European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/722

27.3.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/722

tas-26 ta’ Marzu 2026

li jemenda l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3172 fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-użu mill-istituzzjonijiet, għajr istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi, tal-punt ta’ aċċess uniku tal-EBA għad-divulgazzjonijiet tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 434a, il-ħames paragrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1496 (2) emenda l-Artikolu 520a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex jipposponi d-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq mill-1 ta’ Jannar 2026 għall-1 ta’ Jannar 2027. Għalhekk jeħtieġ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3172 (3) tiġi estiża u li t-tħassir tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637 (4) jiġi differit b’sena oħra.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2024/1623 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) issostitwixxa, fost l-oħrajn, l-Artikolu 434 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 billi introduċa ċ-ċentralizzazzjoni tad-divulgazzjonijiet pubbliċi minn istituzzjonijiet għajr dawk żgħar u mhux kumplessi fuq is-sit web tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) (punt ta’ aċċess uniku). Jenħtieġ li dik l-emenda tiġi riflessa fir-Regolament (UE) 2024/3172 billi jiġi introdott sett minimu ta’ regoli biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-formati ta’ divulgazzjoni mal-funzjonament adegwat tal-punt uniku ta’ aċċess għall-pubblikazzjoni tad-divulgazzjonijiet.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-EBA tkun tista’ tiddivulga l-informazzjoni fil-punt uniku ta’ aċċess tagħha, jenħtieġ li jiġu stabbiliti formati ta’ divulgazzjoni uniformi speċifiċi. Jenħtieġ li dawk il-formati ta’ divulgazzjoni uniformi japplikaw ukoll fir-rigward tas-sottomissjoni lill-EBA tal-attestazzjoni bil-miktub meħtieġa li tiġi inkluża fid-divulgazzjonijiet ta’ istituzzjoni skont l-Artikolu 431(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-punt ta’ aċċess uniku tal-EBA jippermetti l-komparabbiltà, it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tad-divulgazzjonijiet ikkonċernati, jenħtieġ li l-formati ta’ divulgazzjoni uniformi jiżguraw li l-informazzjoni li tinsab fihom tkun tista’ tinqara kemm mill-bniedem kif ukoll mill-magni.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-punt ta’ aċċess uniku tal-EBA jkun adattat għall-iskop tiegħu, u b’hekk jiġi żgurat li d-data sottomessa tikkonforma mal-formati xierqa tad-data, jenħtieġ li l-punt ta’ aċċess uniku tal-EBA jkun jista’ jwettaq validazzjonijiet tekniċi. Meta l-eżitu ta’ tali validazzjonijiet jirriżulta f’rifjut, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiġu infurmati awtomatikament dwar ir-rifjut u r-raġunament tiegħu, sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jissottomettu l-informazzjoni sottomessa mingħajr dewmien żejjed.

(6)

Minħabba li l-istituzzjonijiet jistgħu jeħtieġu aktar żmien biex jissottomettu l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-formati l-ġodda ta’ divulgazzjoni, jenħtieġ li jitħallew, fir-rigward tas-sottomissjonijiet b’data ta’ referenza fl-2025, mezzi alternattivi ta’ divulgazzjonijiet.

(7)

L-EBA żviluppat l-għodod tal-IT għaċ-ċentralizzazzjoni tad-divulgazzjonijiet mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għajr l-istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi. Għal istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi, l-għodod tal-IT rilevanti għadhom qed jitfasslu minħabba l-importanza li jsiru proporzjonati. Dan l-approċċ f’żewġ stadji jenħtieġ li jiżgura li l-piż amministrattiv relatat mal-konformità mal-obbligi ta’ divulgazzjoni jitnaqqas għal istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3172 jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni mill-EBA.

(10)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3172

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3172 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 16, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2026, l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu d-divulgazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637.”

(2)

wara l-Artikolu 24, jiddaħħlu l-artikoli 24a, 24b, 24c u 24d li ġejjin:

“Artikolu 24a

Formati tal-iskambju tad-data u informazzjoni li jakkumpanjaw is-sottomissjonijiet lill-punt uniku ta’ aċċess tal-EBA għad-divulgazzjonijiet tal-istituzzjonijiet

1.   Istituzzjonijiet għajr istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi għandhom jissottomettu lill-EBA l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont it-Titoli II u III tal-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kemm f’format PDF kif ukoll f’format XBRL-csv.

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jissottomettu rapport PDF komprensiv uniku li jista’ jinqara mill-bniedem u mill-magni u li għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva kollha li għandha tiġi ddivulgata skont it-Titoli II u III tal-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ħlief għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 450;

(b)

kwalunkwe informazzjoni kwalitattiva li takkumpanja l-informazzjoni kwantitattiva, kif meħtieġ mill-mudelli ta’ divulgazzjoni rilevanti;

(c)

kwalunkwe informazzjoni supplimentari oħra meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni msemmija fl-Artikolu 431(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

l-attestazzjoni bil-miktub u l-elementi ewlenin tal-politiki formali tal-istituzzjoni meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni msemmija fl-Artikolu 431(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(e)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar punti ta’ data li tħallew barra, f’konformità mal-linji gwida u l-istruzzjonijiet rilevanti tal-EBA.

