European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1243

15.6.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1243

tal-11 ta’ Ġunju 2026

dwar il-monitoraġġ tal-preżenza ta’ alkalojdi tal-ergotina fl-għalf

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistabbilixxi l-livell massimu għal ċerti sustanzi mhux mixtieqa, inkluż l-ergotina tas-segala (Claviceps purpurea), fl-għalf.

(2)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/154/UE (2) rrakkomandat il-monitoraġġ tal-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina fiċ-ċereali u fil-prodotti taċ-ċereali maħsuba għall-għalf tal-annimali, fil-ħaxix tal-mergħat/tal-foraġġ għall-għalf tal-annimali u fl-għalf kompost.

(3)

Fit-28 ta’ Ġunju 2012, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni dwar l-alkalojdi tal-ergotina fl-ikel u fl-għalf (3). L-Awtorità bbażat il-valutazzjoni tar-riskju tagħha fuq l-alkalojdi tal-ergotina prinċipali Claviceps purpurea, jiġifieri l-ergometrina, l-ergotammina, l-ergokristina, l-ergokriptina, l-ergokornina, kif ukoll l-epimeri “-inina” korrispondenti. Peress li l-Claviceps africana u l-Claviceps fusiformis jistgħu jkunu rilevanti għall-għalf importat fl-Unjoni, għandha tiġi mmonitorjata l-okkorrenza tal-alkalojdi tal-ergotina predominanti tagħhom, b’mod partikolari d-diidroergosina u l-agroklavina, rispettivament. L-ergovalina huwa wieħed mill-alkalojdi tal-ergotina li normalment jinstabu fi speċijiet ta’ ħaxix infettati bl-endofiti, bħaż-żwien twil jew is-sikrana perenni.

(4)

Fis-6 ta’ Lulju 2017, l-Awtorità ppubblikat rapport xjentifiku dwar l-esponiment djetetiku tal-bniedem u tal-annimali għall-alkalojdi tal-ergotina (4). Fir-rapport huwa rrakkomandat li jrid ikompli l-ġbir tad-data analitika dwar l-alkalojdi tal-ergotina fil-komoditajiet tal-għalf rilevanti. Barra minn hekk, għandu jkompli l-ġbir simultanju ta’ data dwar il-preżenza tal-iskleroti tal-ergotina u dwar il-kontenut tal-alkalojdi tal-ergotina f’komoditajiet tal-għalf differenti, sabiex tinftiehem aħjar ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ varjabbli. Għall-monitoraġġ, għandhom jintużaw il-metodi analitiċi disponibbli b’sensittività suffiċjenti.

(5)

Fit-30 ta’ Novembru 2023, l-Awtorità adottat opinjoni dwar ir-riskju għas-saħħa tal-annimali marbut mal-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina fl-għalf (5). L-awtorità qieset li l-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina fl-għalf tqajjem tħassib għas-saħħa fil-bovini u fil-ħnieżer (il-ħnienes, il-ħnieżer tas-simna u l-majjali). L-Awtorità enfasizzat li hemm bżonn ta’ aktar data dwar l-okkorrenza tal-alkalojdi tal-ergotina, b’mod partikolari fil-foraġġ u fis-sorgu, u tal-ergovalina/ergovalinina fil-foraġġ. Id-data dwar l-okkorrenza sottomessa lill-Awtorità għandu jkun fiha informazzjoni adegwata dwar il-kampjuni tal-għalf analizzati, inkluż il-kontenut ta’ ndewwa, l-annimali fil-mira u t-tip ta’ għalf kompost (komplut/komplementari) u għandhom jintużaw metodi sensittivi għall-analiżi.

(6)

Għalhekk jixraq li jiġi rrakkomandat il-monitoraġġ tal-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina fl-għalf madwar l-Unjoni,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri, bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozju tal-għalf, iwettqu monitoraġġ għall-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina fl-għalf.

2.

Għandhom jiġu analizzati tal-inqas l-alkalojdi tal-ergotina li ġejjin:

ergokristina/ergokristinina

ergotammina/ergotamminina

ergokriptina/ergokriptinina (isomeri α- u β-)

ergometrina/ergometrinina

ergosina/ergosinina

ergokornina/ergokorninina.

Hija rakkomandata wkoll l-analiżi tal-ergovalina/ergovalinina, tal-agroklavina, tad-diidroergosina u tal-lolitrem B.

3.

Kull meta jkun possibbli, għandu jiġi ddeterminat il-kontenut tal-iskleroti fil-kampjun sabiex ikun jista’ jittejjeb l-għarfien dwar ir-relazzjoni bejn il-kontenut tal-iskleroti u l-livell ta’ alkalojdi tal-ergotina individwali.

4.

Il-metodu ta’ analiżi rakkomandat huwa l-kromatografija likwida/l-ispettrometrija tal-massa f'tandem (LC-MS/MS). Metodi oħra ta’ analiżi jistgħu jiġu applikati sakemm tkun disponibbli evidenza li turi li jiġġeneraw riżultati affidabbli għall-alkalojdi tal-ergotina individwali (jew għal pari ta’ epimeri tagħhom). Il-limitu ta’ kwantifikazzjoni (LOQ) għad-determinazzjoni ta’ kull alkalojde tal-ergotina li għandu jinkiseb għandu jkun 5 μg/kg jew inqas.

5.

B’mod partikolari, huwa rrakkomandat li jittieħdu kampjuni ta’ dawn li ġejjin:

ċereali u prodotti derivati minnhom

ħaxix u prodotti derivati minnu, inkluż il-foraġġ

għalf kompost.

6.

Sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi tal-lott ikkampjunat, l-Istati Membri għandhom isegwu l-metodu tal-kampjunar stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (6).

7.

Fuq bażi regolari u sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2028, huwa rakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw li r-riżultati analitiċi jiġu pprovduti lill-Awtorità fil-format tal-preżentazzjoni tad-data tal-EFSA f’konformità mar-rekwiżiti tal-Gwida tal-EFSA “Guidance on Standard Sample Description (SSD2) for Food and Feed” (7) u mar-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi tar-rappurtar tal-EFSA.

8.

Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/154/UE.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/32/oj).

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/154/UE tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar il-monitoraġġ tal-preżenza ta’ alkalojdi tal-ergotina fl-għalf u fl-ikel (ĠU L 77, 16.3.2012, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2012/154/oj).

(3)  Scientific Opinion on Ergot alkaloids in food and feed. EFSA Journal 2012;10(7):2798. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2012.2798.

(4)  Arcella, D., Gomez Ruiz, J-A., Innocenti, ML and Roldán, R., 2017. Scientific report on human and animal dietary exposure to ergot alkaloids. EFSA Journal 2017;15(7):4902, 53 paġna. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017.4902.

(5)  Scientific Opinion on the risk for animal health related to the presence of ergot alkaloids in feed EFSA Journal. 2024;22(1):e8496. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8496.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/152/oj).

(7)   https://www.efsa.europa.eu/mt/call/call-continuous-collection-chemical-contaminants-occurrence-data-0.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2026/1243/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)