European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1288

15.6.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1288

tat-12 ta’ Ġunju 2026

dwar is-sospensjoni awtonoma tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32a(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jirrikjedi li l-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet mhux finanzjarji li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar skont it-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jikkonkludu tranżazzjonijiet ma’ tali kontropartijiet finanzjarji oħrajn jew ma’ tali kontropartijiet mhux finanzjarji oħrajn bħal dawn f’derivattivi li jappartjenu għal klassi ta’ derivattiv li tkun ġiet iddikjarata soġġetta għall-obbligu ta’ negozjar f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 fi swieq regolati, faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (MTFs), faċilitajiet organizzati tan-negozjar (OTFs), jew ċentri tan-negozjar ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 (l-“obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi”). Minn dan isegwi li l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi jipprojbixxi lil dawk il-kontropartijiet milli jikkonkludu tranżazzjonijiet f’dawk id-derivattivi f’ċentru tan-negozjar ta’ pajjiż terz li ma huwiex rikonoxxut bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Ir-Regolament (UE) 2024/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 billi, fost l-oħrajn, introduċa Artikolu 32a ġdid, li jippermetti lill-Kummissjoni tissospendi, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi fir-rigward ta’ ċerti kontropartijiet finanzjarji, fuq talba ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, u dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

(2)

Fit-8 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Autorité des Marchés financiers (AMF) biex tissospendi l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi skont l-Artikolu 32a(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, fir-rigward ta’ tliet kontropartijiet finanzjarji fil-ġuriżdizzjoni tagħha: BNP Paribas SA, Société Générale SA u Crédit Agricole CIB.

(3)

Fl-14 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand il-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (BaFin) biex tissospendi l-obbligu tan-negozjar tad-derivattivi skont l-Artikolu 32a(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, fir-rigward ta’ kontroparti finanzjarja waħda fil-ġuriżdizzjoni tagħha: Deutsche Bank AG.

(4)

Skont l-Artikolu 32a(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, l-awtorità kompetenti għandha turi li kontroparti finanzjarja fil-ġuriżdizzjoni tagħha taġixxi regolarment bħala ġeneratur tas-suq, fis-sens tal-Artikolu 4(1), punt (7) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), f’derivattiv OTC soġġett għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. Għal dak il-għan, l-AMF u l-BaFin ipprovdew evidenza bil-miktub li tikkonferma li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti huma membri ta’ ċerti MTFs tal-UE u ta’ ċerti faċilitajiet tal-eżekuzzjoni ta’ swaps (SEFs) tal-Istati Uniti rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, u li jipprovdu kwotazzjonijiet bi tweġiba għat-talbiet għal kwotazzjonijiet (RFQs) tal-klijenti għal derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. L-AMF u l-BaFin ipprovdew ukoll data dwar l-attività tan-negozjar tal-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti dwar ċerti MTFs tal-UE u dwar ċerti SEFs tal-Istati Uniti rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 li tindika li, bejn l-2021 u l-2024, huma regolarment irċevew RFQs għal derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi u regolarment wettqu tranżazzjonijiet bil-kapital proprjetarju tagħhom f’dawk l-istrumenti abbażi tal-kwotazzjonijiet li pprovdew bi tweġiba għall-RFQs tal-klijenti. Wara li rrieżaminat l-evidenza ppreżentata mill-AMF u mill-BaFin, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-AMF u l-BaFin urew li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti fil-ġuriżdizzjoni tagħhom jippreżentaw lilhom infushom fis-swieq finanzjarji fuq bażi kontinwa bħala li lesti jinnegozjaw f’isimhom stess billi jixtru u jbigħu derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi bil-kapital proprjetarju tagħhom bi prezzijiet iddefiniti minnhom u, għalhekk, jaġixxu regolarment bħala ġeneraturi tas-suq f’derivattiv OTC soġġett għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi.

(5)

Skont l-Artikolu 32a(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, l-awtorità kompetenti għandha turi li kontroparti finanzjarja fil-ġuriżdizzjoni tagħha regolarment tirċievi RFQs għad-derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi minn kontroparti mhux taż-ŻEE li ma jkollha l-ebda sħubija attiva f’ċentru tan-negozjar taż-ŻEE li joffri negozjar tad-derivattiv OTC soġġett għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. Peress li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti ma humiex awtorizzati jikkonkludu tranżazzjonijiet f’derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’ċentri tan-negozjar ta’ ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li ma humiex rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, sal-lum, ma jistgħux jirċievu RFQs għal dawk id-derivattivi minn kontroparti mhux taż-ŻEE f’dawk il-ġuriżdizzjonijiet mhux ekwivalenti. B’mod partikolari, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti ma jistgħux jirċievu RFQs għal derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi minn kontropartijiet mhux taż-ŻEE f’ċentri tan-negozjar fir-Renju Unit. Fid-dawl ta’ dik l-impossibbiltà materjali, l-AMF u l-BaFin ivvalutaw l-attività tan-negozjar tal-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti fiċ-ċentri tan-negozjar fir-Renju Unit qabel l-2021. L-AMF u l-BaFin ipprovdew evidenza li turi li, fit-3 snin qabel id-data effettiva tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti regolarment irċevew RFQs u wettqu tranżazzjonijiet abbażi tal-RFQs riċevuti f’derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’ċerti ċentri tan-negozjar fir-Renju Unit.

