ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
5 ta' Lulju 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

KUMITAT TAR-REĠJUNI

 

74 Sessjoni Plenarja id-9 u l-10 ta’ April 2008

2008/C 172/01

Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riforma tal-baġit, il-bidla ta' l-Ewropa

1

2008/C 172/02

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija għall-ibgħad reġjuni dwar il-kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni

7

2008/C 172/03

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-inklużjoni-e

12

2008/C 172/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper dwar it-Trasport Urban

17

2008/C 172/05

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-sistema ta' ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni

24

2008/C 172/06

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politika Ewropea għall-Portijiet

29

2008/C 172/07

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea

34

2008/C 172/08

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-white paper flimkien għas-saħħa: approċċ strateġiku għall-UE 2008-2013

41

2008/C 172/09

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija għat-tkabbir u sfidi ewlenin għall-2007-2008 — Pajjiżi kandidati

45

2008/C 172/10

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea

49

2008/C 172/11

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-swieq ewropej fil-qasam ta' l-elettriku u l-gass: it-tielet pakkett leġislattiv

55

2008/C 172/12

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2007-2008 — Pajjiżi pre-kandidati

60

2008/C 172/13

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fis-soċjetà

65

MT

 


III Atti preparatorji

KUMITAT TAR-REĠJUNI

74 Sessjoni Plenarja id-9 u l-10 ta’ April 2008

5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/1


Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riforma tal-baġit, il-bidla ta' l-Ewropa

(2008/C 172/01)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI:

jikkunsidra li huwa essenzjali li jinżamm qafas politiku u ekonomiku b'saħħtu, b'biżżejjed riżorsi fuq perijodu medju jew twil ta' żmien sabiex ir-rieda kollettiva li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti għall-politiki komuni tkun tista' toħroġ fid-dieher,

jikkunsidra li, kull fejn hemm bżonn, il-baġit Komunitarju li jmiss għandu jissejjes fuq il-kompetenzi Komunitarji definiti fit-Trattat ta' Lisbona u fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandu jirrifletti t-tkabbir tal-bażi legali tat-Trattat u jirrifjuta l-idea tal-kompetizzjoni bejn, minn naħa, il-politiki li kienu jeżistu diġà u li l-objettivi tagħhom għadhom rilevanti, u min-naħa l-oħra, l-oqsma l-ġodda ta' attività Ewropea jew il-politiki l-ġodda li ġabu magħhom l-isfidi globali ġodda,

jitlob li l-iżvilupp tal-baġit Komunitarju jiġi kkunsidrat skond dinamika progressiva ta' integrazzjoni billi jitbassru azzjonijiet Komunitarji ta' natura sperimentali, u billi jiddistingwi ruħu sew mit-tendenza attwali bbażata fuq id-daqs tal-baġit Ewropew,

jitlob li l-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal kollu marbut mal-gvernanza fuq diversi livelli jitpoġġa fil-qalba ta' l-istrateġija ta' riforma tal-baġit Ewropew u jfakkar li l-kunċett, il-kofinanzjament u l-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej jistgħu jibbenefikaw ħafna mill-appoġġ ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali,

huwa mħasseb, b'mod partikulari, li l-possibbiltà ta' nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-politiki finanzjati mill-Unjoni tista' twassal għal reazzjonijiet insuffiċjenti, mhux effettivi u inkoerenti fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea, jew għat-telf ta' l-effett ta' lieva ta' l-interventi Komunitarja,

itenni li qafas finanzjarju multiannwali stabbli, li jkopri ħafna iktar minn ħames snin, huwa kondizzjoni essenzjali li jassigura l-effikaċja ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea. Għalhekk jipproponi li l-perijodu ta' pprogrammar tal-qafas finanzjarju multiannwali jiġi estiż għal 10 snin; il-finanzjament ta' l-ewwel ħames snin biss jiġi allokat bis-sħiħ u mbagħad issir reviżjoni ta' nofs it-term sabiex l-ammonti li jkunu nżammu riservati, per eżempju 25 %, jiġu allokati mill-ġdid għal spejjeż ġodda; bis-saħħa ta' dan l-approċċ tista' tiġi assigurata l-koerenza mal-mandati ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea,

huwa tal-fehma li s-sistema l-ġdida ta' finanzjament tal-baġit Komunitarju għandha tissejjes fuq it-trasparenza u fuq ir-riżorsi proprji li jiggarantixxu l-ekwità u s-solidarjetà, l-istabilità, il-viżibilità, iċ-ċarezza, il-preċiżjoni u s-sempliċità bl-inqas eżenzjonijiet possibbli.

Rapporteurs

:

Michel DELEBARRE (FR/PSE) — Sindku ta' Dunkerque

Luc VAN DEN BRANDE (BE/PPE) — Membru tal-Parlament Fjaming

Dokument ta' referenza

SEC(2007) 1188 finali — Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ir-riforma tal-baġit, il-bidla ta' l-Ewropa — Dokument ta' konsultazzjoni pubblika fid-dawl ta' l-eżami tal-baġit 2008/2009 (traduzzjoni mhux uffiċjali).

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-reviżjoni tal-Baġit ta' l-UE, it-tisħiħ ta' l-Ewropa

1.

jikkunsidra li, sabiex inwieġbu b'mod ambizzjuż għall-istennijiet taċ-ċittadini Ewropej, ir-reviżjoni tal-baġit Ewropew għandha sservi l-ewwel u qabel kollox sabiex issaħħaħ il-patt demokratiku ta' fiduċja li jorbot liċ-ċittadini ma' l-Unjoni, u b'hekk iġġedded is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet responsabbli għall-politiki fid-diversi livelli territorjali;

2.

josserva li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel sforz sabiex issir mudell ta' referenza dinjija għall-prosperità u l-koeżjoni, fejn il-pjan politiku Ewropew jintrabat mal-preservazzjoni ta' l-identità, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni u d-demokrazija fil-livell lokali u reġjonali;

3.

huwa konvint li l-valur miżjud ta' l-Unjoni Ewropea jinsab fil-garanzija ta' paċi, protezzjoni u stabilità għaċ-ċittadini tagħha; fil-possibbiltà li hija toffri lill-Ewropej sabiex jiżviluppaw bis-sħiħ il-potenzjal individwali tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u fil-livell Ewropew; fil-ħolqien ta' kuxjenza Ewropea u tas-solidarjetà bejn iċ-ċittadini ta' nazzjonalitajiet u kulturi differenti permezz tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; fil-ħolqien ta' territorju li fih l-Ewropej ikunu jistgħu jagħmlu l-kummerċ fi ħdan suq uniku; fl-applikazzjoni ta' approċċi komuni fil-konfront ta' l-isfidi tas-seklu XXI;

4.

jirrimarka li l-isfida tar-reviżjoni tal-baġit hija li bis-saħħa tagħha dan il-mudell ekonomiku u soċjali ikun jista' jagħmel progress billi jiġi evitat iż-żarmar tal-pedamenti tiegħu u billi ssir iktar enfasi fuq il-ġid territorjali ta' l-Ewropa u fuq id-diversità tagħha, l-iktar kulturali, fl-interess tal-koeżjoni tagħha stess;

5.

jikkunsidra li huwa essenzjali li jinżamm qafas politiku u ekonomiku b'saħħtu, b'biżżejjed riżorsi fuq perijodu medju jew twil ta' żmien sabiex ir-rieda kollettiva li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti tkun tista' toħroġ fid-dieher;

6.

jiġbed l-attenzjoni għall-valur tal-baġit Komunitarju li, billi huwa bbażat fuq il-prinċipji tas-solidarjetà, l-istabilità tal-qafas finanzjarju multi-annwali tiegħu u l-kondizzjonijiet marbuta mal-benefiċċji tiegħu, huwa essenzjali għall-garanzija ta' l-effiċjenza u l-kontinwità tul iż-żmien ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

7.

huwa konvint li l-qafas finanzjarju multiannwali tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropea jiggarantixxi l-kontinwità strateġika tal-linji ġenerali tal-politika Ewropea fuq perijodu twil ta' żmien u joffri ċ-ċertezza għall-investiment lokali;

8.

f'dan il-kuntest itenni l-appoġġ tiegħu għat-Trattat il-ġdid li jirrappreżenta l-progress fil-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea bis-saħħa tat-tisħiħ mill-ġdid, l-aġġornament jew saħansitra d-definizzjoni mill-ġdid ta' politiki li diġà jinsabu fil-qalba ta' l-integrazzjoni Ewropea u bil-“Komunitarizzazzjoni” ta' politiki importanti oħrajn;

9.

jikkunsidra li, kull fejn hemm bżonn, il-baġit Komunitarju li jmiss għandu jissejjes fuq il-kompetenzi Komunitarji definiti fit-Trattat ta' Lisbona u fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandu jirrifletti t-tkabbir tal-bażi legali tat-Trattat u jirrifjuta l-idea tal-kompetizzjoni bejn, minn naħa, il-politiki li kienu jeżistu diġà u li l-objettivi tagħhom għadhom rilevanti, u min-naħa l-oħra, l-oqsma l-ġodda ta' attività Ewropea jew il-politiki l-ġodda li ġabu magħhom l-isfidi globali ġodda;

10.

jipproponi wkoll li l-iżvilupp tal-baġit għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tal-progress gradwali lejn l-integrazzjoni fuq il-bażi ta' l-implimentazzjoni tal-miżuri li jwasslu għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

11.

jixtieq jara baġit futur Ewropew li jista' jakkomoda l-azzjonijiet Komunitarji ta' natura esperimentali;

12.

jemmen bis-sħiħ fil-bżonn li tiġi adottata viżjoni globali dwar l-interventi u l-finanzi pubbliċi, f'kuntest ġenerali ta' limitazzjonijiet baġitarji, fil-livell Ewropew u nazzjonali, kif ukoll fil-livell ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Apparti s-sussidji, għandhom jiġu inklużi wkoll il-mezzi ta' finanzjament, inkluż l-użu ta' miżuri fiskali, u għandu jitqies il-kontribut ta' msieħba finanzjarji oħrajn, bħall-Bank Ewropew ta' l-Investiment;

13.

jikkunsidra li l-għan tar-reviżjoni tal-baġit Ewropew huwa ċar: it-tgħammir ta' l-Unjoni Ewropea bi strumenti adattati għall-kompiti u l-prospetti politiċi, ekonomiċi, soċjali u territorjali li ngħatawlha fit-Trattati u b'sistema sempliċi u trasparenti li jagħmlu l-valur miżjud Ewropew viżibbli għaċ-ċittadini;

14.

jemmen li l-Ewropa għandha taħtaf din l-opportunità sabiex issir entità politika iktar koerenti, li tagħmel liċ-ċittadini kburin, u li tagħtihom il-fiduċja fil-futur u fir-relazzjonijiet tagħhom mal-bqija tad-dinja.

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-awtoritajiet lokali u reġjonali — imsieħba fit-tibdil ta' l-Ewropa fil-livell prattiku

15.

jenfasizza li t-Trattat il-ġdid jirrappreżenta progress kbir fil-qasam tal-gvernanza Ewropea f'diversi livelli bil-għajnuna ta' l-estensjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà għal-livelli lokali u reġjonali u ż-żieda tad-dimensjoni territorjali tal-koeżjoni. Dan iqawwi r-rabta bejn l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha u bis-saħħa tagħha l-UE timxi 'l quddiem filwaqt li tirrispetta l-identitatjiet u d-diversità;

16.

jenfasizza li s-sħubija bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tikkostitwixxi mudell ta' gvernanza li hija iktar adattata għal żminijietna, fejn l-opportunitajiet u l-isfidi ħafna drabi huma lokali filwaqt li r-riperkussjonijiet tagħhom jinħassu f'kuntest usa';

17.

josserva li t-tfassil, l-ipprogrammar, il-ko-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej jistgħu jgawdu ħafna mill-kontribut ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u b'mod partikulari mill-esperjenza transnazzjonali, interistituzzjonali u intersettorjali tagħhom.

18.

għaldaqstant, isejjaħ għal baġit Ewropew li bis-saħħa tiegħu l-objettivi prinċipali Ewropej jiġu adattati għall-ħtiġijiet lokali speċifiċi;

19.

f'dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, bħala riżultat ta' tendenza ġenerali lejn id-devoluzzjoni u d-deċentralizzazzjoni f'għadd ta' Stati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali kisbu iktar u iktar poteri u responsabilitajiet li huma essenzjali għall-intervent tagħhom fl-oqsma li huma milquta bl-iktar mod dirett mill-isfidi kbar li qed tiffaċċja l-Ewropa;

20.

josserva wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali saru atturi finanzjarji pubbliċi prinċipali u li l-baġit Ewropew jista' jkollu effett ta' lieva konsiderevoli f'termini kwantitattivi u kwalitattivi. Fl-2004 huma diġà kienu responsabbli għal iktar minn 60 % ta' l-investiment pubbliku kollu fl-UE wara t-tkabbir;

21.

jaqbel ma' l-istqarrija li saret fir-Raba' Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali li f'għadd kbir ta' Stati Membri r-responsabilità għall-investiment pubbliku ħafna drabi taqa' kemm f'idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll f'idejn il-gvern ċentrali. Dawn ikunu responsabbli wkoll għall-investiment fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, id-djar, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-trasport, l-infrastruttura pubblika u l-ħarsien ta' l-ambjent. Din it-tendenza ssaħħet tul l-aħħar għaxar snin;

22.

josserva li, fil-konfront tad-domanda għall-implimentazzjoni integrata u flessibbli tal-politiki Ewropej, l-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jittraduċu l-politiki strateġiċi miftiehma fil-livell Ewropew f'azzjoni speċifika, f'ħidma konġunta ma' l-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali;

23.

jikkunsidra li ħafna drabi huwa f'idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jikkoordinaw il-politiki nazzjonali u Ewropej billi jikkombinaw il-politiki settorjali fuq skala reġjonali u urbana;

24.

jisħaq fuq il-bżonn li jinkiseb l-objettiv tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali billi jiġu allokati għalih ir-riżorsi finanzjarji neċessarji, ibbażat fuq il-prinċipji tas-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-gvernanza fuq diversi livelli u l-kooperazzjoni territorjali li diġà huma implimentati fl-Ewropa, u jibni fuq l-esperjenza tas-sħubija istituzzjonali estiża li nkisbet s'issa;

25.

jikkunsidra li l-għan il-ġdid tal-koeżjoni territorjali fit-Trattat jagħti impetus addizzjonali lill-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki kollha ta' l-Unjoni Ewropea fuq bażi territorjali. Dan iġegħilna, minn naħa, nisfruttaw id-diversità tar-reġjuni tagħna u, min-naħa l-oħra, infittxu s-soluzzjonijiet għad-differenzi li jippersistu fil-varji livelli ta' gvernanza fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

26.

isejjaħ sabiex l-għan ta' l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tal-gvernanza fuq diversi livelli u l-kontribut ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali jitqiegħed fil-qalba ta' l-istrateġija tar-reviżjoni tal-baġit Ewropew.

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-effett ta' lieva tal-baġit Komunitarju

27.

jikkunsidra li l-Unjoni Ewropea bħalissa għaddejja minn perijodu ta' bidla soċjo-ekonomika profonda bħala Komunità wara t-tkabbir u li għadha qed tikber, u bħala attur dinji prinċipali, u li trid tiffaċċja sfidi kbar marbuta ma' l-ambjent, l-enerġija, id-demografija, it-teknoloġija u s-sigurtà;

28.

jinnota li fid-dawl ta' dawn il-bidliet u l-isfidi, ħafna drabi l-Istati Membri mhux dejjem ikunu f'pożizzjoni li jipprovdu t-tweġibiet adattati b'mod separat;

29.

josserva li, fil-biċċa l-kbira ta' l-oqsma, il-“metodu miftuħ ta' koordinazzjoni” għadu ma weriex li jista' jpatti għal dawn in-nuqqasijiet, anke meta jintuża b'mod komplementari;

30.

itenni li l-politiki komuni jew Komunitarji u l-“metodu Komunitarju” għadhom mod effettiv sabiex jintlaħaq objettiv politiku kollettiv;

31.

huwa mħasseb b'mod partikulari dwar il-possibbiltà ta' nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-politiki finanzjati mill-Unjoni, li tista' twassal għal reazzjonijiet mhux effettivi u inkoerenti fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea, jew għat-telf ta' l-effett ta' lieva ta' l-interventi Komunitarja;

32.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-politiki Komunitarji kapaċi tirriżulta fit-telf ta' l-effett ta' lieva marbut ma' l-intervent finanzjarju ta' l-Unjoni billi jimmultiplika l-impatt pożittiv fuq il-finanzjament tal-miżuri speċifiċi implimentati;

33.

josserva li n-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid ixxekkel ukoll l-iżvilupp koerenti u sostenibbli ta' l-attivitajiet transkonfinali;

34.

itenni li l-effett ta' lieva ta' l-intervent finanzjarju ta' l-Unjoni jmur lilhinn sew mill-multiplikazzjoni finanzjarja, li, tradizzjonalment, tiġi appoġġjata minn sistemi ta' ko-finanzjament pubbliku; mil-lat operattiv u finanzjarju, l-effett ta' lieva jinħass ukoll fl-iffaċilitar tas-sħubijiet pubbliċi-privati;

35.

jenfasizza wkoll li l-lieva tal-finanzjament Komunitarju tappoġġja l-orjentazzjoni strateġika ta' politiki oħra ta' investiment pubbliku li jitwettqu lokalment. Din tgħin ukoll fit-titjib sostanzjali tal-kapaċitajiet ta' l-ipprogrammar u l-ġestjoni ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi u operaturi privati, u hija parti essenzjali mill-proċess ta' l-integrazzjoni Komunitarja u l-perċezzjoni pubblika ta' dan il-proċess;

36.

isejjaħ għal evalwazzjoni tal-valur miżjud li tqis sew id-diversi livelli ta' gvernanza (il-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali);

37.

jikkunsidra l-fatt li l-valur miżjud ta' l-intervent finanzjarju Ewropew jista' jinbet ukoll minn attivitajiet li m'humiex neċessarjament meqjusa rilevanti jew ta' prijorità fil-livell nazzjonali jew sotto-nazzjonali, bħall-kooperazzjoni transkonfinali;

38.

jikkunsidra li l-valur miżjud huwa marbut mill-qrib ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' l-addizzjonalità. Skond dan il-prinċipju, l-intervent Komunitarju m'għandux jintuża bħala pretest għat-tneħħija ta' finanzjamenti fil-livell nazzjonali. Il-politika ta' koeżjoni hija eżempju ta' dan;

39.

isejjaħ għar-rikonoxximent tal-valur ta' inċentiv kbir ta' l-intervent Komunitarju tal-baġit li, billi jħeġġeġ lill-pajjiżi u r-reġjuni l-iktar li għadhom lura sabiex jilħqu ma' l-oħrajn u jimmodernizzaw, jiġġenera benefiċċji għas-sistema soċjo-ekonomika Ewropea kollha kemm hi.

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Baġit li jirrifletti l-valuri ta' l-Ewropa, iwieġeb għal sfidi kbar u jiggarantixxi l-koeżjoni territorjali

40.

jagħraf li l-Ewropa trid tiffaċċja sfidi kbar, bħall-koeżjoni u l-kompetittività fil-kuntest ta' l-innovazzjoni, it-titjib fil-kwalità u l-livell tar-riżorsi umani u l-impjiegi, il-bidla fil-klima, il-modernizzazzjoni tal-mudell ta' l-enerġija, l-iżbilanċi demografiċi u l-pressjonijiet tal-migrazzjoni u s-sigurtà fl-Ewropa u madwar id-dinja;

41.

madankollu, jenfasizza li l-missjoni ta' l-Unjoni m'għandhiex tiġi ristretta għat-tweġib ta' l-isfidi l-ġodda iżda anke għas-segwitu tagħha ta' l-integrazzjoni;

42.

għaldaqstant, jikkunsidra li huwa essenzjali li l-Unjoni tkompli taħdem għall-ikkompletar tas-suq intern fl-interess ta' l-iżvilupp sostenibbli, il-ġustizzja u l-inklużjoni, u tibni fuq ir-rikkezza territorjali u d-diversità kulturali ta' l-Ewropa;

43.

isejjaħ lill-Unjoni sabiex tippromovi l-valuri tagħha u tikseb l-għanijiet politiċi tagħha, taħdem sabiex tagħmel il-ħajja politika ta' l-Unjoni iktar demokratika, tippromovi l-iżvilupp ta' l-awtonomija lokali u reġjonali u tas-soċjetà ċivili;

44.

josserva li minħabba l-isfidi l-ġodda, huwa neċessarju li, minn naħa, il-globalizzazzjoni għandha tinfiehem u tiġi indirizzata, u min-naħa l-oħra, tiġi ggarantita l-koeżjoni territorjali madwar l-Unjoni Ewropea u l-fruntieri tiegħha;

45.

jenfasizza li, apparti d-differenzi soċjo-ekonomiċi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' l-Ewropa jridu jiffaċċjaw sfidi jixxiebhu fil-kuntest tal-forom speċifiċi li dawn jieħdu f'oqsma differenti;

46.

jagħraf li f'dan il-proċess, li għandu jkun ibbażat fuq sistema ta' gvernanza fuq diversi livelli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jsibu post għall-isfruttar tal-potenzjal tagħhom li mhux qed jiġi użat;

47.

jemmen li l-qafas Komunitarju l-ġdid tal-baġit għandu jkun jista' jassigura:

a.

li r-reġjuni l-inqas żviluppati, kif ukoll l-awtoritajiet territorjali bi żvantaġġi ġeografiċi permanenti jistgħu jikkonsolidaw it-triq tagħhom tal-konverġenza, l-iktar billi jsaħħu l-kompetittività tagħhom u b'hekk jassiguraw żvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali iktar ibbilanċjat madwar l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;

b.

li meta reġjun ma jibqax eliġibbli għall-għajnuna, għandhom jiġu previsti r-regoli transitorji adattati u ġusti sabiex ma jkunux mhedda r-riżultati li jinkisbu bis-saħħa tal-politika Ewropea tal-koeżjoni. F'din id-dispożizzjoni għandha tiġi ggarantita l-ugwaljanza tat-trattament fil-livell Ewropew bejn il-pajjiżi kollha kkonċernati u r-reġjuni milquta, irrispettivament minn liema Stat Membru jinsabu ġo fih;

c.

li jingħata appoġġ ċar għall-iżvilupp tal-ħiliet, b'mod partikulari fil-qasam ta' l-innovazzjoni, fir-reġjuni li jagħmlu kontribut qawwi għall-kompetittività ta' l-Unjoni Ewropea f'dinja globalizzata;

d.

li għandha tingħata prijorità lil politika Ewropea favur it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività reġjonali sostenibbli, fejn jieħdu sehem ir-reġjuni kollha Ewropej. Bl-appoġġ ta' politika bħal din, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali kollha jkunu jistgħu jiksbu linji gwida strateġiċi adattati għall-ksib ta' l-investiment innovattiv meħtieġ sabiex iħeġġeġ lill-komunitajiet tagħhom jadattaw ruħhom għall-bidliet strutturali fl-ekonomija, is-soċjetà u t-teknoloġija, kif ukoll sabiex jisfruttaw il-potenzjal u l-kondizzjonijiet speċifiċi tat-territorji tagħhom f'kuntest globali, speċjalment l-SMEs, li huma s-sisien ta' l-ekonomija Ewropea;

e.

li politika bbażata fuq is-solidarjetà tkun tista' tiġi stabbilita sabiex tassigura l-aċċess ugwali għal kulħadd għall-infrastruttura u s-servizzi fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u l-kwalifiki vokazzjonali sabiex il-persuni kkwalifikati jkollhom l-opportunità li jgawdu mill-iktar opportunitajiet avvanzati ta' riċerka. L-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej għandhom jingħaqdu sabiex issir laqgħa fil-livell lokali bejn id-dinjiet universitarji, ta' riċerka u ta' l-intrapriża sabiex in-netwerk tagħhom jitħeġġeġ fil-livell Ewropew u dak globali;

f.

li l-moviment liberu, li jirfed il-proġett ta' integrazzjoni Ewropea, jingħata spinta ġdida billi jissaħħaħ l-investiment fin-netwerks tat-trasport trans-Ewropej. Il-politiċi għandhom iħeġġu t-trasport sostenibbli, il-konnessjonijiet bejn is-sistemi differenti tat-trasport u, b'mod speċjali, netwerk ferrovjarju interkonness, li jwassal għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 filwaqt li jitnaqqas il-ħin tat-trasport u l-ispejjeż, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-operaturi. Hemm bżonn ukoll li jiġi żviluppat trasport marittimu sostenibbli;

g.

li t-territorji Ewropej kollha ikunu attrezzati biżżejjed sabiex jiffaċċjaw il-bidla fil-klima, bir-riżorsi meħtieġa sabiex jiġu evitati l-kaġuni u nadattaw għall-konsegwenzi tagħha, b'mod partikulari għall-benefiċċju tan-nies u l-atturi ekonomiċi li jintlaqtu l-iżjed. Hemm bżonn ta' investiment fil-mudelli ta' l-iżvilupp sostenibbli li jqisu b'mod ċar l-opportunitajiet u r-restrizzjonijiet lokali;

h.

li l-Unjoni Ewropea tkun attrezzata b'politika ta' l-enerġija Komunitarja li tkun ibbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, is-sigurtà tal-provvista u mudelli tas-sostenibilità tal-ġenerazzjoni, it-trasport u l-konsum u tirrispetta l-libertà ta' l-Istati Membri li jagħżlu s-sorsi ta' l-enerġija tagħhom; il-komuni u r-reġjuni huma l-iktar livelli adattati sabiex jassiguraw l-innovazzjoni u l-bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi;

i.

li jkun hemm reazzjoni Ewropea għall-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni, u jintużaw l-aħjar soluzzjonijiet li diġà jkunu ġew provati fil-livell lokali u reġjonali. Huwa essenzjali li dawk li ta' kuljum qegħdin jiffaċċjaw l-emerġenzi jkunu jistgħu jorbtu fuq is-solidarjetà u l-kooperazzjoni Ewropea;

j.

li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu rikkonoxxuti għar-rwol importanti tagħhom fl-implimentazzjoni tal-miżuri għall-adattament għall-effetti tal-bidla demografika;

k.

li l-Ewropa għandu jkollha agrikoltura moderna, kompetittiva, diversifikata u sostenibbli li tiggarantixxi s-sigurtà u l-preferenza ta' l-ikel Ewropew, u li żżomm il-preżenza tagħha fil-kummerċ dinji mingħajr ma tintesa n-nozzjoni ta' preferenza Komunitarja. L-agrikoltura għandha tingħata l-appoġġ neċessarju li jagħmilha kapaċi ssir strument li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna, tippreserva dik ta' ġenerazzjonijiet futuri u tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tisħin globali, għall-ħarsien ta' l-ambjent tagħna, tal-bijodiversità u tal-kwalità tal-pajsaġġi tagħna;

l.

li l-Ewropa għandha tkompli bil-politika tagħha tal-viċinat u twettaq proġetti konġunti ma' msieħba iktar 'il bogħod. Ir-relazzjonijiet esterni ta' l-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw dejjem iktar mill-kontributi tal-kooperazzjoni transkonfinali u tal-kooperazzjoni deċentralizzata li huma mmexxija mill-awtoritajiet reġjonali u lokali. Għandha ssir enfasi fuq il-kooperazzjoni transkonfinali, fid-dawl ta' l-importanza tagħha bħala fattur għat-tisħiħ tal-paċi, l-identifikazzjoni u t-twaqqif ta' valuri u għanijiet komuni, u l-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali.

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Baġit reattiv, effettiv, effiċjenti u trasparenti

48.

jikkunsidra li fit-Trattat ta' Lisbona l-Unjoni Ewropea għandha, potenzjalment, mekkaniżmu iktar effiċjenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex tiġi determinata l-istruttura tal-baġit;

49.

itenni li qafas finanzjarju multiannwali stabbli, li jkopri ħafna iktar minn ħames snin, huwa kondizzjoni essenzjali sabiex tiġi assigurata l-effettività ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, u sabiex l-atturi jkunu jistgħu jippjanaw l-investimenti tagħhom fuq perijodu twil ta' żmien u jwettqu proġetti ta' żvilupp territorjali;

50.

għalhekk, jipproponi li l-perijodu ta' pprogrammar tal-qafas finanzjarju multiannwali jiġi estiż għal 10 snin, mingħajr ma l-fondi jiġu allokati immedjatament. Sabiex ikun hemm koerenza mal-mandati ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, wieħed mill-passi 'l quddiem jista' jkun li l-perijodu jinqasam fi tnejn: il-finanzjament ta' l-ewwel ħames snin jiġi allokat bis-sħiħ u mbagħad issir reviżjoni ta' nofs it-term sabiex l-ammonti li jkunu nżammu riservati, per eżempju 25 %, jiġu allokati mill-ġdid għal spejjeż ġodda sabiex jitnedew inizjattivi ġodda jew jiġu rinforzati l-iktar politiki bżonjużi;

51.

jikkunsidra li l-flessibilità toffri mezzi siewja għall-isfruttar ta' l-impatt ta' l-infiq Komunitarju u li hija meħtieġa sabiex inkunu nistgħu nadattaw għal kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni, iżda anke li ġġib magħha r-riskju, jekk ma tkunx ġestita sew, fil-ftuħ tat-triq għal Ewropa ta' żewġ livelli;

52.

jikkunsidra li l-identifikazzjoni tal-mekkaniżmi, bħal dawk li ġew provati għall-politika ta' koeżjoni 2007-2013, tista' tiffaċilita l-koordinazzjoni ta' objettivi ewlenin ta' politika permezz ta' intestaturi differenti tal-baġit;

53.

isejjaħ sabiex persentaġġ speċifiku tal-baġit Komunitarju li jmiss jiġi allokat għall-esperimentazzjoni, u li dan l-ammont ikun separat mir-riżorsi identifikati għall-appoġġ ta' miżuri ġenerali;

54.

isejjaħ għall-kjarifika tal-mekkaniżmi ta' kontroll u applikazzjoni iktar diretta u effettiva tas-sanzjonijiet, fejn hemm bżonn;

55.

itenni l-bżonn li jiġi implimentat il-prinċipju ta' sħubija b'mod prattiku kemm matul il-fażijiet ta' l-ippjanar kif ukoll ta' l-implimentazzjoni tal-baġit Komunitarju;

56.

josserva li l-Kummissjoni Ewropea nediet u żviluppat l-idea tal-kuntratti u l-ftehimiet tripartetiċi; itenni il-proposta li dawn l-istrumenti għandhom jiġu riveduti u, fuq il-bażi tal-lezzjonijiet mill-fażi esperimentali tal-ftehimiet tripartetiċi li nediet il-Kummissjoni Ewropea, jipproponi l-istabbiliment ta' patti territorjali Ewropej;

57.

jenfasizza li ma jista' jkun hemm l-ebda sħubija ġenwina mingħajr kontribut finanzjarju minn kull wieħed mill-partijiet tal-ftehim; jipproponi li d-diskussjoni dwar il-kwistjoni tal-finanzjament tal-patti territorjali Ewropej għandha tenfasizza s-sinerġiji potenzjali (u l-valur miżjud li jista' jirriżulta minnhom) bejn l-intestaturi eżistenti tal-baġit fl-oqsma kkunċernati u l-Fondi Strutturali fil-livell Ewropew, u l-intestaturi disponibbli tal-baġit fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali; dan għandu jsir mingħajr ma jitwaqqaf strument finanzjarju addizzjonali tal-politika reġjonali Komunitarja u mingħajr ma ssir sejħa għal riżorsi finanzjarji addizzjonali għal dan il-għan;

58.

jikkunsidra li l-baġit Ewropew għandu jimmira għal iktar trasparenza, it-tisħiħ tas-sħubija fil-livell lokali u reġjonali, u t-tisħiħ ta' l-isforzi tal-komunikazzjoni fil-livell lokali u Ewropew.

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Sistema ġdida tal-finanzjament tal-baġit Komunitarju

59.

jaqbel mal-fehma li l-Ewropa għandha torjenta mill-ġdid il-qafas ta' azzjoni finanzjarja u r-riżorsi finanzjarji, u timmira għal perijodu ta' żmien twil biżżejjed, bejn l-2020 u l-2030;

60.

josserva li l-livell massimu miftiehem fuq ir-riżorsi proprji bħalissa huwa stabbilit għal 1,24 % tal-PGN ta' l-UE;

61.

jinnota li l-baġit ta' l-Unjoni Ewropea:

a.

għandu tendenza jiċkien b'mod sinifikanti matul il-perijodi preċedenti u attwali;

b.

fi tmiem il-perijodu ta' pprogrammar 2007-2013, se jaqa' taħt il-1 % tal-PGN ta' l-UE;

62.

jiddispjaċih li d-differenza bejn ir-riżorsi li huma verament disponibbli fil-baġit u l-livell massimu miftiehem dwar ir-riżorsi proprji qed tkompli tikber;

63.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kalkoli ta' “ritorn ġust” ipoġġu lill-Istati Membri b'mod progressiv f'attitudni magħluqa li hija 'l bogħod ħafna mill-ideal Ewropew u l-interessi taċ-ċittadini;

64.

jirrifjuta kull taħrix ta' din l-attitudni f'isem ir-rappreżentanti ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-ixprun essenzjali wara l-ħolqien tal-kapital fil-livell nazzjonali u li, f'għadd ta' każijiet, huma wkoll atturi istituzzjonali involuti direttament fit-tfassil ta' sistemi fiskali nazzjonali;

65.

jikkunsidra li qabża kwalitattiva fis-sistema tal-finanzjament tal-baġit Komunitarju saret essenzjali sabiex l-istituzzjonijiet varji kkunċernati jkunu jistgħu jaqsmu fehma li tħares 'il quddiem dwar l-istess baġit;

66.

jikkunsidra li s-sistema l-ġdida ta' finanzjament tal-baġit Komunitarju għandha tissejjes fuq it-trasparenza u fuq ir-riżorsi proprji li jiggarantixxu l-ekwità u s-solidarjetà, l-istabilità, il-viżibilità, iċ-ċarezza, il-preċiżjoni u s-sempliċità;

67.

jitlob lill-istituzzjonijiet b'poteri baġitari sabiex ifasslu u jużaw formula ġdida ta' finanzjament bl-inqas eżenzjonijiet possibbli u li jkollha l-għan li tilħaq l-objettivi tal-promozzjoni tal-mudell ekonomiku u soċjali;

68.

iħabbar li beħsiebu jkompli jieħu sehem b'mod attiv fid-diskussjonijiet u d-dibattiti Ewropej dwar ir-reviżjoni tal-baġit, per eżempju, b'rabta ma' l-eżaminazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni;

69.

jikkunsidra li r-reviżjoni tal-baġit ta' l-UE u s-sorsi finanzjarji tiegħu għandhom ikunu akkompanjati minn politika b'saħħitha u trasparenti mmirata lejn iċ-ċittadini u l-atturi istituzzjonali u soċjo-ekonomiċi li huma l-iktar involuti. B'dan il-mod, iċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar dwar kif qed jintefqu flushom, u b'hekk dan għandu jressaqhom iktar lejn l-istituzzjonijiet responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi u l-proġetti Komunitarji. Il-Kumitat huwa dispost li jimpenja ruħu ma' l-istituzzjonijiet l-oħra f'dan l-isforz demokratiku.

Brussell, id-9 ta' April 2008

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/7


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija għall-ibgħad reġjuni dwar il-kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni

(2008/C 172/02)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jikkunsidra li l-istrateġija għall-ORs (l-ibgħad reġjuni) għadha kompletament valida u li għadha l-bogħod milli titwettaq, għalhekk għandha titkompla, tiżviluppa u tiġi aġġornata;

jinnota li l-kwistjonijiet identifikati mill-Kummissjoni bħala sfidi għall-futur kemm ta' l-UE kif ukoll ta' l-ORs — il-bidla fil-klima, il-bidla demografika u l-ġestjoni tal-flussi migratorji, il-politika marittima u l-agrikoltura — huma kwistjonijiet ta' importanza ewlenija, u huma prijoritajiet fuq l-aġenda Ewropea u Dinjija u għandhom impatt sinifikanti fuq ir-reġjuni differenti ta' l-UE;

madankollu jixtieq jinnota li l-istrateġija Komunitarja għall-ORs identifikata mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha ta' Mejju 2004 kienet ibbażata fuq approċċ koerenti u globali mmirat lejn l-inklużjoni tat-tliet objettivi ta' l-istrateġija fil-politiki Komunitarji kollha — it-titjib ta' l-aċċessibbiltà interna u esterna, il-ħidma għal kompetittività akbar tal-fibra ekonomika lokali u t-tisħiħ ta' l-integrazzjoni tar-reġjuni fl-inħawi ġeografiċi;

jappella sabiex il-Kummissjoni tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ORs fil-kuntest tal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK li jmiss u f'riformi oħra mnedija fil-futur, iż-żamma ta' l-eċċezzjonjiet tagħhom f'termini ta' separazzjoni u modulazzjoni, u l-iżgurar li jitwarrbu riżorsi baġitarji adegwati għall-attivitajiet agrikoli tagħhom;

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqis b'urġenza s-sitwazzjoni speċifika ta' l-ORs u tadotta miżuri li jnaqqsu l-effetti ħżiena li jiġu mill-inklużjoni tat-trasport bl-ajru fl-iskema ta' l-iskambju ta' l-emissjonijiet.

Rapporteur

:

Is-Sur Paulino RIVERO BAUTE, President tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji (ES/ALDE)

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija għall-Ibgħad Reġjuni: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni

COM(2007) 507 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

Is-seba' l-ibgħad reġjuni — l-Azores, il-Gżejjer Kanarji, il-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Madeira, il-Martinique u Réunion — huma membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea iżda jinsabu ukoll f'sitwazzjoni unika u speċjali li hi differenti ħafna minn dik ta' reġjuni oħra fil-Komunità;

2.

Kif rikonoxxut fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE, din is-sitwazzjoni hi karatterizzata mill-interazzjoni permanenti ta' numru ta' żvantaġġi fatturi kostanti, partikularment il-pożizzjoni mbiegħda, id-daqs żgħir u d-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti, li huma l-kawżi ta' l-iżolament u l-vulnerabbiltà li taħkem dawn ir-reġjuni;

3.

Dawn il-fatturi jwasslu għal spejjeż addizzjonali u jikkawżaw ostakoli partikulari għat-tkabbir, il-konverġenza u l-istabbiltà ekonomika ta' dawn ir-reġjuni, li żżommhom milli jipparteċipaw b'mod sħiħ fid-dinamiki tas-suq intern, tillimita l-opportunitajiet disponibbli għar-residenti tagħhom u tnaqqas il-kompettitività ta' l-industriji tagħhom;

4.

L-ORs huma ukoll ta' valur għall-Unjoni Ewropea. Grazzi għall-pożizzjoni ġeografika tagħhom, jistgħu jsiru pjattaformi strateġiċi importanti għall-iżvilupp tar-rwol li l-Unjoni Ewropea tixtieq li tħaddan fid-dinja;

5.

Dawn il-fatturi jiġġustifikaw it-trattament speċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki Komunitarji sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawn ir-reġjuni u tiżdied il-kapaċità tagħhom għall-iżvilupp maħluq lokalment;

6.

Għalhekk għandu jingħata appoġġ għas-sejħiet ta' l-ORs u l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, biex jikkonsolidaw, jarrikkixxu, jibnu fuq u jaġġornaw l-istrateġija globali koerenti li għandha tiġi implimentata għal dawn ir-reġjuni, u li għandha twassal għal politika Komunitarja ġenwina għall-ORs.

