European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1173

28.5.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1173

tat-28 ta’ Mejju 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/385 li tistabbilixxi miżuri restrittivi kontra dawk li jappoġġaw, jiffaċilitaw jew jippermettu azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/385 (1).

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill Ewropew appella għal iktar ħidma fuq il-miżuri restrittivi kontra l-Ħamas.

(3)

Il-Ħamas għadu jirrappreżenta theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. L-azzjonijiet vjolenti tiegħu jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-Bureau Politiku tal-Ħamas (“Politburo”) huwa l-korp deċiżjonali ewlieni tal-grupp u jiddetermina l-politiki soċjali, politiċi u militari tiegħu. B’mod partikolari, il-fergħa militari tal-Ħamas (Hamas-Izz al-Din al-Qassem) hija soġġetta għall-politiki ġenerali deċiżi mill-Politburo u konsistentement wiegħdet lealtà lejn il-Politburo. Barra minn hekk, il-membri tal-Politburo għandhom għarfien tal-ippjanar, it-tħejjija u l-eżekuzzjoni ta’ azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas. Huma jippromwovu, jiddefendu u jiġġustifikaw ukoll azzjonijiet vjolenti bħal dawn, u spiss jheddu jew iwissu pubblikament dwar imġiba futura simili. Għalhekk, il-Kunsill iqis li l-membri tal-Politburo għandhom rwol sinifikanti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan l-Ħamas u jeżerċitaw influwenza konsiderevoli fuq l-azzjonijiet tal-Ħamas, inkluż l-azzjonijiet vjolenti tiegħu. Għalhekk, huma jerfgħu r-responsabbiltà ġenerali għal dawk l-azzjonijiet.

(4)

Sabiex jitrażżnu l-azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas, il-Kunsill iqis xieraq li jiġu previsti miżuri restrittivi, fil-forma ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar , u l-iffriżar tal-fondi u r-żorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn membri tal-Politburo. Madankollu, jenħtieġ li membri tal-Politburo ma jkunux soġġetti għal miżuri restrittivi jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni li turi li ma jeżerċitawx influwenza fuq l-azzjonijiet vjolenti mwettqa mill-Ħamas.

(5)

Huwa xieraq li jiġi emendat it-titolu tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/385.

(6)

Huwa xieraq ukoll li jiżdiedu għaxar persuni mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, gruppi, entitajiet u korpi stabblita fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/385.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2024/385 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/385 hija emendata kif ġej:

(1)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/385 tad-19 ta’ Jannar 2024 li tistabbilixxi miżuri restrittivi kontra l-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina u dawk li jappoġġaw, jiffaċilitaw jew jippermettu l-azzjonijiet vjolenti tagħhom”

;

(2)

fl-Artikolu 1, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni fiżiċi li huma membri tal-Bureau Politiku tal-Ħamas (‘Politburo’), kif elenkati fl-Anness.

1b.   Il-membri tal-Politburo ma għandhomx jiġu inklużi jew jinżammu fil-lista ta’ persuni u entitajiet fl-Anness jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni li turi li ma jeżerċitawx influwenza fuq l-azzjonijiet vjolenti mwettqa mill-Ħamas.”

;

(3)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħrajn kollha li jappartjenu lil, jew li huma l-proprjetà ta’, jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi, entitajiet u korpi:”

;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Il-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħrajn kollha li jappartjenu lil, jew li huma l-proprjetà ta’, jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn persuni fiżiċi li huma membri tal-Politbureau, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

1b.   Il-membri tal-Politbureau ma għandhomx jiġu inklużi jew jinżammu fil-lista ta’ persuni u entitajiet fl-Anness jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni li turi li ma jeżerċitawx influwenza fuq l-azzjonijiet vjolenti mwettqa mill-Ħamas.”.

Artikolu 2

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/385 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DAMIANOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/385 tad-19 ta’ Jannar 2024 li tistabbilixxi miżuri restrittivi kontra dawk li jappoġġaw, jiffaċilitaw jew jippermettu azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas u l-Ġiħad Iżlamika tal-Palestina (ĠU L, 2024/385, 19.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/385/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/385, l-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt is-subintestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

Data tal-elenkar

“13.

Nizar Mohammed AWADALLAH

magħruf ukoll bħala

Nizar Bin Mohammed AWADALLAH;

Nazar Muhammad Mahmud AWADALLAH

Data tat-twelid: 11.12.1957

Post tat-twelid: Gaza City, Gaza

Nazzjonalità: Palestinjana

Sess: raġel

Nru tal-ID Nazzjonali Palestinjana: 931005433

Funzjoni: membru tal-Bureau Politiku tal-Ħamas (‘Politburo’)

Nizar Mohammed Awadallah ilu membru tal-Politburo mill-2009. Bħala membru ta’ dak il-korp deċiżjonali, huwa responsabbli għal azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas.

28.5.2026

14.

