European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1024

8.5.2026

DIRETTIVA (UE) 2026/1024 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ April 2026

li temenda d-Direttiva (UE) 2015/2302 biex il-protezzjoni tal-vjaġġaturi ssir aktar effettiva u biex jiġu ssimplifikati u ċċarati ċerti aspetti ta’ dik id-Direttiva

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) immodernizzat il-qafas legali għall-pakketti tal-ivvjaġġar fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq u l-avvanzi fit-teknoloġija. Dik id-Direttiva kellha l-għan li tindirizza modi ġodda ta’ prenotazzjoni ta’ servizzi tal-ivvjaġġar, inkluż kombinazzjonijiet personalizzati ta’ servizzi tal-ivvjaġġar, li ma kinux koperti mid-Direttiva 90/314/KEE (4) jew li kienu jaqgħu f’żona ġuridika mhux ċara, filwaqt li ssaħħaħ id-drittijiet tal-vjaġġaturi f’diversi aspetti. Id-Direttiva (UE) 2015/2302 kellha wkoll l-għan li tiżgura kompetizzjoni aktar ġusta bejn tipi differenti ta’ negozji tal-ivvjaġġar li joperaw fis-suq tal-pakketti tal-ivvjaġġar.

(2)

Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, id-Direttiva (UE) 2015/2302 wessgħet id-definizzjoni tat-terminu “pakkett” meta mqabbla mad-Direttiva 90/314/KEE. Id-Direttiva (UE) 2015/2302 iċċarat ulterjorment id-drittijiet eżistenti tal-vjaġġaturi u introduċiet drittijiet ġodda, inkluż id-dritt għall-vjaġġaturi li jitterminaw kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, taħt ċerti kundizzjonijiet, fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji, mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2015/2302 introduċiet il-kunċett ta’ “arranġament tal-ivvjaġġar marbut”.

(3)

Għalkemm id-Direttiva (UE) 2015/2302 ħadmet tajjeb b’mod ġenerali, tfaċċaw diversi sfidi mill-bidu tal-applikazzjoni tagħha fl-1 ta’ Lulju 2018. B’mod partikolari, il-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri tal-gvernijiet relatati kellhom impatt sinifikanti kemm fuq l-industrija tal-ivvjaġġar kif ukoll fuq il-vjaġġaturi u dawn urew li ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, inkluż dawk dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi, jenħtieġ li jiġu ċċarati.

(4)

Għalhekk, huwa meħtieġ li jingħalqu l-lakuni identifikati fir-regoli kurrenti, u li jiġu ċċarati u ssimplifikati ċerti kunċetti u dispożizzjonijiet, u b’hekk tissaħħaħ l-effettività tad-Direttiva (UE) 2015/2302 għall-benefiċċju tal-vjaġġaturi u tan-negozji tal-ivvjaġġar, li fosthom hemm għadd kbir ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

(5)

B’mod ġenerali, id-definizzjoni aġġornata ta’ “pakkett” fid-Direttiva (UE) 2015/2302 titqies li kienet effettiva. Għall-kuntrarju, ir-regoli dwar “arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta”, introdotti wkoll f’dik id-Direttiva, ikkumplikaw b’mod konsiderevoli l-qafas leġiżlattiv, inkluż fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi. Dik il-kumplessità addizzjonali wasslet għal inċertezza legali fid-delimitazzjoni bejn il-pakketti u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, kif ukoll bejn l-arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta u s-servizzi tal-ivvjaġġar awtonomi. Ma hemm l-ebda evidenza li dawk ir-regoli dwar arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta rriżultaw f’benefiċċji tanġibbli għall-vjaġġaturi. Għalhekk, huwa xieraq li d-Direttiva (UE) 2015/2302 tiġi ssimplifikata billi jitħassru d-dispożizzjonijiet dwar arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, billi jitħassar l-Anness II tagħha, li jikkonsisti minn ħames formoli ta’ informazzjoni għal arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, u billi jsiru ċerti aġġustamenti għad-definizzjoni ta’ “pakkett”.

(6)

Jenħtieġ li l-prinċipju li fuqu hija bbażata d-definizzjoni ta’ “pakkett” jibqa’ l-istess, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn servizzi tal-ivvjaġġar differenti prenotati għall-finijiet tal-istess vjaġġ jew btala.

(7)

Jenħtieġ li l-vjaġġaturi jirċievu informazzjoni ċara dwar jekk kombinazzjoni partikolari ta’ servizzi tal-ivvjaġġar tikkostitwixxix pakkett jew le, peress li, f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ prenotazzjoni, dan jista’ ma jkunx ċar għalihom. Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali, huwa għalhekk meħtieġ li, f’sitwazzjonijiet ta’ prenotazzjoni fejn il-kundizzjonijiet għal pakkett ma jiġux issodisfati iżda l-kummerċjanti jistiednu lill-vjaġġaturi jixtru tipi addizzjonali ta’ servizzi tal-ivvjaġġar għall-istess vjaġġ jew btala, il-kummerċjanti jintalbu jinformaw lill-vjaġġaturi li s-servizzi tal-ivvjaġġar rilevanti mhux ser jikkostitwixxu pakkett u li l-vjaġġaturi mhux ser ikunu protetti skont id-Direttiva (UE) 2015/2302. Jenħtieġ li dak ir-rekwiżit japplika fejn l-istedina għax-xiri ta’ tipi addizzjonali ta’ servizzi tal-ivvjaġġar issir qabel ma l-vjaġġatur ikun xtara l-ewwel tip ta’ servizz tal-ivvjaġġar iżda wkoll fejn l-istedina ssir wara li l-vjaġġatur ikun prenota l-ewwel tip ta’ servizz tal-ivvjaġġar. F’każijiet fejn l-istedina għax-xiri ta’ tipi addizzjonali ta’ servizzi tal-ivvjaġġar issir qabel ma l-vjaġġatur ikun ikkonkluda l-ewwel prenotazzjoni u l-vjaġġatur sussegwentement jipprenota s-servizzi tal-ivvjaġġar rilevanti f’perjodu ta’ 24 siegħa, fl-istess punt tal-bejgħ, teżisti rabta mill-qrib bejn dawk il-prenotazzjonijiet anki jekk ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha għal pakkett, bħall-preżentazzjoni ta’ prezz inklużiv jew totali jew l-għażla tas-servizzi tal-ivvjaġġar qabel ma l-vjaġġatur jaqbel li jħallas. Għalhekk, jekk f’każijiet bħal dawn kummerċjant ma jinfurmax b’mod ċar lill-vjaġġatur, fil-mument li jagħmel l-istedina, li l-kombinazzjoni ta’ servizzi tal-ivvjaġġar mhux ser tikkostitwixxi pakkett, jenħtieġ li dik il-kombinazzjoni titqies bħala pakkett protett skont id-Direttiva (UE) 2015/2302, u jenħtieġ li l-kummerċjant jitqies bħala l-organizzatur ta’ dak il-pakkett.

(8)

F’sitwazzjonijiet ta’ prenotazzjoni fejn il-kummerċjant jistieden lill-vjaġġatur jixtri servizzi tal-ivvjaġġar addizzjonali, jenħtieġ li “stedina” tinftiehem bħala kwalunkwe sitwazzjoni fejn il-kummerċjant jinkoraġġixxi jew iħeġġeġ lill-vjaġġatur jipprenota tip addizzjonali ta’ servizz tal-ivvjaġġar għall-vjaġġ jew btala prevista. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, posta elettronika li jkun fiha ħolqa għal faċilità ta’ prenotazzjoni, messaġġ integrat fil-proċess ta’ prenotazzjoni jew telefonata. F’każijiet bħal dawn, il-kummerċjant tipikament jipprovdi lill-vjaġġatur b’għażla ta’ offerti abbażi tal-interess tal-vjaġġatur f’destinazzjoni u perjodu tal-ivvjaġġar partikolari. Meta tali offerti jsiru fil-forma ta’ stedina għax-xiri, kif definit fid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jiġifieri fil-forma ta’ komunikazzjoni kummerċjali li tindika l-karatteristiċi tal-prodott jew tas-servizz u l-prezz tiegħu, dan jenħtieġ li jitqies bħala indikazzjoni qawwija ta’ stedina. Tali stedina għax-xiri tinkludi wkoll każijiet fejn il-kummerċjant jitlob lill-vjaġġatur jirrikonoxxi interess f’tipi addizzjonali ta’ servizz tal-ivvjaġġar għall-istess vjaġġ jew btala, sabiex jipprovdi offerti għal dawk is-servizzi tal-ivvjaġġar fil-forma ta’ stedina biex jixtri, kif definit fid-Direttiva 2005/29/KE, direttament mal-konferma tal-ewwel prenotifikazzjoni jew wara. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li s-sempliċi disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ prenotazzjoni għal servizzi oħra tal-ivvjaġġar fuq sit web jew applikazzjoni ta’ kummerċjant jew fil-bini tan-negozju tiegħu, referenza ġenerali għal tali faċilitajiet ta’ prenotazzjoni, jew reklamar ta’ servizzi tal-ivvjaġġar skattati minn metadata minn tfittxijiet preċedenti għal servizzi tal-ivvjaġġar ma jitqisux suffiċjenti biex jikkostitwixxu stedina għax-xiri ta’ servizzi tal-ivvjaġġar addizzjonali.

(9)

Irriżulta li waħda mid-definizzjonijiet ta’ pakkett kienet dejqa wisq, jiġifieri dik imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (2)(b)(v), tad-Direttiva (UE) 2015/2302 li teħtieġ it-trażmissjoni tal-isem, tad-dettalji ta’ pagament u tal-indirizz elettroniku tal-vjaġġatur minn kummerċjant għal ieħor. Għalhekk huwa xieraq li prenotazzjonijiet ta’ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar għall-istess vjaġġ jew btala jiġu kkunsidrati bħala pakkett meta l-kummerċjant li jkun parti għall-ewwel kuntratt jittrasferixxi d-data personali tal-vjaġġatur li tippermetti li l-vjaġġatur jiġi identifikat bħala parti kontraenti lil kummerċjant ieħor jew kummerċjanti oħra li huma parti għat-tieni kuntratt jew għal kuntratt ieħor, u fejn il-kuntratt jew il-kuntratti mal-kummerċjant jew il-kummerċjanti l-oħra jiġu konklużi mhux aktar tard minn 24 siegħa wara l-konferma tal-prenotazzjoni tal-ewwel servizz tal-ivvjaġġar. Jenħtieġ li din id-data tippermetti lill-kummerċjanti involuti jistabbilixxu li l-istess vjaġġatur huwa parti għall-kuntratti rilevanti u jistgħu jinkludu, pereżempju, l-isem, id-dettalji tal-pagament, l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tat-telefown jew il-kont tal-media soċjali tal-vjaġġatur. Data li ma tippermettix lill-kummerċjanti kkonċernati jistabbilixxu li l-istess vjaġġatur huwa parti għall-kuntratti rilevanti, bħal indirizz IP li jidentifika apparat, jenħtieġ li ma titqiesx suffiċjenti. Ir-referenza għat-trasferiment tad-data personali tal-vjaġġatur hija maħsuba biex tagħmel id-definizzjoni aktar valida għall-futur. Tali trasferiment jindika rabta mill-qrib bejn il-kuntratti rilevanti u, konsegwentement, il-ħolqien ta’ pakkett.

