European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1447

3.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1447

tat-30 ta’ Ġunju 2026

li tistabbilixxi regoli interni dwar l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u dwar ir-restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tiġbor informazzjoni għal finijiet ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ permezz ta’ diversi mezzi, bħal talbiet għal informazzjoni, spezzjonijiet, u t-twettiq ta’ intervisti. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/2560 jobbliga lill-impriżi u lill-operaturi ekonomiċi jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-konċentrazzjonijiet u l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jinvolvu kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin fil-każ li jintlaħqu ċerti limiti. L-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ effettivi skont ir-Regolament (UE) 2022/2560 jeħtieġu kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif ukoll skambju bla xkiel ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(2)

Il-kompiti skont ir-Regolament (UE) 2022/2560 jitwettqu mid-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-Kompetizzjoni u mid-Direttorat Ġenerali responsabbli għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs.

(3)

Fil-kuntest tal-kompiti ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2560, il-Kummissjoni tipproċessa l-informazzjoni. Dik l-informazzjoni tinkludi data personali ta’ persuni fiżiċi, bħal informaturi, persunal tal-impriżi taħt investigazzjoni, kif ukoll persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom tinsab f’dokumenti miksuba b’rabta mal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ f’konformità mar-Regolament (UE) 2022/2560.

(4)

L-ipproċessar tad-data personali, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2018/1725, imwettaq waqt attivitajiet ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2560, jista’ jsir anki qabel ma l-Kummissjoni formalment tibda r-rieżami preliminari, jibqa’ għaddej matul l-investigazzjoni fil-fond u jista’ jkompli anki wara l-għeluq formali tal-investigazzjoni, pereżempju, għall-fini ta’ monitoraġġ tal-konformità jew ta’ attivitajiet ta’ skrinjar, ta’ valutazzjoni tal-ħtieġa li jingħata bidu għal attivitajiet investigattivi ġodda jew għall-fini ta’ proċedimenti legali.

(5)

Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/2560, il-Kummissjoni bħala kontrollur tad-data tiġbor u tipproċessa ulterjorment diversi kategoriji ta’ data personali, bħal data ta’ identifikazzjoni, dettalji ta’ kuntatt u informazzjoni oħra relatata mal-każijiet (bħal data personali li tinsab f’dokumenti, dikjarazzjonijiet, opinjonijiet u rekords). Għalkemm mhux probabbli, il-kategoriji ta’ data personali pproċessata jistgħu jinkludu wkoll kategoriji speċjali ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 kif ukoll data personali relatata ma’ kundanni u reati kriminali kif imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(6)

Filwaqt li twettaq il-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/2560, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta d-drittijiet tal-persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali rikonoxxuti mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/2560, hija meħtieġa tikkonforma mar-regoli stretti ta’ kunfidenzjalità u segretezza professjonali msemmija fl-Artikolu 43 ta’ dak ir-Regolament.

(7)

F’ċerti ċirkostanzi, jista’ jkun meħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista’ twettaq b’mod effettiv il-kompiti tagħha ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2560, inkluż f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jew mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data. Għal dak il-għan, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprovdi lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tirrestrinġi, taħt kundizzjonijiet stretti, l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, l-Artikolu 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll tal-Artikolu 4 tiegħu sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(8)

F’ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu rrikonċiljati mal-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ imwettqa mill-Kummisjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2560 fl-eżekuzzjoni tal-awtorità uffiċjali tagħha fl-interess pubbliku tal-Unjoni skont l-Artikolu 25(1), il-punt (g), flimkien mal-punt (c) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Kummissjoni tista’ tapplika restrizzjonijiet, fejn pereżempju, l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet ikun jipperikola investigazzjoni li tkun għaddejja, pereżempju fejn ikun hemm riskju li l-evidenza tinqered jew tiġi mbagħbsa, jew riskju ta’ interferenza ma’ atturi ewlenin matul investigazzjoni.

(9)

F’ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu bbilanċjati mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni oħra kkonċernati, bħall-informaturi jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li tkun irrapportat lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2560. F’każijiet bħal dawn, jista’ jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tirrestrinġi l-aċċess għall-identità, id-dikjarazzjonijiet u data personali oħra ta’ tali persuni sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ dawk kollha ikkonċernati skont l-Artikolu 25(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħmel dan, b’mod partikolari biex tipproteġi lil dawk il-persuni minn xi possibbiltà ta’ ritaljazzjoni. Huwa biss jekk il-persuna li tirrapporta tawtorizza dan, li l-Kummissjoni tista’ tiżvela l-identità tagħha. Jekk tkun hekk obbligata bil-liġi jew minn xi awtorità ġudizzjarja, il-Kummissjoni għandha tiżvela l-identità tagħha.