Kummenti ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni

It-trattament speċifiku ta' l-ibgħad reġjuni: l-iżvilupp ta' strateġija globali koerenti għal dawn ir-reġjuni: hi ġeneralment pożittiva, iżda għad fadal ħafna xi jsir

7.

jilqa' l-fatt li, sa mill-1986, il-Kummissjoni Ewropea ħadet l-inizjattiva li toħloq qafas adegwat għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja u l-politiki komuni dwar dawn ir-reġjuni fuq il-bażi ta' Programmi ta' Possibbiltajiet speċifiċi għan-natura mbiegħda u insulari ta' l-ibgħad reġjuni (POSEI);

8.

ifakkar fl-adozzjoni ta' artikolu speċifiku fit-Trattat (Artikolu 299(2))sabiex tingħata konsiderazzjoni għas-sitwazzjoni ta' l-ibgħad reġjuni ta' l-Unjoni, u sabiex jindirizza ġabra ta' miri speċifiċi, fosthom:

li jikkonferma n-natura unika ta' l-ORs u l-bżonn li dan kollu jiġi inkluż fil-politiki ta' l-Unjoni, partikolarment billi tibqa tinżamm l-assistenza prijoritarja mogħtija skond il-politika strutturali għall-koeżjoni ekonomika u soċjali;

li jadatta l-politiki Komunitarji għas-sitwazzjoni reali tar-reġjuni bl-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi u l-istipulazzjoni ta' kondizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni tat-Trattat fejn jenħtieġ għall-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni;

li jqis l-ambjent ġeografiku ta' l-ORs fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi ġirien li m'humiex membri fl-Unjoni Ewropea;

9.

għalhekk ifakkar fis-sodisfazzjon muri mill-Kumitat ma' l-addozzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ta' l-14 ta' Marzu 2000, dwar il-miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 299(2) tat-Trattat, li fittex li jiżgura qabża kbira fl-approċċ Komunitarju lejn l-ORs u li nieda stadju kruċjali ġdid fid-definizzjoni tal-politika ġenerali koerenti għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-ORs;

10.

ifakkar li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Sevilja f'Ġunju 2002 stqarrew il-bżonn li titmexxa 'l quddiem l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 299(2) tat-Trattat u li jitressqu proposti adegwati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' l-ORs li għandhom jitqiesu permezz ta' bosta politiki komuni, partikolarment il-politika tat-trasport, u r-riforma ta' uħud minn dawn il-politiki, b'mod partikulari l-politika reġjonali; il-Kumitat jixtieq ukoll jieħu din l-opportunità sabiex jenfasizza d-dedikazzjoni murija mill-Kummissjoni sabiex tressaq rapport ġdid dwar dawn ir-reġjuni bbażat fuq approċċ globali u koerenti għall-karatteristiċi speċjali ta' dawn ir-reġjuni u mezzi kif għandhom jiġu indirizzati;

11.

għalhekk jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Sħubija msaħħa għall-ibgħad reġjuni fis-26 ta' Mejju 2004 u tar-rapport tal-Kummissjoni Sħubija msaħħa għall-ibgħad reġjuni: evalwazzjoni u prospetti, fis-6 ta' Awwissu 2004. Għalkemm il-proposta tal-Kummissjoni twettaq biss parzjalment, u għalhekk b'mod inadegwat, il-mandat mogħti waqt il-Kunsill Ewropew ta' Sevilja u l-ħtiġijiet dikjarati mir-reġjuni u mill-Istati tagħhom, il-Kumitat jinnota r-rikonoxximent mogħti lis-sitwazzjoni unika ta' l-ORs, li tiġġustifika bis-sħiħ it-trattament speċjali f'politiki Komunitarji differenti;

12.

jilqa' l-ħeġġa tal-Kummissjoni li tippreżenta rapport ta' progress dwar l-istrateġija tagħha għall-ORs u dwar il-prospetti għall–ġejjieni ta' din l-istrateġija fil-komunikazzjoni tagħha msemmija Strateġija għall-ibgħad reġjuni: kisbiet u prospettivi fil-ġejjieni u d-dokument anness ta' ħidma tagħha li jevalwa l-progress ta' l-istrateġija ta' l-OR (SEC(2007) 1112;

13.

jikkunsidra li din l-istrateġija għadha valida fit-totalità tagħha u li mhux talli ma ntemmitx iżda għandha titkompla, tissaħħaħ u tiġi aġġornata. xhieda ta' dan hu l-fatt li l-istatus ta' l-ORs ġie integrat fl-Artikolu 299 tat-Trattat ta' Lisbona adottat reċentement;

Lejn il-konsolidazzjoni fit-tul ta' l-istrateġija globali għall-iżvilupp koerenti għall-ibgħad reġjuni: espansjoni u aġġornar ta' din l-istrateġija;

14.

l-ewwelnett jixtieq jifraħ lill-Kummissjoni, minħabba li l-komunikazzjoni l-ġdida tikkonferma s-sensittività tagħha lejn l-ORs, billi tenfasizza l-ħtieġa li tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi ta' dawn ir-reġjuni u timpenja ruħha li tkompli tagħti attenzjoni speċjali lil dawn ir-reġjuni;

15.

ifaħħar lill-Kummissjoni għaliex, filwaqt li tagħraf il-ħtieġa li l-politiki Komunitarji differenti jqisu il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ORs, tirrikonoxxi ukoll il-valur miżjud u l-opportunitajiet li dawn ir-reġjuni joffru l-UE fil-kuntest globali;

16.

jinnota li l-evalwazzjoni tal-miżuri għat-tisħiħ ta' l-istrateġija għall-2004 hi pożittiva u li l-mod li bih ġew evalwati u definiti mill-ġdid il-politiki ewlenin għall-iżvilupp ta' l-ORs hu ġeneralment sodisfaċenti;

17.

jinnota li l-iżvantaġġi ffaċċjati mill-ORs huma permanenti u komuni għalihom irrispettivament mill-livelli tad-dħul tagħhom, u li l-problemi li jiffaċċjaw dawn ir-reġjuni ma jistgħux jitqiesu biss bħala kwistjoni ta' dħul iżda huma msejsa f'sitwazzjoni strutturali kumplessa li taffettwa fil-fond liċ-ċittadini ta' dawn ir-reġjuni u l-kompettitività ta' l-industrijali tagħhom;

18.

jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea għax-xewqa tagħha li tespandi kull punt ta' l-istrateġija Komunitarja għal dawn ir-reġjuni bl-implimentazzjoni ta' miżuri addizzjonali u ukoll għax-xewqa tagħha li taġġorna u tlaħħam din l-istrateġija billi tadattha għall-isfidi globali tal-ġejjieni; jitlob lill-Kummissjoni sabiex turi l-konsistenza meħtieġa fit-tfassil tal-proposti f'dawn l-oqsma;

19.

jikkunsidra li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni għal żvilupp f'qasir żmien, biex tnaqqas d-defiċit aċċessibbli u biex tagħmel lill-ORs aktar aċċessibbli huma kemmxejn vagi jew joffru ftit aktar minn linji ta' gwida għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi li diġà ġew allokati lil dawn ir-reġjuni;

20.

jinnota li l-miżuri imressqa għall-integrazzjoni reġjonali huma aktar prattiċi u utli, iżda inadegwati u jenħtieġu jiġu kkumplimentati b'oħrajn li jgħinu biex jiżguraw li l-objettiv ta' l-integrazzjoni ta' l-ORs fl-inħawi ġeografiċi tagħhom jitwettaq fil-prattika;

21.

ifakkar li l-ORs jiffaċċjaw sfida doppja ta' integrazzjoni kemm fis-suq intern kif ukoll fl-inħawi ġeografiċi tagħhom. Il-pożizzjoni ġeo-strateġika tagħhom tirrapreżenta ukoll potenzjal enormi għall-UE u tagħmel minn dawn ir-reġjuni pjattaformi ewlenin li minnhom l-UE tista' tniedi l-azzjoni esterna tagħha f'dawk l-inħawi tad-dinja;

22.

ifaħħar lill-Kummissjoni fuq il-bidu ta' ħidmietha fuq it-tlaħħim tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Viċinanza Usa' mniedi fil-komunikazzjoni tagħha ta' l-2004. Madankollu l-Kumitat jinnota, li l-isforzi għandhom jitkomplew, partikolarment fir-rigward ta' l-iżgurar ta' koordinazzjoni aħjar bejn l-ERDF u l-EDF, sabiex jintlaħaq l-għan ta' integrazzjoni ta' l-ORs fl-inħawi ġeografiċi tagħhom;

23.

ifaħħar l-Kummissjoni dwar l-informazzjoni li tat lill-ORs bħala parti mit-tħejjijiet għall-ftehimiet ta' assoċjazzjoni ekonomika ta' l-UE mal-pajjiżi ta' l-ACP. Madankollu l-Kumitat jinnota li hekk kif jinsabu n-negozjati, dawn l-ftehimiet huma ta theddida għall-ORs u l-opportunitajiet li jirrapreżentaw huma għat-tul u dubjużi;

24.

b'dispjaċir jinnota li l-Kummissjoni ma nkludietx proposti prattiċi għal miżuri li jinkoraġġixxu lil SMEs fl-ORs biex jinvestu esternament bħalma ħabbret li ser tagħmel, għaliex kieku dan jgħin biex dawn ir-reġjuni jintegraw aħjar fl-inħawi ġeografiċi tagħhom;

25.

jinnota li kwistjonijiet identifikati mill-Kummissjoni bħala sfidi għall-ġejjieni kemm ta' l-UE kif ukoll ta' l-ORs u li dwarhom il-Kummissjoni nediet didattitu fil-komunikazzjoni tagħha — il-bidla fil-klima, il-bidla demografika u l-ġestjoni ta' flussi migratorji, politika marittima u l-agrikoltura — huma oqsma ta' importanza enormi, u huma prijoritarji għall-aġendi Ewropej u dinjija u għandhom impatt sostanzjali fuq ir-reġjuni differenti ta' l-UE;

26.

jenfasizza li l-impatt għall-ORs jista' jkun ikbar, li minħabba fil-karatteristiċi speċifiċi tagħhom huma partikolarment fraġli u vulnerabbli;

27.

madankollu jixtieq jinnota li l-istrateġija Komunitarja għall-ORs identifikata mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha ta' Mejju 2004 kienet ibbażata fuq approċċ koerenti u globali mmirat lejn l-inklużjoni tat-tliet objettivi ta' l-istrateġija fil-politiki Komunitarji kollha — it-titjib ta' l-aċċessibbiltà interna u esterna, il-ħidma għal kompetittività akbar tal-fibra ekonomika u t-tisħiħ ta' l-integrazzjoni tar-reġjuni fl-inħawi ġeografiċi;

28.

jilqa' u jaqbel mal-kumment tal-Kummissjoni li l-approċċ starteġiku adottat fl-azzjoni Komunitarja għall-ORs qed isir aktar trans-settorjali u l-kontribut tal-politiki Komunitarji kollha hu kruċjali għall-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni u għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq intern;

29.

itenni r-rilevanza u l-importanza topika tat-tliet elementi strateġiċi msemmija hawn fuq, li jibqgħu l-oqsma fundamentali ta' l-istrateġija Komunitarju għall-ORs u jinsisti ukoll li l-bidliet tal-politiki Komunitarji differenti għandhom jikkunsidraw u jadattaw għas-sitwazzjoni ekonomika ta' dak iż-żmien;

30.

jikkunsidra li l-qawmien ta' dawn l-isfidi ġodda u l-prijoritajiet fuq l-aġenda Ewropea u r-reviżjoni ta' politiki ewlenin bħall-politika agrikola komuni, jitolbu għal evalwzzjoni ta' l-impatt li dawn l-isfidi u l-prijoritajiet jista' jkollhom fuq it-tliet elementi ta' l-istrateġija Komunitarja ta' l-ORs, bil-għan li jipprovdu analiżi dettaljata li tgħin biex tiġi inkorporata s-sitwazzjoni speċifika ta' l-ORs fid-diskussjoni ġenerali dwar kif l-UE għandha twieġeb għall-dawn l-isfidi;

31.

jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tuża l-metodu imsemmi hawn fuq biex tevalwa l-impatt li l-erba' oqsma identifikati jista' jkollhom fuq it-tliet elementi ta' l-istrateġija u jiddispjaċih, pereżempju għall-fatt li l-Kummissjoni ma kkonsidratx biżżejjed dan l-impatt fuq qasam daqshekk fundamentali u kruċjali għall-ORs bħat-trasport bl-ajru u ma pproponietx approċċ aktar speċifiku għal dawn ir-reġjuni fil-proposta għal Direttiva tagħha biex tinkludi l-attivitajiet bl-ajru fl-iskema ta' skambju ta' kwoti ta' emissjonjiet;

32.

jikkonsidra li minħabba s-sitwazzjoni speċifika tagħhom, l-ORs, għandhom ħafna x'joffru f'dawn l-erba' oqsma minħabba li dawn il-kwistjonijiet huma ta' interess partikulari għalihom;

33.

ifakkar li l-ORs għandhom dimensjoni marittima qawwija, li tagħti lill-UE opportunitajiet bla xkiel f'oqsma bħall-innovazzjoni, ir-riċerka, l-ambjent u l-bijodiversità;

34.

għall-darb' oħra jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ globali għall-fenomenu ta' migrazzjoni dejjem akbar li għandha effett partikolarment sinifikanti fuq l-ORs bħala fruntieri “ħajjin” ta' l-Unjoni Ewropea. F'dan ir-rigward, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-konklużjonijiet tal-konferenza dwar Ir-Rwol tar-reġjuni u l-bliet fil-ġestjoni tal-flussi migratorji, li seħħet f'Ottubru 2007 f'Adeje (Tenerife, Spanja), u b'mod partikulari, il-ħtieġa ta' aktar involviment mill-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej fil-ġestjoni ta' dan il-fenomenu, fl-iskambju tal-piż finanzjarju u fl-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-migrazzjoni fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali ta' l-ORs;

35.

Fir-rigward tal-flussi migratorji, huwa konvint li huwa ferm importanti li jissaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' l-ORs għandhom rwol importanti x'jaqdu fil-promozzjoni ta' din il-kooperazzjoni, u jistgħu jservu ta' pjattaformi ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-pajjiżi terzi fil-viċinat; għal dan il-għan jistgħu jintużaw il-programmi tal-Kummissjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-inizjattiva pilota ta' programmazzjoni konġunta għall-kooperazzjoni territorjali bejn l-ibgħad reġjuni u l-pajjiżi ġirien li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea;

36.

Jemmen li għandha tittieħed azzjoni fuq il-kawżi ta' l-immigrazzjoni irregolari permezz ta' politika effikaċi dwar l-immigrazzjoni legali, il-ġlieda kontra l-ekonomija irregolari u l-problema ta' l-immigranti taħt l-età mhux akkumpanjati fis-sors, permezz tal-promozzjoni ta' l-edukazzjoni u l-aċċess għall-impjiegi.

37.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tindirizza l-isfidi enormi kkawżati mill-pressjoni demografika f'reġjuni ġirien mifruda u jenfasizza l-ħtieġa li, malajr kemm jista' jkun, tippromovi studji dwar l-implikazjonijiet għall-ippjanar ta' l-użu ta' l-art, is-suq tax-xogħol, il-ħtiġijiet ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, u s-servizzi pubbliċi f'dawn ir-reġjuni u tipproponi miżuri adegwati fejn hemm bżonn;

38.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-adattazzjoni għall-effetti tagħha jsarfu fi sfida sostanzjali għall-ORs, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika u l-vulnerabbiltà tagħhom; il-miżuri speċifiċi meħtieġa f'dan il-qasam biex iwaqqfu l-impatt ta' detriment dwar l-aċċessibbiltà, l-ekonomija u l-abitanti ta' dawn ir-reġjuni, għandhom ikunu prattiċi u effettivi;

39.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-agrikoltura hija fattur essenzjali għall-ekonomija ta' l-ORs, li huma limitati minħabba fl-iżvantaġġi ġeografiċi u klimatiċi tagħhom u għalhekk iqis li huwa essenzjali li titfassal strateġija għall-ġejjieni dwar l-iżvilupp tas-settur agrikolu f'dawn ir-reġjuni sabiex b'hekk wieħed ikun jista' jindirizza l-isfidi marbutin ma' kompetizzjoni globali iktar qawwija.

40.

jikkonsidra li, minħabba li l-koeżjoni ekonomika u soċjali hi l-istrument prinċipali fil-bażi tal-politika Komunitarja ta' l-OR, hu partikolarment importanti li jiġi evalwat jekk il-kwistjonijiet miftuħa għad-diskussjoni jistgħux ikollhom effett fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali f'dawn ir-reġjuni;

41.

jikkonsidra li r-riżultati ta' din l-evalwazzjoni jistgħu joffru kontribut sinifikanti għar-reviżjoni tal-politika Komunitarja ta' koesżjoni wara l-2013. Jistgħu ukoll jikkontribwixxu għal Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali li l-Kummissjoni fi ħsiebha tadotta fl-2008;

42.

għalhekk jemmen li l-fażi l-ġdida ta' żvilupp ta' l-istrateġija ta' l-OR Komunitarja, li l-Kummissjoni ser tniedi meta tikkonkludi l-proċess ta' konsultazzjoni, għandha tinkludi dawn l-elementi fl-istrateġija tagħha sabiex tiżviluppha, tibni fuqha u taġġornha;

43.

jikkonsidra li s-sħubija bejn l-ORs, l-Istati rispettivi tagħhom u l-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' l-istrateġija Komunitarju fit-tul għal dawn ir-reġjuni;

44.

jixtieq jiddikjara l-konvinzjoni deċiża tiegħu li l-ORs għad għandhom bżonn ta' l-appoġġ tal-politiki Komunitarji kollha sabiex isiru aktar kompetittivi u biex ikomplu l-proċess ta' konverġenza f'termini ta' żvilupp ekonomiku u ta' opportunitajiet indaqs għall-abitanti tagħhom meta mqabbla ma' l-abitanti tar-reġjuni l-oħra Ewropej;

45.

fl-aħħarnett, jixtieq jesprimi appoġġ lill-Kunsill Ewropew, li għandu jafferma mill-ġdid u jġedded fl-ogħla livell l-impenn politiku lejn l-ORs u l-bżonn ta' progress ta' malajr li jrid isir fl-istrateġija Komunitarja għal dawn ir-reġjuni;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

46.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli tibni fuq l-istrateġija ta' l-OR għall-2004, timplimenta l-miżuri mħabbra fil-komunikazzjoni tagħha u tħeġġeġ għal aktar koerenza u koordinazzjoni eqreb bejn il-politiki Komunitarji differenti biex tiżgura li l-fażi l-ġdida ta' din l-istrateġija tkun tassew globali u koerenti;

47.

jappella lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni ta' nofs iż-żmien li ser tgħin biex tkejjel l-impatt ta' l-istrateġija fuq l-iżvilupp ekonomiku ta' l-ORs li abbandunaw l-objettiv ta' “konverġenza”, u l-impatt tal-fondi Ewropej fuq il-proċess ta' konverġenza attwali għall-bqija ta' l-ORs;

48.

jitlob lill-Kummissjoni, li darba li tkun evalwat l-impatt tar-riformi tal-POSEI li ser twettaq fl-2009, tipproponi miżuri rilevanti biex jiggrantixxu appoġġ adegwat għas-setturi tradizzjonali fl-ORs, li huma essenzjali għall-vijabbiltà ekonomika tagħhom;

49.

jappella sabiex il-Kummissjoni tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ORs fil-kuntest tal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK li jmiss u f' riformi oħra mnedija fil-futur, iż-żamma ta' l-eċċezzjonjiet tagħhom f'termini ta' separazzjoni u modulazzjoni, u l-iżgurar li riżorsi baġitarji adegwati jitwarrbu għall-attivitajiet agrikoli tagħhom;

50.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura protezzjoni akbar tal-prodotti ta' l-agrikoltura mill-ibgħad reġjuni minħabba fit-theddid serju kkawżat mil-liberalizzazzjoni gradwali ta' l-importazzjonijiet mill-UE, bl-adozzjoni ta' miżuri li jżommu l-biedja milli tiġi mdgħajfa f'dawn ir-reġjuni minħabba l-ftuħ tas-suq Komunitarju;

51.

jitlob lill-Kummissjoni, sabiex fil-perijodi ta' programmazzjoni li jmiss, tfassal politiki speċifiċi ta' żvilupp rurali għall-ORs u tipprovdilhom riżorsi baġitarji adegwati;

52.

jappella lill-Kummissjoni ħalli tqis mingħajr dewmien, il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ORs fl-inizjattivi attwali, fir-rigward ta' l-erba' kwistjonijiet miftuħa għad-diskussjoni fil-komunikazzjoni;

53.

ifakkar li l-ibgħad reġjuni jagħtu lill-Unjoni Ewropea dimensjoni marittima dinjija ċara, u jirrappreżentaw laboratorji naturali għall-istudju tax-xjenza marittima. Għal dawn ir-raġunijiet, iqis li għandhom jitħejjew kemm jista' jkun malajr azzjonijiet prijoritarji f'dawn ir-reġjuni bil-għan li dan il-potenzjal jitħares u jingħata valur.

54.

jitlob lill-Kummissjoni tadotta b'urġenza miżuri speċifiċi sabiex jikkumpensaw l-effetti ħżiena ta' l-inklużjoni tat-trasport bl-ajru fil-kwoti ta' skambju ta' emissjonijiet, sabiex titqies is-sitwazzjoni speċifika ta' l-ORs;

55.

itenni li l-ORs huma kompletament dipendenti fuq it-trasport bl-ajru għal konnessjonijiet kemm mal-bqija tad-dinja kif ukoll bejn il-gżejjer, minħabba li m'hemmx alternattivi u l-kwantità ta' emissjonijiet ta' CO2 fuq ir-rotot li jservu l-ORs huma negliġibbli meta mqabbla ma' l-emissjonjiet totali ta' l-UE;

56.

jappella lill-Kummissjoni biex tindirizza separatament il-kwistjonijiet tal-bidla demografika u l-flussi migratorji. Il-Kumitat jixtieq jagħmilha ċara li dawn iż-żewġ problemi distinti u kumplessi jaffettwaw l-ORs b'mod partikolarment qawwi u li kull waħda minnhom għandha bżonn ta' l-akbar attenzjoni;

57.

jeżiġi azzjoni urġenti u speċifika biex ittaffi s-sitwazzjoni traġika li qiegħda tiżviluppa bil-wasla ta' immigranti taħt l-età mhux akkumpanjati. F'dan il-kuntest jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fil-ġestjoni ta' dan il-fenomenu u fit-tqassim tal-piż finanzjarju;

58.

jitlob lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta' impatt ta' l-erba' kwistjonijiet imsemmija qabel u kopruti mid-diskussjoni dwar it-tliet elementi ta' l-istrateġija Komunitarja ta' l-ORs;

59.

jappella lill-Kummissjoni sabiex tevalwa jekk dawn l-erba' kwistjonijiet jistgħux ikollhom impatt fuq l-koeżjoni ekonomika u soċjali ta' l-ORs, meta jitqies li l-politika ekonomika u soċjali hi l-istrument ewlieni fil-bażi ta' l-istrateġija Komunitarja għal dawn ir-reġjuni.

Brussell, id-9 ta' April 2008

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/12


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-inklużjoni-e

(2008/C 172/03)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

huwa konvint li firda diġitali persistenti toħloq esklużjoni soċjali u ekonomika. Il-ksib ta' opportunitajiet ugwali fir-rigward ta' kompetenzi diġitali huwa bżonn għas-soċjetà; madankollu, dan joffri potenzjal ekonomiku qawwi li għadu ma ġiex sfruttat. Huwa importanti li l-ICT jintuża bħala “strument soċjali”; b'hekk, l-istrateġiji ta' l-ICT jintrabtu mal-politika soċjali Komunitarja;

jitlob lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom fil-qasam ta' l-inklużjoni-e u biex ifasslu programmi li jkunu konkreti, definiti tajjeb fir-rigward tal-medda ta' żmien li jingħatalhom u li jkun faċli li jiġu evalwati. Jisħaq fuq il-parteċipazzjoni tal-livell lokali u reġjonali fl-inizjattivi nazzjonali u Komunitarji dwar l-inklużjoni-e u jħoss li għandu jinsisti fuq il-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ifasslu pjanijiet speċifiċi sabiex jippromovu s-soċjetà ta' l-informazzjoni fil-livell lokali;

huwa favur li l-pubbliku jkun aktar informat, li jkun hemm aktar skambji ta' esperjenza bejn il-partijiet interessati u li jkun hemm kooperazzjoni attiva fil-livell lokali u reġjonali, bil-parteċipazzjoni ta' l-industrija ta' l-ICT, l-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri tas-servizzi pubbliċi u privati u l-organizzazzjonijiet rappreżentanti ta' l-utenti finali, biex b'hekk jinkiseb l-impatt massimu possibbli;

jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u r-responsabilità tagħhom li jikkontribwixxu biex jiġi assigurat aċċess għall-broadband bi prezz raġonevoli f'oqsma fejn il-mekkaniżmi tas-suq ma jkunux biżżejjed, li jkunu quddiemnett fit-tmexxija ta' proġetti piloti bl-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fir-rigward ta' l-aċċessibilità elettronika, u li jiżviluppaw approċċi ġodda li jipprovdi servizzi elettroniċi pubbliċi ċċentrati fuq iċ-ċittadin;

jisħaq fuq l-importanza ta' taħriġ u tagħlim adattati għall-ħtiġijiet li joriġinaw minn progress diġitali kontinwu fis-soċjetà kollha, b'kunsiderazzjoni speċjali tal-gruppi vulnerabbli bħall-anzjani, il-persuni b'livell baxx ta' edukazzjoni u li huma ekonomikament inattivi u dawk li m'għandhomx l-għarfien diġitali neċessarju sabiex jiżviluppaw bi sħiħ il-kapaċitajiet diġitali tagħhom fid-dinja tax-xogħol;

jitlob lill-Kummissjoni tuża l-indikaturi fir-rigward tat-tixrid u l-użu ta' l-ICT fir-reġjuni, ħalli b'hekk ikun hemm sors kontinwu ta' konklużjonijiet li jkunu utli u neċessarji għall-adozzjoni ta' miżuri li jwasslu għal konverġenza soċjo-ekonomika u teknoloġika bejn ir-reġjuni.

Rapporteur

:

Is-Sur Andràs SZALAY (HU/ALDE), Kunsillier Muniċipali, Veszprém

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea i2010 dwar l-Inklużjoni-e:“Biex inkunu parti mis-soċjetà ta' l-informazzjoni”

COM(2007) 694 finali.

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

huwa impenjat li jippromovi u jimplimenta koeżjoni soċjali u ekonomika sostenibbli, u għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “L-Inizjattiva Ewropea i2010 dwar l-Inklużjoni-e: Biex inkunu parti mis-soċjetà ta' l-informazzjoni”, li tippromovi l-inklużjoni-e u tagħtiha impetu ġdid. In-nuqqas ta' teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (minn issa 'l quddiem imsejħa ICT) — l-istess bħall-applikazzjoni, l-użu u l-iżvilupp tagħhom — iġib miegħu effetti li jmorru lilhinn minn dak oriġinarjament intiż (spillover effect), li jirriżulta fit-tkabbir u l-approfondir tal-firda diġitali;

2.

japprezza l-karattru konċiż u ċ-ċarezza ta' l-analiżi tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha u tal-qafas strateġiku għal azzjoni bbażata fuqha. Il-KtR japprova l-volontà li jkun hemm approċċ Ewropew fir-rigward tal-kwistjoni (1);

3.

jaqbel ma' l-istqarrija li l-inklużjoni-e taqdi rwol kruċjali fl-attwazzjoni ta' l-objettivi ta' l-inizjattiva 12010 — Soċjetà ta' l-informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi (2) u għaldaqstant, fl-attwazzjoni ta' l-objettivi ta' żvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-istrateġija ta' Lisbona;

4.

jaqbel mal-fehma li l-investiment fl-ICT jipprovdi strument essenzjali għall-operaturi reġjonali u lokali u għal-lokalitajiet li jistgħu jużawh biex jindirizzaw problemi marbuta ma' kwistjonijiet ta' l-ugwaljanza fl-opportunitajiet f'diversi oqsma. jiġbed l-attenzjoni wkoll lejn l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti b'mod attiv fit-tħejjija ta' l-istrateġiji u l-programmi dwar l-allokazzjoni u l-użu tar-riżorsi ta' l-UE. Filfatt, peress li jinsabu fil-livell li huwa l-eqreb taċ-ċittadini, dawn jittrattaw direttament mal-ħtiġijiet lokali u huma kapaċi jindunaw bi ħtiġijiet ġodda;

5.

japprezza li d-dokument jimpenja lid-diversi operaturi affettwati mill-inklużjoni-e — l-utenti individwali, l-industrija ta' l-ICT, il-fornituri tas-servizzi, l-awtoritajiet u l-NGOs — biex jieħdu miżuri sodi f'ċerti oqsma u jipprovdilhom kompiti konkreti f'dan il-qasam;

6.

jinnota li l-inizjattiva tappoġġja r-rakkomandazzjonijiet li saru f'opinjonijiet preċedenti tal-KtR dwar miżuri prattiċi għat-twaqqif ta' soċjetà ta' informazzjoni ekwa, dwar suġġetti bħax-xjuħija fis-soċjetà ta' l-informazzjoni (3), it-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi fir-rigward tal-broadband u l-gvern elettroniku (4), il-futur demografiku ta' l-Ewropa (5), ir-riċerka fil-qasam ta' l-ICT (6) u s-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità (7);

7.

jirrikonoxxi li, skond l-indikaturi attwali, il-ksib ta' l-objettivi ta' Riga sa l-2010 m'huwiex assigurat. L-isforzi ta' l-Istati Membri għadhom frammentati, u l-kooperazzjoni hija dgħajfa. Għalhekk il-Kumitat jitlob lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom u biex, fil-ġejjieni, ifasslu programmi li jkunu konkreti, definiti tajjeb fir-rigward tal-medda taż-żmien li jingħatalhom u li jkun faċli li jiġu evalwati;

8.

iqis li huwa importanti li jisħaq fuq il-parteċipazzjoni tal-livell lokali u reġjonali fl-inizjattivi nazzjonali u Komunitarji dwar l-inklużjoni-e. Filfatt huwa f'dan il-livell li soċjetà diġitali għal kulħadd tista' sseħħ bis-saħħa ta' l-aktar miżuri innovattivi u mmirati possibbli;

9.

iħoss li għandu jinsisti fuq il-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ifasslu pjanijiet speċifiċi sabiex jippromovu s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp lokali diġitali permezz ta' l-implimentazzjoni ta' l-“Aġendi Lokali Diġitali”;

10.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tinvolvi totalment lill-KtR f'inizjattivi li għandhom l-għan li jirrevedu l-istrateġija adottata u implimentata;

11.

jixtieq ikun infurmat mill-aktar fis possibbli dwar ir-riżultati u l-konklużjonijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni intermedjarju dwar l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija i2010 u jixtieq ukoll jagħti l-fehmiet tiegħu dwarhom;

12.

jilqa' b'sodisfazzjon il-kampanja tal-Kummissjoni Ewropea ppjanata għall-2008 “L-inklużjoni-e; ħu sehem int ukoll”, li ngħatat spinta qawwija inizjali permezz tas-seminar tal-KtR dwar il-promozzjoni ta' l-inklużjoni-e fil-livell lokali u reġjonali, li nżamm f'Diċembru 2007 f'Lahti, il-Finlandja. Il-KtR jixtieq jieħu sehem b'mod attiv fil-kampanja ta' l-2008 u jagħti l-kontribut tiegħu biex jassigura li l-parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni pubblika tkun l-aktar wiesgħa possibbli. F'dan il-kuntest, jisħaq fuq ir-rwol tiegħu ta' promotur fit-tħejjija ta' kampanji, strateġiji u programmi fil-livell lokali u reġjonali;

13.

jilqa' b'sodisfazzjon iż-żamma ta' konferenza ministerjali dwar l-inklużjoni-e lejn l-aħħar ta' l-2008, u l-preżentazzjoni tal-Premju Ewropew ta' l-Inklużjoni-e matul din il-konferenza. Jenfasizza x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fix-xogħol marbut ma' l-organizzazzjoni tal-konferenza, b'mod partikulari fl-għażla tal-kandidati għall-premju;

14.

huwa konvint li firda diġitali persistenti xxekkel l-iżvilupp u ż-żamma tal-koeżjoni soċjali u l-prosperità u toħloq esklużjoni soċjali u ekonomika. L-inizjattiva i2010 se tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja ta' l-individwi u s-soċjetà in ġenerali;

15.

jaqbel li l-ksib ta' opportunitajiet ugwali fir-rigward ta' kompetenzi diġitali huwa bżonn għas-soċjetà. Madankollu, jemmen li fl-istess ħin dan joffri potenzjal ekonomiku qawwi li għadu ma ġiex sfruttat.

Innaqqsu l-inugwaljanzi fir- rigward ta' l-aċċess għall-broadband

16.

jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikulari lir-reġjuni li huma ekonomikament inqas żviluppati, biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet li jipprovdu l-ICT għal konverġenza effettiva, u b'hekk jevitaw ir-riskju ta' esklużjoni;

17.

itenni l-impenn tiegħu li jintegra b'mod attiv l-objettivi marbuta mal-ksib ta' soċjetà ta' l-informazzjoni mingħajr esklużjoni fil-pjanijiet għall-iżvilupp reġjonali, u li jipparteċipa b'mod effikaċi fl-inizjattiva “Reġjuni lejn Bidla Ekonomika” (8);

18.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-fondi strutturali u ta' żvilupp rurali ta' l-UE jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' l-infrastruttura tal-broadband u tas-servizzi u l-applikazzjonijiet elettroniċi, b'mod partikulari f'żoni iżolati u rurali, u b'hekk jittaffew id-disparitajiet fil-livelli ta' żvilupp bejn il-bliet u l-kampanja;

19.

jaħseb li l-aċċess għall-broadband bi prezzijiet raġonevoli fl-UE kollha huwa prerekwiżit bażiku għall-garanzija tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi, għall-promozzjoni tal-kompetittività u l-produttività fl-oqsma kkonċernati u għall-assigurazzjoni ta' żvilupp estensiv tas-soċjetà ta' l-informazzjoni u l-għarfien;

20.

jenfasizza r-rwol ewlieni u r-reponsabilità ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-dawl ta' l-involviment tagħhom fil-provvista ta' servizzi varji u opportunitajiet ta' tagħlim u tal-viċinanza tagħhom lejn iċ-ċittadini; għalhekk jistgħu jikkontribwixxu biex jiġi assigurat aċċess għall-broadband bi prezz raġonevoli f'oqsma fejn il-mekkaniżmi tas-suq ma jkunux biżżejjed. Il-miżuri li jieħdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jservu ta' eżempji ta' soluzzjonijiet dwar il-gvern elettroniku bbażati fuq l-utenti għall-promozzjoni tal-kompetenza diġitali u għall-assigurazzjoni ta' l-aħjar kondizzjonijiet għall-intrapriżi u l-attivitajiet ta' riċerka fil-qasam ta' l-ICT;

21.

jenfasizza li wieħed mill-punti fokali ta' l-objettiv ta' modernizzazzjoni tal-politika Ewropea ta' koeżjoni għall-perijodu 2007-2013 huwa li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet isiru aktar attraenti permezz ta' l-aċċessibilità u l-provvista ta' servizzi li jkunu ta' standard adegwat. Huwa tal-fehma li l-iżvilupp tas-servizzi elettroniċi għall-pubbliku jappoġġja dawn l-isforzi, u jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' l-għarfien billi tingħata spinta lill-kapaċitajiet ta' riċerka u innovazzjoni;

22.

ifakkar li l-ICT huma fattur ewlieni għat-titjib tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fid-diversi oqsma bejn l-amministrazzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Komunitarji, u bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini Ewropej.

Innaqqsu l-inugwaljanzi fir-rigward ta' l-aċċessibilità elettronika

23.

B'referenza għat-Trattat ta' Amsterdam, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' diżabilità, isejjaħ għall-aċċessibilità tas-siti elettroniċi pubbliċi u jenfasizza li ċ-ċirkustanzi attwali juri biċ-ċar li għad baqa' ħafna xi jsir qabel ma dan l-objettiv jinkiseb. jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li r-reġjuni u l-muniċipalitajiet jistgħu jikkontribwixxu biex tiġi solvuta din is-sitwazzjoni, mhux biss billi jakkwistaw, jiżviluppaw u joffru l-prodotti u s-servizzi meħtieġa, iżda wkoll billi jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' ambjent ekonomiku li jipprovdi lill-intrapriżi aktar aċċess għas-swieq; b'hekk jaf ikun importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, saħansitra fiż-żoni urbani, li jinvestu fl-iżvilupp ta' l-ICT u l-infrastruttura meħtieġa;

24.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu minn ta' quddiemnett fit-tmexxija ta' proġetti piloti;

25.

jaqbel mal-fehma li anke dawk inkarigati mill-iżvilupp u l-ġestjoni tas-servizzi pubbliċi jeħtieġu programmi ġodda għall-iżvilupp tal-kompetenzi prattiċi li jassiguraw l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fil-pjan ta'azzjoni.

Innaqqsu l-inugwaljanzi fir-rigward tal-kompetenzi diġitali

26.

jemmen li għad baqa' inugwaljanzi konsiderevoli fir-rigward tal-kompetenzi diġitali. Dan jaffettwa lill-anzjani, lil dawk b'livell baxx ta' edukazzjoni, il-persuni li huma ekonomikament inattivi u dawk li m'għandhomx l-għarfien diġitali neċessarju sabiex jiżviluppaw bi sħiħ il-kapaċitajiet diġitali tagħhom fid-dinja tax-xogħol;

27.

jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni għall-2008 li twettaq studju mifrux ma' l-UE dwar il-kompetenzi diġitali, u li, sa l-aħħar ta' l-2008, tipprovdi linji ta' tmexxija dwar il-politika fil-qasam tal-kompetenzi diġitali għall-gruppi l-aktar vulnerabbli;

28.

jisħaq fuq l-importanza ta' taħriġ u tagħlim adattati għall-ħtiġijiet li joriġinaw minn progress diġitali kontinwu fis-soċjetà kollha, b'kunsiderazzjoni speċjali tal-gruppi vulnerabbli;

29.

jaqbel mal-Kummissjoni li r-rwol u r-responsabilità ta' l-awtoritajiet fil-livelli kollha ta' gvern għall-assigurazzjoni ta' kompetenzi diġitali huma fundamentali. Jappoġġja wkoll il-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni attiva ta' l-industrija u l-organizzazzjonijiet soċjali għall-ksib ta' dan l-objettiv.

Servizzi elettroniċi pubbliċi moderni

30.

L-ICT jipprovdu opportunità importanti ħafna għat-titjib tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi. Il-KtR jaqbel li l-iżvilupp u t-tixrid ta' l-ICT jistgħu jipprovdu opportunità għall-bliet Ewropej biex jikkonsolidaw ir-rwol tagħhom bħala muturi ta' l-iżvilupp, ċentri ta' għarfien, u inkubaturi ġenwini ta' servizzi innovattivi u l-għarfien marbut magħhom;

31.

huwa tal-fehma li, biex l-iżvilupp ta' l-ICT jkun marbut mat-tisħiħ tar-rwol li jaqdu l-bliet Ewropej, huwa kruċjali li r-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali jissaħħaħ, ħalli b'hekk ikunu jistgħu jmexxu strateġiji għad-difiża u l-promozzjoni tal-kompetittività;

32.

jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ ġdid li jipprovdi servizzi elettroniċi pubbliċi ċċentrati fuq iċ-ċittadin, u fuq ir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma inkarigati mill-iżvilupp ta' dan l-approċċ. Dan il-kompitu huwa ta' rilevanza partikulari għar-reġjuni periferiċi, ultraperiferiċi u rurali, kif ukoll għall-komunitajiet insulari. Filfatt, f'dawn iż-żoni, il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi marbuta ma' l-iżvilupp ta' l-ICT huma vitali għall-koeżjoni u jistgħu jipproduċu valur miżjud sostanzjali ħafna;

33.

jirrikonoxxi li l-promozzjoni ta' l-inklużjoni-e fil-livelli lokali u reġjonali tista' ttejjeb il-kwalità ta' ħajja, tħeġġeġ il-parteċipazzjoni fil-ħajja komunitarja lokali u tistimula l-kompetittività, il-ħolqien ta' intrapriżi ġodda u l-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi u privati li jkunu aħjar, aktar effikaċi u aktar personalizzati;

34.

jitlob li jkun hemm rinforz u jingħata impetu ġdid lill-miżuri intiżi biex il-prevenzjoni, it-trattament u r-riżoluzzjoni tal-problemi marbuta mas-sigurtà tan-netwerks u ta' l-informazzjoni jsiru fi stadju bikri, kompitu li tippromovi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA);

Soluzzjonijiet fil-qasam ta' l-ICT għall-persuni soċjalment żvantaġġati u l-gruppi li jinsabu f'riskju ta' esklużjoni

35.

Minħabba l-bidla demografika imminenti, iħoss li jkun xieraq u neċessarju li jinħolqu u jiġu żviluppati l-kundizzjonijiet għat-telemediċina (9); dan għandu jgħin biex titjieb il-kura tas-saħħa, titħeġġeġ l-awtonomija ta' l-anzjani, titjieb il-kwalità ta' ħajjithom u jiġu integrati aktar fis-soċjetà. B'hekk ikunu jistgħu joffru l-esperjenza u l-għarfien li akkumulaw għall-iżvilupp tas-soċjetà. Barraminhekk, użu aktar wiesa' ta' l-ICT jista' jsaħħaħ is-servizzi ta' saħħa fuq il-bażi ta' l-ICT attwali u jiffaċilita l-ħolqien ta' prodotti u servizzi ġodda, li jistgħu jikkontribwixxu biex is-saħħa ġenerali tal-popolazzjoni titjieb, biex ikun hemm aċċess aktar faċli għas-servizzi pubbliċi tas-saħħa u biex jiġġeneraw frankar fit-tul ta' l-ispejjeż marbuta mas-sistemi ta' sigurtà soċjali;

36.

filwaqt li jqis il-bżonnijiet tas-suq, jenfasizza l-importanza li jinħolqu u jkunu aċċessibbli prodotti u servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet attwali ta' min hu ikkonċernat. Fid-dawl ta' dan, jisħaq fuq il-bżonn li s-sistemi regolatorji varji jiġu allinjati u, fir-rigward tat-teknoloġiji, jirrakkomanda li jintużaw soluzzjonijiet li l-aktar li jxaqilbu lejn ix-xejriet dominanti;

37.

jirrakkomanda li s-servizzi ta' l-ICT lill-anzjani jingħataw enfasi ikbar fl-inizjattiva “Reġjuni lejn bidla ekonomika”;

38.

jilqa' b'sofisfazzjon il-fatt li l-programmi ta' riċerka (is-7 Programm Qafas, Programm ta' appoġġ għall-politika dwar l-ICT) jenfasizzaw l-inklużjoni-e bħala mezz biex issir azzjoni dwar il-kwistjonijiet marbuta mat-tixjiħ u d-diżabiltà;

39.

jibqa' jsostni li hemm bżonn li d-diversità kulturali u lingwistika tibqa' tiġi rispettata;

40.

jirrimarka li hemm bżonn li l-patrimonju kulturali miktub Ewropew jiġi diġitalizzat biex ikun jista' jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan jeħtieġ li jsir fil-lingwi kollha, għar-reġjuni kollha u għall-pajjiżi kollha fl-Ewropa (10).

Nintegraw l-azzjonijiet favur l-inklużjoni-e biex nimmassimizzaw l-effetti fit-tul tagħhom

41.

jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni professjonali u sħubija mill-qrib bejn il-partijiet interessati;

42.

jenfasizza li t-tneħħija konsistenti u kkoordinata ta' ostakli regolatorji, tekniċi u ta' xorta oħra hija kruċjali jekk irridu li l-inklużjoni-e tkun kompletament sostenibbli u effikaċi;

43.

jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti mhux biss fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija, iżda wkoll fit-tfassil tagħha. Dan jassigura t-tisħiħ tal-kuntatti u l-komunikazzjoni bejn il-partijiet interessati u żjieda fl-effikaċja tal-programmi;

44.

jappoġġja bil-qawwa l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm żieda fil-volum u l-kwalità tar-riċerka marbuta ma' l-ICT fl-Ewropa. Minbarra r-riċerka u l-iżvilupp, jeħtieġ li jkun hemm enfasi wkoll fuq il-mekkaniżmi għall-promozzjoni u t-tixrid tas-sejbiet tar-riċerka fost l-industrija Ewropea kollha;

45.

jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-rikkezza tal-kontenut diġitali, l-interoperabilità u s-sigurtà tat-tranżazzjonijiert huma prijoritajiet għall-programmi ta' riċerka;

46.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza li l-ICT jintuża bħala “strument soċjali”. Għal dan il-għan, l-istrateġiji ta' l-ICT għandhom jintrabtu mal-politika soċjali Komunitarja;

47.

jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati miżuri fundamentali, f'oqsma li huma prijoritajiet orizzontali, favur l-ugwaljanza fl-opportunitajiet (eż. is-siti elettroniċi pubbliċi jkunu aċċessibbli għal kulħadd jew tiġi żviluppata l-infrastruttura tal-broadband). L-intervent ta' l-awtoritajiet pubbliċi huwa essenzjali għal dan il-għan;

48.

jirrikonoxxi li politika Ewropea dwar l-inklużjoni-e toffri valur miżjud (koordinazzjoni, kooperazzjoni, forum, sħubija, fondi). Jaqbel li hemm bżonn aktar trasparenza f'dan il-qasam u li l-pubbliku jsir aktar konxju mir-responsabilità soċjali;

49.

huwa favur skambju kontinwu u fuq skala wiesgħa ta' informazzjoni,prattiki tajbin u esperjenzi bejn il-partijiet interessati. Huwa favur ukoll li l-pubbliku jkun aktar informat u li jkun hemm kooperazzjoni attiva fil-livell lokali u reġjonali bejn l-industrija ta' l-ICT, l-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri tas-servizzi pubbliċi u privati u l-organizzazzjonijiet rappreżentanti ta' l-utenti finali, biex b'hekk jinkiseb l-impatt massimu possibbli;

50.

jemmen ukoll li huwa importanti li jinħoloq netwerk reġjonali fil-livell ta' l-UE li jista' jintuża biex jipprovdi lir-reġjuni b'aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar biex jipparteċipaw fi proġetti kollaborattivi. Soċjetà ta' l-informazzjoni inklużiva tipprovdi opportunitajiet kummerċjali kbar għas-settur ta' l-ICT;

51.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inklużjoni-e toffri vantaġġi tripli peress li japprofittaw minnha l-industrija, l-utenti u s-soċjetà kollha kemm hi;

52.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni tippromovi t-tfassil u l-użu ta' indikaturi li jipprovdu rappreżentazzjoni u evalwazzjoni komparattiva tat-tixrid u l-użu ta' l-ICT fir-reġjuni, ħalli b'hekk ikun hemm sors kontinwu ta' konklużjonijiet li jkunu utli u neċessarji għall-adozzjoni ta' miżuri li jwasslu għal konverġenza soċjo-ekonomika u teknoloġika bejn ir-reġjuni.

Brussell, id-9 ta'April 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Regjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  CdR 252/2005 fin (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  COM(2005) 229 finali (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  CdR 84/2007 fin.

(4)  CdR 272/2006 fin (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  CdR 341/2006 fin.

(6)  CdR 155/2005 u CdR 150/2005 fin (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  CdR 312/2003 fin (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  COM(2006) 675 finali.

(9)  CdR 256/2004 fin (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  CdR 32/2006 fin (mhux disponibbli bil-Malti).


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/17


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper dwar it-Trasport Urban

(2008/C 172/04)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jsejjaħ għal azzjoni kkoordinata li tindirizza l-problemi tal-konġestjoni u t-tniġġis li jiffaċċjaw il-bliet Ewropej kollha, imsejsa fuq approċċ sħiħ ta' dawn il-probolemi, fejn l-UE għandha taqdi rwol importanti, waqt li l-awtoritajiet reġjonali jibqgħu jmexxu s-soluzzjonijeit konkreti li għandhom jittieħdu.

jistieden lill-UE sabiex tħeġġeġ l-awtoritajiet reġjonali sabiex jiżviluppaw programmi ta' mobilità fit-tul, imsejsa fuq sħubija bejn il-bliet u l-konurbazzjonijiet tagħhom, sabiex jinstabu soluzzjonijiet adattati għall-ħtiġijiet lokali (parkeġġi fil-punti ta' aċċess tal-bliet, l-iżvilupp ta' mezzi tat-trasport iktar xierqa, l-ottimizzazzjoni tat-trasport pubbliku, eċċ.). Dawn il-pjanijiet ta' mobilità jistgħu jintegraw “żoni kalmi” (jiġifieri ħielsa mill-konġestjoni u t-tniġġis), u b'hekk jagħtu prijorità lil dawk l-investimenti li jirrigwardaw dawn iż-żoni.

konxu ta' l-importanza tal-modi ta' finanzjar neċessarji, jipproponi li dawn il-pjanijiet ta' mobilità jkunu jistgħu jiġu bbażati fuq sħubijiet imdaqqsa, li jintegraw b'mod notevoli s-settur privat, u jistieden lill-UE, b'kooperazzjoni mal-Bank Ewropew ta' l-Investiment, sabiex jiżviluppaw strumenti ta' investiment innovattivi, kapaċi li jiffinanzjaw l-infrastrutturi meħtieġa għal teknoloġiji iktar nodfa.

isejjaħ għat-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' “rappurtaġġ” fil-livell Ewropew li jippermetti li ssir evalwazzjoni tal-progress li jkun sar. Dan il-proċess għandu jibda permezz ta' studju komparattiv, iffinanzjat mill-UE, li janalizza s-sitwazzjoni fil-bliet Ewropej u l-approċċi li huma jieħdu biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

Rapporteur

:

Il-Kunsillier Sir Albert BORE, Membru tal-Kunsill tal-Belt ta' Birmingham (UK/PSE)

Dokument ta' referenza

Green Paper: Lejn kultura ġdida għall-mobilità urbana

COM(2007) 551 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Messaġġi ewlenin

1.

jilqa' l-impenn ta' l-UE li tkompli fl-isforzi tagħha sabiex issaħħaħ il-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea kif ukoll li jiġu indirizzati s-sostenibilità u l-bidla fil-klima. Dawn il-kwistjonijiet ewlenin kif inhuma fformalizzati fl-Aġenda ta' Lisbona, il-Ftehima ta' Göteborg u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bidla fil-Klima huma essenzjali għall-futur ta' l-Unjoni. Il-prijoritajiet politiċi tal-KtR jirrikonoxxu l-importanza vitali tal-kompetittività għat-tkabbir ekonomiku, b'mod partikolari fiċ-ċentri urbani, kif stipulat fl-objettivi ta' Lisbona, flimkien mal-kontribut tagħha għall-koeżjoni territorjali;

2.

jinnota li d-diviżjoni tal-poteri bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali tvarja fl-Istati Membri. Huwa importanti li l-miżuri stabbiliti mill-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni li ġej ma jassumux ċerti soluzzjonijiet organizzattivi;

3.

jenfasizza li kuljum il-bliet qegħdin jiffaċċjaw dawn il-kwistjonijiet dwar it-tkabbir u l-ambjent. Madankollu, dejjem iktar problemi ambjentali ser jostakolaw dan it-tkabbir. Il-bliet u ż-żoni urbani joffru l-potenzjal sabiex tissaħħaħ il-kompetittività u tiġi indirizzata l-bidla fil-klima. Sabiex dan isir, il-bliet u ż-żoni urbani ewlenin għandhom jieħdu l-miżuri adattati sabiex itejbu l-aċċess u jsolvu l-problemi ambjentali. L-opportunità li jiġu sseparati b'mod sinifikanti t-tkabbir mill-impatti negattivi fuq il-bidla fil-klima tista' titwettaq l-ewwelnett fir-reġjuni urbani, peress li huwa fuq kollox fiż-żoni urbani ffullati li mezzi tat-trasport alternattivi jsiru vjabbli malajr;

4

isejjaħ għal azzjoni kkoordinata sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv il-problemi sinifikanti tat-trasportazzjoni li joriġinaw mill-konġestjoni u l-kwistjonijiet ambjentali li jaffettwaw il-bliet sabiex titwettaq id-dikarbonizzazzjoni tat-trasport fit-triq sa l-2050. F'ċerti bliet individwali l-azzjoni kellha suċċess. Tenħtieġ strateġija iktar komprensiva li timxi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

5.

jirrikonoxxi r-rwol fundamentali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politika tat-trasport urban u jaqbel mal-Kummissjoni li l-ippjanar mill-ġdid tal-mobilità urbana jinvolvi l-organizzazzjoni ta' “ko-modalità” bejn il-mezzi kollha tat-trasport pubbliċi u privati bil-għan li jaqilbu għal mezzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent;

6.

