European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1327

17.6.2026

TRADUZZJONI

Konvenzjoni li tistabbilixxi Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet għall-Ukrajna

IL-FIRMATARJI TA’ DIN IL-KONVENZJONI,

FILWAQT LI JFAKKRU fl-obbligi tal-Istati kollha skont l-Artikolu 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż l-obbligu li, fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, iżommu lura milli jheddu jew jużaw il-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta’ kwalunkwe Stat, jew bi kwalunkwe mod ieħor li ma jkunx konsistenti mal-iskopijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, u li jsolvu t-tilwim internazzjonali tagħhom b’mezzi paċifiċi;

FILWAQT LI JESPRIMU tħassib serju dwar it-telf ta’ ħajjiet, l-ispostament ċivili, il-qerda katastrofika tal-infrastruttura u r-riżorsi naturali, it-telf ta’ proprjetà pubblika u privata, u d-diżastri ekonomiċi kkawżati mill-aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna;

FILWAQT LI JŻOMMU f’moħħhom l-importanza li tinżamm u tissaħħaħ il-paċi internazzjonali msejsa fuq il-libertà, l-ugwaljanza, il-ġustizzja, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u li jiġu żviluppati relazzjonijiet ta’ ħbiberija fost in-nazzjonijiet irrispettivament mis-sistemi politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom jew mil-livelli tal-iżvilupp tagħhom;

FILWAQT LI JFAKKRU fir-Riżoluzzjoni ES-11/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-2 ta’ Marzu 2022, intitolata “Aggression against Ukraine”, li fiha l-Assemblea Ġenerali ddeplorat bl-aktar mod qawwi l-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

FILWAQT LI JFAKKRU fl-Artikoli tal-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Illegali Internazzjonalment u l-obbligu tal-Istat responsabbli li jagħmel riparazzjoni sħiħa għad-dannu kkawżat mill-att illegali internazzjonali;

FILWAQT LI JFAKKRU fir-Riżoluzzjoni 60/147 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-16 ta’ Diċembru 2005, li fiha l-Assemblea Ġenerali adottat il-Prinċipji u l-Linji Gwida Bażiċi dwar id-Dritt għal Rimedju u Reparazzjoni għall-Vittmi ta’ Ksur Gross tal-Liġi Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u Ksur Serju tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali;

FILWAQT LI JFAKKRU fir-Riżoluzzjoni ES-11/5 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-14 ta’ Novembru 2022, intitolata “Furtherance of remedy and reparation for aggression against Ukraine”, li fiha l-Assemblea Ġenerali rrikonoxxiet li l-Federazzjoni Russa trid tinżamm responsabbli għal kwalunkwe ksur tad-dritt internazzjonali fl-Ukrajna jew kontriha, inkluża l-aggressjoni tagħha bi ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll kwalunkwe ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

FILWAQT LI JFAKKRU fir-Riżoluzzjoni ES-11/5, l-Assemblea Ġenerali irrikonoxxiet ulterjorment li l-Federazzjoni Russa trid iġġarrab il-konsegwenzi legali tal-atti illegali kollha tagħha fuq livell internazzjonali, inkluż l-għoti ta’ kumpens għall-korriment, inkluż kwalunkwe dannu, ikkawżat minn tali atti;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Assemblea Ġenerali rrikonoxxiet ukoll il-ħtieġa għall-istabbiliment, f’kooperazzjoni mal-Ukrajna, ta’ mekkaniżmu internazzjonali għal riparazzjoni għal dannu, telf jew korriment, u li jirriżultaw minn atti internazzjonalment illegali tal-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna jew kontriha;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Assemblea Ġenerali rrakkomandat il-ħolqien mill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Ukrajna, ta’ reġistru internazzjonali tad-danni biex iservi bħala rekord, f’forma dokumentarja, ta’ evidenza u informazzjoni dwar talbiet dwar dannu, telf, jew korriment lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha kkonċernati, kif ukoll lill-Istat tal-Ukrajna, ikkawżati minn atti internazzjonalment illegali tal-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna jew kontriha, kif ukoll biex jippromwovu u jikkoordinaw il-ġbir tal-evidenza;

FILWAQT LI JILQGĦU l-ħolqien tar-Reġistru tad-Danni Kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna permezz tar-Riżoluzzjoni CM/Res(2023)3 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-12 ta’ Mejju 2023 li tistabbilixxi l-Ftehim Parzjali Estiż dwar ir-Reġistru tad-Danni Kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna kif ikkonfermat mir-Riżoluzzjoni CM/Res(2025)3 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tad-9 ta’ Lulju 2025;

FILWAQT LI JINNOTAW ukoll li r-Reġistru tad-Danni Kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna huwa operazzjonali u jirċievi, jipproċessa u jirreġistra talbiet f’konformità mal-Istatut tiegħu;

FILWAQT LI JFAKKRU fl-Istatut tar-Reġistru tad-Danni Kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, li jistipula li l-ħidma tar-Reġistru, inkluż il-pjattaforma diġitali tiegħu bid-data kollha dwar it-talbiet u l-evidenza rreġistrata fih, hija maħsuba biex tikkostitwixxi l-ewwel komponent ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens internazzjonali futur li għandu jiġi stabbilit minn strument internazzjonali separat f’kooperazzjoni mal-Ukrajna;

FILWAQT LI JINNUTAW li din il-Konvenzjoni hija tali strument internazzjonali u li tistabbilixxi l-Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet għall-Ukrajna, li tikkostitwixxi t-tieni komponent tal-mekkaniżmu ta’ kumpens internazzjonali li jista’ jinkludi wkoll, bħala t-tielet komponent, fond ta’ kumpens futur li għandu l-mandat li jħallas kumpens għal dannu, telf, jew korriment ikkawżat mill-atti internazzjonalment illegali tal-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna jew kontriha;

FILWAQT LI JINNUTAW li filwaqt li din il-Konvenzjoni tindirizza atti internazzjonalment illegali mwettqa mill-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna jew kontriha fl-24 ta’ Frar 2022 jew wara, din ma teħlisx lill-Federazzjoni Russa minn kwalunkwe responsabbiltà għall-atti internazzjonalment illegali tagħha mwettqa fl-Ukrajna jew kontriha fl-20 ta’ Frar 2014 jew wara, u lanqas ma tipprekludi l-possibbiltà ta’ emenda futura għal din il-Konvenzjoni biex tippermetti li l-kamp ta’ applikazzjoni temporali tagħha jiġi estiż sal-20 ta’ Frar 2014;

FILWAQT LI JIMPENJAW ruħhom li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni f’konformità mal-liġi internazzjonali;

QABLU DWAR din il-Konvenzjoni Miftuħa tal-Kunsill tal-Ewropa kif ġej:

PART I

UŻU TAT-TERMINI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

(a)

“Assemblea” għandha tfisser l-Assemblea tal-Membri tal-Kummissjoni stabbilita f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni;

(b)

“Talbiet” skont it-tifsira tal-Artikolu 3 ta’ din il-Konvenzjoni għandha tfisser talbiet sottomessi lir-Reġistru tad-Danni Kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna f’konformità mar-regoli tagħha u, wara t-trasferiment tax-xogħol tar-Reġistru lill-Kummissjoni skont il-Parti VII ta’ din il-Konvenzjoni, it-talbiet sottomessi f’konformità mar-regoli u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 25 ta’ din il-Konvenzjoni;

(c)

“Kummissjoni” għandha tfisser il-Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet għall-Ukrajna stabbilita b’din il-Konvenzjoni;

(d)

“Kummissarju” għandha tfisser individwu maħtur bħala membru ta’ Panel f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ din il-Konvenzjoni;

(e)

“Kunsill” għandha tfisser l-Kunsill tal-Kummissjoni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ din il-Konvenzjoni;

(f)

“Direttur Eżekuttiv” għandha tfisser d-Direttur Eżekuttiv tal-Kummissjoni maħtur f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ din il-Konvenzjoni;

(g)

“Kumitat Finanzjarju” għandha tfisser il-Kumitat Finanzjarju tal-Kummissjoni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 8 ta’ din il-Konvenzjoni;

(h)

“Kontributur maġġuri” għandha tfisser kwalunkwe Membru li, fi kwalunkwe sena finanzjarja, jikkontribwixxi l-ogħla livell ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji għall-baġit tal-Kummissjoni abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-Riżoluzzjoni (94) 31 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tal-4 ta’ Novembru 1994;

(i)

“Membru” għandha tfisser kwalunkwe Stat jew Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni li saret Membru tal-Kummissjoni billi saret Parti għal din il-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikoli 27, 28, 30, jew 31 ta’ din il-Konvenzjoni;

(j)

“Osservatur” għandha tfisser kwalunkwe Stat, Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni, jew organizzazzjoni internazzjonali li tkun saret Osservatur tal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 27(2) ta’ din il-Konvenzjoni;

(k)

“Panel” għandha tfisser Panel ta’ Kummissarji stabbilit f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ din il-Konvenzjoni;

(l)

“Organizzazzjoni ta’ Integrazzjoni Reġjonali” għandha tfisser organizzazzjoni kostitwita minn Stati sovrani ta’ reġjun partikolari, li lilha l-Istati membri tagħha ttrasferew il-kompetenza fir-rigward ta’ materji rregolati minn din il-Konvenzjoni;

(m)

“Reġistru tad-Danni Kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna” jew “Reġistru” għandha tfisser ir-Reġistru tad-Danni Kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna stabbilit permezz tar-RiżoluzzjoniCM/Res(2023)3 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-12 ta’ Mejju 2023, kif ikkonfermat mir-Riżoluzzjoni tal-KumitatCM/Res(2025)3 tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tad-9 ta’ Lulju 2025;

(n)

“Regoli u Regolamenti” għandha tfisser ir-regoli u r-regolamenti li jirregolaw il-ħidma tal-Kummissjoni adottati mill-Kunsill f’konformità mas-subparagrafu 2(c) tal-Artikolu 10 ta’ din il-Konvenzjoni u approvati mill-Assemblea f’konformità mas-subparagrafu 4(c) tal-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni;

(o)

“Segretarjat” għandha tfisser is-Segretarjat tal-Kummissjoni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ din il-Konvenzjoni.