3.   L-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jissottomettu rapport PDF uniku separat li jista’ jinqara mill-bniedem u mill-magni bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 450 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

4.   L-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jissottomettu separatament fil-format XBRL-csv l-informazzjoni kwantitattiva msemmija f’kull modulu kwantitattiv, kif definit mis-soluzzjonijiet tal-IT ippubblikati fuq is-sit web tal-EBA.

5.   Is-sottomissjoni tar-rapporti PDF u d-dokumenti XBRL-csv rilevanti u kwalunkwe sottomissjoni mill-ġdid tagħhom li ġejja għandha tkun f’konformità mal-konvenzjoni dwar l-isem u l-istruzzjonijiet prattiċi speċifikati mill-EBA fir-regoli tal-preżentazzjoni ppubblikati fuq is-sit web tal-EBA.

6.   Meta l-istituzzjonijiet ikollhom bżonn jissottomettu mill-ġdid kwalunkwe informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 5, huma għandhom jissottomettu mill-ġdid il-modulu sħiħ inkluża dik l-informazzjoni.

Artikolu 24b

Validazzjonijiet tekniċi u rifjuti ta’ informazzjoni sottomessi lill-punt ta’ aċċess uniku tal-EBA għad-divulgazzjonijiet tal-istituzzjonijiet

1.   Fil-mument tas-sottomissjoni, il-punt ta’ aċċess uniku tal-EBA għad-divulgazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jivverifika awtomatikament jekk l-informazzjoni sottomessa mill-istituzzjonijiet għajr dawk żgħar u mhux kumplessi, tikkonformax mal-Artikolu 24a, u għandu jirrifjuta kwalunkwe informazzjoni li ma tkunx konformi.

2.   Meta jseħħ rifjut awtomatiku kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt ta’ aċċess uniku tal-EBA għad-divulgazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jinnotifika lill-istituzzjonijiet ikkonċernati, li għandhom jerġgħu jissottomettu l-informazzjoni meħtieġa bil-mod u fil-forma korretti mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 24c

Pubblikazzjoni permezz tal-punt uniku ta’ aċċess tal-EBA għad-divulgazzjonijiet tal-istituzzjonijiet

1.   Wara s-sottomissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-istituzzjonijiet għajr istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi, l-EBA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-fajls riċevuti fil-punt ta’ aċċess uniku tal-EBA għad-divulgazzjonijiet tal-istituzzjonijiet mingħajr dewmien żejjed. F’ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ dewmien minħabba kwistjonijiet tekniċi kbar, l-EBA għandha tippubblika l-informazzjoni hekk kif il-kwistjonijiet tekniċi jiġu solvuti bi spjegazzjoni għal tali dewmien fil-pubblikazzjoni.

2.   Il-punt ta’ aċċess uniku tal-EBA għad-divulgazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jibgħat notifika elettronika awtomatika lill-istituzzjonijiet għajr dawk żgħar u mhux kumplessi li tinforma lil dawk l-istituzzjonijiet li l-informazzjoni hija pubblika, wara li l-informazzjoni tagħhom tkun ġiet ippubblikata fuq is-sit web tal-EBA.”

Artikolu 24d

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali dwar l-użu tal-punt uniku ta’ aċċess tal-EBA għad-divulgazzjonijiet tal-istituzzjonijiet

Għad-divulgazzjonijiet bid-dati ta’ referenza t-30 ta’ Ġunju 2025, it-30 ta’ Settembru 2025 u l-31 ta’ Diċembru 2025, fejn ma jkunx teknikament possibbli li l-informazzjoni tiġi ppreżentata lill-punt ta’ aċċess uniku tal-EBA għad-divulgazzjonijiet tal-istituzzjonijiet mingħajr dewmien, l-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni meħtieġa fuq is-sit web tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ sit web, fi kwalunkwe post xieraq ieħor b’sottomissjoni sussegwenti lill-EBA, wara r-riżoluzzjoni tad-diffikultajiet tekniċi.”

(3)

fl-Artikolu 27, il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 għandu jieqaf japplika mill-1 ta’ Jannar 2025, għajr għall-Artikolu 15 u l-Annessi XXIX u XXX. L-Artikolu 15 u l-Annessi XXIX u XXX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 għandhom jibqgħu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2026 għall-finijiet biss tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 jitħassar b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2026.”

.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1496 tat-12 ta’ Ġunju 2025 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq (ĠU L, 2025/1496, 19.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1496/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3172 tad-29 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-divulgazzjonijiet pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-informazzjoni msemmija fil-Parti Tmienja, it-Titoli II u III, ta’ dak ir-Regolament u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637 (ĠU L, 2024/3172, 31.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3172/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637 tal-15 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-divulgazzjonijiet pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-informazzjoni msemmija fit-Titoli II u III tal-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1423/2013, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1555, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/200 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2295 (ĠU L 136, 21.4.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/637/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2024/1623 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti għar-riskju ta’ kreditu, għar-riskju ta’ aġġustament tal-valwazzjoni tal-kreditu, għar-riskju operazzjonali, għar-riskju tas-suq u għall-minimu tal-output (ĠU L, 2024/1623, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1623/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/722/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)