European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1123

27.5.2026

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1123

tas-26 ta’ Mejju 2026

li jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ tikkettar għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 547/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 65(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 547/2011 (2) fih rekwiżiti għat-tikkettar ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, inklużi frażijiet standard għal riskji speċjali għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali u prekawzjonijiet ta’ sikurezza għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent kif ukoll il-kriterji ta’ attribuzzjoni għal dawk il-frażijiet standard u l-prekawzjonijiet ta’ sikurezza.

(2)

Ir-rekwiżiti ta’ tikkettar għas-sustanzi u t-taħlitiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġew emendati bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/707 (4) u bir-Regolament (UE) 2024/2865 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament (KE) 1107/2009 u tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ċerti elementi tar-rekwiżiti ta’ tikkettar għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jenħtieġ li jiġu allinjati mar-rekwiżiti ta’ tikkettar il-ġodda applikabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(3)

Skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-frażijiet nazzjonali addizzjonali tat-tikkettar meħtieġa biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew l-ambjent fit-territorji tagħhom. L-Istati Membri nnotifikaw frażijiet addizzjonali li jirrikjedu tagħmir ta’ protezzjoni personali u tagħmir tekniku speċifiku għal kompiti speċifiċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri nnotifikaw frażijiet li fihom miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju biex jindirizzaw iċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi tagħhom skont l-Artikolu 36(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-Kummissjoni ġabret il-frażijiet addizzjonali kif innotifikati mill-Istati Membri u kkunsidrathom għall-inklużjoni f’dan ir-Regolament.

(4)

Il-kriterji ta’ attribuzzjoni ta’ wħud mill-frażijiet standard tar-Regolament (UE) Nru 547/2011 ma kinux marbuta mal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju. Sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-maniġers tar-riskju fl-Istati Membri, jenħtieġ li jiġu assenjati frażijiet standard lit-tikketta tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom il-valutazzjoni tar-riskju turi li jenħtieġ li jiġu applikati restrizzjonijiet tal-użu jew miżuri speċifiċi ta’ mitigazzjoni tar-riskju biex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem (operaturi, ħaddiema, persuni fil-qrib u residenti) jew tal-ambjent. Barra minn hekk, frażijiet oħra li għandhom l-għan li jikkomunikaw prattiki agrikoli tajbin speċifiċi fl-użu ta’ fumiganti, rodentiċidi jew prodotti għat-trattament taż-żrieragħ huma kkategorizzati wkoll. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu preċiżjonijiet supplimentari relatati mal-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju identifikati mill-maniġers tar-riskju meta jawtorizzaw prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 36(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fl-ispazji riżervati mqiegħda f’dawk il-frażijiet standard għal dak l-għan.

(5)

Għal ċerti kategoriji ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jenħtieġ li jiġu attribwiti b’mod sistematiku frażijiet speċifiċi ta’ prekawzjoni u prattiki agrikoli tajbin, indipendentement mill-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju.

(6)

It-tikketti diġitali jistgħu jtejbu l-komunikazzjoni tar-riskji potenzjali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u jistgħu joffru lill-utenti vantaġġi bħal fonts akbar, awtotiftix, assistenza bil-vuċi jew traduzzjoni f’lingwi oħra. Barra minn hekk, it-tikketti diġitali fuq il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jistgħu jtejbu t-tranżizzjoni lejn l-agrikoltura diġitali u l-adozzjoni ta’ tekniki ta’ applikazzjoni ta’ preċiżjoni, u b’hekk jippermettu t-trasferiment tal-kundizzjonijiet awtorizzati tal-użu lill-makkinarju tal-applikazzjoni, lill-mapep lokali, jew lill-istazzjonijiet tat-temp, kif ukoll jissimplifikaw ir-rapportar f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/564 (7). Għaldaqstant, huwa xieraq li tintalab tikketta diġitali għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, minbarra t-tikketta fiżika, u li jiġu stabbiliti rekwiżiti li jikkonċernaw it-tikketti diġitali.

(7)

It-tikketta fiżika u diġitali ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jenħtieġ bħala regola li jkun fiha l-istess elementi, li jirriflettu l-kontenut tal-awtorizzazzjoni mogħtija, b’xi flessibbiltà limitata matul il-perjodi ta’ grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(8)

Huwa xieraq li jiġi permess l-użu ta’ tikketti li jintwew għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll, għal pakketti żgħar, il-possibbiltà li t-tikketta tiġi pprovduta f’format ta’ fuljett li jakkumpanja l-pakkett. Għat-tikketti li jintwew, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli applikabbli għall-preżentazzjoni ta’ tikketti li jintwew skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(9)

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/1487 (8), l-aġenti protettivi u s-sinerġizzanti fis-suq se jsiru soġġetti għall-approvazzjoni fil-livell tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Għalhekk huwa xieraq li l-isem tal-aġent(i) protettiv(i) u tas-sinerġizzant(i) approvat(i) skont dak ir-Regolament li jinsab(u) fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll il-konċentrazzjoni rispettiva tagħhom, jiġi/u indikat(i) fit-tikketta.

(10)

Skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-użu xieraq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jrid jinkludi l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ġestjoni integrata tal-pesti. Għalhekk, biex l-utenti jiġu mfakkra dwar l-obbligu li japplikaw il-prinċipji tal-ġestjoni integrata tal-pesti, jenħtieġ li tiġi inkluża frażi standard speċifika fuq it-tikketta tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għall-utenti professjonali.

(11)

It-tikketta tal-prodott jenħtieġ li tinforma lill-utenti professjonali dwar il-kundizzjonijiet tal-użu tal-prodott awtorizzat għall-protezzjoni tal-pjanti, inkluża l-possibbiltà li jintużaw tekniki ta’ applikazzjoni ta’ preċiżjoni. Dawn it-tekniki jippermettu lill-utenti japplikaw il-prodotti awtorizzati għall-protezzjoni tal-pjanti b’mod aktar preċiż u eżatt meta mqabbla mat-tagħmir ta’ applikazzjoni konvenzjonali. Jippermettu wkoll tnaqqis fil-kwantità tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti applikat għal kull ettaru filwaqt li tinżamm ir-rata ta’ applikazzjoni awtorizzata fuq is-superfiċji fil-mira. It-tekniki ta’ applikazzjoni ta’ preċiżjoni jistgħu jikkontribwixxu għal tnaqqis ġenerali tal-esponiment ambjentali għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u jistgħu jinkoraġġixxu użu aktar effiċjenti, immirat u sostenibbli.

(12)

Sabiex jiġi evitat l-iskart mir-rimi tal-imballaġġ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u mhux biss mir-rimi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti nfushom, jenħtieġ li jiġu stabbiliti frażijiet standard għar-rimi sikur tagħhom.

(13)

Sabiex tittejjeb il-komunikazzjoni lill-utent dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma potenzjalment perikolużi għan-naħal, jenħtieġ li jiġu stabbiliti frażi u pittogramma speċifiċi.

