European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1835

24.7.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1835

tal-20 ta’ Lulju 2026

dwar l-applikazzjoni tal-penali previsiti fir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija b’rabta mal-obbligi tal-importaturi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Awwissu 2024, daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija Ir-Regolament jikkontribwixxi għall-ġbir ta’ data affidabbli u robusta li jenħtieġ li tifforma bażi suffiċjenti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-metan, filwaqt li jiżgura t-trasparenza u, fejn meħtieġ, jipprevedi azzjoni addizzjonali biex jitkomplew jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan.

(2)

Fuq medda twila ta’ żmien, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur globali taż-żejt u tal-gass bħala riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787 jenħtieġ li jappoġġa s-sigurtà tal-provvista. Sejbiet reċenti mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) (2) jissuġġerixxu li l-indirizzar tat-tnixxijiet u l-indirizzar tal-ivventjar u l-ivvampjar ta’ rutina jistgħu jilliberaw sa 200 bcm ta’ gass. Madankollu, dik l-istess analiżi tissuġġerixxi li 15-il bcm biss huma disponibbli fuq medda ta’ żmien qasir, il-biċċa l-kbira minnhom f’pajjiżi mingħajr perkorsi ta’ esportazzjoni vijabbli lejn l-Unjoni.

(3)

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi li l-importaturi jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti fuq bażi annwali data u informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-metan minn pajjiżi u kumpaniji li jesportaw lejn l-Unjoni, inklużi dettalji dwar jekk humiex qed ikejlu, jirrapportaw u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan tagħhom, u jekk iva kif.

(4)

L-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi li l-importaturi juru u jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, li l-kuntratti tagħhom għall-provvista tal-enerġija fossili jkopru ż-żejt mhux maħdum, il-gass naturali jew il-faħam prodott skont miżuri ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika applikati fil-livell tal-produttur ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1787.

(5)

L-Artikolu 29(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi li l-importaturi u l-produtturi tal-Unjoni jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda minnhom fis-suq tal-Unjoni.

(6)

L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 28(1) u fl-Artikolu 29(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2024/1787 japplikaw għal kuntratti konklużi jew imġedda fl-4 ta’ Awwissu 2024 jew wara. Fir-rigward tal-kuntratti konklużi qabel dik id-data, l-importaturi għandhom obbligu li jwettqu l-isforzi raġonevoli kollha biex jirrikjedu l-ekwivalenza tal-miżuri ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika fil-livell tal-produtturi fil-kuntratti tagħhom f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2024/1787 u li jirrapportaw l-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda minnhom fis-suq tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 29(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2024/1787.

(7)

L-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Sal-lum, minoranza biss ta’ Stati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni bir-reġimi ta’ penali tagħhom.

(8)

L-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu mill-inqas ċerti penali u miżuri amministrattivi għall-ksur tar-rekwiżiti tal-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 27(1), fl-Artikolu 28(1) u (2), u fl-Artikolu 29(1) ta’ dak ir-Regolament, dment li kwalunkwe miżura jew penali bħal din ma tipperikolax is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

(9)

Barra minn hekk, l-Artikolu 33(7), il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2024/1787 jippermetti lill-Istati Membri jqisu kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, inklużi azzjonijiet ta’ partijiet terzi.

(10)

Mis-27 ta’ Frar 2026, l-Istrett ta’ Hormuz, punt ta’ passaġġ marittimu ewlieni għall-kummerċ globali tal-enerġija, esperjenza tfixkil ġeopolitiku u ekonomiku akut li wassal għall-għeluq tiegħu. Dak it-tfixkil huwa meqjus b’mod estensiv bħala l-akbar wieħed li jaffettwa l-provvisti globali tal-enerġija mill-kriżi tal-enerġija fis-snin 1970, u l-akbar fl-istorja tas-suq globali taż-żejt.

(11)

