European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/687

19.3.2026

REGOLAMENT (UE) 2026/687 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2026

li jimplimenta l-klawżoli ta’ salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Mercosur u l-Ftehim Kummerċjali Interim bejn l-UE u l-Mercosur għall-prodotti agrikoli

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Mercosur (l-“EMPA”) u l-Ftehim Kummerċjali Interim bejn l-UE u l-Mercosur (l-“ITA”) jagħtu trattament preferenzjali lil prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi tal-Mercosur jew li huma destinati lejhom u jinkludu klawżoli ta’ salvagwardja bilaterali għall-irtirar temporanju tal-preferenzi tariffarji. L-ispeċifiċitajiet ta’ xi prodotti agrikoli soġġetti għal dawk il-Ftehimiet (il-“Ftehimiet”), kif ukoll is-sitwazzjoni vulnerabbli tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jirrikjedu dispożizzjonijiet ad hoc.

(2)

L-EMPA u l-ITA għandhom l-għan li jipproteġu lill-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti sensittivi fis-settur agrikolu billi jillimitaw il-preferenzi għall-kwoti tariffarji.

(3)

L-Unjoni żżomm id-dritt tagħha li tieħu miżuri ta’ salvagwardja globali f’konformità mal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji u mal-EMPA u mal-ITA.

(4)

L-Unjoni hija determinata li tagħmel użu rapidu u effettiv mill-klawżoli ta’ salvagwardja bilaterali biex tikkontrobatti l-impatti negattivi possibbli tat-tnaqqis fit-tariffi skont l-EMPA u l-ITA, inkluż għal prodotti li l-aċċess għas-suq tagħhom huwa ristrett mil-limiti li jinsabu fil-kwoti tariffarji.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri li jiggarantixxu l-implimentazzjoni effettiva tal-klawżoli ta’ salvagwardja bilaterali għall-prodotti agrikoli.

(6)

Dewmien fl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja ġustifikati jista’ jwassal għal dannu għall-bdiewa tal-Unjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar li jista’ jkun diffiċli li jiġi rimedjat.

(7)

Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċeduri speċifiċi f’konformità mal-Ftehimiet biex tiġi garantita implimentazzjoni f’waqtha tal-klawżoli ta’ salvagwardja bilaterali fl-EMPA u fl-ITA fir-rigward ta’ ċerti prodotti agrikoli sensittivi.

(8)

Il-miżuri ta’ salvagwardja għandhom jitqiesu biss meta l-prodott inkwistjoni jiġi importat fl-Unjoni f’tali kwantitajiet miżjuda, f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni, u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju għall-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament magħhom. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ salvagwardja jieħdu waħda mill-forom imsemmija fil-Ftehimiet.

(9)

Jenħtieġ li s-segwitu u r-rieżami tal-EMPA u tal-ITA, it-twettiq tal-investigazzjonijiet u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja, jitwettqu bl-aktar mod trasparenti possibbli.

(10)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe xejra fl-impożizzjonijiet li tista’ timmerita l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja.

(11)

L-affidabbiltà tal-istatistika relatata mal-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni hija kruċjali meta jiġi determinat jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja.

(12)

Il-monitoraġġ mill-qrib ta’ kwalunkwe prodott sensittiv jenħtieġ li jiffaċilita deċiżjonijiet f’waqthom dwar il-bidu possibbli ta’ investigazzjonijiet u l-impożizzjoni sussegwenti ta’ miżuri ta’ salvagwardja. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja b’mod konstanti u proattiv l-importazzjonijiet ta’ kwalunkwe prodott sensittiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-EMPA jew tal-ITA. Il-monitoraġġ jenħtieġ li jiġi estiż għal prodotti jew setturi oħra jekk l-industrija rilevanti tal-Unjoni tagħmel talba debitament ġustifikata lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar il-monitoraġġ minn tal-anqas kull sitt xhur, li jkun fih il-valutazzjoni tagħha tal-impatt tal-importazzjonijiet ta’ prodotti sensittivi li jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali għas-suq skont il-Ftehiniet, inkluż data dwar il-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet għall-prodotti sensittivi kollha.

(13)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien għall-bidu ta’ investigazzjonijiet u għad-determinazzjonijiet ta’ jekk il-miżuri ta’ salvagwardja humiex xierqa, bil-ħsieb li jiġi żgurat li tali kunsiderazzjonijiet isiru malajr, biex b’hekk tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

(14)

F’ċirkostanzi kritiċi, il-Kummissjoni jenħtieġ li timponi malajr miżuri ta’ salvagwardja proviżorji.

(15)

Il-miżuri ta’ salvagwardja jenħtieġ li jiġu applikati biss sa fejn, u għal tali żmien meħtieġ biex ma jiġi evitat dannu serju u jiġi ffaċilitat l-aġġustament. Id-durata massima tal-miżuri ta’ salvagwardja jenħtieġ li tiġi stabbilita, u jenħtieġ li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni u r-rieżami ta’ tali miżuri.

(16)

Sabiex jiġi emendat l-Anness ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-lista ta’ prodotti sensittivi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (2). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom għandhom sistemikament aċċess għallaqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(17)

L-implimentazzjoni tal-klawżoli ta’ salvagwardja bilaterali u l-istabbiliment ta’ kriterji trasparenti għas-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji previsti fil-Ftehimiet jirrikjedu kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja proviżorji u definittivi, l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza a priori, it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni mingħajr miżuri, u s-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji.