L-UE għandha ssegwi politika integrata mmirata lejn l-ambjent, l-ippjanar ta' l-ispazju u l-mobilità, li għaliha l-azzjonijiet segwenti fil-livell ta' l-UE huma importanti:

1.

Sabiex ittejjeb il-kwalità ta' l-arja u tnaqqas it-tniġġis bl-istorbju, l-UE għandha ssegwi politika aktar stretta li tittratta fis-sors il-problemi assoċjati mat-traffiku. Titjib teknoloġiku u karburanti aktar nodfa jwasslu għal vetturi aktar nodfa, aktar silenzjużi u aktar ekonomiċi.

2.

Fl-interessi tas-sigurtà tat-traffiku, l-UE għandha tħeġġeġ il-progress fit-teknoloġija tal-vetturi.

3.

L-UE għandha tħeġġeġ l-iżvilupp tat-teknoloġiji meħtieġa ħalli tagħti l-appoġġ tagħha lill-politika reġjonali u lokali ta' l-ipprezzar.

4.

L-UE għandha tħeġġeġ ir-rabtiet bejn iż-żoni urbani permezz ta' linji tat-tramway u tal-ferrovija u netwerks b'veloċità għolja.

5.

L-UE għandha tirsisti għal armonizzazzjoni tas-sinjali tat-toroq għaż-żoni ambjentali, filwaqt li tħalli l-bliet fl-aktar libertà possibbli sabiex joħolqu ż-żoni ambjentali.

6.

L-UE għandha tippromovi l-kostruzzjoni ta' korsiji għal traffiku mhux motorizzat, sabiex ikun iktar faċli li wieħed jimxi, juża r-rota jew juża mezzi tat-trasport oħrajn ekoloġikament sostenibbli;

7.

jitlob lill-UE sabiex tħeġġeġ lir-reġjuni u b'mod speċjali lill-bliet sabiex jindirizzaw il-problemi billi jiżviluppaw pjanijiet ta' mobilità fit-tul ħalli jindirizzaw il-konġestjoni u jnaqqsu l-impatti tal-bidla fil-klima billi jiżviluppaw mezzi alternattivi ta' trasport u jipprovdu għażla għall-passiġġieri, bil-għan li jitranġa l-bilanċ ta' modalitajiet lejn modi aktar sostenibbli. Fi ħdan dawn il-pjanijiet, Żoni Nodfa, jiġifieri żoni denominati reċentement b'livell baxx ta' tniġġis u konġestjoni (li huma differenti miż-Żoni Ħodor, li huma żoni nodfa mit-tniġġis biss) għandhom jitħeġġu permezz ta' l-għoti ta' l-istatus Żona Nadifa, u l-investiment li jappoġġja lil dawn l-inizjattivi għandu jingħata prijorità;

8.

jirrikonoxxi li l-aċċess għall-kwantum ta' finanzjar ta' l-investiment meħtieġ sabiex il-Żoni Nodfa jiġu appoġġjati jista' joffri sfida, partikularment għal ċerti Stati Membri. Hemm rwol għall-UE, f'ħidma mill-qrib mal-Bank Ewropew ta' l-Investiment, sabiex jiġu żviluppati strumenti finanzjarji innovattivi kapaċi jiffinanzjaw l-infrastruttura ta' mobilità sostenibbli meħtieġa u l-investiment f'vetturi b'użu baxx tal-karbonju. Dan jista' jitmexxa 'l quddiem bħala estensjoni tal-programm CIVITAS, jew, wara l-konklużjoni taċ-CIVITAS fl-2009, jiġi inkorporat f'xi programm iffinanzjat mill-UE li jiġi wara;

9.

isejjaħ sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu fil-livell ta' l-UE sabiex isiru rapporti dwar il-progress fil-qasam tat-trasport urban kif ukoll dwar proċeduri ttestjati li nstabu tajbin u li jistgħu jservu ta' eżempju għal ħaddieħor. Dan il-proċess għandu jinbeda bi studju benchmark iffinanzjat mill-UE li jħares lejn il-bliet madwar l-UE u l-approċċi tagħhom lejn it-tnaqqis tal-konġestjoni, it-tisħiħ ambjentali u l-provvediment ta' modi ta' trasport aktar sostenibbli. Ir-rapport ta' progress annwali dwar l-objettivi ta' Lisbona li jiġi ppreżentat waqt il-Kunsilli tar-Rebbiegħa annwali għandu jipprovdi skeda għal dawn ir-rapporti;

10.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida fl-għamla ta' standards komuni fir-rigward ta' metodoloġiji għall-kalkolu ta' l-ispejjeż kollha u l-benefiċċji ta' mezzi tat-trasport (inkluż esternalitajiet bħall-konġestjoni, il-ħsara ambjentali, l-inklużjoni soċjali, u l-effetti fuq l-impjieg u l-vijabilità soċjali taċ-ċentri tal-bliet) bħala l-bażi għall-promozzjoni ta' ko-modalità; u kif ukoll l-istabbiliment ta' standards ekoloġiċi li jiffavorixxu l-konsumatur għal vetturi li jirriflettu l-ispejjeż ambjentali whole-life;

11.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja u tippremja n-netwerks ta' l-aħjar prassi (li magħhom ikun assoċjat il-KtR) sabiex iwessgħu l-ħidma tagħhom f'oqsma bħal pakketti b'elementi multipli li jipprovdu alternattiv għas-sjieda ta' karozza u l-użu attiv tagħha u permezz ta' l-espansjoni ta' inizjattivi bħal Bliet ta' Dimostrazzjoni li juru mekkaniżmi ta' prezzar innovattivi u l-istabbiliment ta' Żoni Nodfa;

12.

jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tikkapitalizza fuq il-ksib ta' skemi ta' premjar, fejn huwa rikonoxxut li hemm il-bżonn li tiġi ffinanzjata t-turija tal-kompetenza miksuba, billi l-premju jintuża bħala għodda ta' pubbliċità għar-reġjuni urbani ikkonċernati u objettiv li r-reġjuni urbani l-oħra jistgħu jimmiraw lejh;

13.

jappella sabiex l-UE turi lill-Ewropa u lid-dinja kollha kif qiegħda tfittex u timplimenta soluzzjonijiet għall-problemi u l-isfidi attwali tagħna permezz ta' inizjattivi bħall-bliet eżemplari ta' l-aħjar prattika u l-bliet li jservu ta' mudell; jitlob sabiex ir-reġjuni urbani jiżviluppaw Pjanijiet ta' Mobilità volontarji fuq medda ta' mill-inqas 20 sena. Il-pjanijiet jistgħu jkopru l-finanzjament, it-teknoloġiji ġodda li għandhom jiġu esplorati u pilotati, il-ħtiġijiet ta' l-infrastruttura, l-akkwist innovattiv sabiex tiġi stimolata l-innovazzjoni eċċ. Bl-approċċ immexxi minn pjan għall-bliet kollha ta' l-UE u bil-bliet ta' eżempju u l-bliet ta' dimostrazzjoni, kif ukoll permezz ta' Civitas iktar wiesa' b'mod sinifikanti jew possibbilment permezz ta' programm ġdid, l-UE tista' turi fl-Ewropa u mad-dinja kollha kif qiegħda tfittex sabiex timplimenta soluzzjonijiet innovattivi u ta' sfida għall-problemi u l-opportunitajiet attwali li qegħdin niffaċċjaw;

14.

isejjaħ lill-awtoritajiet fil-livelli kollha ta' gvern u amministrazzjoni sabiex iħeġġu azzjonijiet għall-faċilitar ta' l-akkwist konġunt (pubbliku-pubbliku jew pubbliku-privat) għall-promozzjoni ta' Żoni Nodfa (fejn akkwist konġunt bħal dan ma jmurx kontra l-interess pubblika usa'). L-Akkwist Konġunt jippermetti li jinħoloq suq għall-manifatturi sabiex jinvestu f'teknoloġiji ġodda u jistimolaw l-innovazzjoni. L-UE tista' tappoġġja din l-azzjoni billi tippromovi netwerks ta' l-aħjar prattika għal akkwist aħdar u għall-istimolar ta' l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija tat-trasport, minn reġuni u lokalitajiet involuti b'mod attiv fil-produzzjoni, ir-riċerka u l-iżviluppi ta' appoġġ fit-teknoloġiji tat-trasportazzjoni. Dawn iż-żewġ azzjonijiet għandhom jistimolaw kemm id-domanda kif ukoll il-provvista ta' teknoloġiji ġodda għall-benefiċċju tal-bliet;

15.

jenfasizza li r-rwol tas-settur privat fil-provvediment futur ta' mezzi alternattivi tat-trasport u s-separazzjoni ta' l-aċċessibilità mtejba miż-żieda fil-kilometraġġ tal-vetturi jeħtieġ jinftiehem bis-sħiħ u għalhekk, bħala parti mill-istudju ta' benchmarking madwar l-UE msemmi hawn fuq, element minnhom għandu jqis ir-rwol tal-finanzjament privat u l-kumpaniji attwalment involuti f'soluzzjonijiet innovattivi u liema huma l-inċentivi li jistgħu jisfruttaw mill-aħjar ir-rwol effettiv tagħhom;

16.

jinnota li l-Green Paper waslet fi żmien tajjeb peress li ser ikunu meħtieġa riżorsi addizzjonali fil-livelli kollha sabiex jiġu indirizzati l-problemi. L-UE diġà tonfoq riżorsi sinifikanti fuq il-mobilità u l-kwistjonijiet tat-trasport permezz tat-TEN-T kif ukoll għal żoni urbani permezz tar-Reġjuni ta' Konverġenza taħt il-fondi strutturali. Il-bliet huma komponent importanti u integrali tan-netwerks tat-trasport billi huma ċentri fejn il-modi differenti jinġabru u fejn il-vjaġġi normalment jibdew u jintemmu. Għalhekk it-trasport fil-bliet għandu jingħata l-istess attenzjoni bħan-netwerks tat-trasport. Huwa neċessarju li nħarsu lejn il-perijodu fit-tul u l-pjanijiet fit-tul għandhom jintlaħqu. Il-bliet u r-reġjuni, minflok jistennew li l-problemi jsiru intensi, għandhom jadottaw approċċ proattiv. Għalhekk, fil-livelli kollha fejn ir-riżorsi huma allokati, l-għan għandu jkun mhux biss li jiġu kkoreġuti l-problemi li diġà nqalgħu, iżda wkoll li jiġu assenjati riżorsi żejda għall-bliet u r-reġjuni li jindirizzaw problemi potenzjali fi stadju bikri;

17.

jenfasizza l-importanza ta' l-inkorraġiment ta' azzjonijiet ta' mobilità urbana taħt il-programmi Operattivi l-ġodda għal reġuni ta' Konverġenza. Fejn dan isir, il-bliet u r-reġjuni inkwistjoni ser ikollhom juru li l-azzjonijiet tagħhom iffinanzjati mill-UE qegħdin jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin;

Lejn Bliet bi Fluss Liberu

Rigward il-Mistoqsija 1 — dwar għandhiex tiġi prevista skema ta' “tikkettar” sabiex jingħarfu l-isforzi tal-bliet pijunieri fil-ġlieda kontra l-konġestjoni u fit-titjib tal-kundizzjonijiet ta' l-għixien:

18.

L-UE tista' tikkombina t-tikkettar skond il-linji ta' l-iskema mifruxa madwar l-UE “Blue Flag scheme”, li tingħata skond indikaturi speċifiċi, bl-introduzzjoni ta' “Skema għal Żoni Nodfa” — żona b'livelli baxxi ta' tniġġis u konġestjoni. Proġetti jistgħu jiġu ffinanzjati fi “Bliet ta' Dimostrazzjoni” li jkopru firxa ta' daqsijiet ta' popolazzjoni u sfondi storiċi, possibilment sabiex jintrabtu max-xewq li tiġi estiża CIVITA għal azzjonijet fuq skala ikbar (Ara l-Mistoqsija 21).

19.

Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta' l-aħjar prattiki jista' jiġi ppubblikat flimkien mar-rapport ta' progress annwali dwar l-għanijiet urbani mressqa kull sena lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa;

Rigward il-Mistoqsija 2 — dwar liema miżuri għandhom jittieħdu sabiex jiġu promossi l-mixi u ċikliżmu bħala alternattivi reali/ġenwini għall-karozza:

20.

L-uniku mod kif il-mixi u ċ-ċikliżmu jistgħu jiġu promossi bħala alternattivi ġenwini għall-użu tal-karozza huwa billi jinbena netwerk ta' mogħdijiet ta' kwalità tajba u mingħajr ostakli għall-mixi u għar-roti taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet lokali, sabiex jiġi assigurat li jsir użu akbar mir-roti bħala mezz ta' trasport fl-UE milli qiegħed isir bħalissa. Dan jista' jsir fuq kollox permezz ta' l-implimentazzjoni tal-kunċett tal-“belt kumpatta”. Approċċ funzjonali għall-ippjanar ta' żoni ta' bini jista' jillimita d-distanzi li jridu jivvjaġġaw il-persuni mexjin u ċ-ċiklisti. L-iżvilupp ta' Żoni Nodfa urbani li jinkludi miżuri stretti għall-indirizzar tal-konġestjoni u t-tniġġis ta' l-arja għandhu jtejjeb b'mod sinifikanti l-ambjent għall-mixi u ċ-ċikliżmu. Diġà jeżistu ħafna eżempji ta' prassi tajba fir-rigward ta' kampanji ta' promozzjoni fi skejjel u komunitajiet, u hemm rwol għall-UE fl-appoġġ ta' netwerks professjonali, fejn turi eżempji u tiċċelebra kull suċċess. L-Ewropa għandha tibni fuq is-suċċess tal-programm TAPESTRY (1);

Rigward il-Mistoqsija 3 — dwar x'jista' jsir sabiex tiġi promossa bidla modali lejn modi ta' trasport sostenibbli fl-ibliet:

21.

Il-ksib ta' bidla modali tesiġi approċċ integrat sabiex tittejjeb l-esperjenza tal-vjaġġ għal modi sostenibbli, u jsiru aktar attraenti waqt li modi mhux sostenibbli jsiru inqas attraenti. Dan l-approċċ integrat huwa wkoll meħtieġ fil-kuntest ta' pjanijiet ta' azzjoni għat-tnaqqis tat-tniġġis ta' l-arja u ta' l-istorbju u għat-traffiku (żvilupp). Ir-reviżjoni li jmiss tad-direttivi rilevanti ta' l-UE għandha tintroduċi s-sussidjarjetà u tagħmel mezz li jittieħed approċċ integrat għall-ippjanar. Dan iwassal għal ċertezza legali għall-awtoritajiet lokali li jużaw approċċi integrati ta' dan it-tip. L-użu uniformi tal-liġi Ewropea ħafna drabi kellu konsegwenzi mhux mixtieqa u imprevedibbli, b'mod speċjali fil-qasam ta' l-għajnuna statali u l-kuntratti pubbliċi. Il-provvista tas-servizzi tat-trasport — mill-awtorità lokali direttament jew minn kumpanija esterna — hija deċiżjoni li għandha tkompli tittieħed fil-livell reġjonali u lokali;

Rigward il-Mistoqsija 4 — dwar kif jista' jikber l-użu ta' teknoloġiji nodfa u effiċjenti fit-trasport urban:

22.

Il-Kumitat jilqa' l-proposti ppreżentati fil-Green Paper sabiex jiġu stabbiliti objettivi dejjem iktar eżiġenti permezz ta' standards ta' emissjonijiet aktar stretti, li jitħeġġeġ it-twaqqif ta' Żoni Ħodor Urbani li jkollhom regoli armonizzati. Jistgħu jiġu stabbiliti wkoll objettivi Ewropej per eżempju relatati ma' skontijiet fil-kontribut skond il-proporzjon ta' appalt fis-settur pubbliku li jilħaq ir-rati ekoloġiċi (eco-rating). Jista' jiġi mħeġġeġ ukoll l-impenn għall-appaltar 'eko-standard' minn entitajiet kbar tas-settur privat bl-użu tad-diversi netwerks tan-negozju ta' l-UE.

Rigward il-Mistoqsija 6 — dwar jekk għandux jkun hemm kriterji jew gwida għad-definizzjoni taż-Zoni Ħodor u l-miżuri ta' restrizzjoni tagħhom. Liema huwa l-aħjar mod biex wieħed jiżgura l-kompatibilità maċ-ċirkolazzjoni ħielsa? Teżisti kwistjoni ta' infurzar transkonfnali tar-regoli lokali li jiggevernaw iż-Żoni Ħodor:

23.

Il-linji gwida ta' l-UE, iżda mhux gwida, dwar id-definizzjoni ta' Żoni Ħodor għandhom ikunu kontribuzzjoni utli għal ċarezza u konsistenza, b'mod speċjali għall-istabbiliment ta' kategoriji ġeneralment rikonoxxuti ta' vetturi skond il-konsum ta' l-enerġija u l-klassifika ta' l-emissjonijiet. Jista' jkun hemm il-ħtieġa għal sit ta' l-internet ta' l-Ewropa kollha li jgħaqqad flimkien data dwar il-bliet fl-UE f'format standard u li juri informazzjoni speċifika għaż-żona urbana kkonċernata. Sistema unika ta' identifikazzjoni għall-vetturi li jidħlu f'żona ħadra, li tindika l-livell ta' tniġġis, tkun ta' vantaġġ kemm għas-sewwieqa tal-vetturi kif ukoll għall-bliet li daħħlu ż-żoni ħodor, dejjem jekk jintużaw l-istess tikketti għall-vetturi kollha kullimkien fl-Ewropa.

24.

Hemm bżonn ta' linji gwida Ewropej dwar il-Kodiċi tat-Triq fir-riward ta' l-ambjent u l-utenti tat-triq l-aktar vulnerabbli.L-Istati Membri għandhom jitħeġġu sabiex jinkorporaw dawn il-linji gwida fil-Kodiċi tat-Triq nazzjonali tagħhom, u b'hekk jiżguraw aktar ċarezza u uniformità madwar l-Unjoni;

25.

Attwalment, ħafna bliet u reġjuni qegħdin jintroduċu ż-żonaġġ ambjentali proprju tagħhom, bl-użu tas-sinjali tagħhom. Sabiex ma tinħoloqx konfużjoni għat-trasportaturi internazzjonali u t-turisti, l-UE għandha tiżviluppa sinjali tat-traffiku armonizzati. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikollhom l-aktar libertà possibbli sabiex jintroduċu żonaġġ ambjentali;

26.

L-infurzar transkonfinali tar-regoli lokali diġà huwa possibbli (Deċiżjoni Qafas 2005/214/JHA tal-Kunsill ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tal-penali finanzjarji);.

27.

Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-fatt li f'Diċembru l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Proposta totalment riveduta dwar il-promozzjoni ta' vetturi għat-trasport tat-triq li huma effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija u li ma jniġġsux (COM(2007) 817) finali mingħajr ma stenniet ir-riżultat tal-konsultazzjoni;

Rigward il-Mistoqsija 5 — dwar kif jista' jiġi promoss l-appaltar ekoloġiku konġunt:

28.

Jistgħu jinkisbu aktar benefiċċji mill-programm STEER (2), li jista' jiġi abbinat ma' l-eko-standards Ewropej il-ġodda bbażati fuq il-prinċipji ta' l-ispejjeż soċjali ta' ħajjet il-vettura msemmija fil-Green Paper. Fil-livell ta' l-UE nistgħu nippromovu s-sħubija ta' ħidma mal-provvedituri, sabiex jitkattru l-kunċetti ta' l-ispejjeż ta' ħajjet il-vettura permezz ta' netwerks ta' provvedituri u billi tippromovi regoli u aċċettazzjonijiet komuni u l-ħidma sabiex ir-riċerka akkademika tintuża għall-ħolqien ta' prodotti innovattivi u kummerċjali;

Rigward il-Mistoqsija 7 — dwar kif jista' jiġi promoss aktar l-ekosewqan:

29.

Il-valur soċjali u finanzjarju ta' l-ekosewqan jista' jiġi promoss u inkluż fil-lezzjonijiet tas-sewqan. Dan ifisser bidla fl-imġiba u l-manjiera tas-sewqan. Dawn il-ħiliet jistgħu jiġu inkorporati fit-testijiet nazzjonali tas-sewqan billi jiġu stabbiliti standards ta' prassi tajba u sewqan b'attenzjoni. Jista' jkun hemm rwol għall-UE fl-iskambju ta' l-aħjar prassi f'messaġġi fi ħdan il-kampanja u l-użu tat-taħlita ta' pubbliċità (marketing mix), skond l-inizjattiva ta' suċċess — TAPESTRY — ta' l-UE. Mod ieħor kif l-ekosewqan jista' jitħeġġeġ huwa billi jkun hemm promozzjoni ta' tagħmir fil-karozza li jkejjel il-konsum tal-karburanti

Lejn Trasport Urban iktar intelliġenti

Rigward Mistoqsija 8 — jekk għandhom jiġu żviluppati u promossi servizzi ta' informazzjoni aħjar għall-vjaġġaturi:

30.

Servizzi aħjar ta' l-informazzjoni għal vjaġġaturi kemm qabel kif ukoll matul il-vjaġġi jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għas-sostenibilità. Il-bliet Ewropej diġà għandhom ħafna eżempji ta' prattika tajba. Hemm rwol fil-livell ta' l-UE fl-inkoraġġiment ta' l-espansjoni u l-interkompatibilità ta' sistemi attwali permezz ta' l-istabbiliment ta' sistemi u simboli komuni. Hemm rwol fil-promozzjoni ta' sistemi ta' eżempju. F'dan ir-rigward, is-sistema tas-satellita Galileo hija ta' importanza kruċjali;

31.

Is-servizzi għall-utenti tat-trasport kollettiv għandhom jiġu żviluppati u jittejbu. L-informazzjoni attwali u dwar l-interruzzjonijiet li jitqiegħdu fuq l-internet u jiġu trasmessi lit-telefons ċellulari u adattati skond il-ħtiġijiet individwali tal-vjaġġatur jagħmlu kontribut siewi sabiex it-trasport kollettiv isir iktar attraenti u iktar kompetittiv meta mqabbel ma' modi tat-trasport inqas sostenibbli. Galileo ser jaqdi rwol ewlieni fl-iżvilupp tas-servizzi ġodda ta' l-informazzjoni. Għaldaqstant huwa importanti li l-UE tieħu r-responsabbiltà li tassigura li Galileo jespandi mill-iktar fis possibbli;

32.

Għandu jingħata appoġġ l-ewwelnett lill-proġetti għat-twaqqif tas-servizzi ta' informazzjoni li jirrinfurzaw l-effett tan-netwerk fuq it-trasport pubbliku — jiġifieri sistemi ta' informazzzjoni li jagħtu informazzjoni komprensiva dwar kollegamenti u s-sitwazzjoni tan-netwerk sħiħa tas-sistema ta' trasport integrata ta' konurbazzjoni u lilhinn (reġjun, canton, stat);

Rigward il-Mistoqsija 9 — dwar jekk huma meħtieġa azzjonijiet ulterjuri sabiex tiġi żgurata l-istandardizzazzjoni ta' l-interfaces u l-interoperabilità ta' l-applikazzjonijiet ITS fl-ibliet? Liema applikazzjonijiet għandhom jieħdu l-prijorità meta tittieħed l-azzjoni:

33.

Azzjonijiet sal-lum sabiex tkun żgurata l-interoperabilità kienu ta' għajnuna fit-twaqqif ta' standards tekniċi, u hemm rwol kontinwu għall-UE f'dan il-qasam. Jista' jsir iktar fl-inkoraġġiment ta' approċċi komuni minn gruppi ta' bliet u bejn l-Istati Membri, per eżempju bis-sistemi għal monitoraġġ u informazzjoni online għall-prevenzjoni ta' konġestjoni serja tat-traffiku;

34.

Barra minn sistemi li jinformaw lill-utenti tat-trasport, kemm jista' jkun possibbli għandhom jiġu żviluppati sistemi komuni fil-livell Ewropew sabiex jipprovdu, per eżempju: Sistemi ta' monitoraġġ BACT (3) sabiex tingħata statistika għall-finijiet tat-trasport u l-ippjanar.

Lejn Trasport Urban aċċessibbli

Rigward il-Mistoqsija 11 — dwar kif tista' tittejjeb il-kwalità tat-trasport kollettiv fil-bliet Ewropej:

35.

L-UE għandha tinkoraġġixi l-iżvilupp ta' tagħmir modern u infrastruttura skond standards komuni, ibbażat fuq ir-riċerka u l-iżvilupp immirati lejn it-titjib kontinwi tal-kwalità tas-servizz. Rispons f'waqtu fir-rigward tad-domanda jista' jitħeġġeġ bis-saħħa ta' l-irbit tal-finanzjar pubbliku ma' livelli ogħla ta' sodisfazzjoni tal-klijent..

36.

Miżuri sabiex jiġu riflessi l-ispejjeż diretti u indiretti għandhom jgħinu wkoll f'dan ir-rigward billi jibbilanċjaw il-fatturi fid-deċiżjoni ta' l-għazla tal-mezz.

Rigward il-Mistoqsija 12 — dwar jekk għandu jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta' korsiji apposta għat-trasport kollettiv:

37.

Aħna nemmnu li għandhom jiġu inkoraġġuti korsiji ddedikati għal trasport kollettiv flimkien ma' ITS. Hemm rwol għall-UE fl-appoġġ tal-proġetti għall-ħolqien ta' korsiji għall-karozzi tal-linja u trolleybuses, jew anke t-tramways, li jkunu riservati jew għalihom biss jew li jkunu jagħmlu parti minn kurituri apposta użati wkoll bħala passaġġi għall-persuni mexjin jew għaċ-ċiklisti u fl-iżvilupp ta' sinjali u desinjazzjonijiet komuni. Il-korsiji dedikati jistgħu jkunu mod tajjeb biex jassiguraw iċ-ċirkulazzjoni ħielsa tat-traffiku għat-trasport kollettiv. Fejn dan jinvolvi t-tnaqqis ta' korsiji miftuħa għall-karozzi, dan jista' jwassal ukoll għal tnaqqis fl-għadd ta' karozzi u żieda fil-konġestjoni għal dawk il-karozzi li jibqgħu fit-triq. Kultant jista' jkun diffiċli li miżuri bħal dawn jiġu appoġġjati mill-pubbliku u li jiġu implimentati fil-prattika. L-UE u l-livell nazzjonali jistgħu jappoġġjaw lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali f'dan ir-rigward permezz ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni. Għażliet oħra jinkludu l-iżvilupp ta' servizzi bl-internet għall-'pooling' tal-karozzi u ta' sistemi li permezz tagħhom il-'pools' ta' almenu tliet persuni jkunu jistgħu jużaw il-korsiji tat-trasport kollettiv f'ċerti ħinijiet tal-ġurnata;

Rigward il-Mistoqsija 13 — dwar jekk hemm bżonn li tiġi introdotta Karta Ewropea dwar id-drittijiet u l-obbligi għall-passiġġieri li jużaw it-trasport kollettiv:

38.

Nappoġġjaw estensjoni għall-Karta ta' l-UE dwar id-drittijiet fundamentali li tikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri li jużaw it-trasport kollettiv sabiex tittejjeb l-aċċessibilità, b'mod partikulari għal min huwa żvantaġġat fil-mobilità.

Rigward il-Mistoqsija 14 — dwar liema miżuri jistgħu jittieħdu biex ikunu integrati aħjar it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fir-riċerka u fl-ippjanar tal-mobilità urbana:

39.

L-integrazzjoni tista' tiġi inċentivizzata bis-saħħa ta' kriterji ta' finanzjament għal proġetti ta' riċerka u dimostrazzjoni, b'mod partikolari dawk relatati ma' l-adozzjoni ta' vetturi iktar adattati għall-ambjent urban u li huma effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Jista' jiġi kkunsidrat l-istabbiliment ta' kriterji speċifiċi għat-tnaqqis ta' emissjonijiet urbani, marbutin mad-desinjazzjonijet ta' tikettar imsemmija fil-paragrafu 18 (il-Mistoqsija 1).

Rigward il-Mistoqsija 15 — dwar kif tista' tintlaħaq koordinazzjoni aħjar bejn it-trasport urban u interurban u l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art? Liema tip ta' struttura organizzativa tkun l-aħjar:

40.

Aħna nappoġġjaw l-użu ta' pjanijiet ta' mobilità mfassla fuq bażi volontarja li jintegraw konurbazzjonijiet metropolitani usa'. Huwa importanti li jiġu stabbiliti l-miżuri adattati ta' diverżjoni għat-trasport tal-merkanzija goffa 'l barra mill-bliet u ċ-ċentri tagħhom. M'hemmx soluzzjoni ottimali waħda, iżda l-konurbazzjonijiet għandhom jiġu jiżviluppaw soluzzjonijiet lokali mmirati sabiex jintlaħqu riżultati preskritti u inċentivizzati mill-UE. Dawn il-pjanijiet jistgħu jifformaw il-bażi għal Ftehimiet ta' Mobilità kuntrattwali bejn il-partijiet interessati ewlenin.

41.

Il-KtR jemmen li, sabiex titnaqqas il-konġestjoni fir-rotot ta' aċċess lejn il-bliet il-kbar, u b'kooperazzjoni mal-muniċipalitajiet fiż-żoni tal-madwar, u, fejn huwa xieraq, ma' l-awtoritajiet metropolitani tat-trasport, għandhom isiru interkambji kbar fid-daħliet ta' l-ibliet, b'biżżejjed parkeġġi disponibbli (faċilitajiet tal-park and ride) li jippermettu lil dawk li jkunu se jsuqu lejn il-belt iħallu l-karozzi tagħhom u jużaw it-trasport pubbliku, mingħajr telf ta' ħin żejjed. Nemmnu li l-appoġġ tal-ħolqien ta' sistemi integrati tat-trasport, flimkien ma' konsorzji ta' awtoritajiet lokali jew korpi simili sabiex jiġġestjonawhom, li jirrispettaw il-fruntieri nazzjonali tal-konurbazzjonijiet u tal-moviment tan-nies minn korp indipendenti uniku jagħmel sens;

42.

L-użu ta' l-art fil-livelli kollha — muniċipali u livelli ogħla ta' gvern — u l-ippjanar tal-mobilità għandhom imorru id f'id sabiex l-inizjattivi fiż-żewġ oqsma jkunu kemm jista' jkun effettivi mill-perspettiva ambjentali, ta' l-enerġija u funzjonali peress li ż-żewġ oqsma huma strettament marbutin flimkien;

Lejn Trasport Urban mingħajr periklu u sikur

Rigward il-Mistoqsija 16 — Liema azzjonijiet oħra għandhom jittieħdu biex jgħinu lill-bliet jaffrontaw l-isfidi tagħhom tas-sigurtà tat-triq u personali fit-trasport urban:

43.

Persuni mexjin u ċiklisti b'mod partikolari huma vulnerabbli f'żoni urbani, u titjib kontinwu fis-sikurezza fit-triq huma essenzjali jekk ser jitħeġġu dawn il-mezzi ta' trasport. Azzjonijiet ulterjuri jistgħu jinkludu proġetti ta' dimostrazzjoni li fihom modi innovattivi sabiex persuni mexjin u ċiklisti jkollhom prijorità fuq trasport motorizzat, u titħeġġeġ l-adozzjoni bikrija ta' teknoloġija li ssaħħaħ is-sikurezza. L-awtoritajiet lokali għandhom jitħeġġu jidħlu b'mod volontarju f'kooperazzjonijiet ma' l-intrapriżi privati sabiex tinstab soluzzjoni għal dawn il-problemi. F'dan il-kuntest diġà hemm għadd ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-aħjar prattika;

Rigward il-Mistoqsija 17 — dwar kif jistgħu l-operaturi u ċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar dwar il-potenzjal tal-ġestjoni avvanzata ta' l-infrastruttura u t-teknoloġiji tal-vetturi għas-sigurtà:

44.

Aħna nikkunsidraw li proġetti ta' dimostrazzjoni promossi b'mod tajjeb huma l-aħjar mekkaniżmu għall-komunikazzjoni dwar il-potenzjal ta' dawn l-iżvilupp. Nirrakkomandaw ix-xogħol ta' l-Osservatorju Ewropew għas-Sigurtà fit-Triq fit-tixrid ta' pubbliċità dwar żviluppi ġodda f'dan il-qasam u niġbdu l-attenzjoni lejn l-eżempji ta' l-aħjar prattika li jeżistu fir-reġjuni Ewropej.

Rigward il-Mistoqsija 18 — dwar jekk għandhom jiġu żviluppati mezzi awtomatiċi tar-radar adattati għall-ambjent urban u għandu jiġi promoss l-użu tagħhom:

45.

L-UE għandha tippromovi l-iżvilupp ta' teknoloġija ġdida. Rwol validu għall-UE jista' jkun li tippromovi testijiet ulterjuri madwar l-Ewropa sabiex tinforma fehim ikbar dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji involuti.

Il-Ħolqien ta' Kultura ta' Mobilità Urbana ġdida

Rigward il-Mistoqsija 20 — Dwar jekk għandhom jaħdmu lkoll flimkien il-partijiet interesati lejn l-iżvilupp ta' kultura ġdida tal-mobilità fl-Ewropa; u jekk skond il-mudell ta' l-Osservatorju Ewropew għas-Sigurtà fit-Triq, Osservatorju Ewropew tal-Mobilità Urbana jista' jkun inizjattiva siewja sabiex tiġi sostnuta din il-kooperazzjoni:

46.

Aħna nemmnu li dan jista' jkun mudell utli li wieħed isegwi, meta wieħed iqis is-suċċess Ewropew fit-tnaqqis fir-rata ta' inċidenti. L-appoġġ għat-twaqqif ta' osservatorju Ewropew għall-mobilità fil-belt jingħata biss jekk dan l-osservatorju jirrappreżenta valur miżjud ġenwin. Nemmnu wkoll li l-mudell ta' 'cascading targets' marbut mal-finanzjament ta kontribut sinifikanti lill-progress li sar fit-tnaqqis ta' l-inċidenti. Osservatorju Ewropew tal-Mobilità Urbana jista' jgħin fil-promozzjoni ta' prattika tajba, l-għoti ta' l-istatus ta' Żona Nadifa u mekkaniżmu annwali għar-rappurtaġġ ta' l-UE marbut mal-Kunsilli tar-Rebbiegħa;

Riżorsi finanzjarji

Rigward il-Mistoqsija 21 — Dwar kif jistgħu l-istrumenti finanzjarji eżistenti bħall-fondi stutturali u ta' koeżjoni jintużaw aħjar b'mod koerenti biex isostnu t-trasport urban integrat u sostenibbli:

47.

Diġà qegħdin jintnefqu riżorsi sinifikanti fuq azzjonijiet ta' mobilità permezz ta' programmi varji, notevolment il-programm TEN-T, fil-Fondi Strutturali taħt il-programmi tar-Reġjuni ta' Konverġenza u permezz taċ-Civitas. Huwa ċar li fir-reġjuni ta' konverġenza, fejn ir-riżorsi ta' l-UE qegħdin jintużaw f'kuntest urban, huma mistennija li jkunu konformi ma' l-għanijiet ta' din il-Green Paper. L-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programmi ta' Konverġenza għandhom ifittxu approċċ ta' modalità bbilanċjat skond l-impatt tagħhom fuq it-tniġġis u l-klima. Dawn ir-riżorsi ta' Konverġenza u dawk taħt il-programmi l-oħra m'humiex biżżejjed sabiex jistimolaw il-bidla radikali neċessarja meħtieġa madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, dawn il-fondi ġeneralment m'humiex iffokati fuq iż-żoni li huma l-iktar fil-bżonn, dawk iż-żoni urbani imdaqqsa taħt pressjoni mit-tkabbir fejn il-kompetittività qiegħda tixxekkel minn kwistjonijiet ambjentali. Il-Green Paper jispjega l-bżonn għal azzjoni. Hemm rwol għall-UE — f'approċċ estiż b'mod sinifikanti fil-qafas taċ-Civitas Plus Plus, jew fi programm kompletament ġdid, u t-tnejn li huma għandhom ikunu ffokati fuq l-istimolar tat-twettiq ta' bidla radikali. Dawn il-fondi għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp u l-iffinanzjar ta' Żoni Nodfa u l-bidla għal approċċ ta' modalità iktar ibbilanċjat, kif inhu ddikjarat f'din l-opinjoni. Għandu jgħin ukoll sabiex jinkisbu fondi mis-settur privat u minn programmi nazzjonali;

Rigward il-Mistoqsija 23 — dwar kif jistgħu attivitajiet ta' riċerka mmirati jgħinu aktar fl-integrazzjoni tal-limitazzjonijiet urbani u l-iżvilupp tat-traffiku urban:

48.

Il-kwistjonijiet ewlenin huma sistemi għall-ġestjoni tat-traffiku u l-kontroll ta' l-attività, b'rabta ma' l-iżvilupp ta' aggruppamenti ta' djar skond passaġġi strateġiċi għat-trasport pubbliku. B'mod partikulari, l-iżvilupp urban irid jiġi integrat fl-iżvilupp tas-sistema ta' l-infrastruttura tal-komunikazzjoni u netwerks infrastrutturali oħrajn sabiex jiġi evitat il-bżonn li dawn ikollhom jiġu integrati aktar tard. Il-benefiċċju prinċipali ser ikun il-ksib tal-limitu kritiku ta' domanda għat-twaqqif u l-ġestjoni tat-trasport pubbliku.

Rigward il-Mistoqsija 24 — dwar l-ibliet għandhom jiġu inkoraġġiti jużaw in-nollijiet urbani; jekk hemm bżonn ta' qafas ġenerali u/jew gwida għan-nollijiet urbani; jekk id-dħul għandu jiġi dirett lejn it-tijib tat-trasport urban kollettiv u jekk għandhom jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni:

49.

In-nollijiet urbani jistgħu jkunu għodda disponibbli għall-awtoritajiet urbani. Ikun ta' għajnuna għall-UE li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' mudelli ta' l-aħjar prassi, u li jkun diġà stabbilit it-tagħlim minn dawk l-iskemi. Qafas ġenerali u/jew gwida jafu jkunu ta' benefiċċju. L-istandardizzazzjoni tkun mixtieqa iżda diffiċli li tinkiseb. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom strumenti effettivi għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex isolvu l-problemi ta' konġestjoni u dawk relatati ma' l-ambjent. It-“taxxa fuq il-konġestjoni” tista' tkun strument effettiv ħafna. Għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jiddeċiedu huma stess dwar l-introduzzjoni ta' din it-taxxa u l-użu tad-dħul li tiġġenera. Madankollu, f'diversi Stati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali m'għandhomx strument bħal dan għad-dispożizzjoni tagħhom peress li kwistjonijiet bħal dawn jiġu deċiżi fil-livell nazzjonali. Ikun ta' għajnuna għall-UE li tħeġġeġ l-iżvilupp ta' mudelli ta' l-aħjar prattika u titgħallem minn dawk l-iskemi li diġà huma stabbiliti. Fil-fehma tal-KtR, il-Kummissjoni għandha rwol importanti x'taqdi rigward l-ispjegazzjoni u t-tqajjim ta' għarfien sabiex tiffaċilita l-introduzzjoni ta' taxxa ta' konġestjoni mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

Rigward il-Mistoqsija 25 — dwar liema valur miżjud jista', għaż-żmien fit-tul, iġib l-appoġġ Ewropew immirat għall-finanzjament ta' trasport urban nadif u enerġetikament effiċjenti:

50.

L-appoġġ immirat jista' jirriżulta fi prestazzjoni mtejba kontra miri għat-tnaqqis tal-karbonju, li applikazzjonijiet ġodda tat-teknoloġija jitwettqu b'iktar ħeffa u ssir disseminazzjoni usa' u tħaddim ta' l-aħjar prassi. Dan jista' jnaqqas l-ispiża ekonomika tal-konġestjoni għall-UE u jipprovdi tmexxija min-naħa ta' l-UE fis-suq globali tat-teknoloġiji u l-metodoloġiji għall-iżvilupp sostenibbli, u fir-rikonċiljazzjoni tat-tkabbir ekonomiku mat-trasport urban sostenibbli;

51.

Valur miżjud ulterjuri jista' jinħoloq mill-UE bis-saħħa ta' Ftehimiet ta' Mobilità sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta' alleanzi qawwija bejn il-partijiet interessati li huma kapaċi joffru r-responsabilità tar-riskju assoċjat mal-livelli sinifikattivi ta' self kummerċjali meħtieġa sabiex titwassal infrastruttura tat-trasport sostenibbli fuq skala kbira. Ikun hemm bżonn ta' ħidma mill-qrib mal-BEI sabiex dan isir.

Brussell, id-9 ta' April 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DE BRANDE


(1)  TAPESTRY — Travel Awareness, Publicity and Education Supporting a Sustainable Transport Strategy in Europe. TAPESTRY kien proġett ta' riċerka u dimostrazzjoni ta' tliet snin iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea (DĠ Enerġija u Trasport) taħt il-5 Programm Qafas ta' RTD

(2)  STEER huwa l-azzjoni vertikali tal-Programm Ewropew ta' l-Enerġija Intelliġenti li jiffoka fuq vetturi u karburanti alternattivi, miżuri ta' politika għall-użu effiċjenti ta' l-enerġija fit-trasport u tisħiħ ta' l-għarfien ta' l-aġenziji ta' l-enerġija lokali fil-qasam tat-trasport.

(3)  BACT (Best Available Control Technology)


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/24


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-sistema ta' ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni

(2008/C 172/05)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu l-ewwel li jimplimentaw il-leġislazzjoni dwar is-sistema ta' ażil komuni Ewropea, u jaħseb li sistema ta' ażil komuni li tirrikjedi li kull Stat Membru jieħu r-responsabbiltà fi spirtu ta' appoġġ reċiproku għandha tiffaċilita l-ħidma ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

jirrakkomanda li, fejn hemm bżonn, jinħoloq mekkaniżmu ta' konsultazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ċentrali, reġjonali u dawk lokali sabiex tinkiseb gvernanza integrata f'aktar minn livell wieħed;

jirrakkomanda li jitfassal regolament Ewropew li jiggverna, bejn l-Istati Membri: l-għarfien reċiproku tal-protezzjoni darba li tkun ingħatat; il-proċeduri għat-trasferiment u status uniformi li jkopri lir-refuġjati u lill-benefiċarji tal-protezzjoni sekondarja;

jikkonsidra li l-estensjoni tal-kontenut tad-direttiva 2003/109/KE, lil dawk li jgawdu minn xi tip ta' protezzjoni internazzjonali hu provvediment essenzjali, sabiex jiġu eliminati r-riskji eventuali ta' diskriminazzjoni, kif ukoll hi strument integranti ta' l-istess proċess komunitarju ta' armonizzazzjoni fil-qasam ta' l-ażil;

jirrakkomanda: li jkun hemm linji gwida komuni dwar kif, bil-parteċipazzjoni mifruxa ta' l-entitajiet lokali, jitwettqu interventi li jgħinu lil dawk li talbu l-ażil u lir-refuġjati biex jiksbu l-aċċess għas-servizzi soċjo-sanitari u għal dar, jiddaħħlu programmi ta' parteċipazzjoni fil-komunitajiet lokali, filwaqt li jiġu definiti regoli ċari u speċifiċi għall-għarfien tal-kwalifiki ta' l-istudju; ir-rikwalifikazzjoni vokazzjonali u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet, u jkunu allokati riżorsi ekonomiċi sabiex jappoġġjaw il-potenzjalitajiet tax-xogħol u/jew dawk maniġerjali fost ir-refuġjati;

jikkonsidra essenzjali li biex isseħħ l-integrazzjoni sħiħa tar-refuġjati, huma jridu jħossuhom parteċipi fil-kwistjonijiet tad-distretti, bliet, Stati fejn joqgħodu u ta' l-UE. Il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika tat-territorji, ibda mid-dritt għall-parteċipazzjoni attiva jew ta' l-inqas passiva, fl-elezzjonijiet lokali, għandha valur konkret u qawwi ħafna li jmur lilhinn minn dak simboliku;

jirrakkomanda it-twaqqif ta' proċeduri ta' finanzjar u ta' sejħiet għall-offerti għat-tisħiħ tal-ħiliet ta' l-operaturi nazzjonali u lokali. B'konsiderazzjoni partikolari għall-aspett psikosoċjali, ta' l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà.

