

“pestiċida” tfisser:

a)

prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kif definit fir-Regolament (KE) Nru …/…;

b)

prodott bijoċidali kif definit fid-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (19).

Artikolu 4

Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali biex jiffissaw miri, miżuri u skedi ta' żmien biex inaqqsu r-riskji u l-impatti ta' l-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent u biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara u ta' approċċi jew tekniki alternattivi sabiex inaqqsu d-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi.

Meta jfasslu u jirrevedu l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont kif jixraq ta' l-impatti soċjali, ekonomiċi, ambjentali u tas-saħħa tal-miżuri previsti. L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu, fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom, kif huma ser jimplimentaw il-miżuri skondl-Artikoli 5 sa 14 sabiex jiksbu l-objettivi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

2.   Sa … (20) l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn.

Il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għandhom jiġu riveduti ta' l-inqas kull ħames snin u kwalunkwe bidla sostanzjali fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għandha tiġi rrappurtata lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

3.   Fejn rilevanti, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni kkomunikata skond il-paragrafu 2 disponibbli fuq l-Internet.

4.   Id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni pubblika stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/35/KE għandhom japplikaw għat-tħejjija u l-modifika tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali

KAPITOLU II

Taħriġ, Bejgħ ta' pestiċidi, Informazzjoni u Sensibilizzazzjoni

Artikolu 5

Taħriġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti professjonali, id-distributuri u l-konsulenti kollha jkollhom aċċess għal taħriġ xieraq. Dan għandu jikkonsisti kemm minn taħriġ inizjali kif ukoll minn taħriġ addizzjonali biex jinkiseb l-għarfien u jiġi aġġornat kif xieraq.

It-taħriġ għandu jkun imfassal biex jiżgura li tali utenti, distributuri u konsulenti jiksbu għarfien suffiċjenti dwar is-suġġetti elenkati fl-Anness I, b'kont meħud tar-rwolijiet u r-responsabbiltajiet differenti tagħhom.

2.   Sa … (21) l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta' ċertifikazzjoni u jindikaw l-Awtoritajiet Kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawn iċ-ċertifikati għandhom, bħala minimu, jipprovdu evidenza ta' għarfien suffiċjenti tas-suġġetti elenkati fl-Anness I miksub minn utenti professjonali, distributuri u konsulenti jew permezz ta' taħriġ jew permezz ta' mezzi oħrajn.

Is-sistemi ta' ċertifikazzjoni għandhom jinkludu rekwiżiti u proċeduri għall-għoti, iż-żamma u l-irtirar ta' ċertifikati.

3.   Miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva relatati ma' l-emendar ta' l-Anness I sabiex jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu addottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 6

Ħtiġiet għall-bejgħ tal-pestiċidi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas dawk id-distributuri li jbigħu l-pestiċidi lil utenti professjonali, għandhom biżżejjed persunal fl-impjieg tagħhom li jkollhom iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 5(2). Tali persuni għandhom ikunu disponibbli f'ħin il-bejgħ biex jipprovdu informazzjoni adegwata lill-klijenti rigward l-użu tal-pestiċidi u l-istruzzjonijiet għas-sigurtà tas-saħħa tal-bnieden u l-ambjent.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrestrinġu l-bejgħ ta' pestiċidi awtorizzati għal użu professjonali għall-persuni li jkollhom iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 5(2).

3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-distributuri li jbigħu l-pestiċidi lil utenti mhux professjonali, jipprovdu informazzjoni ġenerali rigward ir-riskji ta' l-użu tal-pestiċidi, b'mod partikolari dwar il-perikli, l-espożizzjoni, il-ħżin tajjeb, l-immaniġġjar, l-applikazzjoni u r-rimi sikur skond il-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-iskart, kif ukoll rigward alternattivi b'riskju baxx. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-produtturi tal-pestiċidi jipprovdu informazzjoni bħal din.

4.   Il-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu stabbiliti sa … (22).

Artikolu 7

Informazzjoni u sensibilizzazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali u biex jippromwovu u jiffaċilitaw is-sensibilizzazzjoni u d-disponibbiltà ta' informazzjoni preċiża u bilanċjata relatata mal-pestiċidi għall-pubbliku ġenerali, b'mod partikolari rigward ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem, l-organiżmu mhux fil-mira u l-ambjent u l-użu ta' alternattivi mhux kimiċi.

KAPITOLU III

Tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi

Artikolu 8

Spezzjoni tat-tagħmir li qed jintuża

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi f'użu professjonali għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet f'intervalli regolari. L-intervall bejn l-ispezzjonijiet m'għandux jaqbeż ħames snin sa l-2020 u m'għandux jaqbeż tliet snin wara dan.

2.   Sa … (23) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħmir ta' applikazzjoni ta' pestiċidi jkun ġie spezzjonat mill-inqas darba. Wara din id-data, it-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jgħaddi mill-ispezzjoni b'suċċess biss għandu jintuża b'mod professjonali.

It-tagħmir il-ġdid għandu jiġi spezzjonat mill-inqas darba f'perijodu ta' 5 snin wara li jkun inxtara.

3.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2 u, wara valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, inkluża valutazzjoni tar-rata ta' użu tat-tagħmir, l-Istati Membri jistgħu:

a)

japplikaw skedi ta' żmien u intervalli ta' spezzjoni differenti għat-tagħmir ta' applikazzjoni tal-pestiċidi li ma jintużax għall-bexx tal-pestiċidi, għal tagħmir ta' applikazzjoni tal-pestiċidi li jinżamm fl-idejn jew apparat għall-bexx li jiddendel fuq id-dahar u għal tagħmir ta' applikazzjoni ta' pestiċidi addizzjonali, li għandu jiġi elenkat fil-pjan ta' azzjoni nazzjonali previst fl-Artikolu 4, li jirrappreżenta rata ta' użu baxxa ħafna;

It-tagħmir ta' applikazzjoni ta' pestiċidi addizzjonali li ġejjin qatt ma jistgħu jiġu kkunsidrati li jirrappreżentaw rata ta' użu baxxa ħafna:

i)

apparat tal-bexx li jiddendel ma' ferrovija jew ajruplan;

ii)

driegħ tal-bexxiex akbar minn 3m, inkużi dawk armati fuq tagħmir użat ghat-taħwil;

b)

jeżentaw mill-ispezzjoni tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jinżamm fl-idejn jew apparat għall-bexx li jiddendel fuq id-dahar.

4.   L-ispezzjonijiet għandhom jivverifikaw li t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti elenkati fl-Anness II, biex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Għandu jkun preżunt li t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jikkonformaw ma' l-istandards armonizzati żviluppati skond l-Artikolu 18(1) jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali għas-saħħa u s-sigurta' u għall-ambjent.

5.   L-utenti professjonali għandhom iwettqu kalibrazzjonijiet u kontrolli tekniċi regolari tat-tagħmir ta' applikazzjoni ta' pestiċidi skond it-taħriġ adegwat rċevut kif previst fl-Artikolu 5.

6.   L-Istati Membri għandhom jaħtru korpi responsabbli għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta' spezzjoni u jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistemi ta' ċertifikazzjoni mfasslin biex jippermettu l-verifika ta' l-ispezzjonijiet u jirrikonoxxu ċ-ċertifikati mogħtija fi Stati Membri oħra skond ir-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 4 u fejn il-perijodu ta' żmien mill-aħħar spezzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor jkun indaqs jew iqsar mill-perjodu ta' żmien ta' spezzjoni applikabbli fit-territorju tiegħu stess.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jirrikonoxxu ċ-ċertifikati maħruġa fi Stati Membri oħra dment li jkun hemm konformità ma' l-intervalli ta' spezzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

7.   Miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva relatati ma' l-emendar ta' l-Anness II sabiex jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu addottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(2).

KAPITOLU IV

Prattiki u Użijiet Speċifiċi

Artikolu 9

Bexx mill-ajru

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bexx mill-ajru jkun projbit.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1 il-bexx mill-ajru jista' jkun permess biss f'każijiet speċjali kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

m'għandux ikun hemm alternattivi vijabbli oħrajn, jew għandu jkun hemm vantaġġi ċari f'termini ta' impatti mnaqqsa fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent meta mqabbel ma' l-applikazzjoni tal-pestiċidi mill-art;

b)

il-pestiċidi użati għandhom ikunu approvati espliċitament għall-bexx mill-ajru mill-Istat Membru wara valutazzjoni speċifika li tindirizza r-riskji tal-bexx mill-ajru;

c)

l-operatur li jbexxex mill-ajru għandu jkollu ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 5(2). Matul il-perijodu transitorju fejn is-sistemi ta' ċertifikazzjoni ma jkunux għadhom stabbiliti, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw evidenza oħra ta' kompetenza;

d)

l-intrapriża responsabbli għall-forniment ta' applikazzjonijiet għall-bexx mill-ajru għandha tkun iċċertifikata minn awtorità kompetenti li tawtorizza tagħmir u inġenji ta' l-ajru għal applikazzjoni tal-pestiċidi mill-ajru;

3.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti għall-istabbiliment tal-kondizzjonijiet speċifiċi li bihom jista' jitwettaq il-bexx mill-ajru u għandhom jirrendu pubblika l-informazzjoni dwar l-uċuħ tar-raba', iż-żoni, iċ-ċirkostanzi u r-rekwiżiti partikolari għall-applikazzjoni inklużi l-kondizzjonijiet tat-temp meta jista' jkun permess il-bexx mill-ajru.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jispeċifikaw il-miżuri meħtieġa għat-twissija lir-residenti u l-persuni fil-qrib u għall-protezzjoni ta' l-ambjent fil-viċinanza taż-żona mbexxa.

4.   Utent professjonali li jixtieq japplika pestiċidi permezz ta' bexx mill-ajru għandu jippreżenta talba fi żmien debitu lill-awtorità kompetenti biex japplika pestiċidi permezz ta' bexx mill-ajru flimkien ma' evidenza li turi li l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 u 3 huma sodisfatti. L-Istati Membri jistgħu jipprevedi li talbiet li għalihom ma ġiet irċevuta ebda tweġiba dwar id-deċiżjoni li ttieħdet, fil-perijodu ta' żmien stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jitqiesu bħala approvati.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 huma sodisfatti billi jwettqu monitoraġġ xieraq.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu reġistru tat-talbiet ippreżentati taħt il-paragrafu 4

Artikolu 10

Miżuri speċifiċi għall-protezzjoni ta' l-ambjent akkwatiku u l-ilma tax-xorb

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu adottati miżuri xierqa għall-protezzjoni ta' l-ambjent akkwatiku u l-provvisti ta' l-ilma tax-xorb mill-impatt tal-pestiċidi. Dawn il-miżuri għandhom jappoġġaw u jkunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2000/60/KE u tar-Regolament (KE) Nru …/… .

2   Il-miżuri previsti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

a)

li tingħata preferenza lil pestiċidi li mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi għall-ambjent akwatiku skond id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (24) u li ma fihomx sustanzi perikolużi ta' prijorità kif imniżżel fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/60/KE;

b)

li tingħata prefenza lit-tekniki ta' applikazzjoni l-aktar effiċjenti, bħall-użu ta' tagħmir għall-applikazzjoni ta' pestiċidi b'tifrix minimu (low-drift) speċjalment fuq prodotti vertikali bħall-ħops u dawk li jinstabu f'ġonna tas-siġar tal-frott u fil-vinji;

c)

Użu ta' miżuri ta' mitigazzjoni li jimminimizzaw ir-riskju ta' tniġġiż lil hinn mis-sit ikkawżat mit-traxxix tal-bexx, il-flussi ta' katusi u t-tnixxijat. Dawn għandhom jinkludu, meta meħtieġ, l-istabbiliment ta' żoni ta' separazzjoni ta' daqs xieraq għall-protezzjoni ta' organiżmi akwatiċi mhux fil-mira u ż-żoni ta' salvagwardja għall-ilmijiet tal-wiċċ u ta' taħt l-art użati għall-astrazzjoni ta' ilma tax-xorb, fejn il-pestiċidi m'għandhomx jintużaw jew jinħażnu;

d)

it-tnaqqis kemm jista' jkun jew l-eliminazzjoni jekk ikun xieraq, ta' applikazzjonijiet fuq jew tul toroq, linji tal-ferrovija, uċuħ permeabbli ħafna jew infrastruttura oħra qrib l-ilma tal-wiċċ jew l-ilma ta' taħt l-art, jew fuq uċuħ issiġillati b'riskju għoli ta' tnixxijat ġo sistemi ta' l-ilma tal-wiċċ jew tad-dranaġġ.

Artikolu 11

Tnaqqis ta' l-użu jew ir-riskji tal-pestiċidi f'żoni speċifiċi

L-Istati Membri għandhom, b'kont debitu meħud tar-rekwiżiti ta' iġjene u saħħa pubblika u l-bijodiversità meħtieġa, jew ir-riżultati ta' valutazzjonijiet ta' riskju rilevanti, jiżguraw li l-użu tal-pestiċidi jkun ipprojbit, ristrett jew ir-riskji li jirriżultaw minn tali użu jkunu minimizzati, fi:

1)

żoni użati mill-pubbliku ġenerali jew minn popolazzjonijiet vulnerabbli, bħal parkijiet, ġonna pubbliċi, grawnds ta' l-isports, artijiet u btieħi ta' l-iskejjel;

2)

żoni protetti kif definiti fid-Direttiva 2000/60/KE jew żoni oħrajn identifikati għall-finijiet ta' l-istabbiliment tal-miżuri ta' konservazzjoni meħtieġa skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE;

3)

żoni ttrattati reċentement użati jew aċċessibbli għall-ħaddiema agrikoli.

Artikolu 12

Maniġġjar u ħżin tal-pestiċidi u trattament ta' l-imballaġġi u l-fdalijiet tagħhom

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-operazzjonijiet li ġejjin minn utenti professjonali u fejn applikabbli minn distributuri ma jipperikolawx is-saħħa tal-bnedmin jew l-ambjent:

a)

il-ħżin, l-immaniġġjar, id-dilwizzjoni u t-taħlit tal-pestiċidi qabel l-applikazzjoni;

b)

l-immaniġġjar ta' l-imballaġġ u l-fdalijiet tal-pestiċidi;

c)

ir-rimi tat-taħlitiet tat-tankijiet li jifdal wara l-applikazzjoni;

d)

it-tindif tat-tagħmir użat wara l-applikazzjoni;

e)

l-irkupru jew ir-rimi tal-fdalijiet tal-pestiċidi u l-imballaġġi tagħhom skond il-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-iskart.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fir-rigward tal-pestiċidi awtorizzati għal utenti mhux professjonali biex jevitaw operazzjonijiet ta' maniġġjar perikolużi. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta' pestiċidi ta' tossiċità baxxa, formulazzjonijiet imħejjijin minn qabel għall-użu u limiti fuq id-daqsijiet ta' kontenituri jew imballaġġi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żoni ta' ħżin għall-pestiċidi għal użu professjonali għandhom jiġu mibnija b'tali mod li jimpedixxu rilaxxi mhux mixtieqa. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-post, id-daqs u l-materjal ta' kostruzzjoni.

Artikolu 13

Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu l-ġestjoni ta' organiżmi ta' ħsara b'użu baxx ta' pestiċidi, filwaqt li tingħata prijorità, kull fejn hu possibbli, lil metodi mhux kimiċi u f'kull każ ieħor lil prodotti u prattiki bl-aktar riskju baxx għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fost dawk disponibbli għall-istess problema ta' organiżmi ta' ħsara. Ġestjoni ta' organiżmi ta' ħsara b'użu baxx ta' pestiċidi tinkludi Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara kif ukoll biedja organika skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi (25).

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jappoġġaw l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara. B'mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li l-utenti professjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni u għodod għall-monitoraġġ ta' organiżmi ta' ħsara u għat-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll servizzi ta' konsulenza dwar ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara.

3.   Sat-30 ta' Ġunju 2013, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 u, partikolarment, jekk il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara jkunux attwati.

4.   L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fil-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom imsemmi fl-Artikolu 4 kif huma ser jiżguraw li l-prinċipji ġenerali ta' Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara kif imniżżel fl-Anness III qed jiġu implimentati mill-utenti tal-pestiċidi professjonali kollha sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2014.

Miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva relatati ma' l-emendar ta' l-Anness III sabiex jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu addottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(2).

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu inċentivi xierqa biex iħeġġu lill-utenti professjonali jimplimentaw linji gwida speċifiċi għall-uċuħ tar-raba' jew is-settur għall-ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara fuq bażi volontarja. L-awtoritajiet pubbliċi u/jew l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw utenti professjonali partikolari jistgħu jfasslu linji gwida bħal dawn. L-Istati Membri għandhom jirreferu għal dawk il-linji gwida li huma jikkunsidraw rilevanti u xierqa fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom imfassla skond l-Artikolu 4.

KAPITOLU V

Indikaturi, Rappurtar u Skambju ta' Informazzjoni

Artikolu 14

Indikaturi

1.   Għandhom jiġu stabbiliti indikaturi tar-riskju armonizzati kif imsemmi fl-Anness IV. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw l-indikaturi nazzjonali eżistenti jew jadottaw indikaturi xierqa oħrajn flimkien ma' dawk armonizzati.

Miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva relatati ma' l-emendar ta' l-Anness IV sabiex jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu addottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(2).

2.   L-Istati Membri għandhom

a)

jikkalkolaw l-indikaturi tar-riskju armonizzati kif imsemmi fil-paragrafu 1 bl-użu ta' data statistika miġbura skond ir-Regolament (KE) Nru …/… flimkien ma' data rilevanti oħra;

b)

jidentifikaw tendenzi fl-użu ta' ċerti sustanzi attivi;

c)

jidentifikaw oġġetti ta' prijorità, bħal sustanzi attivi, uċuħ tar-raba', reġjuni jew prattiki, li jeħtieġu attenzjoni partikolari jew prattiki tajbin li jistgħu jintużaw bħala eżempji sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' din id-Direttiva li jitnaqqsu r-riskji u l-impatti ta' l-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u biex jiġu inkoraġġiti l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara u ta' approċċi jew tekniki alternattivi sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ir-riżultati ta' l-evalwazzjonijiet imwettqa skond il-paragrafu 2 lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-indikaturi tar-riskju fil-livell Komunitarju billi tuża data statistika miġbura skond ir-Regolament (KE) Nru …/… u data rilevanti oħra, sabiex tagħmel stima tax-xejriet fir-riskji mill-użu tal-pestiċidi

Il-Kummissjoni għandha wkoll tuża din id-data u l-informazzjoni biex tivvaluta l-progress fil-kisba ta' l-objettivi ta' linji politiċi Komunitarji oħrajn immirati biex inaqqsu l-impatt tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

Artikolu 15

Rappurtar

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, akkumpanjat fejn xieraq minn proposti għal emendi.

KAPITOLU VI

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 16

Penalitajiet

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penalitajiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penalitajiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa … (20) u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti.

Artikolu 17

Ħlasijiet u Imposti

1.   L-Istati Membri jistgħu jirkupraw l-ispejjeż assoċjati ma' kwalunkwe ħidma li tirriżulta mill-obbligi taħt din id-Direttiva permezz ta' ħlas jew imposta.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħlas jew l-imposta msemmija fil-paragrafu 1 hija stabbilita b'mod trasparenti u tikkorrespondi għall-ispiża attwali tal-ħidma involuta.

Artikolu 18

Standardizzazzjoni

1.   L-istandards imsemmija fl-Artikolu 8(4) ta' din id-Direttiva għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u ta' regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni (26).

It-talba għall-iżvilupp ta' dawn l-istandards tista' tiġi stabbilita f'konsultazzjoni mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19(1)

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-referenzi ta' l-istandards fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

3.   Meta Stat Membru jew il-Kummissjoni jqisu li standard ma jissodisfax għal kollox ir-rekwiżiti essenzjali li hu jkopri, il-Kummissjoni jew l-Istat Membru kkonċernat għandhom jistabbilixxu l-argumenti u jressqu l-kwistjoni quddiem il-Kumitat stabbilit bid-Direttiva 98/34/KE. Dak il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu mingħajr dewmien.

Fid-dawl ta' l-opinjoni ta' dak il-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li tippubblika r-referenzi għall-istandard armonizzat ikkonċernat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, li ma tippubblikahomx, li tippubblikahom b'restrizzjonijiet, li żżomm ir-referenzi eżistenti, li żżommhom b'restrizzjonijiet jew li tirtirahom.

Artikolu 19

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (27).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 20

Nefqa

Sabiex issostni l-istabbiliment ta' politika u sistemi armonizzati fil-qasam ta' l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, il-Kummissjoni tista' tiffinanzja:

1)

l-iżvilupp ta' sistema armonizzata li tinkludi database adatta għall-ġbir u l-ħżin ta' l-informazzjoni kollha marbuta ma' l-indikaturi tar-riskju tal-pestiċidi, u biex din l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, partijiet interessati oħrajn u l-pubbliku ġenerali;

2)

it-twettiq ta' studji meħtieġa għat-tħejjija u l-iżvilupp ta' leġislazzjoni, inkluż l-adattament ta' l-Annessi ta' din id-Direttiva għall-avvanzi tekniċi;

3)

l-iżvilupp ta' gwida u l-aħjar prattiki biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 21

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa … (28).

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-publikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil- jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 23

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 48.

(2)  ĠU C 146, 30.6.2007, p. 48.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2007 (mhux ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2008 u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' … (mhux ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1.

