ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
9 ta' Awwissu 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

443 Sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008

2008/C 204/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Futur tas-Suq Uniku — Livell Globali

1

2008/C 204/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Ewropa li tikseb ir-riżultati — L-applikazzjoni tal-liġi KomunitarjaCOM(2007) 502 finali

9

2008/C 204/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE li għandha x'taqsam mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi 2-(2-methoxyethoxy)ethanol, 2-(2-butoxyethoxy)ethanol, methylenediphenyl diisocyanate, cyclohexane u n-nitrat ta' l-ammonju COM(2007) 559 finali — 2007/0200 (COD)

13

2008/C 204/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għar-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu COM(2007) 571 finali — 2007/0211 (CNS)

19

2008/C 204/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva …/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (Verżjoni kkodifikata) COM(2008) 23 finali — 2008/0019 (COD)

24

2008/C 204/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mergers ta' kumpanniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata (Verżjoni kkodifikata) COM(2008) 26 finali — 2008/0009 (COD)

24

2008/C 204/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità (Verżjoni kkodifikata) COM(2008) 39 finali — 2008/0022 (COD)

25

2008/C 204/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — In-Netwerks trans-Ewropej: Lejn approċċ integrat COM(2007) 135 finali

25

2008/C 204/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (Riformulazzjoni) COM(2007) 265 finali/3 — 2007/0099 (COD)

31

2008/C 204/10

OpinjonI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2 mill-ajruporti permezz ta' ġestjoni ġdida ta' l-ajruporti (Opinjoni esploratorja)

39

2008/C 204/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni tal-KE għat-trasport marittimu (Opinjoni Addizzjonali)

43

2008/C 204/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tan-navigabilità għall-bastimenti fil-kanali interni (Verżjoni kodifikata) COM(2008) 37 finali — 2007/0021 (COD)

47

2008/C 204/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-ippakkjar tas-sustanzi u t-taħlitiet, u li jemenda d-Direttiva 67/548/KEE u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 COM(2007) 355 finali — 2007/0121 COD

47

2008/C 204/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Indikazzjonijiet u denominazzjonijiet ġeografiċi

57

2008/C 204/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Intejbu l-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili tal-Komunità — Nirreaġixxu għal diżastri naturali

66

2008/C 204/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tintroduċi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

70

2008/C 204/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper dwar is-Sistema ta' Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni COM(2007) 301 finali

77

2008/C 204/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta' fehim interkulturali permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2009-2013) COM(2007) 395 finali

85

2008/C 204/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta' Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti — It-tagħlim dejjem żmienu COM(2007) 558 finali

89

2008/C 204/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fit-titjib tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol (Opinjoni esploratorja)

95

2008/C 204/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-garanzija ta' l-aċċess ġenerali għall-kura fit-tul u l-finanzjament sostenibbli ta' sistema tal-kura fit-tul għall-anzjani

103

2008/C 204/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/40/KE rigward il-preskrizzjonijiet minimi tas-sigurtà u tas-saħħa relattivi għall-espożizzjoni ta' ħaddiema għar-riskji ġejjin minn aġenti fiżiċi (kampi elettro-manjetiċi) (it-tmintax-il Direttiva individwali skond it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) COM(2007) 669 finali — 2007/0230 (COD)

110

2008/C 204/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-riforma fil-baġit ta' l-UE u l-finanzjament tiegħu fil-futur

113

2008/C 204/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud COM(2007) 677 finali

119

2008/C 204/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

120

MT

 


III Atti preparatorji

KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

443 Sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008

9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Futur tas-Suq Uniku — Livell Globali

(2008/C 204/01)

Nhar is-27 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, jaġġixxi taħt ir-Regola 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, iddeċieda jħejji opinjoni dwar

Il-futur tas-Suq Uniku — Livell globali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Cassidy.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'39 vot favur, 9 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Sommarju eżekuttiv tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet

1.1

L-Osservatorju tas-Suq Uniku twaqqaf mill-KESE sabiex jimmonitorja l-progress fil-kompletar tas-Suq Uniku u matul is-snin ipproduċa għadd ta' opinjonijiet li jwieġbu għat-talbiet għal opinjonijiet esploratorji minn istituzzjonijiet oħra bħall-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament kif ukoll mill-Presidenzi (1) ta' l-UE, fejn l-iktar waħda reċenti kienet it-tweġiba għar-rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku (2). B'żieda ma' dan, matul is-snin il-KESE ħareġ għadd ta' opinjonijiet “fuq inizjattiva proprja”.

1.2

Din l-inizjattiva proprja hija f'waqtha billi fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta' Ottubru 2007, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jaħtar lill-UE bħala dik li żżomm ir-ritmu fil-livell internazzjonali fl-affarijiet regolatorji u fil-ftuħ tas-suq. L-UE tista' tfassal il-globalizzazzjoni jekk torbot il-mudell tagħha għall-iżvilupp mat-tkabbir sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u t-tħassib dwar l-ambjent. L-istrateġija ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi hija tweġiba aħjar għall-globalizzazzjoni mill-pass lura tal-protezzjoniżmu.

1.3

Min iħaddem u t-trade unions jaqblu li l-“flessigurtà” (3), meta tkun negozjata mill-imsieħba soċjali, tista' toħloq sitwazzjoni pożittiva għall-kumpaniji u l-ħaddiema. Għaldaqstant din tipprovdi l-qafas it-tajjeb għall-modernizzar tas-swieq tax-xogħol Ewropej, tilqa' l-liġi tax-xogħol, is-sistemi effettivi għat-tagħlim tul il-ħajja u l-ħarsien soċjali miżmum u mtejjeb. B'żieda ma' dan, djalogu soċjali effettiv (speċjalment bin-negozjar kollettiv) ser jikkontribwixxi lejn it-tħaddim mingħajr problemi tas-swieq tax-xogħol.

1.4

Il-KESE huwa konxju tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-interess Ewropew: Suċċess fl-epoka tal-globalizzazzjoni” (4) li tressqet lill-Kunsill Ewropew informali ta' Lisbona.

1.5

Is-suċċess tas-Suq Intern f'daqstant attivitajiet interni ta' l-UE ttieħed bħala fatt mill-maġġoranza taċ-ċittadini ta' l-UE. Is-Suq Uniku m'huwiex “fait accompli” iżda l-Kummissarju McCreevy jiddeskrivieh bħala “ħidma li għadha għaddejja” (5). Apparti mill-ħtieġa li jiġi komplut is-Suq Uniku, l-UE issa hija meħtieġa li tiffaċċja l-isfida tal-globalizzazzjoni u tħeġġeġ il-prinċipji tas-suq miftuħ li fuqhom issejset l-Unjoni, dinja fejn m'hemmx post għall-protezzjoniżmu u l-kompetizzjoni tkun ġenwina.

1.6

Parti mill-missjoni globali ta' l-UE hija li ġġib fis-seħħ standards armonizzati bil-moviment ħieles tal-kapital, il-prodotti, is-servizzi u l-persuni. Dan ifisser li pajjiżi terzi li jixtiequ jagħmlu l-kummerċ ma' l-UE m'humiex ser jitħallew jevitaw ir-regoli applikati fis-Suq Intern kemm dawk li jikkonċernaw il-ħarsien tal-konsumatur, l-istandards tekniċi, il-kondizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll ir-rispett għall-ambjent.

1.7

Parti importanti ta' l-isfida tal-globalizzazzjoni hija r-rwol ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u s-swieq finanzjarji dinjija dejjem iktar interdependenti — interdipendenza li ġiet enfasizzata bil-kriżi fis-swieq ta' l-ishma u swieq finanzjarju oħra matul it-tieni nofs ta' l-2007.

1.8

Is-Suq Uniku Ewropew, fih innifsu, m'huwiex biżżejjed. L-UE għandha tagħmel il-kummerċ u tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja. Għandha bżonn ukoll tibqa' kompetittiva bi benefiċċji għall-ħaddiema, min iħaddem u ċ-ċittadini kollha. L-istrateġija ta' Lisbona ġiet żviluppata sabiex tikseb dan u sabiex l-UE tkun tista' ssir ekonomija iktar kompetittiva fix-xena internazzjonali. L-UE trid tassigura t-tneħħija ta' l-ostakoli interni li għad fadal.

1.9

L-għan ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li l-UE titħeġġeġ tiffaċċja l-globalizzazzjoni u tisfrutta l-opportunitajiet li din iġġib magħha. Is-suċċess ekonomiku ta' l-Ewropa ma ġiex imsejjes fuq il-protezzjoniżmu iżda fuq l-erba' libertajiet li fuqhom issejset il-Komunità Ekonomika Ewropea oriġinali. (L-UE għad trid tneħħi xi wħud mir-restrizzjonijiet tagħha nnifisha għall-kummerċ.)

1.10

L-Unjoni għandha toqgħod attenta li ma taqax fin-nassa Amerikana tas-sussidjar tal-produzzjoni tal-bijokarburanti. Sakemm ma jkunux ikkontrollati mid-WTO, dawn is-sussidji ħalja inevitabbilment ser iwasslu għal prezzijiet ta' l-ikel jogħlew u l-problema tal-ġuħ fil-partijiet tad-dinja li għadhom qed jiżviluppaw jew li huma sotto-żviluppati (6).

1.11

Il-KESE josserva u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jagħtu kas ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-imsieħba soċjali u r-reviżjoni u l-analiżi konġunti ta' l-isfidi ewlenin li qegħdin jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol Ewropej (7).

1.12

Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Informali ta' Lisbona (8). B'mod partikulari huwa jappoġġja l-erba' strateġiji li nftehmu kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri: ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni: l-ambjent kummerċjali adattat, l-investiment fin-nies, u l-enerġija u l-bidla fil-klima. Madankollu, fl-erba' oqsma, hemm bżonn li l-aġenda tar-riforma ssir iktar profonda sabiex jintlaħaq il-potenzjal reali għat-tkabbir u l-impjieg.

1.13

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jassiguraw li l-imsieħba soċjali jkunu involuti strettament fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika tal-flessigurtà fil-livell nazzjonali.

1.14

Il-kumpaniji u l-ħaddiema ta' l-UE ma jistgħux jiġu żvantaġġati ma' dawk li qegħdin jikkompetu magħhom minn pajjiżi terzi sempliċement minħabba li l-UE tixtieq tieħu rwol mexxej fil-prattiki ambjentali avvanzati.

1.15

Is-soluzzjoni hija li għandha tissemma vuċi waħda ta' l-UE b'mod insistenti u konsistenti fin-negozjati internazzjonali dwar it-tisħin globali; u li ssir pressjoni fuq il-pajjiżi li ma jikkonformawx.

2.   Suċċess fl-epoka tal-globalizzazzjoni — il-punti ewlenin

2.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lil-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat u Gvern ta' Ottubru ssegwi l-laqgħa informali f'Hampton Court ta' Ottubru 2005 fejn ġiet indirizzata l-isfida li ġabet magħha l-globalizzazzjoni f'oqsma bħall-innovazzjoni, l-enerġija, il-migrazzjoni, l-edukazzjoni u d-demografija. Fl-2007 intlaħaq ftehim li għandu jqiegħed lill-Ewropa fuq quddiemnett fl-isforzi globali sabiex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima u titniehed politika Ewropea għall-enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva — effettivament sabiex l-Ewropa titqiegħed fis-sebh tat-tielet revoluzzjoni industrijali.

2.2

It-tagħrif tal-pubbliku dwar il-globalizzazzjoni u l-benefiċċji, kif ukoll il-problemi li ġġib magħha, żdied. Milqugħa minn xi wħud filwaqt li tbeżża' lil xi oħrajn, din sfidat lil ċerti ipotesijiet ta' wara l-gwerra dwar l-ekonomija dinjija (per eżempju d-dominanza ta' l-Istati Uniti) u kif il-gvernijiet jistgħu jgħinu liċ-ċittadini tagħhom jaċċettaw il-bidla. Minbarra li hija sfida għall-UE, “il-globalizzazzjoni” hija wkoll opportunità.

2.3

50 sena ta' integrazzjoni Ewropea raw il-prospetti ekonomiċi ta' l-Istati Membri minsuġa bħal qatt qabel, u din ġabet magħha progress soċjali li qatt ma sar qabel. L-istadju li jmiss għandu jimmira li jwassal lill-UE sabiex tieħu r-riedni f'idejha fl-iżvilupp ta' l-ekonomija globali u ġġib fis-seħħ standards internazzjonali bbażati fuq il-valuri ta' l-UE.

2.4

L-unjoni monetarja u s-suċċess ta' l-euro kienu u ser ikomplu jkunu l-katalisti għal integrazzjoni tas-suq iktar profonda u t-tisħiħ mill-ġdid tas-suq intern. Ambjent ikkaratterizzat b'inflazzjoni baxxa, rati ta' l-interess baxxi, transazzjonijiet irħas u trasparenti u integrazzjoni finanzjarja iktar profonda jwasslu għall-kummerċ transkonfinali u l-investiment fl-UE, u jgħin lill-kumpaniji Ewropej jiffaċċjaw il-kompetizzjoni globali. Mil-lat estern, l-euro qed tipprovdi l-kenn kontra l-konfużjoni attwali fis-swieq finanzjarji u s-saħħa tagħha ttaffi xi wħud mill-effetti taż-żidiet fil-prezzijiet fis-swieq dinjija ta' l-ikel u l-enerġija mmexxija mid-domanda qawwija, speċjalment mis-setgħet li għadhom qed jinħolqu. Madankollu, is-saħħa ta' l-euro għandha tirrifletti l-prinċipji bażiċi ekonomiċi. L-apprezzamment rapidu ta' l-euro fis-swieq, appoġġjat minn rata ta' referenza tal-BĊE għolja wisq u marbuta mal-politiki monetarji li jkunu simili tad-devalwazzjonijiet kompetittivi f'partijiet oħra tad-dinja, ifisser theddida għall-prosperità ta' l-UE. Dan joħloq xkiel qawwi għall-intrapriżi Ewropej li jipproduċu fl-euro u jbiegħu fid-dollaru u dan iwassal għar-riskju tad-delokalizzazzjoni.

3.   Il-konsiderazzjoni esterna tas-Suq Uniku

3.1   Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ hija l-iktar mezz importanti għat-twettiq tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ internazzjonali. Jekk jikseb suċċess, iċ-ċiklu ta' Doha għandu l-potenzjal li jiftaħ is-swieq għall-esportazzjoni ta' l-UE f'iktar minn mitt pajjiż madwar id-dinja. Il-progress bil-mod tan-negozjati huwa diżappuntanti għall-aħħar. Apparti mill-ftehimiet tad-WTO, żdiedu wkoll il-ftehimiet tal-kummerċ bilaterali. Il-kumpaniji u l-ħaddiema għandhom bżonn urġenti għal aċċess għas-swieq bi tkabbir ta' rata għolja fil-pajjiżi msieħba prinċipali tal-kummerċ. L-istrateġija ta' l-UE hija li tinnegozja ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles mal-Korea, l-ASEAN u l-Indja bħala pass pożittiv. Dawn il-ftehimiet għandhom ikunu kemm jista' jkun wiesgħin u ambizzjużi, li jkopru l-prodotti (inklużi l-ostakoli non-tarrifarji), is-servizzi, l-investiment, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-iffaċilitar tal-kummeċ, il-politika tal-kompetizzjoni, l-istandards ambjentali u ta' l-ILO. Ikun siewi wkoll li jitqies mudell SOLVIT f'dawn l-arranġamenti.

3.2

Apparti mill-ftehimiet sempliċi għall-kummerċ ħieles, il-KESE jista' jara mezzi innovattivi oħra għall-indirizzar ta' problemi li għadhom għaddejjin fil-livell prattiku f'kuntest bilaterali billi tingħata ħarsa lid-diskussjonijiet fil-Kunsill Transatlantiku Ekonomiku, li twaqqaf wara s-summit ta' l-Istati Uniti u l-UE tat-30 ta' April. L-ewwel laqgħa tal-Kunsill fid-9 ta' Novembru għamel progress inizjali tajjeb lejn l-indirizzar tal-problemi għall-kondizzjonijiet imtejba għall-kummerċ u l-investiment fl-ikbar pajjiż imsieħeb ekonomiku ta' l-UE. Il-kwistjonijiet li huma mhedda mhux neċessarjament jinteressaw lil gruppi oħrajn tal-kummerċ, u b'hekk huma daqshekk importanti dawn il-ftehimiet bilaterali. (Jingħed li minn April iż-żewġ naħat għamlu progress sostanzjali fit-tneħħija ta' barrieri għall-kummerċ u l-investiment u fit-tnaqqis ta' piżijiet regolatorji).

Il-kwistjonijiet u l-oqsma tal-ftehim għandhom x'jaqsmu ma':

Standards aċċettabbli tal-kontabilità fl-Istati Uniti — GAAP — fejn is-statements finanzjarji mħejjija skond l-Istandards Internazzjonali ta' Rapportaġġ Finanzjarju issa ġew aċċettati għall-kumpaniji ta' l-UE kkwotati fil-boroż ta' l-Istati Uniti.

It-titjib fis-sigurtà u l-iffaċilitar tal-kummerċ — pjan ta' direzzjoni sabiex jintlaħaq rikonoxximent reċiproku fl-2009 tal-programmi ta' sħubija fil-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti ser jintlaħaq permezz ta' stadji prinċipali bbażati fuq il-prestazzjoni.

It-tnaqqis tal-piżijiet għall-introduzzjoni ta' drogi ġodda għal mard rari bis-saħħa ta' ftehim dwar formola komuni għall-applikazzjoni għad-disinn ta' drogi orfni (orphan drug designations).

L-azzjoni fl-UE fuq proposta leġislattiva li tagħti aċċess għall-informazzjoni minn pazjenti dwar farmaċewtiċi legali.

Il-Kummissjoni pproponiet li l-UE ser tkompli tippermetti l-importazzjoni ta' prodotti li jkollhom kemm it-tikketta imperjali Amerikana kif ukoll il-kejl metriku sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-kummerċ transatlantiku.

Sal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill, l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OSHA) ser tiddiskuti mal-kontrapartijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress li sar sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-prodotti elettriċi fir-rigward tal-proċeduri għall-analiżi tal-konformità li għandhom x'jaqsmu ma' l-oqsma ta' sigurtà u sabiex jiġu identifikati l-oqsma fejn jista' jsir progress is-sena d-dieħla.

Il-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni Federali (FCC) ta' l-Istati Uniti ser janalizza mill-ġdid il-prodotti soġġetti għat-testjar obbligatorju minn partijiet terzi sabiex jiġu aċċettati dikjarazzjonijiet ta' konformità tal-provvedituri għal prodotti li jkollhom rekord tajjeb ta' konformità ma' l-istandards rilevanti.

Hemm Djalogu Regolatorju tas-swieq finanzjarji li qed jikkunsidra kif u f'liema oqsma jista' jiġi stabbilit ir-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tat-titoli ta' sigurtà u l-identifikazzjoni ta' approċċi oħrajn għall-iffaċilitar tal-kummerċ transkonfinali fis-servizzi finanzjarji. Il-ħidma għadha fil-bidu tagħha u s-summits bejn l-UE u l-Istati Uniti ser jaħdmu id f'id mal-partijiet interessati sabiex jiġu identifikati prijoritajiet oħrajn.

3.3

B'żieda ma' dan, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll tapprofondixxi u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika tagħha ma' pajjiżi ġirien bħall-Ukrajna u mar-Russja. L-Adeżjoni tar-Russja mad-WTO, iż-żona ekonomika komuni tar-Russja u l-UE u t-trattat qafas il-ġdid bejn ir-Russja u l-UE huma ġrajjiet important fit-triq lejn sħubija ekonomika ġenwinament strateġika. Din il-kooperazzjoni msaħħa għandha tħejji t-triq għal negozjati futuri dwar Żona Ekonomika Komuni li tippromovi l-moviment ħieles tal-prodotti u s-servizzi, il-kapital u l-persuni, l-għarfien u t-teknoloġija.

3.3.1

Billi l-kwistjonijiet ġenerali ta' sħubija ekonomika strateġika jistgħu jiġu indirizzati biss parzjalment mill-adeżjoni tad-WTO, l-UE u r-Russja, fejn huwa possibbli, għandhom jibnu r-relazzjonijiet ekonomiċi futuri tagħhom fuq strutturi tad-WTO sabiex tinħoloq żona ekonomika komuni għall-Ewropa kollha kemm hi. Għaldaqstant jinħtieġ impenn b'saħħtu mill-UE u r-Russja sabiex jiġu indirizzati medda ta' kwistjonijiet ħafna usa' u profondi minn dawk li jinsabu fil-ftehimiet tradizzjonali għall-kummerċ ħieles.

3.3.2

Il-ftehim bejn ir-Russja u l-UE għandu jinkludi, fost oħrajn, dispożizzjonijiet għat-trattament ta' l-investimenti transkonfinali, it-tneħħija ta' dazji, iż-żarmar ta' ostakoli non-tariffarji, il-konverġenza regolatorja, ir-rikonoxximent reċiproku ta' l-istandards u l-analiżi tal-konformità, l-iffaċilitar tal-kummerċ u d-dwana, il-kooperazzjoni fuq il-kompetizzjoni, il-liberalizzazzjoni tas-servizzi, l-akkwist pubbliku, ir-regolamenti sanitarji u fitosanitarji, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-użu ta' standards internazzjonali għall-kontabilità. Eżempji tal-kwistjonijiet koperti minn ftehim daqshekk ġenerali jinsabu, per eżempju, fil-Ftehimiet għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

3.4   Riċerka u żvilupp

It-tħaddim ta' suċċess tas-Suq Uniku huwa wkoll prerekwiżit għat-tisħiħ tal-kapaċità innovattiva ta' l-Ewropa. Suq ġenwinament Uniku l-iktar li jipprovdi lieva u ftuħ għal oġġetti, prodotti u servizzi innovattivi. Fil-livell Ewropew hemm bżonn ta' koordinazzjoni ta' l-isforzi għar-riċerka u l-iżvilupp bejn il-“clusters” ta' l-SMEs u l-kumpaniji l-kbar, l-Istituti ta' Riċerka, l-Universitajiet u l-Istitut Ewropew il-ġdid għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija. Dan ser jirrinfurza s-saħħa globali ta' l-industrija Ewropea fil-ksib ta' livelli ogħla ta' teknoloġija li huma inkorporati fil-prodotti tagħhom fl-għan komuni taż-żamma ta' l-investiment fl-UE milli jirriloka u sabiex l-industrija ssir iktar kompetittiva fil-prodotti u s-servizzi ta' valur miżjud ogħla fl-isfera globali.

3.5

Il-globalizzazzjoni ħaffet il-pass tal-bidla — għat-teknoloġija, għall-ideat, għall-mod li naħdmu bih u ngħixu ħajjitna. Il-KESE konsistentement appoġġja dawn l-għanijiet u jemmen li jekk l-Ewropa tista' tillibera l-potenzjal tagħha għall-innovazzjoni u l-kreattività din tista' tfassal id-direzzjoni tal-bidla fid-dinja b'enfasi ċara fuq il-valuri Ewropej u d-diversità kulturali.

3.6   Salvagwardji tal-Proprjetà Intellettwali

L-isforzi ta' l-Ewropa fil-qasam ta' l-innovazzjoni għandhom jiġu appoġġjati mill-kondizzjonijiet sabiex iħarsu l-proprjetà intellettwali li tirriżulta li teħtieġ investiment finanzjarju u uman sostanzjali. Fost inizjattivi oħrajn, ikun rakkomandabbli, u tassew imissu diġà sar, li l-UE jkollha protezzjoni unika u unitarja tal-Brevett Komunitarju (9). Suċċess f'dan il-qasam jissarraf f'vantaġġi tas-suq għall-prodotti ta' l-UE fis-suq globali.

Barraminhekk, il-garanzija ta' infurzar qawwi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ġlieda effettiva kontra l-iffalsifikar huma kruċjali. Il-kompletar tal-qafas legali fil-livell ta' l-UE jibqa' kondizzjoni essenzjali. Hemm bżonn ukoll ta' kooperazzjoni internazzjonali sabiex tiġi indirizzata l-problema f'kuntest globali. Id-djalogi bilaterali dwar il-Proprjetà Intellettwali organizzati mill-Kummissjoni Ewropea fiċ-Ċina, ir-Russja u reġjuni oħrajn huma strumenti utli sabiex tiġi indirizzata l-problema iżda hemm bżonn li jipproduċu riżultati konkreti. Apparti minn hekk, il-Ftehim Kummerċjali propost għal Kontra l-Iffalsifikar huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.

3.7   Kondizzjonijiet tax-xogħol

L-inqas ħaga li tista' tagħmel l-UE sabiex tgħin lill-industrija Ewropea tikkompeti b'mod ġust fil-qasam globali hija li tassigura li l-pajjiżi l-oħra jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi tax-xogħol stabbiliti mill-ILO u l-konvenzjonijiet internazzjonali li jikkonċernaw id-drittijiet individwali, id-dritt ta' assoċjazzjoni, id-dritt ta' l-organizzazzjoni u n-negozjar kollettiv, u l-ugwaljanza u t-tneħħija tax-xogħol sfurzat u dak li jsir minn tfal taħt l-età.

3.8   Is-sorveljanza fis-suq tal-prodotti importati

Rapporti reċenti ta' prodotti importati li ma jilħqux l-istandard u li huma ta' ħsara għas-saħħa enfasizzaw in-nuqqas ta' sorveljanza effettiva tas-suq fl-UE. Dan huwa aspett ieħor ta' kif il-kondizzjonijiet tal-kummerċ inġusti qegħdin jgħawġu iktar il-livelli ta' kompetittività tal-kumpaniji ta' l-UE. It-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri għandu jassigura li l-istandards ta' kwalità li jistqarru l-produtturi barranin jiġu verifikati sabiex jinstab bilanċ ġust mal-produtturi ta' l-UE u sabiex jiġu mħarsa l-konsumaturi ta' l-UE kontra prodotti li ma jilħqux l-istandard u jkunu perikolużi.

3.9   Sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija — politika esterna komuni ta' l-enerġija

Permezz ta' żviluppi reċenti fil-qasam ta' l-enerġija nħoloq il-bżonn għall-pajjiżi ta' l-UE li jinġabru u joħorġu politika strateġika għall-enerġija appoġġjata minn fethimiet bilaterali bejn l-UE u pajjiżi oħrajn li għandhom bżonn jiġu negozjati sabiex l-industrija tkun tista' tippjana l-investimenti futuri fl-UE. Politika bħal din tgħin ukoll għall-ħarsien ta' l-istandard ta' l-għajxien tal-konsumaturi ta' l-UE. L-Istati Membri ta' l-UE ser ikollhom jiżviluppaw provvista ta' l-enerġija alternattiva bħall-enerġija rinnovvabbli jew nukleari (10) u jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq ir-Russja u l-Lvant Nofsani għall-provvista tal-gass jew iż-żejt (11). Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tassigura li l-pakkett dwar l-Enerġija u l-Klima (12) li ħareġ dan l-aħħar jassigura l-previdibilità, jevita l-impatti ekonomiċi negattivi, partikularment fuq il-kompetittività ta' l-industriji ta' l-UE li jużaw ħafna enerġija, iħeġġeġ l-iżvilupp tas-swieq ewlenin Ewropej f'dan il-qasam u jtejjeb l-eko innovazzjoni.

3.10   Kwistjonijiet ambjentali

L-istrateġija li biha l-UE qed tavvanza ħafna iktar minn pajjiżi oħra fil-ksib ta' standards ambjentali ogħla ma tagħmilx sens ekonomiku għal tliet raġunijiet:

1.

It-tisħin globali ma jistax jinqaleb mill-UE waħedha u l-effett aħħari tal-miżuri ta' l-UE żgur li ser jiġi newtralizzat jekk il-pajjiżi l-oħra ma jeħdux passi sabiex jikkontrollaw l-użu ta' l-enerġija u l-emissjonijiet.

2.

L-UE għandha tevita li toħloq żbilanċ fil-kompetittività għall-produtturi ta' l-UE li ser ikollhom iżidu l-ispejjeż ta' ħidma tagħhom billi jħallsu taxxi ambjentali ogħla, u li b'hekk isiru inqas kompetittivi fil-livell globali. Barraminhekk, dan ikun qed iwitti t-triq għad-delokalizzazzjoni ta' l-investimenti li jafu jkunu ta' importanza strateġika għas-Suq Uniku ta' l-UE.

3.

Il-KESE m'huwiex konvint mill-argument li standards ambjentali ogħla jqanqlu domandi ġodda għal iktar riċerka fi prodotti li jħarsu l-ambjent. Żgur li jrid jgħaddi perijodu ta' żmien qabel ma prodotti bħal dawn ikunu riċerkati u jitqiegħdu fis-suq. Sadanittant il-produtturi l-oħra ta' l-UE li jipproduċu prodotti li jużaw ħafna enerġija jistgħu jitkeċċew mis-suq minħabba kompetizzjoni inġusta minn produtturi f'pajjiżi li m'humiex daqshekk ħerqana li jieħdu l-passi sabiex jikkontrollaw l-emissjonijiet tagħhom.

3.10.1

Jekk l-UE tiddeċiedi li tkompli għal rasha billi tgħolli ċerti standards ambjentali ogħla, għandha tikkunsidra timponi miżuri konfinali li jikkonformaw mad-WTO fuq prodotti li joriġinaw minn pajjiżi li huma magħrufa għall-ħsara li qed jagħmlu lill-ambjent, sabiex il-produtturi Ewropej ma joperawx bi żvantaġġ kompetittiv.

3.10.2

Sistema ta' kummerċ globali miftuħa hija fl-interess ta' l-UE. Darba kien żmien meta l-UE kellha tipproteġi ċ-ċittadini, l-interessi u l-valuri tagħha. Illum, il-protezzjoniżmu ma jistax ikun is-soluzzjoni. Bħala n-negozjant u l-investitur ewlieni fid-dinja, l-approċċ miftuħ tagħna iwassal għal spejjeż iktar baxxi għall-industrija, prezzijiet iktar baxxi għall-konsumaturi, stimulus kompetittiv għall-intrapriża u investiment ġdid. Fl-istess ħin, huwa importanti għall-UE li tuża l-influwenza tagħha fin-negozjati internazzjonali sabiex tfittex il-ftuħ minn oħrajn: il-każ politiku għall-approċċ miftuħ jista' jiġi sostnut biss jekk oħrajn jirreċiprokaw b'mod pożittiv.

3.10.3

Il-Kummissjoni għandha tassigura li pajjiżi terzi joffru livelli proporzjonali ta' ftuħ għall-esportaturi u l-investituri ta' l-UE u li jkollhom regoli fundamentali li ma jfixklux il-kapaċità tagħna fil-ħarsien ta' l-interessi tagħna u sabiex nissalvagwardjaw il-protezzjoni għolja tagħna tas-saħħa, is-sigurtà, is-soċjetà, l-ambjent u l-konsumatur.

4.   Iktar impjegabilità u investiment fin-nies: il-ħolqien ta' iktar impjiegi u impjiegi aħjar

4.1

Il-globalizzazzjoni u t-tibdil teknoloġiku jirriskjaw li jżidu l-inugwaljanza, u b'hekk iwessgħu d-diskrepanza bejn il-persuni kkwalifikati u dawk li m'humiex u bejn in-nazzjonijiet għonja u dawk foqra. L-aħjar soluzzjoni hija li ngħinu lil kull individwu u nazzjon sabiex jadattaw billi jtejbu l-kwalità u d-disponibilità ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-etajiet kollha.

4.2

Il-KESE u l-imsieħba soċjali kkummentaw dwar kif “il-flessigurtà” għandha titfassal sabiex tgħin lin-nies jiġġestjonaw it-transizzjoni bejn impjieg u ieħor b'iktar suċċess fil-perijodi ta' bidla ekonomika mgħaġġla.

4.3

L-adozzjoni mill-Kunsill għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali (13) tal-5 ta' Diċembru ta' sett ta' prinċipji komuni dwar il-flessigurtà ħejjiet it-triq għall-integrazzjoni tal-flessigurtà mill-Istati Membri fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u l-implimentazzjoni sussegwenti b'kooperazzjoni stretta ma' l-imsieħba soċjali nazzjonali.

4.4

Il-KESE jixtieq li tingħata iktar attenzjoni lill-politiki attivi li jħeġġu l-inklużività u jipprovdu opportunitajiet ugwali għall-gruppi li jiffaċċjaw id-diskriminazzjoni fis-suq globali — persuni ta' età 'l fuq minn 50 sena, in-nisa, il-minoranzi etniċi u dawk li jħallu l-iskola bi ftit li xejn kwalifiki.

5.   Nuqqas ta' stabilità fis-suq finanzjarju globali

5.1

Bħalissa l-UE qed tesperjenza l-effetti ta' kriżi globali fis-swieq ta' l-ishma u swieq finanzjarji oħrajn. L-unjoni monetarja u r-reazzjoni pronta tal-BĊE għat-taqlib li ġabgħet magħa l-kriżi qdew rwol pożittiv. L-ewwelnett, billi daħħal ammonti kbar ta' likwidità fis-swieq finanzjarji, il-BĊE ikkontribwixxa sabiex tittaffa l-kriżi ta' kunfidenza fis-settur bankarju, u b'hekk tnaqqas ir-riskju tar-restrizzjoni tal-kondizzjonijiet ta' kreditu għall-kumpaniji u l-familji. It-tieninett, in-nuqqas ta' riskji tal-munita u l-primjum ta' riskju baxx għall-pajjiż ifissru li l-ekonomiji iktar fraġli ta' l-UE setgħu jiffaċċjaw il-konfużjoni fis-swieq finanzjarji relattivament mingħajr problemi.

5.2

It-taqlib fis-swieq globali finanzjarji u d-dgħjufija tad-dollaru Amerikan qed jaffetwaw lill-Ewropa, inkluż permezz ta' apprezzament sinifikanti ta' l-euro minħabba li l-BĊE jżomm ir-rata ta' referenza f'livell eċċessivament għoli u politiki monetarji oħrajn li huma essenzjalment simili għal devalwazzjonijiet kompetittivi f'partijiet oħra tad-dinja, li ser ikollhom konsegwenzi dannużi għall-ekonomija ta' l-UE u l-prospetti tagħha fil-perijodu medju.

5.3

Il-ġrajjiet reċenti fis-swieq finanzjarji dinjija juru l-bżonn ta' regoli prudenti msaħħa, ta' titjib fil-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' monitoraġġ u l-banek ċentrali u ta' iktar trasparenza u rapportaġġ.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 24, 31.1.2006, rapporteur: is-Sur Retureau, b'talba mill-Presidenża Ingliża.

(2)  ĠU C 93, 27.4.2007, rapporteur: is-Sur Cassidy.

(3)  Rapporteur: is-Sur Janson, ĠU C 256, 27.10.2007.

Rapport Interim tal-Grupp Espert tal-Flessigurtà 20.4.2007: Il-flessigurtà hija strateġija ta' politika li ttejjeb, fl-istess ħin u b'mod deliberattiv, il-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol, l-organizzazzjonijiet tax-xogħol u r-relazzjonijiet tax-xogħol fuq naħa, u s-sigurtà — ta' l-impjieg u soċjali — fuq naħa oħra. Il-prinċipji ewlenin li jirfdu strateġija tal-flessigurtà huma li l-flessibbiltà u s-sigurtà m'għandhomx jitqiesu bħala opposti, iżda jistgħu jkunu ta' appoġġ reċiproku. It-tħeġġiġ ta' swieq tax-xogħol flessibbli u l-garanzija ta' livelli għoljin ta' sigurtà ser ikunu effettivi biss jekk il-ħaddiema jingħataw il-mezzi sabiex jadattaw għall-bidla, jieħdu impjieg, jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol u jagħmlu progress fil-ħajja tax-xogħol. Għaldaqstant, il-kunċett tal-flessigurtà jinkludi enfasi qawwija fuq il-politiki attivi fis-suq tax-xogħol, u l-motivazzjoni ta' tagħlim u taħriġ tul il-ħajja — iżda wkoll fuq sistemi ta' sigurtà soċjali b'saħħithom sabiex ikun hemm appoġġ għad-dħul finanzjarju u l-faċilità li n-nies ikunu jistgħu jikkombinaw ix-xogħol mal-kura. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll għall-opportunitajiet ugwali u l-ugwaljanza bejn is-sessi. (Verżjoni mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  COM(2007) 581 finali, 3.10.2007.

(5)  Ara l-pakkett dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku adottat mill-Kummissjoni f'Novembru 2007, COM(2007) 724 finali.

(6)  ĠU C 44, 16.2.2008, rapporteur: is-Sur Iozia

(7)  Imsieħba soċjali: ETUC/CES, CEEP, UEAPME u BUSINESSEUROPE Key challenges facing European labour markets: a joint analysis of European social partners, Ottubru 2007.

(8)  Ara Nota 4.

(9)  Għal aktar informazzjoni dwar x'qed isir mid-DĠ Intrapriża u Industrija fir-rigward ta' Keeping better guard on intellectual property, ara: http://ec.europa.eu/enterprise/library/ee_online/art34_en.htm

(10)  Ċerti pajjiżi ddikjaraw li huma kontra kull forma ta' enerġija nukleari u ma jippermettux il-kostruzzjoni ta' impjanti nukleari fuq it-territorju tagħhom. Madankollu, jimportaw ammonti kbar ta' elettriku nukleari, eż. l-Italja

(11)  L-Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Enerġija u l-Klima ħarġet fit-23 ta' Jannar 2008. Ara: http://ec.europa.eu/energy/climate_actions/index_en.htm.

(12)  ĠU C 318, 23.12.2006, rapporteur: is-Sinjura Sirkeinen

(13)  Stqarrija mill-Kunsill għall-Istampa 16139/07 http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/07/st16/st16139.mt07.pdf


APPENDIĊI

Għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dawn l-emendi, li rċevew iktar minn kwart tal-voti, ġew mixħuta flimkien u rifjutati matul id-dibattitu:

1.   Punt 2.4

Immodifika s-sentenza ta' qabel ta' l-aħħar:

“(….) L-apprezzamment rapidu ta' l-euro fis-swieq, appoġġjat minn rata ta' referenza tal-BĊE għolja wisq u marbuta mal-politiki monetarji li jkunu simili tad-devalwazzjonijiet kompetittivi f'partijiet oħra tad-dinja, ifisser theddida għall-prosperità ta' l-UE. ( ...).”

Raġuni

Kritika daqshekk qawwija u miftuħa tal-politika tal-BĊE, introdotta bħallikieku kienet sempliċement “kjarifika” ma tistax tiġi formulata mingħajr l-approvazzjoni minn qabel ta' opinjoni speċifika tal-KESE dwar dan is-suġġett partikulari. Il-kwistjoni tar-rati hija suġġett ta' dibattitu vivaċi u jeżistu fehmiet differenti li huma kollha rispettabbli. Madankollu, wieħed għandu jżomm f'moħħu li permezz tat-tibdil tar-rati l-BĊE qed jaqdi rwol li jagħtih it-Trattat, jiġifieri l-ħarsien kontra l-inflazzjoni.

2.   Punt 5.2

Immodifika:

“It-taqlib fis-swieq globali finanzjarji u d-dgħjufija tad-dollaru Amerikan qed jaffetwaw lill-Ewropa, inkluż permezz ta' apprezzament sinifikanti ta' l-euro minħabba li l-BĊE jżomm ir-rata ta' referenza f'livell eċċessivament għoli u politiki monetarji oħrajn li huma essenzjalment simili għal devalwazzjonijiet kompetittivi f'partijiet oħra tad-dinja, li ser ikollhom konsegwenzi dannużi għall-ekonomija ta' l-UE u l-prospetti tagħha fil-perijodu medju.”

Raġuni

L-istess raġuni bħal fil-punt 2.4, iżda hawnhekk terġa' iktar enfasizzata: l-ewwel intqal li l-apprezzament ta' l-euro kien iffavorit mill-politika tal-BĊE, filwaqt li l-punt 5.2 jistqarr li kien “minħabba” fih. Pożizzjoni daqshekk ħarxa min-naħa tal-KESE m'hijiex permissibbli, barra mill-fatt li m'hijiex korretta mil-lat proċedurali.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 22 Voti kontra: 29 Astensjonijiet: 8


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Ewropa li tikseb ir-riżultati — L-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja”

COM(2007) 502 finali

(2008/C 204/02)

Nhar il-5 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Ewropa li tikseb ir-riżultati — L-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Frar 2008 (rapporteur: is-Sur Retureau).

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u fit-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'59 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Fil-komunikazzjoni tagħha “Ewropa li tikseb ir-riżultati — Applikazzjoni tal-liġi Komunitarja” tal-5 ta' Settembru 2007 (COM(2007) 502 finali), il-Kummissjoni tindika li fost aktar minn 9 000 miżura leġislattiva, hemm 2 000 direttiva li kull waħda minnhom għandha bżonn minn 40 sa 300 miżura ta' traspożizzjoni, u li minħabba fin-numru ta' Ewropej li jistgħu jenfasizzaw ċertu drittijiet li huma bbażati fuq il-leġislazzjoni Komunitarja, tkun idea tajba jekk, waqt is-segwitu ta' l-objettiv “leġislazzjoni aħjar”, tingħata attenzjoni kbira b'mod partikulari għall-applikazzjoni tal-liġi, għall-identifikazzjoni tar-raġunijiet li minħabba fihom jibqa' jkun hemm diffikultajiet fl-applikazzjoni u fil-kontroll ta' l-applikazzjoni tal-liġi.

Għalhekk hija tissuġġerixxi li jitjieb il-metodu attwali ta' kif jingħelbu l-problemi marbutin ma' l-applikazzjoni u mal-kontroll tal-liġi Komunitarja.

1.2

Il-Kummissjoni tidentifika wkoll erba' possibbiltajiet li jistgħu jtejbu l-applikazzjoni tal-liġi:

(a)

prevenzjoni: evalwazzjoni aħjar ta' l-impatt, evalwazzjonijiet tar-riskji inklużi fil-proposti tal-Kummissjoni, preżenza ta' tabella ta' korrelazzjoni f'kull proposta, taħriġ ta' l-awtoritajiet nazzjonali fil-liġi Komunitarja;

(b)

reazzjoni effiċjenti u adegwata: titjib fl-iskambju ta' l-informazzjoni man-negozji u ċ-ċittadin, iżda wkoll ma' l-awtoritajiet nazzjonali, il-ġeneralizzazzjoni ta' “laqgħat globali” li hawnhekk għandhom rwol partikolari;

(c)

titjib fil-metodi ta' ħidma: jiġi deċiż punt ta' kuntatt ċentrali f'kull Stat Membru li jkollu r-responsabbiltà li joħloq rabta bejn l-awtorità kompetenti nazzjonali u l-Kummissjoni, ġestjoni aktar effiċjenti tal-proċeduri ta' ksur billi jiġu stabbiliti, b'mod partikolari, ċerti prijoritajiet;

(d)

tisħiħ fid-djalogu u t-trasparenza: titjib tad-djalogu interistituzzjonali, pubblikazzjoni tat-tagħrif ġenerali dwar l-effiċjenza ta' l-“istrateġija l-ġdida”.

1.3

Il-Kumitat jaqbel ma' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjebdawk l-istrumenti li jippermettu l-aħjar applikazzjoni tal-liġi Komunitarja mill-Istati Membri.

Hawnhekk, huwa jixtieq jagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin:

2.   L-identifikazzjoni tal-problema

2.1

Il-maġġoranza tal-problemi ta' applikazzjoni u ta' implimentazzjoni ħażina tal-liġi Komunitarja ġejja min-nuqqas ta' traspożizzjoni tad-direttivi. It-traspożizzjoni tista' tiġi definita bħala l-proċess li bih Stat Membru li għalih tkun indirizzata d-direttiva jadotta l-miżuri kollha meħtieġa għall-introduzzjoni effettiva tagħha fis-sistema legali nazzjonali permezz ta' l-istrumenti normattivi adegwati.

2.2

It-traspożizzjoni teħtieġ li jitwettqu żewġ obbligazzjonijiet min-naħa ta' l-Istati Membri:

min-naħa l-waħda l-introduzzjoni fil-liġi nazzjonali tal-kontenut normattiv kollu tad-direttiva;

min-naħa l-oħra, ir-revoka jew l-emenda tar-regoli nazzjonali kollha li kienu jeżistu qabel li m'humiex ser ikunu konformi mad-direttiva.

2.3

L-istess japplika għall-introduzzjoni tad-deċiżjonijiet qafas imniżżla fl-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li, bħad-direttivi msemmija fl-Artikolu 249 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE) “għandhom jorbtu lill-Istati Membri dwar għandu jinkiseb, iżda jħallu f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla ta' forom u metodi .”

2.4

It-traspożizzjoni tad-deċiżjonijiet qafas ukoll tista' toħloq xi diffikultajiet. Madankollu, b'differenza għall-proċedura għal nuqqas ta' teħid tal-miżuri neċessarji mniżżla fl-Artikoli 226 u 228 tat-Trattat KE, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma jantiċipax tali mekkaniżmu ta' kontroll fuq inizjattiva tal-Kummissjoni f'każ ta' nuqqas ta' traspożizzjoni jew inkella ta' traspożizzjoni inkorretta. Ovvjament dan kollu ma jnaqqasx mill-importanza li l-Istati Membri għandhom iħarsu l-obbligu tat-traspożizzjoni tad-deċiżjonijiet qafas.

2.5

Għandu jiġi nnotat li l-Istati Membri għandhom qegħdin isibuha diffiċli sabiex jadattaw il-proċessi tagħhom għat-tfassil tar-regoli ta' traspożizzjoni li, kontra dak li wieħed jista' jaħseb, jikkawżaw ċerti obbligazzjonijiet legali kumplessi u kultant ipoġġu lit-tradizzjonijiet leġislattivi nazzjonali f'diffikultà.

3.   Il-punti prinċipali ta' l-obbligu ta' traspożizzjoni u d-diffikulatjiet li jaffrontaw l-Istati Membri

3.1

Huma biss l-Istati Membri li għandhom l-awtorità jiddeċiedu dwar liema forma għandha tintuża għat-traspożizzjoni tad-direttivi u li huma stess jiddeterminaw, taħt il-kontroll ta' l-imħallef nazzjonali — l-imħallef ġenerali li japplika l-liġi Komunitarja — il-metodi li jiggarantixxu l-effikaċja tad-direttiva fil-liġi nazzjonali. Hawnhekk jeħtieġ li jiġi enfasizzat l-obbligu tal-Kummissjoni li, bħala gwardjan tat-Trattati, tiggarantixxi l-implimentazzjoni xierqa tal-liġi Komunitarja u l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, billi, f'każ ta' bżonn, tuża l-firxa tal-miżuri li għandha għal dan il-għan kontra l-Istati Membri (opinjoni raġunata, rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, penali). Fl-aħħarnett, id-dewmien fit-traspożizzjoni jew traspożizzjoni inkorretta jew mhux kompluta ma jneħħix id-dritt li għandhom iċ-ċittadini affettwati li jinvokaw id-direttiva dwar il-liġi nazzjonali, bis-saħħa tal-prinċipju tal-primat tal-liġi Komunitarja.

3.2

Għalhekk traspożizzjoni korretta teħtieġ l-adozzjoni ta' regoli nazzjonali vinkolanti li għandhom jiġu ppubblikati f'pubblikazzjoni uffiċjali (1), b'tali mod li l-Qorti tiċċensura s-sempliċi referenza ġenerali għal-liġi Komunitarja li tintwera bħala traspożizzjoni (2).

3.3

Jista' jkun li ċerti prinċipji ġenerali tal-liġi kostituzzjonali jew amministrattiva jwasslu sabiex it-traspożizzjoni permezz ta' l-adozzjoni ta' liġijiet jew regolamenti speċifiċi titqies bħala superfluwa, iżda terġa' tinħass il-ħtieġa li dawn il-prinċipji ġenerali jridu jassiguraw l-implimentazzjoni kompluta tad-direttiva min-naħa ta' l-amministrazzjoni nazzjonali.

3.4

Għalhekk it-traspożizzjoni tad-direttivi għandha tkun eżatta kemm jista' jkun. Id-direttivi li jarmonizzaw il-liġijiet nazzjonali għandhom jiġu trasposti bl-iżjed mod letterali possibbli, sabiex jiġu assigurati l-uniformità fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja (3).

3.5

Dan jidher sempliċi fit-teorija, iżda fil-prattika jkun hemm każijiet fejn il-kunċetti awtonomi ta-liġi Komunitarja (4) ma jsibux ekwivalenza fit-terminoloġija legali nazzjonali, jew fejn dan it-tip ta' kunċett ma jirreferix għal-liġi ta' l-Istati Membri sabiex jiddetermina s-sens u l-iskop tagħhom (5).

3.6

Hemm ukoll każijiet fejn id-direttiva tkun tinkludi artikolu li jgħid li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jgħinu fit-traspożizzjoni tad-direttiva għandhom jirreferu għad-direttiva jew ikunu akkompanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati. In-nuqqas ta' rispett ta' din il-klawsola magħrufa bħala l-“klawsola ta' interkonnessjoni” huwa kkundannat mill-Qorti li tirrifjuta li tikkunsidra l-eċċezzjoni li jqajmu l-Istati Membri rigward il-fatt li l-liġi interna eżistenti tagħhom hija diġà konformi mad-direttiva (6).

3.7

Id-diffikultà li d-direttivi jiġu trasposti b'mod korrett tirriżulta wkoll min-normattività instabbli tagħhom. Fil-fatt, insibu żewġ kategoriji prinċipali ta' dispożizzjonijiet fid-direttivi:

id-dispożizzjonijiet “mhux obbligatorji” li jillimitaw ruħhom li jistabbilixxu l-għanijiet ġenerali; u b'hekk jagħtu lill-Istati Membri libertà pjuttost vasta għall-għażla ta' miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni;

id-dispożizzjonijiet “normattivi/inkondizzjonati” li jimponu fuq l-Istati Membri obbligazzjoni ta' konformità tal-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, bħalma huma d-definizzjonijiet, id-dispożizzjonijiet normattivi/inkondizzjonati li jimponu obbligazzjonijiet preċiżi fuq l-Istati Membri, l-annessi għad-direttivi li jista' jkun fihom listi jew tabelli ta' inventarju ta' sustanzi, oġġetti jew prodotti, u mudelli ta' dokumenti applikabbli għall-Unjoni Ewropea kollha.

3.8

Fil-każ tad-“dispożizzjonijiet mhux obbligatorji”, l-evalwazzjoni tan-natura kompleta, fidila u effettiva tat-traspożizzjoni mhiex relatata ma' l-abbozzar innifsu tal-miżuri nazzjonali, iżda għall-kontenut tagħholm li għandu jikkontribwixxi għat-twettiq tad-direttiva.

3.9

Fil-każ tad-“dispożizzjonijiet normattivi/inkondizzjonati”, l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Qorti taqa' mill-ewwel fuq l-abbozzar tal-miżuri nazzjonali, li jridu jikkonformaw totalment mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva.

3.10

Issa, ċerti Stati Membri jiltaqgħu ma' diffikultajiet serji meta jkunu qegħdin jabbozzaw regoli li jintużaw għat-traspożizzjoni tad-“dispożizzjonijiet normattivi/inkondizzjonati”. L-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda għandha, għat-trasparenza fil-liġi, tkun akkompanjata minn “tindif” sistematiku tat-testi, sabiex jiġi evitat li jibqa' jkun hemm dispożizzjonijiet superfluwi jew, agħar, kontradittorji. Għalhekk għandu jinstab l-aħjar bilanċ bejn traskrizzjoni dejqa żżejjed u reviżjoni wiesgħa żżejjed tad-dispożizzjonijiet konċernati, u jista' jkun li dan joħloq ċertu sors ta' diffikultajiet (7).

4.   Il-metodi ta' traspożizzjoni użati mill-Istati Membri

4.1

L-għażla tat-tekniki relatati ma' l-abbozzar tal-miżuri ta' traspożizzjoni tvarja skond jekk id-dispożizzjonijiet li jridu jiġu trasposti humiex “dispożizzjonijiet opzjonali” jew “dispożizzjonijiet normattivi/inkondizzjonati”:

Jidher li iżjed ma jgħaddi ż-żmien, iżjed l-Istati Membri qegħdin jużaw it-“traspożizzjoni permezz ta' transkrizzjoni mill-ġdid” tad-“dispożizzjonijiet normattivi/inkondizzjonati” tad-direttivi peress li t-traspożizzjoni ta' dan it-tip ta' dispożizzjonijiet ma jħallix ħafna libertà lill-Istati Membri, b'tali mod li l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Qorti tiffoka aktar fuq li jassiguraw li l-kliem tal-miżuri ta' traspożizzjoni jikkorrespondu jew anke jkunu identiċi għad-dispożizzjonijiet inkondizzjonati tad-direttiva. Għalhekk, il-Qorti qatt ma kkunsidrat li l-obbligu ta' l-eżattezza, li huwa marbut mat-traspożizzjoni tad-direttivi, jimplika bilfors traskrizzjoni pura u sempliċi mill-ġdid.

Il-Kummissjoni hija pjuttost favur dan il-proċess ta' traskrizzjoni mill-ġdid u filwaqt li toqgħod attenta ħafna sabiex tara li d-definizzjonijiet miktuba fid-direttiva jerġgħu jidhru bl-istess mod fit-test tat-traspożizzjoni, dan kollu sabiex wieħed jantiċipa kull inkonsistenza semantika jew konċettwali li tkun detrimentali għall-applikazzjoni konsistenti tal-liġi Komunitarja fl-Istati Membri u għall-effett meħtieġ tagħha.

Min-naħa l-oħra, il-kontroll tat-traspożizzjoni tad-“dispożizzjonijiet opzjonali” huwa iżjed problematiku. Infakkru li din tikkonċerna l-ipoteżi li b'konformità eżatta ma' l-Artikolu 249 tat-Trattat KE, direttiva hija limitata għall-formulazzjoni ta' l-objettivi ġenerali, u tħalli lill-Istati Membri fil-libertà diskrezzjonali rigward il-forma u l-mezzi sabiex jinkisbu l-objettivi. Għalhekk l-applikazzjoni tan-natura kompleta u eżatta tat-traspożizzjoni għandha tkun relatata mal-kontenut tal-miżuri nazzjonali, u mhux mat-tħejjija nnifisha ta' dawn il-miżuri. Il-Qorti tirrakkomanda għalhekk li l-kontroll tal-miżuri ta' traspożizzjoni għandu jipprivileġġja approċċ pragmatiku, skond il-każ, skond l-objettivi tad-direttiva u s-settur li fih tintervjeni, xi ħaġa li tista' tfixkel id-direzzjoni tal-Kummissjoni (8).

4.2

Fl-aħħarnett, l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu traspożizzjoni permezz ta' referenza fejn id-dispożizzjonijiet ikunu ta' natura teknika, bħal per eżempju l-annessi għad-direttiva li jkun fihom listi ta' oġġetti jew ta' mudelli ta' dokumenti, jew inkella dawk li jkunu soġġetti għal emendi frekwenti.

4.3

L-Olanda, is-Slovakkja, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Estonja jagħmlu użu minn referenza għat-traspożizzjoni ta' l-annessi tekniċi għad-direttivi li ta' spiss jiġu emendati permezz ta' direttivi adottati skond il-proċedura tal-komitoloġija.

4.4

Wieħed josserva b'ċerta libertà li t-traspożizzjoni m'hiex faċli daqs kemm tidher u dan minħabba fil-kontenut normattiv instabbli tad-direttivi. Din id-diversità tirriżulta f'differenza bejn il-proċeduri nazzjonali tat-traspożizzjoni.

4.5

B'hekk ir-Renju Unit jirrikorri għal proċedura mgħaġġla ta' adozzjoni tal-liġijiet ta' traspożizzjoni, magħrufa bħala l-proċedura tad-“dikjarazzjoni negattiva” li permezz tagħha l-Gvern iressaq it-test ta' traspożizzjoni li joħroġ minn diskussjoni inter-ministerjali, li jkun is-suġġett tad-dibattitu, quddiem il-Parlament, sakemm ma jintalabx xorta oħra.

4.6

Il-Belġju juża proċedura ta' urġenza li tapplika għal kull liġi f'każ fejn l-iskadenza tat-terminu ta' traspożizzjoni timponi l-adozzjoni mgħaġġla ta' liġi ta' traspożizzjoni.

4.7

Min-naħa l-oħra, Stati Membri oħra m'għandhomx din it-tip ta' proċedura leġislattiva aċċelerata għall-adozzjoni tal-liġijiet ta' traspożizzjoni: il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Finlandja huma fost dawn l-Istati.

4.8

Ġewwa Franza, m'hemm l-ebda trattament normattiv distint minħabba fir-riskji li jkopru direttivi differenti li jridu jiġu trasposti, kemm permezz ta' mezz leġislattiv semplifikat, kif ukoll permezz ta' mezz regolamentari.

5.   X'inhuma s-soluzzjonijiet rakkomandati għall-aħjar traspożizzjoni tad-direttivi?

Il-kwistjoni fundamentali hija li, fuq livell Komunitarju, tiġi żviluppata leġislazzjoni li tkun iżjed faċli għat-traspożizzjoni, u li tippreżenta l-koerenza konċettwali u l-istabilità relattiva li huma indispensabbli għall-attività ta' l-impriżi u tal-ħajja taċ-ċittadini;

tiġi antiċipata l-għażla ta' l-istrument normattiv ta' traspożizzjoni billi sa mill-bidunett jiġu stabbiliti ċertu diskussjonijet dwar l-abbozz ta' direttiva, tabella ta' korrelazzjoni preċiża u aġġornata l-ħin kollu, bħalma jiġri fir-Renju Unit;

jitħaffef il-proċess ta' traspożizzjoni hekk kif id-direttiva tigi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali Ewropew, billi tiġi assenjata koordinazzjoni interna lil punt ta' kuntatt intern li jżomm bażi ta' data mwaqqfa għal dan il-għan, hekk kif tirrakkomanda l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, sabiex fil-verità tipprovdi lil dan ta' l-aħħar b'sistema ta' twissija li sseħħ ftit xhur qabel id-data ta' skadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni. Il-Belġju, l-Ungerija u l-Olanda diġà għandhom dan it-tip ta' arranġament;

tiġi ppreferuta t-traspożizzjoni permezz ta' transkrizzjoni mill-ġdid f'każ ta' dispożizzjonijiet preċiżi u inkondizzjonati jew ta' definizzjonijiet;

tiġi konċessa traspożizzjoni permezz ta' referenza mmirata għad-dispożizzjonijiet normattivi/inkondizzjonati tad-direttiva bħalma huma l-listi, it-tabelli li juru l-prodotti, sustanzi, għanijiet tad-direttiva, il-mudelli tad-dokumenti jew ċertifikati mehmużin mad-direttiva. Ovvjament ir-referenza trid tkun speċifika ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li test ta' liġi interna li jagħmel referenza ġenerali għal direttiva ma jistax jitqies bħala regola valida ta' traspożizzjoni (9). L-Olanda, is-Slovakkja, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Estonja jsegwu dan il-metodu ta' traspożizzjoni ta' l-annessi tekniċi għad-direttivi;

jiġu adottati proċeduri nazzjonali ta' traspożizzjoni skond l-iskop tad-direttiva billi wieħed jirrikorri għal proċeduri mgħaġġla mingħajr ma jiġu injorati l-konsultazzjonijiet interni obbligatorji marbuta ma' l-adozzjoni tat-testi normattivi.

6.   Konklużjoni

6.1

It-titjib ta' l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja hekk kif titlob il-Kummissjoni huwa għan li jagħmel sens u li t-twettiq tiegħu jiddependi l-iktar fuq l-Istati Membri li, bħalma wieħed jista' josserva, jaffrontaw ċerti problemi li huma iżjed kumplessi milli jistgħu jidhru ma' l-ewwel daqqa ta' għajn.

6.2

L-Istati Membri m'għandhomx jieħdu l-pretest tat-traspożizzjoni tad-direttivi sabiex jerġgħu jeżaminaw ċerti partijiet tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li m'humiex direttament relatati mal-leġislazzjoni Komunitarja (“gold plating”), jew sabiex jemendaw in-nuqqas ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi interna tagħhom li jnaqqsu d-drittijiet taċ-ċittadini jew ta' l-impriżi — wieħed jista' jitkellem dwar “downgrading” –, billi wieħed iżomm lill-'Brussell' responsabbli ta' dawn il-bidliet.

6.3

L-Istati Membri għandhom jirrikorru b'mod iżjed sistematiku għall-possibiltà offruta min-naħa tal-liġi oriġinali/tat-Trattati tat-traspożizzjoni tad-direttivi permezz ta' negozjati kollettivi, b'mod partikulari għal dawk id-direttivi b'kontenut soċjali u ekonomiku; skond is-suġġetti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu kkonsultati matul il-proċess preparatorju tat-traspożizzjoni (10) dwar l-emendi jew iż-żidiet li għandhom isiru fil-liġi interna f'dan il-każ. Dawn il-proċeduri ta' negozjati u ta' konsultazzjoni għandhom l-għan li jippromovu u jiffaċilitaw l-applikazzjoni ulterjuri tal-liġi Komunitarja billi jserrħu fuq is-soċjetà ċivili. Filfatt, il-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili qabel l-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali tat-traspożizzjoni tiċċara t-teħid ta' deċiżjoni pubblika billi, permezz ta' hekk, l-amministrazzjoni nazzjonali tkun tista' tiġbor il-fehmiet ta' l-imsieħba soċjali, ta' l-esperti u tar-rappreżentanti tal-professjonisti tas-settur ikkonċernat mill-applikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni. Taqdi wkoll rwol pedagoġiku peress li tippermetti lil dawn l-atturi jsiru jafu aħjar il-kontenut tar-riformi li ser iseħħu. Għalhekk, ir-Renju Unit, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja b'mod partikulari jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali u lill-korpi konsultattivi tagħhom billi jindirizzawlhom kemm test ta' traspożizzjoni kif ukoll numru ta' mistoqsijiet preċiżi dwar dan it-test.

6.4

Tajjeb li wieħed jikkunsidra mill-ewwel l-organizzazzjoni kostituzzjonali interna ta' bosta Stati Membri (Stati Federali, deċentralizzazzjoni reġjonali, u metodi oħra ta' trasferiment ta' kompetenzi ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji fuq livell infra-statali); l-iskadenzi ta' traspożizzjoni kultant ikollhom jiġu estiżi għad-dispożizzjonijiet Komunitarji li b'mod partikulari jaffettwaw is-setgħat trasmessi lill-entitajiet territorjali (politika reġjonali, reġjuni ultraperiferiċi u gżejjer, …).

6.5

Il-Parlamenti Nazzjonali u l-Parlamenti u l-Assembleji reġjonali (per eżempju dawk ta' l-Iskozja, tal-Belġju jew il-Länder Ġermaniżi) huma partikularment involuti u huma responsabbli għat-traspożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li jirriżultaw mill-qasam tal-liġi, qasam li fih huma għandhom kompetenza ta' attribuzzjoni jew ta' konsultazzjoni; il-kummissjonijiet jew il-kumitati li huma jwaqqfu għal dan il-għan għandhom jiġu sottomessi għal verifiki minn speċjalisti u rappreżentanti tas-setturi kkonċernati tas-soċjetà ċivili u għandu jkollhom setgħat partikulari sabiex jippjanaw diskussjonijiet tal-proposti tal-liġi ta' traspożizzjoni, b'tali mod li jiġi evitat li “sitwazzjonijiet urġenti” tal-leġislazzjoni interna li jitfgħu lura l-iskedi ta' diskussjoni tad-dispożizzjonijiet interni ta' traspożizzjoni mill-iskadenzi determinati; min-naħa l-oħra, il-miżuri ta' “urġenza” (delegazzjoni leġislattiva għall-eżekuttiv) jistgħu jintervjenu għal għadd ta' abbozzi li m'humiex fil-ħin u li fundamentalment m'humiex f'kunflitt bejn il-partiti politiċi, sabiex inaqqsu b'mod drastiku l-“istokk” tad-direttivi li ma ġewx trasposti fiż-żmien stipulat.

6.6

Xi wħud diġà implimentaw sistemi bil-għan li jgħaġġlu l-proċeduri ta' adozzjoni tar-regoli ta' traspożizzjoni, oħrajn żviluppaw tekniċi bil-għan li jtejbu l-kwalità tat-traspożizzjoni, oħrajn jinsabu fi stadju inqas ċert u għad iridu jadattaw ruħhom. Per eżempju, il-Ministeri u l-Parlamenti jista' jkollhom servizz ta' studju tat-traspożizzjoni li għandu l-għan li jorjenta x-xogħlijiet ta' traspożizzjoni. Hawnhekk wieħed qiegħed jitkellem dwar ċans li l-azzjoni pubblika tiġi mmodernizzata u mhux li wieħed isofri minn obbligazzjoni imposta mill-istituzzjonijiet Komunitarji, fejn fl-ewwel post insibu l-Kummissjoni. Fi kliem ieħor, kulħadd għandu jaqdi r-rwol tiegħu bis-sħiħ u jieħu r-responsabbiltà kollha tiegħu fil-bini ta' l-Unjoni Ewropea (11).

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Studju tal-Kunsill ta' l-Istat “Pour une meilleure insertion des normes communautaires dans le droit national” (“Għal introduzzjoni aħjar tar-regoli Komunitarji fil-liġi nazzjonali)” adottat mill-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Istat Franċiż fit-22 ta' Frar 2007, Documentation française, Paris, 2007.

(2)  Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea, sentenza ta' l-20 ta' Marzu 1997, il-Kummissjoni kontra l-Ġermanja, C 96/95, ECR p. 1653.

(3)  rapporteur: is-Sur Van Iersel; ĠU C 24, 31.1.2006.

(4)  Ara per eżempju: il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea, setenza tas-26 ta' Ġunju 2003, il-Kummissjoni kontra Franza, C 233/00, ECR p. I-66.

(5)  Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea, sentenza tad-19 ta' Settembru 2000, Gran Dukat tal-Lussemburgu kontra Linster, C 287/98, ECR p. I-69.

(6)  Ġurisprudenza stabbli, Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea, 23 ta' Mejju 1985, il-Kummissjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, 29/84, Rec. p. 1661, Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea, 8 ta' Lulju 1987, il-Kummissjoni kontra l-Italja, 262/85, Rec. p. 3073, Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea, 10 ta' Mejju 2001, il-Kummissjoni kontra l-Olanda, C-144/99, Rec. p. I-3541.

(7)  Kontribuzzjoni tal-Kunsill ta' l-Istat Franċiż fid-XIX-il konferenza ta' l-assoċjazzjoni tal-Kunsill ta' l-Istat u tal-ġurisdizzjonijiet amministrattivi supremi ta' l-Unjoni Ewropea, l-Aja, ta' l-14 u l-15 ta' Ġunju 2004

(8)  Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, 15 ta' Ġunju 2006, il-Kummissjoni kontra l-Isvezja, C 459/04: il-Qorti rrifjutat azzjoni dwar in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu introdotta mill-Kummissjoni li kkunsidrat li l-Isvezja ma wettqitx l-obbligi tagħha skond id-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/391/KEE tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. Il-Qorti kkunsidrat li d-direttiva kellha titqies bħala 'direttiva qafas' li, bħala tali, ma tippreskrivix armonizzazzjoni totali tar-regoli ta' l-Istati Membri dwar il-post tax-xogħol.

(9)  Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea, 20 ta' Marzu 1997, il-Kummissjoni kontra l-Ġermanja, C 96/65, Rec. p. 1653, hawnfuq imsemmi.

(10)  rapporteur: is-Sur Retureau, ĠU C 24, 31.1.2006, rapporteur: is-Sur Van Iersel, ĠU C 24, 31.1.2006.

(11)  Fi kliem ieħor, konklużjoni ta' l-istudju tal-Kunsill ta' l-Istat “Għal introduzzjoni aħjar tar-regoli komunitarji fil-liġi nazzjonali” hawnfuq imsemmija.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE li għandha x'taqsam mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi 2-(2-methoxyethoxy)ethanol, 2-(2-butoxyethoxy)ethanol, methylenediphenyl diisocyanate, cyclohexane u n-nitrat ta' l-ammonju

COM(2007) 559 finali — 2007/0200 (COD)

(2008/C 204/03)

Nhar it-23 ta' Ottubru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE li għandha x'taqsam mar-restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi 2-(2-methoxyethoxy)ethanol, 2-(2-butoxyethoxy)ethanol, methylenediphenyl diisocyanate, cyclohexane u n-nitrat ta' l-ammonju

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is- 27 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Sears.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'125 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din il-proposta mill-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tfittex li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE billi żżid restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta' ħames sustanzi mhux relatati. Erbgħa minn dawn is-sustanzi kienu inklużi fil-listi ta' prijorità oriġinali li ġew stabbiliti bejn l-1994 u l-2000. Il-miżuri proposti jieħdu ħsieb ir-riskji għall-pubbliku ġenerali biss. L-aħħar sustanza, in-nitrat ta' l-ammonju, qiegħda tiġi introdotta taħt dan it-titolu biex titjieb is-sigurtà ta' fertilizzanti bbażati fuq in-nitrat ta' l-ammonju meta jmissuh il-bdiewa u d-distributuri, u bħala miżura sabiex jingħeleb it-terroriżmu, b'mod partikolari billi jkun limitat l-aċċess għal sustanzi li minnhom jistgħu jsiru l-esplożivi. F'dan l-aħħar każ, il-bejgħ lil bejjiegħa bl-imnut u lill-pubbliku ġenerali se jiġi affettwat ukoll.

1.2

Il-KESE jappoġġja xi wħud mill-proposti li saru, iżda mhux kollha kemm huma. L-argumenti dettaljati għal kull sustanza u l-preparazzjonijiet li fihom jinsabu s-sustanzi huma stabbiliti fil-paragrafi minn 5 sa 9.9.

1.3

Il-KESE jirrikonoxxi li din hi kważi l-aħħar emenda ta' dan it-tip li se ssir tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE qabel ma din tinbidel nhar l-1 ta' Ġunju 2009 bir-Regolament (KE) 1907/2006 (REACH). Madankollu, bħalma ġara f'emendi preċedenti, jiddispjaċih li sustanzi u preparazzjonijiet mhux relatati nġabru flimkien b'dan il-mod u jinnota d-dewmien fuq perjodu twil li seħħ minn dakinhar li dawn ġew l-ewwel identifikati bħala sustanzi ta' 'prijorità' skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 793/93. F'każ li dan seħħ minħabba restrizzjonijiet ta' riżorsi jew tal-ħiliet fil-Kummissjoni jew f'korpi rilevanti oħra, inkluża l-Aġenzija tas-Sustanzi Kimiċi li ġiet stabbilita dan l-aħħar f'Ħelsinki, dawn għandhom jiġu indirizzati mill-iktar fis possibbli u bla ebda dubju qabel l-1 ta' Ġunju 2009. Il-manifatturi għandhom jirrikonoxxu wkoll l-obbligu tagħhom li jipprovdu tagħrif rilevanti fil-ħin matul l-evalwazzjoni tar-riskji. Mingħajr din id-dixxiplina, ir-riżultati li jinkisbu malajr isiru bla sens.

1.4

Fl-aħħarnett, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u l-bosta miżuri individwali li jitnisslu minnha. Il-KESE jemmen li għandu rwol ewlieni f'dan il-proċess u bħalissa qiegħed jiżviluppa għadd ta' Opinjonijiet dwar dan is-suġġett. Punt kruċjali sabiex tinkiseb sigurtà fit-tul se jkun li jintlaħaq ftehim dwar liema miżuri huma proporzjonati u liema rotot leġiżlattivi għandhom jiġu segwiti sabiex ikunu żgurati reazzjonijiet fil-ħin u effettivi minn dawk kollha affettwati.

2.   Daħla

2.1

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) se jidħol fis-seħħ nhar l-1 ta' Ġunju 2009. Dan se jirrevoka u jissostitwixxi għadd ta' Regolamenti u Direttivi eżistenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, inkluża d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi. Din id-Direttiva, li tagħha din il-proposta hija emenda, hija ddisinjata sabiex tippreserva s-Suq Intern u fl-istess ħin tiżgura livell għoli ta' protezzjoni ta' saħħet il-bniedem u ta' l-ambjent.

2.2

L-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE jistabbilixxi r-restrizzjonijiet speċifiċi dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi li ntlaħaq ftehim dwarhom u li tqiegħdu fis-seħħ f'dawn l-aħħar 30 sena. Nhar l-1 ta' Ġunju 2009, dawn se jsiru l-bażi ta' l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH).

2.3

L-emendi preċedenti li saru lid-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE (jiġifieri li jiżdiedu iktar miżuri restrittivi) kienu fl-għamla ta' Direttivi li jesiġu li jiġu implimentati mill-Istati Membri. Din il-proposta mill-Kummissjoni hija għal Deċiżjoni li ma jkunx jeħtiġilha traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali li kieku kien ikollhom jiġu revokati nhar l-1 ta' Ġunju 2009 meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH).

2.4

Milli jidher, fix-xhur li ġejjin, se titressaq proposta finali skond id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE, għal Deċiżjoni wkoll, dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu tal-biklorometanu (dichloromethane). Il-proposti sussegwenti kollha għal restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta' sustanzi jew preparazzjonijiet perikolużi se jsiru skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH).

2.5

Is-sustanzi (u kull preparazzjoni li jkun fiha dawn is-sustanzi), li għalihom tqiesu meħtieġa restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu, irriżultaw b'mod ġenerali minn evalwazzjonijiet ta' ċerti 'sustanzi ta' prijorità' skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 793/93. Erba' listi ta' prijorità ġew stabbiliti għall-finijiet ta' evalwazzjoni, bl-aħħar lista datata fit-30 ta' Ottubru 2000, sabiex jiġu implimentati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. Mill-141 sustanza li tniżżlu, 83 għandhom Rapporti finali ta' Evalwazzjoni tar-Riskji (RARs). 39 minnhom ġew evalwati mill-kumitati xjentifiċi xierqa ta' l-UE u r-riżultati ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. Intlaħaq ftehim dwar miżuri restrittivi għal 22 sustanza minnhom. Miżuri restrittivi għal 4 sustanzi oħrajn (li ġew identifikati u diskussi hawn taħt fil-paragrafi minn 5 sa 9.12 bħal DEGME, DEGBE, MDI u ċikloeżanu (cyclohexane)) huma inklużi f'din il-proposta.

2.6

Intqal li l-progress bil-mod li sar taħt dan ir-Regolament li kien wieħed mir-raġunijiet ewlenin għall-introduzzjoni ta' tattika ġdida għas-sustanzi 'eżistenti' kollha skond ir-Regolament KE Nru 1907/2006 (REACH). Għaldaqstant, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 se jiġi revokat ukoll nhar l-1 ta' Ġunju 2009.

2.7

Għadd ta' sustanzi li m'humiex inklużi fl-erba' listi oriġinali ta' prijorità ġew evalwati wkoll għall-impatt tagħhom fuq saħħet il-bniedem u fuq l-ambjent, u/jew saru proposti għall-finijiet ta' restrizzjoni tal-marketing u ta' l-użu tagħhom, minħabba li ġew indirizzati problemi ġodda fuq talba ta' l-Istati Membri. In-nitrat ta' l-ammonju ġie inkluż taħt dan it-titolu.

2.8

In-nitrat ta' l-ammonju huwa każ speċjali u partikolari minħabba l-fatt li l-karatteristiċi tiegħu huma magħrufin sew u, għaldaqstant, ma kienx jeħtieġ li ssirlu evalwazzjoni għall-effetti tiegħu fuq saħħet il-bniedem jew fuq l-ambjent. Intuża għal bosta snin fi kwantitajiet kbar mad-dinja kollha bħala fertilizzant ibbażat fuq in-nitroġenu u ma jippreżenta ebda riskju mhux mistenni fil-post tax-xogħol jew għal dawk li jagħmlu użu minnu b'mod professjonali jew lill-konsumaturi għall-finijiet ta' applikazzjoni fuq skala domestika. Sfortunatament, huwa wkoll komponent ta' esplożivi effettivi, irħis u jintuża fuq firxa wiesgħa għall-użu leġittimu f'ibblastjar industrijali jew militari u għall-użu illeġittimu minn terroristi. Fuq il-bażi ta' dawn ir-raġunijiet, qegħdin jiġu proposti jitqiegħdu restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu tiegħu skond id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE.

2.9

Setgħu ngħażlu bażijiet oħra għal-leġiżlazzjoni li tindirizza t-terroriżmu jew sustanzi li minnhom jistgħu jsiru l-esplożivi, iżda, skond it-Trattat eżistenti dwar l-UE, dan kieku kien jesiġi unanimità min-naħa ta' l-Istati Membri kollha. Il-proċess se jinbidel bit-Trattat ta' Lisbona, meta dan jiġi ratifikat b'mod sħiħ, iżda dan ukoll mhux se jseħħ għal issa.

2.10

Milli jidher, sustanzi oħra li minnhom jistgħu jsiru mediċini u esplożivi x'aktarx se jiżdiedu ma' l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH); għaldaqstant, bħalissa din il-miżura qiegħda titqies bħala waħda xierqa.

2.11

Dawn kollha t'hawn fuq jirreferu għal sustanzi 'eżistenti', jiġifieri l-100,195 sustanza li tqiesu li kienu qegħdin jiċċirkolaw fis-suq tal-Komunità Ewropea bejn l-1 ta' Jannar 1971 u t-18 ta' Settembru 1981. Dawn huma mniżżlin fl-Inventarju Ewropew ta' Sustanzi Kimiċi Kummerċjali Eżistenti (EINECS) li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-UE fl-1990. Is-sustanzi li tqiegħdu fis-suq wara t-18 ta' Settembru 1981 huma definiti bħala 'ġodda' u jesiġu notifika dettaljata ta' qabel il-marketing għall-protezzjoni ta' saħħet il-bniedem u ta' l-ambjent.

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta tal-Kummissjoni tfittex li tipproteġi saħħet il-bniedem, b'mod partikolari tal-konsumaturi, filwaqt li tippreserva s-Suq Intern għal tliet sustanzi (DEGME, DEGBE u ċikloeżanu (cyclohexane)) li ttieħdu mill-ewwel lista ta' prijorità, datata nhar il-25 ta' Mejju 1994, u sustanza waħda (MDI) li ttieħdet mit-tielet lista ta' prijorità, datata nhar is-27 ta' Jannar 1997, kif stabbilit skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 793/93.

3.2

Bi qbil mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 1999/721/KEE tat-12 ta' Ottubru 1999, u ma' Rakkomandazzjonijiet sussegwenti simili dwar ir-riżultati ta' l-istrateġiji għall-evalwazzjoni u għat-tnaqqis tar-riskji għal għadd ta' sustanzi, qegħdin jiġu proposti sensiela ta' restrizzjonijiet speċifiċi u dettaljati ħafna li se japplikaw biss għall-bejgħ b'rabta mal-pubbliku ġenerali u m'huma se jkollhom ebda impatt fuq il-kondizzjonijiet fil-post tax-xogħol jew fuq l-ambjent. L-ispejjeż għall-industrija u għas-soċjetà b'mod ġenerali qegħdin jiġu stmati bħala minimi u, għaldaqstant, il-miżuri proposti qegħdin jitqiesu bħala proporzjonati mar-riskji li ġew identifikati. Qiegħed jintalab aktar tagħrif dwar is-saħħa fil-każ ta' preparazzjonijiet li jkunu jinkludu l-MDI.

3.3

Il-ħames sustanza, in-nitrat ta' l-ammonju, li tintuża fuq firxa wiesgħa bħala fertilizzant, żdiedet minħabba l-abiltà tagħha li taġixxi bħala sustanza li tossida u, b'mod partikolari li tisplodi meta titħallat ma' sustanzi oħra. Ir-restrizzjonijiet li ġew proposti huma maħsuba sabiex jiżguraw li l-fertilizzanti kollha tan-nitrat ta' l-ammonju jilħqu standard komuni ta' sigurtà u, barra minn hekk, tkun limitata l-firxa ta' prodotti bbażati fuq in-nitrat ta' l-ammonju li jinbiegħu lill-pubbliku ġenerali bil-għan li jitnaqqsu l-kwantitajiet li faċilment jistgħu jintużaw b'mod illegali. Għaldaqstant, jista' jingħad li r-restrizzjoni hija ta' benefiċċju għas-saħħa u għas-sigurtà tal-pubbliku ġenerali. Dawk li jagħmlu użu minnu b'mod professjonali (bdiewa u manifatturi leġittimi ta' esplożivi) m'humiex se jkunu affettwati minn din ir-restrizzjoni. Għalkemm, hija ħaġa diffiċli li jiġu kkwantifikati l-ispejjeż (u l-benefiċċji), dawn qegħdin jitqiesu bħala proporzjonati mar-riskji li ġew identifikati (u mal-miżuri li ġew proposti).

3.4

Id-Deċiżjoni kieku tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-UE.

3.5

Il-proposta hija akkumpanjata minn memorandum li jservi ta' spjega, dokument ta' ħidma (rapport ta' evalwazzjoni ta' l-impatt) tal-persunal tal-Kummissjoni u, għall-erba' sustanzi evalwati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 793/93, Rapporti dwar l-Evalwazzjoni tar-Riskju (RARs) twal u ddettaljati ppubblikati mill-Bureau Ewropew tal-Kimiċi, flimkien ma' materjal addizzjonali, kemm ta' appoġġ kif ukoll kritiku, minn diversi kumitati xjentifiċi u korpi oħra li għenu fit-tħejjija jew fl-evalwazzjoni tad-data rilevanti.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1

Bħal fil-każ ta' ħafna mill-emendi preċedenti tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE, din il-proposta tittratta sustanzi li m'humiex relatati u li, minħabba ċ-ċarezza, se jkunu diskussi separatament.

5.   2-(2-metossietossi)etanol (DEGME)

5.1

Id-DEGME huwa gliko etere, li jtella' temperatura għolja, jista' jitħallat ma' l-ilma, u li tipikament jintuża bħala intermedjarju fil-kimika sintetika, bħala ko-solvent f'diversi prodotti dekorattivi tad-dar, jew bħala aġent b'temperatura baxxa kontra l-formazzjoni tas-silġ, per eżempju fil-karburant tal-magni ta' l-ajruplani ġett. Skond ir-RAR imħejji għall-Gvern Olandiż u li tlesta f'Lulju 1999, il-produzzjoni totali fl-Ewropa fil-bidu tad-disgħinijiet kienet ta' madwar 20 000 tunnellata metrika, li minnhom kienu esportati ftit aktar min-nofs.

5.2

Il-konsumatur jiġi f'kuntatt ma' din is-sustanza meta juża ż-żebgħa u l-prodotti li jqaxxru ż-żebgħa fornuti biex ikunu applikati b'mod mhux professjonali tat-tip “agħmilha int stess”(DIY). Kif wieħed jistenna mill-kwalitajiet fiżiċi tiegħu, id-DEGME jiġi assorbit malajr minn ġol-ġilda u, fin-nuqqas ta' l-użu b'mod regolari u ggarantit ta' lbies protettiv, kien hemm ir-riskju għall-konsumaturi permezz ta' l-espożizzjoni tal-ġilda.

5.3

Skond l-aktar stħarriġ riċenti, id-DEGME issa nbidel b'solventi oħra fiż-żebgħa kollha u l-prodotti kollha li jqaxxru ż-żebgħa mibjugħa lill-pubbliku ġenerali. Għaldaqstant l-azzjoni adattata hija li jkun assigurat li din is-sitwazzjoni tkompli għall-prodotti maħduma, jew importati, ġo l-UE. Għaldaqstant il-proposta tassigura li, 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni, id-DEGME ma jinbiegħx bħala kostitwent fiż-żebgħa u l-prodotti li jqaxxru ż-żebgħa f'konċentrazzjonijiet li jkunu daqs jew ogħla minn 0,1 % skond il-massa (jiġifieri f'livelli ogħla mil-livelli kkawżati mill-kontaminazzjoni ta', jew il-ko-produzzjoni ġo, kostitwenti oħra li huma permessi). Din titqies bħala azzjoni raġonevoli mis-setturi ta' l-industrija affettwati. Għaldaqstant il-KESE jappoġġja din il-limitazzjoni fuq il-marketing u l-użu tad-DEGME.

6.   2-(2-butossietossi)etanol (DEGBE)

6.1

Id-DEGBE ukoll huwa membru tal-familja gliko etere, li jagħli b'temperatura kemmxejn ogħla minn tad-DEGME imma għandu kwalitajiet fiżiċi simili, fosthom li jista' jitħallat ma' l-ilma. Jintuża b'mod wiesa' bħala solvent fiż-żebgħa li titħallat bl-ilma biex jgħin fil-formazzjoni ta' żlieġa u b'hekk iddum isservi aktar. Dan imbagħad inaqqas il-frekwenza taż-żbigħ u jillimita l-espożizzjoni ġenerali. Ir-RAR ikkalkula li l-produzzjoni totali fl-Ewropa kienet ta' madwar 46 000 tunnellata metrika fl-1994; sa l-2000 din kienet żdiedet għal 58 000 tunnellata metrika, li 33 000tunnellata metrika minnhom intużaw fiż-żebgħa.

6.2

Ir-RAR identifika xi riskji għall-konsumaturi ta' irritazzjoni fis-sistema respiratorja meta tieħu n-nifs u jkun hemm xi qtar żgħar fini waqt l-użu ta' żebgħa ta' l-isprej li tinħall fl-ilma li jkun fiha d-DEGBE. Li tibla' l-fwar li jevapora waqt l-applikazzjoni permezz tal-pinzell jew ir-roler ma kienx ta' tħassib tossikoloġiku.

6.3

Fuq il-bażi tax-xhieda mogħtija wara t-tlestija tar-RAR fl-1999, u minħabba l-għarfien tad-diffikultà biex jinbidel id-DEGBE bħala komponent essenzjali fiż-żebgħa li tinħall fl-ilma, kien konkluż li kien adattat li jkun stabbilit livell massimu ta' 3 % skond il-massa għad-DEGBE fiż-żebgħa maħluqa biex tkun applikata bl-isprej, biex titħares is-saħħa tal-konsumaturi. Żebgħa b'konċentrazzjoni ogħla tad-DEGBE tista' tinbiegħ għall-forniment tal-pubbliku ġenerali, imma biss bil-marka “Tużax din iż-żebgħa f'tagħmir ta' l-isprej”. Il-bejgħ għall-utenti professjonali, li aktar hemm il-probabbiltà li jużaw it-tagħmir ta' protezzjoni adattat, mhux se jkun affettwat. Il-kanali tad-distribuzzjoni jitqies li huma differenti biżżejjed biex dan ikun possibbli.

6.4

Dawn il-miżuri se jidħlu fis-seħħ minn 18 sa 24 xahar wara li d-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ biex jingħata żmien għal kull formulazzjoni jew ittikkettjar mill-ġdid li jkunu meħtieġa. Din titqies bħala azzjoni raġonevoli mis-setturi ta' l-industrija affettwati. Għaldaqstant il-KESE jappoġġja din il-limitazzjoni fuq il-marketing u l-użu tad-DEGBE bħala mod adattat kif titħares is-saħħa tal-konsumaturi u biex jitħares is-Suq Intern.

7.   Metilindifenil Diisoċjanat (MDI)

7.1

Il-MDI huwa l-isem mogħti lil taħlita ta' prodotti simili (isomers) li jekk ikunu puri jkunu solidi jixbhu x-xama' imma li ġeneralment issibhom aktar bħala likwidu kannella viskuż li huwa reattiv ħafna. Skond ir-RAR, il-produzzjoni dinjija fl-1996 qabżet iż-2 500 000 tunnellata metrika, li minnhom mill-inqas 500 000 tunnellata metrika kienu prodotti fl-UE. Fil-preżenza ta' polioli (polyols) jew glikoli (glycols) ta' piż baxx adattati (jew anki l-ilma) u aġent ta' l-infiħ, il-MDI jagħmel reazzjoni b'ħeffa kbira biex jipproduċi fowm tat-tip poliuretanu. Dan il-fowm jista' jkun kemm riġidu kif ukoll flessibbli b'firxa wiesgħa ta' użu fil-bini u xogħolijiet oħra bħala komponenti strutturali, sealers, fillers forom u kolla.

7.2

Il-konsumatur jiġi f'kuntatt ma' dan il-prodott meta juża fowm b'komponent wieħed (OCF), mibjugħa f'bottijiet ta' l-isprej lid-dilettanti li jħobbu jagħmlu l-affarijiet huma (tad-DIY) biex jimlew it-toqob irreġolari fil-kisi jew fil-brikks jew biex jissiġillaw madwar il-bibien jew twieqi li jkunu għadhom kemm twaħħlu. Il-bejgħ totali f'dan is-settur huwa ta' madwar 10 000 tunnellata metrika kull sena tal-MDI. Dan huwa biżżejjed biex ikunu prodotti madwar 36 miljun bott kull sena għall-konsumaturi u 134 miljun bott ieħor kull sena għall-professjonisti. Prodotti alternattivi — per eżempju l-fibri tal-ħġieġ biex jissiġillaw madwar it-twieqi — huma inqas konvenjenti fl-użu u jġibu magħhom sensiela ta' preokkupazzjonijiet differenti.

7.3

Il-kwantifikazzjoni tar-riskji għall-konsumaturi minħabba l-espożizzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-ġilda u l-imnifsejn, fuq il-bażi ta' l-evidenza mill-espożizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, irriżulta li m'hijiex faċli. Huwa diffiċli biex jinkisbu kampjuni ta' isomers puri. Ir-reazzjoni b'ħeffa kbira tal-MDI ma' l-ilma biex jinħoloq solidu inerti li ma jinħallx fl-ilma jwassal biex ikun diffiċli li jsir l-ittestjar b'mod standard dwar il-perikli. Il-mod prattiku ta' kif jiġi applikat mill-konsumaturi hu billi jisprejjaw direttament minn bott żgħir li jinżamm fl-idejn jista' jillimita l-ammont totali disponibbli. Bott standard jinħela f'ħin ta' 2 minuti jew 4. Is-solidifikazzjoni mgħaġġla fil-preżenza tal-fwar ta' l-ilma fl-arja tneħħi l-MDI. Il-prodott finali solidu huwa inerti u mingħajr periklu. L-użu probabbilment ikun ta' darba (biex timtela jew tkun issiġillata xi toqba, bieb jew tieqa partikulari) u mhux frekwenti (għall-maġġoranza ta' l-utenti) u żgur ma jirreplikax l-espożizzjoni ta' kuljum fil-kondizzjonijiet tal-post tax-xogħol. Bħal dejjem fl-applikazzjonijiet tat-tip DIY, tagħmir protettiv personali, jista'jintuża jew jista' ma jintużax bħala rutina.

7.4

Minħabba dan, wieħed ma joħodhiex b'sorpriża li, minkejja li fit-teorija jeżisti riskju, instab li huwa diffiċli jew saħansitra impossibbli li jkunu identifikati każijiet konkreti ta' sensibilizzazzjoni tal-ġilda jew fin-nifs fil-pubbliku ġenerali (jew fuq il-post tax-xogħol fejn jistgħu jiddaħħlu miżuri protettivi adattati). Dan ifisser li huwa aktar diffiċli li tkun identifikata azzjoni proporzjonata, kost-effettiva, u prattika.

7.5

F'dan ir-rigward l-evalwazzjoni ta' l-impatt tindika b'mod raġonevoli li filwaqt li ingwanti tal-polietilene (polyethylene) li huma ħfief, irħas u adattati perfettament, jistgħu, u għandhom ikunu pprovduti ma' kull bott li jinbiegħ lill-pubbliku ġenerali għall-użu ta' darba kultant, l-ingwanti tan-neoprin jew tan-nitrilu (nitrile) li jifilħu għall-istrapazz, kif hu adattat għall-applikazzjonijiet industrijali, ma jistgħux. B'kuntrast, waqt li l-maskli ħfief tat-tajjar kontra l-għabra jistgħu jkunu fornuti ma' kull bott, huma ma jkunux effettivi fil-każ ta' riskju reali — filwaqt li maskla tal-gass biex tipproteġi kontra kull espożizzjonijiet possibbli għall-gass, tiġi tiswa madwar għaxar darbiet il-prezz tal-bott, mingħajr il-garanzija li din se tintuża meta tkun meħtieġa.

7.6

Għaldaqstant il-Kummissjoni tipproponi li l-bottijiet kollha li jinbiegħu lill-pubbliku ġenerali għandu jkun fihom l-ingwanti tal-polietilene (per eżempju, mitwija fl-għatu) u li l-bott għandu jkollu tikketta adattata rigward il-perikli ta' reazzjonijiet allerġiċi (mhux standard) għall-MDI għal dawk li jkunu diġà ssensibilizzati, jew ta' reazzjonijiet li jixbhu l-ażżma (għal dawk li jbatu bl-ażżma) jew ta' reazzjonijiet fil-ġilda (għal dawk li jkunu diġà jbatu minn problemi tal-ġilda).

7.7

Il-KESE jappoġġja lill-ewwel waħda minn dawn il-miżuri, jiġifieri l-forniment ta' l-ingwanti tal-polietilene li għandhom jintlibsu dejjem meta jsiru applikazzjonijiet tat-tip DIY. Kull rekwiżit biex dawn ikunu konformi ma' standard aktar strett li jwassal biex l-ingwanti ma jitqassmux għandu jkun irreżistit jekk din il-miżura importanti u proporzjonata se tibqa' tkun infurzata.

7.8

Madankollu l-KESE jikkontesta d-dettalji ta' l-ittikkettjar addizzjonali propost, anki jekk jingħata żmien adattat li jippermetti li dan ikun introdott bi spiża pproporzjonata. M'huwiex ċar, per eżempju, kif membru tal-pubbliku ġenerali se jkun jaf li jkun ġie “issensibilizzat għad-diisoċjanati oħra barra l-MDI” — jew għaliex dan għandu importanza partikulari. Kif jafu dawk li jbatu mill-ażżma kronika (fuq medda twila ta' żmien) jew id-dermatite, kważi kull prodott tad-dar jew tad-DIY jista' jnissel reazzjoni kuntrarja akuta (fuq medda qasira ta' żmien). F'dawn iċ-ċirkustanzi, ventilazzjoni tajba u l-użu ta' l-ilbies protettiv (ingwanti) huma importanti ħafna — flimkien ma' parir biex jitwaqqaf l-użu tal-prodott jekk ifeġġu s-sintomi. Dan huwa parir tajjeb għall-utenti kollha, hi x'inhi l-istorja tal-passat tagħhom, u jrid ikun inkluż fuq it-tikketta. Minħabba li l-bottijiet, u għaldaqstant it-tikketti tagħhom, huma żgħar, kull parir bħal dan irid ikun ċar, fil-qosor u jista' jinqara fil-kondizzjonijiet normali ta' meta jintużaw. Jekk aktar istruzzjonijiet dwar l-użu jew is-sigurtà jkunu meħtieġa, dawn għandhom ikunu inklużi f'fuljett li jakkumpanja l-bott.

7.9

Il-KESE jikkontesta wkoll dwar il-proposta fl-inċiż (6) li “Persuni naturali jew legali li jpoġġu għall-ewwel darba fis-suq preprazzjonijiet li fihom l-MDI għandhom, sa 3 snin… jiġbru data dwar każijiet possibbli ta' persuni li jbatu minn allerġija respiratorja … u jpoġġu din id-data għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. … skond il-protokoll ta' studju li għandu jinvolvi ċentri speċjalizzati … sakemm id-data miġbura ma turix li mhemmx ħtieġa għal aktar miżuri ta' restrizzjoni”. Minħabba li l-MDI ilu mis-sebgħinijiet jintuża b'mod ta' rutina, u minħabba li, kif diġà ġie innutat, il-bejgħ attwali jaqbeż is-36 miljun bott kull sena mill-produtturi eżistenti li huma esklużi minn dan ir-rekwiżit, huwa diffiċli li wieħed ma jqisx din il-proposta bħala ostaklu, iġġustifikat b'mod dgħajjef, għad-dħul fis-suq.

7.10

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta' l-impatt jispjega li dan isegwi minn tħassib espress fir-RAR li “xi riskji ta' allerġiji fin-nifs għall-ħaddiema … jistgħu potenzjalment ikunu rilevanti għall-konsumaturi”. Aktar tard fl-istess paragrafu dan jistqarr li 'l-informazzjoni attwalment disponibbli miċ-ċentri tal-veleni tidher li tindika li m'hemm xejn jew ftit każijiet ta' allerġiji fin-nifs fost il-konsumaturi kkawżati minn prodotti li fihom il-MDI'. Minkejja l-limitazzjonijiet allegati ta' din ir-rotta tar-rapportar, m'huwiex ċar li l-proposta tal-Kummissjoni se tkun aktar definittiva. Għaldaqstant din il-proposta tidher sproporzjonata għal riskju li huwa magħruf li huwa ipotetiku u li m'huwiex sostnut mill-evidenza minkejja l-użu wiesa' attwali.

7.11

Għaldaqstant il-KESE jirrakkomanda li tkun irtirata din il-parti tar-restrizzjoni dwar il-marketing u l-użu. Jekk jibqa' dubji validi dwar is-sigurtà ta' dawn il-prodotti, li ma jistgħux ikunu mibdula fuq medda qasira ta' żmien, dawn għandhom ikunu mistħarrġa mal-produtturi u jkunu segwiti proċessi adattati għall-ġbir ta' l-informazzjoni u l-evalwazzjoni tagħha.

8.   Ċikloeżanu (Cyclohexane)

8.1

Iċ-ċikloeżanu huwa likwidu bla lewn li huwa prodott fi kwantitajiet kbar ħafna mill-idroġenizzazzjoni tal-benżin. Dan jintuża kważi kollu (>95 %) fis-sinteżi ta' l-aċidu adipiku u, minn dik, tan-najlon. Il-kapaċità tal-produzzjoni dinjija attwalment taqbeż il-5 000 000 tunnellata metrika, li minnhom madwar 1 500 000 tunnellata metrika qegħdin fl-UE. Dawn il-proċessi jinsabu f'sistemi magħluqa u l-livelli ta' l-espożizzjoni huma baxxi. Iċ-ċikloeżanu jinstab ukoll b'mod naturali fil-prodotti tal-kombustjoni, inkluż id-duħħan tat-tabakk, iż-żejt mhux maħdum u l-pjanti, u fil-fwar tal-petrol.

