ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 50
12ta' Jannar 2007


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet, Orjentazzjonijiet u Opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Qorti ta’ l-Awdituri

2007/C /01

Opinjoni Nru 7/2006 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 rigward investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

1

2007/C /02

Opinjoni Nru 8/2006 rigward il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jabroga r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2040/2000 dwar id-dixxiplina tal-baġit

3

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ĠU C 8

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet, Orjentazzjonijiet u Opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Qorti ta’ l-Awdituri

12.1.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/1


OPINJONI Nru 7/2006

dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 rigward investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

(skond l-Artikolu 280(4), KE)

IL-QORTI TA' L-AWDITURI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 280(4) tiegħu;

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 160ċ tiegħu;

Wara li kkunsidrat il-proposta għal Regolament tal-Parlament u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (1);

Wara li kkunsidrat it-talbiet ippreżentati, mill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Lulju 2006 u mill-Kunsill fil-21 ta' Settembru 2006, għal opinjoni mingħand il-Qorti ta' l-Awdituri;

Wara li kkunsidrat l-opinjonijiet preċedenti maħruġa mill-Qorti ta' l-Awdituri (2),

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

1.

Il-proposta tissostitwixxi proposta (3) imressqa aktar kmieni mill-Kummissjoni fi Frar 2004. Il-proposta inizjali kienet timmira li temenda Regolamenti (KE) Nru 1073/1999 sabiex issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta' individwi, sabiex tassigura kontroll aħjar tul l-investigazzjonijiet u ttejjeb l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-istituzzjonijiet jew il-korpi kkonċernati u l-effiċjenza ta' l-attivitajiet operattivi. Fil-memornadum ta' spjegazzjoni, il-proposta reveduta tiddikjara li timmira biex ittejjeb aktar l-operat ta' l-OLAF filwaqt li tikkunsidra rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Qorti u l-konklużjonijiet tas-seduta pubblika fuq ir-rinforz ta' l-OLAF organizzata fil-Parlament Ewropew f'Lulju 2005.

2.

Il-parti l-kbira tal-proposta reveduta kkunsidrat l-osservazzjonijiet magħmula fl-Opinjoni preċedenti tal-Qorti tad-9 ta' Ġunju 2005, bl-eċċezzjoni prinċipali tkun l-opinjoni mogħtija f'paragrafu 7 tagħha. Dan jittratta l-bżonn li jiġi assigurat li l-obbligu li l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija kkonċernata tiġi infurmata bil-ftuħ ta' investigazzjoni ma jiġix imwarrab mingħajr ġustifikazzjoni bil-pretest li hemm bżonn ta' segretezza biex tiġi garantita l-effiċjenza ta' l-investigazzjoni.

3.

L-Artikolu 14 tal-proposta jipprovdi għall-introduzzjoni ta' Konsulent Reviżur biex jissorvelja li l-proċeduri jiġu osservati. Il-Qorti tilqa' din l-introduzzjoni. Iżda, ir-rwol u r-responsabilitajiet tal-Konsult Reviżur għandhom ikunu stabbiliti b'mod espliċitu fir-Regolament kif għandha tkun ukoll ir-reviżjoni tal-legalità ta' miżuri investigattivi, ippjanati għal din il-funzjoni. Barra dan, il-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa sabiex tiġi okkupata din il-kariga għandhom ikunu mniżżla fir-Regolament. Il-Qorti tenfasizza wkoll il-bżonn li l-kariga jkollha awtonomija totali, kif stabbilit f'Artikolu 14(2) fil-proposta tal-Kummissjoni imma tikkunsidra li l-indipendenza tista' tiġi kompromessa mill-awtorità tad-Direttur Ġenerali li jinstiga miżuri dixxipplinarji li jikkonċernaw il-Konsulent Reviżur wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' Sorveljanza. Sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess, għandu jkun ikkunsidrat ukoll, li l-Konsulent Reviżur, li jissorvelja l-investigazzjonijiet li jkunu fis-seħħ, m'għandux jintervjeni aktar la darba r-riżultati ta' investigazzjoni ġew trasmessi lill-awtoritajiet ikkonċernati.

4.

Dispożizzjoni ġdida (4) tagħti poteri ta' diskrezzjoni lid-Direttur Ġenerali biex jiddeċiedi jekk jippreżentax jew le rapport finali lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istati Membri fejn id-Direttur Ġenerali jqis li jeżistu miżuri interni li jiżguraw segwitu aktar xieraq. Iżda, iċ-ċirkostanzi li fihom dawn il-poteri ta' diskrezzjoni jistgħu jiġu eżerċitati għandhom bżonn ikunu stabbiliti aktar biċ-ċar. Barra dan, jekk tali deċiżjoni teħtieġ evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-liġi tal-każijiet din għandha tiġi fdata lill-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri.

5.

