European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1150

29.5.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1150

tat-28 ta’ Mejju 2026

dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tan-neoesperidina diidrokalkon bħala addittiv tal-għalf għall-ħnienes, għall-ħnieżer tas-simna, għall-għoġġiela, għan-nagħaġ, għall-ħut bil-pinen li jipproduċi l-ikel, għall-ħut ornamentali bil-pinen u għall-klieb u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/264

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

In-neoesperidina diidrokalkon ġiet awtorizzata għal 10 snin bħala addittiv tal-għalf għall-ħnienes, għall-ħnieżer tas-simna, għall-għoġġiela, għan-nagħaġ, għall-ħut u għall-klieb bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/264 (2).

(3)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġew sottomessi żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tan-neoesperidina diidrokalkon għall-ħnienes, għall-ħnieżer tas-simna, għall-għoġġiela, għan-nagħaġ, għall-ħut bil-pinen li jipproduċi l-ikel, għall-ħut ornamentali bil-pinen u għall-klieb, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali” u fil-grupp funzjonali “komposti tat-togħma”. Flimkien ma’ dawk l-applikazzjonijiet intbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Fl-opinjonijiet tagħha tad-19 ta’ Marzu 2025 (3) u tas-16 ta’ Settembru 2025 (4) l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-applikanti pprovdew evidenza li n-neoesperidina diidrokalkon għadha sikura għall-ispeċijiet fil-mira, kif ukoll għall-konsumaturi u għall-ambjent fil-kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati bħalissa. L-awtorità ddikjarat ukoll li n-neoesperidina diidrokalkon mhijiex irritanti għall-għajnejn u għall-ġilda, mhijiex sensitizzatur tal-ġilda iżda l-esponiment permezz tal-inalazzjoni huwa probabbli. L-Awtorità ddikjarat ukoll li l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ma tinkludix proposta biex jiġu emendati jew issupplimentati l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni oriġinali li jkollhom impatt fuq l-effikaċja tal-addittiv. Għalhekk, hija kkonkludiet li ma hemmx bżonn tiġi vvalutata l-effikaċja tal-addittiv fil-kuntest tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni. L-Awtorità ma jidhrilhiex li hemm bżonn rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ ta’ wara l-kummerċjalizzazzjoni.

(5)

Il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 qies li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjoni mwettqa fir-rigward tal-metodu ta’ analiżi tan-neoesperidina diidrokalkon bħala addittiv tal-għalf fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni preċedenti huma validi u applikabbli għall-applikazzjoni attwali. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 5(4), il-punt (c), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (5), mhumiex meħtieġa rapporti ta’ evalwazzjoni tal-Laboratorju ta’ Referenza.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li n-neoesperidina diidrokalkon tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv tiġġedded. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv. Jenħtieġ li dawk il-miżuri protettivi jkunu mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra tas-sikurezza tal-ħaddiema skont id-dritt tal-Unjoni.

(7)

B’konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tan-neoesperidina diidrokalkon bħala addittiv tal-għalf, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/264 jitħassar.

(8)

Billi ċerti kundizzjonijiet tat-tikkettar dwar il-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà ġew modifikati u, barra minn hekk, ir-referenza għal ċerti speċijiet ta’ annimali, jixraq li jiġi previst perjodu tranżizzjonali biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom ħalli jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mit-tiġdid tal-awtorizzazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tal-addittiv speċifikat fl-Anness tal-kategorija ta’ addittivi “addittivi sensorjali” u tal-grupp funzjonali “komposti tat-togħma”, hija mġedda soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Tħassir

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/264 jitħassar.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-addittiv tal-għalf neoesperidina diidrokalkon, kif awtorizzati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/264 u l-premixxeli li fihom dak l-addittiv li huma maħsuba għall-ħnienes, għall-ħnieżer tas-simna, għall-għoġġiela, għan-nagħaġ, għall-ħut u għall-klieb, u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel it-18 ta’ Diċembru 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel it-18 ta’ Ġunju 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittivi tal-għalf imsemmija fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel it-18 ta’ Ġunju 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel it-18 ta’ Ġunju 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsubin għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittivi tal-għalf imsemmija fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel it-18 ta’ Ġunju 2028 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel it-18 ta’ Ġunju 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsubin għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/264 tat-18 ta’ Frar 2015 dwar l-awtorizzazzjoni tan-neoesperidina diidrokalkon bħala addittiv fl-għalf tan-nagħaġ, tal-ħut, tal-klieb, tal-għoġġiela u ta’ ċerti kategoriji ta’ qżieqeż (ĠU L 45, 19.2.2015, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/264/oj).

(3)   EFSA Journal 2025;23:e9358. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9358.

(4)   EFSA Journal 2025;23:e9681. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9681.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta’ Marzu 2005 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ adittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/378/oj).


ANNESS

Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv

Isem l-addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem tal-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg ta’ sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: Addittivi sensorjali. Grupp funzjonali: Komposti tat-togħma

2b959

Neoesperidina diidrokalkon

Kompożizzjoni tal-addittiv

Neoesperidina diidrokalkon

Forma solida

Etanol ≤ 5 000  mg/kg

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Neoesperidina diidrokalkon

C28H36O15

Nru CAS: 20702-77-6

Purità: minimu ta’ 96 % (bażi mnixxfa)

Prodott b’sinteżi kimika:

bl-idroġenazzjoni katalitika tal-glikosid flavanonjku neoesperidina estratt mill-frott immatur tal-larinġ morr (Citrus aurantium)

bil-konverżjoni tan-narinġina u l-kondensazzjoni ulterjuri mal-isovanillina. In-narinġina tista’ tiġi estratta mill-grapefruit (Citrus paradisi) jew mill-pomelo (Citrus maxima).

Metodu analitiku  (1)

Għad-determinazzjoni tan-neoesperidina diidrokalkon fl-addittiv tal-għalf:

Kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja abbinata mad-detezzjoni spettrofotometrika (HPLC-UV) — monografija 1547 tal-Farmakopea Ewropea.

Għad-determinazzjoni tan-neoesperidina diidrokalkon fil-premixxeli u fl-għalf kompost:

Kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja abbinata ma’ detezzjoni ottika (HPLC-DAD).

Ħnienes

35

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà għat-trattament bis-sħana.

2.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u b’miżuri bħal dawn, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għan-nifs.

It-18 ta’ Ġunju 2036

Ħnieżer tat-tismin

35

Għoġġiela

35

Nagħaġ

35

Ħut bil-pinen li jipproduċi l-ikel

35

Ħut ornamentali bil-pinen

35

Klieb

35

(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en?prefLang=mt.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1150/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)