European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/889

16.4.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/889

tas-16 ta’ April 2026

li tistabbilixxi s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani mit-28 ta’ Frar 2026 bħala l-okkorrenza ta’ avveniment eċċezzjonali li jikkawża tfixkil sinifikanti fis-swieq

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(2), it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani mit-28 ta’ Frar 2026 (2) qed ikollha impatt fuq l-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fl-Unjoni. L-attakki fuq l-infrastruttura tal-enerġija u l-għeluq tal-Istrett ta’ Hormuz wasslu għal żieda f’daqqa u sinifikanti fil-prezzijiet globali taż-żejt u għal tfixkil parzjali fil-flussi kummerċjali mill-Asja ta’ komoditajiet u materja prima ewlenin għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Il-kummerċ bejn ir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Unjoni huwa affettwat serjament ukoll min-nuqqas ta’ disponibbiltà tat-trasport peress li l-ajruporti fil-pajjiżi affettwati sofrew mill-attakki u l-operazzjonijiet ta’ tbaħħir kummerċjali fil-portijiet tar-reġjun ġew sospiżi parzjalment jew kompletament.

(2)

Din il-kriżi x’aktarx li jkollha konsegwenzi serji u fit-tul fuq il-prezzijiet tal-enerġija, jew twassal għal nuqqas ta’ materja prima ewlenija li tgħaddi mill-Istrett ta’ Hormuz u mill-Kanal ta’ Suez. Parti mill-flotta tal-Unjoni waqfet mis-sajd, minħabba t-tnaqqis fil-profittabbiltà ta’ dik l-attività. Il-bastimenti tas-sajd li joperaw fil-Baħar Mediterran ukoll qed jiffaċċjaw it-theddida ta’ possibbiltà ta’ attivitajiet militari, u għalhekk dan qed iwassal għal sospensjoni prekawzjonarja tal-attività tagħhom. L-impatt ikkombinat ta’ dawk il-fatturi jinħass ukoll mis-setturi tat-trobbija u tal-ipproċessar tal-frott tal-baħar. Għalhekk hemm tfixkil sinifikanti fis-suq li jeħtieġ azzjoni effettiva u effiċjenti.

(3)

Skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139, f’ċirkostanzi bħal dawn, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) jista’ jipprovdi appoġġ lill-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti li jaħżnu l-prodotti tas-sajd f’konformità mal-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) , (4).

(4)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139, ir-reġim ta’ appoġġ speċifiku, f’każ ta’ tali tfixkil sinifikanti fis-swieq, huwa limitat għall-objettiv speċifiku tal-promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-kwalità u tal-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, kif ukoll tal-ipproċessar ta’ dawk il-prodotti. F’konformità mat-tieni subparagrafu ta’ dak l-Artikolu 26(2), ir-reġim ta’ appoġġ japplika biss meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-okkorrenza ta’ avveniment eċċezzjonali li jikkawża tali tfixkil.

(5)

Għalhekk jixraq li jiġi stabbilit li s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani mit-28 ta’ Frar 2026 hija avveniment eċċezzjonali li jikkawża tfixkil sinifikanti fis-swieq.

(6)

Skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2021/1139, il-kumpens previst skont dak ir-Regolament għandu jingħata fi kwalunkwe waħda mill-forom imsemmija fl-Artikolu 53(1), il-punti (b) sa (e), tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-metodoloġiji stabbiliti mill-Istati Membri għal dan il-għan għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 53(3) ta’ dak ir-Regolament.

(7)

Skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, in-nefqa hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEMSA jekk din tkun saret minn benefiċjarju u tħallset waqt l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-programm tal-FEMSA mill-Istat Membru lill-Kummissjoni jew mill-1 ta’ Jannar 2021, skont liema data tiġi l-ewwel, u l-31 ta’ Diċembru 2029. Madankollu, in-nefqa mġarrba bħala riżultat tat-tfixkil fis-swieq ikkawżat mill-avveniment eċċezzjonali li l-okkorrenza tiegħu hija stabbilita b’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun eliġibbli għall-appoġġ skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139 mit-28 ta’ Frar 2026, li hija d-data tal-ewwel attakki mill-ajru fl-Iran. Fir-rigward tat-tiġrib tan-nefqa, billi l-effetti tat-tfixkil fis-swieq x’aktarx li jaffettwaw lill-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura għal diversi xhur, in-nefqa jenħtieġ li tkun eliġibbli jekk issir sal-31 ta’ Diċembru 2026.

(8)

Fid-dawl tal-ħtieġa ta’ implimentazzjoni rapida tal-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani mit-28 ta’ Frar 2026 għandha titqies, minn dik id-data, bħala l-okkorrenza ta’ avveniment eċċezzjonali li jikkawża tfixkil sinifikanti fis-swieq.

Artikolu 2

In-nefqa, li l-appoġġ tagħha huwa permess bħala riżultat ta’ din id-Deċiżjoni, għandha tkun eliġibbli jekk issir bejn it-28 ta’ Frar u l-31 ta’ Diċembru 2026, u titħallas sal-31 ta’ Diċembru 2029.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1139/oj.

(2)  Ara l-istqarrija għall-istampa dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Lvant Nofsani, 19 ta’ Marzu 2026, https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2026/03/19/european-council-conclusions-on-middle-east/.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1379/oj).

(4)  Is-“settur tas-sajd u tal-akkwakultura” huwa definit fl-Artikolu 5(d) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 bħala “is-settur tal-ekonomija li jinkludi l-attivitajiet kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura”.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/889/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)