It-tfixkil fil-Lvant Nofsani qed ikollu impatt negattiv profond u dejjiemi fuq is-swieq tal-enerġija globali u Ewropej. Madwar 20 % tal-provvista globali tal-gass naturali likwifikat (LNG) (3) u 25 % tal-kummerċ globali taż-żejt (4) li jinġarr bil-baħar ġew affettwati. B’riżultat ta’ dan, it-tkabbir mistenni tal-LNG għall-2026–2027 mhux se jseħħ, u l-glut tal-LNG se jiġi pospost b’mill-inqas sentejn, b’riskji assoċjati ta’ sigurtà tal-provvista u pressjoni fuq il-prezzijiet (5). Fir-rigward taż-żejt, it-telf globali fl-esportazzjonijiet taż-żejt qabeż it-13-il mb/d bit-tnaqqis assoċjat fil-produzzjoni u l-ħsara lill-infrastruttura tal-enerġija fir-reġjun li jirriżultaw f’telf kumulattiv fil-provvista ta’ madwar 3 biljun barmil, inkluż telf antiċipat matul iż-żieda gradwali fil-produzzjoni ta’ wara l-kunflitt (6). Il-fornituri barra mir-reġjun tal-Golf kienu kapaċi jikkumpensaw għad-diskrepanza fil-provvisti tal-LNG u taż-żejt sa ċertu punt biss. Il-ħsara lill-infrastruttura tal-enerġija fir-reġjun tal-Golf, iż-żmien meħtieġ għall-bidu mill-ġdid tal-infrastruttura u t-taffija gradwali tal-ostaklu lkoll jikkontribwixxu għal dak li x’aktarx se jkun perjodu twil ta’ nuqqas ta’ provvista u inċertezzi fis-swieq globali tal-enerġija. Bħala tali, dan il-perjodu mistenni idum lil hinn mill-ftuħ mill-ġdid sħiħ u stabbli tal-Istrett ta’ Hormuz.

(12)

Fost il-biżgħat ta’ skarsezzi fit-tul fil-provvista, il-prezzijiet tal-gass u taż-żejt żdiedu għall-ogħla livelli tagħhom mill-kriżi kkawżata mill-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022. Il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat Brent qabżu l-USD 100 għal kull barmil fit-8 ta’ Marzu 2026 għall-ewwel darba f’erba’ snin, u telgħu għal USD 118 għal kull barmil fl-ogħla livell fil-31 ta’ Marzu 2026. Il-prezzijiet tal-gass naturali żdiedu għal EUR 62/MWh fid-19 ta’ Marzu 2026. Għalkemm il-prezzijiet taż-żejt f’Ġunju 2026 baqgħu eqreb għal USD 80 għal kull barmil u l-prezzijiet tal-gass kienu ta’ EUR 42/MWh, il-volatilità baqgħet tippersisti.

(13)

L-Unjoni tiddependi fuq is-swieq globali taż-żejt u tal-gass biex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha. Minħabba l-kriżi fil-Lvant Nofsani, is-swieq globali taż-żejt u tal-gass raw issikkar sinifikanti tal-provvisti. Sabiex jiġi indirizzat l-esponiment tal-konsumaturi u tan-negozji tal-Unjoni għal nuqqasijiet fil-provvista li qed jikkawżaw prezzijiet tal-enerġija għoljin u volatili, l-Unjoni jeħtiġilha tiżgura importazzjonijiet affidabbli u kontinwi tal-fjuwils fossili minn reġjuni oħra.

(14)

Ir-Regolament (UE) 2024/1787 ma jimponix restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija lejn l-Unjoni. Madankollu, in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 27(1), l-Artikolu 28(1) u (2) u l-Artikolu 29(1) ta’ dak ir-Regolament jista’ jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ penali. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom xi diskrezzjoni dwar jekk japplikawx penali għall-ksur tar-Regolament (UE) 2024/1787, u sa liema punt, speċjalment bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta’ tali penali jew riskji ta’ responsabbiltà skont dak ir-Regolament ma tipperikolax is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

(15)

Fil-kuntest tal-kriżi attwali tal-provvista, il-flessibbiltà pprovduta mill-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2024/1787 lill-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tal-penali tqieset bħala fattur li jikkontribwixxi għall-inċertezza legali. In-nuqqas attwali ta’ reġimi ta’ penali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, mingħajr ebda possibbiltà li jiġi vvalutat ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità potenzjali mar-rekwiżiti tal-importazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787 tqajjem mill-importaturi bħala fattur ta’ riskju ewlieni li jipprevjeni l-iffirmar jew it-tiġdid ta’ kuntratti għall-provvista lejn l-Unjoni u jżid ir-riskju ta’ terminazzjoni tal-kuntratti ta’ provvista eżistenti.

(16)

Il-perċezzjoni tal-inċertezza legali fir-rigward tar-reġimi ta’ penali applikabbli madwar l-Unjoni titnaqqas jekk l-Istati Membri kollha jadottaw reġimi nazzjonali ta’ penali. Sett ċar ta’ regoli madwar l-Istati Membri kollha, u approċċ koerenti madwar l-Unjoni, ineħħu grad konsiderevoli ta’ inċertezza billi jiċċaraw il-kundizzjonijiet eżatti u l-penali eżatti li japplikaw f’ġuriżdizzjonijiet nazzjonali differenti.

