European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/709

25.3.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/709

tal-24 ta’ Marzu 2026

li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1890 fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mhux bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u l-miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 430/2013 (2), il-Kunsill impona dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li jeskludu korpi ta’ fittings b’kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13 u kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7307 19 10 (kodiċi TARIC 7307 19 10 10) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”) u t-Tajlandja (“l-investigazzjoni oriġinali”).

(2)

Id-dazju, ibbażat fuq l-eliminazzjoni tal-livell tad-dumping, varja bejn 14,9 % u 57,8 %.

(3)

Fit-12 ta’ Ġunju 2013, il-produttur esportatur Ċiniż Jinan Meide Castings Co., Ltd (“Jinan Meide”), ippreżenta rikors fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fejn talab l-annullament tar-Regolament (UE) Nru 430/2013 sa fejn kien japplika għalih. Fit-30 ta’ Ġunju 2016, fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali sabet li d-drittijiet tad-difiża ta’ Jinan Meide nkisru u annullat ir-Regolament ikkontestat sa fejn kien jimponi dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, immanifatturati minn Jinan Meide.

(4)

Wara s-sentenza msemmija hawn fuq, b’Avviż tat-28 ta’ Ottubru 2016 (3), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) fetħet mill-ġdid l-investigazzjoni anti-dumping li tikkonċerna l-fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, immanifatturati minn Jinan Meide.

(5)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1146 (4), il-Kummissjoni imponiet mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv ta’ 39,2 % fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw miċ-Ċina, immanifatturati minn Jinan Meide.

(6)

Fil-25 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni fetħet rieżami interim parzjali, wara t-talba ta’ Metpro Limited, rigward ċerti tipi ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli li joriġinaw miċ-Ċina u mit-Tajlandja biex tiddetermina jekk kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping applikabbli. Il-Kummissjoni temmet dan ir-rieżami interim parzjali fit-18 ta’ Lulju 2016, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1176 (5), wara li l-applikant irtira t-talba tiegħu.

(7)

Fit-23 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni fetħet rieżami interim parzjali, wara t-talba ta’ Hebei Yulong Casting Co., Ltd, rigward ċerti tipi ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli li joriġinaw miċ-Ċina u mit-Tajlandja biex tiddetermina jekk jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping applikabbli. Il-Kummissjoni temmet dan ir-rieżami interim parzjali permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/52 (6), wara li l-applikant irtira t-talba tiegħu.

(8)

Fit-12 ta’ Lulju 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (7) ddeċidiet li l-fittings magħmula minn ħadid fondut bil-grafit sferojdali (magħruf ukoll bħala ħadid fondut duttili) ma jikkorrispondux għall-kunċett ta’ “ħadid fondut malleabbli”, kif definit fis-subintestatura 7307 19 10 tan-NM. Il-Qorti kkonkludiet li l-fittings magħmula minn ħadid fondut bil-grafit sferojdali jridu jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 7307 19 90 tan-NM (bħala oġġetti oħra ta’ ħadid ieħor).

(9)

Fl-14 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Regolament (UE) 2019/262 (8) li jemenda r-referenzi għall-kodiċijiet TARIC sabiex dawn ikunu allinjati mal-konklużjonijiet tal-Qorti. Minħabba li l-miżuri anti-dumping jiġu imposti skont id-definizzjoni tal-prodott irrispettivament mill-klassifikazzjoni tariffarja, din l-emenda ma kellha ebda effett fuq l-ambitu tal-prodott tal-miżuri attwali.

(10)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1259 (9) il-Kummissjoni imponiet mill-ġdid il-miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bilkamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw miċ-Ċina u mit-Tajlandja, wara rieżami ta’ skadenza.

(11)

Jinan Meide kkontesta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1146 quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-20 ta’ Settembru 2019, il-Qorti Ġenerali ħarġet is-sentenza tagħha fil-Kawża T-650/17 (10) dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1146.

(12)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1210 (11), il-Kummissjoni imponiet mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv ta’ 36,0 % fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bilkamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw miċ-Ċina, immanifatturati minn Jinan Meide.

(13)

Fid-19 ta’ Jannar 2023 (12) il-Kummissjoni ħolqot kodiċijiet TARIC addizzjonali għal fittings ta’ tubi jew pajpijiet malleabbli mhux bil-kamin biex timmonitorja l-flussi tal-kummerċ wara l-akkwist tal-produttur Pollakk Odlewnia Zawiercie (“OZ”) minn Jinan Meide.

(14)

Fit-18 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali (13) fuq talba tal-importatur tal-Unjoni KWTools BV, li talab li ċerti prodotti tal-ħadid duttili bil-kamin jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott.

(15)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2202 (14) il-Kummissjoni qablet li teskludi l-prodotti li ġejjin mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri anti-dumping:

—

tees li jikklampjaw tal-ħadid duttili bl-issiġillar tal-lastiku u toqba tal-iżbokk;

—

tappijiet tal-ħadid duttili skanalati għall-użu fuq pajpijiet tal-azzar skanalati bi żbokk bil-kamin;

—

riduċenti tal-ħadid duttili bil-kamin fit-tarf;

—

tees riduċenti tal-ħadid duttili skanalati bi żbokk bil-kamin; kif ukoll

—

kullari tal-ħadid duttili għall-ibblankjar tal-pajpijiet mingħajr żbokki bil-kamin użati biex jissiġillaw toqba f’tubu jew pajp.

(16)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1890 (15), il-Kummissjoni imponiet mill-ġdid il-miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafita sferojdali li joriġinaw miċ-Ċina u t-Tajlandja wara rieżami ta’ skadenza (“l-aħħar rieżami ta’ skadenza”).

(17)

Id-dazji anti-dumping li huma fis-seħħ bħalissa jvarjaw bejn 24,6 % u 57,8 % fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina u bejn 14,9 % u 15,5 % fuq l-importazzjonijiet mit-Tajlandja.

1.2.   Talba

(18)

Il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw miċ-Ċina.

(19)

It-talba tressqet fit-2 ta’ Ġunju 2025 mill-Kumitat Ad Hoc tad-Difiża ta’ Fittings Fonduti ta’ Tubi jew Pajpijiet, ta’ Ħadid Fondut Malleabbli tal-Unjoni Ewropea (“l-applikanti”).

(20)

It-talba kien fiha biżżejjed evidenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-Unjoni li bdew wara li ġew imposti l-miżuri oriġinali. It-talba pprovdiet evidenza li l-esportazzjonijiet ta’ fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli mir-RPĊ ġew sostitwiti sa ċertu punt b’esportazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mingħajr kamin magħmulin minn ħadid fondut malleabbli.

(21)

Skont it-talba, din il-bidla dehret li ġejja minn prattika, jiġifieri operazzjoni ta’ assemblaġġ u/jew tlestija skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ta’ partijiet Ċiniżi fl-Unjoni u l-bejgħ sussegwenti tal-prodott simili komplut fis-suq tal-Unjoni li għalih ma kienx hemm kawża dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. L-operazzjoni ta’ tlestija tikkonsisti fil-qtugħ ta’ kamini fuq il-partijiet mhux bil-kamin li jiġu importati. L-evidenza wriet li dawn l-operazzjonijiet żdiedu sostanzjalment wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping.

(22)

It-talba kien fiha wkoll biżżejjed evidenza li turi li l-parts miċ-Ċina kienu jikkostitwixxu aktar minn 60 % tal-valur totali tal-parts tal-prodott finali u l-valur miżjud mal-parts miġjuba matul l-operazzjoni ta’ tlestija kien inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

(23)

Barra minn hekk, l-evidenza wriet li kien hemm dumping u li l-effetti rimedjali tal-miżuri anti-dumping oriġinali kienu qed jiġu mminati kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ prezzijiet.

1.3.   Stadju inizjali

(24)

Wara li ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1448 (16) (ir-Regolament tal-bidu) u għamlet l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mhux bil-kamin magħmula minn ħadid fondut malleabbli soġġetti għar-reġistrazzjoni.

1.4.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu ta’ rapportar

(25)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2025 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). Inġabret data għall-perjodu ta’ investigazzjoni biex tiġi investigata l-allegata bidla fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali, u l-eżistenza ta’ prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

(26)

Inġabret data aktar dettaljata għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025 (“il-perjodu ta’ rapportar”), biex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qed jimminaw l-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza ta’ dumping.