PARTI II

STABBILIMENT, MANDAT, U FUNZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI GĦAT-TALBIET INTERNAZZJONALI GĦALL-UKRAJNA

Artikolu 2

Stabbiliment tal-Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet għall-Ukrajna

Il-Kummissjoni Internazzjonali għat-Talbiet għall-Ukrajna hija b’dan stabbilita bħala korp indipendenti fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Artikolu 3

Mandat u Funzjonijiet tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun korp amministrattiv li jiddeċiedi Talbiet għal kumpens għal dannu, telf, jew korriment ikkawżat minn atti internazzjonalment illegali mwettqa mill-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna jew kontriha, inkluż l-aggressjoni tagħha bi ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll kwalunkwe ksur mill-Federazzjoni Russa tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem:

(a)

fl-24 ta’ Frar 2022 jew wara;

(b)

i.

fit-territorju tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, li jinkludi l-art, l-ispazju tal-ajru, l-ilmijiet interni, u l-baħar territorjali tagħha;

ii.

fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Ukrajna u fuq il-blata kontinentali tagħha, f’konformità mad-dritt internazzjonali u, kif applikabbli, mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Ukrajna; jew

iii.

għal kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Ukrajna; u

(c)

għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha kkonċernati, kif ukoll għall-Istat tal-Ukrajna, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħha u l-entitajiet tal-Istat jew ikkontrollati mill-Istat.

2.   Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, il-mandat tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 ta’ hawn fuq għandu jfisser li l-Kummissjoni għandha tirreżamina, tivvaluta, u tiddeċiedi dwar Talbiet u tistabbilixxi kwalunkwe ammont ta’ kumpens dovut f’kull każ.

3.   Il-Kummissjoni għandha tindirizza l-kwistjonijiet amministrattivi, finanzjarji, proċedurali, fattwali, legali u ta’ politika kollha kif meħtieġ biex jiġu deċiżi t-Talbiet u jiġi stabbilit kwalunkwe ammont ta’ kumpens dovut f’kull każ.

4.   Il-Kummissjoni għandha taħdem fuq il-bażi li l-Federazzjoni Russa, skont id-dritt internazzjonali, hija responsabbli għal kull dannu, telf jew korriment ikkawżat mill-atti internazzjonalment illegali tagħha fl-Ukrajna jew kontriha f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ hawn fuq.

5.   Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż dwar l-ammonti ta’ kumpens determinati u mogħtija f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, għandhom ikunu finali. Id-deċiżjonijiet dwar l-ammonti ta’ kumpens għandhom jirriflettu valutazzjoni ekwa u ġusta u determinazzjoni tal-valur ta’ Talba.

6.   Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom, sa fejn jikkonċerna l-operat tal-Kummissjoni, jitqiesu mill-Membri kollha tal-Kummissjoni bħala li finalment isolvu l-kwistjonijiet fattwali u legali kollha fir-rigward ta’ Talba.

PARTI III

STATUS LEGALI U SEDE

Artikolu 4

Personalità Ġuridika

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha personalità ġuridika internazzjonali.

2.   Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tgawdi l-kapaċità ġuridika meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, għat-twettiq tal-mandat tagħha, u għall-protezzjoni tal-interessi tagħha, b’mod partikolari l-kapaċità li tidħol fi ftehimiet, li takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli, u li tibda proċedimenti legali.

Artikolu 5

Sede

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-sede tagħha fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet għal din il-Konvenzjoni.

2.   L-istatus u l-operat tal-Kummissjoni fl-Istat ospitanti għandhom ikunu rregolati minn ftehim tal-Istat ospitanti konkluż bejn l-Istat ospitanti u l-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha uffiċċju fl-Ukrajna bl-għan li tassisti lill-Assemblea, lill-Kunsill u lill-Bordijiet fil-funzjonijiet tagħhom.

4.   Il-Kummissjoni għandha tidħol f’arranġamenti u/jew ftehimiet mal-Ukrajna li għandhom jirregolaw l-istatus u l-operat tal-uffiċċju tal-Kummissjoni fl-Ukrajna.

5.   L-Assemblea tista’ tiddeċiedi li tistabbilixxi uffiċċji tal-Kummissjoni fi kwalunkwe Stat ieħor soġġett għall-kunsens ta’ tali Stat.

Artikolu 6

Privileġġi u Immunitajiet

1.   Il-Kummissjoni, inkluż l-uffiċċju tagħha fl-Ukrajna u kwalunkwe uffiċċju fi Stati oħra, għandha tgawdi fit-territorju ta’ kull Stat li huwa Membru dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li huma meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha u għat-twettiq tal-mandat tagħha.

2.   L-Istati Membri għandhom, fit-territorju tagħhom, japplikaw ir-regoli stabbiliti fil-Ftehim Ġenerali dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-Kummissjoni, l-uffiċċji tagħha, id-Direttur Eżekuttiv, membri oħra tas-Segretarjat, u esperti ingaġġati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari:

(a)

l-Artikoli 3 sa 7 tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa, fir-rigward tal-Kummissjoni, inklużi l-uffiċċji, il-proprjetà u l-assi tagħha;

(b)

l-Artikolu 18 tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa, fir-rigward tad-Direttur Eżekuttiv u membri oħra tas-Segretarjat;

(c)

l-Artikolu 18(a) u (e) tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-esperti ingaġġati mill-Kummissjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom, fit-territorju tagħhom, japplikaw l-istess privileġġi u immunitajiet kif previst fl-Artikolu 16 tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-Kummissarji meta jkunu involuti fin-negozju tal-Kummissjoni.

4.   Ir-rappreżentanti tal-Membri fl-organi tal-Kummissjoni, il-Kummissarji, id-Direttur Eżekuttiv, il-membri l-oħra tas-Segretarjat, u l-esperti ingaġġati mill-Kummissjoni għandhom, fit-territorju ta’ kull Stat Membru, jingħataw immunità minn proċess legali ta’ kull tip fir-rigward ta’ kliem mitkellem jew miktub u atti mwettqa minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, u għandhom, wara l-iskadenza tal-mandat tagħhom, ikomplu jingħataw tali immunità.

5.   Kwalunkwe Stat Membru jista’, permezz ta’ notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, jiddikjara li l-ebda immunità minn proċess legali mogħtija lil persuna permezz tal-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ hawn fuq ma għandha tapplika fil-każ ta’ reat kontra r-regolamenti dwar it-traffiku ta’ vetturi bil-mutur imwettaq minn tali persuna, jew f’każ ta’ ħsara kkawżata minn vettura bil-mutur li tappartjeni lil jew li hija misjuqa minn tali persuna.

6.   Il-privileġġi u l-immunitajiet ta’:

(a)

il-Kummissarji jistgħu jiġu mneħħija mill-Assemblea;

(b)

id-Direttur Eżekuttiv, membri oħra tas-Segretarjat, u esperti ingaġġati mill-Kummissjoni jistgħu jiġu mneħħija mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

7.   L-immunità skont is-subparagrafu 2(a) hawn fuq tista’ titneħħa mill-Assemblea. Tali tneħħija tal-immunità ma għandhiex testendi għal kwalunkwe miżura ta’ eżekuzzjoni fi, jew konfiska ta’, proprjetà tal-Kummissjoni, inkluża l-pjattaforma diġitali tagħha u d-data kollha dwar Talbiet u evidenza, li għaliha tenħtieġ rinunzja separata mill-Assemblea.

8.   Fil-każ ta’ denunzja minn xi Membru jew terminazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, il-Membri għandhom ikomplu jagħtu l-immunitajiet imsemmija f’dan l-artikolu.