8.2

Iċ-ċikloeżanu jintuża ukoll bħala solvent għal, fost affarijiet oħra, il-kolla tal-kuntatt ibbażata fuq in-neoprin użata fl-industriji tal-ġilda (taż-żraben), il-karozzi u l-kostruzzjoni. Dawn imbagħad jinkludu t-tqegħid tat-twapet fuq skala kbira mill-professjonisti u tiswijiet simili fuq skala żgħira jew applikazzjonijiet oħra tad-DIY mill-pubbliku ġenerali. L-użu totali tal-kolla fl-UE huwa inqas minn 10 000 tunnellata metrika kull sena.

8.3

Bħall-idrokarburi (hydrocarbons) kollha, il-ventilazzjoni tajba u l-użu ta' l-ilbies protettiv jew it-tagħmir tan-nifs adattat huma essenzjali. Dan jista' jkun iggarantit b'mod raġonevoli waqt l-użu professjonali, imma mhux għall-membri tal-pubbliku. Madankollu, bħal fil-preparazzjonijiet li jinkludu l-MDI, il-karatteristiċi fiżiċi tal-prodotti mibjugħa jillimitaw ir-riskji b'mod sinifikanti. Il-kolla tal-kuntatt li tagħqad malajr hija ideali għall-applikazzjonijiet żgħar imma hija diffiċli ħafna għal persuna li m'hijiex professsjonali biex tużaha b'mod sodisfaċenti fuq skala kbira. Limitazzjoni fuq id-daqs tal-pakkett għall-prodotti mibjugħa lill-pubbliku ġenerali għaldaqstant tidher adattata u aċċettabbli b'mod ġenerali.

8.4

Għaldaqstant il-Kummissjoni tipproponi li ċ-ċikloeżanu m'għandux jinbiegħ fis-suq bħala komponent tal-kolla bbażata fuq in-neoprin li tinbiegħ lill-pubbliku ġenerali f'pakketti ta' aktar minn 650 gramma. Kull pakkett mibjugħ għandu jkun immarkat bil-kliem: 'M'għandux jintuża fit-tqegħid tat-twapet' u għandu juri t-twissija: “M'għandux jintuża fejn m'hemmx ventilazzjoni tajba”.

8.5

Testijiet prattiċi għall-agħar xenarji, per eżempju t-twaħħil ta' pannelli kbar tas-sufra ma' ħajt fuq ġewwa, jissuġġerixxu li dan jillimita b'mod adegwat l-espożizzjoni tal-konsumaturi li, kif kien diskuss fil-każijiet l-oħra ta' fuq, wieħed jistenna li ma tkunx frekwenti u li tkun għal żmien qasir. Ma jidhirx li hemm xhieda ta' inċidenti reali li kienu rrapurtati minħabba l-użu tal-kolla li l-bażi tagħha hija n-neoprin minkejja l-użu tagħha b'mod mifrux u fuq medda twila ta' żmien. Il-miżuri madankollu jistgħu jkunu introdotti mingħajr tħarbit bla bżonn għall-produtturi jew il-konsumaturi. Għaldaqstant il-KESE jappoġġja din il-limitazzjoni fuq il-marketing u l-użu taċ-ċikloeżanu bħala proporzjonata għar-riskji diskussi.

9.   Nitrat ta' l-Ammonja

9.1

In-nitrat ta' l-ammonja huwa solidu abjad, li jinbiegħ f'għamla ta' gerbubiet (pellets), li ilu jiġi prodott mill-ammonja mill-gass naturali għal aktar minn 100 sena. Il-produzzjoni dinjija taqbeż l-20 000 000 tunnelata metrika. Huwa importanti bħala fertilizzant tan-nitroġenu u bħala materja prima għall-esplużivi. Din l-aħħar kapaċità u d-disponibilità b'mod faċli u l-prezz baxx tiegħu ġibdu l-interess tat-terroristi. Huma meħtieġa komponenti oħra, per eżempju d-diżil, imma dawn ukoll jistgħu jinkisbu b'mod faċli. In-nitrat ta' l-ammonja kien għal bosta snin l-esplużiv favorit ta' l-IRA u kien intuża wkoll f'bombi bi profil għoli f'Oklaħoma, iċ-Ċentru Dinji tal-Kummerċ u Bali. Kien intuża dan l-aħħar f'attakki minn gruppi estremisti f'Londra u kapitali oħra Ewropej. Ir-riċetti għall-produzzjoni ta' strumenti bħal dawn huma disponibbli b'mod faċli fuq l-Internet. Ammont żgħir bħal 2 kg jista' jkun ta' ħsara kbira. Kwantitajiet akbar minn 500 kg jistgħu mid-dehra jinkisbu mingħajr diffikultà minn membri determinati tal-pubbliku ġenerali, jekk ikun hemm bżonn bix-xiri repetut ta' kwantitajiet iżgħar minn ħwienet tal-ġonna jew ħwienet li jbigħu bl-imnut. Il-kontroll fuq dan huwa b'mod ċar diffiċli.

9.2

Għall-utenti professjonali (il-bdiewa) il-kontroll huwa eżerċitat permezz taż-żamma ta' kunsinni kbar ta' daqsijiet minimi (sabiex pakkett wieħed ma jkunx jista', b'mod faċli, jiġi trasportat jew imwarrab b'mod illegali) u bl-infurzar ta' kontroll b'attenzjoni fuq il-prodott fl-istadju kolha tal-katina tal-forniment. In-nitrat ta' l-ammonja kif ġeneralment ikun fornut m'huwiex stabbli u jista' jiħżien u ma jibqax tajjeb għall-użu. Għaldaqstant irid jinħażen b'attenzjoni u jkun applikat fl-art malajr kemm jista' jkun. Dan jillimita l-ammonti disponibbli biex jintużaw għal skopijiet oħra.

9.3

In-nitrat ta' l-ammonja jista' jkun fornut f'għadd ta' taħlitiet ( % tal-kontenut tan-nitroġenu) u b'elementi essenzjali oħra jew mingħajrhom (tipikament id-derivattivi tal-fosfru u l–potassju). Fl-istat pur tiegħu ikun bejn wieħed u ieħor 35 % nitroġenu. Biex tkun evitata l-ħsara lill-veġitazzjoni huwa meħtieġ xi taħlit ma' l-ilma. Il-kwalitajiet differenti jistgħu jkunu mmanufatturati bit-taħlit ma' komponenti attivi jew mili inert, bħall-ġibs, jew b'reazzjonijiet kimiċi biex ikun prodott il-proporzjon mixtieq ta' l-ingredjenti importanti. Il-prodotti mibjugħa lill-bdiewa jista' jkollhom 28 % jew aktar ta' nitroġenu. Dawn il-fertilizzanti 'b'kontenut għoli ta'nitroġenu' huma soġġetti għall-kontrolli skond ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 biex ikun assigurat li jikkunsinnaw il-kwantità meħtieġa tan-nitroġenu u jkunu jistgħu jintużaw bla periklu, mingħajr ir-riskju ta' splużjoni. Il-fertilizzanti li huma konformi ma' dawn l-istandards jistgħu jkunu mmarkati bħala 'ferilizzanti tal-KE' u jistgħu jinbiegħu b'mod transkonfinali. Il-fertilizzanti li ma jissodisfawx dawn l-istandards ma jistgħux jaqsmu l-fruntieri u huma magħrufa bħala 'fertilizzanti nazzjonali'. Il-prodotti għall-konsumaturi b'mod tipiku jkollhom minn 20 % sa 25 % ta' nitroġenu. Aktar ma jkun baxx il-perċentwal tan-nitroġenu, aktar ikunu għoljin l-ispejjeż tat-trasport għal kull unità tal-fertilizzant u akbar ikun il-volum li jrid ikun applikat fuq wiċċ partikulari. Għalkemm il-fertilizzanti tan-nitrat ta' l-ammonja jitqiesu bħala essenzjali għall-biedja kummerċjali, dan mhux il-każ għall-volumi aktar żgħar mibjugħa lill-pubbliku ġenerali permezz tal-ħwienet li jbigħu bl-imnut, u jistgħu jinbidlu bi prodotti oħra.

9.4

Mill-perspettiva ta' xi ħadd li jrid jagħmel l-esplussivi illegali, aktar ma jkun għoli l-kontenut tan-nitroġenu fin-nitrat ta' l-ammonja aktar aħjar. Taħlitiet imħallta b'mod mekkaniku jistgħu jkunu ikkonċentrati mill-ġdid permezz ta' taħlil u kristalizzazzjoni sempliċi. Taħlitiet b'għaqda kimika huma aktar diffiċli jew impossibbli biex ikunu konċentrati. Konċentrazzjonijiet ta' inqas minn 16 % ġew sploduti minn esperti tal-gvern fid-Danimarka. Jekk ikun hemm żmien u riżorsi biżżejjed kollox huwa possibbli, għalkemm formulazzjonijiet rivali li jużaw materja prima li tinstab b'mod faċli eventwalment isiru aktar attraenti. Dawn huma spjegati fil-Manwal tat-Terroristi u riżorsi oħra bbażati fuq l-Internet li huma disponibbli għall-pubbliku ġenerali.

9.5

Wara l-bombi ta' Madrid f'Marzu 2004, il-Kunsill Ewropew qabel dwar Dikjarazzjoni dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu. Din waqqfet Forza Speċjali ta' Esperti tas-Sigurtà ta' l-Esplożivi (ESETF) inkarigati bl-iżvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni kontra l-użu ta' strumenti esplożivi mit-terroristi. Din tlestiet f'Ġunju 2007. Waħda mill-47 azzjoni speċifika kienet teżiġi t-twaqqif ta' Kumitat Permanenti ta' Esperti dwar il-Prekursuri Esplożivi (SCEEP). Għadd ta' speċjalisti mis-setturi pubbliċi u privati huma involuti f'dan, b'kontribut miċ-CEFIC u l-FECC, li jirrapreżentaw il-produtturi u d-distributuri tal-kimiċi, u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi tal-Fertilizzanti (EFMA) li tirrapreżenta lill-produtturi tal-fertilizzanti.

9.6

L-intenzjoni tal-proposta attwali hija li ġġib il-fertilizzanti kollha tan-nitrat ta' l-ammonja mibjugħa lill-bdiewa (jew id-distributuri) konformi ma' l-istandards stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u li tillimita l-kontenut tan-nitroġenu fil-prodotti mibjugħa lill-pubbliku ġenerali. Jekk tkun adottata, in-nitrat ta' l-ammonja ma jkunx jista' jitpoġġa fis-suq biex ikun fornut 'il-pubbliku ġenerali wara 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni, “bħala sustanza jew fi preparazzjonijiet li jkun fihom 20 % jew aktar skond il-massa tan-nitroġenu mqabbel man-nitrat ta' l-ammonja”.

9.7

Il-KESE jappoġġja b'mod sħiħ l-ewwel parti ta' din il-proposta li l-fertilizzanti “b'kontenut għoli ta' nitroġenu” kollha fornuti lill-bdiewa, kemm jekk inbiegħu b'mod transkonfinali u kemm jekk le, għandhom ikunu konformi mar-Regolament (KE) Nru 2003/2003.

9.8

Fir-rigward tat-tieni limitazzjoni, fejn għandu x'jaqsam il-bejgħ lill-pubbliku ġenerali, il-KESE jinnota li l-volumi konċernati jistgħu jkunu ikbar milli kien maħsub qabel, b'aktar minn 50 000 tunnellata metrika u li l-EFMA, f'isem il-produtturi tal-fertilizzanti, aċċettat il-limitu ta' 20 % għall-fertilizzanti mħallta (li jistgħu jkunu ikkonċentrati mill-ġdid mingħajr ħafna diffikulta) imma pproponiet limitu ta' 24,5 % għall-prodotti li għandhom għaqda kimika (fejn dan huwa aktar diffiċli). Minħabba li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin fi ħdan l-iSCEEP, din il-possibbiltà u possibbiltajiet oħra relatati jeħtieġ li jkunu mistħarrġa b'mod sħiħ qabel id-Deċiżjoni tkun iffinalizzata. Minkejja dak kollu li huwa magħruf dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, huwa ċar li qbil u impenn sħiħ fost il-partijiet interessati differenti, f'dan il-każ il-produtturi, id-distributuri, il-bejjiegħa bl-imnut u l-pubbliku ġenerali, se jkunu essenzjali biex isir progress reali fuq il-limitazzjoni ta' l-aċċess għall-prekursuri esplożivi.

9.9

Il-KESE jaċċetta b'xi eżitazzjoni li d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE hija l-unika bażi għall-leġiżlazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni fuq medda qasira ta' żmien, u li għaldaqstant il-miżuri jridu jkunu proposti u diskussi b'dan il-mod. Wieħed jittama li sistema aħjar tista' tkun stabbilita, meta jkun irratifikat b'mod sħiħ it-Trattat ta' Lisbona.

10.   Kummenti speċifiċi

10.1

Il-KESE jiddispjaċih, kif għamel fl-Opinijiet tiegħu dwar emendi preċedenti għad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE, li dawn ikomplu jiġbru flimkien prodotti li m'humiex relatati u li dwarhom iridu jittieħdu deċiżjonijiet separati sew. Din m'hijiex prattika tajba u ma sservi l-ebda għan utli. Żgur li m'hijiex eżempju ta' tmexxija tajba. Wieħed jittama biss li proċedura mtejba se tkun fis-seħħ mill-1 ta' Ġunju 2009 skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH).

10.2

Il-KESE jinnota wkoll iż-żmien twil meħud biex dawn jagħtu l-frott tagħhom. L-ewwel lista ta' prijorità kienet ippubblikata f'Mejju 1994. Anki jekk din il-proposta tkun mgħaġġla kif mixtieq, ftit se jkun hemm impatt fuq is-suq qabel tmiem l-2010 (u filfatt anki f'dak iż-żmien, huwa diffiċli li wieħed jara li se jkun irreġistrat xi tibdil fis-saħħa tal-konsumaturi). Huwa diffiċli wkoll li wieħed juri li dan id-dewmien kien dovut għal kollox minħabba l-produtturi li kellhom ifornu l-informazzjoni li fuqha huma bbażati r-RARs, għax din id-data ilha disponibbli għal xi żmien. Jekk dan huwa dovut għal nuqqas ta' riżorsi fi ħdan il-Kummissjoni jew il-kumitati xjentifiċi jew il-korpi jew l-aġenziji l-oħra tagħha responsabbli għas-sigurtà tal-pubbliku ġenerali, dan b'mod ċar għandu jkun indirizzat qabel tinħoloq massa ta' xogħol ferm akbar, ġeneralment mingħajr prijorità, mill-1 ta' Ġunju 'l quddiem.

10.3

Il-KESE jappoġġja b'mod ċar id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill ta' l-2004 dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u l-azzjonijiet differenti li tnisslu minnha, u jemmen li s-soċjetà ċivili għandha rwol importanti xi twettaq f'din il-kwistjoni. Għaldaqstant jittama li jitqies bħala interlokutur validu u utli u parti interessata f'dan il-proċess u jinnota li għadd ta' Opinjonijiet relatati attwalment qegħdin jitħejjew dwar din il-kwistjoni. Li jintlaħaq qbil dwar liema azzzjonijiet huma proporzjonati u liema rotot leġiżlattivi għandhom ikunu segwiti biex ikunu assigurati azzjonijiet f'waqthom u effettivi minn dawk kollha li huma affettwati se jkun kruċjali biex jinkisbu l-paċi u s-sigurtà għal żmien twil fi ħdan u madwar l-UE.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris Dimitriadis


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għar-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu

COM(2007) 571 finali — 2007/0211 (CNS)

(2008/C 204/04)

Nhar it-30 ta' Novembru 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għar-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Dantin.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'117-il vot favur u7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat japprova d-deċiżjoni dwar it-twaqqif ta' l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu. Fil-fatt, huwa ta' l-opinjoni li t-tnedija mill-ġdid ta' l-investiment għar-Riċerka u l-Iżvilupp b'dan il-mod, tgħin sabiex l-impriżi jiġu pprovduti b'qafas ta' referenza stabbli, li jippermetti li tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-finanzjament Komunitarju u li tiġi kkoordinata r-riċerka, li ta' spiss tkun sparpaljata wisq, biex b'hekk tkun aktar effiċjenti.

1.2

Huwa sodisfatt bis-settur magħżul, li għandu rabta ma' l-istrateġija ta' Lisbona, permezz ta' l-għanijiet ta' Barċellona dwar il-fondi allokati għar-Riċerka u l-Iżvilupp, kif ukoll mal-politiki Komunitarji oħra, b'mod partikulari fil-qasam ta' l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.

1.3

Filwaqt li jilqa' b'sodisfazzjoni id-deċiżjoni proposta, il-KESE l-ewwel u qabel kollox jenfasizza l-importanza għall-UE ta' l-istrateġija proposta għall-investiment u għall-koordinazzjoni tar-riċerka. Fil-fehma tiegħu, din l-istrateġija tirrappreżenta kontribut sod għall-ħolqien ta' Żona Ewropea tar-Riċerka.

1.4

Madankollu, minħabba d-diversi sorsi ta' finanzjament, id-diversi parteċipanti u r-riżorsi Komunitarji sostanzjali involuti, tkun idea tajba jekk tingħata definizzjoni aħjar ta' l-użu u l-allokazzjoni tal-prodotti finali tar-riċerka, b'mod partikulari fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-kwistjoni tal-brevetti. Il-Kumitat kien diġà ħa nota ta' dan in-nuqqas fl-opinjoni tiegħu dwar it-twaqqif ta' l-Impriżi Konġunti IMI u Clean Sky. Fl-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta (JTI) preżenti, dan in-nuqqas jista' jsir iżjed sensittiv milli diġà hu f'każ li l-prodott finali jkun ta' interess għall-impriżi f'kompetizzjoni ma' xulxin fis-suq, b'mod partikulari l-kostrutturi tal-karozzi.

1.5

Fl-aħħar nett il-Kumitat huwa ta' l-opinjoni li dawn il-miżuri huma meħtieġa:

semplifikazzjoni ġenwina tal-proċeduri, b'mod partikulari minħabba l-impatt negattiv li kellha l-burokrazija żejda fuq il-programmi preċedenti tar-Riċerka u l-Iżvilupp.

Minn din il-perspettiva, il-KESE jiddispjaċih li ma saret l-ebda evalwazzjoni serja biex jiġu determinati r-raġunijiet għal kwalunkwe diffikultà li jistgħu jiltaqgħu magħha l-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs) u biex jiġu evitati diffikultajiet ulterjuri;

programm ta' tagħrif bl-għan li jħeġġeġ il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi ekonomiċi, pubbliċi u privati, meħtieġa t-twaqqif ta' programm ta' edukazzjoni professjonali li jippermetti li jinsab bilanċ bejn il-kwalifikazzjonijiet tal-ħaddiema b'salarju u l-impjiegi li jirriżultaw minn din il-JTI.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-għan ta' din il-proposta għar-Regolament huwa li tiġi mnedija waħda mill-ewwel sħubiji Ewropej pubbliċi/privati fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u hija waħda mis-sitt Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs). Din is-sħubija, magħrufa bħala l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu tirrigwarda settur strateġiku għad-diversifikazzjoni u d-disponibiltà fil-ġejjieni ta' l-enerġija.

2.2

L-għan ġenerali ta' din l-Impriża Konġunta huwa li l-industrija, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jgħaqqdu r-riżorsi rispettivi tagħhom għall-benefiċċju tal-programmi ta' riċerka magħżula.

2.3

Għall-kuntrarju ta' l-istrateġija tradizzjonali, li tikkonsisti fl-allokazzjoni tal-finanzi pubbliċi għall-proġetti skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-JTIs jirrigwardaw il-programmi ta' riċerka fuq skala kbira, b'għanijiet strateġiċi komuni ta' riċerka. Din l-istraġeija ġdida għandha toħloq massa kritika għar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea, tikkonsolida l-komunità xjentifika fis-setturi strateġiċi prinċipali u tarmonizza l-finanzjament tal-proġetti sabiex ir-riżultati tar-riċerka jkunu jistgħu jintużaw iżjed malajr. Il-JTIs jirrigwardaw ċerti setturi ewlenin fejn l-istrumenti attwali la għandhom l-importanza u lanqas il-ħeffa meħtieġa sabiex jippermettu li l-Ewropa żżomm jew tikseb pożizzjoni vantaġġuża fil-kompetizzjoni globali. Dawn huma setturi li fihom finanzjament nazzjonali, Ewropew u privat tar-riċerka jista' jwassal għal valur miżjud sostanzjali, speċjalment jekk wieħed iħeġġeġ iż-żieda fl-ispejjeż privati għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

2.4

Iċ-ċelloli tal-fjuwil huma konvertituri ta' l-enerġija ta' effiċjenza kbira, li kapaċi jwasslu għal tnaqqis sostanzjali tal-gassijiet b'effett ta' serra u tal-pollutanti. Huma joffru flessibilità fit-taħlita ta' l-enerġija peress li jistgħu jitħaddmu bl-idroġenu u fjuwils oħra bħall-gass naturali, l-etanol u l-metanol, biex b'hekk jikkontribwixxu b'mod deċiżiv għall-ħarsien ta' l-ambjent u għall-ġlieda kontra t-tniġġis.

2.5

Rigward is-settur ta' ċelloli tal-fjuwil u ta' l-idroġenu, l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għandha l-għan ewlieni li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kompetenzi essenzjali għas-settur u b'hekk issaħħaħ il-kompetittività ta' l-Ewropa. Ir-regolament propost jipprovdi l-qafas ġuridiku meħtieġ sabiex titwaqqaf Impriża Konġunta ta' dan it-tip.

2.6

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar it-Teknoloġiji Ambjentali (ETAP), imsemmi fil-Komunikazzjoni COM(2004) 38 finali, li inkludiet din il-pjattaforma teknoloġika fost l-azzjonijiet prijoritarji ta' l-ETAP.

3.   Kuntest u konsiderazzjonijet ġenerali

3.1

L-iskarsezza ta' l-enerġija u l-insikurezza kostanti tas-sorsi ta' provvista jikkompromettu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u s-salvagwardja tal-kondizzjonijiet tal-kompetittività ta' l-impriżi Ewropej. Fil-futur, dawn il-fatturi jista' jkollhom implikazzjonijiet gravi, li jwasslu għal instabiltà permanenti u żieda fil-prezzijiet tar-riżorsi enerġetiċi.

3.2

Għalhekk, iċ-ċelloli tal-fjuwil li jaħdmu bl-idroġenu huma ta' interess kbir għall-ġejjieni; fil-fatt, minbarra li jippermettu diversifikazzjoni tas-sorsi disponibbli ta' l-enerġija, huma wkoll konvertituri ta' l-enerġija li ma jniġġsux, peress li meta jaħdmu jiġġeneraw biss fwar. It-tipi l-oħra ta' ċelloli tal-fjuwil, li jużaw il-gass naturali jew fjuwils fossili oħra, inaqqsu wkoll l-emissjonijiet minħabba li jużaw inqas fjuwil bħala riżultat ta' l-effiċjenza ogħla tagħhom.

3.3

L-introduzzjoni ta' l-idroġenu bħala mezz flessibbli għat-twassil ta' l-enerġija tista' tikkontribwixxi b'mod pożittiv għas-sigurtà ta' l-enerġija u biex tistabbilizza l-prezzijiet ta' l-enerġija billi dan jista' jiġi prodott minn kwalunkwe sors primarju ta' l-enerġija, u għalhekk jista' jdaħħal id-diversità fit-taħlita tat-trasport, li bħalissa hija 98 % dipendenti miż-żejt.

3.4

Fuq livell globali, fl-2005, in-negozju tas-settur taċ-ċelloli tal-fjuwil kien ta' madwar EUR 300 miljun, li minnhom 12 % biss huma għall-Ewropa; l-investiment globali fis-settur tar-riċerka huwa stmat għal EUR 700 miljun, li 78 % minnhom jsir fl-Amerika ta' Fuq u 10 % biss fl-Ewropa.

3.5

L-istruttura preżenti ta' l-industriji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu fl-Ewropa m'hijiex sodisfaċenti, għalkemm l-UE diġà investiet ammont konsiderevoli ta' fondi pubbliċi; dan is-suġġett kien inkluż fil-portafoll tar-riċerka dwar l-enerġija u t-trasport tas-Seba' Programm Qafas. L-isforz Ewropew fil-qasam tar-riċerka għadu lura ħafna meta mqabbel ma' reġjuni oħra fid-dinja; skond studju Komunitarju, (il-proġett “HyLights” tad-DĠ TREN) l-Ewropa hija mill-inqas ħames snin lura meta mqabbla mal-Ġappun u ma' l-Amerika ta' Fuq, rigward vetturi mgħammra b'ċelloli tal-fjuwil.

3.6

Mingħajr spinta ġdida u konkreta fis-settur tar-Riċerka u l-Iżvilupp, l-iżvilupp industrijali ta' settur tant fundamentali bħalma huwa dak taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu jista jaqa' lura fit-tiġrija fil-konfront tal-kompetituri globali, u dan ikollu konsegwenzi negattivi fuq l-iżvilupp industrijali u fuq l-impjiegi fis-settur.

3.7

Il-problemi prinċipali li joħorġu mill-analiżi u l-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni huma r-riżultat tal-kumplessità tar-riċerki meħtieġa għas-settur u n-nuqqas ta' ftehim konkret fil-livell Komunitarju għal pjan ta' investiment fit-tul.

3.8

F'din is-sitwazzjoni, meta nqisu l-ħidma li hija meħtieġa fil-qasam ta' l-innovazzjoni li għandha bżonn riżorsi konsiderevoli, jidher biċ-ċar li l-ebda impriża jew istituzzjoni ma tista' tmexxi waħedha r-riċerki meħtieġa.

3.9

Il-metodi disponibbli attwalment, minn barra li m'humiex biżżejjed, m'humiex qegħdin jintużaw bl-aħjar mod — xhieda ta' dan huma l-lakuni tal-programmi u/jew duplikazzjonijiet inutli; dawn ir-riżorsi m'humiex biżżejjed biex jiffinanzjaw programm fuq skala kbira fil-livell ta' l-UE.

3.10

Barra minn hekk, is-settur Ewropew taċ-ċelloli tal-fjuwil m'huwiex ikkoordinat biżżejjed bejn il-pajjjiżi u s-setturi ta' attivitajiet differenti (il-qasam universitarju, l-industriji ġodda, l-SMEs ta' teknoloġija għolja, eċċ.) u dan jillimita l-iskambju u l-ġbir ta' l-għarfien u l-esperjenza, u l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda meħtieġa għat-titjib tal-kapaċità tal-materjali u t-tnaqqis ta' l-ispejjeż li jippermettu li jintlaħqu l-aspettativi tal-klijenti potenzjali.

3.11

L-għażla li r-riċerka fis-settur taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu tingħata dimensjoni Ewropea hija essenzjali; fil-fatt jidher li din hija l-unika soluzzjoni possibbli sabiex jingħelbu l-isfidi diffiċli li jkollu jaffronta dan is-settur.

3.12

L-għażla ta' impriża konġunta pubblika/privata għandha tippermetti li r-Riċerka u l-Iżvilupp Komunitarji tas-settur li jagħmlu qabża lejn riċerka effiċjenti li llum il-ġurnata tiltaqa' ma' ċerti diffikultajiet sabiex tilħaq il-massa kritika meħtieġa. Dan jidher li huwa essenzjali biex tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-programmi ta' riċerka fl-Istati Membri differenti, li m'humiex kapaċi jilħqu l-massa kritika meħtieġa minħabba li m'għandhomx ir-riżorsi biex jiffinanzjaw il-programmi neċessarji.

4.   Konsistenza

4.1

Il-punt ta' referenza għall-programmi ta' riċerka huwa s-Seba' Programm Qafas. Biex tinkiseb ekonomija kompetittiva u dinamika, hemm bżonn li l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp jingħata impetu ġdid.

4.2

Ir-regolament propost hu konsistenti mal-politiki Komunitarji fil-qasam tar-riċerka u ma' l-Istrateġija ta' Lisbona (kompetittività), kif ukoll ma' l-għanijiet ta' Barċellona (spejjeż iddedikati għar-riċerka) li jipprevedu investiment ta' 3 % tal-PGD sa l-2010.

4.3

Barra minn hekk, jidher li huwa konsistenti wkoll mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva “Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa”, li tnediet f'Jannar 2007, kif ukoll mal-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (il-pjan SET) li dwaru bħalissa l-Kumitat qiegħed iħejji opinjoni (1), u li għandu jservi ta' pedament għall-orjentazzjonijiet rigward it-teknoloġiji ta' l-enerġija għall-għaxar snin li ġejjin. Huwa konsistenti wkoll ma' punti oħra ta' l-azzjoni Komunitarja bħalma huma l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.

5.   Il-proposta tal-Kummissjoni

5.1

Ir-regolament propost tal-Kunsill li li jwaqqaf Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, COM(2007) 571 finali, jirreferi għad-dispożizzjonijiet tas-Seba' Programm Qafas (FP7), kopert bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE, li jipprevedu kontribuzzjoni Komunitarja għat-twaqqif ta' sħubiji pubbliċi/privati fit-tul fuq skala Ewropea fis-settur tar-riċerka.

5.2

Dawn is-sħubiji taħt forma ta' JTI (Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti) jirriżultaw minn dawk li qabel kienu l-“Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej” (ETPs).

5.3

Il-Kunsill, -fid-Deċiżjoni 2006/971/KE tiegħu dwar il-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni”, enfasizza l-ħtieġa li jitwaqqfu sħubiji pubbliċi/privati u identifika sitt setturi li fihom il-ħolqien ta' inizjattivi teknoloġiċi konġunti ikun xieraq fid-dawl tat-tnedija mill-ġdid tar-riċerka Ewropea:

ċelloli ta' l-idroġenu u ċelloli tal-fjuwil;

aeronawtika u trasport ta' l-ajru (2);

mediċini innovattivi (3);

sistemi integrati tal-kompjuter (4);

nanoelettronika (5);

GMES (monitoraġġ globali għall-ambjent u s-sigurtà).

5.4

Fil-kuntest ta' din l-istrateġija ġenerali, il-proposta għar-Regolament li qiegħda tiġi eżaminata (COM(2007) 571 finali tipprevedi l-implimentazzjoni ta' l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu permezz tat-twaqqif ta' l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu.

5.5

L-Impriża Konġunta hija kkunsidrata bħala korp internazzjonali b'personalità ġuridika skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 u skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/18/KE. Is-sede tagħha tkun fi Brussel u l-attivitajiet tagħha jispiċċaw fil-31 ta' Diċembru 2017, ħlief f'każ ta' estensjoni permezz ta' deċiżjoni mill-Kunsill li temenda r-Regolament preżenti.

5.6

L-għanijiet prinċipali tal--Kummissjoni għat-twaqqif ta' din l-Impriża Konġunta huma spjegati fid-dettall fl-Artikolu I.2 fl-Istatuti ta' l-Impriża Konġunta, li huma annessi mar-Regolament propost:

li l-Ewropa titqiegħed fuq quddiem fit-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu mad-dinja kollha;

jkun possibbli li t-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu jippenetraw fis-suq, biex b'hekk il-forzi tas-suq kummerċjali jmexxu 'l quddiem il-benefiċċji pubbliċi potenzjali sostanzjali;

li tintlaħaq il-massa kritika ta' l-isforz tar-riċerka biex titnissel il-fiduċja fl-industrija, fl-investituri pubbliċi u privati, f'dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-partijiet interessati l-oħra sabiex jidħlu għal programm fit-tul;

li tirrendi l-investiment industrijali, nazzjonali u reġjonali fl-RTD&D aktar effettiv;

li tinbena Żona Ewropea tar-Riċerka;

li jiġu stimulati l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' katini ġodda ta' valur inklużi l-SMEs;

li tiġi ffaċilitata l-interazzjoni bejn l-industrija, l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka fir-riċerka bażika;

li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi kandidati;

li ssostni l-iżvilupp ta' regolamenti u standards ġodda biex jiġu eliminati l-ostakli artifiċjali għad-dħul fis-suq ta' l-idroġenu;

li tingħata informazzjoni affidabbli lill-pubbliku ġenerali dwar is-sigurtà ta' l-idroġenu u l-benefiċċji tat-teknoloġiji l-ġodda għall-ambjent, l-affidabbiltà tal-provvista, l-ispejjeż ta' l-enerġija, u l-impjiegi.

6.   Bażi ġuridika

6.1

Il-proposta tiġbor fiha Regolament tal-Kunsill flimkien ma' Anness li fih hemm l-Istatuti ta' l-Impriża Konġunta. Din hija msejsa fuq l-Artikolu 171 tat-Trattat. L-Impriża Konġunta ser tkun korp Komunitarju, li karta tal-bilanċ tiegħu ser tkun koperta mill-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-Kunsill. Tajjeb li minn issa 'l quddiem, wieħed jikkunsidra l-fatt li din l-inizjattiva, minħabba n-natura tagħha, tikkonċerna lis-sħubiji pubbliċi/privati b'kontribuzzjoni kbira mis-settur privat li tkun tikkorrispondigħal ammont mill-inqas ugwali għall-kontribuzzjoni tas-settur pubbliku.

7.   Sħubija

7.1

Il-membri fundaturi ta' l-Impriża Konġunta huma:

a)

Il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea;

b)

Il-Grupp Industrijali (IG) Ewropew għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu.

7.2

Wara li titwaqqaf l-Impriża Konġunta, ikun possibbli li kwalunkwe grupp xjentifiku li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet ta' riċerka, mingħajr ma jagħmel l-ebda profitt, isir membru tagħha bil-kundizzjoni li tkun twaqqfet entità li li tirrappreżenta l-Komunità Xjentifika.

8.   Finanzjament

8.1

L-ispejjeż amministrattivi ta' l-Impriża Konġunta, spjegati fid-dettall fl-Artikolu 5 tar-Regolament, huma ffinanzjati b'mod ugwali mill-membri fundaturi.

8.2

L-ispejjeż operazzjonali tar-Riċerka u l-Iżvilupp għandhom ikunu ffinanzjati b'mod ugwali permezz tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità u permezz ta' kontribuzzjonijiet f'oġġetti mill-entitajiet ġuridiċi privati li jipparteċipaw fl-attivitajiet, li jikkorrispondu għal ammont mill-inqas ugwali għall-kontribuzzjonijiet tal-Komunità.

8.3

Il-kontribuzzjoni massima tal-Komunità għall-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż għat-tħaddim ta' l-Impriża Konġunta għandha tkun ta' EUR 470 miljun. Il-Kumitat jistma li t-total ta' din is-somma seta' kien ikbar meta wieħed iqis l-importanza tar-riċerka, li hija involuta fih din il-JTI. L-ispejjeż amministrattivi huma stmati li ma jaqbżux l-EUR 20 miljun. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu mill-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” li jimplimenta s-Seba' Programm Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni (2007-2013) skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 54(2)(b) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

8.4

F'każ li jitwaqqaf Grupp Xjentifiku (ara punt 7.2), għandu jikkontribwixxi 1/12 ta' l-ispejjeż amministrattivi; f'dan il-każ, il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għandha tonqos korrispondentement.

8.5

Ħlief f'każ li finanzjament ikun żgurat għal wara l-2013 (id-data meta jasal fi tmiemu s-Seba' Programm Qafas), il-proġetti, li għalihom ikun ġie ffirmat ftehim ta' finanzjament mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2013 biss ikunu jistgħu jitkomplew bejn l-2014 u l-2017.

9.   Osservazzjonijiet ġenerali

9.1

Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni li titwaqqaf l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu u japprova l-proposta għar-Regolament COM(2007) 571 finali li hija marbuta magħha. Huwa jixtieq jenfasizza qabel kollox l-importanza għall-Unjoni Ewropea ta' din l-istrateġija proposta għall-investiment u l-koordinazzjoni tar-riċerka li twassal, fil-każ ta' din il-JTI, sabiex tikber d-diversifikazzjoni fil-konsum ta' l-enerġija, b'mod partikulari fis-settur tat-trasport (6).

9.2

Kif il-Kumitat diġà stqarr f'opinjonijiet dwar Regolamenti oħra fuq id-Deċiżjoni 2006/971/KE tal-Kunsill dwar il-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni”, il-KESE huwa tal-fehma li tnedija mill-ġdid ta' l-investiment għar-Riċerka u l-Iżvilupp huwa mod xieraq kif l-impriżi jiġu pprovduti b' qafas ta' referenza ċert li jagħmilha possibbli li tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-finanzjament Komunitarji u jevita li l-programmi jkunu sparpaljati.

9.3

Sa mill-bidunett — kif xehed ukoll f'bosta opinjonijiet — il-KESE appoġġja bis-sħiħ il-ħtieġa għal impenn dejjem ikbar min-naħa ta' l-UE fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Peress illi m'huwiex possibbli nsemmu r-referenzi kollha, se nsemmu biss l-aktar żewġ opinjonijiet reċenti dwar dan is-suġġett, li kienu approvati b'maġġoranza wiesgħa matul l-aħħar sessjoni plenarja,li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 dwar l-Impriżi Konġunti CLEAN SKY u ENIAC.

9.4

B'mod ġenerali: fl-opinjoni tiegħu (7) dwar “Il-Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda”, il-KESE jistqarr li “jappoġġja l-objettiv li tinħoloq infrastruttura xjentifika u teknoloġika ta' livell dinji, iżda din trid tkun appoġġjata minn finanzjament affidabbli u fit-tul”, filwaqt li jinnota li “Is-suċċess u l-għan ta' dan l-investiment jiddependi fuq il-parteċipazzjoni ta' l-istituti u l-gruppi universitarji rilevanti fl-Istati Membri, u fuq il-parteċipazzjoni b'impenn ta' l-industrija fi proġetti tat-tekonoloġija”.

9.5

B'mod speċifiku: fl-opinjoni tiegħu (8) dwar “Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament EwropewRapport ta' progress dwar l-użu tal-bijokarburantiRapport dwar il-progress miksub fl-użu tal-bijokarburanti u karburanti oħra minn sorsi rinnovabbli fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea”, il-KESE jsostni bil-qawwa l-importanza ta' l-iżvilupp tal-programmi ta' riċerka relatati mas-suġġett diskuss fir-regolament preżenti.

9.5.1

Fl-opinjoni, il-KESE jistqarr li huwa “jqis li huwa neċessarju li tingħata attenzjoni speċjali lir-riċerka fis-settur tal-bijokarburanti, b'mod partikulari dawk tat-tieni ġenerazzjoni, mingħajr ma jiġu ssagrifikati possibbiltajiet oħra bħall-iżvilupp ta' l-idroġenu solari jew miksub mill-bijomassa”.

9.5.2

Jissokta billi jgħid li “Minkejja l-iżvilupp reċenti tar-riċerka fil-qasam tal-produzzjoni ta' l-idroġenu mill-bijomassa, anke bl-għajnuna tal-bijoteknoloġija, jew minn sorsi rinnovabbli, il-possibbiltà ta' użu u bejgħ kummerċjali fuq firxa wiesgħa tal-karrozzi li jaħdmu bl-idroġenu tkun iddeterminata wkoll mill-ispejjeż għoljin tax-xiri taċ-ċelluli tal-karburant”, u jiddikjara li “Sabiex l-idroġenu jsir alternattiva enerġetika ekonomikament prattikabbli hemm bżonn li jitbaxxew l-ispejjeż tal-produzzjoni”. Il-Kumitat imbagħad jistqarr li “jemmen li għandha tiġi appoġġjata r-riċerka fl-ambitu tat-teknoloġiji relatati mal-biofuel cell, fi kliem ieħor iċ-ċelluli b'karburant bijoloġiku li jużaw il-bijokatalizzaturi sabiex jaqilbu l-enerġija kimika fl-elettriku”.

10.   Osservazzjonijiet speċifiċi

10.1

Fid-dawl tas-sistema ta' finanzjamenti multipli u komposti li ġiet implimentata u tal-volum importanti ta' riżorsi Komunitarji involuti, il-Kumitat huwa ta' l-opinjoni li tkun idea tajba li jiġi definit aħjar l-użu u l-allokazzjoni tal-prodotti finali tar-riċerka. Għal dan il-għan, il-kwistjoni tal-brevetti u tal-proprjetà intellettwali, bħalma jiġu definiti fl-Artikolu 17 tar-regolament propost u fl-Artikolu 1.24 ta' l-Istatuti ta' l-Impriża Konġunta mehmuża mar-regolament, li jillimitaw ruħhom li jiffissaw biss ċerti prinċipji, jistħoqqilhom jiġu żviluppati b'mod iżjed preċiż u iżjed espliċitu minħabba r-riskju li huma wieħed mill-punti delikati għall-implimentazzjoni u l-ħidma tal-JTI taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu. Dan in-nuqqas kien diġà ġie diskuss mill-KESE fl-opinjonijiet li jikkonċernaw it-twaqqif ta' l-Impriżi Konġunti IMI u Clean Sky. Fil-JTI attwali, dan in-nuqqas jista' jsir iżjed sensittiv milli diġà hu f'każ li l-prodott finali li jirriżulta mir-riċerka jkun ta' interess għall-impriżi li jkunu f'kompetizzjoni diretta fis-suq, b'mod partikulari l-kostrutturi tal-karozzi, li bosta minnhom ser jagħmlu parti mill-Impriża Konġunta. Minħabba fl-importanza tal-finanzjament Komunitarju, tajjeb li wieħed jirrifletti dwar xi mekkaniżmi li jiffavorixxu dħul fuq l-investiment Ewropew jew ta' l-inqas li din il-kwistjoni tidher fid-dokument li qiegħed jiġi eżaminat.

10.2

Hekk kif inhu indikat fil-punt 5.2, il-JTIs żviluppaw minn dawk li qabel kienu l- Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs). Issa dawn ta' l-aħħar mhux dejjem laħqu l-għan li tpoġġa fir-responsabbiltà tagħhom — dak li jniedu mill-ġdid b'mod strateġiku r-riċerka fl-Ewropa. It-twaqqif tal-JTIs bażikament huwa msejjes fuq xi diffikultajiet li l-ETPs jistgħu affrontaw, li r-rwol tagħhom essenzjalment kien li jipprovdu kontribuzzjoni fundamentali lill-industrija fil-qasam tal-kompetittività.

10.2.1

Minn din il-perspettiva l-KESE jiddispjaċih li fil-proposta tal-Kummissjoni kien hemm in-nuqqas ta' qafas iżjed dettaljat dwar ix-xogħlijiet imwettqa qabel min-naħa tal-Pjattoformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs); ma hemm l-ebda evalwazzjoni, l-ebda referenza għar-riżultati miksuba u l-ebda referenza biblijografika. Evalwazzjoni serja bl-għan li jiġu istabbiliti bi preċiżjoni r-raġunijiet għal xi diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom l-ETPs kienet tkun ideali biex jiġu evitati l-problemi fl-inizjattiva l-ġdida.

10.3

Sabiex jitwettqu l-għanijiet allokati lill-JTI taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu u biex jinkiseb l-akbar potenzjal possibbli li din l-inizjattiva l-ġdida tirrappreżenta, il-KESE huwa tal-fehma li huma meħtieġa dawn li ġejjin:

semplifikazzjoni ġenwina tal-proċeduri, b'mod partikulari minħabba l-impatt negattiv li l-burokrazija żejda kellha fuq il-programmi preċedenti tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Barra minn hekk, il-Kumitat jisħaq fuq il-ħtieġa li l-partijiet kollha jkollhom l-oppotunità jipparteċipaw fl-għażla ta' l-għanijiet u fl-analiżi tar-riżultati finali;

programm wiesa' ta' tagħrif dwar il-possibilitajiet provduti mill-JTI, b'mod partikulari dwar il-kapaċità tagħha li timmobilizza r-riżorsi ekonomiċi meħtieġa fid-dawl tal-forom ġodda ta' finanzjament;

tħejjija ta' programmi ta' edukazzjoni professjonali adegwati sabiex ikun hemm ħaddiema b'livell għoli ta' kwalifiki li jkollhom l-għarfien meħtieġ għar-Riċerka u l-Iżvilupp, appoġġjati minn din l-Impriża Konġuna, liema għarfien huwa ta' importanza strateġika kbira għall-ġejjieni industrijali ta' l-UE. Dawn il-kwalifiki ta' livell għoli, li huma importanti għal-livell tekniku għoli meħtieġ għall-impjiegi fis-settur tar-Riċerka u l-Iżvilupp, ser irażżnu l-problema marbuta mat-telf tar-riċerakaturi, filwaqt li jirrappreżentaw waħda mill-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi assigurata tmexxija f'dawn is-setturi ta' importanza strateġika, kemm mill-perspettiva industrijali kif ukoll minn dik ambjentali.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  TEN/332: “Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija”, rapporteur is-Sur Zboril.

(2)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 11 (INT/364).

(3)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 1 (INT/363).

(4)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 15 (INT/370).

(5)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 19 (INT/369).

(6)  TEN/297: “It-taħlita enerġetika fit-trasport”, rapporteur: is-Sur Iozia

(7)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 1 (INT/358).

(8)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 34 (TEN/286).


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva …/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (Verżjoni kkodifikata)

COM(2008) 23 finali — 2008/0019 (COD)

(2008/C 204/05)

Nhar it-13 ta' Frar 2008, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għal Direttiva …/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (Verżjoni kkodifikata)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu tat-12 u tat-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), b'126 vot favur u 2 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mergers ta' kumpanniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata (Verżjoni kkodifikata)

COM(2008) 26 finali — 2008/0009 (COD)

(2008/C 204/06)

Nhar l-14 ta' Frar 2008, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mergers ta' kumpanniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata (Verżjoni kkodifikata)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu tat-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), b'117-il vot favur, vot kontra u 7 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità (Verżjoni kkodifikata)

COM(2008) 39 finali — 2008/0022 (COD)

(2008/C 204/07)

Nhar l-14 ta' Frar 2008, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità” (Verżjoni kkodifikata)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu tat-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), b'125 vot favur u 6 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — In-Netwerks trans-Ewropej: Lejn approċċ integrat

COM(2007) 135 finali

(2008/C 204/08)

Nhar il-21 ta' Marzu 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni — In-Netwerks trans-Ewropej: Lejn approċċ integrat

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Krzaklewski.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-13 ta' Marzu 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'64 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jinnota li approċċ integrat għan-netwerks trans-Ewropej (TENs) huwa mod wieħed kif jista' jinkiseb l-objettiv ta' żvilupp sostenibbli fl-Unjoni Ewropea.

1.2

Il-KESE huwa konvint li approċċ integrat jista' jħaffef l-implimentazzjoni tan-netwerks trans-Ewropej ippjanati u jnaqqas l-ispejjeż ta' kostruzzjoni assoċjati magħha, meta mqabbel ma' l-approċċ li ma jqisx l-effetti ta' sinerġija possibbli bejn it-tipi differenti ta' netwerks.

1.2.1

B'rabta ma' dan il-fatt, il-Kumitat isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposti li jwessgħu l-ambitu ta' għajnuna finanzjarja għall-approċċi integrati, fil-forma ta' “fond b'approċċ integrat” għan-netwerks trans-Ewropej (kollha kemm huma, inklużi l-fergħat tan-netwerks), qabel ir-reviżjoni li ġejja ta' nofs it-term.

1.3

Wara li evalwa l-kundizzjonijiet għal approċċ integrat li jkopri t-TENs kollha, il-KESE jemmen li l-konverġenza bejn is-setturi (1) hija meħtieġa jekk ser tintlaħaq sinerġija wiesgħa bejn in-netwerks trans-Ewropej. Fil-fehma tal-Kumitat kundizzjoni ewlenija oħra għal approċċ integrat iktar effettiv hija t-tlestija kemm jista' jkun kmieni ta' l-istruttura ta' dawn in-netwerks.

1.4

Il-KESE jissuġġerixxi li jitwessa' l-kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni permezz ta' analiżi li tistudja sa liema punt is-sħubija tat-12-il Membru ġdid affettwat il-possibilità ta' l-adozzjoni ta' approċċ integrat f'dawn il-pajjiżi u l-kamp ta' l-applikazzjoni tiegħu.

1.5

Il-Kumitat jinnota li approċċ integrat għan-netwerks trans-Ewropej jista' jġib miegħu benefiċċji kbar, bħal:

il-limitazzjoni tal-ħsara ambjentali kkawżata mill-kostruzzjoni u t-tħaddim ta' netwerks; u

it-tnaqqis tan-numru u s-severità tat-tilwim li jibda minn kunflitti ta' interess li jinvolvu l-kostruzzjoni u t-tħaddim tan-netwerks.

1.6

Il-KESE jaħseb li r-riċerka xjentifika li fiha kemm inizjattivi Komunitarji kif ukoll nazzjonali għandha rwol partikularment importanti fl-ottimizzazzjoni ta' l-effetti ta' approċċ integrat għan-netwerks trans-Ewropej. B'rabta ma' dan, il-Kumitat jinnota li r-riċerka attwali hija maqsuma bejn approċċ tematiku u approċċ settorjali. Il-KESE għalhekk isejjaħ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ifasslu u jimplimentaw programmi Ewropej ta' riċerka xjentifika sabiex jidentifikaw sinerġiji bejn it-tipi kollha differenti ta' netwerks li jagħmlu parti mit-TENs.

1.7

Meta wieħed iqis li f'xi Stati Membri ta' l-UE teżisti “sinsla” tan-netwerks tal-fibra ottika biex jintlaħqu l-ħtiġijiet teknoloġiċi ta' ċerti infrastrutturi nazzjonali (bħan-netwerks ta' l-elettriku u tal-ferroviji), il-KESE huwa konvint li, jekk jiġi adottat approċċ integrat, dawn in-netwerks tal-fibra ottika ser ikollhom jintużaw iktar għal finijiet kummerċjali (servizzi tat-telekomunikazzjoni, it-trasmissjoni ta' informazzjoni, eċċ.).

1.7.1

Fl-istess waqt, il-Kumitat jemmen li, bil-mira li jiġi adottat approċċ integrat, l-iżvilupp attiv ta' l-infrastruttura lokali li attwalment qiegħed isir f'għadd kbir ta' Stati Membri għandu jintuża sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp ta' netwerks ta' aċċess tal-fibra ottika u sabiex tinbena infrastruttura lokali intelliġenti (2). Parti integrali ta' din l-infrastruttura għandha tkun mappa integrata GIS (3). Dan għandu jirriżulta f'approċċ integrat għall-infrastruttura tan-netwerk lokali msejjes fuq sistema ta' l-IT (sistema ta' ġestjoni ta' l-infrastruttura intelliġenti — IIMS).

1.8

Il-Kumitat jipproponi li fil-pjanijiet tagħha, il-Kummissjoni tqis it-teknoloġiji integrati għall-gass naturali rinnovabbli u l-ġenerazzjoni ta' l-enerġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent għal approċċ integrat lejn in-netwerks trans-Ewropej. Dawn it-teknoloġiji, li jwasslu l-ġenerazzjoni ta' l-elettriku eqreb lejn l-utent aħħari, jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2.

1.8.1

Dan l-approċċ għandu jimmira lejn riżultati f'termini ta' sinerġija, koordinazzjoni u tifdil/ffrankar, li huma possibbli permezz ta' l-iżvilupp tal-gass u l-bijoteknoloġiji.

1.9

Meta wieħed jikkunsidra s-sinerġija potenzjali tan-netwerks trans-Ewropej ta' l-enerġija fl-Istati Baltiċi bħala membri ġodda ta' l-UE, il-KESE jemmen li approċċ integrat għandu jadotta miżura partikulari waħda li tista' tiġi implimentata malajr u jinbena pont ta' l-enerġija sabiex is-sistemi ta' l-Istati Baltiċi jiġu integrati ma' dawk ta' l-UE. Madankollu, fuq perijodu fit-tul (2020) huwa importanti li ma jinħolqux spejjeż iżolati (stranded costs)  (4) min-netwerks ta' trasmissjoni attwali.

2.   Daħla

2.1

L-iżvilupp, il-ħolqien ta' konnessjonijiet u l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni aħjar ta' l-iżvilupp ta' l-infrastrutturi Ewropej ta' l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni huma objettivi ambizzjużi u hemm referenza għalihom fit-Trattat (5) u fil-Linji Gwida għat-tkabbir u l-impjieg (6) msejsa fuq l-Istrateġija ta' Lisbona.

2.2

L-Artikoli 154-156 tat-Trattat u l-Linji Gwida għat-tkabbir u l-impjieg fihom objettiv għall-iżvilupp, il-ħolqien ta' konnessjonijiet, l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni aħjar ta' l-infrastrutturi Ewropej ta' l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni.

2.3

Dawn id-dispożizzjonijiet fit-Trattat u l-linji gwida msemmija fuq jifformaw il-baż ta' l-idea għal “netwerks trans-Ewropej tat-trasport, ta' l-enerġija jew tat-telekomunikazzjoni” li “huma bħal sistema ta' ċirkolazzjoni tad-demm għall-ekonomiji tagħna”.

2.4

Bil-għan li jinkiseb l-ikbar benefiċċju possibbli min-netwerks trans-Ewropej, b'mod partikulari sabiex l-UE tkun iktar kompetittiva, f'Lulju 2005 il-Kummissjoni Ewropea ħatret grupp ta' tmexxija stabbilit b'mod speċjali bil-għan li jiddefinixxi approċċ komuni għall-koordinazzjoni aħjar ta' l-inizjattivi Komunitarji varji li jappoġġjaw il-ħidma fuq in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni.

2.4.1

Il-Grupp ta' Tmexxija analizza b'mod partikulari dawn il-kwistjonijiet:

is-sinerġija bejn in-netwerks Ewropej,

ir-rispett għall-ambjent naturali u n-netwerks trans-Ewropej,

l-użu ta' teknoloġiji ġodda fin-netwerks tat-trasport trans-Ewropej.

L-iffinanzjar tan-netwerks trans-Ewropej, u b'rabta ma' dan:

l-ikkombinar ta' fondi,

l-iffinanzjar ta' proġetti ewlenin prijoritarji,

l-użu ta' sħubijiet pubbliċi-privati (PPP) għall-iffinanzjar tan-netwerks trans-Ewropej.

2.5

Is-suġġett ta' l-opinjoni tal-KESE mfissra hawn isfel huwa l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2007) 135 finali “Netwerks trans-Ewropej: Lejn approċċ integrat” — ir-riżultat tal-ħidma tal-Grupp ta' Tmexxija.

3.   Konsiderazzjonijiet ġenerali

Is-sitwazzjoni attwali fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tan-netwerks trans-Ewropej

3.1   In-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T)

3.1.1

Wara t-tkabbir l-iktar reċenti ta' l-UE fl-2007, it-TEN-T issa fih 30 proġett prijoritarju li għandhom jitlestew sa l-2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni reċentement enfasizzat in-neċessità li n-netwerk tat-trasport trans-Ewropew jiġi estiż għall-pajjiżi ġirien (7).

3.1.2

Id-dati tat-tlestija għal dawn il-proġetti ewlenin qed jaqgħu lura mill-iskedi oriġinali. Minkejja l-fatt li wħud minn dawn il-proġetti tlestew jew attwalment dalwaqt jitlestew (8), ir-ritmu ta' kostruzzjoni ta' rotot tat-trasport li jitqiesu prijoritarji għadu miexi bil-mod wisq. L-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE (9) tiddeskrivi fid-dettall ir-raġunijiet għal dan.

3.1.3

Minn dawn it-30 proġett prijoritarju, 18 huma proġetti fuq linji tal-ferrovija u 2 huma relatati mal-passaġġi ta' l-ilma intern u proġetti tat-tbaħħir. Għaldaqstant ingħatat prijorità għolja lil dawk il-mezzi tat-trasport li l-inqas li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Mapep inklużi fi studju li twettaq mill-ECORYS għall-Kummissjoni (10) juru l-progress li sar sal-lum fit-30 proġett prijoritarju u l-progress li għandu jsir sa tmiem il-perijodu qafas finanzjarju multi-annwali fl-2013. Dawn il-mapep juru kemm għadu lura biex jitlesta n-netwerk.

3.1.4

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (is-suġġett ta' din l-opinjoni) tevalwa r-riżorsi finanzjarji użati sabiex jiġi implimentat it-TEN-T matul il-perijodu finanzjarju 2000-2006 u tippreżenta l-mekkaniżmi finanzjarji taħt il-qafas finanzjarju multi-annwali 2007-2013. L-ammont ta' EUR 8 013 biljun ġie allokat direttament mill-baġit ta' l-UE għall-iżvilupp ta' netwerk tat-trasport trans-Ewropew f'dan il-perijodu finanzjarju.

3.1.5

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) u l-Fond ta' Koeżjoni ser ikomplu jkunu s-sorsi ewlenin ta' għajnuna Komunitarja għall-ko-finanzjar ta' proġetti tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew matul il-perijodu ta' programmar 2007-2013. F'termini ġenerali, il-kontribut tal-Komunità għall-implimentazzjoni tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew għandu jikkonċentra fuq is-sezzjonijiet trans-konfinali u fejn hemm konġestjoni.

3.1.6

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) ser ikompli jiffinanzja l-infrastruttura tat-trasport permezz ta' self u ta' strument speċifiku ta' garanzija li għandu baġit ta' EUR 500 miljun taħt il-fondi tal-BEI stess u EUR 500 miljun taħt il-baġit tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (jiġifieri 6,25 % ta' l-ammont totali disponibbli).

3.2   In-netwerk trans-Ewropew ta' l-enerġija (TEN-E)

3.2.1

F'Jannar 2007, fil-“Programm ta' Interkonnessjonijiet Prijoritarji”, il-Kummissjoni evalwat il-progress li sar fuq proġetti ta' interess Ewropew. Fil-każ ta' l-elettriku, ma sarx wisq progress — 12 minn 32 proġett qed jimxu skond l-iskeda, u ħamsa biss huma kważi lesti għal kollox (11).

3.2.2

Fejn jidħol il-gass, is-sitwazzjoni tidher li hija aħjar — seba' minn għaxar proġetti għandhom jitlestew sa l-2010-2013. Min-naħa l-oħra, 29 terminal u faċilità għall-ħżin ta' l-LNG (12) qegħdin lura — disa' proġetti ġew abbandunati, u x-xogħol fuq ħamsa oħra twaqqaf.

3.2.2.1

Il-Kummissjoni identifikat il-kumplessità ta' l-ippjanar u proċeduri oħrajn ta' awtorizzazzjoni bħala r-raġuni ewlenija għad-dewmien u n-nuqqasijiet. Raġunijiet oħra jinkludu l-oppożizzjoni ta' l-opinjoni pubblika, riżorsi finanzjarji mhux suffiċjenti u l-istruttura ta' kumpaniji ta' l-enerġija integrati vertikalment.

3.2.3

Qabel l-2013, l-UE ser ikollha tinvesti, mill-inqas EUR 30 biljun fl-infrastruttura (EUR 6 biljun għan-netwerks ta' l-elettriku, EUR 19-il biljun għal pipelines tal-gass u EUR 5 biljun għal terminals tal-Gass Naturali Likwefat (LNG)), jekk il-prijoritajiet imsemmija jridu jiġu implimentati bis-sħiħ. L-investiment huwa essenzjali mhux biss fil-kapaċità transkonfinali iżda wkoll fil-kapaċità ta' produzzjoni ta' l-enerġija.

3.2.4

Il-baġit ta' l-UE joffri appoġġ finanzjarju għal investimenti fit-TEN-E, li jista' jingħata biss f'każijiet speċjali u ġġustifikati. Il-fondi jiġu mil-linja tal-baġit allokata esklużivament għan-netwerks trans-Ewropej u mill-Fondi ta' Koeżjoni u dawk Strutturali. (Il-fondi jirrappreżentaw iktar minn terz tal-baġit u l-għan tagħhom huwa li jiffinanzjaw proġetti ta' żvilupp reġjonali, inklużi netwerks ta' l-enerġija).

3.2.5

L-investimenti jiġu appoġġjati wkoll permezz ta' strumenti finanzjarji oħrajn (fondi, kreditu). Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment huwa s-sors ewlieni ta' fondi għan-netwerks trans-Ewropej. Mill-1993 sa tmiem l-2005 ftehimiet ta' kreditu pprovdew total ta' EUR 69,3 biljun f'fondi għan-netwerks trans-Ewropej kollha, li minnhom EUR 9,1 biljun ġie allokat għan-netwerks ta' l-enerġija.

3.3   Netwerks trans-Ewropej tat-telekomunikazzjoni

3.3.1

Min-netwerks TEN kollha, l-iktar avvanzati fil-kostruzzjoni ta' l-infrastruttura tagħhom huma n-netwerks tat-telekomunikazzjoni (eTEN). Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni nfetħu progressivament għall-kompetizzjoni mill-1988 u l-impatt kien drammatiku. Iktar kompetizzjoni stimolat l-investiment, l-innovazzjoni, il-ħolqien ta' servizzi ġodda u tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet għall-konsumatur.

3.3.2

Daż-żmien, l-investment qed ikun ikkonċentrat fuq l-aġġornament tan-netwerks attwali għall-ġenerazzjoni li jmiss, it-tiftiħ ta' infrastruttura mowbajl tat-tielet ġenerazzjoni u ta' servizzi oħra bla fil, u t-twassil tal-broadband għal żoni rurali ta' l-UE.

3.3.2.1

L-investiment jista' jinvolvi l-installazzjoni ta' netwerks tal-fibra ottika, fejn xogħlijiet ċivili u l-installazzjoni minn ġewwa tal-kejbils jirrappreżentaw 70 % ta' l-ispejjeż kollha għat-tiftiħ. Il-kostruzzjoni ta' linji tal-ferrovija, toroq jew linji ta' l-enerġija tista' tiffaċilita l-finalizzazzjoni ta' dawn in-netwerks f'żoni fejn is-servizz huwa minimu.

3.3.3

L-isfida ewlenija għan-netwerk Ewropew tat-telekomunikazzjoni hija li jitnaqqas id-distakk tal-broadband. Hemm differenzi bejn iż-żoni urbani u rurali u l-Istati Membri għandhom għalhekk jieħdu azzjonijiet konkreti u jfasslu objettivi biex din il-firda tiġi eliminata sa l-2010.

3.3.4

Hija meħtieġa koordinazzjoni u integrazzjoni iktar b'saħħitha tas-sorsi varji ta' fondi (Fondi Strutturali, Fond għall-Iżvilupp Rurali, it-TEN u fondi nazzjonali) biex jiġi żviluppat pjan koerenti u tiġi kkompletata l-kopertura tal-broadband.

Approċċ integrat għan-netwerks trans-Ewropej

3.4   Sinerġiji bejn in-netwerks Ewropej

3.4.1

L-ikkombinar tan-netwerks tat-toroq u tal-ferrovija huwa l-ewwel eżempju ta' sinerġija fin-netwerks trans-Ewropej (13). Il-merti ta' dan huma mfissra fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “L-estensjoni ta' l-assi ewlenin tat-trasport trans-Ewropew għall-pajjiżi ġirien”: Linji gwida għat-trasport fl-Ewropa u fir-reġjuni tal-viċinat (14). L-iktar importanti huma: użu aħjar ta' l-ispazju, xogħol konġunt ta' kostruzzjoni, tnaqqis ta' l-impatt viżwali u inqas frammentazzjoni tal-pajsaġġ, miżuri sabiex l-impatt ta' infrastrutturi konġunti ma jkunx daqstant qawwi (protezzjoni kontra l-istorbju, passaġġi għal annimali selvaġġi kbar u żgħar). Infrastrutturi kkombinati joffru wkoll skop ġenwin sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-ħsara ambjentali.

3.4.2

Sar studju dwar il-possibbiltà ta' l-iżvilupp ta' netwerks ikkombinati oħrajn, bħall-installazzjoni ta' linja ta' vultaġġ għoli minn mina tal-ferrovija, u l-installazzjoni ta' kejbils tat-telekomunikazzjoni, b'mod speċifiku kejbils tal-fibra ottika, ħdejn linji tal-ferrovija (15). Il-fattibilità teknika, l-impatt fuq l-ispejjeż tal-proġett u l-kumplessità tal-proċedura ġew analizzati, u ħarġu l-konklużjonijiet li ġejjin.

3.4.2.1

Barra mill-possibilità li jiġu kkombinati pipelines tal-gass ma' infrastrutturi oħrajn, fejn il-fattibilità teknika tidher diffiċli meta wieħed iqis l-estent taż-żoni sikuri meħtieġa, hemm vantaġġi ġenwini fl-ikkombinar ta' tipi oħra ta' TENs.

3.4.2.2

Huma s-sinerġiji bejn in-netwerks tat-telekomunikazzjoni u tat-trasport li jidhru l-iktar promettenti. Kull netwerk tat-trasport jista' jiġi ottimizzat billi jkollu n-netwerk ta' komunikazzjoni tiegħu stess li jintuża għall-ġestjoni tan-netwerk. F'ħafna mill-każi, netwerks tal-ferrovija u tal-motorways diġà għandhom netwerks tal-komunikazzjoni bħal dawn. F'xi każijiet, il-kapaċità żejda ta' dawn in-netwerks tintuża għal għanijiet oħra, per eżempju għall-komunikazzjoni tad-data.

3.4.2.3

Għadu rari li sinerġiji sistematiċi jinsabu bejn netwerk ta' ġestjoni ta' l-infrastruttura u netwerk tat-telekomunikazzjoni mill-bidu tal-kostruzzjoni ta' l-infrastruttura.

3.4.2.4

Soluzzjonijiet interessanti li jinvolvu l-interkonnessjoni ta' netwerks ta' l-elettriku u tat-trasport u l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni jinkludu dawn li ġejjin: l-installazzjoni ta' kejbils ta' vultaġġ għoli max-xtut ta' kanali u xmajjar, interkonnessjonijiet ta' vultaġġ baxx (2 x 25 kV) tul linji tal-ferrovija ta' veloċità għolja, interkonnessjonijiet iktar sistematiċi tal-linji ta' vultaġġ għoli taħt l-art (300 sa 700 kV) tul il-passaġġi ta' netwerks tat-trasport. Dawn is-suġġerimenti ma jieħdux post il-bżonn immedjat li n-netwerks nazzjonali ta' vultaġġ għoli jiġu interkonnessi, iżda huma proposta għal konnessjonijiet iktar fini tas-sistemi nazzjonali ta' l-elettriku tul perijodu ta' żmien itwal li jaqbel maż-żmien meħtieġ sabiex jitlestu proġetti ewlenin ta' l-infrastruttura.

3.5   L-integrazzjoni ta' l-ambjent u n-netwerks trans-Ewropej

3.5.1

L-Istrateġija ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi ssejjaħ għall-implimentazzjoni ta' TENs b'mod li huwa għal kollox kompatibbli ma' l-iżvilupp sostenibbli.

3.5.2

Il-maġġoranza tal-proġetti prijoritarji TEN-T huma proġetti li jippromwovu mezzi tat-trasport li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent u li jikkonsmaw inqas enerġija, bħal ferroviji u passaġġi ta' l-ilma. It-tlestija tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport ser ikollha impatt pożittiv fuq l-ambjent. Jekk l-emissjonijiet tas-CO2 ġġenerati mit-trasport ser ikomplu jiżdied bir-rata attwali, sa l-2020 ser ikunu 38 % iktar mil-livelli attwali. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, it-tlestija tat-30 proġett prijoritarju ser inaqqas din iż-żjieda b'madwar 4 %, li huwa ekwivalenti għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2 ta' madwar 6,3 miljun tunnellata fis-sena.

3.5.3

Permezz ta' l-interkonnessjoni tas-sistemi nazzjonali ta' l-enerġija u l-konnessjoni magħhom tas-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli, ser ikun possibbli li tiġi ottimizzata l-kapaċità ta' utilizzazzjoni f'kull Stat Membru u b'hekk l-impatt ambjentali negattiv ma jkunx daqstant qawwi.

3.5.4

Il-leġislazzjoni Komunitarja ambjentali tagħti dispożizzjoni għal qafas ċar li fih dawn il-proġetti ewlenin jistgħu jiġu implimentati. Il-linji gwida Komunitarji għall-iżvilupp ta' netwerk trans-Ewropew tat-trasport jirreferu għal dan b'mod espliċitu (16). Kull programm ġdid għal infrastruttura TEN irid jgħaddi minn valutazzjoni ambjentali strateġika (17), u kull proġett irid jiġi evalwat fuq bażi individwali (18). Teżisti wkoll il-possibilità li l-valutazzjonijiet jiġu użati bħala qafas għal studju biex jinstabu sinerġiji possibbli.

3.5.5

Kull proġett individwali għandu jkun konformi mal-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-istorbju, l-ilma u l-ħarsien tal-flora u l-fawna (19).

3.5.6

Jekk l-ebda waħda mill-alternattivi għal proġett li huwa ddikjarat fl-interess pubbliku ma tiġi kkunsidrata bħala s-soluzzjoni ottimali u konformi mal-leġislazzjoni Komunitarja, jistgħu jiġu adottati miżuri ta' kumpens li jippermettu li l-proġett isir waqt li fl-istess ħin isir kumpens għall-impatt negattiv.

3.6   Approċċ integrat għall-iffinanzjar tan-netwerks trans-Ewropej

3.6.1

L-ikkombinar ta' fondi għall-implimentazzjoni ta' TEN wassal għal problemi ewlenin u anke tilwim. Il-kwistjoni ta' akkumulazzjoni ta' fondi Komunitarji minn sorsi ta' finanzjament varji għall-istess proġett kienet ta' tħassib kontinwu għall-Kummissjoni. Il-Qorti ta' l-Awdituri enfasizzat din il-kwistjoni fir-rapporti tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Kummissjoni tan-netwerks trans-Ewropej.

3.6.2

Fil-Komunikazzjoni, li hija s-suġġett ta' din l-opinjoni tal-KESE, il-Grupp ta' Tmexxija kkonkluda li ma jistax ikun li teżisti l-possibilità ta' akkumulazzjoni ta' sussidji minn bosta fondi Komunitarji. Biex tkun żgurata t-trasparenza baġitarja u ġestjoni finanzjarja xierqa, ir-Regolament Finanzjarju u/jew l-atti settorjali bażiċi adottati waqt l-adozzjoni ma jippermettux il-possibilità ta' l-akkumulazzjoni ta' strumenti finanzjarji Komunitarji differenti għall-istess azzjoni.

3.6.3

Il-punt ewlieni fil-Komunikazzjoni, li għandu konsegwenzi kbar għall-investimenti TEN ikkombinati, huwa li n-nefqa fi proġett li huwa parti minn programm operattiv li qed jirċievi għajnuna finanzjarja mill-Fondi Strutturali u/jew il-Fond ta' Koeżjoni ma tistax tibbenefika minn fondi Komunitarji oħrajn.

3.6.3.1

Dan ifisser li meta n-nefqa, per eżempju għal tagħmir ERTMS jew l-elettrifikazzjoni ta' linja tal-ferrovija, ma tkunx qed tirċievi għajnuna finanzjarja mill-Fondi Strutturali u/jew mill-Fond ta' Koeżjoni, din tista' tibbenefika mill-fondi allokati għat-TEN. Il-kostruzzjoni reali tal-linji tal-ferrovija tista' tiġi ffinanzjata mill-ERDF jew mill-Fond ta' Koeżjoni. Proġetti jistgħu jiġu diviżi wkoll skond is-sezzjoni ġeografika, li jistgħu jiġu ko-finanzjati jew mill-ERDF/Fond ta' Koeżjoni jew mill-iffinanzjar tat-TEN.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Approċċ integrat għall-iżvilupp ta' netwerks ta' l-enerġija: l-elettriku u l-gass

4.1.1

L-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-ġenerazzjoni ta' l-enerġija li jaħdmu bil-gass (teknoloġiji combi (20), koġenerazzjoni (21)) qed iwassal biex l-investiment fin-netwerks ta' l-elettriku qed isir iktar riskjuż (it-trasmissjoni ta' l-elettriku qed tinbidel bit-trasport tal-gass naturali u l-iżvilupp ta' koġenerazzjoni bil-gass fil-livell lokali, koġenerazzjoni fuq skala żgħira, il-mikro koġenerazzjoni).

4.1.2

L-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda għat-trasport tal-gass qed jagħmel l-investiment fin-netwerks tal-gass iktar riskjuż (it-trasmissjoni permezz tan-netwerk tal-gass naturali qed tibidel bit-trasport fuq il-baħar u fit-triq, permezz ta' l-użu tat-teknoloġiji tas-CNG (22) u l-LNG).

4.1.3

Il-konverġenza tas-setturi ta' l-elettriku u l-gass (kumpaniji f'dawn is-setturi), jiġifieri konverġenza f'termini ta' sjieda, ġestjoni u organizzazzjoni, hija prerekwiżit għal approċċ teknoloġiku integrat għall-użu tal-gass naturali, u l-elettriku u l-ġenerazzjoni tas-sħana. Għalhekk, hemm il-bżonn urġenti li l-firda settorjali tiġi eliminata ('il bogħod mill-iżolament reċiproku ta' l-industriji ta' l-elettriku u l-gass). Huwa importanti b'mod partikulari li titħaffef il-konverġenza tas-setturi ta' l-elettriku u tal-gass fl-Istati Membri l-ġodda ta' l-UE ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, waqt li jitqiesu l-konsegwenzi soċjali inevitabbli fl-Istati Membri kkonċernati, kemm l-antiki kif ukoll il-ġodda.

4.2   Approċċ integrat għall-iżvilupp tan-netwerks tal-fibra ottika

4.2.1

F'xi Stati Membri, inklużi bosta membri ġodda (per eżempju l-Polonja) netwerks ewlenin tal-fibra ottika ġew kostruwiti sabiex jilħqu ħtiġijiet teknoloġiċi speċifiċi (l-elettriku (23) u l-ferrovija (24)). Għalkemm qed jiżdied l-użu ta' dawn in-netwerks għal finijiet kummerċjali (25), il-potenzjal sinifikattiv għal integrazzjoni għad irid jiġi sfruttat. Dan il-potenzjal mhux sfruttat għadu jeżisti, per eżempju fl-industrija tal-gass. Madankollu, il-potenzjal ewlieni jinsab fl-integrazzjoni tan-netwerks tekniċi tal-fibra ottika ta' infrastrutturi varji (ta' l-elettriku, tal-ferrovija) man-netwerk tat-telekomunikazzjoni biex jiffurmaw netwerk ta' aċċess effiċjenti.

4.2.2

Ħafna Stati Membri ta' l-UE, b'mod partikulari l-membri l-ġodda, bħalissa qed jieħdu passi attivi biex jibnu l-infrastruttura lokali tagħhom, bħan-netwerk ta' l-ilma u s-sistemi tad-drenaġġ, ko-finanzjati mill-fondi ta' l-UE, l-iktar il-Fondi ta' l-Iżvilupp Reġjonali u dak ta' Koeżjoni. Dan jirrappreżenta opportunità unika biex din l-infrastruttura tiġi integrata fin-netwerks ta' aċċess tal-fibra ottika u tkun pass kbir 'il quddiem għaż-żoni rurali u l-bliet iż-żgħar fl-Ewropa. Din l-integrazzjoni tista' tkun appoġġjata permezz ta' l-użu tal-ko-finanzjament ta' l-UE bħala inċentiv għall-iżvilupp ta' infrastruttura lokali integrata.

4.2.3

In-netwerk ta' aċċess tal-fibra ottika jista' jipprovdi l-bażi għall-kostruzzjoni ta' infrastruttura lokali intelliġenti, li tkopri (mil-lat tekniku) il-kontroll ta' komponenti varji (intelliġenti) ta' l-infrastruttura (netwerks ta' l-ilma, sistemi tad-drenaġġ, trasport, netwerks tat-tisħin, is-sikurezza pubblika) u l-ġestjoni tagħhom (f'termini tas-superviżjoni teknika u fis-suq tas-servizzi). Parti integrali ta' infrastruttura lokali intelliġenti għandha tkun mappa integrata GIS (amministrata mill-kunsill distrettwali u aċċessibbli għall-kumpaniji ta' l-infrastruttura li joperaw fiż-żona lokali). Il-mappa GIS attwalment toffri l-ikbar potenzjal għall-integrazzjoni tan-netwerks lokali ta' l-infrastruttura.

4.3   L-approċċ integrat u l-kwistjoni tal-gass naturali rinnovabbli u l-produzzjoni ta' l-enerġija b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent

4.3.1

Teknoloġiji tal-gass naturali rinnovabbli (fuq skala żgħira, teknoloġiji tal-koġenerazzjoni (26), li jbiddlu f'gass il-bijomassa prodotta fl-irziezet il-kbar) jippermettu li l-espansjoni tan-netwerks ta' l-elettriku u t-telf li jagħmlu jiġu limitati biex isir użu aħjar tas-sorsi ewlenin ta' l-enerġija, u b'hekk jinqatgħu l-emissjonijiet tas-CO2.

4.3.2

Kategorija importanti ħafna tat-teknoloġiji integrati tħaddan fiha teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent (teknoloġiji ta' koġenerazzjoni u b'bażi ekoloġika) li huma magħmula biex jiġġenereaw l-enerġija (l-elettriku u s-sħana) u biex jużaw l-iskart (użu ta' l-iskart muniċipali, l-iskart agrikolu u l-iskart mill-ipproċessar ta' l-ikel).

4.4   Approċċ integrat għall-finanzjament ta' netwerks ta' l-infrastruttura permezz ta' sħubija bejn il-pubbliku u l-privat

4.4.1

L-għan tal-finanzjament integrat ta' l-infrastruttura permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati huwa li jsir użu iktar effettiv tal-fondi ta' l-UE għall-iżvilupp ta' l-infrastruttura, b'mod partikulari fl-Istati Membri l-ġodda.

4.4.2

L-isħubijiet pubbliċi-privati fl-Istati Membri l-antiki (UE-15) intużaw biex jiffinanzjaw proġetti ewlenin ta' l-infrastruttura. Fl-Istati Membri l-ġodda ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, dawn is-sħubijiet għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw investiment fuq skala żgħira fl-infrastruttura fil-livell lokali. Għal din ir-raġuni qed isir dejjem iktar importanti li l-esperjenza fis-sħubijiet fl-Istati Membri l-antiki tiġi applikata għall-membri l-ġodda. Madankollu, huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu li t-trasferiment dirett ta' l-esperjenza m'huwiex possibbli, peress li ma jistgħux isiru paralleli diretti bejn il-finanzjament ta' proġetti ewlenin ta' l-infrastruttura ta' darba biss u l-finanzjament ta' numru kbir ta' proġetti żgħar).

4.4.3

Bħala riżultat tad-disponibilità tal-fondi ta' l-UE, l-awtoritajiet lokali f'xi Stati Membri inklużi l-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ta' sikwit jippermettu investiment żejjed fl-infrastruttura, b'mod speċjali fin-netwerks ta' l-ilma u tad-drenaġġ, waqt li ma jisfruttawx il-potenzjal ta' investiment integrat settorjalment. Din qed toħloq tħassib serju minħabba li l-opportunitajiet sabiex jitnaqqas l-infiq fl-investiment fuq l-infrastruttura qegħdin jintilfu (użu inqas effikaċji tal-fondi ta' l-UE) u l-awtoritajiet lokali qed jitgħabbew dejjem iktar bl-ispejjeż futuri mhux iġġustifikati tat-tħaddim ta' din l-infrastruttura fejn sar wisq investiment (żjieda fl-ispejjeż ta' kuljum mill-użu ta' l-infrastruttura, li jridu jħallsu għalihom ir-residenti lokali). L-użu ta' kapital privat għall-iffinanzjar ta' l-infrastruttura huwa mod effettiv kif jiġi sfruttat il-potenzjal għal integrazzjoni u biex jitnaqqas ir-riskju ta' investiment żejjed.

Brussell, it-13 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Konverġenza organizzattiva tas-setturi, li jħaddnu fihom in-negozji.

(2)  L-infrastruttura intelliġenti għandha komponenti marbutin magħha jew integrati li huma kapaċi jiġbru u jittrasmettu informazzjoni dwar il-qagħda ta' l-infrastruttura lejn kompjuter ċentrali, u f'xi każijiet jirċievu istruzzjonijiet lura mill-kompjuter li jattivaw tagħmir ta' kontroll. (U of T Civil Engineeringaġġornat l-aħħar: Nov. 9, 2001).

(3)  Ara l-kummenti speċifiċi, punt 4.2.3

(4)  Spejjeż iżolati (stranded costs) — l-ispejjeż f'investimenti u impenji li ġġarrbu esklussivament fil-passat (spejjeż storiċi) li għad iridu jiġu rkuprati mill-investituri permezz tal-bejgħ ta' l-elettriku u servizzi oħrajn u li ma jistgħux jiġu rkuprati fis-suq kompetittiv. Ġeneralment, id-data finali hija d-data meta s-suq ta' l-enerġija ġiet stabbilita jew liberalizzata.

(5)  L-Artikoli 154, 155 u 156 tat-Trattat tal-KE.

(6)  Linji Gwida għat-tkabbir u l-impjieg (2005-2008) Nru 9, 10, 11 u 16.

(7)  COM(2007) 32 tal-31.1.2007.

(8)  Il-konnessjoni fissa bejn l-Isvezja u d-Danimarka, li tlestiet fl-2000, l-ajruport ta' Malpensa, li tlesta fl-2001, il-linja ferrovrarja ta' Betuwe li toħloq konnessjoni bejn Rotterdam u l-fruntiera Ġermaniża, li tlestiet fl-2007, u l-proġett PBKAL (Ferrovija ta' veloċità għolja (HST) Pariġi-Brussell/Brussell-Koln-Amsterdam-Londra, li tlesta fl-2007).

(9)  ĠU C 157, 28.6.2005, pġ. 130.

(10)  Sinerġiji bejn in-Netwerks Trans-Ewropej, Evalwazzjonijiet ta' oqsma potenzjali għal impatti sinerġetiċi, ECORYS, Awissu 2006.

(11)  Aleksandra Gawlikowska-Fryk: Trans-European Energy Networks, 2007.

(12)  LNG — (Liquefied Natural Gas) Gass Naturali Likwefat

(13)  Xi Stati Membri introduċew obbligu legali li tinstab sinerġija, b'mod partikulari l-Ġermanja (Bundesnaturschutzgesetz, paragrafu 2, Bündelungsgebot).

(14)  COM(2007) 32 tal-31.1.2007 (mhux disponibbli bil-Malti)

(15)  Synergies between Trans-European Networks, Evaluations of potential areas for synergetic impacts, ECORYS, August 2006.

(16)  L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE msemmija fuq.

(17)  Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (SEA) Direttiva (2001/42/KE) għall-evalwazzjoni ta' pjanijiet u programmi.

(18)  Valutazzjoni Ambjentali ta' l-Impatt (EIA) Direttiva (85/337/KEE kif emendata mid-Direttivi 97/11/KE u 2003/35/KE) għall-valutazzjoni ta' proġetti.

(19)  Direttiva dwar it-Tjur (79/409/KEE), Direttiva dwar il-Ħabitats (92/43/KEE) u d-Direttiva Qafas ta' l-Ilma (2000/60/KE).

(20)  “Unitajiet tal-gass/fwar kapaċi jiġġeneraw bejn ftit tużżana sa 200 MW” Jan Popczyk, “What next for electricity?”, Monthly magazine of the Polish Electricians Association, VI 2000.

(21)  Ara n-nota fil-qiegħ tal-paġna Nru 25.

(22)  CNG — gass naturali kumpressat (20-25 MPa).

(23)  Eżempju ta' dan huwa n-netwerk Pollakk tal-fibra ottika TelEnergo.

(24)  Eżempju ta' dan huwa n-netwerk Pollakk tal-fibra ottika Telekomunikacja KolejowaGrupa PKP.

(25)  Eżempju ta' dan fil-Polonja huwa l-għaqda tat-TelEnergo u t-Telbank,li wasslet għall-ħolqien ta' Exatel, kumpanija moderna fis-suq tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u ta' l-informatika.

(26)  Koġenerazzjoni (ikkombinata wkoll mas-sħana u l-enerġija) hija proċess tekniku li jinvolvi l-ġenerazzjoni simultanjament ta' l-elettriku u sħana utli f'power station.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (Riformulazzjoni)

COM(2007) 265 finali/3 — 2007/0099 (COD)

(2008/C 204/09)

Nhar is-16 ta' Lulju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 71 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (Riformulazzjoni)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Chagas.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'65 vot favur, 21 vot kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'interess il-proposta għal Regolament dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq. F'din il-proposta l-Kummissjoni ppreferiet l-armonizzazzjoni ta' l-implimentazzjoni tar-Regolament, u bis-saħħa ta' dan ser tkun tista' tinstab definizzjoni ċara u infurzabbli għall-kabotaġġ li ġeneralment ittejjeb ir-regoli dwar il-konformità u l-infurzar. Din l-għażla tikkorrispondi mat-talbiet tal-maġġoranza ta' l-atturi professjonali fis-settur.

1.2

Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li d-dimensjoni soċjali ta' l-aċċess għas-suq tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq jistħoqqilha aktar attenzjoni. Bħat-traffiku terz (1), il-kabotaġġ jista' joħloq il-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali f'dan is-settur minħabba l-qabża bejn il-pagi tas-sewwieqa ta' l-Istati Membri l-ġodda u dawk qodma.

1.3

Il-KESE jemmen li jekk l-operazzjonijiet tal-kabotaġġ isiru f'sebat ijiem, il-kontroll tiegħu jkun aktar faċli. Dan il-kabotaġġ huwa aċċettat biss meta jsir wara vjaġġ internazzjonali.

1.4

Il-kontroll tal-kabotaġġ għandu jkun parti minn strateġija nazzjonali għall-kontroll ta' l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar it-trasport bit-triq kif ukoll minn sistema ta' koordinazzjoni fil-livell Komunitarju. Il-KESE ma jaqbilx li jkun hemm għadd kbir ta' kumitati fil-livell Ewropew, u jisħaq fuq kumitat wieħed magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri fejn l-imsieħba soċjali jipparteċipaw bħala osservaturi.

1.5

Għall-perijodu iktar fit-tul il-Kumitat jista' jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel iktar analiżi bil-għan li s-suq intern jitwettaq aħjar flimkien ma' iktar armonizzazzjoni ta' l-istandards ta' kwalità, il-ħarsien tal-ħaddiema u l-qafas fiskali u soċjali, inkluż it-tnaqqis fid-differenzi fil-pagi.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-proposta għal Regolament li qed tiġi analizzata f'din l-Opinjoni dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq tolqot xi ftit jew wisq ukoll l-elementi li jagħmlu parti mill-pilastri tas-suq intern tat-trasport bit-triq.

2.2

B'mod aktar speċifiku, dawn il-pilastri huma magħmula minn qafas legali li jistabbilixxi regoli Ewropej bl-isem ta' regoli komuni applikabbli. Dawn ir-regoli jridu jiġu rispettati mit-trasport internazzjonali tal-merkanzija u l-passiġġieri bit-triq fi ħdan l-UE (jiġifieri, vjaġġi lejn jew minn territorju ta' Stat Membru, jew li jgħaddu mit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri jew aktar).

2.3

Dan il-qafas:

jistabbilixxi standards minimi ta' kwalità li għandhom jintlaħqu sabiex wieħed jidħol fil-professjoni;

jilliberalizza t-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq u s-servizzi okkażjonali tal-passiġġiera;

iwaqqaf kompetizzjoni regolata li tawtorizza s-servizzi regolari tat-trasport ta' passiġġiera, u ta' xi operazzjonijiet tat-trasport ta' merkanzija minn trasportaturi mhux residenti.

2.4

Billi dan il-qafas legali twaqqaf bil-għan li s-suq intern jaħdem bla xkiel mhux dejjem tqies l-impatt soċjali tiegħu, jiġifieri l-impatt fuq il-kundizzjonijiet ta' l-impjieg u tax-xogħol tas-sewwieq professjonali tal-karozzi tal-linja jew tat-trakkijiet. Dak iż-żmien (l-ewwel Direttiva nħarġet fl-1962) id-dimesjoni soċjali tas-suq intern tat-trasport bit-triq jew it-trasport sostenibbli ma kenitx kunsiderazzjoni politika f'dan il-qasam.

3.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta tal-Kummissjoni tidentifika ħames għażliet ta' politika — minn għażla ta' “l-ebda bidla” għal għażla ta' “liberalizzazzjoni” li m'għandha tagħmel l-ebda restrizzjoni kwantitattiva fuq il-kabotaġġ. Il-Kumitat jaħseb li attwalment l-istandards ivarjaw wisq fl-Ewropa sabiex ikun hemm liberalizzazzjoni sħiħa mingħajr ma jonqsu l-istandards u l-kwalità tas-servizz u l-istandards li ilhom stabbiliti favur il-ħarsien tas-saħħa, is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija. Għalhekk qed jipproponi li fil-preżent tingħażel it-triq tan-nofs, li hija iktar limitata, jiġifieri l-għażla ta' l-“armonizzazzjoni”, li tista' tinkludi definizzjoni ċara u li tista' tiġi infurzata taċ-ċirkostanzi fejn l-operazzjonijet ta' kabotaġġ għandhom jiġu permessi, flimkien ma' proċeduri mtejba għall-iżgurar tal-konformità u l-infurzar, u l-istandardizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-burokrazija involuta.

3.2

Din il-proposta hija parti minn pakkett leġislattiv li jinkludi tliet proposti għal Regolament bil-għan li jimmodernizza, jissemplifika u jqassar ir-regoli dwar l-aċċess għall-professjoni u s-suq tat-trasport tal-merkanzija u l-passiġġieri bit-triq, u tinkludi rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol għal sewwieq li jaħdmu għal rashom. Għalhekk din il-proposta għandha titqies f'dan il-kuntest ġenerali.

3.3

Fid-dawl ta' dan il-Kummissjoni ġġustifikat din il-proposta għal Regolament bil-ħtieġa ta' titjib fiċ-ċarezza, il-leġġibbiltà u l-infurzabbiltà tar-regoli li huma fis-seħħ bħalissa. L-applikazzjoni u l-kontroll ta' l-applikazzjoni ta' ċerti miżuri f'dan il-qafas leġislattiv m'humiex ugwali minħabba n-nuqqas ta' leġislazzjoni ċara jew kompluta.

3.4

B'mod aktar speċifiku, l-applikazzjoni u l-kontroll ta' l-applikazzjoni ta' dawn l-aspetti li ġejjin joħolqu xi ftit problemi:

l-ambitu ta' l-applikazzjoni tar-Regolament f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport minn trasportaturi Komunitarji lejn u minn pajjiżi terzi;

id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-kabotaġġ temporanju; minkejja l-komunikazzjoni interpretattiva ppubblikata fl-2005 fuq il-bażi tad-definizzjoni ta' “temporanju/a” li tat il-Qorti tal-Ġustizzja b'rabta mal-libertà tas-servizzi, id-diffikultajiet baqgħu u l-Istati Membri għandhom it-tendenza li jimplimentaw regoli diverġenti li jkunu diffiċli biex tikkontrolla l-applikazzjoni tagħhom jew li jitfgħu piż amministrattiv addizzjonali;

in-nuqqas ta' effikaċja ta' l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri; bħala riżultat ta' dan, l-intrapriżi li joperaw fit-territorju ta' Stat Membru għajr l-Istat Membru fejn huma stabbiliti ftit li xejn jissograw sanzjonijiet amministrattivi, u dan iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn dawk l-intrapriżi li ma jkunux daqshekk inklinati li jikkonformaw mar-regoli u l-intrapriżi l-oħra;

l-eteroġeneità tad-diversi dokumenti ta' kontroll (liċenzja Komunitarja, kopji attestati u attestazzjoni tas-sewwieqa) li toħolq problemi waqt il-verifiki fit-triq, u ta' sikwit twassal għal telf ta' żmien konsiderevoli għat-trasportaturi.

3.5

Il-proposta għandha l-għan li tirrevedi u tikkonsolida r-Regolament (KEE) Nru 881/92, ir-Regolament (KEE) Nru 3118/93 u d-Direttiva 2006/94/KE. Però din m'hijiex sempliċement riformulazzjoni billi l-proposta fiha elementi ġodda, per eżempju, rigward il-kabotaġġ. Hija bbażata fuq l-Artikolu 71 tat-Trattat li jirreferi għar-regoli li japplikaw għat-trasport internazzjonali kif ukoll għall-kundizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih it-trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta' trasport f'xi Stat Membru (2).

3.6

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-proposta tagħha tirrifletti l-ħtieġa tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li hi qed tagħti kontribut biex jintlaħqu l-objettivi ta' l-istrateġija ta' Lisbona, u biex jissaħħu s-sigurtà fit-triq u l-eżerċizzju ta' regolamentazzjoni aħjar, u li hi ser ittejjeb ir-rispett għar-regoli tal-protezzjoni soċjali.

3.7

It-test propost jirrigwarda ż-ŻEE (Żona Ekonomika Ewropea), u għalhekk għandu jiġi estiż għal din iż-żona.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' b'interess il-proposta għal Regolament dwar l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Fil-prinċipju, il-KESE jemmen li l-objettiv fit-tul għandu jkun li nersqu lejn suq iktar liberalizzat ta' l-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE flimkien ma' l-infurzar xieraq ta' standards Ewropej ta' saħħa, sikurezza u ħarsien tal-ħaddiema, u aktar armonizzazzjoni fl-oqsma fiskali u soċjali, inkluż it-tnaqqis fid-differenzi fil-pagi, jiġifieri d-direzzjoni għandha tkun lejn il-ħames għażla tal-Kummissjoni. Din l-għażla hija konformi mar-Regolament attwali Nru 3118/93 u l-politika dwar is-suq intern. Dan jista' jwassal sabiex l-industrija tkun iktar kompetittiva b'benefiċċji għall-qasam tan-negozju Ewropew kollu kemm hu bħala utent tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija, u jista' jkollu vantaġġi ambjentali permezz tat-tnaqqis tan-numru ta' vjaġġi ta' vetturi vojta jew parzjalment vojta li jsiru minħabba r-restrizzjonijiet attwali fuq il-kabotaġġ.

4.2

Madankollu, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq tat-trasport madwar l-Ewropa attwalment tkun wisq ta' fixkla u ġġib magħha riskju serju li jonqsu l-istandards soċjali u tal-kwalità u li titnaqqas il-konformità magħhom. Huwa jemmen li l-Kummissjoni għandha titħeġġeġ sabiex tagħmel analiżi iktar fil-fond li nħasset il-ħtieġa tagħha fit-triq lejn iktar liberalizzazzjoni fil-futur. Iżda jaqbel mal-Kummissjoni li l-għażla ta' “l-armonizzazzjoni” hija l-aħjar pass 'il quddiem fil-futur qarib.

4.3

B'mod partikolari, il-KESE jikkunsidra li hemm bżonn:

ta' definizzjoni ġdida dwar il-kabotaġġ li tirregola l-kundizzjonijiet dwar il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta' trasport f'xi Stat Membru;

ta' format semplifikat u standardizzat tal-liċenzja Komunitarja u l-kopji attestati, kif ukoll l-attestazzjoni tas-sewwieqa;

tat-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet attwali billi Stat Membru jiġi obbligat jieħu miżuri, fuq talba ta' Stat Membru ieħor, meta trasportatur li tkun inħarġitlu liċenzja Komunitarja jikser il-liġi fl-Istat Membru fejn hu stabbilit jew fi Stat Membru ieħor;

jgħinu fit-tisħiħ taċ-ċarezza u l-infurzabbiltà tal-miżuri.

4.4

Il-KESE jfakkar li skond il-konsultazzjoni organizzata mill-Kummissjoni qabel il-pakkett leġislattiv u b'mod partikolari qabel din il-proposta, il-maġġoranza ta' l-atturi professjonali kienu jemmnu li jinħtieġu regoli ċari, sempliċi u applikabbli li jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha u li jkunu jistgħu jiġu kkontrollati b'mod faċli. F'din il-proposta l-Kummissjoni ppreferiet l-armonizzazzjoni li bis-saħħa tagħha ser tkun tista' tinstab definizzjoni ċara u infurzabbli li ttejjeb mhux ftit ir-regoli dwar il-konformità u l-infurzar. Din l-għażla tikkorrispondi mat-talbiet ta' dawn l-atturi.

4.5

Fil-fatt, minkejja li l-preambolu tar-Regolament 881/92 jagħmel referenza għall-“eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-fornituri tas-servizzi minħabba n-nazzjonalità jew minħabba l-fatt li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak li fih is-servizz sejjer ikun ipprovdut”, żgur li l-fatt li d-deroga nżammet, għalkemm fuq bażi temporanja, b'konformità ma' l-Artikolu 71(2) tat-Trattat, huwa ġġustifikat: il-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq “jista' jkollha effett serju fuq il-livell ta' għajxien u fuq l-impjieg f'ċerti arei u fuq l-operat tal-faċilitajiet tat-trasport ...”

4.6

Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li d-dimensjoni soċjali ta' l-aċċess għas-suq tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq jistħoqqilha aktar attenzjoni. Huwa veru li f'għadd ta' premessi, b'mod partikolari fit-12-il premessa, tissemma d-Direttiva dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni [provvista] ta' servizzi (Direttiva 96/71) li trid tiġi applikata f'każ li għall-provvista ta' servizzi ta' kabotaġġ it-traportaturi jċaqilqu lill-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' xogħol magħhom mill-Istat Membru li s-soltu jaħdmu fih. Però din il-premessa la tissemma fl-Artikoli u lanqas fil-memorandum ta' spjegazzjoni.

4.7

Dan l-aspett huwa daqstant ieħor aktar importanti għax id-dispożizzjonijiet legali Komunitarji għas-settur tat-trasport bit-triq, l-aktar dawk rigward il-kapitolu soċjali, mhux qed jiġu implimentati fl-Istati Membri kollha.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   L-ambitu ta' l-applikazzjoni (Artikolu 1)

5.1.1

Il-KESE jiddispjaċih li r-Regolament ma japplikax għat-trasport internazzjonali ta' anqas minn 3,5 tunnellati. Fid-dawl tat-tkabbir tas-servizz tal-messaġġiera u tal-kunsinni dar dar, anke fir-reġjuni tal-fruntiera, kien ikun iġġustifikat il-fatt li dan ir-Regolament jinkludi l-vetturi ta' anqas minn 3,5 tunnellati, li jintużaw f'dan is-settur, sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta.

5.1.2

Il-KESE jesprimi l-biża' tiegħu rigward il-fatt li dan ir-Regolament ma japplikax għat-trasport internazzjonali li jitlaq minn Stat Membru lejn pajjiż terz u viċi-versa ġaladarba jkun għadu ma ntlaħaqx ftehim bejn il-Komunità u l-pajjiż terz ikkonċernat. Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tistinka ħalli tikkonkludi dawn il-ftehimiet, b'mod partikolari ma' dawk il-pajjiżi li jmissu ma' l-Unjoni Ewropea.