1.5.   Investigazzjoni

(27)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-esportaturi, l-importaturi u l-utenti kollha magħrufa u lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea dwar il-bidu tal-investigazzjoni.

(28)

Formola ta’ talba għal eżenzjoni għall-importaturi fl-Unjoni u kwestjonarju għall-produtturi/esportaturi fiċ-Ċina saru disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ KUMMERĊ.

(29)

Sitt importaturi ppreżentaw formoli ta’ talba li jgħidu li ma kinux qed jevitaw il-miżuri fis-seħħ. Waslu kwestjonarji tal-esportaturi mingħand tliet kumpaniji fiċ-Ċina.

(30)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament tal-bidu. Il-partijiet kollha ġew informati li n-nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha jew il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni mhux kompluta, falza jew qarrieqa tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT TAĦT INVESTIGAZZJONI

(31)

Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li jeskludu

—

korpi ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13;

—

kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr għatu;

—

tees li jikklampjaw tal-ħadid duttili bl-issiġillar tal-lastiku u toqba tal-iżbokk;

—

tappijiet tal-ħadid duttili skanalati għall-użu fuq pajpijiet tal-azzar skanalati bi żbokk bil-kamin;

—

riduċenti tal-ħadid duttili bil-kamin fit-tarf;

—

tees riduċenti tal-ħadid duttili skanalati bi żbokk bil-kamin; kif ukoll

—

kullari tal-ħadid duttili għall-ibblankjar tal-pajpijiet mingħajr żbokki bil-kamin użati biex jissiġillaw toqba f’tubu jew pajp.

(32)

Il-prodott ikkonċernat huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 7307 19 10 (kodiċi TARIC 7307 19 10 10 u 7307 19 10 20) u joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja (“il-prodott ikkonċernat” jew “MTF”). Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa.

(33)

Il-prodotti bil-kamin esklużi mill-ambitu tal-prodott kif stipulat fil-premessa (31) hawn fuq huma kklassifikati bħalissa taħt il-kodiċi NM ex 7307 19 10 (kodiċijiet TARIC 7307 19 10 03 u 7307 19 10 05 għall-ħadid fondut malleabbli u kodiċijiet TARIC 7307 19 10 13 u 7307 19 10 15 għall-ħadid fondut bil-grafita sferojdali).

(34)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr għatu ġew ikklassifikati kemm taħt il-kodiċi TARIC 7307 19 10 05 kif ukoll taħt il-kodiċi 7307 19 10 15. Il-Kummissjoni tixtieq tiċċara li l-kaxxi kollha ta’ junction ċirkolari bil-kamin tal-ħadid fondut malleabbli mingħajr għatu jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi TARIC 7307 19 10 05.

(35)

Il-prodott li qed jiġi investigat għal possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni huwa fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mingħajr kamin, magħmula minn ħadid fondut malleabbli, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet TARIC 7307 19 10 35 u 7307 19 10 45 (“il-prodott li qed jiġi investigat”, “MTF mingħajr kamin” jew “UMTF”), u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(36)

Il-fittings tal-ikkastjar għal tubi jew pajpijiet fonduti mhux bil-kamin, magħmula minn ħadid fondut b’grafita sferoidali, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi TARIC 7307 19 10 40, mhumiex soġġetti għall-investigazzjoni.

(37)

L-investigazzjoni wriet li l-MTF prodott fl-Unjoni minn UMTF Ċiniż għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi bħall-MTF li joriġina mir-RPĊ. Għalhekk, dawn huma bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

3.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

3.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(38)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, l-erba’ kriterji ta’ hawn taħt jenħtieġ li jiġu analizzati suċċessivament biex tiġi vvalutata l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni:

(a)

jekk kienx hemm tibdil fix-xejra tal-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-Unjoni;

(b)

jekk din il-bidla nibtitx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju;

(c)

jekk kienx hemm evidenza ta’ dannu jew jekk l-effetti rimedjali tal-miżuri antidumping fis-seħħ kinux qed jiġu mminati f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott taħt investigazzjoni; kif ukoll

(d)

jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali li kienu stabbiliti preċedentement għall-prodott ikkonċernat.

(39)

Minħabba li l-evidenza pprovduta mill-applikant fit-talba indikat operazzjoni ta’ tlestija fl-Unjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni mbagħad analizzat jekk it-tliet kriterji stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni ġewx issodisfati:

(a)

jekk l-operazzjoni ta’ tlestija bdiex jew żdiditx sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu tal-investigazzjoni antidumping u jekk il-parts ikkonċernati kinux mill-pajjiż soġġett għall-miżuri; kif ukoll

(b)

jekk dawk il-partijiet kinux jikkostitwixxu 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott lest u jekk il-valur miżjud tal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ tlestija, kienx akbar minn 25 % tal-ispejjeż tal-manifattura; kif ukoll

(c)

jekk l-effetti rimedjali tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ kinux qegħdin jiġu mminati f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott taħt investigazzjoni, u jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodotti simili jew bħalhom.

3.2.   Livell ta’ kooperazzjoni

(40)

Il-ħames formoli ta’ talba kollha li kienu relatati mal-importazzjonijiet ta’ UMTF miċ-Ċina lejn l-Unjoni msemmija fil-premessa (29) hawn fuq urew importazzjonijiet taħt il-kodiċi TARIC 7307 19 10 35 (UMTF ta’ ħadid fondut malleabbli). L-ebda minn dawn it-talbiet ma wriet importazzjonijiet taħt il-kodiċi TARIC 7307 19 10 45 (UMTF ieħor).

(41)

Il-ħames talbiet għal eżenzjoni koprew biss 30 % tal-importazzjonijiet taħt iż-żewġ kodiċijiet li qed jiġu investigati għal ċirkomvenzjoni (kodiċijiet 7307 19 10 35 u 7307 19 10 45).

(42)

Għalhekk il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kooperazzjoni kienet baxxa, u għalhekk l-informazzjoni mit-talba ntużat skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fejn id-data ma kinitx disponibbli mod ieħor.

3.3.   Bidla fix-xejra tal-kummerċ

(43)

Kif innutat fil-premessa (13) hawn fuq, il-Kummissjoni bdiet timmonitorja l-importazzjonijiet tal-UMTF biss fl-2023. Madankollu, bl-użu tad-data mill-perjodu ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni setgħet tistma l-kwantità ta’ importazzjonijiet ta’ UMTF fl-2022.

Tabella 1

Importazzjonijiet ta’ MTF u UMTF

Importazzjonijiet miċ-Ċina (tunnellati)

2022

2023

2024

Perjodu ta’ Rappurtar

(Lulju 2024 sa Ġunju 2025)

RM, MTF

6 907

5 336

5 315

5 017

Indiċi

(2022 = 100)

100

77

77

73

UMTF

17 834

15 686

17 917

18 566

Indiċi

(2022 = 100)

100

88

100

104

(44)

Bejn l-2022 u t-tmiem tal-perjodu ta’ rapportar, id-data dwar l-importazzjoni wriet tnaqqis fil-kwantità ta’ MTF li jidħol fl-Unjoni miċ-Ċina u li jħallas id-dazji fis-seħħ. Madankollu, fl-istess ħin żdiedet il-kwantità ta’ UMTF li daħlet fl-Unjoni miċ-Ċina.

(45)

It-tnaqqis fl-importazzjonijiet ta’ MTF fl-Unjoni, u ż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ UMTF fl-istess perjodu, ikkostitwixxew bidla fix-xejra tal-kummerċ skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(46)

Il-Kummissjoni vverifikat ukoll l-importazzjonijiet tal-UMTF minn pajjiżi oħra, biex tara jekk ix-xejra taż-żieda kinitx tapplika għal pajjiżi li mhumiex soġġetti għal miżuri.

Tabella 2

Importazzjonijiet tal-UMTF minn pajjiżi oħra

Importazzjonijiet (tunnellati)

2023

2024

Perjodu tar-rapportar

Iċ-Ċina

15 686

17 917

18 566

Il-Brażil

2 841

2 527

1 881

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha

2 555

1 837

2 034

Total minbarra ċ-Ċina

5 396

4 364

3 916

(47)

Abbażi tad-data mill-Eurostat, il-Kummissjoni nnutat li l-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet TARIC 7307 19 10 35 u 7307 19 10 45 qed jonqsu matul il-perjodu, u huma ħafna iżgħar fil-kwantità minn dawk miċ-Ċina.