(18)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(19)

Jenħtieġ li l-proċedura konsultattiva tintuża għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza a priori u miżuri ta’ salvagwardja proviżorji, minħabba l-effetti ta’ dawk il-miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom b’rabta mal-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja definittivi. Jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tapplika għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja definittivi u għar-rieżami ta’ tali miżuri.

(20)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament meta raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jirrikjedu dan jekk, f’każijiet debitament ġustifikati, dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja proviżorji jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa jew sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq is-suq tal-Unjoni bħala riżultat ta’ żieda fl-importazzjonijiet.

(21)

Jenħtieġ li jsir provvediment għat-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali sabiex ma jiġux divulgati sigrieti kummerċjali.

(22)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-klawżoli ta’ salvagwardja bilaterali li jinsabu fil-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Mercosur (l-“EMPA”) u l-Ftehim Kummerċjali Interim bejn l-UE u l-Mercosur (l-“ITA”) fir-rigward tal-prodotti agrikoli.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

“Ftehim” tfisser l-ITA u, wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, l-EMPA;

(2)

“klawżola ta’ salvagwardja bilaterali” tfisser dispożizzjoni marbuta mas-sospensjoni temporanja ta’ tariffi preferenzjali li hija stabbilita fil-kapitolu tal-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali tal-Ftehim;

(3)

“partijiet interessati” tfisser il-partijiet milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott, li tinkludi:

(a)

l-esportaturi jew il-produtturi barranin jew l-importaturi ta’ prodott soġġett għal investigazzjoni, jew assoċjazzjoni tal-kummerċ jew tan-negozju li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma produtturi, esportaturi jew importaturi ta’ tali prodott;

(b)

il-gvern tal-Parti li tesporta; kif ukoll

(c)

produtturi ta’ prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta fil-Parti li timporta jew assoċjazzjoni tal-kummerċ u tan-negozju li l-maġġoranza tal-membri tagħha jipproduċu l-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta fit-territorju tal-Parti li timporta;

(4)

“industrija tal-Unjoni” tfisser jew il-produtturi tal-Unjoni, kollha kemm huma, tal-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta li joperaw fit-territorju tal-Unjoni inkella produtturi tal-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tal-prodotti simil jew f’kompetizzjoni diretta normalment tikkostitwixxi aktar minn 50 % u f’ċirkostanzi eċċezzjonali mhux inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali ta’ tali prodott;

(5)

“dannu serju” tfisser indeboliment ġenerali sinifikanti fil-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni;

(6)

“theddida ta’ dannu serju” tfisser dannu serju li jkun imminenti b’mod ċar, ibbażat fuq fatti u mhux sempliċiment fuq allegazzjoni, konġettura jew possibbiltà remota;

(7)

“prodotti” tfisser il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness 1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura soġġetti għal impenn ta’ tnaqqis tariffarju kif indikat fl-Appendiċi 10-A-1 (Skeda tal-Eliminazzjoni tat-Tariffi għall-Unjoni Ewropea) tal-EMPA u l-Appendiċi 2-A-1 (Skeda tal-Eliminazzjoni tat-Tariffi għall-Unjoni Ewropea) tal-ITA;

(8)

“prodotti sensittivi” tfisser prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(9)

“prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta” tfisser:

(a)

prodott li huwa identiku, jiġifieri l-istess fl-aspetti kollha għall-prodott taħt kunsiderazzjoni;

(b)

prodott li, għalkemm mhux l-istess fl-aspetti kollha, għandu karatteristiċi li jixbhu mill-qrib lil dawk tal-prodott taħt konsiderazzjoni; jew

(c)

prodott li jikkompeti direttament fis-suq intern tal-Parti li timporta, minħabba l-grad ta’ sostitwibbiltà tiegħu, il-karatteristiċi fiżiċi bażiċi u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-użi finali u l-mezzi ta’ distribuzzjoni;

din il-lista ta’ fatturi mhijiex eżawrjenti u lanqas ma jista’ wieħed jew aktar minn dawn il-fatturi neċessarjament jagħti gwida deċiżiva;

(10)

“perjodu ta’ tranżizzjoni” tfisser:

(a)

perjodu ta’ 12-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim; jew

(b)

għall-prodotti li għalihom l-Iskeda tal-Eliminazzjoni tat-Tariffi tal-Unjoni tipprevedi l-eliminazzjoni tat-tariffi fi żmien 10 snin jew aktar, perjodu ta’18-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim;

(11)

“pajjiż ikkonċernat” tfisser Mercosur bħala entità unika jew Stat Mercosur wieħed jew aktar li huma partijiet għall-Ftehim.

Artikolu 3

Prinċipji

1.   Miżura ta’ salvagwardja tista’ tiġi imposta f’konformità ma’ dan ir-Regolament meta prodott li joriġina f’pajjiż ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni:

(a)

f’tali kwantitajiet miżjuda, f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew il-konsum tal-Unjoni; kif ukoll

(b)

taħt tali kundizzjonijiet, biex jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu serju lill-industrija tal-Unjoni; kif ukoll

(c)

iż-żieda fl-importazzjonijiet hija r-riżultat tal-effett ta’ obbligi mġarrba mill-Ftehim, inkluż it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq dak il-prodott.