(10)

Fir-rigward ta’ pakketti fejn, pereżempju, l-akkomodazzjoni tkun ikkombinata ma’ “servizzi turistiċi oħra”, iżda li ma jkun fihom l-ebda trasportazzjoni ta’ passiġġieri, il-kriterju ġenerali ta’ “proporzjon sinifikanti” tal-valur tal-kombinazzjoni, li japplika għas-servizzi turistiċi, jenħtieġ li jiġi sostitwit bil-kriterju aktar speċifiku ta’ “mill-anqas 25 %” tal-valur tal-kombinazzjoni, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali. Jenħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li servizzi turistiċi oħra li huma intrinsikament parti mis-servizzi tal-ivvjaġġar, bħal servizzi turistiċi oħra li huma relatati mal-akkomodazzjoni, ma jitqisux bħala servizzi tal-ivvjaġġar fihom infushom. Konsegwentement, l-inklużjoni tagħhom ma tistax tagħti lok għall-ħolqien ta’ pakkett, anki jekk il-valur tagħhom jirrappreżenta mill-inqas 25 % tal-prezz totali. Il-premessi tad-Direttiva (UE) 2015/2302 fihom eżempji ta’ servizzi li jistgħu jitqiesu li huma intrinsikament parti mis-servizzi tal-ivvjaġġar, bħall-aċċess għal ċerti faċilitajiet fuq il-post fil-lukandi jew f’tipi oħra ta’ akkomodazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi mfakkar li servizzi turistiċi oħra li jintgħażlu u jinxtraw biss wara li tkun bdiet l-eżekuzzjoni ta’ servizz tal-ivvjaġġar, bħall-akkomodazzjoni, ma jwasslux għall-ħolqien ta’ pakkett, anki jekk il-valur tagħhom jirrappreżenta mill-inqas 25 % tal-prezz totali.

(11)

Kif muri b’mod partikolari matul il-pandemija tal-COVID-19, in-nuqqas ta’ regoli bejn in-negozji dwar ir-rifużjonijiet lill-organizzaturi tal-pakketti għal servizzi tal-ivvjaġġar kkanċellati jew mhux eżegwiti minn fornituri tas-servizzi, in-nuqqas ta’ regoli dwar il-vouchers, u l-inċertezza dwar jekk il-pretensjonijiet għal rifużjoni u l-vouchers għal pakketti kkanċellati humiex koperti minn protezzjoni mill-insolvenza jistgħu jikkawżaw diffikultajiet fir-rigward tar-rifużjonijiet lill-vjaġġaturi, speċjalment, fejn ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jwasslu għal diversi kanċellazzjonijiet u jaffettwaw ħafna destinazzjonijiet tal-ivvjaġġar. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-pagamenti tal-vjaġġaturi jkunu protetti b’mod effettiv f’kull ħin, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li s-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni mill-insolvenza jkunu reżiljenti u jipprovdu protezzjoni aktar uniformi.

(12)

Filwaqt li d-Direttiva (UE) 2015/2302 tirrikjedi lill-organizzaturi jinformaw lill-vjaġġaturi dwar l-arranġamenti għall-pagament, inkluż kwalunkwe depożitu li għandu jsir, hija ma tistabbilixxix regoli li jillimitaw l-ammont ta’ tali depożitu jew ma tirregolax l-iskeda għall-pagament tal-bilanċ. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw tali aspetti, dment li tali regoli jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

(13)

Meta servizz tal-ivvjaġġar li jkun inkluż f’pakkett jiġi kkanċellat jew ma jiġix eżegwit u jkunu saru pagamenti bil-quddiem lill-fornitur tas-servizz rispettiv, jenħtieġ li l-organizzaturi jkunu intitolati jirċievu rifużjoni tal-pagamenti magħmula mingħand il-fornitur tas-servizz tal-ivvjaġġar fi żmien sebgħat ijiem. L-iskop ta’ dak id-dritt għal rifużjoni huwa biex jippermetti lill-organizzaturi jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jagħmlu rifużjoni lill-vjaġġaturi fi żmien 14-il jum f’każijiet fejn jiġi tterminat ukoll il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar kollu kemm hu. Meta fornitur ta’ servizz tal-ivvjaġġar jikkanċella jew jonqos milli jipprovdi servizz li jkun inkluż f’pakkett iżda l-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar jibqa’ jeżisti, id-dritt għal rifużjoni fi żmien sebgħat ijiem iservi biex l-organizzaturi jkunu jistgħu jagħmlu arranġamenti alternattivi.

(14)

F’ċerti sitwazzjonijiet, il-vouchers volontarji jistgħu jservu bħala alternattiva utli għar-rifużjonijiet. Il-vouchers jistgħu jagħtu aktar flessibbiltà lill-organizzaturi, b’mod partikolari meta jkunu meħtieġa jagħmlu bosta rifużjonijiet f’perjodu ta’ żmien qasir. Fl-istess ħin, il-vouchers jistgħu jkunu aċċettabbli għal vjaġġaturi li ma jeħtiġux rifużjoni immedjata, dment li jkun hemm garanziji legali speċifiċi. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari għal tali garanziji. Jenħtieġ li dawk il-garanziji jinkludu informazzjoni obbligatorja dwar in-natura volontarja u l-karatteristiċi tal-voucher, inkluż informazzjoni ċara li d-dritt għal rifużjoni tal-vjaġġatur jiġi sospiż biss jekk il-vjaġġatur jaċċetta l-voucher b’mod espliċitu. Ir-rekwiżit li l-vjaġġatur irid jaċċetta l-voucher b’mod espliċitu jfisser li l-aċċettazzjoni ma tistax tkun impliċita, iżda li l-vjaġġatur irid jesprimiha b’mod attiv. Tali aċċettazzjoni jenħtieġ li tiġi espressa bl-użu ta’ mezz durabbli. Jenħtieġ li l-vouchers jinħarġu bl-użu ta’ mezz durabbli u jinkludu informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-voucher u d-drittijiet tal-vjaġġatur. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-ammont li l-vjaġġatur ikun intitolat jirċievi bħala rifużjoni (“id-dritt tal-vjaġġatur għal rifużjoni”) u l-valur tal-voucher. Jenħtieġ li l-organizzaturi jkunu jistgħu jagħmlu l-vouchers aktar attraenti, pereżempju, billi jżidu l-valur tagħhom meta mqabbel mad-dritt tal-vjaġġatur għal rifużjoni. F’każijiet bħal dawn, il-protezzjoni mill-insolvenza jenħtieġ li tkun limitata għall-ammont tad-dritt tal-vjaġġatur għal rifużjoni.

(15)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-perjodu ta’ validità tal-vouchers u kwalunkwe estensjoni possibbli. Huwa xieraq ukoll li jiġi stabbilit li, matul il-perjodu ta’ validità ta’ voucher, id-dritt tal-vjaġġatur għal rifużjoni jiġi sospiż, u li jiġu speċifikati l-każijiet fejn tali sospensjoni tintemm u l-vjaġġatur jerġa’ jikseb dak id-dritt għal rifużjoni. Billi l-vouchers għandhom valur monetarju speċifiku, huwa xieraq li jiġi stabbilit li jistgħu jintużaw għal kwalunkwe servizz tal-ivvjaġġar offrut mill-organizzatur, li jistgħu jinfdew f’partijiet u li jistgħu jiġu ttrasferiti darba biss, mingħajr ma l-organizzaturi jkunu jistgħu jitolbu tariffa għat-trasferiment. Għal trasferiment validu, jenħtieġ li l-vjaġġatur li jittrasferixxi l-voucher jinforma lill-organizzatur dwar l-identità taċ-ċessjonarju, sabiex iċ-ċessjonarju jkun jista’ jifdi l-voucher jew jirċievi rifużjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-konferma tat-trasferiment tieħu l-forma ta’ mmarkar tal-voucher, pereżempju fiżikament jew elettronikament, biex jiġi indikat b’mod ċar li t-trasferiment seħħ.

(16)

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu mekkaniżmi li jiżguraw ir-rifużjonijiet lill-vjaġġaturi f’konformità mar-rekwiżiti legali, għal każijiet fejn il-pakketti jiġu kkanċellati minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u fejn l-organizzaturi ma jkunux jistgħu jikkonformaw mal-obbligi ta’ rifużjoni tagħhom. Sabiex tiżdied it-trasparenza, l-Istati Membri li jintroduċu jew li jżommu dawn il-mekkaniżmi jenħtieġ li jkunu obbligati jinformaw lill-Kummissjoni u lill-punti ta’ kuntatt ċentrali tal-Istati Membri l-oħra dwarhom. Dawn il-mekkaniżmi normalment jiġu ffinanzjati esklużivament permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-organizzaturi. Huwa biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u debitament ġustifikati li dawn il-mekkaniżmi jistgħu jiġu kofinanzjati mill-Istati Membri, u l-introduzzjoni tagħhom tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(17)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat li t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar hija possibbli meta jista’ jkun raġonevolment mistenni li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun affettwata b’mod sinifikanti minn ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji. Il-valutazzjoni dwar jekk ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji humiex ser ikollhom effetti sinifikanti fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett jenħtieġ li tkun ibbażata fuq previżjoni, fil-mument tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, tal-probabbiltà li ċ-ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jkollhom effetti sinifikanti fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett, abbażi ta’ valutazzjoni skont il-każ. Meta vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, tali valutazzjoni jenħtieġ li ssir mill-perspettiva ta’ vjaġġatur medju, li jkun raġonevolment infurmat sew u li jkun raġonevolment osservanti u ċirkuspett, abbażi ta’ informazzjoni disponibbli fid-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar inkwistjoni. L-effetti taċ-ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tat-tluq jew li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tiegħu, jew li jaffettwaw il-vjaġġ lejn id-destinazzjoni jew minnha, inkluż id-diversi postijiet konnessi mal-bidu u r-ritorn tal-vjaġġ inkwistjoni, jenħtieġ li jitqiesu meta dawn jaffettwaw b’mod sinifikanti l-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar. Jenħtieġ li l-post tat-tluq jinftiehem bħala l-post fejn tibda l-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar skont il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar. Iċ-ċirkostanzi li jaffettwaw biss il-vjaġġ lejn id-destinazzjoni jew il-vjaġġ ta’ ritorn jenħtieġ li ma jitqisux jekk dak il-vjaġġ ma jkunx parti mill-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, inkluż it-trasport tal-passiġġier lejn il-post tat-tluq miftiehem. Ċirkostanzi diġà magħrufa jew prevedibbli mill-vjaġġatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, u li ma ddeterjorawx b’mod sinjifikattiv minn dak iż-żmien ’l hawn, ma jistgħux jikkostitwixxu l-bażi għall-eżerċizzju tad-dritt li dak il-kuntratt jiġi tterminat mingħajr ma titħallas tariffa ta’ terminazzjoni.

(18)

Ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jistgħu jinkludu sitwazzjonijiet oġġettivi, pereżempju gwerra, problemi serji oħra ta’ sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem, bħat-tfaqqigħ ta’ mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar, jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kundizzjonijiet tat-temp, li jagħmluha impossibbli li wieħed jivvjaġġa b’mod sikur għad-destinazzjoni kif maqbul fil-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar. Jenħtieġ li ċ-ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jkopru mhux biss iċ-ċirkostanzi li jagħmlu l-eżekuzzjoni ta’ pakkett oġġettivament impossibbli, iżda wkoll ċirkostanzi li, mingħajr ma jipprevjenu tali eżekuzzjoni, ifissru li l-pakkett ma jistax jiġi eżegwit mingħajr ma l-vjaġġaturi kkonċernati jiġu esposti għal riskji għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom. F’dan il-kuntest, ċerti riskji jistgħu jaffettwaw ċerti gruppi ta’ vjaġġaturi b’mod partikolarment sever minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom.

(19)

Dikjarazzjonijiet jew rakkomandazzjonijiet uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jagħtu parir lill-vjaġġaturi kontra l-ivvjaġġar lejn żona partikolari jistgħu, min-natura tagħhom, ikollhom valur evidenzjali konsiderevoli fir-rigward tal-okkorrenza, fil-pajjiżi li huma relatati magħhom, ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji u tal-konsegwenzi tagħhom għall-eżekuzzjoni tal-pakkett ikkonċernat. Tali dikjarazzjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, jew il-fatt li l-vjaġġaturi ser ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet serji fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew fl-Istat Membru ta’ residenza jew ta’ tluq wara r-ritorn mill-vjaġġ jew mill-btala, bħal rekwiżiti ta’ kwarantina għal perjodu sinifikanti, jistgħu għalhekk, flimkien ma’ fatturi oħra, ikunu elementi importanti li għandhom jitqiesu meta jiġi kkunsidrat jekk it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji tkunx ġustifikata. Jenħtieġ li r-rilevanza ta’ dikjarazzjonijiet jew rakkomandazzjonijiet uffiċjali speċifiċi għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar inkwistjoni tiġi eżaminata skont il-każ, filwaqt li jitqiesu, fost fatturi oħra, in-natura taċ-ċirkostanzi inkwistjoni u ż-żmien bejn it-terminazzjoni ta’ dak il-kuntratt u l-bidu skedat tal-pakkett, u konsegwentement il-probabbiltà ta’ bidla sinifikanti f’dawk iċ-ċirkostanzi. Madankollu, jenħtieġ li l-eżistenza ta’ tali dikjarazzjonijiet jew rakkomandazzjonijiet ma tkunx kundizzjoni biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jew l-effetti ta’ tali ċirkostanzi fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett.

