European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/787

15.6.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/787

tat-8 ta’ April 2026

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2023/2830 fir-rigward tar-regoli dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE jipprevedi sistema separata għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-fjuwils użati għall-kombustjoni fil-bini, fit-trasport bit-triq u f’setturi addizzjonali. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2830 (2) jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-irkantar tal-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE. Sabiex jiġi żgurat bidu bla xkiel tas-sistema separata għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, jenħtieġ li jiġu emendati u ċċarati diversi dispożizzjonijiet dwar l-għażla taż-żmien u l-amministrazzjoni tal-irkantijiet għal dawn il-kwoti.

(2)

Il-bidu tal-irkantijiet għall-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE jista’ jwassal għal aktar minn irkant wieħed għall-kwoti li jsiru f’jum partikolari. Filwaqt li huwa importanti li jiġi żgurat li l-irkantijiet organizzati mill-pjattaforma tal-irkant komuni u l-irkantijiet organizzati minn pjattaformi nonparteċipanti ma jsirux fl-istess jum, jenħtieġ li jkun possibbli li l-irkantijiet għall-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE minn naħa waħda, u għall-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva min-naħa l-oħra, isiru fl-istess jum.

(3)

Il-funzjonament tajjeb tas-suq għall-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE se jiddependi mill-iżgurar ta’ likwidità adegwata minn kmieni sabiex jiġi pprovdut sinjal tal-prezz ċar u prevedibbli għall-parteċipanti fis-suq mill-bidu. Għalhekk, l-irkantar għall-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li jibda mill-2027. Il-metodu għall-istabbiliment u l-aġġustament tal-kwantità ta’ kwoti li jridu jiġu rkantati għall-Fond Soċjali għall-Klima jenħtieġ li jiġi aġġornat fid-dawl tal-bidu tal-irkantar bikri u l-esperjenza tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2830.

(4)

Il-parteċipazzjoni tal-offerenti fl-irkantijiet għall-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE hija marbuta mal-livell ta’ domanda mill-entitajiet regolati biex iċedu l-kwoti sabiex jissodisfaw l-obbligi ta’ konformità tagħhom. Meta Stat Membru jkun għad ma għandux fis-seħħ liġijiet nazzjonali dwar iċ-ċediment ta’ kwoti minn entitajiet regolati skont l-Artikolu 30e(2) tad-Direttiva 2003/87/KE u dwar penali għal emissjonijiet eċċessivi skont l-Artikolu 16(1) sa (4) ta’ dik id-Direttiva għall-emissjonijiet irrapportati skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE, dan jista’ jwassal għal kanċellazzjonijiet ta’ rkantijiet jew prezz tal-ikklerjar tal-irkant mhux rappreżentattiv minħabba provvista żejda ta’ kwoti u nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-offerenti. Sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-irkantijiet f’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-għadd ta’ kwoti li jridu jiġu rkantati f’isem l-Istati Membri u l-għażla taż-żmien biex jiġi inkorporat fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri l-obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti għall-emissjonijiet irrapportati skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li jiġu allinjati. Jenħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat sa liema punt ġew applikati r-rekwiżiti taċ-ċediment.

(5)

Sabiex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti proċedurali għal persuni li jagħmlu offerti f’isem oħrajn u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-regoli emendati dwar l-eżenzjonijiet fid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għall-persuni li jipprovdu, bħala attività anċillari, servizzi ta’ investiment lil klijenti jew lil fornituri tan-negozju ewlieni tagħhom, jixraq li jitneħħa r-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex il-persuni jkunu jistgħu jagħmlu offerti f’isem oħrajn skont il-qafas tal-EU ETS.

(6)

Kull Stat Membru jenħtieġ li jaħtar mill-inqas irkantatur wieħed, li jrid ikun responsabbli għall-irkantar ta’ kwoti f’isem l-Istat Membru tal-ħatra. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-istess irkantatur jinħatar minn aktar minn Stat Membru wieħed. L-irkantatur(i) jenħtieġ li jkun(u) responsabbli għall-irkantar tal-kwoti fuq il-pjattaforma tal-irkant u għar-riċevuta u l-iżborż tar-rikavati mill-irkant.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) 2023/2830 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(8)

L-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2830 jipprevedi li l-pjattaforma tal-irkant komuni għandha tippubblika l-kalendarju tal-irkant tal-2027 għall-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE sal-31 ta’ Lulju 2026 jew mill-aktar fis prattikabbli wara din id-data, wara li tkun ikkonsultat lill-Kummissjoni.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’mod urġenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2023/2830 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, it-tielet u r-raba’ subparagrafi huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“Meta l-pjattaforma tal-irkant komuni tikkonduċi irkantijiet tal-kwoti msemmija fl-Artikoli 10 u 11 f’jum wieħed jew jumejn fil-ġimgħa, l-ebda pjattaformi tal-irkant nonparteċipanti ma għandha tikkonduċi rkant f’dawk il-jiem.