2.   Miżura ta’ salvagwardja tista’ tieħu waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

sospensjoni ta’ tnaqqis ulterjuri fir-rata ta’ dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat previst fl-Anness 10-A (Skeda tal-Eliminazzjoni tat-Tariffi) tal-EMPA u l-Anness 2-A, (Skeda tal-Eliminazzjoni tat-Tariffi) tal-ITA mal-pajjiż ikkonċernat;

(b)

żieda fir-rata ta’ dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat sa livell li ma jaqbiżx l-inqas minn dawn:

(i)

ir-rata tad-dazju applikata tan-nazzjon l-aktar iffavorit fuq il-prodott ikkonċernat li tkun fis-seħħ fiż-żmien li fih tittieħed il-miżura ta’ salvagwardja; jew

(ii)

ir-rata bażi ta’ dazju doganali kif speċifikata fl-Anness 10-A (Skeda tal-Eliminazzjoni tat-Tariffi) tal-EMPA u l-Appendiċi 2-A (Skeda tal-Eliminazzjoni tat-Tariffi) tal-ITA mal-pajjiż ikkonċernat.

Artikolu 4

Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja b’mod konstanti u proattiv is-suq tal-Unjoni ta’ prodotti sensittivi, b’mod partikolari fir-rigward tax-xejriet tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni, tal-produzzjoni u tal-iżviluppi fil-prezzijiet, bl-appoġġ tal-osservaturi tas-suq tal-Unjoni stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkoopera u tagħmel skambju ta’ data mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u mal-industrija tal-Unjoni fuq bażi regolari.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta malajr is-sitwazzjoni tas-suq abbażi tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1, billi torbot żieda possibbli fl-importazzjonijiet għall-prodotti sensittivi rilevanti mal-evoluzzjoni tal-produzzjoni /jew tal-konsum, il-prezz u s-sehem mis-suq fis-suq tal-Unjoni, kif ukoll l-esportazzjonijiet mill-Unjoni.

3.   Fuq talba debitament ġustifikata mill-industrija tal-Unjoni kkonċernata, il-Kummissjoni tista’ testendi l-ambitu tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe prodott minbarra dawk imsemmija fl-Anness I.

4.   Il-kooperazzjoni u l-iskambju tad-data għandhom isiru kemm vertikalment, bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll orizzontalment, bejn l-Istati Membri.

5.   Mhux aktar tard minn xahar qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli lill-Istati Membri l-parametri tekniċi u t-tipi ta’ data li tista’ tiġi mmonitorjata fis-swieq fil-livell nazzjonali.

6.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ monitoraġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull sitt xhur li jkun fih il-valutazzjoni tagħha tal-impatt tal-importazzjonijiet ta’ prodotti sensittivi li jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali għas-suq skont il-Ftehim. Dak ir-rapport għandu jkopri s-suq tal-Unjoni u, jekk rilevanti, ikopri wkoll is-sitwazzjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar.

Artikolu 5

Bidu ta’ investigazzjoni

1.   Investigazzjoni għandha tinbeda mill-Kummissjoni fuq talba ta’ Stat Membru, ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni, jew ta’ kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika li taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni, fejn ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju għall-industrija tal-Unjoni, kif determinat fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 7(5).

2.   Talbiet għall-bidu ta’ investigazzjoni għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u d-deskrizzjoni tal-prodott importat ikkonċernat, l-intestatura tariffarja tiegħu u t-trattament tariffarju fis-seħħ, kif ukoll l-isem u d-deskrizzjoni tal-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta;

(b)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni li jippreżentaw it-talba, jekk applikabbli;

(c)

jekk disponibbli b’mod raġonevoli, lista tal-produtturi kollha magħrufa tal-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta;

(d)

il-volum tal-produzzjoni tal-produtturi li jippreżentaw jew li huma rappreżentati fit-talba u stima tal-produzzjoni ta’ produtturi magħrufa oħrajn tal-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta;

(e)

ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, f’termini assoluti u relattivi, għal mill-inqas 36 xahar qabel id-data tal-preżentazzjoni ta’ talba biex tinbeda investigazzjoni, li għaliha hemm informazzjoni disponibbli;

(f)

il-livell tal-prezzijiet tal-importazzjoni matul l-istess perjodu kif ukoll il-prezz ta’ prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta; kif ukoll

(g)

is-sehem mis-suq domestiku meħud miż-żieda fl-importazzjonijiet, u l-bidliet rigward l-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-livell ta’ bejgħ fis-suq domestiku, il-produzzjoni, l-inventarji, il-prezzijiet għas-suq tal-Unjoni, il-produttività, l-użu tal-kapaċità, il-profitti u t-telf, u l-impjieg, għal mill-inqas 36 xahar qabel id-data tal-preżentazzjoni tat-talba, li għaliha hemm informazzjoni disponibbli.

3.   L-ambitu tal-prodott li jkun soġġett għall-investigazzjoni jista’ jkopri linja tariffarja waħda jew aktar jew subsegment wieħed jew aktar ta’ linja tariffarja waħda jew aktar, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq, jew jista’ jsegwi kwalunkwe segmentazzjoni tal-prodott applikata b’mod komuni fl-industrija tal-Unjoni.