(6)

L-AMF u l-BaFin ivvalutaw ukoll attività ta’ negozjar aktar riċenti tal-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti f’ċentri tan-negozjar fir-Renju Unit u f’SEFs tal-Istati Uniti li huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. L-ewwel nett, l-AMF u l-BaFin ipprovdew evidenza li turi li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti baqgħu attivi f’ċerti ċentri tan-negozjar fir-Renju Unit wara l-2021, minħabba li komplew jirċievu RFQs u jeżegwixxu tranżazzjonijiet abbażi tal-RFQs riċevuti f’derivattivi mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. It-tieni, l-AMF u l-BaFin ipprovdew evidenza li turi li, bejn l-2021 u l-2024, il-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti regolament irċevew RFQs u wettqu tranżazzjonijiet abbażi tal-RFQs riċevuti f’derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’ċerti SEFs tal-Istati Uniti rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, inkluż fir-rigward ta’ kontropartijiet mhux taż-ŻEE li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti ma kellhomx interazzjoni magħhom f’ċentri tan-negozjar taż-ŻEE. Barra minn hekk, l-AMF u l-BaFin ipprovdew evidenza li turi li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti impenjaw ruħhom li jimplimentaw miżuri, wara s-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi, biex jiżguraw li, meta jikkonkludu tranżazzjonijiet taħt dik is-sospensjoni, huma jirrispondu biss għal RFQs minn kontropartijiet mhux taż-ŻEE li ma għandhom l-ebda sħubija attiva f’ċentru tan-negozjar taż-ŻEE li joffri negozjar fid-derivattiv OTC soġġett għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi.

(7)

L-evidenza ppreżentata mill-AMF u mill-BaFin turi li huwa raġonevoli li wieħed jassumi li, jekk tingħata s-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi skont l-Artikolu 32a(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, il-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti regolarment jirċievu RFQs għad-derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi minn kontropartijiet mhux taż-ŻEE li ma għandhom l-ebda sħubija attiva f’ċentru tan-negozjar OTC soġġett għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. Fid-dawl tal-fatt li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti, sal-lum, ma jistgħux jirċievu RFQs għal derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar ta’ derivattivi minn kontroparti mhux taż-ŻEE f’ġuriżdizzjoni li ma hijiex rikonoxxuta bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, u meta jitqies li jenħtieġ li s-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi tkun possibbli meta l-attivitajiet ta’ kontroparti finanzjarja taż-ŻEE ma’ kontroparti mhux taż-ŻEE jkunu affettwati b’mod mhux xieraq mill-ambitu tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-evidenza ppreżentata mill-AMF u mill-BaFin turi li hija ssodisfata l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 32a(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(8)

Fit-8 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni rċeviet ukoll talba mill-AMF biex tissospendi l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi skont l-Artikolu 32a(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 fir-rigward ta’ BNP Paribas SA.

(9)

Skont l-Artikolu 32a(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, l-awtorità kompetenti għandha turi li kontroparti finanzjarja fil-ġuriżdizzjoni tagħha taġixxi regolarment bħala ġeneratur tas-suq fi swap ta’ inadempjenza ta’ kreditu li jkun soġġett għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. L-AMF ippreżentat evidenza bil-miktub li tikkonferma li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti hija membru ta’ ċerti MTFs tal-UE u ta’ ċerti SEFs tal-Istati Uniti rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, u li twieġeb għall-RFQs tal-klijenti għal derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi, inklużi swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu. L-AMF ipprovdiet ukoll data dwar l-attività tan-negozjar tal-kontroparti finanzjarja rikjedenti dwar ċerti MTFs tal-UE u dwar ċerti SEFs tal-Istati Uniti rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 li tindika li, bejn l-2021 u l-2024, hija regolarment irċeviet RFQs għal derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi u regolarment wettqet tranżazzjonijiet bil-kapital proprjetarju tagħha f’dawk l-istrumenti abbażi tal-kwotazzjonijiet li pprovdiet bi tweġiba għall-RFQs tal-klijenti. Wara li rrieżaminat l-evidenza sottomessa mill-AMF, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-AMF uriet li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti fil-ġuriżdizzjoni tagħha tippreżenta lilha nnifisha fis-swieq finanzjarji fuq bażi kontinwa bħala li lesta tinnegozja f’isimha stess billi tixtri u tbigħ swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi bil-kapital proprjetarju tagħha bi prezzijiet iddefiniti minn dik il-kontroparti u, għalhekk, taġixxi regolarment bħala ġeneratur tas-suq fi swap ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġett għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi.

