|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1349 |
22.6.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-QORTI ĠENERALI
tad-29 ta’ April 2026
dwar ix-xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali, tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet
[2026/1349]
IL-QORTI ĠENERALI,
Wara li kkunsidrat l-Artikoli 110a(8) u 219(8) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha (1),
Billi:
|
(1) |
Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni u fid-dawl tan-neċessità li l-ġustizzja Ewropea titqarreb iktar lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jixxandru wħud mill-attivitajiet ġudizzjarji tagħha fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
(2) |
Ix-xandir ta’ ċerti seduti għas-sottomissjonijiet orali, tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet relatati ma’ kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jippermetti lill-persuni kkonċernati jsegwu l-attivitajiet ġudizzjarji tal-Qorti Ġenerali mingħajr il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika li ma hijiex dejjem possibbli, jew minħabba l-ivvjaġġar involut jew għal raġunijiet oħra marbuta, b’mod partikolari, mas-sitwazzjoni personali, ekonomika jew finanzjarja tal-persuni kkonċernati. Dan jippromwovi għalhekk għarfien aħjar tar-rwol tal-Qorti Ġenerali u tal-attività tagħha, jiżgura aċċess usa’ għall-motivi, għall-argumenti u għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet u mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”) waqt is-seduti għat-sottomissjonijiet orali u jżid it-trasparenza tal-proċess deċiżjonali; |
|
(3) |
L-Artikoli 110a u 219 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedu l-possibbiltà ta’ xandir tas-seduti, rispettivament, fir-rikorsi diretti u fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari. L-imsemmija artikoli jipprevedu, fil-paragrafi 8 rispettivi tagħhom, li l-Qorti Ġenerali għandha tiddetermina r-regoli u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tax-xandir tas-seduti permezz ta’ deċiżjoni li għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; |
|
(4) |
L-Artikolu 246(5) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 110a u 219 dwar ix-xandir tas-seduti jkunu applikabbli biss mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija, rispettivament, fl-Artikolu 110a(8) u fl-Artikolu 219(8) tar-Regoli tal-Proċedura; |
|
(5) |
Fil-5 ta’ Frar 2025, il-Qorti Ġenerali adottat deċiżjoni (2) dwar ix-xandir tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet skont l-Artikoli 110a(8) u 219(8) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għal deċiżjoni sussegwenti dwar ir-regoli u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tax-xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali; |
|
(6) |
Konsegwentement, għandhom jiġu previsti r-regoli u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tax-xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali li, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata trattazzjoni kalma, għandhom ikunu s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi. Madankollu, għal raġunijiet ta’ koerenza u ta’ sempliċità, jidher xieraq li deċiżjoni waħda biss tkun tinkludi r-regoli u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tax-xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali, tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet. Għaldaqstant, għandha titħassar id-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tal-5 ta’ Frar 2025; |
|
(7) |
Il-protezzjoni tad-data personali għandha tiġi żgurata fix-xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali, tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet. |
|
(8) |
Fid-dawl tal-fatt li jista’ jsir riferiment għall-informazzjoni dwar il-proċeduri ġudizzjarji ppubblikati fl-internet, u sussegwentement jinstab permezz ta’ muturi ta’ tfittxija, tinġibed l-attenzjoni tal-partijiet u tal-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut għall-Artikoli 66, 66a u 201 tar-Regoli tal-Proċedura, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Din id-deċiżjoni tiddetermina r-regoli u l-modalitajiet għall-implimentazzjoni tax-xandir fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali, tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet relatati ma’ kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali.
Artikolu 2
Determinazzjoni tal-kawżi li għandhom jixxandru
1. L-Awla, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, għandha tiddeċiedi jekk seduta għas-sottomissjonijiet orali għandhiex tixxandar.
2. Il-President tal-Qorti Ġenerali, wara li jinstema’ l-President tal-Awla, għandu jiddetermina jekk l-għoti ta’ sentenza għandux jixxandar. Bl-istess mod, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, huwa jiddeċiedi jekk il-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet għandhiex tixxandar.
Artikolu 3
Xandir tal-għoti ta’ sentenzi u tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet
1. Il-partijiet u l-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jiġu informati li l-għoti ta’ sentenza jew il-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet ikunu ser jixxandru.
2. Ix-xandir tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet isir b’mod dirett fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-ġurnata ffissata għal dan l-għoti jew għal din il-preżentazzjoni.
3. Din ix-xandira ssir bil-lingwa użata mill-kelliem għall-għoti tas-sentenza jew għall-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet, kif ukoll bil-lingwi kollha li għalihom tkun ġiet prevista interpretazzjoni simultanja.
4. Sakemm il-President tal-Qorti Ġenerali ma jiddeċidix mod ieħor, ir-reġistrazzjoni tal-video tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet tibqa’ disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
5. Meta l-għoti ta’ sentenzi jew il-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet jixxandru, ir-reġistrazzjoni tal-video tinħażen fuq is-servers użati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
6. Ir-reġistrazzjonijiet tal-video maħżuna konformement mal-paragrafu preċedenti jinżammu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal finijiet ta’ arkivjar u jistgħu jintużaw minnha għal ħtiġijiet ta’ komunikazzjoni jew jiġu trażmessi, fuq talba, lil terzi.