(14)

F’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 (9) u l-prinċipji uniformi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 (10), il-mikroorganiżmi kollha jenħtieġ li jitqiesu bħala sensitizzaturi potenzjali sakemm ikunu disponibbli testijiet ivvalidati għall-valutazzjoni tas-sensitizzazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li tiġi stabbilita sentenza speċifika ta’ prekawzjoni biex twissi dwar il-potenzjal tal-mikroorganiżmi li jikkawżaw reazzjonijiet sensitizzanti.

(15)

L-utenti finali taż-żrieragħ ittrattati jridu jiġu infurmati dwar ir-riskji potenzjali li jistgħu jirriżultaw miż-żrigħ ta’ żrieragħ ittrattati u li jkunu kkawżati mill-prodott(i) għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun(u) ntuża(w) għat-trattament taż-żrieragħ. Peress li l-utent finali taż-żrieragħ ittrattati mhux dejjem ikollu aċċess għat-tikketta tal-prodott(i) għall-protezzjoni tal-pjanti li bih(om) jiġu ttrattati ż-żrieragħ, ċerti frażijiet standard biex jikkomunikaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju meta jimmaniġġaw jew jiżirgħu ż-żrieragħ ittrattati jenħtieġ li jiġu inklużi kemm fuq it-tikketta tal-prodott(i) għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll fuq it-tikketta u d-dokumenti li jakkumpanjaw iż-żrieragħ ittrattati f’konformità mal-Artikolu 49(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(16)

Sabiex l-Istati Membri jingħataw għodod adegwati biex jiġġieldu l-kummerċ ta’ prodotti illegali għall-protezzjoni tal-pjanti, huwa xieraq li jiġi stabbilit rekwiżit speċifiku ta’ tikkettar għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti soġġetti għal permess kummerċjali parallel mogħti skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. F’konformità mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Kawża C-830/21, Syngenta Agro (11), jenħtieġ li jiġi ċċarat li n-numru tal-lott tal-formulazzjoni kkonċernata allokat mill-manifattur inizjali, in-numru tal-permess u l-isem u l-indirizz tad-detentur tal-permess jenħtieġ li jiġu inklużi fuq it-tikketta ta’ prodott ta’ kummerċ parallel.

(17)

Skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jistgħu jintużaw għal skopijiet ta’ riċerka jew żvilupp. Meta jitqies li dawn il-prodotti ma jirrikjedux awtorizzazzjoni u biex ir-riċerkaturi jingħataw struzzjonijiet ta’ sikurezza, jenħtieġ li jinżammu ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw it-tikkettar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom jintużaw għal tali finijiet.

(18)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti, id-detenturi tal-awtorizzazzjoni, il-fornituri u l-utenti professjonali jew mhux professjonali jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti f’dan ir-Regolament, id-data tal-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi differita.

(19)

Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi introdotta miżura tranżizzjonali biex tiġi żgurata implimentazzjoni gradwali tar-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti f’dan ir-Regolament meta jinħarġu u jiġġeddu awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Peress li abbozz ta’ tikketta jrid jiġi ppreżentat f’applikazzjonijiet għall-ħruġ jew għat-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjonijiet, jenħtieġ li din il-miżura tranżizzjonali tapplika meta l-applikazzjoni rispettiva tkun ġiet ippreżentata qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, meta t-tikketta ta’ tali prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti trid tiġi emendata jew aġġornata, xi wħud mir-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw għat-tikketta emendata mingħajr ma jistennew it-tiġdid li jmiss tal-awtorizzazzjoni.

(20)

Minħabba l-għadd kbir ta’ emendi, u fl-interess taċ-ċarezza, huwa xieraq li r-Regolament (UE) Nru 547/2011 jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid.

(21)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Regoli ġenerali

1.   L-elementi tat-tikketta msemmija fl-Artikoli 3, 4, 5, 6, 7 u 10 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu pprovduti fuq tikketta f’forma fiżika (“tikketta fiżika”) u f’forma diġitali (“tikketta diġitali”).

2.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni jew id-detentur tal-permess ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jiżgura li t-tikketta fiżika u t-tikketta diġitali tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jkun fihom l-istess elementi. Dawk l-elementi għandhom jirriflettu l-kontenut tal-awtorizzazzjoni rispettiva mogħtija f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, meta l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti tiġi emendata u jingħata perjodu ta’ grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, it-tikketta diġitali tiegħu tista’ tiġi aġġornata f’konformità mal-awtorizzazzjoni emendata qabel tmiem dak il-perjodu ta’ grazzja.

4.   It-tikketta fiżika tista’ tiġi ppreżentata wkoll f’forma ta’ tikketta li tintewa. F’dak il-każ, it-Taqsima 1.2.1.6 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandha tapplika mutatis mutandis.

5.   Fil-każ ta’ pakketti żgħar, l-informazzjoni meħtieġa mill-punti (j) sa (s) tal-Anness I tista’ tiġi indikata fuq fuljett separat li jakkumpanja l-pakkett. Fuljett bħal dan għandu jitqies bħala parti mit-tikketta fiżika.

6.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni jew id-detentur tal-permess ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jinkludi informazzjoni addizzjonali dwar it-tikketta fiżika u diġitali, dment li din tkun f’konformità mal-kontenut tal-awtorizzazzjoni rispettiva mogħtija f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

Artikolu 2

Tikketta diġitali

1.   Mezz ta’ data, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (39), tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, li jorbot mat-tikketta diġitali għandu jiġi stampat fuq it-tikketta fiżika.

2.   It-tikketta diġitali għandha tkun aċċessibbli mingħajr il-ħtieġa ta’ kont u għandha tkun mingħajr ħlas.

3.   Mal-irtirar ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mis-suq jew, fejn applikabbli, mat-tmiem tal-perjodu ta’ grazzja msemmi fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, it-tikketta diġitali tiegħu għandha tiġi diżattivata, jew għandha tkun viżibbli għall-utent dikjarazzjoni ċara li tindika li l-prodott ma għadux awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 3

Informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u l-kundizzjonijiet tal-użu tiegħu

It-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun fiha informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u l-kundizzjonijiet tal-użu tiegħu kif stabbilit fl-Anness I.

Artikolu 4

Frażijiet standard għar-rimi sikur

It-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun fiha frażijiet standard għar-rimi sikur tal-kontenitur tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kif stabbilit fl-Anness II, fejn dan ikun meħtieġ skont il-kriterji ta’ attribuzzjoni stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 5

Frażijiet u pittogramma standard għall-komunikazzjoni ta’ periklu

1.   It-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun fiha frażijiet standard għall-komunikazzjoni ta’ periklu kif stabbilit fl-Anness III, fejn dan ikun meħtieġ skont il-kriterji ta’ attribuzzjoni stabbiliti f’dak l-Anness.

2.   It-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun fiha frażi standard u pittogramma li jikkomunikaw il-periklu potenzjali li l-prodott jippreżenta għan-naħal kif stabbilit fl-Anness III, fejn dan ikun meħtieġ skont il-kriterji ta’ attribuzzjoni stabbiliti f’dak l-Anness.