4.   Investigazzjoni tista’ tinbeda wkoll fejn ikun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew aktar, dment li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju għall-industrija tal-Unjoni, kif determinat fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 7(5).

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi kopja tat-talba għall-bidu ta’ investigazzjoni lill-Istati Membru qabel tibda l-investigazzjoni.

6.   Meta għall-Kummissjoni jkun jidher li hemm biżżejjed evidenza prima facie li tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibda l-investigazzjoni u għandha tippubblika avviż dwar il-bidu tal-investigazzjoni (in-“notifika tal-bidu”) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tibda l-investigazzjoni fi żmien xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi t-talba skont il-paragrafu 1.

7.   F’konformità mal-Ftehim, in-notifika tal-bidu għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-applikant;

(b)

id-deskrizzjoni sħiħa tal-prodott importat taħt investigazzjoni u l-klassifikazzjoni tiegħu skont is-Sistema Armonizzata;

(c)

l-iskadenza għat-talba għas-seduti ta’ smigħ;

(d)

l-iskadenzi għar-reġistrazzjoni bħala parti interessata u għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni, dikjarazzjonijiet u dokumenti oħra;

(e)

l-indirizz fejn it-talba u dokumenti oħra relatati mal-investigazzjoni jistgħu jiġu eżaminati;

(f)

l-isem, l-indirizz u l-indirizz tal-posta elettronika jew in-numru tat-telefown jew tal-faks tal-istituzzjoni li tista’ tipprovdi aktar informazzjoni; u

(g)

sommarju tal-fatti li fuqhom kien ibbażat il-bidu tal-investigazzjoni, inkluża d-data dwar l-importazzjonijiet li allegatament żdiedu f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni totali u analiżi tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni bbażata fuq l-elementi kollha mwassla fit-talba.

Artikolu 6

Bidu ta’ investigazzjoni għal prodotti sensittivi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni li tikkonċerna prodotti sensittivi mingħajr dewmien, fejn ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie, pereżempju miksuba permezz tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq imsemmija fl-Artikolu 4(1) u (2), ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju għall-industrija tal-Unjoni, inkluż fejn dan jista’ jkun ġeografikament ikkonċentrat fi Stat Membru wieħed jew aktar.

2.   Il-Kummissjoni għandha, bħala kwistjoni ta’ prijorità, teżamina jekk teżistix evidenza prima facie kif imsemmija fil-paragrafu 1 f’każijiet fejn ikun hemm żieda qawwija fl-importazzjonijiet jew tnaqqis fil-prezzijiet domestiċi kkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew fejn ikun hemm żieda qawwija fl-importazzjonijiet jew tnaqqis fil-prezz ta’ prodott u l-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta jkunu stabbiliti b’mod predominanti fi Stat Membru wieħed jew aktar.

3.   Il-Kummissjoni għandha, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet kuntrarji, tittratta żieda fil-volum ta’ aktar minn 5 % meta mqabbla mal-medja fuq tliet snin, bħala regola, tal-importazzjonijiet taħt termini preferenzjali ta’ prodott partikolari minn pajjiż ikkonċernat bħala evidenza prima facie ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju lill-industrija tal-Unjoni, jekk, fl-istess ħin, il-prezz medju tal-importazzjoni għal dawk l-importazzjonijiet minn pajjiż ikkonċernat ikun mill-inqas 5 %, bħala regola, taħt il-prezz domestiku medju rilevanti ta’ prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta matul l-istess perjodu, abbażi tad-data disponibbli.

4.   Il-Kummissjoni għandha, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet kuntrarji, tittratta tnaqqis ta’ aktar minn 5 % meta mqabbla mal-medja fuq tliet snin, sena wara sena, bħala regola, fil-prezz medju tal-importazzjoni ta’ prodott partikolari minn pajjiż ikkonċernat importat fl-Unjoni b’termini preferenzjali bħala evidenza prima facie ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju lill-industrija tal-Unjoni, jekk fl-istess ħin il-prezz medju tal-importazzjoni għal dak il-prodott minn pajjiż ikkonċernat ikun mill-inqas 5 %, bħala regola, taħt il-prezz domestiku medju rilevanti ta’ prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta matul l-istess perjodu, abbażi tad-data disponibbli.

5.   Il-Kummissjoni ma għandhiex tkun limitata għal-limiti kwantitattivi stabbiliti f’dan l-Artikolu meta tkun qed tistabbilixxi evidenza prima facie ta’ dannu serju. Indikazzjonijiet ċari ta’ deterjorament fis-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija, fl-Unjoni kollha jew fil-livell tal-Istati Membri, inkluż tnaqqis sostnut fil-prezzijiet domestiċi, jista’ jkun biżżejjed biex juri li hemm evidenza prima facie ta’ dannu serju u jista’ jiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni.

