ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 49
30 ta' Mejju 2006


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Tagħrif

 

Kunsill

2006/C /1

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 4/2006, tat-23 ta' Jannar 2006, adottata mill-Kunsill, bi qbil mal-proċedura ta' l-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġiż

1

2006/C /2

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 5/2006, tat-23 ta' Jannar 2006, adottata mill-Kunsill, bi qbil mal-proċedura ta' l-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea, bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE)

16

2006/C /3

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 6/2006, fl-10 ta' Marzu 2006, adottata mill-Kunsill, bi qbil mal-proċedura ta' l-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea, bil-ħsieb li tiġi adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)

33

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU C 126 E.

MT

 


I Tagħrif

Kunsill

30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/1


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 4/2006

adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Jannar 2006

bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva (KE) Nru …/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- …dwar il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġiż

(2006/C 126 E/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-ilma ta' taħt l-art huwa riżorsa naturali prezzjuża li għandha tiġi protetta mit-tniġġiż kimiku. Dan hu partikolarment importanti għall-ekosistemi li jiddependu mill-ilma ta' taħt l-art u għall-użu ta' l-ilma ta' taħt l-art fil-provvista ta' l-ilma għall-konsum mill-bniedem.

(2)

Id-Deċiżjoni Nru.1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunità għall-Ambjent (4) tinkludi l-għan li jintlaħqu livelli fil-kwalità ta' l-ilma li ma jagħtux lok għall-impatti sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u riskji għalihom.

(3)

Sabiex jiġi protett l-ambjent fit-totalità tiegħu, u b'mod partikolari s-saħħa tal-bniedem, il-konċentrazzjonijiet dannużi ta' tniġġiż li jagħmel il-ħsara fl-ilma ta' taħt l-art għandhom jiġu evitati, impeduti jew imnaqqsa.

(4)

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (5) tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art. Kif previst fl-Artikolu 17 ta' dik id-Direttiva, għandhom jiġu adottati miżuri li jimpedixxu u jikkontrollaw it-tniġġiż ta' l-ilma ta' taħt l-art, inklużi kriterji biex jiġi vvalutat l-istat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art u kriterji għall-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti u biex jiġu ddefiniti punti tal-bidu għall-inverżjoni ta' tendenzi.

(5)

Tenut kont tal-ħtieġa li jintlaħqu livelli konsistenti ta' protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art, għandhom jiġu stabbiliti standards ta' kwalità u valuri ta' limitu, u għandhom jiġu żviluppati metodoloġiji bbażati fuq approċċ komuni, sabiex jiġu pprovduti kriterji għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art.

(6)

Standards ta' kwalità għal nitrati, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u bijoċidi għandhom jiġu stabbiliti bħala l-kriterji tal-Komunità għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art, u għandha tiġi assigurata konsistenza mad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta' l-ilmijiet mit-tniġġiż ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (6), id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (7) u d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidi (8), rispettivament.

(7)

Dispożizzjonijiet dwar l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art ma japplikawx għal konċentrazzjonijiet għoljin ta' sustanzi jew joni jew indikaturi tagħhom li jinstabu b'mod naturali f'massa ta' ilma ta' taħt l-art jew f'mases ta' ilma fil-wiċċ assoċjati magħha, minħabba kondizzjonijiet idro-ġeoloġiċi speċifiċi li mhumiex koperti mid-definizzjoni ta' tniġġiż. Bl-istess mod ma japplikawx għal bidliet fid-direzzjoni ta' l-ilma u fil-komposizzjoni kimika, temporanji u spazjalment limitati, li mhumiex meqjusa bħala intrużjonijiet.

(8)

Għandhom jiġu stabbiliti kriterji biex jiġu identifikati tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti fil-konċentrazzjonijiet tal-pollutanti u biex jiġi definit il-punt tal-bidu għall-inverżjoni tat-tendenza, filwaqt li jitqies il-probabilità ta' effetti negattivi fuq ekosistemi akkwatiċi assoċjati jew ekosistemi terrestri dipendenti minnhom.

(9)

Fejn hu possibbli l-Istati Membri għandhom jużaw proċeduri statistiċi sakemm dawn ikunu konformi ma' l-istandards internazzjonali u jikkontribwixxu għat-tqabbil fuq perijodi fit-tul tar-riżultati tal-monitoraġġ bejn l-Istati Membri.

(10)

Bi qbil mat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 80/68/KEE tas-17 ta' Diċembru 1979 dwar il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art mit-tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi (9) se tkun revokata b'effett mit-22 ta' Diċembru 2013. Jeħtieġ għalhekk li tiġi assigurata l-kontinwità tal-protezzjoni prevista fid-Direttiva 80/68/KEE fir-rigward ta' miżuri mmirati sabiex jevitaw jew jillimitaw id-dħul kemm dirett kif ukoll indirett ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art.

(11)

Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn sustanzi perikolużi, li d-dħul tagħhom għandu jiġi evitat, u pollutanti oħra, li d-dħul tagħhom għandu jiġi llimitat. Jeħtieġ li l-Anness VIII tad-Direttiva 2000/60/KE, li jelenka l-pollutanti prinċipali rilevanti għall-ambjent ta' l-ilma, jiġi użat biex jiġu identifikati sustanzi perikolużi u dawk li mhumiex perikolużi li juru riskju ta' tniġġiż eżistenti jew potenzjali.

(12)

Sabiex tiġi assigurata protezzjoni koerenti ta' l-ilma ta' taħt l-art, l-Istati Membri li jaqsmu bejniethom mases ta' ilma ta' taħt l-art għandhom jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-monitoraġġ, id-determinazzjoni tal-valuri ta' limitu u l-identifikazzjoni ta' sustanzi perikolużi rilevanti.

(13)

Taħt ċerti ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jagħtu eżenzjonijiet minn miżuri biex jiġi evitat jew limitat id-dħul tal-pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art.

(14)

Jeħtieġ li jsir provvediment għal miżuri transitorji fir-rigward tal-perijodu bejn id-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u d-data minn meta d-Direttiva 80/68/KEE tiġi rrevokata.

(15)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (10).

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Skop

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri speċifiċi kif previst fl-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60/KE sabiex jiġi impedut u kontrollat it-tniġġiż ta' l-ilma ta' taħt l-art. Dawn il-miżuri jinkludu b'mod partikolari:

(a)

kriterji għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art; u

(b)

kriterji għall-identifikazzjoni u t-treġġigħ lura ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti għad-definizzjoni ta' punti tal-bidu għal treġġigħ lura tat-tendenzi.

2.   Din id-Direttiva tikkumplimenta wkoll id-dispożizzjonijiet li jevitaw jew jillimitaw id-dħul ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art li diġà jeżistu fid-Direttiva 2000/60/KE, u timmira li tevita d-deterjorament ta' l-istat tal-mases kollha ta' l-ilma ta' taħt l-art.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw flimkien ma' dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE:

(1)

“standard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art” tfisser standard tal-kwalità ambjentali espress bħala l-konċentrazzjoni ta' pollutant partikolari, grupp ta' pollutanti jew indikatur ta' tniġġiż fl-ilma ta' taħt l-art, li ma jistax jinqabeż sabiex ikunu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent;

(2)

“valur ta' limitu” tfisser standard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art stabbilit mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3;

(3)

“tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti” tfisser kwalunkwe żieda statistikament sinifikanti fil-konċentrazzjoni ta' pollutant, grupp ta' pollutanti jew indikatur tat-tniġġiż, li jippreżenta riskju ambjentali li għalih it-treġġigħ lura tat-tendenza hu identifikat li hu meħtieġ skond l-Artikolu 5.

(4)

“dħul ta' pollutant fl-ilma ta' taħt l-art” tfisser l-introduzzjoni diretta jew indiretta ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art bħala riżultat ta' attività umana.

Artikolu 3

Kriterji għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art

1.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' massa ta' l-ilma ta' taħt l-art jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art skond is-Sezzjoni 2.3 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kriterja li ġejjin:

(a)

standards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art kif imsemmija fl-Anness I;

(b)

valuri ta' limitu li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri skond il-proċedura deskritta fil-Parti A ta' l-Anness II għall-pollutanti, gruppi ta' pollutanti u indikaturi tat-tniġġiż li, fit-territorju ta' Stat Membru, ġew identifikati bħala li jikkontribwixxu għall-karatterizzazzjoni ta' mases, jew gruppi ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, bħala li jkunu f'riskju, b'kont meħud ta' mill-inqas il-listi li jinsabu fil-Parti B ta' l-Anness II.

2.   Il-valuri ta' limitu jistgħu jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali, fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew il-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li taqa' fit-territorju ta' Stat Membru, jew fil-livell ta' massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għal mases ta' l-ilma ta' taħt l-art li huma maqsuma bejn żewġ Stati Membri jew aktar u għal mases ta' l-ilma ta' taħt l-art li fihom l-ilma ta' taħt l-art jaqsam il-konfini ta' Stat Membru, l-istabbiliment ta' valuri ta' limitu huwa soġġett għall-kordinazzjoni bejn l-Istati Membri konċernati, skond l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/60/KE.

4.   Fejn massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art jestendi lil hinn mit-territorju tal-Komunità, l-Istat(i) Membru(i) konċernat(i) għandhom jippruvaw jistabbilixxu valuri ta' limitu, f'kordinazzjoni ma' l-Istat(i) li mhux Membru(i) konċernat(i), skond l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/60/KE.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valuri ta' limitu skond il-paragrafu 1(b) għall-ewwel darba sa mhux aktar tard mit-22 ta' Diċembru 2008.

Il-valuri ta' limitu kollha stabbiliti għandhom jiġu ppubblikati fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar sottomessi skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, inkluż sinteżi ta' l-informazzjoni mniżżla fil-Parti Ċ ta' l-Anness II.

6.   L-Istati Membri għandhom jemendaw il-lista tal-valuri ta' limitu kull meta informazzjoni ġdida dwar pollutanti, gruppi ta' pollutanti jew indikaturi tat-tniġġiż tindika li valur ta' limitu għandu jiġi stabbilit għal sustanza oħra, li valur ta' limitu eżistenti għandu jiġi emendat, jew li valur ta' limitu li qabel ġie mneħħi mil-lista għandu jerġa jiddaħħal, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Il-valuri ta' limitu jistgħu jitneħħew mil-lista meta l-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art konċernat m'għadux aktar f'riskju mill-pollutanti, il-gruppi ta' pollutanti jew indikaturi tat-tniġġiż korrispondenti.

Kwalunkwe tali bidla fil-lista tal-valuri ta' limitu għandha tiġi rappurtata fil-kuntest tar-reviżjoni perijodika tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar.

7.   Abbażi ta' l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri skond il-paragrafu 5, il-Kummissjoni għanda tippubblika rapport sa mhux aktar tard mit-22 ta' Diċembru 2009.

Artikolu 4

Proċedura għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art

1.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura deskritta fil-paragrafu 2 biex jivvalutaw l-istat kimiku ta' massa ta' l-ilma ta' taħt l-art. Fejn xieraq, meta jwettqu din il-proċedura l-Istati Membri jistgħu jgħaqqdu fi gruppi mases ta' l-ilma ta' taħt l-art skond l-Anness V għad-Direttiva 2000/60/KE.

2.   Massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art għandu jkun ikkunsidrat li jkun fi stat kimiku tajjeb meta:

(a)

il-valuri ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art imniżżla fl-Anness I u l-valuri ta' limitu rilevanti stabbiliti skond l-Artikolu 3 u l-Anness II ma jinqabżux fi kwalunkwe punt ta' monitoraġġ f'dak il-massa, jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taht l-art; jew

(b)

il-valur għal standard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew valur ta' limitu jinqabeż f'punt ta' monitoraġġ wieħed jew aktar iżda investigazzjoni xierqa skond l-Anness III tikkonferma li:

(i)

abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' l-Anness III, il-konċentrazzjonijiet ta' pollutanti li jeċċedu l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew il-valuri ta' limitu mhumiex ikkunsidrati li qed joħolqu riskju ambjentali sinifikanti, b'kont meħud, fejn ikun dovut, tal-livell tal-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art li hu affettwat;

(ii)

il-kondizzjonijiet l-oħra għal stat kimiku tajjeb ta' ilma ta' taħt l-art imniżżla fit-Tabella 2.3.2. ta' l-Anness V għad-Direttiva 2000/60/KE qed jiġu sodisfatti, skond il-paragrafu 4 ta' l-Anness III ma' din id-Direttiva;

(iii)

fejn xieraq, ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60/KE qed jiġu sodisfatti, skond il-paragrafu 4 ta' l-Anness III ma' din id-Direttiva;

(iv)

il-ħila tal-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art, jew ta' kwalunkwe massa fil-grupp ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art, li jsostni l-użu mill-bniedem ma ġietx imdgħajfa b'mod sinifikanti minħabba t-tniġġiż.

3.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sintesi tal-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE.

Din is-sintesi, stabbilita fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew il-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li jaqa' fit-territorju ta' Stat Membru, għandha tinkludi wkoll spjegazzjoni ta' kif ġie meħud kont ta' qbiż ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew valuri ta' limitu f'punti ta' monitoraġġ individwali fil-valutazzjoni finali.

4.   Jekk massa ta' l-ilma ta' taħt l-art huwa klassifikat li qiegħed fi stat kimiku tajjeb skond il-paragrafu 2(b), l-Istati Membri għandhom jieħdu tali miżuri kif ikun meħtieġ, skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60/KE, biex jiġu protetti l-ekosistemi akkwatiċi, ekosistemi terrestri u l-użu mill-bniedem ta' l-ilma ta' taħt l-art dipendenti fuq il-parti tal-massa rrappreżentata mill-punt jew punti ta' monitoraġġ li fih il-valur ta' l-istandard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew valur ta' limitu ġie maqbuż.

Artikolu 5

L-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti u d-definizzjoni ta' punti ta' tluq għat-treġġigħ lura ta' tendenzi

1.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw kwalunkwe tendenzi li qed jiżdiedu sinifikanti u sostnuti f'konċentrazzjonijiet ta' pollutanti, gruppi ta' pollutanti u indikaturi ta' tniġġiż misjuba f'mases, jew gruppi ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, identifikati bħala li qegħdin f'riskju u jiddefinixxu l-punt ta' tluq għat-treġġigħ lura ta' dik it-tendenza, skond l-Anness IV.

2.   L-Istati Membri għandhom ireġġħu lura t-tendenzi li jippreżentaw riskju ta' ħsara sinifikanti għall-kwalità ta' l-ekosistemi akkwatiċi jew terrestri, għas-saħħa tal-bniedem, jew għall-użi leġittimi attwali jew potenzjali ta' l-ambjent ta' l-ilma, permezz tal-programm ta' miżuri imsemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60/KE, sabiex jitnaqqas b'mod progressiv it-tniġġiż ta' l-ilma ta' taħt l-art.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-punt ta' tluq minn meta ireġgħu lura t-tendenzi bħala persentaġġ tal-livell ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art imniżżla fl-Anness I u tal-valuri ta' limitu stabbiliti skond l-Artikolu 3, abbażi tat-tendenza identifikata u r-riskju ambjentali assoċjat magħha, skond il-paragrafu 1 tal-Parti B ta' l-Anness IV.

4.   Fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar sottomessi skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri għandhom jagħtu sintesi:

(a)

tal-mod kif il-valutazzjoni tat-tendenza minn punti ta' monitoraġġ individwali f'massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art ikkontribwiet għall-identifikazzjoni skond is-Sezzjoni 2.5 ta' l-Anness V ta' dik id-Direttiva, li dawk il-mases huma soġġetti għal tendenza 'l fuq sinifikanti u sostnut f'konċentrazzjoni ta' kwalunkwe pollutant jew treġġigħ lura ta' dik it-tendenza; u

(b)

ir-raġunijiet għall-punti ta' tluq definiti skond il-paragrafu 3.

5.   Fejn meħtieġ biex jiġi valutat l-impatt ta' traċċi eżistenti ta' tniġġiż f'mases ta' ilma ta' taħt l-art li jistgħu jheddu l-ksib ta' l-objettivi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE, u b'mod partikolari dawk it-traċċi li jirriżultaw minn punti ta' sorsi u art kontaminata, l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar stimi tat-tendenzi għall-pollutanti identifikati sabiex jiġi verifikat li traċċi minn siti kontaminati ma jinfirxux, ma jiddeterjorawx l-istat kimiku tal-massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, u mhumiex ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Ir-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet għandhom jinkitbu f'sommarju fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar sottomessi skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE:

Artikolu 6

Miżuri biex jipprevjenu jew jillimitaw id-dħul ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art

1.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv li jkunu evitati jew limitati dħul ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art stabbilit skond l-Artikolu 4(1) (b) (i) tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programm ta' miżuri stabbiliti skond l-Arikolu 11 ta' dik id-Direttiva, jinkludi:

(a)

il-miżuri kollha meħtieġa li jimmiraw li jevitaw dħul fl-ilma ta' taħt l-art ta' kwalunkwe sustanza perikoluża. Fl-identifikazzjoni ta' tali materjali, l-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jieħdu kont ta' sustanzi perikolużi li jagħmlu parti mill-familji jew gruppi ta' pollutanti imsemmija fil-punti 1 sa 6 ta' l-Anness VIII għad-Direttiva 2000/60/KE, kif ukoll ta' sustanzi li huma parti mill-familji jew gruppi ta' pollutanti msemmija fil-punti 7 sa 9 ta' l-imsemmi Anness, fejn dawn huma kkunsidrati bħala perikolużi;

(b)

għal pollutanti mniżżla fl-Anness VIII għad-Direttiva 2000/60/KE li mhumiex ikkunsidrati bħala perikolużi, u pollutanti oħrajn li mhumiex perikolużi u li mhumiex elenkati f'dik il-lista li huma kkunsidrati mill-Istati Membri li jippreżentaw riskju ta' tniġġiż eżistenti jew potenzjali, il-miżuri kollha meħtieġa biex jillimitaw id-dħul fl-ilma ta' taħt l-art sabiex jiġi żgurat li tali dħul ma jikkawżax deterjorament ta' l-istat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art, ma jikkawżax xi tendenza 'l fuq sinifikanti u sostnuta fil-konċentrazzjonijiet ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art u ma jikkawżax b'mod ieħor tniġġiż ta' l-ilma ta' taħt l-art. Tali miżuri għandhom jieħdu kont ta' l-aħjar prattika stabbilita, inklużi l-Aħjar Prattika Ambjentali u l-Aħjar Tekniki Disponibbli speċifikati fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti.

Sabiex jiġu stabbiliti l-miżuri msemmija fil-punti (a) jew (b), l-Istati Membri jistgħu, bħala l-ewwel pass, jidentifikaw iċ-ċirkostanzi li taħthom il-pollutanti imniżżla fl-Anness VIII għad-Direttiva 2000/60/KE, b'mod partikolari metalli essenzjali u l-komposti tagħhom imsemmija f'dak l-Anness taħt il-punt 7, għandhom jiġu kkunsidrati bħala perikolużi jew mhux perikolużi.

2.   Kull meta jkun teknikament possibbli għandu jittieħed kont tad-dħul ta' pollutanti minn sorsi diffużi ta' tniġġiż li jkollhom impatt fuq l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art.

3.   Mingħajr preġudizzju għal kondizzjoniet iktar stretti f'leġislazzjoni Komunitarja oħra, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-miżuri meħtieġa mill-paragrafu 1 dħul ta' pollutanti li huma:

(a)

ir-riżultat ta' skariku dirett awtorizzat skond l-Artikolu 11(3)(j) tad-Direttiva 2000/60/KE;

(b)

meqjus mill-awtoritajiet kompetenti li huwa ta' kwantità u konċentrazzjoni tant żgħira li ma joħloq l-ebda periklu fil-preżent jew fil-futur ta' deterjorament fil-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art li jilqagħhom;

(ċ)

il-konsegwenzi ta' inċidenti jew ċirkostanzi eċċezzjonali ta' kawża naturali li ma setgħux jiġu raġonevolment previsti, evitati jew mitigati;

(d)

ir-riżultat ta' ċċarġjar mill-ġdid jew żieda artifiċjali ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art awtorizzati skond l-Artikolu 11(3)(f) tad-Direttiva 2000/60/KE;

(e)

meqjus mill-awtoritajiet kompetenti li mhuwiex teknikament vijabbli li jiġi evitat jew limitat mingħajr l-użu ta':

(i)

miżuri li jżidu r-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità ta' l-ambjent b'mod ġenerali; jew

(ii)

miżuri disproporzjonalment għaljin biex ineħħu kwantitajiet ta' pollutanti minn art kontaminata jew ħamrija ta' taħt, jew inkella biex jikkontrollaw it-tnixxija tagħhom f'dawn; jew

(f)

ir-riżultat ta' interventi fl-ilmijiet tal-wiċċ sabiex, fost l-oħrajn, jiġu mitigati l-effetti ta' għargħar u nixfiet, u għall-ġestjoni ta' l-ilmijiet u passaġġi fuq l-ilma, inkluż f'livell internazzjonali. Tali attivitajiet, inklużi l-qtugħ, it-tindif mill-ħama, ir-rilokazzjoni u d-depożitu ta' sedimenti fl-ilmijiet tal-wiċċ, għandhom jitwettqu skond ir-regoli ġenerali li jorbtu, u, fejn applikabbli, b'permessi u awtorizzazzjonijiet maħruġa abbażi ta' dawk ir-regoli, żviluppati mill-Istati Membri f'dak ir-rigward, bil-kondizzjoni li dħul ma jikkompromettix il-kisba ta' l-objettivi ambjentali stabbiliti għall-mases ta' ilma rilevanti skond l-Artikolu 4(1)(b)(ii) tad-Direttiva 2000/60/KE.

4.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom iżommu inventarju ta' l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, għall-fini ta' notifika lill-Kummissjoni jekk jiġu mitluba.

Artikolu 7

Arranġamenti Transitorji

Fil-perijodu ta' bejn … (11) u t-22 ta' Diċembru 2013, kwalunkwe proċedura ġdida ta' awtorizzazzjoni skond l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 80/68/KEE għandha tieħu kont tal-ħtiġiet imniżżla fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 8

Adattamenti tekniċi

L-Annessi II, III u IV jistgħu jiġu adattati għall-progress xjentifiku u tekniku skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2000/60/KE, waqt li jiġi kkunsidrat il-perijodu għar- reviżjoni u l-aġġornar tal-pjan ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar, kif imsemmi fl-Artikolu 13(7) ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 9

Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel … (11). Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 112, 30.4.2004, p. 40.

(2)  ĠU C 109, 30.4.2004, p. 29.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2005 (ĠU C 45E, 23.2.2006, p. 71), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta-23 ta' Jannar 2006 u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(6)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(7)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/19/KE (ĠU L 44, 15.2.2006, p. 15).

(8)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p.1).

(9)  ĠU L 20, 26.1.1980, p.43. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 91/692/KEE (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48).

(10)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(11)  ĠU: Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


ANNESS I

STANDARDS TA' KWALITÀ GĦALL-ILMA TA' TAĦT L-ART

1

Sabiex jiġi stmat l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art skond l-Artikolu 4, l-istandards ta' kwalità għall-ilma ta' taħt l-art li ġejjin huma l-istandards ta' kwalità msemmija fit-Tabella 2.3.2 fl-Anness V għad-Direttiva 2000/60/KE u stabbiliti skond l-Artikolu 17 ta' dik id-Direttiva.