Fl-Opinjoni tagħha Nru 8/2005 l-Qorti tirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tissemplifika u tikkonsolida l-leġiżlazzjoni tal-Komunità kontra l-frodi. Madanakollu, il-proposta l-ġdida tagħmel referenza aktar estensiva għar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 li jikkonċerna kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni għall-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u rregolaritajiet oħra (5) (l-iskop ta' liema ġie estiż b'mod konsiderevoli (6)). Peress li ma ġiet proposta ebda emenda għar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 mhux ser ikun ċar għall-qarrej ta' dan ir-Regolament li japplika wkoll għal skopijiet oħra. Dan imur kontra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar il-linji gwida komuni għall-kwalità ta' l-abozzar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja (7). Fl-aħħar il-Qorti tinnota li għalkemm il-proposta l-ġdida tinkludi proċeduri u garanziji li għandhom jiġu osservati mill-impjegati ta' l-Uffiċċju meta jwettqu investigazzjonijiet interni l-Kummissjoni ma tipproponix li l-Artikolu 4(6)(b) attwali jiġi kkanċellat. Dan jista jkun sors ta' konfużjoni u jagħti lok għal devjazzjonijiet.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti ta' l-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-6 ta' Diċembru 2006.

Għall-Qorti ta' l-Awdituri

Hubert WEBER

President


(1)  COM(2006) 244 ta' l-24.5.2006.

(2)  Opinjonijiet Nru 2/1999 ta' l-14 u l-15 t'April 1999 (ĠU C 154, 1.6.1999, p. 1), Nru 6/2005 tad-9 ta' Ġunju 2005 (ĠU C 202, 18.8.2005, p. 33) u Nru 8/2005 tas-27 t'Ottubru 2005 (ĠU C 313, 9.12.2005, p. 1).

(3)  COM(2004) 103 finali ta' l-10.2.2004.

(4)  L-Artikolu 9(3a).

(5)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(6)  Skond Recital 4 u l-emendi għal Artikoli 3 u 4 tal-proposta l-ġdida.

(7)  Dan il-ftehim jistipula li test legali għandu kemm jista jkun jillimita n-numru ta' referenzi għal atti legali oħra. Fejn l-impatt fuq atti legali oħra huwa sostanzjali l-ftehim jeħtieġ att li jemenda separat (ĠU C 73, 17.3.1999, p. 1).


12.1.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/3


OPINJONI Nru 8/2006

rigward il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jabroga r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2040/2000 dwar id-dixxiplina tal-baġit

(skond l-Artikolu 248(4), it-tieni sottoparagrafu, KE)

IL-QORTI TA' L-AWDITURI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

ikkunsidrat it-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 37, 248, 279 u 308 tiegħu;

ikkunsidrat il-proposta għal Regolament tal-Kunsill (1) li jabroga r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2040/2000 (2) dwar id-dixxiplina tal-baġit,

ADOTTAT DIN L-OPINJONI:

1.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2040/2000 tas-26 ta' Settembru 2000 dwar id-dixxiplina tal-baġit jistabilixxi regoli ddiżinjati sabiex jassiguraw il-ġestjoni xierqa tan-nefqa tal-Komunità għall-perijodu 2000-2006.

2.

Għall-perijodu 2007-2013 japplika l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja solida (3). Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt illi hija m'għandha l-ebda opportunità sabiex tikkummenta dwar kwistjonijiet dwar id-dixxiplina tal-baġit u dwar il-ġestjoni finanzjarja solida jekk dawn ikunu miftiehma permezz ta' Ftehim Interistituzzjonali minflok b'regolamenti tal-Kunsill.

3.

Il-Qorti taqbel illi bil-ftehim interistituzzjonali l-ġdid, ir-Regolament (KE) Nru 2040/2000 preċedenti, ser isir inapplikabbli mill-1 ta' Jannar 2007 u għandu jiġi abrogat sabiex jippermetti illi l-ftehim interistituzzjonali l-ġdid ikun jista' japplika bis-sħiħ minn din id-data.

4.

Madanakollu, fil-proposta sabiex jiġi abrogat ir-Regolament (KE) Nru 2040/2000 l-Kummissjoni tirrimarka illi m'hemmx aktar il-bżonn għal dispożizzjonijiet speċifiċi. F'dan il-kuntest il-Qorti tinnota illi l-mekkaniżmu propost sabiex jiġi provdut il-Fond ta' Garanzija għall-azzjoni esterna (4) għadu ma ġiex imwaqqaf fuq bażi legali ġdida.

Din l-opinjoni ġiet adottata mill-Qorti ta' l-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-6 ta' Diċembru 2006.

Għall-Qorti ta' l-Awdituri

Hubert WEBER

President


(1)  COM(2006) 448 finali tad-9.8.2006.

(2)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 27.

(3)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(4)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2728/94 li jwaqqaf Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (COM(2005) 130 finali tal-5.4.2005).