Artikolu 7

Twettiq tal-investigazzjoni

1.   Wara l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu f’konformità mal-Artikolu 5(6) u (7), il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni tista’ titlob li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni, u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex iwettqu kwalunkwe tali effett. Jekk l-informazzjoni mitluba tkun ta’ interess ġenerali u ma tkunx kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 13, għandha tiżdied mal-fajl mhux kunfidenzjali kif previst fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Fejn possibbli, l-investigazzjoni għandha tiġi konkluża fi żmien sitt xhur mid-data li fiha jkun ġie ippubblikat in-notifika tal-bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dak il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż b’perjodu ulterjuri ta’ tliet xhur f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, bħall-involviment ta’ għadd ogħla mis-soltu ta’ partijiet interessati jew sitwazzjonijiet kumplessi tas-suq. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-partijiet interessati kollha dwar kwalunkwe tali estensjoni u tispjega r-raġunijiet għal dan. Fejn investigazzjoni tikkonċerna prodotti sensittivi, il-Kummissjoni għandha tikkonkludiha kemm jista’ jkun malajr, bl-għan li tieħu deċiżjoni finali fi żmien erba’ xhur mid-data li fiha tiġi ppubblikata n-notifika tal-bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kummissjoni għandha tfittex l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġ biex tiddetermina l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u għandha, fejn xieraq, tivverifika dik l-informazzjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-indikaturi u l-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha ta’ natura oġġettiva u kwantifikabbli li jaffettwaw is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari r-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f’termini assoluti u relattivi, is-sehem mis-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet miżjuda, u bidliet rigward l-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-livell tal-bejgħ, inkluż tal-prezzijiet, tal-produzzjoni, tal-produttività, tal-użu tal-kapaċità, tal-qligħ u tat-telf, u tal-impjieg. Din il-lista mhijiex eżawrjenti, u l-Kummissjoni tista’ tqis fatturi oħra rilevanti meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu serju jew theddida ta’ dannu serju, bħall-ħażniet, ir-redditu tal-kapital użat, il-fluss ta’ flus, il-livell tal-ishma mis-suq, u fatturi oħra li qed jikkawżaw jew li setgħu kkawżaw dannu serju, jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

6.   Il-partijiet interessati li ppreżentaw informazzjoni skont l-Artikolu 5(7), il-punt (d), u r-rappreżentanti tal-pajjiż ikkonċernat jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha miksuba mill-Kummissjoni b’rabta mal-investigazzjoni, għajr id-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, dment li tali informazzjoni tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom, ma tkunx kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 13, u tintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati jistgħu jikkomunikaw ukoll il-fehmiet tagħhom dwar tali informazzjoni. Jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li ssostni dawk il-fehmiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidrahom.

7.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-data u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu rappreżentattivi, disponibbli, komprensibbli, trasparenti u verifikabbli.

8.   Hekk kif jiġi stabbilit il-qafas tekniku meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-aċċess bl-Internet b’password ta’ protezzjoni għall-fajl mhux kunfidenzjali (il-“pjattaforma online”), li għandha tamministra u li permezz tiegħu għandha tinxtered l-informazzjoni kollha rilevanti u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 13. Il-partijiet interessati, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew għandhom jingħataw aċċess għall-pjattaforma online.

9.   Il-Kummissjoni għandha tisma’ lill-partijiet interessati, b’mod partikolari jekk ikunu għamlu applikazzjoni bil-miktub fil-perijodu stabbilit fin-notifika tal-bidu ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li turi li x’aktarx ikunu se jintlaqtu mill-eżitu tal-investigazzjoni u li hemm raġunijiet speċjali biex jinstemgħu bil-fomm. Il-Kummissjoni għandha tisma’ lill-partijiet interessati f’okkażjonijiet oħra jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għal dan.

10.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-investigazzjoni għas-setturi diversi u frammentati tal-industrija, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma magħmulin minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises), permezz ta’ Helpdesk tal-SMEs iddedikat, pereżempju permezz ta’ sensibilizzazzjoni, billi tagħti informazzjoni u spjegazzjonijiet ġenerali dwar il-proċeduri u dwar kif għandha tiġi ppreżentata talba, billi toħroġ kwestjonarji standard bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u billi twieġeb mistoqsijiet ġenerali, li mhumiex speċifiċi għall-każ. Il-Helpdesk tal-SMEs għandu jagħmel disponibbli formoli standard għall-preżentazzjoni tal-istatistika għall-finijiet ta’ leġittimità u l-kwestjonarji.

11.   Jekk l-informazzjoni ma tkunx ippreżentat fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-Kummissjoni, jew meta l-investigazzjoni tixxekkel b’mod sinifikanti, il-Kummissjoni tista’ tasal għal deċiżjoni fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Jekk il-Kummissjoni ssib li kwalunkwe parti interessata jew kwalunkwe parti terza tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, għandha tinjora dik l-informazzjoni u tista’ tuża’ l-fatti disponibbli.

12.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-uffiċċju tal-Uffiċjal tas-Seduta li s-setgħat u r-responsabbiltajiet tiegħu huma stabbiliti f’mandat adottat mill-Kummissjoni u li għandu jissalvagwardja l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati.

13.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika bil-miktub lill-pajjiż ikkonċernat bil-bidu tal-investigazzjoni.

Artikolu 8

Miżuri ta’ sorveljanza a priori

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ sorveljanza a priori fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ prodott minn pajjiż ikkonċernat fejn ix-xejra tal-importazzjonijiet ta’ dak il-prodott tkun tali li tkun tista’ twassal għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 5 u 6. Dawk il-miżuri ta’ sorveljanza a priori għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 19(2).

2.   Il-miżuri ta’ sorveljanza a priori għandhom ikunu validi għal perjodu limitat. Sakemm mhux previst mod ieħor, dawn ma għandhomx jibqgħu validi fi tmiem it-tieni perjodu ta’ sitt xhur li jsegwi l-ewwel sitt xhur wara l-introduzzjoni ta’ dawk il-miżuri.