Pollutant

Standards ta' kwalità

Kumment

Nitrati

50 mg/l

Għall-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE, programmi u miżuri meħtieġa f'relazzjoni ma' dan il-valur (i.e. 50 mg/l) huma skond dik id-Direttiva (1).

Sustanzi attivi f'pestiċidi, inklużi l-metaboliti, prodotti ta' degradazzjoni u reazzjoni rilevanti tagħhom (2)

0.1 μg/l

0.5 μg/l (total) (3)

 

2

Ir-riżultati ta' l-applikazzjoni ta' l-istandards ta' kwalità għall-pestiċidi bil-mod speċifikat għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għar-riżultati tal-proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju meħtieġa mid-Direttiva 91/414/KEE jew id-Direttiva 98/8/KE.

3

Meta għal massa determinat ta' ilma ta' taħt l-art, ikun kkunsidrat li l-istandards ta' kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jistgħu jwasslu għan-nuqqas ta' kisba ta' l-objettivi ambjentali speċifikati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE għall-mases ta' ilma tal-wiċċ assoċjati, jew iwasslu għal kwalunkwe tnaqqis sinifikanti tal-kwalità ekoloġika jew kimika ta' tali mases, jew kwalunkwe ħsara sinifikanti għall-ekosistemi terrestri li jiddependu direttament mill-massa ta' ilma ta' taħt l-art, valuri iżjed stretti ta' limitu huma stabbiliti skond l-Artikolu 3 u l-Anness II tad-Direttiva. Programmi u miżuri meħtieġa fir-rigward ta' tali valur ta' limitu japplikaw ukoll għal attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE.


(1)  Attivitajiet barra l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE mhumiex koperti minn din id-dispożizzjoni.

(2)  “Pestiċidi” tfisser prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u prodotti bijoċidali kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/414/KEE u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/8/KE, rispettivament.

(3)  “Total” tfisser is-somma tal-pestiċidi individwali kollha misjuba u kwantifikati fil-proċedura ta' monitoraġġ.


ANNESS II

VALURI TA' LIMITU GĦAL POLLUTANTI TA' L-ILMA TA' TAĦT L-ART U INDIKATURI TAT-TNIĠĠIŻ

PARTI A:   LINJI GWIDA GĦALL-ISTABBILIMENT TA' VALURI TA' LIMITU MILL-ISTATI MEMBRI SKOND L-ARTIKOLU 3

L-Istati Membri jistabbilixxu valuri ta' limitu għal pollutanti kollha u indikaturi tat-tniġġiż li, skond il-karatterizzazzjoni mwettqa skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE, jikkaratterizzaw il-mases jew gruppi ta' mases ta' l-ilma taħt l-art li huma f'riskju li jonqsu milli jiksbu stat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art.

Il-valuri ta' limitu jkunu stabbiliti b'tali mod li, jekk ir-riżultati tal-monitoraġġ f'punt ta' monitoraġġ rappreżentattiv jaqbżu l-limiti, dan ikun jindika riskju li kondizzjoni waħda jew iżjed għall-istat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art imsemmija fl-Artikolu 4 (2) (b) (ii), (iii) u (iv) mhux qed tiġi sodisfatta.

Meta jiġu biex jistabbilixxu l-valuri ta' limitu, l-Istati Membri jikkunsidraw il-linji gwida li ġejjin:

1.

Id-deċiżjoni biex jiġu stabbiliti valuri ta' limitu għandha tkun ibbażata fuq:

(a)

il-livell ta' interazzjonijiet bejn l-ilma ta' taħt l-art u l-ekosistemi akkwatiċi assoċjati u ekosistemi terrestri dipendenti;

(b)

l-interferenza ma' użi jew funzjonijiet leġittimi attwali jew potenzjali ta' l-ilma ta' taħt l-art;

(ċ)

il-pollutanti kollha li jikkaratterizzaw il-mases ta' ilma ta' taħt l-art bħala li huma f'riskju, b'kont meħud tal-listi minimi stabbiliti fil-parti B;

(d)

karatteristiċi idro-ġeoloġiċi inkluża informazzjoni dwar valuri fl-isfond u l-bilanċ ta' l-ilma.

2.

Id-determinazzjoni tal-valuri ta' limitu għandha tieħu wkoll kont ta' l-oriġini tal-pollutanti, il-possibbiltà ta' l-okkorrezza naturali tagħhom, it-tossikoloġija u t-tendenza għat-tifrix tagħhom, il-persistenza tagħhom u l-potenzjal tagħhom ta' bijo-akkumulazzjoni.

3.

Id-determinazzjoni tal-valuri ta' limitu għandha tiġi sostnuta minn mekkaniżmu ta' kontroll għad-data miġbura, ibbażat fuq valutazzjoni tal-kwalità tad-data, fuq konsiderazzjonijiet analitiċi, u fuq livelli ta' l-isfond għas-sustanzi li jistgħu jokkorru kemm b'mod naturali kif ukoll bħala riżultat ta' attivitajiet tal-bniedem.

PARTI B:   LISTI MINIMI TA' POLLUTANTI U L-INDIKATURI TAGĦHOM LI GĦALIHOM L-ISTATI MEMBRI GĦANDHOM JIKKUNSIDRAW L-ISTABBILIMENT TA' VALURI TA' LIMITU SKOND L-ARTIKOLU 3

1.   Sustanzi jew joni, li jistgħu jokkorru kemm b'mod naturali kif ukoll bħala riżultat ta' attivitajiet tal-bniedem

 

Arseniku

 

Kadmju

 

Ċomb

 

Merkurju

 

Ammonju

 

Kloru

 

Sulfat

2.   Sustanzi sintetiċi magħmula mill-bniedem

 

Trikloroetilene

 

Tetrakloroetilene

3.   Parametri indikattivi ta' dħul ta' mluħ jew dħul ieħor (1)

Konduttività

PARTI Ċ:   INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA MILL-ISTATI MEMBRI FIR-RIGWARD TAL-POLLUTANTI U L-INDIKATURI TAGĦHOM LI GĦALIHOM ĠEW STABBILITI VALURI TA' LIMITU

L-Istati Membri jagħmlu sintesi fil-Pjan ta' Ġestjoni tal-Baċiri tax-Xmajjar li għandu jkun sottomess skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, dwar il-mod kif il-proċedura stabbilita fil-Parti A ta' dan l-Anness ġiet segwita.

B'mod partikolari, l-Istati Membri jipprovdu, fejn vijabbli:

(a)

informazzjoni dwar in-numru ta' mases jew gruppi ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art karatterizzati bħala li huma f'riskju u dwar il-pollutanti u l-indikaturi tat-tniġġiż li jikkontribwixxu għal din il-klassifikazzjoni, inklużi l-konċentrazzjonijiet/valuri osservati;

(b)

informazzjoni dwar kull wieħed mill-mases ta' ilma ta' taħt l-art karatterizzati bħala li huma f'riskju, b'mod partikolari id-daqs tal-mases, ir-relazzjoni bejn il-mases ta' ilma ta' taħt l-art u l-ilmijiet assoċjati tal-wiċċ u l-ekosistemi terrestri dipendenti direttament u, f'każ ta' sustanzi li jokkorru b'mod naturali, il-livelli naturali ta' l-isfond fil-mases ta' ilma ta' taħt l-art;

(ċ)

il-valuri ta' limitu, kemm jekk japplikaw fil-livell nazzjonali, fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew fil-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li taqa' fit-territorju ta' l-Istat Membru, kif ukoll fil-livell ta' massa jew grupp ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art;

(d)

ir-relazzjoni bejn il-valuri ta' limitu u:

(i)

fil-każ ta' sustanzi li jokkorru b'mod naturali, il-livelli ta' l-isfond osservati,

(ii)

l-objettivi ta' kwalità ambjentali u standards oħra għall-protezzjoni ta' l-ilma li jeżistu fuq livell nazzjonali, Komunitarju jew internazzjonali, u

(iii)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar it-tossikoloġija, l-eko-tossikoloġija, il-persistenza, il-potenzjal ta' bijo-akkumulazzjoni, u t-tendenza ta' tifrix tal-pollutanti.


(1)  Fir-rigward ta-konċentrazzjonijiet ta' mluħ li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu valuri ta' limitu jew għas-sulfat u l-kloridu jew għall-konduttività.


ANNESS III

STIMA TA' L-ISTAT KIMIKU TA' L-ILMA TA' TAĦT L-ART

1.

Il-proċedura ta' valutazzjoni biex jiġi determinat l-istat kimiku ta' massa jew grupp ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art għandha titwettaq f'relazzjoni mal-mases jew gruppi ta' mases kollha ta' l-ilma ta' taħt l-art karatterizzati bħala li huma f'riskju u fir-rigward ta' kull wieħed mill-pollutanti li jikkontribwixxu għall-massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art li huma karatterizzati hekk.

2.

Fit-twettiq ta' kwalunkwe investigazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4(2)(b), l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta':

(a)

l-informazzjoni miġbura bħala parti mill-karatterizzazzjoni li trid titwettaq skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE u taħt is-Sezzjonijiet 2.1, 2.2 u 2.3 ta' l-Anness II għalih;

(b)

ir-riżultati tan-network ta' monitoraġġ ta' l-ilma ta' taħt l-art miksuba skond is-Sezzjoni 2.4 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE; u

(ċ)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra inkluż tqabbil bejn il-konċentrazzjoni aritmetika medja annwali tal-pollutanti rilevanti f'punt ta' monitoraġġ u l-istandards ta' kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art stabbiliti fl-Anness I u l-valuri ta' limitu stabbiliti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3 u l-Anness II.

3.

Għall-iskopijiet ta' l-investigazzjonijiet dwar jekk intlaħqux il-kondizzjonijiet għal stat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art imsemmija fl-Artikolu 4(2)(b)(i) u (iv), l-Istati Membri, għandhom fejn ikun rilevanti u meħtieġ, u abbażi ta' aggregazzjonijiet xierqa tar-riżultati tal-monitoraġġ, sostnuti fejn meħtieġ bi stimi ta' konċentrazzjoni bbażati fuq mudell konċettwali tal-massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, jistmaw kemm il-massa ta' ilma ta' taħt l-art għandha konċentrazzjoni aritmetika medja annwali ta' pollutant ogħla minn standard ta' kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew minn valur ta' limitu.

4.

Għall-iskopijiet ta' l-investigazzjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet għal stat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art imsemmija fl-Artikolu 4(2)(b)(ii) u (iii) humiex sodisfatti, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun rilevanti u meħtieġ, u abbażi tar-riżultati rilevanti ta' monitoraġġ u ta' mudell konċettwali adatt tal-massa ta' ilma ta' taħt l-art, jivvalutaw:

(a)

l-ammonti u l-konċentrazzjonijiet tal-pollutanti li jiġu, jew li x'aktarx jiġu, trasferiti mill-massa ta' ilma ta' taħt l-art għall-ilmijiet assoċjati tal-wiċċ jew ekosistemi terrestri direttament dipendenti;

(b)

l-impatt probabbli ta' l-ammonti u l-konċentrazzjonijiet tal-pollutanti trasferiti għall-ilmijiet assoċjati tal-wiċċ u għal ekosistemi terrestri dipendenti direttament;

(ċ)

il-livell ta' kwalunkwe dħul ta' mluħ jew dħul ieħor fil-massa ta' ilma ta' taħt l-art; u

(d)

ir-riskju mill-pollutanti fil-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art għall-kwalità ta' ilma li jinġabar, jew maħsub li jinġabar, mill-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art għall-konsum mill-bniedem.

5.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art ta' massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art fuq mapep skond is-Sezzjonijiet 2.4.5 u 2.5 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jindikaw fuq dawn il-mapep il-punti kollha ta' monitoraġġ fejn l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art u/jew il-valuri ta' limitu nqabżu, fejn ikun rilevanti u vijabbli.


ANNESS IV

IDENTIFIKAZZJONI U TREĠĠIGĦ LURA TA' TENDENZI 'L FUQ SINIFIKANTI U SOSTNUTI

PARTI A:   IDENTIFIKAZZJONI U TREĠĠIGĦ LURA TA' TENDENZI 'L FUQ SINIFIKANTI U SOSTNUTI

L-Istati Membri jidentifikaw tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti fil-mases jew gruppi ta' mases kollha ta' ilma ta' taħt l-art li huma karatterizzati bħala li huma f'riskju skond l-Anness II tad-Direttiva 2000/60/KE, b'kont meħud tal-ħtiġiet li ġejjin:

1.

skond is-Sezzjoni 2.4 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE, il-programm ta' monitoraġġ se jkun infassal b'mod li josserva tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti f'konċentrazzjonijiet tal-pollutanti identifikati skond l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva;

2.

il-proċedura għall-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti tkun bbażata fuq l-elementi li ġejjin:

(a)

il-frekwenzi ta' monitoraġġ u s-siti ta' monitoraġġ se jiġu magħżula b'mod li jkunu suffiċjenti biex:

(i)

jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw li tali tendenzi 'l fuq ikunu jistgħu jintgħarfu minn varjazzjoni naturali b'livell adegwat ta' kunfidenza u preċiżjoni;

(ii)

jippermettu l-identifikazzjoni ta' tali tendenzi 'l fuq fi żmien biżżejjed li jippermetti li miżuri jiġu implimentati biex jipprevjenu, jew għall-inqas jimmitigaw safejn hu prattikabbli, bidliet ambjentalment sinifikanti li jikkawżaw ħsara fil-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art. Din l-identifikazzjoni se titwettaq għall-ewwel darba fl-2009, jekk ikun possibbli, u se tieħu kont tad-data eżistenti, fil-kuntest tar-rapport dwar l-identifikazzjoni ta' tendenzi fl-ewwel pjan ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar imsemmi fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, u mill-anqas kull sitt snin minn hemm 'il quddiem;

(iii)

jieħdu kont tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi temporali tal-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art, inkluż il-kondizzjonijiet tal-fluss ta' l-ilma ta' taħt l-art u r-rati ta' ċċarġjar mill-ġdid u l-ħin meħud għat-tnixxija fil-ħamrija u fil- ħamrija ta' taħt.

(b)

il-metodi ta' monitoraġġ u analiżi li jintużaw se jikkonformaw mal-prinċipji internazzjonali ta' kontroll fuq il-kwalità, inklużi, jekk rilevanti, il-metodi CEN jew dawk standardizzati nazzjonali, biex jiżguraw li d-data pprovduta tkun ta' kwalità u komparabbiltà xjentifika ekwivalenti;

(ċ)

il-valutazzjoni se tkun ibbażata fuq metodu ta' statistika, bħal analiżi tar-rigressjoni, għal analiżi ta' tendenzi f'serje temporali ta' punti ta' monitoraġġ individwali;

(d)

sabiex jiġi evitat distorsjoni fl-identifikazzjoni tat-tendenzi, il-miżuri kollha taħt il-limitu ta' kwantifikazzjoni se jiġu ffissati għal nofs il-valur ta' l-ogħla limitu ta' kwantifikazzjoni li jsir f'serje temporali, ħlief għal pestiċidi totali.

3.

l-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti fil-konċentrazzjonijiet ta' sustanzi li jokkorru kemm b'mod naturali kif ukoll bħala riżultat ta' attivitajiet tal-bniedem se tikkunsidra id-data miġbura qabel il-bidu tal-programm ta' monitoraġġ sabiex tirrappurta dwar l-identifikazzjoni ta' tendenza fl-ewwel pjan ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar stabbilit fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, fejn tali data tkun disponibbli.

PARTI B:   PUNT TAT-TLUQ GHAT-TREĠĠIEGH

Skond l-Artikolu 5, l-Istati Membri se jreġġgħu lura tendenzi identifikati 'l fuq sinifikanti u sostnuti fejn dawn it-tendenzi jippreżentaw riskju ta' ħsara għal ekosistemi akkwatiċi assoċjati, għal ekosistemi terrestri direttament dipendenti, għas-saħħa tal-bniedem jew għall-użu leġittimu attwali jew potenzjali ta' l-ambjent ta' l-ilma, b'kont meħud tal-ħtiġiet li ġejjin:

1.

il-punt tat-tluq għall-implimentazzjoni tal-miżuri biex ireġġgħu lura tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti se jkun meta l-konċentrazzjoni tal-pollutant tilħaq il-75 % tal-valuri parametriċi ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art stabbiliti fl-Anness I u tal-valuri ta' limitu stabbiliti skond l-Artikolu 3, ħlief jekk:

(a)

ikun meħtieġ punt ta' tluq iżjed bikri biex jippermetti li miżuri ta' treġġigħ lura tat-tendenza jipprevjenu bl-iżjed mod effettiv fl-infiq, jew għall-anqas biex jimmitigaw kemm jista' jkun, kwalunkwe bidliet ambjentalment sinifikanti li jikkawżaw ħsara lill-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art;

(b)

punt ta' tluq differenti jkun ġustifikat fejn il-limitu ta' skoperta ma jippermettix l-istabbiliment tal-preżenza ta' tendenza f'75 % tal-valuri parametriċi; jew

(ċ)

ir-rata ta' żieda u l-proċess ta' treġġigħ lura tat-tendenza jkunu tali li punt ta' tluq iżjed tard għall-miżuri ta' treġġigħ lura tat-tendenza xorta jippermetti li tali miżuri jipprevjenu bl-iżjed mod effettiv fl-infiq, jew għall-anqas jimmitigaw kemm jista' jkun, kwalunkwe bidliet ambjentalment sinifikanti li jikkawżaw ħsara lill-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art.

Għal attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE, il-punt tat-tluq għall-implimentazzjoni ta' miżuri biex ireġġgħu lura tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti se jiġi stabbilit skond dik id-Direttiva u d-Direttiva 2000/60/KE;

2.

ladarba jkun ġie stabbilit punt ta' tluq għal massa ta' l-ilma ta' taħt l-art karatterizzat bħala li huwa f'riskju skond is-Sezzjoni 2.4.4 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE u skond il-paragrafu 1 tal-Parti B dan l-Anness, dan ma jinbidilx matul iċ-ċiklu ta' sitt snin tal-pjan ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar meħtieġ skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE.

3.

it-treġġigħ lura ta' tendenzi se jintwera, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' monitoraġġ li jinsabu fil-paragrafu 2 tal-Parti A.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis fit-28 ta' Ottubru 2003.

Il-Parlament Ewropew adotta l-Opinjoni ta' l-ewwel qari tiegħu fit-28 ta' April 2005. (1)

Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-Opinjoni tiegħu fit-12 ta' Frar 2004. (2)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-Opinjoni tiegħu fil-31 ta' Marzu 2004. (3)

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu fit-23 ta' Jannar 2006.

II.   OBJETTIV

L-ilma ta' taħt l-art huwa riżorsa naturali importanti li tipprovdi l-ilma għall-konsum tal-bniedem kif ukoll għall-agrikoltura u l-industrija. Huwa għandu wkoll rwol ewlieni, speċjalment tul il-perijodi ta' nixfa, fil-preservazzjoni ta' ekosistemi akwatiċi u terrestri. Il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis hija għalhekk essenzjali, b'enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni billi l-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art ġeneralment tieħu fit-tul u hija diffiċli biex terġa' tinkiseb, anke meta s-sors ta' tniġġis ikun tneħħa.

Attwalment il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġiż hija rregolata taħt id-Direttiva 80/68/KEE, (4) li għandha tkun revokata fl-2013, u d-Direttiva 2000/60/KE: id-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma (WFD) (5).

Din il-proposta tipprova tissodisfa l-ħtieġa ġenerali li tinsab fl-Artikolu 17 tad-WFD li, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw miżuri speċifiċi biex jipprevjenu u jikkontrollaw it-tniġġis ta' l-ilma ta' taħt l-art, sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta' l-objettivi ambjentali tad-Direttiva kwadru li huma relatati ma' l-ilma ta' taħt l-art.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

Ġenerali

Il-pożizzjoni komuni tinkorpora numru ta' emendi mill-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, kemm verbatim, parzjali jew fl-ispirtu. Dawn itejbu jew jikkjarifikaw it-test tad-Direttiva proposta.

Madankollu, emendi oħrajn m'humiex riflessi fil-pożizzjoni komuni għax il-Kunsill qabel li ma kinux meħtieġa jew aċċettabbli jew, f'diversi każijiet, għax dispożizzjonijiet mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni tħassru jew ġew abbozzati mill-ġdid b'mod eżawrenti. Dan japplika b'mod partikolari għall-annessi, li l-Kunsill immira li jissemplifika u jikkjarifika kemm jista' jkun sabiex jiżgura implimentazzjoni effettiva.

Diversi emendi ma kinux inklużi fil-pożizzjoni komuni għax il-Kunsill ikkunsidra li ma kinux konformi mal-gwida għall-abbozzar tal-leġislazzjoni Komunitarja, għax huma rrepetew, interpretaw jew ikkontradixxew dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma.

Diversi emendi ġew irrifjutati għax kien ikkunsidrat li dawn ippruvaw jintroduċu dispożizzjonijiet li jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta kif determinat mid-Direttiva Kwadru jew koperta minn leġislazzjoni stabbilita oħra.

Il-pożizzjoni komuni tinkludi wkoll bidliet li m'humiex dawk maħsuba fl-opinjoni ta' l-ewwel qari tal-Parlament Ewropew. B'mod partikolari, il-Kunsill ipprova jorganizza l-istruttura ta' l-att propost bl-aktar mod razzjonali possibbli sabiex jgħin il-ftehim, minn awtoritajiet kompetenti u ċittadini, tal-ħtiiet imposti fuq l-Istati Membri. Barra minn hekk, numru ta' bidliet abbozzati ġew introdotti biex jiġi ċċarat it-test jew biex tiġi żgurata l-koerenza ġenerali tad-Direttiva.

Speċifiku

B'mod partikolari, il-Kunsill qabel li:

L-emenda 1 u l-ewwel parti ta' l-emenda 2 ma kinux ċari fir-rigward tad-differenza bejn “tniġġiż” u “deterjorazzjoni”. Referenza għall-ħtieġa tal-prevenzjoni tad-deterjorazzjoni ta' l-istatus ta' korpi ta' l-ilma ta' taħt l-art, konsistenti mad-WFD, ġiet miżjuda ma' l-Artikolu 1.

L-emenda 3 kienet timponi fuq il-korpi kollha ta' l-ilma ta' taħt l-art l-istandards applikati għall-korpi użati għall-estrazzjoni ta' l-ilma tax-xorb, li ma kinux ikunu vijabbli b'mod realistiku. L-istess japplika għall-ewwel parti ta' l-emenda 62 (li t-tieni parti tagħha kienet aċċettata mill-Kunsill), għall-punt 2 (b) ta' l-emenda 65 u għall-emenda 68.

L-għanijiet imniżżla fl-emendi 95 u 100 kienu segwiti l-aħjar permezz tal-Programmi Kwadru Komunitarji dwar ir-Riċerka.

L-emenda 4 ma kinitx tikkonforma mad-WFD, li tiddistingwi b'mod ċar bejn il-livelli ta' protezzjoni għall-ilma ta' taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ.

L-emendi 7, 10 u 80, kif ukoll il-punt (aa) ta' l-emenda 15, indirizzaw l-istatus kwantitattiv ta' l-ilma ta' taħt l-art. Dan kien barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva segwenti, li hija esklussivament dwar l-istatus kwalitattiv, kif definit fl-Artikolu 17 tad-WFD.