3.   It-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-mikroorganiżmi bħala sustanza attiva għandu jkun fiha frażi standard li tikkomunika l-potenzjal li jiġu kkawżati reazzjonijiet sensitizzanti kif stabbilit fl-Anness IV.

Artikolu 6

Frażijiet standard għall-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju

1.   It-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun fiha frażijiet standard għall-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju kif stabbilit fl-Anness V, fejn dan ikun meħtieġ skont il-kriterji ta’ attribuzzjoni stabbiliti f’dak l-Anness.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, jekk ikun meħtieġ, jirrikjedu preċiżjonijiet supplimentari fil-frażijiet standard stabbiliti fl-Anness V, fejn l-ispazji jew l-ispazji riżervati jindikaw l-għażla li jagħmlu dan.

Artikolu 7

Frażijiet standard relatati maż-żrigħ ta’ żrieragħ trattati

1.   Il-frażijiet standard relatati maż-żrigħ ta’ żrieragħ ittrattati inklużi fit-Taqsima 7.2 tal-Anness V għandhom jitqiegħdu, fejn dan ikun meħtieġ skont il-kriterji ta’ attribuzzjoni stabbiliti f’dak l-Anness, kemm fuq it-tikketta tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat għall-użi tat-trattament taż-żrieragħ kif ukoll fuq it-tikketta u d-dokumenti li jakkumpanjaw iż-żrieragħ ittrattati.

2.   Fejn rilevanti, frażijiet addizzjonali mit-tikketta tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti marbuta mal-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju għandhom jiġu inklużi wkoll fuq it-tikketta u d-dokumenti li jakkumpanjaw iż-żrieragħ ittrattati.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, jekk ikun meħtieġ, jirrikjedu preċiżjonijiet supplimentari fil-frażijiet standard stabbiliti fl-Anness V, fejn l-ispazji jew l-ispazji riżervati jindikaw l-għażla li jagħmlu dan.

Artikolu 8

Informazzjoni qarrieqa fuq it-tikketta

It-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma għandhiex turi dikjarazzjonijiet qarrieqa, b’mod partikolari li jissuġġerixxu li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mhuwiex perikoluż jew dikjarazzjonijiet li huma inkonsistenti mal-klassifikazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jew inkonsistenti mal-kontenut tal-awtorizzazzjoni mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

Artikolu 9

Lingwa

It-tikketta għandha tinkiteb bil-lingwa jew bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħed fis-suq sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jipprevedix mod ieħor.

Artikolu 10

Prodotti ta’ kummerċ parallel

1.   It-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li għalih ikun ingħata permess ta’ kummerċ parallel fi Stat Membru wieħed (Stat Membru tal-introduzzjoni) skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandha tinkludi l-elementi addizzjonali li ġejjin:

(a)

in-numru tal-permess;

(b)

l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefown tad-detentur tal-permess. Dan jista’ jissostitwixxi l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefown tad-detentur tal-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru tal-oriġini.

2.   In-numru tal-lott tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun dak allokat mill-manifattur tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat fl-Istat Membru ta’ oriġini.

Artikolu 11

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li se jintużaw għar-riċerka u l-iżvilupp

1.   B’deroga mill-Artikoli 1 sa 7 ta’ dan ir-Regolament, it-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li se jintuża f’esperimenti jew testijiet għal skopijiet ta’ riċerka jew żvilupp, kif stipulat fl-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandha tikkonforma, fejn rilevanti, mal-punti (c), (d), (e) u (k) tal-Anness I biss.

2.   It-tikketta għandha tinkludi informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi imposti abbażi tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u l-kliem “prodott maħsub għall-użu sperimentali; mhux karatterizzat kollu kemm hu: uża bi prudenza kbira”.

Artikolu 12

Miżuri tranżitorji

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 547/2011 għandu jkompli japplika għat-tikketta tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni jew l-aħħar tiġdid tal-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 abbażi ta’ applikazzjoni sottomessa qabel l-1 ta’ Jannar 2028.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, jekk it-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kkonċernat tkun trid tiġi emendata wara l-1 ta’ Jannar 2028, it-tikketta emendata ta’ dak il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun fiha tikketta diġitali kif imsemmi fl-Artikolu 2.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, it-tikketta tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tista’ tkun diġà konformi ma’ xi wħud mir-rekwiżiti jew mar-rekwiżiti kollha ta’ dan ir-Regolament. F’dak il-każ, it-tikketta aġġornata għandu jkun fiha mill-inqas tikketta diġitali kif imsemmi fl-Artikolu 2.

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2030, it-tikketti kollha tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun fihom tikketta diġitali kif imsemmi fl-Artikolu 2.

Artikolu 13

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 547/2011 jitħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2028.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 547/2011 tat-8 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ tikkettar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 155, 11.6.2011, p. 176, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/547/oj).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1272/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/707 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fir-rigward tal-klassijiet u l-kriterji ta’ periklu għall-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 93, 31.3.2023, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/707/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2024/2865 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L, 2024/2865, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2865/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/564 tal-10 ta’ Marzu 2023 fir-rigward tal-kontenut u l-format tar-rekords tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti miżmuma minn utenti professjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 74, 13.3.2023, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/564/oj).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/1487 tad-29 ta’ Mejju 2024 li jiddefinixxi r-rekwiżiti tad-data għall-approvazzjoni ta’ aġenti protettivi u sinerġisti u l-istabbiliment ta’ programm ta’ ħidma għar-rieżami gradwali ta’ aġenti protettivi u sinerġisti fis-suq (ĠU L, 2024/1487, 30.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1487/oj).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 tal-1 ta’ Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-data għas-sustanzi attivi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 93, 3.4.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/283/oj).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 tal-10 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 155, 11.6.2011, p. 127, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/546/oj).

(11)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 2023, Syngenta Agro, C-830/21, ECLI:EU:C:2023:959.


ANNESS I

INFORMAZZJONI DWAR L-IDENTIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT GĦALL-PROTEZZJONI TAL-PJANTI U L-KUNDIZZJONIJIET TAL-UŻU TIEGĦU

1.   INFORMAZZJONI DWAR IL-PRODOTT GĦALL-PROTEZZJONI TAL-PJANTI IDENTIFIKAZZJONI

(a)

L-isem kummerċjali jew l-isem kummerċjali propost.

(b)

In-numru tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

(c)

L-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefown tad-detentur tal-awtorizzazzjoni u, jekk differenti, l-isem u l-indirizz tal-kumpanija li tqiegħed il-prodott fis-suq.

(d)

It-tip ta’ formulazzjoni (eż. trab li jixxarrab, konċentrat emulsjonabbli).

(e)

L-isem u l-konċentrazzjoni tas-sustanza/i attiva/i li fih il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

L-isem ta’ kull sustanza attiva bħala isem komuni espress kif previst fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 540/2011 (1) b’indikazzjoni ċara tal-forma kimika jew, jekk mhux inkluż fiha, l-isem komuni ISO tagħha. Jekk dan tal-aħħar ma jkunx disponibbli, is-sustanza attiva għandha tiġi ddeżinjat mid-deżinjazzjoni kimika tagħha skont ir-regoli tal-IUPAC.