(20)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li l-perjodu ta’ rifużjoni ta’ 14-il jum skattat mit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar japplika irrispettivament minn jekk il-vjaġġatur speċifikament jitlobx rifużjoni.

(21)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva u uniformi tal-vjaġġaturi u kundizzjonijiet ekwi għall-organizzaturi, jenħtieġ li jiġi previst li l-protezzjoni mill-insolvenza tal-organizzaturi tkopri l-pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem il-vjaġġaturi fil-każ tal-insolvenza tal-organizzatur, inkluż fejn vjaġġatur kien intitolat għal rifużjoni jew kien irċieva voucher mill-organizzatur qabel l-insolvenza tiegħu.

(22)

Fil-parametri stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/2302, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu s-sistemi tagħhom ta’ protezzjoni mill-insolvenza applikabbli fit-territorji tagħhom, inkluż il-proċeduri assoċjati u l-metodi biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-protezzjoni mill-insolvenza permezz tal-kanali ta’ komunikazzjoni l-aktar effettivi disponibbli. Huwa importanti li jkun meħtieġ li, malli sseħħ insolvenza, il-vjaġġaturi jingħataw l-informazzjoni kollha neċessarja. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru entità jew entitajiet rilevanti, li jkunu responsabbli biex jipprovdu l-informazzjoni neċessarja.

(23)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni mill-insolvenza għall-vjaġġaturi f’kull ħin, jenħtieġ li jiġi previst li l-garanzija tkun biżżejjed biex tkopri l-kostijiet tar-rifużjonijiet u, fejn applikabbli, ir-ripatrijazzjonijiet. Jenħtieġ li tali garanzija tqis li l-insolvenza tista’ sseħħ fi żmien meta organizzatur ikollu l-ogħla ammonti ta’ pagamenti. Jenħtieġ li titqies kwalunkwe żieda ta’ dawk l-ammonti minħabba volum ogħla ta’ pakketti mibjugħa f’perjodu partikolari meta mqabbel mal-bejgħ antiċipat. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-Istati Membri jenħtieġ li jissorveljaw il-protezzjoni mill-insolvenza tal-organizzaturi u jimmonitorjaw id-disponibbiltà ta’ protezzjoni mill-insolvenza. Fejn ikun meħtieġ biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva mill-insolvenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu mekkaniżmi addizzjonali, bħal fond ta’ riżerva, biex jikkomplementaw, pereżempju, il-protezzjoni pprovduta mill-poloz tal-assigurazzjoni. Tali fondi ta’ riżerva normalment jenħtieġ li jiġu ffinanzjati esklużivament permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-organizzaturi u jenħtieġ li jiġu kofinanzjati mill-Istati Membri biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u debitament ġustifikati. Sa fejn tali miżuri jinvolvu għajnuna mill-Istat, japplikaw ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(24)

Fir-rigward tar-rifużjonijiet tal-pagamenti tal-vjaġġaturi fil-każ ta’ insolvenza ta’ organizzatur, il-perjodu li fih għandhom isiru dawn ir-rifużjonijiet wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti meħtieġa jenħtieġ li jiġi speċifikat ulterjorment. Jenħtieġ li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-vjaġġaturi fil-każ ta’ insolvenza ta’ organizzatur tinkludi informazzjoni dwar id-dokumenti li l-vjaġġaturi jridu jippreżentaw sabiex japplikaw għal rifużjoni tal-pagamenti tagħhom. Jenħtieġ li l-vjaġġaturi jintalbu jippreżentaw biss dawk id-dokumenti meħtieġa għall-eżami tat-talba f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali u b’kont meħud tar-rekwiżiti tal-entità jew tal-awtorità speċifika responsabbli għall-ipproċessar sigur u effiċjenti tat-talbiet għal rifużjoni.

(25)

Huwa xieraq ukoll li jiġi previst li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu li l-bejjiegħa bl-imnut jissottoskrivu għal protezzjoni mill-insolvenza bħalma hu l-każ għall-organizzaturi.

(26)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-punti ta’ kuntatt ċentrali huma responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-protezzjoni mill-insolvenza u kwistjonijiet relatati, inkluż kwalunkwe mekkaniżmu biex jiġi żgurat li r-rifużjonijiet isiru f’waqthom fil-każ tat-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar.

(27)

Huwa importanti li l-vjaġġaturi jkunu informati kif xieraq dwar id-drittijiet tagħhom, ikunu jistgħu jifhmu l-informazzjoni pprovduta lilhom u jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni meta jkollhom bżonnha. Għalhekk, jenħtieġ li jsiru ċerti bidliet fir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali, il-kontenut ta’ kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar, u l-formoli ta’ informazzjoni standard stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2015/2302. Pereżempju, dawk il-formoli ta’ informazzjoni standard jenħtieġ li jispeċifikaw il-kummerċjant responsabbli għall-għoti ta’ rifużjonijiet meta kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jiġi tterminat. Id-dritt ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar mingħajr ma titħallas tariffa ta’ terminazzjoni minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jenħtieġ li jiġi ppreżentat flimkien mal-possibbiltà li dak il-kuntratt jiġi tterminat soġġett għal tariffa ta’ terminazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-organizzaturi jkunu obbligati jehmżu l-formola ta’ informazzjoni standard mal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar sabiex din tkun disponibbli għall-vjaġġaturi wara l-konklużjoni ta’ dak il-kuntratt, flimkien mad-dettalji ta’ kuntatt tal-kummerċjanti rilevanti. Jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata lill-vjaġġaturi b’mod ċar u li jinftiehem u, fejn applikabbli, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Jenħtieġ li jiġi mfakkar li, meta s-servizzi kkonċernati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/882, l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità għandha tiġi żgurata f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(28)

Sabiex tissaħħaħ l-effettività tad-Direttiva (UE) 2015/2302, jenħtieġ li l-organizzaturi jkunu meħtieġa jikkonformaw ma’ ċerti standards meta jittrattaw l-ilmenti, inkluż mal-obbligu li jirrikonoxxu l-irċevuta fi żmien sebat ijiem u li jipprovdu tweġiba motivata fi żmien 60 jum. F’każijiet fejn il-komunikazzjoni ssir bil-posta, jenħtieġ li l-organizzatur jitqies li jkun ikkonforma ma’ dawk l-obbligi jekk id-data tat-timbru tal-posta taqa’ f’dawk il-perjodi rispettivi.

(29)

L-aċċess għal mekkaniżmi ġusti u effiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim huwa importanti wkoll għall-infurzar tad-drittijiet tal-vjaġġaturi skont id-Direttiva (UE) 2015/2302. Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li tistipula r-rekwiżiti minimi għall-korpi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) għat-tilwim tal-konsumaturi li jridu jkunu fis-seħħ f’kull Stat Membru, tapplika wkoll għat-tilwim bejn il-vjaġġaturi u n-negozjanti skont id-Direttiva (UE) 2015/2302. Id-Direttiva (UE) 2025/2647 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), li temenda d-Direttiva 2013/11/UE bl-għan li ssaħħaħ l-aċċess tal-konsumaturi għall-ADR, tobbliga lill-Istati Membri jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-kummerċjanti u tal-konsumaturi fl-ADR. Il-premessi tagħha jsemmu li jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tan-negozjanti u l-konsumaturi fil-mekkaniżmi tal-ADR f’ċerti setturi. Jenħtieġ li jibqa’ obbligatorju li l-kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar ikun fihom informazzjoni dwar il-mekkaniżmi tal-ADR skont id-Direttiva 2013/11/UE u, fejn applikabbli, dwar l-entità tal-ADR li l-kummerċjant rilevanti jkun kopert biha. Jenħtieġ li n-negozjanti jinfurmaw lill-vjaġġaturi dwar il-mekkaniżmi tal-ADR disponibbli wkoll meta jwieġbu b’mod negattiv għal ilment li jirċievu minn vjaġġatur.

(30)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tirrispetta l-libertà tat-twettiq ta’ negozju stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 38 tal-Karta.

(31)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tagħha. Filwaqt li l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq in-negozji tal-ivvjaġġar, inkluż organizzaturi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, ġie vvalutat bir-reqqa, huwa xieraq li f’dak ir-rapport jitqies l-impatt tal-applikazzjoni tagħha fuq organizzaturi bħal dawn. Barra minn hekk, jenħtieġ li dak ir-rapport jinkludi valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5a tad-Direttiva (UE) 2015/2302. Meta meħtieġ, dak ir-rapport jenħtieġ li jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi.

(32)

Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern fir-rigward tal-pakketti tal-ivvjaġġar u għall-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur f’dak is-settur, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba raġunijiet tal-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(33)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2015/2302 tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva (UE) 2015/2302

Id-Direttiva (UE) 2015/2302 hija emendata kif ġej:

(1)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE”

;

(2)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u għall-kisba ta’ livell għoli u kemm jista’ jkun uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi jiġu approssimati ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward kuntratti bejn il-vjaġġaturi u n-negozjanti dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar, ċerti aspetti ta’ kuntratti bejn organizzaturi ta’ pakketti u fornituri tas-servizz tal-ivvjaġġar, u rekwiżiti speċifiċi ta’ informazzjoni applikabbli għal ċerti sitwazzjonijiet li ma jwasslux għall-ħolqien ta’ pakkett.”

;

(3)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal pakketti offruti għal bejgħ jew li jinbiegħu min-negozjanti lill-vjaġġaturi u għal rekwiżiti speċifiċi ta’ informazzjoni applikabbli għal ċerti sitwazzjonijiet li ma jwasslux għall-ħolqien ta’ pakkett. Tapplika wkoll għad-dritt tal-organizzaturi għal rimborż mill-fornituri ta’ servizzi tal-ivvjaġġar f’każijiet ta’ kanċellazzjoni jew nuqqas ta’ forniment ta’ servizz li jifforma parti minn pakkett tal-ivvjaġġar.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

(a)

pakketti li jkopru perjodu ta’ anqas minn 24 siegħa sakemm ma tkunx inkluża l-akkomodazzjoni mal-lejl;

(b)

pakketti offruti okkażjonalment u mingħajr skop ta’ qligħ u għal grupp limitat ta’ passiġġieri biss;

(c)

pakketti mixtrija abbażi ta’ ftehim ġenerali għall-arranġament ta’ vjaġġar fuq xogħol bejn kummerċjant u persuna oħra fiżika jew ġuridika li qed taġixxi għal finijiet marbuta mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha.”

;

(4)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)

‘pakkett’ tfisser kombinazzjoni ta’ mill-anqas żewġ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar għall-iskop tal-istess vjaġġ jew btala, jekk:

(a)

dawk is-servizzi jkunu kkombinati minn negozjant wieħed, inkluż fuq talba tal-vjaġġatur jew f’konformità mal-għażla tiegħu, qabel ma jiġi konkluż kuntratt uniku dwar is-servizzi kollha; jew

(b)

irrispettivament minn jekk jiġux konklużi kuntratti separati ma’ fornituri ta’ servizzi tal-ivvjaġġar individwali, dawk is-servizzi jkunu:

(i)

mixtrija minn punt uniku ta’ bejgħ u jkunu ntgħażlu qabel ma l-vjaġġatur jaqbel li jħallas;

(ii)

offruti, mibjugħa jew fatturati bi prezz inklużiv jew totali, irrispettivament minn kwalunkwe kont separat;

(iii)

reklamati jew mibjugħa skont it-terminu ‘pakkett’ jew skont terminu simili;

(iv)

kombinati wara l-għeluq ta’ kuntratt li bih kummerċjant jintitola lill-vjaġġatur li jagħżel fost għażla ta’ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar; jew

(v)

mixtrija mingħand kummerċjanti separati permezz ta’ proċessi marbuta ta’ prenotazzjoni online fejn id-data personali tal-vjaġġatur li minnha l-vjaġġatur jista’ jiġi identifikat bħala parti kontraenti tintbagħat mingħand il-kummerċjant li miegħu jkun ġie konkluż l-ewwel kuntratt lil kummerċjant ieħor jew lill-kummerċjanti oħra u jiġi konkluż kuntratt ma’ dak il-kummerċjant l-ieħor jew ma’ dawk il-kummerċjanti l-oħra mhux aktar minn 24 siegħa wara l-konferma tal-prenotazzjoni tal-ewwel servizz tal-ivvjaġġar.

