European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2032

14.9.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2032

tal-11 ta’ Settembru 2026

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/740 fir-rigward tal-istandards armonizzati għal settijiet sperimentali għall-kimika u attivitajiet relatati, il-formammid fil-materjali tal-ġugarelli bil-fowm u ċerti ritardanti tal-fjammi tal-fosforu klorurat fil-materjali tal-ġugarelli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-prodotti li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huma preżunti konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 10 u fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022)7410 (3), il-Kummissjoni ressqet talba quddiem il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN, Comité européen de normalisation) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec, Comité européen de normalisation électrotechnique) għall-abbozzar ta’ standards armonizzati ġodda u għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati għall-ġugarelli eżistenti b’appoġġ għar-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza kif stipulat fid-Direttiva 2009/48/KE (it-“talba”).

(3)

Abbażi tat-talba, is-CEN irreveda l-istandard armonizzat EN 71–4 2020 “Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 4: Settijiet sperimentali għall-kimika u attivitajiet relatati, li r-referenzi tagħhom huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/740 (4) . Dan wassal lis-CEN biex jadotta l-istandard armonizzat EN 71-4:2020+A1:2025. Barra minn hekk, abbażi tat-talba, is-CEN adotta istandards ġodda EN 71–15: 2025 Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 15: Formammid f’materjali tal-ġugarelli bil-fowm (kontenut) u EN 71–16: 2025 Sikurezza ta’ ġugarelli - Parti 16: Ċerti ritardanti ta’ fjamma fosforu klorinat (TCEP, TCPP, TDCP) f’materjali ta’ ġugarell.

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards EN 71-4:2020+A1:2025, EN 71-15: 2025 u EN 71-16:2025 jikkonformawx mat-talba.

(5)

L-istandards armonizzati EN 71-4:2020+A1:2025, EN 71-15: 2025 u EN 71-16: 2025 jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/48/KE. Għalhekk, jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards armonizzati jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/740 jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE. Sabiex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE jiġu elenkati f’att wieħed, jenħtieġ li r-referenzi tal-istandards armonizzati EN 71-4:2020+A1:2025, EN 71-15: 2025 u EN 71-16: 2025 jiġu inklużi f’dak l-Anness.

(7)

L-istandard armonizzat EN 71-4:2020+A1:2025 jissostitwixxi l-istandard armonizzat EN 71-4:2020. Għalhekk, jeħtieġ li r-referenza ta’ dak l-istandard tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex il-manifatturi tal-ġugarelli jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom għall-ispeċifikazzjonijiet riveduti fl-istandard EN 71-4:2020+A1:2025, jeħtieġ li l-irtirar tar-referenzi tal-istandard armonizzat EN 71-4:2020 jiġi ddifferit.

(8)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/740 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

(9)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/740 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt (1) tal-Anness għandu japplika mill-14 ta’ Marzu 2028.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/48/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 7410 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar talba għal standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika fir-rigward tal-ġugarelli b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/740 tal-4 ta’ April 2023 dwar l-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 96, 5.4.2023, p. 85, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/740/oj).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/740 huwa emendat kif ġej:

(1)

ir-ringiela 4 titħassar;

(2)

tiddaħħal ir-ringiela 4a li ġejja:

Nru

Referenza tal-istandard

“4a.

EN 71-4:2020+A1:2025

Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 4: Settijiet għal esperimenti għal attivitajiet ta’ kimika u attivitajiet relatati”;

(3)

jiżdiedu r-ringieli 12 u 13 li ġejjin:

“12.

EN 71-15: 2025

Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 15: Il-formammid f’materjali tal-ġugarelli bil-fowm (kontenut).

13.

EN 71-16:2025

Is-sikurezza tal-ġugarelli — Parti 16: Ċerti ritardanti ta’ fjamma fosforu klorinat (TCEP, TCPP, TDCP) f’materjali ta’ ġugarell”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2032/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)