Jekk is-sustanza attiva tkun mikroorganiżmu, l-isem tar-razza approvata kif previst fir-Regolament (KE) Nru 540/2011 u kwalunkwe deżinjazzjoni oħra li tista’ tkun rilevanti biex jiġi identifikat il-mikroorganiżmu (eż. il-livell ta’ iżolat, jekk rilevanti għall-viruses).

Il-konċentrazzjoni ta’ kull sustanza attiva espressa kif ġej:

għal sustanzi attivi kimiċi f’formulazzjonijiet li huma solidi, areosoli, likwidi volatili (il-punt massimu tat-togħlija huwa 50 °C) jew likwidi viskużi (l-aktar limitu baxx 1 Pa s f’20 °C), bħala % w/w u g/kg;

għal sustanzi attivi kimiċi f’formulazzjonijiet likwidi/ġell oħra, f'% w/w u g/l;

għal sustanzi attivi kimiċi f’formulazzjonijiet li huma gassijiet, bħala % v/v (fi pressjoni atmosferika) u % w/w;

għal sustanzi attivi li huma mikroorganiżmi:

l-għadd ta’ unitajiet attivi skont il-volum jew il-piż tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, pereżempju, unitajiet li jiffurmaw kolonja jew unitajiet internazzjonali skont il-volum jew il-piż, jew kwalunkwe mod ieħor li huwa l-aktar rilevanti għall-azzjoni għall-protezzjoni tal-pjanti; u

il-piż tas-sustanza attiva skont il-volum jew il-piż tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jekk applikabbli.

(f)

L-isem u l-konċentrazzjoni tal-aġent(i) protettiv(i) u tas-sinerġizzant(i) li fih il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

(g)

Kwantità netta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mogħtija fi:

g jew kg għal formulazzjonijiet solidi

ml jew l għal formulazzjonijiet likwidi (f’temperatura ambjentali)

g, kg, ml jew l għall-gassijiet (kif imkejla fi pressjoni atmosferika u temperatura ambjentali).

(h)

In-numru tal-lott tal-formulazzjoni u d-data tal-manifattura.

Din l-informazzjoni tista’ tiġi inkluża biss fuq l-imballaġġ tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

It-tikketta diġitali tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandha tinkludi dan li ġej: “Irreferi għan-numru tal-lott tal-formulazzjoni u d-data tal-manifattura indikati fuq it-tikketta fiżika jew fuq l-imballaġġ tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.”.

(i)

Informazzjoni dwar l-ewwel għajnuna.

Din l-informazzjoni tista’ tiġi inkluża wkoll fuq l-imballaġġ tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

2.   KUNDIZZJONIJIET TAL-UŻU TAL-PRODOTT GĦALL-PROTEZZJONI TAL-PJANTI

(j)

Il-kategoriji tal-utenti li jistgħu jużaw il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, fejn l-użu jkun limitat għal ċerti kategoriji.

(k)

It-tip ta’ azzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti (pereżempju: insettiċida, regolatur tat-tkabbir, erbiċida, fungiċida) u, fejn rilevanti, il-pest(i) li għandu/hom jiġi/jiġu kkontrollat(i). Jekk disponibbli u rilevanti, il-mod ta’ azzjoni tas-sustanza/i attiva/i f’konformità mal-Kodiċijiet tal-Kumitati għall-Azzjoni tar-Reżistenza (2).

Din id-dikjarazzjoni tista’ tuża termini deskrittivi bħal “joqtol”, “jikkontrolla”, “jirripella” jew “jeqred”.

(l)

L-għalla/għelejjel, fejn rilevanti, l-istadju/i tat-tkabbir tal-pjanti f’konformità mal-monografija BBCH (3), jew is-sitwazzjonijiet/l-użu/i tal-art (4) li għalihom ikun ġie awtorizzat il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

(m)

Il-kundizzjonijiet ta’ użu li għalihom il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jkun ġie awtorizzat. Fejn rilevanti, jenħtieġ li tiġi ddikjarata kwalunkwe speċifikazzjoni oħra tal-metodu ta’ applikazzjoni meħtieġ fl-awtorizzazzjoni.

It-tikketta tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għall-utenti professjonali għandha tinkludi dan li ġej:

“Għandu jintuża f’konformità mal-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata tal-pesti”.

(n)

Ir-rata tad-doża inkluża r-rata massima għal kull applikazzjoni, fejn applikabbli, anke r-rata minima għal kull applikazzjoni, in-numru massimu ta’ applikazzjonijiet, l-informazzjoni dwar l-istaġun fil-ħin tal-applikazzjoni u l-intervall bejn kull applikazzjoni.

Fejn rilevanti, it-tikketta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa limitat għall-utenti professjonali għandha tinkludi dan li ġej:

“Meta jintuża tagħmir li jżid il-preċiżjoni u l-akkuratezza tal-applikazzjoni meta mqabbel mat-tagħmir ta’ applikazzjoni konvenzjonali, it-tnaqqis fl-ammont tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti applikat għal kull ettaru huwa permess jekk tinżamm ir-rata ta’ applikazzjoni awtorizzata fuq is-superfiċi fil-mira.”

(o)

Fejn rilevanti, għandhom jiġu speċifikati l-intervall ta’ sikurezza, l-intervalli ta’ dħul mill-ġdid u l-intervalli ta’ żamma meħtieġa sabiex titnaqqas il-preżenza ta’ residwi fl-għelejjel, il-pjanti u l-prodotti mill-pjanti jew ġo fihom, jew fiż-żoni jew fl-ispazji ttrattati, bil-għan li jiġu protetti l-bnedmin, l-annimali u l-ambjent, bħal pereżempju:

l-intervall ta’ qabel il-ħsad

l-intervall ta’ dħul mill-ġdid (f’jiem) fil-mergħat għall-bhejjem

il-perjodu ta’ dħul mill-ġdid (f’sigħat jew jiem) għall-bnedmin, għall-għelejjel, l-bini jew l-ispazji ttrattati

l-intervall ta’ żamma (f’jiem) għall-għalf tal-annimali u għall-użi ta’ wara l-ħsad

il-perjodu ta’ stennija (f’jiem) bejn l-applikazzjoni u l-immaniġġjar ta’ prodotti ttrattati.

(p)

Restrizzjonijiet/prattiki speċifiċi tal-biedja stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti meta jawtorizzaw il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti b’kunsiderazzjoni għal kundizzjonijiet lokali speċifiċi.

(q)

Dettalji ta’ fitotossiċità possibbli, suxxettibbiltà ta’ varjetajiet u kwalunkwe effetti sekondarji negattivi diretti jew indiretti oħrajn fuq pjanti jew prodotti li joriġinaw mill-pjanti flimkien mal-intervalli li jridu jiġu osservati bejn l-applikazzjoni u ż-żrigħ jew it-tħawwil ta’:

il-wiċċ tar-raba’ inkwistjoni; jew

għelejjel sussegwenti u dawk li jmissu magħhom.