Kombinazzjoni ta’ servizzi tal-ivvjaġġar fejn mhux aktar minn tip wieħed ta’ servizz tal-ivvjaġġar kif imsemmi fil-punt (a), (b), jew (c) tal-punt 1 jiġi kkombinat ma’ servizz turistiku wieħed jew iktar kif imsemmi fil-punt (d) tal-punt 1 ma jkunx pakkett jekk dawn is-servizzi tal-aħħar:

(a)

ma jikkostitwux mill-anqas 25 % tal-valur tal-kombinazzjoni u ma humiex irreklamati bħala u ma jirrappreżentawx b’mod ieħor karatteristika essenzjali tal-kombinazzjoni; jew

(b)

jintgħażlu u jinxtraw biss wara li tkun bdiet l-eżekuzzjoni ta’ servizz tal-ivvjaġġar kif imsemmi fil-punt (a), (b) jew (c) tal-punt 1;”

;

(b)

il-punt 5 jitħassar;

(c)

il-punt 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(7)

‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, irrispettivament minn jekk ikollhiex sjieda pubblika jew privata, li qed taġixxi, ukoll permezz ta’ kwalunkwe persuna oħra li qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha b’rabta ma’ kuntratti koperti minn din id-Direttiva, fil-kapaċità tagħha ta’ organizzatur, bejjiegħ bl-imnut jew fornitur ta’ servizz tal-ivvjaġġar;”

;

(d)

il-punt 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(12)

‘ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji’ tfisser ċirkostanzi oġġettivi li huma lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali ċirkostanzi u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke li kieku jkunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha;”

;

(5)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a), il-punt (viii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(viii)

jekk is-servizzi tal-ivvjaġġar inklużi fil-pakkett humiex, b’mod ġenerali, aċċessibbli għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa, irrispettivament minn jekk dik il-mobbiltà mnaqqsa hijiex ikkawżata minn diżabbiltà jew kawżi oħra u irrispettivament minn jekk dik il-mobbiltà mnaqqsa hijiex permanenti jew temporanja, u, fuq talba tal-vjaġġatur, aktar informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà jew l-adegwatezza tal-pakkett fid-dawl tal-ħtiġijiet speċifiċi kkomunikati mill-vjaġġatur;”

;

(b)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

l-isem kummerċjali u l-indirizz ġeografiku tal-organizzatur u, fejn applikabbli, tal-bejjiegħ bl-imnut, kif ukoll in-numru tat-telefon u, fejn applikabbli, l-indirizz elettroniku tagħhom, li jippermettu lill-vjaġġatur jikkuntattja lill-organizzatur u, fejn applikabbli, lill-bejjiegħ bl-imnut malajr u jikkomunika magħhom b’mod effettiv;”

;

(c)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

l-arranġamenti għall-ħlas, inkluż kwalunkwe punt ta’ lealtà eżistenti jew benefiċċji oħra f’sistemi ta’ premji, u kwalunkwe ammont jew perċentwal tal-prezz li għandu jitħallas bħala depożitu u l-iskeda ta’ żmien għall-ħlas tal-bilanċ, jew garanziji finanzjarji li għandhom jitħallsu jew jiġu pprovduti mill-vjaġġatur;”

;

(d)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

informazzjoni ġenerali rilevanti dwar ir-rekwiżiti tal-passaport u tal-viża, inkluż il-perjodi approssimattivi għall-kisba tal-viża u informazzjoni dwar il-formalitajiet tas-saħħa, tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni u tranżitu;”

;

(e)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

informazzjoni li l-vjaġġatur għandu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett b’pagament ta’ tariffa ta’ terminazzjoni xierqa u ġustifikabbli jew, fejn applikabbli, it-tariffa ta’ terminazzjoni standardizzati mitluba mill-organizzatur, f’konformità mal-Artikolu 12(1), u li l-vjaġġatur għandu d-dritt jittermina l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar mingħajr ma jħallas l-ebda tariffa ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji skont l-Artikolu 12(2);”

;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Informazzjoni prekuntrattwali f’sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ prenotazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, f’sitwazzjonijiet ta’ prenotazzjoni li ma jwasslux għall-ħolqien ta’ pakkett u fejn kummerċjant jistieden lil vjaġġatur jixtri tip addizzjonali ta’ servizz tal-ivvjaġġar għall-istess vjaġġ jew btala, il-kummerċjant għandu, fil-mument ta’ dik l-istedina, jinforma lill-vjaġġatur b’mod ċar, komprensibbli u prominenti li, jekk il-vjaġġatur sussegwentement jaqbel li jħallas għal tip addizzjonali ta’ servizz tal-ivvjaġġar wara li jaqbel li jħallas għall-ewwel tip ta’ servizz tal-ivvjaġġar, l-ewwel tip ta’ servizz tal-ivvjaġġar u t-tip addizzjonali ta’ servizz tal-ivvjaġġar mhux ser jikkostitwixxu pakkett u l-vjaġġatur mhux ser jibbenefika mid-drittijiet applikabbli għal pakketti skont din id-Direttiva.

2.   Fejn kummerċjant jagħmel l-istedina msemmija fil-paragrafu 1 qabel ma l-vjaġġatur jaqbel li jħallas għall-ewwel tip ta’ servizz tal-ivvjaġġar iżda ma jipprovdix l-informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu, u l-vjaġġatur sussegwentement jaqbel li jħallas għal tip addizzjonali ta’ servizz tal-ivvjaġġar bħal dan fl-istess punt ta’ bejgħ fi żmien 24 siegħa wara li jaqbel li jħallas għall-ewwel tip ta’ servizz tal-ivvjaġġar, is-servizzi tal-ivvjaġġar rilevanti għandhom jikkostitwixxu pakkett, u l-kummerċjant għandu jitqies bħala l-organizzatur ta’ dak il-pakkett.”

;

(7)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

informazzjoni:

(i)

li l-organizzatur huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni xierqa tas-servizzi tal-ivvjaġġar kollha inklużi fil-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar f’konformità mal-Artikolu 13, għal kwalunkwe rifużjoni dovuta bħala riżultat tat-terminazzjoni ta’ dak il-kuntratt jew bidliet fih, u għall-għoti ta’ assistenza skont l-Artikolu 16 jekk il-vjaġġatur ikun f’diffikultà;

(ii)

fejn applikabbli, li l-vjaġġatur jista’ wkoll jikkuntattja lill-organizzatur permezz tal-bejjiegħ bl-imnut;”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

informazzjoni dwar arranġamenti għat-trattament tal-ilmenti, inkluż il-lingwa jew il-lingwi li bihom jista’ jitressaq u jiġi ttrattat ilment u l-indirizz fiżiku jew elettroniku fejn jistgħu jitressqu l-ilmenti, kif ukoll informazzjoni dwar mekkaniżmi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) skont id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u, fejn applikabbli, dwar l-entità tal-ADR li n-negozjant huwa kopert minnha;

(*1)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/11/oj).”;"

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-formola ta’ informazzjoni rilevanti stabbilita fl-Anness I għandha tiġi mehmuża mal-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar u tkun disponibbli għall-vjaġġatur fuq mezz durabbli fil-mument tal-konklużjoni ta’ dak il-kuntratt. Il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar għandu jkun fih referenza ċara għal dik il-formola ta’ informazzjoni.”

;

(8)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġatur ikollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar f’kull ħin qabel il-bidu tal-pakkett. Fejn il-vjaġġatur jittermina l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur jista’ jintalab li jħallas tariffa ta’ terminazzjoni adatta u ġustifikabbli lill-organizzatur, dment li l-kuntratt jistipula li din it-tariffa tista’ tintalab.

Il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’:

(a)

jispeċifika tariffi ta’ terminazzjoni standardizzati raġonevoli, fuq il-bażi taż-żmien tat-terminazzjoni tal-kuntratt qabel il-bidu tal-pakkett u l-iffrankar tal-kostijiet u l-introjtu mistennija mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar, fil-forma ta’ ammonti fissi jew perċentwali tal-prezz tal-pakkett, jew b’metodu simili ta’ kalkolu; jew

(b)

jispeċifika li t-tariffa ta’ terminazzjoni tikkorrispondi għall-prezz tal-pakkett mingħajr l-iffrankar tal-kostijiet u l-introjtu rilevanti mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar, jew għal ammont aktar baxx, kif miftiehem mill-partijiet.

Jekk il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jipprevedi li tista’ tiġi imposta tariffa ta’ terminazzjoni iżda ma jkun fih l-ebda speċifikazzjoni oħra, it-tariffa ta’ terminazzjoni għandha tikkorrispondi għall-prezz tal-pakkett mingħajr l-iffrankar tal-kostijiet u l-introjtu rilevanti mill-użu alternattiv tas-servizzi tal-ivvjaġġar, jew għal ammont aktar baxx kif miftiehem mill-partijiet.

Fuq it-talba tal-vjaġġatur, l-organizzatur għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għat-tariffi ta’ terminazzjoni applikabbli.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-vjaġġatur għandu jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar qabel il-bidu tal-pakkett mingħajr ma jħallas l-ebda tariffa ta’ terminazzjoni meta jkun raġonevolment mistenni li r-rendiment tal-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar ser ikun affettwat konsiderevolement minn ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tat-tluq jew li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tagħha, jew li jaffettwaw il-vjaġġ tal-vjaġġatur lejn il-post tad-destinazzjoni jew minnu. Jekk il-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jiġi tterminat skont dan il-paragrafu, il-vjaġġatur għandu jkun intitolat għal rifużjoni sħiħa ta’ kwalunkwe pagament li sar għall-pakkett, iżda ma għandux ikun intitolat għal kumpens addizzjonali.”

;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-organizzatur għandu jagħti kwalunkwe rifużjoni meħtieġa skont il-paragrafi 2 u 3 jew, fir-rigward tal-paragrafu 1, irodd lura kwalunkwe pagamenti li jkunu saru minn jew f’isem il-vjaġġatur għall-pakkett bit-tariffa adatta u ġustifikabbli ta’ terminazzjoni mnaqqsa. L-organizzatur għandu jagħmel tali rifużjonijiet jew rimborżi lill-vjaġġatur mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 14-il jum wara li jiġi tterminat il-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe talba minn qabel mill-vjaġġatur. Meta d-dettalji tal-pagament tal-vjaġġatur ma jibqgħux validi, dak il-perjodu ta’ rifużjoni ta’ 14-il jum għandu jibda mill-mument li l-vjaġġatur ikun ipprovda lill-organizzatur bid-dettalji tal-pagament korretti.

Fejn, fi żmien 14-il jum wara t-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar skont il-paragrafu 1, 2 jew 3, l-organizzatur u l-vjaġġatur jaqblu dwar pakkett sostitut ta’ kwalità ekwivalenti jew ogħla, il-vjaġġatur ma għandux ikun intitolat għal rifużjoni jew rimborż. Jekk il-vjaġġatur jaċċetta pakkett sostitut ta’ kwalità jew kost aktar baxx, l-organizzatur għandu jagħti rifużjoni lill-vjaġġatur l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz ogħla mħallas u l-prezz aktar baxx tal-pakkett sostitut mhux aktar tard minn 14-il jum wara l-ftehim dwar il-pakkett sostitut.