PARTI IV

STRUTTURA ORGANIZZAZZJONALI

Artikolu 7

Assemblea

1.   L-Assemblea għandha tkun komposta mill-Membri kollha tal-Kummissjoni.

2.   L-Assemblea għandha tiltaqa’ fis-sede tal-Kummissjoni sakemm l-Assemblea ma tiddeċidix mod ieħor. L-ewwel laqgħa tal-Assemblea għandha tissejjaħ mid-depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni fi żmien sena wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

3.   L-Assemblea għandha teleġġi President u żewġ Viċi Presidenti għal perjodu ta’ tliet snin. Il-President tal-Assemblea, jew, fin-nuqqas tal-President, wieħed mill-Viċi Presidenti, għandu jmexxi l-proċedimenti tal-Assemblea u jwettaq dmirijiet oħra f’konformità mar-regoli ta’ proċedura adottati mill-Assemblea.

4.   L-Assemblea għandha:

(a)

ikollha responsabbiltà ġenerali għat-twettiq tal-mandat tal-Kummissjoni u tissorvelja l-ħidma tal-korpi tal-Kummissjoni;

(b)

tirrakkomanda lill-Membri, lill-korpi tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-organi sussidjarji kif imsemmi fis-subparagrafu (i) hawn taħt, miżuri biex javvanzaw l-għanijiet tal-Kummissjoni;

(c)

tapprova r-regoli u r-regolamenti li jirregolaw il-ħidma tal-Kummissjoni adottati mill-Kunsill f’konformità mas-subparagrafu 2(c) tal-Artikolu 10 ta’ din il-Konvenzjoni;

(d)

tiddetermina membri tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ din il-Konvenzjoni;

(e)

tapprova r-roster ta’ kandidati biex iservu bħala Kummissarji u taġġorna tali roster mill-inqas darba fis-sena;

(f)

fl-ewwel laqgħa tagħha, u sussegwentement kif meħtieġ, teleġġi d-Direttur Eżekuttiv tal-Kummissjoni għall-ħatra mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa;

(g)

tawtorizza lid-Direttur Eżekuttiv biex jeżegwixxi t-trasferiment tar-Reġistru lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 24 u 25 ta’ din il-Konvenzjoni fi żmien li l-Assemblea tqis xieraq, filwaqt li jqis il-konsegwenzi għall-kontribuzzjonijiet annwali vvalutati tal-Membri;

(h)

fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, tawtorizza lill-Kunsill jistabbilixxi Bordijiet u jaħtar il-Kummissarji meħtieġa fi żmien li l-Assemblea tqis xieraq, filwaqt li jqis il-konsegwenzi għall-kontribuzzjonijiet annwali vvalutati tal-Membri;

(i)

fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill u/jew tad-Direttur Eżekuttiv, tistabbilixxi kwalunkwe organu sussidjarju meħtieġ għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Kummissjoni;

(j)

tadotta l-iskala annwali tal-kontribuzzjonijiet;

(k)

tadotta l-baġit annwali tal-Kummissjoni;

(l)

tadotta r-rapport finanzjarju annwali tal-Kummissjoni;

(m)

tadotta r-rapport annwali tal-attività tal-Kummissjoni; u

(n)

twettaq kwalunkwe funzjoni oħra mogħtija lilha minn din il-Konvenzjoni u kwalunkwe funzjoni oħra meħtieġa għat-twettiq tal-mandat tal-Kummissjoni li mhijiex vestita minn din il-Konvenzjoni fil-Kunsill, fil-Bordijiet tal-Kummissarji, fid-Direttur Eżekuttiv, jew fis-Segretarjat. L-Assemblea tista’ tiddelega xi wħud minn dawn il-funzjonijiet l-oħra jew kollha kemm huma lill-Kunsill.

5.   L-Assemblea għandha tiltaqa’ kemm ikun meħtieġ, iżda mill-inqas darba fis-sena. L-Assemblea għandha tiltaqa’ meta tiddeċiedi hekk, meta tintalab mill-Kunsill, jew meta tintalab minn kwalunkwe Membru jekk tali talba tkun appoġġjata minn terz tal-Membri. Il-President għandu jkollu d-dritt li jsejjaħ laqgħat straordinarji tal-Assemblea f’każ ta’ ħtieġa urġenti. Soġġett għall-paragrafu 6 hawn taħt, il-preżenza ta’ maġġoranza tal-Membri kollha hija meħtieġa għal kwalunkwe teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Assemblea.

6.   L-Assemblea tista’ teżerċita t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha permezz ta’ proċedura bil-miktub u b’mezzi elettroniċi kif stabbilit fir-regoli ta’ proċedura tal-Assemblea.

7.   L-Assemblea tista’ tistabbilixxi kumitati konsultattivi biex jassistu fil-ħidma tagħha f’oqsma speċifiċi ta’ rilevanza għall-Assemblea jew għall-Kummissjoni kollha kemm hi.

8.   L-Assemblea għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha stess u kwalunkwe regola jew arranġament ieħor meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tagħha.

9.   Is-Segretarjat għandu jservi bħala s-segretarjat tal-Assemblea.

Artikolu 8

Kumitat Finanzjarju

1.   L-Assemblea għandha tistabbilixxi l-Kumitat Finanzjarju bħala organu sussidjarju tal-Assemblea. Il-Kumitat Finanzjarju għandu:

(a)

jiddetermina l-kontribuzzjonijiet annwali stmati tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 23(3) ta’ din il-Konvenzjoni;

(b)

jipprovdi pariri lis-Segretarjat fit-tħejjija tal-baġit tal-Kummissjoni;

(c)

jirreżamina l-abbozz tal-baġit tal-Kummissjoni għas-sena ta’ wara, kif imħejji mis-Segretarjat, u jirrapporta lill-Assemblea;

(d)

jirreżamina u jawtorizza l-aċċettazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet minn entitajiet li mhumiex Membri u Osservaturi f’konformità mal-Artikolu 23(4) ta’ din il-Konvenzjoni;

(e)

jipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Assemblea relatati ma’ kwistjonijiet finanzjarji rilevanti oħra; u

(f)

jwettaq kwalunkwe kompitu ieħor relatat ma’ kwistjonijiet finanzjarji assenjati lilu mill-Assemblea.

2.   Il-Kumitat Finanzjarju għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta’:

(a)

il-membri kollha li huma l-Kontributuri Ewlenin għall-baġit tal-Kummissjoni;

(b)

Membri u Osservaturi oħra li jikkontribwixxu għall-baġit tal-Kummissjoni ammont mill-inqas ugwali għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-Kontributuri Kbar matul is-sena finanzjarja li għaliha jkunu għamlu tali kontribuzzjoni;

(c)

Membri oħra eletti mill-Assemblea.

3.   L-Assemblea għandha tistabbilixxi n-numru ta’ Membri u ta’ Osservaturi skont is-subparagrafi 2(b) u 2(c) hawn fuq. L-Assemblea għandha tirreżamina dawn in-numri kull sena. L-għadd ta’ Osservaturi ma għandux ikun ogħla min-numru ta’ Membri.

4.   F’każ li l-Kummissjoni tirċievi biżżejjed fondi kompletament minn sorsi oħra għajr il-kontribuzzjonijiet ivvalutati biex tissodisfa l-ħtiġijiet baġitarji tagħha, il-Kumitat Finanzjarju għandu jkun magħmul biss minn rappreżentanti tal-Membri eletti mill-Assemblea.

5.   Il-Kumitat Finanzjarju għandu jipprova jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' kunsens. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din il-Konvenzjoni, fejn ikunu ġew eżawriti l-isforzi biex jintlaħaq kunsens, il-Kumitat Finanzjarju għandu jadotta deċiżjonijiet b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, b’kull membru tal-Kumitat Finanzjarju jkollu vot wieħed. Il-preżenza ta’ maġġoranza tal-membri tal-Kumitat Finanzjarju hija meħtieġa għal kwalunkwe teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Finanzjarju.

6.   Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet proċedurali għandhom jiġu adottati b’maġġoranza tal-voti mitfugħa. Jekk ikun hemm dubju jew inċertezza dwar jekk il-kwistjoni hijiex proċedurali, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-paragrafu 5 hawn fuq.

7.   Il-Kumitat Finanzjarju għandu jiltaqa’ kif meħtieġ u jirrapporta lill-Assemblea. Il-Kumitat Finanzjarju jista’ jistieden Membri, Osservaturi, u Stati u entitajiet oħra li jkunu appoġġaw lill-Kummissjoni finanzjarjament matul il-perjodu ta’ rapportar rilevanti biex ikunu preżenti matul il-laqgħat tal-Kumitat Finanzjarju.

8.   Is-Segretarjat għandu jipprovdi l-appoġġ amministrattiv meħtieġ lill-Kumitat Finanzjarju.

Artikolu 9

Votazzjoni fl-Assemblea

1.   Sakemm ma jkunx speċifikament meħtieġ limitu differenti minn din il-Konvenzjoni, l-Assemblea għandha tadotta d-deċiżjonijiet tagħha b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa.

