|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1100 |
22.5.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1100
tal-21 ta’ Mejju 2026
dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-settur tal-ħalib u għas-settur tal-laħam tal-majjal fis-Slovakkja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 220(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Bejn il-21 ta’ Marzu 2025 u l-4 ta’ April 2025, is-Slovakkja kkonfermat u nnotifikat sitt tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer. L-ispeċijiet affettwati kienu l-ifrat. |
|
(2) |
Is-Slovakkja ħadet minnufih, u b’mod effiċjenti, kull miżura tas-saħħa tal-annimali u kull miżura veterinarja meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (3). |
|
(3) |
Bil-ħsieb li jiġi evitat it-tixrid tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, fil-21 ta’ Marzu 2025 is-Slovakkja ħarġet miżura straordinarja ta’ emerġenza (4) li tipprojbixxi, fit-territorju tagħha, kwalunkwe moviment ta’ frat, ta’ nagħaġ, ta’ mogħoż, ta’ ħnieżer u ta’ annimali oħra bid-dwiefer mifruqa, inkluż l-annimali tar-razzett. |
|
(4) |
Barra minn hekk, is-Slovakkja ħadet miżuri ta’ kontroll, ta’ monitoraġġ u ta’ prevenzjoni u stabbiliet żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza (“iż-żoni regolati”) skont id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/496 (5), (UE) 2025/613 (6), (UE) 2025/654 (7), (UE) 2025/672 (8), (UE) 2025/696 (9), (UE) 2025/795 (10), (UE) 2025/827 (11) u (UE) 2025/1097 (12). |
|
(5) |
Is-Slovakkja għarrfet lill-Kummissjoni li l-miżuri tas-saħħa u l-miżuri veterinarji meħtieġa, li kienu ġew applikati biex jitrażżan u jinqered it-tixrid tal-marda, kienu laqtu għadd ta’ operaturi u li dawk l-operaturi kienu ġarrbu telf ta’ introjtu li ma kienx eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). |
|
(6) |
Fis-26 ta’ Awwissu 2025, il-Kummissjoni rċeviet talba formali mingħand is-Slovakkja għall-finanzjament parzjali ta’ ċerti miżuri eċċezzjonali skont l-Artikolu 220(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għat-tifqigħat ikkonfermati bejn il-21 ta’ Marzu 2025 u l-4 ta’ April 2025. |
|
(7) |
L-implimentazzjoni tal-miżuri tas-saħħa tal-annimali u tal-miżuri veterinarji msemmija fil-premessi 3 u 4 wasslet għat-telf ta’ ħalib mhux ipproċessat prodott li ma setax jiġi kkonsenjat minħabba restrizzjonijiet fuq il-moviment u għal żieda fil-kostijiet minħabba perjodi itwal ta’ trobbija u ta’ tismin tal-ħnieżer, tal-ħnienes u tal-majjali nisa. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-finanzjament parzjali tal-Unjoni jenħtieġ li jkun ekwivalenti għal 60 % tan-nefqa mġarrba mis-Slovakkja għall-miżuri eċċezzjonali rilevanti ta’ appoġġ għas-suq. Jenħtieġ li l-kwantitajiet massimi ta’ ħalib mhux ipproċessat u l-għadd massimu ta’ annimali eliġibbli għall-finanzjament fil-qafas ta’ kull miżura eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni wara li din tiskrutinizza t-talba li rċeviet mingħand is-Slovakkja rigward ir-restrizzjonijiet relatati mat-tifqigħat. |
|
(9) |
Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ kumpens żejjed, jenħtieġ li l-ammonti massimi u l-ammont b’rata fissa tal-finanzjament parzjali tal-Unjoni jkunu bbażati fuq studji tekniċi u ekonomiċi jew fuq dokumenti tal-kontabbiltà u jiġu ffissati f’livell xieraq għal kull annimal u għal kull kilogramma ta’ ħalib mhux ipproċessat. |
|
(10) |
Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ finanzjament doppju, jenħtieġ li t-telf li jiġġarrab mill-benefiċjarji ma jiġix ikkumpensat b’għajnuna mill-Istat jew b’assigurazzjoni, u jenħtieġ li l-finanzjament parzjali tal-Unjoni skont dan ir-Regolament ikun limitat għall-annimali u l-prodotti eliġibbli li għalihom ma tkun inkisbet l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-livell u d-durata tal-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq previsti f’dan ir-Regolament ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex is-suq jingħata appoġġ. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq japplikaw biss għall-produzzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat u l-laħam tal-majjal fl-azjendi li jinsabu fiż-żoni regolati u għad-durata tal-miżuri tas-saħħa tal-annimali u tal-miżuri veterinarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u fil-leġiżlazzjoni Slovakka li huma rilevanti għat-tifqigħat. |
