European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2540

19.11.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2540

tas-17 ta’ Novembru 2026

dwar standards armonizzati għall-apparat refriġerant b’funzjoni ta’ bejgħ dirett, li hu abbozzat b’appoġġ għar-Regolament Delegat (UE) 2019/2018 u għar-Regolament (UE) 2019/2024, u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2397 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/533

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-apparat refriġeranti konformi mal-istandards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iridu jkunu preżunti konformi mar-rekwiżiti rilevanti tal-miżura ta’ implimentazzjoni applikabbli li magħhom huma relatati dawn l-istandards, kif imsemmi fl-Artikolu 9(2) ta’ dik id-Direttiva u stabbilit fl-Anness VII ta’ dik id-Direttiva, koperti minn dawk l-istandards armonizzati jew minn partijiet minnhom.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-2 ta’ Mejju 2022 (3), il-Kummissjoni għamlet talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) biex jiġu abbozzati standards armonizzati ġodda u biex jiġu riveduti l-istandards armonizzati eżistenti, b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2019/2024 (4) u r-Regolament Delegat (UE) 2019/2018 (5).

(3)

Abbażi tat-talba ta’ standardizzazzjoni, is-CENELEC irreveda l-istandard EN 63252:2020 u sussegwentement adotta l-emenda EN IEC 63252:2020/A11:2024.

(4)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk l-istandard EN IEC 63252:2020 kif emendat b’EN IEC 63252:2020/A11:2024 abbozzati mis-CENELEC humiex konformi mat-talba tal-istandardizzazzjoni.

(5)

L-istandard EN IEC 63252:2020, kif emendat b’EN IEC 63252:2020/A11:2024 jissodisfa parzjalment biss ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/2024 u fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2018.

(6)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ EN IEC 63252:2020 kif emendat b’EN IEC 63252:2020/A11:2024 ma jinkludix magni b’diversi temperaturi b’aktar minn żewġ kompartimenti, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/2024 u tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2018. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-parametru tal-konsum tal-enerġija (er) stabbilit f’EN IEC 63252:2020/A11:2024 jiġi adattat għar-Regolament (UE) 2019/2024 u għar-Regolament Delegat (UE) 2019/2018. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-restrizzjonijiet li jindirizzaw dawn l-aspetti.

(7)

Fl-interessi taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’att uniku lista sħiħa ta’ referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2019/2024 u għar-Regolament Delegat (UE) 2019/2018, u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru. Għalhekk, jenħtieġ li r-referenzi tal-istandards armonizzati ppubblikati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2397 (6)u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/533 (7)jiġu inklużi f’din id-Deċiżjoni billi tiġi kkonfermata l-validità tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2397 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/533 jitħassru mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

(8)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ dak l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għall-apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett, li huma abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2019/2024, elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-referenza elenkata fir-ringiela 3 ta’ dak l-Anness hija ppubblikata b’restrizzjonijiet.

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għall-apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett, li huma abbozzati b’appoġġ għar-Regolament Delegat (UE) 2019/2018, elenkati fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-referenza elenkata fir-ringiela 3 ta’ dak l-Anness hija ppubblikata b’restrizzjonijiet.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2397 titħassar.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/533 titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/125/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2022 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni rigward l-apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2019/2024 u r-Regolament Delegat (UE) 2019/2018 (C(2022) 2764).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2024 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 313, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2024/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2018 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija ta’ apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 155, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/2018/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2397 tal-11 ta’ Settembru 2024 dwar standard armonizzat għall-apparat refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett, li hu abbozzat b’appoġġ għar-Regolament Delegat (UE) 2019/2018 u għar-Regolament (UE) 2019/2024 (ĠU L, 2024/2397, 12.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2397/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/533 tal-25 ta’ Marzu 2025 dwar standard armonizzat għall-apparati refriġeranti b’funzjoni ta’ bejgħ dirett, li hu abbozzat b’appoġġ għar-Regolament Delegat (UE) 2019/2018 u għar-Regolament (UE) 2019/2024 (ĠU L, 2025/533, 26.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/533/oj).


ANNESS I

Standards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2019/2024

Nru

Referenza tal-istandard

1.

EN 16838:2024

Kabinetti u pozzetto refriġerati għall-wiri u l-bejgħ tal-ġelat – Klassifikazzjoni, rekwiżiti, prestazzjoni u ttestjar tal-konsum tal-enerġija

2

EN ISO 23953-2:2023

Kabinetti tal-wiri refriġerati – Parti 2: Klassifikazzjoni, rekwiżiti u kundizzjonijiet tat-test (ISO 23953-2:2023)

3.

EN IEC 63252:2020

Konsum tal-enerġija tal-magni tal-bejgħ awtomatiċi

EN IEC 63252:2020/A11:2024

Restrizzjonijiet:

—

Magni b’diversi temperaturi b’aktar minn żewġ kompartimenti mhumiex koperti mill-istandard u għalhekk huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

—

Il-parametru (er) tal-konsum tal-enerġija stabbilit fil-klawżola 7 jirreferi għal perjodu ta’ 8 sigħat li huwa applikabbli biss fil-każ tal-ekwazzjoni (1); għall-ekwazzjoni (2) dan il-perjodu huwa ta’ 16-il siegħa. Il-figuri A.1 u A.2 fl-Anness A jistgħu jintużaw bħala kjarifika peress li jistabbilixxu r-rekwiżiti b’mod xieraq.


ANNESS II

Standards armonizzati abbozzati b’appoġġ għar-Regolament Delegat (UE) 2019/2018

Nru

Referenza tal-istandard

1.

EN 16838:2024

Kabinetti u pozzetto refriġerati għall-wiri u l-bejgħ tal-ġelat – Klassifikazzjoni, rekwiżiti, prestazzjoni u ttestjar tal-konsum tal-enerġija

2

EN ISO 23953-2:2023

Kabinetti tal-wiri refriġerati – Parti 2: Klassifikazzjoni, rekwiżiti u kundizzjonijiet tat-test (ISO 23953-2:2023)

3.

EN IEC 63252:2020

Konsum tal-enerġija tal-magni tal-bejgħ awtomatiċi

EN IEC 63252:2020/A11:2024

Restrizzjonijiet:

—

Magni b’diversi temperaturi b’aktar minn żewġ kompartimenti mhumiex koperti mill-istandard u għalhekk huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

—

Il-parametru (er) tal-konsum tal-enerġija stabbilit fil-klawżola 7 jirreferi għal perjodu ta’ 8 sigħat li huwa applikabbli biss fil-każ tal-ekwazzjoni (1); għall-ekwazzjoni (2) dan il-perjodu huwa ta’ 16-il siegħa. Il-figuri A.1 u A.2 fl-Anness A jistgħu jintużaw bħala kjarifika peress li jistabbilixxu r-rekwiżiti b’mod xieraq.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2540/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)