European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1078

12.5.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1078

tal-11 ta’ Mejju 2026

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/796 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/796 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2019/796.

(2)

Il-Kunsill irrieżamina l-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/796. Abbażi ta’ dak ir-rieżami, jenħtieġ li jiġu aġġornati r-raġunijiet għall-inklużjoni tal-erba’ persuni u entità waħda fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/796 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/796 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/796/oj.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/796 huwa emendat kif ġej:

(1)

taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”, l-entrati 1, 2, 13 sa 14 huma sostitwiti bl-entrati korrispondenti li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

GAO Qiang

Data tat-twelid: 4 ta’ Ottubru 1983

Post tat-twelid: Shandong Province, China

Indirizz: Room 1102, Guanfu Mansion, 46 Xinkai Road, Hedong District, Tianjin, China

Ċittadinanza: Ċiniża

Sess: raġel

Gao Qiang huwa marbut mal-umbrella ‘APT10’ (‘Advanced Persistent Threat 10’ (Theddida Persistenti Avvanzata 10)) (magħrufa wkoll bħala ‘Red Apollo’, ‘CVNX’, ‘Stone Panda’, ‘MenuPass’ u ‘Potassium’), u kien involut fl-‘Operation Cloud Hopper’, sensiela ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li joriġinaw minn barra l-Unjoni u li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha u ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi.

L-‘Operation Cloud Hopper’ kellha fil-mira tagħha s-sistemi ta’ informazzjoni ta’ kumpanniji multinazzjonali f’sitt kontinenti, inkluż kumpanniji li jinsabu fl- Unjoni, u kisbet aċċess mhux awtorizzat għal data kummerċjali sensittiva, b’riżultat ta’ telf ekonomiku sinifikanti.

Gao Qiang huwa assoċjat mal-infrastruttura ta’ kmand u kontroll tal-APT10. Barra minn hekk, Huaying Haitai, kumpanija użata mill-APT10, u maħsuba biex tipprovdi appoġġ u tiffaċilita l-‘Operation Cloud Hopper’, impjegat lil Gao Qiang. Huwa assoċjat ukoll ma’ Zhang Shilong, li kellu rabtiet mal-APT10 u li kien ukoll impjegat minn Huaying Haitai.

30.7.2020

2.

ZHANG Shilong

Data tat-twelid: 10 ta’ Settembru 1981

Post tat-twelid: China

Indirizz: Hedong, Yuyang Road No 121, Tianjin, China

Ċittadinanza: Ċiniża

Sess: raġel

Zhang Shilong huwa marbut mal-umbrella ‘APT10’ (‘Advanced Persistent Threat 10’ (Theddida Persistenti Avvanzata 10)) (magħrufa wkoll bħala ‘Red Apollo’, ‘CVNX’, ‘Stone Panda’, ‘MenuPass’ u ‘Potassium’), u kien involut fl-‘Operation Cloud Hopper’, sensiela ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li joriġinaw minn barra l-Unjoni u li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha u ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi.

L-‘Operation Cloud Hopper’ kellha fil-mira tagħha s-sistemi ta’ informazzjoni ta’ kumpanniji multinazzjonali f’sitt kontinenti, inkluż kumpanniji li jinsabu fl-Unjoni, u kisbet aċċess mhux awtorizzat għal data kummerċjali sensittiva, b’riżultat ta’ telf ekonomiku sinifikanti.

Zhang Shilong huwa assoċjat mal-APT10, inkluż permezz tal-malware li żviluppa u ttestja b’rabta mal-attakki ċibernetiċi mwettqa mill-APT10.

Barra minn hekk, Huaying Haitai, kumpanija użata mill-APT10, u maħsuba biex tipprovdi appoġġ u tiffaċilita l-‘Operation Cloud Hopper’, impjegat lil Zhang Shilong.

Huwa assoċjat ma’ Gao Qiang, li għandu rabtiet ma’ APT10 u li kien ukoll impjegat minn Huaying Haitai.

30.7.2020

13.

Mikhail Mikhailovich TSAREV

Михаил Михайлович ЦАРЕВ

Data tat-twelid: 20.4.1989

Post tat-twelid: Serpukhov, Russian Federation

Ċittadinanza: Russa

Indirizz: Serpukhov

Sess: raġel

Mikhail Mikhailovich TSAREV ħa sehem f’attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Istati Membri tal-UE.