Meta l-Istati Membri jintroduċu jew iżommu mekkaniżmi li għandhom l-għan li jiżguraw li r-rifużjonijiet lill-vjaġġaturi jsiru wara t-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu fil-perjodu ta’ żmien stipulat fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-punti ta’ kuntatt ċentrali tal-Istati Membri l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 18(2) dwar dawk il-mekkaniżmi.”

;

(9)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“L-Artikolu 12a

Vouchers

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar jiġi tterminat skont l-Artikoli 10, 11 jew 12, l-organizzatur għandu d-dritt joffri lill-vjaġġatur l-għażla li jaċċetta voucher li jikkorrispondi għal mill-inqas l-ammont tar-rifużjoni li l-vjaġġatur huwa intitolat għalih (‘id-dritt tal-vjaġġatur għal rifużjoni’) minflok rifużjoni. L-organizzatur jista’ joffri voucher ta’ valur ogħla mid-dritt għal rifużjoni tal-vjaġġatur.

2.   Il-vjaġġatur jista’ juża l-voucher għal kwalunkwe servizz tal-ivvjaġġar offrut mill-organizzatur u jista’ jifdi l-voucher f’partijiet.

3.   L-organizzaturi ma għandhomx jittrattaw lid-detenturi tal-vouchers b’mod inqas favorevoli meta jibbukkjaw servizzi tal-ivvjaġġar minn vjaġġaturi oħra.

4.   Meta joffri voucher lill-vjaġġatur, u qabel ma l-vjaġġatur jaċċettah espressament, l-organizzatur għandu jinforma lil dak il-vjaġġatur b’mod ċar u prominenti, fuq mezz durabbli, b’dan li ġej:

(a)

il-fatt li l-vjaġġatur huwa intitolat għal rifużjoni fi żmien 14-il jum u ma huwiex obbligat jaċċetta voucher;

(b)

il-valur tal-voucher;

(c)

l-ammont tad-dritt ta’ rifużjoni tal-vjaġġatur u l-fatt li dan l-ammont huwa kopert mill-protezzjoni mill-insolvenza tal-organizzatur;

(d)

il-fatt li l-voucher jista’ jintuża kompletament jew parzjalment u li jista’ jintuża għal kwalunkwe servizz tal-ivvjaġġar offrut mill-organizzatur, u li, jekk il-voucher jintuża biex jirriżerva servizz tal-ivvjaġġar uniku, dak il-kuntratt mhux ser ikun kopert mill-protezzjoni prevista f’din id-Direttiva;

(e)

il-perjodu ta’ validità tal-voucher;

(f)

il-fatt li l-voucher jista’ jiġi trasferit darba biss, u li t-trasferiment huwa bla ħlas;

(g)

il-fatt li, jekk il-voucher ma jkunx issarraf sal-ammont sħiħ tad-dritt ta’ rifużjoni tal-vjaġġatur sa tmiem il-perjodu ta’ validità tiegħu, il-vjaġġatur għandu jitħallas il-bqija ta’ dak id-dritt ta’ rifużjoni fi żmien 14-il jum wara t-tmiem ta’ dak il-perjodu ta’ validità, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe talba minn qabel.

5.   Il-voucher għandu jinħareġ fuq mezz durabbli u għandu jkun fih l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 4, il-punti (b) sa (g), b’mod ċar u li jinftiehem. Għandu jindika wkoll l-isem kummerċjali tal-organizzatur, l-informazzjoni li l-vjaġġaturi huma meħtieġa jipprovdu lill-organizzatur biex trasferiment lil persuna oħra jkun validu, u d-data tal-bidu u ta’ tmiem il-perjodu ta’ validità.

6.   Il-voucher għandu jkun validu għal massimu ta’ 12-il xahar mid-data li fiha l-vjaġġatur jaċċettah espressament f’konformità mal-paragrafu 4. Dak il-perjodu ta’ validità jista’ jiġi estiż darba biss, sa 12-il xahar, dment li ż-żewġ partijiet jaqblu b’mod espliċitu dwar mezz durabbli għal dik l-estensjoni.

7.   Id-dritt ta’ rifużjoni tal-vjaġġatur għandu jiġi sospiż matul il-perjodu ta’ validità tal-voucher, dment li l-vjaġġatur ikun irċieva l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u jkun aċċetta espliċitament fuq mezz durabbli l-voucher minflok rifużjoni. Il-partijiet jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jaqblu dwar rifużjoni sħiħa jew parzjali qabel ma l-voucher jissarraf jew jiskadi. Id-dritt ta’ rifużjoni tal-vjaġġatur għandu jiskadi meta l-voucher ikun issarraf sal-ammont sħiħ ta’ dak id-dritt ta’ rifużjoni.

8.   Is-sospensjoni tad-dritt ta’ rifużjoni tal-vjaġġatur għandha tintemm:

(a)

meta jiskadi l-perjodu ta’ validità tal-voucher, jekk il-voucher ma jkunx issarraf sal-ammont tad-dritt ta’ rifużjoni tal-vjaġġatur; jew

(b)

meta, qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ validità ta’ voucher, il-partijiet jaqblu dwar rifużjoni ta’ kwalunkwe ammont li jifdal mid-dritt ta’ rifużjoni tal-vjaġġatur; jew

(c)

fil-każ tal-insolvenza tal-organizzatur.

9.   L-organizzatur għandu jagħmel rifużjoni lill-vjaġġatur mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 14-il jum wara t-tmiem tas-sospensjoni tad-dritt ta’ rifużjoni tal-vjaġġatur, f’konformità mal-paragrafu 8, il-punti (a) u (b), mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe talba minn qabel mill-vjaġġatur.

10.   Il-vjaġġaturi jistgħu jittrasferixxu l-voucher darba biss. It-trasferiment għandu jkun validu biss jekk il-vjaġġatur li jittrasferixxi l-voucher jinforma lill-organizzatur, b’mezz durabbli, dwar it-trasferiment u jagħti lill-organizzatur id-data personali tad-destinatarju meħtieġa biex id-destinatarju jsarraf il-voucher jew jirċievi rifużjoni fi tmiem il-perjodu ta’ validità tiegħu. L-organizzatur għandu jikkonferma t-trasferiment tal-voucher mingħajr dewmien żejjed fuq mezz durabbli. L-organizzaturi ma jistgħu jżommu ebda tariffa għat-trasferiment.”

;

(10)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Trattament tal-ilmenti

1.   L-organizzatur għandu jiżgura li jkun jista’ jiġi kkuntattjat faċilment permezz tal-punti ta’ kuntatt indikati f’konformità mal-Artikolu 7(2), il-punt (d), u jkun jista’ jwieġeb b’mod effiċjenti għal mistoqsijiet minn, jew f’isem, il-vjaġġaturi, u b’mod partikolari dawk b’rabta mal-għoti ta’ assistenza skont l-Artikolu 16, meta vjaġġatur ikun f’diffikultà, jew b’rabta ma’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jseħħ matul l-eżekuzzjoni tal-pakkett u r-rimedji relatati previsti fl-Artikolu 13.

2.   L-organizzatur għandu jkollu fis-seħħ ukoll arranġamenti għat-trattament effettiv ta’ tipi ta’ lmenti għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

L-organizzatur għandu jirrikonoxxi li rċieva tali lmenti, fuq mezz durabbli, fi żmien sebat ijiem mill-wasla tagħhom u għandu jipprovdi tweġiba motivata lill-vjaġġatur, fuq mezz durabbli, fi żmien 60 jum wara d-data tal-ilment.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodi iqsar minn dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

3.   Sakemm l-organizzatur ma jaċċettax bis-sħiħ l-ilment tal-vjaġġatur, l-organizzatur għandu jinforma lill-vjaġġatur, fit-tweġiba motivata, bi kwalunkwe mekkaniżmu tal-ADR skont id-Direttiva 2013/11/UE disponibbli għall-vjaġġatur fil-kwistjoni kkonċernata.”

;

(11)

l-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Artikolu 17

Effettività u ambitu tal-protezzjoni mill-insolvenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom jipprovdu sigurtà għar-rifużjoni tal-pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem il-vjaġġaturi fil-każ tal-insolvenza tal-organizzaturi. Dik is-sigurtà għandha tinkludi l-protezzjoni tal-pagamenti magħmula meta pakkett ma jkunx eżegwit kompletament jew parzjalment bħala konsegwenza tal-insolvenza tal-organizzatur, jew meta l-vjaġġatur jkun intitolat għal rifużjoni. Meta vjaġġatur jirċievi voucher, is-sigurtà għandha tkun limitata għall-ammont tad-dritt ta’ rifużjoni tal-vjaġġatur. Jekk il-vjaġġ ta’ ritorn huwa inkluż fil-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, l-organizzaturi għandhom jipprovdu wkoll is-sigurtà għar-ripatrijazzjoni tal-vjaġġatur. Tista’ tiġi offruta l-kontinwazzjoni tal-pakkett.

L-organizzaturi li ma humiex stabbiliti fi Stat Membru, li jbigħu jew li joffru għall-bejgħ pakketti fi Stat Membru, jew li bi kwalunkwe mezz jidderieġu attivitajiet bħal dawn lejn Stat Membru, għandhom ikunu obbligati li jipprovdu s-sigurtà f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

2.   Is-sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun effettiva u għandha tkopri kostijiet raġonevolment prevedibbli. Għandha tkopri l-ammonti ta’ pagamenti li jsiru minn jew f’isem il-vjaġġaturi fir-rigward tal-pakketti, filwaqt li jitqies it-tul tal-perjodu bejn meta jasal kwalunkwe pagament u t-tlestija tal-pakketti, kif ukoll il-kost stmat għar-ripatrijazzjonijiet fil-każ ta’ insolvenza tal-organizzatur. Is-sigurtá għandha tkun biżżejjed f’kull ħin biex tkopri l-kost tar-rifużjonijiet u, fejn applikabbli, ripatrijazzjonijiet. Is-sigurtà għandha tqis il-fatt li insolvenzi jistgħu jseħħu meta l-organizzaturi jkollhom l-ogħla ammont ta’ pagamenti. Is-sigurtà għandha tqis ukoll kwalunkwe bidla fil-volum tal-bejgħ tal-pakketti.

3.   Biex jiżguraw l-effettività tal-protezzjoni mill-insolvenza, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-arranġamenti ta’ protezzjoni mill-insolvenza tal-organizzaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom u jissorveljaw id-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet għall-protezzjoni mill-insolvenza.

4.   Il-protezzjoni mill-insolvenza ta’ organizzatur għandha tibbenefika lill-vjaġġaturi irrispettivament mill-post ta’ residenza tagħhom, mill-post tat-tluq jew fejn inbiegħ il-pakkett u irrispettivament mill-Istat Membru fejn tinsab l-entità responsabbli mill-protezzjoni mill-insolvenza.

5.   Meta l-eżekuzzjoni tal-pakkett hija affettwata mill-insolvenza tal-organizzatur, din is-sigurtà għandha tkun disponibbli mingħajr ħlas sabiex jiġu żgurati r-ripatrijazzjonijiet u, jekk meħtieġ, il-finanzjament tal-akkomodazzjoni qabel ir-ripatrijazzjoni.

6.   Il-vjaġġaturi għandhom jirċievu rifużjoni tal-pagamenti tagħhom mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn sitt xhur wara s-sottomissjoni tad-dokumenti meħtieġa għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom.

F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, inkluż fejn l-entità jew l-awtorità responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tirċievi għadd eċċezzjonalment għoli ta’ applikazzjonijiet f’perjodu qasir ta’ żmien, jew meta l-insolvenza tal-organizzatur taffettwa lil vjaġġaturi minn diversi Stati Membri, ir-rifużjonijiet tal-pagamenti għandhom jiġu pprovduti fi żmien disa’ xhur wara s-sottomissjoni tad-dokumenti meħtieġa.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodi iqsar minn dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta’ insolvenza ta’ organizzatur, il-vjaġġaturi jiġu infurmati mingħajr dewmien żejjed, permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni xierqa, mill-inqas dwar:

(a)

il-fatt tal-insolvenza tal-organizzatur;

(b)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-entità inkarigata mill-protezzjoni mill-insolvenza, jew, fejn applikabbli, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti;

(c)

id-drittijiet tagħhom b’rabta ma’ pakketti li diġà bdew jew li għadhom jistgħu jiġu eżegwiti; u

(d)

id-dokumenti li l-vjaġġaturi jeħtieġ li jissottomettu sabiex jitolbu rifużjoni.