3.4.   Prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju

(48)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tirriżulta minn prattika, proċess jew xogħol li għalih ma jkunx hemm kawża dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

(49)

Il-prattika, il-proċess jew ix-xogħol jinkludi l-assemblaġġ ta’ partijiet jew operazzjonijiet ta’ tlestija skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(50)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-qtugħ ta’ kamini ta’ UMTF f’MTF (il-prattika kif deskritta fil-premessa (19)) jikkostitwixxi operazzjoni ta’ tlestija skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(51)

Id-data tal-importazzjoni wriet li l-biċċa l-kbira tal-UMTF li jidħlu fl-Unjoni, u li għalhekk mistennija jkunu parti mill-operazzjoni ta’ tlestija, ġejjin miċ-Ċina. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tassumi minn din id-data, u mit-talbiet għal eżenzjoni li rċeviet, li l-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet ta’ qtugħ ta’ kamini kienu qed jużaw partijiet li jaqbżu s-60 % tal-valur tagħhom provenjenti mill-pajjiż soġġett għall-miżuri.

(52)

Minħabba l-livell baxx ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatti disponibbli, kif stipulati fit-talba, urew li l-operazzjonijiet ta’ tlestija ma kinux se jżidu aktar minn 25 % fl-ispejjeż tal-valur miżjud.

(53)

L-investigazzjoni kkonfermat mit-talbiet għal eżenzjoni li waslu li l-prattika inkwistjoni, jiġifieri l-importazzjoni ta’ UMTF mhux bil-kamin miċ-Ċina, il-kamini u mbagħad il-bejgħ tal-MTF bil-kamin fl-Unjoni jistgħu jitwettqu mingħajr ma jiżdiedu aktar minn 25 % tal-kostijiet tal-valur miżjud mal-partijiet miġjuba.

(54)

It-talba ddikjarat li r-raġuni għall-importazzjoni tal-UMTF miċ-Ċina fl-Unjoni għall-qtugħ ta’ kamini u għall-bejgħ mill-ġdid bħala MTF kienet biex jiġi evitat il-ħlas tad-dazji anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-MTF miċ-Ċina. Il-livell ta’ investiment meħtieġ biex jinbeda negozju ta’ threading fl-Unjoni huwa ħafna aktar baxx minn jew il-bidu tal-produzzjoni sħiħa tal-MTF fl-Unjoni jew il-ħlas tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-MTF miċ-Ċina.

(55)

L-investigazzjoni ma sabet l-ebda evidenza li l-operazzjoni ta’ tlestija, jiġifieri l-qtugħ ta’ kamini ta’ UMTF f’MTF, kellha xi kawża xierqa jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, meta l-MTF imbagħad inbiegħ għall-moviment liberu fl-Unjoni.

(56)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rekwiżiti tal-Artikolu 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku ġew sodisfatti.

3.5.   Imminar tal-effetti rimedjali tad-dazju

(57)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni lejn l-Unjoni, kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet, imminawx l-effetti rimedjali tal-miżuri attwalment fis-seħħ.

(58)

Id-data tal-Eurostat uriet li 18 566 tunnellata ta’ UMTF ġew importati fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ rappurtar. L-aħħar rieżami ta’ skadenza wera li l-konsum tal-Unjoni tal-MTF kien ta’ 28 000 tunnellata fis-sena. Għalhekk, l-importazzjonijiet tal-UMTF li jistgħu jinqatgħu bil-kamin fl-MTF kienu 66 % tal-konsum totali tal-Unjoni.

(59)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-livell ta’ importazzjonijiet kien sinifikanti.

(60)

Id-data tal-Eurostat tat ukoll informazzjoni dwar il-prezz tal-UMTF li jidħol fl-Unjoni, bi prezz medju ta’ 2 224 EUR kull tunnellata fil-perjodu ta’ rappurtar. Il-prezz medju tal-MTF miċ-Ċina li fuqu jitħallsu d-dazji għall-istess perjodu ta’ rappurtar kien ta’ EUR 3 027 kull tunnellata, differenza ta’ 36 %.

(61)

Il-Kummissjoni analizzat ukoll ix-xiri tal-erba’ kumpaniji li talbu eżenzjoni għall-importazzjonijiet tagħhom ta’ UMTF miċ-Ċina u sabet prezz medju tax-xiri ta’ EUR 1 512 kull tunnellata.

(62)

Il-Kummissjoni setgħet ukoll tqabbel il-prezzijiet tal-bejgħ tal-MTF tal-kumpaniji li talbu eżenzjoni mal-prezzijiet tal-bejgħ tal-MTF tal-industrija tal-Unjoni fl-aħħar rieżami ta’ skadenza.

(63)

Il-kumpaniji li talbu eżenzjoni biegħu MTF magħmula billi ntefħu importazzjonijiet ta’ UMTF miċ-Ċina għal EUR 4 390 kull tunnellata matul il-perjodu ta’ rappurtar. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami tal-aħħar rieżami ta’ skadenza (17), il-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien ta’ EUR 5 700 għal kull tunnellata. Dan il-prezz ġie kkonfermat fit-talba (bejn EUR 4 900 u EUR 5 600 għal kull tunnellata). Dan wera b’mod ċar li l-prezz baxx tal-UMTF miċ-Ċina jiġi mgħoddi lill-klijent wara l-qtugħ tal-kamini.

(64)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ kien imminat kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet.

3.6.   Evidenza ta’ dumping

(65)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jirrikjedi evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-MTF.

(66)

L-aħħar rieżami ta’ skadenza fassal valur normali għall-MTF fiċ-Ċina bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku (18) għall-perjodu ta’ investigazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024.

(67)

Il-Kummissjoni setgħet tqabbel il-prezz tal-MTF bil-ħjut fl-Unjoni minn importazzjonijiet Ċiniżi ma’ dan il-valur normali, bl-użu tad-data mit-talbiet għal eżenzjoni. Il-prezz tal-bejgħ fl-Unjoni kien aktar baxx mill-valur normali u għalhekk dawn l-MTF kienu oġġett ta’ dumping b’mod ċar, b’marġni tad-dumping ta’ mill-inqas 8 %.

4.   MIŻURI

(68)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ MTF li joriġinaw miċ-Ċina kien qed jiġi evitat permezz ta’ importazzjonijiet ta’ UMTF.

(69)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping fis-seħħ jenħtieġ li jiġu estiżi għall-importazzjonijiet miċ-Ċina fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(70)

Skont l-Artikolu 13(1), it-tieni paragrafu tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li l-miżura li għandha tiġi estiża tkun dik stabbilita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1890 għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”, li hija dazju antidumping definittiv ta’ 57,8 % applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju doganali.

(71)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, id-dazji għandhom jinġabru fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati tal-prodott li qed jiġi investigat skont is-sejbiet li saru f’din l-investigazzjoni.

5.   TALBIET GĦAL EŻENZJONI

(72)

Il-Kummissjoni rċeviet talbiet għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) mill-estensjoni possibbli tal-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ MTF miċ-Ċina mill-kumpaniji li ġejjin:

—

Saint-Gobain PAM Canalisation, Franza

—

Erata Impex srl, is-Rumanija

—

AGAflex sp zoo, il-Polonja

—

Jianzhi Technology srl, ir-Rumanija

—

S. C. Poarta Alba Fittings Industry srl, ir-Rumanija

—

Odlewnia Zawiercie SA, il-Polonja

(73)

Kull talba għal eżenzjoni ġiet analizzata biex wieħed jara jekk il-kumpanija kinitx involuta fl-evażjoni misjuba mill-Kummissjoni. Saru żjarat ta’ verifika fil-bini tal-applikanti kollha ħlief Saint-Gobain PAM Canalisation. Din il-kumpanija nstabet li ma kinitx qed timporta l-prodott li qed jiġi investigat u għalhekk it-talba għal eżenzjoni ma kinitx meħtieġa.

(74)

Il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjonijiet ta’ eżenzjoni tal-kumpaniji li ġejjin: Erata Impex srl, AGAflex sp zoo, SC Poarta Alba Fittings Industry u Odlewnia Zawiercie SA. Instab li dawn il-kumpaniji ma kinux involuti fil-prattika ta’ ċirkonvenzjoni deskritta fil-premessa (21) hawn fuq.