Mikhail Mikhailovich TSAREV, magħruf ukoll bil-monikers online ‘Mango’, ‘Alexander Grachev’, ‘Super Misha’, ‘Ivanov Mixail’, ‘Misha Krutysha’, u ‘Nikita Andreevich Tsarev’ huwa attur ewlieni fit-tnedija tal-programmi tal-malware ‘Conti’ u ‘Trickbot’ u huwa involut fil-grupp ta’ theddida bbażat fir-Russja ‘Wizard Spider’. Wiżard Spider qed ikompli jevolvi u jintensifika l-operazzjonijiet tiegħu.

Il-programmi tal-malware Conti u Trickbot inħolqu u ġew żviluppati minn Wizard Spider. Wizard Spider wettaq kampanji ta’ ransomware f’varjetà ta’ setturi, inkluż servizzi essenzjali bħas-saħħa u s-servizzi bankarji.

Il-grupp infetta kompjuters madwar id-dinja u l-malware tiegħu ġie żviluppat f’malware suit ferm modulari. Kampanji minn Wizard Spider, bl-użu ta’ malware bħal Conti, ‘Ryuk’ TrickBot jew Black Basta, huma responsabbli għal ħsara ekonomika sostanzjali fl-Unjoni Ewropea.

Għalhekk, Mikhail Mikhailovich TSAREV huwa involut f’attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti, li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha.

24.6.2024

14.

Maksim Sergeevich GALOCHKIN

Максим Сергеевич ГАЛОЧКИН

Data tat-twelid: 19.5.1982

Post tat-twelid: Abakan, Russian Federation

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Maksim Galochkin ħa sehem f’attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Istati Membri tal-UE.

Maksim Galochkin huwa magħruf ukoll bil-monikers online bħala ‘Benalen’, ‘Bentley’, ‘Volhvb’, ‘volhvb’, ‘manuel’, ‘Max17’ u ‘Crypt’. Galochkin huwa attur ewlieni fit-tnedija tal-programmi tal-malware ‘Conti’ u ‘Trickbot’ u huwa involut fil-grupp ta’ theddida bbażat fir-Russja ‘Wizard Spider’. Huwa mexxa grupp ta’ testers, b’responsabbiltajiet għall-iżvilupp, is-superviżjoni, u l-implimentazzjoni ta’ testijiet għall-programm tal-malware TrickBot, maħluq u mniedi minn ‘Wizard Spider’. Wiżard Spider qed ikompli jevolvi u jintensifika l-operazzjonijiet tiegħu.

Wizard Spider wettaq kampanji ta’ ransomware f’varjetà ta’ setturi, inkluż servizzi essenzjali bħas-saħħa u s-servizzi bankarji. Il-grupp infetta kompjuters madwar id-dinja u l-malware tagħhom ġie żviluppat f’sett ta’ malware ferm modulari. Il-kampanji minn Wizard Spider, bl-użu ta’ malwares bħal Conti, ‘Ryuk’ TrickBot jew Black Basta, huma responsabbli għal ħsara sostanzjali fl-Unjoni Ewropea.

Għalhekk, Maksim Galochkin huwa involut f’attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti, li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha.

24.6.2024”;

(2)

taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”, l-entrata 1 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Tianjin Huaying Haitai Science and Technology Development Co. Ltd (Huaying Haitai)

magħrufa wkoll bħala: Haitai Technology Development Co. Ltd

Post: Tianjin, China

Huaying Haitai pprovdiet appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali, u ffaċilitat, l-‘Operation Cloud Hopper’, sensiela ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti li joriġinaw minn barra l-Unjoni u jikkostitwixxu /theddida esterna għall- Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha, u ta’ attakki ċibernetiċi b’effett sinifikanti kontra Stati terzi.

L-‘Operation Cloud Hopper’ kellha fil-mira tagħha s-sistemi ta’ informazzjoni ta’ kumpanniji multinazzjonali f’sitt kontinenti, inkluż kumpanniji li jinsabu fl-Unjoni, u kisbet aċċess mhux awtorizzat għal data kummerċjali sensittiva, b’riżultat ta’ telf ekonomiku sinifikanti.

L-attur magħruf pubblikament bħala ‘APT10’ (‘Advanced Persistent Threat 10’) (magħruf ukoll bħala ‘Red Apollo’, ‘CVNX’, ‘Stone Panda’, ‘MenuPass’ u ‘Potassium’) wettaq l-‘Operation Cloud Hopper’.

Huaying Haitai jista’ jkollha rabtiet ma’ APT10. Barra minn hekk, Huaying Haitai impjegat lil Gao Qiang u Zhang Shilong, li t-tnejn huma deżinjati b’rabta mal-‘Operation Cloud Hopper’. Għaldaqstant, Huaying Haitai hija wkoll assoċjata ma’ Gao Qiang u Zhang Shilong.

30.7.2020”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1078/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)