5.2   Definizzjonijiet (Artikolu 2)

5.2.1

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li ġew iċċarati d-definizzjonijiet il-ġodda dwar l-Istat Membru ospitanti, it-trasportatur mhux residenti u l-operazzjoni ta' kabotaġġ.

5.3   Id-definizzjoni operattiva tal-kabotaġġ (Artikoli 2 u 8)

5.3.1

Skond il-proposta tal-Kummissjoni, it-trasportaturi jitħallew iwettqu sa tliet operazzjonijiet ta' kabotaġġ wara t-trasport internazzjonali minn meta titwassal il-merkanzija li tkun inġarret mit-trasport internazzjonali li jkun dieħel. L-aħħar operazzjonijiet ta' kabotaġġ iridu jsiru fi żmien sebat ijiem.

5.3.2

Il-vantaġġ ta' din id-definizzjoni operattiva hu li ma tħallix lit-trasportaturi mhux residenti jidħlu b'vettura vojta. Il-kabotaġġ huwa permess biss meta jsir qabel jew wara vjaġġ internazzjonali bit-tagħbija.

5.3.3

L-iżvantaġġ huwa li teoretikament it-trasportatur jista' jirrepeti l-operazzjoni wara s-sebat ijiem għall-istess kumpanija, l-istess tip ta' merkanzija, u l-istess vjaġġi. F'dan il-każ kif nistgħu nkunu ċerti li l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ huma temporanji?

5.3.4

Għal din ir-raġuni, il-KESE jisħaq li t-test il-ġdid għandu jinkludi u jenfasizza l-fatt li “n-natura temporanja” hija karatteristika essenzjali tal-kabotaġġ (3).

5.3.5

Għalkemm il-kabotaġġ jammonta biss għal 3 % tat-trasport tal-merkanzija internazzjonali (4), xorta hu importanti għal Stati Membri iżgħar, fejn is-swieq limitati tat-trasport nazzjonali bit-triq jinkoraġġixxu lit-trasportaturi biex ifittxu opportunitajiet ta' trasport tal-merkanzija lil hinn minn xtuthom. Jista' jkun li l-istatistika mhix 100 % affidabbli — il-kabotaġġ jiġi rappurtat mill-pajjiż fejn huwa irreġistrat it-trasportatur — però turi li dan il-fenomenu qed jikber (5).

5.3.6

Minkejja li l-istatistika hija miftuħa għad-diskussjoni, hija turi li l-kabotaġġ jirrappreżenta parti sostanzjali mit-trasport internazzjonali, l-aktar fil-pajjiżi ż-żgħar fost l-Istati Membri l-qodma. It-trasportaturi Olandiżi huma l-aktar attivi fis-suq tal-kabotaġġ, u warajhom hemm il-Ġermanja u l-Lussemburgu. Fl-2005, dawn it-tliet pajjiżi f'daqqa kellhom f'idejhom nofs it-trasport totali tal-kabotaġġ li sar mit-trasportaturi ta' l-UE-25. Għalkemm, kuntrarjament, ir-rata ta' penetrazzjoni skond il-pajjiż (din hi r-rata tal-kabotaġġ fis-suq domestiku tal-pajjiż, jiġifieri t-trasport nazzjonali flimkien mal-kabotaġġ) għaddiet minn tkabbir bil-mod iżda kostanti, din baqgħet f'limiti negliġibbli. Sa mill-1999, il-Belġju, il-Lussemburgu u Franza kellhom l-ogħla rati ta' penetrazzjoni: il-Belġju 2,87 %, Franza 2,50 % u l-Lussemburgu 1,99 % (6). Fl-Istati Membri l-ġodda, ħafna drabi r-rata ta' penetrazzjoni tal-kabotaġġ kienet anqas minn 0,3 %, minbarra fil-Latvja (0,8 %).

5.3.7

Madankollu, il-KESE huwa mħasseb dwar l-effetti negattivi tal-kabotaġġ, li ser ikunu kbar, fuq l-intrapriżi ż-żgħar u medji f'dan is-settur meta l-kabotaġġ isir fl-Istati Membri l-qodma minn operaturi li ġejjin mill-Istati Membri l-ġodda, li ser jibagħtu lis-sewwieqa tagħhom jagħmlu l-kabotaġġ b'pagi li jkunu ħafna aktar baxxi minn dawk li jitħallsu fl-Istat ospitanti (7).

5.3.8

Naturalment, il-KESE m'huwiex kontra l-fatt li l-operaturi ta' l-Istati Membri l-ġodda jidħlu fis-suq. Però mad-dħul tagħhom fis-suq titqajjem il-kwistjoni dwar il-limitazzjoni u l-kontroll tal-kabotaġġ sabiex jiġu evitati l-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-għażla tal-Kummissjoni li twaqqaf qafas legali favur il-kompetizzjoni regolata u kontra l-liberalizzazzjoni sħiħa tal-kabotaġġ.

5.3.9

L-istima ta' l-impatt tal-miżuri li pproponiet il-Kummissjoni tixħet id-dawl ukoll fuq il-progress tat-traffiku terz (xi wħud jirreferu għalih bħala l-“kabotaġġ il-kbir”) (8). Barra minn dan, għadd dejjem jiżdied ta' intrapriżi tat-trasport u l-loġistika qed jiftħu kumpaniji sussidjarji fl-Istati Membri l-ġodda u minn hemm jibagħtu lis-sewwieqa jservu t-trasport internazzjonali bejn l-Istati Membri l-qodma bi prezzijiet li jegħlbu kull xorta ta' kompetizzjoni minħabba l-qabża li teżisti bejn il-pagi tas-sewwieqa fl-Istati Membri l-qodma u dawk ġodda. Dan huwa aspett ieħor tal-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali, imma ma jiġix ikkunsidrat f'din il-proposta għal Regolament.

5.3.10

Din hija wkoll ir-raġuni għaliex il-KESE jiddispjaċih li d-dimensjoni soċjali ma tidhirx fil-pakkett leġislattiv u, b'mod speċjali, f'din il-proposta. Hawnhekk la titqies il-qabża bejn il-pagi fl-Istati Membri l-qodma u dawk ġodda li teżisti f'dan is-settur, u lanqas l-effett negattiv fuq l-intrapriżi ż-żgħar u medji, fuq l-impjiegi u fuq il-pagi tas-sewwieqa.

5.3.11

Rigward il-kontroll tal-kabotaġġ (Artikolu 8), skond il-Kummissjoni l-korpi ta' l-infurzar jistgħu jiċċekkjaw b'mod aktar faċli jekk l-attività ta' kabotaġġ hix legali billi jħarsu lejn id-dokumenti ta' kunsinna CMR li juru d-dati tat-tagħbija u l-ħatt ta' trasport internazzjonali. Apparti dan, għal kull operazzjoni ta' kabotaġġ jeħtieġ li tiġi inkluża l-informazzjoni dwar min qed jibgħat, it-trasportatur u d-destinatarju. Iridu jissemmew ukoll il-post u d-data tat-teħid tal-merkanzija u l-post fejn għandhom jitwasslu, l-isem li jintuża s-soltu għan-natura tal-merkanzija u l-metodu ta' l-imballaġġ, kif ukoll, fil-każ ta' merkanzija perikoluża, l-isem tagħha li jingħaraf b'mod ġenerali u l-għadd ta' pakketti, il-marki speċjali u n-numri tagħhom, il-piż gross jew il-kwantità tal-merkanzija li tiġi espressa b'mod ieħor, il-pjanċi tan-numru tal-vettura u tat-trejler. Bis-saħħa ta' din l-informazzjoni wieħed ikun jista' jiċċekkja aħjar il-kabotaġġ li jkun imbassar fi żmien sebat ijiem.

Però l-KESE jemmen l-kontroll ta' operazzjoni ta' kabotaġġ ikun aktar faċli jekk din tkun trid issir fi żmien sebat ijiem.

6.   X'inhi r-rilevanza tad-Direttiva dwar l-impjieg ta' ħaddiema?

6.1

Id-Direttiva dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni [provvista] ta' servizzi (Direttiva 96/71) trid tiġi applikata f'każ li għall-provvista ta' servizzi ta' kabotaġġ it-traportaturi jċaqilqu lill-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' xogħol magħhom mill-Istat Membru li s-soltu jaħdmu fih.

6.2

Il-problema tinsab fil-mod ta' kif id-Direttiva ġiet trasposta fil-leġislazzjoni nazzjonali. F'dan il-każ partikolari, il-konsegwenza ta' dan hija li jkun hemm differenzi fl-applikazzjoni dwar is-setturi u t-tul ta' żmien tal-provvista ta' servizz. B'hekk, xi pajjiżi japplikaw id-Direttiva għas-settur tal-kostruzzjoni biss, oħrajn jobbligaw lill-fornituri biex japplikaw id-Direttiva sa mill-ewwel jum li fih jipprovdu s-servizzi tagħhom (9). Barra minn dan, id-Direttiva toffri l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu deroga mill-applikazzjoni permezz ta' ftehimiet kollettivi meta l-impjieg ma jkunx għal aktar minn xahar (10).

6.3

Fil-każ tal-kabotaġġ, fid-dawl tal-fatt li l-applikazzjoni tad-Direttiva tvarja skond l-Istati, għalkemm din id-Direttiva hija vermant applikata mhix ser issolvi l-problemi marbuta mal-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali.

6.4

Apparti dan, ma jeżisti l-ebda kontroll ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-impjieg ta' ħaddiema (11). Ta' min jinnota din l-ommissjoni billi skond id-Direttiva in kwistjoni kull Stat Membru huwa obbligat jiggarantixxi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli b'konformità mal-leġislazzjoni soċjali (12).

6.5

Għaldaqstant, il-KESE ser jieħdu nota tar-riżultati tad-djalogu soċjali Ewropew tas-settur tat-trasport bit-triq dwar dan is-suġġett.

7.   Ċertifikazzjoni tas-sewwieq (Artikolu 5)

7.1

Il-KESE jitlob li ċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieq li ssir f'pajjiż terz tiċċertifika wkoll li s-sewwieq huwa reġistrat mas-sigurtà soċjali.

8.   Kontroll (Artikoli 10 sa 15)

8.1

Il-proposta għal Regolament tobbliga lill-Istati Membri jaqsmu l-informazzjoni bis-saħħa ta' ċentri nazzjonali ta' kuntatt li l-implimentazzjoni tagħhom hija konformi mar-Regolament dwar il-kundizzjonijiet ta' l-aċċess għall-professjoni ta' trasportatur bit-triq. Dawn huma awtoritajiet jew korpi amministrattivi inkarigati mill-iskambju ta' informazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Membri l-oħra.

8.2

Huwa stipolat ukoll li l-Istati jdaħħlu fir-reġistru nazzjonali tagħhom ta' l-intrapriżi tat-trasport bit-triq kull ksur serju u ksur minimu ripetut li jitwettaq minn trasportatur tagħhom u li jwassal għall-impożizzjoni ta' sanzjoni.

8.3

Il-proposta għal Regolament tintroduċi proċedura ġdida li għandu jsegwi dak l-Istat Membru li jinnota ksur imwettaq minn trasportatur mhux residenti. L-Istat Membru għandu xahar biex jikkomunika l-informazzjoni skond format standard minimu. Jista' jitlob lill-Istat Membru fejn ikun stabbilit it-trasportatur biex jimponi sanzjonijiet amministrattivi. L-Istat Membru fejn ikun stabbilit it-trasportatur ikkonċernat għandu tliet xhur biex jinforma lill-Istat Membru l-ieħor bis-segwitu li jkun sar.

8.4

Fil-fehma tal-KESE dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma pass 'il quddiem. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-prinċipji u l-proċeduri ta' kontroll u applikazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea dwar it-trasport bit-triq huma frammentati u differenti. Għall-KESE, il-prinċipju ta' l-estraterritorjalità li huwa applikabbli fil-każ tal-leġislazzjoni dwar is-sewqan u l-perijodu ta' mistrieħ (Regolament (KE) Nru 561/2006) għandu jiġi applikat ukoll f'każ li tinkiser il-leġislazzjoni dwar il-kabotaġġ. Dan kieku jkun inċentiv ikbar biex tiġi rispettata l-liġi.

8.5

Id-Direttiva 2006/22 tirrikjedi strateġija nazzjonali ta' kontroll koerenti, u titlob lill-Istati Membri biex jaħtru korp għall-koordinazzjoni tal-kontroll tal-leġislazzjoni dwar is-sewqan u l-perijodu ta' mistrieħ. Għall-KESE, il-kontroll tal-kabotaġġ għandu jagħmel parti minn din l-istrateġija.

8.6

L-istess jgħodd għall-kumitat li nħatar sabiex jgħin lill-Kummissjoni. Il-KESE ma jaqbilx li jkun hemm għadd kbir ta' kumitati, u jisħaq fuq kumitat wieħed magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri fejn l-imsieħba soċjali jipparteċipaw bħala osservaturi. Dan il-kumitat għandu jgħin lill-Kummissjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll u l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea dwar it-trasport bit-triq.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  It-traffiku terz huwa t-trasport bejn pajjiż A u pajjiż B li jsir minn trasportatur stabbilit f'pajjiż C.

(2)  Artikolu 71, ĠU C 325, 24.12.2002, p. 61 jistipola:

1.“

Bl-iskop li jwettaq l-Artikolu 70, u filwaqt illi jqis il-fatturi partikolari tat-trasport, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 u wara li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jistabbilixxi:

(a)

regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta' Stat Membru wieħed jew aktar;

(b)

il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta' trasport f'xi Stat Membru

(c)

miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport;

(d)

provvedimenti oħra xierqa.

2.

Bħala deroga mill-proċedura msemmija fil-paragrafu 1, meta l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet li jirrigwardaw il-prinċipji tas-sistema regolatorja għat-trasport jista' jkollha effett serju fuq il-livell ta' għajxien u fuq l-impjieg f' ċerti arei u fuq l-operat tal-faċilitajiet tat-trasporti, dawn għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali. Filwaqt li jagħmel dan, il-Kunsill għandu jqis il-bżonn għall-adattament għall-iżvilupp ekonomiku li jkun se jirriżulta mill-istabbiliment tas-suq komuni.”

(3)  Fuq il-bażi tal-Regolament (KEE) Nru 3118/93 tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta' skariġġ bit-triq ġewwa Stat Membru (ĠU L 279, 12.11.1993, p. 1) u l-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar in-natura temporanja tal-kabotaġġ bit-triq fit-trasport tal-merkanzija, Diċembru 2004.

(4)  Statistiques en bref, Mathieu Yves, 77/2007, “Données essentielles du Panorama des transports 1990-2005”, p. 4.

(5)  Statistiques en bref, Simo Pasi, 27/2007, “Tendances du transport routier de marchandises de 1999 à 2005”, p. 6; fl-2005 sar progress ta' 2 % meta mqabbel ma' l-2004.

(6)  Statistiques en bref, Simo Pasi, 27/2007, “Tendances du transport routier de marchandises de 1999 à 2005”, p. 6; fl-2005 sar progress ta' 2 % meta mqabbel ma' l-2004.

(7)  Id-Dokument ta' ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni, stima ta' l-impatt SEC(2007) 635/2 jispjega li l-ispejjeż tax-xogħol (sewwieqa), b'mod partikolari, jistgħu jvarjaw minn 1 sa 3, u xi drabi saħansitra minn 1 sa 6 (paġna 6). Il-verżjoni bil-Malti mhix disponibbli.

(8)  Id-Dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, stima ta' l-impatt SEC(2007)635/2, paġna 6, jidentifika liema traffiku terz kiber b'mod regolari, b'rata medja annwali ta' 4,4 % bejn l-1999 u l-2003. Din ir-rata għoliet, u fl-2004 u fl-2005 qabżet l-20 %.

(9)  Ara Jan Cremers, Peter Donders, l-Edituri, “The free movement of workers in the European Union”, European Institute for Construction Labour Research, CLR studies 4, 2004. L-Olanda tapplika d-Direttiva għas-settur tal-kostruzzjoni u teskludi s-setturi l-oħra, filwaqt li l-Belġju japplika din id-Direttiva sa mill-ewwel jum ta' provvista ta' servizz.

(10)  Artikolu 3(4) tad-Direttiva 96/71/KE.

(11)  Ecorys, “Study on road cabotage in the freight transport market”, rapport għal DĠ TREN, p. 8.

(12)  Direttiva 96/71/CE, Artikolu 3.


APPENDIĊI

Għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin, li rċevew iktar minn kwart tal-voti mixħuta, ġew irrifjutati waqt id-dibattitu:

Punti 4.5 u 4.6

Ħassar il-punti 4.5 u 4.6:

4.5

Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li d-dimensjoni soċjali ta' l-aċċess għas-suq tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq jistħoqqilha aktar attenzjoni. Huwa veru li f'għadd ta' premessi, b'mod partikolari fit-12-il premessa, tissemma d-Direttiva dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni [provvista] ta' servizzi (Direttiva 96/71) li trid tiġi applikata f'każ li għall-provvista ta' servizzi ta' kabotaġġ it-traportaturi jċaqilqu lill-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' xogħol magħhom mill-Istat Membru li s-soltu jaħdmu fih. Però din il-premessa la tissemma fl-Artikoli u lanqas fil-memorandum ta' spjegazzjoni.

4.6

Dan l-aspett huwa daqstant ieħor aktar importanti għax id-dispożizzjonijiet legali Komunitarji għas-settur tat-trasport bit-triq, l-aktar dawk rigward il-kapitolu soċjali, mhux qed jiġu implimentati fl-Istati Membri kollha.

Raġuni

Id-dimensjoni soċjali ta' l-applikazzjoni tal-kabotaġġ diġà hija rregolata b'mod ġenerali permezz tar-Regolament 561/2006 dwar ir-regolazzjoni tal-ħinijiet ta' sewqan u mistrieħ tas-sewwieqa u t-traspożizzjonijiet rispettivi tiegħu, id-Direttiva 2002/15/KE dwar il-ħinijiet tax-xogħol, ir-regolazzjoni legali tad-diversi Stati Membri, u n-natura temporali tal-kabotaġġ fih innifsu.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 27 Voti kontra: 41 Astensjonijiet: 5

Punt 4.6

Minflok dan il-punt, daħħal it-test li ġej:

4.6

Dan l-aspett huwa daqstant ieħor aktar importanti għax id-dispożizzjonijiet legali Komunitarji għas-settur tat-trasport bit-triq, l-aktar dawk rigward il-kapitolu soċjali, mhux qed jiġu implimentati fl-Istati Membri kollha. Fl-aħħarnett, kien ikun xieraq li kieku kien hemm kelmtejn dwar l-allegat fenomenu tal-kabotaġġ mit-trasportaturi mill-Istati l-Membri l-ġodda, sakemm għad hemm miżuri transizzjonali wara t-Trattati ta' Adeżjoni konklużi ma' l-Istati Membru l-ġodda, li ma kienx għall-fatt li l-miżuri transizzjonali kollha ser jiġu fi tmiemhom sa mhux aktar tard mill-2009 u l-kabotaġġ ser ikun permess.

Raġuni:

Il-miżuri transizzjonali li japplikaw għall-Istati Membri l-ġodda ser jiġu fi tmiemhom fl-2009. Għalhekk, il-pajjiżi kollha ser jiġu ttrattati bl-istess mod fir-rigward tar-Regolament ta' hawn fuq. Ir-Regolament ser jidħol verament fis-seħħ wara l-2009. Huwa importanti li jissemma dan il-fatt għaliex hu għandu jgħin sabiex jitwaqqfu l-ispekulazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali mill-Istati Membri l-ġodda.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 27 Voti kontra: 47 Astensjonijiet: 4

Punt 5.3.9

Minflok dan il-punt, daħħal it-test li ġej:

5.3.9

Naturalment, il-KESE m'huwiex kontra l-fatt li l-operaturi ta' l-Istati Membri l-ġodda jidħlu fis-suq. Però mad-dħul tagħhom fis-suq titqajjem il-kwistjoni dwar il-limitazzjoni u l-kontroll tal-kabotaġġ sabiex jiġu evitati l-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-għażla tal-Kummissjoni li twaqqaf qafas legali favur il-kompetizzjoni regolata u kontra l-liberalizzazzjoni sħiħa tal-kabotaġġ. L-istima ta' l-impatt tal-miżuri li pproponiet il-Kummissjoni tixħet id-dawl ukoll fuq il-progress tat-traffiku terz tas-suq intern (xi wħud jirreferu għalih bħala l-“kabotaġġ il-kbir” traffiku minn pajjiżi terzi fis-suq intern)  (1) . Barra minn dan, għadd dejjem jiżdied ta' intrapriżi tat-trasport u l-loġistika qed jiftħu kumpaniji sussidjarji fl-Istati Membri l-ġodda u minn hemm jibagħtu lis-sewwieqa jservu t-trasport internazzjonali bejn l-Istati Membri l-qodma. Madankollu, għall-KESE dan hu parti inerenti fit-tkabbir ta' l-UE u l-objettivi tas-suq intern.

Raġuni

Hawnhekk terġa' tinħass il-biża' mill-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali, u l-punt jisħaq fuq dak li ntqal kemm-il darba. Ikun aħjar jekk jingħadu kelmtejn dwar il-fatt li l-UE għandha tiżviluppa iktar is-suq intern.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 31 Voti kontra: 61 Astensjonijiet: 0

Punt 5.3.10

Ħassar il-punt 5.3.10:

5.3.10

L-istima ta' l-impatt tal-miżuri li pproponiet il-Kummissjoni tixħet id-dawl ukoll fuq il-progress tat-traffiku terz tas-suq intern (xi wħud jirreferu għalih bħala l-“kabotaġġ il-kbir”traffiku minn pajjiżi terzi fis-suq intern)  (2). Barra minn dan, għadd dejjem jiżdied ta' intrapriżi tat-trasport u l-loġistika qed jiftħu kumpaniji sussidjarji fl-Istati Membri l-ġodda u minn hemm jibagħtu lis-sewwieqa jservu t-trasport internazzjonali bejn l-Istati Membri l-qodma. Bi prezzijiet li jegħlbu kull xorta ta' kompetizzjoni minħabba l-qabża li teżisti bejn il-pagi tas-sewwieqa fl-Istati Membri l-qodma u dawk ġodda. Dan huwa aspett ieħor tal-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali, imma ma jiġix ikkunsidrat f'din il-proposta għal Regolament.

Raġuni

Jekk irridu nenfasizzaw l-aspetti soċjali fir-regolament, ma jfissirx li l-Istati Membri l-ġodda għandhom ikunu r-raġuni għal dan.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 33 Voti kontra: 58 Astensjonijiet: 5

Punt 5.3.11

Ħassar il-punt 5.3.11:

5.3.11

Din hija wkoll ir-raġuni għaliex il-KESE jiddispjaċih li d-dimensjoni soċjali ma tidhirx fil-pakkett leġislattiv u, b'mod speċjali, f'din il-proposta. Hawnhekk la titqies il-qabża bejn il-pagi fl-Istati Membri l-qodma u dawk ġodda li teżisti f' dan is-settur, u lanqas l-effett negattiv fuq l-intrapriżi ż-żgħar u medji, fuq l-impjiegi u fuq il-pagi tas-sewwieqa.

Raġuni:

Jekk irridu nenfasizzaw l-aspetti soċjali fir-regolament, ma jfissirx li l-Istati Membri l-ġodda għandhom ikunu r-raġuni għal dan.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 27 Voti kontra: 62 Astensjonijiet: 1

Punt 6

Ħassar il-punt 6:

6.   X'inhi r-rilevanza tad-Direttiva dwar l-impjieg ta' ħaddiema?

6.1

Id-Direttiva dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni [provvista] ta' servizzi (Direttiva 96/71) trid tiġi applikata f'każ li għall-provvista ta' servizzi ta' kabotaġġ it-traportaturi jċaqilqu lill-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' xogħol magħhom mill-Istat Membru li s-soltu jaħdmu fih.

6.2

Il-problema tinsab fil-mod ta' kif id-Direttiva ġiet trasposta fil-leġislazzjoni nazzjonali. F'dan il-każ partikolari, il-konsegwenza ta' dan hija li jkun hemm differenzi fl-applikazzjoni dwar is-setturi u t-tul ta' żmien tal-provvista ta' servizz. B'hekk, xi pajjiżi japplikaw id-Direttiva għas-settur tal-kostruzzjoni biss, oħrajn jobbligaw lill-fornituri biex japplikaw id-Direttiva sa mill-ewwel jum li fih jipprovdu s-servizzi tagħhom. Barra minn dan, id-Direttiva toffri l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu deroga mill-applikazzjoni permezz ta' ftehimiet kollettivi meta l-impjieg ma jkunx għal aktar minn xahar.

6.3

Fil-każ tal-kabotaġġ, fid-dawl tal-fatt li l-applikazzjoni tad-Direttiva tvarja skond l-Istati, għalkemm din id-Direttiva hija vermant applikata mhix ser issolvi l-problemi marbuta mal-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali.

6.4

Apparti dan, ma jeżisti l-ebda kontroll ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-impjieg ta' ħaddiema. Ta' min jinnota din l-ommissjoni billi skond id-Direttiva in kwistjoni kull Stat Membru huwa obbligat jiggarantixxi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli b'konformità mal-leġislazzjoni soċjali.

6.5

Għaldaqstant, il-KESE ser jieħdu nota tar-riżultati tad-djalogu soċjali Ewropew tas-settur tat-trasport bit-triq dwar dan is-suġġett.

Raġuni

Is-settur tat-trasport, bil-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, diġà jirregola l-aspetti soċjali permezz tad-Direttiva 2002/15/KE dwar il-ħinijiet tax-xogħol u r-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar ir-regolazzjoni tal-ħinijiet ta' sewqan u mistrieħ tas-sewwieqa kif ukoll l-użu tat-takografu diġitali.

Fir-rigward ta' aspetti soċjali oħra, hemm differenza bejn l-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71 għal settur bħal dak tal-bini fejn hemm moviment stabbli tal-ħaddiema u għal dak tat-trasport tal-merkanzija fir-rigward ta' servizzi speċifiċi ta' kabotaġġ bħala estensjoni tat-trasport internazzjonali. F'dan il-każ, il-moviment tas-sewwieq jifforma parti minn xogħlu bħala sewwieq tat-trasport internazzjonali b'liċenzja Komunitarja tat-trasport.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 24 Voti kontra: 63 Astensjonijiet: 2

Punt 6.3

Immodifika l-punt 6.3 kif ġej:

6.3

Fil-każ tal-kabotaġġ, fFid-dawl tal-fatt li l-applikazzjoni tad-Direttiva tvarja skond l-Istati, għalkemm din id-Direttiva hija vermant applikata mhix ser issolvi l-problemi marbuta mal-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali.

Raġuni

Jekk irridu nenfasizzaw l-aspetti soċjali fir-regolament, ma jfissirx li l-Istati Membri l-ġodda għandhom ikunu r-raġuni għal dan.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 32 Voti kontra: 57 Astensjonijiet: 2

Punt 1.2

Minflok dan il-punt, daħħal it-test li ġej:

1.2

Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li d-dimensjoni soċjali ta' l-aċċess għas-suq tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq jista' jistħoqqilha aktar attenzjoni. Bħat-traffiku terz  (3) , il-kabotaġġ jista' joħloq il-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali f'dan is-settur minħabba l-qabża bejn il-pagi tas-sewwieqa ta' l-Istati Membri l-ġodda u dawk qodma.

Raġuni

Jekk irridu nenfasizzaw l-aspetti soċjali fir-regolament ta' hawn fuq, ma jfissirx li l-Istati Membri l-ġodda għandhom ikunu r-raġuni għal dan. Il-kompetizzjoni inġusta tista' teżisti u tiġi minn kwalunkwe Stat Membru. Fir-rigward tad-dumping soċjali fl-UE, din it-tifsira ta' dumping soċjali ma tistax tapplika jekk l-intrapriżi u l-persuni ma jaġixxu b'mod legali, ikunu fejn ikunu.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur: 28 Voti kontra: 61 Astensjonijiet: 1


(1)  Id-Dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, stima ta' l-impatt SEC(2007)635/2, paġna 6, jidentifika liema traffiku terz kiber b'mod regolari, b'rata medja annwali ta' 4,4 % bejn l-1999 u l-2003. Din ir-rata għoliet, u fl-2004 u fl-2005 qabżet l-20 %.

(2)  Id-Dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, stima ta' l-impatt SEC(2007)635/2, paġna 6, jidentifika liema traffiku terz kiber b'mod regolari, b'rata medja annwali ta' 4.4 % bejn l-1999 u l-2003. Din ir-rata għoliet, u fl-2004 u fl-2005 qabżet l-20 %.

(3)  It-traffiku terz huwa t-trasport bejn pajjiż A u pajjiż B li jsir minn trasportatur stabbilit f'pajjiż Ċ.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/39


OpinjonI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2 mill-ajruporti permezz ta' ġestjoni ġdida ta' l-ajruporti (Opinjoni esploratorja)

(2008/C 204/10)

F'ittra bid-data ta' l-4 ta' Lulju 2007, il-Ministru Portugiż għat-Trasport, fil-kuntest tal-Presidenza Portugiża ta' l-UE, talab lill-KESE, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar:

It-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2 mill-ajruporti permezz ta' ġestjoni ġdida ta' l-ajruporti

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur McDONOGH.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-13 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'103 voti favur u 5 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

L-ajruporti għandhom jitħeġġu sabiex jadottaw strateġiji ta' ġestjoni għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju billi jintroduċu mudell tal-kwalità ta' l-arja fejn is-sorsi kollha ta' NOx huma identifikati u l-miri għat-tnaqqis ta' CO2 huma stabbiliti. Dan il-mudell għandu jitkejjel skond il-punti tal-monitoraġġ tal-kwalità ta' l-arja fuq il-post. Iż-żoni prinċipali li għandhom jiġu inklużi fil-mudell huma l-mitjar, il-bini ta' l-ajruport (it-terminal u l-faċilitajiet ta' servizz relatati), il-parkeġġi u l-aċċess għall-wiċċ (surface access).

L-adozzjoni ta' standards magħrufin tal-bini u l-aħjar prattika internazzjonali relatata mal-bini u l-operat ta' l-infrastruttura ta' l-ajruport għandhom jitħeġġu sabiex il-marka tal-karbonju relatata titnaqqas kemm jista' jkun. Eżempji ewlenin huma l-insulazzjoni, l-użu massimu tad-dawl naturali u l-qligħ mis-sħana tax-xemx, il-ħsad ta' l-ilma tax-xita, l-unitajiet konġunti tas-sħana u l-elettriku (combined heat and power units — CCHP), is-sistemi intelliġenti tal-ġestjoni tal-bini u l-magni għall-iskambju tas-sħana.

L-ajruporti għandhom jitħeġġu sabiex jużaw sorsi ta' l-enerġija minn riżorsi rinnovabbli.

Għandu jitħeġġeġ l-użu ta' vetturi favur l-ambjent fis-servizzi ta' l-ajruporti fejn hemm konċentrazzjonijiet kbar ta' attività tal-vetturi tas-servizzi assoċjati ma' turnarounds (wasla u tluq sussegwenti) ta' l-ajruplani. L-ajruporti jistgħu jħeġġu wkoll l-użu ta' vetturi favur l-ambjent mill-passiġġieri billi jżommu rati differenti u billi jkollhom postijiet preferenzjali għall-parkeġġ.

L-ajruporti għandhom jitħeġġu sabiex inaqqsu kemm jista' jkun l-iskart fl-ajruporti billi jipprovdu faċilitajiet imtejba għar-riċiklaġġ. L-identifikazzjoni ta' l-iskart iġġenerat għal kull passiġġier bħala indikatur ambjentali tkun utli.

Għandhom jitnaqqsu l-impatti assoċjati ma' l-ivvjaġġar bil-karozza lejn l-ajruporti billi jiġu provduti alternattivi sostenibbli għat-trasport għall-passiġġieri u l-istaff. Eżempji jinkludu l-konnessjonijiet tal-ferroviji, il-konnessjonijiet bil-karozza tal-linja, l-użu konġunt tal-karozzi u l-inizjattivi għaċ-ċikliżmu.

Kull fejn huwa possibbli, l-ajruporti għandhom jitħeġġu sabiex itejbu l-proċeduri għall-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru fil-viċinanza ta' l-arjuport sabiex jitnaqqas l-ammont ta' ħruq ta' karburant.

Fejn huwa possibbli, muturi awżiljarji m'għandhomx jitħallew mixgħulin ma' l-art. L-elettriku fiss ta' ma' l-art u l-arja pre-kondizzjonata għandha tkun disponibbli mill-bini tat-terminal.

Għandu jiġi skoraġġit l-użu ta' magni qodma ta' trasportaturi ta' l-ajru, li m'humiex effiċjenti fl-użu tal-karburant, billi jiżdiedu n-nollijiet adattati għall-wasla u t-tluq għal dawk it-trasportaturi ta' l-ajru permezz ta' nollijiet differenzjali.

L-użu tat-trasportaturi ta' l-ajru iktar storbjużi għandu jiġi skoraġġit permezz ta' l-adozzjoni ta' skemi ta' klassifika għall-istorbju u skemi relatati għall-kwoti ta' l-istorbju fl-ajruporti.

It-tnaqqis ta' l-emissjonijiet b'approċċ ta' sistemi — filwaqt li s-sigurtà tinżamm bħala prijorità ewlenija, wara li jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha, inkluż id-disinn tal-qafas u l-magna u l-operat, il-kumpensi, il-karburanti alternattivi, is-servizzi fuq l-art, il-kapaċità ta' l-ajruport u l-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru.

L-Approċċ ta' Nżul Kontinwu (Continuous Descent Approach — CDA) li permezz tiegħu t-trasportatur jibda nieżel b'mod kostanti f'altitudni ogħla, jersaq lejn l-art b'mod stabbli, għall-kuntrarju ta' approċċ ta' biċċa biċċa (staggered) li jeħtieġ li t-trasportatur itir f'pożizzjoni orizzontali għal perijodi itwal u b'hekk jeħtieġ imbottatura ikbar sabiex iżomm veloċità kostanti u konsegwentement juża iktar karburant. Dan l-inżul kontinwu jfisser li t-trasportatur jinżel b'veloċità iktar effiċjenti, u b'hekk jitnaqqas il-ħruq tal-karburant. L-impatt ta' dan l-approċċ fuq il-kwalità ta' l-arja probabbli jkun fiż-żona ta' bejn 15 u 20 mil mill-mitjar.

L-ajruplani ta' l-iskrejjen turbo għandhom jintużaw għall-vjaġġi kollha ta' inqas minn 500 km u fejn ir-rotot jifilħu għal inqas minn 70 passiġġier għal kull settur u l-permessi tar-rotta (range permits).

It-tnaqqis tal-konsum tal-karburant billi jintfew 1-2 magni meta l-ajruplan ikun miexi lejn u mir-runway.

2.   Daħla

2.1

L-avjazzjoni hija kontributur sinifikanti għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Bħalissa, l-emissjonijiet jgħoddu għal madwar 3 % (1) ta' l-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b'effett ta' serra, u mill-1990 żdiedu b'87 %. It-tkabbir rapidu fl-avjazzjoni jikkuntrasta mas-suċċess ta' ħafna setturi oħrajn ta' l-ekonomija fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet. Sa l-2012 jekk ma titteħidx azzjoni, iż-żieda fl-emissjonijiet minn titjiriet mill-ajruporti ta' l-UE tkun ikkanċellat iktar minn kwart tat-8 % tat-tnaqqis fl-emissjonijiet li l-UE-15 trid tikseb sabiex tilħaq il-mira tagħha ta' Kyoto. Sa l-2020, l-emissjonijiet ta' l-avjazzjoni għandhom imnejn jiżdiedu b'iktar minn darbtejn il-livelli attwali.

2.2

L-avjazzjoni tistimola l-ekonomija, il-kummerċ u t-turiżmu, tiġġenera l-opportunitajiet għall-intrapriżi u ttejjeb il-potenzjal għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni żviluppati kif ukoll f'dawk li għadhom qed jiżviluppaw.

2.3

L-avjazzjoni tittrasporta 2 biljuni passiġġieri fis-sena u 40 % tal-prodotti interreġjonali esportati (skond il-valur). 40 % tat-turisti internazzjonali jivvjaġġjaw bl-ajru. L-avjazzjoni tiġġenera 29 miljun impjieg madwar id-dinja. L-impatt globali ekonomiku tagħha huwa stmat għal madwar USD 2 960 biljuni, ekwivalenti għal 8 % tal-PGD dinji.

2.4

L-ajruport għandu jkun parti integrali ta' l-infrastruttura lokali, u jaqdi rwol ewlieni fil-protezzjoni ta' l-ambjent fil-lokal.

2.5

L-effiċjenza u l-utilizzazzjoni massima ta' l-infrastruttura ta' l-ajruporti tiddependi ħafna mill-kontroll tat-traffiku ta' l-ajru. L-introduzzjoni u l-enfasi fuq proċeduri effiċjenti għall-kontroll tat-traffiku kemm fl-ajruport kif ukoll fil-viċinanza tiegħu tista' tillimita l-ammont ta' karburant li jinħela fil-punt tat-tluq, fil-wasla u meta l-ajruplan ikun miexi ma' l-art fl-ajruport.

2.6

Bosta ajruporti bħal Gatwick, Paris Orly, Milan Linate, eċċ, diġà għandhom nuqqas ta' kapaċità serju. Sa l-2010, ikunu żdiedu ma' din il-lista madwar 15-il ajruport. L-Awtorità Ingliża għall-Avjazzjoni Ċivili, fost oħrajn, tikkunsidra li l-islots għandhom jingħataw b'irkant imbagħad isir skambju f'suq sekondarju trasparenti sabiex titħeġġeġ l-utilizzazzjoni aħjar ta' riżors skars.

2.7

Jista' jsir użu iktar effiċjenti ta' l-infrastruttura ta' l-ajruport u l-faċilitajiet relatati ta' ma' l-art billi jintużaw trasportaturi ta' l-ajru ikbar fejn dan ikun fattibbli. Minkejja li ħafna titjiriet ikunu mimlija, l-għadd medju ta' passiġġieri fuq kull trasportatur li juża ħafna ajruporti, huwa biss 68. It-trasportaturi huma żgħar wisq, u hemm ftit inċentiv sabiex il-linji ta' l-ajru jdaħħlu trasportaturi ikbar u iktar moderni, billi l-ajruporti ma jistgħux ikollhom prezz li jħeġġeġ dan it-tip ta' effiċjenza. Għandu jkun hemm taħlita ta' mekkaniżmi tas-suq u regoli ta' l-effiċjenza, b'tali mod li t-trasportaturi jkollhom jużaw il-gates tat-tluq minn ta' l-inqas darba fis-siegħa jiddependi mit-tip ta' trasportatur li qed jintuża, jew li dawn isiru disponibbli għal trasportatur ieħor, sabiex is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar.

2.8

Il-proposta tal-Kummissjoni (SESAR) għat-twaqqif ta' sema wieħed miftuħ għall-Ewropa li jgħaqqad l-arranġamenti individwali għall-kontroll tat-traffiku ta' l-ajru ta' bħalissa toffri l-potenzjal għal żieda kbira fl-effiċjenza fl-użu ta' l-ispazju ta' l-ajru fuq l-approċċ u t-tluq u b'hekk jitnaqqas l-istacking u ż-żamma (holding) ma' l-art, jiġifieri l-ħin ta' stennija għall-wasla u l-islots tat-tluq rispettivament. (IATA, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, tbassar li 12 % ta' l-emissjonijiet globali ta' CO2 mill-ajruplani jistgħu jiġu ffrankati jekk is-sistemi tal-kontroll tat-traffiku ta' l-ajru jkunu iktar effiċjenti). Il-Kumitat iħeġġeġ lil kull min huwa kkonċernat sabiex isir progress rapidu fin-negozjati għat-twaqqif ta' din is-sistema l-ġdida, u biex din ma tixxekkilx permezz ta' tattiki ta' dewmien minn interessi settorjali.

3.   L-avjazzjoni — sors ta' storbju u emissjonijiet

3.1

L-impatt ambjentali ta' l-avjazzjoni huwa stmat li jikkontribwixxi għal madwar 2 % ta' l-emissjonijiet globali ta' gass b'effett serra u jista' jirdoppja sa l-2050.

3.2

Tul dawn l-aħħar snin, l-industrija ta' l-avjazzjoni għaddiet lill-maġġoranza tas-setturi l-oħra ta' l-industrija fit-tnaqqis ta' l-istorbju u l-emissjonijiet għal kull unità ta' produzzjoni. L-effiċjenza fl-użu tal-karburant bħalissa qed tittejjeb b'madwar 1-2 % fis-sena, u l-emissjonijiet jgħoddu għal 2 % tal-volum globali. It-tkabbir ta' l-avjazzjoni jipproduċi 5 % fis-sena, filwaqt li l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija twassal għall-iffrankar ta' inqas minn 1,5 %. Madankollu, l-avjazzjoni hija mistennija tikber ħafna iktar malajr minn dan, għalhekk it-titjib teknoloġiku waħdu mhux ser ikun biżżejjed biex isolvi l-problema.

4.   L-istorbju u l-kwalità ta' l-arja fl-inħawi ta' l-ajruporti

4.1

L-industrija ta' l-avjazzjoni impenjat ruħha sabiex timplimenta l-approċċ bilanċjat għall-ġestjoni ta' l-istorbju ta' l-ICAO (International Civil Aviation Organisation), li jimmira li jtaffi l-esponiment tal-Komunità bl-iktar mod ekonomiku.

4.2

It-tnaqqis ta' l-istorbju mis-sors permezz tal-progress teknoloġiku huwa essenzjali f'dan ir-rigward, u sar titjib konsiderevoli tul dawn l-aħħar għexieren ta' snin u huwa maħsub li għad isir iktar progress fil-ħmistax-il sena li ġejjin. Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Direttiva (2) li tistabbilixxi l-prinċipji għall-ġestjoni ta' l-istorbju tat-trasportaturi u introduċiet restrizzjonijiet għall-operat, inkluż dispożizzjonijiet għat-tneħħija ta' l-iktar trasportatur storbjuż fil-Kapitlu 3, fl-ajruporti tal-KE. Ir-riżultat ta' din id-direttiva issa għandu jiġi rivedut.

4.3

L-ajruporti u l-provvedituri tas-servizz tan-navigazzjoni fl-ajru huma impenjati sabiex jimplimentaw l-approċċ ta' l-inżul kontinwu u proċeduri oħra għal livell baxx ta' storbju kull fejn huwa xieraq, filwaqt li jħarsu l-kapaċità tar-runway. Dan ġie identifikat bħala qasam prinċipali għat-titjib fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' CO2 fl-ajruporti u l-inħawi tagħhom.

4.4

Il-gvernijiet għandhom jassiguraw l-ippjanar u l-ġestjoni ta' l-użu ta' l-artijiet fl-inħawi ta' l-ajruporti b'mod preventiv;

4.5

It-tħassib dwar il-kwalità ta' l-arja lokali jeħtieġ azzjoni komprensiva li timmira lejn is-sorsi kollha ta' l-emissjonijiet fl-ajru u ma' l-art, inklużi l-attivitajiet — bħall-industrija u t-traffiku tat-triq li ma jistgħux jiġu attribwiti għat-trasport bl-ajru, iżda huma prodotti sekondarji tas-servizz ta' l-ajruport. Il-konnessjoni ta' l-ajruporti man-netwerks tal-ferroviji għandha titħeġġeġ għax b'hekk jiġu stabbiliti l-għażliet tat-trasport għat-twassil sa l-ajruport li jkunu sostenibbli mil-lat ta' l-ambjent. F'dan ir-rigward in-netwerks imtejba għall-karozzi tal-linja u l-ferroviji huma fattur prinċipali wkoll. L-ajruporti jistgħu jħeġġu wkoll l-użu ta' vetturi favur l-ambjent billi jżommu rati differenti u billi jkollhom postijiet preferenzjali għall-parkeġġ. Il-vetturi tas-servizz ta' l-ajruporti, talinqas, għandhom jitħaddmu b'sorsi ta' l-enerġija iktar nodfa bħall-gass u l-elettriku. Għadd ta' tipi ta' vetturi bħalissa jużaw il-batteriji u dan l-użu għandu jinfirex iktar fejn huwa fattibbli għall-ħtiġijiet operattivi speċifiċi. It-trasport tal-persunal minn u sa l-ajruport jista' jiġġenera vjaġġar sinifikanti bil-karozza u għaldaqstant għandhom jitqiesu għażliet alternattivi bħall-karozzi tal-linja għall-persunal, l-użu konġunt tal-karozzi, it-tendenzi ta' xiftijiet li jevitaw il-ħinijiet ta' konġestjoni u, jekk ikun fattibbli, iċ-ċikliżmu għall-persunal ta' l-ajruport.

4.6

Il-progress teknoloġiku tista' tgħid elimina kważi għal kollox id-duħħan viżibbli u l-idrokarburanti, filwaqt li l-ossidji tat-nitroġenu mill-magni ta' l-ajruplani tnaqqsu b'mod progressiv b'50 % tul dawn l-aħħar 15-il sena. Hemm mira ta' tnaqqis addizzjonali ta' 80 % fin-nitroġenu sa l-2020 għat-teknoloġija ġdida tal-magni.

4.7

Qegħdin jiġu żviluppati sistemi taċ-ċelloli tal-fjuwil. Dawn jistgħu jissostitwixxu l-unitajiet awżiljarji ta' l-elettriku (Auxiliary Power Units — APU) u b'hekk inaqqsu l-emissjonijiet sa 75 % għal kull unità.

4.8

L-ajruporti u l-linji ta' l-ajru huma impenjati sabiex jużaw vetturi u tgħammir tas-servizz ta' ma' l-art li jkunu iktar effiċjenti, filwaqt li jagħmlu pressjoni fuq il-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali sabiex jipprovdu aċċess tal-wiċċ ta' l-ajruporti li jkun iktar nadif — bħall-ferroviji ta' fuq u taħt l-art.

4.9

Tradizzjonalment, it-trasportaturi ta' l-ajru jħaddmu waħda mill-magni tagħhom meta jkunu pparkjati ma' l-art sabiex jgħaddu l-elettriku għall-ajruplan.

5.   Il-kontribut ta' l-avjazzjoni għall-bidla fil-klima

5.1

L-avjazzjoni tgħodd għal madwar 2-4 % ta' l-emissjonijiet Ewropej ta' CO2 mill-użu tal-karburanti fossili. Din tista' tilħaq madwar 5 % jew iktar sa l-2050 skond tbassir tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (International Panel on Climate Change — IPCC). Ta' min jinnota wkoll li ż-żieda fl-emissjonijiet ta' l-avjazzjoni, sa l-2012 tista' tikkumpensa għal iktar minn kwart tal-kontribut ambjentali ta' l-UE li jkun sar skond il-Protokoll ta' Kyoto. Jidher diffiċli li jintlaħaq ftehim internazzjonali iżda d-Direttiva proposta hija intiża sabiex tipprovdi mudell għal azzjoni fil-livell globali u hija l-unika inizjattiva li toffri din il-possibbilità.

5.2

80 % ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ta' l-avjazzjoni huma relatati mat-titjiriet tal-passiġġieri li jaqbżu l-1 500 km/900 mil li m'hemmx alternattiva għalihom.

5.3

L-avjazzjoni tinsab impenjata sabiex tesplora b'mod attiv l-introduzzjoni progressiva ta' karburanti alternattivi bħall-bijomassa għal-likwidu (BTL) sabiex jitnaqqsu iktar l-emissjonijiet ta' CO2.

5.4

Il-progress teknoloġiku, it-titjib fl-infrastruttura u l-prattiki tajba tat-tħaddim fl-ajruporti bħalissa huma meqjusin bħala l-iktar mod ekonomiku u effiċjenti għall-indirizzar tat-tħassib dwar il-bidla fil-klima, apparti mill-miżuri tas-suq.

5.5

L-ajruporti jeħtieġu standards internazzjonali u politiki globali, mhux bil-qatra l-qatra jew b'soluzzjonijiet mingħajr viżjoni.

5.6

Id-disinn ta' l-ajruport jista' jaqdi rwol pożittiv fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet, partikularment fid-disinn mill-ġdid tat-taxiways u l-mollijiet sabiex titnaqqas il-konġestjoni fil-mitjar. Id-disinn tal-bini tat-terminal għandu: inaqqas kemm jista' jkun il-ħtiġijiet ta' l-enerġija fir-rigward tat-tisħin u l-arja kondizzjonata, jikkunsidra l-użu ta' panels li jużaw l-enerġija tax-xemx fejn huwa fattibbli, u jagħmel l-iktar użu possibbli tad-dawl naturali u l-qligħ mill-użu tax-xemx, l-użu tas-sistemi konġunti għas-sħana u l-elettriku (CCHP) u s-sistemi għat-trasferiment tas-sħana, l-inkorporazzjoni tal-ħsad ta' l-ilma tax-xita fid-disinni tal-bini li jintużaw fit-tojlits, il-ħasil ta' l-ajruplani eċċ. It-temperaturi fil-bini tat-terminals għandhom ikunu kontrollati b'mod effettiv, sabiex titnaqqas il-ħala ta' l-enerġija fit-tisħin żejjed jew it-tkessiħ żejjed.

5.7

Il-ġestjoni tat-tħaddim ta' l-ajruport għandha timmira lejn it-tnaqqis ta' l-iskart iġġenerat għal kull passiġġier li jgħaddi mill-ajruport, billi jintużaw inizjattivi mtejba għar-riċiklaġġ kemm li jaqgħu direttament fil-kontroll ta' l-ajruport kif ukoll permezz ta' l-inkorporazzjoni fil-Ftehimiet ta' Livell ta' Servizz (Service Level Agreements) mal-linji ta' l-ajru u ma' msieħba prinċipali oħrajn.

5.8

Din id-Direttiva, li ddaħħal lill-avjazzjoni fil-kompitu ta' l-Iskema Ewropea għall-Iskambju ta' Kwoti ta' l-Emissjonijiet (ETS) (3) tista' żżid il-kuxjenza pubblika b'mod pożittiv, toffri riżorsi ġodda għat-tnaqqis tal-karbonju u tipprovdi miżura ta' internalizzazzjoni ta' dawn l-ispejjeż ambjentali esterni li l-industrija ta' l-avjazzjoni s'issa rnexxielha tinjora. Fil-kuntest tal-livell u l-volatilità tal-prezzijiet tal-karbonju ma tantx hemm ċans li jkollha impatt sinifikattiv fuq it-tkabbir jiżdied tat-traffiku fl-ajru u l-emissjonijiet.

6.   Konklużjonijiet — il-passi li jmiss

6.1

L-indirizzar ta' l-impatt ambjentali ta' l-ajruporti b'mod proattiv, f'waqtu u ekonomiku jeħtieġ il-kooperazzjoni sħiħa u l-ftehim tal-korpi internazzjonali, il-gvernijiet u l-partijiet interessati fl-industrija.

6.2

It-tnaqqis ta' l-emissjonijiet b'approċċ ta' sistemi — filwaqt li s-sigurtà tinżamm bħala prijorità ewlenija — wara li jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha, inkluż id-disinn tal-qafas u l-magna u l-operati, il-kumpensi, il-karburanti alternattivi, is-servizzi ma' l-art, il-kapaċità ta' l-ajruport u l-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru.

6.3

Il-konsolidazzjoni ta' miri għall-ajruporti fuq perijodu fit-tul, li tkun ibbażata fuq data affidabbli u li tista' tiġi vverifikata, hija prijorità urġenti. L-aspetti kollha tal-proċess ta' l-ajruport (it-traffiku bl-ajru, il-bini, l-aċċess għall-wiċċ eċċ.) għandhom jiġu inkorporati f'dawn il-miri.

6.4

Il-ħolqien ta' infrastruttura ġdida ta' l-ajruport sabiex jitnaqqas il-ħruq tal-karburant qabel il-punt tat-tluq u wara l-inżul għandu jkun kriterju ewlieni fid-disinn ta' l-ajruporti tal-ġejjieni. Għandha ssir iktar riċerka dwar l-inizjattivi bħall-provvista ta' holding grids fl-ajruporti ikbar u, fejn ikun fattibbli, dwar liema ajruplani kummerċjali jistgħu jkunu rmonkati — bil-magni mitfija qabel il-punt tat-tluq, u jixegħlu l-magni 10 minuti biss qabel ma jtiru.

6.5

Għandha tingħata prijorità lill-approċċ ta' nżul kontinwu, li permezz tiegħu l-ajruplan jibda nieżel f'altitudni ogħla, jersaq lejn l-art b'mod stabbli, għall-kuntrarju ta' approċċ ta' biċċa biċċa (staggered) li jaħraq karburant eċċessiv. Dan l-inżul kontinwu jfisser li t-trasportatur jinżel b'veloċità iktar effiċjenti, u b'hekk jitnaqqas il-ħruq tal-karburant.

Brussell, it-13 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara: http://ec.europa.eu/environment/climat/aviation_en.htm

(2)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew 2002/30/KE u tal-Kunsill tas-26 ta' Marzu 2002 dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet ta' operat relatati mal-ħoss f'ajruporti tal-Komunità (Test rilevanti għall-EEA) ĠU L 85, 28.3.2002, p. 40-46.

(3)  COM(2006) 818 finali — 2006/0304 (COD) u l-opinjoni tal-Kumitat ĠU C 175, 27.7.2007, p. 5.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni tal-KE għat-trasport marittimu (Opinjoni Addizzjonali)

(2008/C 204/11)

Nhar l-20 ta' Novembru 2007, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' Artikolu 29 A tad-dispożizzjoni implimentattiva tar-Regoli ta' Proċedura, li jħejji opinjoni addizzjonali dwar

Linji Gwida dwar l-applikazzjoni ta' Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE għas-servizzi tat-trasport marittimu

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kienet Dr Bredima.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar it-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'117 vot favur, u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li l-parti l-kbira ta' l-istruttura u l-formulazzjoni attwali ta' l-abbozz tal-Linji Gwida jistgħu jiġu approvati. Madankollu, jinnota d-differenza fid-dettalji bejn il-kapitli dwar it-trasport bil-baħar u t-tbaħħir mingħajr korsa regolari (il-flotot miġmuma). Is-sezzjoni dwar skambji ta' l-informazzjoni fil-kapitlu dwar it-trasport bil-baħar huwa dettaljat mhux ħażin u jidher li hu relattivament ta' għajnuna f'dik li hi deskrizzjoni u interpretazzjoni tal-każistika rilevanti u l-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq is-suġġett. B'mod ġenerali, l-abbozz tal-Linji Gwida għas-servizzi tat-trasport bil-baħar huma bbażati fuq każistika eżistenti u diskussjonijiet twal u bir-reqqa ma' l-industrija. Min-naħa l-oħra, is-sezzjonijiet dwar it-tbaħħir mingħajr korsa regolari in ġenerali u partikolarment dwar il-flotot tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari huma inqas dettaljati. Il-KESE jissoponi li dan in-nuqqas ta' dettal huwa x'aktarx riżultat tan-nuqqas ta' każistika u b'hekk ta' esperjenza ta' l-awtoritajiet (kompetittivi) rilevanti, inkluża l-Kummissjoni Ewropea, rigward it-tbaħħir mingħajr korsa regolari, peress li s'issa qatt ma saru ilmenti formali minn noliġġaturi.

1.2

Il-KESE jtenni t-talbiet tiegħu f'Opinjonijiet ta' qabel (2004, 2006, 2007) biex l-UE tibda konsultazzjonijiet siewja ma' ġurisdizzjonijiet oħrajn bl-għan li tiddetermina l-kompattibilità bejn reġimi eżistenti li jiggvernaw il-kummerċ tat-trasport bil-baħar madwar id-dinja. Barra minn hekk, il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu fl-istess Opinjonijiet, li l-Kummissjoni Ewropea għandha wkoll tqis l-aspett tar-riżorsi umani (pereżempju, l-impatt fuq l-impjieg tal-baħħara Ewropej) — flimkien ma' fatturi purament kompetittivi — meta qed tittratta ma' regoli ta' kompetizzjoni dwar it-trasport marittimu.

1.3

Il-KESE jissuġġerixxi li jintużaw eżempji indikattivi biex jiġi speċifikat il-kontenut ta' (l-abbozz ta') Linji Gwida għat-trasport bil-baħar, partikolarment fejn id-data titqies “storika”.

1.4

Peress li s-sezzjonijiet li jittrattaw it-tbaħħir mingħajr korsa regolari u l-flotot miġmuma tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari huma anqas dettaljati minħabba r-raġunijiet li ġew preżunti hawn fuq, il-KESE jsaqsi jekk dawn hux ser ikunu biżżejjed biex jipprovdu l-operaturi tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari l-gwida meħtieġa biex jagħmlu awto-evalwazzjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni li huma nvoluti fih. Huwa possibbli tinħtieġ aktar ċarezza dwar ċerti sezzjonijiet ta' l-abbozz tal-Linji Gwida li jittrattaw it-tbaħħir mingħajr korsa regolari (il-flotot miġmuma). Bl-istess mod, ta' min wieħed jikkunsidra estensjoni tar-Regolament tal-Konsorzja, li bħalissa hu speċifikament limitat għall-kummerċ bil-kontejners, biex ikopri aspetti oħra rilevanti tas-suq marittimu globali wkoll.

1.5

Il-KESE jsostni li l-flotot miġmuma ma jikkostitwux il-maġġoranza tas-swieq tat-tbaħħir mingħajr korsa regoalari. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tas-servizzi tal-vapuri tal-merkanzija mingħjar rotta regolari huma operati minn ħafna kumpaniji żgħar jew ta' daqs medju li jikkompetu ma' xulxin għall-merkanzija. Għal din ir-raġuni, il-KESE jidhirlu li fil-Linji Gwida tinħtieġ ċarezza li tagħraf dan il-punt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea missha wkoll tat aktar gwida dwar l-applikazzjoni tar-regola de minimis għal ġemgħat ta' flotot li huma żgħar wisq biex ikollhom effet konsiderevoli fuq is-swieq tagħhom.

1.6

Huwa diżappuntanti li l-gwida mgħotija dwar il-flotot miġmuma tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari ma tweġibx kompletament il-mistoqsijiet li qed joħolqu inċertezza u anke tħassib għall-operaturi tal-flotot miġmuma tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari. Il-KESE jaqbel mal-perċezzjoni li tista' toħroġ mill-abbozz tal-Linji Gwida li l-flotot miġmuma tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari fil-fatt ma jmorrux kontra l-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE imma jħeġġeġ il-Kummissjoni Ewropea biex tagħti gwida aktar speċifika fil-verżjoni finali tal-Linji Gwida f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni ta' Artikolu 81(3) għall-flotot miġmuma tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari biex dawn jiġu pprovduti bl-għodda meħtieġa biex jagħmlu awto-evalwazzjoni.

1.7

Ta' min jinnota li l-abbozz tal-Linji Gwida ma jgħidux x'ifissru b'“tbaħħir mingħajr korsa regolari” u b'hekk mhux ċar jekk japplikawx ukoll għat-trasport marittimu tal-passiġġieri jew/u għat-tbaħħir speċjalizzat. Forsi għandha tiġi kkunsidrata kjarifika dwar dan il-punt ukoll.

1.8

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kapitlu dwar it-tbaħħir mingħajr korsa regolari, il-KESE jissuġġerixxi li l-Linji Gwida jikkjarifikaw, li l-attivitajiet ta' aġent marittimu f'dak li hu pprezzar, mhux bil-fors li huma differenti mill-attivitajiet tal-maniġer tal-flotta. Is-swieq tat-tbaħħir mingħajr flotta regolari, inlużi dawk li fihom joperaw il-flotot miġmuma tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari, huma swieq ta' l-offerti, jiġifieri l-prezzijiet huma determinati bejn il-partijiet li jinnegozjawhom u huma bbażati fuq il-provvista u d-domanda. B'hekk, is-sempliċi fatt li maniġer tal-flotta miġmuma jaqbel ma' noliġġatur fuq prezz għall-użu ta' vapur tal-flotta ma jikkostitwix “l-iffissar tal-prezzijiet” bħala restrizzjoni qawwija.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fit-13 ta' Settembru 2007 l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-abbozz tant mistenni tagħha tal-Linji Gwida dwar l-applikazzkoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE għas-servizzi tat-trasport marittimu. Il-Linji Gwida japplikaw għall-ftehim ta' kooperazzjoni fis-setturi tas-servizzi tat-trasport marittimu li huma affetwati direttament mill-bidliet li ġab ir-Regolament (KE) Nru 1419/2006 li japplika għas-servizzi ta' kabotaġġ, trasport bil-baħar u tbaħħir mingħajr korsa regolari. Huma għandhom l-għan li jipprovdu gwida biex jgħinu l-kumpaniji tat-tbaħħir jagħmlu awto-evalwazzjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni li huma nvoluti fih, jiġifieri għandhom jippermettu l-kumpaniji rilevanti jiddeterminaw jekk il-ftehim ta' kooperazzjoni tagħhom huwiex kumpatibbli ma' Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE. Il-Linji Gwida ser ikunu validi għal perjodu inizzjali ta' ħames snin.

2.2

L-abbozz tal-Linji Gwida b'mod partikolari jimmira biex jitfa' dawl fuq il-kundizzjonijiet li taħthom l-operaturi tal-linji jistgħu legalment jaqsmu informazzjoni bejniethom dwar il-merkanzija u li taħthom l-operaturi tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari jistgħu jidħlu fi ftehim dwar kif jinġemgħu l-flotot. Għal dan il-għan, qed jiġi ppreżentat sett ta' parametri kumpless. Madankollu, il-veru valur miżjud tal-Linji Gwida (l-abbozz) fil-prattika ser ikollu jiġi evalwat fil-futur, pereżempju, il-Linji Gwida (l-abbozz) ser jipprovdi l-gwida meħtieġa għall-operaturi biex jiddeterminaw il-legalità tal-kondotta li beħsiebhom jieħdu fis-suq?

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

Is-Servizzi tat-Trasport bil-Baħar

3.1

L-abbozz tal-Linji Gwida li jittrattaw it-trasport bil-baħar — barra milli jikkonferma dak li hu diġà magħruf jiġifieri li konferenzi tal-linji dwar kummerċ lejn u mill-UE ser jitneħħew mit-18 ta' Ottubru 2008 — jindirizza mezzi permessi ta' qsim ta' informazzjoni dwar is-suq bejn operaturi tal-linji. Għalkemm ċerti dettalji jista' jkollhom bżonn ta' rfinar, l-abbozz tal-Linji Gwida x'aktarx ser jipprovdi l-industrija tat-trasport bil-baħar bit-tip ta' skambju ta' informazzjoni li teħtieġ biex taħdem sew.

3.2

Mit-18 ta' Ottubru 2008, is-servizzi operattivi tat-trasportaturi bil-baħar minn u/jew lejn port fl-UE jridu jwaqqfu kull attività ta' konferenzi ta' linji li taħdem kontra l-kompetizzjoni, irrispettivament minn jekk attivitajiet bħal dawn humiex permessi minn ġurisdizzjonijiet oħrajn madwar id-dinja. Il-KESE jsostni li ser ikun diffiċli għat-trasportaturi li joperaw globalment li jiżguraw li attivitajiet ta' konferenza ta' linji li huma illegali fl-UE ma jaffetwawx lis-suq ta' l-UE b'mod konsiderevoli.

3.3

Fir-rigward tat-trasport bil-baħar, l-attenzjoni tinsab fuq sistemi ta' skambju ta' informazzjoni. Kumpaniji tal-linji ngħataw ftit libertà fl-iskambju ta' l-informazzjoni. Elementi importanti jinkludu l-istruttura tas-suq, it-tip ta' informazzjoni maqsuma, kemm hi qadima u l-frekwenza ta' l-iskambju ta' informazzjoni. Il-punt fokali huwa l-iskambju ta' informazzjoni futura, prinċipalment tbassir tal-kapaċità u l-indiċi tal-prezzijiet. Jidher li prima facie t-tbassir tal-kapaċità dejjem huwa probabbli li jkun illegali. Il-KESE jagħraf li l-effetti ta' l-iskambju ta' informazzjoni jridu jitqiesu skond il-każ.

3.4

F'dawk li huma indiċi tal-prezz, indiċi tal-prezz aggregat x'aktarx jikser il-liġi, sakemm l-informazzjoni ma tistax tkun separata biex l-impriżi jidentifikaw, direttament jew indirettament, l-istrateġiji kompetittivi tal-kompetituri tagħhom. Il-livell ta' aggregazzjoni, in-“natura riċenti” jew “storika” tad-data u l-frekwenza tal-pubblikazzjoni għandha tiġi evalwata, imma l-abbozz tal-Linji Gwida ma jgħidux speċifikament kemm għandha tingħata importanza lil dawn il-fatturi.

3.5

Fir-rigward tas-servizzi tat-trasport bil-baħar, il-Linji Gwida ma joffru l-ebda element li huwa ġenwinament ġdid, imma donnhom itennu l-kriterji ġenerali li ġew żviluppati qabel mill-Kummissjoni Ewropea u l-Qrati Ewropej.

3.6

Il-KESE jtenni t-talbiet tiegħu f'Opinjonijiet relatati ta' qabel (1) biex l-UE tibda konsultazzjonijiet siewja ma' ġurisdizzjonijiet oħrajn bl-għan li tiddetermina l-kumpattibilità bejn reġimi eżistenti li jiggvernaw il-kummerċ dinji tat-trasport bil-baħar. Barra minn hekk, il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu fl-istess Opinjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea għandha wkoll tqis l-aspett tar-riżorsi umani (pereżempju, l-impatt fuq l-impjieg tal-baħħara Ewropej) — flimkien ma' fatturi purament kompetittivi — meta qed tittratta ma' regoli ta' kompetizzjoni dwar it-trasport marittimu.

Servizzi tat-Tbaħħir Mingħajr Korsa Regolari

3.7

Servizzi tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari huma globali u kompetittivi ħafna u jissodisfaw ħafna mill-karatteristiċi tal-mudell tal-kompetizzjoni perfett. Il-kumdità hija omoġenja u l-ispejjeż tad-dħul ġeneralment huma baxxi ħafna. Ħafna kumpaniji jikkompetu għan-negozju, b'sostituzzjoni bejn id-daqsijiet u t-tipi differenti tal-bastimenti skond iċ-ċirkostanzi tas-suq. Il-flussi ta' informazzjoni ukoll jagħmlu s-suq trasparenti ħafna. In-negozju jsir l-aktar fuq bażi ta' noleġġi ta' vjaġġi, noleġġi ta' vjaġġi konsekuttivi, kuntratti ta' noleġġ jew noleġġi ta' żmien. Ir-rati tat-trasport tal-merkanzija li jistgħu jintlaħqu f'dawn is-swieq huma ferm instabbli, skond iċ-ċirkostanzi tas-suq. Finalment, is-swieq tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari huma kapaċi jirrispondu minnufih għall-iżviluppi fis-suq u l-ħtiġijiet tat-trasportaturi (2).

3.8

Flotot miġmuma tat-tbaħħir (shipping pools) joperaw f'kull settur tan-negozju tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari. Pool (flotta miġmuma) hi ġabra ta' bastimenti simili, ta' sjieda differenti, li joperaw taħt amministrazzjoni waħda. Il-maniġer tal-pool imexxi l-bastimenti bħala unità ta' flotta waħda u koeżiva, jiġbor il-qligħ tagħhom u jqassmu skond sistema ta' gradi miftehma minn qabel, filwaqt li s-sid individwali jkollu jmexxi biss l-operazzjoni nawtika/teknika tal-vapur. Ġeneralment il-pools jiġu żviluppati għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, jitwaqqfu biex jippermettu lill-parteċipanti jipprovdu l-livelli ta' servizz li l-klijenti kbar tagħhom qed jitolbu dejjem aktar. It-tieni, jimmiraw li jtejbu l-effiċjenza tat-trasport b'investiment speċjali u aktar użu tal-vapuri. Il-flotot miġmuma (pools) joperaw f'ambjent ta' provvista u domanda fejn il-kuntratti jiġu konklużi fuq bażi ta' offerti, ir-rati jitmexxew l-aktar minn suq attwali, ix-xerrejja huma kbar u sofistikati u l-aġenti joffru viżibbiltà mhux tas-soltu tat-tunnellaġġ u l-kundizzjonijiet f'kwalunkwèżmien.

3.9

Il-KESE jsostni li l-flotot miġmuma tat-tbaħħir ma jikkostitwux il-maġġoranza tas-swieq tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tas-servizzi ta' vapuri ta' merkanzija mingħajr korsa regolari huma operati minn kumpaniji żgħar jew ta' daqs medju li jikkompetu bejniethom għall-merkanzija. Għal din ir-raġuni, il-KESE jsostni li fil-Linji Gwida tinħtieġ kjarifika speċifika li tirrikonoxxi dan il-punt.

3.10

Il-KESE tinnota li s-servizzi ta' vapuri ta' merkanzija mingħajr korsa regolari kif ukoll il-flotot miġmuma tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari dejjem kienu soġġetti għal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE, jiġifieri ħafna qabel l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1419/2006 li jagħti l-poteri ta' applikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, fir-rigward ta' dawn is-servizzi. Madankollu, matul dan il-perjodu ma saru l-ebda ilmenti formali minn noleġġaturi fir-rigward ta' dan is-settur u ma kienx hemm ġurisprudenza. Il-KESE taħseb li huwa n-nuqqas ta' ġurisprudenza u b'hekk ta' esperjenza ta' l-awtoritajiet rilevanti (tal-kompetizzjoni), inkluża l-Kummissjoni Ewropea, li jispjega għalfejn is-sezzjonijiet ta' l-abbozz tal-Linji Gwida li jittrattaw it-tbaħħir mingħajr korsa regolari (il-flotot miġmuma) huma anqas dettaljati minn dawk fuq it-trasport bil-baħar. Ta' min jikkunsidra ukoll li l-abbozz tal-Linji Gwida ma jfissirx x'irid jgħid b' “tbaħħir mingħajr korsa regolari” u għalhekk mhux ċar jekk japplikax ukoll għat-trasport marittimu tal-passiġġieri u/jew għat-tbaħħir speċjalizzat. Forsi ta' min tiġi kkunsidrata kjarifika ta' dan il-punt.

3.11

L-abbozz tal-Linji Gwida ma jagħtix biżżejjed kas ta' l-ispeċifitajiet tas-settur tat-tbaħħir mingħajr korsa regolari u jidher li jsegwi Linji Gwida mhux speċifiċi għas-settur dwar il-Kooperazzjoni Orizzontali. Il-flotot miġmuma ser ikollhom jikkonformaw ma' l-istess Linji Gwida applikati għal setturi ta' l-industrija oħrajn biex jiżguraw li ma jwaqqfux il-kompetizzjoni ħielsa jew jaħdmu bħal kartell.

3.12

L-abbozz tal-Linji Gwida huwa pjuttost ġenerali u ma jipprovdix ċertezza legali preċiża. Ma jgħidx b'mod espliċitu li l-flotot miġmuma m'humiex kompattibli mal-liġi tal-kompetizzjoni ta' l-UE imma ma jagħtix gwida dwar meta ma jkunux kompatibbli.

3.13

L-aktar sezzjoni kruċjali ta' l-abbozz tal-Linji Gwida hija dik dedikata għall-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-flotot miġmuma. Il-punt tat-tluq hu l-iskoperta li l-flotot ġeneralment jinvolvu marketing komuni u livelli differenti ta' aspetti ta' produzzjoni konġunti.

3.14

Fir-rigward tas-suq rilevanti, il-KESE jsostni li l-Linji Gwida għandhom jagħtu aktar każ tal-fatt li hemm element sostanzjali ta' sostitwibbiltà jew tibdil reċiproku fit-tbaħħir mingħajr korsa regolari kemm fid-domanda u kemm fil-provvista, (pereżempju f'dak li hu t-tip ta' bastiment, id-daqs tal-bastiment, it-tip ta' kuntratti ta' trasportazzjoni u s-suq ġeografiku). Barra minn hekk, jekk flotta trid tagħmel awto-evalwazzjoni, l-ishma tas-suq ma jistgħux jiġu definiti għal kull kuntratt imma jridu jiġu evalwati fuq perjodu ta' żmien.

3.15

Il-KESE jemmen li titjib ser ikun neċessarju fir-rigward tar-rilevanza u d-definizzjonijiet ta' ishma tas-suq li jgawdu l-flotot miġmuma u s-“sostituzzjoni” bejn il-kummerċ u t-tipi ta' vapuri. Jagħraf li ma tingħata l-ebda gwida prattika dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti. Madankollu, l-ishma tas-suq jistgħu jkunu pjuttost differenti skond il-metodoloġija użata.

3.16

Fl-evalwazzjoni tal-ftehim tal-flotot miġmuma tal-bastimenti mingħajr korsa regolari fil-kuntest ta' Artikolu 81, għandu jkun enfasizzat li l-maniġer tal-flotta jmexxi l-flotta miġmuma kemm f'termini operattivi kif ukoll kummerċjali u b'hekk joffri prodott konġunt permezz ta' entità miġmuma waħdanija. L-offerti ta' bastimenti fis-suq huma de facto anċillari għall-kompitu tal-maniġer tal-flotta miġmuma li jmexxi s-servizz offrut. Sidien individwali, min-naħa tagħhom, iġorru r-responsabbiltà għall-operazzjoni purament nawtika/teknika tal-bastimenti. Il-flotot miġmuma jipprovdu servizz “maħluq” b'mod konġunt li huwa r-riżultat ta' livell konsiderevoli ta' integrazzjoni fl-attivitajiet tal-partijiet (3). B'hekk, ftehim tal-flotot miġmuma għandhom jiġu evalwati ndaqs ma' forom oħrajn ta' produzzjoni konġunta jew ftehim speċjalizzat.

3.17

Il-KESE jsostni li kull referenza għal iffissar tal-prezzijiet bħala karatteristika ta' ishma tal-flotta konġunta (u b'hekk bħala restrizzjoni qawwija tal-kompettizzjoni) ma tistax tiġi sostnuta fil-Linji Gwida fuq il-bażi li l-ftehim tal-prezz bejn il-maniġer tal-flotta miġmuma u l-konsumatur huwa parti integrali tas-servizz offrut u huwa r-riżultat ta' negozjati dwar il-prezz għall-użu ta' bastiment tal-flotta fi proċess ta' offerti.

3.18

Il-KESE jemmen li, meta tikkunsidra l-għan tal-ftehim tal-flotot miġmuma u l-karatteristiċi fundamentali tagħhom, l-erba' kundizzjonijiet li jinsabu f'artikolu 81(3)EC jeżentaw il-flotot miġmuma. Il-fatt li l-flotot miġmuma twaqqfu biex jirrispondu għall-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tan-noleġġaturi u operaw mingħajr ilmenti għal għexieren ta' snin jappoġja din il-fehma.

3.19

Il-KESE jittama li l-Kummissjoni Ewropea tibqa' dejjem tirrevedi l-Linji Gwida fid-dawl ta' l-esperjenza u, jekk jinħtieġ, tipprovdi gwida supplimentari jew ta' kjarifika kif u meta tkun disponibbli mingħajr ma tistenna li jgħaddi l-perjodu ta' ħames snin.

3.20

Il-Kummissjoni għandha, kemm hu possibbli, tibda tirrevedi l-iskop ta' l-eżenzjoni ġenerali tal-konsorzji tal-linji u f'din l-okkażjoni teżamina l-ħtieġa li tkopri wkoll partijiet rilevanti oħrajn tas-suq tat-tbaħħir dinji, partikolarment dak il-kummerċ mingħajr korsa regolari li jopera fuq bażi regolari fuq rotot regolari, karatteristika ta' bosta kummerċi speċjalizzati (pereżempju bastimenti konvenzjonali reefer, negozji ta' l-injam u trasportaturi speċjalizzati tal-karozzi u ro-ros).

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 256, 27.10.2007, pġ. 62-65; ĠU C 309, 27.10.2006, pġ. 46-50; ĠU C 157, 27.10.2005, pġ. 130-136;

(2)  Rapport Fearnleys, “L-Analiżi Legali u Ekonomika tas-Servizzi Marittimi tat-Tbaħħir Mingħajr Korsa Regolari”, Frar 2007, p. 14-31. http://ec.europa.eu/comm/competition/antitrust/legislation/maritime/tramp_report.pdf

(3)  Rapport Fearnley (2007): l-awturi ta' dan ir-rapport waslu għall-istess konklużjoni.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tan-navigabilità għall-bastimenti fil-kanali interni (Verżjoni kodifikata)

COM(2008) 37 finali — 2007/0021 (COD)

(2008/C 204/12)

Nhar it-13 ta' Frar 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tan-navigabilità għall-bastimenti fil-kanali interni (Verżjoni kodifikata)

Il-Kumitat, billi jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u jħoss li m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu tat-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), b'121 vot favur u 6 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-ippakkjar tas-sustanzi u t-taħlitiet, u li jemenda d-Direttiva 67/548/KEE u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006

COM(2007) 355 finali — 2007/0121 COD

(2008/C 204/13)

Nhar it-13 ta' Lulju 2007, il-Kunsill iddeċieda b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-ippakkjar tas-sustanzi u t-taħlitiet, u li jemenda d-Direttiva 67/548/KEE u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006

“Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent”, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur David Sears.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni li b'124 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Sommarju u rakkomondazzjonijiet

1.1

In-Nazzjonijiet Uniti (NU), f'isem il-pajjiżi membri tagħha, ipproponiet mudell għas-“sistema armonizzata globalment” (GHS) għall-kriterji u l-proċessi li jintużaw fil-“klassifikazzjoni, l-ippakkjar u l-ittikkettar tal-kimiċi”. Din hija maħsuba biex tappoġġja l-kummerċ dinji u tkun ta' għajnuna għall-ekonomiji anqas żviluppati fl-isforzi tagħhom għall-ħarsien tas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema u l-konsumaturi.

1.2

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ dan il-għan ta' armonizzazzjoni globali, il-forma u l-bażi legali tal-leġislazzjoni ta' implimentazzjoni li qed tipproponi l-Kummissjoni, u l-iskeda proposta għall-implimentazzjoni mill-produtturi u l-fornituri li taħbat ma' l-ewwel skadenza ewlenija għar-reġistrazzjoni ta' “sustanzi” skond ir-Regolament (KE) 1907/2006 (REACH).

1.3

Il-KESE jaqbel ukoll ma' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li, għalkemm il-bidliet fis-sistema li ġiet żviluppata fl-UE matul l-aħħar 40 sena huma inevitabbli u għandhom appoġġ kbir, il-benefiċċji immedjati fl-UE x'aktarx ma jkunux daqshekk sinifikanti u l-ispejjeż jistgħu jkunu għolja. Il-KESE, għalhekk, huwa tal-fehma li fl-istima ta' l-impatt oriġinali kellha tingħata attenzjoni akbar għal dawn iċ-ċirkostanzi mhux tas-soltu. Fin-nuqqas ta' xi benefiċċju globali sinifikanti, kull żieda jew emenda mal-leġislazzjoni attwali li ma tkunx essenzjali b'mod assolut għall-implimentazzjoni tal-proposta tan-NU tinħtieġ ġustifikazzjoni separata dwar is-saħħa, is-sikurezza jew l-ekonomija. Fuq kollox, għandu jsir kull sforz sabiex jiġi żgurat li l-istandards eżistenti ma jkunux kompromessi matul il-perijodu ta' transizzjoni, li ser ikun twil żgur, bejn dawn iż-żewġ sistemi fil-biċċa l-kbira ekwivalenti. L-edukazzjoni fil-punt tax-xiri ser tkun ħtieġa ewlenija.

1.4

Il-KESE jemmen ukoll li, minħabba li hemm skeda ta' żmien stretta ħafna, u minħabba li l-ispejjeż tal-bidu għandhom ikunu limitati, il-proposta u l-applikazzjoni immedjata tagħha jistgħu jkunu flessibbli. Kellhom jgħaddu ħafna snin biex tiġi żviluppata s-sistema attwali sal-punt li tkun qed tipproteġi kif jixraq is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u l-konsumaturi fl-UE kollha, u x'aktarx dan ikun il-każ ukoll fl-iżvilupp tas-sistema l-ġdida armonizzata globalment. Madankollu, il-punt importanti huwa li jiġu allokati riżorsi suffiċjenti għal perijodu twil ta' żmien kemm fin-NU kif ukoll fil-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-proċess ta' armonizzazzjoni jissokta — u li eventwalment dan il-proċess jiġi applikat għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar attwali ta' prodotti kummerċjalizzati ħafna, u ma jillimitax ruħu għall-kriterji li huma bbażati fuqhom dawn il-klassifikazzjonijiet.

1.5

Il-KESE jinnota, bi tħassib, it-tul ta' din il-proposta, fiha nnifisha u flimkien ma' proposti reċenti bħar-REACH, il-ħafna biċċiet l-oħra ta' leġislazzjoni ta' l-UE li dawn it-tnejn jinteraġixxu magħhom, u l-volum dejjem jikber ta' noti ta' gwida li llum jitqiesu meħtieġa. Jinħtieġapproċċ ġdid jekk ma rridux li l-industrija Ewropea (biex ma nsemmux il-proċessi ta' monitoraġġ jew ta' emendi tal-leġislazzjoni) issofri ħsarat li ma jissewwewx. Fi ftit kliem, m'huwiex raġonevoli li wieħed jassumi li kulħadd, mill-proprjetarju ta' l-iżgħar SME sal-gruppi l-kbar ta' uffiċjali responsabbli f'awtorità kompetenti fil-livell nazzjonali, ikollu jirreferi bilfors perjodikament għal aktar minn 20 000 paġna ta' dokumentazzjoni interkonnessa dwar dawn is-suġġetti biss. Trid tinstab proċedura aħjar.

1.6

Taħt l-istess punt, il-KESE jiddispjaċih għan-nuqqas ta' definizzjonijiet ewlenin u, b'mod partikolari, għall-bidla mill-użu tal-kelma “preparazzjonijiet”, li għandha tifsira tossikoloġika speċifika, għal “taħlitiet” li m'għandhiex. In-nuqqas kontinwu ta' definizzjoni ta' l-UE għall-kelma “kimiċi”, kemm bħala nom kif ukoll bħala aġġettiv, ikompli jqajjem konfużjoni għall-ħaddiema, il-konsumaturi, il-maniġers u l-leġislaturi. Il-kontenut ta' din il-proposta għandu jkun newtrali u konsenswali. Hi toffri opportunità tad-deheb sabiex jiġu kkoreġuti l-iżbalji fid-dettalji kif diġà qed jiġri fl-appendiċi tekniċi. Għandu jitħejja minnufih sett ta' standards għad-definizzjonijiet li jkunu japplikaw għal-leġislazzjoni relatata kollha. Maż-żmien dan ikun jista' jiżviluppa fi glossarju tal-kliem prinċipali bil-lingwi kollha li jidentifika dawk il-kelmiet bl-istess tifsira (kif jista' jkun il-każ ta' “kimika”, “sustanza kimika” u “sustanza”) u dawk li jew għandhom tifsira differenti jew m'humiex relatati (per eżempju, “oġġett” u “prodott”). B'xi lingwi għandhom jiġu identifikati u evitati wkoll il-konfużjonijiet u l-assoċjazzjonijiet kulturali mal-kelmiet “sustanzi” (li jistgħu jinftiehmu bħala droga, alkoħol jew tabakk) u “kimiċi” (li jistgħu jinftiehmu bħala referenza għal attavitajiet illegali jew terroristiċi).

1.7

Il-KESE jinnota wkoll il-periklu doppju ta' klassifikazzjoni żejda u ta' ittikkettar żejjed li maż-żmien inaqqsu l-impatt tat-twissijiet li huma assolutament essenzjali, u tal-fiduċja fuq it-tikketti bħala l-uniku sors ta' informazzjoni kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-konsumaturi. Bla dubju ta' xejn l-informazzjoni ewlenija trid tkun inkluża, iżda l-informazzjoni dwar sorsi oħra li jistgħu jinkisbu faċilment hija importanti wkoll. L-użu dejjem jiżdied ta' xiri bl-internet u riċerka online kemm dwar il-benefiċċji kif ukoll dwar ir-riskji ta' prodotti speċifiċi jindika l-ħtieġa ta' aktar xogħol f'dan il-lat. Il-listi twal ta' ismijiet standardizzati u li m'humiex familjari ta' komponenti ta' taħlitiet komplessi m'humiex l-aħjar mod biex jaqdu l-bżonnijiet tas-servizzi ta' emerġenza u taċ-ċentri kontra l-veleni. L-indikazzjonijiet ta' trattament ġenerali dwar il-perikli u s-sikurezza, flimkien ma' data ta' kuntatt dwar ċentri għall-pariri 24 siegħa kuljum, joffru l-aħjar protezzjoni għal kull min ikun affettwat. F'ċirkustanzi speċifiċi, fejn hija involuta l-formulazzjoni ta' teknoloġija ta' ditta partikolari, b'dan l-approċċ il-produttur huwa wkoll protett, bħal fil-leġislazzjoni preżenti.

1.8

Il-KESE jinnota li ma ġiet proposta l-ebda tikketta għall-kwantitajiet, li ta' spiss ikunu żgħar ħafna, li jiġu ttrasferiti bejn il-laboratorji għal skopijiet ta' studju akkademiku jew riċerka u żvilupp ta' l-intrapriżi. Din tista' tiżdied mingħajr diffikultà mal-firxa ta' tikketti proposti min-NU, u għandha tkun preferuta mill-eżenzjoni proposta attwalment li hija ferm restrittiva, sproporzjonata u għalja.

1.9

Fl-aħħarnett, il-KESE jinnota li ser ikun hemm dejjem aktar bżonn li tiġi riveduta l-kwalità tad-data wżata kif ukoll tad-deċiżjonijiet li jkunu ittieħdu taħt ġurisdizzjonijiet differenti madwar id-dinja kollha. Il-pressjoni għal qbil bejn ir-riżultati tal-klassifikazzjoni, u mhux sempliċement bejn il-kriterji u l-proċessi li jwasslu għalihom, żgur li ser tkompli teżisti. Il-ħtiġijiet u l-benefiċċji dinjija ta' miżura bħal din jinftiehmu aktar faċilment.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din il-proposta hija mfassla biex il-leġislazzjoni attwali ta' l-UE issir konformi ma' mudell tan-NU miftiehem reċentement għas-“sistema armonizzata globalment” tal-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-ippakkjar ta' materja prima, prodotti intermedji u lesti li huma definiti bħala “perikolużi” jew “ta' ħsara” u deskritti b'mod differenti bħala “kimiċi”, “sustanzi”, “taħlitiet” jew “preparazzjonijiet”. Il-leġislazzjoni Ewropea ta' l-1967 ser tiġi sostitwita. Ħafna direttivi u regolamenti oħra, inkluż ir-Regolament (KE) 1907/2006 (REACH), li qed jiġu implimentati bħalissa, ser ikollhom bżonn jiġu emendati. Huwa maħsub li l-effetti fl-UE fuq perijodu ta' żmien itwal ser ikunu pożittivi jekk ikunu limitati l-ispejjeż u jitwettqu xi benefiċċji pjuttost żgħar. B'mod ġenerali l-proposta għandha tiffaċilita l-kummerċ dinji filwaqt li żżomm standards għoljin ta' ħarsien għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

2.2

Id-Direttiva dwar is-Sustanzi Perikolużi 67/548/KEE li tfasslet 40 sena ilu trid tiġi sostitwita. Din titqies, b'mod ġenerali, bħala l-ewwel biċċa leġislazzjoni panEwropea dwar il-“kimiċi” li għandha l-għan, b'mod partikolari, li tipproteġi s-sikurezza tal-ħaddiema. Din l-emenda, il-ħafna direttivi li jemendawha u l-adattamenti tagħha għall-progress tekniku issa joffru lill-produtturi u lill-kummerċjanti, lill-ħaddiema, lid-distributuri u lill-konsumaturi, fl-UE u barra minnha, sistema armonizzata għall-klassifikazzjoni ta' sustanzi perikolużi bl-użu ta' testijiet speċifiċi li jkun sar qbil fuqhom kontra l-punti terminali (end points) u l-kriterji ta' periklu; għall-ittikkettar adattat tagħhom permezz ta' sett limitat ta' pittogrammi u għażla ta' frażijiet standardizzati biex jiġu identifikati r-riskji possibbli u biex jiġu rakkomandati proċeduri għall-immaniġġar mingħajr periklu; u għall-ippakkjar tagħhom biex ikunu protetti l-utenti regolari u l-gruppi vulnerabbli, b'mod partikolari, it-tfal żgħar.

2.3

Wieħed u għoxrin sena wara l-adozzjoni tad-Direttiva 67/548/KEE, id-Direttiva 88/379/KEE dwar Preparazzjonijiet Perikolużi estendiet il-proċess minn “sustanzi” (lista relattivament limitata ta' “elementi u l-komposti tagħhom”) għal lista teorikament infinita ta' “preparazzjonijiet” (“taħlitiet ta' żewġ sustanzi jew aktar”). Fid-dawl tal-fatt li l-ittestjar fuq l-annimal fuq skala bħal din ma kienx mixtieq jew kien impossibbli, id-Direttiva introduċiet fil-liġijiet Ewropej, għall-ewwel darba, relazzjoni teoretika bejn il-perikli magħrufa jew li jistgħu jkunu determinati tas-sustanzi komponenti u l-aktar l-periklu probabbli tat-taħlita eventwali. B'hekk il-preparazzjoni tista' tiġi kklassifikata, ittikkettata u ppakkjata mingħajr il-bżonn ta' aktar testijiet.

2.4

Minħabba li l-maġġoranza l-kbira tal-prodotti mibjugħin lill-konsumaturi huma tabilħaqq “preparazzjonijiet” (jew saħansitra “oġġetti”), dan kien pass importanti biex tiġi żgurata s-sikurezza ta' prodotti li għalihom ma kienx hemm direttivi aktar speċifiċi u restrittivi, per eżempju dawk applikabbli għall-bejgħ ta' pestiċidi, deterġenti jew kosmetiċi. Id-Direttiva ta' l-1988 ġiet emendata b'mod sinifikanti fl-1999 bid-Direttiva 1999/45/KE.

2.5

Id-direttivi ta' hawn fuq, flimkien mad-Direttiva 91/155/KEE dwar Karti bid-Data tas-Sikurezza li tappoġġjahom u li ġiet ukoll emendata sussegwentement, ipprovdew, għal ħafna snin, il-bażi tal-protezzjoni għal-ħaddiema u l-konsumaturi fl-UE kollha. Huma marbuta sew ma' prattikament il-leġislazzjoni l-oħra kollha ta' l-UE li għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza u l-ambjent; dawn id-direttivi jipprovdu wkoll informazzjoni għal din il-leġislazzjoni ta' l-UE. Jinħtieġuaġġornamenti kostanti biex jirriflettu l-bidliet fl-iskop, fit-teknoloġija tal-produzzjoni l-metodi ta' l-ittestjar, fid-disponibilità tal-prodotti u l-użu possibbli, u biex jirriflettu wkoll l-aħħar għarfien xjentifiku dwar il-konsegwenzi ta' dawn kollha u tal-modi biex jitnaqqsu l-effetti kollha mhux mixtieqa.

2.6

Huwa daqstant ieħor importanti li dawn id-direttivi “isegwu l-għanijiet tas-suq intern” billi jippruvaw jistabbilixxu Suq Uniku fl-UE għad-diversi prodotti koperti. Il-prodotti, kemm jekk huma materja prima, prodotti naturali jew sintetiċi, prodotti intermedji jew flussi ta' skart, prodotti lesti jew oġġetti, jistgħu jiġu impurtati b'sikurezza lejn l-Istati Membri, u jista' jsir il-kummerċ tagħhom fl-Istati Membri u bejniethom, sakemm ikunu konformi ma' din il-leġislazzjoni ta' l-UE u ma' partijiet rilevanti oħra tagħha.

2.7

Fl-2001, il-Kummissjoni Ewropea nediet White Paper bit-titolu “Strateġija għall-futur għall-Politika tal-Kimiċi”. Din laħqet il-quċċata tagħha meta ġie adottat ir-Regolament (KE) 1907/2006, magħruf ukoll bħala REACH, dwar “ir-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' kimiċi”. Id-Direttiva 2006/121/KE ta' miegħu, li ġiet ippubblikata u sar qbil fuqha fl-istess żmien, ipprovdiet iżjed emendi għad-Direttiva 67/548/KEE biex iż-żewġ Direttivi jkunu konformi ma' xulxin. Dan il-proċess x'aktarx ser ikompli hekk kif tkun disponibbli aktar data jew malli jinbidlu l-ħtiġijiet leġislattivi.

2.8

Dan kollu jaffettwa u jirreferi għall-manifattura, id-distribuzzjoni u l-marketing ta' prodotti speċifiċi fl-UE u għall-kummerċ bejn l-UE u l-imsieħba tagħha fl-importazzjoni u l-esportazzjoni. Inevitabbilment, ġew żviluppati sistemi simili iżda mhux identiċi matul l-istess perijodu ta' żmien f'għadd ta' ekonomiji oħra mad-dinja kollha li magħhom l-UE tagħmel kummerċ b'mod regolari, permezz tal-bosta intrapriżi kbar, medji u żgħar stabbiliti fil-limiti tagħha jew barra mill-fruntieri tagħha.

2.9

Għadd ta' pajjiżi oħra, ġeneralment b'ekonomiji u/jew strutturi leġislattivi inqas żviluppati, irrikonoxxew il-bżonn ta' sistema bħal din għall-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-ippakkjar ta' “sustanzi perikolużi” iżda qed jistennew li jintlaħaq ftehim dwar mudell rikonoxxut globalment biex jimplimentawh fuq livell lokali.

2.10

Meta għarfet, fil-bidu tad-disgħinijiet, li dawn is-sistemi nazzjonali jew reġjonali żviluppati lokalment, għalkemm essenzjali għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza u l-ambjent, setgħu wkoll ixekklu l-kummerċ dinji, in-Nazzjonijiet Uniti ppruvat tiżviluppa proposta għal Sistema Armonizzata Globalment (GHS) tal-“klassifikazzjoni, l-ippakkjar u l-ittikkettar ta' kimiċi u għall-provvista ta' karti bid-data tas-sikurezza”. Mudelli ta' din l-armonizzazzjoni kienu diġà jeżistu fis-settur tat-trasport, b'mod partikolari għal perikli fiżiċi u għal tossiċità akuta.

2.11

L-approvazzjoni biex jiġi żviluppat dan l-approċċ usa' ngħatat fil-Kapitolu 19 ta' l-Aġenda 21 adottata fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED) fl-1992. Il-kontribut tekniku ikun jista' jinġabar mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u mis-Sotto-Kumitat ta' Esperti dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perkolużi tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCETDG).

2.12

Wara kważi għaxar snin xogħol, rappreżentanti minn madwar 160 Stat Membru tan-NU, li taw il-kontribut tagħhom, waslu għal ftehim dwar il-kontenut tekniku tal-GHS il-ġdida f'Diċembru ta' l-2002. Is-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD), li sar f'Johannesburg f'Settembru ta' l-istess sena, ħeġġeġ lill-pajjiżi firmatarji tiegħu “biex jimplimentaw il-GHS malajr kemm jista' jkun bl-iskop li s-sistema titħaddem kompletament sa l-2008”. Il-GHS tan-NU, li issa inkludiet l-2008 bħala data maħsuba għall-implimentazzjoni tagħha, ġiet adottata f'Lulju ta' l-2003 mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU. Dawn il-ftehimiet iffirmawhom ir-rappreżentanti kollha tas-27 Stat Membru ta' l-UE wara t-tkabbir.

2.13

Fl-2004 ġew adottati numru ta' emendi għall-proposta oriġinali tan-NU u dawn ġew inklużi fir-rakkomandazzjonijiet għal “sistema armonizzata globalment tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta' kimiċi (GHS)” li ġiet ippubblikata min-NU fl-2005. Dan id-dokument ta' 540 paġna, u r-reviżjonijiet sussegwenti tiegħu, sar magħruf bħala l-“Purple Book” (Ktieb Vjola), mill-kulur li ntuża għall-qoxra stampata tiegħu. Id-dettalji dwar il-progress li għamlu 65 pajjiż, inklużi 27 mill-UE, lejn il-mira ta' l-2008 jinsabu fuq is-sit elettroniku rilevanti tan-NU.

2.14

Sar ftehim dwar emendi tekniċi oħra min-NU fl-2006 u dawn ġew inklużi f'edizzjoni riveduta tal-Purple Book ippubblikata fl-2007. Il-proposti jinkludu, b'mod inevitabbli għal proċess estiż u kumpless bħal dak ta' l-armonizzazzjoni globali tas-sistemi eżistenti, taħlita ta' kriterji qodma u ġodda għall-ittestjar, u punti terminali, pittogrammi, frażijiet approvati, u disinji tat-tikketti. Ġiet introdott approċċ modulari li bis-saħħa tiegħu l-opinjonijiet differenti jistgħu jikkoeżistu u jista' jintlaħaq ftehim bejn il-pajjiżi li jkunu qegħdin jipparteċipaw (għalkemm l-użu eċċessiv ta' dan jelimina naturalment ħafna mill-benefiċċji maħsuba).

2.15

Madankollu, il-mudell propost min-NU m'għandux is-saħħa legali neċessarja u dawk il-pajjiżi li jixtiequ jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għandhom bżonn jimplimentaw leġislazzjoni ġdida. Għall-Istati Membri ta' l-UE, hemm bżonn ta' proposta mill-Kummissjoni biex dan iseħħ.

2.16

Fl-2004, il-Kummissjoni bdiet taħdem fuq proposta ta' implimentazzjoni billi ppubblikat l-ewwel abbozz għal sistema ta' l-UE konformi mal-GHS fl-2006. Saru stimi ta' l-impatt u dawn ġew ippubblikati matul l-istess perijodu. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati fuq l-internet fit-tielet kwart ta' l-2006, flimkien mat-tħassib li esprimew is-Servizzi Legali tal-Kummissjoni, wassal għal abbozzar maġġuri mill-ġdid tal-proposta oriġinali. Fl-aħħar intlaħaq ftehim u l-proposta ġiet ippubblikata f'Ġunju ta' l-2007. Diġà bdew ir-reviżjonijiet tekniċi fil-grupp ta' ħidma relattiv tal-Kunsill. Bħal dejjem, wieħed jistenna l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), u tal-Kumitat tar-Reġjuni.