L-emendi 8 u 9, li jirreferu għal setturi oħra ta' politika, ma kinux konformi mal-gwida għall-abbozzar tal-leġislazzjoni Komunitarja, bħall-emenda 13, li kienet ikkunsidrata li tinterpreta d-WFD aktar milli tiġġustifika d-Direttiva ta' l-Ilma ta' Taħt l-Art.

L-emenda 11 ma kinitx meħtieġa għax it-test tal-pożizzjoni komuni stabbilixxa, taħt l-Artikolu 6, ordni ekwivalenti għal dik li tinsab fid-Direttiva 80/68/KEE.

L-emenda 16 irdoppjat id-dispożizzjonijiet mill-Artikolu 5 tad-WFD li jistabbilixxi b'mod ċar ir-responsabbiltajiet rigward karatterizzazzjoni.

L-emenda 17 ma kinitx aċċettabbli għax il-Kunsill ikkunsidra li distinzjoni ċara, kemm rigward il-kunċett kif ukoll rigward it-terminoloġija, bejn l-istandards tal-kwalità stabbiliti fuq livell Komunitarju u l-valuri ta' limitu li jiġu ddeterminati mill-Istati Membri skond l-ispeċifikazzjonijiet idroġeoloġiċi nazzjonali, kien element essenzjali tad-Direttiva proposta. L-indeboliment jew ir-rifjutar ta' dan l-approċċ jagħmel l-implimentazzjoni aktar komplikata u inqas effettiva f'termini ta' riżultati. L-istess japplika tul it-test, għall-emendi 30, 31, 34, 36, 65, 66, 67, 69, 70, 71, 89 u 90 kollha, jew partijiet minnhom.

L-emenda 18 kienet aċċettabbli fil-prinċipju, imma l-formulazzjoni tal-kliem ġiet ikkjarifikata biex tindirizza aħjar in-nozzjoni tax-xejriet li potenzjalment iwasslu għal riskju ambjentali.

L-emendi 19 u 20 kienu aċċettabbli parzjalment imma kienu inkonsistenti mad-WFD kif abbozzata. Elementi meħuda mit-tnejn kienu kkombinati fl-Artikolu 2 (4).

L-emenda 21 iddefiniet mill-ġdid terminu eżistenti fid-WFD u setgħet wasslet għal konfużjoni. Id-WFD teħtieġ “l-ebda deterjorazzjoni ta' l-istatus tal-korpi ta' l-ilma ta' taħt l-art”, mhux tal-kwalità.

L-emendi 22 u 24, kif ukoll l-ewwel parti ta' l-emenda 38, irreferew għal kunċetti li ma jintużawx fis-sens strett tal-kelma fil-pożizzjoni komuni, u ppreżentaw diffikultajiet prattiċi serji. Madankollu, il-kwistjoni ta' konċentrazzjonijiet li jseħħu b'mod naturali (li hi aċċennata wkoll fl-emenda 91) hija indirizzata fil-premessa 7.

L-emendi 23, 49 u 93 introduċew terminu ġdid, kumpless u mhux meħtieġ li seta' wassal għal interpretazzjoni ħażina mifruxa. Kontaminazzjoni storika hija koperta b'mod adegwat minn dispożizzjonijiet aktar ġenerali fil-pożizzjoni komuni u fid-WFD.

L-emenda 56 ma kinitx rilevanti meta wieħed jikkunsidra l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva proposta.

L-emenda 27 kienet inkompatibbli mal-fehma tal-Kunsill li l-istandards tal-kwalità u l-valuri tal-limiti għandhom ikunu stabbiliti fuq livelli rilevanti għar-riskju ta' korpi ta' l-ilma ta' taħt l-art.

L-emendi 57 u 59 ma kinux meħtieġa billi l-pożizzjoni komuni tindirizza t-tifsira ta' l-istatus kimiku tajjeb u dgħajjef.

L-emenda 37 ma kinitx meħtieġa fir-rigward tad-definizzjonijiet tad-WFD tal-pollutant u t-tniġġis.

L-emenda 40 ma kinitx aċċettabbli għax l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm ta' miżuri.

Il-kwistjonijiet indirizzati fl-emendi 41 u 58 kienu koperti rispettivament fl-Anness IV u fl-Anness III tal-pożizzjoni komuni.

L-emenda 46 ma kinitx aċċettabbli għax użat dispożizzjoni li ġejja mid-Direttiva 80/68/KEE f'kuntest differenti ħafna, li jagħmilha impossibbli li tiffunzjona.

L-emendi 51, 52 u 54 irdoppjaw dispożizzjonijiet tad-WFD. Safejn jikkonċerna l-emenda 50, il-Kunsill introduċa lingwa spirata mid-Direttiva 80/68/KEE (l-Artikolu 15) fl-Artikolu 6 (4), meta wieħed jiftakar fil-ħtieġa li jkun minimizzat il-piż burokratiku.

L-emenda 55 eskludiet bla ma kien meħtieġ l-Anness III minn adattament tekniku possibbli.

It-tneħħija proposta fl-emenda 60 kienet twassal għal inkompatibbiltà bejn din id-Direttiva dwar l-Ilma ta' Taħt l-Art u d-Direttiva 91/676/KEE. Il-pożizzjoni komuni tikkjarifika r-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ direttivi.

L-emenda 64 ma kinitx aktar rilevanti fis-sens strett tal-kelma, għax il-pożizzjoni komuni tindirizza l-kwistjoni ta' konformità b'mod differenti, bil-għan li tevita sitwazzjoni fejn nuqqas ta' konformità f'punt ta' monitoraġġ wieħed ikun ifisser nuqqas ta' konformità għall-korp kollu jew il-grupp tal-korpi ta' l-ilma ta' taħt l-art (ara l-Artikolu 4 u l-Anness III).

L-emendi 73, 76, 77, 78, 79 (l-ewwel parti), 83, 84 u 85 ma kinux rilevanti aktar. B'mod partikolari, il-Kunsill ħass li l-approċċ ta' serje ta' żmien fiss fil-proposta oriġinali ma kienx applikabbli meta wieħed jikkunsidra d-diversità tal-kondizzjonijiet idroġeoloġiċi madwar l-UE u li kriterji komuni għandhom jiġu definiti biss għall-identifikazzjoni ta' xejriet u għall-punt ta' tluq għal tneħħija ta' xejra (l-Anness IV). It-tieni parti ta' l-emenda 79 (simili għall-emenda 89) ġiet inkorporata fl-ispirtu fl-Anness IV, il-punt 1.3.

L-emenda 81 kienet konfondenti u inkonsistenti mad-WFD. Madankollu, l-Artikolu 5 (2) tal-pożizzjoni komuni tikkjarifika x'għandu jiġi protett.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni komuni tirrappreżenta pakkett bilanċjat tal-miżuri li jikkontribwixxu għall-insegwiment ta' l-objettivi tal-politika ambjentali Komunitarja mniżżla fl-Artikolu 174(1) tat-Trattat KE u tavvanza l-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis, filwaqt li tiżgura konformità mal-ħtiġiet relatati ma' l-ilma ta' taħt l-art li jinsabu fid-Direttiva 2000/60/KE u tippermetti implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri, b'kont debitu meħud taċ-ċirkostanzi idroġeoloġiċi speċifiċi fuq livell nazzjonali.

Huwa jistenna bil-ħerqa diskussjonijiet kostruttivi mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb ta' l-adozzjoni bikrija tad-Direttiva.


(1)  ĠU C 45E, 23.2.2006, p. 75.

(2)  ĠU C 109, 30.4.2004, p. 29.

(3)  ĠU C 112, 30.4.2004, p. 40.

(4)  ĠU L 20, 26.1.1980, p. 43.

(5)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.


30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/16


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 5/2006

adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Jannar 2006

bl-għan li tiġi adottata d-Direttiva …/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- … li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE)

(2006/C 126 E/02)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-politika Komunitarja dwar l-ambjent għandha taspira li tilħaq livell għoli ta' protezzjoni b'kont meħud tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fir-reġjuni varji tal-Komunità. Minbarra dan, hija meħtieġa informazzjoni, li tinkludi informazzjoni ġeografika, għall-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' din il-politika u ta' linji politiċi Komunitarji oħra, li għandhom jintegraw il-ħtiġijiet ta' protezzjoni ambjentali skond l-Artikolu 6 tat-Trattat. Sabiex integrazzjoni ta' dan it-tip isseħħ jeħtieġ li tiġi stabbilita miżura ta' koordinazzjoni bejn l-utenti u dawk li jipprovdu l-informazzjoni sabiex b'hekk informazzjoni u tagħrif minn setturi differenti jistgħu jiġu magħquda.

(2)

Is-Sitt Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent adottat mid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni sħiħa sabiex ikun żgurat li t-tfassil tal-politika ambjentali tal-Komunità jiġi mwettaq b'mod integrat, b'kont meħud tad-differenzi lokali u reġjonali. Jeżistu numru ta' problemi fir-rigward tad-disponibbilità, il-kwalità, l-organizzazzjoni, l-aċċessibilità u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni ġeografika meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi mniżżla f'dak il-programm.

(3)

Il-problemi fir-rigward tad-disponibbilità, il-kwalità, l-organizzazzjoni, l-aċċessibilità u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni ġeografika huma komuni għal numru kbir ta' temi ta' politika u informazzjoni u huma esperjenzati f'diversi livelli ta' awtorità pubblika. Sabiex dawn il-problemi jiġu solvuti, huwa meħtieġ li jkun hemm miżuri li jindirizzaw l-iskambju, il-kondiviżjoni, l-aċċess u l-użu ta' data ġeografika interoperabbli u servizzi ta' data ġeografika f'diversi livelli ta' awtoritajiet pubbliċi u f'setturi differenti. Infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fil-Komunità għandha għalhekk tiġi stabbilita.

(4)

L-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (“INSPIRE”), għandha tassisti fit-tfassil tal-politika fir-rigward ta' politika u attivitajiet li jista' jkollhom impatt dirett jew indirett fuq l-ambjent.

(5)

INSPIRE għandha tkun ibbażata fuq l-infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika li huma maħluqa mill-Istati Membri u li huma kompatibbli ma' regoli ta' implimentazzjoni komuni u huma supplimentati b'miżuri fuq il-livell Komunitarju. Dawn il-miżuri għandhom jiżguraw li l-infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika maħluqa mill-Istati Membri jkunu kompatibbli u jistgħu jintużaw f kuntest Komunitarju u transkonfinali.

(6)

L-infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika fl-Istati Membri għandhom jitfasslu b'mod li jiżguraw li data ġeografika tkun maħżuna, disponibbli u miżmuma fl-aktar livell adatt; li jkun possibbli li data ġeografika minn sorsi differenti mill-Komunità kollha tiġi magħquda b'mod konsistenti u tkun tista' tiġi kondiviża bejn diversi utenti u applikazzjonijiet; li jkun possibbli li data ġeografika miġbura fuq livell wieħed ta' awtoritajiet pubbliċi tkun tista' tiġi kondiviża bejn awtoritajiet pubbliċi oħra sal-punt li d-Direttiva timponi fuq tali awtoritajiet pubbliċi dmir li jikkondividu data ġeografika; li data ġeografika tkun disponibbli taħt kundizzjonijiet li ma jirrestrinġux aktar milli dovut l-użu estensiv tagħha; li jkun faċli li tiġi skoperta data ġeografika disponibbli, li jkun evalwat kemm hi adattata għall-għan u li jkunu magħrufa l-kundizzjonijiet applikabbli għall-użu tagħha.

(7)

Hemm ammont ta' sovrapożizzjoni bejn l-informazzjoni ġeografika koperta minn din id-Direttiva u l-informazzjoni koperta mid-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali (4). Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għad-Direttiva 2003/4/KE.

(8)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (5), li l-objettivi tagħha huma kumplimentari għal dawk ta' din id-Direttiva.

(9)

L-istabbiliment ta' INSPIRE ser tirrappreżenta valur miżjud sinifikanti għal — u se jibbenefika ukoll minn — inizjattivi oħra Komunitarji bħal ma huma r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 tal-21 ta' Mejju 2002 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo (6) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-“Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): l-istabbiliment ta' kapaċità GMES sa l-2008 — (Pjan ta' Azzjoni 2004-2008)”. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-użu tad-data u s-servizzi li jirriżultaw mill-Galileo u l-GMES hekk kif isiru disponibbli, b'mod partikolari dawk relatati mar-referenzi ta' ħin u spazju minn Galileo.

(10)

Bosta inizjattivi huma meħuda fuq livell nazzjonali u Komunitarju għall-ġbir, l-armonizzazzjoni jew l-organizzazzjoni tad-disseminazzjoni jew l-użu ta' informazzjoni ġeografika. Tali inizzjattivi jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta' leġislazzjoni Komunitarja (per eżempju bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/479/KE tas-17 ta' Lulju 2000 dwar l-implimentazzjoni ta' reġistru Ewropew ta' emissjoni ta' sustanzi li jniġġsu (EPER) skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (IPPC) (7) u r-Regolament (KE) Nru 2152/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar il-monitoraġġ tal-foresti u ta' l-interazzjonijiet ambjentali fil-Komunità (Forest Focus) (8), fil-qafas ta' programmi finanzjati mill-Komunità (per eżempju CORINE land cover, Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Politika tat-Trasport) jew jistgħu joħorġu minn inizjattivi meħuda fuq livell nazzjonali jew reġjonali. Din id-Direttiva mhux biss ser tikkumplimenta tali inizjattivi billi tipprovdi qafas li jagħmilha possibbli għalihom li jsiru interoperabbli, iżda ser tibni wkoll fuq esperjenza u inizjattivi eżistenti iktar milli tidduplika ħidma li diġà saret.

(11)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal data ġeografika miżmuma minn jew f'isem awtoritajiet pubbliċi u għall-użu ta' data ġeografika minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom. Madankollu, hija għandha tapplika wkoll għal data ġeografika, taħt ċertu kundizzjonijiet, li hija miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li mhumiex awtoritajiet pubbliċi, dment li dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jitolbu dan.

(12)

Din id-Direttiva m'għandhiex tistabbilixxi ħtiġijiet għall-ġbir ta' data ġdida, jew għall-irrappurtar ta' tali informazzjoni lill-Kummissjoni, billi dawk il-kwistjonijiet huma regolati minn leġislazzjoni oħra relatata ma' l-ambjent.

(13)

L-implimentazzjoni ta' l-infrastrutturi nazzjonali għandha tkun progressiva u, għaldaqstant, it-temi ta' data ġeografika koperti minn din id-Direttiva għandhom jingħataw livelli differenti ta' prijorità. L-implimentazzjoni għandha tqis sa liema punt id-data ġeografika hija meħtieġa għal medda wiesgħa ta' applikazzjonijiet f'diversi oqsma ta' politika, tal-prijorità ta' azzjonijiet previsti minn politika Komunitarja li jeħtieġu data ġeografika armonizzata u tal-progress li diġà sar mill-isforzi ta' armonizzazzjoni mwettqa fl-Istati Membri.

(14)

It-telf ta' ħin u ta' riżorsi fit-tfittix għal data ġeografika eżistenti jew fid-deċiżjoni dwar jekk tistax tintuża għal skop partikolari huwa ostaklu prinċipali għall-isfruttament sħiħ tad-data disponibbli. L-Istati Membri għandhom għalhekk jipprovdu deskrizzjonijiet ta' settijiet ta' data ġeografika u servizzi disponibbli fil-forma ta' metadata.

(15)

Peress li d-diversità wiesgħa ta' formats u strutturi li fihom hija organizzata d-data ġeografika u li permezz tagħhom wieħed jista' jkollu aċċess għad-data t-territorju fil-Komunità tfixkel il-formulazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni effiċjenti ta' leġislazzjoni Komunitarja li direttament jew indirettament taffettwa l-ambjent, għandhom ikunu previsti miżuri ta' implimentazzjoni sabiex jiffaċilitaw l-użu ta' data ġeografika minn sorsi differenti fl-Istati Membri. Dawk il-miżuri għandhom ikunu mfassla sabiex is-settijiet ta' data ġeografika jkunu interoperabbli, u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe data jew informazzjoni meħtieġa għall-finijet tal-kisba ta' interoperabilità tkun disponibbli taħt kondizzjonijiet li ma jirrestrinġux l-użu tagħha għal dak il-għan.

(16)

Huma meħtieġa servizzi ta' networks għall-kondiviżjoni ta' data ġeografika bejn id-diversi livelli ta' awtorità pubblika fil-Komunità. Dawk is-servizzi ta' network għandhom jagħmluha possibbli li wieħed jiskopri, jittrasforma, jara u jniżżel mill-Internet data ġeografika u li wieħed juża data ġeografika u servizzi ta' l-e-commerce. Is-servizzi tan-networks għandhom jaħdmu skond speċifikazzjonijiet u kriterji ta' prestazzjoni minimi miftehma b'mod komuni sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità ta' l-infrastrutturi stabbiliti mill-Istati Membri. In-network ta' servizzi għandu jinkludi wkoll il-possibbiltà teknika sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jagħmlu disponibbli s-settijiet u s-servizzi tagħhom ta' data ġeografika.

(17)

Ċerti settijiet ta' data ġeografika u servizzi rilevanti għall-politika Komunitarja li direttament jew indirettament jaffettwaw l-ambjent huma miżmuma u mħaddma minn partijiet terzi. L-Istati Membri għandhom għalhekk joffru lill-partijiet terzi l-possibilità li jikkontribwixxu għall-infrastrutturi nazzjonali, dment li l-koeżjoni u l-faċilità ta' l-użu tad-data ġeografika u s-servizzi ta' data ġeografika koperti minn dawk l-infrastrutturi mhumiex imxekkla b'dan il-mod.

(18)

L-esperjenza fl-Istati Membri wriet li huwa importanti, għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' infrastruttura għal informazzjoni ġeografika, li jkun hemm disponibbli numru minimu ta' servizzi għall-pubbliku mingħajr ħlas. L-Istati Membri għandhom għalhekk ta' l-inqas jagħmlu li s-servizzi għall-iskoperta ta' settijiet ta' data ġeografika ikunu disponibbli mingħajr ħlas.

(19)

Sabiex tkun megħjuna l-integrazzjoni ta' l-infrastrutturi nazzjonali f'INSPIRE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess għall-infrastrutturi tagħhom permezz ta' ġeo-portal Komunitarju mħaddem mill-Kummissjoni, kif ukoll permezz ta' kwalunkwe punti ta' aċċess li huma stess jiddeċiedu li jħaddmu.

(20)

Sabiex informazzjoni mid-diversi livelli ta' awtorità pubblika tkun disponibbli, l-Istati Membri għandhom ineħħu l-ostakoli prattiċi li l-awtoritajiet pubbliċi jħabbtu wiċċhom magħhom f'dak ir-rigward fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom li jista' jkollhom impatt dirett jew indirett fuq l-ambjent. Dawn l-ostakoli prattiċi għandhom jitneħħew fil-punt fejn l-informazzjoni tkun ser tintuża għall-kompitu pubbliku.

(21)

L-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li jkollhom aċċess mingħajr tfixkil għas-settijiet u s-servizzi rilevanti ta' data ġeografika matul l-eżekuzzjoni tal-kompiti pubbliċi tagħhom. Tali aċċess jista' jkun imfixkel jekk ikun jiddependi fuq negozjati individwali ad hoc bejn l-awtoritajiet pubbliċi kull darba li l-aċċess jkun meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu tali ostakoli prattiċi għall-kondiviżjoni ta' data, per eżempju bl-użu ta' ftehim minn qabel bejn l-awtoritajiet pubbliċi.

(22)

Il-mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta' settijiet ta' data ġeografika bejn il-gvern u amministrazzjonijiet pubbliċi oħra u persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu qed iwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi taħt il-liġi nazzjonali tista' tkun tinvolvi liġijiet, regolamenti, arranġamenti ta' liċenzjar jew finanzjament jew proċeduri amministrattivi, per eżempju għall-protezzjoni tal-vijabbiltà finanzjarja ta' dawk l-awtoritajiet pubbliċi li għandhom id-dmir li jżidu d-dħul, jew per eżempju dawk li d-data tagħhom hija biss parzjalment sussidjata mill-Istat Membru sabiex hekk ikollhom jirkupraw l-ispejjeż mhux sussidjati billi jġagħlu lill-utenti jħallsu, jew per eżempju sabiex jiggarantixxu ż-żamma u l-aġġornar ta' dik id-data.

(23)

Il-possibilità għall-awtoritajiet pubbliċi li jfornu settijiet u servizzi ta' data ġeografika li jilliċenzjaw dawn is-settijiet u servizzi lil, u li jitolbu ħlas minn, awtoritajiet pubbliċi oħra li jużaw settijiet u servizzi ta' data ġeografika tista' tkun prevista fil-miżuri adottati mill-Istati Membri fil-leġislazzjoni tat-traspożizzjoni tagħhom.

(24)

Id-dispożizzjonijiet tal-punt (f) ta' Artikolu 13(1) u ta' l-Artikolu 17(1) għandhom ikunu implimentati u applikati b'mod sħiħ b'mod konformi mal-prinċipji relatati mal-protezzjoni tad-data personali skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Paralment Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u l-moviment liberu ta' tali data  (9).

(25)

Oqfsa għall-kondiviżjoni ta' data ġeografika bejn awtoritajiet pubbliċi li fuqhom id-Direttiva timponi dmir li jikkondividu għandhom ikunu newtrali fir-rigward ta' tali awtoritajiet pubbliċi fi ħdan Stat Membru, imma wkoll fir-rigward ta' tali awtoritajiet pubbliċi fi Stati Membri oħra u ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji. Peress li l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-korpi tagħhom ta' spiss jeħtieġu li jintegraw u jivvalutaw informazzjoni ġeografika mill-Istati Membri kollha, għandhom ikunu jistgħu jiksbu aċċess għal u jużaw data ġeografika u servizzi ta' data ġeografika skond kundizzjonijiet armonizzati.

(26)

Bil-ħsieb li jiġi stimulat l-iżvilupp ta' servizzi ta' valur miżjud minn partijiet terzi, għall-benefiċċju kemm ta' l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-pubbliku, jeħtieġ li jiġi faċilitat l-aċċess għal data ġeografika li hija mifruxa fuq konfini amministrattivi jew nazzjonali.

(27)

L-implimentazzjoni effettiva ta' infrastrutturi għal informazzjoni ġeografika teħtieġ koordinazzjoni minn dawk kollha b'interess fl-istabbiliment ta' tali infrastrutturi, kemm jekk bħala kontributuri kif ukoll jekk bħala utenti. Strutturi adattatati ta' koordinazzjoni għandhom għalhekk ikunu stabbiliti kemm fl-Istati Membri kif ukoll fuq livell Komunitarju.

(28)

Sabiex jibbenefikaw mill-esperjenza eċċellenti u attwali ta' infrastrutturi ta' informazzjoni, jixraq li l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu appoġġati minn standards internazzjonali u standards adottati minn korpi ta' standardizzazzjoni Ewropej skond il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-proviżjoni ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi (10) u dwar regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni.

