|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/770 |
30.3.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/770
tal-25 ta’ Marzu 2026
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Trasport rapidu, konvenjenti, affordabbli, u fuq kollox li ma jagħmilx ħsara lill-klima għall-Ewropej kollha”
(notifikata bid-dokument C(2026) 2014)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Trasport rapidu, konvenjenti, affordabbli, u fuq kollox li ma jagħmilx ħsara lill-klima għall-Ewropej kollha” ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Frar 2026. |
|
(2) |
L-għan tal-inizjattiva kif espress mill-organizzaturi huwa li tistieden lill-Kummissjoni biex “l-ivvjaġġar bil-ferrovija jsir alternattiva vera għall-avjazzjoni billi jinħolqu network u organizzazzjoni kontinentali b’saħħithom u jitneħħew l-iżbilanċi fis-suq”. B’mod speċifiku, l-organizzaturi jipproponu: l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni fl-UE kollha (dazju tas-sisa fuq il-kerosin); it-tneħħija tal-eżenzjonijiet mill-VAT u l-introduzzjoni ta’ pprezzar ġust u l-allokazzjoni tad-dħul lil organizzazzjoni ferrovjarja Ewropea b’saħħitha b’awtorità estensiva. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni tqis li tista’ tadotta proposti għal atti legali biex tintroduċi dazju tas-sisa fuq il-kerosin, tneħħi l-eżenzjonijiet mill-VAT u talloka d-dħul lil organizzazzjoni ferrovjarja Ewropea b’saħħitha b’awtorità estensiva, abbażi tal-Artikolu 113 u l-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(4) |
Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(5) |
Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(6) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “Trasport rapidu, konvenjenti, affordabbli, u fuq kollox li ma jagħmilx ħsara lill-klima għall-Ewropej kollha” tiġi rreġistrata. |
|
(9) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Trasport rapidu, konvenjenti, affordabbli, u fuq kollox li ma jagħmilx ħsara lill-klima għall-Ewropej kollha” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Trasport rapidu, konvenjenti, affordabbli u fuq kollox li ma jagħmilx ħsara lill-klima għall-Ewropej kollha”, irrappreżentat minn Jim ODENHOVEN u Nils LEHMAN li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kummissjoni
Maroš ŠEFČOVIČ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/770/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)