(75)

Erata Impex srl u SC Poarta Alba kienu qed iżidu aktar minn 25 % fl-ispejjeż tal-valur miżjud mal-MTF mhux kamin ta’ oriġini Ċiniża tagħhom. SC Poarta Alba kienet bdiet tuża wkoll MTF mingħajr kamin ta’ oriġini Ċiniża qabel l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ.

(76)

Odlewnia Zawiercie SA kienet qed taqta’ kemm il-produzzjoni tagħha stess kif ukoll l-MTF mingħajr kamin ta’ oriġini Ċiniża, u l-importazzjonijiet ta’ oriġini Ċiniża ma kinux jaqbżu s-60 % skont il-valur tal-MTF mhux bil-kamin.

(77)

AGAflex sp zoo ma kinitx qed taħbi l-importazzjonijiet tagħha ta’ MTF mhux bil-kamin iżda kienet qed tbigħhom bħala prodott finali li kien parti minn sistema ta’ ffittjar mhux bil-kamin.

5.1.   Jianzhi Technology

(78)

Jianzhi Technology talbet eżenzjoni mill-estensjoni tal-miżuri fuq il-bażi li permezz tal-proċess tal-qtugħ ta’ kamini, skont l-Artikolu 13(2)(b), żiedet aktar minn 25 % fl-ispiża tal-valur miżjud mal-importazzjonijiet tagħha ta’ MTF mhux bil-kamin miċ-Ċina tar-Regolament bażiku.

(79)

L-MTF kollha mhux bil-kamin tagħhom ġew importati miċ-Ċina u, għalhekk, il-kumpanija ma ssodisfatx it-test tas-60 % skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. L-operazzjoni tal-qtugħ ta’ kamini bdiet biss wara li daħlu fis-seħħ il-miżuri.

(80)

Peress li l-kumpanija hija relatata mal-produttur esportatur fiċ-Ċina li mingħandu kisbet l-MTF mingħajr kamin, meta wieħed iqis in-natura mhux ta’ distakkament ta’ din it-tranżazzjoni, il-valur tal-importazzjonijiet ġie aġġustat għal livell ta’ distakkament bl-użu ta’ data tal-bejgħ mhux relatata pprovduta mill-esportatur relatat.

(81)

Il-Kummissjoni sabet li l-kumpanija ma kinitx qed iżżid aktar minn 25 % tal-ispiża tal-valur miżjud mal-importazzjonijiet ta’ MTF mingħajr kamin u għalhekk il-kumpanija kienet qed tevita d-dazji fis-seħħ skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

(82)

Il-kwantitajiet prodotti mill-kumpanija kienu wkoll sinifikanti u għalhekk il-Kummissjoni kkunsidrat li kienu qed idgħajfu l-effett rimedjali tad-dazju skont l-Artikolu 13(2)(c) tar-Regolament bażiku.

(83)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-MTF maħduma minn Jianzhi Technology kienu oġġett ta’ dumping, bl-użu tal-metodu stabbilit fil-premessi (65) sa (67) hawn fuq.

(84)

Għalhekk instab li Jianzhi Technology ipparteċipat fil-prattika ta’ ċirkonvenzjoni stabbilita f’dan il-każ.

5.2.   Konklużjonijiet

(85)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li jingħataw eżenzjonijiet lill-kumpaniji Erata Impex, AGAflex, Poarta Alba u OZ peress li ma nstabux li kienu involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni.

(86)

Madankollu, il-kumpanija Jianzhi Technology instabet li kienet qed tevita l-miżuri fis-seħħ u ma setgħet tingħata l-ebda eżenzjoni.

(87)

L-UMTF importata mill-kumpaniji eżentati jenħtieġ li tintuża biss fl-operazzjonijiet ta’ tlestija rispettivi tagħhom, tiġi esportata mill-ġdid, jew meqruda, u fil-każ ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tirrevoka l-eżenzjoni f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(88)

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-importazzjonijiet ta’ MTF mhux bil-kamin mill-kumpaniji eżentati, u jekk il-monitoraġġ juri żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet ta’ UMTF miċ-Ċina wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se terġa’ tivvaluta s-sitwazzjoni kif xieraq.

(89)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-monitoraġġ, il-Kummissjoni se tqiegħed l-importazzjonijiet kollha taħt il-kodiċijiet 7307 19 10 35 u 7307 19 10 45 taħt sorveljanza.

(90)

Jekk ikun ġustifikat, tali valutazzjoni tista’ twassal għal rieżami skont l-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku.

6.   DIVULGAZZJONI

(91)

Fit-30 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni ddivulgat lill-partijiet interessati kollha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u stidnithom jikkummentaw.

(92)

Saru seduti ta’ smigħ mal-importaturi Metpro UK u Jianzhi Technology srl u mal-applikant.

(93)

L-importatur Metpro UK bagħat kummenti dwar l-estensjoni tad-dazji għall-importazzjonijiet kollha ta’ fittings tal-ħadid fondut malleabbli mhux bil-kamin taħt il-kodiċi 7307 19 10 35, u talab esklużjoni għall-importazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni ta’ kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu, li huma sostnew li ma humiex bil-kamin ladarba jiġu importati.

(94)

Il-prodott bil-kamin mhuwiex soġġett għal dazji fuq l-importazzjoni peress li hemm esklużjoni speċifika (li ilha fis-seħħ mill-investigazzjoni oriġinali) għal kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu (19).

(95)

L-importatur Metpro UK talab ukoll esklużjoni għall-importazzjonijiet tiegħu fl-Unjoni ta’ fittings tal-kondjuwit tal-ħadid malleabbli li għandhom mekkaniżmu ta’ push fit fiss veloċi bi privattiva b’vit tal-grub żgħir bħala l-karatteristika ta’ konnessjoni. Dawn huma importati taħt il-kodiċi 7307 19 10 35 u jinbiegħu bħala prodott lest.

(96)

Il-Kummissjoni qablet li teskludi l-importazzjonijiet ta’ kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu mill-estensjoni tad-dazju minħabba li l-għan tal-estensjoni huwa li tkopri l-prodott taħt investigazzjoni għaċ-ċirkomvenzjoni (UMTF) biex twaqqaf il-prattika, il-proċess jew il-ħidma (mogħdija ta’ kamini fl-Unjoni) miċ-ċirkomvenzjoni tad-dazji fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat (MTF).

(97)

Peress li l-kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu huma esklużi mill-ambitu tal-prodott tal-prodott ikkonċernat, l-importazzjonijiet tal-istess prodott, iżda mingħajr kamin, ma setgħux jevitaw il-miżuri fis-seħħ.

(98)

Għalhekk, il-Kummissjoni aċċettat li teskludi kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu mill-prodott soġġett għal investigazzjoni.

(99)

Madankollu, peress li Metpro UK bagħtet din it-talba wara l-iskadenza mogħtija fir-Regolament tal-bidu, il-Kummissjoni ma tistax teskludi fittings tal-kondjuwit tal-ħadid malleabbli mill-estensjoni tad-dazju peress li dawn huma prodotti importati taħt il-kodiċijiet 7307 19 10 35 jew 7307 19 10 45 li għalihom ma hemm l-ebda eżenzjoni diġà fis-seħħ għall-prodott bil-kamin. Kull talba għal eżenzjoni għall-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti fl-Unjoni kellha titressaq mill-importatur fiż-żmien dovut fil-bidu tal-investigazzjoni.

(100)

Peress li kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu issa huma esklużi mill-ambitu tal-prodott, l-ammonti garantiti b’mod provviżorju fuq l-importazzjonijiet irreġistrati ta’ dan il-prodott jenħtieġ li jiġu rilaxxati.

(101)

L-importatur Saint-Gobain Canalisation bagħat kummenti li għalkemm ma kienx qed jimporta l-prodott soġġett għal investigazzjoni għal ċirkomvenzjoni possibbli, huwa kien kompla jiddikjara dawn l-importazzjonijiet taħt il-kodiċi 7307 19 10 45 u mhux 7307 19 10 40. Huma talbu li l-importazzjonijiet irreġistrati tagħhom jenħtieġ li ma jkunuxsoġġetti għall-ġbir tad-dazju.