8.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-inventarji online li jelenkaw l-organizzaturi u, fejn applikabbli, il-bejjiegħa bl-imnut kollha stabbiliti fit-territorju tiegħu u koperti minn protezzjoni mill-insolvenza skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva jkunu aċċessibbli għall-pubbliku u jinżammu aġġornati. L-Istati Membri għandhom jaqsmu mal-Kummissjoni l-ħoloq għas-siti web tal-inventarji tagħhom meta jinnotifikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u għandhom jikkomunikaw kwalunkwe bidla f’dawk il-links lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit web tagħha lista tal-links li tirċievi mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha taġġorna dik il-lista mingħajr dewmien żejjed kull meta Stat Membru jikkomunika link ġdida għaliha.

9.   Meta ġustifikat fid-dawl tal-pagamenti riċevuti mill-bejjiegħa bl-imnut, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-bejjiegħa bl-imnut, minbarra l-organizzaturi, jieħdu protezzjoni mill-insolvenza, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu.”

;

(12)

l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt ċentrali biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni amministrattiva u s-superviżjoni tal-organizzaturi li joperaw fi Stati Membri differenti, u biex jiskambjaw informazzjoni dwar il-protezzjoni mill-insolvenza u dwar kwalunkwe mekkaniżmu stabbilit biex jiżgura l-effettività tar-rifużjonijiet wara t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ pakkett tal-ivvjaġġar. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-dettalji tal-kuntatt ta’ dawk il-punti ta’ kuntatt lill-Istati Membri l-oħrajn kollha u lill-Kummissjoni.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-punti ta’ kuntatt ċentrali għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ xulxin l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar ir-rekwiżiti nazzjonali ta’ protezzjoni mill-insolvenza tagħhom u l-identità tal-entità jew tal-entitajiet responsabbli mill-protezzjoni kontra l-insolvenza għal organizzaturi speċifiċi stabbiliti fit-territorju tagħhom.”

;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Jekk Stat Membru jkollu dubji dwar il-protezzjoni mill-insolvenza ta’ organizzatur, huwa għandu jfittex kjarifika mingħand l-Istat Membru tal-istabbiliment tal-organizzatur. Filwaqt li jitqiesu l-urġenza u l-kumplessità tal-kwistjoni, l-Istati Membri għandhom iwieġbu għal talbiet mingħand Stati Membri oħrajn kemm jista’ jkun malajr. Fi kwalunkwe każ, l-ewwel tweġiba għandha tinkludi l-identità tal-organizzatur jew, fejn applikabbli, tal-bejjiegħ bl-imnut, u tal-entità jew l-entitajiet inkarigati mill-protezzjoni mill-insolvenza. Din għandha tinħareġ tal-anqas fi żmien 15-il ġurnata tax-xogħol minn meta tasal it-talba.”

;

(13)

il-Kapitolu VI, li jinkludi l-Artikolu 19, jitħassar;

(14)

fl-Artikolu 21, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kummerċjant huwa responsabbli għal kwalunkwe żball li jsir minħabba difetti tekniċi fis-sistema tal-prenotazzjoni li jkunu attribwibbli għalih u, fejn il-kummerċjant ikun qabel li jirranġa l-prenotazzjoni ta’ pakkett, għall-iżbalji li jkunu saru waqt il-proċess tal-prenotazzjoni.”

;

(15)

l-Artikolu 22 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 22

Dritt ta’ rimedju u dritt tal-organizzaturi għal rifużjoni

1.   F’każijiet fejn organizzatur jew, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) jew l-Artikolu 20, bejjiegħ bl-imnut iħallas kumpens, jagħti tnaqqis fil-prezz jew jissodisfa l-obbligi l-oħrajn imposti fuqu skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzatur jew il-bejjiegħ bl-imnut ikollu d-dritt li jfittex rimedju minn kwalunkwe parti terza li kkontribwiet għall-avveniment li kkawża kumpens, tnaqqis fil-prezz jew obbligi oħrajn.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta fornitur ta’ servizz tal-ivvjaġġar jikkanċella servizz li jkun parti minn pakkett jew jonqos milli jipprovdi s-servizz, dak il-fornitur ta’ servizz jirrifondi lill-organizzatur kwalunkwe pagament li jsir mill-organizzatur għal dak is-servizz fi żmien sebat ijiem. Dak il-perjodu ta’ sebat ijiem għandu jibda fil-jum ta’ wara l-kanċellazzjoni tas-servizz, jew fil-jum meta s-servizz kellu jiġi eżegwit, skont liema jkun l-aktar kmieni.”

;

(16)

fl-Artikolu 23, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Dikjarazzjoni minn organizzatur ta’ pakkett li qed jaġixxi esklużivament bħala fornitur ta’ servizz tal-ivvjaġġar, bħala intermedjarju jew fi kwalunkwe kapaċità oħra, jew li pakkett ma jikkostitwix pakkett, ma teħlisx lil dak l-organizzatur mill-obbligi imposti fuqu skont din id-Direttiva.”

;

(17)

l-Anness I huwa sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness ta’ din id-Direttiva;

(18)

l-Anness II jitħassar.

Artikolu 2

Rapportar mill-Kummissjoni u rieżami

Sad-29 ta’ Mejju 2031, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dak ir-rapport għandu jinkludi, b’mod partikolari, valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5a tad-Direttiva (UE) 2015/2302, imdaħħla bl-Artikolu 1, il-punt (6) ta’ din id-Direttiva, u għandu jqis l-impatt fuq l-organizzaturi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   Sad-29 ta’ Settembru 2028, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih f’dak ir-rigward.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mid-29 ta’ Marzu 2029.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, id-29 ta’ April 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. RAOUNA


(1)   ĠU C, C/2024/4058, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4058/oj.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2026.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2302/oj).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1990/314/oj).

(5)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/29/oj).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj).

(7)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/11/oj).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2025/2647 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2025 li temenda d-Direttiva 2013/11/UE dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda d-Direttivi (UE) 2015/2302, (UE) 2019/2161 u (UE) 2020/1828 wara l-waqfien tal-Pjattaforma Ewropea għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ĠU L, 2025/2647, 30.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/2647/oj).


ANNESS

“ANNESS I

Parti A

Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar fejn l-użu ta’ iperlinks huwa possibbli

ID-DRITTIJIET EWLENIN TIEGĦI BĦALA VJAĠĠATUR

Il-kombinament ta’ servizzi tal-ivvjaġġar offrut lilek huwa pakkett skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2015/2302 dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar.

Għaldaqstant, inti tibbenifika mid-drittijiet kollha tal-UE li japplikaw għall-pakketti. Il-kumpanija XY, bħala l-organizzatur ta’ dan il-pakkett, [(fejn xieraq skont il-liġi nazzjonali applikabbli) u l-kumpanija XZ, bħala bejjiegħ bl-imnut,] (1) [hija/huma] responsabbli bis-sħiħ għall-eżekuzzjoni xierqa tal-pakkett.

Barra minn hekk, kif meħtieġ mil-liġi, il-pagamenti tiegħek lill-kumpanija XY [(fejn xieraq) u lill-kumpanija YZ) (1)] huma protetti u, fejn il-vjaġġ tar-ritorn huwa inkluż fil-pakkett, ir-ripatrijazzjoni tiegħek hija ggarantita jekk [dik il-kumpanija/dawk il-kumpaniji (1)] issir/isiru insolventi.

Aktar informazzjoni dwar id-drittijiet ewlenin skont id-Direttiva (UE) 2015/2302, inkluż dwar il-bidliet fil-kuntratti, il-kanċellazzjonijiet, ir-rifużjonijiet, ir-responsabbiltà għal eżekuzzjoni mhux xierqa u protezzjoni mill-insolvenza, kif ukoll dwar il-partijiet li għandhom jiġu kkuntattjati, tista’ tinkiseb hawnhekk (li għandha tiġi pprovduta fil-forma ta’ iperlink).

(1)  L-alternattiva korretta għandha tintgħażel mill-Istati Membri filwaqt li titqies it-traspożizzjoni tagħhom tad-Direttiva.

Meta jsegwi l-iperlink il-vjaġġatur jirċievi l-informazzjoni li ġejja:

Drittijiet ewlenin skont id-Direttiva (UE) 2015/2302

Informazzjoni

Il-vjaġġaturi ser jirċievu l-informazzjoni essenzjali kollha dwar il-pakkett qabel ma jikkonkludu l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, inkluż informazzjoni dwar il-prezz u dwar il-pagamenti dovuti fil-ħin tal-prenotazzjoni.

Wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, il-vjaġġaturi jirċievu l-kuntratt fuq mezz durabbli (pereżempju, fuq karta jew b’email).

Kummerċjant responsabbli u punti ta’ kuntatt

Dejjem ikun hemm mill-anqas kummerċjant wieħed li jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni kif suppost tas-servizzi tal-ivvjaġġar kollha inklużi f’pakkett. Dak il-kummerċjant huwa l-organizzatur tal-pakkett kif identifikat mit-test fil-kaxxa ta’ hawn fuq u fil-kuntratt. Il-kuntratt irid ikun fih id-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzatur.

Meta pakkett jinbiegħ permezz ta’ bejjiegħ bl-imnut (pereżempju, aġent tal-ivvjaġġar), il-vjaġġaturi jistgħu jikkuntattjaw ukoll lill-bejjiegħ bl-imnut jekk ikun hemm xi problemi jew biex jibagħtu messaġġi lill-organizzatur. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-bejjiegħ bl-imnut huma pprovduti wkoll fil-kuntratt. Skont il-liġi nazzjonali applikabbli, il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jkunu responsabbli wkoll għall-eżekuzzjoni tal-pakkett.

Il-vjaġġaturi jingħataw numru tat-telefown ta’ emerġenza jew dettalji ta’ punt ta’ kuntatt li jkunu jistgħu jużaw biex jikkuntattjaw lill-organizzatur jew lill-bejjiegħ bl-imnut waqt li jkunu fuq il-vjaġġ jew il-btala tagħhom.

Trasferiment tal-kuntratt

Il-vjaġġaturi jistgħu jittrasferixxu l-pakkett lil persuna oħra, possibbilment soġġett għal tariffa. Il-vjaġġatur jeħtieġlu jagħti avviż raġonevoli lill-organizzatur jew, fejn applikabbli, lill-bejjiegħ bl-imnut.

Żidiet fil-prezzijiet

Il-prezz tal-pakkett jista’ jiżdied biss jekk jogħlew kostijiet speċifiċi (pereżempju, prezzijiet tal-fjuwil) u jekk ikun espressament previst fil-kuntratt, u mhux aktar tard minn 20 jum qabel il-bidu tal-pakkett. Jekk iż-żieda fil-prezz taqbeż it-8 % tal-prezz tal-pakkett, il-vjaġġaturi jistgħu jitterminaw il-kuntratt u, f’dak il-każ, jieħdu flushom lura. Jekk fil-kuntratt l-organizzatur jirriżerva d-dritt ta’ żieda fil-prezz, il-vjaġġaturi għandhom id-dritt għal tnaqqis fil-prezz jekk ikun hemm roħs fil-kostijiet rilevanti.

Terminazzjoni tal-kuntratt qabel il-bidu ta’ pakkett

Il-vjaġġaturi jistgħu jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni u jiksbu rifużjoni sħiħa ta’ kwalunkwe pagament jekk xi wieħed mill-elementi essenzjali tal-pakkett jinbidel b’mod sinifikanti jew jekk ikun hemm żieda fil-prezz li taqbeż it-8 % tal-prezz tal-pakkett.

Jekk qabel ma jibda l-pakkett, il-kummerċjant responsabbli għall-pakkett jikkanċella l-pakkett, il-vjaġġaturi jkunu intitolati għal rifużjoni u, fejn xieraq, għal kumpens.

