|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1732 |
14.7.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1732
tal-1 ta’ Lulju 2026
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim fir-rigward ta' Ġibiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (7) u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dekolonizzazzjoni tat-territorju ta' Ġibiltà (“Ġibiltà”) jelenkaw lil Ġibiltà bħala “Territorju Mhux Awtonomu Amministrat mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq” bl-applikazzjoni tal-Kapitolu XI tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(2) |
F'konformità mal-Artikolu 774(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (1), (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) u f'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-ftehimiet futuri inkluża fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Novembru 2018, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni la japplika għal Ġibiltà u lanqas ma għandu effetti f'dak it-territorju. Kif previst f'dik id-Dikjarazzjoni, “dan ma jipprekludix il-possibbiltà li jkun hemm ftehimiet separati bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta' Ġibiltà” u, “mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Unjoni u b'rispett sħiħ għall-integrità territorjali tal-Istati Membri tagħha kif garantita mill-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dawk il-ftehimiet separati ser jirrikjedu qbil minn qabel mir-Renju ta' Spanja”. |
|
(3) |
Fil-31 ta' Diċembru 2020, ir-Renju ta' Spanja (“Spanja”) esprima x-xewqa tiegħu li l-Unjoni tistabbilixxi arranġament wiesa' u bbilanċjat fir-rigward ta' Ġibiltà bbażat fuq il-qafas politiku maqbul bejn Spanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ir-“Renju Unit”) għal ftehim dwar Ġibiltà. |
|
(4) |
Fil-5 ta' Ottubru 2021, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Renju Unit għal ftehim fir-rigward ta' Ġibiltà. |
|
(5) |
In-negozjati tlestew fit-12 ta' Diċembru 2025. Dawn irriżultaw fil-Ftehim fir-rigward ta' Ġibiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”). |
|
(6) |
Il-Ftehim, jew kwalunkwe attività jew miżura meħuda fl-applikazzjoni jew bħala riżultat tiegħu, ma jimplika l-ebda modifika tal-pożizzjoni legali ta’ Spanja fir-rigward tas-sovranità u l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta' Ġibiltà. |
|
(7) |
Peress li l-awtoritajiet ta' Ġibiltà għandhom karattru lokali u jeżerċitaw esklussivament kompetenzi interni, jenħtieġ li kwalunkwe parteċipazzjoni ta' dawk l-awtoritajiet fl-applikazzjoni ta-Ftehim titqies li twettqet esklużivament fil-kompetenzi interni ta' Ġibiltà, sakemm ma jkunx previst speċifikament mod ieħor. |
|
(8) |
Il-Ftehim jistabbilixxi l-bażi għat-tneħħija tal-ostakli fiżiċi kollha bejn l-Unjoni u Ġibiltà u jippromwovi prosperità kondiviża u relazzjonijiet mill-qrib u kostruttivi fir-rigward ta' Ġibiltà u ż-żona kontigwa fi Spanja, li jinvolvu drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri speċjali. |
|
(9) |
It-tneħħija tal-ostakli fiżiċi bejn l-Unjoni u Ġibiltà hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet ta’ Spanja fuq il-fruntieri esterni tagħha skont id-dritt tal-Unjoni. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”), għandha tirrappreżenta lill-Unjoni u tesprimi l-pożizzjonijiet tal-Unjoni kif stabbiliti mill-Kunsill f'konformità mat-Trattati. Il-Kunsill għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta' tfassil ta' politiki u ta' koordinazzjoni kif previst fl-Artikolu 16(1) TUE billi jistabbilixxi l-pożizzjonijiet li jridu jittieħdu f'isem l-Unjoni fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni u fil-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti mill-Ftehim. Barra minn hekk, fejn il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jew il-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti bil-Ftehim jintalbu jadottaw atti b'effetti legali, il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni f'dawk il-korpi konġunti għandhom ikunu stabbiliti f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). |
|
(11) |