(29)

Peress li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 tas-7 ta' Mejju 1990 dwar l-istabbiliment ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u tan-Network Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni Ambjentali (11) għandha l-kompitu li tipprovdi lill-Komunità b'informazzjoni ambjentali oġġettiva, affidabbli u kumparabbli fuq livell Komunitarju, u timmira inter alia lejn it-titjib ta' l-influss ta' informazzjoni ambjentali rilevanti għall-politika bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji, għandha tikkontribwixxi b'mod attiv għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(30)

Skond il-punt 34 tal-ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (12), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Komunità, l-iskedi tagħhom li, sa fejn hu possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi.

(31)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (13).

(32)

Xogħol ta' tħejjija għal deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u għall-evoluzzjoni tal-ġejjieni ta' INSPIRE jeħtieġ monitoraġġ kontinwu ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva u rappurtar regolari.

(33)

Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta' INSPIRE, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-aspetti transnazzjonali u l-ħtieġa ġenerali fil-Komunità sabiex jiġu koordinati l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-iskambju u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni ġeografika, u jista' jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

1.   L-għan ta' din id-Direttiva hu li tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment ta' l-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa “INSPIRE”), għall-finijiet tal-linji politiċi ambjentali tal-Komunità u linji politiċi jew attivitajiet li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent.

2.   INSPIRE għandha tibni fuq infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika stabbiliti u operati mill-Istati Membri.

Artikolu 2

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2003/4/KE u 2003/98/KE.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika” tfisser metadata, settijiet ta' data ġeografika u servizzi ta' data ġeografika; servizzi u teknoloġiji ta' network; ftehim dwar kondiviżjoni, aċċess u użu; u mekkaniżmi, proċessi u proċeduri ta' koordinazzjoni u monitoraġġ stabbiliti, operati jew magħmula disponibbli skond din id-Direttiva;

(2)

data ġeografika” tfisser kull data b'referenza diretta jew indiretta għal lokalità jew żona ġeografika speċifika;

(3)

“sett ta' data ġeografika” tfisser kollezzjoni identifikabbli ta' data ġeografika;

(4)

“servizzi ta' data ġeografika” tfisser l-operazzjonijiet li jistgħu jsiru, billi tintuża applikazzjoni tal-kompjuter, fuq id-data ġeografika li tinsab fis-settijiet ta' data ġeografika jew fuq il-metadata relatata;

(5)

“oġġett ġeografiku” tfisser rappreżentazzjoni astratta ta' fenomenu tad-dinja reali li għandha x'taqsam ma' lokalità jew żona ġeografika speċifika;

(6)

“metadata” tfisser informazzjoni li tiddeskrivi settijiet ta' data ġeografika u servizzi ta' data ġeografika u li tagħmilha possibbli li tiskoprihom, iddaħħalhom f'inventarju u tużahom;

(7)

“interoperabbiltà” tfisser il-possibbiltà li settijiet ta' data ġeografika jiġu kombinati, u li s-servizzi jinteraġixxu, mingħajr interventi manwali ripetittivi, b'tali mod li r-riżultat ikun koerenti u l-valur miżjud tas-settijiet ta' data u s-servizzi huwa msaħħaħ;

(8)

“ġeoportal ta' INSPIRE” tfisser sit ta' l-internet, jew ekwivalenti, li jipprovdi aċċess għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 11(1);

(9)

“awtorità pubblika” tfisser:

(a)

kull gvern jew amministrazzjoni pubblika oħra, inklużi korpi konsultattivi pubbliċi, fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali,

(b)

kull persuna naturali jew ġuridika li qed twettaq funzjonijiet amministrattivi pubbliċi taħt il-liġi nazzjonali, inklużi doveri, attivitajiet jew servizzi speċifiċi relatati ma' l-ambjent; u

(ċ)

kull persuna naturali jew ġuridika li għandha responsabbiltajiet jew funzjonjiet pubbliċi, jew li tipprovdi servizzi pubbliċi rigward l-ambjent taħt il-kontroll ta' korp jew persuna li jaqgħu taħt (a) jew (b);

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li meta l-organi jew l-istituzzjonijiet jaġixxu f'kapaċità ġudizzjarja jew leġislattiva, ma għandhomx jkunu meqjusa bħala awtorità pubblika għall-finijiet ta' din id-Direttiva;

(10)

“parti terza” tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li mhix awtorità pubblika.

Artikolu 4

1.   Din id-Direttiva għandha tkopri settijiet ta' data ġeografika li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huma relatati ma' żona fejn Stat Membru għandu u/jew jeżerċita drittijiet ġurisdizzjonali;

(b)

huma f'format elettroniku;

(ċ)

huma miżmuma minn jew f'isem xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

awtorità pubblika, wara li ġew prodotti jew riċevuti minn awtorità pubblika, jew amministrati jew aġġornati minn dik l-awtorità u li jaqgħu fl-iskop tal-kompiti pubbliċi tagħha.

(ii)

parti terza li għaliha n-network sar disponibbli skond l-Artikolu 12;

(d)

għandhom x'jaqsmu ma' waħda jew iżjed mit-temi elenkati fl-Annessi I, II jew III.

2.   F'każijiet fejn kopji identiċi multipli ta' l-istess sett ta' data ġeografika huma miżmuma minn jew f'isem diversi awtoritajiet pubbliċi, din id-Direttiva tapplika biss għall-verżjoni ta' referenza li minnha huma dderivati d-diversi kopji.

3.   Din id-Direttiva għandha tkopri wkoll is-servizzi ta' data ġeografika relatati mad-data li tinsab fis-settijiet ta' data ġeografika msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Din id-Direttiva ma titlobx il-ġbir ta' data ġeografika ġdida.

5.   F'każ ta' settijiet ta' data ġeografika li jikkonformaw mal-kondizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(ċ), iżda li dwarhom xi parti terza għandha drittijiet ta' proprjetà intellettwali, l-awtorità pubblika tista' tieħu azzjoni taħt din id-Direttiva biss bil-kunsens ta' dik il-parti terza.

6.   B'deroga mill-paragrafu 1, din id-Direttiva għandha tkopri settijiet ta' data ġeografika miżmuma minn jew f'isem awtorità pubblika li topera fil-livell l-iżjed baxx ta' gvern fi Stat Membru biss jekk l-Istat Membru għandu liġijiet jew regolamenti li jeħtieġu l-ġbir jew id-disseminazzjoni tagħhom.

7.   Id-deskrizzjoni teknika tat-temi ta' data ġeografika msemmija fl-Annessi I, II u III jistgħu jiġu adattati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2) sabiex jieħdu kont tal-ħtiġijiet li qed jevolvu għal data ġeografika b'appoġġ għal-linji politiċi tal-Komunità li jaffettwaw l-ambjent.

KAPITOLU II

METADATA

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħolqu metadata għas-settijiet ta' data ġeografika u s-servizzi li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Annessi I, II u III, u li dawk il-metadata jinżammu aġġornati.

2.   Il-metadata għandhom jinkludu informazzjoni fuq li ġej:

(a)

il-konformità ta' settijiet ta' data ġeografika mar-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1);

(b)

kondizzjonijiet li japplikaw għall-aċċess għal, u l-użu ta', settijiet u servizzi ta' data ġeografika u, fejn hu applikabbli, it-tariffi korrispondenti;

(ċ)

il-kwalità ta' data ġeografika, inkluż jekk humiex validati;

(d)

l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-istabbiliment, l-amministrazzjoni, il-manutenzjoni u d-distribuzzjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika;

(e)

limitazzjonijiet għall-aċċess pubbliku u r-raġunijiet għal tali limitazzjonijiet, skond l-Artikolu 13.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-metadata huma kompleti u ta' kwalità suffiċjenti biex jissodisfaw l-għan stabbilit fil-punt (6) ta' l-Artikolu 3.

4.   Ir-regoli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2). Dawn ir-regoli għandhom jieħdu kont ta' standards internazzjonali eżistenti li huma rilevanti u l-ħtiġijiet ta' l-utenti.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom joħolqu l-metadata msemmija fl-Artikolu 5 skond l-iskeda li ġejja:

(a)

mhux iktar tard minn sentejn wara d-data ta' l-adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni skond l-Artikolu 5(4) fil-każ tas-settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Annessi I u II;

(b)

mhux iktar tard minn 5 snin wara d-data ta' l-adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni skond l-Artikolu 5(4) fil-każ tas-settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Anness III.

KAPITOLU III

INTEROPERABBILTÀ TA' SETTIJIET U SERVIZZI TA' DATA ĠEOGRAFIKA

Artikolu 7

1.   Regoli ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti tekniċi għall-interoperabbiltà u, fejn hu prattikabbli, l-armonizzazzjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2). Għandu jittieħed kont ta' ħtiġijiet rilevanti ta' l-utenti, inizjattivi eżistenti u standards internazzjonali għall-armonizzazzjoni ta' settijiet ta' data ġeografika, il-fattibbiltà u l-kunsiderazzjonijiet tal-kost meta mqabbel mal-benefiċċju fl-iżvilupp tar-regoli ta' implimentazzjoni. Fejn organizzazzjonijiet stabbiliti taħt il-liġi internazzjonali adottaw standards rilevanti biex jiżguraw l-interoperabbiltà jew l-armonizzazzjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika, dawn l-istandards għandhom jiġu integrati, u għandha ssir referenza għall-mezzi tekniċi eżistenti, jekk ikun xieraq, fir-regoli ta' implimentazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu.

2.   Bħala bażi għall-iżvilupp tal-proposti għal tali regoli ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha f'analiżi tal-fattibbiltà u l-ispejjeż u benefiċċji mistennija. L-Istati Membri għandhom, jekk mitluba, jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista' tipprepara din l-analiżi. Meta tipproponi tali regoli, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 22(1) dwar ir-riżultati ta' l-analiżi tagħha. L-adozzjoni ta' tali regoli m'għandhiex tirriżulta fi spejjeż eċċessivi għal Stat Membru.

3.   Safejn ikun vijabbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-settijiet kollha ta' data ġeografika miġbura jew aġġornati reċentement u s-servizzi korrispondenti ta' data ġeografika jinġiebu f'konformità mar-regoli ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien sentejn mill-adozzjoni tagħhom, u li settijiet jew servizzi oħra ta' data ġeografika jinġiebu f'konformità mar-regoli ta' implimentazzjoni fi żmien seba' snin mill-adozzjoni tagħhom.

4.   Ir-regoli ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikopru d-definizzjoni u l-klassifikazzjoni ta' oġġetti ġeografiċi rilevanti għas-settijiet ta' data ġeografika relatati mat-temi elenkati fl-Anness I, II jew III u l-mod kif dik id-data ġeografika hija ġeo-referenzjata.

5.   Rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll persuni naturali jew ġuridiċi oħra b'interess fid-data ġeografika kkonċernati minħabba r-rwol tagħhom fl-infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika, inklużi utenti, produtturi, fornituri ta' servizzi b'valur miżjud jew kwalunkwe korp li jikkoordina għandhom jingħataw l-opportunità, skond il-proċeduri applikabbli, li jieħdu sehem fid-diskussjonijiet preparatorji dwar il-kontenut tar-regoli ta' implimentazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1, qabel il-konsiderazzjoni mill-Kumitat imsemmi l-Artikolu 22(1).

Artikolu 8

1.   F'każ ta' settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu ma' waħda jew aktar mit-temi elenkati fl-Anness I jew II, ir-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1) għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

2.   Ir-regoli ta' implimentazzjoni għandhom jindirizzaw l-aspetti li ġejjin tad-data ġeografika:

(a)

is-soluzzjonijiet biex tiġi żgurata identifikazzjoni mingħajr ambigwità ta' oġġetti ġeografiċi, li magħha identifikaturi nazzjonali eżistenti jistgħu jiġu assoċjati sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejniethom;

(b)

ir-relazzjoni bejn oġġetti ġeografiċi;

(ċ)

l-attributi ewlenin u t-teżawri multilingwi korrispondenti meħtieġa fuq bażi komuni għal-linji politiċi li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent;

(d)

informazzjoni dwar id-dimensjoni temporali tad-data;

(e)

aġġornamenti tad-data.

3.   Ir-regoli ta' implimentazzjoni għandhom jitfasslu b'mod li jiżguraw konsistenza bejn oġġetti ta' informazzjoni li jirreferu għall-istess lokalità jew bejn oġġetti ta' informazzjoni li jirreferu għall-istess oġġett rappreżentat fi skali differenti.

4.   Ir-regoli ta' implimentazzjoni għandhom jitfasslu b'mod li jiżguraw li informazzjoni miksuba minn settijiet differenti ta' data ġeografika hija komparabbli fir-rigward ta' l-aspetti msemmija fl-Artikolu 7(4) u fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Ir-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1) għandhom jiġu adottati skond l-iskeda ta' żmien li ġejja:

(a)

mhux aktar minn ... (14) fil-każ tas-settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Anness I;

(b)

mhux aktar tard minn … (15) fil-każ tas-settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Annessi II jew III.

Artikolu 10

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni, inkluża data, kodiċijiet u klassifikazzjonijiet tekniċi, meħtieġa għall-konformità mar-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1) hija magħmula disponibbli lill-awtoritajiet pubbliċi jew il-partijiet terzi skond kondizzjonijiet li ma jirrestrinġux l-użu tagħha għal dak il-għan.

2.   Sabiex ikun żgurat li data ġeografika relatata ma' karatteristika ġeografika, li l-lokalità tagħha hija mifruxa bejn żewġ Stati Membri jew aktar, tkun koerenti, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun xieraq, jiddeċiedu b'kunsens reċiproku dwar ir-rappreżentazzjoni u l-pożizzjoni ta' dawn il-karatteristiċi komuni.

KAPITOLU IV

SERVIZZI TA' NETWORK

Artikolu 11

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jħaddmu network tas-servizzi li ġejjin għas-settijiet u servizzi ta' data ġeografika li għalihom inħolqu metadata skond din id-Direttiva:

(a)

servizzi ta' sejbien li jagħmlu possibbli t-tfittix ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika abbażi tal-kontenut tal-metadata korrispondenti u l-wiri tal-kontenut tal-metadata;

(b)

servizzi ta' viżjoni li jagħmluha possibbli, bħala minimu, li jintwerew, jiġu nnavvigati, isir zooming 'il barra u 'l ġewwa, isir panning, jew jitqiegħdu fuq xulxin settijiet li jistgħu jkunu viżibbli ta' data ġeografika u li jintwerew l-informazzjoni ta' spjega u kwalunkwe kontenut rilevanti tal-metadata;

(ċ)

servizzi ta'download, li jippermettu li kopji ta' settijiet ta' data ġeografika, jew partijiet minn tali settijiet jitniżżlu mill-Internet u, fejn prattikabbli jkun hemm aċċess dirett għalihom;

(d)

servizzi ta' trasformazzjoni, li jippermettu li settijiet ta' data ġeografika jiġu trasformati bil-ħsieb li tinkiseb l-interoperabbiltà;

(e)

servizzi li jippermettu li jintalbu servizzi ta' data ġeografika.

Dawk is-servizzi għandhom jieħdu kont ta' ħtiġijiet rilevanti ta' l-utent u għandhom ikunu faċli biex jintużaw, disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli permezz ta' l-Internet jew xi mezz ieħor xieraq ta' telekomunikazzjoni.

2.   Għall-finijiet tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 1(a), bħala minimu l-kombinazzjoni li ġejja ta' kriterji tat-tfittix għandha tiġi implimentata:

(a)

kliem ewlieni;

(b)

klassifikazzjoni ta' data u servizzi ġeografiċi;

(ċ)

il-kwalità ta' data ġeografika, inkluż dwar jekk humiex validati;

(d)

grad ta' konformità mar-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1);

(e)

pożizzjoni ġeografika;

(f)

kondizzjonijiet li japplikaw għall-aċċess għal settijiet u servizzi ta' data ġeografika u l-użu tagħhom;

(g)

l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-istabbiliment, l-amministrazzjoni, il-manutenzjoni u d-distribuzzjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika.

3.   Is-servizzi ta' trasformazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(d) għandhom jiġu kombinati mas-servizzi l-oħra msemmija f'dak il-paragrafu b'tali mod li jippermetti li dawk is-servizzi kollha jkunu operati f'konformità mar-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1).

Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw il-possibiltà teknika li jorbtu s-settijiet u s-servizzi ta' data ġeografika tagħhom man-network imsemmi fl-Artikolu 11(1). Dan is-servizz għandu jkun magħmul disponibbli wkoll fuq talba minn partijiet terzi li s-settijiet u servizzi ta' data ġeografika tagħhom jikkonformaw mar-regoli ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu obbligi fir-rigward, b'mod partikolari, ta' metadata, servizzi ta' network u interoperabbiltà.

Artikolu 13

1.   B'deroga mill-Artikolu 11(1), l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-aċċess pubbliku għas-settijiet u s-servizzi ta' data ġeografika permezz tas-servizzi msemmija fil-punti (a) sa (e) ta' l-Artikolu 11(1), jew għas-servizzi ta' l-e-kummerċ msemmija fl-Artikolu 14(2), fejn tali aċċess ikun jaffettwa negattivament lil xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti ta' awtoritajiet pubbliċi, fejn tali kunfidenzjalità hija prevista mill-liġi;

(b)

relazzjonijiet internazzjonali, sigurtà pubblika jew difiża nazzjonali;

(ċ)

il-kors tal-ġustizzja, il-kapaċità ta' kwalunkwe persuna li tirċievi proċess ġust fil-qorti jew il-kapaċità ta' awtorità pubblika li tmexxi inkjesta ta' natura kriminali jew dixxipplinari;

(d)

il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjali jew industrijali, fejn tali kunfidenzjalità hi prevista mill-liġi nazzjonali jew tal-Komunità biex jitħares interess ekonomiku leġittimu, inkluż l-interess pubbliku biex tinżamm kunfidenzjalità ta' l-istatistika u segretezza tat-taxxa;

(e)

id-drittijiet dwar proprjetà intellettwali;

(f)

il-kunfidenzjalità ta' data personali u/jew files relatati ma' persuna fiżika fejn dik il-persuna ma tatx il-kunsens tagħha għall-iżvelar ta' l-informazzjoni lill-pubbliku, fejn tali kunfidenzjalità hi prevista mil-liġi nazzjonali jew tal-Komunità;

(g)

l-interessi jew il-protezzjoni ta' kwalunkwe persuna li pprovdiet l-informazzjoni mitluba fuq bażi volontarja mingħajr ma kienet taħt, jew kapaċi li titpoġġa taħt, obbligu legali biex tagħmel dan, ħlief jekk dik il-persuna tat il-kunsens għar-rilaxx ta' l-informazzjoni kkonċernata;

(h)

il-protezzjoni ta' l-ambjent li għalih tirrelata din l-informazzjoni, bħall-post fejn jinsabu speċi rari.

2.   Ir-raġunijiet biex jiġi limitat l-aċċess, kif previst fil-paragrafu 1, għandhom jiġu interpretati b'mod restrittiv, filwaqt li jittieħed fil-kont għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi billi jiġi pprovdut dan l-aċċess. F'kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bis-saħħa ta' l-iżvelar għandu jitwieżen kontra l-interess moqdi billi jiġi limitat jew ikkondizzjonat l-aċċess. L-Istati Membri ma jistgħux, bis-saħħa tal-paragrafi 1(a), (d), (f), (g) u (h), jillimitaw l-aċċess għal informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent.

Madankollu, fejn il-paragrafu 1(d) jew (f) huwa r-raġuni għal-limitazzjoni ta' l-aċċess, l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu japplika biss meta l-aċċess imsemmi fil-paragrafu 1 jikkonċerna informazzjoni ambjentali kif definita fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/4/KE.

3.   F'dan il-qafas, u għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni tas-subparagrafu 1(f), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mal-ħtiġiet tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 14

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

is-servizzi msemmija fil-punt (a) ta' l-Artikolu 11(1) huma disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas;

(b)

is-servizzi msemmija fl-Artikolu 11(1)(b) huma, bħala regola, disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Madankollu, fejn il-ħlasijiet u/jew il-liċenzji huma prekondizzjoni essenzjali biex jinżammu s-settijiet u s-servizzi ta' data ġeografika jew biex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta' infrastruttura ta' data ġeografika internazzjonali diġà eżistenti b'mod sostenibbli, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ħlasijiet u/jew liċenzji jew lill-persuna li qed tipprovdi s-servizz lill-pubbliku, jew, meta jagħżel il-fornitur tas-servizz, lill-pubbliku nnifsu.

2.   Data magħmula disponibbli permezz tas-servizzi ta' viżjoni msemmija fl-Artikolu 11(1)(b) jistgħu jkunu f'forma li tipprevjeni l-użu tagħhom mill-ġdid għal skopijiet finanzjarji.

3.   Fejn l-awtoritajiet pubbliċi jiġbru ħlas għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 11(1)(b),(ċ) jew (e), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli servizzi ta' l-e-kummerċ.Tali servizzi jistgħu jiġu koperti minn dikjarazzjonijiet ta' ċaħda, liċenzji click jew liċenzji.

Artikolu 15

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tħaddem geo-portal ta' INSPIRE fuq livell Komunitarju.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 11(1) permezz tal-ġeoportal ta' INSPIRE Komunitarju msemmi fil-paragrafu 1. L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu aċċess għal dawk is-servizzi permezz tal-punti ta' aċċess tagħhom stess.

Artikolu 16

Regoli għall-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2), u għandhom b'mod partikolari jistipulaw dan li ġej:

(a)

speċifikazzjonijiet tekniċi għas-servizzi msemmija fl-Artikoli 11 u 12 u kriterji minimi ta' prestazzjoni għal dawk is-servizzi, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġiet eżistenti ta' rapportar u rakkomandazzjonijiet adottati fi ħdan il-qafas ta' leġislazzjoni Komunitarja dwar l-ambjent, servizzi eżistenti ta' l-e-commerce u progress teknoloġiku;

(b)

l-obbligi msemmija fl-Artikolu 12.

KAPITOLU V

KONDIVIŻJONI TAD-DATA

Artikolu 17

1.   Kull Stat Membru għandu jadotta miżuri għall-kondiviżjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika bejn l-awtoritajiet pubbliċi tiegħu msemmija fl-Artikolu 3(9)(a) u (b). Dawk il-miżuri għandhom jippermettu li l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom aċċess għas-settijiet u servizzi ta' data ġeografika, u li jiskambjaw u jużaw dawk is-settijiet u servizzi, għall-skopijiet ta' kompiti pubbliċi li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent.

2.   Il-miżuri previsti fil-paragrafu 1 għandhom jipprekludu kwalunkwe restrizzjoni li għandha mnejn toħloq, meta tiġa użata, ostakli prattiċi għall-kondiviżjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu settijiet u servizzi ta' data ġeografika milli jilliċenzjawhom għal, u jeħtieġu ħlas mingħand, l-awtoritajiet pubbliċi jew l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Komunità li jużaw dawn is-settijiet u servizzi ta' data ġeografika.

4.   L-arranġamenti għall-kondiviżjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu miftuħa għall-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 3(9)(a) u (b) ta' Stati Membri oħra u għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità, għall-iskopijiet ta' kompiti pubbliċi li jistgħu jkollhom impatt fuq l-ambjent.

5.   L-arranġamenti għall-kondiviżjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu miftuħa, fuq bażi reċiproka u ekwivalenti, għal korpi stabbiliti minn ftehim internazzjonali, li tagħhom il-Komunità u l-Istati Membri huma partijiet, għall-iskopijiet ta' kompiti li jistgħu jkollhom impatt fuq l-ambjent.

