European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/699

3.6.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/699

tat-23 ta’ Marzu 2026

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess standardizzat għal informazzjoni dwar id-dijanjostika abbord il-vetturi u għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, u r-rekwiżiti u l-proċeduri għall-aċċess sigur għal informazzjoni dijanjostika abbord

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 61(11) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/858 jirrikjedi li l-manifatturi tal-vetturi jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess mhux ristrett, standardizzat u mhux diskriminatorju għal informazzjoni dwar id-dijanjostika abbord (OBD, On-Board Diagnostics) tal-vetturi, tagħmir dijanjostiku u tagħmir ieħor, għodod, inklużi r-riferenzi kompluti, u d-downloads disponibbli, tas-software applikabbli u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.

(2)

L-Artikolu 4(5), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (ir-regoli tal-Unjoni dwar iċ-ċibersigurtà) jipprevedi li l-manifatturi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli dwar il-protezzjoni tal-vetturi kontra attakki ċibernetiċi. Ir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri ta’ ttestjar adottati għal dak l-għan jirreferu għar-rekwiżiti tar-Regolament tan-NU Nru 155 (3).

(3)

Madankollu, skont ir-Regolament tan-NU Nru 155, ir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri ta’ ttestjar previsti fih huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-aċċess mill-partijiet awtorizzati għall-vettura, għad-data, għall-funzjonijiet u għar-riżorsi tagħha, u l-kundizzjonijiet tat-tali aċċess:

(4)

Ir-Regolament (UE) 2018/858 jipprekludi lil manifattur tal-vetturi milli jagħti aċċess lil operaturi indipendenti għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u għal informazzjoni dwar l-OBD, inkluż aċċess għall-kitba għal dik l-informazzjoni, soġġett għal kundizzjonijiet għajr dawk stipulati fih, bħal dawk motivati miċ-ċibersigurtà.

(5)

Il-qafas legali tal-Unjoni li jirregola l-miżuri taċ-ċibersigurtà li għandhom jiġu applikati għall-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi ma huwiex komplut. Ir-regoli tal-Unjoni dwar iċ-ċibersigurtà jirrikjedu li l-manifatturi jipproteġu l-vetturi kontra attakki ċibernetiċi iżda jillimitaw l-effett tar-rekwiżiti tekniċi billi jispeċifikaw il-miżuri applikabbli fir-rigward tal-aċċess għad-data tal-vetturi. Min-naħa l-oħra, ir-regoli dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi ma jqisux biżżejjed iċ-ċibersigurtà. B’riżultat ta’ dan, il-manifatturi tal-vetturi jiffaċċjaw restrizzjonijiet legali importanti li jimpeduhom milli japplikaw miżuri effettivi li jipproteġu l-vettura minn attakki ċibernetiċi relatati mal-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi.

(6)

Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-manifatturi tal-karozzi jitħallew japplikaw miżuri taċ-ċibersigurtà effettivi u proporzjonati filwaqt li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD.

(7)

Iż-żieda fit-theddidiet għaċ-ċibersigurtà u l-adozzjoni relatata tar-regoli tal-Unjoni li jeħtieġu li l-manifatturi tal-vetturi jipproteġu l-vetturi kontra attakki ċibernetiċi jikkostitwixxu żviluppi tekniċi u regolatorji li jiġġustifikaw emendi bħal dawn tal-Anness X.

(8)

Sabiex il-manifatturi jkunu jistgħu jindirizzaw dawk it-theddidiet filwaqt li jżommu aċċess effettiv tal-operaturi indipendenti għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/858 ikun fih il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li l-manifatturi tal-vetturi huma permessi japplikaw biex jiżguraw aċċess sigur għall-informazzjoni dwar l-OBD minn operaturi indipendenti.

(9)

Skont in-natura u l-konsegwenzi tal-aċċess imfittex, jenħtieġ li l-manifatturi tal-vetturi jitħallew jirrikjedu li l-manifatturi tal-għodod dijanjostiċi użati għall-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD jawtentikaw l-għodda u lill-operatur indipendenti li qed ifittex aċċess jew lill-impjegat tiegħu u li jiżguraw it-traċċabbiltà billi jirreġistraw u jaħżnu l-informazzjoni rilevanti dwar tali aċċess. Jenħtieġ li, f’każijiet speċifiċi, ikunu jistgħu wkoll jirrikjedu konnessjoni mas-server tal-manifattur tal-vettura.

(10)

Biex jiġu protetti l-kundizzjonijiet ugwali għall-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-operaturi indipendenti li jfittxu aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi tkun psewdonimizzata.

(11)

Sabiex il-manifatturi tal-vetturi jkunu jistgħu jimmaniġġjaw id-dipendenzi, kif meħtieġ skont ir-regoli applikabbli dwar iċ-ċibersigurtà tal-vetturi, jenħtieġ li jitħallew jivverifikaw li l-għodod dijanjostiċi u l-manifatturi tagħhom jikkonformaw mal-istandards taċ-ċibersigurtà u mal-implimentazzjonijiet tas-sigurtà rilevanti.

(12)

Fil-każ ta’ inċidenti ċibernetiċi, abbuż serju jew inċidenti li jinvolvu r-responsabbiltà tal-manifatturi tal-vetturi, jenħtieġ li l-manifatturi tal-vetturi jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar każijiet speċifiċi ta’ aċċess u jissospendu temporanjament, kif xieraq u taħt il-kontroll tal-awtorità tal-approvazzjoni, l-aċċess ta’ għodda, u ta’ operatur indipendenti jew tal-impjegat tiegħu.

(13)

Jenħtieġ lil-manifatturi tal-vetturi jipprovdu l-informazzjoni teknika neċessarja kollha lill-manifatturi ta’ għodod dijanjostiċi ġeneriċi bil-quddiem biżżejjed qabel ma vettura tiġi introdotta fis-suq biex jippermettu lil dawk il-manifatturi ta’ għodod jipprovdu servizz adegwat lill-operaturi indipendenti tat-tiswijiet.

(14)

Minbarra l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għal aċċess sigur għall-informazzjoni dwar l-OBD, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiffaċilita aktar l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni (RMI, Repair and Maintenance Information), filwaqt li jqis il-progress tekniku.

(15)

Jenħtieġ li l-katalgu ta’ informazzjoni li l-manifatturi tal-vetturi għandhom jagħmlu disponibbli jiġi ċċarat u aġġornat, b’mod partikolari b’kont meħud tal-ħtiġijiet relatati mat-tiswija u mal-manutenzjoni tal-batteriji tal-vetturi u ta’ sistemi ġodda ta’ assistenza għas-sewwieq.

(16)

Kull meta l-manifatturi tal-vetturi, għall-fini ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura, id-dijanjostika, it-tiswija u l-manutenzjoni, il-monitoraġġ u l-ispezzjoni, jippermettu aċċess għall-fluss tad-data fil-vettura b’mezz ieħor għajr l-użu tal-port serjali tad-data fuq il-konnettur standardizzat, l-istess aċċess u informazzjoni jenħtieġ li jkunu disponibbli taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji għall-operaturi indipendenti kollha.

(17)

Filwaqt li jiġi rrikonoxxut ir-rwol tal-pubblikaturi tad-data fl-iffaċilitar tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-vetturi, jenħtieġ li r-rekwiżiti dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni tal-manifatturi tal-vetturi jiġu ċċarati ulterjorment.

(18)

Sabiex is-sewwejja indipendenti jkunu jistgħu jipprogrammaw mill-ġdid l-unitajiet ta’ kontroll tal-vetturi fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk disponibbli għall-manifatturi tal-vetturi u għas-sewwejja awtorizzati, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali għall-manifatturi biex jagħmlu software jew informazzjoni speċifiċi disponibbli għall-manifatturi indipendenti tal-għodod dijanjostiċi.

(19)

Madankollu, il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti teħtieġ li l-manifatturi tal-vetturi jimplimentaw miżuri preparatorji importanti, u għalhekk l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti jenħtieġ li tiġi posposta biex jiġi pprovdut żmien għal żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni xieraq.

(20)

Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). B’mod partikolari, l-obbligi tal-manifatturi fir-rigward tal-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi lil operaturi indipendenti skont dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u għall-obbligi tal-manifatturi tal-vetturi, tal-manifatturi tal-għodod dijanjostiċi u tal-operaturi indipendenti skont dawk l-atti.

(21)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta opinjoni fl-20 ta’ Frar 2026 (7).

(22)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/858 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness X tar-Regolament (UE) 2018/858 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/858/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009, (KE) Nru 79/2009 u (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009, (UE) Nru 406/2010, (UE) Nru 672/2010, (UE) Nru 1003/2010, (UE) Nru 1005/2010, (UE) Nru 1008/2010, (UE) Nru 1009/2010, (UE) Nru 19/2011, (UE) Nru 109/2011, (UE) Nru 458/2011, (UE) Nru 65/2012, (UE) Nru 130/2012, (UE) Nru 347/2012, (UE) Nru 351/2012, (UE) Nru 1230/2012 u (UE) 2015/166 (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2144/oj).

(3)  Ir-Regolament Nru 155 tan-NU — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward taċ-ċibersigurtà u s-sistema tal-ġestjoni taċ-ċibersigurtà [2021/387] (ĠU L 82, 9.3.2021, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/387/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(5)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(7)   https://www.edps.europa.eu/data-protection/our-work/our-work-by-type/opinions_en.


ANNESS

L-Anness X tar-Regolament (UE) 2018/858 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Introduzzjoni

Dan l-Anness jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-aċċess għall-informazzjoni dwar id-dijanjostika abbord (OBD, On-Board Diagnostic) tal-vettura u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, ikun xi jkun it-tip ta’ sistema tal-motopropulsjoni tal-vettura.”;

(2)

fil-punt 2.1, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-konformità mal-obbligu għall-manifattur li jipprovdi informazzjoni dwar is-sistema tal-OBD tal-vettura u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi fuq is-siti web tiegħu permezz ta’ format standardizzat għandha tiġi preżunta jekk ikun konformi mal-Parti 1 ‘General information and use case definition’, mal-Parti 2 ‘Technical requirements’, mal-Parti 3 ‘Functional user interface requirements’ u mal-Parti 4 ‘Conformance test’ tal-istandard EN ISO 18541 – 2021 u mal-Parti 5 ‘Heavy duty specific provision’ ‘Road vehicles — Standardized access to automotive repair and maintenance information (RMI)’ tal-istandard EN ISO 18541 – 2018.”;

(3)

fil-punt 2.5, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.5.