Jenħtieġ li kull Stat Membru jkun jista' jibgħat rappreżentant wieħed biex jakkumpanja lir-rappreżentant tal-Kummissjoni, bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni, fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u ta' Kumitati Speċjalizzati stabbiliti skont il-Ftehim. |
|
(12) |
Il-Parlament Ewropew irid jiġi infurmat immedjatament u bis-sħiħ, kif previst fl-Artikolu 218(10) TFUE sabiex ikun jista' jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu skont it-Trattati. |
|
(13) |
Spanja, bħala l-Istat ġar fiż-żona Schengen inkarigat mit-twettiq ta' kontroll tal-fruntieri esterni fil-port u l-ajruport ta' Ġibiltà, tista', wara evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tat-Tieni Parti tal-Ftehim, dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-persuni, titlob lill-Unjoni biex ittemm il-Ftehim. |
|
(14) |
Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta' Spanja jkunu l-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim relatati mad-dwana. Fil-każ eċċezzjonali msemmi fil-punt 2 tal-Appendiċi 1 tal-Anness 21 tal-Ftehim, jenħtieġ li l-awtoritajiet tar-Repubblika Portugiża jkunu l-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim relatati mad-dwana. |
|
(15) |
Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta' Spanja jipprovdu l-valutazzjoni tal-funzjonament tal-arranġamenti amministrattivi bilaterali rilevanti, li ser ikunu parti mill-evalwazzjoni mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim tal-implimentazzjoni tat-Tieni Parti tal-Ftehim wara perijodu ta' 4 snin. |
|
(16) |
Il-funzjonament xieraq tal-Ftehim jirrikjedi li Spanja u r-Renju Unit jikkonkludu pjan ta' implimentazzjoni u ċerti arranġamenti amministrattivi. Fin-nuqqas ta' dak il-pjan u dawk l-arranġamenti, il-partijiet rispettivi tal-Ftehim ma jistgħux jiġu applikati. Għalhekk ikun meħtieġ li tiġi prevista s-sospensjoni tal-partijiet rispettivi tal-Ftehim għall-perijodu ta' żmien li matulu l-pjan ta' implimentazzjoni jew l-arranġamenti amministrattivi jiġu sospiżi jew itterminati minn Spanja. Sabiex jiġu rispettati l-prerogattivi tal-Kunsill skont it-Trattati, jenħtieġ li Spanja tinforma lill-Kummissjoni u lill-Kunsill minn qabel u jenħtieġ li tqis il-fehmiet espressi qabel tipproċedi b’tali sospensjoni jew terminazzjoni tal-pjan ta' implimentazzjoni jew ta' kwalunkwe arranġament amministrattiv. |
|
(17) |
Skont l-Artikolu 218(7) TFUE, huwa xieraq li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata tiddeċiedi dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti skont il-Ftehim fir-rigward tal-estensjoni tal-applikazzjoni tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni għar-Renju Unit, fir-rigward ta' Ġibiltà, bil-ħsieb li tiġi żgurata, sa fejn ikun possibbli, l-applikazzjoni simultanja ta' dawk l-atti ġuridiċi fl-Unjoni u fir-Renju Unit, fir-rigward ta' Ġibiltà. |
|
(18) |
Huwa xieraq ukoll li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata, skont l-Artikolu 218(7) TFUE, tapprova, f'isem l-Unjoni, ċerti modifiki tekniċi għall-Ftehim. Għal deċiżjonijiet oħra adottati mill-Kumitati Speċjalizzati, jenħtieġ li l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni jiġu stabbiliti f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(9) TFUE. |
|
(19) |
Bil-ħsieb li l-Unjoni tkun tista' tieħu azzjoni rapida u effettiva biex tipproteġi l-interessi tagħha f'konformità mal-Ftehim, u f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tieħu miżuri ta' riekwilibriju u ta' rimedju u li tiddeċiedi dwar is-sospensjoni mmirata ta' obbligi speċifiċi skont il-Ftehim jew kwalunkwe ftehim supplimentari, f'każijiet ta' ksur ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim jew ta' nuqqas ta' ssodisfar ta' ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari fl-oqsma taċ-ċirkolazzjoni ta' persuni, tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, tal-għajnuna mill-Istat, tat-tassazzjoni indiretta u tal-kummerċ tal-merkanzija, u tat-trasport bit-triq. Jenħtieġ li s-sospensjoni tal-Ftehim kollu jew ta' parti minnu jew ta' kwalunkwe ftehim supplimentari, lil hinn mis-sospensjoni mmirata ta' obbligi speċifiċi, tiġi deċiża f'konformità mal-Artikolu 218(9) TFUE. |