Artikolu 4
Xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali
1. Il-partijiet u l-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut jiġu informati li s-seduta għas-sottomissjonijiet orali tkun ser tixxandar u bil-possibbiltà offruta lil kull wieħed minnhom, konformement mal-Artikoli 110a(3) u 219(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jitolbu li l-imsemmija seduta ma tixxandarx.
2. Ix-xandir tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali jsir f’ħin iddifferit fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
3. Din ix-xandira ssir bil-lingwa użata mill-kelliem, kif ukoll bil-lingwi kollha li għalihom tkun ġiet prevista interpretazzjoni simultanja.
4. Bla ħsara għall-Artikoli 110a(6) u (7) u 219(6) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-reġistrazzjoni tal-video tas-seduti għas-sottomissjonijiet orali li jkunu s-suġġett ta’ xandira tibqa’ disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal perijodu ta’ xahar mill-għeluq tas-seduta, sakemm il-President tal-Awla ma jiddeċidix mod ieħor.
5. Meta s-seduta għas-sottomissjonijiet orali jixxandru, ir-reġistrazzjoni tal-video tinħażen fuq is-servers użati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
6. Ir-reġistrazzjonijiet tal-video maħżuna skont il-paragrafu preċedenti għandhom jinżammu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal finijiet ta’ arkivjar.
Artikolu 5
Aspetti tekniċi
1. Ix-xandir jiġi żgurat mid-dipartimenti kompetenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ sistema sigura ġestita jew użata minnha.
2. Ix-xandir ikun aċċessibbli għal kull utent tas-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni minn qabel.
Artikolu 6
Natura tax-xandira u kundizzjonijiet għall-użu tar-reġistrazzjonijiet tal-video
1. Ix-xandira ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali, tal-għoti ta’ sentenza jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tikkostitwixxi, fl-ebda każ, att awtentiku.
2. L-interpretazzjoni simultanja tat-trattazzjoni matul seduta għas-sottomissjonijiet orali, disponibbli skont il-ħtiġijiet, hija intiża li tiffaċilita l-komunikazzjoni matul tali seduta u ma tikkostitwixxix rapport uffiċjali tat-trattazzjoni. Huwa biss dak li jintqal fl-awla li huwa awtentiku.
3. Id-drittijiet kollha ta’ riproduzzjoni ta’ reġistrazzjonijiet bil-video li jsiru disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huma rriżervati. Għalhekk huwa pprojbit li tiġi rreġistrata, maħżuna jew imniżżla seduta tal-Qorti Ġenerali għas-sottomissjonijiet orali, tal-għoti ta’ sentenza jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet li tkun is-suġġett ta’ xandira, fi kwalunkwe forma, kollha kemm hi jew parzjalment, kemm jekk immaġini jew awdjo, inkluż l-awdjo tad-diversi stazzjonijiet ta’ interpretazzjoni. Huwa pprojbit ukoll ix-xandir mill-ġdid ta’ seduta tal-Qorti Ġenerali għas-sottomissjonijiet orali, tal-għoti ta’ sentenza jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet, fi kwalunkwe forma tkun xi tkun, kollha kemm hi, jew parzjalment.
Artikolu 7
Protezzjoni tad-data personali
1. Il-mekkaniżmi interni ta’ superviżjoni fil-qasam tal-ipproċessar tad-data personali mwettaq fil-kuntest tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Qorti Ġenerali japplikaw għall-miżuri adottati sabiex jiġi implimentat ix-xandir.
2. Il-parteċipanti f’seduta tal-Qorti Ġenerali li tkun is-suġġett ta’ xandir għandhom jiġu debitament informati b’din ix-xandira. Għandhom jittieħdu miżuri, fl-awla, sabiex jiġi mminimizzat il-ġbir ta’ immaġini u ta’ data personali. Ċerti siġġijiet, debitament identifikati, jiġu għalhekk esklużi mill-kamp viżiv tal-kameras.
Artikolu 8
Tħassir
Din id-deċiżjoni tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Frar 2025 dwar ix-xandir tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet skont l-Artikoli 110a(8) u 219(8) tar-Regoli tal-Proċedura
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ April 2026.
Ir-Reġistratur
V. DI BUCCI
Il-President
M. VAN DER WOUDE
(1) Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2015 (ĠU L 105, 23.4.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2015/423/oj), emendati fl-10 ta’ Lulju 2024 (ĠU L, 2024/2095, 12.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_internal/2024/2095/oj ); rettifikati fil-ĠU L, 2024/90835, 23.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_internal/2024/2095/corrigendum/2024-12-23/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Frar 2025 dwar ix-xandir tal-għoti ta’ sentenzi jew tal-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet skont l-Artikoli 110a(8) u 219(8) tar-Regoli tal-Proċedura (ĠU L, 2025/436, 3.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/436/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2026/1349/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)