(r)

Kundizzjonijiet ta’ ħżin xierqa (pereżempju: l-umdità, it-temperatura tal-ħażna, l-esponiment tal-pakkett għad-dawl) u r-rimi mingħajr periklu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-imballaġġ skont id-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mill-Istati Membri jekk dawn ikunu differenti mill-frażijiet standard tal-Anness II.

(s)

Fejn jitqies meħtieġ, id-data ta’ skadenza tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

Din l-informazzjoni tista’ tiġi inkluża biss fuq l-imballaġġ tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

It-tikketta diġitali tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandha tinkludi dan li ġej: “Irreferi għad-data ta’ skadenza indikata fuq it-tikketta fiżika jew fuq l-imballaġġ tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.”.


(1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/540/oj).

(2)  Il-Kumitati għall-Azzjoni tar-Reżistenza għall-Erbiċidi (HRAC, Herbicide Resistance Action Committee), għall-Insettiċidi (IRAC, Insecticide Resistance Action Committee) u għall-Fungiċidi (FRAC, Fungicide Resistance Action Committee).

(3)  Meier, Uwe, ed. Growth stages of mono- and dicotyledonous plants. BBCH Monograph. Quedlinburg 2018. Open Agrar Repositorium. doi: 10.5073/20180906-074619 ISBN: 978-3-95547-071-5.

(4)  Dan jirreferi għal żoni mhux agrikoli: foresti, spazji pubbliċi, ferroviji, eċċ.


ANNESS II

FRAŻIJIET STANDARD GĦAR-RIMI BLA PERIKLU TAL-PRODOTTI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-PJANTI U L-KONTENITUR TAGĦHOM (SD) U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

SD 1: Terġax tuża l-kontenitur.

Din il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti.

SD 2: Sabiex ikun protett l-ambjent akkwatiku inkluż l-ilma ta’ taħt l-art, tnaddafx it-tagħmir ta’ applikazzjoni qrib l-ilma tal-wiċċ.

Fejn rilevanti, din il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Din il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kklassifikati bħala perikolużi għall-ambjent akkwatiku skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

Fejn rilevanti, l-informazzjoni skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri dwar ir-rimi ta’ prodotti u l-imballaġġ tagħhom tista’ tiżdied mal-frażi.

SH 3: Laħlaħ il-kontenitur bl-ilma tliet darbiet qabel ir-rimi.

Fejn rilevanti, din il-frażi għandha tiġi assenjata biss lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jiġu fornuti f’kontenituri li jistgħu jinħaslu.

Fejn rilevanti, l-informazzjoni skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri dwar ir-rimi ta’ prodotti u l-imballaġġ tagħhom tista’ tiżdied mal-frażi.


ANNESS III

FRAŻIJIET STANDARD GĦALL-KOMUNIKAZZJONI TAL-PERIKLI U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

1.   FRAŻIJIET STANDARD GĦAL PERIKLI GĦAS-SAĦĦA TAL-BNIEDEM (RSH) U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

RSh 1: Tista tikkawża fotosensitizzazzjoni.

Din il-frażi għandha tiġi assenjata meta jkun hemm prova ċara minn sistemi ta’ sperimentazzjoni jew dokumentazzjoni dwar nies li jkunu ġew esposti li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu effett ta’ fotosensitizzazzjoni. Il-frażi trid tiġi applikata wkoll lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza attiva jew ingredjent ta’ formulazzjoni partikolari li juru effetti ta’ fotosensitizzazzjoni fil-bnedmin jekk il-prodott ikollu fih konċentrazzjoni ta’ 1 % (w/w) jew iktar tal-komponent ta’ fotosensitizzazzjoni.

RSh 2: Il-kuntatt ma’ fwar jikkawża ħruq tal-ġilda u ħsara lill-għajnejn u l-kuntatt ma’ likwidu jikkawża l-iffriżar.

Din il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fformulati bħala gass likwifikat, fejn xieraq, sakemm ma jiġux assenjati d-dikjarazzjonijiet ta’ periklu H314 jew H281 previsti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

2.   FRAŻI STANDARD GĦALL-PERIKLI GĦAN-NAĦAL (RSHB), PITTOGRAMMA U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

RShb: Perikoluż għan-naħal.

Image 1

Il-frażi u l-pittogramma għandhom jiġu assenjati lil kwalunkwe prodott għall-protezzjoni tal-pjanti:

li għalih test standard (1) għat-tossiċità akuta mill-kuntatt jew għat-tossiċità orali akuta għan-naħal tal-għasel, għan-naħal bagħli jew għan-naħal solitarju adulti huwa meħtieġ skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2013 (2) u juri li l-valur akut LD50 huwa ugwali għal jew inqas minn 11 μg formulazzjoni/naħla. F’każ li jkun hemm aktar minn valur LD50 wieħed għall-formulazzjoni disponibbli, għandu jiġi kkunsidrat dak li juri l-inqas LD50, jew

li lilu tkun ġiet assenjata kwalunkwe waħda mill-frażijiet SPb 1, SPb 2, SPb 3, SPb 4 u SPb 5 tat-Taqsima 4.1 tal-Anness V.

Il-frażi u l-pittogramma għandhom jintwerew fit-tikketta flimkien mal-frażijiet SPb stabbiliti fit-Taqsima 4.1 tal-Anness V.

Il-format tal-pittogramma ta’ periklu:

(a)

Il-pittogramma għandu jkollha l-forma ta’ trijangolu ekwilaterali.

(b)

Il-pittogramma għandu jkollha dimensjoni minima ta’ 10 x10 millimetri, li tikkorrispondi għall-għoli u l-wisa’ tat-trijangolu ekwilaterali. Il-qafas tat-trijangolu għandu jkollu wisa’ minima ta’ 1,5 millimetru.

(c)

Il-kuluri tal-pittogramma għandhom ikunu:

(i)

CMYK – cyan, maġenta, isfar u iswed, skont dan l-eżempju: 0,70,100,0: 0 % cyan, 70 % maġenta, 100 % isfar, 0 % iswed.

(ii)

Il-qafas tat-trijangolu aħmar (0,100,100,0).

(iii)

L-isfond tat-trijangolu 100 % abjad.

(d)

Il-pittogramma għandha tinkludi simbolu iswed (0,0,0,100) u abjad ta’ naħla mejta fiċ-ċentru tat-trijangolu. Is-simbolu tan-naħla mejta għandu jkun dak fl-illustrazzjoni mogħtija fil-punt preżenti.


(1)  Protokolli ta’ ttestjar maqbula mill-OECD.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2013 tal-1 ta’ Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-data għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 93, 3.4.2013, p. 85, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/284/oj).


ANNESS IV

FRAŻI STANDARD GĦALL-PRODOTTI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-PJANTI LI FIHOM IL-MIKROORGANIŻMI (RSMo)

RSMo: Fih mikroorganiżmu. Jista’ jkollha l-potenzjal li tikkawża reazzjonijiet sensitizzanti.