2.   Id-deċiżjonijiet skont is-subparagrafi 4(g) u 4(h) tal-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni għandhom jiġu adottati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, inklużi l-voti affermattivi tal-Kontributuri Maġġuri kollha.

3.   Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet proċedurali għandhom jiġu adottati b’maġġoranza tal-voti mitfugħa. Jekk ikun hemm dubju jew inċertezza dwar jekk il-kwistjoni hijiex proċedurali, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-paragrafu 1 hawn fuq.

4.   Kull Membru għandu jkollu vot wieħed fl-Assemblea.

Artikolu 10

Kunsill

1.   Il-kompożizzjoni tal-Kunsill għandha tiġi stabbilita kif ġej:

(a)

Il-Kunsill għandu jkun magħmul minn minimu ta’ disa’ Membri u massimu ta’ ħmistax-il Membru. Sakemm l-Assemblea ma tiddeċidix mod ieħor, il-membri tal-Kunsill għandhom iservu għal perjodu ta’ 3 snin fuq bażi ta’ rotazzjoni. L-Assemblea għandha tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Kunsill minn lista ta’ Membri li jkunu esprimew interess li jservu fil-Kunsill, fl-ordni li fiha jsiru Membri.

(b)

L-Assemblea għandha tistabbilixxi l-ewwel disa’ Membri li jiffurmaw il-Kunsill fl-ewwel laqgħa tagħha jew malajr kemm jista’ jkun wara.

(c)

L-Assemblea għandha tistabbilixxi tliet membri addizzjonali tal-Kunsill fil-laqgħa wara d-depożitu tat-tletin strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, jew approvazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jew adeżjoni għal din il-Konvenzjoni, u tliet membri addizzjonali wara d-depożitu tal-erbgħin strument bħal dan.

(d)

Meta l-Ukrajna u/jew il-Federazzjoni Russa jkunu membri tal-Kunsill f’konformità mar-regoli tas-subparagrafu (a) ta’ hawn fuq, huma għandhom jastjenu milli jivvutaw skont is-subparagrafi 2(b), 2(c)(ii) sa (v), u 2(d) hawn taħt. Meta l-Ukrajna u/jew il-Federazzjoni Russa jkunu Membri, iżda mhux membri tal-Kunsill, huma għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kunsill bid-dritt li jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom, iżda mingħajr id-dritt tal-vot.

(e)

L-Assemblea għandha tadotta r-regoli li jirregolaw ir-rotazzjoni tas-sħubija fil-Kunsill f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, inkluż l-iżgurar tal-kontinwità mar-rotazzjoni tas-sħubija.

2.   Il-Kunsill għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni:

(a)

ikun responsabbli għall-eżerċizzju tal-mandat tal-Kummissjoni;

(b)

jaħtar il-Kummissarji mir-roster ta’ kandidati approvati mill-Assemblea f’konformità mas-subparagrafu 4(e) tal-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni u jistabbilixxi Bordijiet f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ din il-Konvenzjoni;

(c)

jadotta r-regoli u r-regolamenti li jirregolaw il-ħidma tal-Kummissjoni, li sussegwentement għandhom jiġu approvati mill-Assemblea, inkluż fir-rigward tad-determinazzjoni ta’:

i.

regoli u proċeduri għall-ħatra tal-Kummissarji u t-tneħħija tagħhom mill-Bordijiet;

ii.

regoli u proċeduri għas-sottomissjoni, ir-rieżami, il-valutazzjoni, u d-deċiżjoni ta’ Talbiet, u għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ kumpens dovut f’kull każ;

iii.

standards u rekwiżiti għall-evidenza;

iv.

regoli għall-evalwazzjoni ta’ ħsara, telf jew korriment;

v.

standards u approċċi għall-kumpens;

vi.

proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet ikkontestati;

vii.

l-ordni ta’ prijorità għar-rieżami, il-valutazzjoni u d-deċiżjoni tat-Talbiet;

viii.

ir-regoli u l-proċeduri meħtieġa għall-kontinwazzjoni tax-xogħol tar-Reġistru fi ħdan il-qafas tal-Kummissjoni; u

ix.

kwistjonijiet oħra fil-kompetenza tal-Kunsill;

(d)

ikollu l-awtorità li jadotta jew jibgħat ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bordijiet għal deċiżjonijiet fir-rigward tal-ammonti ta’ kumpens dovuti għal Talbiet ikkunsidrati mill-Bordijiet, kif ukoll fir-rigward tal-bażi legali u fattwali tar-rakkomandazzjonijiet, soġġett għall-Artikoli 17 u 18 ta’ din il-Konvenzjoni; u

(e)

iwettaq kwalunkwe funzjoni oħra delegata lilu mill-Assemblea.

3.   Il-Kunsill għandu jiltaqa’ regolarment sabiex jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Bordijiet għal deċiżjonijiet fir-rigward ta’ Talbiet ikkunsidrati u biex jieħu kwalunkwe deċiżjoni oħra meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu. Is-Segretarjat jista’ jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill f’kapaċità konsultattiva.

4.   Il-Kunsill għandu jipprova jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ kunsens. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din il-Konvenzjoni, fejn ikunu ġew eżawriti l-isforzi biex jintlaħaq kunsens, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, b’kull membru tal-Kunsill ikollu vot wieħed. Soġġett għall-paragrafu 5 hawn taħt, il-preżenza ta’ maġġoranza ta’ membri tal-Kunsill hija meħtieġa għal kwalunkwe teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill.

5.   Il-Kunsill jista’ jeżerċita t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ proċedura bil-miktub u b’mezzi elettroniċi kif stabbilit fir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

6.   Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet proċedurali għandhom jiġu adottati b’maġġoranza tal-voti mitfugħa. Jekk ikun hemm dubju jew inċertezza dwar jekk il-kwistjoni hijiex proċedurali, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-paragrafu 4 hawn fuq.

7.   Il-Kunsill għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u kwalunkwe arranġament ieħor meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu. Il-Kunsill għandu jeleġġi President u Viċi President wieħed jew tnejn minn fost il-membri tiegħu għal mandati ta’ sena bil-possibbiltà li jerġgħu jiġu eletti.

8.   Il-Kunsill għandu jipprovdi rapporti lill-Assemblea darbtejn fis-sena. Tali rapporti għandhom jinkludu l-għadd ta’ Talbiet ikkunsidrati mill-Kunsill u l-ammont totali ta’ kumpens mogħti f’kull kategorija, kif ukoll sommarju ta’ kwalunkwe kwistjoni fattwali jew legali sinifikanti oħra rilevanti għall-ħidma tal-Kummissjoni.

Artikolu 11

Kummissarji

1.   Il-ħatra tal-Kummissarji għandha ssir fuq bażi inklużiva, filwaqt li titqies il-ħtieġa ta’ indipendenza, imparzjalità, integrità, karattru morali għoli, esperjenza, għarfien espert multidixxiplinari professjonali, rappreżentanza ġeografika wiesgħa, u bilanċ bejn il-ġeneri. Il-Kummissarji għandhom ikunu esperti f’oqsma bħad-dritt internazzjonali, is-soluzzjoni tat-tilwim, il-finanzi, il-kontabbiltà, l-assigurazzjoni, jew il-valutazzjoni tal-ħsara. Il-Kunsill jista’ jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għall-ħatra ta’ Kummissarji biex jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi tal-Bordijiet.

2.   Il-kandidati għall-Kummissarji jistgħu jiġu nnominati mill-Membri. Il-kandidati jistgħu japplikaw ukoll direttament biex iservu bħala Kummissarji. Is-Segretarjat għandu jorganizza l-proċess ta’ nomina u applikazzjoni, jiskrinja l-kandidati, u joħloq roster ta’ kandidati eliġibbli biex iservu bħala Kummissarji.

3.   Is-Segretarjat għandu jissottometti r-roster tal-kandidati lill-Assemblea għall-approvazzjoni. Is-Segretarjat għandu jippreżenta roster aġġornat lill-Assemblea għall-approvazzjoni tagħha kull sena, jew kif mitlub mill-Assemblea jew mill-Kunsill.

4.   Il-kandidati ma jistgħux jiġu skwalifikati biss abbażi tan-nazzjonalità tagħhom.

5.   It-termini tal-ingaġġ tal-Kummissarji, inkluża r-remunerazzjoni tagħhom, għandhom jiġu ddeterminati mill-Kunsill.

6.   Il-Kummissarji għandhom ikunu preżenti fil-kapaċità individwali tagħhom u jkunu disponibbli biex iwettqu dmirijiethom b’mod effettiv.

Artikolu 12

Bordijiet

1.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi bordijiet biex jirrieżaminaw u jivvalutaw it-Talbiet u biex jiddeterminaw kwalunkwe ammont ta’ kumpens dovut f’kull każ. Huma għandhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet għal deċiżjonijiet lill-Kunsill għall-adozzjoni.