|
(20) |
Meta titqies is-sitwazzjoni speċifika ħafna ta' Spanja, li hija l-Istat Membru ġar u li għandha rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim, huwa xieraq li jiġi previst li l-Kummissjoni tikkonsulta lil Spanja qabel ma tadotta d-deċiżjonijiet imsemmija f'din id-Deċiżjoni u qabel ma tagħmel il-proposti xierqa lill-Kunsill. |
|
(21) |
Kull meta l-Unjoni tkun meħtieġa taġixxi sabiex tikkonformamal-Ftehim, tali azzjoni għandha tittieħed f'konformità mat-Trattati, filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti tas-setgħat mogħtija lil kull istituzzjoni tal-Unjoni. Hija għalhekk il-Kummissjoni li trid tipprovdi lir-Renju Unit bl-informazzjoni jew in-notifiki meħtieġa mill-Ftehim, ħlief fejn il-Ftehim jirreferi għal istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji speċifiċi oħra tal-Unjoni, u li trid tikkonsulta mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet speċifiċi. Hija wkoll il-Kummissjoni li trid tirrappreżenta lill-Unjoni quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ meta jkun ġie ppreżentat xi tilwim għall-arbitraġġ f'konformità mal-Ftehim. |
|
(22) |
Fid-dawl tal-karattru eċċezzjonali u uniku tal-Ftehim, li – bħal fil-każtal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni – huwa konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-Kunsill b'dan qed jiddeċiedi li jagħmel użu, b'mod eċċezzjonali, mill-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward tar-Renju Unit, fir-rigward ta' Ġibiltà. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni permezz tal-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri b'rabta ma' kwalunkwe negozjar li għaddej jew futur dwar ftehimiet internazzjonali, jew dwar l-iffirmar jew il-konklużjoni tagħhom ma' kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew b'rabta ma' kwalunkwe negozjar futur dwar kwalunkwe ftehim supplimentari, jew dwar l-iffirmar jew il-konklużjoni tiegħu, imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Ftehim. |
|
(23) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, li jsiru d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-interpretazzjoni tal-kategorija ta’ persuni li jivvjaġġaw bl-iskop li jwettqu attività bi ħlas kif previst fl-Artikolu 41(2) tal-Ftehim, id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta dwar il-ġlieda kontra r-reġimi tat-taxxa dannużi u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit relatata mal-Artikolu 152(1) tal-Ftehim u li jenħtieġ li jiġi approvat it-test propost mill-Kummissjoni għal dikjarazzjoni dwar is-supplimentazzjoni tal-konnettività tat-trasport bit-triq ta’ Ġibiltà. |
|
(24) |
Billi jneħħi l-ostakli fiżiċi kollha għaċ-ċirkolazzjoni ta' persuni u l-moviment tal-oġġetti bejn l-Unjoni u Ġibiltà, il-Ftehim ser jillimita t-tfixkil għall-individwi, in-negozji u partijiet ikkonċernati oħra li joperaw fiż-żona kkawżat mill-użu sħiħ tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ. Għalhekk jenħtieġ li jiġi applikat fuq bażi provviżorja, sa meta jidħol fis-seħħ.. |
|
(25) |
L-iffirmar tal-Ftehim fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika huwa soġġett għal proċedura separata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, fir-rigward ta' kwistjonijiet għajr dawk li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika , tal-Ftehim fir-rigward ta' Ġibiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim”) f’isem l-Unjoni huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta' dak il-Ftehim.
Artikolu 2
1. Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni u fil-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti skont l-Artikoli 22 u 23 tal-Ftehim.
2. Kull Stat Membru, b'mod partikolari Spanja, għandu jitħalla jibgħat rappreżentant wieħed biex jakkumpanja lir-rappreżentant tal-Kummissjoni, bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni, fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u tal-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti skont il-Ftehim.
