European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/725

25.3.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/725

tal-24 ta’ Marzu 2026

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Kayseri Pastırması” (IĠP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li ħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, dan tal-aħħar jibqa’ applikabbli għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel li waslu għand il-Kummissjoni u li ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel it-13 ta’ Mejju 2024.

(2)

Fil-5 ta’ April 2023, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mit-Turkija (“l-applikant”) biex tirreġistra l-isem “Kayseri Pastırması” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP).

(3)

F’konformità mal-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tat-Turkija għar-reġistrazzjoni tal-isem “Kayseri Pastırması” bħala IĠP.

(4)

Fid-9 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Kayseri Pastırması” bħala IĠP f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) kif meħtieġ mill-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(5)

Fis-16 ta’ April 2024 il-Kummissjoni rċeviet dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni mill-Bulgarija (“l-opponent”). Wara li eżaminat id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni u sabet li hija ammissibbli, f’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni stiednet lit-Turkija u lill-Bulgarija, permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Ġunju 2024, biex jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet xierqa bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim. Fit-30 ta’ Awwissu 2024, fuq talba tat-Turkija, il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet bi 3 xhur addizzjonali.

(6)

Fil-11 ta’ Jannar 2025, fi tmiem il-konsultazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Bulgarija, l-applikant innotifika lill-Kummissjoni bir-riżultat tal-konsultazzjonijiet, filwaqt li indikat li ma kienx intlaħaq ftehim mal-opponent. L-applikant inkluda l-informazzjoni kollha skambjata u spjega l-pożizzjoni tiegħu u indika li l-ismijiet “Кайсер пастърма”/“Кайзер пастърма” u “Кайсерована пастърма”/“Кайзерована пастърма” (“Kaiser pastarma”/“Kaiser pastarma” u “Kaiserovana pastarma”/“Kaizerovana pastarma”) jistgħu jkomplu jintużaw mingħajr ma jkun hemm ksur tal-protezzjoni tal-isem reġistrat. Fis-26 ta’ Awwissu 2025, l-opponent innotifika lill-Kummissjoni li huwa jqis li ż-żewġ ismijiet jistgħu jeżistu flimkien.

(7)

Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 52(3)(b), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet.

(8)

Il-“Kayseri Pastırması” huwa pastrami taċ-ċanga li jiġi prodott fil-provinċja ta’ Kayseri fit-Turkija. Ir-rabta bejn il-“Kayseri Pastırması” u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq ir-reputazzjoni li jgawdi l-prodott bis-saħħa tal-għarfien tal-produtturi fl-għażla u l-preparazzjoni tal-ingredjenti u fid-diversi stadji tal-proċess tal-produzzjoni li jagħtu lill-prodott it-togħma u l-aroma li jiddistingwuh.

(9)

L-argumenti tal-Bulgarija kif jinsabu fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni tagħha u fil-konsultazzjonijiet imwettqa mat-Turkija jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

(10)

Il-Bulgarija sostniet li r-reġistrazzjoni tal-isem “Kayseri Pastırması” tipperikola l-eżistenza ta’ prodott imsejjaħ “Кайсер пастърма”/“Кайзер пастърма” u “Кайсерована пастърма”/“Кайзерована пастърма” (“Kaiser pastarma”/“Kaiser pastarma” u “Kaiserovana pastarma”/“Kaizerovana pastarma”), li huwa tip ta’ pastrami prodott fil-Bulgarija. Il-Bulgarija rreferiet għall-Artikolu 10(1)(c), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li jistipula li dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni għandha tkun ammissibbli jekk turi li r-reġistrazzjoni tal-isem propost tipperikola l-eżistenza ta’ isem kompletament jew parzjalment identiku jew ta’ trademark jew l-eżistenza ta’ prodotti li ilhom legalment fis-suq għal mill-inqas 5 snin.

(11)

F’dan il-kuntest, il-Bulgarija fl-oppożizzjoni tagħha argumentat li l-ismijiet użati fil-Bulgarija huma simili għal dawk sottomessi għar-reġistrazzjoni mit-Turkija. Madankollu, il-Bulgarija ma kkontestatx id-dritt li tirreġistra l-“Kayseri Pastırması” iżda kellha l-għan li tipproteġi d-drittijiet tal-produtturi tal- “Кайсер пастърма”/“Кайзер пастърма” u “Кайсерована пастърма”/“Кайзерована пастърма” (“Kaiser pastarma”/“Kaiser pastarma” u “Kaiserovana pastarma”/“Kaizerovana pastarma”), prodott li jgawdi tradizzjoni twila ta’ produzzjoni fil-Bulgarija. F’dan il-kuntest, il-Bulgarija indikat id-differenzi bejn il-prodotti Bulgari u Torok, f’termini ta’ ingredjenti, teknoloġija tal-produzzjoni, karatteristiċi organolettiċi u pożizzjoni fis-suq.

(12)

Barra minn hekk, il-Bulgarija indikat li l-metodu ta’ produzzjoni u l-materja prima użati fil-produzzjoni tal-prodott Bulgaru bl-isem “Пастърма говежда” (“Pastarma govezhda”), inklużi fir-Reġistru tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti, jixbhu lil dak tal-“Kayseri Pastırması”.