Il-vjaġġaturi jistgħu, qabel il-bidu tal-pakkett, jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu l-ebda tariffa ta’ terminazzjoni jekk ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jaffettwaw b’mod sinifikanti l-vjaġġ jew il-btala. Eżempji ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jinkludu diżastri naturali, problemi serji ta’ sigurtà jew riskji għas-saħħa pubblika li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jaffettwaw il-pakkett.

Barra minn hekk, il-vjaġġaturi jistgħu fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett, jitterminaw il-kuntratt, inkluż għal raġunijiet personali, jekk iħallsu tariffa ta’ terminazzjoni xierqa u ġustifikabbli. Il-vjaġġaturi jridu jiġu informati b’dawn it-tariffi qabel ma jikkonkludu l-kuntratt u fil-kuntratt.

Rifużjonijiet

Fil-każijiet kollha meta l-organizzatur jew il-vjaġġatur jikkanċella l-pakkett, il-vjaġġaturi jridu jirċievu rifużjoni tal-pagamenti tagħhom (fejn xieraq, filwaqt li jitqiesu t-tariffi ta’ terminazzjoni) fi żmien 14-il jum, għajr jekk il-partijiet jaqblu dwar pakkett sostitut f’dak il-perjodu ta’ 14-il jum. L-organizzatur tal-pakkett huwa responsabbli li jipprovdi r-rifużjonijiet. Meta jkun involut bejjiegħ bl-imnut u meta jkun meħtieġ mil-liġi nazzjonali applikabbli, il-bejjiegħ bl-imnut ikun responsabbli wkoll li jipprovdi r-rifużjonijiet.

Meta l-organizzatur joffri voucher li għandu jintuża għal kwalunkwe servizz tal-ivvjaġġar offrut mill-organizzatur minflok rifużjoni fi żmien 14-il jum, il-vjaġġaturi jirċievu informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-voucher u jistgħu jagħżlu jekk jaċċettawhx jew le.

Problemi matul il-vjaġġ jew il-vaganza

L-organizzatur huwa obbligat li jirrimedja l-problemi li jseħħu matul l-eżekuzzjoni tal-pakkett. Il-vjaġġaturi jridu jinformaw lill-organizzatur bil-problemi li jiltaqgħu magħhom.

Jekk ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti elementi sinifikanti tal-pakkett kif miftiehem, jeħtieġ li l-organizzatur joffri arranġamenti alternattivi xierqa mingħajr ebda kost addizzjonali. Il-vjaġġaturi jistgħu jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa, jekk is-servizzi tal-ivvjaġġar ma jiġux eżegwiti f’konformità mal-kuntratt, u dik is-sitwazzjoni taffettwa sostanzjalment l-eżekuzzjoni tal-pakkett u l-organizzatur jonqos milli jagħti rimedju għall-problema.

Il-vjaġġaturi huma intitolati wkoll għal tnaqqis fil-prezz jew għal kumpens għad-danni, jew għat-tnejn li huma, meta s-servizzi tal-ivvjaġġar ma jiġux eżegwiti jew ma jiġux eżegwiti kif xieraq, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/2302.

L-organizzatur irid jipprovdi assistenza jekk il-vjaġġatur ikun f’diffikultà, pereżempju billi jipprovdi informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa, l-awtoritajiet lokali u l-assistenza konsulari, u billi joffri l-possibbiltà li jsiru komunikazzjonijiet mill-bogħod.

Protezzjoni mill-insolvenza

Jekk l-organizzatur isir insolventi, tingħata rifużjoni tal-pagamenti lill-vjaġġaturi. F’xi Stati Membri hemm ukoll protezzjoni mill-insolvenza għall-pagamenti lill-bejjiegħa bl-imnut. Jekk l-organizzatur jew, meta applikabbli, il-bejjiegħ bl-imnut, isir insolventi wara l-bidu tal-pakkett u jekk il-vjaġġ ta’ ritorn ikun inkluż fil-pakkett, ir-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi tkun garantita. XY għandha fis-seħħ protezzjoni mill-insolvenza ma’ WX (l-entità responsabbli għall-protezzjoni mill-insolvenza, pereżempju fond ta’ garanzija jew kumpanija tal-assigurazzjoni). Il-vjaġġaturi jistgħu jikkuntattjaw lil dik l-entità jew, meta applikabbli lill-awtorità kompetenti (dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-isem, l-indirizz ġeografiku, l-email u n-numru tat-telefown) jekk is-servizzi tal-ivvjaġġar jiġu miċħuda minħabba l-insolvenza ta’ XY.

Id-Direttiva (UE) 2015/2302 kif trasposta fil-liġi nazzjonali (iperlink)

Parti B

Formola ta’ informazzjoni standard għal kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar f’sitwazzjonijiet oħrajn għajr dawk koperti fil-Parti A

ID-DRITTIJIET EWLENIN TIEGĦI BĦALA VJAĠĠATUR

Il-kombinazzjoni ta’ servizzi tal-ivvjaġġar offruta lilek hija pakkett skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2015/2302.

Għaldaqstant, inti tibbenifika mid-drittijiet kollha tal-UE li japplikaw għall-pakketti. Il-kumpanija XY, bħala l-organizzatur ta’ dan il-pakkett, [(fejn xieraq skont il-liġi nazzjonali applikabbli) u l-kumpanija XZ, bħala bejjiegħ bl-imnut,] (2) [hija/huma] responsabbli bis-sħiħ għall-eżekuzzjoni xierqa tal-pakkett.

Barra minn hekk, kif meħtieġ mil-liġi, il-pagamenti tiegħek lill-kumpanija XY [(fejn xieraq) u lill-kumpanija YZ) (2)] huma protetti u, fejn il-vjaġġ tar-ritorn huwa inkluż fil-pakkett, ir-ripatrijazzjoni tiegħek hija ggarantita kieku [dik il-kumpanija/dawk il-kumpaniji (2)] ssir/ isiru insolventi.

Aktar informazzjoni dwar id-drittijiet ewlenin skont id-Direttiva (UE) 2015/2302, inkluż dwar il-bidliet fil-kuntratti, il-kanċellazzjonijiet, ir-rifużjonijiet, ir-responsabbiltà għal eżekuzzjoni mhux xierqa u l-protezzjoni mill-insolvenza, kif ukoll dwar il-partijiet li għandhom jiġu kkuntattjati, hija ppreżentata hawn taħt.

(2)  L-alternattiva korretta għandha tintgħażel mill-Istati Membri filwaqt li titqies it-traspożizzjoni tagħhom tad-Direttiva.

Drittijiet ewlenin skont id-Direttiva (UE) 2015/2302

Informazzjoni

Il-vjaġġaturi ser jirċievu l-informazzjoni essenzjali kollha dwar il-pakkett qabel ma jikkonkludu l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, inkluż informazzjoni dwar il-prezz u dwar il-pagamenti dovuti fil-ħin tal-prenotazzjoni.

Wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, il-vjaġġaturi jirċievu l-kuntratt fuq mezz durabbli (pereżempju, fuq karta jew b’email).

Kummerċjant responsabbli u punti ta’ kuntatt

Dejjem ikun hemm mill-anqas kummerċjant wieħed li jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni b’mod xieraq tas-servizzi tal-ivvjaġġar kollha inklużi f’pakkett. Dak il-kummerċjant huwa l-organizzatur tal-pakkett kif identifikat mit-test fil-kaxxa ta’ hawn fuq u fil-kuntratt. Il-kuntratt irid ikun fih id-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzatur.

Meta pakkett jinbiegħ permezz ta’ bejjiegħ bl-imnut (pereżempju, aġent tal-ivvjaġġar), il-vjaġġaturi jistgħu jikkuntattjaw ukoll lill-bejjiegħ bl-imnut jekk ikun hemm problemi jew biex jibagħtu messaġġi lill-organizzatur. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-bejjiegħ bl-imnut huma pprovduti wkoll fil-kuntratt. Skont il-liġi nazzjonali applikabbli, il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jkunu responsabbli wkoll għall-eżekuzzjoni tal-pakkett.

Il-vjaġġaturi jingħataw numru tat-telefown ta’ emerġenza jew dettalji ta’ punt ta’ kuntatt li jkunu jistgħu jużaw biex jikkuntattjaw lill-organizzatur jew lill-bejjiegħ bl-imnut waqt li jkunu fuq il-vjaġġ jew il-vaganza tagħhom.

Trasferiment tal-kuntratt

Il-vjaġġaturi jistgħu jittrasferixxu l-pakkett lil persuna oħra, possibbilment soġġett għal tariffa. Il-vjaġġatur jeħtieġlu jagħti avviż raġonevoli lill-organizzatur jew, fejn applikabbli, lill-bejjiegħ bl-imnut.

Żidiet fil-prezzijiet

Il-prezz tal-pakkett jista’ jiżdied biss jekk jogħlew kostijiet speċifiċi (pereżempju, prezzijiet tal-fjuwil) u jekk ikun espressament previst fil-kuntratt, u mhux aktar tard minn 20 jum qabel il-bidu tal-pakkett. Jekk iż-żieda fil-prezz taqbeż it-8 % tal-prezz tal-pakkett, il-vjaġġaturi jistgħu jitterminaw il-kuntratt u, f’dak il-każ, jieħdu flushom lura. Jekk fil-kuntratt l-organizzatur jirriżerva d-dritt ta’ żieda fil-prezz, il-vjaġġaturi għandhom dritt għal tnaqqis fil-prezz jekk ikun hemm roħs fil-kostijiet rilevanti.

Terminazzjoni tal-kuntratt qabel il-bidu ta’ pakkett

Il-vjaġġaturi jistgħu jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni u jiksbu rifużjoni sħiħa ta’ kwalunkwe pagament jekk xi wieħed mill-elementi essenzjali tal-pakkett jinbidel b’mod sinifikanti jew jekk ikun hemm żieda fil-prezz li taqbeż it-8 % tal-prezz tal-pakkett.

Jekk qabel ma jibda l-pakkett, il-kummerċjant responsabbli għall-pakkett jikkanċella l-pakkett, il-vjaġġaturi jkunu intitolati għal rifużjoni u, fejn xieraq, għal kumpens.

Il-vjaġġaturi jistgħu, qabel il-bidu tal-pakkett, jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu l-ebda tariffa ta’ terminazzjoni jekk ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jaffettwaw b’mod sinifikanti l-vjaġġ jew il-btala. Eżempji ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jinkludu diżastri naturali, problemi serji ta’ sigurtà jew riskji għas-saħħa pubblika li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jaffettwaw il-pakkett.

Barra minn hekk, il-vjaġġaturi jistgħu fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett, jitterminaw il-kuntratt, inkluż għal raġunijiet personali, jekk iħallsu tariffa ta’ terminazzjoni xierqa u ġustifikabbli. Il-vjaġġaturi jridu jiġu informati b’dawn it-tariffi qabel ma jikkonkludu l-kuntratt u fil-kuntratt.

Rifużjonijiet

Fil-każijiet kollha meta l-organizzatur jew il-vjaġġatur jikkanċella l-pakkett, il-vjaġġaturi jridu jirċievu rifużjoni tal-pagamenti tagħhom (fejn xieraq, filwaqt li jitqiesu t-tariffi ta’ terminazzjoni) fi żmien 14-il jum, għajr jekk il-partijiet jaqblu dwar pakkett sostitut f’dak il-perjodu ta’ 14-il jum. L-organizzatur tal-pakkett huwa responsabbli li jipprovdi r-rifużjonijiet. Meta jkun involut bejjiegħ bl-imnut u meta jkun meħtieġ mil-liġi nazzjonali applikabbli, il-bejjiegħ bl-imnut ikun responsabbli wkoll li jipprovdi r-rifużjonijiet.

Meta l-organizzatur joffri voucher li għandu jintuża għal kwalunkwe servizz tal-ivvjaġġar offrut mill-organizzatur minflok rifużjoni fi żmien 14-il jum, il-vjaġġaturi jirċievu informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-vawċer u jistgħu jagħżlu jekk jaċċettawhx jew le.