(102)

Il-Kummissjoni kkonfermat li l-importazzjonijiet ta’ fittings mhux bil-kamin magħmula minn ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li kellhom jiġu ddikjarati taħt il-kodiċi 7307 19 10 40, jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għall-ġbir ta’ xi dazju.

(103)

L-importatur Jianzhi Technology bagħat kummenti kemm dwar is-sejba ġenerali ta’ ċirkomvenzjoni kif ukoll dwar iċ-ċaħda speċifika tat-talba tiegħu għal eżenzjoni.

(104)

Jianzhi Technology l-ewwel argumentat li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li kien hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ skont l-Artikolu 13(1) peress li l-analiżi trid tinkludi wkoll data għall-perjodu bejn meta l-miżuri daħlu fis-seħħ fl-2013 u meta d-data tal-importazzjoni nqasmet f’fittings bil-kamin u mhux bil-kamin fl-2023.

(105)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din il-linja ta’ raġunament. Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ stabbilita fit-talba għal rieżami hija bbażata fuq iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-UMTF fl-Unjoni f’dawn l-aħħar snin u hija marbuta mal-bidla fis-sjieda tal-kumpanija Pollakka OZ mill-kumpanija Ċiniża Jinan Meide fl-2022 u l-istabbiliment tal-kumpanija Rumena Jianzhi Technology mill-kumpanija Ċiniża Hebei Jianzhi, ukoll fl-2022.

(106)

L-istatistika disponibbli għall-Kummissjoni turi żieda sinifikanti fl-importazzjoni tal-UMTF fl-Unjoni mill-2022, li huma importazzjonijiet prinċipalment lejn dawn iż-żewġ kumpaniji.

(107)

Jianzhi Technology kompliet tespandi l-argument tagħha biex targumenta li l-Kummissjoni ma setgħetx issib li l-prattika, il-proċess jew il-ħidma ma kellhomx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, minħabba n-nuqqas ta’ data dwar l-importazzjoni bejn l-2013 u l-2022.

(108)

Il-Kummissjoni reġgħet ma qablitx ma’ dan l-argument, peress li l-prattika, il-proċess jew il-ħidma huma l-importazzjoni tal-UMTF li għandha tiġi bil-kamin fl-Unjoni, li bdiet wara li ġew imposti d-dazji. L-ebda parti ma sostniet li kien hemm industrija sostanzjali tal-qtugħ tal-kamini fl-Unjoni qabel ma daħlu fis-seħħ il-miżuri li kienet tiddependi fuq l-importazzjonijiet tal-UMTF miċ-Ċina.

(109)

Jianzhi Technology imbagħad argumentat li l-Kummissjoni ma sabitx evidenza tal-effett rimedjali tad-dazju li qed jiġi mminat f’termini ta’ prezzijiet tal-prodott simili, peress li l-analiżi bbażat fuq il-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni matul l-aħħar rieżami ta’ skadenza.

(110)

Il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kif instabu fl-aħħar skadenza u kif stabbilit fit-talba għal rieżami huma ferm ogħla mill-prezz tal-MTF li sar mill-importazzjonijiet tal-UMTF miċ-Ċina, kif deskritt fil-premessa (63) hawn fuq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset it-tqabbil bejn il-valur normali stabbilit qabel u l-prezz tal-bejgħ tal-MTF bil-kamin fl-Unjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi bħala wieħed preċiż.

(111)

Jianzhi Technology argumentat ukoll li l-Kummissjoni ma kienet ipprovdiet l-ebda evidenza ta’ dumping.

(112)

Kif stabbilit fil-premessi (65) sa (67) hawn fuq, il-Kummissjoni wettqet kalkolu tad-dumping abbażi tal-valur normali stabbilit qabel fl-aħħar rieżami ta’ skadenza, li kien ta’ EUR 4 625 għal kull tunnellata, li tqabbel mal-prezz tal-bejgħ tal-MTF bil-kamin fl-Unjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi. Għalhekk, l-asserzjoni ġiet miċħuda.

(113)

Jianzhi Technology għamlet ukoll kummenti speċifiċi għall-kalkolu ta’ jekk il-kumpanija kinitx żiedet aktar minn 25 % tal-kostijiet tal-valur miżjud mal-partijiet miġjuba skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

(114)

Jianzhi Technology talbet li jenħtieġ li l-Kummissjoni ma taġġustax il-valur tal-partijiet miġjuba fi prezz ta’ distakkament, abbażi tad-data dwar il-bejgħ lill-klijenti mhux relatati pprovduta mill-kumpanija omm tagħha Hebei Jianzhi, peress li l-kwantitajiet mhux relatati huma aktar baxxi mill-kwantitajiet ipprovduti lil Jianzhi Technology.

(115)

Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba peress li Jianzhi Technology ma pprovdiet l-ebda evidenza sostantiva għaliex il-prezz tal-bejgħ mhux relatat ta’ Hebei Jianzhi ma kienx preċiż biex jiġi stabbilit prezz ta’ distakkament tal-UMTF, u lanqas ma ġiet ipprovduta xi evidenza oħra minn Jianzhi Technology biex ikun jista’ jiġi kkalkolat aġġustament ieħor.

(116)

Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll l-affermazzjoni ta’ Jianzhi Technology li jenħtieġ li taċċetta t-tariffi tal-kiri bejniethom u kumpanija relatata fil-kalkolu tal-kostijiet tal-valur miżjud. Il-Kummissjoni qieset li l-kost ta’ distakkament tal-kera tal-bini huwa fil-fatt il-prezz imħallas lil sid il-kera mhux relatat mill-kumpanija relatata u għalhekk aġġustat il-kost relatat tal-kera skont il-prezz ta’ distakkament fil-kalkolu tal-kostijiet tal-valur miżjud.

(117)

Jianzhi Technology imbagħad affermat li l-kostijiet tal-imballaġġ jenħtieġ li jitqiesu bħala parti mill-kost tal-manifattura, peress li l-fittings bil-kamin jinbiegħu bl-imballaġġ, ippakkjati u ttikkettati.

(118)

Il-Kummissjoni qablet li l-fittings jinbiegħu f’imballaġġ iżda qieset li l-kost tal-imballaġġ (inklużi l-kostijiet lavorattivi involuti fl-imballaġġ) huwa kost tal-bejgħ u ma jaffettwax il-kost tal-manifattura msemmi fl-Artikolu 13(2)(b).

(119)

Jianzhi Technology imbagħad sostniet li l-Kummissjoni jenħtieġ li ma tagħmilx tnaqqis għad-dħul riċevut għall-bejgħ tar-ruttam.

(120)

Il-Kummissjoni sabet li, anki jekk huwa minnu li d-dħul jista’ jintuża biex jitnaqqas il-kost tal-valur miżjud, jew biex jitnaqqas il-valur tal-partijiet miġjuba biex jiġu bil-kamin, il-valur tar-ruttam ma kienx għoli biżżejjed biex jibdel is-sejba li l-kumpanija ma laħqitx il-limitu tal-kost tal-valur miżjud ta’ 25 % skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku u għalhekk qieset li din l-affermazzjoni ma biddlitx is-sejbiet tal-Kummissjoni.

(121)

Fl-aħħar nett, il-kumpanija nnotat li l-Kummissjoni ma pprovdietx evidenza ta’ jekk Jianzhi Technology imminatx l-effetti rimedjali tad-dazju f’termini ta’ kwantità u jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping.

(122)

Minbarra s-sejba fil-premessa (82) li l-kwantitajiet prodotti u mibjugħa minn Jianzhi Technology kienu sinifikanti, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li Jianzhi Technology biegħet l-MTF finali għall-prezzijiet oġġett ta’ dumping. Il-kalkolu tad-dumping kien parti minn divulgazzjoni addizzjonali mibgħuta lill-kumpanija fit-12 ta’ Jannar 2026 għall-kummenti.

(123)

L-applikanti bagħtu kummenti dwar il-bażi legali li fuqha kienet ġiet ippreżentata t-talba, u l-bażi legali li fuqha l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tagħti eżenzjonijiet lill-kumpaniji elenkati hawn fuq. B’mod partikolari, l-applikanti qiesu li l-prattika, il-proċess jew il-ħidma fl-Artikolu 13(1) kienet l-evitar tad-dazji, u li l-limiti fl-Artikolu 13(2) jenħtieġ li ma jintużawx biex jeżentaw lil xi ħadd.