L-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura għandha tinkludi dan li ġej:”;

(4)

il-punt 2.5.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.5.1.

identifikazzjoni inekwivokabbli tal-vettura u l-lista li tirriżulta ta’ aċċessorji immuntati fil-fabbrika, kif ukoll ta’ sistemi, ta’ komponenti, ta’ unitajiet tekniċi separati, ta’ partijiet jew ta’ tagħmir li għalih huwa responsabbli l-manifattur;”;

(5)

il-punt 2.5.4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.5.4.

informazzjoni dwar is-sistemi, il-komponenti, l-unitajiet tekniċi separati, il-partijiet, it-tagħmir u d-dijanjożi (inklużi l-valuri teoretiċi minimi u massimi għall-kejl), inkluża informazzjoni dwar il-funzjonijiet u l-kapaċitajiet neċessarji għall-kalibrazzjoni u għat-tiswija ta’ Sistemi Avvanzati ta’ Assistenza għas-Sewwieq (ADAS, Advanced Driver Assistance Systems), jew ta’ Sistemi ta’ Assistenza fil-Kontroll għas-Sewwieq (DCAS, Driver Control Assistance Systems) u ta’komponenti relatati);”;

(6)

il-punt 2.5.7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.5.7.

informazzjoni meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk aġġornament tas-software jew kodifikazzjoni tal-varjanti humiex neċessarji għal operazzjoni speċifika ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni;”;

(7)

jiddaħħal il-punt 2.5.7a li ġej:

“2.5.7a.

informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-aġġornament korrett tas-software jew tal-kodifikazzjoni tal-varjanti għal kull sistema, komponent, unità teknika separata, parti jew tagħmir li jeħtieġ aġġornament tas-software.

B’eċċezzjoni mill-punt 2.1, jekk id-determinazzjoni tal-verżjoni korretta tas-software jew tal-kodifikazzjoni tal-varjanti tkun teħtieġ konnessjoni tal-backend, il-manifattur ma għandux ikun meħtieġ jippubblika l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-aġġornament korrett tas-software jew tal-kodifikazzjoni tal-varjanti għal kull sistema, komponent, unità teknika separata, parti jew tagħmir li jeħtieġ aġġornament tas-software fuq is-sit web;”;

(8)

il-punt 2.5.8 huwa emendat kif ġej:

“2.5.8.

informazzjoni pprovduta li tikkonċerna, u tkun twasslet permezz ta’ għodda u tagħmir ta’ sjieda inkluża l-informazzjoni dwar kwalunkwe għodda, tagħmir u struzzjoni addizzjonali għall-utent, li huma meħtieġa jwettqu kalibrazzjoni tal-komponenti jew tas-sistemi;”;

(9)

jiżdiedu l-punti 2.5.12 and 2.5.13 li ġejjin:

“2.5.12.

informazzjoni pprovduta mill-manifattur lis-sħab, lin-negozjanti u lis-sewwejja awtorizzati tiegħu jew użata mill-manifattur għal skopijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni, neċessarja għad-dijanjożi u, fejn applikabbli, għat-tiswija ta’ sistemi ta’ batteriji tat-trazzjoni kif ukoll għall-unitajiet skambjabbli tiegħu, inklużi moduli tal-batteriji;

2.5.13.

informazzjoni speċifika għat-tip ta’ vettura neċessarja għall-immaniġġjar sikur tal-partijiet u tal-komponenti, b’mod partikolari informazzjoni neċessarja għall-protezzjoni kontra perikli elettriċi, termiċi u kimiċi mill-batteriji tat-trazzjoni; kif disponibbli għall-manifattur tal-vettura jew għas-sħab tiegħu.”;

(10)

il-punt 2.6.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.6.2.

l-informazzjoni li ġejja:

(a)

data ta’ deskrizzjoni dijanjostika msemmija fil-punt 3 tal-appendiċi 2. Il-manifattur għandu jiżgura li din id-data tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

tkun disponibbli bħala settijiet ta’ data elettroniċi li jistgħu jiġu pproċessati direttament,;

(ii)

tkun tal-istess livell ta’ dettall kif użat mill-għodod dijanjostiċi proprjetarji tal-manifattur tal-vettura;

(iii)

tkun dokumentata b’mod komprensiv;

(b)

deskrizzjonijiet tal-interazzjonijiet neċessarji mhux abbord u abbord meħtieġa għat-tlestija ta’ kwalunkwe xogħol ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni.

Il-manifattur tal-vettura għandu jagħmel l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) disponibbli biss għat-tipi ta’ vetturi li għalihom iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip ikun ingħata għall-ewwel darba wara l-1 ta’ Settembru 2020;”;

(11)

jiddaħħal il-punt 2.6.3 li ġej:

“2.6.3.

informazzjoni dwar kif jinkisbu għodod u tagħmir proprjetarji.”;

(12)

jiddaħħlu l-punti 2.6a u 2.6b li ġejjin:

“2.6a.

Il-manifattur għandu jagħmel disponibbli lill-manifatturi tat-tagħmir tat-tiswija u tal-għodod dijanjostiċi ġeneriċi l-informazzjoni, l-ispeċifikazzjoni teknika u l-istruzzjonijiet għall-utent kollha għat-tiswija, għall-manutenzjoni u għad-dijanjożi tas-sistemi ADAS/DCAS permezz ta’ għodod dijanjostiċi.

2.6b.

L-informazzjoni msemmija fil-punti 2.6 u 2.6a għandha tkun disponibbli f’konformità mat-termini u mal-kundizzjonijiet stipulati mill-manifattur f’konformità ma’ dan ir-Regolament, inklużi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħlas jew il-limitazzjonijiet u t-tariffi tal-użu meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 63(1).”;

(13)

il-punt 2.9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.9.

Għall-fini tal-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura, tad-dijanjostika, tat-tiswija u tal-manutenzjoni, tal-monitoraġġ u tal-ispezzjoni tal-vettura, il-manifattur tal-vettura għandu jippermetti aċċess bidirezzjonali għall-fluss tad-data fil-vettura, permezz tal-mezzi kollha li ġejjin:

(a)

il-port serjali tad-data fuq il-konnettur standardizzat li jillinkja d-data msemmi fl-Appendiċi 1, il-paragrafu 6.5.3, tal-Anness C5 tar-Regolament tan-NU Nru 154 (*1) rispettivament f’konformità mal-paragrafu 4.7.3 tal-Anness 9B u d-dokumenti standard ta’ referenza stabbiliti fl-Appendiċi 6 ta’ dak l-Anness tar-Regolament tan-NU Nru 49 (*2);

(b)

kwalunkwe mezz ieħor ta’ aċċess fil-vettura li jiġi pprovdut mill-manifattur lis-sħab, lin-negozjanti u lis-sewwejja awtorizzati tiegħu jew li jintuża mill-manifattur għall-finijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni, inklużi l-konnetturi tal-Ethernet, il-pins mhux standardizzati fuq il-port standardizzat tal-OBD, l-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet użati għall-integrazzjoni tas-servizzi tas-suq ta’ wara l-bejgħ, u n-networks ta’ żona lokali mingħajr fili;

(c)

kwalunkwe faċilità li tiġi pprovduta mill-manifattur lis-sħab, lin-negozjanti u lis-sewwejja awtorizzati tiegħu jew tintuża mill-manifattur biex ikun jista’ jsir aċċess remot għall-Informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi għat-tiswija u għall-manutenzjoni, inklużi l-monitoraġġ u l-ispezzjoni (fejn jitwettqu l-monitoraġġ u l-ispezzjoni għat-tiswija u għal-manutenzjoni) jew servizzi remoti ta’ tiswija u ta’ dijanjożi.

Meta l-vettura tkun miexja, il-manifattur jista’ jagħżel li jagħmel il-fluss tad-data disponibbli biss għal funzjonijiet li jinqraw biss, bil-kundizzjoni li l-manifattur japplika l-istess restrizzjoni għas-sħab, għan-negozjanti u għas-sewwejja awtorizzati tiegħu stess.

Il-manifattur jista’ jimplimenta l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-fluss tad-data tal-vettura, sa fejn dan ikun neċessarju u proporzjonat għall-konformità mal-Artikolu 4(5)(d) u mal-Anness II, il-linja D4, tar-Regolament (UE) 2019/2144 u mal-Artikoli 4(7), 4(8) u 6(3) tar-Regolament (UE) 2024/1257. Għall-aċċess bl-użu tal-mezzi deskritti fi 2.9(a) u (b), tali kundizzjonijiet ma għandhomx imorru lil hinn mill-kundizzjonijiet li l-manifattur jitħalla japplika skont l-Appendiċi 4 ta’ dan l-Anness.

(*1)  Ir-Regolament Nru 154 tan-NU — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri u kummerċjali ħfief fir-rigward tal-emissjonijiet tal-kriterji, tal-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju u tal-konsum tal-fjuwil u/jew tal-kejl tal-konsum tal-enerġija elettrika u tal-awtonomija elettrika (WLTP) [2021/2039] (ĠU L 423, 26.11.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2039/oj)."

(*2)  Ir-Regolament tan-NU Nru 49 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta’ partikoli niġġiesa u ta’ inkwinanti gassużi minn magni ta’ tqabbid bil-kompressjoni u minn magni ta’ tqabbid bi spark għall-użu fil-vetturi [2023/64] (ĠU L 14, 16.1.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/64/oj).”;"

()  Ir-Regolament Nru 154 tan-NU — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri u kummerċjali ħfief fir-rigward tal-emissjonijiet tal-kriterji, tal-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju u tal-konsum tal-fjuwil u/jew tal-kejl tal-konsum tal-enerġija elettrika u tal-awtonomija elettrika (WLTP) [2021/2039] (ĠU L 423, 26.11.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2039/oj).

()  Ir-Regolament tan-NU Nru 49 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta’ partikoli niġġiesa u ta’ inkwinanti gassużi minn magni ta’ tqabbid bil-kompressjoni u minn magni ta’ tqabbid bi spark għall-użu fil-vetturi [2023/64] (ĠU L 14, 16.1.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/64/oj).”;

(14)

il-punt 6.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.1.