2.   Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tas-Segretarjat, u filwaqt li jqis kunsiderazzjonijiet ta’ effiċjenza, flessibbiltà u ammont ta’ xogħol, għandu jiddetermina l-għadd ta’ Bordijiet li għandhom jiġu stabbiliti kif ukoll il-mandat ta’ kull Bord.

3.   Kull Bord għandu jkun magħmul minn tliet Kummissarji maħtura għal dak il-Bord mill-Kunsill.

4.   Il-Kummissarji ta’ kull Bord għandhom, b’kunsens, jaħtru minn fosthom il-President ta’ dak il-Bord. Jekk ma jkunux jistgħu jilħqu kunsens, il-Kunsill għandu jaħtar il-President.

Artikolu 13

Segretarjat

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha Segretarjat immexxi minn Direttur Eżekuttiv.

2.   Is-Segretarjat għandu, taħt l-awtorità tad-Direttur Eżekuttiv, jipprovdi appoġġ sostantiv, tekniku u amministrattiv għall-manutenzjoni u l-funzjonament tal-Kummissjoni.

3.   Is-Segretarjat għandu jippossjedi jew jakkwista l-għarfien espert meħtieġ għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, inkluż għarfien espert suffiċjenti fil-liġi domestika rilevanti u profiċjenza fil-lingwi rilevanti.

4.   Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Kunsill tal-Ewropa u r-Regoli tal-Persunal għandhom japplikaw għas-Segretarjat. Iċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa u ċ-ċittadini tal-Membri kollha għandhom ikunu eliġibbli għall-ħatra bħala membri tal-persunal tal-Kummissjoni. L-Assemblea tista’ tidderoga aktar mir-regoli u r-regolamenti applikabbli tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż fir-rigward tan-nazzjonalità tal-persunal, jekk meta tagħmel dan tavvanza l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Kummissjoni. Tali derogi approvati għandhom jiġu kkomunikati lill-Kumitat tal-Ministri u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Artikolu 14

Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrappreżenta lill-Kummissjoni u huwa intitolat li jaġixxi f’isimha.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun intitolat li jikkonkludi kuntratti, ftehimiet u arranġamenti f’isem il-Kummissjoni. Kwalunkwe ftehim internazzjonali għandu jiġi konkluż mid-Direttur Eżekuttiv f’isem il-Kummissjoni wara approvazzjoni minn qabel mill-Assemblea. Kwalunkwe arranġament ma’ korpi nazzjonali jew internazzjonali li jipprovdi għal kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni dwar Talbiet jew evidenza għandu jiġi konkluż mid-Direttur Eżekuttiv f’isem il-Kummissjoni wara approvazzjoni minn qabel mill-Kunsill.

3.   Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jiddelega lid-Direttur Eżekuttiv dawk is-setgħat li huma meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tad-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tas-Segretarjat.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu:

(a)

jkollu ir-responsabbiltà ta’ kuljum li jissorvelja u jamministra il-ħidma tas-Segretarjat;

(b)

jiżgura appoġġ sostantiv, tekniku, amministrattiv u organizzattiv għall-ħidma tal-Assemblea, tal-Kunsill, u tal-Bordijiet, inkluż kollegament regolari u tħejjija tal-laqgħat tagħhom;

(c)

jkun responsabbli biex iressaq it-Talbiet quddiem il-Bordijiet għall-kunsiderazzjoni u jibgħat ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bordijiet lill-Kunsill;

(d)

jikkollabora ma’ korpi nazzjonali u internazzjonali rilevanti dwar diversi kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-Kummissjoni, inkluż dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw it-Talbiet u l-evidenza; u

(e)

jwettaq kwalunkwe funzjoni oħra mogħtija lid-Direttur Eżekuttiv minn din il-Konvenzjoni jew iddelegata mill-Assemblea u/jew mill-Kunsill.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi elett mill-Assemblea. Mal-elezzjoni tal-Assemblea, id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa u għandu jkun mistenni li jservi mandat ta’ 4 snin li jista’ jiġġedded.

6.   Il-membri huma mistiedna jinnominaw kandidati għall-pożizzjoni, filwaqt li jżommu f’moħħhom in-natura tat-Talbiet quddiem il-Kummissjoni.

7.   Jenħtieġ li l-kandidati jkunu individwi ta’ integrità, karattru morali għoli, esperjenza xierqa, u jkollhom kwalifiki professjonali għar-rwol.

Artikolu 15

Indipendenza

1.   Il-Kummissarji, kif ukoll id-Direttur Eżekuttiv u l-membri l-oħra tas-Segretarjat, għandhom ikunu indipendenti fil-qadi ta’ dmirijiethom.

2.   Fil-qadi ta’ dmirijiethom, il-Kummissarji, kif ukoll id-Direttur Eżekuttiv u l-membri l-oħra tas-Segretarjat, ma għandhomx ifittxu jew jaċċettaw struzzjonijiet minn xi gvern jew minn xi awtorità jew entità oħra esterna għall-Kummissjoni. Huma għandhom iżommu lura milli jieħdu xi azzjoni li tista’ tirrifletti b’mod negattiv fuq il-pożizzjoni tagħhom bħala uffiċjali internazzjonali responsabbli biss lejn il-Kummissjoni.

3.   Il-Membri kollha, kif ukoll il-Kunsill tal-Ewropa u l-korpi tiegħu, jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw il-karattru esklużivament indipendenti tar-responsabbiltajiet tal-Kummissarji, kif ukoll tad-Direttur Eżekuttiv u tal-membri l-oħra tas-Segretarjat, u li ma jfittxux li jinfluwenzawhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

4.   Il-Kummissarji, kif ukoll id-Direttur Eżekuttiv u l-membri l-oħra tas-Segretarjat, ma għandu jkollhom l-ebda interess personali jew finanzjarju fi kwalunkwe kwistjoni quddiem il-Kummissjoni. Kwalunkwe kunflitt ta’ interess għandu jiġi żvelat u ttrattat f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni.

5.   Ir-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess u l-iżvelar għall-Kummissarji, kif ukoll, kif xieraq, għad-Direttur Eżekuttiv u l-membri l-oħra tas-Segretarjat, għandhom jiġu adottati mill-Kunsill.

PARTI V

TALBIET U PROĊEDURA

Artikolu 16

Eżami ta’ Talbiet mill-Bordijiet

1.   Il-Bordijiet għandhom jeżaminaw it-Talbiet, jistabbilixxu jekk it-Talbiet humiex sostanzjati, jistabbilixxu kwalunkwe ammont ta’ kumpens dovut fir-rigward ta’ kull Talba, u jagħmlu rakkomandazzjonijiet għal deċiżjonijiet lill-Kunsill għall-adozzjoni f’konformità mar-Regoli u r-Regolamenti applikabbli.

2.   Il-Bordijiet jistgħu jitolbu lis-Segretarjat iqabbad esperti biex jassistuhom fejn ikunu meħtieġa għarfien speċjalizzat, għarfien espert jew esperjenza.

3.   L-eżami tat-Talbiet għandu jsir abbażi tar-Regoli u r-Regolamenti. Il-Bordijiet għandhom jistabbilixxu l-metodi ta’ ħidma tagħhom stess.

4.   Is-Segretarjat għandu jipprovdi assistenza amministrattiva, teknika, legali u assistenza oħra lill-Bordijiet fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom iżda ma għandux ikun involut fit-teħid tad-deċiżjonijiet finali tal-Bordijiet.

Artikolu 17

Teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Bordijiet

1.   Il-Bordijiet għandhom jipprovaw jadottaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom permezz ta’ kunsens. Meta l-isforzi biex jintlaħaq kunsens ikunu ġew eżawriti, ir-rakkomandazzjonijiet għal deċiżjonijiet għandhom jiġu adottati minn maġġoranza tal-Kummissarji fuq il-Bord. Is-Segretarjat għandu jirreġistra jekk id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ittiħdux b’kunsens jew b’maġġoranza u l-eżitu ta’ kwalunkwe votazzjoni.

2.   Ir-rakkomandazzjonijiet għad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet għandhom ikunu motivati.

Artikolu 18

Teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Bordijiet

1.   Il-Kunsill għandu jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Bordijiet fir-rigward ta’ Talbiet malajr kemm jista’ jkun wara li tali rakkomandazzjonijiet jintbagħtu lill-Kunsill. Fil-valutazzjoni tiegħu tar-rakkomandazzjonijiet, il-Kunsill għandu jsegwi r-raggruppament ta’ Talbiet, jekk ikun hemm, użat mill-Bordijiet.

2.   Wara kunsiderazzjoni sħiħa mill-Kunsill, rakkomandazzjoni għandha titqies approvata mill-Kunsill sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix, għar-raġunijiet stipulati mir-Regoli u r-Regolamenti, li jgħaddi r-rakkomandazzjoni lill-Bord, filwaqt li jipprovdi r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu flimkien ma’ kwalunkwe gwida ulterjuri, li għandha tifforma parti integrali mid-deċiżjoni tal-Kunsill.