(124)

L-Artikolu 13(2) ġie miżjud mar-Regolament bażiku għall-iskop speċifiku li tiġi indirizzata ċ-ċirkomvenzjoni kkawżata mill-bidu ta’ operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi wara li l-miżuri jiddaħħlu fis-seħħ.

(125)

Il-prattika, il-proċess jew il-ħidma fil-każ inkwistjoni kienet operazzjoni ta’ tlestija fejn karatteristika essenzjali tal-prodott finali, li hija l-mogħdija ta’ kamini, li mingħajrha l-fittings ma jistgħux jintużaw, ġiet miżjuda wara manifattura ulterjuri fl-Unjoni.

(126)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku kien l-aktar bażi legali xierqa biex tiddeskrivi l-prattika, il-proċess jew il-ħidma f’dan il-każ.

(127)

Fit-talba tagħhom ippreżentata fit-2 ta’ Ġunju 2025, l-applikanti kienu identifikaw b’mod ċar il-prattika, il-proċess jew il-ħidma bħala operazzjoni ta’ tlestija. Tabilħaqq, l-argument ewlieni stabbilit fil-paragrafu 82 tat-talba kien li “l-operazzjoni ta’ threading li qed isseħħ fl-Unjoni biex jiġi evitat il-ħlas tad-dazji anti-dumping fis-seħħ, hija operazzjoni ta’ tlestija li taqa’ taħt l-Artikolu 13(2) tar-Regolament AD bażiku.”

(128)

Abbażi ta’ din l-affermazzjoni u tal-evidenza suffiċjenti pprovduta fil-paragrafu 16 tat-talba, l-applikanti “talbu lill-Kummissjoni tibda investigazzjoni antiċirkomvenzjoni biex tivvaluta jekk il-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ MTF bil-kamin miċ-Ċina ġewx evitati permezz ta’ operazzjoni ta’ tlestija fl-Unjoni”.

(129)

Fil-kummenti tagħhom dwar l-iżvelar, l-applikanti ma identifikaw l-ebda prova li ma kinitx disponibbli għalihom fiż-żmien tat-talba u li saret disponibbli matul l-investigazzjoni li tiġġustifika klassifikazzjoni mill-ġdid kompleta tal-prattika inkwistjoni.

(130)

L-applikanti ma spjegawx għaliex il-prattika, il-proċess jew ix-xogħol li huma stess identifikaw bħala operazzjoni ta’ tlestija fit-talba, u li nstab li jikkostitwixxi operazzjoni ta’ tlestija matul l-investigazzjoni, ma għandhomx jibqgħu jiġu ttrattati bħala tali.

(131)

Il-fatt li ċerti importaturi li talbu eżenzjonijiet instabu li ma jilħqux il-limiti rilevanti speċifikati fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku u għalhekk instabu li ma kinux involuti fil-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni allegati mill-applikanti u li nstabu li jeżistu mill-Kummissjoni, mhuwiex raġuni suffiċjenti biex il-prattika inkwistjoni tiġi kklassifikata mill-ġdid.

(132)

Kieku dan kellu jiġi aċċettat, il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku ma jibqgħux jagħmlu sens. Dan imur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlaturi li jintroduċu dawk il-limiti fid-dispożizzjoni, li kienet li jinstab bilanċ xieraq bejn il-prevenzjoni taċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping u l-iżgurar li l-investiment barrani dirett leġittimu fl-Unjoni ma jiġix skoraġġut.

(133)

Fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni, u essenzjalment injoraw ir-raġunament sottostanti għat-talba tagħhom stess u l-bidu tal-investigazzjoni, l-applikanti allegaw li kemm il-ħolqien ta’ Jianzhi Technology kif ukoll il-bejgħ ta’ OZ lil Jinan Meide fihom infushom kienu jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku peress li dawn l-atti kienu mfassla biex jikkonformaw b’mod artifiċjali mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(4) u tal-Artikolu 13(2).

(134)

Il-Kummissjoni ma qablitx. Il-limiti fl-Artikolu 13(2) u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(4) jippermettu li kumpanija tibda timporta prodott nofsu lest fl-Unjoni u tipproċessah fl-Unjoni. Fil-fatt, l-għan u l-kuntest tal-Artikolu 13(2), inkluża l-istorja leġiżlattiva tad-dispożizzjoni, jindikaw li l-limiti — li huma fissi u mhux speċifiċi għall-każ — huma mfassla biex jippermettu tali investimenti eżoġeni fl-Unjoni f’limiti stretti.

(135)

Sussegwentement, l-applikanti talbu lill-Kummissjoni tapplika b’analoġija l-Artikolu 33 tal-Att Delegat għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (20). Din id-dispożizzjoni tiddikjara li operazzjoni ta’ pproċessar jew ħidma f’pajjiż ieħor għandha titqies bħala mhux ekonomikament ġustifikata jekk jiġi stabbilit li l-għan ewlieni tal-operazzjoni huwa li jiġu evitati miżuri kummerċjali. F’dan ir-rigward, l-applikanti rreferew għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-każ Harley Davidson (21). B’riżultat ta’ dan, u f’konformità mal-Artikolu 13(5) tar-Regolament bażiku, l-applikanti appellaw lill-Kummissjoni biex tiddikjara li l-operazzjoni ta’ tlestija mhijiex ekonomikament ġustifikata u għalhekk tiċħad l-eżenzjonijiet kollha.

(136)

Il-Kummissjoni ma qablitx mat-talba mressqa mill-applikanti. Il-kodiċi Doganali tal-Unjoni jirreferi għall-oriġini tal-merkanzija, u r-regoli dwar iċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku ma jagħmlux dan. Għaldaqstant, il-qrati tal-Unjoni fil-passat wissew kontra l-interpretazzjoni tat-termini tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku fid-dawl tal-liġi doganali (22).

(137)

L-Artikolu 13(5) qiegħed hemm biex jippermetti investigazzjonijiet simultanji kemm fiċ-ċirkomvenzjoni kif ukoll fil-verifika tal-oriġini, imwettqa mill-awtoritajiet Doganali nazzjonali.

(138)

Dan il-qari huwa kkonfermat mis-sentenza li fuqha bbażaw ruħhom l-applikanti, fejn il-Qorti kkonfermat in-natura awtonoma tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku kontra l-Artikolu 33 tal-Att Delegat tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (23).

(139)

L-applikanti allegaw ukoll li l-Kummissjoni analizzat it-talbiet għal eżenzjoni biss skont l-Artikolu 13(2) mingħajr kunsiderazzjoni tal-Artikolu 13(1). L-applikanti allegaw li anki jekk kumpanija tgħaddi mit-test tal-valur miżjud ta’ 25 % skont l-Artikolu 13(2) l-eżenzjoni xorta tista’ tiġi miċħuda skont l-Artikolu 13(1).

(140)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-interpretazzjoni peress li l-Artikolu 13(2)(b) jiddikjara speċifikament li “fl-ebda każ ma għandha titqies li qed isseħħ ċirkomvenzjoni” jekk jiġi ssodisfat it-test tal-valur miżjud ta’ 25 %.

(141)

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 13(4) tiddikjara li “jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-importaturi li jistgħu juru li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definit fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu”. Kif innotat hawn fuq fil-premessa (127), l-applikanti allegaw ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(2) u għalhekk l-analiżi kienet ikkonċentrata fuq dik il-prattika, il-proċess jew il-ħidma li fuqha t-testijiet tal-Artikolu 13(1) huma replikati fl-Artikolu 13(2)(c).

(142)

L-applikanti nnotaw li kienu pprovdew evidenza li operazzjoni ta’ threading fl-Unjoni ma kinitx se żżid aktar minn 25 % tal-kost tal-valur miżjud, u li l-Kummissjoni kienet innotat dan fil-premessa (52) hawn fuq. Għalhekk ma setgħux jifhmu kif ingħataw l-eżenzjonijiet abbażi taż-żieda ta’ aktar minn 25 %.

(143)

Il-Kummissjoni nnotat li l-livell limitu ġie kkalkolat fuq bażi ta’ kumpanija b’kumpanija u, għalhekk, kienu possibbli eċċezzjonijiet għall-konklużjoni ġenerali li l-kost tal-valur miżjud kien limitat.