2.17

Teżisti xewqa ġenerali li r-reviżjonijiet attwali la jirritardjaw u lanqas ma jemendaw b'mod sinifikanti l-proposti ta' armonizzazzjoni. B'mod ġenerali, il-benefiċċji jitqiesu li huma mifruxin relatati primarjament mas-suq dinji, u jonqsu jekk l-armonizzazzjoni ma titwettaqx. L-ispejjeż fl-UE (jew għal dawk li jagħmlu l-kummerċ ma' l-UE) jiżdiedu ħafna jekk l-iskeda ta' żmien tkun differenti minn dik miftiehma diġà għar-REACH. Il-benefiċċji kollha għas-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent jinħassu l-aktar barra l-UE, f'pajjiżi li attwalment m'għandhomx sistemi effettivi tagħhom stess.

2.18

L-implimentazzjoni tal-GHS ser tħalli impatt fuq il-leġislazzjoni ta' l-UE dwar it-trasport u fuq serje ta' liġijiet downstream ta' l-UE li huma relatati u li jaffettwaw il-prodotti tal-konsum, l-immaniġġar ta' kimiċi għal użi partikolari, il-kontroll ta' kimiċi perikolużi jew ta' ħsara, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, l-iskart u l-prodotti fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Fis-snin li ġejjin ser jiġu introdotti proposti oħrajn li jkopru dawn il-kwistjonijiet fejn ikun meħtieġ. Il-lista sħiħa ta' liġijiet li x'aktarx ser ikunu affettwati ġiet ippubblikata mis-Servizzi tal-Kummissjoni f'Awissu ta' l-2006. L-emendi tar-Regolament (KE) 1907/2006 (REACH) huma inklużi fil-proposta attwali.

3.   Sommarju tal-Proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta hija mqassma fi tliet “Volumi” u 7 “Annessi”. Fil-verżjoni Ingliża b'kollox hemm ftit aktar minn 2 100 paġna. Għalkemm l-elementi ewlenin tal-proposta jinsabu kollha fl-64 paġna ta' l-ewwel Volum, li hu relattivament qasir; il-materjal ġdid jew l-interpretazzjonijiet ġodda jew riveduti tal-materjal il-qadim jinsabu fid-dokument kollu. Għalhekk il-proposta trid tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha bħala biċċa leġislazzjoni primarja essenzjali, nazzjonali u ta' l-UE, li taffettwa lir-regolaturi, lill-produtturi, lill-fornituri, lid-distributuri, lill-kummerċjanti, lill-ħaddiema u lill-konsumaturi fl-UE u barra minnha.

3.2

It-tieni Volum, li jinkludi l-Anness I, jagħti l-klassifikazzjoni dettaljata u r-rekwiżiti għall-ittikkettar għas-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi (154 paġna).

3.3

It-tielet Volum, li jinkludi l-Annessi minn II sa VII, jipprovdi serje ta' regoli speċjali għal ċerti sustanzi u taħlitiet; listi ta' dikjarazzjonijiet ġodda ta' periklu u ta' prekawzjoni; pittogrammi li jindikaw il-periklu ġodda; klassifikazzjoni u ttikkettar dettaljati u armonizzati għal ċerti sustanzi perikolużi; u tabella ta' traduzzjoni maħsuba biex tgħin lill-utenti billi turi l-bidliet mir-rekwiżiti dwar il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar skond id-Direttiva 67/548/KEE għar-rekwiżiti l-ġodda u d-dikjarazzjonijiet ta' periklu tar-Regolament propost (430 paġna). Id-“Dikjarazzjoni Leġislattiva Finanzjarja” għall-proposta fit-totalità tagħha, li hija neċessarja għall-evalwazzjoni xierqa tal-proposta iżda li ftit għandha valur jew interess fuq perijodu twil ta' żmien bħala leġislazzjoni primarja, hija inkluża, jew forsi midfuna, fl-aħħar ta' dan il-Volum.

3.4

Il-Volumi IIIa u IIIb jinkludu t-Tabelli 3.1 u 3.2 bħala komponenti ta' l-Anness VI, kif indikat fit-tielet Volum hawn fuq. Dawn flimkien jispjegaw il-bidla mid-Direttiva attwali 67/548/KEE għall-qafas regolatorju l-ġdid ta' l-Anness 1 — kważi 1 500 paġna ta' deċiżjonijiet dwar il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi speċifiċi akkumulati matul aktar minn 40 sena ta' evalwazzjoni ta' prodotti fl-UE.

3.5

L-istima ta' l-impatt tal-Kummissjoni, li trid tinqara flimkien mal-materjal ta' hawn fuq, hija bbażata fuq rapporti ppreparati mill-konsulenti ta' RPA and London Economics u hija relattivament qasira (34 paġna).

3.6

Il-proposta hija ppreżentata bħala Regolament skond l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE biex “jiġi żgurat suq intern ġust għall-fornituri kollha tas-sustanzi u t-taħlitiet, kif ukoll livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa, sikurezza, ambjent u tal-konsumaturi”.

3.7

Il-proposta tirrikonoxxi li l-ambitu tal-leġislazzjoni attwali ta' l-UE u l-ambitu tal-GHS tan-NU m'humiex identiċi. It-tnejn huma differenti fid-dettall mir-regolamenti tat-trasport diġà armonizzati ħafna dwar il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar. Il-bidliet f'din il-proposta nżammu kemm jista' jkun limitati. F'ċerti każi ser jinħtieġu proposti oħra, b'mod partikolari matul il-fażijiet ta' implimentazzjoni tar-REACH.

3.8

Il-proposta tadotta xi termini u definizzjonijiet ġodda mill-GHS tan-NU, b'mod partikolari l-użu ta' “taħlita” minflok “preparazzjoni”.

3.9

Il-proposta tirrikonoxxi li kwalunkwe sistema ġdida ta' klassifikazzjoni tista' twassal għall-użu estensiv ta' annimali tal-laboratorju. Fejn ikun possibbli għandhom jintużaw metodi alternattivi. L-esperimenti fuq il-bnedmin u primati oħra għall-iskopijiet ta' din il-klassifikazzjoni jidher li huma projbiti b'mod espliċitu (jiddependi mid-distinzjoni legali u lingwistika li għadha m'hijiex solvuta fid-diversi lingwi uffiċjali ta' l-UE bejn “ma jistax” u “m'għandux”) fil-proposta tal-Kummissjoni (għalkemm dawn it-testijiet huma permessi fil-mudell GHS tan-NU).

3.10

Il-problemi assoċjati mal-klassifikazzjoni ta' “taħlitiet” huma magħrufa. “Prinċipji ta' tqarrib” huma pprovduti bl-iskop li jiffaċilitaw id-deduzzjonijiet ta' l-effetti minn prodotti li probabbilment ikollhom effetti simili.

3.11

Il-proposta toffri l-possibilità li jiġu pprovduti ismijiet komuni iqsar għal sustanzi waħedhom jew għal komponenti ta' taħlitiet jekk l-ismijiet formali kif definiti mill-Unjoni Internazzjonali tal-Kimika Pura u Applikata (IUPAC) jaqbżu l-100 karattru fit-tul. L-identifikaturi tal-prodott (numri u ismijiet) fornuti mis-Servizz ta' l-Astratti Kimiċi tas-Soċjetà Kimika Amerikana (CAS) ser jibqgħu jintużaw ukoll. Il-leġislazzjoni attwali żżomm l-użu kkontrollat ta' ismijiet ġeneriċi li jidentifikaw tajjeb il-periklu potenzjali mingħajr ma jpoġġu f'riskju l-proprjetà intellettwali assoċjata mal-kompożizzjoni preċiża ta' taħlita.

3.12

Il-perijodu neċessarju ta' transizzjoni bejn iż-żewġ sistemi huwa diskuss fid-dettall. Huwa magħruf biċ-ċar li l-kriterji l-ġodda jridu jiġu applikati l-ewwel għas-“sustanzi” u aktar tard għat-“taħlitiet”. Biex jiġu evitati piżijiet mingħajr bżonn fuq l-intrapriżi, ma jkun hemm l-ebda obbligu għal intrapriża li tirreklama jew li tittikketta mill-ġdid prodotti (kemm “sustanzi” u kemm “taħlitiet”) diġà fil-katina tal-forniment fil-mument li l-leġislazzjoni rilevanti tidħol fis-seħħ.

3.13

L-Istati Membri ser jintalbu jaħtru awtoritajiet għall-applikazzjoni u l-infurzar tar-Regolament — u jistabbilixxu “sanzjonijiet xierqa għan-nuqqas ta' konformità”. Ta' min jinnota li “koperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet kollha kompetenti hija essenzjali”.

3.14

Fil-prinċipju, ir-Regolament japplika għas-sustanzi u t-taħlitiet kollha, minbarra fejn leġislazzjoni Komunitarja oħra tistipula regoli aktar speċifiċi. Kosmetiċi, ingredjenti għat-togħma, addittivi għal ma' l-ikel, għalf ta' l-annimali u prodotti veterinarji, ċertu tagħmir mediku, prodotti li jaqgħu taħt ir-regoli relatati ma' l-avjazzjoni ċivili, it-trasport bit-triq jew bit-tren u l-munizzjonijiet (iżda mhux “prodotti splussivi fil-kummerċ għal effetti dekorattivi” jiġifieri logħob tan-nar) huma kollha esklużi mill-effetti ta' dan ir-Regolament.

3.15

L-iskart kif definit mid-Direttiva 2006/12/KE ma jistax, skond din il-proposta, jiġi klassifikat jew bħala “sustanza” jew bħala “taħlita” jew bħala “oġġett” kif definit minn dan ir-Regolament u għalhekk huwa eskluż mill-effetti tiegħu.

3.16

Madankollu, il-ligi huma definiti bħala “taħlitiet” konformi mal-punt 41 ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) u għalhekk huma inklużi f'dan ir-Regolament, għaliex preżumibbilment huma “taħlitiet” veri (iżda m'humiex, fi kwalunkwe sens utli, “preparazzjonijiet”) ta' sustanzi li jeżistu fin-natura bħalma huma l-metalli, il-minerali u l-estratti tal-pjanti.

3.17

Ir-rekwiżiti għall-ittikkettar inbidlu kemm bħala arranġament kif ukoll bħala kontenut mis-sistema attwali ta' l-UE. Xi pittogrammi eżistenti ġew sostitwiti; oħrajn żdiedu għall-ewwel darba. Il-frażijiet standardizzati attwali dwar “riskju” u “sikurezza” li kienu permessi ġew sostitwiti bi “kliem tas-sinjali” ġodda, “dikjarazzjonijiet ta' periklu” u “dikjarazzjonijiet ta' prekawzjoni”.

3.18

Il-kliem u d-dikjarazzjonijiet kollha approvati ta' hawn fuq huma definiti fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-UE u jridu jintużaw skond il-bżonn fuq kull tikketta, skond il-pajjiż fejn eventwalment il-prodott ikun għall-bejgħ. Jistgħu jintużaw għadd ta' lingwi, għalkemm l-ispazju disponibbli qiegħed isir dejjem aktar limitat. (F'ċerti każi speċjali jistgħu jinħtieġu iżjed traduzzjonijiet ta' tikketti u ta' dokumentazzjoni ta' appoġġ f'lingwi legalment neċessarji iżda mhux “uffiċjali” bħalma huwa l-Welsh, jew f'lingwi meħtieġa oħra, per eżempju r-Russu, it-Tork, l-Għarbi u l-Ħindi, biex ikunu sodisfatti l-ħtiġijiet ta' gruppi indiġeni jew immigranti speċifiċi).

3.19

Il-proposta tirrikonoxxi li l-proċess ta' klassifikazzjoni, u għalhekk ta' l-ittikkettar u ta' l-ippakkjar huwa wieħed li jrid jiġi aġġornat kontinwament fl-UE hekk kif ikun hemm disponibbli informazzjoni ġdida jew għarfien ġdid jew hekk kif jinbidlu l-metodi ta' testijiet jew in-neċessitajiet leġislattivi. It-tibdiliet li jeħtieġu azzjoni u l-proċeduri li jkunu jridu jiġu segwiti huma spjegati fit-test.

3.20

Huwa maħsub li r-Regolament jidħol fis-seħħ 20 ġurnata wara l-pubblikazzjoni eventwali tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali. Is-sustanzi għandhom jiġu kklassifikati, ittikkettati u ppakkjati skond il-leġislazzjoni eżistenti sa mhux aktar tard mill-1 ta' Diċembru 2010 (biex jaħbtu ma' l-iskadenzi tar-reġistrazzjoni tar-REACH). It-aħlitiet għandhom ikunu kklassifikati, ittikkettati u ppakkjati skond il-leġislazzjoni eżistenti sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2015. Minn dawn id-dati 'l quddiem tapplika biss il-leġislazzjoni l-ġdida.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

In-NU, li taġixxi f'isem il-pajjiżi membri tagħha kollha, ipproponiet mudell għal “sistema armonizzata globalment” għall-kriterji u l-proċessi tal-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u l-ittikkettar tas-“sustanzi kimiċi”. L-Istati Membri ta' l-UE qablu li l-mudell għandu jitwettaq, idealment, sa l-2008. Il-Kummissjoni pproponiet leġislazzjoni implimentattiva f'forma ta' Regolament li issa qed ikun diskuss.

4.2

Il-KESE jappoġġja b'mod qawwi l-għan ta' l-armonizzazzjoni globali, il-forma u l-bażi legali tal-leġislazzjoni proposta, u l-iskeda proposta biex l-implimentazzjoni isir fl-istess żmien ta' l-ewwel skadenza ewlenija għar-reġistrazzjoni tas-sustanzi skond ir-Regolament (KE) 1907/2006 (REACH).

4.3

Il-KESE jinnota wkoll li jrid ikun hemm flessibilità biex jitmexxew iż-żewġ sistemi b'mod parallel, b'mod partikolari għal “taħlitiet” li f'ħafna każi jkunu huma stess “taħlitiet” ta' “taħlitiet”, kull waħda b'tul ta' żmien li tulu tibqa' tajba għall-użu, li jista' jkun definit u kultant jista' jkun twil għadd ta' xhur jew anke snin. It-transizzjoni probabbilment ma sseħħx b'mod sħiħ fil-qafas taż-żmien propost — imma b'xorti tajba dan ma jfissirx li l-proċess mhux ser ikun effettiv. Fin-nuqqas ta' din il-flessibilità, l-ispejjeż biex jinbeda l-proċess ser jiżdiedu u l-benefiċċji fuq perijodu twil ta' żmien jistgħu ma jinkisbux.

4.4

Il-KESE jinnota wkoll u jaqbel mal-kummenti introduttorji ta' l-istima ta' l-impatt tal-Kummissjoni li “fil-medda twila ta' żmien, l-implimentazzjoni tal-GHS tidher utli billi … [l-i]ffrankar ta' l-ispejjeż relatati mal-kummerċ sejrin finalment jegħlbu l-ispejjeż ta' darba ta' l-implimentazzjoni” ... għalkemm ... “l-ispejjeż ta' l-implimentazzjoni għandhom jinżammu taħt kontroll biex jinkisbu benefiċċji netti fil-futur qrib ukoll u biex jiġu evitati spejjeż u piż amministrattiv żejjed għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju”.

4.5

Il-KESE jinnota wkoll il-fehmiet tal-Kummissjoni fid-Dikjarazzjoni Leġislattiva Finanzjarja tagħha dwar il-fatt li l-proposta leġislattiva għandha x'taqsam ma' l-implimentazzjoni ta' ftehima internazzjonali. Anke evalwazzjoni ex-ante negattiva ma twassalx biex il-Kummissjoni ma tressaqx proposta leġislattiva peress li ma jeżistux għażliet ta' politika oħra. Evalwazzjoni ex-post negattiva ma ġġegħilx lill-Kummissjoni biex tirtira mill-impenn tagħha li timplimenta s-sistema miftiehma fil-livell internazzjonali ta' klassifikazzjoni u ttikkettar.

4.6

Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni temmen li ma kellhiex għażla ħlief li tressaq il-proposta, ikun xi jkun il-bilanċ ikkalkulat jew attwali ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji eventwali. Il-KESE jaqbel li dan huwa realistiku fiċ-ċirkustanzi attwali imma jiddispjaċih li l-istima ta' l-impatt, anke jekk mhux kruċjali għat-tfassil tad-deċiżjoni, ma studjatx aktar l-ispejjeż potenzjali ta' l-implimentazzjoni bil-għan li dawn l-effetti jittaffew matul l-abbozzar. Il-fatt li l-istess konsulenti (RPA) ħejjew analiżi ddettaljata (u konfliġġenti) dwar settur wieħed biss li ser ikun affettwat (ċerti prodotti tal-konsum) jindika li dan seta' sar b'mod aktar wiesa' u żgur b'mod aktar effettiv kieku kien hemm il-fondi, il-ħin u r-rieda. Kif jiġri bil-proċessi kollha ta' armonizzazzjoni, il-perikli li l-ispejjeż joktru u l-benefiċċji jgħibu huma ovvji ħafna.

4.7

Huwa diffiċli, per eżempju, li wieħed jifhem x'benefiċċji jista' jkun hemm fl-aħħar mill-aħħar għas-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent fi ħdan l-UE bħala konsegwenza diretta ta' dan l-iskambju minn sistema li ilha mwaqqfa u tiffunzjona b'mod sħiħ għal sistema oħra valida daqsha imma li m'hijiex magħrufa. Fuq medda qasira ta' żmien, il-ħarsien tal-konsumaturi jista' anke jintlaqat ħażin minħabba li ż-żewġ sistemi jaħdmu b'mod parallel bi kliem, frażijiet u pittogrammi li huma differenti minn xulxin. Programm ikkordinat ta' edukazzjoni u taħriġ, iffokat fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut kapaċi jnaqqas xi ftit dan ir-riskju.

4.8

Hemm ukoll diffikultajiet kunċettwali biex wieħed jifhem kif il-benefiċċji għall-kummerċ dinji jistgħu jseħħu b'mod sħiħ meta l-pajjiżi ser jimplimentaw il-proposta tan-NU fi skedi ta' żmien differenti u b'interpretazzjonijiet differenti tal-ħtiġijiet bażiċi. L-implimentazzjoni bikrija mill-Ġappun u New Zealand diġà nissel tħassib fl-Ewropa. L-implimentazzjoni fl-Istati Uniti ta' l-Amerika, b'4 jew 5 sistemi jitħaddmu b'mod parallel fl-istess ħin, għadu 'l bogħod mit-tlestija. Il-verżjonijiet b'lingwi differenti naturalment ser jibqgħu jkunu meħtieġa għall-prodotti mdaħħla fil-kummerċ dinji, ikunu kemm ikunu armonizzati t-tikketti u l-karti b'data dwar is-sikurezza meħtieġa.

4.9

Għaldaqstant, l-aħjar li jista' jingħad huwa li dan huwa l-bidu ta' proċess ta' armonizzazzjoni globali li jirrifletti dak li diġà seħħ fl-Istati Membri ta' l-UE u li issa ser ikun jeħtieġ l-istess livell ta' riżorsi, sistemi ta' appoġġ u proċessi biex jinżamm fuq sisien globali. Dan ser ikun rwol ġdid għall-Kummissjoni u ser ikun importanti li hija tiddedika riżorsi biżżejjed biex tippermetti li t-tibdiliet, l-aġġornamenti u l-adattamenti inevitabbli għall-progress tekniku għall-proposta attwali jseħħu fil-ħin u b'mod effettiv. M'huwiex ċar jekk id-dikjarazzjoni finanzjarja jew il-proposti dwar il-komitoloġija u l-iskrutinju li jseħħ wara humiex adegwati f'dan ir-rigward.

4.10

Kummenti simili għandhom ikunu indirizzati lin-NU, biex ikun assigurat li tinkiseb malajr kemm jista' jkun l-armonizzazzjoni sħiħa mhux biss tal-kriterji għall-klassifikazzjoni, imma anke tal-klassifikazzjonijiet attwali ddeterminati u użati bħala l-bażi ta' l-ittikkettar u l-ippakkjar li jsir wara, għall-“kimiċi bażiċi” imdaħħla b'volumi kbar fil-kummerċ dinji (u eventwalment għall-maġġoranza tal-prodotti tal-konsum imdaħħla b'volumi kbar fil-kummerċ dinji). Fiż-żewġ każi, il-kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa bejn dawk li jimmanifatturaw il-prodotti u r-regolaturi rilevanti ser tkun essenzjali.

4.11

Fl-UE, il-Kummissjoni għad għandha bżonn tindirizza l-problema doppja tat-trattament tal-ħafna interazzjonijiet li huma definiti b'mod parzjali biss b'leġislazzjoni downstream tagħha stess — u tar-rikonoxximent u l-issodisfar tal-ħtiġijiet ta' setturi speċifiċi, b'mod partikolari għall-prodotti tal-konsum. Minħabba li ż-żewġ sistemi suppost li huma effettivi b'mod indaqs, xi flessibilità għandha tkun possibbli sabiex ikun jista' jintlaħaq qbil mill-aktar fis possibbli dwar il-qafas wiesa' tal-proposta.

4.12

Fuq tema simili, “il-ħaddiema” (fuq il-post tax-xogħol) u “il-konsumaturi” (fil-ħwienet, meta jixtru minn fuq l-Internet jew wara, fi djarhom) naturalment għandhom kollha jibqgħu jingħataw l-aqwa ħarsien possibbli rigward is-saħħa u s-sikurezza tagħhom. Madankollu, iż-żewġ ambjenti u l-ħtiġijiet għall-informazzjoni u s-servizzi ta' appoġġ disponibbli għal dawk ikkonċernati huma tabilħaqq differenti minn xulxin. Dan huwa rrikonoxxut b'mod parzjali biss f'din il-proposta. M'hemmx bżonn ta' mudell b'qies wieħed għal kulħadd. Għandhom jingħarfu l-iżviluppi riċenti fil-mod kif il-konsumaturi jixtru, b'mod partikolari minn fuq l-Internet. Il-ħtiġijiet professjonali ta' ħaddiema ta' l-emerġenza, is-servizzi tas-saħħa u ċ-ċentri kontra l-veleni, għandhom jitqiesu fir-rigward tal-kontenut tat-tikketti u r-rilevanza ta' l-informazzjoni mogħtija.

4.13

Id-disponibilità u l-valur ta' sorsi oħra ta' l-informazzjoni apparti mit-tikketta għandhom ikunu rrikonoxxuti wkoll, b'mod partikolari għall-konsumaturi, li jistgħu jwettqu għażliet informati permezz ta' pariri mill-għaqdiet tal-konsumaturi jew minn fuq l-Internet mingħand il-maġġoranza tal-produtturi jew il-fornituri. Għaldaqstant, L-istqarrija xotta tal-Kummissjoni li “it-tikketta hija l-unika għodda għall-komunikazzjoni mal-konsumaturi” hija sempliċi żżejjed. Għal dawk li jserrħu fuq it-tikketta biss, forsi ħafna żmien wara x-xiri tal-prodott, il-ħtieġa għal informazzjoni ffokata b'mod ċar, li tiftiehem u rilevanti hija importanti ħafna. Għal oħrajn, l-informazzjoni addizzjonali tista' tinkiseb b'mod ħafif skond il-liġi eżistenti ta' l-UE jew il-prattika tajba tal-kummerċ minn kull min jixtieq isir jaf aktar. Il-ħafna għażliet individwali fix-xiri li jsiru biss fuq il-bażi tal-lealtà lejn it-tikketta ta' kumpanija taħdem fiż-żewġ direzzjonijiet — prodott jista' jitqies li huwa mingħajr periklu sempliċiment għax huwa magħmul mill-Kumpanija X — u l-valur ta' dik il-lealtà tal-konsumaturi lejn il-Kumpanija X jassigura li l-prodotti tagħha jinżammu tabilħaqq mingħajr periklu, u meta dan ma jkunx il-każ il-prodotti jkunu rriformulati, magħmula mill-ġdid jew irtirati. (Xi każi ta' ġugarelli u prodotti oħra għall-konsum li dan l-aħħar kienu rtirati fuq livell globali b'mod volontarju u mingħajr dubju bi spiża kbira minħabba n-nuqqas ta' kontrolli interni dwar il-kwalità jixhdu b'mod aktar ċar dan il-punt.)

4.14

Għall-ħaddiema, u għal kull min jidħol f'post tax-xogħol, fejn l-espożizzjoni b'mod ġenerali tkun akbar u/jew aktar imtawla u fejn il-ħtieġa li jinżammu l-ogħla standards tas-saħħa u s-sikurezza hija prijorità ta' kuljum għal kull min huwa kkonċernat, il-pakketti u l-kwantitajiet li jkun fihom huma b'mod ġenerali akbar u t-tikketti jistgħu jkunu aktar ddettaljati. Għal darb'oħra, m'hemmx nuqqas ta' informazzjoni addizzjonali, li ħafna minnha trid tkun disponibbli skond il-liġi ta' l-UE jew liġijiet oħra, meta ssir il-kunsinna tal-materja prima jew ta' prodott intermedjarju li jintuża għal aktar ipproċessar jew qabel. Is-sit elettroniku Amerikan, li skond Rapport ta' Informazzjoni tal-KESE dwar ir-REACH li nħareġ aktar qabel (fi Frar 2005) għandha 1.4 miljun karta b'data dwar is-sigurtà tal-materjali, issa għandha aktar minn 3,5 miljuni — u ssostni li qed iżżid madwar 10 000 kuljum. Il-karti b'data dwar is-sigurtà mfassla għall-UE u bil-lingwi nazzjonali adattati kemm għas-sustanzi kif ukoll għall-preparazzjonijiet huma disponibbli mingħand il-maġġoranza tal-produtturi u l-fornituri u mingħand xi sorsi ċċentralizzati — u naturalment jridu jkunu pprovduti lill-klijenti fl-Ewropa qabel tkun tista' ssir il-kunsinna ta' prodott. Minħabba li dawn iridu jkunu pprovduti bil-lingwi rilevanti kollha u mill-produtturi u l-fornituri kollha għall-prodotti tagħhom kollha, hemm il-ħtieġa ta' għadd kbir ta' karti b'data individwali — u dawn iridu jkunu aġġornati b'mod regolari jew kif tkun teżiġi xi leġislazzjoni ġdida, bħal m'hi din.

4.15

Biex ikun ikkumplimentat dan ta' hawn fuq, l-eChemPortal ta' l-OECD li tnieda għall-ewwel darba (f'Ġunju 2007) jagħti aċċess b'mod ħafif għal firxa ta' bażi tad-data miżmuma mill-gvernijiet u l-aġenziji membri tagħha, inkluż l-Uffiċċju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi (ECB) f'isem l-UE. Dawn il-bażijiet tad-data jipprovdu data dwar għexieren ta' eluf ta' sustanzi individwali mmanifatturati u mibjugħa fl-UE u jixxalaw f'firxa ta' akronimi li jinkludu ESIS (UE), CHRIP (Ġappun), OECD HPV (OECD), SIDS HVPC (UNEP), HPVIS (US EPA), INCHEM (IPCS), kif ukoll riżorsi ta' l-UE li huma aktar magħrufa u użati b'mod regolari, bħal IUCLID, ORATS, HPVCS, LPVCS, ELINCS u EINECS, flimkien ma' siti għal setturi speċifiċi bħal SEED, EUROPHYT, PHYSAN u CAT. Programmi ta' appoġġ ikkordinati fuq livell globali bħal ma huma pharmacovigilence u cosmetovigilance jassiguraw li l-effetti ħżiena ta' prodotti speċifiċi jkunu rrekordjati b'mod ċentrali u b'ħeffa. Ta' min jinkoraġġixxi l--estensjoni ta' dawn il-programmi konġunti bejn l-industrija u r-regolaturi ta' twissija bikrija għal prodotti oħra li jintużaw b'mod wiesa' mill-konsumaturi.

4.16

Aħbar tajba b'mod ċar hija dik li dawn is-sorsi tad-data jeżistu u huma disponibbli faċilment — u tant aħjar jekk dawk kollha msemmija hawn fuq jistgħu tabilħaqq ikunu aġġornati, bil-karti dwar is-sigurtà waħda waħda, bir-rekords dwar il-prodotti waħda waħda, biex jirriflettu t-tibdiliet ddettaljati meħtieġa skond l-implimentazzjoni differenti tal-GHS f'livell nazzjonali u reġjonali mingħajr ma jiżdiedu spejjeż mhux aċċettabbli għal dawk kollha kkonċernati — għalkemm għal darb'oħra m'huwiex ċar jekk dan tqiesx b'mod sħiħ fl-istima ta' l-impatt.

4.17

Din l-abbundanza ta' informazzjoni fuq l-Internet, ikkombinata mat-tul tal-leġislazzjoni implimentattiva, madankollu qed issir piż, kif ukoll sfida mil-lat legali u intellettwali, kemm fuq ir-regolaturi kif ukoll fuq l-utenti. Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) kien twil 850 paġna fil-forma finali tiegħu ppubblikata bl-Ingliż. Il-Proġetti ta' Implimentazzjoni tar-REACH (RIPs) u n-noti ta' gwida, li għadhom m'humiex iffinalizzati, jingħad li jaqbżu l-10 000 paġna. Il-forom finali u l-istatus legali eventwali tagħhom għadhom m'humiex magħrufa. Il-proposta GHS li qed tiġi diskussa issa, hija itwal minn 2 000 paġna. Ser jerġgħu jinħtieġu noti ta' gwida — għal dan ir-Regolament u biex jgħinu l-implimentazzjoni f'madwar 20 att ewlieni ta' leġislazzjoni downstream, inkluża d-Direttiva 1996/82/KE (Seveso II), li ser ikunu affettwati minnha. Għaldaqstant l-istituzzjonijiet u l-korpi responsabbli ta' l-UE dalwaqt ser ikunu pproduċew jew analizzaw qrib l-20 000 paġna ta' leġislazzjoni jew materjal ta' appoġġ f'dan il-qasam biss. Huwa diffiċli li wieħed jara dan bħala mudell ta' regolamentzzjoni aħjar — jew bħala l-mod ideali biex jingħata l-appoġġ għall-objettivi ta' Lisbona — jew biex titrawwem l-idea ta' l-UE amministrata b'mod ċentrali li tagħti widen u appoġġ liċ-ċittadini ta' l-Ewropa.

4.18

Madankollu, jekk dawn il-problemi ta' komunikazzjoni essenzjali jistgħu eventwalment jingħelbu (probabbilment bit-tqassim tal-leġislazzjoni fil-komponenti essenzjali tad-definizzjonijiet, spjegati b'mod ċar u miftiehma; il-metodi ta' l-ittestjar; il-punti finali; ir-riżultati; il-proċessi u l-proċeduri meħtieġa, u l-bqija; kollha ppubblikati b'mod separat u aġġornati skond skadenzi adattati imma differenti, u mhux kollha jeħtieġu l-pubblikazzjoni simultanja bħala leġislazzjoni primarja), jistgħu tabilħaqq jinkisbu benefiċċji kbar. Il-GHS ibbażata fuq id-data u applikabbli b'mod ġenerali għandha eventwalment taffettwa u tiggwida lil dawk kollha li jitħaddtu dwar l-aħjar modi kif jitħarsu s-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem u ta' l-ambjent — u l-benefiċċji ta' dan jistgħu jkunu ferm akbar miż-żidiet assoċjati kemmxejn żgħar fil-kummerċ dinji jew fl-impjiegi lokali li bħalissa qed jintużaw bħala l-ġustifikazzjoni ekonomika għall-proposta.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE jinnota l-programm strett għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament propost, sabiex l-implimentazzjoni tkun tista' ssegwi l-istess skadenzi kif definiti minn REACH bil-għan li jiġu kkontrollati l-ispejjeż ta' darba tal-bidu. Il-KESE jinnota wkoll li dan huwa biss il-bidu ta' proċess globali li ser jinħtieġ bidla kontinwa mill-korpi regolatorji parteċipanti kollha u min-negozji u partijiet oħra direttament milquta. Għalhekk hemm ħtieġa ċara li jiġu mifhuma u rranġati kemm jista' jkun mill-problemi perċepiti — u biex l-essenza tal-proposta tiġi implimentata b'mod kemm jista' jkun flessibbli. Minħabba li sistema tajba u ppruvata sewwa qiegħda tiġi sostitwita b'sistema oħra — wieħed jittama li tkun tajba daqsha — ir-riskji marbuta ma' xi derogi speċifiċi biex jippermettu żmien ħalli l-problemi jiġu solvuti, huma żgħar.

5.2

Bħala eżempju ta' dan, it-tħejjija u l-inklużjoni ta' tabella ta' traduzzjoni mill-persunal tal-Kummissjoni u esperti nazzjonali ta' l-Anness 1 tad-Direttiva eżistenti fl-Anness VI tar-Regolament il-ġdid, filwaqt li utli bħala gwida tat-traspożizzjoni mir-rekwiżiti l-qodma għall-ġodda, qabżet il-proċessi dovuti kollha ta' evalwazzjoni u kunsens li fuqhom kienu oriġinarjament mibnija l-aktar minn 1 000 paġna ta' deċiżjonijiet. Jekk din trid issir liġi b'effett immedjat, f'dak il-każ ir-riżorsi jridu jiġu ddedikati sabiex din tiġi ċċekkjata fid-dettall, fi żmien meta l-maġġoranza ta' l-intrapriżi huma mgħobbija bix-xogħol biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni ta' REACH. Billi ħafna drabi l-leġislazzjoni ta' l-UE tiġi adottata fi stadju meta xi wħud jew l-Annessi kollha jkunu għadhom vojta, hawnhekk tista' tiġi segwita proċedura simili sabiex jinżamm il-programm ġenerali. Dan ineħħi wkoll il-problemi tar-responsabbiltà għal “traduzzjoni” jew “traspożizzjoni” ħażina tar-rekwiżiti li attwalment jaqgħu, b'mod mhux sodisfaċenti, fuq is-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni. Qed jingħad li dan il-proċess qed jenfasizza ħafna żbalji fil-leġislazzjoni attwali, b'mod partikolari bl-introduzzjoni ta' ħafna lingwi ġodda fejn il-kelma “traduzzjoni”, bit-tifsira lingwistika normali tagħha, hija importanti ħafna. Dan il-fatt ftit li xejn jiffaċilita s-sitwazzjoni. Minħabba l-volum ta' data wieħed għandu jassumi li l-iżbalji l-ġodda qed jiġu introdotti fl-istess żmien, u li matul iż-żmien ser jiġu skoperti mill-produttur jew il-fornitur ikkonċernati biss.

5.3

Kummenti simili japplikaw għall-każi kollha fejn il-GHS il-ġdida, mingħajr konsiderazzjoni xierqa, iżżid is-severità tal-klassifiki attwali, u konsegwentement l-ittikkettar, l-ippakkjar u jista' jkun impatti oħra taħt kwalunkwe leġislazzjoni assoċjata dwar it-trasport jew downstream. Dan jista' jkun il-każ, per eżempju, għal xi prodotti tal-konsum użati b'mod komuni bħal ngħidu aħna, diterġenti domestiċi, fejn il-GHS il-ġdida jidher li titlob ittikkettar eċċessiv pjuttost bla sens. Eżempju li sikwit jiġi kkwotat — “meta jxerred diterġent użat ħafna, l-utent għandu mbagħad ineħħi ħwejġu kollha — u jaħsilhom fl-istess diterġent” — “sempliċement iwaqqa' għajb fuq is-sistema u fuq dawk li japplikawha. Dan ċertament li ma jwassalx għall-ogħla standards ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza u l-ambjent. L-użu bil-għaqal tad-deroga skond l-Artikolu 30(1), li d-dikjarazzjonijietbla bżonn jistgħu jitħallew barra mit-tikketta”, jidher fundamentali.

5.4

Ta' tħassib ukoll huma r-rekwiżiti biex wieħed jikklassifika żżejjed — prattika li f'xi ġurisdizzjonijiet hija mfassla sabiex tillimita r-responsabbiltà tal-produtturi iżda li għal darb'oħra ma twassalx verament għall-protezzjoni xierqa tal-ħaddiema jew tal-konsumaturi. B'mod speċifiku, il-proposta attwali tonqos milli tiddistingwi adegwatament bejn prodotti li huma “irritanti” (jiġifieri, f'ċerti każi jistgħu jikkawżaw ħmura jew nefħa temporanja u riversibbli fil-ġilda) u dawk li huma “korrużivi” (jiġifieri, huwa probabbli li jikkawżaw tmermir permanenti u possibbilment irriversibbli tal-ġilda, per eżempju b'aċidi jew alkali qawwija jew bl-effetti ta' l-ossiġnu). Il-potenzjal għal “ħsara lill-għajnejn” biss huwa naturalment aktar frekwenti u f'xi każi jista' jkun aktar serju, bir-riskju li jagħma lill-utenti, u kull fejn ikun preżenti għandu jiġi identifikat b'simbolu xieraq u faċilment rikonoxxibbli. Dan kollu huwa aggravat bil-limitazzjonijiet imposti jew volontarji fuq l-użu ta' l-annimali għall-ittestjar ta' prodotti li issa jinsabu qrib ta' punt finali rivedut, u fejn kemm l-ittikkettar u l-ippakkjar għall-bejgħ lill-konsumatur jiddependu mill-klassifikazzjoni adottata. Billi l-prodotti affettwati b'dan il-mod probabbilment ikunu l-eċċezzjonijiet pjuttost milli r-regola, derogi qosra jippermettu li l-proposta sħiħa tiddaħħal mingħajr dewmien.

5.5

L-ittikkettar żejjed għandu wkoll effett indirett mhux mixtieq fir-rigward ta' l-ippakkjar, bl-għeluq li ma jistax jinfetaħ mit-tfal jirriżulta daqstant ieħor diffiċli biex jinfetaħ minn utenti anzjani jew morda. Parir dwar kif timmaniġġa u taħżen sewwa l-prodotti fil-ħajja ta' kuljum huwa ġeneralment aktar siewi minn strumenti li jagħmluhom inaċċessibbli għal min jużahom jew li jwasslu biex il-kontenituri jitħallew miftuħa jew biex il-kontenuti jiġu trasferiti għal alternattivi anqas siguri. Bil-għajnuna ta' l-ittikkettar, u s-sens komuni normali u l-osservazzjoni ta' kuljum, il-konsumaturi jifhmu li prodotti bħal dawk għat-tindif tal-fran jew tad-drejn iridu jiġu ttrattati bl-akbar rispett; f'ħafna każi huma wkoll pjuttost kapaċi jimmaniġġaw it-trab tal-ħasil jew il-pritkuni solidi għall-ħasil tal-platti mingħajr ma jweġġgħu. L-ittikkettar ta' dawn il-prodotti kollha “korrużivi” bil-kelma ċentali “PERIKLU” ma jservi l-ebda għan tajjeb u mill-ġdid ipoġġi l-proċess sħiħ f'riskju.

5.6

L-eżempji ta' hawn fuq iqajmu wkoll dubju safejn id-diversi pittogrammi, kelmiet ċentrali u frażijiet ġodda (u qodma) ġew ittestjati kontra l-perċezzjonijiet tal-pubbliku differenti madwar id-dinja. Għalkemm issa huwa tard wisq sabiex jitbiddlu l-proposti eżistenti tan-NU dwar il-GHS, xi kliem addizzjonali jista' jkun utli, jew ikunu proposti emendi, sabiex tittejjeb iċ-ċarezza. It-telf tas-simbolu rikonoxxut ħafna tas-'Salib ta' Sant'Andrija', li kien jidher bl-iswed fuq l-oranġjo, huwa partikolarment ta' dispjaċir. Is-simboli ta' sostituzzjoni jridu żmien konsiderevoli biex jiġu rikonoxxuti sewwa u ser ikun hemm riskji akbar għall-konsumaturi b'mod partikolari sakemm is-simboli l-ġodda jkunu stabbiliti bis-sħiħ. Għalhekk, il-programmi ta' komunikazzjoni mfassla biex jgħinu lil dawk kollha li ta' sikwit jixtru bl-imnut għandhom jiġu implimentati (u ffinanzjati ċentralment) mill-aktar fis possibbli. Il-bżonnijiet ta' dawk kollha li jixtru prodotti tal-konsum on-line, fejn it-tikketta rari tidher fil-mument tax-xiri, jeħtieġu aktar studju.

5.7

Fir-rigward ta' l-identifikazzjoni tal-komponenti ta' preparazzjoni jew taħlita, il-proposta bir-raġun titlob li jintużaw in-numri tal-CAS (li attwalment jinkludu aktar minn 32 miljun sustanza organika jew inorganika bi strutturi definiti parzjalment jew b'mod sħiħ, li madwar 13-il miljun minnhom huma kklassifikati bħala disponibbli kummerċjalment, ħafna drabi fi kwantitajiet żgħar ħafna), u l-użu ta' ismijiet ta' l-IUPAC, tal-CAS jew ismijiet oħra biex ikomplu l-identifikazzjoni. Ta' min jinnota, madankollu, li dawn l-ismijiet huma mfassla sabiex jiddefinixxu strutturi, u mhux biex jidentifikaw perikli jew riskji. Rari jkunu ta' użu għas-servizzi ta' emerġenza jew għaċ-ċentri kontra l-velenu billi ġeneralment ma jeżistux antidoti speċifiċi. L-għażla bejn l-istimulazzjoni tar-rimettar jew in-newtralizzazzjoni fl-istonku tista' madankollu tkun deċiżiva għat-trattament ta' l-ewwel għajnuna ta' utent affettwat. X'aktarx anke il-kuntatt suċċessiv mal-produttur, fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata jew tal-lejl, sebat ijiem fil-ġimgħa, għal parir aktar speċifiku jirriżulta fundamentali. Hija din l-informazzjoni, pjuttost milli l-isem kimiku formali u l-istruttura molekulari ta' komponent wieħed jew aktar ta' taħlita kumplessa, li għandha tiġi inkluża fuq it-tikketta għall-użu f'każ ta' emerġenza.

5.8

Minn dan isegwi li fejn l-isem ta' komponent speċifiku, sal-punt li tkun definita l-istruttura kimika assoluta tiegħu, ikollu valur biss għall-kompetitur, bit-telf konsegwenti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali għall-produttur oriġinali, is-salvagwardji kontenuti fid-Direttiva Ġenerali eżistenti dwar il-Preparazzjonijiet għandhom jinżammu. Ġeneralment din hija problema biss għal “fluwidi ta' prestazzjoni” bħaż-żjut tal-lubrikazzjoni u preparazzjonijiet oħra ta' teknoloġija għolja fejn il-konsumatur ġeneralment ftit li xejn ikun espost u l-perikli jkun ġenerali ovvji, irrispettivament mill-komponenti speċifiċi preżenti.

5.9

Dan ta' hawn fuq iqajjem ukoll il-problema ta' l-użu propost tal-kelma “taħlita”, li għandha tirreferi biss għal sistema ta' sustanzi li jistgħu jiġu separati b'mezzi fiżiċi, sabiex tiddistingwiha minn “kompost” jew “sustanza” (li ma jistgħux jiġu separati b'dan il-mod). Hawnhekk id-definizzjoni donnha tiġbor flimkien sensiela ta' sistemi pjuttost differenti ta' materjali (metalli mhux maħduma li jseħħu b'mod naturali, minerali, konċentrati u estratti tal-pjanti) mal-“preparazzjonijiet” li tinkludi l-idea fundamentali ta' taħlita, li ssir bi skop, ta' komponenti magħrufa li minnhom il-periklu tal-prodott finali jista' jiġi determinat b'mod raġonevoli. Naturalment il-ligi (u l-ħġieġ) m'huma l-ebda waħda minn dawn u għandhom jiġu regolati separatament u b'mod aktar xieraq, kemm hawnhekk kif ukoll fir-REACH. Daqstant ieħor mhux ċar għaliex il-flussi ta' skart m'humiex inklużi bħala kategorija minkejja li f'xi każi huma inklużi fl-inventarju ta' l-EINECS bħala “sustanzi” taħt “tajn” u “ħama”. Dan donnu jimplika li mineral imħallat fl-istat naturali tiegħu jrid jiġi kklassifikat (għall-ebda skop ċar, billi m'hemm l-ebda probabbiltà ta' kuntatt mal-konsumaturi u l-ebda possibbiltà li tinstab xi alternattiva) filwaqt li l-iskart tal-ħadid jew l-iskart imħallat tal-karta, li kollha jridu jiġu ttrattati “kif inhuma” f'operazzjonijiet kontinwi ta' pproċessar u riċiklaġġ, huma esklużi. Dawn kollha jridu jiġu mmaniġġati bla periklu fuq il-post tax-xogħol, iżda dan m'huwiex il-punt prinċipali tal-klassifikazzjoni, u dawn il-prodotti rari jkunu ttikkettati jew ippakkjati. Normalment il-leġislazzjoni speċifika għal settur partikolari jew għall-post tax-xogħol toffri protezzjoni aħjar.

5.10

Huma x'inhuma d-definizzjonijiet, huma għandhom jiġu inklużi b'mod sħiħ f'din il-proposta, mhux sempliċement meħuda mill-GHS jew jeħtieġu referenza għal dokumenti oħra. Din għandha tkun opportunità siewja biex “kimika” tiġi definita għall-ewwel darba — kemm bħala nom kif ukoll bħala aġġettiv. Għandu jiġi ċċarat jekk hix ekwivalenti għal “sustanza”, kif preżumibbilment huwa l-każ. Dan jagħmel aktar ċar ukoll l-iskop ta' din id-Direttiva u ta' Direttivi u Regolamenti oħra li japplikaw b'mod ferm aktar wiesa' milli għall-prodotti ta' l-industrija “kimika” li hija definita b'mod aktar preċiż. Jagħmilha wkoll ċara li t-traduzzjoni tal-kelma “kimika” bħala nom għal “sustanza kimika” f'ilsna li m'għandhomx kelma ekwivalenti waħda ma timplikax l-eżistenza ta' “sustanzi mhux kimiċi” alternattivi (u preżumibbilment mhux tossiċi?). Wieħed jittama li dan jista' jnaqqas ukoll l-użu ta' stqarrijiet b'intenzjoni tajba iżda inutli bħal “il-biċċa l-kbira ta' l-oġġetti fihom il-kimiċi” (1) (x'fihom il-bqija?) jew “il-kimiċi jintużaw kważi f'kull post tax-xogħol” (x'jużaw fil-postijiet tax-xogħol l-oħra?) (2). Il-KESE naturalment jifhem li kwalunkwe definizzjonijiet li jintużaw iridu jkunu konsistenti fil-leġislazzjoni kollha. Madankollu, il-KESE ma jaċċettax li xi biċċa leġislazzjoni hija aktar “fundamentali” minn oħra (jew jekk hu hekk, din il-leġislazzjoni tikkwalifika b'mod ċar) u ċertament ma jaċċettax li l-leġislazzjoni relatata kollha għandha tinqara fit-totalità tagħha minn dawk kollha involuti, sempliċement biex jiġi stabbilit xi tfisser jew ma tfissirx kelma. Dan isir importanti billi t-traduzzjoni f'lingwi differenti toħloq differenzi li ma kinux jeżistu fl-oriġinal jew inkella tħalli barra differenzi li jkunu fundamentali. Per eżempju, il-kelma “prodott” hawnhekk hija użata fis-sens newtrali tagħha għal kwalunkwe prodott li x'aktarx ser jinxtara jew jintuża fuq il-post tax-xogħol jew mill-konsumatur. Ċertament li m'huwiex il-ħsieb li din il-kelma tintuża bħala sinonimu ta' “oġġett” li għandha tifsira partikolari fil-leġislazzjoni ta' l-UE u f'leġislazzjonijiet oħra. Dan hu ċar biżżejjed fl-Ingliż iżda jista' jkun anqas ċar f'lingwi oħra. Id-distinzjoni għandha tinżamm indipendentement mis-sitwazzjoni. Għandhom jiġu identifikati u evitati wkoll konfużjonijiet lingwistiċi u kulturali oħra. Per eżempju, jista' jagħti l-każ li “ambjent mingħajr sustanzi” fl-Ewropa jitqies bħala referenza għall-ispazju. Fl-Istati Uniti dan jirreferi għal skola fejn ix-xorb u t-tipjip huma projbiti. Fl-istampa ta' ħafna kulturi kull min jinsab bi traċċi ta' “kimiċi” fuq idu jew fuq ħwejġu jitqies bħala terrorist.

5.11

F'kull każ għandu jiġi ċċarat għal kulħadd, inkluż il-pubbliku ġenerali, x'tifsira partikolari d-diversi kelmiet użati huma intiżi sabiex iwasslu. Il-projbizzjoni ta' l-użu tal-kelma “periklu” flimkien mal-kelma “twissija” tista' tkun ta' interess għall-esperti fl-ittikkettar għalkemm iż-żewġ kelmiet ħafna drabi jintużaw flimkien f'komunikazzjonijiet oħra mmirati sabiex inaqqsu r-riskju. Jekk il-kelma “perikoluż” tfisser xi ħaġa differenti mill-espressjoni “ta' ħsara”, dan għandu jiġi ċċarat fil-lingwi kollha ta' l-UE (u ta' l-imsieħba tan-negozju tagħha). Bla dubju ta' xejn huwa diffiċli biex tiddistingwi bejniethom fl-Ingliż. L-użu ta' abbrevjazzjonijiet bħal “m-factor” li jagħmlu sens biss meta t-traduzzjonijiet fil-lingwa lokali ta' “multiplying”, fil-fatt, jibdew bl-ittra “m” għandu jiġi evitat. (Il-fatt li fil-leġislazzjoni eżistenti hemm referenza kontinwa għal frażijiet “R” u “S”, għal riskju u sikurezza rispettivament, turi sempliċement li l-leġislazzjoni tfasslet bl-Ingliż, bi ftit li xejn konsiderazzjoni għall-ħtiġijiet ta' l-utenti ta' lingwi oħra.)

5.12

Rigward l-ambitu ta' applikazzjoni ġenerali ta' din il-proposta, u biex jiġi evitat li l-proċess jiġi mgħarraq f'data dwar il-ħafna miljuni ta' sustanzi trasferiti fi kwantitajiet żgħar jew saħansitra insinifikanti, limitu bbażat fuq il-bejgħ kull sena, id-daqs jew il-piż tal-pakkett, jew it-tossiċità magħrufa, ikun utli. Bl-istess mod, tikketta xierqa għat-trasferiment, ġeneralment bejn laboratorji, ta' kwantitajiet żgħar ħafna bħal kampjuni għall-R&D sabiex tindika li l-“prodott ma ġiex ittestjat jew ikklassifikat” u “huwa għall-użu professjonali biss” tkun żieda siewja mal-firxa ta' tikketti attwalment disponibbli. (Il-proposta alternattiva ġdida biex jiġu esklużi “sustanzi u taħlitiet għar-riċerka u l-iżvilupp xjentifiku” iżda jekk jintużaw biss taħt kundizzjonijiet li jassumu li huma “karċinoġeniċi, mutaġeniċi għaċ-ċelloli ġerminali jew tossiċi għar-riproduzzjoni” hija inadegwata u għandha titneħħa. Ma tressqet l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-perikli tal-laboratorju jeħtieġu trattament ta' prijorità jew, kuntrarju għall-istennija normali, li kull min jaħdem f'laboratorju huwa f'riskju minħabba nuqqas ta' għarfien. Madankollu jekk joħroġ li dan huwa l-każ, l-emendi għal-leġislazzjoni ta' l-UE dwar il-prattiċi t-tajba tal-laboratorju jkunu għażla aħjar.)

5.13

Għandha ssir attenzjoni wkoll biex jiġi assigurat li l-proċess propost ta' klassifikazzjoni u ttikkettar ikun jirrifletti b'mod sħiħ, bħal issa, il-proprjetajiet perikolużi inerenti tas-sustanzi individwali u l-preparazzjonijiet jew taħlitiet kif jitpoġġew fis-suq. Kwalunkwe estensjoni għall-istimi informali jew mhux regolati tar-riskju li jsiru mill-produtturi jew il-fornituri sabiex ikopru l-użu possibbli jew futur mistenni għandha titneħħa billi m'hijiex konsistenti kemm mal-liġi eżistenti ta' l-UE kif ukoll mal-proposta dwar il-GHS tan-NU.

5.14

Rigward l-infurzar, ir-rappurtar u l-penali għan-nuqqas ta' konformità, il-proposta tgħaddi r-responsabbiltà, b'mod pjuttost loġiku, lill-Istati Membri, bil-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet għal dan iridu jkunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi” u li huma għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni fi żmien 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Il-KESE madankollu jinnota li din il-proposta hija mfassla, bħal fil-leġislazzjoni eżistenti, sabiex tarmonizza l-kriterji u l-proċessi użati fi kwalunkwe klassifikazzjoni iżda mhux biex tarmonizza r-riżultati ta' din il-klassifikazzjoni. Għalhekk probabbilment il-penali ser ikunu żgħar fid-daqs, fl-effett u fl-infurzar tagħhom meta mqabbel max-xewqa tal-produtturi li jipproteġu b'mod sħiħ u sewwa lill-ħaddiema u l-konsumaturi li minnhom jiddependi n-negozju tagħhom. Għalhekk, il-funzjonalità tal-proposta globali, flimkien ma' leġislazzjoni oħra bħal REACH, tibqa' kritika.

5.15

Fl-aħħarnett ser ikun hemm bżonn li tiġi evalwata d-data riċevuta taħt ġurisdizzjonijiet differenti sabiex jiġi assigurat li dawn ikunu komparabbli u rilevanti għall-istabbiliment tal-perikli ta' sustanzi ġodda u kumplessi, inklużi dawk ta' “kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli”. Sistemi ta' klassifikazzjoni għal dan jeżistu, per eżempju dik tas-Society of Chemical Hazard Communications. Data riveduta mill-kollegi hija wkoll disponibbli fir-Register of Toxic Effects of Chemical Substances. Ma jidhirx li l-proċess xieraq għal dan, probabbilment fil-livell tan-NU, huwa definit kompletament, jew li r-riżorsi u l-baġits ġew allokati.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Mid-domandi komuni (FAQ) tal-Kummissjoni dwar ir-REACH.

(2)  Min-noti ta' gwida tal-UK DEFRA lill-Membri Parlamentari Ewropej dwar din il-proposta.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Indikazzjonijiet u denominazzjonijiet ġeografiċi

(2008/C 204/14)

Nhar is-27 ta' Settembru 2007 il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu li jfassal opinjoni proprja dwar

Indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet.

Is-Sezzjoni Specializzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta' Frar 2008 Ir-rapporteur kien is-Sur CAMPLI.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu, li nżammet fit-12 ta' Marzu 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'124 voti favur, b'vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jħoss l-utilità li jiddiskuti aktar fil-fond u jerġa jqajjem id-dibattitu dwar il-politika tal-kwalità ta' l-UE kollha kemm hi, biex tiġi assigurata sinerġija, bejn l-ħtiġijiet regolamentari fil-qasam tas-sigurtà ta' l-ikel, l-ambjent u l-preokkupazzjonijiet soċjali, b'rabta ma' l-għanijiet ta' marka potenzjali ta' kwalità ta' l-UE, u dik immirata lejn il-valorizzazzjoni tal-partikolaritajiet produttivi u alimentari tar-reġjuni differenti ta' l-UE li għandhom livelli aktar għoljin.

1.1.1

Fir-rigward ta' l-effiċjenza tas-sistema ta' indikazzjonijiet u denominazzjonijiet ġeografici, il-KESE qiegħed jara bżonn ta'

proċeduri ta' applikazzjoni iktar ċari u sempliċi;

l-ispezzjonijiet għandhom jitħallew f'idejn korpi pubbliċi u/jew privati, biss jekk ikunu indipendenti u akkreditati (b'konformità mar-rekwiżiti ta' l-ISO/EN (1) dwar l-akkreditazzjoni u korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-korpi);

aktar modifika tal-qafas leġiżlattiv dwar it-tilwim, biex tipprevjeni u/jew titratta dawn il-problemi biex jiġu evitati kawżi twal fil-qorti, u l-ħolqien ta' kmamar ta' konċiljazzjoni barra mill-qorti bi tħejjija għall-fatt li l-Istati Membri jirrejaġixxu meta tkun aċċertata vjolazzjoni tan-normi Komunitarji (2).

Il-KESE jħoss li dawn il-kritiki ġew indirizzatti biss parzjalment fir-reviżjoni li wasslet għar-Regolament (KE) 510/06 u jħoss li dawn iridu jiġu irranġati minħabba li jistgħu jiggravaw meta l-iskema tiġi estiża għall-pajjiżi li m'humiex fl-UE.

1.1.2

Fir-rigward ta' l-effikaċja, il-KESE jipproponi li għandhom jiġu stabbiliti miżuri biex jassiguraw ir-reputazzjoni tal-prodott fis-suq, it-tisħiħ tal-korpi tat-tmexxija ta'l-IĠ, u l-introduzzjoni ta' speċifikazzjonijiet li huma ċari u realistiċi, mwieżna minn kontrolli tassew indipendenti, effiċjenti u effikaċi.

1.1.3

Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li l-kunsens neċessarju dwar il-kontenut ta'l-ispeċifikazzjonijiet, jiġi żgurat fil-mument ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjnoni, bl-applikazzjoni ta' kriterji ta' rappreżentanza mill-assoċjazzjoni applikanti, sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq kunsens adegwat dwar aspetti kumplessi u kontroversjali.

1.1.4

Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-effikaċja, il-KESE jenfasizza li l-IĠ iridu jitniżżlu dejjem iktar fost l-għodda essenzjali għall-iżvilupp rurali fl-Istati Membri, billi f'kull opportunità possibbli, jorbtu flimkien l-adozzjoni ta'l-IĠ u l-miżuri maħsuba fit-tieni pilastru, b'mod partikolari fir-rigward tal-pajjiżi li għadhom kif daħlu fl-UE u ż-żoni żvantaġġati b'mod ġenerali.

1.1.5

Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-effikaċja, il-KESE jħoss li l-iskema ta'l-IĠ — meqjusa bħala opportunità għall-iżvilupp rurali — trid timxi flimkien ma' l-aspettativi dejjem jikbru, anke ta' sura etika, soċjali u ambjentali tal-konsumatur. Jekk jiġi msarraf fi strateġija ta' sħubija ma' żoni oħra tad-dinja, dan l-approċċ jista jkabbar il-kunsens dwar id-denominazzjonijiet ta' oriġini u t-taħdidiet tan-negozjar multilaterali, anke permezz ta' ftuħ regolat u kkontrollat tajjeb għall-importazzjoni ta' prodotti IĠ minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

1.1.6

Fir-rigward tal-valorizzazzjoni tal-prodotti IĠ, il-KESE jħoss li jrid jiżdied l-appoġġ għal inizjattivi ta' promozzjoni tal-marki Kommunitarji, sabiex l-operaturi jkunu infurmati aktar u sabiex il-prodotti IĠ jingħarfu aħjar mill-konsumaturi, speċjalment fil-pajjiżi fejn dawn l-inizjattivi huma inqas żviluppati, sabiex jiżdiedu l-GIs, issir distribuzzjoni iktar uniformi fl-UE u tiżdied d-domanda tas-suq.

1.1.7

Fir-rigward tar-riċerka u t-tixrid ta' l-informazzjoni dwar l-impatt ta' l-iskema fir-territorji u fis-swieq ta' l-UE, il-KESE jirrakkomanda tixrid xieraq u uniformi tar-riżultati tar-riċerka pożittiva li saret mid-dipartimenti differenti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri kollha u għall-partijiet interessati kollha.

1.1.8

Il-KESE jirrakkomanda li n-negozjati dwar il-kummerċ internazzjonali dwar l-indikazzjonijiet u d-denominazzjonijiet ġeografiċi jsiru parti minn politika usa dwar kooperazzjoni internazzjonali. F'dan ir-rigward, il-pakkett tan-negozjati multilaterali għandu jitneda mill-ġdid b'impetu u konvinzjoni ikbar (estensjoni ta' l-Artikolu 23 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS/ADPIC) għall-prodotti kollha tal-GI; reġistru internazzjonali; għajnuna teknika għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw), u fl-istess ħin u b'mod effettiv jitkomplew ukoll in-negozjati bilaterali komplimentari.

1.2

B'referenza partikolari għas-sitt suġġetti li ġew identifikati mill-Kummissjoni bħala oqsma għal evalwazzjoni futura tal-politika (ara. l-2720 laqgħa tal-Kunsill ta' l-UE — l-20 ta' Marzu 2006):

1.2.1

L-ewwel suġġett: “L-identifikazzjoni bħala ingredjenti ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti”. Il-KESE jikkunsidra li bi ftehim ma' kull min hu involut fl-assoċjazzjonijiet applikanti (konsorzja ta' protezzjoni eċċ) jiġu stabbiliti l-kriterji u l-parametri dwar il-kontenut ta' l-ingredjenti tal-GI, sabiex tkun tista tintuża d-denominazzjoni ta' indikazzjoni u d-denominazzjoni ġeografika fuq il-prodott aħħari.

1.2.2

It-tieni suġġett: “L-Użu ta' strumenti alternattivi bħall-marki tal-fabbrika biex jiġu protetti l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' oriġini”. Il-KESE jikkunsidra bħala fattibbli l-użu ta' marki tal-fabbrika reġistrati għall-protezzjoni tal-GI barra mill-UE, madankollu din m'hijiex is-soluzzjoni tal-problema għall-protezzjoni internazzjonali tad-denominazzjonijiet għaliex hi kumplessa (meta jitqiesu n-numru ta' pajjiżi potenzjalment konċernati), għalja (għalhekk prattikabbli biss mill-organizzazzjonijiet kummerċjali kbar u b'riżorsi finanzjarji kbar) u ma toffrix protezzjoni sħiħa.

1.2.3

It-Tielet Suġġett: “Ir-raġġ ta' applikazzjoni tal-prodotti maħsuba fir-regolament, b'attenzjoni partikolari għall-melħ, ħxejjex aromatiċi mħallta, prodotti tal-qasab u l-ħwawar”. Il-KESE jħares b'mod pożittiv lejn l-evoluzzjoni tar-regolamentazzjoni Komunitarja għall-ilqugħ ta' talbiet ta' ċertifikazzjoni ta' oriġini anke għall-prodotti li m'humiex eżattament agrikoli (melħ, ħxejjex aromatiċi mħallta, prodotti tal-qasab, ħwawar eċċ.), bil-għan li tippromovi l-kultura rurali ta' territorju. Fl-istess ħin jirrakkomanda l-estensjoni tagħha għall-prodotti agrikoli kollha li għadhom ma ġewx ikkunsidrati.

1.2.4

Ir-Raba' Suġġett: “L-identifikazzjoni ta' oriġini tal-materja prima”. F'kuntest ġenerali ta' ftehimiet volontarji industrijali bejn il-partijiet kollha konċernati maħsub mill-proċedura attwali ta' talba għad-denominazzjoni, il-KESE jirrakkomanda li, fil-każ tad-DPOs (Denominazzjoni Protetta ta' l-oriġini), jiġu evalwati b'aktar attenzjoni l-aspetti marbuta ma' l-użu tal-materja prima, anke minħabba l-fatt li l-materja prima kollha trid bilfors tiġi mit-territorju denominat.

1.2.5

Il-Ħames Suġġett: “Il-kriterji użati biex jiġi vvalutat l-istatus ġeneriku ta' denominazzjoni”. Anke fid-dawl tad-diżgwidi li qamu s'issa, il-KESE jirrakkomanda li jiġu definiti strumenti aktar dettaljati, sabiex iwasslu għal rikonoxximent aktar faċli ta' l-istoriċità u/jew tar-reputazzjoni ta' denominazzjoni, bħal pereżempju awtorità (jew ġurija) li taġixxi bħala filtru, u/jew ta' monitoraġġ tad-denominazzjonijiet ta' oriġini potenzjali fl-Istati ta' l-Unjoni Ewropea jew fora oħra ta' konċiljazzjoni barra l-qrati.

1.2.6

Is-Sitt Suġġett: “Tfassil tas-simboli Komunitarji li jidentifikaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti”. Il-KESE jħoss li l-unifkazzjoni tas-simboli tad-DPO u l-IĠP(Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti) tista twassal għal problema ta' nuqqas ta' ugwaljanza bejn żewġ realtajiet b'dinjità indaqs, stabbiliti u parti integrali mit-territorji. Minħabba l-ħtieġa ta' komunikazzjoni aktar effettiva fir-rigward tal-konsumatur, għandu jkun hemm distinzzjoni viżiva aktar qawwija minn issa fis-simboli tad-DPO u l-IĠP (pereżempju kuluri differenti), filwaqt li għas-simboli oħra Ewropej (TSG u Agrikoltura Bijoloġika), id-differenza għandha tkun aktar evidenti (anke b'simboli differenti).

1.3

Għalhekk il-KESE jittama li meta jerġgħu jibdew id-diskussjonijiet dwar il-futur tal-PAK lejn l-2013, l-istrateġija globali ta' l-Unjoni Ewropea tindirizza, b'mod komprensiv u sistematiku, l-isfidi kollha li l-agrikoltura u l-ikel Ewropew jiffaċċjaw: politika tas-suq, li trid tibqa' maqgħuda u timmira li tikkumbatti t-theddid li dejjem jiżdied għad-dħul ikkawżat min-natura volatili ta' swieq agrikoli iktar miftuħa u globalizzati; politika ta' żvilupp rurali iktar b'saħħitha u iktar inċiżiva; politika ta' kwalità li tkun meqjusa bħala pilastru ewlieni għall-futur ta' l-agrikoltura Ewropea kollha; politika bbilanċjata u sostnuta tar-riżorsi naturali u ta' l-enerġija.

1.4

Fl-aħħarnett il-KESE jistieden l-Istati Membri biex jiżviluppaw l-inizjattiva tagħhom biex tinkiseb il-valorizzazzjoni sħiħa tas-sistema Ewropea ta' l-IĠO u d-DPO, sabiex jiġu publiċizzati aħjar kemm il-prodotti agrikoli tat-territorju tagħhom kif ukoll il-mudell agrikolu Ewropew.

2.   Introduzzjoni: L-iskema Ewropea ta' l-indikazzjonijiet u d-denominazzjonijiet ġeografiċi: oriġini u żvilupp

2.1

Fis-soċjetà ċivili Ewropea, l-għarfien tal-konsumaturi dwar il-proprjetajiet tal-prodotti ta' l-ikel agrikolu ilu, għal xi żmien, jiżdied regolarment, u dan wassal għal domanda għall-prodotti ta' kwalità. L-UE wieġbet għal din id-domanda b'politika regolatorja u ta' titjib tal-profil tal-prodotti ta'l-ikel agrikolu ta' kwalità, li tkopri kemm kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (“il-pakkett dwar l-iġjene”, traċċabilità eċċ.) u kwistjonijiet marbuta mal-proprjetajiet distintivi ta' ċerti prodotti (marki tal-kwalità: biedja organika, GIs). Dan hu kif għandu jinftiehem it-terminu “kwalità” f'din l-Opinjoni.

2.2

F'dan il-kuntest, tfasslu regolamenti speċifiċi ta' l-UE li jirrikonoxxu speċjalitajiet lokali assoċjati ma' post ta' oriġini: prodotti lokali li l-kwalità jew ir-reputazzjoni tagħhom hija marbuta ma' żona jew reġjuni ta' produzzjoni partikolari jew ma' materja prima jew metodi ta' produzzjoni użati f'żona ġeografika definita.

2.3

F'pajjiżi Ewropej tal-Baċir Mediterranju, il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-post ta' l-oriġini, bħala mezz ta' identifikazzjoni ta' prodott ta' l-ikel tmur lura għall-bidu tas-seklu għoxrin. Oriġinarjament introdotta fis-settur ta' l-inbid u mbagħad estiża għall-prodotti ta'l-ikel agrokolu oħra.

2.4

Fl-1992 il-Kummissjoni għall-ewwel darba adottat qafas leġislattiv komuni dwar denominazzjonijiet ta' ikel agrikolu, li kien japplika għall-Istati Membri kollha ta' l-UE. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida ssellfet definizzjonijiet, rekwiżiti u proċeduri minn leġiżlazzjoni nazzjonali diġà eżistenti, kif jidher ċar mir-rabta mill-qrib bejn il-frażi Ewropea protected designation of origin (denominazzjoni protetta ta' oriġini),appellation d'origine controlée Franċiża, denominación de origen Spanjola, u saħansitra t-Taljana denominazione di origine controllata.

2.5

Il-qafas leġizlattiv kien jikkonsisti mir-Regolament (KEE) 2081/92 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini għall-prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel, u mir-Regolament (KEE) 2082/92 dwar ċertifikati ta' natura speċifika għall-prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel. Iż-żewġ regolamenti ġew aġġornati reċentement, bir-Regolamenti (KE) Nru 510/2006 u 509/2006 ta' Marzu 2006 rispettivament.

2.6

Ir-Regolament (KE) 510/2006 jitratta l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta' prodotti li n-natura speċifika tagħhom hija determinata mill-oriġini ġeografika tagħhom, jiġifieri denominazzjonijiet protetti ta' l-oriġini (DPOs) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (PGIs).

2.6.1

Prodotti li għandhom it-tabella PDO għandhom karatteristiċi li ġejjin biss mill-ambjent naturali u mill-ħiliet tal-produtturi tar-reġjun minn fejn ġejjin. Għalhekk, fejn huma kkonċernati l-PDOs, l-istadji kollha tal-proċess ta' produzzjoni — il-produzzjoni ta' materja prima, l-iproċessar u l-preparazzjoni — iridu jsiru fiż-żona kkonċernata u jrid ikun hemm rabta mill-qrib ħafna bejn il-karatteristiċi tal-prodott u l-oriġini ġeografika tiegħu. Eżempji ta' PDOs huma Huile d'olive de Nyons, Parmigiano reggiano u Shetland Lamb.

2.6.2

Prodotti li għamdhom it-tabella PGI, ukoll għandhom karatteristika speċifika li torbothom ma' reġjun partikolari, iżda stadju wieħed biss fil-proċess tal-produzzjoni jrid isir f'dik iż-żona, pereżempju, il-materja prima użata tista' tiġi minn reġjun ieħor. Eżempji ta' PGIs huma Clare Island Salmon, Arancia Rossa di Sicilia u Dortmund Bier.

2.7

Ir-Regolament (KE) 509/2006 jitratta l-prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel rikonoxxuti bħala speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti (TSGs); din it-tabella hija użata għall-prodotti b'karatteristiċi speċifiċi li jirriżultaw aktar minn ingredjenti tradizzjonali jew metodi ta' produzzjoni milli minn l-oriġini ġeografika. Eżempji ta' TSGs huma Jamón serrano, birra Kriek u ħobż Kalakukko.

2.8

Ir-Regolamenti (KE) Nru 509 u 510/2006 ġew adottati mill-Kunsill ta' l-UE fl-20 ta' Marzu 2006. Fl-istess laqgħa, il-Kummissjoni għamlet stqarrija dwar reviżjoni futura tal-politika dwar l-operat tar-Regolament (KE) Nru 510 u l-iżvilupp ġejjieni tiegħu (3).

2.9

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar id-denominazzjonijiet ta' kwalità ssemplifikat is-sistema konsiderevolment. Per eżempju, l-applikanti, qabel kienu jippreżentaw l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti f'pajjiżhom, li kienu jevalwawha u mbagħad jibgħatu d-dossier kollu lill-Kummissjoni, li għal darb'oħra kienet terġa tevalwah fil-fond. Iżda issa, l-Istati Membri huma responsabbli mill-evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni skond ir-regolamenti u l-linji gwida tal-Kommunità. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa biss li tevalwa l-komponenti prinċipali, miġbura f'dokument wieħed li mbagħad jiġi ppublikat fil-ĠUKE (il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea). Titjib ieħor huwa li produtturi minn pajjiżi terzi jistgħu jibgħatu l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni dritt lill-Kummissjoni, fejn qabel l-applikazzjonijiet kellhom jgħaddu minn idejn l-awtoritajiet nazzjonali, li mhux dejjem kienu lesti jew f'pożizzjoni li jevalwawhom.

2.10

Fil-5 ta' Frar 2007, il-Kummissjoni organizzat Konferenza dwar iċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità ta' l-Ikel, li estendiet konsiderevolment il-firxa ta' kwistjonijiet li jistgħu jiġu indirizzati (skemi ta'ta' ċertifikazzjoni, skemi ta' marki ta' kwalità) u inkluż, il-kwistjoni essenzjali dwar is-sigurtà ta' l-ikel, jiġifieri l-kwalità meqjusa bħala sistema tas-sigurtà ta' l-ikel ta' l-UE. Mhix kumbinazzjoni li l-ewwel konklużjoni tal-Konferenza tgħid: “L-ikel kollu (Ewropew), kemm prodott mill-UE u kemm impurtat, jilħaq standards ta' prodotti għoljin ta' sigurtà u iġjene (4)”.

2.10.1

Madankollu għandu jiġi nnutat li l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali, magħmul mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, ikkonkluda fl-20 ta' Diċembru 2004, illi t-traċċabilità hija rekwiżit li “ma tapplikax” għall-importazzjonijiet ta' l-ikel. Il-KESE ma jaqbilx ma' din id-dikjarazzjoni.

2.11

Fid-dawl tar-riżultati u tal-konklużjonijiet tal-konferenza ta' Frar 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet li tfassal Green Paper dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli, skedata għal Ottubru 2008 u fiha l-ĠIs għandhom jiġu diskussi b'mod estensiv. Il-Green Paper tista tkun segwita minn proposti leġiżlattivi.

2.12

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni (speċifikament id-DĠ għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali) qiegħda taħdem fuq evalwazzjoni interna tas-sistema attwali għall-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi, li r-riżultati tagħha huma mistennija sa Lulju 2008.

2.13

L-opinjoni fuq inizjattiva proprja attwali tal-KESE tidħol f'dan il-kuntest. Madankollu m'għandiex l-għan li tiddiskuti d-diversi aspetti u d-diffikultajiet tal-politika ta' kwalità elenkati hawn fuq, iżda li tiffoka fuq l-effiċjenza u l-effettività ta' l-iskema Ewropea ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet u dwar il-kwistjoni marbuta magħha ta' tan-negozjati kummerċjali multilaterali u bilaterali.

2.14

Ix-xogħol mwettaq s'issa u l-opinjonijiet tal-KESE dwar is-suġġett huma riflessi fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-Promozzjoni ta' prodotti agrikoli lokali speċjalizzati bħala strument ta' żvilupp skond il-PAK il-ġdida (rapporteur: Is-Sinjura Santiago) (5). Barra minn hekk, fl-Opinjoni dwar il-Ġejjieni tal-PAK (rapporteur: Is-Sur Ribbe) (6), il-KESE enfasizza l-bżonn li l-agrikoltura Ewropea għandha tiġi mmirata lejn produzzjoni sigura u ta' kwalità għolja.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1   Implimentazzjoni u riżultati ta' l-iskema: effiċjenza u effettività

3.1.1

Irriżulta li l-iskema introdotta permezz tar-Regolament (KEE) 2081/92 hija ġeneralment effiċjenti. Madankollu, fir-rigward ta' l-operat, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni b'mod partikolari, għal tliet oqsma problematiċi li tfaċċaw maż-żmien:

il-proċess ta' approvazzjoni għall-ispeċifikazzjonijiet, li ħafna drabi jimxi bil-mod wisq u m'huwiex kompatibbli mal-bżonnijiet ta' l-applikanti (diffiċli biex jiġi ppjanat il-bejgħ, strateġiji tal-komunikazzjoni eċċ.), u għalhekk jolqot ħażin b'mod partikolari d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini li għandhom il-potenzjal li jippenetraw is-suq iktar fil-fond u li jkollhom l-ogħla profil;

spezzjonijiet, li xi kultant isiru minn korpi li mhux dejjem ikunu jistgħu jkunu ħielsa minn kunflitti ta' interess, jew, li m'humiex indipendenti biżżejjed biex iwettqu spezzjonijiet indipendenti b'mod sodisfaċenti;

il-kriterji ta' evalwazzjoni għad-denominazzjonijiet, ibbażati b'mod partikolari fuq eżistenza fit-tul, reputazzjoni, disseminazzjoni eċċ., ħafna drabi huma problematiċi fir-rigward ta' tilwim sussegwenti jew azzjoni tal-qorti kemm ġewwa u barra l-UE.

3.1.2

L-iskema uriet li hi ġeneralment effettiva. Il-prodotti kkunsidrati jiġu kważi minn kull kategorija ta' prodotti — annimali u ħaxix, friski u pproċessati, xorb, prodotti mis-sajd, ħwawar eċċ., hekk jif jidher fit-tabella li ġejja, li għandha id-data kollha ta' Diċembru 2007. Skond din it-tabella, in-numru totali ta' DPO u PGI kien ta' 772. Meta pereżempju, jitqiesu n-numru ta' prodotti reġistrati bejn l-2000 u l-2006 in-numru ta' DPOs żdied bi 22 % u n-numru ta' PGIs b'40 %, jiġifieri kienet reġistra żieda medja ta' 29 % matul ħames snin biss.

APPENDIĊI I: Indikazzjonijiet u denominazzjonijiet irreġistrati mid-DĠ AGRI fit-15/12/2007 (http://ec.europa.eu/agriculture/qual/fr/1bbaa_fr.htm)

 

DE

AT

BE

CY

DK

ES

FI

FR

EL

HU

IE

IT

LU

NL

PL

PT

CZ

UK

SK

SI

SE

CO

Tot.

Frott, Ħaxix u ċereali

3

3

0

0

1

34

1

27

32

0

0

53

0

2

0

22

0

1

0

0

0

0

179

Ġobnijiet

4

6

1

0

2

19

0

45

20

0

1

33

0

4

1

12

0

12

0

0

1

0

161

Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3

0

0

0

0

13

0

50

0

0

1

2

1

0

0

27

0

7

0

0

0

0

104

Żjut u xaħmijiet/Żejt taż-Żebbuġa

1

1

1

0

0

20

0

9

26

0

0

38

1

0

0

6

0

0

0

1

0

0

104

Prodotti bbażati fuq il-laħam

8

2

2

0

0

10

0

4

0

1

1

29

1

0

0

28

0

0

0

0

0

0

86

Ilma minerali

31

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

31

Ħobż, għaġina, kejkijiet, oġġetti tal-ħelu, gallettini u oġġetti oħra tal-furnar għall-bejgħ

4

0

1

1

0

7

0

3

1

0

0

3

0

0

0

0

4

0

1

0

1

0

26

Prodotti oħra ta' oriġini mill-annimali (bajd, għasel, prodotti tal-ħalib barra l-butir, eċċ.)

0

0

0

0

0

3

0

6

1

0

0

2

1

0

0

10

0

1

0

0

0

0

24

Prodotti oħra ta' l-Anness I (ħwawar eċċ)

0

0

0

0

0

4

0

7

1

0

0

4

0

0

0

0

1

3

0

0

0

1 (7)

21

Birra

12

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

3

2

0

0

0

0

17

Ħut frisk, molluski u krostaċeji

3

0

0

0

0

1

0

2

1

0

1

0

0

0

0

0

2

3

0

0

0

0

13

Żjut essenzjali

0

0

0

0

0

0

0

1

1

0

0

1

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

3

Gomma u reżina naturali

0

0

0

0

0

0

0

0

2

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

2

Tiben

0

0

0

0

0

0

0

1

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

0

1

TOTAL

69

12

5

1

3

111

1

155

85

1

4

165

4

6

1

105

10

29

1

1

2

1

772

3.1.3

L-iskema GI ġiet diskussa minn perspettivi differeneti, fi studji u riċerka speċifiċi (ara l-proġetti DOLPHINS 1999-2003 u SINER-GI 2004-2008, iffinanzjati mid-DĠ Riċerka) (8),. Dawn il-proġetti konsekuttivi enfasizzaw punti sinifikanti rigward l-effettività tal-GIs Komunitarji.

3.1.3.1

F'dan ir-rigward, il-KESE jindika kwistjoni waħda partikolari, marbuta ma' l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-GIs (studji u riċerka speċifiċi dwar is-suġġett ġew ikkoordinati minn Bertil Sylvander ta' l-INRA (l-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka dwar l-Agrikoltura ) f'Pariġi u Filippo Arfini mill-Università ta' Parma, bi sħab mal-Kummissjoni). Jeżistu tliet tipi ta' tmexxija:

tmexxija reġjonali, li tiffoka fuq l-involviment tal-partijiet interessati kollha fir-reġjun (istituzzjonijiet, negozji, assoċjazzjonijiet eċċ.);

tmexxija settorjali, li tinvolvi biss operaturi fil-katina (ir-reġjun huwa biss “kontenitur”);

tmexxija “tal-kategorija”, fejn huma involuti biss xi wħud mill-operaturi fil-katina, u jistgħu ikunu involuti sempliċiment għall-iskopijiet tagħhom biss.

Madankollu, fir-rigward ta' l-effettività, hemm distinzjoni bejn tmexxija “b'saħħitha” u “dgħajfa”, fejn “b'saħħitha” timplika tmexxija li tista' tiggarantixxi r-reputazzjoni ta' prodott lill-utenti differenti u, b'mod partikolari, lill-konsumaturi.

3.1.3.2

Barra minn hekk, il-KESE jinnota li s-suċċess kummerċjali tal-GIs għadu limitat u huwa sinifikanti biss fejn hemm produzzjoni strutturata tajjeb ta' prodotti li huma rikki fl-ingredjenti iktar 'il fuq fil-katina, immexxija minn organizzazzjonjiet li huma kapaċi joħolqu netwerks ta' negozji u strateġiji kummerċjali effettivi. Il-promozzjoni tal-kontenut, tal-kwalitajiet u, fejn jixraq in-natura reġjonali ta' prodott GI hi, fil-fatt, deċiżiva għas-suċċess tad-denominazzjoni ta' l-oriġini. Naturalment, l-eżistenza fit-tul ta' prodott GI tikkontribwixxi għal dan imma ma twarrabx il-ħtieġa ta' miżuri iktar effettivi biex isostnu l-organizzazzjonijiet u l-inizjattivi ta'kommunikazzjoni.

3.1.3.3

Madankollu, l-KESE jinnota li l-effetti u l-impatt ekonomiku u soċjali ta' l-iskema GI ma jistgħux titkejlu biss bl-użu ta' indikatur numeriku-statistiku ta' kontribuzzjoni għall-produzzjoni grossa li tista' titqiegħed fis-suq, minħabba li l-effetti u l-impatt li jistgħu jiġu osservati fir-rigward tar-reġjuni jew inkella l-bilanċ tal-kummerċ fi Stat Membru jew fl-UE jistgħu jolqtu firxa wiesgħa ta' operaturi soċjo-ekonomiċi, lil hinn sew mis-settur agrikolu biss.

3.1.4

Il-KESE jemmen li wieħed mill-aspetti tal-GIs li huwa ta' interess kbir huwa r-relazzjoni bejn il-GIs u l-iżvilupp rurali. Minħabba li fil-bidu tfasslu bħala strumenti ta' protezzjoni għall-prodotti, ħafna marki ta' l-oriġini saru opportunitajiet ġenwini għall-promozzjoni ta' speċjalitajiet kulturali minn żona ġeografika sħiħa. Dan jagħti idea ċara ta' l-opportunitajiet li jistgħu jinħolqu bl-estensjoni tal-GIs sabiex jinkludu prodotti li l-oriġini tagħhom mhix agrikola u kif dan jista' jkun konsistenti għal kollox mal-linji gwida Komunitarji dwar l-iżvilupp rurali li ilhom fis-seħħ (Green Paper ta' l-1985; il-Kommunikazzjoni dwar il-Futur tas-soċjetà rurali ta' l-1988; id-Dikjarazzjoni ta' Cork ta' l-1995).

3.1.4.1

L-ispeċjalitajiet lokali, fir-rwol tagħhom li jippromovu l-kultura, jistgħu u jridu jsiru muturi fl-irkupru ekonomiku fiż-żoni rurali, speċjalment fiż-żoni l-iktar żvantaġġati. Madankollu dan l-aspett ma jridx jiġi kkunsidrat biss mill-aspett Komunitarju. Il-KESE jenfasizza li fil-kuntest ta' l-iskema Ewropea attwali u l-użu potenzjali ta' marki ta' l-UE minn pajjiżi li m'humiex fl-UE, l-assoċjazzjoni tal-kunċett tal-GIs ma' l-iżvilupp rurali u l-applikazzjoni prattika sussegwenti tagħhom huma partikolarment attraenti għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Tabilħaqq, skond awtoritajiet ewlenija internazzjonali (FAO, Bank Dinji), hemm xebħ bejn il-kunċett tal-GIs u dak li f'pajjiżi li qed jiżviluppaw jista' jiġi deskritt bħala “għarfien lokali”jew sempliċiment bħala tradizzjoni. Dan huwa l-approċċ meħud fil-gwidi għall-utenti tal-GIs (li jistipula r-regoli u l-proċeduri Komunitarji) li l-FAO u l-Bank Dinji qegħdin ifasslu u jqassmu fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

3.1.5

Punt ieħor li m'għandux jiġi injorat huwa l-impatt benefiku tal-GIs fuq l-ambjent fir-reġjuni minn fejn huma ġejjin. Filfatt, speċjalitajiet lokali huma prodotti permezz ta' prattiċi ta' produzzjoni u/jew ta' proċessar li huma fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq proċeduri li, tradizzjonalment, jużaw ftit li xejn jew l-ebda proċessi tekniċi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent, u/jew sistemi ta' biedja li m'humiex intensivi u li għalhekk ikattru l-bijodiversità u l-protezzjoni tal-kampanja u ta' l-ambjent.

3.1.6

F'termini ta' l-effettività, irid jittieħed kont tal-metodi li bihom jistgħu jinbidlu s-sitwazzjonijiet fil-futur. Il-KESE qiegħed jara sinjali li sitwazzjonijiet li s'issa tqiesu bħala immutabbli jistgħu jinbidlu. Ħafna ktajjen u industriji tad-distribuzzjoni ta' l-ikel multinazzjonali, per eżempju, qed jieħdu sehem f'inizjattivi biex jinkorporaw il-GIs fil-firxa ta' prodotti tagħhom, u sa ċertu punt imorru lilhinn mill-politiki internazzjonali ta' marka u l-istrateġiji tas-suq globali li s'issa ddubitaw il-bżonn ta'– kif ukoll il-bażi — għad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini. Dan huwa preċedent interessanti ħafna, u l-mod kif jevolvi jista' jkun ta' importanza kbira meta niġu għall-iżvilupp tal-GIs.

3.1.7

B'rabta ma' dan, studji wrew illi, wara tibdil fit-tipi ta' produzzjoni domestika, qiegħed ifeġġ xaqq ta' dawl fl-oppożizzjoni ta' l-Istati Uniti għall-mudell Ewropew tal-GI (li jirriżulta mill-fatt illi s-sitwazzjoni agro-alimentari tagħhom hija differenti ħafna u li l-istrateġiji kummerċjali tagħhom huma ta' spiss kompletament bil-kontra għal dawk ta' l-UE). Fl-Istati Uniti ukoll, qegħdin joħorġu każijiet ġodda ta' kumpaniji ta' produzzjoni li rabtu s-suċċess tal-prodotti tagħhom mal-postijiet ta' l-oriġini u issa qegħdin jilmentaw min-nuqqas ta' protezzjoni xierqa. Mal-każ magħruf ta' l-inbejjed min-Napa Valley (California) issa żdiedu wkoll prodotti oħra minn diversi Stati ta' l-Istati Uniti u tal-Kanada (il-larinġa ta' Florida, Bleuet du Lac Saint-Jean) li qiegħed iqumu kontra l-plaġjariżmu tad-denominazzjonijiet u t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni f'dawk l-Istati jew fi Stati ġirien.

3.1.8

Fl-aħħar nett, il-KESE jinnota tendenza ġenerali fost il-konsumaturi li jagħtu importanza lill-post ta' l-oriġini tal-prodotti, li jitqies bħala fattur li jinfluwenza l-għażliet tax-xiri tagħhom (ara, per eżempju, l-konklużjonijiet tal-proġetti Ewropej TYPIC — 2005 u DOLPHINS — 2002). Bl-istess mod, il-konsumaturi jidhru li huma lesti li jħallsu prezz ogħla għall-prodotti ċertifikati li huma ta' oriġini speċifika, li jitqiesu ta' kwalità ogħla u iktar siguri. F'dan il-kuntest, jistgħu jiġu esplorati ukoll il-kwistjonijiet il-ġodda ta' identifikazzjoni ta' l-oriġini tal-materja prima u l-użu tal-prodotti tal-GI bħala ingredjenti f'prodotti ta' l-ikel.

3.1.8.1

Madankollu, il-KESE jinnota li r-rikonoxximent ta' l-iskemi ta' ċertifikazzjoni Ewropej u l-logos tagħhom għadu mhux adegwat u uniformi. Skond rapport taċ-Ċentru Internazzjonali għal Studji Agronomi Avvanzati tal-Mediterran — CIHEAM (dwar l-Identità u l-Kwalità tal-Prodotti ta' l-Ikel tal-Mediterran, Pariġi, 2007) 80 % taċ-ċittadini Ewropej qatt ma semgħu bid-DPOs u 86 % qatt ma semgħu bil-PGIs. Madankollu meta l-istess mistoqsija saret b'referenza għal denominazzjonijiet nazzjonali korrispondenti (eż, id-Denominación de Origen Spanjola jew l'Appellation d'origine controlée Franċiża) aktar nies kienu familjari magħhom. Huwa ċar li hemm problema f'livell Ewropew ta' promozzjoni tal-prodotti u kif dawn jintgħarfu mill-konsumaturi

3.2   L-iskema Ewropea u n-negozjati kummerċjali multilaterali u bilaterali

3.2.1   Interess strateġiku

3.2.1.1

F'Settembru 2003, il-proċeduri u r-riżultat negattiv sussegwenti tal-Konferenza Ministerjali ta' Cancun urew li n-negozjati kummerċjali m'għadhomx biss fora għal skopijiet ta' negozjar ta' prezzijiet u tariffi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq reċiproċi, iżda fl-istess waqt ukoll biex jiġu diskussi l-mudelli ta' produzzjoni (jiġifieri produzzjoni u tipi ta' ikel, tradizzjonijiet u storja). L-għarfien u l-apprezzament tal-produzzjoni u tat-tradizzjonijiet ta' l-ikel ta' xulxin huma prerekwiżiti essenzjali għal negozjati kummerċjali ta' suċċess.

3.2.1.2

Meta l-Komunità Ewropea tpoġġi mal-mejda tan-negozjati kummerċjali, tkun qed tqabbel il-mudell soċjali u ekonomiku partikolari tagħha ma' mudelli validi oħra. Għalhekk il-KESE jħoss li, sabiex l-inizjattivi Komunitarji għan-negozjati għadhom ikunu sostanzjali biżżejjed u kredibbli, għandhom ikunu parti essenzjali mill-politika ta'relazzjonijiet esterni li tinkludi wkoll negozjati dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u dwar il-kummerċ. Jekk ikunu parti minn qafas bħal dan, il-politiki ta' kwalità jistgħu jiffurmaw sett ta' regoli li jkunu kompatibbli ma' approċċ usa lejn il-politika tal-kooperazzjoni internazzjonali, li aktar minn qatt qabel hi essenzjali għall-istabbiltà dinjija.

3.2.2   Il-proċess regolatorju

3.2.2.1

Kif inhu magħruf, wieħed mill-prinċipji bażiċi tas-sistema legali Komunitarja huwa l-moviment ħieles ta' prodotti fis-suq uniku Ewropew (Artikolu 23 tat-Trattat tal-KE). Kien hemm diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta' din il-politika minħabba d-diversità regolamentari ta' l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-isfond storiku ta' dawn id-differenzi huwa qafas kumpless, kontradittorju u internazzjonali ta' regoli u ftehimiet konfliġġenti, u l-globalizzazzjoni tagħmel is-sitwazzjoni aktar ta' tħassib. Għalhekk hu essenzjali il-bżonn li jiġi żgurat ambjent ekwu għall-operaturi ekonomiċi f'suq dejjem aktar miftuħ. Regolamentazzjoni koerenti tal-GIs jista' jgħin biex jinkiseb dan kollu.

3.2.2.2

Internament, saru passi importanti lejn l-armonizzazzjoni permezz tal-każistika stabbilita bis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-UE li oriġinarjament applikat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

3.2.2.3

Fil-livell internazzjonali, il-ħidma lejn approċċ konġunt dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-bidu ifformat parti minn negozjati u ftehimiet dwar il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, u mbagħad tal-proprjetà intellettwali. Bil-Konvenzjoni ta' Pariġi (1883 — 169 Stat Membru), il-Ftehim ta' Madrid (1891- 34 Stat Membru) u l-Ftehim ta' Lisbona (1958 — 23 Stat Membru), ġie rikonoxxut il-prinċipju li prodott jiġi assoċjat ma' post lokali ta' l-oriġini, għalkemm f'qafas li ma kien xejn sodisfaċenti f'termini ta' ċertezza legali, monitoraġġ u potenzjal għall-imitazzjoni qarrieqa.

3.2.3   TRIPS: dak li nkiseb u l-paraliżi

3.2.3.1

Il-Ftehim TRIPS, imwaqqaf fl-1994, jinkludi taqsima dwar aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, marbuta mal-kummerċ, u li hija ddedikata għall-indikazzjonijiet ġeografiċi:

a)

definizzjoni ta'l-IĠ (Artikolu 22)

b)

standards ta' protezzjoni ġenerali għall-IĠ għall-prodotti kollha (Artikoli 22(2)-22(4))

c)

protezzjoni addizzjonali għal indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbejjed u spirti (Artikolu 23)

d)

negozjati u eċċezzjonijiet futuri (Artikolu 24).

3.2.3.2

It-terminoloġija użata fi ftehimiet internazzjonali biex tiddeskrivi r-rabta bejn “post” u “prodott” tindika rabtiet dejjem aktar mill-qrib: indikazzjonijiet tas-sors (Madrid, 1891), indikazzjoni ġeografika (TRIPS, 1994), denominazzjoni ta' l-oriġini (Lisbona, 1958). Essenzjalment jista' jingħad li d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini kollha huma indikazzjonijiet ġeografiċi, filwaqt li mhux l-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha huma denominazzjonijiet ta' l-oriġini. Rendikon tal-kategorizzazzjoni tat-tipi differenti ta' prodotti assoċjati mar-reġjuni taħt id-diversi ftehimiet internazzjonali ngħata fit-teżi tad-dottorat ta' Sabrina Cernicchiaro (għall-Università ta' Parma) Analisi della Politica di riconoscimento internazionale delle indicazioni geografiche (analiżi tal-politika dwar ir-rikonoxximent internazzjonali ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi).

3.2.3.3

Filwaqt li l-Ftehim TRIPS kien sinifikanti fl-istorja tal-ftehimiet dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ta' prodotti fil-kummerċ internazzjonali, xorta ħalla ħafna punti ewlenin mhux solvuti. Huwa introduċa definizzjoni konġunta ta'l-IĠ li issa tapplika għal 151 stat membru u ddeskriva sistema waħda ta' soluzzjoni ta' tilwim. Fl-istess waqt, mill-anqas tliet nuqqasijiet prinċipali għandhom jissemmew:

a)

l-introduzzjoni ta' prinċipju ta' protezzjoni negattiva (l-istati membri huma kapaċi jipprevjenu l-użu ħażin ta' l-IĠ);

b)

l-introduzzjoni inċerta tas-sistema ta' notifika u reġistrazzjoni multilaterali (sal-punt illi għad hemm żewġ interpretazzjonijiet differenti u konfliġġenti tar-regoli: skond waħda minnhom, ir-regoli huma obbligatorji u vinkolanti; skond l-oħra, is-sistema hi volontarja);

c)

l-eżistenza fil-prattika ta' differenzi fit-trattament (b'referenza għall-istess sors legali!) — il-protezzjoni ġenerali ta' prodotti agrikoli u l-protezzjoni addizzjonali.

3.2.3.4

Hemm ukoll ftehimiet oħra reġjonali relatati mal-protezzjoni ta'l-IĠ, bħall-Ftehim ta' l-Organizzazzjoni Afrikana tal-Proprjetà Intellettwali (AIPO) ta' Marzu 1977; u l-Protokoll ta' Banjul ta' l-Organizzazzjoni Reġjonali Afrikana tal-Proprjetà Intellettwali (ARIPO) dwar il-Marki f'Marzu 1997.

3.2.4   Diffikultajiet għall-produtturi Ewropej u punti ewlenin għal kompetizzjoni internazzjonali tajba

3.2.4.1

Il-KESE jisħaq li l-insuffiċjenza tar-regoli internazzjonali qiegħda tikkawża diffikultajiet sostanzjali għall-produtturi Ewropej ta' prodotti IĠ. L-abbuż dejjem jiżdied ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi, kif ukoll qafas legali għall-protezzjoni ta' IĠ li jvarja ħafna minn pajjiż għall-ieħor, qiegħed ifixkel bl-aħrax il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-istati membri ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

3.2.4.2

L-ewwel diffikultà spiss tkun l-interpretazzjoni korretta tar-regoli interni tas-suq partikolari. Xi produtturi Ewropej ta' prodotti IĠ rnexxielhom jiksbu l-protezzjoni għal isimhom barra l-UE iżda għad hemm każijiet ta' abbuż, kontrafazzjoni u diffikultajiet burokratiċi kbar saħansitra f'dawn il-każijiet. L-ammont ta' abbuż huwa direttament marbut ma kemm hu magħruf tajjeb il-prodott IĠ: tinħoloq ħsara kbira finanzjarja u n-negozju Ewropew ma jista' juża l-ebda strateġija ta' marketing biex jiżgura l-lealtà tal-konsumaturi lejn il-prodott. F'termini ġenerali, din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi frodi fir-rigward ta' konsumaturi f'pajjiżi terzi u hija ta' ħsara għad-dehra ġenerali tal-mudell agrikolu u ta' l-ikel Ewropew.

3.2.4.3

F'pajjiżi li għandhom sistema ta' reġistrazzjoni ta' l-IĠ speċifika tagħhom, il-produtturi Ewropej jiltaqgħu ma' anqas diffikultajiet, għalkemm jinħolqu problemi sostanzjali meta l-protezzjoni tintrabat ma' ismijiet użati flimkien ma' termini bħal “tip” jew “stil”. B'mod ġenerali, il-produtturi Ewropej iridu jħabbtu wiċċhom ma' spejjeż kbar u diffikultajiet legali serji biex jippruvaw li l-IĠ tagħhom mhux isem ġeneriku.