(10)

F’każijiet fejn is-suġġetti tad-data jippreżentaw talba biex jaċċessaw id-data personali tagħhom, jenħtieġ li jingħataw aċċess għal tali data personali inkluż dik ipprovduta minn persuna li tirrapporta. Sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-persuni li jagħmlu rapporti, u sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ma jkunux affettwati b’mod negattiv, il-Kummissjoni jenħtieġ li titħalla li ma tagħtix lis-suġġett tad-data l-isem tal-persuna li tirrapporta, u lanqas kwalunkwe informazzjoni oħra li tkun tippermetti l-identifikazzjoni diretta jew indiretta tagħha.

(11)

Barra minn hekk, sabiex tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha li tiżgura l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/2560, b’mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data sabiex tissalvagwardja l-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali tagħha fl-interess pubbliku, kif imsemmi fl-Artikolu 25(1), il-punt (g), flimkien mal-punt (c), tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel dan f’sitwazzjoni fejn il-fini ta’ xi restrizzjoni imposta minn xi awtorità ta’ Stat Membru tkun ipperikolata f’każ li l-Kummissjoni ma tapplikax restrizzjoni ekwivalenti fir-rigward tal-istess data personali. Fl-applikazzjoni ta’ tali restrizzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat dwar ir-raġunijiet potenzjali rilevanti għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ dawk ir-restrizzjonijiet, sakemm dan ma jipperikolax l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

(12)

Meta tirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li tali restrizzjonijiet ikunu jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u li jkunu strettament meħtieġa u jkunu miżura proporzjonata f’soċjetà demokratika. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi ġustifikazzjoni għar-restrizzjonijiet applikabbli.

(13)

L-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jobbliga lill-kontrollur jinforma lis-suġġetti tad-data bir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni u bid-dritt tagħhom li jressqu lment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(14)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data li tkun relatata mar-raġunijiet prinċipali li għalihom tkun ġiet applikata xi restrizzjoni, jekk l-għoti ta’ dik l-informazzjoni b’xi mod tikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni u r-raġunijiet tagħha tkunx tikkanċella l-effett tagħha.

(15)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tneħħi r-restrizzjoni hekk kif il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, u tivvaluta dawk il-kundizzjonijiet fuq bażi regolari.

(16)

Sabiex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lis-suġġetti tad-data kollha bl-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u bid-drittijiet tagħhom b’mod trasparenti u koerenti permezz ta’ avviż ta’ protezzjoni tad-data ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma individwalment, b’mezzi xierqa, lir-rappreżentanti legali u lill-membri tal-persunal tal-impriżi taħt investigazzjoni, lill-informaturi u lil persuni fiżiċi oħra li jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

(17)

L-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedi eċċezzjonijiet għad-dritt tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġetti tad-data. Jekk japplikaw dawk l-eċċezzjonijiet, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tapplika restrizzjoni għad-dritt għall-informazzjoni skont din id-Deċiżjoni. L-eċċezzjonijiet skont l-Artikolu 16(5), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandhom japplikaw meta l-għoti ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(1) sa (4) ta’ dak ir-Regolament jidher li jkun impossibbli, ikun jinvolvi sforz sproporzjonat, jew li x’aktarx jagħmel impossibbli jew ifixkel serjament il-kisba tal-objettivi ta’ dak l-ipproċessar, bħal fil-każ ta’ suġġetti tad-data mhux relevanti għall-investigazzjoni, li l-informazzjoni personali tagħhom tkun tinsab f’dokumenti miġbura bħala parti mill-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2560.

(18)

F’konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, il-ġustizzja u l-responsabbiltà, jenħtieġ li l-Kummissjoni tittratta l-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet kollha b’mod trasparenti u żżomm rekord tal-applikazzjoni tagħha ta’ dawk l-eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet.