(144)

L-applikanti nnotaw li l-Kummissjoni kienet eżentat lil OZ mill-estensjoni tal-miżuri abbażi tat-test ta’ 60 % fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, meta l-operazzjoni ta’ tlestija tkun ibbażata fuq proċess ta’ one in, one out aktar milli fuq l-assemblaġġ ta’ prodott lest wieħed minn ħafna partijiet ta’ oriġini differenti. L-applikanti talbu lill-Kummissjoni tirrifjuta t-test ta’ 60 % għal OZ u tikkalkula l-valur miżjud ta’ 25 % abbażi biss tal-partijiet miċ-Ċina.

(145)

Il-Kummissjoni ma qablitx mat-talba tal-applikanti. Il-Kummissjoni nnotat li huwa korrett li jiġi applikat il-limitu ta’ 60 % fil-livell ta’ kumpanija, peress li hija l-kumpanija li talbet eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4), mhux parti minnha. Kif innutat hawn fuq fil-premessi (129) u (134), jidher ċar li l-leġiżlaturi kellhom l-intenzjoni li l-użu ta’ xi partijiet mill-pajjiż taħt il-miżuri, f’operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/tlestija f’pajjiż ieħor jew fl-Unjoni, ma jikkostitwixxix ċirkomvenzjoni.

(146)

Huwa għalhekk li, meta l-prattika, il-proċess jew ix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jaqa’ taħt il-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/tlestija, l-Artikolu 13(2)(b) fih limitu ta’ 60 % li għandu jiġi applikat għal dik l-operazzjoni.

(147)

L-applikanti mbagħad argumentaw li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligi tagħha li tiddikjara r-raġunijiet għall-azzjonijiet tagħha, b’mod partikolari l-bażi li fuqha ngħataw l-eżenzjonijiet u kif id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku ntużaw biex jiġi deċiż jekk eżenzjoni tingħatax jew tiġix miċħuda.

(148)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-interpretazzjoni tas-sejbiet tal-Kummissjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja f’Maxcom, huwa evidenti mill-kliem u mill-iskema ġenerali tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku li, sabiex tiġi stabbilita ċ-ċirkomvenzjoni, il-Kummissjoni trid twettaq valutazzjoni ġenerali tal-pajjiż terz li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni fir-rigward taċ-ċirkomvenzjoni fl-intier tagħha.

(149)

Madankollu, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tanalizza s-sitwazzjoni ta’ kull importatur individwali sabiex tipprova l-eżistenza ta’ evażjoni. Dik l-analiżi hija r-responsabbiltà tal-importatur individwali, li għandha titwettaq fil-kuntest tat-talbiet għal eżenzjoni magħmula skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku (24).

(150)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, operazzjoni ta’ assemblaġġ f’pajjiż terz jew fl-Unjoni għandha titqies bħala ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ meta tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni (25).

(151)

Wieħed minn dawn ir-rekwiżiti huwa li l-partijiet użati fl-operazzjoni ta’ assemblaġġ/kompletazzjoni “jikkostitwixxu 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat, ħlief li fl-ebda każ ma għandha titqies li tkun qed isseħħ ċirkomvenzjoni meta l-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew kompletazzjoni, ikun akbar minn 25 % tal-kost tal-manifattura”.

(152)

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi li l-miżuri anti-dumping qed jiġu evitati fir-rigward tal-pajjiż terz kollu kemm hu. Madankollu, hija r-responsabbiltà ta’ kull importatur individwali li juri li ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom jiġġustifikaw eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) ta’ dan ir-regolament (26).

(153)

Wara din is-sekwenza u l-allokazzjoni tal-piżijiet, kif stabbilit fil-premessi (38) sa (71) hawn fuq, il-Kummissjoni l-ewwel analizzat jekk kinitx qed isseħħ ċirkomvenzjoni bejn iċ-Ċina u l-Unjoni, fejn id-dazji fis-seħħ fuq l-MTF kienu qed jiġu mminati mill-importazzjonijiet fl-Unjoni għall-ħdim tal-kamini u għall-bejgħ mill-ġdid. L-analiżi kkonfermat li dan kien il-każ.

(154)

Il-Kummissjoni mbagħad ivverifikat kull talba għal eżenzjoni minn din is-sejba ġenerali u spjegat fil-premessi (72) sa (84) kif waslet għall-konklużjoni dwar jekk l-operazzjoni ta’ tlestija fl-Unjoni mwettqa mill-importaturi li talbu eżenzjoni kinitx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni.

(155)

L-eżenzjonijiet jingħataw skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku u huma bbażati fuq il-kunċett li dawn il-kumpaniji ma kinux involuti fil-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni stabbiliti fl-Artikoli 13(1) u 13(2). L-affermazzjonijiet ġew ivverifikati wara verifika fuq il-post tal-kumpaniji u rieżami bir-reqqa tar-rekords kontabilistiċi tagħhom.

(156)

Dawn l-isforzi investigattivi estensivi ġew miġbura fil-qosor fil-premessi (74) sa (77) hawn fuq għall-kumpaniji li ngħataw eżenzjoni u fil-premessi (78) sa (84) hawn fuq għall-kumpanija li ma ngħatatx eżenzjoni.

(157)

L-applikanti argumentaw li l-Kummissjoni ma kinitx artikolat ir-raġunament legali li jorbot in-nuqqas li tiġi ssodisfata parti waħda tal-Artikolu 13(2) mal-konklużjoni affermattiva li kumpanija “mhijiex involuta f’ċirkomvenzjoni”, minkejja s-sejba tal-Kummissjoni fil-pajjiż kollu ta’ ċirkomvenzjoni bbażata fuq l-istess operazzjoni ta’ tlestija.

(158)

L-ewwel nett, rigward ir-raġunament legali, il-Kummissjoni fakkret fis-sekwenzar u l-allokazzjoni tal-piżijiet spjegati mill-Qorti tal-Ġustizzja u miġbura fil-qosor fil-premessi (148) sa (152). It-tieni, il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 13(2)(b) jiddikjara li “fl-ebda każ ma għandha titqies li qed isseħħ ċirkomvenzjoni meta l-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, ikun akbar minn 25 % tal-kost totali tal-manifattura” u qieset li l-kumpaniji li kienu qed jissodisfaw dan il-limitu ma kinux qed jevitaw il-miżuri fis-seħħ.

(159)

L-importatur GEBO Armaturen GmbH talab lill-Kummissjoni tiċċara jekk kwalunkwe importatur tal-UMTF kienx ingħata eżenzjoni, fejn il-qari ta’ kamini sussegwenti ma sarx mill-importatur innifsu, iżda minflok ġie applikat minn fornitur terz ta’ servizzi bbażat ukoll fis-suq tal-Unjoni, qabel ma l-prodott inbiegħ mill-importatur eżentat.

(160)

Il-Kummissjoni kkonfermat li ma ngħatat l-ebda eżenzjoni lil kumpanija bħal din.

(161)

Wara d-divulgazzjoni addizzjonali, l-importatur SC Poarta Alba Fittings Industry qabel mas-sejbiet tal-Kummissjoni.

(162)

Wara d-divulgazzjoni addizzjonali, l-applikanti opponew l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tat-talba ta’ Metpro UK għal esklużjoni għall-importazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni ta’ kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu.

(163)

Skont l-applikanti, Metpro UK ma setgħetx titqies bħala parti interessata f’din l-investigazzjoni, peress li ma rreġistratx formalment bħala parti interessata u Metpro UK ma wrietx li kienet jew importatur tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni jew produttur ta’ dak il-prodott fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-applikanti allegaw li Metpro UK ippreżentat it-talba tagħha biex tirreġistra bħala parti interessata tard wisq.

(164)

Il-Kummissjoni sabet li Metpro UK ikkwalifikat bħala importatur u għalhekk ġiet aċċettata bħala parti interessata u rċeviet aċċess għall-fajl miftuħ tal-investigazzjoni, inkluż id-Dokument ta’ Divulgazzjoni Ġenerali. L-ebda formola ta’ reġistrazzjoni uffiċjali mhi meħtieġa li titqies bħala parti interessata. Metpro UK argumentat li ppreżentat ruħha hekk kif saret taf bl-investigazzjoni. Għalhekk, minkejja l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-bidu, il-kumpanija jenħtieġ li tkun tista’ teżerċita d-dritt tad-difiża tagħha, inkluż billi tikkummenta dwar id-dokumenti ta’ divulgazzjoni.