Artikolu 9

Impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja proviżorji

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ salvagwardja proviżorji f’ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien x’aktarx joħloq dannu li jkun diffiċli jissewwa, u b’hekk tkun meħtieġa azzjoni immedjata, skont determinazzjoni preliminari mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 7(5) li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li prodott li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat ikun importat:

(a)

f’tali kwantitajiet miżjuda, f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni; kif ukoll

(b)

taħt tali kundizzjonijiet, biex jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu serju lill-industrija tal-Unjoni; kif ukoll

(c)

iż-żieda tal-importazzjonijiet tkun ir-riżultat tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq dak il-prodott.

2.   Dawk il-miżuri ta’ salvagwardja proviżorji għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 19(2).

3.   Fil-każ ta’ prodotti sensittivi, għandhom jiġu adottati miżuri ta’ salvagwardja proviżorji f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(4) mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien massimu ta’ 21 jum mill-bidu tal-investigazzjoni biex jiġi evitat dannu lill-industrija tal-Unjoni li jkun diffiċli li jissewwa, inkluż fejn tali dannu jista’ jkun ġeografikament ikkonċentrata fi Stat Membru wieħed jew aktar.

4.   Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, jekk Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni, u jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni immedjatament applikabbli f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(4). Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

5.   Il-miżuri ta’ salvagwardja proviżorji ma għandhomx japplikaw għal aktar minn 200 jum kalendarju.

6.   Meta l-miżuri ta’ salvagwardja proviżorji jitħassru minħabba li l-investigazzjoni tiżvela li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), kwalunkwe dazju doganali miġbur bħala riżultat ta’ dawk il-miżuri ta’ salvagwardja proviżorji għandu jiġi rimborżat minnufih.

7.   Il-miżuri ta’ salvagwardja proviżorji għandhom japplikaw għal kull prodott li jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni libera wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawk il-miżuri. Madankollu, tali miżuri ma jipprevjenux ir-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li diġà jinsabu fi triqthom lejn l-Unjoni, meta ma tkunx tista’ tinbidel id-destinazzjoni ta’ tali prodotti.

8.   F’każ li l-Kummissjoni tiddetermina li miżura ta’ salvagwardja proviżorja għandha tapplika għall-Mercosur bħala entità unika, il-Paragwaj għandu jkun eżentat mill-applikazzjoni tal-miżura, sakemm ir-riżultat ta’ investigazzjoni ma jurix li l-eżistenza ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju qed tiġi kkawżata wkoll minn importazzjonijiet ta’ prodotti mill-Paragwaj taħt termini preferenzjali.

Artikolu 10

Terminazzjoni tal-investigazzjonijiet u proċedimenti mingħajr miżuri

1.   Meta investigazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ma jkunux ġew sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tippubblika deċiżjoni li ttemm l-investigazzjoni u l-proċedimenti f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(3).

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jistabbilixxi s-sejbiet u l-konklużjonijiet motivati tagħha li tkun laħqet dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, filwaqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 13.

Artikolu 11

Impożizzjoni ta’miżuri ta’ salvagwardja definittivi

1.   Meta investigazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ikunu ġew sodisfatti, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ salvagwardja definittivi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(3).

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jkun fih sommarju tal-fatti materjali u l-kunsiderazzjonijiet rilevanti għad-determinazzjoni, filwaqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 13.

3.   Il-Kummissjoni ma għandhiex tapplika, testendi jew iżżomm fis-seħħ miżura ta’ salvagwardja bilaterali lil hinn mill-iskadenza tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

4.   F’każ li l-Kummissjoni tiddetermina li miżura għandha tapplika għall-Mercosur bħala entità unika, il-Paragwaj għandu jkun eżentat mill-applikazzjoni tal-miżura, sakemm ir-riżultat ta’ investigazzjoni ma jurix li l-eżistenza ta’ dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju qed tiġi kkawżata wkoll minn importazzjonijiet ta’ prodotti mill-Paragwaj taħt termini preferenzjali.

Artikolu 12

Durata u rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja

1.   Miżura ta’ salvagwardja għandha tibqa’ fis-seħħ biss għal tali perjodu ta’ żmien kif ikun meħtieġ biex tipprevjeni jew tirrimedja d-dannu serju ill-industrija tal-Unjoni u biex tiffaċilita l-aġġustament. Dak il-perjodu ma għandux jaqbeż s-sentejn, għajr jekk jiġi estiż skont il-paragrafu 2.

2.   Id-durata inizjali ta’ miżura ta’ salvagwardja, kif imsemmi fil-paragrafu 1, tista’ tiġi estiża b’mhux iktar minn sentejn, dment li l-miżura ta’ salvagwardja tibqa’ meħtieġa biex tipprevjeni jew tirrimedja dannu serju lill-industrija tal-Unjoni u li jkun hemm evidenza li tkun qed taġġusta ruħha l-industrija tal-Unjoni. Fil-każ ta’ prodotti sensittivi, miżura ta’ salvagwardja għandha tiġi estiża b’mhux aktar minn sentejn, dment li tibqa’ meħtieġa biex tipprevjeni jew tirrimedja dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

3.   L-ebda miżura ta’ salvagwardja ma għandha tiġi applikata mill-ġdid għall-importazzjoni ta’ prodott skont l-Anness 10-A (Skeda tal-Eliminazzjoni tat-Tariffi) tal-EMPA u l-Anness 2-A (Skeda tal-Eliminazzjoni tat-Tariffi) tal-ITA li jkun ġie soġġett għal tali miżura, sakemm ma jkunx għadda perjodu ta’ żmien ugwali għal nofs id-durata totali tal-miżura ta’ salvagwardja preċedenti.