(10)

Skont l-Artikolu 32a(1), il-punt (b)(i), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, l-awtorità kompetenti għandha turi li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti fil-ġuriżdizzjoni tagħha għandha l-intenzjoni li tinnegozja swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’isimha stess f’ċentru tan-negozjar miftuħ biss għal kontropartijiet li huma membri tal-ikklerjar tas-CCP, kif definit fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ċentru “negozjant għal negozjant”). L-AMF ipprovdiet il-lista ta’ ċentri tan-negozjar fejn il-kontroparti finanzjarja rikjedenti jkollha l-intenzjoni li tinnegozja swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’isimha stess, konferma mill-kontroparti finanzjarja rikjedenti li l-membri kollha ta’ dawk iċ-ċentri tan-negozjar huma membri tal-ikklerjar tas-CCP, u impenn mill-kontroparti finanzjarja rikjedenti li tinnotifika lill-AMF dwar l-istatus tal-membri tal-ikklerjar tas-CCP ta’ kwalunkwe membru ġdid f’dawk iċ-ċentri tan-negozjar. Wara li rrieżaminat l-evidenza ppreżentata mill-AMF, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-AMF uriet li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti għandha l-intenzjoni li tinnegozja swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’isimha stess f’ċentru minn negozjant għal negozjant.

(11)

Skont l-Artikolu 32a(1), il-punt (b)(ii), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, l-awtorità kompetenti għandha turi li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti fil-ġuriżdizzjoni tagħha għandha l-intenzjoni li tinnegozja swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu f’isimha stess soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi ma’ kontroparti li hija ġeneratur tas-suq u li ma jkollha l-ebda sħubija attiva f’ċentru minn negozjant għal negozjant barra miż-ŻEE li joffri n-negozjar f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. L-AMF irċeviet konferma mill-kontroparti finanzjarja rikjedenti li l-membri kollha taċ-ċentri minn negozjant għal negozjant li magħhom il-kontroparti finanzjarja rikjedenti għandha l-intenzjoni li tinnegozja għandhom status ta’ ġeneratur tas-suq attiv. L-AMF ipprovdiet ukoll impenn mill-kontroparti finanzjarja rikjedenti li tinnotifika lill-AMF dwar l-istatus ta’ ġeneratur tas-suq ta’ kwalunkwe parteċipant ġdid f’dawk iċ-ċentri, u konferma bil-miktub li, sa fejn taf l-AMF, bħalissa ma hemm l-ebda ċentru minn negozjant għal negozjant fiż-ŻEE li joffri negozjar fi swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. Wara li rrieżaminat l-evidenza ppreżentata mill-AMF, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-AMF uriet li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti għandha l-intenzjoni li tinnegozja swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’isimha stess ma’ kontroparti li hija ġeneratur tas-suq u li ma għandha l-ebda sħubija attiva f’ċentru taż-ŻEE minn negozjant għal negozjant li joffri negozjar tad-derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi.

(12)

Skont l-Artikolu 32a(1), il-punt (b)(iii), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, l-awtorità kompetenti għandha turi li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti fil-ġuriżdizzjoni tagħha tikklerja s-swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu msemmija f’dik id-dispożizzjoni f’CCP awtorizzat jew rikonoxxut skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-AMF ipprovdiet lista ta’ CCPs awtorizzati jew rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 fejn il-kontroparti finanzjarja rikjedenti għandha l-intenzjoni li tikklerja dawk is-swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu. Wara li rrieżaminat l-evidenza ppreżentata mill-AMF, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-AMF uriet li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti se tikklerja s-swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu f’CCP awtorizzat jew rikonoxxut skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(13)

F’konformità mal-Artikolu 32a(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). Fid-9 ta’ Ottubru 2025, l-ESMA ppreżentat l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni, fejn qablet mal-valutazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

(14)

Meta vvalutat jekk għandhiex tissospendi l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi, il-Kummissjoni qieset ukoll jekk tali sospensjoni jistax ikollha effett distorsiv fuq l-obbligu tal-ikklerjar skont it-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Minħabba li l-obbligu tal-ikklerjar se jkompli japplika fir-rigward tal-kontropartijiet finanzjarji li jagħmlu użu mis-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi, irrispettivament minn jekk id-derivattivi li dawk il-kontropartijiet finanzjarji jinnegozjaw humiex soġġetti għall-obbligu tan-negozjar tad-derivattivi, il-Kummissjoni qieset li s-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi ma jkollhiex effett distorsiv fuq l-obbligu tal-ikklerjar skont it-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(15)

Meta jitqies li l-AMF u l-BaFin urew li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, u li s-sospensjoni tal-obbligu tan-negozjar tad-derivattivi ma jkollhiex effett distorsiv fuq l-obbligu tal-ikklerjar skont it-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, huwa xieraq li jiġi sospiż l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi għall-finijiet ta’ dak l-Artikolu fir-rigward ta’ BNP Paribas SA, Société Générale SA, Crédit Agricole CIB, u Deutsche Bank AG. Minħabba li l-evidenza ppreżentata mill-AMF u mill-BaFin turi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 huma ssodisfati fir-rigward taċ-ċentri tan-negozjar fir-Renju Unit, huwa xieraq li l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi jiġi sospiż biss fir-rigward tar-Renju Unit.