Rapporteur

:

Is-Sur Antonio SANTARELLA (IT/UEN-AE), Sindku ta' Candela

Dokumenti ta' referenza

Green Paper dwar is-sistema ta' ażil komuni Ewropea tal-ġejjieni

COM(2007) 301 finali

Proposta ta' direttiva tal-Kunsill li temenda d-direttiva 2003/109/CE biex testendi l-ambitu ta' applikazzjoni għall-benefiċarji ta' protezzjoni internazzjonali

COM(2007) 298 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Iir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali

1.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu l-ewwel li jimplimentaw il-leġislazzjoni dwar is-sistema ta' ażil komuni Ewropea. Ta' kuljum huma jilqgħu flussi imħallta ta' migranti, fosthom min qed ifittex ażil, u ħafna drabi jkunu jridu jipprovdu għajnuna medika u psikoloġika lil persuni li sofrew abbuż fiżiku jew mentali, inkluż it-tortura. Dawn is-servizzi, li normalment mhux dejjem huma provduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali jew mill-aġenziji tagħhom, jinħtieġu għajnuna speċjali sabiex jiġu użati ħiliet u strutturi xierqa;

2.

jinnota li sistema ta' ażil komuni li tirrikjedi li kull Stat Membru jieħu responsabbiltà fi spirtu ta' appoġġ reċiproku għandha tiffaċilita l-ħidma ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Bħalissa, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom wisq responsabbiltajiet f'ċerti Stati Membri, parzjalment minħabba li ma teżistix sistema ta' ażil komuni;

3.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fin-nuqqas ta' proġetti ta' akkoljenza u integrazzjoni u ta' impjieg stabbli, anke persuna bi dritt rikonoxxut li titlob l-ażil tista' tkun il-vittma ta' sfruttament u tal-kriminalità, u b'hekk tinħoloq kawża potenzjali ta' problemi għas-sigurtà u l-koeżjoni soċjali. Ir-riskju u t-tendenza li wieħed jispiċċa f'sitwazzjoni ta' sfruttament jew kriminalità jista' jitnaqqas jekk ikun possibbli li dak li jkun isib xogħol li għalih jitħallas matul il-perjodu meta qed jitlob ażil;

4.

jirrakkomanda li f'kull Stat Membru, tinħoloq sistema ta' netwerks ta' l-awtoritajiet lokali, sabiex toħloq proġetti lokali promossi mill-istess awtoritajiet, li jiżguraw l-integrazzjoni b'mod infurmat tar-refuġjati. Fl-Istati Membri fejn dawn in-netwerks ta' servizzi ġew stabbiliti, bil-ħidma tal-kummissjonijiet territorjali, tnaqqas iż-żmien ta' verifika tat-talbiet ta' l-ażil u tjiebu l-kondizzjonijiet ta' għajxien ta' dawk li talbu l-ażil. Dan għen l-integrazzjoni tagħhom fil-komunitajiet lokali ta' akkoljenza u wassal għal vantaġġi kbar fis-sigurtà u l-kwalità tal-ħajja;

5.

jirrakomanda għalhekk li r-riżorsi, Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali jikkumplimentaw lil xulxin u jipprovdu għajnuna konkreta lil dawn in-netwerks ta' servizzi fl-Istati Membri kollha, sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta' integrazzjoni ta' min qed ifittex ażil u r-refuġjati;

6.

jirrakkomanda li, fejn hemm bżonn, jinħoloq mekkaniżmu ta' konsultazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ċentrali, reġjonali u dawk lokali sabiex tinkiseb gvernanza integrata f'aktar minn livell wieħed;

7.

jirrakomanda li l-parteċipazzjoni fis-sistema tan-netwerks għandha tkun fuq bażi volontarja, u l-formazzjoni ta' sħubijiet sabiex jaqsmu flimkien t-teħid ta' deċiżjonijiet u r-responsabbiltajiet fost l-atturi istituzzjonali, pubbliċi u privati varji fil-livell lokali sabiex ikunu ippjanati interventi dwar l-akkoljenza u l-integrazzjoni billi jiġi żviluppat il-potenzjal lokali tat-territorju. Dawn is-sħubijiet jistgħu jwasslu għat-tkabbir ta' l-għarfien u għaż-żieda fil-parteċipazzjoni informata ta' atturi li s'issa ma kellhomx x'jaqsmu mas-settur ta' l-ażil jew li jsibuha bi tqila sabiex jerfgħu responsabbiltajiet f'dan is-settur;

8.

jenfasizza li sistema bħal din tista' twassal biex istituzzjonijiet, intrapriżi, trejdunjins, assoċjazzjonijiet tat-tielet settur, istituzzjonjiiet ta' taħriġ, universitajiet u ovvjament l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiksbu rwol fis-sistema. Dan għandu jiġbed l-attenzjoni tas-soċjetà in ġenerali, filwaqt li jħalli lil kull parteċipant jwettaq sehemu, li naturalment jgħin biex itaffi jew imewwet it-tensjonijiet;

Strumenti leġislattivi

L-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil

9.

jikkonsidra li fl-applikazzjoni tal--proċedura tar-rikonoxximent tal-protezzjoni internazzjonali, l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja żewġ esiġenzi differenti, li iżda ma għandhomx jintużaw kontra xulxin:

il-protezzjoni effettiva għal min qiegħed ifittex għażil;

il-kontroll tal-fruntieri esterni;

10.

jipproponi l-armonizzar fil-livell ta' l-UE tal-proċeduri ta' identifikazzjoni, ta' ammissjoni fit-territorju u ta' aċċess għall-proċedura ta' l-ażil;

11.

jitlob li jiġu ddisinjati u ttestjati proċeduri komuni għall-identifikazzjoni ta' l-immigranti, applikabbli fi żmien qasir, b'miżuri speċifiċi, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tad-dinjità tal-persuna;

12.

jikkonsidra bħala essenzjali li f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċeduri ta' kontroll ta' l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, li jkunu individwati mezzi komuni li jistgħu jagħtu garanzija ta' unformità ta' valutazzjoni fl-Istati membri individwali li tippermetti l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiettad-direttivi Ewropej (b'mod partikulari n-Nru 2005/85/KE);

13.

jipproponi ukoll li jkun hemm opportunitajiet regolari ta' taħriġ, aġġornament u monitoraġġ, kif ukoll fora għall-korpi kollha responsabbli mill-eżaminazzjoni ta' l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali sabiex jaqsmu u jqabblu l-esperjenzi tagħhom;

14.

jirrakkomanda li jitfassal programm ta' korsijiet ta' taħriġ u ta' aġġornament għall-forzi tal-pulizija tal-fruntiera u għad-dipartimenti inkarigati mid-difiża tal-fruntieri;

15.

jirrakkomanda l-proviżjoni ta' u appoġġ għal ċentri ta' assistenza u orjentament għal ċittadini barranin li qed jitolbu l-protezzjoni internazzjonali f'postijiet ta' dħul tal-fruntiera (ajruporti, marittimi u ta' l-art) u żoni tad-dħul;

Il-kondizzjonijiet ta' akkoljenza għal min ifittex ażil

16.

iħoss li fir-rigward tad-detenzjoni ta' min jitlob l-ażil, huwa tajjeb li jerġa jiġi enfasizzat li dawn ma jistgħux jinżammu biss bl-iskop li tiġi eżaminata t-talba tagħhom. Il-limitazzjonijiet tal-libertà ta' ċirkolazzjoni ma għandhomx jittawlu aktar miż-żmien neċessarju sabiex jitlestew il-proċeduri ta' identifikazzjoni, proċeduri, li għandhom bżonn ta' aktar armonizzazzjoni;

17.

jitlob sabiex l'Unjoni Ewropea taddotta karta li tirregola l-istatus ta' min jitlob protezzjoni internazzjonali u li jkollu limitazzjoni fuq il-libertà taċ-ċirkolazzjoni;

18.

jikkonsidra li l-movimenti sekondarji fl-Unjoni Ewropea huma kkawżati prinċipalment mis-sitwazzjonijiet ekonomiċi differenti u mis-soluzzjonijiet differenti li ngħataw mill-Istati Membri partikolari fir-rigward dawk il-persuni li qed jitolbu l-ażil;

19.

iħoss għalhekk li hemm bżonn li jsir studju li jiġbor fih l-esperjenzi tal-pajjiżi membri kollha tul dawn l-aħħar snin, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-inklużjoni fid-dinja tax-xogħol, tal-post fejn jgħixu u tas-soċjetà;

20.

jipproponi li jkun miżjud appendiċi ma' l-opinjoni preżenti li jiġbor fih l-aħjar prattiċi li ġew adottati f'dawn l-oqsma u li saru b'kollaborazzjoni ma' l-entitajiet lokali u reġjonali Ewropej;

21.

jirrakkomanda li l-kunċett ta' “assistenza materjali” jinbidel f'wieħed ta' “akkoljenza integrata” (li jkun jinkludi fih is-servizzi ta' assistenza u gwida għall-persuna u l-bidu ta l-interventi għall-integrazzjoni soċjo-ekonomika);

L-għotja tal-protezzjoni

22.

ifakkar li għalkemm mill-1951 lil hawn, il-kuntest internazzjonali nbidel radikalment u miegħu anke it-tip ta' nies li jfittxu l-protezzjoni, il-kunċett ta' protezzjoni internazzjonali għadu marbut wisq mad-definizzjoni stretta ta' refuġjat, kif imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra. Madankollu aktar ma jgħaddi ż-żmien, ir-refuġjati m'humiex biss dawk li qegħdin jaħarbu minn persekuzzjonijiet individwali iżda ukoll minn kuntesti ta' vjolenza ġġeneralizzata u ta' kunflitt armat, u l-kundizzjonijiet ambjentali u ta' l-għajxien għandhom parti dejjem aktar importanti;

23.

jinnota li fid-dawl ta' dan kollu, li wieħed ma jistax ma jaqbilx mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttiva nru 2004/83/KE li tiddeskrivi u tagħti unformità lill-protezzjoni sussidjarja li għandha tingħata lil dawk li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' refuġjat skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra. Din il-protezzjoni għandha titqies bħala kumplimentari u mhux inferjuri jew ta' livell sekondarju għall-istatus ta' refuġjat;

24.

għalhekk japprezza l-isforz imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea li tiddefinixxi l-istatus tal-persuna intitolata għall-protezzjoni sussidjarja, billi tinkorpora u żżid mad-dispożizzjonijiet imniżżla fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

25.

jenfassizza b'din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet komunitarji, li huwa possibbli li sabiex jikber in-numru ta' każijiet li ser jibbenefikaw mill-protezzjoni nnifisha, għandu jkun hemm żewġ forom ta' protezzjoni internazzjonali (ta' refuġjat u sussidjarja);

26.

jinsisti li dawn iż-żewġ tipi ta' protezzjoni internazzjonali li jiġu mogħtija minn Stat membru għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mill-Istati l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea;

27.

jirrakkomanda għalhekk li, f'dan il-kuntest ġdid, tkun maħsuba l-possibilità ta' trasferiment tar-responsabilità bejn l-Istati membri, meta l-persuna li għandha d-dritt għall-protezzjoni internazzjonali tibdel ir-residenza tagħha minn Stat għall-ieħor, sabiex b'hekk tkun żgurata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa (ukoll jekk direttament ikkontrollata u immonitorata) fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea;

28.

iħoss il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tadotta strumenti (normattivi u operativi) li joffru l-possibbiltà ta' intervent fil-każijiet fejn m'hijiex possibbli t-tkeċċija mit-territorju komunitarju;

Kwistjonijiet trasversali

Rispons xieraq għal sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà.

29.

iħoss li l-vulnerabbiltà għandha tkun msejsa speċifikament fuq l-individwu u dak kollu li jkun għadda minnu; b'eċċezzjoni għal tipi patikolari ta' individwi li għandhom bżonn ta' miżuri speċifiċi ta' akkoljenza u protezzjoni (eż. minuri mhux akkumpanjati, nisa li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu mal-familjari tagħhom u refuġjati nisa, nies b'diżabbiltà fiżika jew mentali), u li s-sitwazzjoni partikolari tagħhom għandha tiġi kkonsidrata sew fil-proċeduri u fid-deċiżjonijiet li jittieħdu (per eżempju, rispett tad-dritt għal ħajja privata u tal-familja, jew ir-ragruppament tal-familja);

30.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li b'mod speċjali fejn jidħlu l-vittmi tat-tortura l-miżuri ta' appoġġ u riabilitazzjoni jistgħu ma jkunux adegwati meta:

ma jiġux ikkumplimentati b'miżuri speċifiċi bl-iskop li jiggarantixxu l-akkoljenza, l-protezzjoni u l-integrazjoni soċjo-ekonomika;

ikunu implimentati esklużivament minn strutturi speċifiċi, li ma jintegrawx la ma' l-assistenza soċjali fil-livell nazzjonali u lokali u l-anqas mas-servizzi li għandhom l-iskop li jgħinu lil min talab ażil u r-refuġjati;

31.

għalhekk jirrakkomanda li fil-proċess għall-ħolqien ta' sistema komuni ta' ażil ikun maħsub dibattitu wiesa' u strutturat bil-għan li jinħolqu standards komuni għall-identifikazzjoni tal-każijiet individwali ta' vulnerabbiltà;

32.

jipproponi li fl-istrumenti li l-Unjoni Ewropea ser toħloq biex tgħin il-ħidma tal-persuni partikolari involuti fis-Sistema ta' Ażil (linji gwida, manwal, programmi formattivi, eċċ.) ikunu inklużi gwidi u indikaturi speċifiċi biex jgħinu ħalli jinkixfu s-sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà u b'hekk tkun megħjuna il-ġestjoni tagħhom;

33.

jikkonsidra essenzjali, li wieħed jagħraf u jieħu azzjoni dwar persuni individwali f'każijiet ta' vulnerabbiltà. Għalhekk għandu jiġi pjjanat it-tisħiħ tal-kompetenzi tas-servizzi ta' l-assistenza soċjali lokali. F'dan ir-rigward jirrakkomanda li l-Unjoni Ewropea tintervjeni kemm permezz ta' finanzjar ta' riżorsi biex tgħin programmi speċifiċi ta' bini ta' kapaċità, kif ukoll bi programmi ta' formazzjoni u aġġornament li għandhom jiġu provduti fl-Istati Membri;

L-Integrazzjoni

34.

jenfassiza li, l-integrazzjoni hi proċess li għandu bħala l-għan prinċipali tiegħu li jilħaq livell ta' awtonomija tar-refuġjat. Il-proċess ta' integrazzjoni jinqasam f'livelli paralleli ta' integrazzjoni (tax-xogħol, tal-post fejn jgħixu u tas-soċjetà) u jsegwi rotot differenti (l-għarfien tat-territorju, l-aċċess għas-servizzi, il-parteċipazzjoni);

35.

jikkonsidra essenzjali li fil-ġbir ta' l-esperjenzi tad-diffikultajiet li jistgħu jgħixu immigranti tat-tieni ġenerazzjoni f'partijiet differenti ta' l-Ewropa fejn tidħol il-politiki ta' integrazzjoni, ir-refuġjati (b'mod speċifiku) ma jkunux dejjem ikkonsidrati bħala “barranin” jew bħala “mistednin”, u li b'sens ta'rikonoxxenza u rispett lejn il-pajjiż li lejh sejrin, kif ukoll il-liġijiet ta' l-Istat ikkonċernat, ma jkunux mistenni li huma jitbiegħdu mill-kulturi ta' l-oriġini;

36.

jikkonsidra essenzjali biex isseħħ integrazzjoni sħiħa tar-refuġjati, li huma jħossuhom parteċipi fil-kwistjonijiet tad-distretti, bliet, Stati fejn joqgħodu u ta' l-UE. Il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika tat-territorji, ibda mid-dritt għall-parteċipazzjoni attiva jew passiva, ta' l-inqas, fl-elezzjonijiet lokali, għandha valur konkret barra milli simboliku qawwi ħafna;

37.

jemmen li l-iżvilupp ta' dan is-sens ta' appartenenza huwa proċess li jrid jibda fl-iskejjel u li l-programmi ta' akkoljenza u integrazzjoni ta' l-istudenti refuġjati jistgħu jkunu żviluppati b'mod integrat fis-sistemi skolastiċi (u universitarji) kollha ta' l-Istati Membri;

38.

jirrakkomanda:

li jkun hemm linji gwida komuni dwar kif, bil-parteċipazzjoni mifruxa ta' l-entitajiet lokali, jitwettqu interventi li jgħinu lil dawk li talbu ażil u lir-refuġjati biex jiksbu l-aċċess għas-servizzi soċjo-sanitari u għal dar, u jinħolqu miżuri sabiex jiżviluppaw programmi ta' parteċipazzjoni fil-komunitajiet lokali,

li jkunu definiti regoli ċari u speċifiċi għall-għarfien tal-kwalifiki ta' l-istudju; ir-rikwalifikazzjoni vokazzjonali u iċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet,

li jkunu allokati riżorsi ekonomiċi sabiex jappoġġjaw il-potenzjalitajiet tax-xogħol u/jew dawk maniġerjali fost ir-refuġjati u jgħinu wkoll il-kollaborazzjoni ma' l-attivitajiet produttivi li jinsabu attwalment fit-territorju;

L-implimentazzjoni — miżuri ta' akkumpanjament

39.

jipproponi li jirregolarizza l-proċeduri komuni għall-identifikazzjoni taċ-ċittadini ta' Pajjiżi terzi li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali;

40.

jipproponi t-tfassil ta' programmi strutturati ta' formazzjon jew aġġornament indirizzati lejn il-gwardjani tal-fruntieri u l-forzi tal-pulizija; l-NGOs; il-korpi maħsuba għall-eżaminazzjoni tat-talbiet ta' ażil; is-servizzi sanitarji u ta' l-għajnuna soċjali lokali; l-amministrazzjonijiet lokali u d-diriġenti ta' l-istituzzjonijiet nazzjonali;

41.

jissuġġerixxi t-twettiq ta' attivitajiet ta' laqgħa u skambju ta' idejat. Konferenza “plenarja” Ewropea dwar l-ażil, konferenzi regionali u l-attivazzjoni ta' programm ta' skambju tal-persunal, speċi ta' l-Erasmus għall-operaturi ta' l-Ażil;

42.

isejjaħ għal koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri dwar ċerti kwisjonijiet dwar l-ażil;

43.

jirrakkomanda li jitfassal regolament Ewropew li jiggverna, bejn l-Istati Membri: l-għarfien reċiproku tal-protezzjoni darba li tkun ingħatat; il-proċeduri għat-trasferiment u status uniformi li jkopri lir-refuġjati u lill-benefiċarji tal-protezzjoni sekondarja;

44.

jikkonsidra bħala essenzjali li jitwessgħu u jiġu żviluppati l-mezzi ta' konsultazzjoni ta' l-atturi varji — minn istituzzjonijiet nazzjonali sa l-amministraturi lokali, mill-pulizija sa l-NGOs — dwar l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ażil komuni;

45.

jirrakkomanda l-programmazzjoni ta' strutturi ta' finanzjar u sejħiet għall-offerti għat-tisħiħ tal-ħiliet ta' l-atturi interessati nazzjonali u lokali. B'konsiderazzjoni partikolari għall-aspett psikosoċjali, ta' l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà;

Is-solidarjeta u l-qsim tal-piżijiet

Solidarjetà finanzjarja

46.

jilqa' il-Programm Qafas għas-solidarjetà u l-ġestjoni tal-flussi migratorji għall-perjodu 2007-2013 ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea: dan hu programm multiannwali bbażat fuq erba' pilastri u l-fondi korrispondenti li jipprovdu approċċ integrat għall-kwistjonijiet varji li joħorġu mill-migrazzjoni. Jesprimi sodisfazzjon partikolari dwar il-verżjoni l-ġdida tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati (ERF) għall-2008-2013, u l-Fond Ewropew għar-Ritorn għar-refuġjati li jilħqu l-ħtiġijiet mniżżla mill-awtoritajiet lokali għal min talab ażil u għar-refuġjati;

47.

jemmen li l-armonizzazzjoni ta' l-istandards proċedurali, ta' akkoljenza, ta' integrazzjoni, ta' parteċipazzjoni fil-komunitajiet lokali huma l-ewwel deterrent għall-movimenti sekondarji ta' dawk li jfittxu jew li għandhom il-benefiċċju ta' protezzjoni internazzjonali fi ħdan it-territorju ta' l-Unjoni Ewropea;

48.

jenfasizza li l-isforz qawwi biex tintlaħaq din l-armonizzazzjoni huwa, fil--ħolqien ta' sistema effettiva ta' ażil Ewropew, strument prinċipali sabiex jinqasmu r-responsabiltajiet u l-kompetenzi bejn l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea;

49.

ifakkar li t-twettiq ta' dan il-għan f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi ekonomiċi, umani u ta' ħin żgur li se jkun dispendjuż, iżda jikkonsidrah neċessarju biex jintlaħaq mudell ta' interventi li jista' jsolvi l-problemi li wieħed isib fl-Unjoni Ewropea kollha fil-ġestjoni tal-flussi migratorji mħalta;

50.

jenfasizza l-importanza għat-twettiq ta' l-interventi msemmija hawn fuq u sabiex ikun żgurat li dawn ikollhom impatt fuq l-Istati Membri individwali, li r-riżorsi maħsuba għall-politiki Ewropej ta' l-Ażil ikollhom parti diretta lejn il-livell komunitarju u parti oħra diretta lejn l-Istati Membri individwali;

51.

jirrakkomanda għalhekk li l-Istati fejn it-talbiet ta' ażil qegħdin jiżdiedu jew li jinsabu fuq livelli kostanti, kif ukoll dawk l-Istati li jinsabu fuq il-fruntiera, ikunu jistgħu jirċievu allokazzjoni finanzjarja proporzjonata ma' l-interventi li jridu jwettqu. L-attwazzjoni ta' Sistema ta' Ażil komuni ser ikollha bżonn ta' ħafna riżorsi ekonomiċi u fuq kollox, għall-ewwel ħames snin ser ikun neċessarju li jkun hemm deroga fuq ir-regola li tgħid li l-finanzjamenti Ewropej jridu jkunu kumplimentari għal dawk nazzjonali;

52.

fid-dawl ta' dan jitlob, li jiġi mfassal programm iddettaljat tar-riżorsi finanzjarji Ewropej, skond gwidi finanzjarji sabiex wieħed ikun jista' jaċċedi għalihom ħalli jwettaq interventi, l-aktar fir-rigward tal-formazzjoni, l-iskambju tal-persunal u l-parteċipazzjoni ta' l-interlokuturi lokali fil-proċess ta' konsultazzjoni Ewropea;

53.

bl-istess mod jirrakkomanda li jiġu allokati riżorsi adegwati — b'finanzjamenti supplimentari li jpattu għan-nuqqasijiet strutturali fil-livell nazzjonali, lill-pajjiżi li ssieħbu reċentement u l-Istati membri bi storja reċenti ta' immigrazzjonijiet. F'dan il-kuntest ikun inutli li wieħed jaħseb għal programmi ta' resettlement fi ħdan l-Unjoni Europea stess.

L-estensjoni lill-benefiċċarji tal-protezzjoni internazzjonali tal-firxa ta' l-applikazzjoni tad-direttiva 2003/109/KE

54.

jilqa' l-proposta ta' direttiva tal-Kunsill, li għandha l-għan li timmodifika id-direttiva preċedenti 2003/109/KE, billi tiġi estiża l-applikazzjoni fil-konfront ta' persuni li ngħataw il-protezzjoni internazzjonali (refuġjati jew persuni li għandhom id-dritt għall-protezzjoni sussidjarja);

55.

jikkonsidra li l-estensjoni tal-kontenut tad-direttiva 2003/109/KE, lil dawk li jgawdu minn xi tip ta' protezzjoni internazzjonali hu provvediment essenzjali, sabiex jiġu eliminati r-riskji eventuali ta' diskriminazzjoni, kif ukoll hi strument integranti ta' l-istess proċess komunitarju ta' armonizzazzjoni fil-qasam ta' l-ażil;

56.

jikkonsidra fondamentali li jiġi żgurat li l-benefiċarji tal-protezzjoni interazzjonali jistgħu jiksbu l-istatus ta' residenza fuq perjodu twil fl-istess Stat Membru li jkun irrikonoxxa d-dritt għall-protezzjoni kif ukoll id-dritt illi jgħixu fi Stat membru ieħor;

57.

jenfasizza li l-għotja ta' xi forma ta' protezzjoni internazzjonali għandha tiġi kkonsidrata bħala element essenzjali fil-valutazzjoni dwar il-konsegwenzi tat-tmiem eventwali ta' l-istatus ta' residenza fuq perjodu twil;

58.

għalhekk jilqa' dawk il-miżuri fil-proposta ta' direttiva li għandhom l-iskop li jisħqu fuq ir-rispett tal-prinċipju ta' non refoulement, (prinċipju li jipprojbixxi li persuna tintbagħat lura f'pajjiż, b'mod sfurzat fejn ħajjitha, jew il-libertà tagħha jinsabu f'perikolu), kif ukoll li jwasslu b'mod konkret għall-attwazzjoni tiegħu, b'konformità ma' l-istess normativa komunitarja u internazzjonali, madanakollu l-Kumitat mhux lest li jaċċetta aktar restrizzjonijiet eventwali fl-oqsma tat-tkeċċija u d-deportazzjoni;

59.

dejjem fir-rispett tal-prinċipju tan-non refoulement, iqis bħala essenzjali l-bżonn li l-awtoritajiet tat-tieni Stat membru għandhom ikunu informati li resident fuq perjodu twil — li jitlob li jirresjedi fit-territorju tagħhom- diġa' jkun kiseb il-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor. Din id-dispożizzjoni hija fondamentali sabiex tiggarantixxi l-kontinwità tal-protezzjoni f'każ ta' ħtieġa fit-tul tal- protezzjoni internazzjonali;

60.

jikkonsidra, għalhekk indispensabbli li — meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għall-għarfien u r-revoka ta' l-istatus ta' protezzjoni internazzjonali huma differenti minn dawk li għandhom il-kompetenza ta' l-għarfien u r-revoka ta' l-istatus ta' residenza fuq perjodu twil –“is-sitwazzjoni preċedenti fil-qasam ta' protezzjoni” għandha dejjem tittieħed f'konsiderazzjoni;

61.

jilqa' b'sodisfazzjon dawk id-dispożizzjonijiet li għandhom il-għan li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa, tal-kondizzjonijiet maħsuba għall-użu tad-dritt ta' residenza fi Stat membru ieħor, anke fir-rigward ta' dawk li għandhom protezzjoni internazzjonali bi status ta' residenza fuq perjodu twil;

62.

fl-aħħarnett jirrakkomanda li tista' tiġi adottata, fl-aspett komunitarju, dixxiplina uniformi fil-qasam tal-konċessjoni ta' l-awtorizzazzjoni għar-refuġjati u ta' dawk li għandhom id-dritt ta' protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor (minħabba xogħol jew kwistjonijiet familjari) u fuq kollox, li jitħalla t-trasferiment minn Stat membru għall-ieħor tar-responsabbiltà fuq il-protezzjoni internazzjonali mogħtija.

Brussell, id-9 ta' April 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/29


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politika Ewropea għall-Portijiet

(2008/C 172/06)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza l-importanza tal-portijiet għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali kif ukoll għall-kompetittività u l-prosperità ta' l-Ewropa, mhux biss għar-reġjuni tal-kosta;

jinnota li l-pajsaġġ portwali Ewropew huwa mżewwaq b'ħafna diversità, u huwa konvint li d-differenza fl-istrutturi kapaċi ssaħħaħ il-kompetizzjoni ta' l-iktar mezzi tat-trasport effiċjenti;

jenfasizza l-fatt li idealment il-livelli reġjonali u lokali jfasslu l-ġestjoni tal-portijiet, u għaldaqstant jilqa' l-ħsieb tal-Kummissjoni li ma tintervjenix biex tarmonizza d-diversi strutturi fl-amministrazzjoni tal-portijiet fl-UE;

jenfasizza l-fatt li l-komptezzjoni ma tinsabx biss bejn xi portijiet iżda bejn ktajjen sħaħ tat-trasport;

huwa tal-fehma li l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-portij iet fl-2008 huma strument adattat biex jiġu ppreċiżati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-portijiet, bil-għan li l-kompetizzjoni fis-settur tal-portijiet tibqa' ssir b'mod leali u effiċjenti;

jirrimarka li għad ma jeżistix suq intern ġenwin għat-trasport marittimu fl-Ewropa, u jilqa' bi pjaċir is-semplifikazzjoni tal-proċess amministrattiv, il-progress fil-modernizzazzjoni tal-proċedura doganali kif ukoll l-inizjattiva għat-twaqqif ta' territorju ta' trasport marittimu mingħajr fruntieri li ħabbret il-Kummissjoni għall-2008;

jitlob li jkomplu jiġu żviluppati u appoġġjati l-proġetti Clean-Ship u Clean-Port, u jħoss li l-isforzi bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra mill-bastimenti, per eżempju bis-saħħa ta' konnessjonijiet ta' l-elettriku ma' l-art, għandhom jiġu intensifikati, speċjalment fil-livell internazzjonali, sabiex il-portijiet Ewropej ma jħabbtu wiċċhom ma' l-ebda żvantaġġ fil-kompetizzjoni dinjija.

Rapporteur

:

is-Sur Rolf HARLINGHAUSEN, Membru tal-Kumitat għall-Affarijiet ta' l-UE fil-Parlament ta' Hamburg, (DE/PPE)

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea għall-Portijiet

COM(2007) 616 finali

I.   Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Fil-prinċipju

1.

jirringrazzja lill-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-politika Ewropea futura għall-portijiet li rriżultat minn proċess twil ta' riflessjoni u konsultazzjoni bejn Mejju 2006 u Ġunju 2007. F'dan il-proċess ġew eżaminati d-diversi aspetti tal-politika Ewropea għall-portijiet f'sitt workshops tematiċi bil-parteċipazzjoni tal-gruppi interessati kollha;

2.

jikkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bħala l-evoluzzjoni tal-Komunikazzjoni preċedenti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Inqawwu s-servizzi ta' kwalità fil-portijiet: aspett ċentrali għat-trasport EwropewProposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għas-suq għas-servizzi portwali (COM(2001) 35 finali), li dwarha l-Kumitat tar-Reġjuni ħejja opinjoni (CdR 161/2001 finali) nhar l-20 ta' Settembru 2001, kif ukoll tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għas-suq għas-servizzi portwali (COM(2004) 654 finali), li dwarha l-Kumitat tar-Reġjuni ħejja opinjoni (CdR 485/2004 finali) nhar it-13 ta' April 2005.

3.

jikkunsidra li hemm rabta soda bejn din il-Komunikazzjoni u kwistjonijiet rilevanti oħra, b'mod partikolari l-politika marittima Ewropea u l-politika Ewropea tat-trasport, u jirreferi għall-opinjoni fuq inizjattiva proprja tat-12 ta' Ottubru 2005 dwar Il-politika marittima Ewropeakwistjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali (CdR 84/2005 finali), l-opinjoni tat-13 ta' Frar 2007 dwar Il-politika marittima futura ta' l-Unjoni Ewropea (CdR 258/2006 finali) kif ukoll l-opinjoni ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar ir-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tal-White Paper dwar il-Politika tat-Trasport tal-Kummissjoni Ewropea ta' l-2001 (CdR 119/2006 finali);

4.

jenfasizza l-fatt li t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika Ewropea futura għall-portijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità;

Kummenti ġenerali dwar il-Komunikazzjoni

5.

jenfasizza l-importanza tal-portijiet għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali kif ukoll għall-kompetittività u l-prosperità ta' l-Ewropa, mhux biss għar-reġjuni tal-kosta. Il-portijiet, it-trasport marittimu u l-loġistika relatata magħhom jifformaw wieħed mis-setturi bl-iktar tkabbir fl-Ewropa. 90 % tan-negozju ta' l-Unjoni Ewropea (UE) ma' pajjiżi terzi jsir mill-portijiet; u 40 % tat-traffiku bejn l-Istati Membri jgħaddi minnhom. U 'l fuq minn 200 miljun passiġġier fis-sena jużaw il-bastimenti biex jivvjaġġaw minn Stat Membru għal ieħor.

6.

jemmen li l-politika Ewropea għall-portijiet għandha tikkunsidra dawn l-aspetti, kif ukoll il-fatt li l-globalizzazzjoni dejjem qiegħda tiżdied u l-kuntest il-ġdid ta' l-Unjoni wara t-tkabbir. Il-protezzjoni tal-klima u ta' l-ambjent kif ukoll saħħet iċ-ċittadini huma importanti ħafna wkoll għat-tkabbir sostenibbli u bbilanċjat u għas-suċċess tar-reġjuni fl-Ewropa;

7.

jinnota li l-pajsaġġ portwali Ewropew huwa mżewwaq b'ħafna diversità, u huwa konvint li d-differenza fl-istrutturi kapaċi ssaħħaħ il-kompetizzjoni ta' l-iktar mezzi tat-trasport effiċjenti;

8.

jilqa' bi pjaċir il-fatt li, wara li l-Parlament Ewropew m'għaddiex iż-żewġ proposti għal Direttiva dwar l-aċċess għas-suq għas-servizzi portwali li kienu kkritikati wkoll mill-Kumitat tar-Reġjuni, f'din il-Komunikazzjoni u l-miżuri l-ġodda li tiġbor fiha, tingħata iktar importanza lil-liġi flessibbli flok il-proposti leġislattivi. Bis-saħħa ta' dan se tkun ikkunsidrata iktar id-diversità fl-istrutturi;

9.

jinsab kuntent li l-Kummissjoni ħadet ix-xoqqa f'moxtha biex twessa' l-għan tal-komunikazzjoni billi maret lil hinn mill-approċċ taż-żewġ proposti għal Direttiva, li huma bbażati l-iktar fuq il-kwistjoni ta' l-aċċess għas-servizzi portwali, u tittratta għadd ġmielu ta' kwistjonijiet;

10.

jilqa' l-miżuri proposti li tiġi ċċarata r-regolamentazzjoni marbuta ma' din il-kwistjoni. Dawn il-miżuri għandhom jagħtu kontribut sabiex il-kompetizzjoni effiċjenti u l-aċċess ħieles għas-suq ikomplu jissaħħu. F'dan il-kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota li f'ħafna żoni ta' l-Unjoni diġà teżisti kompetizzjoni ikbar u iktar effiċjenti fil-portijiet Ewropej u bejniethom;

11.

jenfasizza l-fatt li l-komptezzjoni ma tinsabx biss bejn xi portijiet iżda bejn ktajjen sħaħ tat-trasport. Dan il-fatt għandu jitqies f'kull regolament dwar il-portijiet, li huma biss ħolqa waħda mill-katina kollha, billi dawn ir-regolamenti jolqtu lill-katina loġistika kollha tat-traffiku intern;

12.

jaħseb li l-miżuri Komunitarji li kapaċi jħallu impatt fuq il-flussi tat-traffiku, bħal per eżempju l-politika tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport jew il-linji gwida rigward l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-ambjent fl-iżvilupp tas-settur portwali, iridu jistrieħu fuq l-eżiġenzi tal-konservazzjoni ta' klima ta' investiment stabbli u ta' ambjent soċjali favorevoli fil-portijiet, l-iżvilupp sostenibbli tal-portijiet, l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u d-djalogu ma' l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

Il-prestazzjoni tal-port u l-kollegamenti ma' l-art interna

13.

fil-prinċipju japprova l-analiżi tal-Kummissjoni dwar it-titjib fil-prestazzjoni tal-portijiet, u jisħaq li dan it-titjib għandu jsir qabel l-iżvilupp ta' l-infrastrutturi; isejjaħ għall-iżvilupp ta' strateġiji għall-promozzjoni ta' l-intermodalità u l-multimodalità li jikkunsidraw il-partikolaritajiet tar-reġjuni differenti, u jenfasizza l-fatt li d-distribuzzjoni iktar razzjonali tat-traffiku madwar l-Ewropa għandha tkun determinata mis-suq fi ħdan qafas politiku globali;

14.

madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kunċett ta' “port”, jiġifieri dak li jgħaqqad il-baħar ma' l-art interna, għandu jinkludi wkoll dak li għandu x'jaqsam mal-mogħdijiet bil-baħar li jwasslu għall-port stess (jiġifieri s-servizzi tat-tkissir tas-silġ u tat-tneħħija tal-ħama);

L-espansjoni tal-kapaċità fir-rispett ta' l-ambjent

15.

jagħraf il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-portijiet fir-rispett ta' l-ambjent kif ukoll ta' l-interessi u l-bżonnijiet ta' dawk li jgħixu fil-bliet portwali;

16.

għalhekk jappoġġja l-ħsieb tal-Kummissjoni li tippubblika linji gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-ambjent għall-iżvilupp tal-portijiet. Huwa indispensabbli li kemm is-settur portwali kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali, li jaqdu rwol fundamentali fl-iżvilupp tal-portijiet, jiġu inklużi b'mod wiesa' fil-proċess ta' konsultazzjoni. Il-miżuri għall-iżvilupp tal-portijiet u l-protezzjoni ta' l-ambjent iridu jimxu id f'id u b'mod ekwilibrat;

17.

jilqa' l-miżuri ppjanati għall-ġestjoni ta' l-iskart u s-sediment u jappoġġja l-ħsieb tal-Kummissjoni li tiżgura li l-leġislazzjoni ta' l-UE tiġi applikata fl-Istati Membri kollha;

18.

jappoġġja l-ħsieb tal-Kummissjoni li tnaqqas l-emissjonijiet mill-portijiet, però f'dan il-kuntest jenfasizza r-rwol importanti ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u jħeġġeġ lill-UE sabiex tilħaq ftehimiet internazzjonali minflok ma taqbad triq għal rasha li kapaċi ddgħajjef il-kompetittività ta' l-UE; madankollu jemmen li l-UE għandha taġixxi għal rasha jekk l-IMO ma tasalx għal soluzzjonijiet konkreti fiż-żmien opportun;

Il-modernizzazzjoni

19.

jirrimarka li għad ma jeżistix suq intern ġenwin għat-trasport marittimu fl-Ewropa, u jilqa' bi pjaċir is-semplifikazzjoni tal-proċess amministrattiv, il-progress fil-modernizzazzjoni tal-proċedura doganali kif ukoll l-inizjattiva għat-twaqqif ta' territorju ta' trasport marittimu mingħajr fruntieri li ħabbret il-Kummissjoni għall-2008;

20.

madankollu, iħeġġeġ ir-riflessjoni dwar il-problemi prattiċi ta' l-implimentazzjoni tat-trasport marittimu mingħajr fruntieri, u jirrakkomanda li ssir analiżi bir-reqqa ta' l-istatus quo qabel ma jittieħdu miżuri ġodda;

Il-kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd — ċarezza għall-investituri, l-operaturi u l-utenti

21.

jenfasizza l-fatt li idealment il-livelli reġjonali u lokali jfasslu l-ġestjoni tal-portijiet, u għaldaqstant jilqa' l-ħsieb tal-Kummissjoni li ma tintervjenix biex tarmonizza d-diversi strutturi fl-amministrazzjoni tal-portijiet fl-UE;

22.

huwa tal-fehma li l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-portijiet fl-2008 huma strument adattat biex jiġu ppreċiżati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-portijiet, bil-għan li l-kompetizzjoni fis-settur tal-portijiet tibqa' ssir b'mod leali u effiċjenti;

23.

f'dan il-kuntest jilqa' wkoll l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tad-Direttiva 2006/111/KE għall-portijiet kollha indipendentament mid-daqs u l-qligħ annwali tagħhom;

24.

jieħu nota li skond din il-Komunikazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha l-ġurisprudenza fuq id-dritt fis-seħħ f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aġġudikazzjoni ta' konċessjonijiet, u tinħtieġ proċedura ta' għażla trasparenti għall-aġġudikazzjoni ta' konċessjonijiet li ma jaqgħux taħt il-leġislazzjoni relatata mas-swieq pubbliċi. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li għad baqa' l-bżonn ta' iktar spjegazzjoni rigward ir-rwol ta' l-awtoritajiet tal-port u l-possibbiltà li huma jappoġġjaw b'mod adegwat l-interessi u l-iżviluppi tal-portijiet;

25.

jibża' li l-applikazzjoni riġida żżejjed tal-miżuri proposti tista' tikkawża nuqqas ta' sigurtà ġuridika jew tiddisswadi lill-fornituri li hemm diġà milli jinvestu — dan għandu mnejn ixekkel il-kompetittività Ewropea;

26.

jibbaża fuq il-prinċipju li l-portijiet ser iżommu, anke mingħajr il-proċedura ta' għażla, il-possibbiltà li jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-modernizzazzjoni, l-estensjoni u l-bidla fid-dawl ta' l-iżvilupp effiċjenti tal-portijiet;

27.

jemmen li għad baqa' l-bżonn ta' iktar spjegazzjoni rigward id-drittijiet tal-ħaddiema f'każ li l-intrapriża ttemm l-attività tagħha, b'mod partikolari meta d-Direttiva 2001/23/KE ma tapplikax;

28.

jieħu nota li s-servizzi tekniċi-nawtiċi (bħall-pilotaġġ, l-irmonk u l-irmiġġ) jgħoddu bħala servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, u b'hekk jaqgħu taħt ir-regoli ta' l-Artikoli 86, 87 u 88 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. B'konformità ma' dawn l-Artikoli u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jfasslu s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali tagħhom skond il-kundizzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni tat-28 ta' Novembru 2005. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li intrapriża hija responsabbli għal servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, din l-intrapriża tista' tirċievi l-kumpens tas-servizz pubbliku fil-każ li d-dħul mis-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali ma jkoprix l-ispejjeż. Dan il-kumpens ma jistax jaqbeż l-ispejjeż li saru verament flimkien ma' profitt raġonevoli. F'dan il-kuntest, ifakkar ukoll li l-ispejjeż tas-servizzi tekniċi-nawtiċi, li huma indispensabbli biex jiggarantixxu s-sigurtà tat-tbaħħir fiż-żoni portwali, jirrappreżentaw parti żgħira ħafna mill-ispejjeż totali tat-trasport, u għaldaqstant jirrifjuta l-idea li jippromovi t-tnaqqis fl-ispejjeż ta' dawn is-servizzi sabiex it-trasport marittimu jiġbed aktar nies;

29.

iħoss li għad baqa' l-bżonn ta' iktar spjegazzjoni rigward il-pilotaġġ u l-kwistjonijiet ta' sigurtà marbuta miegħu, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

30.

japprova l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-hekk imsejħa pools għall-ħaddiema, u jenfasizza l-importanza tagħhom għall-ingaġġ u t-taħriġ tal-ħaddiema tal-port, b'konformità mal-leġislazzjoni Ewropea fis-seħħ, speċjalment rigward il-libertà ta' l-istabbiliment u ta' l-għoti ta' servizzi;

31.

japprova d-definizzjoni tal-kunċett ħlasijiet tal-portijiet kif ukoll il-limitazzjoni tagħhom għall-infrastruttura ġenerali, u f'dan il-kuntest jitlob li fil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-portijiet li tħabbru jkun hemm kjarifika distinta dwar l-użu tal-ħlasijiet tal-portijiet sabiex jiġu evitati s-sussidji li jkunu ta' ħsara għall-kompetittività;

32.

jinnota li l-ħlasijiet tal-portijiet huma diġà trasparenti ħafna, u għalhekk ma jinħtiġux iktar regolamenti f'dan il-qasam;

33.

jaqbel mal-ħsieb tal-Kummissjoni li tagħti iktar attenzjoni lill-kompetizzjoni bejn il-portijiet Komunitarji u l-portijiet ta' pajjiżi terzi, u li tappoġġja l-portijiet ikkonċernati peress li ħafna minnhom huma żvantaġġati mhux biss minħabba l-pożizzjoni ġeografika periferali tagħhom, iżda wkoll minħabba ż-żieda tal-kompetizzjoni minn pajjiżi terzi;

34.

huwa mħasseb li s-sejħa tal-US-Safe-Port-Act (2006) u tal-House Resolution No. 1 (2007) lill-portijiet Ewropej għal scanning ta' 100 % tal-kontejners kollha fi triqithom lejn l-Istati Uniti, ftit li xejn tista' tiġi implimentata u ġġib magħha spejjeż kbar, għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja soluzzjonijiet prattiċi ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti;

It-twaqqif ta' djalogu strutturat bejn il-portijiet u l-bliet

35.

jappoġġja l-ħsieb tal-Kummissjoni li ttejjeb l-immaġni tal-portijiet u l-integrazzjoni mal-bliet tagħhom. Barra l-kontribut tagħhom għall-ekonomija u l-impjiegi, f'ħafna reġjuni l-portijiet jaqdu rwol essenzjali. Ta' sikwit isawru l-immaġni tal-belt, u għandhom sehem fundamentali fl-iżvilupp ta' belt jew reġjun;

36.

għaldaqstant, jisħaq fuq il-ħolqien ta' approċċ innovattiv li jibbenefika mill-potenzjal tal-bliet portwali fis-setturi tal-kultura, it-turiżmu u l-ħin liberu, u jipproponi li jingħata ammont ta' flus lill-proġetti ta' riċerka u ta' kooperazzjoni reġjonali li bis-saħħa tagħhom joħorġu fid-dieher l-iżviluppi futuri;

37.

jilqa' bi pjaċir il-miżuri ta' komunikazzjoni mal-pubbliku li ħabbret il-Kummissjoni, però fid-dawl ta' dan il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-problemi li jistgħu jikkawżaw dawn il-miżuri għar-rekwiżiti ta' sigurtà tal-protezzjoni kontra l-periklu in ġenerali u kontra t-terroriżmu u l-kriminalità;

38.

jaħseb li għad baqa' l-bżonn ta' iktar spjegazzjoni rigward il-kard ta' aċċess għal użi differenti li ħabbret il-Kummissjoni u r-rwol tagħha;

Ix-xogħol fil-portijiet

39.

huwa tal-fehma li l-politika Ewropea għall-portijiet għandha tikkunsidra d-dimensjoni ta' l-impjiegi sabiex tassigura u toħloq il-postijiet tax-xogħol li jirrikjedu kwalifiki;

40.

għalhekk japprova l-ħsieb tal-Kummissjoni li tippromovi d-djalogu soċjali fil-livell Ewropew. Dan id-djalogu jrid jinfetaħ bil-kooperazzjoni sħiħa ta' l-imsieħba soċjali. Kundizzjonijiet tax-xogħol sodisfaċenti u siguri kif ukoll it-titjib kontinwu tat-taħriġ u l-edukazzjoni avvanzata għall-ħaddiema tal-port, per eżempju bl-użu sistematiku ta' simulaturi, jagħtu kontribut qawwi għall-iżvilupp pożittiv u sostenibbli tal-portijiet u tar-reġjuni fejn jinsabu;

41.

jisħaq fuq il-fatt li l-Ewropa tista' tlaħħaq mall-kompetizzjoni internazzjonali biss billi tkun innovattiva ferm u toffri kwalità aħjar minn ta' reġjuni oħra madwar id-dinja, u jenfasizza l-importanza fundamentali tat-taħriġ akkademiku u t-taħriġ professjonali avvanzat sabiex jintlaħaq dan l-objettiv;

42.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li n-numru ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol fil-portijiet u fuq il-bastimenti għadu għoli. Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti fis-sorveljanza u l-implimentazzjoni tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

II.   Konklużjonijiet u talbiet

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

43.

jiddispjaċih li l-kostruzzjoni ta' l-infrastrutturi tan-netwerk trans-Ewropew (TEN) qed iddum, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkomunika aħjar il-possibbiltajiet ta' finanzjament ma' l-Istati Membri u mar-reġjuni, biex jiġu żviluppati kemm il-kapaċitajiet u l-infrastrutturi għall-aċċess għall-portijiet mill-art (kollegament bejn il-portijiet u l-art interna) u l-mogħdijiet bil-baħar li jwasslu għall-port (il-kollegamenti bejn il-port u r-rotot marittimi), kif ukoll il-kostruzzjoni ta' netwerks loġistiċi tad-distribuzzjoni;

44.

jemmen li huwa neċessarju li r-regolamenti futuri dwar l-għoti ta' għajnuna finanzjarja għall-awtostradi tal-baħar jikkunsidra b'mod formali l-parteċipazzjoni tar-reġjuni, u f'dan il-kuntest jinkoraġġixxi proċedura globalment semplifikata, iktar adattata għall-interessi ta' l-intrapriżi u li b'hekk tikkontribwixxi għat-tixrid aħjar kif ukoll għall-aċċettazzjoni ta' trasport marittimu li jirrispetta l-ambjent;

45.

jirrakkomanda li fil-ġejjieni l-istrumenti użati għall-organizzazzjoni ta' l-ispazju u għall-ġestjoni integrata taż-żoni tal-kosta jintużaw iktar fl-organizzazzjoni ta' l-aċċessi ta' l-art u tal-baħar;

46.

iħeġġeġ il-pubblikazzjoni rapida tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-portijiet wara li jiġu kkonsultati l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet ikkonċernati;

47.

isejjaħ għall-introduzzjoni ta' inċentivi finanzjarji sabiex tiġi assigurata infrastruttura tal-portijiet adegwata u trasport marittimu xieraq fir-reġjuni ġżejjer u fiż-żoni tal-kosta iżolati, sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn iż-żoni u sabiex jitnaqqsu l-ostakli li jxekklu l-attività kummerċjali u l-aċċess ugwali għas-swieq Ewropej ewlenin;

48.

jenfasizza l-ħtieġa tal-ġlieda kontra t-tniġġis ta' l-arja u l-bidla fil-klima, kif ukoll il-bżonn li l-portijiet u t-traffiku marittimu jiġu inklużi f'din il-ġlieda, per eżempju, billi jibdew jużaw minnufih fjuwils marittimi li jirrispettaw l-ambjent u billi jimplimentaw bla telf ta' żmien ir-Regolamenti ta' l-IMO dwar it-trattament tas-saborra ta' l-ilma (water ballast) tal-bastimenti;

49.

jitlob li jkomplu jiġu żviluppati u appoġġjati l-proġetti Clean-Ship u Clean-Port, u jħoss li l-isforzi bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra mill-bastimenti, per eżempju bis-saħħa ta' konnessjonijiet ta' l-elettriku ma' l-art, għandhom jiġu intensifikati, speċjalment fil-livell internazzjonali, sabiex il-portijiet Ewropej ma jħabbtu wiċċhom ma' l-ebda żvantaġġ fil-kompetizzjoni dinjija; u għandhom jittieħdu miżuri addizzjonali fil-livell Ewropew sabiex il-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni tal-portijiet titjieb immedjatament;

50.

jemmen fil-ħtieġa li l-pubbliku jifhem aħjar l-importanza tal-portijiet u l-ibħra għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' l-impjiegi fl-Ewropa. Din il-biċċa xogħol għandha prattikament titħalla f'idejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-portijiet;

51.

qed jistenna b'interess kbir il-miżuri li l-Kummissjoni għandha tħabbar fl-2008 dwar it-tfassil tal-politika marittima integrata ta' l-UE, u r-rwol tal-portijiet f'dan il-kunstest;

52.

jagħraf li, b'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, jinħtieġu diversi miżuri fil-livell ta' l-UE sabiex jiġu integrati l-aspetti kollha tal-politika għall-portijiet. Però l-Kumitat tar-Reġjuni wisq jibża' li mhux il-miżuri kollha jistgħu jinkisbu fiż-żmien stipulat u għalhekk jixtieq li ssir enfasi ċara dwar il-prijorità li ser tingħata lil kull miżura;

53.

jipproponi li fl-adozzjoni tal-miżuri mħabbra mill-Kummissjoni, tiġi kkunsidrata l-eżistenza ta' portijiet lokali u reġjonali żgħar, fejn il-kummerċ mhux l-attività ewlenija, li jirrappreżentaw attività fundamentali għall-komunitajiet lokali u li għandhom riżorsi limitati ħafna, kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll minn dak tar-riżorsi umani, meta jiġu biex japplikaw id-direttivi u l-liġijiet ta' l-istituzzjonijiet Ewropej. Jipproponi wkoll li l-istrumenti legali l-ġodda ta' l-UE jiġu eżaminati fil-kuntest tal-kapaċità u l-livell ta' attività tal-portijiet ikkonċernati, sabiex il-vijabbiltà tagħhom ma tkunx milquta;

54.

jissuġġerixxi għalhekk li jerġgħu jiġu riveduti s-serje ta' miżuri fuq il-bażi tal-prijorità ta' kull objettiv li jrid jintlaħaq permezz tad-diversi miżuri, kif ukoll skond liema livell ta' gvernanza għandu jieħu r-reponsabbiltà b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u fuq il-bażi taż-żmien;

55.

joffri l-kooperazzjoni u s-sostenn tiegħu fit-tfassil ta' proposti għall-formulazzjoni tal-prijorità tal-miżuri msemmija kif ukoll għall-politika għall-portijiet futura, u jesprimi x-xewqa tiegħu li jiġi informat b'mod regolari dwar l-iżviluppi li jsiru f'dan il-qasam ta' politika;

56.

jirrakkomanda t-twaqqif ta' struttura li bis-saħħa tagħha jkunu jistgħu jiġu kkonsultati regolarment il-partijiet ikkonċernati kollha biex ir-riżultati jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politika Ewropea għall-portijiet, biex jiġu evitati l-kunflitti u biex jinqasmu l-prattiki li diġà ġew ippruvati b'riżultati tajbin; f'dan il-kuntest il-Kumitat jagħmel referenza għall-possibbiltà li jiġu appoġġjati u promossi l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex wieħed ikun ċert li din il-politika tiġi aċċettata sewwa.