4.   Kwalunkwe Stat Membru, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika li taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni, tista’ titlob estensjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. F’tali każ, qabel ma tieħu deċiżjoni dwar l-estensjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami biex tinvestiga jekk ikunux ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li jitqiesu l-fatturi msemmija fl-Artikolu 7(5). Il-Kummissjoni tista’ tibda tali rieżami fuq l-inizjattiva tagħha stess jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-miżura ta’ salvagwardja għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm joħroġ l-eżitu ta’ dak ir-rieżami.

5.   In-notifika tal-bidu tar-rieżami msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 5(6) u (7). Ir-rieżami għandu jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 7.

6.   Kwalunkwe deċiżjoni rigward estensjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha ssir f’konformità mal-Artikoli 10 u 11.

7.   Id-durata totali ta’ miżura ta’ salvagwardja ma għandhiex taqbeż l-erba’ snin, inkluż il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ salvagwardja proviżorja, il-perjodu inizjali tal-applikazzjoni u kwalunkwe estensjoni tiegħu.

Artikolu 13

Kunfidenzjalità

1.   L-informazzjoni li tasal skont dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun intalbet.

2.   Informazzjoni ta natura kunfidenzjali u informazzjoni pprovduta fuq bażi kunfidenzjali li tkun waslet skont dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi divulgata mingħajr il-kunsens espress tal-fornitur ta’ tali informazzjoni.

3.   Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex għandha tkun kunfidenzjali l-informazzjoni. Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni kunfidenzjali għandhom ikunu meħtieġa jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha. Dawk is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni kunfidenzjali. F’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, tali partijiet interessati jistgħu jindikaw li mhuwiex possibbli li jsir sommarju tal-informazzjoni. F’tali każijiet, il-partijiet interessati għandhom jipprovdu dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex mhuwiex possibbli sommarju. Madankollu, jekk ikun jidher li talba għall-kunfidenzjalità ma tkunx ġustifikata u jekk il-fornitur tal-informazzjoni la jixtieq jagħmel l-informazzjoni pubblika u lanqas jawtorizza d-divulgazzjoni tagħha f’termini ġenerali jew fil-forma ta’ sommarju, tista’ ma titqiesx l-informazzjoni kkonċernata.

4.   Jekk l-informazzjoni rigward il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-impjieg, il-pagi, il-volum u l-valur tal-bejgħ domestiku jew il-prezz medju tiġi ppreżentata fuq bażi kunfidenzjali, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu ppreżentati sommarji mhux kunfidenzjali sinifikanti li jiddivulgaw mill-inqas data aggregata jew, f’każijiet li fihom id-divulgazzjoni tad-data aggregata tipperikola l-kunfidenzjalità tad-data tal-kumpanija, l-indiċijiet għal kull perjodu ta’ 12-il xahar taħt investigazzjoni, sabiex jiġi żgurat id-dritt xieraq tad-difiża tal-partijiet interessati. F’dan ir-rigward, talbiet għall-kunfidenzjalità għandhom jiġu kkunsidrati f’sitwazzjonijiet li fihom strutturi partikolari tas-suq jew tal-industrija tal-Unjonijiġġustifikawhom. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tipprevjeni il-preżentazzjoni ta’ sommarji mhux kunfidenzjali aktar dettaljati.

5.   Talbiet għall-kunfidenzjalità ma għandhomx ikunu ġustifikati fir-rigward ta’ informazzjoni rigward standards bażiċi tekniċi u ta’ kwalità jew użi tal-prodott ikkonċernat. Talbiet għall-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ informazzjoni rigward l-identità tal-applikanti u kumpaniji tal-manifattura magħrufin oħrajn mhux parti mit-talba għandhom ikunu ġustifikati biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, li għandhom ikunu debitament ġustifikati mill-Kummissjoni. F’dak ir-rigward, sempliċi allegazzjonijiet ma għandhomx ikunu biżżejjed biex jiġġustifikaw talbiet ta’ kunfidenzjalità. Jekk l-identità tal-applikanti ma tkunx tista’ tiġi divulgata, il-Kummissjoni għandha tagħmel divulgazzjoni tal-għadd totali ta’ produtturi inklużi fl-industrija tal-Unjoni u l-proporzjon tal-produzzjoni li l-applikanti jirrappreżentaw fir-rigward tal-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni.

6.   L-informazzjoni għandha fi kwalunkwe każ titqies bħala kunfidenzjali jekk id-divulgazzjoni tagħha x’aktarx ikollu impatt negattiv sinifikanti fuq il-fornitur jew is-sors ta’ dik l-informazzjoni.

7.   Il-paragrafi 1 sa 6 ma għandhomx jipprekludu referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal informazzjoni ġenerali, u b’mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom ittieħdu d-deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom iqisu l-interess leġittimu tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati li ma għandhomx jiġu divulgati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 14

Rapport

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-obbligi f’dan ir-Regolament.