(6)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(7)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(8)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

(9)  ĠU L …

(10)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(11)  ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17.

(12)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11.

(13)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50. Verżjoni kkoreġuta f' ĠU L 229, 29.6.2004, p. 23.

(14)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

(15)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.

(16)  ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20.

(17)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(18)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(19)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(20)  Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(21)  Erba snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(22)  Sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(23)  Seba' snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(24)  ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.

(25)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(26)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(27)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(28)  Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


ANNESS I

Suġġetti ta' taħriġ imsemmijin fl-Artikolu 5

1.

Il-leġislazzjoni rilevanti kollha rigward il-pestiċidi u l-użu tagħhom.

2.

Il-perikli u r-riskji assoċjati mal-pestiċidi, u kif jiġu identifikati u kkontrollati, b'mod partikolari:

(a)

ir-riskji lill-bnedmin (operaturi, residenti, persuni fil-qrib, persuni li jidħlu f'żoni ttrattati u dawk li jmissu jew jieklu l-oġġetti ttrattati) u kif fatturi bħal ma hu t-tipjip jaggravaw dawn ir-riskji;

(b)

is-sintomi ta' l-avvelenament bil-pestiċidi u l-miżuri ta' l-ewwel għajnuna;

(c)

ir-riskji għall-pjanti mhux fil-mira, l-insetti li huma ta' benefiċċju, il-flora u l-fawna salvaġġa, il-bijodiversità u l-ambjent b'mod ġenerali.

3.

Kunċetti dwar strateġiji u tekniki integrati għall-ġestjoni ta' organiżmi ta' ħsara, strateġiji u tekniki integrati għall-ġestjoni ta' l-uċuħ tar-raba', il-prinċipji tal-biedja organika, l-informazzjoni dwar il-prinċipji ġenerali u l-linji gwida speċifiċi għall-uċuħ tar-raba' jew is-settur għall-ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara.

4.

Inizjazzjoni għal valutazzjoni komparattiva fil-livell ta' l-utent biex tgħin lill-utenti professjonali jagħmlu l-aktar għażliet xierqa dwar il-pestiċidi bl-inqas effetti sekondarji fuq is-saħħa tal-bniedem, l-organiżmi mhux fil-mira u l-ambjent minn fost il-prodotti kollha awtorizzati għal problema speċifika ta' organiżmu ta' ħsara, f'sitwazzjoni speċifika.

5.

Miżuri biex jiġu minimizzati r-riskji lill-bnedmin, lil organiżmi mhux fil-mira u lill-ambjent: prattiki ta' l-operat siguri għall-ħżin, l-immaniġġjar u t-taħlit tal-pestiċidi, u r-rimi ta' imballaġġi vojta, materjal ieħor ikkontaminat u pestiċidi żejda li jifdal (inklużi taħlitiet f'tankijiet), kemm jekk f'għamla konċentrata kif ukoll jekk dilwita; il-metodu rakkomandat għall-kontroll ta' l-espożizzjoni ta' l-operatur (tagħmir ta' protezzjoni personali).

6.

Proċeduri ta' preparazzjoni għat-tħaddim ta' tagħmir ta' applikazzjoni ta' pestiċidi, inkluż l-ikkalibrar tiegħu, u għat-tħaddim tiegħu b'riskji minimi għall-utent, bnedmin oħrajn, speċijiet ta' annimali u pjanti mhux fil-mira, il-bijodiversità u l-ambjent.

7.

L-użu tat-tagħmir għall-applikazzjoni ta' pestiċidi u l-manutenzjoni tiegħu, u metodi speċifiċi ta' bexx (eż. bexx b'volum żgħir, żnienen li ma jferrxux ħafna), kif ukoll l-objettivi tal-verifika teknika tal-bexxiexa fl-użu u modi kif tittejjeb il-kwalità tal-bexx.

8.

Azzjoni ta' emerġenza biex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent f'każ ta' tixrid u kontaminazzjoni aċċidentali.

9.

Monitoraġġ tas-saħħa u faċilitajiet ta' aċċess għar-rappurtar dwar kwalunkwe inċident jew inċident suspettat.

10.

Iż-żamma ta' reġistru għal kwalunkwe użu ta' pestiċidi, skond il-leġislazzjoni rilevanti.


ANNESS II

Rekwiżiti ta' saħħa u sigurta' u dawk ambjentali marbutin ma' l-ispezzjoni tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi

L-ispezzjoni tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi għandha tkopri l-aspetti kollha li huma importanti biex jinkiseb livell għoli ta' sigurta' u protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Għandha tiġi żgurata effettività sħiħa ta' l-operazzjoni ta' applikazzjoni permezz ta' tħaddim tajjeb ta' l-apparat u l-funzjonijiet tat-tagħmir biex ikun garantit li l-objettivi li ġejjin jintlaħqu.

It-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi għandu jiffunzjona b'mod affidabbli u jintuża sew għall-finijiet intenzjonati tiegħu filwaqt li jiġi żgurat li l-pestiċidi jistgħu jiġu ddożati u distribwiti b'mod preċiż. It-tagħmir għandu jkun f'tali kondizzjoni li jkun jista' jimtela' u jitbattal b'mod sigur, faċli u komplet u li jimpedixxi t-tnixxija ta' pestiċidi. Huwa għandu jippermetti wkoll tindif faċli u fil-fond. Huwa għandu jiżgura wkoll tħaddim sigur, u jkun ikkontrollat u jkun kapaċi jiġi mwaqqaf immedjatament minn-naħa ta' l-operatur. Fejn meħtieġ, l-aġġustamenti għandhom ikunu sempliċi, preċiżi u kapaċi jiġu riprodotti.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil:

1)   Apparat għat-trasmissjoni ta' l-enerġija

Il-parti protettiva tal-power take-off drive shaft u l-parti protettiva tal-power input connection għandhom ikunu mmuntati u f'kondizzjoni tajba u t-tagħmir protettiv u kwalunkwe apparat tat-trasmissjoni ta' l-enerġija li tiċċaqlaq jew iddur m'għandhomx ikunu affettwati fit-tħaddim tagħhom sabiex tkun żgurata l-protezzjoni ta' l-operatur.

2)   Pompa

Il-kapaċità tal-pompa għandha tkun adatta għall-ħtiġijiet tat-tagħmir u l-pompa għandha taħdem sewwa sabiex tiżgura rata ta' applikazzjoni stabbli u affidabbli. Ma għandu jkun hemm l-ebda tnixxija mill-pompa.

3)   Aġitazzjoni

It-tagħmir għall-aġitazzjoni għandu jiżgura riċirkolazzjoni tajba sabiex tinkiseb konċentrazzjoni uniformi fil-volum kollu tat-taħlita likwida tal-bexx fit-tank.

4)   Tank tal-bexx likwidu

It-tankijiet tal-bexx, inklużi l-indikatur tal-kontenut tat-tank, it-tagħmir għall-mili, il-passaturi u l-filtri, is-sitemi ta' żvujtar u tlaħliħ, u l-apparat għat-taħlit, għandhom joperaw b'tali mod li jkunu minimizzati tixrid aċċidentali, distribuzzjonijiet mhux uniformi ta' konċentrazzjoni, espożizzjoni ta' l-operatur u kontenut residwu.

5)   Sistemi ta' kejl u sistemi ta' kontroll u regolazzjoni

L-apparat kollu għall-kejl, biex titfi u tixgħel u għall-aġġustament tal-pressjoni u/jew ir-rata tal-fluss għandhom ikunu kkalibrati sew u jaħdmu sew u m'għandu jkun hemm l-ebda tnixxija. Il-kontroll tal-pressjoni u l-operazzjoni ta' l-apparat għall-aġġustament tal-pressjoni għandu jkun jista' jsir faċilment matul l-applikazzjoni. L-apparat għall-aġġustament tal-pressjoni għandu jżomm pressjoni kostanti waqt l-operat b'tidwir kostanti tal-pompa, sabiex ikun żgurat li tiġi applikata rata stabbli tal-volum ta' l-applikazzjoni.

6)   Pajpijiet u manek

Il-pajpijiet u l-manek għandhom ikunu f'kondizzjoni tajba biex jiġu evitati disturbi tal-fluss tal-likwidu jew tixrid aċċidentali fil-każ ta' ħsara. Ma għandu jkun hemm l-ebda tnixxija mill-pajpijiet jew mill-manek meta jitħaddmu bil-pressjoni massima li tista' tintlaħaq mis-sistema.

7)   Filtrar

Sabiex ikunu evitati t-turbolenza u l-eteroġeneità fil-modi kif joħroġ il-bexx, il-filtri għandhom ikunu f'kondizzjoni tajba u d-daqs tax-xibka tal-filtri għandu jikkorrispondi għad-daqs taż-żnienen mmuntati fuq il-bexxiex. Fejn applikabbli, is-sistema li tindika li l-filter ikun misdud għandha taħdem sewwa.

8)   Id-driegħ tal-bexxiex (għal tagħmir li jbexxex il-pestiċidi permezz ta' driegħ ippożizzjonat orizzontalment, li jinsab qrib il-wiċċ tar-raba' jew il-materjal li jrid jiġi ttrattat)

Id-driegħ tal-bexxiex għandu jkun f'kondizzjoni tajba u stabbli fid-direzzjonijiet kollha. Is-sistemi ta' l-immuntar u l-aġġustament u t-tagħmir biex jittaffa ċ-ċaqliq mhux intenzjonat u għall-kompensazzjoni tal-pendil għandhom jaħdmu b'mod tajjeb.

9)   Żnienen

Iż-żnienen għandhom jaħdmu sewwa biex jikkontrollaw it-taqtir meta jieqaf il-bexx. Biex tkun żgurata l-omoġeneità ta' kif joħroġ il-bexx, ir-rata tal-fluss ta' kull żennuna individwali m'għandhiex tvarja b'mod sinifikanti mid-data fit-tabelli tar-rata tal-fluss ipprovduti mill-manifattur.

10)   Distribuzzjoni

Id-distribuzzjoni trasversali u vertikali (fil-każ ta' applikazzjonijiet f'uċuħ tar-raba' vertikali) tat-taħlita tal-bexx fiż-żona ta' mira għandhom ikunu uniformi, fejn rilevanti.

11)   Blower (għal tagħmir li jbexxex il-pestiċidi permezz ta' l-arja)

Il-blower għandu jkun f'kondizzjoni tajba u għandu jiżgura fluss stabbli u affidabbli ta' l-arja.


ANNESS III

Prinċipji ġenerali tal-Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara

1.

Il-prevenzjoni u/jew it-trażżin ta' organiżmi ta' ħsara għandhom jinkisbu jew jiġu appoġġati fost għażliet oħra b'mod partikolari permezz ta':

ir-rotazzjoni ta' l-uċuħ tar-raba';

l-użu ta' tekniki ta' kultivazzjoni adegwati (eż., it-teknika ta' l-użu ta' ħammiela mhux friska, l-għażla ta' żmien iż-żrigħ u tad-densitajiet, iż-żrigħ bil-ftit, it-tħaddim konservattiv tal-ħamrija, iż-żbir u ż-żrigħ dirett);

l-użu, fejn xieraq, ta' cultivars reżistenti/tolleranti u żerriegħa u materjal ta' taħwil standard/iċċertifikati;

l-użu ta' prattiki bbilanċjati ta' fertilizzazzjoni, trattament bil-ġir u tisqija/skular ta' l-ilma;

il-prevenzjoni tal-firxa ta' organiżmi ta' ħsara b'miżuri ta' iġjene (eż., permezz ta' tindif regolari ta' makkinarju u tagħmir);

il-protezzjoni u t-tisħiħ ta' organiżmi benefiċċjali importanti, eż. b'miżuri adegwati għall-protezzjoni tal-pjanti jew l-użu ta' infrastrutturi ekoloġiċi ġo u barra mis-siti ta' produzzjoni.

2.

L-organiżmi ta' ħsara għandhom jiġu mmonitorjati b'metodi u għodod adegwati, fejn disponibbli. Għodod adegwati bħal dawn għandhom jinkludu osservazzjonijiet fil-post kif ukoll sistemi ta' twissija, previżjoni u dijanjosi bikrija li jkunu xjentifikament tajbin, fejn ikun vijabbli, kif ukoll l-użu ta' parir minn konsulenti professjonali kkwalifikati.

3.

L-utent professjonali għandu jiddeċiedi jekk għandux japplika l-miżuri għall-protezzjoni tal-pjanti u meta, abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ. Valuri ta' limitu robusti u xjentifikament tajbin huma komponenti essenzjali għat-teħid ta' deċiżjonijiet. Għall-organiżmi ta' ħsara għandu jittieħed kont tal-livelli ta' limitu definiti għar-reġjun, iż-żoni speċifiċi, l-uċuħ tar-raba u l-kondizzjonijiet klimatiċi partikolari qabel it-trattament, fejn vijabbli.

4.

Metodi sostenibbli bijoloġiċi, fiżiċi u mhux kimiċi oħrajn għandhom ikunu ppreferuti għal metodi kimiċi jekk huma jipprovdu kontroll sodisfaċenti ta' l-organiżmi ta' ħsara.

5.

Il-pestiċidi applikati għandhom ikunu speċifiċi kemm jista' jkun għall-mira u għandu jkollhom l-inqas effetti sekondarji fuq is-saħħa tal-bniedem, l-organiżmi mhux fil-mira u l-ambjent.

6.

L-utent professjonali għandu jżomm l-użu tal-pestiċidi u forom oħra ta' intervent għal-livelli meħtieġa, eż. b'dożi mnaqqsin, frekwenza ta' applikazzjoni mnaqqsa jew applikazzjonijiet parzjali, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-livell ta' riskju fil-veġetazzjoni huwa aċċettabbli u li huma ma jżidux ir-riskju għall-iżvilupp ta' reżistenza fil-popolazzjonijiet ta' l-organiżmi ta' ħsara.

7.

Fejn ikun magħruf ir-riskju ta' reżistenza kontra miżura għall-protezzjoni tal-pjanti u fejn il-livell ta' l-organiżmi ta' ħsara jeħtieġ applikazzjoni ripetuta ta' pestiċidi għall-uċuħ tar-raba', għandhom jiġu applikati strateġiji disponibbli ta' kontra r-reżistenza biex tinżamm l-effettività tal-prodotti. Dan jista' jinkludi l-użu ta' pestiċidi multipli b'modi ta' azzjoni differenti.

8.

L-utent professjonali għandu jivverifika s-suċċess tal-miżuri applikati għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi tar-riżultati dwar l-użu tal-pestiċidi u dwar il-monitoraġġ ta' l-organiżmi ta' ħsara.


ANNESS IV

Indikaturi tar-riskju armonizzati

 


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fit-18 ta' Lulju 2006 l-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi. Il-proposta hi bbażata fuq l-Artikolu 175(1) tat-Trattat.

2.

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-23 ta' Ottubru 2007 (1). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni taw l-opinjonijiet tagħhom fl-14 ta' Marzu u fl-1 ta' Frar 2007 rispettivament.

3.

Fid-19 ta' Mejju 2008, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu skond l-Artikolu 251 tat-Trattat.

II.   OBJETTIVI

Il-proposta tfittex li tħares saħħet il-bnedmin u dik ta' l-annimali u ta' l-ambjent mill-impatt negattiv ta' l-użu tal-pestiċidi fil-biedja u fl-ekosistema. Hi għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji u l-impatt negattiv ta' l-użu tal-pestiċidi b'mod li hu konsistenti mal-protezzjoni meħtieġa ta' l-uċuħ tar-raba'.

B'mod partikolari, tipprevedi:

l-istabbiliment ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali (NAP) li jnaqqsu r-riskji u l-impatt ta' l-użu tal-pestiċidi fuq saħħet il-bniedem u l-ambjent;

informazzjoni, sensibilizzazzjoni u taħriġ għall-konsulenti u l-utenti professjonali tal-pestiċidi;

ħtiġiet konkreti għall-bejgħ tal-pestiċidi;

spezzjoni regolari ta' tagħmir għall-applikazzjoni;

projbizzjoni tal-bexx mill-ajru b'derogazzjonijiet potenzjali;

miżuri speċifiċi għall-protezzjoni ta' l-ambjent akkwatiku mit-tniġġis bil-pestiċidi;

restrizzjoni fuq l-użu tal-pestiċidi f'żoni speċifiċi;

ħtiġiet għall-immaniġġar u l-ħażna tal-pestiċidi u l-imballaġġ u l-fdalijiet tagħhom;

stabbiliment ta' normi obbligatorji dwar il-Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara; u

żvilupp ta' indikaturi ta' riskju sabiex jiġi mkejjel il-progress ta' l-użu tal-pestiċidi.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Osservazzjonijiet Ġenerali

Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill taqbel sew mal-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew, billi:

tikkonferma l-objettivi u ħafna mill-arranġamenti proposti mill-Kummissjoni u appoġġjati mill-Parlament Ewropew;

tinkorpora għadd kbir ta' emendi adottati fl-ewwel qari mill-Parlament Ewropew.

L-emendi 6, 17, 43, 49, 52, 60, 61, 62, 63, 68, 85, 93, 95, 103, 106, 112, 122, 137 u 155 huma inkorporati bis-sħiħ.

L-emendi 13, 18, 29, 35, 36, 39, 42, 48, 51, 54, 59, 64, 87, 90, 114, 146 u 164 huma aċċettati fl-ispirtu jew inkorporati parzjalment.

L-emendi 1, 5, 16, 22, 23, 28, 30, 32, 37, 40, 55, 57, 58, 69, 72, 77, 84, 88, 91, 96, 98, 99, 102, 104, 120, 121, 138, 139 ma ġewx inkorporati, il-Kunsill jaqsam l-istess pożizzjoni bħall-Kummissjoni.

L-emendi 2-4, 7-11, 15, 19-21, 24-27, 31, 33, 44, 46, 47, 50, 53, 56, 65, 66, 70, 71, 74, 76, 78, 79, 81-83, 92, 94, 97, 100, 101, 105, 107-111, 113, 115-119, 133, 135, 141, 143, 151 u 153 li ġew aċċettati mill-Kummissjoni ma ġewx inklużi fil-pożizzjoni komuni, bil-Kunsill jiddevja mill-fehmiet tal-Kummissjoni.

Il-pożizzjoni komuni tinkludi wkoll bidliet oħrajn, mhux previsti mill-Parlament Ewropew, li jindirizzaw għadd ta' kwistjonijiet ta' tħassib espressi mill-Istati Membri matul in-negozjati.

Għadd ta' emendi tekniċi u editorjali ġew ukoll introdotti sabiex jiġi definit l-ambitu ta' ċerti dispożizzjonijiet, sabiex il-formulazzjoni tad-Direttiva ssir aktar espliċita u aktar konsistenti mal-formulazzjoni tal-proġett tar-Regolament rigward it-tqegħid fis-suq, sabiex tiġi garantita ċertezza legali, jew sabiex tiżdied il-konsistenza tagħha ma' strumenti Komunitarji oħrajn.

Il-Kummissjoni aċċettat il-pożizzjoni komuni maqbula mill-Kunsill.

2.   Kummenti speċifiċi

Bażi ġuridika

L-emenda I ma ġietx aċċettata mill-Kunsill minħabba li qies li l-Artikolu 175(1) hu l-bażi ġuridika korretta u huwa biżżejjed.

Definizzjonijiet

Saru l-bidliet li ġejjin għall-proposta oriġinali:

id-definizzjoni ta'“użu” tħassret minħabba li ġiet meqjusa li mhijiex meħtieġa;

il-kunċett ta' kapaċità professjonali jew servizz kummerċjali ġie inkorporat fid-definizzjoni ta' “konsulent”;

id-definizzjonijiet ta' “tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi” u “aċċessorji għall-applikazzjoni tal-pestiċidi” ingħaqdu;

id-definizzjoni ta' “ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara” iċċaqalqet mill-proposta għal Regolament li jikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għal din il-proposta; u

żdiedu d-definizzjonijiet ta' “ilma tal-wiċċ” u “ilma ta' taħt l-art”.

L-emenda 29 li ddaħħal definizzjoni tal-pestiċidi bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ġiet inkorporata fil-pożizzjoni komuni għalkemm il-Kummissjoni ċaħditha. Il-Kunsill estenda din id-definizzjoni għall-prodotti bijoċidali

Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali

Il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar l-elementi li ġejjin:

L-Istati Membri għandhom jieħdu f'konsiderazzjoni l-impatt tal-miżuri previsti fuq is-saħħa;

Il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għandhom jiddeskrivu kif l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva (b'mod partikolari l-miżuri li jirriżultaw mill-Artikoli 5 sa 14) sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi;

l-informazzjoni riċevuta mill-Kummissjoni dwar dawn il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għandha tkun disponibbli fuq l-Internet.

Il-Kunsill ma ħasibx li kien xieraq li jittieħed kont ta' emendi oħrajn, b'mod partikolari ta' l-istabbiliment ta' użu kwantitattiv ta' miri mnaqqsin. Il-Kunsill ipprefera jikkonċentra fuq it-tnaqqis ta' riskji aktar milli jiddefinixxi l-użu tal-miri mnaqqsin.

Taħriġ

Il-Kunsill daħħal dispożizzjonijiet biex jiżgura li jiġi offrut kemm it-taħriġ inizjali, kif ukoll taħriġ ulterjuri. Il-Parlament Ewropew qasam dan it-tħassib. Il-Kunsill adotta wkoll wieħed mis-suġġerimenti tal-Parlament Ewropew għall-Anness I fir-rigward tat-tnedija ta' valutazzjoni komparattiva li tgħin lill-utenti professjonali jagħżlu pestiċidju tajjeb bl-anqas effett negattiv għall-bnedmin u għall-ambjent.

