European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1112

26.5.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1112

tat-22 ta’ Mejju 2026

li ma ġġeddidx l-approvazzjoni tas-cypermethrin għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tiegħu,

Billi:

(1)

Is-cypermethrin ġiet approvata bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 945/2013 (2), soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(2)

L-approvazzjoni tas-cypermethrin għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (“l-approvazzjoni”) kellha tiskadi fil-31 ta’ Mejju 2025. Fl-24 ta’ Novembru 2023, ġiet sottomessa applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/362 (3) ipposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni għat-30 ta’ Novembru 2027, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid.

(4)

Madankollu, fil-21 ta’ Mejju 2025, l-applikant li ssottemetta l-applikazzjoni inizjali informa lill-Kummissjoni li rtira l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni. Għaldaqstant, peress li ma kienx ġie stabbilit jekk is-cypermethrin għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jixraq li l-approvazzjoni ma tiġġeddidx.

(5)

Sabiex ikun hemm biżżejjed żmien ħalli l-operaturi ekonomiċi jadattaw, l-oġġetti trattati jew li fihom jew ġew trattati bis-cypermethrin għall-użu fi prodotti bijoċidali tal-prodott tip 8 jistgħu jiġu kkumerċjalizzati għal perjodu ta’ 180 jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-approvazzjoni tas-cypermethrin bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 ma ġġeddidx.

Artikolu 2

L-oġġetti trattati li jinkorporaw jew huma trattati bis-cypermethrin għall-preservazzjoni tal-injam ma għandhomx jiġu kkumerċjalizzati aktar mit-22 ta’ Diċembru 2026.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 945/2013 tat-2 ta’ Ottubru 2013 li japprova s-cypermethrin bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 8 (ĠU L 261, 3.10.2013, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/945/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/362 tal-21 ta’ Frar 2025 li tipposponi l-iskadenza tal-approvazzjoni tas-cypermethrin għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2025/362, 24.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/362/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1112/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)