(16)

Meta wieħed iqis li l-AMF uriet li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti fil-ġuriżdizzjoni tagħha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, u li s-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi ma jkollhiex effett distorsiv fuq l-obbligu ta’ kklerjar skont it-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, huwa xieraq li jiġi sospiż l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi għall-finijiet ta’ dak l-Artikolu fir-rigward ta’ BNP Paribas SA. Minħabba li l-evidenza ppreżentata mill-AMF turi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 huma ssodisfati fir-rigward taċ-ċentri tan-negozjar fir-Renju Unit, huwa xieraq li l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi jiġi sospiż biss fir-rigward tar-Renju Unit.

(17)

Skont l-Artikolu 32a(4) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, l-att ta’ implimentazzjoni li jissospendi l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi għandu jkun akkumpanjat mill-evidenza ppreżentata mill-awtoritajiet kompetenti li jitolbu s-sospensjoni. L-evidenza mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti biex juru l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tinkludi data dwar in-negozjar li tikkostitwixxi data tan-negozju proprjetarja u skambji bil-miktub li fihom data personali. Għalhekk, jeħtieġ li dik l-evidenza tiġi ppreżentata b’mod li jipproteġi lill-kontropartijiet finanzjarji minn riskji kummerċjali mhux dovuti u li jissalvagwardja d-data personali, filwaqt li tiġi żgurata wkoll il-konsistenza u tkun tista’ tiġi vvalutata l-evidenza fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a(1) ta’ dak ir-Regolament.

(18)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrieżamina regolarment jekk ir-raġunijiet għas-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi jibqgħux japplikaw, kull 5 snin, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-kontropartijiet finanzjarji jipprovdu lill-Kummissjoni b’evidenza aġġornata dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi.

(19)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta minnufih jekk jenħtieġx li s-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi tiġi revokata, l-awtoritajiet kompetenti tal-kontropartijiet finanzjarji jenħtieġ li jkollhom arranġamenti superviżorji effettivi fis-seħħ biex jidentifikaw minnufih il-ksur tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a(1), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dak il-ksur identifikat.

(20)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi skont l-Artikolu 32a(1), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 32a(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, fid-dawl tal-evidenza ppreżentata fit-Taqsima 1 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi huwa sospiż fir-rigward tal-kontropartijiet finanzjarji li ġejjin u s-suq speċifiku li ġej:

(a)

kontropartijiet finanzjarji:

(i)

BNP Paribas SA;

(ii)

Crédit Agricole CIB;

(iii)

Deutsche Bank AG;

(iv)

Société Générale SA;

(b)

suq speċifiku:

ir-Renju Unit.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 32a(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, fid-dawl tal-evidenza ppreżentata fit-Taqsima 2 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, l-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi huwa sospiż fir-rigward tal-kontroparti finanzjarja li ġejja u s-suq speċifiku li ġej:

(a)

kontroparti finanzjarja:

BNP Paribas SA;

(b)

suq speċifiku:

ir-Renju Unit.

Artikolu 2

Rieżami tar-raġunijiet għas-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina jekk ir-raġunijiet għas-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi jibqgħux japplikaw kull 5 snin mit-18 ta’ Ġunju 2026.

Għall-finijiet tat-twettiq tar-rieżami msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-kontropartijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’evidenza aġġornata dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi sa mhux aktar tard minn 6 xhur qabel id-data li fiha l-Kummissjoni għandha twettaq dak ir-rieżami.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-kontropartijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 1 iqisu li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a(1), il-punti (a) jew (b), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 ma għadhomx issodisfati, huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw regolarment il-konformità tal-kontropartijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a(1), il-punti (a) jew (b), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

3.   Wara r-rieżami mwettaq f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew wara n-notifika minn awtorità kompetenti skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jew wara li tkun kisbet għarfien mod ieħor li kontroparti finanzjarja msemmija fl-Artikolu 1 ma għadhiex tissodisfa r-raġunijiet għas-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi, il-Kummissjoni tista’ tirrevoka s-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi fir-rigward ta’ dik il-kontroparti finanzjarja.

4.   Qabel ma tirrevoka s-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-kontroparti finanzjarja kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li tirrevoka s-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi u r-raġunijiet għal dan. Fi żmien 6 ġimgħat mid-data tan-notifika, l-awtorità kompetenti tal-kontroparti finanzjarja kkonċernata tista’ tissottometti lill-Kummissjoni dikjarazzjoni motivata bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-raġunijiet għas-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/600/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/648/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 fir-rigward tat-tisħiħ tat-trasparenza tad-data, l-eliminazzjoni ta’ ostakli għall-emerġenza ta’ tapes konsolidati, l-ottimizzazzjoni tal-obbligi ta’ negozjar u l-projbizzjoni li jiġi riċevut pagament għall-fluss tal-ordnijiet (ĠU L, 2024/791, 8.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/791/oj).

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/65/oj).


ANNESS

Id-data f’dan l-Anness hija anonimizzata, peress li tikkostitwixxi data tan-negozju proprjetarja. L-ordni li jidhru fiha l-kontropartijiet finanzjarji fit-Tabelli fit-Taqsima 1 la tirrifletti l-ordni li huma elenkati fiha fl-Artikolu 1, u lanqas ma hija neċessarjament konsistenti bejn dawk it-Tabelli.

