|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1891 |
31.7.2026 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2026/1891
tat-30 ta’ Lulju 2026
li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1529 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fil-Lvant Nofsani u fir-Reġjun tal-Baħar l-Aħmar kif ukoll l-azzjonijiet tal-Iran li jdgħajfu l-libertà tan-navigazzjoni fil-Lvant Nofsani
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EUROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1892 tat-30 ta’ Lulju 2026 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għal gruppi armati u entitajiet fil-Lvant Nofsani u fir-Reġjun tal-Baħar l-Aħmar kif ukoll l-azzjonijiet tal-Iran li jdgħajfu l-libertà tan-navigazzjoni fil-Lvant Nofsani (1),
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 (2) u r-Regolament (UE) 2023/1529, (3) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar. |
|
(2) |
Fl-14 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1336 (4) li emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 u estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi biex ikopru persuni li jfornu, ibigħu jew li b’xi mod ieħor huma involuti fit-trasferiment ta’ vetturi jew missili tal-ajru mingħajr bdot abbord tal-Iran jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom lil gruppi armati u entitajiet li jimminaw il-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar, jew li jaġixxu bi ksur tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2216 (2015). |
|
(3) |
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-azzjonijiet tal-Iran li jimminaw il-libertà tan-navigazzjoni, inkluż id-drittijiet għal passaġġ ta’ tranżitu u għal passaġġ innoċenti, fil-Lvant Nofsani, fit-22 ta’ Mejju 2026, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2026/1157 (5) li emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 sabiex jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Iran u temenda t-titlu ta’ dik id-Deċiżjoni. |
|
(4) |
Fit-30 ta’ Lulju 2026, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2026/1892, li tintroduċi deroga għall-projbizzjoni tal-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, ta’ ċerta merkanzija u software biex ikunu permessi l-użu fl-Iran ta’ merkanzija u software li huma meħtieġa għal skopijiet speċifiċi, b’mod partikolari għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża, tar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, fl-Iran. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/1529 jiġi emendat, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2023/1529, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/821, fejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, it-tranżitu jew l-esportazzjoni tal-merkanzija u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew il-forniment ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jiddeterminaw li tali merkanzija jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma meħtieġa għal:
|
(a) |
skopijiet mediċi jew farmaċewtiċi; jew |
|
(b) |
skopijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali; jew |
|
(c) |
skopijiet uffiċjali ta’ rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, fl-Iran.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
T. BYRNE
(1) ĠU L, 2026/1892, 31.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1892/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1532 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għal gruppi armati u entitajiet fil-Lvant Nofsani u fir-Reġjun tal-Baħar l-Aħmar kif ukoll l-azzjonijiet tal-Iran li jdgħajfu l-libertà tan-navigazzjoni fil-Lvant Nofsani (ĠU L 186, 25.7.2023, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1532/oj).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1529 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fil-Lvant Nofsani u fir-Reġjun tal-Baħar l-Aħmar kif ukoll l-azzjonijiet tal-Iran li jdgħajfu l-libertà tan-navigazzjoni fil-Lvant Nofsani (ĠU L 186, 25.7.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1529/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1336 tal-14 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (ĠU L, 2024/1336, 15.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1336/oj).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1157 tat-22 ta’ Mejju 2026 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Baħar l-Aħmar (ĠU L, 2026/1157, 26.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1157/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1891/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)