6.   Fejn l-arranġamenti għall-kondiviżjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 huma magħmula disponibbli skond il-paragrafi 4 u 5, dawn l-arranġamenti jistgħu jiġu akkumpanjati bi ħtiġiet nazzjonali li jikkundizzjonaw l-użu tagħhom.

7.   B'deroga minn dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kondiviżjoni meta dan jikkomprometti l-kors tal-ġustizzja, is-sigurtà pubblika, id-difiża nazzjonali jew ir-relazzjonijiet internazzjonali.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità b'aċċess għal settijiet u servizzi ta' data ġeografika skond kondizzjonijiet armonizzati. Regoli ta' implimentazzjoni li jirregolaw dawk il-kondizzjonijiet għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2).

9.   Dan l-Artikolu ma jaffettwax l-eżistenza jew il-proprjetà tad-drittijiet dwar proprjetà intellettwali ta' l-awtoritajiet tas-settur pubbliku.

KAPITOLU VI

KOORDINAZZJONI U MIŻURI KOMPLIMENTARI

Artikolu 18

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu nominati strutturi u mekkaniżmi adatti għall-koordinazzjoni tal-kontributi ta' dawk kollha li għandhom interess fl-infrastruttura tagħhom għall-informazzjoni ġeografika.

Dawn l-istrutturi għandhom jikkoordinaw il-kontributi ta', fost oħrajn, utenti, produtturi, fornituri tas-servizzi b'valur miżjud u korpi ta' koordinazzjoni, rigward l-identifikazzjoni ta' settijiet rilevanti ta' data, ħtiġijiet ta' l-utent, il-proviżjoni ta' informazzjoni dwar prattiki eżistenti u l-proviżjoni ta' reazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 19

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-koordinazzjoni ta' INSPIRE fil-Komunità fuq livell Komunitarju u għandha tiġi megħjuna għal dak l-iskop minn organizzazzjonijiet rilevanti u, b'mod partikolari, mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnomina punt ta' kuntatt, ġeneralment awtorità pubblika, li tkun responsabbli għall-kuntatti mal-Kummissjoni fir-rigward ta' din id-Direttiva.

Artikolu 20

Ir-regoli ta' implimentazzjoni msemmija f'din id-Direttiva għandhom jieħdu kont dovut ta' standards adottati mill-korpi Ewropej ta' standardizzazzjoni skond il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE, kif ukoll ta' standards internazzjonali.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni u l-użu ta' l-infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika tagħhom. Għandhom jagħmlu r-riżultati ta' dan il-monitoraġġ aċċessibbli għall-Kummissjoni u lill-pubbliku fuq bażi permanenti.

2.   Mhux aktar tard minn … (16), l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni rapport li jinkludi deskrizzjonijiet qosra dwar:

(a)

kif il-fornituri u l-utenti fis-settur pubbliku ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika u korpi intermedjarji huma kkoordinati, u r-relazzjoni mal-partijiet terzi u l-organizzazzjoni ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità, safejn prattikabbli;

(b)

il-kontribut magħmul mill-awtoritajiet pubbliċi jew partijiet terzi għall-funzjonament u l-koordinazzjoni ta' l-infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika;

(ċ)

informazzjoni dwar l-użu ta' l-infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika;

(d)

ftehim ta' kondiviżjoni ta' data bejn l-awtoritajiet pubbliċi;

(e)

l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

3.   Kull tliet snin, u mhux aktar minn… (17), l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni rapport li jipprovdi informazzjoni aġġornata fir-rigward tal-punti msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2).

Artikolu 22

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.

2.   Fejn hemm riferiment għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 23

Sa … (18) u kull sitt snin wara l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva bbażat, inter alia, fuq rapporti minn Stati Membri skond l-Artikolu 21(2) u (3).

Fejn jeħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għal azzjoni Komunitarja.

Artikolu 24

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jħarsu din id-Direttiva sa … (19).

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għall-għamla ta' din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 25

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 33.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2005 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta' Jannar 2006 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(5)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.

(6)  ĠU L 138, 28.5.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 192, 28.7.2000, p. 36.

(8)  ĠU L 324, 11.12.2003, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 788/2004 (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 17).

(9)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(10)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni 2003.

(11)  ĠU L 120, 11.5.1990, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1641/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 1)

(12)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(13)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(14)  Sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(15)  Ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(16)  Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(17)  Sitt snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(18)  Seba' snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(19)  Tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


ANNESS I

TEMI TA' DATA ĠEOGRAFIKA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 6(A), 8(1) U 9(A)

1.

Sistemi ta' referenza ta' koordinati

Sistemi biex issir referenza unika ta' informazzjoni ġeografika fl-ispazju bħala sett ta' koordinati (x,y,z) u/jew latitudni u lonġitudni u altitudni, ibbażati fuq datum ġeodetiku orizzontali u vertikali.

2.

Sistemi ta' grilji ġeografiċi

Grilja multi-risoluzzjoni armonizzata b'punt ta' oriġini komuni u pożizzjoni u daqs taċ-ċelluli tal-grilja standardizzati.

3.

Ismijiet ġeografiċi

Ismijiet ta' żoni, reġjuni, lokalitajiet, bliet, subborgi, jew inħawi abitati oħra, jew kull karatteristika ġeografika jew topografika ta' interess pubbliku jew storiku.

4.

Unitajiet amministrattivi

Unitajiet ta' amministrazzjoni, li jaqsmu żoni fejn Stati Membri għandhom u/jew jeżerċitaw drittijiet ġurisdizzjonali, għal governanza reġjonali, lokali u nazzjonali, separati minn konfini amministrattivi.

5.

Networks tat-trasport

Networks tat-trasport tat-triq, tal-ferrovija, ta' l-ajru u ta' l-ilma u infrastruttura relatata. Huma inklużi l-kollegamenti bejn networks differenti. Huma inklużi wkoll in-network trans-Ewropew tat-trasport kif definit fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 dwar il-Linji Gwida tal-Komunità għall-iżvilupp ta' network trans-Ewropew tat-trasport (1) u r-reviżjonijiet futuri ta' dik id-Deċiżjoni.

6.

Idrografija

Elementi idrografiċi, inklużi żoni marittimi, u kull korp ieħor ta' l-ilma u oġġetti relatati magħhom, inklużi baċiri tax-xmajjar u sub-baċiri. Fejn xieraq, skond id-definizzjonijiet fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (2) u fil-forma ta' networks.

7.

Siti protetti

Żona indikata jew amministrata f'qafas ta' leġislazzjoni internazzjonali, Komunitarja u ta' l-Istati Membri sabiex jintlaħqu objettivi speċifiċi ta' konservazzjoni.


(1)  ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1. Direttiva emendata (ĠU L 201, 7.6.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).


ANNESS II

TEMI TA' DATA ĠEOGRAFIKA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 6(A), 8(1) U 9(B)

1.

Elevazzjoni

Mudelli ta' elevazzjoni diġitali għall-art, is-silġ u l-wiċċ ta' l-oċean. Tinkludi l-elevazzjoni ta' l-art, il-batimetrija u l-linja tal-kosta.

2.

Indirizzi

Pożizzjoni ta' proprjetajiet ibbażata fuq identifikaturi ta' l-indirizzi, normalment bl-isem tat-triq, in-numru tad-dar, il-kodiċi postali.

3.

Pakketti kadastrali

Żoni definiti permezz ta' reġistri kadastrali jew ekwivalenti.

4.

Kopertura ta' l-art

Kopertura fiżika u bijoloġika tal-wiċċ tad-dinja inklużi superfiċji artifiċjali, żoni agrikoli, foresti, żoni (semi-)naturali, artijiet mistagħdra, u korpi ta' ilma.

5.

Orthoimagery

Data fil-forma ta' stampa ġeo-referenzjata tal-wiċċ tad-dinja, minn satellita jew minn sensuri fl-ajru.

6.

Ġeologija

Ġeoloġija kkaratterizzata skond il-kompożizzjoni u l-istruttura. Tinkludi s-sodda tal-blat, l-akwiferi u l-ġeomorfoloġija.


ANNESS III

TEMI TA' DATA ĠEOGRAFIKA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 6(B) U 9(B)

1.

Unitajiet statistiċi

Unitajiet biex issir disseminazzjoni jew użu ta' informazzjoni ta' l-istatistika.

2.

Bini

Pożizzjoni ġeografika ta' bini.

3.

Ħamrija

Tipi ta' ħamrija u sub-ħamrija kkaratterizzati skond il-fond, it-tessut, l-istruttura u l-kontenut ta' partiċelli u materjal organiku, il-kontenut ta' ġebel, it-tgħawwir, fejn xieraq il-medja tax-xaqlib ta' l-art u l-kapaċità antiċipata għall-ħażna ta' l-ilma.

4.

Użu ta' l-art

Territorju kkaratterizzat skond id-dimensjoni funzjonali tiegħu ppjanata attwali u futura jew l-iskop soċjo-ekonomiku tiegħu (eż. residenzjali, industrijali, kummerċjali, agrikolu, forestali, rikreazzjonali).

5.

Is-saħħa u s-siġurtà tal-bniedem

Distribuzzjoni ġeografika tad-dominanza ta' patoloġiji (allerġiji, kankri, mard respiratorju, eċċ.), informazzjoni li tindika l-effett fuq is-saħħa (bijomarkaturi, tnaqqis fil-fertilità, epidemiji) jew il-benesseri tal-bnedmin (għejja, stress, eċċ.) b'konnessjoni diretta (tniġġis ta' l-arja, kimiki, tnaqqis tas-saff ta' l-ożonu, storbju, eċċ.) jew indiretta (ikel, organiżmi ġenetikament modifikati, eċċ.) mal-kwalità ta' l-ambjent.

6.

Servizzi ta' utilità u tal-gvern

Jinkludu faċilitajiet ta' utilità bħad-drenaġġ, l-immaniġġar ta' l-iskart, il-provvista ta' l-enerġija, il-provvista ta' l-ilma, is-servizzi amministrattivi u soċjali tal-gvern bħal amministrazzjonijiet pubbliċi, siti għall-protezzjoni ċivili, skejjel u sptarijiet.

7.

Faċilitajiet ta' monitoraġġ ambjentali

Pożizzjoni u operazzjoni ta' faċilitajiet ta' monitoraġġ ambjentali jinkludi l-osservazzjoni u l-kejl ta' emissjonijiet, ta' l-istat tal-medji ambjentali u ta' parametri oħra ta' l-ekosistema (biodiversità, kondizzjonijiet ekoloġiċi ta' veġetazzjoni, eċċ.) permezz jew f'isem l-awtoritajiet pubbliċi.

8.

Faċilitajiet ta' produzzjoni u industrijali

Siti ta' produzzjoni industrijali, inklużi installazzjonijiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (1) u faċilitajiet ta' astrazzjoni ta' l-ilma, tħaffir ta' minjieri, siti ta' ħażna.

9.

Faċilitajiet agrikoli u ta' l-akwakultura

Tagħmir tal-biedja u faċilitajiet ta' produzzjoni (inklużi sistemi ta' irrigazzjoni, serer u stalel).

10.

Distribuzzjoni tal-popolazzjoni — demografija

Distribuzzjoni ġeografika ta' nies, inkluż karatteristiċi ta' popolazzjoni u livelli ta' attivitajiet, miġbura flimkien skond il-grilja, ir-reġjun, l-unità amministrattiva jew unità analitika oħra.

11.

Amministrazzjoni ta' żoni/restrizzjoni/żoni regolati u unitajiet ta' rapportar

Żoni amministrati, regolati jew użati għar-rappurtar fuq il-livell internazzjonali, Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Huma inklużi siti użati għar-radam, żoni ristretti madwar għejjun ta' l-ilma għax-xorb, żoni vulnerabbli għan-nitrati, kanali regolati fil-baħar jew f'ilmijiet interni kbar, żoni għar-radam ta' l-iskart, żoni għar-restrizzjoni ta' l-istorbju, żoni b'permess għat-tħaffir u għat-tiftix ta' minerali, distretti ta' baċiri tax-xmajjar, unitajiet ta' rapportar rilevanti u żoni ta' amministrazzjoni ta' l-inħawi tal-kosta.

12.

Żoni ta' riskju naturali

Żoni vulnerabbli kkaratterizzati skond perikli naturali (kull fenomenu atmosferiku, idroloġiku, sismiku, vulkaniku u tan-nirien mifruxa li, minħabba fejn jinsabu, il-qawwa, u l-frekwenza tagħhom, għandhom il-potenzjal li jaffettwaw b'mod gravi s-soċjetà), eż. għargħar, żerżiq ta' l-art u ċediment ta' l-art, valangi, nirien fil-foresti, terremoti, eruzzjonijiet vulkaniċi.

13.

Kondizzjonijiet atmosferiċi

Kondizzjonijiet fiżiċi fl-atmosfera. Hija inkluża data ġeografika bbażata fuq kejl, fuq mudelli jew fuq il-kombinazzjoni tagħhom kif ukoll is-siti tal-kejl.

14.

Karatteristiċi ġeografiċi meteoroloġiċi

Il-kondizzjonijiet tat-temp u l-kejl tagħhom; il-preċipitazzjoni, it-temperatura, l-evapotraspirazzjoni, il-veloċità u d-direzzjoni tar-riħ.

15.

Karatteristiċi ġeografiċi oċeanografiċi

Kondizzjonijiet fiżiċi ta' l-oċeani (kurrenti, imluħa, għoli tal-mewġ, eċċ.).

16.

Reġjuni tal-baħar

Kondizzjonijiet fiżiċi ta' l-ibħra u korpi ta' ilma mielaħ imqassma f'reġjuni u sub-reġjuni b'karatteristiċi komuni.

17.

Reġjuni bijo-ġeografiċi

Żoni ta' kondizzjonijiet ekoloġiċi relattivament omoġenji b'karatteristiċi komuni.

18.

L-abitati naturali u l-bijotopi

Żoni ġeografiċi kkaratterizzati minn kondizzjonijiet ekoloġiċi, proċessi, struttura, u funzjonijiet (sostenn tal-ħajja) speċifiċi li jsostnu fiżikament l-organiżmi li jgħixu fihom. Huma inklużi żoni ta' l-art jew ta' l-ilma li jingħarfu permezz ta' karatteristiċi ġeografiċi, abijotiċi u bijotiċi, sew jekk għal kollox naturali kif ukoll jekk semi-naturali.

19.

Distribuzzjoni ta' l-ispeċi

Distribuzzjoni ġeografika ta' l-okkorrenza ta' speċi ta' annimali u ta' pjanti miġbura flimkien skond il-grilja, ir-reġjun, l-unità amministrattiva jew unità analitika oħra.

20.

Riżorsi ta' enerġija

Riżorsi ta' enerġija inklużi idrokarboni, enerġija idro-elettrika, bijo-enerġija, bix-xemx, bir-riħ, eċċ., fejn ikun rilevanti, inkluża informazzjoni dwar il-fond/l-għoli rigward id-daqs tar-riżors.

21.

Riżorsi minerali

Riżorsi minerali inklużi minerali tal-metall, minerali industrijali, eċċ, fejn rilevanti inkluża informazzjoni dwar il-fond/l-għoli rigward id-daqs tar-riżors.


(1)  ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Fis-26 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill il-proposta tagħha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fil-Komunità (INSPIRE). Il-proposta hi bbażata fuq l-Artikolu 175(1) tat-Trattat.

Fis-7 ta' Ġunju 2005, il-Parlament Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu fl-ewwel qari.

Fl-20 ta' Settembru 2004, il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li ma jagħtix opinjoni.

Fid-9 ta' Frar 2005, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-Opinjoni tiegħu.

Fil-23 ta' Jannar 2006, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu skond l-Artikolu 251(2) tat-Trattat.

II.   OBJETTIV

Id-Direttiva proposta toħloq qafas legali għat-twaqqif u l-operat ta' Infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fl-Ewropa, għall-fini li tiġi fformulata, implimentata, immonitorjata u evalwata l-politika Komunitarja fuq il-livelli kollha u tiġi provduta informazzjoni pubblika.

Objettiv ċentrali ta' INSPIRE huwa li jitnaqqsu l-ostakli bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-qsim ta' data, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-ambjent u li tiżdied u titjieb id-data ġeografika disponibbli għat-tfassil ta' politika Komunitarja u l-implimentazzjoni tal-linji politiċi Komunitarji fl-Istati Membri fuq il-livelli kollha. INSPIRE jiffoka fuq il-politika ambjentali, iżda huwa miftuħ għall-użu minn, u estensjoni futura għal setturi oħra.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

Ġenerali

Il-pożizzjoni komuni tinkorpora l-maġġoranza ta' l-emendi mill-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, jew verbatim, jew parzjalment jew fl-ispirtu. B'mod partikolari, tinkludi modifiki għal proposta inizzjali tal-Kummissjoni li tgħaqqad l-Artikoli tat-test, li torganizza d-definizzjonijiet u tikjarifika l-kamp ta' applikazzjoni. Madankollu, il-pożizzjoni komuni tinkludi numru ta' tibdiliet oħra minbarra dawk previsti fl-Opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari u fil-proposta inizzjali tal-Kummissjoni. Il-pożizzjoni komuni:

tniżżel il-kondizzjonijiet għall-aċċess pubbliku għal settijiet u servizzi ta' data ġeografika u taqsim ta' data bejn l-awtoritajiet pubbliki fil-qafas ta' leġislazzjoni tal-Komunità eżistenti;

tikkjarifika l-possibilità ta' liċenzja lil u l-ħtieġa ta' ħlas minn awtoritajiet pubbliċi oħra għal settijiet u servizzi ta' data ġeografika; u

tintroduċi miżuri biex jitlaħqu l-objettivi tad-Direttiva b'mod bilanċjat u iktar effettiv (razzjonalizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ u r-rapportaġġ, analiżi ta' kost-benefiċċju).

Is-sezzjonijiet li ġejjin jiddeskrivu l-bidliet ta' sustanza.

Dispożizzjonijiet ġenerali, definizzjonijiet, kamp ta' applikazzjoni (Artikoli 1 sa 4)

Il-pożizzjoni komuni ma sseġwix l-emenda 6 tal-PE. L-għan u l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva fl-Artikolu 1 jikkorrispondi mal-proposta inizzjali tal-Kummissjoni u l-bażi legali tagħha. It-test tal-pożizzjoni komuni ma jirreferix għall-impatt “dirett jew indirett” fuq l-ambjent, madankollu, premessa addizzjonali tindirizza din il-kwistjoni.

Il-Kunsill jaqbel mas-sustanza ta' l-emenda 7 tal-PE u l-emenda 2 relatata. Madankollu, huwa aċċetta l-fehma tal-Kummissjoni li m'huwiex legali li jiġu inklużi obbligi għall-istituzzjonijiet Komunitarji u l-korpi f'direttiva.

L-Artikolu 2 jiddikjara li d-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/4/KE dwar aċċess pubbliku għal informazzjonali ambjentali u 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku.

L-Artikolu 3 jintroduċi definizzjonijiet addizzjonali tat-termi “interoperabbiltà”, “INSPIRE geo portal” u jillimita il-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni ta' “awtorità pubblika”.

Il-paragrafi (2), (4), (5) u (6) ta' l-Artikolu 4 jikkjarifikaw il-kamp ta' applikazzjoni ta' settijiet ta' data ġeografika koperti bid-Direttiva. L-Artikolu 4(7) jillimita l-livell tal-kompetenza tal-kumitat biex jadatta t-temi ta' data fl-Annessi.

L-Emendi 9 u 10 ma ġewx aċċettati għaliex il-Kunsill ma jemminx li huma jikkjarifikaw it-test.

Metadata, Interoperabbiltà ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika (Artikoli 5 sa 10)

Il-komponenti tal-metadata huma kkjarifikati fl-Artikolu 5 tal-pożizzjoni komuni kif ukoll fir-regoli ta' implimentazzjoni. L-iskeda ta' ħin għall-ħolqien tal-metadata fl-Artikolu 6 huwa konsistenti ma' l-iskeda ta' żmien fl-emenda 15 tal-PE, li tieħu kont tal-kliem ġdid ta' l-Artikolu 5 (4) tal-pożizzjoni komuni.

L-Artikolu 7 jintroduċi kondizzjonijiet addizjonali għall-abbozzar tar-regoli ta' implimentazzjoni li jniżżlu l-arranġamenti tekniċi għal interoperabbiltà, b'mod partikolari l-kunsiderazzjoni ta' kost-benefiċċju, l-integrazzjoni ta' standards u attivitajiet fuq livell internazzjonali u referenza għall-mezzi tekniċi eżistenti. Konsiderazzjonijiet ta' kost-benefiċċju u ta' fattibbiltà huma appoġġati bl-Artikolu 7(2), li jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel analiżi ta' kost-benefiċċju qabel ma tiżviluppa l-proposti għar-regoli ta' implimentazzjoni. L-adozzjoni ta' dawn ir-regoli m'għandhiex tirriżulta fi spejjeż eċċessivi għal Stat Membru. L-Artikolu 7(3) jikkjarifika l-adattament tas-settijiet u servizzi ta' data ġeografika miġburin li għadhom kif inġabru u oħrajn.

L-Artikolu 8(2)(a) jissostitwixxi “sistema komuni ta identifikaturi uniċi” b' “soluzzjonijiet biex jiżguraw identifikazzjoni mhux ambigwa ta' oġġetti ġeografiċi, li sservi bħala referenza għall-identifikaturi li jaqgħu taħt sistemi nazzjonali eżistenti sabiex tkun żgurata l-interoperabbiltà bejniethom” sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' soluzzjoni teknika partikolari.

L-Emendi 13, 14, 16, 17, 18, 19, 21, 22 u 23 ġew aċċettati jew b'mod sħiħ jew parzjali fit-test miktub mill-ġdid.

L-Emenda 20 ma ġietx aċċettata peress li r-referenza għal “impatt indirett fuq l-ambjent” ġiet ikkunsidrata vaga wisq (ara l-Artikolu 1).

Servizzi ta' network (Artikoli 11 sa 16)

Il-lista estiża ta' l-argumenti għall-aċċess limitat imniżżla fl-Artikolu 13 hija identika ma' dak fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4/KE dwar aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali biex tigi żgurata l-konsistenza fl-implimentazzjoni. L-Artikolu 13(3) addizzjonali jipprovdi li l-aċċess pubbliku għad-data ġeografika jikkonforma mad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward għall-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data.

Fl-Artikolu 14, il-pożizzjoni komuni tippermetti lill-Istati Membri japplikaw tariffa u/jew liċenzji għas-servizzi ta' wiri, fejn dan hu meħtieġ għaż-żamma ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika jew biex tissodisfa ħtiġijiet ta' infrastrutturi internazzjonali ta' data ġeografika eżistenti.

L-Emendi 24, 25, 26 u 27 ġew aċċettati fit-test miktub mill-ġdid.