Problemi matul il-vjaġġ jew il-vaganza

L-organizzatur huwa obbligat li jirrimedja l-problemi li jseħħu matul l-eżekuzzjoni tal-pakkett. Il-vjaġġaturi jridu jinformaw lill-organizzatur bil-problemi li jiltaqgħu magħhom.

Jekk ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti elementi sinifikanti tal-pakkett kif miftiehem, jeħtieġ li l-organizzatur joffri arranġamenti alternattivi xierqa mingħajr ebda kost addizzjonali. Il-vjaġġaturi jistgħu jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa jekk is-servizzi tal-ivvjaġġar ma jitwettqux f’konformità mal-kuntratt, u dik is-sitwazzjoni taffettwa sostanzjalment l-eżekuzzjoni tal-pakkett u l-organizzatur jonqos milli jagħti rimedju għall-problema.

Il-vjaġġaturi huma intitolati wkoll għal tnaqqis fil-prezz jew għal kumpens għad-danni, jew għat-tnejn li huma, meta s-servizzi tal-ivvjaġġar ma jiġux eżegwiti jew ma jiġux eżegwiti kif xieraq, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/2302.

L-organizzatur irid jipprovdi assistenza jekk il-vjaġġatur ikun f’diffikultà, pereżempju billi jipprovdi informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa, l-awtoritajiet lokali u l-assistenza konsulari, u billi joffri l-possibbiltà li jsiru komunikazzjonijiet mill-bogħod.

Protezzjoni mill-insolvenza

Jekk l-organizzatur isir insolventi, tingħata rifużjoni tal-pagamenti lill-vjaġġaturi. F’xi Stati Membri hemm ukoll protezzjoni mill-insolvenza għall-pagamenti lill-bejjiegħa bl-imnut. Jekk l-organizzatur jew, meta applikabbli, il-bejjiegħ bl-imnut, isir insolventi wara l-bidu tal-pakkett u jekk il-vjaġġ ta’ ritorn ikun inkluż fil-pakkett, ir-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi tkun garantita. XY għandha fis-seħħ protezzjoni mill-insolvenza ma’ WX (l-entità responsabbli għall-protezzjoni mill-insolvenza, pereżempju fond ta’ garanzija jew kumpanija tal-assigurazzjoni). Il-vjaġġaturi jistgħu jikkuntattjaw lil dik l-entità jew, meta applikabbli lill-awtorità kompetenti (dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-isem, l-indirizz ġeografiku, l-email u n-numru tat-telefown) jekk is-servizzi tal-ivvjaġġar jiġu miċħuda minħabba l-insolvenza ta’ XY.

(Sit web fejn tista’ tinsab id-Direttiva (UE) 2015/2302 kif trasposta fil-liġi nazzjonali)

Parti C

Formola ta’ informazzjoni standard fejn l-organizzatur jittrażmetti data lil kummerċjant ieħor f’konformità mal-Artikolu 3, il-punt 2(b)(v)

ID-DRITTIJIET EWLENIN TIEGĦI BĦALA VJAĠĠATUR

Jekk tikkonkludi kuntratt ma’ kumpanija AB mhux aktar tard minn 24 siegħa wara li tirċievi il-konferma tal-prenotazzjoni mingħand il-kumpanija XY, is-servizz tal-ivvjaġġar ipprovdut minn XY u AB jikkostitwixxi pakkett skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2015/2302.

Għaldaqstant, inti tibbenifika mid-drittijiet kollha tal-UE li japplikaw għall-pakketti. Il-kumpanija XY ser tkun responsabbli bis-sħiħ għall-eżekuzzjoni xierqa tal-pakkett.

Barra minn hekk, kif meħtieġ mil-liġi, il-kumpanija XY għandha protezzjoni fis-seħħ biex tirrifondi l-pagamenti tiegħek u, meta t-trasport ikun inkluż fil-pakkett, biex tiżgura r-ripatrijazzjoni tiegħek f’każ li ssir insolventi.

Aktar informazzjoni dwar id-drittijiet ewlenin skont id-Direttiva (UE) 2015/2302, inkluż dwar il-bidliet fil-kuntratti, il-kanċellazzjonijiet, ir-rifużjonijiet, ir-responsabbiltà għal eżekuzzjoni mhux xierqa u l-protezzjoni mill-insolvenza kif ukoll dwar il-partijiet li għandhom jiġu kkuntattjati (għandha tiġi pprovduta fil-forma ta’ iperlink).

Meta jsegwi l-iperlink il-vjaġġatur jirċievi l-informazzjoni li ġejja:

Drittijiet ewlenin skont id-Direttiva (UE) 2015/2302

Informazzjoni

Il-vjaġġaturi jirċievu l-informazzjoni essenzjali kollha dwar il-pakkett qabel ma jikkonkludu l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, inkluż informazzjoni dwar il-prezz u dwar il-pagamenti dovuti fil-ħin tal-prenotazzjoni.

Wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar, il-vjaġġaturi jirċievu l-kuntratt fuq mezz durabbli (pereżempju, fuq karta jew b’email).

Kummerċjant responsabbli u punti ta’ kuntatt

Dejjem ikun hemm mill-anqas kummerċjant wieħed li jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni kif suppost tas-servizzi tal-ivvjaġġar kollha inklużi f’pakkett. Dak il-kummerċjant huwa l-organizzatur tal-pakkett kif identifikat mit-test fil-kaxxa ta’ hawn fuq u fil-kuntratt. Il-kuntratt irid ikun fih id-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzatur.

Il-vjaġġaturi jingħataw numru tat-telefown ta’ emerġenza jew dettalji tal-punt ta’ kuntatt li jistgħu jużaw biex jikkuntattjaw lill-organizzatur jew lill-aġent tal-ivvjaġġar.

Trasferiment tal-kuntratt

Il-vjaġġaturi jistgħu jittrasferixxu l-pakkett lil persuna oħra, possibbilment soġġett għal tariffa. Il-vjaġġatur irid jagħti avviż raġonevoli lill-organizzatur jew, meta applikabbli, lill-bejjiegħ bl-imnut.

Żidiet fil-prezzijiet

Il-prezz tal-pakkett jista’ jiżdied biss jekk jogħlew kostijiet speċifiċi (pereżempju, prezzijiet tal-fjuwil) u jekk ikun espressament previst fil-kuntratt, u mhux aktar tard minn 20 jum qabel il-bidu tal-pakkett. Jekk iż-żieda fil-prezz taqbeż it-8 % tal-prezz tal-pakkett, il-vjaġġaturi jistgħu jitterminaw il-kuntratt u, f’dak il-każ, jieħdu flushom lura. Jekk fil-kuntratt l-organizzatur jirriżerva d-dritt ta’ żieda fil-prezz, il-vjaġġaturi għandhom id-dritt għal tnaqqis fil-prezz jekk ikun hemm roħs fil-kostijiet rilevanti.

Terminazzjoni tal-kuntratt qabel il-bidu ta’ pakkett

Il-vjaġġaturi jistgħu jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa ta’ terminazzjoni u jiksbu rifużjoni sħiħa ta’ kwalunkwe pagament jekk xi wieħed mill-elementi essenzjali tal-pakkett jinbidel b’mod sinifikanti jew jekk ikun hemm żieda fil-prezz li taqbeż it-8 % tal-prezz tal-pakkett.

Jekk qabel ma jibda l-pakkett, il-kummerċjant responsabbli għall-pakkett jikkanċella l-pakkett, il-vjaġġaturi jkunu intitolati għal rifużjoni u, fejn xieraq, għal kumpens.

Il-vjaġġaturi jistgħu, qabel il-bidu tal-pakkett, jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu l-ebda tariffa ta’ terminazzjoni jekk ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jaffettwaw b’mod sinifikanti l-vjaġġ jew il-btala. Eżempji ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji jinkludu diżastri naturali, problemi serji ta’ sigurtà jew riskji għas-saħħa pubblika li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jaffettwaw il-pakkett.

Barra minn hekk, il-vjaġġaturi jistgħu fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett, jitterminaw il-kuntratt, inkluż għal raġunijiet personali, jekk iħallsu tariffa ta’ terminazzjoni xierqa u ġustifikabbli. Il-vjaġġaturi jridu jiġu informati b’dawn it-tariffi qabel ma jikkonkludu l-kuntratt u fil-kuntratt.

Rifużjonijiet

Fil-każijiet kollha meta l-organizzatur jew il-vjaġġatur jikkanċella l-pakkett, il-vjaġġaturi jridu jirċievu rifużjoni tal-pagamenti tagħhom (fejn xieraq, filwaqt li jitqiesu t-tariffi ta’ terminazzjoni) fi żmien 14-il jum, għajr jekk il-partijiet jaqblu dwar pakkett sostitut f’dak il-perjodu ta’ 14-il jum. L-organizzatur tal-pakkett huwa responsabbli li jipprovdi r-rifużjonijiet. Meta jkun involut bejjiegħ bl-imnut u meta jkun meħtieġ mil-liġi nazzjonali applikabbli, il-bejjiegħ bl-imnut ikun responsabbli wkoll li jipprovdi r-rifużjonijiet.

Meta l-organizzatur joffri vawċer li għandu jintuża għal kwalunkwe servizz tal-ivvjaġġar offrut mill-organizzatur minflok rifużjoni fi żmien 14-il jum, il-vjaġġaturi jirċievu informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-vawċer u jistgħu jagħżlu jekk jaċċettawhx jew le.

Problemi matul il-vjaġġ jew il-vaganza

L-organizzatur huwa obbligat li jirrimedja l-problemi li jseħħu matul l-eżekuzzjoni tal-pakkett. Il-vjaġġaturi jridu jinformaw lill-organizzatur bil-problemi li jiltaqgħu magħhom.

Jekk ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti elementi sinifikanti tal-pakkett kif miftiehem, l-organizzatur irid joffri arranġamenti alternattivi xierqa mingħajr ebda kost addizzjonali. Il-vjaġġaturi jistgħu jitterminaw il-kuntratt mingħajr ma jħallsu tariffa jekk is-servizzi tal-ivvjaġġar ma jitwettqux f’konformità mal-kuntratt, u dik is-sitwazzjoni taffettwa sostanzjalment l-eżekuzzjoni tal-pakkett u l-organizzatur jonqos milli jagħti rimedju għall-problema.

Il-vjaġġaturi huma intitolati wkoll għal tnaqqis fil-prezz jew għal kumpens għad-danni, jew għat-tnejn li huma, meta s-servizzi tal-ivvjaġġar ma jiġux eżegwiti jew ma jiġux eżegwiti kif xieraq, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/2302.

L-organizzatur irid jipprovdi assistenza jekk il-vjaġġatur ikun f’diffikultà, pereżempju billi jipprovdi informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa, l-awtoritajiet lokali u l-assistenza konsulari, u billi joffri l-possibbiltà li jsiru komunikazzjonijiet mill-bogħod.

Protezzjoni mill-insolvenza

Jekk l-organizzatur isir insolventi, tingħata rifużjoni tal-pagamenti tal-vjaġġaturi. F’xi Stati Membri hemm ukoll protezzjoni mill-insolvenza għall-pagamenti lill-bejjiegħa bl-imnut. Jekk l-organizzatur jew, meta applikabbli, il-bejjiegħ bl-imnut, isir insolventi wara l-bidu tal-pakkett u jekk il-vjaġġ ta’ ritorn ikun inkluż fil-pakkett, ir-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi tkun garantita. XY għandha fis-seħħ protezzjoni mill-insolvenza ma’ WX (l-entità responsabbli għall-protezzjoni mill-insolvenza, pereżempju fond ta’ garanzija jew kumpanija tal-assigurazzjoni). Il-vjaġġaturi jistgħu jikkuntattjaw lil dik l-entità jew, meta applikabbli lill-awtorità kompetenti (dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-isem, l-indirizz ġeografiku, l-email u n-numru tat-telefown) jekk is-servizzi tal-ivvjaġġar jiġu miċħuda minħabba l-insolvenza ta’ XY.

Id-Direttiva (UE) 2015/2302 kif trasposta fil-liġi nazzjonali (iperlink)”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/1024/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)