Meta l-pjattaforma tal-irkant komuni tikkonduċi irkantijiet tal-kwoti msemmija fl-Artikoli 10 u 11 f’aktar minn jumejn fil-ġimgħa, għandha tagħżel jumejn li fihom ma jista’ jsir l-ebda rkant nonparteċipanti ieħor. Hija għandha tippubblika dawk il-jiem sa mhux aktar tard mill-pubblikazzjoni tal-kalendarju tal-irkant kif imsemmi fl-Artikolu 12(2).”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-volum tal-kwoti msemmija fl-Artikoli 10 u 11 li għandhom jiġu rkantati fuq pjattaforma tal-irkant komuni għandu fil-prinċipju jiġi distribwit indaqs fost l-irkantijiet li jsiru f’sena kalendarja partikolari.

Il-volum tal-kwoti msemmija fl-Artikolu 13 li għandhom jiġu rkantati fuq pjattaforma tal-irkant komuni għandu fil-prinċipju jiġi distribwit indaqs fost l-irkantijiet li jsiru f’sena kalendarja partikolari.

B’deroga mit-tieni subparagrafu, il-volum tal-kwoti msemmi fl-Artikolu 13 li jrid jiġi rkantat għall-ewwel sena tal-irkantar f’konformità mal-Artikolu 30d(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, għandu jitqassam fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2028.

Meta l-volum annwali ta’ kwoti ta’ Stat Membru ma jkunx jista’ jiġi distribwit indaqs fost l-irkantijiet f’sena kalendarja partikolari f’konformità mar-regoli dwar l-offerta ta’ volumi minima stabbiliti fl-Artikolu 6(1), il-pjattaforma tal-irkant rilevanti għandha tiddistribwixxi dak il-volum fuq inqas irkantijiet, filwaqt li tiżgura li l-volum jiġi rkantat, fil-prinċipju, mill-inqas kull trimestru.”

;

(2)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Il-volum ta’ kwoti msemmija fl-Artikolu 30a tad-Direttiva 2003/87/KE li għandu jiġi rkantat għal kwalunkwe sena kalendarja partikolari għandu jkun il-volum ta’ kwoti stabbilit f’konformità mal-Artikoli 30c u 30d ta’ dik id-Direttiva.

2.   Il-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati minn kull Stat Membru għal kwalunkwe sena kalendarja partikolari għandu jkun ibbażat fuq il-volum ta’ kwoti stabbilit skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u s-sehem ta’ kwoti ta’ dak l-Istat Membru ddeterminat skont l-Artikolu 30d(5) tad-Direttiva 2003/87/KE.”

;

(b)

il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“5.   Il-volumi annwali tal-irkant tal-kwoti msemmija fl-Artikolu 30d(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiġu rkantati flimkien mal-volumi annwali rispettivi tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-volum inizjali ta’ kwoti li jrid jiġi rkantat mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2028 skont l-Artikolu 30d(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jkun ta’ 450 000 000 kwota.

6.   Il-volum annwali ta’ kwoti li jrid jiġi rkantat biex jintlaħaq id-dħul imsemmi fl-Artikolu 30d(4) tad-Direttiva 2003/87/KE jista’ jiġi aġġustat biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 30d ta’ dik id-Direttiva. Għall-finijiet ta’ dak l-aġġustament, għandhom jitqiesu d-dħul diġà miksub, il-prezz medju mill-ikklerjar fi rkant għas-sitt xhur kalendarji preċedenti, u ż-żmien li jkun fadal sal-31 ta’ Diċembru 2032. B’riżultat ta’ dak l-aġġustament, il-kalendarji tal-irkant għandhom jiġu aġġustati f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (p), ta’ dan ir-Regolament.

Jekk id-dħul mill-irkant imsemmi fl-Artikolu 30d tad-Direttiva 2003/87/KE jintlaħaq qabel id-data tal-aħħar irkant skedat għall-Fond Soċjali għall-Klima, l-irkantijiet sussegwenti ta’ kwoti għal dak il-Fond għandhom jiġu sospiżi f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti għas-sospensjoni ta’ tali rkantijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/1122. Il-kalendarji tal-irkant rilevanti għandhom jiġu aġġustati skont dan f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (e), ta’ dan ir-Regolament.”

