European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1406

29.6.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1406

tas-26 ta’ Ġunju 2026

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-istħarriġ sanitarju għall-klassifikazzjoni u għall-monitoraġġ taż-żoni ta’ produzzjoni u ta’ riinstallazzjoni ta’ molluski bivalvi ħajjin

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(8), il-punt (b), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (2) jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u ta’ azzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inkluż rekwiżiti speċifiċi għall-istħarriġ sanitarju għall-klassifikazzjoni u għall-monitoraġġ taż-żoni ta’ produzzjoni u ta’ riinstallazzjoni ta’ molluski bivalvi ħajjin.

(2)

L-Artikolu 56 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jistabbilixxi r-regoli dwar l-istħarriġ sanitarju li jrid jitwettaq mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jikklassifikaw żona ta’ produzzjoni jew ta’ riinstallazzjoni. Skont l-Artikolu 56(2) ta’ dak ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jridu jwettqu stħarriġ sanitarju li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dak l-Artikolu fiż-żoni ta’ produzzjoni u ta’ riinstallazzjoni klassifikati kollha, sakemm tali stħarriġ ma jkunx twettaq qabel.

(3)

L-esperjenza wriet li t-twettiq ta’ stħarriġ sanitarju mhuwiex meħtieġ f’żoni li jkunu ġew ikklassifikati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627, li huma soġġetti għal programm ta’ monitoraġġ f’konformità mal-Artikolu 57 ta’ dak ir-Regolament, sakemm id-data mill-monitoraġġ ma turix bidliet materjali li jistgħu jaffettwaw b’mod persistenti l-klassifikazzjoni taż-żona kkonċernata.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jiġi emendat kif xieraq.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 56 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-paragrafu 1, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’din li ġejja:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu stħarriġ sanitarju

qabel ma jikklassifikaw żona ta’ produzzjoni jew ta’ riinstallazzjoni ġdida li għadha ma ġietx ikklassifikata;

meta d-data tal-monitoraġġ miġbura skont l-Artikolu 59, jew kwalunkwe informazzjoni oħra, tista’ tindika lill-awtoritajiet kompetenti bidliet materjali fil-kundizzjonijiet ambjentali taż-żoni ta’ produzzjoni u ta’ riinstallazzjoni diġà kklassifikati, li jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti u persistenti r-riżultati tal-istħarriġ sanitarju preċedenti.

L-istħarriġ sanitarju għandu jinkludi:”;

(2)

jitħassar il-paragrafu 2.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/627/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1406/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)