European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1195

14.8.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1195

tal-5 ta’ Ġunju 2026

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-proċedura għat-twettiq tal-elenkar ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra ta’ riskju għoli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(1a) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra ta’ riskju għoli huma elenkati b’mod proviżorju fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2). L-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni hija pprojbita sakemm issir valutazzjoni tar-riskju.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 42(1a) tar-Regolament (UE) 2016/2031, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar il-proċedura għat-twettiq tal-elenkar ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra ta’ riskju għoli. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jiżguraw li l-elenkar jitwettaq abbażi ta’ proċess f’waqtu, effettiv u trasparenti.

(3)

Sabiex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk telenkax il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra bħal pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, jenħtieġ li l-Istati Membri jressqu lill-Kummissjoni talba li tindika l-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra li jixtiequ li jiġu elenkati bħala pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli (“il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra kkonċernati”), akkumpanjati minn dossier tekniku li jkun fih l-evidenza ta’ sostenn teknika u xjentifika rilevanti.

(4)

Jixraq ukoll li jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-proċedura għall-elenkar tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra ta’ riskju għoli abbażi ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, fejn il-Kummissjoni tqis li dik l-inizjattiva hija meħtieġa biex jiġi indirizzat riskju fitosanitarju. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji dossier tekniku li jkun fih l-evidenza ta’ sostenn teknika u xjentifika rilevanti.

(5)

L-esperjenza wriet li hija essenzjali l-evidenza xjentifika u teknika li ġejja: id-data dwar l-importazzjoni, jew dwar l-interess għall-importazzjoni, tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew tal-oġġetti l-oħra kkonċernati fl-Unjoni minn pajjiżi terzi; id-data dwar l-interċettazzjonijiet tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra minħabba l-preżenza tal-pesti assoċjati ma’ dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra; id-data dwar il-produzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew tal-oġġetti l-oħra kkonċernati u ta’ pjanti ospitanti oħra li jistgħu jiġu affettwati mill-pesti; l-informazzjoni dwar il-pesti ospitati mill-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra kkonċernati; u d-data li turi li l-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew l-oġġetti l-oħra kkonċernati jistgħu jippreżentaw riskju ta’ pesti ta’ livell inaċċettabbli għat-territorju tal-Unjoni, meta jiġu introdotti minn pajjiż terz.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li d-dossier tekniku mressaq minn Stat Membru jkun fih l-elementi meħtieġa għall-valutazzjoni preliminari, jixraq li l-Kummissjoni tivverifika l-kompletezza tiegħu u titlob, fejn meħtieġ, informazzjoni jew kjarifiki addizzjonali.

(7)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit grupp ta’ valutazzjoni preliminari sabiex iwettaq il-valutazzjoni preliminari tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew tal-oġġetti oħra kkonċernati. Jenħtieġ li l-grupp ta’ valutazzjoni preliminari jikkonsisti minn esperti maħtura mill-Istati Membri, mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, u mill-Kummissjoni.

(8)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-proċedura biex il-grupp ta’ valutazzjoni preliminari jwettaq il-valutazzjoni preliminari, il-komunikazzjoni tiegħu mal-Istat Membru li jagħmel it-talba, jekk ikun xieraq, u l-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni.

(9)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dwar it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti biċċiet ta’ informazzjoni, b’mod partikolari, meta dan jintalab minn kwalunkwe persuna b’interess leġittimu, sabiex jiġu protetti l-interessi ta’ dik il-persuna mid-divulgazzjoni ta’ dik l-informazzjoni. Jenħtieġ li dawn il-biċċiet ta’ informazzjonii jinkludu: il-proċess ta’ manifattura jew ta’ produzzjoni, inkluż il-metodu u l-aspetti innovattivi tiegħu, kif ukoll speċifikazzjonijiet tekniċi u industrijali oħra inerenti għal dak il-proċess jew metodu, għajr l-informazzjoni li hija rilevanti għall-valutazzjoni tas-sikurezza; ir-rabtiet kummerċjali bejn produttur jew importatur u l-persuna li tagħmel it-talba, fejn applikabbli; u l-informazzjoni kummerċjali li tikxef is-sorsi, l-ishma mis-suq jew l-istrateġija kummerċjali tal-persuna li tagħmel it-talba,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċedura għat-twettiq tal-elenkar ta’ pjanti, ta’ prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra ta’ riskju għoli skont l-Artikolu 42(1a) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Din il-proċedura għandha tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

(a)

it-tħejjija tal-evidenza għall-valutazzjoni tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra ta’ riskju għoli;

(b)

l-azzjonijiet li jridu jittieħdu wara li tasal dik l-evidenza;

(c)

il-proċeduri għal dik il-valutazzjoni; u

(d)

it-trattament tad-dossiers li jikkonċernaw il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.