|
(12) |
Sabiex tkun żgurata l-flessibbiltà f’każ li l-għadd ta’ annimali eliġibbli għall-kumpens ikun differenti mill-għadd massimu stabbilit f’dan ir-Regolament, li huwa bbażat fuq stimi, il-kumpens jista’ jiġi aġġustat sa ċerti limiti, dment li jitħares l-ammont massimu tan-nefqa parzjalment iffinanzjata mill-Unjoni. |
|
(13) |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din il-miżura eċċezzjonali, jenħtieġ li l-benefiċjarji jirċievu malajr l-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu żgurati monitoraġġ f’waqtu tal-baġit kif ukoll segwitu aġġornat u użu effiċjenti tar-riżerva għall-agrikoltura, u b’hekk tiġi massimizzata d-disponibbiltà tagħha u tissaħħaħ il-ħila ta’ rispons fil-pront għall-kriżijiet emerġenti. Għalhekk, jixraq li jiġi definit perjodu ta’ eliġibbiltà biex l-Istati Membri jħallsu dan l-appoġġ lill-benefiċjarji. Kwalunkwe pagament li jsir wara data tat-tmiem speċifika jenħtieġ li jitqies ineliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni. |
|
(14) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tiffinanzja n-nefqa mġarrba mis-Slovakkja skont din il-miżura eċċezzjonali biss meta tali nefqa ssir sa ċerta data tat-tmiem tal-eliġibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-appoġġ għal din il-miżura eċċezzjonali jitħallas sal-31 ta’ Ottubru 2026. |
|
(15) |
Peress li l-pagamenti li jsiru wara l-31 ta’ Ottubru 2026 ma jridu jitqiesu eliġibbli fl-ebda ċirkostanza, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (14), li jipprevedi tnaqqis proporzjonali tal-pagamenti ta’ kull xahar li jsiru wara l-iskadenza, jenħtieġ li ma japplikax. |
|
(16) |
Sabiex jiġu żgurati l-eliġibbiltà u l-korrettezza tal-pagamenti, jenħtieġ li s-Slovakkja twettaq verifiki ex ante. |
|
(17) |
Sabiex jiġi żgurat li s-Slovakkja timplimenta l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament immedjatament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(18) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Unjoni għandha tipprovdi finanzjament parzjali ekwivalenti għal 60 % tan-nefqa mġarrba mis-Slovakkja biex tappoġġa s-suq tal-ħalib u s-suq tal-laħam tal-majjal li ntlaqtu serjament mit-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer ikkonfermati u nnotifikati mis-Slovakkja bejn il-21 ta’ Marzu 2025 u l-4 ta’ April 2025.
Artikolu 2
1. In-nefqa mġarrba mis-Slovakkja għandha tkun eliġibbli għall-finanzjament parzjali tal-Unjoni biss:
|
(a) |
għad-durata tal-applikazzjoni tal-miżuri tas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji msemmija fl-atti legali tal-Unjoni u fil-leġiżlazzjoni Slovakka elenkati fl-Anness u marbuta mal-perjodu stabbilit fl-Artikolu 1; u |
|
(b) |
għal dawk l-azjendi tal-bovini u tal-ħnieżer li jkunu ġew soġġetti għall-miżuri tas-saħħa tal-annimali u għall-miżuri veterinarji u li jinsabu fiż-żoni msemmija fl-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness (“iż-żoni regolati”); u |
|
(c) |
jekk is-Slovakkja tkun ħallset il-kumpens lill-benefiċjarji qabel il-31 ta’ Ottubru 2026; u |
|
(d) |
jekk, għall-perjodu msemmi fil-punt (a), l-annimal jew il-prodott ma jkun ibbenefika minn l-ebda kumpens permezz ta’ għajnuna mill-Istat jew assigurazzjoni u li għalih ma jkun irċieva l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690. |
2. L-ebda nefqa tas-Slovakkja li ssir wara l-31 ta’ Ottubru 2026 ma għandha tkun eliġibbli għall-finanzjament parzjali tal-Unjoni, irrispettivament mis-sehem tan-nefqa li tirrappreżenta.