Il-Kunsill qies ukoll utli li jispeċifika li t-taħriġ għandu jieħu kont tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet differenti tal-persuni li jitrattaw il-pestiċidi: l-utenti, id-distributuri u l-konsulenti. Barra minn hekk, il-Kunsill inkorpora dispożizzjoni li tistabbilixxi li s-sistemi ta' ċertifikazzjoni ta' taħriġ stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jinkludu l-ħtiġiet u l-proċeduri għall-għoti, iż-żamma u l-irtirar ta' ċertifikati.

Ħtiġiet għall-bejgħ tal-pestiċidi

Il-Kunsill aċċetta s-suġġeriment tal-Parlament li l-persuni li jbiegħu pestiċidi lill-utenti professjonali għandhom jipprovdu konsulenza mhux biss dwar l-użu tal-pestiċidi iżda wkoll dwar l-istruzzjonijiet għas-sigurtà tas-saħħa tal-bnieden u ta' l-ambjent.

Barra minn hekk, il-Kunsill żied ukoll il-ħtieġa għad-distributuri li jbiegħu l-pestiċidi lil utenti mhux professjonali li jipprovdu informazzjoni dwar il-prodotti b'riskju baxx. Barra minn hekk, dan l-Artikolu ġie emendat sabiex jippermetti lill-persuna li jkollha ċ-ċertifikat li ma tkunx fiżikament preżenti għalkemm tibqa' disponibbli b'xi mezz ieħor. Il-Kunsill ħass li kien meħtieġ li jipprovdi din il-flessibbiltà għall-bejjiegħa bl-imnut iż-żgħar.

Informazzjoni u sensibilizzazzjoni

Il-Parlament Ewropew żviluppa l-Artikolu 7 b'mod konsiderevoli u l-Kunsill ma setax jaċċetta s-suġġerimenti kollha tiegħu. Madankollu, il-Kunsill żamm il-ħtieġa li l-informazzjoni pprovduta lill-pubbliku fir-rigward tal-pestiċidi għandha tkun preċiża u bbilanċjata.

Spezzjoni tat-tagħmir li qed jintuża

Il-Kunsill aċċetta l-emendi kollha tal-Parlament minbarra waħda fir-rigward ta' l-ispezzjoni tat-tagħmir għall-użu professjonali. Il-Kunsill, bħall-Parlament, ħass li kien meħtieġ li jkun iktar preċiż fir-rigward ta' l-intervalli bejn l-ispezzjonijiet iżda mexa pass 'il quddiem u ħtieġ intervalli iqsar bejn l-ispezzjonijiet mill-2020.

Madankollu, il-Kunsill ħass li kien ikun sproporzjonat li jeħtieġ l-ispezzjoni tat-tagħmir kollu ta' l-applikazzjoni tal-pestiċidi li jinżamm fl-idejn jew ta' l-apparat għall-bexx li jiddendel fuq id-dahar u daħħal il-possibbiltà li jiġu eżentati. Inkorpora wkoll il-possibbiltà, wara l-valutazzjoni tar-riskju, li jiġu applikati skedi ta' żmien u intervalli ta' spezzjoni differenti għal ċerti tipi ta' tagħmir għal rata ta' użu baxxa.

Barra minn hekk, il-Kunsill qies ukoll li kien meħtieġ li jeħtieġ li l-utenti professjonali jwettqu kalibrazzjonijiet u kontrolli tekniċi regolari tat-tagħmir ta' l-applikazzjoni.

Fl-aħħarnett, il-Kunsill iddeċieda li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' ċertifikazzjoni b'rikonoxximent reċiproku.

Bexx mill-ajru

Għalkemm il-Kunsill jaqbel mal-Parlament dwar l-approċċ ġenerali għal din il-kwistjoni u aċċetta l-emenda 63 u parti mill-emenda 64, hu qies li ma kienux meħtieġa dawk l-emendi li rriskjaw li joħolqu piżijiet amministrattivi eċċessivi għall-awtoritajiet kompetenti.

Il-Kunsill biddel il-proposta oriġinali biex jispeċifika li l-prodotti użati għandhom ikunu approvati wara valutazzjoni ta' riskju u li l-intrapriżi li jipprovdu bexx mill-ajru għandhom ikunu ċċertifikati, u biex jipprovdi l-possibbiltà ta' approvazzjoni siekta ta' talbiet għal bexx mill-ajru minn awtoritajiet kompetenti wara li jkun għadda ċertu perijodu ta' żmien.

Miżuri speċifiċi għall-protezzjoni ta' l-ambjent akkwatiku

Il-Kunsill inkorpora l-emenda 68 biex jissottolinja l-importanza li jiġi protett l-ilma tax-xorb. L-Artikolu 10 ġie wkoll emendat sabiex tingħata preferenza lill-pestiċidi li ma fihomx sustanzi perikolużi ta' prijorità.

Fir-rigward ta' l-emenda 70 dwar l-istabbiliment obbligatorju taż-żoni ta' separazzjoni, il-Kunsill qies li kien aktar xieraq li l-Artikolu 10 jiġi żviluppat sabiex ikopri firxa usa' ta' miżuri ta' mitigazzjoni li jistgħu jiġu stabbiliti meta jkun meħtieġ.

Tnaqqis ta' l-użu jew ir-riskji tal-pestiċidi f'żoni speċifiċi

It-test ġie mfassal mill-ġdid sabiex tingħata l-possibbiltà lill-Istati Membri li jimminimizzaw ir-riskji tal-pestiċidi meta jiġu użati f'dawn iż-żoni partikolari. Il-Kunsill ma setax jaċċetta l-emendi tal-Parlament f'dan il-qasam.

Tqandil, ħżin u trattament ta' l-imballaġġ u l-fdalijiet

Il-Kunsill biddel it-test tal-punti 1 u 3 ta' l-Artikolu 12 sabiex jiċċara li dawk il-miżuri japplikaw biss għal utenti professjonali u, fejn ikun applikabbli, għal konsultenti. Hu żied ukoll dispożizzjoni dwar l-irkupru jew ir-rimi tal-fdalijiet u l-imballaġġi tal-pestiċidi. Il-Kunsill ma qisx l-emendi tal-Parlament rilevanti.

Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara

F'din il-kwistjoni, il-fehma tal-Kunsill u dik tal-Parlament jaqblu b'mod sostanzjali B'mod partikolari l-Kunsill jista' jappoġġa l-emendi tal-Parlament 85 u 122 biex jiġi inkluż Anness ġdid fil-proposta li fiha prinċipji ġenerali tal-Ġestjoni Integrata ta' Organiżmi ta' Ħsara. Hu jista' wkoll jaqbel ma' partijiet mill-emendi 164 u 87.

Barra minn hekk, il-Kunsill issostitwixxa t-terminu biedja b'użu baxx tal-pestiċidi permezz ta' ġestjoni ta' organiżmi ta' ħsara b'użu baxx ta' pestiċidi u speċifika li dan il-kunċett jinkludi Ġestjoni Integrata ta' l-Organiżmi ta' Ħsara (IPM — Integrated Pest Management) u biedja organika.

Indikaturi

Il-Kunsill qabel mal-Kummissjoni filwaqt li kien tal-fehma li emendi sabiex jiġi inkluż l-użu ma kinux rilevanti. Il-Kunsill aċċetta biss parti mill-emenda 93 u l-prinċipju inkluż fl-emenda 95.

Komitoloġija

Il-Kunsill aċċetta dawk l-emendi li jadattaw ċerti Artikoli għad-Deċiżjoni ta' komitoloġija l-ġdida (17, 52, 62, 103, 137 u 155).

IV.   KONKLUŻJONIJIET

Il-Kunsill iqis li l-pożizzjoni komuni tiegħu tirrappreżenta soluzzjoni bilanċjata u realistika għal għadd ta' kwistjonijiet ta' tħassib espressi dwar il-proposta tal-Kummissjoni u jistenna b'interess diskussjoni kostruttiva mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jinkiseb ftehim vijabbli dwar din id-Direttiva.


(1)  14183/07.


7.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 254/18


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 22/2008

adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Ġunju 2008

bil-għan li jadotta ir-Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-… dwar l-imposti ta' l-ajruporti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 254 E/02)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-kompitu u l-attività kummerċjali prinċipali ta' l-ajruporti hu li jiġi assigurat it-trattament ta' l-inġenji ta' l-ajru, mill-inżul sat-tlugħ, u tal-passiġġieri u l-merkanzija, sabiex l-operaturi ta' l-ajru ikunu jistgħu jipprovdu servizzi tat-trasport bl-ajru. Għal dan il-għan, l-ajruporti joffru għadd ta' faċilitajiet u servizzi relatati ma' l-operat ta' l-inġenji ta' l-ajru u l-ipproċessar tal-passiġġieri u l-merkanzija, li l-ispejjeż tagħhom ġeneralment jirkuprawhom permezz ta' imposti ta' l-ajruporti. Il-korpi li jmexxu l-ajruporti li jipprovdu faċilitajiet u servizzi li għalihom jitħallsu imposti ta' l-ajruport għandhom jippruvaw joperaw fuq bażi ta' effiċjenza meta mqabbla man-nefqa.

(2)

Jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni li jirregola l-karatteristiċi essenzjali ta' l-imposti ta' l-ajruport u l-mod li bih dawn jiġu stabbiliti, minħabba li, fin-nuqqas ta' tali qafas, ir-rekwiżiti bażiċi fir-relazzjoni bejn il-korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti u l-utenti ta' l-ajruporti jistgħu ma jintlaħqux. Tali qafas għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għal Stat Membru li jiddetermina safejn jista' jittieħed kont tad-dħul mill-attivitajiet kummerċjali ta' l-ajruport meta jiġu stabbiliti l-imposti ta' l-ajruport.

(3)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal ajruporti li jinsabu fil-Komunità, li jkunu ikbar minn daqs minimu, billi l-ġestjoni u l-finanzjament ta' ajruporti żgħar ma jirrikjedux l-applikazzjoni ta' qafas Komunitarju, u għall-ajruport li għandu l-aktar moviment ta' passiġġieri f'kull Stat Membru.

(4)

Sabiex jippromwovu koeżjoni territorjali, l-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibbiltà li japplikaw sistema komuni ta' ġbir ta' imposti biex tkopri network ta' ajruporti. It-trasferimenti ekonomiċi bejn l-ajruporti f'networks bħal dawn għandhom jikkonformaw mal-liġi Komunitarja.

(5)

Għar-raġunijiet tad-distribuzzjoni tat-traffiku, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu korp ta' tmexxija għall-ajruporti li jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni biex japplikaw l-istess livell ta' imposti ta' l-ajruporti. It-trasferimenti ekonomiċi bejn dawn l-ajruporti għandhom jikkonformaw mal-liġi Komunitarja rilevanti.

(6)

L-inċentivi biex jinfetħu rotot ġodda, bħal biex jiġi promoss, inter alia, l-iżvilupp tar-reġjuni żvantaġġati u l-aktar 'il bogħod għandhom biss jingħataw skond il-liġi Komunitarja.

(7)

Il-ġbir ta' l-imposti fir-rigward tal-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni ta' l-ajru u ta' servizzi ta' groundhandling diġà ġie indirizzat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1794/2006 tas-6 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni ta' l-ajru (4) u mid-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta' Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (5), rispettivament. L-imposti applikati għall-finanzjament ta' għajnuna għal passiġġieri b'diżabbiltà u passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa huma regolati mir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (6).

(8)

Fl-2004, il-Kunsill ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili (il-Kunsill ta' l-ICAO) adotta linji politiċi dwar imposti għall-ajruporti li kienu jinkludu, inter alia, il-prinċipji tar-relazzjoni ta' l-imposti ma' l-ispejjeż, in-non-diskriminazzjoni u mekkaniżmu indipendenti għar-regolamentazzjoni ekonomika ta' l-ajruporti.

(9)

Il-Kunsill ta' l-ICAO kkunsidra li imposta ta' ajruport hija impożizzjoni ta' ħlas li tkun imfassla u applikata speċifikament għall-irkupru ta' l-ispiża li jiġu fornuti faċilitajiet u servizzi għall-avjazzjoni ċivili, filwaqt li taxxa hija impożizzjoni ta' ħlas li tkun imfassla biex tgħolli d-dħul tal-gvern nazzjonali jew lokali li ġeneralment ma jiġux applikati għall-avjazzjoni ċivili fl-intier tagħhom jew fuq bażi speċifika skond in-nefqa.

(10)

L-imposti ta' l-ajruporti għandhom ikunu non-diskriminatorji. Għandha tiġi attwata proċedura obbligatorja għall-konsultazzjoni regolari bejn il-korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti u l-utenti ta' l-ajruport bil-possibbiltà li kull parti jkollha rikors għal korp ta' superviżjoni indipendenti kull meta l-utenti ta' l-ajruport jikkontestaw deċiżjoni dwar l-imposti ta' l-ajruport jew il-modifika tas-sistema ta' ġbir tal-imposti.

(11)

F'kull Stat Membru għandu jiġi stabbilit korp ta' superviżjoni indipendenti sabiex tiġi assigurata l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-applikazzjoni korretta u effikaċi ta' din id-Direttiva. Tali korp għandu jkollu l-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa fir-rigward tal-persunal, il-kompetenza esperta, u l-mezzi finanzjarji għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(12)

Għall-utenti ta' l-ajruport huwa vitali li fuq bażi regolari jingħataw, mingħand il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport, informazzjoni dwar kif u fuq liema bażi jiġu kkalkolati l-imposti ta' l-ajruport. Tali trasparenza toffri lit-trasportaturi bl-ajru tagħrif dwar l-ispejjeż li jkun ġarrab l-ajruport u l-produttività ta' l-investimenti ta' ajruport. Sabiex korp ta' tmexxija ta' l-ajruport ikun jista' jivvaluta sewwa r-rekwiżiti fir-rigward ta' l-investimenti futuri tiegħu, l-utenti ta' l-ajruport għandhom ikunu meħtieġa jikkondividu, fuq bażi tempestiva, mal-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport il-previżjonijiet operattivi, il-proġetti ta' żvilupp u t-talbiet u s-suġġerimenti speċifiċi kollha tagħhom.

(13)

Il-korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti għandhom jinfurmaw lill-utenti ta' l-ajruport dwar proġetti infrastrutturali maġġuri billi dawn ikollhom impatt sinifikanti fuq is-sistema jew il-livell ta' l-imposti ta' l-ajruporti. Tali informazzjoni għandha tingħata sabiex ikun jista' jsir monitoraġġ ta' l-ispejjeż infrastrutturali u bil-ħsieb li jiġu pprovduti faċilitajiet adegwati u effettivi meta mqabbla man-nefqa fl-ajruport konċernat.

(14)

Il-korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti għandhom ikunu jistgħu japplikaw imposti ta' l-ajruporti li jikkorrispondu għall-infrastruttura u/jew il-livell ta' servizz provdut billi t-trasportaturi bl-ajru għandhom interess leġittimu li jirrikjedu servizzi minn korp ta' tmexxija ta' l-ajruport li jikkorrispondu għall-proporzjon tal-prezz/l-kwalità. Madankollu, l-aċċess għal livell differenzjat ta' infrastruttura jew ta' servizzi għandu jkun miftuħ għall-operaturi kollha li jkunu jixtiequ jagħmlu użu minnu, fuq bażi non-diskriminatorja. Jekk id-domanda tkun ogħla mill-provvista, l-aċċess għandu jiġi ddeterminat abbażi ta' kriterji oġġettivi u non-diskriminatorji li għandhom jiġu żviluppati minn korp ta' tmexxija ta' ajruport. Kwalunkwe differenzjazzjoni fl-imposti ta' l-ajruporti għandha tkun trasparenti, oġġettiva u bbażata fuq kriterji ċari.

(15)

L-utenti ta' l-ajruport u l-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport għandhom ikunu jistgħu jikkonkludu ftehim dwar il-livell ta' servizz fir-rigward tal-kwalità tas-servizz provdut b'kumpens għall-imposti ta' l-ajruporti. In-negozjati dwar il-kwalità tas-servizz provdut b'kumpens għall-imposti ta' l-ajruporti jistgħu jsiru bħala parti mill-konsultazzjoni regolari.

(16)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-Trattat, b'mod partikolari għall-Artikoli 81 sa 89 tiegħu.

(17)

Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti prinċipji komuni għall-istabbiliment ta' imposti ta' l-ajruporti fir-rigward ta' l-ajruporti Komunitarji, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri billi fil-livell nazzjonali ma jistgħux jiġu stabbiliti sistemi ta' imposti ta' l-ajruporti b'uniformità fil-Komunità kollha, u għalhekk jista, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi prinċipji komuni għall-ġbir ta' imposti ta' l-ajruporti Komunitarji.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ajruport li jinsab f'territorju suġġett għat-Trattat u miftuħ għal traffiku kummerċjali li t-traffiku annwali tiegħu jkun aktar minn 5 miljun moviment ta' passiġġieri u għall-ajruport bl-ogħla moviment ta' passiġġieri f'kull Stat Membru.

3.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw lista ta' l-ajruporti fit-territorju tagħhom li għalihom tapplika din id-Direttiva. Din il-lista għandha tkun ibbażata fuq id-data mill-Kummissjoni (EUROSTAT) u għandha tiġi aġġornata kull sena.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-imposti miġbura għar-rimunerazzjoni ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru tul it-titjira u fit-terminals skond ir-Regolament (KE) 1794/2006, jew għall-imposti miġbura għar-rimunerazzjoni tas-servizzi ta' groundhandling imsemmija fl-Anness għad-Direttiva 96/67/KE, jew għall-imposti mħallsin għall-finanzjament ta' assistenza lil passiġġieri b'diżabbiltà u passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa msemmijin fir-Regolament (KE) Nru 1107/2006.

5.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kull Stat Membru li japplika miżuri regolatorji addizzjonali li ma jkunux inkompatibbli ma' din id-Direttiva jew ma' dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn tal-liġi Komunitarja fir-rigward ta' kwalunkwe korp ta' tmexxija ta' l-ajruport li jinsab fit-territorju tiegħu. Dan jista' jinkludi miżuri ta' sorveljanza ekonomika, bħall-approvazzjoni ta' sistemi ta' ġbir ta' l-imposti u/jew il-livell ta' imposti inklużi metodi ta' ġbir ta' l-imposti bbażati fuq inċentivi jew ir-regolazzjoni tal-limitu massimu tal-prezzijiet.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

1.

“ajruport” tfisser kull medda ta' art speċifikament adattata għall-inżul, it-tlugħ u l-manuvrar ta' inġenji ta' l-ajru, inklużi l-installazzjonijiet anċillarji li dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinvolvu għar-rekwiżiti tat-traffiku u servizzi ta' l-inġenji ta' l-ajru inklużi l-installazzjonijiet meħtieġa għall-assistenza tas-servizzi kummerċjali ta' l-ajru;

2.

“korp ta' tmexxija ta' l-ajruport” tfisser korp li, flimkien ma', jew mingħajr, attivitajiet oħrajn skond il-każ, jkollu bħala l-objettiv tiegħu, skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-kuntratti nazzjonali, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni ta' l-infrastrutturi ta' l-ajruport jew tan-network ta' ajruporti u l-koordinazzjoni u l-kontroll ta' l-attivitjiet ta' l-operaturi differenti preżenti fl-ajruporti jew fin-network ta' ajruporti konċernati;

3.

“utent ta' l-ajruport” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ġarr ta' passiġġieri, posta u/jew merkanzija bl-ajru lejn, jew minn, l-ajruport konċernat;

4.

“imposta ta' l-ajruport” tfisser imposta miġbura għall-benefiċċju tal-korp ta' tmexxija ta' ajruport u mħallsa mill-utenti ta' l-ajruport għall-użu ta' faċiltajiet u servizzi, li jiġu provduti esklussivament mill-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport u li jkunu relatati ma' l-inżul, it-tlugħ, movimenti fl-art u pparkjar ta' inġenji ta' l-ajru, u l-ipproċessar ta' passiġġieri u merkanzija;

5.

“network ta' ajruporti” tfisser grupp ta' ajruporti debitament indikat bħala tali mill-Istat Membru u operat mill-istess korp ta' tmexxija ta' ajruporti.

Artikolu 3

Non-diskriminazzjoni

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-imposti ta' l-ajruport ma jiddiskriminawx bejn l-utenti ta' l-ajruport, konformement mal-liġi Komunitarja. Dan ma jimpedixxix il-modulazzjoni ta' imposti ta' l-ajruporti għal kwistjonijiet ta' interess pubbliku u ġenerali, inklużi kwistjonijiet ambjentali. Il-kriterji applikati għal tali modulazzjoni għandhom ikunu rilevanti, oġġettivi u trasparenti.

Artikolu 4

Network ta' ajruporti

1.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korp ta' tmexxija ta' network ta' ajruporti li jintroduċi sistema komuni u trasparenti ta' ġbir ta' imposti ta' l-ajruport biex tkopri n-network ta' ajruporti.

2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li korp ta' tmexxija ta' l-ajruporti, fir-rigward ta' ajruporti li jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni, japplika l-istess livell ta' imposti ta' l-ajruport għall-ajruporti kollha kkonċernati, kemm-il darba kull ajruport jikkonforma b'mod sħiħ mar-rekwiżiti dwar it-trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 6.