3. Sabiex il-Kunsill ikun f'pożizzjoni li jeżerċita b'mod sħiħ il-funzjonijiet tiegħu ta' tfassil ta' politiki, ta' koordinazzjoni u ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'konformità mat-Trattati, b'mod partikolari bl-istabbiliment tal-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta' Kooperazzjoni u l-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti skont il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Kunsill jirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti kollha relatati ma' kull laqgħa ta' dawk il-korpi konġunti jew ma' kwalunkwe att li għandu jiġi adottat permezz tal-proċedura bil-miktub fi żmien suffiċjenti qabel dik il-laqgħa jew dak l-użu tal-proċedura bil-miktub, u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 8 ġranet tax-xogħol qabel dik il-laqgħa jew dak l-użu tal-proċedura bil-miktub.
Il-Kunsill għandu jiġi infurmat ukoll fil-ħin dwar id-diskussjonijiet u l-eżitu tal-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u tal-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti skont il-Ftehim u l-użu tal-proċedura bil-miktub, u għandu jirċievi abbozz tal-minuti u d-dokumenti kollha relatati ma' tali laqgħat jew użu tal-proċedura bil-miktub.
4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, fejn xieraq.
Artikolu 3
1. Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti bl-Artikolu 23(1) tal-Ftehim fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta' dawk il-Kumitati li sempliċiment jestendu l-applikazzjoni tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni għar-Renju Unit, fir-rigward ta' Ġibiltà, soġġett għal kwalunkwe aġġustament tekniku meħtieġ, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.
2. Il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottatif'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti bl-Artikolu 23(1) tal-Ftehim fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta' dawk il-Kumitati dwar modifiki tekniċi tal-Ftehim skont l-Artikolu 75(3), l-Artikolu 92(3), l-Artikolu 123(2), l-Artikolu 125(2), l-Artikolu 154(3), l-Artikolu 184(7), l-Artikolu 257(5) u l-Artikolu 283(5), il-punti (a) u (d), tal-Ftehim għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.
Artikolu 4
1. Kwalunkwe deċiżjoni tal-Unjoni li tieħu l-miżuri li ġejjin skont il-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim:
|
(a) |
is-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-obbligi f'konformità mal-Artikolu 67; |
|
(b) |
l-applikazzjoni ta' miżuri ta' riekwilibriju kif stipulat fl-Artikolu 198(6); |
|
(c) |
l-applikazzjoni ta' miżuri ta' rimedju kif stipulat fl-Artikolu 209(3); |
|
(d) |
l-użu tal-proċedura ta' salvagwardja prevista fl-Artikolu 249; |
|
(e) |
is-sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-obbligi f’konformità mal-Artikolu 252(2) jew l-applikazzjoni ta' miżuri kif stabbilit fl-Artikolu 252(3); |
|
(f) |
l-applikazzjoni ta' miżuri ta' rimedju kif stipulat fl-Artikolu 284. |
2. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill fil-ħin bl-intenzjoni tagħha li tadotta kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 bil-ħsieb li tippermetti skambju sinifikattiv ta' fehmiet fil-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-akbar kunsiderazzjoni tal-fehmiet espressi. Il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll lill-Parlament Ewropew, fejn xieraq.
3. Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri li jerġgħu jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi skont il-Ftehim kif kienu jeżistu qabel l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis.
Artikolu 5
Qabel ma tadotta kwalunkwe deċiżjoni abbażi ta' din id-Deċiżjoni, u qabel ma tagħmel kwalunkwe proposta lill-Kunsill fir-rigward tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lil' Spanja.
Artikolu 6
1. Spanja għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni minn qabel bis-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-pjan ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 7 tal-Ftehim (il-“pjan ta’ implimentazzjoni”) jew tal-arranġamenti amministrattivi msemmija fl-Artikoli 29, 33, 38, 55, 56, 251, 260 u 265 tal-Ftehim u fil-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali (l-“arranġamenti amministrattivi”) bil-ħsieb li jkun jista' jsir skambju sinifikanti ta' fehmiet fil-Kunsill qabel tali sospensjoni jew terminazzjoni. Spanja għandha tieħu kont tal-fehmiet espressi.
2. Spanja għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bis-sospensjoni jew it-terminazzjoni mir-Renju Unit tal-pjan ta' implimentazzjoni jew tal-arranġamenti amministrattivi.
Artikolu 7
L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni permezz tal-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fi kwalunkwe negozjar li għaddej jew futur dwar ftehimiet internazzjonali, jew dwar l-iffirmar jew il-konklużjoni tagħhom ma' kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew b'rabta ma' kwalunkwe negozjar futur dwar kwalunkwe ftehim supplimentari, jew dwar l-iffirmar jew il-konklużjoni tiegħu, imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Ftehim.