Il-konformità mal-obbligu għall-manifattur li jipprovdi informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi fuq is-siti web tiegħu permezz ta’ format standardizzat għandha tiġi preżunta jekk jikkonforma mal-Partijiet tal-istandard ISO 18541-1:2021 sa ISO 18541-4:2021 u ISO 18541-5:2018, kif imsemmi fil-punt 2.1.

Dawk li jeħtieġu d-dritt li jidduplikaw jew jippubblikaw mill-ġdid tali informazzjoni għandhom jinnegozjaw direttament mal-manifattur ikkonċernat. L-informazzjoni għall-materjal ta’ taħriġ għandha wkoll tkun disponibbli, u tista’ tiġi ppreżentata permezz ta’ media oħra għajr is-siti web.

6.1.1.

Għall-fini tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, il-manifattur għandu jagħmel l-informazzjoni disponibbli bħala fajls fil-format li jservi għall-ipproċessar elettroniku dirett tas-settijiet ta’ data li jinsabu f’dawk il-fajls. L-informazzjoni għandu jkollha l-istess livell ta’ dettall li jintuża mill-manifattur għal skopijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni. Din għandha tiġi ddokumentata għall-finijiet ta’ interpretazzjoni u tiġi aġġornata bil-frekwenza miftiehma mal-operatur indipendenti. L-aġġornamenti għandhom ikunu disponibbli bl-istess frekwenza u twaqqit li jkunu disponibbli għan-negozjanti u għas-sewwejja awtorizzati. L-informazzjoni għandha tiġi offruta f’pakketti abbażi tal-informazzjoni teknika skont il-każ tal-użu, hekk kif tkun disponibbli għall-manifattur. L-informazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt għandha tiġi pprovduta abbażi tat-termini u tal-kundizzjonijiet stipulati mill-manifattur f’konformità ma’ dan ir-Regolament, bħat-termini tal-ħlas u kwalunkwe kundizzjoni jew limitazzjoni tal-użu kompatibbli u t-tariffi meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 63(1) ta’ dan ir-Regolament. Il-pakketti ta’ informazzjoni ddefiniti abbażi ta’ kriterji li jirriflettu r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-Każ ta’ Użu 5.1.1, għall-Każ ta’ Użu 5.1.2, għall-Każ ta’ Użu 5.2, għall-Każ ta’ Użu 5.3, għall-Każ ta’ Użu 5.4, għall-Każ ta’ Użu 5.5, għall-Każ ta’ Użu 5.7, għall-Każ ta’ Użu 5.8, għall-Każ ta’ Użu 5.9, għall-Każ ta’ Użu 8 u għall-Każ ta’ Użu 11 tal-istandard ISO 18541-1 2021 għandhom ikunu preżunti bħala konformi.

Il-manifattur għandu jipprovdi biss„ minn 23 ta' Ġunju 2027, pakketti ta’ informazzjoni ddefiniti abbażi ta’ kriterji li jirriflettu r-rekwiżiti ta’ informazzjoni meħtieġa għall-Każ ta’ Użu 5.3 u għall-Każ ta’ Użu 5.4 fl-ISO 18541-1:2021 li huma disponibbli biss għal kull numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN, Vehicle Identification Number) fejn sewwej indipendenti jitlob dan permezz ta’ Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (API, Application Programming Interface (*3)). F’każijiet bħal dawn, is-sewwej indipendenti għandu jibgħat talba speċifika għall-VIN lill-manifattur permezz ta’ parti terza li taġixxi fuq il-bażi ta’ ftehim mal-manifattur.

Meta l-pakketti ta’ informazzjoni jiġu ddefiniti abbażi ta’ kriterji li jirriflettu r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-Każ ta’ Użu 8 fl-ISO 18541-1:2021, il-manifattur għandu jipprovdi API, minn 23 ta' Ġunju 2027, lil tali parti terza li tippermetti lis-sewwej indipendenti jara u jaġġorna l-istorja elettronika tal-manutenzjoni soġġett għall-kundizzjonijiet addizzjonali kif speċifikati fl-ISO u, meta xieraq, għall-kundizzjonijiet u għall-proċessi tal-manifattur għall-ftehim mal-klijent. Il-manifattur għandu jagħmel dan soġġett għall-istess proċessi jew għal proċessi ekwivalenti u għall-informazzjoni meħtieġa bħal dawk speċifikati fis-sit web tal-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-manifattur. F’każijiet bħal dawn, is-sewwej indipendenti, bi qbil mal-klijent, jista’ jittrażmetti talba għal aġġornament tar-rekords tat-tiswija jew tal-manutenzjoni lill-manifattur permezz ta’ parti terza li taġixxi abbażi ta’ ftehim mal-manifattur. Jista’ jintuża ċertifikat konformi mar-Rakkomandazzjoni ITU-T X.509 tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni biex tiġi vverifikata l-identità tas-sewwej indipendenti.

L-aċċess għal tali APIs, inkluż għall-aġġornament tal-entrati tal-istorja tal-manutenzjoni elettronika, għandu jkun soġġett għall-Artikolu 63(1).

L-informazzjoni għandha tkun strutturata b’mod li aktar tard ikun possibbli li wieħed ifittex u jiffiltra l-informazzjoni li tinsab fil-pakkett skont il-kriterji tal-klassifikazzjoni tat-tip tal-mudell u kriterji oħra ta’ klassifikazzjoni użati min-network tal-manifattur tal-vettura stess.

6.1.2.

L-informazzjoni fuq il-partijiet kollha tal-vettura, li bihom hija mgħammra l-vettura, kif identifikat mill-VIN u kwalunkwe kriterju addizzjonali bħall-bażi tar-roti, l-output tal-magna, il-livell jew l-għażliet tal-finitura, mill-manifattur tal-vettura u li jistgħu jiġu ssostitwiti minn spare parts offruti mill-manifattur tal-vettura lis-sewwejja jew lil negozjanti awtorizzati tiegħu jew lil partijiet terzi permezz ta’ referenza għan-numru tal-partijiet tat-tagħmir oriġinali (OE, Original Equipment), għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni, fil-forma ta’ settijiet ta’ data li jinqraw minn magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament, f’bażi tad-data li hija aċċessibbli għall-operaturi indipendenti.

Dik il-bażi tad-data għandu jkun fiha l-VIN, in-numri tal-partijiet tal-OE, l-isem tal-OE tal-partijiet, l-attributi tal-validità (id-dati ta’ validità minn u ta’ validità sa), l-attributi tal-fittings u, fejn applikabbli, il-karatteristiċi tal-istrutturar.

L-informazzjoni fil-bażi tad-data għandha tiġi aġġornata b’mod regolari. Jekk din l-informazzjoni tkun disponibbli għal negozjanti awtorizzati, l-aġġornamenti għandhom jinkludu l-modifiki kollha għall-vetturi individwali wara l-produzzjoni tagħhom.

(*3)  Kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/138 tal-21 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi lista ta’ settijiet tad-data speċifiċi ta’ valur għoli u l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u għall-użu mill-ġdid tagħhom (ĠU L 19, 20.1.2023, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/138/oj).”;"

()  Kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/138 tal-21 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi lista ta’ settijiet tad-data speċifiċi ta’ valur għoli u l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u għall-użu mill-ġdid tagħhom (ĠU L 19, 20.1.2023, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/138/oj).”;

(15)

il-punt 6.2.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.2.2.

għandu jintuża l-istandard https//ssl-tls (RFC5246) jew kwalunkwe suċċessur għal dan l-istandard;”;

(16)

il-punt 6.2.3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.2.3.

ċertifikati ta’ sikurezza f’konformità mal-istandard internazzjonali ISO/IEC 9594-8:2020 għandhom jintużaw għall-awtentikazzjoni reċiproka ta’ operaturi u ta’ manifatturi indipendenti;”;

(17)

il-punt 6.4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.4.

Ir-riprogrammazzjoni tal-unitajiet ta’ kontroll, il-kodifikazzjoni tal-varjanti u l-attivazzjoni tal-partijiet ta’ sostituzzjoni għandhom jitwettqu bl-użu ta’ hardware nonproprjetarju, mingħajr ebda dipendenza fuq il-hardware tal-manifattur f’konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-istandard internazzjonali ISO 22900-2;

(b)

SAE J2534-1;

(c)

SAE J2534-2;

(d)

TMC RP1210B;

(e)

SOVD-Standard ISO/DIS 17978-1.

Meta jitwettqu bl-użu tal-Ethernet, ir-riprogrammazzjoni tal-unitajiet ta’ kontroll, il-kodifikazzjoni tal-varjanti u l-attivazzjoni tal-partijiet ta’ sostituzzjoni għandhom jitwettqu f’konformità mal-ISO22900-2 jew mal-J2534-2.

Għall-validazzjoni tal-kompatibbiltà tal-applikazzjoni speċifika għall-manifattur u tal-interfaċċji ta’ komunikazzjoni tal-vetturi (VCI, Vehicle Communication Interface) li jikkonformaw mal-istandard internazzjonali ISO 22900-2 jew mal-SAE J2534-1 jew mal-SAE J2534-2 jew mat-TMC RP1210B, il-manifattur għandu joffri validazzjoni tal-VCIs żviluppati indipendentement jew inkella l-informazzjoni, u s-self ta’ kwalunkwe hardware speċjali, meħtieġa sabiex manifattur tal-VCI jagħmel validazzjoni bħal din.

Il-manifattur jista’ jitlob tariffi raġonevoli u proporzjonati għal validazzjoni bħal din jew informazzjoni u hardware. Dawk it-tariffi ma għandhomx jiskoraġġixxu l-użu ta’ tali validazzjoni jew informazzjoni u hardware.”;

(18)

jiddaħħal il-punt 6.4a li ġej:

“6.4a.

Minn 23 ta’Diċembru 2026 , il-manifattur tal-vettura għandu jagħmel disponibbli għall-manifattur tal-għodda dijanjostika indipendenti kwalunkwe wieħed mis-software li ġejjin jew mill-informazzjoni li ġejja għat-tip ta’ vettura li għalih ikun ingħata l-ewwel ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip wara l-1 ta’ Settembru 2020:

(a)

interfaċċi tas-software jew tas-servizzi tal-web għal manifatturi tal-għodda dijanjostika indipendenti għall-integrazzjoni tagħhom, li jippermettu l-kodifikazzjoni tal-varjanti, it-tqabbil ma’ vettura ta’ parti ta’ sostituzzjoni oriġinali (inklużi software u hardware kompatibbli (kif definit mill-manifattur tal-vettura) ma’ parti manifatturata mill-ġdid jew użata mill-ġdid) jew parti ta’ sostituzzjoni awtorizzata mill-manifattur tal-vettura, kif ukoll ir-riprogrammazzjoni tal-unitajiet ta’ kontroll b’software ta’ tagħmir oriġinali tal-vettura skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vettura, jew;

(b)

l-informazzjoni, il-proċessi u r-riżorsi neċessarji biex jiġu implimentati l-kodifikazzjoni u r-riprogrammazzjoni tal-varjanti f’għodda dijanjostika indipendenti tal-manifattur tal-għodda dijanjostika indipendenti.

