|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1369 |
17.6.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1369
tat-12 ta’ Ġunju 2026
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-238 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-addozzjoni tal-Emenda 19 tal-Anness 17 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). |
|
(2) |
L-Istati Membri kollha huma Stati kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Attwalment sitt Stati Membri huma rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati (SARPs) internazzjonali u jiddeżinjhom bħala Annessi għall-Konvenzjoni ta’ Chicago. |
|
(4) |
Is-SARPs dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ġew adottati mill-Kunsill tal-ICAO bħala l-Anness 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. |
|
(5) |
Il-Kunsill tal-ICAO, fil-238 sessjoni tiegħu, għandu jadotta l-emenda proposta 19 għall-Anness 17 – Sigurtà tal-Avjazzjoni – tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (“Emenda 19”). L-Emenda 19 ser ittejjeb għadd ta’ SARPs, tintroduċi definizzjonijiet ġodda u tirrevedi ċerti definizzjonijiet eżistenti, u ser tallinja xi prattiki aktar mill-qrib ma’ prattiċi eżistenti fl-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-kontrolli u tat-tfittxijiet tas-sigurtà tal-inġenji tal-ajru. |
|
(6) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-ICAO, billi l-emenda 19, ladarba tiġi adottata, tkun obbligatorja skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, u tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, notevolment ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 (2) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005 (3). |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-238 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti, tkun li tappoġġa l-Emenda 19. Jenħtieġ li dik il-pożizzjoni tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu konġuntament fl-interess tal-Unjoni. |
|
(8) |
Jekk l-Emenda 19 tiġi adottata mill-Kunsill tal-ICAO, l-adozzjoni ta’ dik l-emenda għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz tal-proċedura ta’ Ittra lill-Istati tal-ICAO. F’każ bħal dan, jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni wara l-adozzjoni tkun li ma tiġi rreġistrata l-ebda diżapprovazzjoni u li jkun hemm konformità mal-Emenda 19. Fejn id-dritt tal-Unjoni jkun differenti mis-SARPs li jkunu għadhom kif ġew adottati wara d-data tal-applikazzjoni prevista ta’ dawk is-SARPs, jenħtieġ li kwalunkwe differenza bejn id-dritt tal-Unjoni u dawk is-SARPs partikolari tiġi notifikata lill-ICAO. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni b’rabta ma’ tali differenza jenħtieġ li tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u l-approvazzjoni. Jenħtieġ li dik il-pożizzjoni tiġi espressa mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jaġixxu flimkien fl-interess tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-238 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti, għandha tkun li tappoġġa l-emenda proposta 19 tal-Anness 17 –Sigurtà tal-Avjazzjoni – tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“Emenda 19”).
2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li dak il-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr ebda bidla sostanzjali l-Emenda 19, għandha tkun li ma tiġi rreġistrata l-ebda diżapprovazzjoni u li tiġi notifikata konformità mal-miżura adottata bi tweġiba għall-Ittra rilevanti lill-Istati tal-ICAO.
Fil-każ li d-dritt tal-Unjoni jkun differenti mis-SARPs li jkun għadhom kif ġew adottati stabbiliti fl-Anness 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk is-SARPs, kwalunkwe differenza bejn id-dritt tal-Unjoni u dawk is-SARPs għandha tiġi nnotifikata lill-ICAO, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. F’każ bħal dan, għall-finijiet li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe differenza bejn id-dritt tal-Unjoni u dawk is-SARPs partikolari, il-Kummissjoni għandha, fiż-żmien preskritt u mill-inqas xahrejn qabel skadenza stabbilita mill-ICAO għan-notifika tad-differenzi, tippreżenta dokument preparatorju lill-Kunsill, għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni, li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-differenzi dettaljati li għandhom jiġu notifikati lill-ICAO f’isem l-Unjoni mill-Istati Membri.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu konġuntament fl-interess tal-Unjoni.
Il-pożizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(2) għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jaġixxu konġuntament fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. KERAVNOS
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/300/oj).
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1998/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005 tas-16 ta’ Novembru 2015 li tistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni li fihom it-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 18, il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, (mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1369/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)