European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1049

7.5.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1049

tas-7 ta’ Mejju 2026

li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/450/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/450/PESK tal-10 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/423/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/450/PESK.

(2)

Fit-28 ta’ April 2026, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1591(2005) żied erba’ persuni mal-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi. Jenħtieġ li jiżdiedu tliet persuni mal-lista ta’ persuni u entitajiet stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/450/PESK.

(3)

Id-Deċiżjoni 2014/450/PESK jenħtieġ li għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/450/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. RAOUNA


(1)   ĠU L 203, 11.7.2014, p. 106, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/450/oj.


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/450/PESK, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

“11.   QUIJANO BECERRA, Alvaro Andres

Deżinjazzjoni: Fundatur tal-Aġenzija Internazzjonali tas-Servizzi (A4SI).

Data tat-twelid: 18 ta’ Lulju 1967.

Post tat-twelid: Bogota, Colombia.

Nazzjonalità: (a) il-Kolombja; (b) l-Italja.

Sess: Raġel.

Passaport: (a) in-numru tal-Kolombja AP628498; (b) in-numru tal-Italja YB7731256 (Jiskadi fl-1 ta’ Marzu 2031).

Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: Nru tas-Cedula tal-Kolombja 80413253.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 28 ta’ April 2026.

Raġuni għall-elenkar:

Alvaro Andres Quijano Becerra ġie elenkat fit-28 ta’ April 2026 skont il-paragrafu 3(c) tar-riżoluzzjoni 1591(2005).

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Alvaro Andres Quijano Becerra (Quijano) qed jiġi ddeżinjat għall-involviment f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà ta’ Darfur.

Quijano għandu rwol ċentrali fir-reklutaġġ u l-iskjerament ta’ eks persunal militari Kolombjan fis-Sudan. L-evidenza bil-vidjo u dik fotografika turi li dan il-persunal militari jipprovdi lill-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) b’għarfien espert tattiku u tekniku, li jservi bħala artillerija u infanterija, bdoti tad-droni, operaturi tal-vetturi, u għalliema, b’xi wħud saħansitra jħarrġu lit-tfal biex jiġġieldu fl-RSF.

Il-ġellieda Kolombjani pparteċipaw f’għadd ta’ battalji madwar is-Sudan, fosthom fil-belt kapitali tiegħu, Khartoum, kif ukoll f’Omdurman, Kordofan, u El Fasher.

Quijano, eks assoċjat ta’ Notre del Valle Cartel ibbażata fil-Kolombja, huwa appoġġat minn network ta’ assoċjati u kumpaniji li jispeċjalizzaw fir-reklutaġġ ta’ ġellieda u fl-iffaċilitar tal-moviment ta’ fondi relatati mal-iskjerament tagħhom. Quijano waqqaf b’mod konġunt aġenzija tal-impjiegi, l-Aġenzija Internazzjonali tas-Servizzi (A4SI), li hija n-nodu ewlieni ta’ reklutaġġ, li involviet ruħha f’kampanji permezz tas-sit web tagħha, chats fi grupp, u muniċipji biex timla l-pożizzjonijiet, fosthom l-operaturi tad-droni, is-snipers, u t-tradutturi. Bejn it-350 u t-380 ġellieda Kolombjani, l-aktar suldati rtirati, ġew reklutati permezz ta’ diversi ditti privati tas-sigurtà, inkluż l-A4SI.

Individwi u entitajiet elenkati relatati

Claudia Viviana Oliveros Forero (SDi.013), Mateo Andres Duque Botero (SDi.014).

12.   OLIVEROS FORERO, Claudia Viviana

Deżinjazzjoni: Sid u maniġer tal-Aġenzija Internazzjonali tas-Servizzi (A4SI).

Data tat-twelid: 2 ta’ Jannar 1973.

Post tat-twelid: Bogota, Colombia.

Nazzjonalità: Il-Kolombja.

Sess: Mara.

Passaport: Numru tal-Kolombja AZ321704 (Jiskadi fl-20 ta’ Lulju 2032).

Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: Nru tas-Cedula tal-Kolombja 52252815.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 28 ta’ April 2026.

Raġuni għall-elenkar:

Claudia Viviana Oliveros Forero ġiet elenkata fit-28 ta’ April 2026 skont il-paragrafu 3(c) tar-riżoluzzjoni 1591(2005).

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Claudia Viviana Oliveros Forero (Oliveres) qed tiġi ddeżinjata għall-involviment f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà ta’ Darfur.