(19)

Sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvolvi lill-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data tad-Direttorat Ġenerali responsabbli mill-Kompetizzjoni jew tad-Direttorat Ġenerali responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Imprenditorija u l-SMEs matul il-proċess tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet u tiddokumenta dik il-konsultazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data responsabbli jiġi kkonsultat fi żmien debitu dwar kwalunkwe restrizzjoni li tista’ tiġi applikata u jivverifika l-konformità tagħha ma’ din id-Deċiżjoni.

(20)

Jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jwettaq rieżami indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet bil-għan li jiżgura l-konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

(21)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fis-16.04.2026,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli interni li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni biex is-suġġetti tad-data jiġu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’konformità mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 meta twettaq l-kompiti tagħha ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2560.

2.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tkun tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, l-Artikoli 14 sa 20, u l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punti (c), (g), u (h) tiegħu.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar tad-data personali tal-kategoriji tas-suġġetti tad-data li ġejjin:

(a)

informaturi;

(b)

ir-rappreżentanti legali u l-persunal tal-impriżi investigati;

(c)

il-persuni fiżiċi li d-data personali tagħhom tinsab fid-dokumenti jew media oħra miġbura bħala parti mill-attivitajiet ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2560.

2.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar tad-data personali li tkun tappartjeni lill-kategoriji li ġejjin ta’ data personali:

(a)

data ta’ identifikazzjoni;

(b)

dettalji ta’ kuntatt;

(c)

data oħra relatata mal-każijiet, inkluża data personali msemmija fl-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 3

Għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web relevanti tagħha avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lis-suġġetti kollha tad-data dwar l-attivitajiet tal-Kummissjoni li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom għall-fini tal-kompiti tagħha ta’ investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) 2022/2560.

2.   L-avviż dwar il-protezzjoni tad-data għandu jipprovdi informazzjoni dwar ir-restrizzjoni potenzjali għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data kif imfissra fl-Artikolu 4. L-informazzjoni għandha tispeċifika liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet li għalihom jistgħu jiġu applikati r-restrizzjonijiet u d-durata potenzjali tar-restrizzjonijiet u jkun fiha informazzjoni dwar id-dritt tas-suġġetti tad-data li jippreżentaw ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma individwalment, b’mezzi xierqa, lir-rappreżentanti legali u lill-membri tal-persunal tal-impriżi taħt investigazzjoni u lill-informaturi dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 20, u l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trasparenza li ssir referenza għalih fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), ta’ dak ir-Regolament, sa fejn id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet ikunu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725 meta:

(a)

l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun jipperikola l-fini tal-kompiti investigattivi, ta’ infurzar u ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/2560, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punt (g), flimkien mal-punt (c), tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(b)

l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun jaffettwa b’mod negattiv il-protezzjoni tas-suġġetti tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(c)

l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi ikun jipperikola l-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha li tiżgura l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2022/2560, f’konformità mal-Artikolu 25(1), il-punt (g), flimkien mal-punt (c), tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Qabel ma tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti dwar ir-raġunijiet potenzjali għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ dawk ir-restrizzjonijiet, sakemm dan ma jipperikolax l-attivitajiet tal-Kummissjoni.

3.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tirrispetta l-essenza tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet u tkun meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika.

4.   Qabel ma jiġu applikati r-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq u tiddokumenta valutazzjoni każ b’każ tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom. Dawk ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li hu strettament neċessarju biex jinkiseb l-objettiv tagħhom.

Artikolu 5

Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data, dritt għal rettifika, dritt ta’ tħassir u dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, skont l-Artikolu 4, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt tal-aċċess għad-data mis-suġġetti tad-data, id-dritt għal rettifika, id-dritt ta’ tħassir jew id-dritt għar-restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17 sa 20, rispettivament, tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba għall-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar bl-aspetti li ġejjin:

(a)

ir-restrizzjoni applikata u r-raġunijiet ewlenin għaliha;

(b)

il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-restrizzjoni u d-dritt li jitressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data sa dak il-punt li dan ikun jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk dan ikunx iġġustifikat fuq bażi ta’ każ b’każ. Hekk kif dan ma jibqax jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data.

Artikolu 6

Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġetti tad-data

1.   Meta l-Kummissjoni tkun taħt obbligu li tikkomunika ksur ta’ data personali skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija tista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, tirrestrinġi tali komunikazzjoni b’mod sħiħ jew parzjali f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha żżomm rekord u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, il-bażi legali għaliha skont l-Artikolu 4, kif ukoll il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħha, u tirreġistrahom.