;

(c)

jiżdied il-paragrafu 7:

“7.   Il-volum tal-kwoti li jridu jiġu rkantati f’isem Stat Membru skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi rkantat biss ladarba dak l-Istat Membru jkun implimenta l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-obbligu tal-entitajiet regolati li jċedu l-ammont ta’ kwoti stabbilit fl-Artikolu 30e(2) tad-Direttiva 2003/87/KE u dwar il-penali għal emissjonijiet eċċessivi skont l-Artikolu 16(1) sa (4) tad-Direttiva 2003/87/KE għall-emissjonijiet irrapportati skont il-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva.

Ladarba l-leġiżlazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tkun ġiet implimentata, il-volum tal-kwoti msemmi fl-ewwel subparagrafu li jkun inżamm lura għall-perjodu bejn is-sena minn meta l-emissjonijiet ikunu soġġetti għal tali leġiżlazzjoni u d-data tal-applikazzjoni ta’ dik il-leġiżlazzjoni għandu jiżdied mal-kalendarji tal-irkant.

Meta l-volumi tal-kwoti msemmija fit-tieni subparagrafu jiżdiedu lura mal-volumi tal-irkant, dawn għandhom jitqassmu fuq perjodu ta’ żmien ekwivalenti għall-perjodu ta’ żmien li matulu dawk il-kwoti ma jkunux ġew irkantati.”

;

(3)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(j)

bidliet fl-irkantatur(i) maħtur(a) skont l-Artikolu 22(1) jew iż-żamma ta’ kwoti mill-irkantijiet skont l-Artikolu 22(4);”;

(b)

jiżdied il-punt (q) li ġej:

“(q)

aġġustamenti tal-volum ta’ kwoti skont l-Artikolu 13(7).”;

(4)

fl-Artikolu 18, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-persuni koperti mill-eżenzjoni fl-Artikolu 2(1), il-punt (j), tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom ikunu eliġibbli japplikaw għall-ammissjoni biex jagħmlu offerti direttament fl-irkantijiet, jew f’isimhom stess jew f’isem klijenti tan-negozju ewlieni tagħhom.”

(5)

fl-Artikolu 22, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar mill-inqas irkantatur wieħed. L-ebda Stat Membru ma għandu jirkanta kwoti mingħajr ma jaħtar irkantatur. L-istess irkantatur jista’ jinħatar minn aktar minn Stat Membru wieħed.”

;

(6)

fl-Artikolu 50, il-paragrafi 4, 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali deżinjati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u d-Direttiva (UE) 2015/849 mill-Istati Membri fejn il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikunu stabbiliti għandhom ikunu responsabbli mill-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità mar-regoli ta’ kondotta previsti fil-paragrafi 2 u 3, inkluż it-trattament ta’ kwalunkwe lment magħmul dwar in-nuqqas ta’ konformità ma’ tali regoli ta’ kondotta.

5.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed u għandhom biżżejjed esperjenza biex jiżguraw il-ħarsien xieraq tar-regoli ta’ kondotta previsti fil-paragrafu 2 u 3;

(b)

ikunu stabbilew il-proċessi u l-kontrolli meħtieġa biex jimmaniġġaw il-kunflitti ta’ interess u biex jaqdu l-aqwa interessi tal-klijenti tagħhom;

(c)

jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(d)

jikkonformaw ma’ kwalunkwe miżura oħra meqjusa xierqa wara li tkun tqieset in-natura tas-servizzi ta’ offriment li jkunu qed jiġu offruti u l-livell ta’ sofistikazzjoni tal-klijenti inkwistjoni skont il-profil tagħhom ta’ investituri jew negozjanti, kif ukoll kwalunkwe valutazzjoni abbażi tar-riskju dwar il-possibbiltà ta’ ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu jew attività kriminali.

6.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikunu stabbiliti għandhom jimmonitorjaw u jinfurzaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5. L-Istat Membru għandu jiżgura li:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tiegħu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom setgħat investigattivi u sanzjonijiet li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi;

(b)

jiġi stabbilit mekkaniżmu għat-trattament tal-ilmenti u li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tiegħu jipprojbixxu lill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 milli jagħmlu offerti f’isem klijenti meta dawk il-persuni jkunu kisru serjament u sistematikament l-obbligi tagħhom skont il-paragrafi 2, 3 u 5.”

.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2830 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dwar il-kalendar, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L, 2023/2830, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2830/oj).

(3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173 12.6.2014, p. 349, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/65/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/787/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)