3.   Il-Bord għandu jikkunsidra l-gwida tal-Kunsill u jagħmel rakkomandazzjoni ġdida kif xieraq.

4.   Fis-sitwazzjonijiet eċċezzjonali previsti fir-Regoli u r-Regolamenti, il-Kunsill jista’ jirreferi rakkomandazzjoni ta’ Bord lil bord ta’ rieżami ad hoc stabbilit mill-Kunsill għal dak il-għan.

5.   Il-bord ta’ rieżami ad hoc għandu jkun magħmul minn tliet Presidenti ta’ Bordijiet. L-Artikoli 16 u 17 ta’ din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għal bordijiet ta’ rieżami ad hoc u l-ħidma tagħhom.

6.   Wara kunsiderazzjoni sħiħa mill-Kunsill, ir-rakkomandazzjoni tal-bord ta’ reviżjoni ad hoc għandha titqies approvata mill-Kunsill sakemm il-Kunsill ma jirreferix il-kwistjoni lill-Assemblea, li jkollha finalment tiddeċiedi l-kwistjoni minflok il-Kunsill.

7.   Rakkomandazzjoni approvata f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha ssir id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe Talba inkwistjoni, u ma għandhiex tkun soġġetta għal appell jew rieżami ulterjuri.

8.   Is-Segretarjat għandu jżomm rekord tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Assemblea, tal-Kunsill, u ta’ kwalunkwe bord ta’ rieżami ad hoc.

Artikolu 19

Sentenzi jew Għotjiet minn Qrati jew Tribunali u Korpi oħra ta’ Aġġudikazzjoni

1.   Fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, il-Bordijiet u l-Kunsill għandhom iqisu, kif xieraq, is-sentenzi rilevanti jew l-aġġudikazzjonijiet minn qrati jew tribunali u korpi aġġudikattivi oħra stabbiliti skont id-dritt internazzjonali.

2.   Il-Bordijiet u l-Kunsill jistgħu jqisu wkoll sentenzi jew għotjiet rilevanti minn kwalunkwe qorti u tribunal nazzjonali.

3.   Il-Kummissjoni, permezz tal-korpi tagħha, għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-ebda pretendent ma jirċievi kumpens doppju għall-istess dannu, telf jew korriment. Il-membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jappoġġaw lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, b’mod partikolari permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni mal-Kummissjoni, kif xieraq.

Artikolu 20

Standards u Salvagwardji

1.   Il-Kummissjoni, inkluż il-Kunsill, il-Bordijiet u s-Segretarjat tagħha, għandhom joperaw skont l-ogħla standards ta’ indipendenza, imparzjalità, ġustizzja u oġġettività.

2.   Il-Kummissjoni għandha topera b’mod trasparenti, tinforma regolarment lill-pubbliku dwar l-attivitajiet tagħha, u tipproteġi kif xieraq id-data personali. Ir-regoli dwar it-trasparenza, inklużi r-regoli għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, għandhom jiġu adottati mill-Kunsill.

3.   Il-Kunsill għandu jadotta regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-kunfidenzjalità.

4.   Il-proċedimenti kollha tal-Kummissjoni għandhom jitmexxew billi jiġu żgurati salvagwardji proċedurali xierqa.

Artikolu 21

Finanzjament ta’ Kumpens Mogħti u Infurzar

1.   Il-Membri jirrikonoxxu li l-Federazzjoni Russa trid iġġarrab il-konsegwenzi legali tal-atti illeċiti kollha tagħha fil-livell internazzjonali, inkluż l-għoti ta’ kumpens għall-korriment,, inkluż kwalunkwe dannu, ikkawżat minn tali atti. Huwa għalhekk mistenni li l-Federazzjoni Russa għandha tiffinanzja l-kumpens stabbilit u mogħti mill-Kummissjoni skont din il-Konvenzjoni.

2.   Il-membri, bl-eċċezzjoni tal-Federazzjoni Russa, ma għandhomx ikunu meħtieġa jiffinanzjaw il-kumpens stabbilit u mogħti mill-Kummissjoni.

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu infurzati permezz ta’ qrati jew istituzzjonijiet ġudizzjarji jew kważi ġudizzjarji oħra fi ħdan il-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali tal-Membri sakemm ma jkunx permess espressament minn Membru rilevanti skont il-liġi nazzjonali ta’ dak il-Membru.

Artikolu 22

Mekkaniżmi għall-Ħlas ta’ Kumpens Mogħti

L-Assemblea tista’ tikkunsidra l-mekkaniżmi għall-ħlas ta’ kumpens mogħti wara li jkun sar disponibbli l-finanzjament, inkluż il-ħlas minn kwalunkwe fond ta’ kumpens li jista’ jiġi stabbilit jew imsemmi għal dan il-għan f’punt li l-Assemblea taqbel li jkun xieraq.

PARTI VI

FINANZJAMENT TAL-KUMMISSJONI

Artikolu 23

Finanzjament u Baġit

1.   Malli l-Federazzjoni Russa ssir Membru, għandha tħallas il-kostijiet tal-Kummissjoni mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni.

2.   Sakemm il-Federazzjoni Russa ġġarrab il-kostijiet tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tiġi ffinanzjata permezz tal-kontribuzzjonijiet annwali stmati tal-Membri u l-kontribuzzjonijiet volontarji. Tali kontribuzzjonijiet għandhom isiru mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ rkupru mill-Federazzjoni Russa.

3.   Il-kontribuzzjonijiet annwali stmati tal-Membri għandhom jiġu stabbiliti mill-Kumitat Finanzjarju, abbażi tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-iskala annwali tal-kontribuzzjonijiet għall-baġit ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa u jistgħu jiġu aġġustati mill-Assemblea f’konformità mal-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata dik l-iskala.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tirċievi u tuża kontribuzzjonijiet volontarji marbuta mal-ħidma tagħha, inklużi kontribuzzjonijiet in natura. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-mandat u l-funzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-kontribuzzjonijiet minn entitajiet għajr il-Membri u l-Osservaturi huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kumitat Finanzjarju.

5.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-budget tagħha stess fi ħdan il-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa. L-Assemblea għandha tadotta kull sena l-baġit tal-Kummissjoni għas-sena ta’ wara, imħejji mis-Segretarjat u rivedut mill-Kumitat Finanzjarju.

6.   Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, għandhom japplikaw ir-Regolamenti Finanzjarji tal-Kunsill tal-Ewropa.

7.   L-Assemblea tista’ tissospendi d-drittijiet ta’ Membru meta tqis li l-Membru jkun naqas milli jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu skont din il-Konvenzjoni.

PARTI VII

REĠISTRU TAD-DANNU KKAWŻAT MILL-AGGRESSJONI TAL-FEDERAZZJONI RUSSA KONTRA L-UKRAJNA

Artikolu 24

Trasferiment tax-Xogħol tar-Reġistru

1.   Malajr kemm jista’ jkun wara l-istabbiliment tal-Kummissjoni u l-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tagħha, id-Direttur Eżekuttiv għandu jimpenja ruħu mar-Reġistru u/jew mal-Kunsill tal-Ewropa biex jagħmel tħejjijiet għat-trasferiment tax-xogħol tar-Reġistru, kif xieraq, lill-Kummissjoni b’mod li jiżgura l-operat mingħajr interruzzjoni tar-Reġistru sat-terminazzjoni tiegħu, u li jqiegħed l-informazzjoni dwar it-Talbiet u l-evidenza miżmuma mir-Reġistru għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Tali trasferiment għandu jinkludi l-pjattaforma diġitali tar-Reġistru, inkluża l-informazzjoni kollha dwar it-Talbiet u l-evidenza li tinsab fiha, dokumentazzjoni oħra, l-arkivji tiegħu, il-proprjetà mobbli u immobbli tiegħu, inkluż, iżda mhux limitat għal, kontijiet bankarji, tagħmir tal-IT, software u kwalunkwe liċenzja għalihom, kuntratti, u arranġamenti tar-Reġistru, kif ukoll kwalunkwe data assoċjata, b’tali mod li l-Kummissjoni ssir is-suċċessur legali tar-Reġistru.

2.   L-Assemblea, il-Kunsill, u l-Membri għandhom jassistu lid-Direttur Eżekuttiv kif meħtieġ u xieraq fit-tħejjija għat-trasferiment tal-ħidma tar-Reġistru lill-Kummissjoni.

3.   Wara d-deċiżjoni tal-Assemblea skont is-subparagrafu 4(g) tal-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni, id-Direttur Eżekuttiv għandu jeżegwixxi t-trasferiment tax-xogħol tar-Reġistru lill-Kummissjoni, u għandu jiċċertifika lill-Assemblea meta tali trasferiment jitlesta u l-Kummissjoni tkun tista’ tibda l-ħidma tagħha fuq it-Talbiet.