2.   Meta r-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data kkonċernat u tinfurmah bir-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni u bid-dritt tiegħu li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

3.   Meta l-Kummissjoni tinnotifika l-ksur ta’ data personali lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, din għandha takkumpanja n-notifika bid-dokumentazzjoni li tkun għamlet skont l-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Żamma tar-rekords u reġistrazzjoni tar-restrizzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, ir-raġunijiet legali stabbiliti fl-Artikolu 4 għaliha, id-dettalji tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dik ir-restrizzjoni, valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data tal-impożizzjoni ta’ restrizzjoni u valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

2.   Id-dokumentazzjoni għandha tiddikjara kif l-eżerċizzju tad-dritt mis-suġġett tad-data rilevanti jimmina waħda jew aktar mill-obbjettivi applikabbli stabbiliti fl-Artikolu 25(1), il-punti (c), (g), u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   Id-dokumentazzjoni u, fejn applikabbli, id-dokumenti li fihom l-elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Għandhom ikunu disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

Artikolu 8

Durata tar-restrizzjonijiet

1.   Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4 u 6 għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

2.   Meta r-raġunijiet għal restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni.

3.   Meta titneħħa restrizzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi r-raġunijiet li għalihom tkun applikat dik ir-restrizzjoni għas-suġġett tad-data u tinfurmah bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4 u 6 kull sitt xhur. Ir-rieżami għandu jinkludi valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

Artikolu 9

Salvagwardji u perjodi ta’ ħażna

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta salvagwardji biex tipprevjeni l-abbużi u l-aċċess illegali għal data personali li fir-rigward tagħha japplikaw jew jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet jew eċċezzjonijiet, jew it-trasferiment illegali ta’ tali data. Tali salvagwardji għandhom jinkludu l-miżuri tekniċi u organizzattivi li ġejjin:

(a)

definizzjoni ċara tar-rwoli, ir-responsabbiltajiet, il-passi proċedurali u d-drittijiet ta’ aċċess;

(b)

ambjent elettroniku sigur li jipprevjeni l-aċċess illegali jew aċċidentali għal data elettronika minn persuni mhux awtorizzati jew it-trasferiment illegali jew aċċidentali ta’ tali data lil dawn il-persuni;

(c)

ħażna u pproċessar siguri tad-dokumenti stampati limitati għal dak li huwa strettament neċessarju biex tintlaħaq l-fini tal-ipproċessar;

(d)

monitoraġġ dovut tar-restrizzjonijiet.

2.   Id-data personali għandha tinħażen f’konformità mar-regoli ta’ żamma applikabbli tal-Kummissjoni li għandhom jiġu definiti fid-dokumentazzjoni tal-ipproċessar miżmuma skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fi tmiem il-perjodu ta’ żamma, id-data personali għandha titħassar, tiġi anonimizzata jew trasferita fl-arkivji f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 10

Involviment tal-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni

1.   Il-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data tad-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-Kompetizzjoni għandu jiġi kkonsultat qabel ma tiġi applikata kwalunkwe restrizzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet notifikati u l-investigazzjonijiet ex officio u għandu jivverifika l-konformità tagħhom ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data tad-Direttorat Ġenerali responsabbli għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Imprenditorija u l-SMEs għandu jiġi kkonsultat qabel ma tiġi applikata kwalunkwe restrizzjoni fir-rigward ta’ proċeduri notifikati ta’ akkwist pubbliku u ta’ investigazzjonijiet ex officio relatati mal-akkwist pubbliku u għandu jivverifika l-konformità tagħhom ma’ din id-Deċiżjoni.

3.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien żejjed kull meta d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu ristretti skont din id-Deċiżjoni. Meta jitlob li jsir hekk, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni għandu jingħata aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokument li jkun fih elementi fattwali u legali sottostanti.

4.   L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni jista’ jitlob rieżami tal-applikazzjoni ta’ restrizzjoni u għandu jiġi infurmat bil-miktub dwar l-eżitu ta’ tali rieżami.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddokumenta l-involviment tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data rispettiv, inkluż liema informazzjoni tiġi kondiviża magħhom, f’kull każ fejn jiġu applikati r-restrizzjonijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 4(1).

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 330, 23.12.2022, p.1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2560/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1447/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)