57.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta reviżjoni ta' nofs it-term dwar il-politika Ewropea għall-portijiet sal-31 ta' Diċembru 2009.

Brussell, id-9 ta' April 2008

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/34


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea

(2008/C 172/07)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI:

jiddispjaċih li ma ngħatat l-ebda attenzjoni għal ċerti aspetti essenzjali bħall-edukazzjoni u t-taħriġ marittimi, il-ħolqien ta' fondi Ewropej għaż-żoni tal-kosta u l-protezzjoni ta' qiegħ il-baħar;

jiddispjaċih li ma ġietx indirizzata l-kwistjoni dwar l-użu u l-ħarsien ta' qiegħ il-baħar u jemmen li din il-politika għandha tinkludi dispożizzjonijiet strateġiċi ġenerali għall-qasam tar-rimi fl-oċeani u t-tqegħid ta' pipelines u kejbils f'qiegħ il-baħar u l-użu tagħhom;

jisħaq fuq it-talba li għamel fl-opinjoni tiegħu Lejn politika marittima futura għall-Unjoni Ewropea għall-analiżi tal-possibbiltà li jiġi rivedut l-istrument ta' finanzjament ta' l-Unjoni Ewropea, jiġifieri li titwaqqaf sistema unika semplifikata li tiġbor il-kwistjonijiet marittimi kollha, jew il-biċċa l-kbira tagħhom, fi ħdan il-Fond Ewropew għaż-Żoni tal-Kosta u għall-Gżejjer;

jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' rotta dwar l-objettivi ewlenin, fuq perijodu medju u twil ta' żmien, li għandhom jintlaħqu fil-qasam tal-politika marittima Ewropea sa l-2015 u l-2020;

għadu ma jistax jifhem ir-rabtiet ċari bejn il-Blue Paper Marittima u d-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tispjega dawn ir-rabtiet u biex tittratta ż-żewġ suġġetti f'aktar dettall;

jisħaq mill-ġdid fuq il-pjattaforma marittima Ewropea li tinkludi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati bħala strument li jiġbor flimkien l-għarfien espert u l-iskambju ta' l-aħjar prattiċi.

Rapporteur

:

Dr Saima KALEV, Sindku ta' Jõgeva (EE/UEN-AE)

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea

COM(2007) 575 finali.

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa' u japprova l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat jifraħ li issa qed isiru sforzi sabiex jinsab approċċ integrat għal din il-kwistjoni, li tkopri l-aspetti kollha tar-relazzjoni tal-poplu ma' l-oċeani u l-ibħra. Huwa ser jipprovdi qafas politiku koerenti li permezz tiegħu kull attività relatata mal-baħar tista' tiġi żviluppata b'mod sostenibbli;

2.

jinnota l-parteċipazzjoni ta' bosta partijiet interessati fil-proċess ta' konsultazzjoni, però wisq jibża' li ma ngħatat l-ebda attenzjoni għal ċerti aspetti essenzjali bħall-edukazzjoni u t-taħriġ marittimi u l-ħolqien ta' fondi Ewropej għaż-żoni tal-kosta u l-protezzjoni ta' qiegħ il-baħar;

3.

huwa tal-fehma li l-kwistjonijiet kollha li jolqtu l-ibħra u l-oċeani huma marbuta u għandhom jiġu solvuti b'mod ikkoordinat. Sabiex jintlaħqu r-riżultati mixtieqa jeħtieġ li tiġi kkoordinata l-provvista ta' informazzjoni dwar il-progress li jsir f'kull azzjoni (per eżempju sit ta' l-internet wieħed). Kwalunkwe azzjoni obbligatorja jew regolament għandu jkun ibbażat fuq fatti xjentifiċi u evalwazzjonijiet li jikkunsidraw il-varjazzjonijiet lokali li jeżistu bejn l-ekosistemi u d-differenzi reġjonali bejn l-użu tar-riżorsi tal-baħar;

4.

jinsab konvint li f'perijodu twil ta' żmien il-politika marittima ta' l-UE tista' ssir politika b'saħħitha ferm għax aktar minn 50 % ta' l-art ta' l-UE hija miksija bl-ilma, bir-riżorsi bijoloġiċi, fiżiċi u ġeoloġiċi kollha tagħha;

5.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li komponent essenzjali ta' l-ambjent marittimu, jiġifieri l-kwistjoni dwar l-użu u l-ħarsien ta' qiegħ il-baħar li hija r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, ma jissemma mkien fil-Komunikazzjoni dwar il-politika marittima integrata. Fil-fehma tal-Kumitat, din il-politika għandha tinkludi dispożizzjonijiet strateġiċi ġenerali għall-qasam tar-rimi fl-oċeani u t-tqegħid ta' pipelines u kejbils f'qiegħ il-baħar u l-użu tagħhom;

6.

jenfasizza l-fatt li l-politika marittima testendi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u tirrikjedi ġestjoni effiċjenti fuq diversi livelli;

7.

jappoġġja l-approċċ integrat u transsettorjali li l-applikazzjoni tiegħu teħtieġ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-politiki li huma relatati mal-baħar fid-diversi livelli tat-teħid tad- deċiżjonijiet. Hawnhekk irid jinstab bilanċ bejn il-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-protezzjoni ta' l-ambjent;

8.

huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika u fil-ħolqien ta' l-ispeċifikazzjonijiet leġislattivi. Huma jaqdu rwol importanti wkoll fl-integrazzjoni tal-miżuri settorjali u politiċi fil-livell lokali u reġjonali u sabiex jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-potenzjal ta' l-ibħra u l-effetti ta' l-attivitajiet tal-bniedem fuq l-ambjent marittimu;

9.

jirrimarka li sabiex il-politika marittima integrata ta' l-UE tiġi żviluppata u integrata b'suċċess, jeħtieġ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu l-kontribut effettiv tagħhom u jkunu lesti li jkomplu jimpenjaw ruħhom f'dan il-qasam;

10.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-kontribut tal-Kumitat tar-Reġjuni jista' jġib miegħu valur miżjud f'dan il-proċess. Il-Kumitat jixtieq jintroduċi metodu li jappoġġja l-parteċipazzjoni u l-kontribut effiċjenti ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dan il-proċess.

11.

qed ifittex il-mod ta' kif jista' jingħata appoġġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija ta' l-istrateġija ta' implimentazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati, waqt li jqis: (a) il-karatteristiċi differenti ta' l-Istati Membri u r-reġjuni marittimi individwali, li jeħtieġu kooperazzjoni iktar mill-qrib, inklużi l-gżejjer, l-arċipelagi u l-aktar reġjuni mbiegħda, u (b) id-dimensjoni internazzjonali;

12.

jirrakkomanda li jiġu kkunsidrati l-kapaċitajiet tar-reġjuni kif ukoll il-fehmiet li tressqu fil-proċess ta' konsultazzjoni;

13.

jaqbel ma' l-opinjoni li tinsab fil-Komunikazzjoni li kull bidla li ssir minħabba l-politika marittima toħloq l-iktar konsegwenzi għaż-żoni tal-kosta kif ukoll l-ilmijiet interni u l-fommijiet tax-xmajjar li huma konnessi magħhom;

14.

qed jitħabat bla waqfien biex jiżviluppa l-kapaċità ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, biex jara li jirċievu l-fondi obbligatorji, u, għal dan il-għan, biex jitwaqqaf Fond Ewropew għaż-Żoni tal-Kosta u għall-Gżejjer; jisħaq fuq it-talba li għamel fl-opinjoni tiegħu Lejn politika marittima futura għall-Unjoni Ewropea għall-analiżi tal-possibbiltà li jiġi rivedut l-istrument ta' finanzjament ta' l-Unjoni Ewropea, jiġifieri li titwaqqaf sistema unika semplifikata li tiġbor il-kwistjonijiet marittimi kollha, jew il-biċċa l-kbira tagħhom, fi ħdan il-Fond Ewropew għaż-Żoni tal-Kosta u għall-Gżejjer; il-fondi għandhom jintużaw b'mod vantaġġuż għas-sitwazzjoni ambjentali u ekoloġika ta' l-ibħra;

15.

bħalma għamel qabel, jinsisti fuq il-fehmiet li tressqu fl-opinjoni tiegħu CdR 84/2005 li l-appoġġ għall-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' l-intrapriżi, speċjalment l-iżvilupp ta' teknoloġiji marittimi, huwa fundamentali;

16.

jaqbel li l-politika marittima integrata se tikkontribwixxi sabiex tinsab soluzzjoni għall-problemi marbuta mal-globalizzazzjoni, il-kompetittività, il-bidla fil-klima, id-deterjorament ta' l-ambjent marittimu, is-sigurtà tal-bastimenti, il-garanzija tal-provvista ta' l-enerġija kif ukoll is-sostenibbiltà;

17.

jemmen li din il-politika għandha tkun ibbażata fuq l-eċċellenza fir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam marittimu, u għandha tkun imsejsa fuq l-Aġenda ta' Lisbona għall-impjiegi kif ukoll fuq l-Aġenda ta' Gothenburg għas-sostenibbiltà;

18.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tal-valur miżjud li qajjem il-Kumitat fl-opinjoni tiegħu CdR 258/2006, jiġifieri li approċċ integrat jagħti kontribut biex jiġu evitati d-diverġenzi fl-opinjonijiet, jinħolqu s-sinerġiji u tiġi ggarantita l-komunikazzjoni ċara maċ-ċittadini u r-reġjuni li jinsabu fil-qrib;

19.

jagħraf l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex permezz ta' din il-Komunikazzjoni toħloq bażi għall-qafas ta' gvernanza u l-istrumenti transsettorjali, li huma meħtieġa għall-politika marittima integrata ta' l-UE, u tistipula l-azzjonijiet ewlenin li l-Kummissjoni se ssegwi matul il-mandat tagħha. Il-Kumitat jilqa' bi pjaċir il-fatt li fl-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet il-Kummissjoni trid timxi fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-kompetittività, issegwi approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi u tinkludi l-partijiet interessati. F'dan il-kuntest, bi pjaċir jilqa' l-fatt li l-Istrateġija Annwali ta' Politika għall-2009 tal-Kummissjoni Ewropea (COM 2008 (72)) tikkonferma l-politika marittima fost il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni; però l-Kumitat jinnota b'dispjaċir l-isforz finanzjarju dgħajjef li huwa mbassar f'dan il-qasam fl-2009 permezz tat-tqassim mill-ġdid ta' EUR 6 miljun li ġejjin mir-riżorsi li jinsabu fil-qafas tal-politika tas-sajd;

20.

jilqa' bi pjaċir il-fatt li fl-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet il-Kummissjoni trid timxi fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-kompetittività, issegwi approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi u tinkludi l-partijiet interessati;

21.

għar-raġuni mogħtija hawn fuq jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' rotta dwar l-objettivi ewlenin, fuq perijodu medju u twil ta' żmien, li għandhom jintlaħqu fil-qasam tal-politika marittima Ewropea sa l-2015 u l-2020;

22.

huwa tal-fehma li jekk jitħejja dokument li jkun importanti daqs il-Komunikazzjoni dwar il-politika marittima integrata għall-UE, dan id-dokument għandu jkun mifrux fuq perijodu ta' żmien itwal li jmur lil hinn mit-tul tal-mandat attwali;

23.

jemmen li huwa importanti ferm li l-UE tikkoopera, tikkonsulta u tappoġġja l-gruppi ta' ħidma u l-organizzazzjonijiet reġjonali u settorjali li, fil-kuntest ta' l-UE, jaħdmu fir-reġjuni ta' l-Atlantiku, l-Oċean Artiku, il-Mediterran, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana; jitlob lill-Kummissjoni li torganizza l-implimentazzjoni tal-politika marittima integrata fl-oqsma msemmija hawn fuq;

24.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kompetenzi relatati ma' l-approċċ integrat huma limitati b'mod ċar, għaldaqstant l-UE ser ikollha tuża l-kompetenzi stipulati fit-Trattat għal azzjonijiet fl-oqsma rilevanti, bħall-ambjent, it-trasport, is-sajd, il-politika reġjonli jew industrijali, b'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

25.

jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni lill-Istati Membri sabiex jikkooperaw bis-sħiħ mal-paritijiet interessati, b'mod partikolari r-reġjuni tal-kosta, għall-iżvilupp ta' linji gwida politiċi u jistenna bil-ħerqa l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar dan il-qasam u dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, li jirrikonoxxu l-kompetenzi partikolari ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali fir-rigward tal-politika marittima integrata;

26.

jemmen li d-deċiżjoni li fl-2008 l-Kummissjoni tipproponi sett ta' linji gwida għal dawn il-politiki marittimi integrati nazzjonali, u d-deċiżjoni li mill-2009 tirrapporta kull sena dwar il-miżuri ta' l-UE u l-Istati Membri f'dan il-qasam huma importanti;

27.

jirrakkomanda linji gwida addizzjonali ta' appoġġ, anke għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-punti li ġejjin bħala prinċipji bażiċi tal-linji gwida għal gvernanza tajba fil-livelli nazzjonali u reġjonali: proposti għal objettivi marittimi ewlenin, metodoloġija dwar kif dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu permezz ta' aproċċ integrat, limiti konkreti taż-żmien li fihom għandhom jintlaħqu dawn l-objettivi;

28.

huwa tal-fehma li l-koordinazzjoni prevvista mhux se tassigura l-integrazzjoni, li l-linji gwida jistgħu jiġu interpretati b'mod differenti, u li l-istrutturi ta' konsultazzjoni għadhom m'humiex strutturi għat-teħid ta' deċiżjonijiet;

29.

jissuġġerixxi li jitħejja sommarju ġenerali u lista ta' l-aħjar prattiki għar-reġjuni;

30.

jissuġġerixxi l-ħolqien ta' sistema ċara li tiggarantixxi l-kontribut effiċjenti u effikaċji kontinwu tar-reġjuni, u soluzzjoni ġusta għall-kunflitti li jistgħu jinqalgħu bejn ir-reġjuni;

31.

jenfasizza li għal dan il-għan jeħtieġ jitħejjew strateġiji reġjonali ta' implimentazzjoni;

32.

jirrakkomanda li jitħaffef il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet marittimi fi djalogu ma' l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-KtR jinnota li kemm l-Istati Membri kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jieħdu sehem ukoll fit-tħejjija ta' l-istrateġija ta' implimentazzjoni. L-għanijiet ta' l-istrateġija għandhom jitfasslu flimkien magħhom. B'hekk jissaħħaħ il-fatt li l-attivitajiet kollha jippromovu l-integrazzjoni transsettorjali. Bl-istess mod tista' wkoll titfassal il-ħidma u jiġu ttrattati l-kwistjonijiet tar-riżorsi finanzjarji;

33.

jappoġġja l-promozzjoni ta' kooperazzjoni aqwa bejn il-gwardji tal-kosta ta' l-Istati Membri, kif ukoll id-deċiżjoni li jittieħdu miżuri għat-twaqqif ta' sistema ta' sorveljanza aktar interoperabbli sabiex jitlaqqgħu flimkien is-sistemi ta' monitoraġġ u traċċar eżistenti li jintużaw għas-sigurtà fuq il-baħar, għall-ħarsien ta' l-ambjent marittimu, għat-tnaqqis tat-tniġġis ta' l-ibħra, għall-kontroll tas-sajd, għall-kontroll ta' fruntieri esterni u għal attivitajiet oħrajn ta' infurzar tal-liġi fuq il-baħar; il-Kummissjoni hija mitluba tniedi l-ewwel proġett pilota dwar dan fil-Mediterran, bil-għan li jiġi estiż madwar l-Ewropa kollha;

34.

jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li fl-2008 tiżviluppa pjan ta' direzzjoni biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' l-ippjanar tat-territorju marittimu mill-Istati Membri;

35.

iħoss li huwa neċessarju li fl-2008 l-Kummissjoni tieħu miżuri biex tħejji għal Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Data ta' l-Ibħra, u biex tikkunsidra l-bżonn tat-tfassil ta' mapep multidimensjonali ta' l-ilmijiet ta' l-Istati Membri bil-għan li jittejjeb l-aċċess għal data ta' kwalità għolja; il-Kummissjoni hija mitluba tniedi l-ewwel proġett pilota dwar dan fil-Baħar Nordiku, bil-għan li jiġi estiż madwar l-Ewropa kollha;

Oqsma ta' azzjoni għall-politika marittima integrata ta' l-UE

Il-ksib ta' l-aqwa użu sostenibbli ta' l-oċeani u l-ibħra possibbli

36.

jaqbel mal-Kummissjoni li sabiex tittejjeb l-effiċjenza tat-trasport marittimu fl-Ewropa u tiġi żgurata l-kompetittività tiegħu għal żmien twil jeħtieġ li bil-kooperazzjoni ta' l-atturi l-oħra tas-sistema tat-trasport, jinħoloq territorju tat-trasport marittimu Ewropew mingħajr ostakli;

37.

jappoġġja t-tħejjija ta' strateġija komprensiva tat-trasport marittimu għall-perijodu 2008-2018, li għandha tikkunsidra l-promozzjoni ta' l-awtostradi tal-baħar u tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra. Din l-istrateġija, barra milli tikkunsidra n-netwerk ta' portijiet Ewropej ewlenin li huma konnessi man-Netwerks tat-Trasport trans-Ewropej, għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-portijiet iż-żgħar u ta' daqs medju, peress li huma jipprovdu servizz effiċjenti għal reġjuni u gżejjer imbiegħda, u jgħinu wkoll sabiex tiġi evitata l-konġestjoni ta' portijiet u toroq ewlenin;

38.

jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-portijiet Ewropej sabiex jappoġġjaw: a) it-trasport ta' l-ikbar ammont possibbli ta' prodotti fl-UE permezz tal-bastimenti bħala l-iktar għażla li tirrispetta l-ambjent, inkluż l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-transitu, b) l-effiċjenza f'termini ta' nfiq u l-effiċjenza ekoloġika tal-kummerċ ta' prodotti bil-baħar, b'mod partikolari fid-dawl taż-żieda mistennija fiċ-ċaqliq ta' prodotti;

39.

jinnota t-tweġiba li ngħatat matul il-proċess ta' konsultazzjoni għall-mistqosija li kienet saret dwar kif se jiġu integrati l-Istrateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent ta' l-Ibħra (1) u l-Proposta għal Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima (2) fil-politika marittima komuni tal-ġejjieni, b'mod partikolari fid-dawl tal-fatt li skond il-Kummissjoni dawn huma parti mill-istrateġija integrata;

40.

jenfasizza l-fatt li l-istrateġiji msemmija jibnu s-sisien politiċi ambjentali tal-politika marittima integrata billi huma jippromovu approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi bil-għan li l-kwistjonijiet ekoloġiċi, soċjali u ekonomiċi jiġu ttrattati bl-istess mod. Hawnhekk, il-parti ekoloġika hija marbuta biż-żmien — sa l-2020 għandha tintlaħaq sitwazzjoni ambjentali tajba;

41.

il-proposta għal direttiva dwar l-istrateġija tal-baħar tiddikjara li r-reġjuni, fejn il-kundizzjoni tal-baħar hija kritika, intalbu jippreparaw u jimplimentaw azzjonijiet iktar malajr sabiex jiksbu status ambjentali sodisfaċenti. F'reġjuni bħal dawn huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni Ewropea tikkoordina s-setturi differenti involuti, il-programmi u l-istrateġiji, u li tipprovdi appoġġ finanzjarju suffiċjenti. Sabiex tintlaħaq politika marittima li hija tassew integrata, huwa neċessarju li jiġu inklużi attivitajiet ibbażati fuq l-art, bħall-agrikoltura, it-trattament tad-drenaġġ, it-trasport u l-produzzjoni ta' l-enerġija. Reġjuni bħal dawn jistgħu jaqdu r-rwol ta' żoni pilota għal politika marittima integrata bis-sħiħ;

42.

għadu ma jistax jifhem ir-rabtiet ċari bejn il-Blue Paper Marittima u d-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima, u jitlob lill-Kummissjoni biex tispjega dawn ir-rabtiet u biex tittratta ż-żewġ suġġetti f'aktar dettall biex b'hekk ikun jista' jiġi evitat ix-xogħol doppju ta' l-isforzi msemmija;

43.

jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar kif jistgħu jingħaqdu flimkien iż-żoni individwali ta' l-UE li jinsabu lil hinn mill-kosta u li huma fi ħdan Natura 2000;

44.

huwa tal-fehma li l-Ġestjoni Integrata taż-Żoni tal-Kosta hija bbażata fuq kunċett maħsub sewwa li jista' joffri l-aħjar prattika li hija utli għat-tfassil tal-politika marittima; apparti dan, il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġu eżaminati l-esperjenzi tar-reġjuni u l-lokalitajiet fil-qasam ta' l-użu intergrat taż-żoni tal-kosta, b'mod partikolari s-Sħubijiet Lokali tal-Kosta eżistenti li waqqfu l-awtoritajiet lokali u l-partijiet interessati kkonċernati għal ICZM kost-effettiva li tibda mill-aktar livell baxx, u li jinsab mezz kif il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni tal-Kosta u l-politika marittima jkunu f'armonija;

45.

jirrakkomanda li jiġu żviluppati rabtiet mill-qrib ma' l-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tekniku u fil-kwistjonijiet amministrattivi, li bis-saħħa tagħhom jiġu implimentati l-miżuri ta' l-Istati Membri fil-politika ta' l-ilma. B'hekk, sa l-2015 is-sitwazzjoni ekoloġika ta' l-ilma tal-wiċċ, mill-kosta sa kilometru 'l ġewwa, għandha tkun tajba (3).

46.

għal iktar dettalji dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward il-politika Ewropea għall-portijiet, jistieden lill-qarrejja jirreferu għall-opinjoni tiegħu 237/2007 fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea għall-Portijiet COM(2007) 616;

47.

jappoġġja l-proposta għal politika għall-portijiet ġdida li tqis ir-rwoli multipli tal-portijiet u l-kuntest usa' tal-loġistika Ewropea;

48.

jirrakkomanda li l-mezzi tal-Fondi Strutturali jintużaw biex isir iktar investiment fl-istrutturi reġjonali tal-portijiet u biex jiġu ffinanzjati proġetti rilevanti oħra;

49.

jappoġġja l-proposta għal tnaqqis tal-livelli ta' l-emissjonijiet li jiġu mill-bastimenti fil-portijiet, billi jitneħħew l-iżvantaġġi fiskali għall-forniment ta' elettriku max-xtut u li jiġu żviluppati u appoġġjati standards tekniċi Ewropej jew globali għat-trasferiment ta' l-elettriku mix-xtut għall-bastimenti;

50.

jikkunsidra l-bżonn li jiġu ppubblikati linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali Komunitarja rilevanti għall-iżvilupp tal-portijiet;

51.

barra minn hekk, jenfasizza l-fatt li tiġi assigurata l-provvista ta' l-enerġija sostenibbli għall-futur, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromovu b'mod sistematiku l-enerġiji marittimi rinnovabbli kollha, bħall-enerġija mir-riħ, mill-mewġ, mill-marej u l-kurrenti ta' l-oċean, b'mod partikolari billi jagħtu prijorità u jappoġġjaw b'mod sistematiku r-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll permezz ta' approċċi finanzjarji, bħal feed-in tariffs suffiċjenti. Barra minn hekk, għandhom jitneħħew l-ostakli amministrattivi li jxekklu l-iżvilupp ta' l-enerġiji marittimi rinnovabbli;

52.

jemmen li l-portijiet lokali mingħajr skop ta' qligħ għandhom jiġu protetti sabiex ma jaqgħux fi stat ta' rovina għax il-vantaġġi soċjali, ta' rikreazzjoni u turistiċi tagħhom huma ferm akbar mill-vantaġġ tal-funzjoni ekonomika oriġinali tagħhom;

53.

jilqa' l-attitudni pożittiva tal-Kummissjoni rigward l-appoġġ tal-formazzjoni ta' clusters multisettorjali u ċentri reġjonali ta' eċċellenza marittima, u s-sostenn ta' netwerk Ewropew ta' clusters marittimi;

54.

f'dan il-kuntest, jitlob l-ispjegazzjoni ta' l-istrutturi u l-forom tal-korpi li għandhom jitwaqqfu, l-ispjegazzjoni tal-kontribut politiku mistenni minn kull korp kif ukoll tar-rwol tal-Kummissjoni u tal-Kumitat tar-Reġjuni;

55.

jappoġġja d-deċiżjoni dwar il-valutazzjoni mill-ġdid ta' l-esklużjonijiet li jaffettwaw is-setturi marittimi fil-leġislazzjoni tax-xogħol ta' l-UE, b'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-imsieħba soċjali;

56.

jemmen li fir-rigward tat-titjib tas-sigurtà fix-xogħlijiet marittimi, l-Istati Membri għandhom responsabbiltà importanti — dik li jirratifikaw it-testi internazzjonali bħall-Konvenzjoni kkonsolidata ta' l-ILO dwar ix-xogħol marittimu li ġiet adottata fi Frar ta' l-2006, jew il-Konvenzjoni ta' l-ILO dwar ix-xogħol fil-qasam tas-sajd li adottat l-ILO f'Ġunju ta' l-2007;

57.

japprova d-deċiżjoni li tippromovi Ċertifikat ta' Eċċellenza Marittima;

58.

jissuġġerixxi li jittieħdu miżuri għat-titjib tat-taħriġ marittimu sabiex it-taħriġ professjonali jkun jista' jintlaqa' fuq skala internazzjonali u tingħata l-possibbiltà ta' taħriġ avvanzat. B'hekk ikun hemm garanzija ta' ħaddiema tas-sengħa bil-kwalifiki meħtieġa;

59.

huwa konvint li ż-żoni tal-kosta huma l-ewwel li jsofru mill-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u għalhekk jirrakkomanda azzjonijiet prijoritarji bħat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet li jiġu mill-bastimenti, l-iżvilupp u l-espansjoni ta' enerġiji marittimi rinnovabbli, it-twaqqif tat-tnaqqis fil-bijodiversità marittima, il-protezzjoni tal-kosta u konsegwentement jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi azzjonijiet pilota biex il-bidla fil-klima tħalli inqas impatt fuq iż-żoni tal-kosta u biex dawn iż-żoni jitgħallmu jadattaw ruħhom aħjar għal din il-bidla;

60.

jitlob lill-Kummissjoni tispjega l-mod li bih tevalwa l-ħtieġa ta' azzjonijiet bħal dawn fir-reġjuni li ma jinsabux qrib il-kosta;

61.

jaqbel mas-sostenn li ngħata għall-isforzi internazzjonali għat-tnaqqis tat-tniġġis taż-żejt ikkawżat mill-bastimenti;

62.

jappoġġja d-deċiżjoni dwar is-sostenn attiv għall-isforzi internazzjonali għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra minn bastimenti;

63.

jitlob li d-Direttiva dwar it-tassazzjoni ta' l-enerġija tiġi emendata sabiex tinkludi obbligu fuq l-Istati Membri biex ma jintassawx l-elettriku li jingħata lill-bastimenti fil-portijiet, barra miż-żejt tal-bunker, peress li s-sistema preżenti tad-direttiva tagħti inċentiva għat-tniġġis ta' l-arja — fil-bliet portwali 80 % minnu jiġi minn bastimenti li jaħarqu ż-żejt tal-bunker;

64.

jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri sabiex inaqqsu l-livelli ta' SO2 u ta' NOx u l-emissjoni ta' partiċelli fini mill-bastimenti fl-ibħra ta' l-UE u b'mod partikolari fil-portijiet. Peress li fuq perijodu twil ta' żmien dan mhux ser ikun biżżejjed, il-Kumitat tar-Reġjuni jsejjaħ għal aktar tnaqqis u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex l-emissjonijiet mill-bastimenti jitnaqqsu għall-istess livell mistenni mill-karozzi sa mhux aktar tard mill-2030;

65.

jitlob li l-emissjonijiet tal-bastimenti jiġu integrati fl-Iskema ta' Skambju ta' l-Emissjonijiet ta' l-UE;

66.

jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li, filwaqt li tikkunsidra kif xieraq ix-xogħol li qiegħed isir fil-livell internazzjonali, tressaq proposti biex il-bastimenti li m'għadhomx jintużaw jiġu żarmati b'mod effiċjenti, sigur u li jirrispetta l-ambjent;

67.

jilqa' l-fatt li se jittieħdu miżuri sodi għall-eliminazzjoni tar-rimi tal-ħut u ta' prattiki tas-sajd li jagħmlu l-ħsara, bħas-sajd bit-tkarkir mal-qiegħ f'abitazzjonijiet sensittivi ta' ibħra internazzjonali; jeħtieġ tiġi kkunsidrata bir-reqqa l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi differenti fil-kwistjoni tas-sajd eċċessiv;

68.

jilqa' l-approċċ strett kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux rappurtat f'dawk ir-reġjuni fejn il-fatti u r-riċerka juru li jinħtieġ dan it-tip ta' approċċ;

69.

jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu promossi u provduti inċentivi għas-sajd fuq skala żgħira li għandu tradizzjoni antika fl-ibħra Ewropej, huwa iktar selettiv u jirrispetta iktar l-ambjent;

70.

fir-rigward ta' dawn l-aħħar żewġ kwistjonijiet, jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar kif il-politika marittima integrata tista' tiġi implimentata b'mod iktar effiċjenti minn qatt qabel;

71.

jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' industrija ta' l-akwakultura li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent fl-Ewropa;

Il-ħolqien ta' bażi ta' għarfien u innovazzjoni għall-politika marittima

72.

jilqa' l-ħsieb li fl-2008 tiġi ppreżentata Strateġija Ewropea għar-Riċerka Marittima u ta' l-Ibħra;

73.

jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-kunċett ta' netwerk ta' “Istituti tar-Riċerka ta' l-Oċeani Ewropej” fi ħdan l-istrateġija ġdida dwar ir-riċerka marittima;

74.

jemmen li huwa essenzjali wkoll li jiġu ppubblikati sejħiet transsettorjali konġunti li jikkonforma mas-7 Programm Qafas għar-Riċerka, għall-promozzjoni ta' approċċ integrat u t-titjib tal-fehim ta' kwistjonijiet trasversali fl-affarijiet marittimi, bħall-impatt tal-bidla fil-klima, tal-livell tal-baħar li qed jitla' u tat-tibdil fit-tendenzi tat-temp fuq il-kapaċità ta' l-użu tal-portijiet u fuq it-trasport bil-baħar b'mod ġenerali;

75.

jilqa' l-appoġġ għar-riċerka biex l-effetti tal-bidla fil-klima fuq l-attivitajiet marittimi, l-ambjent marittimu, iż-żoni tal-kosta u l-gżejjer ikunu jistgħu jitbassru, jittaffew aħjar, u jiġu adattati b'inqas dannu u jitlob lill-Kummissjoni sabiex taħdem għal strateġija Ewropea għall-adattament ta' l-impatti tal-bidla fil-klima fir-reġjuni tal-kosta, li tkun ibbażata fuq evalwazzjoni soda ta' l-ispejjeż li qed jiżdiedu ta' l-adattament tal-kosta għall-bidla fil-klima, u li tgħin sabiex jiġi evitat li dawn ixekklu t-tkabbir ekonomiku mal-kosta;

76.

japprova d-deċiżjoni dwar l-appoġġ għall-ħolqien ta' sħubija Ewropea fix-xjenza ta' l-ibħra sabiex ikun jista' jsir djalogu bejn il-komunità xjentifika, l-industrija u l-politiċi;

77.

jistaqsi kif u kemm il-Kummissjoni qiegħda tappoġġja din is-sħubija, kif dan l-appoġġ qed joħroġ fid-dieher, x'rabta għandu ma' l-istruttura ta' komunikazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni u kif inhu differenti minnha;

78.

jenfasizza l-importanza tad-data reġjonali u l-valutazzjoni tagħha minn aspett inter-reġjonali;

79.

jemmen li t-tqabbil ta' l-istatistiċi huwa essenzjali sabiex iħeġġeġ il-kompetittività settorjali u l-attivitajiet ta' riforma (dan il-punt tqajjem fl-opinjoni tal-Kumitat CdR 258/2006, iżda ma ssemmiex fil-“Blue Paper”);

80.

jitlob l-informazzjoni dwar sa liema punt ir-reġjuni jistgħu jinfluwenzaw il-proġetti pilota u s-sejħiet għal proġetti xjentifiċi u ta' żvilupp, kif ukoll il-proġetti eżemplari;

81.

jisħaq mill-ġdid fuq il-pjattaforma marittima Ewropea li tinkludi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati bħala strument li jiġbor flimkien l-għarfien espert u l-iskambju ta' l-aħjar prattiċi; jissuġġerixxi li titħejja lista kontinwa ta' l-aħjar prattiki għar-reġjuni mill-aktar fis possibbli. Jekk jista' jkun dan għandu jsir fuq il-bażi tal-listi eżistenti Ewropej ta' l-aħjar prattika marittima reġjonali u b'mod partikolari b'eżempji dwar id-definizzjoni ta' l-objettivi marittimi ewlenin, ta' gvernanza tajba, ta' politiki settorjali u l-integrazzjoni tagħhom u ta' pjanijiet ta' azzjoni reġjonali marittima;

Il-garanzija ta' l-aħjar kwalità tal-ħajja fir-reġjuni tal-kosta

82.

jaħseb li l-inizjattiva prevvista għat-turiżmu tinħtieġ il-promozzjoni tat-turiżmu sostenibbli tal-kosti u ta' l-ibħra;

83.

jitlob kjarifika dwar kif, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-reġjuni tal-kosta jistgħu jikkontribwixxu għall-garanzija ta' l-aħjar kwalità tal-ħajja fiż-żoni tal-kosta, u liema sinerġiji, per eżempju ma' oqsma ta' politika oħra, huma possibbli;

84.

huwa favur li l-Kummissjoni tħejji b'mod urġenti bażi tad-data dwar il-proġetti ta' politika reġjonali kollha ffinanzjati mill-UE li jaqgħu fl-ambitu tal-politika marittima, bħala bażi għat-tixrid ta' l-aħjar prattiki; u din il-bażi tad-data għandha toħloq ukoll trasparenza fir-rigward il-finanzjament Komunitarju disponibbli għall-proġetti marittimi u r-reġjuni tal-kosta;

85.

jappoġġja l-proposta għal Strateġija Komunitarja għall-Prevenzjoni ta' Diżastri li tindika b'mod ċar ir-riskji għar-reġjuni tal-kosta, u li tidentifika, fost ħwejjeġ oħra, il-portijiet tal-kenn fejn ikunu jistgħu jistkennu t-tankers taż-żejt fil-periklu u l-bastimenti b'tagħbija perikoluża oħra. Il-miżuri għas-sigurtà fuq il-baħar għandhom iqisu wkoll l-aspetti speċjali tat-tbaħħir f'kundizzjonijiet xitwija;

86.

jemmen li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippromovi l-iżvilupp tal-potenzjal marittimu tar-reġjuni u l-gżejjer l-aktar imbiegħda hija essenzjali. Is-soluzzjonijiet għall-problemi speċifiċi li qed ikollhom ir-reġjuni tal-kosta u l-gżejjer imbiegħda għandhom jinstabu permezz ta' sforzi konġunti li jħaddnu fihom politika marittima u azzjoni f'oqsma oħra ta' politika fil-livell ta' l-UE;

Il-promozzjoni tal-pożizzjoni minn ta' quddiem ta' l-Ewropa fi kwistjonijiet marittimi internazzjonali

87.

jilqa' d-deċiżjoni għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-qafas tal-Politika tat-Tkabbir, tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif ukoll tad-Dimensjoni tat-Tramuntana;

88.

jilqa' d-deċiżjoni dwar il-proposta għal strateġija għall-projezzjoni esterna tal-politika marittima ta' l-UE permezz ta' djalogu strutturat ma' l-imsieħba ewlenin;

89.

jitlob spjegazzjoni dwar kif l-għarfien espert li huwa rilevanti ħafna għar-reġjuni (eż. HELCOM, il-kummissjoni Helsinki għall-ħarsien tal-Baħar Baltiku) jista' jintuża bl-aħjar mod fir-relazzjonijiet esterni;

Titjib tal-Viżibbiltà ta' l-Ewropa Marittima

90.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li hemm bżonn jibda jitħejja atlas Ewropew ta' l-ibħra;

91.

jappoġġja l-proposta li mill-2008 jibda jiġi ċċelebrat il-Jum Marittimu Ewropew kull sena u li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-partijiet interessati u l-kompetenzi tagħhom sa mill-bidunett;

92.

iħeġġeġ iż-żieda sostanzjali u l-appoġġ tal-pubbliċità li tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha marbuta mal-baħar bis-saħħa tas-sistemi edukattivi, l-internet u mezzi ta' komunikazzjoni oħra;

93.

jemmen li Parks Marittimi Nazzjonali jistgħu jservu biex jinfurmaw lill-pubbliku u jħarsu ż-żoni marittimi sensittivi;

94.

jissuġġerixxi t-tħejjija ta' pakkett komprensiv ta' miżuri li jimbuttaw l-idea ta' Ewropa marittima, u li jqis b'mod partikolari l-wirt marittimu tagħna.

Brussell, id-9 ta' April 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  COM(2005) 504 finali.

(2)  COM(2005) 505 finali.

(3)  Id-Direttiva 2000/60/KE.


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/41


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-white paper flimkien għas-saħħa: approċċ strateġiku għall-UE 2008-2013

(2008/C 172/08)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jemmen li l-approċċ politiku komuni dwar is-saħħa m'għandux iwassal għall-armonizzazzjoni tal-miżuri u għall-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

jitlob lill-Kummissjoni tiddikjara t-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi fis-saħħa bħala objettiv prijoritarju;

jirrimarka l-fatt li l-kwistjoni tal-farmaċewtiċi ma tissemma mkien f'din l-istrateġija u għaldaqstant isejjaħ għal analiżi iktar bir-reqqa ta' din il-kwistjoni;

jemmen li l-iscreening tal-kankru huwa kwistjoni tal-kura tas-saħħa u b'hekk kwistjoni għal-livell nazzjonali; għaldaqstant m'għandux jiġi inkluż fl-istrateġija tas-saħħa. Madankollu, il-Kumitat jilqa' l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' l-aħjar prattiki fost il-pajjiżi ta' l-UE;

jemmen li l-involviment ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-mekkaniżmu l-ġdid għall-kooperazzjoni strutturata fil-livell Komunitarju jista' jinkiseb billi xi ftit mis-siġġijiet fil-kumitati l-ġodda dwar is-saħħa jingħataw lir-rappreżentanti lokali u reġjonali, però jitlob li dan il-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni strutturata jiġi diskuss iktar fid-dettall b'mod iktar miftuħ u trasparenti;

jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel lista tan-netwerks ta' kooperazzjoni u ta' l-organizzazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa li huma rilevanti, u għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tlaqqa' lill-atturi kkonċernati bil-għan li tiżviluppa l-modi xierqa u effiċjenti ta' kooperazzjoni.

