European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1934

11.8.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1934

tat-13 ta’ Lulju 2026

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2026–2030)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (1) (il-“Ftehim”) u l-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2020–2026) (2) (“il-Protokoll tal-2020”) ġew konklużi permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2000 (3). Il-Protokoll tal-2020 skada fit-23 ta’ Frar 2026.

(2)

Fit-23 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika tas-Seychelles (is-“Seychelles”) għal protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2026-2030) (“il-Protokoll”).

(3)

L-objettiv tal-Protokoll hu li jippermetti lill-bastimenti tal-Unjoni jistadu fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u li jippermetti lill-Unjoni u lis-Seychelles jaħdmu flimkien iktar mill-qrib biex jiżviluppaw politika tas-sajd sostenibbli, li jiġi promoss l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u fl-Oċean Indjan, u li jagħti kontribut għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fl-industrija tas-sajd.

(4)

Għalhekk, il-Protokoll jenħtieġ li jiġi ffirmat.

(5)

Fid-dawl tal-importanza ekonomika tal-attività tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u l-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun id-durata ta’ kwalunkwe interruzzjoni ta’ dik l-attività, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jidħol fis-seħħ.

(6)

Peress li l-Protokoll ikopri iktar minn sena finanzjarja waħda, l-impenji baġitarji relatati jistgħu jinqasmu f’pagamenti akkont annwali matul id-durata tal-Protokoll, f’konformità mal-Artikolu 112(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(7)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u ta opinjoni fit-3 ta’ Lulju 2026 (6),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2026–2030) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dak il-Protokoll (7).

Artikolu 2

Il-Protokoll għandu japplika fuq bażi proviżorja, f’konformità mal-Artikolu 19 tal-Protokoll, mis-27 ta’ Lulju 2026, sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. HEYDON


(1)  Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (ĠU L 60, 28.2.2020, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2020/272/oj).

(2)  Il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2020-2026) (ĠU L 60, 28.2.2020, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2020/272/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2000 tas-27 ta’ Novembru 2020 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles u tal-Protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu (2020–2026) (ĠU L 413, 8.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2000/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni), (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(6)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali.

(7)  It-test tal-Protokoll huwa ppublikat fiL-ĠU L, 2026/1935, 11.8.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_prot/2026/1935/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1934/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)