Artikolu 2

Tħejjija tal-evidenza xjentifika u teknika meħtieġa għall-valutazzjoni preliminari tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra ta’ riskju għoli bħala segwitu ta’ talba mill-Istati Membri

1.   Sabiex il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra jiġu elenkati bħala pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, Stat Membru għandu jressaq talba lill-Kummissjoni li tindika l-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew l-oġġetti l-oħra li jridu jiġu elenkati bħala pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

2.   Skont il-paragrafu 1, kull talba għandha tkun akkumpanjata minn dossier tekniku.

3.   Id-dossier tekniku għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-data dwar l-importazzjoni, jew dwar l-interess għall-importazzjoni, tal-pjanta, tal-prodott mill-pjanti jew tal-oġġett ieħor ikkonċernat fl-Unjoni minn pajjiżi terzi;

(b)

id-data dwar l-interċettazzjonijiet tal-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra minħabba l-preżenza tal-pesti assoċjati ma’ dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra;

(c)

id-data dwar il-produzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra kkonċernati u ta’ pjanti ospitanti oħra li jistgħu jiġu affettwati mill-pesti ospitati mill-pjanta, mill-prodott mill-pjanti jew mill-oġġett ieħor ikkonċernat;

(d)

l-informazzjoni dwar il-pesti ospitati mill-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra kkonċernati;

(e)

id-data li turi li l-pjanta, il-prodott mill-pjanti jew oġġetti oħra kkonċernati jistgħu jippreżentaw riskju ta’ pesti ta’ livell inaċċettabbli għat-territorju tal-Unjoni minħabba l-probabbiltà li jospitaw pest li r-riskju tiegħu ma jkunx indirizzat biżżejjed mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (3);

(f)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti u tal-persuna fiżika fl-Istat Membru responsabbli għall-kollegament mal-Kummissjoni; u

(g)

kwalunkwe talba biex ċerta evidenza tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali.

Artikolu 3

Tħejjija tal-evidenza xjentifika u teknika meħtieġa għall-valutazzjoni preliminari tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra ta’ riskju għoli abbażi ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni

Meta l-Kummissjoni tqis li jkun meħtieġ li jiġi indirizzat riskju fitosanitarju, hija għandha tħejji dossier tekniku b’appoġġ għall-elenkar ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra bħala pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

Id-dossier tekniku għandu jkun fih mill-inqas l-evidenza elenkata fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 2(3).

Il-Kummissjoni għandha tressaq lill-grupp ta’ valutazzjoni preliminari d-dossier tekniku msemmi fl-Artikolu 5(1).

Artikolu 4

Azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni wara li tirċievi d-dossier tekniku mressaq mill-Istat Membru

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi li rċeviet id-dossier tekniku mressaq mill-Istat Membru skont l-Artikolu 2.

2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk id-dossier tekniku jinkludix l-evidenza elenkata fl-Artikolu 2(3) u tista’ titlob aktar informazzjoni jew kjarifiki mill-Istat Membru, kif meħtieġ mill-kontenut u s-suġġett ta’ dak id-dossier tekniku.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika wkoll jekk intalbitx il-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ ċerti elementi ta’ evidenza.

4.   Meta r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tressaq id-dossier tekniku tal-Istat Membru lill-grupp ta’ valutazzjoni preliminari msemmi fl-Artikolu 5(1).

Artikolu 5

Proċedura għall-valutazzjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mingħajr dewmien grupp ta’ esperti responsabbli għat-twettiq tal-valutazzjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 (“il-grupp ta’ valutazzjoni preliminari”).

Il-grupp ta’ valutazzjoni preliminari għandu jikkonsisti minn esperti maħtura mill-Istati Membri, esperti mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, u esperti mill-Kummissjoni.

Il-grupp preliminari ta’ valutazzjoni jista’ jitlob informazzjoni jew kjarifiki addizzjonali mill-Istat Membru kkonċernat jew mill-Kummissjoni, kif meħtieġ mill-kontenut u s-suġġett tad-dossier tekniku tagħhom.

Il-grupp ta’ valutazzjoni preliminari għandu jivvaluta r-riskju fitosanitarju tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra kkonċernati. Il-grupp ta’ valutazzjoni preliminari għandu jlesti l-valutazzjoni preliminari f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed dik il-valutazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

2.   Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni għandha żżid, jew tiddeċiedi li ma żżidx, il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew l-oġġetti l-oħra rispettivi mal-lista tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta’ oġġetti oħra ta’ riskju għoli stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

Il-membri tal-grupp ta’ valutazzjoni preliminari ma għandhom jippubblikaw l-ebda informazzjoni kunfidenzjali. Fil-valutazzjoni ta’ jekk l-informazzjoni hijiex kunfidenzjali, għandu jitqies jekk persuna b’interess leġittimu (“persuna rikjedenti”) talbitx trattament kunfidenzjali. Dik il-valutazzjoni għandha ssir mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

L-obbligu li ma tiġix ippubblikata l-informazzjoni kunfidenzjali għandu jikkonċerna l-informazzjoni li ġejja, f’każijiet meta d-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni tista’ potenzjalment tagħmel ħsara lill-pożizzjoni kompetittiva jew lil kwalunkwe interess ieħor tal-persuna rikjedenti:

(a)

il-proċess ta’ manifattura jew ta’ produzzjoni, inkluż il-metodu tiegħu, kif ukoll speċifikazzjonijiet tekniċi u industrijali oħra inerenti għal dak il-proċess jew metodu, għajr għall-informazzjoni li hija rilevanti għall-valutazzjoni tas-sikurezza;

(b)

ir-rabtiet kummerċjali bejn produttur jew importatur u l-persuna li tagħmel it-talba, fejn applikabbli;

(c)

l-informazzjoni kummerċjali li tikxef is-sorsi, l-ishma mis-suq jew l-istrateġija kummerċjali tal-persuna li tagħmel it-talba.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2019/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/2072/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/1195/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)