|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/718 |
23.3.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/718
tal-20 ta’ Marzu 2026
li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà ambjentali għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jinvolvu ċerti teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1735 jistabbilixxi miżuri biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-manifattura tal-Unjoni għat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u l-komponenti ewlenin tagħhom, inkluż l-istimulazzjoni tad-domanda għat-teknoloġiji ambjentalment sostenibbli u reżiljenti b’emissjonijiet żero netti permezz tal-akkwist pubbliku. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1735 jirrikjedi li l-Kummissjoni tispeċifika rekwiżiti obbligatorji minimi rigward is-sostenibbiltà ambjentali għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2014/23/UE (2), 2014/24/UE (3) jew 2014/25/UE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, meta l-kuntratti jkollhom it-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti elenkati fl-Artikolu 4(1), il-punti minn (a) sa (k), tar-Regolament (UE) 2024/1735 bħala parti mis-suġġett tagħhom u għal kuntratti u konċessjonijiet ta’ xogħlijiet li jinkludu dawk it-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1735 jirrikjedi li l-Kummissjoni tispeċifika dawn ir-rekwiżiti obbligatorji minimi permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat sat-30 ta’ Marzu 2025. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku tar-Regolament (UE) 2024/1735, f’termini kemm tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti koperti kif ukoll tar-rekwiżiti minimi potenzjali dwar is-sostenibbiltà ambjentali li jridu jiġu kkunsidrati, kienu meħtieġa mmappjar u analiżi estensivi, u għalhekk l-iskadenza ma setgħetx tiġi ssodisfata. |
|
(4) |
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri r-rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà ambjentali relatati ma’ ċerti teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, jiġifieri teknoloġiji eoliċi fuq l-art u lil hinn mill-kosta, filwaqt li jitqies li r-regoli stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1735 jenħtieġ li japplikaw għall-akkwist ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, ħlief meta tali akkwist jintuża biex jitwettqu proġetti mogħtija fil-kuntest ta’ rkantijiet tal-enerġija rinnovabbli soġġetti għall-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1735. |
|
(5) |
Għal raġunijiet ta’ sempliċità u faċilità tal-implimentazzjoni, jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti minimi jkunu bbażati fuq metodoloġiji u metodi ta’ kejl tal-Unjoni jew rikonoxxuti mill-Unjoni li huma applikabbli għat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u jkopru d-dimensjonijiet ambjentali rilevanti. Bħalissa, tali metodoloġiji u metodi ta’ kejl ma jeżistux għal għadd sinifikanti ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. Qed jitħejjew diversi metodoloġiji li jistgħu jintużaw f’dan il-kuntest fi stadju aktar tard. Dan jillimita l-firxa tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti li għalihom dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà ambjentali. |
|
(6) |
Barra minn hekk, peress li r-rekwiżiti tas-sostenibbiltà ambjentali għall-akkwist pubbliku tal-pompi tas-sħana diġà huma stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 811/2013 (6) u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jkoprix il-pompi tas-sħana. |
|
(7) |
Bl-istess mod, il-kriterji għall-aġġudikazzjoni relatati mas-sostenibbiltà ambjentali għall-akkwist pubbliku ta’ batteriji jew ta’ prodotti li fihom il-batteriji se jiġu stipulati f’konformità mal-Artikolu 85(3) tar-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jkoprix il-batteriji. |
|
(8) |
Fir-rigward tal-prodotti fotovoltajċi, qed jitħejjew miżuri ta’ implimentazzjoni potenzjali skont id-Direttiva 2009/125/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament (UE) 2017/1369 li jimplikaw dispożizzjonijiet obbligatorji dwar l-akkwist pubbliku simili għal dawk tal-pompi tas-sħana. |
|
(9) |
Filwaqt li parti żgħira biss mill-varar tat-teknoloġija eolika ssir formalment permezz tal-akkwist pubbliku, f’xi swieq l-entitajiet kontraenti jakkwistaw it-turbini eoliċi pubblikament. Dan huwa l-każ meta jkunu soġġetti għad-Direttiva 2014/25/UE u meta s-suq ma jkunx espost direttament għall-kompetizzjoni, b’riżultat li l-eċċezzjoni tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax. |
|
(10) |
Għalkemm minn 80 sa 95 % tal-massa totali ta’ turbina eolika tista’ tiġi rriċiklata peress li hija magħmula l-aktar minn azzar u ħadid, xi komponenti joħolqu sfidi. Dan huwa l-każ għall-pali, li jirrappreżentaw madwar 15 % tal-massa ta’ turbina eolika. Normalment ikun fihom materjali komposti kumplessi — taħlita ta’ fibri rinforzati u matriċi tal-polimeru. Għalhekk, il-pali huma l-komponent ta’ turbina eolika li joħolqu l-akbar sfidi biex tiżdied ir-riċiklabbiltà (10). Huwa stmat li l-iskart kompost minn pali eoliċi dekummissjonati se jilħaq madwar 400 000 tunnellata sal-2040 (11). |
|
(11) |
Fl-istess ħin, il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet tar-riċerka qed jiżviluppaw tekniki ta’ riċiklaġġ u qed iħarsu lejn il-kompożizzjoni tal-materjali u l-proċessi għad-dekummissjonar tat-turbini sabiex tittejjeb ir-riċiklabbiltà, jiġifieri l-potenzjal tar-riċiklaġġ fiż-żmien tal-produzzjoni, tal-pali tat-turbini eoliċi. Sabiex tiġi appoġġata ċ-ċirkolarità sħiħa tat-turbini eoliċi, jixraq li jiġi inkluż rekwiżit minimu dwar ir-riċiklabbiltà tal-pali. Tali rekwiżit minimu se jistimula d-domanda għal pali riċiklabbli u jinċentiva r-riċerka u l-iżvilupp f’dak il-qasam. Meta jitqies l-istadju attwali tal-iżvilupp teknoloġiku, l-istabbiliment ta’ minimu ambizzjuż iżda realistiku ta’ 70 % jidher xieraq. |