Artikolu 5

Konsultazzjoni u rimedju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi stabbilita proċedura obbligatorja għall-konsultazzjoni regolari bejn il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport u l-utenti ta' l-ajruport jew ir-rappreżentanti jew assoċjazzjonijiet ta' l-utenti ta' l-ajruport fir-rigward ta' l-operat tas-sistema ta' imposti ta' l-ajruport, il-livell ta' tali imposti u, skond il-każ, il-kwalità tas-servizz provdut. Tali konsultazzjoni għandha sseħħ għall-anqas darba fis-sena, ħlief jekk jiġi miftiehem mod ieħor fl-aħħar konsultazzjoni. Fejn jeżisti ftehim pluriennali bejn il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport u l-utenti ta' l-ajruport, il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu kif previsti f'tali ftehim. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jitolbu konsultazzjonijiet aktar frekwenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kull fejn ikun possibbli, it-tibdil fis-sistema jew fil-livell ta' imposti ta' l-ajruport isir bi ftehim bejn il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport u l-utenti ta' l-ajruport. Għal dak l-għan, il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport għandu jippreżenta kwalunkwe proposta għal modifika fis-sistema jew fil-livell ta' imposti ta' l-ajruport lill-utenti ta' l-ajruport mhux aktar tard minn erba' xhur qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ, flimkien mar-raġunijiet għat-tibdil propost, ħlief jekk ikun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jeħtieġu li jiġu ġġustifikati ma' l-utenti ta' l-ajruport, f'liema każ dan il-perijodu m'għandux ikun anqas minn xahrejn. Il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport għandu jkollu konsultazzjonijiet dwar il-bidliet proposti ma' l-utenti ta' l-ajruport u jieħu kont tal-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni. Il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport għandu jippubblika d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni tiegħu fi żmien raġonevoli qabel ma din tidħol fis-seħħ. Il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-kummenti ta' utenti ta' l-ajruport fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim dwar il-bidliet proposti bejn il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport u utenti ta' l-ajruport.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta' nuqqas ta' qbil fir-rigward ta' deċiżjoni dwar imposti ta' l-ajruport li tittieħed mill-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport, kwalunkwe parti tista' titlob l-intervent tal-korp ta' superviżjoni indipendenti, kif imsemmi fl-Artikolu 10, li għandu jeżamina l-ġustifikazzjonijiet għall-modifika tas-sistema jew tal-livell ta' imposti ta' l-ajruport.

4.   Il-modifika fis-sistema jew fil-livell ta' imposti ta' l-ajruport li tkun ġiet deċiża mill-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport, jekk tiġi mressqa quddiem il-korp ta' superviżjoni indipendenti, m'għandhiex ikollha effett sakemm dak il-korp ikun eżamina l-kwistjoni. Il-korp ta' superviżjoni indipendenti jista' jieħu deċiżjoni temporanja dwar id-dħul fis-seħħ tal-modifika ta' l-imposti ta' l-ajruport.

5.   Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafi 3 u 4 fir-rigward tat-tibdil fis-sistema jew fil-livell ta' imposti ta' l-ajruporti f'dawk l-ajruporti li għalihom huwa jkun stabbilixxa proċedura li permezz tagħha ssir sorveljanza ekonomika. Dawn il-miżuri ta' sorveljanza ekonomika jistgħu jkunu l-istess bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 1(5). Fejn dawn il-miżuri jinkludu l-approvazzjoni tas-sistema jew tal-livell ta' imposti ta' l-ajruport, huma għandhom jiġu approvati mill-istess korp li jkun ġie nominat jew stabbilit bħala korp ta' superviżjoni indipendenti għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 6

Trasparenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kull darba li jsiru l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), il-korp ta' tmexxija ta' ajruport jipprovdi lil kull utent ta' l-ajruport, jew lir-rappreżentanti jew assoċjazzjonijiet ta' l-utenti ta' l-ajruport b'informazzjoni dwar il-komponenti li jkunu l-bażi li fuqha jiġu ddeterminati s-sistema jew il-livell ta' l-imposti kollha applikati f'kull ajruport mill-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport. L-informazzjoni għandha tinkludi għall-anqas:

(a)

lista tad-diversi servizzi u ta' l-infrastruttura provduti b'kumpens għall-imposta ta' l-ajruport applikata;

(b)

il-metodoloġija użata sabiex jiġu stabbiliti l-imposti ta' l-ajruport;

(c)

l-istruttura ġenerali ta' l-ispejjeż fir-rigward tal-faċilitajiet u s-servizzi li magħhom jirrelataw l-imposti ta' l-ajruport;

(d)

id-dħul mill-imposti differenti u l-ispiża totali tas-servizzi li dawn ikopru;

(e)

previżjonijiet tas-sitwazzjoni fl-ajruport fir-rigward ta' l-imposti, taż-żieda fit-traffiku u ta' l-investimenti proposti;

(f)

l-użu attwali ta' l-infrastruttura u t-tagħmir ta' l-ajruport matul perijodu speċifiku.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti ta' l-ajruporti jippreżentaw informazzjoni lill-korp tat-tmexxija ta' l-ajruport qabel kull konsultazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5(1), partikolarment dwar:

(a)

previżjonijiet dwar it-traffiku;

(b)

previżjonijiet dwar il-kompożizzjoni u l-użu tal-flotta tagħhom;

(c)

il-proġetti ta' żvilupp tagħhom fl-ajruport konċernat;

(d)

ir-rekwiżiti tagħhom fl-ajruport konċernat.

3.   Suġġett għal-leġislazzjoni nazzjonali, l-informazzjoni pprovduta abbażi ta' dan l-Artikolu għandha titqies bħala kunfidenzjali jew ekonomikament sensittiva u ttrattata f'dan is-sens. Fil-każ ta' korpi ta' tmexxija ta' ajruporti li jkunu kkwotati fil-borża, għandu jkun hemm konformità b'mod partikolari mar-regolamenti tal-borża.

Artikolu 7

Infrastruttura ġdida

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp ta' tmexxija ta' ajruport jikkonsulta ma' l-utenti ta' l-ajruport qabel ma jiġu ffinalizzati pjanijiet għal proġetti infrastrutturali ġodda.

Artikolu 8

Standards ta' kwalità

1.   Sabiex jiġu assigurati operazzjonijiet bla xkiel u effiċjenti f'ajruport, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport u lir-rappreżentanti jew assoċjazzjonijiet ta' l-utenti ta' l-ajruport li jidħlu f'negozjati bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim dwar il-livell ta' servizz fir-rigward tal-kwalità tas-servizz provdut fl-ajruport. Dawn in-negozjati dwar il-kwalità tas-servizz jistgħu jseħħu bħala parti mill-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1).

2.   Kwalunkwe ftehim bħal dan dwar il-livell ta' servizz għandu jiddetermina l-livell ta' servizz li għandu jiġi pprovdut mill-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport u jieħu kont tas-sistema jew tal-livell attwali ta' l-imposti ta' l-ajruport u l-livell ta' servizz li għalih ikunu intitolati l-utenti ta' l-ajruport b'kumpens għall-imposti ta' l-ajruport.

Artikolu 9

Servizzi speċjalizzati

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-korp tat-tmexxija ta' ajruport li jvarja l-kwalità u l-ambitu ta' servizzi partikolari ta' l-ajruport, ta' terminals partikolari jew ta' partijiet partikolari mit-terminals, bil-għan li jipprovdu servizzi speċjalizzati jew terminal dedikat jew parti minn terminal dedikata. Is-sistema jew il-livell ta' imposti ta' l-ajruport jistgħu jiġu differenzjati skond il-kwalità u l-ambitu ta' tali servizzi u skond l-ispejjeż għalihom jew kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva oħra. Il-korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti għandhom jibqgħu liberi li jistabbilixxu kwalunkwe tali imposti differenzjati.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lil kwalunkwe utent ta' l-ajruport li jkun jixtieq jagħmel użu mis-servizzi speċjalizzati jew mit-terminal dedikat jew minn parti dedikata minn terminal, li jkollu aċċess għal dawn is-servizzi u t-terminal jew għal parti minn terminal.

Fil-każ li jkun hemm aktar utenti ta' l-ajruport li jixtiequ li jkollhom aċċess għas-servizzi speċjalizzati u/jew għat-terminal dedikat jew parti dedikata ta' terminal milli jkun possibbli minħabba restrizzjonijiet ta' kapaċità, l-aċċess għandu jkun determinat abbażi ta' kriterji rilevanti, oġġettivi, trasparenti u non-diskriminatorji. Dawn il-kriterji jistgħu jiġu stabbiliti mill-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport u l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li dawn il-kriterji jiġu approvati mill-korp ta' superviżjoni indipendenti.

Artikolu 10

Korp ta' superviżjoni indipendenti

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew jistabbilixxu korp indipendenti bħala l-korp ta' superviżjoni indipendenti nazzjonali tagħhom sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-miżuri meħuda għall-finijiet ta' konformità ma' din id-Direttiva u sabiex jassumi, għall-anqas, il-kompiti assenjati taħt l-Artikolu 4. Dan il-korp jista' jkun l-istess entità li l-Istat Membru jaħtar sabiex tassigura l-applikazzjoni tal-miżuri regolatorji addizzjonali msemmija fl-Artikolu 1(5), inkluża l-approvazzjoni tas-sistema ta' imposti u/jew tal-livell ta' l-imposti ta' l-ajruport, kemm-il darba din tikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-korp ta' superviżjoni indipendenti billi jiżguraw li dan ikun legalment distint minn u funzjonalment indipendenti minn kwalunke korp ta' tmexxija ta' l-ajruport u trasportatur bl-ajru. L-Istati Membri li jkollhom proprjetà ta' ajruporti, ta' korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti jew ta' trasportaturi bl-ajru jew li jkollhom il-kontroll ta' korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti jew ta' trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw li l-funzjonijiet relatati ma' tali dritt ta' proprjetà jew kontroll ma jingħatawx lill-korp ta' superviżjoni indipendenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp ta' superviżjoni indipendenti jeżerċita s-setgħat tiegħu b'mod imparzjali u trasparenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-isem u l-indirizz tal-korp ta' superviżjoni indipendenti, bil-kompiti u r-responsabilitajiet assenjati lilu, u bil-miżuri meħuda biex tkun żgurata l-konformità mal-paragrafu 2.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta' finanzjament għall-korp ta' superviżjoni indipendenti, li jista' jinkludi l-ġbir ta' imposta mingħand l-utenti ta' l-ajruporti u l-korpi ta' tmexxija ta' l-ajruporti.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(5), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-korp ta' superviżjoni indipendenti, fir-rigward ta' nuqqas ta' qbil kif imsemmi fl-Artikolu 5(3), għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa relatati mas-sistema jew mal-livell ta' imposti ta' l-ajruport, inklużi dawk relatati mal-kwalità tas-servizz, sabiex:

(a)

tiġi stabbilita proċedura għar-riżoluzzjoni ta' nuqqas ta' qbil bejn il-korp ta' tmexxija ta' l-ajruport u l-utenti ta' l-ajruport;

(b)

jiġu ddeterminati l-kondizzjonijiet li taħthom ikun jista' jitressaq xi nuqqas ta' qbil quddiem il-korp ta' superviżjoni indipendenti. Tali korp jista', b'mod partikolari, ma jaċċettax ilmenti li ma jkunux ġustifikati kif xieraq jew ma jkunux dokumentati b'mod adegwat;

(c)

jiġu ddeterminati l-kriterji li fuqhom jiġi vvalutat in-nuqqas ta' qbil sabiex jiġi riżolt.

Dawn il-proċeduri, kondizzjonijiet u kriterji għandhom ikunu non-diskriminatorji, trasparenti u oġġettivi.

6.   Meta jkun qed jagħmel investigazzjoni dwar il-ġustifikazzjoni għall-modifika tas-sistema jew tal-livell ta' imposti ta' ajruport kif stabbilit fl-Artikolu 5, il-korp ta' superviżjoni indipendenti għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni meħtieġa mill-partijiet konċernati u għandu jkun meħtieġ li jikkonsulta lill-partijiet sabiex jasal għad-deċiżjoni tiegħu. Huwa għandu jagħti deċiżjoni malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien sitt xhur minn meta jiġi rċevut l-ilment. Id-deċiżjoniet tal-korp ta' superviżjoni indipendenti għandhom ikollhom effett li jorbot, mingħajr preġudizzju għal reviżjoni parlamentari jew ġudizzjarja, kif applikabbli fl-Istati Membri.

7.   Il-korp ta' superviżjoni indipendenti għandu jippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu.

Artikolu 11

Rapport u reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport sa … (7) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva li jivvaluta l-progress mwettaq fil-kisba ta' l-objettivi tagħha, kif ukoll, fejn ikun il-każ, kwalunkwe proposta adatta.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, partikolarment fir-rigward tal-ġbir ta' informazzjoni għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva … (8). Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istat Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bit-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-leġislazzjoni nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 10, 15.1.2008, p. 35.

(2)  ĠU C 305, 15.12.2007, p. 11.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-15 ta' Jannar 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' 23 ta' Ġunju 2008 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 341, 7.12.2006, p. 3.

(5)  ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36.

(6)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1.

(7)  Erba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(8)  36 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fid-29 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta msemmija hawn fuq lill-Kunsill. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE.

2.

Fid-29-30 ta' Novembru 2007, il-Kunsill TTE laħaq approċċ ġenerali dwar il-proposta.

3.

Fil-15 ta' Jannar 2008, il-Parlament Ewropew (relatur is-Sur Ulrich Stockmann (PSE-DE) ivvota fuq il-proposta fl-ewwel qari. L-opinjoni tal-PE tikkonsisti f'45 emenda.

4.

Fis-7 ta' April 2008, il-Kunsill TTE laħaq qbil politiku dwar il-proposta, waqt li aċċetta numru ta' emendi mill-45 emenda ta' l-ewwel qari tal-PE (dok. 8017/08). Il-pożizzjoni komuni li rriżultat hija skedata biex tiġi adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Jannar 2008.

II.   OBJETTIV

L-objettiv tad-Direttiva proposta huwa li jiġu stabbiliti prinċipji komuni għall-ħlas ta' imposti ta' l-ajruport fl-ajruporti Komunitarji. Hija għandha l-għan li tiċċara r-relazzjoni bejn l-operaturi ta' l-ajruporti u l-utenti ta' l-ajruporti billi tkun meħtieġa trasparenza, konsultazzjoni ma' l-utenti u l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni fil-kalkolu ta' l-imposti mħallsa mill-utenti. Barra minn hekk, hija għandha l-għan li toħloq awtoritajiet b'saħħithom u indipendenti fl-Istati Membri biex jarbitraw u jsolvu tilwim sabiex tinkiseb ir-riżoluzzjoni tagħhom f'qasir żmien.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Ġenerali

Fil-Plenarja tiegħu fil-15 ta' Jannar 2008, il-Parlament Ewropew (PE) adotta 45 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni. Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tirrifletti bidliet għall-proposta tal-Kummissjoni (ara hawn taħt taħt 2.a.) billi tinkorpora numru konsiderevoli ta' emendi:

jew verbatim (emendi 8, 10, 11, 45 tal-PE), jew

jew fl-ispirtu, permezz ta' formulazzjoni simili (emendi 1, 2, 3, 15, 23, 28, 29 tal-PE).

Madankollu, numru sostanzjali ta' emendi m'humiex riflessi fil-pożizzjoni komuni, għax il-Kunsill ikkunsidra li jew:

1.

ma kinux meħtieġa, għax kienu diġà koperti minn strumenti oħra adotatti wara li l-PE adotta l-opinjoni tiegħu; jew

2.

ġew meħuda f'konsiderazzjoni x'imkien ieħor fit-test għax il-proposta inizjali tal-Kummissjoni kienet ġiet abbozzata mill-ġdid fil-pożizzjoni komuni.

2.   Kwistjonijiet speċifiċi

(a)   Modifiki prinċipali għall-proposta tal-Kummissjoni

Abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill introduċa diversi modifiki, li jistgħu jiġu mqassra kif ġej:

—   Kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva proposta, Artikolu 1

Il-Kummissjoni fil-bidu pproponiet li jiġu nklużi l-ajruporti kollha bi traffiku annwali ta' aktar minn miljun passiġġier. Il-Kunsill qabel li dan il-limitu jiżdied għal 5 miljuni u li jiżdied l-akbar ajruport f'kull Stat Membru. Dan il-kamp ta' applikazzjoni huwa, barra minn hekk, konformi ma' l-opinjoni tal-PE.

—   Modulazzjoni ta' l-imposti għal skopijiet ambjentali u skopijiet oħrajn ta' interess pubbliku, Artikolu 3

Il-Kunsill qabel dwar l-inklużjoni ta' din il-possibbiltà fl-artikolu dwar non-diskriminazzjoni. Din iż-żieda tirrifletti x-xewqa ta' l-Istati Membri li jkollhom il-possibbiltà li jippromwovu l-użu ta' inġenji ta' l-ajru li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent permezz tal-modulazzjoni ta' l-imposti ta' l-ajruporti, kif ukoll għal finijiet oħra.

—   Relazzjoni ma' l-ispejjeż, Premessa 8

Din il-premessa tirrifletti kompromess bilanċjat bejn ix-xewqa ta' l-Istati Membri li l-imposti ta' l-ajruport ikunu strettament relatati mal-livell ta' l-ispiża għall-provvediment tas-servizzi ta' l-ajruport (b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta' politika ta' l-ICAO dwar l-imposti ta' l-ajruport) u livell adatt ta' flessibbiltà għal Stati Membri oħra, inklużi dawk li jikkonsidraw li dan jista' jkollu implikazzjonijiet għall-iffunzjonar tan-netwerks ta' l-ajruporti peress li xi Stati Membri jeħtieġu flessibbiltà biex jużaw id-dħul kummerċjali fin-netwerk ta' l-ajrupurt.

—   Netwerk ta' l-ajruport u sistema ta' l-ajruport, Artikolu 2(5) u 4

Il-Kunsill qabel li kien meħtieġ li fit-test ta' l-abbozz ta' Direttiva tiġi introdotta definizzjoni tan-netwerks ta' l-ajruport. Barra minn hekk, huwa kkunsidra xieraq li jiġi nkluż test li jiżgura li l-ajruporti li jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni jistgħu jkollhom sistema komuni ta' ġbir ta' imposti.

—   Miżuri ta' sorveljanza ekonomika, Artikolu 5 (5)

Il-Kunsill ikkunsidra xieraq iż-żieda ta' dispożizzjoni dwar miżuri ta' sorveljanza ekonomika, li taħtha l-Istati Membri, li jużaw is-sistemi ta' sorveljanza ekonomika, m'humiex obbligati japplikaw il-proċedura ta' riżoluzzjoni ta' tilwim preskritta tad-Direttiva. Dan minħabba li s-sorveljanza ekonomika toffri livell ta' protezzjoni komparabbli ma' dak imniżżel fid-Direttiva.

—   Skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, Artikolu 12

Il-Kunsill estenda l-perijodu meħtieġ għat-traspożizzjoni tad-Direttiva f'liġi nazzjonali għal 36 xahar sabiex jippermetti lill-Istati Membri ħin biżżejjed biex jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha.

(b)   Emendi tal-Parlament Ewropew

Il-Kunsill, barra minn hekk, ikkunsidra numru ta' emendi, anke jekk ma nkludihomx fil-pożizzjoni komuni. Dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu mqassra kif ġej:

—   Imposti ta' sigurtà

Emendi rilevanti 4, 13, 37-41

Il-pożizzjoni komuni ma nkludietx l-emendi dwar il-finanzjament tas-sigurtà b'konsiderazzjoni li t-tħassib tal-PE dwar din il-kwistjoni huma diġà indirizzati mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ġdid dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili (Regolament 300/2008). Dawn it-tħassib ser jiġu indirizzati wkoll f'inizjattiva ta' politika tal-Kummissjoni futura.

—   Pre-finanzjament

Emendi rilevanti 31, 32

Il-pożizzjoni komuni tirrikonoxxi l-importanza ta' proġetti ta' infrastruttura ġodda u tiżgura l-possibbiltà tal-finanzjament tagħhom, waqt li tipproteġi l-interessi ta' l-utenti ta' l-ajruport. Dan il-prinċipju ta' pre-finanzjament diġà jissemma' fit-testi ta' l-ICAO, iżda l-Kunsill ikkunsidra li hu aktar xieraq li dan ma jiġix inkluż fil-pożizzjoni komuni tiegħu, minħabba approċċi differenti fl-Istati Membri u l-ħtieġa li tinżamm il-flessibbiltà. Il-Kummissjoni ma aċċettatx dawn l-emendi.

—   Sistema single till jew dual till

Emendi rilevanti 6, 22

Il-Kunsill ikkunsidra meħtieġ li jiġi previst l-istabbiliment ta' qafas komuni li jirregola l-karatteristiċi essenzjali ta' l-imposti ta' l-ajruport u l-mod li bih dawn jiġu stabbiliti, iżda kkunsidra wkoll li l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jippermettu sistema single till jew dual till jew taħlita taż-żewġ sistemi u ma jkunux obbligati jadottaw leġislazzjoni li tagħmel mandatorja waħda minn dawn is-sistemi jew jagħti lill-ajruporti d-dritt li jagħżlu liema till ser jadottaw. Għal dawn ir-raġunijiet, il-pożizzjoni komuni ma nkludietx xi dispożizzjoni express dwar din il-kwistjoni.