TAQSIMA 1

Evidenza ppreżentata mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti biex juru li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti fil-ġuriżdizzjoni tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014

1.1.   Evidenza ppreżentata biex turi li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti regolarment jaġixxu bħala ġeneraturi tas-suq f’derivattiv OTC soġġett għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

L-awtoritajiet kompetenti kkonfermaw li l-entitajiet rikjedenti huma kontropartijiet finanzjarji kif definiti fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

L-awtoritajiet kompetenti użaw l-evidenza li ġejja biex juru li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti regolarment jaġixxu bħala ġeneraturi tas-suq f’derivattiv OTC soġġett għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi:

(1)

evidenza bil-miktub li tikkonferma li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti jaġixxu bħala ġeneraturi tas-suq f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’ċerti faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (MTFs) tal-UE u f’ċerti faċilitajiet tal-eżekuzzjoni ta’ swaps (SEFs) tal-Istati Uniti rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 (ara t-Tabella 1);

(2)

data li turi l-attività tan-negozjar tal-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti fl-MTFs tal-UE u fl-SEFs tal-Istati Uniti rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar għad-derivattivi (ara t-Tabelli 2 u 3).

Tabella 1

Kontroparti finanzjarja

Evidenza ppreżentata mill-awtorità kompetenti rilevanti

Kontroparti finanzjarja 1

Konferma bil-miktub maħruġa minn żewġ ditti, li kull waħda topera MTF tal-UE u SEF tal-Istati Uniti rikonoxxuta bħala ekwivalenti għall-finijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, li l-kontroparti finanzjarja 1 hija parteċipant f’dawk il-faċilitajiet u tipprovdi kwotazzjonijiet bi tweġiba għat-talbiet għal kwotazzjonijiet (RFQs) tal-klijenti għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi.

Kontroparti finanzjarja 2

L-awtorità kompetenti kkonfermat li l-kontroparti finanzjarja 2 kienet ipprovditilha “ftehim ta’ abbonament ma’ negozjant” u “ftehim ma’ fornitur tal-likwidità”, li t-tnejn jikkonfermaw li l-kontroparti finanzjarja 2 hija fornitur tal-likwidità f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’MTF tal-UE u f’SEF tal-Istati Uniti rikonoxxuta bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

L-awtorità kompetenti kkonfermat ukoll li l-kontroparti finanzjarja 2 kienet ipprovditilha ċertifikazzjoni minn ditta li topera MTF tal-UE u SEF tal-Istati Uniti rikonoxxuta bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, li tikkonferma li l-kontroparti finanzjarja 2 hija fornitur tal-likwidità f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi fiż-żewġ faċilitajiet.

Kontroparti finanzjarja 3

L-awtorità kompetenti kkonfermat li l-kontroparti finanzjarja 3 kienet ipprovditilha “ftehim ta’ abbonament ma’ negozjant” u “ftehim ma’ fornitur tal-likwidità”, li t-tnejn jikkonfermaw li l-kontroparti finanzjarja 3 hija fornitur tal-likwidità f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’MTF tal-UE u f’SEF tal-Istati Uniti rikonoxxuta bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

L-awtorità kompetenti kkonfermat ukoll li l-kontroparti finanzjarja 3 kienet ipprovditilha ċertifikazzjoni minn ditta li topera MTF tal-UE u SEF tal-Istati Uniti rikonoxxuta bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, li tikkonferma li l-kontroparti finanzjarja 3 hija fornitur tal-likwidità f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi fiż-żewġ faċilitajiet.

Kontroparti finanzjarja 4

L-awtorità kompetenti kkonfermat li l-kontroparti finanzjarja 4 kienet ipprovditilha “ftehim ta’ abbonament ma’ negozjant” u “ftehim ma’ fornitur tal-likwidità”, li t-tnejn jikkonfermaw li l-kontroparti finanzjarja 4 hija fornitur tal-likwidità f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’MFF tal-UE u f’SEF tal-Istati Uniti rikonoxxuta bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

L-awtorità kompetenti kkonfermat ukoll li l-kontroparti finanzjarja 4 kienet ipprovditilha ċertifikazzjoni minn ditta li topera MTF tal-UE u SEF tal-Istati Uniti rikonoxxuta bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, li tikkonferma li l-kontroparti finanzjarja 4 hija fornitur tal-likwidità f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi fiż-żewġ faċilitajiet.

Tabella 2

It-Tabella 2 turi l-attività ta’ negozjar ta’ kull kontroparti finanzjarja bejn l-2021 u l-2024 fl-MTFs tal-UE, kif irrappreżentata mill-għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum u t-tranżazzjonijiet eżegwiti abbażi tal-RFQs riċevuti għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. Peress li d-data tikkostitwixxi data tan-negozju proprjetarja, din it-Tabella tindika l-attività tan-negozjar permezz ta’ firxiet.