Madankollu, b’deroga mit-terminu speċifikat fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt, il-manifattur tal-vettura għandu jagħmel disponibbli s-software jew l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) hawn fuq mid-dati li ġejjin:

(i)

L-23 ta’ Ġunju 2027 , fir-rigward ta’ vetturi li għalihom l-approvazzjoni tat-tip ingħatat għall-ewwel darba wara l-1 ta’ Settembru 2020 iżda qabel is-6 ta’ Lulju 2022;

(ii)

L-23 ta’ Ġunju 2028 għal kwalunkwe operazzjoni li tinvolvi jew li tiddependi fuq it-twettiq ta’ aġġornamenti tas-software.”;

(19)

jiddaħħal il-punt 6.4b li ġej:

“6.4b.

Sakemm il-manifattur tal-vettura jagħmel disponibbli s-software jew l-informazzjoni għat-tip ta’ vettura msemmi fil-punt 6.4a u għall-perjodu ta’ sentejn wara dik id-data, l-użu tal-hardware dijanjostiku u tas-software dijanjostiku tal-manifattur tal-vettura minn fornituri ta’ servizzi remoti, kif imsemmi fil-punt 1.2 tal-Appendiċi 4, għall-finijiet ta’ programmazzjoni mill-ġdid u ta’ kodifikazzjoni tal-varjanti jew ta’ attivazzjoni tal-partijiet għandu jkun soġġett għall-istess tariffi u kundizzjonijiet ta’ ħlas, bħal dawk applikabbli għas-sewwejja indipendenti, irrispettivament minn jekk dawk l-għodod dijanjostiċi jintużawx b’mod remot.

Barra minn hekk, il-manifattur tal-vettura għandu jaqsam ma’ kwalunkwe manifattur ta’ għodda dijanjostika interessat, malli dawn ikunu disponibbli:

(a)

l-informazzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni tal-API bejn is-sistemi rilevanti tal-manifattur tal-vettura u tal-manifatturi tal-għodod dijanjostiċi:

(i)

mhux aktar tard minn 23 ta’ Ġunju 2027 għal kwalunkwe operazzjoni li tinvolvi jew li tiddependi fuq it-twettiq ta’ aġġornamenti tas-software; u

(ii)

għal operazzjonijiet oħra, mhux aktar tard minn 23 ta’ Settembru 2026 ; jew

(iii)

fir-rigward ta’ vetturi li għalihom tkun ingħatat l-approvazzjoni tat-tip għall-ewwel darba qabel is-6 ta’ Lulju 2022, mhux aktar tard minn 23 ta’ Diċembru 2026 ;

(b)

l-informazzjoni neċessarja għall-ittestjar tal-funzjonalità u tal-interazzjoni ta’ aġġornament għall-hardware, mhux aktar tard minn 23 ta’ Diċembru 2027 għal kwalunkwe operazzjoni li tinvolvi jew tiddependi fuq it-twettiq ta’ aġġornamenti tas-software.”;

(20)

jiddaħħal il-punt 6.4c li ġej:

“6.4c.

Id-diżakkoppjament tal-komponenti, tal-unitajiet tekniċi separati, tal-parts u tat-tagħmir, ħlief għal dawk li oriġinarjament ġew iddisinjati biex ma jiġux diżakkoppjati, għandu jsir f’konformità mal-proċess stabbilit f’dan il-punt. Ma għandu jkun soġġett għall-ebda kundizzjoni għajr dawk imsemmija f’dan il-punt.

Il-manifattur għandu jistabbilixxi proċess għad-diżakkoppjament tal-komponenti, tal-unitajiet tekniċi separati, tal-parts u tat-tagħmir. Għall-fini tal-installazzjoni ta’ komponent, unità teknika separata, part jew tagħmir użati mill-ġdid, il-proċessi definiti mill-manifattur tal-vettura jistgħu jinkludu rekwiżit li jiġi pprovdut l-identifikatur uniku (inkluż, fejn rilevanti, in-numru tas-serje tal-unità) ta’ dan il-komponent, l-unitajiet tekniċi separati, il-part jew it-tagħmir ikkonċernati, u l-VIN tal-vettura, kif ukoll rekwiżit li jinkiseb ftehim mis-sid jew mil-lokatarju tal-vettura, meta dawn ikunu identifikabbli. Meta jkun meħtieġ ftehim, dan jista’ jiġi pprovdut b’mod asinkroniku mid-deinstallazzjoni tal-part.

Għall-fini ta’ manifattura mill-ġdid fi proċess industrijali, fejn komponent, unitajiet tekniċi separati, part jew tagħmir milbusa jew bil-ħsara jiġi restawrat għall-ispeċifikazzjoni oriġinali tiegħu, il-VIN tal-vettura oriġinali mhux se jkun meħtieġ għad-diżakkoppjament mill-vettura oriġinali. F’dan il-każ, jista’ jkun meħtieġ l-identifikatur uniku tal-komponent u l-ftehim, is-sid jew il-lokatarju tal-vettura, meta dawn ikunu identifikabbli.

L-operaturi indipendenti kollha, inklużi l-manifatturi mill-ġdid u r-rinnovaturi, awtentikati f’konformità mar-rekwiżiti speċifikati fl-Appendiċi 4, għandu jkollhom aċċess ugwali għal dawn il-proċessi.

Għall-fini tal-awtentikazzjoni ta’ tali operatur, meta l-proċess ta’ diżakkoppjament tal-manifattur tal-vettura jkun irid jitlesta fuq il-pjattaformi mhux abbord tiegħu, għandhom jiġu aċċettati l-kredenzjali ta’ awtentikazzjoni maħruġa f’konformità mal-punt 9.2 tal-Appendiċi 4, jew dawk użati għall-aċċess għas-sit web tal-RMI tal-manifattur tal-vettura.”;

(21)

jitħassru l-punti 7.2 u 7.3;

(22)

il-punt 7.4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.4.

Abbażi ta’ ċertifikat komplut dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, l-awtorità tal-approvazzjoni tista’ tippreżumi li l-manifattur daħħal fis-seħħ arranġamenti u proċeduri sodisfaċenti fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, dment li ma jkun sar l-ebda lment.”;

(23)

jiżdied il-punt 7.5 li ġej:

“7.5.

L-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura għandhom jiġu pprovduti lill-operaturi indipendenti sa mhux aktar tard mid-data li fiha l-vettura tiġi introdotta fis-suq.”;

(24)

fl-Appendiċi 2, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

L-informazzjoni meħtieġa għall-manifattura tal-għodod dijanjostiċi

Sabiex tkun iffaċilitata l-provvista ta’ għodod dijanjostiċi ġeneriċi għal sewwejja ta’ ħafna marki, il-manifattur tal-vetturi għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-punti 3.1, 3.2 u 3.3. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-funzjonijiet kollha tal-għodod dijanjostiċi u l-links kollha għall-informazzjoni dwar it-tiswija u għall-istruzzjonijiet għall-individwazzjoni ta’ soluzzjoni. L-aċċess għall-informazzjoni jista’ jkun soġġett għall-ħlas ta’ ammont raġonevoli.”;

(25)

l-Appendiċi 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 2, jiżdiedu l-punti 2.1.14 u 2.1.15 li ġejjin:

“2.1.14.

‘Fornitur ta’ Servizzi Remoti (RSS, Remote Service Supplier)’

‘fornitur ta’ servizzi remoti (RSS)’ għandha tfisser fornitur ta’ servizz li jwettaq mill-bogħod, bħala servizz ipprovdut lill-operatur indipendenti (IO, Indipendent Operator) fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu relatati mal-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni relatati mas-sigurtà (SERMI, Security-related Repair and Maintenance Information), l-ipprogrammar, l-immuntar jew l-attivazzjoni ta’ partijiet u ta’ tagħmir fuq vettura.

2.1.15.

‘Impjegat tal-RSS’

‘Impjegat tal-RSS’ għandha tfisser l-impjegat ta’ RSS approvat li, wara awtorizzazzjoni mill-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità (CAB, Conformity Assessment Body), ikollu aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni (RMI, Repair and Maintenance Information) relatata mas-sigurtà.”;

(b)

fil-punt 3, it-tielet u r-raba’ punti huma sostitwiti b’dan li ġej:

“IOs li jixtiequ jirċievu RMI relatata mas-sigurtà għandhom jiksbu ċertifikat ta’ spezzjoni tal-approvazzjoni minn CAB akkreditat.

L-impjegati tal-IO li għandhom jimmaniġġjaw RMI relatata mas-sigurtà għandhom jiksbu ċertifikat ta’ spezzjoni tal-awtorizzazzjoni minn CAB akkreditat.”;

(c)

fil-punt 4.1.1, jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f)

l-SERMI għandha timmaniġġja lista ta’ interpretazzjonijiet sanzjonati, li għandha tintuża esklużivament għall-fini tal-interpretazzjoni tal-iskema.”;

(d)

jiżdied il-punt 4.4.2 li ġej:

“4.4.2.

L-RSS għandhom ikunu soġġetti għar-responsabbiltajiet u għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 4.4.1.”;

(e)

jiżdied il-punt 4.5.2 li ġej:

“4.5.2.

L-impjegat tal-RSS għandhom ikunu suġġetti għar-responsabbiltajiet u għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 4.5.1.”;

(26)

jiżdied l-Appendiċi 4 li ġej:

Appendiċi 4

Kundizzjonijiet u proċedura għall-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi

1.   

Kamp ta’ applikazzjoni

1.1.   

Dan l-Appendiċi fih il-kundizzjonijiet għall-aċċess li l-manifattur għandu jitħalla jistabbilixxi u l-proċeduri li l-manifattur tal-vettura għandu japplika jew għandu jitħalla biss jesiġi li japplikaw partijiet oħra, filwaqt li jimplimenta l-miżuri ta’ sigurtà għall-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD imsemmija fil-punti 2.9(a) u (b) ta’ dan l-Anness.