3.2.4.4

Fin-nuqqas ta' qafas internazzjonali ċar u rikonoxxut, il-produtturi Ewropej ikomplu jidħlu fis-swieq b'marki protetti (marki ta' kumpaniji privati, marki kollettivi u marki ta' ċertifikazzjoni). Din l-istrateġija, ukoll, tiltaqa' ma' diffikultajiet sostanzjali. Filfatt, spiss ikun hemm ismijiet ta'ditti fuq is-swieq internazzjonali li diġà jkollhom l-isem ta'l-IĠ li l-produtturi Ewropej jixtiequ jirreġistraw. (F'dan il-każ, jeħtieġ li jsir impenn għall-kompitu iebes li wieħed jiddisputa legalment l-użu tal-marka.) Barra minn hekk, saħansitra meta marka tkun ġiet irreġistrata, il-produtturi xorta waħda jistgħu jitilfu l-protezzjoni tagħha jekk is-suq partikulari jingħalaq minħabba f'raġunijiet ta' saħħa u l-marka ma tistax tintuża kontinwament.

3.2.5   Negozjati u ftehimiet bilaterali

3.2.5.1

Quddiem kriżi jew paraliżi tan-negozjati multilaterali — fejn żvilupp ġdid huwa essenzjali — il-ftehimiet bilaterali qegħdin gradwalment jieħdu l-post ta' prominenza f'negozjati kummerċjali internazzjonali. Hemm madwar 300 ftehim bilaterali, u din iċ-ċifra għandha mnejn tilħaq l-400 sa l-2010. Is-sitwazzjoni tagħti lok għal tħassib peress li dan it-tip ta' ftehim imissu, min-natura tiegħu stess jintrabat mal-ftehimiet multilaterali tad-WTO, b'kull tip ta' ftehim jikkunsidra tipi partikolari ta' kwistjonijiet: in-negozjati multilaterali għandhom ikopru kwistjonijiet kumplessi ħafna bħal sussidji, anti-dumping u regoli dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali; in-negozjati bilaterali għandhom jikkunsidraw kwistjonijiet aktar sempliċi u l-adozzjoni ta' kriterji preferenzjali fil-kummerċ bejn il-pajjiżi.

3.2.5.2

Madankollu, il-KESE jħoss li l-UE m'għandhiex tkun spettattriċi waqt li mexxejja dinjija kbar jinnegozjaw u jiddeċiedu dwar punti ewlenin ta' regoli u kummerċ b'mod bilaterali. Fir-rigward ta' l-ikel agrikolu, huwa ġeneralment osservat illi l-flessibbiltà tar-relazzjonijiet bilaterali tagħmilhom punt tat-tluq tajjeb għall-bidu tan-negozjati u għall-kisba ta' soluzzjoni aċċettabbli u li tista' tkun verifikata. Barra minn hekk, l-esperjenza turi li dawn ir-riżultati jinkisbu, parzjalment għaliex ir-relazzjonijiet bilaterali jinkludu l-għajnuna teknika għas-sistemi amministrattivi ta' xi pajjiżi li jiffirmaw ftehimiet bħal dawn, u ukoll minħabba li s-sistemi tagħhom għadhom mhux adegwati. Barra minn hekk, hemm ukoll ħtieġa għal dan f'negozjati multilaterali.

3.2.5.3

Xi żmien ilu, l-UE bdiet tidħol f'negozjati u tiffirma ftehimiet bilaterali dwar prodotti ta' l-ikel agrikolu IĠ. Dawn issa tniedu f'kull kategorija ta' prodotti ta' l-ikel kważi mas-sieħba kollha mhux Ewropej. Il-kwistjoni tal-protezzjoni ta'l-IĠ issa hi inkuża sistematikament.

3.2.6   IĠ fiċ-ċiklu ta' Doha: il-protezzjoni tajba hi fl-interess tal-partijiet interessati kollha

3.2.6.1

Il-Punt 18 tad-Dikjarazzjoni ta' Doha (Novembru 2001) jelenka pożizzjoni ta' negozjar doppja u differenzjata:

a)

Fir-rigward tat-twaqqif ta' sistema multilaterali ta' notifika u reġistrazzjoni ta' l-IĠ għall-inbejjed u l-ispirti, tipprovdi b'mod espliċitu [“We agree to negotiate … by the Fifth Session of the Ministerial Conference …” (Naqblu li ninnegozjaw ... permezz tal-Ħames Seduta tal-Konferenza Ministerjali ...)] li din tkun inkluża fuq l-aġenda tan-negozjati TRIPS;

b)

madankollu, fir-rigward tal-protezzjoni ta' l-IĠ għal prodotti apparti inbejjed u spirti, id-dikjarazzjoni tirreferi biss għad-diskussjoni dwar il-kwistjoni lill-Kunsill għal TRIPS (“We note that issues related to the extension … will be addressed in the Council for TRIPS”) (Ninnutaw li kwistjonijiet relatati ma' l-estensjoni ... se jiġu indirizzati fil-Kunsill għal TRIPS).

3.2.6.2

Fir-rigward ta' l-ewwel punt, minkejja l-isforzi ta' negozjar tal-Kummissjoni, ma ttieħdet l-ebda azzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-impenn għan-negozjati li sar f'Doha. Għad hemm żewġ interpretazzjonijiet konflittwali tad-dikjarazzjoni: min-naħa waħda, l-UE, l-Isvizzera, l-Indja, it-Turkija u xi pajjiżi oħra jikkunsidraw li ftehim irid jiġi konkluż bl-introduzzjoni obbligatorja tar-reġistru fl-istati membri kollha tad-WTO; mill-banda l-oħra, l-Istati Uniti, l-Awstralja, in-New Zealand eċċ. jixtiequ jillimitaw n-negozjati u l-ftehim għal twaqqif volontarju ta' dan l-istrument, u f'dak il-każ biss fil-pajjiżi li waqqfu sistema legali domestika għall-protezzjoni ta' denominazzjonijiet ta' l-oriġini — tip ta' database.

3.2.6.3

Fir-rigward tat-tieni punt — l-estensjoni tal-protezzjoni ta'l-IĠ għal prodotti li ma jinkludux inbejjed u spirti — għad iridu jitnedew n-negozjati proprji.

3.2.6.4

Eżatt qabel il-Konferenza ta' Cancun ta' l-2003, mingħajr l-ebda prospett reali ta' progress fin-negozjati TRIPS, l-Unjoni Ewropea għamlet sforz mingħajr suċċess li tpoġġi fuq l-aġenda tan-negozjati agrikoli l-protezzjoni multilaterali ta' 41 denominazzjoni ta' l-oriġini bil-ħsieb li twaqqaf mill-ġdid protezzjoni legali fl-aċċess għas-suq għal prodotti ta' l-ikel li isimhom kienu l-aktar li qed jintużaw ħażin fis-swieq internazzjonali. Il-falliment tal-Konferenza Ministerjali ta' Cancun illimita n-negozjati fuq dan il-punt.

3.2.6.5

L-isforzi formali l-aktar reċenti tal-WTO biex tagħmel progress fil-qasam tan-negozjati multilaterali u biex testendi protezzjoni akbar ta' l-inbejjed u l-ispirti għal prodotti oħra seħħew fl-2005 (9). Id-diskussjonijiet tekniċi komplew fuq bażi ta' dokument informali mibgħut mill-UE, li kien jiffoka fuq il-proposta li l-inklużjoni fir-reġistru multilaterali għandu jimplika li l-IĠ hi protetta fil-pajjiżi l-oħra kollha, b'terminu ta' 18-il xahar għal oġġezzjonijiet. Skond dan il-ftehim, il-piż tal-prova kontra jaqa' f'idejn l-objettur. Hemm żewġ oġġezzjonijiet partikolari għar-reġistru: l-Istati Uniti u l-pajjiżi l-oħra li jitkelmu bl-Ingliż jaraw kuflitt bejn l-effetti legali u l-prinċipju tat-territorjalità, filwaqt li l-problema tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw hi d-diffikultà amministrattiva li tinżamm l-iskadenza, li huma jqisu qasira wisq, biex wieħed jopponi l-inklużjoni fir-reġistru. F'Diċembru ta' l-2007, il-Kummissjoni għamlet talba formali biex jiġi mressaq test li jista jifforma l-bażi għal reġistru internazzjonali.

3.2.6.6

Il-KESE jħoss li tinħtieġ tnedija mill-ġdid tal-pakkett tan-negozjati (estensjoni ta' l-Artikolu 23 TRIPS għall-prodotti kollha IĠ; reġistru internazzjonali; għajnuna teknika għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw), fiduċja fl-interess ġdid li qiegħed jintwera fil-prodotti li jkollhom it-tabella ta' l-oriġini u li qegħdin joħorġu fis-swieq domestiċi ta' xi pajjiżi terzi u f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Barra minn hekk, bdew jiċċaqalqu l-affarijiet mal-mejda tan-negozjati, fejn inizjattiva Svizzera wasslet għall-formazzjoni spontanja tal-“ħbieb ta'l-IĠ” — grupp ta' pajjiżi li qegħdin jiġġieldu għal żvilupp ġdid.

3.2.6.7

Il-KESE tabilħaqq jisħaq li l-indikazzjonijiet ġeografiċi huma l-unika forma ta' proprjetà intellettwali li l-komunitajiet lokali jistgħu jkollhom madwar id-dinja. Firda fid-WTO bejn it-tramuntana u n-nofsinhar fuq dan il-punt għalhekk ma tagħmilx sens.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni.

(2)  Sentenza tas-26 ta' Settembru 2008 tal-Qorti tal-Ġustizzja (Każ “Parmesan”

(3)  Ara d-dokument tal-Kunsill ta' l-UE Nru 7702/06 ADD 1 (Addendum għall-abbozz tal-minuti; l-2720 laqgħa tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea (Agrikoltura u Sajd), li saret fi Brussell fl-20 ta' Marzu 2006.

(4)  Ara: http://ec.europa.eu/agriculture/events/qualityconference/conclusions_en.pdf.

(5)  ĠU Ċ 284 ta' l-14.9.1998, paġna 62.

(6)  ĠU Ċ 125 tas-27.5.2002, paġna 87.

(7)  Café tal-Kolomb

(8)  Ara: www.origin-food.org.

(9)  Id-dokument WTO ref. TN/IP/W/11 ta' l-14 ta' Ġunju 2005.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Intejbu l-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili tal-Komunità — Nirreaġixxu għal diżastri naturali

(2008/C 204/15)

Nhar il-25 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(a) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni addizzjonali dwar

Intejbu l-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili tal-Komunità — nirreaġixxu għal diżastri naturali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Sánchez Miguel.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-13 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'108 voti favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE, bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili, jemmen li għandu jikkontribwixxi għad-dibattitu ta' l-UE dwar l-indirizzar tad-diżastri naturali, billi jieħu approċċ immirat lejn il-prevenzjoni, l-intervenzjoni u li l-partijiet jassumu r-responsabbiltà fil-każ ta' diżastri kkawżati minn atti jew nuqqasijiet tal-bniedem.

1.2

F'dan il-kuntest, wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-leġislazzjoni Ewropea attwali fiha dispożizzjonijiet biżżejjed għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta' l-effetti potenzjali ta' xi diżastri naturali. Għalhekk, ikun utli jekk l-awtoritajiet kompetenti jerġgħu jitħeġġu biex jimmonitorjaw l-applikazzjoni ta' din il-leġislazzjoni madwar l-UE. Il-KESE jemmen li l-implimentazzjoni tad-WFD u leġislazzjoni relatata, b'mod partikulari d-Direttiva dwar l-Għargħar, għandha tnaqqas l-impatt ta' diżastri bħal dawn, li waqt li m'humiex inevitabbli, jistgħu jittaffu bis-saħħa ta' l-istabbiliment tal-pjanijiet dwar il-ġestjoni ta' l-għargħar inklużi fil-pjanijiet għal-baċiri tax-xmajjar. Leġislazzjoni għall-prevenzjoni tan-nirien tal-foresti jista' jkollha effett simili.

1.3

Kwistjoni importanti hija l-konnessjoni bejn il-prevenzjoni tad-diżastri u t-taħriġ u l-edukazzjoni, u l-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema ta' informazzjoni xierqa, sabiex il-professjonisti u l-pubbliku jkunu konxji tal-metodi ta' rispons għal inċidenti li jistgħu jiġru f'żona partikulari. Il-KESE għalhekk jilqa' s-sistema ta' ċentri tat-taħriġ inter-reġjonali għall-protezzjoni ċivili stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea.

1.4.

Fir-rigward tal-protezzjoni ċivili, il-KESE jixtieq jifraħ lill-Kummissjoni għat-twaqqif malajr ta' sistema Ewropea ta' solidarjetà li mhix biss inter-reġjonali iżda wkoll internazzjonali, u għandha r-riżorsi tagħha nnifisha li jippermettulha taġixxi b'mod effiċjenti kemm fir-rispons għad-diżastri kif ukoll fir-riabilitazzjoni ta' żoni affettwati. L-Artikolu 176 C ġdid tat-Trattat ta' Lisbona jsaħħaħ l-objettivi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill kienu stipolaw f'dan ir-rigward.

1.5.

Fl-aħħar nett, il-KESE jemmen li s-sistema ta' responsabbiltà ambjentali għandha tiġi applikata kif inhi stipulata fid-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedju ta' ħsara ambjentali, sabiex ikun stabbilit b'mod ċar ir-responsabbiltà ta' min hu ħati ta' ċerti diżastri, bħal nirien li jitqabbdu b'mod intenzjonali. Il-KESE jaħseb li implimentazzjoni aħjar tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u informazzjoni dwar il-konsegwenza ta' nuqqas ta' konformità mal-leġislazzjoni preventiva jew ta' atti li jagħmlu ħsara kemm miċ-ċittadini kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jgħinu jtaffu l-effetti ta' diżastri naturali.

2.   Daħla

2.1

Diżastri qed iseħħu b'rata dejjem iktar mgħaġġla, mhux biss fil-konfini ta' l-UE iżda madwar id-dinja; uħud minnhom huma kkawżati minn fenomeni naturali bħal għargħar, terremoti, nirien, eċċ. waqt li oħrajn huma r-riżultat ta' atti terroristiċi li jxerdu l-biża' fost iċ-ċittadini. F'kull każ, l-attività tal-bniedem hija, sa ċertu punt, responsabbli, kemm direttament kif ukoll indirettament, għalkemm wieħed ma jistax iqabbel il-livell ta' intenzjonalità bejniethom.

2.2

L-UE wiegħdet li tieħu azzjoni preventiva bħala rispons għall-bidla fil-klima, u mhux biss billi timplimenta l-impenji li saru fil-Protokoll ta' Kyoto, iżda wkoll permezz ta' għadd ta' deċiżjonijiet immirati lejn il-preservazzjoni ta' l-art, l-ilma u l-arja. Din l-inizjattiva hija mmirata lejn il-prevenzjoni; tista' tgħin mhux biss fiż-żamma u r-riġenerazzjoni ta' l-artijiet, l-ibħra u l-atmosfera tagħna, iżda wkoll sabiex jitħeġġeġ it-teħid ta' azzjoni f'pajjiżi oħrajn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed twettaq xogħol preparatorju fir-rigward ta' l-iżvilupp ta' approċċ Ewropew integrat għall-prevenzjoni ta' diżastri naturali sa tmiem l-2008.

2.3

Barra minn dawn il-miżuri preventivi, l-UE waqqfet sistema Komunitarja għall-assistenza fil-każ li jseħħ diżastru fil-konfini tagħha. Hija sistema ta' għajnuna reċiproka intenzjonata mhux biss għall-pajjiżi ta' l-UE, fejn intużat kemm-il darba, iżda wkoll għal diżastri fl-Oċean Indjan, fl-Amerika t'Isfel, eċċ.

2.4

Huwa importanti li jiġu kkjarifikati l-komplementarjetajiet bejn interventi f'każ ta' diżastru u l-għajnunaumanitarja. Ġeneralment, iż-żewġ strumenti għandhom l-istess objettiv ewlieni li jtaffu l-impatt fuq il-popolazzjoni ta' diżastri u ta' avvenimenti oħrajn. L-intervent fil-każ ta' diżastru hija l-kompetenza tal-protezzjoni ċivili, li tgħin ukoll biex tnaqqas mill-impatt li diżastri jkollhom fuq l-ambjent u fuq il-proprjetà, kemm fl-UE kif ukoll lill hinn minnha, billi jsejħu għal riżorsi u timijiet mill-Istati Membri ta' l-UE. L-għajnuna umanitarja, min-naħa l-oħra, hija attiva f'pajjiżi terzi speċifiċi u tinvolvi l-NGOs u korpi umanitarji oħrajn. Iż-żewġ strumenti jikkooperaw ma' l-aġenziji tan-NU.

2.5

Wieħed għandu jinnota li l-fond għad-diżastri li twaqqaf wara l-każ serju ta' għargħar fil-baċir ta' l-Elba għen sabiex jittejbu l-interventi ta' l-UE. Importanti daqsha huwa l-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili (1) stabbilit fl-2001 u aktar tard riformat (2) sabiex jipprovdu rispons mgħaġġel għal diżastri li jistgħu jiġru fl-Istati Membri jew pajjiżi terzi.

3.   Miżuri preventivi

3.1

Il-prevenzjoni hija fattur essenzjali fil-ħarsien u l-konservazzjoni ta' l-ambjent, u sabiex ikun evitat li ssir ħsara kontra ċ-ċittadini. L-għan huwa li jintużaw riżorsi naturali b'mod sostenibbli. Dak li ġie mbassar fir-rigward it-tnaqqis u t-telfien fuq skala wiesgħa tal-bijodiversità issa qed iseħħ, u sa punt li jmur lil hinn mill-previżjonijiet l-iktar pessimisti. Meta nżidu l-intervent uman, ta' sikwit apposta, illum insibu ruħna niffaċċjaw diżastri rikorrenti li, għalkemm naturali, mhumiex normali, minħabba l-frekwenza tagħhom u qabel xejn l-iskala ta' l-impatt li jkollhom.

3.2

Il-miżuri preventivi li ser jissemmew f'din l-Opinjoni huma dawk koperti mil-leġislazzjoni attwali — fi kliem ieħor, kellhom jiġu implimentati u monitorjati mill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru. B'mod ġenerali, xi diżastri jistgħu jiġu evitati, jew minimizzati, u għalhekk wieħed jista' jikkonkludi li għandu jkun hemm kondizzjonijiet simili għall-ħarsien ambjentali madwar l-UE, permezz ta' konformità mar-regolamenti fis-seħħ.

3.2.1

Wieħed mill-istrumenti legali li kellu l-ikbar impatt fil-prevenzjoni tad-diżastri naturali jirrigwarda t-tniġġis ta' l-ibħra u l-oċeani bl-idrokarburi. L-istrument ikopri kundizzjonijiet tat-trasport (bastimenti b'buq doppju) iżda wkoll il-miżuri marittimi fil-pakketti Erika I u II, li kellhom suċċess biex inaqqsu l-effetti ta' dawn id-diżastri.

3.3

Ir-riċerka ambjentali hi marbuta mal-kwistjoni ta' prevenzjoni, u l-KESE diġà sejjaħ għal koordinazzjoni aħjar u akbar bejn il-programmi tar-riċerka u dawk ambjentali (3), sabiex il-fondi tar-riċerka jistgħu jiġu allokati għal riċerka ambjentali prattika.

3.4

Il-prevenzjoni hija marbuta wkoll mat-taħriġ u t-tagħrif, mhux biss għat-timijiet tal-protezzjoni ċivili iżda għall-pubbliku in ġenerali, sabiex kull każ ta' intervent ikun iktar effettiv meta jseħħ diżastru naturali. Il-promozzjoni u l-għarfien ta' politiki ambjentali għandhom jiżdiedu fl-Istati Membri kollha, u dawn il-politiki għandhom jiġu mgħallma fl-iskejjel, u mhux biss fl-universitajiet.

3.5   Miżuri għall-prevenzjoni ta' l-għargħar

3.5.1

L-ewwel qasam li ser jiġi kopert huwa l-ilma. L-ilma ta' spiss huwa l-każ ta' diżastri naturali, mhux biss bl-għargħar, it-tsunamis u fenomeni oħrajn tal-baħar, iżda wkoll minħabba l-iskarsità tagħha (4), li tista' twassal għal bidliet kbar, per eżempju d-deżertifikazzjoni ta' biċċiet kbar tan-nofs in-nhar ta' l-Ewropa.

3.5.2

Minn dejjem kien jinħass in-nuqqas ta' xi ħaġa fid-Direttiva Qafas ta' l-Ilma (5): l-istabbiliment ta' objettiv rigward il-prevenzjoni, il-protezzjoni u kemm aħna lesti għal għargħar. Meta wieħed jikkonsidra n-numru kbir ta' diżastri li ġraw f'inqas minn għaxar snin u l-ħafna nies li sfaw vittmi tagħhom, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni u proposta għal Direttiva (6) sabiex jiġu regolati l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji ta' għargħar, billi tipproponi analiżi tas-sitwazzjoni u r-riskji futuri, u pjan ta' azzjoni u prevenzjoni konġunt madwar l-UE.

3.5.3

L-għargħar qed jiżdiedu fl-UE minħabba żewġ raġunijiet prinċipali: l-ewwel, huwa fatt ġeneralment aċċettat li l-bidla fil-klima għandha impatt fuq l-intensità u l-frekwenza ta' l-għargħar madwar l-Ewropa (7), u r-raġuni parzjali hija x-xita torrenzjali irregolari u l-livell tal-baħar li potenzjalment ser jitla'; it-tieni, l-attività tal-bniedem, bħax-xogħol ta' kostruzzjoni fix-xmajjar u proġetti sabiex l-ilma tax-xmajjar jiġi devjat u kkanalizzat, kif ukoll attivitajiet oħra li jissiġġillaw il-ħamrija u b'hekk inaqqsu l-kapaċità naturali tan-natura biex iżżomm ammonti eċċessivi ta' ilma meta jkun hemm għargħar, u dan kollu jsir mingħajr miżuri li jevalwaw l-impatt ambjentali u joffru rimedju għal dan l-impatt. Ir-riskji qed jiżdiedu wkoll fis-sens li l-ħsara li jikkawża l-għargħar qiegħda tiżdied peress li iktar u iktar nies qed jibnu djar f'żoni fejn ir-riskju ta' għargħar huwa għoli.

3.5.4

F'konformità mal-pożizzjoni preċedenti tiegħu (8), il-KESE huwa tal-fehma li l-miżuri stipulati fid-Direttiva dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar ta' l-għargħar għandhomjitwettqu. L-aċċettazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-proposta tal-KESE (fl-Opinjoni tiegħu dwar il-komunikazzjoni ta' l-2004) sabiex miżuri dwar l-għargħar jiġu inkorporati fl-implimentazzjoni tad-WFD tgħin favur il-promozzjoni ta' l-inklużjoni ta' pjanijiet dwar il-ġestjoni ta' l-għargħar fil-pjanijiet dwar il-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar, u b'hekk ikun żgurat li l-azzjoni neċessarja tkun ippjanata għall-baċir kollu u jittieħdu miżuri effettivi mill-awtoritajiet kompetenti kollha (lokali, statali u transnazzjonali).

3.5.5

Il-KESE jtenni wkoll li għandha titwettaq valutazzjoni preliminarja tar-riskji ta' għargħar għal kull baċir, fejn jiġi evalwat liema żoni huma suxxettibbli għall-għargħar, sabiex tkun tista' tiġi mfassla mappa ta' intervent li tiffaċilita miżuri preventivi, b'mod partikulari fir-rigward tar-riforestazzjoni u l-afforestazzjoni taż-żoni muntanjużi, il-ħarsien ta' l-artijiet mistagħdra u ekosistemi relatati. F'dan il-kuntest, huwa importanti għas-soċjetà ċivili li tkun informata u involuta, peress li dan jgħin sabiex il-miżuri ta' prekawzjoni ikunu iktar faċli.

3.6   Miżuri għall-prevenzjoni tan-nirien

3.6.1

Il-politiki ta' prevenzjoni għandhom bżonn jissaħħu. Għalkemm il-prevenzjoni essenzjalment hija r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, il-Komunità tista' tgħinhom biex jevitaw jew inaqqsu l-impatt ta' diżastri naturali, inklużi nirien tal-foresti.

3.6.2

Il-Komunità għandha tkompli tikkunsidra firxa ta' miżuri, mit-tqajjim tal-kuxjenza pubblika sal-ġestjoni ta' l-art. Miżuri bħal dawn jista' jkollhom effetti pożittivi oħrajn, per eżempju li jgħin fl-adattament għall-bidla fil-klima.

3.6.3

Meta wieħed iqis il-modi kif jaġixxu ma' xulxin is-setturi differenti, għandu jittieħed approċċ integrat. L-iżvilupp urban li jaffettwa żoni li tradizjonalment jintużaw għall-forestrija mhux biss iżid ir-riskju ta' nirien u b'hekk, għall-qerda ambjentali, iżda jista' jfisser ukoll li tiġi kkunsidrata l-evakwazzjoni ta' l-abitanti u mhux it-telf tal-foresti.

3.6.4

L-istrumenti finanzjarji varji ta' l-UE disponibbli bħala appoġġ għall-isforzi ta' prevenzjoni ta' l-Istati Membri għandhom jiġu riveduti u aġġornati, sabiex mhux biss ikunu konformi mas-sitwazzjoni attwali, iżda wkoll sabiex jinstabu sinerġiji bejn l-istrumenti differenti bil-għan li jiġu protetti b'mod iktar effettiv il-ħajja u l-ambjent, kif ukoll il-wirt kulturali. Fejn jingħataw fondi Komunitarji għall-irkupru min-nirien tal-foresti jew għall-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa juru li ser jiġu implimentati miżuri sodi għall-prevenzjoni tan-nirien.

3.6.5

B'mod simili, il-Kummissjoni għandha tkompli tippromovi l-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza bejn l-Istati Membri, sabiex jiżguraw li prattiki tajbin jinqasmu b'mod wiesa'. Id-differenzi bejn sitwazzjonijiet f'pajjiżi differenti għandhom jitqiesu, u għandha tissaħħaħ l-azzjoni tal-gruppi reġjonali.

3.6.6

Miżuri ta' prevenzjoni għandhom jinkludu wkoll dispożizzjonijiet legali relatati mar-responsabbiltà ċivili u kriminali ta' dawk li jikkawżaw in-nirien, kemm intenzjonalment kif ukoll aċċidentalment.

4.   Protezzjoni ċivili

4.1

Il-KESE jilqa' l-fatt li t-Trattat ta' Lisbona (9) jintroduċi artikolu ġdid, 176 C, li permezz tiegħu l-protezzjoni ċivili hija stabbilita bħala mezz kif “għandha tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex issaħħaħ l-effettività ta' sistemi ta' prevenzjoni ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem u ta' protezzjoni minnhom”. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-għan m'huwiex biss li jiġu appoġġjat l-Istati Membri, iżda wkoll li jiġu armonizzati l-azzjonijiet li jittieħdu fil-livell internazzjonali mill-UE.

4.2

Il-qafas li jirregola l-azzjoni favur il-protezzjoni ċivili jikkonsisti minn żewġ strumenti: il-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili u l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili (10). Iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni għall-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili huwa bbażat fil-Kummissjoni Ewropea u jopera 24 siegħa kuljum. Għandu database dwar is-servizzi tal-protezzjoni ċivili f'kull Stat Membru, li jinkorpora d-data mid-databases militari, li huma utli ħafna. Iċ-ċentru jamministra wkoll programmi Komunitarji dwar l-istat ta' preparazzjoni, inklużi programmi ta' taħriġ u eżerċizzji.

4.3

F'dawn l-aħħar snin, l-esperjenza wriet kemm hija importanti l-ħidma ta' koordinazzjoni taċ-ċentru — in-nirien reċenti li kien hemm f'Greċja juru dan. Madankollu, għad hemm lok għal titjib, u għalhekk il-KESE sejjaħ għal żjieda fil-baġit tiegħu sabiex ikollu iktar riżorsi ta' kwalità ogħla għal ħidmietu. Iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni jista' jsir ċentru operazzjonali ġenwin b'aktar persunal sabiex ikun jista' jantiċipa b'mod pro-attiv l-iżvilupp ta' kriżi, jimmonitorja l-iżvilupp tagħhom, jorganizza attivitajiet sabiex jitjieb l-istat ta' preparazzjoni, u jiffaċilita u jikkoordina l-għajnuna ta' l-UE għall-protezzjoni ċivili fl-UE u barra minnha.

4.4

Sabiex jintlaħaq stat ta' preparazzjoni aħjar fil-każ ta' diżastri kbar, huwa neċessarju li jissaħħu l-isforzi ta' l-UE fil-qasam tat-taħriġ u l-eżerċizji fil-protezzjoni ċivili. Dan il-għan jista' jintlaħaq l-aħjar billi jiġi żviluppat Istitut ta' Taħriġ Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili li jorbot iċ-ċentri nazzjonali ta' kompetenza. Proposti għall-ħolqien ta' netwerk strutturat bħal dan għandhom jiġu eżaminati b'mod urġenti mill-Istituzzjonijiet Ewropej.

4.5

Sistemi ta' twissija bikrija jeżistu l-iktar għall-ikbar perikli naturali fl-Ewropa iżda hemm nuqqas sinifikanti ta' sistemi simili għal tsunamis. In-nuqqas ta' sistemi ta' allarm komuni u protokolls huwa ta' tħassib kbir meta wieħed iqis il-mobilità dejjem tiżdied taċ-ċittadini madwar l-Ewropa u f'pajjiżi terzi.

4.6

It-titjib li ġabet il-Kummissjoni fl-2005 għen sabiex il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili ikun aktar effettiv fl-UE, u ppermetta li jaġixxi bħala strument favur solidarjetà inter-reġjonali u internazzjonali. Konsegwentement, għandu jsir kull sforz possibbli sabiex jingħata rispons malajr kemm jista' jkun u effettiv għal kull tip ta' diżastru. Dan jirrikjedi proċeduri definiti minn qabel jew pjanijiet ta' assistenza li f'kull każ għandhom jiġu testjati permezz ta' eżerċizzji, u aġġornati skond l-esperjenza miksuba minn dawn l-eżerċizzji.

4.7

Il-pjanijiet għandhom jinkludu komunikazzjonijiet bis-satellita, mapep aġġornati u riżorsi xierqa sabiex tintlaħaq kkoordinazzjoni sodisfaċenti. Dawn ir-riżorsi kollha għandhom ikunu f'idejn l-UE. Dawn il-pjanijiet għandhom jistabbilixxu standard li jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta' solidarjetà u effettività ta' l-UE fil-livell internazzjonali.

4.8

Ir-riformulazzjoni tal-mekkaniżmu Komunitarju għall-protezzjoni ċivili tagħti dispożizzjoni għall-ħolqien mill-Istati Membri ta' moduli għall-protezzjoni ċivili magħmula mir-riżorsi nazzjonali. Dan għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' forza għal reazzjoni rapida ta' l-UE fil-każ ta' diżastri kbar. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jħarrġu dawn il-moduli b'mod urġenti, u l-prijorità għandha tkun fil-qasam tat-tifi ta' nirien. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-moduli jkunu disponibbli għal użu malajr fil-każ li jiġi attivat il-mekkaniżmu Komunitarju.

4.9

Diżastri reċenti wrew li minkejja s-solidarjetà ta' l-UE, ir-riżorsi mobilizzati mhux dejjem huma adegwati. Issa huwa urġenti li titwettaq analiżi msejsa fuq xenarji ta' diżastri sabiex jiġu identifikati nuqqasijiet. Fejn evalwazzjonijiet bħal dawn juru li ċerti riżorsi m'humiex disponibbli b'mod suffiċjenti fl-UE, jew li r-riżervi ta' riżorsi Ewropej għall-protezzjoni ċivili jistgħu jiksbu vantaġġi f'termini ta' effettività u effiċjenza fir-rigward l-ispiża, l-UE għandha tiżvilupp dawn ir-riżervi ta' riżorsi.

4.10

Barra minn hekk, timijiet ta' evalwazzjoni u koordinaturi ta' l-UE għandhom jiġu kkonsultati dwar l-irkupru taż-żona milquta, peress li l-għarfien professjonali tagħhom jaf ikun utli għar-riabilitazzjoni. Dan għandu jgħin sabiex ma ssir attività spekulattiva, fatt li sfortunatament jiġri wara xi nirien.

4.11

Meta jkun hemm bżonn ta' azzjoni f'pajjiżi li mhumiex fl-UE, interventi mill-mekkaniżmu għandhom jitqiesu bħala parti integrali tal-politika barranija u l-għajnuna umanitarja ta' l-UE, u meqjusa bħala evidenza tas-solidarjetà Ewropea mal-pajjiżi kkonċernati.

4.12

Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi definit ir-rwol kooperattiv li l-organizzazzjonijiet umanitarji għandu jkollhom fil-protezzjoni ċivili. Operazzjonijiet barra mill-UE għandhom jiġu kkoordinati mis-sħab fl-għajnuna umanitarja li jaħdmu skond mandat speċifiku, bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-Moviment tas-Salib l-Aħmar/tan-Nofs Qamar Aħmar, organizzazzjonijiet internazzjonali u l-NGOs.

5.   Responsabbiltà ambjentali

5.1

Huwa importanti li wieħed jinnota li leġislazzjoni dwar prevenzjoni ma jkollhiex l-effett mixtieq fuq il-ħsara kkawżati mid-diżastri naturali. Kien hemm dewmien eċċessiv fl-istabbiliment ta' sistema legali għar-responsabbiltà ambjentali (11) u l-leġislazzjoni ambjentali kriminali (12) għadha fl-istadju tat-tieni abbozz.

5.2

Il-liġijiet nazzjonali f'dan il-qasam ivarjaw ħafna, u dan jista' joħloq distorsjoni fil-leġislazzjoni rilevanti. Fil-prattika, m'hemmx armonizzazzjoni ta' l-UE fil-qasam tar-responsabbiltà ambjentali, u m'hemmx dispożizzjonijiet ġeneralizzati għat-tiswija jew it-tnaddif taż-żoni affettwati minn diżastri naturali, peress li dan m'huwiex il-mandat tal-liġi ta' l-UE. Barra minn hekk, il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” m'huwiex applikabbli f'ħafna reġjuni ta' l-UE.

5.3

Fatturi oħrajn jistgħu jkunu involuti wkoll, per eżempju ċertu ta' tip ta' ħsara jaffettwa iktar minn pajjiż wieħed, li jfisser li sistemi differenti tal-liġi għandhom jiġu applikati. Is-separazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti mil-livell lokali sa dak nazzjonali hija problema ewlenija wkoll, meta wieħed iqis li dawn l-awtoritajiet jistgħu jkunu involuti wkoll fit-tiswija, u peress li din tikkawża kunflitti meta jasal il-waqt li tiġi inforzata r-responsabbiltà.

5.4

L-ambitu tal-leġislazzjoni dwar ir-responsabbiltà, kif stipulat fid-Direttiva, jiffoka fuq il-prevenzjoni jew it-tiswija ta' ħsara ambjentali, skond il-liġijiet fis-seħħ fl-UE, relatata mal-bijodiversità, it-tniġġis ta' l-ilma u l-ħamrija, u huwa definit l-iktar, iżda mhux b'mod esklussiv, permezz ta' referenza għal-leġislazzjoni Komunitarja attwali. Għalhekk huwa importanti li jiġi enfasizzat li huma biss każijiet fejn ikun hemm nuqqas ta' konformità mal-liġijiet fis-seħħ u li huma elenkati fl-Anness III tad-Direttiva li jkunu jistgħu jsiru talbiet dwar responsabbiltà kontra dawk ħatja mill-ħsara.

5.5

L-ewwel skema ta' responsabbiltà tapplika għall-attivitajiet okkupazzjonali perikolużi jew li huma potenzjalment perikolużi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva. Dawn huma l-iktar attivitajiet agrikoli jew industrijali li jesiġu liċenzja taħt id-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, attivitajiet li jarmu metalli tqal fl-ilma jew fl-ajru, installazzjonijiet li jipproduċu sustanzi kimiċi perikolużi, attivitajiet għall-ġestjoni ta' l-iskart (inklużi miżbliet u inċineraturi) u attivitajiet li jikkonċernaw organiżmi modifikati ġenetikament u mikro-organiżmi. Skond din l-ewwel skema, l-operatur jista' jitqies responsabbli anke jekk ma kellux tort. It-tieni skema ta' responsabbiltà tapplika għall-attivitajiet okkupazzjonali kollha barra dawk elenkati fl-Anness III tad-Direttiva, iżda biss fejn hemm ħsara, jew it-theddida imminenti ta' ħsara, għal speċjijiet jew abitazzjonijiet naturali protetti mil-leġislazzjoni Komunitarja. F'dan il-każ, l-operatur jitqies responsabbli biss jekk kellu tort jew kien traskurat. Id-Direttiva tagħti wkoll dispożizzjoni għal ċertu numru ta' eżenzjonijiet mir-responsabbiltà ambjentali.

5.6

Hemm żewġ modi kif il-ħsara tista' tissewwa. Jew l-operatur jieħu l-miżuri meħtieġa ta' restorazzjoni, li jkunu ffinanzjat direttament mill-opeatur, jew l-awtorità kompetenti jista' jieħu l-miżuri implimentati minn parti terza u tirkupra l-ispejjeż minn dak li għamel il-ħsara. Kombinazzjoni taż-żewġ approċċi hija possibbli wkoll fl-interess ta' effettività akbar.

5.7

Meta hemm iktar minn parti waħda responsabbli għall-ħsara, id-Direttiva tħalli f'idejn l-Istati Membri jiddeċiedu kif jaqsmu l-ispejjeż. Iż-żewġ għażliet ewlenin huma responsabbiltà konġunta jew responsabbiltà apporzjonata. Waqt li din is-sistema doppja għandha l-għan li tiffaċilita l-adattament għas-sistemi legali ta' l-Istati Membri, minkejja dan għandu jiġi rimarkat li l-istabbiliment tal-proporzjon ta' ħsara ambjentali huwa diffiċli ħafna, li jfisser li l-implimentazzjoni ta' din is-sistema fil-prattika hija diffiċli ħafna.

5.8

Fl-aħħar nett, għandu jkun enfasizzat li r-rekwiżit ta' sigurtà finanzjarja għall-operaturi suġġett għal leġislazzjoni dwar l-ilma, il-ħamrija u l-bijodiversità jgħin sabiex it-tiswija tkun iktar effettiva, waqt li jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi ta' falliment.

Brussell, it-13 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom.

(2)  Qabel, kien hemm programm ta' azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, stabbilit minn Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/847/KE tad-9 ta' Diċembru 1999, u riformat mir-Regolament tal-Kunsill 2005/52 tas-6 ta' April 2005. Fit-8 ta' Novembru 2007, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju tal-protezzjoni ċivili (riformulat).

(3)  Opinjoni CESE 578/2003, ĠU C 208 tat-3 ta' Settembru 2003, pġ. 16-22.

(4)  COM(2007) 414 finali — Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewrope.

(5)  ĠU L 327 tat-22 ta' Diċembru 2000, pġ. 72 .

(6)  Komunikazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju ta' għargħar — Prevenzjoni, protezzjoni u mitigazzjoni ta' l-għargħar COM(2004) 472 finali, ĠU C 221 of 8.9.2005, pġ. 35.

Proposta għal Direttiva dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar ta' l-għargħar COM (2006) 15 finali tat-18.1.2006.

Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23.10.2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar ta' l-għargħar, ĠU C 195 tat-18.08.2006, pġ. 37.

(7)  Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) — Rapport tal-Grupp ta' Ħidma II “L-impatti, l-adattament u l-vulnerabilità”

(8)  Ara nota 6.

(9)  ĠU C 306 tas-17.12.2007.

(10)  Barra minn hekk, xi Stati Membri waqqfu istituti sabiex jinvestigaw u jipprovdu informazzjoni dwar diżastri naturali. Dawn l-istituti jaqdu rwol ewlieni fil-prevenzjoni ta' dawn id-diżastri.

(11)  Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedju tal-ħsara ambjentali.

(12)  L-ewwel Proposta għal Regolament saret fl-2001, u ġiet irtirata mill-Kunsill. Aktar tard, il-KESE ġie kkonsultat dwar proposta ġdida (COM(2007) 51 finali — 2007/0022 (COD), li tiddefendi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Settembru 2005, kkonfermata minn sentenza oħra tas-27 ta' Ottubru 2007, dwar l-awtorità tal-Kummissjoni sabiex toħloq leġislazzjoni dwar reati ambjentali.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/70


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tintroduċi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2008/C 204/16)

Nhar is-27 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew idddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni proprja dwar

Il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tintroduċi sanzzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Roksandić, il-ko-rapporteur kien is-Sur Almeida Freire.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'118-il vot favur, 56 vot kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li ma ntalabx jagħti opinjoni dwar id-direttiva proposta li tipprovdi “sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali”, għalkemm fl-introduzzjoni tad-direttiva hemm imniżżel li dan sar. Bħala regola ġenerali, id-direttiva proposta m'hiex parti mill-oqsma ta' konsultazzjoni obbligatorja tal-Kumitat, madankollu dan jemmen li huwa neċessarju li r-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu kkonsultati f'kwistjonijiet bħal dawn u f'każijiet relatati minħabba li dawn jirrigwardaw ir-regolamentazzjoni ta' oqsma prinċipali li mhux biss huma parti mill-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, iżda wkoll għandhom impatt fuq l-impjieg u l-politika soċjali.

1.2

Il-KESE għalhekk iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar din il-proposta għal direttiva. Huwa jemmen li s-soċjetà ċivili organizzata, u speċjalment l-imsieħba soċjali, għandhom rwol importanti ħafna x'jaqdu fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tad-direttiva tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali.

1.3

Fl-opinjonijiet adotatti s'issa (1), il-Kumitat enfasizza l-bżonn li tittieħed azzjoni simultanja sabiex jinħolqu opportunitajiet għal immigrazzjoni legali u jiġu ffaċċjati l-kawżi ta' l-immigrazzjoni “irregolari”.

1.4

Il-Kumitat japprova l-proposta, peress li fil-prattika tippromovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, il-Kumitat għandu dubji dwar il-kontenut tad-direttiva proposta, dwar jekk il-proposta ġietx imnedija f'mument propizju u dwar l-ordni li bih ġew adottati l-proposti leġislattivi. L-impjegar ta' immigranti illegali huwa marbut mill-qrib mat-tħaddim tas-suq tax-xogħol u ma' l-impjegar illegali in ġenerali u għalhekk mhux lakemm jiġi evitat bl-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq min iħaddem.

1.5

Fir-rigward tar-rabta bejn iż-żewġ oqsma ta' azzjoni differenti tal-Kummissjoni Ewropea rilevanti għall-immigrazzjoni fil-livell Komunitarju, jiġifieri ż-żona tal-libertà, sigurtà u ġustizzja fuq naħa, u l-politika soċjali u ta' l-impjieg fuq in-naħa l-oħra, il-Kumitat jenfasizza l-importanza li l-leġislazzjoni eżistenti ta' l-Unjoni Ewropea tiġi armonizzata mal-leġislazzjoni dwar l-immigrazzjoni legali u illegali li qed titħejja attwalment. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-problema ta' l-immigrazzjoni illegali ma tistax tiġi solvuta billi sempliċiment jingħalqu l-fruntieri u jiġu implimentati miżuri ta' impożizzjoni.

1.6

Il-migrazzjoni u l-immigrazzjoni legali fi ħdan l-UE u lejn l-UE għandhom bżonn jiġu rregolati kemm jista' jkun malajr. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tevalwa attentament il-possibbiltà li tintensifika l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

1.7

L-esperjenzi internazzjonali juru li l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat hija effettiva l-iktar meta titwettaq fuq il-bażi ta' diversi direzzjonijiet ta' azzjoni li jimxu b'mod parallel ma' xulxin. Għalhekk, flimkien mal-possibbiltajiet għall-immigrazzjoni legali tal-persuni li jixtiequ jaħdmu f'dawk is-setturi ta' l-ekonomija bl-ikbar numru ta' xogħol imwettaq minn immigranti illegali, huwa neċessarju wkoll li jitfasslu kampanji ta' informazzjoni u edukattivi li juru l-effetti tax-xogħol mhux iddikjarat. Barra minn hekk, il-politika ta' sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu għandha tkun uniformi — irrispettivament min-nazzjonalità tal-ħaddiem mhux iddikjarat. Għalhekk, id-direttiva proposta għandha tagħmel parti minn pakkett usa' ta' azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, inkluż fost l-immigranti illegali, u mhux l-istrument fundamentali propost mill-Kummissjoni.

1.8

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni effettiva tad-direttiva fl-Istati Membri li l-kompitu tagħhom m'hux wieħed faċli minħabba li i) il-korpi ta' sorveljanza m'għandhomx biżżejjed persunal ikkwalifikat, ii) hemm diffikultajiet fil-qsim tar-responsabbiltajiet bejn il-korpi kkonċernati u iii) hemm numru kbir ta' kumpaniji li għandhom jiġu ssorveljati.

1.9

Il-Kumitat jemmen li għandhom jiġu kkonsolidati dawk il-proposti fid-direttiva li jwasslu għall-benefiċċji fir-realtà. Il-bidliet u ż-żjidiet proposti mill-Kumitat huma elenkati taħt it-titolu “Kummenti speċifiċi”, u għandhom l-għan li jassiguraw diviżjoni aktar xierqa tar-responsabbiltà, kif ukoll titjib fis-sitwazzjoni tal-ħaddiema mingħajr dokumenti. Jekk dawn il-proposti jiġu injorati, dawn it-tip ta' ħaddiema jistgħu jiġu sfruttati aktar.

2.   Daħla

2.1

Il-proposta għal direttiva hija waħda minn numru kbir ta' proposti leġislattivi mressqa mill-Kummissjoni Ewropea b'konformità mal-komunikazzjonijiet tagħha dwar il-pjan ta' politika dwar il-migrazzjoni legali ta' l-2005 (2), u l-prijoritajiet ta' politika fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini minn pajjiżi terzi (Lulju 2006) (3). F'dawn il-komunikazzjonijiet, il-Kummissjoni pproponiet li tnaqqas il-fatturi li jinkoraġġixxu l-immigrazzjoni illegali lejn l-UE, l-aktar wieħed importanti jkun il-possibbiltà li jinstab ix-xogħol. L-Istati Membri għandhom jintroduċu penali simili, u jimplimentawhom b'mod effettiv, kontra dawk li jħaddmu ċittadini minn pajjiżi terzi. Il-Kunsill Ewropew approva l-proposta (4) tal-Kummissjoni f'Diċembru 2006.

2.2

Fl-2007, il-proposta għal direttiva kienet segwita minn:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar migrazzjoni ċirkolari u sħubiji ta' mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi (5);

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg bi kwalifiki għoljin (6);

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta' applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta' drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru (7);

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat (8).

3.   Sommarju tad-direttiva proposta

3.1

L-għan tad-direttiva huwa li x-xogħol offrut minn dawk li jħaddmu jkun inqas attraenti għall-migranti li m'għandhomx il-permessi neċessarji (jitnaqqas il-“fattur li jattira”). Fuq il-bażi ta' miżuri eżistenti fl-Istati Membri, id-direttiva għandha tiżgura li i) l-Istati Membri kollha jintroduċu penali simili għal min iħaddem lil dawn iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li m'għandhomx il-permessi ta' residenza meħtieġa u ii) jinfurzawhom b'mod effettiv.

3.2

Id-direttiva tikkonċerna l-politika dwar l-immigrazzjoni, mhux il-politika dwar l-impjieg jew il-politika soċjali. Il-bażi legali tagħha hija l-Artikolu 63(3)(b) tat-Trattat tal-KE, u dan huwa maħluq sabiex titnaqqas l-immigrazzjoni illegali fl-UE.

3.3

Il-proposta ma tikkonċernax l-immigrazzjoni legali u l-impjieg taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li jiksru l-istatut tagħhom ta' residenza (bħal fil-każ ta' studenti jew turisti) jew xogħol mhux iddikjarat minn ċittadini ta' pajjiżi terzi.

4.   Kontenut tal-proposta

4.1

Id-direttiva tipprojbixxi l-impjegar ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li jgħixu fl-UE illegalment. L-infrazzjonijiet għandhom jiġu sanzjonati b'penali (li jistgħu jkunu ta' natura amministrattiva) li jikkonsistu f'multi u, fil-każ ta' negozji, il-possibbiltà ta' miżuri oħra, inkluż l-esklużjoni mis-sussidji pubbliċi u mill-irkupru tagħhom, kif ukoll l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-kuntratti bl-appalt. Il-penali kriminali jistgħu jiġu imposti f'każijiet serji.

4.2

L-Artikolu 2 jistabbilixxi d-definizzjoni ta' impjieg għall-iskopijiet tad-direttiva. Id-definizzjoni ta' “min iħaddem” tkopri lill-persuni fiżiċi u legali, li jimpjegaw ċittadin ta' pajjiż terz sabiex jagħmel xogħol imħallas.

4.3

Min iħaddem huwa obbligat i) li jivverifika, qabel ma jimpjega lil ċittadini minn pajjiżi terzi, li dawn għandhom permess legali ta' residenza li huwa validu mill-inqas għall-perijodu ta' impjieg u ii) li jżomm kopja ta' dak id-dokument għal skop ta' spezzjoni. Min iħaddem imbagħad jitqies li wettaq l-obbligu tiegħu, sakemm id-dokument ippreżentat ikun jidher biċ-ċar li huwa falz. Huma biss in-negozji u l-persuni legali li huma obbligati li jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti kemm il-bidu kif ukoll it-tmiem ta' l-impjieg ta' ċittadini minn pajjiżi terz l-iktar tard fi żmien ġimgħa.

4.4

Dawk li jħaddmu li ma jirrispettawx il-projbizzjoni fuq l-impjegar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment ser jiġu puniti b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disważivi. Għal kull infrazzjoni, dawk li jħaddmu jiġu ppenalizzati b'multi u b'obbligu li jkopru l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni (għandhom iħallsu liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi kull remunerazzjoni pendenti għax-xogħol li jkunu għamlu u kwalunkwe taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali pendenti). B'konformità ma' l-Artikolu 10, f'ċerti ċirkustanzi infrazzjoni tista' tikkostitwixxi reat kriminali meta din titwettaq intenzjonalment.

4.5

L-Istati Membri għandhom jintroduċu wkoll penali finanzjarji (multi u l-ispejjeż ta' ripatrijazzjoni taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi) kif ukoll sanzjonijiet oħrajn (esklużjonijiet temporanji mill-benefiċċju ta' fondi pubbliċi u mill-proċeduri tal-parteċipazzjoni fil-kuntratti bl-appalt, irkupru tal-fondi ta' l-UE li diġà ngħataw, għeluq temporanju jew għal perijodu twil ta' l-istabbilimenti). Huma stipulati wkoll ir-responsabbiltà tal-persuni legali u sanzjonijiet possibbli kontrihom. Jistgħu jinżammu d-dispożizzjonijiet eżistenti fl-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà tal-persuni legali.

4.6

Meta min iħaddem ikun subkuntrattur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kemm il-kuntrattur prinċipali kif ukoll is-subkuntrattur jinżammu responsabbli t-tnejn li huma għall-ħlas tas-sanzjonijiet finanzarji kollha u ta' kwalunkwe ħlas pendenti dovut.

4.7

Min iħaddem għandu jirrimborża l-kontributi u t-taxxi pendenti kollha liċ-ċittadin ta' pajjiż terz. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jadottaw mekkaniżmi sabiex jiżguraw li l-proċeduri ta' rkupru jinbdew awtomatikament, mingħajr ma jkun hemm bżonn li ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi jintroduċu talba. Hemm suppożizzjoni li relazzjoni tax-xogħol iddum mill-inqas 6 xhur, ħlief jekk min iħaddem ikun jista' jipprovdi xiehda mod ieħor. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi mħaddma illegalment jirċievu lura kwalunkwe ħlas pendenti dovuta lilhom, anke f'każijiet ta' ritorn volontarju lejn pajjiżhom jew jekk jiġu ripartrijati. Fejn hemm involut reat kriminali, iċ-ċittadini ta' pajjiż terz m'għandhomx jintbagħtu lura f'pajjiżhom qabel ma jirċievu kull ħlas pendenti dovut lilhom.

4.8

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull sena għall-inqas 10 % tal-kumpaniji stabbiliti fuq it-territorju tagħhom jkunu suġġetti għal spezzjonijiet sabiex jiġi ssorveljat l-impjieg taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi residenti illegalment. L-għażla tal-kumpaniji li għandhom jiġu spezzjonati għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju li tikkunsidra fatturi bħas-settur li fih topera kumpanija u kwalunkwe rekord ta' infrazzjoni tal-liġi fil-passat.

4.9

L-Istati Membri jridu jittrasponu d-direttiva fi żmien sentejn mill-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

5.   Kummenti ġenerali

5.1

Il-proposta għal direttiva tolqot żewġ oqsma differenti tal-ħidma tal-Kummissjoni, li huma marbutin mill-qrib fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-politika ta' l-immigrazzjoni: iż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizza fuq naħa, u l-impjieg u l-politika soċjali fuq naħa oħra. Il-Kumitat m'hux kontra l-idea żviluppata fil-proposta li ssir pressjoni kemm fuq dawk li jħaddmu li huma diżonesti kif ukoll fuq l-organizzazzjonijiet illegali li jittraffikaw lill-persuni li m'għandhomx dokumenti. Il-Kumitat japprova l-proposta għal direttiva, peress li tippromovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

5.2

Il-Kumitat iħoss li huwa neċessarju li l-istituzzjonijiet Ewropej jikkunsidraw id-deċiżjonijiet li diġà ttieħdu u:

jassiguraw li l-leġislazzjoni dwar l-immigrazzjoni legali u illegali li tinsab fil-fażi ta' tħejjija tkun koerenti mal-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti;

jiċċaraw l-implikazzjoni u r-riperkussjonijiet, kemm għall-migranti fi ħdan l-UE kif ukoll għal dawk li qegħdin jimmigraw lejn l-UE minn pajjiżi terzi.

Hemm bżonn ta' ċarezza dwar dawn il-kwistjonijiet delikati, għax jirrigwardjaw mhux biss is-sigurtà, il-ġustizzja, u l-politika tal-kompetizzjoni, iżda wkoll id-drittijiet tal-bniedem, u dawn jolqtu lis-suq, lill-erba' libertajiet u lill-forza tax-xogħol, kemm minn punt kollettiv kif ukoll individwali, u wkoll għaliex l-immigrazzjoni hija neċessarja għall-UE. Fl-opinjonijiet adotatti s'issa, il-Kumitat enfasizza l-bżonn li tittieħed azzjoni simultanja sabiex jinħolqu opportunitajiet għal immigrazzjoni legali u jiġu ffaċċjati l-kawżi ta' l-immigrazzjoni “irregolari”.

5.3

Il-migrazzjoni u l-immigrazzjoni legali fi ħdan l-UE u lejn l-UE għandhom bżonn jiġu rregolati kemm jista' jkun malajr. Ir-restrizzjonijiet fuq il-migrazzjoni fl-Istati Membri ħolqu numru ta' problemi, fixklu ċ-ċaqliq liberu tal-ħaddiema bejn ċerti Stati Membru u wasslu sabiex ċerti ċittadini ta' pajjiżi terzi, kif ukoll dawk ta' l-UE, jiġu impjegati taħt ksur tar-regolamenti u sfruttati minn dawk li jħaddmuhom. Il-passi sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat fl-UE u fl-Istati Membri individwali għandhom jittrattaw lill-ħaddiema impjegati b'dan il-mod fuq l-istess bażi, irrispettivament jekk humiex ċittadini ta' l-UE jew ta' pajjiż terz. Għalhekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tevalwa mill-qrib il-possibbiltà li tiġi estiża l-bażi legali tal-proposta għal direttiva sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri kontra x-xogħol illiegali li jsir minn kwalunkwe persuna li m'għandhiex il-permessi jew id-dokumenti neċessarji.

5.4

Il-Kumitat jemmen li l-“fattur li jattira” għall-migranti msemmija fid-direttiva, li l-għan tagħha huwa li tnaqqas dan il-fattur, m'hux il-possibbiltà tax-xogħol illegali minnu nnifsu, iżda il-possibbiltà li jinstab impjieg f'pajjiż ieħor. Huwa għalhekk li l-passi li jissemplifikaw il-proċeduri għall-ksib ta' permess wieħed tar-residenza u tax-xogħol bla dubju ser jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-fattur li jattira. Madankollu, l-Istati Membri nfushom għandhom jikkontribwixxu wkoll sabiex jissemplifikaw il-proċeduri.

5.5

Dawk li jħaddmu jenfasizzaw il-bżonn li jiġu miġġielda x-xogħol illegali u l-kompetizzjoni inġusta, billi xi wħud minnhom li jimpjegaw ħaddiema illegali joħolqu kompetizzjoni illegali u inġusta għal min iħaddem b'mod onest.

5.6

Għalkemm l-implimentazzjoni tad-direttiva hija r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tkun konxja tal-fatt li din m'hiex kompitu faċli, minħabba i) li m'hemmx biżżejjed korpi ta' sorveljanza amministrattiva, ii) hemm diffikultajiet fil-qsim tar-responsabbiltajiet bejn il-korpi kkonċernati individwali u iii) hemm numru kbir ta' kumpaniji li għandhom jiġu ssorveljati. Is-saħħa tad-direttiva għandha tkun fl-implimentazzjoni attwali tagħha.

5.7

L-istituzzjonijiet għandhom jużaw l-istess termini bħal dawk użati mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u fil-liġi internazzjonali, li b'konsegwenza huma rikonoxxuti internazzjonalment, bħal “ħaddiem irregolari” jew “ħaddiem migrant mingħajr dokumenti” minflok “ħaddiema illegali” u “immigrazzjoni illegali”. It-terminu “immigrant illegali” għandu konnotazzjoni negattivi ħafna. Il-proposta għal direttiva tista' tipprovoka kunċetti bħal dawn u tista' tagħti lok għal żjieda fid-diskriminazzjoni u l-ksenofobija lejn il-ħaddiema migranti kollha, li jistgħu jkunu suġġetti għal spezzjonijiet minħabba l-apparenza tagħhom biss.

5.8

Minkejja d-dubji dwar il-proposta għal direttiva, il-Kumitat jemmen li għandhom jiġu kkonsolidati dawk il-proposti fid-direttiva li jwasslu fir-realtà għall-benefiċċji. Dawn ġew elenkati taħt it-titolu “kummenti speċifiċi”.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1

Artikolu 1 — Dan l-artikolu għandu joffri lill-Istati Membri li diġà ħadu l-passi sabiex jirregolaw l-immigrazzjoni irregolari l-possibbiltà li jżommu l-miżuri nazzjonali li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

6.2

Artikolu 2 — id-definizzjonijiet għandhom jiġu mmodifikati kif ġej:

2(b) “impjieg” tfisser l-eżerċizzju ta' attivitajiet remunerati jew li jitwettqu f'ċirkustanzi ta' dipendenza ekonomika għal u taħt id-direzzjoni ta' persuna oħra;

mad-definizzjoni ta' “min iħaddem” 2(e) u “subkuntrattur” 2(f) għandha tiżdied aġenziji għall-impjieg temporanju, peress li d-definizzjoni attwali m'hix ċara. Ħafna ħaddiema mill-pajjiżi terzi jiġu impjegati minn intermedjarji, li jinkludu dawn l-aġenziji.

6.3

Artikolu 4(1)(c) — min iħaddem għandu jżomm kopja tal-permessi ta' residenza għal aktar mill-perijodu nnifsu ta' l-impjieg, peress li f'ċerti setturi l-impjieg ġeneralment ikun fuq perijodu qasir u ta' sikwit ikun hemm bidla f'min iħaddem.

6.4

Artikolu 5

F'każijiet fejn min iħaddem ikun i) issodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward ta' l-impjieg illegali u ii) iċċekkja l-permessi ta' residenza u żamm kopja kif meħtieġ, u wara jirriżulta li ċittadin minn pajjiż terz filfatt m'għandux permess ta' residenza, min iħaddem xorta għandu d-dmir li jħallas kwalunkwe remunerazzjoni pendenti u l-obbligi l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-direttiva. Għal din ir-raġuni, is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fl-aħħar ta' l-Artikolu: “Dan ma jolqotx id-dmir tiegħu li jħassal ir-remunerazzjonijiet kollha pendenti u jwettaq l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7”.

Għandha tiżdied dispożizzjoni li tistipula li min iħaddem għandu jirrispetta l-proċeduri ta' l-impjieg stabbiliti mill-Istati Membri. Jista' jiġri l-każ li min iħaddem jiċċekkja biss il-permessi ta' residenza u jinjora l-permessi ta' xogħol li huma obbligatorji f'ħafna Stati Membri. Għalhekk l-impjieg mhux iddikjarat ta' ċittadini minn pajjiżi terzi jinsab f'riskju li jiżdied xorta waħda minkejja li min iħaddem ikun ikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva.

6.5

Artikolu 6

Fis-sanzjonijiet elenkati fil-punt 2(a), għandu jkun stipulat li l-penali finanzjarji għandhom ikunu għolja biżżejjed li jkopru kwalunkwe gwadann li jsir minn min iħaddem fir-rigward ta' kull ċittadin minn pajjiż terz li jkun ġie impjegat illegalment. Għalhekk, il-penali finanzjarji għandhom jammontaw għaċ-ċifra stabbilita għal ċittadin wieħed minn pajjiż terz impjegat illegalment, u jiżdiedu skond in-numru ta' dawn it-tip ta' ċittadini impjegati illegalment. Hemm differenza ċara bejn il-gwadanji ta' individwi privati li jħaddmu persuni illegalment bħala sefturi jew fl-għelieqi, u ta' dawk li illegalment iħaddmu tlett, erba' ħaddiema jew aktar f'attivitajiet li l-għan speċifiku tagħhom huwa l-profitt.

Għandu jkun hemm provvediment sabiex tiżdied il-penali finanzjarja għal min ikompli jħaddem illegalment ċittadini minn pajjiżi jew dawk li jkunu reċidivi. Din il-penali għandha tiżdied sostanzjalment kull darba li dan l-impjieg illegali jiġi repetut jew jitkompla, sabiex jaġixxi ta' deterrent.

Ma jkunx raġonevoli li apparti l-penali finanzjarji, min iħaddem ikollu jkopri l-ispejjeż tar-ritorn ta' kull ċittadin minn pajjiż terz li jitħaddem illegalment. Dan filfatt ikun ifisser li r-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet responsabbli mill-immigrazzjoni tal-pajjiżi individwali taqa' f'idejn min iħaddem. Min iħaddem għandu jħallas dawn l-ispejjeż biss meta jkun sar reat kriminali, b'konformità ma' l-Artikolu 10.

6.6

Artikolu 7

Għandu jiġi stipulat ukoll li l-obbligu għall-ħlas japplika mill-ġurnata li fiha titressaq it-talba għal ħlas, u mhux mid-data li t-talba jkollha effett legali.

Id-drittijiet tal-ħaddiema koperti mill-kuntratt ta' impjieg għandhom jibqgħu japplikaw, irrispettivament jekk il-ħaddiema għandhomx jew le permess ta' residenza jew ta' xogħol.

Fil-prattika jista' jkun hemm diffikultajiet fil-ħlas ta' pagi dovuti lil ħaddiem li jkun diġà rritorna lura pajjiżu; u dan għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġi assigurat li l-pagi jitħallsu lill-persuna t-tajba.

Barra minn hekk, għandha tkun ċara li min iħaddem għandu jikkalkula kwalunkwe renumerazzjoni pendenti skond il-liġijiet, ir-regolamenti, id-deċiżjonijiet amministrattivi jew il-ftehimiet kollettivi li normalment japplikaw għal impjieg bħal dan.

6.7

Artikolu 8 jirreferi għall-miżuri l-oħra li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri.

Ikun utli li tiġi inkluża lista obbligatorja ta' dawn it-tip ta' miżuri.

Il-miżura elenkata fil-punt d), dwar l-għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li setgħu ntużaw sabiex tkun kommessa l-infrazzjoni, ma tidhirx raġonevoli, speċjalment minħabba li tista' tolqot ukoll lill-ħaddiema impjegati legalment. Fl-implimentazzjoni ta' din il-miżura għandhom jiġu kkonsultati l-ħaddiema impjegati fl-istabbiliment ikkonċernat u r-rappreżentanti tagħhom.

6.8

L-Artikolu 9 jiddefinixxi r-responsabbiltà tal-kuntratturi prinċipali u ta' kwalunkwe subkuntrattur intermedjarju għall-ħlas tas-sanzjonijiet u għall-ħlas li huwa dovut b'lura. Hawnhekk ikun utli li jiġi ċċarat taħt liema ċirkustanzi tista' tiġi applikata din id-dispożizzjoni. F'ċerti setturi karatterizzati minn katini twal ta' subkuntrattar, bħall-industrija tal-karozzi, huwa diffiċli li l-produtturi u s-subkuntratturi li jipproduċu diversi partijiet f'siti u pajjiżi differenti jinżammu responsabbli b'mod konġunt. Il-Kumitat jikkunsidra li kuntrattur prinċipali għandu jkun jista' jeżenta mir-responsabbiltà tiegħu billi jieħu miżuri raġonevoli ta' prekawzjoni.

6.9

Artikolu 10

F'dan l-Artikolu, infrazzjoni tikkostitwixxi reat kriminali (b'konformità ma' l-Artikolu 3) meta dan jitwettaq intenzjonalment. Madankollu, peress li l-intenzjonalità hija diffiċli li tiġi ppruvata, definizzjoni aħjar ta' reat kriminali tkun dik li turi li min iħaddem “kien jaf” jew “seta' kien jaf” dwar ir-reat kriminali.

Fir-rigward ta' l-infrazzjoni stabbilita fil-punt 1(a), kull infrazzjoni ripetuta ta' l-Artikolu 3 għandha titqies bħala reat kriminali.

Fil-każ ta' infrazzjoni meqjusa bħala reat kriminali intenzjonat, kif deskritta fil-punt 1(a), huwa importanti li titqies il-possibbiltà li l-proċeduri ġudizzjarji jieħdu ħafna żmien. Hemm ir-riskju li d-dispożizzjoni ma tiġix applikata jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li sabiex jiddeterminaw jekk infrazzjoni seħħitx hemm bżonn li d-deċiżjoni minn qorti jew awtorità nazzjonali tingħata fi żmien sentejn. Minħabba li dawn il-proċeduri jistgħu jieħdu ħafna żmien, u minħabba li sabiex jiġi ppreżentat appel iridu jintużaw il-mezzi kollha għal rikors, id-dispożizzjoni tista' ma tiġi applikata qatt.

Fl-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu fl-Istati Membri, trid tiġi stipulata diviżjoni ċara tal-kompetenzi bejn il-korpi amministrattivi li jimponu s-sanzjonijiet u l-qorti individwali kompetenti, sabiex jiġi evitat kunflitti potenzjali fuq il-kompetenzi.

6.10

Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jipprovdu mekkaniżmi effettivi li jassiguraw li l-proċeduri jistgħu jitwettqu malajr u mingħajr spejjeż prinċipali.

Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-korpi responsabbli mis-sanzjonijiet jinfurmaw immedjatament lir-rappreżentanti kkonċernati fir-rigward tat-tnedija tal-proċeduri.

Fil-punt 3, ikun utli li jingħata statut speċjali mhux biss liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu ġew soġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi u li jikkooperaw fil-proċedimenti kriminali kontra min iħaddem, iżda wkoll lix-xhieda.

6.11

Artikolu 15

Il-Kumitat jilqa' b'mod favorevoli din id-dispożizzjoni, li tistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-inqas 10 % tal-kumpaniji jkunu soġġetti għal spezzjonijiet kull sena. Madankollu, l-effikaċja tal-proposta għal direttiva tiddependi mill-implimentazzjoni attwali ta' din id-dispożizzjoni. Fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri ikun hemm bżonn ta' persunal u riżorsi finanzjarji addizzjonali sabiex dan jitwettaq. Mingħar dan, l-obbligi addizzjonali bħal dawn bla dubju ser iwasslu għal trattament mhux ugwali ta' dawk ikkonċernati.

Brussell, it-13 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE tal-15.12.2004 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Studju dwar ir-rabtiet bejn il-migrazzjoni legali u illegali, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 157, 28.6.2005) (mhux disponibbli bil-Malti).

Ara l-opinjoni tal-KESE tad-9.6.2005 dwar Il-Green paper dwar approċċ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ekonomika, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 286, 17.11.2005).

Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE tal-15.12.2005 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew: Il-Programm ta' l-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin — L-isħubija għal tiġdid Ewropew fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 65, 17.3.2006) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  COM(2005) 669 finali (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  COM(2006) 402 finali (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar prijoritajiet ta' politika fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi — COM(2006) 402 finali (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  COM(2007) 248 finali.

(6)  COM(2007) 637 finali.

(7)  COM(2007) 638 finali.

(8)  COM(2007) 628 finali.


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li jidhru hawn taħt, għalkemm ġabu mill-inqas kwart tal-voti mixħuta, ġew irrifjutati matul id-diskusskoni (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta' Proċedura).

Punt 1.7

Emenda kif ġej:

“L-esperjenzi internazzjonali juru li l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat hija effettiva l-iktar meta titwettaq fuq il-bażi ta' diversi direzzjonijiet ta' azzjoni li jimxu b'mod parallel ma' xulxin. Għalhekk, flimkien mal-possibbiltajiet għall-immigrazzjoni legali tal-persuni li jixtiequ jaħdmu f'dawk is-setturi ta' l-ekonomija bl-ikbar numru ta' xogħol imwettaq minn immigranti illegali, huwa neċessarju wkoll li jitfasslu kampanji ta' informazzjoni u edukattivi li juru l-effetti tax-xogħol mhux iddikjarat. Barra minn hekk, il-politika ta' sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu għandha tkun uniformi — irrispettivament min-nazzjonalità tal-ħaddiem mhux iddikjarat. Għalhekk, id-direttiva proposta għandha tagħmel parti minn pakkett usa' ta' tkun ikkoordinata b'azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, inkluż fost l-immigranti illegali, u mhux l-istrument fundamentali propost mill-Kummissjoni.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 64 Kontra: 101 Astensjonijiet: 9

Punt 5.3

Emenda kif ġej:

“Il-migrazzjoni u l-immigrazzjoni legali fi ħdan l-UE u lejn l-UE għandhom bżonn jiġu rregolati kemm jista' jkun malajr. Ir-restrizzjonijiet fuq il-migrazzjoni fl-Istati Membri ħolqu numru ta' problemi, fixklu ċ-ċaqliq liberu tal-ħaddiema bejn ċerti Stati Membru u wasslu sabiex ċerti ċittadini ta' pajjiżi terzi, kif ukoll dawk ta' l-UE, jiġu impjegati taħt ksur tar-regolamenti u sfruttati minn dawk li jħaddmuhom. Il-passi sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat fl-UE u fl-Istati Membri individwali għandhom jittrattaw lill-ħaddiema impjegati b' dan il-mod fuq l-istess bażi, i rrispettivament jekk humiex ċittadini ta' l-UE jew ta' pajjiż terz. G ħalhekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tevalwa mill-qrib il-possibbiltà li tiġ i estiża l-bażi legali tal-proposta g ħal direttiva sabiex ikunu jistgħu jittieħ du miżuri kontra x-xogħol illiegali li jsir minn kwalunkwe persuna li m'għandhiex il-permessi jew id-dokumenti neċessarji bħalissa jinsabu fuq l-aġenda tal-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali u qegħdin jiġu diskussi miżuri dwar kif jista' jiġi miġġieled dan il-fenomenu negattiv. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-miżuri għat-tneħħija tal-migrazzjoni illegali u x-xogħol mhux iddikjarat ikunu koordinati strettament.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 56 Kontra: 102 Astensjonijiet: 10

Punt 6.6

Żid mal-punt kif ġej:

Artikolu 7

Għandu jiġi stipulat ukoll li l-obbligu għall-ħlas japplika mill-ġurnata li fiha titressaq it-talba għal ħlas, u mhux mid-data li t-talba jkollha effett legali.

Id-drittijiet tal-ħaddiema koperti mill-kuntratt ta' impjieg għandhom jibqgħu japplikaw, irrispettivament jekk il-ħaddiema għandhomx jew le permess ta' residenza jew ta' xogħol.

Fil-prattika jista' jkun hemm diffikultajiet fil-ħlas ta' pagi dovuti lil ħaddiem li jkun diġà rritorna lura pajjiżu; u dan għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġi assigurat li l-pagi jitħallsu lill-persuna t-tajba.

Barra minn hekk, għandha tkun ċara li min iħaddem għandu jikkalkula kwalunkwe remunerazzjoni pendenti skond il-liġijiet, ir-regolamenti, id-deċiżjonijiet amministrattivi u/jew il-ftehimiet kollettivi li normalment japplikaw għal impjieg bħal dan.

Fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri, il-ħaddiema jintalbu jressqu ilment mal-korp rilevanti sabiex ikun garantit il-ħlas dovut. L-istipulazzjoni fl-Artikolu 7(2)(a) li tgħid li ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi mħaddma illegalment m'għandhomx bżonn iressqu ilment sabiex jibdew il-proċeduri meħtieġa ħalli l-ammonti dovuti jiġu mħallsa, tagħmel distinzjoni mhux ġustifikata bejn dawn iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi u ċ-ċittadini ta' l-UE jew ċittadini minn pajjiżi terzi mħaddma legalment.

Madankollu, il-Kumitat jaċċetta li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu kull assistenza li ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu fil-pajjiż b'mod illegali jista' jkollhom bżonn sabiex jitlobu l-ħlas dovut lilhom u li l-artikolu għandu jkollu garanzija dwar dan.

Il-Kumitat jemmen li l-preżunzjoni li r-relazzjoni ta' ħidma b'tul ta' (f'dan il-każ) sitt xhur, kif inhu stipulat f'Artikolu 7(2)(b), tista' tinkoraġġixxi l-immigrazzjoni irregolari lejn l-UE u tintroduċi distinzjoni mhux ġustifikata, peress li tpoġġi lill-ħaddiema irregolari f'pożizzjoni vantaġġjuża ħafna meta mqabbla ma' ħaddiema oħra. Barra minn hekk, b'mod ċar din is-soluzzjoni mhix adattata għal rapporti ta' ħidma li huma qosra jew qosra ħafna (bħal per eżempju xogħol staġjonali fil-biedja).”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 59 Kontra: 111 Astensjonijiet: 11

Punt 6.8

Żid mal-punt kif ġej:

L-Artikolu 9 jiddefinixxi r-responsabbiltà tal-kuntratturi prinċipali u ta' kwalunkwe subkuntrattur intermedjarju għall-ħlas tas-sanzjonijiet u għall-ħlas li huwa dovut b'lura. Hawnhekk ikun utli li jiġi ċċarat taħt liema ċirkustanzi tista' tiġi applikata din id-dispożizzjoni. Il-kuntratturi kif ukoll is-subkuntratturi prinċipali li mhumiex qed iħaddmu liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali b'mod dirett għandhom ikunu soġġetti b'mod konġunt għas-sanzjonijiet imsemmija f'Artikolu 6 u Artikolu 7, dejjem jekk ikun jista' jiġi ppruvat li huma kienu jafu li s-subkuntrattur kien qiegħed jimpjega ċittadini minn pajjiżi terzi li għandhom residenza illegali. F'ċerti setturi karatterizzati minn katini twal ta' subkuntrattar., bħall-industrija tal-karozzi, huwa diffiċli li l-produtturi u s-subkuntratturi li jipproduċu diversi partijiet f'siti u pajjiżi differenti jinżammu responsabbli b'mod konġunt. Dan japplika wkoll għas-settur tal-bini. Il-Kumitat jikkunsidra li kuntrattur prinċipali għandu jkun jista' jeżenta mir-responsabbiltà tiegħu billi jieħu miżuri raġonevoli ta' prekawzjoni.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 57 Kontra: 106 Astensjonijiet: 8

Punt 6.9

Ħassar parti mill-punt kif ġej:

Artikolu 10

F'dan l-Artikolu, infrazzjoni tikkostitwixxi reat kriminali (b'konformità ma' l-Artikolu 3) meta dan jitwettaq intenzjonalment. Madankollu, peress li l-intenzjonalità hija diffiċli li tiġi ppruvata, definizzjoni aħjar ta' reat kriminali tkun dik li turi li min iħaddem ‘kien jaf’ jew ‘seta' kien jaf’ dwar ir-reat kriminali.

Fir-rigward ta' l-infrazzjoni stabbilita fil-punt 1(a), kull infrazzjoni ripetuta ta' l-Artikolu 3 għandha titqies bħala reat kriminali.

Fil-każ ta' infrazzjoni meqjusa bħala reat kriminali intenzjonat, kif deskritta fil-punt 1(a), huwa importanti li titqies il-possibbiltà li l-proċeduri ġudizzjarji jieħdu ħafna żmien. Hemm ir-riskju li d-dispożizzjoni ma tiġix applikata jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li sabiex jiddeterminaw jekk infrazzjoni seħħitx hemm bżonn li d-deċiżjoni minn qorti jew awtorità nazzjonali tingħata fi żmien sentejn. Minħabba li dawn il-proċeduri jistgħu jieħdu ħafna żmien, u minħabba li sabiex jiġi ppreżentat appel iridu jintużaw il-mezzi kollha għal rikors, id-dispożizzjoni tista' ma tiġi applikata qatt.

Fl-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu fl-Istati Membri, trid tiġi stipulata diviżjoni ċara tal-kompetenzi bejn il-korpi amministrattivi li jimponu s-sanzjonijiet u l-qorti individwali kompetenti, sabiex jiġi evitat kunflitti potenzjali fuq il-kompetenzi.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 66 Kontra: 100 Astensjonijiet: 10

Punt 6.11

Emenda kif ġej:

Artikolu 15

Il-Kumitat jilqa' b'mod favorevoli din id-dispożizzjoni, L-effikaċja tad-dispożizzjoni proposta li tistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-inqas 10 % tal-kumpaniji jkunu soġġetti għal spezzjonijiet kull sena. Madankollu, l-effikaċja tal-proposta għal direttiva tiddependi mill-implimentazzjoni attwali ta' din id-dispożizzjoni. L-Istati Membri jridu jagħżlu liema kumpaniji ser jispezzjonaw fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju li tqis, flimkien ma' kriterji xierqa oħra, fatturi bħalma huma l-grad tal-vulnerabbiltà tas-settur li jimpjega ċittadini minn pajjiżi terzi li qegħdin hemm b'mod illegali, jew jekk il-kumpaniji għandhomx każijiet preċedenti f'dan il-qasam. L-artikolu għandu jirrifletti dawn il-kriterji kwalitattivi u ddikjara li tkun ħaġa mixtieqa li l-Istati Membri jiżguraw li għall-inqas 3 % tal-kumpaniji magħżula b'dan il-mod ikunu soġġetti għal spezzjonijiet kull sena. Fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri jista' j ikun hemm bżonn ta' persunal u riżorsi finanzjarji addizzjonali sabiex dan jitwettaq. Mingħar dan, l-obbligi addizzjonali bħal dawn bla dubju ser jistgħu j iwasslu għal trattament mhux ugwali ta' dawk ikkonċernati.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 65 Kontra: 105 Astensjonijiet: 8


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper dwar is-Sistema ta' Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni

COM(2007) 301 finali

(2008/C 204/17)

Nhar is-6 ta' Ġunju 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Green Paper dwar is-Sistema ta' Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Le Nouail-Marlière.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'118-il vot favur, vot wieħed kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni tal-konsultazzjoni dwar il-Green Paper dwar is-Sistema ta' Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni

1.1

Is-sorsi legali tas-sistema ta' ażil komuni Ewropea tal-ġejjieni jinsabu fit-Trattat ta' Amsterdam (1999), f'titolu IV: Viżi, Ażil, Immigrazzjoni u Politiki oħra marbuta mal-moviment liberu tal-persuni, fid-deċiżjonijiet tas-Summit ta' Tampere, il-Finlandja (1999), u reċentement, f'dawk tas-Summit ta' l-Aja. Ta' min ifakkar ukoll fl-oriġini “funzjonali” tagħha, jiġifieri r-Regolament ta' Dublin I fl-1997, Dublin II fl-2003, li daħal fis-seħħ fl-2006, u l-ewwel ftehim ta' Schengen fl-1985, li fl-2007 ġie estiż għal għadd ta' Stati Membri ġodda. Wieħed m'għandu jinsa qatt li l-għan ewlieni kien li tiġi implimentata u trasposta l-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Ġinevra dwar il-protezzjoni tar-refuġjati, ta' l-1951, ratifikata mill-maġġoranza ta' l-Istati Membri, b'mod uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha, billi jiġi garantit li dawk il-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jingħataw din il-protezzjoni b'mod effettiv. Dan kollu sar bil-ħsieb li l-Unjoni ssir spazju ta' protezzjoni uniku għar-refuġjati, ibbażat fuq l-applikazzjoni integrali u globali tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra u fuq il-valuri umanitarji komuni għall-Istati Membri kollha. Il-pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-programm ta' l-Aja jipprevedi l-adozzjoni tal-proposta li twassal għall-ħolqien ta' sistema ta' l-ażil qabel tmiem is-sena 2010.

1.2

Bil-ħsieb li tinbeda t-tieni fażi, u qabel ma jitnieda l-pjan ta' azzjoni tagħha li hija għandha l-intenzjoni li tippubblika f'Lulju 2008, il-Kummissjoni bdiet proċess vast ta' konsultazzjoni bl-għajnuna tal-Green Paper preżenti, bl-għan li jiġu ddeterminati l-għażliet differenti possibbli fil-qafas legali Komunitarju attwali.

1.3

Il-programm ta' Tampere, li ġie kkonfermat iżjed tard f'dak ta' l-Aja, jista' jitqassar kif ġej: il-ħolqien ta' proċedura komuni, status uniformi, qafas omoġenju, livell għoli ta' protezzjoni armonizzata fl-Istati Membri kollha li għandhom l-intenzjoni li jiggarantixxu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra b'mod omoġenju.

1.4

Matul l-ewwel fażi, bejn l-1999 u l-2006, l-adozzjoni ta' l-erba' strumenti leġiżlattivi kbar irriżultat fl-acquis attwali, u waqqfet il-bażi tas-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil. Il-Kummissjoni tiżgura li t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti legali li diġà ġew adottati jitwettqu mhux iżjed tard mill-iskadenzi ffissati.

1.5

Għalkemm l-evalwazzjoni ta' l-istrumenti ta' l-ewwel fażi għadha ma tlestietx, u b'kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jitressqu xi proposti għat-tieni fażi kmieni biżżejjed sabiex jilħqu jiġu adottati fl-2010, il-Kummissjoni tħoss li huwa indispensabbli li wieħed iniedi minn issa riflessjoni u dibattitu dettaljati dwar l-istruttura futura tas-sistema ta' l-ażil.

1.6

Il-Kummissjoni għandha wkoll l-għan li tikseb solidarjetà ikbar bejn l-Istati Membri, li ssaħħaħ il-kapaċità tal-partijiet interessati kollha u l-kwalità ġenerali tal-proċess, li timla l-lakuni preżenti u li tarmonizza l-prattiki fis-seħħ, permezz ta' l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' akkumpanjament dwar il-kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri.

1.7

Il-Kummissjoni qassmet il-konsultazzjoni tagħha f'4 kapitoli u 35 mistoqsija: strumenti leġiżlattivi, implimentazzjoni, solidarjetà u qsim ta' responsabbiltajiet, dimensjoni esterna.

2.   Sommarju tal-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

2.1

Il-Kumitat jikkunsidra l-opinjonijiet (numerużi) tiegħu, li ġew adottati preċedentement, dwar dan is-suġġett, ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-NGOs li jgħinu lir-refuġjati, kif ukoll l-osservazzjonijiet li l-UNHCR (1) ressaq quddiem il-Presidenza Portugiża u dik Slovena ta' l-Unjoni Ewropea;

2.2

Ifakkar li l-kwistjonijiet dwar l-ażil diġà qegħdin jiġu ttrattati permezz ta' maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kunsill, filwaqt li dawk dwar l-immigrazzjoni għadhom jiġu ttrattati bis-sistema ta' unanimità u għandhom jgħaddu għas-sistema ta' maġġoranza kwalifikata skond it-Trattat ta' Lisbona, jirrakkomanda li hekk kif tiġi implimentata proċedura komuni, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jiżguraw li jiġu esklużi jew evitati l-klawsoli ta' eżenzjoni nazzjonali li ta' spiss jintużaw minn ċerti Stati Membri (“opt out”);

2.3

Il-Kumitat jappoġġja l-adozzjoni ta' sistema ta' ażil ġusta, jiġifieri sistema umana, li tikkunsidra l-bżonnijiet ta' protezzjoni ta' dawk li jfittxu l-ażil bħala għan ewlieni fost l-għanijiet għall-ħolqien ta' Ewropa li tkun ukoll soċjali. Il-Kumitat ifakkar li dawn l-għanijiet soċjali m'humiex f'kompetizzjoni ma' xulxin, u ma jeskludux l-interessi ekonomiċi u dawk ta' sigurtà, u lanqas dawk tal-popolazzjonijiet ospitanti u jew ta' l-Istati Membri.

2.4

Huwa juri x-xewqa tiegħu li jinħolqu kondizzjonijiet li jiffavorixxu l-ħarsien tal-Konvenzjonijiet Internazzjonali, id-Direttivi Ewropej konformi mal-liġi internazzjonali u l-liġi umanitarja u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa; tqassim aħjar tar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri; ir-rilokazzjoni u l-integrazzjoni mgħaġġla tal-persuni li jibbenifikaw minn protezzjoni ta' refuġjat jew protezzjoni sussidjarja; politika ta' kooperazzjoni u ta' żvilupp konġunt sinċiera li ttejjeb il-livell ta' demokrazija effettiva ta' ċerti pajjiżi terzi u li tikkontribwixxi għas-solidarjetà internazzjonali b'rabta mal-bżonnijiet ta' l-ażil.

2.5

Għal dawn ir-raġunijiet, huwa jirrakkomanda miżuri li jmorru id f'id u li jikkumplimentaw lil xulxin:

2.5.1

Li l-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jkunu dejjem jistgħu jidħlu fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea, hu x'inhu l-livell ta' kontroll, sabiex kulħadd ikollu d-dritt li japplika għall-ażil, hu x'inhu t-tip, u sabiex kulħadd ikollu aċċess għal proċedura ġusta u effiċjenti;

2.5.2

Li l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta' l-istatus ta' refuġjat jiġu dejjem eżaminati, u li d-deċiżjoni tittieħed u tiġi ġġustifikata bil-miktub mill-awtorità li tieħu d-deċiżjoni qabel ma tiġi eżaminata l-protezzjoni sussidjarja, inklużi l-applikazzjonijiet li jiġu ppreżentati fil-fruntieri;

2.5.3

Li dawk li jfittxu l-ażil ikollhom il-libertà li jagħżlu f'liema pajjiż ikunu jixtiequ jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom;

2.5.4

Li t-tfal ta' taħt l-età li jkunu waħedhom, in-nisa u l-persuni vulnerabbli (2) — dawk li jfittxu l-ażil li għandhom diżabilità fiżika, psikoloġika jew mentali u għandhom bżonn ta' assistenza partikolari: nisa tqal, tfal, anzjani, morda, nies b'diżabilità, eċċ. — jibbenifikaw minn protezzjoni partikolari;

2.5.5

Li l-persekuzzjonijiet speċifiċi li jaffrontaw ċerti nisa jingħataw importanza u jitqiesu bħala raġunijiet għall-għoti ta' protezzjoni, fuq bażi personali, u indipendentement mill-persuni li qed jakkumpanjaw jew li jkunu qegħdin jakkumpanjawhom (tfal taħt l-età jew l-irġiel tagħhom, ġenituri jew qraba, oħrajn) (3).

2.5.6

Li dawk kollha li jfittxu l-ażil jibbenifikaw minn stħarriġ effettiv u individwali ta' l-applikazzjoni tagħhom, mill-għajnuna ta' interpretu, għajnuna legali mingħajr ħlas, u minn perjodu ta' żmien suffiċjenti sabiex jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom;

2.5.7

Li l-prinċipji essenzjali li magħhom għandha tkun konformi l-proċedura ta' ażil jiġu applikati għal kull talba għall-ażil, inkluż f'każi fejn ikun evidenti li m'humiex validi;

2.5.8

Li kull appell kontra deċiżjoni li ma tirrikonoxxix status ta' refuġjat jew benefiċjarju ta' protezzjoni sussidjarja jipposponi deċiżjoni ta' espulsjoni, b'mod partikolari għal dawk il-persuni li wieħed ma jistax jibgħathom lura f'pajjiżhom mingħajr ma jieħu r-riskju li l-ħajja jew il-libertà tagħhom ikunu mhedda jew imqiegħda f'periklu f'każ li jintbagħtu f'pajjiż ieħor;

2.5.9

Li l-integrazzjoni u r-rilokazzjoni fil-kundizzjonijiet ta' ħajja normali u denja ikunu garantiti permezz ta' aċċess għall-awtonomija. Il-kundizzjonijiet tagħha għandhom jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli mal-wasla tal-persuna kkonċernata, u bi qbil magħha: aċċess għall-kura medika, familjarizzazzjoni u tagħlim tal-lingwa; kuntatti ma' l-assoċjazzjonijiet li jgħinu lir-refuġjati, kif ukoll mal-popolazzjoni lokali; edukazzjoni, li tinkludi l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-kwalifiki; aċċess għal impjieg legali, eċċ.

2.6

Jirrakkomanda li l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet li jipprovdu għajnuna legali, materjali u umanitarja lir-refuġjati jkollhom dejjem aċċess għaċ-ċentri ta' akkoljenza u ta' detenzjoni, kemm miftuħin kif ukoll magħluqin, u rigward is-soluzzjonijiet ta' rilokazzjoni tal-persuni li ngħataw l-istatus ta' refuġjat, f'perspettiva ta' tqassim ta' responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri, il-Kumitat jirreferi għall-opinjoni tiegħu KESE 1643-2004 tal-15 ta' Diċembru 2004, b'mod partikolari għal kapitolu 2.4 tagħha fejn jitlob li: “Il-kundizzjonijiet tal-preżenza ta' l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet li jipprovdu għajnuna għar-refuġjati fiċ-ċentri ta' akkoljenza għandhom jitjiebu permezz ta' ftehimiet ta' sħubija ma' l-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti, jew ta' l-inqas billi d-drittijiet tagħhom jiġu kkjarifikati.”

2.6.1

Li r-regoli ta' akkoljenza li jħarsu lill-persuni għandhom japplikaw, mingħajr distinzjoni, għal kull min ifittex l-ażil u huwa eliġibbli għall-istatus ta' refuġjat jew għal protezzjoni sussidjarja;

2.6.2

Li tingħata spinta lil soluzzjonijiet alternattivi (ċentri ta' akkoljenza miftuħin) minflok id-detenzjoni sistematika ta' dawk li jfittxu l-ażil f'ċentri totalment magħluqa u inaċċessibbli għall-NGOs, u kultant anki għas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar.

2.7

Ma jirrakkomandax li jintużaw listi ta' pajjiżi kkunsidrati bħala pajjiżi siguri (ħarsien tal-proċeduri ta' stħarriġ individwali li skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra, dawk kollha li jfittxu l-ażil għandu jkollhom dan id-dritt) u jirrakkomanda li terġa' tiġi eżaminata l-kwalifikazzjoni ta' “stati terzi siguri” mogħtija lill-istati terzi ta' oriġini jew ta' transitu, li jċaħħdu lil dawk li jfittxu l-ażil mill-possibbiltà ta' analiżi tas-sitwazzjoni individwali tagħhom u tad-drittijiet riżultanti tagħhom (4).

2.8

Madankollu, jirrakkomanda li f'każ li dawn il-listi ta' pajjiżi kkunsidrati “siguri” jinżammu, dawn ikunu komuni għall-Istati Membri u approvati mill-Parlamenti nazzjonali u mill-Parlament Ewropew, jikkunsidraw it-tagħrif ipprovdut mill-NGOs, li jiġu kkonsultati kif inhu xieraq, u li sadattant, ikun xi jkun il-każ, dawn ma jibqgħux jintużaw;

2.9

Jirrakkomanda li l-gwardji kostali, aġenti ta' l-awtorità pubblika, aġenti tas-servizzi pubbliċi jew privati li jkunu f'kuntatt ma' dawk li jfittxu l-ażil fl-ewwel fażijiet kif ukoll fil-fażijiet suċċessivi (pulizija, dwana, saħħa, edukazzjoni, impjieg) jibbenifikaw minn taħriġ dwar id-dritt ta' l-ażil u l-liġi umanitarja;

2.10

Jerġa' jressaq u jżomm ir-rakkomandazzjoni li jiġu kkunsidrati d-dmirijiet ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward l-ewwel għajnuna u l-integrazzjoni permanenti hekk kif dawk li jfittxu l-ażil jingħataw l-istatus ta' refuġjati jew ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, u li għalhekk jiġu assoċjati b'mod ġust ma' l-iżvilupp ta' politika komuni ta' ażil, u li jinżammu u jiġu ċċarati l-użu u l-allokazzjoni ta' l-ERF (Fond Ewropew għar-Refuġjati), imsemmi aktar 'il quddiem;

2.11

Japprova l-ħolqien ta' uffiċċju Ewropew ta' appoġġ għall-Istati Membri, li jikkomplementa l-ħidma ta' l-uffiċċji reġjonali jew lokali tal-UNHCR, u bil-kundizzjoni li jwettaq l-għanijiet — li jtejjeb il-kwalità u l-koerenza tad-deċiżjonijiet sabiex jiggarantixxi li l-persuni li huma fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali jsibuha, hu fejn hu l-post fl-Unjoni Ewropea fejn japplikaw għaliha — u li kontinwament jevalwa li l-liġijiet Ewropej ikunu kompletament konformi mal-liġi internazzjonali tar-refuġjati u mal-liġi umanitarja. Dan l-uffiċċju ta' appoġġ ikun jista' jorganizza t-taħriġ tal-gwardji fil-fruntieri sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn ir-refuġjati u l-immigranti l-oħra, f'kooperazzjoni mal-UNHCR li s'issa jipprovdi u jipparteċipa f'dan it-taħriġ, b'mod partikulari iżda mhux biss, fil-fruntieri tal-Lvant ta' l-UE minn mindu sar it-tkabbir taż-żona Schengen (l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja).

2.12

Jirrakkomanda li l-miżuri meħuda sabiex tiġi kkontrollata l-immigrazzjoni ma jsirux is-sors ta' ksur tad-drittijiet bażiċi, b'mod partikolari tad-dritt li wieħed jitlob u jibbenifika minn ażil minħabba każijiet ta' persekuzzjoni.

2.13

Jitlob li jiġi enfasizzat l-obbligu totali tal-kmandanti tal-bastimenti, fil-każijiet ta' interċettazzjoni u ta' salvataġġ fil-baħar, li jgħinu lill-persuni li jkunu f'diffikultà, li jsolvu n-nuqqas ta' rikonoxximent rigward ir-responsabbiltajiet tagħhom għall-isbark ta' persuni salvati mill-baħar, li jorganizzaw l-istħarriġ ta' l-applikazzjonijiet immedjatament u li f'każ ta' bżonn jipprovdu protezzjoni internazzjonali.

2.14

Rigward id-dibattitu speċifiku dwar it-twaqqif ta' proċedura Ewropea komuni unika, jagħmel referenza għall-opinjoni tiegħu KESE 1644-2004 tal-15 ta' Diċembru 2004, b'mod partikolari għar-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet tiegħu dwar it-tnaqqis fil-livell ta' regoli ta' protezzjoni li jistgħu jinħolqu fil-perijodu 2004/2008 bejn il-konsultazzjoni dwar il-proċedura unika u l-Green Paper dwar politika komuni ta' l-ażil.

2.15

Ifakkar lill-Istati Membri li, hu x'inhu t-tip ta' proċedura (amministrattiva, ġudizzjarja), l-istadji kollha tagħha għandhom jimxu skond il-loġika tal-protezzjoni u mhux skond dik ta' l-akkuża.

2.16

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li jallokaw u jużaw il-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu 2008-2013 b'ċarezza u trasparenza, fil-kuntest tal-programm ġenerali “Solidarjetà u amministrazzjoni tal-flussi migratorji” hekk kif huwa rrakkomanda fl-opinjoni tiegħu (5), b'mod partikolari li jittieħdu dispożizzjonijiet konkreti fid-deċiżjonijiet li jistabbilixxu dawn il-Fondi differenti sabiex l-operaturi li m'humiex ta' l-istat jiġu assoċjati dejjem iżjed mal-qafas annwali u pluri-annwali tal-linji gwida definiti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni stess.

2.17

Jirrakkomanda li l-miżuri finanzjarji ta' inċentiv imqassma pro rata skond l-isforzi magħmula minn ċerti Stati Membri — per eżempju l-Isvezja — jew tal-kapaċitajiet imnaqqsa (daqs ġeografiku u pro rata tal-popolazzjoni) — bħal Malta u Ċipru — ma jwasslux lil Stati Membri oħra li jeħilsu minn ċerti responsabbiltajiet jew obbligazzjonijiet li għandhom, kemm fir- rigward ta' l-aċċess għat-territorju kif ukoll ta' l-istħarriġ tad-domandi, jew tar-rilokazzjoni interna (solidarjetà u distribuzzjoni) jew esterna (kontribuzzjoni għall-isforzi extra-reġjonali) ta' gruppi ta' refuġjati.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1

Il-Kumitat jilqa' b'mod pożittiv il-konsultazzjoni pubblika dwar is-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil fil-ġejjieni permezz tal-Green Paper attwali. Huwa jinsab sodisfatt dwar il-fatt li l-Kummissjoni ħadet l-okkażjoni li tenfasizza l-mod ta' kif wieħed għandu jaffronta n-nuqqasijiet tal-pjan legali Ewropew, id-differenzi bejn il-liġijiet Ewropej u l-prattiki ta' l-Istati Membri.

3.2

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Kunsill sabiex jiżguraw li d-diskussjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-fruntieri ma jkunux ta' ħsara għad-dritt fundamentali li wieħed jitlob l-ażil jew il-protezzjoni internazzjonali, inklużi l-miżuri għall-fruntieri ta' l-art, ta' l-ajru u tal-baħar, b'mod partikolari permezz ta' l-interċettazzjoni u s-salvataġġ fuq il-baħar, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-ibħra territorjali ta' l-Istati Membri.

