|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1062 |
20.5.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1062
tat-18 ta’ Mejju 2026
li tirrifjuta applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(“Denizli Leblebisi” (IĠP))
(notifikata bid-dokument C(2026) 3129)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni imressqa mit-Turkija għar-reġistrazzjoni tal-isem “Denizli Leblebisi” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), fid-19 ta’ Lulju 2024 (PGI-TR-03297). |
|
(2) |
Wara l-eżami tal-applikazzjoni, fil-15 ta’ April 2025 il-Kummissjoni bagħtet ittra li tinforma lill-applikant bl-intenzjoni tagħha li tniedi l-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, sakemm ma tiġix imressqa verżjoni riveduta tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew l-applikazzjoni tiġi rtirata. |
|
(3) |
L-ittra tal-15 ta’ April 2025 semmiet diversi nuqqasijiet ta’ konformità. B’mod partikolari, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2024/1143 mhumiex imħarsa, peress li Denizli Commodity Exchange mhuwiex grupp ta’ produtturi li huwa magħmul minn membri li jaħdmu bil-prodott li l-isem tiegħu huwa propost għar-reġistrazzjoni. |
|
(4) |
L-applikazzjoni lanqas ma tinkludi prova legali tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika fit-Turkija, b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, li hija meħtieġa mill-Artikolu 13, il-paragrafi (2)(d) u (4), tar-Regolament (UE) 2024/1143. |
|
(5) |
Barra minn hekk, l-applikazzjoni ma għandhiex informazzjoni dwar il-proċeduri fis-seħħ li jikkonċernaw il-prova tal-oriġini ta’ “Denizli Leblebisi” u l-materja prima użata għall-produzzjoni tiegħu, li hija meħtieġa mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/26 (2). |
|
(6) |
Fl-aħħar nett, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti għadhom neqsin. Dawn huma meħtieġa mill-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/26. |
|
(7) |
Fit-tweġiba tagħha tad-19 ta’ Mejju 2025, l-applikant ma indirizzax in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. |
|
(8) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-“Denizli Leblebisi” bħala IĠP ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1143. |
|
(9) |
Għalhekk jenħtieġ li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Denizli Leblebisi” bħala IĠP tiġi rrifjutata. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità għal prodotti agrikoli, inbid u xorb spirituż, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Denizli Leblebisi” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) hija rifjutata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-applikant:
|
DENIZLI COMMODITY EXCHANGE |
|
Topraklık Mahallesi Kayalık Caddesi Ulu Çarşı İş Merkezi Kat:5 Pamukkale |
|
DENİZLİ, it-Turkija |
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2026.
Għall-Kummissjoni
Christophe HANSEN
Membru tal-Kummissjoni
(1) OJ L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/26 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet, l-emendi, il-kanċellazzjonijiet, l-infurzar tal-protezzjoni, it-tikkettar u l-komunikazzjoni fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/34 fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-inbid, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 u (UE) 2021/1236 (ĠU L, 2025/26, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/26/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1062/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)