Kondiviżjoni ta' data (Artikolu 17)

L-Artikolu 17 tal-pożizzjoni komuni jikkjarifika l-kamp ta' l-applikazzjoni ta' l-obbligi ta' kondiviżjoni ta' data bejn l-awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet pubbliċi ta' Stati Membri differenti, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u tal-korpi stabbiliti minn ftehim internazzjonali. L-Artikolu 17(2) ifittex li jipprevjeni ostakli prattiċi fil-punt ta' użu (per eżempju, impjegat ta' awtorità pubblika li juża data fuq il-kompjuter tagħhom) filwaqt li l-Artikolu 17(3) jippermetti fornituri ta' data jirkupraw il-kosti tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi ta' l-Istati Membri u l-korpi Komunitarji, b'hekk jiżguraw li l-kwalità u l-munita tad-data huma miżmuma. Fejn tiġi applikata tariffa, dan isir fil-livell ta' awtorità pubblika, u mhux fil-punt ta' użu. Protezzjoni tad-drittijiet ta' propjetà intelletwali huwa żgurat bl-Artikolu 17(9). Premessi ġodda 22, 23 u 24 jindirizzaw ukoll dawn il-kwistjonijiet. L-Emenda 28 hija indirizzata fil-premessa 21.

L-Emenda 29 ma ġietx aċċettata għax testendi bla bżonn il-ħtiġiet ta' taqsim ta' data.

L-Emenda 30 tinbidel bil-kliem ġdid ta' l-Artikolu 17.

Il-kunċett sħiħ ta' l-Artikolu 24 l-oriġinali — regoli komuni għall-implimentazzjoni ta' kondiviżjoni ta' data — (emenda 32) m'hijiex aċċettabbli għall-Kunsill.

Miżuri ta' koordinazzjoni u komplimentazzjoni, dispożizzjonijiet finali (l-Artikoli 18 sa 26)

M'hemmx emfażi espliċita dwar id-distribuzzjoni tal-poteri u r-responsibiltajiet fi ħdan l-Istati Membri b'relazzjoni ma' l-istrutturi tagħhom involuti (emendi 33, 34 u 4) fl-Artikolu 18 u 19(2) tal-pożizzjoni komuni, madankollu, il-Kunsill jifhem l-Artikoli f'dan is-sens.

Il-kliem ġdid ta' l-Artikolu 21 u l-premessa 31 addizzjonali tal-pożizzjoni komuni jirrazzjonalizza l-ħtiġiet ta' monitoraġġ u rapportaġġ tad-Direttiva mqabbla ma' l-emenda 37. L-Artikolu 24 jiddifferixxi ftit id-data ta' transpożizzjoni.

L-emendi 35, 36 u 38 ġew aċċettati.

Annessi

Temi ta' data ġeografika “distribuzzjoni ta' aċċidenti tat-traffiku” (emenda 43, paragrafu 6) u “telekommunikazzjonijiet” (emenda 44, paragrafu 7) mhumiex inklużi fil-pożizzjoni komuni peress li m'humiex relatati ma' l-għan ta' INSPIRE.

L-emenda 47 kienet aċċettata parzjalment fl-Anness III, paragrafu 11.

L-emendi 39, 40, 41, 42, 45, 46, 48 u 49 ġew aċċettati.

IV.   KONKLUŻJONI

It-tibdiliet li saru mill-Kunsill lill-proposta tal-Kummissjoni timmira biex tiżgura kompatibiltà mal-leġislazzjoni eżistenti u l-ġbir sostenibbli ta' data. Minkejja dawn it-tibdiliet, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill hija konformi mal-maġġoranza ta' l-emendi tal-Parlament Ewropew u tistabbilixxi bażi tajba għal aktar negozjati.


30.5.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/33


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 6/2006

adottata mill-Kunsill fl-10 ta' Marzu 2006

bil-ħsieb li tiġi adottata d-Direttiva 2006/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)

(2006/C 126 E/03)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 141(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (3), u d-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE ta' l-24 ta' Lulju 1986 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fi skemi okkupazzjonali ta' sigurtà soċjali (4) ġew emendati b'mod sinifikanti (5). Id-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE ta' l-10 ta' Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (6) u d-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar il-dmir tal-prova f'każijiet ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (7) ukoll fihom dispożizzjonijiet li l-għan tagħhom huwa l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa. Issa li qed isiru emendi ġodda għad-Direttivi msemmija, ikun tajjeb, għal raġunijiet ta' ċarezza li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni għandhom jitfasslu mill-ġdid billi jinġabru flimkien f'test wieħed id-dispożizzjonijiet ewlenin eżistenti f'dan il-qasam kif ukoll ċerti żviluppi li joħorġu mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropea (minn hawn aktar 'il quddiem imsejħa “il-Qorti tal-Ġustizzja”).

(2)

L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-liġi tal-Komunità skond l-Artikoli 2 u 3(2) tat-Trattat u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jistqarru bħala “kompitu” u “mira” tal-Komunità l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jimponu obbligu pożittiv għall-promozzjoni ta' dan fl-attivitajiet kollha tagħha.

(3)

Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa ma jistax jiġi ristrett għall-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq il-fatt li persuna tkun ta' sess jew ieħor. In vista ta' l-iskop tiegħu u n-natura tad-drittijiet li huwa jfittex li jħares dan japplika ukoll għad-diskriminazzjoni li tqum minħabba bidla fis-sess tal-persuna.

(4)

L-Artikolu 141 (3) tat-Trattat issa jipprovdi bażi legali speċifika għall-adozzjoni ta' miżuri tal-Komunità biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u trattament ugwali fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, inkluż il-prinċipju ta' paga ndaqs għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali.

(5)

L-Artikoli 21 u 23 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea jipprojbixxu wkoll kull diskriminazzjoni abbażi ta'sess u jinkorporaw id-dritt għal trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.

(6)

Il-fastidju u l-fastidju sesswali huma kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u jikkostitwixxu diskriminazzjoni abbażi ta' sess għall-iskopijiet ta'din id-Direttiva. Dawn il-forom ta'diskriminazzjoni ma jiġrux biss fuq il-post tax-xogħol, iżda wkoll f'kuntest ta' aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni. Dawn għandhom għalhekk jiġu pprojbiti u għandhom jiġu suġġetti għal penali effettivi, proporzjonati u disważivi.

(7)

F'dan il-kuntest, min iħaddem u dawk responsabbli mit-taħriġ vokazzjonali għandhom jiġu mħeġġa li jieħdu miżuri sabiex jiġġieldu kull forma ta' diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess u, partikolarment sabiex jieħdu miżuri preventivi kontra l-fastidju u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol u fl-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni, skond il-liġi u l-prattika nazzjonali.

(8)

Il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali kif stabbilit fl-Artikolu 141 tat-Trattat affermat b' konsistenza fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkostitwixxi aspett importanti mill-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u parti essenzjali u indispensabbli mill-acquis communautaire, inkluża l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess. Huwa għalhekk xieraq li jsiru aktar dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tiegħu.

(9)

Skond il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi stmat jekk ħaddiema humiex jagħmlu xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali, għandu jiġi determinat jekk, meħud kont ta' firxa ta' fatturi inklużi n-natura tax-xogħol u t-taħriġ u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, dawk il-ħaddiema jistgħux jitqiesu li huma f'sitwazzjoni kumparabbli.

(10)

Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet illi, f'ċerti cirkostanzi, l-prinċipju ta' paga ugwali mhux limitat għal-sitwazzjonijiet fejn irġiel u nisa jaħdmu għall-istess persuna li tħaddem.

(11)

L-Istati Membri, f'kollaborazzjoni ma' l-imsieħba soċjali, għandhom ikomplu jindirizzaw il-problema tad-differenzi fil-pagi ibbażati fuq is-sess li għandhom jippersistu u s-segregazzjoni ċara bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol b'mezzi bħalma huma arranġamenti għal ħinijiet tax-xogħol flessibbli, li jippermettu sew lill-irġiel u sew lin-nisa li jikkombinaw ir-responsabiltajiet tal-familja u tax-xogħol b'aktar suċċess. Dan jista' jinkludi arranġamenti xierqa għal leave tal-ġenituri li jista' jittieħed minn kwalunkwe ġenitur kif ukoll il-forniment ta' faċilitajiet ta' kura tat-tfal u ta' kura għal persuni dipendenti li jkunu aċċessibbli u bi prezzijiet li wieħed jistà jlaħħaq magħhom.

(12)

Għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali fi skemi okkupazzjonali ta' sigurtà soċjali u biex jiġi definit il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu b'mod aktar ċar.

(13)

Fis-sentenza tagħha tas-17 ta' Mejju 1990 fil-Kawża 262/88 (8) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat li l-forom kollha ta' pensjoni tax-xogħol jikkostitwixxu element ta' paga li jaqgħa fit-tifsira ta' l-Artikolu 141 tat-Trattat.

(14)

Għalkemm il-kunċett ta' paga fit-tifsira ta' l-Artikolu 141 tat-Trattat ma jinkludix il-benefiċċji ta' sigurtà soċjali, issa huwa stabbilit b'mod ċar li skema ta' pensjoni għal uffiċjali pubbliċi taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali jekk il-benefiċċji li jitħallsu skond l-iskema jingħataw lill-impjegat minħabba r-relazzjoni ta' l-impjieg tiegħu/tagħha ma' min iħaddmu fis-settur pubbliku, minkejja l-fatt li skema bħal din tifforma parti minn skema ġenerali statutorja. Skond is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C-7/93 (9) u C-351/00 (10), dik il-kondizzjoni tiġi sodisfatta jekk l-iskema ta' pensjoni tikkonċerna kategorija partikolari ta' impjegati u l-benefiċċji tagħha huma relatati direttament mal-perjodu tas-servizz u huma kkalkulati permezz ta' referenza għas-salarju aħħari ta' l-uffiċjal pubbliku. Għal raġunijiet ta' ċarezza, għalhekk huwa xieraq li ssir preparazzjoni speċifika għal dak il-għan.

(15)

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li filwaqt li l-kontribuzzjonijiet ta' ħaddiema maskili u femminili fi skema ta' pensjoni b'benefiċċju definit huma koperti mill-Artikolu 141 tat-Trattat, kwalunkwe nuqqas ta' ugwaljanza fil-kontribuzzjonijiet ta' min iħaddem imħallsa taħt skemi iffinanzjati b'benefiċċju definit minħabba l-użu ta' fatturi attwarjali li jvarjaw skond is-sess m'għandhiex titqies fid-dawl ta' dik l-istess dispożizzjoni.

(16)

Bħala eżempju, fil-każ ta' skemi iffinanzjati b'benefiċċji definiti, ċerti elementi bħal ma huma l-bdil f'somma kapitali ta' parti minn pensjoni perjodika, it-trasferiment ta' drittijiet tal-pensjoni, pensjoni tar-riverżjoni li titħallas lil dipendent talli tiġi ċeduta parti mill-pensjoni, jew pensjoni mnaqqsa fejn il-ħaddiem jagħżel li jirtira kmieni jistgħu ma jkunux ugwali fejn l-inugwaljanza ta' l-ammonti tirriżulta mill-effetti ta' l-użu ta' fatturi attwarji li jvarjaw skond is-sess fiż-żmien meta jiġi implimentat il-finanzjament ta' l-iskema.

(17)

Huwa stabbilit sew li l-benefiċċji li jitħallsu taħt skemi okkupazzjonali ta' sigurtà soċjali m'għandhomx jitqiesu bħala rimunerazzjoni sakemm dawn jistgħu jiġu attribwiti għal perjodi ta' impjieg qabel is-17 ta' Mejju 1990, ħlief fil-każ ta' ħaddiema jew dawk bi pretensjonijiet ġejjin minnhom li bdew proċeduri legali jew ressqu talba ekwivalenti taħt il-liġi nazzjonali applikabbli qabel dik id-data. Għalhekk huwa neċessarju li tiġi limitata l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali skond dan.

(18)

Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat b' konsistenza li l-Protokoll Barber (11) ma jaffettwax id-dritt ta' sħubija fi skema ta' pensjoni tax-xogħol u li l-limitazzjonijiet ta' l-effetti fiż-żmien tas-sentenza fil-Kawża 262/88 ma tapplikawx għad-dritt ta' sħubija fi skema ta' pensjoni tax-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet wkoll li r-regoli nazzjonali li għandhom x'jaqsmu mal-limiti ta' żmien sabiex jittieħdu azzjonijiet taħt il-liġi nazzjonali jistgħu jintużaw kontra ħaddiema li jasserixxu d-dritt tagħhom li jissieħbu fi skema ta' pensjoni okkupazzjonali, kemm-il darba ma jkunux inqas favorevoli għal dik it-tip ta' azzjoni milli għal azzjonijiet simili ta natura domestika u li ma jirrendux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-Komunità impossibli fil-prattika. Il-Qorti tal-Ġustizzja issenjalat ukoll li l-fatt li ħaddiem jista' jitlob retroattivament li jissieħeb fi skema ta' pensjoni tax-xogħol ma jħallix lill-ħaddiem jevita li jħallas il-kontribuzzjonijiet relatati mal-perjodu ta' sħubija kkonċernat.

(19)

Li jkun żgurat aċċess ugwali għall-impjiegi u għat-taħriġ vokazzjonali li jwassal għalhekk huwa fundamentali għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjieg u xogħol. Kwalunkwe eċċezzjoni għal dan il-prinċipju għandha għalhekk tiġi llimitata għal dawk l-attivitajiet ta' xogħol li jeħtieġu l-impjieg ta' persuna ta' sess partikolari minħabba n-natura tagħhom jew il-kuntest li fih jitwettqu, kemm-il darba l-għan li jrid jintlaħaq ikun leġittimu u jikkonforma mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

(20)

Din id-Direttiva ma' tippreġudikax id-dritt ta' sħubija, inkluż id-dritt li jiġu mwaqqfa unions ma' oħrajn u ta' sħubija f'unions sabiex wieħed jiddefendi d-drittijiet tiegħu. Miżuri fis-sens ta' l-Artikolu 141(4) tat-Trattat jistghu jinkludu sħubija jew il-kontinwazzjoni ta' l-attività ta'organizzazjonijiet jew unions li l-objettiv prinċipali tagħhom huwa l-promozzjoni, fil-prattika, tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

(21)

Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni għandha tkun bla preġudizzju għaż-żamma jew l-adozzjoni ta' miżuri maħsuba sabiex jimpedixxu jew jikkumpensaw għal żvantaġġi sofferti minn grupp ta' persuni ta' l-istess sess. Miżuri tali jippermettu lil organizzazjonijiet ta' persuni ta' l-istess sess fejn l-objettiv ewlieni hija l-promozzjoni tal-ħtiġijiet speċjali ta' dawk il-persuni u l-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

(22)

Skond l-Artikolu 141(4) tat-Trattat, bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, il-prinċipju ta' trattament ugwali ma jżommx l-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmluha aktar faċli għas-sess sotto-rappreżentat milli jsegwi xi attività vokazzjonali jew sabiex timpedixxi jew tikkumpensa għal żvataġġi fil-karrieri professjonali. Magħrufa s-sitwazzjoni attwali u meħud kont tad-Dikjarazzjoni Nru 28 mat-Trattat ta' Amserdam, l-Istati Membri għandhom, fl-ewwel post, jimmiraw sabiex itejbu s-sitwazzjoni tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol.

(23)

Huwa ċar mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li trattament mhux favorevoli ta' mara relatat mat-tqala jew mal-maternità jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba s-sess. Trattament bħal dan għalhekk għandu jiġi espressement copert min din id-Direttiva.

(24)

Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistement irrikkonoxxiet il-leġittimità, rigward il-prinċipju tat-trattament ugwali, li jipproteġi l-kondizzjoni bijoloġika tal-mara waqt it-tqala u l-maternità, u li jiġu introdotti miżuri ta' protezzjoni għall-maternità bħala mezz biex tintlaħaq ugwaljanza sostanzjali. Din id-Direttiva għandha għalhekk tkun bla preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (12). Din id-Direttiva għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż bejn l-UNICE, s-CEEP u l-ETUC (13).

(25)

Għal raġunijiet ta' kjarezza, huwa wkoll xieraq li tagħmel dispożizzjonijiet espressi għall-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol tan-nisa dwar il-leave tal-maternità u partikolarment id-dritt tagħhom li jirritornaw għall-istess post jew għal post ekwivalenti u li ma jsofru ebda detriment fil-pattijiet u l-kondizzjonijiet bħala riżultat li jieħdu dak il-leave u li jibbenefikaw minn kull titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li għalihom kienu jkunu intitolati waqt l-assenza tagħhom.

(26)

Fir-Riżoluzzjoni tal-laqgħa tal-Kunsill u tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Politika Soċjali, f'laqgħa fil-Kunsill, tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-parteċipazzjoni bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fil-ħajja tal-familja u tax-xogħol (14), l-Istati Membri kienu inkoraġġati sabiex jikkunsidraw li jeżaminaw il-kamp ta' applikazzjoni tas-sistemi legali rispettivi dwar l-għoti lil ħaddiema irġiel ta' dritt individwali u mhux transferibbli għal leave tal-paternità, filwaqt li jżommu id-drittijiet tagħhom relatati max-xogħol.

(27)

Konsiderazzjonijiet simili japplikaw għall-għoti mill-Istati Membri tad-dritt individwali u mhux trasferibbli għal leave wara ta' l-adozzjoni ta' tfal lil irġiel u nisa. Ikunu l-Istati Membri li jiddeterminaw jekk jagħtux jew le tali dritt għal paternità jew/u leave għall-adozzjoni u wkoll li jiddeterminaw kwalunkwe kondizzjoni, ħlief għal tkeċċija u ritorn għax-xogħol, li huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta'din id-Direttiva.

(28)

L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' trattament ugwali jirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom il-proċeduri xierqa.

(29)

Għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' trattament ugwali huwa essenzjali li jkunu provduti proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi adegwati għall-infurzar ta' l-obbligi imposti minn din id-Direttiva.

(30)

L-adozzjoni ta' regoli fuq il-dmir tal-prova jilgħab irwol sinifikanti sabiex jassigura li l-prinċipju ta' trattament ugwali jista' jkun effettivament infurzat. Bħal ma ddeċidiet il-Qorti tal-Gustizzja iddeċidiet, għalhekk għandhom jittieħdu dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-dmir tal-prova jmur fuq il-konvenut fejn ikun hemm każ prima facie ta'diskriminazzjoni, barra meta jkun hemm proċeduri fejn huwa għall-qorti jew organi nazzjonali oħra kompetenti sabiex jinvestigaw il-fatti. Huwa għalhekk neċessarju li tiċċara li l-apprezzament tal-fatti minn fejn jista jkun maħsub li kien hemm diskriminazzjoini diretta jew indiretta tibqa' materja għall-organu nazzjonali relevanti bi qbil mal-prattika u l-liġi nazzjonali. Il-quddiem huwa għall-Istati Membri li jintroduċu, skond proċeduri xierqa, regoli ta' evidenza li huma aktar favorevoli għall-atturi.

(31)

Bil-ħsieb li jittejjeb aktar il-livell tal-ħarsien offrut minn din id-Direttiva, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u korpi legali oħra għandhom ukoll jingħataw il-poter li jinvolvu rwieħhom fi proċeduri, kif jiddeterminaw l-Istati Membri, jew f'isem jew b'appoġġ ta' min qed jagħmel l-ilment, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta' proċedura li jikkonċernaw ir-rappreżentazzjoni u d-difiża.

(32)

Meħuda in konsiderazzjoni n-natura fundamentali tad-dritt għall-protezzjoni legali effettiva, huwa xieraq li tassigura li l-ħaddiema jibqgħu jgawdu tali protezzjoni anke wara li r-relazzjoni li tat bidu għall-allegat ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali spiċċa. Impjegat li qed jiddefendi jew qed jixhed f'isem persuna protetta taħt din id-Direttiva għandu jkun intitolat għall-istess protezzjoni.

(33)

Kien deċiż b'mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex ikun effettiv, il-prinċipju ta' trattament ugwali jimplika li, l-kumpens mogħti għal kwalunkwe ksur irid ikun adegwat skond il-ħsara mġarrba. Huwa għalhekk xieraq li jiġi eskluż l-iffissar ta' xi limitu minn qabel għal tali kumpens, ħlief meta min iħaddem jista jipprova li l-unika ħsara li l-applikant ġarrab bħala riżultat ta' diskriminazzjoni fis-sens ta' din id-Direttiva tkun ir-rifjut li tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni għax-xogħol tiegħu.

(34)

Biex tittejjeb l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' trattament ugwali, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu bejn is-sħab soċjali u, fi ħdan il-qafas ta' prattika nazzjonali, ma' organizzazzjonijiet non-governattivi.

(35)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta' ksur ta' l-obbligi skond din id-Direttiva.

(36)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(37)

Għall-iskop li jinftiehem aħjar it-trattament differenti bejn irġiel u nisa f'materji ta' xogħol u impjieg, għandhom jibqgħu jiġu żviluppati, analiżżati u magħmula disponibbli fil-livelli xierqa, statistiċi kumparabbli maqsuma skond is-sess.

(38)

Trattament ugwali ta' l-irgiel u n-nisa f'materja ta' xogħol u impjieg ma jistax jiġi ristrett għal miżuri leġizlattivi. Minflok, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom ikomplu jippromwovu t-tqajjim ta' kuxjenza pubblika dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni fil-pagi u għat-tibdil ta' attitudnijiet pubbliċi, li jinvolvi l-partijiet kollha konċernati f'livell pubbliku u privat bl-akbar mod possibbli. Id-djalogu bejn il-partijiet soċjali jista' jkollu rwol importanti f'dan il-proċess.

(39)

L-obbligu ta' transpożizzjoni ta' din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandu jkun ristrett għad-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu tibdil ta' sustanza meta mqabbel mad-Direttivi ta' qabel. L-obbligu għat-transpożizzjoni ta' dispożizzjonijiet mhux emendati jirriżulta minn direttivi ta' qabel.

(40)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fil-Parti B ta' l-Anness I.

(41)

Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (15), l-Istati Membri huma mħeġġa li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li, sa fejn hu possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn id-Direttivi u l-miżuri ta' traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta' trattament ugwali f'relazzjoni ma':

(a)

l-aċċess għall-impjiegi, inkluża l-promozzjoni, u t-taħriġ vokazzjonali;

(b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

(ċ)

l-iskemi okkupazzjonali ta' sigurtà soċjali.

Hi fiha wkoll dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li din l-implimentazzjoni tkun aktar effettiva permezz ta' l-istabbiliment ta' proċeduri xierqa.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“diskriminazzjoni diretta”: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b'mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f'sitwazzjoni komparabbli;

(b)

“diskriminazzjoni indiretta”: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali tista' jkunu jpoġġu lil persuni ta' sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma' persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b'għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

(ċ)

“fastidju”: fejn ikun hemm imġieba mhix mixtieqa li għandha x'taqsam mas-sess ta' persuna bl-għan jew bl-effett ta' vjolazzjoni tad-dinjità ta' persuna, u li jinħoloq ambjent intimidatorju, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv;

(d)

“Fastidju sesswali”: fejn ikun hemm kwalunkwe forma ta' kondotta verbali, mhux verbali jew fiżika mhix mixtieqa ta' natura sesswali, bil-għan jew effett li jnaqqsu d-dinjità ta' xi persuna, partikularment meta jinħoloq ambjent intimidatorju, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv;

(e)

“paga”: il-paga jew is-salarju ordinarji li jkunu bażiċi jew minimi u kwalunkwe rimunerazzjoni oħra, kemm jekk fi flus kontanti jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, minħabba l-impjieg tiegħu/tagħha minn min iħaddmu/imha;

(f)

“skemi okkupazzjonali ta' sigurtà soċjali”: skemi li mhumiex regolati mid-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (16) li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom, f'impriża jew fi grupp ta' impriżi, f'qasam ta' attività ekonomika, settur jew grupp ta' setturi tax-xogħol b'benefiċċji maħsuba biex iżidu l-benefiċċji pprovduti minn skemi statutorji ta' sigurtà soċjali jew biex jissostitwixxuhom, kemm jekk is-sħubija fi skemi ta' din ix-xorta tkun obbligatorja u kemm jekk tkun b'għażla;

2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, diskriminazzjoni tinkludi:

(a)

fastidju u fastidju sesswali, kif ukoll kwalunkwe trattament inqas favorevoli li jkun ibbażat fuq ir-rifjut jew is-sottomissjoni ta' persuna għal imġiba ta' din ix-xorta;

(b)

istruzzjoni biex issir diskriminazzjoni kontra persuni minħabba s-sess;

(ċ)

kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta' mara li jkollu x'jaqsam ma' tqala jew leave tal-maternità fis-sens d-Direttiva 92/85/KEE;

Artikolu 3

Azzjoni pożittiva

L-Istati Membri jistgħu izommu jew jadottaw mizuri fis-sens ta' l-Artikolu 141(4) tat-Trattat bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol.