—   Kopertura ta' l-ajruporti kollha f'netwerk

Emendi rilevanti 9, 14

Il-pożizzjoni komuni ma aċċettatx dawn l-emendi għal raġunijiet ta' koerenza ma' l-approċċ sħiħ dwar in-netwerks, jiġifieri in-non-diskriminazzjoni tan-netwerks bejn l-Istati Membri, l-eliminazzjoni ta' burokrazija bla bżonn f'ajruporti żgħar u n-nuqqas ta' ħtieġa prattika, peress li l-Kunsill jikkunsidra li r-riskju ta' sussidju inkroċjat huwa mingħajr bażi.

—   Emendi oħra

Il-pożizzjoni komuni ma nkludietx numru ta' emendi għal tliet raġunijiet:

Il-Kunsill ikkunsidra li ma kinux koerenti mal-filosofija u l-approċċ segwit mill-abbozz ta' Direttiva;

Il-Kunsill ikkunisidra li l-abbozzar tagħhom ma kienx ċar biżżejjed u jista' jinvolvi inċertezza legali, peress li jista' jiġi interpretat f'aktar minn mod wieħed;

Il-Kunsill ikkunsidra li jkunu imprattiċi biex jiġu implimentati mill-Istati Membri, b'mod partikolari dwar l-emendi li jistabbilixxu skadenzi, li l-Istati Membri jikkunsidraw jew qosra żżejjed jew twal iżżejjed.

L-emendi in kwistjoni huma li ġejjin:

prinċipji ta' kompetizzjoni u għajnuna ta' l-istat (parti ta' 7, 16, 24, 25, 26)

non-diskriminazzjoni (34, 35, 36)

kondizzjonijiet għall-intervent tal-korp superviżorju indipendenti u d-delegazzjoni ta' l-awtorità (19, 21, 42, 43)

il-livell ta' servizz u l-kwalità tas-servizz (5, 27, 33)

referenza għall-fatturi li jiddeterminaw il-livell ta' imposti (12)

konsultazzjonijiet (17)

l-iskeda għall-preżentazzjoni ta' bidliet għas-sistema ta' ġbir ta' imposti (18)

ammissibilità ta' lmenti (20)

trasparenza (30)

skadenza għad-deċiżjoni tal-korp superviżorju indipendenti (44).

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill hu tal-fehma li l-pożizzjoni komuni hija bbilanċjata u tirrispetta l-miri u l-objettivi wara l-proposta tal-Kummissjoni. Huwa jieħu kont ukoll tar-riżultati ta' l-ewwel qari tal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill jinnota n-negozjati informali li diġà seħħew bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew u għandu fiduċja li t-test ta' kompromess identifikat ser jippermetti l-adozzjoni rapida tad-Direttiva fil-futur qrib.


7.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 254/26


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 23/2008

adottata mill-Kunsill fil-15 ta' Settembru 2008

bil-għan li jadotta ir-Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-… li temenda d-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol

(2008/C 254 E/03)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 137(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-Artikolu 137 tat-Trattat jipprevedi li l-Komunità għandha tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet ta' l-Istati Membri bil-ħsieb li jittejjeb l-ambjent tax-xogħol biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Id-Direttivi adottati abbażi ta' l-Artikolu msemmi qabel għandhom jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b'mod li żżomm lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' l-impriżi żgħar u ta' daqs medju.

(2)

Id-Direttiva 2003/88/KE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi rekwiżiti minimi dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inter alia, fir-rigward ta' perijodi ta' serħan ta' kuljum u ta' kull ġimgħa, il-waqfien, il-ħin tax-xogħol massimu ta' kull ġimgħa, il-leave annwali u ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, xogħol bix-shift u tendenzi tax-xogħol.

(3)

It-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 19 u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/88/KE jipprevedu reviżjoni qabel it-23 ta' Novembru 2003.

(4)

Aktar minn għaxar snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE (5), id-Direttiva inizjali dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, sar meħtieġ li jiġu meqjusa żviluppi u talbiet ġodda kemm minn min iħaddem kif ukoll mill-ħaddiema u li jiġu pprovduti r-riżorsi biex jintlaħqu l-objettivi ta' tkabbir u impjiegi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005 fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Lisbona.

(5)

Ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja hija wkoll element essenzjali għall-kisba ta' l-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea fl-istrateġija ta' Lisbona, b'mod partikolari għaż-żieda fir-rata ta' l-impjiegi fost in-nisa. L-għan m'huwiex biss li jinħoloq ambjent tax-xogħol aktar sodisfaċenti, iżda wkoll li jkun hemm tweġiba aħjar għat-talbiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari dawk b'responsabbiltajiet ta' familja. Numru ta' emendi li jinsabu f'din id-Direttiva huma maħsuba biex jippermettu kompatibbiltà akbar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.

(6)

F'dan il-kuntest l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-imsieħba soċjali biex jikkonkludu strumenti ta' ftehim fil-livell adatt biex tittejjeb ir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.

(7)

Hemm ħtieġa li tissaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u għal flessibbiltà akbar fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, b'mod partikolari fir-rigward ta' ħin on-call u, aktar speċifikament, perijodi inattivi waqt ħin on-call, u wkoll biex jinstab bilanċ ġdid bejn ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-ħajja tal-familja min-naħa waħda u organizzazzjoni aktar flessibli tal-ħin tax-xogħol min-naħa l-oħra.

(8)

Il-ħaddiema għandhom jingħataw perijodi ta' serħan kompensatorju f'ċirkostanzi fejn il-perijodi ta' serħan ma jingħatawx. Id-determinazzjoni tat-tul tal-perijodu raġonevoli li fih jista' jingħata serħan kompensatorju ekwivalenti lill-ħaddiema għandha titħalla għall-Istati Membri, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġu żgurati s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema konċernati u l-prinċipju ta' proporzjonalità.

(9)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-perijodu ta' referenza għall-ħin tax-xogħol massimu ta' kull ġimgħa għandhom ukoll jiġu eżaminati mill-ġdid, bil-għan li jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta' min iħaddem u l-impjegati, soġġetti għas-salvagwardji għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

(10)

Kull meta l-kuntratt tax-xogħol ikun għal perijodu ta' inqas minn sena, il-perijodu ta' referenza m'għandux jaqbeż il-perijodu tal-kuntratt tax-xogħol.

(11)

L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/88/KE turi li d-deċiżjoni purament individwali li ma tkunx marbut bl-Artikolu 6 tagħha tista' tkun problematika fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-libertà ta' l-għażla tal-ħaddiem.

(12)

L-għażla prevista fl-Artikolu 22(1) hija deroga mill-prinċipju ta' ġimgħa xogħol ta' mhux iżjed minn 48 siegħa, ikkalkulata bħala medja matul perijodu ta' referenza. Din hija soġġetta għall-protezzjoni effettiva tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, u għall-kunsens espress, liberu u informat tal-ħaddiem ikkonċernat. L-użu tagħha għandu jkun soġġett għal salvagwardji adatti biex jiżguraw li jkun hemm konformità ma' dawn il-kondizzjonijiet, u għal monitoraġġ mill-qrib.

(13)

Qabel l-applikazzjoni ta' l-għażla prevista fl-Artikolu 22(1), għandha tingħata konsiderazzjoni jekk l-itwal perijodu ta' referenza jew dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà oħrajn previsti mid-Direttiva 2003/88/KE jiggarantixxux il-flessibbiltà meħtieġa.

(14)

Sabiex ikunu evitati riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, l-użu kumulattiv fi Stat Membru kemm tal-perijodu ta' referenza flessibbli previst mill-punt (b) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 19, kif ukoll l-għażla skond l-Artikolu 22(1) m'huwiex possibbli.

(15)

Skond l-Artikolu 138(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni kkonsultat lil min imexxi u lill-ħaddiema fil-livell Komunitarju dwar id-direzzjoni possibbli ta' azzjoni Komunitarja f'dan il-qasam.

(16)

Wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni qieset li azzjoni Komunitarja kienet irrikmandata u kkonsultat ulterjorment lil min imexxi u lill-ħaddiema dwar il-kontenut tal-proposta prevista, skond l-Artikolu 138(3) tat-Trattat.

(17)

Wara din it-tieni fażi ta' konsultazzjoni, min imexxi u l-ħaddiema fil-livell Komunitarju ma infurmawx lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jingħata bidu għall-proċess li jista' jwassal għall-konklużjoni ta' ftehim previst fl-Artikolu 139 tat-Trattat.

(18)

Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li timmodernizza l-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista' jiġi milħuq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(19)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tikkonforma mal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (6). B'mod partikolari hija mfassla biex tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa skond l-Artikolu 31 tal-Karta, u b'mod partikolari l-paragrafu 2 tagħha, li jipprevedi li “kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta' sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta' mistrieħ kuljum u ta' fil-ġimgħa u għal perijodu annwali ta' leave imħallas”.

(20)

L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandha żżomm il-livell ta' protezzjoni ġenerali mogħti lill-ħaddiema fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2003/88/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 2 għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“1a.

‘ħin on-call’ tfisser kwalunkwe perijodu li matulu l-ħaddiem għandu l-obbligu li jkun disponibbli fuq il-post tax-xogħol sabiex jintervjeni, fuq it-talba ta' min iħaddem, biex iwettaq l-attività jew id-dmirijiet tiegħu;

1b.

‘post tax-xogħol’ tfisser il-post jew postijiet fejn il-ħaddiem normalment iwettaq l-attivitajiet jew id-dmirijiet tiegħu u li jkun determinat skond it-termini tar-relazzjoni jew kuntratt tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiem;

1c.

‘parti inattiva tal-ħin on-call’ tfisser kwalunkwe perijodu li matulu l-ħaddiem on-call ikun on-call fit-tifsira tal-punt 1a iżda ma jkunx mitlub minn min iħaddmu biex fil-fatt iwettaq l-attività jew id-dmirjiet tiegħu;”.

2.

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2a

Ħin on-call

Il-parti inattiva tal-ħin on-call m'għandhiex tkun meqjusa bħala ħin tax-xogħol sakemm liġi nazzjonali jew, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali ma jipprevedux mod ieħor.

Il-parti inattiva tal-ħin on-call tista' tkun ikkalkulata abbażi ta' medja tan-numru ta' sigħat jew proporzjon tal-ħin on-call, b'kont meħud ta' l-esperjenza fis-settur konċernat, permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali jew permezz ta' leġislazzjoni nazzjonali wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali.

Il-parti inattiva tal-ħin on-call m'għandhiex tittieħed f'kont fil-kalkolazzjoni tal-perijodi ta' serħan ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa stabbiliti fl-Artikolu 3 u 5 rispettivament, sakemm ma jkunx ġie previst mod ieħor:

(a)

permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali;

jew

(b)

permezz ta' leġislazzjoni nazzjonali wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali.

Il-perijodu li matulu l-ħaddiem fil-fatt iwettaq l-attività jew id-dmirijiet tiegħu matul il-ħin on-call dejjem għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol.

Artikolu 2b

Rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja

L-Istati Membri għandhom jinkorraġixxu lill-imsieħba soċjali fil-livell adatt, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tagħhom, biex jikkonkludu ftehim bl-għan li titjieb ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta' l-impjegati fil-Komunità Ewropea (7) u f'konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali, li dawk li jħaddmu jinfurmaw lill-ħaddiema fi żmien debitu dwar kwalunkwe bidla sostanzjali fit-tendenzi jew l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħhom.

B'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-ħaddiema għall-flessibbiltà fis-siegħat u fit-tendenzi tax-xogħol tagħhom, l-Istati Membri għandhom, skond il-prattiki nazzjonali tagħhom, iħeġġu wkoll lil dawk li jħaddmu biex jeżaminaw talbiet għal bidliet f'tali ħinijiet u tendenzi tax-xogħol, soġġett għall-ħtiġijiet ta' l-impriża u kemm tal-ħtiġijiet ta' flessibbiltà ta' min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema..

3.

l-Artikolu 17 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “Artikoli 3 sa 6, 8 u 16” għandhom jiġu sostitwiti minn “Artikoli 3 sa 6, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 16(a) u (ċ)”;

(b)

fil-paragrafu2, il-kliem “basta li l-ħaddiema konċernati jkunu mogħtija perijodi ekwivalenti ta' mistrieħ obbligatorju” għandhom jinbidlu bi “sakemm il-ħaddiema konċernati jingħataw perijodi ekwivalenti ta' serħan kompensatorju f'perijodu raġonevoli, li għandu jiġi determinat minn leġislazzjoni nazzjonali jew ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn l-imsieħba soċjali”;

(c)

fil-ewwel sentenza tal-paragrafu 3, il-kliem “Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16” għandhom jiġu sostitwiti minn “Artikoli 3, 4, 5, 8 u l-Artikolu 16(a) u (ċ)”;

(d)

il-paragrafu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“5.   Skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jistgħu jsiru derogi mill-Artikolu 6 fil-każ ta' tobba waqt it-taħriġ, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sas-sitt subparagrafu ta' dan il-paragrafu.”;

(ii)

l-aħħar subparagrafu għandu jitħassar.

4.

Fl-Artikolu 18, fit-tielet paragrafu, il-kliem “bil-kondizzjoni li perijodi ta' serħan ekwivalenti kompensatorji jkunu mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati” għandhom jinbidlu bi “bil-kondizzjoni li perijodi ta' serħan kompensatorju ekwivalenti jingħataw lill-ħaddiema konċernati f'perijodu raġonevoli, li għandu jkun determinat minn leġislazzjoni nazzjonali jew ftehim kollettiv jew ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali”.

5.

L-Artikolu 19 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 19

Limitazzjonijiet għal derogi mill-perijodi ta' referenza

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22a(b) u b'deroga mill-Artikolu 16(b), l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla, soġġetta għall-konformità mal-prinċipji ġenerali dwar il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, li jippermettu, għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi, jew raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, li l-perijodu ta' referenza jkun stabbilit għal perijodu li ma jabqiżx it-tnax-il xahar:

(a)

permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali, kif stabbilit fl-Artikolu 18;

jew

(b)

permezz ta' dispożizzjoni leġislattiva jew regolatorja wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali fil-livell adatt.

Meta jsir użu mill-għażla skond il-punt (b) ta' l-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li min iħaddem jirrispetta l-obbligi tiegħu kif stabbiliti fit-Taqsima II tad-Direttiva 89/391/KEE.”.

6.

L-Artikolu 22 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 22

Dispożizzjonijiet varji

1.   Għalkemm il-prinċipju ġenerali huwa li l-ġimgħa tax-xogħol massima fl-Unjoni Ewropea hija ta' 48 siegħa u li fil-prattika hija eċċezzjoni għall-ħaddiema fl-Unjoni li jaħdmu aktar fit-tul, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 6 sakemm jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Madankollu, l-implimentazzjoni ta' din l-għażla, għandha tkun espressament stabbilita permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali fil-livell adatt jew mil-liġi nazzjonali wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali fil-livell adatt.

2.   Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu minn din l-għażla għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li:

(a)

l-ebda persuna li tħaddem ma teħtieġ lil ħaddiem biex jaħdem aktar minn 48 siegħa tul perijodu ta' sebat ijiem, ikkalkulat bħala medja għall-perijodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 16(b), sakemm l-ewwel ma tkunx kisbet il-kunsens tal-ħaddiem biex iwettaq tali xogħol. Dan il-qbil għandu jkun validu għal perijodu ta' mhux aktar minn sena, u jista' jiġġedded;

(b)

l-ebda ħaddiem m'għandu jiġi soġġettat għal kwalunkwe detriment minn min iħaddmu għaliex ma jkunx irid jagħti l-kunsens tiegħu biex iwettaq dak ix-xogħol jew għaliex ikun irtira l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe raġuni;

(c)

kunsens mogħti:

(i)

fil-mument ta' l-iffirmar tal-kuntratt tax-xogħol individwali; jew

(ii)

matul l-ewwel erba' ġimgħat tar-relazzjoni tax-xogħol

għandu jkun null u bla effett;

(d)

l-ebda ħaddiem li jkun ta l-qbil tiegħu skond dan l-Artikolu m'għandu, fuq perijodu ta' sebat ijiem, jaħdem aktar minn:

(i)

60 siegħa, ikkalkolati bħala medja fuq perijodu ta' tliet xhur, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali; jew

(ii)

65 siegħa, ikkalkolati bħala medja fuq perijodu ta' tliet xhur, fin-nuqqas ta' ftehim kollettiv u meta l-parti inattiva tal-ħin on-call titqies bħala ħin tax-xogħol, skond l-Artikolu 2a;

(e)

kull ħaddiem għandu jkun intitolat li jirtira, b'effett immedjat, il-kunsens tiegħu li jwettaq dak ix-xogħol matul l-ewwel sitt xhur wara l-firma ta' ftehim validu jew matul u mhux aktar tard minn tliet xhur wara li l-perijodu ta' prova speċifikat fil-kuntratt tiegħu jkun intemm, liema minnhom ikun l-itwal, billi jinforma bil-miktub fi żmien debitu lil min iħaddmu li ser jagħmel hekk. Wara dan, min iħaddem jista' jitlob lill-ħaddiem biex jagħti, bil-miktub, perijodu ta' pre-avviż, li m'għandux jaqbeż ix-xahrejn;

(f)

min iħaddem iżomm reġistri aġġornati tal-ħaddiema kollha li jwettqu tali xogħol u reġistri adegwati biex jiġi stabbilit li d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma rrispettati;

(g)

ir-reġistri jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-possibbiltà li jinqabeż il-ħin tax-xogħol massimu ta' kull ġimgħa;

(h)

min iħaddem jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom b'informazzjoni dwar każijiet li fihom ikun ingħata l-kunsens mill-ħaddiema biex jaħdem iżjed minn 48 siegħa fuq perijodu ta' sebat ijiem, ikkalkulat bħala medja għall-perijodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 16(b), u reġistri adegwati biex jiġi stabbilit li d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma rrispettati.

3.   Soġġett għall-konformità mal-prinċipji ġenerali relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, fejn ħaddiem huwa impjegat mill-istess persuna li tħaddem għal perijodu jew perijodi li ma jaqbżux totali ta' għaxar ġimgħat tul perijodu ta' tnax-il xahar, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2(ċ)(ii) u (d) m'għandhomx japplikaw.”.

7.

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 22a

Dispożizzjonijiet speċjali

Meta Stat Membru jagħmel użu mill-għażla prevista fl-Artikolu 22:

(a)

l-għażla mniżżla skond il-punt (b) ta' l-ewwwel paragrafu ta' l-Artikolu 19 m'għandhiex tapplika;

(b)

dak l-Istat Membru jista', b'deroga mill-Artikolu 16(b) u, għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi, jew raġunijiet dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol, jippermetti permezz ta' liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, li l-perijodu ta' referenza jkun stabbilit għal perijodu li ma jabqiżx is-sitt xhur.

Tali perijodu ta' referenza għandu jkun soġġett għall-konformità mal-prinċipji ġenerali marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, u m'għandux jaffettwa l-perijodu ta' referenza ta' tliet xhur applikabbli skond l-Artikolu 22(2)(d) għall-ħaddiema li daħlu fi ftehim li għadu validu skond l-Artikolu 22(2)(a).”.

8.

L-Artikolu 24 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 24

Rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li diġà ġew adottati jew li qed jiġu adottati fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull ħames snin dwar l-implimentazzjoni prattika ta' din id-Direttiva, filwaqt li jindikaw il-fehma taż-żewġ naħat ta' l-industrija.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol b'dan.

3.   Kull ħames snin mit-23 ta' Novembru 1996 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva li jieħu kont tal-paragrafi 1 u 2.”.

9.

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 24a

Rapport ta' evalwazzjoni

1.   Sa … (8):

(a)

l-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla skond l-Artikolu 22(1) għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-raġunijiet, is-settur(i), l-attivitajiet u n-numru ta' ħaddiema kkonċernati, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali. Ir-rapport minn kull Stat Membru għandu jagħti informazzjoni dwar l-effetti tagħha fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kif ukoll jindika il-fehmiet ta' l-imsieħba soċjali fil-livell adatt, u għandu jkun ippreżentat ukoll lill-imseħba soċjali fil-livell nazzjonali;

(b)

L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla skond il-punt (b) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 19 għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-mod li bih implimentaw din id-dispożizzjoni, u dwar l-effetti tagħha fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

2.   Sa … (9), il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-imseħba soċjali fil-livell Komunitarju, tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar:

(a)

l-użu ta' l-għażla skond l-Artikolu 22(1) u r-raġunijiet għal dak l-użu; u

(b)

fatturi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għal sigħat tax-xogħol twal, bħall-użu tal-punt (b) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 19.

Ir-rapport jista' jkun akkumpanjat minn proposti adatti biex jitnaqqsu s-sigħat eċċessivi ta' xogħol, inkluż l-użu ta' l-għażla skond l-Artikolu 22(1) b'kont meħud ta' l-impatt tiegħu fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kopert minn din l-għażla.

3.   Il-Kunsill għandu jevalwa, abbażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2, l-użu ta' l-għażliet previsti minn din id-Direttiva u jiġifieri dawk stabbiliti fil-punt (b) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 19 u l-Artikolu 22(1).

B'kont meħud ta' din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tista', sa … (10), jekk adatt, tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jemendaw din id-Direttiva, inkluż l-għażla stabbilita fl-Artikolu 22(1).”.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu applikati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-disposizzjonijiet lill-Kummissjoni sa … (11). L-Istati Membri għandom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe emenda sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet malajr kemm jista' jkun. Huma għandhom, b'mod partikolari, jassiguraw li l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom ikollhom mezzi adegwati għall-infurzar ta' l-obbligi skond din id-Direttiva.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa … (11), jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim, li bih l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jippermettulhom jiggarantixxu fi kwalunkwe ħin li l-objettivi ta' din id-Direttiva qed jintlaħqu. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 267, 27.10.2005, p. 16.