Artikolu 25

Kontinwazzjoni tal-Ħidma tar-Reġistru fi ħdan il-Qafas tal-Kummissjoni

1.   Il-funzjonijiet tar-Reġistru, inkluża l-organizzazzjoni tas-sottomissjoni ta’ Talbiet, għandhom ikomplu bħala parti mill-Kummissjoni.

2.   Il-Kunsill, fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv, għandu jadotta r-regoli u l-proċeduri rilevanti għal dak il-għan.

PARTI VIII

KLAWŻOLI FINALI

Artikolu 26

Riżoluzzjoni tat-Tilwim

Fil-każ ta’ tilwima bejn il-Membri dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, dawn il-Membri għandhom jistinkaw favur riżoluzzjoni tat-tilwima permezz ta’ negozjati jew ta’ xi mezz paċifiku ieħor tal-għażla tagħhom, inkluż permezz tal-Assemblea, li għandha tiffaċilita r-riżoluzzjoni amikevoli ta’ tali tilwim.

Artikolu 27

Status ta’ Sħubija u Osservatur

1.   Suġġett għall-Artikolu 28 ta’ din il-Konvenzjoni, kwalunkwe Stat, l-Unjoni Ewropea, u kwalunkwe Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni oħra jistgħu jsiru Membru tal-Kummissjoni billi jsiru Parti għal din il-Konvenzjoni f’konformità mal-proċeduri stabbiliti f’din il-Konvenzjoni.

2.   L-Assemblea tista’ tistieden lil kwalunkwe Stat, Organizzazzjoni ta’ Integrazzjoni Reġjonali, jew organizzazzjoni internazzjonali biex issir Osservatur tal-Kummissjoni f’konformità mat-termini stabbiliti mill-Assemblea. Kwalunkwe Stat, Organizzazzjoni ta’ Integrazzjoni Reġjonali, jew organizzazzjoni internazzjonali tista’ titlob li tiġi mistiedna ssir Osservatur.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni, l-Osservaturi jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Assemblea mingħajr id-dritt tal-vot u jagħmlu dikjarazzjonijiet orali jew bil-miktub fil-laqgħat tal-Assemblea.

4.   L-Osservaturi li jkunu għamlu kontribuzzjonijiet volontarji għall-baġit tal-Kummissjoni ta’ ammont li jkun mill-inqas daqs l-ammont stabbilit mill-Assemblea f’konformità mas-subparagrafu 4(j) tal-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni, għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw fl-adozzjoni tal-baġit annwali tal-Kummissjoni, fir-rapport finanzjarju annwali tal-Kummissjoni, u fir-rapport annwali tal-attività tal-Kummissjoni f’konformità mas-subparagrafi 4(k) sa (m) tal-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni bid-dritt tal-vot fl-Assemblea matul is-sena finanzjarja li għaliha jkunu għamlu tali kontribuzzjoni.

5.   Kwalunkwe Membru li jaġixxi b’mod inkonsistenti mal-mandat tal-Kummissjoni jew li jimpedixxi l-funzjonijiet tagħha jista’ jiġi sospiż mid-drittijiet tiegħu u mitlub mill-Assemblea biex jirtira f’konformità mal-Artikolu 35 ta’ din il-Konvenzjoni. Jekk tali Membru ma jikkonformax ma’ din it-talba, l-Assemblea tista’ tiddeċiedi li tali Membru jkun waqaf milli jkun Membru minn dik id-data li l-Assemblea tista’ tistabbilixxi.

6.   Kwalunkwe Osservatur li jaġixxi b’mod inkonsistenti mal-mandat tal-Kummissjoni jew li jimpedixxi l-funzjonijiet tagħha jista’ jkollu l-istatus ta’ osservatur tiegħu sospiż jew revokat mill-Assemblea, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mill-Assemblea.

Artikolu 28

Sħubija fil-Federazzjoni Russa u Parteċipazzjoni fil-Ħidma tal-Korpi tal-Kummissjoni

1.   Il-Federazzjoni Russa tista’ ssir Membru tal-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin billi tesprimi l-kunsens tagħha li tintrabat b’din il-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 31 ta’ din il-Konvenzjoni, u bil-kundizzjoni li tagħmel dikjarazzjoni li għandha tiġi mehmuża ma’ strument ta’ adeżjoni ma’ din il-Konvenzjoni li:

(a)

hija taċċetta r-responsabbiltà tagħha skont id-dritt internazzjonali għad-danni, it-telf u l-korriment ikkawżati mill-atti internazzjonalment illegali tagħha fl-Ukrajna jew kontriha, inkluż l-aggressjoni tagħha bi ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll il-ksur tagħha tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem:

i.

fit-territorju tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, li jinkludi l-art, l-ispazju tal-ajru, l-ilmijiet interni, u l-baħar territorjali tagħha;

ii.

fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Ukrajna u fuq il-blata kontinentali tagħha, f’konformità mad-dritt internazzjonali u, kif applikabbli, mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Ukrajna;

iii.

għal kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Ukrajna;

iv.

għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha kkonċernati, kif ukoll għall-Istat tal-Ukrajna, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħha u l-entitajiet tal-Istat jew ikkontrollati mill-Istat;

(b)

taqbel li tonora d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kumpens u li tipprovdi l-mezzi meħtieġa għall-ħlas ta’ kumpens mogħti jew xi ammont ieħor miftiehem mal-Ukrajna; u

(c)

taqbel li tirrimborża lill-Membri u, fejn applikabbli, lill-Osservaturi għall-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-ispejjeż tal-Kummissjoni.

2.   L-Assemblea għandha tkun sodisfatta li d-dikjarazzjoni mill-Federazzjoni Russa mehmuża mal-istrument ta’ adeżjoni tagħha tissodisfa l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 1 hawn fuq.

3.   Il-Kunsill għandu, hekk kif il-Federazzjoni Russa tesprimi interess li ssir Membru tal-Kummissjoni, jadotta aktar regoli li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Federazzjoni Russa fil-ħidma tal-Kummissjoni. Dawn ir-regoli għandhom jiġu approvati mill-Assemblea b’kunsens.

4.   Il-Federazzjoni Russa tista’ titlob li tiġi mistiedna ssir Osservatur tal-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin f’konformità mal-Artikolu 27 ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 29

Depożitarju

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jkun id-depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 30

Firma, Ratifika, Aċċettazzjoni, Approvazzjoni u Dħul fis-Seħħ

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-iffirmar mill-Istati membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa, kwalunkwe Stat ieħor u l-Unjoni Ewropea li ħadu sehem fil-Konferenza Diplomatika għall-adozzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, u kwalunkwe Stat ieħor li vvota favur ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ES-11/5 tal-14 ta’ Novembru 2022, intitolata “Furtherance of remedance and reparation for aggression against Ukraine”.

2.   Din il-Konvenzjoni hija soġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni għandhom ikunu ddepożitati mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

3.   Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data li fiha jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ħamsa u għoxrin firmatarju esprimew il-kunsens tagħhom li jintrabtu b’din il-Konvenzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 hawn fuq; u

(b)

l-kontribuzzjonijiet individwali aggregati ta’ dawn il-firmatarji għall-baġit tar-Reġistru għall-2025 (1) jikkostitwixxu mill-inqas 50 % tat-total tal-baġit tar-Reġistru għall-2025.

4.   Suġġett għall-Artikolu 28 ta’ din il-Konvenzjoni dwar il-Federazzjoni Russa, fir-rigward ta’ xi firmatarji msemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq li sussegwentement jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu biha, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara d-data tad-depożitar tal-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni tagħhom.

Artikolu 31

Adeżjoni

1.   Wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, il-Partijiet għal din il-Konvenzjoni, permezz tal-Assemblea, jistgħu jistiednu biex jaderixxu ma’ din il-Konvenzjoni kwalunkwe Stat jew Organizzazzjoni ta’ Integrazzjoni Reġjonali li ma pparteċipawx fil-Konferenza Diplomatika għall-adozzjoni ta’ din il-Konvenzjoni u li ma vvutawx favur ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ES-11/5 tal-14 ta’ Novembru 2022, intitolata “Furtherance of remedy and reparation for aggression against Ukraine”.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 hawn fuq, u f’konformità mal-Artikolu 28 ta’ din il-Konvenzjoni, il-Federazzjoni Russa tista’ taċċedi għal din il-Konvenzjoni fi kwalunkwe ħin.

3.   Għal kull Stat aderenti jew Organizzazzjoni ta’ Integrazzjoni Reġjonali, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara d-data tad-depożitar tal-istrument ta’ adeżjoni għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Artikolu 32

Applikazzjoni territorjali

1.   Kwalunkwe Stat jista, fil-waqt tal-firma jew ta’ meta jiddepożita l-istrumenti tiegħu tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni, tal-approvazzjoni jew tal-adeżjoni, jispeċifika it-territorju jew it-territorji ta’ dak l-Istat li dwarhom din il-Konvenzjoni għandha tkun applikabbli.