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

Kapitolu 1

Paga ugwali

Artikolu 4

Projbizzjoni ta' diskriminazzjoni

Għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta'sess fir-rigward ta' l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta' rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali.

B'mod partikolari, fejn tintuża sistema ta' klassifikazzjoni ta' l-impjiegi biex tiġi determinata l-paga, din għandha tiġi bbażata fuq l-istess kriterji kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa u għalhekk għandha tkun imfassla b'mod tali li teskludi kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba s-sess.

Kapitolu 2

Trattament ugwali fi skemi okkupazzjonali ta' sigurtà soċjali

Artikolu 5

Projbizzjoni ta' diskriminazzjoni

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fi skemi okkupazzjonali ta' sigurtà soċjali, b'mod partikolari fir-rigward ta':

(a)

il-kamp ta' applikazzjoni ta' tali skemi u l-kondizzjonijiet ta' l-aċċess għalihom;

(b)

l-obbligu tal-kontribuzzjoni u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet;

(ċ)

il-kalkolu tal-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji supplementari dovuti minħabba l-konjuġi jew in-nies dipendenti, u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tad-dritt għall-benefiċċji.

Artikolu 6

Kamp ta' applikazzjoni personali

Dan il-kapitolu għandu japplika għall-membri tal-popolazzjoni li taħdem, inkluż persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li l-attività tagħhom hija interrotta minn mard, maternità, inċident jew qgħad involontarju u persuni li jfittxu xogħol u għal ħaddiema rtirati u diżabbli, u għal dawk bu pretensjonijiet ġejjin minnhom, skond il-liġi u/jew l-prattika nazzjonali.

Artikolu 7

Kamp ta' applikazzjoni materjali

1.   Dan il-Kapitolu japplika għal:

(a)

skemi okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali li jipprovdu ħarsien kontra r-riskji li ġejjin:

(i)

il-mard,

(ii)

l-invalidità,

(iii)

ix-xjuħija, inkluż l-irtirar kmieni,

(iv)

l-inċidenti industrijali u l-mard ikkaġunat mix-xogħol,

(v)

il-qgħad;

(b)

skemi okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali li jipprovdu għal benefiċċji soċjali oħra, fi flus kontanti jew in natura, u b'mod partikolari l-benefiċċji ta' superstiti u l-allowances tal-familja, jekk benefiċċji bħal dawn jikkostitwixxu rimunerazzjoni mħallsa minn min iħaddem lill-ħaddiem minħabba l-impjieg ta' dan ta' l-aħħar.

2.   Dan il-Kapitolu japplika wkoll għall-iskemi tal-pensjoni għal kategorija partikolari ta' ħaddiem bħal dik ta' l-uffiċjali pubbliċi jekk il-benefiċċji li jitħallsu skond l-istess skema jitħallsu minħabba r-relazzjoni ta' l-impjieg ma' min iħaddem fis-settur pubbliku. Il-fatt li tali skema tifforma parti mill-iskema ġenerali ta' l-istat għandu jkun mingħajr preġudizzju f'dak ir-rigward.

Artikolu 8

Esklużjoni mill-kamp ta' applikazjoni materjali

1.   Dan il-Kapitolu ma japplikax għal:

(a)

kuntratti individwali għal persuni li jaħdmu għal rashom;

(b)

skemi għal persuni li jaħdmu għal rashom b'membru wieħed;

(ċ)

kuntratti ta' l-assigurazzjoni li min iħaddem m'huwiex parti għalihom, fil-każ ta' ħaddiema impjegati;

(d)

dispożizzjonijiet li mhumiex obbligatorji ta' skemi okkupazzjonali offruti lill-parteċipanti b'mod individwali biex ikunulhom iggarantiti:

(i)

jew benefiċċji addizzjonali,

(ii)

jew għażla ta' data li fiha ser jibdew il-benefiċċji normali għall-persuni li jaħdmu għal rashom, jew għażla bejn diversi benefiċċji;

(e)

skemi okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali sakemm il-benefiċċji huma ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-ħaddiema fuq bażi volontarja.

2.   Dan il-Kapitolu ma jipprekludix lil min iħaddem milli jagħti li lil persuni li diġà laħqu l-età ta' l-irtirar għall-finijiet ta' għotja ta' pensjoni permezz ta' skema okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali, imma li għadhom ma laħqux l-età ta' l-irtirar għall-finijiet ta' għotja ta' pensjoni ta' l-irtirar statutorja, supplement tal-pensjoni, li l-għan tiegħu huwa li jġib indaqs jew aktar kważi indaqs l-ammont totali ta' benefiċċju mħallas lil dawn il-persuni b'relazzjoni għall-ammont imħallas lill-persuni tas-sess l-ieħor fl-istess sitwazzjoni li diġà laħqu l-età statutorja ta' l-irtirar, sakemm il-persuni li qed jibbenefikaw mis-supplement jilħqu l-età statutorja ta' l-irtirar.

Artikolu 9

Eżempji ta' diskriminazzjoni

1.   Dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju ta' trattament ugwali għandhom jinkludu dawk ibbażati fuq is-sess, jew direttament jew indirettament, sabiex:

(a)

ikunu ddeterminati l-persuni li jistgħu jipparteċipaw fi skema okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali;

(b)

tkun iffissata n-natura obbligatorja jew mhux obbligatorja tal-parteċipazzjoni fi skema okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali;

(ċ)

ikunu stabbiliti regoli differenti fir-rigward ta' l-età tad-dħul fl-iskema jew il-perjodu minimu ta' impjieg jew sħubija meħtieġ biex jinkisbu l-benefiċċji tagħha;

(d)

ikunu stabbiliti regoli differenti, ħlief kif provdut fil-punti (h) u (j), għar-rimborż tal-kontribuzzjonijiet meta ħaddiem joħroġ minn skema mingħajr ma jkun issodisfa l-kondizzjonijiet li jiggarantixxu dritt diferut għall-benefiċċji ta' tul ta' żmien;

(e)

ikunu ffissati kondizzjonijiet differenti biex jingħataw il-benefiċċji jew għar-restrizzjoni ta' benefiċċji bħal dawn għall-ħaddiema ta' wieħed jew l-ieħor mis-sessi;

(f)

ikunu ffissati etajiet differenti ta' l-irtirar;

(g)

tkun sospiża ż-żamma jew il-kisba ta' drittijiet matul il-perjodi ta' lîf tal-maternità jew ta' lîf għal raġunijiet tal-familja li jingħataw mil-liġi jew bi ftehim u li jitħallsu minn min iħaddem;

(h)

ikunu ffissati livelli differenti ta' benefiċċju, ħlief safejn jista' jkun neċessarju biex jitqiesu fatturi ta' kalkolu attwarjali li jvarjaw skond is-sess fil-każ ta' skemi b'kontribuzzjoni definita; fil-każ ta' skemi b'benefiċċju definit iffinanzjati, ċerti elementi jistgħu ma jkunux ugwali fejn in-nuqqas ta' ugwaljanza ta' l-ammonti tirriżulta mill-effetti ta' l-użu ta' fatturi attwarjali li jvarjaw skond is-sess fiż-żmien meta jiġi implimentat l-iffinanzjar ta' l-iskema;

(i)

ikunu ffissati livelli differenti għall-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema;

(j)

ikunu ffissati livelli differenti għall-kontribuzzjonijiet ta' min iħaddem, minbarra:

(i)

fil-każ ta' skemi b'kontribuzzjoni definita jekk l-għan huwa li jiddaqqas l-ammont tal-benefiċċji finali jew li kważi jiddaqqsu għaż-żewġ sessi,

(ii)

fil-każ ta' skemi b'benefiċċju definit iffinanzjati fejn il-kontribuzzjonjiet ta' min iħaddem huma intenzjonati biex jiżguraw is-suffiċjenza tal-fondi neċessarji biex ikopru l-ispiża tal-benefiċċji definiti;

(k)

ikunu stabbiliti standards differenti jew standards applikabbli biss għall-ħaddiema ta' sess speċifiku, ħlief kif provdut fil-punti (h) u (j), fir-rigward tal-garanzija jew taż-żamma tad-dritt għal benefiċċji diferiti meta ħaddiem joħroġ minn skema.

2.   Fejn l-għotja tal-benefiċċji fl-ambitu ta' dan il-Kapitolu titħalla għad-diskrezzjoni tal-korpi li jamministraw l-iskema, dawn ta' l-aħħar għandhom jikkonformaw mal-prinċipju ta' trattament ugwali.

Artikolu 10

Implimentazzjoni fir-rigward ta' persuni li jaħdmu għal rashom

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' skemi okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom li huma kuntrarji għall-prinċipju ta' trattament ugwali jiġu riveduti b'effett mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1993 jew għall-Istati Membri li l-adeżjoni tagħhom seħħet wara dik id-data, fid-data li d-Direttiva 86/378/KEE saret applikabbli fit-territorju tagħhom.

2.   Dan il-Kapitolu m'għandux jipprekludi drittijiet u obbligi li jirrelataw għal perjodu ta' sħubija fi skema okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali għal persuni li jaħdmu għal rashom qabel ir-reviżjoni ta' dik l-iskema milli jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-iskema li tkun fis-seħħ matul dak il-perjodu.

Artikolu 11

Possibilta ta' differiment fir-rigward ta' persuni li jaħdmu għal rashom

Fir-rigward ta' skemi okkupazzjonali tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom, l-Istati Membri jistgħu jiddiferixxu l-applikazzjoni obbligatorja tal-prinċipju ta' trattament ugwali fir-rigward ta':

(a)

id-determinazzjoni ta' l-età tal-pensjoni biex jingħataw il-pensjonijiet ta' l-anzjanità jew ta' l-irtirar, u l-implikazzjonijiet possibbli għal benefiċċji oħra:

(i)

jew sad-data li fiha tinkiseb ugwaljanza bħal din fi skemi statutorji,

(ii)

jew, sa l-aktar tard, sakemm ugwaljanza bħal din hija stabbilita minn direttiva;

(b)

il-pensjonijiet ta' min jibqa' ħaj sakemm il-liġi Komunitarja tistabbilixxi l-prinċipju ta' trattament ugwali fi skemi statutorji ta' sigurtà soċjali f'dak ir-rigward;

(ċ)

l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 9(1)(i) fir-rigward ta' l-użu ta' fatturi ta' kalkolu attwarjali, sa l-1 ta' Jannar 1999 jew għall-Istati Membri li l-adeżjoni tagħhom seħħet wara dik id-data sad-data li d-Direttiva 86/378/KEE saret applikabbli fit-territorju tagħhom.

Artikolu 12

Effett retroattiv

1.   Kwalunkwe miżura li timplimenta dan il-Kapitolu, fir-rigward ta' ħaddiema, għandha tkopri l-benefiċċji kollha taħt l-iskemi okkupazzjonali ta' sigurtà soċjali li ġejjin minn perjodi ta' impjieg wara s-17 ta' Mejju 1990 u għandhom japplikaw b'mod retroattiv għal dik id-data, mingħajr preġudizzju għall-ħaddiema jew għal dawk li jagħmlu talba taħthom li, qabel dik id-data, bdew proċeduri legali jew għamlu talba ekwivalenti skond il-liġi nazzjonali. F'dak il-każ, il-miżuri ta' l-implimentazzjoni għandhom japplikaw b'mod retroattiv għat-8 ta' April 1976 u għandhom ikopru l-benefiċċji kollha li ġejjin minn perjodi ta' impjieg wara dik id-data. Għall-Istati Membri li ssieħbu fil-Komunità wara t-8 ta' April 1976, u qabel is-17 ta' Mejju 1990, dik id-data għandha tiġi sostitwita mid-data li fiha l-Artikolu 141 tat-Trattat sar applikabbli fit-territorju tagħhom.

2.   It-tieni sentenza tal-paragrafu 1 m'għandhiex twaqqaf lir-regoli nazzjonali li jirrelataw mal-limiti taż-żmien biex jinfetħu kawżi skond il-liġi nazzjonali milli ssir dipendenza fuqhom kontra ħaddiema jew dawk li jagħmlu talba taħthom li bdew proċeduri legali jew għamlu talba ekwivalenti taħt il-liġi nazzjonali qabel is-17 ta' Mejju 1990, sakemm mhumiex inqas favorevoli għal dik it-tip ta' azzjoni milli għal azzjonijiet simili ta' natura domestika u li ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mil-liġi Komunitarja impossibbli fil-prattika.

3.   Għall-Istati Membri li l-adeżjoni tagħhom seħħet wara s-17 ta' Mejju 1990 u li fl-1 ta' Jannar 1994 kienu Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, bid-data tas-17 ta' Mejju 1990 fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 għandha tkun sostitwita mill-1 ta' Jannar 1994.

4.   Għall-Istati Membri l-oħra li l-adeżjoni tagħhom seħħet wara s-17 ta' Mejju 1990, id-data tas-17 ta' Mejju 1990 fil-paragrafi 1 u 2 għandha tkun sostitwita mid-data li fiha l-Artikolu 141 tat-Trattat sar applikabbli fit-territorju tagħhom.

Artikolu 13

Età pensjonabbli flessibbli

Fejn l-irġiel u n-nisa jistgħu jikklejmjaw età pensjonabbli flessibbli bl-istess kondizzjonijiet, din m'għandhiex titqies bħala li mhix kompatibbli ma' dan il-Kapitolu.

Kapitolu 3

Trattament ugwali fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjiegi, tat-taħriġ vokazzjonali u tal-promozzjoni u tal-kondizzjonijiet tax-xogħol

Artikolu 14

Projbizzjoni ta' diskriminazzjoni

1.   M'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f'dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b'relazzjoni għal:

(a)

kondizzjonijiet għal aċċess għall-impjiegi, għal min jaħdem għal rasu jew għall-impjieg, inkluż il-kriterji ta'selezzjoni u l-kondizzjonijiet ta' reklutaġġ, tkun li tkun il-fergħa ta' attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluż promozzjoni;

(b)

aċċess għat-tipi kollha u għal-livelli kollha ta' gwida vokazzjonali, taħriġ vokazzjonali, taħriġ vokazzjonali avvanzat u taħriġ mill-ġdid, inkluża l-esperjenza prattika tax-xogħol;

(ċ)

Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu 141 tat-Trattat;

(d)

sħubija, u involviment f'organizzazzjoni ta' ħaddiema jew ta' min iħaddem, jew kwalunkwe organizzazzjoni li l-membri tagħha jwettqu professjoni partikolari, inklużi l-benefiċċji provduti minn organizzazzjonijiet ta' din ix-xorta.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu, fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjiegi inkluż it-taħriġ li jwassal għalih, li differenza fit-trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata mas-sess m'għandiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni fejn, minħabba n-natura ta' l-attivitajiet tax-xogħol partikolari kkonċernati jew tal-kuntest li fihom jitwettqu, karatteristika bħal din tikkostitwixxi kondizzjoni meħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm għan tagħha huwa leġittimu u l-kondizzjoni meħtieġa hija proporzjonata.

Artikolu 15

Ritorn mill-leave tal-maternità

Mara li qiegħda bil-leave tal-maternità għandu jkollha d-dritt, wara li jintemm il-perjodu tal-leave tal-maternità tagħha, li terġa' lura għall-impjieg tagħha jew għal kariga ekwivalenti b'termini u b'kondizzjonijiet li m'humiex inqas favorevoli għaliha u li għadha tibbenifika minn kwalunkwe titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li għalihom kien ikollha d-dritt matul l-assenza tagħha.

Artikolu 16

Leave ta' paternità u adozzjoni

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li jirrikonoxxu drittijiet distinti għal-lîf tal-paternità u/jew ta' l-adozzjoni. Dawk l-Istati Membri li jirrikonoxxu drittijiet bħal dawn għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħarsu l-irġiel u n-nisa li jaħdmu kontra t-tkeċċija minħabba li jeżerċitaw dawk id-drittijiet u jiżguraw li, fit-tmiem ta' lîf bħal dan, għandu jkollhom id-dritt li jerġgħu lura għall-impjiegi tagħhom jew għal karigi ekwivalenti b'termini u kondizzjonijiet li m'humiex inqas favorevoli għalihom, u li jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li kien ikollhom id-dritt għalihom matul l-assenza tagħhom.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI

Kapitolu 1

Rimedji u infurzar

TAQSIMA 1

RIMEDJI

Artikolu 17

Difiża ta'drittijiet

1.   L-Istati membri għandhom jassiguraw li wara l-użu possibli ta' awtoritajiet kompetenti oħra, inkluż fejn iħossu li jkun xieraq proċeduri ta' konċiljazzjoni, il-proċeduri ġudizzjarji għall-infurzar ta' l-obbligi taħt din id-Direttiva jkunu disponibbli għall-persuni kollha li jqisu li sofrew danni bil-fatt li ma ġiex applikat prinċipju ta' trattament ugwali fir-rigward tagħhom, anke wara li r-relazzjoni li fiha l-allegata diskriminazzjoni tkun seħħet, tkun spiċċat.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-korpi legali oħra li, skond il-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu li jiżguraw li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, jistgħu jinvolvu rwieħhom, kemm jekk f'isem jew biex jappoġġjaw lil min qed jagħmel l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu/tagħha, fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva provduta għall-infurzar ta' l-obbligi skond din id-Direttiva.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jirrelataw mal-limiti taż-żmien biex jinfetħu l-kawżi fejn għandu x'jaqsam il-prinċipju ta' trattament ugwali.

Artikolu 18

Kumpens jew riparazzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistema legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jassiguraw kumpens jew riparazzjoni reali u effettivi, kif jistabbilixxu l-Istati Membri, għat-telf u l-ħsara mġarrba minn persuna bħala riżultat ta'diskriminazzjoni abbażi ta' sess, b'mod li jkun dissważiv u proporzjonat għall-ħsara mġarrba. Tali kumpens jew riparazzjoni ma jistgħux ikunu ristretti bl-iffissar ta' limitu ogħla minn qabel, ħlief meta min iħaddem jista' jipprova li l-unika ħsara li l-applikant ġarrab bħala riżultat ta' diskriminazzjoni fis-sens ta' din id-Direttiva tkun ir-rifjut li tkun ikkunsidrata l-applikazzjoni għax xogħol tiegħu/tagħha.

TAQSIMA 2

IL-DMIR TAL-PROVA

Artikolu 19

Il-dmir tal-prova

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu il-miżuri kollha meħtieġa, skond is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jaħsbu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta' trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista' jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta' evidenza li huma aktar favorevoli għall-kwerelanti.

3.   L-Istati Membri m'għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċeduri fejn hija l-qorti jew il-korp kompetenti li għandha tinvestiga l-fatti tal-każ.

4.   Paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għal:

(a)

is-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 141 tat-Trattat u, safejn hija kkonċernata d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, mid-Direttivi 92/85/KEE u 96/34/KE;

(b)

kwalunkwe proċedura ċivili jew amministrattiva li tikkonċerna s-settur pubbliku jew privat li tipprovdi għal mezzi ta' riparazzjoni taħt il-liġi nazzjonali skond il-miżuri li jissemmew f'(a) ħlief għall-proċeduri extra-ġudizzjarji ta' natura volontarja jew li huma provduti mil-liġi nazzjonali.

5.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-proċeduri kriminali, sakemm mhux provdut mod ieħor mill-Istati Membri.

Kapitolu 2

Promozzjoni ta' trattament ugwali — djalogu

Artikolu 20

Korpi dwar l-ugwaljaza

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru u jagħmlu l-arranġamenti neċessarji għal korp jew korpi għall-promozzjoni, għall-analiżi, għall-monitoraġġ u għall-appoġġ ta' trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess. Dawn il-korpi jistgħu jifformaw parti mill-aġenziji b'responsabbilità fuq livell nazzjonali għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem jew għas-salvagwardja tad-drittijiet ta' l-individwi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompetenzi ta' dawn il-korpi jinkludu:

(a)

mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-vittmi u ta' l-assoċjazzjonijiet, ta' l-organizzazzjonijiet jew ta' l-entitajiet legali oħra msemmija fl-Artikolu 17(2), jipprovdu assistenza indipendenti għall-vittmi tad-diskriminazzjoni li jipproċedu bl-ilmenti tagħhom dwar id-diskriminazzjoni;

(b)

jwettqu servejs indipendenti dwar id-diskriminazzjoni;

(ċ)

jippubblikaw rapporti indipendenti u jagħmlu rakkomandazzjonijiet fuq kwalunkwe kwistjoni li għandha x'taqsam ma' diskriminazzjoni bħal din;

(d)

skambju ta' informazzjoni disponibbli fil-livell adegwat ma' korpi Ewropej korrispondenti bħal kwalunkwe Istitut Ewropew fil-ġejjieni għall-Ugwaljanza bejn is-sessi.

Artikolu 21

Djalogu soċjali

1.   L-Istati Membri għandhom, skond it-tradizzjonijiet legali u l-prattika, jieħdu miżuri adegwati sabiex jippromwovu djalogu soċjali bejn il-partijiet soċjali bil-ħsieb li jrawmu trattament ugwali, per eżempju anke bl-immonitorjar tal-prattiċi fuq il-post tax-xogħol, l-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ vokazzjonali, il-promozzjoni, kif ukoll permezz tal-monitoraġġ ta' ftehim kollettiv, il-kodiċi ta' kondotta, ir-riċerka jew l-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajba.

2.   Fejn huwa konsistenti mat-tradizzjonijiet u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-imsieħba soċjali, bla ebda preġudizzju għall-awtonomija tagħhom, jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u l-arranġamenti ta' xogħol flessibbli, bil-għan li tiġi ffaċilitata r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, u sabiex jikkonkludu, fil-livell xieraq, ftehim li jipprovdi regoli kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma li jirreferi għalihom l-Artikolu 1 li jaqa' fl-iskop tan-negozjar kollettiv. Dawn l-argumenti għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u l-miżuri ta' l-implimentazzjoni nazzjonali relevanti.

3.   L-Istati Membri għandhom, skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv jew il-prattika, jinkoraġġixxu li min iħaddem sabiex jippromwovi trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa b'mod ippjanat u sistematiku fuq il-post tax-xogħol, fl-aċċess għall-impjiegi, fit-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni.