Kontroparti finanzjarja

Attività ta’ negozjar fl-MTFs tal-UE

2021

2022

2023

2024

Kontroparti finanzjarja 1

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[50 –75 ]

[100 –125 ]

[100 –125 ]

[100 –125 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

]0 –25 ]

[25 –50 ]

]0 –25 ]

[25 –50 ]

Kontroparti finanzjarja 2

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[225 –250 ]

[325 –350 ]

[275 –300 ]

[275 –300 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

[50 –75 ]

[75 –100 ]

[50 –75 ]

[50 –75 ]

Kontroparti finanzjarja 3

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[100 –125 ]

[125 –150 ]

[75 –100 ]

[50 –75 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

]0 –25 ]

[25 –50 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]

Kontroparti finanzjarja 4

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[50 –75 ]

[50 –75 ]

[25 –50 ]

[50 –75 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

]0 –25 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]


Tabella 3

It-Tabella 3 turi l-attività ta’ negozjar ta’ kull kontroparti finanzjarja bejn l-2021 u l-2024 f’SEFs tal-Istati Uniti rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, kif irrappreżentata mill-għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum u t-tranżazzjonijiet eżegwiti abbażi tal-RFQs riċevuti għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. Peress li d-data tikkostitwixxi data tan-negozju proprjetarja, din it-Tabella tindika l-attività tan-negozjar permezz ta’ firxiet.


Kontroparti finanzjarja

Attività ta’ negozjar f’SEFs tal-Istati Uniti

2021

2022

2023

2024

Kontroparti finanzjarja 1

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[100 –125 ]

[175 –200 ]

[150 –175 ]

[150 –175 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

[25 –50 ]

[50 –75 ]

[25 –50 ]

[50 –75 ]

Kontroparti finanzjarja 2

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[800 –825 ]

[800 –825 ]

[650 –675 ]

[725 –750 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

[150 –175 ]

[225 –250 ]

[150 –175 ]

[150 –175 ]

Kontroparti finanzjarja 3

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[75 –100 ]

[50 –75 ]

[25 –50 ]

[25 –50 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

]0 –25 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]

Kontroparti finanzjarja 4

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[50 –75 ]

[50 –75 ]

[25 –50 ]

[25 –50 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

]0 –25 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]

1.2.   Evidenza ppreżentata biex turi li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti regolarment jirċievu RFQs għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi minn kontropartijiet mhux taż-ŻEE li ma għandhom l-ebda sħubija attiva f’ċentru tan-negozjar fiż-ŻEE

L-awtoritajiet kompetenti użaw l-evidenza li ġejja biex juru li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti regolarment jirċievu RFQs għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi minn kontropartijiet mhux taż-ŻEE li ma għandhom l-ebda sħubija attiva f’ċentru tan-negozjar fiż-ŻEE:

(1)

data li turi li, fit-3 snin qabel id-data effettiva tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti regolarment kienu jirċievu RFQs għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi u kienu jeżegwixxu tranżazzjonijiet abbażi tal-RFQs riċevuti f’ċentri tan-negozjar fir-Renju Unit (ara t-Tabella 4);

(2)

konferma bil-miktub maħruġa minn żewġ ditti li joperaw ċentri tan-negozjar fir-Renju Unit li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti, sal-lum, kienu parteċipanti f’dawk il-faċilitajiet tan-negozjar u setgħu jwieġbu għall-RFQs tal-klijenti għad-derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’dawk iċ-ċentri, jekk jitħallew jagħmlu dan;

(3)

data li turi li, bejn l-2022 u l-2024, il-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti komplew jirċievu RFQs għal derivattivi OTC mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi u jeżegwixxu tranżazzjonijiet abbażi tal-RFQs riċevuti f’ċentri tan-negozjar fir-Renju Unit u li, għalhekk, baqgħu attivi f’dawk iċ-ċentri wara l-2021 b’rabta ma’ derivattivi OTC mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi (ara t-Tabella 5);

(4)

data li turi li, bejn l-2021 u l-2024, il-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti regolarment kienu jirċievu RFQs għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi kemm fl-MTFs tal-UE kif ukoll fl-SEFs tal-Istati Uniti (ara t-Tabelli 2 u 3);

(5)

konferma li, bejn l-2021 u l-2024, il-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti wieġbu għall-RFQs riċevuti minn kontropartijiet mhux taż-ŻEE fuq SEFs tal-Istati Uniti, inkluż minn kontropartijiet mhux taż-ŻEE li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti ma kellhomx interazzjoni magħhom fiċ-ċentri tan-negozjar taż-ŻEE;

(6)

deskrizzjoni tal-miżuri li l-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti impenjaw ruħhom li jimplimentaw biex jiżguraw li, meta jikkonkludu tranżazzjonijiet taħt is-sospensjoni tal-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi, ikunu qegħdin esklużivament iwieġbu għall-RFQs riċevuti minn kontropartijiet mhux taż-ŻEE li ma jkollhom l-ebda sħubija attiva f’ċentru tan-negozjar fiż-ŻEE li joffri negozjar f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi (ara t-Tabella 6).