Rapporteur

:

Karsten Uno PETERSEN, Membru tal-Kunsill Reġjonali tad-Danimarka tan-Naħa t'Isfel (DK/PSE)

Dokumenti ta' referenza

White Paper Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013

COM(2007) 630 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa' l-White Paper tal-Kummissjoni li tfassal l-istrateġija politika dwar is-saħħa ta' l-UE sa l-2013, bil-kundizzjoni li jiġu rispettati l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-Artikolu 152 tat-Trattat li jistipula li s-saħħa pubblika hija r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri;

2.

jaqbel li s-saħħa hija ċentrali għall-bniedem, u għandha tingħata appoġġ permezz ta' l-istrateġiji u l-miżuri politiċi fl-Istati Membri, fil-livell Komunitarju kif ukoll fil-livell globali. Il-Kummissjoni għandha tkompli tagħti prijorità lis-saħħa pubblika bħala qasam ta' kompetenza ta' l-UE li fih jistgħu jinkisbu riżultati kbar fis-saħħa;

3.

jagħraf u jilqa' l-interess dejjem ikbar fil-kwistjonijiet marbuta mas-saħħa fil-livell ta' l-UE. Nhar id-19 ta' Ottubru 2007, it-Trattat ta' Riforma kkonferma mill-ġdid dan l-interess u ppropona li tissaħħaħ l-importanza politika tal-kwistjonijiet marbuta mas-saħħa. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-approċċ politiku komuni dwar is-saħħa m'għandux iwassal għall-armonizzazzjoni tal-miżuri u għall-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

4.

jagħraf il-ħtiġijiet il-ġodda li jirrikjedi l-abbozzar ta' approċċ iktar strateġiku fil-livell Komunitarju li jqis il-fatt li l-popolazzjoni kulma jmur qiegħda tixjieħ, it-theddidiet ġodda għas-saħħa (pandemiji, inċidenti bijoloġiċi, bijoterroriżmu u sfidi tat-tibdil fil-klima), u t-teknoloġiji l-ġodda, iżda jenfasizza l-fatt li għandu jiġi assigurat li l-UE ma tmurx lil hinn mill-poteri limitati relatati mal-politika tas-saħħa li ngħatawlha skond l-Artikolu 152 tat-Trattat KE;

5.

jappoġġja l-valuri u l-prinċipji li jinsabu fil-White Paper, jiġifieri s-solidarjetà, l-involviment taċ-ċittadini fit-tfassil tal-liġijiet, it-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi fis-saħħa, il-promozzjoni ta' l-investiment f'dan il-qasam, l-integrazzjoni tal-fatturi marbuta mas-saħħa fil-politiki kollha u t-tisħiħ tal-vuċi ta' l-UE fil-politika dinjija dwar is-saħħa;

6.

jappoġġja t-tliet objettivi globali tal-White Paper — il-promozzjoni tas-saħħa f'Ewropa b'popolazzjoni li kulma jmur qiegħda tixjieħ, il-ħarsien taċ-ċittadini mit-theddidiet għas-saħħa, u l-appoġġ għas-sistemi tas-saħħa dinamiċi u t-teknoloġiji l-ġodda; u jaqbel mal-miżuri li tressqu sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi;

7.

jinnota li l-onestà fir-rigward tar-rwol, l-interessi u l-esperjenzi ta' l-atturi reġjonali u lokali hija essenzjali għall-implimentazzjoni tal-valuri, il-prinċipji u l-objettivi tal-White Paper;

8.

jitlob lill-Kummissjoni tiddikjara t-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi fis-saħħa bħala objettiv prijoritarju, u għandha tingħata attenzjoni l-iktar għad-differenzi bejn id-diversi gruppi soċjali; u dawk l-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom mal-problemi meta jiġu biex jiżviluppaw il-miżuri politiċi tas-saħħa pubblika u jtejbu l-istat ta' saħħet il-poplu għandhom jirċievu l-għajnuna sabiex jitnaqqsu d-differenzi u l-iżbilanċi fil-qasam tas-saħħa;

9.

jilqa' sistema ta' indikaturi tas-saħħa sakemm din ma tmurx kontra r-responsabbiltà nazzjonali tal-kura tas-saħħa;

10.

barra minn hekk, jirrimarka l-fatt li l-kwistjoni tal-farmaċewtiċi ma tissemma mkien f'din l-istrateġija minkejja l-impatt qawwi li għandha fuq il-pazjenti u l-pubbliku jekk id-dispożizzjonijiet f'dan il-qasam jiġu kkunsidrati biss bħala aspett tal-politika industrijali u mhux marbuta mas-saħħa; għaldaqstant, isejjaħ għal analiżi iktar bir-reqqa tal-kwistjoni tal-farmaċewtiċi, fejn l-ewwel punt huwa l-fatt li, f'ħafna pajjiżi ta' l-UE, dan il-qasam jaqa' taħt is-saħħa u l-assigurazzjoni tas-saħħa;

11.

jemmen li l-iscreening tal-kankru huwa kwistjoni tal-kura tas-saħħa u b'hekk kwistjoni għal-livell nazzjonali; għaldaqstant m'għandux jiġi inkluż fl-istrateġija tas-saħħa;

L-implimentazzjoni ta' l-istrateġija

12.

jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-istrateġija l-ġdida ta' l-UE dwar is-saħħa tolqot direttament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali peress li f'bosta Stati Membri s-saħħa pubblika u/jew is-servizzi tal-kura tas-saħħa jinsabu f'idejhom;

13.

ifakkar li r-reġjuni u l-atturi lokali fil-qasam tas-saħħa ta' sikwit jieħdu ħsieb l-ippjanar, it-tmexxija, it-tħaddim u l-iżvilupp tas-saħħa pubblika u ħafna drabi jkollhom ir-responsabbiltà finanzjarja għal dan il-qasam ukoll. Billi huma jifformaw l-iktar livell amministrattiv qrib iċ-ċittadini, fil-qasam tas-saħħa huma jitqiesu bħala atturi essenzjali li għandhom ukoll l-għarfien speċjalizzat rilevanti meħtieġ;

14.

jilqa' l-fatt li l-White Paper għarfet li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-atturi ewlenin fl-għoti tas-servizzi tas-saħħa; u għaldaqstant jistenna li, fid-dawl tar-responsabbiltà tagħhom f'dan il-qasam, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti bis-sħiħ fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija. L-istrateġija tkun l-iktar effiċjenti jekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jappoġġjawha sa minn stadju kemm jista' jkun bikri. B'hekk jinħolqu wkoll iktar possibbiltajiet għar-responsabbiltà tal-livell lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija;

15.

jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-White Paper tidentifika l-possibbiltà ta' l-involviment tal-livell lokali u reġjonali fil-kuntest ta' mekkaniżmu ġdid għall-kooperazzjoni strutturata fil-livell Komunitarju, jilqa' wkoll ix-xewqa tal-Kummissjoni li taħdem fuq bażi transsettorjali u b'konformità ma' korpi oħrajn fil-qasam tas-saħħa, iżda jitlob li mekkaniżmu ta' kooperazzjoni strutturata bħal dan jiġi diskuss iktar u li għandu jkun miftuħ u trasparenti u bl-ebda mod m'għandu jmur lil hinn mill-koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 152(2) tat-Trattat KE;

16.

b'rabta ma' dan, jinnota kemm huwa importanti li l-istituzzjonijiet u n-netwerks li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tas-saħħa jiġu involuti fi stadju bikri fid-diskussjonijiet fuq l-inizjattivi futuri ta' l-UE dwar is-saħħa;

17.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għal mekkaniżmu ġdid għall-kooperazzjoni strutturata fil-livell Komunitarju, li għandu jagħti l-pariri lill-Kummissjoni u jippromovi l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, bil-kundizzjoni li, kif ipproponiet il-Kummissjoni, ikunu garantiti l-involviment u l-parteċipazzjoni xierqa tal-livell lokali u reġjonali fi stadju bikri. Dan jgħodd ukoll għall-involviment u l-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istruttura ppjanata l-ġdida, li fiha l-Istati Membri għandhom jieħdu post xi wħud mill-kumitati eżistenti;

18.

iħeġġeġ li l-involviment ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-mekkaniżmu l-ġdid għall-kooperazzjoni strutturata fil-livell Komunitarju jitfassal b'tali mod li xi ftit mis-siġġijiet fil-kumitati l-ġodda dwar is-saħħa jingħataw lir-rappreżentanti lokali u reġjonali, u mhux lill-membri tal-livell nazzjonali biss. B'dan il-mod ikun hemm garanzija ta' l-iktar għarfien vast f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa, u l-livell reġjonali jkun jista' jimpenja ruħu iktar favur l-inizjattivi ta' l-UE fil-qasam tas-saħħa;

19.

jirrakkomanda li jinħatru xi rappreżentanti tal-livell lokali u reġjonali mill-Kumitat tar-Reġjuni għal perijodu ta' żmien definit. Imbagħad dawn ir-rappreżentanti lokali u reġjonali fil-kumitati l-ġodda ta' l-UE dwar is-saħħa jkunu jistgħu jżommu lill-Kumitat tar-Reġjuni infurmat;

20.

jemmen ukoll li l-proposta tal-Kummissjoni għat-trawwim tal-kooperazzjoni mal-partijiet interessati fil-livell Komunitarju kapaċi ssaħħaħ il-valur miżjud tal-miżuri ta' l-Istati Membri, u huwa tal-fehma li l-isforzi tal-Kummissjoni għall-iżvilupp kontinwu tas-sħubijiet ma' dawn l-atturi kif ukoll l-iżvilupp avvanzat tal-fora dwar is-saħħa u n-netwerks — u eventwalment it-twaqqif ta' fora dwar is-saħħa u netwerks ġodda — iwasslu għall-involviment usa' minn qatt qabel tar-rappreżentanti lokali u reġjonali;

21.

f'dan il-kuntest jisħaq fuq il-kooperazzjoni, l-ewwel u qabel kollox mal-KtR, li skond it-Trattati huwa l-uniku korp li jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonal, iżda wkoll mal-varji netwerks u organizzazzjonijiet li jiġbru flimkien l-għarfien speċjalizzat ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tas-saħħa fil-livell ta' l-UE. Huwa importanti li fl-għażla ta' dawn in-netwerks il-Kummissjoni tkun ċerta li dawk magħżula jkopru żona lokali u reġjonali vasta, joffru aċċess ugwali sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha jkunu jistgħu jieħdu sehem, u ma jkunx hemm ostakli għall-parteċipazzjoni, per eżempju bħall-ħlas għoli tas-sħubija;

22.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni, minn banda, tagħti ħarsa lejn dawk in-netwerks ta' kooperazzjoni u l-organizzazzjonijiet formali u informali fil-qasam tas-saħħa li jissodisfaw dawn il-kriterji, u mill-banda l-oħra, tlaqqa' lil dawn il-partijiet interessati flimkien sabiex tiddiskuti magħhom dwar il-modi xierqa u effiċjenti ta' kooperazzjoni;

23.

fuq il-bażi ta' l-inizjattiva tat-trasparenza tal-Kummissjoni, jissuġġerixxi ħidma trasparenti fejn il-Kummissjoni tippubblika l-isem ta' l-imsieħba fil-qasam tas-saħħa li qed tikkoopera magħhom u ta' l-imsieħba li għandhom jiġu involuti fi stadju bikri fil-fora, il-kumitati u l-korpi li qiegħda tipproponi l-Kummissjoni stess;

24.

barra minn dan, iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex isibu metodi li bihom ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali tagħhom jiġu involuti fid-diskussjonijiet dwar is-saħħa fil-livell Komunitarju fi stadju bikri;

L-istrumenti finanzjarji

25.

huwa tal-fehma li l-miżuri ta' l-istrateġija għandhom jiġu ko-finanzjati mill-istrumenti finanzjarji disponibbli sa tmiem il-qafas finanzjarju attwali (2013). Fid-dawl ta' l-impenji li ħadu r-reġjuni u l-imsieħba lokali, dan għandu jsir mingħajr ebda impatt fuq il-baġit;

26.

jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni għarfet ir-rabta bejn il-kwistjonijiet tas-saħħa u l-Aġenda ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi, u f'dan il-kuntest jitlob li fil-futur il-kwistjonijiet tas-saħħa pubblika jingħataw iktar importanza fil-politika ta' koeżjoni u fil-politika agrikola komuni;

Rakkomandazzjonijiet lill-Presidenza tal-Kunsill Ewropew

27.

jitlob lill-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tinkludi l-kontenut ta' punti 7, 8, 15, 16, 19, 20 kif ukoll 22-24 ta' din l-opinjoni fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill rigward l-istrateġija ta' l-UE dwar is-saħħa. Il-punti huma dawn:

27.1

jinnota li l-onestà fir-rigward tar-rwol ta' l-atturi reġjonali u lokali hija essenzjali għall-implimentazzjoni tal-valuri, il-prinċipji u l-objettivi tal-White Paper (punt 7);

27.2

jitlob lill-Kummissjoni tiddikjara t-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi fis-saħħa bħala objettiv prijoritarju; l-attenzjoni għandha tingħata lid-differenzi bejn id-diversi gruppi soċjali; u dawk l-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom mal-problemi meta jiġu biex jiżviluppaw il-miżuri politiċi tas-saħħa pubblika għandhom jirċievu l-għajnuna (punt 8);

27.3

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għal mekkaniżmu ġdid għall-kooperazzjoni strutturata fil-livell Komunitarju, bil-kundizzjoni li jkunu garantiti l-involviment u l-parteċipazzjoni xierqa tal-livell lokali u reġjonali fi stadju bikri. Dan jgħodd ukoll għall-involviment u l-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istruttura ppjanata l-ġdida, iżda jitlob li mekkaniżmu ta' kooperazzjoni strutturata bħal dan jiġi diskuss iktar u li għandu jkun miftuħ u trasparenti u bl-ebda mod m'għandu jmur lil hinn mill-koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 152(2) tat-Tratta KE (punt 15);

27.4

iħeġġeġ li l-involviment ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-mekkaniżmu l-ġdid għall-kooperazzjoni strutturata fil-livell Komunitarju jitfassal b'tali mod li fil-prattika xi ftit mis-siġġijiet fil-kumitati l-ġodda dwar is-saħħa jingħataw lir-rappreżentanti lokali u reġjonali (punt 16);

27.5

f'dan il-kuntest jisħaq fuq il-kooperazzjoni, l-ewwel u qabel kollox mal-KtR, li skond it-Trattati huwa l-uniku korp li jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonal, iżda wkoll mal-varji netwerks u organizzazzjonijiet li jiġbru flimkien l-għarfien speċjalizzat ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tas-saħħa fil-livell ta' l-UE (punt 19);

27.6

jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tagħti ħarsa lejn dawk in-netwerks ta' kooperazzjoni u l-organizzazzjonijiet formali u informali fil-qasam tas-saħħa li huma rilevanti, u li tlaqqa' lil dawn l-atturi flimkien sabiex tiddiskuti magħhom dwar il-modi xierqa u effiċjenti ta' kooperazzjoni (punt 20);

27.7

iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex isibu metodi li bihom ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali tagħhom jiġu involuti fid-diskussjonijiet dwar is-saħħa fil-livell Komunitarju fi stadju bikri (punt 22);

27.8

huwa tal-fehma li l-miżuri ta' l-istrateġija għandhom jiġu ko-finanzjati mill-istrumenti finanzjarji disponibbli sa tmiem il-qafas finanzjarju attwali (2013). Fid-dawl ta' l-impenji li ħadu r-reġjuni u l-imsieħba lokali, dan għandu jsir mingħajr ebda impatt fuq il-baġit (punt 23);

27.9

jitlob li fil-futur il-kwistjonijiet tas-saħħa jingħataw iktar importanza fil-politika ta' koeżjoni u fil-politika agrikola komuni (punt 24).

Brussell, id-9 ta' April 2008

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/45


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija għat-tkabbir u sfidi ewlenin għall-2007-2008 — Pajjiżi kandidati

(2008/C 172/09)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha żżomm il-politika tagħha tal-“bibien miftuħa” lejn it-tkabbir, sabiex tistimola r-riforma demokratika u l-iżvilupp ekonomiku lilhinn mill-fruntieri attwali ta' l-Unjoni Ewropea;

ifakkar li t-twettiq tal-kriterji ta' Kopenħagen u tal-ħtiġijiet tal-proċess ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni huma kondizzjoni bażika imposta fuq l-Istati Membri, b'enfasi fuq il-prinċipju tal-mertu individwali, li kien fattur essenzjali wkoll fit-tkabbiriet preċedenti;

jisħaq li huwa essenzjali li l-vjaġġ Ewropew tat-Turkija jkun mingħajr interruzzjoni; l-UE għandha tosserva l-impenji li għamlet meta ddeċidiet tiftaħ in-negozjati. Madankollu, il-KtR jaqbel mal-Kummissjoni li n-negozjati mat-Turkija huma proċess miftuħ, u r-riżultati tiegħu ma jistgħux jiġu garantiti minn qabel;

jilqa' l-progress tajjeb li għamlet il-Kroazja lejn il-kriterji politiċi ta' Kopenħagen, il-kriterji ekonomiċi u l-acquis communautaire, u fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

jikkunsidra li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għamlet progress konsiderevoli lejn il-kriterji politiċi u ekonomiċi ta' Kopenħagen, iżda jenfasizza l-pass bil-mod tar-riformi fl-2007; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-ftuħ tan-negozjati ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

Rapporteur

:

Is-Sur Alin Adrian NICA (RO/ALDE), Sindku ta' Dudeștii, ir-Rumanija

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2007 — 2008 — pajjiżi kandidati

COM(2007) 663 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.

itenni t-twemmin tiegħu li t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi wieħed mill-iktar mezzi effettivi ta' l-influwenza politika. Fil-fatt dan il-proċess jirrappreżenta pass importanti lejn il-paċi u l-istabilità fil-kontinent u dan joffri opportunità liċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati sabiex jiksbu mhux biss il-benesseri pprovdut miż-żona ekonomika komuni, iżda anke l-valuri komuni ta' l-UE, in primis il-libertà, id-demokrazija u s-solidarjetà;

2.

jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha żżomm il-politika tagħha tal-“bibien miftuħa” lejn it-tkabbir, sabiex tistimola r-riforma demokratika u l-iżvilupp ekonomiku lilhinn mill-fruntieri attwali ta' l-Unjoni Ewropea;

3.

ifakkar li t-twettiq tal-kriterji ta' Kopenħagen u tal-ħtiġijiet tal-proċess ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni huma kondizzjoni bażika imposta fuq l-Istati Membri, b'enfasi fuq il-prinċipju tal-mertu individwali, li kien fattur essenzjali wkoll fit-tkabbiriet preċedenti;

4.

jixtieq ukoll jenfasizza li integrazzjoni ta' suċċess tiddependi, l-ewwel u qabel kollox, fuq il-mod li bih iħejji ruħu pajjiż kandidat għall-adeżjoni, u fuq is-solidità u l-implimentazzjoni għaqlija tar-riformi;

5.

josserva li l-monitoraġġ tal-progress u l-adattabilità tal-leġislazzjoni hija garanzija għal integrazzjoni ta' suċċess;

6.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-komunitajiet lokali u reġjonali għandhom jaqdu rwol attiv fl-integrazzjoni, billi huwa proċess strutturali u demokratiku li jista' jiġi implimentat biss fil-livell ċentrali u mingħajr il-parteċipazzjoni attiva tal-livelli kollha tal-gvern u mingħajr ma jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-prossimità;

7.

jikkunsidra li huwa importanti li jiġu kkonsultati l-assoċjazzjonijiet ta' l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali meta l-amministrazzjoni ċentrali tipproponi miżuri leġislattivi fl-oqsma ta' kompetenzi ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

8.

jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp sostenibbli ta' pajjiż jiddependi ħafna fuq il-konformità ma', u l-applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali tad-deċentralizzazzjoni, b'dak kollu li jġib miegħu: id-deċentralizzazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet, ta' l-amministrazzjoni u tal-finanzi;

9.

jikkunsidra li l-gwerra ta' nofs is-snin disgħin ħalliet ġrieħi serji fil-kuxjenza kollettiva tal-popli Balkani, u għaldaqstant huwa importanti li l-atturi lokali, reġjonali u nazzjonali tal-pajjiżi fiż-żona jikkollaboraw sabiex jindirizzaw flimkien il-problemi li wasslu għal kunflitti fil-passat;

10.

jenfasizza l-importanza ta' l-appoġġ permezz ta' politiki u programmi pre-adeżivi, inizjattivi u sforzi għall-kooperazzjoni (speċjalment fl-2008 — is-Sena tad-Djalogu Interkulturali) u l-iskambju ta' l-esperjenzi u l-aħjar prattiki (fosthom, l-esperjenzi l-aktar sinifikanti li ħarġu mill-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Karta Ewropea għat-Tmexxija Awtonoma Lokali) bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati. F'dan ir-rigward, il-KtR għandu rwol importanti xi jwettaq permezz tal-promozzjoni ta' seminars tat-taħriġ, li bihom l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jaqsmu prattiki tajbin u jisiltu tagħlimiet dwar l-UE. Dan l-appoġġ għandu l-ewwelnett jiġi bbażat fuq l-esperjenza tal-pajjiżi membri l-ġodda li daħlu fl-2004 u l-2007, billi l-biċċa l-kbira minnhom huma ġara tat-tliet kandidati ġodda għall-adeżjoni;

It-Turkija

11.

jenfasizza li huwa fl-interess ta' kulħadd li t-Turkija tiġi appoġġjata permezz ta' proċess twil u kumpless għar-riforma. Huwa prinċipju bażiku tal-proċess ta' adeżjoni li r-ritmu tan-negozjati jiddependi mill-progress ta' dawn ir-riformi li jissaħħaħ ukoll bl-appoġġ estern ta' l-UE bbażat fuq il-programmi ta' fondi. Għaldaqstant, kemm it-Turkija kif ukoll l-Unjoni Ewropea għandhom juru paċenzja u perseveranza f'dan il-proċess;

12.

jisħaq li huwa essenzjali li l-vjaġġ Ewropew tat-Turkija jkun mingħajr interruzzjoni; l-UE għandha tosserva l-impenji li għamlet meta ddeċidiet tiftaħ in-negozjati. Madankollu, il-KtR jaqbel mal-Kummissjoni li n-negozjati mat-Turkija huma proċess miftuħ, u r-riżultati tiegħu ma jistgħux jiġu garantiti minn qabel. Il-konformità mal-kondizzjonijiet imposti mill-UE għandha tkun l-uniku kriterju li fuqu tiġi deċiża l-adeżjoni. Barraminhekk, huwa importanti li t-Turkija timpenja ruħha fil-promozzjoni tar-relazzjonijiet tajbin mal-ġara, b'konformità mad-dispożizzjonijiet li tressqu fil-qafas tan-negozjati. Madankollu, it-Turkija hija mistennija li twaqqaf l-esklużjoni ekonomika jew l-għeluq tal-fruntieri, u li żżomm lura minn theddid jew operazzjonijiet militari fir-rigward tal-ġirien tagħha;

13.

jilqa' l-fatt li l-elezzjonijiet parlamentari ġew organizzati b'mod leġittimu, u jittama li l-gvern il-ġdid ser iħaffef ir-riformi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-kriterji ta' l-adeżjoni billi jsir progress ġenwin f'oqsma sensittivi. Fl-istess ħin, huwa mħasseb dwar l-indħil ripetut mill-forzi armati Torok fil-proċess politiku u jemmen li għandu jsir iktar sforz sabiex jiġi assigurat il-kontroll politiku effettiv ta' l-armata;

14.

jilqa' l-miżuri reċenti li jemendaw il-kostituzzjoni, jikkunsidra li l-modifiki proposti, jekk jiġu adottati, ser jagħtu spinta lill-passi sabiex jintlaħqu l-kritjeri ta' Kopenħagen, u jtenni l-ħtieġa li sabiex tiġi żgurata il-libertà komprensiva ta' l-espressjoni, għandu jiġi emendat l-Artikolu 301 tal-kodiċi penali Torka, li jqis bħala reat punibbli, b'penali li wieħed jinsulta lit-Turkija jew l-“ispirtu Tork”;

15.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jimplimentaw il-biċċa l-kbira tal-leġislazzjoni Ewropea, għandhom jaqdu rwol ċentrali u determinanti, kemm fil-proċess tad-demokratizzazzjoni interna kif ukoll f'dak ta' l-integrazzjoni Ewropea, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea għandha tixħet id-dawl fuq ir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tan-negozjati mal-gvern Tork;

16.

jirrakkomanda li ssir analiżi mill-ġdid tal-liġi tar-raħal fit-Turkija sabiex tiżdied l-effiċjenza u s-saħħa ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-inqas livell;

17.

jipproponi li jitħejja studju bil-għan li jiġu identifikati għadd ta' mudelli għall-iżvilupp reġjonali tal-komunitajiet territorjali Torok, ibbażati fuq l-eżempju ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni, mudelli li jwasslu għat-tħejjija u l-applikazzjoni ta' programmi appoġġjati mill-fondi tal-pre-adeżjoni u strutturali;

18.

jenfasizza l-bżonn li jitwaqqaf kumitat konsultattiv konġunt li jħaddan rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Torok. Konsegwentement, iħeġġeġ lill-gvern Tork sabiex jitlob għat-twaqqif ta' kumitat konsultattiv konġunt u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tqis l-importanza tat-twaqqif ta' dan il-kumitat fil-kuntest tan-negozjati mat-Turkija.

19.

jenfasizza li t-Turkija għandha tkompli tieħu passi ġenwini lejn id-deċentralizzazzjoni finanzjarja ta' l-awtoritajiet pubbliċi sabiex tissaħħaħ l-awtonomija finanzjarja ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u titnaqqas id-dipendenza eżistenti fuq il-baġit ċentrali;

20.

josserva li, barra milli jiġu estiżi l-poteri amministrattivi għall-awtoritajiet lokali jew reġjonali, għandhom jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-poteri ġodda tagħhom;

21.

jinnota li għaddej proċess ta' riforma fis-settur pubbliku fit-Turkija sabiex tiżdied l-effiċjenza u jittejbu l-kapaċitajiet amministrattivi ta' l-istituzzjonijiet pubbliċi, bil-għan li l-fondi tal-gvern u dawk Ewropej ikunu ġġestjonati aħjar;

22.

josserva li d-diskriminazzjoni għadha teżisti fit-Turkija fir-rigward ta' l-aċċess tan-nisa għall-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi tal-ġustizzja, minkejja li, f'dan il-qasam, il-qafas legali huwa parzjalment armonizzat mal-leġislazzjoni Ewropea; jiġbed l-attenzjoni wkoll għad-diskriminazzjoni tal-ġeneru (gender discrimination) li teżisti fl-aċċess għall-edukazzjoni, billi ħafna tfajliet ma jkollhomx edukazzjoni lilhinn mill-iskola primarja, għal raġunijiet ta' tradizzjonaliżmu reliġjuż;

23.

jiġbed l-attenzjoni għad-diskriminazzjonijiet li jbatu minnhom il-minoritajiet etniċi fit-Turkija, b'mod partikulari l-Kurdi;

24.

jixħet id-dawl fuq il-problemi ffaċċjati mit-twemmin reliġjuż li mhuwiex Musulman fit-Turkija, minħabba n-nuqqas ta' rikonoxximent legali. Dawn il-komunitajiet jiltaqgħu ma' diffikulatjiet fit-twettiq ta' l-attijiet ta' karità, id-dritt tal-libertà reliġjuża, l-għażla tal-mexxejja u t-taħriġ tal-kleru. Barra minn hekk jinnota l-aggressjonijiet ripetuti u l-attentati kontra r-rappreżentanti u l-fidili ta' reliġjonijiet mhux Islamiċi. L-Istat għandu jiggarantixxi li mhux ser ikun hemm iktar minn dawn l-inċidenti u, għal dan il-għan, juża r-riżorsi tiegħu sabiex irażżan il-fazzjonijiet estremisti, u jiġġieled kontra l-attivitajiet sovversivi tagħhom;

Il-Kroazja

25.

jilqa' l-progress tajjeb li għamlet il-Kroazja lejn il-kriterji politiċi ta' Kopenħagen, il-kriterji ekonomiċi u l-acquis communautaire, u fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; l-eżempju tal-Kroazja juri lill-ġirien tagħha b'mod partikulari x'inhuma l-vantaġġi li jistgħu jinkisbu meta pajjiż jankra ruħu b'mod sod, politikament u ekonomikament, ma' l-istrutturi u l-valuri ta' l-Unjoni Ewropea; jilqa' l-fatt li sar pass ġenwinament 'il quddiem matul in-negozjati ta' l-adeżjoni fl-2007 u jsejjaħ lill-gvern ġdid Kroat sabiex itenni l-isforzi tiegħu ħalli jintlaħqu l-kondizzjonijiet għall-ftuħ tan-negozjati fuq il-kapitoli li għad fadal;

26.

jilqa' u jħeġġeġ il-miżuri li ttieħdu mill-Kroazja sabiex tiddeċentralizza l-amministrazzjoni pubblika lokali u jikkunsidra li, bis-saħħa ta' dawn il-miżuri, għandha ssir iktar enfasi fuq is-sussidjarjetà sabiex id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu dejjem iktar qrib taċ-ċittadini;

27.

jikkunsidra li l-impenn kontinwu tal-Kroazja fl-inizjattivi reġjonali, li kkontribwixxa għat-titjib addizzjonali fir-relazzjonijiet mal-ġirien tagħha, għandu jitħeġġeġ u jissaħħaħ; u jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali fir-reġjuni konfinali tal-Kroazja u dawk tal-pajjiżi ġirien (il-Bosnija-Ħerzegovina, is-Serbja, is-Slovenja u r-Repubblika ta' Montenegro);

28.

jilqa' l-kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali u jsejjaħ għal iktar progress fl-organizzazzjoni tal-proċess għar-reati tal-gwerra, speċjalment it-tisħiħ tal-ħarsien tax-xhieda;

29.

jilqa' l-fatt li l-Prim Ministri tal-Kroazja u tas-Slovenja waslu għal ftehim formali li fil-prinċipju jiddikjara li l-kwistjoni dwar il-fruntiera għandha tiġi soġġetta għal deċiżjoni ta' arbitraġġ minn terza parti; jitlob lill-gvernijiet tal-Kroazja u s-Slovenja biex jieħdu kull triq possibbli biex jaslu għall-formalizzazzjoni ta' dan il-ftehim; jilqa' d-deċiżjoni tal-Parlament Kroat li permezz tagħha l-Kroazja mhux ser tapplika ż-Żona ta' Protezzjoni Ekoloġika u tas-Sajd sakemm ma tinstabx soluzzjoni komuni u ta' ħbiberija, fl-ispirtu ta' l-UE;

30.

jemmen li sar progress fit-titjib ta' l-implimentazzjoni tal-Liġi Kostituzzjonali dwar il-minoritajiet nazzjonali, u li l-qagħda tal-minorità tar-Roma fil-Kroazja qed tmur għall-aħjar; madankollu, jikkunsidra li għandu jsir progress addizzjonali fir-rigward ta' l-inklużjoni soċjali tal-minoritajiet etniċi, partikularment il-popolazzjonijiet tar-Roma, u tar-rifuġjati, billi jiġi promoss l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u l-edukazzjoni għolja;

31.

jenfasizza l-importanza li jinħolqu strumenti speċifiċi sabiex tiġi assigurata l-gvernanza tajba, b'enfasi partikulari fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. F'dan il-kuntest, għandha tiġi milqugħa l-kompetenza estiża ta' l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (USKOK) u ż-żieda fil-każijiet tal-korruzzjoni li qegħdin jitħarrku fil-qrati Kroati; isejjaħ lill-gvern Kroat sabiex iżid l-isforzi tiegħu fil-programm nazzjonali kontra l-korruzzjoni 2006-2008;

32.

jilqa' l-progress li sar fil-kostruzzjoni u rikostruzzjoni tad-djar u l-infrastruttura, kif ukoll il-programm tad-djar li indirizza l-kwistjoni ta' min kellu d-drittijiet tal-kiri, u jsejjaħ għall-kontinwazzjoni u l-ħeffa f'dan il-każ;

33.

jilqa' l-progress reċenti fir-rigward tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta' l-istrumenti strutturali, iżda jisħaq li għad hemm bżonn ta' miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza u jittejbu l-kapaċitajiet amministrattivi ta' l-istituzzjonijiet pubbliċi, sabiex il-fondi Ewropej jiġu ġġestjonati b'mod effettiv;

34.

josserva, madankollu, li sar xi progress lejn ir-riforma ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi lokali minkejja li l-implimentazzjoni żbilanċjata tal-qafas leġislattiv armonjuż fil-qasam ta' l-amministrazzjoni pubblika wasslet għall-ineffiċjenza tagħha;

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

35.

jikkunsidra li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għamlet progress konsiderevoli lejn il-kriterji politiċi u ekonomiċi ta' Kopenħagen, u jenfasizza l-progress imwettaq fl-aħħar ta' l-2007; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni fuq il-ftuħ tan-negozjati ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

36.

jilqa' l-konformità ma' għadd ta' dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni;

37.

jinnota li l-implimentazzjoni tal-qafas Ohrid irriżultat f'bidliet profondi fi ħdan is-soċjetà ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, bir-rikonoxximent sħiħ tan-natura tagħha multi-etnika u multikulturali, li hija aspett ewlieni tal-kriterji politiċi għall-adeżjoni fl-UE; jenfasizza mill-ġdid li l-prinċipju ta' Badinter għandu jiġi rispettat bis-sħiħ u li l-partijiet kollha għandhom jirrispettaw lil xulxin u jaħdmu flimkien fi ħdan l-istituzzjonijiet demokratiċi li nħalqu bi sforz hekk kbir mill-pajjiż. Madankollu, jiddispjaċih li l-integrazzjoni tal-minoritajiet etniċi baqgħet limitata;

38.

jirrakkomanda li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja titgħallem mill-esperjenza ta' l-Ewropa, li tqis id-diversità etnika u lingwistika, fil-qasam ta' l-amministrazzjoni pubblika u l-edukazzjoni; isejjaħ għall-konklużjoni tal-ftehimiet dwar il-koeżistenza armonjuża taż-żewġ maġġoranzi etniċi u l-maġġoranzi varji; f'dan il-kuntest, isejjaħ għall-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali mmirati lejn il-garanzija ta' rappreżentazzjoni ġusta għall-minoranzi etniċi fl-amministrazzjoni pubblika;

39.

jiddispjaċih li l-korruzzjoni hija mifruxa u għadha ġġib problemi serji. Għaldaqstant, il-KtR jirrakkomanda li l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu l-miżuri sabiex tinqered din is-seħta;

40.

japprezza l-isforzi li saru sabiex l-amministrazzjoni pubblika lokali ssir deċentralizzata u l-kunċern li ntwera għall-effiċjenza amministrattiva billi ngħaqdu muniċipalitajiet varji għal skopijiet ekonomiċi u ta' l-iżvilupp; jenfasizza wkoll il-bżonn li jitħaffef il-proċess tad-deċentralizzazzjoni finanzjarja sabiex tissaħħaħ l-awtorità ta' l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali;

41.

jiddispjaċih għall-fatt li ma sar l-ebda progress fir-rigward tal-kwistjoni ta' isem il-pajjiż. Jilqa' l-bidu mill-ġdid tan-negozjati assistiti mir-rappreżentant speċjali tan-NU, Matthew Nimetz, u jsejjaħ lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sabiex issaħħaħ l-isforzi tagħha li tgħin fir-riżoluzzjoni tal-kwistjoni b'konformità mar-Riżoluzzjonijiet 817/93 u 845/93 tal-Kunsill tas-Sigurtà, biex b'hekk tippromovi t-twaqqif ta' relazzjonijiet tajba mal-ġirien u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni reġjonali;

42.

japprezza l-isforzi li saru sabiex ikun hemm iktar trasparenza amministrattiva permezz ta' garanzija għaċ-ċittadini ta' l-aċċess għall-informazzjoni pubblika, iżda jenfasizza li l-istituzzjonijiet pubbliċi involuti m'humiex ippreparati jew disposti li jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni;

43.

jilqa' d-deċiżjoni adottata nhar l-4 ta' Marzu 2008 mill-Bureau tal-KtR, li jinħoloq kumitat konġunt konsultattiv ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja wara talba uffiċjali lill-Gvern ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; jitlob sabiex jittieħdu l-passi amministrattivi kollha ħalli l-ewwel laqgħa ta' dan il-kumitat tkun tista' tinżamm fil-bidu fl-ewwel parti ta' l-2008.

Brussell, id-9 ta' April 2008

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/49


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea

(2008/C 172/10)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jtenni l-preokkupazzjoni ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali dwar il-problemi osservati fil-Mediterran u fl-Ewropa ċentrali u tal-punent dwar il-perjodi ta' nixfa u fenomeni bħal snin anormali ta' nixfa, ġibjuni vojta, diffikultajiet fis-saffi ta' l-ilma ta' taħt l-art, problemi b'ilma salmastru taħt l-art f'żoni saturati (water-tables) mal-kosta, tnaqqis fil-livelli ta' l-ilma ta' taħt l-art, tibdil fis-sistema idroloġika minħabba ppjanar insuffiċjenti, tibdil fil-livelli normali ta' xita u problemi ta' l-ilma minħabba f'kawżi naturali jew azzjoni umana, li jwasslu għal konsegwenzi li diġà kienu osservati mill-Kummissjoni fil-ħidma preparatorja tagħha;

iħeġġeġ għal politika ta' ippjanar ta' l-ilma koerenti fl-Istati Membri u fir-reġjuuni fejn il-fondi Komunitarji investiti fl-infrastruttura għandhom l-għan li jikkonservaw l-ilma, jżommu ż-żoni muntanjużi u l-artijiet niedja, jirriġeneraw iż-żoni forestali, jiffrankaw l-ilma u jkunu effiċjenti u jallokaw mill-ġdid l-ilma bejn użu u ieħor, u jtaffu s-sitwazzjonijiet ikkawżati minn perjodi ta' nixfa ħorox jew skarsezza ta' l-ilma, billi jkunu pprovduti mezzi addizzjonali ta' provvista ta' l-ilma (trasferimenti, ġibjuni u desalinizzazzjoni), skond il-punt 31 u l-punti sussegwenti li jidhru hawn isfel;

jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-“Kontroll tas-Saħħa” tal-Politika Agrikola Komuni, fir-rigward ta' l-inkużjoni tal-ġestjoni sostenibbli ta' l-ilma fost il-Kondizzjonijiet Statutorji Amministrattivi u l-Kondizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajba u l-proposta ta' inklużjoni ta' inċentivi għal immaniġġjar tajjeb ta' l-ilma fost il-miżuri ta' żvilupp rurali; jitlob li jkun ikkonsidrat u studjat il-valur ta' l-art għall-ħrit bħala mezz ta' ġenerazzjoni ta' l-umidità atmosferika u l-attrazzjoni tax-xita u l-waqfien tad-deżertifikazzjoni kkawżata mill-bidla fil-klima;

Rapporteur

:

Is-Sur Francisco CAMPS ORTIZ, President tal-Muniċipalità ta' Valencia (ES/PPE)

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropew

COM(2007) 414 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa fl-Ewropa billi jikkunsidraha bħala kompletament integrata fid-Direttiva 2000/60/KE, id-direttiva qafas ta' l-ilma, li għandha tkun il-bażi ġenerali ta' kull politika dwar l-ilma fl-Unjoni Ewropea;

2.

jappoġġja d-deskrizzjoni tal-Kummissjoni dwar id-differenza bejn “il-perjodu ta' nixfa” u l-iskarsezza ta' l-ilma li hija definita kif ġej: “Filwaqt li ‘n-nixfa’ tfisser tnaqqis temporanju fid-disponibilità ta' l-ilma minħabba pereżempju nuqqas ta' xita, ‘skarsezza ta' l-ilma’ tfisser li t-talba għall-ilma taqbeż ir-riżorsi ta' l-ilma li jistgħu jintużaw f'kundizzjonijiet sostenibbli.”

3.

jenfasizza li l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa huma fenomeni li jiġru f'ċerti partijiet tat-territorju ta' l-UE u għandhom jiġu ġestiti skond il-kundizzjonijiet lokali u reġjonali.

4.

iħeġġeġ lill-Istati Membri, lir-reġjuni u l-muniċipalitajiet Ewropej sabiex jistinkaw biex jippreżervaw u jibżgħu għall-ilma u jżidu r-riċiklaġġ: dawn huma prijoritajiet assoluti fost il-miżuri l-oħra għall-ġlieda kontra l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa; fl-istess ħin jappella biex jittieħdu l-miżuri strutturali adegwati biex il-problemi ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa jiġu indirizzati b'mod sostenibbli;

5.

jenfasizza li sabiex tiġi miġġielda l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa, għandha tingħata prijorità assoluta lill-ħolqien ta' ekonomija li tuża l-ilma b'mod effiċjenti u sostenibbli u li tibża' għalih. L-iffrankar ta' l-ilma jfisser ukoll l-iffrankar ta' l-enerġija. L-istess bħall-enerġija, l-ilma huwa bżonjuż għall-attivitajiet umani kollha, kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali;

6.

jenfasizza r-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jkollhom fl-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' Qafas ta' l-Ilma, l-ippjanar u l-użu ta' l-art u ta' l-ilma, l-iżvillup tas-setturi varji ta' l-ekonomija, il-protezzjoni ta' l-ambjent u l-assigurazzjoni ta' provvista għaċ-ċittadini ta' ilma biżżejjed li jkun ta' kwalità tajba;

7.

jinnota li r-reġjuni għandhom ħafna xi jgħidu dwar il-miżuri differenti mressqa mill-Kummissjoni, partikolarment dwar il-garanzija ta' l-aċċess għall-ilma deċenti liċ-ċittadini kollha, il-protezzjoni ta' l-ilma tal-wiċċ u ta' l-art, l-ippjanar razzjonali ta' l-użu ta' l-ilma, il-prevenzjoni u r-rimedju ta' l-iskarsezzi, fuq perjodu qasir, medju u dak fit-tul, l-iffissar tal-prezz tat-tmiem ta' l-ilma, l-allokazzjoni u r-riallokazzjoni ta' l-ilma bejn użu u ieħor, il-ħażna u r-riċiklaġġ ta' l-ilma u l-applikazzjoni tal-ġerarkija ta' l-ilma fl-isferi ekonomiċi kollha, l-iżgurar tal-flessibilità u l-mobilità tal-fluss ta' l-ilma bejn sistemi ta' ġestjoni ta' l-ilma interni u esterni, l-iżvilupp ta' l-infrastruttura ta' l-ilma, għar-reklamazzjoni ta' l-art, it-tfassil ta' pjanijiet għall-perjodi ta' nixfa, it-titjib ta' l-għarfien u l-informazzjoni, l-immobbilizzar tas-setturi ekonomiċi, u t-tkabbir ta' l-għarfien u l-garanzija tal-parteċipazzjoni pubblika;

8.

jenfasizza li f'dak li għandu x' jaqsam ma' l-ilma, il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-gvernanza f'ħafna livelli għandhom relevanza partikolari, għaliex hi r-responsabbilità ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali li permezz ta' kooperazzjoni mutwa u leali jieħdu azzjoni bħala tweġiba għall-perjodi ta' nixfa u ta' skarsezza ta' l-ilma;

9.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li anke jekk il-kundizzjonijiet klimatiċi u l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa jvarjaw fid-diversi reġjuni ta' fl-Unjoni Ewropea, is-soluzzjonijiet adottati għandu jkollhom ċerta omoġenjità fir-rispett għall-prinċipji ekoloġiċi tal-politika ta' l-ilma Ewropea. Għalhekk, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, ikun aħjar li tingħata preferenza lis-soluzzjonijiet lokali u reġjonali;

10.

jitlob għas-solidarjetà fl-Istati Membri kollha, l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u rwol ewlieni għar-reġjuni u l-muniċipalitajiet sabiex tissolva problema li qed taffettwa riżorsa vitali u l-protezzjoni tagħha;

11.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-prijorità hija li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jiffukaw fuq l-objettivi stabbiliti mid-direttiva ta' qafas ta' l-ilma. Għalhekk il-Kummissjoni hija mħeġġa li teżiġi b'insistenza li d-direttiva ta' qafas ta' l-ilma tiġi applikata.

Dwar l-effetti tal-perjodi ta' nixfa u l-iskarsezza ta' l-ilma

12.

jtenni l-preokkupazzjoni ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali dwar il-problemi osservati fil-Mediterran u fl-Ewropa ċentrali u tal-punent dwar il-perjodi ta' nixfa u fenomeni bħal snin anormali ta' nixfa, ġibjuni vojta, diffikultajiet fis-saffi ta' l-ilma ta' taħt l-art, problemi b'ilma salmastru taħt l-art f'żoni saturati (water-tables) mal-kosta, tnaqqis fil-livelli ta' l-ilma ta' taħt l-art, tibdil fis-sistema idroloġika minħabba ppjanar insuffiċjenti, tibdil fil-livelli normali ta' xita u problemi ta' l-ilma minħabba f'kawżi naturali jew f'azzjoni umana, li jwasslu għal konsegwenzi li diġà kienu osservati mill-Kummissjoni fil-ħidma preparatorja tagħha;

13.

japprova l-impenn tal-Kummissjoni li tkompli tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima;

14.

jenfasizza li r-Rapport ta' Sinteżi li jifforma parti mir-Raba' Rapport ta' Valutazzjoni tal-Panel Intergovernattiv tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC), li tressaq f'Valencia fis-27 ta' Novembru 2007 li jbassar b'“ċertezza kbira” li ħafna oqsma parzjalment-nexfin fil-baċir tal-Mediterran, “ser isofru tnaqqis tar-riżorsi ta' l-ilma minħabba l-bdil fil-klima”;

15.

jinnota li huma r-reġjuni u l-muniċipalitajiet li, minħabba l-viċinanza tagħhom ma' l-utenti finali, huma ta' l-ewwel li jkollhom jiffaċċjaw, ħafna drabi b'riżorsi inadegwati, il-problemi marbuta mal-perjodi ta' nixfa u l-iskarsezza ta' l-ilma. Barraminhekk, huma huma li jafu x'inhuma l-miżuri li huma rilevanti f'dan il-qasam, li jkunu jistgħu jimplimentaw dawn il-miżuri bi sħab ma' reġjuni u muniċipalitajiet oħra bl-appoġġ tal-gvern u ta' korpi Ewropej;

Dwar l-ippjanar u l-użu razzjonali ta' l-ilma

Il-prezz ta' l-ilma

16.

jinnota li meta tikkonsidra d-differenzi naturali, klimatiċi u ġeografiċi, id-diskrepanzi bejn l-infrastrutturi u l-modi differenti ta' kif is-servizzi pubbliċi huma organizzati f'kull qasam, l-ipprezzar ta' l-ilma u d-dranaġġ hi kwistjoni partikolarment sensittiva u importanti għall-amministraturi billi jridu jirrikonċiljaw l-inċentivi adattati għall-konsumaturi sabiex jagħmlu użu effiċjenti tar-riżorsi ma' l-impatt finanzjarju tal-prezzijiet fuq il-konsumaturi;

17.

jenfasizza li l-prinċipji ta' l-irkupru ta' l-ispejjeż u tal-konsumatur iħallas, li huma msemmija fid-Direttiva ta' Qafas ta' l-Ilma ma jwarrbux il-konsiderazzjoni ta' l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi ta' l-irkupru ta' l-ispejjeż u l-kondizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun(i) milqut(a); l-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji hi responsabbiltà ta' l-awtoritajiet li huma l-eqreb lejn iċ-ċittadini;

18.

jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat ukoll il-prinċipju li “min iniġġes iħallas” meta jiġi deċiż il-prezz ta' l-ilma, bħala t-tieni pilastru ta' ġestjoni integrata tar-riżorsi. Dan il-prinċipju jkun jimpenja lill-utenti kollha biex jużawh aħjar u jkun jippermetti li d-dħul jerġa jitqassam skond il-ħtiġijiet differenti u l-isforzi li jkunu saru.