(17)

L-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2024/1787 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ penali ma tipperikolax is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Fis-settur tal-gass, ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għandu l-għan li jipprevjeni u jirreaġixxi għal interruzzjonijiet potenzjali fil-provvista tal-gass fil-livelli nazzjonali u reġjonali. L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/1938 jistabbilixxi livelli ta’ kriżi skattati minn avvenimenti jew indikazzjonijiet ta’ avvenimenti potenzjali, bħal interruzzjoni tal-provvista tal-gass jew domanda eċċezzjonalment għolja għall-gass, li jistgħu jwasslu jew jirriżultaw f’deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass. Meta jiġi ddikjarat livell ta’ kriżi, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li ma tiġi introdotta l-ebda miżura li tirrestrinġi bla bżonn il-fluss tal-gass fis-suq intern fi kwalunkwe ħin u li ma tiġi introdotta l-ebda miżura li x’aktarx tipperikola serjament is-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass fi Stat Membru ieħor. Fis-settur taż-żejt, id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE (8) tistabbilixxi regoli mmirati biex jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista taż-żejt permezz ta’ mekkaniżmi bbażati fuq is-solidarjetà, li jirrikjedu li l-Istati Membri jżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi u jistabbilixxu l-mezzi proċedurali meħtieġa biex jindirizzaw nuqqas serju.

(18)

Filwaqt li r-regoli eżistenti dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass u taż-żejt jipprovdu l-elementi ewlenin għall-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà tal-provvista, l-evalwazzjoni ta’ tali riskji tista’ tvarja jekk titwettaq individwalment minn kull Stat Membru. Għalkemm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni għalissa nżammet, il-kriżi fil-Lvant Nofsani kkawżat danni li l-effetti tagħhom jippersistu u x’aktarx jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija madwar l-Unjoni jekk il-provvista tiġi ddevjata lejn swieq oħra, u b’hekk tirrikjedi approċċ ikkoordinat għall-applikazzjoni ta’ penali fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, l-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li żżid iċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2024/1787 fil-kuntest tal-kriżi fil-Lvant Nofsani.

(19)

Sabiex ma tiġix ipperikolata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, kif previst fl-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2024/1787, u biex jiġi indirizzat l-esponiment tal-konsumaturi u tan-negozji tal-Unjoni għal nuqqasijiet potenzjali fil-provvista tal-enerġija li jikkawżaw prezzijiet għoljin, jenħtieġ li l-Istati Membri ma japplikawx il-penali previsti fl-Artikolu 33(5), il-punti (m), (n) u (o), tar-Regolament (UE) 2024/1787 għal perjodu ta’ żmien limitat, ħlief f’każijiet ta’ ksur frawdolenti ta’ dawk l-obbligi. Dan jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-importaturi jikkonkludu kuntratti ta’ provvista għall-perjodu li jmiss mingħajr ir-riskju ta’ penali, sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità jew ta’ responsabbiltà, filwaqt li xorta jkomplu jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiksbu l-konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787.

(20)

Fl-istess waqt, il-perjodu ta’ grazzja għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-penali jenħtieġ li ma jestendix lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-kuntratti jiġu konklużi għal volumi suffiċjenti ħalli jiġu evitati nuqqasijiet ta’ provvista minħabba l-kriżi attwali. Skont it-tbassir attwali, in-nuqqasijiet fil-provvista fis-swieq globali tal-gass u taż-żejt x’aktarx li jkomplu billi t-tiswijiet għall-infrastruttura danneġġata fil-Lvant Nofsani mistennija jieħdu bejn tlieta u ħames snin (9). Informazzjoni reċenti dwar l-ikkuntrattar (10) għall-volumi taż-żejt u tal-gass tindika attività ta’ kkuntrattar imnaqqsa għall-volumi tal-provvista ffirmati ġodda għall-orizzont tal-2029 u l-2030 li jidhru li huma aktar baxxi milli mistenni għall-konsenji fi tliet snin abbażi tal-kurva tal-provvista forward ta’ suq li jopera f’kundizzjonijiet normali. Pereżempju, is-sehem tal-kuntratti totali tal-gass naturali ffirmati ġodda jonqos b’aktar minn 10 % mill-2028 sal-2029, u dan jindika ostakli potenzjali għall-ikkuntrattar. Hija l-flessibbiltà tas-swieq globali taż-żejt u tal-gass li tippermetti rispons rapidu għal kwalunkwe sitwazzjoni ta’ kriżi li sservi bħala assorbitur tax-xokkijiet. Din il-flessibbiltà jeħtieġ li tiġi ppreservata. Perjodu ta’ grazzja ta’ tliet snin jikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet mingħajr ma jaggrava l-provvista aktar stretta ta’ krudi marbuta mat-tnaqqis fil-konsenji mill-Golf Persjan.