Tabella 4

It-Tabella 4 turi l-attività ta’ negozjar ta’ kull kontroparti finanzjarja bejn l-2018 u l-2020 f’ċentri tan-negozjar tar-Renju Unit, kif irrappreżentata mill-għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum u t-tranżazzjonijiet eżegwiti abbażi tal-RFQs riċevuti għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. Peress li d-data tikkostitwixxi data tan-negozju proprjetarja, din it-Tabella tindika l-attività tan-negozjar permezz ta’ firxiet.


Kontroparti finanzjarja

Attività ta’ negozjar f’ċentri tan-negozjar tar-Renju Unit

2018

2019

2020

Kontroparti finanzjarja 1

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[50 –75 ]

[50 –75 ]

[100 –125 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

]0 –25 ]

]0 –25 ]

[25 –50 ]

Kontroparti finanzjarja 2

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[125 –150 ]

[175 –200 ]

[300 –325 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

[25 –50 ]

[25 –50 ]

[50 –75 ]

Kontroparti finanzjarja 3

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[50 –75 ]

[50 –75 ]

[75 –100 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

]0 –25 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]

Kontroparti finanzjarja 4

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

]0 –25 ]

[50 –75 ]

[25 –50 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

]0 –25 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]


Tabella 5

It-Tabella 5 turi l-attività ta’ negozjar ta’ kull kontroparti finanzjarja bejn l-2022 u l-2024 f’ċentri tan-negozjar tar-Renju Unit, kif irrappreżentata mill-għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum u t-tranżazzjonijiet eżegwiti abbażi tal-RFQs riċevuti għal derivattivi OTC mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. Peress li d-data tikkostitwixxi data tan-negozju proprjetarja, din it-Tabella tindika l-attività tan-negozjar permezz ta’ firxiet.


Kontroparti finanzjarja

Attività ta’ negozjar f’ċentri tan-negozjar tar-Renju Unit

2022

2023

2024

Kontroparti finanzjarja 1

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[25 –50 ]

[25 –50 ]

[50 –75 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

]0 –25 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]

Kontroparti finanzjarja 2

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[225 –250 ]

[275 –300 ]

[325 –350 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

[50 –75 ]

[50 –75 ]

[50 –75 ]

Kontroparti finanzjarja 3

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[50 –75 ]

[75 –100 ]

[100 –125 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

]0 –25 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]

Kontroparti finanzjarja 4

Għadd medju ta’ RFQs riċevuti kuljum għal derivattivi OTC mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

[75 –100 ]

[25 –50 ]

[25 –50 ]

Għadd medju ta’ tranżazzjonijiet kuljum f’derivattivi OTC mhux soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi eżegwiti fuq il-bażi tal-RFQs riċevuti

]0 –25 ]

]0 –25 ]

]0 –25 ]


Tabella 6

Kontroparti finanzjarja

Evidenza ppreżentata mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti

Il-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti kollha

Il-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti impenjaw ruħhom li jistabbilixxu proċeduri ta’ konformità biex jiżguraw li, meta jipprovdu l-likwidità f’derivattivi soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’ċentri tan-negozjar tar-Renju Unit, dawn ikunu qegħdin esklużivament iwieġbu għall-RFQs riċevuti minn kontropartijiet mhux taż-ŻEE li ma jkollhom l-ebda sħubija attiva f’ċentru tan-negozjar fiż-ŻEE li joffri negozjar fid-derivattiv OTC soġġett għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. B’mod aktar speċifiku, il-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti impenjaw ruħhom li jwettqu l-azzjonijiet li ġejjin.

(1)

Qabel ma jagħmlu onboarding ta’ klijenti ġodda għal strumenti tan-negozjar soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi fiċ-ċentri tan-negozjar tar-Renju Unit, dawn jivverifikaw id-domiċilju tal-klijenti. Il-klijenti b’domiċilju barra miż-ŻEE biss se jkunu jistgħu jissottomettu RFQs għal strumenti soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi lill-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti.

(2)

Għal klijenti mhux taż-ŻEE eżistenti u ġodda, dawk il-kontropartijiet finanzjarji jitolbu liċ-ċentri tan-negozjar taż-ŻEE rilevanti jekk dawk il-klijenti għandhomx sħubija attiva f’dawk iċ-ċentri. Klijent mhux taż-ŻEE se jkun jista’ jibgħat RFQs għal strumenti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi lill-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti biss wara konferma minn dawk iċ-ċentri li l-klijent mhuwiex fost il-membri attivi tagħhom.

(3)

Huma jikkuntattjaw lill-klijenti mhux taż-ŻEE li għandhom sħubija attiva f’ċentru tan-negozjar fiż-ŻEE u jistaqsu dwar in-natura tas-sħubija. Il-klijent ikun jista’ jibgħat RFQs għal strumenti soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi lill-kontropartijiet finanzjarji rikjedenti biss meta jkun ikkonfermat li:

huwa maniġer tal-assi mhux taż-ŻEE li jinnegozja f’ċentri tan-negozjar fiż-ŻEE f’isem il-fondi ta’ investiment taż-ŻEE li jamministra;

l-RFQs jintbagħtu esklużivament f’isem il-fondi ta’ investiment mhux taż-ŻEE li l-maniġer tal-assi mhux taż-ŻEE jamministra (peress li, f’dak il-każ, il-kontroparti fit-tranżazzjoni tkun il-fond mhux taż-ŻEE).