3.3

B'mod partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u dik kontra l-kriminalità u t-traffikar tal-persuni, il-Kumitat jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni u l-Kunsill sabiex jiżguraw li n-nuqqas ta' sigurtà globali ma jkollux impatt negattiv fuq l-attitudni tal-pubbliku fir-rigward tar-refuġjati u dawk li jfittxu l-ażil, u li ma jipperikolax l-integrità u n-natura ta' l-ażil.

4.   Osservazzjonijiet partikolari

4.1   Strumenti leġiżlattivi; Proċessar ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil; Klawsoli ta' eżenzjoni nazzjonali

Skond il-Kummissjoni, li tispira ruħha mir-rapporti numerużi ta' l-NGOs u tal-UNHCR, id-Direttiva dwar il-Proċedura ta' l-ażil iddeterminat ċerti regoli ta' proċedura bbażati fuq minimu ta' kriterji komuni, li jippermettu li jkun hemm adattamenti nazzjonali u klawsoli ta' eżenzjoni ta' l-Istati Membri. B'hekk, il-persuni li qegħdin ifittxu l-protezzjoni fl-UE ma jibbenifikawx minn garanziji identiċi f'kull pajjiż li huma jikkuntattjaw. Kultant dawn ivarjaw anki skond il-post fil-pajjiż fejn issir l-applikazzjoni għall-ażil. Bħala konsegwenza ta' dan, din il-libertà naqqset b'mod progressiv il-livell ta' ħarsien tad-drittijiet ta' dawk li jfittxu l-ażil, hekk kif jixhdu ċerti riformi leġiżlattivi nazzjonali.

Il-Kumitat jappoġġja l-għan li titwaqqaf sistema komuni Ewropea ta' ażil li l-għan fundamentali tagħha jkun li tiggarantixxi aċċess għal proċeduri ġusti u effiċjenti lil dawk kollha li jfittxu l-ażil. B'hekk, l-implimentazzjoni ta' proċedura komuni ma tantx tidher kompatibbli mal-klawsoli ta' eżenzjoni nazzjonali li jintużaw ħafna mill-Istati Membri. Il-Kumitat ser joqgħod attent għall-karattru komuni tal-proċeduri partikolari proposti fil-“pjan ta' azzjoni” tal-Kummissjoni, u sabiex id-definizzjoni tar-regoli ta' proċedura u tal-kriterji komuni ma jiġux armonizzati fuq il-livell tad-denominatur komuni l-iżjed baxx għall-protezzjoni tar-refuġjati.

4.2   Pajjiżi ta' oriġini siguri

Il-Kumitat jitħasseb dwar l-ostakli li ċerti persuni li qed ifittxu l-ażil iridu jħabbtu wiċċhom magħhom sabiex jiksbu l-aċċess għal proċedura ġusta, b'kuntrast mal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra (Artikolu 3).

Eżempju ta' dan huma l-persuni li ġejjin minn pajjiżi kkunsidrati bħala pajjiżi “siguri” jew “pajjiżi terzi siguri”, u li l-applikazzjoni tagħhom tista' titqies bħala waħda li “m'hijiex valida” f'kuntest ta' sentenza mgħaġġla jew trattata permezz ta' proċedura “aċċellerata” jew “prijoritarja” mingħajr garanzija ta' appell b'effett ta' sospensjoni. Il-fatt li l-Istati Membri ma rnexxielhomx jaqblu dwar lista komuni joħloq l-inugwaljanzi, b'mod partikolari fl-implimentazzjoni tar-Regolament Dublin II: “l-Istat responsabbli”, jista' b'hekk jiddikkjara l-applikazzjoni bħala waħda li ma tistax tintlaqa' skond il-lista nazzjonali tiegħu tal-pajjiżi siguri, filwaqt li dan il-pajjiż ma jidhirx fuq il-lista tal-pajjiż li qiegħed jibgħat lill-persuna lura.

Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Istati Membri li jħejju lista unika kemm jista' jkun malajr.

Jqis li l-eżistenza ta' ċerti differenzi f'dawn il-listi nazzjonali tmur kontra s-sens ta' l-ekwità u li dan jista' biss imur kontra l-għan li jiġu llimitati l-prattiki ta' “asylum shopping”, il-Kumitat jipproponi li r-referenza għal pajjiż meqjus bħala wieħed “sigur” ma tibqax tinżamm, billi l-lista tal-pajjiżi meqjusa bħala siguri m'hijiex komuni għall-Istati Membri kollha. Ifakkar li l-aċċess ħieles u illimitat għat-territorju u għall-proċedura ta' l-ażil huma garanziji fundamentali li l-Istati Membri għandhom jagħmlu mill-aħjar li jistgħu sabiex jiksbuhom (6), il-Kumitat jikkunsidra, barra minn hekk, li r-referenza għal pajjiż imsejjaħ ta' oriġini sigura ma tista' qatt tiġġustifika waħedha r-rifjut ta' l-applikazzjoni (7) iżda għandha tkun akkumpanjata minn stħarriġ speċifiku, b'konformità mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra. Fil-fatt, l-obbligu li kull applikazzjoni għall-protezzjoni u għall-ażil tiġi eżaminata individwalment ma jippermettix li wieħed jikkunsidra li pajjiż jista' jkun sigur għal kulħadd, u li persuna ma tistax tkun vittma potenzjali ta' persekuzzjoni minħabba fl-istatus partikolari tagħha (jekk il-persuna tkun tagħmel parti minn grupp soċjali, persekuzzjonijiet min-naħa ta' aġent(i) mhux ta' l-istat, u raġunijiet oħra).

Barra minn hekk, wieħed jista' jenfasizza li l-pjan imfassal ma jagħtix lok li tingħata garanzija li l-pajjiż li fih ikun ser jintbagħat dak li jfittex l-ażil jista' joffrilu protezzjoni effettiva u sostenibbli.

4.3   Appell li jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet

Permezz ta' l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' effiċjenza u ġustizzja, id-deċiżjonijiet meħuda m'għandhomx imorru kontra l-possibbiltà li jitressaq appell quddiem awtorità jew ġurisdizzjoni imparzjali u indipendenti. Billi josserva li dan id-dritt huwa applikat b'mod restrittiv jew artifiċjali min-naħa ta' ċerti Stati Membri f'diversi sitwazzjonijiet, il-Kumitat jinsisti dwar il-fatt li dan l-appell dejjem għandu jkollu l-effett ta' sospensjoni u jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jiżguraw dan.

4.4   Tagħrif dwar il-pajjiżi ta' oriġini

Huwa jikkunsidra li l-istħarriġ ta' l-applikazzjoni għall-ażil għandu jkun akkumpanjat minn data affidabbli dwar ir-riskji li jġarrbu fil-pajjiżi ta' oriġini. Fl-opinjoni tiegħu tas-26 ta' April 2001, il-Kumitat wera x-xewqa li dan it-tagħrif dwar il-pajjiż ta' oriġini ta' dak li qiegħed ifittex l-ażil u dwar il-pajjiżi ta' transitu li huwa għadda minnhom jista' wkoll jiġi pprovdut mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, li huma attivi f'kull Stat Membru li jkun qiegħed jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil (8).

Fil-perspettiva ta' sistema komuni għall-Istati Membri kollha, il-Kumitat jikkunsidra li l-kwalità u l-omoġeneità tad-deċiżjonijiet ta' l-ewwel istanza ser jiddependu ħafna mill-kwalità u l-omoġeneità tat-tagħrif disponibbli dwar il-pajjiżi ta' oriġini li għalihom ser jirreferu l-istanzi u l-ġurisdizzjonijiet ta' l-Istati Membri.

4.5   L-ażil fil-fruntiera

Il-Kumitat jieħu nota dwar il-fatt li l-Istati Membri huma mħeġġa jtejbu l-kwalità ta' l-aċċess għall-proċeduri, iżda jitħasseb dwar in-nuqqas ta' tagħrif mogħti lil dawk li jfittxu l-ażil dwar id-drittjiet tagħhom u l-garanziji li jingħataw.

It-tnaqqis kontinwu ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil imressqa (9) quddiem l-UE, għall-kuntrarju ta' dak li jħobbu jgħidu l-mezzi tax-xandir, iwasslu biex ifakkar li kull min qiegħed ifittex l-ażil, hi x'inhi s-sitwazzjoni tiegħu u jinsab fejn jinsab, għandu jkollu d-dritt li jippretendi stħarriġ effettiv ta' l-applikazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, jibbenifika minn għajnuna ta' interpretu, għajnuna legali bla ħlas u minn perijodu ta' żmien suffiċjenti biex iressaq it-talba tiegħu. Ifakkar li huwa ressaq proposta li tgħid li dak li qiegħed ifittex l-ażil għandu wkoll jkollu d-dritt li jikkuntattja lill-organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs) rikonoxxuti li għandhom l-għan li jiddefendu u jippromovu d-dritt ta' l-ażil. (10)

Bl-istess mod, il-Kumitat ifakkar fir-riservi li kien għamel dwar l-użu estensiv min-naħa ta' l-Istati Membri ta' l-evalwazzjoni ta' l-applikazzjonijiet meqjusa bħala “ċarament mhux validi”. Huwa josserva ż-żieda eċċessiva fl-applikazzjoni ta' dan il-kunċett, li tirriżulta mill-fatt li l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva dwar il-Proċedura huwa miktub b'mod vag wisq, u jħoss li hemm il-ħtieġa li dan il-kunċett jiġi definit mill-ġdid. Bi qbil mal-UNHCR dwar dan il-punt, huwa jirrepeti x-xewqa tiegħu li l-prinċipji essenzjali li magħhom għandha tikkonforma l-proċedura ta' l-ażil, japplikaw għal kull applikazzjoni għall-ażil, anki dawk li huma meqjusa bħala ċarament mhux validi.  (11)

B'konsegwenza ta' dan, il-Kumitat jirreġistra b'interess il-proposta tal-Kummissjoni għal rinforz tal-miżuri ta' protezzjoni legali matul il-fażi deċiżiva tal-bidu tal-proċeduri fil-fruntiera, u b'mod partikolari tal-proċess ta' reġistrazzjoni u ta' l-iskrinjar.

4.6   Proċedura unika

Il-Kummissjoni tqis li “jista' jsir progress sinifikanti (…) billi [fis-sistema komuni Ewropea ta' l-ażil] tiġi inkluża proċedura unika għall-valutazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-istatus tar-refuġjati u għall-protezzjoni sussidjarja” (12). Jidher li kull fejn ġiet implimentata, il-“proċedura unika” fil-fatt ippermettiet li jiġi llimitat b'mod konsiderevoli t-tul taż-żmien tad-deċiżjoni u b'hekk l-inċertezza li tikkaratterizza kull applikazzjoni għall-ażil.

Tali proċedura timplika li dak li jfittex l-ażil għandu jressaq l-applikazzjoni tiegħu f'“post” wieħed biss, u li l-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet l-ewwel tesprimi ruħha dwar ir-rikonoxximent ta' l-istatus ta' refuġjat skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra, imbagħad u għal raġunijiet komplementari biss, dwar il-protezzjoni sussidjarja. Sabiex jitwettaq dan l-għan, tali proċedura għandha tapplika għall-postijiet kollha, inkluż meta l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati fil-fruntiera  (13).

Madankollu, il-Kumitat jinsisti, hekk kif kien għamel fl-opinjoni tiegħu tad-29 ta' Mejju 2002, fuq il-fatt li “l-protezzjoni sussidjarja ma tistax tkun mezz li jdgħajjef il-protezzjoni miksuba permezz ta' l-istatus ta' refuġjat” (14), u jinnota, bħalma jinnota l-UNHCR (15), li l-Istati Membri donnhom qegħdin jużaw ħafna l-protezzjoni sussidjarja mingħajr ma dan l-aspett ikun jista' verament jintrabat ma' l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi ta' oriġini, u lanqas ma jkun jista' jiġi ġġustifikat dejjem fid-deċiżjonijiet, kif dawk li jfittxu l-ażil għandhom id-dritt li jistennew li jseħħ.

4.7   Kondizzjonijiet ta' akkoljenza għal min ifittex l-ażil; standards

Rigward il-kondizzjonijiet ta' akkoljenza għal min ifittex l-ażil, il-Kumitat josserva diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri. Huwa jinnota li uħud minnhom pjuttost jixtiequ jarmonizzaw ir-regoli li huma l-iżjed ristretti fil-liġi, bħal per eżempju l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet ġeografiċi fir-rigward tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni jew tar-residenza (16), għaliex jaħsbu li b'hekk jistgħu jnaqqsu l-livell ta' attrazzjoni ta' ċerti pajjiżi meta mqabbel ma' oħrajn.

Il-Kumitat huwa konxju li l-eżistenza ta' standards nazzjonali asimmetriċi hija sors ta' flussi sekondarji; dan ma jfissirx li huwa jikkonkludi li hemm bżonn li jitnaqqas il-livell tad-drittijiet ta' dawk li jfittxu l-ażil. Sabiex jinstab bilanċ għal dawn id-diskrepanzi, m'hemmx għalfejn jintalab livell ta' protezzjoni ogħla milli meħtieġ, ladarba l-istandards ikunu komuni għall-Istati Membri u sakemm jiġu applikati b'mod uniformi.

4.8   Aċċess għat-taħriġ u għas-suq tax-xogħol

Ċerti Stati Membri jressqu żewġ raġunijiet ewlenin kontra l-għoti ta' l-aċċess għas-suq tax-xogħol lil dawk li jfittxu l-ażil: jixtiequ jżommu ċerta flessibbiltà ta' azzjoni sabiex jindirizzaw il-qagħda ta' l-impjieg fil-pajjiż; il-fatt li billi l-livell ta' rifjut ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil huwa mistenni li jibqa' wieħed għoli u li l-proċeduri ta' stħarriġ huma mistennija li jsiru iżjed mgħaġġlin, l-aċċess għas-suq tax-xogħol ikun biss wieħed temporanju.

Il-Kumitat jikkunsidra li minkejja l-għan li l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu pproċessati aktar malajr, in-numru tagħhom u n-natura tan-numru ta' każijiet ippreżentati minn dawk li jfittxu l-ażil jistgħu jwasslu għal dewmien sinifikanti fl-istħarriġ ta' l-applikazzjonijiet min-naħa ta' ċerti pajjiżi. Minħabba f'hekk,josserva li anki meta d-Direttiva dwar l-Akkoljenza tipprevedi li l-Istati Membri jieħdu ċerti miżuri li jippermettu li jiggarantixxu livell ta' ħajja adegwat għas-saħħa u li jassiguraw is-sussistenza ta' dawk li jfittxu l-ażil (Artikolu 13), l-integrazzjoni tar-refuġjati fil-pajjiżi ospitanti isseħħ permezz ta' l-aċċess tagħhom għall-awtonomija, u li dan kollu jkun iżjed effiċjenti jekk il-kondizzjonijiet adegwati jiġu pprovduti mill-aktar fis possibbli wara l-wasla tar-refuġjat.

Fl-opinjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2001, il-Kumitat qies li l-vantaġġ materjali u morali, kemm għall-Istat ospitanti kif ukoll għall-persuni li jfittxu l-ażil, li jirriżulta mill-possibbiltà mogħtija lil dawn ta' l-aħħar li jidħlu fis-suq tax-xogħol, żgur li m'huwiex iddubitat  (17); huwa jenfasizza din ir-referenza bħalma jinsisti dwar il-fatt li dawk li jfittxu l-ażil għandhom jibbenifikaw minn taħriġ, tagħlim tal-lingwa u aċċess għall-kura medika.

Il-fatt li xi wħud ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fit-territorju jekk it-talba tagħhom ma tiġix aċċettata ma joħloqx kontro-argument validu għal ċerti miżuri li jippermettu li tikber l-awtonomija ta' dawk li jfittxu l-ażil u li huma l-aħjar garanti ta' proċess ta' integrazzjoni li rnexxa jew, jekk ikun il-każ, ta' ritorn ġust fil-pajjiż ta' oriġini (18). Min-naħa l-oħra, kollox jindika li l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol tista' twassal għall-inkoraġġiment tax-xogħol klandestin.

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li dawn l-istandards ta' akkoljenza li jirrispettaw lill-persuni jistgħu jiġu applikati mingħajr distinzjoni għal kull min ifittex l-ażil, kemm jekk ikun eliġibbli għall-istatus ta' refuġjat jew inkella għal protezzjoni sussidjarja.

4.9   Id-detenzjoni

Il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu meta jara li għadd ta' pajjiżi membri għandhom it-tendenza li jpoġġu lil dawk li jfittxu l-ażil f'“ċentri magħluqa” li iktar jagħtu l-impressjoni ta' filosofija ta' detenzjoni milli waħda ta' akkoljenza.

Meta qabel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa, il-KESE diġà esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-fatt li d-detenzjoni ta' dawk li jfittxu l-ażil għandha titqies biss bħala eċċezzjoni u għal tul ta' żmien strettament neċessarju  (19). Ċerti soluzzjonijiet alternattivi għandhom jiġu privileġġati  (20).

Ikun xi jkun il-każ, l-applikant li jitpoġġa f'tali sitwazzjoni m'għandux jiġi trattat ta' “kriminali” u għandu jibbenifika, bl-istess mod bħall-applikanti l-oħra, minn assistenza legali bla ħlas, indipendenti u kwalifikata; l-NGOs għandu jkollhom id-dritt li jieħdu azzjoni sabiex jipprovdu pariri u assistenza lil dawk li jfittxu l-ażil. Il-persuni “vulnerabbli” (21), bħat-tfal taħt l-età, b'mod partikolari dawk li jinsabu waħedhom, għandhom jibbenifikaw minn protezzjoni speċifika.

Il-persekuzzjonijiet speċifiċi li tagħhom huma vittmi ċerti nisa għandhom jiġu kkunsidrati u meqjusa bħala raġunijiet għall-ħtieġa ta' protezzjoni, fuq bażi personali u indipendentement mill-persuni li jkunu qegħdin jakkumpanjaw jew dawk li jkunu qegħdin jakkumpanjawhom (tfal taħt l-età jew l-irġiel tagħhom, ġenituri u qraba, oħrajn…).

Barra minn hekk, il-Kumitat iħoss li għandha ssir valutazzjoni regolari taċ-“ċentri magħluqa” mill-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura (is-CPT).

4.10   L-għoti ta' protezzjoni

Il-persuni li la huma protetti u lanqas ma jistgħu jiġu espulsi.

Il-Kummissjoni tikkunsidra l-armonizzazzjoni ta' l-istatus tal-persuni li, għal raġunijiet speċifiċi, ma jkunux jistgħu jiġu espulsi mit-territorju ladarba l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil tkun ġiet irrifjutata. Dan jiġri permezz ta' l-applikazzjoni tal-prinċipji li jinsabu fl-istrumenti internazzjonali dwar id-drittjiet tar-refuġjati jew id-drittijiet tal-bniedem li jenfasizzaw b'perseveranza l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem.

F'dan il-kuntest, il-prattiki ta' l-Istati Membri huma differenti minn xulxin, u l-Kumitat iħoss il-bżonn li l-bażijiet ta' tali status jiġu effettivament definiti b'mod uniformi fit-territorju. Huwa partikolarment inaċċettabbli li, f'ċerti pajjiżi, ċerti persuni jsibu ruħhom “mingħajr status” — m'għanhomx permess ta' residenza, u fl-istess ħin ma jistgħux jiġu espulsi — huma soġġetti għal sitwazzjoni instabbli fil-qasam legali, soċjali u ekonomiku li tmur kontra r-rispett tad-dinjità tal-persuni u li ssir kwistjoni tal-politiki ta' espulsjoni tal-persuni f'sitwazzjoni irregolari. Mingħajr ma tiġi ssottovalutata d-diffikultà ta' din il-kwistjoni, il-Kumitat jikkunsidra li tali sitwazzjonijiet għandhom iwasslu għall-għoti ta' permess ta' residenza provviżorju li jinkludi d-dritt li wieħed ikollu impjieg.

4.11   Solidarjetà u qsim tal-piżijiet

Qsim tar-responsabbiltajiet — Is-sistema ta' Dublin

F'opinjoni mogħtija fit-12 ta' Lulju 2001 dwar proċedura ta' ażil komuni u status uniformi (22), il-Kumitat esprima l-fehma tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Dublin. Huwa osserva li, l-ewwel u qabel kollox, dan il-mekkaniżmu joħloq problemi li ma jistax isolvi u jwassal għal spejjeż eżaġerati meta mqabbla mar-riżultati miksuba, mingħajr ma jevita l-“evaporazzjoni” ta' dawk li jfittxu l-ażil qabel ma jiġu trasferiti lejn il-pajjiż minn fejn ikunu waslu.

Il-Kumitat jemmen li l-iskema ta' Dublin (ir-Regolament u l-EURODAC) hija rilevanti għax qajmet il-kwistjoni dwar l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil fuq livell Komunitarju. Iżda josserva wkoll li din l-iskema, li l-għan prinċipali tagħha kien li “li jiġi stabbilit malajr liema Stat Membru huwa responsabbli għall-eżaminazzjoni ta' applikazzjoni ta' l-ażil”, ma wettqitx l-għan li “jiġu evitati movimenti sekondarji bejn l-Istati Membri” (23) u, barra minn hekk, twassal għal spejjeż supplimentari, li kultant ċerti Stati Membri ma jkunux jifilħu għalihom, b'mod partikolari dawk li jiffurmaw il-fruntiera esterna ta' l-UE.

Barra minn hekk, skond ħidma ta' valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni (24), ir-rata ta' trasferiment bejn ċerti pajjiżi hija ftit jew wisq bilanċjata, tant li jidher li huwa possibbli li “tippermetti lill-Istati Membri li jkunu jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-”annullament “ta' tpartit ta' għadd indaqs ta' applikanti għall-ażil f'ċirkustanzi determinati” (25). Ir-reġistrar diġitali tal-marki tas-swaba', fl-EURODAC, ta' dawk li jfittxu l-ażil, għandu jkun biżżejjed fih inniffsu sabiex jerġa' jnaqqas l-asylum shopping u l-prattika ta' applikazzjonijiet doppji.

Għalhekk, il-Kumitat josserva li l-prezz uman huwa sproporzjonat ma' l-applikazzjoni tas-sistema ta' Dublin meta mqabbel ma' l-għanijiet tekniċi tagħha. Huwa jqis li l-adozzjoni ta' standards komuni bit-twarrib tad-differenzi waqt l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni mill-Istati Membri, għandha tnaqqas il-post ta' dan il-kriterju fost dawk li jiddeterminaw l-għażla ta' persuna li tressaq l-applikazzjoni ta' ażil tagħha quddiem Stat minflok ieħor iżda li, min-naħa l-oħra, il-konsiderazzjonijiet kulturali u soċjali jibqgħu jaqdu rwol importanti fl-integrazzjoni tar-refuġjat fil-pajjiż ospitanti.

Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda, hekk kif għamel fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu (26), li dak li jfittex l-ażil ikollu l-libertà li jagħżel il-pajjiż li jkun irid iressaq l-applikazzjoni tiegħu quddiemu u li, f'din il-perspettiva, l-Istati Membri jkunu diġà mħeġġa sabiex japplikaw il-klawsola umanitarja prevista fl-Artikolu 15-1 tar-Regolament. F'każ li r-refuġjati statutorji jkollhom il-libertà li jmorru f'pajjiż differenti minn dak li tahom l-istatus tagħhom, dan ikun ifisser biss li wieħed jantiċipa l-implimentazzjoni ta' dan id-dritt.

Ikun xi jkun il-każ, il-Kumitat iqis li r-Regolament m'għandux jiġi applikat għat-tfal ta' taħt l-età li jkunu waħedhom, ħlief jekk ikun evidenti li dan jista' jkun l-aħjar soluzzjoni fl-interess superjuri tat-tifel/tifla.

4.12   Solidarjetà finanzjarja

Riforma tas-sistema ta' Dublin f'dan il-kuntest għandha tħaffef, b'mod konsiderevoli, il-piż ta' l-Istati Membri li attwalment huma d-destinazzjonijiet ewlenin ta' dawk li jfittxu l-ażil. Madankollu, xorta waħda hemm diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-piż relattiv ta' l-applikazzjonijiet irreġistrati. Għalhekk, jidher li hemm bżonn ta' mekkaniżmu effiċjenti ta' distribuzzjoni tal-piżijiet, sabiex ikun ta' għajnuna għal dawk li jirreġistraw l-ikbar numru ta' applikazzjonijiet.

Ir-rilokazzjoni msejħa “interna” (għall-Unjoni Ewropea) tista' tkun ukoll soluzzjoni parzjali, iżda ma tistax tkun ir-regola u lanqas is-soluzzjoni unika, ladarba l-ebda rilokazzjoni m'għandha tiġi organizzata mingħajr il-ftehim espliċitu u ċar mar-refuġjat ikkonċernat u mingħajr il-garanzija li l-kondizzjonijiet ta' din ir-rilokazzjoni se jkunu ta' livell għoli f'dik li hi integrazzjoni tar-refuġjat fil-pajjiż ospitanti l-ġdid.

4.13   Dimensjoni esterna ta' l-ażil:

Għajnuna lill-pajjiżi terzi sabiex isaħħu l-protezzjoni — Il-programmi ta' protezzjoni reġjonali

Fir-rigward ta' l-esperimenti li saru fil-kuntest tal-programmi ta' protezzjoni reġjonali bl-għan li jorganizzaw il-protezzjoni tar-refuġjati fir-reġjuni ta' oriġini tagħhom jew fil-pajjiżi ta' transitu, il-Kummissjoni tippjana li tikkonsolidahom u tagħmilhom permanenti. Din il-linja gwida hija waħda mit-temi ċentrali tal-Programm ta' l-Aja.

Il-Kumitat iħeġġeġ l-inizjattivi li jistgħu jtejbu l-kondizzjonijiet ta' akkoljenza ta' dawk li jfittxu l-ażil fil-pajjiżi terzi, iżda iqajjem mistoqsijiet dwar il-finalità ta' l-organizzazzjoni taċ-ċentri ta' akkoljenza f'ċerti pajjiżi, bħal fl-Istati indipendenti l-ġodda (l-Ukraina, il-Moldavja, il-Belarus), li jidhru li għadhom 'il bogħod milli joffru l-garanziji kollha li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet ta' l-akkoljenza ta' dawk li jfittxu l-ażil. Jenfasizza li dawn il-programmi jidhru inqas immirati lejn it-titjib tal-protezzjoni tar-refuġjati milli lejn il-limitazzjoni tal-possibbiltà li dawn jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa (27), tispeċifika li jekk il-ħolqien ta' tali ċentri jkompli għaddej, dawn għandhom, l-ewwel u qabel kollox, jiġu stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, qabel ma wieħed ikun jista' jestendi l-esperiment barra mill-Unjoni jew mill-Ewropa. Il-Kumitat jinsisti li l-pajjiżi li ma rratifikawx il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tar-Refuġjati (Ġinevra, 1951) għandhom jiġu esklużi minn dawn il-programmi. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat jenfasizza s-solidarjetà li l-Unjoni Ewropea tista' turi lejn ċerti pajjiżi terzi li jaffrontaw flussi qawwija jew inqas qawwija.

4.14   Flussi imħallta fil-fruntieri

Il-Kumitat ifakkar li fl-opinjoni tiegħu dwar l-aġenzija Frontex, huwa kien insista fuq il-fatt li l-effiċjenza b'rabta mal-kontroll fil-fruntieri ma kellhiex tmur kontra d-dritt ta' l-ażil. Tajjeb ukoll li flimkien mad-dmirijiet ta' l-Aġenzija tiġi inkluża wkoll il-koordinazzjoni mas-servizzi ta' salvataġġ (b'mod partikolari dik marittima) sabiex jittieħdu azzjonijiet preventivi u sabiex tingħata l-għajnuna lil persuni li jsibu ruħhom fil-periklu minħabba użu ta' mezzi riskjużi għall-immigrazzjoni klandestina (28), u jitlob li l-gwardji kostali jitħarrġu dwar id-dritt umanitarju.

Rigward l-operazzjonijiet ta' interċettazzjoni marittima, il-Kumitat josserva li ma teżisti l-ebda proċedura ta' stħarriġ għall-applikazzjonijiet ta' aċċess għat-territorju, a fortiori ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil. Huwa jitlob li l-mezzi għall-implimentazzjoni ta' tali proċeduri jidħlu fis-seħħ, sabiex b'mod partikolari jkun hemm il-possibbiltà li l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu rreġistrati fl-iżjed post viċin ta' l-interċettazzjoni.

4.15   L-UE bħala attur globali fil-kwistjonijiet marbuta mar-refuġjati

Il-Kumitat jikkunsidra li fil-perspettiva ta' sistema komuni ta' l-ażil, l-UE għandha wkoll torganizza din is-sistema ta' ażil tal-ġejjieni b'tali mod li tkun tista' tħeġġeġ il-partijiet l-oħra tad-dinja sabiex jipparteċipaw b'mod eżemplari fis-sistema ta' protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati, billi tiggarantixxi li l-liġijiet Ewropej ikunu kompletament konformi mal-liġi internazzjonali tar-refuġjati u mal-liġi umanitarja, billi tassumi r-responsabbiltajiet tagħha.

4.16   Strumenti ta' kontroll

Il-Kumitat josserva li l-opinjoni tiegħu dwar l-istruttura futura tas-sistema komuni Ewropea hija mitluba mill-Kummissjoni, minkejja li l-istrumenti u l-inizjattivi kollha ta' l-ewwel fażi ma ġewx evalwati u d-Direttivi għadhom ma ġewx trasposti fil-leġislazzjonijiet nazzjonali kollha. Fil-perspettiva li tiġi rrispettata l-iskadenza 2010, huwa jissuġġerixxi li jiġu ppjanati mekkaniżmi ta' adattament għall-evalwazzjonijiet tal-ġejjieni u jipproponi li l-implimentazzjoni ta' strumenti ġodda u/jew ir-reviżjoni ta' strumenti eżistenti tkun magħmula minn sistema ta' analiżi u ta' kontroll ta' l-effetti tas-sistema komuni ta' l-ażil u dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati u li tista' tiġi fdata f'idejn l-uffiċċju ta' appoġġ imsemmi fil-Green Paper u li miegħu jistgħu jiġu assoċjati l-UNHCR, l-NGOs attivi f'dan il-qasam, l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u jwasslu għal rapport annwali maħsub għall-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u għall-Istati Membri.

Sussegwentement, il-Kumitat jitlob li l-Kummissjoni tħejji rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tas-sistema komuni, li jintbagħat lill-istituzzjonijiet konsultattivi (il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni) kif ukoll lill-Parlament Ewropew.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.

(2)  Skond il-UNHCR (Master Glossary of Terms, Ġunju 2006).

(3)  Stupri, stupri fi żmien il-gwerra, persekuzzjonijiet fiżiċi, mentali jew soċjali kkawżati minn rifjut li mara tissoġġetta ruħha għal ordni mogħtija mill-irġiel, eċċ. Ara punt 2.5.1 ta' l-opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva dwar il-Kwalifika, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière, (ĠU C 221, 17.9.2002): Għalkemm m'humiex previsti b'mod espliċitu fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra ta' l-1951, il-forom speċifiċi ta' persekuzzjoni tas-sess (il-mutilazzjonijiet ta' l-organi ġenitali femminili, iż-żwieġ sfurzat, tħaġġir minħabba preżunzjoni ta' adulterju, stupri sistematiċi ta' nisa u tfajliet bħala strateġija tal-gwerra, biex insemmu xi uħud) għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala raġunijiet validi sabiex persuna tapplika għall-ażil, u bħala raġunijiet leġittimi għall-għoti ta' l-ażil fl-Istati Membri.

(4)  Opinjoni tal-KESE tal-15.12.2004 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar “Is- Sistema Komuni Ewropea ta' Kenn Politiku Aktar Effiċjenti: Il-Proċedura Unika bħala l-Pass li Jmiss”, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 157, 28.6.2005), punt 2.7.

(5)  Opinjoni tal-KESE ta' l-14.2.2006, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 88, 11.4.2006), punt 2.4 u Konklużjonijiet tar-raba' inċiż.

(6)  Opinjoni tal-KESE tas-26.4.2001“Proposta għal Direttiva mill-Kunsill dwar regoli minimi li jikkonċernaw il-proċedura ta' l-għoti u r-revoka ta' l-istatus ta' refuġjat fl-Istati Membri”, rapporteur: is-Sur Melicías (ĠU C 192, 10.7.2001), punt 3.2.2.

(7)  Melicías, punt 3.2.12.3.

(8)  Opinjoni tal-KESE tas-26.04.2001“Proposta għal Direttiva mill-Kunsill dwar regoli minimi li jikkonċernaw il-proċedura ta' l-għoti u r-revoka ta' l-istatus ta' refuġjat fl-Istati Membri”, rapporteur: is-Sur Melicías (ĠU C 192, 10.7.2001), punt 2.3.

(9)  Fl-2006, l-UE 27 irreġistrat 192 300 applikazzjoni għall-ażil, jiġifieri 50 % inqas mill-2001 u 70 % inqas mill-1992 (UE 15) — Eurostat “Statistika fil-qosor” 110/2007.

(10)  Melicías, punt 3.2.4.4.

(11)  Melicías, punt 3.2.15.2; Konferenza stampa tal-UNHCR u Rakkomandazzjonijiet lill-Presidenza Portugiża ta' l-Unjoni Ewropea u lill-Presidenza l-ġdida, tal-15 ta' Ġunju 2007 u l-11 ta' Diċembru 2007.

(12)  Green Paper, p. 4.

(13)  “Asylum in the European Union, A study of the implementation of the Qualification Directive” UNHCR, November 2007.

(14)  Opinjoni tal-KESE tad-29.5.2002 dwar il-“Proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi relatati mal-kondizzjonijiet li jridu jissodisfaw iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għall-istatus ta' refuġjati, jew ta' persuni li, għal xi raġunijiet oħra, għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali, u relatati mal-kontenut ta' dan l-istatus”, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 221, 17.9.2002), punt 2.3.5.

(15)  L-istess studju. Barra minn hekk, il-Kumitat jirreferi għall-emendi proposti għad-Direttiva dwar il-Kwalifika (l-Artikoli 8.3; 8.1; Premessa 26 ta' l-Artikolu 15c; l-Artikoli 12 u 14 (b'konformità mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra 1951); 17 u 19; u għar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin: għall-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: talba għall-interpretazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; Assigurazzjoni u kontroll tal-kwalità tad-deċiżjonijiet min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea; Taħriġ; Adozzjoni tal-Linji Gwida; għall-attenzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-UE: użu tal-linji gwida tal-UNHCR; Mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni u d-deċiżjonijiet mill-qrati nazzjonali lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; rapport bil-miktub tad-deċiżjonijiet; Kontroll tal-kwalità tad-deċiżjonijiet meħuda fuq livell nazzjonali; Analiżi tal-potenzjal ta' l-aġenti involuti fil-protezzjoni; Protezzjoni fil-post; Aċċess u eliġibilità; Riskji serji; Motivazzjonijiet u esklużjonijiet UNHCR, Novembru 2007.

(16)  Franza: “Rapport ta' informazzjoni ppreżentat mid-delegazzjoni ta' l-Assemblea Nazzjonali f'isem l-UE”, imressaq mis-Sur Lequiller. Nru 105 tal-25 ta' Lulju 2007.

(17)  Opinjoni tal-KESE tat-28.11.2001 dwar il-“Proposta għal Direttiva mill-Kunsill dwar l-istandards minimi għall-akkoljenza ta' dawk li jfittxu l-ażil fl-Istati Membri”, rapporteurs: is-Sur Mengozzi u s-Sur Pariza Castaños (ĠU C 48, 21.2.2002), punt 4.3.

(18)  Idem, punt 3.1.

(19)  Opinjoni tal-KESE tas-26.4.2001“Proposta għal Direttiva mill-Kunsill dwar standards minimi li jikkonċernaw il-proċedura ta' l-għoti u r-revoka ta' l-istatus ta' refuġjat fl-Istati Membri”, rapporteur: is-Sur Melicías (ĠU C 192, 10.7.2001), punt 3.2.11.

(20)  Rapport ta' missjoni internazzjonali ta' inkjesta “L-arrest tal-barranin, id-dissważjoni tar-refuġjati: il-kontroll tal-fluss migratorju f'Malta”, Federazzjoni Internazzjonali tal-Legi tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-Sinjura Teule, punt 4-1.1.

Ara wkoll il-modernizzazzjoni ta' ċentri ta' akkoljenza kkontrollati iżda miftuħa, meta r-Rumanija daħlet fl-UE, osservata matul il-missjoni li twettqet matul l-abbozzar ta' l-opinjonijiet tal-KESE tal-15.12.2004 dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-ġestjoni tad-dħul fl-Unjoni Ewropea ta' persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u dwar ir-rinfurzar tal-kapaċitajiet ta' protezzjoni tar-reġjuni ta' oriġini — Intejbu l-aċċess għal soluzzjonijiet sostenibbli” (mhux disponibbli bil-Malti), u dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Sistema Komuni Ewropea ta' Kenn Politiku Aktar Effiċjenti: Il-Proċedura Unika bħala l-Pass li Jmiss”, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 157, 28.6.2005).

(21)  Skond il-UNHCR (Master Glossary of Terms, Ġunju 2006): il-persuni li għandhom diżabilità fiżika, psikoloġika jew mentali, u għandhom bżonn assistenza partikolari: nisa, nisa tqal, tfal, anzjani, morda, persuni b'diżabilità, eċċ.

(22)  Opinjoni tal-KESE tat-12.7.2001 dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Lejn proċedura ta' ażil komuni u status uniformi, valida fl-Unjoni kollha, għall-persuni li jingħataw id-dritt ta' l-ażil”, rapporteurs: is-Sur Mengozzi u s-Sur Pariza Castaños (ĠU C 260, 17.09.2001).

(23)  Green Paper, punt 12.

(24)  Kummissjoni: “Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tas-sistema ta' Dublin” — COM (2007) 299 finali — 6 ta' Ġunju 2007.

(25)  COM(2007) 299, paġna 8.

(26)  Opinjoni tal-KESE tat-12.7.2001 dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Lejn proċedura ta' ażil komuni u status uniformi, valida fl-Unjoni kollha, għall-persuni li jingħataw id-dritt ta' l-ażil”, rapporteurs: is-Sur Mengozzi u s-Sur Pariza Castaños (ĠU C 260, 17.9.2001) u Opinjoni tal-KESE tad-29.5.2002 dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi relatati mal-kondizzjonijiet li jridu jissodisfaw iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għall-istatus ta' refuġjati, jew ta' persuni li, għal xi raġunijiet oħra, għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali, u relatati mal-kontenut ta' dan l-istatus”, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 221, 17.9.2002).

(27)  Kunsill ta' l-Ewropa — Assemblea Parlamentari: “Evalwazzjoni taċ-ċentri ta' transitu u ta' l-ipproċessar bħala tweġiba għall-flussi migratorji u ta' dawk li jfittxu l-ażil” — Dok. 11304, 15 ta' Ġunju 2007.

(28)  Opinjoni tal-KESE tad-29.1.2004 dwar il-“Proposta tar-Regolament tal-Kunsill li jwassal għall-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea għall-amministrazzjoni tal-kooperazzjoni operattiva fil-fruntieri esterni”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 108, 30.4.2004), punt 3.2.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta' fehim interkulturali permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2009-2013)

COM(2007) 395 finali

(2008/C 204/18)

Nhar l-10 ta' Settembru 2007, il-Kumissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta' fehim interkulturali permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2009-2013)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Rodríguez García-Caro.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar it-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'125 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' l-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta' fehim interkulturali permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2009-2013), li jestendi u jtejjeb il-programm ta' azzjoni Erasmus Mundus attwali, li l-KESE ukoll laqa' fi żmienu.

1.2

Fil-fehma tal-Kumitat, il-mira li l-universitajiet Ewropej jsiru ċentri ta' eċċellenza li jiġbdu studenti minn madwar id-dinja hija ta' importanza kbira u għandha tgħin biex turi l-kwalità għolja ta' l-edukazzjoni ogħla u r-riċerka fl-Ewropa. Madankollu, il-KESE jixtieq jesprimi l-fehma tiegħu li l-programm m'għandux jikkontribwixxi għal telf ta' l-aħjar imħuħ (brain drain) mill-pajjiżi terzi. Għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja, b'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet u l-universitajiet tal-pajjiżi terzi, strateġiji biex tħeġġeġ lill-istudenti u l-letturi jieħdu vantaġġ ta' dak li għandu x'joffri l-Erasmus Mundus, u wara jmorru lura lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli hemmhekk. Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li, biex jintlaħaq dan l-għan, il-politiki ta' kooperazzjoni ta' l-UE għall-iżvilupp għandhom ikunu marbutin sew ma' programmi bħal m'hu l-Erasmus Mundus.

1.3

Il-KESE jinnota l-kontribut li l-programm il-ġdid ta' azzjoni ser jagħti biex tiżdied il-mobilità tal-letturi billi jalloka 40 % tal-boroż ta' studju ppjanati kollha lill-għalliema, meta mqabbel mas-16.6 % taħt il-programm attwali li għadu fis-seħħ. Skambji bħal dawn għandhom jitqiesu bħala sors ta' arrikkiment mhux biss xjentifiku iżda wkoll kulturali u edukattiv. Għal dan il-għan, il-Kumitat jixtieq isostni li l-mobilità tal-letturi u l-istudenti m'għandhiex tibqa' responsabbiltà individwali — kif inhi f'ħafna każi llum — u għandha ssir dejjem aktar waħda istituzzjonali.

1.4

Il-Kumitat iħeġġeġ l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw li ostakli li ġejjin mil-leġislazzjoni nazzjonali li jaffetwaw il-mobilità tal-letturi u l-istudenti, kemm f'dak li hu aċċess għall-Istati Membri differenti ta' l-UE kif ukoll fir-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kwalifiki miksuba, jiġu eliminati kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effettiv, sabiex l-ebda wieħed minn dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-programm ma jkun imfixkel jew skoraġġut milli jistudja jew jgħallem barra.

1.5

Il-KESE jaħseb li l-proċeduri ta' l-għażla għandhom iqisu miżuri ta' kumpens fil-livell ta' l-UE biex jevitaw żbilanċi serji bejn l-oqsma ta' studju ta' l-istudenti u l-akkademiċi u bejn ir-reġjuni ta' oriġini u l-Istati Membri fejn l-istudenti jew il-letturi jkunu sejrin. Il-Kumitat b'hekk japprova l-kliem kif jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni (KE) Nru 2317/2003, li tistabbilixxi l-Programm Erasmus Mundus, u jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ukoll jinkludu dan fil-proposta kkunsidrata attwalment.

2.   Id-deċiżjoni proposta:

2.1

L-għan ġenerali tad-deċiżjoni hija li ttejjeb il-kwalità ta' l-edukazzjoni ogħla Ewropea, biex tippromwovi d-djalogu u l-ftehim bejn soċjetajiet u kulturi differenti permezz ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi, u li tippromwovi l-objettivi tal-politika esterna ta' l-UE u tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi terzi fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla. Il-programm ikopri l-perijodu ta' ħames snin bejn l-2009 u l-2013.

2.2

L-għanijiet speċifiċi tad-deċiżjoni proposta huma kif ġej:

a)

li trawwem kooperazzjoni strutturata bejn l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ogħla u l-persunal akkademiku fl-Ewropa u l-pajjiżi terzi […];

b)

li tagħti sehem fl-arrikiment reċiproku tas-soċjetajiet […] billi tippromwovi l-mobilità għall-istudenti u l-akkademiċi minn pajjiżi terzi li l-aktar li għandhom talent biex jiksbu kwalifiki u/jew esperjenza fl-Unjoni Ewropea u għall-istudenti u l-akkademiċi Ewropej bl-akbar ħiliet lejn pajjiżi terzi;

c)

li tagħti sehemha fl-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-kapaċità ta' kooperazzjoni internazzjonali ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla fil-pajjiżi terzi […];

d)

li żżid l-aċċessibilità u ttejjeb il-profil u l-viżibbiltà ta' l-edukazzjoni ogħla Ewropea fid-dinja kif ukoll kemm din tidher attraenti għal nies minn pajjiżi terzi.

2.3

Din l-inizjattiva għandha tiġi implimentata permezz tal-miżuri li ġejjin:

Programmi konġunti Erasmus Mundus ta' masters u ta' dottorat […];

sħubijiet bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla Ewropej u dawk f'pajjiżi terzi […];

miżuri li bihom l-Ewropa tidher aktar attraenti bħala destinazzjoni edukattiva […];

appoġġ għall-iżvilupp ta' programmi edukattivi konġunti u netwerks ta' kooperazzjoni li jiffaċilitaw l-iskambju ta' esperjenza u prattika tajba;

appoġġ aħjar għall-mobilità, bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi, ta' nies fil-qasam ta' l-edukazzjoni ogħla;

promozzjoni tal-ħiliet lingwistiċi, preferibbilment l-istudenti jingħataw il-possibbiltà li jitgħallmu għall-inqas tnejn mil-lingwi mitkellma fid-diversi pajjiżi fejn jinsabu l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla […];

appoġġ għall-proġetti pilota bbażati fuq sħubijiet ma' dimensjoni esterna mfassla biex tiżviluppa l-innovazzjoni u l-kwalità fl-edukazzjoni ogħla;

appoġġ għall-istudju u s-segwitu ta' tendenzi u l-evoluzzjoni ta' l-edukazzjoni ogħla f'perspettiva internazzjonali.

2.4

Dan il-programm għandu l-għan li jsegwi l-attivitajiet ta' l-ewwel fażi (2004-2008) (1), imma jimmira li jkun aktar ambizzjuż billi jinkorpora b'mod aktar dirett it-Tieqa ta' Kooperazzjoni Esterna, u b'hekk jestendi l-iskop tagħha għal-livelli kollha ta' l-edukazzjoni ogħla, itejjeb l-opportunitajiet ta' studenti Ewropej li jiskbu fondi u joffri possibilitajiet aħjar għall-kooperazzjoni ma' l-HEIs fil-pajjiżi terzi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Kif qal fl-opinjoni tiegħu dwar il-programm Erasmus Mundus (2004-2008) (2), il-Kumitat jilqa' d-deċiżjoni proposta tal-Parlament u tal-Kunsill, flimkien ma' l-inizjattivi li ġew u qegħdin jiġu adottati biex tittejjeb il-kwalità ta' l-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea u jkattru l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, skond l-Artikolu 140 tat-Trattat tal-KE.

3.2

Dak iż-żmien, il-Kumitat wera “l-appoġġ tiegħu għall-adozzjoni ta' inizjattivi speċifiċi li ser iwittu t-triq għal-edukazzjoni ogħla ta' kwalità bbażata, inter alia, fuq il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, billi jaħdmu flimkien ma' l-aħjar universitajiet u jiġbdu skulari magħrufa u l-istudenti bl-aħjar kwalifiki mill-pajjiżi kkonċernati. Din is-sinerġija ta' benefiċċju reċiproku ser tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' rabtiet aktar mill-qrib u tifrex il-pedamenti għal ftehim u kooperazzjoni aħjar fil-futur bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi parteċipanti (3).

3.3

Meta tqis li hawnhekk huwa involut l-istess tip ta' programm, il-KESE jtenni l-kummenti li għamel dak iż-żmien, b'bidliet żgħar imma importanti, u jżid il-kummenti li ġejjin:

3.3.1

Il-programm Erasmus Mundus jakkumpanja passi li ttieħdu biex jintlaħaq l-għan ewlieni tal-proċess ta' Bologna, li huwa mfassal biex joħloq żona Ewropea għall-edukazzjoni ogħla u r-riċerka sas-sena 2010 permezz ta' riformi li jqarrbu s-sistemi nazzjonali ta' edukazzjoni ogħla.

3.3.2

Madankollu, dan jaħbat ukoll ma' għan ieħor li jħares 'il barra, li hu l-promozzjoni ta' l-Ewropa f'għajnejn id-dinja bħala żona fejn hemm edukazzjoni ogħla u riċerka ta' kwalità. B'hekk huwa essenzjali li l-proċess ta' Bologna jkun suċċess, sabiex il-ftit universitajiet Ewropej li bħalissa jiġbdu studenti żgħażagħ minn pajjiżi terzi jiżdiedu.

3.3.3

Il-Kummissjoni għarfet dan billi aċċettat il-proċess ta' Lisbona bħala parti integrali tal-politika ta' edukazzjoni u taħriġ tagħha, bl-istess status bħar-riċerka fl-Unjoni Ewropea.

3.3.4

L-objettiv — il-ħolqien ta' “żona Ewropea ta' edukazzjoni ogħla” — jirifletti għan ieħor, dak li jinġibdu studenti u letturi minn pajjiżi terzi. Peress li dan huwa objettiv importanti u anki essenzjali biex titjieb il-pożizzjoni ta' l-Ewropa fid-dinja, il-KESE javża lil dawk konċernati għal darba oħra bil-ħtieġa li jitnaqqas it-telf ta' mħuħ kapaċi mill-pajjiżi li qegħdin jiżvillupaw.

3.3.5

Azzjoni numru 2 (sħubijiet ta' l-Erasmus Mundus) hija xempju tajjeb ta' dan, għax barra milli tqis il-ħtiġijiet speċifiċi ta' żvilupp tal-pajjiż/i terz/i, tippermetti mawriet limitati u għal perjodu qasir. Il-miżuri proposti għandhom, fil-fehma tal-Kumitat, jippermettu lill-għalliema kif ukoll lill-istudenti minn pajjiżi terzi li jgawdu minn perijodu siewi jgħallmu u jistudjaw f'universitajiet Ewropej, imma r-ritorn ta' dawk konċernati lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom għandu jitħeġġeġ bil-qawwa, biex b'hekk ikunu jistgħu jagħtu sehemhom fl-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali f'pajjiżhom u, fl-istess ħin, ixandru l-kwalità għolja ta' l-universitajiet tagħna ma' pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.

3.3.6

Ir-riskju li t-telf ta' l-imħuħ kapaċi jsir aktar mgħaġġel preċiżament f'dawk il-pajjiżi fejn hemm bżonnu, speċjalment minħabba nuqqas ta' opportunitajiet fis-suq jew sempliċiment ta' kundizzjonijiet xierqa biex titkompla l-ħidma xjentifika — jista' wkoll jintrebaħ permezz ta' l-iżvilupp ta' gradi ta' Masters u programmi ta' dottorat f'dawk il-pajjiżi terzi, inklużi korsijiet u apprendistati f'pajjiżi Ewropej għal perijodi qosra biżżejjed biex l-istudenti ma jħossuhomx maqtugħin mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

3.3.7

Dan ir-riskju jista' wkoll jitnaqqas permezz ta' miżuri li jinvolvu l-universitajiet stess, billi jinkorporaw strateġiji ta' ritorn f'kwalunkwè ftehim li jiġi ffirmat, li possibilment jinkludi anke miżuri ta' kumpens.

3.3.8

Il-programm Erasmus Mundus, li jagħmel parti minn approċċ ġenerali fil-politiki ta' l-Unjoni Ewropea u jingħaqad ma' l-istrateġija ta' Lisbona biex l-Ewropa ssir ekonomija msejsa fuq l-għarfien, li hija l-aktar ekonomija dinamika u kompetittiva fid-dinja, kemm fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi li magħhom diġà hemm ftehim kif ukoll bħala parti minn approċċ aktar miftuħ għall-kooperazzjoni strateġika ma' pajjiżi terzi, għandu wkoll iqis il-kwistjoni tat-telf ta' mħuħ kapaċi bħala problema serja għall-iżvilupp bilanċjat fil-pajjiż li jaħdem fihom (4).

3.3.9

Huwa wkoll importanti li jiġi enfasizzat li dan il-programm għandu objettiv ieħor, dak li jippromwovi l-iskambju ta' kulturi permezz ta' edukazzjoni ta' kwalità aħjar u riġorożità xjentifika (5). Għalhekk dan il-programm ma għandux iservi ta' pretest biex tiġi introdotta perspettiva kummerċjali fl-edukazzjoni ogħla, imma minflok għandu jħeġġeġ edukazzjoni ta' kwalità għolja, riċerka indipendenti, rispett għal-libertà akkademika u, kif maħsub fil-proposta, jgħin biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra kull forma ta' esklużjoni soċjali.

3.4

Fl-aħħar, fuq l-istess linja tal-proċess ta' Bologna, is-sistema ta' evalwazzjoni interna u esterna għall-universitajiet jeħtieġ li tissejjes fuq il-kriterji li jqisu s-sitwazzjoni akkademika attwali u jkunu ta' inċentiv biex jintlaħqu livelli għolja ta' eċċellenza — sine qua non jekk iridu li jirnexxielhom jiġbdu studenti u letturi minn pajjiżi terzi, waqt li fl-istess ħin iżommu l-idenititajiet tagħhom.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Aspett ewlieni tal-programm Erasmus Mundus għandu x'jaqsam mal-mobilità ta' l-istudenti u l-letturi. L-esperjenza ta' Bologna wriet li aktar ingħatat attenzjoni lill-mobilità ta' l-istudenti milli dik tal-letturi, minkejja l-fatt li l-importanza tal-mobilità tal-letturi biex tiggarantixxi s-suċċess ta' l-istrateġija ta' Bologna ġiet enfasizzata f'bosta dikjarazzjonijiet. Il-Kunsill ta' l-Ewropa wkoll sostna dan fl-2006, meta qal li l-istrateġija ma kinitx kompluta u konsistenti.

4.1.1

B'dan li ssemma hawn fuq bħala eżempju, huwa importanti li l-Erasmus Mundus jikkostitwixxi fattur propizju għal din il-mobilità tal-letturi, u, kif imfisser f'wieħed mis-sitt objettivi tal-proċess ta' Bologna f'dak li għandu x'jaqsam ma' letturi u riċerkaturi, huwa wkoll importanti li jingħelbu l-ostakoli li jwaqqfu l-mobilità effettiva tal-letturi, b'attenzjoni partikolari għar-rikonoxximent u l-iżvilupp tal-ħiliet u l-għarfien espert li ħarġu mir-riċerka, it-tagħlim u t-taħriġ matul in-nuqqas tal-lettur mill-post tax-xogħol fejn soltu jaħdem.

4.1.2

Huwa essenzjali li jitqiesu l-aspetti varji tal-kwistjoni li ma jistgħux jiġu miċħuda:

diskrepanzi bejn is-sistemi edukattivi fil-pajjiżi li jirċievu u jibagħtu l-letturi;

il-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti u sfruttati t-taħriġ, u l-esperjenza ta' tagħlim u riċerka, ta' dawk ikkonċernati.

ir-rikonoxximent mhux biss ta' kontributi xjentifiċi imma tal-valuri soċjo-kulturali;

skambji tal-letturi u r-riċerkaturi, li għandhom jitqiesu bħala mod kif titkattar il-kultura u l-edukazzjoni u mhux biss bħala mod kif tagħżel l-aktar letturi, studenti u riċerkaturi kwalifikati minn pajjiżi terzi, bħallikieku kienu “immigranti kwalifikati”.

4.1.3

F'dan il-kuntest partikolari, iridu jsiru sforzi biex jiżguraw li l-iskambju tal-letturi huwa fattur ta' ġid għall-pajjiżi li jirċievu u jibagħtu l-letturi, għall-istudenti u wkoll għall-universitajiet stess. Mezz wieħed ta' kif tħeġġeġ it-tip ta' skambju intelletwali li jagħmel ġid kemm lill-pajjiżi li jibagħtu l-akkademiċi u l-istudenti tagħhom u dawk li jirċevuhom jista' jkun dak li jagħmilha possibli għal nies minn pajjiżi terzi li jiskbu kwalifiki u għarfien permezz ta' żjajjar ta' studju fl-Ewropa. Mill-forom differenti ta' skambju, iż-żjajjar u l-mawriet qosra, il-leave sabbatiku u l-programmi speċifiċi ta' riċerka huma dawk l-izjed magħrufa, imma xorta għad jifdal firxa wiesgħa ta' għażliet oħra f'dan il-qasam.

4.2

Il-Kommunikazzjoni ssemmi xi aspetti li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ u li, minħabba l-importanza tagħhom, għandhom jiġu enfasizzati:

4.2.1

L-isfida li tintlaħaq id-diversità lingwistika fl-Ewropa, sfida li tqum minn din il-kwistjoni kollha, għandha titqies bħala opportunità miżjuda minn dawk li jagħżlu l-Ewropa bħala destinazzjoni: Li tagħraf li lingwa partikolari qiegħda fil-proċess li ssir il-“lingwa tax-xjenza” ma jfissirx li ma tagħtix kas il-valur li t-tagħlim ta' lingwi oħra għandu għall-edukazzjoni u r-riċerka f'dinja globalizzata; dan it-tagħlim jiżgura rikkezza lingwistika u aktar opportunitajiet għal kulħadd, inklużi dawk iċ-ċittadini u residenti ta' l-Unjoni Ewropea li jitkellmu biss f'ilsien pajjiżhom.

4.2.2

Ir-regoli kumplikati tal-migrazzjoni li qegħdin jinbidlu kontinwament (u jsiru dejjem aktar inflessibli) jinvolvu problema oħra li għandha titqies fejn jidħlu akkademiċi u studenti minn pajjiżi terzi. Dan ma jista' u ma' għandu bl-ebda mod jiġġustifika l-impediment tal-mobilità ta' letturi, riċerkaturi u studenti. B'mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-ħruġ ta' viżi għal studenti u għalliema involuti f'dan it-tip ta' programm għandha tiġi ffinalizzata.

4.2.3

Erasmus Mundus irid ukoll jilħaq objettiv ieħor minn dawk proposti: għandu jkun strument biex jiġġieled kull forma ta' esklużjoni, inkluż ir-razziżmu u l-ksenofobija, u għandu jgħin biex ineħħi l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa.

4.3

Ir-riżultati ta' studju li sar mill-Assoċjazzjoni ta' Kooperazzjoni Akkademika bejn l-2004 u l-2005 fuq it-talba tal-Kummissjoni jenfasizzaw il-ħtieġa li tiġi definita strateġija Ewropea biex tistabbilixxi żona Ewropea ta' edukazzjoni ogħla, li tikkontradixxi l-idea li fl-Ewropa, huma l-universitajiet fl-aktar pajjiżi żviluppati jew li jħaddnu l-aktar tradizzjonijiet universitarji illustri li jistgħu joffru kwalità.

4.3.1

Din l-istrateġija issejset fuq il-ħtieġa (diġà fformalizzata fil-programm Erasmus Mundus attwali) li s-sħubijiet isiru bejn mill-inqas 3 universitajiet minn mill-inqas 3 pajjiżi biex jikkwalifikaw għall-iskema. Il-programm 2009-2013 jsegwi dan ir-rekwiżit, li miegħu l-KESE jaqbel kompletament (6).

4.3.2

Madankollu, hemm elementi oħrajn li huma kruċjali biex tittejjeb il-ħila ta' l-universitajiet Ewropej biex jiġbdu l-istudenti, li għandhom x'jaqsmu mal-prestiġju internazzjonali tagħhom, il-kwalità ta' l-entitajiet tat-tagħlim, l-ispiża ta' l-istudji, il-valur tal-boroż ta' studju mogħtija, il-prestiġju tal-gradi, l-opportunitajiet ta' xogħol sussegwenti, dak li jafu n-nies f'pajjiżi terzi dwar l-universitajiet differenti fil-pajjiżi ta' l-UE, u wkoll l-għoli tal-ħajja u kemm hu faċli jew diffiċli tiksev viża. Il-kunsidrazzjoni ta' dawn il-fatturi kollha, partikolarment l-għoli tal-ħajja u l-miżati tal-kulleġġ, għandhom ikunu deċiżivi meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-għotja ta' boroż ta' studju.

4.3.3

B'hekk din il-fażi ġdida fil-programm Erasmus Mundus għandha tippreżenta opportunità biex jiġu diskussi ma' rapprezentanti, letturi u studenti universitarji l-miżuri li jistgħu jkunu ta' għajnuna biex ixandru l-merti ta' universitajiet oħra f'pajjiżi oħra ta' l-UE, bil-ħsieb li tiżdied id-domanda minn studenti u letturi minn pajjiżi terzi.

4.3.4

Mod kif jinkiseb dan hu li, fuq l-eżempju tal-proċess ta' Bolonja, jittejjeb il-profil taż-Żona Universitarja Ewropea in ġenerali fis-sorsi ta' informazzjoni li attwalment jiġu kkonsultati minn dawk bl-intenzjoni li jistudjaw barra minn pajjiżhom (l-internet, is-siti elettroniċi, ir-rappreżentazzjonijiet ta' l-UE).

4.3.5

B'hekk jista' jkun possibbli, permezz ta' kooperazzjoni istituzzjonali mill-qrib bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet universitarji, i) li jinħoloq portal universitarju Ewropew ippreparat sew, aġġornat dejjem, aċċessat faċilment, b'kontenut attraenti u ppubbliċizzat sewwa, u li jipprovdi aċċess għall-portals ta' bosta universitajiet Ewropej u ii) li jinħolqu dipartimenti fir-rappreżentanzi ta' l-UE speċifikament immirati biex jipprovdu informazzjoni dwar iż-Żona Universitarja Ewropea.

4.4

Element essenzjali għall-ħila taż-Żona Universitarja Ewropea li tiġbed studenti u letturi huwa l-preżenza ta' entità ta' għalliema ferm kwalifikata, imħallsa tajjeb u rikonoxxuta professjonalment.

4.5

Il-KESE itenni t-twemmin sod li l-programm Erasmus Mundus joffri opportunità eċċellenti biex jidentifika l-aktar studenti żgħażagħ, għalliema u riċerkaturi promettenti mill-pajjiż terzi, li fiż-żgur ikunu ta' valur kbir għall-iżvilupp ta' l-Ewropa stess. Madankollu, iħoss li jrid jenfasizza li ħafna gradwati Ewropej żgħażagħ jiltaqgħu ma' diffikultajiet serji biex isibu xogħol diċenti u adattat fíl-pajjiżi tagħhom. Aktar milli osservazzjoni dwar il-programm Erasmus, din għandha titqies aktar bħala sejħa biex jinfetaħ dibatittu dwar dik il-kwistjoni partikolari.

4.6

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li, f'ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, l-universitajiet pubbliċi biss għandhom il-ħila li jiddemokratizzaw l-edukazzjoni ogħla, u jneħħu d-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta' ugwaljanza (wieħed mill-objettivi ddikkjarati tal-programm Erasmus Mundus). Għal dan il-għan, u minkejja l-fatt li l-programm ma għandu jagħmel l-ebda distinzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati, għandu f'kwalunkwè każ jgħin biex jikkonsolida u jsaħħaħ l-universitajiet pubbliċi fil-pajjiżi terzi, billi jgħinhom jilħqu l-miri tagħhom biex jipproduċu edukazzjoni u riċerka ta' kwalità għolja, b'libertà akkademika.

4.7

Fl-Artikolu 5 f) tat-test tal-proposta, ikun utli li tiġi inkluża referenza għall-imsieħba tad-djalogu soċjali (ħaddiema u rappreżentanti tal-ħaddiema), peress li l-imsieħba soċjali jafu x'qed jiġri fil-prattika, u wkoll il-ħiliet u l-kwalifi li jeħtieġ is-suq tax-xogħol. Il-bżonnijiet għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' pajjiżi terzi wkoll għandu jitqies fl-ippjanar tal-kontenut tal-gradi tal-masters u tad-dottorati.

4.8

Fl-Anness għad-Deċiżjoni 2317/2003 li jistabbilixxi l-programm Erasmus Mundus attwali, inċiż b) jgħid li l-“miżuri ta' proċeduri ser jipprovdu għal mekkaniżmu ta' approvazzjoni fil-livell Ewropew, sabiex jevitaw żbilanċi serji fl-oqsma ta' studju u r-reġjuni ta' provenjenza u l-Istat Membru fejn ikunu sejrin l-istudenti u l-iskulari”. Din ir-referenza tħalliet barra mill-anness għall-proposta għall-programm Erasmus Mundus il-ġdid. Jekk waħda mill-prijoritajiet tal-programm hi li jtejjeb il-profil ta' l-universitajiet Ewropej u jiżgura s-sehem tagħhom fil-programm, il-Kumitat iħoss li l-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju fis-selezzjoni hija prijorità, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-appoġġ mill-programm imur għall-istess Stati Membri u l-istess universitajiet.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-opinjoni fuq inizzjattiva proprja tas-26.2.2003 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm għat-tisħiħ tal-kwalità fl-edukazzjoni ogħla u l-promozzjoni ta' ftehim interkulturali permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2004-2008), rapporteur: J.I. Rodriguez García-Caro (ĠU C 95, 23.4.2003).

(2)  Idem.

(3)  Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tat-12.12.2007 dwar Migrazzjoni u Żvilupp: opportunitajiet u sfidi, rapporteur: Sukhdev Sharma (CESE 1713/2007 — REX/236).

(4)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-25.10.2007 dwar L-immigrazzjoni fl-UE u l-politika ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp, rapporteur: L.M. Pariza Castaños (ĠU C 44, 16.2.2008).

(5)  Ara l-opinjoni tal-KESE ta' l-20.4.2006 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (2008), rapporteur: Ágnes Cser (ĠU C 185, 8.8.2006).

(6)  Skond l-informazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni, s'issa aktar minn 350 università minn kważi kull pajjiż ta' l-UE kienu nvoluti fil-programm Erasmus Mundus, b'universitajiet minn 12 mis-27 Stat Membru li ġarrew ir-responsabbiltà li jikkoordinaw l-iskemi. L-informazzjoni turi wkoll li ħafna minn dawn l-iskemi involvew sħubijiet ma' aktar minn 4 universitajiet minn pajjiiżi differenti.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/89


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta' Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti — It-tagħlim dejjem żmienu

COM(2007) 558 finali

(2008/C 204/19)

Nhar is-27 ta' Settembru 2007, il-Kumissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta' Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti — It-tagħlim dejjem żmienu

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Heinisch. Il-ko-rapporteurs kienu s-Sinjura Le Nouail Marlière u s-Sur Rodríguez García-Caro.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-13 ta' Marzu 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'117 voti favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' l-fatt li permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar It-Tagħlim lill-Adulti: It-tagħlim dejjem żmienu, li jkopri l-perijodu bejn l-2007 u l-2010, il-Kummissjoni titratta tema ġdida fil-programm ta' ħidma tagħha għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Kumitat jappoġġja l-pjan, sakemm jitqiesu l-kummenti mressqa f'din l-opinjoni.

1.2

Il-Kumitat jinsab kuntent li 13-il sena wara l-introduzzjoni tal-programmi Ewropej għall-promozzjoni tat-tagħlim għall-adulti, issa għall-ewwel darba qed jingħataw bażi politika separata għall-ħidma tagħhom. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tagħlim għall-adulti (1) kellha żewġ objettivi prinċipali: li tipprepara bażi għall-programm “Grundtvig” (2) u li tħejji programm ta' azzjoni politika korrispondenti dwar it-tagħlim għall-adulti.

1.3

Il-Kumitat jiddispjaċih li dan l-ewwel pjan, fost il-prijoritajiet tiegħu, ma jinkludix l-espansjoni tat-tagħlim non-vokazzjonali għall-adulti, jiġifieri l-iżvilupp ta' l-opportunitajiet ta' tagħlim non-formali u informali li l-individwi kollha, impjegati u ċittadini oħra, jeħtieġu għall-iżvilupp personali u l-iżvilupp taċ-ċittadinanza demokratika tagħhom fis-soċjetà. Huwa jinnota li l-pjan ta' azzjoni jagħti attenzjoni kbira lill-objettiv familjari tat-titjib tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali, objettiv li l-Kumitat jilqa' wkoll.

1.4

Il-Kumitat jemmen li jeħtieġ li jinħoloq ambjent attraenti li jiffavorixxi l-interessi speċifiċi fit-tagħlim ta' dawk li huma qiegħda sabiex b'hekk tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fit-tagħlim tul il-ħajja.

1.5

Fid-dawl tal-bidla demografika, il-Kumitat jemmen li hemm bżonn ta' bidla radikali fil-ġestjoni tat-tagħlim għall-adulti u l-firxa ta' temi li jkopri dan it-tagħlim.

1.6

Il-Kumitat jixtieq li fl-oqmsa kollha ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ issir riflessjoni dwar il-fatt li ħafna drabi, fit-tqassim tax-xogħol tagħhom u fid-diversi oqsma tal-politika ta' l-edukazzjoni, l-enfasi tkun dejjem, u bosta drabi bir-riskju li jsir xogħol doppju, fuq iż-żgħażagħ. Huwa jissuġġerixxi t-twaqqif ta' strutturi speċifiċi tat-tagħlim għall-adulti fl-Istati Membri u fuq livell Ewropew ukoll.

1.7

Il-KESE jemmen li l-iżgħar inizjattivi u organiżmi fil-qasam għall-adulti m'għandhomx ikomplu jiġu marġinalizzati u mwarrba u jħeġġeġ minflok li jiġu msaħħa.

1.8

Il-Kumitat iħoss li l-għan prinċipali tat-taħriġ għall-adulti m'għandux ikun li jservi ta' “kumpens” għall-fallimenti ta' sistema edukattiva formali ineffiċjenti. Huwa jinsab ikkonċernat dwar iż-żieda fin-numru ta' studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, li issa qabeż il-15 %. Għalhekk jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jużaw id-diversi eżempji ta' l-aħjar prattika fl-Ewropa u fil-pajjiżi ta' l-OECD biex permezz tagħhom iwettqu riforma soċjalment orjentata fil-qasam ta' l-edukazzjoni.

1.9

Il-Kumitat jixtieq li l-Kummissjoni Ewropea tfassal pjan li jitratta l-kwistjoni ta' l-integrazzjoni tal-ġeneru u li jakkompanja lil dan il-pjan ta' azzjoni.

1.10

Il-Kumitat jiddispjaċih li l-pjan ta' azzjoni ma jirrefferix b'mod ċar għall-investiment meħtieġ.

1.11

Il-Kumitat jixtieq li tingħata aktar attenzjoni lid-dimensjoni territorjali tat-tagħlim għall-adulti u s-sehem pożittiv li dan it-tagħlim jista' jagħti fil-qasam tal-koeżjoni soċjali b'mod speċjali fir-reġjuni batuti.

1.12

Il-Kumitat jiddispjaċih li l-pjan ta' azzjoni ma jikkunsidrax il-metodi speċifiċi ta' l-istruzzjoni u t-tagħlim ta' l-adulti, li huma pprattikati fiċ-ċentri residenzjali ta' tagħlim għall-adulti (Heimvolkshochschulen) fil-livell sovrareġjonali u Ewropew.

1.13

Il-Kumitat jirrakkomanda li jittieħdu passi għall-promozzjoni ta' ċentri lokali ta' edukazzjoni, moderni u multifunzjonali għall-adulti, li jintegraw it-teknoloġiji l-ġodda u l-e-learning.

1.14

Il-Kumitat jemmen li għandu jkun hemm kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-għalliema u l-istaff amministrattiv tas-settur tat-tagħlim għall-adulti u ambjent ta' tagħlim deċenti u aċċessibbli għall-adulti kollha.

1.15

Il-Kumitat jirrakkomanda li jsir studju tal-prattikabbiltà bil-għan li bħala parti mill-pjan ta' azzjoni, tiġi stabbilità infrastruttura Ewropea għar-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-settur tat-tagħlim għall-adulti. F'dan il-kuntest, jenfasizza wkoll li huwa neċessarju li ssir ħidma fuq il-metodi speċifiċ tat-tagħlim għall-adulti u t-tixrid tagħhom.

1.16

Il-Kumitat jixtieq li jittieħdu passi għall-promozzjoni ta' festivals Ewropej tat-tagħlim li jkunu jagħmlu parti mill-moviment internazzjonali tal-festivals tat-tagħlim u jemmen li għandhom isiru kampanji Ewropej ta' informazzjoni u motivazzjoni li jgħinu sabiex it-tagħlim għall-adulti jsir aktar attraenti.

1.17

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li fil-futur tagħti aktar attenzjoni lid-dimensjoni internazzjonali tat-tagħlim għall-adulti u li tinvolvi lill-Kumitat fl-iżviluppi li jsiru f'dan il-qasam. Huwa jgħarrafha li jixtieq ikun involut fil-preparazzjonijiet Ewropej għall-Konferenza Internazzjonali dwar it-Tagħlim għall-Adulti (CONFINTEA VI) tan-Nazzjonijiet Uniti li ser issir il-Brażil fl-2009.

1.18

Il-Kumitat jilqa' l-pass li ħadet il-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi ġabra ta' data Ewropea u sabiex tassigura aktar konverġenza fir-rigward tal-lingwa użata, iżda jiddispjaċih li l-indikaturi prijoritarji tal-pjan ma jiffukawx b'mod speċifiku fuq it-tagħlim għall-adulti.

2.   Introduzzjoni

2.1

It-tagħlim għall-adulti huwa tradizzjoni antika f'diversi pajjiżi Ewropej. Huwa minn dejjem kellu rabtiet speċjali ma' movimenti soċjali bħall-movimenti tad-drittijiet tal-ħaddiema, tan-nisa, movimenti nazzjonali u movimenti li ġġieldu għad-dritt tal-vot. Għal ħafna snin it-tagħlim għall-adulti kellu l-aġenda edukattiva, soċjali u emanċipatorja tiegħu. F'diversi pajjiżi Ewropej twaqqfu ċentri kif ukoll ċentri residenzjali ta' tagħlim għall-adulti, (Heimvolkshochschulen) sabiex jippromovu l-iżvilupp personali u l-parteċipazzjoni ċivika għal kulħadd. Biż-żmien żviluppaw ukoll ċentri li joffru opportunità oħra ta' tagħlim, faċilitajiet ta' tagħlim vokazzjonali u kulleġġi mmirati, per eżempju, lejn il-popolazzjoni żvantaġġata.

2.2

Għal ħafna żmien u fuq il-livell Ewropew, l-interess prinċipali kien fit-taħriġ vokazzjonali u kien għalhekk li twaqqfu kumitati u korpi tekniċi u speċjalizzati bħas-CEDEFOP u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ. Sa mis-snin sebgħin bdew jiġu żviluppati u implimentati programmi Ewropej biex iżidu l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ għall-persuni b'diżabilità, għall-migranti, għal dawk iż-żgħażagħ li ma marrux skola jew li ma kellhomx kwalifiki vokazzjonali u għall-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs għan-nisa fis-suq tax-xogħol. Is-CEDEFOP saret forum għall-iskambju u l-evalwazzjoni ta' l-aħjar prattika f'dan il-qasam.

2.3

Kien biss meta l-idea tat-tagħlim tul il-ħajja daħlet fil-kamp politiku li l-Kummissjoni Ewropea fetħet il-bibien tagħha għal dawk l-oqsma li qabel ftit li xejn ingħataw attenzjoni bħat-tagħlim għall-adulti li sa dak iż-żmien kien għadu qasam traskurat tal-poltika ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ. Hawnhekk bdiet fażi ġdida ta' attività politika mifruxa li seħħet permezz ta' l-adozzjoni ta' programmi speċifiċi bil-għan li titejjeb il-kwalità u l-innovazzjoni fl-oqsma tat-tagħlim għall-adulti (mill-1995 'il quddiem), permezz ta' l-għażla tas-sena 1996 bħala s-Sena Ewropea tat-Tagħlim tul il-Ħajja u permezz tal-prinċipji stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1996 dwar l-istrateġija għat-tagħlim tul il-ħajja. Fit-30 ta' Ottubru 2000, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat memorandum dwar it-tagħlim tul il-ħajja fejn stabbilixxiet strateġija għall-iżvilupp ta' sistema tat-tagħlim tul il-ħajja, u ressqet għad-diskussjoni sitt messaġġi ewlenin dwar l-objettivi prinċipali tas-sistema tat-tagħlim tul il-ħajja. (3)

2.4

Il-Kunsill adotta d-deċiżjonijiet dwar it-tagħlim tul il-ħajja (4), bħala parti mill-Istrateġija ta' Lisbona, u fassal ukoll il-programm ta' ħidma tiegħu għall-Edukazzjoni u Taħriġ 2010  (5), li xorta naqas milli jiddedika attenzjoni speċifika lit-tagħlim għall-adulti. Bil-għan li titwaqqaf politika Ewropea komuni tat-taħriġ vokazzjonali, permezz tal-programm ta' ħidma għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010, beda l-proċess ta' Kopenħagen. L-ewwel riżultat ta' dan il-proċess jagħmel parti mill-Helsinki Communiqué (6) li ġiet ippublikata lejn l-aħħar ta' l-2006.

2.5

Il-politika ta' l-edukazzjoni superjuri kienet parti mill-programm ta' ħidma wkoll, iżda mill-1999, skond il-proċess ta' Bologna, din kellha tiffoka fuq ristrutturazzjoni kbira bil-għan li titwaqqaf Żona Ewropea ta' l-Edukazzjoni Superjuri. Fil-bidu, din warrbet l-azzjonijiet li kienu saru sabiex jinfetħu istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri għall-gruppi żvantaġġati u warrbet ukoll l-idea li jiġu pprovduti edukazzjoni u taħriġ kontinwi fuq livell universitarju.

2.6

Barra mill-attivitajiet tal-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010, matul dawn l-aħħar snin ittieħdu passi fil-livell Ewropew sabiex tiġi assigurata l-promozzjoni integrata “tas-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà” (7). Ma jeżistu l-ebda miżuri bħal dawn għall-adulti ta' etajiet differenti.

2.7

L-Istrateġija ta' Qafas Ġdida għall-Multilingwiżmu  (8) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja li qiegħda tiġi gglobalizzata  (9) it-tnejn li huma wittew, indirettament, toroq ġodda għat-tagħlim għall-adulti.

2.8

Fil-prinċipju, il-Kumitat laqa' u appoġġja l-attivitajiet tal-Kummissjoni Ewropea ta' dawn l-aħħar snin fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja u ħejja diversi opinjonijiet bil-għan li jappoġġja dawn l-attivatijiet.

3.   Sommarju tal-pjan ta' azzjoni

3.1

Il-pjan ta' azzjoni dwar it-tagħlim lill-adulti, It-tagħlim dejjem żmienu, ġej minn komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istess suġġett Qatt m'hu tard wisq biex titgħallem  (10). Il-pjan ta' azzjoni ifittex li jistabbilixxi ħames prijoritajiet fuq livell Ewropew: it-titjib ta' l-istrutturi għall-governanza inklużi l-kwalità, l-effiċjenza u r-responsabbiltà tas-sistema tat-tagħlim lill-adulti, l-appoġġ għat-tagħlim u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim.

3.2

L-għan tal-pjan ta' azzjoni huwa li jimplimenta l-objettivi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-2006 (11): “it-tneħħija ta' l-ostakoli għall-parteċipazzjoni; iż-żieda fil-kwalità u l-effiċjenza tas-settur; it-tħaffif tal-proċess ta' validazzjoni u rikonoxximent; il-garanzija ta' investiment suffiċjenti; u l-monitoraġġ tas-settur”.

3.3

Il-pjan ta' azzjoni jiffoka fuq dawk li minħabba l-livell baxx ta' edukazzjoni tagħhom u l-kwalifiki vokazzjonali jew il-ħiliet inadegwati tagħhom, ftit li xejn għandhom ċans li jintegraw b'suċċess fis-soċjetà.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat jinsab kuntent li l-Kummissjoni Ewropea ħejjiet l-ewwel pjan ta' azzjoni tagħha dwar it-tagħlim għall-adulti għall-perijodu bejn l-2007 u l-2010. Il-Kumitat jappoġġja dan il-pjan bis-sħiħ sakemm jitqiesu l-kummenti mressqa f'din l-opinjoni. Il-pjan ta' azzjoni jiċċara l-fatt li l-għan tal-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010 huwa wkoll li jippromovi t-tagħlim għall-adulti bħala mezz li jwassal għall-koeżjoni soċjali, għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, għal ħajja privata u professjonali sodisfaċenti u għal aktar adattabilità u kapaċità ta' impjieg imtejba.

4.2

Il-Kumitat jixtieq iwissi kontra l-possibbiltà li fi ħdan it-taħriġ vokazzjonali, il-proġetti tal-proċess ta' Kopenħagen, il-linji gwida Ewropej għall-impjieg 2005-2008, il-Fond Soċjali Ewropew u l-programm Leonardo da Vinci għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, ikun hemm objettivi li jikkoinċidu u li b'hekk jistgħu jirriżultaw f'nuqqas ta' effiċjenza. F'dan il-kuntest, diġà qiegħda ssir enfasi partikolari fuq l-espansjoni ta' l-informazzjoni, is-servizzi ta' parir, ir-rikonoxximent tal-ħiliet akkwistati informalment, it-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' Qafas Ewropew għall-Kwalifiki u t-tisħiħ ta' governanza tajba ta' l-istituzzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali.

4.3

Il-Kumitat jemmen li kull ċittadin Ewropew jeħtieġ aċċess kontinwu għal opportunitajiet moderni ta' tagħlim għall-adulti. Kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jakkwista, jġedded u jaġġorna l-ħiliet tiegħu. Illum-il-ġurnata, il-bidla demografika, il-bidla fil-klima, it-teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-isfidi u l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni trasformaw il-ħajja professjonali u privata tagħna. Dawn l-iżviluppi ġabu magħhom il-bżonn ta' għarfien u ħiliet ġodda li l-adulti ta' etajiet differenti tal-lum ma kellhom l-ebda opportunità li jakkwistaw meta kienu l-iskola, l-università jew waqt il-formazzjoni tagħhom.

4.4

Il-Kumitat għalhekk jiddispjaċih min-nuqqas ta' kunċett viżjonajru integrat li jikkunsidra l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet ta' tagħlim għall-adulti kollha. Barra minn hekk, il-Kumitat kemm-il darba sejjaħ għal ambjent ta' tagħlim favorevoli għal kulħadd inkluż għall-persuni b'diżabilità. Dan jista' jiġġenera firxa ta' sinerġiji għall-partijiet interessati kollha u jiffaċilita wkoll it-tagħlim interġenerazzjonali, interkulturali u multilingwistiku.

4.5

Bħala żieda mal-pjan ta' azzjoni, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni li tinkariga grupp ta' esperti fit-tagħlim għall-adulti bit-tħejjija ta' pjan għall-integrazzjoni tal-ġeneru (gender mainstreaming) li jkun jinkludi wkoll azzjoni pożittiva u li jikkunsidra l-bżonn tat-tagħlim tul il-ħajja.

4.6

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-Qafas komuni Ewropew ta' referenza dwar il-kompetenzi ewlenin (12), li kull adult għandu jkun jista' jakkwista. F'dan il-kuntest tidħol dejjem lista sħiħa ta' temi ċentrali li jistgħu jispiraw inizjattivi organizzattivi ġodda u metodi ta' istruzzjoni innovattivi fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti:- ir-riflessjoni kritika, il-kreattività, l-inizjattiva, is-sejba ta' soluzzjoni għall-problemi, il-valutazzjoni tar-riskju, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-intelliġenza emozzjonali.

4.7

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra jekk il-pjan ta' azzjoni jistax jissaħħaħ permezz ta' festival annwali Ewropew tat-tagħlim u permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u motivazzjoni dwar it-tagħlim tul il-ħajja fl-isferi ta' l-istampa, ir-radju u t-televiżjoni. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-bżonn li jiġi adottat approċċ proattiv sabiex dawk li mhumiex familjari ma' l-istudju jitħeġġu jimpenjaw ruħhom fit-taħriġ. Fil-fehma tal-Kumitat, approċċ proattiv fil-konfront ta' dawk li huma soċjalment żvantaġġati huwa essenziali, dejjem jekk jaspira li jgħolli l-livell ta' l-edukazzjoni, isaħħaħ il-ħila ta' l-adattabilità ta' kulħadd u jiżgura aktar ugwaljanza fl-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kumitat jilqa' l-fatt li mill-bidunett (punt 1 tal-pjan ta' azzjoni), il-pjan ta' azzjoni mhux biss jirrimarka l-għan ta' ekonomija kompetittiva u bbażata fuq l-għarfien iżda jibbaża l-approċċ tiegħu fuq il-viżjoni ta' soċjetà ta' l-għarfien għal kulħadd, waħda bbażata fuq il-prinċipji ta' l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali. Il-Kumitat iħoss ukoll li meta jiġu kkunsidrati kwistjonijiet bħall-edukazzjoni kontinwa, ir-rekwiżiti għat-tagħlim u l-integrazzjoni permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, għandhom jiġu involuti l-atturi lokali bħall-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet kummerċjali u tas-soċjetà ċivili, dawk li huma żvantaġġati fl-ambitu ta' l-edukazzjoni u l-familji tagħhom.

5.1.1

Il-Kumitat jisħaq li għas-sostenn ta' dawk li l-Kummissjoni tiddeskrivi bħala gruppi “bi ftit ħiliet” mhuwiex biżżejjed li jsiru kambjamenti minn naħa tagħhom biss, iżda huwa importanti wkoll li jiġu eliminati l-ostakoli fl-aċċess għat-tagħlim li għadhom jeżistu. Huwa jemmen li meta kklassifikat ċertu gruppi bħala l-gruppi fil-mira tagħha, il-Kummissjoni ma kkunsidratx biżżejjed l-ostakli fl-aċċess għat-tagħlim li jiffaċċjaw il-persuni li jbatu minn żvantaġġi differenti, bħal dawk li jgħixu fil-faqar, fir-reġjuni u l-lokalitajiet żvantaġġati, f'ċentri, istituti jew istituzzjonijiet magħluqa.

5.1.2

Il-Kumitat jixtieq iwissi kontra r-riskju ta' segregazzjoni addizzjonali li tista' tkun ir-riżultat “tan-negozjar” lokali u reġjonali fil-qasam tas-servizzi għal adulti bħal dawn, per eżempju f'każ fejn l-awtoritajet soċjali u tax-xogħol jagħmlu sejħa għall-offerti fl-ambitu ta' miżuri speċjali ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ. Huwa tal-fehma li l-adulti jilqgħu l-opportunitajiet għat-taħriġ b'aktar ħeġġa jekk jiġu pprovduti — b'mod responsabbli — b'informazzjoni siewja dwar is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol lokali u suprareġjonali bħala parti integrali mill-istudji tagħhom u jekk, meta jkunu qed jappplikaw għax-xogħol, ma jkollhomx għalfejn iħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet ta' età, kemm fil-prattika, kif ukoll mil-lat legali.

5.1.3

Il-Kumitat jenfasizza li wieħed mill-vantaġġi ta' l-Ewropa huwa r-rikkezza lingwista u kulturali li jġibu magħhom kemm il-migranti Ewropej kif ukoll dawk minn pajjiżi terzi. Għalhekk għandhom jittieħdu aktar passi sabiex jiġu rikonoxxuti l-lawrji u ċ-ċertifikati li ġejjin kemm mill-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-istatus legali tal-migranti li jvarja ħafna u li jinbidel kontinwament (per eżempju il-qagħda ta' dawk li qegħdin ifittxu l-ażil, dawk li huma rikonoxxuti bħala refuġjati, il-ħaddiema migranti Ewropej, ċittadini ta' pajjiżi terzi, eċċ.), ħafna drabi jirrestrinġi l-opportunitajiet ta' dawn in-nies għat-tagħlim u t-taħriġ kontinwu, anke jekk jista' jwassal ukoll biex ċerti miżuri fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, bħall-korsijiet tal-lingwa, jsiru obbligatorji.

5.1.4

Il-Kumitat iħoss li ma ġewx indikati b'mod ċar il-konsegwenzi ta' l-impatt demografiku fuq l-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja fost il-ġenerazzjoni ta' dawk li m'għadhomx jaħdmu. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn id-diversi rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-opinjoni ta' inizjattiva proprja tiegħu dwar il-bidla demografika (13). Din l-opinjoni tistqarr li l-individwi ta' kull età għandhom bżonn ikomplu jitgħallmu kemm fil-ħajja privata kif ukoll fil-ħajja professjonali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom f'din il-bidla, sabiex ikunu jistgħu jaqsmu ċerti responsabbiltajiet ma' l-oħrajn u sabiex ikunu jistgħu jgħixu l-maġġorparti ta' ħajjithom b'mod indipendenti. Ċerti oqsma professjonali jirrikjedu kapaċitajiet addizzjonali filwaqt li oħrajn żviluppaw servizzi kompletament ġodda li jirrikjedu, sa minn fażi bikrija, taħriġ inizjali u kontinwu.

5.1.5

Għalhekk, għal dan il-pjan ta' azzjoni l-Kumitat jixtieq jerġa' jirrakkomanda li jiġu kkunsidrati dawk l-istudenti bi bżonnijiet speċjali u l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità b'mod speċjali billi tingħata għajnuna għall-promozzjoni ta' l-integrazzjoni tagħhom fis-sistemi tradizzjonali ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ (14) u billi jiġi żviluppat l-aċċess għat-tagħlim mill-bogħod (e-learning).

5.1.6

Il-Kumitat jikkritika l-fatt li ma ngħatatx attenzjoni biżżejjed lill-bżonnijiet personali tat-tagħlim ta' dawk l-adulti li għalkemm mhumiex attivi ekonomikament, huma membri attivi tal-komunità u tas-soċjetà. Ħafna drabi dawn il-persuni ma jkollhomx riżorsi biżżejjed biex jiksbu aċċess għall-mezzi ta' tagħlim għall-adulti.

5.1.7

Il-Kumitat jirrakkomanda li s-sistema formali ta' l-edukazzjoni tinfetaħ aktar għall-bżonnijiet ta' tagħlim ta' l-adulti. Huwa jixtieq li jirrepeti l-istqarrija tiegħu li wasal iż-żmien li nimxu lil hinn mir-restrizzjonijiet edukattivi ta' l-età imposti fuq il-pubbliku Ewropew mis-sistemi edukattivi u ta' taħriġ Ewropej (15). Il-ħiliet miksuba fil-passat għandhom jiġu rikonoxxuti minn sistema edukattiva formali aktar miftuħa u aktar flessibbli. Jekk kulħadd ikollu aċċess għat-tagħmir informatiku ta' l-istabbilimenti edukattivi, dan jista' jkun ta' għajnuna għat-tagħlim tul il-ħajja u t-tagħlim bl-Internet.

5.1.8

Il-politika ta' l-edukazzjoni superjuri ma tikkunsidrax il-fatt li l-universitajiet huma responsabbli wkoll mit-tagħlim tul il-ħajja. L-universitajiet ukoll għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għat-tagħlim li jkompli tul il-ħajja kollha. Il-Kumitat jisħaq li l-edukazzjoni għall-adulti pprovduta mill-universitajiet u l-edukazzjoni kontinwa għall-gradwati għandhom ikunu marbutin strettament ma' l-iżvilupp ta' l-edukazzjoni adulta u jkunu inkorporati f'sistema għat-tagħlim tul il-ħajja.

5.2

Il-Kumitat jinnota li l-għan ġenerali tal-pjan ta' azzjoni dwar it-tagħlim lill-adulti għandu jkun it-tpoġġija fil-prattika tal-ħames messaġġi ewlenin tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata Qatt m'hu tard wisq biex titgħallem. Huwa jikkritika l-fatt li fir-rigward tar-raba' messaġġ ewlieni (il-garanzija ta' investiment suffiċjenti) ma ġiet proposta l-ebda azzjoni u jemmen bis-sħiħ li r-raba' azzjoni ta' dan it-tip għandha tagħmel parti mill-pjan ta' azzjoni.

5.2.1

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-industrija u l-gvern joħolqu inċentivi li jħajru lin-nies li jkomplu jitgħallmu. Huwa jemmen li l-istennija ta' “redditu” (punt 2.2 tal-pjan ta' azzjoni) fuq l-investiment f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ m'għandhiex tkun l-uniku għan tal-ħidma lejn opportunitajiet indaqs fl-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja.

5.2.2

Il-Kumitat iħoss li għadhom ma ħarġu l-ebda stimi ċari dwar l-ispejjeż involuti fil-proċess tar-rikonoxximent tal-ħiliet. Il-Kumitat jixtieq jiddikjara minn issa li fl-ebda ċirkostanza m'għandhom jitwarrbu l-pjanijiet għall-iżvilupp tat-tagħlim għall-adulti għal din ir-raġuni. F'ħafna Stati Membri, bejn il-perijodu kopert mill-pjan ta' azzjoni, jiġifieri bejn l-2007 u l-2010, il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki (16) u l-oqsfa nazzjonali għall-kwalifiki ser ikunu għadhom fi stadju bikri ta' żvilupp.

5.2.3

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-ispejjeż soċjali u ekonomiċi fil-perijodu fit-tul ta' gruppi kbar ta' nies fis-soċjetà li għandhom livelli baxxi ta' edukazzjonu u taħriġ ġenerali u vokazzjonali.

5.2.4

Il-Kumitat jinnota li r-referenzi għall-ftuħ potenzjali tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja jassumu distribuzzjoni ġdida tal-prijoritajiet li tista' tagħmel ħsara lill-prijorijiet li kienu stabbiliti s'issa u li ser tirrikjedi wkoll li l-gvernijiet jużaw ir-riżorsi tagħhom fis-settur tat-tagħlim għall-adulti. Huwa jinnota li huma ftit il-pajjiżi u r-reġjuni Ewropej li jistgħu jibbenefikaw b'mod sostanzjali mill-Fond Soċjali Ewropew għall-innovazzjoni u dan ma jfissirx li l-fondi ser imorru lejn it-tagħlim għall-adulti. Id-distribuzzjoni attwali tal-fondi tal-FSE fl-Istati Membri l-Ġodda ser twassal ukoll għal restrizzjonijiet imposti fuq reġjuni oħra.

5.3

Il-Kumitat jinsab kuntent li, matul il-fażi preparatorja tal-pjan ta' azzjoni, l-imsieħba soċjali Ewropej u l-organizzazzjonijiet non-governattivi, li ġew involuti fil-proċess ta' konsultazzjoni (punt 1.1 tal-pjan ta' azzjoni), issa għandhom rwol x'jaqdu fit-twettiq tiegħu u jistgħu jikkontribwixxu permezz ta' l-għarfien speċifiku tagħhom. Il-KESE jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-garanzija ta' kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol għall-provvedituri tas-servizzi, ambjent ta' tagħlim deċenti u favorevoli għall-adulti, li jassigura li dawn jibbenefikaw ukoll mid-drittijiet ta' l-utenti indipendentement minn jekk l-istudenti ħallsux għal dawn is-servizzi minn buthom jew le.

5.4

Sabiex titkompla l-ħidma fuq il-pjan ta' azzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li jkun hemm il-parteċipazzjoni ta' diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-korpi relevanti Ewropej. Kooperazzjoni ta' dan it-tip tħeġġeġ koerenza politika bejn l-objettivi u l-għanijiet tad-Direttorati Ġenerali individwali.

5.5

Il-Kumitat jilqa' wkoll il-parteċipazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-proċess ta' konsultazzjoni (punt 1.1 tal-pjan ta' azzjoni). Il-pass li jmiss għandu jkun li l-Kummissjoni Ewropea flimkien mad-Direttorati Ġenerali kkonċernati, tħejji pjan ta' azzjoni addizzjonali u internazzjonali dwar it-tagħlim għall-adulti.

5.6

Il-Kumitat jixtieq li meta jitfasslu r-regoli ta' governanza tajba tal-faċilitajiet tat-tagħlim għall-adulti (punt 2.2 tal-pjan ta' azzjoni), jingħata spazju biżżejjed lid-diversità u l-pluralità sabiex il-provvedituri ż-żgħar, dawk li mhumiex immirati lejn il-qligħ, li joffru livell għoli ta' valur kulturali miżjud u li jagħmlu użu minn metodi moderni u innovattivi ta' ħidma, ukoll jingħataw appoġġ.

5.7

Il-Kumitat iħoss li ċentri moderni, multifunzjonali u lokali ta' tagħlim huma importanti ħafna għal governanza tajba (punt 2.2 tal-pjan ta' azzjoni).

5.7.1

Il-Kumitat jilqa' r-referenza li saret fil-bidu tal-pjan għal sħubija mixtieqa fuq livell reġjonali u lokali (punt 2) iżda jiddispjaċih li m'hemm l-ebda rakkomandazzjoni konkreta dwar il-bżonn ta' koordinazzjoni ta' l-iżvilupp sistematiku tat-tagħlim għall-adulti fuq livell territorjali. Għalhekk il-Kumitat jixtieq jiġbed attenzjoni lejn il-moviment Ewropew Reġjuni u bliet fil-proċess ta' tagħlim  (17).

5.7.2

Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li bħala parti mill-pjan ta' azzjoni ssir aktar enfasi fuq l-iżvilupp ta' ċentri ta' tagħlim għall-adulti ġodda, lokali, viżjonarji, attraenti u mifruxa mar-reġjuni ta' l-Ewropa kollha. Ħafna mill-korsijiet ta' tagħlim għall-adulti jsiru f'ċentri li jintużaw ukoll għal skopijiet differenti, li prinċipalment inbnew għal raġunijiet differenti u li huma disponibbli f'ħinijiet partikolari biss.

5.7.3

Il-Kumitat jiddispjaċih li l-pjan ta' azzjoni ma jsemmi xejn dwar iċ-ċentri residenzjali ta' tagħlim għall-adulti (Heimvolkshochschulen) b'mod speċjali għaliex dawn, fejn jidħlu metodi ta' istruzzjoni, huma xempju tat-tagħlim Ewropew għall-adulti. Ċentri bħal dawn joffru faċilitajiet residenzjali għalhekk jistgħu jlaqqgħu flimkien studenti u għalliema mill-Ewropa kollha. Matul dawn l-aħħar għaxar snin il-fondi għal ċentri bħal dawn naqsu drastikament u ħafna, inklużi dawk li kellhom reputazzjoni tajba ħafna fil-livell Ewropew, kellhom jagħlqu.

5.8

Il-Kumitat iħoss li l-opportunitajiet u d-diffikultajiet tat-teknoloġiji ġodda ta' komunikazzjoni għandhom jiġu kkundisrati aħjar fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u li għandhom isiru parti mill-pjan ta' azzjoni stess. In-nuqqas ta' aċċess għall-IT hija realtà oħra ta' l-esklużjoni soċjali li kull ma jmur aktar qed issir problema. Per eżempju, 46 % ta' kull familja fl-Ewropa m'għandhiex aċċess għall-Internet mid-dar (18) u 40 % ta' l-Ewropej stqarrew li ma jafux jużaw l-Internet (19). S'issa ftit li xejn sar progress fil-qasam ta' l-opportunitajiet ta' tagħlim b'xejn għall-adulti permezz ta' l-Internet, anke jekk diġà qegħdin jiġu diskussi u jitressqu applikazzjonijiet għal brevetti għall-kunċetti adegwati ta' tagħlim (20).