1.2.   

Kwalunkwe referenza f’dan l-Appendiċi għal operaturi indipendenti jew għas-sħab, għan-negozjanti u għas-sewwejja awtorizzati tal-manifattur, kif ukoll għal manifattur tal-vettura li jaġixxi għal skopijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni f’dan l-Appendiċi għandha tinkludi kwalunkwe persuna jew operatur li jaġixxi f’isimhom, bħal fornitur ta’ servizz li jwettaq b’mod remot, bħala servizz ipprovdut lill-operatur indipendenti, l-ipprogrammar, l-immuntar jew l-attivazzjoni ta’ partijiet u ta’ tagħmir fuq vettura (fornituri ta’ servizzi remoti).

2.   

Obbligi tal-manifattur

2.1.   

Il-manifattur tal-vettura għandu jkun responsabbli biex jiżgura li l-prerekwiżiti tekniċi kollha għall-applikazzjoni tal-proċeduri msemmija f’dan l-Appendiċi jkunu fis-seħħ, inklużi l-kredenzjali ta’ aċċess bħal ċertifikati jew tokens tas-software u l-arranġamenti neċessarji mal-manifatturi tal-għodod dijanjostiċi.

2.2.   

Il-manifattur tal-vettura għandu juri lill-awtorità tal-approvazzjoni li l-vettura tkun iddisinjata biex tippermetti aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan l-Appendiċi, bl-użu ta’ għodod dijanjostiċi ta’ marki multipli.

2.3.   

Il-manifattur tal-vettura għandu jipprovdi lill-manifatturi tal-għodod dijanjostiċi l-informazzjoni msemmija fil-punt 11 ta’ dan l-Appendiċi.

2.4.   

Il-manifattur tal-vettura għandu jiżgura li s-server tiegħu użat biex jippermetti l-aċċess skont il-punt 2.9 ta’ dan l-Anness joffri lill-operaturi indipendenti, fuq bażi mhux diskriminatorja, l-istess disponibbiltà u prestazzjoni tas-sistema ta’ informazzjoni li joffri lis-sħab, lin-negozjanti u lis-sewwejja awtorizzati tal-manifattur tal-vettura jew lill-manifattur tal-vettura li jużaha għal dan l-għan.

Il-manifattur tal-vettura għandu jiżgura li kwalunkwe server użat għall-fini tal-għoti ta’ aċċess skont il-punt 2.9 ta’ dan l-Anness ikun aċċessibbli mingħajr interruzzjoni, ħlief għal ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli barra mill-kontroll tal-manifattur tal-vettura u mhux attribwibbli għal negliġenza min-naħa tiegħu, jew kif meħtieġ għall-finijiet ta’ manutenzjoni tas-sistema ta’ informazzjoni. F’każ ta’ manutenzjoni, il-perjodu ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ma għandux jaqbeż il-perjodu ta’ manutenzjoni ta’ kwalunkwe server ieħor użat mill-manifattur biex jippermetti l-aċċess għall-finijiet imsemmija fil-punt 2.9 ta’ dan l-Anness. L-informazzjoni tal-manutenzjoni ppjanata għandha tkun disponibbli għall-manifatturi tal-għodod dijanjostiċi biżżejjed minn qabel.

Il-manifattur tal-vettura għandu jagħmel l-informazzjoni dwar l-istatistiki annwali relatati mad-disponibbiltà tas-server disponibbli għall-awtorità tal-approvazzjoni fuq talba. Il-każijiet ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tas-server għandhom jiġu rrapportati minnufih mill-manifattur tal-vettura lill-Forum OBD definit fil-punt 12.

2.5.   

Il-manifattur tal-vettura ma għandux jirrestrinġi l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD lil hinn mir-restrizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Appendiċi sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, il-manifattur tal-vettura ma għandux jirrestrinġi l-aċċess minn operaturi indipendenti għall-informazzjoni dwar l-OBD lil hinn mir-restrizzjonijiet applikabbli għas-sħab, għan-negozjanti u għas-sewwejja awtorizzati tiegħu jew għall-manifattur tal-vettura li jaċċessa l-informazzjoni dwar l-OBD għal skopijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni.

2.6.   

Il-manifattur tal-Vettura għandu jiżgura li l-miżuri taċ-ċibersigurtà li jimplimenta, inklużi r-rekwiżiti ta’ kompatibbiltà msemmija fil-punt 6.2, ma jirriżultawx fir-restrizzjoni jew fit-tfixkil tal-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD skont dan l-Appendiċi lil hinn minn dak li jkun neċessarju u proporzjonat għall-konformità mal-Artikolu 4.5(d) u mal-Anness II, il-linja D4, tar-Regolament (UE) 2019/2144. Tali miżuri jistgħu jindirizzaw ir-riskji u t-theddid futuri fejn il-manifattur tal-vettura jista’ juri l-impatt u l-probabbiltà tagħhom.

2.7.   

Kwalunkwe miżura implimentata mill-manifattur tal-vettura biex jipprevjeni tbagħbis tal-emissjonijiet u frodi tal-odometru ma għandhomx jillimitaw jew ifixklu l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD lil hinn minn dak li jkun neċessarju u proporzjonat biex ikun konformi mal-Artikoli 4(7) u 4(8) tar-Regolament (UE) 2024/1257 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

3.   

Awtentikazzjoni

3.1.   

Il-manifattur tal-vettura jista’, bħala kundizzjoni għall-ħruġ tal-kredenzjali ta’ aċċess, jeħtieġ l-awtentikazzjoni tal-manifattur tal-għodda dijanjostika u tal-għodda dijanjostika użata, ħlief għall-operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni li ġejjin:

(a)

il-qari tal-kodiċijiet tad-dijanjostika tal-ħsarat;

(b)

il-qari tal-VIN tal-vettura;

(c)

il-qari tad-data u l-ikklirjar tal-kodiċijiet tad-dijanjostika tal-ħsarat fejn l-aċċess mhux ristrett permezz ta’ għodda għall-iskennjar ġenerika jew tal-OBD ikun meħtieġ jew skont ir-Regolament (UE) 2017/1151 jew skont ir-Regolament (UE) 2024/1257; jew inkella previst fir-Regolament tan-NU Nru 49, fir-Regolament tan-NU Nru 83 (*5), fir-Regolament tan-NU Nru 168 (*6) jew fir-Regolament tan-NU Nru 154.

3.2.   

Kull meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD ikun jinvolvi bidliet fil-vettura, il-manifattur tal-vettura jista’, bħala kundizzjoni għall-ħruġ tal-kredenzjali ta’ aċċess, jeħtieġ l-awtentikazzjoni tal-operatur. Fil-każ ta’ apparati użati għal skopijiet ta’ monitoraġġ, fejn id-data tinqara biss u tiġi rrapportata b’mod awtonomu lis-server tal-manifatturi tal-għodod dijanjostiċi mingħajr ebda interazzjoni umana, il-manifattur tal-vettura ma għandux jeħtieġ l-awtentikazzjoni tal-operatur.

3.3.   

Meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD ikun jinvolvi bidla fis-software tal-vettura jew fil-konfigurazzjoni/fil-parametri tiegħu li tikkonsisti fir-riprogrammazzjoni tal-kodiċi tas-software tal-vettura, li tirriżulta f’bidla fl-imġiba maħsuba tal-vettura u li tippersisti lil hinn mill-operazzjoni ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni, u l-bidla tkun tista’ titreġġa’ lura jew tiġi ssostitwita biss bit-twettiq ta’ operazzjoni ekwivalenti, il-manifattur tal-vettura jista’ jeħtieġ l-awtentikazzjoni tal-impjegat tal-operatur li jkun qed ifittex aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD, sakemm il-manifattur tal-għodda dijanjostika ma jaffermax lill-manifattur tal-vettura li, abbażi tar-riżultat ta’ awditu indipendenti mwettaq mhux iktar minn 3 snin qabel it-talba, l-operatur ikollu sistema fis-seħħ li tippermetti l-identifikazzjoni mhux ambigwa tal-impjegat li jkun qed ifittex aċċess bħal dan.

3.4.   

Il-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 3.2 għandhom jinkludu tali operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni bħall-attivazzjoni tal-attwaturi u tar-rutini tat-testijiet funzjonali, l-ikklirjar tal-kodiċijiet tad-dijanjostika tal-ħsarat, ir-risettjar tad-dwal tas-servizz, ir-risettjar tal-parametri tat-taħriġ adattabbli, u sostituzzjoni tal-partijiet inkluża l-inizjalizzazzjoni tal-komponent mhux intelliġenti u l-qari tad-data bl-identifikatur, ħlief meta jintuża għall-finijiet ta’ Spezzjoni Teknika Perjodika b’valuri komparabbli mal-valuri definiti fl-Anness B tal-ISO20730-3, dment li dawn il-valuri jkunu disponibbli fil-vettura.

3.5.   

Il-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 3.2 għandhom jinkludu l-kalibrazzjoni, mifhuma bħala proċess ta’ aġġustament jew ta’ allinjament tal-parametri tas-software u tal-hardware tal-vettura kif stipulat mill-manifattur tal-vettura u mingħajr kodifikazzjoni tal-varjanti jew modifika tas-software tal-vettura.

3.6.   

Għall-finijiet tal-awtentikazzjoni msemmija fil-punti 3.1 sa 3.3, il-manifattur tal-għodda użata għall-aċċess tal-informazzjoni dwar l-OBD jista’ jkun meħtieġ mill-manifattur tal-vettura biex jattesta lill-manifattur tal-vettura dawn li ġejjin:

(a)

l-identità tal-għodda dijanjostika;

(b)

meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD ikun jinvolvi bidliet fil-vettura msemmija fil-punt 3.2, l-identità tal-għodda dijanjostika u l-identità psewdonimizzata tal-operatur u l-konformità tal-operatur mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni msemmija fil-punt 8.1;

(c)

meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD ikun jinvolvi bidla fis-software tal-vettura jew fil-konfigurazzjoni/il-parametri tiegħu li jikkonsistu fir-riprogrammazzjoni tal-kodiċi tas-software tal-vettura, li tirriżulta f’bidla fl-imġiba maħsuba tal-vettura u li tippersisti lil hinn mill-operazzjoni ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni, u l-bidla tkun tista’ titreġġa’ lura jew tiġi ssostitwita biss bit-twettiq ta’ operazzjoni ekwivalenti, kif imsemmi fil-punt 3.3, l-identità psewdonimizzata tal-impjegat tal-operatur u l-konformità ta’ dan l-impjegat mar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt 8.2.