(2)  ĠU C 231, 20.9.2005, p. 69.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Mejju 2005 (ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 292), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' 15 ta’ Settembru 2008 u Deċiżjoni tal-Kunsill tal- … (mhux ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.

(5)  ĠU L 307, 13.12.1993, p. 1. Id-Direttiva mħassra bid-Direttiva 2003/88/KE.

(6)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(7)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.”

(8)  Jekk jogħġbok daħħal id-data li tikkorrispondi għal sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(9)  Seba' snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(10)  Tmien snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(11)  Għal tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Fl-24 ta' Settembru 2004, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (1). Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 137(2) tat-Trattat.

Filwaqt li aġixxa skond l-Artikolu 251 tat-Trattat, il-Parlament Ewropew ta l-Opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-11 ta' Mejju 2005 (2).

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta l-Opinjoni tiegħu fil-11 ta' Mejju 2005 (3) u l-Kumitat tar-Reġjuni fl-14 ta' April 2005 (4).

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta emendata tagħha (5) fit-2 ta' Ġunju 2005, li fiha aċċettat 13 mill-25 emenda adottati mill-Parlament Ewropew.

Fid-9 ta' Ġunju 2008, il-Kunsill laħaq qbil politiku b'maġġoranza kwalifikata dwar Pożizzjoni Komuni, b'mod parallel għal qbil politiku b'maġġoranza kwalifikata dwar pożizzjoni komuni rigward id-Direttiva dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema temporanji. Ħamsa mid-delegazzjonijiet li ma setgħux jaċċettaw it-test tal-qbil politiku dwar id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol daħħlu dikjarazzjoni konġunta fil-Minuti tal-Kunsill (6).

Skond l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu b'maġġoranza kwalifikata fil-15 ta' Settembru 2008.

II.   OBJETTIVI

L-objettivi tal-proposta huma doppji:

L-ewwel, li jiġu riveduti xi wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88/KE (li emendat l-aħħar id-Direttiva 93/104/KE) skond l-Artikoli 19 u 22 ta' dik id-Direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw id-derogi għall-perijodu ta' referenza għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6 (ħin tax-xogħol massimu kull ġimgħa) u l-possibbiltà li l-Artikolu 6 ma jiġix applikat jekk il-ħaddiem jaqbel li jwettaq tali xogħol (id-“dispożizzjoni ta' non-applikazzjoni”).

It-tieni, li jittieħed kont tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, b'mod partikolari s-sentenzi fil-każijiet SIMAP (7) u Jaeger (8) li sostnew li servizz on-call imwettaq minn tabib meta huwa meħtieġ li jkun preżenti fiżikament fl-isptar għandu jiġi kkunsidrat bħala ħin tax-xogħol. Din l-interpretazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, b'segwitu ta' diversi talbiet għal sentenzi preliminari skond l-Artikolu 234 tat-Trattat, kellha impatt profond fuq il-kunċett ta' “ħin tax-xogħol” u, konsegwentement, fuq dispożizzjonijiet essenzjali tad-Direttiva.

B'mod partikolari:

Bil-għan li jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, minn naħa waħda, u l-ħtieġa għall-flessibbiltà għal min iħaddem, minn naħa l-oħra, il-proposta tistabbilixxi prinċipji ġenerali ta' protezzjoni għall-ħaddiema on call kemm matul perijodi attivi kif ukoll dawk mhux attivi ta' ħin on call. F'dan il-qafas, il-proposta tipprevedi li l-parti mhux attiva tal-ħin on-call mhix ħin tax-xogħol fit-tifsira tad-Direttiva, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali, ftehim kollettivi jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali.

Il-proposta timmira li tagħti aktar flessibbiltà lil min iħaddem u lill-Istati Membri fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, taħt ċerti kondizzjonijiet, billi l-estensjoni tal-perijodu ta' referenza għall-kalkolu tal-ħin tax-xogħol massimu possibbli ta' kull ġimgħa tkun sa sena, b'hekk il-kumpanniji jkunu jistgħu jitrattaw il-flutwazzjonijiet mitluba li huma regolari mhux ħażin.

Il-proposta tippermetti kompatibbiltà aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, partikolarment bit-tibdil propost fir-rigward ta' l-Artikolu 22.

Fir-rigward ta' l-opt-out mil-limitu medju ta' 48 siegħa fil-ġimgħa, il-proposta ssaħħaħ id-djalogu soċjali, billi tinvolvi lill-imsieħba soċjali fi kwalunkwe deċiżjoni minn Stat Membru biex il-ħaddiema individwali jitħallew jużaw l-opt-out. Taħt din is-sistema l-ġdida, deċiżjoni minn Stat Membru biex l-opt-out jitħalla jintuża għandha tiġi implimentata jew permezz ta' ftehim kollettiv minn qabel jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali fil-livell adatt, jew mil-liġi nazzjonali wara konsultazzjoni ta' l-imsieħba soċjali fil-livell adatt. Jibqa' l-fatt li min iħaddem ma jistax jobbliga lil xi ħaddiem jaħdem aktar mil-limitu medju ta' 48 siegħa fil-ġimgħa, u b'hekk il-ħaddiem individwali għandu wkoll jaqbel li juża l-opt-out. Ser japplikaw ukoll kondizzjonijiet imsaħħa f'livell Komunitarju, sabiex jiġu evitati abbużi u jiġi żgurat li ħaddiem li qiegħed jikkunsidra li juża l-opt-out, jista' jagħmel għażla ħielsa għalkollox. Barra minn hekk, il-proposta tintroduċi prinċipju ġenerali li skondu t-tul ta' żmien massimu ta' ħin tax-xogħol għal ġimgħa għandu jkun limitat.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

a)   Proposta emendata tal-Kummissjoni

Il-Parlament Ewropew adotta 25 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni. 13 minn dawn l-emendi ġew inkorporati fil-proposta emendata tal-Kummissjoni fl-intier tagħhom, jew parzjalment wara li ġew riformulati (l-emendi 1, 2, 3, 4, 8, 11, 12, 13, 16, 17, 18, 19 u 24). Madankollu, 12-il emenda oħra ma kinux aċċettabbli għall-Kummissjoni (l-emendi 5, 6, 7, 9, 10, 14, 15, 20, 21, 22, 23 u 25).

b)   Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill

Il-Kunsill seta' jaċċetta 8 mit-13-il emenda, inkorporata fil-proposta emendata tal-Kummissjoni fl-intier jew parzjalment, jiġifieri l-emendi Nri 1 u 2 (il-premessa Nru 4 li tikkwota l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona), 3 (il-premessa Nru 5 li tagħmel referenza biex tiżdied ir-rata ta' impjiegi fost in-nisa), 4 (il-premessa Nru 7: żieda ta' referenza għall-kompatibbiltà bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja), 8 (il-premessa Nru 14 li tikkwota l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), 16 (l-Artikolu 17(2) rigward ħin ta' mistrieħ ta' kumpens), 17 (l-Artikolu 17(5) l-ewwel inċiż, korrezzjoni ta' żball) u 18 (l-Artikolu 18 (3) rigward ħin ta' mistrieħ ta' kumpens).

Il-Kunsill aċċetta wkoll, soġġetti għal riabbozzar, il-prinċipji li hemm wara l-emendi:

Nru 12 (l-Artikolu 2b: żieda ta' dispożizzjoni dwar il-kompatibbiltà bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja);

Nru 13 (tneħħija ta' l-Artikolu 6b(2) rigward il-perijodu ta' referenza ta' 12-il xahar);

Nru 19 (l-Artikolu 19: perijodu ta' referenza).

Madankollu, il-Kunsill ma kienx tal-parir li jiġu atwati l-emendi fi:

Nru 11 (ġabra ta' sigħat f'każijiet li jinvolvu diversi kuntratti ta' impjiegi), kif ġie meqjus fil-premessa Nru 2 fil-proposta emendata, peress li l-premessa Nru 3 tad-Direttiva attwali tipprevedi li “id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema waqt ix-xogħol jibqgħu applikabbli b'mod sħiħ fl-oqsma koperti b'din id-Direttiva mingħajr preġudizzju għad- dispożizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi li jinsabu fiha” u li l-Artikolu 1(4) tagħha jipprevedi wkoll li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE huma applikabbli b'mod sħiħ għal perijodi minimi ta' mistrieħ kuljum, mistrieħ fil-ġimgħa u leave annwali, għal pawżi u ħin tax-xogħol massimu fil-ġimgħa kif ukoll għal ċerti aspetti ta' xogħol bil-lejl, xogħol bix-shift u ritmi tax-xogħol;

Nru 24 (dispożizzjoni dwar il-validità ta' ftehim għal opt-out iffirmati qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, l-Artikolu 22 (1c)): il-Kunsill ma kkunsidrax bħala meħtieġ li tiġi inkorporata din id-dispożizzjoni li ddaħħlet fil-proposta emendata tal-Kummissjoni;

Nru 25 (li tipprevedi li kopja tad-Direttiva għandha tintbagħat lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi kandidati).

Il-Kunsill ma kienx ukoll f'pożizzjoni li jaċċetta l-emendi 5, 6, 7, 9, 10, 14, 15, 20, 21, 22 u 23 għar-raġunijiet imsemmijin mill-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha.

Il-Kummissjoni aċċettat il-Pożizzjoni Komuni miftiehma mill-Kunsill.

2.   Kummenti speċifiċi

Dispożizzjonijiet rigward ħin on-call

Il-Kunsill qabel mad-definizzjonijiet ta' “ħin on-call” u “parti mhux attiva ta' ħin on-call” kif issuġġerit mill-Kummissjoni fil-proposta oriġinali tagħha u kkonfermata fil-proposta emendata tagħha.

Il-Kunsill qabel ukoll mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiżdied definizzjoni tat-terminu “post tax-xogħol” fl-Artikolu 1(1)(1b) tal-Pożizzjoni Komuni, sabiex tiġi aktar iċċarata d-definizzjoni ta' “ħin on-call”.

Rigward l-Artikolu 2a ġdid dwar il-ħin on-call, il-Kunsill qabel mal-Kummissjoni dwar il-prinċipju li l-parti mhux attiva tal-ħin on-call m'għandhiex titqies bħala ħin tax-xogħol sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor bil-liġi nazzjonali jew, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali. Il-Kunsill jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li l-introduzzjoni ta' din il-kategorija ġdida għandha tkun ta' għajnuna fil-kjarifika tar-relazzjoni bejn il-ħin tax-xogħol u l-perijodi ta' mistrieħ.

Il-Kunsill segwa wkoll l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tal-parti mhux attiva tal-ħin on-call filwaqt li ppreveda li dan ma jistax jiġi stabbilit biss bi ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali iżda wkoll bil-leġislazzjoni nazzjonali wara konsultazzjni ma' l-imsieħba soċjali.

Il-Kunsill irrikonoxxa bħala prinċipju ġenerali li l-parti mhux attiva tal-ħin on-call m'għandhiex titqies fil-kalkolu tal-perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa. Madankollu, il-Kunsill ikkunsidra wkoll bħala xieraq li jipprevedi għall-possibbiltà li tiġi introdotta xi flessibbiltà fl-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni permezz ta' ftehim kollettivi, ftehim bejn l-imsieħba soċjali jew permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali.

Ħin ta' mistrieħ ta' kumpens

Fir-rigward ta' l-Artikoli 17(2) u 18(3) tad-Direttiva, il-Kunsill jista' jaqbel ma' l-emendi Nri 16 u 18 kif riformulati fil-proposta emendata tal-Kummissjoni.

Il-prinċipju ġenerali huwa li l-ħaddiema għandhom jingħataw perijodi ta' mistrieħ ta' kumpens f'ċirkostanzi fejn il-perijodi ta' mistrieħ normali ma jistgħux jittieħdu. Id-determinazzjoni tat-tul tal-perijodu raġonevoli li fih jingħata mistrieħ ta' kumpens ekwivalenti lill-ħaddiema għandha titħalla għall-Istati Membri, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġu żgurati s-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema kkonċernati u l-prinċipju ta' proporzjonalità.

Rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja

Il-Kunsill jaqbel mal-Parlament dwar il-ħtieġa li titjieb ir-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Dan il-punt jidher ċar mhux ħażin fil-premessi Nri 5, 6 u 7 kif ukoll fl-Artikolu 1(2), li jinkorpora Artikolu 2b ġdid, tal-Pożizzjoni Komuni.

Il-Kunsill jaqbel ma' l-emendi Nri 2 u 3 (li jikkonċernaw il-premessi Nri 4 u 5), kif riformulati fil-proposta emendata tal-Kummissjoni.

Fir-rigward ta' l-Artikolu 2b ġdid, il-Kunsill ħa t-test ta' l-ewwel paragrafu fil-proposta emendata tal-Kummissjoni li tiddikjara li “L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-imsieħba soċjali fil-livell xieraq, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tagħhom, biex jikkonkludu ftehim immirati lejn it-titjib tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.

Iż-żewġ paragrafi l-oħrajn jieħdu l-ispirazzjoni mill-emenda 12 u huma bbażati fuq il-proposta emendata tal-Kummissjoni. It-tieni paragrafu jkompli jintroduċi referenzi għad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-ikkonsultazzjoni tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea, u għall-konsultazzjoni ta' l-imsieħba soċjali. It-tielet paragrafu jipprevedi li l-Istati Membri għandhom iħeġġu lil min jimpjega biex jeżaminaw talbiet tal-ħaddiema għal tibdil fil-ħinijiet tax-xogħol tagħhom u fir-ritmi, soġġett għall-ħtiġijiet tan-negozju u l-ħtiġijiet ta' flessibbiltà kemm ta' min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema.

Perijodu ta' referenza (Artikolu 19)

Il-Kunsill jikkondividi l-fehmiet tal-Parlament Ewropew li l-estensjoni tal-perijodu ta' referenza għandu jkun flimkien ma' involviment miżjud tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom u ma' kwalunkwe miżura ta' prevenzjoni meħtieġa fir-rigward ta' riskji għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. Madankollu, huwa kkunsidra li referenza għat-Taqsima II tad-Direttiva 89/391/KEE (9), li tistabbilixxi għadd ta' dispożizzjonijiet f'dan ir-rigward, għandha tipprevedi garanziji adatti f'dan ir-rigward.

Qafas għall-opt-out (Artikolu 22)

Il-Kunsill ma setax jaċċetta la l-emenda Nru 20, li skond din l-Artikolu 22 rigward l-opt-out għandu jitħassar 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, u lanqas il-proposta emendata tal-Kummissjoni li pprevediet il-possibbiltà li din l-għażla tiġi estiża wara tliet snin. Filwaqt li xi delegazzjonijiet kienu favur il-prinċipju li jtemmu l-użu ta' l-opt-out wara ċertu perijodu, il-maġġoranza tagħhom kienet kontra kwalunkwe tali soluzzjoni, mingħajr, madankollu, ma jimplikaw bilfors, li huma kollha ser jagħmlu użu mill-opt-out f'dan l-istadju.

F'dan il-kuntest, wara li eżamina soluzzjonijiet differenti possibbli, il-Kunsill eventwalment ikkonkluda li l-unika soluzzjoni aċċettabbli għal maġġoranza kwalifikata ta' delegazzjonijiet tkun li tiġi prevista l-kontinwazzjoni ta' l-opt-out, filwaqt li jiġu introdotti salvagwardji kontra l-abbuż bi ħsara għall-ħaddiem.

Partikolarment, l-Artikolu 1(7) tal-Pożizzjoni Komuni rigward l-Artikolu 22a(a) tad-Direttiva jipprevedi li l-użu ta' l-opt-out ma jistax jiġi kkombinat ma' l-għażla prevista fl-Artikolu 19(b). Barra minn hekk, il-premessa 13 tgħid li, qabel ma tkun implimentata l-opt-out, għandha tingħata kunsiderazzjoni dwar jekk l-itwal perijodu ta' referenza jew dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà oħrajn previsti mid-Direttiva jiggarantixxux il-flessibbiltà meħtieġa.

Fir-rigward tal-kondizzjonijiet applikabbli għall-opt-out, il-Pożizzjoni Komuni tipprevedi li:

il-ġimgħa tax-xogħol fl-UE għandha tibqa' massimu ta' 48 siegħa, skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva attwali, sakemm Stat Membru ma jipprevedix opt-out permezz ta' ftehim kollettivi, jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali fil-livell xieraq, jew permezz tal-liġi nazzjonali wara konsultazzjoni ta' l-imsieħba soċjali fil-livell xieraq, u l-ħaddiem individwali ma jiddeċidix li juża l-opt-out. Għalhekk, id-deċiżjoni tibqa' tal-ħaddiem individwali u huwa ma jistax jiġi nfurzat jaħdem aktar mil-limitu ta' 48 siegħa;

barra minn hekk, l-użu ta' din l-għażla huwa soġġett għal kondizzjonijiet stretti li jimmiraw lejn il-protezzjoni tal-kunsens liberu tal-ħaddiem, lejn l-introduzzjoni ta' limitu legali għall-għadd ta' sigħat maħdumin kull ġimgħa fil-kuntest ta' l-opt-out u lejn il-provvediment ta' obbligi speċifiċi fuq min iħaddem biex jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom.

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-kunsens liberu tal-ħaddiem, il-Pożizzjoni Komuni tistipula li l-opt-out hija valida biss jekk il-ħaddiem ta l-kunsens tiegħu dwarha qabel ma jwettaq tali xogħol u għal perijodu li ma jaqbiżx sena, li huwa rinnovabbli. Min iħaddem ma jistax, fl-ebda każ, jivvittimizza ħaddiem għaliex dan ta' l-aħħar ma jkunx lest jaqbel li jwettaq tali xogħol jew għaliex huwa jirtira l-qbil tiegħu għal kwalunkwe raġuni. Barra minn hekk, ħlief fil-każ ta' kuntratti għall-perijodu qasir (ara hawn taħt), opt-out tista' tiġi ffirmata biss wara l-ewwel erba' ġimgħat ta' xogħol u ħaddiem ma jistax jiġi mitlub jiffirma opt-out hekk kif jiffirma l-kuntratt tiegħu. Fl-aħħarnett, il-ħaddiem għandu d-dritt f'limiti speċifiċi ta' żmien li jirtira l-qbil tiegħu li jaħdem taħt kondizzjoni ta' opt-out.

Il-Pożizzjoni Komuni tintroduċi limiti legali għall-għadd ta' sigħat permessi li jinħadmu kull ġimgħa fil-qafas ta' l-opt-out, li mhumiex previsti fid-Direttiva attwali. 60 siegħa kull ġimgħa, ikkalkolati bħala medja fuq perijodu ta' 3 xhur, normalment huma l-limitu, dment li ma jkunx previst mod ieħor fi ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali. Dan il-limitu jista' jiżdied għal 65 siegħa, ikkalkolat bħala medja fuq perijodu ta' 3 xhur, fin-nuqqas ta' ftehim kollettiv u meta l-parti mhux attiva ta' ħin on-call titqies bħala ħin tax-xogħol.

Fl-aħħarnett, id-Dispożizzjoni Komuni tistipula li min iħaddem għandu jżomm reġistru tas-sigħat ta' xogħol tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qafas ta' l-opt-out. Ir-reġistri jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet marbuta mas-sikurezza u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-possibbiltà li jinqabżu s-sigħat ta' xogħol massimi ta' kull ġimgħa. Barra minn hekk, min iħaddem jista' jintalab mill-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdi informazzjoni dwar każi li fihom ikun ingħata qbil minn ħaddiema biex iwettqu xogħol li jaqbeż it-48 siegħa fuq perijodu ta' sebat ijiem, ikkalkolat bħala medja għall-perijodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 16(b).

Il-Pożizzjoni Komuni tipprevedi kondizzjonijiet speċifiċi fil-każ ta' kuntratti għal perijodu qasir (fejn ħaddiem huwa impjegat mill-istess persuna li tħaddem għal perijodu, jew perijodi, li ma jaqbżux total ta' 10 ġimgħat tul perijodu ta' 12-il xahar): il-qbil biex tintuża l-opt-out jista' mbagħad jingħata matul l-ewwel erba' ġimgħat ta' impjieg u l-limiti legali għall-għadd ta' sigħat permessi li jinħadmu kull ġimgħa fil-qafas ta' l-opt-out m'għandhomx japplikaw. Madankollu, ħaddiem ma jistax jintalab jagħti l-qbil tiegħu biex jaħdem fil-qafas ta' l-opt-out waqt il-firma tal-kuntratt ta' impjieg tiegħu.

Il-Pożizzjoni Komuni tipprevedi wkoll li, meta jkun qed juża l-opt-out, Stat Membru jista' jippermetti permezz ta' liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, għal raġunijiet objettivi jew tekniċi, jew raġunijiet dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol, li l-perijodu ta' referenza jkun stabbilit għal perijodu li ma jabqiżx sitt xhur. Madankollu, dan il-perijodu ta' referenza m'għandux jaffettwa l-perijodu ta' referenza ta' tliet xhur applikabbli għall-kalkolu tal-limitu massimu ta' kull ġimgħa ta' 60 jew 65 siegħa.