Artikolu 3
1. L-ammont massimu tal-finanzjament parzjali tal-Unjoni għandu jkun ta’ EUR 2 092 445, kif ġej:
|
(a) |
għat-telf marbut mal-ħalib mhux ipproċessat mhux ikkonsenjat prodott fl-azjendi taż-żoni regolati, massimu ta’ EUR 65 888 għal massimu ta’ 227 915 kilogramma ħalib; |
|
(b) |
għat-telf relatat mal-perjodi mtawla tat-trobbija u tat-tismin tal-ħnieżer minħabba r-restrizzjonijiet fuq il-moviment fiż-żoni regolati, rata fissa ta’ EUR 1,31 għal kull ħanżir kuljum sa massimu ta’ 76 673 annimal; |
|
(c) |
għat-telf relatat mal-perjodi mtawla tat-trobbija tal-ħnienes minħabba r-restrizzjonijiet fuq il-moviment fiż-żoni regolati, rata fissa ta’ EUR 0,80 għal kull ħannus kuljum sa massimu ta’ 79 198 annimal; |
|
(d) |
għat-telf relatat mal-perjodi mtawla tat-trobbija tal-majjali nisa li jirriżulta mir-restrizzjonijiet fuq il-moviment fiż-żoni regolati: EUR 3,36 għal kull majjala kuljum sa massimu ta’ 1 025 annimal għall-perjodu ta’ bejn il-21 ta’ Marzu 2025 u t-30 ta’ Marzu 2025 u EUR 4,18 għal kull majjala kuljum sa massimu ta’ 1 593 annimal għall-perjodu ta’ bejn il-31 ta’ Marzu 2025 u l-20 ta’ Mejju 2025. |
2. Meta l-ammont ta’ ħalib mhux ipproċessat jew l-għadd ta’ annimali eliġibbli għall-kumpens jaqbżu l-għadd massimu ta’ kilogrammi ta’ ħalib mhux ipproċessat jew ta’ annimali stabbilit fil-paragrafu 1, in-nefqa eliġibbli għall-finanzjament parzjali tal-Unjoni tista’ tiġi aġġustata għal kull kategorija u taqbeż l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-għadd massimu għal kull kategorija, dment li t-total tal-aġġustamenti jibqa’ taħt l-20 % tal-ammont massimu tal-finanzjament parzjali tal-Unjoni li jissemma fil-paragrafu 1.
Artikolu 4
1. Is-Slovakkja għandha twettaq verifiki amministrattivi preliminari u fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).
B’mod partikolari, is-Slovakkja għandha tivverifika:
|
(a) |
l-eliġibbiltà tal-applikant li jkun issottometta t-talba għall-appoġġ, |
|
(b) |
għal kull applikant eliġibbli: l-eliġibbiltà, il-kwantità u l-valur tat-telf reali tal-produzzjoni, |
|
(c) |
li l-ebda applikant eliġibbli ma rċieva finanzjament minn sorsi oħra bħala kumpens għat-telf imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament. |
2. Għall-applikanti eliġibbli li jkunu sarulhom il-verifiki amministrattivi, il-kumpens jista’ jitħallas mingħajr ma wieħed joqgħod jistenna li jsiru l-verifiki kollha fuq dawk l-applikanti li jkunu ntgħażlu wkoll għall-verifiki fuq il-post. Il-verifiki kollha fuq il-post għandhom isiru sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara li jsiru l-pagamenti.
3. F’każijiet li l-eliġibbiltà ta’ applikant ma tkunx ġiet ikkonfermata, il-kumpens għandu jiġi rkuprat u għandhom jiġu applikati sanzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 59(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) ( ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat ( ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).
(4) Miżura straordinarja ta’ emerġenza tal-21 ta’ Marzu 2025 MNO-2550/2025.
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/496 tal-11 ta’ Marzu 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija ( ĠU L, 2025/496, 12.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/496/oj).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/613 tal-24 ta’ Marzu 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496 ( ĠU L, 2025/613, 25.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/613/oj).
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/654 tas-26 ta’ Marzu 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/613 (ĠU L, 2025/654, 31.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/654/oj).
(8) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/672 tal-31 ta’ Marzu 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/613 ( ĠU L, 2025/672, 2.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/672/oj).
(9) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/696 tat-3 ta’ April 2025 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/672 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja ( ĠU L, 2025/696, 4.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/696/oj).
(10) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/795 tal-14 ta’ April 2025 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/672 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja ( ĠU L, 2025/795, 15.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/795/oj).
(11) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/827 tal-25 ta’ April 2025 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/672 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja ( ĠU L, 2025/827, 28.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/827/oj).
(12) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1097 tat-23 ta’ Mejju 2025 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/672 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja ( ĠU L, 2025/1097, 27.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1097/oj).
(13) Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 ( ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/690/oj).
(14) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro ( ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/127/oj).
(15) Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ( ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj).
ANNESS
Lista tal-atti legali tal-Unjoni u tal-leġiżlazzjoni Slovakka msemmija fl-Artikolu 2(1) li jelenkaw iż-żoni u l-perjodi regolati
Partijiet tas-Slovakkja u perjodi stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429, mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mal-leġiżlazzjoni Slovakka, u definiti f’dawn li ġejjin:
|
|
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496 |
|
|
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/613 |
|
|
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/654 |
|
|
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/672 |
|
|
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/696 |
|
|
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/795 |
|
|
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/827 |
|
|
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1097 |
Miżura straordinarja ta’ emerġenza tas-Slovakkja: MNO-2550/2025
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1100/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)