3.7.   

Fil-każijiet imsemmija fil-punt 3.6, il-punt (b) u (c), l-identità tal-operatur u, fejn rilevanti, tal-impjegat tal-operatur u l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni msemmija fil-punti 8.1 u 8.2 għandhom jiġu vverifikati mill-manifattur tal-għodda dijanjostika użata għall-aċċess tal-informazzjoni dwar l-OBD jew stabbiliti abbażi ta’ ċertifikat ta’ awtorizzazzjoni msemmi fil-punt 9.2.

3.8.   

Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda tariffa mill-manifattur tal-vettura biex jagħti aċċess skont il-punt 2.9 tal-Anness X. Madankollu, il-manifattur tal-vettura jista’ jitlob tariffi ġustifikati u proporzjonati għall-użu tal-faċilità remota msemmija fil-punt 2.9, il-punt (c).

4.   

Rekwiżiti ta’ konnessjoni

4.1.   

Ħlief għall-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 3.1, il-punti (a) sa (c), il-manifattur tal-vettura jista’ jirrikjedi konnessjoni online ta’ darba mill-għodda dijanjostika permezz tas-server tal-manifattur tal-għodda dijanjostika għas-server tal-manifattur tal-vettura biex jirċievi l-kredenzjali. Wara l-għoti tal-kredenzjali ta’ aċċess, l-aċċess ma għandux jeħtieġ konnessjoni online.

4.2.   

Kull meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD ikun jinvolvi bidla fis-software tal-vettura jew fil-konfigurazzjoni tiegħu jew fil-parametri tiegħu li tirriżulta f’tibdil fl-imġiba maħsuba tal-vettura li tippersisti lil hinn mill-operazzjoni ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni u li tista’ titreġġa’ lura jew tiġi ssostitwita biss bit-twettiq ta’ operazzjoni ekwivalenti, il-manifattur tal-vettura jista’ jirrikjedi konnessjoni online kontinwa fil-ħin li titwettaq it-tiswija mill-għodda dijanjostika mas-server tal-manifattur tal-għodda dijanjostika kif ukoll mill-manifattur tal-għodda dijanjostika mas-server tal-manifattur tal-vettura.

4.3.   

Il-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 4.2 għandhom jinkludu dawn li ġejjin;

(a)

l-operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni bħala l-istabbiliment ta’ komponent ta’ sostituzzjoni u tal-preferenzi tal-klijent, l-identifikazzjoni ta’ Unità ta’ Kontroll Elettroniku (ECU, Electronic Control Unit) u l-kodifikazzjoni tal-varjanti, l-inizjalizzazzjoni ta’ ECU u ta’ komponent, il-kodifikazzjoni tal-varjanti meta jiġu ssostitwiti komponenti eżistenti, u l-kodifikazzjoni tal-varjanti meta jiżdied komponent ġdid;

(b)

l-operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni msemmija fil-punt 5.5.

4.4.   

Il-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 4.2 ma għandhomx jinkludu operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni enumerati fil-punti 3.4 u 3.5.

4.5.   

Madankollu, b’deroga mill-punt 4.4, il-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 4.2 jinkludu l-operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni msemmija fil-punt 3.5 fejn ikun neċessarju li jiġu vvalidati l-valuri tal-kalibrazzjoni li jkunu soġġetti għal rekwiżiti regolatorji jew meta l-kalibrazzjoni ma tkunx tista’ titlesta mingħajr id-data dwar komponenti individwali jew speċifika għall-unità teknika separata neċessarja biex jitlesta l-proċess ta’ tiswija u miksuba mis-server tal-manifattur bħala parti minn proċess ta’ kodifikazzjoni tal-varjanti.

5.   

Rekwiżiti ta’ traċċabilità

5.1.   

Ħlief għal każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punti (a) sa (c) tal-punt 3.1, il-manifattur tal-vettura jista’ jitlob lill-manifattur tal-għodda dijanjostika jiġbor u jaħżen il-VIN tal-vettura u l-identifikatur uniku tal-għodda dijanjostika.

5.2.   

Kull meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD ikun jinvolvi bidliet fil-vettura, il-manifattur tal-vettura jista’ jitlob lill-manifattur tal-għodda dijanjostika jiġbor u jaħżen informazzjoni dwar il-kompiti dijanjostiċi eżegwiti kollha (eż. l-ID tas-servizz u s-subfunzjoni) u d-data u t-timbri tal-ħin UTC tal-parametri/attributi użati għal kull interazzjoni mal-vettura.

5.3.   

Il-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 5.2 għandhom jinkludu tali operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni bħal dawk imsemmija fil-punti 3.4, 3.5, 4.3 u 4.5.

5.4.   

Kull meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD ikun jinvolvi bidla fis-software tal-vettura jew fil-konfigurazzjoni/il-parametri tiegħu li tikkonsisti fir-riprogrammazzjoni tal-kodiċi tas-software tal-vettura, li tirriżulta f’bidla fl-imġiba maħsuba tal-vettura u li tippersisti lil hinn mill-operazzjoni ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni, u din il-bidla tkun tista’ titreġġa’ lura jew tiġi ssostitwita biss bit-twettiq ta’ operazzjoni ekwivalenti, il-manifattur tal-vettura jista’ jirrikjedi li l-manifattur tal-għodda dijanjostika jiġbor u jipprovdi r-riżultati tal-ispezzjoni tat-topoloġija tan-netwerk tal-vettura, l-istat inizjali tal-vettura mal-konnessjoni, inklużi l-verżjonijiet tal-hardware/software tal-unitajiet ta’ kontroll elettroniku kollha installati fil-vettura, ir-riżultati tal-interazzjoni tal-moduli u tar-rutini kollha mħaddma (eż. il-parametri rritornati) u r-riżultati tal-qari tal-verifika finali tas-saħħa tal-vettura wara t-tiswija.

5.5.   

Il-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 5.4 għandhom jinkludu tali operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni bħat-tqabbil ta’ parti ta’ sostituzzjoni oriġinali (inkluża parti manifatturata mill-ġdid jew użata mill-ġdid kompatibbli mas-software u mal-hardware (kif definiti mill-manifattur tal-vettura)) jew parti ta’ sostituzzjoni awtorizzata mill-manifattur tal-vettura ma’ vettura permezz ta’ għodda dijanjostika indipendenti u r-riprogrammazzjoni ta’ modulu li juża software tal-vettura tat-tagħmir oriġinali u software tal-ipprogrammar tat-tagħmir oriġinali f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vettura. Għandha tinkludi wkoll każijiet ta’ diżakkoppjament jew dereġistrazzjoni ta’ parti minn vettura.

5.6.   

Il-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 5.4 ma għandhomx jinkludu operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni enumerati fil-punti 3.4, 3.5, 4.3 u 4.5.

6.   

Ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà applikabbli għall-għodda dijanjostika

6.1.   

Ħlief għall-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punti (a) sa (c) tal-punt 3.1, il-manifattur tal-vettura jista’ jirrikjedi li l-għodda dijanjostika użata għall-aċċess tal-informazzjoni dwar l-OBD tikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7) u li l-manifattur tal-għodda dijanjostika jikkonforma mal-Iskambju ta’ Valutazzjoni tas-Sigurtà tal-Informazzjoni ta’ Fiduċja (TISAX, Trusted Information Security Assessment Exchange), għal-livell speċifikat mill-manifattur tal-vettura f’konformità mal-punt 2.5, jew mal-ISO 27001.

6.2.   

Kull meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD jinvolvi bidliet fil-vettura msemmija fil-punt 3.2, il-manifattur tal-vettura jista’ jirrikjedi li l-għodda dijanjostika użata għall-aċċess tal-informazzjoni dwar l-OBD u l-manifattur tal-għodda dijanjostika jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-implimentazzjoni tas-sigurtà tal-manifattur tal-vettura.

6.3.   

Ir-rekwiżiti tal-implimentazzjoni tas-sigurtà tal-manifattur tal-vettura ma għandhomx jaqbżu r-rekwiżiti imposti fuq l-għodda dijanjostika proprja, fuq il-fornituri tal-għodda u fuq l-organizzazzjoni proprja tal-manifattur tal-vettura u għandhom jiġu applikati fuq bażi mhux diskriminatorja.

6.4.   

Il-manifattur tal-vettura jista’ jitlob lill-manifattur tal-għodda dijanjostika jwettaq testijiet biex jivverifika l-konformità tal-għodda dijanjostika mar-rekwiżiti speċifikati. Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz għandu jiżgura li kwalunkwe verifika tar-riżultati ta’ dawn it-testijiet imwettqa mill-manifattur tal-vettura ssir fil-ħin. F’każ li l-konformità tal-manifattur tal-għodda dijanjostika mar-rekwiżiti ta’ din it-taqsima ma tiġix ikkonfermata, għandha tiġi pprovduta dikjarazzjoni ċara tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ konformità mill-manifattur tal-vettura, flimkien mal-miżuri meħtieġa li għandhom jiġu implimentati mill-manifattur tal-għodda dijanjostika.

6.5.   

Il-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 6.2 għandhom jinkludu tali operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni bħal dawk imsemmija fil-punti 3.4 u 3.5.

6.6.   

Kull meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD ikun jinvolvi bidla fis-software tal-vettura jew fil-konfigurazzjoni/fil-parametri tiegħu li tirriżulta f’bidla fl-imġiba maħsuba tal-vettura li tippersisti lil hinn mill-operazzjoni ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni, u din il-bidla tkun tista’ titreġġa’ lura jew tiġi ssostitwita biss bit-twettiq ta’ operazzjoni ekwivalenti, il-manifattur tal-vettura jista’ jirrikjedi li l-għodda dijanjostika użata għall-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD u l-manifattur tal-għodda dijanjostika jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-implimentazzjoni tas-Sistema tal-Ġestjoni tal-Aġġornamenti tas-Software (kif definita fir-Regolament tan-NU Nru 156 (*8) tal-manifattur tal-vettura. Dawk ir-rekwiżiti ma għandhomx jaqbżu r-rekwiżiti imposti fuq l-għodda dijanjostika proprja, fuq il-fornituri tal-għodda u fuq l-organizzazzjoni proprja tal-manifattur tal-vettura u għandhom jiġu applikati fuq bażi mhux diskriminatorja.