Dispożizzjonijiet għal monitoraġġ, evalwazzjoni u reviżjoni

L-Artikolu 1(9) tal-Pożizzjoni Komuni rigward l-Artikolu 24a ġdid tad-Direttiva jipprevedi ħtiġiet ta' rappurtar dettaljat rigward l-użu ta' l-opt-out u fatturi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għal sigħat twal ta' xogħol, bħall-użu ta' l-Artikolu 19(b) (perijodu ta' referenza ta' 12-il xahar). Dawn il-ħtiġiet huma intiżi biex jippermettu monotoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni.

B'mod aktar speċifiku, il-Pożizzjoni Komuni tipprevedi li l-Kummissjoni:

mhux aktar tard minn erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, ser tippreżenta rapport akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti adatti biex jitnaqqsu s-sigħat eċċessivi ta' xogħol, inkluż l-użu ta' l-opt-out, b'kont meħud ta' l-impatt tiegħu fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema koperti minn din l-għażla. Dan ir-rapport ser jiġi evalwat mill-Kunsill;

b'kont meħud ta' din l-evalwazzjoni, u mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, tista' tippreżenta proposta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jirrevedu d-Direttiva, inkluża l-għażla ta' l-opt-out.

IV.   KONKLUŻJONI

Bil-ħsieb tal-progress tanġibbli ferm miksub b'mod parallel fir-rigward tad-Direttiva dwar ħaddiema temporanji ta' l-aġenzija, il-Kunsill jikkunsidra li l-Pożizzjoni Komuni tiegħu dwar id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tirrappreżenta soluzzjoni bbilanċjata u realistika għall-kwistjonijiet koperti mill-proposta tal-Kummissjoni, meta jitqiesu d-differenzi wisgħin fis-sitwazzjonijiet tas-suq tax-xogħol ta' l-Istati Membri u fil-fehmiet tagħhom dwar il-kondizzjonijiet meħtieġa biex jiġu akkomodati tali sitwazzjonijiet. Huwa jistenna diskussjoni kostruttiva mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jintlaħaq qbil finali dwar din id-Direttiva importanti.


(1)  ĠU C 322, 29.12.2004, p. 9.

(2)  ĠU C 92, 20.4.2006, p. 292.

(3)  ĠU C 267, 27.10.2005, p. 16.

(4)  ĠU C 231, 20.9.2005, p. 69.

(5)  ĠU C 146, 16.6.2005, p. 13.

(6)  Dok. 10583/08 ADD 1.

(7)  Sentenza tal-Qorti tat-3 ta' Ottubru 2000 fil-każ C-303/98, Sindicato de Médicos de Asistencia Publica (SIMAP) v. Conselleria de Sanidad y Consumo de la Generalidad Valenciana, Ġabra 2000, p. I-07963.

(8)  Sentenza tal-Qorti tad-9 ta' Ottubru 2003 fil-każ C-151/02, Referenza għal sentenza preliminari: Landesarbeitsgericht Schleswig-Holstein (Ġermanja) fil-proċedimenti pendenti quddiem dik il-qorti bejn il-Landeshauptstadt Kiel u Norbert Jaeger, li għadha mhix ippubblikata.

(9)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.


7.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 254/36


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 24/2008

adottata mill-Kunsill fil-15 ta' Settembru 2008

bil-għan li jadotta ir-Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- … dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija

(2008/C 254 E/04)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 137(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tikkonforma mal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (3). B'mod partikolari, hija mfassla biex tiżgura konformità sħiħa ma' l-Artikolu 31 tal-Karta, li jipprevedi li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu, u għal limitazzjoni ta' sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perijodu annwali ta' leave imħallas.

(2)

Il-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tipprevedi fil-punt 7 tagħha, inter alia, li t-tlestija tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-għixien tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea; dan il-proċess jintlaħaq billi jkun armonizzat il-progress rigward dawn il-kondizzjonijiet, l-aktar rigward forom ta' xogħol bħax-xogħol b'kuntratt għal żmien definit, xogħol part-time, xogħol temporanju permezz ta' aġenzija u xogħol staġunali.

(3)

Fis-27 ta' Settembru 1995 il-Kummissjoni kkonsultat lil min imexxi u lill-ħaddiema fil-livell Komunitarju skond l-Artikolu 138(2) tat-Trattat dwar l-azzjoni li għandha tiġi adottata fil-livell Ewropew fir-rigward tal-flessibbiltà tas-sigħat tax-xogħol u s-sigurtà ta' l-impjieg tal-ħaddiema.

(4)

Wara dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni qieset li kienet irrikmandata azzjoni Komunitarja u fid-9 ta' April 1996 kkonsultat ulterjorment lil min imexxi u lill-ħaddiema skond l-Artikolu 138(3) tat-Trattat dwar il-kontenut tal-proposta prevista.

(5)

Fl-introduzzjoni tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien definit konkluż fit-18 ta' Marzu 1999, il-firmatarji indikaw l-intenzjoni tagħhom li jqisu l-ħtieġa għal ftehim simili dwar ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija u ddeċidew li ma jinkludux il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija fid-Direttiva dwar ix-xogħol għal żmien definit.

(6)

L-organizazzjonijiet trans-settorjali ġenerali, jiġifieri l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta' Min Iħaddem fl-Ewropa (UNICE) (4), iċ-Ċentru Ewropew ta' l-Intrapriżi b'Parteċipazzjoni Pubblika u ta' Intrapriżi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (CEEP) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), infurmaw lill-Kummissjoni f'ittra konġunta tad-29 ta' Mejju 2000 bix-xewqa tagħhom li jagħtu bidu għall-proċess previst fl-Artikolu 139 tat-Trattat. Permezz ta' ittra konġunta oħra tat-28 ta' Frar 2001 huma talbu lill-Kummissjoni biex testendi l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 138(4) b'xahar. Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba u estendiet l-iskadenza għan-negozjati sat-15 ta' Marzu 2001.

(7)

Fil-21 ta' Mejju 2001, l-imsieħba soċjali rrikonoxxew li n-negozjati tagħhom dwar ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija ma waslu għall-ebda ftehim.

(8)

F'Marzu 2005, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra vitali t-tnedija mill-ġdid ta' l-Istrateġija ta' Lisbona u l-iffukar mill-ġdid tal-prijoritajiet tagħha dwar it-tkabbir u l-impjiegi. Il-Kunsill approva l-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi 2005-2008, li għandhom l-għan, inter alia, li jippromwovu l-flessibbiltà flimkien mas-sigurtà ta' l-impjieg u li jnaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b'konsiderazzjoni debita tar-rwol ta' l-imsieħba soċjali.

(9)

F'konformità mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Aġenda Soċjali li tkopri l-perijodu sa l-2010, li ntlaqet mill-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2005 bħala kontribut lejn il-kisba ta' l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona billi jiġi rrinfurzat il-mudell soċjali Ewropew, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li forom ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol u diversità akbar ta' l-arranġamenti kuntrattwali għall-ħaddiema u l-impriżi, li jikkombinaw aħjar il-flessibbiltà mas-sigurtà, jikkontribwixxu għall-adattabbiltà. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2007 approva l-prinċipji komuni miftiehma ta' flessigurtà li jilħqu bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol u jgħinu kemm lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem jaħtfu l-opportunitajiet offruti mill-globalizzazzjoni.

(10)

Hemm differenzi konsiderevoli fl-użu tax-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija u fis-sitwazzjoni legali, l-istatus u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija fl-Unjoni Ewropea.

(11)

Ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija mhux biss jilħaq il-ħtiġijiet għall-flessibbiltà ta' l-intrapriżi iżda wkoll il-ħtieġa li l-impjegati jirrikkonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u dik privata tagħhom. B'hekk huwa jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' l-impjiegi u għall-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(12)

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas protettiv għall-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija li huwa non-diskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali.

(13)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta' Ġunju 1991 li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' mpjieg għal perijodu definit jew ta' mpjieg temporanju (5) tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà u s-saħħa applikabbli għall-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija.

(14)

Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta' l-impjieg applikabbli għall-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija għandhom ikunu ta' l-inqas dawk li japplikaw għal dawn il-ħaddiema kieku kellhom ikunu rreklutati mill-impriża utenti biex jokkupaw l-istess impjieg.

(15)

Il-kuntratti ta' impjieg għal żmien indefinit huma l-forma ġenerali ta' relazzjoni ta' impjieg. Fil-każ ta' ħaddiema li għandhom kuntratt permanenti ma' l-aġenzija ta' xogħol temporanju tagħhom, u bil-ħsieb tal-protezzjoni speċjali li joffri tali kuntratt, għandu jkun previst li jkunu permessi eżenzjonijiet mir-regoli applikabbli fl-impriża utenti.

(16)

Sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw b'mod flessibbli d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-imsieħba soċjali jiddefinixxu kondizzjonijiet ta' xogħol u ta' impjieg, sakemm jiġi rispettat il-livell ġenerali ta' protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija.

(17)

Barra minn hekk, f'ċerti ċirkostanzi limitati, l-Istati Membri għandhom, abbażi ta' ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali, ikunu jistgħu jidderogaw f'limiti mill-prinċipju ta' trattament ugwali, sakemm jiġi pprovdut livell adegwat ta' protezzjoni.

(18)

It-titjib fil-protezzjoni minima għall-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija għandu jkun akkumpanjat minn reviżjoni ta' kwalunkwe restrizzjoni jew projbizzjoni li setgħet ġiet imposta fuq ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija. Dawn jistgħu jkunu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta' interess ġenerali rigward, b'mod partikolari l-protezzjoni tal-ħaddiema, ir-rekwiżiti tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u l-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u li jiġu prevenuti l-abbużi.

(19)

Din id-Direttiva la taffettwa l-awtonomija ta' l-imsieħba soċjali u lanqas m'għandha taffettwa r-relazzjonijiet bejn l-imsieħba soċjali, inkluż id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi strumenti ta' ftehim kollettivi skond il-liġi u l-prattiki nazzjonali filwaqt li tiġi rispettata l-liġi Komunitarja prevalenti.

(20)

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet fuq ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija huma mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni nazzjonali jew il-prattiki li jipprojbixxu li ħaddiema li joħorġu fuq strajk ikunu sostitwiti b'ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija.

(21)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex iħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija u għandhom jipprovdu pieni effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-ksur ta' l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva.

(22)

Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta' stabbiliment u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (6).

(23)

Peress li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi stabbilit qafas armonizzat fuq livell Komunitarju għall-protezzjoni għal ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jista', minħabba fl-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju billi jkunu introdotti rekwiżiti minimi applikabbli mal-Komunità kollha, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma teċċedix dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b'kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg ma' aġenzija ta' xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b'mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma aġenziji ta' xogħol temporanju jew impriżi utenti impenjati f'attivitajiet ekonomiċi kemm jekk qed jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le.

3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jipprovdu li din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti jew relazzjonijiet ta' impjieg konklużi taħt programm speċifiku pubbliku jew sostnut b'mezzi pubbliċi ta' taħriġ vokazzjonali, ta' integrazzjoni jew ta' taħriġ mill-ġdid.

Artikolu 2

Għan

Il-fini ta' din id-Direttiva huwa li tiżgura l-protezzjoni ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta' trattament ugwali, kif imniżżel fl-Artikolu 5, ikun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta' xogħol temporanju bħala entitajiet li jħaddmu, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija bil-ħsieb li jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-ħolqien ta' l-impjiegi u għall-iżvilupp ta' forom flessibbli ta' xogħol.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a)

“ħaddiem” tfisser kwalunkwe persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala ħaddiem skond il-liġi nazzjonali ta' l-impjieg;

(b)

“aġenzija ta' xogħol temporanju” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, f'konformità mal-liġi nazzjonali, tikkonkludi kuntratti ta' impjieg jew relazzjonijiet ta' impjieg ma' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija sabiex tassenjahom lil impriżi utenti biex jaħdmu hemm temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom;

(c)

“ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija” tfisser ħaddiem b'kuntratt ta' impjieg jew li għandu relazzjoni ta' impjieg ma' aġenzija ta' xogħol temporanju bil-ħsieb li jiġi assenjat għal ma' impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

(d)

“impriża utenti” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija jaħdem temporanjament għaliha taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

(e)

“assenjazzjoni” tfisser il-perijodu li matulu l-ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija jintbagħat fl-impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha;

(f)

“kondizzjonijiet bażiċi ta' xogħol u ta' impjieg” tfisser kondizzjonijiet ta' xogħol u ta' impjieg stabbiliti mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta' ftehim kollettivi u/jew dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti oħrajn fis-seħħ fl-impriża utenti relatati ma':

(i)

it-tul tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-breaks, il-perijodi ta' mistrieħ, ix-xogħol bil-lejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi;

(ii)

il-paga.

2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni ta' paga, kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg, jew ħaddiem.

L-Istati Membri m'għandhomx jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva ħaddiema, kuntratti ta' impjieg jew relazzjonijiet ta' impjieg sempliċiment minħabba li dawn għandhom x'jaqsmu ma' ħaddiema part-time, ħaddiema b'kuntratt għal żmien definit jew persuni b'kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg ma' aġenzija ta' xogħol temporanju.

Artikolu 4

Reviżjoni tar-restrizzjonijiet jew tal-projbizzjonijiet

1.   Il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta' xogħol temporanju permezz ta' aġenzija għandhom ikunu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta' interess ġenerali li għandhom x'jaqsmu b'mod partikolari mal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-ħtieġa li jkun żgurat li s-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb u jiġu prevenuti l-abbużi.

2.   Sa … (7), l-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali skond il-leġislazzjoni nazzjonali, l-istrumenti ta' ftehim kollettivi u l-prattiki, jirrevedu kwalunkwe restrizzjoni jew projbizzjoni fuq l-użu ta' xogħol temporanju permezz ta' aġenzija sabiex jivverifikaw jekk humiex iġġustifikati għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Jekk dawn ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet huma stabbiliti bi strumenti ta' ftehim kollettivi, ir-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 2 tista' titwettaq mill-imsieħba soċjali li jkunu nnegozjaw il-ftehim rilevanti.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti nazzjonali fir-rigward tar-reġistrazzjoni, il-liċenzjar, iċ-ċertifikazzjoni, il-garanziji finanzjarji jew il-monitoraġġ ta' l-aġenziji ta' xogħol temporanju.

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultati tar-reviżjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 sa … (7).

KAPITOLU II

Kondizzjonijiet ta' impjieg u ta' xogħol

Artikolu 5

Il-prinċipju ta' trattament ugwali

1.   Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta' l-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta' żmien ta' l-assenjazzjoni tagħhom f'impriża utenti, ta' l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.

Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-ewwel subparagrafu, ir-regoli fis-seħħ fl-impriża utenti dwar:

(i)

il-protezzjoni ta' nisa tqal u ommijiet li qed ireddgħu u l-protezzjoni ta' tfal u żgħażagħ; u

(ii)

it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa u kwalunkwe azzjoni biex tiġi miġġielda kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon, it-twemmin, diżabbiltajiet, l-età jew l-orjentament sesswali;

għandhom jiġu rrispettati kif stabbilit mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta' ftehim kollettivi u/jew kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali oħra.

2.   Fir-rigward tal-paga, l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jipprovdu li ssir eżenzjoni mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1 fejn il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija li għandhom kuntratt permanenti ta' impjieg ma' aġenzija ta' xogħol temporanju jibqgħu jitħallsu fiż-żmien ta' bejn l-assenjazzjonijiet.

3.   L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jagħtuhom, fil-livell adatt u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, l-għażla li jżommu jew jikkonkludu strumenti ta' ftehim kollettivi li, waqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet ta' xogħol u ta' impjieg ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija li jistgħu jkunu differenti minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1.

4.   Sakemm ikun ipprovdut livell adegwat ta' protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija, l-Istati Membri, li fihom jew m'hemmx sistema fil-liġi biex strumenti ta' ftehim kollettivi jiġu ddikjarati applikabbli universalment jew li m'hemmx sistema bħal din fil-liġi jew prattika biex id-dispożizzjonijiet tagħhom jiġu estiżi għall-impriżi simili kollha f'ċertu settur jew żona ġeografika, jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali u abbażi ta' ftehim konkluż minnhom, jistabbilixxu arranġamenti rigward il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg li jidderogaw mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1. Dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu perijodu ta' kwalifika għal trattament ugwali.

Id-dispożizzjonijiet msemmijin f'dan il-paragrafu għandhom ikunu f'konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja u għandhom ikunu preċiżi u aċċessibbli biżżejjed biex jippermettu lis-setturi u lill-impriżi kkonċernati jidentifikaw u jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(2) jekk l-iskemi tas-sigurtà soċjali marbutin max-xogħol, inklużi l-iskemi ta' pensjoni, ta' ħlas għall-mard jew ta' parteċipazzjoni finanzjarja humiex inklużi fil-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u l-impjieg imsemmijin fil-paragrafu 1. Dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom ukoll ikunu mingħajr preġudizzju għal strumenti ta' ftehim fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew settorjali li m'humiex inqas favorevoli għall-ħaddiema.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti, skond il-liġi nazzjonali u/jew il-prattika, bil-ħsieb li jipprevjenu l-użu ħażin fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu u, b'mod partikolari, jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi mfassla biex jevitaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'tali miżuri.

Artikolu 6

Aċċess għall-impjieg, faċilitajiet kollettivi u taħriġ vokazzjonali

1.   Il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija għandhom ikunu infurmati bi kwalunkwe post vakant fl-impriża utenti biex jingħataw l-istess opportunità bħall-ħaddiema l-oħra f'dik l-impriża biex isibu impjieg permanenti. Din l-informazzjoni tista' tingħata b'avviz ġenerali f'post adatt fl-impriża li għaliha u taħt is-superviżjoni tagħha jiġu ingaġġati l-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe klawsola li tipprojbixxi jew li għandha l-effett li tipprevjeni l-konklużjoni ta' kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża utenti u l-ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija wara l-assenjazzjoni tiegħu huma nulli u bla effett jew jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett.

Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet skond liema l-aġenziji ta' xogħol temporanju jirċievu livell raġonevoli ta' rikompensa għas-servizzi mogħtija lill-impriżi utenti għall-assenjazzjoni, ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija.

3.   L-aġenziji ta' xogħol temporanju m'għandhom jitolbu lill-ħaddiema l-ebda ħlas, bi skambju għal li jkunu rranġawlhom li jiġu rreklutati minn impriża utenti, jew għall-konklużjoni ta' kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' impjieg ma' impriża utenti wara li titwettaq assenjazzjoni f'dik l-impriża.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(1), il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija għandhom jingħataw aċċess għall-komoditajiet jew faċilitajiet kollettivi fl-impriża utenti, b'mod partikolari kwalunkwe kantin, faċilità ta' kura tat-tfal u servizz ta' trasport, bl-istess kondizzjonijiet bħall-ħaddiema impjegati direttament mill-impriża, sakemm id-differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti jew għandhom jippromwovu d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali, skond it-tradizzjonijiet u l-prattiki nazzjonali tagħhom, sabiex:

(a)

itejbu l-aċċess tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija għat-taħriġ u l-faċilitajiet ta' kura tat-tfal fl-aġenziji ta' xogħol temporanju, anki fil-perijodi bejn l-assenjazzjonijiet, sabiex itejbu l-iżvilupp tal-karriera u l-impjegabbiltà tagħhom;

(b)

itejbu l-aċċess tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija għat-taħriġ għall-ħaddiema ta' l-impriżi utenti.

Artikolu 7

Rappreżentanza tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija

1.   Il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija għandhom jgħoddu, skond il-kondizzjonjiet stabbiliti mill-Istati Membri, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu li 'l fuq minnu l-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema previsti skond il-liġi Komunitarja u nazzjonali u l-istrumenti ta' ftehim kollettivi għandhom jiġu ffurmati fl-aġenzija ta' xogħol temporanju.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, skond kondizzjonijiet li huma jiddefinixxu, ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija jgħoddu għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu li 'l fuq minnu l-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema previsti skond il-liġi Komunitarja u nazzjonali u l-istrumenti ta' ftehim kollettivi għandhom jiġu ffurmati fl-impriza utenti, bl-istess mod daqs li kieku kienu ħaddiema impjegati direttament għall-istess perijodu ta' żmien mill-impriża utenti.

3.   Dawk l-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla prevista fil-paragrafu 2 m'għandhomx ikunu obbligati jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

Artikolu 8

Informazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni li huma aktar stretti u/jew aktar speċifiċi u b'mod partikolari d-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta' l-impjegati fil-Komunità Ewropea (8), l-impriża utenti għandha tipprovdi informazzjoni adatta dwar l-użu ta' ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija meta tkun qed tipprovdi l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' impjieg f'dik l-impriża lill-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema stabbiliti skond il-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 9

Rekwiżiti minimi

1.   Din id-Direttiva m'għandhiex tippreġudika d-dritt ta' l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jippromwovu jew jippermettu strumenti ta' ftehim kollettivi konklużi bejn l-imsieħba soċjali li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

2.   L-implimentazzjoni tad-Direttiva taħt l-ebda ċirkustanza m'għandha tikkostitwixxi raġunijiet suffiċjenti biex tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti b'din id-Direttiva. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' Stati Membri u/jew ta' min iħaddem u l-ħaddiema li jistabbilixxu, fid-dawl ta' ċirkostanzi li jinbidlu, arranġamenti leġislattivi, regolatorji jew kuntrattwali differenti minn dawk li jipprevalu fiż-żmien ta' l-addozzjoni ta' din id-Direttiva, dejjem sakemm jiġu rispettati r-rekwiżiti minimi stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 10

Pieni

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu miżuri xierqa fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' din id-Direttiva mill-aġenzija tax-xogħol temporanju jew mill-impriża utenti. B'mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adegwati biex l-obbligi li ġejjin minn din id-Direttiva jkunu jistgħu jiġu infurzati.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli fil-każ ta' ksur tad-disposizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni tagħhom. Il-pieni pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-disposizzjonijiet lill-Kummissjoni sa … (7). L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet fi żmien xieraq. Huma għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw li l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom ikollhom mezzi adegwati biex jinfurzaw l-obbligi skond din id-Direttiva.

