European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1179

3.6.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1179

tal-1 ta’ Ġunju 2026

li tagħti rikonoxximent fl-Unjoni, skont id-Direttiva (UE) 2017/2397, liċ-ċertifikati ta’ kwalifika abbażi ta’ eżami organizzat taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità amministrattiva, lill-kotba tar-rekords tas-servizz u lill-ġurnali ta’ abbord fin-navigazzjoni interna, li nħarġu mis-Serbja

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 91/672/KEE u 96/50/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(5) tagħha,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397, kwalunkwe pajjiż terz jista’ jissottometti lill-Kummissjoni talba għar-rikonoxximent ta’ ċertifikati ta’ kwalifika, kotba tar-rekords tas-servizz jew ġurnali ta’ abbord li nħarġu mill-awtoritajiet tiegħu. It-talba trid tkun akkumpanjata bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk il-ħruġ ta’ tali dokumenti huwiex soġġett għal rekwiżiti li huma identiċi għal dawk stabbiliti f’dik id-Direttiva.

(2)

Permezz tal-ittra tas-16 ta’ Diċembru 2022, is-Serbja talbet ir-rikonoxximent ta’ ċertifikati, kotba tar-rekords tas-servizz u ġurnali ta’ abbord li kienu nħarġu mill-awtoritajiet tagħha. Malli rċeviet it-talba għar-rikonoxximent, il-Kummissjoni bdiet il-valutazzjoni tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni fis-Serbja.

(3)

Il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq l-analiżi tad-dokumentazzjoni sottomessa u fuq ir-riżultati tal-ispezzjoni ta’ tiftix tal-fatti mwettqa mill-Kummissjoni f’Belgrad fit-28 u fid-29 ta’ Mejju 2024, li ffukat fuq il-valutazzjoni tal-eżamijiet amministrattivi (il-livell maniġerjali u l-livell operazzjonali) organizzati mill-awtoritajiet Serbi. B’mod partikolari, l-ispezzjoni ta’ tiftix tal-fatti vvalutat it-twettiq tal-eżamijiet amministrattivi għall-boatmasters u għal membri oħra tal-ekwipaġġ ta’ fuq il-gverta, il-ħruġ ta’ kotba tar-rekords tas-servizz għall-membri tal-ekwipaġġ ta’ fuq il-gverta, il-ġurnali ta’ abbord u ċ-ċertifikati ta’ kwalifika, il-kontroll tas-saħħa u l-ħruġ ta’ ċertifikati mediċi, u l-validazzjoni tal-ħinijiet tan-navigazzjoni fil-kotba tar-rekords tas-servizz u fil-proċeduri amministrattivi li jikkonċernaw il-ġurnali ta’ abbord.

(4)

Il-valutazzjoni twettqet f’konformità mal-Artikolu 17(2), il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2017/2397 li jappartjeni għall-eżamijiet organizzati taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità amministrattiva. Il-proċedura għall-approvazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ skont l-Artikolu 17(2), il-punt (b), tad-Direttiva (UE) 2017/2397 ma kinitx parti mill-valutazzjoni u jenħtieġ li titwettaq fi stadju aktar tard wara l-ħolqien tal-Istitut ta’ Taħriġ f’Belgrad.

(5)

L-ispezzjoni ta’ tiftix tal-fatti identifikat diversi oqsma li kellhom jiġu indirizzati mill-awtoritajiet Serbi, inklużi nuqqasijiet relatati mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ, il-validità, is-sospensjoni u l-irtirar ta’ ċertifikati ta’ kwalifika. F’Novembru 2024, l-awtoritajiet Serbi ssottomettew it-tweġiba tagħhom li tindirizza n-nuqqasijiet identifikati.

(6)

Abbażi tar-riżultati tal-ispezzjoni ta’ tiftix tal-fatti, it-tweġibiet għan-nuqqasijiet sottomessi mis-Serbja, l-emendi korrispondenti fil-ġabriet tar-regoli rilevanti u informazzjoni oħra disponibbli, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet Serbi ħadu miżuri biex jiżguraw li l-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ kwalifika, tal-kotba tar-rekords tas-servizz u tal-ġurnali ta’ abbord speċifikati fit-talba tas-Serbja jkun soġġett għal rekwiżiti li huma identiċi għal dawk stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2017/2397.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 u meta jitqies li s-Serbja tirrikonoxxi fil-ġurisdizzjoni tagħha d-dokumenti tal-Unjoni maħruġa skont dik id-Direttiva, kwalunkwe ċertifikat ta’ kwalifika abbażi ta’ eżami organizzat taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità amministrattiva, ktieb tar-rekords tas-servizz jew ġurnal ta’ abbord maħruġ f’konformità mar-regoli nazzjonali tas-Serbja, jenħtieġ li jkun validu fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni.

(8)

Fis-6 ta’ Ġunju 2024, is-Serbja ssottomettiet talba lill-Kummissjoni biex tirċievi aċċess għall-Bażi tad-Data Ewropea tal-Ekwipaġġ għaċ-ċertifikati tal-kwalifiki u l-kotba tar-rekords tas-servizz u għall-Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Buq għall-ġurnali ta’ abbord.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 25(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397, l-awtoritajiet f’pajjiżi terzi li joħorġu ċertifikati ta’ kwalifika, kotba tar-rekords tas-servizz jew ġurnali ta’ abbord jistgħu jingħataw aċċess għall-bażi tad-data, sa fejn dan ikun meħtieġ għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 dment li r-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-data tal-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jiġu ssodisfati, il-pajjiż terz ma jillimitax l-aċċess mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni għall-bażi tad-data korrispondenti tagħha u jekk il-Kummissjoni tiżgura li l-pajjiż terz ma jittrasferix id-data lil pajjiż terz ieħor jew lil organizzazzjoni internazzjonali oħra mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni u skont il-kundizzjonijiet speċifikati mill-Kummissjoni. Peress li huma meħtieġa arranġamenti amministrattivi speċjali skont l-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2018/1725 bejn il-Kummissjoni u s-Serbja sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għoti ta’ aċċess għall-Bażi tad-Data Ewropea tal-Ekwipaġġ u għall-Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Buq lill-awtoritajiet tas-Serbja jenħtieġ li tiġi adottata fi stadju aktar tard.

(10)

L-Istati Membri ngħataw l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni.

(11)

Għalhekk huwa xieraq li jiġu rikonoxxuti ċ-ċertifikati ta’ kwalifika li jinħarġu abbażi ta’ eżami organizzat taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità amministrattiva, lill-kotba tar-rekords tas-servizz u lill-ġurnali ta’ abbord li nħarġu mis-Serbja għall-finijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2017/2397.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 33 tad-Direttiva (UE) 2017/2397,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni tagħti rikonoxximent fl-Unjoni, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2017/2397, liċ-ċertifikati ta’ kwalifika abbażi ta’ eżami organizzat taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità amministrattiva, lill-kotba tar-rekords tas-servizz u lill-ġurnali ta’ abbord fin-navigazzjoni interna, li nħarġu mis-Serbja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 345, 27.12.2017, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/2397/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1179/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)