European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1161

26.5.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1161

tat-22 ta’ Mejju 2026

li jagħmel l-importazzjonijiet tat-tubi tar-ram li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Messiku, mill-Vjetnam u mill-Użbekistan soġġetti għar-reġistrazzjoni bil-ħsieb li tkun tista’ ssir l-imposta ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Marzu 2026, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni tat-tubi tar-ram li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Messiku, mill-Vjetnam u mill-Użbekistan.

(2)

Dan il-bidu segwa lment li tressaq fis-26 ta’ Jannar 2026 mill-Kumitat tad-Difiża tat-Tubi tar-Ram tal-UE f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tat-tubi tar-ram.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(3)

Il-prodotti soġġetti għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huma pajpijiet u tubi ta’ ram raffinat, f’koljaturi mkebbin f’livelli, kemm jekk lixxi kif ukoll jekk bi skanalaturi interni, mhux ipproċessati ulterjorment li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Messiku, mill-Vjetnam u mill-Użbekistan.

(4)

Il-prodotti bħalissa huma kklassifikati taħt il-kodiċi NM ex 7411 10 90 (il-kodiċi TARIC 7411 10 90 10). Il-kodiċi NM u l-kodiċi TARIC qed jingħataw għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

2.   REĠISTRAZZJONI

(5)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(6)

L-iskop tar-reġistrazzjoni huwa li jiġi żgurat li d-dazji anti-dumping, jekk ikun hemm, ikunu jistgħu jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa.

(7)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm.

(8)

Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping.

(9)

Il-kalkoli li ngħataw fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping ta’ bejn 5 % u 35 % u livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ bejn 8 % u 20 % għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025. L-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur normalment jiġi stabbilit fil-livell aktar baxx ta’ dumping jew ta’ dannu skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

(10)

Jekk, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ssib evidenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping kif previst fl-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku jekk jiġi konkluż li dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ma jkunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(11)

Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. B’hekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit b’riżultat tal-investigazzjoni.

3.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(12)

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B’dan, l-awtoritajiet doganali huma ordnati, fir-rispett tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, li jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ pajpijiet u tubi, ta’ ram raffinat, f’koljaturi mkebbin f’livelli, kemm jekk lixxi kif ukoll jekk bi skanalaturi interni, mhux ipproċessati ulterjorment, li bħalissa huma kklassifikati taħt il-kodiċi NM ex 7411 10 90 (il-kodiċi TARIC 7411 10 90 10) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Messiku, mill-Vjetnam u mill-Użbekistan.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU C, C/2026/1506, 12.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/1506/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1161/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)