Mohammad NAZZAL

magħruf ukoll bħala

Muhammad Essam Rizk Abdul RAHMAN

Data tat-twelid: 1963

Post tat-twelid: Amman, Jordan

Nazzjonalità: Ġordaniża

Sess: raġel

Nru tal-ID Nazzjonali Ġordaniża: 9631022654

Funzjoni: membru tal-Bureau Politiku tal-Ħamas (‘Politburo’)

Mohammad Nazzal ilu membru tal-Politburo mill-1996. Bħala membru ta’ dak il-korp deċiżjonali, huwa responsabbli għal azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas.

28.5.2026

15.

Husam BADRAN

magħruf ukoll bħala

Hossam BADRAN;

Husam Ataf Ali BADRAN;

Husam Atif All BADRAN;

Hussam BADRAN

Data tat-twelid: 11.1.1966

Post tat-twelid: Nablus (West Bank)

Sess: raġel

Funzjoni: membru tal-Bureau Politiku tal-Ħamas (‘Politburo’)

Husam Badran ilu membru tal-Politburo mill-2017. Bħala membru ta’ dak il-korp deċiżjonali, huwa responsabbli għal azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas.

28.5.2026

16.

Khaled MASHAL

(خالد مشعل)

Data tat-twelid: 28.5.1956

Post tat-twelid: Silwad, Ramallah (West Bank)

Nazzjonalità: Palestinjana

Sess: raġel

Funzjoni: membru tal-Bureau Politiku tal-Ħamas (‘Politburo’); membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija Temporanju tal-Ħamas

Khaled Mashal huwa membru tal-Politburo. Bħala membru ta’ dak il-korp deċiżjonali, huwa responsabbli għal azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas.

28.5.2026

17.

Khalil AL-HAYYA

(خليل الحية)

Data tat-twelid: 1960

Post tat-twelid: Gaza

Sess: raġel

Funzjoni: membru tal-Bureau Politiku tal-Ħamas (‘Politburo’); membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija Temporanju tal-Ħamas; Viċi Kap tal-bureau reġjonali tal-Ħamas f’Gaża

Khalil Al-Hayya ilu membru tal-Politburo mill-2016. Bħala membru ta’ dak il-korp deċiżjonali, huwa responsabbli għal azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas.

28.5.2026

18.

Muhammad Ismail DARWISH

magħruf ukoll bħala

Abu Omar Hassan

(أبو عمر حسن,)

Post tat-twelid: Lebanon

Sess: raġel

Funzjoni: membru tal-Bureau Politiku tal-Ħamas (‘Politburo’); membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija Temporanju tal-Ħamas; Kap tal-korp konsultattiv tal-Ħamas, il-Kunsill Shura

Muhammad Ismail Darwish huwa membru tal-Politburo. Bħala membru ta’ dak il-korp deċiżjonali, huwa responsabbli għal azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas.

28.5.2026

19.

Zaher JABARIN

(زاهر جبارين)

magħruf ukoll bħala

Zaher JABAREEN

(زاهر جبارين)

Data tat-twelid: 18.9.1968

Post tat-twelid: Salfit (West Bank)

Sess: raġel

Funzjoni: membru tal-Bureau Politiku tal-Ħamas (‘Politburo’); membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija Temporanju tal-Ħamas; Kap tal-bureau reġjonali tal-Ħamas fil-West Bank

Zaher Jabarin ilu membru tal-Politburo mill-2021. Bħala membru ta’ dak il-korp deċiżjonali, huwa responsabbli għal azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas.

28.5.2026

20.

Abu Khalil AL-QUDS

أبو خليل القدس

Sess: raġel

Funzjoni: membru tal-Bureau Politiku tal-Ħamas (‘Politburo’)

Abu Khalil al-Quds ilu membru tal-Politburo mill-2021. Bħala membru ta’ dak il-korp deċiżjonali, huwa responsabbli għal azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas.

28.5.2026

21.

Fathi HAMAD

فتحي حماد

magħruf ukoll bħala

Fathi Ahmad HAMMAD, Fathy Ahmed HAMAD

Data tat-twelid: 1961

Post tat-twelid: Jabaliya, Gaza

Sess: raġel

Funzjoni: membru tal-Bureau Politiku tal-Ħamas (‘Politburo’)

Fathi Hamad ilu membru tal-Politburo mill-2017. Bħala membru ta’ dak il-korp deċiżjonali, huwa responsabbli għal azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas.

28.5.2026

22.

Moussa ABU MARZOUK

موسى أبو مرزوق

magħruf ukoll bħala

Mousa Mohammed ABU MARZOOK, Musa Abu MARZUK, Sa’id ABU-MARZUQ

Data tat-twelid: 9.2.1951

Post tat-twelid: Gaza

Sess: raġel

Funzjoni: membru tal-Bureau Politiku tal-Ħamas (‘Politburo’)

Moussa Abu Marzouk huwa membru tal-Politburo. Bħala membru ta’ dak il-korp deċiżjonali, huwa responsabbli għal azzjonijiet vjolenti mill-Ħamas.

28.5.2026”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1173/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)