6.7.   

Il-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 6.6 għandhom jinkludu tali operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni bħal dawk imsemmija fil-punti 4.3, 4.5 u 5.5 u ma għandhomx jinkludu dawk imsemmija fil-punti 3.4 u 3.5.

7.   

Kredenzjali tal-aċċess

7.1.   

Fejn ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet kollha msemmija fit-Taqsimiet 3, 4 u 6, il-manifattur tal-vettura għandu, mingħajr dewmien, jipprovdi lill-manifattur tal-għodda dijanjostika kredenzjali tal-aċċess suffiċjenti biex jippermetti l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa dwar l-OBD.

7.2.   

Il-kredenzjali tal-aċċess jistgħu jkunu speċifiċi għall-VIN.

7.3.   

Il-kredenzjali tal-aċċess għandhom ikunu validi għal mill-inqas 30 jum mill-ħin tal-għoti.

7.4.   

Madankollu, kull meta l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD jinvolvi bidla fil-vettura, il-manifattur tal-vettura jista’ jillimita l-validità tal-kredenzjali tal-aċċess għal 24 siegħa.

7.5.   

Il-każijiet ta’ aċċess imsemmija fil-punt 7.4 għandhom jinkludu tali operazzjonijiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni bħal dawk imsemmija fil-punti 3.4, 3.5, 4.3, 4.5 u 5.5.

8.   

Kriterji ta’ awtorizzazzjoni u ċertifikati ta’ awtorizzazzjoni

8.1.   

Fil-każijiet imsemmija fil-punt 3.2, il-manifattur tal-vettura jista’ jirrifjuta li joħroġ kredenzjali tal-aċċess jekk il-manifattur tal-għodda dijanjostika użata għall-aċċess tal-informazzjoni dwar l-OBD ma jattestax li l-operatur li jkun qed ifittex aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD:

(a)

ikollu assigurazzjoni valida tar-responsabbiltà b’ammont minimu ta’ kopertura ta’ EUR 1 miljun għal offiża fuq il-persuna u EUR 0,5 miljun għal ħsara lill-proprjetà;

(b)

iwettaq attività leġittima ta’ negozju fl-industrija tal-karozzi kif imsemmi fil-punt 6.3 ta’ dan l-Anness.

L-ebda kundizzjoni oħra għall-ħruġ ta’ kredenzjali tal-aċċess ma għandha tiġi imposta mill-manifattur tal-vettura għajr dawk speċifikati fil-punti (a) u (b).

8.2.   

Fil-każijiet imsemmija fil-punt 5.4, fejn il-manifattur tal-vettura jirrikjedi l-awtentikazzjoni tal-impjegat tal-operatur u sakemm il-manifattur tal-għodda dijanjostika ma jattestax lill-manifattur tal-vettura, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.3, li l-operatur ikollu sistema fis-seħħ li tippermetti identifikazzjoni mhux ambigwa tal-impjegat li jkun qed ifittex aċċess bħal dan, il-manifattur tal-vettura jista’ jirrifjuta li joħroġ il-kredenzjali tal-aċċess jekk il-manifattur tal-għodda dijanjostika użata sabiex tiġi aċċessata l-informazzjoni dwar l-OBD ma jattestax, minbarra l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 8.1, li l-impjegat li qed ifittex aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD ikollu ftehim ta’ impjieg mal-operatur li jkun qed ifittex aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD u li l-impjegat ikkonċernat ikollu karta tal-identità speċifika għall-pajjiż valida jew dokument ekwivalenti.

8.3.   

Sabiex ikun eliġibbli għall-proċedura ta’ awtentikazzjoni skont dan l-Appendiċi, il-manifattur tal-għodda dijanjostika għandu jkun impenja ruħu, fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti mal-operaturi, li jaċċetta fuq talba mill-operatur indipendenti, għall-finijiet tal-attestazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-punti 8.1 u 8.2, ċertifikat imsemmi fil-punt 9.2 ta’ dan l-Appendiċi u maħruġ mhux aktar kmieni minn 60 xahar qabel it-talba tal-aċċess. Madankollu, meta l-operatur ma jitlobx li jiġi awtentikat abbażi ta’ ċertifikat bħal dan, il-manifattur tal-għodda dijanjostika jista’, għall-fini tal-awtentikazzjoni, jagħżel li jivverifika l-identità tal-operatur jew tal-impjegat tal-operatur u l-konformità mal-kriterji ta’ awtorizzazzjoni permezz tal-proċessi tiegħu stess.

9.   

Korp ta’ Valutazzjoni tal-Konformità u Ċentru Fiduċjarju

9.1.   

Iċ-ċertifikati msemmija fil-punti 3.7 u 8.3 għandhom jinħarġu minn Ċentru Fiduċjarju msemmi fil-punt 2.1.6 tal-Appendiċi 3 abbażi tas-sejbiet ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kif imsemmi fil-punt 4.2.2 tal-Appendiċi 3 fir-rigward taċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt 9.2.

9.2.   

Għall-finijiet tal-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ awtorizzazzjoni minn Ċentru Fiduċjarju, il-Korp ta’ Valutazzjoni tal-Konformità għandu:

(a)

jikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fil-punti (a), (b), (d), (e), (f), (g), (h), (i), (k), (l), (n), u (p) tal-punt 4.3.1 tal-Appendiċi 3 tal-Anness X;

(b)

jispezzjona u jikkonferma ċ-ċirkostanzi msemmija f’(d) u f’(g) tal-punt 4.3.3 tal-Appendiċi 3 tal-Anness X. Fil-każijiet imsemmija fil-punt 5.4, meta l-manifattur tal-vettura jeħtieġ l-awtentikazzjoni tal-impjegat tal-operatur, l-ispezzjoni u l-konferma ta’ dawk iċ-ċirkostanzi għandhom jirreferu għall-impjegat tal-operatur.

9.3.   

Għall-finijiet tal-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ awtorizzazzjoni fil-każijiet imsemmija fil-punt 9.1, iċ-Ċentru Fiduċjarju għandu:

(a)

jikkonforma mar-rekwiżiti tal-punt 4.6 tal-Appendiċi 3;

(b)

jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa kollha lill-manifattur tal-għodda dijanjostika biex jimplimenta ċ-ċertifikati fl-għodod dijanjostiċi tagħhom.

10.   

L-aċċess tal-manifattur tal-vettura għal informazzjoni dwar l-operatur

10.1.   

Il-manifattur tal-vettura għandu jikseb, fuq talba, mingħand il-manifattur tal-għodda dijanjostika aċċess għall-informazzjoni dwar operazzjoni individwali ta’ tiswija jew ta’ manutenzjoni rreġistrata f’konformità mat-Taqsima 5 biss meta dan ikun neċessarju fir-rigward tax-xogħol ta’ tiswija jew ta’ manutenzjoni mwettaq fuq vettura individwali sabiex:

(a)

jirreaġixxi għal suspett raġonevoli ta’ użu ħażin serju tal-aċċess għall-vettura;

(b)

iwettaq investigazzjonijiet f’każ ta’ responsabbiltà dwar il-prodott jew ta’ pretensjonijiet tal-garanzija;

(c)

jinvestiga inċidenti ta’ ċibersigurtà jew ta’ tbagħbis illegali, iwieġeb mistoqsijiet ta’ sid il-vettura jew ta’ awtorità pubblika.

Fil-każijiet imsemmija fil-punti (b) u (c), din l-informazzjoni għandha tinkludi, fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar l-operatur u/jew l-impjegati tiegħu. F’każijiet li fihom għall-awtentikazzjoni l-manifattur tal-għodda dijanjostika jkun ibbaża fuq ċertifikat ipprovdut miċ-Ċentru Fiduċjarju, is-CAB rilevanti għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-valutazzjoni tiegħu ta’ talba dokumentata mill-manifattur tal-vettura.

Il-manifattur tal-vettura għandu jiżgura li l-informazzjoni dwar operazzjoni individwali ta’ tiswija jew ta’ manutenzjoni aċċessata għall-finijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) ma għandha tintuża għal ebda skop ieħor.

10.2.   

Fil-każijiet imsemmija fil-punt 10.1, il-manifattur tal-għodda dijanjostika għandu jinforma, mingħajr dewmien, lill-operatur indipendenti u, meta rilevanti, lill-impjegat tal-operatur indipendenti, dwar l-aċċess għall-informazzjoni rigward operazzjoni individwali ta’ tiswija jew ta’ manutenzjoni jew dwar l-informazzjoni li tikkonċerna l-operatur u/jew l-impjegati tiegħu.

10.3.   

Fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) u (c) tal-punt 10.1 u fejn dan ikun neċessarju u proporzjonat biex jiġi evitat aktar użu ħażin jew biex jiġi indirizzat ir-riskju taċ-ċibersigurtà, il-manifattur tal-vettura jista’ jissospendi jew jirrestrinġi temporanjament l-aċċess tal-għodda dijanjostika kkonċernata jew jitlob lill-manifattur involut tal-għodda dijanjostika biex jieħu miżuri immedjati biex jillimita temporanjament l-aċċess tal-operatur ikkonċernat, tal-għodda dijanjostika, jew tal-impjegat għall-informazzjoni dwar l-OBD rigward il-vetturi ta’ dan il-manifattur.

10.4.   

F’każijiet eċċezzjonali, b’reazzjoni għal inċident sinifikanti preżenti jew imminenti taċ-ċibersigurtà, Manifattur tal-Vettura jista’ jissospendi l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD, fl-aktar livell granulari possibbli, meta jkun neċessarju u proporzjonat li jirreaġixxi għall-inċident ikkonċernat.

10.5.   

Fil-każijiet imsemmija fil-punti 10.3 u 10.4, il-manifattur tal-vettura għandu, fl-istess ħin, jinnotifika s-sospensjoni lill-Awtorità tal-Approvazzjoni, flimkien mar-raġunijiet għas-sospensjoni u mal-evidenza rilevanti kollha. Is-sospensjoni għandha titneħħa meta l-inċident jiġi solvut jew jekk l-Awtorità tal-Approvazzjoni titlob lill-manifattur tal-vettura biex jagħmel dan.