(4)

Il-klijent għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tiegħu b’lista tal-kontropartijiet kollha mhux taż-ŻEE li magħhom għandu l-intenzjoni li jinnegozja strumenti soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi fiċ-ċentri tar-Renju Unit u bi kwalunkwe aġġornament tal-lista.

TAQSIMA 2

Evidenza ppreżentata mill-awtorità kompetenti rilevanti biex turi li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti fil-ġuriżdizzjoni tagħha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32a(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014

2.1.   Evidenza ppreżentata biex turi li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti regolarment taġixxi bħala ġeneratur tas-suq fi swap ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġett għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

L-awtorità kompetenti kkonfermat li l-entitàt rikjedenti hija kontroparti finanzjarja kif definita fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-awtorità kompetenti kkonfermat ukoll li l-attività ta’ negozjar tal-kontroparti finanzjarja rikjedenti, kif murija fit-Taqsima 1.1, tkopri wkoll swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi u li, għalhekk, il-kontroparti finanzjarja regolarment taġixxi bħala ġeneratur tas-suq f’dawk l-istrumenti (ara t-Taqsima 1.1 tal-anness).

2.2.   Evidenza ppreżentata biex turi li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti għandha l-intenzjoni li tinnegozja swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’isimha stess f’ċentru ta’ negozjar miftuħ biss għal kontropartijiet li huma membri tal-ikklerjar ta’ kontropartijiet ċentrali (CCP) kif definit fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ċentru “negozjant għal negozjant”)

Tabella 7

Kontroparti finanzjarja

Evidenza ppreżentata mill-awtorità kompetenti rilevanti

Kontroparti finanzjarja

L-awtorità kompetenti rċeviet mingħand il-kontroparti finanzjarja rikjedenti lista ta’ tliet ċentri “negozjant għal negozjant” ibbażati fir-Renju Unit li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti hija membru tagħhom u li għandha l-ħsieb li tinnegozja fihom f’isimha stess swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. L-awtorità kompetenti rċeviet ukoll konferma bil-miktub mill-kontroparti finanzjarja rikjedenti li l-membri kollha ta’ dawk it-tliet ċentri tan-negozjar huma membri tal-ikklerjar ta’ CCP, kif definiti fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-kontroparti finanzjarja rikjedenti impenjat ruħha li tgħarraf lill-awtorità kompetenti tagħha mill-aktar fis possibbli meta ssir taf bi kwalunkwe parteċipant ġdid f’dawk it-tliet ċentri tan-negozjar biex tikkonferma li l-parteċipanti l-ġodda huma membri tal-ikklerjar ta’ CCP, kif definiti fl-Artikolu 2(14) ta’ dak ir-Regolament.

2.3.   Evidenza ppreżentata biex turi li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti għandha l-intenzjoni li tinnegozja swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi f’isimha stess ma’ kontroparti li hija ġeneratur tas-suq u li ma għandha l-ebda sħubija attiva f’ċentru taż-ŻEE “negozjant għal negozjant” li joffri negozjar tad-derivattivi OTC soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi

Tabella 8

Kontroparti finanzjarja

Evidenza ppreżentata mill-awtorità kompetenti

Kontroparti finanzjarja

L-awtorità kompetenti rċeviet konferma mill-kontroparti finanzjarja rikjedenti li l-membri tat-tliet ċentri “negozjant għal negozjant” ibbażati fir-Renju Unit li magħhom il-kontroparti finanzjarja rikjedenti għandha l-intenzjoni li tinnegozja għandhom status ta’ ġeneratur tas-suq attiv. Il-kontroparti finanzjarja rikjedenti impenjat ruħha wkoll li tgħarraf lill-awtorità kompetenti tagħha dwar l-istatus ta’ ġeneratur tas-suq ta’ kwalunkwe parteċipant ġdid f’dawk iċ-ċentri.

L-awtorità kompetenti kkonfermat bil-miktub li, sa fejn taf hi, bħalissa ma hemm l-ebda ċentru “negozjant għal negozjant” fiż-ŻEE li joffri negozjar fi swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi. L-awtorità kompetenti se timmonitorja kontinwament jekk kwalunkwe ċentru “negozjant għal negozjant” jibdiex jopera fiż-ŻEE.

2.4.   Evidenza ppreżentata biex turi li l-kontroparti finanzjarja rikjedenti tikklerja s-swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu f’CCP awtorizzata jew rikonoxxuta skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012

Tabella 9

Kontroparti finanzjarja

Evidenza ppreżentata mill-awtorità kompetenti

Kontroparti finanzjarja

Għal kull ċentru “negozjant għal negozjant” ibbażat fir-Renju Unit fejn il-kontroparti finanzjarja rikjedenti jkollha l-intenzjoni li tinnegozja swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu soġġetti għall-obbligu ta’ negozjar tad-derivattivi, l-awtorità kompetenti rċeviet lista ta’ CCPs fejn se tikklerja dawk is-swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu. Dawk is-CCPs huma CCPs awtorizzati jew rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1288/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)