19.

jagħraf il-bżonn li l-mekkaniżmi għall-kejl tal-konsum ta' l-ilma jidħlu fin-norma sabiex jiġi promoss l-iffrankar ta' l-ilma u l-użu effiċjenti u razzjonali tiegħu;

20.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex iżżomm quddiem għajnejha l-opinjonijiet, il-preokkupazzjonijiet u l-esperjenzi ta' l-Awtoritajiet reġjonali u lokali fl-istudji tagħha dwar l-iprezzar ta' l-ilma, b'mod speċjali fi kwistjonijiet bħalma huma l-konsegwenzi ta' prezzar strett li jħalli din ir-riżorsa disponibbli biss lis-setturi tas-servizzi u tal-konsumaturi; il-qafas legali madwar il-provvista, it-trattament u l-purifikazzjoni; l-impatt soċjali u ekonomiku ta' l-iprezzar ta' l-ilma u l-kalkolu ta' l-ispejjeż ambjentali tar-riżorsa;

L-ippjanar ta' l-ilma

21.

jikkunsidra li l-użu ta' l-art b'mod ekonomiku u sostenibbli, li jaqa' taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, huwa fattur prinċipali fil-ġestjoni tajba ta' l-ilma, u jenfasizza l-importanza ta' l-applikazzjoni stretta tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali u l-identifikazzjoni tal-baċiri tax-xmajjar Ewropej li qed jiffaċċjaw problemi dwar l-ilma jew skarsezza strutturali.

22.

jipproponi li l-UE tappoġġja r-reġjuni fit-turija ta' kooperazzjoni u solidarjetà fir-rigward ta' l-ilma;

23.

jenfasizza li, sabiex ikun hemm użu effiċjenti ta' l-ilma, għandu jkun possibbli li din ir-riżorsa tiġi ri-allokata bejn użi differenti skond iċ-ċirkustanzi. Hija r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri u r-Reġjuni li jiżviluppaw l-infrastrutturi meħtieġa u l-mekkaniżmi leġislattivi u ta' gvernanza li jippermettu dan, skond is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali;

24.

jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-“Kontroll tas-Saħħa” tal-Politika Agrikola Komuni, fir-rigward ta' l-inkużjoni tal-ġestjoni ta' l-ilma bħala sfida ġdida għall-Politika Agrikola Komuni. Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex isir studju dwar jekk il-kwistjonijiet tal-ġestjoni ta' l-ilma jistgħux jiġu integrati aħjar fil-programmi dwar l-iżvilupp rurali u tal-muntanji; Jirrakkomanda li jkun studjat il-valur ta' l-art għall-ħrit u taż-żoni muntanjużi, li huma sinjuri fir-riżorsi ta' l-ilma u dawk forestali, bħala mezz ta' ġenerazzjoni ta' l-umidità atmosferika u l-attrazzjoni tax-xita u l-waqfien tad-deżertifikazzjoni kkawżata mill-bidla fil-klima;

25.

jikkunsidra li l-ippjanar ta' l-ilma hu l-aħjar għodda għall-valutazzjoni ta' l-ilma disponibbli għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun;

26.

jitlob l-inklużjoni ta' miżuri li jipproteġu iż-żoni muntanjużi, l-artijiet niedja u ż-żoni ħodor sabiex jingħelbu l-konsegwenzi tal-perjodi ta' nixfa u għargħar marbuta mal-bidla fil-klima, filwaqt li jfakkar li dan jirrikjedi li l-ilma jkun użat b'mod ambjentalment responsabbli, u mingħajr ħela;

27.

jifhem, li fil-kuntest tad-Direttiva ta' Qafas ta' l-Ilma, il-ġestjoni tad-domanda ta' l-ilma u l-ippjanar ta' l-użu ta' l-ilma huma essenzjalment ibbażati fuq id-distretti tal-baċiri tax-xmajjar, b'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet reġjonali konċernati; madankollu jikkunsidra li dan il-prinċipju bażiku ma għandux iwassal għal problemi li jmorru lil hinn mill-fatt li l-fruntieri ta' reġjun jew distrett jitqiesu bħala insormontabbli;

28.

iħeġġeġ għal politika ta' ippjanar ta' l-ilma koerenti fl-Istati Membri u fir-reġjuuni fejn il-fondi Komunitarji investiti fl-infrastruttura għandhom l-għan li jikkonservaw l-ilma, jżommu ż-żoni muntanjużi u l-artijiet niedja, jirriġeneraw iż-żoni forestali, jiffrankaw l-ilma u jkunu effiċjenti u jallokaw mill-ġdid l-ilma bejn użu u ieħor, u jtaffu s-sitwazzjonijiet ikkawżati minn perjodi ta' nixfa ħorox jew skarsezza ta' l-ilma, billi jkunu pprovduti mezzi addizzjonali ta' provvista ta' l-ilma (trasferimenti, ġibjuni u desalinizzazzjoni), skond il-punt 37 u l-punti sussegwenti li jidhru hawn isfel;

29.

jikkunsidra l-bżonnijiet speċifiċi ta' l-ippjanar ta' l-ilma fil-gżejjer u r-reġjuni fejn, minħabba disponibbiltà baxxa ta' l-ilma, il-provvista bażika tista' tiġi pprovduta mid-desalinizzazzjoni ta' l-ilma baħar; f'dawn il-każijiet jirrakkomanda l-ewwel u qabel kollox l-użu effiċjenti ta' l-ilma segwit mit-titjib ta' l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli, u l-garanzija ta' aċċess għall-ilma permezz ta' sistemi għall-ħażna li jħallu riżervi adegwati, flimkien mal-promozzjoni u r-rijabilitazzjoni tal-ħażna tradizzjonali ta' l-ilma tax-xita u infrastrutturi tal-ħażna;

30.

il-ġestjoni integrata ta' l-ilma għandha tqis ir-rwol strateġiku tar-riżorsi ta' taħt l-art bħala riżerva ta' riżorsi li għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet ta' ġestjoni tan-nixfa u l-pjanijiet tal-provvista urġenti;

31.

jitlob għall-kooperazzjoni bejn il-fruntieri fil-ġestjoni ta' baċiri ta' l-ilma komuni u l-kooperazzjoni intergovernattiva fl-iskambju ta' l-aħjar prattiki u l-koordinazzjoni tal-politika: in-Nofsinhar ta' l-Ewropa dara l-iskarsezzi ta' l-ilma li issa qed jiżdiedu fl-Ewropa tat-Tramuntana bħala konsegwenza tal-bidla fil-klima, peress li problemi ta' għarar u skarsezza ta' ilma, li qegħdin isiru iktar frekwenti, ifissru li jridu jiġu ffaċċjati sfidi ġodda;

Dwar il-pjanijiet tal-ġestjoni ta' riskju ta' perjodi ta' nixfa

32.

jikkunsidra li l-implimentazzjoni ta' pjanijiet speċifiċi għall-perjodi ta' nixfa hu mezz effettiv sabiex nimxu minn ġestjoni ta' kriżi u ngħaddu għal ġestjoni ta' riskju ta' perjodu ta' nixfa, u jemmen li d-Direttiva ta' Qafas ta' l-Ilma hi flessibli biżżejjed li tiżviluppa pjanijiet speċifiċi għall-ġestjoni ta' l-ilma għall-baċiri tax-xmajjar konċernati;

33.

jemmen li, kif mistqarr fl-opinjonijiet preċedenti, it-triq 'il quddiem tinsab fl-iskambju ta' l-informazzjoni u l-abbozzar ta' protokol speċifiku għall-perjodi ta' nixfa jew, fuq livell nazzjonali, l-abbozzar ta' pjanijiet speċifiċi ta' ġestjoni; jagħraf ir-rwol prinċipali ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni ta' l-istrateġiji ta' l-adattazzjoni, billi jieħu approċċ integrat, u jinkoraġġihom biex jaġixxu fi sħubija ma' l-atturi prinċipali l-oħra, inklużi l-utenti. Fuq sfond tal-bidla fil-klima, ser ikun neċessarju li l-pjanijiet u l-istrumenti jkunu flessibbli u jinqasmu l-għarfien u l-esperjenzi; Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-ebda awtorità lokali jew reġjonali ma tiġġestixxi dan b'mod awtonomu. L-appoġġ li jingħata fil-forma ta' riżorsi, għarfien u informazzjoni huwa kruċjali biex jinkiseb suċċess. L-appoġġ jista' jkun provdut permezz ta' eżempji ta' prassi tajba minn aworitajiet lokali u reġjonali oħra, iżda l-Istati Membri u l-UE għandhom ikunu lesti li jaraw li dan l-appoġġ ikun disponibbli;

34.

jitlob għal aktar konsiderazzjoni tal-linji gwida imfassla fl-opinjonjiet dwar id-diżastri naturali u l-bidla fil-klima, partikolarment fir-rigward tar-rwol tar-reġjuni bħala “uffiċjali ta' l-infurzar” għall-politiki ta' adattazzjoni partikolari, u b'rispons għall-sfidi bħall-flussi migratorji, bidliet għall-leġislazzjoni, bidliet fl-attitudnijiet ta' l-utenti u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni mqassma, per eżempju, skond il-baċiri tax-xmajjar; b'mod partikolari, jenfasizza li l-mappa Ewropea tal-perjodi ta' nixfa, l-iskarsezzi ta' l-ilma u d-diżastri marbuta ser tinbidel hekk kif tinbidel il-klima;

35.

jipproponi li, flimkien ma' l-applikazzjoni tal-fondi tal-Komunità, jitwaqqaf programm speċifiku Ewropew għall-ilma sabiex ikun hemm investiment fl-infrastrutturi ta' l-ilma. Dan il-programm ikun jiġbor il-fondi mill-istrumenti eżistenti fl-estimi tal-Komunità. Il-mira tiegħu tkun li b'mod viżibbli u koerenti jappoġġja l-miżuri ta' aċċess għall-aktar teknoloġiji reċenti, l-implimentazzjoni ta' prattiki tajbin, miżuri ta' komunikazzjoni, titjib fil-gvernanza u għajuna biex tinħoloq kultura li tibża' għall-ilma;

Dwar l-użu tal-fondi Komunitarji

36.

jenfasizza li l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkun applikat f'sitwazzjonijiet ta' perjodi ta' nixfa katastrofika, u li n-nixfiet katastrofiċi għandhom ikunu inkorporati fil-pjanijiet ta' ħidma tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili, inklużi protokolli speċifiċi u b'kollaborazzjoni ma' l-osservatorju dwar il-perjodi ta' nixfa, permezz ta' sistema ta' twissija bikrija.

Dwar il-konsiderazzjoni ta' infrastruttura għall-provvista ta' l-ilma addizzjonali

37.

jikkunsidra li l-infrastrutturi għall-provvista ta' l-ilma addizzjonali (trasferiment ta' l-ilma, digi, impjanti tad-desalinizzazzjoni) jistgħu jkunu mezz għall-prevenzjoni ta' perjodi ta' nixfa ħarxa; dawn ma jistgħux jieħdupost l-użu responsabbli tar-riżorsi idriċi disponibbli;

38.

jirrakkomanda li miżuri addizzjonali għall-provvista ta' l-ilma għandhom jiġu adottati meta jitnedew il-miżuri preventivi kollha, b'konformità mas-sistema ġerarkika u soġġetti għall-ippjanar koerenti. L-użu ta' infrastrutturi differenti għandu jassigura l-iżvilupp ambjentali, soċjali u ekonomiku bbilanċjat u sostenibbli;

39.

jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat l-użu mill-ġdid ta' ilma ħażin ippurifikat permezz ta' regolamentazzjoni adegwata u infrastrutturi għad-distribuzzjoni bħala mezz ta' ġestjoni tat-talba; jenfasizza li hemm bżonn li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex l-ilma li jinkiseb wara t-trattament ta' l-iskart ma jintużax għax-xorb iżda jkun ristrett għal ċerti użi,li huma kumpatibbli ma' l-eżiġenzi ta' l-iġjene u l-ħarsien ta' l-ambjent;

40.

jikkunsidra li b'konformità mal-kondizzjonijiet tad-direttiva qafas, l-ippjanar idroloġiku nazzjonali, reġjonali u lokali għandu jinkludi l-valutazzjoni ta' l-iskarsezza strutturali ta' l-ilma u tar-riżorsi li jistgħu jintużaw b'mod sostenibbli f'dawn ir-reġjuni, u jieħu f'konsiderazzjoni l-potenzjal futur ta' l-oqsma ta' l-ippjanar u r-restrizzjonijiet ambjentali;

41.

hu favur it-trasferiment ta' riżorsi żejda u skambji oħra ta' l-ilma bejn is-sistemi f'kull Stati Membru bħala mezz ta' turija ta' solidarjetà fir-rigward ta' l-ilma, sakemm dawn il-miżuri jsarfu f'impatt pożittiv fuq l-ambjent, il-kwalità ta' l-ilmijiet tal-wiċċ u l-irkupru ta' l-ilma ta' taħt l-art u l-flussi ta' l-ilma;

42.

jikkunsidra li, fl-isfond tal-bidla fil-klima, l-effiċjenza enerġetika u s-sostenibbilità huma fatturi deċisivi meta ssir għażla bejn possibilitajiet għall-provvista esterna ta' l-ilma lill-oqsma ta' ppjanar (trasferiment jew desalinizzazzjoni); Id-desalinizzazzjoni huwa proċess li juża ħafna enerġija u għalhekk għandu impatt ambjentali qawwi u għandu jiġi kkunsidrat biss bħala għażla f'ċirkostanzi fejn il-benefiċċji huma akbar mill-impatt;

43.

jemmen li d-deċiżjonijiet dwar il-prattiċità u l-karatteristiċi tal-provvista esterna għandhom jieħdu f'konsiderazzjoni l-effetti ambjentali, l-effiċjenza enerġetika u l-ispejjeż ta' l-infrastruttura addizzjonali neċessarja biex tinkorpora l-flussi esterni ta' l-ilma fl-oqsma ta' l-ippjanar;

44.

jikkonkludi li l-informazzjoni u r-rispett tal-kundizzjonijiet ambjentali u ekonomiċi ser jgħinu biex jinkiseb il-kunsens soċjali dwar il-bini ta' infrastruttura għall-provvista ta' l-ilma (kanen, impjanti tad-desalinizzazzjoni). Fil-baċiri tax-xmajjar li qed jirċievu provvista addizzjonali, l-ilma għandu jintuża b'mod partikolarment konsistenti u responsabbli;

45.

ser iħares mill-qrib lejn l-istudji tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-infrastruttura tal-provvista addizzjonali ta' l-ilma, l-aktar fir-rigward tat-trasferimenti, ġibjuni u d-desalinizzazzjoni;

Dwar it-teknoloġiji u l-prattiċi effiċjenti fl-użu ta' l-ilma

46.

jappoġġja l-promozzjoni tar-riċerka li ser twassal biex l-attività ekonomika, il-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-effiċjenza fl-użu ta' l-ilma jkunu konformi ma' l-isfidi mqajma bl-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa. F'dan il-kuntest, is-soluzzjonijiet adegwati jistgħu jinkludu, inċentivi għal-manifatturi ta' impjanti sanitari biex jagħmlu prodotti aktar ekonomiċi, li jutilizzaw anqas ilma, il-penalizzazzjoni tal-ħela mhux ġustifikata, il-penalizzazzjoni ta' l-iddriljar u t-teħid illegali ta' l-ilma; taxxi u/jew konċessjonijet ta' taxxa, inċentivi għall-effiċjenza ta' l-ilma f'kull qasam, il-promozzjoni ta' l-użu ta' teknoloġiji ndaf fl-industrija, it-twaqqif ta' regoli bażiċi ċari u stabbli għat-trasferiment tad-drittijiet ta' l-użu ta' l-ilma bejn l-utenti u għall-kalkolazzjoni tal-kumpens meħtieġ, u l-iżvilupp ta' ftehimiet volontarji;

Dwar il-kultura għall-iffrankar ta' l-ilma fl-Ewropa

47.

iħeġġeġ l-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex joħolqu kampanji pubbliċi ta' komunikazzjoni, għarfien u informazzjoni li jenfasizzaw il-valur ta' l-ilma, u jinkludu l-importanza ta' imġiba favur l-ilma fil-programmi edukattivi u ta' taħriġ. Enfasi partikolari għandha tingħata lejn l-infurmar u t-tkabbir ta' l-għarfien fost it-turisti jew persuni oħra li jivvjaġġaw minn reġjun għall-ieħor;

48.

jikkunsidra li l-involviment tal-pubbliku fl-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' Qafas ta' l-Ilma u d-definizzjoni tal-politika ta' l-ilma għandha tipprovdi opportunità biex jitkabbar l-għarfien pubbliku u sabiex jinforma u jħeġġeġ lin-nies jużaw din ir-riżorsa b'mod responsabbli; dan japplika b'mod partikolari għall-abbozzar tal-pjanijiet dwar in-nixfa. Il-Kumitat għalhekk iħeġġeġ l-awtoritajiet sabiex jippromwovu dan l-involviment;

49.

jipproponi l-iżvilupp tal-mekkaniżmi tas-suq, l-infurzar mill-ġdid tal-kriterji għall-iffrankar ta' l-ilma fi ħdan iċ-ċiklu ta' ħajja tal-prodott u t-teħid f'konsiderazzjoni tas-sistemi ta' kwalità u ċertifikazzjoni bħall-EMAS fil-proċessi ta' produzzjoni, eko-disinn u tikketta “favur l-ilma” għall-prodotti, sabiex iċ-ċittadini u l-kuntratturi pubbliċi u privati jistgħu jitgħallmu dwar kif qed jużaw l-ilma u jbiddlu l-imġiba tagħhom rigward il-konsum;

50.

jikkunsidra li l-eko-effiċjenza ta' infrastruttura u l-apparat għandha tkun promossa permezz ta' kwalità ekwivalenti u sistemi ta' ċertifikazzjoni. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jippromovu l-iffrankar ta' l-ilma u r-riċiklaġġ fil-bini u fl-infrastrutturi urbani. Permezz ta' investimenti u leġislazzjoni flimkien mad-Direttiva dwar ir-Rendiment ta' l-Enerġija fil-Bini, ir-reġjuni jistgħu jħeġġu l-irkupru ta' l-ilma tax-xita u l-ilma mis-sistemi tat-tkessiħ tal-bini, u jista' jsir użu min-networks sekondarji fil-bliet u l-bini sabiex l-ilma mhux tajjeb għax-xorb jintuża għal skopijiet ta' tindif, irrigazzjoni u sanità. Il-faċilitajiet turistiċi, inklużi l-korsi tal-golf, kif ukoll l-istabbilimenti agrikoli, għandhom b'mod partikolari jenħtieġu li jużaw mill-ġdid u jirriċiklaw l-ilma li jużaw;

51.

jenfasizza r-rwol essenzjali tar-reġjuni u l-korpi lokali fit-twaqqif ta' sħubijiet mas-soċjetà ċivili u l-atturi ekonomiċi, permezz ta' ftehimiet volontarji, inċentivi u taxxi, bil-għan li jiffrankaw l-ilma u jtejbu l-effiċjenza;

52.

jinnota li l-ilma hu wieħed mill-oqsma fejn l-iktar qed jiġu investiti flus u sforzi fil-kooperazzjoni deċentralizzata mal-pajjiżi terzi, u huma n-netwerks tal-kooperazzjoni mwaqqfa mir-reġjuni u l-muniċipalitajiet li l-aktar li huma flessibli, magħqudin flimkien u qrib iċ-ċittadini; jitlob kollaborazzjoni u skambju ta' informazzjoni u esperjenzi bejn ir-reġjuni li qed jikkooperaw sabiex jinkisbu, permezz tal-kontribuzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Għanijiet tan-NU għall-Millenju;

53.

iħajjar l-iskambju ta' l-aħjar prattiċi u d-dibattitu bejn ir-reġjuni dwar is-suġġett ta' l-ilma, sabiex ikunu jistgħu jitgħallmu dwar esperjenzi ta' suċċess fl-immaniġjar ta' l-ilma;

Dwar i-sistema ta' informazzjoni Ewropea

54.

jikkunsidra li s-Sistema ta' Informazzjoni ta' l-Ilma għall-Ewropa (WISE) u l-immaniġjar ta' l-indikaturi huma mezz serju biex tinstab l-iskala, l-impatt u l-evoluzzjoni tal-perjodi ta' nixfa fl-Ewropa;

55.

jenfasizza r-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kumpilazzjoni tad-data, l-appoġġ għal riċerka bażika u l-monitoraġġ ta' l-informazzjoni, it-tħeġġiġ ta' l-iżvilupp ta' metodoloġiji komuni u kompatibbli, sistemi ta' indikaturi komparabbli, u prijorità ta' l-aċċess u l-koordinazzjoni ta' l-amministrazzjonijiet sabiex tinkiseb id-data sħiħa fl-oqsma tagħhom; B'hekk jappoġġja t-twaqqif ta' Osservatorju Ewropew tan-Nixfa u d-Deżertifikazzjoni għas-segwitu ta' l-iżvilupp ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-previżjonijiet tan-nixfa fil-kuntest tal-bidla fil-klima;

Dwar ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku

56.

jaqbel li hemm bżonn li jkun mifrux u iffaċilitat l-użu u l-esplojtazzjoni tar-riżultati tar-riċerka dwar l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa, u li l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp fi ħdan is-7 Programm Qafas ta' l-UE għandhom jitkattru u jkunu nkuraġġiti;

57.

jenfasizza l-importanza tar-reġjuni bħala forza mexxejja wara l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam ta' l-ilma, meta jitqies li l-effiċjenza ta' l-ilma ser ikun fattur dejjem aktar importanti għall-kompetittività; għalhekk, jipproponi li għal raġunijiet strateġiċi li jitmexxew 'il quddiem l-kooperazzjoni inter-reġjonali, l-iskambju ta' l-informazzjoni u s-sħubijiet strateġiċi ma' pjattaformi teknoloġiċi;

58.

fl-aħħar, jikkonkludi li fl-isfond tal-bidla tal-klima, il-proposti magħmula bħala reazzjoni għall-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u n-nixfa jistgħu jagħtu l-frott fi żmien qasir.

Brussell, l-10 ta' April 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/55


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-swieq ewropej fil-qasam ta' l-elettriku u l-gass: it-tielet pakkett leġislattiv

(2008/C 172/11)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-konsumatur għandu jitqiegħed fil-qalba tad-diskussjonijiet dwar il-liberalizzazzjoni ta' l-enerġija

għaldaqstant huwa favur miżuri addizzjonali għas-separazzjoni (unbundling) fil-qasam tat-trażmissjoni

jinnota bi pjaċir li l-pakkett leġislattiv jipproponi li jiffinalizza s-suq intern ta' l-enerġija permezz ta' miżuri leġislattivi addizzjonali maħsuba sabiex jassiguraw aċċess mhux diskriminatorju lill-kompetituri l-ġodda għan-netwerks tat-trażmissjoni u b'hekk tiġi promossa wkoll il-kompetizzjoni, tiġi stabbilita koordinazzjoni aħjar bejn ir-regolaturi u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, jiġu promossi l-investimenti fil-produzzjoni ta' l-elettriku u l-gass u tiżdied it-trasparenza tas-suq;

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tevita l-konċentrazzjoni tas-swieq u tiffavorixxi l-pluralità ta' operaturi privati u pubbliċi permezz ta' miżuri adattati; l-Istati Membri li jixtiequ għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-regoli dwar l-unbundling legali ta' l-operaturi tan-netwerks ta' trażmissjoni għall-kumpaniji ta' l-elettriku integrati li jservu inqas minn 100 000 klijent konness jew li jservu netwerks żgħar iżolati;

isejjaħ sabiex tiġi mħeġġa l-produzzjoni ta' l-enerġija lokali u reġjonali bbażata fuq is-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli, li jkunu adegwati b'kondizzjonijiet ambjentali tat-territorju kkonċernat filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trażmissjoni ta' l-enerġija u l-emissjonijiet fl-UE kollha kemm hi. Għalhekk hemm bżonn li titħeġġeġ it-tħejjija ta' pjanijiet ta' enerġija speċifiċi fil-livell reġjonali, li jridu jiġu kkoordinati u integrati sew kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Komunitarju;

Rapporteur

:

Michel LEBRUN (BE/PPE) Membru Parlamentari tar-Reġjun ta' Wallonja (BE/PPE)

Dokumenti ta' referenza

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/54/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku

COM(2007) 528 final — 2007/0195 (COD)

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/55/KE rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali

COM(2007) 529 final — 2007/0196 (COD)

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija

COM(2007) 530 final — 2007/0197 (COD)

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku

COM (2007) 531 final — 2007/0198 (COD)

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda (KE) Nru 1775/2005 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni tal-gass naturali

COM (2007) 532 final — 2007/0199 (COD)

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.

jfakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu kontribut sinfikattiv għas-suċċess ta' l-inizjattivi Ewropej u jaqdu rwol essenzjali fil-politika ta' l-enerġija Ewropea,

2.

jenfasizza li l-enerġija hija essenzjali kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-kompetittività ta' l-intrapriżi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala organizzazzjonijiet qrib iċ-ċittadini, jixtiequ li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-elettriku u l-gass mingħajr interruzzjonijiet, bi prezz kompetittiv u b'livell adegwat ta' servizzi,

3.

jenfasizza li l-konsumatur għandu jitqiegħed fil-qalba tad-diskussjonijiet dwar il-liberalizzazzjoni ta' l-enerġija,

4.

jinnota li l-liberalizzazzjoni ta' l-enerġija għadha ma tatx ir-riżultati mistennija f'bosta Stati Membri u ma jeżistix suq uniku ġenwin għall-elettriku u l-gass fi ħdan l-UE,

5.

jaqbel ma' l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nuqqasijiet osservati fis-swieq ta' l-elettriku u l-gass: il-konċentrazzjoni qawwija tas-suq, il-livell għoli ta' integrazzjoni vertikali ta' l-intrapriżi ta' l-enerġija, il-frammentazzjoni tas-swieq, in-nuqqas ta' trasparenza speċjalment fit-tfassil tal-prezzijiet u n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni,

6.

jinnota bi pjaċir li l-pakkett leġislattiv jipproponi li jiffinalizza s-suq intern ta' l-enerġija permezz ta' miżuri leġislattivi addizzjonali maħsuba sabiex jassiguraw aċċess mhux diskriminatorju lill-kompetituri l-ġodda għan-netwerks tat-trażmissjoni u b'hekk tiġi promossa wkoll il-kompetizzjoni, tiġi stabbilita koordinazzjoni aħjar bejn ir-regolaturi u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, jiġu promossi l-investimenti fil-produzzjoni ta' l-elettriku u l-gass u tiżdied it-trasparenza tas-suq,

7.

jilqa' b'mod favorevoli l-inklużjoni ta' l-iżvilupp tas-swieq reġjonali fil-pakkett leġislattiv, u jqisu bħala pass essenzjali fit-triq tas-suq uniku ta' l-elettriku u l-gass fi ħdan l-UE,

8.

għandu pjaċir li l-Kummissjoni Ewropea identifikat il-kompetittività, is-sigurtà tal-provvista u s-sostenibilità bħala objettivi tal-politika ta' l-enerġija Ewropea u qiegħda ssegwihom filwaqt li jenfasizza li dawn it-tliet objettivi m'humiex bilfors kompatibbli bejniethom, u tenħtieġ taħlita bbilanċjata bejn dawn l-objettivi differenti,

9.

jagħraf li t-tielet pakkett leġislattiv propost għandu l-għan li jtejjeb it-tħaddim tas-swieq Ewropej ta' l-elettriku u l-gass iżda jittama wkoll li l-pakkett iħaddan objettivi oħrajn tal-politiki Komunitarji, bħat-titjib fl-effiċjenza ta' l-użu ta' l-enerġija u t-tnaqqis fil-bidla fil-klima. Għaldaqstant, is-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli għandhom isiru l-iktar għażla ekonomika,

10.

ifakkar f'opinjoni preċedenti fejn il-KtR rrakkomanda l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż ambjentali fil-prezz tal-konsum (CdR 216/2005). Inizjattiva bħal din teħtieġ it-twaqqif ta' leġislazzjoni speċifika fil-livell ta' l-UE, billi l-pakkett leġislattiv ma jinkludihiex. Għaldaqstant il-KtR jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi sistema bħal din; Madankollu, matul it-tħejjija tagħha hemm bżonn li wieħed iżomm f'moħħu li jekk l-implimentazzjoni tat-tali inizjattiva twassal għal żieda fil-prezzijiet tal-konsum ta' l-enerġija, dan iwassal għal riperkussjonijiet fuq il-kompetittività ta' l-UE u fuq it-twettiq ta' l-objettivi ta' l-istrateġija ta' Lisbona,

11.

jikkunsidra li minkejja l-analiżi ta' impatt tal-KE, li kienet globalment pożittiva dwar it-tielet pakkett leġislattiv fir-rigward ta' l-enerġija, hemm bżonn li nibqgħu attenti għar-riperkussjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jista' jkollhom dawn il-miżuri proposti, speċjalment fil-livell reġjonali u lokali.

Is-suq intern ta' l-enerġija u l-gass

Fir-rigward tal-kompetizzjoni

12.

ifakkar li l-liberalizzazzjoni tas-swieq ta' l-elettriku u l-gass kellha ttemm il-monopolji ta' l-intrapriżi ta' l-enerġija fl-Istati Membri u tippromovi l-kompetizzjoni. Din ma tistax isseħħ ħlief jekk — fil-livell tal-provvista — bosta produtturi u fornituri jkunu tassew qegħdin jikkompetu ma' xulxin,

13.

jinnota li bħalissa s-swieq nazzjonali tal-produzzjoni ta' l-elettriku huma ddominati minn monopolju de facto jew minn oligopolju. Għall-gass naturali, l-għadd ta' produtturi potenzjali mhux biss huwa limitat, iżda barraminhekk, il-produtturi esterni għall-Unjoni Ewropea m'humiex soġġetti għar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea, minkejja li jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-provvista,

14.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tevita l-konċentrazzjoni tas-swieq u tiffavorixxi l-pluralità ta' operaturi privati u pubbliċi permezz ta' miżuri adattati. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' l-elettriku għandhom rwol ewlieni x'jaqdu u għaldaqstant, l-Istati Membri li jixtiequ għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-regoli dwar l-unbundling legali ta' l-operaturi tan-netwerks ta' trażmissjoni għall-kumpaniji ta' l-elettriku integrati li jservu inqas minn 100 000 klijent konness jew li jservu netwerks żgħar iżolati,

15.

jisħaq li l-kompetituri l-ġodda jistgħu jinvestu fil-kapaċitajiet ġodda tal-produzzjoni ta' l-elettriku u l-importazzjoni tal-gass sabiex tiġi żviluppata sitwazzjoni b'opportunitajiet indaqs għal kulħadd li toħloq suq kompetittiv,

16.

josserva li suq kompetittiv jippermetti wkoll lill-produtturi lokali u reġjonali ta' l-elettriku minn enerġija rinnovabbli jkollhom aċċess għall-konsumaturi b'mod ugwali.

Fir-rigward tal-ħtiġijiet tas-separazzjoni (unbundling)

17.

jinnota li s-separazzjoni (unbundling) legali u funzjonali fil-livell tat-trażmissjoni, li ilha obbligatorja mill-1 ta' Lulju 2004, m'hijiex biżżejjed sabiex jiġi assigurat it-tħaddim tajjeb tas-suq peress li ma twassalx għat-tneħħija tal-kunflitt ta' interess li ġġib magħha l-integrazzjoni vertikali,

18.

jaqbel mal-fehma li intrapriża integrata vertikalment għandha tendenza li tikkunsidra n-netwerks bħala assi strateġiċi li jservu l-interess kummerċjali tagħha, minflok l-interessi globali tal-klijenti tan-netwerks u speċjalment għandha tendenza li tinvesti inqas fin-netwerks ġodda minħabba l-biża li dawn l-investimenti jistgħu jgħinu lill-kompetituri jmorru tajjeb fis-suq nazzjonali,

19.

għaldaqstant huwa favur miżuri addizzjonali għas-separazzjoni (unbundling) fil-qasam tat-trażmissjoni,

20.

jinnota li s-separazzjoni (unbundling) tal-proprjetà, rakkomandata mill-KE, ma ntlaqgħetx b'unanimità mill-Istati Membri minkejja li hija tip ta' garanzija ta' aċċess indaqs għan-netwerks għall-fornituri kollha u għan-newtralità tal-politika ta' investiment fin-netwerks tat-trażmissjoni,

21.

għalhekk iħoss li l-Istati Membri li jixtiequ dan għandu jkollhom l-għażla li jieħdu l-approċċ ibbażat fuq l-operatur indipendenti tas-sistema (ISO) minkejja li din l-għażla tista' twassal għal effetti mhux mixtieqa għall-azzjonisti (telf tal-kontroll, privatizzazzjoni, eċċ). Għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom ukoll l-għażla “tas-separazzjoni effettiva u effiċjenti” li tkun ibbażata fuq l-indipendenza effettiva ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni min-naħa, u fuq regoli ċari dwar l-investimenti fin-netwerks min-naħa l-oħra,

22.

jixtieq li s-separazzjoni (unbundling) legali u funzjonali tad-distribuzzjoni, li ilha obbligatorja biss mill-1 ta' Lulju 2007, tiġi applikata mhux biss fis-sens strett tal-liġi iżda wkoll fl-ispirtu. Sabiex tiġi skoraġġita kemm jista' jkun il-konċentrazzjoni tas-suq, għandu jkun hemm ukoll strateġija li tappoġġja l-kumpaniji ta' l-enerġija ta' daqs medju u żgħir; għaldaqstant, il-Kumitat jieħu pjaċir li qiegħda tinżamm l-eżenzjoni attwali ta' l-operaturi ż-żgħar tan-netwerks ta' trażmissjoni (li jservu inqas minn 100 000 klijent),

23.

huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu mħeġġa jsiru azzjonisti attivi fil-ġestjoni tan-netwerk tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, ċentri ġenwini tas-suq ta' l-enerġija.

Fir-rigward tar-regolaturi ta' l-enerġija

24.

jinsisti fuq il-ħtieġa ta' korpi regolatorji indipendenti iżda li jkunu wkoll kompetenti u effiċjenti, f'suq fejn jeżistu operaturi monopolistiċi u/jew dominanti,

25.

bi pjaċir jinnota r-rwol armonizzat u rinfurzat tar-regolaturi nazzjonali. Ir-regolaturi m'għandhomx jiffokaw biss fuq l-attivitajiet regolati, iżda wkoll fuq it-tħaddim ġenerali tas-suq permezz tal-poteri diskrezzjonali ex-ante,

26.

jinnota li r-regolaturi ħafna drabi jkollhom viżjoni fuq perijodu qasir wisq sabiex inaqqsu t-tariffi tan-netwerk ta' l-elettriku u tal-gass, ikun xi jkun ir-riskju, u b'hekk ma jkunux jistgħu jaraw l-objettivi fuq perijodu fit-tul: l-aħjar żvilupp tan-netwerk u t-titjib — jew almenu ż-żamma — tal-kwalità tan-netwerk u s-servizzi; l-awtoritajiet regolatorji għalhekk għandhom jiġu pperswaduti jadottaw approċċ integrat fil-kompitu tagħhom, li m'għandux ifisser biss li jirregolaw il-prezzijiet,

27.

jisħaq fuq il-bżonn li r-regolaturi jipprovaw joħolqu inċentivi sabiex jitwettaq l-investiment neċessarju fin-netwerks inkluż dawk meħtieġa għall-enerġija rinnovabbli,

28.

isejjaħ għal metodoloġiji ta' benchmarking ta' tariffi u ta' spejjeż ta' aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni u distribuzzjoni, implimentati mir-regolaturi, integrati mhux biss mil-lat kwantitattiv (spejjeż), iżda wkoll kwalitattiv (eż. kriterji ta' affidabilità tal-kwalità tan-netwerks) sabiex jinżamm il-livell ta' kwalità attwali tan-netwerks.

Fir-rigward ta' l-investiment li jassigura s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija

29.

jinnota li s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija mhux biss hija mhedda min-nuqqas ta' investiment f'impjanti ġodda ta' l-elettriku, iżda apparti minn hekk, element fundamentali għas-sigurtà tal-provvista ser ikun l-iżvilupp ta' netwerks ġodda tat-trasport u d-distribuzzjoni, u t-tkabbir u t-titjib tan-netwerks eżistenti, kif ukoll il-linji ta' interkonnessjoni; minbarra investiment fuq skala kbira, dan ifisser li jkollhom jingħelbu diffikultajiet kbar fit-tfassil u l-proċedura,

30.

jinsisti fuq l-importanza ta' ambjent stabbli u attraenti għall-investiment,

31.

jenfasizza l-importanza li ser ikollha d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' l-enerġija sabiex tiġi assigurata s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija,

32.

isejjaħ sabiex tiġi mħeġġa l-produzzjoni ta' l-enerġija lokali u reġjonali bbażata fuq is-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli, li jkunu adegwati b'kondizzjonijiet ambjentali tat-territorju kkonċernat filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trażmissjoni ta' l-enerġija u l-emissjonijiet fl-UE kollha kemm hi. Għalhekk hemm bżonn li titħeġġeġ it-tħejjija ta' pjanijiet ta' enerġija speċifiċi fil-livell reġjonali, li jridu jiġu kkoordinati u integrati sew kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Komunitarju,

33.

jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa li jħeġġu lill-produtturi iżda wkoll lill-operaturi tan-netwerks jinvestu fil-kostruzzjoni ta' l-impjanti ta' l-elettriku, kif ukoll fl-infrastruttura tan-netwerks, sabiex ikun hemm aċċess ġust għall-produzzjoni lokali ta' l-enerġija rinnovabbli,

34.

madankollu, jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li, ġeneralment, in-netwerks m'humiex attwalment maħluqin sabiex jilqgħu parti sostanzjali ta' l-enerġija rinnovabbli. Dan ifisser li hemm bżonn ta' investiment u mezzi finanzjarji addizzjonali sabiex in-netwerks jiġu adattati għall-iżvilupp ta' l-enerġiji rinnovabbli. Hemm bżonn ukoll li ssir riflessjoni fuq is-soluzzjonijiet tal-ħażna ta' l-enerġija, li teħtieġ investimenti oħrajn mhux insinifikanti,

35.

jenfasizza li l-politiki ta' l-użu razzjonali ta' l-enerġija u ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija jirrappreżentaw l-aħjar mezz għat-tnaqqis tat-tensjoni attwali bejn l-offerta u d-domanda għall-enerġija.

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur

36.

ifakkar li l-obbligazzjoni tas-servizz pubbliku għandha tikkomplementa l-kompetizzjoni u tibqa' fil-qalba tal-proċess tal-ftuħ tas-suq,

37.

jirrakkomanda li l-libertà ta' l-għażla għall-konsumaturi teħtieġ li tkun akkumpanjata minn garanziji qawwija dwar id-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija. F'dan ir-rigward, ikun rakkomandabbli li d-dispożizzjonijiet tal-“Karta Ewropea għad-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija” tal-ġejjieni jkollhom valur legali,

38.

jilqa' b'mod favorevoli t-tnedija ta' forum dwar “il-bejgħ bl-imnut”, bħall-forums ta' Firenze u Madrid,

39.

jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ tas-swieq tal-bejgħ bl-imnut sabiex tevalwa l-effetti tal-liberalizzazzjoni fuq id-djar, bil-għan li tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq ta' l-enerġija u jitnaqqas ir-riskju ta' manipulazzjoni tas-suq,

40.

jenfasizza l-importanza ta' iżjed trasparenza fil-fatturi ta' l-elettriku u l-gass ħalli l-konsumaturi jitħajru jbiddlu l-għażliet tagħhom, billi jekonomizzaw fl-użu ta' l-enerġija u jżidu l-effiċjenza fl-użu tagħha,

41.

jinsisti fuq l-implimentazzjoni ta' sistemi newtrali ta' l-informatika li jkunu indipendenti mill-fornituri u li jippermettu l-ġestjoni awtomatika ta' “l-iswiċċ”,

42.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-introduzzjoni ġeneralizzata tal-kompjuters intelliġenti għandha sseħħ b'żewġ kondizzjonijiet preliminari: li tkun fattibbli mil-lat finanzjarju u proporzjonali ma' l-iffrankar ta' l-enerġija għat-tipi varji ta' klijenti,

43.

jirrakkomanda li fil-ġejjieni tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli sabiex jiġi miġġieled il-fenomenu tal-faqar ta' l-enerġija.

Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija

44.

fir-rigward tal-kwistjonijiet transkonfinali, jirrikonoxxi r-“regolatory gap” u l-bżonn li jittejbu l-interkonnessjonijiet f'ċerti partijiet tas-suq,

45.

madankollu, jappoġġja r-rinfurzar ta' l-ERGEG (Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass) minflok li jiġi ssostitwit b'aġenzija ġdida. Fil-fatt, minflok tiġi stabbilita struttura ġdida, bl-ispejjeż u l-burokrazija kollha li ġġib magħha, għandu jkun possibbli li nkomplu fuq l-istess bażi, b'ERGEG imsaħħaħ, li jkollu l-kompetenza li jindirizza l-problemi transkonfinali u li jiġi inkarigat ukoll minn dmirijiet oħra assenjati għall-aġenzija u li b'hekk ikun iġġustifikat it-twaqqif ta' aġenzija separata. Jekk il-kompetizzjoni ma tissaħħaħx biżżejjed b'dan il-mod, it-twaqqif ta' aġenzija separata jkun iġġustifikat.

L-iskambji transkonfinali

46.

japprezza li t-tielet pakkett leġislattiv isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni billi joħloq netwerk Ewropew għalihom. Dan iservi bħala inkoraġġiment għall-iskambji transkonfinali ta' l-elettriku u l-gass li huma prerekwiżiti għat-tħaddim sħiħ tas-suq intern. Kapaċità għolja mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni hija ħtieġa teknika bażika kemm għas-sigurtà tal-provvista kif ukoll għall-kompetizzjoni effettiva f'suq komuni ta' l-enerġija. Bħalissa, dan jgħodd l-iktar għall-Istati Membri ta' l-UE tal-Lvant, li qed jistinkaw biex ma jibqgħux jiddependu mill-pajjiżi ġirien tal-lvant għall-enerġija,

47.

huwa tal-fehma li għandu jkun hemm ċaqliq gradwali fid-direzzjoni ta' l-operaturi tan-netwerks tat-trażmissjoni reġjonali,

48.

fir-rigward tan-netwerk Ewropew ta' l-operaturi tat-trażmissjoni ta' l-elettriku u l-gass, jindika li l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea jagħtu lil dawn l-operaturi status kważi-regolamentarju filwaqt li r-rwol ta' l-aġenzija jidher ristrett għal dak ta' korp konsultattiv. Ċerti regoli bħar-regoli ta' trasparenza jew ir-regoli għall-iskambju għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet regolatorji,

49.

jilqa' b'mod favorevoli l-obbligazzjoni imposta fuq in-netwerk Ewropew ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' l-elettriku sabiex kull sentejn jiġi ppubblikat pjan ta' għaxar snin għall-investimenti fin-netwerks għall-Komunità kollha kemm hi,

50.

jixtieq li l-kompetituri ġodda fis-suq, speċjalment l-azjendi lokali u reġjonali ta' l-elettriku, ikollhom l-istess livell ta' informazzjoni dwar is-swieq daqs dawk li jkunu ilhom fis-suq.

Netwerk tat-trażmissjoni tal-gass

51.

huwa tal-fehma li d-disponibilità limitata tal-kapaċitajiet ta' ħażna tal-gass, li ħafna drabi tkun f'idejn l-operaturi li jkunu ilhom fis-suq, tolqot serjament lill-kompetizzjoni fis-settur tal-gass u indirettament lis-settur ta' l-elettriku fil-livell tal-produzzjoni. Għaldaqstant, jilqa' b'mod favorevoli l-proposti bil-għan li jittejjeb l-aċċess għall-impjanti tal-ħażna, kif ukoll l-impjanti tal-Gass Naturali Likwidu (LNG),

52.

jappoġġja l-implimentazzjoni ta' sistema ta' dħul-ħruġ li permezz tagħha l-kapaċità tiġi allokata għal żona/reġjun u mhux għal pipeline partikulari sabiex tiġi promossa l-kompetizzjoni.

Brussell, l-10 ta' April 2008

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/60


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2007-2008 — Pajjiżi pre-kandidati

(2008/C 172/12)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jemmen li jenħtieġ messaġġ aktar ċar lill-pajjiżi pre-kandidati dwar kif ser jingħaqdu ma' l-UE. L-adeżjoni individwali tista' tispira u timmotiva lill-pajjiżi biex iħaffu l-proċess globali. Is-suċċess tal-pajjiż fl-implimentazzjoni ta' l-indikaturi meħtieġa għandu jkun fattur determinanti fil-pass li bih jimxi lejn l-adeżjoni;

jinnota li hemm bżonn ta' aktar tisħiħ fil-kapaċità ta' l-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet tal-gvernijiet lokali fil-pajjiżi pre-kandidati peress li bħalissa l-awtoritajiet lokali u reġjonali m'humiex jipparteċipaw b'mod adegwat fil-proċessi ta' adeżjoni ta' l-UE;

jilqa' l-bidu tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) ma' l-UE u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina sabiex jaħdmu flimkien ħalli jwettqu l-obbligi li aċċettaw fil-ftehim;

jilqa' l-bidu tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) ma' l-UE u jappella lis-Serbja sabiex tkompli taqdi l-obbligi tagħha lejn it-Tribunal Internazzjonali tal-Kriminalità għal dik li qabel kienet il-Jugoslavja, peress li dawn jibqgħu kundizzjoni għal integrazzjoni akbar ma' l-UE;

jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma' l-UE u jħeġġeġ lill-gvern tal-Montenegro sabiex ikompli jaħdem fuq l-obbligi tiegħu skond il-Ftehim u fuq il-linji ta' l-implimentazzjoni ta' l-abbozz tal-pjan ta' azzjoni

Rapporteur

:

Kunsillier Martin HEATLEY (UK/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta' Warwickshire

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew: L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2007-2008.