4.   Għal dan il-għan, min iħaddem għandu jiġi nkoraġġit jipprovdi f'intervalli regolari u xierqa lil ħaddiema u/jew lir-rappreżentanti tagħhom b'informazzjoni xierqa fuq trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fl-impriża.

Tali informazzjoni tista' tinkludi ħarsa lejn il-proporzjoni ta' nisa u rġiel fil-livelli differenti ta' l-organizzazzjoni; il-paga tagħhom u differenzi fil-paga u miżuri possibbli li jtejbu s-sitwazzjoni b'koperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

Artikolu 22

Djalogu ma'organizzazzjonijiet non-governattivi

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu djalogu ma' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi xierqa li, skond il-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu li jagħmlu kontribuzzjoni għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba s-sess bil-ħsieb li jinġieb 'il quddiem il-prinċipju ta' trattament ugwali.

Kapitolu 3

Dispożizzjonijiet ġenerali orizzontali

Artikolu 23

Konformità

l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li:

(a)

kwalunkwe liġi, regolament u dispożizzjoni amministrattiva kuntrarja għall-prinċipju ta' trattament ugwali tkun abolita;

(b)

dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju ta' trattament ugwali f'kuntratti jew ftehim individwali jew kollettivi, regoli interni ta' l-impriżi jew regoli li jirregolaw xogħlijiet indipendenti u professjonijiet u organizzazjonijiet ta' min iħaddem, jew kwalunkwe ftehim għandhom ikunu jew jistgħu ikunu ddikkjarati nulli u bla effett jew ikunu emendati;

(ċ)

skemi okkupazzjonali ta' sigurtà soċjali li fihom tali dispożizzjonijiet jistgħu ma jkunux approvati jew estiżi permezz ta' miżuri amministrattivi.

Artikolu 24

Vittimizzazzjoni

L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom il-miżuri kollha meħtieġa biex iħarsu lill-impjegati, inklużi dawk li huma rappreżentanti ta' l-impjegati, provduti mil-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali, kontra t-tkeċċija jew trattament avvers ieħor minn min iħaddem bħala reazzjoni għal ilment fl-intrapriża jew għal kwalunkwe proċedura legali bl-għan li tkun infurzata l-konformità mal-prinċipju ta' trattament ugwali.

Artikolu 25

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Il-penali, li jistgħu jinkludu l-paga ta' kumpens lill-vittma, iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-5 ta' Ottubru 2005 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien għal kwalunkwe emenda sussegwenti li taffetwahom.

Artikolu 26

Prevenzjoni ta' diskriminazzjoni

Stati Membri għandhom jinkoraġġixxu, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettivi jew il-prattiki, lil dawk li jħaddmu u lil dawk responsabbli għall-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali sabiex jieħdu miżuri effettivi sabiex jimpedixxu kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi ta' sess, partikolarment fastidju u fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, fl-aċċess għall-impjiegi, fit-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni.

Artikolu 27

Kondizzjonijiet minimi

1.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-ħarsien tal-prinċipju tat-trattament ugwali minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

2.   Fl-ebda ċirkustanza, l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandha tkun raġuni biżżejjed għal tnaqqis fil-livell ta' ħarsien tal-ħaddiema fl-oqsma li tapplika għalihom, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li jirrispondu għall-bidliet fis-sitwazzjoni billi jintroduċu liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li huma differenti minn dawk li huma fis-seħħ man-notifika ta' din id-Direttiva, sakemm hemm konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 28

Relazzjoni mad-dsispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali

1.   Din id-Direttiva għandha tkun bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tan-nisa, partikolarment fir-rigward tat-tqala u l-maternità.

2.   Din id-Direttiva għandha tkun bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/34/KE u d-Direttiva 92/85/KEE.

Artikolu 29

Mainstreaming fuq bażi tas-sess

L-Istati Membri għandhom iqisu b'mod attiv l-għan ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa meta jifformulaw u jimplimentaw liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi, politika u attivitajiet fl-oqsma li jissemmew f' din id-Direttiva.

Artikolu 30

Disseminazzjoni ta' informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li miżuri meħuda skond din id-Direttiva, mad-dispożizzjonijiet diġa fis-seħħ, flimkien ikunu miġjuba għall-attenzjoni tal-persuni kollha kkonċernati bil-mezzi kollha adegwati u, fejn jixraq, fuq il-post tax-xogħol.

TITOLU IV

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 31

Rapporti

1.   Sa ... (17), l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, l-informazzjoni kollha neċessarja għall-Kummissjoni biex din tfassal rapport għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, kull erba' snin, it-testi ta' kwalunkwe miżura adottata skond l-Artikolu 141(4) tat-Trattat, kif ukoll rapporti dwar dawn il-miżuri u l-implimentazzjoni tagħhom. Fuq il-bażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni ser tadotta u tippubblika kull erba' snin rapport li jistabbilixxi valutazzjoni komparattiva ta' kwalunkwe miżura fid-dawl tad-Dikjarazzjoni Nru 28 annessa ma' l-Att Finali tat-Trattat ta' Amsterdam.

3.   L-Istati Membri għandhom jevalwaw l-attivitajiet tax-xogħoli imsemmija fl-Artikolu 14(2), sabiex jiddeċiedu, fid-dawl ta' l-iżviluppi soċjali, jekk hemmx ġustifikazzjoni sabiex jinżammu l-esklużjonijiet ikkonċernati. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultati ta' din l-evalwazzjoni perjodikament, iżda mill-inqas kull tmien snin..

Artikolu 32

Reviżjoni

Sa ... (18) l-aktar tard, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-ħidma ta' din id-Direttiva u jekk ikun xieraq, tipproponi kwalunkwe emenda li tqis neċessarja.

Artikolu 33

Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-konformità ma' din id-Direttiva sa … (19) jew għandhom jiżguraw, sa mhux aktar tard minn dik id-data, li l-amministrazzjoni u l-ħaddiema jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim. L-Istati Membri jistgħu, jekk ikun meħtieġ li jingħata kont tad-diffikultajiet partikolari, jieħdu sa sena waħda addizzjonali sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji biex ikun jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Għalhekk għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza bħal din meta jiġu ppubblikati b'mod uffiċjali. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi f'liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttivi revokati minn din id-Direttiva għandhom ikunu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza bħal din u kif għandha tiġi fformulata dik id-dikjarazzjoni.

L-obbligu ta' transpożizzjoni ta' din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandu jkun ristrett għad-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu emendi ta' sustanza għal direttivi ta' qabel. L-obbligu għat-transpożizzjoni ta' dispożizzjonijiet mhux emendati jirriżulta minn direttivi ta' qabel.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 34

Revoka

1.   B' effett minn ... (20) id-Direttivi 75/117/KEE, 76/207/KEE, 86/378/KEE u 97/80/KE, għandhom ikunu mħassra mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni tad-Direttivi ddikjarati fil-Parti B ta' l-Anness I.

2.   Referenzi għad-Direttivi revokati għandhom ikunu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 157, 28.6.2005, p. 83.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2005 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Marzu 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 39, 14.2.1976, p. 40, Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15).

(4)  ĠU L 225, 12.8.1986, p. 40, Direttiva kif emendata bid-Direttiva 96/97/KE (ĠU L 46, 17.2.1997, p. 20).

(5)  Ara l-Anness I parti A.

(6)  ĠU L 45, 19.2.1975, p. 19.

(7)  ĠU L 14, 20.1.1998, p. 6, Direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/52/KE (ĠU L 205, 22.7.1998, p. 66).

(8)  262/88: Barber v. Guardian Royal Exchange Assurance Group (1990 ECR I-1889).

(9)  C-7/93: Bestuur van het Algemeen Burgerlijk Pensioenfonds v G. A. Beune (1994 ECR I-4471).

(10)  C-351/00: Pirkko Niemi (2002 ECR I-7007).

(11)  Protokoll Nru 17 dwar l-Artikolu 141 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (1992).

(12)  ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.

(13)  ĠU L 145, 19.6.1996, p. 4. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/75/KE (ĠU L 10, 16.1.1998, p. 24).

(14)  ĠU C 218, 31.7.2000, p. 5.

(15)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(16)  ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24.

(17)  Erbgħa snin u nofs wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(18)  Sitt snin u nofs wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(19)  Sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(20)  Tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


ANNESS I

PARTI A

Id-Direttivi revokati bl-emendi suċċessivi tagħhom

Id-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE

ĠU L 45, 19.2.1975, p. 19


Id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE

ĠU L 39, 14.2.1976, p. 40

Id-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15


Id-Direttiva tal-Kunsill 86/378/KEE

ĠU L 225, 12.8.1986, p. 40

Id-Direttiva 96/97/KE

ĠU L 46, 17.2.1997, p. 20


Id-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE

ĠU L 14, 20.1.1998, p. 6

Id-Direttiva 98/52/KE

ĠU L 205, 22.7.1998, p. 66

PARTI B

Lista tal-limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati ta' applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 34(1))

Id-Direttiva

Il-limitu taż-żmien għat-traspożizzjoni

Id-data ta' applikazzjoni

Id-Direttiva 75/117/KEE

19.2.1976

 

Id-Direttiva 76/207/KEE

14.8.1978

 

Id-Direttiva 86/378/KEE

1.1.1993

 

Id-Direttiva 96/97/KE

1.7.1997

17.5.1990 għal dak li għandu x'jaqsam ma' ħaddiema, ħlief għal dawk il-ħaddiema jew għal dawk bi pretensjonijiet ġejjin minnhom li qabel dik id-data kienu bdew proċedura legali jew għamlu klejm ekwivalenti taħt il-liġi nazzjonali.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 86/378/KEE– mhux aktar tard mill-1.1.1993.

L-Artikolu 6(1)(i), l-ewwel inċiż tad-Direttiva 86/378/KEE–mhux aktar tard mill-1.1.1999.

Id-Direttiva 97/80/KE

1.1.2001

22.7.2001 fir-rigward tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq

Id-Direttiva 98/52/KE

22.7.2001

 

Id-Direttiva 2002/73/KE

5.10.2005

 


ANNESS II

IT-TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 75/117/KEE

Id-Direttiva 76/207/KEE

Id-Direttiva 86/378/KEE

Id-Direttiva 97/80/KE

Din id-Direttiva

-

L-Artikolu 1 (1)

L-Artikolu 1

L-Artikolu 1

L-Artikolu 1

-

L-Artikolu 1(2)

-

-

-

-

L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2)

-

-

Artikolu 2(1) (a)

-

It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(2)

-

L-Artikolu 2(2)

Artikolu 2(1) (b)

-

It-tielet u r-raba' inċiżi ta' l-Artikolu 2(2)

-

-

Artikolu 2(1) (ċ) u (d)

-

-

-

-

Artikolu 2(1) (e)

-

-

L-Artikolu 2(1)

-

Artikolu 2(1) (f)

-

L-Artikolu 2(3) u (4) u l-Artikolu 2(7) it-tielet subparagrafu

-

-

L-Artikolu 2(2)

-

L-Artikolu 2(8)

-

-

L-Artikolu 3

-L-Artikolu 1

-

-

-

L-Artikolu 4

-

-

L-Artikolu 5(1)

-

L-Artikolu 5

-

-

L-Artikolu 3

-

L-Artikolu 6

-

-

L-Artikolu 4

-

L-Artikolu 7(1)

-

-

-

-

L-Artikolu 7(2)

-

-

L-Artikolu 2(2)

-

L-Artikolu 8(1)

-

-

L-Artikolu 2(3)

-

L-Artikolu 8(2)

-

-

L-Artikolu 6

-

L-Artikolu 9

-

-

L-Artikolu 8

-

L-Artikolu 10

-

-

L-Artikolu 9

-

L-Artikolu 11

-

-

-(Artikolu 2 tad-Direttiva 96/97/KE)

-

L-Artikolu 12

-

-

L-Artikolu 9a

-

L-Artikolu 13

-

L-Artikoli 2(1) u 3(1)

-

L-Artikolu 2(1)

L-Artikolu 14(1)

-

L-Artikolu 2(6)

-

-

L-Artikolu 14(2)

-

It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 2(7)

-

-

L-Artikolu 15

-

It-tieni u t-tielet sentenza tar-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 2(7)

-

-

L-Artikolu 16

L-Artikolu 2

L-Artikolu 6(1)

L-Artikolu 10

-

L-Artikolu 17(1)

-

L-Artikolu 6(3)

-

-

L-Artikolu 17(2)

-

L-Artikolu 6(4)

-

-

L-Artikolu 17(3)

-

L-Artikolu 6(2)

-

-

L-Artikolu 18

-

-

-

L-Artikoli 3 u 4

L-Artikolu 19

-

- L-Artikolu 8a

-

-

L-Artikolu 20

-

L-Artikolu 8b

-

-

L-Artikolu 21

-

L-Artikolu 8ċ

-

-

L-Artikolu 22

L-Artikoli 3 u 6

L-Artikolu 3 (2)(a)

-

-

L-Artikolu 23(a)

L-Artikolu 4

L-Artikolu 3 (2)(b)

L-Artikolu 7(a)

-

L-Artikolu 23(b)

-

-

L-Artikolu 7(b)

-

L-Artikolu 23(ċ)

L-Artikolu 5

L-Artikolu 7

L-Artikolu 11

-

L-Artikolu 24

L-Artikolu 6

-

-

-

-

-

L-Artikolu 8d

-

-

L-Artikolu 25

-

L-Artikolu 2(5)

-

-

L-Artikolu 26

-

L-Artikolu 8e (1)

-

- L-Artikolu 4 (2)

- L-Artikolu 27 (1)

-

L-Artikolu 8e (2)

-

L-Artikolu 6

L-Artikolu 27(2)

-

L-Artikolu 2(7) l-ewwel subparagrafu

- L-Artikolu 5(2)

-

L-Artikolu 28(1)

-

L-Artikolu 2(7) ir-raba' subparagrafu, l-ewwel sentenza

-

-

L-Artikolu 28(2)

-

L-Artikolu 1 (1a)

L-Artikolu 12(2)

-

L-Artikolu 29

L-Artikolu 7

- L-Artikolu 8

-

- L-Artikolu 5

L-Artikolu 30

L-Artikolu 9

l-Artikolu 10

L-Artikolu 12(1)

Ir-raba' sub-paragrafu ta' l-Artikolu 7

L-Artikolu 31 (1) u (2)

-

l-Artikolu 9(2)

-

-

- L-Artikolu 31 (3)

-

-

-

-

L-Artikolu 32

- L-Artikolu 8

- L-Artikolu 9(1) l-ewwel subparagrafu u L-Artikolu 9(2) u (3)

-

- L-ewwel, it-tieni u t-tielet sub-paragrafi ta' l-Artikolu 7

L-Artikolu 33

-

- L-Artikolu 9(1) it-tieni subparagrafu

-

-

-

-

-

-

-

L-Artikolu 34

-

-

-

-

L-Artikolu 35

-

-

-

-

L-Artikolu 36

-

-

Anness

-

-


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Fil-21 ta' April 2004, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill, abbażi ta' l-Artikolu 141(3) tat-Trattat, proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa f'materji ta' impjieg u okkupazzjoni.

Il-Parlament Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fis-6 ta' Lulju 2005 (l-ewwel qari).

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fil-15 ta' Diċembru 2004.

Il-Kummissjoni ssottomettiet proposta emendata fis-26 ta' Awissu 2005.

Il-Kunsill adotta Pożizzjoni Komuni fl-10 ta' Marzu 2006, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat.

II.   OBJETTIV

L-objettivi ewlenin ta' din id-Direttiva, li tinkorpora seba' Direttivi (1) eżistenti li jirrelataw ma' opportunitajiet ugwali u trattament ugwali fi strument wieħed, huma li jikkreaw leġiżlazzjoni Komunitarja aktar leġġibbli u aċċessibbli, biex tnaqqas l-inċertezza legali billi tinkorpora każistika legali rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, u biex iżżid iċ-ċarezza rigward l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet orizzontali fid-Direttiva 2002/73/KE.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Osservazzjonijiet Ġenerali

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill kienet stabbilita bi qbil mal-proċedura miktuba mill-ġdid, bi kwalunkwe modifikazzjonijiet testwali proposti mill-Kummissjoni jew inseriti mill-Kunsill jew il-Parlament immarkati b'mod ċar.

Għandu jkun innotat li l-Pożizzjoni Komuni nqablet fuq il-bażi ta' negozjati tripartitiċi informali, wara serje ta' laqgħat bejn il-Presidenza fl-uffiċċju (LUX u UK), ir-relaturi u relaturi ombra (shadow rapporteurs) u r-rappreżentanti rilevanti tal-Kummissjoni. Fit-8 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill EPSCO laħaq qbil politiku dwar dan it-test u, bħala parti mill-qbil kompromess mal-Parlament, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni ippreżentaw dikjarazzjonijiet għall-minuti tal-Kunsill li jirrelataw ma' leave tal-ġenituri (2).

2.   Emendi tal-Parlament Ewropew

Fl-ewwel qari tiegħu fis-6 ta' Lulju 2005, il-Parlament Ewropew adotta 93 emenda.

2.1   Emendi tal-Parlament Ewropew aċċettati mill-Kunsill

Fil-pożizzjoni komuni tiegħu, il-Kunsill ħa kont ta' 74 emenda. Minn dawn, il-Kunsill:

aċċetta 37 emenda fl-intier, kif għamlet il-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha. Dawn kienu l-emendi 8, 9, 14, 15, 19, 22, 23, 27, 28, 34, 37-42, 45, 47, 50, 51, 52, 58, 59, 60, 62, 64, 66, 68, 74, 75, 78, 82, 85, 87, 91, 92 u 93.

aċċetta 24 emenda fil-prinċipju jew parzjalment, billi segwa l-approċċ meħud mill-Kummissjoni (Nri 2, 5, 6, 11, 17, 18, 20, 21, 24, 107, 31, 32, 35, 36, 108, 43, 48, 49, 56, 71, 72, 76, 80/81/102 u 83).

laħaq kompromess mal-Parlament dwar 13-il emenda oħra (Nri 4, 101, 25, 26, 55, 88, 61, 67, 69/70, 73, 103, 89/104 u 105).

2.2   Emendi tal-Parlament Ewropew mhux aċċettabbli għall-Kunsill

Il-Kunsill ma aċċettax 14-il emenda għar-raġunijiet mogħtijin mill-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha (Nri 1, 100, 3, 12, 13, 29, 30, 53, 54, 57, 36, 77, 84 u 86). Il-Kunsill ma setax ukoll jaċċetta 5 emendi oħrajn għal raġunijiet tekniċi jew ta' abbozzar, kif ġej:

f'relazzjoni ma' l-emenda 107, il-Kunsill ipprefera li jżomm il-premessa standard użata biex issir referenza għal tabelli ta' korrelazzjoni;

it-titolu għall-Artikolu 3 fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni (l-emenda 33) ma kienx hemm bżonnu għaliex il-Kunsill ċaqlaq dan it-test għall-Artikoli 6 u 28;

it-titolu għall-Artikolu 20 fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni (l-emenda 65) ma kienx hemm bżonnu għaliex il-Kunsill ċaqlaq dan it-test għall-Artikoli 19(4) (Oneru tal-prova) minħabba raġunijiet ta' koerenza;

Fl-Artikolu 25, it-terminu “penalitajiet”, minflok “sanzjonijiet”, kien użat għaliex dan huwa t-terminu legali korrett fl-Ingliż (l-emenda 79);

għalkemm ma kienx hemm differenza fis-sostanza dwar l-emenda 106, l-abbozzar tat-test tal-Kunsill għall-Artikolu 33(2a) (ġdid) kien ikkunsidrat aktar ċar.

3.   Bidliet oħrajn magħmulin mill-Kunsill

Numru oħrajn ta' bidliet, l-aktar tekniċi, saru mill-Kunsill meta adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu. Fil-qosor, dawn huma relatati ma':

 

Titolu II, Kapitolu 1: it-titolu kien imqassar għal “Ħlas ugwali” minn “Prinċipui ta' Ħlas Ugwali”.

 

Titolu II, Kapitolu 2: it-titolu kien similarment imqassar għal “Trattament ugwali fi skemi ta' sigurtà soċjali okkupazzjonali”.

 

Article 6: it-titolu ta' “Skop personali” kien inserit għal dan l-artikolu ġdid (li kien imħolli barra mill-Parlament fl-emenda 40).

 

Titolu II, Kapitolu 3: it-titolu kien similarment imqassar għal “Trattament ugwali rigward aċċess għal impjieg, taħriġ vokazzjonali u promozzjoni u kondizzjonijiet tax-xogħol”.

 

L-Artikolu 15(1) fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni: it-test kien imċaqlaq għall-Artikolu 2(2)(ċ) — ara l-Emenda 31, imma l-Parlament ma pproponiex emenda korrispondenti li tħassar it-test mill-Artikolu 15(1).

 

Titolu II, Kapitolu 2: it-titolu kien imqassar għal “Promozzjoni ta' trattament ugwalidjalogu”.

 

Titolu II, Kapitolu 3: It-titolu IV (Implimentazzjoni) kien mibdul b'Kapitolu 3 dwar “Dispożizzjonijiet orizzontali ġenerali”.

 

Premessa 5 fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni: tħassret għaliex ma kinitx ikunsidrata strettament neċessarja. (“Għal raġunijiet ta' koerenza, huwa neċessarju li tingħata definizzjoni unika ta' diskriminazzjoni diretta u indiretta.”)

 

Recital 41: iddaħħlet premessa standard marbuta mat-tabelli ta' korrelazzjoni msemmijin fl-Artikolu 33 dwar l-Implimentazzjoni. (“Skond il-paragrafu 34 tal-ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar ta' liġijiet (3), l-Istati Membri huma mħeġġin ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li, sa fejn ikun possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni u biex jagħmluhom pubbliċi.”).

Għandu wkoll ikun innotat li saru numru ieħor ta' korrezzjonijiet tekniċi lit-test finali waqt il-proċedura legali/lingwistika normali bejn iż-żewġ istituzzjonijiet. Dawk ewlenin jirrelataw maċ-ċaqliq ta' l-Artikolu 3 għad-dispożizzjonijiet orizzontali fit-Titolu 1, li kienet l-intenzjoni kemm tal-Parlament kif ukoll tal-Kunsill; l-allinjament tad-data fl-Artikolu 25 mat-traspożizzjoni jew in-notifika tat-termini perentorji oriġinali bħal fl-Artikoli 11 u 12; u l-allineament tat-terminu perentorju fl-Artikolu 34 (Revoka) bid-dati ta' traspożizzjoni fl-Artikolu 33.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkunsidra li, b'mod ġenerali, il-Pożizzjoni Komuni hija konformi ma' l-għanijiet fondamentali tal-proposta emendata tal-Kummissjoni. Il-Kunsill jikkunsidra wkoll li, fejn huwa possibbli fil-limiti tal-proċedura ta' kitba mill-ġdid, huwa ħa kont ta' l-objettivi prinċipali segwiti mill-Parlament Ewropew fl-emendi tiegħu għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.


(1)  Id-Direttivi konċernati huma: 75/117/KEE (ħlas ugwali); 86/378/KEE, kif emendat minn 96/97/KE (trattament ugwali fi skemi ta' sigurtà soċjali fil-post tax-xogħol); 76/207/KEE kif emendat minn 2002/73/KE (trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa); 97/80/KE kif emendat minn 98/52/KE (obbligu ta' prova).

(2)  Dok. 14878/05.

(3)  ĠU L 321, 31.12.2003, p.1.