2.   Ir-rapport għandu jinkludi, fost oħrajn, informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ salvagwardja proviżorja u definittiva, kwalunkwe miżura ta’ sorveljanza a priori, kwalunkwe miżura ta’ sorveljanza reġjonali u ta’ salvagwardja reġjonali, u t-terminazzjoni ta’ kwalunkwe investigazzjoni jew proċediment mingħajr miżuri.

3.   Ir-rapport għandu jistabbilixxi sommarju tal-istatistika u l-evoluzzjoni tal-kummerċ ma’ kull pajjiż ikkonċernat li għandu miżura ta’ salvagwardja fis-seħħ.

4.   Il-Parlament Ewropew jista’, fi żmien xahrejn mill-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa tal-kumitat reponsabbli tiegħu biex tippreżenta u tispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.   Mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tippubblikah.

Artikolu 15

Reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea

1.   Jekk prodott li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat jiġi importat taħt termini preferenzjali fit-territorju ta’ reġjun ultraperiferiku wieħed jew aktar tal-Unjoni f’tali kwantitajiet miżjuda u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawża jew jhedded li jikkawża deterjorament serju fis-sitwazzjoni ekonomika tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta b’mod eċċezzjonali miżuri ta’ salvagwardja limitati għat-territorju tar-reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati, sakemm ma tintlaħaqx soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, regoli oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament applikabbli għall-miżuri ta’ salvagwardja għandhom japplikaw ukoll għal kwalunkwe miżura ta’ salvagwardja adottata skont dan l-Artikolu.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, “deterjorament serju” tfisser diffikultajiet kbar f’settur tal-ekonomija li jipproduċi prodotti simili jew f’kompetizzjoni diretta. Id-determinazzjoni ta’ deterjorament serju għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni domestika u għall-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra; kif ukoll

(b)

l-effett ta’ tali importazzjonijiet fuq is-sitwazzjoni tal-industrija rilevanti jew tas-settur ekonomiku kkonċernat, inkluż fuq il-livell tal-bejgħ, il-produzzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-impjieg.

Artikolu 16

Miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni

Jekk il-Kummissjoni tidentifika ċirkomvenzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja permezz ta’ tibdil fir-rotot tan-negozju, inkluż l-importazzjonijiet minn Partijiet eżentati mill-miżuri ta’ salvagwardja previsti f’dan ir-Regolament, hija għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni doganali mal-Pajjiżi tal-Mercosur fil-verifika tal-konformità mar-regoli tal-oriġini previsti fl-EMPA u fl-ITA u l-iżgurar l-konformità sħiħa magħhom.

Artikolu 17

Atti delegati

Fuq talba debitament ġustifikata mill-industrija tal-Unjoni kkonċernata, jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 18 sabiex temenda l-Anness fir-rigward tal-lista ta’ prodotti sensittivi.

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 17 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 18-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fil-Artikolu 17 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 17 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f’perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 19

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

Artikolu 20

Applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-EMPA u l-ITA

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ITA mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ITA sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-EMPA. Ladarba l-EMPA jidħol fis-seħħ, u l-ITA ma jibqax jipproduċi effetti legali, dan ir-Regolament għandu japplika għall-EMPA.

2.   Ir-relazzjoni bejn l-EMPA u l-ITA hija rregolata mill-Artikolu 3.2(3) sa (8) tal-EMPA.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Marzu 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. RAOUNA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2026.

(2)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/478/oj).


ANNESS

PRODOTTI SENSITTIVI

I.

Il-prodotti li ġejjin huma soġġetti għall-kwoti tariffarji tal-Unjoni Ewropea skont it-Taqsima B tal-Anness 10-A (Skeda tal-Eliminazzjoni tat-Tariffi) tal-EMPA u t-Taqsima B tal-Anness 2-A (Skeda tal-Eliminazzjoni tat-Tariffi) tal-ITA:

1.

Ċanga friska

2.

Laħam frisk, imkessaħ u ffriżat ta’ kwalità għolja ta’ annimali tal-ifrat

3.

Ċanga ffriżata, inkluż għall-ipproċessar

4.

Laħam tal-majjal frisk u imkessaħ, iffriżat u ppreparat

5.

Laħam tal-pollam mingħajr għadam, inklużi preparati tal-pollam

6.

Laħam tal-pollam bl-għadam

7.

Trabijiet tal-Ħalib

8.

Ġobon

9.

Formula tat-trabi

10.

Qamħirrum u sorgu

11.

Ross

12.

Zokkor għar-raffinar

13.

Zokkrijiet oħra

14.

Bajd

15.

Albumini tal-bajd

16.

Għasel

17.

Rum u spirti oħra magħmulin bid-distillar ta’ prodotti miz-zokkor tal-kannamieli fermentat

18.

Qamħirrun ħelu

19.

Lamtu tal-qamħirrum u lamtu tal-manjoka

20.

Derivattivi tal-lamtu

21.

Etanol

22.

Tewm

23.

Bijodiżil

II.

Prodotti taħt il-linji tariffarji li ġejjin:

Ċitru: larinġ, lumi u mandolin: 0805 10 20 , 0805 10 80 , 0805 20 10 , 0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90 , 0805 40 00 , 0805 50 10 , 0805 50 90 , 0805 90 00 .


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/687/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)