Artikolu 8
1. Spanja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-fatt li l-pjan ta' implimentazzjoni u l-arranġamenti amministrattivi huma fis-seħħ u ġew implimentati bis-sħiħ.
2. Dment li l-Ftehim ikun ġie ffirmat u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 336(2) tiegħu jiġu ssodisfati, il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-15 ta' Lulju 2026, sa meta jidħol fis-seħħ.
3. L-Unjoni għandha tinnotifika lir-Renju Unit, fir-rigward ta' Ġibiltà, dwar it-tlestija tar-rekwiżiti u l-proċeduri interni tal-Unjoni meħtieġa għall-applikazzjoni proviżorja dment li, qabel id-data msemmija fil-paragrafu 2, ir-Renju Unit, fir-rigward ta' Ġibiltà, ikun innotifika lill-Unjoni li jkunu tlestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri interni tiegħu meħtieġa għall-applikazzjoni proviżorja.
Artikolu 9
1. Id-dikjarazzjonijiet konġunti mehmuża ma' din id-Deċiżjoni huma b'dan approvati:
|
(a) |
Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-interpretazzjoni tal-kategorija ta’ persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas kif previst fl-Artikolu 41(2) tal-Ftehim; |
|
(b) |
Dikjarazzjoni Politika Konġunta dwar il-ġlieda kontra reġimi tat-taxxa dannużi; |
|
(c) |
Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit relatata mal-Artikolu 152(1) tal-Ftehim. |
2. Il-Kunsill japprova t-test propost mill-Kummissjoni għal dikjarazzjoni dwar is-supplimentazzjoni tal-konnettività tat-trasport bit-triq ta' Ġibiltà.
3. Il-Kunsill jieħu nota tad-Dikjarazzjoni tar-Renju Unit rigward ftehim mera bejn l-assoċjati ta' Schengen u r-Renju Unit.
Artikolu 10
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
T. BYRNE
(1) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.
(2) It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2026/1562, 14.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2026/1562/oj.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA' PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW BL-ISKOP LI JWETTQU ATTIVITÀ BI ĦLAS KIF PREVIST MILL-ARTIKOLU 41(2) TAL-FTEHIM
Bix-xewqa li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, l-Unjoni u r-Renju Unit, fir-rigward ta' Ġibiltà, għall-finijiet tal-Ftehim, il-kategorija ta' persuni li jwettqu attività bi ħlas tkopri lill-persuni li jidħlu fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bil-għan li jkollhom impjieg bi qligħ jew iwettqu attività b'remunerazzjoni bħala impjegati jew fornituri ta' servizz.
Din il-kategorija ma għandiex tkopri:
|
(a) |
negozjanti, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw għall-fini ta' deliberazzjoni kummerċjali (mingħajr ma jkunu impjegati fl-Unjoni jew fir-Renju Unit, fir-rigward ta' Ġibiltà); |
|
(b) |
sportivi jew artisti li jkunu qed iwettqu attività fuq bażi ad-hoc; |
|
(c) |
ġurnalisti mibgħuta mill-media tal-pajjiż ta' residenza tagħhom; u |
|
(d) |
trainees intrakorporattivi. |
L-implimentazzjoni ta' din id-Dikjarazzjoni għandha tiġi mmonitorjata mill-Kumitat Speċjalizzat dwar iċ-Ċirkolazzjoni tal-Persuni, li jista' jipproponi modifiki meta, abbażi tal-esperjenzi tal-Partijiet, iqis li dan ikun meħtieġ.
DIKJARAZZJONI POLITIKA KONĠUNTA DWAR IL-ĠLIEDA KONTRA REĠIMI TAT-TAXXA DANNUŻI
L-Unjoni Ewropea (1) u r-Renju Unit, fir-rigward ta' Ġibiltà (“il-Parteċipanti”) japprovaw id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta li ġejja dwar il-Ġlieda kontra r-Reġimi tat-Taxxa Dannużi.
