|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1906 |
3.8.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1906
tal-31 ta’ Lulju 2026
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 fir-rigward ta’ regoli aktar flessibbli dwar l-avvanzi b’reazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet tal-fertilizzanti minħabba l-kriżi fil-Lvant Nofsani
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 47(2), il-punt (a), u l-Artikolu 92, il-punti (a)(i) u (v), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 (2) jistabbilixxi, fost l-oħrajn, regoli dwar il-komunikazzjoni tal-informazzjoni u regoli ġenerali dwar id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa għal interventi u miżuri relatati ma’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG). |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2026/1768 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (UE) 2021/2116 billi introduċa regoli aktar flessibbli dwar l-avvanzi għall-pagamenti diretti b’reazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet tal-fertilizzanti li rriżultat mill-kriżi tal-Lvant Nofsani. L-emendi jikkonċernaw, b’mod partikolari, iż-żmien ta’ tali avvanzi fir-rigward tas-sena tat-talba 2026 u jipprevedu l-possibbiltà li dawn jitħallsu qabel is-16 ta’ Ottubru 2026. Sabiex jiġi żgurat li dawn l-avvanzi xorta jiġu rimborżati mill-baġit tas-sena ta’ wara, l-avvanzi għall-pagamenti diretti fir-rigward tas-sena tat-talba 2026 li jitħallsu lill-benefiċjarji qabel is-16 ta’ Ottubru 2026 jenħtieġ li jitqiesu li jkunu saru matul ix-xahar ta’ Novembru 2026 u ddikjarati mill-Istat Membru bid-dikjarazzjoni relatata ma’ dak ix-xahar sabiex ikunu jistgħu jiġu rimborżati mill-Kummissjoni fil-bidu tas-sena 2027. |
|
(3) |
L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 jistabbilixxi r-regoli dwar il-forma, il-kontenut u l-iskadenza għat-trażmissjoni lill-Kummissjoni tad-dikjarazzjonijiet tan-nefqa għal interventi u miżuri skont il-FAEG. Il-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, ta’ dak l-Artikolu jipprevedi li l-komunikazzjoni dwar in-nefqa mwettqa bejn l-1 u l-15 ta’ Ottubru għandha tintbagħat mill-Istati Membri sal-25 ta’ Ottubru. Il-paragrafu 2, il-punt (a)(i), ta’ dak l-Artikolu jistabbilixxi li d-dikjarazzjoni tan-nefqa għandha tikkonsisti, b’mod partikolari, f’dikjarazzjoni li tkopri n-nefqa mwettqa matul ix-xahar preċedenti. Jenħtieġ li tiġi prevista deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq sabiex l-avvanzi mħallsa qabel is-16 ta’ Ottubru 2026 ikunu jistgħu jiġu kkomunikati u ddikjarati mad-dikjarazzjoni relatata max-xahar ta’ Novembru f’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116. |
|
(4) |
L-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar id-dikjarazzjoni tan-nefqa u dwar id-dħul assenjat għall-FAEG. Il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ta’ dak l-Artikolu jipprevedi li n-nefqa ddikjarata mill-aġenziji tal-pagamenti fir-rigward ta’ xahar partikolari għandha tikkorrispondi għall-pagamenti li fil-fatt ikunu saru matul dak ix-xahar. Deroga minn dik id-dispożizzjoni hija meħtieġa biex tippermetti li l-avvanzi għall-pagamenti diretti mħallsa qabel is-16 ta’ Ottubru 2026 jitqiesu li jkunu saru matul ix-xahar ta’ Novembru 2026 f’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(6) |
Sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali billi jiġu allinjati r-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2026/1768. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/128 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej: “4. B’deroga mill-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, u mill-paragrafu 2, il-punt (a)(i), fir-rigward tas-sena tat-talba 2026, l-avvanzi mħallsa qabel is-16 ta’ Ottubru 2026 għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti u għall-għajnuna li tikkostitwixxi pagamenti diretti skont il-miżuri msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 u fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 għandhom jgħoddu bħala li saru fix-xahar ta’ Novembru u għandhom jiġu kkomunikati u ddikjarati mill-Istati Membri fid-dikjarazzjoni relatata ma’ dak ix-xahar.” |
|
(2) |
fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu li ġej: “5. B’deroga mill-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, fir-rigward tas-sena tat-talba 2026, in-nefqa għall-avvanzi li jkunu saru mill-aġenzija tal-pagamenti qabel is-16 ta’ Ottubru 2026 għall-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti u għall-għajnuna li tikkostitwixxi pagamenti diretti skont il-miżuri msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 u fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 għandhom, għall-finijiet tad-dikjarazzjoni kull xahar, jitqiesu li jkunu saru matul ix-xahar ta’ Novembru.” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-22 ta’ Lulju 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-verifiki, il-garanziji u t-trasparenza (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 131, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/128/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2026/1768 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2026 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward ta’ tip speċifiku ta’ intervent biex jiġi pprovdut appoġġ temporanju eċċezzjonali skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-possibbiltà li jiġu adattati l-allokazzjonijiet tal-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2027 u r-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward ta’ regoli aktar flessibbli dwar il-pagamenti bil-quddiem b’reazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet tal-fertilizzanti minħabba l-kriżi tal-Lvant Nofsani (ĠU L, 2026/1768, 21.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1768/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1906/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)