Il-frażi għandha dejjem tiġi assenjata lill-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-mikroorganiżmi bħala dikjarazzjoni ta’ prekawzjoni.


ANNESS V

FRAŻIJIET STANDARD GĦALL-MIŻURI TA’ MITIGAZZJONI TAR-RISKJU U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

1.   FRAŻIJIET STANDARD GĦAR-RESTRIZZJONIJIET TAL-UŻU (SRu) U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

SRu 1: (Fih (l-isem tas-sustanza/i attiva/i li jrid(u) jiġi/u speċifikat(i))/Jifforma l-metabolit(i) (l-isem tal-metabolit(i) li jrid(u) jiġi/u speċifikat(i)). Sabiex ikun/tkun protett(a) (s-saħħa tal-bniedem, il-kompartiment ambjentali, il-grupp ta’ organiżmi jew speċijiet li jrid jiġi speċifikat),

uża/applika/tużax/tapplikax (dan il-prodott jew kwalunkwe prodott ieħor li fih l-isem tas-sustanza/i attiva/i li jrid(u) jiġi/u speċifikat(i)) (restrizzjonijiet temporali, restrizzjonijiet għall-istadji tat-tkabbir jew il-frekwenza tal-użu li jridu jiġu speċifikati), jew

żomm intervall minimu (il-ħin li jrid jiġi speċifikat) bejn l-applikazzjonijiet (ma’ (l-isem tal-prodott(i) għall-protezzjoni tal-pjanti li fih(om) (is-sustanza attiva) li jrid(u) jiġi/u speċifikat(i)).

Il-SRu 1 għandu jiġi assenjat lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom il-valutazzjoni tar-riskju skont il-prinċipji uniformi tikkonkludi li huma meħtieġa restrizzjonijiet temporali (pereżempju: il-perjodu tas-sena, il-jum, il-perjodu ta’ dħul mill-ġdid, is-snin mhux konsekuttivi – kull tieni jew tielet sena, aktar minn darbtejn fis-sena) jew restrizzjonijiet għall-istadji tat-tkabbir (qabel it-tfaċċar biss, il-perjodu mhux tal-fjoritura, qabel l-iffissar tal-frott, eċċ.) jew għall-frekwenza tal-użu biex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u/jew biex jiġu evitati effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent.

SRu 2: Sabiex ikun/tkun protett(a) (s-saħħa tal-bniedem, il-kompartiment ambjentali, il-grupp ta’ organiżmi jew speċijiet li jrid jiġi speċifikat), tużax fuq (żona li trid tiġi speċifikata, pereżempju: superfiċi speċifiċi, ħamrija skulata, ħamrija bi proprjetajiet speċifiċi bħall-pH, il-kontenut ta’ karbonju, il-kontenut ta’ tafal, is-sawra, …).

SRu 3: Sabiex jiġi evitat l-ilma tax-xeba', tapplikax fuq żoni weqfin/żoni li għandhom inklinazzjoni ta’ aktar minn x %/superfiċi impermeabbli bħal asfalt, konkrit, ċagħaq, linji ferrovjarji.

L-SRU 2 u/jew l-SRU 3 għandhom jiġu assenjati lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom il-valutazzjoni tar-riskju skont il-prinċipji uniformi tikkonkludi li huma meħtieġa restrizzjonijiet fuq il-post tal-użu biex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u/jew biex jiġu evitati effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent.

2.   FRAŻIJIET STANDARD GĦALL-PROTEZZJONI TAL-OPERATURI U TAL-ĦADDIEMA (SPo) U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

SPo 1: Uża (it-tagħmir li jrid jiġi speċifikat) meta (il-kompitu/i li jrid(u) jiġi/u speċifikat(i)).

Il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom il-valutazzjoni tar-riskju skont il-prinċipji uniformi tikkonkludi li huwa meħtieġ tagħmir ta’ protezzjoni personali speċifiku (1) (pereżempju: ingwanti, coveralls jew goggles) u/jew xi teknoloġija (pereżempju: sistemi ta’ trasferiment magħluqa, kabini magħluqa b’sistemi tal-arja kundizzjonata u/jew tal-filtrazzjoni tal-arja) sabiex tkun protetta s-saħħa tal-bniedem meta jitwettaq kompitu speċifiku (pereżempju: it-taħlita, it-tagħbija, l-immaniġġjar tal-prodott ikkonċentrat jew maż-żrieragħ ittrattati, l-applikazzjoni jew il-bexx tal-prodott dilwit, it-tindif tat-tagħmir tal-applikazzjoni).

SPo 2: Kun żgur li matul (l-operazzjoni li trid tiġi speċifikata) it-temperatura u l-umdità jkunu fil-medda ta’ (il-firxa li trid tiġi speċifikata).

Din il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi li jistgħu jkollhom reazzjoni ħarxa mal-ilma jew l-arja mxarrba, jew li jistgħu jikkawżaw kombustjoni spontanja waqt il-ħżin, it-taħlita/it-tagħbija jew l-applikazzjoni.

SPo 3: Wara li jiġi applikat il-prodott, tiħux nifs mill-gassijiet u oħroġ miż-żona ttrattata immedjatament.

Il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti li l-mod ta’ azzjoni tagħhom huwa li jiġġeneraw dħaħen jew gassijiet bħal fumiganti.

SPo 4: Il-kontenitur għandu jinfetaħ barra u/jew f’kundizzjonijiet kontrollati skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattur.

Din il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi li jista' jkollhom reazzjoni ħarxa mal-ilma jew l-arja mxarrba, jew li jistgħu jikkawżaw kombustjoni spontanja.

SPo 5: Qabel ma tidħol fiż-żona ttrattata, kun żgur li jkun hemm ventilazzjoni xierqa tal-ispazju sakemm l-isprej ikun nixef/il-gass ikun ġie dissipat/il-konċentrazzjoni tal-gass tkun taħt (il-konċentrazzjoni li trid tiġi speċifikata).

Il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati biex jintużaw f’żoni konfinati (pereżempju: imħażen, serer).

SPo 6: Tidħolx fiż-żona ttrattata jekk il-konċentrazzjoni tal-gass/prodott tkun ogħla minn (il-konċentrazzjoni li trid tiġi speċifikata).

Din il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti fumiganti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti.

3.   FRAŻIJIET STANDARD GĦALL-PROTEZZJONI TAL-PERSUNI FIL-QRIB U TAR-RESIDENTI (SPbr) U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

SPbr: Sabiex ikunu protetti l-persuni fil-qrib u r-residenti,

żomm żona ta’ lqugħ mhux ittrattata/strixxa/i ta’ għalqa veġetata/i/żoni ħielsa mill-għelejjel ta’ (il-wisa’ li trid tiġi speċifikata) bejn (irid jiġi speċifikat, pereżempju: it-tarf tal-boma tat-tbexxix, l-aħħar ringiela ttrattata, eċċ.) u ż-żoni fejn in-nies jistgħu jkunu preżenti, jew

uża teknoloġija għat-tnaqqis tad-deriva (id-dettalji li jridu jiġu speċifikati) jew

uża teknoloġija għat-tnaqqis tad-deriva (id-dettalji li jridu jiġu speċifikati) u żomm żona ta’ lqugħ mhux ittrattata/strixxa/i tal-għalqa veġetata/i/żoni ħielsa mill-għelejjel ta’ (il-wisa’ li trid tiġi speċifikata) bejn (irid jiġi speċifikat, pereżempju: it-tarf tal-boma tat-tbexxix, l-aħħar ringiela ttrattata, eċċ.) u ż-żoni fejn in-nies jistgħu jkunu preżenti.

