|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/802 |
7.4.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/802
tas-16 ta’ Marzu 2026
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili stabbilit fl-Anness III tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati dwar emendi għall-kalkolu tal-Ħlas Addizzjonali li Jirrifletti s-Suq
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (“l-Arranġament”), żviluppati fil-qafas tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), inkluż il-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili (“il-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru”) stabbilit fl-Anness III tal-Arranġament, ġew trasposti, u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). |
|
(2) |
F’konformità mat-Taqsima 2 tal-Appendiċi II tal-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru, il-Firxiet ta’ Kreditu Medjani (“MCS”) huma wħud mill-inputs meħtieġa biex jinkiseb il-Ħlas Addizzjonali li Jirrifletti s-Suq li għandu jiġi applikat għall-kalkolu tar-Rati Minimi tal-Primjum għal tranżazzjonijiet soġġetti għall- Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru. Id-data użata għad-determinazzjoni tal-MCS kienet preċedentement ipprovduta fuq il-London Interbank Offered Rate (“LIBOR”). Wara l-waqfien tal-LIBOR, dik id-data bħalissa qed tiġi pprovduta fuq ir-Rata ta’ Finanzjament Garantita mil-Lum għall-Għada (“SOFR”). Il-bidla fir-rata bażi kkawżata mill-qlib minn LIBOR għal SOFR irriżultat f’valur miżjud għall-MCS, u b’hekk ippenalizzat il-primjum tar-riskju. |
|
(3) |
Il-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru (il-“Parteċipanti”) għandhom jiddeċiedu, permezz ta’ proċedura bil-miktub, dwar emendi fl-Artikolu 28 tal-Appendiċi II għall-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru. li jintroduċu Firxa ta’ Aġġustament tal-Kreditu permanenti ta’ -29 bps għall-kalkolu tal-Ħlas Addizzjonali li Jirrifletti s-Suq. Għalhekk, dawk l-emendi jikkumpensaw għaż-żieda fl-MCS li tirriżulta mill-bidla fir-rata bażi meta jaqilbu minn LIBOR għal SOFR u jipprovdu prevedibbiltà għall-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u għal utenti oħrajn tal-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru. |
|
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul il-proċedura bil-miktub għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti dwar emendi għall-Artikolu 28 tal-Appendiċi II għall-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru, peress li dik id-deċiżjoni ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011. |
|
(5) |
Jenħtieġ għalhekk li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li tappoġġa l-emendi tal-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru kif speċifikati fl-abbozz tal-emendi għall-Artikolu 28 tal-Appendiċi II għall-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili stabbilit fl-Anness III tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati dwar l-emendi għall-kalkolu tal-Ħlas Addizzjonali li Jirrifletti s-Suq għandha tkun li tappoġġa l-emendi tal-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru kif speċifikat fl-abbozz tal-emendi għall-Artikolu 28 tal-Appendiċi II għall-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (2).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. DAMIANOS
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1233/oj).
(2) Ara d-dokument ST 6599/26 ADD1 fuq http://register.consilium.europa.eu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/802/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)