(13)

Il-Bulgarija argumentat ukoll li prodott imsejjaħ “Kayseri Pastırması” jiġi prodott f’diversi Stati Membri, prinċipalment fil-Ġermanja, fil-Belġju u fi Franza, u r-reġistrazzjoni bħala IĠP tal- “Kayseri Pastırması” tista’ konsegwentement taffettwa l-produzzjoni ta’ prodotti msejħa “Kayseri Pastırması” f’dawn il-pajjiżi.

(14)

It-Turkija indikat id-differenzi fit-tifsira tal-ismijiet, filwaqt li enfasizzat b’mod partikolari li l-isem Tork huwa assoċjat mal-oriġini ġeografika, filwaqt li l-ismijiet Bulgari jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni. It-Turkija enfasizzat li l-ingredjenti użati, u l-metodu ta’ produzzjoni jvarjaw, u li l- “Kayseri Pastırması” ilu jinbiegħ fis-suq tal-UE għal żmien twil u l-prodotti ilhom jeżistu flimkien għal ħafna snin. L-applikant ikkonkluda li l-ismijiet inkwistjoni jistgħu jkomplu jeżistu flimkien fis-suq.

(15)

Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti pprovduti mill-Bulgarija fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni tagħha fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li qieset l-informazzjoni li rċeviet dwar il-konsultazzjonijiet bejn l-applikant u l-opponent, u waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin.

(16)

Fir-rigward tal-ewwel punt imqajjem mill-Bulgarija, f’konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, “il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jagħtu perijodu tranżizzjonali sa ħames snin biex jippermettu prodotti li joriġinaw fi Stat Membru jew f’pajjiż terz li d-denominazzjoni tagħhom tikkonsisti minn jew tinkludi isem li jikser l-Artikolu 13(1) biex ikomplu jużaw id-denominazzjoni li taħtha kienu kkumerċjalizzati, sakemm dikjarazzjoni ammissibbli ta’ oppożizzjoni taħt l-Artikolu 49(3) jew l-Artikolu 51 turi li: (a) ir-reġistrazzjoni tal-isem tkun thedded l-eżistenza ta’ isem li jkun kompletament jew parzjalment identiku (…)”.

(17)

F’dan il-każ, wara l-konsultazzjonijiet mat-Turkija, filwaqt li ma rtiratx formalment l-oppożizzjoni tagħha, il-Bulgarija indikat li, fl-opinjoni tagħha, iż-żewġ ismijiet jistgħu jikkoeżistu. Il-Bulgarija infurmat ukoll lill-Kummissjoni li hija tqis li perjodu tranżizzjonali ma jkunx xieraq. It-Turkija esprimiet ukoll il-fehma li ż-żewġ ismijiet jistgħu jikkoeżistu. Peress li l-Bulgarija ma wrietx li r-reġistrazzjoni tipperikola l-eżistenza tal-isem Bulgaru, u mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-konformità tal-isem Bulgaru mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li ma jingħatax perjodu tranżizzjonali.

(18)

Fir-rigward tar-referenza magħmula mill-Bulgarija li “Пастърма говежда” (“Pastarma govezhda”) Speċjalità Tradizzjonali Garantita (STG) tikkondividi metodu ta’ produzzjoni u materja prima simili għal “Kayseri Pastırması”, ta’ min wieħed jinnota li l-Bulgarija ma pprovdiet l-ebda argumentazzjoni jew raġunament legali f’dan ir-rigward. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li jitfakkar li l-Kummissjoni, fiż-żmien tar-reġistrazzjoni ta’ “Пастърма говежда” bħala STG, qieset li l- “Kayseri Pastırması” u prodotti oħra tal-laħam bl-isem ta’ “pastarma” jew “pastirma”, jew ismijiet simili oħra, jiġu prodotti bl-użu ta’ metodi ta’ produzzjoni li huma differenti minn dawk inklużi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ “Пастърма говежда” (Pastarma govezhda) (4).

(19)

Fir-rigward tal-użu tal-isem “Kayseri Pastırması” li jiddeżinja prodotti f’pajjiżi Ewropej oħra, kif ippreżentat mill-Bulgarija fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni tagħha, jenħtieġ li jiġi nnotat li l-Kummissjoni ma rċevietx dikjarazzjonijiet motivati ta’ oppożizzjoni relatati mal-użu tal-“Kayseri Pastırması” minn dawk il-pajjiżi.

(20)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-isem “Kayseri Pastırması” jiddaħħal fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

(21)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità għall-prodotti agrikoli, l-inbid u x-xorb spirituż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Kayseri Pastırması” (IĠP) huwa b’dan imdaħħal fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1143.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).

(3)   ĠU C, C/2024/1464, 9.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1464/oj.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1106 tal-21 ta’ Ġunju 2017 li jdaħħal isem fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (Пастърма говежда (Pastarma govezhda) (TSG)) (ĠU L 160, 22.6.2017, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1106/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/725/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)