European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/691

23.3.2026

LINJA GWIDA (UE) 2026/691 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta’ Jannar 2026

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2026/3)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2), l-ewwel inċiż tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 3.1, l-ewwel inċiż, u l-Artikoli 5.1, 12.1, 14.3 u 18.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu, sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, iwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f’operazzjonijiet ta’ kreditu, inklużi l-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ kollateral għall-finijiet ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (1). Miżuri temporanji addizzjonali relatati ma’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral huma stabbiliti fil-Linja Gwida BĊE/2014/31 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2).

(2)

Fid-29 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jrawwem aktar armonizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-qafas kollaterali tal-Eurosistema, filwaqt li jippreserva l-firxa tiegħu. Dik id-deċiżjoni timplika, b’mod partikolari, l-integrazzjoni fil-qafas kollaterali ġenerali ta’ ċerti assi aċċettati taħt il-qafas temporanju, jiġifieri (a) assi negozjabbli ddenominati f’dollari Amerikani, liri sterlini u yen Ġappuniż; u (b) titoli ggarantiti b’assi bit-tieni l-aħjar klassifikazzjoni tal-iskala 3 tal-kwalità tal-kreditu fuq l-iskala ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema u li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà stipulati fil-qafas kollaterali temporanju.

(3)

Għaldaqstant, il-Linja Gwida BĊE/2014/31 għandha tiġi emendata f’dan is-sens,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida BĊE/2014/31 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 3 huwa mħassar;

2.

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)

li huma inklużi fil-ġabra ta’ talbiet ta’ kreditu, jekk il-liġi li tirregola t-talba ta’ kreditu jew id-debitur rilevanti (jew garanti, fejn applikabbli) hija dik ta’ kwalunkwe Stat Membru li mhuwiex wieħed li fih il-BĊN huwa stabbilit.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa mħassar;

3.

l-Artikolu 7 huwa mħassar;

4.

l-Anness IIa huwa mħassar.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida u għandhom japplikawhom mit-30 ta’ Marzu 2026. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma’ dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Marzu 2026.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2015/510/oj).

(2)  Linja Gwida BĊE/2014/31 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2014/528/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2026/691/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)