Artikolu 11

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa … (7), jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim, li bih l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa li jippermettulhom jiggarantixxu f'kull ħin li l-objettivi ta' din id-Direttiva jintlaħqu. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 12

Reviżjoni mill-Kummissjoni

Sa … (9), il-Kummissjoni għandha, f'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali fil-livell Komunitarju, tirrevedi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva bil-ħsieb li tipproponi, fejn ikun xieraq, l-emendi meħtieġa.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 61, 14.3.2003, p. 124.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2002 (ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 368), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' 15 ta' Settembru 2008 u Deċiżjoni tal-Kunsill tal- … (mhux ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(4)  UNICE biddlet isimha għal BUSINESSEUROPE f'Jannar 2007.

(5)  ĠU L 206, 29.7.1991, p. 19.

(6)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

(7)  Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(8)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

(9)  Ħames snin wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Fl-20 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni adottat fil-kuntest tal-istrateġija ta' Lisbona proposta għal Direttiva dwar il-“kondizzjonijiet tax-xogħol għal ħaddiema temporanji” biex tirrikonċilja aħjar il-flessibbiltà fis-swieq tax-xogħol u s-sigurtà tal-impjieg, u toħloq aktar impjiegi u impjiegi aħjar.

Filwaqt li aġixxa skond l-Artikolu 251 tat-Trattat, il-Parlament Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-21 ta' Novembru 2002.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni fid-19 ta' Settembru 2002.

Il-Kumitat tar-Reġjuni stqarr f'ittra li ġġib id-data tat-23 ta' Mejju 2002 li ma kienx ser jissottometti opinjoni dwar il-proposta għal Direttiva.

Fit-28 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat proposta emendata filwaqt li qieset l-opinjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar Pożizzjoni Komuni b'maġġoranza kwalifikata fil-laqgħa tiegħu tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2008, b'mod parallel ma' qbil politiku, ukoll b'maġġoranza kwalifikata, dwar id-Direttiva tal-Ħin tax-Xogħol.

Skond l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE, il-Kunsill adotta formalment il-Pożizzjoni Komuni tiegħu b'maġġoranza kwalifikata fi 15 ta' Settembru 2008.

II.   OBJETTIV

L-objettiv tal-abbozz ta' Direttiva huwa li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija u li titjieb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija billi jiġi żgurat li l-prinċipju ta' trattament ugwali jkun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija u billi l-aġenziji tax-xogħol temporanju jiġu rrikonoxxuti bħala dawk li jħaddmu. L-abbozz ta' Direttiva jimmira wkoll li jwaqqaf qafas adatt għall-użu ta' xogħol temporanju permezz ta' aġenzija bil-ħsieb li jkun hemm kontribut effikaċi għall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp ta' forom flessibbli ta' xogħol.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI

Skond l-Artikolu 137(1) tat-Trattat “il-Komunità għandha ssostni u tikkomplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri” f' għadd ta' oqsma, inklużi l-“kondizzjonijiet tax-xogħol”.

L-Artikolu 137(2) tat-Trattat jiddikjara li l-Kunsill “jista' jaddotta, permezz ta' direttivi, il-ħtiġiet minimi għall-implementazzjoni gradwali, wara li jkun studja l-kondizzjonijiet u r-regoli tekniċi li jkunu jeżistu f'kull wieħed mill-Istati Membri”.

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill hija konformi mal-objettivi tal-Artikolu 137(2) tat-Trattat fil-qasam kopert, peress li hija mfassla sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija u ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija. Barra minn hekk, il-Pożizzjoni Komuni tqis ukoll il-ħtieġa li jitwaqqaf qafas adatt għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija bil-ħsieb li jkun hemm kontribut għall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp ta' forom flessibbli ta' xogħol.

Il-Pożizzjoni Komuni tirrispetta l-objettivi mressqa mill-Kummissjoni u appoġġati mill-Parlament, partikolarment li l-prinċipju ta' trattament ugwali mill-bidu nett għandu jkun ir-regola ġenerali. B'mod ġenerali, hi tinkludi l-maġġoranza tal-emendi li jirriżultaw mill-ewwel qari tal-Parlament tal-proposta tal-Kummissjoni.

2.   STRUTTURA U ELEMENTI ĊENTRALI

2.1.   Struttura ġenerali u t-titolu tad-Direttiva

L-istruttura ġenerali tal-Pożizzjoni Komuni hija konformi mal-istruttura ġenerali tal-proposta emendata tal-Kummissjoni. Dwar it-titolu tad-Direttiva, il-Kunsill segwa l-proposta emendata tal-Kummissjoni u għażel titolu aktar ġenerali: id-Direttiva dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija. Għandu jiġi nnutat li, f'diversi każijiet, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tiċċara t-termini u l-espressjonijiet ewlenin, partikolarment bl-użu konsistenti tat-termini Ingliżi li jirreferu għal “ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija” u “aġenzija tax-xogħol temporanju”.

2.2.   Differenzi prinċipali mill-proposta emendata tal-Kummissjoni

Fl-Artikolu 4 dwar ir-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet dwar l-użu ta' xogħol temporanju permezz ta' aġenzija, filwaqt li essenzjalment isegwi l-ispirtu tal-Emenda 34 tal-Parlament, il-Kunsill żied paragrafu 3 ġdid dwar ir-reviżjoni ta' ftehimiet innegozjati mill-imsieħba soċjali. Il-Kunsill qies ukoll li, sabiex jirrispetta l-awtonomija tagħhom, l-imsieħba soċjali għandhom huma stess jirrevedu jekk ir-rstrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet innegozjati minnhom kinux ġustifikabbli għar-raġunijiet imniżżla fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4. Il-Kunsill ma qiesx li huwa meħtieġ li jżomm referenza espliċita għad-doskontinwità ta' restrizzjonijiet u projbizzjonijiet inġustifikati.

Filwaqt li ġeneralment segwa l-proposta emendata tal-Kummissjoni, il-Kunsill immodifika l-Artikolu 5(3) u rriformula sostanzjalment l-Artikolu 5(4) u (5). Il-Kunsill qies ukoll li l-prinċipju ta' trattament ugwali mill-bidu nett għandu jkun regola ġenerali. Kull trattament tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija li huwa differenti minn dak il-prinċipju għandu jiġi maqbul mill-imsieħba soċjali, jew permezz ta' negozjar kollettiv jew permezz ta' ftehimiet bejn l-imsieħba soċjali konlużi fil-livell nazzjonali. Fid-dawl tal-modifiki magħmula lill-Artikolu 5(3) sa (5), eżenzjoni speċifika għal kuntratti fuq żmien qasir (sitt ġimgħat jew iqsar), kif previst fil-proposta emendata tal-Kummissjoni, ma kenitx aktar meqjusa meħtieġa jew xierqa.

Fl-Artikolu 5(3) u (5), bħal f'diversi każijiet oħrajn, il-Pożizzjoni Komuni tirrifletti dawk tal-emendi tal-Parlament li jenfasizzaw l-importanza tar-rwol tal-imsieħba soċjali fl-innegozjar tal-arranġamenti dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg. Fl-Artikolu 5(5), il-Pożizzjoni Komuni ttenni t-tħassib tal-Parlament fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu ħażin.

Fl-Artikolu 10, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tinkludi paragrafu 1 ġdid dwar il-miżuri li l-Istati Membri huma mistennija jieħdu sabiex jiżguraw konfomità mad-Direttiva mill-aġenziji tax-xogħol temporanju u l-impriżi utenti.

Il-Kunsill iqis li l-Istati Membri jkollhom bżonn tliet snin għall-implimentazzjoni tad-Direttiva, filwaqt li l-Kummissjoni kienet ipproponiet perijodu ta' implimentazzjoni ta' sentejn (Artikolu 11).

Barra minn hekk, numru ta' premessi ġew aġġornati u mmodifikati, sabiex jiġu spjegati l-modifiki introdotti mill-Kunsill għall-proposta emendata tal-Kummissjoni u biex jiddeskrivu żviluppi minn meta ġiet ippubblikata l-proposta emendata fl-2002. Pereżempju, ir-rifrimenti biex terġà titnieda l-Istrateġija ta' Lisbona, fl-2005, u l-prinċipji komuni maqbula tal-flessigurtà, approvati mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2007, ġew inklużi fil-premessi 8 u 9.

3.   L-EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW FL-EWWEL QARI

3.1.   Emendi tal-Parlament Ewropew adottati mill-Kunsill

B'kollox, fil-Pożizzjoni Komuni ġew adottati fis-sħiħ 26 emenda (numri 1, 15, 19, 20, 23, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34, 35, 36, 40, 42, 43, 46, 47, 48, 49, 51, 85 u 86) jekk mhux kelma b'kelma tal-anqas fl-ispirtu

B'mod speċifiku, il-Kunsill aċċetta l-Emenda 1 għat-titolu, tliet emendi għall-premessi (l-Emendi 15, 19 u 20) kif ukoll għadd ta' emendi għall-artikoli li ġejjin: l-Artikolu 1 dwar il-kamp ta' applikazzjoni (Emenda 23), l-Artikolu 2 dwar l-iskop tad-Direttiva (26), l-Artikolu 3 dwar id-definizzjonijiet (27-33 u 85), l-Artikolu 4 dwar ir-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet (34-36), l-Artikolu 5 dwar il-prinċipju tat-trattament ugwali (40, 42, 43 u 86), l-Artikolu 6 dwar l-aċċess għal impjieg, faċilitajiet kollettivi u taħriġ vokazzjonali (46-49), u l-Artikolu 7 dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija (51).

Għandu jiġi nnutat li xi emendi ġew inklużi f'parti oħra tat-test tal-Pożizzjoni Komuni differenti minn kif oriġinarjament issuġġerit mill-Parlament. Pereżempju, parti mill-Emenda 32 hija riflessa fl-Artikolu 5(1) u mhux fl-Artikolu 3(1)(d). Eżempju ieħor hija l-Emenda 36 li, aktar fl-Artikolu 4, hija riflessa f'forma aktar ġenerali fil-premessa 20.

3.2.   Emendi tal-Parlament Ewropew adottati parzjalment mill-Kunsill

L-Emenda 4 dwar “forom ġodda ta' flessibbiltà regolata” hija riflessa fl-ispirtu fit-test tal-premessa 9; madankollu, il-Kunsill qies li huwa xieraq li t-test tal-premessa jiġi aġġornat u li jirreferi għall-prinċipji komuni tal-flessigurtà maqbula fl-2007, aktar milli juża l-formulazzjoni ssuġġerita mill-Parlament fl-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari.

L-Emenda 6 hija aċċettata fl-ispirtu, billi l-premessa 5 torbot bejn din id-Direttiva u d-Direttiva 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar xogħol għal żmien fiss. Dwar din l-emenda, il-Pożizzjoni Komuni ssegwi l-proposta emendata tal-Kummissjoni.

Il-linja ġenerali tal-Emenda 12, dwar il-kuntratti ta' impjieg għal tul indeterminat bħala l-forma ġenerali tar-relazzjoni ta' impjieg, hija inkluża fil-premessa 15.

L-objettivi sottostanti l-Emenda 18, dwar li l-imsieħba soċjali jitħallew jinnegozjaw u jiddefinixxu l-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija meta dawn ikunu differenti mill-prinċipju tat-trattament ugwali, huma inklużi fil-Pożizzjoni Komuni (ara l-premessi 16 u 17 u l-Artikolu 5(3) u (4)).

L-Emenda 24 hija aċċettata parzjalment minħabba li hija utli biex tiċċara, f'konformità mal-emenda proposta, li kemm l-impriżi utenti kif ukoll l-aġenziji tax-xogħol temporanju huma koperti mid-Direttiva. Madankollu, ma jkunx opportun li l-Istati Membri jitħallew jeskludu ċertu aġenziji mill-prinċipju tat-trattament ugwali (l-aħħar parti tal-emenda).

L-Emenda 54 (dwar il-ħolqien ta' impjiegi, dwar li x-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija jsir aktar attraenti u dwar l-għarfien taċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti) hija aċċettata fl-ispirtu fl-Artikolu 2 (l-għan tad-Direttiva), li issa jinkludi l-formulazzjoni “filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju bil-ħsieb li jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-ħolqien ta' l-impjiegi u għall-iżvilupp ta' forom flessibbli ta' xogħol”. Il-ħtieġa li jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali differenti hija msemmija espliċitament fil-premessi 12, 16, 17 u 19.

L-Emenda 87 hija parzjalment aċċettata fl-Artikolu 5(1); filwaqt li l-ewwel parti tal-emenda (dwar il-prinċipju tat-trattament ugwali) kienet inkluża fil-proposta emendata tal-Kummissjoni u ġiet aċċettata mill-Kunsill fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu, it-tieni parti ġiet żejda peress li l-kunċett ta' “ħaddiem paragunabbli” tneħħa mit-test (ara l-Emenda 28 aċċettata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill).

F'konformità mal-proposta emendata tal-Kummissjoni, l-Emenda 92 hija parzjalment aċċettata fl-Artikolu 5(3). Madankollu kien meqjus opportun li jingħad speċifikament li l-ftehimiet bejn l-imsieħba soċjali għandhom jirrispettaw “il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija” meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-arranġamenti dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg li jkunu differenti mill-prinċipju tat-trattament ugwali.

3.3.   Emendi tal-Parlament Ewropew mhux adottati mill-Kunsill

Il-Kunsill ma kienx tal-parir li jiġu inklużi l-Emendi 3, 5, 7, 8, 9, 10, 11, 12 (l-ewwel parti), 13, 16, 21, 22, 25, 44, 45, 52, 53, 71, 84, 88, 91, 93, 94 u 95 fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu, għar-raġunijiet li ġejjin:

(i)   Premessi

Ma kienx hemm ħtieġa speċifika li t-test jispjega fil-premessi ċertu żviluppi storiċi dwar ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija jew l-abbozz ta' Direttiva; għalhekk il-Kunsill segwa l-proposta emendata tal-Kummissjoni fir-rifjut tal-Emendi 3, 5, 7 u 11 kif ukoll l-ewwel parti tal-Emenda 12.

F'konformità mal-proposta emendata tal-Kummissjoni, l-Emendi 8, 9, 10, 13 u 84 ma kinux adottati mill-Kunsill. L-emendi kien fihom eżempji speċifiċi ta' kif ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija jista' jgħin jew ikun ta' ħsara għall-ħaddiema temporanji nnifishom (nisa, ħaddiema bi storja interrotta tax-xogħol, eċċ.) jew l-impriżi utenti (speċjalment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju), jew jaffettwa s-sistemi jew it-tradizzjonijiet tar-relazzjonijiet industrijali.

L-Emendi 16 u 94 saru żejda peress li l-proposta emendata tal-Kummissjoni m'għadx fiha l-premessa 16 ta' qabel dwar meta d-differenzi fit-trattament jitqies aċċettabbli.

Ir-raġunijiet spjegati f'rabta ma' l-Artikolu 7 (ara l-punt (v) aktar 'l isfel) japplikaw ukoll għar-rifjut tal-Emenda 21 dwar informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazjoni tal-impjegati.

L-Emenda 22 dwar il-mobbiltà transkonfini tax-xogħol (aċettata mill-Kummissjoni), li tista' titqies bħala eżempju, mhix inkluża fil-Pożizzjoni Komuni peress li t-test ma hu limitat bl-ebda mod speċifiku għall-mobbiltà transkonfini.

Il-Kunsill irriformula l-premessa 12 u għamilha sostanzjalment iqsar. Madankollu, xi aspetti tal-Emenda 93 (eż. is-sejħa għall-ċarezza dwar id-drittijiet tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija u dwar l-istatus tal-aġenziji tax-xogħol tempornaju bħala dawk li jimpjegaw) żdiedu fit-test irriabbozzat tal-premessa.

Filwaqt li l-premessa 15 dwar il-ħaddiema temporanji b'kuntratt permanenti ma' l-aġenzija tagħhom issaħħet mill-Kunsill biż-żieda ta' sentenza dwar il-kuntratti ta' impjieg b'tul indeterminat bħala l-forma ġenerali tar-relazzjoni ta' impjieg, il-Pożizzjoni Komuni ma tinkludix il-formulazzjoni aktar iddettaljata tal-Emenda 88 dwar x'għandhom joffru dawn il-kuntratti permanenti lil ħaddiem temporanju permezz ta' aġenzija.

(ii)   Artikolu 1 — Kamp ta' applikazzjoni

Wara l-proposta emendata tal-Kummissjoni, il-Kunsill ma aċċettax l-Emenda 25 li kieku kienet ittawwal il-possibbiltà li d-Direttiva ma tiġix applikata għal kuntratti jew relazzjonijiet ta' impjieg konklużi taħt programmi ta' taħriġ speċifiku mingħajr ebda appoġġ pubbliku.

(iii)   Artikolu 4 — Reviżjoni tar-restrizzjonijiet u tal-projbizzjonijiet

Fl-Emenda 91 tiegħu, il-Parlament sejjaħ għal reviżjoni komprensiva tal-leġislazzjonijiet nazzjonali dwar il-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija. Il-Kunsill, bħall-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha, qieset li dan imur lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.

(iv)   Artikolu 5 — Il-Prinċipju tat-trattament ugwali

Wara l-proposta emendata, l-Emenda 39 (dwar in-non-diskriminazzjoni) tqieset żejda fid-dawl li fit-test tal-Artikolu 5(1) iddaħħlu elementi rilevanti tal-Emenda 32.

Filwaqt li l-Emenda 44 ġiet żejda, peress li l-Artikolu 5(5) tal-proposta emendata ma ġiex inkluż fil-Pożizzjoni Komuni, għandu jiġi nnutat li l-ispirtu tal-emenda ġie segwit fil-linja ġenerali tat-test li jsejjaħ għal-rispett tal-prassi nazzjonali differenti.

L-Emenda 45 dwar sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol u dwar it-taħriġ għas-sigurtà tqieset superfluwa peress li l-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, u speċjalment id-Direttiva 91/383/KEE li tissupplimenta l-miżuri biex jiġu inkoraġġiti żviluppi fis-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol għal ħaddiema b'relazzjoni ta' impjieg għal tul ta' żmien fiss jew b'relazzjoni ta' impjieg temporanja, xorta waħda għandha tiġi applikata. Għalhekk, il-Kunsill segwa l-proposta emendata tal-Kummissjoni bir-rifjut ta' din l-emenda.

(v)   Artikolu 7 — Rappreżentazzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta' aġenzija

L-Emenda 95, bl-Emenda 21 għall-premessa 21 li takkumpanjaha, ma ġietx adottata peress li marret lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema temporanji.

F'dan il-kuntest għandu jiġi nnutata li l-Artikolu 8 tal-Pożizzjoni Komuni jinkludi riferiment għad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea.

(vi)   Artikolu 10 — Pieni

Il-Kunsill iqis li l-formulazzjoni “ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom” fl-Artikolu 10(2) tqis, b'mod korrett, il-varjetà tas-sitwazzjonijiet differenti fis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri. Il-Pożizzjoni Komuni għalhekk iżżomm dik l-espressjoni u tirrifjuta l-Emenda 52.

(vii)   Artikolu 11 — Implimentazzjoni

It-test tal-Artikolu 11 dwar l-implimentazzjoni tqies ċar biżżejjed mingħajr l-Emenda 53 ssuġġerita li tgħid “fejn applikabbli skont il-leġislazzjoni u l-prattiki nazzjonali tagħhom.

L-Emenda 71 (dwar perijodu ta' ħames snin biex id-Direttiva ma tiġix applikata f'ċertu sitwazzjonijiet) saret żejda peress li fl-Artikolu 5, il-Pożizzjoni Komuni issa tagħmel il-prinċipju tat-trattament ugwali regola ġenerali mill-bidu nett u ma tinkludix il-possibbiltà li jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta' dak il-prinċipju kompiti għal perijodu iqsar minn sitt ġimgħat. Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-essenza tal-aħħar parti tal-emenda, li tittratta dwar il-prevenzjuni ta' użu ħażin, ġiet inkluża fl-Artikolu 5(5) tal-Pożizzjoni Komuni.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkunsidra li, b'mod ġenerali, il-Pożizzjoni Komuni hija konformi mal-għanijiet fundamentali tal-proposta emendata tal-Kummissjoni. Il-Kunsill jikkunsidra wkoll li qies l-objettivi prinċipali segwiti mill-Parlament Ewropew fl-emendi tiegħu għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.


7.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 254/s3


NOTA LILL-QARREJ

L-istituzzjonijiet iddeċidew li ma jikkwotawx aktar fit-testi tagħhom l-aħħar emenda ta' l-atti kkwotati.

Sakemm mhux indikat mod ieħor, l-atti mmsemija fit-testi ppubblikati hawn jirreferu għall-atti li bħalissa huma fis-seħħ.