Il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom il-valutazzjoni tar-riskju skont il-prinċipji uniformi tikkonkludi li huma meħtieġa żoni ta’ lqugħ mhux ittrattati jew strixxa/i tal-għalqa veġetata/i, it-teknoloġija għat-tnaqqis tad-deriva jew it-tnejn li huma sabiex il-persuni fil-qrib u r-residenti jkunu protetti minn livell inaċċettabbli ta’ esponiment.

Aktar informazzjoni dwar it-teknoloġiji (pereżempju: it-tip ta’ żennuni) u t-tip ta’ veġetazzjoni fl-istrixxi tal-għalqa) tista’ tiġi inkluża bħala speċifikazzjonijiet tal-kundizzjonijiet tal-użu kif stabbilit fl-Anness I.

4.   FRAŻIJIET STANDARD GĦALL-PROTEZZJONI TAL-AMBJENT (SPe) U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

SPe 1: Sabiex ikun/tkun protett(a) (il-kompartiment ambjentali, il-grupp ta’ organiżmi jew speċijiet, li jrid jiġi speċifikat),

żomm żona ta’ lqugħ mhux ittrattata/strixxa/i tal-għalqa veġetata/żoni ħielsa mill-għelejjel ta’ (il-wisa’ trid tiġi speċifikata) sa (pereżempju: l-ilma tal-wiċċ, strixxi tal-għalqa) jew

uża teknoloġija għat-tnaqqis tad-deriva (id-dettalji li jridu jiġu speċifikati) jew

żomm żona ta’ lqugħ mhux ittrattata/strixxa/i tal-għalqa veġetata/i/żoni ħielsa mill-għelejjel ta’ (il-wisa’ trid tiġi speċifikata) sa (pereżempju: ilma tal-wiċċ, strixxi tal-għalqa) u uża teknoloġija għat-tnaqqis tad-deriva (id-dettalji li jridu jiġu speċifikati).

Il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom il-valutazzjoni tar-riskji ambjentali skont il-prinċipji uniformi tikkonkludi li huma meħtieġa żoni ta’ lqugħ mhux ittrattati jew istrixxa/i tal-għalqa veġetata/i, it-teknoloġija għat-tnaqqis tad-deriva jew it-tnejn li huma sabiex ċerti kompartimeni ambjentali u/jew ċerti speċijiet mhux fil-mira jkunu protetti minn livell inaċċettabbli ta’ esponiment.

Aktar informazzjoni dwar it-teknoloġiji (pereżempju: it-tip ta’ żennuni) u t-tip ta’ veġetazzjoni fl-istrixxi tal-għalqa) tista’ tiġi inkluża bħala speċifikazzjonijiet tal-kundizzjonijiet tal-użu kif stabbilit fl-Anness I.

SPe 2: Tapplikax/Tiżrax żrieragħ trattati jekk il-veloċità tar-riħ tkun ogħla minn (il-veloċità tar-riħ li għandha tiġi speċifikata).

Fejn rilevanti, il-frażi tista’ tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi volatili jew lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għall-użi tat-trattament taż-żrieragħ.

SPe 3: Sabiex ikunu protetti l-għasafar/il-mammiferi salvaġġi, il-prodott għandu jiġi inkorporat sew fil-ħamrija, inkluż fit-tarf tar-ringieli. Neħħi t-tixrid.

Din il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma fformulati bħala granuli jew pellets sabiex ikun evitat l-esponiment tal-għasafar jew tal-mammiferi selvaġġi.

SPe 4: Kun żgur li l-ispazju ttrattat qed jipprevjeni r-rilaxx tal-prodott fl-ambjent. Ivventila sew iż-żona ttrattata meta l-gass/id-duħħan ikun tneħħa.

Il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati biex jintużaw f’żoni konfinati (pereżempju: imħażen, serer) li jistgħu jaffettwaw il-bnedmin u/jew l-ispeċijiet mhux fil-mira kemm ġewwa kif ukoll barra ż-żoni ttrattati.

4.1.   Frażijiet standard għall-protezzjoni tan-naħal u tad-dakkara (SPb)

SPb 1: Sabiex jiġu protetti n-naħal, tużax meta n-naħal ikunu qed ifittxu l-ikel b’mod attiv. Applika biss wara t-titjira ta’ kuljum tan-naħal (il-ħin li jrid jiġi speċifikat, pereżempju: bejn il-ħinijiet ta’ X u X).

SPb 2: Sabiex jiġu protetti n-naħal u l-insetti dakkara, tapplikax meta jkun preżenti ħaxix ħażin li qed jagħmel il-fjuri.

SPb 3: Sabiex jiġu protetti n-naħal u l-insetti dakkara, tapplikax fuq pjanti tal-għelejjel meta jkunu bil-fjuri (ħlief kif indikat fuq – speċifika l-għalla kif meħtieġ).

SPb 4: Sabiex jiġu protetti n-naħal u l-insetti dakkara, neħħi jew għatti l-kolonji tan-naħal matul l-applikazzjoni u għal (perjodu ta’ żmien li jrid jiġi speċifikat) wara t-trattament.

SPb 5: Sabiex jiġu protetti n-naħal u l-insetti dakkara, neħħi l-ħaxix ħażin qabel ma joħorġu l-fjuri.

Għandha tiġi assenjata frażi waħda, diversi frażijiet jew il-frażijiet kollha li dawn li ġejjin – SPB 1, SPB 2, SPB 3, SPB 4, SPB 5 – lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għalihom il-valutazzjoni tar-riskju skont il-prinċipji uniformi tikkonkludi li huma meħtieġa miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju biex ikunu protetti n-naħal jew l-insetti dakkara oħra u d-duqqajs tagħhom.

Il-frażijiet standard SPB jenħtieġ li jintwerew fuq it-tikketta flimkien mal-frażi RShb u l-pittogramma tal-periklu kif stabbilit fl-Anness III.

5.   FRAŻIJIET STANDARD BIEX TIĠI EVITATA R-REŻISTENZA (SPa) U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

SPa: Sabiex ikun evitat l-iżvilupp ta’ reżistenza, tapplikax dan il-prodott jew xi prodott ieħor li jkun fih (identifika s-sustanza attiva) aktar minn (l-għadd ta’ applikazzjonijiet għal kull intervall ta’ ħin li jrid ikun speċifikat).

Il-frażi għandha tiġi assenjata fejn jidher li tali restrizzjoni hija neċessarja sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-iżvilupp ta’ reżistenza.

Fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar il-kodiċi ta’ reżistenza tas-sustanza/i attiva/i li tinsab/jinsabu fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kif spjegat fil-punt (k) tal-Anness I tista’ tiżdied mal-frażi.

6.   FRAŻIJIET STANDARD GĦAR-RODENTIĊIDI (Spr) U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

SPr 1: Il-lixki jridu jitpoġġew sew sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ konsum minn annimali oħra. Poġġi l-lixki f’kaxxi li ma jistgħux jiġu mbagħbsa.

Il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma lixki rodentiċidi.

SPr 2: Ir-rodituri mejta jridu jitneħħew mill-post ittrattat kuljum matul l-applikazzjoni tal-prodott. Tarmihomx la fil-laned u lanqas fil-miżbliet.

Il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti li huma rodentiċidi u li jistgħu jipproduċu avvelenament sekondarju lill-annimali li jieklu l-annimali mejta jew lil annimali oħra.

Fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar l-immaniġġar ta’ rodituri mejta skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri tista’ tiżdied mal-frażi.

7.   FRAŻIJIET STANDARD GĦALL-UŻI TAT-TRATTAMENT TAŻ-ŻRIERAGĦ U KRITERJI TA’ ATTRIBUZZJONI

7.1.   Frażijiet standard rilevanti għat-trattament ta’ żrieragħ bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (Sts)

Sts 1: It-trattament taż-żrieragħ għandu jitwettaq biss f’faċilitajiet professjonali tat-trattament taż-żrieragħ (li huma rreġistrati fi .../li jikkonformaw ma’ ...).

Fejn rilevanti, il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għall-użi tat-trattament taż-żrieragħ.

Sts 2: Il-proċess tat-trattament irid jiżgura li ż-żrieragħ ittrattati jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità taż-żrieragħ: (valur Heubach X gramma ta’ trab/unità ta’ żerriegħa) (X gramma ta’ trab/100 kg ta’ żerriegħa skont il-metodu Heubach).

Fejn rilevanti, il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għall-użi tat-trattament taż-żrieragħ.

Sts 3: Sabiex jiġi/tiġi protett(a) (il-kompartiment ambjentali, il-grupp ta’ organiżmi jew speċijiet li jrid jiġi speċifikat), l-imballaġġ taż-żrieragħ ittrattati ma għandux ikun fih (aktar minn X gramma ta’ trab għal kull unità ta’ żerriegħa jew għal kull 100 kilogramma ta’ żrieragħ (skont il-metodu Heubach))/(aktar minn X gramma ta’ sustanza attiva fit-trab għal kull unità ta’ żerriegħa jew għal kull 100 kilogramma ta’ żrieragħ (skont il-metodu Heubach)).

Fejn rilevanti, il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għall-użi tat-trattament taż-żrieragħ.

Sts 4: It-trab jenħtieġ li jitneħħa miż-żrieragħ qabel it-trattament bl-użu ta’ proċessi xierqa ta’ tindif.

Fejn rilevanti, il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għall-użi tat-trattament taż-żrieragħ.

7.2.   Frażijiet standard rilevanti għaż-żrigħ ta’ żrieragħ ittrattati (Sss)

Sss 1: Sabiex jiġi/tiġi protett(a) (il-kompartiment ambjentali, il-grupp ta’ organiżmi jew speċijiet li jrid jiġi speċifikat), iż-żrieragħ ittrattati jridu jinżergħu b’tagħmir li jiżgura livell għoli ta’ kopertura tal-ħamrija u jnaqqas l-emissjoni ta’ trab fl-arja. Tapplikax żrieragħ ittrattati permezz ta’ żrigħ b’tifrix.

Fejn rilevanti, il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għall-użi tat-trattament taż-żrieragħ.

Aktar informazzjoni dwar it-tagħmir taż-żrigħ inkluż il-perċentwal tat-tnaqqis tat-trab li jrid jinkiseb tista’ tiġi inkluża bħala speċifikazzjonijiet tal-kundizzjonijiet tal-użu kif stabbilit fl-Anness I.

Sss 2: Sabiex jiġu protetti l-għasafar/l-annimali selvaġġi, iż-żrieragħ ittrattati jridu jinżergħu b’mod li jiġi minimizzat l-għadd ta’ żrieragħ ittrattati li jibqgħu fuq il-wiċċ tal-ħamrija.

Fejn rilevanti, il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għall-użi tat-trattament taż-żrieragħ.

Aktar informazzjoni dwar it-tagħmir tista’ tiġi inkluża bħala speċifikazzjonijiet tal-kundizzjonijiet tal-użu kif stabbilit fl-Anness I.

Sss 3: Sabiex jiġi/tiġi protett(a) (il-kompartiment ambjentali, il-grupp ta’ organiżmi jew speċijiet, li jrid jiġi speċifikat), iż-żrieragħ u t-trab ittrattati jridu jiġu inkorporati b’mod effettiv fil-ħamrija u fit-tarf tar-ringieli. Neħħi t-tixrid.

Fejn rilevanti, il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għat-trattament taż-żrieragħ.

Sss 4: Sabiex jiġi/u protett(i) (l-ilma ta’ taħt l-art/l-organiżmi akkwatiċi/l-organiżmi tal-ħamrija), il-lissija trid titnaqqas permezz ta’ (tħaffir/żrigħ ta’ żrieragħ ittratati f’fond minimu/massimu li jrid jiġi speċifikat/konsolidazzjoni tal-qiegħ tal-ħamrija/limitazzjoni tar-rata/densità taż-żrigħ għal xx g żrieragħ/ha jew xx unità ta’ żrieragħ/ha).

Fejn rilevanti, il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għat-trattament taż-żrieragħ.

Sss 5: Sabiex jiġi/u protett(i) (l-ilma ta’ taħt l-art/l-organiżmi akkwatiċi/l-organiżmi tal-ħamrija), tiżrax/tħaffirx żrieragħ ittrattati fuq (ħamrija bi proprjetajiet speċifiċi jew sitwazzjoni li jridu jiġu speċifikati).

Fejn rilevanti, il-frażi għanda tiġi assenjata lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għat-trattament taż-żrieragħ li għalihom il-valutazzjoni tar-riskju skont il-prinċipji uniformi tikkonkludi li huma meħtieġa restrizzjonijiet fuq il-post tal-użu biex jiġu evitati effetti inaċċettabbli fuq l-ilma ta’ taħt l-art, l-organiżmi akkwatiċi u/jew l-organiżmi tal-ħamrija.

Sss 6: Tikkontaminax l-ilma bi żrieragħ ittrattati, fdalijiet bħal ħbub imkissra jew trab, jew kontenitur.

Il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għall-użi tat-trattament taż-żrieragħ.

Sss 7: Tnaddafx it-tagħmir taż-żrigħ qrib l-ilma tal-wiċċ.

Il-frażi għandha tiġi assenjata lill-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati għat-trattament taż-żrieragħ.


(1)  Tista’ tiġi inkluża wkoll referenza għal tagħmir ta’ protezzjoni personali ċċertifikat.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1123/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)