European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1368

17.6.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1368

tat-8 ta’ Ġunju 2026

dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni, tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija Parti għall-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (il-“Ftehim”) li ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1) fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu u ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (2).

(2)

Skont l-Artikolu 32(1) tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, li jaġixxi permezz tal-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-“Kunsill tal-Membri”), jista’ jemenda l-Ftehim b’kunsens.

(3)

Fil-119 sessjoni f’Ġunju 2024, il-Kunsill tal-Membri approva l-emenda tal-Ftehim b’kunsens.

(4)

Skont l-Artikolu 32(2) tal-Ftehim, kull membru tal-IOC għandu jinnotifika lid-depożitarju dwar l-aċċettazzjoni tiegħu tal-emenda.

(5)

Jenħtieġ li l-emenda tal-Ftehim tiġi approvata mill-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-emenda tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni.

It-test tal-emenda huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (3).

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VAFEADES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1892/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/848/oj).

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 huwa emendat kif ġej:

L-Artikolu 36 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 36

Perjodu ta’ żmien, estensjoni u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2026, sakemm ma jiġix estiż skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew ma jintemmx qabel skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kunsill tal-Membri jista’ jestendi dan il-Ftehim għal perjodi suċċessivi, li ma jaqbżux il-5 snin f’kull okkażjoni. Il-Kunsill tal-Membri għandu jinnotifika kwalunkwe tali estensjoni lid-depożitarju. Kwalunkwe membru li ma jaċċettax tali estensjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jgħarraf lill-Kunsill tal-Membri b’dan u ma jibqax Parti Kontraenti għal dan il-Ftehim b’effett mill-bidu tal-perjodu tal-estensjoni.

3.   Il-Kunsill tal-Membri jista’ jiddeċiedi li jtemm dan il-Ftehim b’kunsens. L-obbligi tal-membri għandhom ikomplu sad-data tat-tmiem kif stabbilita mill-Kunsill tal-Membri.

4.   Minkejja l-iskadenza jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ jista’ jkompli jeżisti kemm ikun meħtieġ għall-għan li jwettaq il-likwidazzjoni tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, inkluż is-saldu tal-kontijiet, u, matul dak il-perjodu, għandu jkollu dawk is-setgħat u funzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa għal dawk l-għanijiet.

5.   Il-Kunsill tal-Membri għandu jinnotifika lid-depożitarju b’kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont dan l-Artikolu.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1368/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)