5.9

Il-Kumitat jirrikonoxxi l-fatt li dawk li jħaddmu jipprovdu l-biċċa l-kbira tat-taħriġ għall-adulti (punt 2.2 tal-pjan ta' azzjoni). Madankollu, it-trade unions ukoll jippromovu t-tagħlim għall-adulti fil-faċilitajiet tagħhom jew fuq il-post tax-xogħol billi, per eżempju, jipprovdu korsijiet lokali u transnazzjonali bl-għanjuna ta' l-organizzazzjonijiet tagħhom stess u billi jagħtu pariri u servizzi ta' appoġġ fil-kuntest tat-tagħlim fuq il-post tax-xogħol. Huwa importanti li jiġi assigurat li l-pjan ta' azzjoni joħloq bilanċ bejn l-opportunitajiet ta' tagħlim offruti u kundizzjonijiet ġusti ta' aċċessibbiltà għal dawk kollha li jridu jitgħallmu.

5.10

Il-Kumitat jagħti importanza kbira lill-prinċipju li anke fejn l-istat jipprovdi l-appoġġ bażiku u speċifiku għall-faċilitajiet partikolari, il-provvedituri ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu għandu jkollhom il-libertà li jieħdu deċiżjonijiet dwar is-sillabu u l-istruttura tal-programm tagħhom u li jagħżlu l-istaff tagħhom, dejjem sakemm ċerti standards ta' kwalità u ta' effiċjenza jiġu rrispettati.

5.11

Il-Kumitat jilqa' l-messaġġ prinċipali li governanza tajba fost il-provvedituri tat-tagħlim għall-adulti għandha tkun ibbażata fuq l-istudent u jilqa' r-rakkomandazzjoni li jiġu stabbiliti rabtiet tajba ma' l-organizzazzjonijiet ta' l-istudenti. Madankollu jemmen li fil-kuntest tat-tagħlim għall-adulti dan mhux biżżejjed.

5.11.1

Il-Kumitat jiddispjaċih li m'hemm l-ebda stqarrija ċara dwar il-parteċipazzjoni ta' l-istudenti adulti u dwar il-korpi li jirrappreżentawhom fis-settur tat-tagħlim għall-adulti. F'ħafna mill-pajjiżi Ewropej, id-drittijiet demokratiċi tat-tfal żgħar u ta' l-istudenti huma aktar protetti permezz ta' leġislazzjoni effettiva milli huma dawn ta' l-istudenti adulti.

5.11.2

Il-Kumitat jipproponi li l-evalwazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-valutazzjonijiet personali ta' l-istudenti. Għandu jsir skambju ta' mudelli għat-titjib fil-kwalità tat-tagħlim, mudelli li jkunu bbażati fuq id-domanda u fuq l-istudent u li għandhom jingħataw prijorità aktar għolja mill-introduzzjoni ta' miżuri statali ġodda “għall-monitoraġġ” tal-kwalità tal-provveditur (21).

5.11.3

Il-Kumitat jipproponi li tiġi kkunsidrata sew il-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-utenti adulti (“konsumaturi”) li jħallsu għal servizzi ta' edukazzjoni u taħriġ. Għandhom jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jiġu stabbiliti dawn id-drittijiet bħal, per eżempju, f'każ fejn parteċipant ma jistax ikompli jsegwi kors jew mhux sodisfatt bil-kors u għalhekk jiddeċiedi li jieqaf, jew f'każ ta' tibdil fl-iskeda jew ta' kanċellazzjoni tal-lezzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet dwar id-drittjiet ta' l-utenti tat-trasport fl-Ewropa jistgħu jintużaw bħala eżempju.

5.12

Il-Kumitat jaqbel li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu aktar attenzjoni lit-taħriġ inizjali u kontinwu u lill-istatus u l-ħlas ta' l-istaff ta' dan is-settur (punt 3.2 tal-pjan ta' azzjoni).

5.12.1

Il-Kumitat jagħraf li peress li s-settur tat-tagħlim għall-adulti huwa ffokat fuq l-istudent, jirrikjedi staff flessibbli. Madankollu, jitlob li din il-flessibbiltà tiġi akkumpanjata minn livell għoli ta' protezzjoni soċjali. L-imsieħba soċjali jistgħu jadottaw miżuri ta' appoġġ sabiex inaqqsu l-instabbiltà ta' l-impjieg ta' l-għalliema ta' dan is-settur u sabiex itejbu d-drittijiet parteċipattivi tagħhom.

5.12.2

Il-Kumitat jirrakkomanda li fil-kuntest tat-tisħiħ tal-professjonalità tas-settur, l-enfasi m'għandhiex tkun biss fuq il-ħiliet speċifiċi meħtieġa sabiex wieħed jgħallem lill-adulti iżda wkoll fuq il-ħila partikolari ta' l-għalliem fis-suġġett li qed jiġi mgħallem. It-tagħlim jiddependi sewwa sew fuq dan.

5.12.3

Il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġu ppreparati studji u rakkomandazzjonijiet dwar il-volontiera tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fis-settur tat-tagħlim għall-adulti.

5.13

Il-Kumitat jinnota l-għan prijoritarju li l-adulti jiksbu “għallinqas kwalifika waħda f'livell ogħla” (punt 3.3 tal-pjan ta' azzjoni). Fil-kuntest tat-tagħlim għall-adulti ftit li xejn jagħmel sens li n-nies u l-objettivi ta' tagħlim tagħhom jiġu kklassifikati skond il-livell edukattiv, anke jekk naturalment, fil-kuntest ta' korsijiet individwali, il-koerenza fl-għarfien li nkiseb qabel, tingħata attenzjoni partikolari. Barra minn hekk, m'hemm l-ebda garanzija li għax dawn jiksbu livell ġdid ta' edukazzjoni formali ser jirnexxilhom jiksbu aktar rikonoxximent soċjali jew ser isibu xogħol. Il-korsijiet ta' tagħlim għall-adulti għandhom valur speċjali għax ilaqqgħu flimkien tant nies differenti — f'termini ekonomiċi huwa proprju dan “il-kapital soċjali tagħhom”.

5.14

Jeħtieġ li tingħata informazzjoni dwar liema indikaturi speċifiċi tal-pjan jikkunsidraw l-inklużjoni addizzjonali tat-tagħlim non-vokazzjonali għall-adulti, id-disponibbiltà tas-servizz fil-post u aktar opportunitajiet minn qabel ta' edukazzjoni u taħriġ li ma jimponux restrizzjonijiet ta' età għal dawk li jinsabu mingħajr xogħol.

Brussell, it-13 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  “Tagħlim għall-adulti: Qatt m'hu tard wisq biex titgħallem” (COM(2006) 614 finali)

(2)  Fis-seklu 19, l-ideat demokratiċi u soċjali tal-pedagogu Daniż speċjalizzat fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti, N.F.S. Grundtvig, kienu sors ta' ispirazzjoni li minnhom twieled il-moviment taċ-ċentri residenzjali ta' tagħlim għall-adulti (Heimvolkshochschulen). Fl-2001 il-Kummissjoni semmiet għalih il-programm ta' promozzjoni tat-tagħlim għall-adulti, “l-Azzjoni Grundtvig”, li jagħmel parti mill-Programm Sokrates 2001-2006.

(3)  SEC(2000) 1832, 30.10.2000.

(4)  ĠU C 163, 27.6.2002, p. 1.

(5)  ĠU C 142, 14.6.2002, p. 1.

(6)  Communiqué li tirrevedi l-prijoritajiet u l-istrateġiji tal-Proċess ta' Kopenħagen, Ħelsinki, 5.12.2006, http://www.minedu.fi/export/sites/default/vet2006/pdf/Helsinki_Communique_en.pdf.

(7)  COM(2007) 498 finali.

(8)  COM(2005) 596 finali. Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 324, 30.12.2006, Rapporteur: Is-Sinjura Le Nouail.

(9)  SEG(2007) 570 finali.

(10)  COM(2006) 614 finali.

(11)  COM(2006) 614 finali.

(12)  COM(2005) 548 finali. Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar il-kompetenzi ewlenin, ĠU C 195, 18.8.2006, Rapporteur: Is-Sinjura Herzog. Flimkien ma' l-għarfien tal-lingwa materna u tal-lingwi barranin, flimkien mal-kompetenzi fl-oqsma tal-matematika, tax-xjenza, tat-teknoloġija u ta' l-informatika u l-kapaċità tat-tagħlim, huma mportanti wkoll il-kompetenzi soċjali, il-kompetenza ċivika, is-sens ta' inizjattiva, l-intraprenditorija u l-għarfien u l-espressjoni kulturali.

(13)  Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tal-15.9.2004 intitolata Lejn is-Seba' Programm Qafas tar-Riċerka: Il-ħtiġijiet tar-riċerka fiż-żoni ta' bidla demografikail-kwalità tal-ħajja ta' l-anzjani u l-ħtiġijiet teknoloġiċi. Rapportuer: Is-Sinjura Heinisch (ĠU C 74, 23.3.2005) — mhux disponibbli bil-Malti.

(14)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-10.2.2..5 dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm integrat ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti. Rapporteur: is-Sur Greif (ĠU C 221, 8.9.2005) — mhux disponibbli bil-Malti.

(15)  Ibid.

(16)  COM(2006) 479 finali. Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 175, 27.7.2007, Rapporteur: Rodriguez Garcia-Caro.

(17)  L-eżempji jinsabu fil-karta ppubblikata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Edukazzjoni u l-Kultura, European Networks to promote the local and regional dimension of lifelong learning (L-inizjattiva R3L), Marzu 2003.

(18)  Familji b'minn ta' l-anqas membru wieħed bejn is-16 u l-74 sena, UE-27 (Eurostat, 08/02/2008).

(19)  Persuni bejn is-16 u l-74 sena, UE-27 (Eurostat, 08/02/2008).

(20)  Fuq livell politiku bażiku, id-dokumenti ċentrali jinkludu r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-isfruttament ta' l-opportunitajiet tas-soċjetà ta' l-informazzjoni għall-fini ta' l-esklużjoni soċjali (ĠU C 292, 18.10.2001, p. 6). Madankollu r-riżultati ta' l-attivitajiet ta' segwitu ma ġewx ivvalutati għal dan il-pjan ta' azzjoni.

(21)  Fil-Ġermanja qiegħed jingħata appoġġ lill-fondazzjoni ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ Stiftung Bildungstest.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/95


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fit-titjib tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol (Opinjoni esploratorja)

(2008/C 204/20)

Nhar id-19 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irċieva referral mingħand il-Presidenza Slovena futura dwar

Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fit-titjib tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Soares u l-ko-rapporteur kienet is-Sinjura Päärendson.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b' 119-il vot favur, vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Il-kontenut essenzjali tal-proposti tal-KESE

1.1

Il-KESE jilqa' l-importanza li l-Presidenza Slovena (l-ewwel nofs ta' l-2008) iddeċidiet li tagħti lill-integrazzjoni taż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol, li hija waħda mill-akbar sfidi attwali ta' l-Unjoni Ewropea.

1.2

Din il-prijorità tirrifletti sew l-għanijiet ta' l-Istrateġija riveduta ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjieg, li permezz tal-Linji Gwida aġġornati dwar l-Impjiegi daħlet fit-tieni fażi tagħha. Bid-deċiżjoni li l-livell massimu ta' impjiegi jsir wieħed mill-objettivi strateġiċi tagħha, l-Istrateġija ta' Libsona wriet kif il-kompetittività ekonomika u kummerċjali tista' tkun kompatibbli mal-benessri tal-poplu u s-sodisfazzjon li wieħed jakkwista mix-xogħol, il-provvista ta' xogħol ta' kwalità u ta' kundizzjonijiet diċenti tax-xogħol. Il-pjanijiet nazzjonali ta' riforma ta' l-Istati Membri għandhom għalhekk jindirizzaw il-kawżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ b'mod aktar sistematiku u komprensiv billi jikkunsidraw ukoll il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ.

1.3

Il-KESE jaqbel ma' l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-proġett sabiex jinżammu t-tkabbir u l-prosperità fl-Ewropa, filwaqt li jinġiebu 'l quddiem il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, jiddependi fuq il-kontribut sostanzjali u l-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ kollha. Hemm bżonn li s-sistema interna tiggarantixxi kundizzjonijiet adegwati għaċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ. Aktar u aktar fil-kuntest tat-tnaqqis eżistenti tan-numru relattiv ta' żgħażagħ mal-popolazzjoni kollha kemm hi.

1.4

Iż-żgħażagħ tal-lum jinsabu f'sitwazzjoni kritika minn diversi aspetti, sitwazzjoni li għandha l-akbar effett fuq l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Skond statistika Ewropea, il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa 2.4 darbiet aktar għoli fost il-gruppi li għandhom bejn 15 u 24 (1), għalkemm l-istatisiċi għas-sena 2007 juru li saru xi bidliet għall-aħjar.

1.5

Il-KESE jemmen li x-xogħol mhuwiex biss fattur tal-produzzjoni essenzjali għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku tas-soċjetà; iżda wkoll wieħed mis-sorsi tad-dinjità umana, tal-preġju u tas-soċjalizzazzjoni.

1.6

Fis-seklu 21, il-kapaċità li wieħed jitgħallem u jadatta matul il-ħajja tax-xogħol tiegħu hija l-muftieħ għall-impjiieg. Il-KESE identifika żewġ mezzi prinċipali li permezz tagħhom tista' tittejjeb is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol: aktar edukazzjoni u edukazzjoni aħjar għaż-żgħażagħ u l-assigurazzjoni ta' transizzjoni aktar stabbli bejn tmiem il-ħajja skolastika u l-bidu tal-ħajja tax-xogħol.

1.7

Il-KESE huwa konxju li dan il-għan huwa wieħed diffiċli u jirrakkomanda għalhekk li jsiru l-isforzi kkonċentrati tas-soċjetà kollha sabiex ikun jista' jinkiseb, aktar u aktar għaliex hija l-ġenerazzjoni ż-żgħira li tista' tbati l-aktar il-konsegwenzi ta' evoluzzjoni negattiva tas-suq.

1.8

Fost iż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena, ir-rata' tal-qgħad hija d-doppju ta' dik li hi fost il-ħaddiema adulti. Fosthom teżisti wkoll l-agħar instabbiltà ta' l-impjieg. F'ċerti pajjiżi din l-instabbiltà tolqot lill-aktar minn 60 % taż-żgħażagħ u għandha konsewgwenzi profondi fuq l-indipendenza tagħhom, fuq il-kondizzjonijiet neċessarji tagħhom sabiex jibnu familja u fuq meta jagħżlu li jespandu u jiffinanzjaw l-iskemi tas-sigurtà soċjali tagħhom.

1.9

Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali, bħala parteċipanti ewlenin fis-suq tax-xogħol, u l-livell li bih jifhmu l-ħidmiet u l-bżonnijiet tiegħu, huwa kruċjali għall-iżvilupp ta' approċċi li jistgħu jħeġġu l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja tax-xogħol. Madanakollu l-KESE jemmen fil-bżonn li wieħed jerġa' jenfasizza r-rwol essenzjali ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali biex iż-żgħażagħ jiksbu — dejjem b'kunsiderazzjoni tad-diversità tagħhom — bil-ħiliet u l-kompetenzi neċessarji sabiex jirnexxu f'dinja li kull ma jmur dejjem qiegħda tinbidel.

1.10

Sabiex l-imsieħba soċjali jkunu jistgħu jintegraw liż-żgħażagħ b'mod aktar effettiv fis-suq tax-xogħol, huma jeħtieġu l-kooperazzjoni tal-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, tad-diversi parteċipanti tas-soċjetà ċivili u b'mod partikolari ta' l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, ta' l-universitajiet tar-riċerka u taċ-ċentri xjentifiċi. Huma jeħtieġu wkoll l-appoġġ attiv tal-familji u tan-netwerks soċjali għaż-żgħażagħ b'firxa usa'.

1.11

B'kunsiderazzjoni tat-test intitolat Framework of Actions for the Lifelong Development of Competencies and Qualifications  (2) (Qafas ta' azzjonijiet għall-iżvilupp tul il-ħajja kollha tal-kompetenzi u kwalifiki), imħejji mill-imsieħba soċjali Ewropej, u l-istudji riċenti dwar l-akbar sfidi li qegħdin jaffaċċjaw is-swieq tax-xogħol, li saħħew l-isforzi tal-Kummissjoni għal swieq tax-xogħol li huma aktar adattabbli u aktar inklusivi, il-KESE identifika numru ta' objettivi speċifiċi u oqsma ta' azzjoni fejn dawn jista' jkollhom rwol aktar deċisiv.

1.12

Il-miżuri adottati mill-imsieħba soċjali għandhom ikunu bbażati fuq dawn l-objettivi ewlenin:

li l-gvernijiet nazzjonali jitħeġġu jwettqu r-riformi xierqa u jimplimentaw il-politiki nazzjonali li jtejbu s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

li jintużaw ir-riżorsi disponibbli kollha, b'mod partikolari l-programmi appoġġjati mill-Fondi Strutturali Ewropej (3) sabiex iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jiksbu sodisfazzjon personali permezz ta' impjieg ta' kwalità għolja, stabbli u mħallas sew, li jintużaw l-aktar forom moderni u progressivi tax-xogħol u tal-ġestjoni tas-sigħat tax-xogħol flimkien ma' forom ġodda ta' sigurtà ta' l-impjieg bil-għan li jkun hemm transizzjoni aktar sigura, aktar mobbiltà u bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata;

li jitnaqqas il-perijodu ta' transizzjoni bejn tmiem il-ħajja skolastika u l-bidu tal-ħajja tax-xogħol, u li matul dan il-perijodu transizzjonali ż-żgħażagħ jingħataw l-ewwel opportunità ta' xogħol tagħhom bil-prospett ta' sigurtà fil-futur.

li ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jagħmlu użu kostruttiv tal-perijodu ta' żmien li fih ma jkunux qegħdin jaħdmu jew ikunu qegħdin ifittxu xogħol.

li tiġi assistita l-integrazzjoni ta' dawk il-gruppi taż-żgħażagħ li huma l-aktar vulnerabbli (bħaż-żgħażagħ bi problemi soċjali jew diżabilitajiet, żgħażagħ li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien, żgħażagħ immigranti eċċ.);

li tiġi assigurata r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja personali u familjali;

li jinstab l-aħjar bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà, jiġifieri li wieħed jagħraf bejn dawk il-ħaddiema li jistgħu jagħżlu l-flessibbiltà għaliex għandhom is-sigurtà u dawk li huma fil-fatt vittmi tal-flessibbiltà għax m'għandhomx sigurtà;

li tiġi assigurata kooperazzjoni aħjar bejn in-negozji, l-iskejjel sekondarji u l-universitajiet;

li jinħolqu inċentvi li jħajru l-intraprenditorija, il-kreattività u l-innovazzjoni u li ż-żgħażagħ jingħataw għajnuna sabiex jifhmu r-responsabbiltà tagħhom li jkomplu jitgħallmu; f'dan il-kuntest, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jassumu r-responsabbiltà li jipprovdu rabta effettiva bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol;

li tittejjeb il-kwalità ta' l-apprendistat u li jsiru sforzi sabiex isir aktar attraenti;

li jiġu promossi miżuri ta' prevenzjoni kontra l-qgħad fil-perijodu fit-tul fost iż-żgħażagħ;

li ż-żgħażagħ jiġu infurmati dwar id-drittijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom u li jiġu mgħallma jirrispettaw u jaraw li jiġu rrispettati l-prinċipji ta' l-ugwaljanza u ta' l-ebda diskriminazzjoni.

1.13

L-oqsma ta' azzjoni huma kemm diversi kif ukoll eteroġeni iżda jistgħu jinqasmu f'seba' gruppi prinċipali:

L-edukazzjoni: interventi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali li jħeġġu lill-iskejjel u lill-għalliema jifhmu kemm hu importanti li jkun hemm rabta aktar soda mad-dinja tax-xogħol, li n-negozji u t-trade unions jinfetħu għall-iskejjel, il-promozzjoni u/jew il-parteċipazzjoni fl-inizjattivi skolastiċi sabiex jinkiseb dan l-għan, li jinbnew sħubiji ma' l-iskejjel li jippermettu liż-żgħażagħ jipparteċipaw f'esperjenzi ta' apprendistat ġewwa kumpaniji.

It-taħriġ vokazzjonali: sehem fit-tħejjija u l-organizzazjoni ta' l-iskemi tat-taħriġ vokazzjonali, il-promozzjoni ta' l-iżvilupp personali u ta' l-akkwist tal-ħiliet soċjali, l-iżvilupp ta' programmi li jħeġġu l-intraprenditorija, il-promozzjoni u l-appoġġ ta' miżuri ta' taħriġ li jimmiraw li jantiċipaw il-bżonnijiet tas-suq f'termini ta' kompetenza u ta' kwalifiki neċessarji u li jinfurmaw liż-żgħażagħ dwar il-professjonijiet tekniċi u l-potenzjal li għandhom fis-suq tax-xogħol.

L-apprendistat: l-apprendistati għandhom isiru parti mis-sillabu skolastiku, għandhom jitħejjew kodiċi tal-kondotta dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħlas sabiex ma jkunx hemm kompetizzjoni bejn in-negozji f'dan il-qasam, tajjeb li jitfisser sew il-kunċett ta' mentoring taż-żgħażagħ waqt l-apprendistat u l-prattika tajba rilevanti.

In-negozjar kollettiv: l-integrazzjoni tad-drittijiet taż-żgħażagħ, bħala ċittadini sħaħ tas-soċjetà, fil-konsultazzjoni u fid-djalogu soċjali, in-negozjar ta' prattiki tax-xogħol li joffrulhom prospettivi siguri għal matul il-perijodu ta' transizzjoni lejn il-ħajja tax-xogħol u li lill-ħaddiema żgħażagħ joffrulhom l-opportunità li jkomplu jistudjaw jew li jlestu l-istudji tagħhom.

Attivitajiet fit-tielet settur: kollaborazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-promozzjoni u t-tixrid ta' pubbliċità dwar netwerks li jiffaċilitaw il-kuntatt bejn iż-żgħażagħ u d-dinja tax-xogħol, il-promozzjoni ta' spirtu ta' assoċjazzjoni fost l-intraprendituri u l-ħaddiema żgħażagħ fil-korpi rappreżentattivi rispettivi tagħhom, ir-rikonoxximent tal-kompetenzi u l-ħiliet li nkisbu permezz ta' edukazzjoni non-formali.

Prattika tajba: il-promozzjoni ta' l-iskambju tal-prattika tajba b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' pjattaformi għall-iskambju ta' l-esperjenza, il-prattika tajba u l-informazzjoni dwar il-proġetti tan-negozji, l-universitajiet, l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem u t-trade unions.

Il-mobbiltà (kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fin-negozji): il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi (4) u l-opportunità ta' skambji ta' esperjenza fuq ix-xogħol bil-garanzija li jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema. L-imsieħba soċjali għandhom jikkunsidraw b'mod partikolari l-kooperazzjoni transkonfinali, l-aktar qasam li fih il-mobbiltà taż-żgħażagħ għandha sinifikat.

1.14

Il-KESE, bħala l-istituzzjoni Ewropea li tirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata u b'konformità ma' l-isfera tal-kompetenzi tiegħu, jipproponi li ssir konferenza li tiġbor flimkien lin-negozji, it-trade unions, l-iskejjel u l-NGOs li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ bil-għan li jiġi ffaċċilitat l-iskambju ta' l-aqwa prattika sabiex titjieb l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

2.   Is-sitwazzjoni attwali

2.1

Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, il-KESE jilqa' t-talba tal-Presidenza Slovena tal-Kunsill għat-tħejjija ta' opinjoni esploratorja dwar Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fit-titjib tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

2.2

Il-problemi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u b'mod aktar ġenerali ta' l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà għandhom relevanza globali (5).

2.3

It-tixjiħ tal-popolazzjoni hija tendenza globali oħra ta' soċjetà industrijalizzata, tendenza li jista' jkollha effetti negattivi fuq l-istabbiltà, il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku. Dan il-fenomenu jġib miegħu spejjeż addizzjonali ta' skemi tas-saħħa u pensjonijiet (6) u numru dejjem anqas ta' nies li jipparteċipaw fil-finanzjament ta' skemi bħal dawn (7). Konsegwentement hija meħtieġa l-implimentazzjoni ta' miżuri mhux biss għall-promozzjoni tax-“xjuħija attiva” fil-popolazzjoni iżda wkoll miżuri li jħeġġu liż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u miżuri ta' sostenn għar-rinovazzjoni tal-ġenerazzjoni, proċess li ż-żgħażagħ jiddeċiedu li ma jidħlux għalih għaliex jibżgħu li jitilfu xogħolhom. Dan għandu jkun sforz konġunt fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali u għandu jinvolvi s-settur pubbliku u l-imsieħba soċjali sabiex b'hekk il-kwistjoni taż-żgħażagħ titpoġġa fil-qalba tal-politiki ekonomiċi, soċjali, edukattivi u demografiċi.

2.4

Minkejja l-fatt li bejn l-2005 u l-2007 inħolqu 7 miljun impjieg fl-UE, “iċ-ċiklu ta' Lisbona” xorta għadu ma rnexxielux inaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Skond l-istatistika tal-Kummissjoni, ir-rata medja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ta' bejn 15 u 24 sena laħqet is-17.4 % fl-2006. Fi ftit kliem, madwar 4.7 miljun żgħażugħ f'sitwazzjoni soċjo-okkupazzjonali prekarja. F'ċerti pajjiżi, ir-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ qabżet saħansitra l-25 % (8). Skond l-aħħar rapport trimestrali dwar is-suq tax-xogħol (EU Labour Market Review) (Ħarifa 2007), fit-tielet kwart ta' l-2007, ir-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ naqset għal 15.2 % iżda xorta hija d-doppju tar-rata global tal-qgħad.

2.5

Barra minn hekk mhuwiex probabbli li dawn l-4.7 miljun żgħażugħ qiegħda ser jirnexxilhom isibu xogħol fl-ewwel sitt xhur tal-perijodu ta' qgħad tagħhom. Fatt li juri sew li minkejja l-adozzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ fl-2005, l-Istrateġija ta' Lisbona għadha ma rnexxilhiex ittejjeb is-sitwazzjoni taż-żgħażagh fis-suq tax-xogħol. L-implimentazzjoni konkreta tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ kisbet għalhekk importanza kbira.

2.6

It-tendenzi tal-qgħad u ta' l-impjieg fost iż-żgħażagħ mhumiex l-istess fl-Istati Membri kollha (9). Ir-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Olanda, l-Irlanda u d-Danimarka hija ta' anqas minn 10 %. Dawn il-pajjiżi kisbu tnaqqis tajjeb. Iżda s-sitwazzjoni hija kompletament differenti f'pajjiżi bħal Franza, l-Italja, Spanja, il-Greċja, il-Belġju, il-Polonja, is-Slovakkja u anke l-Isvezja fejn ir-rati huma ta' madwar 20 % (10).

2.7

Il-possibbiltà li l-qgħad fost iż-żgħażagħ isir qgħad fuq perijodu fit-tul jew anke nuqqas ta' attività hija kbira (madwar 1 minn 3 taż-żgħażagħ li huma qiegħda jispiċċaw qiegħda fil-perijodu fit-tul) (11), b'mod partikolari fost in-nisa. Is-sitwazzjoni tiggrava aktar ma tikber l-età.

2.7.1

Xejn m'huwa sorprendenti li dawk iż-żgħażagħ li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien (wieħed minn sitta) jew dawk li ma jispiċċawx l-edukazzjoni sekondarja (żagħżugħ wieħed bejn il-25 u d-29 sena minn kull erbgħa (12)) jħabbtu wiċċhom ma' aktar diffikultajiet minn dawk li huma aktar ikkwalifikati.

2.7.2

Madanakollu l-fatt li anke dawk iż-żgħażagħ li huma kkwalifikati sew qegħdin isibuha diffiċli li jsibu xogħol huwa ferm sorprendenti. F'ċerti Stati Membri, ir-rata ta' qgħad hija aktar għolja fost dawk iż-żgħażagħ li għandhom l-ogħla kwalifiki milli fost dawk li għandhom livell ta' edukazzjoni aktar baxx jew intermedjarju (13). Ir-realtà hija li llum il-ġurnata, livell ta' edukazzjoni għola minn dak tal-ġenerazzjonijiet ta' qabel ifisser diffikultajiet akbar biex wieħed jidħol fis-suq tax-xogħol. Ta' min isemmi wkoll li fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum, il-lawrja hija strument prezzjuż għall-ġlieda kontra l-qgħad iżda fl-istess ħin ma tipprovdilek l-ebda garanziji.

2.7.3

Id-diskrepanza bejn il-kwalifiki li kisbu u x-xogħol li sabu hija r-realtà ta' ħafna żgħażagħ (fl-Istati Membri, il-persentaġġ ta' żgħażagħ taħt il-35 sena li jaħdmu f'qasam differenti minn dak li studjaw għalih ivarja bejn 29 % u 47 %). Aktar ma jkun baxx il-livell ta' l-edukazzjoni, aktar tiggrava s-sitwazzjoni.

2.8

Ħafna żgħażagħ għalhekk jiddeċiedu li jitilqu minn pajjiżhom lejn pajjiżi li joffru kondizzjonijiet tax-xogħol aħjar, paga erba' jew ħames darbiet ogħla, prospettivi aktar attraenti għal karriera aħjar u opportunitajiet aħjar ta' sodisfazzjon personali (14).

2.9

Mill-banda l-oħra, ħafna miż-żgħażagħ li jsibu xogħol, jgħixu f'sitwazzjoni ta' inċertezza kbira minħabba l-instabbiltà ta' l-impjieg li jkunu sabu. 41 % taż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena (15) jaħdmu taħt kuntratti ta' perijodu qasir, u f'ċerti pajjiżi din ir-rata taqbeż is-60 % (16). Ħafna drabi din tkun l-għażla konxja ta' dawk iż-żgħażagħ li qed ifittxu impjieg fuq perijodu qasir, iżda n-numru ta' żgħażagħ li mingħajr ma jridu jsibu ruħhom f'din is-sitwazzjoni huwa għoli (wieħed minn kull erbgħa) (17).

2.10

Barra minn hekk, huma l-ħaddiema żgħażagħ li jbatu mill-akbar numru ta' inċidenti u korrimenti relatati max-xogħol (18) u għalhekk meta tkun qed titqies is-sitwazzjoni tax-xogħol fost iż-żgħażagħ għandhom jitqiesu wkoll il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xoħol.

2.11

In-nisa żgħażagħ, minkejja li ġeneralment huma aktar ikkwalifikati mill-irġiel żgħażagħ, huma l-vittmi prinċipali tal-qgħad (19) u hemm possibbiltà akbar li dawn jokkupaw xogħol ta' kwalità baxxa, insigur u mħallas ħażin. In-nisa, b'mod partikolari dawk li jinsabu fl-età li fiha jista' jkollhom it-tfal, iħabbtu wiċċhom ukoll ma' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Fl-UE, in-nisa żgħażagħ (taħt it-30 sena) jaqilgħu bejn wieħed u ieħor 6 % anqas milli jaqilgħu l-irġiel żgħażagħ (20).

2.12

Ħafna drabi ż-żgħażagħ jesperjenzaw esklużjoni jew faqar sforz il-pagi baxxi (40 % taż-żgħażagħ jaqilgħu pagi baxxi) (21).

2.13

Illum il-ġurnata ħafna żgħażagħ qegħdin isibu ruħhom f'sitwazzjonijiet ta' ħsara għall-inklużjoni soċjali u l-indipendenza personali u soċjali tagħhom. Fost dawn is-sitwazzjonijiet insibu:

Id-dipendenza finanzjarja fuq il-familji tagħhom jew/u fuq l-istat;

Perijodi itwal ta' żmien jgħixu mal-ġenituri jew l-iżvilupp ta' sitwazzjonijiet intermedjarji (residenza doppja, ritorn lura lejn id-dar wara li jkunu diġa telqu jew residenza esterna iżda b'rabtiet kbar mal-ġenituri);

Żgħażagħ li jiddeċiedu li jibnu familja dejjem aktar tard (żwieġ jew konvivenza, deċiżjoni dwar jekk hux se jkollhom tfal...);

Frustrazzjoni u żieda evidenti fil-livell ta' stress ġejja min-nuqqas ta' poter f'dan il-qasam (kif juru r-rati ogħla ta' suwiċidju u abbuż tad-droga).

3.   Ix-xogħol bħala fattur tad-dinjità personali u kollettiva

3.1

Ix-xogħol, barra milli huwa fattur essenzjali għall-iżvilupp tas-soċjetà, jiġbor fih aspetti li għandhom l-għeruq tagħhom fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Id-dritt tax-xogħol u tas-sigurtà tax-xogħol għandu jitqies bħala dritt universali u bħala strument li permezz tiegħu ż-żgħażagħ jistgħu jibnu l-futur tagħhom.

3.2

Għalhekk jeħtieġ li terġa' tiġi enfasizzata l-importanza tax-xogħol fis-soċjetà permezz ta' analiżi ta' uħud mill-komponenti attwali tiegħu:

ix-xogħol diċenti bħala sors ta' dħul għall-preżent u għall-futur u bħala element tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet

ix-xogħol bħala dritt universali, sors tad-dinjità u tal-preġju

ix-xogħol bħala fattur tal-produzzjoni

ix-xogħol bħala element ta' ċittadinanza attiva u bħala attività li hija utli għas-soċjetà

ix-xogħol bħala fattur essenzjali tas-soċjalizzazzjoni

ix-xogħol bħala riflessjoni tal-kwalifiki u l-kreattività ta' l-individwi

ix-xogħol bħala kundizzjoni għall-aċċess fl-attività u l-istil ta' ħajja tal-konsum

ix-xogħol bħala attività umana, fattur ta' l-adattazzjoni, li għandha valur f'soċjetà li kull ma jmur dejjem qed tiġi mitluba tieħu ħsieb aktar l-ambjent u l-valuri ekoloġiċi.

ix-xogħol bħala spazju fejn wieħed jista' jsir jaf aktar u jiżviluppa lilu nnifsu u fejn jista' jikseb sodisfazzjon personali.

3.3

Illum il-ġurnata qegħdin naffaċċjaw forom ġodda tax-xogħol li huma frott bidliet fundamentali fid-dinja tax-xogħol u li mhux dejjem jirrispettaw dawk l-aspetti soċjali li huma importanti jew jipprovdu l-garanziji legali meħtieġa.

3.4

Fatturi bħal xogħol instabbli u ritmi u sigħat ta' ħidma irregolari fost iż-żgħażagħ, irendu s-sejba ta' bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja personali u familjali ferm diffiċli. Normalment in-nisa l-agħar li jintlaqtu f'dan il-qasam u ħafna drabi jkollhom jinsew il-ħsieb ta' karriera sodisfaċenti. Meta tiġi biex titwaqqaf infrastruttura ta' għajnuna għal matul l-ewwel snin tat-tfal għandhom jiġu kkonsultati b'mod partikolari l-ġenituri żgħażagħ.

3.5

Iż-żgħażagħ jistgħu jagħtu kontribut kbir fil-ħolqien ta' soċjetà ta' l-għarfien aktar koeżiva u demokratika. Madanakollu, sabiex dan ikun jista' jseħħ jeħtieġ li jingħataw prospettivi li jmorru lil hinn mill-futur immedjat u li huma bbażati fuq is-sigurtà personali, familjali u kollettiva.

4.   L-edukazzjoni u t-taħriġ: fatturi essenzjali għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u għall-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni pożittiva fis-soċjetà

4.1

Fl-opinjoni tiegħu dwar L-impjieg tal-kategoriji ta' prijorità  (22), il-KESE saħaq fuq l-importanza ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ b'referenza partikolari għall-bżonn li:

“il-garanzija tal-kwalità mit-taħriġ inizjali sa dak vokazzjonali u t-taħriġ fuq il-post tax-xoħol sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jsibu posthom fis-suq tax-xogħol bl-inqas problemi possibbli u li jibqgħu fl-impjieg, bil-parteċipazzjoni ta' l-industrija li tkun involuta u l-gvern;

appoġġ attiv minn kmieni għaż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu postijiet f'korsijiet tat-taħriġ jew impjieg (possibilment wara erba' xhur), programmi speċjalizzati u appoġġ u taħriġ individwali għall-integrazzjoni ta' gruppi bi problemi u żgħażagħ bla xogħol fuq perijodu fit-tul u għal dawk li telqu kmieni mill-iskola jew minn korsijiet tat-taħriġ, eż. permezz ta' proġetti ta' l-impjieg tal-komunità u l-promozzjoni tat-taħriġ;

l-iżvilupp ta' servizz li joffri pariri dwar karrieri disponibbli u dawk aċċessibbli faċilment u ta' faċilitajiet ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ fil-livelli kollha tat-taħriġ; titjib korrespondenti fil-kwalità u r-riżorsi umani għaċ-ċentri ta' l-impjieg;

it-tnaqqis fid-diskrepanzi eżistenti bejn il-kwalifiki offruti u dawk li huma meħtieġa mis-suq tax-xogħol; żieda fl-effikaċja tas-sistemi ta' l-edukazzjoni primarja (eż. it-tnaqqis fir-rata tat-tluq kmieni mill-iskola (23), kampanji kontra l-analfabetiżmu) u żieda fl-opportunitajiet għall-movimenti bejn it-taħriġ inizjali, vokazzjonali u addizzjonali; l-eliminazzjoni gradwali tas-segregazzjoni tas-sessi fil-qasam tal-pariri dwar il-karrieri.”

4.2

Il-missjoni prinċipali ta' l-iskejjel għandha tibqa' l-formazzjoni ta' ċittadini liberi u awtonomi, ċittadini li jħaddnu spirtu kritiku. Madanakollu jeħtieġ li l-iskejjel jiskopru metodi ġodda ta' intervent b'mod speċjali fir-rigward tar-rabtiet tagħhom mad-dinja tax-xogħol u tal-kummerċ fejn għad hemm qabża kbira. Illum il-ġurnata rabtiet bħal dawn huma indispensabbli sabiex tkun tista' tiġi assigurata transizzjoni aktar stabbli mid-dinja ta' l-iskola għad-dinja tax-xogħol.

4.3

Barra minn hekk, sabiex wieħed jikseb il-kapaċità li jaffronta l-bidla, jeħtieġ li l-ispirtu intraprenditorjali u s-sens ta' inizjattiva, jsiru parti mill-missjoni integrali ta' l-iskejjel li jiżirgħu sens ta' responsabbiltà, saħansitra fil-livell personali, fiż-żgħażagħ u jħarrġuhom sabiex isibu soluzzjonijiet għal dawk il-problemi li ser jaffaċċjaw wara li jitilqu mill-iskola. Naturalment, l-edukazzjoni informali taqdi rwol importanti sabiex jinkiseb dan l-għan.

4.4

Kull ma jmur it-tagħlim tul il-ħajja aktar qiegħed jikseb sinifikat fost iż-żgħażagħ għax jista' jfornihom bl-għodda li jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jaddattaw għal stiwazzjonijiet ġodda u jakkwistaw ħiliet u kwalifiki ġodda.

4.5

Il-mudelli tat-taħriġ vokazzjonali jistgħu jiġu mmodernizzati. Ċerti pajjiżi joffru anke esperjenzi ta' integrazzjoni fis-suq tax-xogħol permezz ta' apprendistat fil-kumpaniji. Hawnhekk huwa importanti li jitwaqqfu mudelli li huma attraenti għaż-żgħażagħ u kkundisdrati utli mill-familji tagħhom (24).

4.6

Fil-kuntest ta' azzjoni personalizzata ta' medjazzjoni fil-qasam tax-xogħol (job coaching) għal dawk iż-żgħażagħ li ilhom żmien twil qiegħda, tajjeb li ssir referenza għal proġett Awstrijakk li permezz tiegħu, ir-rata ta' qgħad ta' grupp speċifiku naqset b'43,5 % (25). Mill-2 000 żagħżugħ li pparteċipaw fil-proġett, 820 irnexxielhom isibu xogħol u 293 ipparteċipaw f'apprendistati offruti mill-kumpaniji — rata ta' suċċess ta' 60 % (26).

4.7

Barra minn hekk, il-politiki u l-programmi Ewropej ta' riċerka għandhom jikkoordinaw il-ħidma li ssir fil-livell nazzjonali u Ewropew fil-qasam ta' l-edukazzjoni, kemm dik bażika kif ukoll dik vokazzjonali jew speċifika.

5.   Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali

5.1

Id-diversi politiki li għandhom x'jaqsmu maż-żgħażagħ jirrikjedu aproċċ globali. Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea ħejjiet komunikazzjoni intitolata Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà, li ġiet approvata mill-KESE (27). Il-Kummissjoni saħqet fuq il-bżonn li jsir użu mill-Fond Strutturali Ewropew. Ir-regolamenti tiegħu jipprovdu espliċitament għall-finanzjament ta' miżuri li jtejbu l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol (28).

5.2

It-titjib ta' l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol għandu jkun responsabbiltà kollettiva li tirrikjedi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà kollha, inklużi l-imsieħba soċjali kif ukoll partijiet oħra bħall-awtoritajiet pubbliċi, il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-familji u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

5.3

L-imsieħba soċjali għandhom rwol kruċjali x'jaqdu fil-każ speċifiku ta' l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol għaliex huma jafu sew kif jaħdem is-suq u x'jeħtieġ; huma familjari mal-problemi ta' disparità bejn l-eżigenzi tas-suq u l-forza disponibbli tax-xogħol u jafu u għandhom esperjenza tal-problemi kkawżati mill-iżviluppi fis-suq u fil-prattiki ġodda tax-xogħol.

5.4

L-imsieħba soċjali għandhom jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex jiżdied l-impjieg fost iż-żgħażagħ u jkunu jafu jsaħħu u jiżviluppaw kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw liż-żgħażagħ u l-istabbilimenti edukattivi, enfasi fuq il-kwalifi meħtieġa attwalment fis-suq tax-xogħol, identifikazzjoni tal-ħiliet meħtieġa għal xogħlijiet partikolari u sforzi konġunti għall-ħolqien ta' aktar impjiegi għaż-żgħażagħ, u li jittieħed ir-riskju li ma jintalbux ikollhom l-esperjenza qabel ma jkunu lanqas bdew jaħdmu,eċċ.

5.5

Il-parteċipazzjoni ta' l-imsieħba soċjali għandu jkollha dawn l-għanijiet speċifiċi:

li tħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali sabiex iwettqu r-riformi xierqa u jimplimentaw il-politiki nazzjonali li jtejbu s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

li tagħti liż-żgħażagħ kollha l-opportunità li jiksbu s-sodisfazzjon personali permezz ta' impjieg stabbli u ta' kwalità għolja;

li tqassar il-perijodu ta' transizzjoni bejn it-tluq mill-iskola u l-bidu tal-ħajja tax-xogħol;

li ż-żgħażagħ, matul dan il-perijodu ta' transizzjoni jirċievu l-prospett ta' sigurtà fil-futur;

li ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jagħmlu użu kostruttiv tal-perijodu ta' żmien li fih ma jkunux qegħdin jaħdmu jew ikunu qegħdin ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom;

li tiġi assistita l-integrazzjoni ta' dawk il-gruppi taż-żgħażagħ li huma l-aktar vulnerabbli, b'mod partikolari ż-żgħażagħ li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien;

li tiġi assigurata r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja personali u familjali;

li jinstab l-aħjar bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà

u għandha tkopri diversi oqsma bħal:

5.5.1   L-edukazzjoni

L-awtoritajiet edukattivi, l-iskejjel u l-għalliema għandhom jiġu megħjuna jagħrfu l-bżonn ta' rabtiet eqreb mad-dinja tax-xogħol.

Fil-livell lokali, il-promozzjoni ta' inizjattivi organizzati mill-iskejjel, mill-organizzazzjonijiet kummerċjali jew mit-trade unions sabiex iż-żgħażagħ jersperjenzaw ir-realtà tal-ħajja tax-xogħol.

It-twaqqif ta' sħubiji ma' l-iskejjel sabiex iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jiksbu esperjenza tax-xogħol ġewwa l-kumpaniji.

Li jiġu pprovduti inċentivi li jħajru l-kreattività u l-intraprenditorija, b'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati (inklużi n-negozji u t-trade unions) (29)

Li l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri jiġu infurmati dwar ir-rekwiżiti ta' l-impjieg lokali u t-taħriġ u l-kwalifki rilevanti meħtieġa.

Il-parteċipazzjoni tal-korpi u l-organizzazzjonijiet rilevanti taż-żgħażagħ fil-livelli kollha, fid-djalogu dwar l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xoħgol.

5.5.2   It-taħriġ vokazzjonali

Il-parteċipazzjoni attiva fit-tħejjija u l-organizzazjoni ta' l-iskemi tat-taħriġ vokazzjonali sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta' ħiliet ġodda u għarfien ġdid u b'hekk jiġu antiċipati r-rekwiżiti tat-tagħlim tul il-ħajja.

Il-konsiderazzjoni, fil-livell tan-negozjar kollettiv, ta' ftehim ta' taħriġ vokazzjonali globali, reġjonali u/jew lokali. Għalhekk jeħtieġ li jiġi assigurat li s-sistemi fiskali ta' l-Istati Membri jappoġġjaw l-investiment fil-kapital uman.

Li ż-żgħażagħ jiġu infurmati dwar il-professjonijiet tekniċi u l-potenzjal tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Għajnuna fl-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki (30) sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' rikonoxximent tal-kwalifi taż-żgħażagħ u l-mobbiltà tagħhom fl-Ewropa.

5.5.3   L-apprendistat

L-apprendistati għandhom isiru parti mis-sillabu skolastiku sabiex sa minn kmieni, iż-żgħażagħ jidħlu f'kuntatt mal-kumpaniji u mal-ħaddiema.

Għandhom jitħejjew kodiċi tal-kondotta dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħlas ta' l-apprentisti u t-twaqqif ta' ftehim kollettiv għal dan il-għan.

Li jintgħażlu kollegi responsabbli li jassistu lill-apprentisti żgħażagħ (mentor-colleagues) sabiex l-apprendistat edukattiv ikollu suċċess. Dawn jistgħu jagħtu kontribut fit-tfassil ta' kodiċi ta' prattika tajba fil-qasam tal-mentoring għal kull settur.

5.5.4   In-negozjar kollettiv u d-drittijiet taż-żgħażagħ

Li fil-qafas tan-negozjar kollettiv fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali, lokali jew tal-kumpaniji, jiġi kkunsidrat il-bżonn li jitwaqqfu politiki prattiċi li jappoġġjaw l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u li dawn jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom.

Li fid-diskussjonijiet dwar il-prattiki tax-xogħol u l-arranġamenti li ser jiġu negozjati jew ser isiru parti minn kuntratt, tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ sabiex il-flessibbiltà titmexxa minn regoli li jiggarantixxu s-sigurtà li għandhom bżonn. Il-prospett ta' sigurtà fit-transizzjoni taż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol tista' u għandha tiġi kkunsidrata fin-negozjar kollettiv.

Bħala parti mill-proċess tan-negozjar kollettiv, għandhom jiġu nnegozjati kundizzjonijiet tax-xogħol għall-istudenti, jiġifieri ħinijiet ta' xogħol flessibbli, paga adegwata, b'mod speċjali għall-apprendistati, u ħin allokat għat-taħriġ.

F'dan il-qasam għandha tkun possibbli wkoll ir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja personali u l-kundizzjonijiet u s-sigħat tax-xogħol.

5.5.5   Attivitajiet fit-tielet settur

Rwol ċentrali fl-appoġġ ta' attività fit-tielet settur fost iż-żgħażagħ. Dan jista' jsir permezz tat-twaqqif ta' assoċjazzjonijiet ta' intraprendituri żgħażagħ jew permezz ta' l-integrazzjoni tal-ħaddiema f'organizzazzjonijiet bħal dawn, li huma koperti mis-settur.

Il-promozzjoni u t-tixrid ta' pubbliċità dwar netwerks li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn iż-żgħażagħ u l-imsieħba soċjali differenti kif ukoll l-appoġġ tagħhom (31).

Kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex il-biżgħat u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ jiġu mifhuma aħjar u sabiex dawn l-organizzazzjonijiet jiġu involuti fit-tiftix ta' soluzzjonijiet b'mod partikolari fir-rigward tas-suq tax-xogħol.

Ir-rikonoxximent tal-kompetenzi u l-ħiliet li nkisbu mill-edukazzjoni non-formali fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala kwalifika importanti għad-dħul fis-suq tax-xogħol.

5.5.6   Prattika tajba

L-iskambju ta' informazzjoni dwar il-prattika tajba (32)permezz tal-ħolqien ta' pjattaformi nazzjonali u Ewropej għall-proġetti tal-kumpaniji, l-universitajiet, l-iskejjel, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-assoċċjazzjonijiet kummerċjali u l-unions.

5.5.7   Il-mobbiltà

L-appoġġ tal-mobbiltà kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fin-negozji li jinsabu f' pajjiżi Ewropej differenti, li ż-żgħażagħ ingħataw informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward il-mobbiltà intra-Ewropea, u f'dan ir-rigward il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u l-organizzazzjoni ta' skambji ta' esperjenzi professjonali bbażati fuq il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema (33).

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ta' min jinnota li f'ċerti Stati Membri l-età minima ta' l-impjieg għaż-żgħażagħ hija ta' aktar minn 15-il sena.

(2)  Ara http://www.etuc.org/IMG/pdf/Fram_of_actions_LLL_evaluation_report_FINAL_2006.pdf (dan it-test huwa disponibbli biss bl-Ingliż)

Dwar id-djalogu soċjali Ewropew f'dan il-qasam irreferi wkoll għal: http://ec.europa.eu/employment_social/dsw/dspMain.do?lang=en

(3)  Ara:

http://ec.europa.eu/employment_social/social_dialogue/docs/lf_070227_donnelly.pps;

http://ec.europa.eu/employment_social/esf/fields/education_en.htm. Karta estensiva ta' informazzjoni ser tkun disponibbli dalwaqt f'dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/employment_social/esf/fields/partnership_en.htm.

(4)  Irreferi għall-opinjoni tal-KESE tas-26.10.2006 dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ta' Qafas Ġdida għall-multilingwiżmu, rapporteur: A. Le Nouail, ĠU C 324 30.12.2006).

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2006:324:0068:0073:EN:PDF

(5)  Meta wieħed iqabbel is-sitwazzjoni l-Ewropea ma' dik ta' pajjiżi industrijalizzati oħra bħall-Istati Uniti, il-Kanada u l-Ġappun jinduna li r-rata ta' impjieg fl-Ewropa, fost dawk li għandhom bejn 15 u 24 sena, hija ta' 35.9 % filwaqt li fl-Istati Unita hija ta' 54,2 %, fil-Kanada ta' 58.7 % u fil-Ġappun ta' 41.4 %.

(6)  Il-finanzjament ta' skemi tas-sigurtà soċjali ser ikunu sfida sinifikanti matul il-25 sena li ġejjin meta 20 miljun ruħ ser jiġu biex iħallu s-suq tax-xogħol Ewropew.

(7)  Fl-Ewropa, fl-2004, il-proporzjon tan-nies li huma fl-età li jaħdmu għall-pensjonanti huwa ta' 4 għal kull 1 iżda din il-figurija mistennija tonqos b'nofs. Mill-2015 il-quddiem, it-tnaqqis fil-popolazzjoni ta' dawn li jaħdmu ser tkun ostakolu għall-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku ta'l-UE fejn ir-rata attwali ta' 2.6 % (fiż-żona ta' l-ewro) u 2.9 % (fl-UE 27) ser tonqos għal 1.25 fl-2040. L-effett ta' dan ser jinħass l-aktar fl-Istati Membri l-ġodda.

(8)  Studju tal-Eurostat dwar il-forza tax-xogħol fl-Ewropa, Employment in Europe 2007 (L-Impjiegi fl-Ewropa 2007), il-Kummissjoni Ewropea.

(9)  Il-KESE huwa konxju li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ waħedha ma tagħtix stampa ċara tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Kwalunkwe analiżi għandha tikkunsidra wkoll il-proporzjon tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-paragun tar-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'pajjiż partikolari mar-rata ġenerali ta' qgħad. Il-figuri kkwotati f'punt 2.6 huma biss eżempji. Għal diskussjoni aktar dettaljata tal-problema rreferi per eżempju għar-rapport “Il-Qgħad fl-Ewropa 2007”.

(10)  Economic Outlook, il-Ħarifa 2007, BUSINESSEUROPE, pġ. 14.

(11)  Studju tal-Eurostat dwar il-forza tax-xogħol fl-Ewropa, Employment in Europe 2007 (L-Impjiegi fl-Ewropa 2007), il-Kummissjoni Ewropea.

(12)  Ara: Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà (COM(2007) 498 finali).

(13)  Dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà (SEC(2007) 1093).

(14)  Importanti li wieħed isemmi li per eżempju madwar 400 00 Ewropew imħarrġa fix-xjenza u fit-teknoloġija jgħixu l-Istati Uniti u li kważi 10 % tal-1.45 miljun ruħ li għandhom dottorat fl-Istati Uniti gradwaw fl-UE.

(15)  Ta' min jinnota li f'ċerti Stati Membri l-età minima ta' l-impjieg għaż-żgħażagħ hija ta' aktar minn 15-il sena.

(16)  Studju tal-Eurostat dwar il-forza tax-xogħol fl-Ewropa.

(17)  Idem.

(18)  Irreferi għall-abozz ta' opinjoni tal-KESE dwar Is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (rapporteur: Ágnes Cser).

(19)  Ir-rata ta' l-impjieg fost in-nies hija 15 % anqas minn dik ta' l-irġiel.

(20)  Irreferi għall-opinjoni li qed iħejji l-KESE intitolata Id-distakk bejn il-pagi tan-nisa u ta' l-irġiel (SOC/284).

(21)  Dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà (SEC(2007) 1093).

(22)  Opinjoni tal-KESE tat-12.7.2007 dwar L-impjieg tal-kategoriji ta' prijorità (l-Istrateġija ta' Lisbona) rapporteur: is-Sur Greif (ĠU C 256 tas-27.10.2007)

(http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2007:256:0093:0101:MT:PDF;).

(23)  Kważi 16 % taż-żgħażagħ fl-UE jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, rata li hija konsederevolment ogħla mill-10 % tas-sena 2000. Il-persentaġġ ivarja minn Stat Membru għal ieħor għalhekk per eżempju fil-pajjiżi Mediterranji ir-rata hija pjuttost għolja filwaqt li fil-pajjiżi Skandinavi u xi pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant hija aktar baxxa.

(24)  Irreferi għall-eżempji pprovduti mill-proġetti Franċiżi għall-promozzjoni tas-setturi xjentifiċi u tekniċi fost iż-żgħażagħ (http://halde-prod.gaya.fr/repertoire-bonnes-pratiques-initiatives-86/consulter-90/bonne-pratique-91/scientifiques-techniques-9109.html), “Il-passaport għall-impjieg” (http://halde-prod.gaya.fr/repertoire-bonnes-pratiques-initiatives-86/consulter-90/initiatives-92/autres-95/emploi-pour-9154.html?var_recherche=d %E9favoris %E9s), “L-Istruzzjoni permezz ta' l-azzjoni” mill-Kulleġġ tal-Kummerċ ta' Dijon (sabiex l-istabbilimenti edukattivi jkunu responsabbli għall-apprentisti) (www.halde.fr/repertoire-bonnes-pratiques-initiatives-86/consulter-90/bonne-pratique-91/action-ecole-9207.html), Forums dwar l-impjieg sabiex jiġu stabbiliti rabtiet bejn in-negozji u l-gradwati żgħażagħ minn żoni żvantaġġati (http://halde-prod.gaya.fr/repertoire-bonnes-pratiques-initiatives-86/consulter-90/initiatives-92/autres-95/emploi-pour-9192.html), jew il-proġett Awstrijakk għall-medjazzjoni professjonali għal dawk iż-żgħażagħ li ilhom qiegħda għal żmien twil.

(25)  Ara: http://portal.wko.at/wk/format_detail.wk?AngID=1&StID=314163&DstID=0.

(26)  Ara: http://portal.wko.at/wk/sn_detail.wk?AngID=1&DocID=729805&StID=345901

(27)  L-opinjoni tal-KESE tas-17.1.2008 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà. Rapporteur: Is-Sur Trantina.

(28)  Ara nota 3.

(29)  Irreferi għall-opinjoni tal-KESE tal-25.10.2007 dwar L-inklinazzjonijiet ta' l-intraprenditorija u l-Aġenda ta' Lisbona (opinjoni fuq inizjattiva proprja). Rapporteur: Is-Sinjura Sharma u ko-rapporteur: Is-Sur Olsson (ĠU C 44 tas-16.02.2008, pġ. 84-90) (http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2008:044:0084:0090:PT:PDF).

(30)  Ara l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Qafas Ewropew għall-Kwalifiki(COM(2006) 479 finali.

(31)  L-eżempji jinkludu, Il-Konfederazzjoni Ewropea ta' l-Intraprendituri Żgħażagħ (http://www.jadenet.org/) u l-inizjattiva STARPRO tal-EUROCADRES (Il-Kunsill ta' l-Istaff professjonali u maniġerjali Ewropew) għall-istudenti u l-gradwati żgħażagħ (http://www.eurocadres.org/en/p_ms_in_europe/students_and_young_graduates).

(32)  Bħala eżempju ta' prattika tajba wieħed jista' jirreferi għat-tnedija ta' 'laboratorju' tal-Businesseurope, b'kollaborazzjoni ma' l-imsieħba fix-xogħol tagħha dwar “Il-promozzjoni ta' spirtu intraprenditorjali u ta' l-intraprenditorija fl-edukazzjoni”. Dan il-'laboratorju' huwa eżempju ta' prattika Ewropea tajba f'dan il-qasam u jagħti kontribut fil-ksib ta' l-objettivi stipulati fl-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjieg u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata It-tkattir ta' inklinazzjonijiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim u r-rakkomandazzjonijiet ta' Oslo tagħha.

(33)  L-imsieħba soċjali dejjem jiddikjaraw lilhom infushom favur il-prinċipji tal-programm “Erasmus” u “Erasmus Mundus” u l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea “Programm Erasmus għall-intraprendituri żgħażagħ”.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/103


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-garanzija ta' l-aċċess ġenerali għall-kura fit-tul u l-finanzjament sostenibbli ta' sistema tal-kura fit-tul għall-anzjani

(2008/C 204/21)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irċieva ittra, datata d-19 ta' Settembru 2007, mill-Presidenza futura Slovena li titlob l-opinjoni tiegħu skond l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar

Il-garanzija ta' l-aċċess ġenerali għall-kura fit-tul u l-finanzjament sostenibbli ta' sistema tal-kura fit-tul għall-anzjani (Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Frar 2008. Is-Sinjura Klasnic kienet ir-rapporteur.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-13 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 99 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Konklużjonijiet

1.1.1

Il-ħtieġa tal-kura hija riskju tal-ħajja, u persuna tista' ssibha diffiċli biex tegħleb l-effetti tiegħu waħedha, għalhekk tinħtieġ responsabbiltà konġunta solidali bejn il-ġenerazzjonijiet (1).

1.1.2

Din il-ko-responsabbiltà għandha l-ewwel u qabel kollox titfassal fil-livell lokali u reġjonali filwaqt li jiġu kkunsidrati s-sistemi tal-familja u tat-taxxa, is-sitwazzjoni ta' l-impjiegi, l-mobbiltà, l-akkomodazzjoni, id-densità tal-popolazzjoni, it-tradizzjonijiet u l-attitudnijiet stabbiliti.

1.1.3

Billi f'dan il-qasam mhux biss teżisti sitwazzjoni problematika simili fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea iżda hemm ukoll kwistjonijiet transnazzjonali, huwa f'loku u meħtieġ li dan is-suġġett jiġi ttrattat fil-qafas ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea. Hawnhekk l-iskambju ta' esperjenzi, per eżempju fil-qafas tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (OMC), jaqdi rwol speċjali, u f'xi każi jinħtieġu miżuri leġislattivi.

1.1.4

Bħal fil-każ tas-sistema tas-saħħa, il-parti l-kbira ta' l-ispejjeż tal-kura fit-tul jiżdiedu fl-aħħar snin tal-ħajja. Sa mit-tfassil tas-sistema tas-sigurtà soċjali attwali (is-sistema tas-saħħa u tal-pensjonijiet) it-tul tal-ħajja żdied b'mod konsiderevoli. Sabiex niffaċċjaw il-ħtiġijiet il-ġodda li jinħolqu b'din is-sistema, qed jitqajmu kwistjonijiet iebsa dwar il-ġustizzja u s-solidarjetà bejn ġenerazzjoni u oħra, li jirrikjedu xogħol ta' kjarifika, edukazzjoni u informazzjoni kif ukoll miżuri politiċi (2).

1.1.5

L-għan għandu jkun li l-anzjani u l-persuni anzjani ħafna fl-Ewropa jgħixu l-anzjanità tagħhom b'mod dinjituż u sikur, anke jekk jeħtieġu l-kura, u fl-istess ħin ikun hemm garanzija li, fil-kuntest tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, dan ma jikkawżax piż żejjed fuq il-ġenerazzjonijiet futuri li ma jkunux jifilħu għalih.

1.2   Rakkomandazzjonijiet

1.2.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jitlob lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni biex flimkien ma' l-Istati Membri jittrattaw b'mod urġenti l-problemi ta' popolazzjoni li dejjem qiegħda tixjieħ, sabiex ikun żgurat li l-anzjani kollha jirċievu l-għajnuna u l-kwalità ta' kura li jkollhom bżonn.

1.2.2

Sabiex wieħed jiffaċċja l-isfidi tal-kura fit-tul jinħtieġu sensiela ta' miżuri. Dawn huma l-aspetti importanti:

 

Finanzjament u prezz li jista' jintlaħaq

L-aċċess universali għall-kura ta' kwalità għolja għandu jkun garantit, fil-prattika, għal persuni b'diffikultajiet speċjali jew b'paga baxxa wkoll;

Għandhom jiġu żviluppati sistemi ta' finanzjament sostenibbli li ma jħallux lil dawn il-persuni jegħlbu waħedhom dan ir-riskju tal-ħajja, iżda li jkunu wkoll bi prezz li jista' jintlaħaq mis-soċjetà u ma jkunux ta' piż żejjed fuq il-ġenerazzjonijiet futuri;

Il-promozzjoni ta' dawn il-miżuri ta' prekawzjoni u prevenzjoni għandha tgħin biex kemm jista' jkun tkun ikkontrolla ż-żieda tal-ħtieġa fil-futur. Għal dan il-għan għandu jinħoloq kunċett wiesa' ta' kura preventiva li jgħaqqad l-aspetti tal-prevenzjoni tas-saħħa u finanzjarja ma' l-aspetti tal-prevenzjoni soċjali u tat-tisħiħ ta' l-awtonomija ta' l-anzjani;

L-inċentivi għal prevenzjoni tal-kura fuq bażi privata — bħall-inċentivi ta' taxxi għall-prevenzjoni finanzjarja għandhom jiġu kkunsidrati meta dan jidher li jkun neċessarju sabiex jinkiseb l-objettiv ta' interess ġenerali tas-saħħa pubblika.

 

Il-kura u l-provvista ta' servizzi

L-iżvilupp tal-kura skond il-ħtieġa għandu jkun garantit f'reġjuni li bħalissa huma żvantaġġati f'dan ir-rigward;

In-netwerks familjari u l-ġirien, li fil-preżent jwettqu l-parti l-kbira tax-xogħol ta' kura, għandhom ikunu mħeġġa u msaħħa, per eżempju bit-taħriġ u l-għajnuna tal-qraba;

L-NGOs, l-inizjattivi soċjo-ekonomiċi u l-istrutturi kooperattivi għandhom jiġu integrati b'mod aktar qawwi fix-xogħol ta' kura;

Ix-xogħol volontarju fil-qasam tal-kura mhux medika għandu jkun imħeġġeġ ħafna, l-aktar permezz ta' taħriġ fil-qasam tax-xogħol volotarju;

Il-kompetizzjoni sana bejn fornituri differenti ta' servizzi ta' kura għandha ttejjeb il-libertà ta' l-għażla għal dawk ikkonċernati, u tgħin sabiex tkompli tiżviluppa l-provvista skond standards ta' kwalità definiti, objettivi konkreti, kompiti, speċifiċitajiet u sistema ta' sigurtà soċjali stabbilita, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-leġislatur f'kull Stat Membru peress li dawn is-servizzi jagħmlu parti mis-servizzi soċjali ta' interess ġenerali (3);

L-anzjani u l-persuni li jeħtieġu l-kura għandhom ikunu integrati b'mod aktar qawwi f'netwerks soċjali, anke bil-għan ta' prevenzjoni kontra l-abbuż u l-maltrattament;

Għandhom jiġu żviluppati mudelli ta' l-aħjar prattika fil-qasam tal-kura li ttaffi l-uġigħ f'ċentri tal-kura u fil-kura domestika;

Ix-xogħol ta' ospizju għandu jiġi żviluppat.

 

Il-personal tal-kura u l-assistenza

Ir-riżorsi tal-personal tal-kura l-assistenza għandhom ikunu assigurati l-aktar permezz ta' taħriġ tajjeb lil dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani, kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba u l-apprezzament tal-professjonijiet fil-qasam tal-kura;

L-għarfien tal-kwalifiki li jinkisbu fil-UE għandu jsir aktar faċli;

Il-Kummissjoni hija mitluba teżamina r-regolamenti ta' aspetti transkonfinali tal-kura, per eżempju fir-rigward ta' l-użu ta' servizzi ta' assistenza barra l-pajjiż jew tal-migrazzjoni ta' persuni li jieħdu ħsieb l-anzjani;

Sabiex jiġi eliminat l-impjieg mhux iddikjarat, għandhom jiġu adottati miżuri biex is-servizzi ta' kura li s'issa ngħataw b'mod illegali jiġu integrati f'qafas legali, b'konsiderazzjoni tal-partikolaritajiet ta' l-attivitajiet li jsiru fid-djar privati.

 

Assistenza u kura fil-familja

L-inċentivi sabiex jingħataw servizzi ta' kura mhux medika u assistenza għandhom jissaħħu kemm fil-qafas tal-familja kif ukoll fuq bażi volontarja (4);

Għandhom jiġu żviluppati strateġiji u offerti għall-oqsma tad-dimenzja u d-dipressjoni ta' l-anzjani, li fil-preżent huma l-akbar l-isfidi għall-familji u s-sistemi tal-kura;

Il-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol għandu jittejjeb permezz ta' miżuri ta' għajnuna u mistrieħ għall-qrabat li jaħdmu u jieħdu ħsieb l-anzjani (per eżempju, ċentri ta' kura għall-anzjani f'intrapriżi kbar, servizzi ta' mistrieħ, servizzi ta' kura mobbli)

 

Regolamenti, standards u kwalità

L-istandards ta' kwalità għandhom jiġu żviluppati fl-oqsma kollha tal-kura ta' l-anzjani, u l-kontroll effettiv tagħhom għandu jkun żgurat permezz ta' organizzazzjonijiet jew awtoritajiet ta' sorveljanza indipendenti kif ukoll minn istituzzjonijiet rikonoxxuti għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

B'hekk għandu jkun assigurat ukoll li d-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem jitħarsu kemm fil-faċilitajiet ta' kura privati kif ukoll f'dawk pubbliċi, u li l-ftit kapaċità ta' azzjoni u l-indipendenza ta' l-anzjani ma jintużawx għad-detriment tagħhom;

 

L-użu tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni

Fil-qasam tal-kura u s-sorveljanza għandu jitħeġġeġ l-użu ta' teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, tat-telematika u tal-mezzi tekniċi ta' l-għajnuna filwaqt li jiġu kkunsidrati l-aspetti etiċi.

2.   Kuntest

2.1

Il-Presidenza Slovena tixtieq tkompli d-diskussjoni mifruxa ma' l-Ewropa kollha dwar kif nistgħu negħlbu l-bidla demografika, u se tiffoka b'mod speċjali fuq is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Il-proporzjon f'perċentwali bejn il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, medji u dawk anzjani qiegħed jinbidel. In-numru ta' anzjani qiegħed kulma jmur jikber. F'ċerti postijiet il-ġenerazzjoni żagħżugħa attwali tammonta biss għal nofs in-nies tal-ġenerazzjoni li twieldet wara t-tieni gwerra dinjija. Minħabba dawn il-fatti jirriżultaw sensiela ta' kwistjonijiet relatati mas-solidarjetà u l-ko-eżistenza tal-ġenerazzjonijiet. L-istil ta' ħajja u d-diviżjoni tax-xogħol ta' llum il-ġurnata (l-aktar fil-bliet) qed ixekklu r-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet, u r-rabtiet ta' bejniethom qegħdin jiddgħajfu u jinbidlu b'mod sinifikanti. Il-ġenerazzjonijiet differenti qegħdin jiġu ttrattati dejjem aktar b'mod separat u mil-lat tad-drittijiet li kisbu. F'dan il-kuntest, reazzjoni żbaljata tista' saħansitra twassal għal kunflitt bejn il-ġenerazzjonijiet.

2.2

Il-Presidenza Slovena qed tippjana l-organizzazzjoni ta' konferenza dwar is-solidarjetà u l-ko-eżistenza tal-ġenerazzjonijiet (nhar it-28/id-29 ta' April 2008) li tiffoka fuq dawn it-temi:

1)

is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet fir-rigward tal-kura tas-saħħa, il-ħajja tal-familji u l-bini tad-djar;

2)

il-kura fit-tul għall-persuni anzjani.

2.3

B'rabta ma' dan, il-Presidenza Slovena talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar Il-garanzija ta' l-aċċess ġenerali għall-kura fit-tul u l-finanzjament sostenibbli ta' sistema tal-kura fit-tul għall-anzjani.

3.   Il-kura fit-tul bħala sfida Ewropea

3.1

Il-kura fit-tul hija waħda mill-isfidi soċjo-politiċi ewlenin li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, għandha tkun ikkunsidrata wkoll b'mod xieraq fl-aġenda ta' l-istituzzjonijiet Ewropej.

3.2

L-istituzzjonijiet Ewropej ittrattaw dan is-suġġett f'ħafna inizjattivi (5), irrispettivament mir-responsabbiltajiet nazzjonali, u jħeġġu b'mod speċjali l-iskambju reċiproku ta' l-esperjenzi bil-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (OMC) (6). Dawn l-isforzi għandhom jitkomplew u jiżdiedu, u fil-qafas ta' dan il-metodu l-KESE jagħti importanza kbira lill-involviment ta' l-imsieħba soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili.

3.3

Ir-rapporti mfassla mill-Istati individwali f'dan il-kuntest juru li jeżistu ħafna sfidi simili f'bosta pajjiżi, minkejja l-kundizzjonijiet differenti li jeżistu. Għalhekk, huwa f'loku wkoll li jsir xogħol komuni sabiex jinsabu soluzzjonijiet għal dawn il-problemi.

3.4

L-għanijiet komuni li kien hemm qbil dwarhom fl-UE rigward l-aċċess universali għas-servizzi, il-kwalità għolja tas-servizzi u l-finanzjament sostenibbli tas-sistemi kienu wkoll ikkonfermati f'dan ir-rapport. Dawn l-għanijiet huma wkoll il-bażi ta' din l-opinjoni.

4.   L-isfond demografiku u soċjali

4.1

L-isfidi li kulma jmur qegħdin jiżdiedu fil-qasam tal-kura fit-tul huma r-riżultat ta' żviluppi li jiggravaw il-problema minn diversi naħat.

4.2

Bis-saħħa taż-żieda tat-tul tal-ħajja, fis-soċjetajiet tagħna qed jiżdied b'mod qawwi n-numru ta' persuni anzjani ħafna ('il fuq minn 80 sena): iż-żieda mbassra tammonta għal 17.1 % bejn l-2005 u l-2010, kif ukoll għal 57 % bejn l-2010 u l-2030. B'hekk, fis-sena 2030, fl-Ewropa, kważi 34.7 miljun persuna se jkunu qegħdin jgħixu aktar minn 80 sena, imqabbel ma' madwar 18.8 miljun illum. Filwaqt li fis-sena 1975, l-għadd ta' persuni fl-Istati ta' l-UE li kellhom 'il fuq minn 80 sena kien jammonta għal 2.0 % tal-popolazzjoni kollha, fis-sena 2050 se jitla' għal 11.8 % (7).

4.3

Minkejja x-xejriet komuni, fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom jeżistu differenzi evidenti kbar. Fil-fatt, it-tul tal-ħajja fil-pajjiżi membri ta' l-UE huwa ta' bejn 65.4 sena u 77.9 sena fil-każ ta' l-irġiel, u bejn ta' 75.4 sena u 83.8 sena fil-każ tan-nisa.

4.4

Fl-istess ħin, numru dejjem jiżdied ta' anzjani qegħdin jgħixu waħedhom għax il-familjari tagħhom ma jkunux għadhom jgħixu fl-istess dar jew għax ikunu romlu. Il-mobbiltà mħeġġa f'oqsma oħra ta' politika Ewropea u nazzjonali qiegħda toħloq aktar sfidi għall-qasam tal-kura u ta' l-assistenza.

4.5

Permezz tar-rati tat-twelid baxxi (fl-1960 kważi l-Istati kollha ta' l-UE kienu jinsabu 'l fuq mir-rata ta' fertilità meħtieġa ta' 2.1 %, filwaqt li fl-2003 l-Istati kollha ta' l-UE kienu jinsabu taħt din ir-rata) mhux biss se jonqos l-potenzjal ta' sostenn bejn il-ġenerazzjonijiet (relazzjoni bejn dawk li jeħtieġu l-kura u dawk li kapaċi joffru l-kura) — u b'hekk il-potenzjal tal-kura familjari — iżda se jkun dejjem aktar diffiċli sabiex tkun koperta l-ħtieġa ta' persuni professjonali li jieħdu ħsieb l-anzjani fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, dan l-iżvilupp se jiggrava l-kwistjoni ta' finanzjament fil-qasam tal-kura fit-tul.

4.6

Permezz ta' aspett ieħor tal-bidla demografika u soċjali, jiġifieri t-tibdil fl-istruttura tal-familja u ż-żieda tan-numru ta' nisa li jaħdmu, ħafna persuni mhux se jkunu jistgħu jirċievu servizz ta' assistenza fil-futur (qabel kienu jirċevuh mill-familja, l-aktar min-nisa) jew dan is-servizz mhux se jibqa' jingħata fuq din l-iskala (8).

4.7

L-avvanz fil-qasam tal-mediċina huwa fattur essenzjali għaż-żieda fit-tul tal-ħajja u għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja. Ħafna drabi t-trattamenti mediċi jistgħu jżidu b'mod sinifikanti it-tul tal-ħajja, iżda mingħajr ma jiggarantixxu l-fejqan. Għalhekk, il-mard kroniku jew li jieħu fit-tul u li jkun jeħtieġ assistenza kontinwa qiegħed dejjem jiżdied.

4.8

Qed tinħoloq sfida speċjali minħabba n-numru li kulma jmur qiegħed jiżdied ta' mard relatat mad-dimenzja, li jirrekjedi ħin twil u spejjeż kbar ta' assistenza għal dawk ikkonċernati, l-istess fil-każ tad-dipressjoni ta' l-anzjani, li ħafna drabi hija assoċjata ma' mard tad-dimenzja jew li għandha sfidi simili fir-rigward ta' l-assistenza. Għal dan il-għan, jinħtieġu servizzi u faċilitajiet speċjalizzati fejn dawn il-persuni jistgħu jingħataw il-kura b'dinjità u rispett. Dan huwa importanti ħafna peress li r-riskju li wieħed jimrad bid-dimenzja qiegħed jiżdied b'mod proporzjonali maż-żieda fit-tul tal-ħajja. F'dan il-kuntest, iż-żieda ta' suwiċidji fil-każ ta' persuni anzjani hija inkwetanti.

4.9

Bil-ġenerazzjonijiet il-ġodda persuni li jeħtieġu l-kura, barra li jinbidlu l-kundizzjonijiet soċjali, se jinbidlu wkoll l-attitudnijiet, id-domandi u l-abbiltajiet tal-persuni li jeħtieġu l-kura stess. L-iżvilupp ta' kunċetti għall-futur għandu jikkunsidra din id-dinamika.

5.   Il-garanzija ta' l-aċċess għas-servizzi ta' għajnuna partikolari

5.1

Il-kura fit-tul tfisser l-għajnuna għal persuni li ma jkunux f'qagħda li jgħixu b'mod awtonomu, u li għalhekk fil-bżonnijiet tagħhom ta' kuljum ikunu dipendenti mill-għajnuna ta' l-oħrajn. Il-ħtieġa ta' l-għajnuna tinkludi l-iffaċilitar tal-mobbiltà tagħhom u l-assistenza soċjali kif ukoll ix-xirja, it-tisjir u xogħol tad-dar ieħor, u l-assistenza sabiex ikunu jistgħu jinħaslu u jieklu. Għal dan it-tip ta' kura fit-tul ma tintħieġx bilfors xi kwalifika medika. Għalhekk, f'ħafna Stati Membri din titħalla f'idejn il-qrabat, normalment il-mara/ir-raġel u t-tfal, li bħal qabel, ħafna drabi, il-biċċa l-kbira tal-kura fit-tul taqa' fuqhom.

5.2

Għar-raġunijiet diġà ppreżentati, fil-futur ma jistax jibqa' jkun mistenni li l-qraba jibqgħu jkunu lesti jagħmlu xogħlijiet ta' kura bl-istess mod bħal qabel. Għaldaqstant, numru li kulma jmur qiegħed jiżdied ta' anzjani invalidi jiddependu minn persuni professjonali, li jridu jirċievu taħriġ li jwassal għal kwalifika, li jieħdu ħsieb l-anzjani u li joffru s-servizzi tagħhom fid-djar ta' dawk il-persuni li jeħtieġu l-kura jew f'faċilitajiet speċjali.

5.3

Il-kura fit-tul tista' tingħata b'modi differenti. Minbarra l-kura li jagħtu l-membri tal-familja, tista' tingħata kura professjonali fid-djar, day centers, djar ta' l-anzjani, faċilitajiet speċjali ta' kura jew sptarijiet. Il-persuni li jeħtieġu l-kura normalment ikollhom bżonn diversi forom ta' assistenza medika u mhux medika, u dan jirrikjedi kooperazzjoni tajba bejn il-familji, il-persuni professjonali li jieħdu ħsieb l-anzjani u l-istaff mediku. B'hekk, il-koordinazzjoni ta' dawn is-servizzi għandha rwol importanti (Case-Management).

5.4

Rigward is-servizzi ta' għajnuna fil-kura fit-tul ma teżistix strateġija ta' għażla waħda. Il-bżonnijiet differenti ta' dawk ikkonċernati jeħtieġu servizzi ta' assistenza partikolari. Huwa daqstant ieħor importanti li jintużaw l-esperjenzi ta' pajjiżi oħra fir-rigward tal-mod, l-organizzazzjoni u l-effetti ta' dawn is-servizzi.

5.5

Fir-rigward tal-forma ta' assistenza u l-għażla tal-fornitur tas-servizz għandu jkun hemm l-akbar libertà ta' l-għażla possibbli. Dan ma jitlobx biss il-provvista ta' ħafna servizzi differenti, iżda anke l-ħolqien ta' kundizzjonijiet xierqa sabiex ikun jista' jkun hemm għadd kbira ta' fornituri privati, dawk li ma jagħmlux qligħ u oħrajn pubbliċi, u l-promozzjoni tal-kompetizzjoni bejn dawn l-organizzazzjonijiet bil-għan li jittejbu s-servizzi. Sabiex din il-kompetizzjoni ma tkunx ta' piż fuq dawk li jirċievu l-assistenza, hi għandha tinħoloq fi ħdan standards ta' kwalità definiti li għandhom ikunu kkontrollati u, bħala servizz soċjali ta' interess ġenerali, jeħtieġ li tkun ir-responsabbiltà tal-leġislatur li jiddeċiedi l-ħidma li trid issir u l-objettiv li jrid jinkiseb, u min ser jevalwa r-riżultati.

5.6

Il-mekkaniżmi preżenti ta' protezzjoni soċjali fil-pajjiżi individwali jinfluwenzaw il-mod ta' kif tintuża l-kura li tingħata. Jekk, per eżempju, ikunu allokati aktar riżorsi għall-faċilitajiet li joffru l-kura milli għall-kura fid-djar, aktar persuni jibdew jgħixu f'dawn it-tip ta' faċilitajiet.

5.7

Fil-prattika jidher li hemm diversi raġunijiet għaliex il-kuraa fid-djar hija ppreferuta. Dan jikkorrispondi max-xewqa ta' ħafna nies li jkunu jistgħu jgħixu d-dar anke ta' età kbira u f'każ ta' mard. Jekk jintużaw ir-riżorsi għall-assistenza familjari, il-kura fid-djar iġġib inqas spejjeż mill-assistenza fil-faċilitajiet speċjalizzati. Dan iżda m'għandux iwassal sabiex qraba, l-aktar nisa, jitpoġġew taħt pressjoni billi jġorru dan il-piż waħedhom.

5.8

L-għan għandu jkun li f'kull sitwazzjoni individwali tinstab l-aqwa forma possibbli ta' assistenza, b'konsiderazzjoni ta' l-interessi tal-partijiet kollha kkonċernati. F'ċerti każi ma jkun hemm l-ebda alternattiva oħra ħlief id-djar ta' l-anzjani.

6.   Il-finanzjament tas-sistema ta' kura

6.1

Bħalissa l-mod ta' finanzjament tas-sistema ta' kura jvarja bejn Stat Membru u ieħor, u kultant anke fi ħdanhom stess. Ir-raġuni għal dan hija li l-kura fit-tul spiss tkun imqassma fuq strutturi pubbliċi u baġits differenti, u ħafna drabi tingħata fil-livell lokali. Barra minn hekk, jeżistu sistemi differenti kemm fil-qasam tas-sigurtà soċjali u t-taxxa kif ukoll fil-qasam ta' l-assigurazzjonijiet privati.

6.2

Billi s-sistemi ta' finanzjament għall-kura fit-tul jiddependu mill-kundizzjonijiet u l-istrateġiji ta' politika nazzjonali u reġjonali, huma se jibqgħu differenti fil-futur qrib. Peress li bħalissa qegħdin jitqajmu l-mistoqsijiet fuq dan it-tip ta' kura f'ħafna pajjiżi, huwa utli u importanti li jsir l-iskambju ta' l-esperjenza fir-rigward tat-tfassil u l-mod ta' azzjoni kemm ta' strumenti ta' finanzjament individwali (bħas-sistemi ta' assigurazzjoni, inċentivi ta' taxxa) kif ukoll tas-sistemi ta' servizzi (bħall-baġits tal-kura personali, kontributi ta' flus jew in natura).

6.3

Mistoqsija ewlenija fil-każ ta' finanzjament fit-tul tal-kura għandha tkun kif tista' tkun ikkontrollata ż-żieda fl-ispejjeż addizzjonali f'dan il-qasam. Bħala miżuri u strateġiji għal dan għandhom jiġu kkunsidrati:

l-għoti u t-tisħiħ tar-riżorsi ta' kura familjari, l-aktar permezz ta' inċentivi u miżuri li jserrħu mill-piż (bħall-kura mhux fit-tul, kura f'każ ta' safar, faċilitajiet li joffru l-assistenza matul il-ġurnata);

l-iżvilupp u t-titjib kontinwu tas-servizzi ta' assistenza u kura anke b'relazzjoni mal-possibbiltà ta' l-għażla, il-prezz, il-kwalità u l-effiċjenza tagħhom;

it-twaqqif ta' strutturi kompetittivi (fejn ikun possibbli u f'loku) sabiex permezz tal-kompetizzjoni jitħeġġu l-għarfien dwar l-ispejjeż u l-iżvilupp;

l-implimentazzjoni ta' kunċett estensiv ta' prevenzjoni fil-qasam tal-kura. Dan għandu jkopri minn miżuri ta' prevenzjoni tas-saħħa, l-iskansament tal-possibbiltà ta' korrimenti (prevenzjoni ta' waqgħat fid-djar), il-provvista finanzjarja privata, sat-twaqqif ta' netwerks soċjali ġodda li jkunu jistgħu jieħdu f'idejhom is-servizzi ta' għajnuna, u sat-tisħiħ tal-kompetenzi ta' kuljum (bħall-abbiltajiet marbuta mat-tmexxija ta' dar);

it-tisħiħ fil-mobilizzazzjoni ta' l-impenji volontarji fil-każ ta' servizzi ta' assistenza (bħall-għajnuna mill-ġirien, żjarat u kumpanija, għajnuna f'każ ta' servizzi ta' kura, assistenza ta' ospizju) fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet anke fil-qasam ta' l-istudenti u ż-żgħażagħ;

it-tħaddim imsaħħaħ ta' riżorsi tekniċi ta' għajnuna fil-każ ta' assistenza, u l-użu ta' teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (eż. Smart Housing, is-sorveljanza mill-bogħod, anzjani li jitgħallmu jikkomunikaw bl-għodda ta' l-IT).

7.   Il-kwalità tal-kura fit-tul

7.1

Anke min jeħtieġ l-għajnuna jistħoqqlu servizz ta' kwalità. F'dan il-kuntest, il-mira ta' l-Unjoni Ewropea hija li tassigura l-aċċess għal servizzi ta' kura ta' kwalità għolja u sostenibbli (9).

7.2

Skond ir-rapporti ta' l-Istati Membri individwali, bħalissa jeżistu differenzi kbar fir-rigward tat-tfassil ta' standards ta' kwalità fil-qasam tal-kura, is-setgħa legali tagħhom u l-kwistjoni jekk dawn l-istandards humiex nazzjonali jew reġjonali. Ħafna mill-pajjiżi ddikjaraw li dawn l-istandards huma ftit wisq, u li m'hemmx biżżejjed regolamenti.

7.3

Bħal fil-każ tal-finanzjament, hawn ir-regolamenti nazzjonali u reġjonali se jibqgħu jeżistu. Proprju f'dan il-qasam, l-iskambju mifrux ma' l-UE jista' joffri lill-Istati nazzjonali stimulu u benchmarks utli għal regolamenti nazzjonali u reġjonali. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ l-iżvilupp ta' kriterji ta' kwalità għall-kura fit-tul fil-qafas ta' proġett komuni mifrux ma' l-UE, li jkunu jistgħu jservu ta' gwida għall-Istati individwali fl-istabbiliment ta' l-istandards tagħhom, u li jikkunsidraw il-mobbiltà li kulma jmur qiegħda tiżdied kemm ta' persuni li jeħtieġu l-kura kif ukoll ta' persuni li jieħdu ħsieb l-anzjani.

8.   Is-suq tax-xogħol u l-kura fit-tul

8.1

Is-settur tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul jammonta għal perċentwali sostanzjali ta' l-impjiegi kollha fl-Unjoni Ewropea (9.7 % ta' l-impjiegi kollha fl-UE fl-2001) u mill-1997 sa l-2002 ħoloq 1.7 miljun impjieg ġdid fl-UE-15. Fil-qasam tal-kura u l-assistenza jeżisti suq tax-xogħol Ewropew sinifikanti — parti minnu fil-qasam legali, f'xi oqsma oħra anke b'mod illegali.

8.2

Il-qasam tal-kura joffri possibbiltajiet ta' xogħol anke lil gruppi ta' nies li ħafna drabi jkollhom id-diffikultajiet fis-suq tax-xogħol (bħal dawk li jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u l-immigranti). Il-KESE jħeġġeġ li din is-sitwazzjoni tiġi kkunsidrata kemm fil-programmi nazzjonali għall-promozzjoni tas-suq tax-xogħol kif ukoll fil-programmi Ewropej għall-impjieg (taħriġ mill-ġdid u kwalifiki).

8.3

Is-suq tas-servizzi personali fi djar privati qed jikber. Għal xi nies, dan jista' jiffaċilita l-libertà ta' l-għażla fir-rigward tal-professjoni u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja f'soċjetà msejsa fuq id-diviżjoni ta' l-impjiegi. Ix-xogħol fid-dar huwa forma ta' xogħol li ftit li xejn għandu x'jaqsam mar-relazzjoni klassika bejn min jimpjega u l-impjegat. Hawnhekk jeħtieġ li jiġi eliminat l-impjieg mhux iddikjarat u li jinħolqu kundizzjonijiet adegwati sabiex jintlaħqu kuntratti tax-xogħol legali.

8.4

Il-KESE jirrakkomanda r-rikors għall-Fond Soċjali Ewropew biex jiġu ffinanzjati l-programmi ta' taħriġ, u anke biex issir enfasi fuq il-kwalità tal-postijiet tax-xogħol fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, biex jiġi evitat l-irtirar mill-ħajja tax-xogħol qabel iż-żmien u biex tittejjeb il-kwalità, il-flessibiltà u b'hekk l-effiċjenza wkoll ta' din il-katina ta' għajnuna. F'dawn l-isforzi għat-taħriġ għandhom ikunu inklużi wkoll dawk li jaħdmu b'mod volontarju.

8.5

Fil-kuntest tas-suq tax-xogħol Ewropew, l-għarfien bla dewmien u bla burokrazija tal-kwalifiki fit-taħriġ għandu jkun wieħed mill-objettivi.

8.6

Ix-xogħol fil-qasam tal-kura u l-assistenza, kemm mediċi kif ukoll mhux mediċi, huwa xogħol ta' stress fiżiku u psikiku. Għalhekk, it-tnaqqis tal-piż u l-mistrieħ ta' persuni li joffru l-assistenza jaqdu rwol importanti sabiex mhux biss tkun żgurata l-kwalità fl-assistenza, iżda wkoll il-personal ikun imħeġġeġ biex iżomm il-professjoni tiegħu. Il-periklu ta' stress f'dan il-qasam huwa għoli ħafna. Xogħol fil-qasam tal-kura u l-assistenza huwa xogħol li jitlob attenzjoni u konċentrazzjoni, li jeħtieġ kundizzjonijiet tax-xogħol mill-aqwa, u jistħoqqlu ħlas ġust u rikonoxximent soċjali.

8.7

Ix-xogħol fil-qasam tal-kura u l-assistenza jsir l-aktar min-nisa, u għalhekk għandu jkun inkluż fl-isforzi tal-promozzjoni tan-nisa u tal-gender mainstreaming fl-UE.

9.   Il-bilanċ bejn il-kura, il-familja u x-xogħol

9.1

Permezz ta' l-opinjoni dwar Il-familja u l-bidla demografika  (10), il-KESE analizza bir-reqqa l-bidla demografika fl-Unjoni Ewropea u l-konsegwenzi tagħha għall-familji. Il-bidla demografika se twassal sabiex fil-futur aktar persuni jkunu qed jaħdmu u fl-istess ħin jieħdu ħsieb il-kura ta' qrabat anzjani. Għaldaqstant, il-ħolqien ta' servizzi fil-qasam tal-kura għandu jkun ikkunsidrat fid-dawl tat-tnaqqis tal-piż minn fuq dawk il-qraba li joffru l-kura, u possibbilment tal-garanzija ta' bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u d-dmirijiet ta' assistenza.

9.2

L-imsieħba soċjali jistgħu jħeġġu l-iskambju ta' miżuri li jnaqqsu l-piż minn fuq il-qraba li jaħdmu u jridu joffru l-kura, u li diġà ġew ippruvati b'suċċess (11).

10.   Ix-xogħol ta' ospizju u mewta dinjituża

10.1

Il-konsiderazzjonijiet dwar il-mewt m'għandhomx jitħallew barra waqt id-diskussjoni dwar is-soċjetà anzjana. B'konformità mal-prinċipji tan-NU għall-anzjani, kull persuna għandha d-dritt li jkollha mewta dinjituża bl-aktar mod possibbli u li tkun ukoll f'armonija mas-sistemi ta' valuri kulturali rispettivi.

10.2

Il-KESE ħadem fuq dan is-suġġett fl-opinjoni tiegħu dwar Ix-xogħol ta' ospizju bħala eżempju għax-xogħol volontarju fl-Ewropa  (12). Hawnhekk għandha ssir referenza għas-suġġerimenti li saru dwar dan is-suġġett (13).

11.   Vjolenza fil-kura

11.1

Reċentament, il-KESE ttratta l-problema tat-trattament ħażin b'rabta mal-kura fid-djar u l-istituzzjonijiet speċjalizzati fl-opinjoni tiegħu dwar it-Trattament ħażin ta' l-anzjani  (14) u żviluppa wkoll suġġerimenti differenti li hawnhekk ukoll għandha ssir referenza għalihom.

12.   Skambju ta' esperjenzi permezz ta' koordinazzjoni miftuħa, proġetti ta' riċerka u attivitajiet addizzjonli

12.1

Fid-dawl tal-fatt li politika Komunitarja fil-qasam tal-kura fit-tul m'hijiex legalment possibbli, il-KESE jenfasizza li “l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni” huwa riżors ta' importanza straordinarja għas-sostenn ta' l-għanijiet ta' modernizzazzjoni u żvilupp tal-kura ta' kwalità għolja, aċċessibbli għal kulħadd u sostenibbli.

12.2

Il-KESE diġà ħabbar f'opinjoni preċedenti (15) liema suġġetti għandhom jiġu ttrattati b'aktar enfasi fl-analiżi u l-iskambju ta' esperjenza.

12.3

Il-KESE, fil-kuntest ta' l-opinjoni tagħha dwar il-Bżonn ta' riċerka fuq is-suġġett ta' bidla demografikakwalità tal-ħajja ta' persuni anzjani u ħtiġijiet teknoloġiċi  (16), inkluda b'mod estensiv il-ħtieġa tar-riċerka fl-oqsma tal-prevenzjoni u l-għażla tat-trattament, il-kwalifiki fl-impjiegi relatati mal-kura, is-servizzi tal-kura, is-soluzzjonijiet tekniċi kif ukoll l-għajnuna mill-qraba. Il-kwistjonijiet ta' riċerka li ġew indirizzati fl-opinjoni msemmija għadhom ukoll attwali bħat-talbiet li saru sabiex ikun hemm żvilupp tad-definizzjonijet koordinati għall-qasam tal-kura madwar l-Ewropa kollha.

12.4

Barra minn hekk, tinħtieġ l-organizzazzjoni ta' workshops, konferenzi u attivitajiet simili għall-promozzjoni ta' l-iskambju ta' esperjenzi fl-Ewropa u l-iżvilupp ta' strateġiji ta' azzjoni.

12.5

Flimkien ma' dan, għandha tkun xprunata wkoll il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD u l-WHO.

13.   Il-liġi Ewropea

13.1

Għalkemm il-qasam tal-kura fit-tul ma jaqax direttament taħt il-leġislazzjoni Ewropea, din tinfluwenzah b'mod konsiderevoli permezz ta' oqsma oħra li jaqgħu taħt il-leġislazzjoni Ewropea. Filwaqt li l-konsegwenzi tad-Direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern, speċjalment is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali, m'humiex ċari, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta tinterpreta l-libertà tal-provvista tas-servizzi b'mod strett (17). Il-fornituri tas-servizzi, l-impjegati tagħhom u nies li jirċievu l-kura fit-tul jistgħu jsibu lilhom innifishom f'sitwazzjonijiet ta' inċertezza legali għalkemm il-ħtieġa ta' dan it-tip ta' kura se tiżdied fil-pajjiżi kollha ta' l-UE. Se jkun hemm diskrepanzi konsiderevoli fil-provvista u l-ispiża bejn l-Istati Membri, li, ta' l-inqas fiż-żoni transkonfinali, jistgħu anke jirriżultaw f'żieda tal-fenomenu diġà stabbilit tat-turiżmu mediku u joħolqu problemi kbar għall-awtoritajiet lokali kkonċernati. Għalhekk, l-effetti fuq dan it-tip ta' kura għandhom ikunu kkunsidrati fl-iżvilupp ta' dawn l-oqsma tal-liġi.

13.2

Il-qasam tal-kura jinsab b'mod partikolari f'tensjoni bejn il-kompetizzjoni u l-garanzija ta' għajnuna. Għaldaqstant, dan għandu jiġi kkunsidrat fid-diskussjoni dwar is-servizzi transkonfinali, il-liġi tax-xogħol, u s-servizzi ta' interess ġenerali.

Brussell, it-13 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara r-rapport konġunt tal-Kummissjoni u l-Kunsill dwar l-Appoġġ għall-istrateġiji nazzjonali għall-ġejjieni tal-kura tas-saħħa u l-kura ġerjatrika, CS 7166/03, Marzu 2003.

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-13.12.2007 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-ReġjuniIl-Promozzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, Rapporteur: is-Sur Jahier (CESE 1711/2007 — SOC/277).

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE ta' l-14.2.2008 dwar is-Servizzi ta' interess ġenerali (rapporteur: is-Sur Hencks) (TEN/289).

(4)  Għall-promozzjoni tax-xogħol volontarju ara wkoll l-opinjoni tal-KESE tat-13.12.2006Attivitajiet volontarjiir-rwol tagħhom fil-Komunità Ewropea u l-impatti tagħhom, Rapporteur: is-Sinjura Koller (ĠU C 325 tat-30.12.2006)

(5)  Per eżempju: il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali ta' l-2007, Konferenza dwar il-kura fit-tul bi skambju ta' ideat u esperjenzi transatlantiċi, Brussell 2006, Konferenza dwar Il-kura fit-tul għall-anzjani, 2005 fost l-oħrajn.

(6)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-immodernizzar tal-ħarsien soċjali għall-iżvilupp ta' kura fis-saħħa ta' kwalità tajba, aċċessibbli u sostenibbli u ta' kura fit-tul: appoġġ għall-istrateġiji nazzjonali permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni ta' l-20.4.2004, COM(2004) 304, kif ukoll l-opinjoni tal-KESE tat-28.10.2004 dwar dan is-suġġett, Rapporteur: is-Sur Braghin (ĠU C 120 ta' l-20.5.2005).

(7)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Green Paper dwar Quddiem it-tibdiliet demografiċi, solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet, tas-16.3.2005, COM(2005) 94.

(8)  Ara l-opinjoni tal-KESE ta' l-4.3.2007 dwar Il-familja u l-bidla demografika, Rapporteur: is-Sur Buffetaut (ĠU C 161 13.7.2007).

(9)  Ara l-Programm ta' Azzjoni ta' l-Unjoni fil-Qasam tas-Saħħa 2008-2013.