Oliveros għandha rwol ċentrali fir-reklutaġġ u l-iskjerament ta’ eks persunal militari Kolombjan fis-Sudan. L-evidenza bil-vidjo u dik fotografika turi li dan il-persunal militari jipprovdi lill-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) b’għarfien espert tattiku u tekniku, li jservi bħala artillerija u infanterija, bdoti tad-droni, operaturi tal-vetturi, u għalliema, b’xi wħud saħansitra jħarrġu lit-tfal biex jiġġieldu fl-RSF.

Il-ġellieda Kolombjani pparteċipaw f’għadd ta’ battalji madwar is-Sudan, fosthom fil-belt kapitali tiegħu, Khartoum, kif ukoll f’Omdurman, Kordofan, u El Fasher. Oliveros hija s-sid u l-maniġer ta’ aġenzija tal-impjiegi, Aġenzija Internazzjonali tas-Servizzi (A4SI), li hija n-nodu ewlieni ta’ reklutaġġ, li involviet ruħha f’kampanji permezz tas-sit web tagħha, chats fi grupp, u muniċipji biex timla l-pożizzjonijiet, fosthom l-operaturi tad-droni, is-snipers, u t-tradutturi. Bejn it-350 u t-380 ġellieda Kolombjani, l-aktar suldati rtirati, ġew reklutati permezz ta’ diversi ditti privati tas-sigurtà, inkluż l-A4SI.

Individwi u entitajiet elenkati relatati

Alvaro Andres Quijano Becerra (SDi.012) Mateo Andres Duque Botero (SDi.014).

13.   DUQUE BOTERO, Mateo Andres

Data tat-twelid: 7 ta’ April 1975.

Post tat-twelid: Bogota, Colombia.

Indirizz: Calle 77 9 76 APT 302, Bogota, Colombia.

Nazzjonalità: (a) il-Kolombja; (b) Spanja.

Sess: Raġel.

Passaport: (a) Numru tal-Kolombja AS272175 (Skada fil-31 ta’ Marzu 2026); (b) Numru ta’ Spanja XDD789846; (c) Numru tal-Kolombja BF868819 (Jiskadi fl-1 ta’ Marzu 2035).

Nru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: Nru tas-Cedula tal-Kolombja 79782423.

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 28 ta’ April 2026.

Raġuni għall-elenkar:

Mateo Andres Duque Botero ġie elenkat fit-28 ta’ April 2026 skont il-paragrafu 3(c) tar-riżoluzzjoni 1591(2005).

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Mateo Andres Duque Botero (Duque) qed jiġi ddeżinjat għall-involviment f’azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà ta’ Darfur.

Duque għandu rwol ċentrali fil-finanzjament ta’ eks persunal militari Kolombjan fis-Sudan. Huwa jimmaniġġja l-Maine Global Corp, li timmaniġġja u tiżborża fondi għal Global Staffing (issa Talent Bridge) u l-kumpanija li timpjega persunal militari Kolombjan, bl-appoġġ ta’ ditti bbażati fl-Istati Uniti assoċjati ma’ Duque. Dan jinkludi l-ipproċessar tal-pagamenti tal-pagi għall-ġellieda Kolombjani u li jservu bħala intermedjarju tal-kambju, il-konverżjoni tal-euro u tal-pesos Kolombjani f’dollari Amerikani. Fl-2024 u l-2025, ditti bbażati fl-Istati Uniti assoċjati ma’ Duque kienu involuti f’bosta trasferimenti elettroniċi, li jammontaw għal miljuni ta’ dollari Amerikani, ma’ Maine Global Corp, Global Staffing, u l-kumpanija li timpjega l-ġellieda Kolombjani.

L-evidenza bil-vidjo u dik fotografika turi li dawn il-ġellieda Kolumbjani jipprovdu lill-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu (RSF) b’għarfien espert tattiku u tekniku, li jservi bħala artillerija u infanterija, bdoti tad-droni, operaturi tal-vetturi, u għalliema, b’xi wħud saħansitra jħarrġu lit-tfal biex jiġġieldu fl-RSF.

Il-ġellieda Kolombjani pparteċipaw f’għadd ta’ battalji madwar is-Sudan, fosthom fil-belt kapitali tiegħu, Khartoum, kif ukoll f’Omdurman, Kordofan, u El Fasher

Individwi u entitajiet elenkati relatati

Alvaro Andres Quijano Becerra (SDi.012), Claudia Viviana Oliveros Forero (SDi.013).”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1049/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)