|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1171 |
2.6.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1171
tal-1 ta’ Ġunju 2026
li japprova l-inklużjoni tal-Port ta’ Victoria fil-lista tal-portijiet f’konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474 u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/897 kif xieraq
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/897 (2) approva l-lista inizjali tal-portijiet li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga mill-marġni ta’ tolleranza fl-istima tal-qabdiet għall-iżbark jew għat-trażbordi mhux magħżula tas-sajd pelaġiku żgħir, tas-sajd industrijali u tas-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża. Dik il-lista ġiet emendata billi ġew miżjuda portijiet ġodda li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1474 (3), approvat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2156 (4). |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474, Franza ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni biex tinkludi port li jinsab fit-territorju tar-Repubblika tas-Seychelles, b’mod partikolari l-Port ta’ Victoria f’Mahé, fil-lista tal-portijiet approvati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/897 għall-kwantitajiet mhux magħżula, żbarkati u trażbordati mis-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża. |
|
(3) |
Abbażi tal-informazzjoni u tal-evidenza mressqa minn Franza fl-applikazzjoni tagħha u bħala segwitu ta’ valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474, il-Kummissjoni sabet li l-kundizzjonijiet, stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni sabiex il-port propost jiġi elenkat, ġew issodisfati. |
|
(4) |
Skont l-informazzjoni mressqa minn Franza, il-Port ta’ Victoria jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474 għall-elenkar tal-portijiet fil-pajjiżi terzi. |
|
(5) |
Is-Seychelles huma Parti Kontraenti għall-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u Mhux Regolat (5) u l-Port ta’ Victoria hu port maħtur għall-attivitajiet ta’ żbark skont il-qafas ta’ żewġ organizzazzjoni ta’ ġestjoni tas-sajd reġjonali, b’mod partikolari l-Ftehim tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan (6) u l-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (7) . Barra minn hekk is-Seychelles la huma pajjiż identifikat, la wieħed notifikat bil-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li ma jikkooperax skont il-Kapitolu VI tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (8), u lanqas bħala pajjiż identifikat li jippermetti sajd mhux sostenibbli skont l-Artikolu 4(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1026/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). |
|
(6) |
Il-post għandu proċeduri stabbiliti li jiżguraw l-użin akkurat tal-qabdiet tas-sajd tat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża msemmi fl-Artikolu 14(4), il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u li jiżguraw li dan l-użin jitwettaq taħt ir-responsabbiltà ta’ piżatur indipendenti terz, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474. |
|
(7) |
Abbażi tal-informazzjoni mressqa, jenħtieġ li l-port li Franza qiegħda tipproponi li telenka, jiġi approvat u jiddaħħal fil-lista tal-portijiet imsemmija fl-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/897 jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni tapprova l-inklużjoni tal-Port ta’ Victoria, f’Mahé, li jinsab fit-territorju tar-Repubblika tas-Seychelles, fil-lista tal-portijiet approvati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/897 għall-qabdiet stabbiliti fl-Artikolu 14(4), il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 mhux magħżula, żbarkati u trażbordati.
Artikolu 2
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/897 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/897 tal-15 ta’ Mejju 2025 li japprova l-elenkar tal-portijiet f’konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474 (ĠU L, 2025/897, 16.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/897/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1474 tal-24 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 fir-rigward tad-deroga mill-marġni ta’ tolleranza fl-estimi tal-qabdiet għall-kwantitajiet mhux magħżula, żbarkati u trażbordati mis-sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir, mis-sajd industrijali u mis-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża (ĠU L, 2024/1474, 27.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1474/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2156 tal-24 ta’ Ottubru 2025 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/897 fir-rigward tal-approvazzjoni tal-elenkar tal-portijiet f’konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474 (ĠU L, 2025/2156, 27.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2156/oj).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/443/UE tal-20 ta’ Ġunju 2011 dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u Mhux Regolat (ĠU L 191, 22.7.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/443/oj).
(6) ĠU L 196, 18.7.2006, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2006/496/oj.
(7) ĠU L 236, 5.10.1995, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1995/399/oj, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/399/KE tat-18 ta’ Settembru 1995 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Ftehim għall-ħolqien tal-Kummissjoni tat-Tonn tal-Oċean Indjan (ĠU L 236, 5.10.1995, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1995/399/oj).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1005/oj).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti miżuri għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fir-rigward ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1026/oj).
ANNESS
Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/897, l-entrata li ġejja tiżdied mal-lista tal-portijiet approvati skont il-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1474:
|
“Port ta’ Victoria |
Is-Seychelles |
Pajjiż terz |
Franza” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1171/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)