(165)

Il-Kummissjoni infurmat lil Metpro UK li l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ formola ta’ talba għal eżenzjoni kienet għaddiet meta ppreżentat ruħha. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li l-esklużjoni tal-prodott li kienet l-uniku oġġett tas-sottomissjoni ta’ Metpro UK ma xekklitx l-investigazzjoni u għalhekk setgħet tiġi vvalutata.

(166)

Fi kwalunkwe każ, kif spjegat fil-premessa (97), l-esklużjoni tal-prodott importat minn Metpro UK ma kienet iddettata minn ebda sitwazzjoni partikolari għal Metpro UK iżda kienet ibbażata fuq x’inhu u x’mhuwiex inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri oriġinali. Peress li l-kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu ma kinux koperti mill-miżuri oriġinali, il-kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu ma jistgħux ikunu koperti mill-estensjoni tiegħu.

(167)

L-applikanti argumentaw ukoll li Metpro UK qed tinvolvi ruħha fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni, madankollu ma pprovdew l-ebda evidenza u għalhekk il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(168)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1890 fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7307 19 10 (kodiċi TARIC 7307 19 10 10 u 7307 19 10 20) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja huwa estiż għall-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mingħajr kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet TARIC 7307 19 10 35 u 7307 19 10 45 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Ir-Repubblika taċ-Ċina.

2.   Din l-estensjoni fil-paragrafu 1 ma tinkludix l-importazzjonijiet ta’ kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu.

3.   Din l-estensjoni fil-paragrafu 1 ma tinkludix importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet mhux bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet TARIC 7307 19 10 35 u 7307 19 10 45 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina importati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt:

Kumpanija

Kodiċi TARIC addizzjonali

Erata Impex srl

88AT

AGAflex sp zoo

88AU

S. C. Poarta Alba Fittings Industry srl

88AV

Odlewnia Zawiercie SA

88AW

4.   Id-dazju estiż huwa d-dazju anti-dumping ta’ 57,8 % applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw miċ-Ċina” (kodiċi addizzjonali TARIC B999).

5.   Id-dazju estiż permezz tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina rreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1448, bl-eċċezzjoni ta’ dawk importati mill-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 1 u bl-eċċezzjoni tal-importazzjonijiet ta’ kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu

6.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma ordnati biex ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1448, li b’dan huwa mħassar.

Artikolu 3

It-talba għal eżenzjoni mressqa minn Jianzhi Technology srl hija miċħuda.

Artikolu 4

L-importazzjonijiet li ġew eżentati mid-dazju estiż skont l-Artikolu 1 għandhom jew jintużaw fl-operazzjonijiet ta’ tlestija tal-parti eżentata, jinqerdu jew jiġu esportati mill-ġdid. Fil-każ ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżenzjoni għandha tiġi revokata f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

Artikolu 5

1.   L-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet TARIC 7307 19 10 35 u 7307 19 10 45, jew kwalunkwe kodiċi futur korrispondenti, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza f’konformità mal-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) biex il-Kummissjoni tkun tista’ ssegwi x-xejriet statistiċi tal-importazzjonijiet, biex tiżgura monitoraġġ sħiħ tal-eżenzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 1(1).

2.   F’każ li l-kumpaniji li jibbenefikaw mill-eżenzjoni jżidu b’mod sinifikanti l-importazzjonijiet tagħhom taħt il-kodiċijiet TARIC 7307 19 10 35 u 7307 19 10 45, jew kwalunkwe kodiċi futur korrispondenti, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u jintwera sa livell suffiċjenti li tali żieda hija marbuta ma’ ċirkomvenzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) ta’ dak ir-Regolament.

3.   Il-miżuri ta’ sorveljanza introdotti mill-paragrafu 1 għandhom jieqfu meta d-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafita sferojdali li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jintemm jew jiskadi.

Artikolu 6

It-talbiet għal eżenzjoni mid-dazju estiż permezz tal-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jiġu ffirmati minn persuna awtorizzata biex tirrappreżenta lill-entità li titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade and Economic Security

Directorate G

Office: CHAR 04/39

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

trade-defence-complaints@ec.europa.eu

Artikolu 7

Id-deskrizzjoni tal-kodiċi TARIC 7307 19 10 15 għandha tiġi emendata biex jitneħħa l-kliem “kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu” peress li dawn il-prodotti diġà huma kklassifikati taħt il-kodiċi TARIC 7307 19 10 05.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja ( ĠU L 129, 14.5.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/430/oj).

(3)   ĠU C 398, 28.10.2016, p. 57.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1146 tat-28 ta’ Ġunju 2017 li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, manifatturati minn Jinan Meide Castings Co., Ltd ( ĠU L 166, 29.6.2017, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1146/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1176 tat-18 ta’ Lulju 2016 li ttemm ir-rieżami interim parzjali dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 115, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1176/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/52 tal-11 ta’ Jannar 2018 li ttemm ir-rieżami interim parzjali dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja (ĠU L 7, 12.1.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/52/oj).

(7)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2018, Profit Europe NV vs Belgische Staat, C-397/17 u C-398/17, ECLI:EU:C:2018:564.

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/262 tal-14 ta’ Frar 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja ( ĠU L 44, 15.2.2019, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/262/oj).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1259 tal-24 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 197, 25.7.2019, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1259/oj).

(10)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Settembru 2019, Jinan Meide Casting Co. Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-650/17, ECLI:EU:T:2019:644.

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1210 tad-19 ta’ Awwissu 2020 li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, manifatturati minn Jinan Meide Castings Co., Ltd wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-650/17 (ĠU L 274, 21.8.2020, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1210/oj).

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/131 tat-18 ta’ Jannar 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajlandja, u li jissoġġetta l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal sorveljanza (ĠU L 17, 19.1.2023, p. 84, http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/131/oj).

(13)   ĠU C 438, 18.11.2022, p. 7.

(14)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2202 tas-16 ta’ Ottubru 2023 li jemenda ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja (ĠU L, 2023/2202, 17.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2202/oj).

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1890 tat-18 ta’ Settembru 2025 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2025/1890, 19.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1890/oj).

(16)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1448 tal-15 ta’ Lulju 2025 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259 fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja permezz ta’ importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet mhux bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2025/1448, 16.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1448/oj).

(17)  Ara l-premessa (18) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1890.

(18)  Ara l-premessi (105) sa (109) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1890.

(19)  Ara l-premessi (11) u (12) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 430/2013.

(20)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2446/oj).

(21)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-21 ta’ Novembru 2024, Harley-Davidson Europe Ltd u Neovia Logistics Services International vs Il-Kummissjoni Ewropea, C-297/23 P, ECLI:EU:C:2024:971.

(22)  Is-sentenza tal-Qorti tat-12 ta’ Settembru 2019, Il-Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial, C-709/17 P, ECLI:EU:C:2019:717, il-punti 89 sa 110.

(23)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-21 ta’ Novembru 2024, Harley-Davidson Europe Ltd u Neovia Logistics Services International vs Il-Kummissjoni Ewropea, C-297/23 P, ECLI:EU:C:2024:971, il-punt 58 li jiddikjara li “ma tista’ tinsilet l-ebda tagħlima mill-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/1036 għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Delegat 2015/2446, peress li l-ewwel wieħed jirrigwarda kwistjoni oħra u huwa abbozzat f’termini li huma differenti ħafna minn dawk tal-Artikolu 33, li la fih it-terminu “ċirkomvenzjoni” u lanqas id-definizzjoni dettaljata li l-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/1036 jagħti lil dak it-terminu”.

(24)  Is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs Chin Haur Indonesia, C-247/15 P, ECLI:EU:C:2017:61, il-punt 57.

(25)  Is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2017, Kolachi Raj Industrial vs Il-Kummissjoni, T-435/15, ECLI:EU:T:2017:712, il-punt 76.

(26)  Ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs Chin Haur Indonesia, C-247/15 P, ECLI:EU:C:2017:61, il-punt 59 u s-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2017, Kolachi Raj Industrial vs Il-Kummissjoni, T-435/15, ECLI:EU:T:2017:712, il-punt 75.

(27)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/709/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)