(10)  Ara l-opinjoni esploratorja tal-KESE dwar Il-familja u l-bidla demografika ta' l-14.3.2007, Rapporteur: is-Sur Buffetaut (ĠU C 161 tat-13.7.2007).

(11)  Ara l-opinjoni esploratorja tal-KESE dwar Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata tal-11.7.2007, Rapporteur: is-Sur Clever (ĠU C 256 tas-27.10.2007).

(12)  Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Ix-xogħol ta' ospizju bħala eżempju ta' attivitajiet volontarji fl-Ewropa ta' l-20.3.2002, Rapporteur: is-Sinjura EULENBURG (ĠU C 125 tas-27.5.2002).

(13)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Ir-reazzjoni ta' l-Ewropa għall-popolazzjoni dinjija li qiegħda tixjieħProgress ekonomiku u soċjali f'dinja li qiegħda tixjieħ. Il-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għat-Tieni Assemblea Dinjija dwar ix-Xjuħija tat-18.3.2002, KUMM(2002) 143 finali.

(14)  Ara l-opinjoni esploratorja tal-KESE dwar it-Trattament ħażin ta' l-anzjani ta' l-24.10.2007, Rapporteur: is-Sinjura Heinisch (SOC/279 — ĠU C 44, 16.2.2008.

(15)  Idem 3.

(16)  Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Lejn is-Seventh Research Programme fir-Riċerka: Bżonn ta' riċerka fuq is-suġġett ta' bidla demografika — kwalità tal-ħajja ta' persuni anzjani u ħtiġijiet teknoloġiċi tal-15.9.2004, Rapporteur: is-Sinjura Heinisch (ĠU C 74 tat-23.3.2005).

(17)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-KE C-341/05 tat-18.12.2007 (Laval un Partneri Ltd vs. Svenska Byggnadsarbetareförbundet et alii).


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/110


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/40/KE rigward il-preskrizzjonijiet minimi tas-sigurtà u tas-saħħa relattivi għall-espożizzjoni ta' ħaddiema għar-riskji ġejjin minn aġenti fiżiċi (kampi elettro-manjetiċi) (it-tmintax-il Direttiva individwali skond it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

COM(2007) 669 finali — 2007/0230 (COD)

(2008/C 204/22)

Nhar il-21 ta' Novembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

“Proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/40/KE rigward il-preskrizzjonijiet minimi tas-sigurtà u tas-saħħa relattivi għall-espożizzjoni ta' ħaddiema għar-riskji ġejjin minn aġenti fiżiċi (kampi elettro-manjetiċi) (it-tmintax-il Direttiva individwali skond it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1), tad-Direttiva 89/391/KEE)”

Is-sezzjoni speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien Is-Sur Pater.

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar it-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'66 vot favur, vot kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li l-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema kontra l-effetti negattivi diretti u indiretti tal-kampi elettro-manjetiċi għandhom jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta' direttiva Ewropea kemm jista' jkun malajr. Madankollu, meta jqis l-argumenti li resqet il-Kummissjoni u dawk ippreżentati f'din l-opinjoni, il-KESE huwa favur il-proposti tal-Kummissjoni.

1.2

Il-problemi li jqumu sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/40/KE jiġu implimentati fil-prattika ma jissolvewx billi sempliċement tiġi posposta d-data tat-traspożizzjoni. Għalhekk il-KESE taqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jsir xogħol urġenti biex din id-direttiva titjib.

1.3

Il-KESE jenfasizza li l-fatt li d-data kurrenti għad-dħul fis-seħħ tad-direttiva ġiet posposta b'erba' snin u l-emendi ippjanati għall-kontenut tagħha ser jagħtu messaġġ ambigwu lill-ħaddiema u lil min iħaddimhom. Il-KESE għalhekk jistenna li l-Kummissjoni tieħu passi urġenti sabiex ittaffi l-effetti negattivi ta' din l-inċertezza fis-sistema legali ta' l-UE.

1.4

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis il-kummenti ddettaljati u l-proposti li hemm f'din l-opinjoni fil-ħidma futura tagħha.

2.   Sfond għall-opinjoni

2.1

L-iskop tal-proposta tal-Kummissjoni hu li tipposponi b'erba' snin, sat-30 ta' April 2012, il-perjodu ta' traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE dwar il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fir-rigward ta' l-espożizzjoni ta' ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettro-manjetiċi).

2.2

Il-ġustifikazzjoni prinċipali għall-proposta tal-Kummissjoni hija l-preokkupazzjoni li l-valuri limiti ta' espożizzjoni għall-ħaddiema stabbiliti mid-direttiva jistgħu jżommu l-iżvilupp tad-dijanjożi medika bl-użu ta' immaġini b'riżonanza manjetika (MRI). Il-Kummissjoni tixtieq ukoll li jkollha aktar żmien biex tagħmel valutazzjoni ddettaljata fuq l-effetti tad-direttiva fuq is-sigurtà ta' kategoriji oħra ta' ħaddiema u l-iżvilupp ta' setturi oħra ta' l-ekonomija li jużaw il-kampi elettro-manjetiċi.

2.3

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni ħabbret li ser tipproponi xi tibdil fid-Direttiva 2004/40/KE b'rabta mal-pubblikazzjoni skedata fl-2008 u l-2009 tar-riżultati tar-riċerka xjentifika ġdida, inkluż ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-ICNIRP (1) u d-WHO (2), li l-Kummissjoni qed tistenna ser jipproponu valuri limitu ta' espożizzjoni differenti minn dawk li bħalissa hemm stipulati fid-Direttiva.

2.4

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għadha ma ġietx diskussa f'opinjoni mill-imsieħba soċjali Ewropej.

2.5

Il-proposta li temenda d-Direttiva 2004/40/KE hija t-tmintax-il Direttiva individwali skond it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1), tad-Direttiva 89/391/KEE; hija tirrigwarda l-ħarsien tal-kategoriji kollha tal-ħaddiema mir-riskji ġejjin mill-espożizzjoni għall-kampi elettro-manjetiċi fil-post tax-xogħol (3). L-abbozz ta' Direttiva (4) oriġinali ma kienx ġie sottopost għal opinjoni min-naħa tal-KESE, peress li l-opinjoni tal-KESE ta' l-1993 (5) dwar id-direttivi relatati ma' l-erba' aġenti fiżiċi fuq il-post tax-xogħol kienet meqjusa bħala biżżejjed għal dan l-iskop.

2.6

Il-ħarsien mill-espożizzjoni eċċessiva għall-kampi elettro-manjettiċi bħalissa tvarja ħafna fost l-Istati Membri — seba' pajjiżi diġà infurmaw lill-Kummissjoni li lestew l-implimentazzjoni tad-direttivi fil-liġijiet tagħhom (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Islovakkja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja u l-Italja (6)); f'pajjiżi oħra, dispożizzjonijiet oħra, għadhom japplikaw (l-Isvezja, il-Finlandja, il-Polonja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, ir-Renju Unit, Franza eċċ.); fl-aħħar hemm xi pajjiżi li m'għandhom l-ebda dispożizzjoni f'dan il-qasam (7).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Meta wieħed iqis id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas 89/391/KE u d-data xjentifika estensiva li hija disponibbli, jidher biċ-ċar li dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu koperti minn direttiva Ewropea ħalli jiġi żgurat il-ħarsien adegwat tas-saħħa tal-ħaddiema, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-ommijiet potenzjali mill-effetti negattivi diretti u indiretti tal-kampi elettromanjetiċi u sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet professjonali tagħhom b'mod korrett.

3.2

Madankollu, meta jqis l-argumenti li ressqet il-Kummissjoni u dawk ippreżentati f'din l-opinjoni, il-KESE huwa favur il-proposta tal-Kummissjoni.

3.3

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn urġenti li d-Direttiva tiġi mtejba sabiex tiżgura l-implimentazzjoni fil-prattika tad-dispożizzjonijiet mid-Direttiva. Il-KESE jemmen li d-Direttiva mtejba għandha tieħu aproċċ aktar sofistikat lejn il-kwistjoni tal-ħarsien mir-riskju ta' espożizzjoni għal kampi elettro-manjetiċi, u tqis il-kummenti ddettaljati li ġew żviluppati hawn taħt.

3.4

Il-Kumitat jinnota b'dispjaċir li l-Kummissjoni Ewropea, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, ittardjat d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta' direttiva obbligatorja dwar preskrizzjonijiet minimi tas-sigurtà tal-ħaddiema u l-ħelsien tagħhom minn riskji fuq il-post tax-xogħol.

3.5

It-tħabbira min-naħa tal-Kummissjoni li hemm bżonn ta' tibdil fil-kontenut tad-direttiva u t-talba tagħha lill-Istati Membri sabiex iwaqqfu t-traspożizzjoni (8), effettivament tfisser li d-Direttiva fil-forma kurrenti tagħha qed tiġi rtirata. Iżda formalment, dak kollu li jkun qed jiġri jkun li tiġi posposta d-data tad-dħul fis-seħħ. Dan ser iwassal għal inkonsistenzi legali, peress li l-partijiet kollha kkonċernati ser jirċievu messaġġi konfliġġenti dwar l-ambitu ta' l-azzjoni meħtieġa sabiex tillimita l-espożizzjoni tal-ħaddiema Ewropej mill-kampi elettro-manjetiċi. Il-KESE għalhekk jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti regoli konsistenti kemm jista' jkun malajr.

3.6

L-analiżi tad-Direttiva 2004/40/KE implimentati f'diversi Stati Membri. li saret bi tħejjija għat-traspożizzjoni tad-direttiva, wriet numru ta' nuqqasijiet li kienu jagħmlu t-traspożizzjoni tagħha partikolarment diffiċli. Il-Kumitat jafda li l-abbozz tal-verżjoni mtejba tad-direttiva, li l-Kummissjoni tittama li tkun lesta fl-2009, tiġi sottomessa għall-opinjoni tal-Kumitat u li kwalunkwe kumment li jagħmel jiġi kkunsidrat serjament.

3.7

Il-Kumitat jinnota li livelli kurrenti ta' ħarsien għall-ħaddiema mir-riskji ta' espożizzjoni għall-kampi elettro-manjetiċi jvarjaw bejn l-Istati Membri individwali.Il-preparazzjoni urġenti ta' test imtejjeb għad-direttiva, li jipprovdi lill-ħaddiema kollha b'livell xieraq ta' sigurtà waqt li jkunu esposti għall-kampi elettromanjetiċi, għandha tiġi trattata bħala kwistjoni prijoritarja.

4.   Kummenti Speċifiċi

4.1

Ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni pposponiet id-data ta' l-għeluq għat-traspożizzjoni tad-direttiva jidhru li huma xi ftit sbilanċjati u jiffukaw biss fuq grupp żgħir ħafna ta' ħaddiema (diversi mijjiet ta' individwi madwar l-Ewropa) li huma esposti b'mod partikolari għal riskji ta' dan it-tip, jiġifieri, impjegati li joperaw t-tagħmir ta' l-MRI. Madankollu, il-ġustifikazzjoni ma tqisx l-effetti li jseħħu meta tiġi posposta azzjoni biex jiġu protetti impjegati, li jiffurmaw parti minn grupp ta' ħaddiema li huwa ħafna akbar, mill-impatt ta' sorsi ta' kampi elettro-manjetiċi użati f'diversi setturi ekonomiċi (weldjar, tagħmir ta' l-elettroliżi, emittenti bl-antenni, installazzjonijiet tad-dawl eċċ.) li ta' l-anqas jgħoddu diversi miljuni madwar l-Ewropa.

4.2

Il-KESE jenfasizza li l-posponiment ta' l-iskadenza tat-traspożizzjoni waħdu mhux ser isolvi l-problemi li ġew identifikati riċentement, li huma relatati ma' definizzjonijiet impreċiżi. Dan ikun meħtieġ biex tinħoloq sitwazzjoni ekwa għaż-żewġ naħat ta' l-industrija.

4.3

Il-KESE jemmen li huwa importanti li r-regoli li jiġu stabbiliti jkollhom bażi xjentifika soda. L-istorja tar-riċerka xjentifika fl-effetti ta' l-espożizzjoni tal-kampi elettro-manjetiċi tmur lura għan-nofs is-seklu 20, u tagħti sfond li huwa stabbilit tajjeb għal-limiti minimi ta' espożizzjoni għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-adozzjoni tad-direttivi mtejba għandha sseħħ mhux aktar tard mill-erba' snin proposti mill-Kummissjoni.

4.4

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha turi sens akbar ta' inizjattiva u indipendenza billi attivament toħloq politika ta' ħarsien għall-ħaddiema kontra espożizzjoni eċċessiva għall-kampi elettro-manjetiċi fil-post tax-xogħol (partikolarment, peress li l-popolazzjoni ġenerali bħalissa hija koperta minn dan il-ħarsien taħt ir-Rakkomandazzjoni 519/1999 (9))u xi pajjiżi diġà ħolqu sistemi legali għall-ħarsien tal-ħaddiema kontra l-espożizzjoni għall-kampi elettromanjetiċi

4.5

Il-Kumitat jemmen li, permezz ta' konsultazzjoni madwar l-Ewropa kollha ta' esperti xjentifiċi u legali u l-istituzzjonijiet mis-27 Stat Membru kollha il-Kummissjoni tkun tista' tagħmel użu aktar effettiv ta' l-esperjenza prattika tagħhom u tqis id-diversi soluzzjonijiet leġislattivi speċifiċi adottati fir-reġjuni varji sabiex issolvi problemi identifikati riċentement li issa qed iżommu t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva 2004/40/KE.

4.6

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni, hekk kif għamel fl-opinjoni tiegħu ta' l-1993 (10) sabiex tagħmel riċerka ħalli tidentifika r-riskji għas-saħħa tal-ħaddiema minħabba fil-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol bħall-espożizzjoni għall-kampi manjetiċi statiċi jew il-kampi elettro-majetiċi ta' frekewenza intermedjarja (inkluż l-espożizzjoni fuq medda ta' snin).

4.7

Meta wieħed iqis it-titjib fid-Direttiva 2004/40/KE mħabbra mill-Kummissjoni u s-sejħa, li diġà saret referenza għaliha, lill-Istati Membri sabiex iwaqqfu kull ħidma fuq it-traspożizzjoni formali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fis-sistema legali nazzjonali, ma għandha tiġi ppubblikata l-ebda informazzjoni fl-istandards tas-CENELEC (11) dwar “l-armonizzazzjoni tagħhom mad-Direttiva 2004/40/KE” sakemm jitfassal it-test imtejjeb tad-direttiva. Dan għandu jagħmilha possibbli li jinżamm livell xieraq ta' konsistenza fi ħdan is-sistema legali ta' l-UE.

4.8

Peress li l-proċess li biħ il-kundizzjonijiet ta' l-espożizzjoni tal-ħaddiema jsir konformi mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva jista', f'ċerti każi, jinvolvi proċeduri tekniċi importanti (inkluż it-tibdil ta' tagħmir), l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva fin-negozji trid, sa ċertu punt, tqis fatturi ekonomiċi. F'dan il-kuntest, ta' min wieħed jeżamina l-esperjenzi tal-passat fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva tat-tagħmir tax-xogħol (12), li inkludiet perjodu adegwat għall-adattar ta' l-istazzjonijiet tax-xogħol għar-rekwiżiti żviluppati fid-direttiva.

4.9

Mill-perspettiva ta' min iħaddem, huwa partikolarment importanti li jiddaħħlu d-dispożizzjonijiet marbuta ma' tagħmir ġdid l-ewwel għaliex l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet tekniċi li jnaqqsu jew kompletament jeliminaw ir-riskju għall-ħaddiema hija l-aktar metodu irħis u effettiv għall-produtturi. Il-KESE jenfasizza li din it-tip ta' azzjoni tipproteġi wkoll lil dawk in-nies li jużaw dan it-tagħmir għal attività ekonomika indipendenti u li m'humiex formalment koperti mill-ħarsien li jiġi mid-direttiva dwar il-ħarsien ta' l-impjegati (per eżempju waqt xogħol ta' weldjar f'ditti ta' artiġjanat familjari jew f'xogħol ta' l-agrikoltura).

4.10

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet għall-produtturi u dawk li jipprovdu d-dokumentazzjoni dwar in-natura u l-firxa tal-kampi elettro-manjetiċi prodotti minn apparat varju, fil-futur, ser jagħmluha possibbli li jonqsu l-ispejjeż b'mod sinifikanti minħabba fil-valutazzjoni tax-xogħol marbut mar-riskji ta' l-espożizzjoni għall-kampi elettro-manjetiċi. Fil-preżent, l-assenza ta' kwalunkwe regolament effettiv fil-livell Ewropew tfisser li dokumentazzjoni ta' din it-tip ta' tiġix provduta. Dan huwa ta' piż partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li ma tantx ikunu jistgħu jifilħu għall-ispejjeż ta' valutazzjoni tar-riskju professjonali.

4.11

L-aċċess għad-dokumentazzjoni adattata tal-produtturi tippermetti lit-trejdjunjonisti jew lill-kumpaniji ta' l-assikurazzjoni li jiżviluppaw attivitajiet varji mmirati li jħarsu lill min iħaddem, irrispettivament mill-iskadenza ta' l-implimentazzjoni tad-direttiva u d-dispożizzjonijiet futuri tagħha (skond il-prattika li tiġi rakkomandata universalment li wieħed jevita riskji mhux meħtieġa, fejn possibbli).

4.12

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu għaliex il-fatt li l-iskadenza tat-traspożizzjoni ġiet posposta jista' jwassal b'mod dirett sabiex fil-futur ikompli jidħol apparat fil-postijiet tax-xogħol mingħajr dokumentazzjoni dwar ir-riskji marbuta ma' l-użu jew it-tiswija tiegħu.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ICNIRP — International Commission on Non-Ionizing Radiation Protection (Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien mir-raġġi mhux jonizzanti).

(2)  WHO — L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

(3)  Sorsi ta' kampijiet elettro-manjetiċi li huma ġeneralment preżenti f'oqsma varji jinklud: tagħmir industrijali elettrotermiku (induction heaters u stufi) siġillanti dielettriċi u bir-reżistenza, tagħmir tal-welding, apparat ta' l-elettroliżi, tagħmir bid-dawl għall-industrija u l-agrikoltura, trasmettituri tar-radju u tat-televiżjoni, tagħmir tat-telekomunikazzjoni wireless, inkluż l-istazzjonijiet ta' bażi tan-netwerk tat-telefonija ċellulari, apparat tar-radar, tagħmir mediku ta' dijanjożi u terapija għall-użu f'oqsma bħall-elettrokirurġija (electrosurgery), dijatermija fiżjoterapewtika (physiotherapeutic diathermy), tomografija b'reżonanza manjetika (magnetic resonance tomography), stimulazzjoni manjetika trans-kranjali (trans-cranial magnetic stimulation) eċċ.

(4)  Direttiva tal-Kunsill dwar il-preskrizzjonijiet minimi tas-sigurtà u tas-saħħa relattivi għall-espożizzjoni ta' ħaddiema għar-riskji ġejjin minn aġenti fiżiċi — Ġ.U. Nru C 77, 18.3. 1993, p.77

(5)  Opinjoni dwar il-proposta għad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-preskrizzjonijiet minimi tas-sigurtà u tas-saħħa relattivi għall-espożizzjoni ta' ħaddiema għar-riskji ġejjin minn aġenti fiżiċi — Ġ.U. Nru C 249, 13.9. 1993, p.28

(6)  Ibbażat fuq informazzjoni minn DĠ Empl.

(7)  Ibbażat fuq informazzjoni mis-Sit tad-WHO — http://www.who.int/docstore/peh-emf/EMFStandards/who-0102/Worldmap5.htm

(8)  IP/07/1610 tas-26.10.2007

(9)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta' Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni ta' espożizzjoni tal-pubbliku ġenerali għall-kampi elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz) (ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59).

(10)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-proposta għad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-preskrizzjonijiet minimi tas-sigurtà u tas-saħħa relattivi għall-espożizzjoni ta' ħaddiema għar-riskji ġejjin minn aġenti fiżiċi (Ġ.U. C 249, 13.9.1993 pġ.98.

(11)  CENELEC — Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika

(12)  Direttiva tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1989 dwar il-preskrizzjonijiet minimi tas-siġurtà u tas-saħħa għall-użu ta' tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tieni Direttiva individwali skond it-tifsira ta' l-Artikolu 16(1), tad-Direttiva 89/391/KEE), kif emendata 95/63/KE u 2001/45/KE.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/113


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-riforma fil-baġit ta' l-UE u l-finanzjament tiegħu fil-futur

(2008/C 204/23)

Nhar il-25 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-artikolu 29(2) tar-Regolament intern li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Ir-riforma fil-baġit ta' l-UE u l-finanzjament tiegħu fil-futur (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja, Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett ifformulat l-opinjoni tagħha nhar il-20 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Florio.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t 13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'113-il vot favur, 18-il vot kontra u 15-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fid-dawl tal-bidliet radikali li seħħu matul dawn l-aħħar deċenni, l-Unjoni Ewropea qed terġa' tniedi aġenda politika li fost il-prijoritajiet politiċi għandha l-bidla fil-klima, l-enerġija, u l-immigrazzjoni: problemi ġodda li għandhom bżonn risposta ta' malajr. Għalhekk il-KESE iqis li għandu jipparteċipa fid-diskussjoni miftuħa mill-Kummissjoni dwar il-politiki tal-baġit, li huwa l-istrument fundamentali sabiex jiġu affrontati dawn l-isfidi.

1.2

Ir-reviżjoni tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropeja trid tiġi kkontestwalizzata fil-perijodu delikat tat-traspożizzjoni tat-Trattat ta' Lisbona u marbuta direttament mad-dibattitu dwar il-politiki ta' koeżjoni, ir-riċerka u l-“istat tas-saħħa” tal-PAK. Fi żmien qasir ser isiru l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u ser titwaqqaf Kummissjoni ġdida. Għal din ir-raġuni il-KESE jenfasizza d-diffikultà li jsir dibattitu tant importanti fi żmien ta' bidla f'żewġ istituzzjonijiet importanti. Barra minn hekk, il-KESE jawgura li l-gvernijiet tas-27 pajjiż ta' l-Unjoni jkunu disposti li jiffaċċjaw għażliet strateġiċi mingħajr reżistenza. Jistieden lill-Kummissjoni ukoll sabiex tiċċara b'liema mezzi beħsieba tkompli l-konsultazzjoni.

1.3

It-tfassil tal-politiki tal-baġit ma jistax isir mingħajr l-għażla fundamentali bejn il-federaliżmu jew is-sistema intergovernattiva. Huwa ċar li l-grad ta' progress fl-integrazzjoni Ewropea jitkejjel ukoll fuq il-bażi ta' kif jiġi ffinanzjat il-baġit.

1.4

Qabel ma ssir analiżi dwar liema riżorsi eknomiċi huma meħtieġa u kif ser jinġabru, ser ikun hemm bżonn li tiġi vvalutata l-attwalità tal-politiki Komunitarji, b'mod partikolari dawk li għandhom storja twila u li, anke jekk taw riżultati pożittivi għall-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku, għandhom jiġu adattati u msaħħa sabiex jirrispondu għall-isfidi l-ġodda. B'mod kuraġġuż trid terġa' ssir analiżi approfondita dwar il-fondi strutturali, il-fondi ta' koeżjoni, il-politiki reġjonali eċċ... sabiex jiġi studjat b'mod partikolari, l-impatt u l-effettività tagħhom fil-pajjiżi l-ġodda li ngħaqdu, fid-dawl tar-“Raba' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali” (COM(2007) 273 finali), li dwaru l-KESE fassal opinjoni reċentement (1).

1.5

Ir-reviżjoni trid tiġi ispirata mill-prinċipji li fuqhom tibbaża l-integrazzjoni Ewropea li tibda mill-idea ta' żvilupp sostenibbli: is-solidarjetà, il-proporzjonalità, il-paċi, il-prosperità, il-libertà, is-sikurezza, il-ġid kollettiv u mifrux, l-ekwità u r-ridistribuzzjoni. Il-qafas ta' riferiment ta' kull proposta dwar il-prospetti finanzjari tal-futur irid ikun risposta effettiva għar-riskji gravi marbuta mal-bidliet fil-klima. Fl-istess waqt, għandu jsir sforz kbir fid-direzzjoni ta' aktar informazzjoni dwar it-trasparenza u ċ-ċarezza fil-mezzi li bihom jinġabru u jintefqu l-kontribuzzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej, dan huwa indispensabbli anke sabiex tingħata risposta lill-Ewroxettiċiżmu.

1.6

Hemm bżonn li ssir analiżi dwar il-possibbiltà li jiġu ssuperati b'mod definittiv it-tnaqqis, il-prerogattivi u d-derogi li jikkaratterizzaw il-baġit attwali: ir-reviżjoni trid tagħmel pass 'il quddiem importanti fejn jidħlu dawn id-dispożizzjonijiet li m'humiex koerenti ma' l-ispirtu ta' solidarjetà ta' l-integrazzjoni Ewropea.

1.7

Il-KESE iqis li l-iffinanzjar tal-baġit Komunitarju jrid jiġi vvalutat mill-ġdid fid-dawl ta' l-artikolu 269 tat-Trattat (2) B'kunsiderazzjoni ta' l-għażliet varji ta' riforma, il-Kumitat jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni li tingħażel trid tiġi attwata b'mod gradwali. Hemm bżonn li ssir tfittxija għal kunsens wiesa' mal-parlamenti nazzjonali u l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, fuq kollox irid jiġi pprivileġġjat il-prinċipju tal-kapaċità fiskali ta' kull Stat Membru, filwaqt li jitqies ukoll il-volum li kiber ta' l-objettivi ta' l-ispiża. Dwar dan, il-KESE jisħaq fuq il-pożizzjoni li diġà ħa fl-opinjoni preċedenti “Sfidi u mezzi finanzjarji ta' l-Unjoni wara t-tkabbir 2007-2013” (3).

1.8

Fid-dawl tal-fenomenu tar-rinazzjonalizzazzjoni mifruxa tal-politiki, il-fażi ta' l-implimentazzjoni tal-baġit issir aktar delikata fejn tidħol ir-relazzjoni bejn l-istituzzjonijiet komunitarji u ċ-ċittadini kif ukoll il-perċezzjoni li dawn għandhom ta' l-azzjoni Komunitarja. Responsabbiltà aktar maqsuma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit huwa element importanti anke fil-parteċipazzjoni tal-parteċipanti ekonomiċi u soċjali kollha (kif stabbilit mill-Artikolu l-ġdid 274 tat-Trattat ta' Lisbona). Il-KESE jqis li l-istrateġiji fit-tul iridu jseħħu b'kontinwità finanzjarja, filwaqt li jista' jirriżulta li jkun hemm bżonn ta' ċertu flessibbiltà fil-każ ta' reazzjoni mgħaġġla jew ċirkustanzi li jkunu nbiddlu.

1.9

Jidher li l-prinċipju tal-parteċipazzjoni u l-kontribuzzjoni li huwa fil-bażi tas-sistemi fiskali ta' ħafna pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, ibbażat fuq l-ekwità u r-ridistribuzzjoni, huwa dak li l-aktar li wera effikaċja u effiċjenza.

1.10

Is-suġġetti kollha interessati, f'kull livell, mill-gvernijiet nazzjonali saċ-ċittadini individwalment, huma responsabbli mill-fondi Komunitarji u benefiċċjarji tagħhom.

1.11

Sabiex wieħed ikun jista' jadatta aħjar il-politiki l-ġodda u dawk qodma għall-isfidi internazzjonali u għalhekk ikun jista' jeżamina aħjar il-volum ta' riżorsi meħtieġa, hemm bżonn li tissaħħaħ is-sistema kollha ta' valutazzjoni ex ante ed ex post. Hemm bżonn li tiġi żgurata l-indipendenza u t-trasparenza tal-korp li jivvaluta.

1.12

Fil-valutazzjoni hemm bżonn li titqies l-effettività u l-interazzjoni tas-sistemi differenti ta' nefqa pubblika: Komunitarja, nazzjonali u reġjonali u barra minn hekk tal-possibbiltà li, fil-proċess, jinteraġixxu aktar interlokuturi (Bank Ewropew għall-investimenti, sħubijiet pubbliċi-privati, eċċ.).

1.13

Hemm bżonn li tiġi ggarantita l-koerenza bl-istrumenti tal-politika macro-ekonomika: per eżempju, il-patt ta' stabbiltà u tkabbir jipprovdi kriterji iebsin dwar l-istabbiltà, iżda ma jgħid kważi xejn dwar it-tkabbir u għalhekk l-investimenti pubbliċi. Barra minn hekk hemm bżonn li titjieb il-koordinazzjoni tal-politiki tal-baġit nazzjonali.

1.14

Tul dawn l-aħħar snin seħħew fenomeni ġodda ekonomiċi u finanzjarji fuq livell globali: il-kompetizzjoni bejn is-swieq u r-riskju għall-impjiegi fl-Unjoni Ewropea huma akbar. Fondi bħal dak ta' adattament għall-globalizzazzjoni huma eżempju ta' strumenti meħtieġa iżda mhux suffiċjenti biex jiġu affrontati dan it-tip ta' fenomenu.

2.   Sfond

2.1

Bil-Komunikazzjoni SEC(2007) 1188 finali, il-Kummissjoni Ewropea nidiet konsultazzjoni pubblika tal-partijiet kollha interessati fid-dawl tar-reviżjoni tal-baġit 2008-2009. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' din l-ewwel konsultazzjoni, li ser tikkonkludi fil-15 ta' April 2008, il-Kummissjoni ser tippreżenta, probabbilment lejn l-aħħar ta' l-2008 jew fil-bidu ta' l-2009, test (għadu mhux ċar jekk hux ser ikun white paper) li ser jippreżenta l-proposta biex tivvaluta, tirrevedi u tbiddel is-sistema tar-riżorsi ta' l-UE u l-iffinanzjar u n-nefqa ta' l-attivitajiet Komunitarji.

2.2

Wara l-iskadenza tal-konsultazzjoni, prevista fil-15 ta' April 2008, il-konklużjonijiet ser ikunu ppreżentati mill-Kummissjoni waqt konferenza (27 ta' Mejju 2008). Għall-aħħar ta' l-2008, il-bidu ta' l-2009, il-Kummissjoni ser tippreżenta dokument ġdid ta' reviżjoni, filwaqt li l-proposta konkreta ser tiġi ppreżentata fit-tielet u l-aħħar fażi (2010-2011).

2.3

Il-KESE għandu r-responsabbiltà u l-opportunità li jagħti r-risposta tiegħu għall-mistoqsijiet mressqa mill-konsultazzjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll li jesprimi lilu nnifsu dwar il-proposti konkreti li interlokuturi oħra istituzzjonali resqu għar-riforma tas-sistema baġitarja ta' l-UE.

2.4

Il-ħtieġa ta' riforma serja tal-baġit Ewropew hija fundamentali u ta' importanza primarja mhux biss biex jiġi żgurat tħaddim li jkun ekwu u trasparenti ta' l-Unjoni, u tal-politiki tagħha, iżda wkoll sabiex tiġi megħluba l-kriżi istituzzjonali li dehret reċentement u jiġi sfruttat bl-aħjar mod ir-riżultat li nkiseb bit-Trattat ta' Lisbona.

3.   L-istorja tal-baġit ta' l-UE fil-qosor

3.1

Il-baġit ta' l-Unjoni Ewropea għandu jitqies bħala strument fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi politiki ta' l-Unjoni. Minkejja l-fatt li f'termini assoluti l-piż tiegħu huwa impressjonanti, f'termini perċentwali l-baġit ta' l-UE huwa modest u f'dawn l-aħħar snin, minkejja t-tkabbir għal 27 pajjiż, naqas b'mod kostanti (4)

3.2

Xi politiki ta' l-Unjoni Ewropea, bħal per eżempju l-politika ta' koeżjoni, għandhom bżonn ta' sostenn finanzjarju sabiex jitwettqu filwaqt li politiki oħra, bħall-politika tal-konkorrenza, jużaw strumenti differenti sabiex jilħqu l-iskopijiet tagħhom. Għalhekk, l-iffinanzjar u t-tħaddim tal-baġit irid isir b'mod li jippermetti li jintlaħqu l-objettivi tal-politiki li għandhom il-bażi fundamentali tagħhom proprju fil-baġit.

3.3

Sa mill-bidu tiegħu, il-baġit ta' l-UE ġie mibdul u trasformat b'mod li segwa l-passi ta' l-integrazzjoni Ewropea, is-suq uniku, t-tkabbir u, b'mod partikolari, it-twessigħ tal-firxa tal-politiki ta' l-Unjoni Ewropea. Parti importanti tal-baġit ġiet tradizzjonalment ddedikata lil numru relattivament limitat ta' politiki, iżda l-objettivi politiċi segwiti, ukoll inbiddlu u evolvew u dan jiġġustifika r-reviżjoni tal-baġit.

3.4

Il-Komunità Ewropea tal-faħam u ta' l-azzar (KEFA), mwaqqfa fl-1952, ġiet iffinanzjata minn sistema ta' riżorsi proprji li ġew minn kwota fissa fuq kull tunnellata ta' azzar prodott, li l-intrapriżi tal-faħam u l-azzar kienu jħallsu direttament fil-kaxxa tal-Komunità. Fuq il-bażi tal-prinċipju tas-solidarjetà u biex tiġi ggarantita l-indipendenza minn pretensjonijiet nazzjonali, it-Tratta KE saħaq li “Salv kull dħul ieħor, l-estimi għandhom ikunu ffinanzjati kompletament minn riżorsi proprji” (artikolu 269).

3.5

Sistema ġenwina ta' finanzjar permezz tar-riżorsi proprji, li jiġu definiti bħala dħul li jingħata b'mod definittiv lill-Komunità sabiex tiffinanzja l-baġit u li huwa tagħha bi dritt mingħajr bżonn ta' xi deċiżjoni oħra ta' l-Istati Membri, daħlet fis-seħħ bid-deċiżjoni tal-21 ta' April 1970 tal-Kunsill Ewropew ta' Lussemburgu. Sal-lum, il-qafas finanzjarju huwa magħmul minn riżorsi proprji magħmula minn drittijiet agrikoli u dazji tad-dwana li jinġabru fuq l-importazzjonijiet mill-fruntieri esterni, ir-rata miġbura fuq il-bażi taxxabbli armonizzata fuq il-valur miżjud (VAT) u rata oħra fuq id-dħul gross nazzjonali (DGN), li tinġabar jekk u meta l-ewwel tliet riżorsi ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-impenji finanzjarji li tieħu l-Komunità.

3.6

Il-kalkolu tar-riżorsa tar-rata fuq il-VAT, bbażat fuq perċentwali medju kkalkulat fuq it-total nett tad-dħul (l-hekk imsejjah “metodu tad-dħul”) ittrasforma r-riżorsa tal-VAT minn riżorsa “proprja” għal strument statistiku li jistabbilixxi l-kontribut ta' kull Stat Membru u b'hekk tbiegħed mill-ispirtu li bih iddaħħal.

3.7

Matul is-snin is-sorsi tar-riżorsi proprji għaddew min rivoluzzjoni kbira. Skond l-istess informazzjoni tal-Kummissjoni fid-dokument ta' konsultazzjoni (5), jekk fl-1988 ir-riżors bbażat fuq id-dħul gross nazzjonali kien jirrappreżenta perċentwali ta' inqas minn 11 %, meta mqabbla mat-28 % li nġabru mid-dazji tad-dwana u d-drittijiet agrikoli u s-57 % li jiġu mill-VAT, fl-2013 huwa previst li r-riżors mid-dħul gross nazzjonali jilħaq l-74 % tad-dħul tal-baġit, filwaqt li d-dazji tad-dwana u d-drittijiet agrikoli ser jilħqu t-13 % u r-riżors bbażat fuq it-taxxa tal-VAT 12 %.

3.8

Dan ifisser li l-maġġoranza tar-riżorsi li jiġu attribwiti lill-Unjoni Ewropea diġà joriġinaw u iktar ser ikomplu joriġinaw fil-futur qrib, mill-baġits ta' l-Istati Membri individwali fejn xi drabi jidhru bħala “entrata ta' spiża”. Biżżejjed li wieħed jaħseb li fl-2013 ir-riżorsi proprji bħala tali ser jonqsu għal 12 %, u b'hekk l-iffinanzjar tal-baġit ser ikun ikkaratterizzat minn distakk komplut kemm mill-ittra kif ukoll mill-ispirtu tat-Trattat.

3.9

Anke l-istruttura ta' l-ispiża tal-baġit, barra mis-sorsi ta' l-iffinanzjar tiegħu, inbidlet b'mod notevoli tul iż-żmien. Il-ħlasijiet iddestinati għall-politika agrikola komuni (PAK), per eżempju, laħqet quċċata ta' 70.8 % fl-1985 u fl-1988 u mbagħad waqfu fil-livell ta' 60 % ta' l-ispiża totali; fl-2013 l-ispejjeż għall-PAK ser ikunu mnaqqsa kważi bin-nofs sabiex jilħqu t-32 %. Il-politika tal-koeżjoni, min-naħa l-oħra, rat xejra opposta, jekk fl-1965 il-kwota ta' l-ispiża li setgħet tiġi attribwita kienet biss ta' 6 %, fl-1985 din telgħet għal 10.8 % u fl-1988 17.2 %, fl-2013 ser jirrappreżenta 35.7 % tal-baġit ta' l-UE. Fir-reviżjoni prevista tal-PAK hemm bżonn li wieħed iqis mhux biss l-appoġġ għall-agrikoltura, iżda wkoll il-benefiċċji speċjalment, f'termini ta' kwalità u kontroll, li din assigurat liċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

3.10

B'mod partikolari, mit-Trattat ta' Maastricht 'il quddiem, wieħed jinnota problema ta' koerenza: ġew attribwiti lill-Unjoni Ewropea kompetenzi ġodda u bil-mod il-mod ġew iddikjarati objettivi ġodda (per eżempju, riċentement, l-impenn dwar il-kwistjonijiet ambjentali), iżda dan ma kellux konsegwenzi fuq id-daqs tal-baġit ta' l-UE, li fundamentalment baqa' l-istess.

3.11

Jeżistu serje ta' strumenti fosthom, per eżempju, “il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni” li ddaħħal reċentement li ma jidħlux fil-baġit: dawn m'humiex koperti finanzjarjament b'xi mod speċifiku, iżda t-tħaddim tagħhom u l-użu sussegwenti tagħhom jiddependi mill-bilanċ pożittiv tal-punti l-oħra ta' spiża u fondi oħra Komunitarji li jinħelsu. Dan il-mekkaniżmu, fil-prattika, jagħti importanza minuri lil dawn l-istrumenti u finanzjament u tħaddim li fil-fatti huma residwi.

3.12

Elementi oħra, bħad-dħul ta' l-hekk imsejħa “eċċezzjoni Brittannika” fl-1985, li mbagħad ġiet estiża għal Stati Membri oħra ukoll u d-derogi numerużi u l-iskwilibriji li jwasslu għall-inkomprensibbiltà u n-nuqqas ta' trasparenza tal-baġit, jikkontribwixxu sabiex ir-reviżjoni tiegħu u tal-mod ta' kif jitħaddem u jiġi ffinanzjat issir aktar urġenti u ta' ħtieġa assoluta.

4.   Ħtieġa ta' reviżjoni tal-baġit għal Unjoni Ewropea lesta għall-isfidi futuri

4.1

Il-KESE jqis li l-presupposti ta' baġit ta' realtà li hi unika fid-dinja bħall-Unjoni Ewropea jridu jikkorrispondu mal-prinċipji fundamentali ta' l-integrazzjoni Ewropea li jispiraw it-Trattati, speċjalment dawk tat-twaqqif. L-objettivi ta' paċi, prosperità, libertà, sikurezza, ġid kollettiv u mifrux, ekwità u ridistribuzzjoni jridu jkunu l-punt ta' riferiment prinċipali fil-mument li jridu jittieħdu d-deċiżjonjiet. Il-konsiderazzjoni ta' sfidi bħall-bidla fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u s-sostenibbiltà għandhom jiġu inklużi wkoll bħala prinċipji ta' gwida importanti għall-infiq kollu fil-baġit tal-ġejjieni.

4.2

Is-soluzzjonijiet li ser jiġu adottati jridu jkunu fit-triq tat-trasparenza u ċ-ċarezza tal-qafas komplut li jkun ser jirregola l-baġit u b'hekk jikkontribwixxu ħalli joħolqu rabta aktar diretta bejn iċ-ċittadini Ewropej u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni.

4.3

Ir-reviżjoni tal-baġit trid tiggarantixxi li l-prinċipju ta' l-ekwità bejn l-Istati Membri differenti jkun rispettat, u dan jissupera kull deroga, konċessjoni u prerogattiva. L-iffinanzjar tal-baġit min-naħa ta' kull Stat Membru trid tqis il-livell ġenerali ta' prosperità u żżomm ukoll mal-prinċipji tas-solidarjetà.

4.4

Ir-reviżjoni tal-baġit trid toffri miżuri speċjali biex l-Istati Membri individwali li jgawdu mid-derogi, privileġġi u eċċezzjonijiet joħorġu minn din is-sistema ħalli jiġi segwit il-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u ta' l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha Ewropej.

5.   Għal superament tas-sistema ta' finanzjament attwali

5.1

Id-dokument ta' konsultazzjoni propost mill-Kummissjoni Ewropea jrid isir l-okkażjoni sabiex tibda diskussjoni serja fost is-suġġetti kollha, istituzzjonali, politiċi u soċjali ħalli jiġu ssuperati l-kuntradizzjonijiet li jikkaratterizzaw il-baġit Ewropew u fuq kollox l-iffinanzjar tiegħu.

5.2

Il-KESE jenfasizza li, minħabba fin-natura delikata tas-suġġett, hemm bżonn li waqt il-proċess li ser jimplimenta l-bidliet deċiżi, jitfittex kunsens wiesa' fost il-partijiet kollha interessati, mill-parlamentari nazzjonali għall-partijiet soċjali u s-soċjetà ċivili, u għandu jkun hemm sforz sabiex l-affarijiet isiru b'mod gradwali ħalli jiġi żgurat kunsens mifrux għall-proġett ta' riforma bil-ħsieb li jiġu evitati trattamenti li jiffavorixxu xi Stat Membru fuq ieħor.

5.3

Fuq il-bażi tat-Trattat il-ġdid ta' Lisbona, il-KESE iqis li r-reviżjoni tal-baġit trid twassal għal sistema ta' finanzjar tal-baġit permezz ta' forom ġodda ta' riżorsi proprji. L-ewwel nett iridu jiġu riżolti żewġ inkongruwenzi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni attwali: il-fatt li 70 % tar-riżorsi jiġu mid-dħul nazzjonali gross li, ta' l-anqas formalment, għandu karattru residwu u li perċentwali ta' madwar 8 5 % tat-total jiġi minn riżorsi li, fil-fatt, m'humiex “proprji” u għalhekk assenjati direttament lill-Unjoni.

5.4

Għalhekk wieħed jittama li jkun hemm ritorn għall-ittra u l-ispirtu ta' l-Artikolu 269 tat-Trattat, li jistabbilixxi b'mod inekwivokabbli l-primat tar-riżorsi proprji fl-iffinanzjar tal-baġit. Jidhrilna li huwa interessanti d-dibattitu miftuħ mir-rapport Lamassoure tal-Parlament Ewropew (6) fejn, fost l-aspetti l-oħra, jiġu mfakkra, per eżempju l-ideat dwar ir-reviżjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji:

VAT

dazju tas-sisa fuq karburanti għat-trasport u taxxi oħra fuq l-enerġija;

dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-alkoħol;

taxxi fuq il-qligħ ta' l-intrapriża.

5.5

Iċ-ċittadini Ewropej għandhom igawdu iktar informazzjoni ta' kwalità aħjar, trasparenza u effiċjenza tas-sistema. Barra min hekk iridu jkunu f'sitwazzjoni li jkunu jistgħu jivverifikaw u jivvalutaw id-destinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet li jagħmlu lill-UE għall-iffinanzjar tagħha u tal-politiki tagħha, sabiex jipparteċipaw bl-aktar mod infurmat possibbli. Dan il-metodu huwa fundamentali għal kull gvern demokratiku.

5.6

Huwa ċar li l-grad ta' progress fl-integrazzjoni Ewropea jitkejjel ukoll fuq il-bażi ta' kif jiġi ffinanzjat il-baġit. F'sistema li hi aktar federali, taxxa Ewropea tkun aktar ġusta u trasparenti. Madankollu huwa żbaljat li wieħed jimmaġina li fis-sitwazzjoni attwali l-ekonomisti Ewropej ma jirnexxilhomx isibu soluzzjoni u dan juri nuqqas ta' rieda politika.

6.   Il-politiki u r-rwol ta' l-Unjoni Ewropea

6.1

Il-Kummissjoni Ewropea, fil-komunikazzjoni SEC(2007) 1188 finali, telenka serje ta' fatturi (7) li jaffettwaw b'mod dirett jew indirett l-għażliet strateġiċi u l-aġenda politika ta' l-Unjoni. Dawn il-fatturi ivarjaw mix-xjuħija tal-popolazzjoni għall-progress xjentifiku u teknoloġiku, mill-kompetittività tas-swieq globali għall-bidliet klimatiċi, mis-solidarjetà bħala impenn ta' l-Ewropa għall-politiki fil-qasam ta' l-iżvilupp rurali.

6.2

Peress li l-baġit huwa wieħed mill-istrumenti essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi li huma fil-bażi tal-progress ta' l-UE, ir-reviżjoni tiegħu trid issir fid-dawl ta' diskussjoni wiesgħa u profonda dwar ir-rwol u l-iskopijiet ta' l-Unjoni tas-27.

6.3

Għalhekk, il-KESE jqis li f'din il-fażi tal-konsultazzjoni hemm bżonn, li jinbena kunsens madwar il-politiki, li huma kkunsidrati ta' importanza fundamentali għall-futur Ewropew, ġewwa u barra l-istituzzjonijiet. Imbagħad hemm bżonn li jiġi deċiż kif l-Unjoni Ewropea tkun saħħet ir-rwol tagħha u l-firxa ta' l-intervent tagħha f'dawk is-setturi. Dan għandu jseħħ iktar u iktar fid-dawl tat-Trattat il-ġdid.

6.4

Fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-politiki li għandhom ikunu fiċ-ċentru ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni fis-snin li ġejjin, hemm bżonn li ssir analiżi bir-reqqa ta' l-inkonsistenzi u d-dewmien li kien hemm fil-passat, fuq kollox fis-sistema ta' l-iffinanzjar, b'tali mod li tiġi evitata ripetizzjoni ta' l-istess żbalji.

6.5

Mill-firxa ta' interventi u ta' politiki aktar speċifiċi deskritti mill-Kummissjoni fid-dokument ta' konsultazzjoni bħala sfidi tal-futur, hemm bżonn li l-miżuri favur il-koeżjoni ekonomika u soċjali jingħataw importanza partikolari anki f'termini ekonomiċi. B'mod partikolari wara t-twessigħ reċenti ta' l-Unjoni, id-disparitajiet kibru u r-reviżjoni tal-baġit trid tkun ukoll l-okkażjoni sabiex ikompli jiġi promoss l-iżvilupp tar-reġjuni inqas avvanzati, għar-raġuni ovvja li l-progress ekonomiku u soċjali anke tar-reġjuni inqas sinjuri ta' l-Unjoni għandu effetti pożittivi fuq l-Istati Membri kollha u l-ekonomiji tagħhom.

6.6

Barra minn hekk, is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali, jridu jkunu, kif diġà ġie mfakkar, valuri li jibqgħu jispiraw l-azzjonijiet ta' l-UE. Quddiem l-isfidi bħal, per eżempju, l-immigrazzjoni, l-UE trid tkun taf tipproġetta r-rwol tagħha u l-mudell soċjali tagħha barra mill-fruntieri tagħha wkoll, permezz ta' strumenti, anke finanzjarji, li jkollhom l-iskop li jneħħu l-kawżi ta' l-immigrazzjoni fil-pajjiżi ta' l-oriġini.

6.7

L-indirizzar ta' l-isfida tal-bidla fil-klima qiegħed isir prijorità dejjem iktar importanti għall-Ewropa u għandu jiġi rifless fil-prijoritajiet fl-infiq fil-ġejjieni. Jenħtieġ li jiġu allokati fondi addizzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji fl-avangwardja fil-qasam ta' l-enerġija u t-trasport li jiġu żviluppati metodi għall-ġbir u l-ħażna tal-karbonju. Fondi ewlenin għandhom jiġu allokati wkoll għal miżuri ta' appoġġ ta' adattament u mitigazzjoni fil-pajjiżi l-inqas żviluppati u li jiġu appoġġjati investimenti fl-użu baxx tal-karbonju fl-ekonomiji emerġenti.

7.   Tqarrib taċ-ċittadini Ewropej lejn il-politiki tal-baġit

7.1

L-istruttura stess tal-baġit, li għandha bżonn ta' riforma indispensabbli, kkontribwixxiet għall-kriżi istituzzjonali ta' l-Unjoni Ewropea: id-dibattitu, li ma għandux viżjoni twila, dwar ir-riżorsi proprji li seħħ dawn l-aħħar snin, jkompli jagħti xejra negattiva lill-Unjoni fis-sitwazzjoni attwali. Il-kumplessità, in-nuqqas ta' ċarezza u l-eżistenza ta' derogi u eċċezzjonijiet huma kollha elementi li jitbiegħdu mill-prinċipji ta' l-integrazzjoni Ewropea u jkomplu jżommu l-Ewroxettiċiżmu ħaj.

7.2

Anke quddiem id-diffikultajiet tal-proċess lejn it-Tratta kostituzzjonali (u sussegwentement it-Trattat ta' Lisbona) il-baġit u r-reviżjoni meħtieġa tiegħu ma jridux iżidu ma' l-idea li l-flus taċ-ċittadini Ewropej qed jintefgħu f'“barmil bla qiegħ”. Proprju minħabba f'hekk hemm bżonn ta' rabta aktar ċara bejn l-ispiża u r-riżultati li jintlaħqu.

8.   Liema futur għar-riżorsi proprji?

8.1

Id-dibattitu dwar il-metodi ta' ffinanzjar ta' l-Unjoni huwa wieħed mill-aspetti li l-aktar iqanqlu diskussjoni dwar ir-reviżjoni tal-baġit. Il-qafas attwali ta' l-iffinanzjar tal-baġit (mfakkar f'punt 3.7) jitbiegħed b'mod oġġettiv minn iffinanzjar ibbażat sostanzjalment fuq ir-riżorsi proprji. Fid-dawl tar-reviżjoni, l-għażliet ivarjaw mill-introduzzjoni ta' riżorsa proprja ġdida li tbiddel il-forom preċedenti ta' finanzjar għal soluzzjonijiet li jibbażaw fuq id-dħul gross nazzjonali ta' l-Istati Membri.

8.2

Il-Parlament Ewropew, bir-rapport dwar il-futur tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni Ewropea, approvat f'Marzu li għadda (rapporteur Lamssoure) (8), ikkritika l-istruttura attwali tal-baġit u l-iffinanzjar tiegħu u ppropona riforma tiegħu f'żewġ fażijiet, li però huma parti minn deċiżjoni waħda. L-ewwel fażi, li hija tranżitorja, twassal għal titjib fis-sistema attwali ta' kontribuzzjonijiet nazzjonali, filwaqt li t-tieni fażi trid twassal, skond il-PE, għall-ħolqien ta' riżors proprju li jieħu post il-mekkaniżmi attwali.

8.3

Filwaqt li saħaq li l-introduzzjoni ta' taxxa Ewropea ma tkunx rivoluzzjonarja peress li ma tbiddel xejn fil-but tal-kontribwenti, il-Parlament Ewropew għamel lista tal-kriterji li magħhom tkun trid iżomm is-sistema l-ġdida: suffiċjenza, stabbiltà, viżibbiltà, u sempliċità, spiża baxxa tat-tħaddim, tqassim effettiv tar-riżorsi, ekwità vertikali (ridistribuzzjoni), ekwità orizzontali (l-istess impatt fuq il-kontribwenti kollha Ewropej) u ekwità tal-kontribuzzjonijiet (konsistenza mar-rikkezza u l-ġid ta' l-Istati differenti).

8.4

Fuq il-bażi ta' l-osservazzjoni li għamel f'numru ta' okkażjonijiet dwar l-insuffiċjenza tal-baġit Ewropew fir-rigward ta' l-objettivi li l-UE qed issegwi u l-isfidi li qed tiffaċċja, il-KESE jixtieq iniedi dibattitu dwar il-possibbiltà ta' taxxa Ewropea. Wara li ssir valutazzjoni tal-gradi ta' importanza differenti tal-leġislazzjoni Komunitarja, waħda mill-ideat li tista' titwettaq hija li tiġi imposta multa fuq il-pajjiżi li ma jirrispettawx it-traspożizzjoni ta' xi direttivi ta' importanza fundamentali, sabiex jiġu ffinanzjati proġetti ta' interess Ewropew.

8.5

Il-KESE japrezza l-koerenza u r-rikkezza tal-proposti tar-rapport tal-Parlament u jaqbel ma' l-analiżi dwar l-istat ta' saħħa attwali tal-baġit u dwar il-ħtieġa li jiġi riformat. Madnakollu, bl-istess mod, jixtieq jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jkollha l-introduzzjoni ta' sistema bħal dik li ġiet deskritta. L-introduzzjoni ta' finanzjar li hu bbażat fuq “taxxa Ewropea” żgur li jkollu reżistenza qawwija, l-ewwel nett minħabba fil-problemi tal-komunikazzjoni maċ-ċittadini.

8.6

Għal dan l-iskop l-Unjoni Ewropea għandha tfittex li b'aktar qawwa tiżviluppa bis-sħiħ, flimkien mal-kompetittività, il-ħarsien u l-promozzjoni tal-koeżjoni, l-ambjent, l-okkupazzjoni u l-mudell soċjali Ewopew.

8.7

Il-KESE jittama li fid-deċiżjonjiiet li jittieħdu għar-riformi ta' l-iffinanzjar tal-baġit ta' l-UE, ikun hemm sforz biex jinstabu soluzzjonijiet li, jissuperaw id-derogi u l-eċċezzjonijiet, u jduru lejn il-kapaċità kontributtiva ta' kull Stat Membru, fid-direzzjoni ta' l-ekwità, l-ugwaljanza u s-solidarjetà. Barra min hekk, irid jingħad li d-dibattitu dwar ir-riżorsi, anke jekk huwa ta' importanza primarja, ma għandux iċajpar jew jagħti importanza minuri lid-diskussjoni dwar l-għażliet strateġiċi ta' l-Unjoni, ir-rwol tagħha u l-politiki tagħha.

9.   Lejn forom ta' implimentazzjoni tal-baġit trasparenti u effettivi

9.1

L-implimentazzjoni tal-baġit hija tema oħra importanti li trid tiġi riveduta. It-trasparenza, l-affidabbiltà u ċ-ċarezza huma kriterji li jridu jidħlu partikolarment f'din il-fażi u, barra minn hekk, huwa b'mod speċjali fil-fażi ta' l-implimentazzjoni li ċ-ċittadini Ewropej jiġu f'kuntatt mal-miżuri ta' l-UE u jiġġudikaw ir-riżultati konkreti. Wieħed ikun irid jiggarantixxi wkoll is-sinkronizzazzjoni taċ-ċiklu tal-baġit ma' dak tal-mandati istituzzjonali tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew.

9.2

Il-KESE jqis li jrid isir sforz sabiex ir-riżultati li nkisbu mill-politiki u l-fondi Ewropej jiġu kkomunikati aħjar liċ-ċittadini Ewropej, dan għal żewġ raġunijiet prinċipalment: 1) it-trasparenza; 2) sabiex jiġi miġġieled l-Ewroxettiċiżmu u l-informazzjoni li, b'mod li hu spiss insinwanti, għandha t-tendenza li tenfasizza l-fallimenti li huma inqas mis-suċċessi.

9.3

Fejn tidħol l-istabbiltà ta' l-oqfsa finanzjarji u l-flessibbiltà ta' madwarhom, il-KESE iqis li l-istrateġiji fit-tul ta' l-Unjoni Ewropea (per eżempju l-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-ambjent u l-enerġija) jridu jingħataw importanza permezz tal-kontinwità, filwaqt li ċerti marġini ta' flessibbiltà, li għandhom l-iskop li wieħed ikun jista' jadatta għat-tibdil fiċ-ċirkostanzi u jirreaġixxi malajr, iridu jiġu riżervati għall-prijoritajiet fuq perijodu ta' żmien qasir, b'mod li fuq kollox iħallu l-ispazju li f'dawn il-każijiet jaġixxu l-Istati Membri.

9.4

Id-diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit inevitabbilment trid tirrigwarda wkoll it-tmexxija tiegħu u r-responsabbiltà li ssegwi. Fl-istat attwali ta' l-affarijiet, 80 % tal-baġit jiġi mmexxi direttament mill-Istati Membri, filwaqt li l-20 % li jibqa' mill-Kummissjoni Ewropea, li però għandha r-responsabbiltà sħiħa ta' l-implimentazzjoni tal-baġit. Il-KESE jindika li dan it-tqassim ukoll għandha ssir diskussjoni dwaru sabiex wieħed jara jekk għadux jirrispondi għall-ħtiġijiet attwali.

9.5

F'dan ir-rigward hemm bżonn li tingħata importanza kbira lit-Trattat il-ġdid, li fl-ewwel subparagrafu, ta' l-Artikolu 274 il-parti tas-sentenza fil-bidu “Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit” ġiet sostiwita bi “Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri”;; it-tieni subparagrafu ġie sostitwit bit-test li ġej: “Ir-regolament għandu jistabbilixxi l-obbligi ta' kontroll u ta' verifika ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll ir-responsabbiltajiet li joħorġu minn dan. Għandu jistabbilixxi wkoll ir-responsabbiltajiet u r-regoli dettaljati li magħhom għandha timxi kull istituzzjoni fl-implimentazzjoni ta' l-infiq tagħha”.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Ir-raba' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali CESE 1712/2007

(2)  Artikolu 269(1) jgħid: “Salv kull dħul ieħor, l-estimi għandhom ikunu ffinanzjati kompletament minn riżorsi proprji”.

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Nibnu l-Futur Komuni Tagħna: Sfidi Politiċi u Mezzi Baġitarji ta' l-Unjoni wara t-Tkabbir 2007-2013, ĠU C74 tat-23.5.2005, pġ.32. 32.

(4)  Ara l-grafiċi annessi.

(5)  SEC(2007) 1188 fin., Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Riforma ta' l-estimi finanzjarji, nibdlu l-Ewropa: dokument ta' konsultazzjoni pubblika fid-dawl tar-reviżjoni ta' l-estimi 2008-2009.

(6)  Parlament Ewropew, Rapport dwar il-futur tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni Ewropea (A6-0066/2007),13 ta' Marzu 2007, Rapporteur Alain Lamassoure

(7)  Ara punt 2.1 tal-komunikazzjoni SEC(2007) 1188 fin.

(8)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A6-2007-0066+0+DOC+WORD+V0//EN


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin, li ġabru almenu kwart tal-voti mixħuta, ma ġewx aċċettati matul id-dibattitu (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta' Proċedura):

Punt 1.3

Ħassar il-punt 1.3:

“It-tfassil tal-politiki tal-baġit ma jistax isir mingħajr l-għażla fundamentali bejn il-federaliżmu jew is-sistema intergovernattiva. Huwa ċar li l-grad ta' progress fl-integrazzjoni Ewropea jitkejjel ukoll fuq il-bażi ta' kif jiġi ffinanzjat il-baġit.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Voti Favur: 40 Kontra: 87 Astensjonijiet: 10

Punt 7.3

Wara l-punt 7.2 daħħal punt ġdid 7.3 kif ġej:

“Fost it-tħassib ewlieni dwar is-sistema attwali tal-finanzi ta' l-UE hemm in-nuqqas ta' ħila li dawn jiġu ġġestjonati b'tali mod li l-Awdituri jkunu jistgħu japprovawhom. It-teatrin ta' kull sena fejn l-Awdituri jirrifjutaw li japprovaw il-biċċa l-kbira tan-nefqa jwassal għal pubbliċità negattiva ħafna fl-Istati Membri. Kwalunkwe sistema ġdida għandha tindirizza din il-problema.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Voti Favur: 37 Kontra: 94 Astensjonijiet: 12


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/119


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

COM(2007) 677 finali

(2008/C 204/24)

Nhar it-22 ta' Novembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Burani.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'123 voti favur, vot kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Id-Direttiva dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, (minn issa 'l quddiem, “id-Direttiva dwar il-VAT”) (1), li daħlet fis-seħħ fl-2007, ġabret flimkien f'test wieħed id-diversi dispożizzjonijiet dwar il-VAT li ġew introdotti u emendati matul is-snin. L-implimentazzjoni ġabet magħha numru ta' diffikultajiet jew aspetti prattiċi, li kemm in-negozji kif ukoll xi Stati Membri ddeċidew li jikkummentaw jew li jressqu proposti dwarhom. Il-Kummissjoni eżaminathom u ddeċidiet li tippreżenta xi suġġerimenti biex temenda l-proposta kkonċernata.

1.2

Peress li l-emendi jvarjaw u jikkonċernaw kwistjonijiet differenti, u bil-għan li titnaqqas il-burokrazija u li jiġi aċċellerat il-proċess, il-Kummissjoni għażlet li tiġborhom f'proposta waħda. Il-Kumitat jaqbel ma dan.

2.   Kontenut tal-proposta

2.1

Uħud mill-emendi jikkonċernaw lis-settur ta' l-enerġija li għandu sistema ta' taxxa li oriġinarjament kienet ibbażata fuq direttiva ta' l-2003 (2) u li sussegwentement ġiet trasposta fid-Direttiva dwar il-VAT. Il-lingwaġġ tekniku li ntuża llimita l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva u ma rriflettiex ir-realtajiet ekonomiċi. Fi ftit kliem, fost il-prodotti ta' l-enerġija soġġetti għad-dazju ġew inklużi l-gass naturali li jiġi konsenjat permezz ta' sistemi ta' pajpijiet fissi u permezz ta' bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali, l-elettriku u s-sħana jew il-kesħa konsenjati permezz ta' netwerks tas-sħana u tal-kesħa (“remote supply”). Il-Kummissjoni tipproponi li dawn il-prodotti jiġu eżentati mill-ħlas tad-dazju.

2.2

Skond il-proposta, dawn is-sorsi ta' l-enerġija jistgħu jiġu intaxxati fl-Istati Membri fejn is-servizz huwa pprovdut skond il-forniment jew l-aċċess. Barra minn hekk, il-fatt li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa ta' VAT jissemplifika l-proċedura.

2.3

Fejn jidħlu derogi, fil-perijodu ta' l-adeżjoni tagħhom, il-Bulgarija u r-Rumanija ġew awtorizzati jagħtu eżenzjoni mit-taxxa lill-impriżi żgħar u li jibqgħu japplikaw eżenzjoni mill-VAT fuq it-trasport internazzjonali tal-passiġġieri. Ma nbidel xejn f'dan il-qasam: l-inkorporazzjoni ta' dawn id-derogi fit-test tad-Direttiva tal-VAT, kif ġara fl-Istati Membri, kienet ikkunsidrata utli.

2.4

Rigward id-dritt tat-tnaqqis, il-proposta tindroduċi jew tiċċara prinċipju prominenti li huwa inerenti fl-idea oriġinali li fuqha kien imsejjes il-VAT: li l-eżerċizzju inizjali tat-tnaqqis ikun ristrett għall-proporzjon ta' l-użu kummerċjali effettiv meta l-proprjetà immobbli għall-użu mħallat tkun inkluża fl-assi u l-passivi tal-kumpanija. Ġie pprovdut ukoll għal sistema ta' rettifika sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet bejn l-użu kummerċjali u dak privat (jew mhux kummerċjali).

3.   Kummenti u konklużjonijiet

3.1

Il-proposti msemmija f'punti 2.3 u 2.4 ma jirrikjedu l-ebda kumment partikolari: l-għan ta' punt 2.3 huwa li jikkoreġi ommissjoni li saret fil-passat u l-għan ta' punt 2.4 huwa li jagħti kjarifika neċessarja għalkemm ovvja ta' prinċipju bażiku, li huwa magħruf bil-bosta u implimentat ukoll.

3.2

Fir-rigward tal-punti 2.1 u 2.2, il-KESE japprova l-proposta li għandha l-għan li tassigura li l-leġislazzjoni tikkonforma mar-realtajiet ekonomiċi u li s-sorsi differenti ta' l-enerġija jiġu trattati b'mod ugwali.

3.3

Il-KESE għalhekk jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Sociali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud.

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2003/92/KE tas-7 ta' Ottubru 2003.


9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/120


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

(2008/C 204/25)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni proprja dwar

Ir-Relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: ir-rwol tas-soċjetà ċivili.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta' Jannar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Miklós Barabás.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t-13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'125 voti favur, vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Sommarju eżekuttiv u konklużjonijiet ewlenin

1.1

Il-KESE jagħraf l-avvanzi importanti li għamlet dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iżvilupp u l-istabbilizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħha ma' l-UE bl-objettiv aħħari li tingħaqad magħha. L-istatus ta' pajjiż kandidat jirrikonoxxi l-progress li għamlet dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja s'issa. Il-KESE japprezza dawn l-iżviluppi pożittivi fid-dawl tal-konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-kunflitti fir-reġjun, l-isfidi tal-perijodu ta' transizzjoni kif ukoll l-implimentazzjni tal-Qafas tal-Ftehim Ohrid.

1.2

Il-KESE lest li jappoġġja lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslavja tal-Maċedonja fl-isforzi tagħha li tibda n-negozjati ta' l-adeżjoni kemm jista' jkun malajr, preferibbilment fl-2008.

1.3

B'konsiderazzjoni ta' l-impenn tal-KESE u tar-rappreżentanti tal-gruppi ta' interess ekonomiċi u soċjali ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sabiex isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili organizzata ta' l-Unjoni Ewropea u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, jeħtieġ li tiġi ppreparata l-bażi għall-adeżjoni ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-Unjoni Ewropea. Il-ħolqien tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-KESE għandu rwol importanti ħafna f'dan il-proċess. L-identifikazzjoni tal-membri ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja f'dan il-korp konġunt għandu jkun ir-riżultat ta' proċess miftuħ, trasparenti u demokratiku.

1.4

Fil-kuntest ta' l-adeżjoni fl-UE, il-KESE jenfasizza r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-formulazzjoni, l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki pubbliċi u tal-leġislazzjoni (l-aġenda ta' riforma) mmirati lejn il-preparazzjoni ta' l-adozzjoni ta' l-acquis ta' l-UE. Biex tippromovi dan il-proċess, is-soċjetà ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha tkun involuta fin-negozjati għall-adeżjoni.

1.5

Id-diversi trejdunjins differenti għandhom jeżistu flimkien u jiġu trattati b'mod ugwali. Għalhekk jeħtieġ li titfassal leġislazzjoni speċifika dwar it-trejdunjins u li l-ħtieġa preżenti (ta' 33 % tal-ħaddiema) tiġi kkunsidrata u mnaqqsa biex b'hekk il-pajjiż isir sieħeb kontrattwali fin-negozjar kollettiv. Din tkun kontribuzzjoni importanti għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali u biex jingħata rispett sħiħ lejn id-drittijiet tat-trejdunjins.

1.6

Jeħtieġ li jittejbu l-kondizzjonijiet favur l-iżvilupp u l-kooperazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u li jinbidel il-qafas leġislattiv sabiex ifassal kriterji ċari għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (KES).

1.7

Ir-rwol tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandu jissaħħaħ. Huwa għandu jkun aktar rappreżentattiv u jinvolvi l-parteċipazzjoni ta' l-atturi konċernati kollha, inkluża dik ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. B'hekk tinħoloq bażi istituzzjonali soda għat-twettiq ta' djalogu bis-sens dwar il-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali fi sħubija ġenwina. Biex iseħħu dawn l-iżviluppi għandu jitħejja qafas legali ġdid bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha li jiġi adottat malajr.

1.8

Il-KESE juri tħassib serju dwar ir-rata għolja ta' faqar u r-rati ta' qgħad u jitlob lill-Gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex jipprovdi politiki effiċjenti biex jiġġieled il-faqar u jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali.

1.9

Id-distribuzzjoni tar-riżorsi statali kif ukoll dawk ta' l-UE għandha tkun aktar orjentata lejn il-foqra u bbażata fuq is-solidarjetà u l-koeżjoni soċjali sabiex jitnaqqsu d-differenzi reġjonali u etniċi attwali. Iridu jittieħdu miżuri speċifiċi biex titjieb is-sitwazzjoni tar-Roma.

1.10

Il-KESE jilqa' l-isforzi u l-adozzjoni ta' l-Istrateġija tal-Gvern għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili bħala pass 'il quddiem lejn il-kisba ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili organizzata, u bħala kontribuzzjoni lejn djalogu bis-sens u kostruttiv.

1.11

Il-kapaċità ta' l-imsieħba soċjali u ċivili għandha tissaħħaħ flimkien mat-tkabbir tal-parteċipazzjoni ċivili. Aspett importanti f'dan ir-rigward huwa l-mekkaniżmu ta' appoġġ finanzjarju dirett u indirett tal-Gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Barraminhekk, fl-iskola għandhom jiġu introdotti programmi edukattivi dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili.

2.   Introduzzjoni

2.1

Nhar id-9 ta' April 2001, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kienet l-ewwel pajjiż fil-Balkani tal-Punent li ffirma, permezz ta' skambju ta' ittri, il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li daħal fis-seħħ nhar l-1 ta' April 2004.

2.2

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja applikat uffiċjalment għas-sħubija fl-UE nhar it-22 ta' Marzu 2004. Nhar id-9 ta' Novembru 2005, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat opinjoni pożittiva dwar din l-applikazzjoni, u fis-16 ta' Diċembru 2005 il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti l-istatus ta' pajjiż kandidat lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

2.3

Matul ir-raba' laqgħa ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta' l-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ħareġ il-fatt li jeżisti impenn qawwi favur l-avvanzar tar-riformi. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni appoġġja wkoll il-ħolqien ta' Kumitati Konsultattivi Konġunti mal-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni.

2.4

L-aħħar Rapport ta' Progress dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li ġie ppubblikat fis-6 ta' Novembru 2007, jevalwa l-progress miksub f'oqsma differenti iżda jelenka wkoll l-isfidi li l-pajjiż fadallu x'jaffaċċja.

2.5

Fil-kuntest tal-bidu mistenni tan-negozjati ta' l-adeżjoni, il-KESE jixtieq jenfasizza r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, din l-opinjoni ser tiffoka fuq is-soċjetà ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-ambjent, l-opportunitajiet u l-isfidi tagħha; id-djalogu soċjali u ċivili fil-pajjiż u r-relazzjonijiet ma' l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

3.   Xi karatteristiċi speċifiċi tas-soċjetà ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

3.1

Is-soċjetà ċivili feġġet fl-aħħar tas-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin u kellha influwenza qawwija fuq l-iżvilupp soċjali tal-pajjiż kollu. Il-gruppi litterarji u kulturali, il-movimenti karitattivi u inizjattivi oħrajn taċ-ċittadini servew ta' bażi għall-iżvilupp kulturali, sportiv u għall-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet professjonistiċi differenti. Matul il-perijodu soċjalista dawn kienu miżmuma taħt kontroll politiku. L-indipendenza ta' l-1990 u l-perijodu ta' transizzjoni lejn demokrazija parlamentari kienu inċentiv tajjeb biex jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż.

3.2

Il-qawmien mill-ġdid tas-soċjetà ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-bidu tas-snin disgħin kien influwenzat sew u b'mod pożittiv mill-iżviluppi politiċi li saru fil-pajjiż u li kienu qed iwittu t-triq għall-ħolqien ta' soċjetà ċivili indipendenti, varjata u mmirata lejn is-servizz. Fattur speċifiku ieħor huwa n-natura mmirata lejn il-valuri tas-soċjetà ċivili tal-pajjiż, li hi fil-parti l-kbira tagħha rregolata minn approċċ normattiv b'saħħtu.

3.3

Is-soċjetà ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hi karatterizzata minn parteċipazzjoni baxxa u superfiċjali taċ-ċittadini. Filwaqt li f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kien hemm żieda f'azzjoni politika li mhix partiġġjana, hija biss minoranza taċ-ċittadini (inqas minn 30 %) li tipparteċipa f'attivitajiet tas-soċjetà ċivili (l-għoti ta' karità, sħubija ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, volontarjat, azzjoni komunitarja kollettiva, eċċ.).

4.   Kuntest ġenerali

4.1   Il-Kuntest Politiku: il-Qafas tal-Ftehim Ohrid u l-Istat tad-Dritt

4.1.1

Il-Qafas tal-Ftehim Ohrid (1), li intemm f'Awissu 2001 u l-istat tad-dritt huma fost il-fatturi prinċipali għall-istabbiltà politika tal-pajjiż. Il-Qafas tal-Ftehim Ohrid għen sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi marbutin mad-diversità f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Huwa kkontribwixxa wkoll sabiex jitwaqqfu fondazzjonijiet għall-istabbiltà u l-iżvilupp u ta ritmu ġdid lill-ħajja politika, soċjali, ekonomika u inter-etnika tal-pajjiż.

4.1.2

Wara l-elezzjonijiet parlamentari ta' l-2006 u l-ħolqien ta' gvern ċentru-lemini ġdid, kien hemm bżonn ta' bilanċ. Min-naħa tal-Gvern, hemm bżonn, ta' dedikazzjoni lejn id-djalogu politiku u l-kisba ta' l-appoġġ tal-forzi politiki kollha fl-implimentazzjoni ta' l-aġenda ta' l-UE għal dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Sar progress fid-djalogu politiku kostruttiv dwar kwistjonijiet ta' importanza fondamentali nazzjonali. Madankollu, dan il-proċess jista' jiġi mxekkel mit-tensjonijiet politiċi kontinwi li jistgħu jtellfu gvernanza mtejba u l-ħolqien ta' istituzzjonijiet demokratiċi li jaħdmu tajjeb.

4.1.3

Sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-parti leġislattiva tal-Qafas tal-Ftehim Ohrid u wara l-adozzjoni ta' l-emendi mill-Parlament, id-dispożizzjonijiet tiegħu ġew inklużi fil-Kostituzzjoni. Sar progess ukoll fil-ħidma sabiex tiġi assigurata rappreżentanza ekwitabbli tal-komunitajiet fl-amministrazzjoni pubblika. Il-perċezzjoni tal-popolazzjoni li r-relazzjonijiet inter-etniċi jirrapreżentaw l-aktar problema serja f'pajjiżhom naqset minn 41.4 % f'Lulju 2001 sa 1.4 % f'Marzu 2007. 19.7 % taċ-ċittadini kklassifikaw ir-relazzjonijiet inter-etniċi bħala “ħżiena ħafna” f'Jannar 2005 meta mqabbel mas-7.6 % f'Marzu 2007 (2).

4.1.4

Sar progress fl-oqsma ta' l-edukazzjoni għall-komunitajiet, ir-rappreżentanza ekwitabbli u d-deċentralizzazzjoni. Il-Ftehim jirrapreżenta “qafas” għalhekk jagħti lok għall-interpretazzjoni u l-possibbiltà li jintalbu miżuri supplimentari. Il-kwistjonijiet ta' l-użu tal-lingwi (il-Liġi dwar il-Lingwi, il-bilingwiżmu ta' Skopje), ta' l-istatus ta' l-ex-ġellieda etniċi Albaniżi, ta' l-organizzazzjoni territorjali (Kičevo, 2008) u tal-pożizzjoni ta' komunitajiet żgħar u mifruxa bħal dawk tat-Torok, ir-Roma, is-Serbi, il-Bosnijaċi u l-Vlaki, li flimkien jiffurmaw 10.6 % tal-popolazzjoni, jistgħu jwasslu għal problemi ġodda.

4.1.5

Minkejja li l-pajjiż hu wieħed mill-parteċipanti ddedikati fid-“Deċennju għall-Inklużjoni tar-Roma 2005-2015”, is-sitwazzjoni tal-komunità Roma għadha waħda preokkupanti.

4.1.6

Fil-passat, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ftit li xejn għamlet progress fir-rigward tat-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt, l-iktar minħabba d-dgħjufija strutturali fl-implimentazzjoni tal-liġijiet u fil-qrati, l-amministrazzjoni pubblika politiċizzata u dgħajfa, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Illum wieħed jista' jinnota ċertu progress f'dawn l-oqsma. Diġà jeżisti qafas legali għat-tisħiħ ta' l-indipendenza u l-effettività tal-ġudikatura fil-parti, b'mod speċjali minħabba l-emendi li saru fil-Kostituzzjoni f'Diċembru 2005. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tinsab fil-quċċata ta' l-aġenda tal-Gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. F'Mejju 2007 tnieda l-Programm Statali l-ġdid għall-Prevenzjoni u r-Repressjoni tal-Korruzzjoni. Madankollu, għad hemm bżonn ta' rieda politika qawwija sabiex jitkattru l-isforzi biex il-korruzzjoni tiġi miġġielda b'mod effettiv.

4.2   Il-Kuntest soċjo-ekonomiku: Iż-Żieda fid-Qgħad

4.2.1

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kienet anqas żviluppata meta mqabbla mar-repubbliki l-oħrajn fl-ex Federazzjoni Jugoslava u matul is-sitt snin ta' qabel l-indipendenza, l-ekonomija tagħha marret lura sew. Il-karatteristiċi ewlenin ta' l-ewwel snin ta' l-indipendenza kienu n-nuqqas ta' stabbiltà makro-ekonomika u ż-żieda fid-defiċit fiskali. Il-kriżi fir-reġjun, l-imblokk Grieg, is-sanzjonijiet tan-NU kontra r-Repubblika Federali Jugoslava u l-kriżi tal-Kosovo influwenzaw l-ekonomija u s-sitwazzjoni politika ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja b'mod negattiv u taw kontribut dirett għan-nuqqas ta' kapaċità tal-pajjiż -li jiffoka fuq ir-riformi politiċi u ekonomiċi..

4.2.2

Illum dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tgawdi stabbiltà makro-ekonomika relattiva bbażata fuq konsensus wiesa' dwar il-politiki ekonomiċi u miexja lejn grad ogħla ta' liberalizzazzjoni kummerċjali (membru tad-WTO u taċ-CEFTA). Madanakollu, ma sar l-ebda żvilupp ekonomiku adegwat.

4.2.3

B'konsegwenza ta' dan, il-livell ta' faqar huwa għoli, b'29.8 % tal-popolazzjoni ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja taħt il-linja tal-faqar. Il-faqar marbut b'mod dirett mar-rata għolja ta' qgħad (36 %).

4.2.4

Il-faqar, l-esklużjoni soċjali u r-rata għolja ta' qgħad, flimkien ma' swieq tax-xogħol li xejn ma jaħdmu tajjeb huma r-riżultat (negattiv) ta' tkabbir ekonomiku baxx (madwar 4 %), ta' struttura korporattiva inadegwata (speċjalment rendiment insuffiċjenti ta' l-SMEs), ta' suq tax-xogħol riġidu, ta' sistema edukattiva batuta u ta' tkabbir b'saħħtu fil-popolazzjoni. Sabiex jikkontrolla l-faqar, il-Gvern spiss uża l-miżuri ta' l-għajnuna soċjali u dan mingħajr politika attiva ta' l-impjieg.

4.2.5

Madankollu it-tkabbir ta' 7 % tal-PGD, li ġie rreġistrat fl-ewwel kwart ta' l-2007, jista' jkun il-bidu tant mistenni ta' ċiklu ta' żvilupp ekonomiku aktar dinamiku.

4.3   Il-Kuntest Soċjo-Kulturali: Sfiduċja mxerrda

4.3.1

Ir-relazzjonijiet soċjali huma kkaraterizzati minn nuqqas ta' fiduċja, ta' tolleranza u ta' sens ċiviku. Hemm livell baxx ta fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi. Madankollu, is-sena li għaddiet kien hemm żieda ta' fiduċja fil-Gvern.

4.3.2

Skond l-istħarriġ tal-World Values Survey, il-livell ta' tolleranza f' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huwa wieħed baxx b'indikatur ta' 2.08. Jeżisti livell għoli ta' intolleranza lejn il-gruppi emarġinati bħad-drogati, l-alkoħoliċi, l-omosesswali jew ir-Roma. Is-sens ċiviku, imkejjel skond il-livell ta' ħlas ta' taxxi għall-utilitajiet pubbliċi (it-trasport, l-ilma eċċ), jew l-użu ta' benefiċċji tal-gvern, jinsab ukoll f'livell baxx.

5.   Is-soċjetà ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

5.1   L-Ambjent Ġuridiku

5.1.1

Il-Libertà ta' Assoċjazzjoni hi garantita mill-Kostituzzjoni (artikolu 20) u hija regolata normattivament mill-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fondazzjonijiet taċ-Ċittadini, adottata fl-1998.

5.1.2

It-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem għandhom nuqqas ta' regolamentazzjoni, għaliex huma regolati biss minn ftit artikli, tal-Liġi tax-Xogħol u l-Liġi dwar il-Kumpaniji Kummerċjali. Hemm bżonn urġenti għall-ħolqien ta' kondizzjonijiet ekwi għall-imsieħba soċjali, speċjalment sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom. Il-kmamar tal-kummerċ huma regolati b'liġi separata.

5.1.3

Anke wara t-titjib reċenti (liġijiet dwar donazzjonijiet u sponsorizzazzjonijiet, eċċ.), il-liġijiet fiskali dwar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) u l-benefiċċji fiskali għall-filantropija xorta jibqgħu jostakolaw l-iżvilupp.

5.1.4

Qed tiġi ppreparata liġi ġdida dwar il-Fondazzjonijiet u l-Assoċjazzjonijiet taċ-Ċittadini. It-tibdiliet ewlenin mistennija huma: it-titjib tad-drittijiet għat-twaqqif ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs), ir-regolamentazzjoni ta' l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom u l-introduzzjoni ta' l-istatus ta' organizzazzjoni ta' benefiċċju pubbliku.

5.2   Titwila ħafifa lejn is-soċjetà ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

5.2.1   Id-Diversità u r-Rappreżentanza ta' l-Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs)

5.2.1.1

Is-soċjetà ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja magħmula minn trejdunjins, organizzazzjonijiet taċ-ċittadini u kmamar tal-kummerċ flimkien mal-knejjes u komunitajiet reliġjużi. L-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem huma fenomenu ġdid għall-pajjiż u l-kmamar tal-kummerċ (tnejn minnhom fil-livell nazzjonali: il-Kamra Ekonomika tal-Maċedonja, SKM, u l-Unjin tal-Kmamar tal-Kummerċ, USKM) għadhom jidhru bħala r-rappreżentanti tas-settur privat.

5.2.1.2

Ir-relazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem hija waħda kumplessa u b'mod speċjali minħabba l-fatt li waħda minnhom biss (l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem tal-Maċedonja, ZRM) hija membru tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (ESC). L-oħra, il-Konfederazzjoni ta' Min Iħaddem tar-Repubblika tal-Maċedonja (KRM), qed titħabat għal attitudni aktar miftuħa u inklusiva tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (ESC).

5.2.1.3

It-trejdunjins huma mqassmin f'erba' konfederazzjonijiet: il-Federazzjoni tat-Trejdjunjins tal-Maċedonja (SSM), il-Konfederazzjoni tal-Unjins Indipendenti (KNS), il-Konfederazzjoni ta' l-Organizzazzjonijiet tat-Trejdunjins tal-Maċedonja (KSS) u l-Unjin tat-Trejdunjins Ħielsa u Awtonomi (UNS). Ir-rivalità u xi drabi anke l-attitudni ostili b'motivazzjonijiet personali bejniethom huma karatteristiċi tar-relazzjoni tagħhom. Dan idgħajjef b'mod sinifikanti l-pożizzjoni tagħhom fin-negozjati, speċjalment fil-konfront tal-gvern.

5.2.1.4

Hemm 5 289 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili (CSO) fil-pajjiż (2003). Kważi l-gruppi soċjali kollha huma rappreżentati bħala taqsimiet tas-soċjetà ċivili, b'parteċipazjoni aktar dgħajfa tal-komunitajiet foqra, rurali u etniċi, speċjalment l-Albaniżi etniċi. Numru sinifikanti ta' organizzazzjonijiet (43 %) huma kkonċentrati fil-kapitali Skopje u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma kważi ineżistenti fiż-żoni rurali.

5.2.2   Il-livell ta' organizzazzjoni u r-relazzjonijiet

5.2.2.1

Hemm madwar 200 raggruppament ta' organizzazjonijiet tas-soċjetà ċivili f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-maġġoranza ta' l-organizzazzjonijiet huma membri ta' unjin, federazzjoni, pjattaforma jew xi raggruppament ibbażat fuq xi tip ta' organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili (CSO) jew xi grupp destinatarju. Dawn il-korpi rappreżentattivi għandhom rwol sinifikanti fil-konsolidazzjoni tas-settur ċivili tal-pajjiż.

5.2.2.2

Is-soċjetà ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha l-isfida li tiffoka fuq il-komunikazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni. L-interazzjoni jew id-djalogu bejn min iħaddem, it-trejdunjins u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) oħrajn kważi ma jeżistix. Madankollu, il-Pjattaforma Ċivili tal-Maċedonja, bid-29 membru tagħha, kienet ta' eżempju tajjeb f'dan il-qasam.

5.3   Il-punti qawwijin u l-punti dgħajfa tas-Soċjetà Ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

5.3.1

Il-punti qawwijin tas-soċjetà ċivili ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-valuri tal-paċi, l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-sostenibbiltà ambjentali.

5.3.2

L-impatt l-aktar sinifikattiv tas-soċjetà ċivili inkiseb fil-qasam ta' l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini, speċjalment in-nisa u l-gruppi emarġinati. Kien hemm parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-ħajja pubblika (fil-Parlament, fil-muniċipalitajiet u fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili).

5.3.3

L-organizzazzjonijiet ambjentali kienu prominenti fil-perijodu bejn l-1996 u l-2001, meta b'riżultat tal-pressjoni li għamlu fiq il-Gvern, is-sostenibbiltà ambjentali kienet assimilata b'suċċess. Huma għandhom potenzjal kbir li jaqdu rwol pożittiv fil-ġejjieni.

5.3.4

L-atturi prinċipali tas-soċjetà ċivili organizzata ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kollha jipprattikaw il-pluraliżmu għalkemm jeħtieġ l-iżvilupp u t-tisħiħ tad-djalogu intra-settorjali.

5.3.5

Il-punti dgħajfa tas-soċjetà ċivili huma: it-tneħħija tal-faqar, it-trasparenza u r-regolamentazzjoni awtonoma, il-prattika tad-demokrazija, ir-relazzjonijet ta' indifferenza mutwali bejn is-soċjetà ċivili u s-settur privat u n-nuqqas ta' riżorsi u ta' diversifikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji (illum teżisti dipendenza qawwija fuq l-għajnuna barranija).

5.3.6

L-imġieba fil-passat flimkien ma' pożizzjoni u attitudni differenti lejn xulxin (u lejn l-Istat) u li ħafna drabi jieħdu xejra emozzjonali huma ostakolu sinifikanti għad-djalogu u l-azzjoni.

5.3.7

Il-knejjes u l-komunitajiet reliġjużi għandhom il-fiduċja għolja tal-pubbliku, filwaqt li l-organizzazzjonijiet taċ-ċittadini jgawdu fiduċja moderatà. Il-fiduċja tal-pubbbliku fil-kmamar tal-kummerċ u t-trejdunjins hija baxxa. It-trejdunjins għandhom il-fama li jiggravaw is-sitwazzjoni tal-ħaddiem u li ftit li xejn jieħdu azzjoni.

6.   Id-djalogu soċjali u ċivili u t-twaqqif ta' Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-KESE

6.1   Id-Djalogu Soċjali

6.1.1   Il-qafas

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hi membru ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol u rratifikat ħafna mill-Konvenzjonijiet tagħha. Xi każi ratifikati dan l-aħħar huma: Il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom ta' Impjieg tat-Tfal (C182) ratifikata fl-2002 u l-Konvenzjoni Konsultattiva Tripartitika (Standards Dinjija ta' l-Impjieg) (C144) ratifikata fl-2005.

6.1.2   Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Il-qafas istituzzjonali għad-djalogu soċjali, speċjalment id-djalogu tripartitiku prattikat fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, għadu fil-fażi bikrija ta' l-iżvilupp tiegħu. Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali mwaqqaf fl-1996 jiġġestixxi d-djalogu tripartitiku (it-trejdunjins u min iħaddem bħala msieħba tal-gvern) fil-livell nazzjonali. Madankollu, il-parteċipazzjoni tal-Kunsill hija limitata minħabba li huwa jikkonsisti biss minn rappreżentanti tal-Federazzjoni tat-Trejdunjins tal-Maċedonja (SSM), l-Assoċjazzjoni ta' min Iħaddem tal-Maċedonja u huwa ppresiedut mill-Ministru għall-Politika Soċjali u x-Xogħol.

6.1.3

Din is-sitwazzjoni tpoġġiet fi sfida serja mill-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u mit-trejdunjins li m'humiex membri tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (KES) u li jikkritikaw xogħolu bl-aħrax. Jidher li hemm ftehim bejn kulħadd, kif ukoll min-naħa tal-Gvern li l-qafas legali attwali għandu jiġi emendat u ċċarat fir-rigward ta' l-identifikazzjoni tal-kriterji għall-parteċipazzjoni fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (KES). Madankollu, is-sejba ta' soluzzjoni sodisfaċenti u ta' qafas legali ġdid għall-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (KES) jirrikjedu diskussjonijiet twal.

6.1.4   In-negozjar kollettiv

Jeżistu żewġ ftehimiet kollettivi fis-settur pubbliku u s-settur privat, u madwar 24-il ftehim kolletiv għal setturi differenti. Il-bżonnijiet preżenti tat-trejdunjins hu li jorganizzaw 33 % tal-ħaddiema kkonċernati biex isiru msieħba soċjali fin-negozjar kollettiv. Din il-provviżjoni ġiet attakkata minn ħafna trejdunjins li qed isejħu għat-tnaqqis sostanzjali ta' dan il-limitu. Barraminhekk, instab li kien diffiċli li tingħata prova ċara li xi organizzazzjoni rnexxielha tilħaq din il-kwota b'mod effettiv.

6.2   Id-Djalogu Ċivili fid-dawl ta' l-Istrateġija l-Ġdida tal-Gvern

6.2.1

L-ewwel perijodu fir-relazzjonijiet bejn il-Gvern u l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili kien ikkaraterizzat minn kuntatti ad-hoc u arranġamenti oħra. L-ewwel pass lejn relazzjonijiet istituzzjonalizzati kien magħmul f'Novembru 2004 permezz tal-ħolqien ta' l-Unità tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan il-Gvern.

6.2.2

F'Jannar 2007 ġiet adottata Strateġija għall-Kooperazzjoni tal-Gvern mas-Settur Ċivili flimkien ma' Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu. Dan id-dokument kien ir-riżultat ta' diskussjoni adegwata.

6.2.3

L-għanijiet strateġiċi ewlenin ta' l-Istrateġija huma: il-parteċipazzjoni tas-settur tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tfassil tal-politika; l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' l-integrazzjoni fl-UE; il-ħolqien ta' kondizzjonijiet aktar favorevoli għall-ħidma tajba tas-soċjetà ċivili; it-titjib u t-tisħiħ tal-qafas leġislattiv sabiex jitjiebu l-kondizzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-ħolqien ta' kooperazzjoni inter-istituzzjonali u bejn is-setturi.

6.3   Il-ħolqien ta' Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-KESE.

6.3.1

L-atturi prinċipali kollha f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jagħtu importanza kbira lill-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-KESE u jitolbu għall-ħolqien tiegħu kemm jistà jkun malajr.

6.3.2

Kumitat Konsultattiv Konġunt kompost tajjeb jistà jkun strument effettiv mhux biss biex iqarreb lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u s-soċjetà ċivili organizzata lejn l-UE iżda wkoll għall-promozzjoni tad-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali.

6.3.3

Hemm bżonn ta' sforzi serji minn kull min hu kkonċernat biex jiġi żgurat li l-membri tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jintgħażlu b'mod miftuħ, trasparenti u demokratiku u li jkunu leġittimi u rappreżentattivi.

7.   Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-UE u l-Balkani

7.1   L-Istat tar-relazzjonijiet bejn l-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

7.1.1   Pajjiż kandidat

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hi pajjiż kandidat u qed tipprepara għan-negozjati ta' l-adeżjoni ma' l-UE. Kienet l-ewwel pajjiż fil-Balkani tal-Punent li ffirma Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) f'April 2001. Is-summit ta' Thessaloniki li ltaqa' bejn id-19 u l-21 ta' Ġunju 2003 introduċa għajnuna miżjuda għall-adeżjoni ma' l-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Il-Gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ressaq it-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni Ewropea fl-14 ta' Frar 2005, li fforma l-bażi ta' l-opinjoni pożittiva ppubblikata mill-Kummissjoni fid-9 ta' Novembru 2005 u sussegwentement, tad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew fis-16 ta' Diċembru 2005 li ta l-istatus ta' pajjiż kandidat lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

7.1.2   Il-kummerċ ma' l-UE

Fl-2006 l-esportazzjoni totali laħqet il-livell ta' EUR 1.43 biljun, u l-importanzzjoni laħqet total ta' EUR 2.25-il biljun. Il-kummerċ ma' l-UE fforma 51.85 % ta' l-esportazzjoni, filwaqt li 44 % ta' l-importazzjoni kienet ġejja mill-Istati Membri ta' l-UE. Il-ħames l-ogħla msieħba kummerċjali mill-UE huma l-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, is-Slovenja u l-Polonja.

Uħud mill-kwistjonijiet kummerċjali li jridu jiġu trattati huma n-nuqqas ta' integrazzjoni tas-servizzi mal-fruntieri, in-nuqqas ta' teknoloġiji ġodda, id-dwana bla karti, id-dikjarazzjoni tal-prodotti u n-nuqqas ta' laboratorji referenzjali għaċ-ċertifikati (speċjalment fl-agrikultura).

7.1.3   Viżi

Il-mobbiltà tan-nies, speċjalment fl-oqsma ta' kuntatti kummerċjali u l-iskambji edukattivi u kulturali, hija kruċjali għall-pajjiż sabiex jibni l-pontijiet tiegħu ma' l-UE. Fit-18 ta' Settembru 2007 ġie ffirmat ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża u l-ammissjoni mill-ġdid ma' l-UE bħala pass transitorju lejn reġim mutwu mingħajr viża. Fl-20 ta' Frar 2008, tnieda djalogu dwar vjaġġar mingħajr viża.

7.1.4   Għajnuna ta' l-UE

Bejn l-1992 u l-2006, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ngħatat EUR 800 miljun f'għajnuna mill-UE. Bejn l-2007 u l-2009 mistenni li tingħata EUR 210-il miljun.

7.2   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' l-integrazzjoni fl-UE

7.2.1

L-integrazzjoni Ewropea hi sfida importanti għas-soċjetà ċivili f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Permezz tal-proċess ta' l-adeżjoni, l-integrazzjoni Ewropea tista' sservi ta' forza mexxejja għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jippromovu valuri ġodda, bħad-demokrazija parteċipattiva, l-inklużjoni, l-ugwaljanza, it-trasparenza u l-akkontabbiltà. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti bħala medjaturi bejn soċjetà Balkana tradizzjonali, multi-kulturali u multi-etnika u Ewropa post-moderna.

7.2.2

Il-Gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja beda jagħraf ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' integrazzjoni fl-UE u inkludiha bħala wieħed mill-objettivi strateġiċi tiegħu.

7.2.3

L-appoġġ ta' l-UE lis-soċjetà ċivili żdied wara l-introduzzjoni ta' CARDS (Għajnuna Komunitarja għar-Rikostruzzjoni, l-Iżvilupp u l-Istabilizzazzjoni) fl-2001. Ingħata appoġġ lil numru ta' inizjattivi ċivili fosthom l-assistenza teknika għall-elaborazzazzjoni ta' Strateġija tal-Gvern għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili u l-appoġġ għall-Pjattaforma Ċivili tal-Maċedonja.

7.3   Kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien fil-Balkani

7.3.1.

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha rwol attiv fil-qasam tal-kooperazzjoni reġjonali b'mod speċjali permezz ta' l-impenn tagħha lejn l-iżvilupp tar- relazzjonijiet bilaterali u lejn politika tal-viċinat tajba. Hi attur attiv fil-proċessi reġjonali bħat-twaqqif tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (il-Proċess ta' Kooperazzjoni ta' l-Ewropa tax-Xlokk (SSCP)), it-Trattat Komunitarju ta' l-Enerġija, l-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni, l-Inizjattiva Kooperattiva ta' l-Ewropa tax-Xlokk (SECI) u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali (CEFTA). F'dan il-kuntest, l-istampa nazzjonali u lokali għandha responsabbiltà speċjali sabiex tinfluwenza l-iżvilupp ta' dawn il-proċessi b'mod pożittiv.

7.3.2.

Fi sferi oħra, inkluż is-soċjetà ċivili, qed jiżdied in-netwerking u l-interazzjoni fil-livell reġjonali. Hemm każijiet pożittivi ta' azzjonijiet konġunti bil-parteċipazzjoni attiva ta' organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, trejdunjins u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Fil-bidu ta' l-2001, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ffaċjat kunflitti armati u kriżi fir-relazzjonijiet inter-etniċi tagħha. Is-soluzzjoni politika tal-kriżi kien il-Qafas tal-Ftehim (magħruf ukoll bħala l-Ftehim Ohrid), maqbul mill-erba' partiti politiċi ewlenin u ggarantit mill-President tar-Repubblika u l-komunità internazzjonali (l-UE u l-Istati Uniti), f'Ohrid, fit-13 ta' Awissu 2001. Il-Qafas tal-Ftehim għandu l-għan li jmantni l-integrità u l-karattru unitarju ta' l-Istat, li jippromovi d-demokrazija, li jiżviluppa s-soċjetà ċivili, li jippromovi l-integrazzjoni Ewro-Atlantika u li jiżviluppa soċjetà multi-kulturali, li tiġbor fiha l-komunitajiet etniċi kollha b'mod ugwali. Il-parti leġislattiva tal-Qafas tal-Ftehim twettqet f'madwar erba' snin, f'Lulju 2005.

(2)  Rapport Bikri ta' Twissija — Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, UNDP, Skopje, Ġunju 2007.