L-Awtorità tal-Approvazzjoni għandha, fi żmien 10 ijiem mill-jum tan-notifika, tirrieżamina r-raġunijiet għas-sospensjoni u, jekk is-sospensjoni tkun manifestament mhux ġustifikata jew sproporzjonata, titlob lill-manifattur tal-vettura jew lill-manifattur involut tal-għodda dijanjostika biex jerġa’ jistabbilixxi l-aċċess

L-Awtorità tal-Approvazzjoni tista’, fi kwalunkwe ħin, titlob lill-manifattur tal-vettura u lill-manifattur involut tal-għodda dijanjostika biex jerġa’ jistabbilixxi l-aċċess meta tqis li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma għadhomx jeżistu.

11.   

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-manifatturi tal-għodod dijanjostiċi

11.1.   

Is-sistema tal-RMI tal-manifattur tal-vettura għandha turi d-data ta’ kuntatt u dik relatata mal-ipproċessar tal-informazzjoni dwar kif tinkiseb l-informazzjoni mitluba, kif speċifikat fil-punti (a), (b), (c) u (d), dwar l-integrazzjoni tal-għodda dijanjostika, fil-ħin tal-approvazzjoni tat-tip:

(a)

informazzjoni ta’ kuntatt għal mistoqsijiet tekniċi u kummerċjali;

(b)

deskrizzjoni tal-proċess ta’ integrazzjoni inkluża l-iskeda ta’ żmien indikattiva;

(c)

it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-integrazzjoni tal-għodod dijanjostiċi mill-manifattur tal-għodda dijanjostika;

(d)

skeda tat-tariffi għas-servizzi relatati mal-integrazzjoni.

11.2.   

Suġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ nondivulgazzjoni, il-manifattur tal-vettura għandu jagħmel disponibbli, fuq talba, l-informazzjoni li ġejja għal kwalunkwe operatur indipendenti li jikkonforma mat-TISAX, sal-livell speċifikat mill-manifattur tal-vettura f’konformità mal-punt 2.5, jew mal-ISO 27001:

(a)

għal referenza, mudell ta’ ftehim dwar l-integrazzjoni tas-sigurtà, li jindika b’mod ċar it-termini maħsuba biex jiġu inklużi fil-ftehimiet kollha tal-manifattur tal-vettura mal-manifatturi tal-għodod dijanjostiċi dwar din il-kwistjoni;

(b)

deskrizzjoni tar-rekwiżiti u tal-proċessi għall-integrazzjoni sikura tal-għodda dijanjostika inkluża l-iskeda ta’ żmien indikattiva.

11.3.   

Il-manifattur tal-vettura għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja u jagħmel disponibbli s-servizzi li ġejjin lill-manifattur tal-għodda dijanjostika, fiż-żmien tal-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-integrazzjoni tal-għodda dijanjostika:

(a)

ir-rekwiżiti, il-proċessi u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi aġġornati dettaljati u f’waqthom għall-integrazzjoni sigura tal-għodda dijanjostika, inklużi r-rekwiżiti tal-implimentazzjoni tas-sigurtà;

(b)

bi ħlas raġonevoli, kif imsemmi fil-punt 2.3, appoġġ tekniku b’rispons istantanju għall-integrazzjoni tas-sigurtà u għall-verifika tal-għodod dijanjostiċi.

11.4.   

Ir-rekwiżiti tal-implimentazzjoni tas-sigurtà msemmija fil-punt 11.3 għandhom ikunu akkumpanjati mill-ispjegazzjoni tar-raġunijiet għal dan ir-rekwiżit. F’każijiet eċċezzjonali, il-manifattur tal-vettura jista’ jipprovdi biss ir-rekwiżiti neċessarji mingħajr spjegazzjonijiet dettaljati f’każijiet li fihom:

(a)

id-divulgazzjoni tal-objettivi speċifiċi wara rekwiżit tista’ tikkomprometti informazzjoni proprjetarja jew sigrieti kummerċjali, jew

(b)

id-divulgazzjoni tar-raġunament tkun tiżvela strateġija usa’ taċ-ċibersigurtà li trid tibqa’ kunfidenzjali biex tinżamm l-integrità tas-sistema.

11.5.   

L-informazzjoni msemmija fil-punti 11.1 sa 11.3 għandha tiġi pprovduta flimkien mal-applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip.

12.   

Forum dwar l-OBD

12.1.   

Il-Forum dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni dwar il-Vetturi (Forum dwar l-OBD) għandu jkun inkarigat mill-koordinazzjoni u mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proċeduri:

(a)

għall-awtentikazzjoni u għall-awtorizzazzjoni ta’ operaturi indipendenti kif deskritti fil-punti 3 u 8 ta’ dan l-Appendiċi, inklużi l-proċessi użati mill-manifatturi tal-għodod dijanjostiċi għall-verifika tal-kriterji ta’ awtorizzazzjoni, kif deskritti fil-punt 3 ta’ dan l-Appendiċi;

(b)

għall-ħruġ tal-kredenzjali tal-aċċess kif deskritti fil-punt 7 ta’ dan l-Appendiċi inkluż l-issodisfar tar-rekwiżiti ta’ traċċabilità u ta’ konnettività;

(c)

għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar l-aċċess u s-sospensjoni jew ir-restrizzjoni tal-aċċess kif deskritta fil-punt 10 ta’ dan l-Appendiċi.

12.2.   

Il-Forum għandu:

(a)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Appendiċi;

(b)

jagħti pariri lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni dwar tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan l-Appendiċi;

(c)

jagħti pariri lill-manifatturi tal-vetturi, lill-manifatturi tal-għodod dijanjostiċi u lill-operaturi indipendenti dwar:

(i)

l-interpretazzjoni tal-Appendiċi;

(ii)

l-aspetti prattiċi tal-proċeduri msemmija fil-punti 12.1;

(iii)

gwida dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim rigward l-implimentazzjoni tal-proċeduri msemmija fil-punt 12.1.

12.3.   

Il-membri tal-Forum dwar l-OBD għandhom ikunu rrappreżentati mill-manifatturi tal-vetturi u mill-operaturi indipendenti involuti fl-implimentazzjoni u fl-użu tal-proċeduri u tal-proċessi deskritti fil-paragrafu 12.1.

12.4.   

Il-Forum dwar l-OBD għandu jopera taħt l-istruttura legali u organizzazzjonali komuni bħala l-“Forum għall-aċċess għall-RMI tal-Vetturi Relatata mas-Sigurtà. msemmi fil-paragrafu 2.1.12 tal-Appendiċi 3.

”.

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1257 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, fir-rigward tal-emissjonijiet u d-durabbiltà tal-batterija tagħhom (Euro 7), li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kumissjoni (UE) 2022/1362 (ĠU L, 2024/1257, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1257/oj)."

(*5)  Ir-Regolament Nru 83 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) — Dispożizzjonijiet uniformi rigward l-approvazzjoni tal-vetturi fir-rigward tal-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu skont ir-rekwiżiti tal-fjuwil tal-magna (ĠU L 42, 15.2.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/83/oj)."

(*6)  Ir-Regolament tan-NU Nru 168 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri u kummerċjali ħfief fir-rigward tal-emissjonijiet f’sewqan reali (RDE) [2024/211] (ĠU L, 2024/211, 12.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/211/oj)."

(*7)  Ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) (ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj)."

(*8)  Ir-Regolament tan-NU Nru 156 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-aġġornamenti tas-software u tas-sistema ta’ ġestjoni tal-aġġornamenti tas-software [2021/388] (ĠU L 82, 9.3.2021, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/388/oj)."

()  Ir-Regolament (UE) 2024/1257 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, fir-rigward tal-emissjonijiet u d-durabbiltà tal-batterija tagħhom (Euro 7), li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kumissjoni (UE) 2022/1362 (ĠU L, 2024/1257, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1257/oj).

()  Ir-Regolament Nru 83 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) — Dispożizzjonijiet uniformi rigward l-approvazzjoni tal-vetturi fir-rigward tal-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu skont ir-rekwiżiti tal-fjuwil tal-magna (ĠU L 42, 15.2.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/83/oj).

()  Ir-Regolament tan-NU Nru 168 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri u kummerċjali ħfief fir-rigward tal-emissjonijiet f’sewqan reali (RDE) [2024/211] (ĠU L, 2024/211, 12.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/211/oj).

()  Ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) (ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj).

()  Ir-Regolament tan-NU Nru 156 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-aġġornamenti tas-software u tas-sistema ta’ ġestjoni tal-aġġornamenti tas-software [2021/388] (ĠU L 82, 9.3.2021, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/388/oj).


(*1)  Ir-Regolament Nru 154 tan-NU — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri u kummerċjali ħfief fir-rigward tal-emissjonijiet tal-kriterji, tal-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju u tal-konsum tal-fjuwil u/jew tal-kejl tal-konsum tal-enerġija elettrika u tal-awtonomija elettrika (WLTP) [2021/2039] (ĠU L 423, 26.11.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2039/oj).

(*2)  Ir-Regolament tan-NU Nru 49 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta’ partikoli niġġiesa u ta’ inkwinanti gassużi minn magni ta’ tqabbid bil-kompressjoni u minn magni ta’ tqabbid bi spark għall-użu fil-vetturi [2023/64] (ĠU L 14, 16.1.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/64/oj).”;

(*3)  Kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/138 tal-21 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi lista ta’ settijiet tad-data speċifiċi ta’ valur għoli u l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u għall-użu mill-ġdid tagħhom (ĠU L 19, 20.1.2023, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/138/oj).”;

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1257 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, fir-rigward tal-emissjonijiet u d-durabbiltà tal-batterija tagħhom (Euro 7), li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kumissjoni (UE) 2022/1362 (ĠU L, 2024/1257, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1257/oj).

(*5)  Ir-Regolament Nru 83 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/ECE) — Dispożizzjonijiet uniformi rigward l-approvazzjoni tal-vetturi fir-rigward tal-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu skont ir-rekwiżiti tal-fjuwil tal-magna (ĠU L 42, 15.2.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/83/oj).

(*6)  Ir-Regolament tan-NU Nru 168 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri u kummerċjali ħfief fir-rigward tal-emissjonijiet f’sewqan reali (RDE) [2024/211] (ĠU L, 2024/211, 12.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/211/oj).

(*7)  Ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) (ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj).

(*8)  Ir-Regolament tan-NU Nru 156 — Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-aġġornamenti tas-software u tas-sistema ta’ ġestjoni tal-aġġornamenti tas-software [2021/388] (ĠU L 82, 9.3.2021, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/388/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/699/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)