|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1416 |
1.7.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1416
tat-30 ta’ Ġunju 2026
li tistabbilixxi l-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea għal Koalizzjoni tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà (CSC-EDIC)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3), il-punt (a), tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fit-23 ta’ Jannar 2026, il-Greċja, l-Awstrija, il-Kroazja, Ċipru u s-Slovenja, bħala membri, issottomettew applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 biex jiġi stabbilit il-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea għal Koalizzjoni tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà (CSC-EDIC). |
|
(2) |
Bħala l-Istat Membru ospitanti, il-Greċja għamlet dikjarazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (d), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 biex tirrikonoxxi lill-CSC-EDIC bħala korp internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 143(1), il-punt (g), u skont l-Artikolu 151(1), il-punt (b), tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2) u bħala organizzazzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 11(1), il-punt (b), tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (3). |
|
(3) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. Ikkonkludiet li l-applikazzjoni fiha l-elementi kollha meħtieġa mill-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. Filwaqt li tqis l-objettivi ġenerali tal-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali, b’mod partikolari l-kontribut tal-EDIC propost għall-iżvilupp ta’ ekosistema komprensiva u sostenibbli ta’ infrastrutturi diġitali interoperabbli, u kunsiderazzjonijiet prattiċi relatati mal-implimentazzjoni tal-proġett multinazzjonali, b’mod partikolari l-kapaċità teknika, finanzjarja u amministrattiva tal-EDIC propost, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-EDIC propost jissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi kollha stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 21 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. |
|
(4) |
F’konformità mal-Istatuti mehmuża mal-applikazzjoni, il-kompitu prinċipali tas-CSC-EDIC se jkun li jimplimenta proġett multinazzjonali fil-qasam tal-ħiliet u t-taħriġ fiċ-ċibersigurtà identifikati fl-Anness tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. L-EDIC se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2023 imsejħa “Inxejnu d-distakk tat-talent fiċ-ċibersigurtà biex nixprunaw il-kompetittività, it-tkabbir u r-reżiljenza tal-UE” (COM(2023) 207 final) (“L-Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà”), biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Skont dan il-kompitu prinċipali, is-CSC-EDIC se jindirizza d-diskrepanza fil-ħiliet taċ-ċibersigurtà li tant qed tikber u jippromwovi l-bini ta’ kapaċità fost l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija u l-intrapriżi żgħar u medji fl-Istati Membri, ħalli jiżdiedu l-kompetittività, it-tkabbir u r-reżiljenza tal-Unjoni. Biex jintlaħaq dan l-objettiv, is-CSC-EDIC se jwettaq ukoll azzjonijiet proattivi li jippromwovu t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-professjonisti fiċ-ċibersigurtà u għal tranżizzjoni lejn iċ-ċibersigurtà, filwaqt li jiżgura l-allinjament mal-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol u d-diskrepanzi fil-ħiliet u l-konformità regolatorja tal-industriji tal-Unjoni u tal-amministrazzjonijiet nazzjonali. Barra minn hekk, dan se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrumenti legali Ewropej rilevanti u l-aderenza magħhom. Din il-ħidma tallinja mal-viżjoni tal-Unjoni tal-Ħiliet adottata fil-5 ta’ Marzu 2025. |
|
(5) |
Is-CSC-EDIC se jikkoordina kif xieraq l-attivitajiet tiegħu mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), b’għodod żviluppati mill-ENISA bħall-Qafas Ewropew għall-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà, u filwaqt li jqis kif xieraq il-kompiti tal-ENISA stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-rwol propost tal-ENISA fil-proposta tal-Kummissjoni għal Att tat-2 dwar iċ-Ċibersigurtà (COM(2026) 11 final). Is-CSC-EDIC se jkompli jaħtaf l-opportunitajiet li tiftaħ din il-proposta. Se jikkoordina wkoll maċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (ECCC), skont ir-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), b’mod partikolari fir-rigward tal-avvanz tal-kapaċitajiet industrijali, teknoloġiċi u tar-riċerka. Biex ikunu żgurati komplementarjetà u sinerġija bejn l-inizjattivi, is-CSC-EDIC se jistabbilixxi arranġamenti ta’ kollaborazzjoni mal-ENISA u mal-ECCC. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2022/2481. |
|
(7) |
Għal applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni, jiġifieri biex is-CSC-EDIC jibda jiffunzjona, kif inhu meħtieġ b’mod urġenti għall-implimentazzjoni ordnata tal-Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Qed jitwaqqaf il-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea għal Koalizzjoni tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà (CSC-EDIC).