2.   Kwalunkwe Stat jista, fi kwalunkwe data aktar tard, b’dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, jestendi l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni lejn territorju ieħor ta’ dak l-Istat speċifikati fid-dikjarazzjoni u li r-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu jkunu r-responsabbilità tiegħu jew li f’ismu jkun awtorizzat li jimpenja ruħu. Fir-rigward ta’ tali territorju, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 3 xhur wara d-data meta s-Segretarju Ġenerali jirċievi tali dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa.

3.   Kwalunkwe dikjarazzjoni li ssir skont il-paragrafi 1 u 2 tista’, fir-rigward ta’ kwalunkwe territorju speċifikat f’tali dikjarazzjoni, tiġi rtirata b’notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. L-irtirar għandu jsir effettiv mill-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta' perjodu ta’ 3 xhur mid-data meta tali notifika tasal għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Artikolu 33

Emendi

1.   L-emendi għal din il-Konvenzjoni jistgħu jiġu proposti minn kwalunkwe Membru.

2.   Il-proposti għall-emenda ta’ din il-Konvenzjoni jistgħu jinkludu proposta biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni temporali ta’ din il-Konvenzjoni biex jinkludi Talbiet għal kumpens għal dannu, telf, jew korriment ikkawżat minn atti internazzjonalment illegali mwettqa mill-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna jew kontra l-Ukrajna fl-20 ta’ Frar 2014 jew wara.

3.   Kull proposta għal emenda għandha tintbagħat lill-Membri mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jinforma lill-Assemblea b’dan.

4.   L-Assemblea għandha tikkunsidra u tista’ tadotta l-emenda proposta.

5.   It-test ta’ kwalunkwe emenda adottata mill-Assemblea għandu jintbagħat mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Membri għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni.

6.   Kwalunkwe emenda adottata f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tidħol fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data li fiha l-Membri kollha jkunu infurmaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa li rratifikawha, aċċettawha jew approvawha.

Artikolu 34

Riżervi

L-ebda riserva ma tista’ ssir fir-rigward tad-disposizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 35

Denunzja

1.   Fi kwalunkwe ħin wara d-data li fiha din il-Konvenzjoni tkun daħħlet fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 30 ta’ din il-Konvenzjoni, kull Membru jista’ jiddenunzja din il-Konvenzjoni permezz ta’ notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

2.   Din id-denunzja għandha ssir effettiva mill-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ 12-il xahar mid-data meta n-notifika tasal għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Fil-każ ta’ denunzja mill-Federazzjoni Russa, il-perjodu ta’ skadenza għandu jkun ta’ għaxar snin jew sat-tmiem ta’ din il-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 36 ta’ din il-Konvenzjoni.

3.   L-ebda denunzja skont dan l-Artikolu ma għandu jkollha xi effett retroattiv fuq l-impenji u l-obbligi skont din il-Konvenzjoni matul iż-żmien tas-sħubija tal-Membru li jkun qed jiddenunzja.

Artikolu 36

Tul ta’ żmien u Terminazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 hawn taħt, din il-Konvenzjoni għandha tibqa’ fis-seħħ għal perjodu minimu ta’ għaxar snin mid-dħul fis-seħħ tagħha.

2.   Din għandu tibqa’ fis-seħħ minn hemm ’il quddiem għal perjodi suċċessivi sa 5 snin jekk l-Assemblea, b’maġġoranza ta’ mill-inqas tliet kwarti tal-Membri kollha, b’deċiżjoni meħuda fi żmien sena qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ dak iż-żmien, tiddeċiedi li għandha tibqa’ fis-seħħ.

3.   Fi kwalunkwe ħin wara l-għaxar anniversarju tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, l-Assemblea tista’, b’maġġoranza ta’ mill-inqas tliet kwarti tal-Membri kollha, ittemm din il-Konvenzjoni u xxolji l-Kummissjoni.

4.   Din il-Konvenzjoni għandha tintemm mill-Assemblea jekk:

(a)

bħala riżultat ta’ denunzji magħmula f’konformità mal-Artikolu 35 ta’ din il-Konvenzjoni, in-numru ta’ Partijiet għal din il-Konvenzjoni jaqa’ taħt il-limitu speċifikat fis-subparagrafu 3(a) tal-Artikolu 30 ta’ din il-Konvenzjoni; jew

(b)

ma jkunx hemm biżżejjed fondi biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż antiċipati tat-tnax-il xahar ta’ wara l-operazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-Kummissjoni ma tistax tiżgura mezzi alternattivi ta’ finanzjament tal-Kummissjoni.

5.   It-terminazzjoni skont is-subparagrafu 4(a) hawn fuq għandha tkun effettiva tnax-il xahar mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa jirċievi n-notifika ta’ denunzja li tiskatta dan l-avveniment, sakemm fi żmien tliet xhur mid-data meta n-numru ta’ Partijiet għal din il-Konvenzjoni jaqa’ taħt il-limitu speċifikat fis-subparagrafu 3(a) tal-Artikolu 30 ta’ din il-Konvenzjoni, l-Assemblea b’kunsens ma tiddeċidix li jenħtieġ li din il-Konvenzjoni tibqa’ fis-seħħ u li jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli għal perjodu speċifikat.

6.   It-terminazzjoni skont is-subparagrafu 4(b) hawn fuq għandha tkun effettiva malajr kemm jista’ jkun wara d-data tad-deċiżjoni tal-Assemblea li titterminaha.

7.   Fil-każ tat-terminazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni u x-xoljiment tal-Kummissjoni, l-Assemblea għandha tiżgura ż-żamma sussegwenti tal-informazzjoni kollha dwar it-Talbiet u l-evidenza riċevuta mill-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet tagħha, u dokumentazzjoni oħra, inklużi l-arkivji tagħha.

8.   Qabel it-tmiem ta’ din il-Konvenzjoni u x-xoljiment tal-Kummissjoni skont dan l-Artikolu, l-Assemblea għandha tadotta kwalunkwe arranġament tranżitorju meħtieġ.

Artikolu 37

Notifiki

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jinnotifika lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, Stati oħra u l-Unjoni Ewropea li pparteċipaw fil-Konferenza Diplomatika għall-adozzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, kwalunkwe firmatarju, kwalunkwe Parti, u kwalunkwe Stat ieħor jew Organizzazzjoni ta’ Integrazzjoni Reġjonali li ġiet mistiedna taderixxi ma’ din il-Konvenzjoni, dwar:

(a)

kwalunkwe firma;

(b)

id-depożitu ta’ kwalunkwe strument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni;

(c)

id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 30 ta’ din il-Konvenzjoni;

(d)

kwalunkwe emenda adottata f’konformità mal-Artikolu 33 ta’ din il-Konvenzjoni u d-data li fiha tali emenda tidħol fis-seħħ;

(e)

kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ din il-Konvenzjoni;

(f)

kwalunkwe denunċja magħmula f’konformità mal-Artikolu 35 ta’ din il-Konvenzjoni;

(g)

kwalunkwe att, dikjarazzjoni, notifika jew komunikazzjoni oħra relatati ma’ din il-Konvenzjoni.

B’xhieda ta’ dan, il-firmatarji, debitament awtorizzati biex jagħmlu dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

Magħmula f’The Hague, dan is-16-il jum ta’ Dicembru 2025, bl-Ingliż, bil-Franċiż u bl-Ispanjol, bit-żewġ testi kollha ugwalment awtentiċi, f’kopja waħda li għandha tkun iddepożitata fl-arkivji tal-Kunsill tal-Ewropa. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jibgħat kopji ċċertifikati lil kull Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa, lil kwalunkwe Stat ieħor u lill-Unjoni Ewropea li pparteċipaw fil-Konferenza Diplomatika għall-adozzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, u lil kwalunkwe Stat jew Organizzazzjoni ta’ Integrazzjoni Reġjonali mistiedna jaderixxu ma’ din il-Konvenzjoni.


(1)  F’konformità mal-baġit aġġustat għall-2025 (id-dokument RD4U-COP(2024)16, p. 6, it-Tabella 7), kif adottat mill-Konferenza tal-Parteċipanti tar-Reġistru fil-11 ta’ Ottubru 2024 (id-dokument RD4U-COP(2024)18, p. 3), 50 % tal-baġit totali tar-Reġistru għall-2025 huwa ekwivalenti għal EUR 3 692 150. Għall-firmatarji li ma jkunux għamlu kontribuzzjoni għall-baġit tar-Reġistru għall-2025, l-ammont li kien ikun il-kontribuzzjoni vvalutata tagħhom għall-baġit tar-Reġistru li kieku kienu Parteċipant tar-Reġistru għandu jintuża għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali aggregati skont dan is-subparagrafu (b).


ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2026/1327/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)