|
(12) |
L-istandard Ewropew EN 45555:2019 jipprovdi metodi għar-riċiklabbiltà tal-prodotti relatati mal-enerġija u għalhekk jenħtieġ li jintuża biex tiġi vvalutata r-riċiklabbiltà tal-pali eoliċi. |
|
(13) |
Peress li l-EN 45555:2019 jirrikjedi teknoloġiji tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, aġġustamenti xierqa rigward il-livell meħtieġ ta’ tħejjija teknoloġika se jappoġġaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u innovattivi ta’ riċiklaġġ tal-pali. Definizzjoni tal-livelli ta’ tħejjija teknoloġika tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4995 (12). Skont din id-definizzjoni, livell ta’ tħejjija teknoloġika ta’ sitta (6), li jimplika li t-teknoloġija ntweriet f’ambjent rilevanti, jista’ jitqies xieraq biex jappoġġa teknoloġiji innovattivi ta’ riċiklaġġ tal-pali. |
|
(14) |
Filwaqt li l-EN 45555:2019 jirrikjedi li t-teknoloġiji tar-riċiklaġġ tal-pali jkunu ekonomikament vijabbli f’dan il-ħin, tista’ tkun meħtieġa flessibbiltà għaż-żoni ġeografiċi b’industriji tar-riċiklaġġ tal-pali emerġenti. Għalhekk, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jadattaw dan ir-rekwiżit, pereżempju billi jaċċettaw teknoloġiji pproġettati li jsiru ekonomikament vijabbli fiż-żona ġeografika rilevanti tul il-ħajja operattiva tat-turbini eoliċi. |
|
(15) |
Rotot differenti ta’ riċiklaġġ għal-pali, bħas-separazzjoni kimika, is-separazzjoni termali, jew it-tqattigħ mekkaniku, jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti fil-grad tal-preservazzjoni tal-materjal tagħhom. Għall-kalkolu tar-rata tar-riċiklabbiltà, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu għalhekk jirrikjedu valutazzjoni tal-kwalità tal-preservazzjoni tal-materjal fil-proċess tar-riċiklaġġ. |
|
(16) |
Peress li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament se tirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jimplimentaw bidliet sinifikanti fil-proċeduri tagħhom, biex l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jingħataw żmien biex jimplimentaw dawk il-bidliet, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita. Ir-rekwiżiti minimi ta’ sostenibbiltà ambjentali stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2024/1735 imnedija fit-30 ta’ Ġunju 2026 jew wara. |
|
(17) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jispeċifika r-rekwiżiti minimi dwar is-sostenibbiltà ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2024/1735.
Artikolu 2
Teknoloġiji eoliċi fuq l-art u lil hinn mill-kosta
1. Il-pali tat-turbini eoliċi użati fit-teknoloġiji eoliċi fuq l-art u lil hinn mill-kosta għandu jkollhom rata ta’ riċiklabbiltà ta’ mill-inqas 70 %. Ir-rata tar-riċiklabbiltà għandha tiġi kkalkulata bħala l-piż relattiv tal-materjal riċiklabbli. Ir-rata ta’ riċiklabbiltà tal-pali tat-turbini eoliċi għandha tintwera mhux aktar tard mit-tlestija tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
2. Ir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 jista’ jieħu l-forma ta’ klawżola tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24/UE u tal-Artikolu 87 tad-Direttiva 2014/25/UE u tal-prinċipji ġenerali tad-Direttiva 2014/23/UE, jew ta’ speċifikazzjoni teknika skont it-tifsira tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/23/UE u tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24/UE u tal-Artikolu 60 tad-Direttiva 2014/25/UE.
3. Dan l-Artikolu għandu jiġi implimentat b’mod oġġettiv, nondiskriminatorju u trasparenti u f’konformità mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mit-30 ta’ Ġunju 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj.
(2) Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/23/oj).
(3) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/24/oj).
(4) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/25/oj).
(5) Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/1791/oj).
(6) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 811/2013 tat-18 ta’ Frar 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mat-tikkettar enerġetiku ta’ ħiters tal-post, ħiters ikkombinati, pakketti magħmulin minn ħiter tal-post, regolatur tat-temperatura u apparat solari u pakketti magħmulin minn ħiter ikkombinat, regolatur tat-temperatura u apparat solari (ĠU L 239, 6.9.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/811/oj).
(7) Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1369/oj).
(8) Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1542/oj).
(9) Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/125/oj).
(10) Il-Kummissjoni Ewropea: Science for Policy Brief — Wind energy circularity challenges, miksub minn https://setis.ec.europa.eu/document/download/6dfe5811-a603-42da-8298-2cc636ae1579_en?filename=JRC131723_wind_energy_circularity_challenges_v7.pdf&prefLang=pt fil-verżjoni tiegħu tal-1 ta’ Lulju 2025.
(11) WindEurope: Accelerating Wind Turbine Blade Circularity, miksub minn https://windeurope.org/wp-content/uploads/files/about-wind/reports/WindEurope-Accelerating-wind-turbine-blade-circularity.pdf fil-verżjoni tiegħu tal-1 ta’ Lulju 2025.
(12) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2013) 8631 li tadotta l-programm ta’ ħidma 2014–2015 fil-qafas tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/718/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)