|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/761 |
31.3.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/761
tat-30 ta’ Marzu 2026
dwar miżura ta’ assistenza fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa lill-Forzi Armati tal-Benin
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) biex l-Istati Membri jiffinanzjaw azzjonijiet tal-Unjoni skont il-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu evitati l-kunflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża biex jiġu ffinanzjati miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
Ir-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiżi kostali tal-Golf tal-Guinea, jiġifieri l-Ghana, il-Kosta tal-Avorju, il-Benin u t-Togo, qed jesperjenzaw kundizzjonijiet ta’ sigurtà li qed jiddeterjoraw b’rabta mal-kriżi li qed taffettwa lis-Saħel ċentrali. |
|
(3) |
Fil-kuntest tal-kriżi li qed taffettwa s-Saħel ċentrali, bħala parti minn approċċ integrat, it-tisħiħ tal-forzi tad-difiża u tas-sigurtà tal-Benin huwa rikonoxxut bħala objettiv ewlieni tal-Unjoni biex jingħata appoġġ lill-isforzi ta’ stabbilizzazzjoni f’dak il-pajjiż. |
|
(4) |
Fis-7 ta’ Ottubru 2025, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċeviet talba mill-Benin biex l-Unjoni tassisti lill-forzi armati tal-Benin jakkwistaw tagħmir ewlieni addizzjonali u taħriġ biex jissaħħu l-mezzi operazzjonali u ta’ taħriġ tal-unitajiet militari stazzjonati fit-Tramuntana tal-Benin fi ħdan l-Operazzjoni Mirador, sabiex jingħata appoġġ lill-isforzi tagħhom biex irażżnu l-espansjoni tat-theddida li ġejja minn gruppi armati mhux statali mill-Burkina Faso u n-Niġer, u biex jiġġieldu u jnaqqsu l-opportunitajiet għal dawk il-gruppi armati li jwettqu attakki terroristiċi. |
|
(5) |
Miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati fl-ambitu tal-EPF. |
|
(6) |
Il-Kunsill jerġa’ jafferma d-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. B’dan qed tiġi stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tal-Benin (il-“benefiċjarju”), li għandha tiġi ffinanzjata fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).
2. L-objettivi tal-miżura ta’ assistenza huma dawn li ġejjin:
|
(a) |
li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Benin fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; |
|
(b) |
li jissaħħu l-mezzi militari u ta’ difiża tal-forzi armati tal-Benin; |
|
(c) |
li jissaħħu l-mezzi tal-forzi armati tal-Benin biex l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Benin u l-popolazzjoni ċivili tiegħu jiġu protetti minn aggressjoni interna u esterna, u biex isir kontribut għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun. |
3. Biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin li mhumiex iddisinjati għall-forza letali:
|
(a) |
tagħmir protettiv individwali, xbieki tal-camouflage, radjijiet, u detetturi tal-metall; |
|
(b) |
tagħmir speċjalizzat meħtieġ biex tinġabar u tiġi analizzata intelligence ta’ interess militari; |
|
(a) |
inġenji tal-ajru b’magna waħda għat-taħriġ u simulatur ġeneriku ta’ diversi mudelli ta’cinġenji tal-ajru, kif ukoll taħriġ fil-livell tal-istrutturi għall-bdoti u l-persunal tal-manutenzjoni. |
Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll il-provvisti u s-servizzi relatati, inkluż taħriġ marbut mat-tagħmir ikkonsenjat, fejn ikun meħtieġ.
4. Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 30 xahar mid-data li fiha tiġi adottata din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 10 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati fl-ambitu tal-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura li dan jikkonforma mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni biex tingħata l-għajnuna taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
il-konformità tal-unitajiet appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza biex jiġu żgurati l-utilizzabbiltà u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li l-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilfux u li ma jiġux trasferiti lil persuni jew entitajiet li ma jkunux dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza jekk jinstab li l-benefiċjarju jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati fl-ambitu tal-EPF u l-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza fl-ambitu tal-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni għandha ssir minn Défense Conseil International (DCI Group).
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità tal-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jinżamm l-għarfien tal-kuntest u tar-riskji ta’ ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ dan il-ksur, fost oħrajn ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara li jiġu ttrasportati t-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi li jkunu l-utent aħħari malli tiġi trasferita s-sjieda; |
|
(b) |
rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm dan ir-rappurtar ma jibqax jitqies neċessarju mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn, jekk jintalab dan, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali malli titlesta l-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jibgħat rapporti kull sitt xhur lill-KPS dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, fost oħrajn billi jagħti informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi għalkollox jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda wkoll li l-Kunsill jittermina l-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. PANAYIOTOU
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
(2) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/761/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)