COM(2007) 663 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A   Rakkomandazzjonijiet ġenerali

Progress ġenerali u skeda

1.

jemmen li jenħtieġ messaġġ aktar ċar lill-pajjiżi pre-kandidati dwar kif ser jingħaqdu ma' l-UE. L-adeżjoni individwali tista' tispira u timmotiva lill-pajjiżi biex iħaffu l-proċess globali. Is-suċċess tal-pajjiż fl-implimentazzjoni ta' l-indikaturi meħtieġa għandu jkun fattur determinanti fil-pass li bih jimxi lejn l-adeżjoni;

2.

jemmen li jrid jinstab bilanċ tajjeb bejn iż-żamma ta' l-entużjażmu u l-istabbiltà, u preparazzjoni kawta u tajba għall-proċess ta' adeżjoni fil-pajjiż potenzjalment kandidat;

3.

f'termini ta' opportunitajiet għal tkabbir ekonomiku, sigurtà fuq rotot ta' trasport u ta' l-enerġija vitali, u kunsiderazzjonijiet strateġiċi oħra, mingħajr ma ninsew il-valuri komuni ta' l-UE bħal-libertà, id-demokrazija u s-solidarjetà, jemmen li t-tkabbir hu importanti kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi kandidati u pre-kandidati; b'mod partikolari, il-prospett ta' l-adeżjoni huwa strumentali biex jiġu żgurati l-paċi u l-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent. Madankollu huwa preokkupat dwar “l-għeja tat-tkabbir” li deher f'xi Stati Membri ta' l-UE u għalhekk jemmen li għandu jkun promoss għarfien pubbliku akbar dwar l-opportunitajiet u l-isfidi ta' aktar tkabbir;

4.

jilqa' t-titjib ċar muri fit-tkabbir ekonomiku ġenerali, l-istabbiltà makro-ekonomika ġenerali u l-livell ta' għejxien ogħla fil-pajjiżi pre-kandidati, iżda jemmen li jrid jsir aktar sforz fit-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt u l-immodernizzar ta' l-istrutturi soċjali. It-titjib makroekonomiku għandu jiġi mmirat biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi. Speċifikament, isejjaħ għall-infurzar ta' l-istat tad-dritt — l-aktar permezz ta' riforma ġudizzjarja — u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, fosthom it-traffikar tal-persuni, għandhom ikunu l-ogħla prijoritajiet fil-pajjiżi pre-kandidati kollha;

5.

jappella lill-pajjiżi pre-kandidati kollha sabiex iżommu u jtejbu kontinwament relazzjonijiet tajbin mal-ġirien għaliex dawn jiffurmaw parti essenzjali mill-proċess ta' mixja lejn l-Unjoni Ewropea. Jindika wkoll il-ħtieġa li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent iżidu l-isforzi tagħhom sabiex isibu soluzzjonijiet li huma aċċettabbli għaż-żewġ naħat dwar kwistjonijiet li huma pendenti mal-pajjiżi ġirien tagħhom;

Komunikazzjonijiet

6.

jenfasizza li komunikazzjoni tajba hija essenzjali għas-suċċess kontinwu ta' l-istrateġija tat-tkabbir. Hemm bżonn li tingħata informazzjoni aħjar dwar il-benefiċċji u l-isfidi tal-proċess tat-tkabbir attwali, sabiex jiġi żgurat ftehim u aċċetazzjoni li l-proċess hu gradwali u mmexxi tajjeb. L-isferi kollha tal-gvernijiet tal-pajjiżi pre-kandidati għandhom jiġu megħjuna fl-isforzi tagħhom sabiex jinformaw il-pubbliku tagħhom aħjar dwar il-valuri Ewropej u l-benefiċċji tat-tqarrib lejn is-sħubija ma' l-UE kif ukoll dwar il-kondizzjonijiet ta' sħubija ma'l-UE. F'dan il-kuntest il-pubblikazzjoni tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ittkabbir għandhom jiġu ggarantiti fil-lingwi użati fil-pajjiżi pre-kandidati inkluż lingwi minoritarji;

7.

jirrakkomanda li l-istrument finanzjarju l-ġdid ta' l-UE, l-istrument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, għandu jintuża sabiex jitjieb l-għarfien dwar l-integrazzjoni ta' l-UE u jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni trans-konfinali, jissaħħu l-kapaċitajiet ta' l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-gvern lokali u reġjonali fil-Balkani tal-Punent, u li jinkludiehom fil-proċessi ta' l-adeżjoni;

8.

jirrakkomanda t-titjib fil-komunikazzjoni “vertikali” bejn l-uffiċċji tal-gvern ċentrali li jieħdu ħsieb l-integrazzjoni ta' l-Uefil-pajjiżi rispettivi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tal-gvernijiet lokali;

Il-bini tal-kapaċità u l-kooperazzjoni trans-konfinali

9.

jemmen li l-miżuri ta' għajnuna li jgħaqqdu lin-nies fil-livell lokali u reġjonali u li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi pre-kandidati, huma strumenti importanti ta' għarfien kulturali u politiku, li jistgħu jegħlbu dubji dwar il-kapaċità ta' integrazzjoni. Il-Kumitat ifakkar fir-rwol importanti li jaqdu l-ġemellaġġi u l-isħubiji ta' ġemellaġġ bejn il-bliet wara l-avvenimenti storiċi tad-disgħinijiet;

10.

jappella għal miżuri miżjuda sabiex flimkien mal-mekkaniżmi trans-konfinali eżistenti jippromovu l-kooperazzjoni inter-reġjonali u inter-muniċipali bejn l-Istati Membri ta' l-UE u l-pajjiżi pre-kandidati, u b'hekk tiġi inkoraġġita, per eżempju, l-inklużjoni tal-pajjiżi pre-kandidati fir-REKT (1);

11.

jenfasizza li l-bini ta' aktar kapaċità ammistrattiva, inkluż fil-livell lokali u reġjonali, hu essenzjali għat-twettiq b'suċċess tal-Kriterji ta' Kopenħagen. L-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi konċernati m'humiex infurmati biżżejjed u ġeneralment għad m'għandhomx il-kapaċità li jassorbu l-għajnuna finanzjarja ta' l-UE F'dan is-sens, il-KtR għandu sehem prinċipali fil-promozzjoni ta' seminars ta' taħriġ sabiex ikun hemm skambju ta' prattiki tajbin u tagħlimiet li jkunu ħadu l-awtoritajiet reġjonali u lokali ta' l-UE;

12.

jilqa', bħala pass importanti, il-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viża iffirmat bejn l-UE u l-pajjiżi pre-kandidati għaliex dan jiffaċilità l-kuntatti bejn il-persuni, u mhux biss bejn in-nies tal-pajjiżi Balkani tal-Punent, iżda ukoll bejn il-popli ta' l-UE u l-pajjiżi pre-kandidati;

13.

jinnota li hemm bżonn ta' aktar tisħiħ fil-kapaċità ta' l-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet tal-gvernijiet lokali fil-pajjiżi pre-kandidati peress li bħalissa l-awtoritajiet lokali u reġjonali m'humiex jipparteċipaw b'mod adegwat fil-proċessi ta' adeżjoni ta' l-UE;

14.

jilqa' proġetti li jgħaqqdu l-awtoritajiet lokali tal-pajjiżi membri ta' l-UE u l-pajjiżi pre-kandidati bħal ma hu l-“Proġett Skambju” fis-Serbja li inkluda fih terz tal-muniċipalitajiet u esponihom għall-prattiki Ewropej fil-ġestjoni tal-proġett kif ukoll bl-assistenza li ta fit-twaqqif ta' kuntatti bejn l-UE u l-awtoritajiet lokali Serbi;

15.

jinkoraġġixxi l-bini tal-kapaċitajiet ta' l-awtoritajiet ċentrali lokali u reġjonali fil-pajjiżi pre-kandidati sabiex il-politiki ambjentali tagħhom jimxu fuq l-istess linja tar-rakkomandazzjonijiet ta' l-UE;

16.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li d-demokrazija fil-pajjiżi pre-kandidati hija reċenti u fraġli. L-iżvilupp u t-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet u r-regoli tad-demokrazija rappreżentattiva jeħtieġu impenn determinat u tenaċi. Dan jgħodd b'mod partikolari għal-livell lokali u reġjonali, minħabba l-importanza kruċjali tiegħu għal soċjetà stabbli u demokratika u għal gvernanza responsabbli (good governance);

Is-soċjetà ċivili u l-ħajja pubblika

17.

jemmen li s-settur ċivili hu element importanti ħafna fil-bini ta' soċjetà demokratika. Hemm bżonn ta' aktar żvilupp u bini ta' kapaċità f'dan is-settur sabiex ikun mgħejun ir-rwol importanti tagħhom fit-tkattir tat-trasparenza u l-promozzjoni tad-demokrazija. Is-settur ċivili jista' jilgħab parti importanti billi jinforma lill-pubbliku dwar l-UE u jgħin l-inklużjoni taċ-ċittadini fil-proċessi ta' adeżjoni;

18.

jitlob għal aktar titjib fid-drittijiet tan-nisa', it-tfal u l-anzjani. Għandhom jittieħdu aktar passi sabiex jitjiebu l-opportunitajiet indaqs, jiġi żgurat impjieg aħjar u titħeġġeġ parteċipazzjoni aktar attiva tan-nisa fil-ħajja politika. Għandha bżonn tissaħħaħ l-protezzjoni tan-nisa t-tfal u l-anzjani kontra kull forma ta' vjolenza, inkluż it-traffikar tal-persuni;

19.

jinkoraġġixxi aktar żvilupp fl-istatus tan-nies b'diżabbiltà. It-titjib ta' l-opportunitajiet ta' impieg għall-persuni b'diżabbiltà, huwa fattur pjuttost importanti, għaliex huwa pass essenzjali fl-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà;

20.

jinkoraġġixxi aktar titjib fid-drittijiet tal-minoranzi, u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-kulturi tagħhom ikunu jistgħu jiżviluppaw u jiffjorixxu.. Iżda hemm bżonn ta' proċedura effikaċi għal titjib globali fl-attitudni lejn gruppi etniċi, u ta' impenn għat-tolleranza u r-rikonċiljazzjoni;

B.   Kummenti speċifiċi dwar il-pajjiżi

L-Albanija

21.

għandhom ikunu mfaħħra l-kisbiet ta' amministrazzjoni aħjar, b'mod partikolari t-titjib tar-reġistru ċivili, il-karti ta' l-identità u l-introduzzjoni ta' passaporti bijometriċi; jittama li dan ser iwassal għal titjib fil-proċess elettorali wara li l-aktar elezzjonijiet lokali reċenti naqsu milli jżommu ma' l-obbligi u l-istandards internazzjonali;

22.

jilqa' l-approċċ aktar strateġiku tal-gvern fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Madankollu jagħraf li l-korruzzjoni fl-Albanija għadha mifruxa ħafna u hija problema li għandha tittieħed bis-serjetà. Minkejja li sar xi titjib fis-sistema ġudizzjarja, din għadha dgħajfa u fil-bżonn ta' aktar riformi, speċjalment fl-oqsma ta' l-indipendenza, it-trasparenza u l-effiċjenza. Għalhekk huwa partikolarment importanti li l-istrateġija ppjanata għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni għall-perijodu 2007-2013 tidħol fis-seħħ u tiġi implimentata bis-sħiħ u li l-miżuri jkunu bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp GRECO (2) tal-Kunsill ta' l-Ewropa;

23.

jinnota l-klima pożittiva ħafna fir-relazzjonijiet bejn ir-reliġjonijiet għaliex dawn jagħtu eżempju tajjeb fir-reġjun, iżda jħeġġeġ aktar titjib fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta' l-espressjoni;

24.

jappella lill-awtoritajiet ta' l-Albanija sabiex ikomplu jaħdmu biex itejbu l-pożizzjoni tal-minoritajiet b'konformità ma' l-aħjar prattiki Ewropej u l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali. Jirrakkomanda bil-qawwa li fil-parlament Albaniż jiġu inklużi rappreżentanti tal-minoraitajiet u li jiġi żgurat li t-tagħlim tal-lingwi minoritarji jiġi estiż sabiex jinkludi l-membri kollha tal-minoritajiet etniċi mal-pajjiż kollu;

25.

jagħraf l-isforzi ta' l-Albanija fiż-żamma u l-iżvilupp ta' relazzjonijiet tajba ma' l-Istati Membri u ma' pajjiżi pre-kandidati oħra;

26.

jikkonsidra li hemm bżonn ta' aktar aġġornament tal-kapaċità amministrattiva sabiex il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni (FSA) jiġi implimentat b'suċċess. L-amministrazzjonijiet ta' l-awtoritajiet lokali u l-Assoċjazzjoni Albaniża tal-Muniċipalitajiet għandhom bżonn ta' aktar bini tal-kapaċità sabiex ikunu jistgħu jassorbu l-fondi ta' l-Istrument ta' Assisstenza ta' Qabel l-Adeżjoni;

Bosnja -Ħerzegovina

27.

jilqa' l-bidu tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) ma' l-UE u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina sabiex jaħdmu flimkien ħalli jwettqu l-obbligi li aċċettaw fil-ftehim;

28.

jilqa' d-dikjarazzjoni dwar riformi fil-forzi tal-pulizija fil-Bosnja-Ħerzegovina u jitlob li l-firmatarji kollha jaħdmu sabiex ikun hemm riforma fil-pulizija skond il-prinċipji ta' l-UE. Ir-riforma tal-pulizija għadha meħtieġa għall-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA);

29.

jilqa' d-determinazzjoni ta' l-istrutturi tal-gvern lokali fil-Bosnja–Ħerzegovina sabiex jadottaw l-aħjar prattiki ta' titjib fl-għoti ta' servizzi u jilqa' l-preparazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet tal-gvern lokali taż-żewġ entitajiet sabiex jaħdmu flimkien għat-titjib tal-kwalità tas-servizzi lokali għaċ-ċittadini;

30.

jilqa' r-riformi kontinwi tal-gvern lokali u jinnota li l-leġislazzjoni taż-żewġ entitajiet dwar it-tmexxija awtonoma lokali hi kompatibbli mal-Karta Ewropea għat-Tmexxija Awtonoma Lokali;

31.

jikkonsidra li hemm bżonn ta' aktar titjib fil-kapaċità amministrattiva sabiex il-FSA jiġi implimentat b'suċċess. L-amministrazzjonijiet ta' l-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet tal-gvernijiet lokali fiż-żewġ entitajiet għandhom bżonn li jsaħħu aktar il-kapaċità tagħhom sabiex ikunu jistgħu jassorbu u jibbenefikaw kompletament mill-fondi ta' l-Istrument ta' Assistenza Qabel l-Adeżjoni;

32.

jilqa' l-progress li sar fir-ritorn tar-refuġjati u persuni spostati internament u jinkoraġġixxi l-organizzazzjonijiet u l-aġenzji relevanti biex ikomplu jaħdmu biex itejbu l-kondizzjonijiet ta' ritorn sostenibbli;

33.

jilqa' l-iżvilupp fil-kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks-Jugoslavja li ġeneralment jidher li tinsab fuq livell sodisfaċenti, iżda se jkun hemm bżonn ta' kooperazzjoni sħiħa għall-firma tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

Is-Serbja

34.

iħeġġeġ lis-Serbja biex tkompli tersaq lejn l-UE, u biex tipprova tgħix fil-paċi mal-pajjiżi ġirien tagħha;

35.

jilqa' l-bidu tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) ma' l-UE u jappella lis-Serbja sabiex tkompli taqdi l-obbligi tagħha lejn It-Tribunal Internazzjonali tal-Kriminalità għall-eks-Jugoslavja, peress li dawn jibqgħu kundizzjoni għal integrazzjoni akbar ma' l-UE;

36.

jagħraf il-progress li sar fil-qasam tar-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika li qed timxi ma' l-istandards Ewropej u jinnota l-kapaċità amministrattiva tajba li s-Serbja uriet fil-kuntest tan-negozjati dwar il-FSA;

37.

jilqa' l-inizjattiva mnedija mill-Ministru għall-Ġustizzja sabiex jagħmel analiżi profonda tas-sistema ġudizzjarja minħabba li l-implimentazzjoni tal-qafas legali maħsuba fil-kostituzzjoni l-ġdida għadha pendenti. Hemm bżonn ta' aktar sforz sabiex tkun żgurata l-indipendenza, l-akkontabbiltà u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja;

38.

jilqa' l-implimentazzjoni li seħħet dwar l-istrateġija kontra l-korruzzjoni, iżda jinnota li l-korruzzjoni għadha mifruxa u tikkostitwixxi problema serja fis-Serbja;

39.

jilqa' l-iżvilupp fir-rispett lejn, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi u jinkoraġġixxi l-gvern sabiex jiffoka l-isforzi tiegħu fit-titjib tad-drittijiet tal-gruppi etniċi, b'mod speċjali fil-qasam ta' l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa, id-djar u l-impiegi;

40.

iħeġġeġ lill-Parlament Serb sabiex jirratifika l-Karta Ewropea dwar it-Tmexxija Lokali Awtonoma;

41.

jikkonsidra li hemm bżonn ta' aktar aġġornament tal-kapaċità amministrattiva sabiex il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jiġi implimentat b'suċċess. L-amministrazzjonijiet ta' l-awtoritajiet lokali u l-Konferenza Permanenti tal-Bliet u l-Muniċipalitajiet għandhom bżonn ta' aktar bini ta' kapaċità sabiex ikunu jistgħu jassorbu u jibbenefikaw kompletament mill-fondi ta' l-Istrument ta' Assisstenza ta' Qabel l-Adeżjoni;

Kosovo (skond riżoluzzjoni nru. 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti)

42.

id-dikjarazzjoni ta' l-indipendenza tal-Kosovo tas-17 ta' Frar issa hi realtà; jilqa' d-deċiżjoni li titnieda l-missjoni PESD dwar l-istat tad-dritt u l-istabbiltà, EULEX Kosovo. Iż-żamma ta' l-istat tad-dritt u l-istabbiltà hija fl-interess ta' kulħadd; il-gruppi etniċi jridu jgħixu flimkien fil-paċi;

43.

jilqa' l-introduzzjoni ta' l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni dwar ir-Riforma ta' l-Amministrazzjoni Pubblika 2006-2011 minħabba li l-amministrazzjoni pubblika hi dgħajfa u ineffiċjenti u r-riformi għadhom fi stadju bikri;

44.

jemmen li filwaqt li sar ċertu progress fuq livell ta' gvern lokali, il-kapaċitajiet amministrattivi tiegħu għadhom dgħajfa;

45.

jilqa' it-twaqqif ta' l-Aġenzija Kontra l-korruzzjoni tal-Kosovo iżda jemmen li hemm nuqqas ta' rieda politika ċara biex tkun miġġielda l-korruzzjoni, li għada problema serja. Jenħtieġ aktar bini tal-kapaċità tal-persunal ta' l-Aġenzija kif ukoll it-tkomplija tax-xogħol dwar l-iżvilupp tal-qafas leġislattiv u l-implimentazzjoni tal-miżuri;

46.

jiddispjaċih bil-ftit progress li inkiseb fil-qasam tad-drittijiet u tal-libertajiet ċivili u politiċi u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Kosovari sabiex iwettqu aktar investigazzjonijiet dwar aktar minn 2000 persuna mitlufa bħala pass importanti lejn ir-rikonċiljazzjoni;

47.

jilqa' l-fatt li l-elezzjonijiet fil-Kosovo f'Novembru 2007 saru b'mod paċifiku; jappella lill-awtoritajiet Kosovari u Serbi sabiex ikomplu jaħdmu lejn soluzzjoni paċifika tas-sitwazzjoni politika attwali u jemmen b'konvinzjoni li ma jista' jkun hemm l-ebda lok għall-vjolenza fil-Kosovo u li Kosovo multi-etnika tista' tinbena biss permezz tal-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet kollha;

Il-Montenegro

48.

jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma' l-UE u jħeġġeġ lill-gvern tal-Montenegro sabiex ikompli jaħdem fuq l-obbligi tiegħu skond il-Ftehim u fuq il-linji ta' l-implimentazzjoni ta' l-abbozz tal-pjan ta' azzjoni;

49.

jilqa' l-adozzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida;

50.

jagħraf ir-riżultati tajbin tal-Montenegro ta' wara l-indipendenza fit-twaqqif ta' relazzjonijiet bilaterali tajbin mal-pajjiżi tat-tkabbir u l-Istati Membri ġirien kif ukoll il-progress tajjeb fil-parteċipazzjoni f'inizjattivi reġjonali u fil-Kunsill ta' l-Ewropa;

51.

jilqa' l-miżuri imnedija mill-gvern sabiex jiġġieled kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni iżda jinnota li dawn il-kwistjonijiet għadhom jidhru bħala ta' tħassib serju u jħeġġeġ lill-gvern sabiex ikompli bl-iżvilupp ta' miżuri kontra l-korruzzjoni u jagħmel sforz akbar fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Enfasi partikolari għandha tkun il-kontinwazzjoni tar-riformi tas-sistema ġudizzjarja;

52.

jinnota r-riforma kontinwa ta' l-amministrazzjoni pubblika. Madankollu, hemm bżonn ta' aktar bini ta' kapaċità b'mod partikolari fl-oqsma tat-trasparenza, l-akkontabbiltà, l-akkwist pubbliku kif ukoll fl-immanniġġjar tar-riżorsi pubbliċi u l-proceduri ta' liċenzji;

53.

jikkonsidra li hemm bżonn ta' aktar aġġornament tal-kapaċità amministrattiva sabiex is-SAA (Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni) jiġi implimentat b'suċċess. L-amministrazzjonijiet ta' l-awtoritajiet lokali u l-Assoċjazzjoni tal-gvern lokali tal- Montenegro għandhom bżonn ta' aktar bini ta' kapaċità sabiex ikunu jistgħu jassorbu l-fondi ta' l-IPA (Strument ta' Assisstenza ta' qabel l-Adeżjoni).

Brussell, l-10 ta' April 2008

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  REKT =- Raggruppament Ewropew għal Kooperazzjoni Territorjali.

(2)  GRECO — “Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni” hu l-istrument tal-Kunsill ta' l-Ewropa mwaqqaf fl-1999 biex jifli l-konformità ta' l-Istati ma' l-istandards ta' kontra l-korruzzjoni ta' l-Organizzazzjoni. Għal iktar informazzjojni: http://www.coe.int/t/dg1/Greco/Default_en.asp


5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/65


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fis-soċjetà

(2008/C 172/13)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jiddispjaċih li għalkemm, fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tgħid li fit-tħejjija ta' Strateġija għaż-Żgħażagħ huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-leġislaturi u l-partijiet interessati fil-livelli Ewropej, nazzonali, reġjonali u lokali, hija xorta ma tfissirx fid-dettall ir-rwol tal-livelli reġjonali u lokali fil-Politika dwar iż-Żgħażagħ;

jenfasizza li l-Politika dwar iż-Żgħażagħ hija sostanzjalment implimentata fil-livelli reġjonali u lokali. L-istrateġiji lokali u reġjonali jikkontribwixxu b'mod sostanzjali fl-implimentazzjoni ta' miżuri importanti għat-titjib fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-integrazzjoni soċjali u professjonali u għal ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ;

jaqbel mal-Kummissjoni li s-sistemi nazzjonali u reġjonali ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ għandhom jgħallmu l-kompetenzi bażiċi importanti għas-suq tax-xogħol. Madanakollu jemmen li edukazzjoni solida, bażika u tajba tal-personalità hija importanti ħafna u tinfluwenza l-parteċipazzjoni ta' l-individwu fil-ħajja soċjali;

b'kuntrast ma' dak li temmen il-Kummissjoni, jikkunsidra li fost it-tfal tal-kindergarten, il-prijorità għandha tkun l-iżvilupp tal-personalità ġenerali tagħhom u mhux daqstant l-iżvilupp tal-kompetenzi ċentrali tagħhom;

jemmen li s-sistema ta' taħriġ doppju, applikata f'numru ta' stati, li tabbina t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u t-taħriġ fl-iskola, hija metodu li jimmira lejn l-integrazzjoni ta' l-akbar numru possibbli ta' żgħażagħ u jiddispjaċih li f'ħafna Stati Membri, dan it-tip ta' taħriġ ftit li xejn huwa attraenti jew aċċettat.

Rapporteur

:

Is-Sur Gebhard HALDER (AT/PPE); President tal-Landtag ta' Vorarlberg

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà

COM(2007) 498 finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

1.

jinnota li ż-żgħażagħ huma sors ta' potenzjal għall-iżvilupp tas-soċjetà. Kull ma jmur, il-futur ta' l-Unjoni Ewropea, ta' l-Istati Membri u ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali qiegħed jiddependi dejjem aktar fuq il-kapaċità li nibnu soċjetà favur it-tfal u ż-żgħażagħ;

2.

jenfasizza li ż-żgħażagħ huma fattur importanti ħafna għas-saħħa ekonomika tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet Ewropej u s-suċċess tagħhom fil-kompetizzjoni globali. L-involviment taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea fis-soċjetà huwa bażi importanti għall-koeżjoni soċjali u għall-iżvilupp paċifiku u demokratiku ta' l-Ewropa u dan għandu jibda sa miż-żgħożija;

3.

jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa (1). Skond din l-opinjoni, qegħdin jitwieldu ftit wisq trabi sabiex jinżamm il-livell attwali tal-popolazzjoni. Dan qiegħed iwassal għal bidliet kbar fid-daqs u fl-età tal-popolazzjoni Ewropea u għalhekk jenfasizza l-bżonn ta' politika sostenibbli li tista' tiġi addattata għal ġenerazzjonijiet differenti;

4.

jirrikonoxxi għalhekk li l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ (2) li kien adottat mill-Kunsill Ewropew, fir-Rebbiegħa ta' l-2005, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar politika Ewropea dwar iż-żgħażagħ (3), u l-Komunikazzjoni attwali jitrattaw suġġett importanti ħafna;

5.

jappoġġja l-approċċ trasversali li ġie propost mill-Kummissjoni. Huwa importanti li l-interessi taż-żgħażagħ jiġu kkunsidrati b'mod konsistenti fl-oqsma ta' politika kollha sabiex b'hekk ikun hemm enfasi speċjalizzata fuq il-bżonnijiet taż-żgħażagħ;

6.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-Istati Membri u l-livelli reġjonali u lokali huma responsabbli mill-introduzzjoni ta' miżuri adegwati fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-qgħad, li ġew indirizzati fil-Komunikazzjoni. Il-livell Ewropew jaqdi biss rwol addizzjonali ta' koordinazzjoni u ta' appoġġ;

7.

f'dan il-kuntest jixtieq isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta sew jekk il-miżuri proposti jikkonformawx mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità li ssaħħu mit-Trattat ta' Riforma ta' l-UE;

8.

jinnota li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda valutazzjoni ta' l-impatt relatata mal-Komunikazzjoni u jiddispjaċih li m'eżaminatx il-piż amministrativ u finanzjajru ta' din l-implimentazzjoni fil-livelli reġjonali u lokali.

L-importanza tal-livelli reġjonali u lokali

9.

jiddispjaċih li għalkemm, fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tgħid li fit-tħejjija ta' Strateġija għaż-Żgħażagħ huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-leġislaturi u l-partijiet interessati fil-livelli Ewropej, nazzonali, reġjonali u lokali, hija xorta ma tfissirx fid-dettall ir-rwol tal-livelli reġjonali u lokali fil-Politika dwar iż-Żgħażagħ;

10.

jenfasizza li l-Politika dwar iż-Żgħażagħ hija sostanzjalment implimentata fil-livelli reġjonali u lokali. L-istrateġiji lokali u reġjonali jikkontribwixxu b'mod sostanzjali fl-implimentazzjoni ta' miżuri importanti għat-titjib fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-integrazzjoni soċjali u professjonali u għal ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ. Huwa proprju fil-livell reġjonali u lokali li wieħed jista' jiffoka fuq il-bżonnijiet speċifiċi taż-żgħażagħ u huwa sewwa sew f'dan il-livell li tista' tittieħed azzjoni aktar speċifika;

11.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra d-diversità nazzjonali, reġjonali u lokali li teżisti fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, taż-żgħażagħ u ta' l-impjieg. It-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-miżuri komplementari ta' koordinazzjoni u ta' appoġġ għandhom iseħħu bil-parteċipazzjoni tal-livelli lokali u reġjonali u mhux tal-livell nazzjonali biss.

Aktar edukazzjoni u edukazzjoni aħjar għaż-żgħażagħ kollha

12.

jenfasizza li s-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ Ewropej għandhom rwol ċentrali x'jaqdu fl-iżvilupp tal-potenzjal kompetittiv ta' l-UE fil-perijodu fit-tul u jilqa' għalhekk il-kontenut tal-programm ta' ħidma intitolat “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” (4). Madanakollu jemmen li għandhom jiġu rrispettati r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri u tal-livelli reġjonali u lokali li jistabbilixxu l-kontenut u l-forma tas-sistemi edukattivi tagħhom, kif ukoll id-diversità tal-kulturi u l-lingwi tagħhom;

13.

jaqbel mal-Kummissjoni li s-sistemi nazzjonali u reġjonali ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ għandhom jgħallmu l-kompetenzi bażiċi li huma importanti għas-suq tax-xogħol. Madanakollu jemmen li edukazzjoni solida, bażika u tajba tal-personalità hija importanti ħafna u tinfluwenza l-parteċipazzjoni ta' l-individwu fil-ħajja soċjali;

14.

b'kuntrast ma' dak li temmen il-Kummissjoni, jikkunsidra li fost it-tfal tal-kindergarten, il-prijorità għandha tkun l-iżvilupp tal-personalità ġenerali tagħhom u mhux daqstant l-iżvilupp tal-kompetenzi ċentrali tagħhom. Per eżempju, meta lit-tfal wieħed jintroduċilhom it-teknoloġija jew ix-xjenza permezz tal-logħob, ikun qiegħed irawwem fihom il-potenzjal u l-interess f'dawn l-oqsma. Il-quddiem, dan jista' jkollu influwenza kbira fuq l-għażliet li jagħmlu għall-karriera tagħhom;

15.

jiġbed atttenzjoni lejn is-sinifikat tat-tagħlim tal-lingwi sa mill-bidu tat-tfulija, b'mod partikulari għat-tfal migranti. Dan jista' jservi ta' bażi għat-tagħlim futur tal-lingwi fost dawn it-tfal;

16.

jemmen li s-sistema ta' taħriġ doppju, applikata f'numru ta' stati, li tabbina t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u t-taħriġ fl-iskola, hija metodu eżemplari ta' taħriġ li jimmira lejn l-integrazzjoni ta' l-akbar numru possibbli ta' żgħażagħ u jiddispjaċih li f'ħafna Stati Membri, dan it-tip ta' taħriġ ftit li xejn huwa attraenti jew aċċettat. Madanakollu din is-sistema, bħat-taħriġ post-sekondarju u universitarju, qed taffaċċja rekwiżiti dejjem aktar għola ta' kwalifiki għal numru kbir ta' impjiegi. Din it-tip ta' edukazzjoni għandha tingħata spinta sabiex issir aktar attraenti. Dan jista' jsir b'mod speċjali billi jitjiebu l-possibbiltajiet ta' aċċess għall-Università wara t-taħriġ doppju;

17.

jemmen għalhekk li, b'mod ġenerali, il-livell ta' l-edukazzjoni għandu jogħla. Sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm bżonn ta' għalliema u ħarrieġa bi kwalifiki għolja u motivati u li m'għandhomx biss l-għarfien tekniku u l-kapaċità li jgħallmu, iżda wkoll il-kompetenzi fl-integrazzjoni soċjali (5). Barra minn hekk, is-sillabi għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

18.

jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew dwar il-Kwalifiki, il-Kummissjoni talbet l-appoġġ ta' l-Istati Membri u jixtieq li b'rabta ma' dan tiġi kkunsidrata d-diversità nazzjonali u reġjonali ta' l-edukazzjoni. Għalhekk, per eżempju għandhom jinstabu soluzzjonijiet għall-integrazzjoni ta' lezzjonijiet ta' taħriġ orjentati lejn il-ħajja tax-xogħol;

19.

jirrimarka l-importanza tal-programm ta' l-UE dwar it-tagħlim tul il-ħajja u tal-programm ta' l-UE “Żgħażagħ fl-Azzjoni”. Dawn il-programmi, li jiffukaw fuq il-mobbiltà transkonfinali u t-tagħlim formali u informali li huwa assoċjat magħha, jikkumplementaw b'mod pożittiv il-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali ta' l-edukazzjoni;

20.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex fil-Komunikazzjoni tagħha u fil-miżuri li stabbilixxiet (bħal per eżempju l-programmi ta' l-UE) titratta s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati f'aktar dettall. Permezz ta' skemi ta' taħriġ, li għandhom element ta' integrazzjoni b'saħħtu, bħal per eżempju t-taħriġ vokazzjonali, dawn iż-żgħażagħ tista' tingħatalhom l-opportunità li jiżviluppaw il-potenzjal individwali tagħhom u li jistabbilixxu ruħhom fis-suq tax-xogħol. Skemi bħal dawn joffrulhom il-possibbiltà li jikkonkludu t-taħriġ tagħhom fuq medda itwal ta' żmien jew li jiksbu kwalifiki parzjali. Huwa importanti għalhekk li ż-żgħażagħ jirċievu appoġġ soċjali intensiv u jkollhom sistemi li jiggwidawhom (mentoring), għajnuna li tista' tingħata biss fil-livelli reġjonali u lokali. Skemi bħal dawn jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis fin-numru ta' studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien.

Iż-żgħażagħ u l-qgħad: sfida għall-Ewropa

21.

jikkunsidra li t-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għall-ħajja tax-xogħol qiegħda ssir dejjem aktar diffiċli;

22.

diversi reġjuni Ewropej diġà jinsabu f'sitwazzjoni paradossali fejn barra mil-livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ (6) jeżisti wkoll nuqqas ta' ħaddiema, b'mod partikulari ħaddiema bi kwalifiki għoljin, sitwazzjoni li fil-futur mistennija taggrava;

23.

jenfasizza li l-integrazzjoni professjonali u soċjali ta' dawk iż-żgħażagħ li ġejjin minn bliet żvantaġġati u żoni rurali hija partikularment diffiċli u jenfasizza f'dan il-kuntest is-sinifikat tal-politiki Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jittejbu l-konvergenza u l-kompetittività reġjonali u sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex iż-żgħażagħ ikkwalifikati jibqgħu f'dawn ir-reġjuni;

24.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-programmi nazzjonali ta' riforma għat-tkabbir u l-impjieg għandhom jagħtu importanza partikulari lill-impjieg fost iż-żgħażagħ u jixtieq li dawn il-programmi ta' riforma jkunu kkoordinati perfettament mal-miżuri stabbiliti fil-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”;

25.

jitlob sabiex jiġi estiż il-proċess ta' reviżjoni minn pari (peer review) ta' l-istrateġija ta' Lisbona ta' l-UE, eżistenti għall-gvernijiet ta' l-Istati Membri, sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati l-oħra jkunu jistgħu jibbenefikaw minn skambji bejn pari fl-UE kollha u jistudjaw azzjonijiet lokali u reġjonali sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni taż- żgħazagħ li m'għandhomx impjieg, jew li ma jagħmlu parti minn sistema edukattiva jew tat-taħriġ;

26.

jemmen li ż-żieda kontinwa ta' kondizzjonijiet prekarji tax-xogħol u n-nuqqas ta' sigurtà fl-impjieg huma problemi fundamentali b'mod partikulari għaż-żgħażagħ, li ħafna drabi jdumu żmien twil mingħajr xogħol jew dħul stabbli u adegwat u b'hekk ftit li xejn ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti;

27.

għalhekk jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex, f'kull forma ta' l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-flessigurtà, jinstab bilanċ bejn l-interessi ta' dawk li jħaddmu u ta' l-impjegati, jiġifieri bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà. Għandu jiġi assigurat ukoll li l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ ma ssirx aktar diffiċli;

28.

jemmen li l-Kummissjoni ma tindirizzax biżżejjed il-kwistjoni ta' l-impjieg taż-żgħażagħ żvantaġġati. Barra l-miżuri preventivi li jikkonċernaw l-ewwel u qabel kollox l-edukazzjoni orjentata lejn is-suq tax-xogħol, jeħtieġ li jkun hemm ukoll miżuri intensivi, soċjali u speċifiki ta' appoġġ għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ, b'mod partikulari taż-żgħażagħ żvantaġġati, fis-suq tax-xoħol. Kif ġie stabbilit ukoll fl-Istrateġija Ewropea għall-Impjieg, huwa importanti li dawn il-miżuri jinkludu liż-żgħażagħ kollha mingħajr l-ebda esklużjoni u li dawn jiġu integrati fil-proċess ta' l-impjieg kemm jista' jkun malajr. Dan jaf jirrikjedi sistemi ta' sigurtà għal dawk iż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu xogħol kif ukoll l-introduzzjoni ta' programmi dwar il-kwalifiki u l-impjieg li jiġu ffinanzjati pubblikament u li huma mmirati lejn iż-żgħażagħ (7);

29.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-fondi strutturali ta' l-UE, b'mod partikulari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), jiffaċilitaw programmi bħal dawn u jappoġġja s-sejħa li għamlet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha sabiex il-FSE jiffoka aktar fuq l-impjieg għaż-żgħażagħ dejjem skond iċ-ċirkostanzi reġjonali, bħal rata għolja ta'qgħad fost iż-żgħażagħ;

30.

jemmen li t-titjib tal-possibbiltajiet ta' l-impjieg taż-żgħażagh, kif ukoll ir-rieda tagħhom li jaħdmu hija responsabbiltà essenzjali tal-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Fost affarijiet oħra, jeħtieġ li jsir aktar sforz sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jirċievu pariri personali u informazzjoni dwar il-karrieri u b'hekk isiru jafu aktar dwar dawk il-karrieri li joffru prospetti tajbin. Dan jista' jgħin ukoll sabiex ċertu karrieri jiksbu aktar sens ta' bilanċ bejn is-sessi;

31.

jappoġġja l-qafas kwalitattiv mhux vinkolanti li l-Kummissjoni tipproponi għall-apprentistat, b'mod speċjali minħabba li l-apprentisti, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin jiġu impjegati fuq livell transkonfinali, qegħdin jiġu użati bħala “forza irħisa” tax-xogħol. Madanakollu, sakemm l-apprentistati jirrispettaw regoli minimi, dawn joffru liż-żgħażagħ okkażjoni tajba li jiksbu esperjenza professjonali inizjali u ħafna drabi jinfluwenzaw sew il-karriera li jagħżlu jew dak li jiddeċiedu li jkomplu jistudjaw fil-futur. Huma u jistudjaw, iż-żgħażagħ għandhom jiġu mħeġġa jipparteċaw fl-apprentistati u għandhom jiżdiedu wkoll l-opportunitajiet sabiex dan ikun jista' jseħħ;

32.

jirrimarka li apparti t-taħriġ bażiku, it-taħriġ vokazzjonali qiegħed kull ma jmur isir aktar importanti. It-teknika u l-kapaċitajiet li jitlob ix-xogħol qegħdin jinbidlu b'mod rapidu. L-isfida hija għalhekk li l-edukazzjoni tibqa' attraenti, li jibqa' jkun hemm disponibbiltà għaliha u li jibqgħu jiżdiedu l-opportunitajiet edukattivi disponibbli. Huwa importanti li dawk iż-żgħażagħ li m'għandhomx taħriġ bażiku adegwat tingħatalhom l-opportunità li jestendu l-għarfien u l-kapaċitajiet tagħhom (l-opportunità ta' ċans ieħor) (8).

L-aħjar użu tal-potenzjal ta' kulħadd

33.

jinnota li huma proprju t-tfal u ż-żgħażagħ li ġejjin minn familji foqra li jsofru diversi tipi ta' żvantaġġi u ta' esklużjoni. Żvantaġġi bħal dawn jolqtu kemm l-opportunitajiet tagħhom għal edukazzjoni u impjieg kif ukoll lil saħħithom. Ħafna drabi l-faqar “jintiret” b'tali mod li l-faqar u l-esklużjoni soċjali li wieħed isofri fil-ħajja adulta huma konsegwenza ta' l-iżvantaġġi li jkun ħabbat wiċċu magħhom fit-tfulija u ż-żgħożija;

34.

għalhekk jitlob li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali issir prijorità. L-ewwel u qabel kollox din hija kompitu tal-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u tirrikjedi koordinazzjoni mill-qrib bejn il-politiki ta' l-ekonomija, l-impjieg, l-edukazzjoni u l-politika soċjali, u kunsiderazzjoni trasversali tad-diversi aspetti tal-politika dwar iż-żgħażagħ;

35.

huwa tal-fehma li l-ewwel aspett li għandu jiġu ttrattat huwa t-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fost il-familji bit-tfal. F'dan il-kuntest għandhom jingħataw attenzjoni partikulari l-fatturi soċjo-ekonomiċi bħas-segregazzjoni u l-ġenituri li ilhom qiegħda żmien twil u li għandom livell ta' edukazzjoni baxx, sabiex jiġu evitati n-“nases tal-faqar” permanenti;

36.

ifakkar li ħafna drabi huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma responsabbli milli jipprovdu għall-manteniment u l-edukazzjoni skolastika ta' l-orfni u t-tfal li ġejjin minn familji bi problemi u jaraw li jinħolqu l-kundizzjonijiet li jassiguraw li dawn it-tfal ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti;

37.

josserva li l-għarfien tal-lingwa mitkelma fil-pajjiż tar-residenza huwa rekwiżit importanti għall-integrazzjoni rapida, għal possibiltajiet akbar ta' suċċess skolastiku u ta' suċċess fil-qasam ta' l-impjieg u b'hekk fattur fundamentali fil-ġlieda kontra l-faqar.

Ċittadini żgħażagħ attivi

38.

jenfasizza li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja soċjali u li jaqsmu din il-ħajja ma' ħaddieħor isaħħu l-fiduċja u l-kunfidenza tat-tfal u taż-żagħżagħ u jippromovu d-demokrazija u l-parteċipazzjoni attiva;

39.

jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-livelli lokali u reġjonali. Għaż-żgħażagħ, il-parteċipazzjoni hija aktar evidenti u sostenibbli f'dawk l-oqsma fejn huma jistgħu jipparteċipaw fit-tfassil ta' l-ambjent tagħhom u fejn huma jistgħu jesperjenzaw l-effetti tal-parteċipazzjoni tagħhom b'mod dirett;

40.

huwa importanti ħafna li t-tfal u ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jinteressaw ruħhom fil-mekkaniżmi tal-gvern lokali u reġjonali u li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kompiti u mal-ħidma tar-rappreżentanti lokali u reġjonali kif ukoll mar-responsabbiltà u l-possibbiltà li dawn għandhom li jgħinu liċ-ċittadini jtejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja tagħhom;

41.

jilqa' l-iskambju ta' l-esperjenzi fil-livell Ewropew bil-għan li jissaħħu l-inizjattivi lokali u reġjonali favur il-parteċipazzjoni u jħeġġeġ lil-livell nazzjonali u Komunitarju kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jiżviluppaw il-politika dwar iż-żgħażagħ fl-oqsma kollha tagħha u b'kooperazzjoni mill-qrib maż-żgħażagħ stess;

42.

jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tibda tħejji rapport regolari ta' l-UE dwar iż-żgħażagħ. Dan jista' jservi sabiex jiġu analizzati l-kundizzjonijiet li jgħixu fihom iż-żgħażagħ u jiġu ppreżentati l-preokkupazzjonijiet tagħhom. Huwa jista' jservi ta' bażi għall-politiki intersettorjali taż-żgħażagħ fil-livelli nazzjonali, reġjonali, lokali u Ewropej. Madanakollu wieħed għandu joqgħod attent li r-rapport ma joħloqx dmirijiet ġodda għall-Istati Membri, ir-reġjuni u l-lokalitajiet. Id-diversi rapporti previsti, li janalizzaw is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ, jinkludu ħafna informazzjoni rilevanti;

43.

jenfasizza li l-attivitajiet volontarji huma opportunità tajba għaż-żgħażagħ sabiex jinvolvu ruħhom aktar fis-soċjetà u fl-istess waqt jiksbu esperjenza inizjali tax-xogħol li tista' tgħinhom fl-għażliet għall-karriera futura tagħhom;

44.

jenfasizza li l-volontarjat jista' jwassal għall-ksib ta' għarfien u ta' kapaċitajiet li jistgħu jkollhom rwol importanti fil-karriera futura tagħhom. Sabiex attivitajiet bħal dawn isiru aktar attraenti fost iż-żgħażagħ, jeħtieġ li l-kwalifiki miksuba fil-kuntest ta' tagħlim informali bħal dan jiġu rikonoxxuti;

45.

jilqa' għalhekk l-Ewropass li ġie introdott mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Programm “iż-Żgħażagħ f'Azzjoni” u jfakkar li huwa ċertifikat individwali tal-kwalità tal-kooperazzjoni taż-żgħażagħ fil-qafas ta' l-attività tal-programm u jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fil-Qafas Komunitarju Waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Ewropass) (9) tintegra dawk il-kwalifiki li jinkisbu b'mod informali;

46.

jitlob lil-livelli kollha sabiex jassiguraw li ż-żgħażagħ żvantaġġati ukoll qegħdin jingħataw l- opportunità li jinvolvu ruħhom kemm fil-qasam parteċipattiv kif ukoll fil-volontarjat.

Brussell, l-10 ta' April 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa, CdR 341/2006 riv. 3.

(2)  Anness 1 għall-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, Brussell 22 u t-23 ta' Marzu 2005 (7619/05).

(3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar politika Ewropea dwar iż-żgħażagħ li tindirizza l-problemi taż-żgħażagħ fl-Ewropa — l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u t-tmexxija 'l quddiem ta' ċittadinanza attiva, COM(2005) 206 finali.

(4)  Programm iddettaljat ta' ħidma dwar is-segwitu ta' l-għanijiet tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ fl-Ewropa ĠU C 142/01 (14.06.2002) (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Intejbu l-Kwalità ta' l-Edukazzjoni ta' l-Għalliema”, COM(2007) 392 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri dwar it-titjib tal-kwalità ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema ĠU 300/6 (12.12 2007)

(6)  Skond rapporti li saru, ir-rata medja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ hija ta' 17.4 %.

(7)  F'ċerti każijiet, l-“esperjenza fuq ix-xogħol” għandha ssir aktar aċċessibbli għal dawk iż-żgħażagħ li nqatgħu mill-istituzzjonijiet u mid-dinja tat-taħriġ. Il-ħlas ta' xogħol parzjali jew temporanju għandu jservi ta' inċentiv għall-kumpaniji u jħeġġiġhom jimpjegaw lil dawk li għadhom ġodda fis-suq tax-xoħol. L-istudji juru li dan jista' jkollu effett makro-ekonomiku pożittiv fuq l-ekonomija b'mod speċjali meta wieħed jikkunsidra l-impatt soċjo-politiku li jista' jkollu numru akbar ta' nies qiegħda għal perijodu twil.

(8)  Dawn il-miżuri edukattivi, li huma ffinanzjati mill-FSE huma rekwiżit essenzjali għad-dħul fis-suq tax-xogħol. Eżempji ta' miżuri bħal dawn huma korsijiet sabiex wieħed isir jaf jaqra u jikteb jew edukazzjoni obbligatorja kompleta.

(9)  Ara d-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE