European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1930

5.8.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1930

tal-4 ta’ Awwissu 2026

dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri bilaterali ta’ salvagwardja fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar koperti mir-Regolament (UE) 2026/1384 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li joriġinaw minn ċerti pajjiżi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet ta’ kummerċ ħieles

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2026/1384 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2026 li jindirizza l-effetti negattivi relatati mal-kummerċ tal-kapaċità żejda globali fuq is-suq tal-azzar tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (UE) 2020/2170 (1) (“ir-Regolament dwar l-Azzar”), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

1.   SFOND

(1)

Fil-25 ta’ Ġunju 2026, daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar l-Azzar, li jiftaħ kwoti tariffarji ta’ 18 345 922 tunnellata fir-rigward ta’ ċerti prodotti tal-azzar (“il-prodott ikkonċernat”), li jkopri 26 kategorija ta’ prodotti, u li jistabbilixxi dazju barra mill-kwota bir-rata ta’ 50 % ad valorem.

(2)

Ir-Regolament dwar l-Azzar jipprevedi l-istabbiliment ta’ qafas koerenti u komprensiv biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi relatati mal-kummerċ tal-kapaċità żejda globali fuq is-suq tal-azzar tal-Unjoni.

(3)

Fid-29 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1457 (2) li jqassam kwoti tariffarji miftuħa skont ir-Regolament dwar l-Azzar.

(4)

Ir-Regolament dwar l-Azzar jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta, b’deroga mir-Regolament (UE) 2019/287 tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill (3) u fejn possibbli, atti ta’ implimentazzjoni li japplikaw miżuri ta’ salvagwardja bilaterali fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Azzar li joriġinaw minn dawk il-pajjiżi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehim ta’ kummerċ ħieles.

(5)

Fit-22 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Iżvizzera, lis-Serbja, lill-Maċedonja ta’ Fuq, lil Iżrael, lill-Marokk, lit-Tuneżija, lill-Albanija, lill-Bożnija-Ħerzegovina u lill-Ġordan, u lit-Turkija fit-30 ta’ Ġunju, li tista’ tieħu miżuri ta’ salvagwardja bilaterali xierqa skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet bilaterali applikabbli għall-prodotti koperti mir-Regolament dwar l-Azzar.

(6)

Dawk il-ftehimiet jippermettu miżuri ta’ salvagwardja bilaterali fiċ-ċirkostanzi partikolari.

(7)

Il-ftehimiet bilaterali applikabbli mal-Marokk (4), mal-Ġordan (5), ma’ Iżrael (6), mat-Tuneżija (7) u mat-Turkija (8) jippermettu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja bilaterali fejn kwalunkwe prodott jiġi importat f’tali kwantitajiet akbar u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu serju lill-produtturi domestiċi ta’ prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta fit-territorju ta’ waħda mill-partijiet kontraenti jew disturbi serji fi kwalunkwe settur tal-ekonomija.

(8)

Il-ftehimiet bilaterali applikabbli mal-Albanija (9), mal-Maċedonja ta’ Fuq (10), mal-Bożnija-Ħerzegovina (11) u mas-Serbja (12) jippermettu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja bilaterali fejn kwalunkwe prodott ta’ parti waħda jkun qed jiġi importat fit-territorju tal-parti l-oħra f’tali kwantitajiet akbar u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu serju lill-produtturi domestiċi ta’ prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta fit-territorju tal-parti kontraenti jew disturbi serji fi kwalunkwe settur tal-ekonomija.

(9)

Il-ftehimiet bilaterali applikabbli mat-Turkija (13) u l-Iżvizzera (14) jippermettu l-applikazzjoni ta’ miżuri bilaterali ta’ salvagwardja jekk jinqala’ tfixkil serju fi kwalunkwe settur tal-ekonomija jew jekk jinqalgħu diffikultajiet li jistgħu jwasslu għal deterjorament serju fis-sitwazzjoni ekonomika ta’ reġjun.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI JEW LI JIKKOMPETI B'MOD DIRETT MIEGĦU

(10)

Il-prodott ikkonċernat huwa ċerti prodotti tal-azzar li jappartjenu għas-26 kategorija ta’ prodotti definiti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tar-Regolament dwar l-Azzar. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa l-istess bħall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (15) (“ir-Regolament definittiv dwar is-salvagwardja tal-azzar”).

(11)

Fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1013 (16) (“ir-Regolament proviżorju dwar is-salvagwardja tal-azzar”), il-Kummissjoni sabet li s-26 kategorija ta’ prodotti manifatturati mill-produtturi tal-Unjoni huma simili jew jikkompetu direttament mal-prodott ikkonċernat. Kemm il-prodotti domestiċi kif ukoll dawk importati għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi fundamentali. Dawn iservu skopijiet identiċi u huma offruti permezz ta’ kanali tal-bejgħ simili jew identiċi lil klijenti li jistgħu jiksbuhom kemm minn fornituri domestiċi kif ukoll barranin. B’dan il-mod, jeżisti livell sinifikanti ta’ kompetizzjoni bejn il-prodott ikkonċernat u dak prodott mill-produtturi tal-Unjoni.

(12)

Il-Kummissjoni sabet ukoll fir-regolament proviżorju dwar is-salvagwardja tal-azzar li hemm interrelazzjoni importanti u kompetizzjoni qawwija bejn il-prodotti kklassifikati f’kategoriji differenti ta’ prodotti kif ukoll bejn il-prodotti fi stadji differenti tal-produzzjoni f’ċerti kategoriji peress li xi wħud mill-kategoriji fihom il-materja prima jew ta’ input ewlenija għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra f’kategoriji oħra ta’ prodotti. B’konsegwenza ta’ dan, minħabba dan il-livell ta’ interrelazzjoni, il-pressjoni kompetittiva tista’ faċilment tiġi ttrasferita minn prodott għall-ieħor.

3.   ŻIEDA FL-IMPORTAZZJONIJIET

(13)

Abbażi tal-informazzjoni mill-Eurostat, il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-kwantitajiet importati u setgħet tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu 2023–2025 (“il-perjodu kkunsidrat”). B’mod eċċezzjonali, minflok ma bbażat fuq perjodu storiku itwal, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq il-perjodu 2023–2025, peress li s-snin 2021 u 2022 ma kinux rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Il-flussi kummerċjali matul dawk is-snin kienu affettwati b’mod sinifikanti mill-irkupru ekonomiku ta’ wara l-COVID-19, bl-iżviluppi tas-suq xprunati l-aktar minn prezzijiet eċċezzjonalment għoljin u rkupru qawwi fid-domanda sat-tieni nofs tal-2022.

(14)

L-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 1

Importazzjonijiet u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet

Sena

2023

2024

2025

Importazzjonijiet (f’tunnellati)

28 507 952

30 601 488

32 893 023

Indiċi 2023 = 100

100

107

115

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet (%)

32

34

36

Sors:

Eurostat.

(15)

F’termini ġenerali, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat żdiedu f’termini assoluti b’ 15 % matul il-perjodu 2023-2025, bis-sehem mis-suq tal-importazzjoni jiżdied minn 32 % għal 36 %.

(16)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll ix-xejriet individwali tal-importazzjoni fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Albanija, mill-Bożnija-Ħerzegovina, mill-Maċedonja ta’ Fuq u mis-Serbja.

(17)

L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn dawn il-pajjiżi żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Importazzjonijiet mill-Albanija, mill-Bożnija-Ħerzegovina, mill-Maċedonja ta’ Fuq u mis-Serbja

Pajjiż/Sena

2023

2024

2025

Importazzjonijiet mill-Albanija (f’tunnellati)

36 115

29 352

31 607

Indiċi 2023 = 100

100

81

88

Importazzjonijiet mill-Bożnija-Ħerzegovina (f’tunnellati)

94 803

61 567

76 160

Indiċi 2023 = 100

100

65

80

Importazzjonijiet mill-Maċedonja ta’ Fuq (f’tunnellati)

392 098

417 754

456 526

Indiċi 2023 = 100

100

107

116

Importazzjonijiet mis-Serbja (f’tunnellati)

664 743

657 318

760 234

Indiċi 2023 = 100

100

99

114

Sors:

Eurostat.

(18)

L-importazzjonijiet mill-Maċedonja ta’ Fuq żdiedu b’mod kostanti b’ 16 % matul il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet mis-Serbja żdiedu b’ 14 %.

(19)

Bejn l-2024 u l-2025, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fl-Albanija żdiedu b’ 8 %. Peress li l-importazzjonijiet mill-Albanija varjaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (2023–2025), il-Kummissjoni qieset li kien xieraq, b’mod eċċezzjonali, li tikkomplementa l-valutazzjoni tagħha billi teżamina xejra tal-importazzjoni aktar fit-tul. Għalkemm l-importazzjonijiet naqsu bejn l-2023 u l-2024, dan segwa livelli għoljin ta’ importazzjoni fl-2023. L-analiżi aktar fit-tul uriet ukoll li l-importazzjonijiet kienu laħqu livelli eċċezzjonalment għoljin fl-2022. Hija kkonfermat ukoll li l-livell attwali tal-importazzjonijiet huwa ogħla milli fis-snin kollha ħlief is-sena bl-ogħla livell tal-2022 u huwa kważi għaxar darbiet ogħla mil-livelli rreġistrati fl-2019 u fl-2020. Dawn l-iżviluppi jindikaw li l-pressjoni fuq l-importazzjoni intensifikat matul l-aktar perjodu reċenti, minkejja t-tnaqqis temporanju osservat bejn l-2023 u l-2024. Fil-mument tal-impożizzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ salvagwardja u abbażi tax-xejra tal-importazzjoni fit-tul, il-prodott ikkonċernat qed jiġi importat fi kwantitajiet akbar.

(20)

Bejn l-2024 u l-2025, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina żdiedu b’ 24 %. Peress li l-importazzjonijiet mill-Bożnija-Ħerzegovina varjaw ukoll matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (2023–2025), il-Kummissjoni qieset li kien xieraq, f’konformità mal-approċċ segwit għall-Albanija, li tikkomplementa l-valutazzjoni tagħha billi teżamina xejra tal-importazzjoni aktar fit-tul. Din l-analiżi wriet li l-importazzjonijiet ġeneralment naqsu matul il-perjodu itwal. B’mod partikolari, meta mqabbla mal-livelli rreġistrati qabel l-2020, l-importazzjonijiet naqsu b’mod sinifikanti, minkejja ż-żieda reċenti osservata bejn l-2024 u l-2025. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina mhux qed jiġi importat fi kwantitajiet akbar.

(21)

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prodott ikkonċernat qed jiġi importat fi kwantitajiet akbar, u jissodisfa din il-kundizzjoni fil-ftehimiet bilaterali rilevanti mal-Albanija, mal-Iżrael, mal-Ġordan, mal-Maċedonja ta’ Fuq, mal-Marokk, mas-Serbja, mal-Iżvizzera, mat-Tuneżija u mat-Turkija.

4.   SITWAZZJONI EKONOMIKA TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(22)

Sabiex tivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-azzar tal-Unjoni, il-Kummissjoni ħarġet kwestjonarji lill-produtturi magħrufa tal-azzar fl-Unjoni biex tiġbor informazzjoni dwar ċerti indikaturi tad-dannu għall-prodott ikkonċernat matul il-perjodu inkunsiderazzjoni.

(23)

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju minn membri tat-tliet assoċjazzjonijiet magħrufa tal-industrija tal-Unjoni (Eurofer, ESTA, CET). Il-Kummissjoni kkonsolidat id-data li rċeviet direttament mill-produtturi tal-Unjoni individwalment u mbagħad għaqqdet it-tweġibiet tal-membri tal-assoċjazzjoni, li kkostitwixxew il-bażi għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(24)

L-evoluzzjoni tal-indikaturi tad-dannu bejn is-snin 2023 u 2025 tidher fit-Tabella 3 hawn taħt:

Tabella 3

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-konsum, il-bejgħ, is-sehem mis-suq, il-profittabbiltà u l-impjiegi

Pajjiż/Sena

2023

2024

2025

Volum ta’ produzzjoni (f’tunnellati)

148 913 276

146 525 977

142 338 484

Indiċi 2023 = 100

100

98

96

Kapaċità produttiva (f’tunnellati)

226 536 852

216 546 349

192 284 164

Indiċi 2023 = 100

100

96

85

Użu tal-kapaċità (f’%)

66

68

74

Konsum tal-Unjoni (f’tunnellati)

90 218 562

89 760 390

91 107 457

Indiċi 2023 = 100

100

99

101

Volum ta’ bejgħ domestiku mhux relatat (f’tunnellati)

61 710 610

59 158 902

58 214 434

Indiċi 2023 = 100

100

96

94

Sehem mis-suq domestiku (f’%)

68

66

64

Profittabbiltà domestika mhux relatata (f’%)

0,43

1,35

–0,10

Indiċi 2023 = 100

100

99

101

Impjiegi

145 073

118 230

120 056

Indiċi 2023 = 100

100

81

83

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju tal-industrija.

(25)

Il-volum tal-produzzjoni wera xejra ta’ tnaqqis kostanti u naqas b’ 4 % bejn l-2023 u l-2025. Il-kapaċità tal-produzzjoni naqset b’mod drammatiku bejn l-2023 u l-2025 b’ 15 % bi tnaqqis saħansitra aktar evidenti bejn l-2024 u l-2025, meta naqset b’ 11 %. L-użu tal-kapaċità żdied b’ 8 % bejn l-2023 u l-2025 minħabba t-telf sinifikanti fil-kapaċità tal-produzzjoni, iżda għadu f’livell baxx mhux sostenibbli.

(26)

Il-volum tal-bejgħ lil klijenti domestiċi mhux relatati naqas b’ 6 % bejn l-2023 u l-2025. Bl-istess mod, is-sehem mis-suq domestiku naqas b’ 4 % bejn l-2023 u l-2025. Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lill-klijenti domestiċi mhux relatati kien kemxejn profittabbli fl-2023 u fl-2024, iżda beda jagħmel it-telf fl-2025.

(27)

L-impjiegi naqsu b’mod sinifikanti b’ 17 % bejn l-2023 u l-2025. L-ewwel naqsu bi 19 % bejn l-2023 u l-2024, imbagħad żdiedu bil-mod b’ 2 % bejn l-2024 u l-2025.

(28)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni qed issofri dannu serju skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tal-Ftehim konkluż bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u r-Repubblika tat-Turkija dwar il-kummerċ tal-prodotti koperti mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-Marokk (17), it-Tuneżija (18), il-Ġordan (19) u Iżrael (20), u l-Ftehimiet ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Albanija (21), il-Maċedonja ta’ Fuq (22) u s-Serbja (23). Dan huwa evidenzjat b’mod partikolari minn tnaqqis fil-produzzjoni, fil-kapaċità tal-produzzjoni, fil-bejgħ, fis-sehem mis-suq, fil-profittabbiltà u fl-impjiegi matul il-perjodu kkonċernat. F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa konkluż ukoll li jeżisti tfixkil serju fis-settur tal-azzar skont it-tifsira tal-Artikolu 26 tal-Ftehim konkluż bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fl-1972 u l-Artikolu 60 tal-Protokoll Addizzjonali ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970, anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija.

5.   KAWŻALITÀ

(29)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet fi kwantitajiet akbar ikkawżawx dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni jew disturbi serji fis-settur tal-azzar.

(30)

Huwa mfakkar li l-prodott manifatturat mil-produtturi tal-Unjoni huwa simili jew f’kompetizzjoni diretta mal-prodott ikkonċernat. Għandu l-istess karatteristiċi bażiċi, l-istess użi u jinbiegħ permezz ta’ kanali tal-bejgħ simili jew identiċi.

(31)

Kif konkluż fit-Taqsima 4, l-industrija tal-Unjoni ġarrbet f’termini ta’ telf ta’ bejgħ domestiku, tnaqqis fil-produzzjoni, fil-kapaċità tal-produzzjoni, fis-sehem mis-suq u fl-impjiegi, li rriżulta f’livell negattiv ta’ profitt li mhuwiex sostenibbli. Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat żdiedu b’mod sinifikanti u neħħew l-ishma mis-suq li qabel kienu miżmuma mill-produtturi tal-Unjoni. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet, b’mod ġenerali, żdied minn 32 % għal 36 %.

(32)

Għalhekk, il-Kummissjoni stabbiliet li hemm rabta kawżali bejn iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u d-dannu serju mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni.

6.   KONKLUŻJONI

(33)

Fid-dawl tal-analiżi stabbilita hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet bilaterali rilevanti huma ssodisfati. Il-valutazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi rilevanti wriet li l-importazzjonijiet ikkawżaw dannu serju lill-produtturi domestiċi ta’ prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta, u jeżisti tfixkil serju fis-settur tal-azzar. Dak id-dannu serju u t-tfixkil fis-suq ma kinux ikkawżati minn dawk l-importazzjonijiet biss, iżda huwa biżżejjed li dawn ikkontribwew għad-dannu u t-tfixkil flimkien mal-importazzjonijiet l-oħra kollha.

(34)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jiġi rrimedjat id-dannu serju u t-tfixkil fis-suq permezz ta’ miżuri ta’ salvagwardja bilaterali fuq il-prodott ikkonċernat.

(35)

Il-livell tat-tariffi fis-settur tal-azzar fi swieq ewlenin oħra jirrikjedi li tali miżuri ta’ salvagwardja bilaterali jieħdu l-forma ta’ dazju barra mill-kwota bir-rata ta’ 50 % ad valorem. Id-dazju barra mill-kwota ta’ 50 % ad valorem jenħtieġ li japplika mal-eżawriment tal-kwoti tariffarji distribwiti skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1457, kemm fil-forma ta’ kwoti speċifiċi għall-pajjiż jew meta dawn il-pajjiżi jkunu għadhom jistgħu jaċċessaw kwoti tariffarji miftuħa taħt kompetizzjoni.

(36)

Il-Kummissjoni ddeterminat li tali forma ta’ miżura tippermetti lill-industrija tal-Unjoni terġa’ tikseb is-sehem mis-suq u l-kompetittività tagħha u tippermetti l-kontinwazzjoni tal-importazzjonijiet skont il-ftehimiet bilaterali bl-inqas tfixkil possibbli.

(37)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata applikazzjoni rapida tas-salvagwardji bilaterali biex timmaterjalizza l-implimentazzjoni effettiva u komprensiva tar-Regolament dwar l-Azzar, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(38)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-kategoriji ta’ prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2026/1384 u li joriġinaw mill-Albanija, Iżrael, il-Ġordan, il-Marokk, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, l-Iżvizzera, it-Tuneżija u t-Turkija għandhom ikunu soġġetti, permezz ta’ miżuri ta’ salvagwardja bilaterali, għal dazju barra mill-kwota bir-rata ta’ 50 % ad valorem.

2.   Id-dazju barra mill-kwota stabbilit fil-paragrafu 1 għandu japplika ladarba tkun ġiet eżawrita l-kwota tariffarja miftuħa skont ir-Regolament (UE) 2026/1384 imqassma lil kull pajjiż ikkonċernat jew fil-forma ta’ kwota speċifika għall-pajjiż jew f’kompetizzjoni ma’ pajjiżi oħra għal kull kategorija ta’ prodotti skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/1457.

Artikolu 2

1.   L-oriġini ta’ kwalunkwe prodott li għalih japplika dan ir-Regolament għandha tiġi determinata f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Unjoni relatati mal-oriġini mhux preferenzjali kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24).

2.   Il-prodotti li joriġinaw fl-UE li jkunu għaddew minn trasformazzjoni f’pajjiż terz li ma tirriżultax f’bidla fl-oriġini għandhom ikunu soġġetti għat-trattament previst minn dan ir-Regolament għal prodotti li joriġinaw f’dak il-pajjiż terz meta jiġu importati fl-Unjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2026/1384, 24.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1384/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1457 tad-29 ta’ Ġunju 2026 dwar id-distribuzzjoni tal-kwoti tariffarji miftuħa skont ir-Regolament (UE) 2026/1384 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza l-effetti negattivi relatati mal-kummerċ tal-kapaċità żejda globali fuq is-suq tal-azzar tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (UE) 2020/2170 (ĠU L, 2026/1457, 30.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1457/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/287 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Frar 2019 li jimplimenta klawżoli ta’ salvagwardja bilaterali u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta’ preferenzi f’ċerti ftehimiet kummerċjali konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi (ĠU L 53, 22.2.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/287/oj).

(4)  L-Artikolu 25 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk (ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2000/204/oj).

(5)  L-Artikolu 24 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2002/357(1)/oj).

(6)  L-Artikolu 23 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat ta’ Iżrael (ĠU L 147, 21.6.2000, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2000/384/oj).

(7)  L-Artikolu 25 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija (ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1998/238/oj).

(8)  L-Artikolu 12 tal-Ftehim konkluż bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u r-Repubblika tat-Turkija dwar il-kummerċ tal-prodotti koperti mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 227, 7.9.1996, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1996/528/oj).

(9)  L-Artikolu 38 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra (ĠU L 107, 28.4.2009, p. 166, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2009/332/oj).

(10)  L-Artikolu 37 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni konkluż bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2004/239(2)/oj).

(11)  L-Artikolu 39 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (ĠU L 164, 30.6.2015, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2015/997/oj).

(12)  L-Artikolu 41 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2013/490/oj).

(13)  L-Artikolu 60 tal-Protokoll Addizzjonali ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970, anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li japplika wkoll fid-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali bis-saħħa tal-Artikolu 63 tiegħu.

(14)  L-Artikolu 26 tal-Ftehim konkluż bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fl-1972 (ĠU L 300, 31.12.1972, p. 188, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1972/2840/oj).

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta' salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/159/oj).

(16)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1013 tas-17 ta’ Lulju 2018 li jimponi miżuri proviżorji ta' salvagwardja fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 181, 18.7.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1013/oj).

(17)  L-Artikolu 25 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk.

(18)  L-Artikolu 25 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija.

(19)  L-Artikolu 24 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.

(20)  L-Artikolu 23 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat ta’ Iżrael.

(21)  L-Artikolu 38 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Albanija.

(22)  L-Artikolu 37 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni konkluż bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

(23)  L-Artikolu 41 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja.

(24)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1930/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)