Il-parteċipanti, li jirriflettu l-prinċipji globali tal-kompetizzjoni ġusta tat-taxxa, jaffermaw l-impenn tagħhom li jiġġieldu kontra reġimi tat-taxxa dannużi, b'mod partikolari dawk li jistgħu jiffaċilitaw l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt f'konformità mal-Azzjoni 5 tal-Pjan ta' Azzjoni tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS). F'dan il-kuntest, il-Parteċipanti jaffermaw l-impenn tagħhom li japplikaw il-prinċipji fil-ġlieda kontra reġimi tat-taxxa dannużi f'konformità ma' din id-dikjarazzjoni politika konġunta.
Ir-reġimi tat-taxxa dannużi jkopru reġimi ta' tassazzjoni tal-intrapriżi li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw b'mod sinifikanti l-post tal-attività tan-negozju, inkluż il-post tal-attività ta' gruppi ta' kumpaniji, fi ħdan il-Parteċipanti. Is-sistemi tat-taxxa jinkludu kemm liġijiet jew regolamenti kif ukoll prattiki amministrattivi.
Jekk reġim tat-taxxa jissodisfa l-kriterju gateway tal-impożizzjoni ta' livell effettiv b'mod sinifikanti anqas ta' tassazzjoni minn dawk il-livelli li ġeneralment japplikaw fil-Parteċipanti, inkluż tassazzjoni żero, dan jenħtieġ li jitqies bħala potenzjalment dannuż. Livell ta' tassazzjoni bħal dan jista' jopera bis-saħħa ta' rata ta' taxxa nominali, il-bażi tat-taxxa jew kwalunkwe fattur rilevanti ieħor.
F'dan il-kuntest, u meta jitqies l-approċċ stabbilit fil-livell globali, meta jiġi vvalutat jekk reġim ta' tassazzjoni tan-negozju huwiex ta' ħsara, jenħtieġ li jitqies jekk japplikax wieħed jew aktar mill-fatturi ewlenin li ġejjin:
|
(a) |
jekk il-vantaġġi humiex delimitati mill-ekonomija domestika sabiex ma jaffettwawx il-bażi tat-taxxa nazzjonali jew jingħataw biss lil dawk li mhumiex residenti; |
|
(b) |
jekk ir-reġim li jagħti l-vantaġġi jonqosx milli jirrikjedi xi attività ekonomika sostanzjali u preżenza ekonomika sostanzjali fi ħdan il-Parteċipant li joffri dawn il-vantaġġi fiskali; |
|
(c) |
jekk ir-regoli għad-determinazzjoni tal-profitt fir-rigward ta' attivitajiet fi ħdan grupp multinazzjonali ta' kumpaniji jitbegħdux minn prinċipji aċċettati internazzjonalment, b'mod partikolari r-regoli miftiehma fi ħdan l-OECD; |
|
(d) |
jekk ir-reġim tat-taxxa jkunx nieqes mit-trasparenza, inkluż fejn id-dispożizzjonijiet legali jiġu rilassati fil-livell amministrattiv b'mod mhux trasparenti jew fejn ma jkun hemm l-ebda skambju effettiv ta' informazzjoni fir-rigward tar-reġim. |
Il-Parteċipanti jista' jkollhom djalogu annwali biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta' dawn il-Prinċipji .
(1) Għall-finijiet tal-impenji f'din id-Dikjarazzjoni, fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, ir-referenzi għall-Parteċipanti huma mifhuma li huma għall-Unjoni Ewropea, għall-Istati Membri tagħha, jew għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, skont il-każ.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-UNJONI EWROPEA U TAR-RENJU UNIT DWAR L-ARTIKOLU 152(1) TAL-FTEHIM
Il-Partijiet jirrikonoxxu li d-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka kif jinsabu fil-Kapitolu 6 tat-Titolu V, il-Parti II jikkomplementaw l-istrumenti rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa, kif elenkati fl-Artikolu 152(1), biss sal-punt li dawk l-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa jkunu applikabbli għal Stat Membru jew għar-Renju Unit, fir-rigward ta' Ġibiltà. Il-Partijiet jikkonfermaw il-fehim reċiproku tagħhom li r-referenzi għal dawk l-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa ma jagħmluhomx applikabbli għal Stat Membru jew għar-Renju Unit, fir-rigward ta' Ġibiltà, jekk ma jkunux irratifikaw dawk l-istrumenti tal-Kunsill tal-Ewropa.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1732/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)