2. L-CSC-EDIC għandu jkollu personalità ġuridika, u f’kull Stat Membru għandu jkollu l-aktar kapaċità ġuridika estensiva li tingħata lill-entitajiet ġuridiċi skont il-liġi tal-Istat Membru rispettiv. Dan jista’, b’mod partikolari, jakkwista, jippossedi jew jiddisponi minn proprjetà mobbli, immobbli u intellettwali, jikkonkludi kuntratti u jkun parti fi proċedimenti legali.
3. L-elementi essenzjali tal-Istatuti tad-CSC-EDIC, kif miftiehma bejn il-membri tiegħu, huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2481/oj.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/262/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/881/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (ĠU L 202, 8.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/887/oj).
ANNESS
ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAS-CSC-EDIC
|
1) |
Li jikkorrispondu għall-Artikolu 17(1), il-punt (c), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481: Artikolu 2 L-isem, is-sede, il-lokazzjoni u l-lingwa operattiva (…) 2. L-isem tal-EDIC imsemmi fil-paragrafu (1) għandu jkun “EDIC għal Koalizzjoni tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà”, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “CSC-EDIC”. 3. Is-sede statutorja tas-CSC-EDIC għandha tkun f’Ateni, il-Greċja. |
|
2) |
Li jikkorrispondu għall-Artikolu 17(1), il-punt (d), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481: Artikolu 28 Durata Is-CSC-EDIC għandu jiġi stabbilit għal perjodu inizjali ta’ għaxar (10) snin mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż b’deċiżjoni tal-Assemblea tal-Membri. Artikolu 29 Stralċ 1. L-istralċ tas-CSC-EDIC għandu jiġi deċiż mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 11. 2. Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-istralċ tas-CSC EDIC, is-CSC EDIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni. 3. L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-djun tas-CSC-EDIC għandhom jitqassmu fost il-membri b’mod proporzjonat skont il-kontribuzzjoni annwali akkumulata tagħhom għas-CSC-EDIC, kif speċifikat fl-Artikolu 9, jew jiġu trasferiti lejn entità ġuridika oħra, diment li dik l-entità tkun tkompli l-attivitajiet tas-CSC-EDIC. 4. Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji minn tmiem il-proċedura tal-istralċ, is-CSC-EDIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan. 5. Is-CSC-EDIC ma għandux jibqa’ jeżisti mill-jum meta l-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż xieraq f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
3) |
Li jikkorrispondu għall-Artikolu 17(1), il-punt (e), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481: Artikolu 19 Obbligazzjoni u assigurazzjoni 1. Is-CSC-EDIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu. 2. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri għad-djun tas-CSC-EDIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom lis-CSC-EDIC, kif speċifikat fl-Anness III. 3. L-Unjoni m’għandhiex tkun responsabbli għad-djun tas-CSC- EDIC. |
|
4) |
Li jikkorrispondu għall-Artikolu 17(1), il-punt (i), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481: Artikolu 20 Eżenzjonijiet mit-taxxa u mid-dazju tas-sisa 1. L-eżenzjonijiet mill-VAT abbażi tal-Artikoli 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u f’konformità mal-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 għandhom ikunu limitati għax-xiri mis-CSC-EDIC u mill-membri tas-CSC-EDIC li jkun għal użu uffiċjali u esklużiv mis-CSC-EDIC, diment li dak ix-xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tas-CSC-EDIC bi qbil mal-attivitajiet tiegħu. Il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika għar-rikonoxximent bħala korp internazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 143(1)(g) u tal-Artikolu 151(1)(b) tad-Direttiva 2006/112/KE stabbiliti fl-Artikolu 50 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 għandhom jiġu rispettati mutatis mutandis mis-CSC-EDIC. 2. L-eżenzjonijiet mill-VAT għandhom ikunu limitati għax-xiri li l-valur tiegħu jkun iżjed minn EUR 300. 3. L-eżenzjonijiet mid-Dazju tas-Sisa abbażi tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 għandhom ikunu limitati għax-xiri mis-CSC-EDIC għal użu uffiċjali u esklussiv mis-CSC-EDIC, diment li dak ix-xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tas-CSC-EDIC bi qbil mal-attivitajiet tiegħu u diment li l-valur tax-xiri jkun iżjed minn EUR 300. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1416/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)