(21)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li l-Istati Membri ma japplikawx il-penali previsti fl-Artikolu 33(5), il-punti (m), (n) u (o) tar-Regolament (UE) 2024/1787 għall-ksur tal-obbligi dovuti fl-2027, fl-2028 u fl-2029.

(22)

Perjodu ta’ grazzja ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ penali jista’ jirriżulta f’riskju akbar ta’ nuqqas ta’ konformità mill-importaturi mal-obbligi tagħhom ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika skont ir-Regolament (UE) 2024/1787. Madankollu, fil-preżenza ta’ nuqqasijiet globali fil-provvista tal-enerġija u kompetizzjoni ħarxa għat-tagħbijiet disponibbli kkawżati mill-kriżi attwali, tali perjodu ta’ grazzja, strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jittaffew l-effetti tal-kriżi, u esklużi każijiet ta’ ksur frawdelenti, mhuwiex sproporzjonat għar-riskju li jirriżulta ta’ infurzar insuffiċjenti ta’ dawk l-obbligi.

(23)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija limitata għall-proposta ta’ perjodu ta’ grazzja fl-applikazzjoni ta’ ċerti penali jew responsabbiltà fid-dawl taċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet speċifiċi deskritti. L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 27(1), fl-Artikolu 28(1) u (2) u fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2024/1787 ikomplu japplikaw, anki jekk huwa rrakkomandat li l-Istati Membri ma japplikawx id-dispożizzjonijiet relatati dwar is-sanzjonar fl-Artikolu 33(5), il-punti (m), (n) u (o), ta’ dak ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jinċentivaw b’mod attiv il-progress fil-konformità matul dan il-perjodu. Din ir-Rakkomandazzjoni ma twaqqafx lill-Istati Membri milli japplikaw l-istess perjodu ta’ grazzja għall-penali fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni jekk iqisu li l-impożizzjoni ta’ dawk il-penali tista’ tipperikola bl-istess mod is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

(24)

Din ir-Rakkomandazzjoni ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jistabbilixxu reġimi nazzjonali ta’ penali f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2024/1787. F’kundizzjonijiet normali tas-suq u meta ma jkun hemm l-ebda riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri jistgħu japplikaw penali għall-ksur tar-Regolament (UE) 2024/1787 li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-livell, is-severità u n-natura tal-penali applikati għal ksur konkret jenħtieġ li jiġu ddeterminati billi jitqiesu tal-anqas il-fatturi stabbiliti fl-Artikolu 33(7). L-Istati Membri mħeġġa jistabbilixxu reġimi nazzjonali ta’ penali bħala kwistjoni ta’ prijorità.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri ma japplikawx il-penali previsti fl-Artikolu 33(5), il-punti (m), (n) u (o), tar-Regolament (UE) 2024/1787 fir-rigward tal-ksur mill-importaturi tal-obbligi dovuti fl-2027, fl-2028 u fl-2029 ħlief għal każijiet ta’ ksur frawdolenti ta’ dawk l-obbligi. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jinċentivaw b’mod attiv il-progress fil-konformità matul dan il-perjodu.

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tirrieżamina l-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sal-1 ta’ Jannar 2028, fil-kuntest tar-rieżami skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1787.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Dan JØRGENSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942 (ĠU L, 2024/1787, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1787/oj).

(2)   IEA Global Methane Tracker 2026, paġna 4.

(3)   Gas Market Report, Q2-2026 – Analysis - IEA, paġna 6.

(4)   L-Istrett ta’ Hormuz — Dwar — L-AIE.

(5)   Gas Market Report, Q2-2026- paġna 8.

(6)  Skont ir-Rapport dwar is-Suq taż-Żejt (Oil Market Report) tal-AIE ppubblikat fl-14 ta’ April 2026, il-provvista globali taż-żejt mistennija tonqos b’3,9 mbbl kuljum fl-2026 jew 1 423 miljun barmil b’kollox.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1938/oj).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi (ĠU L 265, 9.10.2009, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/119/oj).

(9)  Ara d-dikjarazzjoni mill-Qatar Energy tad-19 ta’ Marzu 2026.

(10)  Valutazzjoni tas-Servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq informazzjoni minn Cedigaz, Bloomberg New Energy Finance, London Stock Exchange Group.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2026/1835/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)